ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 115

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
6 ta' April 2021


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (kodifikazzjoni)

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/556 tal-31 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529 u (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva klorur tas-sodju ( 1 )

26

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

6.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/1


DIRETTIVA (UE) 2021/555 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Marzu 2021

dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, jenħtieġ li dik id-Direttiva tiġi kkodifikata.

(2)

Id-Direttiva 91/477/KEE stabbiliet miżura ta’ akkumpanjament għas-suq intern. Ħolqot bilanċ bejn, minn naħa waħda, l-impenn li tiġi żgurata ċerta libertà ta’ moviment għal xi armi tan-nar u komponenti essenzjali tagħhom fl-Unjoni, u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li dik il-libertà tiġi kkontrollata b’garanziji ta’ sigurtà, adatti għal dawk il-prodotti.

(3)

L-evidenza mill-intelligence tal-pulizija turi żieda fl-użu ta’ armi konvertiti fl-Unjoni. Għalhekk, huwa essenzjali li jiġi żgurat li tali armi konvertibbli huma inklużi fid-definizzjoni ta’ “arma tan-nar” għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

(4)

L-attivitajiet ta’ negozjant jinkludu mhux biss il-manifattura iżda wkoll il-modifika jew il-konverżjoni ta’ armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon, bħat-tqassir ta’ arma tan-nar sħiħa, li jwasslu għal bidla fil-kategorija jew is-sottokategorija tagħhom. Attivitajiet purament privati, mhux kummerċjali, bħal ikkargar bl-idejn u l-ikkargar mill-ġdid ta’ munizzjon minn komponenti ta’ munizzjon għal użu proprju, jew modifiki tal-armi tan-nar jew komponenti essenzjali li jkunu proprjetà tal-persuna kkonċernata, bħal tibdil fiċ-ċipp jew fil-mira, jew manutenzjoni biex jiġi indirizzat it-tkagħbir bl-użu ta’ komponenti essenzjali, jenħtieġ li ma jitqisux bħala attivitajiet li jitħalla jagħmel biss negozjant.

(5)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ “sensar” tkopri kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi soċjetajiet f’isem kollettiv, u t-terminu “provvista” jenħtieġ li jitqies li jinkludi self u leasing. Peress li s-sensara jipprovdu servizzi simili għal dawk ipprovduti min-negozjanti, jenħtieġ li dawn ukoll ikunu koperti b’din id-Direttiva fir-rigward tal-obbligi ta’ negozjanti li huma rilevanti għall-attivitajiet tas-sensara, sal-punt li dawn ikunu f’pożizzjoni li jwettqu dawk l-obbligi u sa fejn dawk l-obbligi ma jitwettqux minn negozjant fir-rigward tal-istess tranżazzjoni sottostanti.

(6)

Ikun utli li jiġu determinati kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn persuni privati jenħtieġ li jkunu pprojbiti jew li jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni.

(7)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet għall-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar jinvolvu, kemm jista’ jkun possibbli, proċedura amministrattiva waħda.

(8)

Ladarba l-armi tan-nar jiġu akkwistati u jinżammu fil-pussess b’mod legali f’konformità ma’ din id-Direttiva, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġarr tal-armi, il-kaċċa jew l-isparar fuq bersall.

(9)

Din id-Direttiva ma taffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jieħdu miżuri sabiex jimpedixxu l-kummerċ illegali fl-armi.

(10)

Huwa neċessarju li l-Istati Membri jżommu sistema kompjuterizzata tal-arkivjar tad-data, ċentralizzata jew deċentralizzata, li tiggarantixxi lill-awtoritajiet awtorizzati aċċess għas-sistemi tal-arkivjar tad-data li fihom ikun hemm inserita l-informazzjoni neċessarja fir-rigward ta’ kull arma tan-nar irreġistrata. L-aċċess mill-awtoritajiet tal-pulizija, mill-awtoritajiet ġudizzjarji u minn awtoritajiet awtorizzati oħrajn għall-informazzjoni li tkun tinsab fis-sistema kompjuterizzata tal-arkivjar tad-data jrid ikun soġġett għal konformità mal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

(11)

Sabiex tiżdied it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali kollha u biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tagħhom, l-armi tan-nar kollha jew il-komponenti essenzjali tagħhom jenħtieġ li jiġu mmarkati b’immarkar ċar, permanenti u uniku u reġistrati fis-sistemi ta’ arkivjar tad-data tal-Istati Membri.

(12)

Ir-reġistrazzjonijiet miżmuma fis-sistemi ta’ arkivjar tar-rekords jenħtieġ li jinkludu l-informazzjoni kollha li tippermetti li arma tan-nar tiġi marbuta mas-sid tagħha u jenħtieġ li jirreġistraw l-isem tal-manifattur jew il-marka kummerċjali, il-pajjiż jew il-post tal-manifattura, it-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje tal-arma tan-nar u kwalunkwe marka unika applikata fuq il-qafas jew ir-riċevitur tal-arma tan-nar. Il-komponenti essenzjali minbarra l-qafas jew ir-riċevitur jenħtieġ li jiġu rreġistrati fis-sistemi ta’ arkivjar tar-rekords taħt ir-rekord relatat mal-arma tan-nar li magħha jkunu se jiġu armati.

(13)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-ittraċċar tal-armi, huwa neċessarju li jintużaw kodiċijiet alfanumeriċi u li fl-immarkar tiġi inkluża s-sena tal-manifattura tal-arma, jekk is-sena ma tkunx parti min-numru tas-serje.

(14)

Biex jiġi evitat li l-immarkar jitħassar faċilment u biex jiġi ċċarat ma’ liema komponenti essenzjali jenħtieġ li jsir l-immarkar, huma meħtieġa regoli komuni tal-Unjoni dwar l-immarkar. Dawk ir-regoli jenħtieġ li japplikaw biss għal armi tan-nar jew komponenti essenzjali manifatturati jew importati fl-Unjoni fi jew wara l-14 ta’ Settembru 2018, meta jiġu introdotti fis-suq, filwaqt li l-armi tan-nar u partijiet manifatturati jew importati fl-Unjoni qabel dik id-data jenħtieġ li jibqgħu koperti bir-rekwiżiti ta’ mmarkar u reġistrazzjoni taħt id-Direttiva 91/477/KEE li kienu applikabbli sa dik id-data.

(15)

Minħabba n-natura speċjali tal-attività tan-negozjanti u tas-sensara, jeħtieġ li l-Istati Membri jeżerċitaw kontroll strett fuq tali attività, b’mod partikolari billi jivverifikaw l-integrità professjonali u l-kapaċitajiet tan-negozjanti u tas-sensara.

(16)

Fid-dawl tan-natura perikoluża u d-durabbiltà tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali, sabiex ikun żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jittraċċaw l-armi tan-nar u komponenti essenzjali għall-fini ta’ proċedimenti amministrattivi u kriminali u b’kont meħud tal-liġi proċedurali nazzjonali, jeħtieġ li rekords fis-sistemi ta’ arkivjar tar-rekords jiġu miżmuma għal perijodu ta’ 30 sena wara l-qerda tal-armi tan-nar jew tal-komponenti essenzjali kkonċernati. L-aċċess għal dawk ir-rekords u d-data personali kollha relatata jenħtieġ li jkun ristrett għall-awtoritajiet kompetenti u jenħtieġ li jkun permess biss sa 10 snin wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali kkonċernati, għall-finijiet tal-għoti jew l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet jew għall-proċeduri doganali inkluż il-possibbiltà ta’ impożizzjoni ta’ penali amministrattivi, u sa 30 sena wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali kkonċernati, fejn dak l-aċċess ikun meħtieġ għall-infurzar tad-dritt kriminali.

(17)

Il-kondiviżjoni effiċjenti ta’ informazzjoni bejn in-negozjanti u s-sensara, minn naħa, u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, min-naħa l-oħra, huwa importanti għall-operazzjoni effettiva tas-sistemi ta’ arkivjar tad-data. In-negozjanti u s-sensara jenħtieġ għalhekk li jipprovdu informazzjoni mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Sabiex dak jiġi ffaċilitat, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistabbilixxu mezz ta’ konnessjoni elettronika aċċessibbli għan-negozjanti u s-sensara, li jista’ jinkludi s-sottomissjoni tal-informazzjoni bil-posta elettronika jew direttament permezz ta’ bażi ta’ data jew reġistru ieħor.

(18)

Bħala regola ġenerali, l-akkwist ta’ armi tan-nar minn persuni li jkunu nstabu ħatja b’sentenza finali tal-qorti ta’ ċerti reati kriminali serji għandu jkun ipprojbit.

(19)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom sistema ta’ monitoraġġ stabbilita biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għal arma tan-nar ikunu sodisfatti għat-tul kollu tagħha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeċiedu jekk il-valutazzjoni tkunx trid tinvolvi jew le test mediku jew psikoloġiku minn qabel.

(20)

Mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jindirizzaw ir-responsabbiltà professjonali, jenħtieġ li l-valutazzjoni ta’ informazzjoni medika jew psikoloġika rilevanti ma tkunx preżunta li tassenja responsabbiltà lill-professjonist mediku jew persuni oħra li jipprovdu tali informazzjoni meta armi tan-nar li jkunu fil-pussess f’konformità ma’ din id-Direttiva jiġu użati ħażin.

(21)

Jenħtieġ li l-armi tan-nar u l-munizzjon jinħażnu b’mod sikur meta ma jkunux taħt superviżjoni immedjata. Għajr jekk maħżuna f’sejf, l-armi tan-nar u l-munizzjon jenħtieġ li jinħażnu separatament minn xulxin. Meta l-arma tan-nar u l-munizzjon iridu jiġu mgħoddija lil trasportatur għat-trasport, jenħtieġ li dak it-trasportatur ikun responsabbli għall-korrettezza tas-superviżjoni u tal-ħżin. Il-kriterji għall-ħżin korrett u għat-trasport sikur jenħtieġ li jiġu ddefiniti mil-liġi nazzjonali, waqt li jitqiesu l-għadd u l-kategorija tal-armi tan-nar u l-munizzjon ikkonċernati.

(22)

Din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax ir-regoli tal-Istati Membri li jippermettu l-arranġament ta’ tranżazzjonijiet leċiti li jinvolvu armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon permezz ta’ ordnijiet bil-posta, bl-Internet jew kuntratti mill-bogħod kif definiti fid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), pereżempju permezz ta’ katalgi ta’ rkant online jew reklami kklassifikati, permezz tat-telefon jew permezz tal-posta elettronika. Madankollu, huwa essenzjali li tkun tista’ ssir il-verifika tal-identitajiet tal-partijiet għal tali tranżazzjonijiet u l-kapaċità legali tagħhom li jidħlu f’tali tranżazzjonijiet u li tali verifika ssir tassew. Fir-rigward tax-xerrejja, għaldaqstant huwa xieraq li jiġi żgurat li l-identità tagħhom u, fejn rilevanti, il-fatt li huma awtorizzati sabiex jakkwistaw arma tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon ikunu jistgħu jiġu verifikati minn negozjant jew sensar liċenzjati jew awtorizzati, jew minn awtorità pubblika jew minn rappreżentant ta’ tali awtorità, qabel, jew mhux aktar tard minn meta ssir, il-kunsinna.

(23)

Għall-armi tan-nar li jkunu l-aktar perikolużi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli stretti f’din id-Direttiva sabiex jiżguraw li, b’xi eċċezzjonijiet limitati u debitament motivati, ma jitħallewx l-akkwist, il-pussess jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk l-armi tan-nar. Fejn dawk ir-regoli ma jiġux rispettati, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha adatti, li jistgħu jinkludu l-konfiska ta’ dawk l-armi tan-nar.

(24)

Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jawtorizzaw l-akkwist u pussess ta’ armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, fejn dan ikun meħtieġ għal finijiet edukattivi, kulturali, inklużi ċ-ċinematografija u t-teatru, ta’ riċerka jew storiċi. Il-persuni awtorizzati jistgħu jinkludu, inter alia, l-armiera, iċ-ċentri ta’ ttestjar, il-manifatturi, l-esperti ċċertifikati, ix-xjenzati forensiċi u, f’ċerti każijiet, dawk involuti fir-reġistrazzjonijiet ċinematografiċi jew televiżivi. L-Istati Membri jenħtieġ ukoll jitħallew jawtorizzaw lil individwi jakkwistaw u jkunu fil-pussess ta’ armi tan-nar, komponenti essenzjali u l-munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A għal finijiet ta’ difiża nazzjonali, bħal fil-kuntest ta’ taħriġ militari volontarju previst taħt il-liġi nazzjonali.

(25)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li jagħtu awtorizzazzjonijiet lill-mużewijiet u l-kolletturi rikonoxxuti biex jakkwistaw u jżommu fil-pussess tagħhom armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A meta jkun meħtieġ għal finijiet storiċi, kulturali, xjentifiċi, tekniċi, edukattivi jew ta’ wirt storiku, sakemm tali mużewijiet u kolletturi juru, qabel jingħataw tali awtorizzazzjoni, li jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw kwalunkwe riskju għas-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku, inkluż permezz tal-ħżin b’mod korrett. Jenħtieġ li kwalunkwe tali awtorizzazzjoni tqis u tirrifletti s-sitwazzjoni speċifika, inklużi n-natura tal-kollezzjoni u l-iskopijiet tagħha, u l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li teżisti sistema għall-monitoraġġ tal-kolletturi u l-kollezzjonijiet.

(26)

Jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara ma jiġux miżmuma milli jimmaniġġaw armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A f’każijiet fejn l-akkwist u l-pussess ta’ tali armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon jiġi awtorizzat eċċezzjonalment, fejn l-immaniġġar tagħhom ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ diżattivazzjoni jew konverżjoni, jew fejn b’xi mod ieħor dan ikun permess taħt din id-Direttiva. In-negozjanti u s-sensara jenħtieġ li lanqas ma jiġu miżmuma milli jimmaniġġaw tali armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon f’każijiet mhux koperti minn din id-Direttiva, bħal armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon li jkunu ser jiġu esportati barra mill-Unjoni jew armi li jkunu ser jiġu akkwistati mill-forzi armati, mill-pulizija jew l-awtoritajiet pubbliċi.

(27)

Jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara jkunu jistgħu jirrifjutaw li jwettqu kwalunkwe tranżazzjoni suspettuża għall-akkwist ta’ rounds sħaħ ta’ munizzjon jew ta’ komponenti ta’ kapsijiet attivi tal-munizzjon. Tranżazzjoni tista’ titqies suspettuża meta, pereżempju, tinvolvi kwantitajiet insoliti għall-użu privat previst, jekk ix-xerrej jidher mhux familjari mal-użu tal-munizzjon jew jekk ix-xerrej jinsisti li jħallas fi flus kontanti filwaqt li ma jkunx lest li jagħti prova tal-identità tiegħu jew tagħha. Jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara jkunu jistgħu jirrapportaw tali tranżazzjonijiet suspettużi lill-awtoritajiet kompetenti.

(28)

Ir-riskju li armi akustiċi u tipi oħra ta’ armi tal-isparar inbjank jiġu konvertiti f’armi tan-nar proprja huwa għoli. Għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-problema li tali armi tan-nar konvertiti jintużaw fit-twettiq ta’ reati kriminali. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-armi tal-allarm u tas-sinjal jiġu mmanifatturati b’tali mod li jistgħu jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi biex jiġi żgurat li dawn ma jkunux jistgħu jiġu hekk ikkonvertiti.

(29)

B’kont meħud tar-riskju għoli li jiġu b’mod skorrett riattivati armi tan-nar diżattivati u biex tiżdied is-sigurtà fl-Unjoni kollha, tali armi tan-nar jenħtieġ li jkunu koperti minn din id-Direttiva. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ “armi tan-nar diżattivati” tirrifletti l-prinċipji ġenerali tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar kif previst mill-Protokoll kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, meħmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/164/UE (6), li tittrasponi dak il-Protokoll fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni.

(30)

Il-Pass Ewropew tal-armi tan-nar jenħtieġ li jitqies bħala d-dokument ewlieni meħtieġ minn tiraturi fuq bersall u persuni oħra awtorizzati taħt din id-Direttiva għall-pussess ta’ arma tan-nar matul vjaġġ lejn Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jagħmlux l-aċċettazzjoni tal-Pass Ewropew tal-armi tan-nar kondizzjonali fuq il-pagament ta’ kwalunkwe miżata jew ħlas.

(31)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatati mal-Pass Ewropew tal-armi tan-nar jenħtieġ li jirreferu wkoll għal armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw regoli aktar stretti.

(32)

Sabiex ikun iffaċilitat l-ittraċċar tal-armi tan-nar u sabiex jiġu miġġielda b’mod effiċjenti t-traffikar u l-manifattura illeċiti tal-armi tan-nar u tal-partijiet u l-munizzjon tagħhom, hemm il-ħtieġa ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

(33)

L-armi tan-nar li huma mfassla għal użu militari, bħall-AK47 u M16, u li huma mgħammra biex joperaw fuq il-bażi ta’ nar selettiv, fejn jistgħu jiġu aġġustati manwalment bejn il-modi ta’ sparar awtomatiku u semiawtomatiku, jenħtieġ li jiġu kklassifikati bħala armi tan-nar fil-kategorija A u għaldaqstant jenħtieġ li jiġu pprojbiti għal użu ċivili. Jekk jiġu konvertiti f’armi tan-nar semiawtomatiċi, jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-punt 6 tal-kategorija A.

(34)

Xi armi tan-nar semiawtomatiċi jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment f’armi tan-nar awtomatiċi, u għalhekk huma ta’ theddida għas-sigurtà. Anke fejn ma ssirx tali konverżjoni, ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi jistgħu jkunu perikolużi ħafna meta l-kapaċità tagħhom, f’termini ta’ għadd ta’ rounds li jistgħu jieħdu, tkun għolja. Għalhekk, armi tan-nar semiawtomatiċi b’apparat tal-ikkargar fiss li jippermetti li jiġu sparati għadd kbir ta’ rounds, kif ukoll armi tan-nar semiawtomatiċi kkombinati ma’ apparat tal-ikkargar, li jista’ jiżżarma, li jkollu kapaċità għolja, jenħtieġ li jiġu pprojbiti għal użu ċivili. Jenħtieġ li s-sempliċi possibbiltà li jitwaħħal apparat tal-ikkargar b’kapaċità li taqbeż l-10 rounds għal armi tan-nar twal u 20 round għal armi tan-nar qosra ma tiddeterminax il-klassifikazzjoni tal-arma tan-nar f’kategorija speċifika.

(35)

Mingħajr preġudizzju għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet skont din id-Direttiva, l-armi tan-nar semiawtomatiċi li jużaw rimfire percussion, inklużi dawk b’kalibru ta’ .22 jew iżgħar, jenħtieġ li ma jiġux ikklassifikati fil-kategorija A sakemm ma jkunux ġew konvertiti minn armi tan-nar awtomatiċi.

(36)

Jenħtieġ li l-oġġetti li jkollhom dehra fiżika ta’ arma tan-nar (replika), iżda li jiġu manifatturati b’tali mod li ma jistgħux jiġu kkonvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, ma jkunux koperti b’din id-Direttiva.

(37)

Fejn l-Istati Membri jkollhom liġijiet nazzjonali li jirregolaw armi antiki, tali armi jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal din id-Direttiva. Madankollu, ir-riproduzzjonijiet ta’ armi antiki ma għandhomx l-istess importanza storika jew interess storiku marbuta magħhom u jistgħu jinbnew bl-użu ta’ metodi moderni li jistgħu jtejbu d-durabbiltà u l-preċiżjoni tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li tali riproduzzjonijiet jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal oġġetti oħra, bħal apparati airsoft, li ma humiex koperti mid-definizzjoni ta’ “arma tan-nar” u ma humiex għaldaqstant regolati minn din id Direttiva.

(38)

Sabiex jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, ikun ta’ għajnuna kieku l-Kummissjoni tivvaluta l-elementi meħtieġa ta’ sistema li tappoġġa tali skambju ta’ informazzjoni miżmuma fis-sistemi ta’ arkivjar tad-data li jinsabu stabbiliti fl-Istati Membri, inkluża l-fattibbiltà li kull Stat Membru jingħata l-opportunità li jaċċedi għal tali sistema. Dik is-sistema tista’ tuża modulu tas-sistema ta’ informazzjoni tas-suq intern (IMI), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li jkun speċifikament dedikat għall-armi tan-nar. Tali skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri jenħtieġ li jsir f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). F’każ li l-awtorità kompetenti teħtieġ aċċess għar-rekords kriminali ta’ persuna li tkun qed tapplika għal awtorizzazzjoni biex takkwista jew tieħu l-pussess ta’ arma tan-nar, dik l-awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tikseb dik l-informazzjoni skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (9). Jekk ikun xieraq, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi akkumpanjata bi proposta leġislattiva li tqis l-istrumenti eżistenti relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni.

(39)

Sabiex jiġi żgurat l-iskambju xieraq ta’ informazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija għat-trasferiment tal-armi tan-nar lejn Stat Membru ieħor u dwar rifjuti milli jingħataw awtorizzazzjonijiet għall-akkwist jew għall-pussess ta’ arma tan-nar, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri joħolqu tali sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, ukoll fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (10). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b’mod sistematiku għal-laqgħat ta’ gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(40)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(41)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(42)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li japplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas ta’ din id-Direttiva. Fejn id-data personali miġbura taħt din id-Direttiva tiġi pproċessata għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, jenħtieġ li l-awtoritajiet li jipproċessaw dik id-data ikunu konformi mar-regoli adottati skont id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(43)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, pjuttost jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(44)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (14).

(45)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (15) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (16).

(46)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (17) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (18).

(47)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi elenkati fl-Anness III, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“arma tan-nar” tfisser kwalunkwe arma bil-kanna li tista’ tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża minn din id-definizzjoni minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-Taqsima III tal-Anness I. L-armi tan-nar huma kklassifikati fit-Taqsima II tal-Anness I.

Oġġett għandu jitqies bħala kapaċi li jiġi konvertit biex jispara tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ propellant kombustibbli jekk:

(a)

ikollu l-apparenza ta’ arma tan-nar; u

(b)

bħala riżultat tal-kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li jkun magħmul minnu, ikun jista’ jiġi konvertit hekk;

(2)

“komponent essenzjali” tfisser il-kanna, il-qafas, ir-riċevitur, kemm jekk riċevitur ta’ fuq kif ukoll jekk ta’ taħt, fejn applikabbli, is-slide, iċ-ċilindru, il-bolt jew il-blokka tal-breech, li, billi huma oġġetti separati, huma inklużi fil-kategorija tal-armi tan-nar li fuqhom ikunu mmuntati jew ikunu maħsuba li jiġu mmuntati;

(3)

“munizzjon” tfisser ir-round sħiħ jew il-komponenti tiegħu, inklużi l-involukru tal-iskartoċċ, il-kaps, il-porvli tal-propellant, il-balal jew projettili, li jintużaw f’arma tan-nar, sakemm dawk il-komponenti stess ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat;

(4)

“armi tal-allarm u tas-sinjal” tfisser apparati b’kontenitur tal-iskrataċ li jkunu ġew imfassla biex jisparaw biss inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew rounds pirotekniċi tas-sinjal u li ma jkunux kapaċi li jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ propellant kombustibbli;

(5)

“armi akustiċi u tas-salut” tfisser armi tan-nar ikkonvertiti speċifikament biex jintużaw biss għall-isparar inbjank, għall-użu f’rappreżentazzjonijiet teatrali, sessjonijiet fotografiċi, reġistrazzjonijiet ċinematografiċi u televiżivi, rappreżentazzjonijiet ta’ avvenimenti storiċi, parati, avvenimenti sportivi u taħriġ;

(6)

“armi tan-nar diżattivati” tfisser armi tan-nar li jkunu ġew diżattivati b’mod li jkunu saru mhux utilizzabbli b’mod permanenti, fejn ikun ġie żgurat li l-komponenti essenzjali kollha tal-arma tan-nar inkwistjoni jkunu saru inoperabbli b’mod permanenti u jkun impossibbli li jiġu maqlugħa, sostitwiti jew modifikati b’mod li jippermetti li l-arma tan-nar tiġi riattivata bi kwalunkwe mod;

(7)

“mużew” tfisser istituzzjoni permanenti fis-servizz tas-soċjetà u tal-iżvilupp tagħha, miftuħa għall-pubbliku, li tikseb, tikkonserva, tirriċerka u tesibixxi armi tan-nar, komponenti essenzjali tagħhom jew munizzjon għal finijiet storiċi, kulturali, xjentifiċi, tekniċi, edukattivi, għal finijiet ta’ wirt kulturali jew ta’ rikreazzjoni, u li tkun rikonoxxuta bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat;

(8)

“kollettur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika ddedikata għall-ġbir u l-konservazzjoni ta’ armi tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon għal finijiet storiċi, kulturali, xjentifiċi, tekniċi, edukattivi jew ta’ wirt kulturali, u li jkun rikonoxxut bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat;

(9)

“negozjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew parzjalment minn kwalunkwe mis-segwenti:

(a)

il-manifattura, il-kummerċ, l-iskambju, il-kiri, it-tiswija, il-modifika jew il-konverżjoni ta’ armi tan-nar jew ta’ komponenti essenzjali;

(b)

il-manifattura, il-kummerċ, l-iskambju, il-modifika jew il-konverżjoni ta’ munizzjon;

(10)

“sensar” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, ħlief negozjant, li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew parzjalment minn kwalunkwe mis-segwenti:

(a)

in-negozjar jew l-arranġament ta’ tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-provvista ta’ armi tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon;

(b)

l-arranġament tat-trasferiment ta’ armi tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon fi Stat Membru, minn Stat Membru għal ieħor, minn Stat Membru għal pajjiż terz jew minn pajjiż terz għal Stat Membru;

(11)

“manifattura illeċita” tfisser il-manifattura jew l-immuntar tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali tagħhom u l-munizzjon tagħhom:

(a)

minn kwalunkwe parti essenzjali ta’ tali armi tan-nar li jkunu ġew traffikati b’mod illeċitu;

(b)

mingħajr awtorizzazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 4 minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih iseħħu l-manifattura jew l-immuntar; jew

(c)

mingħajr l-immarkar tal-armi tan-nar waqt il-manifattura konformement mal-Artikolu 4;

(12)

“traffikar illeċitu” tfisser l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali tagħhom jew il-munizzjon minn jew b’passaġġ mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed lejn dak ta’ Stat Membru ieħor, jekk kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati ma jawtorizzax li dan isir f’konformità ma’ din id-Direttiva, jew jekk l-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali jew il-munizzjon ma jkunux immarkati f’konformità mal-Artikolu 4;

(13)

“traċċar” tfisser l-ittraċċar sistematiku tal-armi tan-nar u, fejn possibbli, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon tagħhom mill-manifattur sax-xerrej, bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jingħataw għajnuna fis-sejbien, l-investigazzjoni u l-analiżi tal-manifattura illeċita u tat-traffikar illeċitu.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, persuna għandha tkun ikkunsidrata residenti tal-pajjiż indikat mill-indirizz li jidher fuq dokument uffiċjali li juri l-post tar-residenza tagħha, bħal passaport jew karta tal-identità nazzjonali, li meta jsir kontroll fuq l-akkwist jew il-pussess, jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jew lil negozjant jew sensar. Jekk l-indirizz ta’ persuna ma jidhirx fuq il-passaport jew il-karta tal-identità nazzjonali tagħha, il-pajjiż ta’ residenza tagħha għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ kwalunkwe prova uffiċjali oħra ta’ residenza rikonoxxuta mill-Istat Membru kkonċernat.

3.   Il-“Pass Ewropew tal-armi tan-nar” għandu jinħareġ fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru lil persuna li b’mod legali tikseb il-pussess ta’, u tuża, arma tan-nar. Għandu jkun validu għal perijodu massimu ta’ ħames snin, li jista’ jiġi estiż, u li għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fl-Anness II. M’għandux ikun trasferibbli u għandu jirreġistra fih l-arma tan-nar jew l-armi tan-nar fil-pussess tad-detentur tal-Pass u użati minnu. Għandu dejjem ikun fil-pussess tal-persuna li tkun qed tuża l-arma tan-nar u kwalunkwe bidla li tikkonċerna l-pussess jew il-karatteristiċi tal-arma tan-nar, kif ukoll kwalunkwe serq jew telf tagħha, għandha tiġi indikata fuq il-Pass.

Artikolu 2

1.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġarr ta’ armi, il-kaċċa jew l-isparar fuq bersall, bl-użu ta’ armi akkwistati u fil-pussess b’mod legali f’konformità ma’ din id-Direttiva.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-akkwist jew għall-pussess ta’ armi u ta’ munizzjon, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-forzi armati, mill-pulizija jew mill-awtoritajiet pubbliċi. Lanqas ma għandha tapplika għal trasferimenti regolati mid-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

Artikolu 3

Fil-liġijiet tagħhom l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li jkunu aktar strinġenti minn dawk stabbiliti f’n id-Direttiva, soġġett għad-drittijiet mogħtija lir-residenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 17(2).

KAPITOLU 2

ARMONIZZAZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI LI TIKKONĊERNA L-ARMI TAN-NAR

Artikolu 4

1.   Fir-rigward tal-armi tan-nar manifatturati jew importati fl-Unjoni fi jew wara l-14 ta’ Settembru 2018, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe tali arma tan-nar, jew kwalunkwe komponent essenzjali, li jkunu ġew introdotti fis-suq ikunu ġew:

(a)

mogħtija marka ċara, permanenti u unika mingħajr dewmien wara l-manifattura u l-aktar tard qabel l-introduzzjoni tagħhom fis-suq, jew mingħajr dewmien wara l-importazzjoni fl-Unjoni; u

(b)

reġistrati f’konformità ma’ din id-Direttiva mingħajr dewmien wara l-manifattura u l-aktar tard qabel l-introduzzjoni tagħhom fis-suq, jew mingħajr dewmien wara l-importazzjoni fl-Unjoni.

2.   Il-marka unika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tinkludi l-isem tal-manifattur jew il-marka kummerċjali, il-pajjiż jew il-post tal-manifattura, in-numru tas-serje u s-sena tal-manifattura, sakemm din ma tkunx diġà parti min-numru tas-serje, u l-mudell fejn fattibbli. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għat-twaħħil tal-marka kummerċjali tal-manifattur. Fejn komponent essenzjali jkun żgħir wisq biex jiġi mmarkat f’konformità ma’ dan l-Artikolu, għandu tal-inqas jiġi mmarkat b’numru tas-serje jew kodiċi alfanumeriku jew diġitali.

Ir-rekwiżiti ta’ mmarkar għal armi tan-nar jew komponenti essenzjali li jkunu ta’ importanza storika partikolari għandhom jiġu determinati f’konformità mal-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull pakkett elementari ta’ munizzjon sħiħ ikun immarkat b’tali mod li jindika l-isem tal-manifattur, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-lott, il-kalibru u t-tip ta’ munizzjon.

Għall-finijiet tal-paragrafu 1 u ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni għar-Rikonoxximent Reċiproku tal-Marki tal-Prova fuq Armi Ħfief tal-1 ta’ Lulju 1969 (‘il-Konvenzjoni tal-1969’).

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fil-mument tat-trasferiment ta’ arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali tagħha mill-ħażniet governattivi għall-użu ċivili permanenti, l-immarkar uniku, kif previst fil-paragrafu 1, li jippermetti l-identifikazzjoni tal-entità li tagħmel it-trasferiment.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20(2).

4.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għar-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tan-negozjanti u tas-sensara. Tali sistemi għandhom jinkludu mill-inqas il-miżuri li ġejjin:

(a)

ir-reġistrazzjoni tan-negozjanti u tas-sensara li joperaw fit-territorji ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

il-liċenzjar jew l-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet tan-negozjanti u tas-sensara fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru; u

(c)

verifika tal-integrità privata u professjonali u tal-kapaċitajiet rilevanti tan-negozjant jew tas-sensar ikkonċernat. Fil-każ ta’ persuna ġuridika, il-verifika għandha ssir kemm fuq il-persuna ġuridika kif ukoll fuq il-persuna jew persuni fiżiċi li jkunu qegħdin imexxu l-impriża.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-istabbiliment u ż-żamma ta’ sistema kompjuterizzata tal-arkivjar tad-data, ċentralizzata jew deċentralizzata, li tiggarantixxi aċċess lill-awtoritajiet awtorizzati għas-sistemi tal-arkivjar tad-data li fihom kull arma tan-nar soġġetta għal din id-Direttiva hija reġistrata. Dik is-sistema ta’ arkivjar tad-data għandha tirreġistra l-informazzjoni kollha relatata mal-armi tan-nar li tkun meħtieġa għat-traċċar u l-identifikazzjoni ta’ dawk l-armi tan-nar, inklużi:

(a)

it-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje ta’ kull arma tan-nar u l-marka applikata fuq il-qafas jew mar-riċevitur tagħha bħala l-immarkar uniku skont il-paragrafu 1, li għandu jservi bħala l-identifikatur uniku ta’ kull arma tan-nar;

(b)

in-numru tas-serje jew l-immarkar uniku applikat fuq il-komponenti essenzjali, fejn dak ikun differenti mill-immarkar fuq il-qafas jew ir-riċevitur ta’ kull arma tan-nar;

(c)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-fornituri u tal-persuni li jakkwistaw jew li jkollhom fil-pussess tagħhom l-arma tan-nar, flimkien mad-data jew dati rilevanti; u

(d)

kwalunkwe konverżjoni jew modifika ta’ arma tan-nar li twassal għal bidla fil-kategorija jew subkategorija tagħha, inklużi d-diżattivazzjoni ċċertifikata jew il-qerda ċċertifikata tagħha u d-data jew dati rilevanti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekords tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali, inkluża d-data personali relatata, jinżammu mill-awtoritajiet kompetenti fis-sistemi ta’ arkivjar tad-data għal perijodu ta’ 30 sena wara l-qerda tal-armi tan-nar jew tal-komponenti essenzjali inkwistjoni.

Ir-rekords tal-armi tan-nar u komponenti essenzjali msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u d-data personali relatata għandhom ikunu jistgħu jiġu aċċessati:

(a)

mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jagħtu jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9 jew 10 jew mill-awtoritajiet kompetenti għal proċedimenti doganali, għal perijodu ta’ 10 snin wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali inkwistjoni; u

(b)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, għal perijodu ta’ 30 sena wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali inkwistjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data personali titħassar mis-sistemi ta’ arkivjar tad-data hekk kif jiskadu l-perijodi speċifikati fit-tieni u fit-tielet subparagrafi. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn data personali speċifika tkun ġiet trasferita lil awtorità kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali u jintużaw f’dak il-kuntest speċifiku, jew lil awtoritajiet kompetenti oħra għal skop kompatibbli previst mil-liġi nazzjonali. F’tali każijiet, l-ipproċessar ta’ tali data mill-awtoritajiet kompetenti għandu jkun regolat mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-data.

Matul il-perijodu ta’ attività tagħhom, in-negozjanti u s-sensara għandhom ikunu obbligati jżommu reġistru li fih għandu jinżamm rekord ta’ kull arma tan-nar u kull komponent essenzjali soġġetti għal din id-Direttiva li jkunu riċevuti jew disposti minnhom, flimkien ma’ partikularitajiet li permezz tagħhom ikunu jistgħu jsiru l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-arma tan-nar jew tal-komponent essenzjali kkonċernat, b’mod partikolari t-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje tagħhom u l-ismijiet u l-indirizzi tal-fornituri u tal-persuni li jakkwistawhom.

Meta jieqfu mill-attivitajiet tagħhom, in-negozjanti u s-sensara għandhom jagħtu dak ir-reġistru lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sistemi ta’ arkivjar tad-data prevista fl-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li negozjanti u sensara stabbiliti fit-territorju tagħhom jirrappurtaw tranżazzjonijiet li jinvolvu armi tan-nar jew komponenti essenzjali mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li n-negozjanti u s-sensara jkollhom konnessjoni elettronika ma’ dawk l-awtoritajiet għal tali skopijiet ta’ rappurtar u li s-sistemi ta’ arkivjar tad-data jiġu aġġornati immedjatament mar-riċezzjoni ta’ informazzjoni li tikkonċerna tali tranżazzjonijiet.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi kwalunkwe mument tkun tista’ ssir konnessjoni bejn l-armi tan-nar kollha u s-sidien tagħhom.

Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar biss minn persuni li jkunu ngħataw liċenzja jew, fir-rigward ta’ armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija C, persuni li jkunu speċifikament awtorizzati li jakkwistaw u jkollhom pussess ta’ tali armi tan-nar f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 6

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar biss minn persuni li għandhom raġuni tajba u li:

(a)

ikollhom mill-inqas 18-il sena, ħlief relattivament għall-akkwist, sakemm mhux permezz ta’ xiri, u għall-pussess ta’ armi tan-nar għall-kaċċa u għall-isparar fuq bersall, bil-kondizzjoni li f’dak il-każ, il-persuni taħt it-18-il sena jkunu kisbu l-permess tal-ġenituri, jew ikollhom il-gwida tal-ġenituri jew il-gwida ta’ adult li jkollu liċenzja valida tal-armi tan-nar jew tal-kaċċa, jew ikunu f’ċentru ta’ taħriġ liċenzjat jew approvat xort’oħra, u l-ġenitur, jew adult li jkollu liċenzja valida ta’ arma tan-nar jew tal-kaċċa, jassumi r-responsabbiltà għall-ħżin korrett skont l-Artikolu 7; u

(b)

aktarx ma jkunux ta’ periklu għalihom infushom jew għal ħaddieħor, għall-ordni pubbliku jew għas-sikurezza pubblika; il-fatt li persuna tkun instabet ħatja ta’ reat vjolenti intenzjonat għandu jitqies li jkun indikattiv ta’ tali periklu.

2.   L-Istati Membri għandu jkollhom sistema ta’ monitoraġġ, li jistgħu joperaw fuq bażi kontinwa jew mhux kontinwa, biex jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti bil-liġi nazzjonali jiġu osservati matul il-perijodu kollu ta’ awtorizzazzjoni u, inter alia, u li l-informazzjoni medika u psikoloġika rilevanti tiġi vvalutata. L-arranġamenti speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-liġi nazzjonali.

Fejn xi waħda mill-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ma tibqax tiġi sodisfatta, l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjoni rispettiva.

L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu lill-persuni residenti fit-territorju tagħhom milli jkollhom pussess ta’ arma tan-nar mixtrija fi Stat Membru ieħor sakemm ma jkunx ipprojbit l-akkwist tal-istess tip ta’ arma tan-nar fit-territorju tagħhom stess.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjoni ta’ akkwist u awtorizzazzjoni ta’ pussess ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija B għandha tiġi rtirata jekk il-persuna li tkun ingħatat dik l-awtorizzazzjoni tinstab li tkun fil-pussess ta’ apparat tal-ikkargar adatt biex jitwaħħal fuq armi tan-nar semiawtomatiċi centre-fire jew armi tan-nar b’ripetitur li:

(a)

jistgħu jieħdu aktar minn 20 round; jew

(b)

f’każ ta’ armi tan-nar twal, jistgħu jieħdu aktar minn 10 rounds,

sakemm dik il-persuna ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 9 jew awtorizzazzjoni li tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew estiża taħt l-Artikolu 10(5).

Artikolu 7

Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju li persuni mhux awtorizzati jiksbu aċċess għall-armi tan-nar u għall-munizzjon, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar is-superviżjoni korretta tal-armi tan-nar u l-munizzjon u regoli dwar il-ħżin korrett tagħhom b’mod sigur. L-armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom ma għandhomx ikunu faċilment aċċessibbli flimkien. Is-superviżjoni korretta għandha tfisser li l-persuna li legalment ikollha l-pussess tal-arma tan-nar jew tal-munizzjon ikkonċernati jkollha kontroll fuqhom waqt it-trasport u l-użu tagħhom. Il-livell ta’ skrutinju għal tali arranġamenti ta’ ħżin korrett għandu jirrifletti n-numru u l-kategorija tal-armi tan-nar u tal-munizzjon ikkonċernati.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet li jinvolvu l-akkwist u l-bejgħ tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali jew munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, B jew C permezz ta’ kuntratti mill-bogħod kif iddefinit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE, l-identità, u fejn meħtieġ, l-awtorizzazzjoni tax-xerrej li jkun qed jakkwista l-arma tan-nar, il-komponenti essenzjali jew il-munizzjon jiġu ċċekkjati qabel jew sa mhux aktar tard minn meta jiġu kkonsenjati lil dik il-persuna, permezz ta’:

(a)

negozjant jew sensar liċenzjat jew awtorizzat; jew

(b)

awtorità pubblika jew rappreżentant ta’ dik l-awtorità.

Artikolu 9

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha adatti biex jipprojbixxu l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A. Huma għandhom jiżguraw li dawk l-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon miżmuma illegalment bi ksur ta’ dik il-projbizzjoni jiġu kkonfiskati.

2.   Għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-infrastruttura kritika, tat-trasport marittimu kummerċjali, ta’ konvojs ta’ valur għoli u postijiet sensittivi, kif ukoll għal finijiet ta’ difiża nazzjonali, ta’ edukazzjoni, kultura, riċerka u għal finijiet storiċi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jagħtu, f’każijiet individwali, eċċezzjonalment u b’mod debitament ġustifikat, awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A fejn dan ma jmurx kontra s-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku.

3.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħtu lill-kolletturi, f’każijiet speċjali individwali, eċċezzjonalment u b’mod debitament ġustifikat, awtorizzazzjonijiet għall-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, soġġett għal kondizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà, inkluża d-dimostrazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jkun hemm fis-seħħ miżuri sabiex jindirizzaw kwalunkwe riskji għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku u li l-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali jew il-munizzjon ikkonċernati jiġu maħżuna b’livell ta’ sigurtà proporzjonat mar-riskji marbuta ma’ aċċess mhux awtorizzat għal tali oġġetti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kolletturi awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jkunu jistgħu jiġu identifikati fis-sistemi ta’ arkivjar tad-data msemmija fl-Artikolu 4. Tali kolletturi awtorizzati għandhom ikunu obbligati jżommu reġistru tal-armi tan-nar kollha li jkunu fil-pussess tagħhom ikklassifikati fil-kategorija A, li għandu jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema adatta ta’ monitoraġġ fir-rigward ta’ tali kolletturi awtorizzati, filwaqt li jqisu l-fatturi rilevanti kollha.

4.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lin-negozjanti jew lis-sensara, fil-kapaċitajiet professjonali rispettivi tagħhom, biex jakkwistaw, jimmanifatturaw, jiddiżattivaw, isewwu, ifornu, jittrasferixxu u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, soġġett għal kondizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà.

5.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil mużewijiet biex jakkwistaw u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, soġġett għal kondizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà.

6.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil tiraturi fuq bersall jakkwistaw u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6 jew 7 tal-kategorija A, soġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

valutazzjoni sodisfaċenti tal-informazzjoni rilevanti derivanti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2);

(b)

għoti ta’ provi li t-tiratur fuq bersall ikkonċernat qiegħed jipprattika b’mod attiv biex jieħu sehem, jew qiegħed jieħu sehem, f’kompetizzjonijiet tal-isparar rikonoxxuti minn organizzazzjoni tal-isport tal-isparar rikonoxxuta uffiċjalment tal-Istat Membru kkonċernat jew minn federazzjoni tal-isport tal-isparar stabbilita internazzjonalment u rikonoxxuta uffiċjalment; u

(c)

għoti ta’ ċertifikat minn organizzazzjoni tal-isport tal-isparar rikonoxxuta uffiċjalment li jikkonferma li:

(i)

it-tiratur fuq bersall huwa membru ta’ klabb tal-isparar u li ilu jipprattika l-isparar fuq bersall regolarment magħha għal mill-inqas 12-il xahar, u

(ii)

l-arma tan-nar inkwistjoni tissodisfa r-rekwiżiti għal dixxiplina tal-isparar rikonoxxuta minn federazzjoni tal-isport tal-isparar stabbilita internazzjonalment u rikonoxxuta uffiċjalment.

Fir-rigward ta’ armi tan-nar ikklassifikati fil-punt 6 tal-kategorija A, l-Istati Membri li japplikaw sistema militari msejsa fuq lieva ġenerali u li matul dawn l-aħħar 50 sena kellhom fis-seħħ sistema ta’ trasferiment ta’ armi tan-nar militari lil persuni li jitilqu mill-armata wara li jaqdu d-dmirijiet militari tagħhom jistgħu jagħtu lil dawk il-persuni, bħala dilettanti tal-isparar fuq bersall, awtorizzazzjoni biex iżommu arma waħda tan-nar użata waqt il-perijodu militari obbligatorju. L-awtorità pubblika rilevanti għandha tittrasforma dawk l-armi tan-nar f’armi tan-nar semiawtomatiċi u għandha tivverifika perjodikament li l-persuni li jużaw tali armi tan-nar ma jirrappreżentawx riskju lis-sigurtà pubblika. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu.

7.   Awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu rieżaminati perjodikament f’intervalli li ma jaqbżux il-ħames snin.

Artikolu 10

1.   Ħadd ma jista’ jakkwista arma tan-nar li hija kklassifikata fil-kategorija B fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm ma jkunx awtorizzat minn dak l-Istat Membru biex jagħmel hekk.

L-ebda tali awtorizzazzjoni ma tista’ tingħata lil resident ta’ Stat Membru ieħor mingħajr il-ftehim minn qabel ma’ dak l-Istat Membru.

2.   Ħadd ma jista’ jkollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar li hija kklassifikata fil-kategorija B fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm ma jkunx awtorizzat għal dan minn dak l-Istat Membru. Jekk il-persuna hija residenti ta’ Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi infurmat b’dan.

3.   Awtorizzazzjoni għall-akkwist, u l-awtorizzazzjoni għall-pussess ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija B tista’ tingħata permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva waħda.

4.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jagħtu lil persuni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ arma tan-nar liċenzja pluriennali għall-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar kollha li jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni, bla ħsara għal dawn li ġejjin:

(a)

l-obbligu li jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar trasferimenti;

(b)

il-verifika perjodika li dawk il-persuni jibqgħu jissodisfaw il-kondizzjonijiet; u

(c)

il-limiti massimi għall-pussess stipulati fil-liġi nazzjonali.

L-awtorizzazzjonijiet għall-pussess tal-armi tan-nar għandhom jiġu rieżaminati perjodikament, f’intervalli li ma jaqbżux il-ħames snin. Awtorizzazzjoni tista’ tiġġedded jew tiġi estiża jekk jibqgħu jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li abbażi tagħhom hija tkun ingħatat.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jikkonfermaw, iġeddu jew jestendu awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6, 7 jew 8 tal-kategorija A fir-rigward ta’ arma tan-nar li kienet ikklassifikata fil-kategorija B, u akkwistata legalment u rreġistrata, qabel it-13 ta’ Ġunju 2017, soġġett għall-kondizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din id-Direttiva. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li tali armi tan-nar jiġu akkwistati minn persuni oħra awtorizzati mill-Istati Membri skont din id-Direttiva.

6.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli biex jiżguraw li l-persuni li jkollhom awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar fil-kategorija B fis-seħħ taħt il-liġi nazzjonali fit-28 ta’ Lulju 2008 ma jkollhomx bżonn japplikaw għal liċenzja jew permess fir-rigward tal-armi tan-nar li kellhom fil-kategoriji C jew D qabel dik id-data. Madankollu, kwalunkwe trasferiment ta’ armi tan-nar tal-kategoriji C jew D għandu jkun soġġett għall-kondizzjoni li l-persuna li lilha jsir it-trasferiment tikseb liċenzja jew ikollha liċenzja jew tkun permessa speċifikament li jkollha l-pussess ta’ dawk l-armi tan-nar konformement mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 11

1.   Ħadd ma jista’ jkollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija Ċ sakemm ma jkunx iddikjaraha lill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tinżamm dik l-arma tan-nar.

L-Istati Membri jistgħu, fir-rigward ta’ armi tan-nar akkwistati qabel l-14 ta’ Settembru 2018, jissospendu r-rekwiżit li jiġu ddikjarati l-armi tan-nar ikklassifikati fil-punt 5, 6 jew 7 tal-kategorija C sal-14 ta’ Marzu 2021.

2.   Kull bejjiegħ, negozjant jew persuna privata għandhom jinformaw, dwar kull trasferiment jew għotja ta’arma tan-nar kklassifikata fil-kategorija Ċ, lill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn dawn iseħħu, u għandhom jagħtu l-partikularitajiet li permezz tagħhom l-arma tan-nar u l-persuna li takkwistaha jistgħu jiġu identifikati. Kemm-il darba l-persuna li takkwista tali arma tan-nar hija residenti fi Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi infurmat dwar l-akkwist, mill-Istat Membru fejn iseħħ l-akkwist u mill-persuna li takkwista l-arma tan-nar.

3.   Kemm-il darba Stat Membru jipprojbixxi jew jagħmel l-akkwist u l-pussess ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategoriji B jew C fit-territorju tiegħu soġġetta għall-awtorizzazzjoni, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, li għandhom espressament jinkludu dikjarazzjoni f’dan is-sens f’kull Pass Ewropew għall-armi tan-nar li huma joħorġu għal tali arma tan-nar, skont l-Artikolu 17(2).

Artikolu 12

1.   It-trasferiment ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategoriji A, B jew C lil persuna li mhijiex residenti fl-Istat Membru in kwistjoni għandu jkun permess sakemm l-obbligi msemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11 jiġu rrispettati, fejn:

(a)

il-persuna li takkwistaha tkun awtorizzata taħt l-Artikolu 16 sabiex hija stess tagħmel it-trasferiment lejn il-pajjiż tar-residenza tagħha;

(b)

il-persuna li takkwistaha tippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub li tiddikjara u tiġġustifika l-intenzjoni tagħha li żżomm fil-pussess tagħha l-arma tan-nar fl-Istat Membru fejn hi akkwistatha, sakemm hija tissodisfa l-kondizzjonijiet legali għall-pussess fis-seħħ f’dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw it-trasferiment temporanju ta’ armi tan-nar skont il-proċeduri li huma jistabbilixxu.

Artikolu 13

1.   L-arranġamenti għall-akkwist u l-pussess tal-munizzjon għandhom ikunu l-istess bħal dawk għall-pussess tal-armi tan-nar li għalihom ikun maħsub il-munizzjon.

L-akkwist ta’ apparati tal-ikkargar għal armi tan-nar semiawtomatiċi centre-fire li jista’ jkollhom aktar minn 20 round jew aktar minn 10 rounds f’każ ta’ armi tan-nar twal għandhom ikunu permessi biss għal persuni li jingħataw awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 9 jew awtorizzazzjoni li tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew estiża taħt l-Artikolu 10(5).

2.   In-negozjanti u s-sensara jistgħu jirrifjutaw li jikkonkludu kwalunkwe tranżazzjoni għall-akkwist ta’ rounds sħaħ ta’ munizzjon, jew ta’ komponenti ta’ munizzjon, li huma raġonevolment iqisu bħala suspettuża minħabba n-natura jew il-kobor tagħha, u għandhom jirrappurtaw kwalunkwe tali tentattiv ta’ tranżazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 14

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li apparati b’kontenitur tal-iskrataċ li jkunu ġew imfassla biex jisparaw biss inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew rounds pirotekniċi tas-sinjali ma jkunux kapaċi li jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ propellant kombustibbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala armi tan-nar apparati b’kontenitur tal-iskrataċ li jkunu ġew imfassla biex jisparaw biss inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew rounds pirotekniċi tas-sinjali, u li jkunu kapaċi li jiġi konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ propellant kombustibbli.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal manifatturati jew importati fl-Unjoni fi, jew wara, l-14 ta’ Settembru 2018 sabiex jiġi żgurat li huma ma jkunux jistgħu jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20(2).

Artikolu 15

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti biex awtorità kompetenti tivverifika d-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar sabiex jiġi żgurat li l-modifiki li jkunu saru fuq l-arma tan-nar ikunu għamlu l-komponenti essenzjali kollha tagħha inoperabbli b’mod permanenti u li ma jkunux jistgħu jinqalgħu, jinbidlu jew jiġu modifikati b’mod li jippermetti li l-arma tan-nar b’xi mod tiġi riattivata. L-Istati Membri għandhom jipprevedu, fil-kuntest ta’ dik il-verifika, il-ħruġ ta’ ċertifikat u ta’ rekord li jattestaw li l-arma tan-nar tkun ġiet diżattivata u li ssir marka viżibbli b’mod ċar fuq l-arma tan-nar li tixhed dan.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu standards u tekniki tad-diżattivazzjoni biex tiżgura li l-komponenti essenzjali kollha ta’ arma tan-nar ikunu saru inoperabbli b’mod permanenti u li ma jkunux jistgħu jinqalgħu, jinbidlu jew jiġu modifikati b’mod li jippermetti li l-arma tan-nar tiġi riattivata bi kwalunkwe mod. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20(2).

3.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhomx japplikaw għal armi tan-nar diżattivati qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, sakemm dawk l-armi tan-nar ma jkunux ġew trasferiti lejn Stat Membru ieħor jew introdotti fis-suq wara dik id-data.

4.   L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mit-13 ta’ Ġunju 2017 l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni applikati minnhom qabel it-8 ta’ April 2016, u jiġġustifikaw ir-raġunijiet li għalihom il-livell ta’ sigurtà żgurat minn dawk l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni huwa ekwivalenti għal dak żgurat mit-tekniki speċifiċi għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 (20) kif applikabbli fit-8 ta’ April 2016.

5.   Meta l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara n-notifika, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeċiedu jekk l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni hekk notifikati żgurawx li l-armi tan-nar ġew diżattivati b’livell ta’ sigurtà ekwivalenti għal dak żgurat mill-ispeċifikazzjonijiet tekniki tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 kif applikabbli fit-8 ta’ April 2016. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20(2).

6.   Sad-data tal-applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, kwalunkwe arma tan-nar diżattivata skont l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni applikati qabel it-8 ta’ April 2016 għandha, meta tiġi trasferita lejn Stat Membru ieħor jew tiġi introdotta fis-suq, tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403.

7.   L-armi tan-nar diżattivati qabel it-8 ta’ April 2016 f’konformità mal-istandards u tekniki nazzjonali ta’ diżattivazzjoni li nstabu li jiżguraw livell ta’ sigurtà ekwivalenti għal dak żgurat mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403, kif applikabbli fit-8 ta’ April 2016 għandhom jitqiesu bħala armi tan-nar diżattivati, inkluż meta jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor jew introdotti fis-suq wara d-data ta’ applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

KAPITOLU 3

FORMALITAJIET GĦALL-MOVIMENT TA’ ARMI FL-UNJONI

Artikolu 16

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, l-armi tan-nar jistgħu jiġu biss ittrasferiti minn Stat Membru għall-ieħor skont il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu. Dik il-proċedura għandha tapplika wkoll fir-rigward tat-trasferimenti ta’ armi tan-nar wara li dawn ikunu nbiegħu permezz ta’ kuntratt mill-bogħod kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE.

2.   Fejn arma tan-nar tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor, il-persuna kkonċernata għandha, qabel din tittieħed hemm, tipprovdi lill-Istat Membru fejn tkun tinstab l-arma l-partikularitajiet li ġejjin:

(a)

l-isem u l-indirizzi tal-persuna li tbiegħ jew tagħti l-arma tan-nar u tal-persuna li tixtriha jew takkwistaha jew, fejn xieraq, tas-sid;

(b)

l-indirizz fejn l-arma tan-nar għandha tiġi kkonsenjata jew ittrasportata;

(c)

in-numru ta’ armi tan-nar li għandhom jiġu kkonsenjati jew ittrasportati;

(d)

il-partikularitajiet li jippermettu li l-arma tan-nar tiġi identifikata kif ukoll indikazzjoni li l-arma tan-nar għaddiet minn kontroll skont il-Konvenzjoni tal- 1969;

(e)

il-mezz li bih isir it-trasferiment;

(f)

id-data tat-tluq u d-data maħsuba għall-wasla tagħha.

M’hemmx bżonn li tingħata l-informazzjoni msemmija fil-punti (e) u (f) fejn it-trasferiment isir bejn negozjanti.

L-Istat Membru għandu jeżamina l-kondizzjonijiet li taħthom għandu jsir it-trasferiment tal-armi tan-nar, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà.

Fejn l-Istat Membru jawtorizza tali trasferiment, huwa għandu joħroġ liċenzja li tinkorpora l-partikularitajiet kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu. Tali liċenzja għandha takkumpanja l-arma tan-nar sa meta din tilħaq id-destinazzjoni tagħha; hija għandha tiġi ppreżentata kull meta hekk ikun meħtieġ mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

3.   Fil-każ tat-trasferiment tal-armi tan-nar, barra mill-armi tal-gwerra, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skont l-Artikolu 2(2), kull Stat Membru jista’ jagħti lin-negozjanti d-dritt li jagħmlu trasferimenti ta’ armi tan-nar mit-territorju tiegħu lil negozjanti stabbiliti fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn tal-awtorizzazzjoni minn qabel kif msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Għal dan l-għan, kull Stat Membru għandu joħroġ awtorizzazzjoni li tkun valida għal mhux aktar minn tliet snin, u li tista’ tiġi sospiża jew ikkanċellata f’kull mument permezz ta’ deċiżjoni li tagħti r-raġunijiet għal dan. Dokument li jirreferi għal dik l-awtorizzazzjoni għandu jakkumpanja l-arma tan-nar sa meta din tilħaq id-destinazzjoni tagħha. Dak id-dokument għandu jiġi ppreżentat kull meta hekk ikun meħtieġ mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Qabel id-data ta’ trasferiment, in-negozjant għandu jikkomunika lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li minnu jkun se jsir it-trasferiment il-partikularitajiet kollha elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2. Dawk l-awtoritajiet għandhom jagħmlu spezzjonijiet, fejn xieraq fuq il-post, biex jivverifikaw il-korrispondenza bejn l-informazzjoni kkomunikata min-negozjant u l-karatteristiċi attwali tat-trasferiment. L-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata min-negozjant fi żmien suffiċjenti.

4.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra lista tal-armi tan-nar li t-trasferiment tagħhom lejn it-territorju tiegħu jista’ jiġi awtorizzat mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel.

Tali listi ta’ armi tan-nar għandhom jiġu kkomunikati lin-negozjanti li jkunu kisbu l-approvazzjoni għat-trasferiment tal-armi tan-nar mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3.

Artikolu 17

1.   Kemm-il darba l-proċedura prevista fl-Artikolu 16 ma tiġix użata, il-pussess ta’ arma tan-nar matul vjaġġ li jgħaddi minn żewġ Stati Membri jew aktar m’għandux jitħalla sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx ġabet l-awtorizzazzjoni ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri kollha.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu tali awtorizzazzjoni għal vjaġġ wieħed jew aktar għal żmien massimu ta’ sena, bil-possibilità ta’ tiġdid. Tali awtorizzazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-Pass Ewropew tal-armi tan-nar, li l-vjaġġatur għandu jippreżenta kull meta hekk ikun meħtieġ mill-awtoritatjiet tal-Istati Membri.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-kaċċaturi u r-rappreżentaturi ta’ avvenimenti storiċi, fir-rigward tal-armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija C, u tiraturi fuq bersall, fir-rigward tal-armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija B jew C u tal-armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 9(6) jew li għalihom l-awtorizzazzjoni tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew estiża taħt l-Artikolu 10(5), jistgħu, mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 16(2), ikunu fil-pussess ta’ arma tan-nar waħda jew aktar waqt vjaġġ li jgħaddi minn żewġ Stati Membri jew aktar bl-għan li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, sakemm:

(a)

ikunu fil-pussess ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar li jelenka tali arma tan-nar jew armi tan-nar; u

(b)

ikunu jistgħu jissostanzjaw ir-raġunijiet għall-vjaġġ tagħhom, b’mod partikolari billi jipproduċu stedina għal, jew prova oħra ta’, l-attivitajiet tagħhom tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall jew ta’ rappreżentazzjoni ta’ avvenimenti storiċi fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

L-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu l-aċċettazzjoni ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar soġġetta għall-kondizzjoni ta’ pagament ta’ kwalunkwe miżata jew ħlas.

Madankollu, id-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tapplika għal vjaġġi lejn Stat Membru li, skont l-Artikolu 11(3), jew jipprojbixxi l-akkwist u l-pussess tal-arma tan-nar in kwistjoni jew li jagħmilha soġġetta għal awtorizzazzjoni. F’dak il-każ għandha tiddaħħal dikjarazzjoni espliċita apposta fuq il-Pass Ewropew tal-armi tan-nar. L-Istati Membri jistgħu wkoll jirrifjutaw l-applikazzjoni ta’ din id-deroga fil-każ ta’ armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 9(6) jew li għalihom l-awtorizzazzjoni tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew estiża taħt l-Artikolu 10(5).

Fil-kuntest tar-rapport msemmi fl-Artikolu 24, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, għandha wkoll tikkonsidra l-effetti tal-applikazzjoni tat-tielet subparagrafu, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħha fuq l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika.

3.   Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu, taħt ftehimiet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ dokumenti nazzjonali, jipprovdu għal arranġamenti li jkunu aktar flessibbli minn dawk stabbiliti minn dan l-Artikolu għall-moviment tal-armi tan-nar fit-territorji tagħhom.

Artikolu 18

1.   Kull Stat Membru għandu jikkomunika l-informazzjoni utli kollha li jkollu disponibbli dwar it-trasferimenti definittivi ta’ armi tan-nar lill-Istat Membru li lejn it-territorju tiegħu isir it-trasferiment.

2.   L-informazzjoni kollha li l-Istati Membri jirċievu permezz tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 16 dwar it-trasferimenti tal-armi tan-nar, u fl-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 11(2) għall-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar minn persuni mhux residenti, għandha tiġi kkomunikata, mhux aktar tard miż-żmien meta jsiru t-trasferimenti rilevanti, lill-Istati Membri tad-destinazzjoni u, fejn xieraq, mhux aktar tard miż-żmien meta jsir it-trasferiment lejn l-Istati Membri tat-tranżitu.

3.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni effiċjenti ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni fuq bażi regolari fi ħdan il-grupp ta’ kuntatt stabbilit bl-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 91/477/KEE. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet nazzjonali li jkollhom ir-responsabbiltà li jittrażmettu u jirċievu informazzjoni u li jikkonformaw mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 16(4) 1 ta’ din id-Direttiva.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw, permezz ta’ mezzi elettroniċi, informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għat-trasferimenti ta’ armi tan-nar lejn Stat Membru ieħor u informazzjoni fir-rigward ta’ rifjuti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif previst fl-Artikoli 9 u 10, għal raġunijiet ta’ sigurtà jew b’rabta mal-affidabbiltà tal-persuna kkonċernata.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprevedi sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 19 sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju sistematiku ta’ informazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi.

Artikolu 19

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 18(5) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mit-13 ta’ Ġunju 2017.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 18(5) tista’ tiġi revokata f’kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 18(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 20

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 21

L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha rilevanti li jipprojbixxu d-dħul fit-territorju tagħhom:

(a)

ta’ arma tan-nar, barra mill-każijiet imsemmija fl-Artikoli 16 u 17 u sakemm il-kondizzjonijiet imsemmija f’dawk l-Artikoli jiġu sodisfatti;

(b)

ta’ arma barra minn arma tan-nar, sakemm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru in kwistjoni hekk jippermettu.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

1.   L-Istati Membri għandhom jintensifikaw il-kontrolli fuq il-pussess ta’ armi fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. B’ mod partikolari huma għandhom jaraw li l-vjaġġaturi minn pajjiżi terzi li jkollhom l-intenzjoni li jmorru lejn Stat Membru ieħor jikkonformaw mal-Artikolu 17.

2.   Din id-Direttiva ma tipprekludix li jsiru kontroll mill-Istati Membri jew mit-trasportatur fil-mument li wieħed jitla’ abbord mezz tat-trasport.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-mod li bih isiru l-kontrolli msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Il-Kummissjoni għandha tiġbor dik l-informazzjoni u tagħmilha disponibbli lill-Istati Membri kollha.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, inklużi bidliet dwar l-akkwist u l-pussess tal-armi, fejn il-liġi nazzjonali tkun aktar stretta mill-istandard minimu li huma għandhom jadottaw. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi tali informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 23

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 24

Sal-14 ta’ Settembru 2020, u kull ħames snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż kontroll tal-idoneità tad-dispożizzjonijiet tagħha, li, jekk ikun xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti leġislattivi li jikkonċernaw b’mod partikolari l-kategoriji tal-armi tan-nar fl-Anness I u l-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tas-sistema għall-Pass Ewropew tal-armi tan-nar, mal-immarkar u mal-impatti tat-teknoloġiji l-ġodda bħall-istampar 3D, l-użu tal-kodiċi QR u l-użu ta’ identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (RFID).

Artikolu 25

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 26

Id-Direttiva 91/477/KEE, kif emendata bid-Direttivi elenkati fil-Parti A tal-Anness III, ta’ din id-Direttiva, hija mħassra bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi msemmija fil-Parti B tal-Anness III, ta’ din id-Direttiva.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 27

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU C 311, 18.9.2020, p. 52.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Frar 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2021.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi (ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51).

(4)  Ara l-Anness III, Parti A.

(5)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/164/UE tal-11 ta’ Frar 2014 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (ĠU L 89, 25.3.2014, p. 7).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(10)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(13)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(15)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(17)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(19)  Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1).

(20)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment (ĠU L 333, 19.12.2015, p. 62).


ANNESS I

I.

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “arma” tfisser:

–kwalunkwe arma tan-nar kif definita fl-Artikolu 1;

–armi barra minn armi tan-nar kif definiti fil-liġi nazzjonali.

II.

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-armi tan-nar huma kklassifikati fil-kategoriji li ġejjin:

Kategorija A - Armi tan-nar ipprojbiti

1.

Missili splussivi militari u launchers.

2.

Armi tan-nar awtomatiċi.

3.

Armi tan-nar travestiti bħala oġġetti oħra.

4.

Munizzjon bi projettili li jippenetraw, jisplodu jew jinċendjaw, u l-projettili għal tali munizzjon.

5.

Munizzjon għall-pistoli u revolvers bi projettili li jespandu u l-projettili għal tali munizzjon, ħlief f’każ ta’ armi għall-kaċċa jew għall-isparar fuq bersalji, għall-persuni li għandhom id-dritt jużawhom.

6.

Armi tan-nar awtomatiċi li ġew ikkonvertiti f’armi tan-nar semiawtomatiċi, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(5).

7.

Kwalunkwe arma tan-nar semiawtomatika centre-fire minn fost dawn li ġejjin:

(a)

armi tan-nar qosra li jippermettu l-isparar ta’ aktar minn 21 round mingħajr ikkargar mill-ġdid, jekk:

(i)

apparat tal-ikkargar b’kapaċità li taqbeż 20 round jkun parti minn dik l-arma tan-nar; jew

(ii)

apparat tal-ikkargar, li jista’ jiżżarma, b’kapaċità li taqbeż 20 round ikun imdaħħal fiha;

(b)

armi tan-nar twal li jippermettu l-isparar ta’ aktar minn 11-il round mingħajr ikkargar mill-ġdid, jekk:

(i)

apparat tal-ikkargar b’kapaċità li taqbeż 10 rounds ikun parti minn dik l-arma tan-nar; jew

(ii)

apparat tal-ikkargar, li jista’ jiżżarma, b’kapaċità li taqbeż 10 rounds ikun imdaħħal fiha.

8.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi, jiġifieri armi tan-nar li jkunu oriġinarjament maħsuba biex jiġu sparati minn fuq l-ispalla, li jistgħu jitqassru għal tul ta’ inqas minn 60 cm mingħajr ma jitilfu l-funzjonalità permezz ta’ ċipp li jista’ jiġi mitwi jew jingħalaq teleskopikament jew permezz ta’ ċipp li jista’ jiżżarma mingħajr l-użu ta’ għodda.

9.

Kwalunkwe arma tan-nar f’din il-kategorija li tkun ġiet konvertita f’arma li tispara inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew rounds pirotekniċi, jew f’arma tas-salut jew akustika.

Kategorija B - Armi tan-nar soġġetti għall-awtorizzazzjoni

1.

Armi tan-nar qosra li jirrepetu.

2.

Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’centre-fire percussion.

3.

Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom huwa ta’ inqas minn 28 cm.

4.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi li l-apparat tal-ikkargar u ċ-chamber tagħhom għandhom kapaċità ta’ aktar minn tliet rounds fil-każ ta’ armi tan-nar b’rimfire, u aktar minn tlieta iżda inqas minn tnax-il round fil-każ ta’ armi tan-nar centre-fire.

5.

Armi tan-nar qosra semiawtomatiċi minbarra dawk elenkati taħt il-punt 7(a) tal-kategorija A.

6.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi elenkati taħt il-punt 7(b) tal-kategorija A li l-apparat tal-ikkargar u ċ-chamber tagħhom flimkien ma għandhomx kapaċità ta’ aktar minn tliet rounds, fejn l-apparat tal-ikkargar jista’ jiżżarma jew fejn ma jkunx żgur li l-arma ma tistax tiġi kkonvertita, b’għodda ordinarja, f’arma li l-apparat tal-ikkargar u ċ-chamber tagħha flimkien jistgħu jieħdu aktar minn tliet rounds.

7.

Armi tan-nar twal li jirrepetu r-rounds u li huma semiawtomatiċi b’kanen lixxi li ma jaqbżux is-60 cm tul.

8.

Kwalunkwe arma tan-nar ikklassifikata f’din il-kategorija li tkun ġiet konvertita f’arma li tispara inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew rounds pirotekniċi, jew f’arma tas-salut jew akustika.

9.

Armi tan-nar semiawtomatiċi għall-użu ċivili li jixbħu lill-armi b’mekkaniżmi awtomatiċi barra dawk elenkati taħt il-punt 6, 7 jew 8 tal-kategorija A.

Kategorija C - Armi tan-nar u armi soġġetti għal dikjarazzjoni

1.

Armi tan-nar twal li jirrepetu, barra dawk elenkati fil-punt 7 tal-kategorija B.

2.

Armi tan-nar twal b’kanen li jisparaw tir wieħed.

3.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi barra dawk elenkati fil-kategorija A jew B.

4.

Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom ma jkunx inqas minn 28 cm.

5.

Kwalunkwe arma tan-nar f’din il-kategorija li tkun ġiet konvertita f’arma li tispara inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew rounds pirotekniċi, jew f’arma tas-salut jew akustika.

6.

Armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A jew B jew din il-kategorija li ġew diżattivati f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2403.

7.

Armi tan-nar twal b’tir wieħed u kanen lixxi introdotti fis-suq fi, jew wara, l-14 ta’ Settembru 2018.

III.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, oġġetti li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ “arma tan-nar” m’għandhomx jiġu inklużi f’dik id-definizzjoni jekk:

(a)

huma ddisinjati għall-allarm, biex jagħtu sinjali, għas-salvataġġ, għall-qtil tal-annimali jew is-sajd bil-ħarpun jew għal finijiet industrijali jew tekniċi sakemm jistgħu jintużaw biss għall-fini ddikjarata;

(b)

huma meqjusa bħala armi antiki fejn tali armi ma ġewx inklużi fil-kategoriji stabbiliti fil-Parti II u huma soġġetti għal-liġijiet nazzjonali.

Sa meta ssir il-koordinazzjoni fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom għall-armi tan-nar elenkati f’din il-Parti;

IV.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness:

(a)

“arma tan-nar qasira” tfisser arma tan-nar b’kanna li ma taqbiżx it-30 cm jew li t-tul kollu tagħha ma jaqbiżx is-60 cm;

(b)

“arma tan-nar twila” tfisser kull arma tan-nar barra minn arma tan-nar qasira;

(c)

“arma tan-nar awtomatika” tfisser arma tan-nar li terġa’ tikkarga b’mod awtomatiku kull darba li jiġi sparat round u li tista’ tispara aktar minn round wieħed b’għafsa waħda tal-grillu;

(d)

“arma tan-nar semi-awtomatika” tfisser arma tan-nar li terġa’ tikkarga b’mod awtomatiku kull darba li jiġi sparat round u li tista’ tispara round wieħed biss b’għafsa waħda tal-grillu;

(e)

“arma tan-nar li tirrepeti” tfisser arma tan-nar li, wara li jiġi sparat round, hija ddisinjata sabiex terġa’ tiġi kkargata minn magażin jew ċilindru permezz ta’ azzjoni li ssir manwalment;

(f)

“arma tan-nar b’tir wieħed” tfisser arma tan-nar mingħajr magażin li tikkarga qabel kull tir billi jiddaħħal manwalment round fiċ-chamber jew fil-kompartiment tal-ikkargar fil-breech tal-kanna;

(g)

“munizzjon bi projettili li jippenetraw” tfisser munizzjon għall-użu militari fejn il-projettili jkun mogħti qoxra u jkollu ċentru iebes penetranti;

(h)

“munizzjon bi projettili splussivi” tfisser munizzjon għall-użu militari fejn il-projettili jkollu fih kariga li tisplodi mal-kuntatt;

(i)

“munizzjon bi projettili inċendjarji” tfisser munizzjon għall-użu militari fejn il-projettili jkollu fih taħlita kimika li tisplodi fi fjamma mal-kuntatt mal-arja jew mal-impatt.


ANNESS II

PASS EWROPEW TAL-ARMI TAN-NAR

Il-pass għandu jinkludi t-taqsimiet li ġejjin:

(a)

l-identità tad-detentur;

(b)

l-identifikazzjoni tal-arma jew l-arma tan-nar, inkluża referenza għall-kategorija fis-sens ta’ din id-Direttiva;

(c)

il-perjodu ta’ validità tal-pass;

(d)

it-taqsima għall-użu mill-Istat Membru li joħroġ il-pass (tip u referenzi għall-awtorizzazzjonijiet, eċċ.);

(e)

it-taqsima għal entrati minn Stati Membri oħra (awtorizzazzjonijiet għad-dħul fit-territorju tagħhom, eċċ.);

(f)

id-dikjarazzjonijiet:

“Id-dritt ta’ vvjaġġar lejn Stat Membru ieħor b’arma tan-nar waħda jew aktar ikklassifikati fil-kategorija A, B jew C msemmija f’dan il-pass għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni/jiet korrispondenti minn qabel mill-Istat Membru taż-żjara. Tali awtorizzazzjonijiet jistgħu jiġu reġistrati fuq il-pass.

Fil-prinċipju m’hemmx bżonn tal-awtorizzazzjoni minn qabel, fuq imsemmija, sabiex wieħed jivvjaġġa b’arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija C bi ħsieb ta’ parteċipazzjoni f’kaċċa jew attivitajiet ta’ rappreżentazzjoni ta’ avvenimenti storiċi jew b’arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija A, B jew C sabiex wieħed jieħu sehem fi sparar fuq bersalji, sakemm il-vjaġġatur ikollu fil-pussess tiegħu pass għall-arma tan-nar u jkun jista’ jagħti r-raġuni għall-vjaġġ.”

Fejn Stat Membru jkun informa lill-Istati Membri l-oħra, skont l-Artikolu 11(3), li l-pussess ta’ ċerti armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija B jew C huwa pprojbit jew soġġett għall-awtorizzazzjoni, għandha tiżdied waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

“Vjaġġ lejn … (Stat(i) ikkonċernat(i)) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) huwa pprojbit.”

“Vjaġġ lejn … (Stat(i) ikkonċernat/ii) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) huwa soġġett għall-awtorizzazzjoni.”


ANNESS III

PARTI A

Direttivi mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħhom

(imsemmija fl-Artikolu 26)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE

(ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51)

Id-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 179, 8.7.2008, p. 5)

Id-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 137, 24.5.2017, p. 22)

PARTI B

Skadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(msemmija fl-Artikolu 26)

Direttiva

Skadenzi għat-traspożizzjoni

91/477/KEE

31 ta’ Diċembru 1992

2008/51/KE

28 ta’ Lulju 2010

(UE) 2017/853

14 ta’ Settembru 2018 (1)


(1)  Madankollu, taħt l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (UE) 2017/853: “Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 91/477/KEE, kif emendata permezz ta’ din id-Direttiva, sal-14 ta’ Diċembru 2019.”


ANNESS IV

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 91/477/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1) u (2)

Artikolu 4(1) u (2)

Artikolu 4(2a)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(5)

Artikolu 4(5)

Artikolu 4(6)

Artikolu 4a

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 5a

Artikolu 7

Artikolu 5b

Artikolu 8

Artikolu 6

Artikolu 9

Artikolu 7(1) sa (4)

Artikolu 10(1) sa (4)

Artikolu 7(4a)

Artikolu 10(5)

Artikolu 7(5)

Artikolu 10(6)

Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(2) u (3)

Artikolu 11(2) u (3)

Artikolu 9(1), kliem ta’ introduzzjoni

Artikolu 12(1), kliem ta’ introduzzjoni

Artikolu 9(1), l-ewwel inċiż

Artikolu 12(1), il-punt (a)

Artikolu 9(1), it-tieni inċiż

Artikolu 12(1), il-punt (b)

Artikolu 9(2)

Artikolu 12(2)

Artikolu 10

Artikolu 13

Artikolu 10a

Artikolu 14

Artikolu 10b

Artikolu 15

Artikolu 11(1)

Artikolu 16(1)

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu, kliem ta’ introduzzjoni

Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, kliem ta’ introduzzjoni

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a)

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b)

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu, it-tielet inċiż

Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c)

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu, ir-raba’ inċiż

Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d)

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu, il-ħames inċiż

Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (e)

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu, is-sitt inċiż

Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (f)

Artikolu 11(2), it-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafu

Artikolu 16(2), it-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafu

Artikolu 11(3) u (4)

Artikolu 16(3) u (4)

Artikolu 12

Artikolu 17

Artikolu 13

Artikolu 18

Artikolu 13a

Artikolu 19

Artikolu 13b

Artikolu 20

Artikolu 14, kliem ta’ introduzzjoni

Artikolu 21, kliem ta’ introduzzjoni

Artikolu 14, l-ewwel inċiż

Artikolu 21, il-punt (a)

Artikolu 14, it-tieni inċiż

Artikolu 21, il-punt (b)

Artikolu 15

Artikolu 22

Artikolu 16

Artikolu 23

Artikolu 17

Artikolu 24

Artikolu 18

Artikolu 25, 26 u 27

Artikolu 19

Artikolu 28

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness IV


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

6.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/26


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/556

tal-31 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529 u (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva klorur tas-sodju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) flimkien mal-Artikolu 23(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1529 (2) approva s-sustanza attiva klorur tas-sodju bħala sustanza bażika u inkludiha fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3). Il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq Rapport Tekniku pprovdut mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u fuq Rapport ta’ Rieżami (4)stabbilit mill-Kummissjoni.

(2)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva klorur tas-sodju, kif stipulat fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, kienet ristretta għall-użu bħala funġiċida u insettiċida.

(3)

F’Novembru 2017, segwit minn aġġornament f’Awwissu 2018 u f’Lulju 2020, l-organizzazzjoni Collectif Anti-baccharis ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 li titlob l-estensjoni tal-użu tal-klorur tas-sodju bħala erbiċida.

(4)

Il-Kummissjoni talbet l-assistenza xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). Ir-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni kien li n-natura tas-sustanza u l-firxa tat-talba ma kinux jiġġustifikaw valutazzjoni xjentifika ġdida mill-Awtorità. Il-Kummissjoni ħejjiet rapport ta’ rieżami aġġornat, filwaqt li qieset ir-rapport tekniku preċedenti tal-Awtorità (5) u l-informazzjoni pprovduta mill-applikant.

(5)

Fil-25 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ rieżami aġġornat u l-abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(6)

L-applikant ingħata l-possibbiltà li jressaq kummenti dwar ir-rapport ta’ rieżami aġġornat.

(7)

Jidher li l-klorur tas-sodju jista’ jkun mistenni li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fir-rigward tal-użu bħala erbiċida kif spjegat fir-rapport ta’ reviżjoni aġġornat. Għalhekk, l-użu tal-klorur tas-sodju bħala erbiċida għandu jkun permess. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li qed jiġi permess użu ġdid tal-klorur tas-sodju, u li huwa aċċettabbli li jibqgħu jiġu permessi użi oħra possibbli tal-klorur tas-sodju kif imsemmi fir-rapport ta’ rieżami aġġornat għall-klorur tas-sodju, jixraq li tiġi rtirata r-restrizzjoni attwali għall-użu tas-sustanza bħala funġiċida u insettiċida biss.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jinżammu ċerti kundizzjonijiet għall-użu tas-sustanza attiva.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529 u (UE) Nru 540/2011 jiġu emendati skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529 huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1529 tas-7 ta’ Settembru 2017 li japprova s-sustanza bażika klorur tas-sodju skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 232, 8.9.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(4)  Final Review report for the basic substance sodium chloride finalised in the Standing Committee on Plants, Animals, Food and Feed at its meeting on 20 July 2017 and amended on 25 January 2021 in view of the approval of sodium chloride as basic substance in accordance with Regulation (EC) No 1107/2009; SANTE/10383/2017– rev.2.

(5)  EFSA (European Food Safety Authority), 2017.Technical report on the outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for (sea) salt (sodium chloride) for use in plant protection as fungicide and insecticide. EFSA supporting publication 2017:EN-1172. 56pp.doi:10.2903/sp.efsa.2017.EN-1172.


ANNESS I

Fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1529, l-entrata mogħtija fil-ħames kolonna msejħa “Dispożizzjonijiet speċifiċi” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-klorur tas-sodju għandu jintuża f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-klorur tas-sodju (SANTE/10383/2017) u b’mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-entrata mogħtija fis-sitt kolonna msejħa “Dispożizzjonijiet speċifiċi” fir-ringiela numru 16, għall-klorur tas-sodju, hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-klorur tas-sodju għandu jintuża f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-klorur tas-sodju (SANTE/10383/2017) u b’mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”