![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1213 |
3.5.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1213
tad-19 ta’ Marzu 2024
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka li jistabbilixxi l-proċeduri ta’ sigurtà għall-illanċjar ta’ satelliti Galileo mit-territorju tal-Istati Uniti
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 189, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-kanċellazzjoni ta’ żewġ lanċji ta’ Soyuz miċ-Ċentru Spazjali tal-Guyana f’April u Settembru 2022 u d-dewmien imħabbar ta’ Ariane-6 jagħmluha neċessarju li l-Unjoni ssib alternattivi sabiex terġa’ tibda b’mod urġenti l-illanċjar tas-satelliti Galileo. Dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tas-sistema Galileo, li hija parti mill-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
(2) |
L-Unjoni għandha kooperazzjoni fit-tul mal-Istati Uniti dwar in-navigazzjoni bis-satellita. Il-Ftehim dwar il-promozzjoni, il-provvista u l-użu ta’ sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita ta’ Galileo u tal-GPS u applikazzjonijiet relatati bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerka, min-naħa l-oħra (2) daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2011. |
(3) |
Fit-23 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti li jistabbilixxi l-proċeduri ta’ sigurtà għall-illanċjar ta’ satelliti Galileo mit-territorju tal-Istati Uniti. |
(4) |
In-negozjati għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika li jistabbilixxi proċeduri ta’ sigurtà għall-illanċjar tas-satelliti Galileo mit-territorju tal-Istati Uniti (il-“Ftehim”) tlestew b’suċċess. |
(5) |
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata (3) ser japplika għal informazzjoni klassifikata tal-UE pprovduta lill-Istati Uniti. |
(6) |
Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Minħabba l-importanza tal-fattur taż-żmien fl-illanċjar tas-satelliti Galileo, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka li jistabbilixxi l-proċeduri ta’ sigurtà għall-illanċjar ta’ satelliti Galileo mit-territorju tal-Istati Uniti (il-“Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (4).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
1. Soġġett għar-reċiproċità, il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f’konformità mal-Artikolu 12(2) tiegħu (5), sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
2. L-Unjoni għandha tinnotifika lill-Istati Uniti dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tal-Unjoni neċessarji għall-applikazzjoni proviżorja f’konformità mal-Artikolu 12(2) tal-Ftehim. Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista f’dan il-paragrafu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
(1) Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).
(2) ĠU L 348, 31.12.2011, p. 3.
(3) ĠU L 115, 3.5.2007, p. 30.
(4) It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2024/1214, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1214/oj.
(5) Id-data li minnha l-Ftehim ser jiġi applikat b’mod proviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1213/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)