ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 229

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
29 ta' Ġunju 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1061 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1062 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li jikkoreġi il-verżjoni bil-lingwa Żvediża tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

3

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1063 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li japprova l-alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tipi 3 u 4 ( 1 )

4

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1064 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/520 fir-rigward tal-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali għat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ( 1 )

8

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1065 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah)

11

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1066 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/354/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)

13

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

29.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1061

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku ferrovjarju minħabba tnaqqis sinifikanti fid-domanda u l-miżuri diretti meħuda mill-Istati Membri biex irażżnu l-pandemija.

(2)

Dawk iċ-ċirkostanzi huma lil hinn mill-kontroll tal-impriżi ferrovjarji, li kontinwament kellhom jiffaċċjaw problemi konsiderevoli ta’ likwidità, telf kbir u f’xi każijiet, qed jirriskjaw l-insolvenza.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu l-effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġaw lill-impriżi ferrovjarji, ir-Regolament (UE) 2020/1429 jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex inaqqsu, jirrinunzjaw jew jiddifferixxu l-imposti għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja. Dik il-possibbiltà kienet ingħatat mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 u ġiet estiża mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2180 (2) sat-30 ta’ Ġunju 2021 (“il-perjodu ta’ referenza”).

(4)

Il-limitazzjonijiet imposti fuq il-mobilità matul il-perjodu tal-pandemija kellhom impatt sinifikanti fuq l-użu tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri. Is-servizzi tal-merkanzija bil-ferrovija ntlaqtu wkoll iżda b’mod aktar limitat. Abbażi tad-data pprovduta mill-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Unjoni, il-pandemija laqtet aktar ħażin lit-taqsima tas-servizz tal-passiġġieri u, b’mod partikolari t-taqsima tas-servizz tal-passiġġieri kummerċjali, bi tnaqqis sinifikanti fl-offerta tagħha madwar l-Istati Membri kollha, li għadu ma ġiex lura għal-livelli tal-2019 tagħha. Bejn Marzu 2020 u Frar 2021, is-servizzi tal-passiġġieri espressi f’km ta’ ferrovija naqsu bi 11,5 % meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2019-2020, filwaqt li s-servizzi tal-merkanzija naqsu b’6,1 %. Bejn Marzu 2020 u Frar 2021, is-servizzi tal-passiġġieri taħt l-obbligi tas-servizz pubbliku espressi f’km ta’ ferrovija naqsu b’5,9 % meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2019-2020, filwaqt li s-servizzi tal-passiġġieri kummerċjali naqsu bi 33,1 %. Fir-raba’ trimestru tal-2020, it-traffiku tal-passiġġieri f’kilometri tal-passiġġieri naqas b’56 % u l-għadd ta’ passiġġieri naqas bin-nofs meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019. Dik ix-xejra jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-swieq ferrovjarji tal-passiġġieri, ir-realizzazzjoni ta’ żona ferrovjarja Ewropea tassew unika u, fl-aħħar mill-aħħar, it-tranżizzjoni lejn settur tat-trasport aktar sostenibbli b’aktar persuni u merkanzija jiċċaqilqu bil-ferrovija. It-traffiku tal-merkanzija f’tunnellati-km żdied b’5 % fir-raba’ trimestru tal-2020 meta mqabbel mal-2019 u l-ammont ta’ tunnellati mċaqalqa bil-ferrovija żdied bi 3 %.

(5)

Id-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa turi li l-għadd ta’ każijiet irreġistrati ta’ kuljum tal-COVID-19 fl-Ewropa għadu għoli ħafna peress li l-każijiet irrapportati fid-9 ta’ Mejju 2021 kienu fil-livell ta’ 107 253 f’dak il-jum biss.

(6)

Fl-aħħar ta’ April 2021, iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard enfasizza li “L-Ewropa tinsab f’mument kritiku fil-ġlieda tagħha kontra l-COVID-19. Ħafna pajjiżi bħalissa qed jillaxkaw ir-restrizzjonijiet, xi wħud fi sfond ta’ għadd dejjem akbar ta’ każijiet u b’varjanti ġodda li qed jitfaċċaw, filwaqt li għadhom qed iniedu programmi nazzjonali ta’ tilqim.

(7)

It-tnaqqis fil-livell tat-traffiku ferrovjarju meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti fis-snin preċedenti għadu jippersisti u x’aktarx li jkompli tal-inqas sal-konklużjoni tal-proċess tat-tilqim. Li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19.

(8)

Għalhekk, huwa meħtieġ li l-perjodu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429 jiġi estiż sal-aħħar ta’ Diċembru 2021.

(9)

Kieku l-Parlament Ewropew u l-Kunsill kellhom jiskrutinizzaw dan ir-Regolament għall-perjodu sħiħ ta’ oġġezzjoni previst fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2020/1429, dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ biss wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza attwalment previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2020/1429, u jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja kif stabbilit fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE. Dan japplika għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji għal servizzi ferrovjarji domestiċi u internazzjonali koperti minn dik id-Direttiva, matul il-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (‘il-perjodu ta’ referenza’)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 333, 12.10.2020, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2180 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 433, 22.12.2020, p. 37).


29.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1062

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li jikkoreġi il-verżjoni bil-lingwa Żvediża tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-verżjoni bil-lingwa Żvediża tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2) fiha żbalji fl-Anness VII [Il-Parti-NCO], is-subparti E, it-taqsima 6, il-punti NCO.SPEC.MCF.100, NCO.SPEC.MCF.110, NCO.SPEC.MCF.120 u NCO.SPEC.MCF.125 u fl-Anness VIII [Parti-SPO], is-subparti E, it-taqsima 5, il-punti SPO.SPEC.MCF.100 u SPO.SPEC.MCF.125 fir-rigward ta’ intestaturi mhux korretti u referenza mhux korretta.

(2)

Għalhekk, jenħtieġ li l-verżjoni bil-lingwa Żvediża tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 tiġi kkoreġuta skont dan. Il-verżjonijiet bil-lingwi l-oħra mhumiex affettwati.

(3)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(ma japplikax għal-lingwa Maltija)

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).


29.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1063

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li japprova l-alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tipi 3 u 4

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista tas-sustanzi attivi eżistenti li riedu jiġu evalwati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi l-alkyl (C12-16) dimethylbenzyl ammonium chloride (ADBAC/BKC (C12-C16)) li għandu jingħata isem ġdid għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament bħala alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil bħala riżultat tal-evalwazzjoni tiegħu.

(2)

L-alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil ġie evalwat għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 3, prodotti bijoċidali għall-iġjene veterinarja u prodotti tat-tip 4, diżinfettanti taż-żoni tal-ikel u tal-għalf, kif iddefiniti fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jikkorrispondu rispettivament mal-prodotti tat-tipi 3 u 4 kif iddefiniti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

L-Italja nħatret bħala l-Istat Membru relatur u l-awtorità kompetenti tagħha għall-evalwazzjoni ppreżentat ir-rapporti tal-valutazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Settembru 2012.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali adotta l-opinjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (4) (“l-Aġenzija”) fis-6 ta’ Ottubru 2020, wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti għall-evalwazzjoni.

(5)

Skont dawk l-opinjonijiet, wieħed jista' jissopponi li l-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tipi 3 u 4 li fihom l-alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(b), (c) u (d) tad-Direttiva 98/8/KE, sakemm ikun hemm konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet dwar l-użu tagħhom.

(6)

Filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tal-Aġenzija, jixraq li jiġi approvat l-alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil bħala sustanza attiv għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi tal-prodotti 3 u 4, soġġett għall-konformità ma’ ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.

(7)

Qabel ma tiġi approvata sustanza attiva, jenħtieġ li jitħalla jgħaddi perjodu ta’ żmien raġonevoli li jippermetti lill-partijiet interessati jlestu l-miżuri ta’ tħejjija li jeħtieġu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil huwa approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tipi 3 u 4 soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).

(3)  Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bioċidi (ĠU L 123, ta' l-24.4.1998, p. 1).

(4)  L-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Prodotti Bijoċidali dwar l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil; Tip tal-prodott: 3 u 4; ECHA/BPC/267/2020 u ECHA/BPC/268/2020, adottati fit-6 ta’ Ottubru 2020.


ANNESS

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri ta' Identifikazzjoni

Grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva  (1)

Data tal-approvazzjoni

Data ta’ skadenza tal-approvazzjoni

Tip ta' prodott

Kundizzjonijiet speċifiċi

alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil

Isem tal-IUPAC: mhux applikabbli

Numru KE: 270-325-2

Nru CAS: 68424-85-1

Purità minima tas-sustanza attiva evalwata: 972 g/kg piż niexef

L-1 ta’ Novembru 2022

Il-31 ta’ Ottubru 2032

3

L-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali hija soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-esponimenti, lir-riskji u lill-effikaċja marbutin ma’ kull użu li għalih tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda li ma jkunx ġie kopert fil-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva fil-livell tal-Unjoni.

(b)

Fid-dawl tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju għall-użi vvalutati, il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari lil:

(1)

l-utenti professjonali;

(2)

is-sediment wara d-diżinfezzjoni tal-vetturi użati għat-trasport tal-annimali u d-diżinfezzjoni fl-imfaqas wara t-trattament taċ-ċpar;

(3)

il-ħamrija wara d-diżinfezzjoni tal-vetturi użati għat-trasport tal-annimali, id-diżinfezzjoni tax-xedd tas-saqajn u d-diżinfezzjoni fil-imfaqas wara t-trattament taċ-ċpar.

(c)

Għall-prodotti li jistgħu jwasslu għal residwi fl-ikel jew fl-għalf, għandha tiġi vverifikata l-ħtieġa li jiġu stabbiliti livelli massimi ta' residwi (MRLs) ġodda jew li jiġu emendati l-livelli massimi ta' residwi eżistenti skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2) jew skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (3), u għandha tittieħed kull miżura xierqa ta' mitigazzjoni tar-riskji biex ikun żgurat li l-MRLs applikabbli ma jinqabżux.

4

L-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali hija soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-esponimenti, lir-riskji u lill-effikaċja marbutin ma’ kull użu li għalih tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda li ma jkunx ġie kopert fil-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva fil-livell tal-Unjoni.

(b)

Fid-dawl tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju għall-użi vvalutati, il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari:

(1)

l-utenti professjonali;

(2)

is-sediment u l-ħamrija wara d-diżinfezzjoni fil-biċċeriji u l-impjanti tal-laħam.

(c)

Għall-prodotti li jistgħu jwasslu għal residwi fl-ikel jew fl-għalf, għandha tiġi vverifikata l-ħtieġa li jiġu stabbiliti livelli massimi ta' residwi (MRLs) ġodda jew li jiġu emendati l-livelli massimi ta' residwi eżistenti skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 jew skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005, u għandha tittieħed kull miżura xierqa ta' mitigazzjoni tar-riskji biex ikun żgurat li l-MRLs applikabbli ma jinqabżux.

(d)

L-alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil ma għandux jiġu inkorporat f’materjali u f’oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (4) sakemm il-Kummissjoni ma tkunx stabbiliet limiti speċifiċi dwar il-migrazzjoni tal-alkil (C12-16) klorur tal-ammonju tad-dimetilbenżil fl-ikel jew tkun stabbiliet li dawn il-limiti mhumiex meħtieġa skont dak ir-Regolament.


(1)  Il-purità indikata f’din il-kolonna kienet il-grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva evalwata. Is-sustanza attiva fil-prodott li jitqiegħed fis-suq tista’ tkun tal-istess purità jew ta’ purità differenti jekk ikun ġie ppruvat li hi teknikament ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4).


29.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1064

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/520 fir-rigward tal-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali għat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 120(1) u l-punti (c), (d) u (f) tal-Artikolu 120(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali li huwa trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin. Il-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu I tal-Parti IV ta’ dak ir-Regolament jipprevedu r-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u għat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis fl-Unjoni. Ir-Regolament (UE) 2016/429 jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dak ir-Regolament permezz ta’ atti delegati.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 billi jipprovdi r-regoli għal stabbilimenti rreġistrati u approvati għal annimali terrestri miżmuma u għal bajd għat-tifqis, u għat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis. Il-Parti III ta’ dak ir-Regolament Delegat tinkludi regoli għat-traċċabbiltà tal-annimali terrestri miżmuma, u b’mod aktar speċifiku t-Titoli I u II tal-Parti III, jistabbilixxu regoli għat-traċċabbiltà tal-annimali bovini, ovini u kaprini miżmuma.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi fl-Unjoni tar-regoli dwar it-traċċabbiltà stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 u fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, ir-regoli ta’ implimentazzjoni dwar it-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/520 (3).

(4)

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (UE) 2016/429, kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Konsegwentement, ir-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/520 japplikaw fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jixraq li ssir referenza għall-Ftehim dwar il-Ħruġ fl-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(5)

Barra minn hekk, il-punt (a) tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/520 jistabbilixxi regoli għall-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma. L-ewwel element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni huwa l-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru fejn il-mezz ta’ identifikazzjoni ġie applikat għall-ewwel darba għall-annimali, fil-format jew ta’ kodiċi b’żewġ ittri f’konformità mal-istandard 3166–1 alpha-2 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO), ħlief għall-Greċja, li għaliha għandu jintuża l-kodiċi b’żewġ ittri “EL”, jew il-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ċifri f’konformità mal-istandard ISO 3166–1 numeriku. Billi ma hemm l-ebda subdiviżjoni għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fl-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/520, jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi emendat sabiex jistabbilixxi liema kodiċi tal-pajjiż għandu jkun l-ewwel element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma identifikati f’dak ir-reġjun tar-Renju Unit.

(6)

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2020/1470 (4) jistabbilixxi n-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-Istatistika Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, u jistipula li “XI” huwa l-kodiċi b’żewġ ittri li għandu jintuża jekk ikun hemm bżonn li r-Renju Uniti jiġi distint fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li dak il-kodiċi jissemma fl-Artikolu 12(a)(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/520 għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(7)

Barra minn hekk, kodiċi bi tliet ċifri korrispondenti ma ġiex definit għall-użu meta jkun hemm bżonn li r-Renju Uniti jiġi distint fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Il-kodiċi bi tliet ċifri “899” mhuwiex assenjat fl-istandard ISO 3166–1 numeriku. Għalhekk jenħtieġ li dak il-kodiċi jissemma fl-Artikolu 12(a)(ii) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/520 għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/520 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/520 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-Istati Membri (*1) dwar:

(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-Istati Membri jew għall-Unjoni jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”;"

(2)

fl-Artikolu 12, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-ewwel element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni għandu jkun il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru fejn il-mezz ta’ identifikazzjoni jkun ġie applikat għall-ewwel darba għall-annimali, fil-format ta’:

(i)

il-kodiċi b’żewġ ittri f’konformità mal-istandard ISO 3166–1 alpha–2, ħlief għall-Greċja, li għaliha għandu jintuża l-kodiċi b’żewġ ittri “EL”, u għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, li għaliha għandu jintuża l-kodiċi b’żewġ ittri “XI”; jew

(ii)

il-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ċifri f’konformità mal-istandard ISO 3166–1 numeriku, ħlief għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, li għalih għandu jintuża “899”;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/520 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma (ĠU L 104, 25.3.2021, p. 39).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1470 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija u dwar it-tqassim ġeografiku għal statistika oħra tan-negozju (ĠU L 334, 13.10.2020, p. 2).


DEĊIŻJONIJIET

29.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1065

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK (1), li stabbiliet Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah).

(2)

Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/955 (2), li emendat l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK u estendietha sat-30 ta’ Ġunju 2021.

(3)

Fl-4 ta’ Marzu 2021, fil-kuntest tar-Reviżjoni Strateġika tal-EU BAM Rafah, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li l-EU BAM Rafah għandha tiġi estiża għal perijodu ulterjuri ta’ 24 xahar, sat-30 ta’ Ġunju 2023.

(4)

Fl-1 ta’ Ġunju 2021, il-KPS innota wkoll li, b’kont meħud tal-informazzjoni pprovduta minn Iżrael u l-Awtorità Palestinjana, l-EU BAM Rafah għandha f’dan l-istadju tiġi estiża b’sena, sat-30 ta’ Ġunju 2022.

(5)

Għalhekk l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(6)

L-EU BAM Rafah ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 13(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM Rafah għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022 għandu jkun ta’ EUR 2 460 000.”;

(2)

fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Hija għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2022.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/889/PESK tal-25 ta’ Novembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (ĠU L 327, 14.12.2005, p. 28).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/955 tat-30 ta’ Ġunju 2020 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (ĠU L 212, 3.7.2020, p. 18).


29.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1066

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li temenda d-Deċiżjoni 2013/354/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-3 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/354/PESK (1), li kompliet l-EUPOL COPPS mill-1 ta’ Lulju 2013.

(2)

Fid-29 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/902 (2), li emendat id-Deċiżjoni 2013/354/PESK u li estendietha mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.

(3)

Fl-4 ta’ Marzu 2021, fil-kuntest tar-Reviżjoni Strateġika tal-EUPOL COPPS, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li l-EUPOL COPPS għandha tiġi estiża għal perijodu ulterjuri ta’ 24 xahar, sat-30 ta’ Ġunju 2023.

(4)

Fl-1 ta’ Ġunju 2021, il-KPS innota wkoll li, b’kont meħud tal-informazzjoni pprovduta minn Iżrael u l-Awtorità Palestinjana, l-EUPOL COPPS għandha f’dan l-istadju tiġi estiża b’sena, sat-30 ta’ Ġunju 2022.

(5)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2013/354/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(6)

L-EUPOL COPPS ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/354/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 12(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUPOL COPPS għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022 għandu jkun ta’ EUR 12 600 000.”;

(2)

fl-Artikolu 15, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Hija għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2022.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/354/PESK tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (ĠU L 185, 4.7.2013, p. 12).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/902 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/354/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (ĠU L 207, 30.6.2020, p. 30).