European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2555

27.9.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2555

tal-21 ta’ Marzu 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżabromoċiklododekan

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (2) (“il-Konvenzjoni”) u skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini u fit-Tul tal-Arja fuq Pollutanti Organiċi Persistenti (3).

(2)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1021, il-manifattura, l-introduzzjoni fis-suq u l-użu tas-sustanzi elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, sew jekk waħedhom, sew jekk f’taħlitiet jew f’oġġetti, għandhom ikunu pprojbiti, soġġett għall-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament.

(3)

L-eżabromoċiklododekan (HBCDD) huwa elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 b’valur ta’ limitu ta’ 100 mg/kg (0,01 % skont il-piż) ta’ Kontaminant fi Traċċi Mhux Intenzjonat (UTC), meta jkun preżenti f’sustanzi, taħlitiet, oġġetti jew bħala kostitwent ta’ oġġetti li huma ritardanti tal-fjammi. Dan il-valur ta’ limitu tal-UTC huwa soġġett għal rieżami mill-Kummissjoni.

(4)

Fil-biċċa l-kbira, il-manifattura, l-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-HBCDD fl-Unjoni ġew gradwalment eliminati. Minħabba l-attivitajiet ta’ riċiklaġġ tal-imgħoddi u dawk attwali, insibu l-HBCDD fi plastiks riċiklati u prodotti magħmula minnhom. Hemm xi tħassib li l-applikazzjonijiet ġodda tal-materjal polimeriku riċiklat li oriġinarjament kien ritardant tal-fjammi, wasslu għall-preżenza mhux mixtieqa ta’ ritardanti tal-fjammi bromurati ristretti f’oġġetti bħall- ġugarelli tat-tfal, l-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel u l-imballaġġ tal-polistiren.

(5)

Meta titqies il-preżenza tal-HBCDD f’diversi flussi ta’ skart u r-rilevanza tagħha għall-attivitajiet ta’ riċiklaġġ billi s-sustanza ġiet identifikata bħala pollutant organiku persistenti, jenħtieġ li l-konċentrazzjoni ta’ din is-sustanza tossika fil-prodotti tkun baxxa kemm jista’ jkun biex jitnaqqas l-esponiment u b’hekk jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

(6)

Filwaqt li attwalment, ir-riċiklaġġ tal-EPS hu limitat, hu mistenni li r-riċiklaġġ tal-iżolazzjoni tal-EPS tat-twaqqigħ se jiżdied b’mod sinifikanti fid-deċennji li ġejjin.

(7)

Qed jiġu żviluppati teknoloġiji innovattivi, inkluż proċessi ta’ riċiklaġġ ibbażati fuq is-solventi, għal riċiklaġġ vijabbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. It-teknoloġija tar-riċiklaġġ ibbażata fuq is-solventi li diġà qed tintuża għar-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ f’pellets tal-polistiren, li jistgħu jintużaw għal oġġetti XPS jew EPS, hija relattivament ġodda, iżda promettenti, u se jiġu ġġenerati data u informazzjoni addizzjonali permezz tal-implimentazzjoni u t-tkabbir ulterjuri tagħha, li jagħtu lok għal titjib ulterjuri fil-proċess u jipprovdu bażi ta’ evidenza aktar soda għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

(8)

Il-limiti attwali ta’ kwantifikazzjoni tal-metodi analitiċi użati biex jiddeterminaw il-konċentrazzjonijiet tal-HBCDD f’sustanzi, f’taħlitiet jew f’oġġetti ma jippermettux kejl affidabbli għal valur ta’ limitu UTC ferm aktar baxx minn dak li huwa attwalment fis-seħħ, u b’hekk joħolqu sfidi għall-awtoritajiet tal-infurzar.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1021 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2019/1021/oj?locale=mt.

(2)   ĠU L 209, 31.7.2006, p. 3 , ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2006/507/oj.

(3)   ĠU L 81, 19.3.2004, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2004/259/oj.


ANNESS

Fit-tabella tal-Parti A tal-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1021, l-entrata “Eżabromoċiklododekan – “Eżabromoċiklododekan” tfisser: eżabromoċiklododekan, 1,2,5,6,9,10-eżabromoċiklododekan u d-dijasterjoisomeri prinċipali tiegħu: alfa-eżabromoċiklododekan; beta-eżabromoċiklododekan; u gamma-eżabromoċiklododekan”, fir-raba’ kolonna (“Eżenzjoni speċifika fuq użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra”), il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Għall-finijiet ta’ din l-entrata, l-Artikolu 4(1)(b), għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet tal-eżabromoċiklododekan ekwivalenti għal 75 mg/kg (0,0075 % skont il-piż) jew inqas fejn ikun preżenti f’sustanzi, f’taħlitiet, f’oġġetti jew bħala kostitwent ta’ oġġetti li jdewmu t-tifrix tan-nar. Għall-użu tal-polistiren riċiklat fil-produzzjoni tal-materjal ta’ iżolazzjoni EPS u XPS għall-użu fil-bini jew fix-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili, il-punt (b) għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet tal-eżabromoċiklododekan ta’ 100 mg/kg jew inqas (0,01 % skont il-piż). L-eżenzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt 1 għandhom jiġu rieżaminati u vvalutati mill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2026.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2555/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)