European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1787

15.7.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1787 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2024

dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-metan huwa t-tieni biss wara d-diossidu tal-karbonju (CO2) fil-kontribut ġenerali tiegħu għat-tibdil fil-klima u huwa responsabbli għal madwar terz tat-tisħin attwali. L-ammont tal-metan fl-atmosfera globalment żdied drastikament matul l-aħħar għaxar snin.

(2)

Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), maħluq fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), ippubblika fis-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tiegħu s-sejba li sal-2030 huwa meħtieġ tnaqqis profond fl-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan biex it-tisħin globali jkun limitat għal 1,5 oC. Dak ir-rapport juri li għalkemm il-metan għandu medja ta’ żmien ta’ residenza atmosferika iqsar mis-CO2, minn 10 snin sa 12-il sena mqabbla ma’ mijiet ta’ snin, l-effett serra tiegħu huwa aktar minn 80 darba aktar sinifikanti minn dak tas-CO2 fuq perjodu ta’ 20 sena. B’mod partikolari, skont l-IPCC, filwaqt li l-metan għandu potenzjal ta’ tisħin globali ta’ 29,8 darbiet aktar mis-CO2 fuq perjodu ta’ 100 sena, huwa 82,5 darbiet aktar qawwi fuq perjodu ta’ 20 sena.

(3)

Mir-rapport tal-2020 dwar il-kwalita’ tal-Arja fl-Ewropa tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jidher li l-metan huwa gass prekursur għall--ożonu troposferiku u jikkontribwixxi għat-tniġġis tal-arja. L-indirizzar tal-emissjonijiet tal-metan mhux biss jindirizza l-ambjent u l-klima iżda jtejjeb ukoll il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(4)

Skont stimi reċenti mill-Programm tan-NU għall-Ambjent (UNEP) u mill-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa (CCAC), it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan b’45 % sal-2030, abbażi ta’ miżuri mmirati disponibbli u miżuri addizzjonali f’konformità mal- Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, jista’ jevita tisħin globali ta’ 0,3 oC sal-2045.

(5)

Skont is-servizz tad-data online World Energy Balances tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-Unjoni hija l-akbar importatur fid-dinja tal-enerġija fossili, u bħala tali, xprunatur importanti tal-emissjonijiet globali tal-metan.

(6)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi ta’ tisħiħ reċiproku mmirati lejn il-kisba tan-newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni indikat li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass ser tiġi ffaċilitata, inkluż billi tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija. F’Ottubru tal-2020, il-Kummissjoni adottat strateġija tal-UE sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan (“l-Istrateġija dwar il-Metan”) li tistabbilixxi miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fl-Unjoni, inkluż fis-settur tal-enerġija, u fil-livell globali. Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi l-mira biex tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u jistabbilixxi mira vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-anqas 55 % mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030. Mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal dan ir-Regolament jirriżulta li, skont is-suppożizzjonijiet tal-għażla ta’ politika ppreferuta għall-proposta leġiżlattiva dwar il-metan flimkien mas-suppożizzjonijiet tal-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, 77 % tal-emissjonijiet kollha tal-metan assoċjati maż-żejt, il-gass u l-faħam previsti għall-2030 jistgħu jitnaqqsu b’mod kosteffettiv minn perspettiva soċjali u ambjentali. Dan jikkontribwixxi biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC u jippermetti lill-Unjoni tieħu rwol ta’ tmexxija b’mod effettiv fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet tal-metan u biex issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija.

(7)

L-emissjonijiet tal-metan huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miri tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għall-2030, stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 u l-miri nazzjonali vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda qafas legali tal-Unjoni li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan fis-settur tal-enerġija. Barra minn hekk, filwaqt li d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tkopri l-emissjonijiet tal-metan mir-raffinar taż-żejt minerali u tal-gass, din ma tkoprix l-emissjonijiet tal-metan minn attivitajiet oħrajn fis-settur tal-enerġija.

(8)

F’dan il-kuntest, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni upstream taż-żejt u tal-gass naturali, fi bjar inattivi, fi bjar magħluqa temporanjament u fi bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti, fil-ġbir u l-ipproċessar tal-gass naturali, fit-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin taħt l-art tiegħu, kif ukoll fil-faċilitajiet tal-gass naturali likwifikat (LNG). Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll għal minjieri tal-faħam attivi taħt l-art u minjieri tal-faħam tas-superfiċje, u minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa jew abbandunati.

(9)

Ir-regoli għal kejl, monitoraġġ, rappurtar u verifika apreċiżi tal-emissjonijiet tal-metan fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, kif ukoll għat-tnaqqis ta’ dawk l-emissjonijiet, inkluż permezz ta’ stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet (LDAR), u restrizzjonijiet fuq l-ivventjar u l-ivvampjar, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema mill-emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta’ qafas legali xieraq tal-Unjoni. Ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jtejbu t-trasparenza fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-enerġija fossili fl-Unjoni u jikkontribwixxu għall-użu usa’ ta’ soluzzjonijiet għall-mitigazzjoni tal-emissjoni tal-metan fid-dinja kollha. Jenħtieġ li jintuża orizzont ta’ żmien ta’ 20 sena u ta’ 100 sena għall-potenzjal ta’ tisħin globali.

(10)

Il-konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament x’aktarx li tkun teħtieġ investimenti minn entitajiet regolati, u jenħtieġ li l-kostijiet assoċjati ma’ investimenti bħal dawn jitqiesu fl-iffissar tat-tariffi, soġġett għal prinċipji ta’ effiċjenza. Jenħtieġ li l-kostijiet meħtieġa ma jirriżultawx f’piż finanzjarju sproporzjonat fuq l-utenti finali u l-konsumaturi.

(11)

Jenħtieġ li kull Stat Membru jaħtar mill-anqas awtorità kompetenti waħda sabiex tivverfika l-konformita’ effettiva mill-operaturi, impriżi, operaturi tal-minjieri u importaturi mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament u jenħtieġ li jinnotifika lill-Kummissjoni dwar tali ħatra u kwalunkwe bidla fiha. Jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet kompetenti jingħataw biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani u jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament f’konformità mal-kompiti speċifikament attribwiti lilhom. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi punt ta’ kuntatt. Filwaqt li jqisu l-karattru transfruntier tal-operazzjonijiet tas-settur tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti jifformaw flimkien network ta’ awtoritajiet pubbliċi li japplikaw dan ir-Regolament sabiex irawmu kooperazzjoni mill-qrib, bl-arranġamenti meħtieġa għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki, u li jippermettu konsultazzjonijiet.

(12)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel u effettiva ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, inkluż riformi li jippromwovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija. Dak l-appoġġ tekniku jista’, pereżempju, jinvolvi t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, l-armonizzazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki rilevanti.

(13)

Sabiex jiżguraw it-twettiq tal-kompiti tal-awtoritjiat kompetenti, jenħtieġ li l-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri u l-importaturi jipprovdu lil dawk l-awtoritajiet bl-assistenza kollha meħtieġa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri u l-importaturi jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa identifikati mill-awtoritajiet kompetenti fil-perjodu determinat mill-awtoritajiet kompetenti jew kwalunkwe perjodu ieħor miftiehem mal-awtoritajiet kompetenti.

(14)

Jenħtieġ li wieħed mill-mekkaniżmi ewlieni disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti jkun l-ispezzjonijiet, inkluż l-eżami tad-dokumentazzjoni u r-rekords, il-kejl tal-emissjonijiet u l-kontrolli fuq il-post. Jenħtieġ li l-ispezzjonijiet isiru regolarment, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji, bħar-riskji ambjentali, assoċjati ma’ kull sit, imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu l-mekkaniżmi ta’ kontroll stabbiliti u l-aħjar prattiki disponibbli għalihom Barra minn hekk, jenħtieġ li jitwettqu spezzjonijiet sabiex jiġu investigati lmenti u okkorrenzi sostanzjati ta’ nuqqas ta’ konformità u sabiex jiġi żgurat li t-tiswijiet jew is-sostituzzjonijiet tal-komponenti u l-miżuri ta’ mitigazzjoni jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament, kif ukoll sabiex tiġi ċċekkjata regolarment il-konformità tal-importaturi ma’ dan ir-Regolament. Meta l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw ksur serju ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li joħorġu avviż ta’ azzjonijiet ta’ rimedju li għandhom jittieħdu mill-operatur, mill-impriża, mill-operatur tal-minjieri jew mill-importatur. Alternattivament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiddeċiedu li jagħtu struzzjonijiet lill-operatur, lill-impriża, lill-operatur tal-minjieri jew lill-importatur biex jissottometti għall-approvazzjoni tagħhom sett ta’ azzjonijiet ta’ rimedju biex jindirizzaw il-ksur. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jżommu rekords tal-ispezzjonijiet, u jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti ssir disponibbli għall-pubbliku f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(15)

Sabiex tiġi ddeterminata s-serjetà ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw il-ħsara ambjentali u l-impatt fuq is-sikurezza u s-saħħa tal-bniedem, kif ukoll il-probabbiltà li l-ksur jaffettwa, b’mod sinifikanti, l-affidabbiltà u r-robustezza tad-data fil-qafas tal-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar skont dan ir-Regolament.

(16)

Fid-dawl tal-prossimità ta’ xi sorsi ta’ emissjonijiet tal-metan għal żoni urbani jew residenzjali u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa, l-ambjent u l-klima, jenħtieġ li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkunu jistgħu jippreżentaw ilmenti debitament sostanzjati lill-awtoritajiet kompetenti rigward ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament. F’dak il-kuntest jenħtieġ li jkun possibbli li jintuża l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika biex jospita informazzjoni rilevanti, kif magħmula disponibbli mill-Istati Membri, b’mod partikolari d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti, il-passi l-aktar importanti tal-proċedura tal-ilmenti, kif ukoll id-drittijiet u r-regoli bażiċi li għandhom jiġu segwiti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti iżommu informati lill-ilmentaturi dwar il-proċedura u d-deċiżjonijiet meħuda u jenħtieġ li l-ilmentaturi jirċievu deċiżjoni finali fi żmien raġonevoli wara l-preżentazzjoni tal-ilment.

(17)

Qafas ta’ verifika robust jtejjeb il-kredibbiltà tad-data rapportata. Barra minn hekk, il-livell ta’ dettall u l-kumplessità teknika tal-kejl tal-emissjoni tal-metan jeħtieġu verifika xierqa tad-data dwar l-emissjoni tal-metan rapportata mill-operaturi, mill-impriżi, mill-operaturi tal-minjieri u mill-importaturi. Filwaqt li l-awtoverifika hija possibbli, il-verifika minn parti terza tiżgura indipendenza u trasparenza akbar. Barra minn hekk, tippermetti sett armonizzat ta’ kompetenzi u livell ta’ għarfien espert li jista’ ma jkunx disponibbli għall-entitajiet pubbliċi kollha. Jenħtieġ li l-verifikaturi jiġu akkreditati minn korpi ta’ akkreditazzjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jew inkella awtorizzati b’mod paragunabbli mar-Regolament (KE) Nru 765/2008. Għalhekk jenħtieġ li l-verifikaturi indipendenti jiżguraw li r-rapporti dwar l-emissjonijiet mħejjija mill-operaturi, mill-impriżi, mill-operaturi tal-minjieri u mill-importaturi jkunu preċiżi u f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-attivitajiet ta’ verifika jenħtieġ li jkunu allinjati mal-istandards u l-metodoloġiji Ewropej jew internazzjonali oħra rilevanti għall-verifikaturi u jenħtieġ li jqisu kif xieraq in-natura tal-attivitajiet ivverifikati. Jenħtieġ li l-verifikaturi jirrieżaminaw id-data fir-rapporti dwar l-emissjonijiet biex jivvalutaw l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-akkuratezza tad-data. Sabiex tiġi żgurata l-akkuratezza tad-data, jenħtieġ li fejn rilevanti, il-verifikaturi jwettqu kontrolli fuq il-post b’avviż minn qabel kif ukoll għal għarrieda. Jenħtieġ li l-verifikaturi jkunu separati mill-awtoritajiet kompetenti u jenħtieġ li jkunu indipendenti mill-operaturi, mill-impriżi, mill-operaturi tal-minjieri u mill-importaturi, li jenħtieġ li jipprovduhom l-assistenza kollha meħtieġa sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw l-attivitajiet ta’ verifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-siti u l-preżentazzjoni ta’ dokumentazzjoni jew rekords.

(18)

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-verifikaturi jikkunsidraw l-informazzjoni magħmula disponibbli b’mod internazzjonali, pereżempju mill-Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan (IMEO), b’mod partikolari fir-rigward tal-metodoloġiji għall-aggregazzjoni u l-analiżi tad-data u l-verifika tal-metodoloġiji u tal-proċessi statistiċi użati mill-operaturi, mill-impriżi, mill-operaturi tal-minjieri u mill-importaturi sabiex jikkwantifikaw id-data fir-rapporti tagħhom dwar l-emissjonijiet. Il-kriterji ta’ referenza f’dak ir-rigward jistgħu jinkludu l-qafas ta’ rappurtar tas-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (OGMP), dokumenti ta’ gwida teknika u mudelli ta’ rappurtar.

(19)

L-IMEO ġie stabbilit f’Ottubru tal-2020 mill-Unjoni fi sħubija mal-UNEP, is-CCAC u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, u ġie ppreżentat fis-Summit tal-G20 f’Ottubru tal-2021. L-IMEO ingħata l-kompitu li jiġbor, jirrikonċilja, jivverifika u jippubblika data dwar l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan fuq livell globali. L-IMEO jista’ jkollu rwol fl-identifikazzjoni tas-superemittenti permezz ta’ sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ twissija.

(20)

Bħala parti għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (10) u l-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-UNFCCC (11) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), l-Unjoni hija meħtieġa tipprovdi kull sena rapport ta’ inventarju tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra li jikkostitwixxi aggregat tal-inventarji nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-gassijiet serra, imħejji bl-użu ta’ metodoloġiji ta’ prattika tajba aċċettati mill-IPCC.

(21)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jirrikjedi li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni data dwar l-inventarju tal-gassijiet serra u l-projezzjonijiet nazzjonali tagħhom. Skont dak ir-Regolament, ir-rappurtar għandu jsir bl-użu tal-linji gwida tal-UNFCCC għar-rappurtar, u ta’ spiss ikun ibbażat fuq fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti minflok fuq kejl dirett fil-livell tas-sors, li jimplika inċertezzi dwar l-oriġini, il-frekwenza u d-daqs tal-emissjonijiet.

(22)

Id-data tal-pajjiżi rapportata skont id-dispożizzjonijiet ta’ rappurtar tal-UNFCCC tiġi ppreżentata lis-segretarjat tal-UNFCCC skont gradi differenti ta’ rappurtar, f’konformità mal-linji gwida tal-IPCC. F’dak il-kuntest, l-IPCC ġeneralment jissuġġerixxi l-użu ta’ metodi ta’ grad ogħla għal dawk is-sorsi ta’ emissjonijiet li għandhom influwenza sinifikanti fuq l-inventarju totali ta’ gassijiet serra ta’ pajjiż f’termini ta’ livell assolut, xejra jew inċertezza.

(23)

Grad jirrappreżenta livell ta’ kumplessità metodoloġika. Hemm tliet gradi disponibbli. Il-metodi tal-grad 1 tipikament jużaw il-fatturi ta’ emissjoni prestabbiliti tal-IPCC u jeħtieġu d-data tal-attività l-aktar bażika, u l-anqas diżaggregata. Gradi ogħla normalment jużaw metodi aktar elaborati u fatturi ta’ emissjoni speċifiċi għas-sors, għat-teknoloġija, għar-reġjun jew għall-pajjiż, li spiss ikunu bbażati fuq il-kejl, u normalment jeħtieġu aktar data tal-attività diżaggregata ħafna. B’mod speċifiku, il-grad 2 jeħtieġ li jintużaw fatturi tal-emissjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, minflok dawk prestabbiliti, filwaqt li l-grad 3 jeħtieġ data jew kejl għal kull impjant u jinkludi l-applikazzjoni ta’ valutazzjoni axxendenti rigoruża skont it-tip ta’ sors fil-livell ta’ faċilità individwali. L-IPCC iddikjara fl-Irfinar tiegħu tal-2019 tal-linji gwida tal-IPCC tal-2006 għall-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra li l-progress mill-grad 1 għall-grad 3 jirrappreżenta żieda fiċ-ċertezza tal-kejl tal-emissjonijiet relatati mal-metan.

(24)

L-Istati Membri għandhom prattiki differenti fir-rigward tal-livell tal-grad li fih jirrappurtaw l-emissjonijiet tagħhom tal-metan relatati mal-enerġija lis-segretarjat tal-UNFCCC. Ir-rappurtar fil-grad 2 għal sorsi kbar ta’ emissjonijiet huwa konformi mal-linji gwida tal-IPCC għar-rappurtar peress li l-grad 2 huwa meqjus bħala metodu ta’ grad ogħla. Ir-rappurtar fil-grad 1, l-aktar livell baxx, għadu komuni ħafna f’diversi Stati Membri għall-emissjonijiet tal-metan mill-faħam, mill-gass u miż-żejt. B’riżultat ta’ dan, il-metodoloġiji ta’ stima u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan relatati mal-enerġija jvarjaw bejn l-Istati Membri.

(25)

Bħalissa, inizjattivi volontarji mmexxija mill-industrija jibqgħu l-linja ta’ azzjoni ewlenija għall-kwantifikazzjoni u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan f’ħafna pajjiżi. Inizjattiva ewlenija mmexxija mill-industrija fis-settur tal-enerġija hija l-OGMP, inizjattiva volontarja dwar il-kejl u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan, maħluqa fl-2014 mill-UNEP u s-CCAC, li l-Kummissjoni hija rappreżentata fil-bord tagħha. L-OGMP tiffoka fuq l-istabbiliment tal-aħjar prattiki sabiex tittejjeb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni globali dwar il-kwantifikazzjoni u l-ġestjoni tal-emissjoni tal-metan u sabiex jiġu xprunati azzjonijiet ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan. Il-ħidma tal-OGMP dwar l-iżvilupp ta’ standards u metodoloġiji tinvolvi l-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u n-negozju. Sal-lum, aktar minn 115-il kumpanija, b’assi f’aktar minn 60 pajjiż f’ħames kontinenti, li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-produzzjoni dinjija taż-żejt u tal-gass u aktar minn 70 % tal-flussi tal-LNG saru membri tal-OGMP 2.0 tal-UNEP. Il-qafas OGMP 2.0 huwa l-aħħar iterazzjoni ta’ standard dinamiku tal-emissjonijiet tal-metan u jista’ jipprovdi bażi xierqa għall-istandards tal-emissjonijiet tal-metan, abbażi ta’ standards xjentifiċi sodi.

(26)

F’dak l-isfond, huwa meħtieġ li jittejbu l-kejl tal-emissjonijiet tal-metan u l-kwalità tad-data rappurtata, inkluż dwar is-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-enerġija prodotta u kkonsmata fl-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data fil-livell tas-sors u l-kwantifikazzjoni robusta tal-emissjonijiet tal-metan, u b’hekk tiżdied l-affidabbiltà tar-rappurtar kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni għal miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni.

(27)

Sabiex il-kwantifikazzjoni u r-rappurtar ikunu effettivi, jenħtieġ li l-operaturi u l-impriżi jkunu meħtieġa jikkwantifikaw u jirrappurtaw l-emissjonijiet tal-metan skont is-sors, u li jagħmlu d-data aggregata disponibbli għall-Istati Membri sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jtejbu l-akkuratezza tal-inventarji u r-rapporti tagħhom. Barra minn hekk, hija meħtieġa verifika effettiva tad-data rrappurtata. Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv fuq l-operaturi u l-impriżi, jenħtieġ li dawn jirrappurtaw fuq bażi annwali.

(28)

Dan ir-Regolament li jibni fuq il-partijiet rilevanti tal-qafas OGMP 2.0, jikkontribwixxi għal ġbir ta’ data affidabbli u robusta li tifforma bażi suffiċjenti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-metan u fejn ikun meħtieġ, jipprevedi azzjoni addizzjonali sabiex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-metan.

(29)

Il-qafas OGMP 2.0 għandu ħames livelli ta’ rappurtar. Ir-rappurtar fil-livell tas-sors jibda fil-livell 3, li huwa meqjus komparabbli mal-grad 3 tal-UNFCCC. Dan jippermetti l-użu ta’ fatturi ġeneriċi ta’ emissjoni. Ir-rappurtar tal-livell 4 tal-OGMP 2.0 jirrikjedi kejl dirett tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors u jippermetti l-użu ta’ fatturi speċifiċi ta’ emissjoni. Ir-rappurtar tal-livell 5 tal-OGMP 2.0 jirrikjedi kejl komplementari fil-livell tas-sit minbarra l-kwantifikazzjonijiet tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors. Barra minn hekk, il-qafas OGMP 2.0 jirrikjedi li l-kumpaniji jirrappurtaw kejl dirett tal-emissjonijiet tal-metan fi żmien 3 snin minn meta jissieħbu fl-OGMP 2.0 għall-assi operattivi u fi żmien 5 snin għall-assi mhux operattivi. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-iskadenzi li fihom l-operaturi u l-impriżi għandhom jissottomettu r-rapporti meħtieġa skont dan ir-Regolament, filwaqt li jibnu fuq l-approċċ meħud mill-OGMP 2.0 fir-rigward tar-rappurtar fil-livell tas-sors u filwaqt li jitqies li għadd kbir ta’ kumpaniji tal-Unjoni diġà ngħaqdu mal-OGMP 2.0. Minbarra l-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors, il-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sit tippermetti valutazzjoni, verifika u rikonċiljazzjoni tal-istimi fil-livell tas-sors aggregati skont is-sit, u b’hekk tipprovdi fiduċja mtejba fl-emissjonijiet rapportati. Simili għall-qafas tal-OGMP 2.0, jenħtieġ li jkun rikjest kejl fil-livell tas-sit għar-rikonċiljazzjoni tal-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors.

(30)

Skont id-data mill-inventarju tal-gassijiet serra tal-Unjoni, li huwa bbażat fuq inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra rrappurtati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999, aktar minn nofs l-emissjonijiet diretti kollha tal-metan fis-settur tal-enerġija huma dovuti għar-rilaxx mhux intenzjonat tal-metan fl-atmosfera. Fil-każ taż-żejt u l-gass, tali emissjonijiet mhux intenzjonati tal-metan jirrappreżentaw l-akbar sehem tal-emissjonijiet tal-metan.

(31)

It-tnixxijiet mhux intenzjonati tal-metan fl-atmosfera jistgħu jseħħu matul it-tħaffir u l-estrazzjoni kif ukoll matul l-ipproċessar, il-ħżin, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni lill-konsumaturi tal-użu aħħari. Tali tnixxijiet jistgħu jseħħu wkoll fi bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament jew bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti. Xi emissjonijiet tal-metan jistgħu jirriżultaw minn imperfezzjonijiet f’komponenti tekniċi bħal ġonot, flanġi u valvi, jew mit-tkagħbir bl-użu normali tagħhom, jew minn komponenti danneġġati, pereżempju fil-każ ta’ aċċidenti. Il-korrużjoni tista’ tikkawża wkoll tnixxijiet mill-ħitan tat-tagħmir taħt pressjoni.

(32)

Sabiex jitnaqqsu dawk l-emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li l-operaturi jieħdu l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni xierqa sabiex jimminimizzaw l-emissjonijiet tal-metan fl-operazzjonijiet tagħhom.

(33)

B’mod aktar speċifiku, l-emissjonijiet tal-metan minn tnixxijiet jitnaqqsu l-aktar b’mod komuni permezz ta’ stħarriġ LDAR, imwettaq sabiex l-ewwel jiġu identifikati t-tnixxijiet u mbagħad sabiex jissewwew it-tnixxijiet jew issir is-sostituzzjoni tal-komponenti li qed inixxu. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi jwettqu stħarriġ perjodiku LDAR, inkluż ta’ komponenti li jivventjaw il-metan, biex jivverifikaw tagħmir li ma jiffunzjonax sew.

(34)

Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit approċċ armonizzat sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha fl-Unjoni. Jenħtieġ li dan l-approċċ jinkludi rekwiżiti minimi għall-istħarriġ LDAR, filwaqt li jħalli grad adegwat ta’ flessibbiltà lill-Istati Membri u lill-operaturi. Dik il-flessibbiltà hija essenzjali biex tippermetti l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ komponenti ġodda, teknoloġiji ġodda LDAR u metodi ġodda ta’ detezzjoni, u b’hekk tipprevjeni, għad-detriment tal-protezzjoni ambjentali, l-intrappolament tat-teknoloġija. Teknoloġiji ġodda LDAR u metodi ta’ detezzjoni ġodda jkomplu jiġu żviluppati u jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu l-innovazzjoni f’dan is-settur, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati l-komponenti, it-teknoloġiji LDAR u l-metodi ta’ detezzjoni bl-inqas emissjonijiet, li huma wkoll preċiżi u kosteffettivi,.

(35)

Jenħtieġ li l-obbligi rigward l-istħarriġ LDAR jirriflettu prattiki tajbin. Jenħtieġ li l-istħarriġ LDAR ikun primarjament immirat biex isib u jelimina kemm jista’ jkun malajr it-tnixxijiet bit-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-komponenti li qed inixxu, aktar milli lejn il-kwantifikazzjoni tagħhom, u jenħtieġ li jiġu kkontrollati aktar ta’ spiss dawk iż-żoni b’riskju ogħla ta’ tnixxijiet. Jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-frekwenza tal-istħarriġ LDAR u d-deċiżjoni ta’ tiswija jew sostituzzjoni ta’ komponent tkun iggwidata mhux biss mill-ħtieġa ta’ tiswija jew sostituzzjoni tal-komponenti li minnhom il-metan li jkun qiegħed joħroġ ikun ’il fuq mil-limitu tal-emissjonijiet tal-metan iżda wkoll minn kunsiderazzjonijiet operazzjonali, filwaqt li jitqiesu r-riskji għas-sikurezza. Għalhekk, meta jiġi identifikat riskju ogħla għas-sikurezza jew riskju ogħla ta’ emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jirrakkomandaw stħarriġ LDAR aktar frekwenti għall-komponenti rilevanti jew is-sostituzzjoni ta’ komponenti b’teknoloġija li tkun inqas suxxettibbli għat-tnixxijiet. It-tnixxijiet kollha, irrispettivament mid-daqs, jenħtieġ li jiġu mistħarrġa u vverifikati, peress li t-tnixxijiet żgħar jistgħu jiżviluppaw fi tnixxijiet akbar. Jenħtieġ li t-tiswijiet tat-tnixxijiet jiġu segwiti minn konferma li dawn kienu effettivi. Sabiex ikunu jistgħu jintużaw komponenti ġodda jew aktar avvanzati jew teknoloġiji għad-detezzjoni tal-emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li jiġi speċifikat id-daqs ta’ telf tal-metan li fih jew ’il fuq minnu tkun meħtieġa tiswija, filwaqt li l-operaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-apparat ta’ detezzjoni. Fejn xieraq, jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw teknoloġiji tad-detezzjoni, bħall-monitoraġġ kontinwu, bħala parti mill-istħarriġ LDAR sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għat-teknoloġiji avvanzati tad-detezzjoni. L-operaturi bl-aħjar prestazzjoni li jipproduċu jew jipproċessaw żejt jew il-gass naturali jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw frekwenzi differenti tal-istħarriġ LDAR, soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet f’dan ir-Regolament u l-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

(36)

Jenħtieġ li jsiru stħarriġ LDAR, bl-użu ta’ teknoloġiji u tekniki ta’ detezzjoni disponibbli xierqa biex jiġu identifikati tnixxijiet: kemm jista’ jkun qrib ta’ kull sors ta’ emissjoni potenzjali individwali għal komponenti ta’ fuq l-art u komponenti fuq il-livell tal-baħar; fl-interfaċċa bejn l-art u l-atmosfera bħala l-ewwel pass u, jekk tiġi identifikata tnixxija potenzjali, qrib kemm jista’ jkun tas-sors ta’ emissjoni bħala t-tieni pass għall-komponenti ta’ taħt l-art; u bl-applikazzjoni tal-aħjar tekniki ta’ detezzjoni li huma kummerċjalment disponibbli għal komponenti lil hinn mill-kosta taħt il-livell tal-baħar jew taħt qiegħ il-baħar.

(37)

Fir-rigward tal-komponenti ta’ taħt l-art, l-istħarriġ LDAR ġeneralment jitwettqu bl-użu ta’ proċess f’żewġ stadji. L-ewwel stadju jikkonsisti fit-twettiq tal-ewwel detezzjoni tat-tnixxijiet u jiddetermina jekk titħaffirx l-art jew isirx l-iddrilljar ta’ bar-hole jekk il-pipeline ma jkunx direttament aċċessibbli. L-operaturi jħaffru jew jiddrilljaw l-art jekk it-tnixxija tkun fl-ewwel livell limitu tad-detezzjoni tat-tnixxijiet jew ogħla minnu. It-tieni pass jikkonsisti fit-twettiq tat-tieni detezzjoni tat-tnixxijiet u jiddetermina jekk għandhiex tissewwa t-tnixxija. L-operaturi jsewwu t-tnixxija jekk tkun fil-livell tat-tieni limitu tad-detezzjoni tat-tnixxijiet jew ogħla minnu.

(38)

Il-limiti minimi ta’ detezzjoni jservu biex jiżguraw li l-apparati ta’ detezzjoni jkunu sensittivi biżżejjed biex jidentifikaw tnixxijiet kif meħtieġ skont dan ir-Regolament. Dawk il-limiti minimi ta’ detezzjoni kif ukoll it-tekniki ta’ detezzjoni li għandhom jintużaw jenħtieġ li jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu t-tipi differenti ta’ komponenti u l-istħarriġ LDAR, għall-kategoriji kollha ta’ komponenti, flimkien mal-limiti applikabbli għall-ewwel stadju tal-istħarriġ LDAR għall-komponenti taħt l-art.

(39)

Jenħtieġ li t-tiswija jew is-sostituzzjoni ssir immedjatament wara d-detezzjoni ta’ tnixxija fil-livell limitu jew fuqha, speċifikat f’dan ir-Regolament, jew malajr kemm jista’ jkun wara d-detezzjoni. Filwaqt li jista’ jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati aspetti eċċezzjonali ta’ sikurezza, aspetti amministrattivi u tekniċi, jenħtieġ li tiġi pprovduta evidenza li tiġġustifika kwalunkwe dewmien fit-tiswija jew fis-sostituzzjoni. Jenħtieġ li t-tiswijiet jew is-sostituzzjonijiet jużaw l-aqwa teknoloġiji li huma disponibbli fil-kummerċ u li jipprovdu protezzjoni fit-tul kontra tnixxijiet futuri.

(40)

Sistemi konnessi żgħar kif definiti fid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jistgħu jiffaċċjaw problemi ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ stabbiltà tal-grilja fil-każ ta’ għeluq tas-sistema. Għaldaqstant, sabiex jiġu evitati riskji bħal dawn għas-sigurtà tal-provvista, jenħtieġ li x-xogħlijiet ta’ tiswija jew sostituzzjoni jitwettqu matul l-għeluq skedat tas-sistema.

(41)

Minħabba l-effett qawwi tiegħu fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jenħtieġ li l-ivventjar jiġi pprojbit ħlief fil-każ ta’ emerġenzi jew funzjonament ħażin, jew matul ċerti avvenimenti speċifiċi fejn xi ivventjar ma jkunx jista’ jiġi evitat u jkun strettament meħtieġ. Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi ma jużawx tagħmir iddisinjat għall-ivventjar, jenħtieġ li jiġu adottati standards teknoloġiċi li jippermettu l-użu ta’ alternattivi b’emissjonijiet aktar baxxi.

(42)

L-ivvampjar jitqies bħala ivvampjar ta’ rutina meta jitwettaq matul il-produzzjoni normali taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, fin-nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati jew ġeoloġija li tista’ tiġi adattata għall-injezzjoni mill-ġdid tal-gass prodott, l-użu tiegħu fuq il-post jew id-dispaċċ tiegħu lejn suq. L-ivvampjar ta’ rutina jenħtieġ li jkun ipprojbit. L-ivvampjar jenħtieġ jitħalla meta jkun l-unika alternattiva għall-ivventjar u fejn l-ivventjar ma jkunx ipprojbit. L-eliminazzjoni tal-ivvampjar ta’ rutina żżid ukoll id-disponibbiltà tal-gass naturali għas-swieq tal-gass. L-ivventjar huwa aktar ta’ ħsara għall-ambjent mill-ivvampjar peress li l-gass rilaxxat tipikament fih livelli għolja ta’ metan, filwaqt li l-ivvampjar jossida l-metan f’CO2 li għandu potenzjal aktar baxx ta’ tisħin globali. Għalhekk, fejn ma tkun disponibbli l-ebda għażla oħra, l-ivvampjar jenħtieġ li jiġi ppreferut mill-ivventjar.

(43)

L-użu tal-ivvampjar bħala alternattiva għall-ivventjar jeħtieġ li l-apparati tal-ivvampjar ikunu effiċjenti fil-kombustjoni tal-metan. Minħabba f’hekk, jenħtieġ li jiġi inkluż ukoll rekwiżit tal-effiċjenza tal-kombustjoni għall-każijiet li fihom l-ivvampjar ikun permess u jenħtieġ li jitneħħew gradwalment l-apparati tal-ivvampjar b’effiċjenza tal-qerda u tat-tneħħija mil-livell tad-disinn ta’ inqas minn 99 %. Jenħtieġ li jkun meħtieġ ukoll l-użu ta’ berners pilota li jqabbdu awtomatikament jew b’mod kontinwu, li jqabbdu b’mod aktar affidabbli peress li mhumiex affettwati mir-riħ.

(44)

L-injezzjoni mill-ġdid jew l-użu tal-metan fuq il-post, jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq jenħtieġ li dejjem ikunu preferibbli mill-ivventjar jew l-ivvampjar. Jenħtieġ li l-operaturi li jivventjaw jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet kompetenti li l-injezzjoni mill-ġdid, l-użu fuq il-post, il-ħżin għall-użu iktar tard, id-dispaċċ tal-metan lejn suq jew l-ivvampjar ma kinux possibbli, u jenħtieġ li l-operaturi li jivvampjaw jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet kompetenti li l-injezzjoni mill-ġdid, l-użu fuq il-post, il-ħżin għall-użu iktar tard jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq ma kienx possibbli.

(45)

Jenħtieġ li l-operaturi jinnotifikaw avvenimenti kbar ta’ ivventjar u ta’ ivvampjar mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti u ta’ kull sena jissottomettu lil dawk l-awtoritajiet rapporti aktar komprensivi dwar l-avvenimenti kollha ta’ vventjar u ta’ vvampjar. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll li t-tagħmir u l-apparati tal-ivventjar u l-ivvampjar jikkonformaw mal-istandards stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni.

(46)

L-emissjonijiet tal-metan minn bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament u dawk magħluqa u abbandunati b’mod permanenti joħolqu riskji għas-saħħa, għas-sikurezza u għall-ambjent. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligi ta’ monitoraġġ, inkluż il-kwantifikazzjoni u, fejn tagħmir ta’ monitoraġġ tal-pressjoni jkun jeżisti, il-monitoraġġ tal-pressjoni, u l-obbligi ta’ rappurtar jibqgħu japplikaw u jenħtieġ li dawk il-bjar u s-siti tal-bjar ikunu magħluqa b’mod permanenti, jiġu rkuprati u rimedjati, kif applikabbli. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom rwol predominanti, b’mod partikolari biex jistabbilixxu inventarji u, fejn l-ebda parti responsabbli ma tkun tista’ tiġi identifikata, jirrapportaw l-emissjonijiet tal-metan u jistabbilixxu pjanijiet ta’ mitigazzjoni fi skadenzi ċari.

(47)

Fil-każ ta’ bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti, jenħtieġ li tiġi pprovduta dokumentazzjoni adegwata li turi li ma hemm l-ebda emissjoni tal-metan għall-bjar kollha li ġew magħluqa u abbandunati b’mod permanenti tul fit-30 sena ta’ qabel u fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew wara u, fejn tali dokumentazzjoni tkun disponibbli, għal bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti aktar minn 30 sena qabel id-data tad- dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Tali dokumentazzjoni jenħtieġ li tinkludi mill-inqas kwantifikazzjoni bbażata fuq il-fattur ta’ emissjoni jew fuq kampjun jew evidenza affidabbli ta’ iżolament permanenti tas-sottosuperfiċje f’konformità ma’ ISO 16530-1:2017, l-istandard internazzjonali applikabbli dwar l-integrità tal-bjar għall-industriji taż-żejt mhux maħdum u tal-gass naturali.

(48)

Meta l-awtoritajiet kompetenti jiġu pprovduti b’evidenza affidabbli ta’ ammonti materjali ta’ emissjonijiet tal-metan f’bir inattiv lil hinn mill-kosta, f’bir magħluq temporanjament jew f’bir magħluq u abbandunat b’mod permanenti, skont il-każ, li jkun ġie kkonfermat minn parti terza indipendenti, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni tal-obbligi għal bjar magħluqa temporanjament fir-rigward ta’ dak il-bir.

(49)

L-għadd ta’ bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament u bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti fit-territorju tal-Istati Membri jvarja b’mod sinifikanti, u xi Stati Membri għandhom għadd ferm kbir ta’ tali bjar fit-territorji tagħhom. Jenħtieġ li t-tali Stati Membri jitħallew japplikaw approċċ aktar gradwali biex jissodisfaw l-obbligi rigward l-istabbiliment ta’ inventarju ta’ dawk il-bjar biex jiżguraw il-proporzjonalità tal-kostijiet u tal-piż amministrattiv assoċjati ma’ dak l-inventarju.

(50)

Peress li l-probabbiltà li tnixxija tal-metan mill-bjar lil hinn mill-kosta tilħaq is-superfiċje jiddependi fuq diversi fatturi u għandu t-tendenza li jonqos skont il-fond tal-ilma u li r-riżorsi meħtieġa għall-istħarriġ u l-intervent fil-bjar lil hinn mill-kosta jiżdiedu hekk kif jiżdiedu l-fond tal-ilma u d-distanza mix-xatt, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati eżenzjonijiet minn ċerti obbligi skont dan ir-Regolament għal bjar lil hinn mill-kosta li jinsabu f’fond akbar tal-ilma, jekk tkun tista’ tiġi pprovduta evidenza robusta li l-impatt fuq il-klima tal-emissjonijiet potenzjali tal-metan minn dawk il-bjar x’aktarx li jkun negliġibbli.

(51)

Id-data tal-inventarju tal-gassijiet serra tal-Unjoni turi li l-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam huma l-akbar sors uniku ta’ emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija tal-Unjoni. Fl-2019, l-emissjonijiet diretti mis-settur tal-faħam kienu jirrappreżentaw 31 % tal-emissjonijiet kollha tal-metan, kważi daqs il-perċentwal tal-emissjonijiet diretti tal-metan miż-żejt u l-gass naturali flimkien, jiġifieri ta’ 33 %.

(52)

Bħalissa, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika madwar l-Unjoni kollha li tillimita l-emissjonijiet tal-metan mis-settur tal-faħam, minkejja d-disponibbiltà ta’ firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji ta’ mitigazzjoni. Ma hemm l-ebda standard tal-Unjoni jew internazzjonali ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika speċifiku għall-faħam. Fl-Unjoni, ir-rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan mill-industrija tal-faħam huwa parti mir-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-Istati Membri. Id-data mill-minjieri tal-faħam taħt l-art hija inkluża wkoll fir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(53)

Studji reċenti juru li l-emissjonijiet tal-metan huma primarjament marbuta ma’ attivitajiet ta’ estrazzjoni taħt l-art, kemm f’minjieri tal-faħam attivi, f’dawk magħluqa kif ukoll f’dawk abbandunati. F’minjieri tal-faħam attivi taħt l-art, il-konċentrazzjoni tal-metan fl-arja hija kkontrollata kontinwament peress li tikkostitwixxi periklu għas-saħħa u għas-sikurezza. Fil-każ ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art, il-maġġoranza l-kbira ta’ emissjonijiet tal-metan iseħħu permezz ta’ sistemi ta’ ventilazzjoni u drenaġġ jew tneħħija tal-gass, li jirrappreżentaw iż-żewġ modi ewlenin kif jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-metan fil-passaġġi tal-arja ta’ minjiera tal-faħam.

(54)

Ladarba l-produzzjoni tkun waqfet u minjiera tal-faħam tingħalaq jew tiġi abbandunata, din tkompli tirrilaxxa l-metan, imsejjaħ “metan tal-minjieri abbandunati” (AMM). Tali emissjonijiet tal-metan tipikament iseħħu f’sorsi lokalizzati definiti sew, bħal xaftijiet tal-ventilazzjoni jew ventijiet għat-tnaqqis tal-pressjoni. B’żieda fl-ambizzjoni klimatika u t-trasferiment tal-produzzjoni tal-enerġija għal sorsi tal-enerġija b’użu anqas intensiv tal-karbonju, l-emissjonijiet tal-AMM x’aktarx li ser jiżdiedu fl-Unjoni. Huwa stmat li anke 10 snin wara li tintemm l-estrazzjoni, il-metan minn minjieri tal-faħam mhux mgħarrqa jkompli jiġi rilaxxat f’livelli li jilħqu madwar 40 % ta’ dawk irreġistrati fil-mument tal-għeluq. Barra minn hekk, it-trattament tal-AMM għadu frammentat minħabba d-drittijiet u l-obbligi differenti ta’ sjieda u sfruttament fl-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu inventarji ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati fejn l-operazzjonijiet waqqfu wara t-3 ta’ Awwissu 1954 u, jenħtieġ li l-parti responsabbli identifikata tkun meħtieġa tinstalla apparati għall-kejl tal-emissjonijiet tal-metan.

(55)

Minjieri tal-faħam tas-superfiċe attivi fl-Unjoni jipproduċu l-linjite u jarmu anqas metan mill-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art. Il-minjieri tal-faħam tal-linjite fl-Unjoni huma fil-biċċa l-kbira minjieri tal-faħam tas-superfiċje, bl-eċċezzjoni ta’ minjiera waħda tal-faħam tal-linjite li tinsab taħt l-art fi Stat Membru wieħed. Skont l-inventarju tal-gassijiet serra tal-Unjoni, fl-2019, il-minjieri tal-faħam tas-superfiċe attivi emettew 166 kilotunnellata ta’ metan meta mqabbla ma’ 828 kilotunnellata ta’ metan minn minjieri tal-faħam taħt l-art. Il-kejl tal-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam tas-superfiċje huwa ta’ sfida minħabba t-tendenza tal-metan li jinxtered fuq żona wiesgħa. Għalhekk, u minkejja d-disponibbiltà ta’ teknoloġija adegwata, l-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam tas-superfiċe rarament jitkejlu. L-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam tas-superfiċe jistgħu jiġu dderivati bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni tal-faħam speċifiċi għall-baċin u, bi preċiżjoni akbar, bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni speċifiċi għall-minjieri jew għad-depożiti, peress li l-baċini tal-faħam għandhom depożiti b’kapaċità differenti li jġorru l-metan. Il-fatturi tal-emissjonijiet jistgħu jiġu dderivati mill-kejl tal-kontenut ta’ gass ta’ kampjuni tas-saffi li jittieħdu mill-qalba ta’ spieri ta’ esplorazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-operaturi tal-minjieri jikkwantifikaw l-emissjonijiet tal-metan fil-minjieri tal-faħam tas-superfiċe bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni bħal dawn.

(56)

L-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam taħt l-art kompletament mgħarrqa għandhom it-tendenza li jonqsu b’mod sinifikanti maż-żmien hekk kif il-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi jistabbilizzaw wara l-għeluq tal-minjiera tal-faħam u t-tlestija tal-proċess tal-għargħar. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li t-tali minjieri tal-faħam jiġu eżentati mill-obbligi ta’ kwantifikazzjoni, fejn ikun debitament ġustifikat.

(57)

L-operaturi tal-minjieri jenħtieġ li jwettqu kejl kontinwu u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan mix-xaftijiet ta’ ventilazzjoni fil-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art u kejl kontinwu ta’ metan ivventjat u vvampjat fl-istazzjonijiet tad-drenaġġ. Jenħtieġ li jużaw fatturi speċifiċi ta’ emissjoni fir-rigward tal-minjieri tal-faħam tas-superfiċje. Jenħtieġ li jirrapportaw dik id-data lill-awtoritajiet kompetenti.

(58)

Il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan tista’ tinkiseb l-aħjar f’minjieri tal-faħam taħt l-art attivi u f’dawk magħluqa jew f’minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati. Il-mitigazzjoni effettiva tal-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam tas-superfiċe attivi u minjieri tal-faħam tas-superfiċe magħluqa jew abbandunati bħalissa hija limitata mit-teknoloġija. Madankollu, sabiex jiġu appoġġati r-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni għal emissjonijiet tal-metan fil-futur, jenħtieġ li jkun hemm monitoraġġ, rappurtar u verifika effettivi u dettaljati tal-iskala ta’ dawk l-emissjonijiet ta’ metan.

(59)

Il-minjieri tal-faħam attivi ta’ taħt l-art huma minjieri tal-faħam termali jew tal-kokk. Il-faħam termali jintuża primarjament bħala sors tal-enerġija u l-faħam tal-kokk jintuża bħala fjuwil u bħala sustanza reattiva fil-proċess tal-produzzjoni tal-azzar. Kemm il-minjieri tal-faħam termali u tal-kokk jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kejl, għar-rappurtar u għall-verifika u għall-miżuri ta’ mitigazzjoni fir-rigward tal-emissjonijiet tal-metan. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ mitigazzjoni jiġu implimentati permezz ta’ eliminazzjoni gradwali tal-ivventjar u tal-ivvampjar. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ mitigazzjoni ma jwasslux għad-deterjorament tas-sikurezza tal-ħaddiema.

(60)

Għall-minjieri tal-faħam attivi taħt l-art, jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri ta’ mitigazzjoni permezz ta’ eliminazzjoni gradwali ta’ apparati tal-ivvampjar b’effiċjenza tal-qerda u t-tneħħija mil-livell tad-disinn ta’ inqas minn 99 %. Filwaqt li l-għargħar ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa jew abbandunati jista’ jipprevjeni l-emissjonijiet tal-metan, dan ma jsirx b’mod sistematiku u joħloq riskji ambjentali. F’dawk il-minjieri tal-faħam, l-apparati tal-ivvampjar b’effiċjenza tal-qerda u t-tneħħija mil-livell tad-disinn inqas minn 99 % jenħtieġ li jitneħħew gradwalment ukoll. Peress li r-restrizzjonijiet ġeoloġiċi u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali jipprevjenu approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd fir-rigward ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu l-pjan ta’ mitigazzjoni tagħhom, filwaqt li jqisu dawk ir-restrizzjonijiet u l-fattibbiltà teknika tal-mitigazzjoni tal-AMM.

(61)

Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam attivi, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jintroduċu sistemi ta’ inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, soġġetti għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dawk is-sistemi jistgħu b’mod partikolari jinċentivaw l-investimenti fil-qbid u l-injezzjoni tal-metan fil-grilja u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan mix-xaftijiet tal-ventilazzjoni u mill-ivvampjar. L-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jintroduċu sistemi ddedikati ta’ tariffi u imposti biex jiffaċilitaw l-investimenti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, fost l-oħrajn, bħala parti mill-programmi ta’ għajnuna mill-Istat immirati lejn id-dekummissjonar tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-faħam, soġġetti għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(62)

L-aħjar prattiki ta’ mitigazzjoni eżistenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan jenħtieġ li jkunu permessi f’minjieri tal-faħam magħluqa jew abbandunati, bħall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ ħżin ġeotermali u tas-sħana f’minjieri tal-faħam mgħarrqa, applikazzjonijiet tal-enerġija idroelettrika f’minjieri tal-faħam mhux mgħarrqa, il-qbid tal-emissjonijiet tal-metan permezz tat-tneħħija tal-gass, l-użu ta’ apparati ta’ tneħħija tal-gass rilevanti għas-sikurezza, l-użu ta’ gass mill-minjieri għall-produzzjoni tal-enerġija jew is-sekwestru tal-ilma tal-minjieri u użi possibbli oħra.

(63)

L-Unjoni tiddependi fuq l-importazzjonijiet għal 70 % tal-konsum tal-faħam iebes tagħha, 97 % tal-konsum taż-żejt tagħha u 90 % tal-konsum tal-gass naturali tagħha. Filwaqt li s-sehem tal-emissjonijiet antropoġeniċi globali tal-metan emessi fl-Ewropa huwa stmat li huwa biss madwar 6 %, il-konsum tal-fjuwils fossili u d-dipendenza fuq l-importazzjoni tagħhom jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-emissjonijiet tal-metan tal-Unjoni.

(64)

L-effetti tat-tisħin globali kkawżati mill-emissjonijiet tal-metan huma transfruntiera. Għalkemm xi pajjiżi terzi li jipproduċu l-enerġija fossili qegħdin jibdew jaġixxu domestikament sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija tagħhom, ħafna produtturi ta’ pajjiżi terzi u esportaturi mhumiex soġġetti għal regolamenti fis-suq domestiku rispettiv tagħhom. Huma jeħtieġu inċentivi ċari biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li tkun disponibbli għas-swieq u għall-pubbliku ġenerali, informazzjoni trasparenti dwar l-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni.

(65)

Bħalissa, id-data preċiża, rappurtata fil-grad 3 tal-UNFCCC jew bl-użu ta’ metodi ekwivalenti, dwar l-emissjonijiet internazzjonali tal-metan hija limitata. Ħafna pajjiżi terzi li jesportaw l-enerġija fossili għadhom ma ssottomettewx data sħiħa tal-inventarju lis-segretarjat tal-UNFCCC. Barra minn hekk, hemm evidenza ta’ żieda akbar fl-emissjonijiet tal-metan mill-attivitajiet tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass globalment, partikolarment minn 65 għal 80 Mt/sena fl-aħħar 20 sena.

(66)

Kif imħabbar fl-Istrateġija dwar il-Metan, l-Unjoni hija impenjata li taħdem f’kooperazzjoni mas-sħab tal-enerġija tagħha u ma’ pajjiżi terzi importaturi u esportaturi ewlenin oħrajn tal-enerġija fossili sabiex tindirizza l-emissjonijiet tal-metan globalment. Id-diplomazija dwar l-enerġija dwar l-emissjonijiet tal-metan diġà tat riżultati importanti. F’Settembru 2021, l-Unjoni u l-Istati Uniti ħabbru l-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan, imnedija fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 26) f’Novembru 2021. Il-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan tirrappreżenta impenn politiku biex naħdmu flimkien sabiex kollettivament jitnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-metan bi 30 % meta mqabbla mal-livelli tal-2020 sal-2030, u biex jittieħdu azzjonijiet domestiċi komprensivi biex tintlaħaq dik il-mira. Din tinkludi wkoll impenn sabiex isir progress lejn l-użu tal-aqwa metodoloġiji ta’ inventarju disponibbli għall-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan. Aktar minn 100 pajjiż, li jammontaw għal madwar nofs l-emissjonijiet antropoġeniċi globali tal-metan, diġà ssieħbu mal-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan.

(67)

L-IMEO għandu rwol importanti biex tiżdied it-trasparenza dwar l-emissjonijiet globali tal-metan fis-settur tal-enerġija u l-Kummissjoni jenħtieġ li tkompli tikkoopera mal-IMEO.

(68)

B’mod parallel għat-tkomplija tal-ħidma diplomatika tagħha sabiex jintlaħqu l-impenji globali għal tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet tal-metan, l-Unjoni tkompli tinkoraġġixxi l-isforzi kollha relatati ma’ tnaqqis sinifikanti ta’ dawk l-emissjonijiet globalment, u b’mod partikolari fil-pajjiżi terzi li jfornu l-enerġija fossili lill-Unjoni.

(69)

Għalhekk, jenħtieġ li l-importaturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam lejn l-Unjoni jkunu meħtieġa jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti informazzjoni dwar il-miżuri relatati mal-kejl, ir-rappurtar, il-verifika u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan imwettqa mill-esportaturi lejn l-Unjoni, b’mod partikolari dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri regolatorji jew volontarji għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-metan tal-produtturi ta’ pajjiżi terzi li jfornu ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam, bħal stħarriġ LDAR jew miżuri għall-kontroll u r-restrizzjoni ta’ avvenimenti ta’ ivventjar u avvenimenti ta’ ivvampjar. Il-livelli ta’ kejl u rappurtar stabbiliti fir-rekwiżiti ta’ informazzjoni applikati għall-importaturi jenħtieġ li jikkorrispondu għal dawk applikati għall-operaturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-obbligu fuq l-importaturi li jipprovdu informazzjoni dwar miżuri meħuda sabiex jiġu kkontrollati l- -emissjonijiet tal-metan jenħtieġ li ma jkunx aktar ta’ piż mill-obbligu korrispondenti fuq l-operaturi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jgħaddu l-informazzjoni dwar dawk il-miżuri lill-Kummissjoni. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, l-Unjoni jenħtieġ li tistabbilixxi u timmaniġġja bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan, li jkun fiha informazzjoni rrapportata mill-produtturi tal-Unjoni u mill-importaturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam. Tali bażi tad-data sservi bħala sors ta’ informazzjoni għad-deċiżjonijiet dwar ix-xiri tal-importaturi ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam, kif ukoll għal partijiet ikkonċernati oħrajn u għall-pubbliku. Minbarra l-bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa profili tal-prestazzjoni tal-metan, li jkun fihom id-data dwar l-emissjonijiet tal-metan relatata maż-żejt mhux maħdum, mal-gass naturali u mal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni. Dawk il-profili jenħtieġ li jinkludu wkoll valutazzjoni tal-isforzi mwettqa mill-produtturi, l-importaturi tal-Unjoni, u mill-produtturi u l-esportaturi ta’ pajjiżi terzi tal-enerġija fossili lill-Unjoni biex ikejlu u jirrapportaw, kif ukoll inaqqsu, l-emissjonijiet tal-metan tagħhom. Dawk il-profili jenħtieġ li jinkludu wkoll informazzjoni dwar l-azzjonijiet regolatorji rigward il-kejl, ir-rappurtar, il-verifika u l-mitigazzjoni meħuda minn pajjiżi terzi fejn jiġu prodotti ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali u l-faħam.

(70)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi għodda globali għall-monitoraġġ tal-metan li tipprovdi informazzjoni dwar l-okkorrenza, il-kobor u l-post ta’ avvenimenti b’emissjonijiet għoljin ta’ metan minn sorsi tal-enerġija, kif ukoll mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida biex jiġu indirizzati avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna li jseħħu fl-Unjoni jew barra minnha. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe informazzjoni debitament sostanzjata riċevuta mill-Istati Membri jew minn partijiet terzi dwar avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jikkondividu mal-Kummissjoni t-tali informazzjoni. Dawk l-għodod jenħtieġ li jkomplu jinkoraġġixxu riżultati reali u dimostrabbli mill-implimentazzjoni ta’ miżuri li jirregolaw l-emissjonijiet tal-metan u minn azzjonijiet effettivi ta’ mitigazzjoni meħuda minn impriżi fl-Unjoni u minn dawk li jfornu l-enerġija fossili lill-Unjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk l-għodod ikunu bbażati fuq għodod jew oqfsa internazzjonali eżistenti. Dawk l-għodod jenħtieġ li jiġbru data minn diversi fornituri u servizzi tad-data ċċertifikati, inkluż il-komponent Copernicus tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u l-IMEO. Jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni għall-finijiet tad-djalogi bilaterali tal-Kummissjoni ma’ pajjiżi terzi rilevanti rigward il-politiki u l-miżuri dwar l-emissjonijiet tal-metan.

(71)

Flimkien, il-bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan, il-profili tal-prestazzjoni tal-metan, l-għodda globali ta’ monitoraġġ tal-metan u l-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida jenħtieġ li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tat-trasparenza għax-xerrejja fl-Unjoni, li tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-provvista, u jtejbu l-possibbiltà ta’ adozzjoni usa’ ta’ soluzzjonijiet ta’ mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan madwar id-dinja. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawk l-istrumenti jinċentivaw aktar lill-impriżi ta’ pajjiżi terzi sabiex japplikaw standards internazzjonali ta’ kejl u rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan, bħal dawk adottati fi ħdan il-qafas OGMP 2.0, jew sabiex jadottaw miżuri effettivi ta’ kejl, u miżuri ta’ rappurtar u mitigazzjoni, u jippermettu għall-verifika.

(72)

Kuntratti ġodda li l-importaturi tal-Unjoni jikkonkludu għall-provvista ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam jenħtieġ li jsaħħu l-adozzjoni f’pajjiżi terzi ta’ regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-metan ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jippermettu lill-fornituri tal-pajjiżi terzi u lill-importaturi tal-Unjoni juru l-ekwivalenza ta’ tali miżuri mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam importati lejn l-Unjoni. Filwaqt li klawżoli għal dak l-għan ma jistgħux jiġu imposti fil-każ ta’ kuntratti eżistenti, huwa possibbli li tali klawżoli jiġu inklużi f’kuntratti ġodda jew f’kuntratti eżistenti li jinsabu fil-proċess li jiġġeddu, anki b’mod taċitu. F’dak il-kuntest, klawżoli mudell rakkomandati mill-Kummissjoni jkunu utli għall-impriżi.

(73)

Jenħtieġ ikun possibbli li l-ekwivalenza tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-metan tinkiseb mhux biss permezz ta’ miżuri applikati minn impriżi individwali, iżda wkoll fil-livell ta’ pajjiżi terzi, permezz tal-oqfsa legali fis-seħħ li jirregolaw it-tali monitoraġġ, rappurtar u verifika. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-evidenza li għandha tiġi pprovduta minn pajjiżi terzi f’dak ir-rigward, billi tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-pajjiżi terzi esportaturi kollha u filwaqt li tqis kif xieraq kwalunkwe ċirkostanza differenti preżenti f’dawk il-pajjiżi terzi u l-obbligi tal-Unjoni skont il-liġi internazzjonali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa wkoll li tistabbilixxi u tirrevoka ekwivalenza għal pajjiżi terzi individwali, fejn xieraq.

(74)

Jenħtieġ li jiġu previsti strumenti, inkluż djalogi dwar avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u d-deċiżjonijiet tal-ekwivalenza ta’ verifika u l-adozzjoni ta’ oqfsa ta’ kooperazzjoni, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-obbligi fuq l-importaturi, kif ukoll fuq il-produtturi jew l-esportaturi stabbiliti f’pajjiżi terzi li jfornu żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam lill-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproponi strumenti għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li l-adozzjoni ta’ dawk l-istrumenti tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, fejn applikabbli.

(75)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tidħolx fi djalogu ma’ pajjiżi terzi dwar avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna, jenħtieġ li toqgħod lura milli tadotta deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza u jenħtieġ li ma tirrakkomandax il-ftuħ ta’ negozjati għal qafas ta’ kooperazzjoni fejn dan jirriskja li jevita l-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jew l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-importazzjoni ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam.

(76)

Ladarba l-bażi tad-data dwar it-trasparenza tal-metan, il-profili tal-prestazzjoni tal-metan, l-għodda globali għall-monitoraġġ tal-metan u l-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida jkunu fis-seħħ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam. Jenħtieġ li dik il-metodoloġija tkun disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fuq dik il-bażi, tivvaluta l-impatt potenzjali ta’ diversi livelli ta’ valuri massimi tal-intensità tal-metan fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, kif ukoll fuq il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni.

(77)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tistabbilixxi valuri u klassijiet obbligatorji tal-intensità massima tal-metan assoċjati mal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, abbażi tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam u l-valutazzjoni tal-impatt potenzjali tal-istabbiliment ta’ valuri massimi tal-intensità tal-metan. Dawk il-valuri jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livelli li jippromwovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-metan, filwaqt li jippreservaw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, jiżguraw trattament mhux diskriminatorju u jipproteġu l-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni.

(78)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata ta’ dan ir-Regolament u jinħoloq qafas tekniku komuni għall-atturi kollha fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), li titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni rilevanti jabbozzaw standards armonizzati għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, għall-istħarriġ LDAR u għat-tagħmir tal-ivventjar u l-ivvampjar. Jenħtieġ li dawk l-istandards isiru obbligatorji għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat fost l-operaturi, l-impriżi u l-operaturi tal-minjieri u dawk involuti fl-iżgurar tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-verifikaturi. Meta ma jkunux jistgħu jingħataw standards armonizzati jew dawn ma jiżgurawx il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta preskrizzjonijiet tekniċi biex tkopri r-rekwiżiti meħtieġa. Sad-data tal-applikazzjoni tat-tali standards jew preskrizzjonijiet tekniċi, l-operaturi, l-impriżi u l-operaturi tal-minjieri jenħtieġ isegwu prattiki industrijali tal-ogħla livell u l-aqwa teknoloġiji disponibbli.

(79)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk il-penali jinkludu multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Sabiex dawk il-penali jkollhom effett ta’ deterrent sinifikanti, jenħtieġ li l-penali jkunu adegwati għat-tip ta’ ksur, għall-benefiċċju ekonomiku li jirriżulta minn dan il-ksur u għat-tip u l-gravità tad-dannu ambjentali u l-impatt fuq is-sikurezza tal-bniedem u s-saħħa pubblika. Meta jiġu imposti penali, jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti jqisu n-natura, il-gravità u d-durata tal-ksur inkwistjoni. Jenħtieġ li l-penali jiġu imposti b’mod mhux diskriminatorju u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, internazzjonali u nazzjonali. Jenħtieġ li jiġu rispettati s-salvagwardji proċedurali applikabbli u l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(80)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, jenħtieġ li tiġi stabbilita lista tat-tipi ta’ ksur li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal penali. Barra minn hekk, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni konsistenti tal-penali fl-Istati Membri kollha, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji komuni mhux eżawrjenti u indikattivi għall-applikazzjoni tal-penali. L-effett deterrenti tal-penali jenħtieġ li jissaħħaħ billi tiġi prevista l-possibbiltà li tiġi ppubblikata l-informazzjoni relatata mal-penali imposti mill-Istati Membri, soġġett għar-Regolamenti (UE) 2016/679 (17) u (UE) 2018/1725 (18) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill meta l-penali jiġu imposti fuq persuni fiżiċi.

(81)

Bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet li jeħtieġu li l-investimenti minn entitajiet regolati jitqiesu fl-iffissar tat-tariffi, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) jiġi emendat sabiex l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tiġi fdata bil-kompitu li tagħmel disponibbli sett ta’ indikaturi u valuri ta’ referenza għat-tqabbil tal-kostijiet ta’ unità ta’ investiment marbuta mal-kejl, il-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan għal proġetti komparabbli.

(82)

Sabiex jiġu ddefiniti l-elementi tat-tneħħija gradwali tal-ivventjar u tal-ivvampjar fil-minjieri tal-faħam tal-kokk, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-ivventjar tal-metan mix-xaftijiet ta’ ventilazzjoni għall-minjieri tal-faħam tal-kokk. Barra minn hekk, sabiex tkun tista’ teżiġi aktar informazzjoni mill-importaturi, fejn meħtieġ, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi timmodifika jew iżżid mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-importaturi. Barra minn hekk, sabiex tiġi stabbilita l-metodoloġija għall-kalkolu tal-intensità tal-metan assoċjata mal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, mal-gass naturali u mal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni fil-livell tal-produttur, kif ukoll sabiex jiġu stabbiliti l-valuri u l-klassijiet tal-intensità massima tal-metan rilevanti, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont skont mal-Artikolu 290 TFUE biex tissupplimenta dan ir-Regolament. Fl-aħħar nett, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta standards armonizzati u preskrizzjonijiet tekniċi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (20). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(83)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dettaljati fir-rigward tal-mudelli għar-rappurtar tal-emissjonijiet tal-metan, il-limiti minimi tad-detezzjoni u t-tekniki ta’ detezzjoni għall-apparati ta’ detezzjoni u l-livelli limitu li japplikaw għall-ewwel pass tal-istħarriġ LDAR, kif ukoll il-proċedura u r-rekwiżiti u d-deċiżjonijiet individwali fir-rigward tal-ekwivalenza tal-miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika f’pajjiżi terzi, f’konformità mal-Artikolu 291 TFUE. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(84)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja u teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport jenħtieġ li jivvaluta b’mod partikolari l-effettività u l-effiċjenza ta’ dan ir-Regolament, il-livell ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan miksub u jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali jew alternattivi. Dak ir-rapport jenħtieġ iqis il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni f’oqsma relatati. Skont il-konklużjonijiet f’dak ir-rapport u bħala parti mir-rieżami ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tissottometti proposti leġiżlattivi, fejn xieraq.

(85)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment tar-regoli għall-kejl, il-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika preċiża, kif ukoll it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija fl-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-kejl, il-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika preċiża tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija fl-Unjoni, kif ukoll għat-tnaqqis ta’ dawk l-emissjonijiet, inkluż permezz ta’ stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet, l-obbligi ta’ tiswija u restrizzjonijiet fuq l-ivventjar u l-ivvampjar. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar għodod li jiżguraw it-trasparenza fir-rigward tal-emissjonijiet tal-metan.

2.   Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)

l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ żejt u gass naturali, u l-ġbir u l-ipproċessar tal-gass naturali;

(b)

bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament u bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti;

(c)

it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-gass naturali, minbarra s-sistemi tal-metraġġ fil-punti tal-konsum finali u l-partijiet tal-linji tas-servizz bejn in-network tad-distribuzzjoni u s-sistema tal-metraġġ li jinsabu fil-proprjetà tal-klijenti finali, kif ukoll il-ħżin taħt l-art u l-operazzjonijiet fil-faċilitajiet tal-LNG; u

(d)

minjieri tal-faħam taħt l-art u tas-superfiċje attivi, minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati.

3.   Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-emissjonijiet tal-metan li jseħħu barra mill-Unjoni, fir-rigward taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, kif imsemmi fil-Kapitolu 5.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“emissjonijiet tal-metan” tfisser l-emissjonijiet diretti kollha minn kwalunkwe komponent, kemm jekk jirriżultaw minn ivventjar, kombustjoni mhux kompluta mill-ivvampjar, kif ukoll minn tnixxijiet;

(2)

“komponent” tfisser kwalunkwe parti jew element ta’ tagħmir użat f’installazzjonijiet jew infrastruttura taż-żejt, il-gass naturali jew il-faħam, li għandhom il-potenzjal li jarmu l-metan;

(3)

“operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li topera jew tikkontrolla assi jew, fejn dan huwa previst fil-liġi nazzjonali, lil min ġiet iddelegata setgħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku ta’ assi;

(4)

“assi” tfisser unità kummerċjali jew operattiva, li tista’ tkun magħmula minn diversi faċilitajiet jew siti, inklużi assi operattivi u assi mhux operattivi;

(5)

“assi operattivi” tfisser assi li huma taħt il-kontroll operazzjonali tal-operatur;

(6)

“assi mhux operattivi” tfisser assi li mhumiex taħt il-kontroll operazzjonali tal-operatur;

(7)

“sit” tfisser ġabra ta’ komponenti b’xi relazzjoni ma’ xulxin bħala suddiviżjoni ta’ assi;

(8)

“trażmissjoni” tfisser trażmissjoni kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (17), tad-Direttiva (UE) 2024/1788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22);

(9)

“operatur tas-sistema tat-trażmissjoni” tfisser operatur tas-sistema tat-trażmissjoni kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (18), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;

(10)

“distribuzzjoni” tfisser distribuzzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (19), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;

(11)

“operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” tfisser operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (20), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;

(12)

“operatur tal-minjiera” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li topera jew tikkontrolla minjiera tal-faħam jew, fejn dan huwa previst skont il-liġi nazzjonali, lil min ġiet iddelegata setgħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku tal-minjiera tal-faħam;

(13)

“verifika” tfisser l-attivitajiet imwettqa minn verifikatur sabiex jivvaluta l-konformità ma’ dan ir-Regolament tar-rapporti trażmessi mill-operaturi, mill-impriżi u mill-operaturi tal-minjieri skont dan ir-Regolament;

(14)

“verifikatur” tfisser persuna ġuridika li twettaq attivitajiet ta’ verifika u li, meta tinħareġ dikjarazzjoni ta’ verifika, tkun akkreditata minn korp nazzjonali ta’ akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008, jew, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament, persuna fiżika awtorizzata b’mod ieħor biex twettaq attivitajiet ta’ verifika;

(15)

“sors” tfisser komponent jew struttura ġeoloġika li tirrilaxxa l-metan fl-atmosfera kemm jekk intenzjonalment kif ukoll jekk le, b’mod intermittenti jew b’mod persistenti;

(16)

“fattur ta’ emissjoni” tfisser koeffiċjent li jikkwantifika l-emissjonijiet ta’ gass għal kull unità ta’ attività, li huwa bbażat fuq kampjun ta’ data tal-kejl, jew fuq metodi ta’ kwantifikazzjoni oħrajn espress bħala medja sabiex tiġi żviluppata rata rappreżentattiva ta’ emissjoni għal livell ta’ attività partikolari skont sett partikolari ta’ kundizzjonijiet operattivi;

(17)

“fattur ta’ emissjoni ġeneriku” tfisser fattur ta’ emissjoni standardizzat għal kull tip ta’ sors ta’ emissjoni li huwa derivat minn inventarji jew minn bażijiet tad-data, iżda fi kwalunkwe każ mhux ivverifikat permezz ta’ kejl dirett;

(18)

“fattur ta’ emissjoni speċifiku” tfisser fattur ta’ emissjoni għal tip ta’ sors ta’ emissjoni li huwa derivat minn kejl dirett;

(19)

“kejl dirett” tfisser kejl tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors b’apparat tal-kejl li jippermetti tali kejl;

(20)

“kwantifikazzjoni” tfisser attivitajiet biex tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ emissjonijiet tal-metan, permezz ta’ kejl dirett, jew fejn dawk ma jkunux fattibbli, abbażi ta’ metodi oħra bħal għodod ta’ simulazzjoni, u kalkoli dettaljati oħra tal-inġinerija jew taħlita ta’ tali metodi;

(21)

“emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sit” tfisser is-sorsi kollha ta’ emissjonijiet tal-metan f’sit;

(22)

“kejl fil-livell tas-sit” tfisser kejl li jagħti ħarsa ġenerali sħiħa lejn l-emissjonijiet kollha tal-metan fil-livell tas-sit, inkluż, għal network ta’ pipelines, l-emissjonijiet minn segmenti ta’ tali network, u tipikament jinvolvi l-użu ta’ sensuri immuntati fuq pjattaforma mobbli, bħal vettura, dron, inġenju tal-ajru, dgħajsa jew satellita, jew l-użu ta’ mezzi oħra, bħal sensuri fissi jew networks kontinwi ta’ sensuri lokalizzati;

(23)

“impriża” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li twettaq għall-anqas waħda mill-attivitajiet li ġejjin: l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt jew tal-gass naturali, il-ġbir u l-ipproċessar tal-gass naturali, jew it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin taħt l-art tal-gass, inkluż fir-rigward tal-LNG;

(24)

“Faċilità LNG” tfisser faċilità LNG kif definita fl-Artikolu 2, punt (32), tad-Direttiva (UE) 2024/1788;

(25)

“stħarriġ dwar id-detezzjoni u tiswija tat-tnixxijiet” jew “stħarriġ tal-LDAR” tfisser stħarriġ sabiex jiġu identifikati u skoperti sorsi ta’ tnixxijiet tal-metan u sorsi oħra ta’ tnixxijiet tal-metan mhux intenzjonati, u sabiex jissewwew jew jinbidlu l-komponenti rilevanti;

(26)

“stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet tat-tip 1” jew “staħħriġ tal-LDAR tat-tip 1” tfisser stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet imwettaq f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(2), (7) u (8) u fil-Parti 1 tal-Anness I għall-istħarriġ LDAR tat-tip 1;

(27)

“stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet tat-tip 2” jew “stħarriġ tal-LDAR tat-tip 2” tfisser stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet imwettaq f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(2), (7) u(8) u fil-Parti 1 tal-Anness I għall-istħarriġ LDAR tat-tip 2;

(28)

“post tal-produzzjoni” tfisser post fejn iż-żejt jew il-gass naturali jiġi estratt mill-art u fejn ma jsir l-ebda pproċessar;

(29)

“post tal-ipproċessar” tfisser post fejn il-proċessi, bħas-separazzjoni taż-żejt u tal-gass naturali mill-ilma, jintużaw biex jiġi ttrattat iż-żejt u l-gass naturali;

(30)

“għeluq” tfisser sitwazzjoni fejn sit jew parti mill-komponenti tiegħu ma jibqgħux joperaw taħt kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim u jingħalqu, u fejn ikun meħtieġ tnaqqis sħiħ jew parzjali tal-pressjoni qabel ma jkunu jistgħu jinbdew xogħlijiet ta’ tiswija jew manutenzjoni;

(31)

“ivventjar” tfisser ir-rilaxx dirett ta’ metan mhux maħruq fl-atmosfera;

(32)

“ivvampjar” tfisser ir-rimi tal-metan permezz ta’ kombustjoni kkontrollata, f’apparat iddisinjat għal dak l-għan;

(33)

“ivvampjar ta’ rutina” tfisser l-ivvampjar matul il-produzzjoni normali taż-żejt jew tal-gass naturali u fin-nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati jew ġeoloġija li tista’ tiġi adattata sabiex il-metan jiġi injettat mill-ġdid, jintuża fuq il-post jew jintbagħat lejn suq, u jeskludi l-ivvampjar ikkawżat minn emerġenza jew funzjonament ħażin;

(34)

“torri tal-ivvampjar” tfisser apparat mgħammar b’berner li jintuża għall-ivvampjar;

(35)

“emerġenza” tfisser sitwazzjoni temporanja, mhux mistennija u mhux frekwenti li fiha l-emissjonijiet tal-metan jkunu inevitabbli u meħtieġa sabiex jiġi evitat impatt negattiv imminenti u sostanzjali fuq is-sikurezza tal-bniedem, is-saħħa jew l-ambjent, u teskludi sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn jew relatati mal-avvenimenti li ġejjin:

(a)

in-nuqqas mill-operatur li jinstalla tagħmir xieraq ta’ kapaċità suffiċjenti għar-rata u l-pressjoni tal-produzzjoni mistennija jew attwali;

(b)

in-nuqqas tal-operatur li jillimita l-produzzjoni meta r-rata tal-produzzjoni taqbeż il-kapaċità tat-tagħmir relatat jew tas-sistema ta’ ġbir, ħlief meta l-produzzjoni żejda tkun dovuta għal emerġenza downstream, funzjonament ħażin jew tiswija mhux skedata, u ddum għal mhux aktar minn 8 sigħat mill-ħin tan-notifika tal-problema tal-kapaċità downstream;

(c)

manutenzjoni skedata;

(d)

negliġenza min-naħa tal-operatur;

(e)

ħsara ripetuta, jiġifieri erba’ ħsarat jew aktar fit-30 jum preċedenti, tal-istess biċċa ta’ tagħmir;

(36)

“funzjonament ħażin” tfisser ħsara jew waqfien tat-tagħmir f’daqqa u inevitabbli lil hinn mill-kontroll raġonevoli tal-operatur li tfixkel b’mod sostanzjali l-operazzjonijiet iżda ma tikkostitwixxix ħsara jew waqfien tat-tagħmir ikkawżati kompletament jew parzjalment minn manutenzjoni ħażina jew operat b’negliġenza, jew minn kawża oħra li tista’ tiġi evitata;

(37)

“effiċjenza tal-qerda u t-tneħħija” tfisser il-perċentwal tal-massa ta’ metan li jinqered jew jitneħħa wara li l-kombustjoni tkun waqfet b’mod relattiv għall-kwantità ta’ metan li jidħol fit-torri tal-ivvampjar;

(38)

“bir inattiv” tfisser bir tal-esplorazzjoni jew tal-produzzjoni taż-żejt jew tal-gass jew sit tal-bir, fuq l-art jew lil hinn mill-kosta, li fih, għal mill-inqas sena, ma tkun saret l-ebda operazzjoni għall-esplorazzjoni jew għall-produzzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ bjar magħluqa temporanjament u bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti;

(39)

“bir magħluq temporanjament” tfisser bir ta’ esplorazzjoni jew ta’ produzzjoni taż-żejt jew tal-gass jew sit tal-bir, fuq l-art jew lil hinn mill-kosta, fejn ikunu ġew installati lqugħ tal-bjar sabiex tiġi iżolata temporanjament ir-riżerva tal-produzzjoni u fejn ikun għadu disponibbli l-aċċess għall-bir;

(40)

“bir magħluq u abbandunat b’mod permanenti” tfisser bir ta’ esplorazzjoni jew ta’ produzzjoni taż-żejt jew tal-gass jew sit tal-bir, fuq l-art jew lil hinn mill-kosta, li jkun ingħalaq u ħadd u xejn ma jista’ jidħol fih, li fih l-operazzjonijiet kollha jkunu ġew itterminati u li fih l-installazzjonijiet kollha assoċjati mal-bir ikunu tneħħew skont ir-rekwiżiti regolatorji applikabbli u fejn tista’ tiġi pprovduta dokumentazzjoni kif stabbilit fil-Parti 1, punt 3, tal-Anness V;

(41)

“rimedjazzjoni” tfisser il-proċess tat-tindif tal-ilma u tal-ħamrija kontaminati;

(42)

“reklamazzjoni” tfisser il-proċess li bih bir taż-żejt jew tal-gass jew sit ta’ bir jerġa’ lura għall-kundizzjonijiet ta’ ħamrija u ta’ veġetazzjoni simili għal dawk li kienu jeżistu qabel ma ġie disturbat;

(43)

“minjiera tal-faħam” tfisser sit fejn isseħħ jew tkun seħħet estrazzjoni tal-faħam, inkluż artijiet, skavi, passaġġi taħt l-art, xaftijiet, inklinazzjonijiet, mini u xogħlijiet, strutturi, faċilitajiet, tagħmir, magni u għodod li jinsabu fuq is-superfiċe jew taħt l-art u li jintużaw fi, jew li jirriżultaw mix-xogħol tal-estrazzjoni tal-linjite, tal-faħam subbituminuż, tal-faħam bituminuż jew tal-antraċit mid-depożiti naturali tiegħu fl-art bi kwalunkwe mezz u bi kwalunkwe metodu, u jinkludi x-xogħol tat-tħejjija tal-faħam għall-estrazzjoni;

(44)

“minjiera tal-faħam attiva” tfisser minjiera tal-faħam, li l-maġġoranza tad-dħul tagħha jiġi mill-estrazzjoni tal-linjite, tal-faħam subbituminuż, tal-faħam bituminuż jew tal-antraċiti, u fejn japplikaw mill-anqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-iżvilupp tal-minjiera għaddej;

(b)

il-faħam ġie prodott fl-aħħar 90 jum;

(c)

il-fannijiet għall-ventilazzjoni tal-minjiera jkunu operattivi;

(45)

“minjiera tal-faħam ta’ taħt l-art” tfisser minjiera tal-faħam fejn il-faħam jiġi prodott permezz ta’ tħaffir ta’ mini fl-art sas-saff tal-faħam, fejn imbagħad il-faħam jiġi estratt b’tagħmir tal-estrazzjoni tal-faħam ta’ taħt l-art bħal magni tat-tqattigħ u magni tal-estrazzjoni kontinwa, tal-estrazzjoni fit-tul u tal-estrazzjoni fil-qosor u ttrasportat lejn is-superfiċje;

(46)

“minjiera tal-faħam tas-superfiċe” tfisser minjiera tal-faħam fejn il-faħam jinsab qrib is-superfiċe u jista’ jiġi estratt billi jitneħħew is-saffi ta’ kopertura tal-blat u tal-ħamrija;

(47)

“xaft ta’ ventilazzjoni” tfisser passaġġ vertikali użat sabiex l-arja friska tiċċaqlaq taħt l-art jew sabiex jitneħħew il-metan u gassijiet oħrajn minn minjiera tal-faħam taħt l-art;

(48)

“stazzjon tad-drenaġġ” tfisser stazzjon li jiġbor il-metan minn sistema tad-drenaġġ tal-gass mill-minjieri tal-faħam;

(49)

“sistema tad-drenaġġ” tfisser sistema li tista’ tinkludi diversi sorsi tal-metan u li tarmi gass rikk fil-metan minn saffi tal-faħam jew minn saffi tal-blat tal-madwar u tittrasportah lejn stazzjon tad-drenaġġ;

(50)

“attivitajiet ta’ wara l-estrazzjoni” tfisser attivitajiet imwettqa wara li l-faħam ikun ġie estratt mill-minjieri u ttrasportat lejn is-superfiċe, inkluż l-immaniġġjar, l-ipproċessar, il-ħżin u t-trasport tal-faħam;

(51)

“kejl kontinwu” tfisser kejl fejn il-qari jittieħed mill-anqas kull minuta;

(52)

“depożitu tal-faħam” tfisser żona li fiha konċentrazzjonijiet sinfikanti u kwantitajiet ta’ faħam li jistgħu jiġu estratti, definita skont il-metodoloġija tal-Istat Membru dwar id-dokumentazzjoni tad-depożiti minerali ġeoloġiċi;

(53)

“minjiera tal-faħam magħluqa” tfisser minjiera tal-faħam fejn il-produzzjoni tal-faħam tkun waqfet, li tkun magħluqa f’konformità mar-rekwiżiti ta’ liċenzjar applikabbli jew arranġamenti oħra, u li għaliha operatur, sid jew detentur ta’ liċenzja jkun għad għandu permess validu, liċenzja jew dokument legali ieħor li jikkonferixxi r-responsabbiltà għall-minjiera tal-faħam;

(54)

“minjiera tal-faħam abbandunata” tfisser minjiera tal-faħam fejn il-produzzjoni tal-faħam tkun waqfet iżda li għaliha l-ebda operatur, sid jew detentur ta’ liċenzja ma jkun jista’ jiġi identifikat bħala soġġett għall-obbligi taħt permess, liċenzja jew kwalunkwe dokument legali ieħor attiv li jikkonferixxi r-responsabbiltà għall-minjiera tal-faħam, jew li ma jkunx ingħalaq b’mod regolat;

(55)

“użu alternattiv ta’ minjiera tal-faħam ta’ taħt l-art abbandunata” tfisser l-użu tal-infrastruttura tal-minjiera tas-sottosuperfiċje u tat-tagħmir tal-estrazzjoni tal-faħam għal skopijiet għajr il-produzzjoni tal-faħam;

(56)

“it-tagħmir tal-estrazzjoni tal-faħam” tfisser kwalunkwe tagħmir li jibqa” marbut mal-istrati li jġorru il-metan, bħal passaġġi tal-ventilazzjoni u l-pajpijiet tad-drenaġġ;

(57)

“minjiera tal-faħam tal-kokk” tfisser minjiera fejn mill-anqas 50 % tal-output tal-produzzjoni medja matul l-aħħar 3 snin disponibbli huwa l-faħam tal-kokk, kif definit fl-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23);

(58)

“produttur” tfisser impriża li, matul attività kummerċjali, tipproduċi żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam, permezz tal-estrazzjoni mill-art f’żona liċenzjata, tipproċessahom jew twassalhom permezz ta’ infrastruttura konnessa f’dik iż-żona liċenzjata;

(59)

“importatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, matul attività kummerċjali, tqiegħed iż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam li joriġina minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni, inkluż kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni maħtura biex twettaq l-atti u l-formalitajiet meħtieġa skont il-Kapitolu 5;

(60)

“esportatur” tfisser il-kontroparti kuntrattwali għall-importatur f’kull kuntratt konkluż għall-provvista ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam fl-Unjoni;

(61)

“profil tal-prestazzjoni tal-metan” tfisser l-informazzjoni u l-iskedi tad-data individwali għall-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u, kif applikabbli, il-produtturi jew l-importaturi tal-Unjoni, kif ukoll il-produtturi jew l-esportaturi ta’ pajjiżi terzi li jfornu żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam lill-Unjoni jew li jqiegħdu żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam fis-suq tal-Unjoni, kif applikabbli, li jiġu ppubblikati fil-bażi tad-data għat-trasparenza tal-metan;

(62)

“avveniment b’emissjonijiet kbar ħafna” tfisser avveniment li jseħħ fl-Unjoni jew barra minnha fejn sors jew għadd ta’ sorsi konnessi mill-qrib f’sit jarmi aktar minn 100 kg ta’ metan fis-siegħa;

(63)

“proċess ta’ rikonċiljazzjoni” tfisser l-investigazzjoni u l-ispjegazzjoni tar-raġunijiet għal kwalunkwe diskrepanza statistikament sinifikanti bejn il-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors u l-kejl fil-livell tas-sit tal-emissjonijiet tal-metan.

Artikolu 3

Spejjeż imġarrba mill-operaturi

1.   Meta jistabbilixxu jew japprovaw tariffi jew il-metodoloġiji li għandhom jintużaw mill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni, mill-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni, mill-operaturi tal-faċilita’ tal-LNG jew minn entitajiet regolati oħrajn, inkluż, fejn applikabbli, l-operaturi tal-ħżin tal-gass taħt l-art, l-awtoritajiet regolatorji skont l-Artikolu 57 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Kapitolu X tad-Direttiva (UE) 2024/1788 għandhom iqisu l-kostijiet imġarrba u l-investimenti magħmula sabiex jikkonformaw mal-obbligi skont dan ir-Regolament, sa fejn dawn jikkorrispondu ma’ dawk ta’ entità regolata effiċjenti u strutturalment komparabbli u jkunu trasparenti.

Il-kostijiet unitarji ta’ investiment imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet regolatorji biex jagħmlu valutazzjoni komparattiva tal-kostijiet imġarrba mill-operaturi.

2.   Kull 3 snin, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għandha tistabbilixxi u tagħmel disponibbli għall-pubbliku sett ta’ indikaturi u valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil tal-kostijiet unitarji ta’ investiment marbuta mal-kejl, il-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, inkluż minn tnixxijiet, ivventjar jew ivvampjar, għal proġetti komparabbli.

L-awtoritajiet regolatorji rilevanti msemmija fl-ewwel paragrafu u l-entitajiet regolati rilevanti għandhom jipprovdu lill-ACER bid-data kollha meħtieġa għat-tqabbil imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

KAPITOLU 2

AWTORITAJIET KOMPETENTI U VERIFIKA INDIPENDENTI

Artikolu 4

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità kompetenti waħda jew aktar sabiex tkun responsabbli għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom sal-5 ta’ Frar 2025. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla fl-ismijiet jew fid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-lista tal-awtoritajiet kompetenti disponibbli għall-pubbliku u għandha taġġorna dik il-lista regolarment kif tirċievi notifika ta’ kwalunkwe bidla minn Stat Membru.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu punt ta’ kuntatt u jkollhom setgħat u riżorsi adegwati sabiex iwettqu l-kompiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Kompiti tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   L-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri u l-importaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti l-assistenza kollha meħtieġa sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ dokumentazzjoni jew rekords, aċċess għas-sit u, fejn jinsab is-sit lil hinn mill-kosta, it-trasport lejn jew mis-sit.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni u jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi network ta’ awtoritajiet kompetenti sabiex trawwem il-kooperazzjoni, bl-arranġamenti meħtieġa għall-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari dwar il-monitoraġġ, ir-regolamentazzjoni u l-konformità, u l-aħjar prattiki u sabiex tippermetti konsultazzjonijiet. Il-punti ta’ kuntatt stabbiliti fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti għandhom jappoġġaw dawn l-attivitajiet.

4.   Meta r-rapporti għandhom isiru pubbliċi f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas, fuq sit web apposta u f’format aċċessibbli, li jista’ jitniżżel u jinqara minn magna liberament.

Meta l-informazzjoni tinżamm għal raġuni waħda jew aktar imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE jew, fejn applikabbli, skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw it-tip ta’ informazzjoni li hija miżmuma u r-raġunijiet għal dan.

Artikolu 6

Spezzjonijiet

1.   L-ispezzjonijiet għandhom jinkludu spezzjonijiet ta’ rutina għall-operaturi u l-operaturi tal-minjieri u spezzjonijiet mhux ta’ rutina għall-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri u l-importaturi, kif stabbilit f’dan l-Artikolu.

2.   L-ispezzjonijiet għandhom jinkludu, fejn rilevanti, kontrolli fuq il-post jew awditi fuq il-post, eżami tad-dokumentazzjoni u r-rekords li juru l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, detezzjoni u kejl tal-emissjonijiet tal-metan u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu mwettqa mill-awtorità kompetenti jew f’isimha sabiex tivverifika u tippromwovi l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Meta spezzjoni tkun identifikat ksur serju ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu, bħala parti mir-rapport imsemmi fil-paragrafu 5, avviż ta’ azzjonijiet ta’ rimedju li għandhom jitwettqu mill-operatur, mill-impriża, mill-operatur tal-minjieri jew mill-importatur, li jistabbilixxi skadenzi ċari għal dawk l-azzjonijiet.

Alternattivament, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu struzzjonijiet lill-operatur, lill-impriza, lill-operatur tal-minjieri jew lill-importatur biex jissottometti għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti rilevanti sett ta’ azzjonijiet ta’ rimedju biex jindirizza l-ksur serju li jkunu identifikaw fi żmien xahar mill-konklużjoni tal-ispezzjoni. Dawk il-frażijiet għandhom ikunu inklużi fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 5.

3.   L-ewwel spezzjoni ta’ rutina għandha titlesta sal-5 ta’ Mejju 2026. Wara l-ewwel spezzjoni ta’ rutina, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu programmi għall-ispezzjonijiet ta’ rutina abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju. L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi dwar l-ambitu u l-frekwenza tal-ispezzjonijiet ta’ rutina, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ kull sit, bħar-riskju ambjentali, inkluż l-impatt kumulattiv tal-emissjonijiet kollha tal-metan bħala inkwinant, riskji għas-sikurezza tal-bniedem u għas-saħħa kif ukoll kwalunkwe ksur identifikat ta’ dan ir-Regolament.

Il-perjodu bejn l-ispezzjonijiet ma għandux jeċċedi 3 snin. Meta spezzjoni tkun identifikat ksur serju ta’ dan ir-Regolament, l-ispezzjoni sussegwenti għandha ssir fi żmien 10 xhur.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu spezzjonijiet mhux ta’ rutina sabiex:

(a)

jinvestigaw ilmenti sostanzjati msemmija fl-Artikolu 7 u okkorrenzi ta’ nuqqas ta’ konformità mill-aktar fis possibbli wara d-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti saru konxji ta’ tali lmenti jew nuqqas ta’ konformità u mhux aktar minn 10 xhur dwar dik id-data;

(b)

sabiex jiġi żgurat, fejn jitqies rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti, li t-tiswijiet tat-tnixxijiet jew is-sostituzzjonijiet tal-komponenti jkunu saru f’konformità mal-Artikolu 14 u li l-miżuri ta’ mitigazzjoni ġew implimentati f’konformità mal-Artikoli 18, 22 u 26;

(c)

jiżguraw il-konformità fejn tkun ingħatat deroga skont l-Artikolu 14(5);

(d)

jivverifikaw, fejn jitqies rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti, il-konformità tal-impriżi u tal-importaturi ma’ dan ir-Regolament.

5.   Wara kull spezzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iħejju rapport li jgħid il-bażi ġuridika għall-ispezzjoni, il-passi proċedurali segwiti, is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti għal azzjonijiet ulterjuri mill-operatur, mill-impriża, mill-operatur tal-minjieri jew mill-importatur, inkluż l-iskadenzi għall-implimentazzjoni tagħhom.

Fejn xieraq, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jħejju rapport wieħed li jkopri diversi spezzjonijiet ta’ assi, siti jew komponenti tal-istess operatur, impriża, operatur tal-minjieri jew importatur dment li tali spezzjonijiet jitwettqu qabel l-ispezzjoni ta’ rutina li jmiss.

Ir-rapport għandu jiġi nnotifikat lill-operatur, lill-impriża, lill-operatur tal-minjieri jew lill-importatur ikkonċernat u jkun disponibbli għall-pubbliku fi żmien xahrejn mid-data tal-ispezzjoni. Meta l-ispezzjoni tkun ġie skattata minn ilment magħmul f’konformità mal-Artikolu 7, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ilmentatur ladarba r-rapport ikun disponibbli għall-pubbliku.

Ir-rapport għandu jsir disponibbli għall-pubbliku mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE. Meta l-informazzjoni tinżamm għal raġuni waħda jew aktar imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw it-tip ta’ informazzjoni li hija miżmuma u r-raġunijiet għal dan fir-rapport.

6.   Fejn ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 5 jikkonkludi li operatur, impriża, operatur tal-minjieri jew importatur ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, huwa għandu jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex iġib l-operazzjonijiet tiegħu f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-azzjonijiet għandhom jittieħdu, mingħajr dewmien, fil-perjodu stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti.

7.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu ftehimiet formali ma’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji jew servizzi rilevanti tal-Unjoni jew ma’ Stati Membri oħra jew organizzazzjonijiet intergovernattivi jew korpi pubbliċi adatti oħra, fejn disponibbli, għall-għoti ta’ kompetenzi ta’ esperti speċjalizzati b’appoġġ għall-awtoritajiet kompetenti tagħhom fit-twettiq tal-kompiti attribwiti lilhom minn dan l-Artikolu.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, organizzazzjoni intergovernattiva jew korp pubbliku ma għandux jitqies adatt meta l-oġġettività tiegħu tista’ tiġi kompromessa b’kunflitt ta’ interess.

Artikolu 7

Ilmenti

1.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tissottometti lment bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti dwar ksur potenzjali ta’ dan ir-Regolament minn operatur, impriża, operatur tal-minjieri jew importatur.

2.   L-ilment għandu jiġi ssostanzjat kif xieraq u jkun fih biżżejjed evidenza tal-allegat ksur.

3.   Fejn jidher li l-ilment ma jipprovdix biżżejjed evidenza sabiex jiġġustifika investigazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-ilmentatur, fi żmien raġonevoli iżda mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċievu l-ilment, bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom li ma jiftħux investigazzjoni.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika meta jitressqu ripetutament ilmenti li ma jkunux sostanzjati biżżejjed u għal dik ir-raġuni jitqiesu abbużivi mill-awtoritajiet kompetenti.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 u għar-regoli applikabbli skont il-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu lill-ilmentatur informat dwar il-passi meħuda fil-proċedura u, fejn applikabbli, jinfurmaw lill-ilmentatur dwar forom alternattivi xierqa ta’ rimedju, bħal rikors għall-qrati nazzjonali jew kwalunkwe proċedura oħra ta’ lmenti nazzjonali jew internazzjonali.

5.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali applikabbli u abbażi ta’ proċeduri komparabbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku perjodi indikattivi sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ilmenti.

Artikolu 8

Attivitajiet ta’ verifika u dikjarazzjoni ta’ verifika

1.   Il-verifikaturi għandhom iwettqu attivitajiet ta’ verifika biex jivvalutaw il-konformità tar-rapporti dwar l-emissjonijiet sottomessi lilhom mill-operaturi, mill-impriżi, mill-operaturi tal-minjieri jew mill-importaturi, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-attivitajiet ta’ verifika għandhom jinkludu r-rieżami tas-sorsi tad-data u l-metodoloġiji kollha użati sabiex jiġu vvalutati l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-preċiżjoni tar-rapporti ta’ emissjonijiet, b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a)

l-għażla u l-użu tal-fatturi tal-emissjonijiet;

(b)

il-metodoloġiji, il-kalkoli, it-teħid ta’ kampjuni jew id-distribuzzjonijiet statistiċi li jwasslu għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan;

(c)

kwalunkwe riskju ta’ kejl jew rappurtar mhux xieraq;

(d)

kwalunkwe sistema ta’ kontroll tal-kwalità jew ta’ garanzija tal-kwalità applikata mill-operaturi, mill-impriżi, mill-operaturi tal-minjieri jew mill-importaturi.

2.   Fit-twettiq tal-attivitajiet ta’ verifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-verifikaturi għandhom jużaw l-istandards u l-preskrizzjonijiet tekniċi, kif applikabbli, għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan, u l-mitigazzjoni stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 32.

Sad-data tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards u l-preskrizzjonijiet tekniċi kif applikabbli, l-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri u l-importaturi, kif applikabbli, għandhom jipprovdu informazzjoni lill-verifikaturi dwar l-istandards rilevanti, inkluż standards Ewropej jew oħrajn internazzjonali, jew metodoloġiji użati minnhom, għall-fini tal-attivitajiet ta’ verifika.

L-attivitajiet ta’ verifika għandhom jinkludu wkoll, fejn rilevanti, kontrolli fuq il-post b’avviż minn qabel kif ukoll għal għarrieda sabiex jivvalutaw l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-akkuratezza tas-sorsi tad-data u tal-metodoloġiji użati.

3.   L-attivitajiet ta’ verifika msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu allinjati ma’ standards u metodoloġiji Ewropej jew oħrajn internazzjonali għall-verifikaturi sabiex jiġi limitat il-piż fuq l-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri jew l-importaturi, u fuq l-awtoritajiet kompetenti u għandhom iqisu kif xieraq in-natura tal-attivitajiet ivverifikati u l-gwida maħruġa mill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

4.   Jekk, wara l-valutazzjoni tagħhom, il-verifikaturi jikkonkludu b’aċċertament raġonevoli li r-rapport dwar l-emissjonijiet jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, huma għandhom joħorġu dikjarazzjoni ta’ verifika li tiċċertifika l-konformità tar-rapport dwar l-emissjonijiet u li tispeċifika l-attivitajiet ta’ verifika mwettqa.

Il-verifikaturi għandhom joħorġu biss dikjarazzjoni ta’ verifika fejn data u informazzjoni affidabbli, kredibbli u preċiżi jippermettu li l-emissjonijiet tal-metan jiġu ddeterminati bi grad raġonevoli ta’ ċertezza u dment li d-data rapportata tkun koerenti mad-data stmata, kompluta u konsistenti.

Jekk, wara l-valutazzjoni tagħhom, il-verifikaturi jikkonkludu li r-rapport dwar l-emissjonijiet ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-verifikaturi għandhom jinformaw lill-operatur, lill-impriża, lill-operatur tal-minjieri jew lill-importatur b’dik il-konklużjoni u jipprovdu feedback raġunat lill-operatur, lill-impriża, l-operatur tal-minjieri jew lill-importatur fid-dawl ta’ standards rikonoxxuti. L-operatur, l-impriżi, l-operatur tal-minjieri jew l-importatur għandhom jissottomettu rapport rivedut dwar l-emissjonijiet lill-verifikatur mingħajr dewmien u sal-iskadenza stabbilita mill-verifikatur.

5.   L-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri u l-importaturi għandhom jipprovdu lill-verifikaturi bl-assistenza kollha meħtieġa sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw it-twettiq tal-attivitajiet ta’ verifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-sit u s-sottomissjoni ta’ dokumentazzjoni jew rekords.

Artikolu 9

Indipendenza u akkreditazzjoni jew awtorizzazzjoni tal-verifikaturi

1.   Il-verifikaturi għandhom ikunu indipendenti mill-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri u l-importaturi u għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ verifika meħtieġa skont dan ir-Regolament fl-interess pubbliku. Għal dak l-għan, la l-verifikatur u lanqas kwalunkwe parti tal-istess entità ġuridika ma għandhom ikunu operatur, impriża, operatur tal-minjieri jew importatur, jew ikunu sidien ta’ operatur, impriża, operatur tal-minjieri jew importatur, jew ikunu proprjetà ta’ operatur, impriża, operatur tal-minjieri jew importatur.

Il-verifikaturi ma għandux ikollhom relazzjonijiet ma’ operaturi, impriżi, operaturi tal-minjieri jew importaturi li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom.

2.   Il-verifikaturi li huma persuni legali għandhom jiġu akkreditati minn korp nazzjonali ta’ akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Fejn ma hemm stipulata l-ebda dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna l-akkreditament tal-verifikaturi f’dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament (KE) Nru 765/2008.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jawtorizzaw persuni fiżiċi biex ikunu verifikaturi għall-fini ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-verifikaturi għandhom jiġu awtorizzati minn awtorità nazzjonali li hija differenti mill-korp nazzjonali ta’ akkreditament maħtur skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

4.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-paragrafu 3, huwa għandu jiżgura li l-awtorità nazzjonali rilevanti tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-evidenza dokumentata kollha meħtieġa għall-verifika tal-kompetenza tal-verifikaturi awtorizzati skont dak il-paragrafu.

Artikolu 10

Użu u kondiviżjoni tal-informazzjoni

1.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-verifikaturi għandhom jikkunsidraw l-informazzjoni magħmula disponibbli għall-pubbliku mill-Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan (IMEO) jew, mis-Sħubija dwar il-Metan miż-Żejt u mill-Gass (OGMP) jew informazzjoni oħra rilevanti internazzjonalment disponibbli, b’mod partikolari l-informazzjoni dwar:

(a)

l-aggregazzjoni ta’ data dwar l-emissjonijiet tal-metan f’konformità mal-metodi statistiċi xierqa;

(b)

il-verifika u l-validazzjoni tal-metodoloġiji u tal-proċessi statistiċi użati mill-industrija biex tikkwantifika d-data dwar l-emissjonijiet tal-metan;

(c)

l-iżvilupp ta’ metodoloġiji tal-aggregazzjoni u tal-analiżi tad-data f’konformità ma’ prattika xjentifika u statistika tajba sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ preċiżjoni tal-istimi tal-emissjonijiet tal-metan, b’karatterizzazzjoni xierqa tal-inċertezza;

(d)

il-pubblikazzjoni ta’ data rapportata aggregata skont is-sors ewlieni u skont il-livell ta’ rappurtar, klassifikata minn, assi operattivi u mhux operattivi, fejn disponibbli, f’konformità mar-rekwiżiti tal-kompetizzjoni u tal-kunfidenzjalità;

(e)

ir-rappurtar ta’ sejbiet dwar diskrepanzi kbar bejn is-sorsi tad-data li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ metodoloġiji xjentifiċi aktar robusti;

(f)

ir-rappurtar avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna identifikati permezz ta’ sistema ta’ detezzjoni u twissija bikrija.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-IMEO d-data dwar l-emissjonijiet tal-metan disponibbli għall-pubbliku li tqis rilevanti, kif magħmula disponibbli lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU 3

EMISSJONIJIET TAL-METAN FIS-SETTURI TAŻ-ŻEJT U TAL-GASS

Artikolu 11

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kapitolu japplika għall-attivitajiet imsemmija fl- Artikolu 1(2), il-punti (a), (b) u (c).

Artikolu 12

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Sal-5 ta’ Awwissu 2025, l-operaturi għandhom jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti li jkun fih il-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors stmati mill-inqas bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni ġeneriċi għas-sorsi kollha. Dak ir-rapport jista’ jkun fih kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 għal xi wħud mis-sorsi jew għas-sorsi kollha.

2.   L-operaturi u l-impriżi stabbiliti fl-Unjoni għandhom jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tinsab l-assi li jkun fih kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors:

(a)

għall-assi operattivi, sal-5 ta’ Frar 2026; kif ukoll

(b)

għall-assi mhux operattivi, sal-5 ta’ Frar 2027, dment li dawk l-assi ma jkunux ġew irrapportati skont il-punt (a).

Meta ma jkunx possibbli kejl dirett, ir-rappurtar għandu jinvolvi l-użu ta’ fatturi speċifiċi ta’ emissjoni bbażati fuq kwantifikazzjoni jew kampjunar fil-livell tas-sors.

3.   L-operaturi u l-impriżi li huma stabbiliti fl-Unjoni għandhom jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tinsab l-assi li jkun fih kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors, ikkomplementata minn kejl tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sit, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu vvalutati u mqabbla l-istimi fil-livell tas-sors aggregati skont is-sit:

(a)

għall-assi operattivi, sal-5 ta’ Frar 2027 u sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem; kif ukoll

(b)

għall-assi mhux operattivi, sal-5 ta’ Awwissu 2028 u sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem, dment li dawk ma jkunux ġew irrapportati skont il-punt (a).

Qabel is-sottomissjoni tar-rapport lill-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi u l-impriżi għandhom jiżguraw li r-rapport huwa vvalutat minn verifikatur u jinkludi dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa f’konformità mal-Artikolu 8.

4.   Ir-rapporti previsti f’dan l-Artikolu għandhom ikopru l-aħħar perjodu ta’ sena kalendarja disponibbli u jinkludu mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip u l-post tas-sorsi ta’ emissjoni;

(b)

data dettaljata għal kull tip ta’ sors ta’ emissjoni, irrapportata f’tunnellati ta’ metan u f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2, bl-użu ta’ potenzjali ta’ tisħin globali kif definit fis-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC);

(c)

informazzjoni dettaljata dwar il-metodoloġiji ta’ kwantifikazzjoni;

(d)

l-emissjonijiet kollha tal-metan għall-assi operattivi;

(e)

is-sehem tas-sjieda u l-emissjonijiet tal-metan minn assi mhux operattivi multiplikati bis-sehem tas-sjieda;

(f)

lista tal-entitajiet bil-kontroll operazzjonali tal-assi mhux operattivi.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi mudell ta’ rappurtar għar-rapporti previsti f’dan l-Artikolu, b’kont meħud tar-rapporti tal-inventarju nazzjonali diġà fis-seħħ u l-aktar dokumenti reċenti ta’ gwida teknika u mudelli ta’ rappurtar tal-OGMP. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 35(2).

Sal-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti, l-operaturi u l-impriżi għandhom jużaw id-dokumenti ta’ gwida teknika u l-mudelli ta’ rappurtar għal operazzjonijiet upstream u għal dawk midstream u downstream, kif applikabbli, tal-OGMP 2.0.

5.   Il-kejl u l-kwantifikazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jitwettqu f’konformità mal-istandards u l-preskrizzjonijiet tekniċi, kif applikabbli, stabbiliti skont l-Artikolu 32. Sad-data tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi, l-operaturi u l-impriżi għandhom isegwu prattiki industrijali tal-ogħla livell u jużaw l-aqwa teknoloġiji disponibbli għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan. F’dak il-kuntest, l-operaturi u l-impriżi stabbiliti fl-Unjon jistgħu jużaw l-aktar dokumenti reċenti ta’ gwida teknika tal-OGMP 2.0 approvati sal-4 ta’ Awwissu 2024 għal tali finijiet.

L-operaturi u l-impriżi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-verifikaturi informazzjoni dwar l-istandards, inkluż l-istandards Ewropej jew internazzjonali oħra, jew il-metodoloġiji użati.

6.   L-operaturi u l-impriżi stabbiliti fl-Unjoni għandhom iqabblu l-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors tal-emissjonijiet tal-metan u l-kejl fil-livell tas-sit tal-emissjonijiet tal-metan. Jekk ikun hemm diskrepanzi statistikament sinifikanti bejn il-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors u l-kejl fil-livell tas-sit tal-emissjonijiet tal-metan, l-operaturi u l-impriżi għandhom:

(a)

jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti qabel tmiem il-perjodu ta’ rappurtar;

(b)

iwettqu proċess ta’ rikonċiljazzjoni malajr kemm jista’ jkun u, jinformaw lill-awtorità kompetenti dwar ir-riżultati tal-proċess ta’ rikonċiljazzjoni, inkluż kwalunkwe evidenza u dokumenti ta’ sostenn, kif meħtieġ, mhux aktar tard mill-perjodu ta’ rappurtar li jmiss.

Il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni għandu jindirizza r-raġunijiet possibbli għad-diskrepanzi, inkluż mill-inqas il-preċiżjoni u l-adegwatezza tat-teknoloġiji u l-metodi użati għall-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors u l-kejl fil-livell tas-sit tal-emissjonijiet tal-metan, jew kwalunkwe inċertezza tad-data fir-riżultati minħabba l-metodi, it-teknoloġiji jew l-estrapolazzjoni tar-riżultati magħżula.

Għall-finijiet tal-proċess ta’ rikonċiljazzjoni, l-operaturi u l-impriżi għandhom jikkunsidraw kwantifikazzjoni addizzjonali fil-livell tas-sors jew kejl fil-livell tas-sit sabiex jipprovdu l-evidenza meħtieġa biex jispjegaw ir-raġunijiet għad-diskrepanzi. Abbażi tar-riżultati tal-proċess ta’ rikonċiljazzjoni, l-operaturi u l-impriżi għandhom jimplimentaw aġġustamenti sussegwenti f’termini numeriċi fil-kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors jew fil-kejl fil-livell tas-sit, fejn xieraq.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-informazzjoni pprovduta mill-operatur jew l-impriża skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ma tispjegax b’mod adegwat ir-raġunijiet għad-diskrepanzi, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operatur jew lill-impriża jipprovdu informazzjoni addizzjonali jew jieħdu azzjoni addizzjonali.

7.   Meta l-informazzjoni tkun kunfidenzjali f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), l-operaturi jew l-impriżi kkonċernati għandhom jindikaw fir-rapport it-tip ta’ informazzjoni miżmuma u r-raġuni għalfejn.

8.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu r-rapporti stabbiliti f’dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5(4), fi żmien 3 xhur mis-sottomissjoni tagħhom mill-operaturi jew mill-impriżi rilevanti.

Artikolu 13

Obbligu ġenerali ta’ mitigazzjoni

L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa ta’ mitigazzjoni sabiex jipprevjenu u jimminimizzaw l-emissjonijiet tal-metan fl-operazzjonijiet tagħhom.

Artikolu 14

Detezzjoni u tiswija tat-tnixxijiet

1.   Sal-5 ta’ Mejju 2025 għal siti eżistenti u fi żmien 6 xhur mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet għal siti ġodda, l-operaturi għandhom jissottomettu programm ta’ detezzjoni u tiswija tat-tnixxijiet (“programm LDAR”) lill-awtoritajiet kompetenti.

Il-programm LDAR għandu jinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-istħarriġ u l-attivitajiet LDAR, inkluż skedi ta’ żmien speċifiċi, li għandhom jitwettqu f’konformità ma’ dan l-Artikolu, mal-Parti 1 tal-Anness I u l-istandards u l-preskrizzjonijiet tekniċi rilevanti, kif applikabbli, stabbiliti skont l-Artikolu 32. Jekk issir kwalunkwe bidla fil-programm LDAR, l-operaturi għandhom jissottomettu programm LDAR aġġornat lill-awtoritajiet kompetenti malajr kemm jista’ jkun.

Sad-data tal-applikazzjoni tal-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 32, l-operaturi għandhom isegwu prattiki industrijali tal-ogħla livell u l-aqwa teknoloġiji disponibbli fil-kummerċ għall-istħarriġ LDAR. L-operaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-verifikaturi b’informazzjoni dwar l-istandards, inkluż l-istandards internazzjonali, jew il-metodoloġiji użati.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operatur jemenda l-programm LDAR filwaqt li jqis ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-operaturi għandhom jibdew l-ewwel stħarriġ LDAR tat-tip 2 tal-komponenti kollha taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’konformità mal-programm LDAR mill-aktar fis possibbli mill-4 ta’ Awwissu 2024.

Fi kwalunkwe każ, l-operaturi għandhom iwettqu l-ewwel stħarriġ LDAR tat-tip 2 sal-5 ta’ Awwissu 2025 għas-siti eżistenti. Mingħajr preġudizzju għall-frekwenzi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness I, l-istħarriġ LDAR tat-tip 2 imwettqa bejn it-3 ta’ Awwissu 2022 u l-4 ta’ Awwissu 2024 jistgħu jitqiesu mill-operaturi bħala l-ewwel stħarriġ LDAR tat-tip 2.

Fi żmien 9 xhur mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet ta’ siti ġodda, l-operaturi għandhom iwettqu l-ewwel stħarriġ LDAR tat-tip 2 tal-komponenti kollha taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’konformità mal-programm LDAR.

Wara li jwettqu l-ewwel stħarriġ LDAR tat-tip 2, l-operaturi għandhom iwettqu stħarriġ LDAR tat-tip 1 u tat-tip 2 bil-frekwenzi li ġejjin:

(a)

għal komponenti ta’ fuq l-art u ta’ taħt l-art, minbarra n-networks tad-distribuzzjoni u tat-trażmissjoni, f’konformità mal-frekwenzi minimi stabbiliti fil-Parti 1, punt 1, tal-Anness I;

(b)

għall-komponenti tan-networks ta’ distribuzzjoni u trażmissjoni, skont il-frekwenzi minimi stabbiliti fil-Parti 1, punt 2, tal-Anness I;

(c)

għall-komponenti kollha lil hinn mill-kosta, skont il-frekwenzi minimi stabbiliti fil-Parti 1, punt 3, tal-Anness I;

(d)

għall-komponenti l-oħra kollha, skont il-frekwenzi minimi stabbiliti fil-Parti 1, punt 4, tal-Anness I.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jitwettqu stħarriġ LDAR tat-tip 2 f’konformità ma’ dan l-Artikolu, meta jkun meħtieġ stħarriġ LDAR tat-tip 1, l-operaturi jistgħu jagħżlu li jwettqu stħarriġ LDAR tat-tip 2 minflok stħarriġ LDAR tat-tip 1.

4.   Bħala parti mill-istħarriġ LDAR, l-operaturi jistgħu jużaw teknoloġiji avvanzati tad-detezzjoni, dment li:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti japprovaw l-użu tagħhom fil-kuntest tal-programm LDAR;

(b)

il-kejl isir fil-livell ta’ kull sors ta’ emissjoni potenzjali individwali; kif ukoll

(c)

it-teknoloġiji avvanzati tad-detezzjoni jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 7 u 8 u huma f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness I.

5.   B’deroga mir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, meta l-operaturi li jipproduċu jew jipproċessaw iż-żejt jew il-gass naturali jipprovdu evidenza, abbażi tal-kejl mill-5 snin preċedenti li ġie rrapportat mill-operaturi f’konformità mal-Artikolu 12 u vvalutat minn verifikatur, li inqas minn 1 % tal-komponenti u s-subkomponenti kollha tagħhom f’kull sit ikunu qed inixxu u li l-emissjonijiet aggregati tal-metan assoċjati ma’ dawk it-tnixxijiet jirrappreżentaw inqas minn 0,08 % tal-volum totali ta’ gass jew 0,015 % tal-massa totali taż-żejt ipproċessat jew estratt, jistgħu jiġu applikati frekwenzi differenti tal-istħarriġ LDAR għall-komponenti f’ siti fejn ma ġiet identifikata l-ebda tnixxija, soġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u dment li:

(a)

għall-komponenti kollha fil-postijiet tal-ipproċessar, l-istħarriġ LDAR tat-tip 1 jitwettaq tal-inqas kull 12-il xahar;

(b)

għal mill-inqas 25 % tal-komponenti kollha fil-postijiet tal-ipproċessar, l-istħarriġ LDAR tat-tip 2 jitwettqu kull 12-il xahar, filwaqt li l-komponenti kollha jiġu vverifikati mill-inqas kull 48 xahar;

(c)

għall-komponenti kollha fil-postijiet tal-produzzjoni, l-istħarriġ LDAR tat-tip 1 jitwettqu mill-inqas kull 36 xahar;

(d)

għall-komponenti kollha fil-postijiet tal-produzzjoni, l-istħarriġ LDAR tat-tip 2 jitwettqu mill-inqas kull 60 xahar.

Jekk, wara l-istħarriġ LDAR imwettqa f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, 1 % jew aktar tal-komponenti u s-subkomponenti kollha f’kull sit ikunu qed inixxu jew l-emissjonijiet aggregati tal-metan assoċjati ma’ dawk it-tnixxijiet jirrappreżentaw aktar minn 0,08 % tal-volum totali tal-gass jew 0,015 % tal-massa totali taż-żejt ipproċessat jew estratt, l-operatur ikkonċernat għandu jkun soġġett għall-obbligi skont il-paragrafu 2 f’dak is-sit.

L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bid-derogi mogħtija skont dan il-paragrafu u għandha twettaq spezzjonijiet mhux ta’ rutina kif imsemmi fl-Artikolu 6(4).

6.   L-istħarriġ LDAR għandhom jitwettqu b’apparati ta’ detezzjoni li jippermettu li jiġu identifikati tnixxijiet kif ġej, għal kull tip ta’ komponent:

(a)

f’livell kemm jista’ jkun qrib ta’ kull sors ta’ emissjoni potenzjali individwali għal komponenti ta’ fuq l-art u komponenti ’l fuq mil-livell tal-baħar;

(b)

fl-interfaċċa bejn l-art u l-atmosfera għal komponenti ta’ taħt l-art bħala l-ewwel pass u, jekk tiġi identifikata tnixxija’ kif speċifikat fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 7, qrib kemm jista’ jkun tas-sors ta’ emissjoni bħala t-tieni pass;

(c)

bl-applikazzjoni tal-aħjar tekniki ta’ detezzjoni li huma disponibbli fil-kummerċ għal komponenti lil hinn mill-kosta taħt il-livell tal-baħar jew taħt qiegħ il-baħar.

7.   Sal-5 ta’ Awwissu 2025, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tispeċifika:

(a)

il-limiti minimi ta’ detezzjoni u t-tekniki ta’ detezzjoni li għandhom jintużaw għall-apparati ta’ detezzjoni differenti użati biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti għall-komponenti kollha fil-paragrafu 8;

(b)

il-limiti applikabbli għall-ewwel pass tal-istħarriġ LDAR li għandhom jintużaw biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti għall-komponenti ta’ taħt l-art fil-paragrafu 8.

Dawk il-limiti minimi ta’ detezzjoni, tekniki u limiti għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar teknoloġiji disponibbli u l-aħjar tekniki ta’ detezzjoni disponibbli, filwaqt li jitqiesu t-tipi differenti ta’ komponenti u stħarriġ LDAR. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(3).

Sal-adozzjoni ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni, sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-paragrafu 8, l-operaturi għandhom jużaw l-aħjar teknoloġiji disponibbli u l-aħjar tekniki ta’ detezzjoni disponibbli, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattur għat-tħaddim u l-manutenzjoni.

8.   L-operaturi għandhom isewwu jew jissostitwixxu l-komponenti kollha li jinstabu li qed jarmu l-metan fil-livelli li ġejjin jew ogħla minnhom f’temperatura u pressjoni standard u bl-użu ta’ apparati ta’ detezzjoni f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattur għat-tħaddim u l-manutenzjoni:

(a)

għal stħarriġ LDAR tat-tip 1: 7 000 parti għal kull miljun f’volum ta’ metan jew 17-il gramma fis-siegħa ta’ metan;

(b)

għal stħarriġ LDAR tat-tip 2:

(i)

500 parti għal kull miljun f’volum ta’ metan jew gramma fis-siegħa ta’ metan għal komponenti ta’ fuq l-art u komponenti lil hinn mill-kosta ’l fuq mil-livell tal-baħar;

(ii)

1 000 parti għal kull miljun f’volum ta’ metan jew 5 grammi fis-siegħa ta’ metan għat-tieni stadju tal-istħarriġ LDAR ta’ komponenti taħt l-art;

(iii)

7 000 parti għal kull miljun f’volum ta’ metan jew 17-il gramma fis-siegħa għal komponenti lil hinn mill-kosta taħt il-livell tal-baħar jew taħt qiegħ il-baħar.

9.   It-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-komponenti msemmija fil-paragrafu 8 għandha ssir immedjatament wara d-detezzjoni. Fil-każ li t-tiswija ma tkunx tista’ titwettaq immedjatament wara d-detezzjoni, għandu jsir tentattiv ta’ tiswija malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn 5 ijiem wara d-detezzjoni u għandha titlesta fi żmien 30 jum wara d-detezzjoni.

Fejn operatur jista’ juri li t-tiswija jew is-sostituzzjoni ma mhux ser tirnexxi jew mhux ser tkun possibbli fi żmien 5 ijiem għall-ewwel tentattiv jew jekk l-operatur jistenna li tiswija kompluta mhux ser tkun possibbli fi żmien 30 jum minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza, amministrattivi jew tekniċi, l-operatur għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti u jipprovdilhom evidenza ta’ dan flimkien mal-iskedi ta’ tiswija u monitoraġġ li fihom mill-inqas l-elementi stabbiliti fl-Anness II, mhux aktar tard minn 12-il jum mid-data tad-detezzjoni.

Dawk l-iskedi tat-tiswija u l-monitoraġġ għandhom jinkludu l-evidenza kollha meħtieġa li tiġġustifika kwalunkwe dewmien. Għandhom jiżguraw li l-impatt ambjentali jiġi minimizzat, filwaqt li jiġu rrispettati l-kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza, dawk amministrattivi u tekniċi rilevanti. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu li l-operatur jemenda l-iskedi tat-tiswija u l-monitoraġġ b’kont meħud tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, it-tiswija jew is-sostituzzjoni għandhom jitwettqu malajr kemm jista’ jkun.

L-operaturi għandhom jagħtu prijorità lit-tiswijiet tat-tnixxijiet akbar.

It-tiswijiet jew is-sostituzzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu għandhom jużaw l-aqwa teknoloġiji li humaa disponibbli fil-kummerċ u li jipprovdu protezzjoni fit-tul kontra tnixxijiet futuri.

Il-kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza, dawk amministrattivi u tekniċi, kif imsemmija f’dan il-paragrafu, għandhom ikunu limitati għal:

(a)

is-sikurezza tal-persunal u ta’ persuni oħra li jinsabu qrib it-tnixxija misjuba;

(b)

kwalunkwe impatt ambjentali negattiv jekk l-operatur jista’ juri li dak l-impatt ikun akbar mill-benefiċċji ambjentali, pereżempju fejn tiswija tista’ twassal għal livell ġenerali ogħla ta’ emissjonijiet tal-metan milli kien ikun il-każ kieku t-tiswija ma ssirx;

(c)

l-aċċessibbiltà ta’ komponent, inkluż il-manutenzjoni skedata, ir-rekwiżiti tal-proċess tal-permessi jew l-awtorizzazzjoni amministrattiva meħtieġa;

(d)

in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ partijiet ta’ sostituzzjoni meħtieġa għat-tiswija tal-komponent jew tal-komponenti ta’ sostituzzjoni; kif ukoll

(e)

deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass li x’aktarx iwassal għal livell ta’ kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

10.   Meta tkun tapplika waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 9, is-sitt subparagrafu, il-punti (a) sa (e), u jkun meħtieġ għeluq qabel ma tkun tista’ titwettaq it-tiswija jew is-sostituzzjoni, l-operaturi għandhom jimminimizzaw it-tnixxija fi żmien 24 siegħa mid-detezzjoni u għandhom isewwu t-tnixxija sa tmiem l-għeluq skedat li jmiss jew fi żmien sena, skont liema minnhom jiġi l-ewwel, sakemm it-twettiq ta’ tiswija aktar kmieni ma jkunx raġonevolment mistenni li jwassal għal sitwazzjoni fejn l-ammont ta’ metan ivventjat matul l-operazzjonijiet ta’ tiswija x’aktarx ikun ferm ogħla mill-ammont ta’ metan li jnixxi fin-nuqqas ta’ tiswija, jew sakemm it-twettiq ta’ tiswija aktar bikrija jista’ jkun raġonevolment mistenni li jwassal għal kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista f’sistemi konnessi żgħar kif definit fid-Direttiva (UE) 2019/944.

Operatur għandu, mingħajr dewmien, jipprovdi l-evidenza kollha meħtieġa li tiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li jittardja t-tiswija lill-awtoritajiet kompetenti.

Deċiżjoni li tittardja t-tiswija minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ sigurta’, amministrattivi u tekniċi għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti u għandha tiġi inkluża fl-iskedi tat-tiswija u l-monitoraġġ. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu li l-operatur ikkonċernat jemenda l-iskedi tat-tiswija u l-monitoraġġ b’kont meħud tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

11.   L-operaturi għandhom jistabbilixxu mingħajr dewmien, iżommu aġġornat u jqiegħdu kompletament għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, rekord tad-deċiżjonijiet kollha biex tiġi ttardjata t-tiswija skont dan l-Artikolu, inkluż l-evidenza kollha meħtieġa li tiġġustifika kull deċiżjoni u l-iskedi korrispondenti tat-tiswija u l-monitoraġġ.

12.   Minkejja l-paragrafu 2, l-operaturi għandhom jistħarrġu l-komponenti li nstabu li kienu qed jarmu:

(a)

f’livelli ta’ metan daqs jew ogħla mil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 8 f’temperatura u pressjoni standard matul stħarriġ LDAR preċedenti, immedjatament wara li tkun twettqet it-tiswija skont il-paragrafu 9, u mhux aktar tard minn 45 ġurnata wara dan, biex jiġi żgurat li t-tiswija kienet ta’ suċċess; u

(b)

f’livelli ta’ metan aktar baxxi mil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 8 f’temperatura u pressjoni standard, mhux aktar tard minn 3 xhur mid-data li fiha ġew identifikati l-emissjonijiet, biex jiġi vverifikat mill-inqas darba jekk id-daqs ta’ telf tal-metan ikunx inbidel u jekk tkunx meħtieġa tiswija.

Meta jiġi identifikat riskju ogħla għas-sikurezza jew riskju ogħla ta’ telf ta’ metan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrakkomandaw li l-istħarriġ LDAR tal-komponenti rilevanti jsiru aktar ta’ spiss.

13.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ rappurtar skont il-paragrafu 14, l-operaturi għandhom jirreġistraw it-tnixxijiet identifikati kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, u għandhom jistħarrġuhom regolarment u jiżguraw li jissewwew f’konformità mal-paragrafu 9.

L-operaturi għandhom iżommu r-rekord għal mill-anqas 10 snin u għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

14.   Kull sena, l-operaturi għandhom jissottomettu l-iskedi tat-tiswija u l-monitoraġġ kollha u rapport li jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-istħarriġ LDAR kollu imwettaq matul is-sena preċedenti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu l-assi rilevanti.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operatur jemenda r-rapport jew l-iskedi tat-tiswija u l-monitoraġġ filwaqt li jqis ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

15.   L-operaturi jistgħu jiddelegaw kwalunkwe wieħed mill-kompiti stabbiliti f’dan l-Artikolu. Il-kompiti delegati ma għandhomx jaffettwaw ir-responsabbiltà tal-operaturi u m’għandhomx jimpattaw l-effettività tas-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

16.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni, akkreditazzjoni jew skemi ta’ kwalifika ekwivalenti, inkluż programmi ta’ taħriġ xierqa, ikunu disponibbli għall-fornituri tas-servizzi LDAR u għall-operaturi fir-rigward tal-istħarriġ LDAR.

17.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2008/56/KE (26) u 2013/30/UE (27) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw il-komponenti taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta li jinsabu fit-territorju tagħhom f’fond tal-ilma ta’ aktar minn 700 metru mir-rekwiżiti skont dan l-Artikolu jekk l-operatur ikkonċernat ikun jista’ jipprovdi evidenza robusta li l-impatt fuq il-klima tal-emissjonijiet potenzjali ta’ metan minn dawk il-komponenti x’aktarx li jkun negliġibbli.

Artikolu 15

Restrizzjonijiet dwar l-ivventjar u l-ivvampjar

1.   L-ivventjar għandu jkun ipprojbit ħlief fiċ-ċirkostanzi previsti f’dan l-Artikolu. L-ivvampjar ta’ rutina għandu jkun ipprojbit.

2.   L-ivventjar jew l-ivvampjar għandu jkun permess biss f’każ ta’ emerġenza jew ta’ funzjonament ħażin.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-ivventjar jew l-ivvampjar għandu jkun permess fejn ikun inevitabbli u strettament meħtieġ u soġġett għall-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 16.

L-ivventjar u l-ivvampjar għandhom jitqiesu li huma inevitabbli u strettament meħtieġa fis-sitwazzjonijiet speċifiċi li ġejjin fejn l-ivventjar jew l-ivvampjar, kif applikabbli, ma jkunux jistgħu jiġu eliminati kompletament jew ikunu meħtieġa għal raġunijiet ta’ sikurezza:

(a)

matul operazzjonijiet normali ta’ apparati pnewmatiċi, kumpressuri, tankijiet tal-ħżin taħt pressjoni atmosferika, apparati tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ kejl u siġilli b’gass niexef, jew komponenti oħra mfassla għall-ivventjar, dment li tali tagħmir jossodisfa l-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 32 u jkun miżmum tajjeb biex jiġi minimizzat it-telf tal-metan;

(b)

fil-ħatt jew it-tindif ta’ akkumulazzjoni ta’ likwidu f’bir għall-pressjoni atmosferika;

(c)

matul il-kejl jew it-teħid ta’ kampjuni ta’ tank tal-ħażna jew reċipjent ieħor taħt pressjoni baxxa, dment li t-tank jew ir-reċipjent jissodisfa l-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 32;

(d)

waqt it-trasferiment ta’ likwidi minn tank tal-ħżin jew minn reċipjent ieħor bi pressjoni baxxa għal vettura tat-trasport dment li t-tank jew ir-reċipjent jissodisfa l-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 32;

(e)

matul it-tiswija, il-manutenzjoni, il-proċeduri tal-ittestjar u d-dekummissjonar, inkluż l-użu tal-arja kompressata u t-tnaqqis tal-pressjoni tat-tagħmir għat-twettiq tat-tiswija u l-manutenzjoni;

(f)

matul test ta’ bradenhead;

(g)

matul test tat-tnixxija tal-packer;

(h)

matul test tal-produzzjoni li jdum anqas minn 24 siegħa;

(i)

meta l-metan ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet tal-pipeline tal-ġbir, dment li l-operatur janalizza l-kampjuni tal-metan darbtejn fil-ġimgħa sabiex jiddetermina jekk l-ispeċifikazzjonijiet ikunux inkisbu u jidderieġi l-metan f’pipeline tal-ġbir malli jiġu ssodisfati l-ispeċifikazzjonijiet tal-pipeline;

(j)

matul l-ikkummissjonar ta’ pipelines, tagħmir jew faċilitajiet, biss sakemm dan ikun meħtieġ għat-tindif tal-impuritajiet introdotti mill-pipeline jew mit-tagħmir;

(k)

waqt il-pigging, l-użu tal-arja kompressata għat-tiswija, id-dekummissjonar jew it-tindif ta’ pipeline għat-tiswija jew il-manutenzjoni, u biss meta l-gass ma jkunx jista’ jiġi kontenut jew ridirezzjonat f’porzjon mhux affettwat tal-pipeline.

4.   Meta l-ivventjar ikun permess skont il-paragrafi 2 u 3, l-operaturi għandhom jivventjaw biss meta l-ivvampjar ma jkunx teknikament fattibbli minħabba nuqqas ta’ fjammabbiltà jew inkapaċità li tinżamm fjamma, jirriskja li jipperikola s-sikurezza tal-operazzjonijiet jew tal-persunal jew meta jwassal għal impatt ambjentali agħar f’termini ta’ emissjonijiet. F’sitwazzjoni bħal din, bħala parti mill-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 16, l-operaturi għandhom jinnotifikaw u jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-ħtieġa li jużaw l-ivventjar minflok l-ivvampjar.

5.   Tagħmir li jivventja għandu jiġi sostitwit b’alternattivi li ma jarmux emissjonijiet meta dawk ikunu disponibbli fil-kummerċ u jekk jissodisfaw l-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi għall-komponenti mfassla biex jivventjaw stabbiliti skont l-Artikolu 32.

6.   Minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 u 3, l-ivvampjar għandu jkun permess biss meta l-injezzjoni mill-ġdid, l-użu fuq il-post, il-ħżin għall-użu aktar tard jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq ma jkunux fattibbli għal raġunijiet għajr kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. F’sitwazzjoni bħal din, bħala parti mill-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 16, l-operaturi għandhom juru lill-awtoritajiet kompetenti l-ħtieġa li jużaw l-ivvampjar minflok l-injezzjoni mill-ġdid, l-użu fuq il-post, il-ħżin għal użu aktar tard jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq.

7.   Meta sit jinbena, jiġi sostitwit jew rinnovat għalkollox, l-operaturi għandhom jinstallaw u jużaw biss apparati pnewmatiċi, kompressuri, tankijiet tal-ħżin taħt pressjoni atmosferika disponibbli fil-kummerċ, apparati għat-teħid tal-kampjuni u għall-kejl u siġilli b’gass niexef b’emissjonijiet żero. Meta sit jiġi sostitwit jew rinnovat parzjalment, l-operaturi għandhom jinstallaw u jużaw f’dik il-parti biss apparati pnewmatiċi, kompressuri, tankijiet tal-ħżin tal-pressjoni atmosferika b’emissjonijiet żero disponibbli fil-kummerċ, apparati għat-teħid tal-kampjuni u għall-kejl u siġilli b’gass niexef.

8.   L-operaturi għandhom jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mill-5 ta’ Frar 2026 għas-siti eżistenti u mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet għal siti ġodda. Meta l-operaturi ma jkunux jistgħu jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu minħabba dewmien eċċezzjonali kkawżat mill-ħtieġa li jinkiseb permess jew kwalunkwe awtorizzazzjoni amministrattiva oħra mill-awtoritajiet rilevanti jew min-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ tagħmir tal-ivventjar jew tal-ivvampjar, huma għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bi skeda ta’ implimentazzjoni dettaljata. Dik l-iskeda għandha tinkludi biżżejjed evidenza tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu modifiki għal dik l-iskeda.

Artikolu 16

Rappurtar tal-avvenimenti tal-ivventjar u l-avvenimenti tal-ivvampjar

1.   L-operaturi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar avvenimenti tal- ivventjar u avvenimenti tal-ivvampjar:

(a)

ikkawżati minn emerġenza jew funzjonament ħażin; jew

(b)

li jdumu total ta’ 8 sigħat jew aktar f’perjodu ta’ 24 siegħa minn avveniment wieħed.

In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssir mingħajr dewmien wara l-avveniment u mhux aktar tard minn 48 siegħa mill-bidu tal-avveniment jew mill-mument li fih l-operatur ikun sar konxju minnu, f’konformità mal-elementi stabbiliti fl-Anness III.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-ivvampjar ikkontrollat li jseħħ matul l-għeluq, għandu jiġi rrapportat fir-rapport annwali.

2.   L-operaturi għandhom jissottomettu rapporti annwali lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-avvenimenti tal-ivventjar u l-avvenimenti tal-ivvampjar kollha, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 15, f’konformità mal-elementi stabbiliti fl-Anness III u bħala parti mir-rapport rilevanti msemmi fl-Artikolu 12.

Artikolu 17

Rekwiżiti għall-effiċjenza tal-ivvampjar

1.   Meta jinbena, jiġi sostitwit jew rinnovat għalkollox jew parzjalment sit, jew meta jiġu installati torrijiet tal-ivvampjar jew apparati oħrajn ta’ kombustjoni ġodda, l-operaturi għandhom jinstallaw biss torrijiet tal-ivvampjar jew apparati ta’ kombustjoni li jaqbdu awtomatikament jew b’pilota kontinwu u b’effiċjenza tal-qerda u t-tneħħija mil-livell tad-disinn ta’ mill-anqas 99 %.

2.   L-operaturi għandhom jiżguraw li t-torrijiet tal-ivvampjar kollha jew apparati oħrajn ta’ kombustjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-paragrafu 1 sal-5 ta’ Frar 2026.

3.   L-operaturi għandhom jispezzjonaw torrijiet tal-ivvampjar jew apparati ta’ kombustjoni oħra kull 15-il jum f’konformità mal-Anness IV, ħlief meta dawn ma jintużawx fuq bażi regolari. Fejn torrijiet tal-ivvampjar jew apparati ta’ kombustjoni oħra ma jintużawx fuq bażi regolari, l-operaturi għandhom jispezzjonawhom qabel kull użu.

Bħala alternattiva għall-ispezzjonijiet regolari, soġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi jistgħu jużaw sistemi ta’ monitoraġġ mill-bogħod jew awtomatizzati, kif speċifikat f’konformità mal-punti (1) u (2) tal-mal-Anness IV.

Fejn jinstabu l-irregolaritajiet, l-operaturi għandhom jinvestigaw il-kawża tal-irregolarità u jirrimedjawha fi żmien 6 sigħat jew, fil-każ ta’ avvenimenti ta’ temp estrem jew kundizzjonijiet estremi oħra, fi żmien 6 sigħat wara li l-kundizzjonijiet jkunu reġgħu lura għan-normal.

4.   Fejn jintużaw apparati li jqabbdu awtomatikament jew piloti kontinwi, l-operaturi għandhom jużaw tagħmir ta’ superviżjoni tal-fjamma biex jimmonitorjaw kontinwament il-fjamma tal-ivvampjar prinċipali jew il-fjamma pilota biex jiġi żgurat li ma jseħħx ivventjar minħabba kundizzjoni fejn tintefa l-fjamma.

Artikolu 18

Bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament u bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti

1.   Sal-5 ta’ Awwissu 2025, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku inventarju tal-bjar kollha inattivi, bjar magħluqa temporanjament u bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti fit-territorju tagħhom jew taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom li huma rreġistrati jew fejn informazzjoni jew evidenza dwar il-post tagħhom ikunu disponibbli jew fejn il-post ikun jista’ jiġi identifikat permezz tal-isforzi raġonevoli kollha. Dak l-inventarju għandu jinkludi mill-inqas l-elementi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness V.

L-Istati Membri għandhom iżommu u jżommu aġġornat dak l-inventarju, inkluż billi jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex isibu u jiddokumentaw il-bjar inattivi identifikati kollha, il-bjar magħluqa temporanjament u l-bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti li jinsabu fit-territorju tagħhom jew taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom, abbażi ta’ valutazzjoni robusta li tqis l-aktar sejbiet xjentifiċi aġġornati u l-aħjar tekniki disponibbli.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni evidenza tal-eżistenza fit-territorju tagħhom jew taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom ta’ 40 000 jew aktar bir inattiv, bir magħluq temporanjament u bir magħluq u abbandunat b’mod permanenti rreġistrati, jistgħu jadottaw pjan għat-tlestija tal-inventarju msemmi fil-paragrafu 1 u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan jew id-dimostrazzjoni li ma hemm l-ebda emissjoni tal-metan, kif applikabbli, fir-rigward ta’ dawk il-bjar, inkluż mill-inqas l-elementi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness V, u jagħmluh disponibbli għall-pubbliku, dment li:

(a)

sal-5 ta’ Awwissu 2025, mill-inqas 20 % ta’ dawn il-bjar jiġu inklużi fl-inventarju filwaqt li tingħata prijorità lill-bjar inattivi u magħluqa temporanjament;

(b)

sal-5 ta’ Awwissu 2026, mill-inqas 40 % ta’ dawn il-bjar jiġu inklużi fl-inventarju;

(c)

kull 12-il xahar wara l-5 ta’ Awwissu 2026, mill-inqas 15 % ta’ dawk il-bjar jiġu inklużi fl-inventarju;

(d)

il-bjar kollha jiġu inklużi fl-inventarju sal-5 ta’ Awwissu 2030.

Dak il-pjan għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, rapporti li jkun fihom informazzjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan u, fejn tagħmir ta’ monitoraġġ tal-pressjoni jeżisti, informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-pressjoni mill-bjar inattivi kollha u l-bjar magħluqa temporanjament għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet kompetenti sal-5 ta’ Mejju 2026 u sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem.

Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fl-arja u fl-ilma u informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-pressjoni, fejn applikabbli, bl-użu tal-istandards jew tal-preskrizzjonijiet tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 32. Sad-data tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi, l-operaturi u l-Istati Membri, kif applikabbli, għandhom isegwu prattiki industrijali tal-ogħla livell u jużaw l-aqwa teknoloġiji disponibbli għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan.

Meta l-operaturi jew l-Istati Membri jirrapportaw l-emissjonijiet tal-metan fil-qafas ta’ ftehimiet internazzjonali jew reġjonali li għalihom l-Unjoni jew l-Istat Membru rilevanti huwa parti, ir-rapporti msemmija f’dan il-paragrafu jistgħu jinkludu l-informazzjoni rrapportata fil-qafas ta’ tali ftehimiet.

Rapporti dwar bjar inattivi u bjar magħluqa temporanjament li jinsabu fi Stati Membri b’total ta’ mill-inqas 40 000 bir inattiv, bir magħluq temporanjament u bir magħluq u abbandunat b’mod permanenti għandhom jiġu sottomessi sa 12-il xahar wara l-inklużjoni ta’ kull wieħed mill-bjar fl-inventarju u sal-31 ta’ Mejju kull sena minn hemm ’il quddiem.

4.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jiġu pprovduti bi kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan u, fejn jeżisti tagħmir ta’ monitoraġġ tal-pressjoni, data dwar il-monitoraġġ tal-pressjoni li turi li ma kien hemm l-ebda emissjoni tal-metan minn bir fuq l-art magħluq temporanjament matul l-aħħar 5 snin, il-paragrafu 3 ma għandux jibqa’ japplika għal dak il-bir.

Meta l-awtoritajiet kompetenti jiġu pprovduti bi kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan u, fejn jeżisti apparat għall-monitoraġġ tal-pressjoni, id-data dwar il-monitoraġġ tal-pressjoni li turi li ma kien hemm l-ebda emissjoni tal-metan minn bir lil hinn mill-kosta inattiv jew bir lil hinn mill-kosta magħluq temporanjament matul l-aħħar 3 snin, il-paragrafu 3 ma għandux jibqa’ japplika għal dak il-bir.

5.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jiġu pprovduti b’evidenza affidabbli ta’ ammonti materjali ta’ emissjonijiet tal-metan f’bir lil hinn mill-kosta inattiv jew f’bir magħluq temporanjament wara l-perjodu msemmi fil-paragrafu 4, jew f’bir magħluq u abbandunat b’mod permanenti u fejn dik l-evidenza tkun ġiet ikkonfermata minn parti terza indipendenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni għal dak il-bir tal-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ bjar magħluqa temporanjament.

6.   Meta l-emissjonijiet tal-metan jiġu identifikati fi bjar inattivi, fi bjar magħluqa temporanjament jew fi bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti, l-Istati Membri jew il-parti responsabbli skont il-paragrafu 8 għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa disponibbli għalihom biex jirrimedjaw, jirreklamaw u jagħlqu b’mod permanenti dak il-bir, kif applikabbli, fejn ikun teknikament fattibbli u filwaqt li jqisu l-impatt ambjentali tax-xogħlijiet meħtieġa fid-dawl tat-tnaqqis assoċjat tal-emissjonijiet tal-metan.

7.   Qabel is-sottomissjoni lill-awtoritajiet kompetenti, ir-rapporti msemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu vvalutati minn verifikatur u għandhom jinkludu dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa f’konformità mal-Artikolu 8.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi jissodisfaw l-obbligi stipulati fil-paragrafi 3 sa 7 u l-paragrafu 9. Meta operatur, sid, detentur ta’ liċenzja jew parti b’xi mod ieħor responsabbli għall-bir skont il-liġi nazzjonali tipprovdi lill-awtorità kompetenti evidenza adegwata u affidabbli biex turi li ma għandhiex il-mezzi finanzjarji adegwati biex tissodisfa dawk l-obbligi jew fejn il-parti responsabbli ma tistax tiġi identifikata, l-Istat Membru għandu jġorr ir-responsabbiltà għal dawk l-obbligi.

9.   Sal-5 ta’ Awwissu 2026, l-Istati Membri jew il-parti responsabbli, f’konformità mal-paragrafu 8, għandhom iħejju pjan ta’ mitigazzjoni biex jirrimedjaw, jirreklamaw u jagħlqu b’mod permanenti bjar inattivi u bjar magħluqa temporanjament inkluż mill-inqas l-elementi stipulati fil-Parti 2 tal-Anness V, u jimplimentawh fi żmien 12-il xahar mill-preżentazzjoni tal-ewwel rapport imsemmi fil-paragrafu 3.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn Stat Membru jew il-parti responsabbli skont il-paragrafu 8 tkun tista’ turi li l-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan ta’ mitigazzjoni ma tkunx possibbli sa dik l-iskadenza minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza, dawk amministrattivi jew tekniċi, huma jistgħu jdewwmu l-implimentazzjoni tiegħu. Il-pjan ta’ mitigazzjoni għandu jinkludi l-evidenza meħtieġa kollha li tiġġustifika tali deċiżjoni. F’każijiet bħal dawn, l-implimentazzjoni għandha titwettaq malajr kemm jista’ jkun filwaqt li jiġi żgurat li d-data tat-tmiem għall-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni għal kull bir ma taqbiżx it-3 snin mill-preżentazzjoni tal-ewwel rapport imsemmi fil-paragrafu 3.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu li l-parti responsabbli temenda l-pjan ta’ mitigazzjoni b’kont meħud tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri jew il-parti responsabbli skont il-paragrafu 8 għandhom jaġġornaw regolarment il-pjan ta’ mitigazzjoni, f’konformità mal-inventarju msemmi fil-paragrafu 1 u r-rapporti msemmija fil-paragrafu 3 u kwalunkwe bidla jew informazzjoni ġdida derivata minnu, u abbażi ta’ valutazzjoni robusta li tqis l-aktar sejbiet xjentifiċi aġġornati u l-aħjar tekniki disponibbli.

Il-pjanijiet ta’ mitigazzjoni għandhom jużaw l-inventarji msemmija fil-paragrafu 1 u r-rapporti msemmija fil-paragrafi 3 sabiex jiddeterminaw il-prijorità għall-attivitajiet, inkluż:

(a)

ir-rimedjazzjoni, ir-reklamazzjoni u l-mili permanenti tal-bjar;

(b)

ir-reklamazzjoni ta’ toroq ta’ aċċess relatati jew il-ħamrija tal-madwar taħt l-ilma, kif applikabbli;

(c)

ir-restawr tal-art, tal-ilma, tal-qiegħ il-baħar u tal-ħabitat affettwati mill-bjar u mill-operazzjonijiet preċedenti;

(d)

il-monitoraġġ sabiex jiġi żgurat li l-bjar magħluqa mhumiex sors ta’ emissjonijiet tal-metan f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

10.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrevedu u jagħmlu r-rapporti u l-pjanijiet ta’ mitigazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u l-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5(4), fi żmien 3 xhur mill-preżentazzjoni tagħhom minn operatur jew it-tlestija ta’ pjan ta’ mitigazzjoni minn Stat Membru.

11.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2008/56/KE u 2013/30/UE, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw il-bjar taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta li jinsabu f’fond tal-ilma ta’ aktar minn 700 metru mir-rekwiżiti skont il-paragrafu 3 jew 9 ta’ dan l-Artikolu, jekk tkun tista’ tiġi pprovduta evidenza robusta li l-impatt fuq il-klima tal-emissjonijiet potenzjali tal-metan minn dawk il-bjar x’aktarx li jkun negliġibbli.

12.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2008/56/KE u 2013/30/UE, u soġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, bjar lil hinn mill-kosta magħluqa temporanjament u bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti li jinsabu f’fond tal-ilma ta’ bejn 200 u 700 metru jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżiti skont il-paragrafu 3 jew 9 ta’ dan l-Artikolu meta l-operatur jista’ jipprovdi evidenza li l-impatt fuq il-klima tal-emissjonijiet potenzjali tal-metan minn dawk il-bjar x’aktarx li jkun negliġibbli b’referenza għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali mwettqa qabel it-tħaffir jew wara aċċidenti matul l-operazzjonijiet.

KAPITOLU 4

EMISSJONIJIET TAL-METAN FIS-SETTUR TAL-FAĦAM

Taqsima I

Monitoraġġ u rappurtar f’minjieri tal-faħam attivi

Artikolu 19

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din it-Taqsima tapplika għall-minjieri tal-faħam attivi taħt l-art u tas-superfiċe.

2.   L-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw mill-minjieri tal-faħam attivi taħt l-art jinkludu l-emissjonijiet li ġejjin:

(a)

l-emissjonijiet tal-metan mix-xaftijiet tal-ventilazzjoni kollha li jintużaw mill-operatur tal-minjieri;

(b)

l-emissjonijiet tal-metan mill-istazzjonijiet tad-drenaġġ u mis-sistema tad-drenaġġ tal-metan, kemm jekk iseħħu bħala riżultat ta’ ivventjar intenzjonat jew mhux intenzjonat, jew ta’ kombustjoni mhux kompluta mill-ivvampjar;

(c)

l-emissjonijiet tal-metan li jseħħu matul l-attivitajiet ta’ wara l-estrazzjoni u fiż-żona tal-minjiera tal-faħam.

3.   L-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw mill-minjieri tal-faħam attivi tas-superfiċe jinkludu l-emissjonijiet li ġejjin:

(a)

l-emissjonijiet tal-metan li jseħħu fil-minjiera tal-faħam matul il-proċess tal-estrazzjoni;

(b)

l-emissjonijiet tal-metan li jseħħu matul l-attivitajiet ta’ wara l-estrazzjoni u fiż-żona tal-minjiera tal-faħam.

Artikolu 20

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Għall-minjieri tal-faħam taħt l-art, l-operaturi tal-minjieri għandhom jieħdu kontinwament kejl dirett fil-livell tas-sors u kwantifikazzjoni fuq ix-xaftijiet kollha tal-ventilazzjoni tal-egżost. L-operaturi tal-minjieri għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti l-emissjonijiet tal-metan għal kull xaft tal-ventilazzjoni fis-sena f’kilotunnellati ta’ metan, bl-użu ta’ tagħmir u metodoloġiji li jirriżultaw f’akkuratezza ta’ kejl b’tolleranza ta’ 0,5 kilotunnellata ta’ metan fis-sena jew ta’ 5 % tal-ammont irrapportat, skont liema valur ikun l-inqas.

2.   L-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom jieħdu kontinwament kejl dirett fil-livell tas-sors u kwantifikazzjoni tar-rilaxxi totali ta’ metan ivventjat u vvampjat, irrispettivament mir-raġunijiet għal tali attività ta’ vventjar u vvampjar.

3.   Għal minjieri tal-faħam tas-superfiċe, l-operaturi tal-minjieri għandhom jużaw fatturi ta’ emissjoni tal-metan tal-minjieri tal-faħam speċifiċi għad-depożitu sabiex jikkwantifikaw l-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta’ estrazzjoni. L-operaturi tal-minjieri għandhom jistabbilixxu dawk il-fatturi ta’ emissjoni fuq bażi trimestrali, f’konformità ma’ istandards xjentifiċi xierqa u jqisu l-emissjonijiet tal-metan mill-istrati tal-madwar.

4.   Il-kejl u l-kwantifikazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom isiru f’konformità mal-istandards applikabbli jew il-preskrizzjonijiet tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 32. Sad-data tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi, l-operaturi tal-minjieri għandhom isegwu prattiki industrijali tal-ogħla livell u jużaw l-aqwa teknoloġiji disponibbli għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan. L-operaturi tal-minjieri għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-verifikaturi b’informazzjoni dwar l-istandards, inkluż l-istandards internazzjonali, jew il-metodoloġiji użati.

Fir-rigward tal-kejl dirett fil-livell tas-sors u l-kwantifikazzjoni kontinwi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, fejn parti mit-tagħmir tal-kejl ma tkunx qiegħda topera għal ċertu perjodu, il-qari meħud matul il-perjodi meta t-tagħmir kien qiegħed jopera jista’ jintuża sabiex tiġi stmata d-data fuq bażi pro rata għall-perjodu li fih it-tagħmir ma kienx qiegħed jopera.

It-tagħmir użat għall-kejl dirett fil-livell tas-sors u l-kwantifikazzjoni kontinwi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jaħdem għal aktar minn 90 % tal-perjodu li għalih jintuża għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-metan, eskluż il-ħin ta’ waqfien meħud għall-kalibrazzjoni mill-ġdid u t-tiswijiet.

5.   Fejn rilevanti, l-operaturi tal-minjieri għandhom jistmaw l-emissjonijiet tal-metan ta’ wara l-estrazzjoni tal-faħam bl-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni ta’ wara l-estrazzjoni tal-faħam, aġġornati kull sena, abbażi ta’ kampjuni tal-faħam speċifiċi għad-depożiti u f’konformità mal-istandards xjentifiċi xierqa.

6.   Sal-5 ta’ Awwissu 2025 u sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena minn hemm ’il quddiem, l-operaturi tal-minjieri u l-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom jissottomettu rapport lill-awtoritajiet kompetenti li jkun fih data annwali dwar l-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Dak ir-rapport għandu jkopri l-aħħar perjodu tas-sena kalendarja disponibbli u jinkludi l-elementi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness VI għall-minjieri tal-faħam attivi taħt l-art, il-Parti 2 tal-Anness VI għall-minjieri tal-faħam attivi tas-superfiċe u l-Parti 3 tal-Anness VI għall-istazzjonijiet tad-drenaġġ.

Qabel is-sottomissjoni lill-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi tal-minjieri u l-operaturi tal-istazzjon tad-drenaġġ għandhom jiżguraw li r-rapporti msemmija f’dan il-paragrafu jiġu vvalutati minn verifikatur u jinkludu dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa f’konformità mal-Artikolu 8.

7.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu r-rapporti msemmija f’dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5(4) fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni mill-operaturi tal-minjiera.

Taqsima II

Mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam attivi taħt l-art

Artikolu 21

Kamp ta’ applikazzjoni

Din it-Taqsima tapplika għall-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 22

Miżuri ta’ mitigazzjoni

1.   L-ivvampjar b’effiċjenza tal-qerda u t-tneħħija mil-livell tad-disinn inqas minn 99 % u l-ivventjar tal-metan mis-sistemi tad-drenaġġ għandhom jiġu pprojbiti mill- 1 ta’ Jannar 2025, ħlief fil-każ ta’ emerġenza jew funzjonament ħażin, jew fejn ikun inevitabbli u strettament meħtieġ għall-manutenzjoni u ħlief fil-każ ta’ ivventjar f’konformità mal-paragrafu 2. F’każijiet bħal dawn, l-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom jivventjaw biss jekk l-ivvampjar ma jkunx teknikament fattibbli jew ikun ta’ riskju li jipperikola s-sikurezza tal-operazzjonijiet jew tal-persunal. F’sitwazzjoni bħal din, bħala parti mill-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 23, l-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom juru lill-awtoritajiet kompetenti l-ħtieġa tal-ivventjar minflok l-ivvampjar.

2.   L-ivventjar tal-metan permezz ta’ xaftijiet tal-ventilazzjoni f’minjieri tal-faħam li jarmu aktar minn 5 tunnellati ta’ metan għal kull kilotunnellata ta’ faħam estratt mill-minjieri, minbarra l-minjieri tal-faħam tal-kokk, għandu jkun ipprojbit mill-1 ta’ Jannar 2027, minbarra fil-każ ta’ emerġenza.

L-ivventjar tal-metan permezz ta’ xaftijiet tal-ventilazzjoni f’minjieri tal-faħam li jarmu aktar minn 3 tunnellati metan għal kull kilotunnellata ta’ faħam estratt mill-minjieri, minbarra l-minjieri tal-faħam tal-kokk, għandu jkun ipprojbit mill-1 ta’ Jannar 2031, minbarra fil-każ ta’ emerġenza.

Dawn il-limiti għandhom japplikaw kull sena, għal kull minjiera u għal kull operatur, jekk entità waħda topera diversi minjieri tal-faħam.

Il-miżuri meħuda skont dan il-paragrafu ma għandhomx iwasslu għad-deterjorament tas-sigurtà tal-ħaddiema.

3.   Sal-5 ta’ Awwissu 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 34 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-ivventjar tal-metan mix-xaftijiet tal-ventilazzjoni għall-minjieri tal-faħam tal-kokk.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri jistgħu jużaw sistema ta’ inċentivi biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan abbażi ta’ tariffi, imposti jew penali, kif imsemmi fl-Artikolu 33, sabiex jiġi żgurat li l-operaturi tal-minjieri tal-faħam eżistenti jikkonformaw mal-obbligi, stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 23

Rappurtar tal-avvenimenti tal-ivventjar u l-avvenimenti tal-ivvampjar

1.   Mill- 1 ta’ Jannar 2025, l-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-avvenimenti kollha ta’ vventjar u l-avvenimenti kollha ta’ vvampjar b’effiċjenza tal-qerda u t-tneħħija mil-livell tad-disinn inqas minn 99 %:

(a)

ikkawżati minn emerġenza jew funzjonament ħażin,

(b)

li jseħħu b’mod inevitabbli, minħabba l-manutenzjoni tas-sistema tad-drenaġġ.

Dik in-notifika għandha ssir f’konformità mal-Anness VII, mingħajr dewmien wara l-avveniment u mhux aktar tard minn 48 siegħa mill-bidu tal-avveniment jew mill-mument li fih l-operatur ikun sar konxju minnu.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu l-informazzjoni sottomessa lilhom skont dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni kull sena u f’konformità mal-Artikolu 5(4).

Taqsima III

Emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati

Artikolu 24

Kamp ta’ applikazzjoni

Din it-Taqsima tapplika għall-emissjonijiet tal-metan li ġejjin minn minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati fejn il-produzzjoni tal-faħam waqfet wara t-3 ta’ Awwissu 1954:

(a)

emissjonijiet tal-metan mix-xaftijiet kollha tal-ventilazzjoni li jkomplu jarmu l-metan;

(b)

emissjonijiet tal-metan mit-tagħmir għall-estrazzjoni tal-faħam li l-użu tiegħu ma tkompliex;

(c)

emissjonijiet tal-metan minn sorsi lokalizzati oħrajn definiti sew kif speċifikati fil-Parti 1 tal-Anness VIII.

Artikolu 25

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Sal-5 ta’ Awwissu 2025 l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku inventarju tal-minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati kollha fit-territorju tagħhom jew taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom, fejn l-operazzjonijiet ikunu ilu li twaqqfu wara t-3 ta’ Awwissu 1954, f’konformità mal-metodoloġija u bl-inklużjoni ta’ mill-anqas l-elementi stipulati fil-Parti 1 tal-Anness VIII.

2.   Mill-5 ta’ Mejju 2026, l-emissjonijiet tal-metan għandhom jitkejlu fil-minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u l-minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati kollha fejn l-operazzjonijiet ikunu ilhom li twaqqfu wara t-3 ta’ Awwissu 1954.

It-tagħmir tal-kejl għandu jiġi installat fuq l-elementi kollha elenkati fil-Parti 1, il-punt 1.5 tal-Anness VIII li nstabu li jarmu aktar minn 0,5 tunnellata metan fis-sena abbażi tal-inventarju fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dak it-tagħmir tal-kejl għandu jieħu kejl dirett fil-livell tas-sors jew iwettaq kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors f’konformità mal-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi applikabbli stabbiliti skont l-Artikolu 32, mill-inqas fuq bażi ta’ kull siegħa u ta’ kwalità suffiċjenti biex tkun tista’ ssir stima rappreżentattiva tal-emissjonijiet annwali tal-metan mill-elementi kollha elenkati fil-Parti 1, il-punt 1.5, tal-Anness VIII li nstabu li jarmu l-metan. Sad-data tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi, l-operaturi tal-minjieri għandhom isegwu prattiki industrijali tal-ogħla livell u jużaw l-aqwa teknoloġiji disponibbli għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan. L-operaturi tal-minjieri għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-verifikaturi informazzjoni dwar l-istandards, inkluż l-istandards Ewropej jew internazzjonali oħra, il-preskrizzjonijiet tekniċi jew il-metodoloġiji użati.

It-tagħmir tal-kejl għandu jopera għal aktar minn 90 % tal-perjodu li għalih jintuża għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-metan, minbarra l-perjodu ta’ qtugħ għar-rikalibrar u t-tiswija.

3.   Jekk l-emmissjonijiet annwali osservati tal-metan minn element elenkat fil-Parti 1, il-punt 1.5, tal-Anness VIII ikunu ta’ inqas minn tunnellata waħda ta’ metan għal 6 snin konsekuttivi fil-każ ta’ minjieri tal-faħam taħt l-art mgħarrqa jew għal 12-il sena konsekuttivi fil-każ ta’ minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art mhux mgħarrqa, ma għandu jitwettaq l-ebda monitoraġġ u rappurtar ulterjuri għal dak l-element speċifiku.

4.   Fuq talba mill-parti responsabbli, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżentaw il-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art magħluqa u l-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art abbandunati mir-rekwiżiti tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-Parti 1, il-punt 1.5, tal-Anness VIII meta l-parti responsabbli turi li dawk il-minjieri ġew mgħarrqa kompletament għal mill-inqas 10 snin qabel id-data tat-talba.

Dik it-talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport mill-parti responsabbli. Dak ir-rapport għandu juri l-istabbilizzazzjoni tal-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi kif ukoll in-nuqqas ta’ ammonti materjali ta’ emissjonijiet tal-metan mill-minjiera tal-faħam rilevanti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu dak ir-rapport disponibbli għall-pubbliku f’konformità mal-liġi nazzjonali.

5.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jirċievu evidenza affidabbli ta’ ammonti materjali ta’ emissjonijiet tal-metan minn minjiera tal-faħam ta’ taħt l-art magħluqa jew minn minjiera tal-faħam ta’ taħt l-art abbandunata kif imsemmi fil-paragrafu 4, l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw għal dik il-minjiera tal-faħam.

6.   Rapporti li jkun fihom stimi tad-data annwali dwar l-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet kompetenti sal-5 ta’ Awwissu 2026 u sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena minn hemm “il quddiem.

Dawk ir-rapporti għandhom ikopru l-aħħar sena kalendarja disponibbli u jinkludu l-elementi stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness VIII.

Qabel is-sottomissjoni lill-awtoritajiet kompetenti, ir-rapporti msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu vvalutati minn verifikatur. Għandhom jinkludu dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa skont l-Artikolu 8.

7.   L-operaturi tal-minjieri jew l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-konformità tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art magħluqa. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-konformità tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art abbandunati. Fil-każ ta’ użi alternattivi ta’ minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art abbandunati, id-detentur tal-permess imsemmi fl-Artikolu 26(3) għandu jkun responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 6 ta’ dan l-Artikolu.

8.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu r-rapporti msemmija f’dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku u għall-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5(4), fi żmien 3 xhur mis-sottomissjoni mill-parti responsabbli.

Artikolu 26

Miżuri ta’ mitigazzjoni

1.   Abbażi tal-inventarju msemmi fl-Artikolu 25, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ mitigazzjoni biex jindirizzaw l-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art magħluqa u minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art abbandunati fejn l-operazzjonijiet ikunu ilhom li twaqqfu wara t-3 ta’ Awwissu 1954.

Dak il-pjan ta’ mitigazzjoni għandu jiġi sottomess lill-awtoritajiet kompetenti sal-5 ta’ Frar 2027. Dan għandu jinkludi stadji importanti ewlenin għall-implimentazzjoni tiegħu u mill-inqas l-elementi stabbiliti fil-Parti 3 tal-Anness VIII.

2.   L-ivventjar u l-ivvampjar mit-tagħmir imsemmi fl-Artikolu 25(2) għandhom ikunu pprojbiti mill-1 ta’ Jannar 2030, sakemm l-użu tal-metan jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan ma jkunx teknikament fattibbli jew ma jkunx ta’ riskju li jipperikola s-sikurezza ambjentali, is-sikurezza tal-bniedem, inkluż dik tal-persunal, jew is-saħħa. F’sitwazzjoni bħal din, bħala parti mill-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 25, l-operaturi tal-minjieri jew l-Istati Membri għandhom juru l-ħtieġa tal-ivventjar jew l-ivvampjar minflok l-użu tal-metan jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan.

3.   L-użu alternattiv ta’ minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art abbandunati għandu jkun permess wara proċedura ta’ awtorizzazzjoni adattata għat-tip speċifiku tal-użu alternattiv tal-minjiera tal-faħam ta’ taħt l-art abbandunata. L-applikant għandu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti pjan dettaljat ta’ miżuri biex jiġu evitati l-emissjonijiet tal-metan. Id-detentur ta’ permess għandu jikkonforma mal-obbligi ta’ monitoraġġ, rappurtar u mitigazzjoni skont l-Artikolu 25 u skont dan l-Artikolu.

4.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni applikabbli speċifika għas-settur, għall-minjieri tal-faħam ta’ taħt l-art magħluqa, għandhom ikunu permessi l-aħjar prattiki ta’ mitigazzjoni eżistenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan.

KAPITOLU 5

EMISSJONIJIET TAL-METAN TA” ŻEJT MHUX MAĦDUM, GASS NATURALI U FAĦAM INTRODOTT FIS-SUQ TAL-UNJONI

Artikolu 27

Rekwiżiti li japplikaw għall-importaturi

1.   Sal-5 ta’ Mejju 2025 u sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena minn hemm “il quddiem, l-importaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fl-Anness IX lill-awtoritajiet kompetenti tal- Istat Membru li jkunu stabbiliti fih. Meta l-importaturi jonqsu milli jipprovdu dik l-informazzjoni, b’mod sħiħ jew parzjali, huma għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni tajba lil dawk l-awtoritajiet kompetenti għal tali nuqqas u jistabbilixxu l-azzjonijiet li jkunu ħadu biex jiksbu dik l-informazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 34 sabiex temenda dan ir-Regolament billi timmodifika l-informazzjoni meħtieġa li għandha tiġi pprovduta mill-importaturi.

2.   Sal-5 ta’ Awwissu 2025 u sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena minn hemm ‘il quddiem, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-informazzjoni pprovduta lilhom mill-importaturi.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli f’konformità mal-Artikolu 30.

Artikolu 28

Ekwivalenza tal-miżuri ta’ monitoraġġ, ta’ rappurtar u ta’ verifika

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2027, l-importaturi għandhom juru, u jirrapportaw f’konformità mal-Artikolu 27(1), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti li l-kuntratti konklużi jew imġedda fi jew wara l-4 ta’ Awwissu 2024 għall-provvista ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam prodott barra mill-Unjoni jkopru biss iż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam li huwa soġġett għal miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika applikati fil-livell tal-produttur li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Għal kuntratti konklużi qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 għall-provvista ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam prodott barra mill-Unjoni, l-importaturi għandhom iwettqu l-isforzi raġonevoli kollha biex jirrikjedu li ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam ikunu soġġetti għal miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika applikati fil-livell tal-produttur li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk l-isforzi jistgħu jinkludu l-emendar ta’ dawk il-kuntratti.

Mill-1 ta’ Jannar 2027, l-importaturi għandhom jinfurmaw kull sena lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti bir-riżultati ta’ dawn l-isforzi, bħala parti mill-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 27(1) u, f’każ ta’ falliment, jipprovdu ġustifikazzjoni tajba lil dawk l-awtoritajiet kompetenti għal tali nuqqas u jistabilixxu l-azzjonijiet li jkunu ħadu bħala parti minn dawk l-isforzi.

3.   Il-Kummissjoni għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet li jkun fihom klawżoli mudell fakultattivi relatati mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, li għandha tintuża mill-importaturi li jintroduċu żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam fis-suq tal-Unjoni fil-proċess ta’ modifika jew tiġdid ta’ kuntratti eżistenti jew l-iffirmar ta’ kuntratti ġodda għall-provvista ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jirċievu mill-l-importaturi skont dan l-Artikolu, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni li għandha tipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika għandhom jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament fil-każijiet li ġejjin:

(a)

iż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali u l-faħam huma soġġetti għal verifika indipendenti minn parti terza ekwivalenti għal dik stabbilita fl-Artikoli 8 u 9 u l-produttur stabbilit f’pajjiż terz japplika:

(i)

għaż-żejt mhux maħdum u għall-gass naturali, miżuri ta’ monitoraġġ u rappurtar li jiżguraw il-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12 jew il-monitoraġġ u r-rappurtar fil-livell 5 tal-OGMP 2.0;

(ii)

għall-faħam, miżuri ta’ monitoraġġ u rappurtar ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 20; jew

(b)

il-pajjiż terz ikollu fis-seħħ u japplika għall-produtturi u l-esportaturi stabbiliti f’dak il-pajjiż terz u li jfornu żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam lis-suq tal-Unjoni, qafas regolatorju dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dak applikat fl-Unjoni; b’mod partikolari, il-pajjiż terz ikun wera li dawk ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rappurtar jiżguraw mill-inqas kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors u fil-livell tas-sit u rappurtar regolari ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 12, għaż-żejt mhux maħdum u għall-gass naturali, u fl-Artikolu 20, għall-faħam, u li hemm fis-seħħ verifika effettiva minn parti terza indipendenti, ekwivalenti għal dik stabbilita fl-Artikoli 8 u 9, kif ukoll superviżjoni u infurzar effettivi.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafu 5, il-punt (b), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-proċedura u r-rekwiżiti dwar l-evidenza li għandha tiġi pprovduta minn pajjiż terz għall-istabbiliment tal-ekwivalenza. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(3).

Il-proċedura biex tiġi stabbilita l-ekwivalenza tista’ tinbeda fuq it-talba ta’ pajjiż terz jew mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha b’mod attiv mal-pajjiżi terzi kollha li jesportaw iż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam lejn is-suq tal-Unjoni biex tikseb il-qbil tagħhom li tibda tali proċedura, filwaqt li tqis il-kwantità importata minn dawk il-pajjiżi terzi u l-potenzjal tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan tagħhom.

L-ekwivalenza għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni għal kull pajjiż terz rilevanti, biss meta l-pajjiż terz jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 5, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu u tiġi pprovduta l-evidenza kollha meħtieġa. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha żżomm lura milli tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni fejn l-adozzjoni tagħhom tirriżulta f’ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 TFUE li jirrestrinġu l-importazzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam.

L-ekwivalenza tista” tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, meta l-pajjiż terz ma jibqax jikkonforma, fil-liġi jew fil-prattika, mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu matul perjodu ta’ mill-inqas 12-il xahar. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 35(3). Qabel ma tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiż terz bit-tħassib tagħha u tagħtih l-opportunità li jiddikjara l-fehmiet tiegħu.

Meta tħejji l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-prodotti taż-żejt u petroliferi, stabbilit mid-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE (28), il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29), u l-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku, stabbilit mill-Kummissjoni, kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati oħra. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jidħlu fis-seħħ mhux qabel 30 jum kalendarju wara d-data tal-adozzjoni tagħhom.

7.   L-importaturi għandhom ikunu eżentati mill-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 meta jimportaw żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam minn pajjiż terz li għalih tkun ġiet stabbilita ekwivalenza f’konformità mal-paragrafu 6.

8.   Mill-4 ta’ Awwissu 2024, fejn xieraq u soġġett għall-proċeduri applikabbli, il-Kummissjoni għandha tipproponi u timmira li l-Unjoni tidħol f’oqfsa ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li minnhom l-Unjoni timporta żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam biex tappoġġahom fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika ekwivalenti għal dik stabbilita f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni ma għandhiex tirrakkomanda d-dħul f’oqfsa ta’ kooperazzjoni bħal dawn meta dawk l-oqfsa jirriżultaw f’ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 TFUE dwar l-importazzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam.

Artikolu 29

Intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam

1.   Sal-5 ta’ Awwissu 2028 u kull sena minn dak iż-żmien “il quddiem, għall-kuntratti ta’ provvista konklużi jew imġedda fi jew wara l-4 ta’ Awwissu 2024, il-produtturi tal-Unjoni u, skont l-Artikolu 27(1), l-importaturi tal-Unjoni għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti minnhom fis-suq tal-Unjoni kkalkulata f’konformità mal-użu tal-metodoloġija stabbilita skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

Għall-kuntratti ta’ provvista konklużi qabel l-4 ta’ Awwissu 2024, il-produtturi tal-Unjoni u, skont l-Artikolu 27(1), l-importaturi tal-Unjoni għandhom iwettqu l-isforzi raġonevoli kollha biex jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti minnhom fis-suq tal-Unjoni kkalkulata f’konformità mal-użu tal-metodoloġija stabbilita skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Mill-5 ta’ Awwissu 2028, il-produtturi u l-importaturi tal-Unjoni li jintroduċu żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam fis-suq tal-Unjoni għandhom jirrapportaw kull sena lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti dwar ir-riżultati ta’ tali sforzi.

2.   Sal-5 ta’ Awwissu 2030, u kull sena minn hemm’il quddiem, il-produtturi u l-importaturi tal-Unjoni li jintroduċu żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam fis-suq tal-Unjoni taħt kuntratti ta’ provvista konklużi jew imġedda wara l-5 ta’ Awwissu 2030 għandhom juru lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti li l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti fis-suq tal-Unjoni, ikkalkulata f’konformità mal-użu tal-metodoloġija stabbilita skont il-paragrafu 4, tkun inqas mill-valuri massimi tal-intensità tal-metan stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 6 biex jippromwovu t-tnaqqis globali tal-emissjonijiet tal-metan għal dawk il-prodotti.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jirċievu mill-produtturi u l-importaturi tal-Unjoni skont dan l-Artikolu, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, li għandha tipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

4.   Sal-5 ta’ Awwissu 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 34 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu, fil-livell tal-produttur, tal-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni. Dik il-metodoloġija għandha tqis il-proċessi ta’ produzzjoni u l-kundizzjonijiet tas-sit differenti, kif ukoll il-metodoloġiji internazzjonali eżistenti u l-aħjar prattika għall-kalkolu tal-intensità tal-metan. Dik il-metodoloġija għandha tkun nondiskriminatorja u bbażata fuq kriterji trasparenti u oġġettivi. Meta tħejji tali atti delegati, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-prodotti taż-żejt u petroliferi, lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, lill-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku, u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

5.   Sal-5 ta’ Awwissu 2029, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt potenzjali ta’ diversi livelli ta’ valuri massimi tal-intensità tal-metan assoċjati maż-żejt mhux maħdum, mal-gass naturali u mal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni fil-livell tal-produttur, u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tat-tnaqqis potenzjali tal-emissjonijiet globali tal-metan, tal-impatt fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali u fuq il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni, u tad-distorsjonijiet potenzjali tas-suq globali u reġjonali. Dak ir-rapport għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tas-suq fir-rigward tal-intensità tal-metan tal-provvisti attwali u futuri lejn l-Unjoni sal-2049 kemm permezz ta’ kuntratti fit-tul kif ukoll permezz ta’ xiri fil-pront. Dik il-valutazzjoni għandha tanalizza s-sitwazzjoni għal kull Stat Membru, filwaqt li tqis l-impenji kuntrattwali meħuda qabel l-4 ta’ Awwissu 2024, il-kapaċitajiet tal-infrastruttura tal-enerġija u r-restrizzjonijiet potenzjali.

6.   Abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 u ta’ kriterji oġġettivi, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 34 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-valuri massimi tal-intensità tal-metan assoċjati maż-żejt mhux maħdum, mal-gass naturali u mal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni fil-livell tal-produttur. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu konsistenti mal-metodoloġija għall-kalkolu tal-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni stabbilita f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti delegati għandhom jispeċifikaw ukoll klassijiet differenti tal-intensità tal-metan għaż-żejt mhux maħdum, għall-gass naturali u għall-faħam. Dawk il-valuri massimi tal-intensità tal-metan għandhom jiġu ddeterminati separatament għaż-żejt mhux maħdum, għall-gass naturali u għall-faħam, u jkopru l-klassi jew il-klassijiet bl-aħjar prestazzjoni. Dawk il-valuri massimi tal-intensità tal-metan u l-klassijiet tal-intensità tal-metan għandhom iqisu s-sorsi, il-proċessi tal-produzzjoni u l-kundizzjonijiet tas-sit differenti u għandhom jiġu stabbiliti f’livelli li jippromwovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-metan fir-rigward taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li tiġi ppreservata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, tiġi żgurata distribuzzjoni bilanċjata tal-volumi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni kif ukoll trattament mhux diskriminatorju, u tiġi protetta l-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni.

Artikolu 30

Bażi tad-data għat-trasparenza dwar il-metan u profili tal-prestazzjoni tal-metan

1.   Sal-5 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data għat-trasparenza dwar il-metan, inkluż informazzjoni rilevanti dwar l-Istati Membri u l-impriżi ta’ pajjiżi terzi, importaturi u volumi ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, b’mod partikolari l-informazzjoni ppreżentata lilha skont l-Artikolu 12(8), l-Artikolu 18(10), l-Artikolu 20(7), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27 (2), l-Artikolu 28 (4) u l-Artikolu 29 (3).

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-bażi tad-data għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

lista ta’ pajjiżi terzi fejn iż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam huwa prodott u li minnhom jiġu esportati lejn l-Unjoni;

(b)

għal kull Stat Membru jew pajjiż terz imsemmi fil-punt (a) l-informazzjoni li ġejja:

(i)

jekk għandux miżuri regolatorji obbligatorji fis-seħħ dwar l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija, li jkopru l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament rigward il-kejl, ir-rappurtar, il-verifika u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija, b’mod partikolari restrizzjonijiet dwar l-ivventjar u l-ivvampjar;

(ii)

jekk iffirmax il-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u jekk ingħaqditx mal-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan;

(iii)

jekk jippreżentax rapporti tal-inventarju nazzjonali skont ir-rekwiżiti tal-UNFCCC, fejn applikabbli;

(iv)

jekk ir-rapporti tal-inventarju nazzjonali sottomessi skont l-UNFCCC jinkludux rappurtar tal-livell 3 tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija, fejn applikabbli, u jispeċifikawx il-kategoriji tal-emissjonijiet tal-metan irrapportati fil-livell 3;

(v)

l-ammont ta’ emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija speċifikat fir-rapporti tal-inventarju nazzjonali sottomessi skont l-UNFCCC, fejn applikabbli, u jekk dik id-data kinitx soġġetta għal verifika indipendenti;

(vi)

fejn disponibbli, links elettroniċi għal sorsi ta’ data nazzjonali b’informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija;

(c)

għal kull Stat Membru, lista ta’ importaturi li jqiegħdu żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam fis-suq tal-Unjoni;

(d)

għal kull pajjiż terz imsemmi fil-punt (a) l-informazzjoni li ġejja:

(i)

lista ta’ produtturi jew esportaturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam fl-Unjoni, kif applikabbli, u jekk humiex parti minn kwalunkwe inizjattiva globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, bħall-OGMP u l-Inizjattiva Żero Ivvampjar ta’ Rutina;

(ii)

valuri indikattivi li jistmaw l-emissjonijiet tal-metan relatati mat-trasport taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam.

Il-bażi tad-data għat-trasparenza dwar il-metan għandha sservi bħala għodda ta’ informazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku bla ħlas.

Il-bażi tad-data għat-trasparenza dwar il-metan għandha tindika fejn il-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni sottomessa jkunu ġew ivverifikati minn partijiet terzi indipendenti.

3.   Sal-5 ta’ Awwissu 2026, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-bażi tad-data għat-trasparenza dwar il-metan, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-profili tal-prestazzjoni tal-metan tal-Istati Membri u tal-produtturi jew l-importaturi tal-Unjoni, kif applikabbli, li jqiegħdu ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam fis-suq tal-Unjoni, kif ukoll ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-Unjoni timporta żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam u ta’ produtturi jew esportaturi ta’ pajjiżi terzi li jfornuhom lill-Unjoni.

4.   Il-profili tal-prestazzjoni tal-metan ippubblikati f’konformità mal-paragrafu 3 għandhom jiġu aġġornati kull sena u għandu jkun fihom, mill-inqas u kif applikabbli:

(a)

l-emissjonijiet tal-metan relatati maż-żejt mhux maħdum, mal-gass naturali u mal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni u valutazzjoni tal-kwalità tad-data għall-emissjonijiet tal-metan irrappurtati, inkluż il-livell ta’ rappurtar tal-OGMP 2.0, fejn rilevanti;

(b)

valutazzjoni tal-isforzi mwettqa għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan mill-produtturi jew l-importaturi tal-Unjoni, kif ukoll minn produtturi jew esportaturi ta’ pajjiżi terzi, li jqiegħdu żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam fis-suq tal-Unjoni, inkluż skont ir-reġjun fejn rilevanti;

(c)

analiżi ta’ avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna li seħħew fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi li minnhom l-Unjoni timporta żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam u kif dawk l-avvenimenti ġew indirizzati.

5.   Il-profili tal-prestazzjoni tal-metan ippubblikati f’konformità mal-paragrafu 3 għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku online mingħajr ħlas.

6.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943.

Artikolu 31

Għodda globali ta’ monitoraġġ tal-metan u mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida

1.   Sal-5 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi għodda globali ta’ monitoraġġ tal-metan ibbażata fuq data satellitari u input minn diversi fornituri u servizzi tad-data ċertifikati, inkluż il-komponent Copernicus tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni tista’ tuża għodod jew oqfsa internazzjonali eżistenti, fejn disponibbli.

L-għodda globali ta’ monitoraġġ tal-metan għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u għandha tipprovdi aġġornamenti regolari mill-inqas dwar l-okkorrenza, id-daqs u l-post ta’ avvenimenti b’emissjonijiet għoljin tal-metan mis-sorsi ta’ enerġija fl-Unjoni jew barra minnha.

2.   Sal-5 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida biex tindirizza avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika minnufih kwalunkwe avveniment identifikat b’emissjonijiet kbar ħafna lill-Istat Membru jew lill-pajjiż terz li taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu jkun seħħ l-avveniment, kif xieraq. Fejn fattibbli, il-Kummissjoni għandha tinnotifika wkoll lill-produttur marbut mas-sors jew mas-sett ta’ sorsi konnessi li jarmu l-metan. Dik in-notifika għandha tinkludi talba biex tiġi pprovduta minnufih informazzjoni addizzjonali dwar l-avveniment b’emissjonijiet kbar ħafna u l-miżuri ta’ rimedju meħuda jew ippjanati li jittieħdu biex jittaffa l-impatt jew jitwaqqaf l-avveniment, inkluż il-perjodu ta’ żmien li fih għandhom iseħħu dawk il-miżuri. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kuntatti kollha meħtieġa sabiex tikseb u tivverifika l-informazzjoni li tirċievi b’rabta mal-avveniment, inkluż, fejn applikabbli, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni tista’ tuża għodod jew oqfsa internazzjonali eżistenti, fejn disponibbli.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipproponi li tistabbilixxi f’isem l-Unjoni djalogi bilaterali ma’ pajjiżi terzi li minnhom l-Unjoni timporta żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam bl-għan li jiġi stabbilit qafas għal skambju ta’ informazzjoni u għal sistema ta’ detezzjoni u twissija bikrija biex jidentifikaw u jwissu lil xulxin dwar l-okkorrenza ta’ avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna u l-miżuri ta’ rimedju meħuda jew li għandhom jittieħdu sabiex jipprevjenu jew iwaqqfu tali avvenimenti. Dawk id-djalogi għandu jkollhom ukoll l-għan li jidentifikaw modi biex jaċċelleraw it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u, jekk ikun meħtieġ, jistgħu joffru skambju tal-aħjar prattiki u pariri biex jiġu stabbiliti miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar, verifika u tnaqqis ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tipproponi li tistabbilixxi djalogi bilaterali ma’ pajjiżi terzi fejn dan jirriżulta f’ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 TFUE dwar l-importazzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam.

4.   Abbażi tal-monitoraġġ imwettaq fil-kuntest tad-djalogi msemmija fil-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati dwar in-notifiki ta’ avvenimenti b’emissjonijiet kbar ħafna u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi li minnhom l-Unjoni timporta żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam u kwalunkwe impatt potenzjali fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali.

5.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 32

Standards u preskrizzjonijiet tekniċi

1.   Il-Kummissjoni għandha, f’konformità mal-Artikolu 10(1) sa (5) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, titlob lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex tabbozza standards armonizzati għal:

(a)

il-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan kif imsemmi fl-Artikolu 12(5);

(b)

l-istħarriġ LDAR kif imsemmi fl-Artikolu 14(1);

(c)

it-tagħmir kif imsemmi fl-Artikolu 15(3);

(d)

il-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan kif imsemmi fl-Artikolu 18(3); u

(e)

il-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan kif imsemmi fl-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 25(2).

Malli tirċievi abbozz ta’ standard minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-konformità tiegħu mat-talba tal-istandardizzazzjoni rilevanti, ma’ dan ir-Regolament u mal-liġi applikabbli oħra tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 34 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi standards obbligatorji, jew partijiet minnhom, kif imsemmi f’dan il-paragrafu.

2.   Meta ma jkun ġie adottat l-ebda att delegat f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 34 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi preskrizzjonijiet tekniċi obbligatorji, jew partijiet minnhom, għall-finijiet ta’:

(a)

il-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan kif imsemmi fl-Artikolu 12(5);

(b)

l-istħarriġ LDAR kif imsemmi fl-Artikolu 14(1);

(c)

it-tagħmir kif imsemmi fl-Artikolu 15(3);

(d)

il-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan kif imsemmi fl-Artikolu 18(3); u

(e)

il-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan kif imsemmi fl-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 25(2).

Il-Kummissjoni tista” tadotta dawk l-atti delegati biss meta tkun ħarġet talba għal standardizzazzjoni lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar u tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-talba ma tkunx ġiet aċċettata;

(b)

l-istandards mitluba ma jkunux twettqu sal-iskadenza stabbilita;

(c)

l-istandards żviluppati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni ma jikkonformawx mat-talba; jew

(d)

l-istandards żviluppati mill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni jitqiesu bħala insuffiċjenti biex ikopru r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, b’mod sħiħ jew parzjali.

Artikolu 33

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati.

Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jinkludu mill-inqas:

(a)

multi proporzjonati għall-ħsara ambjentali u l-impatt fuq is-sikurezza tal-bniedem u s-saħħa, stabbiliti f’livell li:

(i)

tal-inqas iċaħħad lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi derivati mill-ksur b’mod effettiv; kif ukoll

(ii)

jiżdied gradwalment għal ksur serju ripetut;

(b)

pagamenti perjodiċi ta’ penali sabiex l-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri jew l-importaturi jiġu mġiegħla jwaqqfu ksur, jikkonformaw ma’ deċiżjoni li tordna azzjonijiet ta’ rimedju jew miżuri korrettivi, jipprovdu informazzjoni jew jissottomettu ruħhom għal spezzjoni, kif applikabbli.

Sal-5 ta’ Awwissu 2025, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

2.   L-Istati Membri’għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu mill-inqas il-penali amministrattivi u l-miżuri amministrattivi li ġejjin għall-ksur tal-Artikolu 12, l-Artikolu 14(14), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 20, l-Artikolu 23(1), l-Artikolu 27(1), l-Artikolu 28(1) u (2) u l-Artikolu 29(1) u (2), sakemm ma jipperikolawx is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija:

(a)

jadottaw deċiżjoni li teżiġi li l-persuna twaqqaf il-ksur;

(b)

jordnaw il-konfiska tal-qligħ miksub jew tat-telf evitat minħabba l-ksur sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(c)

joħorġu twissijiet jew avviżi pubbliċi;

(d)

jadottaw deċiżjoni li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali;

(e)

jadottaw deċiżjoni li timponi multi amministrattivi.

Fil-każ tal-persuni ġuridiċi, l-ammont tal-multi amministrattivi msemmija fil-punt (e) ma għandux jaqbeż l-20 % tal-fatturat annwali fis-sena kummerċjali preċedenti. Fil-każ tal-persuni fiżiċi, l-ammont ta’ dawk il-multi ma għandux jaqbeż l-20 % tal-introjtu annwali fis-sena kalendarja preċedenti.

3.   Meta s-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix multi amministrattivi, jistgħu jiġu imposti multi mill-qrati nazzjonali kompetenti fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti. Dawk il-multi għandhom ikunu effettivi u l-effett tagħhom għandu jkun ekwivalenti għal dak tal-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet amministrattivi.

4.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li s-setgħat tagħhom jiġu eżerċitati, u li l-penali amministrattivi u l-miżuri amministrattivi li jimponu jitfasslu u jiġu applikati, b’mod effettiv u konsistenti madwar l-Unjoni.

5.   Tal-anqas il-ksur li ġej għandu jkun soġġett għal penali:

(a)

in-nuqqas min-naħa tal-operaturi, l-impriżi, l-operaturi tal-minjieri jew l-importaturi li jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-verifikaturi l-assistenza meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

in-nuqqas min-naħa tal-operaturi jew tal-operaturi tal-minjieri li jwettqu l-azzjonijiet stabbiliti fir-rapporti tal-ispezzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 6(5) u (6);

(c)

in-nuqqas min-naħa tal-operaturi jew tal-operaturi tal-minjieri li jissottomettu r-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-metan kif meħtieġ mill-Artikolu 12, l-Artikolu 18(3), l-Artikolu 20 u l-Artikolu 25(6), inkluż id-dikjarazzjoni ta’ verifika maħruġa minn verifikatur indipendenti f’konformità mal-Artikolu 8(4);

(d)

in-nuqqas min-naħa tal-operaturi li jissottomettu programm LDAR f’konformità mal-Artikolu 14(1) jew li jwettqu stħarriġ LDAR f’konformità mal-Artikolu 14(2), (5) u (6);

(e)

in-nuqqas min-naħa tal-operaturi li jsewwu jew jissostitwixxu l-komponenti, li jistħarrġu l-komponenti kontinwament u li jirreġistraw it-tnixxijiet f’konformità mal-Artikolu 14(8) sa (13);

(f)

in-nuqqas min-naħa tal-operaturi li jissottomettu rapport f’konformità mal-Artikolu 14(14);

(g)

l-ivventjar jew l-ivvampjar, inkluż l-ivvampjar ta’ rutina, mill-operaturi jew mill-operaturi tal-minjieri, ħlief f’sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(2) u (3), l-Artikolu 22(1) u (2), u l-Artikolu 26(2);

(h)

in-nuqqas min-naħa tal-operaturi jew tal-operaturi tal-minjieri li juru l-ħtieġa li jużaw l-ivventjar minflok l-ivvampjar u li juru l-ħtieġa li jużaw l-ivvampjar minflok l-injezzjoni mill-ġdid, jew l-użu fuq il-post jew id-dispaċċ tal-metan lejn suq, fil-każ tal-operaturi, jew l-użu jew il-mitigazzjoni, fil-każ tal-operaturi tal-minjieri, f’konformità mal-Artikolu 15(4) u (6), l-Artikolu 22(1) u (2), u l-Artikolu 26(2);

(i)

in-nuqqas min-naħa tal-operaturi li jissostitwixxu jew jużaw it-tagħmir tal-ivventjar f’konformità mal-Artikolu 15(5) u (7);

(j)

in-nuqqas min-naħa tal-operaturi jew tal-operaturi tal-minjieri li jinnotifikaw jew jirrapportaw dwar avvenimenti ta’ ivventjar u avvenimenti ta’ ivvampjar f’konformità mal-Artikolu 16, l-Artikolu 23(1) jew l-Artikolu 26, kif applikabbli;

(k)

l-użu ta’ torri tal-ivvampjar jew ta’ apparat ta’ kombustjoni bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 17, 22 u 23;

(l)

in-nuqqas min-naħa tal-parti responsabbli li tapplika miżuri ta’ mitigazzjoni f’konformità mal-Artikolu 18(6) u (9);

(m)

in-nuqqas min-naħa tal-importaturi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 27(1) u l-Anness IX;

(n)

in-nuqqas min-naħa tal-importaturi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 28(1) u (2);

(o)

in-nuqqas min-naħa tal-produtturi jew l-importaturi tal-Unjoni li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 29(1) u (2);

(p)

in-nuqqas min-naħa tal-produtturi jew tal-importaturi tal-Unjoni li jikkonformaw mal-valuri massimi tal-intensità tal-metan stabbiliti fl-atti delegati adottati f’konformità mal-Artikolu 29(6).

6.   Meta l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 15(8) jiġu ssodisfati, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jnaqqsu jew li ma jimponux pieni fuq l-operaturi għall-perjodu ta’ implimentazzjoni meqjus meħtieġ mill-awtoritajiet nazzjonali.

7.   L-Istati Membri għandhom iqisu tal-anqas il-kriterji indikattivi li ġejjin għall-impożizzjoni ta’ penali, kif xieraq:

(a)

id-durata jew l-effetti temporali, in-natura u l-gravità tal-ksur;

(b)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-operaturi, mill-impriża, mill-operatur tal-minjieri jew mill-importatur sabiex id-dannu jittaffa jew jiġi rimedjat fil-ħin;

(c)

il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(d)

kwalunkwe ksur preċedenti jew ripetut mill-operatur, mill-impriża, mill-operatur tal-minjieri jew mill-importatur;

(e)

il-benefiċċji ekonomiċi miksuba jew telf evitat, direttament jew indirettament, mill-operatur, mill-impriża, mill-operatur tal-minjieri jew mill-importatur minħabba l-ksur, jekk id-data rilevanti tkun disponibbli;

(f)

id-daqs tal-operatur, tal-impriża, tal-operatur tal-minjieri jew tal-importatur;

(g)

il-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet;

(h)

il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtoritajiet, b’mod partikolari jekk, u jekk ikun hekk il-każ sa fejn, l-operatur, l-impriża, l-operatur tal-minjieri jew l-importatur nnotifikaw il-ksur fil-ħin;

(i)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, inkluż azzjonijiet ta’ parti terza.

8.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw kull sena informazzjoni dwar it-tip u d-daqs tal-penali imposti skont dan ir-Regolament, il-każijiet ta’ ksur u l-operaturi, l-impriżi, l-operaturi ta’ minjieri jew importaturi li fuqhom ikunu ġew imposti penali.

Fejn applikabbli, tali informazzjoni għandha tiġi rrappurtata f’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30).

Artikolu 34

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 22(3), l-Artikolu 27(1), l-Artikolu 29(4) u (6), u l-Artikolu 32 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mill-4 ta’ Awwissu 2024 u għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 22(3), l-Artikolu 27(1), l-Artikolu 29(4) u (6), u l-Artikolu 32 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 22(3), l-Artikolu 27(1), l-Artikolu 29(4) u (6), jew l-Artikolu 32 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 35

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar l-Unjoni tal-Enerġija stabbilit bl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2018/1999. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 36

Monitoraġġ, rieżami u rapporti tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirrieżamina l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tissottometti, sal-1 ta’ Jannar 2028 u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   L-ewwel rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jirrieżamina b’mod partikolari dan li ġej:

(a)

l-effettività u l-effiċjenza ta’ dan ir-Regolament fl-istabbiliment ta’ regoli trasparenti u preċiżi dwar il-kejl, ir-rappurtar u l-verifika u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni;

(b)

jekk fattibbli, il-livell miksub ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni b’riżultat ta’ dan ir-Regolament;

(c)

jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali jew alternattivi biex jitrawwem u jitħaffef it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fil-katina tal-valur taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni biex tiġi appoġġata l-mira tal-Unjoni ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti sal-2050 u l-impenji tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

Dak ir-rieżami għandu jqis il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni f’oqsma relatati. Il-Kummissjoni, fejn xieraq, għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta leġiżlattiva flimkien mar-rapport tagħha, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni f’oqsma relatati.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet kompetenti u għandha tqis b’mod partikolari l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-Enerġija u l-Klima u l-aġġornamenti għalihom u fir-rapporti nazzjonali tagħhom dwar il-Progress fl-Enerġija u fil-Klima skont ir-Regolament (UE) 2018/1999.

Artikolu 37

Emenda għar-Regolament (UE) 2019/942

Fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/942, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Kull 3 snin, l-ACER, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, għandha tistabbilixxi u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sett ta’ indikaturi u valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil tal-kostijiet unitarji ta’ investiment marbuta mal-kejl, il-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika u t-tnaqqis, inkluż l-ivventjar u l-ivvampjar, tal-emissjonijiet tal-metan għal proġetti komparabbli. Hija għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar l-indikaturi u l-valuri ta’ referenza għall-kostijiet unitarji ta’ investiment għall-finijiet ta’ konformità mal-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) kif previst fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 323, 26.8.2022, p. 101.

(2)   ĠU C 498, 30.12.2022, p. 83.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2024.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(6)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(10)   ĠU L 33, 7.2.1994, p. 13.

(11)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22).

(20)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(22)  Id-Direttiva (UE) 2024/1788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gass rinnovabbli u tal-gass naturali u tal-idroġenu, li temenda d-Direttiva (UE) 2023/1791 u li tħassar id-Direttiva 2009/73/KE (ĠU L, 2024/1788, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1788/oj).

(23)  Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).

(26)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(27)  Id-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66).

(28)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi (ĠU L 265, 9.10.2009, p. 9).

(29)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).

(30)  Id-Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tad-dritt kriminali u li tissostitwixxi d-Direttivi 2008/99/KE u 2009/123/KE (ĠU L, 2024/1203, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1203/oj).


ANNESS I

Stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet kif imsemmi fl-Artikolu 14

Parti 1

Frekwenza tal-istħarriġ LDAR

1.

Għall-komponenti kollha ta’ fuq l-art u taħt l-art, għajr in-networks tad-distribuzzjoni u t-trażmissjoni, l-istħarriġ LDAR għandu jitwettaq bil-frekwenza minima li ġejja:

Tip ta’ stħarriġ LDAR

Tip ta’ komponent

Frekwenza

Stħarriġ LDAR tat-Tip 1

Stazzjon tal-kompressur

Ħżin taħt l-art

Faċilita’ tal-LNG

Stazzjon tar-regolazzjoni u tal-metraġġ

4 xhur

 

Stazzjon tal-valvi

9 xhur

Stħarriġ LDAR tat-Tip 2

Stazzjon tal-kompressur

Ħżin taħt l-art

Faċilita’ tal-LNG

Stazzjon tar-regolazzjoni u tal-metraġġ

8 xhur

 

Stazzjon tal-valvi

18-il xahar

Tip ta’ stħarriġ LDAR

Tip ta’ materjal

Frekwenza

Stħarriġ LDAR tat-Tip 1

Folja tal-bitum

Ħadid fondut griż

3 xhur

 

Asbestos

Ħadid fondut duttili

6 xhur

 

Azzar mhux protett

Ram

9 xhur

 

Polietilen

PVC

Azzar protett

15-il xahar

Stħarriġ LDAR tat-Tip 2

Folja tal-bitum

Ħadid fondut griż

6 xhur

 

Asbestos

Ħadid fondut duttili

12-il xahar

 

Azzar mhux protett

Polietilen

PVC

Ram

18-il xahar

 

Azzar protett

30 xahar

Meta t-tip ta’ materjal ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, għandha tintuża l-ogħla frekwenza għat-tip rispettiv ta’ stħarriġ LDAR.

2.

Għall-komponenti kollha tan-networks tad-distribuzzjoni u t-trażmissjoni, l-istħarriġ LDAR għandu jitwettaq bil-frekwenza minima li ġejja:

Tip ta’ stħarriġ LDAR

Tip ta’ komponent

Frekwenza

Stħarriġ LDAR tat-Tip 1

(pressjoni tad-disinn > 16-il bar)

Stazzjon tal-kompressur

Stazzjon tar-regolazzjoni u tal-metraġġ

4 xhur

 

Stazzjon tal-valvi

9 xhur

Stħarriġ LDAR tat-Tip 2

(pressjoni tad-disinn > 16-il bar)

Stazzjon tal-kompressur

Stazzjon tar-regolazzjoni u tal-metraġġ

8 xhur

 

Stazzjon tal-valvi

18-il xahar

Stħarriġ LDAR tat-Tip 2

(pressjoni tad-disinn ≤16-il bar)

Stazzjon tar-regolazzjoni u tal-metraġġ

9 xhur

 

Stazzjon tal-valvi

21 xahar

Tip ta’ stħarriġ LDAR

Tip ta’ materjal

Frekwenza tal-istħarriġ

Stħarriġ LDAR tat-Tip 1

(pressjoni tad-disinn > 16-il bar)

Ħadid fondut griż

Folja tal-bitum

3 xhur

 

Asbestos

Ħadid fondut duttili

6 xhur

 

Azzar mhux protett

Ram

12-il xahar

 

Polietilen

PVC

Azzar protett

24 xahar

Stħarriġ LDAR tat-Tip 2

(pressjoni tad-disinn > 16-il bar)

Ħadid fondut griż

Folja tal-bitum

6 xhur

 

Asbestos

Ħadid fondut duttili

12-il xahar

 

Azzar mhux protett

Ram

24 xahar

 

Polietilen

PVC

Azzar protett

36 xahar

Stħarriġ LDAR tat-Tip 2

(pressjoni tad-disinn ≤ 16-il bar)

Ħadid fondut griż

Folja tal-bitum

6 xhur

 

Asbestos

Ħadid fondut duttili

12-il xahar

 

Azzar mhux protett

Ram

24 xahar

 

Polietilen

PVC

Azzar protett

36 xahar

Fejn it-tip ta’ materjal ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, għandha tintuża l-ogħla frekwenza għat-tip rispettiv ta’ stħarriġ LDAR.

L-istħarriġ LDAR jista’ jitwettaq bl-użu ta’ approċċ f’żewġ stadji: l-ewwel minn distanza u, biss fejn tinstab tnixxija, permezz tat-tieni detezzjoni kemm jista’ jkun qrib is-sors.

Għal pipelines tal-azzar protett taħt l-art u taħt il-livell tal-baħar bi pressjoni tad-disinn ogħla minn 16-il bar, l-operaturi għandhom iwettqu wkoll ġestjoni preventiva tal-integrità tal-pipeline bbażata fuq ir-riskju biex jipprevjenu kwalunkwe tnixxija skont l-istandards Ewropej rilevanti jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-integrità tal-pipelines. Il-ġestjoni preventiva tal-integrità tal-pipelines għandha tinkludi monitoraġġ kostanti tal-fluss, tal-kompożizzjoni tal-fluwidu, tal-pressjoni u tat-temperatura tal-gass trasportat fis-sistema biex jiġi żgurat li dawk il-parametri jikkorrispondu mal-ispeċifikazzjonijiet applikabbli tal-integrità tal-pipeline, kif ukoll biex jiġi lokalizzat is-sors ta’ emissjonijiet potenzjali tal-metan u jiġu stmati. Filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ dik il-ġestjoni preventiva tal-integrità tal-pipelines, l-awtorità kompetenti tista’ tapprova frekwenza differenti ta’ mhux iktar minn 36 xahar għall-istħarriġ LDAR tat-tip 1 u sa 48 xahar għall-istħarriġ LDAR tat-tip 2.

3.

Għall-komponenti lil hinn mill-kosta kollha, l-istħarriġ LDAR għandu jitwettaq bil-frekwenza minima li ġejja:

Tip ta’ stħarriġ LDAR

Tipi ta’ komponenti

Frekwenza

Stħarriġ LDAR tat-Tip 1

Komponenti lil hinn mill-kosta u ’l fuq mil-livell tal-baħar

12-il xahar

 

Komponenti lil hinn mill-kosta u taħt il-livell tal-baħar

24 xahar

 

Komponenti lil hinn mill-kosta taħt qiegħ il-baħar

36 xahar

Stħarriġ LDAR tat-Tip 2

Komponenti lil hinn mill-kosta u ’l fuq mil-livell tal-baħar

24 xahar

4.

Għall-komponenti l-oħra kollha, l-istħarriġ LDAR tat-tip 1 għandu jitwettaq kull 6 xhur u l-istħarriġ LDAR tat-tip 2 għandu jitwettaq kull 12-il xahar.

Parti 2

Rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar apparati użati fl-istħarriġ LDAR

Bħala parti mill-programm LDAR imsemmi fl-Artikolu 14(1), l-operaturi jridu jipprovdu dan li ġej:

1.

informazzjoni pprovduta mill-manifattur dwar l-apparat;

2.

informazzjoni dwar il-kapaċitajiet, l-affidabbiltà u l-limitazzjonijiet ta’ detezzjoni ta’ tnixxijiet tal-apparat, inkluż, iżda mhux limitat għal, il-kapaċità li jiġu identifikati tnixxijiet jew postijiet speċifiċi, limitazzjonijiet ta’ detezzjoni u kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu, kif ukoll data ta’ appoġġ;

3.

deskrizzjoni ta’ fejn, meta u kif ser jintuża l-apparat.


ANNESS II

Skedi tad-detezzjoni, it-tiswija u l-monitoraġġ tat-tnixxijiet kif imsemmi fl-Artikolu 14

Skeda tat-tiswija

L-iskeda tat-tiswija għandha tinkludi ta’ mill-anqas l-elementi li ġejjin:

(1)

l-inventarju u l-identifikazzjoni tal-komponenti kollha li ġew ivverifikati;

(2)

ir-riżultati tal-ispezzjoni f’termini ta’ jekk ġiex identifikat telf tal-metan u, jekk iva, id-daqs tat-telf;

(3)

għall-komponenti li nstabu fi stħarriġ LDAR li qed jarmu daqs jew aktar mil-limiti stipulati fl-Artikolu 14(8), indikazzjoni ta’ jekk twettqitx tiswija jew sostituzzjoni matul l-istħarriġ LDAR u jekk le għaliex, filwaqt li jitqiesu l-elementi li jistgħu jiġġustifikaw tiswija jew sostituzzjoni tardiva, kif imsemmi fl-Artikolu 14(9), u skeda tat-tiswija li tindika d-data tat-tiswija jew tas-sostituzzjoni;

(4)

għall-komponenti li nstabu li qed jarmu inqas mil-limiti stipulati fl-Artikolu 14(8) fi stħarriġ LDAR preċedenti, iżda li nstabu li qed jarmu daqs jew aktar minn dawn il-limiti waqt il-monitoraġġ ta’ wara l-LDAR, biex jiġi vverifikat jekk id-daqs tat-telf tal-metan ikunx inbidel, indikazzjoni dwar jekk twettqitx tiswija jew sostituzzjoni immedjatament u jekk le, għaliex, filwaqt li jitqiesu l-elementi li jistgħu jiġġustifikaw tiswija jew sostituzzjoni tardiva, kif imsemmi fl-Artikolu 14(9), u l-iskeda tat-tiswija li tindika d-data tat-tiswija jew sostituzzjoni.

L-iskeda tat-tiswija għandha tiġi segwita minn skeda ta’ monitoraġġ ta’ wara t-tiswija biex jiġi indikat meta realment twettqu t-tiswijiet jew is-sostituzzjonijiet.

Skeda tal-monitoraġġ

L-iskeda ta’ monitoraġġ għandha tinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(1)

l-inventarju u l-identifikazzjoni tal-komponenti kollha li ġew ivverifikati;

(2)

ir-riżultati tal-ispezzjoni f’termini ta’ jekk ġiex identifikat it-telf tal-metan u, jekk iva, id-daqs tat-telf;

(3)

għall-komponenti li nstabu li qed jarmu daqs jew aktar mil-limiti stipulati fl-Artikolu 14(8) fi stħarriġ LDAR preċedenti, l-informazzjoni dwar it-tiswija jew sostituzzjoni mwettqa u r-riżultati tal-monitoraġġ wara t-tiswija biex jiġi vverifikat jekk it-tiswija jew is-sostituzzjoni rnexxewx;

(4)

għall-komponenti li nstabu li qed jarmu inqas mil-limiti stipulati fl-Artikolu 14(8) fi stħarriġ LDAR preċedenti, ir-riżultati tal-monitoraġġ ta’ wara l-LDAR biex jiġi vverifikat jekk id-daqs tat-telf tal-metan inbidilx u rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ dawk ir-riżultati.


ANNESS III

Rappurtar tal-avvenimenti tal-ivventjar u l-avvenimenti tal-ivvampjar kif imsemmi fl-Artikolu 16

L-operaturi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti mill-inqas l-informazzjoni li ġejja dwar l-avvenimenti tal-ivventjar u l-avvenimenti tal-ivvampjar:

(1)

isem l-operatur;

(2)

il-post, l-isem u t-tip tal-assi;

(3)

it-tagħmir involut;

(4)

id-data/i u l-ħin(ijiet) meta ġie skopert jew mibdi u mwaqqaf l-avveniment;

(5)

il-kwantifikazzjoni tal-volum tal-metan ivventjat jew ivvampjat;

(6)

l-effiċjenza tal-qerda u t-tneħħija mil-livell tad-disinn u t-tip ta’ torri tal-ivvampjar jew apparat ieħor ta’ kombustjoni użat;

(7)

il-kawża u n-natura tal-avveniment;

(8)

il-miżuri meħuda biex jiġu limitati t-tul ta’ żmien u d-daqs tal-avveniment;

(9)

l-azzjonijiet korrettivi meħuda biex jiġu eliminati l-kawża u r-rikorrenza ta’ tali avvenimenti;

(10)

ir-riżultati tal-ispezzjonijiet li għandhom isiru darba kull ġimagħtejn tat-torrijiet tal-ivvampjar jew ta’ apparati oħra ta’ kombustjoni u tas-sistemi ta’ monitoraġġ mill-bogħod jew awtomatizzati, kif applikabbli, imwettqa f’konformità mal-Artikolu 17, b’mod partikolari, fejn tkun ġiet identifikata irregolarità;

(11)

id-deċiżjoni biex jiġi sostitwit it-tagħmir tal-ivventjar u l-iskeda ta’ sostituzzjoni, fejn applikabbli.


ANNESS IV

Spezzjonijiet tat-torrijiet tal-ivvampjar u ta’ apparat ieħor ta’ kombustjoni

L-ispezzjonijiet tat-torrijiet tal-ivvampjar jew ta’ apparat ieħor ta’ kombustjoni għandhom jinkludu spezzjoni Akustika, Viżiva u Olfattiva komprensiva, li tinkludi spezzjoni viżiva esterna tat-torrijiet tal-ivvampjar jew apparat ieħor ta’ kombustjoni, is-smigħ għall-pressjoni u għat-tnixxijiet ta’ likwidu u x-xamm għal irwejjaħ mhux tas-soltu jew qawwija.

Fir-rapport għandhom jiġu inklużi l-osservazzjonijiet li ġejjin:

(1)

fil-każ tat-torrijiet tal-ivvampjar jew ta’ apparat ieħor ta’ kombustjoni: jekk il-kombustjoni titqiesx adegwata jew inadegwata;

(2)

fil-każ tat-torrijiet tal-ivvampjar mhux imqabbad jew ta’ apparat ta’ kombustjoni: jekk l-apparat tal-ivvampjar mhux imqabbad għandux vent tal-gass jew le; meta t-torri tal-ivvampjar jew apparat ieħor tal-kombustjoni jkun mgħammar b’sistema ta’ monitoraġġ mill-bogħod jew awtomatizzata, l-emissjonijiet tal-metan għandhom jiġu kkalkulati abbażi tar-rata tal-fluss u tal-metan mhux maħruq f’każ li jkun hemm vent tal-gass.

Għall-finijiet tal-punt (1), kombustjoni inadegwata tfisser kombustjoni b’emissjonijiet viżibbli li jaqbżu total ta’ 5 minuti matul kwalunkwe sagħtejn konsekuttivi jew, fil-każ ta’ torri tal-ivvampjar jew apparat ieħor ta’ kombustjoni mgħammar b’sistema ta’ monitoraġġ mill-bogħod jew awtomatizzata, kombustjoni b’emissjonijiet viżibbli li jaqbżu total ta’ 5 minuti matul kwalunkwe sagħtejn konsekuttivi rreġistrata fuq bażi attiva.


ANNESS V

Inventarji u pjanijiet ta’ mitigazzjoni għal bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament u bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti kif imsemmi fl-Artikolu 18

Parti 1

1.

Inventarji ta’ bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament, u bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-operatur, tas-sid jew tad-detentur ta’ liċenzja, kif applikabbli;

(b)

l-isem, it-tip u l-post tal-bir jew tas-sit tal-bir, filwaqt li jiġi speċifikat jekk huwiex bir inattiv, bir magħluq temporanjament jew bir magħluq b’mod permanenti u abbandunat;

(c)

fejn fattibbli, mappa li turi l-fruntieri tal-bir jew tas-sit tal-bir;

(d)

ir-riżultati tal-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fl-arja u fl-ilma mwettqa.

2.

Inventarji ta’ bjar inattivi, bjar magħluqa temporanjament, u bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti jistgħu jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a)

id-dati għat-tħaffir inizjali u l-aħħar operazzjoni;

(b)

l-orjentazzjoni (vertikali, orizzontali u pendil);

(c)

il-fond ġenerali tal-bir;

(d)

jekk seħħewx xi avvenimenti notevoli matul il-proċess tat-tħaffir, pereżempju “kicks”;

(e)

jekk il-bir ġiex f’kuntatt ma’ gass li fih ammonti sinifikanti ta’ komposti tal-kubrit (gass qares), jew ammonti ta’ traċċa ta’ komposti tal-kubrit (gass ħelu);

(f)

data siżmika disponibbli għall-bir fl-ogħla 1 000 metru tat-trajettorja tiegħu b’raġġ ta’ 1 000 metru;

(g)

l-aktar rapport ta’ valutazzjoni reċenti dwar l-integrità tal-bir;

(h)

jekk il-bir hux għall-esplorazzjoni jew għall-produzzjoni;

(i)

jekk il-bir ġiex f’kuntatt ma’ rqajja’ ta’ gass mhux fil-fond, żoni ta’ gass mhux fil-fond jew żoni ta’ telf ta’ ċirkulazzjoni;

(j)

jekk il-bir jinsabx fuq l-art (indika urban, rurali jew ieħor) jew lil hinn mill-kosta (indika l-fond tal-ilma);

(k)

fil-każ ta’ bjar lil hinn mill-kosta, informazzjoni dwar kwalunkwe kundizzjoni f’qiegħ il-baħar li tista’ tgħin il-migrazzjoni ’l fuq tal-metan minn ġol-kolonna tal-ilma;

(l)

informazzjoni dwar l-istatus taċ-ċiklu tal-ħajja tal-bir (attiv, inattiv, magħluq minn ġewwa, dekummissjonat fis-superfiċje, eċċ.);

(m)

jekk is-siġill tal-bir assoċjat ma’ bir dekummissjonat hux bil-vent.

3.

Fir-rigward tal-bjar magħluqa u abbandunati b’mod permanenti, l-inventarji għandhom jinkludu wkoll:

(a)

l-aħħar kejl jew kwantifikazzjoni magħrufa tal-emissjonijiet tal-metan fl-arja u fl-ilma, jekk ikun hemm;

(b)

informazzjoni li turi li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun uriet li l-bir jew is-sit tal-bir inkwistjoni jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punt (40);

(c)

dokumentazzjoni li tkun adegwata biex turi li ma hemm l-ebda emissjoni tal-metan mill-bir jew mis-sit tal-bir, inkluż kwantifikazzjoni bbażata fuq il-fattur ta’ emissjoni jew ibbażata fuq kampjun jew evidenza affidabbli ta’ iżolament permanenti tas-sottosuperfiċje f’konformità mal-istandard ISO 16530-1:2017:

(i)

għall-bjar kollha magħluqa u abbandunati b’mod permanenti fi jew wara t-3 ta’ Awwissu 1994;

(ii)

fejn disponibbli, għall-bjar kollha magħluqa u abbandunati b’mod permanenti qabel it-3 ta’ Awwissu 1994.

Parti 2

Il-pjanijiet ta’ mitigazzjoni għal bjar inattivi u bjar magħluqa temporanjament għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(1)

l-iskeda għall-indirizzar ta’ kull bir inattiv u bir magħluq temporanjament, inkluż l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu;

(2)

l-isem u l-indirizz tal-operatur, is-sid jew id-detentur ta’ liċenzja tal-bir inattiv jew tal-bir magħluq temporanjament, kif applikabbli;

(3)

id-data tat-tmiem proġettata tar-rimedju, ir-reklamazzjoni jew l-għeluq ta’ bjar inattivi u bjar magħluqa temporanjament.


ANNESS VI

Rapporti għall-minjieri tal-faħam attivi kif imsemmi fl-Artikolu 20

Parti 1

Ir-rapporti għall-minjieri tal-faħam attivi taħt l-art għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(1)

l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-minjiera;

(2)

l-indirizz tal-minjiera tal-faħam;

(3)

it-tunnellaġġ ta’ kull tip ta’ faħam prodott mill-minjiera tal-faħam;

(4)

għax-xaftijiet tal-ventilazzjoni kollha użati mill-minjiera tal-faħam:

(a)

l-isem (jekk ikun hemm);

(b)

il-perjodu tal-użu, jekk ikun differenti mill-perjodu tar-rappurtar;

(c)

il-koordinati;

(d)

l-iskop (dħul, egżost);

(e)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-tagħmir tal-kejl użat għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan u l-kundizzjonijiet operattivi ottimali speċifikati mill-manifattur;

(f)

il-proporzjon ta’ żmien li fih kien qed jopera t-tagħmir tal-kejl kontinwu;

(g)

referenza għall-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi applikabbli għal:

il-pożizzjoni tat-teħid ta’ kampjuni għat-tagħmir tal-kejl tal-metan;

il-kejl tar-rati tal-fluss;

il-kejl tal-konċentrazzjonijiet tal-metan;

(h)

l-emissjonijiet tal-metan irreġistrati mit-tagħmir tal-kejl kontinwu (f’tunnellati);

(i)

l-emissjonijiet tal-metan irreġistrati permezz tat-teħid ta’ kampjuni fix-xahar (f’tunnellati/siegħa) inkluż l-informazzjoni dwar:

id-data tat-teħid ta’ kampjuni;

it-teknika tat-teħid ta’ kampjuni;

il-qari tal-kundizzjonijiet atmosferiċi (il-pressjoni, it-temperatura, l-umdità), meħuda minn distanza xierqa biex jiġu riflessi l-kundizzjonijiet li fihom ikun qed jopera t-tagħmir tal-kejl kontinwu;

(j)

fejn il-minjiera tal-faħam tkun magħquda ma’ minjiera tal-faħam oħra bi kwalunkwe mezz li jippermetti fluss tal-arja bejn il-minjieri tal-faħam, l-isem ta’ dik il-minjiera tal-faħam;

(5)

il-fatturi tal-emissjoni ta’ wara l-estrazzjoni u deskrizzjoni tal-metodu użat biex jiġu kkalkulati;

(6)

l-emissjonijiet ta’ wara l-estrazzjoni (f’tunnellati).

Parti 2

Ir-rapporti għall-minjieri tal-faħam attivi tas-superfiċje għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(1)

l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-minjiera;

(2)

l-indirizz tal-minjiera tal-faħam;

(3)

it-tunnellaġġ ta’ kull tip ta’ faħam prodott mill-minjiera tal-faħam;

(4)

mappa tad-depożiti kollha użati mill-minjiera tal-faħam, li tindika l-fruntieri ta’ dawk id-depożiti;

(5)

għal kull depożitu tal-faħam:

(a)

l-isem (jekk ikun hemm);

(b)

il-perjodu tal-użu, jekk ikun differenti mill-perjodu tar-rappurtar;

(c)

deskrizzjoni tal-metodu sperimentali użat biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet tal-metan ikkawżati mill-attivitajiet ta’ estrazzjoni, inkluż l-għażla tal-metodoloġija biex jittieħed kont tal-emissjonijiet l-metan mill-istrata tal-madwar;

(6)

il-fatturi tal-emissjoni ta’ wara l-estrazzjoni u deskrizzjoni tal-metodu użat biex jiġu kkalkulati;

(7)

l-emissjonijiet ta’ wara l-estrazzjoni.

Parti 3

Ir-rapporti għall-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(1)

l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-minjiera;

(2)

it-tunnellaġġ tal-metan trasportat minn minjiera jew sistema tad-drenaġġ ta’ minjiera, għal kull mina;

(3)

it-tunnellaġġ tal-metan ivventjat;

(4)

it-tunnellaġġ tal-metan ivvampjat;

(5)

l-effiċjenza tal-qerda u t-tneħħija mil-livell tad-disinn tat-torri tal-ivvampjar jew ta’ apparat ieħor ta’ kombustjoni;

(6)

l-użu tal-metan maqbud.


ANNESS VII

Ir-rappurtar tal-avvenimenti tal-ivventjar u tal-avventimenti tal-ivvampjar fl-istazzjonijiet tad-drenaġġ kif imsemmi fl-Artikolu 23

L-operaturi tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ għandhom jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti mill-inqas l-elementi li ġejjin dwar l-avvenimenti tal-ivventjar u l-avvenimenti tal-ivvampjar:

(1)

l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-istazzjonijiet tad-drenaġġ;

(2)

il-ħin li fih l-avveniment ġie identifikat;

(3)

il-kawża tal-avveniment;

(4)

il-ġustifikazzjoni għall-użu tal-ivventjar minflok l-ivvampjar, jekk applikabbli;

(5)

it-tunnellaġġ tal-metan ivventjat jew ivvampjat, jew stima jekk il-kwantifikazzjoni ma tkunx possibbli.


ANNESS VIII

Inventarji, rapporti u pjanijiet ta’ mitigazzjoni għal minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati kif imsemmi fl-Artikoli 24, 25 u 26

Parti 1

1.

Għal kull sit, l-inventarju tal-minjieri tal-faħam taħt l-art magħluqa u tal-minjieri tal-faħam taħt l-art abbandunati msemmija fl-Artikoli 24 u 25 għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

1.1.

l-isem u l-indirizz tal-operatur, tas-sid jew id-detentur ta’ liċenzja, kif applikabbli;

1.2.

l-indirizz tas-sit;

1.3.

mappa li turi l-fruntieri tal-minjiera tal-faħam;

1.4.

l-iskemi tax-xogħlijiet tal-minjiera tal-faħam u l-istatus tagħhom;

1.5.

ir-riżultati tal-kejl jew il-kwantifikazzjoni tal-metan diretti fil-livell tas-sors fis-sorsi lokalizzati ta’ emissjoni li ġejjin:

(a)

ix-xaftijiet kollha użati mill-minjiera tal-faħam waqt li tkun attiva, akkumpanjati minn:

(i)

il-koordinati tax-xaft;

(ii)

l-isem tax-xaft (jekk ikun hemm);

(iii)

l-istatus tal-issiġillar u l-metodu tal-issiġillar, jekk ikun magħruf;

(b)

il-pajpijiet tal-ventijiet mhux użati;

(c)

il-bjar tad-drenaġġ tal-gass mhux użati;

(d)

sorsi lokalizzati ta’ emissjoni potenzjali rreġistrati oħra.

2.

Il-kejl imsemmi fil-punt 1.5 għandu jittieħed f’konformità mal-prinċipji li ġejjin:

2.1.

il-kejl għandu jittieħed fi pressjoni atmosferika li tippermetti id-detezzjoni tat-tnixxijiet tal-metan potenzjali, u f’konformità mal-istandards xjentifiċi xierqa;

2.2.

il-kejl għandu jittieħed bl-użu ta’ tagħmir b’akkuratezza ta’ mill-inqas 0,5 tunnellati fis-sena;

2.3.

il-kejl għandu jiġi akkumpanjat minn informazzjoni dwar:

(a)

id-data tal-kejl;

(b)

il-pressjoni atmosferika;

(c)

id-dettalji tekniċi tat-tagħmir użat għall-kejl;

2.4.

ix-xaftijiet tal-ventilazzjoni użati storikament minn żewġ minjieri tal-faħam jew iktar għandhom jiġu assenjati lil minjiera tal-faħam waħda biss, sabiex jiġi evitat l-għadd doppju.

Parti 2

Ir-rapport stabbilit fl-Artikolu 25(6) għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

1.

l-isem u l-indirizz tal-operatur, tas-sid jew id-detentur ta’ liċenzja, kif applikabbli;

2.

l-indirizz tas-sit;

3.

l-emissjonijiet tal-metan mis-sorsi lokalizzati kollha ta’ emissjoni deskritti fil-Parti 1, inkluż:

(a)

it-tip ta’ sors lokalizzat tal-emissjonijiet;

(b)

id-dettalji tekniċi tat-tagħmir tal-kejl u l-metodu użat biex jiġu stmati l-emissjonijiet tal-metan, inkluż s-sensittività;

(c)

il-proporzjon ta’ żmien li fih kien qed jopera t-tagħmir tal-kejl;

(d)

il-konċentrazzjoni tal-metan irreġistrata mit-tagħmir tal-kejl;

(e)

stimi tal-emissjonijiet tal-metan mis-sors lokalizzat ta’ emissjonijiet.

Parti 3

1.

Il-pjan ta’ mitigazzjoni msemmi fl-Artikolu 26(1) għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

1.1.

lista tas-sorsi lokalizzati kollha ta’ emissjoni msemmija fil-Parti 1;

1.2.

il-fattibbiltà teknika tal-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sit, abbażi ta’ sorsi lokalizzati ta’ emissjoni;

1.3.

skeda ta’ żmien tal-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan minn kull sit;

1.4.

valutazzjoni tal-effiċjenza ta’ proġetti għall-ġbir tal-metan minn minjieri tal-faħam abbandunati, fejn ġew implimentati.

2.

Il-pjan ta’ mitigazzjoni jista’ jinkludi ħarsa ġenerali tal-prattiki ta’ mitigazzjoni użati biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan, bħall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ ħżin ġeotermali u tas-sħana f’minjieri tal-faħam mgħarrqa, applikazzjonijiet tal-enerġija idroelettrika f’minjieri tal-faħam mhux mgħarrqa, il-qbid tal-emissjonijiet tal-metan permezz tat-tneħħija tal-gass, l-użu ta’ apparati ta’ tneħħija tal-gass rilevanti għas-sikurezza, l-użu ta’ gass mill-minjieri bħala riżors tal-enerġija jew is-sekwestru tal-ilma tal-minjieri u użi possibbli oħra.

ANNESS IX

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-importaturi f’konformità mal-Artikolu 27(1), l-Artikolu 28(1), (2) u (3), u l-Artikolu 29(1)

L-importaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(1)

l-isem u l-indirizz tal-esportatur u, jekk ikunu differenti mill-esportatur, l-isem u l-indirizz tal-produttur;

(2)

il-pajjiżi terzi u r-reġjuni esportaturi, kif ikklassifikati għal-livell 1 tal-klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) tal-Unjoni, fejn ġew magħmula l-prodotti u l-pajjiżi u r-reġjuni, kif ikklassifikati fil-livell 1 NUTS, li minnhom ittranżitaw il-prodotti qabel ma tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni;

(3)

fir-rigward taż-żejt mhux maħdum u l-gass naturali, l-informazzjoni dwar il-produttur jew l-esportatur, kif applikabbli, jekk hux qed iwettaq kejl u kwantifikazzjoni fil-livell tas-sors u tas-sit, jekk dik id-data hijiex soġġetta għal verifika minn parti terza indipendenti, jekk l-emissjonijiet tal-metan tiegħu humiex irrappurtati, jew b’mod indipendenti jew bħala parti mill-impenji biex jiġu rrappurtati inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra f’konformità mar-rekwiżiti tal-UNFCCC, u jekk humiex konformi mar-rekwiżiti ta’ rappurtar tal-UNFCCC jew mal-istandards tal-OGMP 2.0.; kopja tal-aħħar rapport dwar l-emissjonijiet tal-metan, inkluż, fejn disponibbli, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(4), meta tiġi pprovduta f’tali rapport; u l-metodu tal-kwantifikazzjoni (bħall-gradi tal-UNFCCC jew il-livelli tal-OGMP 2.0) użati fir-rappurtar għal kull tip ta’ emissjoni tal-metan;

(4)

fir-rigward taż-żejt mhux maħdum u tal-gass naturali, informazzjoni dwar jekk il-produttur jew l-esportatur, kif applikabbli, japplikax miżuri regolatorji jew volontarji biex jikkontrolla l-emissjonijiet tal-metan tiegħu, inkluż miżuri bħal stħarriġ LDAR jew miżuri għall-kontroll u r-restrizzjoni ta’ avvenimenti tal-ivventjar u avvenimenti tal-ivvampjar, inkluż deskrizzjoni ta’ dawk il-miżuri, flimkien ma’, fejn disponibbli, rapporti rilevanti mill-istħarriġ LDAR u minn avvenimenti tal-ivventjar u avvenimenti tal-ivvampjar fir-rigward tal-aħħar sena kalendarja disponibbli;

(5)

fir-rigward tal-faħam, l-informazzjoni dwar il-produttur jew l-esportatur, kif applikabbli, jekk hux qed iwettaq kejl u kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan fil-livell tas-sors, jekk dawk l-emissjonijiet tal-metan humiex ikkalkulati u ikkwantifikati f’konformità mal-Anness VI, jekk dik id-data hijiex soġġetta għal verifika minn parti terza indipendenti, jekk l-emissjonijiet tal-metan tiegħu humiex irrappurtati, jew b’mod indipendenti jew bħala parti mill-impenji biex jiġu rrappurtati inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra f’konformità mar-rekwiżiti tal-UNFCCC, u jekk humiex f’konformità ma’ rekwiżiti tar-rappurtar tal-UNFCCC jew f’konformita’ mal-istandard Ewropew jew internazzjonali ieħor għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-metan; kopja tal-aħħar rapport dwar l-emissjonijiet tal-metan, inkluż, fejn disponibbli, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(6); u l-metodu tal-kwantifikazzjoni (bħall-gradi tal-UNFCCC) użat fir-rappurtar għal kull tip ta’ emissjoni tal-metan;

(6)

fir-rigward tal-faħam, jekk il-produttur jew l-esportatur japplikax miżuri regolatorji jew volontarji biex jikkontrolla l-emissjonijiet tal-metan tiegħu, inkluż miżuri biex jikkontrolla u jillimita avvenimenti tal-ivventjar u avvenimenti tal-ivvampjar; u, fejn disponibbli, il-volumi tal-metan ivventjat u vvampjat ikkalkulati għal kull minjiera tal-faħam mill-inqas matul l-aħħar sena kalendarja u l-pjanijiet ta’ mitigazzjoni eżistenti għal kull minjiera tal-faħam, flimkien ma’ deskrizzjoni ta’ dawk il-miżuri, inkluż, fejn disponibbli, rapporti minn avvenimenti tal-ivventjar u avvenimenti tal-ivvampjar fir-rigward tal-aħħar sena kalendarja disponibbli;

(7)

l-isem tal-entità li wettqet il-verifika minn parti terza indipendenti tar-rapporti msemmija fil-punti (3) u (5), jekk ikun hemm;

(8)

informazzjoni skont l-Artikolu 28(1) jew (2), kif applikabbli, li turi li ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam huma soġġetti għal miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika fil-livell tal-produtturi li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament għal kuntratti konklużi jew imġedda fi jew wara l-4 ta’ Awwissu 2024 u informazzjoni dwar l-isforzi mwettqa biex jiġi żgurat li ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam fornuti skont kuntratti konklużi qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 ikunu soġġetti għal miżuri ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika fil-livell tal-produtturi li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(9)

informazzjoni dwar jekk il-klawżoli mudell imsemmija fl-Artikolu 28(3) jintużawx fil-kuntratti ta’ provvista, u li tispeċifika liema klawżoli mudell;

(10)

informazzjoni skont l-Artikolu 29(1) dwar l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni skont il-kuntratti ta’ provvista rilevanti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1787/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)