ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 6

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 65
11ta' Jannar 2022


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/25 tat-22 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodi għall-kejl tal-fatturi-K imsemmija fl-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament ( 1 )

1

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/26 tal-24 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kunċett ta’ kontijiet segregati biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-flus tal-klijenti fil-każ ta’ falliment ta’ ditta tal-investiment ( 1 )

7

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/27 tas-27 ta’ Settembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġustament tal-livell limitu rilevanti għan-notifika ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma ( 1 )

9

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/28 tal-10 ta’ Jannar 2022 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Italja (notifikata bid-dokument C(2022)157)  ( 1 )

11

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

11.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/25

tat-22 ta’ Settembru 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodi għall-kejl tal-fatturi-K imsemmija fl-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(5), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Xi fatturi-K fit-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (26), tar-Regolament (UE) 2019/2033 ma jeħtiġux speċifikazzjonijiet ulterjuri peress li dak ir-Regolament jelabora fid-dettall il-metodi għall-kejl tagħhom. Dan huwa l-każ tal-fattur-K tar-“riskju tal-pożizzjoni netta” (K-NPR), li huwa derivat mir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll tal-fattur-K tar-“riskju tal-konċentrazzjoni” (K-CON) u tal-fattur-K tal-“inadempjenza tal-kontroparti tan-negozjar” (K-TCD), li jużaw applikazzjoni simplifikata tar-rekwiżiti korrispondenti skont dak ir-Regolament. Madankollu, f’każijiet oħra bħal “assi mmaniġġjati” (AUM), “flus tal-klijenti miżmuma” (CMH), “ordnijiet tal-klijenti mmaniġġjati” (COH), “assi ssalvagwardjati u amministrati” (ASA) u “fluss tan-negozjar ta’ kuljum” (DTF), il-metodi għall-kejl tal-fatturi tagħhom jistgħu jiġu kjarifikati aktar.

(2)

L-attività kollha mwettqa minn ditta tal-investiment jenħtieġ li tkun koperta mill-fatturi-K ħalli r-riskji jiġu riflessi b’mod adegwat. Meta jitqies li aġent marbut huwa persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi biss f’isem ċerta ditta tal-investiment u taħt ir-responsabbiltà sħiħa u inkondizzjonata ta’ dik id-ditta tal-investiment, hemm bżonn li jiġi żgurat li kwalunkwe attività tal-aġent marbut tkun inkluża fil-fatturi-K tal-AUM, l-ASA, l-CMH u l-COH ta’ ditta tal-investiment.

(3)

Is-servizz ta’ investiment tal-“konsulenza dwar investimenti” imsemmi fil-punt 5 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huwa distint minn “konsulenza lill-impriżi dwar l-istruttura tal-kapital, l-istrateġija industrijali u materji relatati u l-konsulenza u s-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-fużjonijiet u x-xiri ta’ impriżi” imsemmi fil-punt 3 tat-Taqsima B tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva. F’dan l-isfond u wkoll abbażi tad-definizzjoni tal-“parir dwar l-investiment ta’ natura kontinwa” fl-Artikolu 4(1), il-punt 21, tar-Regolament (UE) 2019/2033, fejn is-servizz anċillari msemmi hawn fuq mhuwiex inkluż, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat li kwalunkwe assi mmaniġġjati relatati ma’ dak is-servizz anċillari jenħtieġ li jiġu esklużi għall-finijiet tal-kalkolu tal-K-AUM.

(4)

Sabiex jiġi żgurat kejl konsistenti tal-AUM u tal-ASA meta jiġi kkalkulat il-K-AUM u l-K-ASA, l-istrumenti finanzjarji jenħtieġ li jiġu vvalutati bil-valur ġust tagħhom skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli, sabiex ikun jista’ jiġi rifless il-valur tas-suq tal-istrumenti finanzjarji, fejn disponibbli.

(5)

Peress li l-kalibrazzjoni tal-koeffiċjent CMH fit-Tabella 1 tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/2033 diġà tqis ir-riskju għall-klijenti assoċjat mal-ġestjoni tal-flus, jenħtieġ li l-ammonti inklużi fil-kejl tas-CMH ma jiġux inklużi fil-kejl tal-AUM. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat kwalunkwe għadd doppju fil-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali, jenħtieġ li l-ammonti diġà kkunsidrati għall-kejl tas-CMH ma jiġux inklużi fil-kejl tal-ASA.

(6)

Id-definizzjoni tas-CMH fl-Artikolu 4(1), il-punt 28, tar-Regolament (UE) 2019/2033 flimkien mal-premessa (24) ta’ dak ir-Regolament jiċċaraw l-ammonti li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati għall-kejl tas-CMH. Għalhekk, huwa biżżejjed li jiġu speċifikati aktar l-aspetti operazzjonali li jifdal tal-metodu għall-kejl tas-CMH bil-ħsieb li tiġi żgurata r-robustezza taċ-ċifri tas-CMH, b’mod partikolari billi tiġi evitata d-dipendenza żejda fuq ir-rappurtar estern u billi ssir enfasi fuq ir-rekords u ċ-ċifri kontabilistiċi interni tad-ditta tal-investiment użati għar-rikonċiljazzjoni interna.

(7)

Il-metodi għall-kejl tal-ammonti li jridu jiġu inklużi bħala riċeviment u trażmissjoni tal-ordnijiet u l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet fis-COH jenħtieġ li jinkludu regoli speċifiċi għall-każ fejn il-prezzijiet tas-suq ma jkunux disponibbli faċilment minħabba li ma jkunux jinsabu fl-ordnijiet. Huwa meħtieġ li jiġu riflessi d-differenzi bejn il-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ ordnijiet u l-każ ta’ riċeviment u trasmissjoni, peress li l-prezzijiet u ż-żmien li fih l-ordnijiet jenħtieġ li jiġu rreġistrati għall-kejl tas-COH jistgħu jvarjaw f’kull każ. Barra minn hekk, fil-każ ta’ riċeviment u trażmissjoni ta’ ordnijiet, b’mod partikolari, l-ordnijiet trażmessi huma referenza aħjar għal dan il-għan milli huma l-ordnijiet riċevuti, peress li dawn tal-aħħar jistgħu ma jiġux trażmessi.

(8)

Peress li s-servizz ta’ investiment tar-“riċezzjoni u t-trażmissjoni tal-ordnijiet b’rabta ma’ strument jew strumenti finanzjarji” imsemmi fil-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE huwa distint mill-attivitajiet ta’ investiment tat-“Tħaddim ta’ Faċilitajiet Multilaterali jew Organizzati tan-Negozjar — MTFs, OTFs” imsemmija fil-punti 8 u 9 tagħha, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-interessi tax-xiri u l-bejgħ miġburin flimkien f’MTFs u OTFs operati mid-ditta tal-investiment iridu ma jiġux inklużi fil-kalkolu tal-K-COH tan-negoji fi flus jew tad-derivattivi K-COH.

(9)

Peress li r-rekwiżiti kapitali għad-ditti tal-investiment skont ir-Regolament (UE) 2019/2033 huma bbażati fuq il-fatturi-K li jkopru s-servizzi u l-attivitajiet kollha inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-adattament ta’ dawk il-metodi f’dawk il-każijiet fejn inkella jista’ jseħħ għadd doppju. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ ċerti servizzi anċillari li jistgħu jitwettqu biss flimkien mas-servizzi u mal-attivitajiet elenkati fl-Anness I, it-Taqsima A, ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk, ordnijiet relatati mas-servizz anċillari msemmija fl-Anness I, it-Taqsima B, il-punt 3, tad-Direttiva 2014/65/UE (konsulenza lill-impriżi dwar l-istruttura tal-kapital, l-istrateġija industrijali u materji relatati u l-konsulenza u s-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-fużjonijiet u x-xiri ta’ impriżi), li huma relatati ma’ konsulenza dwar tranżazzjonijiet bejn investituri, fil-każ ta’ finanzjament korporattiv jew tranżazzjonijiet ta’ ekwità privata, iridu ma jiġux inklużi fil-kejl tal-AUM, u lanqas f’dak tas-COH, peress li dawk il-fatturi-K diġà jqisuhom.

(10)

Ir-Regolament (UE) 2019/2033 jipprevedi żewġ koeffiċjenti differenti għall-kejl tas-COH fit-Tabella 1 tal-Artikolu 15 tiegħu, wieħed għan-negozjar fi flus u wieħed separat għad-derivattivi. Jenħtieġ li jiġu pprovduti aktar kjarifiki dwar kif jiġu allokati n-negozji bejn iż-żewġ klassijiet ta’ strumenti u dwar il-metodu ta’ valutazzjoni li jrid jintuża f’kull każ. B’mod partikolari, jenħtieġ li d-derivattivi jiġu inklużi fil-kejl tal-fatturi-K abbażi tal-valur nozzjonali u tan-negozjar fi flus bil-valur tas-suq minħabba li l-koeffiċjenti tal-fatturi-K huma kkalibrati fuq dik il-bażi.

(11)

Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-kalkolu tal-ammont nozzjonali ta’ derivattiv minħabba li r-Regolament (UE) 2019/2033 ma fihx regoli dwar kif jiġi kkalkulat. Minħabba li l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) 2019/2033 jistabbilixxi regoli dwar kif jiġi kkalkulat l-ammont nozzjonali tad-derivattivi għall-finijiet tal-kalkolu tat-TCD, u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-kejl tat-TCD u tad-DTF, jenħtieġ li dawk ir-regoli għall-kejl tal-ammont nozzjonali ta’ derivattiv japplikaw ukoll għall-kejl tad-DTF.

(12)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).

(13)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-EBA kkonsultat ukoll lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq qabel ma ppreżentat l-abbozz tal-istandards tekniċi li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA 1

METODI GĦALL-KEJL TAL-FATTURI-K TAR-RISKJU GĦALL-KLIJENTI

Artikolu 1

Metodi għall-kejl tal-fatturi-K tar-Riskju Għall-Klijenti fil-każ ta’ servizzi u attivitajiet ta’ investiment imwettqa bl-użu ta’ aġenti marbuta

Għall-finijiet tal-kejl tal-fatturi-K tagħha tar-Riskju Għall-Klijenti (RtC) skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/2033, ditta tal-investiment għandha tinkludi f’kull waħda mill-AUM, l-CMH, l-ASA u l-COH imsemmija fl-Artikoli 17, 18, 19 u 20 ta’ dak ir-Regolament, rispettivament, kwalunkwe ammont marbut mas-servizzi u mal-attivitajiet ta’ investiment tad-ditta tal-investiment, imwettqa minn kwalunkwe aġent marbut irreġistrat biex jaġixxi f’isimha.

Artikolu 2

Metodi għall-kejl tal-AUM f’każ ta’ arranġamenti konsultattivi mhux diskrezzjonali ta’ natura kontinwa

1.   Għall-fini tal-kejl tal-fatturi-K tal-RtC tagħha skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/2033, ditta tal-investiment ma għandha tinkludi fl-AUM tagħha, imsemmi fl-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament, l-ebda ammont ta’ assi marbut mas-servizzi anċillari msemmija fl-Anness I, it-Taqsima B, il-punt 3, tad-Direttiva 2014/65/UE.

2.   Meta ditta tal-investiment tipprovdi arranġamenti konsultattivi mhux diskrezzjonali ta’ natura kontinwa lil entità oħra tas-settur finanzjarju li twettaq ġestjoni diskrezzjonali ta’ portafolji, hija għandha tinkludi fl-AUM tagħha msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2019/2033 kwalunkwe ammont ta’ assi marbuta ma’ dawk l-arranġamenti konsultattivi mhux diskrezzjonali.

Artikolu 3

Metodi għall-kejl tal-AUM fil-każ ta’ ġestjoni diskrezzjonali tal-portafoll

Għall-finijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2019/2033, il-kejl tal-AUM totali ta’ kull xahar għandu jsir skont dan kollu li ġej:

(a)

il-kalkolu għandu jinkludi l-valur tal-istrumenti finanzjarji kkalkulat fuq il-bażi tal-valur ġust skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli;

(b)

strumenti finanzjarji b’valur ġust negattiv għandhom jiġu inklużi b’valur assolut;

(c)

il-kalkolu għandu jinkludi flus ħlief kwalunkwe ammont kopert fis-CMH f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Metodi għall-kejl tas-CMH

Għall-finijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/2033, il-kejl tas-CMH għandu jkun ibbażat fuq dan li ġej:

(a)

il-bilanċi li d-ditta tal-investiment tuża għar-rikonċiljazzjonijiet interni tagħha;

(b)

il-valuri li jinsabu fir-rekords kontabilistiċi tad-ditta tal-investiment.

Artikolu 5

Metodi għall-kejl tal-ASA

Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/2033, il-kejl totali tal-ASA ta’ kuljum għandu jinkludi l-valur tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-klijenti salvagwardjati u amministrati, ikkalkulat bil-valur ġust skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli. Dan il-kejl għandu jeskludi s-CMH imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Metodi għall-kejl tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet f’COH

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ K-COH skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/2033, ditta tal-investiment għandha tinkludi fil-kalkolu tas-COH tali ordni tal-klijent fil-mument meta jkollha l-konferma li l-eżekuzzjoni tkun seħħet u l-prezz ikun magħruf.

2.   Meta ditta tal-investiment teżegwixxi f’isem klijent ordni li tiġi riċevuta minn ditta tal-investiment oħra, il-kalkolu tas-COH mid-ditta tal-investiment li teżegwixxi għandu jinkludi dik l-ordni fit-total tal-ordnijiet tagħha mkejla għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-klijenti u għandha teskludiha mit-total tal-ordnijiet tagħha mkejla għall-finijiet tar-riċeviment u tat-trażmissjoni tal-ordnijiet.

Artikolu 7

Metodi għall-kejl tar-riċeviment u t-trażmissjoni tal-ordnijiet f’COH

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ K-COH skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/2033, meta ditta tal-investiment tirċievi u tittrażmetti ordni ta’ klijent, dik l-ordni għandha tiġi inkluża fil-mument meta d-ditta tal-investiment tittrażmetti l-ordni lil ditta tal-investiment oħra jew lil sensar tal-eżekuzzjoni.

2.   Ditta tal-investiment ma għandhiex tinkludi ordnijiet riċevuti u trażmessi fil-kejl tas-COH meta tiġbor flimkien żewġ investituri jew aktar biex issir tranżazzjoni bejn dawk l-investituri, bħal fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament korporattiv jew ta’ ekwità privata.

3.   Meta ditta tal-investiment tinkludi fil-kejl tal-ordnijiet COH riċevuti u trażmessi, hija għandha tuża l-prezz li jkun hemm fl-ordnijiet. Meta ma jkunx hemm prezz fl-ordnijiet, inkluż meta dawn ikunu ordnijiet b’limitu, id-ditta tal-investiment għandha tuża l-prezz tas-suq tal-istrument finanzjarju fil-jum tat-trażmissjoni.

4.   L-interessi tax-xiri u tal-bejgħ miġburin flimkien minn ditta tal-investiment għall-finijiet tal-operat ta’ Faċilità Multilaterali jew Organizzata tan-Negozjar kif stabbilit fil-punti 22 u 23 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE ma għandhomx jiġu inklużi fil-kejl tas-COH.

Artikolu 8

Metodi għall-kejl ta’ negozji fi flus għall-finijiet ta’ COH

1.   Għall-finijiet tal-kejl tas-COH f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/2033, ditta tal-investiment għandha tinkludi bħala negozjar fi flus kwalunkwe tranżazzjoni fejn kontroparti timpenja ruħha li tinnegozja kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

titoli trasferibbli,

(b)

strumenti tas-suq tal-flus,

(c)

unitajiet f’intraprizi ta’ investiment kollettiv,

(d)

opzjonijiet innegozjati fil-borża.

2.   Għall-finijiet tal-kejl tas-COH ta’ opzjoni nnegozjata fil-borża, id-ditta tal-investiment għandha tuża l-primjum tal-opzjonijiet użat għall-eżekuzzjoni ta’ dik l-opzjoni.

Artikolu 9

Metodi għall-kejl tad-derivattivi għall-fini ta’ COH

Għall-finijiet tal-kejl ta’ COH f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/2033 dwar derivattivi, l-ammont nozzjonali ta’ kuntratt ta’ derivattivi għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 29(3) ta’ dak ir-Regolament.

TAQSIMA 2

METODI GĦALL-KEJL TAL-FATTURI-K TAR-RISKJU GĦAD-DITTI

Artikolu 10

Metodi għall-kejl ta’ negozji fi flus għall-finijiet tad-DTF

1.   Għall-finijiet tal-kejl ta’ DTF skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2019/2033 dwar negozji fi flus, ditta tal-investiment għandha tinkludi bħala negozjar fi flus kwalunkwe tranżazzjoni fejn kontroparti tikkommetti li tinnegozja xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

titoli trasferibbli,

(b)

strumenti tas-suq tal-flus,

(c)

unitajiet f’intraprizi ta’ investiment kollettiv,

(d)

opzjonijiet innegozjati fil-borża.

2.   Għall-finijiet tal-kejl tad-DTF ta’ opzjoni nnegozjata fil-borża, id-ditta tal-investiment għandha tuża l-primjum tal-opzjonijiet użat għall-eżekuzzjoni ta’ dik l-opzjoni.

Artikolu 11

Metodi għall-kejl tad-derivattivi għall-finijiet ta’ DTF

Għall-finijiet tal-kejl ta’ DTF f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2019/2033 dwar derivattivi, l-ammont nozzjonali ta’ kuntratt ta’ derivattivi għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 29(3) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


11.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/7


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/26

tal-24 ta’ Settembru 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kunċett ta’ kontijiet segregati biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-flus tal-klijenti fil-każ ta’ falliment ta’ ditta tal-investiment

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(5), flimkien mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Kontijiet segregati huma definiti fil-punt (49) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033 għall-finijiet tat-Tabella 1 fl-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament. Sabiex id-ditti tal-investiment ikunu jistgħu japplikaw koeffiċjenti aktar baxxi għall-kalkolu tar-rekwiżit ta’ kapital “flus tal-klijenti miżmuma”, meta l-flus tal-klijenti jinżammu f’kontijiet segregati, jenħtieġ li l-kunċett ta’ kontijiet segregati jiġi speċifikat bħala li jħaddan il-kundizzjonijiet, li jiżguraw il-protezzjoni tal-flus tal-klijenti f’każ ta’ falliment ta’ ditta tal-investiment. Billi dawk il-kundizzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 (2), huwa xieraq li ssir referenza għall-istess kundizzjonijiet għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-kunċett ta’ kontijiet segregati skont dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi sett ta’ rekwiżiti simili bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva Delegata (UE) 2017/593.

(2)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(3)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kunċett ta’ kontijiet segregati

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-flus tal-klijenti fil-każ ta’ falliment ta’ ditta tal-investiment, il-kunċett ta’ kontijiet segregati msemmi fl-Artikolu 15(5)(b) tar-Regolament (UE) 2019/2033 għandu jfisser li:

(a)

ir-rekords u l-kontijiet jinżammu b’mod li jippermetti lid-ditti tal-investiment fi kwalunkwe ħin u mingħajr dewmien jiddistingwu bejn il-fondi miżmuma għal klijent wieħed u l-fondi miżmuma għal kwalunkwe klijent ieħor u l-fondi proprji tagħhom;

(b)

ir-rekords u l-kontijiet jinżammu b’mod li jiżgura l-preċiżjoni tagħhom, u b’mod partikolari l-korrispondenza tagħhom mal-fondi miżmuma għall-klijenti, u li dawn jistgħu jintużaw bħala rekord tal-awditjar;

(c)

ir-rikonċiljazzjonijiet jitwettqu fuq bażi regolari bejn il-kontijiet interni u r-rekords tad-ditti tal-investiment u dawk ta’ kwalunkwe parti terza li dawk il-fondi jinżammu minnha;

(d)

ikunu ttieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-fondi tal-klijenti ddepożitati jinżammu f’kont jew kontijiet identifikati separatament minn kwalunkwe kont użat biex jinżammu fondi li jappartjenu għad-ditta tal-investiment;

(e)

ġew introdotti arranġamenti organizzattivi adegwati biex jiġi mminimizzat ir-riskju tat-telf jew it-tnaqqis tal-fondi tal-klijenti, jew tad-drittijiet marbuta ma' dawk il-fondi, b’riżultat ta' użu ħażin tal-fondi, frodi, amministrazzjoni ħażina, żamma tar-rekords inadegwata jew negliġenza.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1.

(2)  Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 tas-7 ta’ April 2016 li tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti, l-obbligi ta' governanza tal-prodotti u r-regoli applikabbli għall-provvediment jew ir-riċeviment ta' tariffi, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 500).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


11.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/9


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/27

tas-27 ta’ Settembru 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġustament tal-livell limitu rilevanti għan-notifika ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 jistabbilixxi l-obbligu ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti fir-rigward tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ kumpanija li għandha ishma ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar tal-Unjoni, meta l-pożizzjoni tilħaq jew taqa’ taħt il-livell limitu ta’ notifika rilevanti. Huwa meħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja jekk tali livell limitu ta’ notifika rilevanti jibqax xieraq fid-dawl tal-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u tivvaluta jekk ikunx meħtieġ li dak il-limitu jiġi mmodifikat skont l-Artikolu 5(4) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Fil-bidu tal-2020, pressjoni sostanzjali fuq il-bejgħ u volatilità mhux tas-soltu li tirriżulta mit-tifqigħa globali tal-COVID-19 wasslet għal spirali sinifikanti ’l isfel fil-prezzijiet li jaffettwaw lill-emittenti mis-setturi kollha madwar is-swieq finanzjarji. L-awtoritàEwropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għamlet użu mis-setgħat ta’ intervent tagħha f’ċirkostanzi eċċezzjonali biex tnaqqas temporanjament il-livell limitu ta’ notifika rilevanti għal pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma, sabiex ittejjeb kemm l-attività ta’ monitoraġġ tal-ESMA kif ukoll tar-regolaturi ta’ tali pożizzjonijiet, tiddetermina jekk azzjonijiet aktar stretti jistgħux ikunu xierqa u jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr.

(3)

Peress li l-livell limitu ta’ notifika rilevanti aktar baxx għal pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma, li ilu fis-seħħ għal tnax-il xahar konsekuttivi u, minħabba kundizzjonijiet tas-suq parzjalment imtejba, ma setax jiġi estiż aktar bħala miżura ta’ emerġenza, huwa xieraq li jiġi vvalutat l-impatt ta’ tali miżura u jiġi ddeterminat jekk għandhiex issir permanenti billi jinbidel il-livell limitu eżistenti. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tqis l-opinjoni li (2)l-ESMA ħarġet fit-13 ta’ Mejju 2021.

(4)

L-iżviluppi reċenti fis-swieq finanzjarji osservati mill-Kummissjoni, bħall-instabbiltà kkawżata mit-tifqigħa globali tal-COVID-19, li wasslet għal rikors aktar frekwenti għal miżuri ta’ emerġenza dwar il-bejgħ bin-nieqes mir-regolaturi u l-ESMA, kif ukoll ir-riskju dejjem jikber ta’ investituri fil-livell tal-konsumatur li jkunu involuti fi prezzijiet qosra, enfasizzaw l-importanza li tinġabar intelligence addizzjonali f’pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma fuq bażi permanenti, li hija kritika għal skopijiet ta’ sorveljanza tas-suq. F’dak ir-rigward, l-opinjoni tal-ESMA vvalutat li l-livell limitu ta’ notifika rilevanti aktar baxx tejjeb b’mod sinifikanti t-trasparenza u l-monitoraġġ ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f’ishma fil-livell individwali, settorjali u fis-suq kollu, li rriżulta f’żieda fl-effiċjenza regolatorja. L-ESMA qieset ukoll li l-ispejjeż marġinali għall-implimentazzjoni mill-parteċipanti fis-suq għandhom ikunu negliġibbli, meta wieħed iqis li ilhom japplikaw tali livell limitu għal diversi xhur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-inċertezza fir-rigward tal-obbligu ta’ rappurtar regolatorju għandha tiġi evitata u r-regoli u l-obbligi f’dan ir-rigward għandhom ikunu stabbli. Fuq dik il-bażi, u filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-opinjoni tal-ESMA, li l-Kummissjoni taqbel magħhom, huwa xieraq li jiġi emendat il-livell limitu ta’ notifika rilevanti attwali u jiġi stabbilit b’mod permanenti għal 0,1 %.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 236/2012 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Livell limitu ta’ notifika rilevanti huwa perċentwal li huwa ugwali għal 0,1 % tal-kapital azzjonarju maħruġ ta’ dik il-kumpanija konċernata u kull 0,1 % aktar minn dak.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1.

(2)  ESMA70-156-4262.


DEĊIŻJONIJIET

11.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/11


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/28

tal-10 ta’ Jannar 2022

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Italja

(notifikata bid-dokument C(2022)157)

(Il-verżjoni bil-lingwa Taljana biss hija awtentika)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollu impatt qawwi fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernata u l-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, u b’hekk jikkawża tfixkil għall-movimenti ta’ kunsinni ta’ dawk l-annimali u għall-prodotti tagħhom fl-Unjoni u għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini selvaġġi jkun hemm riskju serju li din il-marda tinxtered fuq annimali porċini selvaġġi oħra u f’azjendi li jżommu l-annimali porċini.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u ddefinit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari l-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu ċerti miżuri li jridu jittieħdu fil-każ ta’ konferma uffiċjali tat-tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A f’annimali selvaġġi, inkluż id-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini selvaġġi. B’mod notevoli, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona infettata u projbizzjonijiet fuq il-moviment tal-annimali selvaġġi tal-ispeċi elenkata u l-prodotti li joriġinaw minn dawn l-annimali.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 (4) jistipula miżuri speċjali għall-kontroll tal-mard fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. B’mod partikolari, fil-każ tat-tifqigħa ta’ din il-marda f’annimali porċini selvaġġi f’żona ta’ Stat Membru, l-Artikolu 3(b) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona infettata f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Minbarra dan, l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi li dik iż-żona trid tiġi elenkata bħala żona ristretta II fil-Parti II tal-Anness I tiegħu u li ż-żona infettata, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, tiġi aġġustata mingħajr dewmien biex tinkludi mill-inqas iż-żona ristretta II. Il-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 jinkludu, fost l-oħrajn, projbizzjonijiet fuq il-moviment tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma fiż-żoni ristretti II u l-prodotti minnhom barra dawn iż-żoni ristretti.

(5)

L-Italja informat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni attwali tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fit-territorju tagħha, wara li din il-marda faqqgħet f’annimali porċini selvaġġi fir-reġjun ta’ Piemonte, b’konferma fis-6 ta’ Jannar 2022. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru hija meħtieġa tistabbilixxi żona infettata f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605.

(6)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn fil-kummerċ fl-Unjoni u sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ ostakoli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni tiġi identifikata ż-żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Italja f’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

(7)

Biex jiġi evitat aktar tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, waqt li ż-żona tal-Italja milquta mit-tifqigħa reċenti tkun elenkata bħala żona ristretta II fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605, il-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer stipulati fih, li japplikaw għall-moviment tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma f’żoni ristretti II u l-prodotti minnhom barra dawn iż-żoni, għandhom japplikaw ukoll għall-movimenti ta’ dawn il-kunsinni miż-żona infettata stabbilita fl-Italja wara t-tifqigħa reċenti, minbarra l-miżuri stipulati fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(8)

Għalhekk, iż-żona infettata għandha tkun elenkata fl-Anness ta’ dan id-Deċiżjoni u għandha tkun soġġetta għall-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer li japplikaw għaż-żoni ristretti II stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605. Madankollu, minħabba din is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġdida tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u b’kont meħud taż-żieda fir-riskju immedjat li din il-marda tkompli tinxtered, il-movimenti tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma u l-prodotti minnhom lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi miż-żona infettata ma għandhomx ikunu awtorizzati f’konformità ma’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi wkoll id-durata ta’ kemm din iż-żona għandha tibqa’ elenkata.

(9)

Għaldaqstant, għall-mitigazzjoni tar-riskji li jirriżultaw mit-tifqigħa reċenti tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini selvaġġi fl-Italja, il-movimenti tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma fiż-żona infettata u l-prodotti minnhom lejn Stati Membri oħra u pajjiżi terzi ma għandhomx ikunu awtorizzati mill-Italja sad-data tal-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, huwa importanti li l-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(11)

Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żona infettata fl-Italja għandha tiġi stabbilita minnufih u tiġi elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u tiġi ffissata d-durata tal-elenkar.

(12)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Italja għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti tagħha tistabbilixxi immedjatament żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mal-Artikolu 3(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605, u li tkun tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Italja għandha tiżgura li l-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer applikabbli għaż-żoni ristretti II stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 japplikaw fiż-żoni elenkati bħala żona infettata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, flimkien mal-miżuri stipulati fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

Artikolu 3

L-Italja għandha tiżgura li l-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma fiż-żoni elenkati bħala żona infettata fl-Anness u l-prodotti minnhom ma jiġux awtorizzati għall-movimenti lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-7 ta’ April 2022.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Italja.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 tas-7 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer (ĠU L 129, 15.4.2021, p. 1).


ANNESS

Iż-żoni stabbiliti bħala żona infettata fl-Italja kif imsemmija fl-Artikolu 1

Data sa meta huma applikabbli

Iż-żona li taffettwa r-reġjun ta’ Piemonte tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċja ta’ Alessandria: Montaldeo, Molare, Parodi Ligure, Cremolino, Gavi, Cassinelle, Cartosio, Acqui Terme, Arquata Scrivia, Bosio, Castelletto D’Orba, Morbello, Silvano D’Orba, Rocca Grimalda, San Cristoforo, Carpeneto, Visone, Voltaggio, Tagliolo Monferrato, Trisobbio, Strevi, Grognardo, Cavatore, Prasco, Ponzone, Lerma, Fraconalto, Morsasco, Montaldo, Bormida, Melazzo, Mornese, Orsara Bormida, Ovada, Casaleggio Boiro, Belforte, Monferrato, Carrosio, Mongiardino Ligure (8,72743143861598 - 44,66586866952670

8,59096726302438 - 44,57435395353490

8,75896336772026 - 44,67223782936240

8,57568502491472 - 44,63214498530620

8,81478031361033 - 44,68806247709180

8,55652874515147 - 44,57812296857710

8,42328778652507 - 44,59475249111450

8,46360750191520 - 44,68011546896980

8,88874777891277 - 44,67031750803820

8,78397023610347 - 44,57487653499660

8,70849659300505 - 44,68822313714590

8,52095609681052 - 44,59574712770110

8,67847355085801 - 44,67598286220460

8,64417289489248 - 44,68543047716730

8,74631123216426 - 44,69512008136360

8,61562007223858 - 44,69190602382560

8,50824775878796 - 44,65464001092950

8,84535265104008 - 44,60267033001400

8,69624966113450 - 44,61254452732950

8,58674249319950 - 44,65976966415050

8,52072973753048 - 44,69823396728840

8,49447544395196 - 44,62722764850570

8,45727278876742 - 44,63089265969160

8,53922967163181 - 44,64350156328750

8,49367163633172 - 44,55338822789150

8,71846974527489 - 44,62638068750350

8,89386001136932 - 44,58440010916580

8,54911684802305 - 44,66663867866640

8,59226750751732 - 44,69638794728860

8,42129291950308 - 44,63969537998470

8,75930326899722 - 44,62691881543910

8,56473539819401 - 44,68789339467210

8,63740139277921 - 44,62434812841120

8,74075623908678 - 44,61246848769640

8,67002201159106 - 44,60550700085100

8,83736482027039 - 44,65619000581520

9,07255271598525 - 44,64185166864540)

Iż-żona li taffettwa r-reġjun tal-Liguria tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċji ta’ Genova u Savona: Genova, Masone, Campo Ligure, Mignanego, Rossiglione, Tiglieto, Ceranesi, Ronco Scrivia, Isola Del Cantone, Mele, Arenzano, Cogoleto, Campomorone, Busalla, Serra Riccò, Casella, Vobbia, Sant'Olcese, Savignone, Crocefieschi

(8,89334755666611 - 44,44190547215230

8,72187072459182 - 44,50202491949630

8,71098122547952 - 44,53265041525070

8,92005141205065 - 44,54376466069300

8,66319545541929 - 44,55618355383190

8,62116724861755 - 44,51375313303110

8,84168896064697 - 44,50558661644810

8,94455916421254 - 44,60591625352020

8,96292020330127 - 44,64550266645310

8,74668355712525 - 44,47140693595360

8,66736813999132 - 44,42141788217480

8,62185559483775 - 44,40833401227560

8,86276300281878 - 44,53751326563280

8,97012668135178 - 44,58419241630730

8,94661631372455 - 44,51422708949270

8,99713109929649 - 44,53346779043700

9,06161049957354 - 44,60168741199910

8,96002195224501 - 44,48295317055980

8,98918970809976 - 44,55703078598340

9,02466149981014 - 44,58527677522000)

Provinċja ta’ Savona: Celle Ligure, Sassello, Urbe, Varazze Stella

(8,53655461135511 - 44,35287070993200

8,53174317384035 - 44,46875575698000

8,62192644453145 - 44,48230207013960

8,56797081202658 - 44,39381081934480

8,49665184874500 - 44,40170929565530)

is-7 ta’ April 2022