European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/286

14.2.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/286

tat-13 ta’ Frar 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941 fir-rigward tal-istandards armonizzati għat-tagħmir għall-protezzjoni tas-smigħ, it-tagħmir ta’ protezzjoni personali kontra l-waqgħat u t-tagħmir ta’ protezzjoni tal-għajnejn u tal-wiċċ, abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir ta’ protezzjoni personali li jkun konformi mal-istandards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020)7924 (3), il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN, European Committee for Standardization) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec, European Committee for Electrotechnical Standardization) biex jirrevedu u jlestu l-ħidma fuq l-istandards armonizzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 ħalli jiżguraw li dawn ikomplu jirriflettu l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020)7924 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024)2750 (4) sabiex jiġi adattat l-ambitu tat-talba billi jiżdiedu u jitneħħew ċerti standards biex jitqies l-aktar progress tekniku u xjentifiku riċenti, kif ukoll l-aktar żviluppi riċenti tal-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni fil-livell internazzjonali u Ewropew, u biex tiġi estiża l-iskadenza tal-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni fir-rigward ta’ ċerti standards u abbozzi ta’ standards, peress li x-xogħol fuq xi wħud minnhom ma setax jitlesta sal-iskadenzi stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020)7924.

(4)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020)7924, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2024)2750, is-CEN irreveda l-istandards armonizzati li ġejjin, li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/941 (5): EN 352-6:2020 dwar kuffji li jgħattu l-widnejn b’input tal-awdjo relatat mas-sikurezza, EN 352-8:2020 dwar kuffji li jgħattu l-widnejn tal-awdjo tad-divertiment, EN 352-9:2020 dwar earplugs b’input tal-awdjo relatat mas-sikurezza, EN 352-10:2020 dwar earplugs tal-awdjo tad-divertiment u EN 813:2008 dwar sit harnesses.

(5)

B’riżultat ta’ dan, is-CEN adotta l-istandards li ġejjin, u l-emendi tagħhom: EN 352-6:2020+A1:2024, EN 352-8:2020+A1:2024, EN 352-9:2020+A1:2024, EN 352-10:2020+A1:2024 u EN 813:2024.

(6)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards u l-emendi tagħhom jikkonformawx mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020)7924.

(7)

L-istandards armonizzati li ġejjin u l-emendi tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/425: EN 352-6:2020+A1:2024, EN 352-8:2020+A1:2024, EN 352-9:2020+A1:2024, EN 352-10:2020+A1:2024 u EN 813:2024. Għalhekk, jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards armonizzati u l-emendi tagħhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941 jipprovdi r-referenzi tal-istandards armonizzati li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità mar-Regolament (UE) 2016/425. Sabiex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 jkunu elenkati f’att wieħed, ir-referenzi ta’ dawk l-istandards u tal-emendi tagħhom jenħtieġ li jiġu inklużi f’dak l-Anness.

(9)

Jeħtieġ li r-referenza tal-istandards armonizzati EN 352-6:2020, EN 352-8:2020, EN 352-9:2020, EN 352-10:2020 and EN 813:2008 tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, peress li dawk l-istandards ġew riveduti. Għalhekk, jixraq li dawn ir-referenzi jitħassru mill-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941.

(10)

Jeħtieġ ukoll li r-referenza tal-istandard armonizzat EN 175:1997 dwar it-tagħmir għall-protezzjoni tal-għajnejn u tal-wiċċ matul l-iwweldjar u l-proċessi relatati tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, peress li dan l-istandard ġie rtirat mis-CEN u ġie sostitwit b’EN ISO 16321-2:2021, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941 tiġi emendata kif xieraq.

(12)

Sabiex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni tal-istandard rivedut, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenza tal-istandards armonizzati EN 175:1997, EN 352-6:2020, EN 352-8:2020, EN 352-9:2020, EN 352-10:2020 u EN 813:2008 jiġi differit.

(13)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-punt (1) tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandu japplika mill-11 ta’ Novembru 2025, u l-punt (2) tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandu japplika mill-14 ta’ Awwissu 2026.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Frar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/425/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020)7924 tad-19 ta’ Novembru 2020 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika rigward it-tagħmir protettiv personali b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024)2750 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020)7924 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika rigward it-tagħmir ta’ protezzjoni personali b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/941 tat-2 ta’ Mejju 2023 dwar standards armonizzati għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 125, 11.5.2023, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/941/oj).


ANNESS

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941 huwa emendat kif ġej:

(1)

titħassar ir-ringiela 14;

(2)

jitħassru r-ringieli 25, 27, 28, 29 u 63;

(3)

ir-ringieli li ġejjin jiddaħħlu f’ordni sekwenzjali:

“25a.

EN 352-6:2020+A1:2024

Tagħmir għall-protezzjoni tas-smigħ - Rekwiżiti tas-sikurezza - Parti 6: Kuffji li jgħattu l-widnejn b’input tal-awdjo relatat mas-sikurezza”;

“27a.

EN 352-8:2020+A1:2024

Tagħmir għall-protezzjoni tas-smigħ - Rekwiżiti tas-sikurezza - Parti 8: Kuffji li jgħattu l-widnejn tal-awdjo tad-divertiment”;

“28a.

EN 352-9:2020+A1:2024

Tagħmir għall-protezzjoni tas-smigħ - Rekwiżiti tas-sikurezza - Parti 9: Earplugs b’input tal-awdjo relatat mas-sikurezza”;

“29a.

EN 352-10:2020+A1:2024

Tagħmir għall-protezzjoni tas-smigħ - Rekwiżiti tas-sikurezza - Parti 10: Earplugs tal-awdjo tad-divertiment”;

“63–a.

EN 813:2024

Tagħmir ta’ protezzjoni personali kontra l-waqgħat - Sit harnesses”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/286/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)