ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 430

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
2 ta' Diċembru 2021


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2021/2118 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Direttiva 2009/103/KE dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà ( 1 )

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2119 tal-1 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ċerti rekords u dikjarazzjonijiet meħtieġa mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi u dwar il-mezzi tekniċi għall-ħruġ taċ-ċertifikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 fir-rigward tal-ħruġ taċ-ċertifikati għall-operaturi, għall-gruppi ta’ operaturi u għall-esportaturi fil-pajjiżi terzi

24

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2120 tal-25 ta’ Novembru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

28

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2121 tas-6 ta’ Lulju 2020 dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji

30

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 ( ĠU L 209, 14.6.2021 )

42

 

*

Rettifika għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 926/2014 tas-27 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar formuli, mudelli u proċeduri standard għan-notifiki marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( ĠU L 254, 28.8.2014 )

43

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

2.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 430/1


DIRETTIVA (UE) 2021/2118 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Novembru 2021

li temenda d-Direttiva 2009/103/KE dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (“assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur”) hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għad-detenturi ta’ polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-partijiet li jistgħu jsofru ħsara minħabba inċident. Għandha wkoll importanza ewlenija għal impriżi tal-assigurazzjoni billi tikkostitwixxi parti importanti tas-suq fl-Unjoni ta’ prodott ta’ assigurazzjoni “mhux tal-ħajja”. Assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għandha wkoll impatt sinifikanti fuq il-moviment liberu ta’ persuni, merkanzija u vetturi, u b’hekk fuq is-suq intern. It-tisħiħ u l-konsolidazzjoni tas-suq intern għall-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur jenħtieġ li għalhekk ikunu objettiv ewlieni tal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

(2)

Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-funzjonament tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), inklużi l-effiċjenza, l-effikaċja u l-koerenza tagħha ma’ politiki oħra tal-Unjoni. Il-konklużjoni tal-evalwazzjoni kienet li d-Direttiva 2009/103/KE tiffunzjona tajjeb b’mod ġenerali, u ma teħtieġx emendi f’ħafna aspetti. Madankollu, ġew identifikati erba’ oqsma li fir-rigward tagħhom emendi mmirati jkunu xierqa: il-kumpens tal-partijiet li jkunu sofrew ħsara b’riżultat ta’ inċidenti fejn l-impriża ta’ assigurazzjoni kkonċernata tkun insolventi, l-ammonti minimi obbligatorji ta’ kopertura tal-assigurazzjoni, l-ispezzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-vetturi mill-Istati Membri, u l-użu ta’ dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti tad-detenturi ta’ poloz minn impriża ta’ assigurazzjoni ġdida. Minbarra dawn l-erba’ oqsma, dawn li ġejjin, jiġifieri l-vetturi mibgħuta, l-inċidenti li jinvolvu karru rmunkat minn vettura, l-għodod indipendenti għat-tqabbil tal-prezzijiet tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, u ċ-ċentri ta’ informazzjoni u l-informazzjoni lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara, ġew identifikati wkoll bħala oqsma li fir-rigward tagħhom ikunu xierqa emendi mmirati. Barra minn hekk, il-kjarezza tad-Direttiva 2009/103/KE jenħtieġ li tiġi mtejba billi t-terminu “vittma”, li jintuża f’dik id-Direttiva bħala sinonimu ta’ “il-parti li tkun sofriet ħsara”, jiġi sostitwit bit-terminu “il-parti li tkun sofriet ħsara” permezz ta’ emendi xierqa. Dawk l-emendi għandhom l-għan esklussiv li jarmonizzaw it-terminoloġija użata f’dik id-Direttiva u ma jikkostitwixxux bidla fis-sustanza.

(3)

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/103/KE, daħlu fis-suq ħafna tipi ġodda ta’ vetturi motorizzati. Xi wħud minnhom jaħdmu b’mutur purament elettriku, filwaqt li xi wħud minnhom jaħdmu b’tagħmir awżiljarju. Dawn il-vetturi jenħtieġ li jitqiesu fid-definizzjoni tat-tifsira ta’ “vettura”. Jenħtieġ li dik id-definizzjoni tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi ġenerali ta’ dawn il-vetturi, b’mod partikolari l-veloċitajiet massimi skont id-disinn u l-piżijiet netti tagħhom, u jenħtieġ li tipprevedi li jkunu koperti biss il-vetturi li jinsaqu esklussivament b’potenza mekkanika. Id-definizzjoni jenħtieġ li tapplika indipendentement min-numru ta’ roti li l-vettura għandha. Is-siġġijiet tar-roti maħsuba għall-użu minn persuni b’diżabilità fiżika jenħtieġ li ma jiġux inklużi fid-definizzjoni.

(4)

Il-vetturi elettriċi ħfief li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ “vettura” jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE. Madankollu, jenħtieġ li xejn f’dik id-Direttiva ma jfixkel lill-Istati Membri milli jirrikjedu, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, soġġetta għal kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti minnhom, fir-rigward ta’ kwalunkwe tagħmir bil-mutur użat fuq l-art li ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ “vettura” ta’ dik id-Direttiva, u li għalih, konsegwentement, dik id-Direttiva ma teħtieġx tali assigurazzjoni. Jenħtieġ li dik id-Direttiva lanqas ma tfixkel lill-Istati Membri milli jipprevedu, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, li l-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn kwalunkwe tagħmir ieħor bil-mutur ikollhom aċċess għall-korp ta’ kumpens tal-Istat Membru kif iddeterminat fil-Kapitolu 4. Jenħtieġ li l-Istati Membri wkoll ikunu jistgħu jiddeċiedu li, fejn residenti tat-territorju tagħhom ikunu partijiet li jkunu sofrew ħsara f’inċident ikkawżat minn tali tagħmir ieħor bil-mutur fi Stat Membru ieħor li fih l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur ma tkunx meħtieġa għal dak it-tagħmir bil-mutur, dawk ir-residenti għandu jkollhom aċċess għall-korp ta’ kumpens kif iddeterminat fil-Kapitolu 4 fl-Istat Membru li jirrisjedu fih. Il-korpi ta’ kumpens tal-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jidħlu fi ftehim reċiproku dwar il-modi kif ser jikkooperaw f’dik it-tip ta’ sitwazzjoni.

(5)

F’deċiżjonijiet riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Vnuk (4), Rodrigues de Andrade (5) u Torreiro (6), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat it-tifsira tal-kunċett “użu ta’ vetturi”. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li vetturi bil-mutur huma normalment intiżi biex iservu bħala mezz ta’ trasport, irrispettivament mill-karatteristiċi ta’ tali vetturi, u li l-użu ta’ tali vetturi jkopri kwalunkwe użu ta’ vettura konsistenti mal-funzjoni normali tagħha bħala mezz ta’ trasport, irrispettivament mit-terren li fih il-vettura bil-mutur tintuża u jekk tkunx stazzjonarja jew tkunx qiegħda tinsaq. Id-Direttiva 2009/103/KE ma tapplikax jekk, fil-ħin tal-inċident, il-funzjoni normali ta’ tali vettura tkun għal “użu ieħor għajr bħala mezz ta’ trasport”. Dan jista’ jkun il-każ jekk il-vettura ma tkunx qed tintuża fis-sens tal-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, ta’ dik id-Direttiva, peress li l-funzjoni normali tagħha hija, pereżempju, “l-użu bħala sors ta’ enerġija industrijali jew agrikolu”. Fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, huwa xieraq li dik il-ġurisprudenza tiġi riflessa fid-Direttiva 2009/103/KE bl-introduzzjoni ta’ definizzjoni ta’ “użu ta’ vettura”.

(6)

Xi vetturi bil-mutur huma iżgħar u għalhekk huwa inqas probabbli li jikkaġunaw korriment personali sinifikanti jew ħsara lill-proprjetà minn oħrajn. L-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE tkun sproporzjonata u ma tkunx valida għall-futur. L-inklużjoni tagħhom timmina wkoll l-użu ta’ vetturi ġodda bħal roti elettriċi, li ma jinsaqux esklussivament b’potenza mekkanika, u tiskoraġġixxi l-innovazzjoni. Barra minn hekk, m’hemmx biżżejjed evidenza li tali vetturi iżgħar jistgħu jikkaġunaw inċidenti li jirriżultaw f’partijiet li jkunu sofrew ħsara fuq l-istess skala ta’ vetturi oħra, bħal karozzi jew trakkijiet. F’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, ir-rekwiżiti fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li, għalhekk, ikopru biss dawk il-vetturi li huma hekk definiti fid-Direttiva 2009/103/KE.

(7)

Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur jenħtieġ li tkopri l-inċidenti li jseħħu f’kull parti tal-Istati Membri. Madankollu, ċerti Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet li jirregolaw il-vetturi użati esklussivament f’żoni speċifiċi b’aċċess limitat. Jenħtieġ li jkun possibbli għal dawk l-Istati Membri li jagħmlu derogi limitati mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE fir-rigward ta’ żoni ristretti li fihom persuni mhux awtorizzati jeħtieġ li ma jidħlux, bħal żoni speċifiċi għall-post u żoni b’tagħmir f’portijiet u ajruporti. Stat Membru li jiddeċiedi li jagħmel derogi bħal dawn jenħtieġ li jieħu wkoll miżuri xierqa biex jiżgura li jitħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe telf jew korriment ikkawżat minn tali vettura.

(8)

Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li Stat Membru ma jirrikjedix assigurazzjoni obbligatorja ta’ vetturi bil-mutur għal vetturi li ma jkunux ġew ammessi għall-użu fit-toroq pubbliċi f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu. Madankollu, tali Stat Membru jenħtieġ li jieħu miżuri xierqa biex jiżgura li jitħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe telf jew korriment ikkawżat minn tali vetturi, ħlief fejn l-Istat Membru jiddeċiedi wkoll li jidderoga mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/103/KE fir-rigward ta’ kumpens għal ħsara kkawżata minn tali vetturi f’żoni mhux aċċessibbli għall-pubbliku minħabba restrizzjoni legali jew fiżika fuq l-aċċess għal dawn iż-żoni, kif definit mil-liġijiet nazzjonali tiegħu. Tali deroga mill-Artikolu 10 jenħtieġ li tapplika għal vetturi li fir-rigward tagħhom Stat Membru jkun iddeċieda li jidderoga mill-obbligu tal-assigurazzjoni minħabba li dawk il-vetturi ma jkunux ammessi għall-użu fit-toroq pubbliċi skont il-liġi nazzjonali tiegħu, anke jekk l-obbligu tal-assigurazzjoni għal dawk il-vetturi jista’ jibbenefika wkoll minn deroga differenti, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/103/KE.

(9)

F’ċerti Stati Membri hemm dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ vetturi bħala mezz li deliberatament jikkawża korriment personali jew ħsara lill-proprjetà. Fejn applikabbli, fl-aktar reati serji l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew ikomplu l-prattika legali tagħhom li jeskludu tali ħsara mill-assigurazzjoni obbligatorja ta’ vetturi bil-mutur jew li jitolbu lura l-ammont ta’ kumpens tal-assigurazzjoni li jitħallas lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara mill-persuni li jkunu responsabbli għal dak il-korriment jew dik il-ħsara. Madankollu, sabiex ma titnaqqasx il-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/103/KE, tali prattiki legali jenħtieġ li jkunu permessi biss jekk Stat Membru jiżgura li f’dawn il-każijiet il-partijiet li jkunu sofrew ħsara jiġu kkumpensati għal tali ħsara b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib ta’ kif jiġu kkumpensati skont id-Direttiva 2009/103/KE. Sakemm l-Istat Membru ma jkunx ippreveda tali mekkaniżmu alternattiv ta’ kumpens jew garanzija, li jiżguraw il-kumpens lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara għal tali ħsara b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib ta’ kif jiġu kkumpensati skont id-Direttiva 2009/103/KE, jenħtieġ li tali ħsara tkun koperta f’konformità ma’ dik id-Direttiva.

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri ma japplikawx id-Direttiva 2009/103/KE għall-użu ta’ vetturi f’avvenimenti u attivitajiet tal-isports motorizzat, inklużi t-tlielaq u l-kompetizzjonijiet, kif ukoll it-taħriġ, l-ittestjar u d-dimostrazzjonijiet inklużi dawk ta’ veloċità, affidabbiltà jew ħiliet, permessi f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom. Dawn l-attivitajiet eżentati jenħtieġ li jseħħu f’żona ristretta u demarkata b’tali mod li jiġi żgurat li t-traffiku ordinarju, il-membri tal-pubbliku u kwalunkwe parti mhux relatata mal-attività ma jkunux jistgħu effettivament jew potenzjalment jikkondividu r-rotta li tkun qed tiġi misjuqa. Attivitajiet bħal dawn normalment jinkludu dawk fuq korsiji jew rotot deżinjati għall-isports motorizzat u ż-żoni ta’ viċinanza immedjata, bħal żoni ta’ sigurtà, żoni ta’ waqfien u garaxxijiet, fejn ir-riskju ta’ inċident huwa ħafna ogħla meta mqabbel ma’ toroq normali u fejn persuni mhux awtorizzati jeħtieġ li ma jidħlux fihom.

(11)

Tali eżenzjoni fuq avvenimenti u attivitajiet tal-isport motorizzat jenħtieġ li tapplika biss fejn l-Istat Membru jiżgura li l-organizzatur tal-avveniment jew l-attività, jew kwalunkwe parti oħra, ikunu għamlu polza alternattiva tal-assigurazzjoni jew garanzija li tkopri l-ħsara lil kwalunkwe parti terza, inklużi l-ispettaturi u persuni oħra fil-qrib, iżda mhux neċessarjament il-ħsara lis-sewwieqa parteċipanti u l-vetturi tagħhom. Sakemm l-organizzaturi jew partijiet oħra ma jkunux, bħala kondizzjoni ta’ dik l-eżenzjoni, għamlu polza alternattiva ta’ assigurazzjoni jew garanzija, il-ħsara, bl-eċċezzjoni possibbli ta’ ħsara lis-sewwieqa parteċipanti u l-vetturi tagħhom, jenħtieġ li tkun koperta f’konformità mad-Direttiva 2009/103/KE.

(12)

Sabiex ma titnaqqasx il-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/103/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, fl-avvenimenti u l-attivitajiet tal-isports motorizzat li jkunu permessi skont il-liġi nazzjonali tagħhom u li jkunu eliġibbli għal dik l-eżenzjoni, il-partijiet li jkunu sofrew ħsara jiġu kkumpensati għal tali ħsara b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib ta’ kif jiġu kkumpensati skont id-Direttiva 2009/103/KE.

(13)

Waqt li jkunu qed jiġu manifatturati u trasportati, il-vetturi ma jkollhomx funzjonijiet ta’ trasport u mhumiex meqjusa li qed jintużaw fis-sens tal-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, tad-Direttiva 2009/103/KE. Madankollu, jekk Stat Membru jagħżel li ma japplikax ir-rekwiżit li jkun hemm assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ tali vetturi skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2009/103/KE, jenħtieġ li jkun hemm assigurazzjoni tar-responsabbiltà tan-negozju biex tkopri l-ħsara li dawk il-vetturi jistgħu jikkawżaw.

(14)

Bħalissa, il-liġijiet nazzjonali ta’ ħafna Stati Membri jorbtu l-obbligu tal-assigurazzjoni mal-użu ta’ vettura fis-sens tal-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, tad-Direttiva 2009/103/KE. F’dawn l-Istati Membri, l-użu ta’ vettura huwa permess biss meta l-vettura tkun irreġistrata. Il-liġijiet ta’ dawk l-Istati Membri jistipulaw li l-vettura għandha tkun koperta minn assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur matul ir-reġistrazzjoni u l-użu attiv tal-vettura fis-sens tal-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, tad-Direttiva 2009/103/KE. Konsegwentement, dawk l-Istati Membri ma jirrikjedux kopertura tal-assigurazzjoni għall-użu ta’ vetturi li jkunu dereġistrati b’mod permanenti jew temporanju minħabba li, pereżempju, ikunu f’mużew, ikunu qed jiġu restawrati jew ma jkunux intużaw għal perijodu ta’ żmien twil għal raġuni oħra, bħall-użu staġonali. Dawn l-Istati Membri jeħtiġilhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-kumpens f’konformità mal-kumpens disponibbli skont id-Direttiva 2009/103/KE jitħallas fir-rigward ta’ kwalunkwe telf jew korriment ikkawżat fit-territorju tagħhom u fit-territorju ta’ Stati Membri oħra minn vetturi kif definiti f’dik id-Direttiva li jintużaw fis-sens tal-Artikolu 3, tal-ewwel paragrafu, tagħha.

(15)

Bħalissa, xi Stati Membri, fejn l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vettura bil-mutur mhuwiex marbut mar-reġistrazzjoni ta’ vettura, jagħżlu li ma jirrikjedux assigurazzjoni obbligatorja ta’ vetturi bil-mutur għal vetturi li jkunu ġew irtirati formalment mill-użu f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom. Eżempji ta’ tali rtirar formali mill-użu jinkludu notifika mibgħuta lill-awtorità kompetenti jew partijiet oħra maħtura biex iwettqu l-funzjoni tal-awtorità kompetenti jew it-teħid ta’ miżuri fiżiċi verifikabbli oħra. Dawk l-Istati Membri jeħtiġilhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-kumpens f’konformità mal-kumpens disponibbli skont id-Direttiva 2009/103/KE jitħallas fir-rigward ta’ kwalunkwe telf jew korriment ikkawżat fit-territorju tagħhom u fit-territorju ta’ Stati Membri oħra minn tali vetturi.

(16)

L-Istati Membri bħalissa huma obbligati li jastjenu milli jagħmlu spezzjonijiet dwar l-assigurazzjoni fuq vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u fir-rigward ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ pajjiż terz li jkunu deħlin fit-territorju tagħhom mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Żviluppi teknoloġiċi ġodda, bħat-teknoloġija li tippermetti r-rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi, jippermettu l-ispezzjoni tal-assigurazzjoni tal-vetturi mingħajr ma dawn ikollhom għalfejn jitwaqqfu u mingħajr ma jixxekkel il-moviment liberu tal-persuni. Għalhekk huwa xieraq li jitħallew isiru dawk l-ispezzjonijiet tal-assigurazzjoni fuq il-vetturi, iżda biss jekk ikunu nondiskriminatorji, meħtieġa u proporzjonati, jiffurmaw parti minn sistema ġenerali ta’ spezzjonijiet fit-territorju nazzjonali li jitwettqu wkoll fir-rigward ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jagħmel l-ispezzjonijiet, u ma jkunx meħtieġ li l-vettura titwaqqaf.

(17)

L-Istati Membri li jagħżlu li jwaqqfu sistema li tipproċessa d-data personali li wara tista’ tiġi kondiviża ma’ Stati Membri oħra, bħad-data mit-teknoloġija ta’ rikonoxximent tal-pjanċi, jeħtieġ li jdaħħlu liġi li tippermetti l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-ġlieda kontra sewqan mhux assigurat, filwaqt li jistabbilixxu wkoll miżuri xierqa ta’ salvagwardja tad-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-ġlieda kontra s-sewqan mhux assigurat. Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri jenħtieġ li b’mod partikolari tispeċifika l-iskop preċiż, tirreferi għall-bażi ġuridika rilevanti, tosserva r-rekwiżiti rilevanti tas-sigurtà u tħares il-prinċipji tan-neċessità, tal-proporzjonalità u “tal-limitazzjoni tal-iskop”, u jenħtieġ li tistabbilixxi l-perijodu proporzjonat taż-żamma tad-data. Barra dan, il-prinċipji tal-“protezzjoni tad-data personali mid-disinn” u tal-“protezzjoni tad-data personali b’mod awtomatiku” jenħtieġ li jkunu applikati fis-sistemi kollha ta’ pproċessar tad-data żviluppati u użati fil-qafas tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

(18)

F’konformità ma’ dawk il-prinċipji, l-Istati Membri jenħtieġ li ma jżommux id-data personali pproċessata esklussivament għall-iskop tal-amministrazzjoni ta’ spezzjoni tal-assigurazzjoni aktar mill-perijodu meħtieġ biex jiġi vverifikat jekk vettura għandhiex kopertura tal-assigurazzjoni valida. Meta jinstab li vettura hija koperta, id-data kollha relatata ma’ dik il-verifika jenħtieġ li titħassar. Meta sistema ta’ verifika ma tkunx tista’ tiddetermina jekk vettura hijiex assigurata, dik id-data jenħtieġ li tinżamm biss għal perijodu limitat, li ma jaqbiżx l-għadd ta’ jiem neċessarji biex jiġi ddeterminat jekk teżistix il-kopertura tal-assigurazzjoni. Għal dawk il-vetturi li jkun instab li mhumiex koperti minn polza tal-assigurazzjoni valida, huwa raġonevoli li jkun meħtieġ li tali data tinżamm sakemm jitlesta kwalunkwe proċess amministrattiv jew ġudizzjarju u l-vettura tkun koperta minn polza ta’ assigurazzjoni valida.

(19)

Id-Direttiva 2009/103/KE bħalissa tistipula dati ta’ referenza differenti għall-kalkolu mill-ġdid perjodiku tal-ammonti minimi ta’ kopertura fi Stati Membri differenti, li twassal għal ammonti minimi differenti ta’ kopertura skont l-Istat Membru. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni minima ugwali tal-partijiet li jkunu sofrew ħsara fl-Unjoni, dawk l-ammonti minimi jenħtieġ li jkunu armonizzati, u jenħtieġ li jiġu introdotti klawżola ta’ rieżami uniformi li tuża l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsumatur kif ippubblikata mill-Eurostat bħala punt ta’ riferiment, kif ukoll regoli proċedurali li jirregolaw tali rieżami u jistabbilixxu skadenza uniformi.

(20)

Il-protezzjoni effettiva u effiċjenti tal-partijiet li jkunu sofrew ħsara minħabba inċidenti tat-traffiku teħtieġ li dawk il-partijiet li jkunu sofrew ħsara jkunu intitolati li jitolbu kumpens fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom u li jirċievu tweġiba fi żmien raġonevoli. Hi teħtieġ ukoll, fejn l-pretensjonijiet tagħhom huma ġustifikati, li dawk il-partijiet li jkunu sofrew ħsara dejjem jitħallsu l-ammonti dovuti għall-korriment personali tagħhom jew għal kwalunkwe ħsara lill-proprjetà tagħhom, irrispettivament jekk l-impriża ta’ assigurazzjoni tal-parti responsabbli hix solventi. Jenħtieġ li l-Istati Membri għalhekk jistabbilixxu jew jawtorizzaw korp biex jipprovdi kumpens inizjali lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara li għandhom ir-residenza fit-territorju tagħhom, u li jkollu d-dritt jirkupra dak il-kumpens mill-korp li ġie stabbilit jew awtorizzat għall-istess skop fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni insolventi li tkun ħarġet il-polza tal-vettura tal-parti responsabbli. Meta Stat Membru jkollu arranġament ta’ kumpens eżistenti, l-Istat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jippermettilu jkompli jopera.

(21)

Impriża tal-assigurazzjoni tista’ ssir insolventi b’diversi modi, pereżempju, bħala riżultat ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment, ta’ inadempjenza fil-prestazzjoni tal-obbligi tagħha ladarba tkun irrinunzjat l-awtorizzazzjoni tagħha fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha jew li kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ revoka jew deċiżjoni li tipprojbixxi l-attività tagħha. Meta tinħareġ inġunzjoni jew tittieħed deċiżjoni biex jinbdew il-proċedimenti ta’ falliment jew ta’ stralċ, dik l-inġunzjoni jew dik id-deċiżjoni jenħtieġ li ssir pubblika. Il-korp stabbilit jew awtorizzat biex jikkumpensa l-partijiet li jkunu sofrew ħsara fil-każ ta’ insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni jenħtieġ li jinforma lil dawn il-korpi fl-Istati Membri l-oħra kollha dwar dik l-inġunzjoni jew dik id-deċiżjoni.

(22)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-korp stabbilit jew awtorizzat biex jikkumpensa lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara fil-każ ta’ insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-parti li tkun sofriet ħsara tirrisjedi, ikun kompetenti fl-istadji kollha tal-proċedimenti biex jitlob informazzjoni u jinforma lill-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra fl-Unjoni u jkun infurmat minnhom u jikkoopera magħhom. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tkun biżżejjed biex ir-riċevitur jikseb mill-inqas fehim ġenerali tas-sitwazzjoni. Din l-informazzjoni hija importanti biex jiġi żgurat li l-korp li jikkumpensa lil parti li tkun sofriet ħsara jkun jista’, qabel ma jsir il-ħlas ta’ kumpens, jaċċerta waħdu jew flimkien mal-partijiet rilevanti kollha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk l-impriża tal-assigurazzjoni tkunx diġà kkumpensat lir-rikorrent fir-rigward tal-pretensjoni tiegħu. Il-pretensjoni ppreżentata lil dak il-korp tista’ wkoll tiġi ttrasferita lill-impriża tal-assigurazzjoni għal aktar skrutinju jew għal deċiżjoni, fejn il-liġi proċedurali nazzjonali titlob dan. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-korp jitlob u jirċievi informazzjoni aktar dettaljata dwar pretensjonijiet speċifiċi.

(23)

Is-sistema ta’ rimborż jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi applikabbli rigward il-livelli ta’ kopertura ta’ partijiet li jkunu sofrew ħsara. L-istess prinċipji jenħtieġ li japplikaw għall-pretensjonijiet irrispettivament minn jekk l-impriża tal-assigurazzjoni hijiex solventi jew insolventi. Il-korp tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni li tkun ħarġet il-polza tal-parti responsabbli jenħtieġ li jħallas lill-korp tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-parti li tkun sofriet ħsara tirrisjedi fi żmien raġonevoli wara li l-korp tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni jirċievi pretensjoni għal rikumpens fir-rigward ta’ ħlas li l-korp tal-Istat Membru tar-residenza tal-parti li tkun sofriet ħsara jkun għamel lill-parti li tkun sofriet ħsara.

(24)

Skont l-istadji differenti tal-amministrazzjoni tal-pretensjonijiet, il-ħlasijiet li jsiru lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara u l-proċessi ta’ rimborż lil korpi differenti, jista’ jkun hemm responsabbiltajiet pendenti bejn korpi stabbiliti jew awtorizzati biex jikkumpensaw lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara fil-każ ta’ insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni. Id-dritt ta’ surroga jenħtieġ li jgħaddi mill-korp li jkun ħallas kumpens l-ewwel għal għand il-korp tal-Istat Membru l-ieħor hekk kif ir-rimborż tal-korpi jimxi ’l quddiem. Għalhekk, il-korp, fil-limitu li huwa jkun ipprovda kumpens għat-telf jew korriment imġarrab u li jkun għadu ma ġiex rimborżat, jenħtieġ li jkun surrogat għad-drittijiet tal-parti li tkun sofriet ħsara fil-konfront tal-persuna li kkawżat l-inċident, jew kontra l-impriża tal-assigurazzjoni tagħha. Madankollu, dak il-korp jenħtieġ li ma jkunx surrogat għad-drittijiet tal-parti li tkun sofriet ħsara fil-konfront tad-detentur tal-polza jew persuna assigurata oħra li kkawżat l-inċident sakemm ir-responsabbiltà tad-detentur tal-polza jew tal-persuna assigurata tkun koperta mill-impriża tal-assigurazzjoni insolventi f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli. Kull Stat Membru jenħtieġ li jkun obbligat li jirrikonoxxi din is-surroga kif previst minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

(25)

Biex tiġi żgurata protezzjoni effiċjenti u effettiva tal-partijiet li jkunu sofrew ħsara fil-każ ta’ insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu arranġamenti xierqa biex jiżguraw li l-fondi meħtieġa biex jikkumpensaw lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara jkunu disponibbli meta jkunu dovuti l-ħlasijiet ta’ kumpens. F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, dawk l-arranġamenti jenħtieġ li jiġu deċiżi mill-Istati Membri ta’ domiċilju fil-livell nazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li jkunu konformi mal-liġi tal-Unjoni u b’mod partikolari ma’ tali prinċipji bħal lex specialis u lex posterior. Sabiex jiġi evitat li jitqiegħed piż mhux ġustifikat u sproporzjonat fuq l-assiguraturi, jekk Stat Membru jeħtieġ kontribuzzjonijiet finanzjarji minn impriżi tal-assigurazzjoni, dawk il-kontribuzzjonijiet jenħtieġ li jinġabru biss minn impriżi tal-assigurazzjoni awtorizzati minn dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-finanzjament ta’ kwalunkwe funzjoni oħra li tista’ tiġi attribwita lill-korp stabbilit jew awtorizzat biex jikkumpensa lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara fil-każ ta’ insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni.

(26)

Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti previsti f’din id-Direttiva dwar il-kumpens ta’ partijiet li jkunu sofrew ħsara fil-każ ta’ insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni jiġu implimentati b’mod effettiv, il-korpi fdati b’dan il-kompitu għandhom jistinkaw biex jikkonkludu ftehim dwar il-funzjonijiet u l-obbligi tagħhom u l-proċeduri għar-rimborż. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim bħal dan fi żmien 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-kompiti u l-obbligi proċedurali ta’ tali korpi fir-rigward tar-rimborż.

(27)

Fil-każ tal-insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni, il-partijiet li jkunu sofrew ħsara jenħtieġ li jkunu intitolati li jitolbu kumpens minn korp fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom, inkluż meta jkorru b’riżultat ta’ inċidenti li jseħħu fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru tar-residenza tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jattribwixxu l-funzjoni ta’ kumpens lil dawn il-partijiet li jkunu sofrew ħsara lil korp ġdid jew lil korp li diġà jeżisti, inkluż lill-korp ta’ kumpens stabbilit jew approvat skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/103/KE. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jattribwixxu lil korp wieħed il-kompiti ta’ kumpens, fil-każ tal-insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni, lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara bħala riżultat ta’ inċidenti fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom u lil dawk li jsofru ħsara bħala riżultat ta’ inċidenti fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Fil-każ ta’ partijiet li jkunu sofrew ħsara fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni mal-korpi ta’ kumpens stabbiliti jew approvati skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/103/KE fl-Istati Membri kollha u mar-rappreżentanti tal-pretensjonijiet.

(28)

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu jew jawtorizzaw aktar minn korp ta’ kumpens wieħed skont id-Direttiva 2009/103/KE, li jista’ potenzjalment jagħmilha aktar diffiċli għall-partijiet li jkunu sofrew ħsara biex jidentifikaw il-korp li lilu għandhom jissottomettu l-pretensjonijiet tagħhom. L-Istati Membri li jistabbilixxu jew jawtorizzaw aktar minn korp ta’ kumpens wieħed jenħtieġ li għalhekk jiżguraw li l-partijiet li jkunu sofrew ħsara jkollhom aċċess għal informazzjoni essenzjali dwar il-modi possibbli biex japplikaw għal kumpens b’mod li jippermettilhom jifhmu faċilment għand liema korp jenħtieġ li japplikaw.

(29)

Fil-każ ta’ vettura mibgħuta, jenħtieġ li jkun possibbli għall-persuna responsabbli għall-kopertura ta’ responsabbiltà ċivili li tagħżel jekk toħroġx polza tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih il-vettura tkun irreġistrata jew, għal perijodu ta’ 30 jum mid-data tal-aċċettazzjoni tal-kunsinna mix-xerrej, fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, anki jekk il-vettura tkun għadha ma ġietx formalment irreġistrata fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Iċ-ċentru tal-informazzjoni tal-Istat Membru li fih tkun irreġistrata l-vettura u, fejn ikun differenti, tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, kif ukoll dak ta’ kwalunkwe Stat Membru rilevanti ieħor, bħall-Istat Membru li fit-territorju tiegħu seħħ l-inċident, jew li fih il-parti li tkun sofriet ħsara tirrisjedi, jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin biex jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa dwar il-vettura mibgħuta li għandhom skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2009/103/KE tkun disponibbli.

(30)

Fil-każ ta’ inċidenti li jinvolvu karrijiet li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili separata minn dik tal-vettura tal-irmonk, il-parti li tkun sofriet ħsara jenħtieġ li tkun tista’ tressaq il-pretensjoni kontra l-assiguratur tal-karru fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi dan. Fuq talba, il-parti li tkun sofriet ħsara jenħtieġ li tkun tista’ tikseb mingħand l-assiguratur tal-karru informazzjoni dwar l-identità tal-assiguratur tal-vettura tal-irmonk jew informazzjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/103/KE meta l-assiguratur tal-karru ma jkunx jista’ jidentifika l-assiguratur tal-vettura tal-irmonk, minkejja li jkun għamel sforzi raġonevoli biex jagħmel dan.

(31)

Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-pretensjonijiet preċedenti meta tiġi konkluża polza tal-assigurazzjoni ġdida, jenħtieġ li jkun possibbli li l-pretensjonijiet preċedenti tad-detenturi tal-polza li jridu jikkonkludu kuntratti tal-assigurazzjoni ġodda ma’ impriżi tal-assigurazzjoni jkunu awtentikati faċilment. Sabiex tiġi ssimplifikata l-verifika u l-awtentikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti, huwa importanti li l-kontenut u l-format tagħhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-impriżi tal-assigurazzjoni li jqisu d-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti sabiex jiddeterminaw il-primjums tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur jenħtieġ li ma jiddiskriminawx fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew fuq il-bażi biss tal-Istat Membru ta’ residenza preċedenti tad-detentur tal-polza. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni jittrattaw dikjarazzjoni ta’ pretensjonijiet preċedenti minn Stat Membru ieħor bħala ugwali għal dikjarazzjoni ta’ pretensjonijiet preċedenti domestika u japplikaw lil klijent minn Stat Membru ieħor kwalunkwe skont disponibbli għal klijent domestiku li jkun b’kull mod ieħor identiku, inkluż dawk l-iskontijiet li huma meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru, bħall-iskontijiet bonus-malus. L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali rigward is-sistemi bonus-malus, peress li dawn is-sistemi huma nazzjonali min-natura tagħhom u mingħajr ebda element transfruntier, u, għalhekk, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, it-teħid ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardahom jenħtieġ li jibqa’ f’idejn l-Istati Membri. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jivverifikaw jekk u kif l-impriżi tal-assigurazzjoni jittrattaw id-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni jippubblikaw analiżi ġenerali tal-politiki tagħhom fir-rigward ta’ kif jużaw il-pretensjonijiet preċedenti meta jikkalkulaw il-primjums. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-impriżi tal-assigurazzjoni mhumiex meħtieġa jippubblikaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva, bħad-dettalji tar-regoli tariffarji.

(32)

Sabiex ikun hemm kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE, jenħtieġ li s-setgħat ta’ implimentazzjoni jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-forma u l-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ pretensjonijiet preċedenti. Dawk is-setgħat ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(33)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu li jiċċertifikaw għodod li jippermettu lill-konsumaturi jqabblu l-prezzijiet, it-tariffi u l-kopertura bejn il-fornituri tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2009/103/KE. Jekk debitament iċċertifikati, tali għodod jistgħu jiġu denominati bħala “għodod indipendenti għat-tqabbil tal-prezzijiet tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur”. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu wkoll għodod pubbliċi għat-tqabbil tal-prezzijiet, operati minn awtorità pubblika.

(34)

Biex jiġi żgurat li l-amministrazzjoni tal-pretensjonijiet tkun mingħajr xkiel meta jkun meħtieġ rapport tal-inċident skont il-liġi nazzjonali li tiżgura d-dritt tal-parti li tkun sofriet ħsara li tikseb kopja tar-rapport tal-inċident mill-awtoritajiet kompetenti, huwa importanti li l-parti li tkun sofriet ħsara jkollha aċċess għalih fil-ħin.

(35)

Biex jiġi żgurat li l-ammonti minimi ta’ kopertura tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur ma jitnaqqrux maż-żmien, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adattament ta’ dawk l-ammonti minimi sabiex tirrifletti r-realtà ekonomika li qed tevolvi.

(36)

Fl-adozzjoni ta’ atti delegati bis-saħħa ta’ din id-Direttiva, huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (10). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(37)

Bħala parti mill-evalwazzjoni tal-funzjonament tad-Direttiva 2009/103/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea timmonitorja l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, fejn tqis l-għadd ta’ partijiet li jkunu sofrew ħsara, l-ammont tal-pretensjonijiet pendenti minħabba dewmien fil-pagamenti wara każijiet ta’ insolvenza transfruntieri, il-livell ta’ ammonti minimi ta’ kopertura fl-Istati Membri, l-ammont ta’ pretensjonijiet dovuti għal sewqan mhux assigurat marbut mat-traffiku transfruntier u l-għadd ta’ lmenti dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti.

(38)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tħejji rapport li jevalwa l-funzjonament ta’, il-kooperazzjoni bejn, u l-finanzjament tal-korpi ta’ kumpens stabbiliti jew awtorizzati li jikkumpensaw lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara fil-każ ta’ insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni. Fejn xieraq, ir-rapport jenħtieġ li jiġi akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

(39)

Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva 2009/103/KE tkompli taqdi l-iskop tagħha, li huwa li tipproteġi lill-partijiet li potenzjalment jkunu sofrew ħsara minn inċidenti li jinvolvu vetturi bil-mutur, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja u tirrieżamina wkoll dik id-Direttiva fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, inkluż l-użu akbar ta’ vetturi awtonomi u semiawtonomi. Jenħtieġ li tanalizza wkoll l-użu mill-impriżi tal-assigurazzjoni ta’ sistemi li fihom il-primjums huma influwenzati mid-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti tad-detenturi tal-poloz. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja tas-sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni użati għall-fini tal-ispezzjonijiet transfruntiera fuq l-assigurazzjoni.

(40)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari biex jiżguraw l-istess protezzjoni minima lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara minħabba inċidenti tat-traffiku fl-Unjoni kollha, biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom f’każ ta’ insolvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u biex jiżguraw trattament ugwali tad-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti mill-assiguraturi għal detenturi ta’ poloz potenzjali li jaqsmu l-fruntieri interni tal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(41)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (11), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġustifikata.

(42)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2009/103/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2009/103/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

‘vettura’ tfisser:

(a)

kwalunkwe vettura bil-mutur li tinsaq esklussivament b’potenza mekkanika fuq l-art iżda li ma tinsaqx fuq binarji u li għandha:

(i)

veloċità massima skont id-disinn ta’ aktar minn 25 km/h; jew

(ii)

piż nett massimu ta’ aktar minn 25 kg u veloċità massima skont id-disinn ta’ aktar minn 14-il km/h;

(b)

kwalunkwe karru li għandu jintuża ma’ vettura msemmija fil-punt (a), kemm jekk agganċjat kif ukoll jekk mhux agganċjat.

Mingħajr preġudizzju għall-punti (a) u (b), il-vetturi tas-siġġijiet tar-roti maħsuba esklussivament għall-użu minn persuni b’diżabilità fiżika ma jitqisux bħala vetturi msemmija f’din id-Direttiva;”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“1a.

‘użu ta’ vettura’ tfisser kwalunkwe użu ta’ vettura li jkun konsistenti mal-funzjoni tal-vettura bħala mezz ta’ trasport fil-ħin li jseħħ l-inċident, irrispettivament mill-karatteristiċi tal-vettura u irrispettivament mill-karatteristiċi tat-terren li fuqu tintuża l-vettura bil-mutur u jekk tkunx stazzjonarja jew tkunx qiegħda tinsaq;”;

(c)

il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

‘il-parti li tkun sofriet ħsara’ tfisser kwalunkwe persuna intitolata għal kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe telf jew korriment ikkawżat minn vetturi;”;

(d)

jiżdied il-punt li ġej:

“8.

‘Stat Membru ta’ domiċilju’ tfisser ‘Stat Membru tal-pajjiż’ kif definit fl-Artikolu 13(8), punt (a), tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).”;"

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jiżgura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vettura normalment ibbażata fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.”;

(b)

il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel paragrafu:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-użu ta’ vettura f’avvenimenti u attivitajiet tal-isports motorizzat, inklużi t-tlielaq, il-kompetizzjonijiet, it-taħriġ, l-ittestjar u d-dimostrazzjonijiet f’żona ristretta u demarkata fi Stat Membru, fejn l-Istat Membru jiżgura li l-organizzatur tal-attività, jew kwalunkwe parti oħra, ikunu għamlu polza alternattiva tal-assigurazzjoni jew garanzija li tkopri l-ħsara lil kwalunkwe parti terza, inklużi l-ispettaturi u persuni oħra fil-qrib, iżda mhux neċessarjament tkopri l-ħsara lis-sewwieqa parteċipanti u l-vetturi tagħhom.”;

(3)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Spezzjonijiet dwar l-assigurazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jastjenu milli jagħmlu spezzjonijiet dwar l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u fir-rigward ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ pajjiż terz li jkunu deħlin fit-territorju tagħhom mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Madankollu, jistgħu jwettqu tali spezzjonijiet dwar l-assigurazzjoni sakemm dawk l-ispezzjonijiet ikunu nondiskriminatorji, meħtieġa u proporzjonati biex jiksbu l-għan mixtieq, u:

(a)

jitwettqu bħala parti minn kontroll mhux immirat esklussivament għall-verifika tal-assigurazzjoni; jew

(b)

jiffurmaw parti minn sistema ġenerali ta’ spezzjonijiet fit-territorju nazzjonali li jitwettqu anke fir-rigward ta’ vetturi li normalment ikunu bbażati fit-territorju tal-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjoni, u ma jirrikjedux li l-vettura titwaqqaf.

2.   Fuq il-bażi tal-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur, id-data personali tista’ tiġi proċessata fejn meħtieġ għall-iskop tal-ġlieda kontra s-sewqan ta’ vetturi mingħajr assigurazzjoni fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tat-territorju fejn huma normalment ibbażati. Dik il-liġi għandha tkun f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) u għandha tistabbilixxi wkoll miżuri xierqa għas-salvagwardja tad-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.

Dawk il-miżuri tal-Istati Membri, b’mod partikolari, għandhom jispeċifikaw l-iskop eżatt tal-ipproċessar tad-data, jirreferu għall-bażi ġuridika rilevanti, jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tas-sigurtà u jirrispettaw il-prinċipji tan-neċessità, tal-proporzjonalità u tal-limitazzjoni tal-iskop, u għandhom jistabbilixxu perijodu proporzjonat taż-żamma tad-data. Id-data personali pproċessata skont dan l-Artikolu esklussivament għall-fini tal-amministrazzjoni ta’ spezzjoni dwar l-assigurazzjoni għandha tinżamm biss sakemm tkun meħtieġa għal dak l-iskop, u hekk kif dan jinkiseb, għandha titħassar kompletament. Meta spezzjoni dwar l-assigurazzjoni turi li vettura hija koperta b’assigurazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 3, il-kontrollur għandu jħassar dik id-data minnufih. Meta spezzjoni ma tkunx tista’ tiddetermina jekk vettura hijiex koperta b’assigurazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 3, id-data għandha tinżamm biss għal perijodu limitat, li ma jkunx aktar mill-għadd ta’ ġranet meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk il-kopertura tal-assigurazzjoni teżistix.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;"

(4)

Fl-Artikolu 5 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Stat Membru jista’ jidderoga mill-Artikolu 3 fir-rigward ta’ vetturi li huma rtirati temporanjament jew permanentement u pprojbiti mill-użu, dment li tkun ġiet stabbilita proċedura amministrattiva formali jew miżura verifikabbli oħra f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Kwalunkwe Stat Membru li jidderoga b’dan il-mod għandu jiżgura li l-vetturi msemmija fl-ewwel subparagrafu jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-vetturi li fir-rigward tagħhom l-obbligu tal-assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ma jkunx ġie ssodisfat.

Il-fond ta’ garanzija tal-Istat Membru fejn ikun seħħ inċident għandu mbagħad ikollu pretensjoni kontra l-fond ta’ garanzija fl-Istat Membru fejn il-vettura tkun normalment ibbażata.

4.   Stat Membru jista’ jidderoga mill-Artikolu 3 fir-rigward ta’ vetturi użati esklussivament f’żoni b’aċċess ristrett, skont il-liġi nazzjonali tiegħu.

Kwalunkwe Stat Membru li jidderoga b’dan il-mod għandu jiżgura li l-vetturi msemmija fl-ewwel subparagrafu jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-vetturi li fir-rigward tagħhom l-obbligu tal-assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ma jkunx ġie ssodisfat.

Il-fond ta’ garanzija tal-Istat Membru fejn ikun seħħ inċident għandu mbagħad ikollu pretensjoni kontra l-fond ta’ garanzija fl-Istat Membru fejn il-vettura tkun normalment ibbażata.

5.   Stat Membru jista’ jidderoga mill-Artikolu 3 fir-rigward ta’ vetturi li mhumiex ammessi għall-użu fit-toroq pubbliċi skont il-liġi nazzjonali tiegħu.

Kwalunkwe Stat Membru li jidderoga mill-Artikolu 3 fir-rigward tal-vetturi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jiżgura li tali vetturi jiġu ttrattati bl-istess mod bħal vetturi li fir-rigward tagħhom l-obbligu tal-assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ma jkunx ġie ssodisfat.

Il-fond ta’ garanzija tal-Istat Membru fejn ikun seħħ inċident għandu mbagħad ikollu pretensjoni kontra l-fond ta’ garanzija fl-Istat Membru fejn il-vettura tkun normalment ibbażata.

6.   Meta Stat Membru jidderoga, taħt il-paragrafu 5, mill-Artikolu 3 fir-rigward ta’ vetturi li mhumiex ammessi għall-użu fit-toroq pubbliċi, dak l-Istat Membru jista’ jidderoga wkoll mill-Artikolu 10 fir-rigward tal-kumpens għal ħsara kkawżata minn dawk il-vetturi f’żoni li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku minħabba restrizzjoni legali jew fiżika għall-aċċess għal tali żoni, kif definit mil-liġijiet nazzjonali tiegħu.

7.   Fir-rigward tal-paragrafi 3 sa 6, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-użu tad-deroga u l-arranġamenti partikolari li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta’ dawk id-derogi.”;

(5)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Ammonti minimi

1.   Mingħajr preġudizzju għal xi garanziji ogħla li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, kull Stat Membru għandu jesiġi li l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tkun obbligatorja fir-rigward tal-ammonti minimi li ġejjin:

(a)

għal korrimenti personali: EUR 6 450 000 għal kull inċident, irrispettivament mill-għadd ta’ partijiet li jkunu sofrew ħsara, jew EUR 1 300 000 għal kull parti li tkun sofriet ħsara;

(b)

għal ħsara lill-proprjetà, EUR 1 300 000 għal kull inċident, irrispettivament mill-għadd ta’ partijiet li jkunu sofrew ħsara.

Għall-Istati Membri li ma adottawx il-euro, l-ammonti minimi għandhom jiġu maqluba fil-munita nazzjonali tagħhom billi tiġi applikata r-rata tal-kambju tat-22 ta’ Diċembru 2021 ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Kull ħames snin mit-22 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 skont l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 28b fir-rigward tal-adattament ta’ dawk l-ammonti għall-HICP fi żmien sitt xhur wara t-tmiem ta’ kull perijodu ta’ ħames snin.

Għall-Istati Membri li ma adottawx il-euro, l-ammonti minimi għandhom jiġu maqluba għall-munita nazzjonali tagħhom billi tiġi applikata r-rata tal-kambju fid-data tal-kalkolu tal-ammonti minimi ġodda ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 11).”;"

(6)

it-titolu tal-Kapitolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 4

KUMPENS GĦAL ĦSARA KKAWŻATA MINN VETTURA MHUX IDENTIFIKATA JEW VETTURA LI FIR-RIGWARD TAGĦHA L-OBBLIGU TA’ ASSIGURAZZJONI PREVIST FL-ARTIKOLU 3 MA ĠIEX ISSODISFAT U KUMPENS F’KAŻ TA’ INSOLVENZA”;

(7)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jikkunsidraw kumpens mill-korp bħala sussidjarju jew mhux sussidjarju u d-dritt li jipprevedu s-saldu ta’ pretensjonijiet bejn il-korp u l-persuna jew persuni responsabbli li kkawżaw l-inċident u assiguraturi jew korpi tas-sigurtà soċjali oħra li jeħtiġilhom jikkumpensaw il-parti li tkun sofriet ħsara fir-rigward tal-istess inċident. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jippermettu li l-korp jagħmel il-ħlas ta’ kumpens soġġett għall-fatt li l-parti li tkun sofriet ħsara tistabbilixxi, b’xi mod, li l-persuna responsabbli ma tkunx tista’ jew tirrifjuta li tħallas.”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-parti li tkun sofriet ħsara tista’ fi kwalunkwe każ tapplika direttament lill-korp li, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta fuq talba tiegħu mill-parti li tkun sofriet ħsara, għandu jkun obbligat jagħtiha tweġiba motivata rigward il-ħlas ta’ xi kumpens.”;

(c)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Madankollu, meta l-korp ikun ħallas kumpens għal korriment personali sinifikanti lil kwalunkwe parti li tkun sofriet ħsara b’riżultat tal-istess inċident li fih il-ħsara lill-proprjetà ġiet ikkawżata minn vettura mhux identifikata, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu l-ħlas ta’ kumpens għal ħsara lill-proprjetà fuq il-bażi li l-vettura ma tkunx identifikata. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li eċċess ta’ mhux aktar minn EUR 500 jitħallas mill-parti li tkun sofriet ħsara li ġġarrab tali ħsara lill-proprjetà.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Kull Stat Membru għandu japplika l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tiegħu għall-ħlas ta’ kumpens mill-korp, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe prattika oħra li tkun iktar favorevoli għall-parti li tkun sofriet ħsara.”;

(8)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

Il-protezzjoni ta’ partijiet li jkunu sofrew ħsara fir-rigward ta’ ħsara li tirriżulta minn inċidenti li jseħħu fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom fil-każ tal-insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp inkarigat biex jipprovdi kumpens lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara li jirrisjedu fit-territorju tiegħu, mill-inqas fil-limiti tal-obbligu tal-assigurazzjoni, għal ħsara lill-proprjetà jew korriment personali kkawżati minn vettura assigurata minn impriża tal-assigurazzjoni, mill-mument meta:

(a)

l-impriża tal-assigurazzjoni tkun soġġetta għal proċeduri ta’ falliment; jew

(b)

l-impriża tal-assigurazzjoni tkun soġġetta għal proċeduri ta’ stralċ kif definiti fl-Artikolu 268(1), punt (d), tad-Direttiva 2009/138/KE.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 ikollu fondi suffiċjenti disponibbli biex jikkumpensa lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara skont ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 10 meta ħlasijiet ta’ kumpens ikunu dovuti f’sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, punti (a) u (b). Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu rekwiżiti biex isiru kontribuzzjonijiet finanzjarji, dment li dawn ikunu imposti biss fuq impriżi tal-assigurazzjoni li jkunu ġew awtorizzati mill-Istat Membru li jimponihom.

3.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fl-ambitu tal-Artikolu 280 tad-Direttiva 2009/138/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li, kull meta tinħareġ inġunzjoni jew tittieħed deċiżjoni minn qorti kompetenti jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra biex jinbdew il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1, punt (a) jew (b), fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni li dak l-Istat Membru jkun l-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha, dik l-inġunzjoni jew dik id-deċiżjoni ssir pubblika. Il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 stabbilit fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni għandu jiżgura li l-korpi kollha msemmija fil-paragrafu 1 fl-Istati Membri kollha jkunu infurmati fil-pront dwar dik l-inġunzjoni jew deċiżjoni.

4.   Il-parti li tkun sofriet ħsara tista’ tippreżenta pretensjoni direttament lill-korp imsemmi fil-paragrafu 1.

5.   Malli jirċievi l-pretensjoni, il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinforma lill-korp ekwivalenti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni u lill-impriża tal-assigurazzjoni soġġetta għal proċeduri ta’ falliment jew stralċ, jew l-amministratur jew l-istralċarju tagħha, kif definit fl-Artikolu 268(1), punti (e) u (f), tad-Direttiva 2009/138/KE, rispettivament, li jkun irċieva pretensjoni mill-parti li tkun sofriet ħsara.

6.   L-impriża tal-assigurazzjoni soġġetta għal proċeduri ta’ falliment jew stralċ, jew l-amministratur jew l-istralċarju tagħha, skont il-każ, għandhom jinformaw lill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 meta jikkumpensaw jew jiċħdu r-responsabbiltà fir-rigward ta’ pretensjoni li tkun ġiet riċevuta wkoll mill-korp imsemmi fil-paragrafu 1.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1, abbażi inter alia ta’ informazzjoni pprovduta fuq talba tiegħu mill-parti li tkun sofriet ħsara, jipprovdi lill-parti li tkun sofriet ħsara b’offerta ta’ kumpens motivata jew tweġiba motivata kif previst fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, fi żmien tliet xhur mid-data meta l-parti li tkun sofriet ħsara ppreżentat il-pretensjoni tagħha għal kumpens lill-korp.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-korp għandu:

(a)

jagħmel offerta ta’ kumpens motivata, meta jkun stabbilixxa li huwa responsabbli li jipprovdi kumpens skont il-paragrafu 1, punt (a) jew (b), il-pretensjoni ma tkunx ikkontestata u l-ħsarat ikunu ġew ikkwantifikati parzjalment jew kompletament;

(b)

jipprovdi tweġiba motivata għall-punti magħmula fil-pretensjoni, meta jkun stabbilixxa li ma jkunx responsabbli li jipprovdi kumpens skont il-paragrafu 1, punt (a) jew (b), jew meta r-responsabbiltà tiġi miċħuda jew ma tkunx ġiet iddeterminata b’mod ċar jew il-ħsarat ma jkunux ġew ikkwantifikati kompletament.

8.   Meta jkun dovut kumpens f’konformità mat-tieni subparagrafu, punt (a), tal-paragrafu 7, il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jħallas il-kumpens lill-parti li tkun sofriet ħsara mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mill-aċċettazzjoni mill-parti li tkun sofriet ħsara tal-offerta ta’ kumpens motivata msemmija fit-tieni subparagrafu, punt (a), tal-paragrafu 7.

Meta l-ħsara tkun ġiet ikkwantifikata parzjalment biss, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-ħlas tal-kumpens stabbilit fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw fir-rigward ta’ dik il-ħsara kwantifikata parzjalment, u mill-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ kumpens motivata korrispondenti.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 ikollu s-setgħat u l-kompetenzi kollha meħtieġa biex ikun jista’ jikkoopera fi żmien debitu ma’ korpi oħra bħal dawn fi Stati Membri oħra, ma’ korpi stabbiliti jew awtorizzati skont l-Artikolu 25a fl-Istati Membri kollha u ma’ partijiet interessati oħra, inkluża impriża tal-assigurazzjoni soġġetta għal proċeduri ta’ falliment jew stralċ, l-amministratur jew l-istralċarju tagħha, u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri, fl-istadji kollha matul il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu. Tali kooperazzjoni għandha tinkludi t-talba, ir-riċeviment u l-għoti ta’ informazzjoni, inkluż dwar id-dettalji ta’ pretensjonijiet speċifiċi, meta rilevanti.

10.   Meta l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ikun differenti mill-Istat Membru li fih il-parti li tkun sofriet ħsara tirrisjedi, il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 fl-Istat Membru li fih li parti li tkun sofriet ħsara tirrisjedi li jkun ta kumpens lill-parti li tkun sofriet ħsara f’konformità mal-paragrafu 8 għandu jkollu d-dritt li jitlob ir-rimborż sħiħ tas-somma mħallsa bħala kumpens mill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni.

Il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni għandu jagħmel il-ħlas lill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 fl-Istat Membru li fih il-parti li tkun sofriet ħsara tirrisjedi li jkun ikkumpensa lill-parti li tkun sofriet ħsara skont il-paragrafu 8 fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx is-sitt xhur, dment li ma jkunx miftiehem mod ieħor bil-miktub minn dawk il-korpi, wara li jkun irċieva pretensjoni għal tali rimborż.

Il-korp li pprovda kumpens skont l-ewwel subparagrafu jenħtieġ li jkun surrogat għall-parti li tkun sofriet ħsara fid-drittijiet tagħha fil-konfront tal-persuna li kkawżat l-inċident jew l-impriża tal-assigurazzjoni tagħha, ħlief fil-konfront tad-detentur tal-polza jew persuna assigurata oħra li kkawżat l-inċident sa fejn ir-responsabbiltà tad-detentur tal-polza jew tal-persuna assigurata tkun koperta mill-impriża tal-assigurazzjoni insolventi skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Kull Stat Membru għandu jkun obbligat jirrikonoxxi din is-surroga kif previst minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

11.   Il-paragrafi 1 sa 10 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li:

(a)

jqisu kumpens imħallas mill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 bħala sussidjarju jew mhux sussidjarju;

(b)

jipprevedu s-saldu ta’ pretensjonijiet fir-rigward tal-istess inċident bejn:

(i)

il-korp imsemmi fil-paragrafu 1;

(ii)

il-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident;

(iii)

impriżi tal-assigurazzjoni oħra jew korpi tas-sigurtà soċjali li jridu jikkumpensaw il-parti li tkun sofriet ħsara.

12.   L-Istati Membri ma għandhomx jippermettu li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 jissoġġetta l-ħlas ta’ kumpens għal xi rekwiżiti għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx jippermettu li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 jissoġġetta l-ħlas ta’ kumpens għar-rekwiżit li l-parti li tkun sofriet ħsara tistabbilixxi li l-persuna ġuridika jew fiżika responsabbli ma tkunx tista’, jew tirrifjuta, li tħallas.

13.   Il-korpi msemmija fil-paragrafu 1 jew l-entitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jistinkaw biex jikkonkludu ftehim sat-23 ta’ Diċembru 2023 biex jiġi implimentat dan l-Artikolu, fir-rigward tal-funzjonijiet u l-obbligi tagħhom u l-proċeduri għar-rimborż skont dan l-Artikolu.

Għal dak il-għan, sat-23 ta’ Ġunju 2023 kull Stat Membru għandu:

(a)

jistabbilixxi jew jawtorizza lill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 u jagħtih is-setgħa biex jinnegozja u jikkonkludi tali ftehim; jew

(b)

jaħtar entità u jagħtiha s-setgħat li tinnegozja u tikkonkludi tali ftehim, li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 isir parti għaliha ladarba jiġi stabbilit jew jiġi awtorizzat.

Il-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi nnotifikat minnufih lill-Kummissjoni.

Meta l-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma jiġix konkluż sat-23 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 28b sabiex tispeċifika l-kompiti proċedurali u l-obbligi proċedurali tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tar-rimborż.”;

(9)

fl-Artikolu 11, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’każ ta’ tilwim bejn il-korp imsemmi fl-Artikolu 10(1) u l-assiguratur tar-responsabbiltà ċivili dwar min minnhom għandu jikkumpensa lill-parti li tkun sofriet ħsara, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex waħda minn dawk il-partijiet tkun iddikjarata bħala responsabbli fil-prim’istanza għall-ħlas ta’ kumpens mingħajr dewmien lill-parti li tkun sofriet ħsara.”;

(10)

it-titolu tal-Kapitolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 5

KATEGORIJI SPEĊJALI TA’ PARTI LI TKUN SOFRIET ĦSARA, KLAWŻOLI TA’ ESKLUŻJONI, PRIMJUM WIEĦED, VETTURI LI JINTBAGĦTU MINN STAT MEMBRU GĦAL IEĦOR”;

(11)

it-titolu tal-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kategoriji speċjali ta’ parti li tkun sofriet ħsara”;

(12)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1:

(i)

il-parti introduttorja tal-ewwel subparagrafu hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiżgura li kwalunkwe dispożizzjoni statutorja jew kwalunkwe klawżola kuntrattwali inkluża f’polza tal-assigurazzjoni maħruġa f’konformità mal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li sofrew ħsara b’riżultat ta’ inċident, meta dik id-dispożizzjoni statutorja jew il-klawżola kuntrattwali teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:”;

(ii)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni fl-ewwel subparagrafu jekk u dment li l-parti li tkun sofriet ħsara tista’ tikseb kumpens għall-ħsara li tkun sofriet mingħand korp tas-sigurtà soċjali.”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri li, fil-każ ta’ vetturi misruqa jew miksuba bi vjolenza, jiddisponu li l-korp imsemmi fl-Artikolu 10(1) għandu jħallas kumpens, jistgħu jiffissaw fir-rigward tal-ħsara lill-proprjetà eċċess ta’ mhux aktar minn EUR 250 li jitħallas mill-parti li tkun sofriet ħsara.”;

(13)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 13, punt (13)(b), tad-Direttiva 2009/138/KE, meta vettura tintbagħat minn Stat Membru għal ieħor, l-Istat Membru li fih ikun jinsab ir-riskju għandu jiġi kkunsidrat, skont l-għażla tal-persuna responsabbli għall-kopertura ta’ responsabbiltà ċivili, li huwa jew l-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni jew, minnufih wara l-aċċettazzjoni ta’ kunsinna mix-xerrej, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, għal perijodu ta’ 30 ġurnata, anke jekk il-vettura ma tkunx ġiet irreġistrata uffiċjalment fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċentri ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istat Membru fejn il-vettura tkun irreġistrata, tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, meta jkun differenti, u ta’ kwalunkwe Stat Membru rilevanti ieħor, bħall-Istat Membru fejn ikun seħħ inċident, jew fejn parti li tkun sofriet ħsara tirrisjedi, jikkooperaw ma’ xulxin biex jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa dwar il-vettura mibgħuta li huma jkollhom f’konformità mal-Artikolu 23 tkun disponibbli.”;

(14)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 15a

Il-protezzjoni ta’ partijiet li jkunu sofrew ħsara f’inċidenti li jinvolvu karru rmunkat minn vettura

1.   Fil-każ ta’ inċident ikkawżat minn sett ta’ vetturi li jikkonsisti f’vettura li tirmonka karru, meta l-karru jkollu assigurazzjoni separata tar-responsabbiltà ċivili, il-parti li tkun sofriet ħsara tista’ tressaq il-pretensjoni tagħha direttament kontra l-impriża tal-assigurazzjoni li assigurat il-karru, meta:

(a)

il-karru jista’ jiġi identifikat, iżda l-vettura li rmunkatu ma tistax tiġi identifikata; u

(b)

il-liġi nazzjonali applikabbli tipprevedi li l-assiguratur tal-karru għandu jipprovdi kumpens.

Impriża tal-assigurazzjoni li tkun ikkumpensat lill-parti li tkun sofriet ħsara għandha tkun tista’ tirrikorri għand l-impriża li tkun assigurat il-vettura tal-irmonk, jew għand il-korp imsemmi fl-Artikolu 10(1), jekk u sa fejn dan ikun previst skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali applikabbli li tipprevedi regoli aktar favorevoli għall-parti li tkun sofriet ħsara.

2.   Fil-każ ta’ inċident ikkawżat minn sett ta’ vetturi li jikkonsisti f’vettura li tirmonka karru, l-assiguratur tal-karru, dment li l-liġi nazzjonali applikabbli ma tirrikjedix li jipprovdi kumpens sħiħ, għandu, fuq talba tal-parti li tkun sofriet ħsara, jinfurmaha mingħajr dewmien żejjed dwar:

(a)

l-identità tal-assiguratur tal-vettura tal-irmonk; jew

(b)

meta l-assiguratur tal-karru ma jkunx jista’ jidentifika l-assiguratur tal-vettura tal-irmonk, il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 10.";

(15)

l-Artikolu 16 huwa sostitwit bis-segwenti:

“Artikolu 16

Dikjarazzjoni rigward pretensjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detentur tal-assigurazzjoni għandu d-dritt li jitlob fi kwalunkwe ħin dikjarazzjoni dwar il-pretensjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili li tinvolvi l-vettura jew il-vetturi koperti mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni matul il-ħames snin preċedenti tar-relazzjoni kuntrattwali, jew dwar in-nuqqas ta’ tali pretensjonijiet (‘dikjarazzjoni dwar il-pretensjonijiet preċedenti’).

L-impriża ta’ assigurazzjoni, jew il-korp li setgħa ġie maħtur mill-Istat Membru biex jipprovdi assigurazzjoni obbligatorja jew li jipprovdi tali dikjarazzjonijiet, għandhom jipprovdu dik id-dikjarazzjoni dwar il-pretensjonijiet preċedenti lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni fi żmien 15-il jum mit-talba. Huma għandhom jagħmlu dan billi jużaw il-formola tad-dikjarazzjoni ta’ pretensjonijiet preċedenti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkunu qegħdin jikkunsidraw id-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti maħruġa minn impriżi tal-assigurazzjoni oħra jew korpi oħra kif imsemmi fit-tieni subparagrafu, l-impriżi tal-assigurazzjoni ma jittrattawx lid-detenturi tal-poloz tal-assigurazzjoni b’mod diskriminatorju jew iżommu żżejjed fuq il-primjums tagħhom minħabba n-nazzjonalità tagħhom jew fuq il-bażi tal-Istat Membru ta’ residenza preċedenti tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta impriża tal-assigurazzjoni tikkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti meta tiddetermina l-primjums, għandha tittratta dawk maħruġa fi Stati Membri oħra bħala ugwali għal dawk maħruġa minn impriża tal-assigurazzjoni jew korpi kif imsemmija fit-tieni paragrafu fl-istess Stat Membru, inkluż meta jiġu applikati xi skontijiet.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni jippubblikaw deskrizzjoni ġenerali tal-politiki tagħhom fir-rigward tal-użu tad-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti fil-kalkolu tal-primjums.

Il-Kummissjoni għandha tadotta sat-23 ta’ Lulju 2023 atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw permezz ta’ mudell, il-forma u l-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ pretensjonijiet preċedenti msemmija fit-tieni paragrafu. Dak il-mudell għandu jkun fih informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-identità tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tal-korp li ħarġu d-dikjarazzjoni ta’ pretensjonijiet preċedenti;

(b)

l-identità tad-detentur tal-polza, inkluża l-informazzjoni ta’ kuntatt tiegħu;

(c)

il-vettura assigurata u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura tagħha;

(d)

id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem tal-kopertura tal-assigurazzjoni tal-vettura;

(e)

l-għadd ta’ pretensjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili saldati skont il-kuntratt tal-assigurazzjoni tad-detentur tal-polza matul il-perijodu kopert mid-dikjarazzjoni ta’ pretensjonijiet preċedenti, inkluża d-data ta’ kull pretensjoni;

(f)

informazzjoni addizzjonali rilevanti skont ir-regoli jew il-prattiki applikabbli fl-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati kollha u taħdem mill-qrib mal-Istati Membri qabel ma tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 28a(2).”;

(16)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur

1.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jiċċertifikaw għodod li jippermettu lill-konsumaturi biex, mingħajr ħlas, iqabblu l-prezzijiet, it-tariffi u l-kopertura bejn il-fornituri ta’ assigurazzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 3 bħala “għodod indipendenti għat-tqabbil tal-prezzijiet tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur” jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2.

2.   L-għodda ta’ tqabbil fis-sens tal-paragrafu 1 għandha:

(a)

topera b’mod indipendenti mill-fornituri tal-assigurazzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 3 u tiżgura li l-fornituri tas-servizzi jingħataw trattament ugwali fir-riżultati tat-tfittxija;

(b)

tiżvela b’mod ċar l-identità tas-sidien u l-operaturi tal-għodda ta’ tqabbil;

(c)

tistabbilixxi l-kriterji ċari u oġġettivi li fuqhom ikun ibbażat it-tqabbil;

(d)

tuża lingwaġġ ċar u mhux ambigwu;

(e)

tipprovdi informazzjoni eżatta u aġġornata u tiddikjara l-ħin tal-aħħar aġġornament;

(f)

tkun disponibbli għal kwalunkwe fornitur tal-assigurazzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 3, tagħmel l-informazzjoni rilevanti disponibbli, tinkludi firxa wiesgħa ta’ offerti li jkopru parti sinifikanti mis-suq tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u, meta l-informazzjoni ppreżentata ma tagħtix stampa sħiħa ta’ dak is-suq, tipprovdi lill-utent b’dikjarazzjoni ċara li tgħid hekk, qabel ma jintwerew ir-riżultati;

(g)

tipprovdi proċedura effettiva għar-rapportar ta’ informazzjoni żbaljata;

(h)

tinkludi dikjarazzjoni li l-prezzijiet huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta u mhumiex vinkolanti għall-fornituri tal-assigurazzjoni.”;

(17)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew entitajiet oħra jkunu meħtieġa jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punt (a)(i), (ii) u (iii), liċ-ċentri ta’ informazzjoni u jinfurmawhom kull meta polza tal-assigurazzjoni ssir invalida jew inkella ma tibqax tkopri vettura b’numru ta’ reġistrazzjoni.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-ipproċessar tad-data personali li tirriżulta mill-paragrafi 1 sa 5 għandu jsir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.”;

(18)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 25a

Il-protezzjoni ta’ partijiet li jkunu sofrew ħsara fir-rigward ta’ ħsara li tirriżulta minn inċidenti li jseħħu fi Stat Membru għajr l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom fil-każ tal-insolvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp inkarigat biex jipprovdi kumpens lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara residenti fit-territorju tiegħu, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1), mill-inqas fil-limiti tal-obbligu tal-assigurazzjoni, għal ħsara lill-proprjetà jew korriment personali kkawżati minn vettura assigurata minn impriża tal-assigurazzjoni, mill-mument meta:

(a)

l-impriża tal-assigurazzjoni tkun soġġetta għal proċeduri ta’ falliment; jew

(b)

l-impriża tal-assigurazzjoni tkun soġġetta għal proċeduri ta’ stralċ kif definiti fl-Artikolu 268(1), punt (d), tad-Direttiva 2009/138/KE.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 ikollu fondi suffiċjenti disponibbli biex jikkumpensa lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara skont ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 10 meta ħlasijiet ta’ kumpens ikunu dovuti f’sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, punti (a) u (b). Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu rekwiżiti biex isiru kontribuzzjonijiet finanzjarji, dment li dawn ikunu imposti biss fuq impriżi tal-assigurazzjoni li jkunu ġew awtorizzati mill-Istat Membru li jimponihom.

3.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fl-ambitu tal-Artikolu 280 tad-Direttiva 2009/138/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li, kull meta tinħareġ inġunzjoni jew tittieħed deċiżjoni minn qorti kompetenti jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra biex jinbdew il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1, punt (a) jew (b), fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni li dak l-Istat Membru jkun l-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha, dik l-inġunzjoni jew dik id-deċiżjoni ssir pubblika. Il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 stabbilit fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni għandu jiżgura li l-korpi kollha msemmija fil-paragrafu 1 u l-korpi ta’ kumpens kollha msemmija fl-Artikolu 24 fl-Istati Membri kollha jkunu infurmati fil-pront dwar dik l-inġunzjoni jew deċiżjoni.

4.   Il-parti li tkun sofriet ħsara tista’ tippreżenta pretensjoni direttament lill-korp imsemmi fil-paragrafu 1.

5.   Malli jirċievi l-pretensjoni, il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinforma lill-korp ekwivalenti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni, lill-korp ta’ kumpens skont l-Artikolu 24 fl-Istat Membru ta’ residenza tal-parti li tkun sofriet ħsara u lill-impriża tal-assigurazzjoni soġġetta għal proċeduri ta’ falliment jew stralċ, jew l-amministratur jew l-istralċarju tagħha, kif definit fl-Artikolu 268(1), punti (e) u (f), tad-Direttiva 2009/138/KE, rispettivament, li jkun irċieva pretensjoni mill-parti li tkun sofriet ħsara.

6.   L-impriża tal-assigurazzjoni soġġetta għal proċeduri ta’ falliment jew stralċ, jew l-amministratur jew l-istralċarju tagħha, skont il-każ, għandhom jinformaw lill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 meta jikkumpensaw jew jiċħdu r-responsabbiltà fir-rigward ta’ pretensjoni li tkun ġiet riċevuta wkoll mill-korp imsemmi fil-paragrafu 1.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1, abbażi inter alia ta’ informazzjoni pprovduta fuq talba tiegħu mill-parti li tkun sofriet ħsara, jipprovdi lill-parti li tkun sofriet ħsara b’offerta ta’ kumpens motivata jew tweġiba motivata kif previst fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, fi żmien tliet xhur mid-data meta l-parti li tkun sofriet ħsara ppreżentat il-pretensjoni tagħha għal kumpens lill-korp.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-korp għandu:

(a)

jagħmel offerta ta’ kumpens motivata, meta jkun stabbilixxa li huwa responsabbli li jipprovdi kumpens skont il-paragrafu 1, punt (a) jew (b), il-pretensjoni ma tkunx ikkontestata u l-ħsarat ikunu ġew ikkwantifikati parzjalment jew kompletament;

(b)

jipprovdi tweġiba motivata għall-punti magħmula fil-pretensjoni, meta jkun stabbilixxa li ma jkunx responsabbli li jipprovdi kumpens skont il-paragrafu 1, punt (a) jew (b), jew meta r-responsabbiltà tiġi miċħuda jew ma tkunx ġiet iddeterminata b’mod ċar jew il-ħsarat ma jkunux ġew ikkwantifikati kompletament.

8.   Meta jkun dovut kumpens f’konformità mat-tieni subparagrafu, punt (a), tal-paragrafu 7, il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jħallas il-kumpens lill-parti li tkun sofriet ħsara mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mill-aċċettazzjoni mill-parti li tkun sofriet ħsara tal-offerta ta’ kumpens motivata msemmija fit-tieni subparagrafu, punt (a), tal-paragrafu 7.

Meta l-ħsara tkun ġiet ikkwantifikata parzjalment biss, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-ħlas tal-kumpens stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw fir-rigward ta’ dik il-ħsara kwantifikata parzjalment, u mill-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ kumpens motivata korrispondenti.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 ikollu s-setgħat u l-kompetenzi kollha meħtieġa biex ikun jista’ jikkoopera fi żmien debitu ma’ korpi oħra bħal dawn fi Stati Membri oħra, ma’ korpi stabbiliti jew awtorizzati skont l-Artikoli 10a u 24 fl-Istati Membri kollha u ma’ partijiet interessati oħra, inkluża impriża tal-assigurazzjoni soġġetta għal proċeduri ta’ falliment jew stralċ, ir-rappreżentant tal-pretensjonijiet jew l-amministratur jew l-istralċarju tagħha, u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri, fl-istadji kollha matul il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu. Tali kooperazzjoni għandha tinkludi t-talba, ir-riċeviment u l-għoti ta’ informazzjoni, inkluż dwar id-dettalji ta’ pretensjonijiet speċifiċi, meta rilevanti.

10.   Meta l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ikun differenti mill-Istat Membru li fih il-parti li tkun sofriet ħsara tirrisjedi, il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 fl-Istat Membru li fih il-parti li tkun sofriet ħsara tirrisjedi li jkun ta kumpens lill-parti li tkun sofriet ħsara f’konformità mal-paragrafu 8 għandu jkollu d-dritt li jitlob ir-rimborż sħiħ tas-somma mħallsa bħala kumpens mill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni.

Il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-impriża tal-assigurazzjoni għandu jagħmel il-ħlas lill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 fl-Istat Membru li fih il-parti li tkun sofriet ħsara tirrisjedi li jkun ikkumpensa lill-parti li tkun sofriet ħsara skont il-paragrafu 8 fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx is-sitt xhur, dment li ma jkunx miftiehem mod ieħor bil-miktub minn dawk il-korpi, wara li jkun irċieva pretensjoni għal tali rimborż.

Il-korp li pprovda kumpens skont l-ewwel subparagrafu għandu jkun surrogat għall-parti li tkun sofriet ħsara fid-drittijiet tagħha fil-konfront tal-persuna li kkawżat l-inċident jew l-impriża tal-assigurazzjoni tagħha, ħlief fil-konfront tad-detentur tal-polza jew persuna assigurata oħra li kkawżat l-inċident sa fejn ir-responsabbiltà tad-detentur tal-polza jew tal-persuna assigurata tkun koperta mill-impriża tal-assigurazzjoni insolventi skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Kull Stat Membru għandu jkun obbligat jirrikonoxxi din is-surroga kif previst minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

11.   Il-paragrafi 1 sa 10 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li:

(a)

jqisu kumpens imħallas mill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 bħala sussidjarju jew mhux sussidjarju;

(b)

jipprevedu s-saldu ta’ pretensjonijiet fir-rigward tal-istess inċident bejn:

(i)

il-korp imsemmi fil-paragrafu 1;

(ii)

il-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident;

(iii)

impriżi tal-assigurazzjoni oħra jew korpi tas-sigurtà soċjali li jridu jikkumpensaw il-parti li tkun sofriet ħsara.

12.   L-Istati Membri ma għandhomx jippermettu li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 jissoġġetta l-ħlas ta’ kumpens għal xi rekwiżiti għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx jippermettu li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 jissoġġetta l-ħlas ta’ kumpens għar-rekwiżit li l-parti li tkun sofriet ħsara tistabbilixxi li l-persuna ġuridika jew fiżika responsabbli ma tkunx tista’, jew tirrifjuta, li tħallas.

13.   Il-korpi msemmija fil-paragrafu 1 jew l-entitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jistinkaw biex jikkonkludu ftehim sat-23 ta’ Diċembru 2023 biex jiġi implimentat dan l-Artikolu, fir-rigward tal-funzjonijiet u l-obbligi tagħhom u l-proċeduri għar-rimborż skont dan l-Artikolu.

Għal dak il-għan, sat-23 ta’ Ġunju 2023 kull Stat Membru għandu:

(a)

jistabbilixxi jew jawtorizza lill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 u jagħtih is-setgħa biex jinnegozja u jikkonkludi tali ftehim; jew

(b)

jaħtar entità u jagħtiha s-setgħat li tinnegozja u tikkonkludi tali ftehim, li l-korp imsemmi fil-paragrafu 1 isir parti għaliha ladarba jiġi stabbilit jew awtorizzat.

Il-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi nnotifikat minnufih lill-Kummissjoni.

Meta l-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma jiġix konkluż sat-23 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 28b sabiex tispeċifika l-kompiti proċedurali u l-obbligi proċedurali tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tar-rimborż.”;

(19)

fl-Artikolu 26, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiffaċilitaw l-għoti f’waqtu tad-data bażika meħtieġa għas-saldu tal-pretensjonijiet lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara, lill-assiguraturi tagħhom jew lir-rappreżentanti legali tagħhom.”;

(20)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 26a

Informazzjoni lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara

L-Istati Membri li jistabbilixxu jew jawtorizzaw korpi ta’ kumpens differenti skont l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 10a(1), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25a(1) għandhom jiżguraw li l-partijiet li jkunu sofrew ħsara jkollhom aċċess għal informazzjoni essenzjali dwar modi possibbli biex japplikaw għal kumpens.”;

(21)

fl-Artikolu 28(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva għal kwalunkwe tagħmir bil-mutur użat fuq l-art li mhuwiex kopert bid-definizzjoni ta’ “vettura” fl-Artikolu 1, punt 1, u li għalih l-Artikolu 3 ma japplikax.”;

(22)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 28a

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Assigurazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/9/KE (*4). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 28b

Eżerċizzju tas-setgħat delegati

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 9(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mit-22 ta’ Diċembru 2021.

Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 10a(13), ir-raba’ subparagrafu, u l-Artikolu 25a(13), ir-raba’ subparagrafu, għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mit-22 ta’ Diċembru 2021. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9(2), fl-Artikolu 10a(13), ir-raba’ subparagrafu, u fl-Artikolu 25a(13), ir-raba’ subparagrafu, tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*6).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10a(13), ir-raba’ subparagrafu, u l-Artikolu 25a(13), ir-raba’ subparagrafu, għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 28c

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dati rispettivi ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 10a u 25a kif imsemmi fl-Artikolu 30, it-tieni, it-tielet u r-raba’ paragrafu, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament u l-finanzjament tal-korpi msemmija fl-Artikoli 10a u 25a u l-kooperazzjoni bejniethom. Meta jkun xieraq, ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva. Fir-rigward tal-finanzjament ta’ dawk il-korpi, dak ir-rapport għandu jinkludi mill-inqas:

(a)

valutazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ finanzjament u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-korpi ta’ kumpens fir-rigward tar-responsabbiltajiet potenzjali tagħhom, filwaqt li jitqies ir-riskju ta’ insolvenza tal-assiguraturi tal-vetturi bil-mutur fis-swieq tal-Istati Membri;

(b)

valutazzjoni tal-armonizzazzjoni tal-approċċ ta’ finanzjament tal-korpi ta’ kumpens;

(c)

jekk ir-rapport ikun akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva, valutazzjoni tal-impatt tal-kontribuzzjonijiet fuq il-primjums tal-kuntratti tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur.

2.   Mhux aktar tard mill-24 ta’ Diċembru 2030, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-elementi li huma kkonċernati bl-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż fir-rigward ta’:

(a)

l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-iżviluppi teknoloġiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-vetturi awtonomi u semiawtonomi;

(b)

l-adegwatezza tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jitqiesu r-riskji ta’ inċidenti minn vetturi bil-mutur differenti;

(c)

l-effikaċja ta’ sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ spezzjonijiet fuq l-assigurazzjoni f’sitwazzjonijiet transfruntieri, li tkun fil-forma ta’ rieżami, inkluża, jekk tkun meħtieġa, valutazzjoni, għal tali każijiet, tal-fattibbiltà tal-użu ta’ sistemi eżistenti ta’ skambju ta’ informazzjoni, u fi kwalunkwe każ, analiżi tal-objettivi tas-sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni u valutazzjoni tal-ispejjeż tagħhom; u

(d)

l-użu minn impriżi tal-assigurazzjoni ta’ sistemi li fihom il-primjums huma influwenzati mid-dikjarazzjonijiet ta’ pretensjonijiet preċedenti tad-detenturi tal-poloz, fost l-oħrajn sistemi ta’ bonus-malus jew “bonus fin-nuqqas ta’ pretensjonijiet”.

Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, meta jkun xieraq, bi proposta leġiżlattiva.

(*4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/9/KE tal-5 ta’ Novembru 2003 li tistabbilixxi Kumitat tal-Assigurazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (ĠU L 3, 7.1.2004, p. 34)."

(*5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)."

(*6)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.";"

(23)

fl-Artikolu 30, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

 

“L-Artikolu 10a(1) sa (12) għandu japplika mid-data tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 10a(13), l-ewwel subparagrafu, jew mid-data ta’ applikazzjoni tal-att delegat tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 10a(13), ir-raba’ subparagrafu.

 

L-Artikolu 25a(1) sa (12) għandu japplika mid-data tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 25a(13), l-ewwel subparagrafu, jew mid-data ta’ applikazzjoni tal-att delegat tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 25a(13), ir-raba’ subparagrafu.

 

Madankollu, l-Artikoli 10a(1) sa (12) u l-Artikolu 25a(1) sa (12) ma għandhomx japplikaw qabel it-23 ta’ Diċembru 2023.

 

L-Artikolu 16, it-tieni paragrafu, it-tieni sentenza, u t-tielet, ir-raba’ u l-ħames paragrafi għandhom japplikaw mit-23 ta’ April 2024 jew mid-data ta’ applikazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 16, is-sitt paragrafu, skont liema data tkun l-aktar tard.’.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   Sat-23 ta’ Diċembru 2023, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-23 ta’ Diċembru 2023.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, sat-23 ta’ Ġunju 2023 l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-emendi mniżżla fl-Artikolu 1, il-punti (8) u (18), ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-Artikolu 10a(13), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 25a(13), it-tieni subparagrafu, rispettivament, tad-Direttiva 2009/103/KE.

Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir it-tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 85.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2021.

(3)  Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11).

(4)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Diċembru 2014, Vnuk, C-162/13, ECLI:EU:C:2014:2146.

(5)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, ECLI:EU:C:2017:908.

(6)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Diċembru 2017, Torreiro, C-334/16, ECLI:EU:C:2017:1007.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(11)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tiddefendi livell għoli ta' protezzjoni tal-vittmi fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur. L-objettiv tagħna huwa li niżguraw li l-vittmi, inkluż f'sitwazzjonijiet transfruntieri, jiġu kkumpensati malajr kemm jista’ jkun u li ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti proċedurali sproporzjonati li jistgħu jfixklu l-aċċess tagħhom għal kumpens. L-effikaċja tal-kumpens tiddependi ħafna fuq jekk dan isirx fi żmien xieraq. Ninnotaw, f'dan ir-rigward, it-tħassib espress ripetutament mill-Parlament Ewropew rigward id-differenzi bejn l-Istati Membri b’rabta mal-perjodi ta’ limitazzjoni, jiġifieri l-perjodu ta’ żmien rilevanti li matulu parti li ġarrbet dannu tista’ tippreżenta pretensjoni. Il-Kummissjoni se tikkunsidra din il-kwistjoni bir-reqqa u se teżamina r-rimedji possibbli sabiex tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni tal-vittmi, jekk l-evidenza turi li hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

2.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 430/24


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2119

tal-1 ta’ Diċembru 2021

li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ċerti rekords u dikjarazzjonijiet meħtieġa mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi u dwar il-mezzi tekniċi għall-ħruġ taċ-ċertifikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 fir-rigward tal-ħruġ taċ-ċertifikati għall-operaturi, għall-gruppi ta’ operaturi u għall-esportaturi fil-pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(10), l-Artikolu 39(2)(a) u (b) u l-Artikolu 45(4) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 35(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/848, iċ-ċertifikat ipprovdut mill-awtoritajiet kompetenti jew, fejn xieraq, mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew mill-korpi ta’ kontroll lil operaturi jew gruppi ta’ operaturi, għandu jinħareġ f’forma elettronika kull fejn ikun possibbli. Bl-iżvilupp u l-varar sħiħ tas-Sistema elettronika tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES) imsemmija fl-Artikolu 2(36) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (2), il-ħruġ taċ-ċertifikati f’forma elettronika se jsir possibbli mill-1 ta’ Jannar 2023 għall-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll kollha fl-Unjoni. Għal din ir-raġuni, huwa meħtieġ li jiġi previst li ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/848 għandu jinħareġ f’forma elettronika, bl-użu ta’ TRACES mill-1 ta’ Jannar 2023.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2018/848 jirrikjedi li l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi jżommu rekords biex juru l-konformità tagħhom ma’ dak ir-Regolament. Ċerti rekwiżiti minimi ta’ żamma ta’ rekords u dettalji huma stabbiliti fl-Artikolu 9(10)(c), u l-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) 2018/848 u fl-Annessi II u III ta’ dak ir-Regolament.

(3)

F’konformità mar-regoli ġenerali tal-produzzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848, għandhom jiġu stabbiliti miżuri preventivi u ta’ prekawzjoni, fejn xieraq, f’kull stadju tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni. Għal dik ir-raġuni, il-kontrolli uffiċjali rilevanti jinkludu, b’mod partikolari, il-verifika tal-applikazzjoni ta’ tali miżuri mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi. Għalkemm l-applikazzjoni ta’ wħud minn dawk il-miżuri tista’ tiġi vverifikata permezz ta’ spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post, għal miżuri oħra huma meħtieġa rekords biex tintwera l-applikazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi jenħtieġ li jżommu dawk ir-rekords biex ikunu jistgħu jipprovdu evidenza meta jkun meħtieġ. Pereżempju, evidenza ta’ miżuri meħuda biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni ma’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati u t-taħlit ma’ prodotti mhux organiċi tista’ tiġi pprovduta billi tinżamm prova tat-tindif tal-faċilitajiet, it-tagħmir u l-vetturi tat-trasport, u prova tat-taħriġ.

(4)

Il-kontijiet dokumentarji huma rilevanti wkoll għall-finijiet ta’ traċċabbiltà u l-bilanċ tal-massa, u konsegwentement għall-valutazzjoni tal-konformità mar-Regolament (UE) 2018/848. Il-kontrolli tat-traċċabbiltà u tal-bilanċ tal-massa skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/771 (3) ikopru informazzjoni speċifika li trid tiġi ġġustifikata minn dokumenti xierqa. L-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi jeħtieġu jżommu dawk id-dokumenti sabiex jipprovdu evidenza tal-konformità tal-attivitajiet tagħhom.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) 2018/848, il-kontrolli uffiċjali għandhom jitwettqu b’mod partikolari abbażi tal-probabbiltà ta’ nuqqas ta’ konformità. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll jeħtieġu informazzjoni rilevanti. Għalhekk, L-Artikolu 39(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/848 jirrikjedi li l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi jagħmlu d-dikjarazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet l-oħra kollha li huma meħtieġa għall-kontrolli uffiċjali. Barra minn hekk, l-Artikolu 39(1)(d)(i) ta’ dak ir-Regolament, inter alia, jirrikjedi deskrizzjoni sħiħa tal-unitajiet ta’ produzzjoni organika jew fil-fażi ta’ konverżjoni tagħhom u tal-attivitajiet tagħhom.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli uffiċjali jistgħu jiġu ppjanati b’mod xieraq, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’dawk id-dikjarazzjonijiet u komunikazzjonijiet oħra, b’mod partikolari, informazzjoni relatata mal-attivitajiet li huma sottokuntrattati u ċerti dettalji tal-unitajiet ta’ produzzjoni u bini, faċilitajiet u unitajiet oħra użati għall-attivitajiet tal-operaturi u tal-gruppi ta’ operaturi, u l-previżjoni ppjanata tal-produzzjoni.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu, il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 (4), li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 għandhom jipprovdu lill-operaturi, lill-gruppi ta’ operaturi u lill-esportaturi f’pajjiżi terzi li kienu soġġetti għall-kontrolli msemmija fl-Artikolu 45(1), il-punt (b) (i), ta’ dak ir-Regolament b’ċertifikat, li għandu jinħareġ f’forma elettronika u bl-użu ta’ TRACES. Billi l-użu ta’ TRACES mhux se jkun possibbli qabel l-1 ta’ Jannar 2023, jenħtieġ li jiġi differit l-obbligu li tintuża TRACES ukoll fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1378.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1378 jiġi emendat skont dan.

(9)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848. Madankollu, jenħtieġ li d-dispożizzjoni dwar l-użu ta’ TRACES tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 f’forma elettronika

Iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 għandu jinħareġ kif ġej:

(a)

f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/848;

(b)

f’forma elettronika, bl-użu tas-Sistema Elettronika tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti Veterinarji (TRACES) imsemmija fil-punt (36) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715.

Artikolu 2

Reġistri li għandhom jinżammu mill-operaturi u mill-gruppi ta’ operaturi

1.   L-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi għandhom iżommu d-dokumenti kollha meħtieġa, inklużi rekords tal-istokk u dawk finanzjarji, li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jew, fejn xieraq, lill-awtoritajiet ta’ kontroll jew lill-korpi ta’ kontroll, iwettqu, b’mod partikolari, il-kontrolli li ġejjin:

(a)

kontrolli fuq il-miżuri preventivi u prekawzjonarji meħuda f'konformità mal-Artikolu 9(6) u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/848;

(b)

il-verifika tat-traċċabilità f’konformità mal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/771;

(c)

il-verifika tal-bilanċ tal-massa f’konformità mal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/771.

2.   Id-dokumenti li għandhom jinżammu għall-finijiet tal-verifiki msemmija fil-paragrafu 1, punt (a), għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dokumenti li jikkonfermaw li l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi ħa l-miżuri proporzjonati u xierqa sabiex:

(a)

jiġu evitati l-pesti u l-mard;

(b)

tiġi evitata l-kontaminazzjoni ma’ prodotti u sustanzi li mhumiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 u t-taħlit ma’ prodotti mhux organiċi.

Artikolu 3

Dikjarazzjonijiet u komunikazzjonijiet oħra meħtieġa għall-kontrolli uffiċjali

L-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja fid-dikjarazzjonijiet jew fil-komunikazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 39(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/848 lill-awtorità kompetenti, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll li jwettaq il-kontrolli uffiċjali:

(a)

liema attivitajiet koperti miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 huma sottokuntrattati;

(b)

l-indirizz jew il-ġeolokalizzazzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni organika, fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organika, iż-żona tal-ġbir ta’ pjanti selvaġġi jew tal-alga u ta’ bini u unitajiet oħra użati għall-attivitajiet tagħhom;

(c)

fil-każ ta’ azjendi maqsuma f’unitajiet ta’ produzzjoni differenti f’konformità mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (UE) 2018/848, id-deskrizzjoni u l-indirizz jew il-ġeolokalizzazzjoni tal-unitajiet tal-produzzjoni mhux organika;

(d)

il-previżjoni ppjanata tal-produzzjoni tagħhom.

Dawk id-dikjarazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet għandhom jiġu aġġornati fejn xieraq.

Artikolu 4

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1378

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1378 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-punt (a) tat-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jinħareġ kif ġej:

(i)

f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

f’forma elettronika, bl-użu tas-Sistema Elettronika tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti Veterinarji (TRACES) imsemmija fil-punt (36) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (*1);

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (“ir-Regolament IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).”;"

(2)

fl-Artikolu 3, wara t-tieni paragrafu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-punt (a)(ii) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.”.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Il-punt (b) tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (“ir-Regolament IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37)

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/771 tal-21 ta’ Jannar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki tal-kontijiet dokumentarji fil-qafas tal-kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni organika u l-kontrolli uffiċjali ta’ gruppi ta’ operaturi (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 25).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 tad-19 ta’ Awwissu 2021 li jistabbilixxi ċerti regoli fir-rigward taċ-ċertifikat maħruġ lill-operaturi, lill-gruppi ta’ operaturi u lill-esportaturi f’pajjiżi terzi involuti fl-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni fl-Unjoni u jistabbilixxi l-lista ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u ta’ korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 297, 20.8.2021, p. 24).


DEĊIŻJONIJIET

2.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 430/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2120

tal-25 ta’ Novembru 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn banda waħda, u l- Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”) ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003. F’konformità mad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (2) (“id-deċiżjoni dwar miżuri tranżizzjonali”), huwa għandu jiġi applikat sat-30 ta’ Novembru 2021.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 95(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, in-negozjati għal Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ġdid (“il-Ftehim il-ġdid”) tnedew f’Settembru 2018. Il-Ftehim il-ġdid mhux ser ikun lest biex jiġi applikat sat-30 ta’ Novembru 2021, id-data tal-iskadenza tal-qafas legali attwali. Għaldaqstant huwa neċessarju li tiġi emendata d-deċiżjoni dwar miżuri tranżizzjonali biex tkompli tiġi estiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

(3)

L-Artikolu 95(4), it-tieni subparagrafu, tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE jipprevedi li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jadotta kwalunkwe miżura tranżizzjonali li tista’ tkun meħtieġa sakemm il-Ftehim l-ġdid jidħol fis-seħħ.

(4)

Skont l-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, fit-23 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE ddelega s-setgħat ta’ adozzjoni tal-miżuri tranżizzjonali lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (3). Għaldaqstant, huwa l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li jrid jemenda l-miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, peress li l-att previst ser ikun vinkolanti għall-Unjoni.

(6)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ser jibqgħu jiġu applikati bil-għan li tinżamm il-kontinwità fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati AKP, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, il-miżuri tranżizzjonali emendati mhumiex maħsuba bħala emendi fil-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kif previst fl-Artikolu 95(3) tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, għandha tkun li tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE sabiex l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE tiġi estiża sat-30 ta’ Ġunju 2022, jew sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim il-ġdid jew l-applikazzjoni proviżorja t bejn l-Unjoni u l-Istati tal-AKP tal-Ftehim il-ġdid, skont liema tiġi l-ewwel.

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE għandhom jiġu applikati f’konformità mal-fini u l-objettiv tal-Artikolu 95(4) tiegħu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. POČIVALŠEK


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ġie emendat permezz tal-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u permezz tal-Ftehim iffirmat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-17 ta’ Diċembru 2019 li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (ĠU L 1, 3.1.2020, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tat-23 ta’ Mejju 2019 dwar id-delega tas-setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar id-deċiżjoni li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE [2019/920] (ĠU L 146, 5.6.2019, p. 114).


2.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 430/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2121

tas-6 ta’ Lulju 2020

dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 ta 1 ta’ Frar 1983 dwar il-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-rekords miżmuma mill-Kummissjoni jiffurmaw il-bażi tal-operat u l-ħidma ta’ kuljum tagħha. Dawn huma parti mill-assi tal-Kummissjoni u jissodisfaw il-funzjonijiet li jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni, jipprovdu evidenza ta’ azzjoni meħuda, jissodisfaw l-obbligi legali tal-istituzzjoni u jippreservaw il-memorja tagħha. Għalhekk, dawn għandhom jiġu ġestiti skont ir-regoli effettivi applikabbli għad-direttorati ġenerali u d-dipartimenti ekwivalenti kollha.

(2)

Il-Kummissjoni żżomm rekords li jinħolqu, jaslu u jiġu ġestiti matul l-attivitajiet tagħha. Ir-rekords kollha, irrispettivament mill-format u l-ambjent teknoloġiku li fih jinġabru, jinħolqu jew jiġu ġġenerati, jinqabdu u jinżammu f’repożitorju elettroniku uffiċjali tar-rekords.

(3)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji jistabbilixxu prinċipji biex jiżguraw: il-ħolqien, ir-riċeviment u l-preservazzjoni jew l-eliminazzjoni xierqa tar-rekords u l-konsultazzjoni u l-komunikazzjoni tagħhom; l-awtentiċità, l-affidabbiltà, l-integrità u l-leġġibbiltà maż-żmien tar-rekords u tal-metadata li takkumpanjahom; l-identifikazzjoni ta’ kull rekord flimkien mal-estrazzjoni u l-allokazzjoni tal-metadata, sabiex tkun tista’ tiġi ffajljata, imfittxija u traċċabbli faċilment; l-iżvilupp, iż-żamma u l-aġġornament tal-istruttura tas-sistemi ta’ ġestjoni tar-rekords u l-arkivji tal-Kummissjoni, ir-repożitorji elettroniċi tagħha u r-repożitorji tagħha għall-media analoga.

(4)

Dawn il-prinċipji huma maħsuba biex ikopru ċ-ċiklu tal-ħajja tar-rekords tal-Kummissjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, jagħmlu disponibbli, jiskambjaw, jikkondividu, jużaw mill-ġdid u jxerrdu data, informazzjoni u rekords, f’konformità mal-politika, l-arranġamenti ta’ governanza u l-prattika tal-ġestjoni tad-data u l-informazzjoni tal-Kummissjoni.

(5)

Il-ġestjoni effettiva u xierqa tar-rekords u l-arkivjar jgħinu biex jintlaħqu l-obbligi ta’ trasparenza tal-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jiġi ffaċilitat l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u jiġi implimentat il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-azzjonijiet pubbliċi.

(6)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji jenħtieġ li jiġu allinjati mal-obbligu li jingħata aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni f’konformità mal-prinċipji, l-arranġamenti u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(7)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/47/KE, KEFA, Euratom (3), il-Kummissjoni emendat ir-Regoli ta’ Proċedura tagħha biex tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tad-dokumenti u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563/KE, Euratom (4) emendat ir-Regoli ta’ Proċedura biex tinkludi dispożizzjonijiet dwar dokumenti elettroniċi u diġitalizzati biex jiġu stabbiliti l-ġestjoni elettronika tad-dokumenti u l-arkivjar, li jistabbilixxu sett komuni ta’ regoli u proċeduri applikabbli għad-dipartimenti kollha.

(8)

Jenħtieġ li jiġu aġġornati r-regoli li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li skonthom id-dokumenti elettroniċi, diġitalizzati u trażmessi elettronikament huma validi u maħżuna għall-finijiet tal-Kummissjoni.

(9)

Il-ġestjoni tar-rekords u l-politika tal-arkivjar jenħtieġ li jqisu l-programm ta’ trasformazzjoni diġitali tal-Kummissjoni (5). Għalhekk, il-prinċipju tal-ħolqien ta’ rekords f’format elettroniku biss għandu jiġi enfasizzat bil-qawwa, għalkemm l-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju għandhom madankollu jkunu possibbli.

(10)

L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni huma mħeġġa jirrikonoxxu l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji koperti mir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għall-fini ta’ kapitalizzazzjoni kooperattiva amministrattiva, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ prattika tajba eżistenti u r-riżultati ta’ proġetti li għaddejjin fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament.

(11)

Ir-regoli u l-proċeduri tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji jenħtieġ li jiġu aġġornati regolarment, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fir-riċerka akkademika u xjentifika u r-riżultati tagħha, inkluż il-ħolqien ta’ standards u żviluppi rilevanti fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

(12)

Sistema ta’ ġestjoni tar-rekords mhux biss tirreġistra r-rekords, iżda taqbadhom b’mod aktar wiesa’ biex tidentifikahom b’mod ċar u affidabbli, tiżgura t-traċċabbiltà tagħhom u tagħmilhom disponibbli għal utenti oħra permezz tal-preżentazzjoni jew mezzi oħra ta’ aggregazzjoni tar-rekords matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

(13)

Sistemi ta’ informazzjoni, networks u faċilitajiet ta’ trażmissjoni li jalimentaw is-sistema ta’ rekords tal-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu protetti b’miżuri ta’ sigurtà xierqa skont ir-regoli ta’ sigurtà applikabbli għall-protezzjoni tal-informazzjoni.

(14)

Jenħtieġ li d-data u l-informazzjoni jkunu disponibbli u kondiviżi kemm jista’ jkun fi ħdan il-Kummissjoni sabiex jiffaċilitaw il-ħidma kollaborattiva tal-persunal tagħha u l-irkupru u l-użu mill-ġdid ta’ data u informazzjoni u biex jippromwovu s-sinerġija tar-riżorsi tagħha u jtejbu l-effiċjenza.

(15)

Kull istituzzjoni tal-Unjoni toħloq u żżomm l-arkivji storiċi tagħha u tiftaħhom għall-pubbliku skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83. Barra minn hekk, kull istituzzjoni tadotta regoli interni rigward l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

(16)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), il-Kummissjoni hija meħtieġa tipprovdi informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernahom u tirrispetta d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbilanċja dawn id-drittijiet mal-objettivi tal-arkivjar fl-interess pubbliku f’konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data.

(17)

L-Artikoli 16(5) u 19(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedu eċċezzjonijiet għad-dritt tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni u d-dritt għat-tħassir fir-rigward tal-ipproċessar tad-data għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku. Jenħtieġ li dawk id-drittijiet ma japplikawx fil-prinċipju fil-kuntest partikolari tal-arkivji storiċi tal-Kummissjoni, b’kont meħud tad-daqs tal-istituzzjoni u r-rekords tagħha u n-natura tal-arkivjar fl-interess pubbliku. It-tħassir ta’ data personali li tinsab f’tali rekords, b’mod partikolari, idgħajjef il-validità, l-integrità u l-awtentiċità tal-arkivji tal-Kummissjoni u għalhekk x’aktarx li jfixkel serjament il-kisba tal-objettivi tal-arkivjar fl-interess pubbliku.

(18)

Il-Kummissjoni tista’ ma tkunx tista’ jew tkun meħtieġa tagħmel sforz sproporzjonat biex tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar ladarba l-files u r-rekords tagħha magħżula għall-preservazzjoni permanenti jkunu ġew trasferiti fl-arkivji storiċi tagħha. Is-suġġetti tad-data jenħtieġ li jiġu infurmati li r-rekords li fihom id-data personali tagħhom jistgħu jiġu ttrasferiti fl-arkivji storiċi tal-Kummissjoni fi tmiem il-perjodu ta’ żamma identifikat għal dawk ir-rekords bħala parti mill-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Dik l-informazzjoni tiġi pprovduta b’rabta mal-operazzjonijiet ta’ pproċessar oriġinali li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment.

(19)

L-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 17, 18, 20, 21, 22 u 23 ta’ dak ir-Regolament, sa fejn dawk id-drittijiet x’aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-kisba ta’ finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku u jkunu meħtieġa derogi għat-twettiq ta’ dawk il-finijiet. Sakemm ma jkunux previsti derogi f’att legali adottat abbażi tat-Trattati, iridu jiġu adottati regoli interni li taħthom il-Kummissjoni hija intitolata li tidderoga minn dawk id-drittijiet.

(20)

L-għoti ta’ aċċess għal data personali f’każ ta’ talba tas-suġġett tad-data li ma tipprovdix informazzjoni speċifika rigward l-ipproċessar li għalih tirreferi t-talba jista’ jinvolvi sforz amministrattiv sproporzjonat jew ikun prattikament impossibbli, minħabba d-daqs u n-natura tal-arkivji storiċi tal-Kummissjoni.

(21)

Ir-rettifika tad-data personali ddgħajjef l-integrità u l-awtentiċità tal-arkivji tal-Kummissjoni u tegħleb l-iskop tal-arkivjar fl-interess pubbliku. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni, f’każijiet debitament ġustifikati ta’ data personali mhux preċiża, tista’ tiddeċiedi li tinkludi dikjarazzjoni jew annotazzjoni supplimentari għar-rekord rilevanti.

(22)

Id-data personali tifforma parti integrali u indispensabbli mir-rekords magħżula għall-preservazzjoni permanenti. Għalhekk, l-għoti tad-dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar ta’ data personali li tinsab f’tali rekords jagħmel impossibbli l-kisba tal-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku.

(23)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi għal derogi soġġetti għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(24)

Fl-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà, il-Kummissjoni jenħtieġ li żżomm rekord tal-applikazzjoni tagħha tad-derogi.

(25)

Sabiex tiġi żgurata l-akbar protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jenħtieġ li jiġi infurmat kemm jista’ jkun malajr bl-applikazzjoni ta’ derogi taħt din id-Deċiżjoni.

(26)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat dwar dawn ir-regoli u ta opinjoni bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fit-3 ta’ Marzu 2020.

(27)

Il-membri kollha tal-persunal jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-ħolqien u l-ġestjoni korretta ta’ rekords relatati ma’ politiki, proċessi u proċeduri li għalihom huma responsabbli,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar:

(a)

il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji tal-Kummissjoni;

(b)

il-preservazzjoni u l-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji tal-Kummissjoni u d-depożitu tal-arkivji storiċi tal-Kummissjoni fl-Arkivji Storiċi tal-Unjoni Ewropea fl-Istitut Universitarju Ewropew (EUI) f’Firenze.

Artikolu 2

Ambitu

Din id-Deċiżjoni tapplika għar-rekords miżmuma mill-Kummissjoni u għall-arkivji tagħha, irrispettivament mill-forma, il-mezz, l-età u l-post tagħhom.

Dan jista’ japplika, bi ftehim speċifiku, għal rekords miżmuma minn entitajiet oħra responsabbli għall-applikazzjoni ta’ ċerti politiki tal-Unjoni jew għal rekords skambjati permezz ta’ networks ta’ trażmissjoni tad-data bejn l-amministrazzjonijiet u l-Kummissjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“rekord” tfisser informazzjoni, riċevuta u maħluqa fil-forma ta’ dokument (8), ġabra ta’ data jew forma oħra f’mezz diġitali jew analogu li hija maqbuda f’repożitorju uffiċjali u ġestita u miżmuma bħala evidenza u bħala assi (9);

(2)

“metadata” tfisser kwalunkwe informazzjoni li tiddeskrivi l-kuntest, il-kontenut u l-istruttura tar-rekords u l-ġestjoni tagħhom maż-żmien għall-finijiet ta’, fost l-oħrajn, l-irkupru, l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid;

(3)

“diġitalizzazzjoni” tfisser il-proċess ta’ trasformazzjoni ta’ rekord fuq il-karta jew kwalunkwe mezz tradizzjonali ieħor f’format elettroniku;

(4)

“repożitorju uffiċjali tar-rekords” tfisser sistema, rikonoxxuta u approvata mis-Segretarjat Ġenerali, li fiha r-rekords miżmuma mill-Kummissjoni jinġabru, jiġu organizzati u kategorizzati biex jiġu ffaċilitati l-irkupru, id-distribuzzjoni, l-użu, ir-rimi jew il-preservazzjoni tar-rekords;

(5)

“qbid” tfisser l-inserzjoni ta’ dokument f’repożitorju elettroniku uffiċjali billi jiġu kkombinati identifikatur uniku u metadata (10);

(6)

“identifikatur uniku” tfisser sekwenza ta’ ċifri jew ittri, jew it-tnejn, assenjati b’mod mhux ambigwu lil rekord minn magna jew persuna u li tidentifika dak ir-rekord bħala uniku u distint mir-rekords l-oħra kollha;

(7)

“reġistrazzjoni” tfisser il-qbid ta’ rekord f’reġistru, li jistabbilixxi li huwa komplut u kostitwit kif suppost mil-lat amministrattiv u/jew legali u li jiċċertifika li dan intbagħat minn awtur lil destinatarju f’data partikolari, bħala posta dieħla jew ħierġa, jew ġie inkorporat f’wieħed mir-repożitorji uffiċjali tal-Kummissjoni;

(8)

“file” tfisser aggregazzjoni ta’ rekords organizzati f’konformità mal-attivitajiet tal-Kummissjoni, għal raġunijiet ta’ prova, ġustifikazzjoni jew informazzjoni u biex tiġi ggarantita l-effiċjenza fix-xogħol; il-grupp ta’ rekords li jiffurmaw il-file ikun organizzat b’tali mod li jifforma unità koerenti u rilevanti f’termini tal-attivitajiet imwettqa mill-Kummissjoni jew mid-dipartimenti tagħha;

(9)

“pjan ta’ ffajljar” tfisser strument bi struttura ġerarkika u loġika, fil-forma ta’ struttura ta’ siġra b’għadd ta’ intestaturi interkonnessi, li jippermetti li l-files (jew aggregazzjonijiet oħra ta’ rekords) jiġu organizzati b’mod intellettwali u marbuta mal-kuntest li fih tfasslu, abbażi tal-funzjonijiet, l-attivitajiet u l-proċessi ta’ ħidma;

(10)

“awtentiċità” tfisser il-fatt li rekord jista’ jiġi ppruvat li huwa dak li huwa maħsub li huwa, li nħoloq jew intbagħat mill-persuna li allegatament ħolqitu jew bagħtitu u li nħoloq jew intbagħat meta allegatament inħoloq (11);

(11)

“affidabbiltà” tfisser il-fatt li l-kontenut ta’ rekord jista’ jiġi fdat bħala rappreżentazzjoni sħiħa u preċiża tat-tranżazzjonijiet, l-attivitajiet jew il-fatti li huma jattestaw u li r-rekord jista’ jiddependi fuqhom matul tranżazzjonijiet jew attivitajiet sussegwenti (12);

(12)

“integrità” tfisser il-fatt li rekord huwa komplut u mhux mibdul (13);

(13)

“validità” tfisser il-fatt li dokument ikollu l-karatteristiċi intrinsiċi u estrinsiċi kollha meħtieġa mill-kuntest tal-produzzjoni tiegħu, meħtieġa sabiex jiġi aċċettat bħala espressjoni tal-awtur tiegħu bil-konsegwenzi legali kollha tiegħu;

(14)

“ammissibilità” tfisser il-fatt li dokument ikollu l-karatteristiċi intrinsiċi u estrinsiċi kollha meħtieġa mill-kuntest tar-riċeviment tiegħu, meħtieġa biex jiġi aċċettat bħala espressjoni tal-awtur tiegħu bil-konsegwenzi legali kollha tiegħu;

(15)

“preżervazzjoni” tfisser il-proċessi u l-operazzjonijiet tekniċi kollha li jippermettu li jinżammu rekords matul iż-żmien, li jinżammu l-integrità u l-awtentiċità tagħhom u li jiġi ggarantit l-aċċess għall-kontenut tagħhom.

KAPITOLU II

ĠESTJONI TA’ REKORDS

Artikolu 4

Ħolqien

1.   L-awtur ta’ kwalunkwe informazzjoni ġdida li tkun għadha kif inħolqot għandu janalizzaha sabiex jiddetermina s-sistema ta’ ġestjoni elettronika li biha għandha tiġi ġestita l-informazzjoni, jekk trid tinqabad u f’liema sistema tar-repożitorju uffiċjali għandha tiġi ppreservata.

2.   Ir-rekords għandhom jinħolqu skont ir-rekwiżiti formali stabbiliti għat-tip rilevanti ta’ rekords.

3.   Ir-rekords tal-Kummissjoni għandhom jinħolqu bħala rekords elettroniċi u għandhom jinżammu fir-repożitorji elettroniċi uffiċjali tagħha.

Madankollu, fis-sitwazzjonijiet li ġejjin ir-rekords jistgħu jinħolqu f’mezz differenti jew jinżammu b’mod differenti:

(a)

meta dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali tkun teħtieġ dan,

(b)

fejn il-konvenjenza tal-protokoll timponi mezz tal-karta,

(c)

fejn raġunijiet prattiċi jimpedixxu d-diġitizzazzjoni tad-dokument,

(d)

fejn il-preservazzjoni tad-dokument analogu oriġinali għandha valur miżjud minħabba l-forma tiegħu jew il-materjal li minnu huwa magħmul jew għal raġunijiet storiċi.

Artikolu 5

Diġitalizzazzjoni

1.   L-informazzjoni f’media analoga maħluqa jew riċevuta mill-Kummissjoni għandha tiġi diġitalizzata b’mod sistematiku. Il-formati elettroniċi li jirriżultaw, meta jinqabdu f’repożitorju elettroniku uffiċjali, għandhom jissostitwixxu d-dokumenti analogi oriġinali korrispondenti, sakemm ma tkunx meħtieġa firma bil-miktub minn dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz ikkonċernat.

2.   Ir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 22 għandhom jistabbilixxu d-dettalji proċedurali u tekniċi tad-diġitizzazzjoni, l-eċċezzjonijiet applikabbli u l-eliminazzjoni ta’ rekords analogi wara d-diġitizzazzjoni tagħhom.

Artikolu 6

Qbid

1.   Kull direttorat ġenerali jew dipartiment ekwivalenti għandu jirrevedi b’mod regolari t-tipi ta’ informazzjoni maħluqa jew riċevuta matul l-attivitajiet tiegħu biex jidentifika liema minnhom għandhom jinqabdu f’repożitorju elettroniku uffiċjali u, b’kont meħud tal-kuntest li fih ikunu ġew prodotti, biex jorganizza l-ġestjoni tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

2.   Ir-rekords maqbuda ma għandhomx jinbidlu. Dawn jistgħu jitneħħew jew jiġu sostitwiti minn verżjonijiet sussegwenti sakemm jingħalaq il-file li jagħmlu parti minnu.

Artikolu 7

Reġistrazzjoni

1.   Id-dokumenti għandhom jiġu rreġistrati jekk ikun fihom informazzjoni importanti fit-tul jew jekk jistgħu jinvolvu azzjoni jew segwitu mill-Kummissjoni jew minn wieħed mid-dipartimenti tagħha.

2.   Ir-reġistri għandhom jiġu stabbiliti biex jiġġeneraw identifikaturi uniċi għar-rekords irreġistrati.

Kull reġistru għandu jkun konness ma’ repożitorju elettroniku wieħed jew aktar. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet għal raġunijiet ta’ sigurtà.

Artikolu 8

Pjan ta’ ffajljar

Il-pjan ta’ ffajljar tal-Kummissjoni għandu juża klassifikazzjoni komuni tal-files fid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni. Din il-klassifikazzjoni għandha tifforma parti mill-amministrazzjoni bbażata fuq l-attività tal-Kummissjoni.

Artikolu 9

Proċessi u sistemi kompjuterizzati

Id-direttorati ġenerali u d-dipartimenti ekwivalenti għandhom iżommu u jamministraw ir-reġistri tagħhom permezz ta’ proċessi kompjuterizzati u sistemi u strutturi kompjuterizzati b’interfaċċji biex jiżguraw il-ħażna tar-rekords, l-aċċess għalihom u l-irkupru tagħhom, sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor minn dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 10

Effetti legali ta’ firem elettroniċi, siġilli, timbri tal-ħin elettroniċi u servizzi ta’ konsenja rreġistrati

1.   Firma elettronika kwalifikata (14) għandu jkollha l-effett legali ekwivalenti għal firma bil-miktub.

2.   Siġill elettroniku kwalifikat (15) għandu jgawdi l-preżunzjoni tal-integrità tad-data u l-korrettezza tal-oriġini ta’ dik id-data li magħha huwa marbut is-siġill elettroniku kwalifikat.

3.   Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat (16) għandu jgawdi l-preżunzjoni tal-eżattezza tad-data u l-ħin li jindika u l-integrità tad-data li magħha huma marbuta d-data u l-ħin

4.   Data trażmessa u riċevuta bl-użu ta’ servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrata kwalifikat (17) għandha tgawdi l-preżunzjoni tal-integrità tad-data, tat-trażmissjoni ta’ dik id-data mill-emittent identifikat, tar-riċeviment tagħha mid-destinatarju identifikat u tal-eżattezza tad-data u tal-ħin tat-trażmissjoni u tar-riċeviment indikati mis-servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrata kwalifikat.

Artikolu 11

Validità tad-dokumenti u l-proċeduri

1.   Dokument maħluq jew riċevut mill-Kummissjoni għandu jitqies li jissodisfa l-kriterji ta’ validità jew ta’ ammissibbiltà meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-persuna li minnu joriġina hija identifikata;

(b)

il-kuntest li fih ġie prodott id-dokument huwa affidabbli u d-dokument jissodisfa l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-integrità tiegħu;

(c)

id-dokument jikkonforma mar-rekwiżiti formali stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli;

(d)

fil-każ ta’ dokument elettroniku, id-dokument jinħoloq b’mod li jiggarantixxi l-integrità, l-affidabbiltà u l-użu tal-kontenut tiegħu u l-metadata li takkumpanjah.

2.   Format elettroniku maħluq permezz tad-diġitizzazzjoni ta’ dokument analogu maħluq jew riċevut mill-Kummissjoni għandu jitqies li jissodisfa l-kriterji ta’ validità jew ta’ ammissibbiltà meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ebda firma ma tkun meħtieġa minn dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru jew pajjiż terz ikkonċernat;

(b)

il-format tiegħu joffri garanziji ta’ integrità, affidabbiltà, durabbiltà, leġġibbiltà maż-żmien u faċilità ta’ aċċess għall-informazzjoni li fih.

Meta dokument analogu ffirmat ma jkunx meħtieġ, tali format elettroniku jista’ jintuża għal kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni u għal kwalunkwe proċedura interna fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   Fejn dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali teħtieġ oriġinal iffirmat ta’ dokument, dokument imfassal jew riċevut mill-Kummissjoni għandu jissodisfa dak ir-rekwiżit jekk id-dokument ikun fih xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

firma waħda jew aktar miktuba bl-idejn jew elettronika kwalifikata,

(b)

firma elettronika waħda jew aktar, minbarra dik kwalifikata, li tipprovdi biżżejjed garanziji dwar l-identifikazzjoni tal-firmatarju u l-espressjoni tat-testment tiegħu fid-dokument iffirmat.

4.   Fil-każ li proċedura tal-Kummissjoni stess tkun teħtieġ firma ta’ persuna awtorizzata jew il-kunsens ta’ persuna f’stadju jew stadji tal-imsemmija proċedura, din tista’ tinħadem permezz ta’ sistemi informatiċi jekk kull persuna hija identifikata b’mod ċar u mingħajr ambigwità u li s-sistema inkwistjoni tipprovdi garanziji li l-kontenut ma jinbidilx matul il-proċedura.

5.   Fil-każ li proċedura tkun tinvolvi lill-Kummissjoni u entitajiet oħra u tkun teħtieġ il-firma ta’ persuna awtorizzata jew il-kunsens ta’ persuna f’stadju jew stadji tal-imsemmija proċedura, il-proċedura tista’ tiġi ġestita minn sistemi tal-kompjuter li jissodisfaw kundizzjonijiet u jipprovdu assigurazzjonijiet tekniċi determinati bi ftehim reċiproku.

Artikolu 12

Għoti ta’ data u informazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni

1.   Id-data u l-informazzjoni għandhom ikunu disponibbli u kondiviżi bl-aktar mod wiesa’ possibbli fi ħdan il-Kummissjoni, sakemm l-obbligi legali ma jirrikjedux li l-aċċess ikun limitat.

2.   Fl-interess tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, id-direttorati ġenerali u d-dipartimenti ekwivalenti għandhom jiżguraw li l-files tagħhom ikunu aċċessibbli b’mod wiesa’ daqs kemm tippermetti s-sensittività tal-kontenut tagħhom.

Artikolu 13

Sigurtà u protezzjoni tal-informazzjoni

Ir-rekords għandhom jiġu ġestiti skont ir-regoli tas-sigurtà tal-Kummissjoni applikabbli għall-protezzjoni tal-informazzjoni. Għal dan il-għan, rekords, files, sistemi ta’ informazzjoni u arkivji, inklużi n-networks u l-mezzi ta’ trażmissjoni tagħhom, għandhom ikunu protetti b’miżuri ta’ sigurtà adatti għall-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata, informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u data personali (18).

L-informazzjoni klassifikata għandha tiġi proċessata skont ir-regoli fis-seħħ dwar is-sigurtà.

KAPITOLU III

PRESERVAZZJONI U ARKIVJI STORIĊI

Artikolu 14

Ħażna u preservazzjoni

1.   Il-ħażna u l-preservazzjoni għandhom isiru taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-rekords għandhom jinħażnu fil-forma li fiha nħolqu, intbagħtu jew ġew riċevuti jew f’forma li tippreserva l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-integrità tal-kontenut tagħhom u tal-metadata li takkumpanjahom;

(b)

il-kontenut tar-rekords u l-metadata rilevanti tagħhom iridu jkunu jistgħu jinqraw matul il-perjodu kollu tal-ħażna tagħhom minn kwalunkwe persuna awtorizzata li jkollha aċċess għalihom;

(c)

meta r-rekords jintbagħtu jew jaslu b’mod elettroniku, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu ddeterminati l-oriġini jew id-destinazzjoni tar-reġistrazzjoni u d-data u l-ħin tal-qbid jew tar-reġistrazzjoni, għandha tkun parti mill-metadata minima li għandha tinħażen;

(d)

rigward proċeduri elettroniċi ġestiti minn sistemi tal-IT, l-informazzjoni dwar l-istadji formali tal-proċedura għandhom jinħażnu f’kundizzjonijiet b’mod li jiżguraw li jkunu idenitifikati dawn l-istadji kif ukoll l-awturi u l-parteċipanti.

2.   Is-Segretarju Ġenerali għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ preservazzjoni diġitali biex jiġi żgurat aċċess fit-tul għar-rekords elettroniċi abbażi tal-listi ta’ żamma msemmija fl-Artikolu 15(1). L-istrateġija għandha titfassal f’kooperazzjoni mas-Servizz tal-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni u għandha tiżgura li jkun hemm fis-seħħ proċessi, għodod u riżorsi biex jiġu żgurati l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-integrità tar-rekords u l-aċċessibbiltà tagħhom.

Artikolu 15

Żamma, trasferiment u eliminazzjoni

1.   Il-perjodu ta’ żamma għall-kategoriji varji ta’ files u, f’ċerti każijiet, ir-reġistri, għandu jiġi stabbilit għall-Kummissjoni kollha permezz ta’ strumenti regolatorji, bħal-lista komuni ta’ żamma, jew lista ta’ żamma speċifika waħda jew aktar imfassla abbażi tal-kuntest organizzattiv, il-leġiżlazzjoni eżistenti u l-obbligi legali tal-Kummissjoni.

2.   Id-Direttorati Ġenerali u d-dipartimenti ekwivalenti għandhom regolarment iwettqu evalwazzjoni tar-rekords u l-files ġestiti minnhom biex jivvalutaw jekk għandhomx jiġu ttrasferiti fl-arkivji storiċi tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 16, jew jiġu eliminati.

Madankollu, fir-repożitorju elettroniku oriġinali għandu jinżamm sett ta’ metadata dwar ir-rekords u l-files bħala evidenza ta’ tali rekords u files u t-trasferiment jew l-eliminazzjoni tagħhom.

3.   Informazzjoni klassifikata tal-UE bi klassifikazzjoni ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla m’għandhiex tiġi trasferita lis-Servizz tal-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni.

Artikolu 16

Servizz tal-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni

Il-kompiti tas-Servizz tal-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni għandhom ikunu li:

(a)

jiggarantixxi l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-integrità tar-rekords, il-files u l-arkivji tal-Kummissjoni li jkunu ġew ittrasferiti lilha u l-aċċess għalihom;

(b)

jiżgura l-protezzjoni materjali u l-integrità tal-metadata tar-rekords u l-files ipprovduti mid-dipartimenti li jittrasferixxu;

(c)

jagħmel ir-rekords u l-files disponibbli fuq talba lid-direttorati ġenerali jew dipartimenti ekwivalenti;

(d)

iwettaq, fejn meħtieġ u f’kooperazzjoni mad-direttorat ġenerali jew dipartiment ekwivalenti ta’ oriġini jew is-suċċessur tiegħu, it-tieni reviżjoni tar-rekords, files u arkivji trasferiti kollha;

(e)

jagħti bidu għad-deklassifikazzjoni ta’ dokumenti klassifikati kif imsemmi fl-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83;

(f)

jiftaħ l-arkivji storiċi tal-Kummissjoni għall-pubbliku wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 30 sena, ħlief għal dawk ir-rekords koperti minn eċċezzjonijiet relatati mal-privatezza u l-integrità tal-individwi, jew l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluża l-proprjetà intellettwali;

(g)

jiddepożita l-arkivji storiċi tal-Kummissjoni li nfetħu għall-pubbliku fl-Arkivji Storiċi tal-Unjoni Ewropea fl-EUI.

Artikolu 17

Ipproċessar ta’ data personali li tinsab fl-arkivji storiċi tal-Kummissjoni

1.   Id-derogi li ġejjin mid-drittijiet tas-suġġetti tad-data għandhom japplikaw f’konformità mal-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif meħtieġ biex jiġu ssodisfati finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku u biex tiġi ppreservata l-integrità tal-arkivji storiċi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari:

(a)

id-dritt ta’ aċċess (19), sa fejn it-talba tas-suġġett tad-data ma tippermettix l-identifikazzjoni ta’ rekords speċifiċi mingħajr ma tinvolvi sforz amministrattiv sproporzjonat. Fil-valutazzjoni tal-azzjoni li għandha tittieħed fuq it-talba tas-suġġett tad-data u l-isforz amministrattiv meħtieġ, għandha titqies b’mod partikolari l-informazzjoni pprovduta mis-suġġett tad-data u n-natura, l-ambitu u d-daqs tar-rekords potenzjalment ikkonċernati;

(b)

id-dritt għal rettifika (20), sa fejn ir-rettifika tagħmilha impossibbli li jiġu ppreservati l-integrità u l-awtentiċità tar-rekords magħżula għall-preservazzjoni permanenti fl-arkivji storiċi tal-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ dikjarazzjoni jew annotazzjoni supplimentari għar-rekord ikkonċernat, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew jinvolvi sforz sproporzjonat;

(c)

l-obbligu li tiġi nnotifikata r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali (21) sa fejn dan jirriżulta impossibbli jew jinvolvi sforz sproporzjonat;

(d)

id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar (22), sakemm id-data personali tkun tinsab f’rekords magħżula għall-preservazzjoni permanenti fl-arkivji storiċi tal-Kummissjoni bħala parti integrali u indispensabbli ta’ dawn ir-rekords.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta salvagwardji xierqa biex tiżgura konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Tali salvagwardji għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzattivi, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data. Is-salvagwardji għandhom jinkludu:

(a)

il-files li għandhom jiġu ttrasferiti fl-arkivji storiċi tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu wara valutazzjoni każ b’każ skont il-listi ta’ żamma tal-Kummissjoni. Il-files l-oħra kollha, inklużi files ta’ data personali strutturati, bħal files personali u mediċi, għandhom jiġu eliminati fi tmiem il-perjodu ta’ żamma amministrattiva;

(b)

il-listi ta’ żamma għandhom jipprevedu l-eliminazzjoni amministrattiva ta’ ċerti tipi ta’ rekords qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ żamma amministrattiva. Konsegwentement, dawn it-tipi ta’ rekords ma għandhomx jiġu pproċessati għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku;

(c)

qabel l-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, id-direttorat ġenerali jew dipartiment ekwivalenti għandu jirrapporta l-preżenza potenzjali ta’ rekords koperti mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83 fil-files li għandhom jiġu ttrasferiti lill-arkivji storiċi tal-Kummissjoni;

(d)

qabel ma jinfetaħ file tal-Kummissjoni għall-pubbliku, is-Servizz tal-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni għandu jirrevedih biex jivverifika l-preżenza possibbli ta’ rekords koperti mill-eċċezzjonijiet indikati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83, inkluż abbażi tas-sinjali msemmija fil-punt (c) bil-għan li tiġi protetta d-data personali.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għad-derogi applikati skont din id-Deċiżjoni. Ir-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jikkonċernaw il-kuntest fattwali jew legali għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom ikunu disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

4.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni għandu jiġi infurmat, malajr kemm jista’ jkun, dwar l-applikazzjoni ta’ derogi mid-drittijiet tas-suġġetti tad-data f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Meta jitlob dan, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jingħata aċċess għar-rekords assoċjati u kwalunkwe dokument li jistabbilixxi l-kuntest fattwali jew legali.

Artikolu 18

Depożitu tal-arkivji storiċi tal-Kummissjoni fl-IUE

1.   Is-Servizz tal-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni għandu jipprovdi lill-EUI, fejn possibbli, b’aċċess għal kopji diġitalizzati ta’ rekords miżmuma f’mezz analogu.

2.   L-EUI għandu jkun il-punt ta’ aċċess prinċipali għall-arkivji storiċi tal-Kummissjoni li huma miftuħa għall-pubbliku.

3.   Is-Servizz tal-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni għandu jibgħat id-deskrizzjonijiet tal-EUI tal-arkivji ddepożitati. F’konformità mal-istandards internazzjonali u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-metadata, il-Kummissjoni se tippromwovi l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-arkivji tagħha u dawk tal-EUI.

4.   L-EUI jaġixxi bħala proċessur (23) f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, fuq struzzjonijiet mill-Kummissjoni, li taġixxi bħala l-kontrollur (24) tad-data personali li tinsab fl-arkivji storiċi tiegħu, iddepożitata fl-EUI. Is-Servizz tal-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni jipprovdi, f’isem il-Kummissjoni, l-istruzzjonijiet meħtieġa għall-ipproċessar tad-data personali li tinsab fl-arkivji ddepożitati tal-Kummissjoni mill-EUI u jissorvelja l-prestazzjoni tagħha.

5.   L-informazzjoni klassifikata ma għandhiex tiġi ddepożitata fl-EUI.

KAPITOLU IV

GOVERNANZA U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 19

Governanza fil-livell tal-Kummissjoni

1.   Kull direttur ġenerali jew kap ta’ dipartiment għandu jistabbilixxi l-istruttura organizzattiva, amministrattiva u fiżika meħtieġa u jipprovdi l-persunal meħtieġ biex jimplimenta din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni mid-dipartimenti tiegħu.

2.   Is-Segretarjat Ġenerali għandu jkun responsabbli biex jiżgura li din id-Deċiżjoni u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha jiġu applikati.

3.   Id-Direttorat Ġenerali għall-Informatika għandu jkun responsabbli biex jipprovdi l-infrastruttura teknoloġika għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 20

Network ta’ uffiċjali tal-ġestjoni tad-dokumenti

1.   Kull direttur ġenerali jew kap ta’ dipartiment għandu jaħtar uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti biex iżomm sistema moderna u effiċjenti ta’ ġestjoni tar-rekords fid-dipartiment tiegħu u jiżgura l-koordinazzjoni fi ħdan id-dipartiment tiegħu, mas-Segretarjat Ġenerali u d-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni.

2.   Ir-rwol tan-network tal-uffiċjali tal-ġestjoni tad-dokumenti, ippresedut mis-Segretarjat Ġenerali, għandu jkun li:

(a)

jiżgura l-applikazzjoni korretta u uniformi ta’ din id-Deċiżjoni fi ħdan id-direttorati ġenerali u d-dipartimenti ekwivalenti;

(b)

jittratta kull kwistjoni li tinqala’ mill-applikazzjoni tagħha,

(c)

jaqsam ir-rekwiżiti tad-direttorati ġenerali u dipartimenti ekwivalenti fir-rigward ta’ miżuri ta’ taħriġ u appoġġ.

Artikolu 21

Informazzjoni, taħriġ u sostenn

Is-Segretarjat Ġenerali, f’kooperazzjoni mill-qrib mad-Direttorat Ġenerali għall-Informatika, id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà u s-Servizz tal-Arkivji Storiċi tal-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi l-miżuri ta’ informazzjoni, taħriġ u appoġġ meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fi ħdan id-direttorati ġenerali u d-dipartimenti ekwivalenti.

Artikolu 22

Implimentazzjoni tar-regoli

Is-Segretarju Ġenerali għandu jfassal ir-regoli ta’ implimentazzjoni f’koordinazzjoni mad-direttorati ġenerali u d-dipartimenti ekwivalenti u għandu jiżgura l-implimentazzjoni tagħhom.

Dawn għandhom jiġu aġġornati regolarment filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari:

(a)

l-iżviluppi rigward il-ġestjoni tar-rekords u l-arkivji u r-riżultati tar-riċerka akkademika u xjentifika, inkluż il-ħolqien ta’ standards rilevanti;

(b)

l-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni

(c)

ir-regoli applikabbli dwar il-valur probatorju tar-rekords elettroniċi;

(d)

l-obbligi tal-Kummissjoni fir-rigward tat-trasparenza, l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji;

(e)

kwalunkwe obbligu ġdid li bih tista’ tkun marbuta l-Kummissjoni;

(f)

l-armonizzazzjoni fil-preżentazzjoni tar-rekords imfassla mill-Kummissjoni u d-dipartimenti tagħha.

Artikolu 23

Id-dispożizzjoni finali

Id-Deċiżjoni 2002/47/KE, KEFA, Euratom u d-Deċiżjoni 2004/563/KE, Euratom m’għadx għandhom effett.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 43, 15.2.1983, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/47/KE, KEFA. Euratom tat-23 ta’ Jannar 2002 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tagħha (ĠU L 21, 24.1.2002, p. 23).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563/KE, Euratom tas-7 ta’ Lulju 2004 li jemenda r-regolament intern tagħha [r-Regoli tal-Proċedura tagħha] (ĠU L 251, 27.7.2004, p. 9).

(5)  Il-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni C (2018) 7118 dwar l-Istrateġija Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6626, li tistabbilixxi d-direzzjoni ġenerali tal-politika interna għall-ġestjoni tad-data, l-informazzjoni u l-għarfien fil-Kummissjoni.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)  “dokument” tinftiehem fit-tifsira tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

(9)  ISO 15489-1:2016, punt 3.14.

(10)  ISO 15489-1:2016, punt 9.3.

(11)  ISO 15489-1:2016, punt 5.2.2.1.

(12)  ISO 15489-1:2016, punt 5.2.2.2.

(13)  ISO 15489-1:2016, punt 5.2.2.3.

(14)  “firma elettronika” tinftiehem fit-tifsira tal-Artikolu 3(10) sa (12) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(15)  “siġill elettroniku” tinftiehem fit-tifsira tal-Artikolu 3(25) sa (27) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(16)  “timbru tal-ħin elettroniku” tinftiehem fit-tifsira tal-Artikolu 3(33) u (34) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(17)  “servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrata” tinftiehem skont it-tifsira tal-Artikolu 3(36) u (37) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(18)  “data personali” tinftiehem skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(19)  L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(20)  L-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(21)  L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(22)  L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(23)  “proċessur” tinftiehem skont it-tifsira tal-Artikolu 3(12) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(24)  “kontrollur” tinftiehem skont it-tifsira tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.


Rettifika

2.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 430/42


Rettifika tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 209 tal-14 ta’ Ġunju 2021 )

(1)

It-titlu fil-Werrej u t-titlu fil-paġna 1:

minflok:

“Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009”;

aqra:

“Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009”.

(2)

Fil-paġna 32, Artikolu 25(2), punt (c):

minflok:

“(c)

il-miżuri ta’ assistenza eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 23(4) li għalihom il-finanzjament tal-Unjoni ma jaqbiżx EUR 20 000 000;”,

aqra:

“(c)

il-miżuri ta’ assistenza eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 23(6) li għalihom il-finanzjament tal-Unjoni ma jaqbiżx EUR 20 000 000;”.

(3)

Fil-paġna 46, Artikolu 38, paragrafu 8, l-ewwel sentenza:

minflok:

“8.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-bord strateġiku tal-EFSD+, lill-bordijiet operazzjonali reġjonali, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istrumenti finanzjarji, il-garanziji baġitarji, inkluż dawk implimentati mill-BEI, u l-assistenza finanzjarja f’konformità mal-Artikolu 41 (4) u (5) u l-Artikoli 241 u 250 tar-Regolament Finanzjarju.”,

aqra:

“8.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-bord strateġiku tal-EFSD+, lill-bordijiet operazzjonali reġjonali, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istrumenti finanzjarji, il-garanziji baġitarji, inkluż dawk implimentati mill-BEI, u l-assistenza finanzjarja f’konformità mal-Artikolu 41 (4) u (5) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 241 u 250 tar-Regolament Finanzjarju.”.


2.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 430/43


Rettifika għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 926/2014 tas-27 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar formuli, mudelli u proċeduri standard għan-notifiki marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 254 tat-28 ta’ Awwissu 2014 )

Fit-test kollu u fil-forma grammatikali xierqa,

minflok:

“tad-domiċilju”,

aqra:

“domiċiljari”;

Fit-test kollu u fil-forma grammatikali xierqa,

minflok:

“ta’ domiċilju”,

aqra:

“domiċiljari”;

F’paġna 2, fil-premessa (5), l-ewwel sentenza,

minflok:

“tal-Istati Membri ta’ oriġini”,

aqra:

“tal-Istati Membri domiċiljari”;

F’paġna 3, il-premessa (8),

minflok:

“Il-proċeduri għal notifika ta’ bidla fil-passaport ta’ fergħa għandhom ikopru wkoll il-każ speċifiku ta’ tmiem tal-operazzjoni ppjanata tal-fergħa kif dan huwa meqjus tibdila maġġuri fl-operazzjonijiet tal-fergħa li għandha tiġi notifikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u ospitanti.”,

aqra:

“Il-proċeduri għal notifika ta’ bidla fil-passaport ta’ fergħa għandhom ikopru wkoll il-każ speċifiku ta’ terminazzjoni ppjanata tal-operazzjoni tal-fergħa peress li hija meqjusa bidla maġġuri fl-operazzjonijiet tal-fergħa li għandha tiġi notifikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u ospitanti.”;

F’paġna 3, fl-Artikolu 2, fil-punt (3),

minflok:

“notifika ta’ passaport ta’ servizzi”,

aqra:

“notifika ta’ passaport tas-servizzi”;

F’paġna 3, fl-Artikolu 2, il-punt (4),

minflok:

“‘notifika ta’ passaport’ tfisser notifika ta’ passaport ta’ fergħa, bidla fin-notifika tad-dettalji tal-fergħa jew notifika ta’ passaport tas-servizzi.”,

aqra:

“‘notifiki ta’ passaport’ tfisser notifika ta’ passaport ta’ fergħa, notifika ta’ bidla fid-dettalji ta’ fergħa jew notifika ta’ passaport tas-servizzi.”;

F’paġna 4, fl-Artikolu 3(1), il-punt (a),

minflok:

“jiġu pprovduti bil-miktub f’lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u b’lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, jew f’xi lingwa aċċettata tal-Unjoni kemm mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari u dawk ospitanti;”,

aqra:

“jiġu pprovduti bil-miktub b’lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari u b’lingwa aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, jew bi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni aċċettata kemm mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari kif ukoll minn dawk tal-Istat Membru ospitanti;”;

F’paġna 4, fl-Artikolu 5(1),

minflok:

“tal-pajjiż Stat Membru ta’ oriġini”,

aqra:

“tal-Istat Membru domiċiljari”;

F’paġna 5, fl-Artikolu 8(1),

minflok:

“L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jużaw il-formola stabbilita fl-Anness I biex jinnotifikaw bidla f’fergħa d-dettalji lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari u ospitanti ħlief fejn il-bidla tikkonċerna t-terminazzjoni tal-operazzjoni ppjanata tal-fergħa.”,

aqra:

“L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jużaw il-formola stabbilita fl-Anness I biex jinnotifikaw notifika ta’ bidla fid-dettalji ta’ fergħa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari u ospitanti ħlief fejn il-bidla tikkonċerna t-terminazzjoni ppjanata tal-operazzjoni tal-fergħa.”;

F’paġna 5, l-Artikolu 9(1),

minflok:

“Mal-wasla ta’ bidla fin-notifika tad-dettalji ta’ fergħa l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż Stat Membru jivvalutaw il-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta.”,

aqra:

“Mal-wasla ta’ notifika ta’ bidla fid-dettalji ta’ fergħa l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari jivvalutaw il-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta”;

F’paġna 5, fl-Artikolu 9(2), l-ewwel sentenza,

minflok:

“tal-Istat Membru tad-domiċilju”,

aqra:

“tal-Istati Membri domiċiljari u ospitanti”;

F’paġna 6, fl-Artikolu 11,

minflok:

“biex jissottomettu notifika ta’ passaport ta’ fergħa”,

aqra:

“biex jissottomettu notifika ta’ passaport tas-servizzi”;

F’paġna 6, fl-Artikolu 13,

minflok:

“biex jissottomettu notifika ta’ passaport ta’ fergħa”,

aqra:

“biex jikkomunikaw notifika ta’ passaport tas-servizzi”.