ISSN 1977-074X |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 21 |
|
![]() |
||
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 66 |
Werrej |
|
I Atti leġiżlattivi |
Paġna |
|
|
REGOLAMENTI |
|
|
* |
||
|
|
DEĊIŻJONIJIET |
|
|
* |
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
I Atti leġiżlattivi
REGOLAMENTI
23.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 21/1 |
REGOLAMENT (UE) 2023/144 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-18 ta’ Jannar 2023
dwar it-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 1108/70 tal-Kunsill li jintroduċi sistema ta’ kontabilità dwar l-infiq fuq l-infrastruttura fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, u t-tħassir tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 851/2006 li jispeċifika l-entrati li għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 91 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonfermaw fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3) l-impenn konġunt tagħhom.sabiex jaġġornaw u jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
(2) |
Huwa xieraq li jiġi analizzat b’mod regolari l-acquis tal-Unjoni sabiex ikun jista’ jiġi aġġornat u, fejn possibbli, jitnaqqas fil-volum. It-tħassir ta’ leġiżlazzjoni li ma għadhiex valida jgħin biex il-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni jinżamm trasparenti, ċar u faċli sabiex jintuża mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. |
(3) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 tal-Kunsill (4) jirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw dwar l-infiq fuq l-infrastruttura għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kif ukoll dwar il-prospetti relatati mal-użu ta’ tali infrastruttura. |
(4) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 jinkludi dispożizzjonijiet u definizzjonijiet li ma għadhomx validi, u huwa inkonsistenti u inkompatibbli ma’ atti legali tal-Unjoni aktar reċenti li bħalissa huma fis-seħħ li jobbligaw lill-Istati Membri jirrapportaw dwar id-data dwar l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport u l-użu tal-infrastruttura. |
(5) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 huwa assoċjat ma’ diffikultajiet amministrattivi eċċessivi fil-ġbir tad-data meħtieġa minn dak ir-Regolament. Mill-2005, erba’ Stati Membri biss ipprovdew tali data. |
(6) |
Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 jenħtieġ li jitħassar sabiex jiġu eliminati l-inkonsistenzi fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni u sabiex jikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jiġi eliminat att legali li issa ma għadux validu. |
(7) |
Peress li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 851/2006 (5) jimplimenta r-Regolament (KEE) Nru 1108/70, l-għan tiegħu ser jintemm bit-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 1108/70. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 851/2006 jenħtieġ li jitħassar ukoll, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1108/70 u (KE) Nru 851/2006 huma mħassra.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Jannar 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
J. ROSWALL
(1) Opinjoni tas-26 ta’ Ottubru 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2022.
(3) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(4) Ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 tal-Kunsill tal-4 ta’ Ġunju 1970 li jintroduċi sistema ta’ kontabilità dwar l-infiq fuq l-infrastruttura fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 130, 15.6.1970, p. 4).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 851/2006 tad-9 ta’ Ġunju 2006 li jispeċifika l-entrati li jridu jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70 (ĠU L 158, 10.6.2006, p. 3).
DEĊIŻJONIJIET
23.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 21/3 |
DEĊIŻJONI (UE) 2023/145 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-18 ta’ Jannar 2023
li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonfermaw, fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3), l-impenn konġunt tagħhom li jaġġornaw u jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
(2) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE (4) pprevediet li ajruplani li qabżu l-istandards rilevanti tal-emissjonijiet tal-istorbju skont dik id-Direttiva setgħu jkomplu joperaw, jekk kienu diġà ddaħħlu f’reġistru nazzjonali ta’ Stat Membru. Madankollu, din applikat regola li ma ssir l-ebda żieda: l-ebda reġistrazzjoni ġdida ta’ tali ajruplani ma kienet possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Direttiva. |
(3) |
Id-Direttiva 2006/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) introduċiet tneħħija gradwali sħiħa tal-ajruplani kollha li ma jilħqux l-istandards rilevanti tal-emissjonijiet tal-istorbju, inkluż ta’ dawk li qabel kienu koperti mid-Direttiva 89/629/KEE, irrispettivament minn jekk dawn kinux ġew irreġistrati jew le. Dan wassal għal sitwazzjoni fejn l-ajruplani kkonċernati ma tħallewx itiru fl-ajru tal-Unjoni u kellhom jitneħħew mir-reġistri nazzjonali tal-Istati Membri. |
(4) |
Konsegwentement, id-Direttiva 89/629/KEE ma għadhiex valida u għalhekk jenħtieġ li titħassar, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Direttiva 89/629/KEE hija mħassra.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Jannar 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
J. ROSWALL
(1) Opinjoni tas-26 ta’ Ottubru 2022 (għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2022. (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2022.
(3) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/629/KEE tal-4 ta’ Diċembru 1989 dwar il-limitazzjoni tal-emissjoni ta’ ħsejjes minn ajruplani ċivili jet subsoniċi (ĠU L 363, 13.12.1989, p. 27).
(5) Id-Direttiva 2006/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-regolament tal-operazzjoni tal-ajruplani koperta mill-Parti II, il-Kapitolu 3, il-Volum 1 tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988) (ĠU L 374, 27.12.2006, p. 1).