European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/567

15.2.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/567

tal-14 ta’ Frar 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 fir-rigward tal-użu tal-prova diġitali tal-oriġini għall-prodotti li joriġinaw mill-Brażil u tal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness XII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/761 (2) jistabbilixxi li l-importazzjonijiet tal-tjur mill-Brażil skont il-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4211, 09.4214, 09.4217, 09.4251, 09.4252, 09.4253, 09.4410 u 09.4420 iridu jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tal-oriġini maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti Brażiljani. Dak iċ-ċertifikat tal-oriġini jrid jikkonforma mal-Artikoli 57, 58 u 59 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3). Skont l-Artikolu 57(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, iċ-ċertifikat irid jinħareġ f’format stampat kif stabbilit fl-Anness 22-14 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(2)

Mill-1 ta’ Marzu 2023, il-Brażil ħareġ dawk iċ-ċertifikati tal-oriġini f’format diġitali, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa stabbilit fl-Anness 22-14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447. Sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn fil-kummerċ, jixraq li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 57(1) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni li tippermetti l-użu taċ-ċertifikati tal-oriġini maħruġa f’format diġitali.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-prova tal-oriġini tibqa’ awtentika, jenħtieġ li jiġi previst mudell għaċ-ċertifikat diġitali fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761. Kwalunkwe proċessar tad-data personali mwettaq fil-qafas ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-ipproċessar tad-data huwa stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 bl-objettiv uniku li jaqdi l-interess pubbliku ġenerali, jiġifieri l-kwistjonijiet tat-tassazzjoni u l-finijiet li jiġi żgurat kummerċ bla xkiel u sikur tal-prodotti agrikoli akkumpanjati minn dokumenti maħruġa f’format diġitali.

(4)

Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti akkumpanjati minn dawk iċ-ċertifikati diġitali jenħtieġ li jissokta jiġi rregolat mir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 57, 58 u 59 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

(5)

L-Artikolu 16(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 jirrikjedi li l-Istati Membri jinnotifikaw kull xahar il-kwantitajiet koperti minn liċenzji tal-importazzjoni abbażi tad-dokumenti maħruġa minn pajjiż terz. Madankollu, din in-notifika ma għadhiex meħtieġa għall-ġestjoni korretta ta’ dan it-tip ta’ kwoti tariffarji. Dan għaliex, skont l-Artikolu 17(6), qabel ma tinħareġ il-liċenzja bbażata fuq id-dokumenti maħruġa minn pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bin-numru tal-liċenzja u l-kwantità li tkopri. Għalhekk, biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ din in-notifika u jitnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri, jenħtieġ li jitħassar l-Artikolu 16(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(6)

L-Artikolu 16(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 jistabbilixxi r-regoli għan-notifika tal-kwantitajiet kemm użati kif ukoll mhux użati skont il-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni. Il-formulazzjoni attwali ma tiċċarax li n-notifiki li jikkonċernaw il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jiġu ppreżentati 4 xhur wara l-iskadenza tal-validità tal-liċenzji, filwaqt li dawk li jirreferu għal-liċenzji tal-esportazzjoni għandhom jiġu ppreżentati 210 ijiem kalendarji wara l-iskadenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li n-notifiki tal-kwantitajiet mhux użati mhumiex meħtieġa għal-liċenzji abbażi ta’ dokumenti maħruġa minn pajjiżi terzi. Għalhekk, jenħtieġ li dik id-dispożizzjoni tiġi emendata.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 15a

B’deroga mill-Artikolu 57(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, meta l-Annessi II sa XIII ta’ dan ir-Regolament jirreferu għal dan l-Artikolu, għandu jinħareġ ċertifikat tal-oriġini relatat mal’prodotti li għandhom l-oriġini tagħhom f’pajjiż terz li għalih huma stabbiliti arranġamenti speċjali ta’ importazzjoni mhux preferenzjali, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness XVII ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fih.”;

(2)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, jitħassar il-punt (c);

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-kwantitajiet mhux użati koperti minn liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fi żmien 4 xhur jew 210 ijiem kalendarji rispettivament, wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ validità tal-liċenzji kkonċernati.

Għal-liċenzji tal-importazzjoni, il-kwantitajiet rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera matul il-perjodu preċedenti tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni għandhom jiġu nnotifikati, fi żmien 4 xhur wara tmiem il-perjodu tal-kwota tariffarja.

Il-kwantitajiet mhux użati koperti minn liċenzji tal-importazzjoni abbażi tad-dokumenti maħruġa minn pajjiżi terzi ma għandhomx jiġu nnotifikati.”

;

(3)

l-Anness XII huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(4)

it-test stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness XVII.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj?locale=mt.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/761 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwoti tariffarji bil-liċenzji (ĠU L 185, 12.6.2020, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/761/oj?local=mt).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj?local=mt).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj?local=mt).


ANNESS I

Fl-Anness XII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761, fit-tabelli li jirreferu għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4211, 09.4214, 09.4217, 09.4251, 09.4252, 09.4253, 09.4410 u 09.4420, ir-ringiela “Prova tal-oriġini għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera” hija sostitwita b’dan li ġej:

Prova tal-oriġini għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera

Iva. F’konformità mal-Artikoli 57, 58 u 59 tar-Regolament (UE) 2015/2447 u mal-Artikolu 15a ta’ dan ir-Regolament.”


ANNESS II

“ANNESS XVII

Mudell ta’ Ċertifikat diġitali tal-oriġini għal ċerti prodotti soġġetti għall-arranġamenti speċjali ta’ importazzjoni mhux preferenzjali msemmija fl-Artikolu 15a

Noti ta’ introduzzjoni:

1.

Il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikati tal-oriġini marbuta mal-prodotti li għandhom l-oriġini tagħhom f’pajjiż terz li għalihom huma stabbiliti arranġamenti speċjali ta’ importazzjoni mhux preferenzjali għandu jkun ta’ 12-il xahar mid-data tal-ħruġ mill-awtoritajiet tal-ħruġ.

2.

L-Awtoritajiet doganali għandhom iqabblu d-dokument ippreżentat mill-operaturi ma’ dak korrispondenti disponibbli fil-bażi tad-data online pprovduta mill-awtorità tal-ħruġ tal-pajjiż terz rilevanti. L-awtoritajiet doganali fl-Unjoni għandhom jaċċettaw bħala validu biss id-dokument disponibbli fil-bażi tad-data tal-pajjiż terz.

3.

Il-formola għandha timtela b’ittri ttajpjati f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. L-entrati fid-dokument stampat u ppreżentat lill-awtoritajiet doganali ma għandhomx jitħassru jew jiġu miktuba mill-ġdid.

4.

Id-dokumenti għandu jkollhom numru tas-serje li bih ikunu jistgħu jiġu identifikati, kif ukoll id-data li ġejja:

(a)

fil-kaxxi 1 u 2, id-data li tidentifika l-konsenjatur tal-pajjiż terz u d-destinatarju bbażat fl-Unjoni, rispettivament;

(b)

fil-kaxxa 3, id-data li tidentifika l-awtorità tal-pajjiż terz li joħroġ id-dokument u s-simbolu tagħha;

(c)

fil-kaxxa 4, il-pajjiż tal-oriġini;

(d)

fil-kaxxa 5:

(i)

in-numru tas-serje tal-liċenzja tal-importazzjoni maħruġa minn kwalunkwe Stat Membru li għalih jirreferi d-dokument;

(ii)

id-dettalji addizzjonali kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-arranġamenti speċjali tal-importazzjoni;

(iii)

jekk maħruġa retrospettivament biss, l-indikazzjoni li ġejja f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni:

Expedido a posteriori,

Udstedt efterfølgende,

Nachträglich ausgestellt,

Εκδοθέν εκ των υστέρων,

Issued retrospectively,

Délivré a posteriori,

Rilasciato a posteriori,

Afgegeven a posteriori,

Emitido a posteriori,

Annettu jälkikäteen/utfärdat i efterhand,

Utfärdat i efterhand,

Vystaveno dodatečně,

Välja antud tagasiulatuvalt,

Izsniegts retrospektīvi,

Retrospektyvusis išdavimas,

Kiadva visszamenőleges hatállyal,

Maħruġ retrospettivament,

Wystawione retrospektywnie,

Vyhotovené dodatočne,

Издаден впоследствие,

Eliberat ulterior,

Izdano naknadno;

(e)

fil-kaxxa 6, in-numru tas-serje tal-konsenja li fiha tasal il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni, flimkien man-numri tal-oġġett u tal-immarkar, l-għadd u t-tip tal-pakketti, u d-deskrizzjoni tal-merkanzija;

(f)

fil-kaxxa 7, il-kwantità f’kilogrammi tal-prodotti li għandhom jiġu rilaxxati fiċ-ċirkolazzjoni libera, kemm il-massa netta kif ukoll dik grossa;

(g)

fil-kaxxa 8, il-firma awtentika tal-uffiċjal u s-siġill awtentiku tal-awtorità tal-ħruġ tal-pajjiż terz, ekwivalenti mill-inqas għall-firem elettroniċi avvanzati stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Alternattivament, is-siġill jista’ jiġi sostitwit b’kodiċi QR li jorbot mal-bażi tad-data fejn ikun maħżun id-dokument oriġinali f’format diġitali;

(h)

il-kaxxa 9 ma għandhiex timtela;

(i)

jew f’qiegħ il-paġna, fil-kaxxa 5 jew fil-kaxxa 8 l-indirizz web fejn l-Awtoritajiet doganali jistgħu jsibu d-dokument oriġinali f’format diġitali għandu jkun indikat b’mod ċar.

5.

Kull ċertifikat għandu jkollu numru tas-serje, li permezz tiegħu jista’ jkun identifikat, u għandu jkun stampat mill-awtorità tal-ħruġ u ffirmat mill-persuna jew mill-persuni li għandhom l-awtorità li jagħmlu dan.

1

Konsenjatur

Numru tad-dokument

2

Destinatarju

3

Awtorità tal-ħruġ

4

Pajjiż tal-oriġini

5

Rimarki

6

Numru tal-oġġett – Marki u numri – Għadd u tip ta’ pakkett – DESKRIZZJONI TAL-MERKANZIJA

7

Massa grossa u l-massa netta (f’kg)

8

DAN JIĊĊERTIFIKA LI L-PRODOTTI HAWN FUQ JORIĠINAW FIL-PAJJIŻ IMSEMMI FIL-KAXXA 4 U LI L-INDIKAZZJONIJIET FIL-KAXXI 5 U 6 HUMA KORRETTI (*1)

9

IRRIŻERVATA GĦALL-AWTORITAJIET DOGANALI FL-UNJONI EWROPEA

”.

(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj?locale=mt).

(*1)  Biex tivverifika l-awtentiċità ta’ dan id-dokument tista’ tiskenja l-kodiċi QR jew taċċessa l-link li ġejja:


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/567/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)