European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2189

16.10.2023

DEĊIŻJONI Nru GB/18/2023 TAL-BORD TAT-TMEXXIJA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA SAĦĦA GLOBALI EDCTP3

li tistabbilixxi regoli interni rigward ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 [2023/2189]

BORD TAT-TMEXXIJA TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA SAĦĦA GLOBALI EDCTP3

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ir-“Regolament (UE) 2018/1725”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (2) (“Att Bażiku Uniku”),

Wara li kkunsidra l-Gwida tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u regoli interni tal-24 ta’ Ġunju 2020 (3),

Wara li kkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data nhar it-12 ta’ Ġunju 2023, f’konformità mal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tad-19 ta’ Ġunju 2023,

Wara li infurmat lill-persunal tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3,

Billi:

1.

L-atti legali adottati abbażi tat-Trattati biss jistgħu jipprevedu restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Meta dawn ir-restrizzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu bbażati fuq atti legali adottati abbażi tat-Trattati, ir-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedi li, fi kwistjonijiet relatati mal-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 JU, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu previsti b’regoli interni, wara l-valutazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità ta’ dawk ir-restrizzjonijiet.

2.

F’konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, ir-restrizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, u tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20, jenħtieġ li jiġu bbażati fuq regoli interni li trid tadotta l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3.

3.

Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tagħha, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista’ twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti predixxiplinari, dixxiplinari u ta’ sospensjoni, twettaq attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF, tipproċessa każijiet ta’ żvelar tal-informazzjoni protetta, tipproċessa proċeduri (formali u informali) ta’ fastidju, tipproċessa ilmenti interni u esterni, twettaq awditjar intern, twettaq investigazzjonijiet mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DPO) f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet tas-sigurtà mwettqa internament jew bl-involviment estern (eż. CERT-UE);

4.

L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista’ twettaq ukoll investigazzjonijiet dwar ksur potenzjali tar-regoli tas-sigurtà għall-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (“IKUE”), abbażi tad-Deċiżjoni li beħsiebha tadotta dwar ir-regoli tas-sigurtà tagħha għall-protezzjoni tal-IKUE.

5.

Fil-kuntest ta’ dawn l-inkjesti amministrattivi, awditjar u investigazzjonijiet, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tikkoopera ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni.

6.

L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista’ tikkoopera ma’ awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess.

7.

L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista’ wkoll tikkoopera mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess.

8.

L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 hija involuta f’kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tiftaħ kawża hija stess quddiem il-Qorti, tiddefendi deċiżjoni li tkun ħadet u li tkun qed tiġi kkontestata quddiem il-Qorti, jew biex tintervjeni f’kawżi rilevanti għall-kompiti tagħha. F’dan il-kuntest, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 jaf ikollha bżonn tħares il-kunfidenzjalità tad-data personali li jkun hemm fid-dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervjenenti.

9.

Biex taqdi dmirha, l-Impriża Konġunta Saħħa Glovali EDCTP3 tiġbor u tipproċessa diversi kategoriji tad-data personali, bħal data tal-identifikazzjoni, data tal-kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data li tasal mingħand sorsi speċifiċi, data dwar it-traffiku u l-komunikazzjonijiet elettroniċi, u data relatata mal-każ bħal raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta, u data relatata jew ippreżentata b’rabta mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività (4).

10.

L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv, taġixxi bħala l-kontrollur tad-data.

11.

Id-data personali tinħażen b’mod sigur b’mod elettroniku jew stampat u b’mod li jevita l-aċċess jew it-trasferiment illegali ta’ data lil persuni li ma jkollhom l-ebda dritt legali li jaċċessaw dik id-data personali. Id-data personali pproċessata tinżamm għal mhux aktar milli meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata għall-perjodu speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet tal-privatezza jew ir-rekords tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali tal-EDCTP3.

12.

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, għalhekk l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 hija obbligata tipprovdi informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar dawk l-attivitajiet tal-ipproċessar u tirrispetta d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data.

13.

L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 jaf tkun meħtieġa tirrikonċilja dawk id-drittijiet mal-objettivi tal-inkjesti amministrattivi, tal-awditjar, tal-investigazzjonijiet u tal-proċedimenti fil-qrati. Jaf ikun hemm bżonn ukoll li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet ta’ suġġett tad-data u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data. Għal dak il-għan, l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jagħti l-possibbiltà lill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 li b’kundizzjonijiet stretti tillimita l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll tal-Artikolu 4 tiegħu meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20.

14.

Ir-regoli interni jenħtieġ li japplikaw għal dawk l-operazzjonijiet tal-ipproċessar rilevanti mwettqa qabel il-ftuħ tal-proċeduri msemmija hawn fuq, tul dawk il-proċeduri, waqt il-monitoraġġ tas-segwitu sal-eżitu ta’ dawk il-proċeduri, u tul il-perjodu meta tkun għadha tapplika r-restrizzjoni. Dawk jenħtieġ li jkunu applikabbli wkoll għal kull assistenza u kooperazzjoni pprovduti mill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali barra mill-investigazzjonijiet amministrattivi tagħha.

15.

Meta jkunu japplikaw dawn ir-regoli interni, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 jenħtieġ li tipprovdi ġustifikazzjonijiet li jispjegaw għalfejn ir-restrizzjonijiet huma strettament meħtieġa u proporzjonali f’soċjetà demokratika u jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

16.

F’dan il-qafas, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 hija marbuta li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, f’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni u l-gwida rilevanti, waqt il-proċeduri ta’ hawn fuq, b’mod partikolari dawk relatati mad-dritt tal-għoti ta’ informazzjoni, aċċess u rettifika, id-dritt tat-tħassir, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, id-dritt tal-komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data jew kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1725.

17.

Madankollu, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista’ tkun obbligata tirrestrinġi l-informazzjoni lis-suġġetti tad-data u drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data biex tħares, b’mod partikolari, l-investigazzjonijiet tagħha stess, l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni oħra konnessi mal-investigazzjonijiet tagħha jew ma’ proċeduri oħra.

18.

Meta tkun qed tikkunsidra jekk tapplikax restrizzjoni, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha tiżen ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data b’mod partikolari, kontra r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti oħra tad-data, u r-riskju li jitħassar l-effett tal-investigazzjonijiet jew tal-proċeduri tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 pereżempju billi tinqered l-evidenza. Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkonċernaw primarjament, iżda mhux bilfors biss, ir-riskji għar-reputazzjoni u riskji għad-dritt ta’ difiża u d-dritt ta’ smigħ.

19.

Għaldaqstant, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista’ tirrestrinġi l-informazzjoni bil-għanijiet li tħares l-investigazzjoni u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data.

20.

Biex tkun żgurata l-akbar protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DPO) jenħtieġ li jiġi kkonsultat fi żmien xieraq dwar kwalunkwe restrizzjoni li tista’ tiġi applikata u jivverifika l-konformità tagħha ma’ din id-Deċiżjoni.

21.

L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 jenħtieġ timmonitorja perjodikament li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni jkun għadhom japplikaw, u tneħħi r-restrizzjonijiet li ma jkunux għadhom japplikaw.

22.

Il-Kontrollur jenħtieġ li jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DPO) fil-mument tad-differiment u waqt ir-reviżjonijiet.

23.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi adottata bi proċedura bil-miktub f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li skonthom, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 fil-qafas tal-proċeduri tagħha stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll fl-Artikolu 4 tiegħu, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Il-kategoriji tad-data rilevanti għal dawn il-proċeduri jinkludu data tal-identifikazzjoni, data tal-kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data li tasal mingħand sorsi speċifiċi, data dwar it-traffiku u l-komunikazzjonijiet elettroniċi, u data relatata mal-każ bħal raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta, u data relatata jew ippreżentata b’rabta mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività.

3.   Meta l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 taqdi dmirha rigward id-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, din għandha tqis jekk l-eżenzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament ikunx għadhom japplikaw.

Artikolu 2

Speċifikazzjoni tal-kontrollur

Il-kontrollur tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar hu l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

Artikolu 3

Restrizzjonijiet

1.   L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista tillimita l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u, kif ukoll tal-Artikolu 4 tiegħu meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20:

(a)

skont l-Artikolu 25(1)(b), (c), (f), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tkun qed twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti predixxiplinari, dixxiplinari u ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 86 u l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u d-Deċiżjoni Nru 17/2023 tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, u meta tinnotifika każijiet lill-OLAF;

(b)

skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta trid tiżgura li l-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 ikunu jistgħu jirrappurtaw fatti kunfidenzjali li jkun jidhrilhom li jinvolvu irregolaritajiet serji, kif stipulat fid-Deċiżjoni Nru 12/2023 tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 dwar ir-regoli interni rigward l-iżvelar tal-informazzjoni protetta;

(c)

skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta trid tiżgura li l-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 ikunu jistgħu jirrapportaw lill-konsulenti kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ fastidju, kif definit fid-Deċiżjoni Nru 13/2023 tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3;

(d)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta twettaq awditjar intern u estern b’rabta mal-attivitajiet jew id-dipartimenti tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3;

(e)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (d), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tagħti assistenza lil jew tirċievi assistenza mingħand istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni jew tikkoopera magħhom fil-kuntest tal-attivitajiet skont il-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu u skont ftehimiet rilevanti tal-livell tas-servizz, memoranda ta’ qbil u ftehimiet ta’ kooperazzjoni;

(f)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tagħti assistenza lil jew tirċievi assistenza mingħand awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jew tikkoopera ma’ dawn l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet, għax tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess;

(g)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tagħti jew tirċievi assistenza u kooperazzjoni lil u mingħand awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, għax tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess;

(h)

skont l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tipproċessa d-data personali fid-dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(i)

skont l-Artikolu 25(1)(c) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tipproċessa d-data personali waqt l-investigazzjonijiet tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(j)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (d), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tipproċessa d-data personali waqt investigazzjonijiet dwar is-sigurtà tal-IT imwettqa internament jew bl-involviment estern (eż. CERT-UE);

(k)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tipproċessa d-data personali fil-qafas tal-ġestjoni tal-għotjiet jew tal-proċedura tal-akkwist, wara d-data tal-għeluq tas-sottomissjoni tas-sejħiet għal proposti jew tal-applikazzjoni għall-offerti.

2.   Bħala applikazzjoni speċifika tar-restrizzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 hawn fuq, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista’ tapplika restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

b’rabta mad-data personali skambjata mas-servizzi tal-Kummissjoni jew ma’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

i.

meta dan is-servizz tal-Kummissjoni, l-istituzzjoni, il-korp jew l-aġenzija tal-Unjoni jkunu intitolati jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet elenkati abbażi ta’ atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew f’konformità mal-Kapitolu IX ta’ dak ir-Regolament jew mal-atti kostituttivi ta’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

ii.

meta l-għan ta’ dik ir-restrizzjoni minn dak is-servizz tal-Kummissjoni, l-istituzzjoni, il-korp jew l-aġenzija tal-Unjoni jkun qed jiġi pperikolat jekk l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti rigward l-istess data personali.

(b)

b’rabta mad-data personali skambjata mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

i.

meta dawn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu intitolati jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet elenkati abbażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jew skont miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

ii.

meta l-għan ta’ restrizzjoni bħal din min-naħa ta’ dik l-awtorità kompetenti jkun qed jiġi pperikolat jekk l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti rigward l-istess data personali.

(c)

b’rabta mad-data personali skambjata ma’ organizzazzjonijiet tal-pajjiżi terzi jew internazzjonali, meta jkun hemm evidenza ċara li l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi aktarx ikun se jipperikola l-kooperazzjoni tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 mal-organizzazzjonijiet tal-pajjiżi terzi jew internazzjonali fil-qadi ta’ dmirijietha.

Qabel tapplika restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha tikkonsulta lis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji, l-uffiċċji tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 li l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni hija prevista f’xi att imsemmi f’dawk il-punti.

3.   Jekk l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tillimita għalkollox jew parzjalment l-applikazzjoni tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 hawn fuq, din għandha tieħu l-passi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Meta s-suġġetti tad-data jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta’ każ speċifiku wieħed jew aktar, jew għal operazzjoni partikolari tal-ipproċessar, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha tillimita l-valutazzjoni tagħha tat-talba għal dik id-data personali biss.

Artikolu 4

Speċifikazzjoni tas-salvagwardji

1.   L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha timplimenta salvagwardji biex tevita l-abbuż u l-aċċess jew it-trasferiment illegali tad-data personali fir-rigward ta’ liema restrizzjonijiet japplikaw jew jistgħu jiġu applikati. Salvagwardji bħal dawn għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzazzjonali, u jiġu spjegati bid-dettalji kollha meħtieġa fid-deċiżjonijiet interni, il-proċeduri u r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3. Is-salvagwardji għandhom jinkludu:

(a)

definizzjoni ċara tar-rwoli, tar-responsabbiltajiet u tal-passi proċedurali;

(b)

id-dokumenti stampati għandhom jinżammu msakkra u jkunu aċċessibbli biss mill-persunal awtorizzat;

(c)

id-data elettronika kollha għandha tinħażen f’applikazzjoni sigura tal-IT skont l-istandards tas-sigurtà tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, kif ukoll f’folders elettroniċi speċifiċi li jkunu aċċessibbli biss mill-persunal awtorizzat. Għandhom jingħataw livelli ta’ aċċess xieraq b’mod individwali;

(d)

il-persuni kollha li jkollhom aċċess għad-data huma marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità;

(e)

isir monitoraġġ xieraq tar-restrizzjonijiet u rieżami perjodiku tal-applikazzjoni tagħhom.

2.   F’konformità mal-Artikolu 5(3) ta’ din id-Deċiżjoni, is-salvagwardji msemmija fil-paragrafu (1) għandhom ikunu soġġetti għal rieżami perjodiku.

3.   Id-data personali għandha tinżamm f’konformità mar-regoli taż-żamma applikabbli tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, li jridu jiġu ddefiniti fir-rekords tal-protezzjoni tad-data miżmuma skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fi kwalunkwe każ, il-perjodu taż-żamma ma għandux ikun itwal milli meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata.

Artikolu 5

Ħtieġa u proporzjonalità tar-restrizzjonijiet

1.   Kull restrizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni għandha tkun meħtieġa u proporzjonata, filwaqt li jitqiesu r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, u tkun tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’soċjetà demokratika.

2.   Jekk titqies l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni, għandu jsir test tal-ħtieġa u l-proporzjonalità skont ir-regoli attwali. It-test għandu jsir ukoll fil-qafas tar-rieżami perjodiku, wara li ssir valutazzjoni dwar jekk ir-raġunijiet fattwali u legali għal restrizzjoni jkunx għadhom japplikaw. Dan għandu jiġi dokumentat permezz ta’ nota tal-valutazzjoni interna għall-finijiet ta’ akkontabbiltà abbażi ta’ każ b’każ.

L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha tħejji rapporti perjodiċi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu temporanji. Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew malli ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma jkunx għadhom applikabbli, b’mod partikolari meta jitqies li l-eżerċitar tad-dritt ristrett ma jkunx għadu jħassar l-effett tar-restrizzjoni imposta jew jaffettwa ħażin id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ suġġetti oħra tad-data.

L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur wara l-adozzjoni tagħha u malli tingħalaq l-inkjesta, il-proċedura jew l-investigazzjoni rilevanti. Imbagħad, kull sitt xhur, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li jżomm xi restrizzjoni.

4.   Meta l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tapplika għalkollox jew parzjalment ir-restrizzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, din għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, il-bażi(jiet) legali f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, inkluż valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

Għandhom jiġu rreġistrati r-rekord u, meta applikabbli, id-dokumenti bl-elementi fattwali u legali sottostanti. Dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jitlobhom.

Artikolu 6

Obbligu li tingħata informazzjoni

1.   Fin-notifiki tal-protezzjoni tad-data, fid-dikjarazzjonijiet tal-privatezza jew fir-rekords skont it-tifsira tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ippubblikati fuq is-sit web tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 u/jew fuq l-intranet biex tinforma lis-suġġetti tad-data bid-drittijiet tagħhom fil-qafas ta’ proċedura partikolari, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha tinkludi informazzjoni relatata mar-restrizzjoni potenzjali ta’ dawn id-drittijiet. L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet u t-tul taż-żmien potenzjali.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-Deċiżjoni, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, meta jkun proporzjonat, għandha tinforma wkoll individwalment lis-suġġetti kollha tad-data, meqjusa bħala persuni kkonċernati fl-operazzjoni speċifika tal-ipproċessar, bid-drittijiet tagħhom rigward restrizzjonijiet attwali jew futuri mingħajr dewmien bla bżonn u bil-miktub.

2.   Meta l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tillimita għalkollox jew parzjalment id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, din għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat bir-restrizzjoni applikata u r-raġunijiet ewlenin għaliha, u bil-possibbiltà li jista’ jippreżenta ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-għoti tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 hawn fuq jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi rifjutat, jekk dan ikun iħassar l-effett tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 7

Involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha, mingħajr dewmien żejjed, tikkonsulta mal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (id-“DPO”) tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 qabel u waqt il-perjodu meta l-kontrollur jillimita l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jew jestendi r-restrizzjoni, f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Il-kontrollur għandu jagħti aċċess lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għar-rekord li jkun fih il-valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni u għal kull dokument relatat mal-kuntest fattwali jew legali.

2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jitlob lill-kontrollur bil-miktub biex jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-kontrollur għandu jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Databil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

3.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi involut tul il-proċedura kollha. Il-kontrollur għandu jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data meta tkun tneħħiet ir-restrizzjoni.

4.   L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha tiddokumenta bil-miktub l-involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fl-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, inkluż liema informazzjoni hija kondiviża miegħu.

Artikolu 8

Komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data

1.   Meta l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tkun obbligata tikkomunika ksur tad-data skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, f’ċirkostanzi eċċezzjonali din tista’ tillimita din il-komunikazzjoni għalkollox jew parzjalment. Din għandha tiddokumenta f’nota r-raġunijiet għar-restrizzjoni, il-bażi legali għaliha skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, u valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tagħha. In-nota għandha tiġi kkomunikata lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fil-mument tan-notifika ta’ ksur tad-data personali.

2.   Meta r-raġunijiet tar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha tikkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data kkonċernat u tinfurmah bir-raġunijiet ewlenin tar-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu li jippreżenta ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 9

Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

1.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista’ tillimita d-dritt tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.   Meta l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tillimita d-dritt tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, din għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għal talba mingħand is-suġġett tad-data, bir-raġunijiet ewlenin li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu li jippreżenta ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

3.   Meta dan ikun iħassar l-effett tar-restrizzjoni, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tirrifjuta l-għoti ta’ informazzjoni relatata mar-raġunijiet għar-restrizzjoni u d-dritt li jiġi ppreżentat ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Il-valutazzjoni dwar jekk dan ikunx iġġustifikat għandha ssir abbażi ta’ każ b’każ.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3

Dr. Henning GÄDEKE

President tal-Bord tat-Tmexxija


(1)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)   ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17.

(3)  Jinsabu fuq Gwida dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament 2018/1725 | il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(4)  Fil-każ ta’ kontrollur konġunt, id-data jenħtieġ li tiġi pproċessata skont il-mezzi u l-finijiet stabbiliti fil-ftehim rilevanti fost il-kontrolluri konġunti kif definit fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2189/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)