ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 7

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 65
12ta' Jannar 2022


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/29 tat-28 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika n-numru u t-titolu tal-varjabbli fid-dominju tal-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien fis-Suq tax-xogħol u l-abitazzjoni, it-Trażmissjoni interġenerazzjonali tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi, id-Diffikultajiet ta’ abitazzjoni, u s-suġġett ad hoc tal-2023 dwar l-Effiċjenza enerġetika tal-unitajiet domestiċi ( 1 )

1

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/30 tad-29 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva ( 1 )

6

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/31 tas-6 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd għall-inċova fiż-żona 8 minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Spanja

11

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/32 tas-6 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd għall-aringi fl-ilmijiet tal-Unjoni u dawk Norveġiżi taż-żona 4 fit-Tramuntana ta’ 53 30' N għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Litwanja

14

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/33 tal-10 ta’ Jannar 2022 li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2021 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mad-Deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Ġermanja (notifikata bid-dokument C(2022) 155)  ( 1 )

17

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

12.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/29

tat-28 ta’ Ottubru 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika n-numru u t-titolu tal-varjabbli fid-dominju tal-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien fis-Suq tax-xogħol u l-abitazzjoni, it-Trażmissjoni interġenerazzjonali tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi, id-Diffikultajiet ta’ abitazzjoni, u s-suġġett ad hoc tal-2023 dwar l-Effiċjenza enerġetika tal-unitajiet domestiċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi qafas komuni għall-istatistika Ewropea relatata ma’ persuni u unitajiet domestiċi, abbażi ta’ data fuq livell individwali miġbura minn kampjuni, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 808/2004, (KE) Nru 452/2008 u (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tkopri l-ħtiġijiet identifikati fis-suġġetti dettaljati rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tispeċifika n-numru u t-titolu tal-varjabbli għas-settijiet ta’ data li jkopru diversi suġġetti dettaljati elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1700, jiġifieri: il-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, l-istatus fl-impjieg, id-dettalji dwar l-objettivi edukattivi, inkluż l-edukazzjoni interrotta jew abbandunata, id-dettalji tal-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni, inkluż id-deprivazzjoni u l-kera imputata, l-ambjent tal-għajxien, it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi, id-diffikultajiet ta’ abitazzjoni (inkluż id-diffikultajiet tal-kiri) u r-raġunijiet.

(2)

Id-dominju tal-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa mis-Semestru Ewropew u mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, partikolarment dwar id-distribuzzjoni tal-introjtu, il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Jipprovdi wkoll informazzjoni għal diversi politiki oħra tal-UE relatati mal-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-faqar.

(3)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi n-numru u t-titolu tal-varjabbli dwar is-suġġett ad hoc l-“Effiċjenza enerġetika tal-unitajiet domestiċi”.

(4)

In-numru ta’ varjabbli li jridu jinġabru ma jkunx jaqbeż b’aktar minn 5 % lin-numru ta’ varjabbli miġbura għad-dominju tal-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien, fil-mument meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2019/1700.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

In-numru u t-titolu tal-varjabbli fid-dominju tal-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien fir-rigward tas-settijiet ta’ varjabbli dwar is-Suq tax-xogħol u l-abitazzjoni u t-Trażmissjoni interġenerazzjonali tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi, id-Diffikultajiet ta’ abitazzjoni kif ukoll is-suġġett ad hoc tal-2023, huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 261I, 14.10.2019, p. 1.


ANNESS

In-numru u t-titolu tal-varjabbli fid-dominju tal-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien fir-rigward tas-sett ta’ varjabbli dwar is-Suq tax-xogħol u l-abitazzjoni, u t-Trażmissjoni interġenerazzjonali tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi, Diffikultajiet ta’ abitazzjoni kif ukoll is-suġġett ad hoc tal-2023, huma stabbiliti fl-Anness.

Modulu

Suġġett dettaljat

Identifikatur tal-varjabbli

Isem tal-varjabbli

Suq tax-xogħol u abitazzjoni

Karatteristiċi tal-post tax-xogħol

(4 varjabbli miġbura)

PL230

Settur tal-impjiegi pubbliċi/privati

PW100

Sodisfazzjon tal-impjieg

PL260

Sigħat maħduma normalment fil-ġimgħa

PL130

Daqs tal-unità lokali għall-impjieg ewlieni

Status fl-impjieg

(5 varjabbli miġbura)

PL035

Ħidma tal-inqas siegħa matul il-ġimgħa ta’ qabel

PL025

Disponibbli għax-xogħol

PL020

Attivament tfittxija ta’ impjieg

PL120

Raġuni biex taħdem inqas minn 30 siegħa

PL280

Tul tar-reġistrazzjoni tal-qgħad

Livell edukattiv milħuq - dettalji, inkluż edukazzjoni interrotta jew abbandunata

(2 varjabbli miġbura)

PE030

Sena meta nkiseb l-ogħla livell fl-edukazzjoni

PE050

Edukazzjoni interrotta jew abbandunata

Dettalji dwar il-kundizzjonijiet tal-abitazzjoni, inkluż deprivazzjoni u kera imputata

(11-il varjabbli miġbur: 9 varjabbli obbligatorji, 2 varjabbli fakultattivi)

HS160

Problemi ta’ abitazzjoni: mudlama wisq, ma hemmx biżżejjed dawl

HS170

Storbju mill-ġirien jew mit-triq

HC020

Daqs tal-abitazzjoni f’metri kwadri

HC080

Sodisfazzjon ġenerali bl-abitazzjoni

HY030

Kera imputata

HH040

Saqaf joqtor, il-ħitan/l-art/il-pedamenti umdi, jew oqfsa tat-twieqi jew pavimenti jitmermru

HS140

Piż finanzjarju tal-kost totali tal-abitazzjoni

HS180

Tniġġis, ħmieġ jew problemi ambjentali oħra

HS190

Kriminalità, vjolenza jew vandaliżmu fiż-żona

HH081

Banju jew doċċa fl-abitazzjoni (FAKULTATTIV)

HH091

Tojlit tal-flaxing ta’ ġewwa għall-użu esklużiv tal-unità domestika (FAKULTATTIV)

Trażmissjoni interġenerazzjonali tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi, diffikultajiet ta’ abitazzjoni, u s-suġġett ad hoc tal-2023 dwar l-Effiċjenza enerġetika tal-unitajiet domestiċi

Trażmissjoni interġenerazzjonali tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi (16-il varjabbli miġbura: 12-il varjabbli obbligatorju, 4 varjabbli fakultattivi)

PT220

Tip ta’ unità domestika meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena

PT230

Preżenza tal-omm meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena

PT240

Preżenza tal-missier meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena

PT070

Ċittadinanza tal-missier (FAKULTATTIV)

PT100

Ċittadinanza tal-omm (FAKULTATTIV)

PT110

L-ogħla livell ta’ edukazzjoni miksub mill-missier

PT120

L-ogħla livell ta’ edukazzjoni miksub mill-omm

PT130

Status tal-attività tal-missier meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena

PT160

Status tal-attività tal-omm meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena

PT150

Impjieg ewlieni tal-missier meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena (FAKULTATTIV)

PT180

Impjieg ewlieni tal-omm meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena (FAKULTATTIV)

PT210

Status tal-kirja meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena

PT190

Sitwazzjoni finanzjarja tal-unità domestika meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena

PT260

Bżonnijiet bażiċi tal-iskola (kotba u tagħmir għall-iskola) miksuba meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena

PT270

Meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena, ta’ kuljum kellu ikla bil-laħam, bit-tiġieġ, bil-ħut (jew l-ekwivalenti veġetarjana)

PT280

Ġimgħa ta’ vaganzi kull sena ’l bogħod mid-dar meta r-rispondent kellu madwar 14-il sena

Diffikultajiet ta’ abitazzjoni (inkluż diffikultajiet fil-kera) u raġunijiet

(6 varjabbli miġbura: 4 varjabbli obbligatorji, 2 varjabbli fakultattivi)

PHD01

Esperjenza passata ta’ diffikultajiet ta’ abitazzjoni

PHD07

Meta kien hemm diffikultajiet ta’ abitazzjoni (FAKULTATTIV)

PHD02

Tul ta’ żmien tal-aktar esperjenza reċenti ta’ diffikultajiet marbuta mal-abitazzjoni (FAKULTATTIV)

PHD03

Raġuni ewlenija għad-diffikultajiet passati ta’ abitazzjoni

PHD05

Ħruġ minn diffikultajiet ta’ abitazzjoni

PHD06

Diffikultajiet ta’ kiri

Suġġett ad hoc- Effiċjenza enerġetika tal-unitajiet domestiċi

(7 varjabbli miġbura: 4 varjabbli obbligatorji, 3 varjabbli fakultattivi)

HC001

Sistema tat-tisħin użata

HC002

Sors tal-enerġija

HC003

Rinnovazzjoni (iżolament termali, twieqi jew sistema tat-tisħin)

HC060

Inabbiltà li l-abitazzjoni tinżamm sħuna b’mod komdu matul ix-xitwa

HC070

Inabbiltà li l-abitazzjoni tinżamm friska b’mod komdu matul is-sajf (FAKULTATTIV)

HC004

Tip ta’ twieqi (FAKULTATTIV)

HC005

Sena tal-kostruzzjoni (FAKULTATTIV)


12.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/30

tad-29 ta’ Ottubru 2021

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), flimkien mal-punti (d), (e) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-protezzjoni tan-network jew tal-funzjonament tiegħu mill-ħsara, il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza tal-utent u tal-abbonat u l-protezzjoni mill-frodi huma elementi li jappoġġaw il-protezzjoni kontra r-riskji ta’ ċibersigurtà.

(2)

Kif iddikjarat fil-premessa 13 tad-Direttiva 2014/53/UE, il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza tal-utenti u tal-abbonati tat-tagħmir tar-radju u l-protezzjoni mill-frodi jistgħu jittejbu b’karatteristiċi partikolari tat-tagħmir tar-radju. Għalhekk, skont dik il-premessa, jenħtieġ li, f’każijiet xierqa, it-tagħmir tar-radju jiġi ddisinjat b’tali mod li jappoġġa dawk il-karatteristiċi.

(3)

Il-5G se jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-ekonomija u s-soċjetà diġitali tal-Unjoni fis-snin li ġejjin u potenzjalment se taffettwa kważi kull aspett tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni. Id-dokument bit-titolu “Cybersecurity of 5G networks - EU Toolbox of risk mitigating measures” (2) jidentifika sett komuni possibbli ta’ miżuri li kapaċi jtaffu r-riskji ta’ ċibersigurtà ewlenin tan-networks tal-5G u jipprovdi gwida għall-għażla ta’ miżuri li jenħtieġ li jingħataw prijorità fil-pjanijiet ta’ mitigazzjoni fil-livell nazzjonali u f’dak tal-Unjoni. Minbarra dawk il-miżuri, huwa importanti ħafna li jiġi segwit approċċ armonizzat għar-rekwiżiti essenzjali relatati mal-elementi tal-protezzjoni taċ-ċibersigurtà applikabbli għat-tagħmir tar-radju 5G meta jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni.

(4)

Il-livell ta’ sigurtà applikabbli taħt ir-rekwiżiti essenzjali tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(3)(d), (e) u (f) biex jiġu żgurati l-protezzjoni tan-network, is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza u l-protezzjoni mill-frodi ma għandux jimmina l-livell għoli ta’ sigurtà mitlub fil-livell nazzjonali għal grilji intelliġenti deċentralizzati fil-qasam tal-enerġija fejn għandhom jintużaw miters intelliġenti soġġetti għal dawk ir-rekwiżiti, u għat-tagħmir tan-network 5G użat mill-fornituri ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Ġie espress ukoll ħafna tħassib b’rabta mar-riskji ta’ ċibersigurtà li qed jiżdiedu bħala riżultat tal-użu akbar mill-professjonisti u mill-konsumaturi, inklużi tfal, ta’ tagħmir tar-radju li: (i) huwa stess kapaċi jikkomunika fuq l-Internet, irrispettivament minn jekk jikkomunikax direttament jew permezz ta’ kwalunkwe tagħmir ieħor (“tagħmir tar-radju konness mal-Internet”), jiġifieri, tali tagħmir konness mal-Internet jopera l-protokolli meħtieġa għall-iskambju ta’ data mal-Internet direttament jew permezz ta’ tagħmir intermedju; (ii) jista’ jkun jew ġugarell b’funzjoni ta’ radju li jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jew inkella jkun iddisinjat jew maħsub esklużivament għall-indukrar tat-tfal, bħal monitors tat-tfal; jew (iii) ikun iddisinjat jew maħsub, esklużivament jew le, biex jintlibes, jitwaħħal jew jiġi mdendel minn kwalunkwe parti tal-ġisem tal-bniedem (inklużi r-ras, l-għonq, it-tronk, id-dirgħajn, l-idejn, ir-riġlejn u s-saqajn) jew kwalunkwe ħwejjeġ (inkluż xedd tar-ras, xedd tal-idejn u xedd tas-saqajn) li jintlibsu mill-bnedmin, bħal tagħmir tar-radju fil-forma ta’ arloġġ tal-idejn, ċurkett, faxxa tal-polz, kuffja tal-widnejn, earphone jew nuċċali (“tagħmir tar-radju li jintlibes”).

(6)

F’dan ir-rigward, kwalunkwe tagħmir tar-radju għall-indukrar tat-tfal, tagħmir tar-radju kopert mid-Direttiva 2009/48/KE jew tagħmir tar-radju li jintlibes, li huwa stess kapaċi jikkomunika fuq l-Internet, irrispettivament minn jekk jikkomunikax direttament jew permezz ta’ kwalunkwe tagħmir ieħor, jenħtieġ li jitqies bħala tagħmir tar-radju konness mal-Internet. L-impjanti, pereżempju, jenħtieġ li ma jitqisux bħala tagħmir tar-radju li jintlibes, minħabba li dawn ma jintlibsux, ma jitwaħħlux ma’, jew ma jiġux imdendlin minn xi parti tal-ġisem tal-bniedem jew xi ħwejjeġ. Madankollu, jenħtieġ li l-impjanti jitqiesu bħala tagħmir tar-radju konness mal-Internet, jekk huma stess ikunu kapaċi jikkomunikaw fuq l-Internet, irrispettivament minn jekk jikkomunikawx direttament jew permezz ta’ kwalunkwe tagħmir ieħor.

(7)

Minħabba t-tħassib li tqajjem minħabba l-fatt li t-tagħmir tar-radju ma jiżgurax protezzjoni kontra elementi tar-riskji ta’ ċibersigurtà, huwa meħtieġ li jsiru applikabbli, għat-tagħmir tar-radju fi ħdan ċerti kategoriji jew klassijiet, ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE assoċjati mal-protezzjoni minn ħsara lin-network, mal-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza tal-utenti u tal-abbonati u mal-protezzjoni mill-frodi.

(8)

Id-Direttiva 2014/53/UE tapplika għal prodotti li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “tagħmir tar-radju” fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva, soġġetti għall-esklużjonijiet speċifiċi speċifikati fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 1(3) ta’ dik id-Direttiva. Filwaqt li d-definizzjoni ta’ tagħmir tar-radju fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/53/UE tirreferi għal tagħmir li jista’ jikkomunika mal-mewġ tar-radju, l-ebda rekwiżit tad-Direttiva 2014/53/UE ma jagħmel distinzjoni bejn il-funzjonijiet tar-radju u dawk mhux tar-radju tat-tagħmir tar-radju u, għalhekk, l-aspetti u l-partijiet kollha tat-tagħmir jenħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti essenzjali previsti f’dan ir-Regolament delegat.

(9)

Fir-rigward tal-ħsara lin-network jew lill-funzjonament tiegħu jew l-użu ħażin tar-riżorsi tan-network, id-degradazzjoni inaċċettabbli tas-servizzi tista’ tiġi kkawżata minn tagħmir tar-radju konness mal-Internet li ma jiżgurax li n-networks ma ssirilhomx ħsara jew ma jintużawx ħażin. Pereżempju, aggressur jista’ jieħu kontroll assolut tan-network tal-Internet b’mod malizzjuż biex jimpedixxi t-traffiku leġittimu tan-network, ifixkel il-konnessjonijiet bejn żewġ prodotti tar-radju, u b’hekk jimpedixxi l-aċċess għal servizz, jimpedixxi lil persuna partikolari milli taċċessa servizz, ifixkel servizz għal sistema jew persuna speċifika jew ifixkel l-informazzjoni. B’hekk, id-degradazzjoni tas-servizzi online tista’ tirriżulta f’attakki ċibernetiċi malizzjużi, li jwasslu għal kostijiet, inkonvenjenzi jew riskji akbar għall-operaturi, għall-fornituri tas-servizzi jew għall-utenti. Għalhekk, il-punt (d) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE, li jirrikjedi li t-tagħmir tar-radju ma jagħmilx ħsara lin-network jew lill-funzjonament tiegħu u lanqas ma juża ħażin ir-riżorsi tan-network, u b’hekk jikkawża degradazzjoni inaċċettabbli tas-servizz, jenħtieġ li japplika għat-tagħmir tar-radju konness mal-Internet.

(10)

Tqajjem ukoll tħassib fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza tal-utent u tal-abbonat ta’ tagħmir tar-radju konness mal-Internet minħabba l-kapaċità ta’ dak it-tagħmir tar-radju li jirreġistra, jaħżen u jikkondividi l-informazzjoni, jinteraġixxi mal-utent, inklużi t-tfal, meta jkun hemm speakers, mikrofoni u sensuri oħrajn integrati f’dak it-tagħmir tar-radju. Dak it-tħassib jirrigwardja, b’mod partikolari, il-kapaċità ta’ dak it-tagħmir tar-radju li jirreġistra ritratti, filmati, data tal-lokalizzazzjoni, data marbuta mal-esperjenza tal-logħob, kif ukoll ir-rata tat-taħbit tal-qalb, id-drawwiet tal-irqad jew data personali oħra. Pereżempju, il-konfigurazzjonijiet avvanzati tat-tagħmir tar-radju jistgħu jiġu aċċessati permezz ta’ password prestabbilita jekk il-konnessjoni jew id-data ma jkunux kriptati jew jekk ma jkunx hemm fis-seħħ mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni b’saħħtu.

(11)

B’hekk, huwa importanti li t-tagħmir tar-radju konness mal-Internet, li jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni, jinkorpora salvagwardji biex jiġi żgurat li d-data personali u l-privatezza jiġu protetti meta jkunu kapaċi jipproċessaw id-data personali definita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew id-data definita fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Għalhekk, jenħtieġ li l-punt (e) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE japplika għat-tagħmir tar-radju konness mal-Internet.

(12)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, it-tagħmir tar-radju għall-indukrar tat-tfal, it-tagħmir tar-radju kopert mid-Direttiva 2009/48/KE u t-tagħmir tar-radju li jintlibes joħolqu riskji għas-sigurtà anki fin-nuqqas ta’ konnessjoni tal-Internet. Id-data personali tista’ tiġi interċettata meta dak it-tagħmir tar-radju jarmi jew jirċievi mewġ tar-radju u ma jkollux salvagwardji li jiżguraw il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza. It-tagħmir tar-radju għall-indukrar tat-tfal, it-tagħmir tar-radju kopert mid-Direttiva 2009/48/KE u t-tagħmir tar-radju li jintlibes jistgħu jimmonitorjaw u jirreġistraw għadd ta’ data sensittiva (personali) tal-utent maż-żmien u jerġgħu jittrażmettuhom permezz ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni li jistgħu ma jkunux siguri. Jenħtieġ li t-tagħmir tar-radju għall-indukrar tat-tfal, it-tagħmir tar-radju kopert mid-Direttiva 2009/48/KE u t-tagħmir tar-radju li jintlibes jiżguraw ukoll il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, meta jkunu kapaċi jipproċessaw, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, id-data personali, kif definita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, jew id-data tat-traffiku u d-data tal-lokalizzazzjoni, kif definiti fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58/KE. Għalhekk, jenħtieġ li l-punt (e) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE japplika għal dak it-tagħmir tar-radju.

(13)

Fir-rigward tal-frodi, l-informazzjoni, inkluża d-data personali, tista’ tinsteraq minn tagħmir tar-radju konness mal-Internet, li ma jiżgurawx il-protezzjoni mill-frodi. Tipi speċifiċi ta’ frodi jikkonċernaw it-tagħmir tar-radju konness mal-Internet meta dan jintuża biex isiru pagamenti fuq l-Internet. Il-kostijiet jistgħu jkunu għoljin u ma jikkonċernawx biss lill-persuna li tkun sofriet il-frodi, iżda wkoll lis-soċjetà kollha kemm hi (pereżempju, il-kost tal-investigazzjoni tal-pulizija, il-kostijiet tas-servizzi għall-vittmi, il-kostijiet tal-provi biex jiġu stabbiliti r-responsabbiltajiet). Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu żgurati tranżazzjonijiet affidabbli u li jiġi minimizzat ir-riskju li jiġi mġarrab telf finanzjarju tal-utenti ta’ tagħmir tar-radju konness mal-Internet li jeżegwixxu l-pagament permezz ta’ dak it-tagħmir tar-radju u tar-riċevitur tal-pagament imwettaq permezz ta’ dak it-tagħmir tar-radju.

(14)

Jenħtieġ li t-tagħmir tar-radju konness mal-Internet imqiegħed fis-suq tal-Unjoni jappoġġa l-karatteristiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni mill-frodi meta dawn jippermettu lid-detentur jew lill-utent jittrasferixxi flus, valur monetarju jew munita virtwali kif definiti fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Għalhekk, jenħtieġ li l-punt (f) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE japplika għal dak it-tagħmir tar-radju.

(15)

Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jistabbilixxi regoli dwar apparati mediċi u r-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li jistabbilixxi regoli dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro. Iż-żewġ Regolamenti (UE) 2017/745 u (UE) 2017/746 jindirizzaw ċerti elementi tar-riskji taċ-ċibersigurtà assoċjati mar-riskji indirizzati mill-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE. Għalhekk, jenħtieġ li t-tagħmir tar-radju li għalih japplika kwalunkwe wieħed minn dawk ir-Regolamenti ma jaqax fil-kategoriji jew fil-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju, li jenħtieġ li jkun konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE.

(16)

Ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jistabbilixxi rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi, u tas-sistemi u l-komponenti tagħhom. Barra minn hekk, l-objettiv prinċipali tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) huwa li jistabbilixxi u jżomm livell uniformi għoli ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-interoperabbiltà tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u għall-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni. Ir-Regolamenti (UE) 2019/2144 u (UE) 2018/1139 u d-Direttiva (UE) 2019/520 jindirizzaw l-elementi tar-riskji taċ-ċibersigurtà assoċjati mar-riskji stabbiliti fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE. Għalhekk, jenħtieġ li t-tagħmir tar-radju li għalih japplikaw ir-Regolamenti (UE) 2019/2144 u (UE) 2018/1139 jew id-Direttiva (UE) 2019/520 ma jaqax fil-kategoriji jew fil-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju, li jenħtieġ li jkun konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE.

(17)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/53/UE jipprevedi rekwiżiti essenzjali li magħhom għandhom jikkonformaw l-operaturi ekonomiċi. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti, dan jipprevedi preżunzjoni tal-konformità għat-tagħmir tar-radju li jikkonforma mal-istandards armonizzati volontarji li jiġu adottati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) għall-fini tal-espressjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati ta’ dawk ir-rekwiżiti. L-ispeċifikazzjonijiet se jikkunsidraw u jindirizzaw il-livell ta’ riskji li jikkorrespondu għall-użu maħsub ta’ kull kategorija jew klassi ta’ tagħmir tar-radju kkonċernati minn dan ir-Regolament.

(18)

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita. Dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi lill-operaturi ekonomiċi milli jikkonformaw miegħu mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(19)

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament u kkonsultat mal-Grupp ta’ Esperti dwar it-Tagħmir tar-Radju,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Ir-rekwiżit essenzjali stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE għandu japplika għal kwalunkwe tagħmir tar-radju li jista’ jikkomunika fuq l-Internet, kemm jekk jikkomunika direttament kif ukoll jekk permezz ta’ kwalunkwe tagħmir ieħor (“tagħmir tar-radju konness mal-Internet”).

2.   Ir-rekwiżit essenzjali stabbilit fil-punt (e) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE għandu japplika għal kwalunkwe tagħmir tar-radju li ġej, jekk dak it-tagħmir tar-radju jkun kapaċi jipproċessa, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, id-data personali, kif definita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, jew id-data dwar it-traffiku u d-data dwar is-sit, kif definiti fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58/KE:

(a)

tagħmir tar-radju konness mal-Internet, għajr it-tagħmir imsemmi fil-punti (b), (c) jew (d);

(b)

tagħmir tar-radju ddisinjat jew maħsub esklużivament għall-indukrar tat-tfal;

(c)

tagħmir tar-radju kopert mid-Direttiva 2009/48/KE;

(d)

tagħmir tar-radju ddisinjat jew maħsub, esklużivament jew mhux esklużivament, biex jintlibes fuq, jitwaħħal ma’, jew jiġi mdendel minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

kwalunkwe parti mill-ġisem tal-bniedem, inklużi r-ras, l-għonq, it-tronk, id-dirgħajn, l-idejn, ir-riġlejn u s-saqajn;

(ii)

kwalunkwe ħwejjeġ, inklużi x-xedd tar-ras, ix-xedd tal-idejn u x-xedd tas-saqajn, li jintlibsu mill-bnedmin;

3.   Ir-rekwiżit essenzjali stabbilit fil-punt (f) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE għandu japplika għal kwalunkwe tagħmir tar-radju konness mal-Internet, jekk dak it-tagħmir jippermetti lid-detentur jew lill-utent jittrasferixxi flus, valur monetarju jew munita virtwali kif definiti fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/713.

Artikolu 2

1.   B’deroga mill-Artikolu 1, ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE ma għandhomx japplikaw għat-tagħmir tar-radju li għalih tapplika wkoll waħda mil-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni li ġejjin:

(a)

ir-Regolament (UE) 2017/745;

(b)

ir-Regolament (UE) 2017/746.

2.   B’deroga mill-Artikolu 1(2) u mill-Artikolu 1(3), ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/53/UE ma għandhomx japplikaw għat-tagħmir tar-radju li għalih tapplika wkoll kwalunkwe waħda mil-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni li ġejjin:

(a)

ir-Regolament (UE) 2018/1139;

(b)

ir-Regolament (UE) 2019/2144;

(c)

id-Direttiva (UE) 2019/520.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn l-1 ta' Awwissu 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62.

(2)  Cybersecurity of 5G networks - EU Toolbox of risk mitigating measures, id-29 ta’ Jannar 2020. https://ec.europa.eu/digital-singlemarket/en/nis-cooperation-group

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(4)  Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI (ĠU L 123, 10.5.2019, p. 18).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009, (UE) Nru 406/2010, (UE) Nru 672/2010, (UE) Nru 1003/2010, (UE) Nru 1005/2010, (UE) Nru 1008/2010, (UE) Nru 1009/2010, (UE) Nru 19/2011, (UE) Nru 109/2011, (UE) Nru 458/2011, (UE) Nru 65/2012, (UE) Nru 130/2012, (UE) Nru 347/2012, (UE) Nru 351/2012, (UE) Nru 1230/2012 u (UE) 2015/166 (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 45).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).


12.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/31

tas-6 ta’ Jannar 2022

li jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd għall-inċova fiż-żona 8 minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Spanja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2021.

(2)

Skont it-tagħrif li rċeviet il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk tal-inċova mill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati f’dak il-pajjiż fiż-żona 8, eżawrew il-kwota allokata għalihom għall-2021.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li jiġu pprojbiti ċerti attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata għall-2021 għal Spanja għall-istokk tal-inċova fiż-żona 8 imsemmija fl-Anness għandha titqies li hija eżawrita mid-data stipulata f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

1.   Is-sajd għall-istokk imsemmi fl-Artikolu 1 minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati f’dak il-pajjiż għandu jiġi pprojbit mid-data stipulata fl-Anness. B’mod partikolari, għandu jkun ipprojbit li jsir tiftix għall-ħut, tfigħ, issettjar jew ġbid tal-irkaptu tas-sajd għall-finijiet tas-sajd ta’ dak l-istokk.

2.   It-trasbord, iż-żamma abbord, l-ipproċessar abbord, it-trasferiment, it-tqegħid f’gaġeġ, is-simna u l-ħatt l-art ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd minn dak l-istokk li jinqabdu minn dawk il-bastimenti għandhom jibqgħu awtorizzati għall-qabdiet meħuda qabel dik id-data.

3.   Il-qabdiet mhux intenzjonati ta’ speċijiet minn dak l-istokk minn dawk il-bastimenti għandhom jinġiebu u jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd, jiġu rreġistrati, jinħattu l-art u jinqatgħu mill-kwoti f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 31, 29.1.2021, p. 31).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).


ANNESS

Nru

23/TQ92

Stat Membru

Spanja

Stokk

ANE/08.

Speċi

Inċova (Engraulis encrasicolus)

Żona

8

Data tal-għeluq

It-13 ta’ Awwissu 2021


12.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/32

tas-6 ta’ Jannar 2022

li jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd għall-aringi fl-ilmijiet tal-Unjoni u dawk Norveġiżi taż-żona 4 fit-Tramuntana ta’ 53 30' N għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Litwanja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2021.

(2)

Skont l-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk tal-aringi fl-ilmijiet tal-Unjoni u dawk Norveġiżi taż-żona 4 fit-Tramuntana ta’ 53°30' N mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Litwanja jew li huma rreġistrati f’dak il-pajjiż, eżawrew il-kwota allokata għalihom għall-2021.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li jiġu pprojbiti ċerti attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata għal-Litwanja għall-istokk tal-aringi fl-ilmijiet tal-Unjoni u dawk Norveġiżi taż-żona 4 fit-Tramuntana ta’ 53°30' N għall-2021 imsemmija fl-Anness għandha titqies bħala eżawrita mid-data stabbilita f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

1.   Is-sajd għall-istokk imsemmi fl-Artikolu 1 mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Litwanja jew li huma rreġistrati f’dak il-pajjiż għandhom jiġu pprojbiti mid-data stabbilita fl-Anness. B’mod partikolari, għandu jkun ipprojbit li jsir tiftix għall-ħut, tfigħ, issettjar jew ġbid tal-irkaptu tas-sajd għall-finijiet tas-sajd ta’ dak l-istokk.

2.   It-trażbord, iż-żamma abbord, l-ipproċessar abbord, it-trasferiment, it-tqegħid f’gaġeġ, is-simna u l-ħatt l-art ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd minn dak l-istokk li jinqabdu minn dawk il-bastimenti għandhom jibqgħu awtorizzati għall-qabdiet meħuda qabel dik id-data.

3.   Il-qabdiet mhux intenzjonati ta’ speċijiet minn dak l-istokk minn dawk il-bastimenti għandhom jinġiebu u jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd, jiġu rreġistrati, jinħattu l-art u jinqatgħu mill-kwoti f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 31, 29.1.2021, p. 31).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).


ANNESS

Nru

24/TQ92

Stat Membru

Il-Litwanja

Stokk

HER/4AB. (inkluż HER/*4N-S62)

Speċi

Aringi (Clupea harengus)

Żona

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk Norveġiżi taż-żona 4 fit-Tramuntana ta' 53o 30' N

Data tal-għeluq

15.12.2021


DEĊIŻJONIJIET

12.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/17


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/33

tal-10 ta’ Jannar 2022

li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2021 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mad-Deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Ġermanja

(notifikata bid-dokument C(2022) 155)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollu impatt qawwi fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u l-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, u b’hekk jikkawża tfixkil għall-movimenti ta’ kunsinni ta’ dawk l-annimali u l-prodotti tagħhom fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini miżmuma, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali porċini miżmuma.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u ddefinit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni(UE) Nru 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż id-deni Afrikan tal-ħnieżer, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ aktar żoni ristretti madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Wara tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini miżmuma fl-istat ta’ Mecklenburg-Western Pomerania, il-Ġermanja, li ġiet ikkonfermata fit-15 ta’ Novembru 2021, u l-informazzjoni li waslet mingħand dak l-Istat Membru federali dwar is-sitwazzjoni tal-marda fit-territorju tiegħu, ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2021 (4). Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tipprevedi li l-Ġermanja għandha tiżgura li ż-żona ristretta, li fiha japplikaw il-miżuri previsti għaż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tapplika sal-15 ta’ Frar 2022.

(5)

Fi tmiem Diċembru 2021, il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni attwalment favorevoli tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-annimali porċini miżmuma fiż-żona ristretta fl-istat ta’ Mecklenburg-Western Pomerania u li l-miżuri għaż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza ġew implimentati kif xieraq f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, sabiex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda.

(6)

B’kont meħud tas-sitwazzjoni attwalment favorevoli tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-annimali porċini miżmuma fl-istat ta’ Mecklenburg-Western Pomerania u l-miżuri implimentati kif xieraq mill-Ġermanja, u sabiex jiġi evitat kull tfixkil bla bżonn għall-kummerċ, huwa xieraq li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2021 titħassar b’effett mill-15 ta’ Jannar 2022.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2021 titħassar b’effett mill-15 ta’ Jannar 2022.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2021 tat-18 ta’ Novembru 2021 dwar ċerti miżuri protettivi marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Ġermanja (ĠU L 413, 19.11.2021, p. 34).