European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1341

14.5.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1341

tad-29 ta’ April 2024

dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Etjopja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25a(5), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara valutazzjoni skont l-Artikolu 25a(2) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, il-Kummissjoni tqis li l-kooperazzjoni mal-Etjopja fil-qasam tar-riammissjoni hija insuffiċjenti. Huwa meħtieġ titjib sinifikanti fil-kooperazzjoni dwar il-passi kollha tal-proċess ta’ riammissjoni, inkluż biex jiġi żgurat li l-Etjopja tikkoopera b’mod effettiv mal-Istati Membri kollha fil-ħin u b’mod prevedibbli dwar l-identifikazzjoni u l-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, u dwar operazzjonijiet ta’ ritorn.

(2)

Hemm sfidi persistenti fl-identifikazzjoni ta’ ċittadini Etjopjani b’soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri. Dawk l-isfidi huma minħabba n-nuqqas ta’ tweġiba mill-awtoritajiet Etjopjani fir-rigward ta’ talbiet ta’ riammissjoni, id-diffikultajiet bil-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar, li ġeneralment mhumiex ipprovduti anke meta ċ-ċittadinanza tkun ġiet ikkonfermata qabel, u d-diffikultajiet mal-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn għal ritorni volontarji u furzati fuq titjiriet skedati u charter.

(3)

Filwaqt li jitqiesu d-diversi passi li ħadet il-Kummissjoni sa issa biex ittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni mal-Etjopja u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-Etjopja, il-kooperazzjoni tal-Etjopja mal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni mhijiex biżżejjed u għalhekk hija meħtieġa azzjoni.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tiġi sospiża temporanjament għaċ-ċittadini tal-Etjopja li huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-għan huwa li l-Etjopja tiġi mħeġġa tieħu l-azzjonijiet neċessarji biex ittejjeb il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni.

(5)

Id-dispożizzjonijiet sospiżi temporanjament jenħtieġ li jkunu dawk imsemmija fl-Artikolu 25a(5), il-punt(a) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 jiġifieri:il-possibbiltà ta’ rinunzja tar-rekwiżiti fir-rigward tal-evidenza dokumentarja li għandha tiġi ppreżentata mill-applikanti għall-viża msemmija fl-Artikolu 14(6) ta’ dak ir-Regolament; l-eżenzjoni mit-tariffa tal-viża fakultattiva għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u ta’ servizz skont l-Artikolu 16(5), punt (b), ta’ dak ir-Regolament; il-perjodu ġenerali ta’ pproċessar ta’ 15-il jum kalendarju msemmi fl-Artikolu 23(1) ta’ dak ir-Regolament, li s-sospensjoni tiegħu, bħala konsegwenza, tkun teskludi wkoll l-applikazzjoni tar-regola li tippermetti l-estensjoni ta’ dak il-perjodu sa massimu ta’ 45 jum biss f’każijiet individwali, li jfisser li l-perjodu standard ta’ pproċessar ikun ta’ 45 jum kalendarju; u l-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu f’konformità mal-Artikoli 24(2) u (2c) ta’ dak ir-Regolament..

(6)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li testendi d-dritt tal-moviment liberu għall-membri tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, meta jakkumpanjaw iċ-ċittadin tal-Unjoni jew meta jingħaqdu miegħu. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE, jew għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont il-liġi internazzjonali, inkluż bħala pajjiżi ospitanti ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali jew ta’ konferenzi internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti jew organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali oħra ospitati mill-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li s-sospensjoni temporanja ma tapplikax għaċ-ċittadini tal-Etjopja li japplikaw għal viża sa fejn ikun meħtieġ biex l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom bħala pajjiżi ospitanti ta’ tali organizzazzjonijiet jew ta’ tali konferenzi.

(8)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati għall-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(11)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9) li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(13)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Din id-Deċiżjoni tapplika għaċ-ċittadini tal-Etjopja li huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806.

2.   Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għaċ-ċittadini tal-Etjopja li huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża skont l-Artikolu 4 jew 6 tar-Regolament (UE) 2018/1806.

3.   Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal ċittadini tal-Etjopja li japplikaw għal viża li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz.

4.   Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b’obbligu skont il-liġi internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż ospitanti ta’ konferenza internazzjonali msejħa minn, jew taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti jew organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali oħra ospitati minn Stat Membru;

(c)

taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet;

(d)

skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja, kif emendat l-aħħar.

Artikolu 2

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 hija sospiża temporanjament fir-rigward tal-Etjopja:

(a)

l-Artikolu 14(6);

(b)

l-Artikolu 16(5), il-punt (b);

(c)

l-Artikolu 23(1);

(d)

l-Artikoli 24(2) u (2c).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lil Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

D. CLARINVAL


(1)   ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

(3)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1341/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)