European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/738

4.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/738

tal-1 ta’ Marzu 2024

li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għall-produtturi esportaturi kollha, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/607 u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/87 li taċċetta l-impenji offruti b’konnessjoni mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 1193/2008 (2) il-Kunsill impona dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”, “iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) (“il-miżuri oriġinali”). L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”. Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju ad valorem li jvarja minn 6,6 % sa 42,7 %.

(2)

Bid-Deċiżjoni 2008/899/KE (3) il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) aċċettat impenji fuq il-prezzijiet offruti minn sitt produtturi esportaturi Ċiniżi (inkluż grupp ta’ produtturi esportaturi) flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina tal-Importaturi u tal-Esportaturi tal-Metalli, tal-Minerali u tas-Sustanzi Kimiċi (China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters, “CCCMC”). Il-produtturi kienu Anhui BBCA Biochemical Co., Ltd. (issa COFCO Bio-Chemical Energy (Yushu) Co., Ltd.); Laiwu Taihe Biochemistry Co., Ltd.; RZBC Co., Ltd. u RZBC (Juxian) Co., Ltd.; TTCA Co., Ltd.; Weifang Ensign Industry Co., Ltd. u Yixing Union Biochemical Co., Ltd. (issa Jiangsu Guoxin Union Energy Co., Ltd.).

(3)

Bid-Deċiżjoni 2012/501/UE (4), il-Kummissjoni rtirat l-impenn offrut minn produttur esportatur wieħed, jiġifieri Laiwu Taihe Biochemistry Co. Ltd. (“Laiwu Taihe”).

(4)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 (5) il-Kummissjoni estendiet il-miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġinaw mir-RPĊ għal ħames snin wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (6) u rrevediet il-miżuri wara rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

(5)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/32 (7), il-Kummissjoni estendiet il-miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġinaw miċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku kkonsenjati mill-Malażja, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Malażja kif ukoll jekk le.

(6)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/704 (8), il-Kummissjoni rtirat l-impenji ta’ żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi addizzjonali, jiġifieri Weifang Ensign Industry Co., Ltd (“Weifang”) u TTCA Co., Ltd (“TTCA”), minħabba ksur tal-impenji.

(7)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/607 (9), il-Kummissjoni estendiet il-miżuri anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġinaw miċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku kkonsenjati mill-Malażja, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Malażja kif ukoll jekk le, għal ħames snin wara rieżami ta’ skadenza (ir-“rieżami ta’ skadenza preċedenti”).

(8)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2180 (10), il-Kummissjoni żiedet produttur esportatur ġdid Seven Star Lemon Ltd. (“Seven Star”) mal-lista ta’ kumpaniji b’rati ta’ dazju individwali (ir-“rieżami ta’ esportatur ġdid”).

(9)

Id-dazji anti-dumping attwalment fis-seħħ ivarjaw bejn il–15,3 % u t–42,7 % fuq importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw u rata ta’ dazju ta’ 42,7 % japplikaw għall-importazzjonijiet mill-kumpaniji l-oħra kollha.

2.   TERMINI TAL-IMPENN

2.1.   Termini tal-impenn

(10)

Il-Kummissjoni aċċettat impenji fuq il-prezzijiet offruti minn sitt produtturi esportaturi Ċiniżi flimkien mas-“CCCMC”. Minħabba l-ksur tal-kundizzjonijiet tal-impenn, il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni għal tliet esportaturi. B’hekk, kienu fis-seħħ impenji għall-bqija tal-esportaturi, jiġifieri:

COFCO Bio-Chemical Energy (Yushu) Co. Ltd. (“COFCO”),

RZBC Co., Ltd, RZBC (Juxian) Co., Ltd., RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd (‘RZBC’) u

Jiangsu Guoxin Union Energy Co., Ltd (“Guoxin Union”).

(11)

Kull wieħed minn dawn il-produtturi esportaturi offra b’mod konġunt mal-impenji tas-CCCMC meta kemm l-esportatur kif ukoll is-CCCMC impenjaw ruħhom li jirrispettaw l-obbligi stipulati tiegħu.

(12)

L-offerti ta’ impenn ġew ippreżentati f’żewġ verżjonijiet: waħda sensittiva, li fiha dettalji dwar il-prezz minimu tal-importazzjoni (PMI) tal-impenji li kienu aċċessibbli biss għall-partijiet li ffirmaw l-impenji, u oħra mhux kunfidenzjali, mingħajr dettalji dwar il-PMI, aċċessibbli biss għall-partijiet interessati rreġistrati fil-proċediment rilevanti. B’hekk, l-informazzjoni tal-PMI tqieset bħala strettament kunfidenzjali u ma tistax tiġi żvelata legalment lil partijiet oħra.

(13)

Il-produtturi esportaturi kkonċernati u s-CCCMC qablu, fost l-oħrajn, li jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar xi diffikultà, mistoqsija, teknika jew le, li tista’ tqum matul l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-impenji.

2.2.   Ksur tal-impenn

(14)

Skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, kull ksur tal-impenji minn xi parti għandu jwassal għall-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenji.

2.3.   Termini li jippermettu l-irtirar mill-Kummissjoni

(15)

L-impenji jistipulaw li l-aċċettazzjoni tal-impenji hija bbażata fuq il-fiduċja u kull azzjoni li tista’ tagħmel ħsara lir-relazzjoni ta’ fiduċja stabbilita mal-Kummissjoni Ewropea għandha tiġġustifika l-irtirar tal-impenn.

(16)

Barra minn hekk, l-impenji jistipulaw li l-Kummissjoni tista’ tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenji f’kull ħin matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom jekk il-monitoraġġ u l-infurzar jirriżultaw li ma jkunux prattikabbli.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-IRTIRAR TAL-AĊĊETTAZZJONI TAL-IMPENN

3.1.   Ksur tal-impenn

(17)

Fl-aħħar rieżami ta’ esportatur ġdid, il-produttur Seven Star, flimkien mas-CCCMC, ippreżenta offerta ta’ impenn fuq il-prezz li rreferiet eżattament għall-istess PMI applikabbli għat-tliet impenji l-oħra fis-seħħ. Matul l-investigazzjoni, la Seven Star u lanqas CCCMC, fl-ebda stadju tal-proċediment ma talbu minn qabel mill-Kummissjoni xi informazzjoni rigward il-livell tal-PMI (11). Kif indikat fil-premessa (12) d-dettalji dwar il-PMI tal-impenji aċċettati preċedentement huma informazzjoni kunfidenzjali aċċessibbli biss għall-partijiet li jiffirmaw l-impenji. Is-CCCMC kienet parti għall-ftehimiet ta’ impenji oriġinali bħala kofirmatarja mal-produtturi esportaturi rispettivi, minħabba r-rwol u l-impenji tagħha fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ. B’kuntrast għal dan, Seven Star la kienet parti għal dawn l-impenji, u lanqas ma kienet parti interessata fil-proċedimenti preċedenti.

(18)

Is-CCCMC qatt ma nfurmat lill-Kummissjoni li rċeviet l-offerta ta’ impenji ta’ Seven Star bl-istess PMI bħal fil-każ ta’ esportaturi oħra u lanqas ma kkuntattjat lill-Kummissjoni dwar l-iżvelar possibbli tal-informazzjoni kunfidenzjali. Iċ-ċirkostanza li l-PMI ma kienx għadu kunfidenzjali għal parti esterna bħall-MIP ta’ Seven Star hija kwistjoni kbira li s-CCCMC kellha tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwarha skont l-obbligu tagħha ta’ konsultazzjoni msemmi skont il-premessa 13 hawn fuq. Minflok, is-CCCMC iffirmat b’mod konġunt l-offerta li ġiet ippreżentata matul l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ esportatur ġdid.

(19)

Is-CCCMC kienet diġà konxja li l-livell tal-PMI u l-mekkaniżmu ta’ aġġustament tiegħu huma kunfidenzjali bħal kull informazzjoni sensittiva oħra ppreżentata matul l-investigazzjoni, kif imfakkar mill-Kummissjoni bl-ittra mibgħuta fl-1 ta’ Marzu 2021, u jenħtieġ li din il-kunfidenzjalità tiġi rispettata kemm mis-CCCMC kif ukoll mill-kumpaniji (12).

(20)

Il-Kummissjoni vvalutat din is-sejba u kkonkludiet li n-nuqqas li tiġi infurmata b’mod immedjat il-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva rigward il-PMI huwa ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni.

3.2.   Ksur tal-fiduċja

(21)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-ksur ta’ fiduċja fid-dawl tar-rwol tas-CCCMC fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-impenn. Kif ġie nnutat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/87 (13), l-offerta ta’ impenji ġiet aċċettata minħabba li ngħaqdet mas-CCCMC mal-kumpaniji li joffru impenji u r-rwol attiv tagħha fl-iffaċilitar tal-monitoraġġ tal-impenji. Is-CCCMC li kkonfermat direttament jew indirettament il-preċiżjoni tal-PMI lill-parti terza mhux biss kisret l-obbligu tagħha ta’ konsultazzjoni, iżda għamlet ukoll ħsara lill-fiduċja li fuqha kienu bbażati l-impenji. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tibqa’ tiddependi fuq l-appoġġ tas-CCCMC fil-monitoraġġ tal-impenji.

3.3.   Infurzar u monitoraġġ mhux prattiku tal-impenn

(22)

Bħala konsegwenza tal-azzjonijiet imsemmija hawn fuq tas-CCCMC rigward l-impenji fis-seħħ, il-produtturi mhux soġġetti għall-impenji li jkollhom informazzjoni dwar il-livell tal-PMI u l-mekkaniżmu ta’ aġġustament tiegħu jistgħu jaġġustaw il-prezzijiet tagħhom skont dan. Madankollu, huma biss il-kumpaniji soġġetti għall-impenji li jridu jissodisfaw impenji stretti, inklużi l-obbligu ta’ rapportar u l-obbligu li jkunu soġġetti għal verifika perjodika. B’hekk, l-għarfien tal-PMI mingħajr impenn formali biex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-impenji jista’ joħloq pożizzjoni vantaġġuża fis-suq.

(23)

Il-Kummissjoni vvalutat is-sejbiet ta’ hawn fuq u kkonkludiet li l-PMI applikabbli għall-produtturi esportaturi kkonċernati ma għadux infurzabbli u l-impenji għall-esportaturi kollha jkunu saru imprattiċi.

4.   KONKLUŻJONI

(24)

Is-sejbiet ta’ ksur tal-impenji li għamlu ħsara lir-relazzjoni ta’ fiduċja stabbilita mal-Kummissjoni u l-imprattikabbiltà ulterjuri tagħhom jiġġustifikaw l-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenji għall-produtturi esportaturi kollha skont l-Artikoli 8(7) u 8(9) tar-Regolament bażiku u skont it-termini tal-impenji.

5.   PREŻENTAZZJONIJIET BIL-MIKTUB U SEDUTI TA’ SMIGĦ

(25)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u li jikkummentaw skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku.

(26)

Fl-iskadenza preskritta, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand is-CCCMC u mingħand tliet produtturi esportaturi Ċiniżi. Wara l-iskadenza, produttur wieħed tal-Unjoni ppreżenta d-dikjarazzjoni tiegħu li tappoġġa t-terminazzjoni tal-impenji li skont dan il-produttur ma jipprovdux protezzjoni adegwata kontra l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-aċidu ċitriku miċ-Ċina. Is-CCCMC u t-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi nstemgħu mill-Kummissjoni.

5.1.   Imġiba tas-CCCMC bħala ksur tal-impenn

(27)

L-ewwel nett, is-CCCMC u l-Guoxin Union argumentaw li s-CCCMC ma kinitx kisret l-impenn u li l-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fid-dispożizzjonijiet tal-impenn li jitqiesu bħala ksur tal-impenn ma tista’ tirreferi għall-imġiba tas-CCCMC deskritta hawn fuq. Minkejja li kkonfermat li rċeviet l-ittra msemmija fil-premessa (19)bl-informazzjoni li l-PMI huwa kunfidenzjali, is-CCCMC hija tal-opinjoni li l-għoti jew il-konferma tal-PMI eżistenti lil produttur ieħor li joffri l-impenn ma jikkostitwixxix raġuni għall-irtirar tal-impenn għal xi esportatur diġà soġġett għall-impenn. Il-Partijiet affermaw ukoll li l-PMI ma għandux jitqies bħala informazzjoni kunfidenzjali.

(28)

Għalkemm is-sitwazzjoni li ġiet deskritta fit-Taqsima 3 ta’ dan ir-Regolament mhijiex imsemmija b’mod espliċitu fil-lista ta’ ksur potenzjali tal-impenn, il-Kummissjoni nnotat li l-klawżola li tikkonsisti mil-lista ta’ ksur potenzjali mhijiex eżawrjenti, kif issottolinjat fil-formulazzjoni tal-klawżola (14). Barra minn hekk, fil-kummenti tagħha stess, is-CCCMC tirreferi għal waħda mill-klawżoli tal-impenn li tistabbilixxi l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea dwar kull diffikultà jew kwistjoni, teknika jew mod ieħor, li tista’ tinqala’ matul l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-impenn (15). Għalhekk, is-CCCMC stess, fil-kummenti tagħha, tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-impenn li huma applikabbli għaċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom ġie rtirat l-impenn, jiġifieri minħabba l-ksur fl-obbligu ta’ konsultazzjoni u ħsara lir-relazzjonijiet ta’ fiduċja.

(29)

Kif ġie ppreżentat fil-premessa (18), is-CCCMC naqset milli tikkonsulta mal-Kummissjoni skont dan il-prinċipju. Għalhekk, is-CCCMC kisret il-klawżoli tal-impenn (16), li jikkostitwixxi ksur tal-impenn (17). Skont id-dispożizzjonijiet tal-impenn, f’dik is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn (18).

(30)

Il-Kummissjoni fakkret fl-argumentazzjoni ppreżentata fil-premessa (12) li l-offerta ta’ impenn kienet ġiet ippreżentata f’żewġ verżjonijiet. Il-verżjoni limitata tal-impenn, li tinkludi l-PMI u l-metodu ta’ kalkolu, tirreferi għall-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku rigward il-kunfidenzjalità. Kieku ma kienx kunfidenzjali l-PMI, kien jiġi inkluż fil-verżjoni miftuħa tal-impenn “disponibbli għall-partijiet kollha tal-investigazzjoni”. Madankollu, kien l-oppost (kien immarkat bħala kunfidenzjali). Għalhekk, għandu jiġi miċħud kull argument ippreżentat mill-partijiet li l-PMI mhuwiex kunfidenzjali.

(31)

Barra minn hekk, wara d-dispożizzjoni tal-impenn rigward il-kamp ta’ applikazzjoni u l-elementi ewlenin tal-impenn, is-CCCMC u l-esportaturi Ċiniżi soġġetti għall-impenn impenjaw ruħhom li jirrispettaw l-obbligi l-oħra kollha sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ timmonitorja b’mod effettiv l-impenn (19). Ir-regoli ta’ monitoraġġ ġew speċifikati fl-impenn (20), li jinkludi klawżoli li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tista’ tagħti aktar struzzjonijiet li jitqiesu meħtieġa għall-funzjonament korrett tal-impenn (21). B’hekk, is-CCCMC affermat b’mod żbaljat li l-istruzzjonijiet, inkluża l-ittra ddatata l-1 ta’ Marzu 2021, kienu sempliċement tekniċi u ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni għall-irtirar f’każ ta’ ksur tal-obbligu stipulat fiha. Il-Kummissjoni tenniet li l-PMI huwa kunfidenzjali mill-mument li jiġi offrut l-impenn, u l-informazzjoni dwar il-kunfidenzjalità tal-PMI li tinsab fl-ittra tal-1 ta’ Marzu 2021 kienet sempliċiment tfakkira ta’ tali dispożizzjoni. Għalhekk, is-CCCMC kienet obbligata tirrispetta l-kunfidenzjalità tal-PMI u tikkonsulta lill-Kummissjoni meta tirċievi offerta ġdida ta’ impenn li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali minn parti terza li la kienet awtorizzata li jkollha, u lanqas suppost kellha, l-informazzjoni kunfidenzjali. Peress li dan ma seħħx, is-CCCMC kisret l-obbligu ta’ konsultazzjoni.

(32)

L-esportaturi affermaw ukoll li l-PMI jista’ jiġi żvelat mill-produtturi esportaturi msemmija fil-premessi (3) u (6) li ma għadhomx soġġetti għall-impenn minħabba l-irtirar tal-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-RZBC affermat li Seven Star hija saħansitra intitolata li tikseb l-informazzjoni dwar il-PMI minħabba li l-partijiet kollha għall-impenn jafu l-PMI u Seven Star għandu jkollha l-istess drittijiet bħall-kumpaniji l-oħra kollha soġġetti għal miżuri fid-dawl tat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni. Fl-opinjoni ta’ RZBC, peress li Seven Star kienet intitolata li tkun taf il-PMI, kull żball proċedurali fil-kisba tiegħu ma għandux jitqies bħala ksur, u jekk dan ikun il-każ, imbagħad biss bħala ksur purament tekniku.

(33)

Irid jiġi nnotat li għalkemm Seven Star ma kinitx parti għal dan il-proċediment, skont il-kummenti ppreżentati mis-CCCMC (22), hija pprovdiet lis-CCCMC informazzjoni rigward l-investigazzjoni fir-rieżami ta’ esportatur ġdid. Minkejja dan, l-ebda waħda mill-partijiet, inkluża s-CCCMC, ma ppreżentat xi evidenza li ssostni l-argumentazzjoni li Seven Star kisbet il-PMI minn wieħed mill-esportaturi li fil-passat kien soġġett għall-impenn. Il-partijiet ma ppreżentaw l-ebda evidenza li Seven Star talbet il-PMI mingħand is-CCCMC jew il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni lanqas ma kellha komunikazzjoni minn Seven Star jew CCCMC f’dan ir-rigward.

(34)

Fir-rigward tal-allegazzjoni dwar trattament mhux ugwali u diskriminazzjoni, irid jiġi enfasizzat li huma biss il-partijiet għall-impenn li l-offerti tagħhom ġew aċċettati li huma intitolati li jkollhom l-informazzjoni dwar il-PMI, mhux il-produtturi esportaturi kollha tal-prodott ikkonċernat. Għalkemm soġġett għall-miżuri fil-forma ta’ dazji, Seven Star qatt ma ġiet aċċettata bħala parti għall-impenn. Fir-rieżami ta’ esportatur ġdid l-offerta ta’ impenn ippreżentata minn Seven Star ma ġietx aċċettata minħabba raġunijiet oħra, jiġifieri kienet inkonsistenti mas-sitwazzjoni speċifika tagħha li rriżultat mill-investigazzjoni. Dan jikkonferma li kull każ jenħtieġ li jiġi vvalutat separatament skont iċ-ċirkostanzi. Irid jiġi ssottolinjat li mhuwiex il-produttur esportatur jew is-CCCMC li jistgħu jiddeċiedu min huwa intitolat jew le għall-PMI. Huwa fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li taċċetta jew le l-offerta ta’ impenn abbażi tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, Seven Star ma kinitx meħtieġa tippreżenta offerta b’mekkaniżmu ta’ kalkolu għall-PMI identiku għat-tliet offerti ta’ impenn diġà aċċettati. Minflok, Seven Star kellha tipproponi approċċ għad-determinazzjoni tal-PIM u l-indiċjar futur tiegħu, inklużi l-komponenti u l-parametri referenzjarji tal-kalkolu li għandhom jintużaw, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ din il-kumpanija. Seven Star użat l-istess metodoloġija tal-PMI bħal dik għal produtturi esportaturi oħra, li ma kinitx xierqa għaliha, u dan wassal biex ma setgħetx tiġi aċċettata l-offerta tagħha. Għalhekk, hija infondata kull allegazzjoni rigward diskriminazzjoni jew trattament mhux ugwali.

(35)

Kif imsemmi hawn fuq, jenħtieġ li impenn ikun adegwat biex jitneħħew l-effetti tad-dumping dannuż u, għalhekk, il-PMI u l-metodoloġija għad-determinazzjoni tiegħu jridu jirriflettu ċ-ċirkostanzi applikabbli għall-esportatur. Konsegwentement, kemm il-PMI kif ukoll il-metodoloġija huma bbażati fuq analiżi u valutazzjoni tal-fatti disponibbli kollha, li għandhom jiġu ffinalizzati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. B’hekk, l-iżvelar tal-PMI miftiehem f’impenji diġà aċċettati ma jistax jiġi ridott għal sempliċi att li jipprovdi informazzjoni iżolata li kienet titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Seven Star f’kull każ, li jrendi dan l-iżvelar sempliċi ksur “tekniku”. Dan ir-raġunament mhuwiex korrett għar-raġunijiet diġà stabbiliti fil-premessi preċedenti.

(36)

Madankollu, il-Kummissjoni fakkret li l-azzjoni li għamlet ħsara lir-relazzjonijiet ta’ fiduċja kienet il-fatt li s-CCCMC ma kkonsultatx lill-Kummissjoni qabel ma kkonfermat il-PMI lill-esportatur il-ġdid.

5.2.   Prattika fl-aċċettazzjoni ta’ offerti ta’ impenn minn esportaturi ġodda

(37)

It-tieni, is-CCCMC u l-produtturi esportaturi rreferew għall-prattika tal-passat fl-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut minn produtturi esportaturi ġodda. Biex jintwera dan, is-CCCMC u l-Guoxin Union irreferew għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ddatata t-23 ta’ Marzu 2010 (23) (“każ tal-fonduti”) li fiha tliet esportaturi, wara trattament ta’ produttur esportatur ġdid (new exporting producer treatment, “NEPT”), ippreżentaw offerti ta’ impenn identiċi għal dak li kien diġà ġie aċċettat fl-investigazzjoni oriġinali.

(38)

Esportatur ieħor ippreżenta offerta ta’ impenn separata li ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni peress li l-monitoraġġ tagħha tqies mhux prattiku, peress li ma kinitx l-istess bħal dik diġà aċċettata. Abbażi ta’ din il-prattika, is-CCCMC u l-Guoxin Union waslu għall-konklużjoni li esportaturi ġodda jista’ ma jkollhom l-ebda possibbiltà li jingħaqdu f’impenji eżistenti peress li f’kull każ l-offerta tista’ tiġi miċħuda – jew bħal fil-każ tal-fonduti minħabba li kienet differenti minn dik diġà aċċettata, jew bħal fil każ ta’ Seven Star minħabba ksur tal-kunfidenzjalità.

(39)

Il-Kummissjoni ttenni li għandha diskrezzjoni wiesgħa fit-teħid tad-deċiżjoni dwar offerti ta’ impenn. Barra minn hekk, l-impenji jipprevedu eżenzjoni għall-ġbir tad-dazji. Għalhekk, dawn iridu jiġu interpretati b’mod strett u vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ. Huwa impossibbli li tiġi antiċipata kull prattika jew aspettattiva leġittima bbażata fuq każ wieħed biss u, b’mod aktar importanti, abbażi taċ-ċirkostanzi differenti.

(40)

Irid jitfakkar li, f’dan il-każ, inizjalment ġew aċċettati impenji għal ħames esportaturi bl-istess PMI u għal esportatur addizzjonali wieħed b’PMI differenti bbażat fuq il-marġni tad-dumping tiegħu (24). Għalhekk, huwa invalidu l-argument li ma jistgħux jiġu aċċettati impenji differenti b’PMI differenti. Barra minn hekk, ma tista’ ssir l-ebda analoġija mal-każ tal-fonduti. F’dak il-każ, l-impenn kien impenn konġunt ta’ responsabbiltà ta’ 20 kumpanija u s-CCCME, li fih ksur tal-ftehim ta’ impenn minn kwalunkwe parti kien jinvolvi ksur tal-firmatarji kollha (25). Fil-każ attwali ma hemm l-ebda impenn konġunt fis-seħħ: kull esportatur b’mod konġunt biss mas-CCCMC offra impenji separati. Bħala konsegwenza, kull azzjoni mwettqa mis-CCCMC għandha impatt fuq l-impenji separati kollha fis-seħħ. Barra minn hekk, fil-każ tal-ikkastjar, ir-rappreżentant legali tas-CCCME kkonsulta lill-Kummissjoni qabel ma ppreżenta l-offerta kompluta minn esportaturi ġodda skont il-proċeduri NEPT. Dan ma ġiex segwit mis-CCCMC fil-każ attwali. B’hekk, ġie rrifjutat l-argument.

5.3.   Obbligu ta’ konsultazzjoni

(41)

It-tielet, is-CCCMC affermat li l-obbligu ta’ konsultazzjoni huwa meħtieġ biss f’każ ta’ diffikultajiet jew mistoqsijiet, li s-CCCMC ma kellhiex relatat ma’ Seven Star, abbażi tal-prattika preċedenti fil-każ tal-fonduti. Skont is-CCCMC, Seven Star infurmat lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni li tingħaqad mal-impenn diġà matul iż-żjara ta’ verifika mwettqa fil-bini tal-esportatur f’Ġunju 2023. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kienet qajmet l-ebda oġġezzjoni meta Seven Star ippreżentat l-offerta bl-istess PMI bħal ta’ esportaturi oħra. Is-CCCMC affermat ukoll li l-Kummissjoni ma indikatx li t-termini tal-impenn proposti minn Seven Star kellhom kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità. Is-CCCMC assumiet li l-Kummissjoni pprovdiet gwida u feedback attivi, responsabbli u f’waqthom dwar l-applikazzjoni għal impenn tal-esportatur il-ġdid, u konsegwentement is-CCCMC ma kkonsultatx lill-Kummissjoni.

(42)

Il-Kummissjoni fakkret li, matul ir-rieżami ta’ esportatur ġdid, il-Kummissjoni ma ntalbet l-ebda assistenza jew gwida f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda talba jew komunikazzjoni rigward il-PMI jew il-metodoloġija ta’ aġġustament tiegħu. Minbarra l-indikazzjoni matul iż-żjara ta’ verifika li Seven Star hija interessata li tippreżenta l-offerta ta’ impenn, l-ewwel kuntatt mill-produttur kien li jinkludi offerta ta’ impenn kważi kompluta mal-PIM. Il-Kummissjoni wettqet aktar passi proċedurali regolari biex tanalizza l-offerta u pprovdiet il-valutazzjoni finali lill-partijiet tal-investigazzjoni. Kemm CCCMC kif ukoll Seven Star ġew infurmati dwar din il-valutazzjoni u s-sejbiet ewlenin, inklużi l-kwistjonijiet mal-kunfidenzjalità tal-PMI u ngħataw żmien biex jikkummentaw u jippreżentaw l-argumentazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward. Madankollu, ma ħadux din l-opportunità u ma pprovdew l-ebda kumment. Għalhekk, huma infondati l-affermazzjonijiet li l-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni dwar il-kunfidenzjalità.

(43)

Skont il-Kummissjoni, mhijiex fil-kapaċità tas-CCCMC li tantiċipa dak li temmen jew tassumi li dan iseħħ. F’kull każ relatat mal-esportatur il-ġdid, is-CCCMC mhijiex intitolata li tipprovdi informazzjoni rigward l-impenn eżistenti lil partijiet terzi. Id-dispożizzjoni tal-impenn tistipula li huwa obbligatorju l-obbligu ta’ konsultazzjoni fir-rigward ta’ kull sitwazzjoni, mhux biss mistoqsijiet jew diffikultajiet, iżda wkoll kwistjonijiet tekniċi jew kull kwistjoni oħra li tikkonċerna l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-impenn. Ċertament, l-għoti ta’ kwalunkwe informazzjoni li tikkonċerna l-PMI lil partijiet mhux soġġetti għall-impenn mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Kummissjoni jaqa’ taħt dan l-obbligu ta’ konsultazzjoni (26).

5.4.   Impatt fuq is-suq

(44)

Ir-raba’, is-CCCMC u l-produtturi esportaturi kkontestaw li l-għarfien dwar il-PMI minn kumpaniji oħra mhux soġġetti għall-impenn jista’ jkun ta’ vantaġġ għalihom. Huma indikaw li diġà hemm kumpaniji li jafu l-formula tal-PMI u ma hemm l-ebda prova li din ħolqot xi pożizzjoni ta’ vantaġġ fis-suq. Barra minn hekk, sostnew li l-prezz tal-bejgħ attwali huwa ogħla mill-PMI, għalhekk kumpaniji oħra mhux soġġetti għall-impenn ma jistgħux jipprevedu l-prezz attwali.

(45)

Il-Kummissjoni fakkret li, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku, hija kunfidenzjali kull informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun ta’ vantaġġ kompetittiv sinifikattiv għal kompetitur. Kif diġà ssemma, il-PMI huwa informazzjoni kunfidenzjali minħabba dawn ir-raġunijiet. L-esportaturi soġġetti għal impenn ma jistgħux ibigħu l-prodotti tagħhom lill-Unjoni taħt il-PMI stabbilit. Għalhekk, huwa loġiku li l-prezzijiet ikunu ogħla mill-PMI. Madankollu, normalment din id-differenza ma tkunx sinifikanti, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi straordinarji tas-suq, li mhumiex preżenti f’dan il-każ. L-esportaturi kollha soġġetti għall-impenn impenjaw ruħhom li jissodisfaw bosta obbligi, inkluż ir-rapportar perjodiku tat-tranżazzjonijiet kollha, li jkunu disponibbli għal kull verifika, u jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar kull kwistjoni relatata mal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni. Kull esportatur ieħor li ma jkunx soġġett għall-impenn ma għandux jikkonforma ma’ dawn l-obbligi. L-għarfien tal-PMI u tal-metodoloġija ta’ aġġustament jippermetti lil esportaturi oħra jistabbilixxu l-prezz tal-prodotti tagħhom taħt il-PMI anki b’dazji applikati lil hinn minn kull kontroll, minħabba nuqqas ta’ obbligu ta’ rapportar. B’hekk, dak il-bejgħ jirriżulta f’aktar dannu għall-produtturi tal-Unjoni.

(46)

Għalkemm xi wħud mill-kumpaniji kienu soġġetti għall-impenn fil-passat u kellhom għarfien dwar il-mekkaniżmu tal-PMI, l-irtirar tal-impenn tagħhom segwa n-nuqqas ta’ konformità minn dawn il-kumpaniji mal-impenn previst fl-impenn. B’hekk, iċ-ċirkostanzi f’dan il-każ huma differenti, peress li fid-deċiżjonijiet preċedenti l-Kummissjoni ma kellha l-ebda evidenza ta’ ksur tal-kunfidenzjalità. Fil-każ attwali, il-Kummissjoni ma ddeċidietx li taċċetta l-impenn minn Seven Star u madankollu l-kumpanija seta’ jkollha aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali dwar il-PMI. Il-Kummissjoni vvalutat iċ-ċirkostanzi u l-konsegwenzi attwali wara l-ksur tal-kunfidenzjalità u, kif spjegat fil-premessa (45), ikkonkludiet li ma għadhiex prattika ż-żamma tal-impenji. Għalhekk, kellha tiġi miċħuda din l-affermazzjoni.

5.5.   Interess tal-Unjoni fl-irtirar

(47)

Il-ħames, is-CCCMC u l-esportaturi kkonċernati argumentaw li l-irtirar tal-impenn mhuwiex fl-interess tas-suq tal-Unjoni, u bħala konsegwenza, se jiġi mfixkel is-suq bilanċjat. Il-Kummissjoni sabet li mhijiex sostanzjata din l-argumentazzjoni. L-industrija tal-Unjoni fil-preżentazzjoni tagħha ddikjarat b’mod ċar li mhumiex suffiċjenti l-miżuri fil-forma attwali. L-irtirar tal-impenn mhux se jkollu impatt fuq id-disponibbiltà tal-prodott fis-suq jew fuq il-kwalità tiegħu. Barra minn hekk, l-irtirar tal-impenn ma jillimitax lill-esportaturi li jbigħu l-prodott ikkonċernat lill-Unjoni. Għalhekk, ma setgħux jiġu aċċettati dawn l-affermazzjonijiet.

5.6.   Proporzjonalità

(48)

Is-CCCMC u l-esportaturi kkonċernati allegaw li l-irtirar tal-impenji huwa wisq oppressiv u mhux proporzjonali mal-imġiba tas-CCCMC u ta’ esportaturi oħra. Irid jiġi nnotat li l-Kummissjoni għandha d-diskrezzjoni li tevalwa l-imġiba tal-partijiet għall-fini li tiddefinixxi n-natura tal-impenn miksur u tiddetermina jekk huwiex meħtieġ li tiġi rtirata l-aċċettazzjoni tal-impenn. Kif diġà ġie spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni sabet ksur tal-impenn mis-CCCMC, u ksur tar-relazzjoni bbażata fuq il-fiduċja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li f’dawn iċ-ċirkostanzi l-impenn u l-monitoraġġ tiegħu ma għadhomx prattiċi, li huwa raġuni indipendenti għall-irtirar tal-impenn. Irid jitfakkar ukoll li l-impenji jistgħu jiġu rtirati irrispettivament mil-livell tal-materjalità tal-ksur. Barra minn hekk, l-offerti ta’ impenn ġew aċċettati minħabba r-rwol tas-CCCMC fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-impenn, dak li ġie enfasizzat ukoll mis-CCCMC innifisha fil-preżentazzjoni bil-miktub u fis-smigħ. Għalhekk, f’każ ta’ ksur ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u s-CCCMC, li hija parti konġunta tal-impenn ta’ kull esportatur, il-ksur tal-fiduċja huwa implikat għall-esportaturi kollha. B’hekk, wara analiżi bir-reqqa, il-Kummissjoni kkonkludiet li għandha tiġi rtirata l-aċċettazzjoni tal-impenji.

5.7.   Prattikabbiltà

(49)

Fl-aħħar nett, is-CCCMC u l-produtturi esportaturi kkonċernati pproponew li jindirizzaw il-kwistjoni tal-obbligu ta’ konsultazzjoni u l-iżvelar tal-PMI lil esportaturi oħra. Is-CCCMC offriet li tistabbilixxi pożizzjoni komuni dwar l-obbligu ta’ konsultazzjoni f’każ li esportaturi ġodda jkollhom l-intenzjoni li jingħaqdu mal-impenn. Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (31), l-impenn offrut mill-esportaturi dwar l-aċidu ċitriku mhuwiex impenn konġunt, u offerti ġodda huma vvalutati abbażi taċ-ċirkostanzi inkwistjoni. L-esportaturi, min-naħa l-oħra, ipproponew li jistgħu jżommu l-impenji b’reviżjoni possibbli. Għalkemm il-partijiet ma ppreżentaw l-ebda soluzzjoni partikolari jew proposta preċiża, il-Kummissjoni vvalutat kull soluzzjoni possibbli li tista’ tkun prattika u aċċettabbli għall-Kummissjoni kif previst fl-impenn (27); madankollu, ma setgħetx tinstab tali soluzzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Impenn skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku.

(50)

Biex jiġu evitati kompletament ir-riskji potenzjali ta’ evażjoni tad-dazji u l-bejgħ ta’ oġġetti taħt il-prezz mhux dannuż minn kumpaniji mhux soġġetti għall-impenn iżda li għandhom għarfien dwar il-PMI, il-Kummissjoni jkollha twettaq monitoraġġ kumpless tal-importazzjonijiet b’mod ġenerali, minbarra l-monitoraġġ tal-importazzjonijiet li jaqgħu taħt l-impenji. Mingħajr ebda obbligu ta’ rapportar previst għal dawn l-esportaturi, il-monitoraġġ tal-importazzjonijiet minn partijiet esportaturi mhux soġġetti għall-impenn huwa ta’ piż żejjed u, għalhekk, ma jistax jitqies bħala wieħed effettiv. Għall-istess raġuni, ma jistgħux jiġu aċċettati impenji individwali għal kull esportatur separat. Barra minn hekk, kif diġà ssemma fil-premessi (21)-(23), l-impenn offrut mill-esportaturi ġie aċċettat minħabba s-sħubija tas-CCCMC u r-rwol attiv tagħha fl-iffaċilitar tal-monitoraġġ tal-impenji. Wara li jiġu kkunsidrati r-raġunijiet tal-irtirar tal-impenn, il-monitoraġġ aktar kumpless mingħajr l-involviment tas-CCCMC iktar u iktar ma jistax jiġi aċċettat minħabba l-imprattikabbiltà tiegħu. B’hekk, il-Kummissjoni qieset li ma hemm l-ebda rimedju possibbli għall-iżvelar tal-PMI attwali lill-esportatur il-ġdid mhux soġġett għall-impenn u ma għadux prattiku l-impenn attwali. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi rtirata l-aċċettazzjoni tagħha.

5.8.   Konklużjoni

(51)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni kienet imħassba li s-CCCMC naqset milli tikkonsulta lill-Kummissjoni filwaqt li ġiet avviċinata mill-esportatur il-ġdid bl-offerta l-ġdida ta’ impenn. Dik l-imġiba tikkostitwixxi l-ksur tal-impenn u, għalhekk, irid jiġi rtirat l-impenn. Is-CCCMC mhijiex intitolata, mingħajr ebda konsultazzjoni mal-Kummissjoni, li tikkonkludi waħedha x’inhi l-prattika tal-Kummissjoni, speċjalment fir-rigward tal-forma eċċezzjonali ta’ miżuri bħall-impenji, li jridu jiġu vvalutati skont il-każ. La s-CCCMC u lanqas l-esportaturi kkonċernati ma rnexxielhom jippreżentaw xi eżempju preċedenti tal-aċċettazzjoni tal-impenn għall-esportatur il-ġdid fl-istess ċirkostanzi bħal fir-rieżami ta’ esportatur ġdid fl-aċidu ċitriku, u kull każ simili ieħor jew allegata prattika preċedenti tal-Kummissjoni ma taffettwax id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li ttemm l-impenji fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ. Bl-istess mod, l-argument imressaq mill-partijiet li l-irtirar tal-impenn mhuwiex fl-interess tal-Unjoni mhuwiex rilevanti f’dan il-każ. Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, l-interess tal-Unjoni mhuwiex element għall-valutazzjoni tal-prattiċità u l-effettività ta’ offerta ta’ impenn. F’kull każ, il-partijiet ma ppreżentaw l-ebda argument sostanzjat dwar l-impatt negattiv tal-irtirar tal-impenn għall-industrija tal-Unjoni jew għas-suq tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma ġiet ippreżentata bl-ebda soluzzjoni ġdida li tista’ tkun prattika għall-monitoraġġ.

(52)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ebda waħda mir-raġunijiet ippreżentata mis-CCCMC u mill-produtturi esportaturi ma tista’ tbiddel il-konklużjoni li jenħtieġ li tiġi rtirata l-aċċettazzjoni tal-impenn.

6.   IRTIRAR TAL-AĊĊETTAZZJONI TAL-IMPENN U IMPOŻIZZJONI TA’ DAZJI DEFINITTIVI

(53)

F’konformità mal-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku u l-klawżoli rilevanti tal-impenji li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tirtira b’mod unilaterali l-impenji, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-aċċettazzjoni tal-impenji offruti mill-COFCO, mill-RZBC u mill-Guoxin Union b’mod konġunt mas-CCCMC jenħtieġ li tiġi rtirata u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/87 u jenħtieġ li titħassar id-Deċiżjoni preċedenti tat-2 ta’ Diċembru 2008 (2008/899/KE). Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping definittiv impost mill-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/607 tinġabar fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat mill-kumpaniji COFCO Bio-Chemical Energy (Yushu) Co. Ltd. (kodiċi addizzjonali TARIC A874), RZBC Co. Ltd. (kodiċi addizzjonali TARIC A876), RZBC (Juxian) Co., Ltd. (kodiċi addizzjonali TARIC A877), u Jiangsu Guoxin Union Energy Co., Ltd. (kodiċi addizzjonali TARIC A879).

(54)

Wara li jiġu kkunsidrati l-impenji kuntrattwali tal-importaturi tal-Unjoni li xtraw il-prodotti bl-aspettattiva li jirċievu l-prodotti koperti mill-impenji, l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku akkumpanjati minn fattura tal-impenn maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-impenji, għandhom jiġu eżentati mill-ġbir tad-dazji anti-dumping. Madankollu, kull prodott li għalih id-dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tkun ġiet aċċettata wara 30 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun soġġett għad-dazji. Dan il-perjodu għandu jippermetti kemm lill-importaturi fl-Unjoni kif ukoll lill-produtturi esportaturi jiffinalizzaw l-impenji kuntrattwali li diġà ġew konklużi tagħhom jew li debitament jiġu infurmati dwar konsegwenzi possibbli relatati mal-irtirar tal-aċċettazzjoni għall-impenji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-aċċettazzjoni tal-impenji fir-rigward tal-produtturi esportaturi msemmija hawn taħt flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-Importaturi u tal-Esportaturi tal-Metalli, tal-Minerali u tal-Kimiċi hija b’dan irtirata:

Pajjiż

Kumpanija

Kodiċi Addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

COFCO Bio-Chemical Energy (Yushu) Co., Ltd – No 1 Dongfeng Avenue, Wukeshu Economic Development Zone, Changchun City 130401, PRC

A874

Manifatturat minn RZBC Co., Ltd. – No 9 Xinghai West Road, Rizhao City, Shandong Province, PRC u mibjugħa mill-kumpanija tal-bejgħ relatata RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd. – No 66 Lvzhou South Road, Rizhao City, Shandong Province

A926

Manifatturat minn RZBC (Juxian) Co., Ltd. – No 209 Laiyang Road (West Side of North Chengyang Road), Juxian Economic Development Zone, Rizhao City, Shandong Province, PRC u mibjugħa mill-kumpanija tal-bejgħ relatata tagħha RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd. Co., Ltd. — No 66 Lvzhou South Road, Rizhao City, Shandong Province

A927

Jiangsu Guoxin Union Energy Co., Ltd. – No 1 Redian Road, Yixing Economic Development Zone, Jiangsu Province

A879

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/87 u d-Deċiżjoni 2008/899/KE huma b’dan imħassra.

Artikolu 3

L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/607 huwa b’dan imħassar.

Artikolu 4

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Id-dispożizzjonijiet imħassra bl-Artikoli 2 u 3 għandhom ikomplu japplikaw għall-importazzjonijiet akkumpanjati mill-fattura tal-impenn maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li għaliha d-dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tkun ġiet aċċettata fi żmien 30 jum wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1193/2008 tal-1 ta’ Diċembru 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazji provviżorji imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (2008/899/KE) (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2008 li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2012/501/UE) (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 62).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Settembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2008/899/KE li taċċetta l-impenn offrut li għandu x’jaqsam mal-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 244, 8.9.2012, p. 27).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 tal-21 ta’ Jannar 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u ta’ rieżamijiet interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 15, 22.1.2015, p. 8).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/32 tal-14 ta’ Jannar 2016 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/82 fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku kkonsenjat mill-Malażja, kemm jekk dikjarat li joriġina mill-Malażja kif ukoll jekk le (ĠU L 10, 15.1.2016, p. 3).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/704 tal-11 ta’ Mejju 2016 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal żewġ produtturi esportaturi u li jemenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/87 li taċċetta l-impenji offruti b’konnessjoni mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 122, 12.5.2016, p. 19).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/607 tal-14 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku kkonsenjati mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Malażja kif ukoll jekk le, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 129, 15.4.2021, p. 73).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2180 tas-16 ta’ Ottubru 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/607 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku kkonsenjati mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Malażja kif ukoll jekk le, wara rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2023/2180, 17.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2180/oj).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2180, il-premessi minn (149) sa (156).

(12)  t21.001893 — Struzzjonijiet tekniċi skont il-klawżola 5.10 tal-impenn offrut fil-qafas tal-proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (UT44).

(13)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/87 tal-21 ta’ Jannar 2015 li taċċetta l-impenji offruti b’konnessjoni mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 15, 22.1.2015, p. 75), il-premessa (9).

(14)  Il-klawżola 7.1 tal-offerta ta’ impenn.

(15)  Il-klawżola 6.1 tal-offerta ta’ impenn.

(16)  Il-klawżola 2.3 flimkien mal-klawżola 6.1 tal-offerta ta’ impenn.

(17)  Il-klawżola 7.1 tal-offerta ta’ impenn.

(18)  Il-klawżola 8.3 tal-offerta ta’ impenn.

(19)  Il-klawżola 2.3 tal-offerta ta’ impenn.

(20)  Il-klawżola 5 tal-offerta ta’ impenn.

(21)  Il-klawżola 5.10 tal-offerta ta’ impenn.

(22)  Preżentazzjoni bil-miktub tas-CCCMC tal-10 ta’ Novembru 2023, il-paragrafi minn 13 sa 15.

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2006/109/KE billi taċċetta tliet offerti għall-impenn konġunt tal-prezzijiet b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti fonduti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (2010/177/UE) (ĠU L 77, 24.3.2010, p. 55).

(24)  Il-premessa (6) tad-Deċiżjoni 2008/899/KE.

(25)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2006 li taċċetta impenn offrut li għandu x’jaqsam mal-proċeduri anti-dumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ċerti fonduti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2006/109/KE) (ĠU L 47, 17.2.2006, p. 59).

(26)  Il-klawżola 6.1 tal-offerta ta’ impenn.

(27)  Il-klawżola 8.5 tal-offerta ta’ impenn.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/738/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)