European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2046

30.7.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2046

tad-29 ta’ Lulju 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar għall-ikel ġdid, proteini parzjalment idrolizzati mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel il-ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid biss jista’ jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

(3)

Il-lista tal-Unjoni stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 tinkludi l-proteini parzjalment idrolizzati mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) bħala ikel ġdid awtorizzat.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2851 (3) awtorizza l-introduzzjoni fis-suq tal-proteini parzjalment idrolizzati mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) bħala ikel ġdid għall-użu f’għadd ta’ ikel differenti għall-popolazzjoni ġenerali.

(5)

Fis-6 ta’ Frar 2024, il-kumpanija Evergrain LLC (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 għal bidla fir-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar tal-ikel ġdid “Proteini parzjalment idrolizzati mir-residwi tax-xgħir u tar-ross”. L-applikant talab li jinbidlu r-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar, b’mod partikolari d-deżinjazzjoni tal-ikel ġdid għal “Proteini idrolizzati mix-xgħir u mir-ross”.

(6)

Ir-rekwiżit oriġinali tat-tikkettar kien jirreferi għal “Proteini parzjalment idrolizzati mir-residwi tax-xgħir u r-ross”. L-applikant iqis li l-bidla tad-deżinjazzjoni hija meħtieġa minħabba li l-kelma “parzjalment” mhijiex terminu definit sew, b’mod partikolari għall-konsumatur medju, li ma jkunx jaf sa liema punt il-proteini jkunu idrolizzati, speċjalment meta mqabbla ma’ proteini oħra tal-pjanti. L-applikant jindika wkoll li l-kelma “residwi” ma tintużax għal proteini ġodda awtorizzati oħra li jiġu pproċessati b’mod simili, u għalhekk iqis li dan jista’ joħloq konfużjoni jekk din tintuża għal dan l-ikel ġdid. Barra minn hekk, l-applikant jindika wkoll li meta tiġi pproċessata l-materja prima tax-xgħir u tar-ross, l-ewwel pass ikun li jitneħħa l-lamtu u dan huwa l-istess bħall-proċess użat għal kwalunkwe proteina tal-pjanti oħra.

(7)

Il-Kummissjoni tqis li l-aġġornament mitlub tal-lista tal-Unjoni dwar il-bidla fir-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar, partikolarment id-deżinjazzjoni tal-ikel ġdid “Proteini parzjalment idrolizzati mir-residwi tax-xgħir u tar-ross” kif proposta mill-applikant, mhuwiex mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem u li mhijiex meħtieġa evalwazzjoni tas-sikurezza mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Abbażi tal-ġustifikazzjoni pprovduta mill-applikant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kelma “residwi” tista’ titħalla barra mid-deżinjazzjoni tal-ikel ġdid għal skopijiet ta’ tikkettar. Madankollu, il-Kummissjoni ma taqbilx mat-tneħħija tal-kelma “parzjalment” mid-denominazzjoni tal-ikel ġdid. F’konformità mar-regoli dwar it-tikkettar, b’mod partikolari l-Artikolu 10(2), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2015/2283, jenħtieġ li r-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar ma jqarrqux bil-konsumatur. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-ikel ma tqarraqx bin-nies, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, fost affarijiet oħra, il-proprjetajiet u l-kompożizzjoni tiegħu. Filwaqt li jitqies li l-grad ta’ idroliżi tal-ikel ġdid huwa ta’ 1-7 %, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li l-kelma “parzjalment” tinżamm fid-denominazzjoni tal-ikel ġdid. Barra minn hekk, jekk l-applikant jixtieq jinforma aktar lill-konsumatur dwar il-grad tal-idroliżi, jista’ jindika din l-informazzjoni b’mod volontarju fuq it-tikketta tal-prodott f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Għalhekk, id-deżinjazzjoni tal-ikel il-ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel jenħtieġ li tkun “Proteini parzjalment idrolizzati mix-xgħir u mir-ross”.

(8)

L-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-bidliet fir-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar tal-ikel ġdid huma f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u jenħtieġ li jiġu approvati.

(9)

Għalhekk, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2283/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2470/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2851 tal-20 ta’ Diċembru 2023 li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq tal-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L, 2023/2851, 21.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2851/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1169/oj).


ANNESS

Fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, l-entrata għall-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) hija sostitwita b’dan li ġej:

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel il-ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

Protezzjoni tad-data

Proteini parzjalment idrolizzati mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa)

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-deżinjazzjoni tal-ikel il-ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun “Proteini parzjalment idrolizzati mix-xgħir u mir-ross”.

F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

 

Awtorizzat fl-10 ta’ Jannar 2024. Din l-inklużjoni hija bbażata fuq evidenza xjentifika u fuq data xjentifika li huma proprjetarji u protetti f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

Applikant: Evergrain LLC, 3205 S. 9th St, St. Louis, Missouri, 63118 USA. Matul il-perjodu tal-protezzjoni tad-data, l-ikel il-ġdid, proteini parzjalment idrolizzati mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa), huwa awtorizzat li jiġi introdott fis-suq tal-Unjoni minn Evergrain LLC biss, sakemm ma jkunx hemm xi applikant sussegwenti li jikseb l-awtorizzazzjoni għall-ikel il-ġdid mingħajr referenza għall-evidenza jew għad-data xjentifiċi proprjetarji protetti f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283 jew bi qbil ma’ Evergrain LLC.

Id-data ta’ tmiem il-protezzjoni tad-data: l-10 ta’ Jannar 2029.”

Ċereali moqlija jew estrużi, prodotti bbażati fuq iż-żrieragħ jew fuq l-għeruq

5 g/100 g

Ħlewwiet inkluż iċ-ċikkulata

5 g/100 g

Ċereali tal-kolazzjon

5 g/100 g

Platti bbażati fuq l-għaġin u r-ross (jew fuq ċereali oħrajn)

8 g/100 g

Sopop (taħlita niexfa)

50 g/100 g

Sopop (lesti biex jittieklu)

5 g/100 g

Zlazi

10 g/100 g

Preparati mnixxfa għaz-zlazi

50 g/100 g

Analogi tal-laħam

15 g/100 g

Bars taċ-ċereali

30 g/100 g

Butir u taħlitiet ta’ marġerina/żejt

10 g/100 g

Ġelati bbażati fuq l-analogi tal-ħalib

10 g/100 g

Analogi tal-ħalib

5 g/100 ml

Pejst/emulsjoni tal-ġewż/taż-żrieragħ

15 g/100 g

Xarbiet enerġetiċi

8 g/100 ml

Soft drinks ikkummerċjalizzati b’rabta mal-eżerċizzju fiżiku

5 g/100 ml

Xarbiet li jixbhu l-kola

5 g/100 g

Bażijiet f’għamla ta’ trab għax-xorb

90 g/100 g

Xarbiet magħmulin mill-meraq tal-frott u/jew tal-ħaxix

5 g/100 ml

Analogi (mhux tas-sojja) tal-krema, tal-ġobon u tal-jogurt

10 g/100 g

Ħumus

10 g/100 g

Birra mingħajr alkoħol

5 g/100 ml

Sostitut ta’ ikla għall-kontroll tal-piż

30 g/100 g


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2046/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)