ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 324

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 65
19 ta' Diċembru 2022


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2453 tat-30 ta’ Novembru 2022 li jemenda l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 fir-rigward tad-divulgazzjoni tar-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2454 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju ta’ konċentrazzjonijiet tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp ( 1 )

55

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

19.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2453

tat-30 ta’ Novembru 2022

li jemenda l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 fir-rigward tad-divulgazzjoni tar-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 434a tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 (2) jispeċifika formati uniformi ta’ divulgazzjoni u struzzjonijiet assoċjati għad-divulgazzjonijiet meħtieġa skont it-Titoli II u III tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/876 (3), inter alia biex jintroduċi Artikolu 449a ġdid. Dak l-Artikolu jirrikjedi li istituzzjonijiet kbar li jkunu ħarġu titoli li huma ammessi għan-negozjar f’suq regolat ta’ kwalunkwe Stat Membru jiddivulgaw, mit-28 ta’ Ġunju 2022, informazzjoni dwar ir-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG), inklużi r-riskji fiżiċi u r-riskji ta’ tranżizzjoni. Dik l-emenda għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ li tiġi riflessa fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637, li jenħtieġ li jistabbilixxi, minbarra l-formati ta’ divulgazzjoni uniformi eżistenti u l-istruzzjonijiet assoċjati, formati ta’ divulgazzjoni uniformi addizzjonali u struzzjonijiet assoċjati għad-divulgazzjonijiet tar-riskji ESG.

(2)

Meta jiġu stabbiliti formati uniformi ta’ divulgazzjoni, għandha titqies il-materjalità sħiħa tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata. Dan ifisser li d-divulgazzjonijiet mill-istituzzjonijiet jenħtieġ li jkopru, minn naħa waħda, l-impatt finanzjarju tal-fatturi ESG fuq l-attivitajiet ekonomiċi u finanzjarji tal-istituzzjonijiet (perspettiva minn barra għal ġewwa), u, min-naħa l-oħra, il-fatturi ESG li jistgħu jiġu skattati mill-attivitajiet proprji tal-istituzzjonijiet, li min-naħa tagħhom isiru finanzjarjament materjali meta jaffettwaw lill-partijiet ikkonċernati tal-istituzzjonijiet (perspettiva minn ġewwa għal barra). B’riżultat ta’ dan, jenħtieġ li t-tabelli u l-mudelli użati għal dawk id-divulgazzjonijiet jagħtu informazzjoni komprensiva u komparabbli biżżejjed dwar ir-riskji ESG, u b’hekk l-utenti ta’ dik l-informazzjoni jkunu jistgħu jivvalutaw il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni fil-qasam tar-riskji ESG. Ir-regoli dwar id-divulgazzjoni tar-riskji ESG għandhom għalhekk iqisu l-kriterji, il-klassifikazzjonijiet u d-definizzjonijiet stabbiliti f’dik il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jqisu b’mod partikolari l-kriterji għall-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 (5). Fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-portafoll tal-proprjetà immobbli tal-istituzzjonijiet, jenħtieġ li titqies l-informazzjoni pprovduta miċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija kif definit fil-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(4)

L-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jirrikjedu li ċerti impriżi kbar li huma entitajiet ta’ interess pubbliku, jew entitajiet ta’ interess pubbliku li huma impriżi prinċipali ta’ grupp kbir, rispettivament, jinkludu fir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom jew fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tagħhom informazzjoni dwar l-impatt tal-attività tagħhom fuq kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim. Madankollu, dan l-obbligu ma japplikax għal impriżi oħra. B’riżultat ta’ dan, l-impriżi li mhumiex soġġetti għall-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE mhumiex meħtieġa jiddivulgaw tali informazzjoni u jistgħu ma jkunux jistgħu jipprovdu tali informazzjoni lill-istituzzjonijiet. Dawk l-impriżi li huma kontropartijiet għal istituzzjonijiet jistgħu għalhekk ikunu mistennija biss li jipprovdu dik l-informazzjoni u data fuq bażi volontarja. Madankollu, huwa xieraq li dawk l-impriżi jingħataw gwida dwar il-kalkolu tal-perċentwal tal-iskoperturi għal attivitajiet li huma attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli kif imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852, sabiex dik l-informazzjoni u dik id-data jkunu jistgħu jiġu ppreżentati f’format standardizzat u komparabbli. Meta dik l-informazzjoni u dik id-data ma jiġux ipprovduti b’mod volontarju, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkalkulaw il-perċentwal ta’ skoperturi allinjati mat-tassonomija billi jużaw stimi jew indikaturi.

(5)

L-Artikolu 449a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirrikjedi li l-informazzjoni dwar ir-riskji ESG tiġi ddivulgata mit-28 ta’ Ġunju 2022, u minn hemm’ il quddiem fuq bażi annwali għall-ewwel sena u darbtejn fis-sena minn hemm ’il quddiem. Għal dawk ir-raġunijiet, l-ewwel data ta’ referenza tad-divulgazzjoni annwali jenħtieġ li tiġi stabbilita mill-31 ta’ Diċembru 2022.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(7)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implementazzjoni li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu 18a li ġej:

“Artikolu 18a

Divulgazzjoni ta’ riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (riskji ESG)

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 449a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif ġej:

(a)

informazzjoni kwalitattiva dwar ir-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza bl-użu tat-Tabelli 1, 2 u 3 tal-Anness XXXIX ta’ dan ir-Regolament u billi jiġu segwiti l-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness XL ta’ dan ir-Regolament;

(b)

informazzjoni kwantitattiva dwar ir-riskji ta’ tranżizzjoni tat-tibdil fil-klima.bl-użu tal-Mudelli1 sa 4 tal-Anness XXXIX ta’ dan ir-Regolament u billi jiġu segwiti l-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness XL ta’ dan ir-Regolament;

(c)

informazzjoni kwantitattiva dwar ir-riskji fiżiċi tat-tibdil fil-klima.bl-użu tal-Mudell 5 tal-Anness XXXIX ta’ dan ir-Regolament u billi jiġu segwiti l-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness XL ta’ dan ir-Regolament;

(d)

informazzjoni kwantitattiva dwar azzjonijiet ta’ mitigazzjoni assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) lejn dawk il-kontropartijiet li huma soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), lejn unitajiet domestiċi, u lejn gvernijiet lokali kif imsemmi fil-Parti 1, il-punt 42(b), tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 (*3), billi jintużaw il-Mudelli 6, 7 u 8 tal-Anness XXXIX ta’ dan ir-Regolament u billi jiġu segwiti l-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness XL ta’ dan ir-Regolament;

(e)

informazzjoni kwantitattiva dwar azzjonijiet ta’ mitigazzjoni oħra u skoperturi għal riskji relatati mat-tibdil fil-klima li ma jikkwalifikawx bħala attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 iżda jappoġġaw lill-kontropartijiet fil-proċess ta’ tranżizzjoni jew adattament għall-objettivi tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima, billi jużaw il-Mudell 10 tal-Anness XXXIX ta’ dan ir-Regolament u billi jsegwu l-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness XL ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-istituzzjonijiet jistgħu jagħżlu li jiddivulgaw informazzjoni kwantitattiva dwar azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u skoperturi dwar riskji relatati mat-tibdil fil-klima assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852, lejn kontropartijiet li huma korporazzjonijiet mhux finanzjarji kif imsemmi fil-Parti 1, il-punt 42(e) tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/451, li mhumiex soġġetti għall-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE u li mhumiex soġġetti għall-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 (*4), billi jużaw il-Mudell 9 tal-Anness XXXIX ta’ dan ir-Regolament u billi jsegwu l-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness XL ta’ dan ir-Regolament.

Għall-kalkolu tal-perċentwal tal-iskoperturi għal attivitajiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 (skoperturi allinjati mat-tassonomija) lejn dawk il-kontropartijiet, l-istituzzjonijiet:

(a)

jistgħu, fejn disponibbli, jużaw l-informazzjoni riċevuta mill-kontropartijiet tagħhom fuq bażi volontarja u bilaterali permezz tal-oriġinazzjoni tas-self, u proċessi regolari ta’ rieżami u monitoraġġ tal-kreditu;

(b)

meta l-kontroparti ma tkunx tista’ jew ma tkunx lesta li tipprovdi d-data kkonċernata fuq bażi bilaterali, tista’ tuża stimi u indikaturi interni u tispjega fin-narrattiva li takkumpanja l-mudell sa liema punt intużaw dawk l-istimi u l-prokuri interni, u liema stimi u indikaturi interni ġew applikati;

(c)

meta ma jkunux jistgħu jiġbru fuq bażi bilaterali l-informazzjoni kkonċernata, jew ma jkunux jistgħu jużaw stimi u indikaturi interni, jew ma jkunux jistgħu jiġbru dik l-informazzjoni jew jużaw dawk l-istimi u l-indikaturi b’mod li ma jkunx ta’ piż żejjed għalihom jew għall-kontropartijiet tagħhom, jistgħu jispjegaw dik l-inabbiltà fin-narrattiva li takkumpanja l-mudell.

Għall-finijiet tal-punt (a), l-istituzzjonijiet għandhom jinfurmaw lill-kontropartijiet tagħhom li l-għoti ta’ tali informazzjoni huwa volontarju.

3.   Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor fl-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness XL ta’ dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet għandhom, mill-31 ta’ Diċembru 2022, jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 449a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fid-dati li ġejjin:

(a)

għal divulgazzjonijiet annwali: il-31 ta’ Diċembru;

(b)

għal divulgazzjonijiet semi-annwali: it-30 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

(*1)  Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13)."

(*2)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19)."

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju tal-istituzzjonijiet u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (ĠU L 97, 19.3.2021, p. 1)."

(*4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 tas-6 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ żvelar (ĠU L 443, 10.12.2021, p. 9).” "

(2)

it-test fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness XXXIX;

(3)

it-test fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness XL.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 tal-15 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-divulgazzjonijiet pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-informazzjoni msemmija fit-Titoli II u III tal-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1423/2013, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1555, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/200 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2295 (ĠU L 136, 21.4.2021, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 406, 3.12.2020, p. 17).

(6)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

(7)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ intrapriżi, li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


ANNESS I

“ANNESS XXXIX

Divulgazzjonijiet prudenzjali dwar ir-riskji ESG (l-Artikolu 449a CRR)

INDIĊI - Divulgazzjonijiet prudenzjali dwar ir-riskji ESG (l-Artikolu 449a CRR)

Tabella 1 – Informazzjoni kwalitattiva dwar ir-riskju Ambjentali:

Tabella 2 – Informazzjoni kwalitattiva dwar ir-riskju Soċjali:

Tabella 3 – Informazzjoni kwalitattiva dwar ir-riskju ta’ Governanza:

Mudell 1: Portafoll bankarju – Indikaturi tar-riskju potenzjali ta’ tranżizzjoni tat-tibdil fil-klima: Kwalità kreditizja tal-iskoperturi skont is-settur, l-emissjonijiet u l-maturità residwa

Mudell 2: Portafoll bankarju - Indikaturi tar-riskju potenzjali ta’ tranżizzjoni tat-tibdil fil-klima: Self kollateralizzat minn proprjetà immobbli – Effiċjenza enerġetika tal-kollateral.

Mudell 3: Portafoll bankarju - Indikaturi tar-riskju potenzjali ta’ tranżizzjoni tat-tibdil fil-klima: Metriċi tal-allinjament.

Mudell 4: Portafoll bankarju - Indikaturi tar-riskju potenzjali ta’ tranżizzjoni tat-tibdil fil-klima: Skoperturi għall-20 ditta bl-aktar intensità qawwija ta’ karbonju.

Mudell 5: Portafoll bankarju – Indikaturi tar-riskju fiżiku potenzjali tat-tibdil fil-klima: Skoperturi soġġetti għal riskju fiżiku

Mudell 6: Sommarju tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) dwar l-iskoperturi allinjati mat-Tassonomija

Mudell 7 - Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni: Assi għall-kalkolu tal-GAR

Mudell 8 - GAR (%)

Mudell 9 - Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni: BTAR

Mudell 10 - Azzjonijiet oħra ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li mhumiex koperti fir-Regolament (UE) 2020/852

Tabella 1 – Informazzjoni kwalitattiva dwar ir-riskju Ambjentali:

f’konformità mal-Artikolu 449 a CRR

Numru tar-ringiela

Informazzjoni kwalitattiva — Format liberu

 

L-istrateġija u l-proċessi tan-negozju

 

(a)

L-istrateġija tan-negozju tal-istituzzjoni biex tintegra l-fatturi u r-riskji ambjentali, filwaqt li tqis l-impatt tal-fatturi u r-riskji ambjentali fuq l-ambjent tan-negozju, il-mudell tan-negozju, l-istrateġija u l-ippjanar finanzjarju tal-istituzzjoni

 

(b)

Objettivi, miri u limiti għall-valutazzjoni u l-indirizzar tar-riskju ambjentali fi żmien qasir, medju u twil, u valutazzjoni tal-prestazzjoni skont dawn l-objettivi, il-miri u l-limiti, inkluża informazzjoni li tħares’ il quddiem fit-tfassil tal-istrateġija u l-proċessi tan-negozju

 

(c)

Attivitajiet ta’ investiment attwali u miri ta’ investiment (futuri) lejn l-objettivi ambjentali u attivitajiet allinjati mat-Tassonomija tal-UE

 

(d)

Politiki u proċeduri relatati ma’ involviment dirett u indirett ma’ kontropartijiet ġodda jew eżistenti dwar l-istrateġiji tagħhom biex jimmitigaw u jnaqqsu r-riskji ambjentali

 

 

Governanza

 

(e)

Ir-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali għall-istabbiliment tal-qafas tar-riskju, is-superviżjoni u l-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-objettivi, l-istrateġija u l-politiki fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskju ambjentali li jkopru l-kanali ta’ trażmissjoni rilevanti

 

(f)

L-integrazzjoni tal-korp maniġerjali tal-effetti fuq perjodu qasir, medju u twil ta’ fatturi u riskji ambjentali, l-istruttura organizzazzjonali kemm fil-linji tan-negozju kif ukoll fil-funzjonijiet ta’ kontroll intern

 

(g)

Integrazzjoni ta’ miżuri għall-ġestjoni tal-fatturi u r-riskji ambjentali fl-arranġamenti ta’ governanza interna, inkluż ir-rwol tal-kumitati, l-allokazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltajiet, u ċ-ċirku ta’ feedback mill-ġestjoni tar-riskju lill-korp maniġerjali li jkopri l-kanali ta’ trażmissjoni rilevanti

 

(h)

Linji ta’ rappurtar u frekwenza ta’ rappurtar relatati mar-riskju ambjentali

 

(i)

Allinjament tal-politika ta’ remunerazzjoni mal-objettivi tal-istituzzjoni relatati mar-riskju ambjentali

 

 

Ġestjoni tar-riskji

 

(j)

L-integrazzjoni tal-effetti fuq perjodu qasir, medju u twil ta’ fatturi u riskji ambjentali fil-qafas tar-riskju

 

(k)

Definizzjonijiet, metodoloġiji u standards internazzjonali li fuqhom huwa bbażat il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju ambjentali

 

(l)

Proċessi għall-identifikazzjoni, il-kejl u l-monitoraġġ ta’ attivitajiet u skoperturi (u kollateral fejn applikabbli) sensittivi għar-riskji ambjentali, li jkopru l-kanali ta’ trażmissjoni rilevanti

 

(m)

Attivitajiet, impenji u skoperturi li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tar-riskji ambjentali

 

(n)

Implimentazzjoni ta’ għodod għall-identifikazzjoni, il-kejl u l-ġestjoni tar-riskji ambjentali

 

(o)

Riżultati u eżitu tal-għodod tar-riskju implimentati u l-impatt stmat tar-riskju ambjentali fuq il-profil tar-riskju kapitali u tal-likwidità

 

(p)

Id-disponibbiltà, il-kwalità u l-preċiżjoni tad-data, u l-isforzi biex jittejbu dawn l-aspetti

 

(q)

Deskrizzjoni tal-limiti għar-riskji ambjentali (bħala xprunaturi tar-riskji prudenzjali) li huma stabbiliti, u li jiskattaw eskalazzjoni u esklużjoni fil-każ ta’ ksur ta’ dawn il-limiti

 

(r)

Deskrizzjoni tar-rabta (kanali ta’ trażmissjoni) bejn ir-riskji ambjentali mar-riskju ta’ kreditu, il-likwidità u r-riskju ta’ finanzjament, ir-riskju tas-suq, ir-riskju operazzjonali u r-riskju reputazzjonali fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju

 

Tabella 2 – Informazzjoni kwalitattiva dwar ir-riskju Soċjali:

f’konformità mal-Artikolu 449 a CRR

Numru tar-ringiela

Informazzjoni kwalitattiva — Format liberu

 

L-istrateġija u l-proċessi tan-negozju

 

(a)

Aġġustament tal-istrateġija tan-negozju tal-istituzzjoni biex tintegra l-fatturi u r-riskji ambjentali, filwaqt li tqis l-impatt tal-fatturi u r-riskji ambjentali fuq l-ambjent tan-negozju, il-mudell tan-negozju, l-istrateġija u l-ippjanar finanzjarju tal-istituzzjoni

 

(b)

Objettivi, miri u limiti għall-valutazzjoni u l-indirizzar tar-riskju soċjali fi żmien qasir, medju u twil, u valutazzjoni tal-prestazzjoni skont dawn l-objettivi, il-miri u l-limiti, inkluża informazzjoni li tħares’ il quddiem fit-tfassil tal-istrateġija u l-proċessi tan-negozju

 

(c)

Politiki u proċeduri relatati ma’ involviment dirett u indirett ma’ kontropartijiet ġodda jew eżistenti dwar l-istrateġiji tagħhom biex jimmitigaw u jnaqqsu l-attivitajiet li jikkawżaw dannu soċjali

 

 

Governanza

 

(d)

Ir-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali għall-istabbiliment tal-qafas tar-riskju, is-superviżjoni u l-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-objettivi, l-istrateġija u l-politiki fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskju soċjali li jkopru l-approċċi tal-kontropartijiet dwar:

 

(i)

Attivitajiet lejn il-komunità u s-soċjetà

(ii)

Relazzjonijiet tal-impjegati u standards tax-xogħol

(iii)

Il-protezzjoni tal-konsumatur u r-responsabbiltà tal-prodott

(iv)

Drittijiet tal-bniedem

(e)

Integrazzjoni ta’ miżuri għall-ġestjoni tal-fatturi u r-riskji soċjli fl-arranġamenti ta’ governanza interna, inkluż ir-rwol tal-kumitati, l-allokazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltajiet, u ċ-ċirku ta’ feedback mill-ġestjoni tar-riskju lill-korp maniġerjali

 

(f)

Linji ta’ rappurtar u frekwenza ta’ rappurtar relatati mar-riskju soċjali

 

(g)

Allinjament tal-politika ta’ remunerazzjoni f’konformità mal-objettivi tal-istituzzjoni relatati mar-riskju soċjali

 

 

Ġestjoni tar-riskji

 

(h)

Definizzjonijiet, metodoloġiji u standards internazzjonali li fuqhom huwa bbażat il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju soċjali

 

(i)

Proċessi għall-identifikazzjoni, il-kejl u l-monitoraġġ ta’ attivitajiet u skoperturi (u kollateral fejn applikabbli) sensittivi għar-riskji soċjali, li jkopru l-kanali ta’ trażmissjoni rilevanti

 

(j)

Attivitajiet, impenji u assi li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tar-riskji soċjali

 

(k)

Implimentazzjoni ta’ għodod għall-identifikazzjoni, il-kejl u l-ġestjoni tar-riskji ambjentali

 

(l)

Deskrizzjoni tal-istabbiliment ta’ limiti għar-riskju soċjali u każijiet li jiskattaw eskalazzjoni u esklużjoni fil-każ ta’ ksur ta’ dawn il-limiti

 

(m)

Deskrizzjoni tar-rabta (kanali ta’ trażmissjoni) bejn ir-riskji soċjali mar-riskju ta’ kreditu, il-likwidità u r-riskju ta’ finanzjament, ir-riskju tas-suq, ir-riskju operazzjonali u r-riskju reputazzjonali fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju

 

Tabella 3 – Informazzjoni kwalitattiva dwar ir-riskju ta’ Governanza:

f’konformità mal-Artikolu 449 a CRR

Numru tar-ringiela

Informazzjoni kwalitattiva — Format liberu

 

Governanza

 

(a)

L-integrazzjoni tal-istituzzjoni fl-arranġamenti ta’ governanza tagħhom, il-prestazzjoni tal-kontroparti, inklużi l-kumitati tal-ogħla korp ta’ governanza, il-kumitati responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar suġġetti ekonomiċi, ambjentali u soċjali

 

(b)

Il-kontabbiltà tal-istituzzjoni tar-rwol tal-ogħla korp ta’ governanza tal-kontroparti fir-rapportar mhux finanzjarju

 

(c)

L-integrazzjoni tal-istituzzjoni fl-arranġamenti ta’ governanza tal-prestazzjoni tal-governanza tal-kontropartijiet tagħhom inklużi:

 

(i)

Konsiderazzjonijiet etiċi

(ii)

Strateġija u ġestjoni tar-riskju

(iii)

Inklużività

(iv)

Trasparenza

(v)

Immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess

(vi)

Komunikazzjoni interna dwar tħassib kritiku

 

Ġestjoni tar-riskji

 

(d)

L-integrazzjoni tal-istituzzjoni fl-arranġamenti ta’ ġestjoni tar-riskju tal-prestazzjoni tal-governanza tal-kontropartijiet tagħhom f’kunsiderazzjoni ta’:

 

(i)

Konsiderazzjonijiet etiċi

(ii)

Strateġija u ġestjoni tar-riskju

(iii)

Inklużività

(iv)

Trasparenza

(v)

Immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess

(vi)

Komunikazzjoni interna dwar tħassib kritiku

Mudell 1: Portafoll bankarju – Indikaturi tar-riskju potenzjali ta’ tranżizzjoni tat-tibdil fil-klima: Kwalità kreditizja tal-iskoperturi skont is-settur, l-emissjonijiet u l-maturità residwa

Image 1

Mudell 2: Portafoll bankarju - Indikaturi tar-riskju potenzjali ta’ tranżizzjoni tat-tibdil fil-klima: Self kollateralizzat minn proprjetà immobbli – Effiċjenza enerġetika tal-kollateral.

Image 2

Mudell 3: Portafoll bankarju - Indikaturi tar-riskju potenzjali ta’ tranżizzjoni tat-tibdil fil-klima: Metriċi tal-allinjament.