European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/602

16.2.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/602

tal-14 ta’ Diċembru 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-settur tal-ħops u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1850/2006

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 75(2) u l-Artikolu 77(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2). Dan jistabbilixxi regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-ħops u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħops, u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni f’dak ir-rigward. Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-applikazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-ħops u tal-prodotti tal-ħops, fil-qafas legali l-ġdid, iridu jiġu adottati ċerti regoli addizzjonali permezz ta’ atti delegati. Dan ir-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/601 (3) għandhom jissostitwixxu r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1850/2006 (4).

(2)

L-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-prodotti tas-settur tal-ħops maħsuda jew ippreparati fl-Unjoni huma soġġetti għal proċedura ta’ ċertifikazzjoni li tiggarantixxi li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni fl-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-prodotti tas-settur tal-ħops soġġetti għal ċertifikazzjoni.

(3)

L-Artikolu 77(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-prodotti tas-settur tal-ħops jistgħu jiġu kkummerċjalizzati jew esportati biss jekk ikunu koperti minn ċertifikat maħruġ f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni. Il-birreriji jagħtu attenzjoni kbira lill-kwalità tal-ħops użat fil-proċess tal-produzzjoni tal-birra minħabba li dak l-ingredjent għandu influwenza kbira fuq it-togħma tal-prodott finali. Meta l-ħops jitkabbar u jiġi pproċessat minn birreriji jew minn partijiet terzi b’kuntratt għal birrerija, il-ħtieġa ta’ ċertifikazzjoni uffiċjali flimkien mal-kontroll intern tal-kwalità tal-birrerija kkonċernata, toħloq kostijiet addizzjonali u piż amministrattiv mhux meħtieġ. Kwantitajiet żgħar ta’ prodotti tas-settur tal-ħops mibjugħa lil individwi privati f’pakketti żgħar huma suq niċċa u ċ-ċertifikazzjoni tal-kontenut ta’ kull pakkett żgħir u l-immarkar tal-pakketti skont ir-regoli applikabbli jkunu jfissru ammont mhux ġustifikat ta’ xogħol, speċjalment peress li dan ikollu wkoll impatt fuq il-prezz ta’ dawk il-prodotti għall-utenti privati. Il-prodotti tal-ħops isomerizzati għaddew minn ħafna pproċessar u huma ta’ natura stabbli, u għalhekk iċ-ċertifikazzjoni ma għadhiex meħtieġa bħala garanzija tal-kwalità tagħhom. Għalhekk jixraq li ċerti prodotti tal-ħops jiġu eżentati mir-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ esportazzjoni.

(4)

Bl-għan li jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-obbligu taċ-ċertifikazzjoni għall-ħops imkabbar u/jew ipproċessat għall-birreriji taħt kuntratt jew mill-birreriji nfushom, filwaqt li tibqa’ tiġi żgurata s-superviżjoni mill-awtorità taċ-ċertifikazzjoni kompetenti, il-birrier jenħtieġ li jinforma lill-awtorità taċ-ċertifikazzjoni kompetenti permezz ta’ dikjarazzjoni tal-ħsad dwar il-varjetajiet imkabbra, il-kwantitajiet maħsuda, il-postijiet tal-produzzjoni u ż-żoni mħawla sabiex jiġi żgurat li l-prodotti inkwistjoni huma maħsuba biex jintużaw biss mill-birrerija kkonċernata. Fir-rigward tal-ipproċessar tal-ħops għall-birreriji, l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni jenħtieġ li tingħata informazzjoni minn qabel dwar il-birrerija kkonċernata, il-proċessur, il-materja prima u l-prodott finali biex tkun tista’ ssir ċerta superviżjoni tal-proċess. L-imballaġġ ta’ dawk il-prodotti jenħtieġ li jkollu wkoll referenza speċjali li dawn ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jintużaw biss mill-birrerija inkwistjoni.

(5)

F’każ li kunsinna ċċertifikata ta’ ħops mhux ippreparat tinqasam għall-bejgħ, kull waħda mill-kunsinni jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn dokument kummerċjali mfassal mill-bejjiegħ li jkollu informazzjoni miċ-ċertifikat tal-kunsinna oriġinali sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà sħiħa ta’ kull kunsinna.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-kwalità għolja tat-taħlitiet ta’ ħops mhux ipproċessat u ta’ prodotti tal-ħops, fil-każ ta’ taħlitiet, kull waħda mill-kunsinni ta’ koni tal-ħops użati jenħtieġ li tissodisfa r-rekwiżiti minimi ta’ kwalità. Fil-każ ta’ taħlitiet ta’ koni tal-ħops li għandhom jintużaw bħala tali, biex jinżamm il-karattru speċjali mogħti lill-prodott mill-varjetà u miż-żona tal-produzzjoni, jenħtieġ li jintużaw biss koni tal-ħops tal-istess żona u varjetà. Għall-prodotti tal-ħops, tista’ tkun meħtieġa taħlita ta’ ħops ta’ varjetajiet u/jew żoni ta’ produzzjoni differenti biex jinkiseb ċertu profil ta’ togħma, u huwa għalhekk li tali taħlitiet jenħtieġ li jkunu permessi u li kull varjetà u/jew oriġini jenħtieġ li tiddaħħal fiċ-ċertifikat, b’indikazzjoni tal-piż perċentwali ta’ kull varjetà u/jew żona tal-produzzjoni, biex tkun tista’ ssir it-traċċabbiltà. Minħabba li maż-żmien il-ħops jitlef xi ftit mill-aċidu alfa li jinfluwenza t-togħma speċjali tiegħu, jenħtieġ li jitħallat biss ħops mhux ipproċessat tal-istess sena tal-ħsad, kemm għal taħlitiet tal-ħops li għandhom jintużaw bħala tali kif ukoll għall-prodotti tal-ħops. Sabiex jiġi żgurat li ma jkun jista’ jiżdied l-ebda element li ma jissodisfax ir-rekwiżiti, il-prodotti mħallta tas-settur tal-ħops jenħtieġ li jiġu ċċertifikati biss jekk ikunu ġew imħallta taħt sorveljanza uffiċjali f’ċentri taċ-ċertifikazzjoni.

(7)

Jenħtieġ li jiġu speċifikati r-rekwiżiti minimi ta’ kwalità kemm għall-ħops mhux ipproċessat ippreparat kif ukoll għal dak mhux ippreparat b’rabta mal-kontenut ta’ ndewwa, il-kontenut ta’ weraq, taz-zkuk u tal-iskart tal-ħops tiegħu, kif ukoll għaż-żrieragħ fil-każ ta’ ħops bla żerriegħa.

(8)

Peress li dan ir-Regolament jaġġorna u jissostitwixxi r-regoli eżistenti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1850/2006, dak ir-Regolament jenħtieġ li jitħassar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-ħops u l-prodotti tal-ħops imsemmija fl-Artikolu 2 u l-kundizzjonijiet li taħthom il-ħops u l-prodotti tal-ħops huma eżentati mir-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 77(4) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

koni tal-ħops li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1210 10 00 koperti mill-Parti VI tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 meta jinħasdu fl-Unjoni jew jiġu importati minn pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 190 ta’ dak ir-Regolament;

(b)

prodotti tal-ħops li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1210 20 u 1302 13 00 koperti mill-Parti VI tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 imħejjija fl-Unjoni jew importati minn pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 190 ta’ dak ir-Regolament.

Dan ma għandux japplika għall-prodotti tal-ħops isomerizzati.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/601, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“koni tal-ħops” jew “ħops” tfisser l-inflorexxenzi tal-pjanta (femminili) tal-ħops li tixxeblek (Humulus lupulus); dawn l-inflorexxenzi, li jkunu isfar ħadrani u forma ta’ bajda, ikollhom zokk tal-fjura u l-itwal daqs ġeneralment ivarja bejn 2 u 5 cm;

(b)

“ħops mhux ippreparat” tfisser ħops li jkun ġie soġġett biss għal tnixxif u mballaġġ preliminari;

(c)

“ħops ippreparat” tfisser ħops li jkun għadda minn tnixxif u mballaġġ finali;

(d)

“ħops biż-żerriegħa” tfisser ħops ikkummerċjalizzat b’kontenut ta’ żerriegħa li jaqbeż it-2 % tal-piż tiegħu wara t-tnixxif;

(e)

“ħops bla żerriegħa” tfisser ħops ikkummerċjalizzat fis-suq b’kontenut ta’ żerriegħa li ma jaqbiżx it-2 % tal-piż tiegħu wara t-tnixxif;

(f)

“prodott tal-ħops” tfisser prodott derivat mill-koni tal-ħops li jkun għadda minn trasformazzjoni aktar sinifikanti, bħat-trab, il-pellets jew l-estratti tal-ħops;

(g)

“prodott tal-ħops isomerizzat” tfisser prodott tal-ħops li fih l-aċidi alfa jkunu ġew isomerizzati kważi għalkollox;

(h)

“kunsinna” tfisser numru ta’ pakketti tal-ħops bl-istess karatteristiċi murija fl-istess żmien għaċ-ċertifikazzjoni mill-istess produttur individwali jew assoċjat jew mill-istess proċessur;

(i)

“żoni tal-produzzjoni tal-ħops” tfisser iż-żoni jew ir-reġjuni tal-produzzjoni fil-lista mħejjija mill-Istati Membri kkonċernati;

(j)

“issiġillar” tfisser l-għeluq tal-pakkett b’tali mod li l-mezz tal-għeluq issirlu l-ħsara meta jinfetaħ il-pakkett;

(k)

“immarkar” tfisser it-tikkettar u l-identifikazzjoni;

(l)

“ċirkwit operazzjonali magħluq” tfisser proċess għat-tħejjija jew l-ipproċessar tal-ħops b’tali mod li ebda ħops jew prodott ipproċessat ma jkun jista’ jinżied jew jitneħħa matul l-operazzjoni. Iċ-ċirkwit operazzjonali magħluq jibda bil-ftuħ tal-pakkett issiġillat li fih il-ħops jew il-prodotti tal-hops li għandhom jiġu ppreparati jew ipproċessati, u jintemm bl-issiġillar tal-pakkett li fih il-ħops ippreparat jew il-prodott tal-ħops ipproċessat;

(m)

“awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni” tfisser il-korp jew id-dipartiment awtorizzat mill-Istat Membru biex iwettaq iċ-ċertifikazzjoni, u japprova u jikkontrolla ċ-ċentri taċ-ċertifikazzjoni;

(n)

“ċentru taċ-ċertifikazzjoni” tfisser post fejn titwettaq iċ-ċertifikazzjoni;

(o)

“rappreżentanti ta’ awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni” tfisser il-persunal li jew huwa impjegat mill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni, jew impjegat minn parti terza u awtorizzat mill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni li jwettaq id-dmirijiet ta’ ċertifikazzjoni;

(p)

“sorveljanza uffiċjali” tfisser superviżjoni tal-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni mill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni jew ir-rappreżentanti tagħha.

TAQSIMA 2

STANDARDS TAL-KUMMERĊJALIZZAZZJONI

Artikolu 4

Kummerċjalizzazzjoni tal-ħops u tal-prodotti tal-ħops

Il-koni tal-ħops u l-prodotti tal-ħops maħsuda u/jew ippreparati fl-Unjoni jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu għaddew minn proċedura ta’ ċertifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/601 u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 77(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Artikolu 5

Eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ċertifikazzjoni

Ir-rekwiżit ta’ ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 4 ma għandux japplika għal:

(a)

ħops maħsud fuq art proprjetà ta’ birrerija jew imkabbar taħt kuntratt għal birrerija u użat minn dik il-birrerija fl-istat naturali jew ipproċessat;

(b)

prodotti tal-ħops ipproċessat taħt kuntratt f’isem birrerija, bil-kundizzjoni li dawk il-prodotti jintużaw mill-birrerija;

(c)

ħops u prodotti tal-ħops għall-bejgħ lil individwi privati għall-użu proprju tagħhom f’pakketti żgħar ta’ mhux aktar minn 5 kg fil-każ tal-koni, it-trab u l-pellets u mhux aktar minn 1 kg fil-każ ta’ estratti jew prodotti tal-ħops isomerizzat, b’deskrizzjoni tal-prodott u l-piż tiegħu fuq il-pakkett.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet speċjali għall-birreriji

1.   Għall-ħops imkabbar minn birrerija fuq l-art tagħha stess jew imkabbar taħt kuntratt għal birrerija biex jintuża mill-birrerija, il-birrier għandu, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru ta’ kull sena, jibgħat lill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni dikjarazzjoni tal-ħsad tal-varjetajiet imkabbra, il-kwantitajiet maħsuda, il-postijiet tal-produzzjoni u ż-żoni mħawla, flimkien mar-referenzi tar-reġistru katastali jew l-ekwivalenti uffiċjali tagħhom.

2.   Fil-każ tal-ħops ipproċessat taħt kuntratt f’isem birrerija, qabel ma l-ħops jidħol fl-istabbiliment fejn ikun se jiġi pproċessat, il-birrerija għandha tipprovdi lill-proċessur u lill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni b’dokument tal-ipproċessar li jkollu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

numru ta’ referenza uniku li jidentifika l-kuntratt;

(b)

il-birrerija riċevitriċi;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment tal-ipproċessar;

(d)

in-numru ta’ referenza uniku taċ-ċertifikat tal-ħops jew tal-prodotti tal-ħops li għandhom jiġu pproċessati u/jew, fil-każ ta’ ħops importat, l-attestazzjoni tal-ekwivalenza prevista fl-Artikolu 190(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u/jew kopja tad-dikjarazzjoni tal-ħsad tal-ħops li għandu jiġi pproċessat.

3.   L-entrati li ġejjin għandhom jiddaħħlu mill-proċessur fid-dokument tal-ipproċessar wara l-operazzjoni tal-ipproċessar:

(a)

deskrizzjoni tal-prodott ipproċessat;

(b)

il-piż tal-prodott ipproċessat.

4.   Id-dokument tal-ipproċessar imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jingħata numru ta’ referenza uniku, li jrid jidher ukoll fuq l-imballaġġ. L-indikazzjoni addizzjonali li ġejja għandha tiġi inkluża fuq id-dokument u fuq il-pakkett: “ħops/prodotti tal-ħops għall-użu proprju; ma jistax jiġi kkummerċjalizzat”.

Artikolu 7

Qsim tal-kunsinni tal-ħops

1.   F’każ li kunsinna ċċertifikata tal-ħops tinqasam għall-bejgħ, il-prodott għandu jkun akkumpanjat minn fattura jew dokument kummerċjali mfassal mill-bejjiegħ inkluż il-piż tal-parti mibjugħa.

2.   Il-fattura jew id-dokument kummerċjali għandu jkollu wkoll l-informazzjoni li ġejja, meħuda miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4:

(a)

id-deskrizzjoni tal-prodott;

(b)

il-piż gross jew nett tal-kunsinna oriġinali ċċertifikata;

(c)

il-post u ż-żona tal-produzzjoni;

(d)

il-varjetà;

(e)

is-sena tal-ħsad;

(f)

in-numru ta’ referenza uniku taċ-ċertifikat.

Artikolu 8

Taħlit tal-kunsinni tal-ħops u tal-prodotti tal-ħops

1.   Il-prodotti mħallta tas-settur tal-ħops jistgħu jiġu ċċertifikati biss jekk ikunu tħalltu taħt sorveljanza uffiċjali f’ċentri taċ-ċertifikazzjoni.

2.   Meta l-koni tal-ħops jitħalltu biex jintużaw bħala tali jew jiġu ttrasformati fi prodott tal-ħops, kull waħda mill-kunsinni użati għat-taħlita għandha tissodisfa r-rekwiżiti minimi ta’ kwalità stabbiliti fl-Anness I. Il-koni tal-ħops li jkunu se jintużaw bħala tali jistgħu jitħalltu biss ma’ koni tal-ħops mill-istess varjetà, żona tal-produzzjoni u sena tal-ħsad.

3.   Prodotti tal-ħops iċċertifikati ppreparati minn ħops iċċertifikat tal-istess sena tal-ħsad, imma ta’ varjetajiet differenti u/jew minn żoni differenti tal-produzzjoni tal-ħops, jistgħu jitħalltu fil-manifattura tal-prodotti tal-ħops dment li ċ-ċertifikat li jakkumpanja l-prodott jispeċifika:

(a)

il-varjetajiet użati, iż-żoni tal-produzzjoni tal-ħops u s-sena tal-ħsad;

(b)

il-piż perċentwali ta’ kull waħda mill-varjetajiet użati fit-taħlita; jekk ikunu ntużaw prodotti tal-ħops flimkien ma’ koni tal-ħops għall-manifattura ta’ prodotti tal-ħops, jew jekk ikunu ntużaw prodotti differenti tal-ħops, il-perċentwal ta’ kull waħda mill-varjetajiet għandha tkun ibbażata fuq il-piż tal-koni tal-ħops li ntużaw fil-preparazzjoni tal-prodotti tal-input;

(c)

in-numri ta’ referenza taċ-ċertifikati maħruġa għall-ħops u l-prodotti tal-ħops użati.

TAQSIMA 3

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 9

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1850/2006 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għar-Regolament (UE) 2024/601 u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1234/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/601 tal-14 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-ħops u tal-prodotti tal-ħops, u l-kontrolli relatati (ĠU L, 2024/601, 16.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/601/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1850/2006 tal-14 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-ħops u l-prodotti tal-ħops (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1850/oj).


ANNESS I

Rekwiżiti minimi tal-kummerċjalizzazzjoni għall-koni tal-ħops imsemmija fl-Artikolu 8(2)

Karatteristiċi

Deskrizzjoni

Kontenut massimu

(% tal-piż)

Ħops ippreparat

Ħops mhux ippreparat

(a)

Indewwa

Kontenut ta’ ilma

12,0

14,0

(b)

Weraq u zkuk

Frammenti ta’ weraq minn rimjiet tal-friegħi, rimjiet tal-friegħi, pediċelli tal-weraq jew tal-koni; biex jiġu kklassifikati bħala zkuk, il-pediċelli tal-koni jridu jkunu twal tal-anqas 2,5 cm

6,0

6,0

(c)

Skart tal-ħops

Partikoli żgħar li jirriżultaw minn ħsad bil-makkinarju, ta’ lewn li jvarja bejn aħdar skur u iswed, u li ġeneralment ma jkunux ġejjin mill-koni;il-kontenuti massimi indikati jistgħu jinkludu partikoli ta’ varjetajiet ta’ ħops ieħor minbarra dak li jkun irid jiġi ċċertifikat, li jkunu jammontaw sa 2 % tal-piż

3,0

4,0

(d)

Kontenut taż-żerriegħa fil-każ ta’ “ħops bla żerriegħa”

Frott misjur tal-koni

2,0

2,0


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1850/2006

Dan ir-Regolament

Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2896

Artikolu 1(1)

Artikolu 1

-

Artikolu 1(2)

Artikolu 2

-

Artikolu 1(3)

Artikolu 5

-

Artikolu 1(4)

-

Artikolu 5(3)

Artikolu 2

Artikolu 3

-

Artikolu 3(1)

-

Artikolu 6(2)

Artikolu 3(2)

-

Artikolu 6(3)

Artikolu 4(1)

-

Artikolu 2(2)

Artikolu 4(2)

-

Artikolu 7(1)

Artikolu 4(3)

-

Artikolu 7(2)

Artikolu 5

-

Artikolu 7(3)

Artikolu 6(1)

-

Artikolu 2(1) u (6)

Artikolu 6(2)

-

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(3)

-

Artikolu 3(1)

Artikolu 6(4)

-

Artikolu 2(4)

Artikolu 6(5)

-

Artikolu 2(7)

Artikolu 7(1)

Artikolu 8(1)

-

Artikolu 7(2)

Artikolu 8(2)

-

Artikolu 7(3)

Artikolu 8(3)

-

Artikolu 8

Artikolu 7

-

Artikolu 9(1)

 

Artikolu 2(6)

Artikolu 9(2)

 

Artikolu 2(1)

Artikolu 9(3)

 

Artikolu 3(1)

Artikolu 9(4)

 

Artikolu 2(4)

Artikolu 9(5)

 

Artikolu 2(7)

Artikolu 10(1)

 

Artikolu 5(2)

Artikolu 10(2)

-

-

Artikolu 10(3)

 

Artikolu 5(1)

Artikolu 11

 

Artikolu 8

Artikolu 12(1)

 

Artikolu 9(1)

Artikolu 12(2)

 

Artikolu 9(2)

Artikolu 12(3)

 

Artikolu 9(3)

Artikolu 13

 

Artikolu 2(7)

Artikolu 16

 

Artikolu 4

Artikolu 17

 

Artikolu 3(2)

Artikolu 18

 

Artikolu 3(3)

Artikolu 19

 

Artikolu 2(6)

Artikolu 20(1)

Artikolu 6(1)

 

Artikolu 20(2)

Artikolu 6(2), (3) u (4)

 

Artikolu 21

 

Artikolu 10

Artikolu 22(1)

 

Artikolu 11

Artikolu 22(2)

 

Artikolu 12

Artikolu 23

 

Artikolu 14

Artikolu 24

 

Artikolu 15

Artikolu 25

Artikolu 9

 

Artikolu 26

Artikolu 10

Artikolu 16

Anness I

Anness I

 

Anness II

 

Anness IV

Anness III

 

Anness I

Anness IV

 

Artikolu 5(3)

Anness V

 

Anness III

Anness VI

 

Anness II

Anness VII

Anness II

 


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/602/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)