ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 163

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
10 ta' Mejju 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/753 tas-6 ta’ Mejju 2021 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279

1

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/754 tal-4 ta’ Mejju 2021 dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Bord Estonjan għas-Saħħa li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 3032)

3

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/755 tas-6 ta’ Mejju 2021 li taħtar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali, għar-ruminanti u għall-ekwini f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 3009)  ( 1 )

5

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

10.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/753

tas-6 ta’ Mejju 2021

li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-punt (13) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Malta tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) tliet kategoriji ta’ persuni taxxabbli: dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 37 000 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista tal-merkanzija; dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 24 300 jekk l-attività ekonomika tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin); u dawk li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 14 600 f’każijiet oħrajn, jiġifieri dawk li jipprovdu servizz b’valur miżjud għoli (inputs baxxi).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 (2) Malta ġiet awtorizzata tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2024, miżura speċjali li tidderoga mill-punt (13) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi) u li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 20 000.

(3)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2020, Malta talbet awtorizzazzjoni biex tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2024, miżura ta’ deroga mill-punt (13) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tippermetti lil Malta teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin), jew fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi) u li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla minn EUR 30 000 (il-“miżura ta’ deroga”). Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni relatata mat-talba, li ġiet ipprovduta permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-9 ta’ Novembru 2020.

(4)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Diċembru 2020, bagħtet it-talba ta’ Malta lill-Istati Membri l-oħra. Permezz ta’ ittra datata t-18 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lil Malta li kellha l-informazzjoni kollha li hija kkunsidrat bħala meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)

Minħabba li ż-żieda fil-livell limitu hija mistennija li tnaqqas l-obbligi tal-VAT u b’hekk il-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar, u li tissimplifika l-ġbir tal-VAT għall-awtoritajiet tat-taxxa, u minħabba li l-impatt fuq id-dħul totali mill-VAT ta’ Malta miġbur fl-istadju tal-aħħar konsum huwa negliġibbli, jenħtieġ li Malta tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga.

(6)

Il-miżura ta’ deroga ma jkollhiex effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li Malta ser twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (3).

(7)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE tħassar bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (4), li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, huwa adatt li Malta tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-punt (13) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Malta hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-attività ekonomika tagħhom tkun tikkonsisti prinċipalment fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud baxx (inputs għoljin), jew fil-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud għoli (inputs baxxi), u li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 30 000.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 b’dan titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/279 tal-20 ta’ Frar 2018 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 54, 24.2.2018, p. 14).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).


10.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/754

tal-4 ta’ Mejju 2021

dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Bord Estonjan għas-Saħħa li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 3032)

(It-test Estonjan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Ġunju 2020, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Bord Estonjan għas-Saħħa (“l-awtorità kompetenti”) adotta deċiżjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru (“l-azzjoni”) sas-16 ta’ Diċembru 2020. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha.

(2)

Skont it-tagħrif li tat l-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa sabiex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għall-funzjonament ħażin tal-magni ta’ inġenji tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tagħhom, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet li rriżultaw minnha wasslu biex bosta inġenji tal-ajru kellhom jibqgħu pparkjati temporanjament. L-immobbiltà tal-inġenji tal-ajru hija fattur aggravanti tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

(3)

Il-Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilenediossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (numru CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (numru CAS 14697-50-8), li huma sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6 bħala preservattivi tal-prodotti waqt il-ħżin, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Billi dawk is-sustanzi attivi mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), mhumiex inklużi fil-ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivieżistenti kollha li jinsabu fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għalhekk, l-Artikolu 89 ta’ dak ir-Regolament ma japplikax għalihom u jridu jiġu vvalutati u approvati qabel ma jistgħu jiġu awtorizzati fil-livell nazzjonali wkoll il-prodotti bijoċidali li jkun fihom dawk is-sustanzi attivi.

(4)

Fis-16 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex tiġi estiża l-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret minħabba tħassib li s-sikurezza tat-trasport bl-ajru tista’ tibqa’ pperikolata minħabba l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru wara s-16 ta’ Diċembru 2020, u fuq l-argument li l-Biobor JF huwa essenzjali biex tiġi kkontrollata din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

(5)

Skont it-tagħrif li tat l-awtorità kompetenti, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv irrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (il-Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba anomaliji serji fl-imġiba tal-magni li ġew osservati wara t-trattament b’dak il-prodott.

(6)

It-trattament mekkaniku tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u tas-sistemi tal-fjuwil mhux dejjem ikun possibbli u l-proċeduri tal-avjazzjoni miftiehma jeħtieġu t-trattament bi prodott bijoċidali anki meta t-tindif mekkaniku jkun possibbli. Barra minn hekk, it-trattament mekkaniku jesponi lill-ħaddiema għal gassijiet tossiċi u għalhekk jenħtieġ li jiġi evitat.

(7)

Skont it-tagħrif li għandha l-Kummissjoni, il-manifattur tal-Biobor JF ħa passi biex il-prodott jiġi awtorizzat b’mod regolari, u fil-futur qarib mistennija titressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda biex dawk il-proċeduri jitlestew, jieħdu ħafna żmien.

(8)

In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jitrażżan sew bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għalhekk jixraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni.

(9)

Billi l-azzjoni skadiet fis-16 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha effett retroattiv.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bord Estonjan għas-Saħħa jista’ jestendi l-azzjoni sal-20 ta’ Ġunju 2022 biex jippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu mill-utenti professjonali tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Bord Estonjan għas-Saħħa.

Għandha tapplika mis-17 ta’ Diċembru 2020.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294 10.10.2014, p. 1).


10.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/755

tas-6 ta’ Mejju 2021

li taħtar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali, għar-ruminanti u għall-ekwini f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 3009)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 95(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra, inkluż għall-għażla u l-ħatra ta’ ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali. Iċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet orizzontali jappoġġaw it-trattament xieraq tal-annimali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali, li huwa msemmi fl-Artikolu 1(2)(f) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/329 (2) ħatar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali li, skont il-programm ta’ ħidma tiegħu, jiffoka fuq il-ħnieżer, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/1685 (3) ħatar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett.

(3)

Sussegwentement, f’konformità mal-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni wettqet proċess ta’ għażla pubblika permezz ta’ sejħa għall-għażla u l-ħatra ta’ ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali għar-ruminanti u għall-ekwini.

(4)

Il-Kumitat tal-evalwazzjoni u tal-għażla maħtur għall-proċess tal-għażla msemmi fil-premessa 3 ikkonkluda li l-konsorzju mmexxi mill-Università Żvediża tax-Xjenzi Agrikoli u miċ-Ċentru Żvediż għat-Trattament Xieraq tal-Annimali (l-Iżvezja), u magħmul ukoll mill-Università tar-Riżorsi Naturali u x-Xjenzi tal-Ħajja (l-Awstrija), minn Ellinikos Georgikos Organismos-Dimitra/l-Istitut tar-Riċerka Veterinarja (il-Greċja), mill-Istitut Nazzjonali għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Ambjent (Franza), mill-Kulleġġ Universitarju ta’ Dublin (l-Irlanda) u mill-Instituto Zooprofilattico Sperimentale dell’Abruzzo e del Molise “G. Caporale” (l-Italja) (il-konsorzju), jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 95(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u jenħtieġ li jkun responsabbli għall-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 96 ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tar-ruminanti u tal-ekwini.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-konsorzju jinħatar bħala ċ-Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali għar-ruminanti u għall-ekwini, u se jkun responsabbli għall-kompiti ta’ appoġġ inklużi fil-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali taċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li dawn il-programmi ta’ ħidma jiġu stabbiliti f’konformità mal-objettivi u mal-prijoritajiet tal-programmi ta’ ħidma rilevanti adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(6)

L-Artikolu 95(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li l-ħatra ta’ Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali tkun limitata fiż-żmien jew riveduta regolarment. Għalhekk, jenħtieġ li l-ħatra taċ-Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali għar-ruminanti u għall-ekwini, tiġi riveduta kull ħames snin.

(7)

Jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea maħtur għat-trattament xieraq tal-annimali għar-ruminanti u għall-ekwini, jingħata żmien biżżejjed biex iħejji l-programm ta’ ħidma tiegħu għall-perjodu baġitarju li jmiss. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2021.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-konsorzju li ġej b’dan inħatar bħala ċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali responsabbli għall-attivitajiet orizzontali ta’ appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tar-rekwiżiti għat-trattament xieraq għar-ruminanti u għall-ekwini:

Isem: Konsorzju mmexxi mill-Università Żvediża tax-Xjenzi Agrikoli u miċ-Ċentru Żvediż għat-Trattament Xieraq tal-Annimali (l-Iżvezja), u magħmul ukoll mill-Università tar-Riżorsi Naturali u x-Xjenzi tal-Ħajja (l-Awstrija), minn Ellinikos Georgikos Organismos-Dimitra/l-Istitut tar-Riċerka Veterinarja (il-Greċja), mill-Istitut Nazzjonali għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Ambjent (Franza), mill-Kulleġġ Universitarju ta’ Dublin (l-Irlanda) u mill-Instituto Zooprofilattico Sperimentale dell’ Abruzzo (l-Italja)

Indirizz:

P.O. Box 7068

750 07 Uppsala

L-IŻVEZJA

2.   Il-ħatra għandha tiġi eżaminata mill-ġdid kull ħames snin mill-ewwel jum ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/329 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali (ĠU L 63, 6.3.2018, p. 13).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1685 tal-4 ta’ Ottubru 2019 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett (ĠU L 258, 9.10.2019, p. 11).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1).