European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/752

1.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/752

tad-29 ta’ Frar 2024

dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ Phaffia rhodozyma għani fl-astaksantina (ATCC SD-5340) bħala addittiv fl-għalf għas-salamun u għat-troti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u għar-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti jew għaċ-ċaħda ta’ din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Il-preparat ta’ Phaffia rhodozyma għani fl-astaksantina (ATCC SD-5340) ġie awtorizzat għal 4 snin f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv fl-għalf li jagħmel parti mill-grupp “kuluranti, inklużi pigmenti” għall-użu għas-salamun u għat-troti bin-numru addittiv E 161y. Għaldaqstant dak l-addittiv iddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi fl-għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ Phaffia rhodozyma għani fl-astaksantina (ATCC SD-5340) bħala addittiv fl-għalf għas-salamun u għat-troti, bit-talba li dak l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi sensorji” u fil-grupp funzjonali “kuluranti: (ii) sustanzi li, meta jingħataw lill-annimali, iżidu l-kuluri lill-ikel li jkun ġej mill-annimali”. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tas-27 ta’ Jannar 2022 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) innotat li ma setgħetx tikkonkludi dwar is-sikurezza tal-addittiv għall-ispeċijiet fil-mira fin-nuqqas ta’ studju ta’ tolleranza bl-addittiv li qed jiġi vvalutat. L-Awtorità lanqas ma setgħet tikkonkludi dwar is-sikurezza tal-addittiv għall-konsumatur, minħabba nuqqas ta’ data adegwata dwar it-tossiċità u r-residwi. L-Awtorità kkonkludiet li l-addittiv huwa irritanti għall-ġilda u għall-għajnejn, huwa sensitizzatur respiratorju u tal-ġilda, għalkemm l-esponiment permezz tan-nifs x’aktarx huwa baxx. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ evidenza adegwata, l-Awtorità ma siltet l-ebda konklużjoni dwar l-effikaċja tal-addittiv. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv fl-għalf imressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni tat lill-applikant l-opportunità li jressaq informazzjoni supplimentari biex jindirizza l-opinjoni inkonklużiva tal-Awtorità. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, intbagħtet ittra ġdida lill-applikant fl-20 ta’ April 2023, fejn intalbet kjarifika tal-intenzjoni bl-applikazzjoni, iżda ma ġiet ikkomunikata l-ebda reazzjoni lill-Kummissjoni.

(6)

Kif previst fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, l-applikant għall-awtorizzazzjoni ta’ addittiv fl-għalf għandu juri b’mod adegwat u biżżejjed, f’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament ġew issodisfati.

(7)

Mill-opinjoni tal-Awtorità tas-27 ta’ Jannar 2022 jirriżulta li ma ġiex stabbilit li l-preparat ta’ Phaffia rhodozyma għani fl-astaksantina (ATCC SD-5340) ma għandux effett negattiv fuq saħħet l-annimali u fuq saħħet il-bniedem, u li huwa effikaċi meta jintuża bħala addittiv fl-għalf għas-salamun u għat-troti fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji” u fil-grupp funzjonali “kuluranti: (ii) sustanzi li, meta jingħataw lill-annimali, iżidu l-kuluri lill-ikel li jkun ġej mill-annimali”.

(8)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ma jistax jitqies li l-preparat ta’Phaffia rhodozyma għani fl-astaksantina (ATCC SD-5340) jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiċċaħħad l-awtorizzazzjoni ta’ dak il-preparat bħala addittiv fl-għalf tal-kategorija “addittivi sensorji” u tal-grupp funzjonali “kuluranti: (ii) sustanzi li, meta jingħataw lill-annimali, iżidu l-kuluri lill-ikel li jkun ġej mill-annimali” għall-użu għas-salamun u għat-troti.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-preparat ta’ Phaffia rhodozyma għani fl-astaksantina (ATCC SD-5340) u l-għalf li jkun fih dan il-preparat jiġu rtirati mis-suq malajr kemm jista’ jkun f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu għas-salamun u għat-troti. Madankollu, jenħtieġ li jitħalla perjodu limitat għall-irtirar mis-suq tal-istokk eżistenti ta’ dawk il-prodotti, sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jikkonformaw kif suppost mal-obbligu tal-irtirar.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ċaħda tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ Phaffia rhodozyma għani fl-astaksantina (ATCC SD-5340) (E 161y) bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali tal-kategorija “addittivi sensorji”, grupp funzjonali “kuluranti: (ii) sustanzi li, meta jingħataw lill-annimali, iżidu l-kuluri lill-ikel li jkun ġej mill-annimali” għall-użu għas-salamun u għat-troti, tiċċaħħad.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   L-istokkijiet eżistenti tal-addittiv imsemmi fl-Artikolu 1, li huma maħsuba għas-salamun u għat-troti, u l-premixxeli li fihom minnu, għandhom jiġu rtirati mis-suq sal-21 ta’ Ġunju 2024.

2.   Il-materjali tal-għalf u l-għalf kompost li ġew prodotti bl-addittiv jew bil-premixxeli msemmija fil-paragrafu 1 qabel il-21 ta’ Ġunju 2024 u li huma maħsuba għas-salamun u għat-troti għandhom jiġu irtirati mis-suq sal-21 ta’ Settembru 2024.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

(3)   EFSA Journal 2022;20(2):7161.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/752/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)