European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1164

26.4.2024

LINJA GWIDA (UE) 2024/1164 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-8 ta’ Frar 2024

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2016/65 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2015/35) (BĊE/2024/5)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikoli 9.2, 12.1, 14.3, u 18.2, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem il-‘BĊNi’) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, inklużi l-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1).

(2)

L-assi kollha li huma eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema huma soġġetti għal miżuri speċifiċi tal-kontroll tar-riskju sabiex l-Eurosistema tkun protetta kontra telf finanzjarju f’ċirkustanzi li fihom il-kollateral jkollu jiġi rrealizzat minħabba avveniment ta’ inadempjenza ta’ kontroparti. Il-qafas ta’ kontroll tar-riskju tal-Eurosistema jiġi rrivedut regolarment sabiex tiġi żgurata protezzjoni adegwata. Hemm bżonn ta’ emendi biex jiġi ċċarat it-trattament ta’ haircut fil-valutazzjoni ta’ ċertifikati ta’ dejn li jistgħu eventwalment jinħarġu mill-BĊE.

(3)

Għaldaqstant, il-Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/35) (2) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2016/65 (BĊE/2015/35) hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 3 li ġej huwa miżjud:

“3.   L-ebda haircut fil-valutazzjoni ma għandha tiġi applikata għaċ-ċertifikati ta’ dejn u ċ-ċertifikati ta’ dejn tal-BĊE maħruġa mill-BĊNi qabel id-data tal-adozzjoni tal-euro fl-Istat Membru rispettiv tagħhom li l-munita tiegħu hija l-euro.”

;

(2)

fl-Artikolu 2, il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)

strumenti ta’ dejn maħruġa minn gvernijiet ċentrali, strumenti ta’ dejn maħruġa mill-Unjoni Ewropea u ċertifikati ta’ dejn maħruġa minn banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro huma inklużi fil-kategorija ta’ haircut I;”;

(3)

l-Anness huwa emendat skont l-Anness ta’ din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u japplikawhom mis-6 ta’ Mejju 2024. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Marzu 2024.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-BĊNi.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-8 ta’ Frar 2024.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(2)  Linja Gwida (UE) 2016/65 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Novembru 2015 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2015/35) (ĠU L 14, 21.1.2016, p. 30).


ANNESS

Fl-Anness tal-Linja Gwida (UE) 2016/65 (BĊE/2015/35), it-Tabella 1 hija ssostitwita b’dan li ġej:

“Tabella 1

Kategoriji ta’ haircuts għal assi negozjabbli eliġibbli bbażati fuq it-tip ta’ emittent u/jew it-tip ta’ assi

Kategorija I

Kategorija II

Kategorija III

Kategorija IV

Kategorija V

Strumenti ta’ dejn maħruġa mill-gvernijiet ċentrali

Strumenti ta’ dejn maħruġa mill-Unjoni Ewropea

Ċertifikati ta’ dejn maħruġa minn banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro

Strumenti ta’ dejn maħruġa minn gvernijiet lokali u reġjonali

Strumenti ta’ dejn maħruġa minn entitajiet (istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet li mhumiex ta’ kreditu) ikklassifikati bħala aġenziji mill-Eurosistema u li jissodisfaw il-kriterji kwantitattivi stabbiliti fl-Anness XIIa għal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60)

Strumenti ta’ dejn maħruġa minn banek multilaterali tal-iżvilupp u organizzazzjonijiet internazzjonali għajr l-Unjoni Ewropea

Bonds koperti leġiżlattivi

Multi cédulas

Strumenti ta’ dejn maħruġa minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji, korporazzjonijiet fis-settur tal-gvern u aġenziji li ma jkunux istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jissodisfawx il-kriterji kwantitattivi stabbiliti fl-Anness XIIa għal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60)

Strumenti ta’ dejn mhux garantiti maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u aġenziji li huma istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jissodisfawx il-kriterji kwantitattivi stabbiliti fl-Anness XIIa għal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60)

Strumenti ta’ dejn mhux garantiti maħruġin minn korporazzjonijiet finanzjarji li ma jkunux istituzzjonijiet ta’ kreditu

Titoli garantiti b’assi”


ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/1164/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)