European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2441

3.11.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2441

tal-31 ta’ Ottubru 2023

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut u l-format tal-pjanijiet ta’ newtralità klimatika meħtieġa għall-għoti tal-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10a(1), il-ħames subparagrafu u l-Artikolu 10b(4), il-ħames subparagrafu, tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tirrikjedi li ċerti operaturi jistabbilixxu pjanijiet ta’ newtralità klimatika. Il-pjanijiet ta’ newtralità klimatika għandhom jiġu abbozzati sabiex l-allokazzjoni kundizzjonali bla ħlas tingħata lill-operaturi ta’ installazzjonijiet li l-livelli ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom huma ogħla mit-80 perċentil tal-livelli tal-emissjonijiet għall-parametri referenzjarji tal-prodotti rilevanti. Il-pjanijiet ta’ newtralità klimatika jridu jiġu abbozzati wkoll mill-operaturi tat-tisħin distrettwali li japplikaw għal allokazzjoni addizzjonali bla ħlas fakultattiva għall-installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali f’ċerti Stati Membri.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 10a(1), il-ħames subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE, il-pjanijiet ta’ newtralità klimatika jridu jiġu abbozzati fil-livell tal-installazzjoni u jrid ikun fihom l-elementi speċifikati fl-Artikolu 10b(4) ta’ dik id-Direttiva. B’mod fakultattiv, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu pprovduti aktar dettalji u miżuri speċifiċi fil-livell tas-subinstallazzjoni, biex jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bil-ħsieb li jingħata kontribut għan-newtralità klimatika. Għall-installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali fl-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 10b(4), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE, il-pjanijiet ta’ newtralità klimatika jridu jiġu abbozzati fil-livell tal-kumpanija jew fil-livell tal-installazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10b(4), it-tielet subparagrafu, ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Skont id-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni trid tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-kontenut minimu u l-format tal-pjanijiet ta’ newtralità klimatika filwaqt li tfittex sinerġiji ma’ pjanijiet simili kif previst fid-dritt tal-Unjoni. Bil-ħsieb li jiġu ġġenerati s-sinerġiji u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li fl-abbozzar tal-pjanijiet ta’ newtralità klimatika jitqiesu l-elementi inklużi fil-pjanijiet skont atti legali oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk imsemmija fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(4)

Fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ newtralità klimatika, in-newtralità klimatika għandha tinftiehem kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-istadji importanti u l-miri jenħtieġ li jiġu definiti f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2021/241 (4) u (UE) 2023/955 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Biex jiġu indirizzati l-aspetti rilevanti kollha tal-azzjonijiet tal-operaturi fir-rigward tan-newtralità klimatika u biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-komparabbiltà, jeħtieġ li fil-pjanijiet ta’ newtralità klimatika ssir distinzjoni bejn il-monitoraġġ tal-progress lejn kisbiet kwalitattivi (“stadji importanti”) u l-monitoraġġ tal-progress lejn kisbiet kwantitattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (“miri”). Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mas-sistema eżistenti għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, jenħtieġ li l-istadji importanti u l-miri jiġu espressi u rrapportati f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (6) u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 (7).

(6)

Sabiex tinżamm konsistenza mar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, id-definizzjoni tal-miri speċifiċi għal-livelli ta’ attività għas-subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ prodott jew għas-subinstallazzjonijiet ta’ riżerva jenħtieġ li tiġi espressa bħala tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2 għal kull unità ta’ produzzjoni rilevanti. Il-miri relattivi għall-valuri tal-parametri referenzjarji f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/447 (8) jenħtieġ li jiġu espressi bħala tnaqqis perċentwali. Barra minn hekk, sabiex ikun hemm aktar flessibbiltà u tiżdied il-verifikabbiltà tal-kisba tal-miri, jenħtieġ li jkun possibbli li l-miri jiġu espressi wkoll f’termini assoluti.

(7)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi meta jiġbru d-data għall-pjanijiet ta’ newtralità klimatika, jenħtieġ li l-pjanijiet jiġu integrati fil-proċeduri eżistenti għall-allokazzjoni bla ħlas stabbiliti bir-Regolament Delegat (UE) 2019/331. Għalhekk, il-perjodu ta’ referenza għall-emissjonijiet storiċi jenħtieġ li jkun konsistenti mal-perjodu tal-linja bażi rilevanti kif definit fl-Artikolu 2(14) ta’ dak ir-Regolament u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-emissjonijiet jenħtieġ li jkun konsistenti mal-konfini tas-sistema tas-subinstallazzjonijiet rilevanti skont dak ir-Regolament. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-emissjonijiet li għandhom jiġu rrapportati jenħtieġ li jkun konsistenti mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-emissjonijiet fil-permess għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-installazzjoni kkonċernata u mar-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kontenut u l-format tal-pjanijiet ta’ newtralità klimatika kif imsemmi fl-Artikolu 10a(1), il-ħames subparagrafu, u fl-Artikolu 10b(4) tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kumpanija tat-tisħin distrettwali” tfisser kumpanija li topera installazzjonijiet li l-attivitajiet ekonomiċi ewlenin tagħhom huma kklassifikati skont il-kodiċijiet NACE msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jew bħala provvista ta’ fwar u arjau kundizzjonata, jew bħala produzzjoni tal-elettriku kkombinata mal-esportazzjoni tat-tisħin distrettwali.

(2)

“stadji importanti” tfisser indikaturi kwalitattivi tal-progress lejn il-kisba ta’ miżura jew investiment biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 kif deskritt fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1119fil-livell tal-installazzjoni jew b’mod fakultattiv fil-livell tal-kumpanija għall-operaturi tat-tisħin distrettwali, skont l-Artikolu 10a(1), il-ħames subparagrafu, u l-Artikolu 10b(4), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE, eskluż l-użu ta’ krediti ta’ kumpens għal emissjonijiet ta’ karbonju;

(3)

“miri” tfisser indikaturi kwantitattivi tal-progress lejn il-kisba ta’ miżura jew investiment biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050 kif deskritt fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1119 fil-livell tal-installazzjoni jew b’mod fakultattiv fil-livell tal-kumpanija għall-operaturi tat-tisħin distrettwali, skont l-Artikolu 10a(1), il-ħames subparagrafu, u l-Artikolu 10b(4), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE, eskluż l-użu ta’ krediti ta’ kumpens għal emissjonijiet ta’ karbonju;

(4)

“miri u stadji importanti intermedji” tfisser miri u stadji importanti stabbiliti għall-31 ta’ Diċembru 2025 u għall-31 ta’ Diċembru ta’ kull ħames sena minn hemm ’il quddiem.

Artikolu 3

Kontenut tal-pjanijiet ta’ newtralità klimatika

1.   Il-pjanijiet ta’ newtralità klimatika għandu jkun fihom l-elementi elenkati fl-Anness. Dawk il-pjanijiet għandhom ikunu debitament motivati u sostanzjati.

2.   Il-miżuri, l-istadji importanti u l-miri, inklużi l-istadji importanti u l-miri intermedji għandhom ikunu speċifiċi, jistgħu jitkejlu, jistgħu jinkisbu, rilevanti u marbuta biż-żmien.

Artikolu 4

Format elettroniku tal-pjan ta’ newtralità klimatika

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli mudell elettroniku jew format tal-fajls speċifiku għall-forniment tal-informazzjoni kif speċifikat fl-Anness.

2.   L-operaturi għandhom jużaw il-mudell elettroniku jew il-format tal-fajls speċifiku msemmi fil-paragrafu 1 biex jistabbilixxu u jippreżentaw il-pjan ta’ newtralità klimatika.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-operaturi jużaw mudelli elettroniċi jew formati tal-fajls speċifiċi żviluppati minn dawk l-Istati Membri biex jistabbilixxu u jippreżentaw il-pjanijiet ta’ newtralità klimatika f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10a(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (‘il-Liġi Ewropea dwar il-Klima’) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 59, 27.2.2019, p. 8).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/447 tat-12 ta’ Marzu 2021 li jiddetermina l-valuri riveduti tal-parametri referenzjarji għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2021 sal-2025 skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 87, 15.3.2021, p. 32).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Kontenut tal-pjanijiet ta’ newtralità klimatika

1.   

Informazzjoni ġenerali dwar l-installazzjoni

(a)

l-isem u l-indirizz tal-installazzjoni;

(b)

l-identifikatur tal-installazzjoni użat fir-Reġistru tal-Unjoni;

(c)

l-identifikatur tal-permess u d-data tal-ħruġ tal-ewwel permess għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) li nħareġ lill-installazzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/87/KE;

(d)

l-identifikatur tal-permess u d-data tal-aktar permess reċenti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li nħareġ lill-installazzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/87/KE;

(e)

l-isem u l-indirizz tal-operatur, informazzjoni tal-kuntatt ta’ rappreżentant awtorizzat u ta’ persuna ta’ kuntatt ewlenija, jekk differenti.

(f)

meta l-pjan ta’ newtralità klimatika jiġi ppreżentat fil-livell tal-kumpanija mill-kumpanija tat-tisħin distrettwali, l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (e) għal kull installazzjoni marbuta ma’ dik il-kumpanija u operata minnha u koperta mill-pjan ta’ newtralità klimatika, inkluża deskrizzjoni tar-rabtiet mal-kumpanija tat-tisħin distrettwali.

2.   

Emissjonijiet storiċi, inkluż:

(a)

emissjonijiet speċifiċi storiċi għal kull sena tal-perjodu tal-linja bażi rilevanti kif definit fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, inkluża d-data li ġejja:

(i)

emissjonijiet storiċi speċifiċi għal-livelli ta’ attività ta’ kull sena ta’ kull subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott jew għal subinstallazzjonijiet ta’ riżerva, mqabbla ma’ livelli oħra ta’ produzzjoni, espressi bħala t CO2eq għal kull unità ta’ produzzjoni rilevanti ta’ kull subinstallazzjoni, jew kwalunkwe unità oħra ta’ produzzjoni, fejn ikun aktar xieraq;

(ii)

fejn applikabbli, emissjonijiet storiċi speċifiċi għall-valuri b’parametru referenzjarju kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/447 għal kull subinstallazzjoni rilevanti li japplikaw għall-perjodu tal-linja bażi rilevanti.

(b)

b’mod fakultattiv, emissjonijiet assoluti storiċi, espressi bħala t CO2eq, għal kull sena tal-perjodu tal-linja bażi rilevanti kif definit fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331.

3.   

L-emissjonijiet storiċi msemmija fil-punt 2 u l-livelli tal-emissjonijiet relatati mal-miri msemmija fil-punt 4(b), għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konfini tas-sistema u t-tipi ta’ gassijiet serra koperti minn dawk l-emissjonijiet storiċi u l-livelli tal-emissjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-permess għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-installazzjoni kkonċernata u mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u fir-Regolament Delegat (UE) 2019/331;

(b)

il-kamp ta’ applikazzjoni tal-emissjonijiet ma għandu jinkludi l-ebda assorbiment tal-karbonju jew tnaqqis tal-emissjonijiet barra mill-konfini tas-sistema tal-installazzjoni kkonċernata u akkwistat permezz ta’ krediti ta’ kumpens għal emissjonijiet tal-karbonju;

(c)

l-emissjonijiet għandhom jiġu espressi mqabbla mal-livelli ta’ attività ta’ kull sena tas-subinstallazzjonijiet kollha jew, jekk dan ma jkunx fattibbli, mqabbla mal-livelli l-oħra ta’ produzzjoni tal-installazzjoni kkonċernata.

4.   

L-istadji importanti u l-miri, inklużi l-istadji importanti u l-miri intermedji:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-istadji importanti għall-2025 u għal kull perjodu ta’ ħames snin minn hemm ’il quddiem, proporzjonata mal-miri kif imsemmi fil-punti (b) u (c);

(b)

miri tal-emissjonijiet speċifiċi għall-2025 u għal kull perjodu ta’ ħames snin minn hemm ’il quddiem, inkluża d-data li ġejja:

(i)

miri speċifiċi għal-livelli ta’ attività ta’ kull sena ta’ kull subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott jew għal subinstallazzjonijiet ta’ riżerva, imqabbla mal-livelli l-oħra ta’ produzzjoni tas-subinstallazzjoni, espressi bħala t CO2eq għal kull unità ta’ produzzjoni rilevanti ta’ kull subinstallazzjoni, jew kwalunkwe unità oħra ta’ produzzjoni, fejn ikun aktar xieraq, u bħala perċentwal tat-tnaqqis;

(ii)

fejn applikabbli, miri relattivi għall-valuri b’parametru referenzjarju kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/447 għal kull subinstallazzjoni rilevanti li japplikaw għall-perjodu tal-linja bażi rilevanti kif definit fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, espressi bħala perċentwal tat-tnaqqis.

(c)

b’mod fakultattiv, miri tal-emissjonijiet assoluti għall-2025 u għal kull perjodu ta’ ħames snin minn hemm ’il quddiem, li jiżguraw konsistenza mal-emissjonijiet storiċi msemmija fil-punt 2 u l-istadji importanti msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-punt.

5.   

L-istadji importanti u l-miri, inklużi l-istadji importanti u l-miri intermedji, għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandhom ikunu konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119;

(b)

dawn għandhom jiġu espressi u definiti f’konformità mar-regoli u l-konfini tas-sistema stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u fir-Regolament Delegat (UE) 2019/331.

6.   

Miżuri u investimenti:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri kollha ppjanati matul kull perjodu ta’ ħames snin sabiex jinkisbu l-istadji importanti u l-miri deskritti fil-punt 4, u sabiex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050;

(b)

deskrizzjoni dettaljata u kwantifikazzjoni tal-investimenti relatati mal-miżuri, espressi bħala Euro investiti f’sena partikolari, kif ukoll bħala Euro annwalizzati kull sena għal kull perjodu ta’ ħames snin;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-kundizzjonijiet abilitanti u tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura għall-miżuri u l-investimenti deskritti fil-punti (a) u (b);

(d)

b’mod fakultattiv, lista ta’ miżuri u investimenti diġà implimentati qabel il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ newtralità klimatika.

7.   

Impatti stmati tal-miżuri u tal-investimenti:

(a)

valutazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva tal-impatti stmati fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ kull miżura u investiment imsemmija fil-punt 6 għal kull wieħed mill-perjodi ta’ ħames snin, imsemmija fl-Artikolu 10b(4), ir-raba’ subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE, inkluż, sa fejn ikun fattibbli, tqassim tal-impatti ġenerali fil-kategoriji li ġejjin:

(i)

bidla għal teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi jew żero;

(ii)

effiċjenza enerġetika u ffrankar tal-enerġija

(iii)

bidla minn fjuwils fossili għal:

(1)

idroġenu;

(2)

elettriku;

(3)

bijomassa li tissodisfa l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-gassijiet serra msemmija fl-Artikolu 38(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;

(4)

fjuwils alternattivi minn flussi ta’ skart;

(5)

sorsi oħra ta’ enerġija rinnovabbli;

(iv)

effiċjenza fir-riżorsi, inkluż it-tnaqqis fil-konsum tal-materjali u r-riċiklaġġ;

(v)

qbid, użu u ħżin tal-karbonju.

(b)

deskrizzjoni tar-raġunijiet għaliex intgħażlu l-miżuri deskritti fil-punt 6 minflok miżuri potenzjali oħra għad-dekarbonizzazzjoni, fir-rigward tal-impatti stmati tagħhom fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2441/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)