ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 468

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
30 ta' Diċembru 2021


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 468/1


REGOLAMENT (UE) 2021/2303 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Diċembru 2021

dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-għan tal-politika tal-Unjoni dwar l-ażil huwa li tiġi żviluppata u stabbilita Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA), li tkun konsistenti mal-valuri u mat-tradizzjoni umanitarja tal-Unjoni u rregolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà.

(2)

Politika komuni dwar l-ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u kompluta tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, hija parti kostitwenti mill-għan tal-Unjoni li tistabbilixxi progressivament spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħ għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew apolidi li jfittxu protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni.

(3)

Is-SEKA hija bbażata fuq standards komuni minimi għall-proċeduri għall-protezzjoni internazzjonali, ir-rikonoxximent u l-protezzjoni offruti fil-livell tal-Unjoni u għall-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, u din tistabbilixxi sistema għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali. Minkejja l-progress li sar fl-ambitu tas-SEKA, għad hemm disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u l-forma li tieħu tali protezzjoni internazzjonali. Dawn id-disparitajiet jenħtieġ li jiġu indirizzati billi tiġi żgurata konverġenza akbar fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u billi jiġi garantit livell uniformi ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ standards ta’ protezzjoni għoljin, fl-Unjoni kollha.

(4)

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ April 2016 intitolata “Għar-Riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u għat-tisħiħ ta’ rotot legali lejn l-Ewropa”, il-Kummissjoni stabbiliet oqsma ta’ prijorità għat-titjib strutturali fis-SEKA, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sistema sostenibbli u ġusta biex ikun ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għal dawk li jfittxu l-ażil, it-tisħiħ tas-sistema EURODAC, il-ksib ta’ konverġenza akbar fis-sistema ta’ ażil tal-Unjoni, il-prevenzjoni ta’ movimenti sekondarji fi ħdan l-Unjoni u l-iżvilupp ta’ mandat ġdid għall-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO). Dik il-komunikazzjoni hija f’konformità ma’ appell tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Frar 2016 biex isir progress lejn riforma tal-qafas eżistenti tal-Unjoni sabiex tkun żgurata politika tal-ażil umana, ġusta u effiċjenti. Dik il-komunikazzjoni tipproponi wkoll pass ’il quddiem f’konformità mal-approċċ olistiku għall-migrazzjoni stabbilit mill-Parlament Ewropew fir-rapport fuq inizjattiva proprja tat-12 ta’ April 2016 intitolata “Is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni”.

(5)

L-EASO ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u dan beda jopera fl-1 ta’ Frar 2011. L-EASO jtejjeb il-kooperazzjoni prattika fost l-Istati Membri f’affarijiet marbuta mal-ażil u jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw l-obbligi tagħhom fl-ambitu tas-SEKA. L-EASO jipprovdi wkoll appoġġ lill-Istati Membri li s-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tagħhom huma soġġetti għal pressjoni partikolari. Madankollu, ir-rwol u l-funzjoni tiegħu jeħtieġ li jissaħħu aktar biex mhux biss jappoġġjaw kooperazzjoni prattika fost l-Istati Membri iżda biex jirrinforza u jikkontribwixxi għall-iżgurar tal-funzjonament effiċjenti tas-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tal-Istati Membri.

(6)

Wara li jiġu kkunsidrati n-nuqqasijiet strutturali tas-SEKA, li ħarġu fid-dieher bil-wasla mhux ikkontrollata fuq skala kbira ta’ migranti u applikanti għall-ażil lejn l-Unjoni, u l-ħtieġa ta’ livell effiċjenti, għoli u uniformi ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil fl-Istati Membri, huwa meħtieġ li jittejbu l-implimentazzjoni u t-tħaddim tas-SEKA billi wieħed jibni fuq il-ħidma tal-EASO, u l-EASO jiġi żviluppat f’Aġenzija vera u proprja. Tali aġenzija jenħtieġ li tkun ċentru ta’ kompetenza esperta fil-qasam tal-ażil. Jenħtieġ li tiffaċilita u ttejjeb il-funzjonament tas-SEKA billi tikkoordina u ssaħħaħ il-kooperazzjoni prattika u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-ażil bejn l-Istati Membri, billi tippromwovi l-liġi internazzjonali u tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil u standards operazzjonali bil-għan li tiżgura livell għoli ta’ uniformità fuq il-bażi ta’ standards ta’ protezzjoni għoljin fir-rigward ta’ proċeduri għall-protezzjoni internazzjonali, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni fl-Unjoni, billi tiffaċilita solidarjetà awtentika u prattika fost l-Istati Membri bil-għan li tgħin b’mod ġenerali lill-Istati Membri milquta u b’mod partikolari lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u f’konformità mal-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jippreskrivi li l-atti rilevanti tal-Unjoni għandhom jinkludu l-miżuri xierqa għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà, bil-għan li tapplika b’mod sostenibbli r-regoli tal-Unjoni biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli li jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tippermetti l-konverġenza fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni kollha, permezz tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas-SEKA, tal-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri f’dik li hi risistemazzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tal-għoti ta’ assistenza operazzjonali u teknika lill-Istati Membri f’dik li hi ġestjoni tas-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tagħhom, partikolarment dawk li s-sistemi tagħhom huma soġġetti għal pressjoni sproporzjonata.

(7)

Il-kompiti tal-EASO jenħtieġ li jiġu estiżi, u biex jiġu riflessi dawn il-bidliet jenħtieġ li jiġi sostitwit u suċċedut minn aġenzija intitolata l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (l-“Aġenzija”), b’kontinwità sħiħa fl-attivitajiet u fil-proċeduri kollha tiegħu.

(8)

Sabiex jiġi garantit li tkun indipendenti u li tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha kif xieraq, l-Aġenzija jenħtieġ li tingħata biżżejjed riżorsi finanzjarji umani, inkluż għadd biżżejjed ta’ persunal tal-Aġenzija stess biex jifforma parti mit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil u mit-timijiet ta’ esperti għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ skont dan ir-Regolament.

(9)

L-Aġenzija jenħtieġ li taħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-immigrazzjoni u mas-servizzi rilevanti l-oħra, waqt li tuża l-ħiliet u l-kompetenza esperta ta’ dawk l-awtoritajiet u servizzi, kif ukoll mal-Kummissjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mal-Aġenzija biex jiġi żgurat li din tkun kapaċi taqdi l-mandat tagħha. Huwa importanti, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, li l-Aġenzija u l-Istati Membri jaġixxu in bona fede u li jkollhom skambju tal-informazzjoni f’waqtu u b’mod preċiż. Kwalunkwe għotja ta’ data tal-istatistika għandha tirrispetta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u metodoloġiċi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(10)

L-Aġenzija jenħtieġ li tiġbor u tanalizza informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni u fil-pajjiżi terzi, sa fejn dan jista’ jkollu impatt fuq l-Unjoni. Dik il-ġabra u l-analiżi tal-informazzjoni jenħtieġ li jippermettu lill-Aġenzija tipprovdi lill-Istati Membri informazzjoni aġġornata inkluż dwar il-flussi migratorji u tar-rifuġjati, u tidentifika r-riskji possibbli għas-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tal-Istati Membri. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Aġenzija taħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(11)

Jenħtieġ li l-ebda data personali ma tiġi maħżuna f’bażijiet tad-data jew ippubblikata fuq xi portal web maħluq mill-Aġenzija rigward żviluppi ġuridiċi fil-qasam tal-ażil, inkluża l-ġurisprudenza rilevanti, sakemm tali data ma tkunx ġiet miksuba minn sorsi li huma aċċessibbli għall-pubbliku.

(12)

L-Aġenzija jenħtieġ li tkun tista’ tistazzjona uffiċjali ta’ kollegament fl-Istati Membri biex irawmu l-kooperazzjoni u jaġixxu bħala interfaċċa bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-immigrazzjoni u s-servizzi rilevanti l-oħra. L-uffiċjali ta’ kollegament jenħtieġ li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Aġenzija u jikkondividu l-informazzjoni rilevanti mill-Aġenzija mal-Istat Membru kkonċernat. Jenħtieġ li jappoġġjaw il-ġbir tal-informazzjoni u jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-applikazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil, inkluż fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali. L-uffiċjali ta’ kollegament jenħtieġ li b’mod regolari jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni f’dak li hu ażil fl-Istati Membri lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, u dawk ir-rapporti jenħtieġ li jitqiesu għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ skont dan ir-Regolament. Meta dawn ir-rapporti jqajmu tħassib dwar aspett rilevanti wieħed jew aktar għall-Istat Membru kkonċernat, id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jinforma lil dak l-Istat Membru mingħajr dewmien.

(13)

L-Aġenzija jenħtieġ li tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti u tal-obbligi tagħhom fl-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

(14)

Fir-rigward tar-risistemazzjoni, l-Aġenzija jenħtieġ li tkun tista’ tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri fuq talba tagħhom. Għal dan il-għan, l-Aġenzija jenħtieġ li tiżviluppa u toffri kompetenza esperta fir-risistemazzjoni sabiex tagħti appoġġ lil azzjonijiet rigward ir-risistemazzjoni meħuda mill-Istati Membri.

(15)

L-Aġenzija jenħtieġ li tgħin lill-Istati Membri fit-taħriġ ta’ esperti mill-amministrazzjonijiet, il-qrati u t-tribunali nazzjonali kollha, u mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-kwistjonijiet tal-ażil, permezz tal-iżvilupp ta’ kurrikulu Ewropew fil-qasam tal-ażil. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw taħriġ xieraq fuq il-bażi tal-kurrikulu Ewropew fil-qasam tal-ażil bil-għan li jippromwovu l-aħjar prattiki u standards komuni fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri jinkludu fit-taħriġ tagħhom il-partijiet fundamentali tal-kurrikulu Ewropew fil-qasam l-ażil. Huwa importanti li dawk il-partijiet fundamentali jkopru l-kwistjonijiet relatati mad-determinazzjoni ta’ jekk l-applikanti jikkwalifikawx għall-protezzjoni internazzjonali, it-tekniki ta’ kif isiru l-intervisti u l-valutazzjoni tal-provi. Barra minn hekk, l-Aġenzija jenħtieġ li tivverifika u, fejn ikun hemm bżonn, tiżgura li l-esperti kollha li qed jipparteċipaw f’timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil jew li jiffurmaw parti mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil stabbilita skont dan ir-Regolament (ir-“riżerva ta’ intervent għall-ażil”) jirċievu t-taħriġ meħtieġ qabel il-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet operazzjonali li torganizza.

(16)

L-Aġenzija jenħtieġ li tiżgura produzzjoni aktar strutturata, aġġornata u razzjonalizzata tal-informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi rilevanti fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Aġenzija tiġbor l-informazzjoni rilevanti u tfassal rapporti li jipprovdu informazzjoni dwar il-pajjiżi. Għal dak il-għan, l-Aġenzija jenħtieġ li tistabbilixxi u tiġġestixxi networks Ewropej rigward l-informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jinħolqu sinerġiji mar-rapporti nazzjonali. Huwa neċessarju li l-informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi tirreferi, fost oħrajn, għas-sitwazzjoni politika, reliġjuża u tas-sigurtà u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-torturi u t-trattament ħażin, fil-pajjiż terz ikkonċernat.

(17)

Sabiex titrawwem il-konverġenza fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u t-tip ta’ protezzjoni mogħtija, jenħtieġ li l-Aġenzija, flimkien mal-Istati Membri, jiżviluppaw analiżi komuni dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżi ta’ oriġini speċifiċi (l-“analiżi komuni”) u noti ta’ gwida. L-analiżi komuni jenħtieġ li tkun tikkonsisti f’valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini rilevanti abbażi tal-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini. In-noti ta’ gwida jenħtieġ li jkunu bbażati fuq interpretazzjoni ta’ dik l-analiżi komuni żviluppata mill-Aġenzija u mill-Istati Membri. Meta tkun qed tiżviluppa l-analiżi komuni u n-noti ta’ gwida l-Aġenzija jenħtieġ li tieħu nota tal-linji gwida l-aktar reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) dwar l-eliġibbiltà għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-persuni li jfittxu l-ażil li ġejjin minn pajjiżi ta’ oriġini speċifiċi, u jenħtieġ li tkun tista’ tqis sorsi rilevanti oħra. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza li għandhom l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar l-applikazzjonijiet individwali għall-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-analiżi komuni u n-noti ta’ gwida rilevanti meta jkunu qed jivvalutaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali minn applikanti li joriġinaw mill-pajjiżi terzi li għalihom ikunu ġew żviluppati analiżi komuni u noti ta’ gwida f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(18)

L-Aġenzija jenħtieġ li tgħin lill-Kummissjoni u jenħtieġ tkun tista’ tgħin lill-Istati Membri billi tipprovdilhom informazzjoni u analiżi dwar il-pajjiżi terzi fir-rigward tal-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu u l-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu. Meta tipprovdi tali informazzjoni u analiżi, l-Aġenzija jenħtieġ li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(19)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ uniformità fuq il-bażi ta’ standards ta’ protezzjoni għoljin fir-rigward ta’ proċeduri għall-protezzjoni internazzjonali, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni fl-Unjoni, l-Aġenzija jenħtieġ li torganizza u tikkoordina attivitajiet li jippromwovu l-implimentazzjoni korretta u effettiva tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil permezz ta’ strumenti li jkunu ta’ natura mhux vinkolanti. Għal dan il-għan, l-Aġenzija jenħtieġ li tiżviluppa standards operazzjonali, indikaturi, u linji gwida dwar kwistjonijiet relatati mal-ażil. L-Aġenzija jenħtieġ li tippermetti u tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.

(20)

L-Aġenzija, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati, jenħtieġ li timmonitorjal-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas-SEKA bl-għan li tipprevjeni jew tidentifika nuqqasijiet possibbli fis-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tal-Istati Membri u bl-għan li tivvaluta l-kapaċità u t-tħejjija tagħhom biex jiġġestixxu sitwazzjonijiet ta’ pressjoni sproporzjonata ħalli l-effiċjenza ta’ dawk is-sistemi tissaħħaħ (il-“mekkaniżmu ta’ monitoraġġ”). Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ jenħtieġ li jkun komprensiv, u jenħtieġ li jkun possibbli li l-monitoraġġ ikun ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat, l-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil żviluppata mill-Aġenzija, żjarat fuq il-post, inklużi żjarat ftit wara li jkun ingħata avviż, it-teħid ta’ kampjuni tal-każijiet u informazzjoni provduta minn organizzazzjonijiet jew korpi intergovernattivi, b’mod partikolari l-UNHCR, u organizzazzjonijiet rilevanti oħra abbażi tal-kompetenza esperta tagħhom. Id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jaħseb għall-possibbiltà li l-Istat Membru kkonċernat jifformula osservazzjonijiet fuq l-abbozzi ta’ sejbiet ta’ eżerċizzju ta’ monitoraġġ imwettaq bħala parti mill-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u, sussegwentement, fuq l-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet. Id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jfassal l-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Wara li jkun qies l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jressaq quddiem il-Bord tat-Tmexxija s-sejbiet tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ u l-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet, li fihom jiddeskrivi l-miżuri li għandu jieħu l-Istat Membru kkonċernat, flimkien mal-assistenza tal-Aġenzija, skont il-ħtieġa, biex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas jew kwistjoni ta’ kapaċità u ta’ tħejjija li jista’ jkun hemm. L-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet jenħtieġ li jispeċifikaw f’kemm żmien jenħtieġ li jittieħdu dawk il-miżuri. Il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jadotta r-rakkomandazzjonijiet. Jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jitlob assistenza mill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u jista’ jitlob appoġġ finanzjarju speċifiku minn strumenti finanzjarji rilevanti tal-Unjoni.

(21)

L-eżerċizzju ta’ monitoraġġ jenħtieġ li jsir b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru kkonċernat, inkluż fir-rigward taż-żjarat fuq il-post u t-teħid ta’ kampjuni tal-każijiet, meta jkun meħtieġ. Huwa xieraq li t-teħid ta’ kampjuni tal-każijiet jikkonsisti f’għażla ta’ deċiżjonijiet pożittivi u negattivi li jkopru perijodu ta’ żmien partikolari u huma rilevanti għall-aspett tas-SEKA li jkun qed jiġi mmonitorjat. Huwa xieraq li t-teħid ta’ kampjuni jiġi bbażat fuq indikazzjonijiet oġġettivi, bħalma huma r-rati ta’ rikonoxximent. It-teħid ta’ kampjuni tal-każijiet huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet individwali għall-protezzjoni internazzjonali u għandu jitwettaq b’mod li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità.

(22)

Sabiex l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ jiġi ffukat fuq elementi partikolari tas-SEKA, l-Aġenzija jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li tagħmel monitoraġġ ta’ aspetti tematiċi jew speċifiċi tas-SEKA. Meta l-Aġenzija tagħti bidu għal eżerċizzju ta’ monitoraġġ dwar aspetti tematiċi jew speċifiċi tas-SEKA, jenħtieġ li hija tiżgura li l-Istati Membri kollha jkunu soġġetti għal dak il-monitoraġġ tematiku jew speċifiku. Madankollu, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol tal-Aġenzija, ma jkunx xieraq li Stat Membru jkun soġġett għal eżerċizzju ta’ monitoraġġ dwar aspetti tematiċi jew speċifiċi tas-SEKA f’sena li matulha tkun qed tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni operazzjonali u teknika tal-aspetti kollha tas-SEKA ta’ dak l-Istat Membru.

(23)

Meta l-Istat Membru kkonċernat ma jiħux il-miżuri meħtieġa biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija fil-perjodu ta’ żmien stabbilit u għalhekk ma jindirizzax in-nuqqasijiet identifikati fis-sistemi tiegħu ta’ ażil u akkoljenza jew kwalunkwe kwistjoni ta’ kapaċità u tħejjija li tirriżulta f’konsegwenzi serji għall-funzjonament tas-SEKA, il-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni tagħha stess, jenħtieġ li tadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lil dan l-Istat Membru li jidentifikaw il-miżuri meħtieġa biex is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata, inkluż, meta jkun meħtieġ, miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Aġenzija b’appoġġ għal dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni torganizza żjarat fuq il-post fl-Istat Membru kkonċernat sabiex tivverifika l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis is-serjetà tan-nuqqasijiet identifikati meta mqabbla mal-konsegwenzi tagħhom għall-funzjonament tas-SEKA. Meta, wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien speċifiku stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet, l-Istat Membru ma jkunx osserva r-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tagħmel proposta għal att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li jidentifika l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Aġenzija biex tappoġġja lil dak l-Istat Membru u li jirrikjedi lil dak l-Istat Membru jikkoopera mal-Aġenzija fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri.

(24)

Meta tkun qed tistabbilixxi t-timijiet ta’ esperti biex iwettqu l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ, l-Aġenzija jenħtieġ li tistieden osservatur mill-UNHCR. In-nuqqas ta’ tali osservatur ma jżommx lit-timijiet milli jwettqu l-kompiti tagħhom.

(25)

Biex tiffaċilita u ttejjeb il-funzjonament tas-SEKA u biex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw l-obbligi tagħhom fil-qafas tas-SEKA, l-Aġenzija jenħtieġ li tipprovdi lill-Istati Membri assistenza teknika u operazzjonali, b’mod partikolari meta s-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tagħhom ikunu soġġetti għal pressjoni sproporzjonata. Tali assistenza jenħtieġ li tingħata abbażi ta’ pjan operazzjonali u permezz tal-użu tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil. It-timijiet ta’ appoġġ għall-ażil jenħtieġ li jkunu magħmula minn esperti mill-persunal tal-Aġenzija stess, esperti mill-Istati Membri jew minn esperti ssekondati mill-Istati Membri lill-Aġenzija jew minn esperti oħra mhux impjegati mill-Aġenzija b’għarfien u b’esperjenza rilevanti murija bil-provi bi qbil mal-ħtiġijiet operazzjonali. Huwa importanti li l-Aġenzija tagħmel użu minn dawn l-esperti l-oħra li mhumiex impjegati magħha biss jekk ma tkunx tista’ tiżgura b’mod ieħor l-eżerċizzju korrett u f’waqtu tal-kompiti tagħha minħabba n-nuqqas ta’ esperti disponibbli mill-Istati Membri jew mill-persunal tal-Aġenzija stess.

(26)

It-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil jenħtieġ li jkunu jistgħu jappoġġjaw lill-Istati Membri b’miżuri operazzjonali u tekniċi, fosthom billi jipprovdu kompetenza esperta dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, servizzi ta’ interpretazzjoni u informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ oriġini u dwar it-trattament u l-ġestjoni tal-każijiet ta’ ażil, billi jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali li għandhom il-kompetenza li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u billi jagħtu assistenza fir-rilokazzjoni jew fit-trasferiment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, jew lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. L-arranġamenti għat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil jenħtieġ li jkunu regolati minn dan ir-Regolament sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu stazzjonati b’mod effettiv.

(27)

L-esperti li jipparteċipaw f’timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil jenħtieġ li jkunu kkonkludew b’suċċess it-taħriġ tematiku u speċjalizzat rilevanti għall-kompiti u għall-funzjonijiet tagħhom, qabel il-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet operazzjonali. Jenħtieġ li l-Aġenzija, meta jkun meħtieġ u qabel ma jsir l-istazzjonament jew hekk kif ikun sar, tipprovdi lil dawk l-esperti t-taħriġ speċifiku għall-assistenza operazzjonali u teknika pprovduta fl-Istat Membru kkonċernat (l-“Istat Membru ospitanti”). Biex l-esperti li jipparteċipaw fit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil jiġu involuti fl-iffaċilitar tal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, huwa importanti li juru bil-provi l-esperjenza rilevanti ta’ mill-inqas sena.

(28)

Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ esperti għal timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil u sabiex huma jkunu jistgħu jiġu stazzjonati immedjatament skont il-ħtieġa, jenħtieġ li r-riżerva ta’ intervent għall-ażil tiġi stabbilita. Ir-riżerva ta’ intervent għall-ażil jenħtieġ li tkun tikkostitwixxi riżerva ta’ esperti mill-Istati Membri li jkun fiha mill-inqas 500 persuna.

(29)

Fejn is-sistemi ta’ ażil u akkoljenza ta’ Stat Membru jkunu soġġetti għal pressjoni sproporzjonata, l-Aġenzija jenħtieġ li, fuq it-talba ta’ dak l-Istat Membru jew fuq inizjattiva proprja tagħha bil-qbil ta’ dak l-Istat Membru, tkun tista’ tassisti lil dan l-Istat Membru permezz ta’ sett komprensiv ta’ miżuri, fosthom l-istazzjonament ta’ esperti mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil.

(30)

Sabiex tiġi indirizzata sitwazzjoni fejn is-sistema ta’ ażil jew akkoljenza ta’ Stat Membru ssir ineffikaċi sal-punt li jkollha konsegwenzi serji għall-funzjonament tas-SEKA u tkun soġġetta għal pressjoni sproporzjonata li titfa’ rikjesta eċċezzjonalment oneruża u urġenti fuq dik is-sistema u l-Istat Membru kkonċernat ma jiħux biżżejjed azzjoni biex jindirizza dik il-pressjoni, inkluż billi ma jirrikjedix assistenza operazzjonali u teknika jew billi ma jaqbilx ma’ inizjattiva tal-Aġenzija għal tali assistenza, jew l-Istat Membru kkonċernat ma josservax ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni wara eżerċizzju ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tipproponi lill-Kunsill att ta’ implimentazzjoni li tidentifika l-miżuri li jkollhom jittieħdu mill-Aġenzija u li tirrikjedi lill-Istat Membru kkonċernat jikkoopera mal-Aġenzija fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri. Is-setgħa li tadotta tali att ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li tingħata lill-Kunsill minħabba n-natura potenzjalment sensittiva mil-lat politiku tal-miżuri li jkollhom jiġu deċiżi u l-impatt possibbli li jista’ jkollhom tali miżuri fuq il-kompiti tal-awtoritajiet nazzjonali. Jenħtieġ li l-Aġenzija tkun tista’ tintervjeni, abbażi ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill, b’appoġġ ta’ Stat Membru meta s-sistema ta’ ażil jew akkoljenza tiegħu ssir ineffikaċi sal-punt li jkollha konsegwenzi serji għall-funzjonament tas-SEKA. Tali intervent mill-Aġenzija jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedura ta’ ksur li tinbeda mill-Kummissjoni.

(31)

Sabiex tiżgura li t-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, inklużi esperti stazzjonati mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil, ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effikaċi bil-mezzi meħtieġa, jenħtieġ li l-Aġenzija tkun tista’ takkwista jew tikri t-tagħmir tekniku. Jenħtieġ, madankollu, li dan ma jaffettwax l-obbligu tal-Istati Membri ospitanti li jipprovdu l-faċilitajiet u t-tagħmir neċessarji sabiex l-Aġenzija tkun tista’ tipprovdi l-assistenza operazzjonali u teknika meħtieġa. Qabel ma jinxtara jew jinkera xi tagħmir, jenħtieġ li l-Aġenzija twettaq analiżi dettaljata tal-ħtiġijiet u tal-kostijiet meta mqabbla mal-benefiċċji.

(32)

Għall-Istati Membri li huma ffaċċjati bi pressjoni speċifika u sproporzjonata fuq is-sistemi tagħhom ta’ ażil u akkoljenza, partikolarment minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tagħhom, l-Aġenzija jenħtieġ li tappoġġja miżuri ta’ solidarjetà fl-Unjoni u twettaq il-kompiti u l-obbligi tagħha fir-rigward tar-rilokazzjoni jew tat-trasferiment tal-applikanti għal jew tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, waqt li tiżgura li ma jitteħidx vantaġġ tas-sistemi ta’ ażil u akkoljenza.

(33)

Meta Stat Membru jħabbat wiċċu ma’ sfidi migratorji speċifiċi u sproporzjonati f’żoni partikolari tal-fruntieri esterni, imsejħa żoni hotspot, jenħtieġ li huwa jkun jista’ jitlob li l-Aġenzija tipprovdi assistenza operazzjonali u teknika. F’tali każijiet, l-Istat Membru jkun jista’ joqgħod fuq aktar rinforz operazzjonali u tekniku permezz ta’ timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni magħmula minn timijiet ta’ esperti mill-Istati Membri stazzjonati permezz tal-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jew korpi, uffiċċji u aġenziji oħra rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll minn esperti mill-persunal tal-Aġenzija u tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta bl-għan li jiġu ġestiti tali sfidi. Huwa xieraq li l-Aġenzija tassisti lill-Kummissjoni bil-koordinament bejn korpi, uffiċċji u aġenziji differenti tal-Unjoni fil-post.

(34)

Fiż-żoni hotspot, l-Istati Membri jikkooperaw, taħt il-koordinament tal-Kummissjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji joperaw f’konformitá mal-mandati u s-setgħat rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, għandha tiżgura li l-attivitajiet fiż-żoni hotspot ikunu jirrispettaw il-liġi rilevanti tal-Unjoni.

(35)

Għall-fini tat-twettiq tal-missjoni tagħha u sa fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija jenħtieġ li tikkoopera ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u affarijiet interni, f’materji koperti minn dan ir-Regolament fil-qafas tal-arranġamenti ta’ ħidma konklużi skont il-liġi u politika tal-Unjoni. Dawn l-arranġamenti ta’ ħidma jenħtieġ li jirċievu l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

(36)

Huwa importanti li l-Aġenzija tikkoopera man-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE (7), sabiex jiġu żgurati sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet.

(37)

L-Aġenzija jenħtieġ li tikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-UNHCR f’materji koperti minn dan ir-Regolament fil-qafas tal-arranġamenti ta’ ħidma sabiex tibbenefika mill-kompetenza esperta u mill-appoġġ tagħhom. Għal dan il-għan, ir-rwoli tal-UNHCR kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra jenħtieġ li jkunu rikonoxxuti b’mod sħiħ, u dawn l-organizzazzjonijiet jenħtieġ li jkunu involuti b’mod sħiħ fil-ħidma tal-Aġenzija. Dawn l-arranġamenti ta’ ħidma jenħtieġ li jirċievu l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

(38)

Fil-kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet tagħha u sa fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija jenħtieġ li tiffaċilita l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. L-Aġenzija jenħtieġ li tkun tista’ tikkoopera wkoll mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi fil-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament fil-qafas ta’ arranġamenti ta’ ħidma, li jenħtieġ li jirċievu l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. L-Aġenzija jenħtieġ li taġixxi skont il-politika esterna tal-Unjoni, huwa xieraq li tintegra l-attivitajiet esterni tagħha b’kooperazzjoni strateġika usa’ ma’ pajjiżi terzi. Fl-ebda ċirkostanza, ma jaqa’ fil-mandat tal-Aġenzija t-tfassil ta’ politika esterna indipendenti. Fil-kooperazzjoni tagħhom ma’ pajjiżi terzi, l-Aġenzija u l-Istati Membri jenħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali mogħtija fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u jenħtieġ li jikkonformaw man-normi u mal-istandards li jiffurmaw parti mil-liġi tal-Unjoni, inkluż meta l-attivitajiet jitwettqu fit-territorju tal-pajjiżi terzi.

(39)

L-Aġenzija jenħtieġ li tkun tista’ tistazzjona esperti minn fost il-persunal tagħha stess bħala uffiċjali ta’ kollegament biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet relatati mal-ażil. Qabel l-istazzjonament ta’ uffiċjal ta’ kollegament, l-Aġenzija jenħtieġ li tivvaluta s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ikkonċernat sabiex tiżgura li dak il-pajjiż ikun konformi mal-istandards inderogabbli tad-drittijiet tal-bniedem.

(40)

L-Aġenzija jenħtieġ li żżomm djalogu mill-qrib mas-soċjetà ċivili bil-ħsieb tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-akkomunament tal-għarfien fil-qasam tal-ażil. L-Aġenzija jenħtieġ li twaqqaf Forum Konsultattiv, li jenħtieġ li jikkostitwixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-iskambju tal-għarfien dwar l-ażil. Il-Forum Konsultattiv jenħtieġ li jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord tat-Tmexxija f’materji koperti minn dan ir-Regolament. Huwa importanti li l-kompożizzjoni u d-daqs tal-Forum Konsultattiv jiġu ddeterminati bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-effiċjenza tal-attivitajiet tiegħu u li l-Aġenzija talloka riżorsi umani u finanzjarji adegwati lill-Forum Konsultattiv.

(41)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mil-liġi internazzjonali u dak tal-Unjoni, inkluża l-Karta. L-attivitajiet kollha tal-Aġenzija jenħtieġ li jitwettqu b’mod li jirrispetta bis-sħiħ dawk id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-ażil, il-prinċipju ta’ non-refoulement, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, inkluż id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja skont il-liġi tal-Unjoni, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust. Id-drittijiet tat-tfal u l-ħtiġijiet speċjali tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli jenħtieġ li dejjem jiġu kkunsidrati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha fir-rispett tal-aħjar interessi tat-tfal, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, filwaqt li tqis kif dovut il-kunsiderazzjonijiet tal-benesseri kif ukoll tal-iżvilupp soċjali, tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-minorenni u l-fehmiet tal-minorenni skont l-età u l-maturità tiegħu jew tagħha.

(42)

Meta l-assistenza operazzjonali u teknika pprovduta mill-Aġenzija tikkonċerna persuni li jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli, dik l-assistenza jenħtieġ li tkun adattata għas-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni skont ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni u dak nazzjonali dwar l-ażil.

(43)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tadotta u timplimenta strateġija fir-rigward tad-drittijiet fundamentali biex timmonitorja u tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

(44)

Jenħtieġ li jiġi maħtur uffiċjal indipendenti għad-drittijiet fundamentali biex jiżgura li l-Aġenzija tirrispetta d-drittijiet fundamentali hi u għaddejja bl-attivitajiet tagħha u biex jippromwovi r-rispett tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Aġenzija skont il-Karta, inkluż billi jagħmel proposta għall-istrateġija tal-Aġenzija fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jiżgura l-implimentazzjoni tagħha, u billi jittratta l-ilmenti milqugħa mill-Aġenzija fil-qafas tal-mekkaniżmu tal-ilmenti tal-Aġenzija. Għal dak il-għan, huwa importanti li l-Aġenzija tipprovdi lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali riżorsi u persunal adegwati li jikkorrispondu għall-mandat u għad-dimensjoni tagħha.

(45)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tistabbilixxi mekkaniżmu tal-ilmenti taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali. L-għan tal-mekkaniżmu tal-ilmenti jenħtieġ li jkun li jiġi żgurat li fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati. Il-mekkaniżmu tal-ilmenti jenħtieġ li jkun mekkaniżmu amministrattiv. L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jkun responsabbli għat-trattament tal-ilmenti li jaslu għand l-Aġenzija skont id-dritt għal amministrazzjoni tajba. Huwa importanti li l-mekkaniżmu tal-ilmenti jkun effikaċi, filwaqt li jiżgura li jingħata segwitu xieraq lill-ilmenti. Il-mekkaniżmu tal-ilmenti huwa mingħajr preġudizzju għall-aċċess għal rimedji amministrattivi u ġudizzjarji u ma jikkostitwix rekwiżit biex persuna tfittex tali rimedji. Il-mekkaniżmu tal-ilmenti jenħtieġ li ma jikkostitwix mekkaniżmu biex tiġi kkontestata kwalunkwe deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali dwar applikazzjonijiet individwali għall-protezzjoni internazzjonali. Huwa essenzjali li l-Istati Membri jmexxu investigazzjonijiet kriminali, meta jkun meħtieġ. Sabiex iżżid it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, l-Aġenzija jenħtieġ li tirrapporta dwar il-mekkaniżmu tal-ilmenti fir-rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni. Huwa importanti li r-rapport annwali tal-Aġenzija dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni tkopri, b’mod partikolari, l-għadd ta’ lmenti li tkun laqgħet, it-tipi ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali involuti, l-operazzjonijiet ikkonċernati, fejn possibbli, u l-miżuri ta’ segwitu meħuda mill-Aġenzija u mill-Istati Membri.

(46)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu rrappreżentati fil-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija sabiex jeżerċitaw superviżjoni tal-politiki u mil-lat politiku fuq il-ħidma tagħha. Il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jagħti orjentament ġenerali lill-attivitajiet tal-Aġenzija u jenħtieġ li jiżgura li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha. Fejn possibbli, jingħata parir li l-Bord tat-Tmexxija jkun magħmul mill-kapijiet operazzjonali tal-amministrazzjonijiet tal-ażil tal-Istati Membri jew ir-rappreżentanti tagħhom u li kull parti rrappreżentata fil-Bord tat-Tmexxija tagħmel ħilitha biex tillimita d-dawran tar-rappreżentanti tagħha, ħalli tkun żgurata l-kontinwità tal-ħidma tiegħu. Il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jingħata l-poteri meħtieġa, b’mod partikolari biex jistabbilixxi l-baġit, jivverifika l-eżekuzzjoni tiegħu, jadotta r-regoli finanzjarji xierqa, jistabbilixxi proċeduri ta’ ħidma trasparenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Aġenzija u jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv. Huwa xieraq li l-Aġenzija tkun regolata u taħdem skont il-prinċipji tal-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni adottati fid-19 ta’ Lulju 2012 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

(47)

L-Aġenzija jenħtieġ li tkun indipendenti fejn jidħlu kwistjonijiet operazzjonali u tekniċi, u jenħtieġ li tgawdi minn awtonomija ġuridika, amministrattiva u finanzjarja. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ u xieraq li l-Aġenzija tkun aġenzija tal-Unjoni b’personalità ġuridika u teżerċita s-setgħat li huma mogħtija lilha minn dan ir-Regolament.

(48)

L-Aġenzija jenħtieġ li tirrapporta dwar l-attivitajiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(49)

Sabiex tiġi garantita l-awtonomija tagħha l-Aġenzija jenħtieġ li jkollha baġit awtonomu, li l-parti l-kbira tiegħu jenħtieġ li tkun ġejja minn kontribuzzjoni mill-Unjoni. Il-finanzjament tal-Aġenzija ser ikun soġġett għal ftehim mill-awtorità baġitarja kif imniżżel fil-punt 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (8). Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun applikabbli għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni u għal kwalunkwe għotja li għandha tiġi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Awdituri jenħtieġ li -tawditja l-kontijiet tal-Aġenzija.

(50)

Huwa importanti li r-rapport annwali kkonsolidat dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija jippreżenta l-proporzjon tan-nefqa għal kull waħda mill-attivitajiet prinċipali tal-Aġenzija.

(51)

Riżorsi finanzjarji magħmula disponibbli mill-Aġenzija fil-forma ta’ għotjiet, ftehimiet ta’ delega jew kuntratti skont dan ir-Regolament m’għandhomx jirriżultaw f’finanzjament doppju ma’ riżorsi finanzjarji nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali.

(52)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (9) jenħtieġ li japplika għall-Aġenzija.

(53)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jenħtieġ li japplika mingħajr restrizzjoni għall-Aġenzija, li jenħtieġ li taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (11).

(54)

Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) japplika għall-Aġenzija.

(55)

Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija fil-qafas ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u jenħtieġ li jirrispetta l-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità. L-Aġenzija jenħtieġ li tipproċessa biss id-data personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha relatati mal-għoti tal-assistenza operazzjonali u teknika lill-Istati Membri, mar-risistemazzjoni, mal-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Europol jew l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), u għall-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil, għall-fini tat-twettiq tat-teħid tal-kampjuni tal-każijiet għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ u li potenzjalment jiġu ipproċessati l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fil-qafas ta’ informazzjoni miksuba matul it-twettiq tal-kompiti tagħha fit-timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fiż-żoni hotspots u għal finijiet amministrattivi. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali jenħtieġ li jkun strettament limitat għad-data personali meħtieġa għal dawk il-finijiet u jenħtieġ li jħares il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali miżmuma għal skopijiet oħra minbarra dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun pprojbit.

(56)

Kwalunkwe data personali li l-Aġenzija tipproċessa, ħlief dawk ipproċessati għal skopijiet amministrattivi, jenħtieġ li titħassar wara 30 jum. Perjodu ta’ ħżin itwal mhuwiex meħtieġ għall-finijiet li għalihom l-Aġenzija tipproċessa d-data personali fil-qafas ta’ dan ir-Regolament.

(57)

Id-data personali ta’ natura sensittiva li hija meħtieġa biex jiġi vvalutat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali jenħtieġ li tiġi pproċessata għall-fini tal-iffaċilitar tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, għall-fini li tingħata l-assistenza li jkun hemm bżonn fi proċedura għall-protezzjoni internazzjonali, jew għall-finijiet ta’ risistemazzjoni. Tali pproċessar jenħtieġ li jiġi limitat għal dak li hu strettament meħtieġ għall-fini tat-twettiq ta’ valutazzjoni sħiħa ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-interess tal-applikant.

(58)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri mwettaq fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sakemm tali pproċessar ma jsirx mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddidiet għas-sigurtà pubblika.

(59)

Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddidiet għas-sigurtà pubblika skont dan ir-Regolament.

(60)

Ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali li għandha x’taqsam magħhom, jenħtieġ li jiġu speċifikati fir-rigward tar-responsabbiltà għall-ipproċessar tad-data, għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u tas-superviżjoni dwar il-ħarsien tad-data, b’mod partikolari sa fejn ikunu konċernati ċerti setturi.

(61)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u jittejjeb il-funzjonament tas-SEKA, li jissaħħu l-kooperazzjoni prattika u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati mal-ażil, li jiġu promossi l-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil u standards operazzjonali biex jiġi żgurat livell għoli ta’ uniformità fir-rigward tal-proċeduri għall-protezzjoni internazzjonali, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha, li tiġi monitorjata l-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas-SEKA, u li tingħata aktar assistenza teknika u operazzjonali lill-Istati Membri għall-ġestjoni tas-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tagħhom, b’mod partikolari lill-Istati Membri soġġetti għal pressjonijiet sproporzjonati fuq is-sistemi tagħhom ta’ ażil u akkoljenza, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżdajistgħu pjuttost, minħabba l-kobor u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(62)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(63)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(64)

B’kont meħud tal-fatt li d-Danimarka sa issa kkontribwixxiet għall-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati membri fil-qasam tal-ażil, l-Aġenzija jenħtieġ li tiffaċilita l-kooperazzjoni operazzjonali mad-Danimarka. Għal dak l-għan, jenħtieġ jiġi mistieden rappreżentant tad-Danimarka biex jipparteċipa fil-laqgħat kollha tal-Bord tat-Tmexxija, mingħajr id-dritt ta’ vot.

(65)

Sabiex twettaq għalkollox l-għan tagħha, l-Aġenzija jenħtieġ li tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni li permezz tagħhom huma adottaw u japplikaw il-liġi tal-Unjoni fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Konsegwentement, u rigward il-fatt li l-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-EASO abbażi ta’ arranġamenti konklużi minn dawk il-pajjiżi mal-Unjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-EASO, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Aġenzija u jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn arranġamenti eżistenti jew ġodda. Għal dak il-għan, rappreżentanti tal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera jenħtieġ li jitħallew jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservaturi.

(66)

Dan ir-Regolament ma jafettwax l-kompetenza li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali tal-ażil li jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet individwali għal protezzjoni internazzjonali.

(67)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jemenda u li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 439/2010. Peress li l-emendi li ser isiru huma ta’ numru u natura sostanzjali, jenħtieġ li, fl-interess taċ-ċarezza, dak ir-Regolament jiġi sostitwit fl-intier tiegħu fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament. L-Aġenzija, stabbilita b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li tissostitwixxi u tassumi l-funzjonijiet tal-EASO, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 439/2010, li, bħala konsegwenza, jenħtieġ li jiġi mħassar. Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament, ir-referenzi għar-Regolament mħassar jenħtieġ li jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

(68)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għall-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas-SEKA huma marbuta, fost oħrajn, mas-sistema għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżaminar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 604/2013. Billi s-sistema kif stabbilita bir-Regolament imsemmi tista’ tinbidel, jitqies neċessarju differiment tal-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet għal data aktar tard, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2023. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet relatati mal- mekkaniżmu ta’ monitoraġġ rigward l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat, u d-dispożizzjonijiet relatati ma’ sitwazzjonijiet ta’ pressjoni sproporzjonata jew l-ineffikaċja tas-sistemi ta’ ażil u akkoljenza, huma aktar direttament marbuta mal-aspetti ta’ responsabbiltà tas-sistema stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 604/2013, li jaffettwawhom. Billi tali Regolament jista’ jiġi sostitwit minn att legali ġdid attwalment fil-fażi ta’ negozjar, u fid-dawl tal-importanza tal-aspetti rilevanti ta’ tali att legali ġdid, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jenħtieġ li japplikaw biss mid-data li fiha dak ir-Regolament jiġi sostitwit, sakemm dak ir-Regolament ma jiġix sostitwit qabel il-31 ta’ Diċembru 2023, f’liema każ id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jenħtieġ li japplikaw mill-31 ta’ Diċembru 2023.

(69)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u ta opinjoni fil-21 ta’ Settembru 2016 (18).

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦALL-AŻIL

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (l-“Aġenzija”). L-Aġenzija għandha tissostitwixxi l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 439/2010, u għandha tkun is-suċċessur tiegħu.

2.   L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-applikazzjoni effiċjenti u uniformi tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil fl-Istati Membri b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali. L-Aġenzija għandha tiffaċilita u tappoġġja l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA), inkluż billi tippermetti l-konverġenza fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni kollha u billi tikkoordina u ssaħħaħ il-kooperazzjoni prattika u l-iskambju tal-informazzjoni.

L-Aġenzija għandha ttejjeb il-funzjonament tas-SEKA, inkluż permezz tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 14 u billi tipprovdi assistenza operazzjonali u teknika lill-Istati Membri, b’mod partikolari meta s-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tagħhom huma soġġetti għal pressjoni sproporzjonata.

3.   L-Aġenzija għandha tkun ċentru ta’ kompetenza esperta permezz tal-indipendenza tagħha, il-kwalità xjentifika u teknika tal-assistenza li tipprovdi u l-informazzjoni li tiġbor u xxerred, it-trasparenza tal-proċeduri u l-metodi operazzjonali tagħha, id-diliġenza tagħha fit-twettiq tal-kompiti assenjati lilha, u l-appoġġ tat-teknoloġija tal-informazzjoni meħtieġ biex twettaq il-mandat tagħha.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 1, l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

tiffaċilita, tikkoordina u ssaħħaħ il-kooperazzjoni prattika u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri dwar is-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tagħhom;

(b)

tiġbor u tanalizza informazzjoni ta’ natura kwalitattiva u kwantitattiva dwar is-sitwazzjoni tal-ażil u dwar l-implimentazzjoni tas-SEKA;

(c)

tappoġġja lill-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti u l-obbligi tagħhom fil-qafas tas-SEKA;

(d)

tgħin lill-Istati Membri fir-rigward ta’ taħriġ u, fejn xieraq, tipprovdi taħriġ lill-esperti tal-Istati Membri mill-amministrazzjonijiet, qrati u tribunali nazzjonali kollha, u mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-kwistjonijiet tal-ażil, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ kurrikulu Ewropew fil-qasam tal-ażil;

(e)

tfassal u taġġorna regolarment rapporti u dokumenti oħra li jipprovdu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi l-pajjiżi ta’ oriġini, fil-livell tal-Unjoni;

(f)

tistabbilixxi u tikkoordina networks Ewropej rigward informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi;

(g)

torganizza attivitajiet u tikkoordina l-isforzi fost l-Istati Membri biex tiżviluppa analiżi komuni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini u noti ta’ gwida;

(h)

tipprovdi informazzjoni u analiżi dwar il-pajjiżi terzi fir-rigward tal-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu u l-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu (il-“kunċetti ta’ pajjiż bla periklu”);

(i)

tipprovdi assistenza operazzjonali u teknika effikaċi lill-Istati Membri, b’mod partikolari meta s-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tagħhom ikunu soġġetti għal pressjoni sproporzjonata;

(j)

tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti u tal-obbligi tagħhom fl-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 604/2013;

(k)

tassisti fir-rilokazzjoni jew fit-trasferiment ta’ applikanti għal jew ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni;

(l)

tistabbilixxi u tistazzjona timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil;

(m)

tistabbilixxi riżerva ta’ intervent għall-ażil f’konformità mal-Artikolu 19(6) (ir-“riżerva ta’ intervent għall-ażil”);

(n)

tikseb u tuża t-tagħmir tekniku meħtieġ għal timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil u tistazzjona esperti mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil;

(o)

tiżviluppa standards operazzjonali, indikaturi, linji gwida u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil;

(p)

tistazzjona uffiċjali ta’ kollegament fl-Istati Membri;

(q)

timmonitorja l-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas-SEKA bil-ħsieb li tassisti lill-Istati Membri ħalli jsaħħu l-effiċjenza tas-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tagħhom;

(r)

tappoġġja lill-Istati Membri fil-kooperazzjoni tagħhom ma’ pajjiżi terzi fi kwistjonijiet relatati mad-dimensjoni esterna tas-SEKA, inkluż permezz tal-istazzjonament ta’ uffiċjali ta’ kollegament fil-pajjiżi terzi;

(s)

tassisti lill-Istati Membri fl-azzjonijiet tagħhom relatati mar-risistemazzjoni;

2.   L-Aġenzija għandha, fuq inizjattiva proprja, twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni fl-oqsma li jaqgħu fil-mandat tagħha. Għandha tipprovdi lill-pubbliku informazzjoni preċiża u komprensiva dwar l-attivitajiet tagħha. L-Aġenzija ma għandhiex tinvolvi ruħha f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni li jippreġudikaw il-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni għandhom jitwettqu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 65 u f’konformità mal-pjanijiet rilevanti ta’ komunikazzjoni u tixrid adottati mill-Bord tat-Tmexxija.

Artikolu 3

Punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-komunikazzjoni

Kull Stat Membru għandu jaħtar tal-anqas punt ta’ kuntatt nazzjonali wieħed għall-komunikazzjoni mal-Aġenzija dwar il-kwistjonijiet relatati mal-kompiti msemmija fl-Artikoli 2.

KAPITOLU 2

KOOPERAZZJONI PRATTIKA U INFORMAZZJONI DWAR L-AŻIL

Artikolu 4

Dmir ta’ kooperazzjoni in bona fede u skambju ta’ informazzjoni

1.   L-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-immigrazzjoni u s-servizzi rilevanti l-oħra għandhom jikkooperaw in bona fede.

2.   Sabiex twettaq il-kompiti u l-obbligi mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament, b’mod partikolari sabiex l-Aġenzija twettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 2, l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-immigrazzjoni u s-servizzi rilevanti l-oħra għandhom jiskambjaw bejniethom l-informazzjoni meħtieġa kollha b’mod li jkun f’waqtu u preċiż.

3.   L-Aġenzija għandha taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-immigrazzjoni u mas-servizzi rilevanti l-oħra u mal-Kummissjoni. L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha mingħajr preġudizzju għal dawk assenjati lil korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni rilevanti oħra. L-Aġenzija għandha tikkoopera ma’ dawk il-korpi, uffiċċji u aġenziji, l-organizzazzjonijiet intergovernattivi, b’mod partikolari il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), u organizzazzjonijiet rilevanti oħra kif jiddisponi dan ir-Regolament.

4.   L-Aġenzija għandha torganizza, tippromwovi u tikkoordina attivitajiet li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ networks, kif xieraq.

5.   Jekk, wara li jkun stieden lil Stat Membru jipprovdi lill-Aġenzija l-informazzjoni meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament, id-Direttur Eżekuttiv iqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas sistematikament milli jagħmel dan, huwa għandu jirrapporta dan il-fatt lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Analiżi ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil

1.   L-Aġenzija għandha tiġbor u tanalizza informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni u fil-pajjiżi terzi, sa fejn din jista’ jkollha impatt fuq l-Unjoni, inkluża informazzjoni aġġornata dwar il-kawżi ewlenin, il-flussi migratorji u tar-rifuġjati, il-preżenza ta’ minorenni mhux akkumpanjati, il-kapaċità globali ta’ akkoljenza u l-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni tal-pajjiżi terzi, u wasliet possibbli ta’ numri kbar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jissottomettu lis-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tal-Istati Membri għal pressjonijiet sproporzjonati, bil-ħsieb li tipprovdi informazzjoni f’waqtha u kredibbli lill-Istati Membri u biex jiġu identifikati r-riskji possibbli għas-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tal-Istati Membri.

Għall-għan stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Aġenzija għandha taħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u għandha, kif jixraq, tqis l-analiżi tar-riskju mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2019/1896 sabiex tiżgura l-ogħla livell ta’ konsistenza u konverġenza fl-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija u mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

2.   L-Aġenzija għandha tibbaża l-analiżi tagħha fuq l-informazzjoni mogħtija, b’mod partikolari, mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-UNHCR, b’mod partikolari r-rapport tal-UNHCR dwar il-ħtiġijiet globali ta’ risistemazzjoni (“Global Resettlement Needs”). L-Aġenzija tista’ tqis ukoll l-informazzjoni disponibbli mingħand organizzazzjonijiet rilevanti abbażi tal-kompetenza esperta tagħhom.

3.   L-Aġenzija għandha tiżgura l-iskambju rapidu ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Hija għandha tressaq ukoll, b’mod li jkun f’waqtu u preċiż, ir-riżultati tal-analiżi tagħha lill-Bord tat-Tmexxija. L-Aġenzija għandha tirrapporta dwar l-analiżi tagħha lill-Parlament Ewropew darbtejn fis-sena.

Artikolu 6

Informazzjoni rigward l-implimentazzjoni tas-SEKA

1.   L-Aġenzija għandha torganizza, tikkoordina u tippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil.

2.   L-Aġenzija għandha toħloq bażijiet tad-data u portali web dwar l-istrumenti tal-ażil tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali li jużaw, b’mod partikolari, arranġamenti eżistenti. L-ebda data personali ma għandha tinħażen f’dawk il-bażijiet tad-data jew ippubblikata f’dawk il-portali web, dment li tali data ma tkunx inkisbet mill-Aġenzija minn sorsi li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku.

3.   Il-bażijiet tad-data u l-portali web imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom partijiet li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku li għandu jkun fihom dawn li ġejjin:

(a)

l-istatistika dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-kwistjonijiet tal-ażil;

(b)

informazzjoni dwar il-liġi u l-iżviluppi ġuridiċi nazzjonali fil-qasam tal-ażil, inkluża l-ġurisprudenza;

(c)

informazzjoni dwar il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“QĠUE”) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Artikolu 7

Uffiċjali ta’ kollegament fl-Istati Membri

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtar esperti minn fost il-persunal tal-Aġenzija biex jiġu stazzjonati bħala uffiċjali ta’ kollegament fl-Istati Membri.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati, għandu jagħmel proposta dwar in-natura u t-termini tal-istazzjonament u dwar l-Istat Membru jew ir-reġjun fejn uffiċjal ta’ kollegament jista’ jiġi stazzjonat. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li uffiċjal ta’ kollegament ikopri sa erba’ Stati Membri li jkunu jinsabu ġeografikament qrib xulxin. Il-proposta mingħand id-Direttur Eżekuttiv għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni mill-Bord tat-Tmexxija.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħatra tal-uffiċjali ta’ kollegament u għandu jistabbilixxi, flimkien ma’ dak l-Istat Membru, il-post tal-istazzjonament.

4.   L-uffiċjali ta’ kollegament għandhom jaġixxu f’isem l-Aġenzija u għandhom irawmu l-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-immigrazzjoni u s-servizzi rilevanti l-oħra. L-uffiċjali ta’ kollegament għandhom, b’mod partikolari:

(a)

jaġixxu bħala interfaċċa bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-immigrazzjoni u s-servizzi rilevanti l-oħra;

(b)

jappoġġjaw il-ġbir tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 5 u kwalunkwe informazzjoni oħra rikjesta mill-Aġenzija;

(c)

jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil, inkluż fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali;

(d)

fejn ikunu mitluba, jassistu lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-ippjanar ta’ kontinġenza tagħhom għall-miżuri li jridu jittieħdu biex jittrattaw il-pressjoni sproporzjonata li jista’ jkun hemm fuq is-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tagħhom;

(e)

jiffaċilitaw il-komunikazzjoni fost l-Istati Membri u bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Aġenzija, u jikkondividu l-informazzjoni rilevanti mingħand l-Aġenzija mal-Istat Membru kkonċernat, inkluża informazzjoni dwar l-assistenza li tkun għaddejja;

(f)

jipprovdu rapporti regolarment lid-Direttur Eżekuttiv dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Istat Membru kkonċernat u l-kapaċità tiegħu li jimmaniġġja s-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tiegħu b’mod effettiv.

Meta r-rapporti msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu jqajmu tħassib dwar aspett wieħed jew aktar li jkunu rilevanti għall-Istat Membru kkonċernat, id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma lil dak l-Istat Membru mingħajr dewmien. Dawk ir-rapporti għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 14 u għandhom jiġu trażmessi lill-Istat Membru kkonċernat.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 4, l-uffiċjali ta’ kollegament għandhom iżommu kuntatt regolari mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-immigrazzjoni u s-servizzi rilevanti l-oħra, filwaqt li jinżamm infurmat punt ta’ kuntatt indikat mill-Istat Membru kkonċernat.

6.   Fit-twettiq ta’ dmirijiethom, l-uffiċjali ta’ kollegament għandhom jieħdu istruzzjonijiet mill-Aġenzija biss.

Artikolu 8

Taħriġ

1.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi, tiżviluppa u tirrieżamina taħriġ għall-persunal tagħha u għall-membri tal-persunal tal-amministrazzjonijiet, qrati u tribunali nazzjonali rilevanti, kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u akkoljenza.

2.   L-Aġenzija għandha tiżviluppa taħriġ kif imsemmi fil-paragrafu 1 f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u, fejn xieraq, mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (19), u entitajiet ta’ taħriġ rilevanti, l-istituzzjonijiet akkademiċi, l-assoċjazzjonijiet ġudizzjarji, in-networks ta’ taħriġ u organizzazzjonijiet rilevanti.

3.   L-Aġenzija għandha tiżviluppa kurrikulu Ewropew fil-qasam tal-ażil li jqis il-kooperazzjoni eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil sabiex tippromwovi l-aħjar prattiki u standards għolja fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw taħriġ xieraq għall-persunal tagħhom skont l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil fuq il-bażi tal-kurrikulu Ewropew fil-qasam tal-ażil u għandhom jinkludu partijiet essenzjali ta’ dak il-kurrikulu f’dak it-taħriġ.

4.   It-taħriġ offrut mill-Aġenzija għandu jkun ta’ kwalità għolja, u għandu jidentifika l-prinċipji ewlenin u l-aħjar prattiki bil-ħsieb li tiġi żgurata konverġenza akbar tal-metodi amministrattivi, id-deċiżjonijiet u l-prattiki ġuridiċi, filwaqt li tiġi rispettata b’mod sħiħ l-indipendenza tal-qrati u tat-tribunali nazzjonali.

Bħala parti mill-kurrikulu Ewropew fil-qasam tal-ażil, it-taħriġ offrut mill-Aġenzija għandu jkopri, b’mod partikolari:

(a)

l-istandards tad-drittijiet fundamentali internazzjonali u tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), kif ukoll il-liġi internazzjonali u tal-Unjoni dwar l-ażil, inklużi kwistjonijiet ġuridiċi speċifiċi u ġurisprudenza;

(b)

il-kwistjonijiet relatati mad-determinazzjoni ta’ jekk applikant jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali u d-drittijiet tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali;

(c)

il-kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali;

(d)

it-tekniki li bihom isiru l-intervisti;

(e)

il-valutazzjoni tal-provi;

(f)

il-ġurisprudenza rilevanti tal-qrati nazzjonali, tal-QĠUE, tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u żviluppi rilevanti oħra fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-ażil;

(g)

kwistjonijiet relatati mad-data tal-marki tas-swaba’, inklużi aspetti tal-protezzjoni tad-data, il-kwalità tad-data u r-rekwiżiti ta’ sigurtà tad-data;

(h)

l-użu ta’ perizji mediċi u legali fil-proċedura għall-protezzjoni internazzjonali;

(i)

il-kwistjonijiet relatati mal-produzzjoni u mal-użu tal-informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi;

(j)

il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza;

(k)

il-kwistjonijiet relatati mal-minorenni, b’mod partikolari l-minorenni mhux akkumpanjati, fir-rigward tal-valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, is-salvagwardji proċedurali speċifiċi bħalma hu r-rispett għad-dritt tat-tfal li jinstemgħu u l-aspetti l-oħra tal-ħarsien tat-tfal, it-tekniki tal-valutazzjoni tal-età, u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għat-tfal u l-familji;

(l)

il-kwistjonijiet relatati mal-applikanti li jinsabu fil-bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali, applikanti bi bżonnijiet ta’ akkoljenza speċjali u persuni oħra li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli, b’attenzjoni partikolari fuq il-vittmi tat-tortura, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u l-kwistjonijiet relatati sensittivi mil-lat tal-ġeneru;

(m)

il-kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni u mal-medjazzjoni kulturali;

(n)

il-kwistjonijiet relatati mar-risistemazzjoni;

(o)

il-kwistjonijiet relatati mat-trattament tal-proċeduri ta’ rilokazzjoni;

(p)

il-ħiliet ta’ reżiljenza u ta’ mmaniġġjar tal-istress, b’mod partikolari għall-membri tal-persunal f’ pożizzjoni maniġerjali.

5.   L-Aġenzija għandha tipprovdi taħriġ ġenerali, speċifiku jew tematiku kif ukoll attivitajiet ta’ taħriġ ad hoc, inkluż billi tuża l-metodoloġija ta’ taħriġ għal min iħarreġ u t-tagħlim online.

6.   L-Aġenzija għandha tieħu l-inizjattivi meħtieġa biex tivverifika u, fejn xieraq, tiżgura li l-esperti, inklużi esperti mhux impjegati minnha, li jipparteċipaw fit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil ikunu rċevew it-taħriġ rilevanti għad-dmirijiet u l-funzjonijiet tagħhom li jkun neċessarju għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija.

L-Aġenzija għandha, meta jkun meħtieġ u qabel ma jsir l-istazzjonament jew hekk kif ikun sar, tipprovdi lill-esperti msemmija fl-ewwel subparagrafu t-taħriġ li hu speċifiku għall-assistenza operazzjonali u teknika li tkun qed tiġi pprovduta fl-Istat Membru kkonċernat (l-“Istat Membru ospitanti”).

7.   L-Aġenzija tista’ torganizza attivitajiet ta’ taħriġ fit-territorju ta’ Stat Membru jew pajjiż terz b’kooperazzjoni ma’ dak l-Istat Membru jew pajjiż terz.

KAPITOLU 3

INFORMAZZJONI U GWIDA DWAR IL-PAJJIŻI

Artikolu 9

Informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi fil-livell tal-Unjoni

1.   L-Aġenzija għandha tkun ċentru għall-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, affidabbli, oġġettiva, preċiża u aġġornata dwar il-pajjiżi terzi rilevanti b’mod trasparenti u imparzjali, filwaqt li tagħmel użu tal-informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni speċifika dwar it-tfal u informazzjoni speċifika dwar il-ġeneri, u informazzjoni mmirata dwar persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli u gruppi minoritarji. L-Aġenzija għandha tfassal u taġġorna regolarment rapporti u dokumenti oħra li jipprovdu informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi rilevanti fil-livell tal-Unjoni, inkluż dwar kwistjonijiet tematiċi speċifiċi għall-pajjiżi terzi rilevanti.

2.   L-Aġenzija għandha b’mod partikolari:

(a)

tagħmel użu mis-sorsi rilevanti kollha ta’ informazzjoni, inkluża l-informazzjoni miġbura minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-UNHCR u organizzazzjonijiet rilevanti oħra, inklużi membri tal-Forum Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 50, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u s-SEAE, u permezz tan-networks imsemmija fl-Artikolu 10 u l-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni;

(b)

timmaniġġja u tkompli tiżviluppa portal web għall-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar pajjiżi terzi rilevanti, li għandu jinkludi taqsima pubblika għall-utenti ġenerali u taqsima ristretta għall-utenti li huma impjegati tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-immigrazzjoni jew ta’ kwalunkwe korp ieħor awtorizzat minn Stat Membru biex jagħmel riċerka dwar l-informazzjoni dwar il-pajjiż terz;

(c)

tiżviluppa format komuni u metodoloġija komuni li tinkludi termini ta’ referenza, b’konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil, għall-iżvilupp ta’ rapporti u dokumenti oħra b’informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi rilevanti fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 10

Networks Ewropej ta’ informazzjoni dwar il-pajjiż terzi

1.   L-Aġenzija għandha tiżgura l-koordinament ta’ inizjattivi nazzjonali li jipproduċu informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi permezz tal-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ networks ta’ informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi fost l-Istati Membri. Tali networks, fejn xieraq u skont il-każ, jistgħu jinvolvu esperti esterni b’kompetenza esperta rilevanti mill-UNHCR jew minn organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

2.   L-għan tan-networks imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun biex l-Istati Membri, b’mod partikolari:

(a)

jiskambjaw u jaġġornaw ir-rapporti nazzjonali, dokumenti oħra u informazzjoni rilevanti oħra dwar il-pajjiżi terzi, inkluż dwar kwistjonijiet tematiċi;

(b)

iressqu mistoqsijiet lill-Aġenzija u jassistu fit-tweġib tal-mistoqsijiet relatati ma’ mistoqsijiet speċifiċi ta’ fatt li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-privatezza, regoli tal-protezzjoni tad-data u, kif stabbilit fil-liġi nazzjonali, tal-kunfidenzjalità;

(c)

jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-aġġornament tad-dokumenti fil-livell tal-Unjoni li jipprovdu informazzjoni dwar il-pajjiżi terzi rilevanti.

Artikolu 11

Analiżi komuni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini u noti ta’ gwida

1.   Biex tippromwovi l-konverġenza fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), l-Aġenzija għandha tikkoordina l-isforzi fost l-Istati Membri biex jiżviluppaw analiżi komuni dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżi ta’ oriġini speċifiċi (l-“analiżi komuni”) u noti ta’ gwida biex jassistu lill-Istati Membri fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet rilevanti għall-protezzjoni internazzjonali.

Waqt l-iżvilupp tal-analiżi komuni u tan-noti ta’ gwida, l-Aġenzija għandha tieħu nota tal-Linji Gwida l-aktar riċenti tal-UNHCR dwar l-Eliġibbiltà għall-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet ta’ Protezzjoni Internazzjonali tal-Persuni li Jfittxu l-Ażil li huma minn pajjiżi ta’ oriġini speċifiċi.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jressaq n-noti ta’ gwida lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni. In-noti ta’ gwida għandhom ikunu akkumpanjati mill-analiżi komuni.

3.   Stati Membri għandhom iqisu l-analiżi komuni u n-noti ta’ gwida meta jkunu qed jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza li jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet individwali għall-protezzjoni internazzjonali.

4.   L-Aġenzija għandha tassigura li l-analiżi komuni u n-noti ta’ gwida jiġu rieżaminati regolari u jiġu aġġornati kif meħtieġ. Tali rieżami u aġġornament għandhom jitwettqu fejn ikun hemm bidla fis-sitwazzjoni f’pajjiż ta’ oriġini jew fejn ikun hemm indikazzjonijiet oġġettivi li l-analiżi komuni u n-noti ta’ gwida ma jkunux qed jintużaw. Kwalunkwe rieżami jew aġġornament tal-analiżi komuni u n-noti gwida jirrikjedi konsultazzjoni mal-Kummissjoni u jiġi approvat mill-Bord tat-Tmexxija kif imsemmi fil-paragrafu 2.

5.   L-Istati Membri għandhom jressqu lill-Aġenzija kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tindika li hemm bżonn li jsir rieżami jew aġġornament tal-analiżi komuni u tan-noti ta’ gwida.

Artikolu 12

Informazzjoni u analiżi dwar pajjiżi ta’ oriġini bla periklu u pajjiżi terzi bla periklu

1.   L-Aġenzija tista’ tassisti lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ pajjiż bla periklu f’konformità mad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) billi tipprovdi informazzjoni u analiżi.

2.   L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kompiti tagħha rigward il-kunċetti ta’ pajjiż bla periklu f’konformità mad-Direttiva 2013/32/UE billi tipprovdi informazzjoni u analiżi.

3.   Meta tiġi pprovduta l-informazzjoni u l-analiżi f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha ssegwi l-prinċipji ġenerali previsti fl-Artikolu 9.

4.   L-Aġenzija għandha tressaq l-informazzjoni u l-analiżi li hija tipprovdi skont il-paragrafi 1 u 2 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kemm fuq bażi regolari kif ukoll fuq talba.

KAPITOLU 4

STANDARDS U LINJI GWIDA OPERAZZJONALI

Artikolu 13

Standards operazzjonali, indikaturi, linji gwida u l-aħjar prattiki

1.   L-Aġenzija għandha torganizza u tikkoordina l-attivitajiet li jippromwovu l-implimentazzjoni korretta u effettiva tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ standards operazzjonali, indikaturi, linji gwida u l-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet relatati mal-ażil, u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fi kwistjonijiet marbuta mal-ażil.

2.   L-Aġenzija għandha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Bord tat-Tmexxija jew tal-Kummissjoni, tiżviluppa standards operazzjonali, indikaturi, linji gwida u l-aħjar prattiki marbuta mal-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ażil.

3.   Fl-iżvilupp tal-istandards operazzjonali, l-indikaturi, il-linji gwida u l-aħjar prattiki msemmija fil-paragrafu 2, l-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u, fejn xieraq, lill-UNHCR. L-Aġenzija tista’ wkoll, abbażi tal-kompetenza esperta rilevanti, tikkonsulta lil organizzazzjonijiet intergovernattivi jew organizzazzjonijiet oħra kif ukoll lil assoċjazzjonijiet ġudizzjarji u networks ta’ esperti.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-istandards operazzjonali, l-indikaturi, il-linji gwida u l-aħjar prattiki msemmija fil-paragrafu 2. Wara l-adozzjoni tagħhom, l-Aġenzija għandha tikkomunika dawk l-istandards operazzjonali, l-indikaturi, il-linji gwida u l-aħjar prattiki lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

5.   L-Aġenzija għandha, tgħin lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, biex japplikaw l-istandards operazzjonali, l-indikaturi, il-linji gwida u l-aħjar prassi msemmija fil-paragrafu 2 għas-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tagħhom billi tipprovdi kompetenza esperta jew assistenza teknika u operazzjonali.

6.   Meta tkun qed twettaq il-monitoraġġ, l-Aġenzija għandha tqis l-istandards operazzjonali, l-indikaturi, il-linji gwida u l-aħjar prattiki msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 14.

KAPITOLU 5

MONITORAĠĠ

Artikolu 14

Mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għall-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas-SEKA

1.   L-Aġenzija, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għall-fini ta’ monitoraġġ tal-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas-SEKA bl-għan li tipprevjeni jew tidentifika nuqqasijiet possibbli fis-sistemi ta’ ażil u akkoljenza tal-Istati Membri u bl-għan li tivvaluta l-kapaċità u l-istat ta’ tħejjija tagħhom biex jimmaniġġjaw sitwazzjonijiet ta’ pressjoni sproporzjonata ħalli l-effiċjenza ta’ dawk is-sistemi tissaħħaħ.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu, fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv u f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jistabbilixxi metodoloġija komuni għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ stabbilit f’dan il-Kapitolu. Il-metodoloġija komuni għandha tinkludi l-kriterji oġġettivi li fuqhom għandu jitwettaq il-monitoraġġ, deskrizzjoni tal-metodi, il-proċessi u l-għodod għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ bħalma huma arranġamenti prattiċi għaż-żjarat fuq il-post, inklużi ż-żjarat li jsiru ftit wara li jkun ingħata avviż, u regoli u prinċipji għall-istabbiliment tat-timijiet ta’ esperti.

3.   Il-monitoraġġ għandu jkopri l-applikazzjoni operazzjonali u teknika tal-aspetti kollha tas-SEKA, b’mod partikolari:

(a)

is-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 604/2013, l-applikazzjoni tal-kriterji għall-valutazzjoni tal-bżonn ta’ protezzjoni u t-tip ta’ protezzjoni mogħtija, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, is-salvagwardji tal-protezzjoni tat-tfal u l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli;

(b)

id-disponibbiltà u l-kapaċità tal-persunal f’dawk li huma traduzzjoni u interpretazzjoni u l-kapaċità tal-persunal biex jittratta u jimmaniġġja b’mod effiċjenti l-każijiet tal-ażil, inkluż it-trattament tal-appelli, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u fir-rispett sħiħ għall-organizzazzjoni tal-ġudikatura ta’ kull Stat Membru;

(c)

il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, il-kapaċità, l-infrastrutturi u t-tagħmir u, safejn ikun possibbli, ir-riżorsi finanzjarji għall-akkoljenza.

4.   Il-monitoraġġ jista’ jsir, b’mod partikolari, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat, l-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil imsemmija fl-Artikolu 5 u t-teħid ta’ kampjuni tal-każijiet.

L-Aġenzija tista’ tqis l-informazzjoni disponibbli mingħand organizzazzjonijiet intergovernattivi jew korpi rilevanti, b’mod partikolari l-UNHCR, u organizzazzjonijiet rilevanti oħra abbażi tal-kompetenza esperta tagħhom.

5.   L-Aġenzija tista’ twettaq żjarat fuq il-post għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ. L-Aġenzija għandha twettaq żjarat li jsiru ftit wara li jkun ingħata avviż għall-finijiet biss tal-Artikolu 15(2).

6.   L-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Aġenzija, jipprovdulha l-informazzjoni dwar l-aspetti tas-SEKA msemmija fil-paragrafu 3.

L-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Aġenzija, jipprovdulha l-informazzjoni dwar l-ippjanar ta’ kontinġenza tagħhom għall-miżuri li jridu jittieħdu biex jittrattaw il-pressjoni sproporzjonata possibbli fuq is-sistema ta’ ażil jew akkoljenza tagħhom. L-Aġenzija għandha, bil-qbil tal-Istat Membru kkonċernat, tassisti lill-Istati Membri sabiex iħejju u jirrieżaminaw l-ippjanar ta’ kontinġenza tagħhom.

7.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Aġenzija, inkluż billi jiffaċilitaw kwalunkwe żjara fuq il-post li ssir għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Istati Membri kkonċernati suffiċjentement minn qabel li tkun se ssir żjara ta’ dan it-tip. Fil-każ ta’ żjarat li jsiru ftit wara li jkun ingħata avviż, id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat 72 siegħa qabel.

Artikolu 15

Proċedura u segwitu

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu, abbażi ta’ proposta tad-Direttur Eżekuttiv u f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jadotta programm għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 14 (il-“programm ta’ monitoraġġ”) li għandu jkopri:

(a)

l-applikazzjoni operazzjonali u teknika tal-aspetti kollha tas-SEKA f’kull wieħed mill-Istati Membri; u

(b)

aspetti tematiċi jew speċifiċi tas-SEKA fir-rigward tal-Istati Membri kollha.

Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jindika liema Stati Membri għandu jkollhom is-sistemi ta’ ażil u akkoljenza mmonitorjati f’sena partikolari. Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jiżgura li kull Stat Membru huwa mmonitorjat tal-anqas darba f’kull perjodu ta’ ћames snin.

2.   Meta l-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil imsemmija fl-Artikolu 5 tqajjem tħassib serju rigward il-funzjonament tas-sistema ta’ ażil jew ta’ akkoljenza ta’ Stat Membru, l-Aġenzija għandha tagħti bidu għal eżerċizzju ta’ monitoraġġ jew fuq inizjattiva tagħha stess, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jew fuq talba tal-Kummissjoni.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat is-sejbiet ta’ eżerċizzju ta’ monitoraġġ lill-Istat Membru kkonċernat għall-osservazzjonijiet, inklużi, kif xieraq, indikazzjonijiet tal-ħtiġijiet tiegħu. L-Istati Membri għandu jkollhom xahar mid-data meta jkunu rċevew is-sejbiet biex jressqu osservazzjonijiet.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu, abbażi tas-sejbiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u b’kont meħud tal-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, u f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, ifassal abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet. Dawk l-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet għandhom jagħtu deskrizzjoni qasira tal-miżuri li jridu jittieħdu mill-Istat Membru kkonċernat, inkluż bl-għajnuna tal-Aġenzija skont il-ħtieġa, u l-iskadenza sa liema kwalunkwe miżura meħtieġa trid tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat biex jindirizza n-nuqqasijiet jew il-kwistjonijiet ta’ kapaċità u ta’ tħejjija identifikati fl-eżerċizzju ta’ monitoraġġ. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru konċernat. L-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu xahar żmien mid-data meta jkun irċieva l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet biex jissottometti osservazzjonijiet dwarhom. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien 15-il jum.

Wara li jkun qies l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, id-Direttur Eżekuttiv għandu jressaq is-sejbiet u l-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija għandu, b’deċiżjoni ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu li għandhom id-dritt ta’ vot, jadotta ir-rakkomandazzjonijiet. L-Aġenzija għandha tittrażmetti r-rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

5.   Meta Stat Membru ma jimplimentax il-miżuri li jkunu deskritti fil-qosor fir-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija msemmija fil-paragrafu 4 qabel l-iskadenza stabbilita, u dan jirriżulta f’konsegwenzi serji għall-funzjonament tas-SEKA, il-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni tagħha stess, tadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lil dak l-Istat Membru li jidentifikaw il-miżuri meħtieġa biex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet u, meta meħtieġ, il-miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Aġenzija biex tappoġġja lil dak l-Istat Membru.

6.   Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li tieħu kont tas-serjetà tan-nuqqasijiet, torganizza żjarat fuq il-post fl-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri kkonċernati suffiċjentement minn qabel li tkun se ssir żjara ta’ dan it-tip.

7.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu qabel l-iskadenza stabbilita f’dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Fejn, wara dik l-iskadenza, l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ikkonforma ma’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tagħmel proposta għal att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 22(1).

8.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bi kwalunkwe segwitu mogħti lil eżerċizzju ta’ monitoraġġ. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u għandha tinformahom fuq bażi regolari dwar il-progress li jkun sar mill-Istat Membru kkonċernat fl-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

KAPITOLU 6

ASSISTENZA OPERAZZJONALI U TEKNIKA

Artikolu 16

Assistenza operazzjonali u teknika mill-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha tipprovdi assistenza operazzjonali u teknika lil Stat Membru f’konformità mat-termini ta’ dan il-Kapitolu:

(a)

fuq talba tal-Istat Membru rigward l-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu skont is-SEKA;

(b)

fuq talba tal-Istat Membru meta s-sistema ta’ ażil u akkoljenza tiegħu hija soġġetta għal pressjoni sproporzjonata;

(c)

fejn l-Istat Membru jħabbat wiċċu ma’ sfidi migratorji sproporzjonati u jitlob rinforz operazzjonali u tekniku permezz tal-istazzjonament ta’ timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni f’konformità mat-termini tal-Artikolu 21;

(d)

fuq inizjattiva tiegħu stess bi qbil tal-Istat Membru, fejn is-sistema ta’ ażil u akkoljenza tal-Istat Membru hija soġġetta għal pressjoni sproporzjonata;

(e)

meta dan jipprovdi assistenza operazzjonali u teknika f’konformità mat-termini tal-Artikolu 22.

2.   L-Aġenzija għandha torganizza u tikkoordina l-assistenza operazzjonali u teknika, xierqa li tista’ tinvolvi li tittieħed waħda jew aktar mill-miżuri operazzjonali u tekniċi li ġejjin b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali:

(a)

tassisti lill-Istati Membri bl-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif xieraq, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji oħrajn tal-Unjoni;

(b)

tassisti lill-Istati Membri bl-ilqugħ u r-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali;

(c)

tiffaċilita l-eżami mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jew tipprovdi lil dawk l-awtoritajiet l-assistenza meħtieġa fil-proċedura għall-protezzjoni internazzjonali;

(d)

tiffaċilita l-inizjattivi konġunti tal-Istati Membri għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali;

(e)

tassisti bl-għoti ta’ informazzjoni dwar il-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali;

(f)

tagħti pariri, tassisti jew tikkoordina l-istabbiliment jew il-forniment ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza mill-Istati Membri, b’mod partikolari akkomodazzjoni ta’ emerġenza, trasport u assistenza medika;

(g)

tipprovdi appoġġ adegwat lill-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti u l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013;

(h)

tassisti fir-rilokazzjoni jew fit-trasferiment ta’ applikanti għal jew ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni;

(i)

tipprovdi servizzi ta’ interpretazzjoni;

(j)

tassisti lill-Istati Membri jiżguraw li hemm fis-seħħ is-salvagwardji kollha meħtieġa tad-drittijiet tat-tfal kif ukoll tal-protezzjoni tat-tfal, b’mod partikolari fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati;

(k)

tassisti lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni tal-applikanti li jinsabu fil-bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali jew l-applikanti li għandhom bżonnijiet ta’ akkoljenza speċjali, jew persuni oħra li jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli, inklużi l-minorenni, fl-indirizzar ta’ dawk il-persuni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-assistenza xierqa abbażi tal-miżuri nazzjonali u fl-iżgurar li s-salvagwardji meħtieġa għal dawk il-persuni jinsabu stabbiliti bil-lest;

(l)

tifforma parti minn timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni f’żoni hotspot imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1896, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji oħra rilevanti tal-Unjoni;

(m)

tistazzjona timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil;

(n)

tqiegħed għad-dispożizzjoni tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil tagħmir tekniku, kif xieraq.

3.   L-Aġenzija għandha tiffinanzja jew tikkofinanzja l-miżuri operazzjonali u tekniċi stabbiliti fil-paragrafu 2 mill-baġit tagħha skont ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jevalwa r-riżultat tal-miżuri operazzjonali u tekniċi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Fi żmien 60 jum mit-tmiem tal-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri, id-Direttur Eżekuttiv għandu jittrażmetti lill-Bord tat-Tmexxija rapporti ta’ evalwazzjoni dettaljati, flimkien mal-osservazzjonijiet tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, f’konformità mal-iskema ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni prevista fi pjanijiet operazzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 18(2), il-punt (k). L-Aġenzija għandha tagħmel analiżi komparattiva u komprensiva ta’ dawn ir-riżultati li għandu jkun inkluż fir-rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni msemmi fl-Artikolu 69.

Artikolu 17

Proċedura biex tingħata assistenza operazzjonali u teknika

1.   L-Istati Membri għandhom jindirizzaw it-talbiet għall-assistenza skont l-Artikolu 16(1), il-punt (a), (b) u (c)lid-Direttur Eżekuttiv. Tali talbiet għandhom jiddeskrivu s-sitwazzjoni u l-għan tat-talba u għandhom ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni dettaljata tal-ħtiġijiet u, kif xieraq, deskrizzjoni tal-miżuri li jkunu diġà ttieħdu fil-livell nazzjonali.

2.   Meta Stat Membru jaqbel mal-assistenza proposta fuq l-inizjattiva tal-Aġenzija skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d), l-Istat Membru kkonċernat għandu jressaq lill-Aġenzija valutazzjoni dettaljata tal-ħtiġijiet u, kif xieraq, deskrizzjoni tal-miżuri li jkunu diġà ttieħdu fil-livell nazzjonali.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jevalwa, japprova u jikkoordina t-talbiet għall-assistenza, inkluż l-istazzjonament tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil. Id-Direttur Eżekuttiv għandu immedjatament jinnotifika lill-Bord tat-Tmexxija li rċieva talba għall-assistenza skont l-Artikolu 16(1), il-punt (a), (b) jew (c), jew proposta mill-Aġenzija li tipprovdi l-assistenza fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d). Id-Direttur Eżekuttiv għandu jeżamina l-valutazzjoni dettaljata tal-ħtiġijiet imressqa mill-Istat Membru kkonċernat skont il-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   L-Aġenzija għandha tissottometti kull talba għall-assistenza skont l-Artikolu 16(1), il-punt (a), (b) jew (c), u proposta biex tipprovdi l-assistenza fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d), għal valutazzjoni bir-reqqa u kredibbli li tippermettilha tidentifika u tipproponi miżura waħda jew aktar kif imsemmi fl-Artikolu 16(2) sabiex jaqdu l-ħtiġijiet tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn meħtieġ, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jibgħat esperti mill-Aġenzija biex jivvalutaw is-sitwazzjoni fl-Istat Membru li jkollu bżonn l-assistenza.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu deċiżjoni dwar l-għoti ta’ assistenza operazzjonali u teknika, inkluż dwar l-istazzjonament ta’ timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil:

(a)

fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mid-data ta’ meta jkun irċieva talba skont l-Artikolu 16(1), il-punt (a), (b) jew (c); jew

(b)

fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mid-data li fiha l-Istat Membru kkonċernat jagħti l-qbil tiegħu għal proposta tal-Aġenzija biex tipprovdi l-assistenza fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d).

Fejn id-Direttur Eżekuttiv jibgħat l-esperti lill-Istat Membru kkonċernat skont il-paragrafu 4, id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu deċiżjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, fi żmien ħamest ijiem mid-data msemmija fil-punt (a) jew (b), kif xieraq.

Fl-istess ħin li jieħu d-deċiżjoni skont l-ewwel subparagrafu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Bord tat-Tmexxija bid-deċiżjoni tiegħu jew tagħha bil-miktub fejn jiddikjara r-raġunijiet ewlenin li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni.

Artikolu 18

Pjan operazzjonali

1.   Fejn tiġi pprovduta assistenza operazzjonali jew teknika, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal pjan operazzjonali b’kooperazzjoni mal-Istat Membru ospitanti. Id-Direttur Eżekuttiv u l-Istat Membru ospitanti għandhom jaqblu dwar il-pjan operazzjonali:

(a)

fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-data li fiha tittieħed id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 17(5) fil-każ ta’ talba għal assistenza skont l-Artikolu 16(1), il-punt (a);

(b)

fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data li fiha tittieħed tali deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 17(5) fil-każ ta’ talba għal assistenza skont l-Artikolu 16(1), il-punt (b); jew

(c)

fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data li fiha l-Istat Membru jipprovdi l-qbil tiegħu għal proposta mill-Aġenzija biex tipprovdi assistenza fuq inizzjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d).

L-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-Istati Membri parteċipanti, meta meħtieġ, dwar il-pjan operazzjonali permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali msemmija fl-Artikolu 24.

2.   Pjan operazzjonali għandu jorbot lill-Aġenzija, l-Istat Membru ospitanti u l-Istati Membri parteċipanti. Huwa għandu jispjega fid-dettall il-kundizzjonijiet għall-istazzjonament tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil fil-qafas tal-assistenza operazzjonali u teknika li għandha tiġi pprovduta u l-aspetti organizzattivi, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tas-sitwazzjoni u l-modus operandi u l-objettivi tal-istazzjonament tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, inkluż l-objettiv operazzjonali;

(b)

id-durata prevista tal-istazzjonament tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil;

(c)

il-post fl-Istat Membru ospitanti, li fih it-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil għandhom jiġu stazzjonati;

(d)

l-arranġamenti loġistiċi inkluża informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, għat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil;

(e)

deskrizzjoni ddettaljata u ċara tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, inkluż fir-rigward tad-drittijiet fundamentali;

(f)

istruzzjonijiet għat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, inkluż fir-rigward tal-bażijiet tad-data nazzjonali u Ewropej li huma awtorizzati li jikkonsultaw u t-tagħmir li jistgħu jużaw jew iġorru fl-Istat Membru ospitanti;

(g)

il-kompożizzjoni tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil f’termini ta’ profili u numru ta’ esperti;

(h)

tagħmir tekniku, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi bħal pereżempju l-kundizzjonijiet għall-użu, it-trasport u loġistika oħra u dispożizzjonijiet finanzjarji;

(i)

attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità relatati mal-assistenza operazzjonali u teknika li tkun qed tiġi pprovduta;

(j)

rigward l-assistenza bl-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, inkluż rigward l-eżami ta’ tali applikazzjonijiet, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza li għandhom l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet individwali għall-protezzjoni internazzjonali, informazzjoni speċifika dwar il-kompiti li t-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil jistgħu jwettqu u deskrizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet tagħhom u tal-liġi tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali applikabbli, inkluż ir-reġim tar-responsabbiltà;

(k)

skema ta’ rapportar u evalwazzjoni li jkollha punti ta’ riferiment għal rapport ta’ evalwazzjoni u d-data għas-sottomissjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni finali;

(l)

fejn xieraq, il-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom;

(m)

miżuri li bihom il-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-minorenni u kwalunkwe persuna f’sitwazzjoni vulnerabbli oħra jiġu indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal assistenza xierqa;

(n)

arranġamenti prattiċi relatati mal-mekkaniżmu tal-ilmenti imsemmi fl-Artikolu 51.

3.   Fl-Istati Membri fejn il-UNHCR jopera u għandu l-kapaċità li jikkontribwixxi għar-rispons għal talba għal assistenza operazzjonali u teknika skont l-Artikolu 16(1), l-Aġenzija għandha tikkoordina mal-UNHCR fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan operazzjonali fejn xieraq u bil-qbil tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   Fir-rigward tal-paragrafu 2, il-punt (f), l-Istat Membru ospitanti għandu jawtorizza esperti li jipparteċipaw fit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil biex jikkonsultaw il-bażijiet tad-data Ewropej, u huwa jista’ jawtorizzahom biex jikkonsultaw il-bażijiet tad-data nazzjonali tiegħu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dak nazzjonali rilevanti dwar l-aċċess u l-konsultazzjoni li ssir ta’ dawk il-bażijiet tad-data, u kif meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet u jitwettqu l-kompiti deskritti fil-pjan operazzjonali.

5.   Għandu jkun hemm il-qbil tad-Direttur Eżekuttiv kif ukoll tal-Istat Membru ospitanti dwar kull emenda jew adattament tal-pjan operazzjonali, wara li jikkonsulta mal-Istati Membri parteċipanti, meta jkun meħtieġ. L-Aġenzija għandha tibgħat minnufih kopja tal-pjan operazzjonali emendat jew adattat lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti msemmija fl-Artikolu 24.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu, wara li jinforma lill-Istat Membru ospitanti, jissospendi jew itemm, kompletament jew parzjalment, l-istazzjonament tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil fejn:

(a)

il-kundizzjonijiet biex jittieħdu l-miżuri operazzjonali u tekniċi kif imsemmija fl-Artikolu 16(2) ma jibqgħux jiġu ssodisfati;

(b)

l-Istat Membru ospitanti ma jkunx jirrispetta l-pjan operazzjonali;

(c)

wara li jkun ikkonsulta lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, id-Direttur Eżekuttiv iqis li min-naħa tal-Istat Membru ospitanti hemm ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali li hu ta’ natura serja jew li aktarx jippersisti.

Artikolu 19

Kompożizzjoni tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-kompożizzjoni ta’ kull tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil. It-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil għandhom jikkonsistu:

(a)

f’esperti mill-persunal tal-Aġenzija stess;

(b)

esperti mill-Istati Membri;

(c)

esperti ssekondati mill-Istati Membri lill-Aġenzija; jew

(d)

esperti oħra mhux impjegati mill-Aġenzija.

Meta tiġi determinata l-kompożizzjoni ta’ tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, id-Direttur Eżekuttiv għandu jqis iċ-ċirkostanzi partikolari tal-Istat Membru kkonċernat. Tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil għandu jiġi kostitwit f’konformità mal-pjan operazzjonali rilevanti.

2.   Fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar il-profili u n-numru globali tal-esperti li għandhom isiru disposti għal tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil. L-istess proċedura għandha tapplika għal kwalunkwe bidliet sussegwenti fil-profili u fin-numri globali tal-esperti.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil permezz tan-nomina ta’ esperti nazzjonali li jikkorrispondu għall-profili meħtieġa kif ikunu ġew deċiżi mill-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-paragrafu 2. In-numru ta’ esperti li għandhom isiru disponibbli minn kull Stat Membru għas-sena ta’ wara għandu jiġi stabbilit abbażi ta’ negozjati u ftehimiet bilaterali annwali bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru kkonċernat.

F’konformità mal-ftehimiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu lill-esperti tagħhom jew lill-esperti tagħhom li ġew issekondati lill-Aġenzija disponibbli biex jiġu stazzjonati fuq talba tal-Aġenzija Madankollu, fejn Stat Membru jiffaċċja sitwazzjoni eċċezzjonali li tkun qed taffettwa b’mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti nazzjonali, mhuwiex se jkun meħtieġ li dawk l-esperti jkunu disponibbli.

4.   L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil b’esperti mill-persunal tagħha stess, inklużi esperti impjegati u mħarrġa biex jaħdmu fuq il-post u interpreti li għall-inqas ikollhom taħriġ bażiku jew esperjenza murija bil-provi li jistgħu jiġu reklutati fl-Istati Membri ospitanti, jew b’esperti oħra mhux impjegati mill-Aġenzija b’għarfien rilevanti muri bil-provi b’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali.

5.   Bħala parti mit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi lista ta’ interpreti. L-Istati Membri għandhom jassistu lill-Aġenzija fl-identifikazzjoni ta’ interpreti għal-lista ta’ interpreti, inklużi individwi li ma jiffurmawx parti mill-amministrazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. L-assistenza fl-interpretazzjoni tista’ tiġi pprovduta permezz tal-istazzjonament ta’ interpreti fl-Istat Membru kkonċernat jew, fejn xieraq, permezz ta’ vidjokonferenzi.

6.   Għandha tiġi stabbilita riżerva ta’ intervent għall-ażil magħmula mill-inqas minn 500 espert għall-finijiet tal-istazzjonament ta’ timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil fil-qafas ta’ talbiet għal assistenza skont l-Artikolu 16(1), il-punt (b), proposti mill-Aġenzija biex tipprovdi assistenza fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d), u l-assistenza pprovduta mill-Aġenzija skont l-Artikolu 22. Ir-riżerva ta’ intervent għall-ażil għandha tikkostitwixxi riżerva ta’ esperti li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni immedjata tal-Aġenzija. Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tar-riżerva ta’ intervent għall-ażil, in-numru ta’ esperti stabbiliti fl-Anness I. Il-Bord tat-Tmexxija għandu, fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv, jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-membri bid-dritt ta’ vot dwar il-profili tal-esperti li għandhom jiġu inklużi fir-riżerva ta’ intervent għall-ażil. L-istess proċedura għandha tapplika għal kwalunkwe bidliet sussegwenti fil-profili tal-esperti.

7.   Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jivverifika jekk l-esperti magħmula disposti għar-riżerva ta’ intervent għall-ażil mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 6 jikkorrispondux għall-profili deċiżi mill-Bord tat-Tmexxija skont dak il-paragrafu. Qabel ma jsir l-istazzjonament, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitlob li Stat Membru jneħħi espert mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil meta dak l-espert ma jikkorrispondix mal-profil rikjest u jissostitwih b’espert li jikkorrispondi ma’ wieħed mill-profili meħtieġa.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22(5) u meta jkun qed iħabbat wiċċu ma’ sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b’mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti nazzjonali kif ikun jidher ċar mill-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil msemmija fl-Artikolu 5, Stat Membru jista’ jitlob bil-miktub lill-Bord tat-Tmexxija biex temporanjament jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jagħmel l-esperti disponibbli għar-riżerva ta’ intervent għall-ażil. Talba bħal din għandha tagħti raġunijiet u informazzjoni komprensivi dwar is-sitwazzjoni f’dak l-Istat Membru. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-membri tiegħu bid-dritt ta’ vot jekk jeżentax temporanjament lil dak l-Istat Membru minn parti mill-kontribut tiegħu iffissat fl-Anness I.

Artikolu 20

Stazzjonament tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil

1.   L-Aġenzija għandha tistazzjona timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil fl-Istati Membri biex jipprovdu assistenza operazzjonali u teknika skont l-Artikolu 16(1).

2.   Malli jkun ġie miftiehem pjan operazzjonali f’konformità mal-Artikolu 18(1) jew l-Artikolu 22(2), id-Direttur Eżekuttiv għandu jitlob lill-Istati Membri jistazzjonaw l-esperti tagħhom fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol. It-talba għandha tintbagħat, bil-miktub, flimkien ma’ kopja tal-pjan operazzjonali, lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali msemmija fl-Artikolu 24 u għandha tispeċifika d-data skedata għall-istazzjonament.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jistazzjona timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil fil-qafas ta’ talba għal assistenza skont l-Artikolu 16(1), il-punt (b), proposta mill-Aġenzija biex tipprovdi assistenza fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 16(1), il-punt(d), jew assistenza pprovduta mill-Aġenzija skont l-Artikolu 22. L-istazzjonament ta’ esperti mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil għandu jsir fi żmien sebat ijiem tax-xogħol mid-data li fiha jintlaħaq il-qbil dwar il-pjan operazzjonali f’konformità mal-Artikolu 18(1) jew l-Artikolu 22(2).

4.   Mingħajr dewmien bla bżonn, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-istazzjonament l-esperti mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil kif deċiż mid-Direttur Eżekuttiv. L-Istat Membru ospitanti ma għandux jistazzjona esperti li jiffurmaw parti mill-kontribut fiss tiegħu għar-riżerva ta’ intervent għall-ażil. Jekk ikun hemm nuqqas ta’ esperti għall-istazzjonament fir-riżerva ta’ intervent għall-ażil, il-Bord tat-Tmexxija, abbażi ta’ proposta mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jiddeċiedi kif dan in-nuqqas se jimtela. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni skont dan.

5.   L-Istat Membru li minnu jiġi stazzjonat l-espert (l-“Istat Membru ta’ oriġini”) għandu jiddetermina d-durata tal-istazzjonament. Id-durata tal-istazzjonament ma għandhiex tkun ta’ inqas minn 45 jum, għajr jekk tkun meħtieġa assistenza operazzjonali inkwistjoni jew teknika partikolari għal żmien iqsar.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jitlob lil Stat Membru jneħħi espert minn tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil fil-każ ta’ mġiba ħażina jew ksur tar-regoli applikabbli għall-istazzjonament. F’tali każijiet, l-espert ikkonċernat ma għandux jiġi kkunsidrat għal stazzjonamenti futuri.

7.   L-Aġenzija għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew, permezz tar-rapport annwali tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni msemmi fl-Artikolu 69 fl-Unjoni msemmi fl-Artikolu 69, bil-għadd ta’ esperti impenjati u stazzjonati mat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Dan ir-rapport għandu jelenka l-Istati Membri li jkunu invokaw is-sitwazzjoni eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 19(3) jew (8) fis-sena preċedenti. Dan għandu jinkludi wkoll ir-raġunijiet għall-invokazzjoni tas-sitwazzjoni eċċezzjonali u l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 21

Timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni

1.   Meta Stat Membru jitlob tisħiħ operazzjonali u tekniku permezz ta’ timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2019/1896 jew fejn it-timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tar-riskju jiġu stazzjonati f’żoni hotspot skont l-Artikolu 42 ta’ dak ir-Regolament, id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħdem mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta meta, kif previst fl-Artikolu 40(2) ta’ dak ir-Regolament, huwa jeżamina, f’koordinazzjoni ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti l-oħra tal-Unjoni t-talba ta’ Stat Membru għal rinforz u l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tiegħu bl-għan li jiġi definit pakkett ta’ rinforz komprensiv li jikkonsisti minn diversi attivitajiet ikkoordinati mill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni li għandhom jiġu miftiehma mill-Istat Membru kkonċernat.

2.   Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-Istat Membru ospitanti u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, tistabbilixxi t-termini tal-kooperazzjoni fiż-żona hotspot u tkun responsabbli għall-koordinament tal-attivitajiet tat-timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jiftaħ il-proċedura għall-istazzjonament ta’ timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil bħala parti mit-timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, fosthom esperti mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil kif xieraq. It-tisħiħ operazzjonali u tekniku pprovdut mit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil fil-qafas tat-timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni jistgħu jinkludu:

(a)

assistenza fl-iskrinjar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni, u fejn mitluba mill-Istati Membri ospitanti, il-marki tas-swaba’, u l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-għan ta’ dawk il-proċeduri;

(b)

l-għoti ta’ informazzjoni inizjali lill-persuni li jixtiequ jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-indirizzar ta’ dawk iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

(c)

l-għoti ta’ informazzjoni lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali dwar il-proċedura għall-protezzjoni internazzjonali, dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza kif xieraq u r-rilokazzjoni, u kif ukoll l-għoti tal-assistenza meħtieġa lill-applikanti jew lill-applikanti potenzjali li jistgħu jkunu soġġetti għal rilokazzjoni;

(d)

ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u, fejn mitlub mill-Istat Membru ospitanti, il-faċilitazzjoni tal-eżami ta’ tali applikazzjonijiet.

Artikolu 22

Sitwazzjoni ta’ pressjoni sproporzjonata jew ineffikaċja tas-sistemi ta’ ażil u akkoljenza

1.   Il-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 15(7), jista’ jadotta mingħajr dewmien deċiżjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tidentifika waħda jew aktar mill-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 16(2) li għandhom jittieħdu mill-Aġenzija sabiex tappoġġja Stat Membru u li tirrikjedi li dak l-Istat Membru jikkoopera mal-Aġenzija fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri, fejn s-sistema ta’ ażil jew akkoljenza ta’ dak l-Istat Membru tisfa’ tant ineffikaċi li jkollha konsegwenzi serji għall-funzjonament tas-SEKA u fejn:

(a)

is-sistema ta’ ażil jew akkoljenza ta’ dak l-Istat Membru hija soġġetta għal pressjoni sproporzjonata li tqiegħed rikjesta eċċezzjonalment oneruża u urġenti fuq dik is-sistema u dak l-Istat Membru ma jiħux azzjoni suffiċjenti biex jindirizza dik il-pressjoni, fosthom billi ma jitlobx assistenza operazzjonali u teknika skont l-Artikolu 16(1), il-punt (a), (b) jew (c), jew ma jaqbilx dwar proposta tal-Aġenzija biex tipprovdi tali assistenza fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d); jew

(b)

dak l-Istat Membru ma jikkonformax mar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 15(5).

Il-Kunsill għandu jittrażmetti deċiżjonijiet kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Parlament Ewropew.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu, fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill kif imsemmija fil-paragrafu 1, jiddetermina d-dettalji tal-implimentazzjoni prattika ta’ dik d-deċiżjoni tal-Kunsill. B’mod parallel, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal pjan operazzjonali u jressqu lill-Istat Membru kkonċernat. Id-Direttur Eżekuttiv u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jaqblu dwar il-pjan operazzjonali fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mid-data tas-sottomissjoni tiegħu.

3.   L-Aġenzija għandha tistazzjona l-esperti meħtieġa mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil, u l-esperti mill-persunal tagħha stess f’konformità mal-Artikolu 20(3). L-Aġenzija tista’ tistazzjona timijiet addizzjonali ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil kif meħtieġ.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, huwa għandu jikkoopera mal-Aġenzija u jieħu l-azzjoni meħtieġa immedjatament biex jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni u l-eżekuzzjoni prattika tal-miżuri stabbiliti f’din id-deċiżjoni u fil-pjan operazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tiegħu li jiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet individwali għall-protezzjoni internazzjonali.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-esperti mir-riżerva ta’ intervent għall-ażil disponibbli għall-istazzjonament kif stabbilit mid-Direttur Eżekuttiv u ma għandhomx jinvokaw is-sitwazzjoni eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 19(3) jew l-Artikolu 19(8). L-Istat Membru ospitanti ma għandux jistazzjona esperti li jiffurmaw parti mill-kontribut fiss tiegħu għal dik ir-riżerva ta’ intervent għall-ażil.

Artikolu 23

Tagħmir tekniku

1.   Mingħajr preġudizzju għal obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jipprovdi l-faċilitajiet u t-tagħmir meħtieġa sabiex l-Aġenzija tkun tista’ tipprovdi l-assistenza operazzjonali u teknika rikjesta, l-Aġenzija tista’ tibgħat it-tagħmir tagħha fl-Istat Membru ospitanti inkluż fuq talba tiegħu, sa fejn tali tagħmir jista’ jkun meħtieġ mit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil u sa fejn tali tagħmir ikun jista’ jikkomplementa tagħmir diġà magħmul disponibbli mill-Istat Membru ospitanti jew korpi, uffiċċji u aġenziji oħrajn tal-Unjoni.

2.   L-Aġenzija tista’ takkwista jew tikri tagħmir tekniku b’deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv, f’konsultazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija. Kull akkwist jew kiri ta’ tagħmir tekniku għandu jkun ippreċedut minn analiżi dettaljata tal-ħtiġijiet u tal-kostijiet u l-benefiċċji. Kull nefqa konnessa ma’ tali akkwist jew kiri għandha tkun imniżżla fil-baġit tal-Aġenzija u f’konformità mar-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija.

3.   L-Aġenzija għandha tiżgura s-sigurtà tat-tagħmir tagħha stess matul iċ-ċiklu ta’ ħajja kollu tat-tagħmir.

Artikolu 24

Punt ta’ kuntatt nazzjonali

Kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-komunikazzjoni mal-Aġenzija fuq il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw assistenza operazzjonali u teknika kif msemmija fl-Artikoli 16 u 22.

Artikolu 25

Uffiċjal ta’ koordinament tal-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha tiżgura l-implimentazzjoni operazzjonali tal-aspetti organizzattivi kollha, inkluża l-preżenza ta’ membri tal-persunal tal-Aġenzija, dwar l-istazzjonament ta’ timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil matul l-għoti ta’ assistenza operazzjonali u teknika skont l-Artikolu 16 jew 22.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtar espert wieħed jew aktar mill-persunal tal-Aġenzija biex jaġixxi jew jiġi stazzjonat bħala uffiċjal ta’ koordinament għall-finijiet tal-paragrafu 1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-Istat Membru ospitanti b’dawn il-ħatriet.

3.   L-uffiċjal ta’ koordinament għandu jrawwem kooperazzjoni u koordinament bejn l-Istat Membru ospitanti u l-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, l-uffiċjal ta’ koordinament għandu:

(a)

jaġixxi bħala interfaċċa bejn l-Aġenzija, l-Istat Membru ospitanti u l-esperti li jipparteċipaw fit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, u jipprovdi assistenza, f’isem l-Aġenzija, dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kundizzjonijiet tal-istazzjonament tal-esperti;

(b)

jimmonitorja l-implimentazzjoni korretta tal-pjan operazzjonali;

(c)

jaġixxi f’isem l-Aġenzija fir-rigward tal-aspetti kollha tal-istazzjonament tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil u jirrapporta lill-Aġenzija dwar dawk l-aspetti kollha;

(d)

jirrapporta lid-Direttur Eżekuttiv meta l-pjan operazzjonali ma jkunx implimentat b’mod adegwat.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jawtorizza lill-uffiċjal tal-koordinament jassisti fis-soluzzjoni ta’ kwalunkwe tilwim rigward l-implimentazzjoni tal-pjan operazzjonali u l-istazzjonament tat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil.

5.   Fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha, l-uffiċjal ta’ koordinament għandu jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u għandu jieħu istruzzjonijiet mid-Direttur Eżekuttiv biss.

Artikolu 26

Responsabbiltà ċivili

1.   L-Istat Membru ospitanti għandu jkun responsabbli f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-esperti li jipparteċipaw f’tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil li jopera fit-territorju tiegħu waqt l-operazzjonijiet tagħhom.

2.   Meta dan id-dannu jiġi kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja min-naħa tal-esperti li jipparteċipaw f’tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob lill-Istat Membru ta’ oriġini jew lill-Aġenzija sabiex tagħtih rimborż ta’ kwalunkew somma li titħallas lill-partijiet danneġġjati jew lill-persuni intitolati li jirċievu tali somom f’isimhom.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu fil-konfront ta’ partijiet terzi, kull Stat Membru għandu jirrinunzja l-pretensjonijiet kollha tiegħu kontra l-Istat Membru ospitanti jew kwalunkwe Stat Membru ieħor għal kwalunkwe dannu li jkun ġarrab, għajr f’każijiet ta’ negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja.

4.   Kull tilwima bejn l-Istati Membri jew bejn Stat Membru u Aġenzija, relatata mal-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, li ma tistax tiġi solvuta permezz ta’ negozjati bejniethom, għandha tiġi mressqa minnhom lill-QĠUE f’konformità mal-Artikolu 273 TFUE.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha fil-konfront ta’ partijiet terzi, l-Aġenzija għandha tkopri l-ispejjeż tad-danni kkawżati lit-tagħmir tagħha matul l-istazzjonament, għajr f’każijiet ta’ negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja.

Artikolu 27

Responsabbiltà kriminali

Matul iż-żmien tal-istazzjonament ta’ tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, l-esperti stazzjonati għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ kull reat li jista’ jitwettaq kontrihom jew minnhom.

Artikolu 28

Spejjeż

1.   L-Aġenzija għandha tkopri l-ispejjeż imġarrba mill-esperti li jipparteċipaw f’timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, b’mod partikolari:

(a)

spejjeż relatati mal-ivvjaġġar mill-Istat Membru ta’ oriġini lejn l-Istat Membru ospitanti, vjaġġar mill-Istat Membru ospitanti lejn l-Istat Membru ta’ oriġini u vjaġġar fi ħdan l-Istat Membru ospitanti għar-raġunijiet ta’ stazzjonament;

(b)

l-ispejjeż marbuta mat-tilqim;

(c)

l-ispejjeż marbuta mal-ħtiġijiet ta’ assigurazzjoni speċjali;

(d)

l-ispejjeż marbuta mal-kura tas-saħħa;

(e)

l-allowances tal-għajxien ta’ kuljum, inklużi l-ispejjeż għall-akkomodazzjoni;

(f)

l-ispejjeż marbuta mat-tagħmir tekniku tal-Aġenzija;

(g)

l-onorarji tal-esperti;

(h)

l-ispejjeż tat-trasport inkluż spejjeż tal-kiri ta’ karozzi u l-ispejjeż kollha relatati, bħalma huma l-assigurazzjoni, il-karburant u l-pedaġġi;

(i)

l-ispejjeż tat-telekomunikazzjoni.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi regoli dettaljati u jaġġornahom kif meħtieġ fir-rigward tal-ħlas tal-ispejjeż imġarrba mill-esperti f’konformità mal-paragrafu 1.

KAPITOLU 7

SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI U PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 29

Sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti għall-kompiti tagħha mal-Kummissjoni, l-Istati Membri u, fejn xieraq, mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni rilevanti.

2.   L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), tiżviluppa u topera sistema ta’ informazzjoni li kapaċi tagħmel skambju tal-informazzjoni kklassifikata f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (23) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (24) u data personali kif imsemmija fl-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-Regolament mal-atturi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 30

Protezzjoni tad-data

1.   L-Aġenzija għandha tapplika r-Regolament (UE) 2018/1725 meta tiġi pproċessata data personali.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 mill-Aġenzija, inkluż miżuri li jikkonċernaw il-ħatra ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija. Dawk il-miżuri għandhom jittieħdu wara li jiġi kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 31 u 32, l-Aġenzija tista’ tipproċessa d-data personali għal finijiet amministrattivi meħtieġa relatati mal-persunal.

4.   It-trasferiment ta’ data personali proċessata mill-Aġenzija u t-trasferiment ulterjuri mill-Istati Membri ta’ data personali proċessata fil-qafas ta’ dan ir-Regolament lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi jew partijiet terzi, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali għandu jkun ipprojbit.

5.   Bħala deroga mill-paragrafu 4, l-Aġenzija tista’ tittrasferixxi, soġġett għall-kunsens informat u mogħti liberament ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz identifikat għall-fini uniku li ssir proċedura ta’ risistemazzjoni, l-isem tiegħu jew tagħha, informazzjoni dwar il-proċess tal-proċedura ta’ risistemazzjoni li tinvolvi lilu jew lilha u informazzjoni dwar l-eżitu ta’ tali proċedura ta’ risistemazzjoni lill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti sal-limitu meħtieġ biex jiġi ssodisfat dak il-fini. Tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata aktar għal kwalunkwe fini ieħor jew trasferita ulterjorment.

6.   Fejn l-esperti li jipparteċipaw fit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil jipproċessaw data personali skont l-istruzzjonijiet tal-Istat Membru ospitanti matul l-għoti ta’ assistenza operazzjonali u teknika lil dak l-Istat Membru, għandu japplika r-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 31

Għan tal-ipproċessar tad-data personali

1.   L-Aġenzija għandha tipproċessa d-data personali biss safejn meħtieġ u għall-finijiet li ġejjin:

(a)

l-għoti tal-assistenza operazzjonali u teknika f’konformità mal-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 21(2) u (3);

(b)

twettaq it-teħid tal-kampjuni tal-każijiet għall-finijiet tal-monitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 14;

(c)

l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Europol jew il-Eurojust f’konformità mal-Artikolu 37 u fil-qafas ta’ informazzjoni miksuba meta twettaq il-kompiti elenkati fl-Artikolu 21(3) fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom;

(d)

l-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil kif imsemmija fl-Artikolu 5;

(e)

tassisti lill-Istati Membri bl-azzjonijiet tagħhom dwar ir-risistemazzjoni.

2.   Kull ipproċessar ta’ data personali għandu jħares il-prinċipju tal-proporzjonalità u jkun strettament limitat għad-data personali meħtieġa għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Stati Membri jew korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni li jipprovdu data personali lill-Aġenzija għandhom jittrasferixxu data lill-Aġenzija biss għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali miżmuma għal finijiet oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun ipprojbit.

4.   Stati Membri jew korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni li jipprovdu data personali lill-Aġenzija jistgħu jindikaw, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess jew l-użu, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż fir-rigward tat-trasferiment, it-tħassir jew il-qerda. Meta l-ħtieġa ta’ tali restrizzjonijiet issir ċara wara t-trasferiment ta’ data personali, l-Istat Membru jew il-korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-Aġenzija dwar dan. L-Aġenzija għandha tkun konformi ma’ dawn ir-restrizzjonijiet.

Artikolu 32

Ipproċessar ta’ data personali għall-għoti ta’ assistenza operazzjonali u teknika u għall-finijiet ta’ risistemazzjoni

1.   L-ipproċessar mill-Aġenzija ta’ data personali miġbura jew trażmessa lilha mill-Istati Membri jew mill-persunal tagħha stess meta tkun qed tipprovdi assistenza operazzjonali u teknika lill-Istati Membri u għall-finijiet ta’ risistemazzjoni għandha tkun limitata għad-data li ġejja dwar ċittadini minn pajjiżi terzi:

(a)

isem sħiħ;

(b)

id-data u l-post tat-twelid;

(c)

il-post tar-residenza jew tas-soġġorn;

(d)

il-ġeneru;

(e)

l-età;

(f)

in-nazzjonalità;

(g)

il-professjoni;

(h)

l-edukazzjoni;

(i)

il-membri tal-familja;

(j)

id-data u l-post tal-wasla;

(k)

il-marki tas-swaba’;

(l)

id-data tal-immaġni tal-wiċċ; u

(m)

l-istatus b’rabta mal-protezzjoni internazzjonali.

2.   L-Aġenzija tista’ tipproċessa d-data personali msemmija fil-paragrafu 1 fejn meħtieġ għal waħda mill-finijiet li ġejjin:

(a)

biex tittieħed miżura operazzjonali u teknika skont l-Artikolu 16(2), il-punt (a), (b), (c), (g) jew (h);

(b)

għat-trażmissjoni ta’ dik id-data personali lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Europol jew il-Eurojust għat-twettiq tal-kompiti tagħhom f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u f’konformità mal-Artikolu 30;

(c)

għat-trażmissjoni ta’ dik id-data personali lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-immigrazzjoni u lis-servizzi rilevanti l-oħra f’konformità mal-liġi nazzjonali u r-regoli nazzjonali u tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

(d)

għall-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil kif imsemmi fl-Artikolu 5;

(e)

biex tassisti lill-Istati Membri fl-azzjonijiet tagħhom dwar ir-risistemazzjoni.

3.   Meta jkun strettament meħtieġ għal miżura operazzjonali u teknika skont l-Artikolu 16(2), punt (c), jew għall-fini msemmi fil-paragrafu 2, punt (e) ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija tista’, b’rabta ma’ każ speċifiku, tipproċessa d-data personali meħtieġa għall-valutazzjoni ta’ jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali u d-data personali li tikkonċerna s-saħħa jew vulnerabbiltajiet speċifiċi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz. Din id-data personali għandha ssir aċċessibbli biss għall-persunal li, fil-każ speċifiku, ikollu bżonn għarfien tagħha. Dak il-persunal għandu jissalvagwardja l-kunfidenzjalità ta’ dik id-data. Tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment jew trasferita ulterjorment.

4.   L-Aġenzija għandha tħassar id-data personali malli tkun ġiet trażmessa lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Europol jew lill-Eurojust jew lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew malli tkun ġiet użata għall-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil kif imsemmi fl-Artikolu 5. Fi kwalunkwe każ, il-perjodu ta’ ħażna ma għandux jaqbeż it-30 jum wara d-data li fiha l-Aġenzija tiġbor jew tirċievi dik id-data. L-Aġenzija għandha tanonimizza d-data personali fl-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil msemmija fl-Artikolu 5.

5.   L-Aġenzija għandha tħassar id-data personali miksuba għall-fini msemmi fl-Artikolu 31(1), punt (e), malli ma tkunx għadha meħtieġa għall-fini li għalih tkun inkisbet, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 30 ġurnata mid-data li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ġie risistemat.

6.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet l-oħra previsti fir-Regolament (UE) 2016/679 u flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament, esperti li jipparteċipaw fit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil li jkunu qed jittrażmettu data personali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jagħtu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, fil-mument tal-ġabra tad-data personali tagħhom, id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità superviżorja rilevanti responsabbli għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità ma’ dak ir-Regolament.

Artikolu 33

Kooperazzjoni mad-Danimarka

L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni operazzjonali mad-Danimarka, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki f’materji koperti mill-attivitajiet tagħha.

Artikolu 34

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi assoċjati

1.   L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

2.   In-natura, il-grad u l-manjiera li bihom l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. għandhom jipparteċipaw fil-ħidma tal-Aġenzija għandhom jiġu mniżżla f’arranġamenti rilevanti. Dawk l-arranġamenti għandhom jinkludu dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni f’inizjattivi meħuda mill-Aġenzija, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija u l-persunal. Fir-rigward tal-persunal, l-arranġamenti għandhom jikkonformaw mar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (il-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”) stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (25).

Artikolu 35

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

1.   Fi kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet tagħha u sa fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tiffaċilita u tħeġġeġ il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, fil-qafas tal-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u b’kooperazzjoni mas-SEAE. L-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom jippromwovu u jikkonformaw man-normi u l-istandards li jiffurmaw parti mil-liġi tal-Unjoni, anki meta jwettqu attivitajiet fuq it-territorju ta’ pajjiżi terzi.

2.   L-Aġenzija tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kompetenti fil-kwistjonijiet koperti b’dan ir-Regolament bl-appoġġ tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u b’koordinazzjoni magħhom, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu promossi l-istandards tal-Unjoni dwar l-ażil, jiġu assistiti l-pajjiżi terzi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kompetenza esperta u l-bini ta’ kapaċità għas-sistemi ta’ ażil u ta’ akkoljenza tagħhom stess, u jiġu implimentati programmi ta’ żvilupp u protezzjoni reġjonali u azzjonijiet oħra. L-Aġenzija tista’ twettaq tali kooperazzjoni fil-qafas tal-arranġamenti ta’ ħidma konklużi ma’ dawk l-awtoritajiet, f’konformità mal-liġi u l-politika tal-Unjoni. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar dawk l-arranġamenti ta’ ħidma, li għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel arranġament ta’ ħidma jiġi konkluż.

3.   Fil-qafas ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, l-Aġenzija tista’ tappoġġja lil Stat Membru fl-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ risistemazzjoni, fuq talba ta’ dak l-Istat Membru:

4.   Fil-qafas tal-politika esterna tal-Unjoni l-Aġenzija għandha, fejn xieraq, tipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

5.   L-Aġenzija tista’ tibbenefika mill-finanzjament tal-Unjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti rilevanti li jappoġġjaw il-politika esterna tal-Unjoni. L-Aġenzija tista’ tniedi u tiffinanzja proġetti ta’ assistenza teknika f’pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet koperti b’dan ir-Regolament.

6.   L-Aġenzija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet imwettqa skont dan l-Artikolu permezz tar-rapport annwali tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni msemmi fl-Artikolu 69. Dak ir-rapport għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

Artikolu 36

Uffiċjali ta’ kollegament f’pajjiżi terzi

1.   L-Aġenzija tista’ tistazzjona esperti mill-persunal tagħha stess bħala uffiċjali ta’ kollegament. Uffiċjali ta’ kollegament għandhom igawdu l-ogħla protezzjoni possibbli meta jwettqu dmirijiethom f’pajjiżi terzi. L-uffiċjali ta’ kollegament għandhom jiġu stazzjonati biss f’pajjiżi terzi li fihom il-prattiki ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-ażil jikkonformaw mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem li mhumiex derogabbli.

2.   Fil-qafas tal-politika esterna tal-Unjoni, il-prijorità għall-istazzjonament ta’ uffiċjali ta’ kollegament għandha tingħata lil dawk il-pajjiżi terzi li, abbażi tal-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ażil tagħhom msemmija fl-Artikolu 5, jikkostitwixxu pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu fir-rigward tal-migrazzjoni relatata mal-ażil. L-istazzjonament tal-uffiċjali ta’ kollegament għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-Bord tat-Tmexxija.

3.   Il-kompiti tal-uffiċjali ta’ kollegament, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, għandhom jinkludu l-istabbiliment u ż-żamma ta’ kuntatti mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz fejn ikunu stazzjonati bl-għan li jiġbru informazzjoni, jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni sensittiva għall-protezzjoni u, kif xieraq, jiffaċilitaw l-aċċess għal rotot legali lejn l-Unjoni għall-persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni inkluż permezz tar-risistemazzjoni. L-uffiċjali ta’ kollegament għandhom jikkoordinaw mill-qrib mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u, fejn xieraq, mal-organizzazzjonijiet u l-korpi internazzjonali, b’mod partikolari l-UNHCR.

4.   Id-deċiżjoni tal-Aġenzija li uffiċjali ta’ kollegament jiġu stazzjonati f’pajjiżi terzi għandha tkun soġġetta għall-għoti tal-opinjoni tal-Kummissjoni minn qabel. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm infurmat bis-sħiħ għaldaqstant mingħajr dewmien.

Artikolu 37

Kooperazzjoni ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni

1.   L-Aġenzija għandha tikkoopera mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li jwettqu attivitajiet relatati mal-qasam tal-attività tagħha, b’mod partikolari il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni li jkunu kompetenti fi kwistjonijiet koperti b’dan ir-Regolament.

2.   Kooperazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir, soġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, fil-qafas ta’ arranġamenti ta’ ħidma konklużi mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni msemmija f’dak il-paragrafu. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’tali arranġamenti ta’ ħidma.

3.   Il-kooperazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha toħloq sinerġiji bejn il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u għandha tipprevjeni kwalunkwe duplikazzjoni tal-isforz fil-ħidma mwettqa minn kull korp, uffiċċju jew aġenzija skont il-mandat tagħhom.

Artikolu 38

Kooperazzjoni mal-UNHCR u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra

L-Aġenzija għandha tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-UNHCR, fl-oqsma rregolati b’dan ir-Regolament, fil-qafas tal-arranġamenti ta’ ħidma konklużi ma’ tali organizzazzjonijiet, f’konformità mat-Trattati u l-istrumenti li jistipulaw il-kompetenza ta’ tali korpi. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti ta’ ħidma li għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar tali arranġamenti ta’ ħidma.

KAPITOLU 8

ORGANIZZAZZJONI TAL-AĠENZIJA

Artikolu 39

Struttura amministrattiva u maniġerjali

L-istruttura amministrattiva u maniġerjali tal-Aġenzija għandha tinkludi:

(a)

Bord tat-Tmexxija, li għandu jeżerċita l-funzjonijiet definiti fl-Artikolu 41;

(b)

Direttur Eżekuttiv, li għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet definiti fl-Artikolu 47;

(c)

Viċi Direttur Eżekuttiv, kif definit fl-Artikolu 48;

(d)

uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 49; u

(e)

Forum Konsultattiv, kif stabbilit fl-Artikolu 50.

Artikolu 40

Kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentanti kollha għandu jkollhom id-dritt tal-vot.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinkludi rappreżentant wieħed tal-UNHCR. Dak ir-rappreżentant ma għandux ikollu d-dritt tal-vot.

3.   Kull membru tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu sostitut. Is-sostitut għandu jirrappreżenta lill-membru tal-Bord tat-Tmexxija fl-assenza tiegħu jew tagħha.

4.   Il-Membri tal-Bord tat-Tmexxija u s-sostituti tagħhom jinħatru fid-dawl tal-għarfien u l-kompetenza esperta tagħhom fil-qasam tal-ażil, waqt li jkunu kkunsidrati l-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji rilevanti. Il-partijiet kollha involuti għandhom jimmiraw li jiksbu rappreżentanza bbilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fil-Bord tat-Tmexxija.

5.   Il-mandat tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkun ta’ erba’ snin. Dak il-mandat għandu jkun jista’ jiġi mġedded. Malli jiskadi l-mandat tagħhom jew f’każ ta’ riżenja, il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm il-mandat tagħhom jiġi mġedded, jew sakemm jiġu sostitwiti.

Artikolu 41

Funzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħti orjentazzjoni ġenerali lill-attivitajiet tal-Aġenzija u għandu jiżgura li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha. B’mod partikolari, għandu:

(a)

jadotta l-baġit annwali tal-Aġenzija b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu li jkollhom id-dritt tal-vot u jeżerċita funzjonijiet oħra fir-rigward tal-baġit tal-Aġenzija skont il-Kapitolu 9;

(b)

jadotta rapport annwali konsolidat dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija, u jibagħtu, sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku.

(c)

jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija skont l-Artikolu 56;

(d)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha għall-fini tat-twettiq tal-mandat tal-Aġenzija kif stabbilit f’dan ir-Regolament;

(e)

jadotta strateġija kontra l-frodi, li għandha tkun proporzjonata mar-riskji ta’ frodi, filwaqt li jqis l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li jridu jiġu implimentati bħala parti minn dik l-istrateġija;

(f)

jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu;

(g)

jadotta u jaġġorna b’mod regolari l-pjanijiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) abbażi ta’ analiżi tal-ħtiġijiet;

(h)

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu;

(i)

f’konformità mal-paragrafu 2, jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat ikkonferiti mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali fuq l-awtorità tal-ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg fuq l-awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratt tal-ingaġġ (is-“setgħat ta’ awtorità tal-ħatra”);

(j)

jadotta regoli ta’ implimentazzjoni xierqa sabiex jingħata effett lir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(k)

jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u d-Deputat Direttur Eżekuttiv, jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuqhom u, meta jkun meħtieġ, jestendi l-mandati tagħhom jew ineħħihom mill-kariga f’konformità mal-Artikoli 46 jew 48, kif xieraq;

(l)

jaħtar l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, minn għażla ta’ kandidati proposti mid-Direttur Eżekuttiv;

(m)

jaħtar Uffiċjal tal-Kontabilità, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li għandu jkun kompletament indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu;

(n)

jadotta rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 69.

(o)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-iżvilupp tas-sistemi tal-informazzjoni previsti f’dan ir-Regolament, inkluż il-portal tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(2), punt (b);

(p)

jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 f’konformità mal-Artikolu 63 ta’ dan ir-Regolament;

(q)

jieħu miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 mill-Aġenzija, inklużi miżuri dwar il-ħatra ta’ uffiċjal għall-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija;

(r)

jadotta l-politika tal-persunal tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 60;

(s)

jadotta d-dokument ta’ programmazzjoni tal-Aġenzija kull sena skont l-Artikolu 42;

(t)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-Aġenzija u fejn meħtieġ, dwar il-modifika tagħhom;

(u)

jiżgura segwitu xieraq għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti interni jew esterni tal-awditjar u mill-evalwazzjonijiet, kif ukoll mill-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF);

(v)

jadotta l-istandards operazzjonali, l-indikaturi, il-linji gwida u l-aħjar prattiki żviluppati mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 13(2);

(w)

japprova n-noti ta’ gwida dwar l-informazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini u kwalunkwe rieżami jew aġġornament ta’ dawn in-noti ta’ gwida f’konformità mal-Artikolu 11(2) u (4);

(x)

jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi metodoloġija komuni għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 14;

(y)

jadotta l-programm għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas-SEKA f’konformità mal-Artikolu 15(1);

(z)

jadotta r-rakkomandazzjonijiet b’segwitu għal eżerċizzju ta’ monitoraġġ f’konformità mal-Artikolu 15(4);

(aa)

jiddeċiedi dwar il-profili u n-numru globali ta’ esperti li għandhom ikunu disponibbli għat-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil u għar-riżerva ta’ intervent għall-ażil f’konformità mal-Artikolu 19(2) u (6);

(ab)

jadotta strateġija għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet li għalihom l-Aġenzija hija kompetenti, kif ukoll arranġament ta’ ħidma mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tagħha;

(ac)

jawtorizza u japprova l-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ ħidma f’konformità mal-Artikoli 35, 37 u 38.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta, f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li tiddelega s-setgħat ta’ awtorità tal-ħatra rilevanti lid-Direttur Eżekuttiv u li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom dik id-delega tas-setgħat ta’ awtorità tal-ħatra tista’ tiġi sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat jissottodelega s-setgħat ta’ awtorità tal-ħatra.

Meta minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali jkun hemm bżonn, il-Bord tat-Tmexxija, permezz ta’ deċiżjoni, jista’ jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat ta’ awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk is-setgħat sottodelegati mid-Direttur Eźekuttiv u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal għajr lid-Direttur Eżekuttiv.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jistabbilixxi Bord Eżekuttiv ta’ daqs żgħir sabiex jassisti lilu u lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet, il-programmi u l-attivitajiet li jridu jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija. Meta jkun meħtieġ, il-Bord Eżekuttiv jista’ jieħu ċerti deċiżjonijiet urġenti proviżorji f’isem il-Bord tat-Tmexxija, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet amministrattivi ta’ ġestjoni. Il-Bord Eżekuttiv m’għandux jieħu deċiżjonijiet li huma meħtieġa jgħaddu b’maġġoranza jew ta’ żewġ terzi jew ta’ tliet kwarti tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddelega ċerti kompiti definiti b’mod ċar lill-Bord Eżekuttiv, b’mod partikolari meta tali delega ttejjeb l-effiċjenza tal-Aġenzija. Il-Bord tat-Tmexxija ma għandux jiddelega lill-Bord Eżekuttiv kompiti relatati mad-deċiżjonijiet li jeħtieġ li jgħaddu b’maġġoranza jew ta’ żewġ terzi jew ta’ tliet kwarti tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija. Għall-finijiet tal-istabbiliment tal-Bord Eżekuttiv, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Dawk ir-regoli ta’ proċedura għandhom, b’mod partikolari, ikopru l-kompożizzjoni u l-funzjonijiet tal-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 42

Il-programmazzjoni pluriennali u l-programmi ta’ ħidma annwali

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jibgħat abbozz ta’ verżjoni tad-dokument ta’ programmazzjoni li jkun fih il-programmazzjoni pluriennali u annwali, abbażi ta’ abbozz imressaq lid-Direttur Eżekuttiv, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jibgħat ukoll kwalunkwe abbozz ta’ verżjonijiet aġġornati tad-dokument ta’ programmazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord tat-Tmexxija, permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu li jkollhom id-dritt tal-vot, id-dokument ta’ programmazzjoni, filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni, fil-każ tal-programmazzjoni pluriennali, wara li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jgħaddi d-dokument ta’ programmazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Id-dokument ta’ programmazzjoni għandu jsir finali wara l-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u, jekk ikun meħtieġ, jiġi aġġustat b’mod korrispondenti.

2.   Il-programmazzjoni pluriennali għandha tiddefinixxi l-programmazzjoni strateġika komprensiva kemm fuq tul ta’ żmien medju kif ukoll fit-tul, inklużi l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Il-programmazzjoni pluriennali għandha tiddefinixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inkluż baġit pluriennali u numru tal-persunal.

Il-programmazzjoni pluriennali għandha tistabbilixxi l-oqsma strateġiċi ta’ intervent u tispjega dak li jeħtieġ li jsir biex jintlaħqu l-objettivi mniżżlin fiha. Il-programmazzjoni pluriennali għandha tinkludi l-istrateġija għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikoli 35 u 38, rispettivament, u l-azzjonijiet marbuta ma’ din l-istrateġija, u speċifikazzjoni tar-riżorsi assoċjati.

Il-programmazzjoni pluriennali għandha tiġi implimentata permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali. Il-programmazzjoni pluriennali għandha tiġi aġġornata kull sena u fejn xieraq, b’mod partikolari sabiex jiġi indirizzat l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 70.

3.   Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi l-objettivi dettaljati u r-riżultati mistennija, inklużi l-indikaturi tal-prestazzjoni. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull attività, f’konformità mal-prinċipji tal-ibbaġittjar u tat-tmexxija bbażati fuq l-attività. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun konsistenti mal-programm pluriennali msemmi fil-paragrafu 2. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jindika b’mod ċar il-kompiti li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali meta l-Aġenzija tingħata kompitu ġdid.

Kwalunkwe emendar sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali għandu jiġi adottat bl-istess proċedura bħall-programm ta’ ħidma annwali inizjali. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddelega lid-Direttur Eżekuttiv is-setgħa li jagħmel emendi mhux sostanzjali lill-programm ta’ ħidma annwali.

Artikolu 43

President tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu, li jkollhom id-dritt tal-vot. Il-President u l-Viċi President għandhom ikunu eletti b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija li jkollhom id-dritt tal-vot.

Il-Viċi President għandu awtomatikament jissostitwixxi lill-President jekk ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu.

2.   Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jkun ta’ erba’ snin u jista’ jiġi mġedded darba. Jekk, madankollu, is-sħubija tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija tintemm fi kwalunkwe żmien matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi awtomatikament f’dik id-data.

Artikolu 44

Laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija, mingħajr ma jkollu d-dritt tal-vot.

3.   Ir-rappreżentant tal-UNHCR ma għandux jieħu sehem fi kwalunkwe laqgħa li fiha l-Bord tat-Tmexxija jwettaq il-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 41(1), il-punti (e), (f), (i), (j), (k), (p), (r), (s), (t) jew (u), jew fl-Artikolu 41(2), u meta l-Bord tat-Tmexxija jiddeċiedi li jagħmel riżorsi finanzjarji disponibbli għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-UNHCR kif previst fl-Artikolu 52 li jippermettu lill-Aġenzija li tibbenefika mill-kompetenza esperta tal-UNHCR.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu minn tal-inqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena. Barra minn hekk, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiltaqa’ bl-inizjattiva tal-President tiegħu, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ terz tal-membri tiegħu.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna li jista’ jkollha opinjoni li tkun ta’ interess biex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

6.   Id-Danimarka għandha tkun mistiedna tibgħat rappreżentant biex jattendi l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija.

7.   Il-membri u l-membri sostituti tal-Bord tat-Tmexxija, soġġett għar-regoli ta’ proċedura tiegħu, jistgħu jkunu megħjuna waqt il-laqgħat minn konsulenti jew minn esperti.

8.   L-Aġenzija għandha tipprovdi s-segretarjat għall-Bord tat-Tmexxija.

Artikolu 45

Regoli tal-votazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Kemm-il darba ma jkunx previst mod ieħor, il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu li jkollhom id-dritt tal-vot.

2.   Kull membru bi dritt tal-vot għandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta’ membru bid-dritt tal-vot, is-sostitut tiegħu jkun intitolat jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu.

3.   Il-President għandu jieħu sehem fil-votazzjoni.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jieħu sehem fil-votazzjoni.

5.   Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx bis-sħiħ fl-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil ma għandhomx jivvotaw meta l-Bord tat-Tmexxija jissejjaħ biex jadotta standards operazzjonali, indikaturi, linji gwida jew l-aħjar prattiki li jkollhom x’jaqsmu esklużivament ma’ strument tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil li bih l-Istati Membri li huma jirrappreżentaw ma jkunux marbuta.

6.   Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta’ votazzjoni aktar dettaljati, b’mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor.

Artikolu 46

Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun membru tal-persunal u għandu jiġi reklutat bħala aġent temporanju tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 2, punt (a), tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipproponi tal-inqas tliet kandidati għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv abbażi ta’ lista wara l-pubblikazzjoni tal-kariga f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, kif opportun, fl-istampa jew siti tal-Internet oħra.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv abbażi tal-mertu, il-ħiliet dokumentati ta’ livell għoli fl-amministrazzjoni u l-immaniġġjar u abbażi tal-esperjenza professjonali fi grad anzjan fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil. Qabel il-ħatra, il-kandidati proposti mill-Kummissjoni għandhom jiġu mistiedna jagħmlu dikjarazzjoni quddiem il-kumitat jew kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġbu l-mistoqsijiet mill-membri ta’ dak il-kumitat jew kumitati.

Wara t-tali dikjarazzjoni, il-Parlament Ewropew għandu jadotta opinjoni li tispjega l-fehmiet tiegħu u jista’ jindika kandidat preferut.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv filwaqt li jikkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew msemmija fit-tieni subparagrafu.

Jekk il-Bord tat-Tmexxija jieħu deċiżjoni li jaħtar kandidat ieħor għajr il-kandidat indikat mill-Parlament Ewropew bħala l-kandidat preferut tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-miktub dwar il-mod kif l-opinjoni tal-Parlament Ewropew tkun ġiet ikkunsidrata.

Għall-fini li jiġi konkluż il-kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, l-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mill-President tal-Bord tat-Tmexxija.

4.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Sa tmiem dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tqis evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-Aġenzija.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, jista’ jipproroga l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba għal mhux aktar minn ħames snin.

6.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jipproroga l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Fi żmien perjodu ta’ xahar qabel kull estensjoni bħal din, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat jew kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb għall-mistoqsijiet imressqa mill-membri ta’ dak il-kumitat jew dawk il-kumitati.

7.   Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie prorogat ma għandux jipparteċipa fi proċedura oħra ta’ selezzjoni għall-istess kariga fit-tmiem tal-perjodu ġenerali.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni.

9.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu deċiżjonijiet dwar il-ħatra, il-proroga tal-mandat jew it-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv abbażi ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri li jkollhom id-dritt tal-vot.

Artikolu 47

Responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġġestixxi l-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu l-obbligu ta’ rendikont lejn il-Bord tat-Tmexxija.

2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u la għandu jfittex u lanqas jieħu istruzzjonijiet mingħand ebda gvern, istituzzjoni, persuna jew korp ieħor.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv jirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar il-prestazzjoni ta’ dmirijietu meta jintalab jagħmel dan. Il-Kunsill jista’ jistieden lid-Direttur Eżekuttiv jirrapporta dwar il-prestazzjoni ta’ dmirijietu.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Aġenzija.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lill-Aġenzija b’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli biex:

(a)

iwettaq l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Aġenzija;

(b)

jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija;

(c)

iħejji d-dokumenti ta’ programmazzjoni msemmija fl-Artikolu 42 u jressaqhom lill-Bord tat-Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

(d)

jimplimenta d-dokumenti ta’ programmazzjoni msemmija fl-Artikolu 42 u jirrapporta lill-Bord tat-Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

(e)

iħejji r-rapporti annwali konsolidati dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jippreżentahom lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni;

(f)

iħejji ta’ pjan ta’ azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet ta’ rapporti tal-awditjar u evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll investigazzjonijiet mill-OLAF, u jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u regolarment lill-Bord tat-Tmexxija u, jekk applikabbli, lill-Bord Eżekuttiv;

(g)

mingħajr preġudizzju għall-kompetenza investigattiva tal-OLAF, jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, billi jwettaq kontrolli effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti li jkunu tħallsu bi żball u, fejn xieraq, billi jimponi penali amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi;

(h)

iħejji strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija u jippreżentaha lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

(i)

iħejji l-abbozz ta’ regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija;

(j)

ifassal l-abbozz proviżorju ta’ dikjarazzjonijiet tal-istimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 53, u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha;

(k)

jeżerċita l-poteri stabbiliti fl-Artikolu 60 rigward il-persunal tal-Aġenzija;

(l)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-iżvilupp tas-sistemi tal-informazzjoni previsti f’dan ir-Regolament, inkluż il-portal tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(2), punt (b);

(m)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar il-ġestjoni tal-istrutturi interni tal-Aġenzija;

(n)

jabbozza rapporti dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżi terzi kif imsemmi fl-Artikolu 9;

(o)

iressaq analiżi komuni u noti ta’ gwida lill-Bord tat-Tmexxija skont l-Artikolu 11(2);

(p)

jistabbilixxi timijiet ta’ esperti għall-fini tal-Artikoli 14 u 15 li għandhom ikunu magħmula minn esperti mill-persunal tal-Aġenzija stess, il-Kummissjoni u, meta jkun meħtieġ, l-Istati Membri u, bħala osservatur, il-UNHCR;

(q)

jagħti bidu għall-eżerċizzju ta’ monitoraġġ f’konformità mal-Artikolu 15(2);

(r)

iressaq is-sejbiet u l-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ lill-Istat Membru kkonċernat u sussegwentement lill-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 15(3) u (4);

(s)

jirrapporta lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 4(5);

(t)

jevalwa, japprova u jikkoordina talbiet għal assistenza operazzjonali u teknika f’konformità mal-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 20;

(u)

jiżgura l-implimentazzjoni tal-pjanijiet operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 18;

(v)

jiżgura l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija fit-timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni mal-Kummissjoni u korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 21(1);

(w)

jiżgura l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif imsemmija fl-Artikolu 22(2);

(x)

jiddeċiedi, b’konsultazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija, fuq l-akkwist jew il-kiri ta’ tagħmir tekniku f’konformità mal-Artikolu 23(2);

(y)

jipproponi għażla ta’ kandidati għall-ħatra bħala uffiċjal għad-drittijiet fundamentali f’konformità mal-Artikolu 49(1).

(z)

jaħtar uffiċjal ta’ koordinazzjoni tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 25(2).

Artikolu 48

Viċi Direttur Eżekuttiv

1.   Viċi Direttur Eżekuttiv għandu jassisti lid-Direttur Eżekuttiv fil-ġestjoni tal-Aġenzija u fit-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 47(5). Jekk id-Direttur Eżekuttiv ikun assenti jew indispost, il-Viċi Direttur Eżekuttiv għandu jieħu postu.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar Viċi Direttur Eżekuttiv fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv. Il-Viċi Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar abbażi tal-mertu, -ħiliet ta’ amministrazzjoni u ġestjoni xierqa, u esperjenza professjonali rilevanti fil-qasam tal-ażil. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipproponi tal-inqas tliet kandidati għall-kariga ta’ Viċi Direttur Eżekuttiv. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu s-setgħa li jipproroga l-mandat tal-Viċi Direttur Eżekuttiv jew li jneħħi lill-Viċi Direttur Eżekuttiv mill-kariga waqt li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv. L-Artikolu 46(1), (4), (7) u (9) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-Viċi Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 49

Uffiċjal għad-drittijiet fundamentali

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali minn għażla ta’ kandidati proposti mid-Direttur Eżekuttiv. L-uffiċjal għad-drittijiet Fundamentali għandu jkollu l-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u tal-ażil.

2.   L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għandu jkun indipendenti fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u għandu jirrapporta direttament lill-Bord tat-Tmexxija.

3.   L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għandu jkun responsabbli li jiżgura l-konformità tal-Aġenzija mad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tagħha u li jippromwovi r-rispett mill-Aġenzija tad-drittijiet fundamentali. L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għandu jkun ukoll responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 51.

4.   L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għandu jikkoopera mal-Forum Konsultattiv.

5.   L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għandu jiġi kkonsultat, fost affarijiet oħra, dwar il-pjanijiet operazzjonali kif msemmija fl-Artikolu 18, l-evalwazzjoni tal-assistenza operazzjonali u teknika tal-Aġenzija, il-kodiċi ta’ kondotta msemmi fl-Artikolu 58 u l-kurrikulu Ewropew fil-qasam tal-ażil imsemmi fl-Artikolu 8(3). L-uffiċjal għad-drittijiet tal-bniedem għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-attivitajiet kollha tal-Aġenzija, inkluż billi jorganizza żjarat, bil-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat, f’postijiet fejn l-Aġenzija tkun qed twettaq attivitajiet operazzjonali,.

Artikolu 50

Forum Konsultattiv

1.   L-Aġenzija għandha żżomm djalogu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili u l-korpi kompetenti rilevanti li joperaw fil-qasam tal-politika tal-ażil fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali. Għal dan il-fini, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi Forum Konsultattiv.

2.   Il-Forum Konsultattiv għandu jikkostitwixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-kondiviżjoni tal-għarfien. Il-Forum Konsultattiv għandu jiżgura djalogu mill-qrib bejn l-Aġenzija u l-organizzazzjonijiet u l-korpi rilevanti msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-Aġenzija għandha tistieden lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-UNHCR u lil organizzazzjonijiet u korpi rilevanti oħra msemmija fil-paragrafu 1 biex isiru membri tal-Forum Konsultattiv.

Fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi fuq il-kompożizzjoni tal-Forum Konsultattiv, inkluż dwar gruppi ta’ konsultazzjoni tematiċi jew b’iffokar ġeografiku, u l-kondizzjonijiet għat-trażmissjoni tal-informazzjoni lill-Forum Konsultattiv. Il-Forum Konsultattiv, wara konsultazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija u d-Direttur Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi l-metodi ta’ ħidma tiegħu, inklużi l-gruppi ta’ ħidma tematiċi jew b’iffokar ġeografiku skont kif ikun meqjus meħtieġ u utli.

4.   Il-Forum Konsultattiv għandu jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord tat-Tmexxija fi kwistjonijiet relatati mal-ażil, f’konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi f’oqsma identifikati bħala prijoritajiet għall-ħidma tagħha.

5.   Il-Forum Konsultattiv għandu, b’mod partikolari:

(a)

jagħmel suġġerimenti lill-Bord tat-Tmexxija dwar il-programmazzjoni annwali u pluriennali msemmija fl-Artikolu 42;

(b)

jipprovdi feedback lill-Bord tat-Tmexxija u jissuġġerixxi miżuri ta’ segwitu dwar ir-rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni msemmija fl-Artikolu 69; kif ukoll

(c)

jikkomunika lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord tat-Tmexxija l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-konferenzi, is-seminars u l-laqgħat, u s-sejbiet minn studji jew ħidma fuq il-post imwettqa minn kwalunkwe organizzazzjoni jew korp membru tal-Forum Konsultattiv li jkunu rilevanti għall-ħidma tal-Aġenzija.

6.   Il-Forum Konsultattiv għandu jiġi kkonsultat dwar it-tħejjija, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija għad-drittijiet fundamentali msemmija fl-Artikolu 57(3) u l-kodiċi ta’ kondotta msemmi fl-Artikolu 58, l-istabbiliment tail-mekkaniżmu tal-ilmenti msemmi fl-Artikolu 51 u l-iżvilupp tal-kurrikulu Ewropew fil-qasam tal-ażil msemmi fl-Artikolu 8(3).

7.   Il-Forum Konsultattiv għandu jiltaqa’ f’sessjoni sħiħa mill-inqas darba fis-sena u għandu jorganizza laqgħat għall-gruppi ta’ konsultazzjoni tematiċi jew b’iffokar ġeografiku kif ikun meħtieġ.

Artikolu 51

Mekkaniżmu tal-ilmenti

1.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi mekkaniżmu tal-ilmenti biex tiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija.

2.   Kwalunkwe persuna li tkun direttament affettwata mill-azzjonijiet ta’ espert fit-tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil, u li tqis lilha nnifisha li kienet is-suġġett ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha minħabba dawk l-azzjonijiet, jew kwalunkwe parti li tirrappreżenta lil tali persuna, tista’ tressaq ilment, bil-miktub, lill-Aġenzija.

3.   Għandhom ikunu ammissibbli biss ilmenti sostanzjati li jinvolvu ksur konkret tad-drittijiet fundamentali. Ilmenti li jikkontestaw deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fuq applikazzjoni individwali għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu inammissibbli. Ilmenti li jkunu anonimi, abbużivi, malizzjużi, frivoli, vessatorji, ipotetiċi jew mhux preċiżi wkoll għandhom ikunu inammissibbli.

4.   L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għandu jkun responsabbli għat-trattament tal-ilmenti li jaslu għand l-Aġenzija u għandu jagħmel dan f’konformità mad-dritt għal amministrazzjoni tajba. Għal dak il-fini, l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għandu:

(a)

jirrieżamina l-ammissibbiltà ta’ lment;

(b)

jirreġistra l-ilmenti ammissibbli;

(c)

jgħaddi l-ilmenti rreġistrati kollha lid-Direttur Eżekuttiv;

(d)

jgħaddi l-ilmenti li jikkonċernaw esperti li jipparteċipaw f’tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil lill-Istat Membru ta’ domiċilju;

(e)

jinforma lill-awtorità jew lill-korp rilevanti kompetenti għad-drittijiet fundamentali fi Stat Membru dwar ilment, u

(f)

jirreġistra u jiżgura s-segwitu mill-Aġenzija jew mill-Istat Membru kkonċernat.

5.   F’konformità mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, meta lment ikun ammissibbli, l-ilmentatur għandu jiġi informat li jkun ġie rreġistrat ilment, li tkun inbdiet valutazzjoni u li tista’ tkun mistennija tweġiba malli ssir disponibbli. Meta lment jiġi mgħoddi lil awtorità jew korp nazzjonali, id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom għandhom jiġu pprovduti lill-ilmentatur. Meta lment ma jkunx ammissibbli, l-ilmentatur għandu jiġi infurmat bir-raġunijiet għall-inammissibbiltà u, fejn ikun possibbli, jingħatawlu aktar possibbiltajiet biex it-tħassib tiegħu jiġi indirizzat. Kwalunkwe deċiżjoni għandha tkun bil-miktub u motivata.

6.   Fil-każ ta’ lment reġistrat li jikkonċerna membru tal-persunal tal-Aġenzija, id-direttur eżekuttiv għandu jiżgura segwitu xieraq, b’konsultazzjoni mal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, inklużi miżuri dixxiplinarji kif ikun meħtieġ. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta f’qafas ta’ żmien determinat lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali dwar is-sejbiet u s-segwitu li jsiru mill-Aġenzija bi tweġiba għal ilment, inkluż kwalunkwe miżura dixxiplinarja.

7.   Meta lment ikun relatat ma’ kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data, id-Direttur Eżekuttiv għandu jinvolvi lill-uffiċjal għall-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija. L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u l-uffiċjal għall-protezzjoni tad-data għandhom jistabbilixxu, bil-miktub, memorandum ta’ qbil li jispeċifika t-tqassim tal-kompiti bejniethom u l-mod kif jikkooperaw fir-rigward tal-ilmenti riċevuti.

8.   Fil-każ ta’ lment li jikkonċerna espert ta’ Stat Membru, inklużi esperti nazzjonali sekondati, l-Istat Membru ta’ domiċilju għandu jiżgura segwitu xieraq, inklużi miżuri dixxiplinarji kif meħtieġ jew miżuri oħra f’konformità mal-liġi nazzjonali. L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jirrapporta lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali dwar is-sejbiet u s-segwitu li jsiru b’reazzjoni għall-ilment f’perjodu ta’ żmien determinat, u jekk meħtieġ, f’intervalli regolari minn dak iż-żmien ’il quddiem. L-Aġenzija għandha tagħti segwitu lill-kwistjoni meta ma jasal ebda rapport mill-Istat Membru tad-domiċilju.

9.   Meta espert stazzjonat minn Stat Membru, inklużi esperti nazzjonali sekondati, jinstab li jkun kiser id-drittijiet fundamentali jew l-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jitlob lill-Istat Membru jneħħi lil dak l-espert jew lil dak l-espert nazzjonali sekondat immedjatament mill-attivitajiet tal-Aġenzija. Fejn espert stazzjonat mill-Aġenzija jinstab li jkun kiser id-drittijiet fundamentali jew l-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jneħħi lil dak l-espert mill-attivitajiet tal-Aġenzija.

10.   L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għandu jirrapporta lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord tat-Tmexxija dwar is-sejbiet u s-segwitu li jsiru mill-Aġenzija u l-Istati Membri kkonċernati b’reazzjoni għal ilment. L-Aġenzija għandha tinkludi informazzjoni dwar il-mekkaniżmu tal-ilmenti fir-rapport annwali tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni msemmi fl-Artikolu 69.

11.   L-Aġenzija, inkluż l-uffiċjali għad-drittijiet fundamentali, għandha tindirizza u tipproċessa kwalunkwe data personali li tinsab f’ilment f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw u jipproċessaw kwalunkwe data personali li tinsab f’ilment f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680, kif xieraq. Meta ilmentatur iressaq ilment, dak l-ilmentatur għandu jitqies li jkun ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu mill-Aġenzija u l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(1), punt (d) tar-Regolament (UE) 2018/1725 Sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-ilmentaturi, l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għandu jittratta l-ilmenti b’mod kunfidenzjali f’konformità mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni sakemm l-ilmentatur ma jirrinunzjax b’mod espliċitu għad-dritt tiegħu għall-kunfidenzjalità. Fejn ilmentatur jirrinunzja d-dritt tiegħu għall-kunfidenzjalità, dak l-ilmentatur għandu jitqies li jkun ta kunsens għall-iżvelar, fejn meħtieġ, mill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali jew mill-Aġenzija tal-identità tiegħu lill-awtoritajiet jew lill-korpi kompetenti fir-rigward tas-soġġett tal-ilment.

KAPITOLU 9

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 52

Baġit

1.   L-istimi tad-dħul u l-infiq kollu tal-Aġenzija għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jidhru fil-baġit tal-Aġenzija.

2.   Il-baġit tal-Aġenzija għandu jkun ibbilanċjat f’dawk li huma dħul u nfiq.

3.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-Aġenzija għandu jinkludi:

(a)

kontribuzzjoni mill-Unjoni, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(b)

finanzjament tal-Unjoni taħt ġestjoni indiretta jew fil-forma ta’ għotjiet ad hoc skont ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija u d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti rilevanti li jappoġġaw il-politiki tal-Unjoni;

(c)

kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri;

(d)

kwalunkwe kontribuzzjoni mill-pajjiżi assoċjati;

(e)

l-ispejjeż għall-pubblikazzjonijiet u kwalunkwe servizz ipprovdut mill-Aġenzija.

4.   In-nefqa tal-Aġenzija għandha tinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u tal-infrastruttura u n-nefqa amministrattiva.

Artikolu 53

Stabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ rendikont proviżorju tal-istimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta’ wara, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment, u jibagħtu lill-Bord tat-Tmexxija.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija, abbażi tal-abbozz ta’ rendikont proviżorju tal-istimi msemmi fil-paragrafu 1, għandu jadotta abbozz ta’ rendikont tal-istimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta’ wara.

3.   L-abbozz ta’ rendikont tal-istimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija msemmi fil-paragrafu 2 għandu jintbagħat lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rendikont tal-istimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

5.   Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-istimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-istimi li hi tikkunsidra meħtieġa għall-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni mill-Unjoni li għandu joħroġ mill-baġit ġenerali, li hi għandha tressaq quddiem l-awtorità baġitarja skont l-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE.

6.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni mill-Unjoni lill-Aġenzija.

7.   L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment tal-Aġenzija.

8.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-baġit tal-Aġenzija. Il-baġit tal-Aġenzija għandu jsir finali wara l-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Meta jkun meħtieġ, il-baġit tal-Aġenzija għandu jiġi aġġustat kif xieraq.

9.   Għal kwalunkwe proġett ta’ bini li x’aktarx ikollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tal-Aġenzija, għandu japplika r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715.

Artikolu 54

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Aġenzija.

2.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni kollha rilevanti għas-sejbiet tal-proċedura ta’ evalwazzjoni.

Artikolu 55

Preżentazzjoni tal-kontijiet u kwittanza

1.   Sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja N+1, l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Aġenzija għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja N lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

2.   Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja N+1, l-Aġenzija għandha tibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja N+1, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja N, konsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri.

3.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija skont l-Artikolu 246 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja N taħt ir-responsabbiltà proprja tiegħu u jressaqhom lill-Bord tat-Tmexxija għal opinjoni.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jfassal opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja N.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu, sal-1 ta’ Lulju tas-sena finanzjarja N + 1, jibgħat il-kontijiet finali għas-sena finanzjarja N, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

6.   Il-kontijiet finali għas-sena finanzjarja N għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena finanzjarja N + 1.

7.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru tas-sena finanzjarja N + 1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ukoll dik it-tweġiba lill-Bord tat-Tmexxija.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jressaq kull informazzjoni meħtieġa lill-Parlament Ewropew, meta dan jitolbu, għall-applikazzjoni bla intoppi tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, f’konformità mal-Artikolu 261(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

9.   B’rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Parlament Ewropew, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena finanzjarja N+2, għandu jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.

Artikolu 56

Regoli finanzjarji

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Ir-regoli finanzjarji għandhom jikkonformaw mar-Regolament Delegat (UE) 2019/715, ħlief fejn deroga minn dak ir-Regolament tkun meħtieġa b’mod speċifiku għat-tħaddim tal-Aġenzija u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

2.   L-Aġenzija tista’ tagħti għotjiet relatati mat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u tagħmel użu mill-kuntratti ta’ qafas f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew permezz ta’ delega tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 62(1), punt (c)(iv), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandhom japplikaw.

KAPITOLU 10

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 57

Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-Istrateġija għad-drittijiet fundamentali

1.   L-Aġenzija għandha tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, inkluża l-Karta u d-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.

2.   L-aħjar interessi tat-tfal għandhom jikkostitwixxu kunsiderazzjoni primarja waqt li jiġi applikat dan ir-Regolament.

3.   L-Aġenzija, fuq proposta tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, għandha tadotta u timplimenta strateġija għad-drittijiet fundamentali biex tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija.

Artikolu 58

Kodiċi ta’ kondotta

L-Aġenzija għandha tiżviluppa, tadotta u timplimenta kodiċi ta’ kondotta applikabbli għall-esperti kollha li jipparteċipaw fit-timijiet ta’ appoġġ fil-qasam tal-ażil. Il-kodiċi ta’ kondotta għandu jistabbilixxi l-proċeduri maħsuba sabiex jiggarantixxu l-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali mmirati b’mod partikolari lejn it-tfal, il-minorenni mhux akkumpanjati u persuni oħra li jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli.

Artikolu 59

Status ġuridiku

1.   L-Aġenzija għandha tkun aġenzija tal-Unjoni. L-Aġenzija għandu jkollha personalità ġuridika.

2.   F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tgawdi l-aktar kapaċità ġuridika estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom. L-aġenzija tista’, b’mod partikolari, takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali.

3.   L-Aġenzija għandha tkun indipendenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet operazzjonali u tekniċi.

4.   L-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

5.   L-Aġenzija għandu jkollha s-sede tagħha f’Malta.

Artikolu 60

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati permezz tal-ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jingħata effett lir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta regoli ta’ implimentazzjoni adatti li jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

3.   L-aġenzija għandha teżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra fir-rigward tal-persunal tagħha stess.

4.   L-Aġenzija tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew minn persunal ieħor mhux impjegat minnha. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali mal-Aġenzija.

5.   L-Aġenzija tista’ timpjega persunal li jaħdem fil-qasam fl-Istati Membri.

Artikolu 61

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-TUE u t-TFUE għandu japplika għall-Aġenzija u għall-persunal tagħha.

Artikolu 62

Arranġamenti lingwistiċi

1.   Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (27) għandu japplika għall-Aġenzija.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 342 tat-TFUE, ir-rapport annwali konsolidat dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u d-dokumenti ta’ programmazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 42 għandhom jiġu prodotti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

3.   Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni Ewropea għandu jipprovdi s-servizzi ta’ traduzzjoni li huma rekwiżiti għat-tħaddim tal-Aġenzija.

Artikolu 63

Trasparenza

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2.   L-Aġenzija tista’ tikkomunika fuq inizjattiva proprja dwar kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompiti tagħha. L-Aġenzija għandha tippubblika r-rapport annwali konsolidat dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u tiżgura, b’mod partikolari, li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata rapidament jingħataw tagħrif oġġettiv, affidabbli u li jinftiehem faċilment fir-rigward tax-xogħol tagħha.

3.   Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

4.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun intitolata li tindirizza ruħha lill-Aġenzija bil-miktub bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Hija għandu jkollha d-dritt li tirċievi tweġiba bl-istess lingwa.

5.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jwasslu għat-tressiq ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew jew għal azzjoni quddiem il-QĠUE, skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 228 u 263 tat-TFUE, rispettivament.

Artikolu 64

Ġlieda kontra l-frodi

1.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet oħra illegali, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 għandu japplika mingħajr restrizzjoni. L-Aġenzija għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet interni mill-OLAF u tadotta dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-impjegati kollha tal-Aġenzija permezz tal-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dak il-Ftehim.

2.   Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa tal-awditjar, abbażi ta’ dokumenti u verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand l-Aġenzija.

3.   L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (28) bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjati mill-Aġenzija,.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, l-arranġament ta’ ħidma ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet ta’ għotja tal-Aġenzija għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li espliċitament jagħtu s-setgħa lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF sabiex iwettqu tali awditjar u investigazzjonijiet, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 65

Regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

1.   L-Aġenzija għandha tapplika r-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (29) u (UE, Euratom) 2015/444. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw, b’mod partikolari, għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna tal-informazzjoni klassifikata.

2.   L-Aġenzija għandha tapplika l-prinċipji tas-sigurtà relatati mal-ipproċessar ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata kif spjegat fid-Deċiżjonijiet (UE, Euratom) 2015/443 u (UE, Euratom) 2015/444 u kif implimentati mill-Kummissjoni. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni ta’ dawk il-prinċipji tas-sigurtà.

3.   Il-klassifikazzjoni m’għandhiex tipprekludi l-informazzjoni milli titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew. It-trażmissjoni u t-trattament tal-informazzjoni u d-dokumenti mibgħuta lill-Parlament Ewropew f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar it-trażmissjoni u t-trattament ta’ informazzjoni klassifikata li huma applikabbli bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

Artikolu 66

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tkun irregolata mill-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

2.   Il-QĠUE għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni li tagħti sentenzi skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

3.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għandha tagħmel tajjeb għal kull dannu kkawżat mid-dipartimenti tagħha jew mill-persunal tagħha waqt it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

4.   Il-QĠUE għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq tilwim dwar kumpens għal danni kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tagħha lejn l-Aġenzija għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għalihom.

Artikolu 67

Monitoraġġ amministrattiv

L-attivitajiet tal-Aġenzija għandhom ikunu soġġetti għall-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew f’konformità mal-Artikolu 228 tat-TFUE.

Artikolu 68

Ftehim dwar il-kwartieri ġenerali u l-kondizzjonijiet operattivi

1.   L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-Aġenzija fl-Istat Membru li fih l-Aġenzija jkollha s-sede tagħha, il-faċilitajiet li dak l-Istat Membru għandu jagħmel disponibbli u r-regoli speċifiċi applikabbli f’ dak l-Istat Membru għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija, il-persunal tal-Aġenzija u l-membri tal-familji tagħhom għandhom ikunu stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru. Il-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali għandu jiġi konkluż wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

2.   L-Istat Membru li fih l-Aġenzija jkollha s-sede tagħha għandu jipprovdi l-Aġenzija bil-kondizzjonijiet neċessarji sabiex jiżgura l-funzjonament xieraq tagħha, inklużi sistemi edukattivi multilingwi b’dimensjoni Ewropea u konnessjonijiet tat-trasport xierqa.

Artikolu 69

Rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni

L-Aġenzija għandha tfassal rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni Ewropea. L-Aġenzija għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Bord tat-Tmexxija, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lid-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżentah lill-Parlament Ewropew. Ir-rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni għandu jiġi ppubblikat.

Artikolu 70

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Tliet xhur wara s-sostituzzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni dwar jekk dan ir-Regolament jeħtieġx li jiġi emendat għall-fini li jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza interni tal-qafas legali tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 14, u għandha tippreżenta l-proposti meħtieġa biex dan ir-Regolament jiġi emendat, kif xieraq.

2.   Sal-20 ta’ Jannar 2025 u suċċessivament kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti sabiex tivvaluta, b’mod partikolari, il-prestazzjoni tal-Aġenzija f’relazzjoni mal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha. Dik il-valutazzjoni għandha tkopri l-impatt tal-Aġenzija fuq il-kooperazzjoni prattika dwar kwistjonijiet relatati mal-ażil u fuq il-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tas-SEKA. L-evalwazzjoni għandha tagħti l-konsiderazzjoni dovuta lill-progress magħmul, fil-mandat tal-Aġenzija, inkluża l-valutazzjoni ta’ jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex ikunu żgurati solidarjetà effikaċi u kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet mal-Istati Membri li jkunu soġġetti għal pressjoni partikolari.

B’mod partikolari, l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi modifikat il-mandat tal-Aġenzija u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kull modifika bħal din. Hija għandha teżamina wkoll jekk l-istruttura maniġerjali hijiex adatta għat-twettiq tal-kompiti tal-Aġenzija. L-evalwazzjoni għandha tieħu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport li jkun ir-riżultat tal-evalwazzjoni msemmi fil-paragrafu 2, flimkien mal-konklużjonijiet tagħha dwar dak ir-rapport, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord tat-Tmexxija.

4.   Fl-okkażjoni ta’ kull tieni evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis jekk il-kontinwazzjoni tal-Aġenzija hijiex ġustifikata fir-rigward tal-għanijiet, il-mandat u l-kompiti assenjati lilha, u tista’ tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat kif xieraq jew jiġi revokat.

Artikolu 71

Dispożizzjoni tranżitorja

L-Aġenzija għandha tkun is-suċċessur tal-EASO fir-rigward ta’ kull sjieda, ftehimiet, obbligi legali, kuntratti tal-impjieg, impenji u responsabbiltajiet finanzjarji. B’mod partikolari, dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal tal-EASO li l-kontinwità tal-karriera tagħhom għandha tiġi żgurata f’kull rigward.

Artikolu 72

Sostituzzjoni u tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 huwa sostitwit fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament. Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 huwa mħassar.

Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament, ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness II.

Artikolu 73

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2(1), il-punt (q), l-Artikolu 14 u l-Artikolu 15(1), (2) u (3) għandhom japplikaw mill-31 ta’ Diċembru 2023, u l-Artikolu 15(4) sa (8) u l-Artikolu 22 għandhom japplikaw mid-data li fiha r-Regolament (UE) Nru 604/2013 jiġi sostitwit, sakemm dak ir-Regolament ma jiġix sostitwit qabel il-31 ta’ Diċembru 2023, f’liema każ dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw mill-31 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2021.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE tal-14 ta’ Mejju 2008 li tistabbilixxi n-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (ĠU L 131, 21.5.2008, p. 7).

(8)  ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(11)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(16)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(18)  ĠU C 9, 21.1.2017, p. 3.

(19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).

(20)  Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).

(21)  Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(24)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(25)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(26)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(27)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).

(28)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(29)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).


ANNESS I

NUMRU TA’ ESPERTI LI GĦANDU JIĠI PPROVDUT LIR-RIŻERVA TA’ INTERVENT GĦALL-AŻIL IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 19(6)

Il-Belġju

15

Il-Bulgarija

8

Iċ-Ċekja

8

Il-Ġermanja

86

L-Estonja

6

Il-Greċja

25

Spanja

46

Franza

80

Il-Kroazja

5

L-Italja

40

Ċipru

3

Il-Latvja

5

Il-Litwanja

6

Il-Lussemburgu

4

L-Ungerija

10

Malta

4

In-Netherlands

24

L-Awstrija

15

Il-Polonja

40

Il-Portugall

7

Ir-Rumanija

20

Is-Slovenja

5

Is-Slovakkja

10

Il-Finlandja

9

L-Iżvezja

19

Totali

500 /500


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament (UE) Nru 439/2010

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1(1) u (2)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1), punt (a)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(1), punt (i)

Artikolu 2(3)

-

Artikolu 2(4)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2(5)

Artikolu 4(3)

Artikolu 2(6)

-

-

Artikolu 2(1), ħlief il-punti (a), (e), (i), (k), (l), (r) u (s)

-

Artikolu 2(2)

-

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(4)

-

Artikolu 4(1), (2) u (5)

Artikolu 4, punti (a) sa (d)

Artikolu 2(1), punt (e), u Artikolu 9

Artikolu 4, punt (e)

Artikolu 11(1)

Artikolu 5

Artikolu 2(1), punt (k)

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7, l-ewwel paragrafu

Artikolu 2(1), punt (r)

Artikolu 7, it-tieni paragrafu

Artikolu 2(1), punt (s), u Artikolu 35(3)

Artikolu 7, it-tielet paragrafu

Artikolu 35(2)

-

Artikolu 7

-

Artikolu 10

 

Artikolu 11(2) sa (5)

-

Artikolu 12

-

Artikolu 13(4), (5) u (6)

-

Artikolu 14

-

Artikolu 15

Artikolu 8

Artikolu 16(1), punt (b)

Artikolu 9

Artikolu 5

Artikolu 10

Artikolu 16

Artikolu 11

Artikolu 6

Artikolu 12(1)

Artikolu 69

Artikolu 12(2)

Artikolu 13(1), (2) u (3)

Artikolu 13(1)

Artikolu 16(1), punt (b), u Artikolu 17(1)

Artikolu 13(2)

Artikolu 16(2), il-kliem introduttorju

Artikolu 14

Artikolu 16(2), punti (e) u (i)

-

Artikolu 16(1), ħlief il-punt (b)

-

Artikolu 16(2), ħlief il-punti (e) u (i)

-

Artikolu 16(3) u (4)

-

Artikolu 17(2) sa (5)

Artikolu 15

Artikolu 2(1), punt (l), u Artikolu 19(2), (3) u (5)

Artikolu 16

Artikolu 19(1), (2) u (3)

-

Artikolu 19(4), (6), (7) u (8)

Artikolu 17

Artikolu 20

Artikolu 18

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 24

Artikolu 20

Artikolu 25

Artikolu 21

Artikolu 26

-

Artikolu 21

-

Artikolu 22

-

Artikolu 23

Artikolu 22

Artikolu 27

Artikolu 23

Artikolu 28

-

Artikolu 23

-

Artikolu 29

-

Artikolu 30(2) sa (6)

-

Artikolu 31

-

Artikolu 32

Artikolu 24

Artikolu 39

Artikolu 25

Artikolu 40

Artikolu 26

Artikolu 43

Artikolu 27

Artikolu 44

Artikolu 28

Artikolu 44

Artikolu 29

Artikolu 41

Artikolu 30

Artikolu 46

Artikolu 31

Artikolu 47

-

Artikolu 48

-

Artikolu 49

-

Artikolu 51

Artikolu 32

-

Artikolu 33

Artikolu 52

Artikolu 34

Artikolu 53

Artikolu 35

Artikolu 54

Artikolu 36

Artikolu 55

Artikolu 37

Artikolu 56(1)

-

Artikolu 56(2)

-

Artikolu 57

-

Artikolu 58

Artikolu 38

Artikolu 60

Artikolu 39

Artikolu 61

Artikolu 40

Artikolu 59

Artikolu 41

Artikolu 62

Artikolu 42(1) sa (3)

Artikolu 63(1) sa (4)

Artikolu 42(4)

Artikolu 30(1)

Artikolu 43

Artikolu 65

Artikolu 44

Artikolu 64

Artikolu 45

Artikolu 66

Artikolu 46

Artikolu 70

Artikolu 47

Artikolu 67

Artikolu 48

Artikolu 33

Artikolu 49(1)

Artikolu 34

Artikolu 49(2)

Artikolu 35(1)

-

Artikolu 35(4), (5) u (6)

Artikolu 50, l-ewwel paragrafu

Artikolu 38

Artikolu 50, it-tieni paragrafu

-

Artikolu 51

Artikolu 50

Artikolu 52

Artikolu 37

Artikolu 53

Artikolu 68

-

Artikolu 67

Artikolu 54

-

-

Artikolu 71

-

Artikolu 72

Artikolu 55

Artikolu 73