European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/539

19.2.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/539

tas-6 ta’ Frar 2024

dwar il-promozzjoni regolatorja tal-konnettività tal-gigabits

(notifikata bid-dokument C(2024) 523)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-disponibbiltà tal-konnettività tal-gigabits hi wieħed mill-elementi kostitwenti essenzjali tat-tranżizzjoni diġitali, u għalhekk tinsab fuq quddiem nett tal-viżjoni diġitali tal-Unjoni għall-2030, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali (1) u fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Minbarra t-tliet objettivi ġenerali l-oħra tal-promozzjoni tal-kompetizzjoni, tas-suq intern u tal-interessi tal-utenti finali, id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha l-għan li tippromwovi l-konnettività, u l-aċċess għan-networks b’kapaċità għolja ħafna (VHCN) (4) kif ukoll l-adozzjoni tagħhom, għall-ġid tan-nies u tan-negozji kollha tal-Unjoni. Dawn in-networks VHCN jinkludu n-networks fissi, mobbli u bla fili. L-inċentivi xierqa għall-investiment f’networks VHCN ġodda, li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi, jenħtieġ li jsaħħu l-kompetittività internazzjonali tal-Unjoni, filwaqt li jipprovdu benefiċċji lill-konsumaturi u n-negozji tagħha. Għalhekk hu kruċjali li jiġi promoss l-investiment sostenibbli fl-iżvilupp tan-networks VHCN, permezz ta’ qafas regolatorju prevedibbli u mfassal kif xieraq.

(3)

Fl-aħħar snin, ħafna swieq tal-komunikazzjoni elettronika kellhom kompetizzjoni qawwija. B’hekk seta’ jkompli jitnaqqas il-livell ta’ intervent ex ante (5), kif rifless fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2245 (6). Din ir-Rakkomandazzjoni tikkumplimenta sorsi oħra ta’ gwida (7) dwar id-Direttiva (UE) 2018/1972 u għandha l-għan li tippromwovi s-suq intern tal-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Għandha l-għan li tikseb dan b’approċċi regolatorji konsistenti li jiffavorixxu l-investiment fin-networks VHCN, filwaqt li jżommu u jiżguraw kompetizzjoni effettiva. Il-konsistenza bejn l-approċċi regolatorji mħaddma mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) tad-diversi Stati Membri għandha importanza fundamentali kemm biex jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq intern u anki biex tinħoloq ċertezza legali għall-impriżi kollha, b’mod partikolari għal dawk li jinvestu fl-introduzzjoni tan-networks. Għalhekk huwa xieraq li l-NRAs jingħataw gwida, bl-għan li: (i) tiġi evitata kull diverġenza mhux xierqa fl-approċċi regolatorji; (ii) tiġi mħeġġa regolamentazzjoni ffukata fuq il-konġestjonijiet; u (iii) l-attenwazzjoni jew it-tneħħija għalkollox tal-obbligi regolatorji meta dan ikun iġġustifikat mill-iżviluppi tas-suq. Jenħtieġ li dawn it-tliet għanijiet jintlaħqu, filwaqt li l-NRAs ikunu jistgħu jqisu kif xieraq iċ-ċirkostanzi nazzjonali meta jfasslu r-rimedji xierqa f’dawk iċ-ċirkostanzi li jkun għadhom jeħtieġu regolamentazzjoni bħal din.

(4)

Hu essenzjali li tinħoloq il-prevedibbiltà regolatorja biex jiġu promossi investimenti u innovazzjoni effiċjenti fin-networks VHCN. Hu kruċjali li matul is-snin jitħaddem approċċ regolatorju konsistenti u stabbli ħalli l-investituri jiksbu l-kunfidenza meħtieġa biex ifasslu pjanijiet tan-negozju sostenibbli. Biex jipprovdu l-prevedibbiltà meħtieġa fit-tul (jiġifieri lil hinn mill-ħajja ta’ rieżami individwali tas-suq), l-NRAs jenħtieġ li jiċċaraw kemm jista’ jkun, meta jimponu rimedji regolatorji skont id-Direttiva (UE) 2018/1972, kif il-bidliet prevedibbli fiċ-ċirkostanzi tas-suq jaf jaffettwaw ir-rimedji rilevanti.

(5)

F’konformità mal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet regolatorji meħtieġa biex:

(a)

jippromwovu l-konnettività u l-aċċess għal networks b’kapaċità għolja ħafna (“VHCN”), u l-adozzjoni tagħhom;

(b)

jippromwovu l-kompetizzjoni effettiva;

(c)

jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

(d)

jippromwovu l-interessi tan-nies fl-Unjoni.

(e)

Din għandha l-għan ukoll li żżid iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà regolatorja fid-dawl tal-orizzonti fit-tul għall-investiment fin-networks VHCN.

(6)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li jkopri l-obbligi regolatorji li jridu jiġu imposti fuq l-operaturi meqjusa li għandhom saħħa sinifikanti fis-suq (SMP) abbażi ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq imwettqa skont l-Artikoli 64 u 67 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Minħabba l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, f’dan l-istadju r-regolamentazzjoni ex ante jenħtieġ li tiffoka biss fuq il-konġestjonijiet pendenti tal-kompetizzjoni. Kif tirrimarka r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/2245, hemm żewġ swieq li qed jitqiesu suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante fil-livell tal-Unjoni: is-suq tal-aċċess lokali bl-ingrossa pprovdut f’post fiss (is-suq 1) u s-suq tal-kapaċità ddedikata bl-ingrossa (is-suq 2). Din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tiffoka primarjament fuq is-suq tal-aċċess lokali bl-ingrossa pprovdut f’post fiss (is-suq 1 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/2245). Fil-prinċipju, jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni ma tapplikax għas-suq tal-kapaċità ddedikata bl-ingrossa (is-suq 2 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/2245) minħabba: (i) il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti mitluba minn negozji kbar u/jew teknoloġikament avvanzati; u (ii) l-eteroġeneità u l-ispeċifiċità tal-prodotti bl-imnut u bl-ingrossa, u l-proċessi assoċjati, f’dak is-suq. Iżda l-gwida pprovduta f’din ir-Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili jenħtieġ li tkun applikabbli, irrispettivament minn jekk dak l-aċċess ikunx impost fil-kuntest ta’: (i) regolamentazzjoni tas-suq tal-aċċess lokali bl-ingrossa pprovdut f’post fiss (is-suq 1); (ii) regolamentazzjoni ta’ xi suq ieħor, inkluż is-suq tal-kapaċità ddedikata bl-ingrossa (is-suq 2); jew (iii) regolamentazzjoni ta’ suq upstream separat tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili meta dak is-suq ikun ġie identifikat u meqjus suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante. Barra minn hekk, il-miżuri adottati mill-NRAs, b’mod partikolari fir-rigward tal-migrazzjoni għan-networks VHCN u tad-diżattivazzjoni tan-networks storiċi, jaf iħallu impatt fuq is-suq 2. Meta jitħalla impatt bħal dan, jenħtieġ li dan jitqies kif xieraq mill-NRAs. Fl-aħħar, jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tapplika wkoll għal swieq tal-aċċess fiss bl-ingrossa oħrajn mhux imsemmija fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/2245 li għalihom, biex tkun tista’ tirregola ex ante, l-NRA jeħtieġ li tagħti prova li t-tliet kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 huma ssodisfati. Dan jista’ jkun ta’ rilevanza partikolari għas-swieq bl-ingrossa li jinkludu wkoll jew li huma limitati għal aċċess ċentrali pprovdut f’post fiss (is-suq 3(b) elenkat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/710/UE (8)), fejn tali swieq għadhom regolati.

(7)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tirreferi għal diversi sitwazzjonijiet fejn soluzzjonijiet immotivati mis-suq, ta’ awtoregolamentazzjoni jew ta’ koregolamentazzjoni jkollhom impatt fuq il-ħtieġa li jitwettaq l-intervent regolatorju jew fuq it-tfassil tal-obbligi regolatorji. Kull sitwazzjoni pprovduta mid-Direttiva (UE) 2018/1972 hija individwali fl-iskopijiet tagħha, fil-valutazzjoni mill-NRAs u fl-eżitu regolatorju potenzjali tagħha. Pereżempju, fil-każ ta’ impenji ta’ koinvestiment f’networks VHCN ġodda offruti mill-operatur SMP f’konformità mal-Artikoli 76 u 79 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 u f’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, fil-prinċipju, l-NRAs ma jistgħu jimponu l-ebda obbligu (addizzjonali) fir-rigward tan-networks VHCN il-ġodda, jekk koinvestitur potenzjali wieħed ikun daħal fi ftehim ta’ koinvestiment mal-operatur SMP. Fil-prinċipju, għall-impenji għall-arranġamenti kooperattivi offruti mill-operatur SMP skont l-Artikolu 79 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-NRAs jenħtieġ li jwettqu test tas-suq fuqhom, li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jwassal biex l-NRAs inaqqsu l-piż regolatorju fuq l-operatur SMP.

(8)

Il-ftehimiet kummerċjali (inkluż il-ftehimiet dwar l-aċċess bl-ingrossa, il-ftehimiet tal-koinvestiment u l-ftehimiet tal-aċċess reċiproku bejn l-operaturi, u inkluż dawk li l-operatur SMP ma huwiex parti minnhom), meta xieraq, jenħtieġ li jitqiesu mill-NRAs waqt li jkunu qed jivvalutaw id-dinamika kompetittiva ta’ suq bl-ingrossa partikolari. Dawn il-ftehimiet jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li suq bl-ingrossa partikolari ma għadux jiġġustifika regolamentazzjoni ex ante jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Bħala prinċipju ġenerali, l-NRAs jenħtieġ li jqisu kif xieraq dawk l-inizjattivi tas-suq bħall-ftehimiet kummerċjali u l-mudelli tan-negozju li jikkontribwixxu għall-introduzzjoni tan-networks VHCN, lil hinn minn dak li jseħħ fin-nuqqas tagħhom, filwaqt li jippermettu kompetizzjoni sostenibbli fis-swieq downstream.

(9)

Hekk kif tissokta l-introduzzjoni ta’ networks alternattivi, b’mod partikolari fil-livell lokali jew reġjonali, il-kundizzjonijiet kompetittivi se jvarjaw dejjem aktar bejn iż-żoni differenti tal-istess Stat Membru (pereżempju bejn iż-żoni urbani u rurali). L-NRAs jenħtieġ li jqisu d-differenzi ġeografiċi fil-kundizzjonijiet kompetittivi anki fil-livell tad-definizzjonijiet tas-suq.

(10)

Meta jkunu ġew identifikati swieq ġeografiċi separati, l-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li r-regolamentazzjoni tiġi rtirata fis-swieq ġeografiċi li jkunu effettivament kompetittivi mingħajr regolamentazzjoni. Iżda jekk dawk id-differenzi ma jkunux stabbli biżżejjed jew ma jkunux biżżejjed biex jiġi ddeterminat jekk hemmx swieq ġeografiċi separati, l-NRAs jenħtieġ li japplikaw rimedji ġeografikament segmentati jekk ikunu meħtieġa biex isolvu, b’mod proporzjonat, il-problemi tal-kompetizzjoni identifikati fid-diversi żoni definiti. Is-segmentazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, b’natura simili għal dawk użati fis-segmentazzjoni ġeografika tas-suq. Dawk il-kriterji oġġettivi jenħtieġ li jinkludu: (i) l-għadd u l-karatteristiċi tan-netwerks kompetituri; (ii) id-distribuzzjoni tal-ishma tas-suq, u x-xejriet fihom; (iii) il-prezzijiet; u (iv) il-mudelli tal-imġiba. L-istħarriġiet ġeografiċi mwettqa skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 aktarx ikunu rilevanti biex jgħinu lill-NRAs iwettqu dan il-kompitu.

(11)

L-NRAs jenħtieġ li jaġġornaw il-lista taż-żoni soġġetti għal rimedji ġeografikament segmentati abbażi tal-kriterji stabbiliti b’mod dettaljat fir-rieżami tas-suq. Il-parametri ta’ dawk l-aġġornamenti (il-perjodiċità tagħhom, in-natura tar-rimedji differenti applikati fiż-żoni differenti u, meta xieraq, perjodu tal-avviż) jenħtieġ li jitfasslu mill-bidu. Dak se jgħin biex jinżamm il-bilanċ bejn l-adattament tar-rimedji għaċ-ċirkostanzi kompetittivi speċifiċi u l-prevedibbiltà u t-trasparenza meħtieġa għall-partijiet ikkonċernati kollha.

APPLIKAZZJONI TA’ OBBLIGU TAN-NONDISKRIMINAZZJONI

(12)

L-obbligu tan-nondiskriminazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 70 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, hu wieħed mir-rimedji ewlenin li jistgħu jiġu imposti fuq l-operaturi SMP biex jippromwovu kompetizzjoni effettiva f’suq rilevanti. Dak l-obbligu jservi wkoll bħala mekkaniżmu ta’ salvagwardja meta jkun għad hemm operatur SMP iżda l-kompetizzjoni tkun qed tiżviluppa sa punt li l-flessibbiltà fl-ipprezzar tiġi applikata mill-NRA.

(13)

L-esperjenza tal-NRAs fl-impożizzjoni tal-obbligi tan-nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) preċedenti u, bħalissa, skont l-Artikolu 70 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, tindika li l-approċċi regolatorji għadhom varji madwar l-Unjoni. Madankollu, hemm qbil ġenerali li l-obbligu tan-nondiskriminazzjoni hu għodda essenzjali ta’ regolamentazzjoni ex ante biex titrawwem il-kompetizzjoni fil-preżenza ta’ operatur SMP integrat vertikalment. Min-naħa l-oħra, meta l-operatur SMP ikun operatur bl-ingrossa biss li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, fil-prinċipju, ma jkollu l-ebda inċentiv li jiddiskrimina bejn il-fornituri downstream. Għaldaqstant, fil-prinċipju l-NRAs jenħtieġ li jevitaw li jimponu obbligi tan-nondiskriminazzjoni fuq operaturi bl-ingrossa biss, sakemm l-NRAs ma jkunux jistgħu jistabbilixxu li hemm ċirkostanzi speċifiċi li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ dawk l-obbligi.

(14)

Il-vantaġġi tal-ekwivalenza tal-input (EoI) fuq l-ekwivalenza tal-output (EoO) jaf ivarjaw ġmielu minn prodott tal-aċċess bl-ingrossa għall-ieħor. Meta l-NRA issib li l-EoI ma tkunx proporzjonata għal prodott jew proċess partikolari, reġim tal-EoO imfassal tajjeb, b’monitoraġġ xieraq u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs)/ftehimiet dwar il-livell tas-servizz (SLAs)/garanziji fil-livell ta’ servizz (GLS) adattati, f’ħafna każijiet jista’ jkun biżżejjed u jgħin għall-iżvilupp ulterjuri tal-kompetizzjoni. Kemm għall-EoO kif ukoll għall-EoI, l-effettività tal-obbligu tan-nondiskriminazzjoni tiddependi ħafna fuq il-kwalità tal-offerta ta’ referenza; il-grad sa fejn il-KPIs, l-SLAs u l-GLS huma komprensivi, effettivi, u jirriflettu l-ħtiġijiet reali ta’ operaturi alternattivi; u l-effettività tal-monitoraġġ u l-infurzar tal-obbligi tan-nondiskriminazzjoni min-naħa tal-NRA.

(15)

L-NRAs jenħtieġ li jqisu kif xieraq l-impenji tal-operatur(i) SMP offruti skont l-Artikolu 79 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 bl-għan li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-obbligu tan-nondiskriminazzjoni. L-NRAs jenħtieġ li jivvalutaw il-kostijiet u l-benefiċċji tal-impożizzjoni tal-forniment ta’ inputs regolati min-naħa tal-operatur abbażi tal-EoI, meta mqabbla ma’ forom oħra ta’ obbligi tan-nondiskriminazzjoni, b’mod partikolari l-EoO. Filwaqt li l-għoti ta’ EoI regolata aktarx tikkawża kostijiet akbar tal-konformità minn forom oħra ta’ nondiskriminazzjoni, l-analiżi tal-kostbenefiċċji jenħtieġ li tqis ukoll il-kostijiet tal-monitoraġġ fit-tul tal-NRAs. Dawk il-kostijiet tal-monitoraġġ fit-tul jistgħu jkunu aktar għall-EoO u xi drabi fuq medda ta’ żmien jisbqu l-kostijiet tal-implimentazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li ssir valutazzjoni tal-proporzjonalità każ b’każ tal-EoI meta mqabbla mal-EoO. Fil-prattika, l-NRAs jeħtieġ iqisu għadd ta’ fatturi meta jkunu qed jiddeterminaw jekk l-obbligu tal-EoI hux probabbli li jiġi implimentat b’mod effettiv, għax jiddependi fuq il-prodotti bl-ingrossa inkwistjoni. Dawk il-fatturi jinkludu: (i) analiżi kwantitattiva tal-kostijiet u l-benefiċċji, inkluż il-kostijiet tal-implimentazzjoni għall-operatur SMP u għall-persuna li tkun qed tfittex l-aċċess; u (ii) stima kwalitattiva tal-ħtieġa li tkun żgurata nondiskriminazzjoni “aktar stretta” għall-prodotti tal-aċċess bl-ingrossa inkwistjoni. B’mod partikolari, l-NRAs jistgħu jikkunsidraw li l-forniment ta’ inputs bl-ingrossa fuq sistemi ġodda abbażi ta’ EoI hu aktar probabbli li joħloq benefiċċji netti biżżejjed, u b’hekk ikun proporzjonat, minħabba l-kostijiet inkrementali tal-konformità komparattivament aktar baxxi biex ikun żgurat li s-sistemi mibnija ġodda jkunu konformi mal-EoI. Min-naħa l-oħra, l-NRAs jenħtieġ li jqisu wkoll jekk l-obbligi humiex proporzjonati għall-impriżi affettwati, pereżempju billi jqisu l-kostijiet tal-implimentazzjoni u jevalwaw id-diżinċentivi possibbli għall-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda, meta mqabbel ma’ aġġornamenti aktar inkrementali, meta l-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda tkun soġġetta għal obbligi regolatorji aktar restrittivi. Fl-Istati Membri b’ħafna impriżi fi skala żgħira, meqjusa SMP, l-impożizzjoni tal-EoI fuq kull waħda minn dawk l-impriżi tista’ tkun sproporzjonata. B’mod ġenerali, hu preżunt li prodott bl-ingrossa jinbena b’diversi inputs (bħal assi, proċessi tal-IT, eċċ.). Fil-prattika, il-konfini bejn EoI u EoO fil-livell tal-prodott mhux se jkun ċar, u l-EoI aktarx ma tiġix implimentata fl-inputs kollha tal-prodotti bl-ingrossa.

(16)

Meta jimponu obbligu tan-nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 70 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, u biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tiegħu, l-NRAs jenħtieġ li jeżiġu li l-operatur SMP jimplimenta: (i) il-KPIs; (ii) l-SLAs korrispondenti flimkien mal-KPIs; u (iii) il-GLS korrispondenti, jekk jinkisru l-SLAs. Jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu biex jiġu aġġornati l-KPIs, l-SLAs u l-GLS kull meta jkun meħtieġ. Meta jkun meħtieġ, l-NRAs jenħtieġ li jitolbu lill-operatur SMP jinkludi l-KPIs, l-SLAs u l-SLGs fl-offerta ta’ referenza.

(17)

Il-KPIs jaqdu rwol ewlieni biex ikun żgurat monitoraġġ effettiv tan-nondiskriminazzjoni. Il-proċess tal-monitoraġġ tal-KPIs jenħtieġ li jkun trasparenti għalkollox. L-NRAs jenħtieġ li jippubblikaw kull rapport jew deċiżjoni biex jirrimedjaw in-nonkonformità. Tabilħaqq, kważi l-NRAs kollha jeżiġu li l-KPIs ikunu disponibbli għall-operaturi awtorizzati kollha (sistematikament jew meta jintalab). Anki l-valuri aggregati jistgħu jsiru disponibbli u l-operaturi jistgħu jqabblu l-KPIs mal-medja tal-industrija (10). Barra minn hekk, il-penali relatati mal-KPIs jenħtieġ li jkunu proporzjonali, iżda jenħtieġ li jkunu kbar biżżejjed biex ikunu dissważivi. Fil-valutazzjoni ta’ jekk il-livell tal-penali bl-ingrossa hux dissważiv biżżejjed, l-NRA jenħtieġ li żżomm f’moħħha li ksur tal-obbligi bl-ingrossa min-naħa tal-operatur SMP jista’ jkollu l-effett sekondarju li l-operatur alternattiv li juża l-prodott tal-aċċess bl-ingrossa jkun soġġett għal kumpens għad-danni imposti mill-istess NRA għal problemi fil-livell bl-imnut. Għalhekk, il-penali bl-ingrossa jenħtieġ li tkun kbira biżżejjed biex tkopri l-indennizz fil-livell bl-imnut.

AĊĊESS GĦALL-INFRASTRUTTURA TAL-INĠINERIJA ĊIVILI

(18)

Aċċess effettiv għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili hu importanti ferm biex jiġu introdotti n-networks VHCN. Minbarra r-regolamentazzjoni simetrika jew asimetrika imposta skont id-Direttiva (UE) 2018/1972, il-fornituri tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jaf ikollhom bżonn aċċess, b’termini ġusti u raġonevoli, għall-infrastruttura fiżika eżistenti tal-operaturi tan-networks, inkluż dawk li joperaw f’setturi li mhumiex is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Skont l-Artikolu 67(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta jwettqu l-analiżijiet tas-suq, l-NRAs għandhom iqisu l-impatt ta’ tipi rilevanti oħra ta’ regolamentazzjoni jew miżuri imposti, kif ukoll ta’ obbligi oħra li jirriżultaw, pereżempju, mid-Direttiva 2014/61/UE, u l-NRAs għandhom jivvalutaw l-eżiti ta’ dawk il-miżuri fis-swieq rilevanti. Madankollu, meta l-operatur b’SMP jikkontrolla infrastruttura tal-inġinerija ċivili żviluppata sew li tkun riużabbli biex jiġu introdotti networks VHCN u li għaliha ma tkun teżisti l-ebda alternattiva ekwivalenti, l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/61/UE ġeneralment ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw kif xieraq il-problemi tal-kompetizzjoni identifikati fl-analiżi tas-suq.

(19)

Kull meta assi jkun soġġett għal obbligu tal-aċċess minħabba r-regolamentazzjoni ta’ SMP skont id-Direttiva (UE) 2018/1972, dak jenħtieġ li jipprevali fuq kull obbligu tal-aċċess li jirriżulta mid-Direttiva 2014/61/UE. Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tippermetti regolamentazzjoni aktar stretta u dettaljata tal-aċċess, li tissostitwixxi l-obbligi tal-aċċess imsejsa fuq leġiżlazzjoni oħra aktar ġenerali. Għalhekk, l-obbligu dwar l-aċċess regolatorju għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili ta’ operatur b’SMP jieħu preċedenza fuq ir-rekwiżiti tal-aċċess li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/61/UE.

(20)

F’konformità mal-Artikolu 73(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, qabel ma jimponu xi obbligu tal-aċċess fuq in-networks, l-NRAs għandhom jivvalutaw jekk l-impożizzjoni tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili weħidha tkunx proporzjonata biex tippromwovi l-kompetizzjoni u l-interessi tal-utenti finali. Dan aktarx ikun il-każ meta l-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili kkontrollata mill-operatur SMP jippermetti l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura minn tarf sa tarf. Barra minn hekk, f’ċerti kundizzjonijiet tas-suq (12), l-NRAs jistgħu jiddeċiedu dwar suq separat għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili.

(21)

F’xi Stati Membri, l-aċċess regolat għall-pajpijiet kellu rwol ewlieni fl-introduzzjoni tan-networks VHCN. Peress li l-introduzzjoni tan-networks VHCN issir l-ewwel fiż-żoni urbani u gradwalment tersaq lejn iż-żoni aktar rurali, l-aċċess regolat għall-arbli se jżid il-ħtieġa li jiġu introdotti networks VHCN, speċjalment barra miż-żoni urbani. Barra minn hekk, l-Artikolu 72 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jippermetti aċċess estensiv għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, li jmur lil hinn mill-assi li jikkorrispondu strettament għas-suq tal-prodotti downstream.

(22)

Biex jinħoloq ambjent ekwu fost il-parteċipanti l-oħra fis-suq u l-operatur SMP, hu importanti li l-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP jingħata fuq bażi strettament ekwivalenti. L-offerti ta’ referenza, il-KPIs, l-SLAs u l-SLGs huma kruċjali biex tkun żgurata applikazzjoni korretta tal-prinċipju tal-ekwivalenza. Min-naħa l-oħra, hu importanti li kull għarfien asimetriku li jkollu l-operatur SMP dwar il-pjanijiet tal-introduzzjoni tal-partijiet terzi li jkunu qed ifittxu aċċess, ma jintużax mill-operatur SMP biex jikseb vantaġġ kummerċjali mhux ġustifikat.

(23)

Biex jgħinu sabiex jintlaħqu l-miri tal-konnettività stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP jenħtieġ li jippermetti lil dawk kollha li jkunu qed ifittxu l-aċċess li jintroduċu networks VHCN biex jintroduċu dawk in-networks fuq skala kbira fit-territorju kollu. Għal dik ir-raġuni, l-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-operatur SMP jipprovdi formoli stabbiliti minn qabel għat-talbiet tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tiegħu. L-operatur SMP jenħtieġ li jipprovdi wkoll dokumenti u informazzjoni b’format standard u jenħtieġ li juża għodod awtomatizzati biex jittratta t-talbiet għall-aċċess. Bl-istess mod, l-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-operatur SMP: (i) japprova t-talbiet għall-aċċess għal diversi postijiet fl-istess ħin; (ii) iwieġeb dawn it-talbiet fi żmien qasir; u (iii) jippermetti l-iskambju sħiħ tad-data meħtieġa mal-persuni li jfittxu aċċess permezz ta’ mezzi elettroniċi.

(24)

L-effettività tal-aċċess regolat għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP tiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-post għall-persuni li jfittxu aċċess, il-kapaċità ta’ riżerva, u d-disponibbiltà ta’ dik l-infrastruttura, għall-persuni li jkunu qed ifittxu l-aċċess. Meta l-informazzjoni rilevanti tkun tinsab f’bażi tad-data interna tal-operatur SMP, jenħtieġ li dawk kollha li jkunu qed ifittxu l-aċċess, inkluż il-fergħa bl-imnut tal-operatur SMP, jingħataw aċċess ugwali għal dik il-bażi tad-data. L-aċċess minn operaturi alternattivi għall-bażi tad-data tal-operatur SMP jenħtieġ li ma jkunx miċħud minħabba l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni. Skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, l-operatur SMP jista’ jintalab jissodisfa l-obbligu regolatorju tiegħu li jagħmel disponibbli informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tiegħu permezz ta’ punt uniku ta’ informazzjoni (SIP), kif previst fid-Direttiva 2014/61/UE. B’dak il-mod, l-operatur SMP jista’ jnaqqas il-kostijiet tal-konformità tiegħu, għax jaf ma jkollux bżonn iżomm bażi tad-data separata jew portal web separat għal finijiet regolatorji. Il-persuni li jkunu qed ifittxu l-aċċess u li jħallsu għall-aċċess għall-bażi tad-data jew għall-portal web tal-operatur SMP jistgħu wkoll inaqqsu l-kostijiet tagħhom, għax l-aċċess għall-SIP hu bla ħlas b’mod ġenerali. Il-persuni li jkunu qed ifittxu l-aċċess jista’ jkollhom ukoll titjib fl-effiċjenza, għax l-SIP ikun fih mhux biss informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP, iżda anki dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti ta’ operaturi oħra tan-networks u ta’ korpi tas-settur pubbliku.

IN-NONIMPOŻIZZJONI TAL-PREZZIJIET REGOLATI TAL-AĊĊESS BL-INGROSSA FUQ IN-NETWORKS VHCN

(25)

L-NRAs li jikkunsidraw jimponu obbligi tal-kontroll tal-prezzijiet fir-rigward tan-networks VHCN jenħtieġ li jivvalutaw bir-reqqa l-adegwatezza u l-proporzjonalità ta’ dawk l-obbligi, filwaqt li jqisu b’mod partikolari l-impatt possibbli tagħhom fuq l-inċentivi għall-investiment fin-networks VHCN, u l-ħtieġa li titħares il-kompetizzjoni. Fit-twettiq ta’ dik il-valutazzjoni, l-NRAs jenħtieġ li jqisu l-inizjattivi tas-suq, b’mod partikolari l-impenji vinkolanti proposti mill-operaturi SMP skont l-Artikolu 79 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, li jippermettu lill-partijiet jiddiversifikaw ir-riskju tal-investiment filwaqt li jippermettu kompetizzjoni sostenibbli fis-swieq downstream. L-implimentazzjoni tas-separazzjoni funzjonali jew volontarja f’konformità mal-Artikolu 78 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jenħtieġ li titqies kif xieraq waqt il-valutazzjoni tal-adegwatezza li ma tiġix imposta regolamentazzjoni tal-prezzijiet fuq l-inputs tal-aċċess bl-ingrossa tal-VHCN.

(26)

Fejn ikun hemm inċertezzi dwar ir-rata tal-materjalizzazzjoni tad-domanda għall-forniment ta’ servizzi b’kapaċità għolja ħafna, hu importanti li, biex jiġu promossi l-konnettività u l-aċċess għan-networks VHCN u l-adozzjoni tagħhom, dawk l-operaturi li jinvestu f’networks VHCN titħallielhom ċerta flessibbiltà fl-ipprezzar meta jkun hemm biżżejjed salvagwardji tal-kompetizzjoni, kif imsemmi fil-premessa (193) tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Din il-flessibbiltà fl-ipprezzar hi meħtieġa biex l-operaturi SMP ikunu jistgħu jittestjaw il-punti tal-prezzijiet u jwettqu pprezzar xieraq tal-penetrazzjoni. Din tippermetti wkoll lill-operaturi SMP u lil dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess biex jaqsmu bejniethom parti mir-riskju tal-investiment billi jiddifferenzjaw il-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa skont il-livell ta’ impenn magħżul minn dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess. Dak jista’ jirriżulta fi prezzijiet orħos għall-ftehimiet fit-tul b’garanziji tal-volum, li jistgħu jirriflettu l-fatt li dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess jieħdu wħud mir-riskji assoċjati ma’ domanda inċerta. Barra minn hekk, il-flessibbiltà fl-ipprezzar fil-livell tal-operaturi tista’ tkun mod xieraq biex min ifittex aċċess kif ukoll in-negozju għall-konsumatur tal-operatur SMP ikunu jistgħu jintroduċu d-differenzjazzjoni fil-prezz fis-suq tal-broadband għall-konsumatur ħalli jiġu indirizzati aħjar l-preferenzi tal-konsumatur u tittejjeb il-penetrazzjoni tas-servizzi tal-broadband b’veloċità għolja ħafna. Minħabba li l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, il-kompetizzjoni fl-infrastruttura, għamlet progress sinifikanti f’ħafna swieq u żoni madwar l-Unjoni minn mindu ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/466/UE (13), jista’ jkun hemm lok, skont iċ-ċirkostanzi, biex tiġi applikata flessibbiltà fl-ipprezzar fuq skala ferm akbar milli ġara s’issa.

(27)

Rigward in-networks VHCN, l-NRAs jenħtieġ li jqisu li ma jimponu jew ma jneħħu l-ebda obbligu tal-kontroll tal-prezzijiet skont l-Artikolu 74 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, dment li jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji kompetittivi suffiċjenti. Dawn is-salvagwardji kompetittivi huma meħtieġa biex jipprevjenu l-flessibbiltà fl-ipprezzar li twassal għal prezzijiet eċċessivi fi swieq li jkollhom xi SMP, jew għal prattiki li jdgħajfu l-kompetizzjoni, jew it-tnejn li huma.

(28)

B’mod partikolari, jenħtieġ li jkun hemm restrizzjoni dimostrabbli fil-prezz bl-imnut li tirriżulta minn kompetizzjoni tal-infrastruttura jew minn prezz ankra li jkun ġej minn prodotti tal-aċċess regolati oħra, jew mit-tnejn li huma. Jekk operatur xorta jkollu SMP, din ir-restrizzjoni dimostrabbli fil-prezz bl-imnut ma tkunx b’saħħitha biżżejjed biex tiġġustifika konklużjoni li s-suq bl-ingrossa rilevanti hu effettivament kompetittiv. Madankollu, dik ir-restrizzjoni fil-prezz bl-imnut jenħtieġ li tipprevjeni lill-operatur SMP fil-livell bl-ingrossa milli jistabbilixxi prezzijiet bl-imnut eċċessivi. Barra minn hekk, mal-flessibbiltà fl-ipprezzar jenħtieġ li jingħataw salvagwardji addizzjonali biex titħares il-kompetizzjoni. Għal dak il-għan, l-obbligi effettivi tan-nondiskriminazzjoni jenħtieġ li jiġu kkumplimentati b’replikabbiltà ekonomika garantita tal-prodotti downstream.

(29)

Barra minn hekk, restrizzjoni dimostrabbli fil-prezz bl-imnut tista’ tirriżulta wkoll minn prezz ankra li jkun ġej minn prodotti tal-aċċess regolati oħra soġġetti għal ipprezzar abbażi tal-kost. Meta l-prodotti bbażati fuq ir-ram (inkluż il-prodotti tal-aċċess lokali diżaggregat virtwali ipprovduti fuq network tar-ram aġġornat) xorta jkunu jistgħu jeżerċitaw restrizzjoni dimostrabbli fil-prezz bl-imnut fuq in-networks VHCN b’mod progressiv, jenħtieġ li dawk il-prodotti jiġu definiti bħala l-ankra regolata. Meta l-prodott offrut mill-operatur SMP fuq in-network tal-aċċess storiku ma jkunx għadu jista’ jeżerċita restrizzjoni dimostrabbli fil-prezz bl-imnut fuq il-prodott bl-ingrossa tal-VHCN (pereżempju fil-każ ta’ diżattivazzjoni tar-ram, jew meta l-NRA issib li l-prodotti bl-imnut ipprovduti bir-ram ma jkunux sostitwibbli ma’ dawk ipprovduti bin-networks VHCN), dan jista’ jiġi sostitwit bi prodott ibbażat fuq VHCN, bħal prodott tal-fibra fil-livell tad-dħul. Meta l-NRA tikkonkludi li d-definizzjoni ta’ prodott ibbażat fuq ir-ram jew prodott tal-fibra ta’ livell tad-dħul tista’ ma tkunx biżżejjed biex teżerċita restrizzjoni effettiva fuq il-prezz tal-SMP, l-NRA jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li tiddefinixxi ankra effettiva. Din tista’ tkun taħlita ta’ ankri (ram u VHCN) jew l-NRA tista’ tiddefinixxi bħala ankra portafoll ta’ prodotti regolati li jkun rappreżentattiv biżżejjed tad-domanda tal-konsumatur u tal-istruttura tan-network. Il-prestazzjonijiet tekniċi ta’ dak il-prodott regolat jenħtieġ li jkunu limitati għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi eżerċitata restrizzjoni dimostrabbli fil-prezz bl-imnut. Għalhekk, l-NRA jenħtieġ li tidentifika l-karatteristiċi tekniċi tal-prodott jew prodotti ankra virtwali, jew attivi, biex tiżgura li titħares il-flessibbiltà fl-ipprezzar għal prodotti oħra bbażati fuq VHCN li jipprovdu livelli aqwa ta’ prestazzjoni.

(30)

Biex jiġi stabbilit jekk dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess jistgħux jirreplikaw ekonomikament offerta downstream ipprovduta mill-operatur SMP permezz tal-input bl-ingrossa regolat disponibbli, meta ma tkunx imposta regolamentazzjoni tal-prezz bl-ingrossa, l-NRA jenħtieġ li twettaq test tar-replikabbiltà ekonomika. Dan it-test ma jaffettwax it-testijiet ex post tal-kompressjoni tal-marġni applikati skont il-liġi tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jew mit-tnejn li huma.

(31)

Barra minn hekk, l-NRAs jistgħu japplikaw ukoll test ex ante tal-kompressjoni tal-marġni għal inputs bl-ingrossa regolati, meta meħtieġ, b’mod partikolari: (i) fil-kuntest tal-ipprezzar fit-tul u tal-iskontijiet tal-volum; jew (ii) biex ikun żgurat spazju ekonomiku biżżejjed bejn inputs bl-ingrossa regolati differenti. L-NRAs jenħtieġ li jispeċifikaw minn qabel il-metodoloġija li jkunu se jħaddmu biex iwettqu dawk it-testijiet. Il-gwida pprovduta f’din ir-Rakkomandazzjoni dwar it-test tar-replikabbiltà ekonomika jenħtieġ li ma tapplikax għal dawk il-każijiet.

(32)

L-iskop tat-test tar-replikabbiltà ekonomika hu li, minbarra salvagwardji oħra tal-kompetizzjoni, ikun żgurat li l-operaturi SMP ma jabbużawx mill-flessibbiltà fl-ipprezzar biex jeskludu lil kompetituri attwali u potenzjali mis-suq.

(33)

L-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-marġni bejn il-prezz bl-imnut offrut mill-operatur SMP għall-konsumatur u l-prezz ta’ input tal-VHCN min-naħa tal-operatur ikopri il-kostijiet downstream inkrementali u persentaġġ raġonevoli tal-kostijiet komuni. Meta r-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa għall-inputs bl-ingrossa tal-VHCN ma tkunx imposta fuq l-operatur SMP u jiġu implimentati salvagwardji addizzjonali f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni, jista’ jintwera nuqqas ta’ replikabbiltà ekonomika billi jintwera li l-fergħa bl-imnut downstream tal-operatur SMP stess ma setgħetx tinnegozja b’mod profittabbli abbażi tal-prezz upstream mitlub lill-kompetituri tiegħu mill-fergħa operattiva upstream tal-operatur SMP (it-test tal-“operatur ugwalment effiċjenti” (EEO)). L-użu tal-istandard tal-EEO jippermetti lill-NRAs jappoġġaw l-investimenti tal-operatur SMP fin-networks VHCN u jipprovdi inċentivi għall-innovazzjoni f’servizzi bbażati fuq VHCN.

(34)

Il-possibbiltà li jiġi applikat aġġustament tal-iskala għat-test tar-replikabbiltà ekonomika jenħtieġ li tintuża meta jkun ġustifikat minn ċirkostanzi speċifiċi tas-suq. Dan jista’ jkun partikolarment il-każ meta d-dħul fis-suq jew l-espansjoni tas-suq ikunu tfixklu fil-passat jew meta jkun hemm żbilanċi sinifikanti ħafna mil-lat tal-ekonomiji ta’ skala u tal-ambitu bejn l-operatur SMP u l-kompetituri tiegħu. F’każijiet bħal dawn, l-NRAs jenħtieġ li jiddeterminaw il-fattur tal-iskalar b’attenzjoni biex jiżguraw li d-dħul kompetittiv u r-replikabbiltà ekonomika effiċjenti jkunu prospett realistiku.

(35)

Wara analiżi tas-suq, l-NRA jenħtieġ li tistabbilixxi u tippubblika minn qabel fid-deċiżjoni tagħha li tistabbilixxi r-rimedji, il-proċedura u l-parametri li se tapplika meta twettaq it-test ex ante tar-replikabbiltà ekonomika. L-NRA tista’ twettaq dak it-test qabel it-tnedija ta’ offerta bl-imnut ġdida mill-operatur SMP, pereżempju meta l-NRA ikun jidhrilha li jixraq tallinja l-ħin tat-test tar-replikabbiltà ekonomika mat-test tar-replikabbiltà teknika jekk dan isir ukoll qabel it-tnedija. L-NRA ma għandhiex bżonn twettaq it-test għal kull offerta bl-imnut ġdida, iżda biss għal dawk il-prodotti ewlenin li tidentifika. L-NRA tista’ twettaq it-test: (i) fuq inizjattiva tagħha stess, pereżempju, fl-istadji inizjali tal-implimentazzjoni ta’ miżura li tippermetti l-flessibbiltà fl-ipprezzar lin-networks VHCN (b’mod partikolari meta fil-passat ikunu ġew imposti prezzijiet regolati tal-aċċess bl-ingrossa); jew (ii) biex tirrispondi għall-bidliet fl-istruttura tas-suq, pereżempju wara xi żviluppi teknoloġiċi.

(36)

It-test tar-replikabbiltà ekonomika jista’ jiġi applikat għal: (i) prodotti individwali, li jistgħu jkunu jew offerti raggruppati (li jistgħu jinkludu wkoll prodotti mhux regolati) jew offerti awtonomi, pereżempju offerta bl-Internet biss; jew (ii) għal portafoll ta’ prodotti, jiġifieri sett ta’ prodotti individwali. Approċċ ta’ portafoll jipprovdi aktar flessibbiltà lill-operatur SMP fl-ipprezzar tal-prodotti individwali u jista’ jirrifletti aħjar ir-realtajiet tas-suq, pereżempju fl-Istati Membri bi swieq VHCN kontestabbli u li fihom il-kompetizzjoni fis-segmenti rilevanti tas-suq tal-prodotti tikkonċerna l-aktar sett speċifiku ta’ prodotti bl-imnut f’kull segment. Madankollu, fl-Istati Membri bi swieq tan-networks VHCN inqas kontestabbli u li huma kkaratterizzati minn grad għoli ta’ konċentrazzjoni u/jew grad għoli ħafna ta’ saħħa fis-suq tal-operatur SMP, jew it-tnejn li huma, l-approċċ tal-portafoll jista’ ma jkunx xieraq. Fi kwalunkwe każ, l-NRAs jenħtieġ li jiddiskutu mal-operaturi kkonċernati l-ambitu u n-natura ta’ test ex ante tar-replikabbiltà ekonomika u, abbażi taċ-ċirkostanzi nazzjonali, jekk l-operaturi għandhomx jikkunsidraw li jwettqu t-test qabel it-tnedija proprja tal-prodott(i) bl-imnut.

(37)

It-test tar-replikabbiltà ekonomika stabbilit minn qabel mill-NRA jenħtieġ li jkun dettaljat biżżejjed u jinkludi, bħala minimu, sett ta’ parametri rilevanti biex jiżgura l-prevedibbiltà u t-trasparenza meħtieġa lill-operaturi. L-NRAs jenħtieġ li japplikaw mudell tal-kostijiet inkrementali fit-tul plus (LRIC+), filwaqt li jqisu l-kostijiet downstream awditjati tal-operatur SMP. L-NRA jenħtieġ li jivvalutaw ukoll il-marġni fuq l-aktar prodotti bl-imnut rilevanti, inkluż is-servizzi tal-broadband (prodotti ewlenin) kif imqabbel mal-aktar input tal-aċċess regolat tal-VHCN użat, jew identifikat. Dawn jenħtieġ li jagħmlu dan b’approċċ progressiv, bħala l-aktar approċċ adattat għat-twassil tal-prodotti bl-imnut tul il-perjodu tar-rieżami tas-suq inkwistjoni. Id-disinn tat-test, li japplika għall-kostijiet downstream awditjati tal-operatur SMP u biss għall-prodotti ewlenin, jenħtieġ li jkollu l-għan li jiżgura li l-investimenti fin-networks VHCN u l-effett tal-flessibbiltà fl-ipprezzar rakkomandata ma jiġux imfixkla minn din is-salvagwardja. Biex jiġi evitat is-sussidjar reċiproku bejn prodotti differenti f’pakkett jew portafoll, l-NRAs jistgħu jwettqu mhux biss test ta’ livell wieħed, jiġifieri bejn is-servizzi bl-imnut u l-aktar input tal-aċċess tal-VHC rilevanti għal dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess (pereżempju aċċess għall-fibra fil-kaxxetta jew diżaggregazzjoni virtwali), iżda l-NRAs jenħtieġ li jkollhom ukoll il-possibbiltà li jissottomettu kull input bl-ingrossa rilevanti għal test tar-replikabbiltà ekonomika; għaldaqstant, jista’ jkun hemm diversi testijiet fuq livell wieħed bejn prodott bl-imnut wieħed u inputs bl-ingrossa rilevanti differenti. Madankollu, input ġdid tal-aċċess għall-VHCN maż-żmien jaf isir aktar rilevanti (pereżempju s-separazzjoni tal-fibra fil-qafas tad-distribuzzjoni ottika). F’dan il-każ, it-test tar-replikabbiltà ekonomika jenħtieġ li jsir b’referenza għall-input ġdid flok b’referenza għall-aktar input użat fil-bidu. Jekk iċ-ċirkostanzi kompetittivi nazzjonali juru differenza bejn iż-żoni ġeografiċi mil-lat ta’ input tal-aċċess għan-networks VHCN użat (pereżempju fiż-żoni rurali u fiż-żoni b’densità tal-popolazzjoni), l-NRAs jenħtieġ li jvarjaw it-test skont l-inputs speċifiċi identifikati bħala l-aktar rilevanti. F’dak il-każ, it-test tar-replikabbiltà ekonomika jenħtieġ li jara li jiżgura li l-prezzijiet għas-servizzi bl-imnut ewlenin iħallu spazju ekonomiku biżżejjed għall-kompetituri, meta mqabbla mal-prezz jew il-prezzijiet tal-prodotti tal-aċċess bl-ingrossa SMP ewlenin li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tagħhom f’kull żona ġeografikament differenzjata.

(38)

L-NRAs jaf ma jkunux jistgħu jsibu s-salvagwardji kompetittivi msemmija fil-premessa (27) ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fis-suq definit kollu. Meta l-NRA ma tkunx tista’ tikkonkludi li l-kundizzjonijiet kompetittivi differenti jibqgħu stabbli maż-żmien, u lanqas ma tkun tista’ tikkonkludi li l-kundizzjonijiet kompetittivi differenti huma tali li jistgħu jiġġustifikaw deċiżjoni li dawk huma swieq subnazzjonali, l-NRAs jenħtieġ li xorta jqisu li jwieġbu għal dawk il-kundizzjonijiet kompetittivi diverġenti billi japplikaw rimedji differenzjati. Dawk ir-rimedji differenzjati jistgħu jinkludu t-tneħħija tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa biss f’dawk iż-żoni fejn japplikaw is-salvagwardji tal-kompetizzjoni meħtieġa. Meta NRA ikun jidhrilha li l-kundizzjonijiet kompetittivi u regolatorji huma tali li l-operatur SMP hu ristrett biżżejjed fl-iffissar tal-prezzijiet tiegħu, l-NRA tista’ tevita li timponi regolamentazzjoni tal-prezzijiet fir-rigward tal-prodotti VHCN bl-ingrossa.

APPROĊĊI KONSISTENTI GĦALL-OBBLIGI TAL-KONTROLL TAL-PREZZIJIET

(39)

Meta l-kundizzjonijiet għall-flessibbiltà fl-ipprezzar ma jiġux issodisfati u meta l-impożizzjoni ta’ prezzijiet regolati tal-aċċess bl-ingrossa tkun iġġustifikata, l-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-metodoloġija tal-ikkostjar tkun tipprovdi inċentiv ċar għall-investiment bi prezzijiet regolati prevedibbli u stabbli.

(40)

L-irkupru tal-kostijiet hu prinċipju ewlieni li jiżgura li l-operaturi jkunu jistgħu jirkupraw il-kostijiet imġarrba b’mod effiċjenti u anki jirċievu redditu xieraq fuq il-kapital investit.

(41)

Metodoloġija tal-ikkostjar li tipprovdi s-sinjal xieraq ta’ “ibni jew ixtri” toħloq bilanċ xieraq bejn l-effiċjenza statika u l-effiċjenza dinamika. Effiċjenza statika tfisser l-iżgurar ta’ dħul effiċjenti. Effiċjenza dinamika tfisser l-iżgurar ta’ inċentivi biżżejjed għall-investiment u, b’mod partikolari, l-introduzzjoni tan-networks VHCN u b’hekk l-iżgurar ta’ inċentivi biżżejjed biex jiġu fornuti servizzi ġodda tal-broadband, aktar veloċi u ta’ kwalità aħjar.

(42)

Il-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata jenħtieġ li tiżgura t-trasparenza u l-konsistenza fl-Unjoni kollha, filwaqt li tkun tirrifletti ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi. F’dak ir-rigward, il-gwida dwar il-metodoloġija tal-ikkostjar ipprovduta fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/466/UE fil-biċċa l-kbira kienet segwita mill-NRAs, u l-prinċipji ewlenin ta’ dik il-metodoloġija għadhom rilevanti, inkluż li jkunu jistgħu jitqiesu kif xieraq il-kundizzjonijiet ekonomiċi speċifiċi prevalenti u prevedibbli. Għalhekk, l-gwida jenħtieġ li tiġi aġġustata, b’mod partikolari biex tkun tirrifletti l-bidla progressiva lejn in-networks VHCN.

(43)

Il-metodoloġija tal-ikkostjar minn isfel għal fuq, fit-tul, inkrementali u kost-plus (BU LRIC+) tissodisfa bl-aħjar mod dak l-objettiv meta tistabbilixxi l-prezzijiet għas-servizzi tal-aċċess bl-ingrossa fis-swieq inkwistjoni. Dik il-metodoloġija timmudella l-kapital inkrementali (inkluż il-kostijiet mitlufa) u l-kostijiet operatorji mġarrba minn operatur ipotetikament effiċjenti biex jipprovdi s-servizzi kollha tal-aċċess, u żżid marġni kummerċjali għal irkupru strett tal-kostijiet komuni. Għalhekk, il-metodoloġija tal-BU LRIC+ tippermetti l-irkupru tal-kostijiet totali mġarrba b’mod effiċjenti.

(44)

Il-metodoloġija tal-BU LRIC+ tikkalkula l-kostijiet kurrenti b’mod progressiv (jiġifieri abbażi ta’ teknoloġiji aġġornati, id-domanda mistennija, eċċ.) li jġarrab operatur ta’ network effiċjenti biex jibni network VHCN modern illum, u li huwa kapaċi jipprovdi dawn is-servizzi kollha. Għalhekk, il-metodoloġija tal-BU LRIC+ tipprevedi sinjali effiċjenti u affidabbli għad-dħul.

(45)

Meta n-networks tal-kejbil, tal-fibra (fibra sad-dar (“FTTH”) jew fibra sal-bini (“FTTB”)) u, sa ċertu punt, in-networks bla fili jkunu qed jikkompetu kontra n-networks tar-ram, l-operaturi SMP tipikament jirreaġixxu billi progressivament jissostitwixxu r-ram tagħhom b’networks VHCN. Għalhekk, billi l-operaturi llum ma jibnux networks tar-ram, il-metodoloġija tal-BU LRIC+ tikkalkula l-kostijiet kurrenti għall-introduzzjoni ta’ network VHCN modern u effiċjenti.

(46)

Dak in-network VHCN effiċjenti jkun kapaċi jilħaq il-miri stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. Fil-prattika, network VHCN modern u effiċjenti ġeneralment ikun network FTTH.

(47)

Il-valwazzjoni tal-assi ta’ network VHCN bħal dak, abbażi tal-kostijiet kurrenti, tirrifletti bl-aħjar mod il-proċess kompetittiv sottostanti u, b’mod partikolari, ir-replikabbiltà ta’ dawk l-assi.

(48)

B’kuntrast ma’ assi bħat-tagħmir tekniku u l-mezz tat-trażmissjoni (eż. fibra), l-assi tal-inġinerija ċivili (jiġifieri pajpijiet, trinek u arbli) huma assi li aktarx ma jiġux replikati. Il-bidla teknoloġika u l-livell tal-kompetizzjoni u d-domanda bl-imnut mhumiex mistennija jkunu tali li jippermettu lill-operaturi alternattivi jintroduċu infrastruttura paralleli tal-inġinerija ċivili, għall-inqas meta l-assi storiċi tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili jkunu riużabbli biex jiġu introdotti networks VHCN.

(49)

Il-bażi tal-assi regolatorji (“RAB”) li tikkorrispondi għall-assi tal-inġinerija ċivili jenħtieġ li ma tiġix ivvalutata skont il-kost tas-sostituzzjoni iżda skont il-kost irreġistrat fil-kontijiet regolatorji awditjati tal-operatur SMP, nett mid-deprezzament. Il-kostijiet ikkunsidrati jenħtieġ li jkunu dokumentati sew u relatati b’mod ċar man-nefqa fl-assi tal-inġinerija ċivili. Dak iqis il-ħajja utli li għaddiet tal-assi u, b’hekk, il-kostijiet li diġà ġew irkuprati mill-operatur SMP regolat. Dak l-approċċ jagħti sinjali ta’ dħul effiċjenti fis-suq għad-deċiżjonijiet dwar “ibni” jew “ixtri”, filwaqt li jevita r-riskju ta’ rkupru żejjed, speċjalment għall-kostijiet għal infrastruttura ċivili storika li tista’ terġa’ tintuża. L-irkupru eċċessiv tal-kostijiet ma jkunx ġustifikat biex jiġi żgurat dħul effiċjenti u jitħarsu l-inċentivi għall-investiment, għax l-għażla ta’ “bini” ma tkunx ekonomikament fattibbli għal dik il-kategorija ta’ assi.

(50)

Biex jiġu kkalkolati dawn il-kostijiet deprezzati tas-sostituzzjoni jenħtieġ li jiġi applikat tali metodu tal-indiċjar. Il-preferenza għal metodu bħal dan hi dovuta għall-prattikabbiltà, ir-robustezza u t-trasparenza tiegħu. Dan ikun tiddependi fuq: (i) data storika dwar in-nefqa, id-deprezzament akkumulat u d-disponiment tal-assi, ilkoll disponibbli mill-kontijiet statutorji u regolatorji u mir-rapporti finanzjarji tal-operatur SMP regolat; u (ii) indiċi tal-prezzijiet, bħall-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut (“RPI”) li jkun disponibbli għall-pubbliku.

(51)

Għalhekk, l-RAB li tikkorrispondi għall-assi tal-inġinerija ċivili jenħtieġ li tiġi stabbilita fil-valur kontabilistiku regolatorju nett tad-deprezzament akkumulat fil-mument tal-kalkolu, indiċjat b’indiċi tal-prezzijiet xieraq, bħall-RPI. Għal assi ġodda tal-inġinerija ċivili kemm id-deprezzament nett kif ukoll l-RPI se jkunu żero jew qrib iż-żero minħabba li ma jkun għadda l-ebda żmien jew ikun għadda biss ftit żmien mit-tnedija tagħhom.

(52)

L-RAB inizjali jenħtieġ li tiġi intrappolata aktar u tiġi trasferita minn perjodu regolatorju għall-ieħor biex ikun żgurat li ladarba assi tal-inġinerija ċivili jiġi deprezzat għalkollox, dak l-assi ma jibqax parti mill-RAB inizjali u għalhekk ma jibqax jirrappreżenta kost għall-dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess, bħalma ma jibqax kost għall-operatur SMP. Dak l-approċċ ikompli jiżgura remunerazzjoni biżżejjed lill-operatur SMP u fl-istess ħin jipprovdi ċertezza regolatorja lill-operatur SMP u anki lil dawk li maż-żmien ikunu qed jfittxu l-aċċess.

(53)

Jista’ jitħaddem approċċ alternattiv meta l-NRA tkun stabbiliet li l-metodu tal-indiċjar ma jkunx xieraq, b’mod partikolari meta r-rekords storiċi tal-operatur SMP ma jkunux affidabbli. F’każijiet bħal dawn, l-RAB li tikkorrespondi għall-assi tal-inġinerija ċivili storiċi riużabbli tista’ tiġi stmata skont il-kostijiet kurrenti aġġustati għad-deprezzament tul il-ħajja tal-assi. L-NRA jenħtieġ li tiżgura li l-metodu għall-valwazzjoni tal-assi użat ikun tali li l-assi tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, b’mod ġenerali, ma jiġux replikati.

(54)

L-ipprezzar tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili mibnija ġdida tal-operatur SMP għall-introduzzjoni tan-networks VHCN minn operaturi alternattivi jista’ jħalli impatt fuq l-inċentivi tal-operatur SMP li jibni infrastruttura ġdida tal-inġinerija ċivili li jkollha kapaċità biżżejjed biex tilqa’ networks alternattivi. Meta l-infrastruttura l-ġdida tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP tkun ġiet introdotta fl-ambitu ġeografiku tas-suq jew fiż-żoni delineati b’mod ċar fl-ambitu ġeografiku tas-suq, u meta din tkun teżisti flimkien mal-infrastruttura storika tal-inġinerija ċivili, l-NRAs jenħtieġ li jistabbilixxu prezzijiet individwali tal-aċċess għall-assi tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili mibnija ġdida, applikabbli fiż-żona kkonċernata. Fil-prinċipju, l-infrastrutturi tal-inġinerija ċivili li sempliċiment jissewwew, jiġu rinnovati jew jiġu miżmuma jenħtieġ li ma jitqisux bħala mibnija ġodda. Il-prezz tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili mibnija ġdida jenħtieġ li jkun jirrifletti l-kundizzjonijiet attwali tas-suq u jkun ibbażat fuq il-kostijiet reali sħaħ imġarrba mill-operatur SMP, diment li tiġi żgurata nondiskriminazzjoni stretta fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għal dik l-infrastruttura. Dak l-approċċ jipprovdi l-inċentivi t-tajba għall-investiment f’infrastruttura ġdida tal-inġinerija ċivili. Barra minn hekk, skont iċ-ċirkostanzi tas-suq, il-bini ta’ infrastruttura ġdida sinifikanti tal-inġinerija ċivili jista’ jirrappreżenta, għall-operatur SMP, profil tar-riskju tal-investiment akbar mill-profil tar-riskju assoċjat mal-użu mill-ġdid tal-infrastruttura storika tal-inġinerija ċivili. Dak il-profil tar-riskju jinvolvi riskji b’rabta mal-kostijiet imġarrba u mad-dħul mistenni. L-NRAs jenħtieġ li jivvalutaw bir-reqqa ċ-ċirkostanzi rilevanti tas-suq u, meta applikabbli, jippremjaw il-profil tar-riskju tal-investiment akbar u kwantifikabbli permezz ta’ primjum tar-riskju (akbar).

(55)

Il-linji tar-ram attivi qed jonqsu hekk kif il-klijenti qed jaqilbu għan-networks tal-kejbil, tal-fibra jew mobbli. L-immudellar ta’ network VHCN uniku u effiċjenti għall-prodotti tal-aċċess għar-ram u għan-networks VHCN jinnewtralizza l-effett tal-volum inflazzjonarju li jinħoloq meta, waqt l-immudellar ta’ network tar-ram, il-kostijiet fissi tan-network ikunu jridu jitqassmu fuq għadd dejjem inqas ta’ linji tar-ram attivi. Huwa possibbli li t-traffiku jersaq min-networks tar-ram għan-networks VHCN, billi jiġu introdotti networks VHCN u billi ssir il-qalba għalihom. It-traffiku li jimxi lejn infrastrutturi oħra (eż. kejbil, mobbli) biss jikkawża żieda fil-kostijiet unitarji.

(56)

Fid-dawl tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u anki taċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti, l-NRAs jeżiġu flessibbiltà biżżejjed biex jimmudellaw dan it-tip ta’ VHCN effiċjenti. Għaldaqstant, in-network VHCN jista’ jkun ibbażat fuq xi waħda mid-diversi teknoloġiji tal-aċċess u topoloġiji tan-network disponibbli għall-operaturi biex jintroduċu network VHCN.

(57)

Network FTTH jew FTTB jista’ jitqies bħala l-forma tipika ta’ network VHCN modern u effiċjenti. B’dak l-approċċ, il-kost ikkalkolat għan-network VHCN jenħtieġ li jiġi aġġustat biex ikun jirrifletti l-karatteristiċi differenti ta’ network tar-ram, meta jkun hemm bżonn jiġi ddeterminat il-prezz tal-aċċess bl-ingrossa għan-network tar-ram. Għal dak l-iskop, l-NRAs jenħtieġ li jistmaw id-differenza fil-kostijiet bejn prodott tal-aċċess ibbażat fuq VHCN u prodott tal-aċċess ibbażat fuq ir-ram billi jagħmlu l-aġġustamenti rilevanti tal-inġinerija tan-networks skont il-mudell tal-VHCN.

(58)

Jekk it-topoloġija tal-network VHCN li jrid jiġi mudellat tkun differenti minn dik ta’ network tar-ram sal-punt li l-aġġustament fil-mudell tal-inġinerija tan-network VHCN ma jkunx fattibbli, l-NRAs jistgħu jiksbu l-kost tar-ram billi jimmudellaw network ta’ sovrapożizzjoni, biex żewġ networks paralleli (ram u fibra) jikkondividu sa ċertu punt l-istess network għall-infrastruttura ċivili. B’dak l-approċċ, l-effett tal-volum inflazzjonarju jiġi newtralizzat għall-assi tal-inġinerija ċivili għax in-networks tar-ram u tal-fibra mmudellati jaqsmu l-użu ta’ dawk l-assi, u għalhekk il-kostijiet unitarji ta’ dawk l-assi jibqgħu stabbli. Madankollu, għajr għall-assi tal-inġinerija ċivili, l-immudellar ta’ żewġ networks paralleli (ram u fibra) xorta jista’ jikkawża effett tal-volum inflazzjonarju għall-assi tar-ram minħabba t-tnaqqis fit-traffiku fuq in-network tar-ram.

IPPREZZAR TAL-AĊĊESS FIT-TUL U SKONTIJIET TAL-VOLUM

(59)

Il-ftehimiet dwar skontijiet tal-volum u pprezzar tal-aċċess fit-tul jistgħu jkunu għodda importanti biex jitħeġġeġ l-investiment fin-networks VHCN, b’mod partikolari meta l-adozzjoni mill-konsumaturi jkun għadu baxx. L-NRAs jistgħu jaċċettaw skontijiet tal-volum u ftehimiet dwar ipprezzar tal-aċċess fit-tul mill-operaturi SMP fuq in-negozji downstream tagħhom stess jekk ma jeskludux id-dħul fis-suq għal kompetituri effiċjenti (inkluża l-kompetizzjoni fl-infrastruttura) u ma jdgħajfux il-pożizzjoni eżistenti fis-suq ta’ kompetituri effiċjenti. Dan huwa l-każ meta l-iskontijiet tal-volum u l-ftehimiet dwar ipprezzar tal-aċċess fit-tul offruti minn operatur SMP lill-fergħa bl-imnut tiegħu ma jaqbżux l-iskont, jew meta l-ftehimiet ma jkunux aħjar minn dawk offruti b’rieda tajba lil partijiet terzi li jfittxu aċċess.

IPPREMJAR KIF XIERAQ TAR-RISKJU TAL-INVESTIMENT TA’ PROĠETTI ĠODDA TAL-VHCN

(60)

Jenħtieġ li l-kost medju ponderat tal-kapital (“WACC”) użat ikun jirrifletti s-sitwazzjoni attwali tas-suq. Jekk id-WACC applikabbli ma jikkunsidrax biżżejjed il-kundizzjonijiet ekonomiċi attwali, jista’ jkun rilevanti li jiġi aġġornat id-WACC applikabbli, biex b’hekk ikunu żgurati l-parametri makroekonomiċi rilevanti għad-WACC applikabbli.

(61)

Ir-redditu fuq il-kapital permess ex ante għall-investiment fin-networks VHCN jenħtieġ li jsib bilanċ bejn l-għoti ta’ inċentivi biżżejjed biex l-operaturi jinvestu, minn naħa, (jiġifieri rata ta’ redditu għolja biżżejjed) u l-promozzjoni tal-effiċjenza allokattiva, il-kompetizzjoni sostenibbli u l-benefiċċji massimi għall-konsumaturi, min-naħa l-oħra, (jiġifieri rata ta’ redditu mhux eċċessiva).

(62)

Jekk ikun hemm obbligi tal-kontroll tal-prezzijiet fir-rigward ta’ prodotti tal-aċċess bl-ingrossa għan-networks VHCN f’suq speċifiku, ir-redditu regolat permess jenħtieġ li jkun jirrifletti b’mod adegwat il-kost tal-introduzzjoni tan-network u anki r-riskju li ħa l-operatur SMP meta investa. Jekk ir-riskju addizzjonali u kwantifikabbli tal-investiment fin-networks VHCN ġodda ma jiġix rifless b’mod adegwat, l-investitur iżomm lura l-investimenti għad-detriment tal-utenti finali u l-konnettività ġenerali fis-soċjetà.

(63)

Billi l-introduzzjoni tan-networks VHCN, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u skarsament popolati, tinvolvi impenn għal investimenti kapitali sinifikanti, u r-redditu mistenni jkun ’l bogħod ħafna fil-futur, din iżżid l-esponiment għar-riskji min-naħa tad-domanda. Id-domanda għas-servizzi avvanzati bħal dawk abilitati bin-networks VHCN aktarx li tkun aktar sensittiva għall-bidliet fl-introjti tal-unitajiet domestiċi. Għaldaqstant, l-investimenti fin-networks VHCN aktarx li jesponu lill-operaturi għal riskji akbar meta mqabbla mal-investimenti tagħhom f’infrastrutturi storiċi.

(64)

L-operaturi SMP li jinvestu fi proġetti separati tal-VHCN jistgħu jġarrbu firxa wiesgħa ta’ riskji possibbli. Dawk ir-riskji jaf ivarjaw ġmielhom bejn it-tipi ta’ proġetti u ż-żoni ġeografiċi. Filwaqt li jqisu dak, l-NRAs jenħtieġ li jagħrfu r-riskju addizzjonali ta’ kull proġett imwettaq mill-operatur SMP. Fil-prinċipju, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jikkawżaw l-applikazzjoni ta’ primjums tar-riskju multipli, jiġifieri primjum għal kull proġett speċifiku ta’ network VHCN jew, jekk il-proġetti jkunu simili biżżejjed, primjum tar-riskju wieħed komuni. Hi r-responsabbiltà tal-NRAs li jiddċiedu jekk primjum tar-riskju wieħed komuni jkoprix biżżejjed id-differenzi f’kull żona jew jekk jenħtieġx li japplikaw diversi primjums tar-riskju fl-istess ħin. Irrispettivament mill-approċċ imħaddem, jekk il-primjum tar-riskju speċifiku għall-proġett jiġi miżjud mad-WACC applikabbli, jinħoloq id-WACC speċifiku għall-proġett.

(65)

Il-primjum tar-riskju jenħtieġ li jiġi applikat, fejn xieraq, apparti d-WACC applikabbli biex tkun żgurata trasparenza massima. Dak l-approċċ irid jenfasizza li l-primjum tar-riskju jkun jinkludi u jippremja biss ir-riskju addizzjonali u kwantifikabbli speċifiku fis-sitwazzjoni li għaliha jkun maħsub.

(66)

WACC speċifiku għall-proġett jenħtieġ li jiġi evalwat fil-mument tal-investiment u jenħtieġ li jipprovdi stabbiltà u konsistenza lill-operatur SMP. Ir-riskji u l-inċertezzi jinbidlu maż-żmien u għalhekk jistgħu jbiddlu l-perċezzjoni tal-NRA tal-primjum tar-riskju permess għall-proġett speċifiku.

(67)

Biex ikun żgurat li l-investituri jiġu ppremjati għar-riskju li jieħdu fil-mument tal-investiment, l-NRAs jenħtieġ li jippermettu primjum tar-riskju stabbli għall-proġett speċifiku fuq perjodu taż-żmien twil biżżejjed.

MIGRAZZJONI

(68)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha wkoll l-għan li tipprovdi gwida lill-NRAs dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 meta ċ-ċirkwit tar-ram storiku kollu jiġi dekummissjonat u l-utenti finali jiġu emigrati lejn network VHCN. L-aġġornamenti inkrementali tan-networks tar-ram mhumiex inklużi fl-ambitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(69)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 introduċiet l-objettiv li jiġu promossi l-konnettività u l-aċċess għan-networks VHCN, u l-adozzjoni tagħhom, u ddikjarat li jenħtieġ li ikun evitat dewmien mhux ġustifikat għall-migrazzjoni lejn il-networks VHCN. Għalhekk, l-Artikolu 81 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu rtirati l-obbligi tal-aċċess fuq in-network tar-ram biex ikun jista’ jiġi diżattivat. Dan l-Artikolu jenħtieġ li jiġi applikat b’mod li jagħmel il-proċess tal-migrazzjoni u tad-diżattivazzjoni tar-ram kemm jista’ jkun bla xkiel u veloċi, filwaqt li titħares il-kompetizzjoni effettiva.

(70)

Ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 81(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 u jkun osservat perjodu ta’ avviż rilevanti, l-obbligi tal-aċċess fuq in-network tar-ram jistgħu jitneħħew biex tkun tista’ ssir id-diżattivazzjoni. Barra minn hekk, biex titħeġġeġ il-migrazzjoni, xi obbligi regolatorji jistgħu jittaffew minn ferm qabel jitneħħew għalkollox l-obbligi tal-aċċess. Prerekwiżit għat-taffija ta’ ċerti obbligi tal-aċċess hu li l-utenti finali u l-persuni li jfittxu l-aċċess, li jiġu impattati mit-taffija, jenħtieġ li jkollhom aċċess effettiv għal prodotti fuq in-networks VHCN li jikkostitwixxu alternattivi xierqa għall-prodotti mwassla fuq in-network storiku, f’konformità mal-Artikolu 81(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Ladarba dan l-aċċess jiġi stabbilit b’mod effettiv, l-migrazzjoni jenħtieġ li titħeġġeġ u d-diżattivazzjoni tiġi awtorizzata f’perjodu taż-żmien raġonevoli. Il-perjodu ta’ 5 snin rakkomandat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/572/UE (14) ma għadux jikkorrispondi għall-pass tal-introduzzjoni tal-networks VHCN u tal-migrazzjoni mir-ram lejn networks VHCN. Għalhekk jenħtieġ li dan jitnaqqas għall-perjodu ta’ bejn 2 u 3 snin, u f’xi sitwazzjonijiet, abbażi taċ-ċirkostanzi nazzjonali, għal perjodu saħansitra iqsar.

(71)

L-NRAs jenħtieġ li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ prodotti alternattivi pprovduti fuq il-VHCN bi kwalità mill-inqas komparabbli għal dawk ipprovduti fuq in-network storiku abbażi tal-Artikolu 73 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Skont il-karatteristiċi tagħhom u l-kundizzjonijiet li skonthom jiġu offruti, il-prodotti tal-aċċess bl-ingrossa pprovduti fuq network VHCN b’bażi kummerċjali, jew minn operatur differenti li mhux l-operatur SMP, jistgħu jitqiesu bħala alternattiva rilevanti għall-prodotti tal-aċċess bl-ingrossa pprovduti fuq in-network storiku.

(72)

Bħala parti mit-taffija gradwali tal-obbligi regolatorji qabel it-tneħħija tal-obbligi kollha, għeluq kummerċjali tan-network storiku jħeġġeġ il-migrazzjoni u jista’ jkun pass intermedjarju rilevanti favur diżattivazzjoni sħiħa.

(73)

Il-prevedibbiltà hi fattur ewlieni biex ikun żgurat qafas favorevoli għall-investiment fl-introduzzjoni tal-VHCN. Il-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata tgħin għal dak l-għan billi tinnewtralizza, għalkollox jew parzjalment, l-effett inflazzjonarju tal-migrazzjoni tal-utenti finali minn networks storiċi għal networks VHCN fuq il-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa għar-ram.

(74)

Ladarba l-operatur SMP tan-network storiku jinnotifika pjan tad-dekummissjonar f’konformità mal-Artikolu 81(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, u meta f’żona partikolari jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 81(2) ta’ dik id-Direttiva, l-eżistenza ta’ skeda taż-żmien u kundizzjonijiet trasparenti għall-proċess tad-dekummissjonar se tiżgura l-prevedibbiltà għall-partijiet ikkonċernati kollha. Bħala parti mit-taffija gradwali tal-obbligi regolatorji qabel it-tneħħija sħiħa ta’ dawk l-obbligi fil-kuntest tad-dekummissjonar tan-network tar-ram, l-NRAs jistgħu jqisu l-effett inflazzjonarju tal-migrazzjoni tal-klijenti mir-ram lejn in-networks VHCN fuq il-kostijiet tan-network tar-ram. L-NRAs jistgħu jagħmlu dak billi jippermettu lill-operatur SMP iżid il-prezzijiet tal-prodotti tal-aċċess bl-ingrossa għar-ram fiż-żoni fejn il-klijenti bl-ingrossa u bl-imnut preżenti fuq in-network tar-ram effettivament ikollhom il-possibbiltà li jemigraw lejn network VHCN. B’hekk ikunu jistgħu jitqiesu l-ineffiċjenzi ekonomiċi li jinħolqu jekk jinżammu żewġ networks b’mod paralleli, biex l-operatur SMP tan-network storiku jiġi inċentivat biex jippreżenta pjan tad-dekummissjonar u effettivament jipproċedi għad-dekummissjonar mill-aktar fis possibbli. Billi potenzjalment iqarreb il-prezzijiet tar-ram lejn il-prezzijiet tal-VHCN, dan jinċentiva wkoll lill-utenti finali u lill-persuni li jfittxu l-aċċess biex jemigraw lejn il-VHCN qabel id-diżattivazzjoni tas-servizzi fuq in-network storiku.

(75)

Dik iż-żieda fil-prezz jenħtieġ li tkun miżura tranżitorja, soġġetta għal impenn vinkolanti u infurzabbli mill-operatur SMP li jiddekummissjona n-network tar-ram tiegħu, li tkun tapplika biss f’żoni fejn ikun beda l-perjodu ta’ notifika għad-diżattivazzjoni tar-ram. L-NRA jenħtieġ li tiżgura li l-applikazzjoni taż-żieda fil-prezz ma tittawwalx minħabba xi dewmien żejjed fl-implimentazzjoni tal-pjan tad-diżattivazzjoni. Sabiex tiżgura dak, l-NRA tista’ tikkunsidra, pereżempju, penali jew mekkaniżmu ta’ rkupru. Meta tali miżura tiġi implimentata, din jenħtieġ li tkun akkumpanjata b’salvagwardji biżżejjed biex titħares il-kompetizzjoni, kif ippreżentati fil-punt 81 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(76)

Filwaqt li jippromwovu l-attenwazzjoni jew it-tneħħija għalkollox tal-obbligi regolatorji meta dan ikun iġġustifikat mill-iżviluppi tas-suq, l-NRAs jenħtieġ li jibqgħu viġilanti, jimmonitorjaw l-iżviluppi tas-suq u jintervjenu meta jkun meħtieġ biex jitħarsu l-kompetizzjoni, is-suq intern u l-interessi tal-utenti finali,

(77)

Ir-Rakkomandazzjonijiet 2010/572/UE u 2013/466/UE jenħtieġ li ma jibqgħux fis-seħħ, u minflokhom jenħtieġ li tapplika din ir-Rakkomandazzjoni. Dan hu dovut għax-xejriet tal-kundizzjonijiet tas-suq osservati mill-adozzjoni ta’ dawk ir-Rakkomandazzjonijiet, u għad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

AMBITU TAL-APPLIKAZZJONI

1.

Jekk, waqt il-proċeduri tal-analiżi tas-suq imwettqa skont l-Artikoli 64 u 67 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) jiddeterminaw li suq imsemmi fil-punt 7 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni ma huwiex effettivament kompetittiv u jidentifikaw impriżi li individwalment jew flimkien għandhom saħħa sinifikanti fis-suq (“SMP”) f’dak is-suq (bħala operatur(i) SMP), l-NRAs jenħtieġ li jivvalutaw x’inhuma l-obbligi proporzjonati u xierqa li jridu jiġu imposti skont l-Artikolu 68 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

2.

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna l-applikazzjoni tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 68(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 u tistabbilixxi approċċ komuni għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni konsistenti u effettiva tagħhom fir-rigward tan-networks storiċi u n-networks VHCN meta dawn jippermettu l-forniment ta’ servizzi tal-broadband.

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni ma hijiex maħsuba għal sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw it-tneħħija ta’ obbligi regolatorji, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972, b’mod partikolari:

(a)

meta l-operatur SMP ikun offra impenji ta’ koinvestiment f’networks VHCN ġodda skont l-Artikolu 76 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(b)

meta l-operatur SMP ikun operatur bl-ingrossa biss skont it-tifsira tal-Artikolu 80 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

4.

F’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-NRAs jenħtieġ li jqisu kif xieraq, fuq bażi ta’ każ b’każ, dawk il-ftehimiet kummerċjali, u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, li jistgħu jgħinu biex jiġu introdotti networks VHCN, billi jiddiversifikaw ir-riskju tal-investiment, filwaqt li jippermettu kompetizzjoni sostenibbli fis-swieq downstream.

5.

Irrispettivament mill-impenji ta’ koinvestiment skont l-Artikolu 76 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta jkunu qed jikkunsidraw l-impożizzjoni ta’ obbligi regolatorji possibbli fuq l-operaturi SMP, l-NRAs jenħtieġ li jqisu kif xieraq l-eżistenza ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni. Dak hu partikolarment il-każ meta l-operatur SMP joffri impenji legalment vinkolanti skont l-Artikolu 79 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess, inkluż arranġamenti ta’ kooperazzjoni. B’mod partikolari, fiż-żoni li jkollhom fis-seħħ impenji legalment vinkolanti skont l-Artikolu 79 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, li skonthom l-aċċess għal network VHCN ikun disponibbli għal partijiet terzi, l-NRAs jenħtieġ li jivvalutaw jekk it-termini u l-kundizzjonijiet proposti mill-operatur SMP jistgħux jitqiesu ġusti u raġonevoli u jekk il-ftehimiet jew l-impenji jistgħux iħarsu l-kompetizzjoni. Meta dak ikun il-każ, l-NRAs jenħtieġ li jikkunsidraw li jimmonitorjaw l-impatt ta’ dawk l-impenji u jżommu lura milli jintroduċu rimedji intrużivi, b’mod partikolari obbligi tal-kontroll tal-prezzijiet. Dawk l-obbligi tal-kontroll tal-prezzijiet jenħtieġ li jiġu kkunsidrati mill-NRAs biss meta meħtieġa biex jindirizzaw problemi sinifikanti tal-kompetizzjoni li jeżistu bħalissa jew li jaf ifeġġu sussegwentement fis-suq.

6.

Bl-istess mod, meta jkun xieraq, meta jkunu qed jivvalutaw id-dinamika kompetittiva ta’ suq bl-ingrossa partikolari, l-NRAs jenħtieġ li jqisu l-ftehimiet kummerċjali, inkluż dawk li l-operatur SMP ma jkunx parti minnhom. Tali ftehimiet jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li suq bl-ingrossa partikolari ma għadux jiġġustifika regolamentazzjoni ex ante jekk il-ftehimiet ikunu:

(a)

ġew konklużi fuq bażi dejjiema;

(b)

sostenibbli; kif ukoll

(c)

itejbu d-dinamika kompetittiva.

7.

Il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni japplikaw għas-suq tal-aċċess lokali bl-ingrossa pprovdut f’post fiss (is-suq 1 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/2245). Il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni japplikaw ukoll għal swieq oħra tal-aċċess fiss bl-ingrossa identifikati mill-NRAs, li ma jkunux koperti mir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/2245, iżda li jkunu suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante, u jkopru, pereżempju, is-saffi tan-network li ġejjin:

(a)

l-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili;

(b)

l-aċċess diżaggregat għaċ-ċirkwiti tar-ram u tal-fibra, jew għas-subċirkwit tar-ram;

(c)

l-aċċess għan-network virtwali;

(d)

l-aċċess għall-broadband bl-ingrossa (servizzi bitstream) fuq in-networks tar-ram, tal-kejbils koassjali u tal-fibra.

8.

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tapplikax għas-suq tal-kapaċità ddedikata bl-ingrossa (is-suq 2 kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/2245), għajr meta u sal-punt li l-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili jkun regolat abbażi ta’ sejba ta’ SMP f’dak is-suq.

DEFINIZZJONIJIET

9.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet rilevanti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

Japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“approċċ tal-immudellar minn isfel għal fuq” tfisser approċċ li jiżviluppa mudell tal-kost li jibda mid-domanda mistennija mil-lat ta’ abbonati u traffiku u li mbagħad jimmudella n-network effiċjenti meħtieġ biex jissodisfa d-domanda mistennija, u jivvaluta l-kostijiet relatati permezz ta’ mudell teoretiku tal-inġinerija tan-network biex jikkalkula l-kost abbażi ta’ network effiċjenti skont l-aħħar teknoloġija użata fin-networks fuq skala kbira;

(b)

“infrastruttura tal-inġinerija ċivili” tfisser assi tal-infrastruttura fiżika u faċilitajiet oħra li joffru l-possibbiltà li jilqgħu elementi tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari l-bini jew d-daħliet għall-bini, kejbils tal-bini, inkluż wajers, antenni, torrijiet u kostruzzjonijiet oħra ta’ appoġġ, arbli, kanali, pajpijiet flessibbli, kmamar tal-ispezzjoni, toqob tal-ispezzjoni u kaxxetti;

(c)

“għeluq kummerċjali” tfisser l-istadju tal-proċess tad-dekummissjonar meta l-operatur SMP jieqaf ibigħ, fil-livell bl-ingrossa u bl-imnut, aċċessi ġodda għall-infrastruttura tan-network storiku li jridu jiġu dekummissjonati;

(d)

“kostijiet komuni” tfisser il-kostijiet kondiviżi għal prodotti jew servizzi li jiġu prodotti b’mod konġunt u li mhumiex attribwibbli għal xi prodott jew servizz wieħed;

(e)

“kostijiet kurrenti” tfisser il-kostijiet li jirriżultaw mill-valwazzjoni ta’ xi assi bil-kost tas-sostituzzjoni tiegħu, jiġifieri l-kostijiet biex dan jiġi sostitwit bl-istess assi jew b’assi ieħor b’karatteristiċi simili ta’ prestazzjoni, b’kunsiderazzjoni tat-tkagħbir bl-użu u tal-aġġustamenti għall-effiċjenza;

(f)

“deprezzament” tfisser metodu biex jiġi allokat il-valur ta’ assi tul il-ħajja tal-assi, u b’hekk li jinfluwenzaw il-profil tal-qligħ permissibbli għal sid l-assi f’xi perjodu partikolari;

(g)

“kostijiet downstream” tfisser il-kostijiet tal-operazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut, inkluż il-kummerċjalizzazzjoni, l-akkwist tal-klijenti, il-ħruġ tal-kontijiet, u kostijiet oħra tan-network, imġarrba flimkien ma’ dawk il-kostijiet tan-network li diġà huma inklużi fis-servizz tal-aċċess bl-ingrossa;

(h)

“ekwivalenza tal-inputs (EoI)” tfisser, b’rabta mal-prodotti tal-aċċess u s-servizzi assoċjati u anċillari meħtieġa biex jiġu pprovduti l-inputs bl-ingrossa, il-forniment ta’ servizzi u informazzjoni lil persuni interni u terzi li jfittxu l-aċċess bl-istess termini u kundizzjonijiet, inkluż il-prezz u l-kwalità tal-livelli tas-servizz, fl-istess skali taż-żmien, bl-użu tal-istess sistemi u proċessi, u bl-istess grad ta’ affidabbiltà u prestazzjoni;

(i)

“ekwivalenza tal-outputs (EoO)” tfisser il-forniment ta’ inputs bl-ingrossa lil persuni li jkunu qed ifittxu l-aċċess, li jkunu komparabbli, mil-lat ta’ funzjonalità u prezz, ma’ dawk li l-operatur SMP jipprovdi internament lin-negozji downstream tiegħu stess, għalkemm bl-użu ta’ sistemi u proċessi potenzjalment differenti;

(j)

“kostijiet inkrementali” tfisser kostijiet assoċjati direttament mal-produzzjoni ta’ inkrement kummerċjali, jiġifieri l-kost addizzjonali għall-forniment ta’ servizz minbarra s-sitwazzjoni meta s-servizz ma kienx ipprovdut, jekk wieħed jassumi li l-attivitajiet l-oħra kollha tal-produzzjoni jibqgħu l-istess;

(k)

“indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs)” tfisser indikaturi li jkejlu l-livell tal-prestazzjoni fil-forniment tas-servizzi bl-ingrossa rilevanti;

(l)

“kostijiet inkrementali fit-tul (LRIC)” tfisser il-kostijiet inkrementali li jikkorrispondu għal limitu taż-żmien meta l-fatturi kollha tal-produzzjoni, inkluż it-tagħmir kapitali, ikunu varjabbli, b’reazzjoni għall-bidliet fid-domanda minħabba bidliet fil-volum jew fl-istruttura tal-produzzjoni, u fejn l-investimenti kollha jitqiesu bħala kostijiet varjabbli;

(m)

“marġni kummerċjali” tfisser iż-żieda fil-kost inkrementali ta’ servizz speċifiku li ssir biex jiġu allokati u rkuprati l-kostijiet komuni bl-allokazzjoni għas-servizzi kollha li għalihom ikunu rilevanti dawk il-kostijiet komuni;

(n)

“offerta bl-imnut ġdida” tfisser offerta bl-imnut ġdida ta’ servizzi, inkluż pakketti ta’ servizzi, minn operatur SMP abbażi ta’ inputs bl-ingrossa regolati eżistenti jew ġodda;

(o)

“valur kontabilistiku regolatorju” tfisser il-valur ta’ assi kif irreġistrat fil-kontijiet regolatorji awditjati ta’ impriża li jqis l-użu proprja u l-ħajja tal-assi, li tipikament ikunu itwal minn dawk irreġistrati fil-kontijiet statutorji u li jkunu aktar konformi mal-ħajja teknika;

(p)

“bażi tal-assi regolatorji (RAB)” tfisser il-valur totali tal-kapital tal-assi użati biex jiġu kkalkolati l-kostijiet tas-servizzi regolati;

(q)

“assi storiċi tal-inġinerija ċivili riużabbli” huma l-assi storiċi tal-inġinerija ċivili li jintużaw għan-network tar-ram u li jistgħu jerġgħu jintużaw biex jilqgħu network VHCN;

(r)

“ftehim dwar il-livell ta’ servizz (SLA)” tfisser ftehim kummerċjali li abbażi tiegħu l-operatur SMP ikun obbligat jipprovdi aċċess għal servizzi bl-ingrossa b’livell speċifikat ta’ kwalità;

(s)

“garanzija fil-livell tas-servizz (SLG)” tfisser parti integrali minn SLA li tispeċifika l-livell ta’ kumpens pagabbli mill-operatur SMP jekk dan jipprovdi servizzi bl-ingrossa ta’ kwalità inferjuri għal dik speċifikata fl-SLA;

(t)

“saff bl-ingrossa bbażat fuq networks VHC” tfisser saff tan-network li fih jingħata aċċess lil dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess fuq network ibbażat fuq VHC u meta jkunu jistgħu jiġu pprovduti diversi “inputs bl-ingrossa”;

(u)

“kost medju ponderat tal-kapital (WACC)” jirrappreżenta l-valur perċentwali li fih l-investitur jitlob kumpens għal investiment;

(v)

“input bl-ingrossa” tfisser prodott tal-aċċess meħtieġ għal dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess biex l-utenti finali jiġu fornuti b’servizz broadband f’suq bl-imnut u li jkun jikkonsisti fi prodott attiv jew passiv jew prodott tal-aċċess virtwali li joffri funzjonalitajiet ekwivalenti għal prodott tal-aċċess passiv, li jista’ jiġi pprovdut fuq infrastrutturi tan-network tar-ram storiku jew infrastrutturi bbażati fuq VHC.

SEGMENTAZZJONI ĠEOGRAFIKA TAR-RIMEDJI

10.

Meta d-differenzi ġeografiċi fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ma jkunux biżżejjed, jew ma jkunux stabbli biżżejjed, biex iwasslu għad-definizzjoni ta’ swieq ġeografiċi separati, l-NRAs jenħtieġ li jimponu, meta ġustifikat, rimedji differenzjati skont iż-żona ġeografika f’suq ġeografiku partikolari.

11.

Il-kriterji li l-NRAs jistgħu jużaw għas-segmentazzjoni ġeografika tar-rimedji jenħtieġ li jkunu l-istess bħal dawk użati għas-segmentazzjoni ġeografika tas-swieq, bid-differenza tkun waħda ta’ grad jew ta’ stabbiltà. Dawn jenħtieġ li jinkludu l-għadd u l-karatteristiċi tan-networks kompetituri, u d-distribuzzjoni tal-ishma tas-suq u x-xejriet fihom, il-prezzijiet u l-mudelli tal-imġiba.

12.

Meta l-NRAs jiddifferenzjaw ir-rimedji għax id-differenzi fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ma jkunux stabbli biżżejjed biex jiddefinixxu swieq ġeografiċi separati, jenħtieġ li dawn jikkunsidraw li jaġġornaw is-segmentazzjoni li tirriżulta perjodikament fil-perjodu tal-validità tal-analiżi tas-suq li matulu tiġi applikata s-segmentazzjoni. Il-kriterji għal tali aġġornamenti jenħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar fl-analiżi tas-suq stess, u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-istess kriterji bħal dawk użati għas-segmentazzjoni ġeografika inizjali tar-rimedji, biex ikunu żgurati l-prevedibbiltà massima u ambjent ekwu.

NONDISKRIMINAZZJONI

Niżguraw l-ekwivalenza tal-aċċess

13.

L-aktar mod ċert kif tinkiseb nondiskriminazzjoni effettiva u tiġi promossa l-kompetizzjoni hu, fil-prinċipju, bl-applikazzjoni tal-EoI, li tiżgura ambjent ekwu bejn in-negozji downstream tal-operatur SMP u l-partijiet terzi li jkunu qed ifittxu l-aċċess. Meta l-NRAs jidhrilhom li l-impożizzjoni ta’ obbligu tan-nondiskriminazzjoni fuq l-operaturi SMP skont l-Artikolu 70 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, dawn jenħtieġ li jeżaminaw jekk ikunx proporzjonat li l-operaturi SMP jintalbu jipprovdu inputs bl-ingrossa rilevanti abbażi ta’ EoI jew EoO.

14.

Meta twettaq din il-valutazzjoni tal-proporzjonalità, l-NRA jenħtieġ li tqis, b’mod partikolari:

(a)

il-kostijiet inkrementali u d-dewmien fil-konformità li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-EoI jew tal-EoO, inkluż il-kostijiet tal-monitoraġġ tan-nondiskriminazzjoni;

(b)

l-effett potenzjali tan-nonimpożizzjoni ta’ prezzijiet regolati tal-aċċess bl-ingrossa fuq networks VHCN;

(c)

l-effett potenzjalment pożittiv tal-applikazzjoni tan-nondiskriminazzjoni stretta fil-forma ta’ EoI jew EoO fuq l-investiment f’networks VHCN, l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni;

(d)

kwalunkwe impenn volontarju mill-operatur SMP biex jipprovdi inputs bl-ingrossa lil dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess abbażi ta’ EoI jew EoO, sakemm dik l-offerta volontarja tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni;

(e)

l-għadd u d-daqs tal-operatur(i) SMP;

(f)

esperjenzi minn standards implimentati attwalment.

15.

Meta jkun proporzjonat, jenħtieġ li tiġi applikata nondiskriminazzjoni stretta fil-forma ta’ EoI jew EoO fl-aktar livell xieraq/livelli xierqa fil-katina tal-valur għal dawk l-inputs bl-ingrossa li l-operatur SMP jipprovdi lin-negozji downstream tiegħu stess. B’mod ġenerali, l-NRAs jenħtieġ li jiġġustifikaw l-għażliet tagħhom bejn l-EoI u l-EoO abbażi ta’ prodott bi prodott bl-ingrossa, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali. Iżda jekk jintuża input bl-ingrossa wieħed f’diversi prodotti bl-imnut, jenħtieġ li d-deċiżjoni tittieħed fuq id-diversi prodotti bl-ingrossa.

16.

Meta jikkunsidraw l-applikazzjoni tal-EoI, l-NRAs jenħtieġ li qabelxejn jikkunsidraw li jintroduċuha fl-aktar livell profond possibbli tan-network li fih il-kompetizzjoni tkun effettiva u sostenibbli fit-tul. Meta jiġi impost aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili f’konformità mal-punti 30 sa 37 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-NRAs jenħtieġ li jikkunsidraw bir-reqqa l-benefiċċji u l-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-EoI għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, filwaqt li jqisu b’mod partikolari kif dik il-miżura tista’ tikkontribwixxi biex tippermetti kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura.

17.

L-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li, fejn jiġi impost obbligu tan-nondiskriminazzjoni, dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess ikunu jistgħu jużaw is-sistemi u l-proċessi rilevanti bl-istess grad ta’ affidabbiltà u prestazzjoni bħall-fergħa tal-bejgħ bl-imnut downstream tal-operatur SMP stess.

Niżguraw replikabbiltà teknika tal-offerti bl-imnut ġodda tal-operatur SMP integrat vertikalment

18.

L-NRAs jenħtieġ li jeżiġu li l-operaturi SMP soġġetti għal obbligu tan-nondiskriminazzjoni jipprovdu inputs bl-ingrossa regolati lil dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess biex min ikun qed ifittex l-aċċess ikun jista’ jirreplika b’mod effettiv offerti bl-imnut ġodda tal-fergħa tal-bejgħ bl-imnut downstream tal-operatur SMP minn perspettiva teknika. B’mod partikolari, l-NRAs jenħtieġ li jimponu dak ir-rekwiżit meta n-nondiskriminazzjoni stretta bbażata fuq l-EoI ma tkunx implimentata għalkollox.

19.

Għal dak il-għan u biex ikun żgurat ambjent ekwu bejn il-fergħa tal-bejgħ bl-imnut downstream tal-operatur SMP u l-partijiet terzi li jkunu qed ifittxu l-aċċess, l-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-partijiet interni u terzi li jkunu qed ifittxu l-aċċess ikollhom aċċess għall-istess informazzjoni teknika u kummerċjali dwar l-input bl-ingrossa regolat rilevanti, mingħajr ma jiġu affettwati r-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali. L-informazzjoni rilevanti tinkludi l-informazzjoni dwar l-inputs bl-ingrossa regolati ġodda jew dwar bidliet fl-inputs bl-ingrossa regolati eżistenti, li trid tingħata f’konformità maż-żmien meħtieġ stabbilit abbażi ta’ każ b’każ.

20.

Meta tkun qed tivvaluta r-replikabbiltà teknika tal-offerta bl-imnut ġdida tal-operatur SMP, l-NRA jenħtieġ li tqis:

(a)

jekk l-input jew l-inputs bl-ingrossa korrispondenti għall-ordni, it-twassil u t-tiswija, li huma meħtieġa biex operatur effiċjenti jiżviluppa jew jadatta s-sistemi u l-proċessi tiegħu stess biex joffri servizzi bl-imnut ġodda kompetittivi, isirux disponibbli għal dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess għal perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel ma l-operatur SMP, jew il-fergħa downstream bl-imnut tiegħu, iniedu s-servizz bl-imnut korrispondenti tagħhom stess;

(b)

id-disponibbiltà tal-SLAs u tal-KPIs korrispondenti.

21.

It-test tar-replikabbiltà teknika meħtieġ jista’ jagħmlu l-operatur SMP jew l-NRA. Jekk l-operatur SMP iwettaq it-test tar-replikabbiltà teknika hu stess, l-NRA jenħtieġ li titlob lill-operatur SMP jipprovdilha r-riżultati tat-test, inkluż l-informazzjoni kollha meħtieġa, li turi li r-replikabbiltà teknika hi żgurata għalkollox. L-NRA jenħtieġ li teżiġi li l-operatur SMP jinnotifika l-offerta bl-imnut ġdida b’avviż biżżejjed biex l-NRA tivvalida r-riżultati tat-test u biex dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess ikunu jistgħu jirreplikaw l-offerta bl-imnut rilevanti fil-ħin jekk jagħżlu li jagħmlu dan.

22.

Inkella, jekk l-NRA twettaq it-test tar-replikabbiltà teknika, jenħtieġ li din teżiġi li l-operatur SMP jinnotifika lill-NRA bid-dettalji tal-offerti bl-imnut ġodda li jużaw input bl-ingrossa regolat rilevanti partikolari flimkien mal-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-NRA tivvaluta r-replikabbiltà, b’avviż biżżejjed qabel it-tnedija ta’ dawk l-offerti bl-imnut. Jenħtieġ li tali avviż ikun biżżejjed għall-NRA biex twettaq it-test tar-replikabbiltà teknika u anki għal dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess biex ikunu jistgħu jirreplikaw l-offerta bl-imnut rilevanti fil-ħin jekk jagħżlu li jagħmlu dan.

23.

Meta l-NRA jidhrilha li r-replikabbiltà teknika tal-offerta bl-imnut ġdida mhix żgurata, din jenħtieġ li teżiġi li l-operatur SMP jemenda l-input(s) bl-ingrossa regolati rilevanti b’mod li jiżgura r-replikabbiltà teknika.

24.

Jekk l-NRA jidhrilha li offerta bl-imnut li ma tkunx teknikament replikabbli tikkawża ħsara sinifikanti lill-kompetizzjoni, din jenħtieġ li teżiġi li l-operatur SMP, skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, jirtira jew jittardja l-forniment tal-offerta bl-imnut rilevanti sakemm jikkonforma mar-rekwiżit tar-replikabbiltà teknika.

Monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi tan-nondiskriminazzjoni

25.

Meta jimponu obbligu tan-nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 70 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, biex jiżguraw il-konformità u applikazzjoni effettiva, l-NRAs jenħtieġ li jitolbu lill-operatur SMP jimplimenta l-KPIs, l-SLAs flimkien mal-KPIs, u l-SLGs f’każ ta’ ksur tal-SLA, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu biex jiġu aġġornati l-KPIs, l-SLAs u l-GLS kull meta jkun meħtieġ. Meta jkun meħtieġ, l-NRAs jenħtieġ li jitolbu lill-operatur SMP jinkludi l-KPIs, l-SLAs u l-SLGs fl-offerta ta’ referenza.

26.

L-NRAs jenħtieġ li jqisu kif xieraq kull impenn propost mill-operatur SMP b’rabta man-nondiskriminazzjoni f’konformità mal-Artikolu 79 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. B’mod partikolari, tali impenji jistgħu jiġu proposti b’rabta mal-KPIs, l-SLAs u l-SLGs, inkluż għall-kundizzjonijiet tagħhom, speċjalment meta dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess jaqblu mal-proposti mressqa mill-operatur SMP. L-NRAs jenħtieġ li jrawmu djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati bejn l-operatur SMP u dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess biex jilħqu ftehim jew jinfurmaw deċiżjoni dwar dan li ġej:

(a)

sett komprensiv ta’ KPIs, SLAs u SLGs;

(b)

it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, inkluża skadenza xierqa għall-aġġornament tal-KPIs, tal-SLAs u tal-SLGs.

Monitoraġġ mill-NRAs

27.

L-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-prinċipju tal-ekwivalenza jiġi applikat b’mod effettiv. Meta l-KPIs jindikaw li l-operatur SMP jaf ma jkunx qed jikkonforma mal-obbligu tan-nondiskriminazzjoni tiegħu, l-NRA jenħtieġ li tintervjeni billi tinvestiga l-kwistjoni f’aktar dettall u, meta jkun hemm bżonn, tinforza l-konformità. L-NRAs jenħtieġ li jippubblikaw id-deċiżjonijiet biex jirrimedjaw in-nuqqas ta’ konformità, pereżempju, fuq is-sit web tagħhom.

28.

Minbarra r-rapporti dwar il-KPI, l-NRAs jenħtieġ jiżguraw li l-operaturi SMP iżommu rendikont tal-elementi kollha meħtieġa biex jimmonitorjaw il-konformità mal-ekwivalenza tar-rekwiżit tal-aċċess. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-NRAs jagħmlu kontrolli regolari, filwaqt li jivverifikaw li l-operatur SMP jipprovdi l-livell meħtieġ ta’ informazzjoni lil partijiet terzi li jfittxu l-aċċess, u li l-proċeduri, b’mod partikolari għall-ordnijiet u forniment, jiġu applikati sew.

Assimetrija tal-informazzjoni

29.

Meta l-fergħa tal-bejgħ bl-ingrossa tal-operatur SMP ikollha għarfien minn qabel ta’ pjanijiet tal-introduzzjoni minn dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess, l-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li dik l-informazzjoni ma tiġix kondiviża mal-fergħa tal-bejgħ bl-imnut tal-operatur SMP, biex ikun evitat li l-operatur SMP jikseb vantaġġ kompetittiv bla bżonn. Bħala minimu,l-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-persunal involut fl-attivitajiet tal-bejgħ bl-imnut tal-operatur SMP ma jipparteċipax fl-istrutturi tal-kumpaniji tal-operatur SMP responsabbli, direttament jew indirettament, għall-ġestjoni tal-aċċess għall-inputs bl-ingrossa. L-NRAs jistgħu jitolbu lill-operatur SMP jipprovdi rapport annwali li jiddokumenta dan li ġej:

(a)

il-prattiki tiegħu biex jevita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni sensittiva bejn il-fergħat tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut tiegħu;

(b)

kull allegazzjoni ta’ ksur;

(c)

kull azzjoni korrettiva li jkun ħa.

AĊĊESS GĦALL-INFRASTRUTTURA TAL-INĠINERIJA ĊIVILI TAL-OPERATUR SMP

30.

Meta jkun meħtieġ u proporzjonat biex jiġu indirizzati l-problemi tal-kompetizzjoni identifikati, u meta l-kapaċità tkun disponibbli fl-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP, l-NRAs jenħtieġ li jawtorizzaw l-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili skont l-Artikolu 72 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Dak l-obbligu jista’ jiġi impost biss fi swieq ġeografiċi meta l-operatur ikun ġie identifikat bħala SMP. L-ambitu ta’ dak l-obbligu jista’ jvarja bejn iż-żoni ġeografiċi, jekk tiġi applikata s-segmentazzjoni ġeografika tar-rimedji kif imsemmi fil-punti 10, 11 u 12 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Meta jimponu l-obbligu tal-aċċess, l-NRAs jenħtieġ li jikkunsidraw l-assi u l-faċilitajiet kollha, taħt l-art u fuq l-art, li jifformaw parti mill-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP.

31.

Għajr f’ċirkostanzi speċifiċi (bħal meta l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili proprjetà tal-operatur SMP jew ikkontrollata minnu tkun ineżistenti jew estremament limitata, jew meta l-NRA tistabbilixxi kif xieraq li d-domanda tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili proprjetà tal-operatur SMP jew ikkontrollata minnu tkun ineżistenti jew limitata ħafna), l-obbligi tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/61/UE aktarx ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw il-problemi tal-kompetizzjoni identifikati fl-analiżijiet tas-suq imwettqa skont l-Artikoli 64 u 67 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

32.

Qabel ma jimponu xi obbligu ieħor tal-aċċess skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-NRAs jenħtieġ li l-ewwel jikkunsidraw jekk l-għoti ta’ mandat għall-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili waħdu jistax jindirizza l-problemi identifikati tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, l-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili bħala l-uniku rimedju għall-aċċess aktarx ikun biżżejjed biex jindirizza l-problemi tal-kompetizzjoni identifikati meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-operatur SMP ikollu kontroll fuq infrastruttura estensiva tal-inġinerija ċivili li tippermetti lill-operaturi alternattivi jvaraw in-networks VHCN tagħhom stess sal-bini tal-utenti finali, mingħajr ma tiġi affettwata l-kondiviżjoni tal-wajers interni skont l-Artikolu 61(3) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(b)

ikun hemm grad biżżejjed ta’ kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura minn tarf sa tarf, jew ikun hemm prospett vijabbli u realistiku li dik il-kompetizzjoni se tfeġġ tul il-perjodu kopert mir-rieżami tas-suq.

33.

Meta l-prospett għal kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura minn tarf sa tarf ikun vijabbli u realistiku, iżda dik il-kompetizzjoni jkun għadha ma ssarrfitx fil-prattika, l-NRAs jenħtieġ li jivvalutaw jekk ikunx hemm bżonn jimponu jew iżommu, fuq bażi tranżizzjonali, obbligi oħra tal-aċċess qabel ma jkunu jiddependu biss fuq aċċess regolat għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili. F’każijiet bħal dawn, l-NRAs jenħtieġ li jistabbilixxu perjodu tranżitorju xieraq għall-applikazzjoni ta’ obbligi oħra tal-aċċess speċifiċi għan-network qabel ma jkunu jiddependu biss fuq aċċess regolat għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, biex operatur effiċjenti jingħata żmien biżżejjed biex jidduplika n-network tal-aċċess.

34.

L-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-aċċess għall-infrastruttura eżistenti tal-inġinerija ċivili jiġi pprovdut f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u bi pprezzar abbażi tal-kost f’konformità mal-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata stabbilita fil-punti 48 sa 59 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

35.

Meta jkun hemm talba għal offerta ta’ referenza tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, l-NRAs jenħtieġ li jeżiġu li dik l-offerta ssir mill-aktar fis possibbli. L-offerta ta’ referenza jenħtieġ li tkun fis-seħħ fi żmien sa sitt xhur minn meta tkun saret it-talba.

36.

L-NRAs jenħtieġ li, f’konformità mad-domanda tas-suq, jinkoraġġixxu, jew meta possibbli skont il-liġi nazzjonali, jobbligaw lill-operatur SMP biex, meta jkun qed jibni l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, jinstalla kapaċità biżżejjed ħalli operaturi oħra jkunu jistgħu jużaw dawk il-faċilitajiet.

37.

L-NRAs jenħtieġ li jaħdmu ma’ awtoritajiet oħra biex joħolqu bażi tad-data li tiġbor l-informazzjoni dwar il-pożizzjoni ġeografika, il-kapaċità disponibbli u karatteristiċi fiżiċi oħra tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili kollha li tista’ tintuża għall-introduzzjoni tan-networks VHCN f’suq jew segment tas-suq partikolari. Dik il-bażi tad-data jenħtieġ li tkun aċċessibbli għall-operaturi kollha.

IN-NONIMPOŻIZZJONI TAL-PREZZIJIET REGOLATI TAL-AĊĊESS BL-INGROSSA FUQ IN-NETWORKS VHCN

38.

Huwa rakkomandat li l-NRA jenħtieġ li ma timponix jew ma żżommx prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa regolati fuq l-inputs bl-ingrossa tan-networks VHCN, skont l-Artikolu 74 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta – bħala parti mill-istess miżura – l-NRA timponi obbligi tan-nondiskriminazzjoni fuq l-operatur SMP li jikkonċernaw l-inputs bl-ingrossa tan-networks VHCN, skont l-Artikolu 70 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, u fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-NRA timponi obbligi biex jiġu applikati l-EoI, jew l-EoO fejn l-NRA tkun stabbiliet li l-obbligi tal-EoI jkunu sproporzjonati, u li l-obbligi tal-EoO jkunu biżżejjed biex jiżguraw nondiskriminazzjoni effettiva;

(b)

l-NRA timponi obbligi relatati mar-replikabbiltà teknika u l-mekkaniżmi xierqa tal-monitoraġġ, applikati f’konformità mal-punti 18 sa 24 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fejn l-EoI ma tkunx implimentata għalkollox;

(c)

l-NRA timponi obbligi relatati mat-test tar-replikabbiltà ekonomika, applikati f’konformità mal-punti 46 u 47 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(d)

li hemm restrizzjoni dimostrabbli fuq il-prezz bl-imnut ikkawżata minn waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura, mill-forniment ta’ servizzi bl-imnut fuq infrastruttura alternattiva waħda jew aktar li mhumiex ikkontrollati mill-operatur SMP;

(ii)

impenji ċari u realistiċi li jirriżultaw mill-istħarriġ ġeografiku għall-introduzzjoni ta’ networks alternattivi biex ikopru parti sinifikanti taż-żona fil-perjodu ta’ rieżami tas-suq, speċjalment jekk ikunu appoġġati minn ftehimiet ta’ aċċess effettivi għall-infrastrutturi tal-inġinerija ċivili kkontrollati mill-operatur SMP jew jekk l-implimentazzjoni tkun diġà bdiet;

(iii)

ankra regolata, definita mill-NRA f’konformità mal-punti 41 sa 45 tar-Rakkomandazzjoni, u soġġetta għal obbligu tal-kontroll tal-ipprezzar abbażi tal-kost, applikata f’konformità mal-metodoloġija tal-ikkostjar stabbilita fil-punti 48 sa 59 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

39.

Fis-swieq li jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 38 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni biss f’ċerti żoni, l-NRAs jenħtieġ li jiddifferenzjaw ir-rimedji, u jżommu jew jimponu obbligi tal-kontroll tal-prezzijiet f’konformità mal-Artikolu 74 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 biss f’dawk iż-żoni li ma jkunux jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet. L-impożizzjoni ta’ rimedji differenzjati f’suq ġeografiku partikolari jenħtieġ li ma tkunx tbiddel is-suppożizzjonijiet sottostanti tal-NRAs għall-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata, u għalhekk jenħtieġ li ma tkunx twassal għal eżitu diverġenti meta mqabbel max-xenarju alternattiv tan-nonimpożizzjoni ta’ rimedji differenzjati.

40.

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 38(d) ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li ma jitqisux bħala l-uniċi ċirkostanzi meta l-NRAs jistgħu jiddeċiedu li ma jimponux prezzijiet tal-aċċess regolati għall-inputs bl-ingrossa tan-networks VHCN. Jiddependi mit-turija ta’ nondiskriminazzjoni effettiva u kundizzjonijiet kompetittivi, jaf ikun hemm sitwazzjonijiet oħra meta l-impożizzjoni ta’ prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa regolati ma tkunx iġġustifikata skont id-Direttiva (UE) 2018/1972. B’mod partikolari, u f’konformità mal-punt 71 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, dan jista’ jkun meta l-każ tan-negozju biex jiġi introdott network VHCN ikun marġinalment vijabbli anki jekk ma jkunx hemm regolamentazzjoni f’dik iż-żona, pereżempju f’żoni b’densità aktar baxxa tal-popolazzjoni.

Definizzjoni tal-karatteristiċi ta’ ankra regolata

41.

L-ankra regolata hi prodott tal-aċċess bl-ingrossa orjentat lejn il-kost, jew taħlita ta’ tali prodotti, li jillimita l-prezzijiet tal-VHCN b’tali mod li s-servizzi relatati jiġu pprezzati skont ir-rieda tal-konsumaturi li jħallsu primjum għall-kapaċità u l-funzjonalitajiet addizzjonali li jista’ jipprovdi prodott bl-imnut ibbażat fuq il-VHCN meta mqabbel mal-prodotti bl-imnut ipprovduti abbażi ta’ ankra regolata waħda jew aktar. L-ankra regolata tista’ tkun taħlita ta’ prodotti bbażati fuq ir-ram u l-VHCN, jew ibbażata fuq portafoll ta’ prodotti. Tista’ ssir restrizzjoni simili għal dik eżerċitata mill-ankra regolata, abbażi taċ-ċirkostanzi nazzjonali, mill-aċċess regolat għall-infrastrutturi tal-inġinerija ċivili.

42.

L-NRA jenħtieġ li tiddefinixxi l-karatteristiċi tal-ankra regolata abbażi tas-sejbiet tal-analiżi tas-suq, filwaqt li tqis li l-prodott ankra jenħtieġ li jkun soġġett għal ipprezzar abbażi tal-kost, skont il-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata stabbilita fil-punti 48 sa 59 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

43.

Meta prodott ibbażat fuq ir-ram (inkluż il-prodotti tal-aċċess lokali diżaggregat virtwali ipprovduti fuq network tar-ram aġġornat) ikun għadu jista’ jeżerċita restrizzjoni dimostrabbli fuq il-prezz bl-imnut fuq prodotti bbażati fuq VHCN b’mod progressiv, l-NRA jenħtieġ li tiddefinixxi dak il-prodott bħala l-ankra regolata jew bħala waħda mill-ankri regolati.

44.

Meta l-NRA tikkonkludi li ankra bbażata fuq ir-ram ma tibqax teżerċita restrizzjoni dimostrabbli fuq il-prezz bl-imnut, u fin-nuqqas ta’ restrizzjoni dimostrabbli fuq il-prezz minħabba l-eżistenza ta’ networks alternattivi jew aċċess regolat għal infrastrutturi tal-inġinerija ċivili, l-NRA jenħtieġ li tiddefinixxi prodott regolat fil-livell tad-dħul ipprovdut fuq network VHCN fis-suq bl-ingrossa rilevanti bħala l-ankra regolata jew bħala waħda mill-ankri regolati. Il-prestazzjonijiet tekniċi ta’ dak il-prodott regolat jenħtieġ li jkunu limitati għal dak meħtieġ biex tiġi eżerċitata restrizzjoni dimostrabbli fuq il-prezz bl-imnut b’mod progressiv. Bħala tali, il-prodott ankra bbażat fuq il-VHCN jista’ jkun prodott regolat virtwali jew attiv, jew it-tnejn li huma. Dak il-prodott jenħtieġ li jkun soġġett għal ipprezzar abbażi tal-kost skont il-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata stabbilita fil-punti 48 sa 59, ta’ din ir-Rakkomandazzjoni filwaqt li jenħtieġ li tiġi pprovduta l-flessibbiltà fl-ipprezzar għall-prodotti l-oħra kollha pprovduti fuq networks VHCN. Meta l-operatur SMP jintroduċi network VHCN, l-NRA jenħtieġ li tippermetti lill-operatur SMP jipprovdi ankra li toffri prestazzjonijiet simili għall-aktar ankra riċenti bbażata fuq ir-ram, diment li l-ankra tkun tista’ teżerċita restrizzjoni dimostrabbli fuq il-prezz bl-imnut.

45.

Meta l-NRA tikkonkludi li d-definizzjoni ta’ prodott ibbażat fuq ir-ram jew prodott tal-fibra ta’ livell inizjali tista’ ma tkunx biżżejjed biex tiġi eżerċitata restrizzjoni effettiva fuq il-prezz fuq l-SMP, il-NRAs jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jiddefinixxu ankra effettiva li tista’ tkun taħlita ta’ ankri (prodotti bbażati fuq ir-ram u l-VHCN) jew li jiddefinixxu bħala ankra portafoll ta’ prodotti regolati li jkun rappreżentattiv biżżejjed tad-domanda tal-konsumatur. Il-prestazzjonijiet tekniċi ta’ kull prodott regolat jenħtieġ li jkunu limitati għal dak meħtieġ biex tiġi eżerċitata restrizzjoni dimostrabbli fuq il-prezz bl-imnut b’mod progressiv. Bħala tali, kull prodott ankra jista’ jkun prodott regolat virtwali jew attiv. Kull prodott jenħtieġ li jkun soġġett għal ipprezzar abbażi tal-kost skont il-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata stabbilita fil-punti 48 sa 59, ta’ din ir-Rakkomandazzjoni filwaqt li jenħtieġ li tiġi pprovduta l-flessibbiltà fl-ipprezzar għall-prodotti l-oħra kollha pprovduti fuq networks VHCN.

Test tar-replikabbiltà ekonomika

46.

L-NRA jenħtieġ li titqies li qed timponi l-obbligi tar-replikabbiltà ekonomika msemmija fil-punt 38(c) ta’ din ir-Rakkomandazzjoni meta tadotta miżura finali li fiha tiddeċiedi li ma timponix jew ma żżommx prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa regolati fuq inputs bl-ingrossa tan-networks VHCN, u fl-istess miżura finali tinkludi l-elementi li ġejjin, li kienu soġġetti għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2018/1972:

(a)

jenħtieġ li l-miżura tinkludi d-dettalji tat-test ex ante tar-replikabbiltà ekonomika li se tapplika l-NRA. Jenħtieġ li dawk id-dettalji jispeċifikaw, bħala minimu, il-parametri li ġejjin, meta applikabbli, f’konformità mal-gwida pprovduta fl-Anness III ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

(1)

il-kostijiet downstream rilevanti li jitqiesu;

(2)

il-kost standard rilevanti;

(3)

l-inputs bl-ingrossa regolati rilevanti u l-prezzijiet ta’ referenza;

(4)

il-prodotti bl-imnut rilevanti;

(5)

il-perjodu taż-żmien rilevanti biex isir it-test;

(6)

il-metodoloġija użata għad-determinazzjoni tal-prodotti ewlenin;

(7)

jekk il-prodotti ewlenin humiex maħsuba li jiġu analizzati b’mod individwali jew bħala portafoll;

(8)

l-approċċ li se jitħaddem għall-prodotti mhux regolati li jkunu parti mill-pakkett ewlieni;

(b)

jenħtieġ li l-miżura tinkludi wkoll il-proċedura li se tuża l-NRA biex twettaq test ex ante tar-replikabbiltà ekonomika, li tispeċifika li l-NRA:

(1)

tista’ tibda l-proċedura b’inizjattiva tagħha stess jew wara talba mingħand partijiet terzi, fi kwalunkwe ħin iżda fi żmien sa tliet xhur mit-tnedija tal-prodott bl-imnut rilevanti;

(2)

se twettaq u tikkonkludi t-test mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien erba’ xhur mill-bidu tal-proċedura. Madankollu, jekk l-NRA ikollha timmaniġġja każijiet kumplessi, bħal pereżempju testijiet tal-portafoll, jew issegwi l-bidliet fi prodotti ewlenin jew tirrevedi r-riżultat tal-analiżi tar-replikabbiltà minħabba informazzjoni aġġornata, dak il-perjodu ta’ erba’ xhur jista’ jiġi estiż b’perjodu ta’ żmien addizzjonali, diment li l-NRA tiġġustifika kif xieraq il-ħtieġa ta’ din l-estensjoni. Barra minn hekk, jekk ikun meħtieġ ukoll test tar-replikabbiltà teknika, jenħtieġ li ż-żmien li matulu jsiru ż-żewġ testijiet (jiġifieri t-test tar-replikabbiltà teknika u t-test tar-replikabbiltà ekonomika) jiġi allinjat kemm jista’ jkun.

Il-proċedura jenħtieġ li tagħmilha ċara li t-test tar-replikabbiltà ekonomika ex ante li jridu jwettqu l-NRAs skont il-punt 38, l-ewwel paragrafu, il-punt (c) ta’ din ir-Rakkomandazzjoni hu differenti minn kull test tal-kompressjoni tal-marġni li jista’ jsir ex post skont il-liġi dwar il-kompetizzjoni, u ma jaffettwa l-ebda wieħed minnhom;

(c)

il-miżura jenħtieġ li tkun tinkludi wkoll ir-rimedju li tkun se tadotta l-NRA meta l-offerta tal-operatur SMP ma tgħaddix mit-test, billi tuża l-għodod tal-infurzar ipprovduti skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 biex tkun żgurata l-konformità. Meta xieraq, dak ir-rimedju jenħtieġ li jkun jinkludi talba biex l-operatur SMP jindirizza l-kwistjoni tar-replikabbiltà ekonomika skont il-gwida tal-NRA u abbażi tar-riżultati tat-test tar-replikabbiltà ekonomika ex ante mwettaq. Meta l-NRA ikun jidhrilha li offerta bl-imnut li ma tkunx replikabbli ekonomikament tagħmel ħsara sinifikanti lill-kompetizzjoni, din jenħtieġ li teżerċita s-setgħat tagħha skont it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 biex teżiġi li l-operatur SMP jirtira jew jittardja l-offerta bl-imnut rilevanti sakemm jikkonforma mar-rekwiżit għar-replikabbiltà ekonomika.

47.

Ladarba l-miżura tiġi adottata, l-NRA jenħtieġ li tippubblika fuq is-sit web tagħha l-pjan direzzjonali u d-dettalji tat-test tar-replikabbiltà ekonomika ex ante bħala parti mill-miżura finali. L-NRA jenħtieġ li tikkunsidra li tuża l-għodod tal-infurzar kollha pprovduti skont id-Direttiva (UE) 2018/1972 biex tiżgura l-konformità mal-aspetti kollha tal-miżuri imposti. B’mod partikolari, l-NRAs jenħtieġ li jużaw is-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 biex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa, mingħand l-operatur SMP u, meta meħtieġ, mingħand impriżi oħra, biex ifasslu u japplikaw it-test tar-replikabbiltà ekonomika. Dik jenħtieġ li tkun tinkludi l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi allokat il-prezz ta’ pakkett bl-imnut ewlieni fil-komponenti differenti tal-offerta miġbura għat-test tar-replikabbiltà ekonomika.

APPROĊĊI KONSISTENTI GĦALL-OBBLIGI TAL-KONTROLL TAL-PREZZIJIET

Il-metodoloġija tal-ikkostjar

Il-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata

48.

Biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet għall-prodotti tal-aċċess bl-ingrossa pprovduti permezz tan-networks tar-ram u tan-networks VHCN meta l-orjentazzjoni tal-kostijiet tkun xierqa, proporzjonata u ġustifikata skont l-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 68(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-NRAs jenħtieġ li jadottaw metodoloġija tal-ikkostjar minn isfel għal fuq, fit-tul, inkrementali u kost-plus (BU LRIC+). Jenħtieġ li dik il-metodoloġija tinkludi approċċ tal-immudellar minn isfel għal fuq permezz tal-LRIC bħala l-mudell tal-kost, u jiżdied marġni kummerċjali għall-irkupru tal-kostijiet komuni.

49.

Jenħtieġ li l-NRAs jadottaw metodoloġija tal-ikkostjar BU LRIC+ li tistma l-kost kurrenti li jġarrab operatur effiċjenti ipotetiku biex jibni network effiċjenti modern li jkun VHCN. Dak mingħajr ma jaffettwa jekk network VHCN fis-suq ġeografiku rilevanti jkunx soġġett għal obbligu tal-ipprezzar tal-aċċess bl-ingrossa regolat, li hu indirizzat fil-punt 38 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

50.

Meta jimmudellaw network VHCN, l-NRAs jenħtieġ li jiddefinixxu network VHCN effiċjenti ipotetiku, li jkun kapaċi jilħaq il-miri stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, mil-lat ta’ wisa’ tal-banda u kopertura, kif ukoll iqis l-adozzjoni. Meta jimmudellaw network VHCN, l-NRAs jenħtieġ li jinkludu: (i) kull assi eżistenti tal-inġinerija ċivili li ġeneralment ikun jiflaħ ukoll jilqa’ network VHCN; u (ii) l-assi tal-inġinerija ċivili li se jridu jinbnew ġodda biex jilqgħu network VHCN. Għalhekk, meta jibnu l-mudell tal-BU LRIC+, l-NRAs jenħtieġ li ma jassumux li biex jintroduċu network VHCN iridu jibnu network tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili kompletament ġdid.

51.

L-NRAs jenħtieġ li jivvalutaw l-assi kollha li jikkostitwixxu l-bażi tal-assi regolatorji (“RAB”) tan-network immudellat abbażi tal-kostijiet tas-sostituzzjoni. Fil-prinċipju, l-unika eċċezzjoni għal dan huma l-assi tal-inġinerija ċivili, inklużi l-assi storiċi tal-inġinerija ċivili riużabbli.

52.

Fil-prinċipju, l-NRAs jenħtieġ li jivvalutaw l-assi tal-inġinerija ċivili u l-RAB korrispondenti tagħhom abbażi tal-metodu tal-indiċjar. B’mod speċifiku, l-NRAs jenħtieġ li jistabbilixxu l-RAB għal dak it-tip ta’ assi fil-valur nett kontabilistiku regolatorju tad-deprezzament akkumulat fil-mument tal-kalkolu, indiċjat b’indiċi tal-prezz xieraq, bħall-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut (“RPI”). L-NRAs jenħtieġ li jikkunsidraw il-kostijiet li jkunu dokumentati sew u relatati b’mod ċar man-nefqa fl-assi tal-inġinerija ċivili. Għall-assi storiċi tal-inġinerija ċivili riużabbli, l-NRAs jenħtieġ li jeżaminaw il-kontijiet tal-operatur SMP, meta jkunu disponibbli, biex jiddeterminaw jekk dawn humiex affidabbli biżżejjed bħala bażi għal rikostruzzjoni tal-valur kontabilistiku regolatorju. Inkella, jenħtieġ li dawn jagħmlu valwazzjoni abbażi ta’ punt referenzjarju tal-aqwa prattiki fi Stati Membri komparabbli. L-NRAs jenħtieġ li ma jinkludux l-assi storiċi tal-inġinerija ċivili riużabbli li jkunu deprezzati għalkollox iżda li għadhom jintużaw.

53.

Meta japplikaw il-metodu tal-valwazzjoni tal-assi rakkomandat fil-punt 52 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-NRAs jenħtieġ li jimblokkaw l-RAB li tikkorrispondi għall-assi tal-inġinerija ċivili u mbagħad jittrasferuha minn perjodu regolatorju għall-ieħor.

54.

Meta l-NRAs ikunu jistgħu jistabbilixxu li l-metodu tal-indiċjar mhux xieraq, dawn jistgħu jiddeċiedu li jistmaw l-assi storiċi tal-inġinerija ċivili riużabbli u l-RAB korrispondenti tagħhom skont il-kostijiet kurrenti aġġustati għad-deprezzament tul il-ħajja tal-assi. L-NRAs jenħtieġ li ma jqisux il-valur tal-assi storiċi tal-inġinerija ċivili riużabbli li jkunu deprezzati għalkollox iżda li għadhom jintużaw, u jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-metodu għall-valwazzjoni tal-assi użat ikun jirrifletti l-fatt li l-assi storiċi tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili riużabbli b’mod ġenerali ma jiġux replikati fil-proċess kompetittiv.

55.

L-NRAs jenħtieġ li jistabbilixxu t-tul tal-ħajja tal-assi tal-inġinerija ċivili, bħala tul taż-żmien li jikkorrispondi kemm għall-perjodu meta l-assi mistenni jibqa’ utli, u anki għall-profil tad-domanda. Dan ġeneralment ma jkunx inqas minn 40 sena għall-pajpijiet.

56.

Fid-dawl tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, l-NRAs jenħtieġ li jikkunsidraw diversi approċċi għall-immudellar tan-network VHCN effiċjenti ipotetiku, jiddependi mill-aktar teknoloġija tal-aċċess u topoloġija tan-network adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali. Meta jiddeterminaw il-prezzijiet tal-aċċess tas-servizzi li mhumiex ibbażati fuq network VHCN, l-NRAs jenħtieġ li jaġġustaw il-kost ikkalkolat għan-network VHCN immudellat biex ikun jirrifletti l-karatteristiċi differenti tas-servizzi tal-aċċess bl-ingrossa li mhumiex ibbażati fuq network VHCN. Għal dak il-għan, l-NRAs jenħtieġ li jistmaw id-differenza fil-kost bejn prodott tal-aċċess ibbażat fuq, pereżempju, fibra sad-dar (“FTTH”) u prodott tal-aċċess ibbażat fuq ir-ram billi fil-mudell tal-inġinerija tan-network VHCN jissostitwixxu l-elementi ottiċi b’elementi tar-ram ipprezzati b’mod effiċjenti, meta xieraq. Meta xieraq inkella, l-NRAs jistgħu jiksbu l-kost tar-ram billi jimmudellaw network ta’ kopertura tal-VHC, fejn żewġ networks (ram u FTTH) ikunu jaqsmu bejniethom sa ċertu punt l-istess infrastruttura tal-inġinerija ċivili.

57.

L-NRAs jenħtieġ li jallokaw il-kostijiet inkrementali b’mod proporzjonat bejn l-impriżi kollha li jkollhom l-aċċess, inkluż il-fergħa downstream tal-operatur SMP stess.

58.

Meta l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili li tkun proprjetà tal-operatur SMP jew ikkontrollata minnu tkun noneżistenti jew limitata, u meta jkunu meħtieġa investimenti sinifikanti biex l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili ġdida tintroduċi n-network VHCN, l-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-approċċ tal-obbligi tal-kontroll tal-prezzijiet tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili jħares l-inċentivi għall-investiment, kemm fin-networks VHCN stess u anki fl-infrastruttura tal-inġinerija ċivili li tilqagħhom.

59.

L-NRAs jenħtieġ li jistabbilixxu prezzijiet individwali tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili mibnija ġdida tal-operatur SMP kull meta: (i) jiġi impost ipprezzar abbażi tal-kost għall-infrastruttura storika tal-inġinerija ċivili u anki għal dik mibnija ġdida; u (ii) meta l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili mibnija ġdida tkun diġà nfirxet sew fiż-żona kkonċernata. L-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-prezzijiet tal-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili mibnija ġdida jirriflettu l-valur kontabilistiku regolatorju tal-assi, f’konformità mal-punt 52 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-ikkostjar

60.

L-NRAs jenħtieġ li jqisu l-prinċipju tat-trasparenza u l-prevedibbiltà regolatorji, u l-ħtieġa li tkun żgurata l-istabbiltà mingħajr varjazzjonijiet sinifikanti:

(a)

meta jiġu stabbiliti prezzijiet tal-aċċess abbażi tal-kost;

(b)

meta tiġi żviluppata l-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata stabbilita fil-punti 48 sa 59 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni (il-“metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata”);

(c)

meta tiġi implimentata l-metodoloġija tal-ikkostjar ladarba tiġi finalizzata.

61.

Ladarba l-NRAs ikunu ffinalizzaw il-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata, jenħtieġ li dawn jikkunsidraw li jħalluha fis-seħħ, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 biex jippromwovu l-prevedibbiltà regolatorja billi jfittxu li jiżguraw prezzijiet tal-aċċess stabbli matul mill-inqas żewġ perjodi ta’ rieżami xierqa. Dik ir-rakkomandazzjoni tiddependi mill-NRAs li jħallu obbligu tal-kontroll tal-prezzijiet matul dak il-perjodu, u jenħtieġ li ma tapplikax meta jkun hemm żviluppi teknoloġiċi jew tas-suq sinifikanti u mhux mistennija.

62.

Jekk waqt l-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata, l-NRA tħalli l-metodoloġija fis-seħħ f’konformità mal-punti 48 sa 59 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-NRAs jenħtieġ li jaġġornaw id-data li tiddaħħal fil-metodoloġija tal-ikkostjar mhux aktar minn darbtejn tul kull perjodu ta’ rieżami tas-suq. Meta jaġġornaw il-mudell, l-NRAs jenħtieġ li fil-prinċipju u diment li l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu baqgħu stabbli, jaġġustaw biss tali data f’konformità mal-bidliet reali fil-prezzijiet tal-input individwali (pereżempju biex iqisu l-inflazzjoni, meta applikabbli) u jenħtieġ li f’kull każ jiżguraw l-irkupru maż-żmien tal-kostijiet imġarrba b’mod effiċjenti biex jiġu pprovduti s-servizzi tal-aċċess bl-ingrossa regolati. L-NRAs jenħtieġ li jippubblikaw l-eżitu aġġornat tal-metodoloġija tal-ikkostjar u l-prezzijiet tal-aċċess li jirriżultaw tul il-perjodu rilevanti ta’ sentejn u nofs.

Ipprezzar tal-aċċess fit-tul u skontijiet tal-volum

63.

L-operatur SMP jista’ japplika skontijiet fuq il-prezzijiet għal kuntratti ta’ aċċess fit-tul jew għal kuntratti li huma marbuta ma’ impenji ta’ volum għal prodotti tal-aċċess bl-ingrossa għan-networks VHCN, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Ippremjar kif xieraq tar-riskju tal-investiment ta’ proġetti ġodda tal-VHCN

64.

Meta l-NRAs jemmnu li jixraq jiddaħħlu obbligi tal-kontroll tal-prezzijiet, dawn, jenħtieġ li jippermettu lill-impriża tapplika rata effiċjenti ta’ redditu fuq il-kapital użat, filwaqt li jqisu r-riskji speċifiċi tal-investiment.

65.

Meta jistabbilixxu d-WACC applikabbli, l-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li dan ikun jirrifletti l-parametri makroekonomiċi attwali. Jekk id-WACC applikabbli ma jqisx biżżejjed il-kundizzjonijiet ekonomiċi prevalenti, l-NRA jenħtieġ li tikkunsidra li taġġorna d-WACC applikabbli biex tiżgura l-parametri makroekonomiċi korretti fil-bażi tad-WACC speċifiku għall-proġett, għal investimenti ġodda.

66.

Meta japplikaw ir-rata tal-kostijiet kapitali, il-NRAs jenħtieġ li jiżguraw li l-inflazzjoni ma tingħaddx darbtejn, peress li setgħet diġà tqieset fl-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-ikkostjar.

67.

Meta jistabbilixxu l-prezzijiet tal-aċċess għan-networks VHCN, l-NRAs jenħtieġ li jikkunsidraw japplikaw, minbarra d-WACC applikabbli, primjum tar-riskju biex jirrifletti kwalunkwe riskju addizzjonali u kwantifikabbli tal-proġett il-ġdid ta’ network ta’ investiment, inkluż ta’ infrastrutturi tal-inġinerija ċivili mibnija ġodda, imġarrab mill-operatur SMP. L-NRAs jenħtieġ li jkunu trasparenti fejn tidħol l-applikazzjoni tal-primjum tar-riskju flimkien mad-WACC applikabbli.

68.

L-NRAs jenħtieġ li jivvalutaw ir-riskju tal-investiment billi jqisu fattur wieħed jew aktar ta’ inċertezza li ġejjin:

(a)

l-inċertezza relatata mad-domanda bl-imnut u bl-ingrossa;

(b)

l-inċertezza relatata mal-kostijiet tal-introduzzjoni, tax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili u tal-eżekuzzjoni maniġerjali;

(c)

l-inċertezza relatata mal-progress teknoloġiku;

(d)

l-inċertezza relatata mad-dinamika tas-suq u s-sitwazzjoni kompetittiva li qed tinbidel, bħall-grad ta’ kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura;

(e)

l-inċertezza makroekonomika.

69.

Ir-riskji aktarx ivarjaw ġmielhom fost il-livelli differenti ta’ kopertura tan-networks VHCN f’żoni ġeografiċi differenti. Għalhekk, l-NRAs jenħtieġ li jivvalutaw ir-riskju tal-investiment b’livell biżżejjed ta’ dettall, filwaqt li jqisu kemm jista’ jkun il-karatteristiċi speċifiċi u ż-żona/i ppjanati tal-investimenti. Meta jiġu osservati differenzi żgħar jew ma tkun tista’ tiġi osservata l-ebda differenza ċara fir-riskju tal-investiment bejn żoni ġeografiċi separati, l-NRAs jenħtieġ li jqisu li ż-żoni kollha għandhom l-istess riskju tal-investiment.

70.

Billi l-livell tar-riskju jista’ jonqos maż-żmien, l-investituri jaf isibuha aqwa li jittardjaw l-investimenti jekk dak id-dewmien ikun mistenni jkompli jżid il-profittabbiltà billi fil-futur ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati dwar l-investiment. Fuq dik il-bażi, l-NRAs jistgħu jsibu li l-inklużjoni tal-valur tal-għażla ta’ stennija fil-kalkolu tad-WACC jista’ jkollha impatt fuq l-istimulazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-investimenti, b’mod partikolari fiż-żoni bi prospetti limitati għal kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura (bħaż-żoni skarsament popolati).

71.

L-inċertezza tal-investiment twassal għal firxa ta’ eżiti possibbli, inkluż eżiti favorevoli jew negattivi. Meta jużaw il-kost stmat tal-kapital biex jistabbilixxu kontrolli tal-prezzijiet, l-NRAs jenħtieġ li jqisu l-effetti ta’ dawk il-kontrolli fuq l-aspettattivi tal-investituri b’rabta mar-rata tar-redditu tul il-ħajja tal-investiment. Biex ma jdgħajfux l-investiment, l-NRAs jenħtieġ li jevitaw li jistabbilixxu kontrolli tal-prezzijiet f’livelli li jżommu r-rata tar-redditu mistenni taħt il-kost stmat tal-kapital, filwaqt li jqisu r-riskju li jaf jista’ jkun hemm xenarji negattivi, bħal domanda aktar baxxa minn dik mistennija jew kostijiet akbar minn dawk mistennija. Meta l-profittabbiltà mistennija fin-nuqqas ta’ kontrolli tal-prezzijiet tkun diġà marġinali, l-NRAs jenħtieġ li jikkunsidraw li ma jimponux obbligi tal-kontroll tal-prezzijiet, għall-inqas sakemm tissolva parti sinifikanti mill-inċertezza assoċjata, kif imsemmi fil-punt 70 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

72.

Biex tiġi promossa l-prevedibbiltà regolatorja, il-primjum tar-riskju applikabbli għal proġett ġdid partikolari tal-investiment jenħtieġ li jkun stabbli għal perjodu taż-żmien biżżejjed, li jenħtieġ li jkun konsistenti mal-perjodu ta’ żmien tal-analiżi tas-suq tal-NRA, normalment għal mill-inqas ħames snin.

73.

L-istabbiliment tal-primjum tar-riskju għal mill-inqas ħames snin ifisser li l-primjum tar-riskju stabbilit għall-proġett speċifiku jenħtieġ li ma jinbidilx f’dak il-perjodu. Fil-każ li proġett ta’ investiment ġdid addizzjonali jitressaq quddiem l-NRA biex tieħu deċiżjoni, hija tista’ tikkunsidra jew li: (i) testendi wkoll il-primjum tar-riskju stabbilit qabel għal dak il-proġett il-ġdid jekk ikun xieraq; jew (ii) mingħajr ma taffettwa l-punt 71 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, tintroduċi primjum tar-riskju separat ġdid speċifikament għal dak il-proġett il-ġdid. Dak il-primjum separat jenħtieġ li jkun jirrifletti r-riskji applikabbli fil-mument meta l-NRA tieħu deċiżjoni, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet tal-proġett il-ġdid. Jekk l-NRA tiddeċiedi li l-primjum tar-riskju diġà applikabbli hu wkoll inċentiv biżżejjed għall-proġett il-ġdid, din jenħtieġ li tippreżenta fid-dettall ir-raġunament tagħha. Bl-istess mod, anki jekk tipproponi primjum differenti, l-NRA jenħtieġ li ssegwi l-prinċipji ġenerali li jiggwidaw din ir-Rakkomandazzjoni.

74.

Biex jistmaw il-kost tal-kapital li jikkorrispondi għar-riskju sistematiku tal-investiment fin-networks VHCN, meta jiġu biex jistabbilixxu l-primjum tar-riskju, l-NRAs jistgħu jiddependu parzjalment fuq mudelli finanzjarji dettaljati li jippermettu tqabbil tal-volatilità tar-redditi tan-networks VHCN u tan-networks storiċi. Meta jkollhom biżżejjed informazzjoni, pereżempju mis-swieq finanzjarji, l-NRAs jistgħu wkoll jiddependu parzjalment fuq tekniki ta’ stima kwantitattiva li bihom tkun tista’ ssir dekompożizzjoni tar-riskji sistematiċi tal-assi differenti.

75.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali meta l-NRAs ma jkunux jistgħu jikkwantifikaw b’mod xieraq ir-riskju tal-investiment addizzjonali, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ riżorsi jew restrizzjonijiet temporali mhux previsti li jagħmluha impossibbli li tinġabar data affidabbli, l-NRAs jistgħu jiddeterminaw il-primjum tar-riskju abbażi ta’ punt referenzjarju tal-aqwa prattiki fi Stati Membri jew reġjuni komparabbli, jew it-tnejn. L-NRAs li jużaw punt referenzjarju biex jistabbilixxu l-primjum tar-riskju jenħtieġ li jiżguraw li l-inputs tad-data kkunsidrati fil-kalkolu ta’ dak il-punt referenzjarju jkunu jirrappreżentaw ċirkostanzi simili u saru bi skopijiet simili għal dawk applikabbli għall-proġett tal-investiment li għalih ikun maħsub.

MIGRAZZJONI LEJN NETWORKS VHCN U DEKUMMISSJONAR TAN-NETWORK TAR-RAM

Il-kundizzjonijiet biex il-pjan tad-dekummissjonar jissodisfa l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 81(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972

76.

Meta l-operatur SMP iħabbar li jkun beħsiebu jiddekummissjona n-network tar-ram tiegħu, l-NRAs jenħtieġ li jiżguraw, f’konformità mal-Artikolu 81(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2018/1972, li jkun hemm fis-seħħ perjodu ta’ avviż xieraq għat-tranżizzjoni biex l-operaturi alternattivi jiġu infurmati ferm minn qabel dwar id-dekummissjonar. Dak il-perjodu ta’ avviż jenħtieġ li ma jkunx itwal minn sentejn sa tliet snin. Jeħtieġ li jiġi stabbilit li dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess ikollhom disponibbli prodott alternattiv xieraq bi kwalità mill-inqas komparabbli li jipprovdi aċċess għall-infrastruttura tan-network aġġornata. Jenħtieġ li dak jiġi stabbilit qabel ma jibda l-perjodu ta’ avviż, jew biżżejjed qabel ma jitneħħew l-obbligi tal-aċċess fuq in-network storiku biex ikun jista’ jsir id-dekummissjonar. Dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jiġu kkunsidrati mill-NRA jekk ikun meħtieġ biex jiġu ssalvagwardjati l-kompetizzjoni u d-drittijiet tal-utenti finali. Matul il-perjodu ta’ sentejn sa tliet snin, il-perjodu ta’ avviż eżatt jenħtieġ li jiġi determinat billi jitqies l-użu proprja minn dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess tan-network li jrid jiġi dekummissjonat jew it-tip ta’ prodott tal-aċċess mogħti fuq in-network storiku u n-networks il-ġodda. B’mod partikolari, jaf ikun hemm bżonn iżjed żmien għal dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess biex jemigraw minn jew lejn il-prodotti passivi (eż. aċċess għal pajpijiet jew fibra skura) milli biex jemigraw minn jew lejn il-prodotti attivi (eż. tip ta’ aċċess bitstream) għax hu aktar probabbli li l-punt ta’ trasferiment jinbidel bejn in-network tar-ram u n-network VHCN għall-prodotti passivi. Bl-istess mod, abbażi taċ-ċirkostanzi nazzjonali, xi sitwazzjonijiet jistgħu jeħtieġu perjodu ta’ avviż iqsar. Dan huwa speċjalment il-każ meta l-operatur SMP u dawk kollha li jkunu qed ifittxu l-aċċess li jagħmlu użu mill-prodotti storiċi tal-aċċess bl-ingrossa jaqblu miegħu.

77.

Biex jiġi vvalutat, f’konformità mal-Artikolu 81(2), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2018/1972, jekk il-pjan jiżgurax id-disponibbiltà effettiva ta’ prodotti tal-aċċess alternattivi bi kwalità mill-inqas komparabbli għal dawk li kien hemm fuq l-infrastruttura storika, l-NRAs jenħtieġ li jistabbilixxu matriċi tas-sostituzzjoni li tagħti dettalji dwar liema prodotti tal-aċċess fuq l-infrastruttura tan-network il-ġdida jew aġġornata jikkorrispondu għal liema prodotti tal-aċċess mogħtija fuq in-network storiku skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Il-KPIs u l-SLAs użati f’dak ir-rigward jenħtieġ li jkunu jirriflettu mhux biss il-prestazzjonijiet tekniċi intrinsiċi taż-żewġ networks, iżda anki l-kundizzjonijiet tal-aċċess rilevanti kollha. Jiddependi miċ-ċirkostanzi fiż-żona kkonċernata, l-offerta tal-aċċess alternattiva jista’ jagħtiha l-operatur SMP tan-network tar-ram, jew operatur ieħor li jkun introduċa n-network VHCN f’dik iż-żona. L-offerta alternattiva tista’ tingħata permezz ta’ obbligi regolatorji, meta dawn l-obbligi jkunu ġew imposti, ta’ impenji li saru vinkolanti skont l-Artikolu 79 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, jew ta’ ftehim kummerċjali. Fi kwalunkwe każ, l-NRA jenħtieġ li tivvaluta jekk l-operatur SMP tan-network tar-ram jistabbilixxix id-disponibbiltà ta’ prodott tal-aċċess alternattiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 81(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

78.

Biex ikun żgurat li l-prodotti tal-aċċess alternattivi jippermettu lil dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess li jilħqu lill-istess utenti finali bħall-infrastruttura storika f’konformità mal-Artikolu 81(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-NRAs jenħtieġ li jiddeterminaw limitu ta’ kopertura li jrid jintlaħaq f’żona min-networks VHCN li joffru prodotti meqjusa bħala alternattivi xierqa għall-prodotti regolati mogħtija fuq in-network storiku qabel ma l-obbligi tal-aċċess fuq in-network storiku jitneħħew għalkollox f’dik iż-żona, biex ikun jista’ jsir id-dekummissjonar.

79.

L-NRAs jenħtieġ li jiżguraw it-trasparenza sħiħa fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati kollha u l-involviment tagħhom waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proċess tad-dekummissjonar u l-iskeda taż-żmien. L-NRAs jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-proċess tad-dekummissjonar ma jikkaġunax imġiba diskriminatorja. Dak jinkludi diskriminazzjoni potenzjali bejn il-fergħa tal-bejgħ bl-imnut tal-operatur SMP (jekk tkun integrata vertikalment) u dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-aċċess għan-network tar-ram waqt il-fażi tal-migrazzjoni u d-dekummissjonar. B’mod partikolari, l-operatur SMP jenħtieġ li ma jkomplix jipprovdi aċċess għall-fergħa tal-bejgħ bl-imnut tiegħu stess meta jieqaf jipprovdi servizzi lil dawk li jkunu qed ifittxu l-aċċess minħabba t-tneħħija tal-obbligi tal-aċċess min-naħa tal-NRAs biex ikun jista’ jsir id-dekummissjonar f’konformità mal-Artikolu 81(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Dak jinkludi wkoll id-differenzi li mhumiex ġustifikati skont kriterji oġġettivi li jikkonċernaw il-kronoloġija tad-diżattivazzjoni bejn iż-żoni fejn in-network VHCN ikun ġie introdott mill-operatur b’SMP fin-network storiku u ż-żoni fejn in-network VHCN ikun ġie introdott minn operatur ieħor.

Taffija u rtirar gradwali tar-rimedji, inkluż il-kontroll tal-prezzijiet tar-ram

80.

Bħala parti mill-proċess tad-dekummissjonar f’żona partikolari previst fl-Artikolu 81(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-NRAs jenħtieġ li jikkunsidraw li jippermettu lill-operatur SMP jimplimenta għeluq kummerċjali, soġġett għal perjodu ta’ avviż xieraq. Tali għeluq kummerċjali jenħtieġ li jseħħ biss ladarba prodott ta’ aċċess alternattiv ikun disponibbli skont l-Artikolu 81(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2018/1972 kif stabbilit mill-NRA, jekk il-prodott ta’ aċċess disponibbli jkun meħtieġ biex jiġu ssalvagwardjati l-kompetizzjoni u d-drittijiet tal-utenti finali. Madankollu, l-aċċessi diġà eżistenti f’dak il-punt jenħtieġ li jinżammu sakemm jiġu rtirati għalkollox ir-rimedji fuq in-network storiku.

81.

Meta l-prezzijiet bl-ingrossa tal-aċċess għan-networks tar-ram ikunu soġġetti għal ipprezzar abbażi tal-kost skont il-metodoloġija tal-ikkostjar rakkomandata, u ladarba l-NRA tivvaluta li pjan tad-dekummissjonar jew tas-sostituzzjoni notifikat mill-SMP hu konformi mal-Artikolu 81(2), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva (UE) 2018/1972, l-NRAs jistgħu jikkunsidraw, bħala għażla fost diversi għażliet, taffija progressiva tal-obbligu tal-kontroll tal-prezzijiet, billi jippermettu lill-operatur SMP iżid progressivament il-prezzijiet bl-ingrossa tal-aċċess għan-networks tar-ram. Dik iż-żieda fil-prezz jenħtieġ li tkun applikabbli biss fiż-żoni fejn ikun beda l-perjodu ta’ avviż għad-diżattivazzjoni tar-ram. L-NRA jenħtieġ li tiżgura li l-perjodu ta’ applikabbiltà taż-żieda fil-prezz ma jittawwalx minħabba dewmien żejjed fl-implimentazzjoni tal-pjan tad-diżattivazzjoni. Meta tiġi implimentata dik il-miżura, jenħtieġ li jingħataw ukoll salvagwardji biżżejjed biex titħares il-kompetizzjoni, fosthom dawn li ġejjin:

(a)

l-NRA jenħtieġ li tistabbilixxi r-regoli dettaljati għal dik iż-żieda fil-prezz minn qabel;

(b)

il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 81(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jenħtieġ li jiġu ssodisfati, b’mod partikolari, id-disponibbiltà ta’ prodotti mwassla fuq in-networks VHCN għall-utenti finali kollha fiż-żoni kkonċernati biż-żieda fil-prezz ħalli jkun żgurat li l-utenti finali u l-persuni li jkunu qed ifittxu l-aċċess ikunu jistgħu jemigraw effettivament lejn in-network VHCN;

(c)

iż-żieda fil-prezz jenħtieġ li ma twassalx għal prezzijiet bl-imnut eċċessivi li jfixklu l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni fis-suq;

(d)

iż-żieda fil-prezz jenħtieġ li ma tkunx diskriminatorja u ma tkunx tippermetti kompressjoni tal-marġni;

(e)

iż-żieda fil-prezz jenħtieġ li tkun soġġetta għal impenn vinkolanti u infurzabbli mill-operatur SMP fir-rigward tad-data tat-tmiem tas-servizzi kollha pprovduti fuq in-network tar-ram;

(f)

iż-żieda fil-prezz jenħtieġ li ma ddumx aktar mill-perjodu ta’ notifika għad-diżattivazzjoni tar-ram.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, COM(2021)118 final/2, 9.3.2021.

(2)  Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(4)  Kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(5)  Minn 18-il suq fl-2003, bħalissa tnejn biss huma kkunsidrati fil-livell tal-Unjoni bħala li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ obbligi regolatorji.

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2245 tat-18 ta’ Diċembru 2020 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 439, 29.12.2020, p. 23).

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2245, il-punti 67 u 68 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni tas-saħħa sinifikanti fis-suq skont il-qafas regolatorju tal-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU C 159, 7.5.2018, p. 1), Linji Gwida maħruġa mill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/710/UE tad-9 ta’ Ottubru 2014 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante f’konformità mad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 295, 11.10.2014, p. 79).

(9)  Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7).

(10)  Fi Stat Membru wieħed huma disponibbli biss valuri aggregati u l-operaturi jistgħu jqabblu l-KPIs mal-medja tal-industrija, BEREC BOR (16) 219, p. 42.

(11)  Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU L 155, 23.5.2014, p. 1). Din id-direttiva tinsab fil-proċess li tiġi sostitwita skont il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex jonqos il-kost tal-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika tal-gigabits u li jħassar id-Direttiva 2014/61/UE (l-Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits), COM(2023) 94 final.

(12)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2245 tat-18 ta’ Diċembru 2020 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, SWD(2020) 337 final, 18.12.2020.

(13)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/466/UE tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar obbligi nondiskriminatorji konsistenti u metodoloġiji tal-ikkostjar li jippromwovu l-kompetizzjoni u jtejbu l-ambjent tal-investiment fil-broadband (ĠU L 251, 21.9.2013, p. 13).

(14)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/572/UE tal-20 ta’ Settembru 2010 dwar l-aċċess regolat għan-Networks ta’ Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA) (ĠU L 251, 25.9.2010, p. 35).


ANNESS I

Applikazzjoni ta’ obbligi tan-nondiskriminazzjoni imsemmija fil-punt 25 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni

Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (“KPIs”)

(1)

Il-KPIs għandhom ikejlu l-prestazzjoni mill-inqas b’rabta mal-elementi ewlenin li ġejjin fil-forniment tas-servizzi bl-ingrossa regolati:

(a)

il-proċess tal-ordnar;

(b)

forniment ta’ servizz;

(c)

il-kwalità tas-servizz, inkluż il-ħsarat;

(d)

il-ħinijiet tat-tiswija tal-ħsarat;

(e)

il-migrazzjoni bejn inputs bl-ingrossa regolati differenti (għajr il-migrazzjonijiet il-kbar ta’ darba).

(2)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimponu KPIs għal kull wieħed mill-elementi ewlenin elenkati fil-punt 1 fil-forniment tas-servizzi bl-ingrossa regolati. Il-KPIs għandhom jippermettu t-tqabbil bejn is-servizzi mogħtija internament lill-fergħa bl-imnut downstream tal-operatur b’saħħa sinifikanti fis-suq u s-servizzi mogħtija esternament lil partijiet terzi li jkunu qed ifittxu aċċess.

(3)

Id-dettalji speċifiċi tal-KPIs imposti mill-NRA f’konformità mal-punt 2 jistgħu jiġu miftiehma bejn l-operatur SMP u l-partijiet terzi li jkunu qed ifittxu aċċess.

(4)

Meta tiġi biex tiddetermina l-KPIs, l-NRA għandha tqis il-kejl tal-prestazzjoni eżistenti, anki meta jintuża biss mill-operatur SMP għal skopijiet interni.

(5)

Il-proċess tal-monitoraġġ tal-KPIs għandu jkun trasparenti għalkollox. Biex ikun żgurat li l-imġiba potenzjalment diskriminatorja fil-forniment tas-servizzi bl-ingrossa regolati tiġi identifikata kmieni, u biex tkun żgurata t-trasparenza, l-NRAs għandhom jippubblikaw il-KPIs mill-inqas kull tliet xhur, b’forma xierqa jew fuq is-sit web tal-NRA jew fuq is-sit web ta’ parti terza indipendenti deżinjata mill-NRA.

(6)

L-NRAs għandhom jiżguraw li l-KPIs jiġu awditjati b’mod regolari mill-NRA stess jew minn awditur indipendenti.

Ftehimiet fil-livell ta’ servizz u garanziji fil-livell ta’ servizz

(7)

L-NRAs għandhom jeżiġu li l-operatur SMP jimplimenta l-SLAs korrispondenti flimkien mal-KPIs.

(8)

L-NRAs għandhom jeżiġu li l-operatur SMP jipprovdi l-SLGs korrispondenti meta jinkisru l-SLAs.

(9)

L-NRAs għandhom jiżguraw li l-ħlasijiet tal-penali talli ma jitwettqux l-SLGs, fil-prinċipju, isiru bla dewmien żejjed u jimxu bi proċess predeterminat għall-ħlas u l-ħruġ tal-kontijiet. Il-livell ta’ dawn il-penali għandu jkun dissważiv biżżejjed li jiżgura li l-operatur SMP jikkonforma mal-obbligi tiegħu ta’ twassil.

(10)

Il-penali talli ma jitwettqux il-KPIs għandhom ikunu proporzjonali, iżda għandhom ikunu għoljin biżżejjed biex ikunu dissważivi. Biex jiġi ddeterminat jekk penali hix dissważiva biżżejjed, l-NRAs għandhom jikkunsidraw jekk ksur tal-obbligi bl-ingrossa mill-operatur SMP jiġġakunax problemi fil-livell bl-imnut lill-operatur alternattiv li juża l-prodott tal-aċċess bl-ingrossa. Jekk iva, il-penali għandha tkun għolja biżżejjed biex tkopri l-indennizz fil-livell bl-imnut.

(11)

B’mod partikolari jekk ikunu nqalgħu problemi sinifikanti fil-passat, l-NRAs għandhom jimmonitorjaw kull dewmien fil-ħlas tal-penali biex jiżguraw l-effett dissważiv tagħhom.

ANNESS II

Applikazzjoni tal-prinċipju tal-ekwivalenza għall-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tal-operatur SMP f’konformità mal-punt 34 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni

Prinċipju tal-ekwivalenza

(1)

L-NRAs għandhom jeżiġu li l-operatur SMP jipprovdi aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tiegħu lill-partijiet terzi li jfittxu aċċess bl-istess kundizzjonijiet bħal ta’ dawk li jfittxu aċċess intern. B’mod partikolari, l-operatur SMP għandu jikkondividi l-informazzjoni kollha meħtieġa b’rabta mal-karatteristiċi tal-infrastruttura, u fil-prinċipju japplika l-istess proċeduri tal-ordnar u l-forniment tal-aċċess.

Informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili u l-punti tad-distribuzzjoni

(2)

L-operatur SMP għandu jipprovdi lill-partijiet terzi li jkunu qed ifittxu aċċess l-istess livell ta’ informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili u l-punti tad-distribuzzjoni tiegħu bħalma jkun disponibbli internament. Dik l-informazzjoni għandha tkopri l-organizzazzjoni tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili, u l-karatteristiċi tekniċi tal-elementi differenti inklużi fl-infrastruttura. Għandha tingħata l-pożizzjoni ġeografika ta’ dawk l-elementi, inkluż tal-pajpijiet, l-arbli u assi fiżiċi oħra (eż. kompartimenti tal-manutenzjoni), kif ukoll l-ispazju disponibbli fil-pajpijiet u, meta fattibbli, fl-arbli. Għandha tingħata wkoll il-pożizzjoni ġeografika tal-punti tad-distribuzzjoni u lista tal-binjiet konnessi.

(3)

L-operatur SMP għandu jispeċifika r-regoli u l-kundizzjonijiet tekniċi kollha għall-aċċess u l-użu tal-elementi kollha tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili u tal-punti tad-distribuzzjoni tiegħu. Għall-partijiet terzi li jkunu qed ifittxu aċċess għandhom japplikaw l-istess regoli u kundizzjonijiet bħal ta’ dawk li jfittxu aċċess internament.

(4)

L-operatur SMP għandu jipprovdi l-għodod effettivi tal-informazzjoni, bħal direttorji, bażijiet tad-data jew portali web aċċessibbli faċilment. Din l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata regolarment biex tqis l-iżviluppi fl-infrastruttura u informazzjoni ġdida, b’mod partikolari dwar proġetti tal-introduzzjoni tal-fibra mwettqa mill-operatur SMP jew minn persuni oħra li jfittxu aċċess. Meta l-għodod rilevanti jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali, l-NRA għandha tiżgura li dik iċ-ċirkostanza ma ddewwimx bla bżonn il-forniment mill-operatur SMP tal-informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-inġinerija ċivili u l-punti tad-distribuzzjoni tiegħu.

(5)

Meta xi dispożizzjonijiet legali oħra jkunu jeżiġu li l-operatur SMP jipprovdi kull jew parti mill-informazzjoni msemmija fil-punti (1) sa (4) permezz jew bħala parti minn direttorju, bażi tad-data jew portal web immexxija minn parti terzi, l-NRA għandha tivvaluta jekk ir-rekwiżiti tat-trasparenza għadhomx issodisfati. Il-fatturi li għandha tqis l-NRA għandhom jinkludu:

(a)

id-data li l-operatur SMP jeħtieġ jipprovdi;

(b)

il-livell ta’ dettall u r-regolarità tal-aġġornamenti;

(c)

il-kundizzjonijiet li skonthom l-informazzjoni fid-direttorju, fil-bażi tad-data jew fil-portal web immexxija minn parti terza tkun disponibbli għal dawk li jfittxu aċċess.

(6)

Jekk ir-rakkomandazzjonijiet dwar it-trasparenza previsti f’din it-Taqsima jkunu diġà ssodisfati b’dispożizzjonijiet legali oħra, l-NRA għandha tqis jekk ikunx xieraq li tistrieħ fuq dawk id-dispożizzjonijiet legali biss.

(7)

Jekk l-NRA jidhrilha li jeħtieġ timponi obbligu tat-trasparenza fuq l-operatur SMP b’rabta mal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili tiegħu, din għandha tikkunsidra wkoll jekk ikunx xieraq li teżiġi li l-informazzjoni titqiegħed f’direttorju, bażi tad-data jew portal web rilevanti mmexxija minn parti terza. L-NRA għandha tħaddem approċċ konsistenti meta timponi l-obbligu tat-trasparenza, ħalli ma tixħitx piżijiet amministrattivi bla bżonn fuq l-operatur SMP u fuq dawk li jfittxu aċċess.

Ordnar u forniment tal-aċċess

(8)

L-operatur SMP għandu jimplimenta l-proċeduri u l-għodod meħtieġa biex jiżgura aċċess għal u użu effiċjenti tal-elementi kollha tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili u tal-punti tad-distribuzzjoni tiegħu. B’mod partikolari, l-operatur SMP għandu jipprovdi sistemi end-to-end lill-partijiet terzi li jfittxu aċċess, għal ordnar, forniment u ġestjoni tal-ħsarat, li jkunu ekwivalenti għal dawk mogħtija lil dawk li jfittxu aċċess internament. Dak għandu jinkludi proċess xieraq u nondiskriminatorju biex titneħħa l-konġestjoni fil-pajpijiet użati bħalissa.

(9)

It-talbiet minn partijiet terzi li jfittxu aċċess, għal informazzjoni dwar l-elementi kollha tal-infrastruttura tal-inġinerija ċivili u tal-punti tad-distribuzzjoni, u għal aċċess għalihom u użu tagħhom, għandhom jiġu pproċessati f’perjodu taż-żmien li jtul daqs dak għat-talbiet ekwivalenti ppreżentati minn dawk li jfittxu aċċess internament. Għandu jingħata wkoll l-istess livell ta’ viżibilità dwar il-progress tat-talbiet, u r-rifjuti tal-aċċess għandhom jiġu ġġustifikati b’mod oġġettiv.

(10)

Is-sistema/i tal-informazzjoni tal-operatur SMP għandhom iżommu rendikont tat-trattament tat-talbiet u dawn ir-rekords għandhom ikunu disponibbli għall-NRA.

Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) speċifiċi

(11)

L-aċċess għall-infrastruttura tal-inġinerija ċivili jeħtieġ sett speċifiku ta’ KPIs biex tkun żgurata l-konformità mal-obbligu tan-nondiskriminazzjoni. Dawn il-KPIs għandhom jinkludu:

(a)

kejl tad-dewmien fit-tweġiba tat-talbiet għall-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ ċerti elementi tal-infrastruttura, inkluż tal-pajpijiet, l-arbli u assi fiżiċi oħra (eż. toqob tal-ispezzjonar), jew punti tad-distribuzzjoni;

(b)

kejl ta’ tweġiba għat-talbiet dwar il-fattibbiltà tal-użu ta’ ċerti elementi tal-infrastruttura;

(c)

ir-risponsività fit-trattament tat-talbiet għall-aċċess għal ċerti elementi tal-infrastruttura u l-użu tagħhom;

(d)

ir-risponsività għall-proċessi tat-tiswija tal-ħsarat.


ANNESS III

Parametri tat-test tar-replikabbiltà ekonomika ex ante msemmi fil-punt 46 tar-Rakkomandazzjoni

Meta l-NRA tiddeċiedi li ma timponix jew ma żżommx prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa regolati fuq l-inputs tal-VHCN bl-ingrossa, skont l-Artikolu 74 tad-Direttiva (UE) 2018/1972, it-test tar-replikabbiltà ekonomika ex ante msemmi fil-punt 46 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jivvaluta jekk il-marġni bejn il-prezz bl-imnut tal-prodotti bl-imnut rilevanti u l-prezz tal-inputs rilevanti tal-aċċess bl-ingrossa regolati bbażati fuq networks VHCN ikoprix il-kostijiet downstream inkrementali u persentaġġ raġonevoli tal-kostijiet komuni. Meta jiġu biex jistabbilixxu l-parametri tat-test tar-replikabbiltà ekonomika ex ante, l-NRAs għandhom jiżguraw li l-SMP la jitqiegħed f’vantaġġ u lanqas fi żvantaġġ fil-konfront ta’ min qed ifittex aċċess fejn tidħol il-kondiviżjoni tar-riskju tal-investiment.

Il-parametri msemmija fil-punt 46(a) ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huma:

Kostijiet downstream rilevanti

(1)

Il-kostijiet downstream huma stmati abbażi tal-kostijiet tan-negozji downstream proprji tal-operatur SMP (test tal-operatur effiċjenti ugwalment). L-NRAs għandhom jużaw il-kostijiet downstream awditjati tal-operatur SMP, diment li dawn ikunu diżaggregati biżżejjed.

(2)

Jekk fil-passat kien hemm tfixkil fid-dħul fis-suq jew fit-twessigħ tas-suq (ngħidu aħna skont sejbiet tal-imġiba tal-passat) jew meta l-volumi tal-linji jkunu baxxi ħafna u l-ilħuq ġeografiku tagħhom ikun limitat ġmielu meta mqabbla man-networks VHCN tal-operatur SMP tant li jkunu jindikaw li l-kundizzjonijiet ekonomiċi oġġettivi ma jkunux jiffavorixxu l-akkwist fil-kobor minn operatur alternattiv, l-NRAs jistgħu, filwaqt li jqisu l-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq bl-imnut u d-dinamika kompetittiva kif identifikata fl-analiżi tas-suq, jaġġustaw għall-iskala lill-kostijiet downstream tal-operatur SMP, ħalli jiżguraw li r-replikabbiltà ekonomika tkun prospett realistiku. F’dawn il-każijiet, l-iskala raġonevolment effiċjenti li tidentifika l-NRA ma għandhiex tmur lil hinn minn dik ta’ struttura tas-suq b’għadd biżżejjed ta’ operaturi kwalifikanti li jiżguraw kompetizzjoni effettiva, filwaqt li tiġi kkunsidrata wkoll il-kompetizzjoni minn pjattaformi oħra. Fit-twettiq ta’ dik il-valutazzjoni, l-NRAs għandhom iqisu b’mod partikolari l-elementi li ġejjin, kif xieraq:

(a)

id-daqs tal-akbar kompetituri meta mqabbel mad-daqs tal-operatur SMP;

(b)

l-għadd ta’ kompetituri li aktarx ikunu sostenibbli f’kull livell tal-katina tal-valur;

(c)

l-HHI attwali (1) f’kull livell tal-katina tal-valur u l-evoluzzjoni mistennija tagħha maż-żmien;

(d)

id-daqs tas-suq tal-VHCN fl-Istat Membru (li jaf jinfluwenza l-għadd ta’ kompetituri li jistgħu jkunu sostenibbli ekonomikament).

Kost standard rilevanti

(3)

Il-kost inkrementali biex jingħata s-servizz downstream rilevanti hu l-istandard xieraq. Għandu jintuża mudell ta’ LRIC+ (long run incremental cost plus) biex jiġi kkalkulat il-kost inkrementali (inkluż il-kostijiet mitlufa) u biex jiżdied mark-up għall-kostijiet komuni relatati mal-attivitajiet downstream.

Inputs bl-ingrossa regolati rilevanti u l-prezzijiet ta’ referenza rilevanti

(4)

L-NRAs għandhom jidentifikaw l-aktar inputs regolati rilevanti użati, jew li mistennija jintużaw, minn dawk li jfittxu aċċess, fis-saff bl-ingrossa bbażat fuq network VHCN li aktarx ikun prevalenti fil-perjodu tar-rieżami tas-suq attwali. Is-saff tal-VHCN prevalenti se jkun jiddependi fuq il-pjanijiet tal-introduzzjoni tal-operatur SMP u t-topoloġiji tan-network magħżula, u fuq l-adozzjoni tal-offerti bl-ingrossa.

(5)

Dak l-input jista’ jkun attiv jew passiv. Jista’ jkun ukoll input mhux fiżiku jew virtwali li joffri funzjonalitajiet ekwivalenti għal input passiv.

(6)

L-NRAs għandhom jagħmlu t-test tar-replikabbiltà ekonomika ex ante biex jivvalutaw il-marġni tal-qligħ bejn il-prodott(i) bl-imnut imsemmija fil-punt 46(a)(4) ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u l-aktar input regolat rilevanti identifikat fis-saff bl-ingrossa bbażat fuq network VHCN li jintgħażel.

(7)

Barra minn hekk, meta jkun ġustifikat, b’mod partikolari meta prodott bl-imnut imsemmi fil-punt 46(a)(4) ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jitnieda abbażi ta’ input differenti minn dak identifikat qabel, jew meta jkun hemm domanda sostanzjali għall-aċċess f’saff ġdid bl-ingrossa bbażat fuq network VHCN, l-NRAs għandhom jivvalutaw ukoll il-marġni tal-qligħ bejn il-prodott bl-imnut u l-input il-ġdid bl-ingrossa regolat ibbażat fuq network VHCN.

(8)

Jekk il-karatteristiċi tan-network tal-operatur SMP u d-domanda għall-offerti bl-ingrossa jkunu jvarjaw ħafna fit-territorju kollu ta’ Stat Membru, l-NRA għandha tivvaluta l-fattibbiltà ta’ differenzjar tal-aktar saff bl-ingrossa regolat ibbażat fuq network VHCN li jkun rilevanti għal kull żona ġeografika, u tadatta t-test skont dan.

(9)

Meta jiġu biex jidentifikaw il-prezzijiet bl-ingrossa ta’ referenza rilevanti, l-NRAs għandhom iqisu l-prezz tal-aċċess li effettivament jitlob l-operatur SMP lil parti terza li tfittex aċċess għall-input bl-ingrossa regolat rilevanti. Dawn il-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa għandhom ikunu ekwivalenti għall-prezzijiet li l-operatur SMP jitlob lill-fergħa bl-imnut tiegħu stess. B’mod partikolari, biex ikun żgurat il-bilanċ it-tajjeb fiċ-ċirkostanzi nazzjonali bejn l-inċentivar ta’ strateġiji tal-ipprezzar effiċjenti u flessibbli fil-livell bl-ingrossa u fl-istess waqt li jkun żgurat marġni biżżejjed għal min ifittex aċċess biex tinżamm kompetizzjoni sostenibbli, l-NRAs għandhom jagħtu importanza xierqa lill-preżenza ta’ skontijiet tal-volum jew ftehimiet fit-tul dwar l-ipprezzar tal-aċċess, jew it-tnejn, bejn l-operatur SMP u min ifittex aċċess, b’mod partikolari meta parti sinifikanti ta’ dawk li jfittxu aċċess jkunu effettivament qed jirċievu servizzi bl-ingrossa bi prezzijiet skontati.

Prodotti bl-imnut rilevanti

(10)

L-NRAs għandhom jivvalutaw l-aktar prodotti bl-imnut rilevanti, inkluż is-servizzi broadband (“prodotti ewlenin”) offruti mill-operatur SMP abbażi tas-saff identifikat tal-aċċess bl-ingrossa bbażat fuq network VHCN. L-NRAs għandhom jidentifikaw prodotti ewlenin abbażi tal-osservazzjonijiet attwali u progressivi tagħhom tas-suq, b’mod partikolari li jqisu r-rilevanza tagħhom għall-kompetizzjoni attwali u futura. Dawk għandhom jinkludu valutazzjoni tal-ishma tas-suq tal-konsumatur f’termini tal-volum u l-valur tal-prodotti bbażati fuq inputs regolati tan-network VHCN min-naħa tal-operatur u, meta disponibbli, in-nefqa tar-reklamar.

(11)

Il-prodotti ewlenin aktarx jiġu offruti bħala pakkett. Fil-kuntest tal-identifikazzjoni tal-prodotti ewlenin u fil-valutazzjoni ta’ jekk offerta raggruppata (li fiha offerti li jinkludu komponenti mhux regolati bħall-aċċess għal kontenut awdjoviżiv primjum) tikkostitwix prodott ewlieni, l-NRAs għandhom iqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali bħall-prevalenza u n-natura tal-offerti raggruppati fis-suq speċifiku. Barra minn hekk, l-NRAs għandhom jivvalutaw varjazzjonijiet innovattivi ta’ dawn il-pakketti, jekk ikun probabbli li dawn jieħdu post il-prodott ewlieni.

(12)

L-NRAs għandhom jiddeterminaw il-livell ta’ aggregazzjoni (prodott bi prodott jew portafoll ta’ prodotti) li jkun xieraq għat-test tar-replikabbiltà ekonomika, fid-dawl tal-valutazzjoni tal-problemi tal-kompetizzjoni identifikati fl-analiżi tas-suq. Fi swieq kontestabbli, jista’ jiġi ġġustifikat li l-operatur SMP jkollu aktar flessibbiltà permezz ta’ approċċ ta’ portafoll. Madankollu, fi swieq li fihom l-operatur SMP għandu grad għoli ta’ konċentrazzjoni jew grad għoli ħafna ta’ saħħa fis-suq, jew it-tnejn li huma, tista’ tkun meħtieġa valutazzjoni prodott bi prodott biex jiġi evitat is-sussidjar reċiproku bejn il-prodotti u biex l-operaturi alternattivi jkunu jistgħu jikkompetu fid-diversi segmenti tas-suq.

(13)

Barra minn hekk, l-NRAs għandhom iqisu jekk prodott bl-imnut partikolari, li forsi ma jkunx fost l-aktar prodotti bl-imnut rilevanti tal-operatur SMP, ikunx partikolarment attraenti għal operaturi alternattivi li jaf ikunu ffokati fuq ċerti prodotti niċċa jew prodotti bl-imnut ta’ kwalità aktar baxxa. L-NRAs jistgħu jiddeċiedu li jinkludu dan il-prodott fost il-prodotti ewlenin.

Perjodu taż-żmien rilevanti

(14)

L-NRAs għandhom jevalwaw il-profittabbiltà tal-prodotti ewlenin abbażi ta’ analiżi dinamika ta’ bosta perjodi, bħall-approċċ tal-fluss tal-flus skontat. L-NRAs għandhom jidentifikaw perjodu taż-żmien ta’ referenza xieraq biex matulu jiġi vvalutat jekk il-marġni bejn il-prezz bl-imnut tal-prodott ewlieni u l-prezz tal-input bl-ingrossa rilevanti tal-aċċess ibbażat fuq network VHCN jippermettix l-irkupru tal-kostijiet downstream (inkluż persentaġġ raġonevoli tal-kostijiet komuni) ikkalkulati skont il-punti (1) u (2).

(15)

Il-perjodu rilevanti għal dan it-test tar-replikabbiltà ekonomika ex ante għandu jiġi stabbilit skont il-ħajja medja stmata tal-klijenti. Din il-ħajja medja tal-klijenti hi l-perjodu taż-żmien li matulu l-klijent jikkontribwixxi għall-irkupru taż-żewġ kategoriji li ġejjin:

(a)

Il-kostijiet downstream li jiġu annwalizzati skont metodu ta’ deprezzament xieraq għall-assi inkwistjoni u l-ħajja ekonomika tal-assi korrispondenti meħtieġa għall-operazzjonijiet bl-imnut (inkluż il-kostijiet tan-network li mhumiex inklużi fis-servizz tal-aċċess bl-ingrossa tan-network VHCN);

(b)

kostijiet downstream oħra li normalment ma jiġux annwalizzati (tipikament il-kostijiet tal-akkwist tal-abbonati) u li l-operatur iġarrab biex jikseb il-klijenti, li hu jipprova jirkupra tul il-ħajja medja tal-klijenti.

(16)

Meta jiġu biex jikkalkulaw il-ħajja medja tal-klijenti, l-NRAs għandhom iqisu l-karatteristiċi differenti u l-kundizzjonijiet kompetittivi tal-forniment tas-servizzi fin-network VHCN, meta mqabbla man-network storiku tar-ram, meta dawk aktarx iwasslu biex l-utenti tan-network VHCN ikollhom ħajja medja tal-klijenti differenti meta mqabbla ma’ dik tal-utenti tan-network tar-ram.

(17)

Il-gwida mogħtija għat-test tar-replikabbiltà ekonomika ex ante msemmi fil-punt 46 tar-Rakkomandazzjoni u f’dan l-Anness hi limitata għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u għalhekk tapplika f’ċirkostanzi differenti mit-testijiet ex ante tal-kompressjoni tal-marġni applikati fuq il-prezzijiet bl-ingrossa regolati tal-aċċess. Din hi mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, jew it-tnejn, u għall-interpretazzjoni tagħhom mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din il-gwida hi mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni li tista’ tieħu l-Kummissjoni jew kwalunkwe linji gwida li tista’ toħroġ il-Kummissjoni fil-futur dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni fl-Unjoni.

(1)  L-Indiċi Herfindahl-Hirschman (HHI) hu kejl aċċettat b’mod komuni tal-konċentrazzjoni tas-suq. Dan jiġi kkalkulat bi kwadrar tas-sehem mis-suq ta’ kull kompetitur f’suq u mbagħad jingħaddu n-numri riżultanti. Dan jista’ jvarja minn qrib iż-żero sa 10 000.


ANNESS IV

Ipprezzar tal-aċċess fit-tul u skontijiet tal-volum kif imsemmija fil-punt 63 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni

Kriterji għall-valutazzjoni tal-ipprezzar tal-aċċess fit-tul għall-introduzzjoni tan-networks VHCN, b’mod partikolari l-FTTHs

(1)

Il-prezzijiet tal-aċċess aġġustati għar-riskju, ibbażati fuq aċċess fit-tul, jistgħu jvarjaw skont il-perjodu li matulu jsiru l-impenji tal-aċċess. Il-kuntratti tal-aċċess fit-tul jistgħu jiġu pprezzati f’livell aktar baxx għal kull linja tal-aċċess mill-kuntratti tal-aċċess għal perjodu qasir. Il-prezzijiet tal-aċċess fit-tul għandhom jirriflettu biss it-tnaqqis fir-riskju għall-investitur u għalhekk jenħtieġ li ma jkunux orħos mill-prezz orjentat għall-kost li miegħu ma jiżdied l-ebda primjum tar-riskju akbar li jkun jirrifletti r-riskju sistematiku tal-investiment. Bil-kuntratti fit-tul, il-parteċipanti ġodda jiksbu kontroll sħiħ tal-assi fiżiċi, li joffrilhom ukoll il-possibbiltà li jinvolvu ruħhom f’kummerċ sekondarju. Il-kuntratti għal perjodu qasir ikunu disponibbli mingħajr impenji fit-tul u għalhekk normalment ikollhom prezz ogħla għal kull linja tal-aċċess, u l-prezzijiet tal-aċċess ikunu jirriflettu l-benefiċċju għal min ifittex aċċess mil-lat ta’ aktar flessibbiltà.

(2)

Madankollu, hemm ir-riskju li matul iż-żmien l-operatur SMP jabbuża mill-ipprezzar tal-aċċess fit-tul billi jbigħ is-servizzi bl-imnut tiegħu b’marġni insuffiċjenti meta mqabbel mal-prezz bl-ingrossa regolat tiegħu (għax jimponi prezzijiet ta’ impenn fit-tul orħos fil-fergħa downstream tiegħu), u b’hekk jipprekludi s-suq. Barra minn hekk, il-fornituri alternattivi li jkollhom bażijiet iżgħar ta’ klijenti u perspettivi kummerċjali mhux ċari, iġarrbu livelli ogħla ta’ riskju. Dawk il-fornituri jaf ma jkunux jistgħu jimpenjaw li jixtru fuq perjodu twil, u għalhekk jaf ikollhom iqassmu l-investimenti tagħhom u jixtru aċċess regolat fi stadju aktar tard.

(3)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ipprezzar tal-aċċess fit-tul għandu jkun aċċettabbli biss jekk l-NRAs jiżguraw li jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-prezzijiet tal-impenn fit-tul ikunu jirriflettu biss it-tnaqqis fir-riskju għall-investitur;

(b)

fuq medda ta’ żmien xieraq, ikun hemm marġni biżżejjed bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut biex tkun tista’ ssir parteċipazzjoni ġdida fis-suq minn kompetitur effiċjenti fis-suq downstream.

Kriterji għall-valutazzjoni tal-iskontijiet tal-volum fil-każ tal-introduzzjoni tan-networks VHCN, b’mod partikolari l-FTTHs

(4)

Il-prezzijiet tal-aċċess aġġustati għar-riskju bbażati fuq skontijiet tal-volum jirriflettu l-fatt li r-riskju tal-investiment jonqos mal-għadd totali ta’ loops tal-fibra diġà mibjugħa f’żona partikolari. Ir-riskju tal-investiment hu marbut mill-qrib mal-għadd ta’ loops tal-fibra li jibqgħu mhux użati. Akbar ma jkun is-sehem tal-loops tal-fibra użati, inqas ikun ir-riskju. Għalhekk, il-prezzijiet tal-aċċess jistgħu jvarjaw skont il-volum mixtri. Għandu jiġi awtorizzat skont ta’ livell wieħed, disponibbli bi prezz uniformi għal kull linja għall-operaturi kollha kwalifikanti. L-NRAs għandhom jidentifikaw il-volum tal-linji li jeħtieġ jinxtraw biex jinkiseb aċċess għal dan l-iskont tal-volum, filwaqt li titqies l-iskala operattiva minima stmata għal min ikun qed ifittex aċċess biex jikkompeti b’mod effiċjenti fis-suq u l-ħtieġa li tinżamm struttura tas-suq b’għadd biżżejjed ta’ operaturi kwalifikanti ħalli tkun żgurata kompetizzjoni effettiva. L-iskontijiet tal-volum għandhom jirriflettu biss it-tnaqqis fir-riskju għall-investitur u għalhekk ma għandhomx jikkaġunaw prezzijiet tal-aċċess orħos mill-prezz orjentat għall-kost li miegħu ma jiżdied l-ebda primjum tar-riskju akbar li jkun jirrifletti r-riskju sistematiku tal-investiment. Meta wieħed iqis li l-primjum tar-riskju normalment għandu jonqos meta tintlaħaq iż-żieda ġenerali fid-domanda bl-imnut u bl-ingrossa, anki l-iskont tal-volum għandu jonqos skont dan, u ma jibqax aktar ġustifikat ladarba d-domanda bl-imnut u bl-ingrossa tkun f’livelli għolja.

(5)

Skont tal-volum għandu jiġi aċċettat mill-NRAs biss jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jiġi kkalkulat livell wieħed ta’ skont tal-volum għal kull żona kif imkejla kif xieraq mill-NRA filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-istruttura tan-network, u dan ikun japplika l-istess għal dawk kollha li jfittxu aċċess li, fiż-żona kkonċernata, ikunu lesti jixtru mill-anqas il-volum tal-linji li jagħti aċċess għall-iskont;

(b)

l-iskont tal-volum ikun jirrifletti biss it-tnaqqis fir-riskju għall-investitur;

(c)

fuq medda ta’ żmien xieraq, ikun hemm marġni biżżejjed bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut biex ikun jista’ jkun hemm parteċipazzjoni ġdida fis-suq minn kompetitur effiċjenti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/539/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)