European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/795

29.2.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/795 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ Frar 2024

li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 164 u 173, l-Artikolu 175, it-tielet paragrafu, l-Artikoli 176, 177, u 178, l-Artikolu 182(1) u l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-tisħiħ tal-kompetittività u tar-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea permezz tat-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali kienu l-boxxla tal-Unjoni għal dawn l-aħħar snin. It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, ankrati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, stipulati fil-komunikazzjoni tal-Kumissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 imsemmija “il-Patt Ekoloġiku Ewropew” u fil-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali 2030 stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jixprunaw it-tkabbir u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni, jiftħu opportunitajiet ġodda ta’ negozju u jgħinu l-Unjoni tikseb vantaġġ kompetittiv fis-swieq globali. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi l-pjan direzzjonali biex l-ekonomija tal-Unjoni ssir newtrali għall-klima u sostenibbli b’mod ġust u inklużiv, u jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent. Il-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali jistabbilixxi direzzjoni ċara għat-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni u għat-twettiq ta’ miri diġitali fil-livell tal-Unjoni sal-2030, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħiliet diġitali, l-infrastrutturi diġitali, u t-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi.

(2)

L-industrija tal-Unjoni tat prova tar-reżiljenza inerenti tagħha iżda il-kompetittività tagħha trid tiġi żgurata wkoll fil-futur. L-inflazzjoni għolja, l-iskarsezzi f’termini ta’ ħaddiema, it-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista ta’ wara l-COVID, il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, iż-żieda fir-rati tal-imgħax, u ż-żidiet fil-kostijiet tal-enerġija u fil-prezzijiet tal-input qed iħallu impatt fuq il-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni u enfasizzaw l-importanza li l-Unjoni tassigura l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha u tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-pajjiżi terzi f’diversi setturi. Dawk il-pressjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni huma akkumpanjati minn kompetizzjoni qawwija, iżda mhux dejjem ġusta, f’suq globali frammentat. L-Unjoni diġà nediet diversi inizjattivi biex tappoġġa l-industrija tagħha, bħall-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Frar 2023 imsemmi “il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti”, Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika (l-“Att dwar il-Materja Prima Kritika”), Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti (“l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti”), il-Qafas il-ġdid Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni għall-miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2023 imsemmi “il-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u Tranżizzjoni għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja”, l-Istrument għall-Irkupru tal-Unjoni Ewropea stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (5) u Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Filwaqt li dawk is-soluzzjonijiet jipprovdu appoġġ rapidu, immirat u, f’ċerti każijiet, temporanju, l-Unjoni teħtieġ tweġiba aktar strutturali għall-ħtiġijiet ta’ investiment tal-industriji tagħha, sabiex tħares il-koeżjoni, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, u l-preservazzjoni tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern filwaqt li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament. L-Unjoni jenħtieġ li taħdem biex tipprevjeni r-rilokazzjoni, biex tittrasferixxi l-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ teknoloġiji kritiċi lura minn pajjiżi terzi, u biex tattira faċilitajiet ġodda biex tipprevjeni dipendenzi strateġiċi.

(3)

Is-suq intern ġab miegħu vantaġġi ekonomiċi, soċjali u politiċi sinifikanti lill-Unjoni kollha, inkluż liċ-ċittadini u lin-negozji tagħha. Filwaqt li dawk il-vantaġġi huma rikonoxxuti b’mod wiesa’, huwa fundamentali li soluzzjonijiet ikomplu jinstabu biex jiġi sfruttat aktar il-potenzjal soċjetali mhux użat. Is-suq intern irid jibqa’ adattabbli quddiem id-dinamika ġeopolitika li qed tevolvi, il-progress teknoloġiku u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li jrawwem ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa fid-dawl ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u jikkontribwixxi biex jissaħħu l-kompetittività u l-produttività fit-tul tal-Unjoni.

(4)

L- adozzjoni u t-tkabbir fl-iskala fl-Unjoni ta’ teknoloġiji diġitali u innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, u bijoteknoloġiji se jkunu essenzjali għall-fini tat- tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni, u biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet u jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u b’hekk jiġu żgurati s-sovranità u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u tiġi promossa l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni immedjata biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura fl-Unjoni ta’ teknoloġiji kritiċi, li jikkostitwixxu d-defiċjenzi strateġiċi primarji tal-Unjoni. L-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, jibni fuq il-ktajjen tal-valur ta’ atturi ekonomiċi interkonnessi, li joperaw bejn ditti ta’ daqsijiet differenti, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (l-“SMEs”), is-setturi u l-fruntieri. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tissalvagwardja u ssaħħaħ ukoll il-ktajjen tal-valur ta’ dawk it-teknoloġiji kritiċi u s-servizzi assoċjati tagħhom li huma kritiċi u speċifiċi għall-attivitajiet tal-iżvilupp jew tal-manifattura ta’ dawk it-teknoloġiji kritiċi, biex b’hekk jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni u tiġi ppreservata l-integrità tas-suq intern, u jenħtieġ li jiġi indirizzat l-iskarsezzi eżistenti ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet f’dawk is-setturi permezz ta’ tagħlim tul il-ħajja, proġetti ta’ edukazzjoni, taħriġ u apprendistati u l-ħolqien ta’ impjiegi attraenti u ta’ kwalità aċċessibbli għal kulħadd.

(5)

Biex jikkwalifikaw bħala kritiċi, jenħtieġ li t-teknoloġiji jkunu meħtieġa jew jinvolvu element innovattiv b’potenzjal sinifikanti għas-suq intern, jew li jikkontribwixxu għat-tnaqqis jew għall-prevenzjoni tad-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni. Meta jiġi vvalutat il-potenzjal ekonomiku tat-teknoloġiji kritiċi għas-suq intern, jenħtieġ li jitqies il-fatt li l-miżuri mwettqa fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom effetti konsegwenzjali fi Stati Membri oħra. Meta jiġi vvalutat jekk teknoloġija tikkontribwixxix għat-tnaqqis jew għall-prevenzjoni tad-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni, jenħtieġ li titqies l-analiżi mwettqa fil-livell tal-Unjoni biex jiġu identifikati r-riskji li għandhom effetti potenzjali fuq l-Unjoni kollha kemm hi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li toħroġ gwida dwar kif teknoloġiji fit-tliet setturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jistgħu jitqiesu li huma kritiċi, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom dawk it-teknoloġiji jistgħu jikkwalifikaw bħala kritiċi, sabiex tippromwovi interpretazzjoni komuni tal-proġetti, il-kumpaniji u s-setturi li għandhom jiġu appoġġati taħt il-programmi rilevanti fid-dawl tal-objettivi strateġiċi komuni tal-programmi rilevanti u dan ir-Regolament. F’dik il-gwida, il-Kummissjoni għandha tiċċara aktar il-kunċett ta’ katina tal-valur u servizzi li huma kritiċi assoċjati u speċifiċi għall-iżvilupp jew għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti finali. Jenħtieġ li dik il-gwida tkun mingħajr preġudizzju għal gwida oħra dwar programmi speċifiċi.

(6)

Hemm bżonn li jiġu appoġġati t-teknoloġiji kritiċi fis-setturi li ġejjin: it-teknoloġiji diġitali u l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, u l-bijoteknoloġiji. Innovazzjoniji tat-teknoloġija profonda jenħtieġ li tinftiehem bħala dak li għandhu il-potenzjal li jwassal għal soluzzjonijiet trasformattivi, imsejsa fuq ix-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija mill-aktar avvanzati, inkluża l-innovazzjoni li tikkombina l-avvanzi fl-isferi fiżiċi, bijoloġiċi u diġitali. It-teknoloġiji diġitali jenħtieġ li jinkludu,b’mod partikolari, dawk li jikkontribwixxu għall-miri u l-objettivi tal-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali, kif ukoll proġetti multinazzjonali kif definiti f id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. It-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi jenħtieġ li jinkludu, b’mod partikolari, teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti kif definiti fl-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti. Il-bijoteknoloġiji jenħtieġ li jinftiehmu bħala l-applikazzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija għall-organiżmi ħajjin, kif ukoll għall-partijiet, għall-prodotti u għall-mudelli tagħhom, biex jinbidlu l-materjali ħajjin jew mhux ħajjin għall-produzzjoni tal-għarfien, tal-prodotti u tas-servizzi, inklużi t-teknoloġiji msemmija fid-definizzjoni statistika tal-bijoteknoloġija tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, kif ukoll il-Lista Mediċini Kritiċi imsemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2023 imsemmija “L-indirizzar tan-nuqqas ta' mediċini fl-UE” u l-komponenti tagħhom. Proġetti rikonoxxuti bħala strateġiċi skont l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, u fejn dawk il-proġetti jikkonformaw mal-kriterji ta’ reżiljenza u kompetittività definiti f’dak l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, u skont l-Att dwar il-Materja Prima Kritika jenħtieġ li jitqiesu awtomatikament li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Teknoloġiji diġitali u l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, teknoloġiji u bijoteknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi li huma s-suġġetti ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI) approvat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(3), il-punt (b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenħtieġ li jitqiesu kritiċi, u proġetti individwali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali IPCEI jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-finanzjament, f’konformità mar-regoli tal-programm rilevanti, sal-punt li d-diskrepanza identifikata fil-finanzjament u l-kostijiet eliġibbli jkunu għadhom ma ġewx koperti kompletament.

(7)

It-tisħiħ tal-iżvilupp u tal-kapaċità tal-manifattura ta’ teknoloġiji fl-Unjoni mhux se jkun possibbli mingħajr forza tax-xogħol imdaqqsa bil-ħiliet meħtieġa. Madankollu, l-iskarsezzi f’termini ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, li żdiedu fis-setturi kollha inklużi dawk meqjusa bħala kruċjali għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, huma mistennija li jiżdiedu aktar fid-dawl tat-tibdil demografiku u jipperikolaw iż-żieda fit-teknoloġiji fis- setturi rilevanti identifikati f’dan ir-Regolament. Huwa għalhekk meħtieġ li tingħata spinta li jiżdiedu l-parteċipazzjoni ta’ aktar persuni fis-suq tax-xogħol tas-setturi rilevanti, b’mod partikolari permezz tal-investimenti fit-tagħlim u fit-tagħlim tul il-ħajja, tat-tisħiħ tal-ħiliet rilevanti u tal-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u apprendistati għaż-żgħażagħ u għall-persuni żvantaġġati li huma barra mil-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ. Tali appoġġ se jikkomplementa għadd ta’ azzjonijiet oħra li għandhom l-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet li jirriżultaw mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, deskritti fl-Aġenda għall-ħiliet tal-UE stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kumissjoni tal-1 ta’ Lulju 2020 imsemmija “l-Aġenda Ewropea tal-Ħiliet għal kompetittività sostenibbli, ġustizzja soċjali u reżiljenza”. Dawk l-azzjonijiet għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jippromwovu mentalità ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, jagħtu spinta lill-kompetittività tal-impriżi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-SMEs, u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità bil-ħsieb li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali b’mod soċjalment ġust, inklużiv u ġust.

(8)

L-iskala tal-investiment meħtieġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali teħtieġ mobilizzazzjoni sħiħa tal-finanzjament disponibbli taħt il-programmi eżistenti tal-Unjoni, inklużi dawk li jagħtu garanzija baġitarja għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment u l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji u l-operazzjonijiet ta’ taħlit. Tali finanzjament jenħtieġ li jintuża b’mod aktar flessibbli, biex jipprovdi appoġġ f’waqtu u mmirat għat-teknoloġiji kritiċi f’setturi strateġiċi. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) sabiex tikkontribwixxi għall-għoti ta’ tweġiba strutturali għall-ħtiġijiet ta’ investiment tal-Unjoni billi tgħin biex il-fondi eżistenti tal-Unjoni jiġu mmirati aħjar lejn investiment kritiku, inkluż fi proġetti madwar l-Unjoni u transfruntiera, li jkollhom l-għan li jappoġġaw l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi fi setturi strateġiċi, filwaqt li jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern u l-koeżjoni u li jkollhom l-għan li tinkiseb distribuzzjoni ġeografikament ibbilanċjata ta’ proġetti ffinanzjati taħt STEP f’konformità mal-mandati rispettivi tal-programmi.

(9)

Meta jimplimentaw programmi u attivitajiet skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu u jipprijoritizzaw proġetti fil-Widien ta’ Aċċellerazzjoni b’Emissjonijiet Żero Netti kif definit fl-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, proġetti f’territorji inklużi fil-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u f’reġjuni inqas żviluppati u f’reġjuni fi tranżizzjoni, kif ukoll f’reġjuni aktar żviluppati fl-Istati Membri li l-PDG medju per capita tagħhom huwa taħt il-medja tal-UE-27 skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist u kkalkolata abbażi taċ-ċifri tal-Unjoni għall-perjodu 2015 sa 2017.

(10)

STEP jenħtieġ li timmobilizza riżorsi fi ħdan il-programmi eżistenti tal-Unjoni, inklużi InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), Orizzont Ewropa stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), il-Fond Ewropew għad-Difiżastabbilit bir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew (10) u l-Fond għall-Innovazzjoni stabbilit skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni stabbiliti bir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13),

il-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta (JTF) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), il-programm l-UE għas-Saħħa stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), u u l-Programm Ewropa Diġitali stabbilit, bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). Ir-riżorsi mobilizzati b’dawk il-programmi tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn finanzjament addizzjonali ta’ EUR 1,5 biljun lill-Fond Ewropew għad-Difiża għal proġetti li jikkontribwixxu għall- objettivi ta’ STEP.

(11)

Jenħtieġ li jingħata Siġill tas-Sovranità lil proġetti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP, dment li l-proġett ikun ġie vvalutat u jikkonforma mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità, b’mod partikolari l-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-esklużjoni u tal-għoti, ipprovduti f’sejħiet għal proposti taħt Orizzont Ewropa, il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Fond għall-Innovazzjoni, il-Programm l-UE għas-saħħa u l-Programm Ewropa Diġitali, irrispettivament minn jekk il-proġett ikunx irċieva fondi taħt wieħed minn dawk l-istrumenti. Dawk ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità huma stabbiliti bil-għan li jidentifikaw proġetti ta’ kwalità għolja. Is-Siġill tas-Sovranità għandu jingħata f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ eliġibbiltà definiti fis-sejħiet għal proposti skont il-programmi kkonċernati, li jistgħu jinkludu limitazzjonijiet ġeografiċi, jekk ikun xieraq u previst fl-atti leġistlattivi rispettivi li jirregolaw dawk il-programmi. Meta tħejji l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sejħiet għal proposti li jistgħu jingħataw Siġill tas-Sovranità, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinkludi, meta jkun xieraq, ir-rekwiżit għal proposti ta’ proġetti li jindikaw kif huma mistennija jikkontribwixxu għat-tisħiħ u l-istrutturar tan-networks lokali ta’ atturi industrijali u għall-ħolqien tal-impjieg. Dawk is-sejħiet jenħtieġ li, meta jkun possibbli u xieraq, ikunu kontinwament miftuħa. Is-Siġill tas-Sovranità jenħtieġ li jintuża bħala tikketta ta’ kwalità, biex jgħin lill-proġetti jattiraw investimenti pubbliċi u privati billi jiċċertifika l-kontribut tal-proġett għall-objettivi ta’ STEP. Barra minn hekk, jenħtieġ li s-Siġill tas-Sovranità jippromwovi aċċess aħjar għall-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jiffaċilita l-finanzjament kumulattiv jew ikkombinat minn diversi strumenti tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa wkoll iqisu s-Siġill tas-Sovranità meta jagħtu appoġġ finanzjarju permezz tal-programmi tagħhom stess.

(12)

Għal dak il-għan, jenħtieġ li jkun possibbli li jittieħdu bħala bażi l-valutazzjonijiet magħmula għall-finijiet ta’ programmi oħra tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni u jiġi mħeġġeġ l-investiment f’teknoloġiji ta’ prijorità. Sakemm jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/241, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw l-inklużjoni ta’ proġetti li ġew mogħtija s-Siġill tas-Sovranità meta jkunu qed jirrivedu l-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza u jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkunsidraw li jinkludu proġetti meta jiddeċiedu dwar proġetti ta’ investiment li għandhom jiġu ffinanzjati mis-sehem tagħhom tal-Fond għall-Modernizzazzjoni stabbilit permezz tad-Direttiva 2003/87/KE. Is-Siġill tas-Sovranità jenħtieġ li jitqies ukoll mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ il-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tal-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-TFUE (l-'Istatut tal-BEI') u tal-verifika tal-politika stabbilita fir-Regolament (UE) 2021/523. Barra minn hekk, is-sħab ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jkunu meħtieġa jeżaminaw proġetti li jkunu ngħataw is-Siġill tas-Sovranità fejn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku u tal-attività tagħhom f’konformità ma’ dak ir-Regolament. L-awtoritajiet inkarigati mill-programmi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkunsidraw jappoġġaw proġetti strateġiċi rikonoxxuti f’konformità l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u rl-Att dwar il-Materja Prima Kritika li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li għalihom jistgħu japplikaw regoli dwar il-finanzjament kumulattiv.

(13)

Jentħieġ li STEP tiġi implimentata b’mod effettiv, effiċjenti, ġust u trasparenti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun inkarigata mill-għoti u l-promozzjoni tas-Siġill tas-Sovranità, kif ukoll mill-ġestjoni ta’ sit tal-web ġdid disponibbli għall-pubbliku (il-“Portal tas-Sovranità”) u mir-rwol ta’ koordinazzjoni, mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati li huma rilevanti biex jintlaħqu l-objettivi ta’ STEP. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippromwovi l-konsistenza, il-koerenza, is-sinerġija u l-komplementarjetà fost il-programmi tal-Unjoni biex tappoġġa proġetti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP.

(14)

Jenħtieġ li l-Portal tas-Sovranità jipprovdi informazzjoni dwar l-appoġġ disponibbli għal proġetti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP. Sabiex jindirizza l-ħtiġijiet tal-kumpaniji u tal-promoturi tal-proġetti li jfittxu fondi għal proġetti ta’ STEP taħt il-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Portal tas-Sovranità juri b’mod aċċessibbli u faċli għall-utent l-opportunitajiet ta’ finanzjament għal investimenti ta’ STEP disponibbli taħt il-baġit tal-Unjoni. Dak jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar programmital-Unjoni ġestiti direttament, bħal Orizzont Ewropa, il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Fond għall-Innovazzjoni, il-Programm tal-UE għas-Saħħa, il-Programm tal-Ewropa Diġitali u sorsi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni bħal InvestEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni, l-FSE+ u l-JTF. Barra minn hekk, il-Portal tas-Sovranità jenħtieġ li jgħin biex tiżdied il-viżibbiltà għal investimenti ta’ STEP fir-rigward tal-investituri, billi jelenka l-proġetti li ngħataw Siġill tas-Sovranità. Jenħtieġ li l-Portal tas-Sovranità jelenka wkoll l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali responsabbli biex jaġixxu bħala punti ta’ kuntatt għall-implimentazzjoni ta’ STEP fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-komplementarjetà tal-Portal tas-Sovranità ma’ pjattaformi simili oħra filwaqt li tevita l-regolamentazzjoni żejda kif ukoll il-piżijiet amministrattivi.

(15)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja l-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ STEP sabiex timmonitorja l-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni. Jenħtieġ li dak il-monitoraġġ jitwettaq b’mod li jkun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqa fl-ambitu ta’ STEP biex jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piż amministrattiv, b’mod partikolari għall-benefiċjarji tal-finanzjament. Sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ STEP taħt kull wieħed mill-programmi rispettivi, dwar in-nefqa globali ta’ STEP għal kull programm, u dwar il-prestazzjoni ta’ STEP abbażi tal-indikaturi tal-prestazzjoni previsti minn dawk il-programmi. Meta tkun disponibbli, jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-kontribut kwalitattiv u kwantitattiv ta’ STEP għal proġetti transfruntiera u għal proġetti għal kull Stat Membru.

(16)

Filwaqt li STEP tibbaża fuq ir-riprogrammazzjoni u t-tisħiħ tal-programmi eżistenti għall-appoġġ għal investimenti strateġiċi kif ukoll it-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni,, hija wkoll element importanti għall-ittestjar tal-fattibbiltà u t-tħejjija ta’ interventi ġodda possibbli sabiex jiġu appoġġati s-sovranità u l-kompetittività f’setturi strateġiċi u tissaħħaħ il-politika industrijali tal-Unjoni. Jenħtieġ li STEP b’mod partikolari sservi bħala bażi biex jiġu kkunsidrati azzjonijiet simili possibbli, bħal Fond Ewropew għas-Sovranità.

(17)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni interim ta’ dan ir-Regolament, li fiha jenħtieġ li tivvaluta r-rilevanza tal-azzjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament fit-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni u fit-tisħiħ tal-awtonomija tagħha. Jenħtieġ li tivvaluta wkoll il-fattibbiltà tal-espansjoni tal-Portal għas-Sovranità biex tikkombina s-siti web eżistenti kollha disponibbli għall-pubbliku u tipprovdi informazzjoni dwar il-programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta, kondiviża u indiretta f’portal uniku kif ukoll il-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ simulatur li jipprovdi gwida dwar il-programmi jew il-fondi tal-Unjoni li għalihom jaf ikun elġibbli l-proġett partikolari tagħhom.

(18)

Il-Fond għall-Innovazzjoni jappoġġa l-investimenti f’teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Fond tal-Innovazzjoni għalhekk se jkun instrumentali sabiex jappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura fl-Unjoni ta’ teknoloġiji nodfa kritiċi u effiċjenti fir-riżorsi. Meta tfassal u timplimenta sejħiet għal proposti jew offerti kompetittivi taħt il-Fond għall-Innovazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra proġetti rikonoxxuti bħala strateġiċi skont l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, li jitqiesu li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP.

(19)

Sabiex jiġu estiżi l-possibbiltajiet għall-appoġġ tal-investimenti li għandhom l-għan tat-tisħiħ tal-iżvilupp industrijali u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur f’setturi strateġiċi, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ mill-FEŻR jenħtieġ li jiġi estiż billi jiġu previsti objettivi speċifiċi ġodda taħt il-FEŻR, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa u tal-infiq fuq il-klima kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1058 u fir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). F’setturi strateġiċi, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jiġu appoġġati investimenti produttivi f’intrapriżi oħra għajr l-SMEs, filwaqt li tinżamm l-enfażi fuq l-SMEs, li jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-iżvilupp ta’ reġjuni anqas żviluppati u ta’ reġjuni fi tranżizzjoni, kif ukoll f’reġjuni aktar żviluppati tal-Istati Membri bi PDG per capita taħt il-medja tal-UE-27. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni huma mħeġġa jippromwovu l-kollaborazzjoni bejn l-intrapriżi kbar u l-SMEs lokali, il-ktajjen tal-provvista, l-innovazzjoni u l-ekosistemi tat-teknoloġija. Dak jippermetti t-tisħiħ tal-kapaċità globali tal-Unjoni li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha f’dawk is-setturi billi tipprovdi aċċess għall-Istati Membri kollha għal investimenti bħal dawn, u b’hekk jiġi miġġieled ir-riskju li jiżdiedu d-disparitajiet. Ir-riżorsi pprogrammati għal dawk l-objettivi speċifiċi l-ġodda jenħtieġ li jkunu limitati għal massimu ta’ 20 % tal-allokazzjoni inizjali tal-FEŻR f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060.

(20)

Sabiex jinżamm livell għoli ta’ ambizzjoni fl-ilħuq tal-objettivi klimatiċi fil-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li fl-istess ħin tkun permessa flessibbiltà bejn il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEŻR, jenħtieġ li l-ammont tal-kontribuzzjoni għall-klima tal-Fond ta’ Koeżjoni li jaqbeż is-37 % tal-allokazzjoni totali tiegħu jkun jista’ jitqies meta tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni għall-klima tal-FEŻR minn naħa waħda u, jenħtieġ li l-ammont tal-kontribuzzjoni għall-klima tal-FEŻR li jaqbeż it-30 % tal-allokazzjoni totali tiegħu jkun jista’ jitqies meta tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni għall-klima tal-Fond ta’ Koeżjoni minn naħa oħra.

(21)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-JTF jenħtieġ li jiġi estiż ukoll biex ikopri l-investimenti f’teknoloġiji koperti minn dan ir-Regolament u biex jindirizza skarsezzi f’termini ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet li huma meħtieġa biex iseħħu dawk l-investimenti, filwaqt li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP minn intrapriżi kbar u tinżamm l-enfażi fuq l-SMEs, dment li tali investimenti jkunu kompatibbli mal-kontribut mistenni għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika kif stabbilit fil-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta skont ir-Regolament (UE) 2021/1056. Jenħtieġ li l-appoġġ ipprovdut għal dawk l-investimenti ma jirrikjedix reviżjoni tal-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta fejn dik ir-reviżjoni tkun marbuta esklużivament mal-analiżi tal-lakuni li tiġġustifika l-investiment mill-perspettiva tal-ħolqien tal-impjiegi. Fil-kuntest ta’ appoġġ għal intrapriżi li mhumiex SMEs, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni wkoll lill-investimenti li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ apprendistati u impjiegi jew li jipprovdu edukazzjoni jew taħriġ għal ħiliet ġodda.

(22)

L-FSE+, li huwa l-Fond ewlieni tal-Unjoni għall-investiment fin-nies, jipprovdi kontribut ewlieni għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet. Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ l-FSE+ għall-objettivi ta’ STEP, jenħtieġ li jkun possibbli li l-FSE+ jintuża biex ikopri l-investimenti li jkollhom l-għan li li jiksbu forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa u reżiljenti li tkun lesta għad-dinja tax-xogħol futura.

(23)

Sabiex jgħin biex jiġu aċċellerati l-investimenti u tiġi pprovduta likwidità immedjata għall-investimenti li jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP taħt il-FEŻR, il-FSE+ u l-JTF, jenħtieġ li jiġi pprovdut ammont addizzjonali ta’ prefinanzjament eċċezzjonali fil-forma ta’ pagament ta’ darba fir-rigward tal-prijoritajiet iddedikati għal investimenti li jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP. Il-prefinanzjament addizzjonali jenħtieġ li japplika għall-allokazzjoni kollha tal-JTF minħabba l-ħtieġa li titħaffef l-implimentazzjoni tiegħu u r-rabtiet b’saħħithom tal-JTF biex l-Istati Membri jiġu appoġġati fl-ilħuq tal-objettivi ta’ STEP. Ir-regoli applikabbli għal dawk l-ammonti ta’ prefinanzjament eċċezzjonali jenħtieġ li jkunu konsistenti mar-regoli applikabbli għall-prefinanzjament previsti fir-Regolament (UE) 2021/1060. Barra minn hekk, biex tiġi inċentivata aktar l-adozzjoni ta’ dawk l-investimenti u tiġi żgurata l-implimentazzjoni aktar rapida tagħhom, jenħtieġ li tkun disponibbli l-possibbiltà ta’ rata massima ta’ kofinanzjament miżjuda tal-Unjoni ta’ 100 % għall-prijoritajiet ta’ STEP. Fl-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ STEP, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jkunu mħeġġa japplikaw ċerti kriterji soċjali u jippromwovu eżiti pożittivi soċjali, bħall-ħolqien ta’ apprendistati u impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ żvantaġġati, b’mod partikolari ż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, l-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti soċjali stabbiliti fid-Direttivi 2014/23/UE (20), 2014/24/UE (21) u 2014/25/UE (22) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn proġett jiġi implimentat minn korp soġġett għal dawk id-Direttivi, u l-ħlas tal-pagi applikabbli kif miftiehem permezz ta’ negozjar kollettiv.

(24)

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex proġetti li jkunu ngħataw Siġill tas-Sovranità jkunu jistgħu jibbenefikaw minn aċċess aħjar għall-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jiffaċilita l-finanzjament kumulattiv jew ikkombinat minn diversi strumenti tal-Unjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni li jagħtu appoġġ direttament mill-FEŻR jew mill-FSE+, lil operazzjonijiet li jkunu ngħataw Siġill tas-Sovranità.

(25)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u sabiex tiġi żgurata tnedija f’waqtha ta’ STEP, jenħtieġ li jkun possibbli, permzz ta’ deroga mir-regoli applikabbli, li jiġu eskluża mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-FEŻR, l-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-JTF previst for-Regolament (UE) 2021/1060 il-prijoritajiet li ġew inklużi biex jiġu indirizzati l-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP. Jenħtieġ li jkun possibli li tali emendi tal-programm definittivament jallokaw l-ammont tal-flessibbiltà kollu jew parti minnu għas-snin 2026 u 2027. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tapprova emendi tal-programm li huma esklużivament relatati mal-introduzzjoni ta’ prijoritajiet li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP u ppreżentati sal-31 ta’ Awwissu 2024, fi żmien xahrejn mis- preżentazzjonitagħhom minn Stat Membru. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jiġu introdotti kwalunkwe emendi korrispondenti għall-Ftehmiet ta’ Sħubija msemmija fir-Regolament (UE) 2021/1060 u li tiġi approvata b’mod rapidu mill-Kummissjoni.

(26)

Il-qafas regolatorju għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014-2020 ġie adattat fl-aħħar snin biex jipprovdi lill-Istati Membri u lir-reġjuni bi flessibbiltà addizzjonali f’termini tal-implimentazzjoni u b’aktar likwidità biex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawk il-miżuri, introdotti fi tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni, jeħtieġu biżżejjed żmien u riżorsi amministrattivi biex jiġu sfruttati u implimentati bis-sħiħ; b’mod partikolari fi żmien fejn l-Istati Membri jiffokaw ir-riżorsi fuq ir-reviżjoni tal-programmi operazzjonali tal-2021-2027 marbuta mal-objettivi ta’ STEP. Bil-għan li jittaffa l-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet tal-programm u li jiġi evitat it-telf possibbli ta’ fondi fiż-żmien tal-għeluq għal raġunijiet purament amministrattivi, jenħtieġ li l-iskadenzi għall-għeluq amministrattiv tal-programmi skont il-perjodu 2014–2020 fir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (23) u (UE) Nru 223/2014 (24) tal-Parlament u tal-Kunsill jiġu estiżi. B’mod aktar speċifiku, l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ dik l-applikazzjoni għal pagament finali jenħtieġ li tiġi estiża bi 12-il xahar. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-iskadenza għall-preżentazzjoni tad-dokumenti tal-għeluq tiġi estiża wkoll bi 12-il xahar. Fil-kuntest ta’ dawk l-emendi, huwa xieraq li jiġi ċċarat li d-distribuzzjoni tal-ikel u tal-materjal mixtrija sa tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà (tmiem tal-2023) għandha tkun tista’ tkompli wara dik id-data.

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni u r-rispett għal-limiti massimi tal-pagamenti, il-pagamenti li għandhom isiru fl-2025 jenħtieġ li jiġu limitati għal kull programm għal massimu ta’ 1 % tal-approprjazzjonijiet finanzjarji minn riżorsi taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027, stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (25). Jenħtieġ li l-ammonti dovuti li jaqbżu l-limitu massimu ta’ 1 % tal-approprjazzjonijiet tal-programm għal kull fond għall-2025 ma jitħallsux fl-2025 u lanqas fis-snin sussegwenti iżda jintużaw biss għall-approvazzjoni tal-prefinanzjament. L-ammonti mhux użati għandhom jiġu diżimpenjati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fiż-żmien tal-għeluq. Sabiex jiġi żgurat li r-reġjuni ultraperiferiċi jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ tal-appoġġ mill-fondi koperti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġi ċċarat li, għall-finijiet tal-flessibbiltà prevista fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-allokazzjonijiet speċjali addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi jenħtieġ li jitqiesu bħala parti mill-allokazzjoni tal-FEŻR għall-istess kategorija ta’ reġjun bħar-reġjun ultraperiferiku kkonċernat. Minkejja regoli ta’ eliġibbiltà differenti applikabbli għall-allokazzjoni speċjali addizzjonali, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li dik il-flessibbiltà tiġi applikata bejn l-allokazzjoni speċjali addizzjonali u allokazzjonijiet oħra tal-FEŻR għall-istess kategorija ta’ reġjuni fi ħdan programm.

(27)

Il-flessibbiltajiet previsti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 għenu lill-Istati Membri fir-rispons għall-kriżijiet u fl-isforzi ta’ rkupru tagħhom, u għenuhom jiffaċċjaw il-pressjoni addizzjonali fuq il-baġits pubbliċi kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jittrattaw il-pressjoni baġitarja kontinwa, f’konformità mal-possibbiltà prevista fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jenħtieġ li tiġi prevista b’mod retroattiv għas-sena kontabilistika finali mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024, l-estensjoni tal-possibbiltà li tiġi applikata rata ta’ kofinanzjament tal-Unjoni ta’ 100 % għall-programmi ta’ koeżjoni, fejn Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni finali għal pagament interim għall-aħħar sena kontabilistika, f’konformità mal-approprjazzjonijiet tal-baġit u soġġett għall-finanzjament disponibbli.

(28)

InvestEU huwa l-programm emblematiku tal-Unjoni biex tingħata spinta lill-investiment, speċjalment it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, billi jiġi pprovdut finanzjament xprunat mid-domanda, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi ta’ taħlit, u assistenza teknika. Dak l-approċċ jikkontribwixxi biex jinġabar kapital pubbliku u privat addizzjonali fi ħdan it-twieqi ta’ politika attwali. Sabiex jiġi żgurat assorbiment sħiħ tal-fondi disponibbli u dment li s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ma jkollhomx biżżejjed kapaċità biex jassorbu 25 % tal-garanzija tal-UE stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/523 li hija allokata għalihom, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ b’mod eċċezzjonali tagħti aktar minn 75 % tal-garanzija tal-UE lill-Grupp tal-BEI. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinkoraġġixxi u tassisti lis-sħab ta’ implimentazzjoni differenti mill-Grupp tal-BEI biex jassorbu kompletament il-finanzjament li hu disponibbli. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkontribwixxu għall-kompartiment tal-Istat Membru tal-InvestEU biex jappoġġaw prodotti finanzjarji f’konformità mal-objettivi ta’ STEP fi ħdan it-twieqi ta’ politika attwali, mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jinkludu bħala miżura fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza kontribuzzjoni fi flus għall-fini tal-kompartiment tal-Istati Membri ta’ InvestEU biex jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP fi ħdan it-twieqi ta’ politika attwali. Dik il-kontribuzzjoni addizzjonali biex jiġu appoġġati l-objettivi ta’ STEP tista’ tilħaq sa 6 % tal-allokazzjoni finanzjarja totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom għall-kompartiment tal-Istati Membri ta’ InvestEU. Jenħtieġ li jiġu introdotti wkoll flessibbiltà u kjarifiki addizzjonali biex jiġu segwiti aħjar l-objettivi ta’ STEP. Għall-proġetti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP, jenħtieġ li jsiru l-aqwa sforzi biex jiġi żgurat li fi tmiem il-perjodu ta’ investiment tkun koperta firxa wiesgħa ta’ setturi u reġjuni, u tiġi evitata konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika eċċessiva.

(29)

Orizzont Ewropa huwa l-programm ta’ finanzjament prinċipali tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) tiegħu jipprevedi appoġġ, b’mod partikolari għall-innovazzjonijiet b’potenzjal ta’ natura rivoluzzjonarja u ta’ tfixkil b’potenzjal ta’ espansjoni li jistgħu jkunu riskjużi wisq għall-investituri privati. Jenħtieġ li tiġi prevista flessibbiltà addizzjonali taħt Orizzont Ewropa, sabiex l-Aċċeleratur tal-EIC ikun jista’ jipprovdi appoġġ ta’ ekwità biss lil SMEs mhux bankabbli, inklużi negozji ġodda, u kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja mhux bankabbli, li jwettqu innovazzjoni, b’mod partikolari għal dawk li jaħdmu fit-teknoloġiji appoġġati minn STEP, irrispettivament minn jekk qabel kinux irċevew tipi oħra ta’ appoġġ mill-Aċċeleratur tal-EIC. L-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju li huwa l-parti tal-Aċċelleratur tal-EIC li jipprovdi investiment permezz ta’ ekwità jew forma oħra ripagabbli (“il-Fond tal-EIC”) bħalissa hija limitata għal ammont massimu ta’ investiment ta’ EUR 15-il miljun ħlief f’każijiet eċċezzjonali u ma tistax takkomoda ċikli ta’ finanzjament ta’ segwitu jew ammonti akbar ta’ investiment. Il-permess għal appoġġ ta’ ekwità biss għal SMEs u l-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja mhux bankabbli jindirizza d-distakk eżistenti fis-suq, b’mod partikolari għal ħtiġijiet ta’ investiment fil-medda ta’ EUR 15 sa 50 miljun. Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li l-ammonti impenjati għall-proġett pilota tal-EIC taħt Orizzont 2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) ma jintużawx bis-sħiħ. Ir-Regolament (UE) 2021/695 jenħtieġ li jiġi emendat ukoll biex jirrifletti ż-żieda fil-pakkett għall-Fond Ewropew għad-Difiża.

(30)

L-EIC jiżvolġi rwol fundamentali biex joffri finanzjamenti inizjali lin-negozji l-ġodda u lill-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja li qed jikbru. Bl-għarfien speċjalizzat tiegħu, l-EIC jinsab fil-pożizzjoni ideali biex iqawwi l-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-kumpaniji li jfittxu kapital biex jespandu lil hinn mill-fażi ta’ innovazzjoni inizjali. Meta jitqies ir-rwol ċentrali tal-Fond tal-EIC fis-suċċess ta’ STEP, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-funzjonament tal-EIC jenħtieġ li jiġu ċċarati.

(31)

Il-Fond Ewropew għad-Difiża huwa l-programm ewlieni għat-titjib tal-kompetittività, l-innovazzjoni, l-effiċjenza u l-awtonomija teknoloġika tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni. L-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża huwa kruċjali, għax jirfed il-kapaċità u l-awtonomija tal-industrija tal-Unjoni Ewropea biex tiżviluppa prodotti tad-difiża u l-indipendenza tal-Istati Membri bħala utenti finali ta’ tali prodotti. Għalhekk, jenħtieġ li pakkett addizzjonali jkun disponibbli biex jappoġġa proġetti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet għad-difiża fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(32)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tas-sovranità u s-sigurtà tal-Unjoni, l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tagħha, it-titjib tal-kompetittività tagħha u t-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi tagħha, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu 1

STEP

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa STEP biex jiġu appoġġati teknoloġiji strateġiċi kritiċi u emerġenti u l-ktajjen tal-valur rispettivi tagħhom fis-setturi rilevanti.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi ta’ STEP, l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju disponibbli taħt is-STEP, u r-regoli għall-implimentazzjoni tas-Siġill tas-Sovranità u tal-Portal tas-Sovranità kif ukoll għar-rapportar dwar l-objettivi ta’ STEP.

Artikolu 2

L-objettivi STEP

1.   Sabiex jiġu żgurati s-sovranità u s-sigurtà industrijali tal-Unjoni, jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni f’setturi strateġiċi, tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni billi jissaħħu r-reżiljenza u l-produttività tagħha u billi jiġu mobbilizzati fondi, jiġu promossi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal investimenti fis-suq intern, titrawwem il-parteċipazzjoni transfruntiera, inkluża tal-SMEs, jissaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u s-solidarjetà fost l-Istati Membri u r-reġjuni, u jiġi promoss l-aċċess inklużiv għal impjiegi attraenti u ta’ kwalità billi jsir investimenti fil-ħiliet tal-futur u billi l-bażi ekonomika, industrijali u teknoloġika tagħha tkun adatta għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, STEP għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

(a)

tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi madwar l-Unjoni, jew tħares u ssaħħaħ il-ktajjen tal-valur rispettivi tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 3, fis-setturi li ġejjin:

(i)

teknoloġiji diġitali, inklużi dawk li jikkontribwixxu għall-miri u l-objettivi tal-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali, kif ukoll proġetti multinazzjonali kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, u l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda;

(ii)

teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi inklużi teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti kif definit fl-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti;

(iii)

bijoteknoloġiji, inklużi prodotti mediċinali mniżżla fil-lista tal-Unjoni ta’ mediċini kritiċi u l-komponenti tagħhom;

(b)

l-indirizzar tal-iskarsezzi f’termini ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet kritiċi għat-tipi kollha ta’ impjiegi ta’ kwalità b’appoġġ għall-objettiv stabbilit fil-punt (a),, b’mod partikolari permezz ta’ proġetti għat-tagħlim tul il-ħajja, l-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-Akkademji Ewropej dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, u f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali u inizjattivi ta’ edukazzjoni u taħriġ diġà fis-seħħ;

2.   It-teknoloġiji msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandhom jitqiesu kritiċi meta jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma jġibu fis-suq intern element innovattiv, emerġenti u u mill-aktar avvanzat b’potenzjal ekonomiku sinifikanti;

(b)

huma jikkontribwixxu għat-tnaqqis jew għall-prevenzjoni tad-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni.

3.   Il-katina tal-valur għall-iżvilupp jew għall-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu hija relatata mal-prodotti finali, kif ukoll għal-komponenti speċifiċi u mal-makkinarju speċifiku użat primarjament għall-produzzjoni tal-prodotti finali u mal-materja prima kritika, stabbilit f’anness tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika, u għas-servizzi assoċjati kritiċi u speċifiċi għall-iżvilupp jew għall-manifattura ta’ dawk il-prodotti.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-katina tal-valur għall-iżvilupp jew għall-manifattura ta’ teknoloġiji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u li huma teknoloġiji msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a)(ii) ta’ dan l-Artikolu, hija relatata mal-prodotti finali, kif ukoll ma’ komponenti speċifiċi u makkinarju speċifiku użati primarjament għall-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti finali, kif definit fl-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u għal servizzi assoċjati kritiċi u peċifiċi għall-iżvilupp jew għall-manifattura ta’ dawk il-prodotti finali.

4.   Proġetti strateġiċi rikonoxxuti f’konformità mad-dispożizzjoni rilevanti tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti li jikkonformaw mal-kriterji dwar ir-reżiljenza jew il-kriterji dwar il-kompetittività tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti għandhom jitqiesu li jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ STEP imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a)(ii).

5.   Proġetti strateġiċi rikonoxxuti f’konformità mad-dispożizzjoni rilevanti tal-Att dwar il-Materja Prima Kritika għandhom jitqiesu li jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ STEP imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a).

6.   Meta proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI) approvat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(3), il-punt (b) tat-TFUE jkun relatat ma’ kwalunkwe wieħed mit-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, it-teknoloġiji rilevanti għandhom jitqiesu kritiċi.

7.   Sat-2 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni għandha toħroġ gwida dwar kif it-teknoloġiji fis-setturi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu jistgħu jitqiesu kritiċi kif ukoll dwar kif jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. F’dik il-gwida, il-Kummissjoni għandha tiċċara l-kunċett ta’ katina tal-valur u servizzi assoċjati kritiċi u speċifiċi għall-iżvilupp jew għall-manifattura tal-prodotti finali msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dik il-gwida għandha tiġi rieżaminata, meta jkun xieraq, fid-dawl tar-rapport ta’ evalwazzjoni interim imsemmi fl-Artikolu 8.

Artikolu 3

Appoġġ finanzjarju

1.   L-appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ STEP għandu jiġi pprovdut minn programmi tal-Unjoni eżistenti.

2.   Sabiex issaħħaħ l-kapaċità tagħha li tilħaq l-objettivi ta’ STEP, ammont ta’ EUR 1 500 000 000 fi prezzijiet attwali tal-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2021/697 għandu jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ STEP. L-ammont għandu jiġi implimentat f’konformità ma’ dak ir-Regolament u għandu jintuża bl-għan li jintlaħqu l-objettivi ta’ STEP.

Artikolu 4

Is-Siġill tas-Sovranità, u l-finanzjament ikkombinat u kumulattiv

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħti Siġill tas-Sovranità lil kwalunkwe proġett li jikkontribwixxi għal kwalunkwe objettiv ta’ STEP, sakemm il-proġett ikun ġie vvalutat u jikkonforma ma’ rekwiżiti minimi ta’ kwalità, b’mod partikolari l-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-esklużjoni u tal-għoti, previsti f’sejħa għal proposti skont ir-Regolamenti (UE) 2021/522, (UE) 2021/694, (UE) 2021/695, jew (UE) 2021/697 jew skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 (27).

2.   Sejħa għal proposti kif msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu limitazzjonijiet ġeografiċi u għandhom, meta jkun xieraq, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni speċifika għas-settur, jinkludu obbligi li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli, il-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-ftehimiet kollettivi.

3.   Is-Siġill tas-Sovranità għandu jintuża bħala tikketta ta’ kwalità, b’mod partikolari għall-finijiet ta’:

(a)

ir-riċeviment ta’ appoġġ għall-proġett taħt programm ieħor tal-Unjoni f’konformità mar-regoli applikabbli għal dak il- programm; jew

(b)

il-finanzjament tal-proġett permezz ta’ finanzjament kumulattiv jew ikkombinat ma’ strument ieħor tal-Unjoni skont ir-regoli applikabbli għal dawk l-istrumenti.

4.   Meta jirrevedu l-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u reżiljenza f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/241, l-Istati Membri għandhom mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament, iqisu dawk il-proġetti li jkunu ngħataw Siġill tas-Sovranità skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bħala proġetti ta’ prijorità.

5.   Meta jiddeċiedu dwar x’proġetti ta’ investiment għandhom jiffinanzjaw mill-ishma rispettivi tagħhom tal-Fond għall-Modernizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10d tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala prijorità proġetti għal teknoloġiji nodfa kritiċi u effiċjenti fir-riżorsi dawk il-proġetti li jkunu ngħataw is-Siġill tas-Sovranità skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu appoġġ nazzjonali lil proġetti li jkunu ngħataw is-Siġill tas-Sovranità u jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ STEP msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (a)(ii), ta’ dan ir-Regolament.

6.   K’konformita’ mar-Regolament (UE) 2021/523, is-Siġill tas-Sovranità għandu jitqies fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI u tal-verifika tal-politiki stabbilit fl-Artikolu 23(3) ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, is-sħab ta’ implimentazzjoni għandhom jeżaminaw fil-ħin proġetti li jkunu ngħataw is-Siġill tas-Sovranità fejn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku u tal-attività tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) 2021/523.

7.   Proġetti strateġiċi rikonoxxuti f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Netti Żero u l-Att dwar il-Materja Prima Kritika fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u li jirċievu kontribuzzjoni taħt il-programmi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jirċievu wkoll kontribuzzjoni minn kwalunkwe programm ieħor tal-Unjoni, inklużi fondi taħt ġestjoni kondiviża, sakemm dawk il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-proġett strateġiku. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet totali eliġibbli tal-proġett strateġiku. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi pro rata f’konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.

8.   L-għoti ta’ Siġill tas-Sovranità u l-għoti ta’ finanzjament kumulattiv għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat u għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

9.   Is-Siġill tas-Sovranità għandu jkun validu għall-perjodu tal-implimentazzjoni tal-proġett li għalih jkun ingħata u ma għandux jibqa’ validu jekk dak il-proġett ma jkunx beda fi żmien ħames snin minn meta jkun ingħata, jew il-proġett ikun ġie rilokat barra l-Unjoni.

Artikolu 5

L-implimentazzjoni ta’ STEP

Sabiex timplimenta STEP, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari:

(a)

tippromwovi s-Siġill tas-Sovranità msemmi fl-Artikolu 4(1), b’mod partikolari biex issaħħaħ il-viżibbiltà għall-proġetti li ngħataw is-Siġill tas-Sovranità u għall-proġetti li rċevew finanzjament fil-qafas tal-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni, l-FSE+ jew il-JTF;

(b)

tistabbilixxi u timmaniġġja l-Portal tas-Sovranità msemmi fl-Artikolu 6, b’mod partikolari biex tqarrab l-opportunitajiet kollha ta’ finanzjament tal-Unjoni aktar lejn il-benefiċjarji potenzjali u żżid it-trasparenza fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni;

(c)

tikkollabora mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 6(4), u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, bil-ħsieb li tikkoordina u tiskambja informazzjoni dwar il-ħtiġijiet finanzjarji, il-konġestjonijiet eżistenti u l-aħjar prattiki għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-finanzjament li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(d)

trawwem kuntatti bejn is-setturi tat-teknoloġiji msemmija fl-Artikolu 2, filwaqt li tagħmel użu partikolari mill-alleanzi, n-networks u l-istrutturi industrijali eżistenti, inkluża l-Pjattaforma għal Ewropa b’Emissjonijiet Żero Netti stabbilita mill-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u l-Bord Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika stabbilit mill-Att dwar il-Materja Prima Kritika;

(e)

tippromwovi l-konsistenza, il-koerenza, is-sinerġija u l-komplementarjetà fost il-programmi tal-Unjoni biex tappoġġa l-proġetti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP.

Artikolu 6

Il-Portal tas-sovranità

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sit web iddedikat disponibbli għall-pubbliku (il-“Portal tas-Sovranità”), li jipprovdi informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament għal proġetti marbuta mal-objettivi ta’ STEP u li jżid il-viżibbiltà lil dawk il-proġetti, b’mod partikolari billi juri l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni dwar programmi tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u sejħiet għal proposti u sejħiet għal offerti attwali u futuri marbuta mal-objettivi ta’ STEP fl-ambitu ta’ dawk il-programmi rispettivi;

(b)

dettalji ta’ proġetti li ngħataw tikketta tal-kwalità tas-Siġill tas-Sovranità f’konformità mal-Artikolu 4;

(c)

dettalji ta’ proġetti li ġew rikonoxxuti bħala proġetti strateġiċi skont l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u l-Att dwar il-Materja Prima Kritika, sal-punt li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament;

(d)

dettalji ta’ proġetti li jappoġġjaw l-objettivi ta’ STEP li ntgħażlu għall-appoġġ fl-ambitu tal-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni, l-FSE+ jew il-JTF, sal-punt li jkunu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 6(4a).

(e)

kuntatti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura f’konformità mal-paragrafu 4.

2.   Il-Portal tas-Sovranità għandu juri wkoll informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ STEP u informazzjoni fir-rigward tan-nefqa baġitarja tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7, kif ukoll informazzjoni dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni definiti taħt il-programmi rispettivi.

3.   Il-Portal tas-Sovranità għandu jiġi varat fl-1 ta’ Marzu 2024 u għandu jiġi aġġornat mill-Kummissjoni fuq bażi regolari.

4.   Sat-2 ta’ Ġunju 2024, kull Stati Membru għandu jaħtar awtorità nazzjonali kompetenti unika biex taġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ STEP fil-livell nazzjonali.

5.   Fejn disponibbli, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jgħarrfu lill-Kummisjjoni bid-dettalji tal-proġetti li jappoġġjaw l-objettivi ta’ STEP li ntgħażlu għall-appoġġ fl-ambitu tal-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni, l-FSE+ jew il-JTF biex turihom fuq il-Portal tas-Sovranità.

Artikolu 7

Monitoraġġ u rapport annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ STEP u tkejjel l-ilħuq tal-objettivi ta’ STEP, abbażi tal-oqsfa ta’ monitoraġġ tal-programmi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għandu jkun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqin fl-ambitu ta’ STEP.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet imwettqa fl-ambitu ta’ STEP tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv, u f’ħin utli. Għal dak l-għan, il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu b’data għall-monitoraġġ abbażi tar-rekwiżiti ta’ rapportar eżistenti, fejn ikun meħtieġ u b’mod proporzjonat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ STEP u għandha tagħmel dak ir-rapport disponibbli għall-pubbliku.

4.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi informazzjoni konsolidata dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ STEP taħt kull wieħed mill-programmi msemmija fl-Artikolu 3, inkluż, fejn disponibbli, informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-appoġġ ta’ STEP għal kull Stat Membru u dwar il-proġetti transfruntiera.

5.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-nefqa globali ta’ STEP għal kull programm;

(b)

il-prestazzjoni ta’ STEP abbażi tal-indikaturi tal-prestazzjoni ddefiniti fil-programmi rispettivi;

(c)

ħarsa ġenerali tal-kontribut ta’ STEP għall-objettivi strateġiċi tal-Unjoni intiżi sabiex jiżguraw il-kompetittività fit-tul;

(d)

analiżi tad-distribuzzjoni ġeografika u teknoloġika tal-proġetti li ngħataw is-Siġill tas-Sovranità.

Artikolu 8

Evalwazzjoni ta’ STEP

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni ta’ STEP, għall-finijiet tal-orjentazzjoni tal-proċess deċiżjonali futur.

2.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim għandu, b’mod partikolari, jivvaluta sa fejn intlaħqu l-objettivi ta’ STEP, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew tagħha.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim għandu wkoll:

(a)

jipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-reġjuni tal-Unjoni li għalihom il-programmi ta’ koeżjoni ġew emendati f’konformità mal-prinċipju tas-sħubija;

(b)

iqis ir-rilevanza tal-objettivi u l-azzjonijiet ta’ STEP, inklużi t-teknoloġiji kritiċi appoġġati permezz minn STEP;

(c)

jevalwa l-fattibbiltà tal-għoti ta’ informazzjoni dwar il-programmi tal-Unjoni f’portal tal-Unjoni uniku, biex iqiegħed l-opportunitajiet kollha ta’ finanzjament tal-Unjoni aktar fil-qrib il-benefiċjarji potenzjali u jżid it-trasparenza tagħhom fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni; u

(d)

jewvalwa l-fattibbiltà tat-twaqqif ta’ simulatur biex jipprovdi lill-promoturi tal-proġetti, speċjalment lill-SMEs, gwida dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-Unjoni li għalihom il-proġett partikolari tagħhom jista’ jkun eliġibbli.

3.   Jekk ikun xieraq, ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għal emendi ta’ dan ir-Regolament bl-għan li jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni u tissaħħaħ il-politika industrijali tal-Unjoni, filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni jew minn proposti leġiżlattivi għal inizjattivi oħra li jsegwu objettivi simili.

4.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni li minnhom STEP hija appoġġjata finanzjarjament, iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni finali dwar l-implimentazzjoni ta’ STEP, li jkun bbażat, fuq l-elementi inklużi fir-rapport ta’ evalwazzjoni interim u li jiġbor fil-qosor l-elementi provduti fir-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 7.

Kapitolu 2

Emendi

Artikolu 9

Emenda għad-Direttiva 2003/87/KE

Fl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ħames subparagrafu:

“Meta tfassal u timplimenta sejħiet għal proposti jew offerti kompetittivi fil-qafas tal-Fond għall-Innovazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra proġetti strateġiċi rikonoxxuti f’konformità ma’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, li huma meqjusa bħala li jjikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) b’mod konformi mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jipprovdu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond ta’ Koeżjoni stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1056 għal proġetti fit-territorju tagħhom fil-kuntest ta’ mekkaniżmi finanzjarji żviluppati fil-qafas tal-Fond għall-Innovazzjoni, bħall-iskema “irkant bħala servizz”.

Artikolu 10

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1058

Ir-Regolament (UE) 2021/1058 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a), jiżdied il-punt li ġej:

“(vi)

l-appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).”;"

(b)

fil-paragrafu 1, il-punt (b), jiżdied il-punt li ġej:

“(ix)

l-appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ STEP imsemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (a)(ii) tar-Regolament (UE) 2024/795.”.

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Ir-riżorsi taħt l-objettiv speċifiku msemmi fil-paragrafu 1,il-punti (a)(vi) u (b)(ix), għandhom jiġu pprogrammati taħt prijoritajiet iddedikati li jikkorrispondu għall-objettiv ta’ politika rispettiv u għandhom ikunu limitati għal massimu ta’ 20 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali tal-FEŻR.

Il-Kummissjoni għandha tħallas 30 % tal-allokazzjoni lil dawk il-prijoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu kif stabbilit fid-deċiżjoni li tapprova l-emenda tal-programm bħala prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba minbarra l-prefinanzjament annwali għall-programm previst fl-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/1060 jew fl-Artikolu 51(2), (3) u (4) tar-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4). Dak il-prefinanzjament eċċezzjonali għandu jitħallas fi żmien 60 jum mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda tal-programm, dment li l-emenda tal-programm tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2025.

F’konformità mal-Artikolu 90(5) tar-Regolament (UE) 2021/1060 u mal-Artikolu 51(5) tar-Regolament (UE) 2021/1059, l-ammont imħallas bħala prefinanzjament eċċezzjonali għandu jiġi kklerjat mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-sena kontabilistika finali.

F’konformità mal-Artikolu 90(6) tar-Regolament (UE) 2021/1060, kwalunkwe mgħax iġġenerat mill-prefinanzjament eċċezzjonali għandu jintuża għall-programm ikkonċernat bl-istess mod bħall-FEŻR u għandu jiġi inkluż fil-kontijiet għas-sena kontabilistika finali.

F’konformità mal-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament eċċezzjonali ma għandux jiġi sospiż.

F’konformità mal-Artikolu 105(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament li għandu jitqies għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu diżimpenjati għandu jinkludi l-prefinanzjament eċċezzjonali mħallas.

B’deroga mill-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rati massimi ta’ kofinanzjament għal prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP għandhom ikunu pari għal 100 %.

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta' finanzjament estern (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94).’;"

(2)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

meta jikkontribwixxu għall-objettiv speċifiku skont il-PO 1 stabbilit fl-Artikolu 3(1), il-punt (a)(vi), jew għall-objettiv speċifiku skont il-PO 2 stipulat fl-Artikolu 3(1), il-punt (b)(ix), f’reġjuni anqas żviluppati u f’reġjuni fi tranżizzjoni, kif ukoll reġjuni aktar żviluppati fl-Istati Membri li l-PDG medju per capita tagħhom huwa taħt il-medja tal-EU-27 skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist u kkalkolata abbażi taċ-ċifri tal-Unjoni għall-perjodu 2015-2017, filwaqt li tinżamm enfasi fuq l-SMEs.’

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-punt (e) għandu japplika għall-programmi ta’ Interreg fejn il-kopertura ġeografika tal-programm fl-Unjoni tikkonsisti esklużivament minn kategoriji ta’ reġjuni stabbiliti f’dak il-punt.”

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li gej:

“3a.   Sabiex jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku skont il-PO 1 stabbilit fl-Artikolu 3(1), il-punt (a)(vi), u skont il-PO 2 stabbilit fil-punt (b)(ix) ta’ dak is-subparagrafu, il-FEŻR għandu jappoġġa wkoll it-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u l-attivitajiet edukattivi.”

;

(3)

Fl-Anness I, it-Tabella I hija emendata kif ġej:

(a)

taħt l-objettiv ta’ politika 1, tiżdied ir-ringiela li ġejja:

 

“(vi)

l-appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795

Kwalunkwe RCO elenkat għall-objettivi speċifiċi (i), (iii) u (iv) RCO125 Ditti: L-intrapriżi appoġġati primarjament marbuta ma’ investimenti produttivi fit-teknoloġiji diġitali u fl-innovazzjoni ta’ teknoloġija profonda RCO126 Ditti: L-intrapriżi appoġġati primarjament marbuta ma’ investimenti produttivi fit-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi RCO127 Ditti: L-intrapriżi appoġġati primarjament marbuta ma’ investimenti produttivi fil-bijoteknoloġiji [Dawn l-indikaturi għandhom jiġu rrapportati bħala subsettijiet ta’ RCO01-RCO04]

Kwalunkwe RCR elenkat għall-objettivi speċifiċi (i), (iii) u (iv)”

(b)

taħt l-objettiv ta’ politika 2, tiżdied ir-ringiela li ġejja:

 

“(ix)

appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (a)(ii) tar-Regolament (UE) 2024/795

Kwalunkwe RCO elenkat għal-objettivi speċifiċi (i), (iii), (iv) u (vi) taħt l-objettiv ta’ politika 1 RCO125 Ditti: L-intrapriżi appoġġati primarjament marbuta ma’ investimenti produttivi fit-teknoloġiji diġitali u fl-innovazzjoni ta’ teknoloġija profonda RCO126 Ditti: L-intrapriżi appoġġati primarjament marbuta ma’ investimenti produttivi fit-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi RCO127 Ditti: L-intrapriżi appoġġati primarjament marbuta ma’ investimenti produttivi fil-bijoteknoloġiji [Dawn l-indikaturi għandhom jiġu rrapportati bħala subsettijiet ta’ RCO01-RCO04]

Kwalunkwe RCR elenkat għall-objettivi speċifiċi (i), (iii) u (iv) taħt l-objettiv ta’ politika 1”;

(4)

Fl-Anness II, it-tabella tiġi emendata kif ġej:

(a)

taħt l-objettiv ta’ politika 1, tiżdied ir-ringiela li ġejja:

 

“(vi)

l-appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795

Kwalunkwe CCO elenkat għall-objettivi speċifiċi (i), (iii) u (iv) taħt l-objettiv ta’ politika 1

Kwalunkwe CCR elenkat għall-objettivi speċifiċi (i), (iii) u (iv) taħt l-objettiv ta’ politika 1”

(b)

taħt l-objettiv ta’ politika 2, tiżdied ir-ringiela li ġejja:

 

“(ix)

appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (a)(ii) tar-Regolament (UE) 2024/795

Kwalunkwe CCO elenkat għall-objettivi speċifiċi (i), (iii) u (iv) taħt l-objettiv ta’ politika 1

Kwalunkwe CCR elenkat għall-objettivi speċifiċi (i), (iii) u (iv) taħt l-objettiv ta’ politika 1”.

Artikolu 11

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1056

Ir-Regolament (UE) 2021/1056 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Objettiv speċifiku

“F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-JTF għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku li jippermetti lir-reġjuni u lin-nies jindirizzaw l-impatti soċjali, l-impjiegi, ekonomiċi u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn il-miri tal-Unjoni għall-2030 dwar l-enerġija u l-klima u ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, abbażi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-JTF jista’ jappoġġa wkoll investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).”;"

(2)

Fl-Artikolu 8(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-JTF jista’ jappoġġa wkoll investimenti produttivi f’intrapriżi oħra għajr l-SMEs,, filwaqt li jinżamm enfażi fuq l-SMEs li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795. Dak l-appoġġ jista’ jiġi pprovdut irrispettivament minn jekk l-analiżi tad-diskrepanza tkunx twettqet f’konformità mal-punt (h) tal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament u irrispettivament mill-eżitu tagħha. Tali investimenti għandhom ikunu eliġibbli biss meta ma jwasslux għal rilokazzjoni kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (27) tar-Regolament (UE) 2021/1060. L-għoti ta’ tali appoġġ ma għandux jirrikjedi reviżjoni tal-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta fejn dik ir-reviżjoni tkun marbuta esklużivament mal-analiżi tal-lakuni. L-apprendistati u l-impjiegi, l-edukazzjoni jew it-taħriġ għal ħiliet ġodda għandhom jiġu kkunsidrati fil-proċess ta’ għażla”;

(3)

fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tħallas 30 % tal-allokazzjoni tal-JTF, inklużi l-ammonti ttrasferiti f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/1060, lil programm kif stabbilit fid-deċiżjoni li tapprova l-programm bħala prefinanzjament eċċezzjonali ta’ darba minbarra l-prefinanzjament annwali għall-programm previst fl-Artikolu 90(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament. Dak il-prefinanzjament eċċezzjonali għandu jitħallas mill-1 ta’ Marzu 2024.

F’konformità mal-Artikolu 90(5) tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-ammont imħallas bħala prefinanzjament eċċezzjonali għandu jiġi kklerjat mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-sena kontabilistika finali.

F’konformità mal-Artikolu 90(6) tar-Regolament (UE) 2021/1060, kwalunkwe mgħax iġġenerat mill-prefinanzjament eċċezzjonali għandu jintuża għall-programm ikkonċernat bl-istess mod bħall-JTF u għandu jiġi inkluż fil-kontijiet għas-sena kontabilistika finali.

F’konformità mal-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament eċċezzjonali ma għandux jiġi sospiż.

F’konformità mal-Artikolu 105(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament li għandu jitqies għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu diżimpenjati għandu jinkludi l-prefinanzjament eċċezzjonali mħallas.

B’deroga mill-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rati massimi ta’ kofinanzjament għal prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP għandhom ikunu pari għal 100 %.”

Artikolu 12

Emenda għar-Regolament (UE) 2021/1057

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej fir-Regolament (UE) 2021/1057:

“Artikolu 12a

Appoġġ għall-objettiv ta’ STEP

1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw l-FSE+ biex jipprovdu appoġġ għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2024795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6) skont l-objettivi speċifiċi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, inkluż billi jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet f’teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, fost l-oħrajn dawk ibbażati fuq programmi ta’ tagħlim maħluqa mill-Akkademji Ewropej tal-Ħiliet, kif ukoll it-taħriġ taż-żgħażagħ u l-għoti tal-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema fis-settur tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti.

2.   Minbarra l-prefinanzjament għall-programm previst fl-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, fejn il-Kummissjoni tapprova emenda ta’ programm li tinkludi prijorità waħda jew aktar iddedikati għall-operazzjonijiet appoġġati mill-FSE+ li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795, għandha tagħmel prefinanzjament eċċezzjonali ta’ 30 % abbażi tal-allokazzjoni għal dawk il-prijoritajiet. Dak il-prefinanzjament eċċezzjonali għandu jitħallas fi żmien 60 jum mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-emenda tal-programm, dment li dik l-emenda tal-programm tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2025.

F’konformità mal-Artikolu 90(5) tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-ammont imħallas bħala prefinanzjament eċċezzjonali għandu jiġi kklerjat mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-sena kontabilistika finali.

F’konformità mal-Artikolu 90(6) tar-Regolament (UE) 2021/1060, kwalunkwe mgħax iġġenerat mill-prefinanzjament eċċezzjonali għandu jintuża għall-programm ikkonċernat bl-istess mod bħall-FSE+ u għandu jiġi inkluż fil-kontijiet għas-sena kontabilistika finali.

F’konformità mal-Artikolu 97(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament eċċezzjonali ma għandux jiġi sospiż.

F’konformità mal-Artikolu 105(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-prefinanzjament li għandu jitqies għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu diżimpenjati għandu jinkludi l-prefinanzjament eċċezzjonali mħallas.

B’deroga mill-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rata massima ta’ kofinanzjament għal prijoritajiet iddedikati stabbiliti biex jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP għandha tkun pari għal 100 %

Artikolu 13

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1060

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 45 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(45)

‘Siġill ta’ Eċċellenza’ tfisser it-tikketta ta’ kwalità mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ proposta, li turi li l-proposta li ġiet ivvalutata f’sejħa għal proposti taħt strument tal-Unjoni titqies konformi mar-rekwiżiti minimi tal-kwalità ta’ dak l-istrument tal-Unjoni, iżda ma setgħetx tiġi ffinanzjata minħabba nuqqas ta’ baġit disponibbli għal dik is-sejħa għal proposti, u tista’ tirċievi appoġġ minn sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-Unjoni jew nazzjonali; jew is-‘Siġill tas-Sovranità’ msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7).

(*7)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 6(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta, insegwitu ta’ emenda tal-programm għal Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) stabbilita bir-Regolament (UE 2024/795, il-kontribuzzjoni klimatika tal-Fond ta’ Koeżjoni taqbeż il-mira ta’ 37 % tal-allokazzjoni totali tiegħu, l-ammont li jaqbeż dik il-mira jista’ jitqies meta tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni klimatika tal-FEŻR għall-fini li tintlaħaq il-mira ta’ 30 % tal-allokazzjoni totali tiegħu. L-ammonti li jaqbżu l-mira tal-kontribuzzjoni għall-klima tal-FEŻR ta’ 30 % tal-allokazzjoni totali tiegħu jistgħu jitqiesu meta tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni klimatika tal-Fond ta’ Koeżjoni.”;

(3)

fl-Artikolu 13, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi emendat il-Ftehim ta’ Sħubija sal-31 ta’ Marzu 2025, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’ jippreżenta lill-Kummissjoni Ftehim ta’ Sħubija emendat biex titqies l-introduzzjoni fil-programmi ta’ prijoritajiet li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP kif imsemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795.

6.   B’deroga mill-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tapprova l-Ftehim ta’ Sħubija emendat imsemmi fil-paragrafu 5 sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-ewwel preżentazzjoni tiegħu mill-Istat Membru.”

;

(4)

Fl-Artikolu 14(5), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’konformità tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) 2021/523, fejn ftehim ta’ garanzija ma jkunx ġie konkluż fi żmien 12-il xahar mill-konklużjoni tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni, il-ftehim ta’ kontribuzzjoni għandu jiġi terminat jew jittawwal bi ftehim reċiproku.”;

(5)

fl-Artikolu 24, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“9.   B’deroga mill-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, fejn il-prijoritajiet iddedikati għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP imsemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795 ikunu ġew inklużi fi programm bħala riżultat tal-approvazzjoni ta’ emenda tal-programm ippreżentata mill-Istat Membru sal-31 ta’ Awwissu 2024, dawk il-prijoritajiet ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tar-rieżami ta’ nofs it-terminu. Id-deċiżjoni li tapprova tali emendi tal-programm tista’ tinkludi allokazzjoni definittiva tal-ammont tal-flessibbiltà kollu jew parti minnu għas-snin 2026 u 2027 biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet iddedikati għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP. Meta t-totalità tal-ammont ta’ flessibbiltà ta’ programm tiġi allokata definittivament għal tali prijoritajiet, ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu ma għandhiex titwettaq għal dak il-programm.

10.   B’deroga mill-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni li tapprova emenda tal-programm li tkun ġiet ippreżentata sal-31 ta’ Awwissu 2024 fi żmien xahrejn mill-preżentazzjoni tagħha minn Stat Membru dment li tikkonċerna esklużivament l-introduzzjoni ta’ prijoritajiet iddedikati għal investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP kif imsemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795.”

;

(6)

fl-Artikolu 49, jużdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Fejn ikun ipprogrammat appoġġ għall-objettivi ta’ STEP imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795 l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha li għandha tiġi ppubblikata f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tiġi ppreżentata wkoll lill-Kummissjoni fil-format stabbilit fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għall-pubblikazzjoni fuq il-Portal tas-Sovranità stabbilit skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2024/795 inkluża skeda ta’ żmien tas-sejħiet ippjanati għal proposti li tiġi aġġornata mill-inqas tliet darbiet fis-sena, kif ukoll il-link għas-sejħiet għal proposti fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħhom.”;

(7)

L-Anness I, huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-Tabella 1, jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

QASAM TA’ INTERVENT

Koeffiċjent għall-kalkolu ta’ appoġġ għall-objettivi tat-tibdil fil-klima

Koeffiċjent għall-kalkolu ta’ appoġġ għall-objettivi ambjentali

“145a

Appoġġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet jew aċċess għall-impjiegi f’teknoloġiji diġitali u innovazzjoni ta’ teknoloġija profonda, bijoteknoloġiji.

0  %

0  %

145b

Appoġġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet jew aċċess għall-impjiegi f’teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

100  %

40  %

188

Investimenti produttivi f’intrapriżi kbar marbuta primarjament ma’ teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

100  %

40  %

189

Investimenti produttivi fl-SMEs marbuta primarjament ma’ teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

100  %

40  %

190

Investimenti produttivi f’intrapriżi kbar marbuta primarjament mal-bijoteknoloġiji.

0  %

0  %

191

Investimenti produttivi fl-SMEs marbuta primarjament mal-bijoteknoloġiji.

0  %

0  %

192

Investimenti produttivi f’intrapriżi kbar marbuta primarjament ma’ teknoloġiji diġitali u innovazzjoni ta’ teknoloġija profonda.

0  %

0  %

193

Investimenti produttivi fl-SMEs marbuta primarjament ma’ teknoloġiji diġitali u innovazzjoni ta’ teknoloġija profonda.

0  %

0  %”

(b)

Fit-Tabella 6, tidħol ir-ringiela li ġejja:

“11

Il-kontribut għall-ħiliet u l-impjiegi f’teknoloġiji diġitali u innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi u bijoteknoloġiji

0%

0%”

Artikolu 14

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 25a, jiddaħħal l-paragrafi li ġejjin:

“1b.   B’deroga mill-Artikolu 60(1) u l-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 120(3), tista’ tiġi applikata rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għan-nefqa ddikjarata fl-applikazzjonijiet għal pagament għas-sena ta’ kontabilità kollha li tibda fl-1 ta’ Lulju 2023 u li tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2024, għal ass ta’ prijorità wieħed jew aktar fi programm appoġġat mill-FEŻR, mill-FSE jew mill-Fond ta’ Koeżjoni.

B’deroga mill-Artikolu 30(1) u (2) u l-Artikolu 96(10), l-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % ma għandhiex tirrikjedi deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova emenda tal-programm. L-Istat Membru għandu jinnotifika t-tabelli finanzjarji riveduti lill-Kummissjoni wara l-approvazzjoni mill-kumitat ta’ monitoraġġ. Ir-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għandha tapplika biss jekk it-tabelli finanzjarji jkunu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni finali għal pagament interim għall-aħħar sena ta’ kontabilità li tibda fl-1 ta’ Lulju 2023 u tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2024 f’konformità mal-Artikolu 135(2).”

;

(2)

Fl-Artikolu 130, il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   B’deroga mill-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni mill-Fondi jew mill-FEMS permezz ta’ pagamenti tal-bilanċ finali għal kull prijorità għal kull Fond u għal kull kategorija ta’ reġjuni fl-aħħar sena ta’ kontabilità ma għandhiex taqbeż, b’aktar minn 15 %, il-kontribuzzjoni mill-Fondi jew mill-FEMS għal kull prijorità għal kull Fond u għal kull kategorija ta’ reġjuni kif stipulat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operazzjonali. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-allokazzjoni speċjali addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi stabbilita fl-Artikolu 92(1), il-punt (e), għandha titqies parti mill-allokazzjoni tal-FEŻR għall-kategorija tar-reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati. ”

;

(3)

fl-Artikolu 135, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni finali għal pagament interim għas-sena ta’ kontabilità finali għandha tkun il-31 ta’ Lulju 2025. L-aħħar applikazzjoni għal pagament interim sottomessa sal-31 ta’ Lulju 2025 għandha titqies bħala l-applikazzjoni finali għal pagament interim għas-sena ta’ kontabilità finali.

L-ammonti minn riżorsi oħra għajr REACT-EU rimborżati mill-Kummissjoni bħala pagamenti interim fl-2025 ma għandhomx jaqbżu l-1 % tal-approprjazzjonijiet finanzjarji totali għall-programm ikkonċernat mill-Fond, ir-riżorsi ta’ REACT-EU esklużi. L-ammonti li jridu jitħallsu mill-Kummissjoni fl-2025 li jaqbżu dan il-perċentwal ma għandhomx jitħallsu u għandhom jintużaw esklużivament għall-ikklerjar tal-prefinanzjament fl-għeluq.”

;

(4)

fl-Artikolu 138, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-iskadenza stabbilita fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jissottomettu d-dokumenti msemmija taħt il-punti (a), (b) u (c) għas-sena ta’ kontabilità finali sal-15 ta’ Frar 2026.”.

Artikolu 15

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 223/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-Istat Membru għandu jippreżenta rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm operattiv flimkien mad-dokumenti tal-għeluq kif stabbilit fl-Artikolu 52, sa l-aktar tard l-15 ta’ Frar 2026.”

;

(2)

fl-Artikolu 22, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Fil-każ ta’ kostijiet rimborżati skont il-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 26(2), l-azzjonijiet korrispondenti li jiġu rimborżati għandhom jitwettqu permezz tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni finali għal pagament interim għas-sena ta’ kontabilità finali f’konformità mal-Artikolu 45(6).”

;

(3)

fl-Artikolu 45, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni finali għal pagament interim għas-sena ta’ kontabilità finali għandha tkun il-31 ta’ Lulju 2025. L-aħħar applikazzjoni għal pagament interim sottomessa sal-31 ta’ Lulju 2025 għandha titqies bħala l-applikazzjoni finali għal pagament interim għas-sena ta’ kontabilità finali.

L-ammonti rimborżati mill-Kummissjoni bħala pagamenti interim fl-2025 ma għandhomx jaqbżu l-1 % tal-approprjazzjonijiet finanzjarji totali għall-programm ikkonċernat. L-ammonti li jridu jitħallsu mill-Kummissjoni fl-2025 li jaqbżu dan il-perċentwal ma għandhomx jitħallsu u għandhom jintużaw esklużivament għall-ikklerjar tal-prefinanzjament fl-għeluq.”

;

(4)

fl-Artikolu 48, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“B’deroga mill-iskadenza stabbilita fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jissottomettu d-dokumenti msemmija taħt il-punti (a), (b) u (c) għas-sena ta’ kontabilità finali sal-15 ta’ Frar 2026.”.

Artikolu 16

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/523

Ir-Regolament (UE) 2021/523 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

l-appoġġ għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8).

(*8)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 7(3), jiżdied subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, meta l-appoġġ mill-istrumenti finanzjarji jiġi kkombinat fi prodott finanzjarju f’pożizzjoni subordinata għall-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament u/jew il-garanzija tal-UE stabbilita bir-Regolament (UE) 2015/1017, it-telf, id-dħul u r-ripagamenti mill-prodotti finanzjarji kif imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll l-irkupri potenzjali, jistgħu jiġu attribwiti wkoll fuq bażi mhux pro rata bejn l-istrumenti finanzjarji u l-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament u/jew il-garanzija tal-UE stabbilita bir-Regolament (UE) 2015/1017.”;

(3)

fl-Artikolu 10(4), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn ftehim ta’ garanzija ma jkunx ġie konkluż fi żmien 12-il xahar mill-konklużjoni tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni, il-ftehim ta’ kontribuzzjoni għandu jiġi terminat jew jittawwal bi ftehim reċiproku. Jekk l-ammont ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni ma jkunx ġie impenjat kompletament taħt ftehim ta’ garanzija wieħed jew aktar fi żmien 12-il xahar mill-konklużjoni tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni, dak l-ammont għandu jiġi emendat kif meħtieġ. L-ammont mhux użat ta’ proviżjonament attribwibbli lill-ammonti allokati mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FEŻR, il-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMSA implimentati permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1060 tal Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9) jew skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-FAEŻR implimentat permezz tal-Programm InvestEU stabbiliti fir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għandu jerġa’ jintuża f’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti rispettivi. L-ammont mhux użat tal-proviżjonament attribwibbli lill-ammonti allokati minn Stat Membru skont l-Artikolu 4(1), it-tielet subparagrafu ta’ dan ir-Regolament għandu jitħallas lura lill-Istat Membru.

(*9)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).”;"

(4)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-25 % li jifdal tal-garanzija tal-UE fil-kompartiment tal-UE għandu jingħata lil sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, li għandhom jipprovdu wkoll kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tiġi determinata fil-ftehimiet ta’ garanzija. Meta l-Kummissjoni tiddetermina li tali sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni ma jagħmlux użu sħiħ mill-25 % li jifdal tal-garanzija tal-UE taħt il-kompartiment tal-UE, l-ammont żejjed jista’ jingħata lill-Grupp tal-BEI. F’dak il-każ, il-Grupp tal-BEI għandu jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja korrispondenti addizzjonali f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet sentenza tal-paragrafu 4. ”

;

(b)

fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-kuntratti bejn is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni u r-riċevitur finali jew l-intermedjarju finanzjarju jew entità oħra msemmija fl-Artikolu 16(1) skont il-garanzija tal-UE msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2), il-punt (a), għandhom jiġu ffirmati mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026. F’każijiet oħra, kuntratti bejn is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni u r-riċevitur finali jew l-intermedjarju finanzjarju jew entità oħra msemmija fl-Artikolu 16(1), il-punt (a), għandhom jiġu ffirmati sal-31 ta’ Diċembru 2028.”;

(5)

fl-Artikolu 23, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Fil-kuntest tal-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe Siġill tas-Sovranità mogħti skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/795 għal proġett.”

;

(6)

fl-Artikolu 26, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Minbarra l-paragrafu 4, is-sħab ta’ implimentazzjoni għandhom jeżaminaw ukoll proġetti li jkunu ngħataw is-Siġill tas-Sovranità skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/795 fejn dawk il-proġetti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku u tal-attività tagħhom.”

.

Artikolu 17

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/695

Ir-Regolament (UE) 2021/695 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 86 123 000 000 fi prezzijiet attwali għall-programm speċifiku msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) u għall-EIT u ta’ EUR 9 453 000 000 fi prezzijiet attwali għall-programm speċifiku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2). ”

;

(2)

fl-Artikolu 48, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tieni subparagrafu, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

appoġġ f’forma biss ta’ ishma lill-SMEs mhux bankabbli, inklużi negozji ġodda, li jwettqu innovazzjoni rivoluzzjonarja u fixkiela mhux bankabbli, jista’ wkoll jiġi pprovdut;

(d)

appoġġ f’forma ta’ ekwità biss meħtieġ għall-espansjoni għall-SMEs mhux bankabbli, inklużi negozji ġodda, u l-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja mhux bankabbli, inklużi entitajiet li diġà rċevew appoġġ f’konformità mal-punti (a) sa (c), li jwettqu innovazzjoni rivoluzzjonarja u fixkiela mhux bankabbli fit-teknoloġiji kritiċi msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10).

(*10)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).”;"

(b)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta jipprovdi appoġġ ta’ ekwità, l-EIC għandu jagħmel ħiltu biex jattira investituri oħra. Madankollu, sabiex tiġi appoġġata b’mod effettiv l-innovazzjoni mhux bankabbli, l-appoġġ għall-ekwità jista’ jiġi pprovdut mingħajr ma jiġu attirati investituri oħra, b’mod partikolari għall-innovazzjoni rivoluzzjonarja u fixkiela mhux bankabbli fit-teknoloġiji msemmija fl-Artikolu 2(1), il-puint (a), tar-Regolament (UE) 2024/795.”.

Artikolu 18

Emenda għar-Regolament (UE) 2021/697

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/697 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   F’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2021/695, il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Fond għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 9 453 000 000 bi prezzijiet attwali.”

;

(2)

fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

EUR 3 151 000 000 għal azzjonijiet ta’ riċerka;

(b)

EUR 6 302 000 000 għal azzjonijiet ta’ żvilupp.”;

(3)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘5.   Ammont ta’ EUR1 500 000 000 fi prezzijiet attwali tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jiġi allokat għal sejħiet għal proposti jew għotjiet ta’ finanzjament li jappoġġaw investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*11).

(*11)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).”;"

Artikolu 19

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/241

Ir-Regolament (UE) 2021/241 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jipproponu wkoll li jinkludu fil-pjan tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, bħala kostijiet stmati, l-ammont tal-kontribuzzjoni fi flus għall-fini tal-kompartiment tal-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*12) esklużivament għall-miżuri li jappoġġaw operazzjonijiet ta’ investiment li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*13). Dawk il-kostijiet ma għandhomx jaqbżu s-6 % tal-allokazzjoni finanzjarja totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, u l-miżuri rilevanti, kif stabbilit fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(*12)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30)."

(*13)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 21, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“1a.   Għall-iskop uniku li jittieħed vantaġġ mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2024/795, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu talba motivata lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta biex temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 20(1) u (3) ta’ dan ir-Regolament biex tinkludi miżuri li jappoġġaw l-objettivi tar-Regolament (UE) 2024/795 mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

;

(3)

fl-Artikolu 29, jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

“6.   Qabel it-tnedija ta’ kwalunkwe sejħa għal proposti jew proċedura ta’ sejħa għal offerti b’rabta mal-objettivi ta’ STEP, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/795 l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni li ġejja dwar il-Portal tas-Sovranità msemmi fl-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament:

(a)

żona ġeografika koperta mis-sejħa għal proposta;

(b)

investiment ikkonċernat;

(c)

tip ta’ applikanti eliġibbli;

(d)

ammont totali ta’ appoġġ għas-sejħa;

(e)

dati għal bidu u t-tmiem tas-sejħa;

(f)

link għas-sit web fejn se tiġi ppubblikata s-sejħa.”

Kapitolu 3

Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta’ Frar 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. MICHEL


(1)   ĠU C, C/2023/866, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/866/oj.

(2)   ĠU C, C/2023/1331, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1331/oj.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2024 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024.

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropeagħall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u t-tixrid, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149).

(11)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (“Programm EU4Health”) għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

(18)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru. 1301/ 2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li tħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, is-Sajd. u l-Fond għall-Akwakultura u r-regoli finanzjarji għal dawk u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viża (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(20)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(21)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(22)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(23)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Fond Marittimu u tas-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew Marittimu u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(24)  Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għall-Għajnuna Ewropea lill-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).

(25)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).

(26)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(27)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 tas-26 ta’ Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-operat tal-Fond għall-Innovazzjoni (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 6).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)