![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/3017 |
6.12.2024 |
DIRETTIVA (UE) 2024/3017 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Novembru 2024
li temenda d-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li tħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1286/2011
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u tipprevedi sistema ta’ investigazzjonijiet tas-sikurezza marittima (“investigazzjonijiet tas-sikurezza”). L-aċċidenti marittimi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva jiġu investigati minn korpi investigattivi indipendenti stabbiliti fl-Istati Membri biex tittejjeb is-sikurezza marittima, kif ukoll biex jiġi protett l-ambjent marittimu, sabiex nitgħallmu mill-passat bl-għan li jiġu evitati diżgrazzji u inċidenti futuri. |
(2) |
Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/18/KE, saru bidliet fl-ambjent regolatorju internazzjonali u kien hemm żviluppi teknoloġiċi. Jenħtieġ li jitqiesu dawk il-bidliet u l-iżviluppi, kif ukoll l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva. |
(3) |
F’dak ir-rigward, l-Unjoni, f’konformità mal-impenji internazzjonali tagħha relatati mal-protezzjoni tal-ambjent marittimu, jenħtieġ li tkompli teżerċita tmexxija f’settur li huwa regolat kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak internazzjonali. |
(4) |
Id-Direttiva 2009/18/KE tirreferi għal għadd ta’ testi legali adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) li ġew abrogati, emendati jew riveduti mid-dħul fis-seħħ tagħha ’l hawn. Dik id-Direttiva tirreferi, pereżempju, għall-Kodiċi tal-OMI għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji u Inċidenti tal-Baħar adottata mir-riżoluzzjoni A.849(20) tal-OMI tas-27 ta’ Novembru 1997, revokat mill-Kodiċi tal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali għal Investigazzjoni tas-Sikurezza dwar Diżgrazzja tal-Baħar jew Inċident tal-Baħar adottata mir-riżoluzzjoni MSC.255(84) tas-16 ta’ Mejju 2008 (“Kodiċi tal-OMI għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji”) u mil-Linji Gwida biex Jgħinu lill-Investigaturi Jimplimentaw il-Kodiċi għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji adottati mir-riżoluzzjoni A.1075(28) tal-OMI tal-4 ta’ Diċembru 2013 (“Linji Gwida tal-OMI biex Jgħinu lill-Investigaturi Jimplimentaw il-Kodiċi għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji”). |
(5) |
Il-Kodiċi tal-OMI għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji jintroduċi definizzjonijiet ġodda, bħad-definizzjoni ta’ “awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-baħar”, filwaqt li kunċetti oħra, bħal pereżempju dik ta’ “diżgrazzja serja”, ġew imħassra. Dawk il-bidliet jenħtieġ li jiġu inkorporati fid-Direttiva 2009/18/KE. |
(6) |
Id-Direttiva 2009/18/KE tirreferi wkoll għaċ-ċirkulari tal-OMI MSC-MEPC.Circ.3 tat-18 ta’ Diċembru 2008 – Rapporti dwar diżgrazzji u inċidenti tal-baħar, Proċeduri ta’ rappurtar armonizzati riveduti, li ġiet sostitwita miċ-ċirkulari tal-OMI MSC-MEPC. 3/circ.4/rev.1 tat-18 ta’ Novembru 2014. |
(7) |
Il-Linji Gwida tal-OMI biex Jgħinu lill-Investigaturi Jimplimentaw il-Kodiċi għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji jipprovdu pariri prattiċi għall-investigazzjoni sistematika ta’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar u jippermettu l-iżvilupp ta’ analiżi effettiva u azzjoni preventiva. Dawk il-Linji Gwida jissostitwixxu l-metodoloġija komuni stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1286/2011 (4). B’riżultat ta’ dan, huma jenħtieġ li jiġu inklużi fid-Direttiva 2009/18/KE, u r-Regolament (UE) Nru 1286/2011 jenħtieġ li jiġi mħassar. |
(8) |
Il-bastimenti tas-sajd b’tul ta’ inqas minn 15-il metru bħalissa huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/18/KE. B’riżultat ta’ dan, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet tas-sikurezza li jinvolvu tali bastimenti tas-sajd la hu sistematiku u lanqas mhu armonizzat. Tali bastimenti huma aktar suxxettibbli li jegħrqu u huwa relattivament komuni li l-membri tal-ekwipaġġ tagħhom jaqgħu fil-baħar. Għalhekk, sabiex jiġu protetti tali bastimenti tas-sajd, l-ekwipaġġ tagħhom u l-ambjent, jeħtieġ tiġi prevista valutazzjoni preliminari tad-diżgrazzji tal-baħar serji ħafna li jinvolvu tali bastimenti tas-sajd sabiex jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet għandhomx jagħmlu investigazzjoni tas-sikurezza, filwaqt li jitqiesu, fost oħrajn, l-evidenza disponibbli kif ukoll il-potenzjal li s-sejbiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza jwasslu għall-prevenzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar futuri. Dik il-miżura hija mistennija li jkollha impatt pożittiv sinifikanti fir-rigward tal-għadd ta’ ħajjiet salvati fuq il-baħar u ta’ korrimenti evitati, filwaqt li tipproteġi b’mod partikolari l-ħajja u s-saħħa tas-sajjieda Ewropej. |
(9) |
Id-Direttiva 2009/18/KE ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jistabbilixxu regoli nazzjonali biex jinvestigaw diżgrazzji jew inċidenti tal-baħar li jinvolvu kwalunkwe tip ta’ vapur li jġorr 12-il passiġġier jew inqas jew li jkun involut f’finijiet kummerċjali oħra. |
(10) |
Xi definizzjonijiet previsti fid-Direttiva 2009/18/KE ma humiex ċari. Id-definizzjoni ta’ “tul ta’ bastiment tas-sajd” jenħtieġ li tiġi introdotta, b’mod partikolari għal sitwazzjonijiet fejn ikun hemm distinzjoni fl-approċċ u fl-obbligi tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-baħar (“awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza”) abbażi tat-tul tal-bastiment tas-sajd. |
(11) |
Il-Kodiċi tal-OMI għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji jirreferi għal avveniment jew sekwenza ta’ avvenimenti li seħħew “direttament b’rabta mal-operazzjonijiet ta’ vapur”. Dak il-kunċett huwa s-suġġett ta’ diverġenza sinifikanti ta’ interpretazzjoni u jenħtieġ li jiġi ċċarat. Dik id-diverġenza tħalli impatt fuq l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċidenti fil-portijiet, il-possibbiltajiet ta’ investigazzjonijiet tas-sikurezza konġunti u l-ġbir ta’ data dwar l-aċċidenti u l-investigazzjonijiet. |
(12) |
Il-Kodiċi tal-OMI għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji jgħid li meta sseħħ diżgrazzja tal-baħar serja ħafna, għandha ssir investigazzjoni tas-sikurezza. Madankollu, ma hemm l-ebda gwida dwar il-perjodu ta’ żmien li fih trid tkun seħħet mewt wara l-aċċident sabiex dak l-aċċident jiġi kkunsidrat diżgrazzja tal-baħar serja ħafna li tirrikjedi investigazzjoni tas-sikurezza. Għalhekk, id-Direttiva 2009/18/KE jenħtieġ li tipprovdi tali gwida. |
(13) |
L-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza jenħtieġ li jagħmlu l-aħjar sforzi biex jagħmlu r-rapporti tal-inċidenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom aċċessibbli għall-persuni kkonċernati, inklużi l-vittmi u l-familji tagħhom, qabel ma jagħmluhom pubbliċi. |
(14) |
Minħabba l-importanza li jiġu eżaminati l-fatturi umani fl-investigazzjoni tas-sikurezza, jenħtieġ li fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza tingħata kunsiderazzjoni xierqa għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord u kwalunkwe impatt li dawn seta’ kellhom fuq id-diżgrazzja jew l-inċident tal-baħar li jkunu qed jiġu investigati. |
(15) |
Il-persunal disponibbli għall-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istati Membri u r-riżorsi operattivi tagħhom ivarjaw b’mod distint, u dan jirriżulta f’rapportar u investigazzjoni ineffettivi u inkonsistenti dwar id-diżgrazzji tal-baħar. Għalhekk, il-Kummissjoni, bl-assistenza tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-“Aġenzija”), jenħtieġ li tipprovdi sostenn analitiku speċjalizzat ħafna għal investigazzjonijiet tas-sikurezza individwali (ħiliet personali), kif ukoll għodod u tagħmir tal-analitika (hardware). Barra minn hekk, il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza jenħtieġ li jkomplu jiġu mħeġġa u appoġġjati, b’mod partikolari fid-dawl tal-isfidi ġodda tas-sikurezza tal-baħar relatati ma’ kwistjonijiet ambjentali, soċjali, tas-saħħa pubblika u tal-ħaddiema. |
(16) |
Jenħtieġ li l-Aġenzija torganizza taħriġ regolari dwar tekniki speċifiċi u dwar żviluppi u teknoloġiji ġodda li jistgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni tas-sikurezza fil-futur. Tali taħriġ jenħtieġ li jiffoka, fost l-oħrajn, fuq fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li huma partikolarment rilevanti fid-dawl tal-pakkett Lesti għall-mira ta’ 55 %, fuq l-awtomatizzazzjoni, kif ukoll fuq ir-regoli li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-data ġenerali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dan se jtejjeb is-sikurezza abbord il-bastimenti u s-saħħa u s-sikurezza tal-baħħara u tas-sajjieda li jaħdmu fuqhom. |
(17) |
L-indipendenza tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza jenħtieġ li tiġi żgurata fiċ-ċirkostanzi kollha, u dawk kollha involuti f’dawk l-investigazzjonijiet, inkluż kwalunkwe entità, istituzzjonijiet jew aġenziji, kemm jekk huma pubbliċi kif ukoll jekk huma privati, jenħtieġ li jkunu ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess. |
(18) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-investigazzjonijiet tas-sikurezza jitwettqu b’mod konsistenti u biex jgħinu lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza jtejbu u jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ investigazzjoni tas-sikurezza tagħhom. |
(19) |
Sabiex id-Direttiva 2009/18/KE tiġi adattata għall-evoluzzjoni tad-dritt marittimu internazzjonali relatat mal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu, u biex jiġu ffaċilitati l-ġbir, il-kondiviżjoni u r-rappurtar tal-għarfien, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendar tal-Annessi ta’ dik id-Direttiva. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (6). B’mod partikolari, jenħtieġ li l-qafas ta’ kooperazzjoni permanenti stabbilit mid-Direttiva 2009/18/KE jkun involut f’dawk il-konsultazzjonijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
(20) |
Fid-dawl taċ-ċiklu sħiħ taż-żjarat fl-Istati Membri mill-Aġenzija biex timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/18/KE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/18/KE sa mhux aktar tard minn ħames snin mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dik l-evalwazzjoni. |
(21) |
Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli dwar l-investigazzjoni tas-sikurezza ta’ inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-baħar u jiġi protett l-ambjent tal-baħar, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti ta’ din l-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
(22) |
Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2009/18/KE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2009/18/KE
Id-Direttiva 2009/18/KE hija emendata kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Minħabba li l-fini tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza tal-baħar (‘investigazzjonijiet tas-sikurezza’) skont din id-Direttiva mhuwiex li tiġi determinata r-responsabbiltà jew li jingħata t-tort, l-ebda ħtija jew responsabbiltà m’għandha tiġi inferita mis-sejbiet ta’ dawk l-investigazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-baħar (‘awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza’) ma jiġux miżmuma jew imxekkla milli jirrapportaw bis-sħiħ il-kawżi ta’ diżgrazzja jew inċident tal-baħar.” |
(2) |
fl-Artikolu 2(2), il-punt (d) jitħassar; |
(3) |
l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 3 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(*1) Id-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 61)." (*2) Ir-Regolament (UE) 2017/1130 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 1).”;" |
(4) |
l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
|
(5) |
l-Artikoli 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 5 Obbligu ta’ investigazzjoni 1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li titwettaq investigazzjoni tas-sikurezza mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 8 wara kwalunkwe diżgrazzja tal-baħar serja ħafna:
2. Fil-każ ta’ bastiment tas-sajd b’tul ta’ inqas minn 15-il metru, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha, mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn xahrejn wara d-diżgrazzja tal-baħar serja ħafna msemmija fil-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, twettaq valutazzjoni preliminari biex tiddetermina jekk għandhiex titwettaq investigazzjoni tas-sikurezza. Meta l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tiddeċiedi li ma twettaqx tali investigazzjoni tas-sikurezza, ir-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni għandhom jiġu rreġistrati u nnotifikati f’konformità mal-Artikolu 17(3), mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn xahrejn wara d-diżgrazzja tal-baħar serja ħafna. 3. Meta tkun qed tiddeċiedi jekk twettaqx investigazzjoni tas-sikurezza f’konformità mal-paragrafu 2, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tqis l-evidenza disponibbli, kif ukoll il-potenzjal li s-sejbiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza jwasslu għall-prevenzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar futuri. 4. Fil-każ ta’ diżgrazzja jew inċident tal-baħar mhux koperti mill-paragrafi 1, 2 jew 3, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tiddeċiedi jekk twettaqx investigazzjoni tas-sikurezza. 5. L-ambitu u l-arranġamenti prattiċi għat-twettiq ta’ investigazzjoni tas-sikurezza għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ekwivalenti tal-Istati b’interess sostanzjali l-oħrajn, b’mod li l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni temmen li jkunu jwasslu l-aktar għall-ilħuq tal-objettiv ta’ din id-Direttiva, u bil-ħsieb li jiġu prevenuti diżgrazzji u inċidenti futuri. 6. Meta twettaq investigazzjoni tas-sikurezza, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha ssegwi l-Linji Gwida tal-OMI biex Jgħinu lill-Investigaturi Jimplimentaw il-Kodiċi tal-OMI għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji. L-investigaturi jistgħu ma jsegwux dawk il-linji gwida meta dan jista’ jiġi ġġustifikat kif meħtieġ, fil-fehma professjonali tagħhom, biex jinkisbu l-għanijiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza. Il-Kummissjoni tista’ tadotta rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-linji gwida, filwaqt li tqis kwalunkwe tagħlima rilevanti misluta mill-investigazzjonijiet tas-sikurezza, u wara li tkun ikkonsultat lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza fil-kuntest ta’ qafas ta’ kooperazzjoni permanenti msemmi fl-Artikolu 10. 7. Meta jkunu qed jieħdu deċiżjoni jekk diżgrazzja jew inċident tal-baħar li seħħew meta vapur ikun maġenb baċir, fl-irmiġġ jew fil-baċir, li jinvolvu ħaddiema tax-xatt jew tal-port, seħħewx ‘direttament b’rabta mal-operazzjonijiet ta’ vapur’ u, għalhekk, humiex soġġetti għal investigazzjoni tas-sikurezza, l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, jagħtu kunsiderazzjoni partikolari lill-involviment tal-istruttura, it-tagħmir, il-proċeduri, l-ekwipaġġ u l-maniġment tal-vapur fl-attività li tkun qed titwettaq u r-rilevanza tagħhom għaliha. 8. Investigazzjoni tas-sikurezza għandha tinbeda mingħajr dewmien wara li jseħħu d-diżgrazzja jew inċident tal-baħar, u f’kull każ, mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tad-diżgrazzja jew inċident tal-baħar. 9. F’konformità mal-liġi nazzjonali, jekk matul investigazzjoni tas-sikurezza jsir magħruf jew ikun suspettat li twettaq reat skont l-Artikoli 3, 3a, 3b jew 3c tal-Konvenzjoni tal-OMI għat-Trażżin ta’ Atti Illegali kontra s-Sikurezza tan-Navigazzjoni Marittima tal-10 ta’ Marzu 1988, fil-verżjoni aġġornata tagħha, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet tas-sikurezza tal-baħar tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri u ta’ kwalunkwe pajjiż terz ikkonċernat. Artikolu 6 Obbliġu ta’ notifika Stat Membru għandu jeħtieġ, fil-qafas tas-sistema legali tiegħu, li l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tiegħu tiġi nnotifikata mingħajr dewmien, mill-awtoritajiet responsabbli jew mill-partijiet involuti, jew mit-tnejn li huma, bl-okkorrenza tad-diżgrazzji u l-inċidenti tal-baħar kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.” |
(6) |
l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:
|
(7) |
l-Artikoli 8 u 9 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 8 Awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet tas-sikurezza jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza imparzjali, indipendenti u permanenti, mogħtija s-setgħat meħtieġa u mezzi u riżorsi finanzjarji suffiċjenti, u b’investigaturi kkwalifikati kif xieraq, kompetenti fi kwistjonijiet relatati ma’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar, sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva. L-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza ma għandhomx jiġu preklużi milli jaħtru fuq bażi temporanja investigaturi xierqa bil-ħiliet speċjalizzati meħtieġa biex jiffurmaw parti minn investigazzjoni tas-sikurezza, jew milli jużaw konsulenti biex jipprovdu parir espert dwar kwalunkwe aspett ta’ investigazzjoni tas-sikurezza. Sabiex twettaq investigazzjoni tas-sikurezza b’mod imparzjali, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tkun, fl-organizzazzjoni, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, indipendenti minn kwalunkwe parti li l-interess tagħha jista’ jkun f’kunflitt mal-kompitu fdat lilha. Stati Membri li ma jmissux ma’ baħar li la għandhom vapuri u lanqas bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jidentifikaw korp indipendenti biex iservi bħala punt fokali għall-kooperazzjoni fl-investigazzjoni tas-sikurezza skont l-Artikolu 5(1), il-punt (c). 2. L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tiżgura li l-investigaturi individwali jkollhom għarfien prattiku u esperjenza prattika f’dawk l-oqsma li jkollhom x’jaqsmu mad-dmirijiet investigattivi normali tagħhom. Barra minn hekk, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tiżgura aċċess faċli għall-għarfien espert xieraq, kif ikun meħtieġ. 3. L-attivitajiet fdati lill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza jistgħu jiġu estiżi għall-ġbir u għall-analiżi ta’ data relatata mas-sikurezza marittima, b’mod partikolari għal finijiet ta’ prevenzjoni, sa fejn dawk l-attivitajiet ma jaffettwawx l-indipendenza tagħha u ma jinkludux responsabbiltà fi kwistjonijiet regolatorji, amministrattivi jew ta’ standardizzazzjoni. 4. L-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu fil-qafas tas-sistemi legali rispettivi tagħhom, għandhom jiżguraw li l-investigaturi tal-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tagħhom, jew ta’ kwalunkwe awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza oħra li lilha huma ddelegaw il-kompitu tal-investigazzjoni tas-sikurezza, fejn xieraq f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet responsabbli mill-inkjesta ġudizzjarja, ikunu ġew mogħtija kull informazzjoni u mezzi teknoloġiċi pertinenti sabiex iwettqu l-investigazzjoni tas-sikurezza u għaldaqstant ikunu awtorizzati li:
5. L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tkun tista’ taġixxi minnufih malli tiġi notifikata fi kwalunkwe waqt b’diżgrazzja, u għandha tkun tista’ tikseb riżorsi suffiċjenti sabiex twettaq ħidmietha b’mod indipendenti. L-investigaturi tagħha għandhom jingħataw l-istatus li jagħtihom il-garanziji meħtieġa ta’ indipendenza. 6. L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tista’ tgħaqqad il-kompiti skont din id-Direttiva mal-ħidma ta’ investigazzjonijiet ta’ okkorrenzi għajr diżgrazzji jew inċidenti tal-baħar bil-kundizzjoni li tali investigazzjonijiet tas-sikurezza ma jipperikolawx l-indipendenza tagħha. 7. Kull Stat Membru jista’ jiżviluppa, jimplimenta u jkollu sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità għall-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tiegħu. 8. Il-qafas ta’ kooperazzjoni permanenti msemmi fl-Artikolu 10 għandu jappoġġja lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza u jtejjeb il-kapaċitajiet ta’ investigazzjoni tas-sikurezza tagħhom billi jfassal gwida u rakkomandazzjonijiet biex jiġi żgurat li l-investigazzjonijiet tas-sikurezza jitwettqu b’mod konsistenti, u f’dan ir-rigward għandu jiżviluppa u jimplimenta programm ta’ rieżami bejn il-pari. Artikolu 9 Kunfidenzjalità 1. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), Stat Membru, filwaqt li jaġixxi fil-qafas tas-sistema legali tiegħu, għandu jiżgura li r-rekords li ġejjin ma jkunux disponibbli għal finijiet oħra għajr l-investigazzjoni tas-sikurezza, sakemm l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru ma tikkonkludix li jkun hemm interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar ta’ dawk ir-rekords, inkluż fejn dik l-awtorità kompetenti tikkonkludi li l-benefiċċji tal-iżvelar ikunu akbar mill-impatt negattiv domestiku u internazzjonali li tali żvelar jista’ jkollu fuq dik l-investigazzjoni tas-sikurezza jew fuq kwalunkwe investigazzjoni tas-sikurezza futura:
2. Ir-reġistrazzjonijiet tal-VDR u tal-S-VDR minn investigazzjoni tas-sikurezza ma għandhomx ikunu disponibbli jew użati għal finijiet oħra għajr dawk tal-investigazzjoni tas-sikurezza jew tas-sikurezza tal-vapur, sakemm tali reġistrazzjonijiet ma jkunux anonimizzati jew żvelati fl-ambitu ta’ proċeduri siguri. 3. Għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tiġi żvelata biss id-data li tkun strettament meħtieġa. 4. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw il-każijiet li fihom jista’ jseħħ żvelar kif imsemmi fil-paragrafu 3„ filwaqt li jirrispettaw il-liġi tal-Unjoni. (*3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar ilmoviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;" |
(8) |
l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:
|
(9) |
fl-Artikolu 12, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej: “3. Il-kooperazzjoni ta’ Stat Membru f’investigazzjoni tas-sikurezza mwettqa minn pajjiż terz b’interess sostanzjali għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-konformità tagħha mal-ħtiġijiet tat-twettiq u tar-rappurtar tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza skont din id-Direttiva. Meta pajjiż terz b’interess sostanzjali jkun qed imexxi investigazzjoni tas-sikurezza li tinvolvi Stat Membru wieħed jew aktar, dawk l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jwettqux investigazzjoni tas-sikurezza parallela, dment li l-investigazzjoni tas-sikurezza mmexxija mill-pajjiż terz titwettaq f’konformità mal-Kodiċi tal-OMI għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji. F’tali każijiet, l-Artikolu 14 m’għandux japplika għall-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza.” |
(10) |
fl-Artikolu 13, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
; |
(11) |
l-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 14 Rapporti tal-aċċidenti 1. L-investigazzjonijiet tas-sikurezza mwettqa skont din id-Direttiva għandhom jirriżultaw f’rapport tal-aċċident ippubblikat ippreżentat f’format definit mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza kompetenti u f’konformità mat-taqsimiet rilevanti tal-Anness I. Awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tista’ tiddeċiedi li tippubblika biss rapport konċiż dwar investigazzjoni tas-sikurezza, meta:
2. Awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tagħmel kull sforz biex tagħmel ir-rapport tal-aċċident imsemmi fil-paragrafu 1, inklużi l-konklużjonijiet tiegħu u kull rakkomandazzjoni possibbli, disponibbli għall-pubbliku, u speċjalment għas-settur marittimu, fi żmien 12-il xahar mid-data tad-diżgrazzja jew inċident tal-baħar. Jekk, fil-każ ta’ diżgrazzja tal-baħar serja ħafna, ma jkunx possibbli li r-rapport finali tal-aċċident joħroġ f’dak iż-żmien, għandu jiġi ppubblikat rapport interim tal-aċċident fi żmien 12-il xahar mid-data tad-diżgrazzja jew inċident tal-baħar. 3. L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni għandha tibgħat kopja tar-rapport finali jew interim lill-Kummissjoni. L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tqis kwalunkwe osservazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar rapporti finali dment li dawk l-osservazzjonijiet ma jaffettwawx is-sustanza tas-sejbiet, sabiex tittejjeb il-kwalità tar-rapport tal-aċċident bil-mod li l-aktar iwassal għall-ilħuq tal-objettiv ta’ din id-Direttiva. 4. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 20 biex temenda l-partijiet li ġejjin tal-Anness I ta’ din id-Direttiva: ‘2. Informazzjoni fattwali’, ‘3. Narrattiva’ u ‘4. Analiżi.’” |
(12) |
fl-Artikolu 15, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza magħmula mill-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza jitqiesu kif jixraq mid-destinatarji, b’mod partikolari sabiex jiġu prevenuti aċċidenti futuri, u, fejn ikun xieraq, tittieħed azzjoni ta’ segwitu adegwata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali. 2. Fejn ikun xieraq, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza jew il-Kummissjoni għandhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza abbażi ta’ analiżi astratta tad-data u tar-riżultati ġenerali tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza mwettqa.” |
(13) |
fl-Artikolu 16, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħha li tagħti allert bikri, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha, fi kwalunkwe stadju ta’ investigazzjoni tas-sikurezza, jekk tkun tal-fehma li hija meħtieġa azzjoni urġenti fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi prevenut ir-riskju ta’ diżgrazzji ġodda, tinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar il-ħtieġa li jingħata allert bikri.” ; |
(14) |
l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:
|
(15) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 17a Taħriġ u sostenn operazzjonali 1. Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija u b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiffaċilita l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fiha u l-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza permezz tal-għoti ta’ taħriġ regolari dwar żviluppi legali u teknoloġiċi ġodda, tekniki u għodod speċifiċi u teknoloġiji relatati mal-vapuri, it-tagħmir u l-operazzjonijiet tagħhom, skont il-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza. 2. Fuq talba tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza, u jekk wieħed jassumi li ma jinħoloq l-ebda kunflitt ta’ interess, il-Kummissjoni għandha tipprovdi sostenn operazzjonali lill-Istati Membri fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza tagħhom. Tali sostenn jista’ jinkludi l-forniment ta’ għodod jew tagħmir tal-analitika speċjalizzati, kif ukoll għarfien espert speċifiku, dment li l-għoti ta’ sostenn ma jwassalx biex l-indipendenza tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza kkonċernati tiġi kompromessa.” |
(16) |
l-Artikoli 19 u 20 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 19 Proċedura ta’ kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5). 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Artikolu 20 Eżerċizzju tad-delega 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 14(4) u 17(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mis-26 ta’ Diċembru 2024. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 14(4) u 17(5) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ. 4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*6). 5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 14(4) u 17(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. (*4) Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) u li jemenda r-Regolamenti dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis minn bastimenti (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1)." (*5) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)." |
(17) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 20a Emendi għall-Kodiċi tal-OMI għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji L-emendi għall-Kodiċi tal-OMI għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji għandhom japplikaw, mingħajr preġudizzju għall-Proċedura ta’ kontroll ta’ konformità stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002.” |
(18) |
l-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 23 Rieżami tal-implimentazzjoni Il-Kummissjoni għandha sas-27 ta’ Ġunju 2032, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-konformità magħha, u jekk ikun meħtieġ, għandha tipproponi aktar miżuri fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fih, inkluż billi tqis il-possibbiltà li tinkludi investigazzjoni tas-sikurezza obbligatorja għall-bastimenti tas-sajd ta’ inqas minn 15-il metru fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-impatt fuq il-piż tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza.” |
(19) |
l-Anness I huwa emendat kif ġej:
|
(20) |
fl-Anness II, il-punt 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-27 ta’ Ġunju 2027, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik tali referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Tħassir
Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2011 huwa mħassar b’effett mis-27 ta’ Ġunju 2027.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
BÓKA J.
(1) ĠU C, C/2023/875, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/875/oj
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2024.
(3) Id-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE u d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 114).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1286/2011 tad-9 ta’ Diċembru 2011 li jadotta metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar żviluppata skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 10.12.2011, p. 36).
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/3017/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)