ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 438

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
8 ta' Diċembru 2021


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE ( 1 )

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2168 tal-21 ta’ Settembru 2021 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis ( 1 )

38

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2169 tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jiftaħ il-kwota tariffarja għall-2022 għall-importazzjoni, fl-Unjoni Ewropea, ta’ ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli koperti mir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

43

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2170 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

46

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2171 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE fir-rigward tal-piżijiet tal-lottijiet taż-żerriegħa u tal-kampjuni tal-Avena nuda  ( 1 )

84

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

8.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 438/1


DIRETTIVA (UE) 2021/2167 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Novembru 2021

dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53 u l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-twaqqif ta’ strateġija komprensiva biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-self improduttiv (NPLs) hija prijorità għall-Unjoni. Filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija biex jiġu ttrattati l-livelli għoljin ta’ NPLs tibqa’ tal-banek u tal-Istati Membri, hemm ukoll dimensjoni ċara tal-UE biex jitnaqqsu l-ħażniet attwali ta’ NPLs, kif ukoll biex tiġi evitata kwalunkwe akkumulazzjoni eċċessiva ta’ NPLs fil-ġejjieni. Minħabba l-interkonnettività tas-sistemi bankarji u finanzjarji madwar l-Unjoni, fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joperaw f’diversi ġurisdizzjonijiet u Stati Membri, hemm potenzjal sinifikanti għal effetti konsegwenzjali bejn l-Istati Membri u l-Unjoni inġenerali, kemm f’termini ta’ tkabbir ekonomiku kif ukoll f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja.

(2)

Sistema finanzjarja integrata żżid ir-reżiljenza tal-unjoni ekonomika u monetarja għal xokkijiet negattivi billi tiffaċilita l-kondiviżjoni tar-riskju privat bejn il-fruntieri, filwaqt li fl-istess waqt tnaqqas il-ħtieġa ta’ kondiviżjoni pubblika tar-riskji. Sabiex jinkisbu dawk l-objettivi, jenħtieġ li l-Unjoni tlesti l-unjoni bankarja u tkompli tiżviluppa unjoni tas-swieq kapitali (CMU). L-indirizzar ta’ ħażniet għolja ta’ NPLs u tal-akkumulazzjoni possibbli tagħhom fil-ġejjieni huwa essenzjali biex tissaħħaħ l-unjoni bankarja peress li dan huwa indispensabbli biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni fis-settur bankarju, u b’hekk tinżamm l-istabbiltà finanzjarja u jitħeġġeġ is-self sabiex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Unjoni.

(3)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi Indirizzat is-Self Improduttiv fl-Ewropa (il-“Pjan ta’ Azzjoni”) stiednu lil diversi istituzzjonijiet sabiex jieħdu miżuri xierqa biex ikomplu jindirizzaw l-għadd għoli ta’ NPLs fl-Unjoni u jipprevjenu l-akkumulazzjoni possibbli tagħhom fil-ġejjieni. Il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi approċċ komprensiv li jiffoka fuq taħlita ta’ azzjonijiet komplementari ta’ politika f’erba’ oqsma: (i) is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni bankarja, (ii) ir-riforma tal-oqfsa tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-irkupru tad-dejn, (iii) l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal assi f’diffikultà, u (iv) t-trawwim tar-ristrutturar tas-sistema bankarja. L-azzjoni f’dawk l-oqsma għandha tittieħed fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni fejn ikun xieraq. Il-Kummissjoni ħabbret intenzjoni simili fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2017 dwar l-ikkompletar tal-unjoni bankarja, li sejħet għal pakkett komprensiv dwar it-trattar tal-NPLs fl-Unjoni.

(4)

Din id-Direttiva, flimkien ma’ miżuri oħra li qiegħda tressaq il-Kummissjoni, kif ukoll l-azzjoni meħuda mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-kuntest tas-superviżjoni bankarja taħt il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA), stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), se joħolqu l-ambjent li jixraq għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jittrattaw l-NPLs li għandhom fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom, u se jnaqqsu r-riskju tal-akkumulazzjoni ta’ NPLs fil-ġejjieni.

(5)

Meta jiżviluppaw approċċi makroprudenzjali biex jipprevjeni l-ħolqien ta’ riskji għas-sistema kollha assoċjati mal-NPLs, jeħtieġ li l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, li ġie stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jiġi rikjest, fejn xieraq, joħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet makroprudenzjali relatati mas-suq sekondarju għall-NPLs.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2019/630 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) introduċa regoli ġodda fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li jirrikjedu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jwarrbu riżorsi suffiċjenti meta s-self ġdid li jingħata jsir improduttiv, li suppost se jwasslu biex jinħolqu inċentivi xierqa biex jiġu indirizzati l-NPLs fi stadju bikri u jipprevjenu akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom. Jekk is-self isir improduttiv, mekkaniżmi ta’ eżekuzzjoni iktar effiċjenti għal self garantit se jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jimplimentaw strateġija olistika biex jinfurzaw l-NPLs, b’mod li jkunu soġġetti għal salvagwardji b’saħħithom u effettivi għall-mutwatarji. Madankollu, jekk il-ħażniet tal-NPLs isiru għoljin wisq, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jkunu jistgħu jbigħuhom lil operaturi oħra fi swieq sekondarji effiċjenti, kompetittivi u trasparenti. L-awtoritajiet kompetenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiggwidawhom jagħmlu dan, abbażi tas-setgħat eżistenti speċifiċi tagħhom, l-hekk imsejħa setgħat tal-Pilastru 2, skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Fil-każijiet li fihom l-NPLs isiru problema sinifikanti u wiesgħa, l-Istati Membri huma kapaċi jistabbilixxu kumpaniji maniġerjali tal-assi nazzjonali jew miżuri alternattivi oħrajn fil-qafas tar-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-istat u r-riżoluzzjoni bankarja.

(7)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tippermetti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jittrattaw aħjar is-self li jsir improduttiv, billi ttejjeb l-kundizzjonijiet għall-bejgħ tal-kreditu lil partijiet terzi. Barra minn hekk, meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jaffaċċjaw akkumulazzjoni kbira ta’ NPLs u ma jkollhomx persunal jew kompetenzi esperti biżżejjed għas-servizzjar kif suppost tagħhom, jenħtieġ li jkunu kapaċi jew li jesternalizzaw is-servizzjar ta’ dan is-self lil servizzjant speċjalizzat fis-servizzi tal-kreditu jew li jittrasferixxu l-kuntratt ta’ kreditu lil xerrej tal-kreditu li jkollu l-predispożizzjoni għar-riskju u l-kompetenza meħtieġa biex jimmaniġġjah.

(8)

Filwaqt li t-termini “self” u “banek” jintużaw b’mod komuni fid-dibattitu pubbliku f’xi Stati Membri, minn hawn ’il quddiem se jintużaw it-termini “kreditu” jew “kuntratti ta’ kreditu” u “istituzzjoni ta’ kreditu”. Barra minn hekk, din id-Direttiva tkopri kemm id-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv kif ukoll il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu.

(9)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tirregola l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għall-NPLs fl-Unjoni billi tneħħi l-impedimenti għat-trasferimenti ta’ NPLs, kif ukoll tistabbilixxi salvagwardji għalihom, minn istituzzjonijiet ta’ kreditu lil xerrejja tal-kreditu, filwaqt li fl-istess ħin tissalvagwardja d-drittijiet tal-mutwatarji. Kwalunkwe miżura adottata jenħtieġ li tarmonizza r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni għas-servizzjanti tal-kreditu. Din id-Direttiva jenħtieġ għalhekk li tistabbilixxi qafas għall-Unjoni kollha kemm għax-xerrejja kif ukoll għas-servizzjanti ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttiv maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, li bih is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jiksbu awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u jkunu soġġetti għas-superviżjoni tagħhom-.

(10)

Bħalissa, ix-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu ma jistgħux jiksbu l-benefiċċji tas-suq intern minħabba l-ostakli maħluqa minn reġimi nazzjonali diverġenti fin-nuqqas ta’ reġim regolatorju u superviżorju ddedikat u koerenti. Attwalment, ma jeżistux standards minimi Ewropew komuni biex jiġu rregolati s-servizzjanti tal-kreditu. B’mod partikolari, ma ġewx stabbiliti standards komuni biex jiġi rregolat il-ġbir tad-dejn. L-Istati Membri għandhom regoli differenti ħafna dwar kif ix-xerrejja tal-kreditu jistgħu jakkwistaw kuntratti ta’ kreditu minn istituzzjonijiet ta’ kreditu. Ix-xerrejja tal-kreditu li jixtru kreditu maħruġ minn istituzzjonijiet ta’ kreditu mhumiex irregolati f’xi Stati Membri, filwaqt li f’oħrajn dawn huma soġġetti għal diversi rekwiżiti, li xi drabi jinvolvu r-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu. Dawk id-differenzi bejn ir-rekwiżiti regolatorji rriżultaw f’ostakli konsiderevoli għax-xiri legali ta’ kreditu f’kuntest transfruntier fl-Unjoni prinċipalment billi żiedu l-ispejjeż tal-konformità li jiġu ffaċċjati fix-xiri ta’ portafolli ta’ kreditu. B’riżultat ta’ dan, ix-xerrejja tal-kreditu joperaw biss f’għadd limitat ta’ Stati Membri, u dan irriżulta f’kompetizzjoni dgħajfa fis-suq intern minħabba li l-għadd ta’ xerrejja tal-kreditu interessati baqa’ baxx. Dan, min-naħa l-oħra, wassal għal suq sekondarju ineffiċjenti għall-NPLs. Barra minn hekk, is-swieq essenzjalment nazzjonali għall-NPLs għandhom it-tendenza li jibqgħu ta’ volum żgħir.

(11)

Il-parteċipazzjoni limitata tax-xerrejja tal-kreditu rriżultat f’domanda baxxa, f’kompetizzjoni dgħajfa u fi prezzijiet baxxi għall-portafolli ta’ kuntratti ta’ kreditu fi swieq sekondarji, u dan huwa diżinċentiv għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex ibigħu l-kuntratti ta’ kreditu improduttiv. Għalhekk, hemm dimensjoni ċara tal-Unjoni għall-iżvilupp ta’ swieq għal krediti mogħtija minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u mibjugħa lix-xerrejja tal-kreditu. Min-naħa waħda, jenħtieġ li jkun possibbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jbigħu kuntratti ta’ kreditu improduttiv fuq l-iskala tal-Unjoni fi swieq sekondarji effiċjenti, kompetittivi u trasparenti. Min-naħa l-oħra, it-tlestija tal-unjoni bankarja u s-CMU tagħmilha neċessarja li tittieħed azzjoni sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttiv fuq il-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jaqdu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija. Għalhekk, din id-Direttiva tkopri x-xerrejja tal-kreditu fl-eżerċizzju tal-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħhom meta jakkwistaw kuntratt ta’ kreditu f’każ biss meta l-kuntratt ta’ kreditu jkun kuntratt ta’ kreditu improduttiv.

(12)

Kreditu improduttiv oriġinarjament mogħti minn istituzzjoni ta’ kreditu jista’ jsir produttiv fil-proċess tas-servizzjar tal-kreditu. F’dak il-każ, jenħtieġ li s-servizzjanti tal-kreditu jkunu jistgħu jkomplu jwettqu l-attivitajiet tagħhom, abbażi tal-awtorizzazzjoni tagħhom bħala servizzjanti tal-kreditu f’konformità ma’ din id-Direttiva.

(13)

Ċerti Stati Membri jirregolaw l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu, iżda bi gradi differenti. L-ewwel nett, ftit Stati Membri biss jirregolaw dawk l-attivitajiet, u dawk li jagħmlu dan jiddefinixxuhom b’mod differenti ħafna. Iż-żieda fl-ispejjeż ta’ konformità regolatorja tirrappreżenta ostaklu għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ espansjoni permezz ta’ stabbiliment sekondarju jew tal-forniment ta’ servizzi b’mod transfruntiera. It-tieni, numru konsiderevoli ta’ Stati Membri jirrikjedu awtorizzazzjonijiet għal uħud mill-attivitajiet li dawk is-servizzjanti tal-kreditu jinvolvu ruħhom fihom. Dawk l-awtorizzazzjonijiet jimponu rekwiżiti differenti u ma jipprevedux għal possibiltajiet ta’ espansjoni transfruntiera. Għal darb’oħra, dan jopera bħala ostakolu għall-provvista ta’ servizzi transfruntiera. Fl-aħħar nett, f’xi każijiet, l-istabbiliment lokali huwa meħtieġ bil-liġi, u dan ixekkel l-eżerċitar tal-libertà fundamentali ta’ forniment ta’ servizzi b’mod transfruntier.

(14)

Filwaqt li s-servizzjanti tal-kreditu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom lil istituzzjonijiet ta’ kreditu u lil xerrejja tal-kreditu li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu, suq kompetittiv u integrat għas-servizzjanti tal-kreditu huwa marbut mal-iżvilupp ta’ suq kompetittiv u integrat għax-xerrejja tal-kreditu. Ix-xerrejja tal-kreditu spiss jiddeċiedu li jesternalizzaw attivitajiet tas-servizzjar tal-kreditu lil entitajiet oħra, għaliex huma ma jkollhomx il-kapaċità li jimmaniġġjaw il-kreditu huma stess, u għalhekk jista’ jkun li joqogħdu lura milli jixtru kreditu minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, jekk ma jkunux jistgħu jesternalizzaw ċerti servizzi.

(15)

In-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva fis-suq tax-xiri tal-kreditu u tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu jwassal biex ditti tas-servizzjar tal-kreditu jimponu fuq ix-xerrejja tal-kreditu tariffi għoljin għas-servizzi tagħhom, u dan iwassal għal prezzijiet baxxi fi swieq sekondarji tal-kreditu. Dak inaqqas l-inċentivi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jiskarikaw il-ħażna għolja tagħhom ta’ NPLs.

(16)

Għalhekk, jeħtieġ tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi indirizzata l-qagħda tax-xerrejja tal-kreditu u tas-servizzjanti tal-kreditu fir-rigward ta’ kreditu improduttiv oriġinarjament mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali li jirregolaw l-oriġini tal-kreditu, inkluż f’każijiet fejn is-servizzjanti tal-kreditu jistgħu jiġu kkunsidrati li qed jidħlu fl-intermedjazzjoni tal-kreditu. Din id-Direttiva hija wkoll mingħajr preġudizzju għal regoli nazzjonali li jimponu rekwiżiti addizzjonali għal xerrej tal-kreditu jew servizzjant tal-kreditu fir-rigward ta’ negozjar mill-ġdid tat-termini u l-kundizzjonijiet fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu.

(17)

Huwa f’idejn l-Istati Membri biex jirregolaw l-attivitajiet tas-servizzjar tal-kreditu li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, bħal servizzi offruti għal kuntratti ta’ kreditu maħruġa minn istituzzjonijiet mhux ta’ kreditu jew attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu mwettqa minn persuni fiżiċi, inkluż billi jimponu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk taħt din id-Direttiva. Dawk l-entitajiet u l-persuni fiżiċi, madankollu, ma jibbenefikawx mill-possibbiltà ta’ passaportar ta’ dawn is-servizzi fi Stati Membri oħra.

(18)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-restrizzjonijiet skont il-liġijiet nazzjonali dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew it-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, li ma jintemmx skont il-liġi ċivili nazzjonali bl-effett li l-ammonti kollha pagabbli taħt il-kuntratt ta’ kreditu jsiru dovuti immedjatament, fejn dan ikun meħtieġ għat-trasferiment lejn entità barra s-sistema bankarja. Għaldaqstant, se jkun hemm Stati Membri fejn, filwaqt li jitqiesu r-regoli nazzjonali, l-akkwist ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttiv li ma jkunux skadew, jew li jkunu ilhom li skadew inqas minn 90 jum, jew li ma jintemmux skont il-liġi ċivili nazzjonali minn kredituri mhux irregolati, se jibqa’ jkun limitat. Huwa f’idejn l-Istati Membri biex jirregolaw it-trasferiment ta’ kuntratti ta’ kreditu produttivi, fosthom billi jimponu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk skont din id-Direttiva.

(19)

Din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax il-liġi tal-Unjoni rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, notevolment lid-dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u dwar il-ġurisdizzjoni, inkluża l-applikazzjoni ta’ dawk l-atti u dispożizzjonijiet f’każijiet individwali skont ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 (8) u (UE) Nru 1215/2012 (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-kredituri kollha u kull persuna li tirrappreżentahom huma obbligati li jirrispettaw il-liġi tal-Unjoni fit-trattattivi tagħhom mal-konsumatur u mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-konsumatur ikunu protetti.

(20)

Is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu jenħtieġ li dejjem jaġixxu in bona fide, jittrattaw lill-mutwatarji b’mod ġust u jirrispettaw il-privatezza tagħhom. Dawn jenħtieġ li la jagħmlu ħsara u lanqas jagħtu informazzjoni qarrieqa lill-mutwatarji. Qabel l-ewwel ġbir tad-dejn u kull meta jintalbu mill-mutwatarji, jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni lill-mutwatarji dwar, fost l-oħrajn, it-trasferiment li seħħ, l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tax-xerrej tal-kreditu u tas-servizzjant tal-kreditu, fejn jinħatar wieħed, kif ukoll informazzjoni dwar l-ammonti dovuti mill-mutwatarju u dikjarazzjoni li tgħid li l-liġijiet rilevanti kollha tal-Unjoni u nazzjonali jibqgħu japplikaw.

(21)

Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tnaqqasx il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u, sal-punt sa fejn ix-xerrejja tal-kreditu jikkwalifikaw bħala kredituri skont id-Direttivi 2008/48/KE (10) u 2014/17/UE (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi stabbiliti mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/48/KE u l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/17/UE, rispettivament. Barra minn hekk, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-konsumaturi ggarantita mid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li tipprojbixxi prattiki kummerċjali inġusti inkluż dawk imwettqa matul l-infurzar tal-kuntratt fejn konsumatur jiġi mqarraq dwar id-drittijiet jew l-obbligi tal-konsumatur, jew inkella jkun soġġett għal fastidju, koerċizzjoni jew influwenza indebita inkluż f’termini ta’ ħin, post, natura jew persistenza ta’ azzjonijiet ta’ infurzar, f’termini tal-użu ta’ theddid jew lingwaġġ jew imġiba abbużivi, jew f’termini tat-theddid li tittieħed kwalunkwe azzjoni li ma tistax tittieħed legalment.

(22)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiżgura d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal indipendenti u imparzjali u l-possibbiltà li wieħed jingħata parir, jiġi difiż u rappreżentat minn avukat. Dan jista’ jkun ta’ rilevanza partikolari għall-fehim sħiħ u komplet tal-kwistjonijiet u l-argumenti legali kollha li jkunu qed jiġu indirizzati u biex tiġi żgurata tħejjija komprensiva tar-rappreżentanza tal-qorti għall-każ inkwistjoni. Il-mutwatarji li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikorru għall-għajnuna legali, fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali applikabbli.

(23)

L-istituzzjonijiet tal-kreditu tal-Unjoni jwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu bħala parti min-negozju normali tagħhom. Dawn għandhom l-istess obbligi fir-rigward tal-kuntratti tal-kreditu li jkunu ħarġu huma stess bħal dawk li jkunu xtraw minn istituzzjoni ta’ kreditu oħra. Peress li huma diġà rregolati u ssir superviżjoni tagħhom, l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-attivitajiet tagħhom ta’ servizzjar jew ta’ xiri ta’ kreditu tkun tfisser duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-ispejjeż tal-awtorizzazzjoni u tal-konformità u għalhekk dawn mhumiex koperti b’din id-Direttiva. L-esternalizzazzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu kemm produttiv kif ukoll improduttiv, lis-servizzjanti tal-kreditu jew lil partijiet terzi oħra, lanqas ma tinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva minħabba li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu diġà huma meħtieġa josservaw ir-regoli tal-esternalizzazzjoni applikabbli. Barra minn hekk, il-kredituri li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu iżda li madankollu huma ssorveljati minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE u li jwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu għal kreditu mogħti lil konsumaturi bħala parti min-negozju normali tagħhom mhumiex koperti minn din id-Direttiva meta jwettqu attivitajiet tas-servizzjar tal-kreditu f’dak l-Istat Membru. Barra minn hekk, maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv, kumpaniji maniġerjali u kumpaniji tal-investiment (sakemm il-kumpanija tal-investiment ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali) awtorizzati jew irreġistrati skont id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jew id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jenħtieġ li ma jaqgħux lanqas fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Fl-aħħar nett, hemm xi professjonijiet li jwettqu attivitajiet anċillari simili għal attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu bħala parti mill-professjoni tagħhom, jiġifieri nutara pubbliċi, avukati u bailiffs li jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom skont il-liġi nazzjonali, u li jimplimentaw l-infurzar ta’ miżuri vinkolanti u, għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw lil dawk il-professjonijiet mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(24)

Sabiex ix-xerrejja u s-servizzjanti tal-kreditu eżistenti jitħallew jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u, b’mod partikolari, biex is-servizzjanti tal-kreditu jitħallew jiġu awtorizzati, din id-Direttiva tippermetti lill-entitajiet li bħalissa qed jipprevedu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu skont il-liġi nazzjonali, ikomplu jagħmlu dan fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom għal perjodu ta’ sitt xhur wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. Wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ sitt xhur, is-servizzjanti tal-kreditu awtorizzati taħt il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva biss jenħtieġ li jkunu permessi joperaw fis-suq.

(25)

L-Istati Membri li diġà għandhom fis-seħħ regoli ekwivalenti jew iktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva għal attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikonoxxu fil-liġi nazzjonali tagħhom li tittrasponi din id-Direttiva l-possibbiltà li l-entitajiet eżistenti li jipprevedu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu jkunu awtomatikament rikonoxxuti bħala servizzjanti tal-kreditu awtorizzati.

(26)

L-awtorizzazzjoni ta’ servizzjant tal-kreditu biex iwettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fl-Unjoni kollha jenħtieġ li tkun soġġetta għal sett uniformi u armonizzat ta’ kundizzjonijiet li jenħtieġ li jiġu applikati b’mod proporzjonat mill-awtoritajiet kompetenti.

(27)

Sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-protezzjoni tal-mutwatarju u sabiex tiġi promossa l-fiduċja, il-kundizzjonijiet għall-għoti u għaż-żamma ta’ awtorizzazzjoni bħala servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li jiżguraw li servizzjanti tal-kreditu, persuni li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikanti fid-ditta tas-servizzjant tal-kreditu, u l-membri tal-organu tal-ġestjoni jew amministrattiv tiegħu, ikollhom kondotta tal-pulizija nadifa fir-rigward ta’ reati kriminali rilevanti marbuta ma’, fost affarijiet oħra, reati kontra l-proprjetà, reati relatati ma’ attivitajiet finanzjarji, ħasil tal-flus, ma’ frodi jew ma’ reati kontra l-integrità fiżika, u li mhumiex soġġetti għal proċeduri ta’ insolvenza jew li ma jkunux ġew iddikjarati falluti fl-imgħoddi, sakemm ma jkunux ġew stabbiliti mill-ġdid skont il-liġi nazzjonali. Il-konformità mar-rekwiżit li l-membri tal-organu maniġerjali jew amministrattiv tas-servizzjanti tal-kreditu jkunu trasparenti, miftuħa u kooperattivi fin-negozji tal-imgħoddi tagħhom mal-awtoritajiet superviżorji u regolatorji jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-awtorità kompetenti jew fl-għarfien tagħha fiż-żmien meta tingħata l-awtorizzazzjoni. Jekk l-ebda informazzjoni ma tkun disponibbli, jew jekk ma jkun hemm l-ebda għarfien ta’ xi informazzjoni, jew jekk ma jkun hemm l-ebda interazzjoni fl-imgħoddi mal-awtoritajiet superviżorji u regolatorji f’dak iż-żmien, ir-rekwiżit jitqies issodisfat.

(28)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-ġestjoni, kollha kemm hi, ta’ servizzjant tal-kreditu jkollha għarfien u esperjenza adegwati biex twettaq in-negozju b’mod kompetenti u responsabbli, skont l-attività li għandha titwettaq. Huwa f’idejn kull Stat Membru li jistabbilixxi r-rekwiżiti rigward reputazzjoni tajba, l-għarfien adegwat u l-esperjenza, iżda jenħtieġ li dawn ma jfixklux il-moviment liberu tas-servizzjanti tal-kreditu awtorizzati fl-Unjoni. Għal dak il-għan, l-EBA jenħtieġ li tiżviluppa linji gwida biex tnaqqas ir-riskju ta’ interpretazzjonijiet diverġenti tar-rekwiżiti dwar l-għarfien u l-esperjenza adegwati. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-debitur kif ukoll mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ governanza u mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, kif ukoll proċeduri xierqa għar-reġistrazzjoni u t-trattament tal-ilmenti u li dawn ikunu soġġetti għal superviżjoni. Barra minn hekk, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ proċeduri adegwati kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jinnominaw is-servizzjanti tal-kreditu bħala entitajiet marbuta b’obbligu għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jkunu obbligati li jaġixxu b’mod ġust u bil-kunsiderazzjoni dovuta għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-mutwatarji. Fejn servizzi ta’ konsulenza dwar id-dejn li jiffaċilitaw ir-ripagament tad-dejn ikunu disponibbli fil-livell nazzjonali, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jikkunsidraw li jirreferu lill-mutwatarji għand servizzi bħal dawn.

(29)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeterminaw, fil-liġi nazzjonali tagħhom li tittrasponi din id-Direttiva, jekk is-servizzjanti tal-kreditu fit-territorju tagħhom għandhomx il-permess li jirċievu u jżommu fondi mingħand mutwatarji waqt li jwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu. F’każijiet fejn ir-riċeviment u ż-żamma ta’ fondi minn mutwatarji jkunu permessi fi Stat Membru u s-servizzjanti tal-kreditu jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu dan bħala parti mill-mudell tan-negozju tagħhom, jenħtieġ li japplikaw rekwiżiti addizzjonali għal dawk is-servizzjanti tal-kreditu, sabiex jiġu indirizzati r-riskji li jistgħu jinqalgħu f’każijiet ta’ insolvenza, jiġifieri segregazzjoni tal-kontijiet u tal-fondi, kif ukoll f’każijiet tal-ħelsien mill-mutwatarju. Meta Stat Membru ta’ domiċilju ta’ servizzjant tal-kreditu jipprojbixxi lis-servizzjanti tal-kreditu milli jirċievu u jżommu fondi mingħand mutwatarji, servizzjant tal-kreditu ma jistax jagħmel dan, la fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu u lanqas fi kwalunkwe Stat Membru ospitanti, anki jekk Stat Membru ospitanti jippermetti r-riċeviment u ż-żamma ta’ fondi, preċiżament minħabba li s-servizzjant tal-kreditu ma kienx awtorizzat għal dak l-iskop mill-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu. B’kuntrast, meta Stat Membru ta’ domiċilju jippermetti lis-servizzjanti tal-kreditu jirċievu u jżommu fondi mingħand il-mutwatarji u jinkludi fil-liġi nazzjonali tiegħu r-rekwiżiti rilevanti, servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li jkun jista’ jirċievi u jżomm fondi mingħand mutwatarji fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu kif ukoll fi kwalunkwe Stat Membru ospitanti li jippermetti wkoll li jirċievu u jżommu fondi mingħand il-mutwatarji.

(30)

Sabiex jiġu evitati proċeduri twal u inċertezzi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti rigward l-informazzjoni li l-applikanti se jintalbu jressqu għal awtorizzazzjoni bħala servizzjant tal-kreditu, kif ukoll skadenzi raġonevoli għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni u ċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tiġi rtirata. Meta l-awtoritajiet kompetenti jirtiraw awtorizzazzjoni ta’ servizzjant tal-kreditu li jipprovdi attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fi Stati Membri oħra, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta jkunu differenti mill-Istat Membru ospitanti u minn dak tad-domiċilju, jenħtieġ li jiġu infurmati. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġi stabbilit reġistru pubbliku jew lista aġġornati fl-Istati Membri ta’ domiċilju u ospitanti u jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tal-awtoritajiet kompetenti sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tan-numru u tal-identità tas-servizzjanti tal-kreditu awtorizzati.

(31)

Ir-relazzjoni kuntrattwali bejn is-servizzjant tal-kreditu u x-xerrej tal-kreditur u l-obbligi tas-servizzjant tal-kreditu lejn il-kreditur jenħtieġ li ma jinbidlux bl-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet tas-servizzjar tal-kreditu jew lil fornituri tas-servizzi tal-kreditu. Is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jkunu responsabbli milli jiżguraw li l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu tagħhom lil fornituri ta’ servizzi tal-kreditu ma jirriżultax f’riskju operattiv mhux xieraq, lanqas f’nuqqas ta’ konformità mill-fornitur tas-servizz tal-kreditu ma’ kwalunkwe rekwiżit tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, u lanqas jirrestrinġi l-kapaċità tas-superviżur regolatorju li jwettaq dmiru u jissalvagwardja d-drittijiet tal-mutwatarji.

(32)

Meta xerrej tal-kreditu jafda lil servizzjant tal-kreditu l-ġestjoni u l-infurzar ta’ kuntratt ta’ kreditu, ix-xerrej tal-kreditu jiddelega d-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu kif ukoll il-kuntatt dirett tiegħu mal-mutwatarju lis-servizzjant tal-kreditu filwaqt li jibqa’ finalment responsabbli. Għaldaqstant, ir-relazzjoni bejn ix-xerrej tal-kreditu u s-servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li tkun stabbilita b’mod ċar fi ftehim ta’ servizzjar tal-kreditu bil-miktub u jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw kif tiġi ddeterminata tali relazzjoni. Barra minn hekk, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jaġixxu b’mod ġust u bil-kunsiderazzjoni dovuta għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-mutwatarji. Sal-punt li xerrej tal-kreditu ma jwettaqx huwa stess is-servizzjar ta’ kuntratti tal-kreditu li jakkwista, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu li s-servizzjant tal-kreditu u x-xerrej tal-kreditu huma meħtieġa jaqblu fil-ftehim ta’ servizzjar tal-kreditu li s-servizzjant tal-kreditu jinnotifika lix-xerrej tal-kreditu qabel ma jesternalizza l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu.

(33)

Sabiex jiġi żgurat id-dritt ta’ servizzjant tal-kreditu li jinvolvi ruħu f’attivitajiet transfruntiera u li jipprovdi għas-superviżjoni tagħhom, din id-Direttiva tistabbilixxi proċedura għall-eżerċitar tad-dritt ta’ servizzjant tal-kreditu awtorizzat li jinvolvi ruħu f’attivitajiet transfruntiera. Il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u ospitanti kif ukoll mas-servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li ssir fi skadenzi raġonevoli. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu jenħtieġ li jirċievu wkoll informazzjoni dwar attivitajiet transfruntiera mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

(34)

Servizzjant tal-kreditu li jwettaq attivitajiet fi Stat Membru ospitanti jenħtieġ li jkun soġġett għar-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru ospitanti f’konformità ma’ din id-Direttiva, inkluż, fejn applikabbli, il-projbizzjoni fuq ir-riċeviment u ż-żamma ta’ fondi minn mutwatarji, li mhumiex relatati ma’ rekwiżiti oħra ta’ awtorizzazzjoni tas-servizzjanti tal-kreditu. Jekk, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ Stat Membru ospitanti li jittrasponu din id-Direttiva, jiġu imposti rekwiżiti addizzjonali għall-awtorizzazzjoni bħala servizzjant tal-kreditu, jenħtieġ li tali rekwiżiti addizzjonali ma japplikawx għas-servizzjanti tal-kreditu li jwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu transfruntiera f’dak l-Istat Membru ospitanti.

(35)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva u effiċjenti tas-servizzjanti tal-kreditu transfruntiera, jenħtieġ li jinħoloq qafas speċifiku għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ domiċilju u ospitanti u, fejn xieraq, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu. Dak il-qafas jenħtieġ li jippermetti li jsiru l-iskambji tal-informazzjoni filwaqt li jippreserva l-kunfidenzjalità tagħha, is-segretezza professjonali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwu u tan-negozju, l-ispezzjonijiet fuq il-post u mhux fuq il-post, il-provvediment ta’ assistenza u n-notifika tar-riżultati tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżura meħuda.

(36)

Prerekwiżit importanti għall-bidu tar-rwol minn xerrejja tal-kreditu u servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jaċċessaw l-informazzjoni rilevanti kollha u l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu dan possibbli, filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data. F’dak il-kuntest, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu informazzjoni dettaljata lix-xerrejja prospettivi tal-kreditu sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-valutazzjoni tagħhom stess tal-valur tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jipprovdu dik l-informazzjoni darba biss matul il-proċess, jew matul il-fażi inizjali jew fil-fażijiet sussegwenti, iżda fi kwalunkwe każ qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasferiment. Dan l-obbligu ta’ informazzjoni huwa neċessarju u ġġustifikat sabiex ix-xerrejja prospettivi ta’ kreditu jkunu jistgħu jagħmlu għażliet informati qabel ma jidħlu fi tranżazzjoni u, għalhekk, huwa leġittimu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaqsmu d-data personali ta’ min jissellef ma’ xerrejja prospettivi ta’ kreditu. Tali informazzjoni jenħtieġ li tkun strettament limitata għal dak li huwa meħtieġ biex ix-xerrejja prospettivi tal-kreditu jkunu jistgħu jivvalutaw il-valur tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, u l-probabbiltà ta’ rkupru tal-valur ta’ dak il-kuntratt. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-għoti ta’ informazzjoni lil xerrejja prospettivi tal-kreditu u l-użu sussegwenti tagħha jikkonformaw mal-qafas rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(37)

Meta istituzzjoni ta’ kreditu tittrasferixxi kuntratti ta’ kreditu improduttiv, din jenħtieġ li tkun meħtieġa tinforma lill-awtorità kompetenti tagħha u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru ospitanti, fuq bażi biannwali, dwar mill-inqas il-bilanċ pendenti aggregat tal-portafolli ta’ kreditu ttrasferiti, kif ukoll in-numru u d-daqs tal-krediti inklużi u jekk it-trasferiment jinkludix kuntratti ta’ kreditu konklużi mal-konsumaturi. Għal kull portafoll ta’ kreditu ttrasferit fi tranżazzjoni waħda, l-informazzjoni pprovduta jenħtieġ li tinkludi l-identifikatur tax-xerrej tal-kreditu, jew fejn applikabbli tar-rappreżentanti tiegħu, jew meta dan ma jkunx disponibbli, l-identità u l-indirizz tax-xerrej u, fejn ikun applikabbli, l-identità tar-rappreżentant tiegħu fl-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu li l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq bażi trimestrali minflok, kull meta jqisu li tkun meħtieġa, inkluż minħabba l-għadd kbir ta’ tranżazzjonijiet matul perjodu ta’ kriżi. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jenħtieġ li tkun obbligata li tgħaddi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi ssorveljat ix-xerrej tal-kreditu. Tali rekwiżiti ta’ trasparenza jippermettu li jsir monitoraġġ armonizzat u effettiv fuq it-trasferiment ta’ kuntratti ta’ kreditu fi ħdan l-Unjoni. Sabiex jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li, sabiex jevitaw id-duplikazzjoni, iqisu l-informazzjoni li hija diġà disponibbli għalihom b’mezzi oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-rekwiżiti ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar portafoll ta’ kreditu, ladarba tali portafoll ikun ġie ttrasferit lil xerrej tal-kreditu, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tas-servizzjant tal-kreditu.

(38)

Il-Pjan ta’ Azzjoni rrikonoxxa li l-infrastruttura tad-data tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu se tiġi msaħħa permezz ta’ data uniformi u standardizzata dwar il-kuntratti ta’ kreditu improduttiv. L-EBA żviluppat mudelli tad-data li jipprovdu informazzjoni dwar skoperturi tal-kreditu fil-portafoll bankarju u jippermettu li x-xerrejja potenzjali jevalwaw il-valur tal-kuntratti ta’ kreditu u jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom. Minn naħa waħda, l-applikazzjoni ta’ mudelli tad-data bħal dawn għal kuntratti ta’ kreditu tnaqqas l-asimmetriji fl-informazzjoni bejn xerrejja u bejjiegħa potenzjali ta’ kuntratti ta’ kreditu u, għalhekk, tikkontribwixxi favur l-iżvilupp ta’ suq sekondarju li jiffunzjona fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fejn tali mudelli tad-data jkunu dettaljati żżejjed, dawn jistgħu jiġġeneraw piż eċċessiv għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu mingħajr ebda gwadann apprezzabbli f’termini ta’ informazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-EBA twettaq rieżami tal-mudelli tad-data bil-ħsieb li l-mudelli tad-data jiġu żviluppati iktar fi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jkunu meħtieġa jużaw il-formoli tad-data għat-trasferimenti ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttiv, inklużi trasferimenti lil istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn. Jenħtieġ li dak l-obbligu japplika għal trasferimenti ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttiv biss, u ma jinkludix tranżazzjonijiet kumplessi fejn jiġu inklużi kuntratti ta’ kreditu improduttiv bħala parti minn tali tranżazzjoni, inkluż il-bejgħ ta’ fergħat, il-bejgħ ta’ linji operatorji jew il-bejgħ tal-portafolli tal-klijenti mhux limitati għal kuntratti ta’ kreditu improduttiv u trasferimenti bħala parti minn operazzjoni ta’ ristrutturar kontinwa tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tbigħ fi proċedimenti ta’ insolvenza, riżoluzzjoni jew likwidazzjoni. Sabiex jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità, dawk ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni jenħtieġ li jiġu applikati għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu b’mod proporzjonat fir-rigward tan-natura u d-daqs u tal-krediti. Fl-istess ħin, il-firxa tal-obbligu tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkonformaw mal-formoli tad-data jenħtieġ li tqis id-data tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ kreditu improduttiv. Il-bejjiegħa l-oħra tal-kuntratti ta’ kreditu jenħtieġ li jkunu kapaċi jużaw dawk l-istandards sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-kuntratti ta’ kreditu għall-bejgħ. Barra minn hekk, f’każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, fejn huma pprovduti mudelli ta’ trasparenza obbligatorji, jenħtieġ li jiġi evitat kwalunkwe rappurtar doppju minħabba din id-Direttiva.

(39)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni, żviluppati mill-ABE, sabiex tispeċifika l-mudelli li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-għoti ta’ informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(40)

Peress li x-xerrejja tal-kreditu mhumiex joħolqu kreditu ġdid iżda, minflok, u kif previst fid-Direttiva, qed jixtru biss kuntratti ta’ kreditu improduttiv eżistenti b’riskju għalihom, dawn ma jikkawżawx tħassib prudenzjali u l-kontribut potenzjali tagħhom għal riskju sistemiku huwa negliġibbli. Għalhekk ma jkunx iġġustifikat li x-xerrejja tal-kreditu japplikaw għal awtorizzazzjoni iżda madankollu huwa importanti li r-regoli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jibqgħu japplikaw u li d-drittijiet tal-mutwatarji jibqgħu jkunu dawk li jirriżultaw mill-kuntratt tal-kreditu inizjali.

(41)

Ix-xerrejja tal-kreditu minn pajjiżi terzi jistgħu jagħmluha iktar diffiċli lill-mutwatarji tal-Unjoni jistrieħu fuq id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni u li l-awtoritajiet nazzjonali jissorveljaw l-infurzar tal-kuntratti ta’ kreditu improduttiv. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu wkoll jiġu skoraġġuti milli jittrasferixxu tali kuntratti ta’ kreditu improduttiv lil xerrejja ta’ kreditu minn pajjiżi terzi minħabba r-riskju reputazzjonali involut. Sa fejn ir-rappreżentant ta’ xerrej minn pajjiż terz ta’ krediti mogħtija lil persuni fiżiċi, inklużi konsumaturi u ħaddiema indipendenti, jew ta’ krediti mogħtija lil intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) ma jkunx istituzzjoni ta’ kreditu, jew istituzzjoni mhux tal-kreditu sorveljata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, jew servizzjant tal-kreditu awtorizzat fl-Unjoni, dak ir-rappreżentant jenħtieġ li jaħtar tali entità sabiex jiġi żgurat li l-istess standards tad-drittijiet tal-mutwatarji jiġu ppreservati wara t-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv.

(42)

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat aħjar li l-istess standards tad-drittijiet tal-konsumaturi jiġu ppreservati wara t-trasferiment ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv, xerrej tal-kreditu domiċiljat fl-Unjoni, jew li għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma għandu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu meħtieġa wkoll jaħtru istituzzjoni ta’ kreditu, jew istituzzjoni mhux tal-kreditu taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, jew servizzjant tal-kreditu, biex iwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu improduttiv konklużi mal-konsumaturi.

(43)

L-Istati Membri ospitanti jenħtieġ li jkunu jistgħu jestendu l-obbligu li jinħatar servizzjant tal-kreditu fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu oħrajn. F’każijiet fejn it-trasferiment ta’ portafoll ta’ kreditu jinkludi kemm kuntratti ta’ kreditu mal-konsumaturi, persuni fiżiċi oħra jew SMEs li għalihom hija meħtieġa l-ħatra ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, jew ta’ istituzzjoni mhux tal-kreditu taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, jew ta’ servizzjant tal-kreditu, u simultanjament tinkludi wkoll kuntratti ta’ kreditu oħra li għalihom ma tkun meħtieġa l-ebda ħatra bħal din, ix-xerrej tal-kreditu jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu jenħtieġ li jikkonforma mal-obbligu tal-ħatra fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ kreditu ma’ konsumaturi, persuni fiżiċi oħra jew SMEs. Is-servizzjant tal-kreditu u x-xerrej tal-kreditu jenħtieġ li jikkonforma mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, u l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri individwali jenħtieġ li jingħataw is-setgħat meħtieġa biex iwettqu superviżjoni tal-attività tagħhom b’mod effettiv.

(44)

Meta xerrej tal-kreditu, jew ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont din id-Direttiva, ikun meħtieġ jaħtar servizzjant tal-kreditu, jew istituzzjoni ta’ kreditu, jew istituzzjoni ta’ kreditu mhux tal-kreditu taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, u jagħżel li jimmaniġġja u jinforza huwa stess id-drittijiet u l-obbligi relatati mad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, ix-xerrej tal-kreditu, jew ir-rappreżentant tiegħu maħtur f’konformità ma’ din id-Direttiva, jitqies bħala servizzjant tal-kreditu, u għalhekk jenħtieġ li jkun awtorizzat skont din id-Direttiva.

(45)

Ix-xerrejja tal-kreditu li jużaw is-servizzi tas-servizzjanti tal-kreditu, jew tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jew tal-istituzzjonijiet mhux tal-kreditu taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom b’dan sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti jeżerċitaw is-setgħat superviżorji tagħhom fir-rigward tal-kondotta tas-servizzjant tal-kreditu, jew tal-istituzzjoni ta’ kreditu, jew tal-istituzzjoni mhux tal-kreditu taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE, fil-konfront tal-mutwatarju. Ix-xerrejja tal-kreditu jenħtieġ li jinfurmaw ukoll fil-ħin lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tagħhom jekk iqabbdu servizzjant tal-kreditu, istituzzjoni ta’ kreditu, jew istituzzjoni mhux tal-kreditu differenti taħt superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2008/48/KE jew id-Direttiva 2014/17/UE.

(46)

Ix-xerrejja tal-kreditu li jinfurzaw il-kuntratt ta’ kreditu mixtri b’mod dirett jenħtieġ li jagħmlu dan f’konformità mal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu, inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur applikabbli għall-mutwatarju. Regoli nazzjonali li jirrigwardaw b’mod partikolari l-infurzar tal-kuntratti, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-liġi kriminali se jkomplu japplikaw u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiżguraw il-konformità tagħhom ma’ dawk ix-xerrejja tal-kreditu b’dawn ir-regoli fuq it-territorju tal-Istati Membri.

(47)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tal-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva, meta x-xerrej tal-kreditu ma jkunx domiċiljat fl-Unjoni, jew ma jkollux l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Unjoni, il-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva jenħtieġ li tipprovdi, meta jiġi konkluż trasferiment ta’ kuntratt ta’ kreditu, li x-xerrej tal-kreditu minn pajjiż terz jaħtar rappreżentant li jkun domiċiljat fl-Unjoni, jew li jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Unjoni, bil-mandat li jiġi indirizzat mill-awtoritajiet kompetenti flimkien max-xerrej tal-kreditu jew inkella minfloku. Dan ir-rappreżentant ikun responsabbli mill-obbligi imposti fuq ix-xerrejja tal-kreditu skont din id-Direttiva mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti fuq is-servizzjanti tal-kreditu. Ix-xerrejja tal-kreditu li jittrasferixxu kuntratti ta’ kreditu improduttiv jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju fuq bażi biannwali u fuq livell aggregat, ta’ mill-inqas il-bilanċ pendenti aggregat tal-portafolli ta’ kreditu ttrasferiti, kif ukoll in-numru u d-daqs tal-krediti inklużi u jekk jinkludix kuntratti ta’ kreditu konklużi mal-konsumaturi. Għal kull portafoll ta’ kreditu ttrasferit fi tranżazzjoni waħda, l-informazzjoni pprovduta jenħtieġ li tinkludi l-identifikatur tax-xerrej tal-kreditu, jew fejn applikabbli tar-rappreżentanti tiegħu fl-Unjoni, jew meta dan ma jkunx disponibbli, l-identità u l-indirizz tax-xerrej tal-kreditu u, fejn ikun applikabbli, l-identità tar-rappreżentant tiegħu fl-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu li l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq bażi trimestrali minflok, kull meta jqisu li tkun meħtieġa, inkluż minħabba l-għadd kbir ta’ tranżazzjonijiet matul perjodu ta’ kriżi.

(48)

Bħalissa, hemm bosta awtoritajiet differenti li huma inkarigati mill-awtorizzazzjoni u mis-superviżjoni tas-servizzjanti tal-kreditu u tax-xerrejja tal-kreditu fl-Istati Membri, u għalhekk huwa essenzjali li l-Istati Membri jiċċaraw ir-rwol ta’ tali awtoritajiet u jallokaw setgħat adegwati, speċjalment peress li dawn jaf ikollhom iwettqu superviżjoni tal-entitajiet involuti fil-forniment ta’ servizzi fi Stati Membri oħra. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effiċjenti u proporzjonata mal-Unjoni kollha, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu s-setgħat neċessarji lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva, inklużi s-setgħa li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa, li jiġi investigat kull ksur possibbli ta’ din id-Direttiva, li jiġu ttrattati l-ilmenti tal-mutwatarji u li jiġu imposti penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju, inkluż l-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Meta dawn il-penali amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju jiġu applikati, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti japplikawhom b’mod proporzjonat u li jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom, u li barra minn hekk dawk id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju inkluż f’każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti ma jaġixxux fil-limiti taż-żmien ippreveduti.

(49)

Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ksur ta’ din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ intervent ta’ Stat Membru f’każijiet ta’ ksur tal-liġi nazzjonali relatati ma’, pereżempju, protezzjoni tal-konsumatur, għal drittijiet tal-mutwatarji, jew għal attivitajiet kriminali. F’tali każijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-Istati Membri fejn il-kreditu ngħata huma dawk kompetenti biex jiddeċiedu jekk kienx hemm ksur tal-liġi nazzjonali u għalhekk is-setgħat tagħhom mhumiex limitati b’din id-Direttiva.

(50)

Peress li l-prestazzjoni tas-swieq sekondarji għall-kreditu se tiddependi fil-biċċa l-kbira mir-reputazzjoni tajba tal-entitajiet involuti, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmu effiċjenti li bih jittrattaw l-ilmenti tal-mutwatarji. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tax-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu jkollhom proċeduri effettivi u aċċessibbli biex jittrattaw l-ilmenti tal-mutwatarji.

(51)

Kemm ir-Regolament (UE) 2016/679 (16) u r-Regolament (UE) 2018/1725 (17) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. B’mod partikolari, meta d-data personali tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi speċifikat l-iskop preċiż, li jkun hemm referenza għall-bażi legali rilevanti msemmija u li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti rilevanti tas-sigurtà stipulati fir-Regolament (UE) 2016/679, u jenħtieġ li jiġu rispettati l-prinċipji tan-neċessità, tal-proporzjonalità, tal-limitazzjoni tal-iskop, u tal-perjodu proporzjonat u trasparenti għaż-żamma tad-data. Għal dawk il-finijiet, kodiċi ta’ kondotta għall-industrija kollha, skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2016/679, huwa preferut. Barra dan, il-protezzjoni tad-data personali mid-disinn u l-protezzjoni tad-data b’mod awtomatiku jenħtieġ ukoll li jkunu parti integrali fis-sistemi kollha ta’ pproċessar tad-data żviluppati u użati fil-qafas ta’ din id-Direttiva. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kompatibbli mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679, u f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data li jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni.

(52)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali jipprevedu għadd ta’ drittijiet u salvagwardji marbuta mal-kuntratti ta’ kreditu mogħtija lill-konsumaturi. Dawk id-drittijiet u salvagwardji japplikaw b’mod partikolari għan-negozjar u għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, għall-użu ta’ prattiki kummerċjali inġusti min-negozju għall-konsumatur kif stabbilit fid-Direttiva 2005/29/KE u għall-produttività jew għall-inadempjenza tal-kuntratt ta’ kreditu. Dak huwa notevolment il-każ fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu tal-konsumatur fit-tul li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni Direttiva 2014/17/UE, fir-rigward tad-dritt tal-konsumatur li jeħles bis-sħiħ jew b’mod parzjali mill-obbligi tal-konsumatur taħt kuntratt ta’ kreditu qabel l-iskadenza ta’ dak il-kuntratt ta’ kreditu jew li jkun infurmat permezz tal-Fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata, fejn ikun applikabbli, dwar it-trasferiment possibbli tal-kuntratt ta’ kreditu lil xerrej tal-kreditu. Jenħtieġ ukoll li d-drittijiet tal-mutwatarji ma jinbidlux, lanqas jekk it-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu bejn istituzzjoni ta’ kreditu u xerrej tal-kreditu jieħu l-forma ta’ kuntratt ta’ novazzjoni. Bħala prinċipju ġenerali, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-mutwatarji ma jkunux jinsabu f’sitwazzjoni agħar wara t-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu tagħhom minn istituzzjoni ta’ kreditu jew servizzjant tal-kreditu. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma timpedixxix lill-Istati Membri milli japplikaw dispożizzjonijiet aktar stretti biex jipproteġu lill-mutwatarji.

(53)

Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra skont id-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, u sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, dawk id-Direttivi jenħtieġ li jiġu emendati, biex jiġi żgurat li l-konsumatur tingħatalu, fil-mument opportun u qabel kwalunkwe modifika fit-termini u fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kreditu, lista ċara u komprensiva ta’ kull bidla bħal din, l-iskedi taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħha u d-dettalji meħtieġa kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-awtorità nazzjonali fejn il-konsumatur ikun jista’ jressaq ilment.

(54)

L-informazzjoni dwar il-modifika tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ kreditu skont id-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, kif introdotta bl-emendi stabbiliti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li ma taffettwa l-ebda dritt tal-konsumatur stabbilit fid-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, inkluż id-dritt għall-informazzjoni.

(55)

L-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-protezzjoni pprovduta lill-konsumaturi fid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (18) u fid-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE tfisser li ċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ kreditur taħt kuntratt ta’ kreditu jew tal-kuntratt innifsu lil xerrej tal-kreditu jenħtieġ li ma taffettwax b’xi mod jew ieħor il-livell ta’ protezzjoni mogħti mil-liġi tal-Unjoni lill-konsumaturi. Ix-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ għalhekk li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli, kif applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu inizjali, u l-mutwatarju jenħtieġ li jibqa’ jgawdi mill-istess livell ta’ protezzjoni kif ipprovdut mil-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli jew kif iddeterminat mir-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali rigward il-konflitt tal-liġijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, għajr l-ispejjeż diġà inklużi f’dak il-kuntratt ta’ kreditu, ma tiġi imposta l-ebda spiża relatata mat-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu fuq il-mutwatarju. Fir-rigward tal-imposti fuq il-konsumaturi f’każ ta’ inadempjenza, jenħtieġ li jiġu introdotti emendi għad-Direttiva 2008/48/KE li jirrikjedu li l-Istati Membri jsegwu l-istess regoli bħal fid-Direttiva 2014/17/UE dwar it-tqegħid ta’ limiti massimi fuq tariffi u penali.

(56)

Fir-rigward tal-konsumaturi, jenħtieġ li d- Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE jiġu emendati minn din id-Direttiva sabiex jiġi stabbilit li l-Istati Membri jesiġu li l-kredituri jkollhom politiki u proċeduri adegwati sabiex jagħmlu sforzi biex, meta jkun xieraq, jeżerċitaw tolleranza raġonevoli qabel ma jinbdew proċedimenti ta’ preklużjoni. Jenħtieġ li jittieħed kont tal-Linji Gwida tal-EBA dwar l-arretrati u l-preklużjoni tad-19 ta’ Awwissu 2015, tal-Linji Gwida tal-EBA dwar il-ġestjoni ta’ skoperturi improduttivi u tollerati tal-31 ta’ Ottubru 2018 u tal-Gwida tal-BĊE lill-banek dwar is-self improduttiv ta’ Marzu 2017. Meta jkunu qed jiddeċiedu liema miżuri ta’ tolleranza għandhom jieħdu, il-kredituri jenħtieġ li jqisu ċ-ċirkustanzi individwali tal-konsumatur, l-interessi u d-drittijiet tal-konsumatur u l-kapaċità tal-konsumatur li jħallas lura l-kreditu, inkluż b’mod partikolari jekk il-kuntratt ta’ kreditu jkunx iggarantit minn proprjetà immobbli residenzjali li tkun ir-residenza primarja tal-konsumatur. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ tolleranza jkunu jistgħu jikkonsistu f’ċerti konċessjonijiet lill-mutwatarju, bħal rifinanzjament totali jew parzjali ta’ kuntratt ta’ kreditu jew modifika tat-termini u l-kundizzjonijiet eżistenti tiegħu, estensjoni tat-terminu tiegħu, bidla fit-tip ta’ kuntratt ta’ kreditu, differiment tal-ħlas tar-ripagament parzjali kollu jew parti minnu għal xi perjodu, bidla fir-rata tal-imgħax, offerta ta’ moratorju fuq il-kreditu, ripagamenti parzjali, konverżjonijiet tal-valuta, maħfra parzjali u konsolidazzjoni tad-dejn. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ miżuri ta’ tolleranza xierqa fil-livell nazzjonali. Il-lista ta’ miżuri ta’ tolleranza mogħtija f’din id-Direttiva, bħala emendi għad-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE, mhijiex eżawrjenti, u għalhekk l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddisponu miżuri addizzjonali. Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu ma jiddisponux miżura speċifika jekk ikun previst hekk fil-livell nazzjonali, dment li jibqa’ jkun hemm għad-dispożizzjoni għadd raġonevoli ta’ miżuri. F’każ li wara proċedimenti ta’ preklużjoni jifdal xi dejn pendenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw il-protezzjoni ta’ kundizzjonijiet minimi ta’ għajxien u jadottaw miżuri biex jiffaċilitaw il-ħlas lura tad-dejn waqt li jiġi evitat dejn eċċessiv fit-tul. Tal-inqas, meta s-somma miksuba għall-proprjetà immobbli residenzjali taffettwa l-ammont dovut mill-konsumatur, jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu lill-kredituri jieħdu passi raġonevoli biex jiksbu l-aħjar somma possibbli għall-proprjetà immobbli residenzjali prekluża fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tas-suq. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jwaqqfux lill-partijiet għal kuntratt ta’ kreditu milli jaqblu espressament li t-trasferiment tal-garanzija lill-kreditur ikun biżżejjed sabiex jitħallas lura l-kreditu, partikularment meta l-kreditu jkun garantit mir-residenza primarja tal-mutwatarju.

(57)

Sabiex jiġi żgurat li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur ma jiġix affettwat f’każ ta’ ċessjoni lil parti terza tad-drittijiet tal-kreditur taħt kuntratt ta’ kreditu ipotekarju jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, jenħtieġ li tiġi introdotta emenda għad-Direttiva 2014/17/UE biex tistabbilixxi li, f’każi ta’ trasferiment ta’ kreditu kopert minn dik id-Direttiva, il-konsumatur ikun intitolat li jeċċepixxi kontra x-xerrej tal-kreditu kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għall-konsumatur kontra l-kreditur oriġinali u li jkun infurmat biċ-ċessjoni.

(58)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (19), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġustifikata.

(59)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fl-24 ta’ Jannar 2019.

(60)

Il-funzjonament effiċjenti ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jiġi rivedut mill-Kummissjoni aktar ma jevolvi l-istabbiliment ta’ suq sekondarju intern għal kuntratti ta’ kreditu improduttivi b’livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kummissjoni tinsab f’pożizzjoni tajba biex tanalizza kwistjonijiet transfruntiera speċifiċi li ma jistgħux jiġu identifikati jew indirizzati kif xieraq minn Stati Membri individwali, bħar-riskji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu li jistgħu jinqalgħu fir-rigward ta’ servizzjar tal-kreditu u attivitajiet tax-xerrejja tal-kreditu u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn Stati Membri differenti. Għalhekk huwa xieraq li fir-rieżami ta’ din id-Direttiva l-Kummissjoni tinkludi wkoll valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati mal-attivitajiet imwettqa mis-servizzjanti tal-kreditu u mix-xerrejja tal-kreditu u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti.

(61)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jissaħħaħ l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal NPLs fl-Unjoni filwaqt li tiġi żgurata aktar protezzjoni msaħħa għall-mutwatarji, partikularment il-konsumaturi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas u rekwiżiti komuni għal:

(a)

servizzjanti tal-kreditu tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni, li jaġixxu f’isem xerrej tal-kreditu;

(b)

xerrejja tal-kreditu tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

(a)

servizzjanti tal-kreditu li jaġixxu f’isem xerrej tal-kreditu fir-rigward tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli;

(b)

xerrejja tal-kreditu tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli.

2.   Fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, din id-Direttiva la għandha taffettwa l-prinċipji tad-dritt kuntrattwali u lanqas il-prinċipji tad-dritt ċivili skont il-liġi nazzjonali fir-rigward tat-trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, u lanqas il-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi jew lill-mutwatarji skont, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 593/2008, ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, u d-Direttivi 93/13/KEE, 2008/48/KE, 2014/17/UE u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dawk id-Direttivi jew dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur u d-drittijiet tal-mutwatarji.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa r-restrizzjonijiet imposti fil-liġijiet nazzjonali ta’ Stati Membri fir-rigward tat-trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, li ma jkunx skada jew li jkun ilu li skada inqas minn 90 jum, jew ma jkunx terminat skont id-dritt ċivili nazzjonali.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa r-rekwiżiti fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri dwar is-servizzjar tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, meta x-xerrej tal-kreditu jkun entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 2, tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), dment li tali liġijiet nazzjonali:

(a)

ma jaffettwawx il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur previst minn din id-Direttiva;

(b)

jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu l-informazzjoni meħtieġa mingħand is-servizzjanti tal-kreditu.

5.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

(a)

is-servizzjar tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu magħmul minn:

(i)

istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni;

(ii)

maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) awtorizzat jew irreġistrat skont id-Direttiva 2011/61/UE jew kumpanija maniġerjali jew kumpanija tal-investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE sakemm il-kumpanija tal-investiment ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali skont dik id-Direttiva, f’isem il-fond li timmaniġġja;

(iii)

istituzzjoni mhux tal-kreditu soġġetta għal superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/48/KE jew l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/17/UE fit-twettiq ta’ attivitajiet f’dak l-Istat Membru;

(b)

is-servizzjar tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, li ma jkunx maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni, ħlief meta d-drittijiet tal-kreditur fl-ambitu tal-kuntratt ta’ kreditu, jew il-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, jiġi sostitwit b’kuntratt ta’ kreditu maħruġ minn istituzzjoni bħal din;

(c)

ix-xiri tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni;

(d)

it-trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, li jkun ġie ttrasferit qabel id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(2).

6.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva s-servizzjar tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ ftehim ta’ kreditu, jew tal-ftehim ta’ kreditu nnifsu, imwettaq minn nutara pubbliċi u uffiċjali ġudizzjarji kif definiti mil-liġi nazzjonali jew avukati kif definiti fl-Artikolu 1(2), punt (a), tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu bħala parti mill-professjoni tagħhom.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)

“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fl-Artikolu 4(1), punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(2)

“kreditur” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu li tkun ħarġet kreditu, jew xerrej tal-kreditu;

(3)

“mutwatarju” tfisser persuna ġuridika jew fiżika li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu ma’ istituzzjoni ta’ kreditu, inkluż is-suċċessur legali jew iċ-ċessjonarju tagħha;

(4)

“kuntratt ta’ kreditu” tfisser kuntratt kif oriġinarjament maħruġ, immodifikat jew mibdul, li bih istituzzjoni ta’ kreditu tagħti kreditu fil-forma ta’ pagament differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra;

(5)

“kuntratt ta’ servizzjar tal-kreditu” tfisser kuntratt bil-miktub konkluż bejn xerrej tal-kreditu u servizzjant tal-kreditu li jikkonċerna s-servizzi li għandhom jingħataw mis-servizzjant tal-kreditu f’isem ix-xerrej tal-kreditu;

(6)

“xerrej tal-kreditu” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li mhijiex istituzzjoni ta’ kreditu li tixtri drittijiet tal-kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, matul il-kummerċ, in-negozju, jew il-professjoni tagħha, skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli;

(7)

“fornitur ta’ servizzi tal-kreditu” tfisser parti terza li tintuża mis-servizzjant tal-kreditu fit-twettiq ta’ xi waħda mill-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu;

(8)

“servizzjant tal-kreditu” tfisser persuna ġuridika li, tul in-negozju tagħha, timmaniġġja u tinforza d-drittijiet u l-obbligi relatati mad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, f’isem xerrej tal-kreditu, u twettaq tal-anqas attività ta’ servizzjar tal-kreditu waħda jew aktar;

(9)

“attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu” tfisser attività waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

il-ġbir jew l-irkupru, mingħand il-mutwatarju, skont il-liġi nazzjonali, ta’ kwalunkwe pagament dovut b’rabta mad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu jew mal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu;

(b)

in-negozjar mill-ġdid mal-mutwatarju, skont il-liġi nazzjonali, tat-termini u l-kundizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, skont l-istruzzjonijiet mogħtija mix-xerrej tal-kreditu, meta s-servizzjant tal-kreditu ma jkunx intermedjarju tal-kreditu kif definit fl-Artikolu 3, punt (f), tad-Direttiva 2008/48/KE jew fl-Artikolu 4, punt (5) tad-Direttiva 2014/17/UE;

(c)

it-trattament ta’ kwalunkwe lment fir-rigward tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu;

(d)

in-notifika, lill-mutwatarju, ta’ kwalunkwe bidla fir-rati tal-imgħax, fit-tariffi jew fil-ħlasijiet dovuti b’rabta mad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu jew mal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu;

(10)

“Stat Membru ta’ domiċilju” tfisser, fir-rigward ta’ servizzjant tal-kreditu, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju ewlieni tiegħu jew, fir-rigward ta’ xerrej tal-kreditu, l-Istat Membru li fih ix-xerrej tal-kreditu jew ir-rappreżentant tiegħu ikun domiċiljat jew li fih jinstab l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu;;

(11)

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru, barra mill-Istat Membru ta’ domiċilju, li fih servizzjant tal-kreditu jkun stabbilixxa fergħa jew fejn jipprovdi attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu u, ikun xi jkun il-każ, fejn il-mutwatarju jkun domiċiljat jew fejn jinstab l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu;

(12)

“konsumatur” tfisser persuna fiżika li, fil-kuntratti ta’ kreditu koperti minn din id-Direttiva, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma barra mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(13)

“kuntratt ta’ kreditu improduttiv” tfisser kuntratt ta’ kreditu li jkun klassifikat bħala skopertura improduttiva skont l-Artikolu 47a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

TITOLU II

SERVIZZJANTI TAL-KREDITU

KAPITOLU I

Awtorizzazzjoni tas-servizzjanti tal-kreditu

Artikolu 4

Rekwiżiti ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li s-servizzjant tal-kreditu jikseb awtorizzazzjoni fi Stat Membru ta’ domiċilju qabel ma jibda l-attivitajiet tiegħu fit-territorju tiegħu skont ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 21(3) is-setgħa li jagħtu awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Rekwiżiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti li ġejjin għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4(1):

(a)

l-applikant ikun persuna ġuridika kif imsemmi fl-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew – jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollux uffiċċju reġistrat – l-uffiċċju ewlieni tiegħu, ikun jinsab fl-Istat Membru fejn qed jitlob l-awtorizzazzjoni;

(b)

il-membri tal-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-applikant ikunu ta’ reputazzjoni suffiċjentement tajba, li tintwera billi tingħata prova li:

(i)

ikollhom kondotta tal-pulizija nadifa jew ekwivalenti nazzjonali ieħor fir-rigward ta’ reati kriminali rilevanti, partikularment dawk relatati ma’ proprjetà, servizzi u attivitajiet finanzjarji, ħasil tal-flus, użura, frodi, reati fiskali, ksur tas-segretezza professjonali jew mal-integrità fiżika, kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe reat ieħor skont il-liġijiet relatati mal-kumpaniji, il-falliment, l-insolvenza jew il-protezzjoni tal-konsumatur;

(ii)

l-effetti kumulattivi ta’ inċidenti żgħar ma jaffettwawx ir-reputazzjoni tajba tagħhom;

(iii)

fil-passat dejjem kienu trasparenti, miftuħa u kooperattivi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet superviżorji u regolatorji;

(iv)

ma jkunux soġġetti għal xi proċedura ta’ insolvenza li tkun għadha għaddejja jew ikunu ġew iddikjarati falluti fl-imgħoddi, sakemm ma jkunux ġew stabbiliti mill-ġdid skont il-liġi nazzjonali;

(c)

l-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-applikant, b’mod kumplessiv, ikollu għarfien u esperjenza adegwati biex imexxi n-negozju b’mod kompetenti u responsabbli;

(d)

il-persuni li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikanti fl-applikant fis-sens tal-Artikolu 4(1), punt (36), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ikunu ta’ reputazzjoni suffiċjentement tajba, li tintwera bl-issodisfar tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b)(i) u (iv) ta’ dan il-paragrafu;

(e)

l-applikant ikollu fis-seħħ arranġamenti ta’ governanza robusti u mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inklużi proċeduri ta’ mmaniġġjar tar-riskju, li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-mutwatarji u l-konformità mal-liġijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew il-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, u mar-Regolament (UE) 2016/679;

(f)

l-applikant japplika politika xierqa li tiżgura l-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tal-konsumaturi u t-trattament ġust u diliġenti tal-mutwatarji, inkluż billi jqis is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u, meta jkun disponibbli, il-ħtieġa li dawn il-mutwatarji jiġu riferuti għand servizzi ta’ konsulenza dwar id-dejn jew għand servizzi soċjali;

(g)

l-applikant ikollu fis-seħħ proċeduri interni adegwati u speċifiċi li jiżguraw ir-reġistrazzjoni u t-trattament tal-ilmenti tal-mutwatarji;

(h)

l-applikant ikollu fis-seħħ proċeduri adegwati kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2015/849 jinnominaw is-servizzjanti tal-kreditu bħala entitajiet marbuta b’obbligu għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(i)

l-applikant ikun soġġett skont il-liġi nazzjonali applikabbli għal rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni pubblika.

2.   Wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u tirrifletti l-interessi kollha involuti, l-EBA għandha toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jirrifjutaw awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) meta l-applikant ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, jekk ikun rilevanti, fl-Artikolu 6(2), punt (a).

Artikolu 6

Kapaċità ta’ żamma ta’ fondi

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk is-servizzjanti tal-kreditu, fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fit-territorju tagħhom, ikunux:

(a)

awtorizzati jirċievu u jżommu fondi mingħand il-mutwatarji sabiex jittrasferixxu dawk il-fondi lix-xerrejja tal-kreditu; jew

(b)

ipprojbiti milli jirċievu u jżommu fondi mingħand il-mutwatarji.

2.   Jekk is-servizzjanti tal-kreditu jitħallew jirċievu u jżommu fondi mingħand il-mutwatarji skont il-paragrafu 1, il-punt (a), l-Istati Membri għandhom:

(a)

jistabbilixxu, minbarra r-rekwiżiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(1), rekwiżit li l-applikant ikollu kont separat f’istituzzjoni ta’ kreditu li fih għandhom jiġu kkreditati u miżmuma l-fondi kollha li jirċievi mingħand il-mutwatarji sakemm dawn jiġu ttrasferiti lix-xerrej tal-kreditu rispettiv, skont il-kundizzjonijiet miftiehma max-xerrej tal-kreditu;

(b)

jiżguraw li dawk il-fondi jkunu protetti f’konformità mal-liġi nazzjonali fl-interess tax-xerrejja tal-kreditu kontra l-pretensjonijiet tal-kredituri l-oħrajn tas-servizzjanti tal-kreditu, partikularment f’każ ta’ insolvenza;

(c)

jiddeterminaw li, meta mutwatarju jagħmel pagament lil servizzjant tal-kreditu sabiex, parzjalment jew totalment, jirrimborża l-ammonti dovuti b’rabta mad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew mal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, dak il-pagament jiġi ttrattat bħala li jkun tħallas lix-xerrej tal-kreditu;

(d)

jirrikjedu li, kull meta servizzjant tal-kreditu jirċievi fondi mingħand il-mutwatarju, is-servizzjant tal-kreditu jirrikonoxxi l-ammonti li jkun irċieva billi jibgħat irċevuta jew ittra ta’ kwittanza lill-mutwatarju bil-miktub jew b’mezz permanenti ieħor.

3.   Jekk servizzjant tal-kreditu ma jkollux l-intenzjoni li jirċievi u jżomm fondi mingħand il-mutwatarji bħala parti mill-mudell kummerċjali tiegħu, is-servizzjant tal-kreditu għandu jesprimi dik l-intenzjoni fl-applikazzjoni tiegħu għall-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1). F’każijiet bħal dawn, ir-rekwiżiti stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (a),ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw.

Artikolu 7

Proċedura għall-awtorizzazzjoni tas-servizzjanti tal-kreditu

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ servizzjanti tal-kreditu li tippermetti li applikant jissottometti applikazzjoni u jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju biex dawn jivverifikaw li l-applikant ikun issodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 5(1) u, jekk ikun rilevanti, fl-Artikolu 6(2), punt (a).

2.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-servizzjanti tal-kreditu msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a)

evidenza tal-istatus legali tal-applikant u kopja tal-att ta’ inkorporazzjoni tiegħu u tal-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni;

(b)

l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali jew tal-uffiċċju rreġistrat tiegħu;

(c)

l-identità tal-membri tal-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-applikant u tal-persuni li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikanti fis-sens tal-Artikolu 4(1), punt (36) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

evidenza li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (b) u (c);

(e)

evidenza li l-persuni li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikanti fis-sens tal-Artikolu 4(1), il-punt (36), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (d) ta’ din id-Direttiva;

(f)

evidenza tal-arranġamenti ta’ governanza u tal-mekkaniżmi ta’ kontroll intern imsemmija fl-Artikolu 5(1), punt (e);

(g)

evidenza tal-politika msemmija fl-Artikolu 5(1), punt (f);

(h)

evidenza tal-proċeduri interni msemmija fl-Artikolu 5(1), punt (g);

(i)

evidenza tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 5(1), punt (h);

(j)

jekk ikun rilevanti, evidenza tal-eżistenza ta’ kont separat f’istituzzjoni ta’ kreditu kif previst fl-Artikolu 6(2), punt (a);

(k)

kwalunkwe kuntratt ta’ esternalizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 12(1).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ta’ domiċilju jivvalutaw, fi żmien 45 jum minn meta jirċievu l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, jekk dik l-applikazzjoni tkunx kompluta.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi żmien 90 jum minn meta jirċievu applikazzjoni kompluta jew, jekk l-applikazzjoni titqies li ma tkunx kompluta, minn meta jirċievu l-informazzjoni meħtieġa, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jinnotifikaw lill-applikant jekk l-awtorizzazzjoni ngħatatx jew ġietx rifjutata u jagħtu r-raġunijiet għar-rifjut.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li applikant ikollu d-dritt li jappella quddiem tribunal f’każijiet meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jiddeċiedu li jirrifjutaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5(3) u anke meta, sa meta jagħlaq iż-żmien previst fil-paragrafu (4) ta’ dan l-Artikolu, ma tittieħed ebda deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-applikazzjoni.

Artikolu 8

Irtirar ta’ awtorizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi neċessarji u setgħat ta’ sanzjoni, skont l-Artikolu 22, sabiex jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija lis-servizzjant tal-kreditu, meta kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin tapplika għal tali servizzjant tal-kreditu:

(a)

ma jużax l-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar mill-ħruġ tagħha;

(b)

jirrinunzja espressament għall-awtorizzazzjoni;

(c)

ma jkunx baqa’ jinvolvi ruħu fl-attivitajiet ta’ servizzjant tal-kreditu għal iktar minn 12-il xahar;

(d)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew b’mezz irregolari ieħor;

(e)

ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni bħala servizzjant tal-kreditu stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u, meta rilevanti, fl-Artikolu 6(2), punt (a);

(f)

jikkommetti ksur serju tar-regoli applikabbli, inklużi d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jew ta’ regoli oħra dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, inklużi r-regoli applikabbli tal-Istat Membru ospitanti u tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu.

2.   Meta awtorizzazzjoni tiġi rtirata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti f’każijiet meta s-servizzjant tal-kreditu jipprovdi servizzi skont l-Artikolu 13, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru ospitanti u minn dak ta’ domiċilju.

Artikolu 9

Lista jew reġistru ta’ servizzjanti tal-kreditu awtorizzati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu u jżommu tal-anqas lista jew, jekk jitqies aktar xieraq, reġistru nazzjonali tas-servizzjanti tal-kreditu kollha li jkunu awtorizzati jipprovdu servizzi fit-territorju tagħhom, inklużi servizzjanti tal-kreditu li jipprovdu servizzi skont l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva.

L-EBA għandha tiżviluppa linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxu l-aħjar prattiki għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ tali listi jew reġistri u li jispeċifikaw it-tipi ta’ informazzjoni inklużi fihom sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni u trasparenza għax-xerrejja tal-kreditu u għall-mutwatarji.

2.   Il-lista jew ir-reġistru msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu aċċessibbli pubblikament online fuq is-sit web tal-awtoritajiet kompetenti u għandhom jiġu aġġornati regolarment.

3.   Meta awtorizzazzjoni tkun ġiet irtirata skont l-Artikolu 8, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġornaw il-lista jew ir-reġistru msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mingħajr dewmien.

Artikolu 10

Relazzjoni mal-mutwatarju, komunikazzjoni tat-trasferiment u komunikazzjonijiet sussegwenti

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li x-xerrejja u s-servizzjanti tal-kreditu, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-mutwatarji:

(a)

jaġixxu in bona fide, b’mod ġust u b’mod professjonali;

(b)

jagħtuhom informazzjoni li ma tkunx qarrieqa, ambigwa jew falza;

(c)

jirrispettaw u jipproteġu l-informazzjoni personali u l-privatezza tal-mutwatarji;

(d)

jikkomunikaw mal-mutwatarji b’mod li ma jikkostitwixxix fastidju, koerċizzjoni jew influwenza indebita.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara kwalunkwe trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, lil xerrej tal-kreditu, u dejjem qabel l-ewwel ġbir tad-dejn, iżda anke kull meta jintalab mill-mutwatarju, ix-xerrej tal-kreditu jew – meta tinħatar biex iwettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu – l-entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), jew is-servizzjant tal-kreditu, jibgħatu komunikazzjoni lill-mutwatarju, fuq karta jew fuq mezz permanenti ieħor, li tinkludi tal-anqas dawn li ġejjin:

(a)

informazzjoni dwar it-trasferiment li jkun seħħ, inkluża d-data tat-trasferiment;

(b)

l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tax-xerrej tal-kreditu;

(c)

meta jinħatru, l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tas-servizzjant tal-kreditu jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii);

(d)

meta jinħatar, evidenza dwar l-awtorizzazzjoni ta’ servizzjant tal-kreditu mogħtija skont l-Artikolu 7;

(e)

jekk ikun rilevanti, l-identifikazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur ta’ servizzi tal-kreditu;

(f)

ippreżentat b’mod prominenti, il-punt ta’ riferiment ta’ kuntatt tax-xerrej tal-kreditu jew, meta tinħatar biex twettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu, tal-entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), jew tas-servizzjant tal-kreditu u, meta jkun rilevanti, tal-fornitur ta’ servizzi tal-kreditu, mnejn tkun tista’ tinkiseb informazzjoni f’każ ta’ bżonn;

(g)

informazzjoni dwar l-ammonti dovuti mill-mutwatarju fil-mument tal-komunikazzjoni, bid-dettalji ta’ xi jkun dovut bħala kapital, imgħax, tariffi u imposti awtorizzati oħra;

(h)

dikjarazzjoni li tgħid li l-liġijiet rilevanti kollha tal-Unjoni u nazzjonali li jikkonċernaw b’mod partikolari l-infurzar tal-kuntratti, il-protezzjoni tal-konsumatur, id-drittijiet tal-mutwatarju u l-liġi kriminali jibqgħu japplikaw;

(i)

l-isem, l-indirizz u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih il-mutwatarju jkun domiċiljat, jew li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma għandu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu u għal liema l-mutwatarju jkun jista’ jressaq ilment.

Il-komunikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tinkiteb b’lingwa li tkun ċara u li tinftiehem mill-pubbliku ġenerali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-komunikazzjonijiet sussegwenti kollha mal-mutwatarju, max-xerrej tal-kreditu jew, meta tinħatar biex twettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu, l-entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), jew is-servizzjant tal-kreditu, tinkludi l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2, il-punt (f) ta’ dan l-Artikolu, ħlief meta tkun l-ewwel komunikazzjoni wara l-ħatra ta’ servizzjant tal-kreditu ġdid, f’liema każ l-informazzjoni stabbilita fil- paragrafu 2, il-punti (c) u (d) ta’ dan l-Artikolu, għandha tiġi inkluża wkoll.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit addizzjonali rigward il-komunikazzjonijiet previsti f’liġijiet applikabbli oħra tal-Unjoni jew nazzjonali.

Artikolu 11

Relazzjoni kuntrattwali bejn servizzjant tal-kreditu u xerrej tal-kreditu

1.   Meta xerrej tal-kreditu ma jwettaqx huwa stess l-attivitajiet tas-servizzjar tal-kreditu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu maħtur jipprovdi s-servizzi tiegħu fir-rigward tal-ġestjoni u tal-infurzar tad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, abbażi ta’ kuntratt ta’ servizzjar tal-kreditu ma’ xerrej tal-kreditu.

2.   Il-kuntratt ta’ servizzjar tal-kreditu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jipprovdi għal dawn li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu li se jitwettqu mis-servizzjant tal-kreditu;

(b)

il-livell ta’ rimunerazzjoni tas-servizzjant tal-kreditu jew il-mod kif għandha tiġi kkalkulata r-rimunerazzjoni;

(c)

il-punt sa fejn is-servizzjant tal-kreditu jista’ jirrappreżenta lix-xerrej tal-kreditu fir-rigward tal-mutwatarju;

(d)

impenn mill-partijiet biex jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u ma’ dik nazzjonali applikabbli għad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew għall-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur u tad-data;

(e)

klawżola li tirrikjedi trattament ġust u diliġenti fil-konfront tal-mutwatarji.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kuntratt ta’ servizzjar tal-kreditu msemmi fil-paragrafu 1 ikun fih rekwiżit li jgħid li s-servizzjant tal-kreditu għandu jinnotifika lix-xerrej tal-kreditu qabel ma jesternalizza xi waħda mill-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu tiegħu.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jżomm ir-rekords li ġejjin għal mill-inqas ħames snin mid-data ta’ meta l-kuntratt ta’ servizzjar tal-kreditu msemmi fil-paragrafu 1 jiġi tterminat jew għat-tul tal-perjodu ta’ preskrizzjoni statutorju applikabbli fl-Istat Membru ta’ domiċilju, iżda, fiż-żewġ każijiet, għal perijodu mhux aktar minn 10 snin:

(a)

korrispondenza rilevanti kemm max-xerrej tal-kreditu kif ukoll mal-mutwatarju, skont il-kundizzjonijiet previsti skont il-liġi nazzjonali applikabbli;

(b)

l-istruzzjonijiet rilevanti li jkun irċieva mingħand ix-xerrej tal-kreditu fir-rigward tad-drittijiet tal-kreditur fl-ambitu ta’ kull kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, li jimmaniġġja u jinforza f’isem dak ix-xerrej tal-kreditu, skont il-kundizzjonijiet previsti skont il-liġi nazzjonali applikabbli;

(c)

il-kuntratt ta’ servizzjar tal-kreditu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jqiegħed ir-rekords imsemmija fil-paragrafu 4 għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta ssir talba għalihom.

Artikolu 12

Esternalizzazzjoni minn servizzjant tal-kreditu

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta servizzjant tal-kreditu juża fornitur ta’ servizzi tal-kreditu biex iwettaq mill-attivitajiet imniżżla fl-Artikolu 3(9) (“fornitur tas-servizz tal-kreditu”), is-servizzjant tal-kreditu jibqa’ kompletament responsabbli biex jikkonforma mal-obbligi kollha taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. L-esternalizzazzjoni ta’ dawk l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ esternalizzazzjoni bil-miktub bejn is-servizzjant tal-kreditu u l-fornitur ta’ servizzi tal-kreditu li skontu l-fornitur ta’ servizzi tal-kreditu jkun rikjest li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, inklużi d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, u l-liġi rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli għad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu, jew għall-kuntratt ta’ kreditu nnifsu;

(b)

l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet kollha ta’ servizzjar tal-kreditu fl-istess ħin lil fornitur ta’ servizzi tal-kreditu hija pprojbita;

(c)

ir-relazzjoni kuntrattwali bejn is-servizzjant tal-kreditu u x-xerrej tal-kreditu u l-obbligi tas-servizzjant tal-kreditu lejn ix-xerrej tal-kreditu jew lejn il-mutwatarji ma jinbidlux mill-kuntratt ta’ esternalizzazzjoni mal-fornitur ta’ servizzi tal-kreditu;

(d)

il-konformità ta’ servizzjant tal-kreditu mar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni tiegħu kif stipulati fl-Artikolu 5(1) ma tiġix affettwata mill-esternalizzazzjoni ta’ xi wħud mill-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu tiegħu;

(e)

l-esternalizzazzjoni lill-fornitur ta’ servizzi tal-kreditu ma xxekkilx is-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti fuq servizzjant tal-kreditu skont l-Artikoli 14 u 21;

(f)

is-servizzjant tal-kreditu jkollu aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti kollha rigward l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu esternalizzati lill-fornitur ta’ servizzi tal-kreditu;

(g)

wara li l-kuntratt ta’ esternalizzazzjoni jiġi tterminat, is-servizzjant tal-kreditu jkollu l-għarfien espert u r-riżorsi biex ikun jista’ jipprovdi l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu esternalizzati.

L-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu ma għandhiex issir b’tali mod li tfixkel il-kwalità tal-kontroll intern tas-servizzjant tal-kreditu, is-solidità jew il-kontinwità tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu tiegħu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, u meta jkun applikabbli, tal-Istat Membru ospitanti, qabel jesternalizza l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu tiegħu skont il-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jżomm rendikont tal-istruzzjonijiet rilevanti mogħtija lill-fornitur ta’ servizzi tal-kreditu, f’konformità mal-kundizzjonijiet previsti skont il-liġi nazzjonali applikabbli, u tal-kuntratt ta’ esternalizzazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin mid-data li fiha jiġi tterminat il-kuntratt ta’ esternalizzazzjoni, jew għat-tul tal-perjodu ta’ limitazzjoni statutorju applikabbli fl-Istati Membru, iżda, fiż-żewġ każijiet, sa mhux aktar minn 10 snin.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu u l-fornitur ta’ servizzi tal-kreditu jqiegħdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi tal-kreditu ma jitħallewx jirċievu u jżommu fondi mingħand il-mutwatarji.

KAPITOLU II

Attivitajiet ta’ Servizzjar tal-kreditu transfruntier

Artikolu 13

Il-libertà li jkunu provduti attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fi Stat Membru ospitanti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu li jkun kiseb awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 4(1) fi Stat Membru ta’ domiċilju jkollu d-dritt li jipprovdi fl-Unjoni dawk is-servizzi li jkunu koperti minn dik l-awtorizzazzjoni, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe restrizzjoni jew rekwiżit stabbilit fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti skont din id-Direttiva, fosthom, meta jkun applikabbli, projbizzjoni fuq ir-riċeviment u ż-żamma ta’ fondi mingħand il-mutwatarji, li ma jkunux relatati ma’ rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni oħra tas-servizzjanti tal-kreditu, jew dawk stabbiliti għan-negozjar mill-ġdid tat-termini u l-kundizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta servizzjant tal-kreditu li jkun kiseb awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 4(1) fi Stat Membru ta’ domiċilju jkollu l-intenzjoni li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ospitanti, is-servizzjant tal-kreditu għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-Istat Membru ospitanti li fih is-servizzjant tal-kreditu jkollu l-intenzjoni jipprovdi servizzi u, meta dik l-informazzjoni tkun diġà magħrufa mis-servizzjant tal-kreditu, l-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru ospitanti u minn dak ta’ domiċilju;

(b)

jekk ikun applikabbli, l-indirizz tal-fergħa tas-servizzjant tal-kreditu stabbilita fl-Istat Membru ospitanti;

(c)

jekk ikun applikabbli, l-identità u l-indirizz tal-fornitur ta’ servizzi tal-kreditu fl-Istat Membru ospitanti;

(d)

l-identità tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni tal-forniment ta’ attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fl-Istat Membru ospitanti;

(e)

jekk ikun applikabbli, id-dettalji tal-miżuri meħuda biex jiġu adattati l-proċeduri interni, l-arranġamenti ta’ governanza u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tas-servizzjant tal-kreditu sabiex tkun żgurata l-konformità mal-liġijiet applikabbli għad-drittijiet ta’ kreditur fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ kreditu jew għall-kuntratt ta’ kreditu nnifsu;

(f)

deskrizzjoni tal-proċedura stabbilita biex ikun konformi mar-regoli kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fejn il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2015/849 tinnomina s-servizzjanti tal-kreditu bħala entitajiet marbuta b’obbligu għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(g)

li s-servizzjant tal-kreditu jkollu il-mezzi xierqa biex jikkomunika bil-lingwa tal-Istat Membru ospitanti jew bil-lingwa tal-kuntratt ta’ kreditu;

(h)

jekk is-servizzjant tal-kreditu jkunx awtorizzat fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu biex jirċievi u jżomm fondi mingħand il-mutwatarji.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom, fi żmien 45 jum tax-xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li min-naħa tagħhom għandhom jirrikonoxxu mingħajr dewmien li jkunu rċevewha. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom imbagħad jgħarrfu lis-servizzjant tal-kreditu bid-data li fiha l-informazzjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u d-data li fiha dawk l-awtoritajiet kompetenti jikkonfermaw li jkunu rċevew l-informazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom ukoll jikkomunikaw l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru ospitanti u minn dak ta’ domiċilju.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jkollu d-dritt li jappella quddiem tribunal meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jonqsu milli jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jkun jista’ jibda jipprovdi servizzi tal-Istat Membru ospitanti mill-iktar xenarju bikri fost dawn li ġejjin:

(a)

riċevuta tal-komunikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li tirrikonoxxi r-riċevuta tal-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3;

(b)

fin-nuqqas ta’ xi riċevuta tal-komunikazzjoni msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, wara li jiskorru xahrejn mid-data tas-sottomissjoni tal-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju bi kwalunkwe bidla sussegwenti fl-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata skont il-paragrafu 2. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3, 4 u 5.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jirreġistraw fil-lista jew fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 9 s-servizzjanti tal-kreditu li huma awtorizzati jipprovdu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fit-territorju tagħhom u d-dettalji tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

Artikolu 14

Superviżjoni fuq servizzjanti tal-kreditu li jipprovdu servizzi transfruntiera

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju janalizzaw u jevalwaw il-konformità kontinwa – minn servizzjant tal-kreditu li jwettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fi Stat Membru ospitanti – mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ta’ domiċilju jkollhom is-setgħa jwettqu superviżjoni, jinvestigaw u jimponu penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju fuq servizzjanti tal-kreditu fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ospitanti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jikkomunikaw il-miżuri meħuda fir-rigward tas-servizzjant tal-kreditu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u, meta jkun xieraq, tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru ospitanti u minn dak ta’ domiċilju.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta servizzjant tal-kreditu jwettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fi Stat Membru ospitanti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u, meta jkun xieraq, tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru ospitanti u minn dak ta’ domiċilju, għandhom jikkooperaw mill-qrib fit-twettiq tal-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħhom, b’mod partikolari meta jwettqu verifiki, investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, fl-eżerċitar tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet tagħhom previsti f’din id-Direttiva, jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti l-assistenza tagħhom fit-twettiq ta’ spezzjoni fuq il-post ta’ fergħa stabbilita fi Stat Membru ospitanti jew fuq fornitur ta’ servizzi tal-kreditu maħtur fih. L-ispezzjoni ta’ fergħa jew ta’ fornitur tas-servizz tal-kreditu fuq il-post għandha ssir skont il-liġi tal-Istat Membru fejn titwettaq l-ispezzjoni.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkunu intitolati jiddeċiedu dwar l-aktar miżuri xierqa li jkollhom jittieħdu f’kull każ individwali sabiex tintlaqa’ t-talba għall-assistenza mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

7.   Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jiddeċiedu li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post f’isem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, dawn għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju bir-riżultati tagħhom mingħajr dewmien.

8.   B’inizjattiva tagħhom stess, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jwettqu verifiki, spezzjonijiet u investigazzjonijiet fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu pprovduti fit-territorju tagħhom minn servizzjant tal-kreditu awtorizzat fi Stat Membru ta’ domiċilju. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jipprovdu r-riżultati ta’ dawk il-kontrolli, spezzjonijiet u investigazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju mingħajr dewmien.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollhom evidenza li servizzjant tal-kreditu li jwettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fit-territorju tiegħu, kif previst fl-Artikolu 13, ikun qed jikser ir-regoli applikabbli, inklużi l-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, huma jgħaddu dik l-evidenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u jitolbu li jieħdu miżuri xierqa, mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji, investigattivi u ta’ sanzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tas-servizzjant tal-kreditu skont il-liġi nazzjonali, jiġifieri dawk applikabbli għall-kreditu jew għall-kuntratt ta’ kreditu.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru ospitanti u dak ta’ domiċilju, ikollhom evidenza li servizzjant tal-kreditu ikun qed jikser l-obbligi previsti f’din id-Direttiva, jew fir-regoli nazzjonali applikabbli għall-kreditu jew għall-kuntratt ta’ kreditu, huma jittrażmettu dik l-evidenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u jitolbu li jieħdu l-miżuri xierqa, mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji, investigattivi u ta’ sanzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membri ospitanti u dawk ta’ domiċilju.

11.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jikkomunikaw id-dettalji dwar kwalunkwe proċedura amministrattiva jew ta’ xorta oħra mibdija fir-rigward tal-evidenza pprovduta mill-Istat Membru ospitanti, jew dwar kwalunkwe penali amministrattiva u miżura ta’ rimedju meħuda kontra s-servizzjant tal-kreditu jew dwar deċiżjoni motivata għaliex ma tkun ittieħdet ebda miżura, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jkun irrefera l-evidenza sa mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tat-talba msemmija fil-paragrafu 9. Meta tkun inbdiet proċedura, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jinfurmaw b’mod regolari lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar l-istatus tagħha.

12.   Meta servizzjant tal-kreditu jkompli jikser ir-regoli applikabbli, inklużi l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva, u wara li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkunu infurmaw lill-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkunu intitolati jimponu penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju xierqa sabiex jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

ma jkun ittieħed l-ebda pass adegwat u effettiv mis-servizzjant tal-kreditu biex jirrettifika l-ksur fi żmien raġonevoli; jew

(b)

f’każ urġenti, meta tkun meħtieġa azzjoni immedjata sabiex tiġi indirizzata theddida serja għall-interessi kollettivi tal-mutwatarji.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jimponu l-penali amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju msemmija fl-ewwel subparagrafu minkejja l-penali amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju diġà imposti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jipprojbixxu attivitajiet ulterjuri ta’ servizzjant tal-kreditu li jikser ir-regoli applikabbli, inklużi l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva, sakemm tittieħed deċiżjoni adegwata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jew is-servizzjant tal-kreditu jieħu passi biex jirrimedja l-ksur.

TITOLU III

XERREJJA TAL-KREDITU

Artikolu 15

Dritt għall-informazzjoni rigward id-drittijiet tal-kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li istituzzjoni ta’ kreditu tipprovdi lil xerrej prospettiv tal-kreditu bl-informazzjoni neċessarja dwar id-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, u, jekk applikabbli, il-kollateral, sabiex ix-xerrej prospettiv tal-kreditu jkun jista’ jwettaq il-valutazzjoni tiegħu stess tal-valur tad-drittijiet tal-kreditur skont il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, u l-probabbiltà ta’ rkupru tal-valur ta’ dak il-kuntratt qabel ma jidħol f’kuntratt għat-trasferiment tad-drittijiet ta’ dak il-kreditur skont il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-istituzzjoni ta’ kreditu u tal-kunfidenzjalità tad-data kummerċjali.

2.   Fuq bażi biannwali, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jittrasferixxu lil xerrej tal-kreditu drittijiet tal-kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti maħtura skont l-Artikolu 21(3) ta’ din id-Direttiva, u lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), tal-anqas b’dan li ġej:

(a)

l-identifikatur ta’ entità ġuridika tax-xerrej tal-kreditu jew, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19, jew meta tali identifikatur ma jkunx jeżisti:

(i)

l-identità tax-xerrej tal-kreditu jew tal-membri tal-organu maniġerjali jew amministrattiv tax-xerrej tal-kreditu u l-persuni li għandhom parteċipazzjoni kwalifikanti fix-xerrej tal-kreditu skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), punt (36), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

(ii)

l-indirizz tax-xerrej tal-kreditu jew, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19;

(b)

il-bilanċ pendenti aggregat tad-drittijiet tal-kreditur skont il-kuntratti ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratti ta’ kreditu improduttiv ittrasferiti,

(c)

l-għadd u d-daqs tad-drittijiet tal-kreditur skont il-kuntratti ta’ kreditu improduttivi jew tal-kuntratti ta’ kreditu improduttivi ttrasferiti, u;

(d)

jekk it-trasferiment jinkludix id-drittijiet tal-kreditur skont il-kuntratti ta’ kreditu improduttiv, jew il-kuntratti ta’ kreditu improduttiv innifishom, konklużi mal-konsumaturi u t-tipi ta’ assi li jiggarantixxu l-kuntratti ta’ kreditu improduttivi, meta applikabbli.

3.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu fuq bażi trimestrali kull meta jqisu li jkun meħtieġ, inkluż sabiex jimmonitorjaw aħjar l-għadd kbir ta’ trasferimenti li jistgħu jseħħu matul perjodu ta’ kriżi.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jikkomunikaw mingħajr dewmien l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, u kwalunkwe informazzjoni oħra li huma jistgħu jqisu bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet u l-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tax-xerrej tal-kreditu.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom jiġu applikati f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.

Artikolu 16

Implimentazzjoni ta’ standards tekniċi għall-mudelli tad-data

1.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi li jimplimentaw standards tekniċi li jispeċifikaw il-mudelli li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-għoti ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1), sabiex jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-iskoperturi ta’ kreditu tagħhom fil-portafoll bankarju lix-xerrejja tal-kreditu għall-analiżi, għad-diliġenza finanzjarja dovuta u għall-valwazzjoni tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu.

2.   L-EBA għandha tispeċifika, fl-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kampijiet tad-data, inkluż liema kampijiet tad-data huma obbligatorji, u t-trattament tad-data għal informazzjoni kunfidenzjali kif stabbilit fl-Artikolu 15(1).

3.   L-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandu jkun proporzjonat man-natura u d-daqs tal-krediti u l-portafolli tal- kreditu.

4.   Meta tkun qed tħejji l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, l-EBA għandha tqis dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-prattiki tas-suq eżistenti fil-kondiviżjoni tad-data bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa;

(b)

il-feedback mingħand l-utenti tal-esperjenza tagħhom fl-użu tal-mudelli eżistenti ta’ tranżazzjonijiet ta’ self improduttiv tal-EBA;

(c)

rekwiżiti simili eżistenti fil-livell tal-Istati Membri;

(d)

l-importanza li jiġu minimizzati l-ispejjeż tal-ipproċessar għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u x-xerrejja tal-kreditu.

5.   L-EBA għandha tissottometti l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Settembru 2022.

6.   Il-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

7.   Il-mudelli tad-data għandhom jintużaw għal tranżazzjonijiet relatati ma’ krediti maħruġa fl-1 ta’ Lulju 2018 jew wara, li jsiru improduttivi wara t-28 ta’ Diċembru 2021. Għal krediti li joriġinaw bejn l-1 ta’ Lulju 2018 u d-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jimlew il-mudell tad-data bl-informazzjoni diġà disponibbli għalihom.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu japplikaw ukoll l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 għat-trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, lil istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn. Il-mudelli tad-data għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-għoti ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’każijiet fejn ikun hemm biss trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu.

Artikolu 17

Obbligi tax-xerrejja tal-kreditu

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

xerrej tal-kreditu domiċiljat fl-Unjoni, jew li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tagħha ma għandha l-ebda uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni jaħtar entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), jew servizzjant tal-kreditu, biex iwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fir-rigward tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, konkluż mal-konsumaturi;

(b)

meta xerrej tal-kreditu ma jkunx domiċiljat fl-Unjoni, jew ma jkollhiex l-uffiċċju reġistrat tagħha jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tagħha ma jkollha l-ebda uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Unjoni, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19(1) jaħtar entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), jew servizzjant tal-kreditu, ħlief f’każijiet fejn ir-rappreżentant innifsu jkun entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), jew servizzjant tal-kreditu, biex jitwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fir-rigward tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, konkluż ma’:

(i)

persuni fiżiċi, inklużi konsumaturi u ħaddiema indipendenti;

(ii)

intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (23).

L-Istati Membri ospitanti jistgħu jestendu r-rekwiżit previst fl-ewwel subparagrafu għal kuntratti ta’ kreditu oħrajn.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li xerrej tal-kreditu ma jkunx soġġett għal xi rekwiżiti addizzjonali għax-xiri ta’ drittijiet tal-kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, minbarra kif previst mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-liġi kuntrattwali, il-liġi ċivili jew il-liġi kriminali applikabbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali rilevanti li jikkonċernaw b’mod partikolari l-infurzar ta’ kuntratti, il-protezzjoni tal-konsumaturi, id-drittijiet tal-mutwatarji, l-oriġinazzjoni tal-kreditu, ir-regoli tas-sigriet bankarju u l-liġi kriminali jkomplu japplikaw għax-xerrej tal-kreditu mat-trasferiment tad-drittijiet tal-kreditur skont il-kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, għax-xerrej tal-kreditu. Il-livell ta’ protezzjoni previst skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali lill-konsumaturi u lil mutwatarji oħra, kif ukoll ir-regoli dwar l-insolvenza, ma għandux jiġi affettwat mit-trasferiment tad-drittijiet tal-kreditur skont il-kuntratt ta’ kreditu, jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, lix-xerrej tal-kreditu, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali u internazzjonali dwar iċ-ċedoli u l-kambjali.

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat nazzjonali rigward ir-reġistri tal-kreditu, inkluża s-setgħa li x-xerrejja tal-kreditu jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni rigward id-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu, jew il-kuntratt ta’ kreditu nnifsu, u l-prestazzjoni tiegħu.

4.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lix-xerrejja tal-kreditu jingaġġaw persuni fiżiċi biex iwettqu s-servizzjar tal-kuntratti ta’ kreditu li jkunu akkwistaw. Dawk il-persuni fiżiċi għandhom ikunu soġġetti għal reġim nazzjonali ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni u ma għandhomx jibbenefikaw mil-libertà prevista f’din id-Direttiva li jwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fi Stat Membru ieħor.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu, jew entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), maħtura minn xerrej tal-kreditu jikkonformaw, f’isem ix-xerrej tal-kreditu, mal-obbligi imposti fuq ix-xerrej tal-kreditu skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 18 u 20. F’każijiet meta ma jinħatar l-ebda servizzjant tal-kreditu jew entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), ix-xerrej tal-kreditu jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jibqa’ soġġett għal dawk l-obbligi.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li s-servizzjant tal-kreditu, jew entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), maħtura minn xerrej tal-kreditu jikkonformaw, f’isem ix-xerrej tal-kreditu, mal-obbligi imposti fuq ix-xerrej tal-kreditu skont il-liġi nazzjonali inkluż fir-rigward tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Użu ta’ servizzjanti tal-kreditu jew entitajiet oħrajn

1.   Meta x-xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19 jaħtar entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), jew servizzjant tal-kreditu, biex iwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fir-rigward tad-drittijiet tal-kreditur ittrasferiti skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li x-xerrej tal-kreditu jew ir-rappreżentant tiegħu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu dwar l-identità u l-indirizz tal-entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), jew tas-servizzjant tal-kreditu, mhux aktar tard mid-data li fiha jibdew l-attivitajiet tas-servizzjar tal-kreditu.

2.   Meta x-xerrej tal-kreditu jew, meta applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19 jaħtar entità għajr dik notifikata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huwa għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu dwar dan mill-inqas fid-data ta’ dik il-bidla u għandu jindika l-identità u l-indirizz tal-entità l-ġdida li jkun qabbad biex twettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fir-rigward tad-drittijiet tal-kreditur ittrasferiti skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tax-xerrej tal-kreditu jgħaddu mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun ingħata l-kreditu, u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tas-servizzjant tal-kreditu l-ġdid, l-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 19

Rappreżentant ta’ xerrej tal-kreditu minn pajjiż terz

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li meta jiġi konkluż trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, xerrej tal-kreditu li ma jkunx domiċiljat fl-Unjoni, jew li ma jkollux l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Unjoni, jaħtar bil-miktub rappreżentant li jkun domiċiljat fl-Unjoni jew li jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tiegħu fl-Unjoni.

2.   Ir-rappreżentant imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi indirizzat flimkien max-xerrej tal-kreditu, jew inkella minfloku, mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-konformità kontinwa ma’ din id-Direttiva u għandu jkun kompletament responsabbli mill-konformità mal-obbligi imposti fuq ix-xerrej tal-kreditu skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

Artikolu 20

Trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, minn xerrej tal-kreditu u komunikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li xerrej tal-kreditu jew, meta jkun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19, li jittrasferixxi d-drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu, jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu fuq bażi biannwali bl-identifikatur ta’ entità ġuridika tax-xerrej tal-kreditu l-ġdid u, meta applikabbli, tar-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19 jew, meta tali identifikatur ma jkunx jeżisti, jinformahom bi:

(a)

l-identità tax-xerrej il-ġdid tal-kreditu jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19, jew tal-membri tal-organu maniġerjali jew amministrattiv tax-xerrej il-ġdid tal-kreditu jew tar-rappreżentant tiegħu u l-persuni li għandhom parteċipazzjoni kwalifikanti fix-xerrej il-ġdid tal-kreditu jew ir-rappreżentant tiegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), punt (36), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

(b)

l-indirizz tax-xerrej il-ġdid tal-kreditu jew, meta applikabbli, tar-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19.

Barra minn hekk, ix-xerrej tal-kreditu jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu tal-anqas b’dan li ġej:

(a)

il-bilanċ pendenti aggregat tad-drittijiet tal-kreditur skont il-kuntratti ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratti ta’ kreditu improduttiv ittrasferiti;

(b)

l-għadd u d-daqs tad-drittijiet tal-kreditur skont il-kuntratti ta’ kreditu improduttivi jew tal-kuntratti ta’ kreditu improduttivi ttrasferiti;

(c)

jekk it-trasferiment jinkludix drittijiet ta’ kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu konkluż mal-konsumaturi u t-tipi ta’ assi li jiżguraw il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv, meta applikabbli.

2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jirrikjedu li x-xerrejja tal-kreditu jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tagħhom maħtura skont l-Artikolu 19, biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu fuq bażi trimestrali kull meta dawk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li jkun meħtieġ, inkluż sabiex jimmonitorjaw aħjar l-għadd kbir ta’ trasferimenti li jistgħu jseħħu matul perjodu ta’ kriżi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jgħaddu mingħajr dewmien żejjed l-informazzjoni riċevuta skont dawk il-paragrafi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tax-xerrej il-ġdid tal-kreditu.

TITOLU IV

SUPERVIŻJONI

Artikolu 21

Superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjanti tal-kreditu u, meta jkun applikabbli, il-fornituri tas-servizzi tal-kreditu li jkunu ġew esternalizzati lilhom attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu skont l-Artikolu 12, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva fuq bażi kontinwa u għandhom jiżguraw li dawk l-attivitajiet ikunu soġġetti għal superviżjoni adegwata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju sabiex tiġi evalwata din il-konformità.

2.   L-Istat Membru ta’ domiċilju ta’ xerrej tal-kreditu jew, meta jkun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19,għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu responsabbli mis-superviżjoni tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10 u fl-Artikoli 17 sa 20 fir-rigward tax-xerrej tal-kreditu jew, meta jkun applikabbli, tar-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19.

3.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

4.   Meta l-Istati Membri jaħtru aktar minn awtorità kompetenti waħda skont il-paragrafu 3, dawn għandhom jistabbilixxu l-kompiti rispettivi tagħhom u jaħtru waħda minnhom bħala punt ta’ dħul uniku għall-iskambji u l-interazzjonijiet kollha meħtieġa mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jew dak ospitanti.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri adegwati biex l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jkunu jistgħu jiksbu mingħand ix-xerrejja tal-kreditu jew mir-rappreżentanti tagħhom maħtura skont l-Artikolu 19, mis-servizzjanti tal-kreditu, mill-fornituri tas-servizzi tal-kreditu li servizzjant tal-kreditu jkun esternalizza attivitajiet lilhom skont l-Artikolu 12, mill-mutwatarji u minn kwalunkwe persuna jew awtorità pubblika oħra l-informazzjoni meħtieġa biex jitwettaq dan li ġej:

(a)

il-valutazzjoni tal-konformità kontinwa mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva;

(b)

l-investigazzjoni ta’ ksur possibbli ta’ dawk ir-rekwiżiti;

(c)

l-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi u ta’ miżuri ta’ rimedju skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 23.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 3 jkollhom l-għarfien espert, ir-riżorsi, il-kapaċità operattiva, u s-setgħat meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħhom stabbiliti f’din id-Direttiva.

Artikolu 22

Ir-rwol superviżorju u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju maħtur skont l-Artikolu 21(3) jingħataw is-setgħat superviżorji, investigattivi u ta’ sanzjoni kollha meħtieġa għall-eżerċitar tal-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħhom stabbiliti f’din id-Direttiva, inkluż tal-inqas dan li ġej:

(a)

is-setgħa li jagħtu jew jirrifjutaw awtorizzazzjoni skont l-Artikoli 5 u 6;

(b)

is-setgħa li jirtiraw awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 8;

(c)

is-setgħa li jipprojbixxu kwalunkwe waħda mill-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu;

(d)

is-setgħa li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post u mhux fuq il-post;

(e)

is-setgħa li jimponu penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 23;

(f)

is-setgħa li jirrieżaminaw ftehimiet ta’ esternalizzazzjoni konklużi bejn is-servizzjanti tal-kreditu u l-fornituri tas-servizzi tal-kreditu skont l-Artikolu 12(1);

(g)

is-setgħa li jirrikjedu lis-servizzjanti tal-kreditu jneħħu membri tal-organu maniġerjali jew amministrattiv tagħhom meta jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1), punt (b);

(h)

is-setgħa li jirrikjedu lis-servizzjanti tal-kreditu jimmodifikaw jew jaġġornaw l-arranġamenti ta’ governanza interna u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħhom sabiex jiżguraw b’mod effettiv ir-rispett għad-drittijiet tal-mutwatarji skont il-liġijiet li jirregolaw il-kuntratt ta’ kreditu;

(i)

is-setgħa li jirrikjedu lis-servizzjanti tal-kreditu jimmodifikaw jew jaġġornaw il-politiki tagħhom biex jiżguraw it-trattament ġust u diliġenti tal-mutwatarji, u r-reġistrazzjoni u t-trattament tal-ilmenti mill-mutwatarji;

(j)

is-setgħa li jitolbu iktar informazzjoni dwar it-trasferiment tad-drittijiet ta’ kreditur skont il-kuntratt ta’ kreditu improduttiv, jew tal-kuntratt ta’ kreditu improduttiv innifsu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti maħtura skont l-Artikolu 21(3) u tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru ospitanti u dak ta’ domiċilju, jingħataw is-setgħat kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħhom stabbiliti f’din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jivvalutaw, billi japplikaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju, l-implimentazzjoni mis-servizzjant tal-kreditu tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1), punti (e) sa (h).

4.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-firxa tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, wara li jqisu d-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-servizzjant tal-kreditu inkwistjoni.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, jew tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru ospitanti u dak ta’ domiċilju, bir-riżultati tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 fuq talba ta’ waħda minn dawk l-awtoritajiet kompetenti, jew meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jqisu li dan ikun xieraq. Id-dettalji dwar kwalunkwe penali amministrattiva jew miżura ta’ rimedju imposta għandhom dejjem jiġu trażmessi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u, meta jkun xieraq, tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru ospitanti u dak ta’ domiċilju.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jwettqu l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u ta’ dak ospitanti, u tal-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kreditu, meta dan ikun differenti mill-Istat Membru ospitanti u dak ta’ domiċilju, jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom stipulati f’din id-Direttiva.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jkunu jistgħu jirrikjedu lil servizzjant tal-kreditu, fornitur tas-servizzi tal-kreditu jew xerrej tal-kreditu jew ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19 li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jieħu, fi stadju bikri, l-azzjonijiet jew il-passi kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 23

Penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu penali kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jistipulaw penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju adegwati li jkunu applikabbli mill-inqas fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

servizzjant tal-kreditu jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżit stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 11 jew jidħol fi ftehim ta’ esternalizzazzjoni bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 12 jew il-fornitur tas-servizz tal-kreditu li l-attivitajiet tas-servizz tal-kreditu jkunu ġew esternalizzati lilu jikkommetti ksur serju tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, inkluż id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva;

(b)

l-arranġamenti ta’ governanza ta’ servizzjant tal-kreditu u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern kif stabbiliti fl-Artikolu 15(1), punt (e), jonqsu milli jiżguraw ir-rispett lejn id-drittijiet tal-mutwatarji u l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali;

(c)

il-politika ta’ servizzjant tal-kreditu tkun inadegwata għat-trattament xieraq tal-mutwatarji kif stabbilit fl-Artikolu 5(1), punt (f);

(d)

il-proċeduri interni ta’ servizzjant tal-kreditu kif stabbiliti fl-Artikolu 5(1), punt (g), jonqsu milli jipprevedu għar-reġistrazzjoni u għat-trattament tal-ilmenti mill-mutwatarji skont l-obbligi stabbiliti fil-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva;

(e)

xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19, jonqos milli jikkomunika l-informazzjoni prevista mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 18 u 20;

(f)

xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19, jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżit tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 17;

(g)

xerrej tal-kreditu jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżit tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 19;

(h)

istituzzjoni ta’ kreditu tonqos milli tikkomunika l-informazzjoni stabbilita fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 15;

(i)

servizzjant tal-kreditu jippermetti lil persuna waħda jew aktar li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1), punt (b), isiru jew jibqgħu membri tal-organu maniġerjali jew amministrattiv tiegħu;

(j)

servizzjant tal-kreditu jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżit stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 24;

(k)

xerrej tal-kreditu jew, meta jkun applikabbli, servizzjanti tal-kreditu jew kwalunkwe entità msemmija fl-Artikolu 2(5), punt (a)(i) jew (iii), jonqsu milli jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 10;

(l)

servizzjant tal-kreditu jirċievi u jżomm fondi mingħand il-mutwatarji meta dan ma jkunx permess fi Stat Membru skont l-Artikolu 6(1), punt (b);

(m)

servizzjant tal-kreditu jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 6(2).

2.   Il-penali amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u, tal-inqas, għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni biex jitwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu;

(b)

ordni li tirrikjedi lis-servizzjant tal-kreditu jew lix-xerrej tal-kreditu jew, meta jkun applikabbli, lir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19, jirrimedja l-ksur, iwaqqaf dik l-imġiba u joqgħod lura milli jirrepeti dik l-imġiba;

(c)

penali pekunjarji amministrattivi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-penali amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju jiġu implimentati b’mod effettiv.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip ta’ penali amministrattivi jew miżuri ta’ rimedju u l-ammont tal-penali pekunjarji amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti, inkluż dan li ġej:

(a)

il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b)

il-grad ta’ responsabbiltà tas-servizzjant tal-kreditu jew tax-xerrej tal-kreditu jew, meta jkun applikabbli, tar-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19, li jkun responsabbli mill-ksur;

(c)

is-saħħa finanzjarja tas-servizzjant tal-kreditu jew tax-xerrej tal-kreditu responsabbli mill-ksur, inkluż b’referenza għall-fatturat totali ta’ persuna ġuridika jew għall-introjtu annwali ta’ persuna fiżika;

(d)

il-portata tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat kaġun tal-ksur mis-servizzjant tal-kreditu jew mix-xerrej tal-kreditu jew, meta jkun applikabbli, mir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19, li jkun responsabbli mill-ksur, sakemm tali profitti jew telf ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(e)

it-telf ikkawżat lil partijiet terzi mill-ksur, sakemm dan it-telf ikun jista’ jiġi ddeterminat;

(f)

il-livell ta’ kooperazzjoni mis-servizzjant tal-kreditu jew mix-xerrej tal-kreditu responsabbli mill-ksur mal-awtoritajiet kompetenti;

(g)

każijiet preċedenti ta’ ksur mis-servizzjant tal-kreditu jew mix-xerrej tal-kreditu jew, meta jkun applikabbli, mir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19, li jkun responsabbli mill-ksur;

(h)

kwalunkwe konsegwenza sistemika reali jew potenzjali tal-ksur.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu japplikaw il-penali amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju stabbiliti fil-paragrafu 2 fuq il-membri tal-organu maniġerjali jew amministrattiv, jew fuq individwi oħrajn li skont il-liġi nazzjonali jkunu responsabbli mill-ksur.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li qabel ma jieħdu kwalunkwe deċiżjoni li timponi l-penali amministrattivi jew il-miżuri ta’ rimedju stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti jagħtu lis-servizzjant tal-kreditu inkwistjoni, lix-xerrej tal-kreditu jew, meta jkun applikabbli, lir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 19, l-opportunità li jinstema’.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni li timponi l-penali amministrattivi jew il-miżuri ta’ rimedju kif stabbilit fil-paragrafu 2 tkun motivata kif xieraq u tkun soġġetta għad-dritt tal-appell.

8.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistipulawx regoli għal penali amministrattivi għal ksur li jkun soġġett għal pieni kriminali skont il-liġi nazzjonali tagħhom. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali.

TITOLU V

SALVAGWARDJI U DMIR TAL-KOOPERAZZJONI

Artikolu 24

Ilmenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjanti tal-kreditu jistabbilixxu u jżommu proċeduri effettivi u trasparenti għat-trattament tal-ilmenti mingħand il-mutwatarji.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trattament mis-servizzjanti tal-kreditu ta’ lmenti mingħand il-mutwatarji jkun mingħajr ħlas u li s-servizzjanti tal-kreditu jirreġistraw l-ilmenti u l-miżuri li jkunu ħadu biex jindirizzawhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu u jippubblikaw proċedura għat-trattament tal-ilmenti mingħand il-mutwatarji li jkunu jirrigwardaw lix-xerrejja tal-kreditu, lis-servizzjanti tal-kreditu u lill-fornituri tas-servizzi tal-kreditu, u għandhom jiżguraw li dawn jiġu ttrattati minnufih malli jaslu.

Artikolu 25

Protezzjoni tad-data personali

L-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jitwettqu skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.

Artikolu 26

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 8, 13, 14, 15, 18, 20 u 22 jikkooperaw ma’ xulxin kull meta dan ikun meħtieġ għall-fini tat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom jew għall-eżerċitar tas-setgħat tagħhom skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex jevitaw duplikazzjoni u trikkib possibbli meta japplikaw setgħat superviżorji u penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju f’każijiet transfruntiera.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, fuq talba u mingħajr dewmien mhux meħtieġ, jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa għall-fini tat-twettiq tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali fl-eżerċitar tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva jużaw dik l-informazzjoni biss matul il-qadi tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għandu jkun soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali msemmi fl-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24).

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-persuni kollha li jaħdmu, jew li jkunu ħadmu, għall-awtoritajiet kompetenti u l-awdituri jew l-esperti li jaġixxu f’isem l-awtoritajiet kompetenti, jkunu marbuta bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi u organizzattivi meħtieġa sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu.

6.   L-EBA għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u tippromwovi l-kooperazzjoni bejniethom.

TITOLU VI

EMENDI

Artikolu 27

Emendi għad-Direttiva 2008/48/KE

Id-Direttiva 2008/48/KE hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 11a

Informazzjoni rigward il-modifika tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ kreditu

Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra previsti f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li qabel ma jimmodifikaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-konsumatur:

(a)

deskrizzjoni ċara tal-bidliet proposti u, meta jkun applikabbli, tal-ħtieġa tal-kunsens tal-konsumatur jew tal-bidliet introdotti bl-operat tal-liġi;

(b)

l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-bidliet imsemmija fil-punt (a);

(c)

il-mezzi biex isiru l-ilmenti disponibbli għall-konsumatur fir-rigward tal-bidliet imsemmija fil-punt (a);

(d)

l-iskeda ta’ żmien disponibbli għat-tressiq ta’ kwalunkwe lment bħal dan;

(e)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti li lilha l-konsumatur jista’ jissottometti dak l-ilment.";

(2)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Arretrati u infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-kredituri jkollhom politiki u proċeduri adegwati sabiex jagħmlu sforzi biex, meta jkun xieraq, jeżerċitaw tolleranza raġonevoli qabel ma jinbdew il-proċedimenti ta’ infurzar. Tali miżuri ta’ tolleranza għandhom iqisu, fost elementi oħra, iċ-ċirkostanzi tal-konsumatur u jistgħu jikkonsistu, fost possibiltajiet oħra, f’dan li ġej:

(a)

rifinanzjament totali jew parzjali ta’ kuntratt ta’ kreditu;

(b)

modifika tat-termini u l-kundizzjonijiet eżistenti ta’ kuntratt ta’ kreditu, li jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħrajn:

(i)

estensjoni tat-terminu tal-kuntratt ta’ kreditu;

(ii)

tibdil tat-tip ta’ kuntratt ta’ kreditu;

(iii)

differiment tal-pagament tar-ripagament kollu jew ta’ parti minnu għal perjodu;

(iv)

tibdil tar-rata tal-imgħax;

(v)

offerta ta’ moratorju fuq il-pagamenti;

(vi)

ripagamenti parzjali;

(vii)

kambji tal-munita;

(viii)

kanċellazzjoni parzjali u konsolidazzjoni tad-dejn.

2.   Il-lista ta’ miżuri ta’ tolleranza potenzjali stabbilita fil-punt (b) tal-paragrafu 1 hija mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali u ma tirrikjedix li l-Istati Membri jipprevedu dawk il-miżuri kollha fil-liġi nazzjonali tagħhom.

3.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li, fejn il-kreditur jiġi permess jiddefinixxi u jimponi tariffi fuq il-konsumatur minħabba l-inadempjenza, dawk it-tariffi ma jkunux akbar milli meħtieġ biex jikkumpensaw lill-kreditur għall-ispejjeż li jkun ġarrab minħabba l-inadempjenza.

4.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kredituri jimponu tariffi addizzjonali fuq il-konsumatur fil-każ ta’ inadempjenza. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jagħmlu limitu massimu fuq dawk it-tariffi.";

(3)

l-Artikolu 22(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Sakemm din id-Direttiva jkun fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, l-Artikolu 16a(3) u (4) ma għandux jipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar stretti sabiex jipproteġu lill-konsumaturi.".

Artikolu 28

Emendi għad-Direttiva 2014/17/UE

Id-Direttiva 2014/17/UE hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 27a

Informazzjoni rigward il-modifika tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ kreditu

Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra previsti f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma jimmodifikaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-konsumatur:

(a)

deskrizzjoni ċara tal-bidliet proposti u, meta jkun applikabbli, tal-ħtieġa tal-kunsens tal-konsumatur jew tal-bidliet introdotti bl-operat tal-liġi;

(b)

l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-bidliet imsemmija fil-punt (a);

(c)

il-mezzi għall-ilmenti disponibbli għall-konsumatur fir-rigward tal-bidliet imsemmija fil-punt (a);

(d)

l-iskeda ta’ żmien disponibbli għat-tressiq ta’ kwalunkwe lment bħal dan;

(e)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti li lilha l-konsumatur jista’ jissottometti dak l-ilment.";

(2)

l-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-kredituri jkollhom politiki u proċeduri adegwati sabiex jagħmlu sforzi biex, meta jkun xieraq, jeżerċitaw tolleranza raġonevoli qabel ma jinbdew il-proċedimenti ta’ preklużjoni. Tali miżuri ta’ tolleranza għandhom iqisu, fost elementi oħra, iċ-ċirkostanzi tal-konsumatur u jistgħu jikkonsistu, fost possibiltajiet oħra, f’dan li ġej:

(a)

rifinanzjament totali jew parzjali ta’ kuntratt ta’ kreditu;

(b)

modifika tat-termini u l-kundizzjonijiet eżistenti ta’ kuntratt ta’ kreditu, li jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħrajn:

(i)

estensjoni tat-terminu tal-kuntratt ta’ kreditu;

(ii)

tibdil tat-tip ta’ kuntratt ta’ kreditu;

(iii)

differiment tal-pagament tar-ripagament kollu jew ta’ parti minnu għal perjodu;

(iv)

tibdil tar-rata tal-imgħax;

(v)

offerta ta’ moratorju fuq il-pagamenti;

(vi)

ripagamenti parzjali;

(vii)

kambji tal-munita;

(viii)

kanċellazzjoni parzjali u konsolidazzjoni tad-dejn.";

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-lista ta’ miżuri ta’ tolleranza potenzjali stabbilita fil-punt (b) tal-paragrafu 1 hija mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali u ma tirrikjedix li l-Istati Membri jipprevedu dawk il-miżuri kollha fil-liġi nazzjonali tagħhom.";

(3)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 28a

Ċessjoni tad-drittijiet tal-kreditur jew tal-kuntratt ta’ kreditu nnifsu

1.   Meta d-drittijiet tal-kreditur skont kuntratt ta’ kreditu, jew il-kuntratt ta’ kreditu nnifsu jiġu ċeduti lil parti terza, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jeċċepixxi kontra ċ-ċessjonarju kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għall-konsumatur kontra l-kreditur oriġinali, inkluża tpaċija meta din tal-aħħar tkun permessa fl-Istat Membru inkwistjoni.

2.   Il-konsumatur għandu jkun infurmat dwar ċessjoni msemmija fil-paragrafu 1, ħlief meta l-kreditur oriġinali, bi qbil maċ-ċessjonarju, ikompli jwettaq servizzjar tal-kreditu vis-à-vis il-konsumatur.".

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 30

Evalwazzjoni

1.   Mid-29 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-evalwazzjoni għandha tikkonsisti mill-inqas f’dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ servizzjanti tal-kreditu awtorizzati fl-Unjoni u l-għadd ta’ servizzjanti tal-kreditu li jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stat Membru ospitanti;

(b)

l-għadd ta’ drittijiet tal-kreditur skont kuntratt ta’ kreditu improduttiv jew tal-kuntratti ta’ kreditu improduttiv mixtrija minn istituzzjonijiet ta’ kreditu minn xerrejja tal-kreditu domiċiljati jew għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tagħhom ma għandhomx uffiċċju reġistrat, l-uffiċċju prinċipali tagħhom, fl-istess Stat Membru bħall-istituzzjoni ta’ kreditu, jew fi Stat Membru differenti mill-istituzzjoni ta’ kreditu, jew barra mill-Unjoni;

(c)

valutazzjoni tar-riskju eżistenti ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-attivitajiet imwettqa mis-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu;

(d)

valutazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 26.

2.   Meta l-evalwazzjoni tidentifika problemi sinifikanti fil-funzjonament ta’ din id-Direttiva, ir-rapport għandu jiddeskrivi kif il-Kummissjoni biħsiebha tindirizza l-problemi identifikati, inklużi l-passi u l-iskeda ta’ żmien tar-reviżjoni potenzjali.

Artikolu 31

Klawżola ta’ reviżjoni

Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi leġislattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sad-29 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar:

(a)

l-adegwatezza tal-qafas regolatorju rigward l-introduzzjoni potenzjali ta’ limiti massimi fuq it-tariffi li jirriżultaw mill-avveniment ta’ inadempjenza applikabbli għal kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’:

(i)

persuni fiżiċi għal skopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni ta’ dawk il-persuni fiżiċi;

(ii)

SMEs, kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(iii)

kwalunkwe mutwatarju, dment li l-kreditu jkun garantit minn persuna fiżika jew ikun iggarantit b’assi jew proprjetà li jappartjenu lil dik il-persuna fiżika;

(b)

aspetti rilevanti, inklużi l-miżuri ta’ tolleranza potenzjali, ta’ kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’:

(i)

persuni fiżiċi għal skopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni ta’ dawk il-persuni fiżiċi;

(ii)

SMEs, kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(iii)

kwalunkwe mutwatarju, dment li l-kreditu jkun garantit minn persuna fiżika jew ikun iggarantit b’assi jew proprjetà li jappartjenu lil dik il-persuna fiżika;

(c)

il-ħtieġa u l-fattibbiltà tal-iżvilupp ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni jew regolatorji jew mezzi xierqa oħra biex jiġu introdotti formati komuni ta’ rappurtar għall-komunikazzjonijiet lill-mutwatarji skont l-Artikolu 10(2) u dwar il-miżużi ta’ tolleranza.

Meta jkun xieraq, ir-rapport imsemmi fl-ewwel paragrafu għandu jkun akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva.

Artikolu 32

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sad-29 ta’ Diċembru 2023, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

2.   Huma għandhom japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 mit-30 ta’ Diċembru 2023.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, l-entitajiet li diġà jkunu jwettqu skont il-liġi nazzjonali attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fit-30 ta’ Diċembru 2023 għandhom jitħallew ikomplu jwettqu dawk l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom sad-29 ta’ Ġunju 2024 jew sad-data li fiha jiksbu awtorizzazzjoni skont din id-Direttiva, liema minnhom tiġi l-ewwel.

L-Istati Membri li diġà jkollhom fis-seħħ reġimi ekwivalenti jew iktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva għall-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu jistgħu jippermettu li l-entitajiet li jkunu diġà jwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu skont dawk ir-reġimi fit-30 ta’ Diċembru 2023 jiġu rikonoxxuti awtomatikament bħala servizzjanti tal-kreditu awtorizzati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 34

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  ĠU C 444, 10.12.2018, p. 15.

(2)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 43.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2021.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12)

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(6)  Regolament (UE) 2019/630 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 4).

(7)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(10)  Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u-tal Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(11)  Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).

(12)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(13)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(14)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(19)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(20)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

(21)  Id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU L 77, 14.3.1998, p. 36).

(22)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(23)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(24)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(25)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

8.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 438/38


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2168

tal-21 ta’ Settembru 2021

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 94(3), 97(2), 118(1) u (2) u 122(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali li hu trażmess lill-annimali jew lill-bnedmin. B’mod partikolari, il-Parti IV ta’ dak ir-Regolament tistabbilixxi regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u għall-imfaqas, kif ukoll għat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis fl-Unjoni. Ir-Regolament (UE) 2016/429 jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dak ir-Regolament permezz ta’ atti delegati.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward ta’ regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u għat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis. B’mod partikolari, il-Parti II ta’ dak ir-Regolament Delegat tistabbilixxi regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri, inklużi dawk l-istabbilimenti li jwettqu operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa u stabbilimenti li minnhom konsenji ta’ bajd għat-tifqis jew tjur jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, il-Parti III ta’ dak ir-Regolament Delegat tistabbilixxi regoli għat-traċċabbiltà ta’ annimali terrestri miżmuma u għall-bajd għat-tifqis, u b’mod aktar speċifiku tistabbilixxi regoli għat-traċċabbiltà ta’ annimali bovini, ovini u kaprini miżmuma, u għall-immarkar ta’ bajd għat-tifqis.

(3)

Ir-regoli stabbiliti b’dan ir-Regolament huma sostanzjalment marbuta u japplikaw għall-operaturi li jittrasportaw jew iżommu l-annimali terrestri jew il-bajd għat-tifqis. Għalhekk, fl-interess tal-koerenza, tas-sempliċità u għall-applikazzjoni effettiva tagħhom, u biex tiġi evitata duplikazzjoni tar-regoli, jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’att wieħed minflok ma jkunu mxerrdin f’għadd ta’ atti separati li fihom ħafna kontroreferenzi. Dan l-approċċ huwa konsistenti wkoll ma’ wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-Regolament (UE) 2016/429, li kien li jissimplifika r-regoli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali u b’hekk jagħmilhom aktar trasparenti u eħfef biex jiġu applikati.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li l-operaturi tal-imfaqas li minnhom il-konsenji ta’ bajd għat-tifqis jew it-tjur jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor, u l-operaturi ta’ stabbilimenti li jżommu t-tjur li minnhom konsenji ta’ tjur maħsuba għall-finijiet għajr dawk tal-iskarnar jew tal-bajd għat-tifqis jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor, għandhom japplikaw mal-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti tagħhom. L-Artikolu 94(3)(a) ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tipprevedi derogi mir-rekwiżit għall-operaturi li japplikaw għand l-awtorità kompetenti għal approvazzjoni għal ċerti tipi ta’ stabbilimenti li jippreżentaw riskju insinifikanti.

(5)

Il-moviment lejn Stat Membru ieħor ta’ kwantitajiet żgħar ta’ tjur għajr ir-ratiti u l-bajd għat-tifqis minn dawk l-annimali, jippreżentaw riskju żgħir għat-tixrid ta’ mard. Barra minn hekk, l-operaturi ta’ stabbilimenti li minnhom kwantitajiet żgħar ta’ dawn l-annimali u bajd għat-tifqis jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor, għal raġunijiet prattiċi, ma jistgħux jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha għall-approvazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. Jenħtieġ għalhekk li l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġi emendat biex jipprevedi deroga għall-operaturi tal-imfaqas u għall-istabbilimenti li jżommu t-tjur li minnhom inqas minn 20 tajra minbarra r-ratiti u inqas minn 20 bajda għat-tifqis tat-tjur minbarra r-ratiti jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor, mill-obbligu biex japplikaw għand l-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.

(6)

L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi li l-operaturi li jżommu l-annimali bovini għandhom jiżguraw li dawk l-annimali jiġu identifikati permezz ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni speċifikati, filwaqt li l-Artikolu 38(2) tiegħu jippermetti lill-operaturi li jissostitwixxu dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni speċifikati b’alternattivi oħrajn. B’mod simili, l-Artikolu 45(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament Delegat jistabbilixxi obbligi fuq l-operaturi biex jidentifikaw l-annimali ovini u kaprini miżmuma tagħhom permezz ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni speċifikati, filwaqt li l-Artikolu 45(4) tiegħu jippermetti lill-operaturi li jissostitwixxu dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni speċifikati b’alternattivi oħrajn.

(7)

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 269 tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li, f’ċerti oqsma, jadottaw miżuri nazzjonali li huma jistgħu japplikaw fit-territorji tagħhom u li huma addizzjonali jew aktar stretti minn dawk stabbiliti f’dak ir-Regolament. Waħda minn dawk l-oqsma hija r-rekwiżiti tat-traċċabbiltà għall-konsenji ta’ annimali terrestri miżmuma u prodotti ġerminali. Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ma jirriflettix kif xieraq dik il-possibbiltà. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Artikoli 38(2), 45(4) u 48 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġu emendati sabiex tiġi ċċarata li l-għażla prevista għall-operaturi li jżommu l-annimali bovini, ovini jew kaprini biex jidentifikaw dawk l-annimali permezz ta’ mezzi alternattivi ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru. Din tiċċara r-rwol u r-responsabbiltà tal-Istati Membri li japplikaw il-miżuri nazzjonali billi jiżguraw implimentazzjoni tajba ta’ rekwiżiti ta’ traċċabbiltà addizzjonali jew iktar stretti għall-annimali bovini, ovini u kaprini miżmuma, kif previst fl-Artikolu 269 tar-Regolament (UE) 2016/429.

(8)

L-Artikolu 76 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi li l-operaturi li jżommu l-psittacidae għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-psittacidae juru l-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-annimal. Madankollu, id-definizzjoni ta’ kodiċi tal-identifikazzjoni stabbilita f’dak ir-Regolament Delegat teċċedi dak li hu meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-psittacidae, u tippreżenta piż amministrattiv sinifikanti għall-Istati Membri. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġi emendat biex jipprevedi li l-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-psittacidae juru minflok kodiċi alfanumeriku, li jippermetti l-identifikazzjoni tagħhom u jipprevedi livell suffiċjenti ta’ traċċabbiltà għal dawk l-annimali meta jiġu mċaqalqa bejn l-Istati Membri.

(9)

L-Artikolu 80 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi li l-bajd għat-tifqis kollu għandu jiġi mmarkat bin-numru tal-approvazzjoni uniku tal-istabbiliment tal-oriġini. Madankollu, ir-Regolament (UE) 2016/429 jirrikjedi li huma biss dawk l-istabbilimenti li jibagħtu l-bajd għat-tifqis lejn Stat Membru ieħor li għandhom jiġu approvati. Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 (3) jipprevedi li meta konsenji ta’ inqas minn 20 bajda għat-tifqis tat-tjur għajr ir-ratiti jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor, dak il-bajd irid ikun oriġina fi stabbilimenti rreġistrati. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġi emendat biex jeskludi l-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu t-tjur u l-operaturi tal-imfaqas li minnhom il-konsenji ta’ inqas minn 20 bajda għat-tifqis tat-tjur għajr ir-ratiti jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor, mill-obbligu sabiex jiġi żgurat li kull bajda għat-tifqis tiġi mmarkata bin-numru ta’ approvazzjoni uniku tal-istabbiliment ta’ oriġini. Din l-emenda hija konsistenti wkoll mal-emendi li għandhom isiru fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 b’dan ir-Regolament.

(10)

L-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ annimali ungulati, u jipprevedi li l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn l-istabbilimenti jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament. Il-Punt 1(b) tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi li stabbiliment għandu jingħata approvazzjoni għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ ungulati biss jekk l-istabbiliment, fi kwalunkwe ħin, jakkomoda biss l-istess kategorija ta’ ungulati tal-istess speċi u status ta’ saħħa. Madankollu, iċ-ċentri ta’ ġbir f’daqqa eżistenti jista’ jkollhom żona ta’ akkomodazzjoni waħda jew aktar tal-annimali separati epidemjoloġikament. Jenħtieġ li dawk iż-żoni separati joperaw b’tali mod li jiżguraw li l-annimali miżmuma f’dawk iż-żoni ma jkunux f’kuntatt dirett jew indirett ma’ xulxin. Dan jagħmilha possibbli li fi stabbiliment jinżammu ungulati ta’ speċijiet, kategoriji jew status tas-saħħa differenti, dment li jinżammu f’żoni ta’ akkomodazzjoni tal-annimali separati epidemjoloġikament. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Parti 1 tal-Anness I, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 tiġi emendata biex tipprevedi din il-possibbiltà.

(11)

Barra minn hekk, l-Artikoli 15 sa 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688 jipprevedu l-possibbiltà li l-annimali ovini u kaprini jiġu inklużi fl-istess konsenja peress li ż-żewġ speċijiet huma soġġetti għall-istess rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat. Jenħtieġ li l-possibbiltà li tiġi miġbura f’daqqa konsenja ta’ annimali ovini u kaprini, tiġi permessa wkoll skont ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġi emendat sabiex jinkludi deroga mir-regola ewlenija stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament li tiddikjara li l-ungulati tal-istess speċi biss jistgħu jinġabru f’daqqa.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Deroga mir-rekwiżit fuq l-operaturi li ssir applikazzjoni mal-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ stabbilimenti

B’deroga mill-Artikolu 94(1)(a), (c) u (d) tar-Regolament (UE) 2016/429, l-operaturi tat-tipi ta’ stabbilimenti li ġejjin m’għandhomx jintalbu japplikaw għand l-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti tagħhom f’konformità mal-Artikolu 96(1) ta’ dak ir-Regolament:

(a)

stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ annimali ekwini meta dawk l-annimali jinġabru għall-iskopijiet ta’ kompetizzjonijiet, tiġrijiet, wirjiet, taħriġ, attivitajiet kollettivi ta’ divertiment jew ta’ xogħol jew fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ tnissil;

(b)

imfaqas tal-għasafar miżmuma;

(c)

imfaqas li minnhom konsenji ta’ inqas minn 20 bajda għat-tifqis tat-tjur jew inqas minn 20 tajra jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor;

(d)

stabbilimenti li jżommu t-tjur li minnhom jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor, konsenji ta’ inqas minn 20 tajra maħsuba għall-finijiet għajr l-iskarnar, jew konsenji ta’ inqas minn 20 bajda għat-tifqis tat-tjur.”;

2.

fl-Artikolu 38(2), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

waħda miċ-ċombiet tal-widna konvenzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’identifikatur elettroniku approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu qed jinżammu l-annimali bovini, fejn din is-sostituzzjoni hija awtorizzata minn dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 41(1);”;

3.

il-punt (a) tal-Artikolu 45(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

wieħed mill-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mad-derogi previsti fl-Artikolu 46, fejn dawn id-derogi huma awtorizzati mill-Istat Membru fejn jinżammu l-annimali ovini u kaprini, f’konformità mal-Artikolu 48(5);”;

4.

L-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, jitħassar il-punt (c);

(b)

jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi li jissostitwixxu wieħed mill-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(2) f’konformità mad-derogi previsti fl-Artikolu 45(4) għall-annimali ovini u kaprini miżmuma fit-territorju tagħhom.”;

5.

fl-Artikolu 76(1), il-punti (a), (b) u (c) jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

ċurkett fis-sieq kif elenkat fil-punt (h) tal-Anness III li jitwaħħal tal-inqas ma’ sieq waħda tal-annimal fejn il-kodiċi alfanumeriku jintwera b’mod ċar, li jista’ jinqara u li ma jitħassarx;

jew

(b)

transponder injettabbli kif elenkat fil-punt (e) tal-Anness III fejn il-kodiċi alfanumeriku jintwera b’mod li jista’ jinqara u li ma jitħassarx;

jew

(c)

tattoo kif elenkat fil-punt (g) tal-Anness III applikat fuq l-annimal b’kodiċi alfanumeriku li jintwera b’mod ċar u li ma jitħassarx.”;

6.

L-Artikolu 80 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 80

Obbligi tal-operaturi fir-rigward tat-traċċabbiltà tal-bajd għat-tifqis

1.   L-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu t-tjur u l-operaturi tal-imfaqas tat-tjur għandhom jiżguraw li kull bajda għat-tifqis li tiġi mċaqalqa għal Stat Membru ieħor tkun immarkata bin-numru tal-approvazzjoni uniku tal-istabbiliment tal-oriġini tal-bajd għat-tifqis.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

(a)

għall-operaturi ta’ stabbilimenti li jżommu t-tjur li minnhom konsenji ta’ inqas minn 20 bajda għat-tifqis tat-tjur għajr ir-ratiti jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor;

(b)

għall-operaturi tal-imfaqas li minnhom konsenji ta’ inqas minn 20 bajda għat-tifqis ta’ tjur għajr ir-ratiti jiġu mċaqalqa lejn Stat Membru ieħor.”;

7.

Il-punt 1 tal-Parti 1 tal-Anness I jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Ir-rekwiżiti f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri ta’ iżolament u ta’ bijosigurtà ta’ stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati, kif imsemmi fl-Artikolu 5, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

iridu jkunu disponibbli faċilitajiet xierqa ta’ iżolament għall-ungulati;

(b)

fi kwalunkwe ħin, l-istabbiliment jew kull żona ta’ akkomodazzjoni tal-annimali separati epidemjoloġikament fi ħdan l-istabbiliment, għandhom jakkomodaw biss l-istess kategorija ta’ ungulati tal-istess speċi u status ta’ saħħa;

(c)

b’deroga mis-separazzjoni meħtieġa tal-ispeċijiet tal-ungulati prevista fil-punt (b), l-annimali tal-ispeċijiet ovini u kaprini jistgħu jiġu akkomodati flimkien fi kwalunkwe ħin fl-istabbiliment jew fiż-żona ta’ akkomodazzjoni tal-annimali separati epidemjoloġikament fi ħdan l-istabbiliment;

(d)

irid ikun hemm sistema xierqa fis-seħħ li tiżgura l-ġbir tal-ilma mormi;

(e)

iż-żoni fejn jinżammu l-ungulati u kull passaġġ, u materjal u tagħmir li jiġu f’kuntatt magħhom, iridu jitnaddfu u jiġu diżinfettati wara li jitneħħa kull grupp ta’ ungulati, u fejn meħtieġ, qabel ma jiddaħħal grupp ġdid ta’ ungulati, f’konformità mal-proċeduri operattivi stabbiliti;

(f)

iridu jittieħdu pawżi sanitarji xierqa wara l-operazzjonijiet ta’ tindif u diżinfettar u qabel il-wasla ta’ kull grupp ġdid ta’ ungulati fil-faċilitajiet fejn jinżammu l-ungulati.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali terrestri u bajd għat-tifqis (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 140).


8.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 438/43


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2169

tat-2 ta’ Diċembru 2021

li jiftaħ il-kwota tariffarja għall-2022 għall-importazzjoni, fl-Unjoni Ewropea, ta’ ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli koperti mir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/859/KE tal-25 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja fuq il-Protokoll 2 għall-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 2 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tal-14 ta’ Mejju 1973 (3) (“il-Ftehim Bilaterali ta’ Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja”) u l-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) (4) kif emendati bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 140/2001 tal-23 ta’ Novembru 2001 li temenda l-Protokolli 2 u 3 għall-Ftehim ŻEE, dwar prodotti agrikoli pproċessati u prodotti agrikoli oħra (5), jiddeterminaw l-arranġamenti kummerċjali bejn l-Unjoni u r-Renju tan-Norveġja għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli proċessati.

(2)

Il-Protokoll 3 għall-Ftehim taż-ŻEE jistipula dazju b’rata żero għall-ilmijiet li fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud jew imħawrin, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2202 10 00, u għal xarbiet mhux alkoħoliċi oħra, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2202 90 10 li ma fihomx prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi 0401 sa 0404 jew xaħam miksub minn prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi 0401 sa 0404.

(3)

Mill-1 ta’ Jannar 2017, il-kodiċi NM 2202 90 ġie sostitwit bil-kodiċijiet NM 2202 91 00 u 2202 99. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri l-prodotti tal-kodiċijiet NM 2202 10 00, ex 2202 91 00 u ex 2202 99.

(4)

Il-Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja fuq il-Protokoll Nru 2 għall-Ftehim bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (6) (“il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri”) jissospendi temporanjament ir-reġim mingħajr dazju applikat skont il-Protokoll 2 għal oġġetti kklassifikati taħt il-kodiċi NM 2202 10 00 (ilmijiet minerali u ilmijiet aerati, biz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud jew imħawrin) u ex 2202 90 10 (xorb ieħor mhux alkoħoliku biz-zokkor) sostitwiti bil-kodiċijiet NM ex 2202 10 00, ex 2202 91 00 u ex 2202 99. F’konformità mal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, l-importazzjonijiet ħielsa mid-dazju fuq dawk l-oġġetti, li joriġinaw min-Norveġja, jiġu permessi biss fil-limiti ta’ kwota mingħajr dazju. Jeħtieġ li jitħallas dazju fuq l-importazzjonijiet li jaqbżu l-kwota mingħajr dazju.

(5)

Fil-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri huwa stabbilit ukoll li jekk il-kwota tariffarja ma tkunx ġiet eżawrita sal-31 ta’ Ottubru ta’ sena partikolari, il-prodotti inkwistjoni jingħataw aċċess illimitat mingħajr dazju fl-Unjoni mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara.

(6)

Il-kwota annwali għall-2020 għall-prodotti inkwistjoni miftuħa bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2154 (7) ma ġietx eżawrita sal-31 ta’ Ottubru 2020. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2122 (8) konsegwentement ippreveda li r-reġim tad-dazju stabbilit fil-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri ma kellux japplika għall-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2021, u b’hekk l-oġġetti kkonċernati ngħataw aċċess illimitat mingħajr dazju fl-Unjoni.

(7)

Il-Ftehim fil-Forma ta’ Skambju ta’ Ittri jeħtieġ li l-kwota mingħajr dazju għal dawk l-ilmijiet u dak ix-xorb terġa’ tinfetaħ għall-2022. L-aħħar kwota annwali għal dawk il-prodotti nfetħet għall-2020 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2154. Billi ma nfetħet l-ebda kwota annwali għall-2021, huwa xieraq li l-volum tal-kwota għall-2022 jiġi stabbilit fl-istess livell bħalma kien għall-2020.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-kwistjonijiet orizzontali dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati li mhumiex elenkati fl-Anness I,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-kwota tariffarja mingħajr dazju stipulata fl-Anness se tkun miftuħa għall-oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li huma elenkati f’dak l-Anness, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fih.

2.   Ir-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Protokoll 3 għall-Ftehim Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja għandhom japplikaw għall-oġġetti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

3.   Għall-kwantitajiet importati li jaqbżu l-volum tal-kwota stabbilit fl-Anness, għandu japplika dazju preferenzjali ta’ EUR 0,047 għal kull litru.

Artikolu 2

Il-kwota tariffarja mingħajr dazju msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (9).

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1.

(2)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 70.

(3)  ĠU L 171, 27.6.1973, p. 2.

(4)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(5)  ĠU L 22, 24.1.2002, p. 34.

(6)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 72.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2154 tas-16 ta’ Diċembru 2019 li jiftaħ il-kwota tariffarja għall-2020 għall-importazzjoni, fl-Unjoni Ewropea, ta’ ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli koperti mir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 327, 17.12.2019, p. 66).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2122 tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar l-għoti ta’ aċċess illimitat mingħajr dazju fl-Unjoni għall-2021 għal ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta’ prodotti koperti bir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 426, 17.12.2020, p. 32).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS

Oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li għandhom jingħataw aċċess illimitat mingħajr dazju lejn l-Unjoni mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2022

Nru tal-Ordni

Kodiċi NM

Kodiċi TARIC

Deskrizzjoni tal-oġġetti

 

Volum tal-Kwota

09.0709

2202 10 00

 

Ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali u ilmijiet aerati, li fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud jew imħawrin

 

23,029 miljun litru

ex 2202 91 00

10

Birra mhux alkoħolika li fiha z-zokkor

 

ex 2202 99 11

11

19

Xarbiet ibbażati fuq is-sojja b’kontenut ta’ proteini ta’ 2,8 % jew aktar skont il-piż, li fihom iz-zokkor (sukrożju jew zokkor invertit)

Ma fihomx prodotti tal-intestaturi 0401 sa 0404 jew xaħam miksub minn prodotti tal-intestaturi 0401 sa 0404

ex 2202 99 15

11

19

Xarbiet ibbażati fuq is-sojja b’kontenut ta’ proteini ta’ inqas minn 2,8 % skont il-piż; xarbiet ibbażati fuq il-ġewż tal-Kapitolu 8 tat-Tariffa Doganali Komuni, fuq iċ-ċereali tal-Kapitolu 10 tat-Tariffa Doganali Komuni jew fuq iż-żrieragħ tal-Kapitolu 12 tat-Tariffa Doganali Komuni li fihom iz-zokkor (sukrożju jew zokkor invertit)

ex 2202 99 19

11

19

Xarbiet mhux alkoħoliċi oħrajn li fihom iz-zokkor (sukrożju jew iz-zokkor invertit)


8.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 438/46


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2170

tas-7 ta’ Diċembru 2021

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fit-22 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”, “iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku (2).

1.2.   Miżuri provviżorji

(2)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fil-21 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji provviżorji proposti u dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni (“il-marġni tad-dannu”). Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-akkuratezza tal-kalkoli fi żmien tlett ijiem. Żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kif ukoll utent wieħed ipprovdew kummenti (3).

(3)

Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping provviżorju permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/983 (4) (“ir-Regolament provviżorju”).

1.3.   Proċedura sussegwenti

(4)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping provviżorju (id-“divulgazzjoni provviżorja”), l-utenti, l-importaturi mhux relatati, il-prodotturi esportaturi inklużi fil-kampjun u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GtĊ”) għamlu sottomissjonijiet bil-miktub li fihom esprimew il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Jiangsu Zhongji, produttur esportatur, talab u rċieva aktar dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dannu tagħhom.

(5)

Wara l-iskadenza tal-iskadenzi proċedurali, ġew ippreżentati diversi kummenti oħra kif ukoll tweġibiet għall-kummenti li saru mill-partijiet l-oħra. Madankollu, minħabba li dawn il-kummenti ma ġewx sottomessi sal-iskadenzi, il-Kummissjoni ma setgħetx tqishom fl-istadju tad-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kkunsidrat l-argumenti kollha mqajma mill-partijiet interessati matul l-investigazzjoni.

(6)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Il-Kummissjoni organizzat seduti ta’ smigħ ma’ tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, Xiamen Xiashun, Donghai Foil u Jiangsu Zhongji kif ukoll ma’ tliet utenti, Effegidi, Walki Oy u Gascogne Flexible, kif ukoll ma’ konsorzju li jirrappreżenta ħames importaturi, Cartonal Italia, QualityFoil SARL, Cutting Packaging, Transparent Paper LTD u Now Plastics.

(7)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għas-sejbiet finali tagħha u, minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar dovuti għall-pandemija tal-Covid-19, wettqet Kontroverifiki Remoti (Remote Cross Checks, “RCC”) fir-rigward tal-informazzjoni ppreżentata minn Walki Oy u QualityFoil SARL. L-RCC skedata fir-rigward ta’ Manreal ma setgħetx tiġi ffinalizzata minħabba kooperazzjoni insuffiċjenti min-naħa ta’ Manreal. Manreal talab l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta, li kkonferma li t-terminazzjoni tal-RCC ma kisritx id-drittijiet tad-difiża ta’ Manreal. Għalhekk, it-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ Manreal ma ġietx ikkunsidrata għas-sejbiet definittivi. Madankollu, dan ma kellux impatt fuq il-konklużjonijiet dwar l-Interess tal-Unjoni. Minkejja t-terminazzjoni tal-RCC, din il-kumpanija kienet għadha meqjusa bħala parti interessata u tqiesu l-kummenti tagħha fl-investigazzjoni.

1.4.   Kampjunar

(8)

Wara r-Regolament provviżorju, Manreal argumentat li bl-għażla ta’ kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni setgħet injorat varjetà kbira ta’ kumpaniji ffukati fuq setturi differenti, peress li l-kumpaniji fil-kampjun jirrappreżentaw biss 27 % tal-industrija Ċiniża tal-fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni (aluminium converter foil, “ACF”).

(9)

Madankollu, Manreal ma ssostanzjatx f’liema aspett il-kampjun magħżul mill-Kummissjoni ma kienx rappreżentattiv tal-produtturi esportaturi Ċiniżi tal-ACF fl-investigazzjoni attwali. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

1.5.   L-eżami individwali

(10)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar din it-taqsima, il-premessa (33) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

1.6.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni

(11)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-premessa (38) tar-Regolament provviżorju ġiet ikkonfermata.

1.7.   Bidla fl-ambitu ġeografiku

(12)

Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) ma baqgħux jagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk, dan ir-regolament huwa bbażat fuq data għall-Unjoni Ewropea mingħajr ir-Renju Unit (“EU27”).

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Pretensjonijiet rigward id-definizzjoni tal-prodott

(13)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, diversi partijiet tennew it-talbiet tagħhom għall-esklużjoni tal-prodotti li jikkonċernaw il-prodotti li ġejjin: ACF ta’ ħxuna inqas minn 6 mikroni (“ACF<6”) u ACF għall-batteriji tal-karozzi elettriċi (“ACF għall-batteriji tal-karozzi”). Huma pprovdew evidenza addizzjonali li l-produtturi tal-Unjoni rrifjutaw offerti ta’ xiri. Madankollu, l-evidenza addizzjonali pprovduta ma biddlitx ir-riżultat tal-analiżi tar-regolament provviżorju, peress li l-Kummissjoni kienet ġabret evidenza għall-kapaċità, il-bejgħ u l-produzzjoni ta’ rombli tat-test ta’ ACF<6. Utent wieħed ikkonferma fil-kummenti tiegħu għar-Regolament provviżorju ,li rċieva, wara l-PI, kampjun ta’ romblu ta’ ACF<6 minn produttur tal-Unjoni. Barra minn hekk, xi evidenza rreferiet għal rifjuti ta’ offerti ta’ xiri wara l-PI. Kif ġie diskuss hawn taħt fil-premessi (165) sa (171), is-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru ekonomiku qawwi ta’ wara kkawżaw nuqqas ta’ trasport internazzjonali u nuqqasijiet ta’ provvisti. Madankollu, ma huwiex evidenti li din is-sitwazzjoni se taffettwa s-suq fit-tul. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat it-talbiet għall-esklużjoni tal-ACF għall-ACF<6 u għall-ACF għall-batteriji tal-karozzi elettriċi mid-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(14)

Barra minn hekk, utent wieħed (Gascogne) argumenta li jkun hemm kunflitt fis-sejbiet provviżorji tal-Kummissjoni dwar il-bejgħ tal-ACF<6 peress li l-Kummissjoni sabet li l-ebda wieħed mill-produtturi tal-Unjoni ma kien attwalment qed jikkummerċjalizza l-ACF<6 b’mod attiv, filwaqt li, fl-istess ħin, il-Kummissjoni “tista’ tikkonferma l-bejgħ ta’ ACF<6 ta’ diversi produtturi tal-Unjoni fi kwantitajiet ta’ produzzjoni kummerċjali, anki jekk fuq skala limitata, fuq perjodu ta’ għaxar snin qabel il-PI”. Gascogne talbet ukoll aċċess għad-data dwar il-bejgħ biex tifhem aħjar is-sejbiet tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju.

(15)

Peress li l-ACF jiġi ordnat skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ kull klijent, ma huwiex rari li klijent ġdid għall-ACF<6 (jew għal ACF ta’ ħxuna oħra) jitlob kampjun ta’ romblu sabiex iwettaq it-testijiet proprji tiegħu. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni sabet fil-premessa (350) tar-Regolament provviżorju li ħxuna taħt is-6 mikroni kienet tirrappreżenta segment tas-suq li qed jiżviluppa b’konsum relattivament baxx matul il-PI. Għalhekk, ma hijiex xi ħaġa kontradittorja li l-produtturi tal-Unjoni ma kkummerċjalizzawx b’mod attiv il-prodotti tagħhom f’segment żgħir tas-suq bħall-ACF<6, anki jekk kellhom xi bejgħ limitat fil-passat. Peress li d-data dwar il-bejgħ dwar l-ACF<6 hija data kummerċjali kunfidenzjali, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi l-aċċess mitlub.

(16)

Il-konsorzju tal-importaturi saħaq li ma hemm l-ebda evidenza fir-Regolament provviżorju li l-produtturi tal-Unjoni jistgħu jimmanifatturaw ACF<6 fil-kwantitajiet mitluba. Madankollu, kif deskritt fil-premessa (50) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ġabret biżżejjed evidenza li l-produtturi tal-Unjoni huma kapaċi jipproduċu ACF<6 u saħansitra speċifikat li dan jinkludi l-produzzjoni ta’ rombli tat-test skont l-ispeċifikazzjoni tal-klijent. Il-Kummissjoni ma tistax tiżvela l-evidenza peress li fiha informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-konsorzju ma speċifikax xi jqis li huma l-kwantitajiet mitluba f’dan is-segment tas-suq. Il-Kummissjoni vverifikat li l-kapaċità ta’ riżerva sostanzjali tal-industrija tal-Unjoni tista’ tissodisfa d-domanda ta’ ACF<6. Kif muri fil-premessa (273) tar-Regolament provviżorju, ma hemmx biss kapaċità biżżejjed biex jiġi indirizzat il-konsum attwali, iżda wkoll il-possibbiltà li tiżdied il-produzzjoni ġenerali. Kif iddikjarat fil-premessa (51) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonfermat ukoll il-kapaċità ta’ diversi produtturi li jipproduċu ACF<6 fl-aħħar fażi tal-laminazzjoni, meħtieġa biex tinkiseb ħxuna ta’ inqas minn 6 mikroni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-kapaċità ta’ riżerva tal-industrija tal-Unjoni speċifikament għas-segment tas-suq tal-ACF<6, meta d-domanda tiżdied fil-futur.

(17)

Produttur esportatur wieħed, Xiamen Xiashun, afferma li fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ma pprovdietx data jew analiżi li tappoġġa d-dikjarazzjoni tagħha li l-produtturi tal-fojl tal-Unjoni qed jippreparaw biex jissodisfaw id-domanda tas-suq emerġenti tal-fojl tal-batteriji.

(18)

Id-data li turi l-preparazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni biex jissodisfaw id-domanda tal-fojl tal-batteriji hija kunfidenzjali ħafna u ma hijiex suxxettibbli għal sommarju. Dawn il-proġetti għadhom mhumiex pubbliċi u għalhekk huma sensittivi ħafna. In-nuqqas ta’ provvista tad-data jew tal-analiżi mitluba huwa r-riżultat ta’ eżerċizzju ta’ bbilanċjar bir-reqqa. Meta kienet qed tibbilanċja l-interess ta’ partijiet oħra li jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li anki sommarju tad-data jiżvela sigrieti kummerċjali li jistgħu jagħmlu ħsara lin-negozju tal-produtturi rispettivi tal-Unjoni. Għalhekk, id-data mitluba ma tistax tiġi żvelata.

(19)

Xiamen Xiashun sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma qisitx id-data għad-domanda futura għall-fojl tal-batteriji fl-Unjoni, li huma kienu pprovdew fis-seduta tat-23 ta’ Frar 2021. Xiamen Xiashun iddeduċiet mid-data pprovduta, li l-produtturi tal-Unjoni ma kellhomx il-kapaċità li jissodisfaw id-domanda għall-fojl tal-batteriji, waqt li jissodisfaw id-domanda ta’ utenti oħra tal-ACF.

(20)

Id-data li tirreferi għaliha Xiamen Xiashun u li ġiet provduta minnha, hija l-istima tagħha stess tad-domanda futura massima għall-fojl tal-batteriji li pprovdiet Xiamen abbażi ta’ ħarsa ġenerali disponibbli għall-pubbliku ta’ proġetti futuri ppjanati tal-batteriji. Iċ-ċifri ta’ din il-ħarsa ġenerali lejn il-proġetti ppjanati, madankollu, iqisu diversi proġetti ewlenin tal-batteriji, li l-implimentazzjoni tagħhom hija indikata li sseħħ f’mument mhux determinat fil-futur. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet tal-proġetti li Xiamen Xiashun ħadet bħala l-bażi għall-kalkolu tagħha jieħdu l-kapaċità massima potenzjali ta’ proġett li jindika li tista’ tiġi realizzata kapaċità sa ċertu valur.

(21)

Għat-tliet snin li ġejjin, Xiamen Xiashun tat projezzjoni sostanzjalment aktar baxxa. Għall-kuntrarju tal-pretensjonijiet ta’ Xiamen Xianshun, fit-Tabella 6 fil-premessa (273) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni wriet il-kapaċità ta’ riżerva sostanzjali tal-industrija tal-Unjoni. Din il-kapaċità tista’ tissodisfa d-domanda fis-suq emerġenti tal-fojl tal-batteriji u taqbeż b’mod ċar id-domanda stmata minn Xiamen Xiashun għat-3 snin li ġejjin. Ma huwiex meħtieġ li l-kapaċità tal-produzzjoni attwali tal-produtturi tal-Unjoni tkopri d-domanda futura potenzjali kollha peress li dawn jistgħu jespandu l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom f’konformità mad-domanda. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

(22)

Barra minn hekk, Xiamen Xiashun sostniet li fil-premessa (59) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ċaħdet id-differenzi fil-karatteristiċi tekniċi abbażi tal-fatt li ma kien hemm l-ebda esportazzjoni maġġuri ta’ ACF għall-użu bħala fojl tal-batteriji u l-produzzjoni tal-batteriji fl-UE għadha fil-bidu tagħha.

(23)

Il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Il-Kummissjoni qieset il-karatteristiċi tekniċi tal-fojl tal-batteriji fil-premessi (56) u (57) tar-Regolament provviżorju. Il-premessa (59) tar-Regolament provviżorju sempliċiment indirizzat il-pretensjoni ta’ Xiamen Xiashun li teskludi l-ACF għall-użu bħala fojl tal-batteriji abbażi tal-volumi baxxi ta’ esportazzjonijiet mir-RPĊ.

(24)

Wara d-divulgazzjoni finali, Gascogne sostniet il-pretensjoni tagħha għall-aċċess għall-informazzjoni li l-Kummissjoni użat fil-valutazzjoni tagħha fil-premessa (50) tar-Regolament provviżorju biex tikkonferma l-bejgħ ta’ ACF<6 lid-diversi produtturi tal-Unjoni fi kwantitajiet ta’ produzzjoni kummerċjali, anki jekk fuq skala limitata, fuq perjodu ta’ għaxar snin qabel il-PI. Gascogne saħqet li l-Kummissjoni kien jeħtiġilha tal-anqas tipprovdi firxa ta’ volum biex tispjega liema kwantitajiet ta’ produzzjoni kummerċjali jeżistu.

(25)

Utent wieħed biss fil-fatt xtara kwantità għall-produzzjoni kummerċjali, li tirrappreżenta parti żgħira ħafna mill-konsum tiegħu ta’ ACF. Il-Kummissjoni kkunsidrat kull kunsinna li ma saritx biss għal skopijiet ta’ ttestjar bħala produzzjoni kummerċjali.

(26)

Peress li s-suq tal-ACF < 6 huwa b’mod ċar suq li qed jiżviluppa ġdid b’domanda baxxa matul il-PI, il-bejgħ fl-imgħoddi kien biss element wieħed tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-kapaċità u l-kapaċità ppruvata tal-industrija tal-Unjoni li tipproduċi l-prodott permezz tal-produzzjoni riċenti tal-provi ta’ produzzjoni. Għalhekk l-interess tal-utenti li jaċċessaw din id-data kunfidenzjali, anki bħala firxiet, ma kienx akbar mill-interess li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni mtennija li tiżvela d-dettalji dwar id-data kunfidenzjali tal-produttur tal-Unjoni rigward il-bejgħ fl-imgħoddi ta’ ACF < 6.

(27)

Gascogne argumentat ukoll li ma qablitx mal-fehma tal-Kummissjoni espressa fil-Premessa 13 tad-Divulgazzjoni Definittiva Ġenerali definittiva tal-informazzjoni li r-rifjuti tal-produtturi tal-Unjoni li jaċċettaw ordnijiet għal ACF < 6 kienu dovuti għal restrizzjonijiet loġistiċi u skarsezzi fil-provvista kkawżati mis-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru ekonomiku qawwi li segwa. Gascogne tenniet il-pretensjoni tagħha li r-rifjuti ta’ offerti ta’ xiri ta’ ACF < 6 kienu lil hinn minn kull dubju minħabba l-inabbiltà jew in-nuqqas ta’ rieda tal-produtturi tal-Unjoni li jipproduċu din it-tip ta’ ħxuna.

(28)

Gascogne ikkwotat biss l-aħħar parti tal-premessa (13) tad-Divulgazzjoni Definittiva Ġenerali. Fil-bidu tal-premessa (13) il-Kummissjoni mhux biss irreferiet għall-konsenja dokumentata ta’ kampjun ta’ romblu ACF < 6 minn produttur partikolari tal-Unjoni, iżda wkoll għas-sejbiet tar-Regolament proviżorju, li fih il-Kummissjoni kienet uriet l-abbiltà u l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jipproduċu l-ACF < 6, u rreferiet ukoll għall-bejgħ matul l-aħħar deċennju. Fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kienet iċċarat aktar li ACF < 6 huwa suq li qed jiżviluppa b’domanda limitata biss matul il-PI, li spjega n-nuqqas ta’ bejgħ mill-produtturi tal-Unjoni matul il-PI.

(29)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Walki sostniet li l-Kummissjoni ma pprovdietx id-data addizzjonali li talbet fil-kummenti tagħha dwar ir-Regolament proviżorju. Wara l-introduzzjoni ta’ PCN aktar dettaljat, Walki talbet speċifikament a) il-perċentwal tal-bejgħ totali tal-ACF tal-ilmentaturi fis-suq tal-Unjoni tal-kodiċi tal-ħxuna tal-PCN 1 (superjuri tal-ħxuna ta’ 5.0 u inferjuri jew ugwali għal 6.0 microns), b) it-tunnellaġġ totali attwali tal-kodiċi tal-ħxuna tal-PCN 1 prodott mill-ilmentaturi kollha, c) it-tunnellaġġ attwali tal-kodiċi tal-ħxuna tal-PCN 1 ACF mibjugħ b’mod miftuħ fis-suq tal-UE mill-ilmentaturi, u d) kemm mill-ħames ilmentaturi jikkontribwixxu għat-tunnellaġġi identifikati f’b) u c).

(30)

Kif indikat fil-premessi (48) sa (50) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni mhux biss ġabret data għall-kodiċi PCN 1, iżda anki data dwar l-ACF < 6 li taqbel eżattament mal-prodott li għalih intalbet l-esklużjoni. Il-Kummissjoni ġabret informazzjoni dwar id-domanda tal-utenti kollha li kkooperaw matul il-PI, iżda wkoll il-bejgħ u l-produzzjoni ta’ ACF< 6 mill-produtturi kollha tal-Unjoni li kkooperaw. Il-Premessa 50 tar-Regolament provviżorju tagħmilha ċara li matul il-PI, minbarra n-negozjati diretti, l-ebda wieħed mill-produtturi tal-Unjoni mhu qed jikkummerċjalizza b’mod attiv l-ACF < 6, u tirreferi biss għal produzzjoni ta’ rombli għall-ittestjar matul il-PI. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet għal kwantitajiet ta’ produzzjoni kummerċjali fuq skala limitata fuq perjodu ta’ għaxar snin qabel il-PI. Minn din l-informazzjoni, huwa ċar li matul il-PI, ma sar l-ebda bejgħ tal-ACF < 6 mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Dan iwieġeb il-mistoqsijiet kollha magħmula minn Walki fir-rigward tat-talba tagħha għall-esklużjoni. Walki naqset milli turi kif il fatt li tirċievi d-data mitluba għall-ħxuna tal-kodiċi PCN 1, li jinkludi wkoll l-ACF ugwali għal 6.0 mikron, ikun utli u meħtieġ għat-talba ta’ esklużjoni tagħha, minħabba d-data mmirata li taqbel mat-talba ta’ esklużjoni li pprovdiet il-Kummissjoni.

(31)

Matul is-seduta ta’ smigħ tagħha wara d-divulgazzjoni finali, Walki spjegat li wara l-PI f’Ottubru 2021, ma kien għad hemm l-ebda bejgħ attiv fis-suq miftuħ jew kummerċjalizzazzjoni tal-produtturi Ewropej għall-ACF< 6. Walki ssottomettiet evidenza li wara l-PI ma rċevietx tweġiba pożittiva għat-talbiet tagħha għal kwotazzjoni fuq l-ACF < 6 u spjegat li produttur wieħed biss tal-Unjoni jkun f’pożizzjoni li jaċċetta ordnijiet tal-ACF < 6 fi kwantità kummerċjali.

(32)

Il-Kummissjoni rreferiet għall-ispjegazzjonijiet tagħha fid-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali Definittiva kif spjegat fil-premessa ta’ hawn fuq(28).

(33)

Wara d-divulgazzjoni definittiva Xiamen Xiashun argumentat li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ valutazzjoni u aġixxiet bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li ma eżaminatx bl-attenzjoni u bl-imparzjalità kollha l-evidenza pprovduta u ma qisitx kif xieraq l-evidenza rilevanti kollha meta għamlet id-determinazzjonijiet tagħha billi ma pprovdietx sommarju sinifikanti dwar il-pjanijiet tal-produtturi tal-Unjoni biex iżidu l-kapaċità tagħhom biex jissodisfaw id-domanda għall-fojl tal-batterija u warrbu l-evidenza pprovduta minn Xiamen Xiashun fir-rigward tad-domanda mistennija għall-fojl tal-batterija.

(34)

Xiamen Xiashun sostniet li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li “l-kapaċità żejda sostanzjali tal-industrija tal-Unjoni tista’ tissodisfa d-domanda fis-suq emerġenti tal-fojl tal-batteriji” kkontradixxew id-dikjarazzjoni tagħha li “d-data li turi t-tħejjija tal-produtturi tal-Unjoni biex jissodisfaw id-domanda tal-fojl tal-batterija hija kunfidenzjali ħafna u mhijiex suxxettibbli li tinġabar fil-qosor peress li dawn il-proġetti għadhom mhumiex pubbliċi u għalhekk sensittivi ħafna”.

(35)

Xiamen Xiashun sostniet ukoll li l-Kummissjoni rrifjutat il-ħarsa ġenerali komprensiva tagħha dwar id-domanda mistennija fuq il-bażi li t-twettiq ta’ diversi proġetti tal-batteriji kien indikat li se jseħħ f’mument mhux determinat fil-futur. Xiamen Xiashun iddikjarat li dan huwa inerenti għad-data relatata ma’ proġetti ppjanati.

(36)

Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni tista’ tissodisfa d-domanda fis-suq emerġenti tal-fojl tal-batteriji hija marbuta mal-kapaċità żejda kumplessiva fil-laminaturi. Id-data li turi t-tħejjija tal-produtturi tal-Unjoni biex jissodisfaw id-domanda tal-fojl tal-batterija hija relatata mal-isforzi tal-industrija tal-Unjoni biex tkun tista’ tipproduċi skont il-karatteristiċi speċifiċi mitluba mill-produtturi tal-batteriji. Billi tipprovdi sommarju ta’ dawn l-isforzi, il-Kummissjoni tiżvela l-istrateġiji tan-negozju tal-produtturi tal-Unjoni. Għalhekk ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar’ il fuq. Il-Kummissjoni għalhekk ċaħdet din il-pretensjoni.

(37)

Fil-valutazzjoni tal-ħarsa ġenerali dwar id-domanda futura mistennija li Xiamen Xiashun ipprovdiet minn sors disponibbli pubblikament, il-Kummissjoni ddivrenzjat bejn proġetti f’fażi ta’ ppjanar b’perjodu ta’ żmien speċifiku u proġetti maħsuba li għalihom ma hemm l-ebda indikazzjoni tas-sena li fiha se jsiru operattivi. Din mhijiex ċaħda tal-evidenza pprovduta minn Xiamen Xiashun, iżda analiżi bir-reqqa tad-domanda attwali mistennija. Tabilħaqq, il-valutazzjoni ta’ jekk l-industrija tal-Unjoni tistax tissodisfa d-domanda futura mistennija kienet ibbażata b’mod xieraq fuq proġetti tal-batteriji, li r-realizzazzjoni tagħhom hija skedata li sseħħ f’sena speċifika fil-futur. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

2.2.   Konklużjoni

(38)

Wara l-analiżi tal-kummenti li rċeviet dwar id-definizzjoni tal-prodott, il-Kummissjoni tikkonferma d-definizzjoni tal-prodott kif deskritta fir-Regolament provviżorju.

3.   DUMPING

(39)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-GtĊ u żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ikkummentaw dwar is-sejbiet provviżorji tad-dumping.

3.1.   Valur normali

3.1.1.   Distorsjonijiet sinifikanti

(40)

Il-GtĊ u Xiamen Xiashun ikkummentaw dwar il-kwistjoni ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina.

(41)

L-ewwel nett, il-GtĊ qal li l-kontenut tar-rapport dwar iċ-Ċina u l-modi kif jintuża kellhom nuqqasijiet fattwali u legali serji. Skont il-GtĊ, il-kontenut ma kienx rappreżentattiv, jiġbed lejn naħa waħda, u ’l bogħod mir-realtà. Ir-rapport dwar iċ-Ċina ttratta l-vantaġġi kompetittivi leġittimi tal-kumpaniji Ċiniżi u d-differenzi istituzzjonali normali bejn iċ-Ċina u l-Ewropa bħala l-bażi għad-determinazzjoni ta’ distorsjoni sinifikanti tas-suq. Barra minn hekk, il-GtĊ sostna li l-fatt li l-Kummissjoni aċċettat l-allegazzjonijiet ta’ distorsjoni tas-suq iddikjarati mill-industrija tal-Unjoni abbażi tar-rapport dwar iċ-Ċina, ipprovda vantaġġi inġusti lill-industrija tal-Unjoni, kienu ugwali għal għoti ta’ sentenza qabel ma jitlesta l-proċess. Barra minn hekk, il-GtĊ asserixxa li s-sostituzzjoni tal-investigazzjonijiet b’rapporti ma kinitx konformi mal-ispirtu legali fundamentali tal-ekwità u l-ġustizzja.

(42)

Bi tweġiba għall-pretensjoni dwar in-nuqqasijiet fattwali fir-rapport tal-pajjiż, il-Kummissjoni nnotat li r-rapport tal-pajjiż huwa dokument komprensiv ibbażat fuq evidenza oġġettiva estensiva, inkluż il-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u dokumenti oħra ta’ politika uffiċjali ppubblikati mill-GtĊ, rapporti minn organizzazzjonijiet internazzjonali, studji akkademiċi u artikoli minn akkademiċi, u sorsi indipendenti affidabbli oħra. Dan sar disponibbli għall-pubbliku f’Diċembru 2017 u għalhekk kwalunkwe parti interessata jkollha biżżejjed opportunità biex tirribatti, tissupplimenta jew tikkummenta dwaru u dwar l-evidenza li huwa bbażat fuqha. Il-GtĊ ma pprovda l-ebda tweġiba bħal din u ppreżenta biss kummenti ġeneriċi mhux sostanzjati.

(43)

Rigward l-argument tal-GtĊ li jissuġġerixxi li l-ħruġ ta’ rapport tal-pajjiż issostitwixxa l-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku, jekk il-Kummissjoni tqis li l-evidenza ppreżentata mill-ilmentatur dwar id-distorsjonijiet sinifikanti hija suffiċjenti, hija tista’ tibda l-investigazzjoni fuq din il-bażi. Madankollu, id-determinazzjoni dwar l-eżistenza u l-impatt reali ta’ distorsjonijiet sinifikanti u l-użu konsegwenti tal-metodoloġija preskritta mill-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku jseħħu fiż-żmien tad-divulgazzjoni provviżorja u/jew definittiva bħala riżultat ta’ investigazzjoni. L-eżistenza u l-impatt potenzjali ta’ distorsjonijiet sinifikanti ma humiex ikkonfermati fl-istadju tal-bidu kif iddikjarat mill-GtĊ, iżda biss wara investigazzjoni fil-fond, u b’hekk dan l-argument ma ntlaqax.

(44)

It-tieni nett, il-GtĊ ikkummenta li l-Kummissjoni ħarġet biss rapporti għal ftit pajjiżi magħżula, li kien biżżejjed biex iqajjem tħassib dwar it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit u t-trattament nazzjonali. Barra minn hekk, il-GtĊ asserixxa li l-Kummissjoni qatt ma ppubblikat standard ċar u prevedibbli għall-għażla tal-pajjiżi jew tas-setturi biex tippubblika rapporti dwarhom.

(45)

Il-Kummissjoni fakkret li, kif previst fl-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi prodott rapport tal-pajjiż fejn il-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati tal-eżistenza possibbli ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’ċertu pajjiż jew settur f’dak il-pajjiż. Wara l-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku f’Diċembru 2017, il-Kummissjoni kellha dawn l-indikazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti għaċ-Ċina. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll rapport dwar id-distorsjonijiet fir-Russja u ma teskludix li rapporti oħra jiġu wara. Peress li l-maġġoranza tal-każijiet tal-investigazzjoni għad-difiża tal-kummerċ (“TDI”) kienu jikkonċernaw iċ-Ċina u peress li kien hemm indikazzjonijiet serji ta’ distorsjonijiet f’dak il-pajjiż, kien l-ewwel pajjiż li għalih il-Kummissjoni abbozzat rapport. Ir-Russja hija l-pajjiż bit-tieni l-aktar każijiet ta’ TDI, għalhekk kien hemm raġunijiet oġġettivi għall-Kummissjoni biex tħejji rapporti dwar dawk iż-żewġ pajjiżi f’din l-ordni.

(46)

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ rapport tal-pajjiż ma hijiex prekundizzjoni obbligatorja biex tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku, biżżejjed evidenza li turi distorsjonijiet sinifikanti fi kwalunkwe pajjiż miġjuba mill-ilmentaturi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 2(6a)(b) hija biżżejjed sabiex tinbeda l-investigazzjoni fuq dik il-bażi. Għalhekk, ir-regoli dwar id-distorsjonijiet sinifikanti japplikaw għall-pajjiżi kollha mingħajr ebda distinzjoni, irrispettivament mill-eżistenza tar-rapport tal-pajjiż. Għalhekk, ir-regoli dwar id-distorsjonijiet tal-pajjiżi ma jistgħux jiksru t-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn il-pretensjonijiet.

(47)

It-tielet, il-GtĊ żied li f’termini ta’ trattament nazzjonali (national treatment, “NT”), il-kunċett ta’ distorsjonijiet tas-suq jew standards korrispondenti ma kienx jeżisti fil-leġiżlazzjoni tal-UE rigward is-suq intern jew il-kompetizzjoni minbarra r-Regolamenti bażiċi. Għalhekk, il-GtĊ argumenta li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda awtorità f’termini tad-dritt internazzjonali u lanqas ebda leġiżlazzjoni u prattika taħt il-kompetenza esklussiva tagħha fis-suq intern jew ir-regolament tal-kompetizzjoni biex tinvestiga d-distorsjonijiet fiċ-Ċina.

(48)

Il-Kummissjoni bbażat il-metodoloġija tagħha f’din l-investigazzjoni fuq id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Huwa legalment irrilevanti li liġijiet Ewropej oħrajn ma jużawx il-kunċett ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Il-qasam tal-anti-dumping huwa regolat mir-regoli tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping (“ADA”) li taħthom għandu jiġi vvalutat id-dumping fir-rigward ta’ prodotti importati, u fejn ma hemm l-ebda rekwiżit li jiġu vvalutati l-kundizzjonijiet tas-suq domestiku lil hinn mill-analiżi tad-dannu preskritta. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(49)

Barra minn hekk, il-GtĊ ikkummenta li l-Kummissjoni applikat regoli u standards diskriminatorji kontra kumpaniji Ċiniżi meta kienu f’sitwazzjonijiet simili meta mqabbla mal-kumpaniji tal-UE, inklużi iżda mhux limitati għal standards inġusti ta’ evidenza u l-oneru tal-prova. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ma vvalutatx jekk l-UE jew l-Istati Membri kinux soġġetti għal distorsjonijiet tas-suq. Dan is-sett ta’ prattiki affettwa serjament l-affidabbiltà u l-leġittimità tal-analiżi u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet ewlenin fl-investigazzjonijiet anti-dumping fir-rigward tal-kalkolu tad-dumping u tad-dannu. Għalhekk, huwa biżżejjed li jitqajjem tħassib dwar ksur potenzjali tal-obbligi ta’ NT skont ir-regoli tad-WTO.

(50)

Il-GtĊ ma pprovda l-ebda spjegazzjoni jew evidenza dwar l-allegati regoli diskriminatorji kontra l-kumpaniji Ċiniżi. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-pretensjonijiet ma kinux sostanzjati. Fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet fl-UE, il-Kummissjoni nnotat li minbarra li din il-pretensjoni tal-GtĊ kienet ġenerika u mhux sostanzjata, id-distorsjonijiet preżenti fl-UE u li jaffettwaw lill-kumpaniji tal-UE ma kinux l-oġġett tal-analiżi skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku li jikkonċerna l-pajjiż esportatur. Għalhekk, dan il-kunċett huwa legalment irrilevanti f’termini tal-industrija tal-Unjoni fil-kuntest speċifiku tal-investigazzjonijiet anti-dumping. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(51)

Ir-raba’, il-GtĊ issottometta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma inkonsistenti mal-Artikolu 2.2 tal-ADA, li jipprovdi lista eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet fejn il-valur normali jista’ jinbena u ma humiex inklużi fih distorsjonijiet sinifikanti. Il-GtĊ asserixxa wkoll li l-użu ta’ data minn pajjiż rappreżentattiv xieraq jew prezzijiet internazzjonali biex jinbena l-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kien ukoll inkonsistenti mal-Artikolu 6.1(b) tal-GATT u l-Artikolu 2.2 tal-ADA, speċjalment l-Artikolu 2.2.1.1. Il-GtĊ argumenta wkoll li r-regoli tad-WTO kienu jeħtieġu l-użu tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għall-profitti meta jinbena l-valur normali. Madankollu, l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament Bażiku AD wessa’ l-ambitu tas-sorsi ta’ data biex jinkludi l-kostijiet ta’ produzzjoni u bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, jew prezzijiet, kostijiet jew valuri referenzjarji internazzjonali. Dan kien lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tad-WTO skont il-GtĊ. Għalhekk, irrispettivament minn jekk l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku kienx konformi mar-regoli tad-WTO, il-Kummissjoni jenħtieġ li ma tibnix valur normali meta jkun hemm l-hekk imsejħa “distorsjonijiet tas-suq” skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(52)

Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(6a) hija konsistenti mal-obbligi tad-WTO tal-Unjoni Ewropea. Hija l-fehma tal-Kummissjoni li, f’konformità mal-kjarifiki tal-Korp tal-Appell f’DS473 EU-Biodiesel (Argentina), id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li japplikaw b’mod ġenerali fir-rigward tal-Membri kollha tad-WTO, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5), jippermettu l-użu ta’ data minn pajjiż terz, aġġustata kif xieraq meta tali aġġustament ikun neċessarju u ssostanzjat. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

(53)

Il-GtĊ qal li f’dan il-każ, il-Kummissjoni injorat direttament ir-rekords tal-esportaturi Ċiniżi, u dan kien inkonsistenti mal-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA. Il-GtĊ argumenta li l-Korp tal-Appell f’DS473 EU-Biodiesel (Argentina) u l-bord f’DS494 EU-Cost Adjustment Methodologies II (Russia) asserixxew li skont l-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA, sakemm ir-rekords miżmumin mill-esportatur jew mill-produttur li qed jiġi investigat kienu jikkorrispondu — f'limiti aċċettabbli — b’mod preċiż u affidabbli, għall-kostijiet attwali kollha mġarrbin mill-produttur jew mill-esportatur partikolari għall-prodott investigat, jenħtieġ li l-awtorità tal-investigazzjoni tuża dawn ir-rekords sabiex tiddetermina l-kost tal-produzzjoni tal-produtturi investigati.

(54)

Il-Kummissjoni fakkret li t-tilwimiet DS473 u DS494 ma kinux jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, li huwa l-bażi legali rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur normali f’din l-investigazzjoni. Dan it-tilwim kien jikkonċerna wkoll sitwazzjonijiet fattwali differenti mis-sitwazzjoni fattwali li tikkonċerna l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(55)

Barra minn hekk, il-GtĊ sostna li l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku f’dan il-każ kellha standards doppji. Skont il-GtĊ, il-Kummissjoni rrifjutat li taċċetta d-data tal-ispejjeż tal-esportaturi Ċiniżi minħabba li kien hemm distorsjonijiet sinifikanti tas-suq fis-suq Ċiniż, iżda aċċettat id-data tal-pajjiż rappreżentattiv u użatha biex tissostitwixxi d-data tal-produtturi Ċiniżi mingħajr ebda evalwazzjoni dwar jekk jistax ikun hemm distorsjonijiet tas-suq li jaffettwaw din id-data ta’ sostituzzjoni. Dan, skont il-GtĊ, huwa prova ta’ “standards doppji”. Il-GtĊ sostna li dan l-approċċ naqas milli jiggarantixxi l-affidabbiltà tal-kostijiet rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv magħżul. Barra minn hekk, kien impossibbli li verament jiġi rifless il-kost tal-produtturi fil-pajjiż tal-oriġini.

(56)

Fl-aħħar nett, il-GtĊ żied li kien hemm ukoll inizjattivi ta’ żvilupp fl-UE u fl-Istati Membri li huma simili għall-pjanijiet ta’ ħames snin taċ-Ċina, bħall-Istrateġija Industrijali l-Ġdida u l-Industrija Ġermaniża 4.0 eċċ. Skont sorsi uffiċjali, fis-suq intern tagħha fl-2017-2020, l-industrija tal-aluminju tal-UE bbenefikat minn aktar minn 200 miżura ta’ għajnuna mill-Istat varji, ipprovduti mill-Istati Membri tal-UE u awtorizzati mill-Kummissjoni.

(57)

Il-Kummissjoni fakkret li matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni qieset jekk kienx hemm elementi fil-fajl li juru l-eżistenza ta’ kwalunkwe distorsjoni preżenti fil-pajjiżi rappreżentattivi, jiġifieri wkoll fir-rigward tal-materja prima ewlenija użata għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, pereżempju jekk humiex soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni. Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni kien hemm opportunità biżżejjed biex il-partijiet kollha jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-pajjiżi rappreżentattivi potenzjali kkunsidrati mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tippubblika żewġ noti għall-fajl dwar l-adegwatezza tal-pajjiżi rappreżentattivi possibbli u għażla preliminari ta’ pajjiż xieraq għall-investigazzjoni. Dawn in-noti huma disponibbli għall-partijiet kollha għall-kummenti tagħhom. F’dan il-każ ukoll, il-GtĊ u l-partijiet l-oħra kollha kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw pretensjonijiet u evidenza li l-pajjiżi rappreżentattivi possibbli kkunsidrati kienu affettwati minn distorsjonijiet sinifikanti u għalhekk ma kinux adattati għall-investigazzjoni.

(58)

Il-Kummissjoni nnotat li skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi distortivi elenkati f’din id-dispożizzjoni jiġi analizzat fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kostijiet fil-pajjiż esportatur. L-istruttura tal-kostijiet u l-mekkaniżmi għall-formazzjoni tal-prezzijiet fi swieq oħrajn, bħall-appoġġ finanzjarju allegatament mogħti fl-UE, ma għandhom l-ebda rilevanza affattu fil-kuntest ta’ dan il-proċediment (anki jekk ikunu preżenti, quod non (5)). Għalhekk, din il-pretensjoni hija infondata u ma ntlaqgħetx.

(59)

Xiamen Xiashun issottomettiet numru ta’ kummenti fir-rigward tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti.

(60)

L-ewwel nett, Xiamen Xiashun innotat li fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju, issir referenza għal artiklu fuq l-internet li skontu Xiamen Xiashun tippromwovi b’mod attiv il-bini tal-partit u l-ħidma tat-trade unions. Xiamen Xiashun ikkummentat li dan l-artiklu jenħtieġ li jiġi interpretat b’tali mod li jfisser biss li Xiamen Xiashun qed tiffaċilita l-possibbiltà għall-ħaddiema tagħha fit-trade unions kemm jekk ikunu membri tal-partit kif ukoll jekk le sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-kumpanija. Madankollu, Xiamen Xiashun enfasizzat li l-kliem “teħid ta’ deċiżjonijiet” ma jfissirx li l-membri tal-partit jew tat-trade unions għandhom xi jedd fuq il-ġestjoni u fuq il-governanza tal-kumpanija, jew fuq l-iffissar tal-ipprezzar tax-xirjiet ta’ materja prima jew tal-bejgħ ta’ prodotti. Bħala riżultat ta’ dan, jenħtieġ li ma ssir l-ebda konklużjoni ta’ kontroll tal-gvern jew ta’ distorsjoni tas-suq fuq il-bażi ta’ dik il-formulazzjoni.

(61)

Barra minn hekk, Xiamen Xiashun opponiet is-sejbiet magħmulin mill-Kummissjoni fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju, u spjegat li l-fatt li hemm membri tal-partit fil-kumpanija ma jfissirx li huma qed jikkontrollaw il-kumpanija. Xiamen Xiashun osservat li hija legalment obbligata tippermetti lill-membri tal-partit jorganizzaw attivitajiet ta’ bini tal-partit, iżda dan ma jfissirx li l-membri tal-partit għandhom xi influwenza fuq il-kumpanija. Hija żiedet li kull persuna tista’ tappartjeni għal reliġjon jew għal partit politiku tal-għażla tagħha u dan ma għandu l-ebda effett fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kumpanija. Barra minn hekk, hija enfasizzat li l-fatt li hemm attivitajiet ta’ bini tal-partit organizzati fil-kumpanija ma jfissirx li hemm membri tal-Partit Komunista Ċiniż (“CCP”) fost il-maniġment tal-kumpanija. Fl-aħħar nett, Xiamen Xiashun spjegat li t-traduzzjoni tal-Kummissjoni tal-“bini tal-partit” hija ħażina u li l-attivitajiet tal-membri tas-CCP fi ħdan il-kumpanija huma prinċipalment dawk relatati mal-istudju tal-politiki tal-gvern, billi jipprovdu l-opinjoni u l-pariri tagħhom lill-organizzazzjoni tal-partit tagħhom, jew xi drabi anki xi attivitajiet ta’ divertiment. Hija żiedet li ma kien hemm xejn uffiċjali li jindika li s-CCP qed jikkontrolla l-kumpaniji rispondenti. Xiamen Xiashun irrepetiet dawk il-kummenti wara d-divulgazzjoni definittiva.

(62)

Il-Kummissjoni osservat li, l-ewwel nett, l-attivitajiet tal-kumitat tal-partit attiv f’Xiamen Xiashun huma deskritti b’mod ċar bħala ta’ “teħid ta’ deċiżjonijiet” fl-artiklu kkwotat fil-premessa (97) tar-Regolament provviżorju. L-artiklu ma janalizzax u lanqas ma jinterpreta fid-dettall x’jinvolvi dan it-“teħid ta’ deċiżjonijiet”. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li skont l-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a), żewġ elementi rilevanti għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’pajjiż huma: “is-suq inkwistjoni huwa servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur” u “[l-]preżenza tal-istat f’ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet”. L-involviment tal-kumitat tal-partit fit-“teħid ta’ deċiżjonijiet” f’Xiamen Xiashun jaqa’ taħt iż-żewġ kriterji. Ir-rekwiżit li l-preżenza tal-Istat fil-kumpanija tinterferixxi mal-prezzijiet u mal-kostijiet ma jfissirx li l-Istat jistabbilixxi direttament il-prezzijiet tal-oġġetti mibjugħin, iżda li, minflok, minħabba l-preżenza u l-involviment tal-membri tal-partit fil-kumpanija, il-kumpanija tista’ tistenna trattament u appoġġ aktar favorevoli mill-awtoritajiet, li indirettament jista’ jkollu impatt fuq il-kostijiet u fuq il-prezzijiet tagħha. Barra minn hekk, il-preżenza ta’ membri tas-CCP fil-kumpanija u l-fatt li l-kumpanija tiffaċilita l-attivitajiet ta’ bini tal-partit u l-involviment tagħhom fit-“teħid ta’ deċiżjonijiet” huma indikatur ċar li l-kumpanija ma hijiex indipendenti mill-Istat, u tista’ tkun qed taġixxi f’konformità mal-politika tas-CCP aktar milli mal-forzi tas-suq. Għalhekk, dan l-argument huwa miċħud.

(63)

Billi, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, tabilħaqq kull impjegat għandu d-dritt li jappartjeni għar-reliġjon jew għall-partit politiku tal-għażla tiegħu, fattwalment fiċ-Ċina, is-sitwazzjoni hija differenti, minħabba li ċ-Ċina hija Stat b’partit wieħed u s-CCP huwa ugwali għall-Istat u għall-gvern tiegħu (6). Għalhekk, il-preżenza ta’ membri tas-CCP f’kumpanija, li jorganizzaw attivitajiet regolari ta’ “bini tal-partit” u li għandhom drittijiet ta’ “teħid ta’ deċiżjonijiet”, kif diskuss fil-premessi (50) u (52) aktar ’il fuq, jindika l-preżenza tal-Istat fil-kumpanija. Fir-rigward tal-attivitajiet tal-kumitat tal-partit, il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li l-attivitajiet ta’ “bini tal-partit” jintużaw mill-Kummissjoni fis-sens ta’ “attivitajiet għat-tisħiħ tal-ispirtu tal-partit fil-kumpanija”, jew “l-iżvilupp ta’ attivitajiet relatati mal-partijiet sabiex tiġi żgurata tmexxija kumplessiva tal-partit” f’konformità mal-linji gwida uffiċjali (7). Il-Kummissjoni tfakkar li kif diġà ġie spjegat fil-premessa (52) aktar ’il fuq, il-kumitati tal-partit preżenti fil-kumpanija għandhom tal-anqas effett indirett, għalkemm tal-anqas potenzjalment distorsiv, minħabba l-interkonnessjoni mill-qrib bejn l-Istat u l-partit CCP fiċ-Ċina.

(64)

It-tieni, Xiamen Xiashun ikkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (166) tar-Regolament provviżorju li Xiamen Xiashun hija soġġetta għal distorsjonijiet fil-pajjiż kollu b’rabta mal-manodopera. Xiamen Xiashun argumentat li l-pagi tagħha huma ogħla b’mod sinifikanti minn dawk tal-kompetituri tagħha. Barra minn hekk, Xiamen Xiashun osservat li l-oneru tal-provi mqiegħed fuq il-produtturi esportaturi sabiex jirribattu l-preżunzjoni de facto allegata tal-eżistenza ta’ “distorsjonijiet sinifikanti” tant sar tqil li huwa impossibbli sabiex kwalunkwe kumpanija individwali ġġarrbu. Xiamen Xiashun osservat li, fil-prattika, dan ifisser li: i) ma huwiex ċar għalkollox kif, u permezz ta’ liema evidenza, kumpanija individwali tista’ tirribatti l-preżunzjoni li l-elementi ta’ kost tagħha, bħall-kostijiet lavorattivi, huma distorti; u ii) anke jekk tiġi pprovduta evidenza fattwali speċifika li turi b’mod komparattiv differenzi sinifikanti fil-kostijiet bejn il-produtturi esportaturi, dan ma jwassalx lill-Kummissjoni sabiex tqajjem dubji dwar is-sejba prima facie tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ “distorsjonijiet sinifikanti”.

(65)

Il-Kummissjoni fakkret li, kif instab fit-taqsima 3.3.1.7 tar-Regolament provviżorju, il-pagi fiċ-Ċina huma distorti, fost l-oħrajn mir-restrizzjonijiet tal-mobilità minħabba s-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi (hukou), kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ preżenza ta’ trade unions indipendenti u n-nuqqas ta’ negozjar kollettiv. Billi s-sejbiet tal-Kummissjoni fit-taqsima 3.3.1.7 jindikaw il-preżenza ta’ distorsjonijiet orizzontali u fil-pajjiż kollu fis-suq tax-xogħol Ċiniż, is-serjetà ta’ dawk id-distorsjonijiet jwasslu għall-konklużjoni li l-kostijiet tal-pagi fiċ-Ċina huma distorti b’mod kumplessiv. Ma hemm l-ebda element fil-fajl li fuq il-bażi tiegħu jista’ jiġi stabbilit b’mod pożittiv li l-kostijiet tal-pagi domestiċi ta’ Xiamen Xiashun ma kinux affettwati mid-distorsjonijiet fis-suq tax-xogħol. L-ewwel nett, Xiamen Xiashun ma ppreżentat l-ebda evidenza ta’ kif dawn id-distorsjonijiet orizzontali ma jaffettwawx il-kostijiet lavorattivi tagħha, pereżempju billi wriet li l-persunal tagħha ma kienx affettwat mis-sistema hukou, li kien hemm trade unions indipendenti u kien hemm negozjar kollettiv. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda evidenza li l-pagi tagħha kienu konformi mal-prinċipji tas-suq, peress li ma ssottomettietx data f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ċertu livell ta’ pagi meta mqabbel mal-pagi tal-kompetituri fl-istess negozju fih innifsu ma jindikax li d-distorsjonijiet orizzontali fil-pajjiż kollu preżenti fis-suq tax-xogħol fir-RPĊ ma affettwawx il-livell tal-pagi ta’ Xiamen Xiaschun.

(66)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Xiamen Xiashun tenniet li l-pagi tagħha kienu ogħla b’mod sinifikanti minn dawk tal-kompetituri tagħha, u li din id-differenza fil-livell tal-pagi għandha tikkostitwixxi evidenza li ma kinitx soġġetta għad-distorsjonijiet allegati.

(67)

Xiamen Xiashun ma pprovdiet l-ebda evidenza konkreta li ma hijiex soġġetta għal distorsjonijiet fil-pajjiż kollu tal-kostijiet tal-pagi, kif stabbilit fit-Taqsima 3.3.1.7 tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ pagi meta mqabbel mal-pagi tal-kompetituri fl-istess negozju, fih innifsu ma jindikax li d-distorsjonijiet orizzontali fil-pajjiż kollu preżenti fis-suq tax-xogħol fir-RPĊ ma jaffettwawx il-livell tal-pagi ta’ dan il-produttur esportatur inkwistjoni. Fi kliem ieħor, anki jekk il-pagi għal dan il-produttur esportatur kienu ogħla minn dawk tal-kompetituri tiegħu, dan ma jfissirx li tali livell ta’ pagi ma huwiex affettwat mid-distorsjonijiet fis-suq tax-xogħol fir-RPĊ.

(68)

Fir-rigward tal-pretensjoni li ma huwiex possibbli li l-produtturi esportaturi jirribattu preżunzjoni de facto allegata tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni ma qablet xejn. L-ewwel nett, ma teżisti l-ebda preżunzjoni de facto intenzjonata, minħabba li l-Kummissjoni f’kull investigazzjoni tivvaluta f’dettall kbir l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prodott li qed jiġi investigat u l-produtturi esportaturi kkonċernati, filwaqt li tqis, b’mod ekwu, l-evidenza kollha disponibbli fil-fajl. Barra minn hekk, jekk ikun hemm pretensjonijiet li d-distorsjonijiet orizzontali ma jaffettwawx ċerti kostijiet domestiċi skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tanalizzahom bir-reqqa, kif juri b’mod ċar it-tul tal-analiżijiet f’din l-investigazzjoni u fl-investigazzjonijiet l-oħrajn li jikkonċernaw ir-RPĊ. Jekk kien hemm evidenza fil-fajl li Xiamen Xiashun ma kinitx affettwata mid-distorsjonijiet fil-pajjiż kollu preżenti fis-suq tax-xogħol Ċiniż, il-Kummissjoni ċertament tuża l-kost lavorattiv tal-kumpanija stess f’konformità mat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(69)

It-tielet, Xiamen Xiashun ikkummentat li l-fatt li l-Kummissjoni sistematikament injorat il-kostijiet lavorattivi tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, huwa prova li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa inkompatibbli mal-Artikolu 2.2 u mal-Artikolu 2.2.1.1. tal-ADA. Dan minħabba li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku jipprevedi li l-kostijiet u l-prezzijiet għandhom jiġu injorati b’mod sistematiku, mingħajr ma jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.2 tal-ADA humiex issodisfati.

(70)

Il-Kummissjoni fakkret li f’kull investigazzjoni, il-partijiet kollha jkollhom l-opportunità li jipprovdu evidenza dwar l-elementi rilevanti kollha, inkluża l-allegazzjoni li ċerti fatturi tal-produzzjoni ma humiex distorti, f’konformità mat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Kif spjegat fil-premessi (55) u (56) aktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tirrifjutax b’mod sistematiku l-kostijiet lavorattivi tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, iżda tanalizza d-data fid-dettall f’kull każ li fih parti għamlet talba dwar in-nuqqas ta’ distorsjonijiet sabiex tivverifika jekk produttur esportatur jkunx qed jiġi affettwat mid-distorsjonijiet sinifikanti (8). Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(71)

Ir-raba’, Xiamen Xiashun osservat li fil-premessa (155) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni indikat li Xiamen Xiashun irċeviet ċerti premjijiet jew rikonoxximenti formali, li jfisser li kienet meħtieġa tissodisfa r-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà sabiex tirċevihom, fosthom li ssegwi l-linja uffiċjali tal-GtĊ u tikkonforma mal-istrateġiji u mal-politiki governattivi uffiċjali. Xiamen Xiashun enfasizzat li dawn ir-rikonoxximenti huma biss unuri li rċeviet il-kumpanija u, filwaqt li l-kumpanija kellha bżonn tissodisfa xi rekwiżiti, ma kinitx ikkontrollata mill-gvern. Xiamen Xiashun żiedet li ma kien hemm l-ebda evidenza uffiċjali li tindika li hija ngħatat struzzjonijiet mill-gvern sabiex tistabbilixxi prezz tax-xiri għall-materja prima jew il-prezz tal-bejgħ tal-prodott tagħha li jmur kontra l-kundizzjonijiet tas-suq.

(72)

Kif diġà ġie spjegat mill-Kummissjoni fil-premessa (155) tar-Regolament provviżorju, il-premjijiet u t-titli miksubin minn Xiamen mhux biss jirrikonoxxu l-kisbiet ta’ din il-kumpanija, iżda wkoll jirrikjedu b’mod ċar li din tkun allinjata mal-politika uffiċjali tal-gvern. Kif muri mill-kwotazzjonijiet fil-premessa (155) tar-Regolament provviżorju, huma biss il-kumpaniji li jsegwu strettament il-linja tal-gvern li huma eliġibbli għall-premji miksubin minn Xiamen Xiashun, bħat-titlu Impriża Ewlenija ta’ Fujian.

(73)

Il-ħames, Xiamen Xiashun argumentat, u tenniet wara d-divulgazzjoni definittiva, li fil-premessa (157) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li Xiamen Xiashun kienet soġġetta għad-distorsjonijiet fil-pajjiż kollu fir-rigward tal-proċedimenti ta’ falliment, fin-nuqqas ta’ evidenza tal-kuntrarju. Xiamen Xiascun enfasizzat li peress li hija intrapriża ta’ suċċess, ma tistax tagħti prova li ma hijiex soġġetta għal distorsjonijiet fil-proċedimenti ta’ falliment.

(74)

Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (157) tar-Regolament provviżorju, il-problema bil-liġijiet dwar il-falliment fiċ-Ċina tinsab fl-infurzar inadegwat ta’ dawk il-liġijiet u fir-rwol li għandu l-Istat fil-proċedimenti ta’ insolvenza. F’kull investigazzjoni, il-partijiet għandhom l-opportunità li jipprovdu evidenza dwar l-elementi rilevanti kollha u l-Kummissjoni tanalizza d-data fid-dettall f’kull każ li fih parti tagħmel talba dwar in-nuqqas ta’ distorsjonijiet biex tivverifika jekk produttur esportatur huwiex affettwat mid-distorsjonijiet sinifikanti. Għalhekk, din il-pretensjoni ġiet miċuħda.

(75)

Is-Sitt, Xiamen Xiashun ikkummentat li fil-premessa (162) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni indikat li Xiamen Xiashun stabbiliet impriża konġunta ma’ impriża tal-Istat (State owned enterprise, “SOE”), u kkonkludiet li kienet qed tikkoopera mill-qrib mal-Istat Ċiniż u li d-distorsjonijiet fil-pajjiż kollu jikkonċernaw ukoll lill-fornituri tagħha. Xiamen Xiashun iddikjarat li huwa komuni ħafna madwar id-dinja li l-kumpaniji privati jagħmlu negozju mal-SOEs jew ma’ aġenziji tal-gvern, u ma jfissirx li l-parti l-oħra hija mġiegħla ċċedi l-kontroll tan-negozju lill-gvern. Fil-każ ta’ Xiamen Xiashun, l-impriża konġunta mal-SOE titħaddem biss skont l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni u d-Dritt tal-Kumpaniji taċ-Ċina. Xiamen Xiashun enfasizzat li ma kien hemm l-ebda evidenza uffiċjali li tissuġġerixxi li l-gvern qed jikkontrolla u jidderieġi l-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti, il-provvista u d-domanda tal-materja prima, kif ukoll l-operat ta’ kuljum tal-impriża konġunta.

(76)

Filwaqt li l-Kummissjoni taqbel li l-impriżi konġunti bejn l-impriżi privati u l-SOEs huma komuni ħafna fid-dinja, ir-rwol tal-SOEs fiċ-Ċina huwa speċifiku ħafna, kif deskritt fit-Taqsima 3.3.1.3 tar-Regolament provviżorju. Illustrazzjoni pertinenti addizzjonali tal-effett distorsiv tal-SOEs fiċ-Ċina dwar il-prezzijiet u l-kostijiet hija l-kwotazzjoni minn artiklu ppubblikat fuq sit web tal-GtĊ: “L-iżvilupp fuq skala kbira tal-impriżi tal-istat fit-teknoloġija ewlenija u fl-industriji strateġiċi bbenefika u appoġġa lill-impriżi privati f’ħafna aspetti, bħall-inklużività tal-prezzijiet, it-trasferiment tat-talenti, it-tixrid tat-teknoloġija, u s-salvataġġ kapitali.” (9) Il-“benefiċċju”, l-“appoġġ”, l-“inklużività tal-prezzijiet” u s-“salvataġġ kapitali” imsemmijin fl-artiklu jindikaw b’mod ċar effett distorsiv tal-kooperazzjoni bejn l-SOEs u l-impriżi privati fis-suq Ċiniż. Wara d-divulgazzjoni definittiva, Xiamen Xiashun tenniet il-kummenti tagħha iżda ma pprovdiet l-ebda evidenza li tikkontradixxi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

3.1.2.   Pajjiż rappreżentattiv

(77)

Fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni għażlet lit-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv f’konformità mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Id-dettalji dwar il-metodoloġija użata għall-għażla ġew stabbiliti fl-Ewwel u fit-Tieni nota magħmulin disponibbli għall-partijiet fil-fajl miftuħ fil-25 ta’ Novembru 2020 u fis-17 ta’ Marzu 2021 (“l-Ewwel Nota” u “it-Tieni Nota”), u fil-premessi (170) sa (197) tar-Regolament provviżorju.

(78)

Xiamen Xiashun kif ukoll Donghai ripetutament ikkontestaw l-għażla tal-Kummissjoni li tuża d-data tal-kumpaniji li jipproduċu estrużjonijiet tal-aluminju bħala l-parametru referenzjarju għall-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u għall-profitt. Fil-fehma tal-partijiet, l-estrużjonijiet tal-aluminju ma kinux simili għall-ACF, u kien hemm differenzi sostanzjali bejn iż-żewġ prodotti f’termini tal-użu, tal-kost tal-produzzjoni u tal-fatturi tal-produzzjoni tagħhom. Xiamen Xiashun argumentat ukoll li d-differenzi influwenzaw il-profitt u l-SG&A tal-kumpaniji, u għalhekk, jenħtieġ li ma jintużawx il-profitt u l-SG&A tal-kumpaniji li jipproduċu l-estrużjonijiet tal-aluminju sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali. Skont Donghai, il-Kummissjoni kellha tillimita l-għażla tagħha għal kumpaniji attivi fil-produzzjoni tal-ACF biss. Barra minn hekk, Donghai argumentat ukoll li skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, huwa meħtieġ li l-kumpanija magħżula mill-pajjiż rappreżentattiv timmanifattura l-prodott li qed jiġi investigat. Xiamen Xiashun tenniet l-istess pretensjonijiet wara d-divulgazzjoni definittiva.

(79)

L-ewwel nett, issir referenza għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessi (184) – (190) tar-Regolament provviżorju, li telabora dwar l-għażla tas-settur tal-estrużjoni tal-aluminju u tal-produtturi Torok f’dak is-settur. Filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li ċerti karatteristiċi, użi finali, proċessi tal-produzzjoni u kostijiet tal-produzzjoni għall-ACF u l-estrużjonijiet tal-aluminju jistgħu ma jkunux identiċi, hija fakkret li dawn l-aspetti jridu jitqiesu b’mod ġenerali sabiex jiġi ddeterminat jekk prodott jew settur jaqax fl-istess kategorija ġenerali u/jew settur tal-prodott li qed jiġi investigat. Barra minn hekk, bi tweġiba għall-argument ta’ Donghai dwar l-użu tad-data mill-produtturi tal-ACF biss, il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, huwa meħtieġ biss li jinstabu l-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ, kif ukoll livell raġonevoli ta’ SG&A u tal-profitti, f’pajjiż rappreżentattiv xieraq. L-użu ta’ data minn kumpaniji li jipproduċu eżattament l-istess prodott bħall-prodott ikkonċernat ma huwiex obbligatorju b’dik id-dispożizzjoni.

(80)

It-tieni, huwa mfakkar li fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-kumpaniji fil-pajjiż rappreżentattiv. Bħala parti minn dik id-diskrezzjoni u kif deskritt fir-Regolament provviżorju (ara l-premessi (182), (188) u (192)), fin-nuqqas ta’ data li turi livell raġonevoli ta’ SG&A u profitti tal-produtturi tal-ACF f’pajjiż(i) rappreżentattiv(i) potenzjali, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun meħtieġ, tikkunsidra wkoll il-produtturi li jimmanifatturaw prodott fl-istess kategorija ġenerali u/jew settur tal-prodott li qed jiġi investigat.

(81)

Xiamen Xiashun u Donghai kkontestaw ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinjora d-data ta’ produttur Tork tal-ACF (10) minħabba li l-profitt tiegħu kien qrib il-punt tal-ekwilibriju. Fil-fehma tagħhom, dan ikkontradixxa l-approċċ tal-Kummissjoni meħud fl-investigazzjoni dwar l-estrużjonijiet tal-aluminju, fejn il-Kummissjoni, meta stabbiliet valur raġonevoli għall-SG&A u għall-profitt, qieset il-kumpaniji profittabbli kollha irrispettivament mil-livell ta’ profitt tagħhom, u dment li ma kinux qed jagħmlu t-telf (11).

(82)

Ta’ min ifakkar li l-produttur Tork tal-ACF identifikat kien l-unika kumpanija b’data disponibbli għall-pubbliku għall-2019 (perjodu li jikkoinċidi parzjalment mal-PI). Profitt qrib l-ekwilibriju ta’ kumpanija waħda ma jistax jitqies raġonevoli, minħabba l-livell ta’ profitt miksub minn basket ta’ kumpaniji Torok oħra attivi fl-industrija tal-aluminju fl-istess perjodu. B’riżultat ta’ dan, u kif osservat fir-Regolament provviżorju (il-premessa (192)), il-Kummissjoni qieset l-użu ta’ data finanzjarja aggregata u ponderata ta’ basket ta’ kumpaniji b’ċifri ta’ profitt raġonevoli aktar adegwati għall-finijiet li jinstab ammont raġonevoli għall-SG&A u għall-profitt mill-użu tad-data ta’ produttur wieħed li l-livelli ta’ profitt tiegħu ma jidhrux li huma indikattivi tas-sitwazzjoni ekonomika fis-settur. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

3.1.3.   Sorsi użati biex jiġu stabbiliti kostijiet mingħajr distorsjoni għall-fatturi ta’ produzzjoni

(83)

Il-Kummissjoni stabbiliet id-dettalji dwar is-sorsi użati sabiex jiġi stabbilit il-valur normali fil-premessi (198) – (223) tar-Regolament provviżorju. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, diversi partijiet għamlu talbiet dwar is-sorsi differenti użati sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali.

3.1.3.1.   Materja prima

(84)

Donghai qieset li l-approċċ tal-Kummissjoni li tuża l-bażi tad-data tal-GTA ma kienx xieraq, peress li valuri surrogati aktar preċiżi kienu disponibbli għall-pubbliku. Donghai kkontestat b’mod partikolari l-valuri tal-GTA għall-kojls illaminati bil-kesħa u ssuġġeriet l-użu ta’ prezzijiet referenzjarji alternattivi bbażati fuq ir-rapport tas-CRU (12). Madankollu, bi tweġiba għad-divulgazzjoni provviżorja, Donghai sempliċiment tenniet il-pretensjoni li diġà kienet għamlet bi tweġiba għat-Tieni Nota mingħajr ma ppreżentat ebda element fattwali jew legali ġdid. Għalhekk, il-pretensjoni ta’ Donhai ġiet irrifjutata u s-sejbiet kif imsemmija fil-premessi (214)-(217) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

(85)

Donghai wkoll ripetutament ma qablitx mal-parametru referenzjarju għar-ruttam tal-aluminju. Skont Donghai, il-prezz referenzjarju tar-ruttam jenħtieġ li jiġi ddeterminat billi tintuża bħala bażi, referenza għall-prezzijiet tal-ingotti tal-aluminju. Fir-Regolament provviżorju (ara l-premessi (211)-(212)), il-Kummissjoni elaborat dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-GTA għar-ruttam tal-aluminju minflok parametru referenzjarju għall-ingotti tal-aluminju. Billi Donghai ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida dwar għaliex il-Kummissjoni jenħtieġ li ma tużax il-valur fil-bażi tad-data tal-GTA, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni u sostniet is-sejbiet tagħha kif imsemmijin fil-premessi minn (211)-(212) tar-Regolament provviżorju.

(86)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Donghai għamlet ukoll xi talbiet fir-rigward tal-faħam bituminuż.

(87)

Il-Kummissjoni tiċċara li l-faħam bituminuż mhuwiex fattur ta’ produzzjoni għall-prodott ikkonċernat, u għalhekk ma ġie stabbilit l-ebda punt ta’ riferiment għall-faħam bituminuż. Il-pretensjoni għalhekk ġiet irrifjutata.

(88)

Xiamen Xiashun kif ukoll Donghai argumentaw ukoll li fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni qieset b’mod espliċitu li l-prezz ta’ waħda mill-materja prima użata għall-produzzjoni tal-ACF, l-ingotti tal-aluminju, instabet li kienet mingħajr distorsjoni għall-finijiet tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, b’referenza għall-fatt li l-prezz tax-xiri għall-ingotti mħallas mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun “ma kienx ferm aktar baxx meta mqabbel mal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi ta’ hawn taħt” (13). Għalhekk, fil-fehma tal-partijiet, kien jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-prezz reali mħallas mill-produtturi esportaturi għall-ingotti minflok tuża valur referenzjarju maħdum skont id-data tal-GTA.

(89)

Wara d-divulgazzjoni definittiva Xiamen Xiashun tenniet dan l-argument.

(90)

Il-Kummissjoni fakkret li l-kalkolu tal-valur normali u l-valutazzjoni relatata mal-applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri kienu analiżijiet differenti bbażati fuq dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament bażiku. Il-konklużjonijiet milħuqin skont l-Artikolu 2(6)(a) kienu bbażati fuq diversi fatturi. Dawn jinkludu valutazzjoni tal-impatt potenzjali ta’ element wieħed jew aktar elenkat(i) fl-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, bħal pereżempju l-ordni pubbliku, l-interferenza tal-awtoritajiet pubbliċi fis-swieq, il-preżenza tal-istat fid-ditti eċċ. Il-valutazzjoni ġenerali dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tista’ tqis ukoll il-kuntest ġenerali u s-sitwazzjoni fil-pajjiż. F’konformità ma’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni sabet li s-settur tal-aluminju fir-RPĊ kien potenzjalment affettwat minn distorsjonijiet sinifikanti (il-premessi (143) u (169) tar-Regolament provviżorju), u għalhekk, il-valur normali kellu jinbena fuq il-bażi tal-kost tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirrifletti prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni. Li l-prezz medju tax-xiri ta’ din il-materja prima fir-RPĊ mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ma kienx ferm inqas mill-prezz ta’ parametru referenzjarju fil-pajjiż rappreżentattiv, jiġifieri f’firxa ta’ [0 % - 5 %] bħala medja, ma jfissirx awtomatikament li l-kostijiet tal-produtturi esportaturi jistgħu jiġu stabbiliti b’mod pożittiv li ma humiex distorti. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tivvaluta biss il-livell tal-prezzijiet ta’ input speċifiku fis-suq domestiku u jekk il-livell tal-prezzijiet ta’ tali input domestikament huwiex “sinifikament aktar baxx” meta mqabbel ma’ parametru referenzjarju internazzjonali sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri. Dan il-paragun tal-prezzijiet domestiċi u internazzjonali skont l-Artikolu 7(2a) għandu skop u kuntest differenti mill-kalkolu tal-valur normali fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl li tappoġġa sejba ta’ stabbiliment pożittiv skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) li l-prezz tal-ingotti tal-aluminju mixtrijin minn produttur esportatur wieħed jew aktar ma kienx affettwat mid-distorsjonijiet sinifikanti u, għalhekk, kien jiġġustifika l-użu tal-prezzijiet domestiċi tal-ingotti f’dak il-kuntest.

(91)

Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li l-eżitu tal-eżami skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ma ħalliex impatt fuq il-konklużjonijiet milħuqin mill-Kummissjoni fil-premessi (143) u (169) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

(92)

Donghai u Xiamen Xiashun argumentaw ukoll li jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tapplikax dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward ta’ materjali li l-produtturi esportaturi jipproduċu huma stess, jew jixtru fir-RPĊ. Fil-fehma ta’ Donghai, l-applikazzjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni kienet tmur kontra r-raġunament tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku sabiex jinħolqu mill-ġdid il-kostijiet attwali li kienet iġġarrab kumpanija teoretika f’pajjiż b’ekonomija mhux affettwata minn distorsjonijiet sinifikanti. It-tielet paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni jirrikjedi li “valutazzjoni għandha ssir separatament għal kull esportatur u produttur”. Din kienet tinvolvi, skont Donghai, li l-valur normali ma jistax jiġi kkalkolat b’mod astratt, iżda jrid ikun ibbażat fuq is-sitwazzjoni konkreta tal-kumpaniji investigati. Donghai rreferiet għall-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, li abbażi tagħha l-objettiv tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku kien “li f’pajjiż rappreżentattiv possibbli, jinstabu l-fatturi mhux distorti korrispondenti kollha tal-produzzjoni jew kemm jista’ jkun fatturi li ntużaw mill-produtturi Ċiniżi kooperattivi u l-ammonti kollha possibbli mhux distorti għall-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, l-SG&A u l-profitti” (14). Konsegwentement, Donghai qieset li l-inklużjoni tad-dazji tal-importazzjoni għall-materja prima li l-kumpaniji Ċiniżi jixtru f’pajjiżhom ma tistax titqies bħala raġonevoli skont it-tifsira ta’ (u l-ħsieb wara) din id-dispożizzjoni. Xiamen Xiashun argumentat ukoll li d-dazju fuq l-importazzjoni kellu jikkumpensa l-VAT li ma tiġix imposta mill-pajjiżi esportaturi, sabiex il-prezz tal-esportazzjoni jkun komparabbli mal-prezz domestiku, li fuqu tapplika l-VAT. Għalhekk, għall-kalkolu tal-valur normali, jenħtieġ li ma jiżdiedx id-dazju fuq l-importazzjoni.

(93)

Il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 2(6a) jippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-valur normali abbażi ta’ kostijiet u prezzijiet mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv, f’dan il-każ it-Turkija, bħala indikatur għal dak li jkun il-prezz mingħajr distorsjoni fir-RPĊ iżda għad-distorsjonijiet sinifikanti. Peress li produttur fit-Turkija li jikseb dawn il-materjali minn barra l-pajjiż ikun soġġett għat-taxxa fuq l-importazzjoni, it-taxxi fuq l-importazzjoni ġew ikkunsidrati wkoll meta nħadem il-valur normali sabiex jirriflettu l-prezz/il-kost ta’ kwalunkwe materja prima partikolari pagabbli minn produttur fil-pajjiż rappreżentattiv u b’hekk ma kienx hemm distorsjonijiet sinifikanti li nstabu fir-RPĊ. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

3.1.3.2.   Manodopera

(94)

Donghai sostniet li l-Kummissjoni kien jenħtieġ li tuża r-rati tal-indiċi ta’ kull xahar minflok indiċi (annwali) medju tal-prezzijiet tal-produtturi, madankollu mingħajr ma ssostanzjat il-pretensjoni tagħha u spjegat kif dan kien se jkollu impatt fuq il-kalkolu tal-valur normali. Għalhekk, il-pretensjoni ta’ Donghai kellha tiġi rifjutata.

3.1.3.3.   Elettriku

(95)

Donghai affermat li sabiex jiġi stabbilit il-parametru referenzjarju għall-elettriku, il-Kummissjoni missha użat data mill-Eurostat, li fil-fehma tagħha kienet aktar akkurata mid-data nazzjonali Torka użata mill-Kummissjoni peress li kienet teskludi l-VAT u taxxi oħrajn li jistgħu jiġu rkuprati.

(96)

Il-Kummissjoni eżaminat il-pretensjoni u sabet li d-data tal-Eurostat relatata mat-Turkija kienet ibbażata fuq data li kienet ġejja mill-istatistika nazzjonali Torka, għalkemm ippreżentata b’mod differenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà naqqset il-VAT mid-data nazzjonali Torka meta ddeterminat il-parametru referenzjarju għall-elettriku. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

3.1.3.4.   SG&A u profitti

(97)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Donghai ssuġġeriet li għal tliet kumpaniji addizzjonali, li allegatament kienu wkoll produtturi tal-ACF, kellha tintuża data mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-parametru referenzjarju għal SG&A u profitt mingħajr distorsjoni.

(98)

L-ewwel nett, Donghai naqset milli tipproduċi xi evidenza pożittiva li l-kumpaniji elenkati b’mod addizzjonali kienu jipproduċu l-ACF matul il-PI. It-tieni, Donghai ma pprovdiet l-ebda data finanzjarja disponibbli faċilment għal xi waħda minn dawn il-kumpaniji u l-Kummissjoni ma identifikat l-ebda data finanzjarja għal ebda waħda mit-tliet kumpaniji indikati minn Donghai. Għalhekk, il-pretensjoni ta’ Donghai ġiet rifjutata.

3.1.4.   Fatturi ta’ produzzjoni u sorsi ta’ informazzjoni

(99)

Meta titqies l-informazzjoni kollha ppreżentata mill-partijiet interessati, il-fatturi ta’ produzzjoni u s-sorsi tagħhom li ġejjin ġew identifikati fir-rigward tat-Turkija sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku:

Tabella 1

Fatturi tal-produzzjoni tal-ACF

Fattur ta’ Produzzjoni

Kodiċi tal-Komodità

Valur mingħajr distorsjoni

Unità ta’ kejl

Materja prima

Ingotti tal-aluminju

7601 10

12,73

CNY/KG

Ċangaturi tal-aluminju

7601 20 20

13,91

CNY/KG

Stokk tal-fojl tal-aluminju

7606 12 92

26,06

CNY/KG

Żejt tal-laminazzjoni (“spirtu abjad”)

2710 12 21

5,92

CNY/KG

Addittivi taż-żejt tal-laminazzjoni

2710 12 21

5,92

CNY/KG

Ruttam tal-aluminju

7602 00 19

11,01

CNY/KG

Manodopera

Kostijiet lavorattivi fis-settur tal-manifattura

m/a

59,97

CNY/siegħa

Enerġija

Elettriku

m/a

0,48 -0,51  (15)

CNY/KWh

3.1.5.   Kalkolu tal-valur normali

(100)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi (224) sa (231) tar-Regolament provviżorju.

(101)

Fl-istadju provviżorju, kif ukoll wara d-divulgazzjoni finali, Donghai tenniet il-pretensjoni tagħha li jenħtieġ li tiġi ttrattata, flimkien ma’ entitajiet oħrajn li jappartjenu għall-istess grupp korporattiv (“il-Grupp Nanshan”), b’mod konsolidat f’dak li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tal-valur normali. B’mod aktar speċifiku, skont Donghai, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra li tissostitwixxi biss il-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni li l-Grupp Nanshan kien qed jixtri fil-bidu tal-proċess tal-produzzjoni minn parti mhux relatata bil-prezzijiet tal-parametru referenzjarju. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tkopri l-fatturi kollha distorti tal-produzzjoni mixtrija mill-Grupp. Il-kumpanija qieset li minkejja li kienu entitajiet legalment distinti, il-kumpaniji tal-Grupp Nanshan jifformaw parti minn unità waħda minn perspettiva ekonomika peress li (i) huma kkontrollati mill-istess entità u hemm trikkib sinifikanti fil-grupp f’termini kemm tal-bordijiet tad-diretturi kif ukoll tal-livell maniġerjali, (ii) ilkoll jinsabu fl-istess park industrijali u (iii) il-proċess tal-produzzjoni huwa estremament integrat, bl-output ta’ kumpanija waħda jikkostitwixxi l-input għall-oħrajn. Barra minn hekk, il-kumpaniji individwali jidhru għall-klijenti mhux relatati bħala entità waħda wkoll, b’sit web wieħed, b’marka waħda, u b’ċentru ta’ kuntatt wieħed. Donghai sostniet li l-kunċett tal-entità ekonomika unika ma kienx ristrett għal-liġi dwar id-difiża tal-kummerċ, iżda estiż ukoll għal fergħat oħra tad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari d-dritt tal-kompetizzjoni). Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet dwar il-produzzjoni ma jittiħdux fil-livell ta’ Donghai iżda fil-livell tal-grupp. Skont Donghai, is-sejbiet tal-Kummissjoni jwasslu għal diskriminazzjoni peress li jinjoraw id-differenzi fost l-esportaturi inklużi fil-kampjun. Donghai fittxet li turi d-diskriminazzjoni allegata billi qabblet it-trattament mogħti f’dan il-każ lil Xiamen Xiashun (il-produttur bl-aktar marġni tad-dumping baxx, li jipproduċi l-ACF mill-ingotti tal-aluminju fl-istess entità ġuridika) fil-konfront tal-Grupp Nanshan.

(102)

Barra minn hekk, Donghai argumentat li l-metodoloġija kisret ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku li jirreferi għall-“kostijiet korrispondenti ta’ produzzjoni u bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq”. Fil-fehma ta’ Donghai, il-kostijiet tal-produzzjoni korrispondenti tagħha ma kinux dawk ta’ materja prima intermedja, iżda dawk tal-ewwel materja prima fil-katina tal-produzzjoni tal-aluminju, jiġifieri l-boksajt u l-faħam. Donghai sostniet li l-Kummissjoni kienet awtorizzata biss li tinjora l-kostijiet tal-materjal minn fornituri mhux relatati.

(103)

Il-Kummissjoni rrieżaminat il-pretensjoni u l-evidenza fil-fajl. Madankollu, ma ġie pprovdut l-ebda argument ġdid li jmur kontra l-konklużjonijiet imniżżlin fil-premessa (231) tar-Regolament provviżorju. L-istabbiliment ta’ proċess ta’ produzzjoni fuq bażi konsolidata u l-użu ta’ fatturi ta’ produzzjoni ta’ produtturi affiljati għal prodotti upstream għajr l-ACF joskuraw ir-realtà industrijali u ekonomika tal-entitajiet li jipproduċu l-ACF. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, jekk jinstab li l-prezzijiet u l-kostijiet ikunu distorti fiċ-Ċina fir-rigward tal-prodott ikkonċernat kif ukoll tal-inputs tiegħu, l-inputs magħmulin mill-kumpanija relatata fi ħdan il-Grupp ikunu affettwati wkoll minn dawk is-sejbiet. Għalhekk, dawk l-inputs, irrispettivament minn jekk kinux akkwistati minn fornitur relatat, jenħtieġ li jiġu aġġustati f’dan il-kuntest.

(104)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma qisitx il-metodu diskriminatorju. L-ewwel, Donghai tqabbel it-trattament ta’ produttur ieħor ma’ dak tal-Grupp Nanshan, filwaqt li tinjora l-fatt li hija Donghai biss (u mhux il-Grupp Nanshan kollu) li hija soġġetta għal din l-investigazzjoni fil-kapaċità ta’ produttur esportatur. Il-metodu applikat mill-Kummissjoni sempliċiment jirrifletti l-istabbiliment attwali ta’ produtturi individwali u tal-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom. Għalhekk, il-kostijiet tal-produzzjoni “korrispondenti” imsemmijin fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma l-kostijiet imġarrbin minn kull waħda mill-entitajiet legali individwalment u affettwati bl-istess mod mid-distorsjonijiet sinifikanti. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni ta’ Donghai.

(105)

Billi Donghai ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida li tissostanzja l-pretensjoni li tibdel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet provviżorji tagħha u l-metodu biex jiġi kkalkolat il-valur normali kif stabbilit fil-premessi (224) sa (231) tar-Regolament provviżorju.

3.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(106)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (232) sa (235) tar-Regolament provviżorju.

(107)

Xiamen Xiashun ikkontestat l-aġġustament għall-kost tal-ippakkjar applikat mill-Kummissjoni għall-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha. Hija argumentat li l-kost tal-ippakkjar diġà huwa inkluż fl-ispejjeż ġenerali tal-kost tal-manifattura tagħha stess u, fil-fehma tagħha, id-diżaggregazzjoni tal-ispejjeż ġenerali tal-manifattura pprovduti mill-kumpanija tindika b’mod ċar il-materjali differenti tal-ippakkjar. Għalhekk, il-kost tal-ippakkjar diġà huwa inkluż fil-valur normali u jenħtieġ li ma jitnaqqasx mill-prezz tal-esportazzjoni.

(108)

Il-Kummissjoni rrieżaminat il-pretensjoni u l-evidenza fil-fajl. Madankollu, l-elementi pprovduti ma jikkostitwixxux provi biżżejjed fil-fehma tal-Kummissjoni. Ma hemm l-ebda indikazzjoni ċara li l-materjali elenkati huma fil-fatt materjal tal-ippakkjar għall-prodott ikkonċernat meta jiġu kkonsenjati lill-klijenti, u l-informazzjoni pprovduta ma tippermettix li jiġu stmati l-kwantitajiet u l-valuri tal-materjali tal-ippakkjar li allegatament jintużaw. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(109)

Wara d-divulgazzjoni definittiva Xiamen Xiashun tenniet il-pretensjoni. Hija argumentat li l-kost totali tal-oġġetti tal-ippakkjar elenkati fit-tqassim tal-ispejjeż ġenerali tal-manifattura pprovduti mill-kumpanija, espressi bħala perċentwal tal-kost tal-produzzjoni tagħha, huwa komparabbli mal-aġġustament għall-ispiża tal-ippakkjar applikat mill-Kummissjoni għall-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha, u b’hekk juri l-għadd doppju.

(110)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-valutazzjoni. L-ewwel nett, l-allegat kost tal-ippakkjar ikkalkulat minn Xiamen Xiashun mhuwiex komparabbli mal-aġġustament applikat mill-Kummissjoni, iżda huwa 36 % inqas. It-tieni, kif ammettiet il-kumpanija nnifisha, ma hemm l-ebda kwantità rrappurtata ta’ dan l-allegat materjal ta’ ppakkjar fl-informazzjoni pprovduta li tippermetti lill-Kummissjoni tistma rata ta’ konsum u prezz unitarju raġonevoli, u lanqas ma ġiet ipprovduta xi informazzjoni addizzjonali li dan il-materjal kien fil-fatt materjal ta’ ppakkjar għall-konsenji tal-prodott ikkonċernat.

3.3.   Offerti ta’ impenn

(111)

Wara d-divulgazzjoni finali, sal-iskadenza speċifikata fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku, produttur esportatur wieħed ippreżenta offerta għal impenn fuq il-prezz: Jiangsu Zhongji Lamination Materials Co., Ltd., flimkien man-negozjant relatat tagħha Jiangsu Zhongji Lamination Materials Co., (HK) Limited.

(112)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, l-offerti ta’ impenn fuq il-prezz iridu jkunu adegwati biex jeliminaw l-effett dannuż tad-dumping u l-aċċettazzjoni tagħhom ma għandhiex titqies li mhux prattika. Il-Kummissjoni vvalutat l-offerta fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u qieset li l-aċċettazzjoni tagħha ma tkunx prattika għar-raġunijiet li ġejjin.

(113)

L-ewwel, il-kumpanija tipproduċi u tbigħ diversi tipi ta’ prodotti b’differenzi sinifikanti fil-prezzijiet. It-tipi ta’ fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni ma jistgħux jintgħarfu faċilment minn xulxin permezz ta’ spezzjoni fiżika. B’mod partikolari, ikun diffiċli ħafna li l-ħxuna tiġi vvalutata biss permezz ta’ spezzjoni fiżika. Mingħajr analiżi dettaljata tal-laboratorju, l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jiddeterminaw jekk il-prodott importat jikkorrispondix ma’ dak li qed jiġi ddikjarat. It-tieni, l-għadd kbir ta’ tipi ta’ prodotti jinvolvi riskju għoli ta’ kumpens trażversali fost it-tipi differenti ta’ prodotti, b’tipi ta’ prodotti aktar għaljin li possibbilment jiġu ddikjarati ħażin bħala tipi ta’ prodotti orħos, soġġetti wkoll għall-impenn. Dan jirrendi l-impenn mhux infurzabbli u għalhekk mhux prattiku skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku. It-tielet,Zhongji għandha għadd kbir ta’ kumpaniji relatati direttament involuti fil-produzzjoni jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat. Barra minn hekk, Zhongji jbigħ il-prodott kemm direttament kif ukoll indirettament. Struttura ta’ grupp kumplessa bħal din iġġorr riskju għoli ta’ kumpens trasversali. Il-Kummissjoni ma tkunx tista’ timmonitorja u tiżgura l-konformità mal-impenn tal-bejgħ indirett permezz tal-kumpanija relatata f’Hong Kong u possibbilment permezz tal-kumpaniji relatati l-oħra. Dan, waħdu, jagħmel l-offerta mhux prattika.

(114)

Il-Kummissjoni bagħtet ittri lill-applikant, fejn esponiet ir-raġunijiet imsemmija hawn fuq għaċ-ċaħda tal-offerti ta’ impenn.

(115)

L-applikant ippreżenta l-kummenti tiegħu. Dawn il-kummenti tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati fil-fajl tal-każ.

(116)

Zhongji ma qablitx mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-għadd kbir ta’ tipi ta’ prodotti tagħha jagħmilha diffiċli li ssir distinzjoni bejniethom u jinvolvi riskju ta’ kumpens trasversali. Fil-fehma tagħha, il-prodotti huma faċilment identifikabbli mill-awtoritajiet doganali u l-prezzijiet bejn it-tipi differenti ta’ prodotti ma jvarjawx b’mod sinifikanti. Barra minn hekk, il-kumpanija offriet li tesporta biss it-tipi ta’ prodotti li jappartjenu lil ħames PCNs.

(117)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-istruttura tal-grupp kumpless, Zhongji offriet li timpenja ruħha li tbigħ esklussivament lill-Unjoni direttament permezz ta’ Zhongji Lamination Materials Co., Ltd, u li ma tbigħ l-ebda prodott ieħor lill-istess klijenti fl-Unjoni li lilhom jinbiegħ il-prodott li qed jiġi investigat.

(118)

Il-Kummissjoni rrevediet l-offerta u l-argumenti mressqa mill-kumpanija. Madankollu, il-kummenti u l-bidliet proposti ma neħħewx l-elementi li jagħmlu l-offerta ta’ impenn mhux infurzabbli.

(119)

Anki jekk l-impenn ta’ Zhongji li jesporta ħames PCNs biss inaqqas, iżda mhux jelimina, ir-riskju ta’ kumpens trasversali, ma jkunx prattiku ħafna li jiġi infurzat. Kif ikkonfermat mill-kumpanija fl-osservazzjonijiet tagħha, l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jiddeterminaw jekk il-prodott importat jikkorrispondix għal dak li qed jiġi ddikjarat biss permezz ta’ spezzjoni fiżika, mingħajr għodod ta’ kejl speċifiċi.

(120)

Għall-istess raġuni jkun estremament diffiċli li jiġi infurzat l-impenn ta’ Zhongji li ma jbigħ l-ebda prodott ieħor għajr il-prodott li qed jiġi investigat lill-istess klijenti fl-UE. Barra minn hekk, il-kumpaniji relatati ma’ Zhongji jesportaw prodotti tal-aluminju oħra lejn l-UE, li huma wkoll soġġetti għal miżuri anti-dumping (16) u hemm miżuri fis-seħħ fuq prodotti tal-aluminju li huma kklassifikati taħt l-istess kodiċi NM tal-prodott li qed jiġi investigat (17).

(121)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset l-offerta ta’ impenn mhux infurzabbli u għalhekk mhux prattika skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, u għalhekk irrifjutat l-offerta.

3.4.   Tqabbil

(122)

Id-dettalji dwar it-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (236) sa (241) tar-Regolament provviżorju.

(123)

Donghai kkunsidrat ukoll li l-SG&A u l-profitt tal-kumpaniji Torok kienu jinkludu allowances bħat-trasport u l-assigurazzjoni. Għalhekk, skont Donghai, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u sabiex jiġi żgurat paragun ġust, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel xi aġġustamenti.

(124)

Donghai naqset milli tipprovdi evidenza li turi li l-SG&A u l-profitt tal-kumpaniji Torok kienu jinkludu t-trasport u l-assigurazzjoni, u, għalhekk, li l-valuri kienu jinkludu kostijiet differenti mill-istess valuri kkunsidrati għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li l-valuri dwar l-SG&A u l-profitt kemm tal-kumpaniji Torok kif ukoll tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu fl-istess livell u kienu jippermettu paragun ġust.

(125)

Barra minn hekk, Donghai ikkontestat il-munita u r-rata tal-imgħax korrispondenti użata għall-aġġustament għall-ispejjeż tal-kreditu. Skont il-kumpanija, kellha tintuża l-munita tal-fattura. Madankollu, billi l-kumpanija żammet il-kontijiet bankarji tagħha (u għalhekk il-kost tal-kreditu fuq il-kapital li jidħol) f’muniti differenti mill-munita tal-fattura, il-Kummissjoni kkalkulat il-kost tal-kreditu abbażi tal-munita tal-kontabbiltà. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ġietx aċċettata.

(126)

Donghai tenniet il-pretensjoni wara d-divulgazzjoni finali, fejn argumentat li l-Kummissjoni kienet diġà applikat il-munita tal-fattura, għar-rata tal-imgħax, f’każ preċedenti.

(127)

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-fehma tagħha, l-approċċ li segwiet huwa metodoloġija valida u raġonevoli, speċjalment peress li ż-żewġ approċċi jagħtu riżultati simili. Il-pretensjoni għalhekk ġiet irrifjutata.

(128)

Xiamen Xiashun ikkontestat l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i), stabbilit fil-premessi (240) u (241) għall-bejgħ permezz tal-kumpanija kummerċjali relatata tagħha Daching, u tenniet il-pretensjoni wara d-divulgazzjoni finali. Fil-fehma ta’ Xiamen Xiashun, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-premessa (240) ma jikkostitwixxux provi biżżejjed biex tiġi miċħuda l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. Xiamen sostniet li l-fatt li n-negozjant ma kienx jinsab fil-bini jew qrib il-produttur u li l-profitt tan-negozjant innifsu kopra n-nefqiet tal-uffiċċju tiegħu ma huwiex raġuni biżżejjed biex tiġi miċħuda l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, filwaqt li l-fatt li n-negozjant kien qed jaġixxi wkoll bħala entità ta’ xiri għal ċerti materjali awżiljarji għall-grupp isaħħaħ, aktar milli jdgħajjef, il-pretensjoni tal-kumpanija.

(129)

Barra minn hekk, Xiamen argumentat li l-fatt li n-negozjant relatat jinnegozja l-kundizzjonijiet ta’ skont applikati għall-bejgħ globali tal-prodott ikkonċernat lil grupp korporattiv fl-UE, anki jekk parti mill-bejgħ (lil entità ġuridika speċifika) issir direttament minn Xiamen, jappoġġa l-pretensjoni tagħha li ż-żewġ kumpaniji joperaw bħala entità ekonomika waħda.

(130)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-preżenza kumulattiva tal-elementi elenkati fil-premessa (240) tar-Regolament provviżorju turi b’mod ċar li l-funzjonijiet ta’ Daching huma simili għal dawk ta’ aġent.

(131)

Barra minn hekk, il-fatt li Daching innegozja individwalment l-iskont għall-bejgħ li sar lil klijent speċifiku, isaħħaħ l-argument li jaġixxi bħala aġent aktar milli bħala dipartiment tal-bejgħ intern. Barra minn hekk, Xiamen Xiashun għandha, hija stess, dipartiment tal-esportazzjoni kompletament funzjonali li qiegħed l-ordnijiet tal-produzzjoni, organizza u wettaq il-kunsinna lejn il-klijenti tal-Unjoni, inkluż id-dokumenti kollha tal-kunsinna tal-prodott finali, u mmaniġġa l-iżdoganar tal-esportazzjoni u d-dokumenti tal-bejgħ ippreparati għal mill-inqas [20 % - 30 %] tal-bejgħ esportat tiegħu tal-prodott ikkonċernat lejn l-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li n-negozjant relatat ma jistax jitqies bħala dipartiment tal-bejgħ intern u ż-żewġ kumpaniji ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda.

(132)

Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

3.5.   Marġnijiet tad-dumping

(133)

Donghai affermat li l-Kummissjoni qieset il-valuri CIF iddikjarati b’mod ħażin użati bħala denominatur biex tikkalkula l-marġni tad-dumping għan-negozjant relatat tagħha Nanshan Europe, minħabba li kkalkulat il-valur għall-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet minflok ma użat id-data pprovduta mill-kumpanija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet użat il-profitt ta’ importatur mhux relatat minflok il-profitt reali ta’ Nanshan Europe biex tikkalkula l-valur CIF iddikjarat. Il-pretensjoni ġiet aċċettata parzjalment: it-tranżazzjonijiet kollha f’termini ta’ kunsinna CIF, kif ukoll it-tranżazzjonijiet kollha li għalihom ġiet ipprovduta dokumentazzjoni ta’ sostenn dwar il-valur iddikjarat, ġew ikkunsidrati kif irrapportat mill-kumpanija. Għat-tranżazzjonijiet pendenti, il-valur CIF iddikjarat jibqa’ valur ikkalkulat, għalkemm wieħed ibbażat fuq il-profitt reali tan-negozjant relatat.

(134)

Minħabba li l-Kummissjoni aċċettat xi kummenti mill-partijiet interessati sottomessi wara d-divulgazzjoni provviżorja, hija kkalkolat il-marġnijiet tad-dumping mill-ġdid kif xieraq.

(135)

Kif spjegat fil-premessa (246) tar-Regolament provviżorju, il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ huwa għoli. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset xieraq li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping mal-pajjiż kollu applikabbli għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha li ma kkooperawx fil-livell tal-ogħla marġni tad-dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun, jiġifieri Donghai. Il-marġni tad-dumping stabbilit b’dan il-mod kien ta’ 98,5 %.

(136)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, l-assigurazzjoni u n-nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Yantai Donghai Aluminum Foil Co., Ltd

98,5  %

Jiangsu Zhongji Lamination Materials Co., Ltd.

81,5  %

Xiamen Xiashun Aluminium Foil Co., Ltd.

16,1  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

69,5  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

98,5  %

(137)

Il-kalkoli tal-marġnijiet tad-dumping individwali, inklużi l-korrezzjonijiet u l-aġġustamenti li saru wara l-kummenti sottomessi wara d-divulgazzjoni provviżorja, ġew iddivulgati lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun bħala parti minn divulgazzjoni speċifika għall-kumpanija.

4.   DANNU

4.1.   Determinazzjoni tas-suq rilevanti tal-Unjoni

(138)

Wara r-Regolament provviżorju, Manreal tenniet il-pretensjoni, li diġà kienet saret wara l-bidu tal-investigazzjoni, biex il-Kummissjoni tiġbor u tanalizza b’mod indipendenti d-data relatata mas-suq ħieles u kaptiv.

(139)

Minbarra rimarka ġenerali, Manreal ma ssostanzjatx kif id-data miġbura mill-Kummissjoni fir-rigward tas-suq kaptiv ma hijiex affidabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni li tiġbor aktar data għas-suq kaptiv u rreferiet għad-data indikata fit-tabella 2 hawn taħt. Fin-nuqqas ta’ pretensjonijiet oħrajn, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni provviżorja li saret fil-premessa (253) tar-Regolament provviżorju.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(140)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tat-tweġibiet tal-produttur tal-Unjoni għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping, il-kwestjonarju makro kif ukoll id-data dwar l-importazzjonijiet mill-Eurostat.

(141)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej matul il-perjodu meqjus. Il-Kummissjoni qed tiddivulga mill-ġdid it-tabella tal-konsum tal-Unjoni peress li l-arrotondament ta’ żewġ ċifri ġie kkoreġut:

Tabella 2

Konsum tal-Unjoni (tunnellati)

 

2017

2018

2019

PI

Il-konsum totali tal-Unjoni

201 281

201 696

191 084

189 149

Indiċi

100

100

95

94

Suq kaptiv

27 209

27 340

28 727

29 128

Indiċi

100

100

106

107

Suq ħieles

174 073

174 356

162 358

160 021

Indiċi

100

100

93

92

Sors: il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u dawk mhux inklużi fil-kampjun kif ukoll il-Eurostat

4.3.   Pretensjonijiet li jikkonċernaw l-Importazzjonijiet mir-RPĊ

(142)

Jiangsu Zhongji u Donghai argumentaw li jenħtieġ li jkun hemm livell ta’ aġġustamenti kummerċjali fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz għall-produtturi Ċiniżi li jbigħu lil distributuri mhux relatati peress li l-prezzijiet għal distributuri mhux relatati huma allegatament aktar baxxi minn dawk mitluba lill-utenti finali, peress li d-distributuri jżidu fil-prezz bħala profitt.

(143)

L-ebda produttur esportatur ma pprovda evidenza, bħal kuntratti ma’ utenti jew distributuri, li tiġġustifika l-pretensjoni li l-funzjoni tad-distributuri jew tal-utenti taffettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-pretensjonijiet bl-użu tad-data vverifikata tat-tranżazzjonijiet kollha tal-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni sottomessi minn Jiangsu Zhongji u minn Donghai għall-PI.

(144)

Għal Jiangsu Zhongji, id-data wriet li, fost il-klijenti tagħha, id-distributuri indipendenti kollha konsistentement jikkuntrattaw volumi ogħla mill-utenti kollha. L-akbar distributur indipendenti f’termini ta’ volum xtara volumi ferm akbar mill-akbar klijent fil-kategorija tal-utenti. Huwa prinċipju ġenerali tan-negozju li l-ikkuntrattar ta’ volumi kbar iżid is-setgħa tan-negozjar u jippermetti n-negozjar ta’ prezzijiet aktar baxxi. Barra minn hekk, Jiangsu Zhongji kienet inkonsistenti fl-assenjazzjoni ta’ mezzi ta’ bejgħ għal tranżazzjonijiet fid-data tagħha, billi indikat l-istess klijent kemm bħala utent finali kif ukoll bħala distributur għal tranżazzjonijiet differenti. Għalhekk, il-korrelazzjoni bejn il-volumi u l-prezzijiet tal-bejgħ kif ukoll l-assenjazzjoni inkonsistenti tal-mezzi ta’ bejgħ ma tippermettix il-konklużjoni li, minbarra l-volum, il-mezzi differenti wkoll kellhom influwenza deċiżiva fuq il-prezz.

(145)

Abbażi ta’ dan, dawn il-pretensjonijiet ġew miċħuda bħala mhux sostanzjati fid-divulgazzjoni definittiva.

(146)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Jiangsu Zhongji ppreżentat żewġ kampjuni ta’ kuntratti (wieħed ma’ distributur u l-ieħor ma’ utent finali). Jiangsu Zhongji rrikonoxxiet ukoll l-inkonsistenzi fl-assenjar ta’ mezzi ta’ bejgħ differenti lill-istess klijenti, u ddikjarat li dan kien żball klerikali. Wara dawn il-kummenti, il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa d-data sottomessa iżda kkonfermat il-konklużjonijiet li saru fil-premessa (150). B’mod partikolari, il-maġġoranza tal-bejgħ inbiegħ bi prezz medju ogħla lid-distributuri meta mqabbel ma’ dak tal-produtturi. Għalhekk il-pretensjoni tqieset mhux sostanzjata.

(147)

Fir-rigward ta’ pretensjonijiet simili magħmula minn Donghai, il-Kummissjoni aċċidentalment kienet attribwiet ħażin ċerti fatti lil Donghai fid-divulgazzjoni finali. Wara l-kummenti ta’ Donghai dwar id-divulgazzjoni finali, il-Kummissjoni għalhekk ivvalutat mill-ġdid il-pretensjonijiet ta’ Donghai. Donghai tenniet il-pretensjoni tagħha li taġġusta ’l fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ Nanshan Group għal bejgħ lid-distributuri biex jirriflettu d-differenzi fil-livell tal-kummerċ u pprovdiet eżempji fejn il-prezzijiet għall-utenti kienu ogħla mill-prezzijiet lid-distributuri għal ordnijiet b’volumi komparabbli. Donghai pprovdiet ukoll żewġ eżempji ta’ kuntratti (wieħed ma’ distributur u wieħed ma’ utent finali). Il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa d-data ppreżentata u kkonkludiet dan li ġej.

(148)

L-ewwel nett, iż-żewġ kuntratti pprovduti jikkostitwixxu biss sett wieħed ta’ kuntratti magħżula mill-kumpanija u għalhekk ma jistgħux juru d-differenzi konsistenti fil-prezzijiet bejn il-mezzi ta’ bejgħ. Barra minn hekk, il-kampjuni ta’ kuntratti kienu jikkonċernaw PCNs differenti, u għalhekk ma kinux komparabbli għal kollox.

(149)

It-tieni, il-lista dettaljata tal-bejgħ ipprovduta minn Donghai ma kinitx konsistenti, peress li żewġ klijenti ewlenin ġew ikklassifikati kemm bħala utenti finali kif ukoll bħala distributuri. Dan kien jikkonċerna proporzjon sinifikanti ta’ bejgħ.

(150)

It-tielet, għal 15-il PCN esportati minn Donghai lejn l-Unjoni, inbiegħu 9 PCN kemm lill-utenti finali kif ukoll lid-distributuri. Fi ħdan erba’ PCNs il-prezzijiet tal-bejgħ lil diversi utenti finali individwali kienu aktar baxxi minn diversi distributuri individwali tal-prezzijiet tal-bejgħ. Fi kliem ieħor, fost il-bejgħ tal-istess PCN, il-prezzijiet lill-utenti finali ma kinux konsistentement inqas minn dawk tad-distributuri. Għal PCN wieħed anki l-prezz medju għad-distributuri kien ogħla milli għall-utenti finali, u b’mod ġenerali d-differenza perċentwali medja fil-prezz bejn l-utenti finali u d-distributuri għal kull PCN ma kinitx konsistenti iżda varjat ħafna.

(151)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma sabitx li l-prezzijiet ta’ Donghai wrew differenza konsistenti u kwantifikabbli fil-prezzijiet bejn il-prodotti mibjugħa lill-utenti finali u lid-distributuri. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(152)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonfermat il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ bejn 3,3 % u 13,7 % permezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. It-twaqqigħ tal-prezz medju ponderat li nstab kien ta’ 10,3 %.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Indikaturi mikroekonomiċi — kostijiet lavorattivi

(153)

Wara r-Regolament provviżorju, Manreal talbet lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni tal-Ilmentaturi, b’mod partikolari l-kostijiet lavorattivi.

(154)

Il-Kummissjoni fil-fatt ivvalutat u vverifikat bir-reqqa l-kostijiet u b’mod partikolari l-kostijiet lavorattivi mġarrba mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni spjegat fil-premessa (329) tar-Regolament provviżorju li ż-żieda fil-PI kienet prinċipalment dovuta għar-ristrutturar ta’ wieħed mill-produtturi inklużi fil-kampjun, li wassal għal kostijiet lavorattivi ogħla. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni għal investigazzjoni ulterjuri.

4.4.2.   Affermazzjoni ta’ nuqqas ta’ dannu fil-perjodu ta’ referenza

(155)

Wara r-Regolament provviżorju, Manreal argumentat li ma kien se jkun hemm l-ebda dannu, minħabba li l-konsum tal-ACF kif ukoll il-produzzjoni tal-ACF fl-Unjoni, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u s-sehem mis-suq tal-ilmentaturi kienu kollha stabbli jew naqsu biss marġinalment matul il-perjodu ta’ referenza (mit-tieni trimestru tal-2019 sal-ewwel trimestru tal-2020), kif identifikat mill-ilmentaturi.

(156)

Għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta Manreal, il-perjodu ta’ referenza għall-analiżi tad-dannu ma huwiex limitat għat-tqabbil fil-perjodu ta’ sena, mit-tieni trimestru tal-2019 sal-ewwel trimestru tal-2020 deskritt minn Manreal. Kif indikat fil-premessa (38) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”). Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat il-pretensjoni ta’ Manreal.

4.4.3.   Pretensjoni dwar valutazzjoni mhux preċiża minħabba l-użu tat-tunnellati

(157)

Wara r-Regolament provviżorju, Manreal argumentat li d-data pprovduta mill-ilmentaturi u użata fir-Regolament provviżorju ma kinitx preċiża peress li l-valuri kienu murija biss f’tunnellati mingħajr differenzazzjoni fil-medja tal-mikroni. Skont Manreal, dan jaffettwa l-analiżi tal-konsum tal-Unjoni tal-ACF, il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, il-volum tal-produzzjoni tal-ACF, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-ACF, il-volum tal-bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni, il-bejgħ tas-suq kaptiv, il-bejgħ fis-suq ħieles, il-livelli tal-istokkijiet tal-produtturi tal-Unjoni, il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra u l-volum tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

(158)

Manreal ibbażat l-argument tagħha fuq ix-xejra tas-suq li titnaqqas il-ħxuna tal-fojl, li twassal għal tnaqqis fil-piż għal kull m2 ta’ ACF. Skont dan ir-raġunament, fl-2019 setgħu ġew prodotti u mibjugħa aktar m2 milli fl-2018, anki jekk iċ-ċifri f’tunnellati juru li kien hemm tnaqqis. Dan allegatament wassal għal ineżattezzi fl-analiżi tax-xejriet. Manreal affermat ukoll li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li x-xejra favur fojl irqaq taffettwa lill-produtturi kollha bl-istess mod kienet skorretta peress li l-ħxuna prodotta minn kull produttur hija definita mill-klijenti tiegħu.

(159)

Manreal talbet lill-Kummissjoni tiġbor data dwar id-dannu lill-UE li jqis il-mikroni.

(160)

Fir-rigward tal-affidabbiltà tal-ilment, il-premessi (17) u (18) tar-Regolament provviżorju diġà ddikjaraw li x-xejra li titnaqqas il-ħxuna tal-ACF ma tirrendix id-data pprovduta f’tunnellati mhux affidabbli billi din hija kkomplementata wkoll b’data dwar is-sehem mis-suq u x-xejra li ssir bidla għal fojl irqaq taffettwa lill-produtturi kollha bl-istess mod.

(161)

Fir-rigward tal-analiżi tal-Kummissjoni, l-użu tat-tunnellati bħala kejl ma wassalx għal valutazzjoni impreċiża. Filwaqt li huwa korrett li tnaqqis fil-ħxuna jnaqqas il-piż għal kull m2, Manreal ma argumentatx li x-xejra favur ħxuna irqaq qed taffettwa lill-produtturi tal-UE u lill-esportaturi Ċiniżi b’mod differenti. B’mod partikolari, Manreal ma affermatx li t-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni huwa marbut mal-produzzjoni ta’ ħxuna irqaq.

(162)

Fir-rigward tal-pretensjoni ta’ Manreal stabbilita fil-premessa (17) tar-Regolament provviżorju li x-xejra favur ħxuna irqaq tal-ACF setgħet wasslet għal ineżattezzi fl-analiżi tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni ċċarat li x-xejra favur fojl irqaq taffettwa kemm lill-produtturi tal-Unjoni kif ukoll lill-produtturi mir-RPĊ li jikkompetu għall-klijenti li qed jitolbu fojl irqaq. Madankollu, kif indikat fil-premessa (124), Manreal ma affermatx li l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni f’tunnellati huwa affettwat aktar minn din ix-xejra mill-bejgħ f’tunnellati tal-produtturi esportaturi. Dan imur ukoll kontra l-pretensjonijiet ta’ Manreal li l-utenti jippreferu jixtru ACF irqaq mill-produtturi tar-RPĊ peress li jipprovdu kwalità ogħla għall-fojls irqaq.

(163)

Barra minn hekk, ix-xejra favur ħxuna irqaq hija xejra fit-tul. L-ebda utent ma afferma li fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni kien hemm bidla kbira fis-suq kollu, u matul il-verifiki fil-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisbet konferma li dan huwa proċess bil-mod, kif jista’ jidher mill-fażi tal-ittestjar għall-ACF<6. Barra minn hekk, diversi utenti affermaw li l-produtturi Ċiniżi bħalissa għandhom aktar produzzjoni fi ħxuna irqaq mill-produtturi tal-Unjoni. Dan ikun ifisser li fil-każ ta’ domanda akbar għal ACF ta’ ħxuna irqaq, id-data riċenti dwar l-esportazzjoni mir-RPĊ f’tunnellati tissottovaluta l-output tagħhom imkejjel f’m2, meta mqabbel mal-produzzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, ix-xejra lejn ħxuna irqaq fi kwalunkwe każ ma wasslitx għal distorsjoni fit-tqabbil favur l-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tad-data dwar l-importazzjoni li fuqha tiddependi l-Kummissjoni, bħad-data mill-banek tad-data u mill-awtoritajiet doganali, titkejjel f’tunnellati.

4.4.4.   Il-kostijiet għat-tolling

(164)

Wara r-Regolament provviżorju, Zhongji nnotat li produttur tal-Unjoni jikkuntratta tollers relatati fil-proċess tal-produzzjoni tiegħu u talbet lill-Kummissjoni tiċċara kif tali kostijiet qed jitqiesu fil-kalkolu tal-prezz fil-mira u huma meħtieġa biex jiġu esklużi l-profitti miksuba mill-fornitur relatat.

(165)

Il-Kummissjoni kienet ivverifikat li f’każ bħal dan il-materja prima u l-prodott nofsu lest ikkonvertit kienu l-proprjetà tal-produttur. Għat-tolling, tariffa ta’ konverżjoni, li tirrifletti biss il-kost tal-produzzjoni tat-toller, kienet kif mitluba mit-toller. Din it-tariffa tal-konverżjoni mbagħad tqieset bħala l-kost tal-produzzjoni fil-produttur. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet kull pretensjoni implikata li l-kost tal-produzzjoni seta’ żdied bit-tolling peress li l-kost reali biss ġie mitlub għat-tolling.

4.4.5.   Pretensjoni dwar l-affidabbiltà tad-data użata

(166)

Wara r-Regolament provviżorju, Manreal talbet lill-Kummissjoni tiġbor b’mod indipendenti data aktar affidabbli dwar il-produzzjoni tal-UE, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-konsum tal-UE tal-ACF, u biex tagħmel distinzjoni bejn l-ACF u l-AHF. Manreal issuġġeriet analiżi tal-importazzjonijiet tal-ACF miċ-Ċina bbażata fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat Comext jew kwalunkwe informazzjoni oħra fil-pussess tad-DĠ TAXUD jew, bħala alternattiva, bil-ġbir ta’ informazzjoni mingħand produtturi tal-Unjoni tal-ACF li ma jilmentawx u importaturi mhux relatati.

(167)

Manreal ma ssostanzjatx b’liema mod id-data miġbura u kontroverifikata mill-Kummissjoni ma hijiex affidabbli. Kif deskritt fid-divulgazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni użat data mill-bażi tad-data tal-Eurostat Comext u tabilħaqq għamlet distinzjoni mill-AHF, peress li l-kodiċijiet TARIC eżistenti kienu diġà ġew previsti għal din id-distinzjoni, u ġabret data mill-produtturi kollha tal-Unjoni u mill-importaturi mhux relatati li kkooperaw għall-ACF biss kif definit fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tiċħad il-pretensjoni li d-data miġbura ma kinitx affidabbli jew li l-Kummissjoni naqset milli tiġbor data affidabbli.

(168)

Manreal talbet ukoll lill-Kummissjoni titlob lill-kumpaniji relatati mal-Ilmentaturi biex jipprovdu d-data dwar id-danni proprji tagħhom (eż. il-bejgħ, il-prezzijiet, il-kostijiet tal-produzzjoni u l-profittabbiltà) sabiex ikollha stampa aktar komprensiva tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-UE.

(169)

Kif indikat fil-premessi (26) sa (28) tar-Regolament provviżorju, f’dan il-każ, il-Kummissjoni għażlet kampjun f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tliet kumpaniji. Manreal ma ssostanzjatx għaliex dan il-kampjun ma huwiex rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-bejgħ, il-prezzijiet, il-kostijiet tal-produzzjoni u l-profittabbiltà. Għalhekk, il-pretensjoni ma nltaqgħetx.

4.4.6.   Konklużjoni dwar id-dannu

(170)

Il-pretensjonijiet kollha tal-partijiet wara r-Regolament provviżorju ġew miċħuda. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tas-sejbiet iddivulgati fir-Regolament provviżorju, li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   L-effetti ta’ fatturi oħrajn

5.1.1.   Konsum

(171)

Xiamen Xiashun argumentat li tnaqqis sever fil-konsum tal-ACF jista’ jkun is-sors tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Xiamen Xiashun affermat li r-Regolament provviżorju ma jagħtix il-kreditu mistħoqq għal dan it-tnaqqis u ma jivvalutax b’mod preċiż l-effett tiegħu fuq indikaturi oħrajn. B’mod aktar speċifiku, Xiamen Xiashun argumentat li t-tnaqqis fil-produzzjoni u l-bejgħ huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu marbut mat-tnaqqis fil-konsum. Il-kumpanija argumentat ukoll li ż-żieda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina hija iżgħar mit-tnaqqis fil-konsum. Xiamen Xiashun argumentat li t-tnaqqis fil-konsum huwa tal-anqas parzjalment ikkawżat mil-linji gwida dwar l-Ekonomija Ċirkolari. Il-kumpanija affermat ukoll li l-volum medju ta’ importazzjonijiet ta’ ACF fix-xahar miċ-Ċina naqas b’mhux inqas minn 21 % bejn il-PI u l-perjodu minn Novembru 2020 sa Marzu 2021.

(172)

Għall-kuntrarju ta’ dak li affermat Xiamen Xiashun, ir-Regolament provviżorju kkunsidra t-tnaqqis fil-konsum. Kif indikat fil-premessa (258) tar-Regolament provviżorju, il-konsum tal-Unjoni naqas fl-2019 u fil-PI. Madankollu, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li l-konsum naqas. Dan ma huwiex indikattiv li t-tnaqqis fil-konsum huwa l-kawża ewlenija tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni. Fir-rigward tat-tnaqqis fl-importazzjonijiet wara l-PI, il-Kummissjoni nnotat li l-perjodi ta’ referenza għall-analiżi tad-dannu u l-kawżalità huma l-PI u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, il-pretensjoni li l-importazzjonijiet naqsu wara l-PI ma hijiex rilevanti.

(173)

Xiamen Xiashun affermat ukoll li t-tnaqqis fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu marbut ma’, u huwa r-riżultat tat-tnaqqis fil-konsum matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(174)

Xiamen Xiashun ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni plawżibbli dwar għalfejn it-tnaqqis fil-konsum fil-biċċa l-kbira tiegħu jkun marbut mat-tnaqqis fil-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni bi 15 % (16 % fl-2019), filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b’21 % (27 % fl-2019) kif indikat fil-premessa (262) tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni għalhekk ċaħdet din il-pretensjoni. Wara d-divulgazzjoni definittiva, Xiamen Xiashun iddikjarat li l-ispjegazzjoni tagħha kienet plawżibbli u li l-Kummissjoni injoratha. Il-Kummissjoni analizzat il-pretensjoni fid-dettall fil-premessi minn (168) sa (169) hawn fuq, u, fin-nuqqas ta’ aktar informazzjoni minn Xiamen Xianshun, hija tikkonferma l-konklużjonijiet tagħha.

(175)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Xiamen Xiashun argumentat ukoll li a) il-produtturi tal-Unjoni ma jistgħux jipprovdu l-firxa sħiħa ta’ ACF meħtieġa mill-utenti b’inqas enfasi fuq ħxuna irqaq u ċerti dimensjonijiet, b) l-industrija tal-Unjoni naqset milli tagħmel investimenti, u c) hemm nuqqas ta’ kapaċità ta’ produzzjoni min-naħa tal-industrija tal-Unjoni.

(176)

Il-Kummissjoni vverifikat li l-produtturi tal-Unjoni huma kapaċi jipprovdu l-firxa sħiħa ta’ ACF meħtieġa mill-utenti, inkluż ħxuna irqaq. Il-Kummissjoni analizzat ukoll fil-premessa (321) tar-Regolament provviżorju li xi investimenti ambizzjużi tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun twaqqfu, iżda li dan kien ir-riżultat tas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni, mhux il-kawża tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat b’mod speċifiku l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tipproduċi ħxuna irqaq ta’ ACF < 6. Għaldaqstant, il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

5.1.2.   Il-pandemija tal-COVID-19

(177)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Zhongji ressqet sensiela ta’ mistoqsijiet dwar is-sitwazzjoni ipotetika mingħajr l-għeluq tal-fabbriki, l-assenzi tal-impjegati, id-dewmien fil-provvisti ta’ materja prima, id-dewmien fil-kunsinna ta’ oġġetti lesti jew l-interruzzjonijiet fit-trasport minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tifhem dan bħala argument li jqajjem dubji dwar jekk il-pandemija tal-COVID-19 kinitx qed tikkawża dannu.

(178)

Il-Kummissjoni kienet diġà analizzat jekk il-pandemija tal-COVID-19 kinitx ikkontribwiet għad-dannu tal-industrija tal-Unjoni fil-premessi (317) sa (319) tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni tat l-attenzjoni meħtieġa fl-investigazzjoni tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 meta analizzat u kkontroverifikat id-data pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni, u kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda tfixkil minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19 li kienu jikkontribwixxu għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni li l-pandemija tal-COVID-19 ikkontribwiet għad-dannu.

5.1.3.   Nuqqas ta’ investiment

(179)

Wara r-Regolament provviżorju, Manreal argumentat li l-utenti tal-Unjoni jixtru l-ACF Ċiniż prinċipalment għall-kwalità ogħla tiegħu aktar milli għall-prezz tiegħu. Id-differenza fil-kwalità bejn l-ACF Ċiniż u l-ACF prodott fl-Unjoni hija kkawżata minn nuqqas ta’ investiment mill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, dan l-argument ta’ Manreal kien diġà ġie indirizzat fil-premessa (348) tar-Regolament provviżorju.

(180)

Il-konsorzju tal-importaturi argumenta li l-premessi (295), (300), (321) u (322) tar-Regolament provviżorju kkonfermaw b’mod impliċitu n-nuqqas ta’ investiment u kkonkludew li l-produtturi tal-Unjoni għadhom lura f’termini tal-iżvilupp teknoloġiku u l-kapaċità li jipprovdu ACF fil-volum u fil-kwalità kummerċjali meħtieġa. Madankollu, il-konsorzju ma pprovda l-ebda evidenza ġdida.

(181)

Il-Kummissjoni tirreferi għall-konklużjoni tagħha fil-premessa (321) tar-Regolament provviżorju li xi investimenti ambizzjużi tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun twaqqfu, iżda li dan kien ir-riżultat tas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni, mhux il-kawża tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet mal-konklużjoni tagħha li investiment limitat ma kkontribwiex għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(182)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-konsorzju tal-importaturi ddikjara li l-Kummissjoni tenniet il-konklużjonijiet tagħha mir-Regolament provviżorju mingħajr ma pprovdiet evidenza li tista’ tirribatti l-argument tal-konsorzju li d-dannu tal-industrija tal-Unjoni rriżulta minn nuqqas ta’ investimenti, li rriżulta f’inabbiltà li jiġi pprovdut il-fojl irqiq. Il-konsorzju sostna li filwaqt li kien ipprovda l-evidenza kollha li seta’ jiġbor b’mod raġonevoli, ikun f’idejn il-Kummissjoni li tivverifika l-preċiżjoni ta’ dawn il-pretensjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, li tinvestiga aktar dawn il-kwistjonijiet billi titlob informazzjoni addizzjonali mill-produtturi tal-Unjoni. In-nuqqas ta’ investimenti f’makkinarju u teknoloġiji ġodda wassal biex il-linji tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni ma baqgħux jintużaw peress li l-maġġoranza vasta tal-impjanti tal-fojl tal-aluminju fl-UE għandhom aktar minn 20 sena.

(183)

Għall-kuntrarju ta’ dak li allega l-konsorzju, il-Kummissjoni vverifikat ir-riżultati tal-ittestjar tal-kwalità speċifikament għall-ACF < 6 matul l-RCCs fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, peress li l-konsorzju kien iddikjara problemi ta’ kwalità bil-fojls irqaq. Filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li xi investimenti twaqqfu, ivverifikat ukoll l-investimenti li saru f’parks tal-magni eżistenti u t-testijiet tal-kwalità li rriżultaw. Il-Kummissjoni għalhekk ċaħdet il-pretensjoni li hija ma għamlitx l-isforz meħtieġ biex tivvaluta d-dikjarazzjonijiet tal-konsorzju, wara l-evidenza pprovduta.

5.1.4.   Ristrutturar tal-industrija tal-Unjoni

(184)

Xiamen Xiashun argumentat li r-ristrutturar ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma jistax jiġi attribwit għall-importazzjonijiet Ċiniżi.

(185)

Kif imsemmi fil-premessa (288) tar-Regolament provviżorju, huwa minnu li l-kost tar-ristrutturar ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fit-tieni nofs tal-PI seta’ kellu impatt fuq xi indikaturi, bħall-kost tal-produzzjoni, il-kost lavorattiv u l-profittabilità. Din hija r-raġuni għaliex fil-premessi (260) sa (261), (263) u (268) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll l-istampa tad-dannu filwaqt li injorat dawk il-kostijiet. Anke mingħajr dawk l-elementi tal-kost huwa ċar li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, dawn il-pretensjoni diġà ma ntlaqgħux fir-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni żammet ma’ din il-valutazzjoni, u kkonkludiet li r-ristrutturar tal-industrija tal-Unjoni ma kkontribwitx għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.1.5.   Pagi u spejjeż tal-enerġija għoljin

(186)

Wara r-Regolament provviżorju, Manreal talbet lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid sa liema punt il-kostijiet tal-impjieg u lavorattivi kif ukoll il-prezzijiet għoljin tal-enerġija wasslu biex tonqos il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Manreal affermat li l-kostijiet lavorattivi ogħla wasslu għal tnaqqis fil-marġnijiet tal-profitt li l-Kummissjoni attribwit b’mod falz għall-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-ACF miċ-Ċina.

(187)

Il-Kummissjoni diġà kienet indirizzat din il-pretensjoni fil-premessi (329) u (330) tar-Regolament provviżorju. Manreal ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet mal-konklużjoni tagħha.

5.1.6.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(188)

Manreal talbet lill-Kummissjoni tinvestiga jekk il-produtturi tal-Unjoni kinux kapaċi jibbenefikaw minn swieq ġodda miftuħa għalihom bħala riżultat tal-miżuri adottati f’ġurisdizzjonijiet oħra.

(189)

Il-Kummissjoni analizzat l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni lejn il-pajjiżi terzi kollha fil-premessi (337) sa (340) tar-Regolament provviżorju. Manreal ma ssostanzjatx liema data addizzjonali jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġbor jew kif dan se jkollu impatt fuq il-konklużjoni li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma kkontribwietx għad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.1.7.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(190)

Il-pretensjonijiet kollha tal-partijiet wara r-Regolament provviżorju ġew miċħuda. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tas-sejbiet żvelati fir-Regolament provviżorju, li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u li l-fatturi l-oħrajn, meqjusin b’mod individwali jew b’mod kollettiv, ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

6.1.   L-interess tal-industrija u l-fornituri tal-Unjoni

(191)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessa (346) tar-Regolament provviżorju li l-impożizzjoni ta’ miżuri hija fl-interess tal-industrija tal-Unjoni u l-fornituri upstream tagħha.

6.2.   L-interess tal-utenti

(192)

Wara r-Regolament provviżorju, diversi utenti tennew għadd ta’ argumenti preċedenti tagħhom. L-utenti argumentaw li:

l-industrija tal-Unjoni ma tipprovdix l-istess kwalità u qisien bħall-produtturi Ċiniżi,

il-miżuri jwasslu għal interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista,

il-miżuri jipperikolaw il-kompetittività tal-industrija tal-modifikazzjoni,

il-miżuri jmorru kontra l-għanijiet ekoloġiċi tal-Unjoni billi jipprevjenu l-użu ta’ ACF irqaq ta’ kwalità għolja,

jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tinjorax l-għajnuna mill-Istat bħala alternattiva għad-dazji anti-dumping.

(193)

Il-Kummissjoni kienet diġà qieset dawn il-pretensjonijiet fit-Taqsima 6 tar-Regolament provviżorju u kkonkludiet li ma kinux raġunijiet konvinċenti biex tikkonkludi li ma huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri provviżorji. Għall-miżuri definittivi, il-Kummissjoni qieset dawn il-pretensjonijiet, flimkien mal-pretensjonijiet addizzjonali mqajma wara r-Regolament provviżorju, fil-ponderazzjoni tal-interess tal-Unjoni fit-Taqsima 6.4 hawn taħt.

(194)

Wara r-Regolament provviżorju, Manreal argumentat ukoll li l-miżuri ma kinux se jkunu ta’ benefiċċju għall-produtturi tal-Unjoni. Minflok, kienu se jkunu ta’ benefiċċju għall-produtturi tal-ACF fit-Turkija, fit-Tajlandja, fil-Brażil jew fir-Russja peress li l-utenti jixtru minn dawn il-pajjiżi minflok mill-produtturi tal-Unjoni.

(195)

Madankollu, Manreal ma ssostanzjax għaliex il-produtturi tal-Unjoni mhux se jkunu jistgħu jikkompetu ma’ produtturi minn pajjiżi oħra taħt kundizzjonijiet ġusti.

(196)

Barra minn hekk, Manreal argumentat li f’każ li l-utenti jgħaddu l-kost tagħhom lill-klijenti tagħhom, dan jipperikola l-kompetittività tal-klijenti tagħhom. Madankollu, il-kumpanija ma ssostanzjatx din il-pretensjoni lil hinn milli għamlet din ir-rimarka ġenerali.

(197)

Manreal argumentat ukoll li fil-premessa (354) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni indikat li kienet se timponi miżuri favur produtturi integrati. Hija talbet lill-Kummissjoni tinvestiga l-effetti probabbli tal-miżuri “fil-kompetizzjoni ġusta tal-UE”.

(198)

Din hija interpretazzjoni ħażina tar-Regolament provviżorju peress li l-Kummissjoni sempliċiment iddikjarat li n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri jiffavorixxi lill-utenti mhux integrati, peress li fin-nuqqas ta’ miżuri dawn jistgħu jixtru ACF oġġett ta’ dumping, filwaqt li l-utenti integrati li jipproduċu l-ACF fl-Unjoni ma jibbenefikawx minn dan il-vantaġġ inġust. Fir-rigward tat-talba ta’ Manreal biex jiġu investigati l-effetti probabbli tal-miżuri “fil-kompetizzjoni ġusta tal-UE”, il-Kummissjoni tifhem li Manreal qed tafferma li d-dazji jikkostitwixxu vantaġġ kompetittiv inġust għall-produtturi integrati tal-Unjoni meta mqabbla man-negozji mhux integrati. Il-Kummissjoni fakkret li f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, il-ħtieġa li jiġu eliminati l-effetti ta’ distorsjoni tal-kummerċ ta’ dumping ta’ ħsara u li terġa’ tinkiseb il-kompetizzjoni effettiva tingħata kunsiderazzjoni speċjali fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-interess tal-Unjoni.

(199)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Manreal iddikjarat ukoll li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha peress li Manreal ma kellhiex aċċess għall-analiżi msemmija fil-premessa (348) tar-Regolament provviżorju.

(200)

Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipproteġi l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali tal-partijiet, filwaqt li tibbilanċja l-aċċess għal dik l-informazzjoni mal-interess ta’ partijiet oħra li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Analiżi dettaljata tal-kwalità tal-prodotti minn fornituri differenti mir-RPĊ u mill-Unjoni fuq diversi snin tista’ tiġi ddikjarata leġittimament li hija sigriet kummerċjali, li ma jiġix kondiviż mal-kompetituri. Għalhekk, in-nuqqas ta’ kondiviżjoni tas-sigrieti kummerċjali ma kkawżax ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Manreal.

(201)

Żewġ kumpaniji, Gascogne u Manreal, argumentaw li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ma jkun hemm l-ebda interess uniformi tal-utent kontra l-miżuri fil-premessa (356) tar-Regolament provviżorju ma hijiex korretta peress li l-kummenti kollha sottomessi mill-utenti kienu kontra l-miżuri.

(202)

Għall-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ tistrieħ ukoll fuq data kunfidenzjali sottomessa mill-utenti bħala tweġibiet għall-kwestjonarju. Mid-data jirriżulta li hemm żewġ utenti li jixtru perċentwal għoli tal-ACF tagħhom miċ-Ċina u li għalihom l-ACF miċ-Ċina jirrappreżenta parti għolja ħafna mill-kostijiet tal-materja prima tagħhom, iżda l-utenti l-oħrajn prinċipalment jixtru l-ACF mill-produtturi tal-Unjoni u ma jkunux affettwati bl-istess mod mill-miżuri. L-iżvelar ta’ dettalji dwar liema perċentwal l-utenti individwali jixtru minn produtturi konkreti tal-ACF jesponi l-ktajjen tal-provvista tagħhom. Madankollu, il-partijiet diġà jistgħu jagħmlu l-argument tagħhom abbażi tal-informazzjoni li l-utenti jiddependu b’estenti differenti fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ.

(203)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni tagħha li ma hemm l-ebda interess uniformi tal-utenti favur jew kontra l-impożizzjoni tal-miżuri, anke jekk l-utenti li argumentaw kontra l-impożizzjoni tal-miżuri, b’mod partikolari ż-żewġ utenti, li għalihom l-ACF jirrappreżenta perċentwal għoli tal-kost tal-produzzjoni tagħhom, imsemmi fil-premessa (347) tar-Regolament provviżorju, jistgħu jiffaċċjaw ċerti konsegwenzi negattivi.

(204)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Walki argumentat li d-dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali ma kienx juri l-interess tal-utenti b’mod korrett jew ġust. Walki sostniet ukoll li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ “interess uniformi” tal-utenti abbażi tal-fatt li “l-utenti jiddependu b’mod differenti fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ” hija analiżi qarrieqa u diskriminatorja kontra l-utenti.

(205)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda interess uniformi tal-utenti minħabba l-livelli differenti ħafna li fuqhom l-utenti jiddependu fuq ACF li joriġina mir-RPĊ. B’din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni ma ċaħditx li l-utenti kollha li kkooperaw opponew l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping.

(206)

Walki sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma weġbitx għat-talba tagħha għal analiżi motivata b’mod aktar adegwat relatata ma’ elementi kruċjali tal-interess tal-Unjoni. Walki rreferiet għall-kummenti tagħha dwar ir-Regolament provviżorju, li fiha talbet korrezzjoni tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-referenza għall-argumenti tal-utenti dwar il-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma tistax tipprovdi ACF tal-istess kwalità bħall-produtturi Ċiniżi minħabba nuqqas ta’ investiment. Walki argumentat li sitt utenti ssottomettew dikjarazzjoni komuni li tiddikjara "li l-produtturi Applikanti m’għandhomx il-kapaċità tal-produzzjoni biex jipprovdu ċerti speċifikazzjonijiet importanti tal-ACF. L-inabbiltà tagħhom li jfornu b’mod kummerċjali dawn l-ispeċifikazzjonijiet lill-Utenti tal-Unjoni hija attribwita bl-aktar mod ċar għan-nuqqas fit-tul tal-Applikanti li jinvestu fit-tagħmir u t-teknoloġija tal-produzzjoni meħtieġa biex jestendu l-firxa ta’ produzzjoni tal-ACF eżistenti tagħhom sabiex jipprovdu l-ispeċifikazzjonijiet irqaq meħtieġa minn dawn l-Utenti.”

(207)

Tabilħaqq, sitt utenti ppreżentaw dikjarazzjoni komuni li fiha ddikjaraw li l-industrija tal-Unjoni naqset milli tinvesti, u dan wara li l-erba’ utenti kienu diġà ppreżentaw dan l-argument individwalment. Madankollu, il-Kummissjoni indirizzat din il-pretensjoni fil-premessi 5.2.3 u 6.2 tar-Regolament proviżorju. F’dan l-istadju, l-ebda utent ma pprovda informazzjoni fattwali ġdida, iżda sempliċiment tenna l-istess pretensjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonfermat il-konklużjonijiet tagħha.

(208)

Walki sostniet ukoll li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-prodotti tal-Unjoni ma kinux inferjuri fuq il-bażi tal-kapaċità ġenerali tal-produtturi tal-Unjoni li jesportaw u jikkompetu b’suċċess fi swieq ta’ pajjiżi terzi. Walki argumentat li dan kien japplika biss għall-kapaċità li tipproduċi fojl eħxen ta’ kwalità ogħla minn 20 mikroni. Hija sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma indikatx li dan ikun jinkludi l-fojls irqaq kollha, li kienu fiċ-ċentru tal-kwistjoni tar-restrizzjoni tal-provvista tal-Unjoni.

(209)

Walki kompliet issostni li d-dikjarazzjoni li mhux il-produtturi Ċiniżi kollha setgħu jipproduċu prodott ta’ kwalità għolja b’mod effiċjenti, ma kellha l-ebda effett fuq l-argument tal-utenti li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx kapaċi tipproduċi fojl irqaq ta’ kwalità għolja b’mod effiċjenti.

(210)

Il-Kummissjoni wettqet kontroverifika tad-data dwar il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inkwistjoni, li turi li hemm esportazzjonijiet ta’ ACF ta’ inqas minn 20 mikroni lejn pajjiżi terzi. L-argument ta’ Walki li l-produtturi tal-Unjoni jkunu kompetittivi biss mal-ACF ta’ aktar minn 20 mikroni għalhekk mhuwiex validu.

(211)

Walki sostniet ukoll li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni żejda ma tfissirx kapaċità li jiġu prodotti kwantitajiet ta’ kwalità rqiqa ta’ ACF.

(212)

Il-Kummissjoni analizzat kif xieraq il-kapaċità li tal-produzzjoni ta’ fojl irqaq, li kien limitat mill-magni b’kapaċità għall-aħħar pass ta’ laminazzjoni. Xi produtturi tal-Unjoni ppreżentaw ir-riżultati tat-testijiet, li juru li l-produzzjoni tat-tidwir tat-test għall-ACF < 6 kienet qed tissodisfa b’suċċess ir-rekwiżiti tal-klijent rispettiv. Il-Kummissjoni tindika wkoll il-valutazzjoni tagħha li l-ACF < 6 huwa suq ġdid li qed jiżviluppa u minħabba d-domanda żgħira ħafna matul il-PI, naturalment mhux il-manifatturi kollha tal-Unjoni adattaw il-park tal-magni tagħhom għal dan is-segment tas-suq.

(213)

Walki sostniet ukoll li l-elementi ewlenin tal-evidenza pożittiva ppreżentata minn Walki matul l-aħħar kors tal-investigazzjoni ġew totalment injorati jew rappreżentati b’mod żbaljat. Il-Kummissjoni qieset li din il-pretensjoni ma kinitx eżatta. Il-Kummissjoni qieset l-argumenti u l-evidenza kollha, iżda għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, xi informazzjoni speċifika ħafna ma setgħetx tiġi żvelata fir-regolament.

(214)

Wara d-divulgazzjoni definittiva Manreal sostniet li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Manreal argumentat li l-Kummissjoni injorat, mingħajr ebda raġunament, il-kummenti kollha ta’ Manreal għad-Divulgazzjoni provviżorja li setgħu jvarjaw il-konklużjonijiet tagħha. Barra minn hekk, Manreal irreferiet għall-premessi (8), (9), (108), (109), (118), (119), minn (131) sa (134), (142), minn (147) sa (150), minn (155) sa (157) u minn (175) sa (178) tad-divulgazzjoni definittiva, filwaqt li sostniet li l-Kummissjoni użat teknika ta’ konfutazzjoni inġusta billi indikat li Manreal ma ssostanzjatx biżżejjed il-pretensjonijiet tagħha. Manreal argumentat li hija ssodisfat b’mod suffiċjenti l-oneru tal-prova tagħha skont il-mezzi disponibbli. Il-Kummissjoni kien imissha investigat aktar il-pretensjonijiet tagħha minflok ma indikat in-nuqqas ta’ sostanzjar. Fl-aħħar nett, Manreal irreferiet għall-paragrafu 98 tad-deċiżjoni tal-Korp tal-Appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) fil-kawża KE— Ormoni (18), fejn sostniet li pprovdiet evidenza prima facie, li tittrasferixxi l-oneru tal-provi lill-konvenut.

(215)

Għall-kuntrarju tal-pretensjoni ta’ Manreal, il-Kummissjoni laħqet l-obbligu tagħha li tivvaluta jekk il-kummenti ta’ Manreal kinux sostanzjati biżżejjed, u fil-premessi msemmija minn Manreal, spjegat ir-raġunijiet f’kull każ fejn dawn ma kinux. Ir-Regolament Bażiku ma jipprevedix obbligu tal-Kummissjoni li tkompli tinvestiga l-kummenti mhux sostanzjati biżżejjed.

(216)

Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

6.3.   Talba għal eżenzjoni għall-użu finali

(217)

Effegidi talbet eżenzjoni għall-użu finali għall-ACF għall-użu fil-produzzjoni ta’ riti għall-ilqugħ tal-kejbils u għall-kapsuli tal-fliexken tal-inbid.

(218)

It-talba hija bbażata fuq il-perċentwal tal-kostijiet li ACF jirrappreżenta fil-kostijiet tal-produzzjoni ta’ riti għall-ilqugħ tal-kejbils u l-kapsuli tal-inbid u l-impatt li l-miżuri jkollhom fuq l-ekonomija. Skont Effegidi, ir-riti għall-ilqugħ tal-kejbils u l-kapsuli tal-inbid huma swieq speċjalizzati u l-konsum tagħhom tal-ACF huwa daqstant ieħor negliġibbli. Dan jimplika li eżenzjoni mid-dazji għall-użu finali ma timminax l-effettività kumplessiva tad-dazju anti-dumping.

(219)

Madankollu, l-investigazzjoni wriet li Effegidi ma tipproduċix biss iż-żewġ prodotti li għalihom talbet l-eżenzjoni għall-użu finali, iżda li l-portafoll tagħha jinkludi varjetà ta’ prodotti oħra bħal riti tal-kejbils li ma jinkorporawx l-ACF, kif ukoll xi imballaġġ ieħor tal-ikel u mhux tal-ikel, li ftit minnu kien jnkorpora l-ACF. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina l-impatt kumplessiv tad-dazji anti-dumping fuq il-profittabbiltà tal-kumpanija, abbażi tad-data limitata pprovduta minn Effegidi. Konsegwentement, fid-divulgazzjoni definittiva, il-Kummissjoni rrifjutat l-eżenzjoni tal-użu aħħari.

(220)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Effegidi pprovdiet lill-Kummissjoni bid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha għas-snin 2019, 2020 u għall-ewwel nofs tal-2021. Effegidi talbet ukoll gwida mill-Kummissjoni dwar liema dokumenti ulterjuri kellha bżonn tipprovdi sabiex tkun tista’ tingħata l-eżenzjoni tal-użu aħħari.

(221)

Il-Kummissjoni sabet li l-informazzjoni mibgħuta wara d-divulgazzjoni definittiva ma kinitx biżżejjed biex tippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt kumplessiv ta’ eżenzjoni potenzjali fuq l-effettività tad-dazju. Effegidi ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar l-industrija tal-ilqugħ tal-kejbil u tal-kapsuli tal-inbid.

(222)

Barra minn hekk, Effegidi ma kinitx parti interessata li kkooperat mill-istadju bikri tal-investigazzjoni u pprovdiet it-talba tagħha għal eżenzjoni tal-użu aħħari biss fil-5 ta’ Lulju 2021, ġimagħtejn wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju u l-informazzjoni addizzjonali biss wara d-divulgazzjoni definittiva. F’dan l-istadju avvanzat tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħet tivverifika l-ebda data addizzjonali.

(223)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta jekk l-eżenzjoni tal-użu aħħari tkunx fl-interess tal-Unjoni u għalhekk ikkonfermat iċ-ċaħda tagħha tat-talba għal eżenzjoni ta’ Effegidi.

6.4.   L-interess tal-importaturi

(224)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-konsorzju tal-importaturi tenna l-pretensjoni li l-produtturi tal-Unjoni ma kinux kapaċi jissodisfaw id-domanda tal-ACF eżistenti speċjalment fis-segment tas-suq tal-ACF bi ħxuna rqiqa, li fih bħalissa jimportaw mir-RPĊ biex jissodisfaw id-domanda. Il-konsorzju saħaq li se jkun hemm bżonn ta’ mill-inqas sentejn biex il-produzzjoni tal-ACF bi ħxuna rqiqa ssir effettiva u operattiva u li l-produtturi tal-Unjoni ma jidhrux li jissodisfaw l-istandards ta’ kwalità mitluba biex jissostitwixxu l-importazzjonijiet attwali miċ-Ċina f’dan is-segment tas-suq.

(225)

Minbarra l-fatt li l-konsorzju ma ssostanzjax għaliex iridu jgħaddu sentejn biex il-produzzjoni tal-ACF bi ħxuna rqiqa ssir operattiva, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet fit-Taqsima 4.5.2.1 tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni kienet tidher li għandha kapaċità ta’ riżerva suffiċjenti. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni wriet bil-bejgħ u bil-produzzjoni tar-rombli tat-test li tista’ tissodisfa d-domanda tal-klijenti kif deskritt fil-premessi (50) u (51) tar-Regolament provviżorju.

(226)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha li l-impożizzjoni ta’ miżuri mhux neċessarjament tkun fl-interess tal-importaturi. Madankollu, hija vvalutat ukoll l-effetti probabbli tagħhom meta qabblet l-interessi differenti inkwistjoni (ara t-Taqsima 6.4).

(227)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-konsorzju ddikjara li l-Kummissjoni injorat kompletament il-fatt li l-moviment gradwali tad-domanda fi ħxuna irqaq tal-ACF irriżulta f’żieda fid-domanda għal ACF ta’ ≤ 7 microns. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssottovalutat il-fatt li kien se jkun hemm bżonn ta’ mill-inqas sentejn biex il-produzzjoni ta’ ACF bi ħxuna irqaq tkun effettiva u operattiva fl-UE.

(228)

Barra minn hekk, il-konsorzju sostna li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi kjarifika dwar kif il-kapaċità żejda sostanzjali tal-industrija tal-Unjoni tista’ tissodisfa d-domanda ta’ ħxuna irqiqa tal-ACF.

(229)

Il-konsorzju tenna wkoll li l-industrija tal-Unjoni ma tistax tissodisfa l-istandards tal-kwalità għall-ħxuna rqiqa ACF f’termini ta’ porożità u tal-iskular u enfasizza li l-laminaturi li jipproduċu l-ACF huma l-istess bħal dawk tal-industrija tal-batteriji tal-karozzi, u b’hekk il-kapaċità għall-ACF kompliet titnaqqas. Il-konsorzju sostna li l-injorar ta’ dawn l-aspetti wassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni żbaljata li l-impożizzjoni ta’ dazji kienet fl-interess tal-Unjoni.

(230)

Kif spjegat fil-premessa (51) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni vvalutat il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tipproduċi ACF irqaq, speċifikament ACF < 6 billi vvalutat il-kapaċità tal-aħħar pass tal-laminazzjoni, meħtieġ biex jintlaħaq din il-ħxuna rqiqa. Il-pass preċedenti ta’ laminazzjoni wera li kien hemm kapaċità żejda suffiċjenti. Konsegwentement, il-konġestjoni għall-produzzjoni ta’ ACF < 6 tinsab fl-aħħar pass tal-laminazzjoni. Il-Kummissjoni ċċarat kif l-industrija tal-Unjoni tista’ tissodisfa d-domanda ta’ ACF i ħxuna rqiqa. L-argument li jkun hemm bżonn ta’ mill-inqas sentejn biex il-produzzjoni ta’ ħxuna rqiqa tal-ACF tkun effettiva u operattiva japplika biss għal kapaċitajiet ġodda li l-industrija tal-Unjoni tinstalla bħala riżultat ta’ kompetizzjoni tal-prezzijiet ġusta restawrata u domanda li qed tkompli tiżdied. Peress li l-kapaċitajiet eżistenti diġà jistgħu jissodisfaw id-domanda mistennija fil-futur qarib, il-kapaċitajiet futuri addizzjonali potenzjali ma ġewx ikkunsidrati fil-kalkolu tal-Kummissjoni. Mhuwiex rilevanti li kapaċitajiet ġodda jkunu jeħtieġu perjodu qabel ma jsiru operattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

6.5.   Ibbilanċjar tal-interessi konkorrenti

(231)

F’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, fir-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni vvalutat l-interessi konkorrenti u tat kunsiderazzjoni speċjali lill-ħtieġa li jiġu eliminati l-effetti distorsivi tal-kummerċ tad-dumping dannuż u li tiġi restawrata l-kompetizzjoni effettiva.

(232)

Fil-ponderazzjoni tal-interessi kompetittivi, il-Kummissjoni minn naħa waħda qieset li s-soppressjoni tal-prezzijiet mill-esportazzjonijiet Ċiniżi kienet iddeterjorat is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u li, min-naħa l-oħra, żieda fil-prezz ikollha impatt negattiv limitat fuq l-utenti. Il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti biex tikkonkludi li ma huwiex fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ ACF li joriġinaw miċ-Ċina.

(233)

Wara r-Regolament provviżorju, Manreal argumentat li l-analiżi tas-suq u tal-interess tal-Unjoni li saret fir-Regolament provviżorju ma għadhiex valida, b’riżultat taż-żieda drastika fil-prezzijiet u l-ispekulazzjoni fis-suq tal-komoditajiet, li huma konsegwenzi tal-investigazzjoni u tal-pandemija tal-COVID-19. L-industrija tal-imballaġġ tal-modifikazzjoni hija milquta ħafna mhux biss minn żieda ta’ 40 % fil-prezzijiet għall-aluminju, iżda wkoll minn żieda ta’ 40 % fil-prezzijiet għall-karta kraft u mill-ispejjeż tat-trasport bil-kontejners li żdiedu b’400 %. Iż-żmien medju għall-provvista għall-kunsinni tal-karti żdied minn 3-4 ġimgħat għal erba’ (4) xhur. F’xi kuntratti ta’ provvista, il-fornituri jiddikjaraw forza maġġuri u jikkunsinnaw sitt (6) xhur tard filwaqt li jitolbu prezzijiet 20 % ogħla milli fiż-żmien tal-ordni.

(234)

B’appoġġ għall-argumenti ta’ Manreal, Walki, Gascogne, u Effegidi wkoll enfasizzaw li s-sitwazzjoni tas-suq wara l-PI nbidlet b’mod fundamentali u dan wassal għal nuqqasijiet ta’ provvisti mhux biss fl-ACF, iżda wkoll fil-materja prima l-oħra tagħhom. Skont Gascogne, il-prezz tal-aluminju fuq il-London Metal Exchange żdied bi 30 % minn Ottubru 2020 sa Mejju 2021. Barra minn hekk, skont is-sitwazzjoni attwali, jidher li produttur ewlieni tal-Unjoni wieħed biss jista’ jipprovdi ordnijiet ġodda mingħajr ħin ta’ stennija ta’ diversi xhur. Effegidi saħqet li, skont il-kwotazzjonijiet mill-produtturi tal-Unjoni f’Lulju 2021, il-provvista ta’ ACF għall-produzzjoni tiegħu mhux se tkun disponibbli qabel l-2022.

(235)

Utent ieħor, Alupol, argumenta li minn Diċembru 2020, huwa nnota interess baxx f’kuntratti mill-produtturi tal-Unjoni u saħansitra kuntratt ta’ provvista ta’ sentejn konkluż ma’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni ġie tterminat mill-produttur wara nofs sena, li juri l-limitazzjonijiet tal-kapaċità. Walki pprovdiet evidenza addizzjonali relatata ma’ talbiet ta’ ACF ta’ 6,35 mikroni, li turi li d-diffikultajiet fil-provvista ffaċċjati fl-2021 qed jissoktaw.

(236)

Barra minn hekk, il-konsorzju tal-importaturi argumenta li mill-bidu tal-investigazzjoni, il-prezzijiet tal-ACF żdiedu b’25 % u ż-żminijiet tal-kunsinna żdiedu minn medja ta’ xahrejn (2) għal erba’ (4) xhur. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ provvista attwali twassal lill-kumpaniji integrati biex ifornu lill-entitajiet relatati tagħhom fuq bażi preferenzjali, u b’hekk iħallu inqas kapaċità għas-suq miftuħ. Il-konsorzju jistenna li d-dazji anti-dumping se jfixklu l-ktajjen tal-provvista u jwasslu għal nuqqas fil-provvista għall-firxa sħiħa tal-ACF, iżda b’mod partikolari għal dawk bi ħxuna ta’ inqas minn 6 mikroni.

(237)

Filwaqt li dawn il-bidliet fis-suq tabilħaqq għandhom impatt fuq l-interessi differenti tal-produtturi, tal-utenti u tal-importaturi, dawn huma kkawżati mis-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19 u mill-irkupru ekonomiku qawwi ta’ wara, li kkawża nuqqas ta’ trasport internazzjonali u nuqqasijiet tal-provvista. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm bżonn ta’ ċertu ammont ta’ żmien biex is-swieq jadattaw sakemm l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir jinnormalizzaw u d-domanda u l-provvista jerġgħu jkunu bbilanċjati, inkluż fis-settur tal-ACF.

(238)

Manreal argumentat ukoll li f’konformità mal-Artikolu 11 tat-TFUE, il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jenħtieġ li tkun ibbilanċjata ma’ għanijiet oħra tal-Unjoni, bħall-protezzjoni ambjentali, u kkonkludiet li l-impożizzjoni ta’ miżuri se jkollha impatt negattiv ħafna fuq l-ambjent. Manreal argumentat li irrispettivament mill-impatti negattivi possibbli fuq l-impjiegi jew fuq il-politika industrijali, l-għajbien ta’ produtturi tal-Unjoni li jniġġsu aktar ikun tajjeb għall-ambjent tal-UE. Konsegwentement, Manreal talbet lill-Kummissjoni biex fl-investigazzjoni tinkludi l-effetti probabbli tal-miżuri fuq l-ambjent.

(239)

Il-Kummissjoni nnutat, l-ewwel nett, li Manreal ma ssostanzjatx b’liema mod il-produtturi tal-Unjoni jniġġsu aktar mill-produtturi Ċiniżi. Barra minn hekk, filwaqt li l-Unjoni tistabbilixxi standards ambjentali għoljin għall-produtturi tagħha, l-għan tal-Artikolu 11 tat-TFUE ma huwiex li jipprevjeni l-attività ekonomika iżda li jintegra r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali fil-politika li tiggwida l-attività ekonomika. Is-suġġeriment ta’ Manreal li l-emissjonijiet fl-Unjoni jitnaqqsu billi l-industrija tagħha titħalla tiġi eliminata minn kompetizzjoni inġusta ma huwiex biss inkompatibbli mal-għanijiet ambjentali tal-UE iżda jmur kontra l-għadd ta’ politiki oħra. Konsegwentement, it-talba ta’ Manreal biex jiġi investigat l-impatt ambjentali ta’ xenarju bħal dan ġiet miċħuda.

(240)

Manreal indikat ukoll il-premessa (355) tar-Regolament provviżorju, li fiha l-Kummissjoni ddikjarat, bi tweġiba għall-argument preċedenti ta’ Manreal li l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun miżura aktar xierqa mill-impożizzjoni tad-dazji, li l-għajnuna finanzjarja ma hijiex l-istrument xieraq biex jiġi miġġieled id-dumping ta’ ħsara. Manreal argumentat li din hija għażla ta’ politika li ma tenħtiġx li tiġi adottata mingħajr ma jiġi kkonsultat id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (“DĠ COMP”). Manreal affermat ukoll li l-argument tal-Kummissjoni jippresupponi li kwalunkwe għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-Unjoni ma hijiex se tiġi awtorizzata mid-DĠ COMP.

(241)

Il-Kummissjoni fakkret li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku jistipula li fejn il-fatti kif finalment stabbiliti juru li hemm dumping, u dannu kkawżat minnu, u l-interess tal-Unjoni jitlob intervent, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv mill-Kummissjoni. Tabilħaqq, il-Kummissjoni ma tistax tastjeni milli tiġġieled id-dumping ta’ dannu muri mill-esportaturi Ċiniżi permezz tal-istrumenti legali għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sempliċiment minħabba li l-produtturi tal-Unjoni setgħu wkoll jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat tingħata mill-Istati Membri, mhux mill-Kummissjoni.

(242)

Konsegwentement, l-ebda wieħed mill-argumenti wara d-divulgazzjoni provviżorja u r-Regolament provviżorju li qajmu l-utenti u l-importaturi ma bidel il-konklużjoni tal-Kummissjoni.

(243)

Diversi partijiet ippreżentaw talba, flimkien mal-kummenti għad-divulgazzjoni definittiva ġenerali, biex tiġi vvalutata sospensjoni potenzjali tad-dazji skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Wara dawn it-talbiet, is-sospensjoni potenzjali tad-dazji se tiġi analizzata fi proċedura separata.

6.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(244)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti għall-konklużjoni li ma huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-ACF li joriġinaw miċ-Ċina.

7.   LIVELL TAL-MIŻURI

7.1.   Il-marġni tad-dannu

(245)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Xiamen Xiashun argumentat li jenħtieġ li l-kostijiet ta’ konformità futuri ma jiżdidux mal-prezz fil-mira peress li n-Nota dwar il-kost tal-konformità ġiet ippubblikata wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, u dan kiser id-drittijiet tad-difiża ta’ Xiamen Xiashun.

(246)

Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni. Xiamen Xiashun flimkien mal-partijiet l-oħra kollha ngħatat żmien addizzjonali biex tikkummenta dwar in-Nota dwar il-kostijiet tal-konformità wara l-pubblikazzjoni tagħha. Għalhekk, il-pubblikazzjoni tard ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tagħha.

(247)

Barra minn hekk, Xiamen Xiashun argumentat li t-tħassib ambjentali ma huwiex esklussiv għall-industrija tal-Unjoni, peress li Xiamen Xiashun se tkun soġġetta għall-Iskema taċ-Ċina għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u rċeviet ċertifikazzjoni ta’ Standard ta’ Prestazzjoni mill-Aluminium Stewardship Initiative, li tinkludi kriterji dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkluż limitu fuq l-emissjonijiet tas-CO2.

(248)

Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni. Il-leġiżlazzjoni domestika tar-RPĊ hija irrilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, li skontu l-kostijiet futuri li jirriżultaw minn ftehimiet ambjentali multilaterali, u l-protokolli skonthom, li għalihom l-Unjoni hija parti, iridu jitqiesu biex jiġi stabbilit il-prezz fil-mira tal-Industrija tal-Unjoni.

(249)

Donghai argumentat li l-profitt fil-mira ta’ 6 % jenħtieġ li jiġi kkalkulat biss fuq il-kost tal-konverżjoni u mhux fuq il-prezz sħiħ tal-ACF.

(250)

Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni billi skont l-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, il-profitt fil-mira jrid jiġi kkalkulat abbażi tal-kostijiet sħaħ u mhux biss parti li tirrifletti l-konverżjoni tal-materja prima.

(251)

Zhongji u Nanshan tennew il-pretensjoni wara d-divulgazzjoni definittiva. Zhongji argumentat li kuntrarju għall-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 7 (2c) tar-Regolament bażiku ma jistabbilixxix li l-profitt fil-mira jrid jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-kostijiet kollha, iżda li l-Artikolu 7 (2c) jistabbilixxi biss li l-profitt fil-mira jrid ikun biżżejjed għall-irkupru tal-kostijiet sħaħ. Zhongji argumentat li l-produtturi tal-ACF jiksbu l-profitti tagħhom fuq il-prezz tal-konverżjoni u mhux fuq il-prezz tal-materja prima.

(252)

L-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku jgħid li “il-profitt fil-mira użat għandu jkun stabbilit billi jitqies il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż kollha”. L-ispejjeż kollha jinkludu l-materja prima. Il-pretensjoni għalhekk ġiet irrifjutata.

(253)

Donghai affermat ukoll li l-kostijiet tar-ristrutturar jenħtieġ li ma jkunux parti mill-prezz fil-mira.

(254)

Il-Kummissjoni spjegat fil-premessa (329) tar-Regolament provviżorju li ż-żieda fil-kost fil-PI kienet prinċipalment dovuta għar-ristrutturar ta’ wieħed mill-produtturi inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li r-ristrutturar huwa proċess regolari f’sitwazzjonijiet ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Fi kwalunkwe każ, f’konformità mar-Regolament bażiku, l-ispejjeż kollha jridu jitqiesu għall-kalkolu tal-profitt fil-mira.

(255)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Zhongji tenniet il-pretensjoni li l-kostijiet straordinarji għandhom jiġu esklużi mill-prezz fil-mira. Zhongji argumentat li l-Kummissjoni ma indirizzatx l-argumenti ta’ Zhongji u li l-Kummissjoni kkontradixxiet lilha nnifisha billi rreferiet b’mod konsistenti għal dawn l-ispejjeż bħala “straordinarji”, iżda fil-kuntest tal-prezz fil-mira kkunsidrathom bħala “regolari”. Zhongji madankollu ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida.

(256)

Fin-nuqqas ta’ evidenza ulterjuri, il-Kummissjoni tikkonferma l-premessa (325) tar-Regolament provviżorju. Ir-ristrutturar huwa proċess regolari f’sitwazzjonijiet ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u parti mill-ispejjeż ta’ kumpanija.

(257)

Zhongji kompliet issostni li l-Kummissjoni jenħtieġ li tapplika b’analoġija dak li ddikjarat fir-Regolament provviżorju tal-Klorur tal-Potassju (19), li fih il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas l-ispejjeż temporanji u eċċezzjonali mġarrba mill-kumpaniji Kanadiżi tal-minjieri qabel ma tuża l-ispejjeż tagħhom bħala referenza għall-kumpaniji mill-Belarussja, mir-Russja u mill-Ukrajna, peress li ma jkunx raġonevoli li dawn iġorru l-piż ta’ dawn l-ispejjeż. Zhongji argumentat li l-Kummissjoni applikat l-istess prinċipju wkoll fir-Regolament dwar il-manjeżju mhux maħdum u mhux illigat (20) u r-Regolament dwar ċerti tipi ta’ polietilentereftalat (PET) (21). Zhongji għalhekk argumentat li l-Kummissjoni għandha wkoll, fil-każ attwali, tinjora l-kostijiet tar-ristrutturar bħala spejjeż temporanji u eċċezzjonali.

(258)

Il-Kummissjoni ma taqbilx li s-sitwazzjoni msemmija fir-Regolament provviżorju fil-kawża tal-Klorur tal-Potassju hija komparabbli mal-investigazzjoni attwali. Fil-kawża tal-Klorur tal-Potassju, il-kost temporanju u eċċezzjonali tal-kumpaniji Kanadiżi ma kellhom l-ebda konnessjoni ma’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni. L-istess japplika għat-tqabbil mar-Regolament dwar il-manjeżju mhux illigat mhux maħdum, li fih ir-ristrutturar tal-kumpanija sar wara privatizzazzjoni. L-esklużjoni tal-ispejjeż straordinarji fil-każ tal-PET saret bħala riżultat ta’ sitwazzjoni partikolari, li kienet differenti mill-ispejjeż tar-ristrutturar inkwistjoni. F’dan il-każ, kif iddikjarat fil-premessa (325) tar-Regolament provviżorju, l-ispejjeż tar-ristrutturar ma kinux eċċezzjonali u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni.

(259)

Zhongji kkummentat li l-profitt fil-mira għall-ACF b’PCNs li jibdew b’1 ma huwiex affidabbli. Il-produzzjoni kkombinata tat-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għall-PCN li jibda b’1 hija anqas minn 3 000 tunnellata. Zhongji tqis dawn il-kwantitajiet bħala negliġibbli u tqis li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kost tal-produzzjoni għal tali prodotti, jew tal-anqas ma kinux rappreżentattivi minħabba l-volum limitat. Dan iwassal biex il-prezz fil-mira ma jkunx affidabbli.

(260)

Meta ma jkun hemm l-ebda produzzjoni tal-Unjoni ta’ ċertu PCN li jiġi esportat, sakemm ma jkunux jistgħu jsiru aġġustamenti raġonevoli, il-Kummissjoni teskludi dak il-PCN mit-tqabbil. Madankollu, fejn hemm produzzjoni ta’ PCN mill-industrija tal-Unjoni, anki jekk din il-kwantità tkun aktar baxxa minn dik għal PCNs oħra, il-Kummissjoni tqis li madankollu huwa aktar preċiż li tinkludi dak il-PCN fit-tqabbil, abbażi tal-informazzjoni disponibbli mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Barra minn hekk, f’dan il-każ, 3 000 tunnellata ma jistgħux jitqiesu bħala ammont negliġibbli ta’ produzzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

(261)

Barra minn hekk, Zhongji argumentat li xi meded għad-data pprovduta fid-divulgazzjoni provviżorja ma kinux sinifikanti peress li kienu wesgħin wisq biex jipprovdu fehim raġonevoli tad-data kunfidenzjali rigward il-PCN 1DA u l-PCN 5BA.

(262)

Zhongji tirreferi għad-data dwar l-industrija tal-Unjoni dwar żewġ PCNs, li huma prodotti biss minn produttur tal-Unjoni wieħed. Għalhekk, il-meded ipprovduti mill-Kummissjoni jeħtieġ li jqisu mhux biss il-kunfidenzjalità tad-data, iżda wkoll il-fatt li ċerti valuri jistgħu jiġu kkalkolati b’mod invers, jekk il-meded ikunu dojoq wisq. Għall-prezz tal-bejgħ tal-Unità u l-prezz fil-mira, il-Kummissjoni pprovdiet meded dojoq. Għall-kwantitajiet mibjugħa kif ukoll għall-valur totali mill-fabbrika, madankollu, il-Kummissjoni kellha tiżgura li l-valuri ma jkunux jistgħu jiġu kkalkulati u għażlet meded wesgħin biżżejjed. L-alternattiva kienet tkun li l-valuri jiġu sostitwiti bħala sensittivi.

(263)

Donghai kompliet issostni li l-Kummissjoni bbażat b’mod żbaljat fuq l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Bażiku sabiex tiddetermina l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ Nanshan Europe għall-fini tal-kalkolu tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz u sostniet li l-Kummissjoni kellha tuża l-prezzijiet tal-bejgħ reali tal-entità tal-bejgħ relatata ta’ Nanshan Group fl-Unjoni Ewropea u naqqset biss l-ispejjeż tal-bejgħ dirett imġarrba għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat minn din l-entità tal-bejgħ relatata fl-UE.

(264)

Il-prezz fil-mira użat għall-finijiet tal-marġni tad-dannu huwa bbażat fuq il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-UE u l-profitt fil-mira, u b’hekk mingħajr ma jiġu inklużi l-ispejjeż tal-entitajiet relatati. Sabiex jiġu żgurati s-simmetrija u l-paragun ġust, il-prezzijiet tal-esportazzjoni użati għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu għalhekk ma għandhomx jinkludu l-ispejjeż tal-entitajiet relatati tal-produtturi esportaturi. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(265)

Kif previst fl-Artikolu 9(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament bażiku, minħabba li l-Kummissjoni ma rreġistratx l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, il-Kummissjoni analizzat l-iżvilupp tal-volumi tal-importazzjoni biex tistabbilixxi jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, biex tiddetermina jekk għandhiex tirrifletti d-dannu addizzjonali li jirriżulta minn din iż-żieda fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dannu.

(266)

Abbażi tad-data mill-bażi tad-data COMEXT u Sorveljanza 2 tal-Eurostat, il-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat tad-divulgazzjoni preliminari kienu 47 % aktar baxxi mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ erba’ ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni.

(267)

Wara r-Regolament provviżorju, Zhongji ddikjarat li jenħtieġ li jsiru aġġustamenti peress li Carcano tipprovdi servizz ta’ kunsinna kuntrattat, li Zhongji ma kinitx se tipprovdi.

(268)

Il-Kummissjoni kkonfermat li s-servizz ta’ kunsinna kuntrattat ipprovdut minn Carcano jikkonċerna biss ammont żgħir ħafna tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, u barra minn hekk, il-kostijiet għal dan is-servizz tant huma baxxi li aġġustament ma jkollu l-ebda impatt materjali fuq ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni.

(269)

Fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri dwar il-marġnijiet tad-dannu, il-Kummissjoni aġġustat biss il-marġnijiet kif stabbiliti fil-premessi (376) sa (378) tar-Regolament provviżorju minħabba l-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni kkoreġuti kif ukoll biex tqis il-bidliet fil-valur CIF iddikjarat kif spjegat fil-premessa (103). Il-marġnijiet tad-dannu finali huma murija hawn taħt fil-premessa (197).

(270)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Nanshan talbet lill-Kummissjoni biex tivverifika l-prezzijiet fil-mira, peress li kien hemm każijiet ta’ PCNs irqaq bi prezzijiet aktar baxxi minn PCNs eħxen, li Nanshan ma qisitx loġika. Il-Kummissjoni ħadet ħsieb li tistabbilixxi l-prezz fil-mira u tinnota li dawn huma bbażati fuq l-informazzjoni kontroverifikata tal-produtturi tal-Unjoni. Hemm fatturi oħra minbarra l-ħxuna li jinfluwenzaw il-kostijiet u anki l-prezzijiet fil-mira huma bbażati fuq diversi produtturi, li ma għandhomx eżattament l-istess bażi tal-kost.

7.2.   Id-distorsjonijiet fil-materja prima

(271)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-distorsjonijiet fil-materja prima, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejba tagħha mill-premessi (381) sa (383) tar-Regolament provviżorju li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ma kinux issodisfati, u għaldaqstant, minħabba f’dan, il-Kummissjoni sabet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) kienu applikabbli biex jiġi stabbilit il-livell tad-dazju definittiv.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

(272)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-interess tal-Unjoni u tal-livell tal-miżuri, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(273)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping

Il-marġni tad-dannu

Dazju anti-dumping definittiv

Jiangsu Zhongji Lamination Materials Co., Ltd.

81,5  %

28,5  %

28,5  %

Xiamen Xiashun Aluminium Foil Co., Ltd

16,1  %

15,4  %

15,4  %

Yantai Donghai Aluminum Foil Co., Ltd.

98,5  %

24,7  %

24,7  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

69,6  %

23,6  %

23,6  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

98,5  %

28,5  %

28,5  %

(274)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, huma rriflettew is-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal xi rata individwali ta’ dazju anti-dumping.

(275)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (22). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, se jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(276)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(277)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju aktar baxxa tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(278)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’tali ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/rati tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(279)

Biex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

9.   DIVULGAZZJONI

(280)

Fit-28 ta’ Settembru 2021, il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu ACF li joriġinaw mir-RPĊ. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jipprovdu kummenti wara din id-divulgazzjoni.

(281)

Ħdax-il parti ppreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni. Fuq talba, saru xi seduti ta’ smigħ ma’ Walki u ma’ Zhongji. Il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati sewwa u, fejn kien xieraq, is-sejbiet ġew immodifikati kif xieraq.

(282)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), meta jkollu jiġi rimborżat ammont wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas għandu jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(283)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ta opinjoni pożittiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittivi huwa impost fuq importazzjonijiet ta’ fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni bi ħxuna ta’ inqas minn 0,021 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar ħlief irrumblat, f’rombli ta’ piż li jaqbeż l-10 kg, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (il-kodiċijiet TARIC 7607111960 u 7607111991) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Il-prodotti li ġejjin għandhom jiġu esklużi mill-prodott deskritt fil-paragrafu 1:

Fojl tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u ta’mhux aktar minn 0,018 mm, bla rinforz, mhux maħdum aktar ħlief irrumblat, f’rombli mhux usa’ minn 650 mm u ta’ piż li jaqbeż l-10 kg.

Fojl tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna mhux inqas minn 0,007 mm u inqas minn 0,008 mm, irrispettivament mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat kif ukoll jekk le.

Fojl tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm u f’rombli b’wisa’ li taqbeż is-650 mm, kemm jekk ittemprat kif ukoll jekk le.

Fojl tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ aktar minn 0,018 mm u inqas minn 0,021 mm irrispettivament mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat kif ukoll jekk le.

3.   Ir-rati tad-dazju antidumping definittivi applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u magħmula mill-kumpaniji elenkati hawn taħt ikunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Jiangsu Zhongji Lamination Materials Co., Ltd.

28,5  %

C686

Xiamen Xiashun Aluminium Foil Co., Ltd.

15,4  %

C687

Yantai Donghai Aluminum Foil Co., Ltd.

24,7  %

C688

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw (Anness)

23,6  %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

28,5  %

C999

4.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 3 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-Artikolu 1(3) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata ta’ dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (l-1 ta’ Lulju 2019–it-30 ta’ Ġunju 2020);

(b)

ma huwiex relatat ma’ esportatur jew ma’ produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u

(c)

effettivament esporta l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni

Artikolu 3

L-ammonti garantiti bid-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/983 għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti li jaqbżu r-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU C 352 I, 22.10.2020, p. 1.

(3)  Ara l-premessa 394 tar-Regolament provviżorju

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/983 tas-17 ta’ Ġunju 2021 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 216, 18.6.2021, p. 142).

(5)  Ara pereżempju s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018 fil-Kawża C-301/16 P, Il-Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui), ECLI:EU:C:2018:132, il-punt 56

(6)  Skont artiklu fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ċentrali għad-Dixxiplina u għall-Ispezzjoni: “Fit-tradizzjoni storika Ċiniża, il-“gvern” dejjem kien kunċett wiesa’ b’responsabbiltajiet bla limitu. Taħt it-tmexxija tal-Partit, il-Partit u l-gvern jikkondividu biss il-ħidma, u ma hemm l-ebda separazzjoni bejn il-Partit u l-gvern. Irrispettivament minn jekk ikunux il-Kungress Nazzjonali tal-Poplu, il-Konferenza Konsultattiva Politika tal-Poplu Ċiniż, jew il-“gvern wieħed u żewġ kmamar”, ilkoll iridu jimplimentaw id-deċiżjonijiet u l-arranġamenti tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit, ikunu responsabbli fir-rigward tan-nies u jkunu soġġetti għas-superviżjoni tagħhom. L-organi kollha li jeżerċitaw is-setgħa tal-istat taħt it-tmexxija unika tal-Partit jappartjenu għall-kategorija ta’ gvern ġenerali” disponibbli fuq: https://www.ccdi.gov.cn/special/zmsjd/zm19da_zm19da/201802/t20180201_163113.html (ikkonsultat l-aħħar fis-16 ta’ Ġunju 2021).

(7)  Ara pereżempju l-Linji Gwida tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Kumitat Ġenerali tas-CCP dwar it-tisħiħ tal-ħidma ta’ Front Magħqud fis-settur privat għall-era l-ġdida, mill-15 ta’ Settembru 2020. It-Taqsima II.4: “Irridu nżidu l-kapaċità ġenerali tal-Partit biex imexxi l-ħidma tal-Front Magħqud fis-settur privat u jżid b’mod effettiv il-ħidma f’dan il-qasam”, it-Taqsima III.6: “Irridu nżidu aktar il-bini tal-Partit f’intrapriżi privati u nippermettu liċ-ċelloli tal-Partit jaqdu r-rwol tagħhom b’mod effettiv bħala fortizza u nippermettu lill-membri tal-Partit biex iwettqu r-rwoli tagħhom bħala gwardji u pijunieri.”, it-Taqsima VII.26: “It-titjib tal-istituzzjonijiet u tal-mekkaniżmi ta’ tmexxija. Il-kumitati tal-partit fil-livelli kollha jridu jiddependu fuq il-gruppi ta’ tmexxija tal-ħidma tal-Front Magħqud sabiex jistabbilixxu u jtejbu l-mekkaniżmi għall-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Front Magħqud fis-settur privat, u jistudjaw b’mod regolari, jippjanaw u javvanzaw il-ħidma b’mod koordinat. Irridu nippermettu lid-dipartimenti ta’ ħidma tal-Front Magħqud tal-kumitati tal-Partit sabiex jaqdu bis-sħiħ ir-rwoli ta’ tmexxija u ta’ koordinazzjoni tagħhom u nippermettu lill-federazzjonijiet tal-industrija u tal-kummerċ sabiex jaqdu r-rwoli ta’ għaqda u ta’ assistenza tagħhom fil-ħidma tal-Front Magħqud fis-settur privat.” Disponibbli fuq: http://www.gov.cn/zhengce/2020-09/15/content_5543685.htm

(8)  Fir-rigward ta’ Xiamen Xiashun, il-Kummissjoni stabbiliet li l-prezz tax-xiri ta’ Virga tal-Aluminju tal-Boron tat-Titanju mir-Renju Unit ma kienx distort u għalhekk ma ssostitwiehitx b’data mill-pajjiż rappreżentattiv. (Premessa 161 tar-Regolament provviżorju).

(9)  Ara l-artiklu “The role of state-owned enterprises is irreplaceable”, ippubblikat fid-29 ta’ Novembru 2018, disponibbli fuq: http://www.gov.cn/xinwen/2018-11/29/content_5344296.htm

(10)  Assan Aluminyum.

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1428 tat-12 ta’ Ottubru 2020 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 336, 13.10.2020, p. 8), il-premessa (171).

(12)  https://www.crugroup.com/

(13)  Il-premessi (382)-(383) tar-Regolament provviżorju.

(14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915 tal-4 ta’ Ġunju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu fojl tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 146, 5.6.2019, p. 63), il-premessa (122).

(15)  Skont il-konsum tal-produttur u l-medda tal-konsum korrispondenti

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1784 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 359, 11.10.2021, p. 6).

(17)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw fil-Brażil wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 63).

(18)  Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, KE — Ormoni, WT/DS26/AB/R, WT/DS48/AB/R, il-para. 98.

(19)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1031/92 tat-23 ta’ April 1992 li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ klorur tal-potassju (“potassa”) li joriġinaw mill-Belarussja, mir-Russja jew mill-Ukrajna (ĠU L 110, 28.4.1992, p. 5).

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2402/98 tat-3 ta’ Novembru 1998 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ manjesju mhux ligat mhux maħdum li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost (ĠU L 298, 7.11.1998, p. 1), il-premessa 21.

(21)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1742/2000 tal-4 ta’ Awwissu 2000 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) mill-Indja, mill-Indoneżja, mill-Malasja, mir-Repubblika tal-Korea, mit-Tajwan u mit-Tajlandja (ĠU L 199, 5.8.2000, p. 48), il-premessa 206.

(22)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat G, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, il-Belġju.

(23)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

Produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex fil-kampjun

Pajjiż

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Zhangjiagang Fineness Aluminum Foil Co., Ltd.

C689

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Kunshan Aluminium Co., Ltd.

C690

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Suntown Technology Group Corporation Limited

C691

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Luoyang Wanji Aluminium Processing Co., Ltd.

C692

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Shanghai Sunho Aluminum Foil Co., Ltd.

C693

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Binzhou Hongbo Aluminium Foil Technology Co. Ltd.

C694


DIRETTIVI

8.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 438/84


DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2171

tas-7 ta’ Diċembru 2021

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE fir-rigward tal-piżijiet tal-lottijiet taż-żerriegħa u tal-kampjuni tal-Avena nuda

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21a tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/415 (2) emendat id-Direttiva 66/402/KEE u minħabba żball klerikali ħassret l-isem tal-ispeċi Avena nuda mill-entrata fit-tielet ringiela tal-ewwel kolonna tat-tabella fl-Anness III tad-Direttiva 66/402/KEE. B’riżultat ta’ dan, il-piż massimu ta’ lott taż-żerriegħa u l-piż minimu ta’ kampjun taż-żerriegħa tal-ispeċi Avena nuda ma għadhomx regolati. Għalhekk, jenħtieġ li jerġa’ jiddaħħal l-isem imħassar tal-ispeċi Avena nuda.

(2)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 66/402/KEE tiġi emendata skont dan.

(3)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li d-data tat-traspożizzjoni stabbilita f’din id-Direttiva taqbel mad-data tat-traspożizzjoni stipulata fid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/415.

(4)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADDOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Direttiva 66/402/KEE

Fl-Anness III tad-Direttiva 66/402/KEE, l-entrata fit-tielet ringiela tal-ewwel kolonna tat-tabella hi sostitwita b’dan li ġej:

Avena nuda, Avena sativa, Avena strigosa, Hordeum vulgare, Triticum aestivum subsp. aestivum, Triticum turgidum subsp. durum, Triticum aestivum subsp. spelta, Secale cereale, xTriticosecale”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Frar 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309.

(2)  Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/415 tat-8 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE u 66/402/KEE sabiex tadatta l-gruppi tassonomiċi u l-ismijiet ta’ ċerti speċi ta’ żrieragħ u ħaxix ħażin għall-evoluzzjoni tal-għarfien xjentifiku u tekniku (ĠU L 81, 9.3.2021, p. 65).