ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 147

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
30 ta' April 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/706 tad-29 ta’ April 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/707 tad-29 ta’ April 2021 li jimplimenta l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

3

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/708 tat-28 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1484/95 fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet rappreżentattivi fis-setturi tal-laħam tat-tjur u l-bajd u għall-albumina tal-bajd

5

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/709 tad-29 ta’ April 2021 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina magħmul minn Escherichia coli KCCM 80212 bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali ( 1 )

8

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/710 tad-29 ta’ April 2021 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani

12

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/711 tad-29 ta’ April 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

17

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/712 tad-29 ta’ April 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

19

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/713 tad-29 ta’ April 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 ( 1 )

21

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament (UE) 2020/740 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri oħra, li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1369 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1222/2009 ( ĠU L 177, 5.6.2020 )

23

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/706

tad-29 ta’ April 2021

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4i tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 401/2013.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 4i tar-Regolament (UE) Nru 401/2013, il-Kunsill wettaq rieżami tal-lista ta’ persuni u entitajiet deżinjati li tinsab fl-Anness IV għal dak ir-Regolament.

(3)

Ġiet riċevuta informazzjoni aġġornata għal żewġ entrati.

(4)

L-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 121, 3.5.2013, p. 1.


ANNESS

L-entrati 4 u 10 fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stabbilita fl-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013 huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“4.

Aung Aung

Ġeneru: raġel

Numru ta’ identifikazzjoni militari: BC 23750

Il-Maġġur Ġeneral Aung Aung huwa l-Kmandant tal-Kmand tal-Lbiċ tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-eks Kmandant tat-33 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F’dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta’ Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mit-33 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u l-ħruq sistematiku ta’ djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

10.

Khin Hlaing

Data tat-twelid: 2 ta’ Mejju 1968

Ġeneru: raġel

Il-Maġġur Ġeneral Khin Hlaing kien il-Kmandant tar-Reġjun tat-Triangolu tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Huwa l-eks Kmandant tad-99 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa u kien il-Kmandant tal-Kmand tal-Grigal tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Bħala l-Kmandant tad-99 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa huwa ssorvelja l-operazzjonijiet militari li twettqu fl-Istat ta’ Shan fl-2016 u l-bidu tal-2017. F’dak il-kuntest, huwa responsabbli mill-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu fuq minoranza etnika ta’ raħħala fl-Istat ta’ Shan fit-tieni nofs tal-2016 mid-99 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu l-qtil illegali, id-detenzjoni furzata u l-qerda tal-villaġġi.

21.12.2018”


30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/707

tad-29 ta’ April 2021

li jimplimenta l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014.

(2)

Fil-5 ta’ April 2021, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2127 (2013) approva t-tneħħija ta’ entità mil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Għelhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 huwa b’dan emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1.


ANNESS

Fil-lista li tinsab fil-Parti B (Entitajiet) tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014, titħassar l-entrata għall-entità li ġejja:

1.

BUREAU D'ACHAT DE DIAMANT EN CENTRAFRIQUE/KARDIAM (psewdonimu: a) BADICA/KRDIAM b) KARDIAM).


30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/708

tat-28 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1484/95 fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet rappreżentattivi fis-setturi tal-laħam tat-tjur u l-bajd u għall-albumina tal-bajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 183(b) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1484/95 (3) stabbilixxa regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ dazji addizzjonali tal-importazzjoni u ffissa l-prezzijiet rappreżentattivi fis-setturi tal-laħam tat-tjur u tal-bajd u għall-albumina tal-bajd.

(2)

Minn kontroll regolari tad-data, li abbażi tagħha jiġu stabbiliti l-prezzijiet rappreżentattivi għall-prodotti tas-setturi tal-laħam tat-tjur u tal-bajd u għall-albumina tal-bajd, jirriżulta li jenħtieġ li jiġu emendati l-prezzijiet rappreżentattivi għall-importazzjoni ta’ ċerti prodotti biex jitqiesu l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet skont l-oriġini.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1484/95 jiġi emendat skont dan.

(4)

Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li din il-miżura tapplika kemm jista’ jkun malajr wara li d-data aġġornata ssir disponibbli, jenħtieġ li r-Regolament preżenti jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1484/95 jiġi sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Wolfgang BURTSCHER

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1484/95 tat-28 ta’ Ġunju 1995 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni u jiffissa dazji addizzjonali tal-importazzjoni fl-oqsma tal-laħam tat-tjur u l-bajd u għall-albumina tal-bajd, u jħassar ir-Regolament Nru 163/67/KEE (ĠU L 145, 29.6.1995, p. 47).


ANNESS

“ANNESS I

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Prezz rappreżentattiv

(f’EUR/100 kg)

Garanzija msemmija fl-Artikolu 3

(f’EUR/100 kg)

Oriġini  (1)

0207 14 10

Qatgħat bla għadam ta’ tjur tal-ispeċi Gallus domesticus, iffriżati

170,6

145,9

192,4

45

57

34

AR

BR

TH

0207 27 10

Qatgħat tad-dundjani, bla għadam, iffriżati

399,8

0

BR


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7).”


30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/709

tad-29 ta’ April 2021

li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina magħmul minn Escherichia coli KCCM 80212 bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u jipprevedi r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina. Mal-applikazzjoni nhemżu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament.

(3)

L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina magħmul minn Escherichia coli KCCM 80212 bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, biex tiġi kklassifikata fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrizzjonali”.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tat-30 ta’ Settembru 2020 (2), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, il-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina magħmul minn Escherichia coli KCCM 80212, meta jiġi ssupplimentat f’livelli xierqa skont il-ħtiġijiet tal-ispeċijiet fil-mira, ma jħallix effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, fuq is-saħħa tal-konsumaturi jew fuq l-ambjent. Fir-rigward tas-sikurezza tal-utent tal-addittiv, l-Awtorità ddikjarat li l-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina magħmul minn Escherichia coli KCCM 80212, hu sensitizzatur tal-ġilda u li hemm riskju mill-esponiment għall-endotossini man-nifs. Għalhekk, jenħtieġ jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jipprevjenu effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari fuq l-utenti tal-addittiv. Barra minn hekk, l-Awtorità kkonkludiet li l-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina magħmul minn Escherichia coli KCCM 80212 hu sors effikaċi ta’ aċidu amminiku tal-L-istidina essenzjali għan-nutrizzjoni tal-annimali, u li biex ikun effikaċi fl-annimali ruminanti, l-addittiv jenħtieġ jiġi protett mid-degradazzjoni fil-kirxa. L-Awtorità ma jidhrilhiex li hemm bżonn rekwiżiti speċifiċi għal monitoraġġ ta’ wara t-tqegħid fis-suq. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf, li tressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni ta’ dik is-sustanza turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għalhekk, jenħtieġ jiġi awtorizzat l-użu ta’ dik is-sustanza kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina magħmul minn Escherichia coli KCCM 80212 speċifikat fl-Anness, li jappartjeni għall-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrizzjonali” u l-grupp funzjonali “aċidi amminiċi, imluħ u l-analogi tagħhom”, hu awtorizzat bħala addittiv tal-għalf fin-nutrizzjoni tal-annimali soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  L-EFSA Journal 2020;18(11):6287.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimali

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg/kg ta’ għalf sħiħ b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija tal-addittivi nutruzzjonali. Grupp funzjonali: aċidi amminiċi, imluħ u l-analogi tagħhom.

3c352i

-

Il-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina

Kompożizzjoni tal-addittiv:

Trab b’kontenut minimu ta’

98 % ta’ monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina u

72 % ta’ istidina u

kontenut massimu ta’ 100 ppm ta’ istamina

L-ispeċijiet kollha tal-annimali

-

-

-

1.

Il-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina jista’ jitqiegħed fis-suq u jintuża bħala addittiv f’għamla ta’ preparazzjoni.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-pretaħlitiet għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà għat-trattament bis-sħana.

3.

Fuq it-tikketta tal-addittiv u tal-pretaħlita trid issir id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Is-supplimentazzjoni bil-monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina għandha tkun limitata għar-rekwiżiti nutrizzjonali tal-annimal fil-mira, li tiddependi fuq l-ispeċi, l-istat fiżjoloġiku tal-annimal, il-livell ta’ prestazzjoni, il-kundizzjonijiet ambjentali, il-livell ta’ aċidi amminiċi oħra fid-dieta u l-livell ta’ oligoelementi essenzjali bħar-ram u ż-żingu.”

Kontenut tal-istidina.

4.

Il-kontenut tal-endotossini tal-addittiv u l-potenzjal tiegħu li jarmi t-trab għandu jiżgura esponiment massimu tal-endotossini ta’ 1 600 IU ta’ endotossini/m3 ta’ arja  (2).

5.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-pretaħlitiet, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operazzjonali u l-miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali tal-inalazzjoni jew tal-kuntatt mal-ġilda. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jixxejnu jew jitnaqqsu kemm jista’ jkun bi proċeduri u b’miżuri bħal dawn, għandu jintuża tagħmir protettiv personali, inkluż il-protezzjoni għan-nifs kif ukoll in-nuċċalijiet u l-ingwanti tas-sikurezza, meta jintużaw l-addittiv u l-pretaħlitiet.

20.5.2031

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

Monoidroklorur monoidrat tal-L-istidina magħmul minn Escherichia coli KCCM 80212

Formula kimika: C3H3N2-CH2-CH(NH2)-COΟΗ·ΗCl·Η2O

Numru CAS: 5934-29-2

Numru EINECS 211-438-9

Metodu analitiku  (1):

Għall-kwantifikazzjoni tal-istidina fl-addittiv tal-għalf:

kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja abbinata ma’ detezzjoni fotometrika (HPLC-UV)

kromatografija bi skambju tal-joni abbinata ma’ derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni ottika (IEC-VIS/FLD)

Għall-kwantifikazzjoni tal-istidina fil-pretaħlitiet, fil-materjali tal-għalf u fl-għalf kompost:

kromatografija bi skambju tal-joni abbinata ma’ derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni fotometrika (IEC-VIS), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (Anness III, F)

Għall-kwantifikazzjoni tal-istamina fl-addittiv tal-għalf:

kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja abbinata ma’ detezzjoni spettrofotometrika (HPLC-UV)


(1)  L-esponiment jinħadem abbażi tal-livell tal-endotossini u l-potenzjal tal-addittiv li jarmi t-trab skont il-metodu użat mill-EFSA (EFSA Journal 2015;13(2):4015); metodu analitiku: Farmakopea Ewropea 2.6.14. (endotossini batteriċi).

(2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


DEĊIŻJONIJIET

30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/710

tad-29 ta’ April 2021

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt Iżraeljan-Palestinjan hija prijorità strateġika għall-Unjoni u l-Unjoni trid tibqa’ impenjata b’mod attiv sakemm dak il-kunflitt jissolva abbażi tas-soluzzjoni ta’ żewġ Stati.

(2)

L-Unjoni hi impenjata għal paċi komprensiva u dejjiema għar-reġjun tal-Lvant Nofsani kollu u tinsab lesta li taħdem għal dak il-għan flimkien mas-sħab reġjonali u internazzjonali.

(3)

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani jenħtieġ li jinħatar għal perijodu ta’ 22 xahar.

(4)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Sven KOOPMANS huwa b’dan maħtur bħala r-RSUE għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani mill-1 ta’ Mejju 2021 sat-28 ta’ Frar 2023. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq il-politika li ġejja fir-rigward tal-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani (PPLN):

(a)

l-objettiv ġenerali huwa paċi ġusta, dejjiema u komprensiva li jenħtieġ li tinkiseb abbażi ta’ soluzzjoni ta’ żewġ Stati, b’Iżrael u Stat Palestinjan demokratiku, kontigwu, vijabbli, paċifiku u sovran jgħixu maġenb xulxin ġewwa fruntieri siguri u rikonoxxuti, filwaqt li jgawdu relazzjonijiet normali mal-ġirien tagħhom f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCRs) rilevanti 242 (1967) u 338 (1973) u filwaqt li jitfakkru UNSCRs oħra rilevanti, inkluż UNSCR 2334 (2016), il-prinċipji ta’ Madrid, inkluż art għall-paċi, il-Pjan Direzzjonali, il-ftehimiet li ntlaħqu qabel mill-partijiet, l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant nofsani (‘‘il-Kwartett’’) tal-1 ta’ Lulju 2016. Fid-dawl tal-aspetti differenti tar-relazzjonijiet Iżraeljani-Għarab, id-dimensjoni reġjonali tikkostitwixxi komponent essenzjali għal paċi komprensiva;

(b)

biex jintlaħaq dan l-objettiv, il-prijoritajiet ta’ politika huma l-preservazzjoni tas-soluzzjoni ta’ żewġ Stati u l-varar mill-ġdid u l-appoġġ għall-proċess ta’ paċi. Parametri ċari li jiddefinixxu l-bażi għan-negozjati huma elementi ewlenin għal eżitu b’suċċess u l-Unjoni stabbiliet il-pożizzjoni tagħha rigward tali parametri fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2009, Diċembru 2010 u Lulju 2014, li hi ser tkompli tippromwovi b’mod attiv;

(c)

l-Unjoni hija impenjata li taħdem mal-partijiet u mas-sħab fil-komunità internazzjonali, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fil-Kwartett u ssegwi b’mod attiv inizjattivi internazzjonali xierqa biex tinħoloq dinamika ġdida għan-negozjati.

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jipprovdi kontribut attiv u effiċjenti mill-Unjoni għal azzjonijiet u inizjattivi li jwasslu għal riżoluzzjoni finali tal-konflitt Iżraeljan-Palestinjan abbażi tas-soluzzjoni ta’ żewġ Stati u f’konformità mal-parametri tal-Unjoni u l-UNSCRs rilevanti, inkluż UNSCR 2334 (2016), u jressaq proposti għal azzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward;

(b)

jiffaċilita u jżomm kuntatti mill-qrib mal-partijiet kollha tal-proċess ta’ paċi, l-atturi politiċi rilevanti, pajjiżi oħra tar-reġjun, il-membri tal-Kwartett u pajjiżi rilevanti oħra, kif ukoll man-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, bħal-Lega tal-Istati Għarab, sabiex jaħdem magħhom fit-tisħiħ tal-proċess ta’ paċi;

(c)

jieħu vantaġġ mix-xenarju reġjonali li qed jevolvi fil-Lvant Nofsani u b’mod partikolari n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Iżrael u għadd ta’ pajjiżi Għarab, sabiex ikompli jmexxi ‘l quddiem il-proċess ta’ paċi u b’hekk jikkontribwixxu għall-istabbiltà reġjonali;

(d)

jagħti attenzjoni partikolari lil fatturi li jaffettwaw id-dimensjoni reġjonali tal-proċess ta’ paċi, lill-involviment mas-sħab Għarab, u lill-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi;

(e)

jaħdem kif ikun meħtieġ biex jippromwovi u jikkontribwixxi għal qafas ġdid possibbli ta’ negozjati f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha u l-Istati Membri;

(f)

jappoġġa u jikkontribwixxi b’mod attiv għal negozjati ta’ paċi bejn il-partijiet, anke billi jressaq proposti f’isem l-Unjoni u f’konformità mal-politika konsolidata li ilha li ġiet stabbilita fil-kuntest ta’ dawk in-negozjati;

(g)

jiżgura preżenza kontinwa tal-Unjoni fil-fora internazzjonali rilevanti;

(h)

jikkontribwixxi għall-immaniġġar u l-prevenzjoni ta’ kriżijiet, anke fir-rigward ta’ Gaża;

(i)

jikkontribwixxi, fejn mitlub, għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali milħuqa bejn il-partijiet u jinvolvi ruħu magħhom diplomatikament fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mat-termini ta’ dawk il-ftehimiet;

(j)

jikkontribwixxi għal sforzi politiċi biex issir bidla fundamentali li twassal għal soluzzjoni sostenibbli għall-Istrixxa ta’ Gaża li hija parti integrali ta’ Stat Palestinjan futur u li għandha tiġi indirizzata fin-negozjati;

(k)

jinvolvi ruħu b’mod kostruttiv mal-firmatarji ta’ ftehimiet fil-qafas tal-proċess ta’ paċi sabiex jippromwovi konformità man-normi bażiċi tad-demokrazija, inkluż ir-rispett lejn id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

(l)

jagħmel proposti għall-interventi tal-Unjoni fil-proċess ta’ paċi u dwar l-aħjar mod kif jiġu segwiti l-inizjattivi tal-Unjoni u l-isforzi tal-Unjoni relatati mal-proċess ta’ paċi attwali, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-riformi Palestinjani u inklużi l-aspetti politiċi tal-proġetti rilevanti tal-Unjoni għall-iżvilupp;

(m)

jimpenja lill-partijiet biex joqogħdu lura minn azzjonijiet unilaterali li jheddu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta’ żewġ Stati, notevolment f’Ġerusalemm u fiż-Żona C tax-Xatt tal-Punent Okkupat;

(n)

jirrapporta regolarment, bħala Mibgħut tal-Kwartett, dwar il-progress u l-evoluzzjoni fin-negozjati, kif ukoll dwar l-attivitajiet tal-Kwartett, u jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-laqgħat tal-Mibgħuta tal-Kwartett abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni u permezz ta’ koordinazzjoni ma’ membri oħra tal-Kwartett;

(o)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem f’kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni kontrihom, u tal-politika tal-Unjoni rigward il-UNSCR 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, anke bil-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi kif ukoll bil-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet f’dak ir-rigward;

(p)

jikkontribwixxi għal komprensjoni u viżibbiltà aħjar tar-rwol tal-Unjoni fost l-opinjonisti ewlenin fir-reġjun;

(q)

jinvolvi ruħu, kif meħtieġ, mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inkluż in-nisa u ż-żgħażagħ, kif ukoll ma’ dawk involuti f’miżuri biex tinbena l-fiduċja bejn il-partijiet.

2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ, filwaqt li jżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet kollha tal-Unjoni fir-reġjun relatati mal-PPLN.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jiżgura konċertazzjoni u kooperazzjoni sistematiċi u ċari mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

4.   Ir-RSUE ser jagħmel żjarat regolari fir-reġjun u ser jiżgura koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni fir-reġjun kollu, inkluż l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm, id-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv u, permezz tagħhom, mar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta’ Mejju 2021 sat-28 ta’ Frar 2023 għandu jkun ta’ EUR 2 099 463,58.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jitpoġġew għad-dispożizzjoni, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-formazzjoni ta’ tim. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibagħtu, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jitqiegħed fl-istess post tad-dipartiment rilevanti tas-SEAE, mad-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv u mal-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tiegħu

Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jinftiehmu mal-pajjiżi ospitanti, kif xieraq. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan l-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri għandhom, skont il-każ, jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva skont it-Titlu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni taċ-ċaqliq mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta’ responsabbiltà, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif ikunu jeħtieġu l-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta’ responsabbiltà, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha li jsiru wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport ta’ progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jipprovdi rapport ukoll lill-gruppi ta’ ħidma oħrajn tal-Kunsill kif ikun neċessarju. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. Ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu utilizzati konsistentement, sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. Għandu jintalab kuntatt mal-Istati Membri fejn xieraq. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tas-servizzi tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi sessjonijiet ta’ informazzjoni regolari lid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u lill-Missjonijiet tal-Istati Membri, inkluż l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm u d-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri, mal-Kapijiet ta’ Delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal- politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni rilevanti. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Tel Aviv u l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Unjoni f’Ġerusalemm, għandu jipprovdi lill-Kapijiet tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) u tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EUBAM Rafah) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-kamp.

Artikolu 13

Assistenza rigward pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fl-għoti ta’ elementi sabiex tingħata risposta għal kwalunkwe pretensjoni u kwalunkwe obbligu li jkunu jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għall-PPLN, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn l-għanijiet.

Artikolu 14

Rieżami

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jinżammu taħt rieżami regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapporti ta’ progress regolari lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta’ Novembru 2022.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/711

tad-29 ta’ April 2021

li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/184/PESK (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma.

(2)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2013/184/PESK, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jiġġeddu sat-30 ta’ April 2022.

(3)

Ġiet riċevuta informazzjoni aġġornata għal żewġ entrati.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/184/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/184/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ April 2022. Għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”;

(2)

l-Anness huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK tat-22 ta’ April 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75).


ANNESS

L-entrati 4 u 10 fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stabbilita fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“4.

Aung Aung

Ġeneru: raġel

Numru ta’ identifikazzjoni militari: BC 23750

Il-Maġġur Ġeneral Aung Aung huwa l-Kmandant tal-Kmand tal-Lbiċ tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-eks Kmandant tat-33 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F’dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta’ Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mit-33 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u l-ħruq sistematiku ta’ djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

10.

Khin Hlaing

Data tat-twelid: 2 ta’ Mejju 1968

Ġeneru: raġel

Il-Maġġur Ġeneral Khin Hlaing kien il-Kmandant tar-Reġjun tat-Triangolu tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Huwa l-eks Kmandant tad-99 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa u kien il-Kmandant tal-Kmand tal-Grigal tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Bħala l-Kmandant tad-99 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa huwa ssorvelja l-operazzjonijiet militari li twettqu fl-Istat ta’ Shan fl-2016 u l-bidu tal-2017. F’dak il-kuntest, huwa responsabbli mill-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu fuq minoranza etnika ta’ raħħala fl-Istat ta’ Shan fit-tieni nofs tal-2016 mid-99 Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu l-qtil illegali, id-detenzjoni furzata u l-qerda tal-villaġġi.

21.12.2018”


30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/712

tad-29 ta’ April 2021

li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2c tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

(2)

Fil-5 ta’ April 2021, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2127 (2013) approva t-tneħħija ta’ entità mil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK huwa b’dan emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.


ANNESS

Fil-lista li tinsab fil-Parti B (Entitajiet) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK, titħassar l-entrata għall-entità li ġejja:

1.

BUREAU D'ACHAT DE DIAMANT EN CENTRAFRIQUE/KARDIAM (psewdonimu: a) BADICA/KRDIAM b) KARDIAM).


30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/21


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/713

tad-29 ta’ April 2021

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Is-sustanza attiva sulfuril tal-fluworur iddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18, u skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hija għalhekk meqjusa li ġiet approvata skont dak ir-Regolament soġġetta għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Fit-28 ta’ Ġunju 2017, ġiet sottomessa applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18.

(3)

Fl-14 ta’ Frar 2018, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tal-Iżvezja infurmat lill-Kummissjoni li skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, iddeċidiet li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

Billi l-awtorità kompetenti qed twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, (“l-Aġenzija”) għandha tħejji u tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva fi żmien 270 jum minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(5)

Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1479 (3), id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 ġiet posposta għat-30 ta’ Ġunju 2021, li taqbel mad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/84/KE (4), sabiex ikun hemm biżżejjed ħin għall-istudju tal-applikazzjoni. Madankollu, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għadha ma ffinalizzatx l-istudju u għadha ma ssottomettietx ir-rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha lill-Aġenzija.

(6)

Fit-18 ta’ Frar 2020, l-awtorità kompetenti li tevalwa, talbet lill-applikant biex jissottometti informazzjoni addizzjonali biex l-evalwazzjoni titwettaq f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u stabbiliet il-31 ta’ Marzu 2022 bħala d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ din l-informazzjoni.

(7)

Għaldaqstant, l-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodotti 8 u 18 x’aktarx se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex ikun jista’ jitlesta l-istudju tal-applikazzjoni.

(8)

Meta wieħed iqis iż-żmien meħtieġ għat-tlestija tal-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa u għat-tħejjija u għas-sottomissjoni tal-opinjoni mill-Aġenzija, jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni għall-31 ta’ Diċembru 2023.

(9)

Minbarra d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, is-sulfuril tal-fluworur jibqa’ approvat għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 hija posposta għall-31 ta’ Diċembru 2023.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1479 tat-3 ta’ Ottubru 2018 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sulfuril tal-fluworur għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (ĠU L 249, 4.10.2018, p. 16).

(4)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/84/KE tat-28 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-fluworid tas-sulfuril bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 67).


Rettifika

30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/23


Rettifika tar-Regolament (UE) 2020/740 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri oħra, li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1369 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1222/2009

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 177 tal-5 ta' Ġunju 2020 )

1)

Fil-werrej u fil-paġna 1, it-titolu

Minflok:

“Regolament (UE) 2020/740 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri oħra, li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1369 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1222/2009”

aqra:

“Regolament (UE) 2020/740 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri oħra, li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1369 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1222/2009 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)”.

2)

Fil-paġna 18, fl-Anness II, taħt il-punt 2.1, l-immaġini tal-parti ta’ fuq tat-tikketta tat-tajer hija sostitwita b’dan li ġej:

Image 1

3)

Fil-paġna 20, fl-Anness II, taħt il-punt 2.1.4, l-immaġini tal-parti ta’ isfel tat-tikketta tat-tajer hija sostitwita b’dan li ġej:

Image 2

4)

Fil-paġna 21, fl-Anness II, il-punt 2.2, punt (e), inċiż 28:

minflok:

“pittogramma tal-qabda fuq is-silġ: wisa’ 15 mm, għoli 13 mm, <…>”,

aqra:

“pittogramma tal-qabda fuq is-silġ: wisa’ 15 mm, għoli 14 mm, <…>”.