ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 104

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
25 ta' Marzu 2021


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2021/514 tat-22 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/515 tat-22 ta’ Marzu 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Awstralja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

27

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/516 tat-22 ta’ Marzu 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

29

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/517 tal-11 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2361 fir-rigward tal-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

30

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/518 tat-18 ta’ Marzu 2021 li jirreġistra Indikazzjoni Ġeografika ta’ xorb spirituż skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Vasi vadkörte pálinka

34

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/519 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 dwar l-ittestjar għat-Trichinella fis-solipedi u d-deroga tar-Renju Unit mill-ittestjar għat-Trichinella fil-majjali domestiċi ( 1 )

36

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/520 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma ( 1 )

39

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/521 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jagħmel arranġamenti speċifiċi għall-mekkaniżmu li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni

52

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1470 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija u dwar it-tqassim ġeografiku għal statistika oħra tan-negozju ( ĠU L 334, 13.10.2020 )

55

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

25.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2021/514

tat-22 ta’ Marzu 2021

li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu akkomodati inizjattivi ġodda tal-Unjoni fil-qasam tat-trasparenza tat-taxxa, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (3) kienet soġġetta għal serje ta’ emendi f’dawn l-aħħar snin. Dawk il-bidliet prinċipalment introduċew obbligi ta’ rapportar, segwiti minn komunikazzjoni lil Stati Membri oħra, b’rabta ma’ kontijiet finanzjarji, deċiżjonijiet antiċipati transfruntiera u arranġamenti preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment, rapporti għal kull pajjiż u arranġamenti transfruntiera rapportabbli. B’hekk, dawk l-emendi estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni. Issa l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri għandhom sett usa’ ta’ għodod ta’ kooperazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom, biex jidentifikaw u jindirizzaw il-forom ta’ frodi tat-taxxa, ta’ evażjoni tat-taxxa u ta’ evitar tat-taxxa.

(2)

F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni kienet qed timmonitorja l-applikazzjoni, u fl-2019 lestiet evalwazzjoni tad-Direttiva 2011/16/UE. Għalkemm sar titjib sinifikanti fil-qasam tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni, għad hemm il-ħtieġa li jittejbu d-dispożizzjonijiet relatati mal-forom kollha ta’ skambji ta’ informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva.

(3)

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16/UE, l-awtorità li ssirilha t-talba trid tikkomunika lill-awtorità rikjedenti kwalunkwe informazzjoni li jkollha fil-pussess tagħha, jew li tikseb b’riżultat ta’ indaġnijiet amministrattivi, li tkun prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-iskambji ta’ informazzjoni u biex jiġu evitati rifjuti mhux ġustifikati ta’ talbiet, kif ukoll biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza tad-dritt kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għall-kontribwenti, jenħtieġ li l-istandard maqbul internazzjonalment ta’ rilevanza prevedibbli jiġi indikat u kodifikat b’mod ċar.

(4)

Xi kultant ikun hemm il-ħtieġa li jiġu indirizzati talbiet għal informazzjoni li jikkonċernaw gruppi ta’ kontribwenti li ma jistgħux jiġu identifikati individwalment u r-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba tista’ pjuttost tiġi deskritta biss abbażi ta’ sett komuni ta’ karatteristiċi. Fid-dawl ta’ dan, jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkomplu jużaw talbiet ta’ grupp għal informazzjoni taħt qafas legali ċar.

(5)

Huwa importanti li l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni relatata mal-introjtu dderivat mill-proprjetà intellettwali, peress li dan il-qasam tal-ekonomija huwa suxxettibbli għal arranġamenti ta’ trasferiment tal-profitti minħabba l-assi sottostanti tiegħu li huma mobbli ħafna. Għalhekk, jenħtieġ li r-royalties, kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE (4), jiġu inklużi fil-kategoriji ta’ introjtu soġġetti għal skambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu kull sforz possibbli u raġonevoli biex jinkludu n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (NIT) tar-residenti maħruġ mill-Istat Membru ta’ residenza fil-komunikazzjoni tal-kategoriji ta’ introjtu u kapital soġġetti għal skambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni.

(6)

Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija ilha tikber b’rata mgħaġġla f’dawn l-aħħar snin. Dan wassal għal numru dejjem ikbar ta’ sitwazzjonijiet kumplessi marbuta mal-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa. Id-dimensjoni transfruntiera tas-servizzi offruti permezz tal-użu tal-operaturi tal-pjattaformi ħolqot ambjent kumpless fejn jaf ikun diffiċli li jiġu infurzati r-regoli tat-taxxa u li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tat-taxxa. Teżisti nuqqas ta’ konformità mar-regoli tat-taxxa u l-valur tal-introjtu mhux irrapportat huwa sinifikanti. L-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri ma għandhomx biżżejjed informazzjoni biex jivvalutaw b’mod korrett u biex jikkontrollaw l-introjtu gross iggwadanjat fil-pajjiż tagħhom minn attivitajiet kummerċjali mwettqa bl-intermedjazzjoni tal-pjattaformi diġitali. Dan huwa partikularment problematiku meta l-flussi tal-introjtu jew tal-ammont taxxabbli jgħaddi minn pjattaformi diġitali stabbiliti f’ġurisdizzjoni oħra.

(7)

L-amministrazzjonijiet tat-taxxa spiss jitolbu informazzjoni mingħand l-operaturi tal-pjattaformi. Dan jikkawża kostijiet amministrattivi u ta’ konformità sinifikanti għall-operaturi tal-pjattaformi. Fl-istess ħin, xi Stati Membri imponew obbligu ta’ rapportar unilaterali, li joħloq piż amministrattiv addizzjonali għall-operaturi tal-pjattaformi, peress li jridu jikkonformaw ma’ diversi standards nazzjonali ta’ rapportar. Għalhekk, huwa essenzjali li jiġi introdott rekwiżit ta’ rapportar standardizzat li jkun japplika fis-suq intern kollu.

(8)

Meta jitqies li l-biċċa l-kbira tal-introjtu jew tal-ammonti taxxabbli tal-bejjiegħa fuq il-pjattaformi diġitali hija transfruntiera, ir-rapportar tal-informazzjoni relatata mal-attività rilevanti jwassal għal riżultati pożittivi addizzjonali jekk dik l-informazzjoni tiġi kkomunikata wkoll lill-Istati Membri li jkunu eliġibbli għall-intaxxar tal-introjtu ggwadanjat. B’mod partikolari, l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa huwa kruċjali biex dawk l-awtoritajiet tat-taxxa ikollhom l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jivvalutaw it-taxxi fuq l-introjtu u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuti b’mod korrett.

(9)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, jenħtieġ li r-regoli tar-rapportar ikunu kemm effettivi kif ukoll sempliċi. Filwaqt li jiġu rrikonoxxuti d-diffikultajiet biex jiġu identifikati l-avvenimenti taxxabbli li jseħħu meta titwettaq attività kummerċjali li tiġi ffaċilitata permezz tal-pjattaformi diġitali u filwaqt li jitqies ukoll il-piż amministrattiv addizzjonali li jiffaċċjaw l-amministrazzjonijiet tat-taxxa f’każijiet bħal dan, jeħtieġ li jiġi impost obbligu ta’ rapportar għall-operaturi tal-pjattaformi. L-operaturi tal-pjattaformi jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jiġbru u jivverifikaw l-informazzjoni meħtieġa dwar il-bejjiegħa kollha li joperaw fuq pjattaforma speċifika u li jużawha.

(10)

L-obbligu ta’ rapportar jenħtieġ li jkopri kemm l-attivitajiet transfruntiera kif ukoll dawk mhux transfruntiera, sabiex jiġu żgurati l-effikaċja tar-regoli tar-rapportar, il-funzjonament xieraq tas-suq intern, il-kundizzjonijiet ekwi u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, tali applikazzjoni tar-regoli ta’ rapportar tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-pjattaformi diġitali.

(11)

Minħabba l-użu wiesa’ ta’ pjattaformi diġitali fit-twettiq tal-attivitajiet kummerċjali, kemm mill-individwi kif ukoll mill-entitajiet, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-obbligu tar-rapportar tapplika irrispettivament min-natura ġuridika tal-bejjiegħ. Minkejja dan, jenħtieġ li tiġi prevista eċċezzjoni għall-entitajiet governattivi, li ma għandhomx jiġu soġġetti għall-obbligu tar-rapportar.

(12)

Ir-rapportar tal-introjtu ggwadanjat minn tali attivitajiet jenħtieġ li jipprovdi lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa l-informazzjoni komprensiva meħtieġa għall-valutazzjoni korretta tat-taxxa dovuta fuq l-introjtu.

(13)

Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u mitigazzjoni tal-kostijiet tal-konformità, ikun raġonevoli li l-operaturi tal-pjattaformi jkunu meħtieġa jirrapportaw l-introjtu ggwadanjat mill-bejjiegħa permezz tal-użu tal-pjattaforma diġitali fi Stat Membru wieħed.

(14)

Minħabba n-natura u l-flessibbiltà tal-pjattaformi diġitali, jenħtieġ li l-obbligu tar-rapportar jiġi estiż ukoll għal dawk l-operaturi tal-pjattaformi li jwettqu attività kummerċjali fl-Unjoni iżda li la jkunu residenti għal finijiet tat-taxxa, u lanqas m jkunu inkorporati jew ġestiti, jew ikollhom stabbiliment permanenti f’ebda Stat Membru (operaturi ta’ pjattaformi barranin). Dan jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost il-pjattaformi diġitali kollha u jipprevjeni l-kompetizzjoni inġusta. Sabiex tiġi ffaċilitata il-kisba ta’ dan l-objettiv, jenħtieġ li l-operaturi ta’ pjattaformi barranin ikunu meħtieġa jirreġistraw u jirrapportaw fi Stat Membru wieħed biex ikunu jistgħu joperaw fis-suq intern. Wara li jirrevokaw reġistrazzjoni ta’ operatur ta’ pjattaforma barranija, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li tali operatur ta’ pjattaforma barranija jkun meħtieġ jipprovdi lill-Istat Membru kkonċernat assigurazzjonijiet xierqa, bħal affidavits jew depożiti ta’ sigurtà, filwaqt li jirreġistra mill-ġdid fl-Unjoni.

(15)

Madankollu, huwa xieraq li jiġu stabbiliti miżuri li jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq operaturi ta’ pjattaformi barranin u fuq l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, f’każijiet fejn jeżistu arranġamenti adegwati, li jiżguraw li tiġi skambjata informazzjoni ekwivalenti bejn ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni u Stat Membru. F’dawk il-każijiet, ikun xieraq li l-operaturi ta’ pjattaformi li jkunu rrapportaw f’ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni jinħelsu minn obbligu li jirrapportaw fi Stat Membru, sa fejn l-informazzjoni riċevuta mill-Istat Membru tkun relatata mal-attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-informazzjoni tkun ekwivalenti għall-informazzjoni meħtieġa skont ir-regoli ta’ rapportar stabbiliti f’din id-Direttiva. Sabiex titrawwem il-kooperazzjoni amministrattiva f’dan il-qasam ma’ ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni u tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa għal flessibbiltà fin-negozjati ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri u ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni, jenħtieġ li din id-Direttiva tippermetti li operatur ta’ pjattaforma kwalifikat ta’ ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni jirrapporta biss informazzjoni ekwivalenti dwar bejjiegħa rapportabbli lil amministrazzjonijiet tat-taxxa ta’ ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni, li, min-naħa tagħhom, jibgħatu tali informazzjoni lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri. Kull fejn ikun xieraq, jenħtieġ li dan il-mekkaniżmu jkun attivat sabiex jiġi evitat li informazzjoni ekwivalenti tiġi rrappurtata u trażmessa aktar minn darba.

(16)

Fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet tat-taxxa madwar id-dinja qed iħabbtu wiċċhom mal-isfidi marbuta mal-ekonomija tal-pjattaformi diġitali li dejjem qed tikber, l- Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) żviluppat Regoli Mudell għar-Rapportar mill-Operaturi tal-Pjattaformi fir-rigward tal-Bejjiegħa fl-Ekonomija tal-Qsim u l-Gig (Regoli Mudell). Minħabba l-prevalenza ta’ attivitajiet transfruntiera li jitwettqu minn pjattaformi diġitali kif ukoll il-bejjiegħa attivi fuqhom, jista’ jkun raġonevolment mistenni li ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni ser ikollhom biżżejjed inċentivi biex isegwu l-eżempju ewlieni tal-Unjoni u jimplimentaw il-ġbir u l-iskambju awtomatiku reċiproku ta’ informazzjoni dwar bejjiegħa rapportabbli skont ir-Regoli Mudell. Għalkemm mhumiex identiċi għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’termini tal-bejjiegħa li dwarhom trid tiġi rrappurtata l-informazzjoni u l-pjattaformi diġitali li permezz tagħhom trid tiġi rrappurtata l-informazzjoni, ir-Regoli Mudell huma mistennija li jipprevedu r-rapportar ta’ informazzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-attivitajiet rilevanti li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm ta’ din id-Direttiva kif ukoll tar-Regoli Mudell, li jistgħu jiġu estiżi aktar biex ikopru attivitajiet rilevanti addizzjonali.

(17)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). B’mod aktar speċifiku, jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddetermina jekk l-informazzjoni meħtieġa li tiġi skambjata skont ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni hijiex ekwivalenti għal dik speċifikata f’din id-Direttiva. Peress li l-konklużjoni ta’ ftehimiet ma’ ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni tibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, l-azzjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi attivata wkoll permezz ta’ talba minn Stat Membru. Din il-proċedura amministrattiva jenħtieġ li, mingħajr ma tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, tipprevedi ċertezza tad-dritt fir-rigward tal-korrelazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva u kwalunkwe ftehimiet ta’ skambju ta’ informazzjoni li l-Istati Membri jista’ jkollhom ma’ ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni. Għal dan il-għan, huwa neċessarju li, b’segwitu għat-talba minn Stat Membru, id-determinazzjoni tal-ekwivalenza tkun tista’ ssir ukoll, qabel il-konklużjoni prevista ta’ tali ftehim. Fejn l-iskambju ta’ tali informazzjoni jkun ibbażat fuq strument multilaterali, jenħtieġ li d-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza tittieħed fir-rigward tal-qafas rilevanti kollu kopert minn tali strument. Madankollu, jenħtieġ li jibqa’ possibbli li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, fejn xieraq, fir-rigward ta’ strument bilaterali jew ir-relazzjoni ta’ skambju ma’ ġurisdizzjoni individwali mhux tal-Unjoni.

(18)

Għar-raġunijiet tal-prevenzjoni tal-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, huwa xieraq li r-rapportar tal-attività kummerċjali jinkludi l-kiri ta’ proprjetà immobbli, is-servizzi personali, il-bejgħ ta’ oġġetti u l-kiri ta’ kwalunkwe mezz ta’ trasport. L-attivitajiet li jitwettqu minn bejjiegħ li jaġixxi bħala impjegat tal-operatur tal-pjattaformi jenħtieġ li ma jaqgħux fl-ambitu tar-rapportar.

(19)

Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità mhux meħtieġa għall-bejjiegħa li jinvolvu ruħhom f’kiri ta’ proprjetà immobbli, bħal ktajjen ta’ lukandi jew operaturi turistiċi, jenħtieġ li jkun hemm livell limitu ta’ għadd ta’ kirjiet għal kull elenkar ta’ proprjetà li ’il fuq minnu ma japplikax l-obbligu ta’ rapportar. Madankollu, sabiex jiġi evitat ir-riskju li jiġu evitati l-obbligi ta’ rapportar minn intermedjarji li jidhru fuq il-pjattaformi diġitali bħala bejjiegħ uniku filwaqt li jimmaniġġjaw għadd kbir ta’ unitajiet ta’ proprjetà, jenħtieġ li jiġi introdotti salvagwardji xierqa.

(20)

L-objettiv tal-prevenzjoni tal-frodi tat-taxxa, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa jista’ jiġi żgurat billi l-operaturi tal-pjattaformi jkunu meħtieġa jirrapportaw l-introjtu ggwadanjat permezz tal-pjattaformi diġitali fi stadju bikri, qabel ma l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jwettqu l-valutazzjonijiet tat-taxxa tagħhom ta’ kull sena. Sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-informazzjoni rrappurtata tiġi skambjata fi żmien xahar wara r-rapportar. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni u jittejjeb l-użu effiċjenti tar-riżorsi, jenħtieġ li l-iskambji ta’ informazzjoni jitwettqu b’mod elettroniku permezz tan-network komuni ta’ komunikazzjoni (CCN) eżistenti li ġie żviluppat mill-Unjoni.

(21)

Fejn l-operaturi ta’ pjattaforma barranija jirrapportaw informazzjoni ekwivalenti dwar bejjiegħa rapportabbli lill-awtoritajiet tat-taxxa rispettivi ta’ ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni, l-implimentazzjoni effettiva tal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta u r-rekwiżiti ta’ rapportar hija mistennija li tiġi żgurata mill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ dawk il-ġurisdizzjonijiet. Madankollu, f’każijiet fejn dan ma jkunx il-każ, l-operaturi ta’ pjattaformi barranin jenħtieġ li jkunu obbligati jirreġistraw u jirrapportaw fl-Unjoni, u jenħtieġ li l-Istati Membri jinforzaw l-obbligi ta’ reġistrazzjoni, diliġenza dovuta u rapportar ta’ tali operaturi ta’ pjattaforma barranija. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jistipulaw regoli dwar penali applikabbli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Filwaqt li l-għażla tal-penali tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, il-penali previsti jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Peress li l-pjattaformi diġitali spiss ikollhom firxa ġeografika wiesgħa, huwa xieraq li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jaġixxu b’mod koordinat meta jimmiraw lejn l-infurzar tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u rapportar applikabbli għal pjattaformi diġitali li joperaw minn ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni, inkluż il-prevenzjoni tal-pjattaformi diġitali milli jkunu jistgħu joperaw fl-Unjoni bħala l-aħħar alternattiva. Fil-limiti tal-kompetenza tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ tali Stati Membri, u b’hekk tqis kwalunkwe miżura komuni futura lejn il-pjattaformi diġitali kif ukoll id-differenzi fil-miżuri potenzjali disponibbli għall-Istati Membri.

(22)

Jeħtieġ li jissaħħu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16/UE rigward il-preżenza ta’ uffiċjali ta’ Stat Membru wieħed fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, u t-twettiq ta’ kontrolli simultanji minn żewġ Stati Membri jew iktar, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, it-tweġibiet għat-talbiet għall-preżenza ta’ uffiċjali ta’ Stat Membru ieħor jenħtieġ li jingħataw mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li ssirlu t-talba f’perijodu ta’ żmien speċifikat. Meta uffiċjali ta’ Stat Membru wieħed ikunu preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor waqt inkjesta amministrattiva, jew jipparteċipaw f’inkjesta amministrattiva permezz tal-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-arranġamenti proċedurali stabbiliti fl-Istat Membru li ssirlu t-talba biex jintervistaw lill-individwi u jeżaminaw ir-reġistri b’mod dirett.

(23)

Stat Membru li jkun beħsiebu jwettaq kontroll simultanju jenħtieġ li jikkomunika l-intenzjoni tiegħu lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ċertezza tad-dritt, huwa xieraq li jiġi previst li l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru kkonċernat tkun obbligata twieġeb fi skeda ta’ żmien speċifika.

(24)

Il-kontrolli multilaterali mwettqa bl-appoġġ tal-programm Fiscalis 2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) urew il-benefiċċju ta’ kontrolli kkoordinati ta’ kontribwent wieħed jew iktar li jkunu ta’ interess komuni jew komplementari għall-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew aktar. Tali azzjonijiet konġunti bħalissa jitwettqu biss fuq il-bażi tal-applikazzjoni kkombinata tad-dispożizzjonijiet eżistenti rigward il-preżenza ta’ uffiċjali ta’ Stat Membru wieħed fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u l-kontrolli simultanji. Madankollu, f’ħafna każijiet dik il-prattika wriet li hemm bżonn ta’ aktar titjib biex jiġu żgurati aktar ċertezza tad-dritt.

(25)

Għalhekk huwa xieraq li d-Direttiva 2011/16/UE tiġi ssupplimentata b’għadd ta’ dispożizzjonijiet li jiċċaraw aktar il-qafas u l-prinċipji ewlenin li jenħtieġ li japplikaw meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jagħżlu li jirrikorru għall-mezzi ta’ awditu konġunt. L-awditi konġunti jenħtieġ li jkunu għodda addizzjonali disponibbli għall-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni, li tissupplimenta l-qafas eżistenti li jipprevedi l-possibiltajiet ta’ preżenza ta’ uffiċċjali ta’ Stat Membru ieħor fl-uffiċċji amministrattivi, parteċipazzjoni f’inkjesti amministrattivi kif ukoll kontrolli simultanji. L-awditi konġunti jkunu f’għamla ta’ inkjesti amministrattivi li jitwettqu b’mod konġunt mill-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, u jkunu marbuta ma’ persuna waħda jew iktar ta’ interess komuni jew komplementari għal-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri. L-awditi konġunti jista’ jkollhom rwol importanti biex jikkontribwixxu għall-funzjonament aħjar tas-suq intern. L-awditi konġunti jenħtieġ li jkunu strutturati biex joffru ċertezza tad-dritt lill-kontribwenti permezz ta’ regoli proċedurali ċari, inkluż miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju ta’ tassazzjoni doppja.

(26)

Għall-finijiet tal-iżgurar taċ-ċertezza tad-dritt, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-awditi konġunti jenħtieġ li jinkludu wkoll l-aspetti ewlenin ta’ aktar dettalji ta’ dik l-għodda, bħall-iskeda ta’ żmien speċifika għat-tweġiba għal talba għal awditu konġunt, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali li jipparteċipaw f’awditu konġunt u l-proċess li jwassal għall-istabbiliment ta’ rapport finali ta’ awditu konġunt. Dawk id-dispożizzjonijiet dwar awditi konġunti ma għandhomx jiġu interpretati li jippreġudikaw kwalunkwe proċess li jseħħ fi Stat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu bħala konsegwenza jew segwitu tal-awditu konġunt, bħall-impożizzjoni jew il-valutazzjoni tat-taxxa permezz ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, u l-proċess ta’ appell jew is-saldu relatat magħhom jew ir-rimedji disponibbli għall-kontribwenti li jirriżultaw minn dawk il-proċessi. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza tad-dritt, ir-rapport finali ta’ awditu konġunt jenħtieġ li jirrifletti s-sejbiet li dwarhom ikunu qablu l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jaqblu wkoll li r-rapport finali ta’ awditu konġunt jinkludi kwalunkwe kwistjoni fejn ma setax jintlaħaq qbil. Is-sejbiet maqbula reċiprokament tar-rapport finali ta’ awditu konġunt jenħtieġ li jitqiesu fl-istrumenti rilevanti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti wara dak l-awditu konġunt.

(27)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, huwa xieraq li jiġi previst li l-awditi konġunti jenħtieġ li jitwettqu b’mod miftiehem minn qabel u kkoordinat, u f’konformità mal-liġijiet u r-rekwiżiti proċedurali tal-Istat Membru fejn iseħħu l-attivitajiet ta’ awditu konġunt. Tali rekwiżiti jistgħu jinkludu wkoll obbligu li jiġi żgurat li l-uffiċjali ta’ Stat Membru li jkunu ħadu sehem fl-awditu konġunt fi Stat Membru ieħor, jieħdu sehem ukoll, jekk meħtieġ, fi kwalunkwe proċess ta’ lment, rieżami jew appell f’dak l-Istat Membru.

(28)

Id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali li jipparteċipaw fl-awditu konġunt, meta jkunu preżenti f’attivitajiet imwettqa fi Stat Membru differenti, jenħtieġ li jiġu determinati f’konformità mal-liġijiet tal-Istat Membru fejn iseħħu l-attivitajiet tal-awditu konġunt. Fl-istess ħin, filwaqt li jikkonformaw mal-liġi tal-Istat Membru fejn iseħħu l-attivitajiet ta’ awditu konġunt, l-uffiċjali ta’ Stat Membru ieħor jenħtieġ li ma jeżerċitaw l-ebda setgħa li tkun taqbeż il-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat mogħtija lilhom skont il-liġijiet tal-Istat Membru tagħhom.

(29)

Filwaqt li l-għan tad-dispożizzjonijiet dwar l-awditi konġunti huwa li jipprovdu għodda utli għall-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, jenħtieġ li xejn f’din id-Direttiva ma jiġi interpretat bħala li jmur kontra r-regoli stabbiliti dwar il-kooperazzjoni tal-Istati Membri f’materji ġudizzjarji.

(30)

Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, huwa importanti li l-informazzjoni kkomunikata skont id-Direttiva 2011/16/UE tintuża għall-valutazzjoni, għall-amministrazzjoni u għall-infurzar ta’ taxxi li jkunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dik id-Direttiva. Għalkemm dan sa issa ma kienx prekluż, qamu inċertezzi dwar l-użu tal-informazzjoni minħabba qafas mhux ċar. Għalhekk, u filwaqt li jitqies is-sinifikat li għandha l-VAT għall-funzjonament tas-suq intern, jixraq li jiġi ċċarat li l-informazzjoni kkomunikata bejn l-Istati Membri tista’ tintuża wkoll għall-valutazzjoni, għall-amministrazzjoni u għall-infurzar tal-VAT u ta’ taxxi indiretti oħra.

(31)

Stat Membru li jikkomunika informazzjoni lil Stat Membru ieħor għal finijiet ta’ taxxa jenħtieġ li jippermetti l-użu ta’ dik l-informazzjoni għal finijiet oħra sakemm dan ikun permess taħt il-liġi nazzjonali taż-żewġ Stati Membri. Stat Membru jista’ jagħmel dan jew billi jippermetti l-użu differenti wara talba obbligatorja tal-Istat Membru l-ieħor inkella billi jikkomunika lill-Istati Membri kollha lista ta’ finijiet oħra permessi.

(32)

Sabiex l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jiġu megħjuna jipparteċipaw fl-iskambju ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva, jenħtieġ li jitfasslu arranġamenti prattiċi, inkluż fejn xieraq ftehim konġunt bejn il-kontrolluri tad-data, ftehim bejn il-proċessuri tad-data u l-kontrolluri tad-data, jew mudelli tagħhom, mill-Istati Membri, assistiti mill-Kummissjoni. Huma biss il-persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta’ Akkreditament ta’ Sigurtà tal-Kummissjoni li jista’ jkollhom aċċess għall-informazzjoni kkomunikata skont id-Direttiva 2011/16/UE u pprovduta b’mezzi elettroniċi bl-użu tan-NKK, u biss sa fejn tkun meħtieġa għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tad-direttorju ċentrali dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u tan-NKK. Il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll biex tiżgura s-sigurtà tad-direttorju ċentrali dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u tan-NKK.

(33)

Sabiex tiġi evitata l- ksur tad-data u tiġi limitata l-ħsara potenzjali, huwa ta’ importanza kbira li tittejjeb is-sigurtà tad-data kollha, skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qafas tad-Direttiva 2011/16/UE. Għalhekk, huwa xieraq li dik id-Direttiva tiġi ssupplimentata b’regoli dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-każ ta’ ksur tad-data fi Stat Membru kif ukoll fil-każijiet meta jseħħ il-ksur lin-NKK. Minħabba n-natura sensittiva tad-data li tista’ tkun soġġetta għal ksur tad-data, ikun xieraq li jiġu previsti miżuri bħat-talba tas-sospensjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat(i) Membru/i fejn ikun seħħ il-ksur tad-data, jew is-sospensjoni tal-aċċess għan-NKK għal Stat Membru wieħed jew aktar sakemm jiġi rimedjat il-ksur tad-data. Minħabba n-natura teknika tal-proċessi relatati mal-iskambju tad-data, l-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni, jenħtieġ li jaqblu dwar l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ ta’ ksur tad-data u l-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi evitat ksur futur tad-data.

(34)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/16/UE u b’mod partikolari għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta formola standard b’numru limitat ta’ komponenti, inkluż l-arranġamenti lingwistiċi. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(35)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(36)

Kwalunkwe pproċessar tad-data personali li jitwettaq fil-qafas tad-Direttiva 2011/16/UE jenħtieġ li kompli jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u mar-Regolament (UE) 2018/1725. L-ipproċessar tad-data huwa stabbilit fid-Direttiva 2011/16/UE bl-għan biss li jservi interess pubbliku ġenerali, jiġifieri l-kwistjonijiet tat-tassazzjoni u l-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, is-salvagwardja tad-dħul mit-taxxa u l-promozzjoni tat-tassazzjoni ġusta, li jsaħħu l-opportunitajiet għall-inklużjoni soċjali, politika u ekonomika fl-Istati Membri. Għalhekk, fid-Direttiva 2011/16/UE, ir-referenzi għal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data jenħtieġ li jiġu aġġornati u estiżi għar-regoli introdotti minn din id-Direttiva. Dan huwa partikularment importanti għall-fini li tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt għall-kontrolluri tad-data u l-proċessuri tad-data skont it-tifsira tar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tas-soġġetti tad-data.

(37)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiggarantixxi rispett totali għad-dritt tal-protezzjoni tad-data personali u tal-libertà li wieħed imexxi negozju.

(38)

Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti bejn l-Istati Membri b’kundizzjonijiet kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri billi l-għan ta’ din id-Direttiva li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jirrikjedi regoli uniformi li jistgħu jkunu effettivi f’sitwazzjonijiet transfruntiera, iżda dan jista’ pjuttost jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(39)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/16/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2011/16/UE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 3, huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (9), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

għall-finijiet tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikoli 8a sa 8ac, il-komunikazzjoni sistematika ta’ informazzjoni ddefinita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, b’intervalli regolari stabbiliti minn qabel. Għall-finijiet tal-Artikolu 8(1), ir-referenza għall-informazzjoni disponibbli hija relatata mal-informazzjoni fil-fajls tat-taxxa tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni, li tista’ tiġi rkuprata f’konformità mal-proċeduri dwar il-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni f’dak l-Istat Membru;”

(b)

fil-punt (9), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għajr l-Artikolu 8(1) u (3a) u l-Artikoli 8a sa 8ac, il-komunikazzjoni sistematika ta’ informazzjoni ddefinita minn qabel ipprovduta fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt.”

(c)

fil-punt (9), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fil-kuntest tal-Artikoli 8(3a), 8(7a), 21(2) u l-Anness IV, kwalunkwe terminu kapitalizzat għandu jkollu t-tifsira li għandu taħt id-definizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fl-Anness I. Fil-kuntest tal-Artikolu 25(3) u (4), kwalunkwe terminu kapitalizzat għandu jkollu t-tifsira li għandu taħt id-definizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fl-Anness I jew V. Fil-kuntest tal-Artikolu 8aa u l-Anness III, kwalunkwe terminu kapitalizzat għandu jkollu t-tifsira li għandu taħt id-definizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fl-Anness III. Fil-kuntest tal-Artikoli 8acu tal-Anness V, kwalunkwe terminu li jibda b’ittra kapitali għandu jkollu t-tifsira mogħtija skont id-definizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fl-Anness V.”.

(d)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“26.

“awditu konġunt” tfisser inkjesta amministrattiva li titwettaq b’mod konġunt mill-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, u marbuta ma’ persuna waħda jew iktar ta’ interess komuni jew komplementari għall-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri;

27.

“ksur tad-data” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għall-qerda, it-telf, l-alterazzjoni jew kwalunkwe inċident ta’ aċċess mhux xieraq jew mhux awtorizzat, żvelar jew użu ta’ informazzjoni, inkluż iżda mhux limitat għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor, bħala r-riżultat ta’ atti illegali intenzjonati, negliġenza jew inċidenti. Ksur tad-data jista’ jikkonċerna l-kunfidenzjalità, id-disponibbiltà u l-integrità tad-data.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Rilevanza prevedibbli

1.   Għall-finijiet ta’ talba msemmija fl-Artikolu 5, l-informazzjoni mitluba hija prevedibbilment rilevanti meta fiż-żmien li ssir it-talba l-awtorità rikjedenti tikkunsidra li, f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħha, hemm possibbiltà raġonevoli li l-informazzjoni mitluba ser tkun rilevanti għall-kwistjonijiet tat-taxxa ta’ kontribwent wieħed jew iktar, kemm jekk din tkun identifikata b’isimhom jew b’xi mod ieħor, u tkun iġġustifikata għall-finijiet tal-investigazzjoni.

2.   Bil-għan li tintwera r-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, l-awtorità rikjedenti għandha tipprovdi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità li ssirilha t-talba:

(a)

il-finijiet tat-taxxa li għalihom tintalab l-informazzjoni, u

(b)

speċifikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa għall-amministrazzjoni jew l-infurzar tal-liġi nazzjonali tagħha.

3.   Fejn talba msemmija fl-Artikolu 5 tkun relatata ma’ grupp ta’ kontribwenti li ma jistgħux jiġu identifikati individwalment, l-awtorità rikjedenti għandha tipprovdi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità li ssirilha t-talba:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-grupp;

(b)

spjegazzjoni tal-liġi applikabbli u tal-fatti li abbażi tagħhom hemm raġuni biex wieħed jemmen li l-kontribwenti fil-grupp ma kkonformawx mal-liġi applikabbli;

(c)

spjegazzjoni ta’ kif l-informazzjoni mitluba tgħin fid-determinazzjoni tal-konformità mill-kontribwenti fil-grupp; u

(d)

fejn il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kienu relatati mal-involviment ta’ parti terza li kkontribwiet b’mod attiv għan-nonkonformità potenzjali tal-kontribwenti fil-grupp mal-liġi applikabbli.”;

(3)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   It-talba msemmija fl-Artikolu 5 tista’ tinkludi talba motivata biex issir inkjesta amministrattiva. Jekk l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tal-fehma li mhi meħtieġa l-ebda inkjesta amministrattiva, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet tagħha.”;

(4)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 kemm jista’ jkun malajr, u mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tal-irċevuta tat-talba. Madankollu, fejn l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx f’pożizzjoni twieġeb għat-talba sal-limitu ta’ żmien rilevanti, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti immedjatament u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mill-irċevuta tat-talba, bir-raġunijiet għan-nuqqas tagħha li tagħmel hekk, u d-data sa meta hi tqis li tista’ tkun f’pożizzjoni li twieġeb. Il-limitu ta’ żmien ma għandux ikun itwal minn sitt xhur mid-data tal-wasla tat-talba.

Madankollu, fejn l-awtorità li ssirilha t-talba tkun diġà fil-pussess ta’ dik l-informazzjoni, l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa fi żmien xahrejn minn dik id-data.”;

(5)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5 huwa mħassar;

(6)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Permezz ta’ skambju awtomatiku, l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor l-informazzjoni kollha disponibbli li tikkonċerna r-residenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor, dwar il-kategoriji speċifiċi ta’ introjtu u ta’ kapital li ġejjin, kif għandhom jinftehmu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni:

(a)

l-introjtu mill-impjiegi;

(b)

it-tariffi tad-direttur;

(c)

il-prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja li mhumiex koperti minn strumenti legali oħra tal-Unjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u miżuri simili oħra;

(d)

il-pensjonijiet;

(e)

is-sjieda tal-proprjetà immobbli u l-introjtu minnha;

(f)

ir-royalties.

Għal perijodi taxxabbli li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jinkludu n-Numru ta’ Identifikazzjoni tat-Taxxa (NIT) tar-residenti maħruġ mill-Istat Membru ta’ residenza fil-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Kull sena l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar mill-inqas żewġ kategoriji ta’ introjtu u ta’ kapital elenkati fl-ewwel subparagrafu li fir-rigward tagħhom jikkomunikaw informazzjoni li tikkonċerna lil residenti ta’ Stat Membru ieħor.

2.   Qabel l-1 ta’ Jannar 2024, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’mill-inqas erba’ kategoriji elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 li fir-rigward tagħhom l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru, permezz ta’ skambju awtomatiku, għandha tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor l-informazzjoni li tikkonċerna lir-residenti f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Tali informazzjoni għandha tikkonċerna l-perijodi taxxabbli li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2025 jew wara.”;

(b)

fil-paragrafu 3, jitħassar it-tieni subparagrafu;

(7)

l-Artikolu 8a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 5, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

fir-rigward tal-informazzjoni skambjata skont il-paragrafu 1 – mingħajr dewmien wara li jkunu nħarġu, ġew emendati jew iġġeddew id-deċiżjonijiet antiċipata transfruntiera jew l-arranġamenti preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment, u mhux iktar tard minn tliet xhur wara tmiem nofs is-sena kalendarja li matulha jkunu nħarġu, ġew emendati jew iġġeddew id-deċiżjonijiet antiċipata transfruntiera jew l-arranġamenti preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment;”.

(b)

fil-paragrafu 6, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

sommarju tad-deċiżjoni antiċipata transfruntiera jew tal-arranġament preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment, inkluż deskrizzjoni tal-attivitajiet kummerċjali jew tat-tranżazzjonijiet jew tas-serje ta’ tranżazzjonijiet rilevanti u kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tgħin lill-awtorità kompetenti tivvaluta riskju tat-taxxa potenzjali, mingħajr ma twassal għall-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta’ proċess kummerċjali, jew ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku;”;

(8)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8ac

Kamp ta’ applikazzjoni u kundizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni rrappurtata mill-Operaturi tal-Pjattaformi

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li l-Operaturi tal-Pjattaforma Rapportanti iwettqu l-proċeduri ta’ diliġenza dovuta u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fit-Taqsimiet II u III tal-Anness V. Kull Stat Membru għandu jiżgura wkoll l-implimentazzjoni effettiva ta’ tali miżuri, u l-konformità magħhom, f’konformità mat-Taqsima IV tal-Anness V.

2.   Skont il-proċeduri ta’ diliġenza dovuta u r-rekwiżiti ta’ rapportar applikabbli li jinsabu fit-Taqsimiet II u III tal-Anness V, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, meta jkun sar ir-rapportar f’konformità mal-paragrafu 1, għandha, permezz ta’ skambju awtomatiku, u fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 3, tikkomunika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti l-Bejjiegħ Rapportabbli kif iddeterminat skont il-paragrafu D tat-Taqsima II tal-Anness V u, meta l-Bejjiegħ Rapportabbli jipprovdi servizzi ta’ kiri ta’ propjetà immobbli, fi kwalunkwe każ lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun tinsab il-proprjetà immobbli, l-informazzjoni li ġejja rigward kull Bejjiegħ Rapportabbli:

(a)

l-isem, l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat, in-NIT u, fejn rilevanti, in-numru ta’ identifikazzjoni individwali allokat skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, kif ukoll l-isem/ismijiet kummerċjali tal-Pjattaforma/i, li qed jirrapporta dwarhom l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti;

(b)

l-isem u l-kunjom tal-Bejjiegħ Rapportabbli li jkun individwu, u l-isem ġuridiku tal-Bejjiegħ Rapportabbli li jkun Entità;

(c)

l-Indirizz Primarju;

(d)

kwalunkwe NIT tal-Bejjiegħ Rapportabbli, inkluż kull Stat Membru tal-ħruġ, jew, fin-nuqqas ta’ NIT, il-post tat-twelid tal-Bejjiegħ Rapportabbli li jkun individwu;

(e)

in-numru ta’ reġistrazzjoni tan-negozju tal-Bejjiegħ Rapportabbli li jkun Entità;

(f)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-Bejjiegħ Rapportabbli, meta jkun disponibbli;

(g)

id-data tat-twelid tal-Bejjiegħ Rapportabbli li jkun individwu;

(h)

l-Identifikatur tal-Kont Finanzjarju li fih jitħallas jew jiġi kkreditat il-Korrispettiv, sakemm dan ikun disponibbli għall-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, u sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huwa resident il-Bejjiegħ Rapportabbli skont it-tifsira tal-paragrafu D tat-Taqsima II tal-Anness V ma tkunx innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha li mhix biħsiebha tuża l-Identifikatur tal-Kont Finanzjarju għal dan l-iskop;

(i)

meta jkun differenti mill-isem tal-Bejjiegħ Rapportabbli, minbarra l-Identifikatur tal-Kont Finanzjarju, l-isem tad-detentur tal-kont finanzjarju li fih jitħallas jew jiġi kkreditat il-Korrispettiv, meta dan ikun disponibbli għand l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra ta’ identifikazzjoni finanzjarja li tkun disponibbli għand l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti fir-rigward ta’ dak id-detentur tal-kont;

(j)

kull Stat Membru li fih il-Bejjiegħ Rapportabbli jkun resident skont il-paragrafu D tat-Taqsima II tal-Anness V;

(k)

il-Korrispettiv totali li tħallas jew li ġie kkreditat matul kull trimestru tal-Perijodu Rapportabbli u n-numru ta’ Attivitajiet Rilevanti li fir-rigward tagħhom tħallas jew ġie kkreditat il-Korrispettiv;

(l)

kwalunkwe tariffa, kummissjoni jew taxxa f’ras il-għajn jew imposta mill-Pjattaforma Rapportanti matul kull trimestru tal-Perijodu Rapportabbli.

Meta l-Bejjiegħ Rapportabbli jipprovdi servizzi ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, għandha tiġi kkomunikata l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

l-indirizz ta’ kull Proprjetà Elenkata, iddeterminata abbażi tal-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu E tat-Taqsima II tal-Anness V u n-numru rispettiv tar-reġistrazzjoni tal-art jew l-ekwivalenti tiegħu skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-Proprjetà Elenkata tkun tinsab, meta jkun disponibbli;

(b)

il-Korrispettiv totali li tħallas jew li ġie kkreditat matul kull trimestru tal-Perijodu Rapportabbli u n-numru ta’ Attivitajiet Rilevanti previsti fir-rigward ta’ kull Proprjetà Elenkata;

(c)

meta jkun disponibbli, in-numru ta’ jiem li fihom kull Proprjetà Elenkata nkriet matul il-Perijodu Rapportabbli u t-tip ta’ kull Proprjetà Elenkata.

3.   Il-komunikazzjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha ssir billi jintuża l-format kompjuterizzat standard imsemmi fl-Artikolu 20(4) fi żmien xahrejn wara tmiem il-Perijodu Rapportabbli li miegħu huma marbuta r-rekwiżiti ta’ rapportar applikabbli għall-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti. L-ewwel informazzjoni għandha tiġi kkomunikata għall-Perijodi Rapportabbli mill-1 ta’ Jannar 2023.

4.   Għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli meħtieġa li jeżiġu li Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti skont it-tifsira tal-punt (b) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I tal-Anness V ikun irreġistrat fl-Unjoni. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni għandha talloka numru ta’ identifikazzjoni individwali lil tali Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li skonthom Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti jista’ jagħżel li jirreġistra mal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu F tat-Taqsima IV tal-Anness V. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedu li Operatur tal-Pjattaformi ta’ Rapportar skont it-tifsira tal-punt (b) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I tal-Anness V, li r-reġistrazzjoni tiegħu tkun ġiet revokata skont is-subparagrafu F(7) tat-Taqsima IV tal-Anness V, jingħata biss il-permess li jirreġistra mill-ġdid bil-kundizzjoni li jipprovdi lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru kkonċernat assigurazzjonijiet xierqa rigward l-impenn tiegħu li jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ rapportar fi ħdan l-Unjoni, inkluż kwalunkwe rekwiżit ta’ rapportar mhux issodisfat pendenti.

Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għar-reġistrazzjoni u għall-identifikazzjoni tal-Operaturi ta’ Pjattaforma Rapportanti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

5.   Meta Operatur tal-Pjattaformi jitqies bħala Operatur tal-Pjattaformi Eskluż, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun ingħatat id-dimostrazzjoni skont is-subparagrafu A(3) tat-Taqsima I tal-Anness V, għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha b’dan, inkluż kwalunkwe bidla sussegwenti.

6.   Sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi reġistru ċentrali fejn għandha tiġi rreġistrata l-informazzjoni li għandha tiġi notifikata f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u kkomunikata f’konformità mas-subparagrafu F(2) tat-Taqsima IV tal-Anness V. Dak ir-reġistru ċentrali għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.

7.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, wara talba motivata minn Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddetermina jekk l-informazzjoni li hija meħtieġa li tiġi skambjata awtomatikament skont ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni tkunx, skont it-tifsira tas-subparagrafu A(7) tat-Taqsima I tal-Anness V, ekwivalenti għal dik speċifikata fil-paragrafu B tat-Taqsima III tal-Anness V. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

Stat Membru li jitlob il-miżura msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jibgħat talba motivata lill-Kummissjoni.

Jekk il-Kummissjoni tqis li ma għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba, hija għandha tikkuntattja lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien xahrejn minn meta tirċievi t-talba u tispeċifika x’informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa. La darba l-Kummissjoni jkollha l-informazzjoni kollha li hi tikkunsidra meħtieġa, hi għandha, fi żmien xahar, tinnotifika lill-Istat Membru rikjedenti u għandha tissottometti l-informazzjoni rilevanti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 26(2).

Meta taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu biss wara li Stat Membru jkun ikkonkluda ftehim ta’ awtorità kompetenti ma’ ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni li jirrikjedi l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar il-bejjiegħa li jiksbu introjtu minn attivitajiet iffaċilitati mill-Pjattaformi.

Meta tkun qed tiddetermina jekk l-informazzjoni hijiex ekwivalenti skont it-tifsira tal-ewwel subparagrafu fir-rigward ta’ Attività Rilevanti, il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq il-punt sa fejn ir-reġim li fuqu hija bbażata din l-informazzjoni jikkorrispondi ma’ dak stabbilit fl-Anness V, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(i)

id-definizzjonijiet ta’ Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, Bejjiegħ Rapportabbli, Attività Rilevanti;

(ii)

il-proċeduri applikabbli għall-fini tal-identifikazzjoni tal-Bejjiegħa Rapportabbli;

(iii)

ir-rekwiżiti tar-rapportar; u

(iv)

ir-regoli u l-proċeduri amministrattivi li ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni irid ikollhom fis-seħħ sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta u r-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti f’dak ir-reġim.

L-istess proċedura għandha tapplika għad-determinazzjoni li l-informazzjoni m’għadhiex ekwivalenti.”;

(9)

l-Artikolu 8b huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fuq bażi annwali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-istatistika dwar il-volum ta’ skambji awtomatiċi skont l-Artikoli 8(1), 8(3a), 8aa u 8ac, u bl-informazzjoni dwar il-kostijiet u l-benefiċċji amministrattivi u oħrajn rilevanti relatati mal-iskambji li jkunu saru u ma’ kwalunkwe bidla potenzjali, kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għall-partijiet terzi.”;

(b)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(10)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Bil-ħsieb li tiġi skambjata l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ titlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità tal-ewwel Stat Membru u f’konformità mal-arranġamenti proċedurali stabbiliti mill-awtorità ta’ Stat Membru ieħor:

(a)

ikunu preżenti fl-uffiċċji li fihom l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru li ssirlu t-talba jaqdu dmirijiethom;

(b)

ikunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi li jitwettqu fit-territorju tal-Istat Membru li ssirlu t-talba;

(c)

jipparteċipaw fl-inkjesti amministrattivi li jitwettqu mill-Istat Membru li ssirlu t-talba permezz tal-użu ta’ mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni, meta jkun xieraq.

L-awtorità li ssirilha t-talba għandha twieġeb talba f’konformità mal-ewwel subparagrafu fi żmien 60 jum min meta tirċievi t-talba, biex tikkonferma il-qbil tagħha jew biex tikkomunika r-rifjut motivat tagħha lill-awtorità rikjedenti.

Meta l-informazzjoni mitluba tkun tinsab fid-dokumentazzjoni li għaliha jkollhom aċċess l-uffiċjali tal-awtorità li ssirilha t-talba, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhom jingħataw kopji tagħha.”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta uffiċjali tal-awtorità rikjedenti jkunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi, jew jipparteċipaw fl-inkjesti amministrattivi permezz tal-użu ta’ mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni, dawn jistgħu jintervistaw l-individwi u jeżaminaw ir-reġistri soġġetti għall-arranġamenti proċedurali stabbiliti mill-Istat Membru rikjedenti.”;

(11)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru kkonċernat għandha tiddeċiedi jekk tixtieqx tipparteċipa fil-kontrolli simultanji. Għandha tikkonferma l-qbil tagħha jew tikkomunika r-rifjut motivat tagħha lill-awtorità li pproponiet kontroll simultanju fi żmien 60 jum minn meta tirċievi l-proposta.”;

(12)

tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

“taqsima iia

AWDITI KONĠUNTI

Artikolu 12a

Awditi konġunti

1.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tista’ titlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor (jew Stati Membri oħra) biex twettaq awditu konġunt. L-awtoritajiet kompetenti li ssirilhom it-talba għandhom iwieġbu t-talba għal awditu konġunt fi żmien 60 jum minn meta jirċevuha. L-awtoritajiet kompetenti li ssirilhom it-talba jistgħu jirrifjutaw talba għal awditu konġunt mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għal raġunijiet ġustifikati.

2.   L-awditi konġunti għandhom jitwettqu b’mod miftiehem minn qabel u kkoordinat, inkluż arranġamenti lingwistiċi, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti u tal-Istat Membru li ssirlu t-talba, u f’konformità mal-liġijiet u r-rekwiżiti proċedurali tal-Istat Membru fejn iseħħu l-attivitajiet ta’ awditu konġunt. F’kull Stat Membru fejn iseħħu l-attivitajiet ta’ awditu konġunt, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha taħtar rappreżentant responsabbli għas-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-awditu konġunt f’dak l-Istat Membru.

Id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-awditu konġunt, meta jkunu preżenti f’attivitajiet imwettqa fi Stat Membru differenti, għandhom jiġu determinati f’konformità mal-liġijiet tal-Istat Membru fejn iseħħu l-attivitajiet tal-awditu konġunt. Filwaqt li jikkonformaw mal-liġijiet tal-Istat Membru fejn iseħħu l-attivitajiet tal-awditu konġunt, l-uffiċjali ta’ Stat Membru ieħor ma għandhom jeżerċitaw l-ebda setgħa li tkun taqbeż il-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat mogħtija lilhom skont il-liġijiet tal-Istat Membru tagħhom.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, Stat Membru fejn iseħħu l-attivitajiet ta’ awditu konġunt għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex:

(a)

jippermetti li uffiċjali ta’ Stati Membri oħra li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-awditu konġunt jintervistaw individwi u jeżaminaw rekords flimkien mal-uffiċjali tal-Istat Membru fejn iseħħu l-attivitajiet ta’ awditu konġunt, soġġett għall-arranġamenti proċedurali stabbiliti mill-Istat Membru fejn iseħħu dawk l-attivitajiet;

(b)

jiżgura li l-evidenza miġbura matul dawn l-attivitajiet tal-awditu konġunt tista’ tiġi vvalutata, inkluż dwar l-ammissibbiltà tagħha, taħt l-istess kondizzjonijiet legali bħal fil-każ ta’ awditu mwettaq f’dak l-Istat Membru fejn l-uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru biss jieħdu sehem, inkluż matul kwalunkwe proċess ta’ lment, rieżami jew appell; u

(c)

jiżgura li l-persuna/i soġġetta/i għal awditu konġunt jew affettwata/i minnu tgawdi/jgawdu l-istess drittijiet u jkollha/jkollhom l-istess obbligi bħal fil-każ ta’ awditu fejn l-uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru biss jieħdu sehem, inkluż matul kwalunkwe proċess ta’ lment, rieżami jew appell.

4.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew iktar iwettqu awditu konġunt, huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti għall-awditu konġunt u jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar il-pożizzjoni tat-taxxa tal-persuna/i awditjata/i abbażi tar-riżultati tal-awditu konġunt. Is-sejbiet tal-awditu konġunt għandhom jiġu inkorporati f’rapport finali. Kwistjonijiet li jaqblu dwarhom l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu riflessi fir-rapport finali u jitqiesu fl-istrumenti rilevanti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti wara dak l-awditu konġunta.

Soġġett għall-ewwel subparagrafu, l-azzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe uffiċjal tiegħu wara awditu konġunt u kwalunkwe proċess ulterjuri li jseħħ f’dak l-Istat Membru, bħal deċiżjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa, proċess ta’ appell jew soluzzjoni relatata magħha, għandhom isiru f’konformità mal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

5.   Il-persuna/i awditjata/i għandha/għandhom tiġi/jiġu infurmata/infurmati bl-eżitu tal-awditu konġunt, inkluż b’kopja tar-rapport finali fi żmien 60 jum mill-ħruġ tar-rapport finali.”;

(13)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-informazzjoni kkomunikata bejn l-Istati Membri fi kwalunkwe forma skont din id-Direttiva għandha tkun koperta bl-obbligu tas-segretezza uffiċjali u għandha tgawdi mill-protezzjoni mogħtija lil informazzjoni simili skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċeviha. Tali informazzjoni tista’ tintuża għall-valutazzjoni, għall-amministrazzjoni u għall-infurzar tal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 2 kif ukoll fir-rigward tal-VAT u taxxi indiretti oħra.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Bil-permess tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni skont din id-Direttiva, u biss sa fejn dan huwa permissibbli skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti li jaslu skont din id-Direttiva jistgħu jintużaw għal finijiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1. Tali permess għandu jingħata jekk l-informazzjoni tista’ tintuża għal finijiet simili fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tikkomunika l-informazzjoni.

L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru tista’ tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha lista ta’ finijiet li għalihom, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha, jistgħu jintużaw l-informazzjoni u d-dokumenti, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1. L-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti tista’ tuża l-informazzjoni u d-dokumenti li tirċievi mingħajr il-permess imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet elenkati mill-Istat Membru li jikkomunikaha.”;

(14)

l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-formola standard imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja li trid tiġi pprovduta mill-awtorità rikjedenti:

(a)

l-identità tal-persuna li qed tiġi eżaminata jew investigata u, fil-każ ta’ talbiet fi grupp kif imsemmi fl-Artikolu 5a(3), deskrizzjoni dettaljata tal-grupp;

(b)

il-fini tat-taxxa li għalih tkun qed tintalab l-informazzjoni.”.

(b)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   L-informazzjoni spontanja u l-konferma tal-wasla tagħha skont l-Artikoli 9 u 10 rispettivament, it-talbiet għal notifiki amministrattivi skont l-Artikolu 13, l-informazzjoni dwar il-feedback skont l-Artikolu 14 u l-komunikazzjonijiet skont l-Artikolu 16(2) u (3) u l-Artikolu 24(2) għandhom jintbagħtu permezz tal-formoli standard adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

4.   L-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni skont l-Artikoli 8 u 8ac għandu jsir bl-użu ta’ format kompjuterizzat standard bl-għan li jiffaċilita tali skambju awtomatiku, adottat mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).”;

(15)

fl-Artikolu 21, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tipprovdi l-appoġġ tekniku u loġistiku għal interfaċċa ċentrali sigura dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni li permezz tagħha l-Istati Membri jikkomunikaw bl-użu ta’ formoli standard skont l-Artikolu 20(1) u (3). L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha għandu jkollhom aċċess għal dik l-interfaċċa. Għall-fini tal-ġbir tal-istatistika, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni dwar l-iskambji rreġistrati fl-interfaċċa u li tista’ tiġi estratta b’mod awtomatiku. Il-Kummissjoni għandu jkollha biss aċċess għal data anonima u aggregata. L-aċċess mill-Kummissjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu l-istatistika dwar l-iskambji tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 23(4).

Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi meħtieġa. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).”;

(16)

fl-Artikolu 22, il-paragrafu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1a.   Għall-fini tal-implimentazzjoni u tal-infurzar tal-liġijiet tal-Istati Membri li jagħtu effett lil din id-Direttiva u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva li din tistabbilixxi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu bil-liġi l-aċċess mill-awtoritajiet tat-taxxa għall-mekkaniżmi, għall-proċeduri, għad-dokumenti u għall-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13, 30, 31, 32a u 40 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;"

(17)

fl-Artikolu 23a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni minn Stat Membru skont l-Artikolu 23, kif ukoll kwalunkwe rapport jew dokument prodotti mill-Kummissjoni permezz tal-użu ta’ tali informazzjoni, jistgħu jiġu trażmessi lil Stati Membri oħra. Tali informazzjoni trażmessa għandha tkun koperta bl-obbligu tas-segretezza uffiċjali u għandha tgawdi l-protezzjoni mogħtija għal informazzjoni simili skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċeviha.

Ir-rapporti u d-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni, imsemmija fl-ewwel subparagrafu, jistgħu jintużaw mill-Istati Membri biss għal finijiet analitiċi, u ma għandhomx jiġu ppubblikati jew ikunu disponibbli għal ebda persuna jew korp ieħor mingħajr il-qbil espliċitu tal-Kummissjoni.

Minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, kull sena l-Kummissjoni tista’ tippubblika sommarji anonimizzati tad-data statistika li l-Istati Membri jikkomunikawlha f’konformità mal-Artikolu 23(4).”;

(18)

L-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 25

Protezzjoni tad-Data

1.   L-iskambju kollu ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva għandu jkun soġġett għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2). Madankollu, għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 13, l-Artikolu 14(1), l-Artikolu 15, tar-Regolament (UE) 2016/679, sa fejn meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati l-interessi msemmija fl-Artikolu 23(1)(e) ta’ dak ir-Regolament.”

2.   Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) għandu japplika għal kull proċessar ta’ data personali skont din id-Direttiva mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Madankollu, għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta’ din id-Direttiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 15, l-Artikolu 16(1) u l-Artikoli 17 sa 21, tar-Regolament (UE) 2018/1725, għandu jkun ristrett sa fejn meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati l-interessi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 25(1) ta’ dak ir-Regolament.

3.   L-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti, l-intermedjarji, l-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati bħala kontrolluri tad-data meta, filwaqt li jaġixxu waħedhom jew flimkien ma’ oħrajn, jiddeterminaw il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jiżgura li kull Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jew kull intermedjarju jew kull Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, skont il-każ, fil-ġurisdizzjoni tiegħu:

(a)

jinfurmaw lil kull individwu kkonċernat li l-informazzjoni relatata ma’ dak l-individwu ser tinġabar u tiġi ttrasferita f’konformità ma’ din id-Direttiva; u

(b)

jipprovdu lil kull individwu kkonċernat bl-informazzjoni kollha li l-individwu jkun intitolat li jirċievi mingħand il-kontrollur tad-data fi żmien suffiċjenti biex dak l-individwu jeżerċita d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tiegħu u, f’kull każ, qabel ma tiġi rrapportata l-informazzjoni.

Minkejja l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli li jobbligaw lill-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti jinfurmaw lill-Bejjiegħa Rapportabbli dwar il-Korrispettiv irrapportat.

5.   L-informazzjoni pproċessata f’konformità ma’ din id-Direttiva m’għandhiex tinżamm aktar milli jkun meħtieġ biex jinkisbu l-finijiet ta’ din id-Direttiva, u f’kull każ f’konformità mar-regoli domestiċi ta’ kull kontrollur tad-data dwar l-istatut tal-limitazzjonijiet.

6.   Fejn ikun seħħ ksur tad-data, Stat Membru għandu jirrapporta l-ksur tad-data u kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju sussegwenti lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha mingħajr dewmien bil-ksur tad-data li jkun ġie rapportat lilha jew li tkun taf bih u dwar kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju.

Kull Stat Membru jista’ jissospendi l-iskambju ta’ informazzjoni lill-Istat(i) Membru/i fejn ikun seħħ il-ksur tad-data billi jinnotifika bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i). Tali sospensjoni għandu jkollha effett immedjat.

L-Istat(i) Membru/i fejn ikun seħħ il-ksur tad-data għandu/għandhom jinvestiga(w), jikkontrolla(w) u jirrimedja(w) il-ksur tad-data u għandu/għandhom, permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Kummissjoni, jitlob/jitolbu s-sospensjoni tal-aċċess għan-NKK għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jekk il-ksur tad-data ma jkunx jista’ jiġi kkontrollat minnufih u b’mod xieraq. Fuq tali talba, il-Kummissjoni għandha tissospendi l-aċċess għan-NKK ta’ tali Stat(i) Membru/i għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

Malli l-Istat Membru fejn ikun seħħ il-ksur tad-data jirrapporta rimedju għall-ksur tad-data, il-Kummissjoni għandha terġa’ tagħti l-aċċess għan-NKK lill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. F’każ li Stat Membru wieħed jew aktar jitolbu lill-Kummissjoni biex jivverifikaw b’mod konġunt jekk ikunx irnexxa r-rimedju għall-ksur tad-data, il-Kummissjoni għandha terġa’ tagħti l-aċċess għan-NKK lit-tali Stat(i) Membru/i għall-finijiet ta’ din id-Direttiva wara tali verifika.

Meta jseħħ ksur tad-data fid-direttorju ċentrali jew fin-NKK għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u fejn jistgħu potenzjalment jiġu affettwati l-iskambji tal-Istati Membri permezz tan-NKK, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bil-ksur tad-data u bi kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju li tkun ittieħdet mingħajr dewmien żejjed. Tali azzjonijiet ta’ rimedju jistgħu jinkludu s-sospensjoni tal-aċċess għad-direttorju ċentrali jew għan-NKK għall-finijiet ta’ din id-Direttiva sakemm jiġi rimedjat il-ksur tad-data.

7.   L-Istati Membri, assistiti mill-Kummissjoni, għandhom jaqblu dwar l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inkluż il-proċessi ta’ ġestjoni ta’ ksur tad-data li jkunu allinjati mal-prattiki tajbin rikonoxxuti internazzjonalment u, fejn xieraq, ftehim konġunt mal-kontrollur tad-data, ftehim bejn il-proċessur tad-data u l-kontrollur tad-data, jew mudelli tagħhom.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1),"

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39)."

(19)

L-Artikolu 25a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 25a

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u li jikkonċernaw l-Artikoli 8aa, 8ab u 8ac, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”;

(20)

Jiżdied Anness V, li t-test tiegħu huwa stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2023.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-punt (1)(d) tal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-punt (26) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/16/UE u tal-punt (12) tal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva fir-rigward tat-Taqsima IIa tad-Direttiva 2011/16/UE. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2024.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 49).

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistemi ta’ tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 25).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1), b’mod partikolari l-Artikolu 22 tiegħu.


ANNESS

“ANNESS V

PROĊEDURI TA’ DILIĠENZA DOVUTA, REKWIŻITI TA’ RAPPORTAR U REGOLI OĦRAJN GĦALL-OPERATURI TAL-PJATTAFORMI

Dan l-Anness jistabbilixxi l-proċeduri ta’ diliġenza dovuta, ir-rekwiżiti ta’ rapportar u regoli oħrajn li għandhom jiġu applikati mill-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti sabiex l-Istati Membri, permezz ta’ skambju awtomatiku, ikunu jistgħu jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8ac ta’ din id-Direttiva.

Dan l-Anness jistabbilixxi wkoll ir-regoli u l-proċeduri amministrattivi li l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta u r-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fiha u l-konformità magħhom.

TAQSIMA I

TERMINI DEFINITI

It-termini li ġejjin għandhom it-tifsiriet stabbiliti hawn taħt:

A.

Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti

1.

“Pjattaforma” tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web jew parti minnu, u applikazzjonijiet, inkluż l-applikazzjonijiet mobbli, aċċessibbli mill-utenti u li jippermettu lill-Bejjiegħa jkunu konnessi ma’ utenti oħra għall-fini li titwettaq Attività Rilevanti, b’mod dirett jew indirett, għal tali utenti. Din tinkludi wkoll kwalunkwe arranġament għall-ġbir u għall-pagament ta’ Korrispettiv fir-rigward ta’ Attività Rilevanti.

It-terminu “Pjattaforma” ma jinkludix is-software li mingħajr xi intervent ulterjuri għat-twettiq ta’ Attività Rilevanti jippermetti xi waħda minn dawn li ġejjin b’mod esklużiv:

(a)

l-ipproċessar ta’ pagamenti fir-rigward ta’ Attività Rilevanti;

(b)

l-elenkar jew ir-reklamar ta’ Attività Rilevanti mill-utenti;

(c)

id-direzzjonar mill-ġdid jew it-trasferiment tal-utenti lejn Pjattaforma.

2.

“Operatur tal-Pjattaformi” tfisser Entità li tikkuntratta ma’ Bejjiegħa biex tagħmel disponibbli Pjattaforma sħiħa jew parti minnha lil tali Bejjiegħa.

3.

“Operatur tal-Pjattaformi Eskluż” tfisser Operatur tal-Pjattaformi li jkun wera minn qabel u fuq bażi annwali, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, li, f’konformità mar-regoli stabbiliti fis-subparagrafi A(1) sa A(3) tat-Taqsima III, l-Operatur tal-Pjattaformi kien ikollu jirrapporta mod ieħor li l-mudell tan-negozju kollu kemm hu ta’ dik il-Pjattaforma huwa tali li ma għandux Bejjiegħa Rapportabbli.

4.

“Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti” tfisser kwalunkwe Operatur tal-Pjattaformi, għajr Operatur tal-Pjattaformi Eskluż, li jkun fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

huwa resident għal finijiet tat-taxxa fi Stat Membru jew, meta tali Operatur tal-Pjattaformi ma jkollux residenza għal finijiet tat-taxxa fi Stat Membru, jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

huwa inkorporat skont il-liġijiet ta’ Stat Membru;

(ii)

għandu l-post tal-ġestjoni tiegħu (inkluż il-ġestjoni effettiva) fi Stat Membru;

(iii)

għandu stabbiliment permanenti fi Stat Membru u mhuwiex Operatur tal-Pjattaformi Kwalifikat Mhux tal-Unjoni;

(b)

la huwa residenti għal finijiet tat-taxxa, la huwa inkorporat jew ġestit fi Stat Membru, u lanqas ma għandu stabbiliment permanenti fi Stat Membru, iżda jiffaċilita t-twettiq ta’ Attività Rilevanti minn Bejjiegħa Rapportabbli jew Attività Rilevanti li tinvolvi l-kiri ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru u mhuwiex Operatur tal-Pjattaformi Kwalifikat Mhux tal-Unjoni.

5.

“Operatur tal-Pjattaformi Kwalifikat Mhux tal-Unjoni” tfisser Operatur tal-Pjattaformi li għalih l-Attivitajiet Rilevanti kollha li huwa jiffaċilita huma wkoll Attivitajiet Rilevanti Kwalifikati u li huwa residenti għal finijiet tat-taxxa f’Ġurisdizzjoni Kwalifikata Mhux tal-Unjoni jew, fejn tali Operatur tal-Pjattaformi ma jkollux residenza għal finijiet tat-taxxa f’Ġurisdizzjoni Kwalifikata Mhux tal-Unjoni, jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huwa inkorporat skont il-liġijiet ta’ Ġurisdizzjoni Kwalifikata Mhux tal-Unjoni; jew

(b)

għandu l-post tal-ġestjoni tiegħu (inkluż il-ġestjoni effettiva) f’Ġurisdizzjoni Kwalifikata Mhux tal-Unjoni.

6.

“Ġurisdizzjoni Kwalifikata Mhux tal-Unjoni” tfisser ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni li jkollha fis-seħħ Ftehim bejn l-Awtoritajiet Kompetenti Kwalifikanti Effettiv mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha li jiġu identifikati bħala ġurisdizzjonijiet rapportabbli f’lista ppubblikata mill-ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni.

7.

“Ftehim bejn l-Awtoritajiet Kompetenti Kwalifikanti Effettiv” tfisser ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni li jeħtieġ l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni ekwivalenti għal dik speċifikata fil-paragrafu B tat-Taqsima III ta’ dan l-Anness kif ikkonfermat minn att ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 8ac(7).

8.

“Attività Rilevanti” tfisser attività li titwettaq għal Korrispettiv u li hija kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-kiri ta’ proprjetà immobbli, inkluż kemm proprjetà residenzjali, dik kummerċjali, kif ukoll kwalunkwe proprjetà immobbli oħra u parkeġġ;

(b)

Servizz Personali;

(c)

il-bejgħ ta’ Oġġetti;

(d)

il-kiri ta’ kwalunkwe modalità tat-trasport.

It-terminu “Attività Rilevanti” ma jinkludix attività li titwettaq minn Bejjiegħ li jaġixxi bħala impjegat tal-Operatur tal-Pjattaformi jew ta’ Entità relatata tal-Operatur tal-Pjattaformi.

9.

“Attivitajiet Rilevanti Kwalifikati” tfisser kwalunkwe Attività Rilevanti koperta mill-iskambju awtomatiku skont Ftehim bejn l-Awtoritajiet Kompetenti Kwalifikanti Effettiv.

10.

“Korrispettiv” tfisser kull forma ta’ kumpens mingħajr it-tariffi, il-kummissjonijiet jew it-taxxi li jkunu tnaqqsu f’ras il-għajn jew ġew imposti mill-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, li jitħallas jew jiġi kkreditat lil Bejjiegħ b’rabta ma’ Attività Rilevanti, u li l-ammont tiegħu jkun magħruf jew jista’ jkun raġonevolment magħruf mill-Operatur tal-Pjattaformi.

11.

“Servizz Personali” tfisser servizz li jinvolvi xogħol ibbażat fuq il-ħin jew fuq il-kompiti li jitwettaq minn individwu wieħed jew iktar, li jaġixxi/u b’mod indipendenti jew f’isem Entità, u li jitwettaq fuq talba ta’ utent, online jew fiżikament offline wara li jkun ġie ffaċilitat permezz ta’ Pjattaforma.

B.

Bejjiegħa Rapportabbli

1.

“Bejjiegħ” tfisser utent ta’ Pjattaforma, li jkun individwu jew Entità, li jkun irreġistrat fuq il-Pjattaforma fi kwalunkwe mument matul il-Perijodu Rapportabbli u li jwettaq Attività Rilevanti.

2.

“Bejjiegħ Attiv” tfisser kwalunkwe Bejjiegħ li jew jipprovdi Attività Rilevanti matul il-Perijodu Rapportabbli jew li jitħallas jew jiġi kkreditat Korrispettiv b’rabta ma’ Attività Rilevanti matul il-Perijodu Rapportabbli.

3.

“Bejjiegħ Rapportabbli” tfisser kwalunkwe Bejjiegħ Attiv, għajr Bejjiegħ Eskluż, li jkun residenti fi Stat Membru jew li jkun kera proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru.

4.

“Bejjiegħ Eskluż” tfisser kwalunkwe Bejjiegħ

(a)

li jkun Entità Governattiva;

(b)

li jkun Entità li l-istokk tagħha jiġi regolarment innegozjat f’suq tat-titoli stabbilit jew Entità relatata ta’ Entità li l-istokk tagħha jiġi regolarment innegozjat f’suq tat-titoli stabbilit;

(c)

li jkun Entità li għaliha l-Operatur tal-Pjattaformi ffaċilita aktar minn 2 000 Attività Rilevanti permezz tal-kiri ta’ proprjetà immobbli fir-rigward ta’ Elenkar ta’ Proprjetà matul il-Perijodu ta’ Rapportar; jew

(d)

li għalih l-Operatur tal-Pjattaformi ffaċilita inqas minn 30 Attività Rilevanti permezz tal-bejgħ ta’ Oġġetti u li għalih l-ammont totali ta’ Korrispettiv imħallas jew ikkreditat ma qabiżx l-EUR 2 000 matul il-Perijodu ta’ Rapportar.

C.

Definizzjonijiet oħra

1.

“Entità” tfisser persuna ġuridika jew arranġament ġuridiku, bħal korporazzjoni, sħubija, trust jew fondazzjoni. Entità hija Entità relatata ta’ Entità oħra jekk kwalunkwe Entità tikkontrolla lill-Entità l-oħra, jew iż-żewġ Entitajiet ikunu taħt kontroll komuni. Għal dan l-għan il-kontroll jinkludi sjieda diretta jew indiretta ta’ aktar minn 50 % tal-votazzjoni u l-valur f’Entità. F’parteċipazzjoni indiretta, l-issodisfar tar-rekwiżit ta’ aktar minn 50 % tad-dritt ta’ sjieda fil-kapital tal-Entità l-oħra għandu jiġi ddeterminat bil-multiplikazzjoni tar-rati ta’ parteċipazzjoni fil-livelli suċċessivi. Persuna li jkollha iżjed minn 50 % tad-drittijiet tal-vot għandha titqies li għandha 100 %.

2.

“Entità Governattiva” tfisser il-gvern ta’ Stat Membru jew ta’ ġurisdizzjoni oħra, kwalunkwe suddiviżjoni politika ta’ Stat Membru jew ta’ ġurisdizzjoni oħra (li tinkludi stat, provinċja, kontea jew muniċipalità), jew kwalunkwe aġenzija jew strument bi sjieda totali ta’ Stat Membru jew ta’ ġurisdizzjoni oħra jew kwalunkwe wieħed jew iktar minn dawn ta’ qabel (kull wieħed minnhom ikun “Entità Governattiva”).

3.

“NIT” tfisser in-Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Kontribwent, maħruġ minn Stat Membru, jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta’ Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Kontribwent.

4.

“numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT” tfisser in-numru uniku li jidentifika persuna taxxabbli jew entità ġuridika mhux taxxabbli li tkun irreġistrata għal finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

5.

“Indirizz Primarju” tfisser l-indirizz li jkun ir-residenza primarja ta’ Bejjiegħ li jkun individwu, kif ukoll l-indirizz li jkun l-uffiċċju rreġistrat ta’ Bejjiegħ li jkun Entità.

6.

“Perijodu Rapportabbli” tfisser is-sena kalendarja li fir-rigward tagħha qed jitlesta r-rapportar skont it-Taqsima III.

7.

“Proprjetà Elenkata” tfisser l-unitajiet kollha ta’ proprjetà immobbli li jinsabu fl-istess indirizz tat-triq, li jkollhom l-istess sid u li jiġu offruti għall-kiri fuq Pjattaforma mill-istess Bejjiegħ.

8.

“Identifikatur tal-Kont Finanzjarju” tfisser in-numru jew ir-referenza ta’ identifikazzjoni uniċi disponibbli għall-Operatur tal-Pjattaformi tal-kont bankarju jew ta’ kont ieħor ta’ servizzi simili ta’ pagament li fih jitħallas jew jiġi kkreditat il-Korrispettiv.

9.

“Oġġetti” tfisser kwalunkwe proprjetà tanġibbli.

TAQSIMA II

PROĊEDURI TAD-DILIĠENZA DOVUTA

Il-proċeduri li ġejjin għandhom japplikaw għall-fini tal-identifikazzjoni tal-Bejjiegħa Rapportabbli.

A.

Bejjiegħa mhux soġġetti għal rieżami

Għall-fini li jiġi ddeterminat jekk Bejjiegħ li jkun Entità jikkwalifikax bħala Bejjiegħ Eskluż deskritt fil-punti (a) u (b) tas-subparagrafu B(4) tat-Taqsima I, Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti jista’ jiddependi fuq informazzjoni disponibbli pubblikament jew minn konferma mill-Bejjiegħ li jkun Entità.

Għall-fini li jiġi ddeterminat jekk Bejjiegħ jikkwalifikax bħala Bejjiegħ Eskluż deskritt fil-punti (c) u (d) tas-subparagrafu B(4) tat-Taqsima I, Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti jista’ jiddependi fuq ir-rekords disponibbli tiegħu.

B.

Ġbir ta’ informazzjoni dwar il-Bejjiegħ

1.

L-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jiġbor l-informazzjoni li ġejja kollha għal kull Bejjiegħ li jkun individwu u mhux Bejjiegħ Eskluż:

(a)

l-isem u l-kunjom;

(b)

l-Indirizz Primarju;

(c)

kwalunkwe NIT li nħareġ lil dak il-Bejjiegħ, inkluż kull Stat Membru tal-ħruġ, u fin-nuqqas ta’ NIT, il-post tat-twelid ta’ dak il-Bejjiegħ;

(d)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ dak il-Bejjiegħ, meta jkun disponibbli;

(e)

id-data tat-twelid.

2.

L-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jiġbor l-informazzjoni li ġejja kollha għal kull Bejjiegħ li jkun Entità u mhux Bejjiegħ Eskluż:

(a)

l-isem ġuridiku;

(b)

l-Indirizz Primarju;

(c)

kwalunkwe NIT li nħareġ lil dak il-Bejjiegħ, inkluż kull Stat Membru tal-ħruġ;

(d)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ dak il-Bejjiegħ, meta jkun disponibbli;

(e)

in-numru ta’ reġistrazzjoni tan-negozju;

(f)

l-eżistenza ta’ kwalunkwe stabbiliment permanenti li permezz tiegħu jitwettqu Attivitajiet Rilevanti fl-Unjoni, meta jkun disponibbli, filwaqt li jiġi indikat kull Stat Membru rispettiv, li fih ikun jinsab tali stabbiliment permanenti.

3.

Minkejja s-subparagrafi B(1) u (2), l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti ma għandux ikun meħtieġ jiġbor l-informazzjoni msemmija fil-punti (b) sa (e) tas-subparagrafu B(1) u l-punti (b) sa (f) tas-subparagrafu B(2) meta huwa jiddependi minn konferma diretta tal-identità u tar-residenza tal-Bejjiegħ permezz ta’ servizz ta’ identifikazzjoni disponibbli permezz ta’ Stat Membru jew l-Unjoni biex jaċċerta l-identità u r-residenza għall-finijiet tat-taxxa tal-Bejjiegħ.

4.

Minkejja l-punt (c) tas-subparagrafu B(1) u l-punti (c) u (e) tas-subparagrafu B(2), l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti ma għandux ikun meħtieġ jiġbor l-NIT jew in-numru ta’ reġistrazzjoni tan-negozju, skont il-każ, f’ebda waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru tar-residenza tal-Bejjiegħ ma joħroġx NIT jew numru ta’ reġistrazzjoni tan-negozju għall-Bejjiegħ;

(b)

l-Istat Membru tar-residenza tal-Bejjiegħ ma jirrikjedix il-ġbir tal-NIT li jkun inħareġ lill-Bejjiegħ.

C.

Verifika tal-informazzjoni dwar il-Bejjiegħ

1.

L-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jiddetermina jekk l-informazzjoni li tkun inġabret skont il-paragrafu A, is-subparagrafu B(1), il-punti (a) sa (e) tas-subparagrafu B(2) u l-paragrafu E hijiex affidabbli, billi juża l-informazzjoni u d-dokumenti kollha disponibbli għall-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti fir-reġistri tiegħu, kif ukoll kwalunkwe interfaċċa elettronika li tkun disponibbli mingħajr ħlas għall-pubbliku permezz ta’ Stat Membru jew l-Unjoni, biex jaċċerta l-validità tan-NIT u/jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.

2.

Minkejja s-subparagrafu C(1), għat-tlestija tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta skont is-subparagrafu F(2), l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti jista’ jiddetermina jekk l-informazzjoni li tkun inġabret skont il-paragrafu A, is-subparagrafu B(1), il-punti (a) sa (e) tas-subparagrafu B(2) u l-paragrafu E hijiex affidabbli billi juża informazzjoni u dokumenti li jkollu l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti fir-reġistri tiegħu li jistgħu jsiru tfittxijiet elettroniċi fihom.

3.

Sabiex jiġi applikat il-punt (b) tas-subparagrafu F(3) u minkejja s-subparagrafi C(1) u C(2), f’istanzi meta l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti jkollu ħjiel li xi wieħed mill-punti ta’ informazzjoni deskritti fil-paragrafu B jew E jaf ma jkunx preċiż, permezz ta’ informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru f’talba li tikkonċerna Bejjiegħ speċifiku, huwa għandu jitlob lill-Bejjiegħ jikkoreġi l-punti ta’ informazzjoni li jkun instab li ma kinux korretti u jipprovdi dokumenti, data jew informazzjoni ta’ sostenn, li jkunu affidabbli u minn sors indipendenti, pereżempju:

(a)

dokument validu ta’ identifikazzjoni maħruġ mill-gvern,

(b)

ċertifikat reċenti tar-residenza għall-finijiet tat-taxxa.

D.

Determinazzjoni tal-Istat(i) Membru/i tar-residenza tal-Bejjiegħ għall-finijiet ta’ din id-Direttiva

1.

Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jikkunsidra li l-Bejjiegħ ikun resident fl-Istat Membru tal-Indirizz Primarju tal-Bejjiegħ. Meta r-residenza tkun differenti mill-Istat Membru tal-Indirizz Primarju tal-Bejjiegħ, Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jikkunsidra li l-Bejjiegħ ikun resident ukoll fl-Istat Membru tal-ħruġ tan-NIT. Meta l-Bejjiegħ ikun ipprovda informazzjoni rigward l-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti skont il-punt (f) tas-subparagrafu B(2), Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jikkunsidra li l-Bejjiegħ ikun resident ukoll fl-Istat Membru rispettiv kif speċifikat mill-Bejjiegħ.

2.

Minkejja s-subparagrafu D(1), Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jikkunsidra li Bejjiegħ ikun resident f’kull Stat Membru kkonfermat minn servizz ta’ identifikazzjoni elettronika disponibbli permezz ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni skont is-subparagrafu B(3).

E.

Ġbir ta’ informazzjoni dwar proprjetà immobbli mikrija

Meta Bejjiegħ ikun involut f’Attività Rilevanti li tinvolvi l-kiri ta’ proprjetà immobbli, l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jiġbor l-indirizz ta’ kull Proprjetà Elenkata u, meta jkun inħareġ, in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-art rispettiv jew l-ekwivalenti tiegħu skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab. Meta Operatur tal-Pjattaforma Rapportanti jkun iffaċilita aktar minn 2 000 Attività Rilevanti permezz tal-kiri ta’ Propjetà Elenkata għall-istess Bejjiegħ li jkun Entità, l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jiġbor dokumenti, data jew informazzjoni ta’ sostenn li juru li l-Propjetà Elenkata hija proprjetà tal-istess sid.

F.

Tempestività u validità tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta

1.

Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jlesti l-proċeduri tad-diliġenza dovuta stabbiliti fil-paragrafi A sa E sal-31 ta’ Diċembru tal-Perijodu Rapportabbli.

2.

Minkejja s-subparagrafu F(1), għall-Bejjiegħa li jkunu diġà rreġistrati fil-Pjattaforma mill-1 ta’ Jannar 2023 jew mid-data meta Entità ssir Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, huwa meħtieġ li l-proċeduri tad-diliġenza dovuta stabbiliti fil-paragrafi A sa E jitlestew sal-31 ta’ Diċembru tat-tieni Perijodu Rapportabbli għall-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti.

3.

Minkejja s-subparagrafu F(1), Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti jista’ jiddependi fuq il-proċeduri tad-diliġenza dovuta li jkunu twettqu fir-rigward ta’ Perijodi Rapportabbli preċedenti, dment li:

(a)

l-informazzjoni dwar il-Bejjiegħ meħtieġa fis-subparagrafi B(1) u B(2) tkun inġabret u ġiet ivverifikata jew ikkonfermata fl-aħħar 36 xahar; u

(b)

l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti ma jkollux ħjiel li l-informazzjoni li tkun inġabret skont il-paragrafi A, B u E hija inaffidabbli jew mhux korretta jew ma baqgħetx affidabbli jew korretta.

G.

Applikazzjoni tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta għal Bejjiegħa Attivi biss

Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti jista’ jagħżel li jlesti l-proċeduri tad-diliġenza dovuta skont il-paragrafi A sa F fir-rigward tal-Bejjiegħa Attivi biss.

H.

Tlestija tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta minn partijiet terzi

1.

Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti jista’ jiddependi fuq fornitur ta’ servizz li jkun parti terza biex jissodisfa l-obbligi tad-diliġenza dovuta stabbiliti f’din it-Taqsima, iżda dawn l-obbligi għandhom jibqgħu r-responsabbiltà tal-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti.

2.

Meta Operatur tal-Pjattaformi jissodisfa l-obbligi tad-diliġenza dovuta għal Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti fir-rigward tal-istess Pjattaforma skont is-subparagrafu H(1), tali Operatur tal-Pjattaformi għandu jwettaq il-proċeduri tad-diliġenza dovuta skont ir-regoli stabbiliti f’din it-Taqsima. L-obbligi tad-diliġenza dovuta għandhom jibqgħu r-responsabbiltà tal-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti.

TAQSIMA III

REKWIŻITI TAR-RAPPORTAR

A.

Żmien u modalità tar-rapportar

1.

Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti skont it-tifsira tal-punt (a) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I għandu jirrapporta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ddeterminat f’konformità mal-punt (a) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu B ta’ din it-Taqsima fir-rigward tal-Perijodu Rapportabbli mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena wara s-sena kalendarja li fiha l-Bejjiegħ jiġi identifikat bħala Bejjiegħ Rapportabbli. Fejn ikun hemm aktar minn Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti wieħed, kwalunkwe wieħed minn dawk l-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jkun eżentat milli jirrapporta l-informazzjoni jekk ikollu prova, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li l-istess informazzjoni tkun ġiet irrapportata minn Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti ieħor.

2.

Jekk Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti skont it-tifsira tal-punt (a) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet elenkati fih f’iktar minn Stat Membru wieħed, huwa għandu jagħżel wieħed minn dawk l-Istati Membri li fih huwa ikun ser jissodisfa r-rekwiżiti tar-rapportar stabbiliti f’din it-Taqsima. Tali Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jirrapporta l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu B ta’ din it-Taqsima fir-rigward tal-Perijodu Rapportabbli lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru magħżul, peress li dan jiġi ddeterminat f’konformità mas-subparagrafu E tat-Taqsima IV, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara s-sena kalendarja li fiha l-Bejjiegħ jiġi identifikat bħala Bejjiegħ Rapportabbli. Fejn ikun hemm aktar minn Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti wieħed, kwalunkwe wieħed minn dawn l-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jkun eżentat milli jirrapporta l-informazzjoni jekk ikollu prova, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li l-istess informazzjoni tkun ġiet irrapportata minn Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti ieħor fi Stat Membru ieħor.

3.

Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti skont it-tifsira tal-punt (b) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I għandu jirrapporta l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu B ta’ din it-Taqsima fir-rigward tal-Perijodu Rapportabbli lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, peress li dan jiġi ddeterminat f’konformità mas-subparagrafu F(1) tat-Taqsima IV, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara s-sena kalendarja li fiha l-Bejjiegħ jiġi identifikat bħala Bejjiegħ Rapportabbli.

4.

Minkejja s-subparagrafu A(3) ta’ din it-Taqsima, Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti skont it-tifsira tal-punt (b) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I ma għandux ikun meħtieġ jipprovdi l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu B ta’ din it-Taqsima fir-rigward ta’ Attivitajiet Rilevanti Kwalifikati, koperti minn Ftehim bejn l-Awtoritajiet Kompetenti Kwalifikanti Effettiv, li diġà jipprevedi l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni ekwivalenti ma’ Stat Membru dwar Bejjiegħa Rapportabbli residenti f’dak l-Istat Membru.

5.

Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jipprovdi wkoll l-informazzjoni relatata stabbilita fis-subparagrafi B(2) u B(3) lill-Bejjiegħ Rapportabbli, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara s-sena kalendarja li fiha l-Bejjiegħ jiġi identifikat bħala Bejjiegħ Rapportabbli.

6.

L-informazzjoni rigward il-Korrispettiv li jitħallas jew li jiġi kkreditat f’munita ta’ kors legali għandha tiġi rrapportata bil-munita li tħallas jew li ġie kkreditat biha. F’każ li l-Korrispettiv tħallas jew ġie kkreditat f’forma differenti minn munita ta’ kors legali, dan għandu jiġi rrapportat bil-munita lokali, ikkonvertita jew ivvalutata b’mod li jiġi ddeterminat b’mod konsistenti mill-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti.

7.

L-informazzjoni dwar il-Korrispettiv u ammonti oħra għandha tiġi rrapportata fir-rigward tat-trimestru tal-Perijodu Rapportabbli li fih tħallas jew ġie kkreditat il-Korrispettiv.

B.

Informazzjoni li trid tiġi rrapportata

Kull Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jirrapporta l-informazzjoni li ġejja:

1.

L-isem, l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat, in-NIT u, fejn rilevanti, in-numru ta’ identifikazzjoni individwali, allokat skont is-subparagrafu F(4) tat-Taqsima IV tal-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, kif ukoll l-isem/ismijiet kummerċjali tal-Pjattaforma/i, li qed jirrapporta dwarhom l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti.

2.

Fir-rigward ta’ kull Bejjiegħ Rapportabbli li wettaq Attività Rilevanti, għajr il-kiri ta’ proprjetà immobbli:

(a)

il-punti ta’ informazzjoni li jeħtieġ jinġabru skont il-paragrafu B tat-Taqsima II;

(b)

l-Identifikatur tal-Kont Finanzjarju, meta dan ikun disponibbli għall-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, u meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza tal-Bejjiegħ Rapportabbli, skont it-tifsira tal-paragrafu D tat-Taqsima II, ma tkunx ħarġet pubblikazzjoni li mhix biħsiebha tuża l-Identifikatur tal-Kont Finanzjarju għal dan l-iskop;

(c)

meta jkun differenti mill-isem tal-Bejjiegħ Rapportabbli, minbarra l-Identifikatur tal-Kont Finanzjarju, l-isem tad-detentur tal-kont finanzjarju li fih jitħallas jew jiġi kkreditat il-Korrispettiv, meta dan ikun disponibbli għand l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra ta’ identifikazzjoni finanzjarja li tkun disponibbli għand l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti fir-rigward ta’ dak id-detentur tal-kont;

(d)

kull Stat Membru li fih il-Bejjiegħ Rapportabbli jkun residenti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva kif iddeterminat skont il-paragrafu D tat-Taqsima II;

(e)

il-Korrispettiv totali li tħallas jew li ġie kkreditat matul kull trimestru tal-Perijodu Rapportabbli u n-numru ta’ Attivitajiet Rilevanti li fir-rigward tagħhom tħallas jew ġie kkreditat il-Korrispettiv;

(f)

kwalunkwe tariffa, kummissjoni jew taxxa li tinżamm f’ras il-għajn jew li tiġi imposta mill-Operatur tal-Pjattaforma Rapportanti matul kull trimestru tal-Perijodu Rapportabbli.

3.

Fir-rigward ta’ kull Bejjiegħ Rapportabbli li wettaq Attività Rilevanti li tinvolvi l-kiri ta’ proprjetà immobbli:

(a)

il-punti ta’ informazzjoni li jeħtieġ jinġabru skont il-paragrafu B tat-Taqsima II;

(b)

l-Identifikatur tal-Kont Finanzjarju, meta dan ikun disponibbli għall-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, u meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza tal-Bejjiegħ Rapportabbli, skont it-tifsira tal-paragrafu D tat-Taqsima II, ma tkunx ħarġet pubblikazzjoni li mhix biħsiebha tuża l-Identifikatur tal-Kont Finanzjarju għal dan l-iskop;

(c)

meta jkun differenti mill-isem tal-Bejjiegħ Rapportabbli, minbarra l-Identifikatur tal-Kont Finanzjarju, l-isem tad-detentur tal-kont finanzjarju li fih jitħallas jew jiġi kkreditat il-Korrispettiv, meta dan ikun disponibbli għand l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra ta’ identifikazzjoni finanzjarja li tkun disponibbli għand l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti fir-rigward tad-detentur tal-kont;

(d)

kull Stat Membru li fih il-Bejjiegħ Rapportabbli jkun residenti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva kif iddeterminat skont is-subparagrafu D tat-Taqsima II;

(e)

l-indirizz ta’ kull Proprjetà Elenkata, iddeterminata abbażi tal-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu E tat-Taqsima II, u n-numru rispettiv tar-reġistrazzjoni tal-art jew l-ekwivalenti tiegħu skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-Proprjetà Elenkata tkun tinsab, meta jkun disponibbli;

(f)

il-Korrispettiv totali li tħallas jew li ġie kkreditat matul kull trimestru tal-Perijodu Rapportabbli u n-numru ta’ Attivitajiet Rilevanti previsti fir-rigward ta’ kull Proprjetà Elenkata;

(g)

kwalunkwe tariffa, kummissjoni jew taxxa li tinżamm f’ras il-għajn jew li tiġi imposta mill-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti matul kull trimestru tal-Perijodu Rapportabbli;

(h)

meta jkun disponibbli, in-numru ta’ jiem li fihom kull Proprjetà Elenkata nkriet matul il-Perijodu Rapportabbli u t-tip ta’ kull Proprjetà Elenkata.

TAQSIMA IV

IMPLIMENTAZZJONI EFFETTIVA

Skont l-Artikolu 8ac, l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ regoli u proċeduri amministrattivi biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta u r-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fit-Taqsimiet II u III ta’ dan l-Anness, u l-konformità magħhom.

A.

Regoli għall-infurzar tar-rekwiżiti tal-ġbir u tal-verifika stabbiliti fit-Taqsima II

1.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitolbu lill-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti jinforzaw ir-rekwiżiti tal-ġbir u tal-verifika skont it-Taqsima II fir-rigward tal-Bejjiegħa tagħhom.

2.

Meta Bejjiegħ ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa skont it-Taqsima II wara żewġ tfakkiriet wara t-talba inizjali mill-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti, iżda mhux qabel l-iskadenza ta’ 60 jum, l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jagħlaq il-kont tal-Bejjiegħ u ma jħallix lill-Bejjiegħ jerġa’ jirreġistra fuq il-Pjattaforma jew iżomm il-pagament tal-Korrispettiv lill-Bejjiegħ sakemm il-Bejjiegħ ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba.

B.

Regoli li jitolbu lill-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti jżommu reġistri tal-passi li ttieħdu u ta’ kwalunkwe informazzjoni li jkunu użaw għat-twettiq tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta u tar-rekwiżiti tar-rapportar, u jieħdu miżuri adegwati biex jiksbu dawk ir-reġistri.

1.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitolbu lill-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti jżommu reġistri tal-passi li jkunu ttieħdu u ta’ kwalunkwe informazzjoni li jkunu użaw għat-twettiq tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta u tar-rekwiżiti tar-rapportar stabbiliti fit-Taqsimiet II u III. Tali reġistri għandhom jibqgħu disponibbli għal perijodu twil biżżejjed u fi kwalunkwe każ għal perijodu ta’ mhux inqas minn ħames snin iżda mhux iktar minn għaxar snin wara tmiem il-Perijodu Rapportabbli li jkunu relatati miegħu.

2.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluż il-possibbiltà li jindirizzaw ordni għar-rapportar lill-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti, biex jiżguraw li l-informazzjoni kollha meħtieġa tiġi rrapportata lill-awtorità kompetenti sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tissodisfa l-obbligu li tikkomunika l-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 8ac(2).

C.

Proċeduri amministrattivi biex tiġi vverifikata l-konformità tal-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti mal-proċeduri tad-diliġenza dovuta u mar-rekwiżiti tar-rapportar.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri amministrattivi biex jivverifikaw il-konformità tal-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti mal-proċeduri tad-diliġenza dovuta u mar-rekwiżiti tar-rapportar stabbiliti fit-Taqsimiet II u III.

D.

Proċeduri amministrattivi biex jerġa’ jkun hemm kuntatt mal-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti meta tiġi rrapportata informazzjoni mhux kompluta jew mhux preċiża

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jerġa’ jkun hemm kuntatt mal-Operaturi tal-Pjattaformi Rapportanti meta l-informazzjoni rrapportata ma tkunx kompluta jew preċiża.

E.

Proċedura amministrattiva biex jintgħażel Stat Membru wieħed li fih isir ir-rapportar

Jekk Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti skont it-tifsira tal-punt (a) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet elenkati fih f’iktar minn Stat Membru wieħed, huwa għandu jagħżel wieħed minn dawn l-Istati Membri biex jissodisfa r-rekwiżiti tar-rapportar tiegħu skont it-Taqsima III. L-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kollha ta’ dawk l-Istati Membri bl-għażla tiegħu.

F.

Proċedura amministrattiva għal reġistrazzjoni unika ta’ Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti

1.

Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti skont it-tifsira tal-punt (b) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I ta’ dan l-Anness għandu jirreġistra mal-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru skont l-Artikolu 8ac(4) meta jibda l-attività tiegħu bħala Operatur tal-Pjattaformi.

2.

L-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni unika tiegħu:

(a)

l-isem;

(b)

l-indirizz postali;

(c)

l-indirizzi elettroniċi, inkluż is-siti web;

(d)

kwalunkwe NIT li jkun inħareġ lill-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti;

(e)

dikjarazzjoni li tinkludi informazzjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ dak l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għall-finijiet tal-VAT fl-Unjoni, skont it-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsimiet 2 u 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (*1);

(f)

l-Istati Membri li fihom il-Bejjiegħa Rapportabbli huma residenti skont it-tifsira tal-paragrafu D tat-Taqsima II.

3.

L-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti għandu jinnotifika lill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni unika bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont is-subparagrafu F(2).

4.

L-Istat Membru tar-reġistrazzjoni unika għandu jalloka numru ta’ identifikazzjoni individwali lill-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti u għandu jinnotifikah lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha b’mezzi elettroniċi.

5.

L-Istat Membru tar-reġistrazzjoni unika għandu jitlob lill-Kummissjoni biex tħassar Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti mir-reġistru ċentrali fil-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Operatur tal-Pjattaformi jinnotifika lil dak l-Istat Membru li ma għadux iwettaq xi attività bħala Operatur tal-Pjattaformi;

(b)

fin-nuqqas ta’ notifika skont il-punt (a), ikun hemm raġunijiet biex wieħed jassumi li l-attività ta’ Operatur tal-Pjattaformi tkun waqfet;

(c)

l-Operatur tal-Pjattaformi ma għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I;

(d)

l-Istat Membru rrevoka r-reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tiegħu skont is-subparagrafu F(7).

6.

Kull Stat Membru għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe Operatur tal-Pjattaformi skont it-tifsira tal-punt (b) tas-subparagrafu A(4) tat-Taqsima I li jibda l-attività tiegħu bħala Operatur tal-Pjattaformi filwaqt li jonqos milli jirreġistra lilu nnifsu skont dan il-paragrafu.

Meta Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti ma jikkonformax mal-obbligu li jirreġistra jew fejn ir-reġistrazzjoni tiegħu tkun ġiet revokata f’konformità mas-subparagrafu F(7) ta’ din it-Taqsima, l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25a, jieħdu miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jinforzaw il-konformità fil-ġurisdizzjoni tagħhom. L-għażla ta’ tali miżuri għandha tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu ħilithom biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom immirati biex isaħħu l-konformità, li bħala l-aħħar soluzzjoni jinkludu l-possibbiltà li l-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti ma jitħalliex jopera fl-Unjoni.

7.

Meta Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti ma jikkonformax mal-obbligu li jirrapporta f’konformità mas-subparagrafu A(3) tat-Taqsima III ta’ dan l-Anness wara żewġ tfakkiriet mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni unika, l-Istat Membru għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25a, jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrevoka r-reġistrazzjoni tal-Operatur tal-Pjattaformi Rapportanti li tkun saret skont l-Artikolu 8ac(4). Ir-reġistrazzjoni għandha tiġi rrevokata mhux aktar tard minn wara l-iskadenza ta’ 90 jum iżda mhux qabel l-iskadenza ta’ 30 jum wara t-tieni tfakkira.


(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).”


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

25.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/515

tat-22 ta’ Marzu 2021

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Awstralja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati, taħt l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, dwar it-tqassim tal-kwoti tariffarji inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(2)

In-negozjati mal-Awstralja ġew konklużi u fit-18 ta’ Diċembru 2020 ġie inizjalat Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Awstralja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (il-“Ftehim”).

(3)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth tal-Awstralja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea huwa b’dan awtorizzat, suġġet għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa sabiex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  It-test tal-Ftehim jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


25.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/516

tat-22 ta’ Marzu 2021

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati, taħt l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, dwar it-tqassim tal-kwoti tariffarji inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(2)

In-negozjati mal-Indoneżja ġew konklużi u fit-28 ta’ Jannar 2021 ġie inizjalat Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (il-“Ftehim”).

(3)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea huwa b’dan awtorizzat, suġġet għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa sabiex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  It-test tal-Ftehim jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


REGOLAMENTI

25.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/30


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/517

tal-11 ta’ Frar 2021

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2361 fir-rigward tal-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 65(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Meta jikkalkula l-kontribuzzjonijiet annwali individwali msemmija fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2361 (2), il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (“il-Bord”) jiddependi b’mod partikolari fuq id-data dwar l-assi totali u l-iskoperturi għar-riskju totali li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jiġbor mingħand l-entitajiet li huma soġġetti għall-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni biex jikkalkula t-tariffi superviżorji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (3). Għal dan il-għan, u skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/2361, il-BĊE jibgħat annwalment lill-Bord id-data dwar kull debitur tal-kontribuzzjoni miġbura mill-BĊE f’dik is-sena. Tali data għandha tiġi trażmessa fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mill-ħruġ tal-avviżi tariffarji tal-BĊE u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena li għaliha jinħarġu l-avviżi tariffarji.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/2155 tal-Bank Ċentrali Ewropew (4), fost l-oħrajn biex tinbidel is-sistema li biha l-BĊE jiġbor id-data għad-determinazzjoni tat-tariffi superviżorji. Qabel dik l-emenda, ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 ippreveda l-pagament bil-quddiem tat-tariffi superviżorji annwali lill-BĊE. Wara l-emenda, ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 jipprevedi l-impożizzjoni ta’ tariffi superviżorji biss wara t-tmiem tal-perjodu tariffarju rilevanti, ladarba n-nefqiet annwali reali jkunu ġew iddeterminati, u jirrikjedi li l-BĊE joħroġ avviż tariffarju lil kull debitur tariffarju kull sena, fi żmien sitt xhur wara l-bidu tal-perjodu tariffarju sussegwenti.

(3)

Billi attwalment il-BĊE jiġbor it-tariffi superviżorji biss wara l-bidu tas-sena finanzjarja tal-Bord, dan ikun jista’ jittrażmetti l-aktar data reċenti lill-Bord biss sussegwentement. Għaldaqstant, l-iskadenzi stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/2361 għat-trażmissjoni tad-data mill-BĊE lill-Bord ma għadhomx jippermettu lill-Bord jikkalkula u jiġbor bil-quddiem il-kontribuzzjonijiet annwali individwali dovuti għal sena finanzjarja partikolari. Sabiex tinżamm il-koerenza bejn is-sistema tal-Bord ta’ ġbir bil-quddiem tal-kontribuzzjonijiet u r-reġim il-ġdid tal-BĊE, u sabiex il-Bord ikun jista’ jkompli jikkalkula u jiġbor bil-quddiem il-kontribuzzjonijiet annwali, l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data u għall-ħruġ tal-avviżi ta’ kontribuzzjoni skont ir-Regolament Delegat (UE) 2017/2361 jeħtieġ li jiġu emendati. Peress li l-iskadenza biex il-BĊE jiffattura t-tariffi superviżorji hija sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ kull sena, jenħtieġ li l-Bord ikun intitolat li jiġbor pagamenti parzjali bil-quddiem fuq il-kontribuzzjonijiet sabiex ikopri l-infiq għall-parti tas-sena finanzjarja tiegħu li tippreċedi dik id-data. Sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq l-entitajiet u l-gruppi kkonċernati, u fuq il-Bord, il-pagamenti parzjali bil-quddiem jenħtieġ li jinġabru biss minn entitajiet u gruppi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Bord.

(4)

L-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2017/2361 uriet li huwa importanti li l-bidliet fil-kompożizzjoni tal-grupp ta’ entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u li għalhekk huma meħtieġa jikkontribwixxu għall-infiq amministrattiv tal-Bord, ikunu riflessi fil-kalkolu annwali tal-kontribuzzjonijiet amministrattivi fil-ħin. Il-Bord, għalhekk, jenħtieġ li juża l-aktar informazzjoni reċenti dwar il-kompożizzjoni tal-grupp ta’ dawk l-entitajiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-BĊE, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jassistu lill-Bord bl-informazzjoni rilevanti kollha biex jivvaluta jekk entità hijiex obbligata li tikkontribwixxi għall-infiq amministrattiv tal-Bord. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat il-mod kif il-Bord għandu jittratta każijiet fejn l-entrati fl-entitajiet marbuta li jikkontribwixxu għall-infiq amministrattiv tal-Bord, iseħħu f’tali żmien tas-sena meta l-BĊE ma jibqax jiddetermina d-data korrispondenti.

(5)

Għal raġunijiet operazzjonali, huwa meħtieġ li l-Bord ikollu data ta’ skadenza ċara għad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tal-grupp ta’ entitajiet li jidħlu fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali f’sena partikolari. Jenħtieġ li l-Bord jirrevedi dak il-kalkolu fis-sena ta’ wara biex jinkorpora kwalunkwe bidla li setgħet seħħet wara dik id-data ta’ skadenza.

(6)

Il-bidla tal-BĊE minn sistema ta’ ħruġ ta’ tariffi ex ante għal sistema ta’ ħruġ ta’ tariffi ex post rriżultat f’nuqqas fit-trażmissjoni ta’ data mill-BĊE lill-Bord għall-perjodu minn Diċembru 2019 sa Ġunju 2021. Sabiex jiġi żgurat li l-Bord ikun jista’ jiġbor ir-riżorsi biex ikopri l-infiq amministrattiv tiegħu għall-2021 bid-data li tkun disponibbli għalih fil-bidu ta’ dik is-sena, huma meħtieġa arranġamenti tranżizzjonali għas-sena finanzjarja 2021. Sabiex tiġi riflessa s-sitwazzjoni tal-entitajiet kontribwenti eqreb għas-sena finanzjarja 2021, madankollu, jenħtieġ li l-Bord jikkalkula mill-ġdid dawk il-kontribuzzjonijiet fl-2022 abbażi ta’ data aktar reċenti li sadanittant tkun saret disponibbli għalih. Id-differenza bejn l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali individwali dovuta għas-sena finanzjarja 2021 kif ikkalkulat mill-ġdid fis-sena 2022 u l-ammont ta’ dik il-kontribuzzjoni kif ikkalkulat fis-sena 2021 jenħtieġ li jiżdied jew jitnaqqas, rispettivament, mill-ammont tal-kontribuzzjoni annwali individwali dovuta għas-sena finanzjarja 2022.

(7)

Peress li l-Bord jeħtieġ li japplika l-arranġamenti tranżizzjonali sabiex jiġbor il-kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tiegħu għas-sena finanzjarja 2021 malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tas-sena, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Tali dħul fis-seħħ bikri ma għandu l-ebda impatt fuq l-entitajiet soġġetti għall-kontribuzzjonijiet, għax ir-regola ġenerali li l-Bord jista’ juża l-aħħar data disponibbli sabiex jikkalkula l-kontribuzzjonijiet, meta l-BĊE ma jkunx ipprovda lill-Bord bl-aktar data riċenti fil-ħin, diġà hija stabbilita mill-Artikolu 6(7) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/2361. Għalhekk mhi meħtieġa l-ebda preparazzjoni mill-entitajiet ikkonċernati.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) 2017/2361 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/2361 huwa emendat kif ġej:

“1.

għandu jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

Pagamenti parzjali bil-quddiem fuq il-kontribuzzjonijiet annwali individwali

1.   Kull sena finanzjarja, qabel ma jirċievi d-data skont l-Artikolu 6(1), il-Bord jista’ jiġbor mingħand l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), pagamenti parzjali bil-quddiem fuq il-kontribuzzjonijiet annwali individwali għal ammont li jasal sa 75 % tal-ammont ta’ kontribuzzjonijiet annwali imsemmi fl-Artikolu 3(1) għal dik is-sena finanzjarja. Il-pagament parzjali bil-quddiem ta’ kull entità jew grupp għandu jiġi kkalkulat b’mod proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet annwali individwali kkalkulati għal tali entità jew grupp fis-sena finanzjarja immedjatament preċedenti.

2.   Il-Bord għandu jnaqqas il-ħlas tal-pagament parzjali bil-quddiem mill-kontribuzzjoni annwali individwali tal-entità jew tal-grupp għal dik is-sena finanzjarja.”;

“2.

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit bis-segwenti:

“1.   Kull sena, fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mill-ħruġ min-naħa tal-BĊE tal-avviżi tariffarji skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mis-7 ta’ Lulju tas-sena li fiha jinħarġu l-avviżi tariffarji, il-BĊE għandu jipprovdi lill-Bord bid-data dwar kull debitur tal-kontribuzzjoni kif użata mill-BĊE f’dik is-sena sabiex jiġu ddeterminati t-tariffi superviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   Jekk debitur ta’ kontribuzzjoni jkun stabbilit f’sena finanzjarja partikolari u ma jkunx entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10(3), il-punt (bc) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014, il-kontribuzzjonijiet annwali individwali dovuti minn dak id-debitur tal-kontribuzzjoni għal dik is-sena finanzjarja u għas-sena finanzjarja ta’ wara għandhom jiġu kkalkulati billi l-fatturi tariffarji jiġu stabbiliti għal żero. Fit-tielet sena finanzjarja li għaliha hija dovuta kontribuzzjoni annwali individwali minn tali debitur tal-kontribuzzjoni, il-kontribuzzjoni annwali individwali amministrattiva dovuta għas-sentejn finanzjarji preċedenti għandha tiġi kkalkulat mill-ġdid abbażi tal-fatturi tariffarji użati għal dik is-sena finanzjarja, u d-differenza għandha tiġi saldata kif xieraq.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit bis-segwenti:

“4.   Meta, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Bord jeħtieġ li jidentifika jekk entità hijiex parti mill-grupp li nnomina debitur tal-kontribuzzjoni partikolari, jew li jivverifika jekk entità hijiex obbligata li tikkontribwixxi għall-infiq amministrattiv tal-Bord, il-BĊE, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jassistu lill-Bord bl-informazzjoni rilevanti kollha.”;

(d)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit bis-segwenti:

“6.   Għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali individwali dovuti għal sena finanzjarja partikolari, il-Bord għandu juża d-data użata mill-BĊE f’dik is-sena biex jiddetermina t-tariffi superviżorji għas-sena preċedenti skont ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014, u pprovduta lill-Bord skont dan l-Artikolu.”;

“3.

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:

“4a.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali individwali dovuti għal sena finanzjarja partikolari, il-Bord għandu jqis kwalunkwe bidla kif imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3, li sseħħ mill-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena, fis-sena finanzjarja ta’ wara.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit bis-segwenti:

“6.   Minbarra kif previst fl-Artikolu 6(2a), il-kontribuzzjonijiet annwali individwali ta’ entitajiet jew gruppi li mhumiex soġġetti għall-bidliet kif imsemmi fil-paragrafi 1, 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu aġġustati.”;

“4.

fl-Artikolu 8, il-paragrafi 3 sa 8 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   L-avviż ta’ kontribuzzjoni għandu jispeċifika l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali individwali, jew tal-pagament parzjali bil-quddiem imsemmi fl-Artikolu 4a, u l-mod li bih il-kontribuzzjoni annwali jew il-pagament parzjali bil-quddiem għandhom jitħallsu. L-avviż ta’ kontribuzzjoni għandu jkun irraġunat kif suppost fir-rigward tal-aspetti fattwali u legali tad-deċiżjoni tal-kontribuzzjoni individwali jew tal-pagament parzjali bil-quddiem.

4.   Il-Bord għandu jindirizza kwalunkwe komunikazzjoni oħra fir-rigward tal-kontribuzzjoni annwali individwali, inkluż kwalunkwe deċiżjoni ta’ saldu meħuda skont l-Artikolu 10(8) u jekk applikabbli, fir-rigward tal-pagament parzjali bil-quddiem, lid-debitur tal-kontribuzzjoni.

5.   Il-kontribuzzjoni annwali individwali jew il-pagament parzjali bil-quddiem għandhom ikunu pagabbli f’euro.

6.   Id-debitur tal-kontribuzzjoni għandu jħallas l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali individwali jew pagament parzjali bil-quddiem fi żmien 35 jum kalendarju mill-ħruġ tal-avviż tal-kontribuzzjoni. Id-debitur tal-kontribuzzjoni għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-avviż tal-kontribuzzjoni fir-rigward tal-ħlas tal-kontribuzzjoni annwali individwali jew pagament parzjali bil-quddiem. Id-data tal-pagament għandha tkun id-data meta jiġi kkreditat il-kont tal-Bord.

7.   Il-kontribuzzjoni annwali individwali u, jekk applikabbli, il-pagament parzjali bil-quddiem, dovuti mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 li huma membri tal-istess grupp għandhhom jinġabru mingħand id-debitur tal-kontribuzzjoni ta’ dak il-grupp.

8.   Mingħajr preġudizzju għal kull rimedju ieħor disponibbli għall-Bord, fil-każ ta’ pagament parzjali, nuqqas ta’ ħlas jew nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet għall-ħlas speċifikati fl-avviż tal-kontribuzzjoni, l-imgħax għandu jakkumula fuq bażi ta’ kuljum fuq l-ammont pendenti tal-kontribuzzjoni annwali individwali u, jekk applikabbli, tal-pagament parzjali bil-quddiem b’rata tal-imgħax daqs ir-rata ta’ rifinanzjament ewlenija tal-BĊE miżjuda bi 8 punti perċentwali mid-data meta kien dovut il-ħlas.”;

“5.

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit bis-segwenti:

“1.   Il-ħlasijiet tal-kontribuzzjonijiet annwali individwali u pagamenti parzjali bil-quddiem dovuti u kwalunkwe imgħax għal ħlas tard skont l-Artikolu 8(8) għandhom ikunu infurzabbli.”;

“6.

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:

“Artikolu 14a

Arranġamenti tranżizzjonali għas-sena finanzjarja 2021

Fl-2021, il-Bord għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet annwali individwali dovuti għas-sena finanzjarja 2021 abbażi tad-data pprovduta mill-BĊE lill-Bord fl-2019 u kwalunkwe aġġornament sussegwenti għalihom skont l-Artikolu 6. Fl-2022, il-Bord għandu jikkalkula mill-ġdid il-kontribuzzjonijiet annwali individwali dovuti għas-sena finanzjarja 2021 abbażi tad-data pprovduta mill-BĊE lill-Bord fl-2021 skont l-Artikolu 6. Kwalunkwe differenza bejn l-ammont oriġinarjament ikkalkulat għas-sena finanzjarja 2021 u l-ammont rikalkulat għandha tiġi saldata meta jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet annwali dovuti għas-sena finanzjarja 2022.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2361 tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar is-sistema finali ta’ kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU L 337, 19.12.2017, p. 6).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/2155 Tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2019/37) (ĠU L 327, 17.12.2019, p. 70).


25.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/34


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/518

tat-18 ta’ Marzu 2021

li jirreġistra Indikazzjoni Ġeografika ta’ xorb spirituż skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

“Vasi vadkörte pálinka”

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni eżaminat it-talba tal-Ungerija tal-14 ta’ Ottubru 2016 għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika “Vasi vadkörte pálinka”.

(2)

Ir-Regolament (KE) 2019/787 li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 110/2008 daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2019. F’konformità mal-Artikolu 49(1) tar-Regolament imsemmi, il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tħassar b’effett mit-8 ta’ Ġunju 2019.

(3)

Wara li ddeterminat li t-talba hija konformi mar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-Kummissjoni ppubblikat l-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-iskeda informattiva f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3), skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament imsemmi, u f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) 2019/787.

(4)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 2019/787.

(5)

Għalhekk, huwa xieraq li l-indikazzjoni “Vasi vadkörte pálinka” tiġi rreġistrata bħala Indikazzjoni Ġeografika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Indikazzjoni Ġeografika “Vasi vadkörte pálinka” hija rreġistrata. F’konformità mal-Artikolu 30(4) tar-Regolament (UE) 2019/787, dan ir-Regolament jagħti lill-isem “Vasi vadkörte pálinka” il-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2019/787.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(3)  ĠU C 417, 2.12.2020, p. 59.


25.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/36


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/519

tal-24 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 dwar l-ittestjar għat-Trichinella fis-solipedi u d-deroga tar-Renju Unit mill-ittestjar għat-Trichinella fil-majjali domestiċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u għall-azzjoni li għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsubin għall-konsum mill-bniedem.

(2)

It-Trichinella hija parassita li tista’ tkun preżenti fil-laħam ta’ speċijiet suxxettibbli bħall-ħnieżer u ż-żwiemel, u lill-bnedmin tikkawżalhom mard li jiġi mill-ikel meta jikkunsmaw laħam infettat. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 (2) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam, inklużi l-kundizzjonijiet għad-deroga mill-ittestjar għat-Trichinella mad-dħul tal-laħam tal-majjali domestiċi fl-Unjoni.

(3)

Fis-6 ta’ Ġunju 2013, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel adottat opinjoni xjentifika dwar il-perikli għas-saħħa tal-bniedem li jridu jkunu koperti mill-ispezzjoni tal-laħam (is-solipedi) (3). Dik l-opinjoni tirrakkomanda bħala prijorità għolja l-kontroll tat-Trichinella fis-solipedi kollha (mhux biss fiż-żwiemel iżda wkoll fil-ħmir u fil-bgħula). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (4), għalhekk jistabbilixxi l-ittestjar mandatorju għat-Trichinella fil-karkassi tas-solipedi kollha. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 jistabbilixxi l-ittestjar mandatorju fiż-żwiemel u speċijiet suxxettibbli oħrajn. Għal raġunijiet ta’ konsistenza u biex tiġi evitata l-ambigwità, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 jirreferi wkoll għas-solipedi minflok għaż-żwiemel.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (5) jawtorizza d-dħul fl-Unjoni tal-laħam tal-ħnieżer domestiċi mir-Renju Unit. Dak ir-Regolament jelenka lir-Renju Unit biex japplika d-deroga mill-ittestjar għat-Trichinella fil-karkassi u fil-laħam ta’ majjali domestiċi mhux miftuma b’età ta’ inqas minn ħames ġimgħat f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375.

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (6) iħassar ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 b’effett mill-21 ta’ April 2021. Fid-dawl ta’ dak it-tħassir, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1478 (7) iżid l-Anness VII fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 b’effett mill-21 ta’ April 2021, li jelenka l-pajjiżi terzi li japplikaw id-derogi mill-ittestjar għat-Trichinella msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375.

(6)

Fit-12 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit pprovda informazzjoni li d-data storika dwar l-ittestjar kontinwu mwettaq fuq popolazzjoni ta’ majjali domestiċi maqtula tipprovdi mill-inqas 95 % assigurazzjoni li l-prevalenza tat-Trichinella ma taqbiżx il-wieħed għal kull miljun f’dik il-popolazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3(3)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375. Barra minn hekk, ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li japplika d-deroga mill-ittestjar għat-Trichinella fil-karkassi u fil-laħam ta’ majjali domestiċi meta l-annimali jkunu ġejjin minn razzett uffiċjalment rikonoxxut li japplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ sistemazzjoni f’konformità mal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Renju Unit ikun elenkat fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll.

(8)

L-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jirrifletti l-applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni mir-Renju Unit.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 jiġi emendat skont dan.

(10)

Peress li r-Regolament (UE) Nru 206/2010 huwa mħassar b’effett mill-21 ta’ April 2021 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1478 iżid l-Anness VII fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 b’effett minn dik id-data, jenħtieġ li l-elenkar tar-Renju Unit f’dak l-Anness japplika mill-istess data.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-karkassi tas-solipedi, taċ-ċingjali u ta’ speċijiet oħrajn ta’ annimali mrobbija jew selvaġġi suxxettibbli għall-infestazzjoni bit-Trichinella għandu jittieħed kampjun tagħhom b’mod sistematiku f’biċċeriji jew fi stabbilimenti li jgħaddu minnhom l-annimali kkaċċjati bħala parti mill-eżami tal-awtopsja.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Waqt l-istennija għar-riżultati tal-eżami tat-Trichinella u sakemm tibqa’ ggarantita t-traċċabilità sħiħa mill-operatur tan-negozju tal-ikel, il-karkassi ta’ majjali u solipedi domestiċi jistgħu jitqattgħu f’massimu ta’ sitt partijiet f’biċċerija jew f’impjant tat-tqattigħ fl-istess bini.”;

(2)

fl-Anness III, il-frażi introduttorja u l-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-laħam tas-solipedi, il-laħam tat-tjur selvaġġ u laħam ieħor li jista’ jkun fih parassiti tat-Trichinella għandu jkun eżaminat f’konformità ma’ wieħed mill-metodi ta’ diġestjoni speċifikati fil-Kapitolu I jew II tal-Anness I, bil-bidliet li ġejjin:

(a)

kampjuni li jiżnu mill-anqas 10 g jittieħdu mill-muskolu tal-ilsien jew tax-xedaq tas-solipedi u mis-sieq ta’ quddiem, l-ilsien jew id-dijaframma taċ-ċingjali;

(b)

fil-każ tas-solipedi, fejn ma hemmx dawn il-muskoli, għandu jittieħed kampjun akbar mill-kolonna tad-dijaframma fit-tranżizzjoni għal-parti mmuskulata. Il-muskolu għandu jkun nadif minn tessut li jgħaqqad u xaħam;”;

(3)

fl-Anness IV, il-punt(b) ta’ Kapitolu II huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

L-għadd ta’ testijiet u r-riżultati tal-ittestjar għat-Trichinella fil-majjali domestiċi, fiċ-ċingjali, fis-solipedi, fit-tjur u fi kwalunkwe annimal ieħor suxxettibbli għandu jiġi sottomess b’konformità mal-Anness IV tad-Direttiva 2003/99/KE. Id-data dwar il-majjali domestiċi għandha, tal-inqas, tipprovdi informazzjoni speċifika relatata ma’:

(i)

testijiet fuq annimali mrobbija taħt kundizzjonijiet ikkontrollati ta’ sistemazzjoni;

(ii)

testijiet fuq ħnieżer nisa għat-tnissil, fuq ċingjali u fuq ħnieżer għat-tismin.”;

(4)

L-Anness VII huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS VII

Pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li japplikaw id-deroga msemmija fl-Artikolu 13(2)

Kodiċi ISO tal-pajjiż

Pajjiż terz jew reġjuni tiegħu

Kummenti

GB

Ir-Renju Unit  (*1)

Applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 3(2) u (3)

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(4) għandu japplika mill-21 ta’ April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament f’kull Stat Membru.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 tal-10 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 212, 11.8.2015, p. 7).

(3)  EFSA Journal 2013;11(6):3263.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1478 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1375 fir-rigward tal-kampjunar, il- metodu ta’ skoperta ta’ referenza u l-kundizzjonijiet tal-importazzjoni fir-rigward tal-kontroll għat-Trichinella (ĠU L 338, 15.10.2020, p. 7).

(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq..


25.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/39


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/520

tal-24 ta’ Marzu 2021

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 120(1) u l-Artikolu 120(2)(c), (d) u (f) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà tal-annimali terrestri miżmuma u l-prodotti ġerminali u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni f’dak ir-rigward.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 billi jipprovdi regoli dettaljati dwar it-traċċabbiltà ta’ annimali terrestri miżmuma u bajd għat-tifqis.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi fl-Unjoni tar-regoli dwar it-traċċabbiltà stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 u fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, jenħtieġ li jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ dan ir-Regolament.

(4)

L-Artikoli 112, 113 u 115 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxu obbligi għall-operaturi li jżommu annimali ta’ speċijiet bovini, ovini, kaprini u porċini biex jittrażmettu informazzjoni relatata mal-annimali tagħhom fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati stabbiliti skont l-Artikolu 109(1) ta’ dak ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat li l-aġġornamenti kollha jiġu trażmessi b’mod regolari lil dawk il-bażijiet tad-data, jeħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġu speċifikati l-iskadenzi għat-trażmissjoni ta’ dik l-informazzjoni.

(5)

Barra minn hekk, l-informazzjoni trażmessa mill-operaturi ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma jenħtieġ li tkun aċċessibbli għalihom fir-rigward tal-annimali tagħhom u l-istabbilimenti tagħhom wara t-trażmissjoni. Ir-regoli għal aċċess uniformi għad-data li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati stabbiliti skont l-Artikolu 109(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jenħtieġ għalhekk li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(6)

Barra minn hekk, ċerti dettalji u formati tekniċi u operazzjonali oħra tal-bażijiet tad-data kompjuterizzati għall-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll f’dan ir-Regolament sabiex tiġi żgurata kwalità komparabbli tal-bażijiet tad-data madwar l-Unjoni.

(7)

Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1)(b) u fil-punt (b) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429, l-iskambju ta’ data elettronika bejn l-Istati Membri jista’ jissostitwixxi l-ħruġ ta’ dokumenti tal-identifikazzjoni għall-annimali bovini meta dawk l-annimali jiġu mċaqalqa bejn l-Istati Membri. Il-protokoll BOVEX, stabbilit mill-Kummissjoni, huwa mfassal għall-iskambju ta’ data elettronika bejn bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri fir-rigward tal-annimali bovini. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrikonoxxi l-operabbiltà sħiħa ta’ dawk l-iskambji ta’ data elettronika bejn bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri skont dan il-protokoll.

(8)

Filwaqt li l-mezzi ta’ identifikazzjoni li għandhom jintużaw għal diversi speċijiet ta’ annimali terrestri, b’mod partikolari l-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-psittacidae, huma stabbiliti mir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal dawn il-mezzi ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(9)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jistabbilixxi rekwiżiti għall-identifikazzjoni elettronika ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-psittacidae. Dawn l-identifikaturi elettroniċi jenħtieġ li jiġu approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinżammu l-annimali. Sabiex tiġi żgurata l-leġġibbiltà ta’ dawk l-identifikaturi elettroniċi meta l-annimali jiġu mċaqalqa bejn l-Istati Membri, ir-regoli u l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti tista’ tapprova dawn l-identifikaturi elettroniċi jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk l-approvazzjonijiet jenħtieġ li jqisu wkoll l-istandards ISO/IEC rilevanti.

(10)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà fl-Unjoni kollha, il-perjodi għall-applikazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni għall-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-psittacidae jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(11)

Sad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429, ir-regoli tal-Unjoni dwar it-traċċabbiltà jinkludu diversi eżenzjonijiet mis-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni fir-rigward ta’ xi kategoriji ta’ annimali, bħall-annimali miżmuma f’kundizzjonijiet estensivi. Huwa xieraq li dawk ir-regoli jiġu riveduti u li jiġi applikat approċċ bilanċjat u armonizzat għall-eżenzjonijiet mis-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni, filwaqt li jitqiesu r-riskji rilevanti minn naħa waħda u l-proporzjonalità u l-effiċjenza tal-miżuri min-naħa l-oħra. Għalhekk, f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġodda li jirriflettu dan l-approċċ.

(12)

Huwa essenzjali li tiġi ppreservata t-traċċabbiltà sħiħa tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u tal-psittacidae fi kwalunkwe ħin u li tiġi evitata kwalunkwe operazzjoni li tista’ tipperikola t-traċċabbiltà. It-tneħħijiet, il-modifiki u s-sostituzzjonijiet tal-mezzi ta’ identifikazzjoni huma operazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw it-traċċabbiltà. Għalhekk dawk l-operazzjonijiet għandhom jitwettqu biss wara li l-awtorità kompetenti tkun tat permess lill-operaturi biex jagħmlu dan. Ċerti regoli dwar it-tneħħijiet, il-modifiki u s-sostituzzjonijiet huma stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. Huma meħtieġa dispożizzjonijiet addizzjonali għal dawk l-operazzjonijiet biex jiġu indirizzati aspetti speċifiċi, inklużi l-iskadenzi ta’ dawk l-operazzjonijiet, u jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(13)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid, jenħtieġ li l-operaturi fl-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jkomplu jużaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni approvati qabel il-21 ta’ April 2021 skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (4) u d-Direttiva tal-Kunsill 2008/71/KE (5), kif ukoll l-atti adottati abbażi ta’ dawk ir-Regolamenti u dik id-Direttiva għal perjodu tranżitorju li ma jaqbiżx sentejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Billi r-Regolament (UE) 2016/429 japplika b’effett mill-21 ta’ April 2021, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll minn dik id-data.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw:

(1)

l-iskadenzi għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-operaturi għar-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma f’bażijiet tad-data kompjuterizzati;

(2)

aċċess uniformi għad-data li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-regoli operazzjonali ta’ tali bażijiet tad-data;

(3)

il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tekniċi għall-iskambju ta’ data elettronika fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri u r-rikonoxximent tal-operabbiltà sħiħa ta’ sistema ta’ skambju ta’ data;

(4)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-formati u d-disinn għall-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma;

(5)

ir-rekwiżiti tekniċi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-psittacidae miżmuma;

(6)

il-perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma li twieldu fl-Unjoni jew wara li dawk l-annimali jkunu daħlu fl-Unjoni;

(7)

il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma;

(8)

it-tneħħija, il-modifika u s-sostituzzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-iskadenzi għal tali operazzjonijiet;

(9)

miżuri tranżitorji dwar l-approvazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu applikati d-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035.

Kapitolu 2

Bażijiet tad-Data Kompjuterizzati

Artikolu 3

Skadenzi u proċeduri għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-operaturi għar-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

1.   L-operaturi li jżommu annimali bovini, ovini, kaprini u porċini għandhom jittrażmettu l-informazzjoni dwar movimenti, twelid u mwiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429 u dwar movimenti msemmija fl-Artikolu 113(1)(c) ta’ dak ir-Regolament u fil-punt (b) tal-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għar-reġistrazzjoni fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati stabbiliti għal dawk l-ispeċijiet f’perjodu ta’ żmien għat-trażmissjoni li għandu jiġi ddeterminat mill-Istati Membri. Il-perjodu ta’ żmien massimu biex tiġi trażmessa l-informazzjoni ma għandux jaqbeż 7 ijiem wara l-moviment, it-twelid jew il-mewt tal-annimali, kif applikabbli.

2.   Fil-każ ta’ twelid, meta jiddeterminaw il-perjodu ta’ żmien massimu għat-trażmissjoni tal-informazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jużaw id-data meta l-mezz ta’ identifikazzjoni jiġi applikat għall-annimal bħala l-punt tat-tluq tal-perjodu ta’ żmien ikkonċernat, sakemm ma jkunx hemm riskju ta’ konfużjoni bejn din id-data u d-data tat-twelid tal-annimal.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ testendi l-perjodu ta’ żmien massimu biex tittrażmetti l-informazzjoni dwar il-movimenti msemmija fil-paragrafu 1 sa 14-il jum wara l-movimenti ta’ annimali bovini fl-istess Stat Membru minn stabbilimenti tal-oriġini għal stabbilimenti tal-mergħat reġistrati li jinsabu f’żoni muntanjużi għar-ragħa. L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li taċċetta listi tal-annimali bovini soġġetti għal movimenti lejn stabbilimenti tal-mergħat reġistrati mill-operaturi ta’ dawk l-istabbilimenti. Dawk il-listi għandhom jinkludu:

(a)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment tal-mergħat reġistrat;

(b)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali;

(c)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment tal-oriġini;

(d)

id-data tal-wasla tal-annimali fl-istabbiliment tal-mergħa rreġistrat;

(e)

id-data stmata tat-tluq tal-annimali mill-istabbiliment tal-mergħat reġistrat.

Artikolu 4

Aċċess uniformi għad-data li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi li jżommu annimali bovini, ovini, kaprini u porċini jkollhom, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, mill-inqas aċċess ta’ qari biss għal minimu ta’ informazzjoni relatata mal-istabbilimenti tagħhom li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati msemmija fl-Artikolu 109(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) 2016/429.

Artikolu 5

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma msemmija fl-Artikolu 109(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) 2016/429 huma stabbiliti b’tali mod li l-informazzjoni reġistrata f’dawk il-bażijiet tad-data tkun tista’ tiġi skambjata bejn bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri fil-format stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Regoli operazzjonali ta’ bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa biex jiżguraw li l-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma msemmija fl-Artikolu 109(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) 2016/429 ikomplu joperaw quddiem xkiel potenzjali. Dawk il-miżuri għandhom jiggarantixxu wkoll is-sigurtà, l-integrità u l-awtentiċità tal-informazzjoni reġistrata f’tali bażijiet tad-data.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet u modalitajiet tekniċi għall-iskambju elettroniku ta’ data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri

1.   Meta l-Istati Membri jiskambjaw b’mod elettroniku ma’ Stati Membri oħra data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 44 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, dik id-data għandha tiġi skambjata fil-format tad-Definizzjoni tal-Iskema XML magħmula disponibbli mill-Kummissjoni lill-awtorità kompetenti.

2.   L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini tal-annimali bovini miżmuma maħsuba biex jiġu mċaqalqa għandha tiżgura li d-data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tiġi trażmessa b’mod elettroniku lill-Istat Membru tad-destinazzjoni qabel it-tluq tal-annimali, u li tiġi pprovduta kronogramma ma’ kull trażmissjoni.

Artikolu 8

Rikonoxximent tal-operabbiltà sħiħa ta’ sistema għall-iskambju elettroniku ta’ data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri

1.   L-Istati Membri li jiskambjaw b’mod elettroniku data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni permezz ta’ sistema stabbilita mill-Kummissjoni u mfassla għall-iskambju ta’ data fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri għandhom jiġu rikonoxxuti bħala li għandhom sistema ta’ operabbiltà sħiħa.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista tal-Istati Membri li jiskambjaw data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni permezz ta’ dik is-sistema.

KAPITOLU 3

MEZZI TA’ IDENTIFIKAZZJONI

Artikolu 9

Speċifikazzjonijiet tekniċi, formati u disinn għall-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma

1.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ ċombiet tal-widna konvenzjonali jew ta’ faxex tal-pastur konvenzjonali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjoni teknika stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ tattoos imsemmija fil-punt (g) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali ovini, kaprini, porċini u ċervidi miżmuma, kif previst fl-Artikolu 46(2) u (3) u fl-Artikoli 52(1)(b), 73(2)(c) u 76(1)(c) ta’ dak ir-Regolament Delegat, jekk dawk it-tattoos jiżguraw marki li ma jitħassrux u li jkunu jistgħu jinqraw kif xieraq.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) u (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għandhom jissodisfaw l-ispeċifikazzjoni teknika stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti tista’ tapprova l-użu ta’ ċombiet tal-widna elettroniċi bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali porċini miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-Istat Membru fejn jinżammu l-annimali porċini, u juru b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku ta’:

(a)

l-istabbiliment tat-twelid tal-annimali; jew

(b)

l-aħħar stabbiliment tal-katina tal-provvista msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, meta dawk l-annimali jiġu mċaqalqa lejn stabbiliment barra minn dik il-katina tal-provvista.

Artikolu 10

Speċifikazzjonijiet tekniċi, formati u disinn għall-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-psittacidae miżmuma

1.   L-operaturi li jżommu l-psittacidae għandhom jiżguraw li:

(a)

iċ-ċurkett fis-sieq imsemmi fl-Artikolu 76(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(b)

it-tattoo msemmi fl-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiżgura marka li ma titħassarx u li tkun tista’ tinqara kif xieraq.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ transponders injettabbli msemmija fl-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ psittacidae miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Parti 2 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Regoli operazzjonali għall-approvazzjoni ta’ identifikaturi elettroniċi ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-psittacidae

1.   Meta tagħti l-approvazzjoni tal-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u psittacidae, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-manifatturi tal-identifikaturi elettroniċi jkunu pprovdew evidenza li t-testijiet tal-konformità u tal-prestazzjoni msemmija fil-punt 4 tal-Parti 2 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament ikunu saru f’ċentri ta’ ttestjar akkreditati skont l-istandard ISO/IEC 17025 “Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza tal-laboratorji tal-ittestjar u tal-kalibrazzjoni”.

2.   Meta tagħti l-approvazzjoni tal-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ teħtieġ li l-manifatturi tal-identifikaturi elettroniċi japplikaw testijiet addizzjonali għal robustezza u reżistenza biex jiżguraw il-funzjonalità tagħhom skont il-kundizzjonijiet ġeografiċi jew klimatiċi speċifiċi tal-Istat Membru kkonċernat skont l-istandards stabbiliti minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 12

Konfigurazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma

Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma għandu jkun kif ġej:

(a)

l-ewwel element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni għandu jkun il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru fejn il-mezz ta’ identifikazzjoni jkun ġie applikat għall-ewwel darba għall-annimali, fil-format ta’:

(i)

il-kodiċi b’żewġ ittri skont l-istandard ISO 3166-1 alfa-2, ħlief għall-Greċja, li għaliha għandu jintuża l-kodiċi b’żewġ ittri “EL”; jew

(ii)

il-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ċifri skont l-istandard ISO 3166-1 numeriku;

(b)

it-tieni element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni għandu jkun kodiċi uniku għal kull annimal li ma jaqbiżx it-12-il karattru numeriku.

Artikolu 13

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini miżmuma

1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati għall-annimali bovini miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 20 jum.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi biex jestendu l-perjodu ta’ żmien massimu għall-applikazzjoni tat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni sa 60 jum, wara d-data tat-twelid tal-annimali, għal raġunijiet relatati mal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-annimali, jekk it-tieni mezz ta’ identifikazzjoni huwa bolus ruminali.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi biex jestendu l-perjodu ta’ żmien massimu msemmi fil-paragrafu 1 sa 9 xhur, bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annimali:

(i)

jkunu mrobbija f’kundizzjonijiet estensivi, bl-għoġġiela jibqgħu ma’ ommhom;

(ii)

ma jkunux imdorrija jkollhom kuntatt regolari mal-bnedmin;

(b)

iż-żona fejn jinżammu l-annimali, tiżgura livell għoli ta’ iżolament tal-annimali;

(c)

l-estensjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali.

L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-awtorizzazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għal reġjuni ġeografiċi partikolari jew għal speċijiet jew razez speċifiċi ta’ annimali bovini miżmuma.

4.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal bovin miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429 għal dawk l-annimali.

Artikolu 14

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini miżmuma

1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 113(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati għall-annimali ovini u kaprini miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 9 xhur.

2.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal ovin jew kaprin miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 113(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429 għal dawk l-annimali.

Artikolu 15

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali porċini miżmuma

1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati għall-annimali porċini miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 9 xhur.

2.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal porċin miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid jew joħroġ mill-katina tal-provvista sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) 2016/429 għal dawk l-annimali.

Artikolu 16

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali kamelidi u ċervidi miżmuma

1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġu applikati għall-annimali kamelidi u ċervidi miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 9 xhur.

2.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal kamelid jew ċervid miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid jew l-istabbiliment tal-ewwel wasla jekk dak l-annimal ikun ġie mċaqlaq lejn dak l-istabbiliment mill-ħabitat fejn ikun qagħad bħala annimal selvaġġ, sakemm il-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ma jkunux ġew applikati għal dawk l-annimali.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ teżenta lill-operaturi li jżommu r-renni mir-rekwiżiti fil-paragrafi 1 u 2, sakemm l-eżenzjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-operaturi li jżommu annimali ċervidi mir-rekwiżiti fil-paragrafu 1, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annimali:

(i)

jkunu mrobbija f’kundizzjonijiet estensivi;

(ii)

ma jkunux imdorrija jkollhom kuntatt regolari mal-bnedmin;

(b)

iż-żona fejn jinżammu l-annimali, tiżgura livell għoli ta’ iżolament tal-annimali;

(c)

l-eżenzjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali.

Artikolu 17

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni

1.   Wara d-dħul fl-Unjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u fejn dawk l-annimali jibqgħu fl-Unjoni, l-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġu applikati għal dawk l-annimali fi żmien 20 jum mill-wasla tagħhom fl-istabbiliment tal-ewwel wasla.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri tal-ewwel wasla jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi biex jestendu l-perjodu ta’ żmien massimu għall-applikazzjoni tat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni sa 60 jum, wara d-data tat-twelid tal-annimali, għal raġunijiet relatati mal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-annimali, jekk it-tieni mezz ta’ identifikazzjoni jkun bolus ruminali.

3.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal bovin, ovin, kaprin, porċin, kamelid jew ċervid ma jħalli l-istabbiliment tal-ewwel wasla sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għal dawk l-annimali.

Artikolu 18

It-tneħħija u l-modifika ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma

L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza biss lill-operaturi biex ineħħu jew jimmodifikaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma jekk it-tneħħija jew il-modifika ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali, inkluża t-traċċabbiltà tal-istabbiliment li fih ikunu twieldu, u jekk l-identifikazzjoni individwali tal-annimali, jekk applikabbli, tibqa’ possibbli.

Artikolu 19

Sostituzzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u skadenzi għal tali operazzjonijiet

1.   L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza biss lill-operaturi biex jissostitwixxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma jekk is-sostituzzjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali, inkluża t-traċċabbiltà tal-istabbiliment li fih ikunu twieldu, u jekk l-identifikazzjoni individwali tal-annimali, jekk applikabbli, tibqa’ possibbli.

2.   Is-sostituzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi awtorizzata kif ġej:

(a)

meta l-annimali jkunu ġew identifikati b’żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni u wieħed minn dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jkun sar illeġibbli jew ikun intilef, sakemm il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali jibqa’ l-istess u jkompli jaqbel mal-kodiċi dwar il-mezzi ta’ identifikazzjoni li jifdal;

(b)

meta l-annimali jkunu ġew identifikati b’mezz wieħed jew tnejn ta’ identifikazzjoni li juru l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali u dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jkunu saru illeġibbli jew ikunu ntilfu, sakemm jibqa’ possibbli li jiġi ddeterminat il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali b’ċertezza raġonevoli u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali jibqa’ l-istess;

(c)

meta annimali ovini, kaprini jew porċini miżmuma jkunu ġew identifikati permezz ta’ mezz ta’ identifikazzjoni li juri n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku ta’ stabbiliment u dak il-mezz ta’ identifikazzjoni jkun sar illeġibbli jew ikun intilef, sakemm jibqa’ possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza raġonevoli l-istabbiliment tat-twelid tal-annimali jew, jekk applikabbli, l-aħħar stabbiliment tal-katina tal-provvista, u li l-mezz ta’ identifikazzjoni ta’ sostituzzjoni juri n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku ta’ dak l-istabbiliment jew, jekk applikabbli, dak l-aħħar stabbiliment.

(d)

fil-każ ta’ annimali ovini u kaprini miżmuma, tista’ tiġi awtorizzata s-sostituzzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) b’mezzi ġodda ta’ identifikazzjoni li juru kodiċi ta’ identifikazzjoni ġdid, sakemm it-traċċabbiltà ma tiġix kompromessa.

3.   Is-sostituzzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun awtorizzat lill-operaturi biex jissostitwixxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni, u qabel ma l-annimali jiġu mċaqalqa lejn stabbiliment ieħor.

4.   Meta l-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma li jidher fuq il-mezz ta’ identifikazzjoni msemmi fil-punti (a) u (b) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ma jkunx jista’ jiġi riprodott fuq identifikatur elettroniku minħabba limitazzjonijiet tekniċi, l-awtorità kompetenti għandha tippermetti biss l-applikazzjoni ta’ identifikatur elettroniku ġdid li juri kodiċi ta’ identifikazzjoni ġdid għal dawk l-annimali, jekk iż-żewġ kodiċijiet ta’ identifikazzjoni jiġu rreġistrati fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati msemmija fl-Artikolu 109(1) tar-Regolament (UE) 2016/429.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 20

Miżuri tranżitorji rigward l-approvazzjonijiet ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni

B’deroga mill-Artikoli 9, 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament, għal perjodu tranżitorju li jintemm fl-20 ta’ April 2023, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni approvati qabel il-21 ta’ April 2021 skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1760/2000 u (KE) Nru 21/2004 u d-Direttiva 2008/71/KE, kif ukoll l-atti adottati abbażi ta’ dawk ir-Regolamenti u dik id-Direttiva.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-21 ta’ April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/71/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ħnieżer (ĠU L 213, 8.8.2008, p. 31).


ANNESS I

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-formati tal-informazzjoni fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

Tip ta’ informazzjoni

Deskrizzjoni

Format

Kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal

Kodiċi tal-pajjiż

Waħda mill-għażliet li ġejjin:

Kodiċi bl-ittri: Kodiċi tal-ISO 3166-1 alpha-2  (1)

Kodiċi numeriku: Kodiċi numeriku tal-ISO 3166–1

Kodiċi uniku għal kull annimal

12-il karattru numeriku

Identifikatur elettroniku (fakultattiv)

 

Waħda mill-għażliet li ġejjin:

Ċomba tal-widna elettronika

Bolus ruminali

Transponder injettabbli

Faxxa tal-pastur elettronika

Numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment

 

Kodiċi tal-pajjiż segwit minn 12-il karattru alfanumeriku

Isem l-operatur tal-istabbiliment

 

140 karattru alfanumeriku

L-indirizz tal-operatur tal-istabbiliment

Isem it-triq u n-numru tad-dar

140 karattru alfanumeriku

Kodiċi postali

10 karattri alfanumeriċi

Belt

35 karattru alfanumeriku

Data

 

Data (SSSS-XX-JJ)

Għadd totali ta’ annimali

 

15-il karattru numeriku


(1)  Ħlief fil-każ tal-Greċja, fejn għandu jintuża l-kodiċi biż-żewġ ittri “EL”.


ANNESS II

IL-PARTI 1

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi, ċervidi u psittacidae miżmuma

1.

Il-mezzi tal-identifikazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (c), (f) u (h) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi, ċervidi u psittacidae miżmuma għandhom ikunu:

(a)

mhux riutilizzabbli;

(b)

magħmulin minn materjal li ma jiddegradax;

(c)

li ma jistgħux jiġu ffalsifikati;

(d)

jibqgħu jinqraw faċilment tul il-ħajja tal-annimali;

(e)

magħmulin b’mod li jistgħu jibqgħu mwaħħlin mal-annimali mingħajr ma jagħmlulhom ħsara;

(f)

jitneħħew faċilment mill-katina alimentari.

2.

Il-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt 1 għandhom juru wieħed minn dawn l-indikazzjonijiet li ġejjin b’mod viżibbli, li jista’ jinqara faċilment, u li ma jitħassar qatt:

(a)

l-ewwel u t-tieni elementi tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali f’konformità mal-Artikolu 12;

(b)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment fejn jinżammu l-annimali msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035; jew

(c)

il-kodiċi alfanumeriku msemmi fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035.

3.

Il-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt 1 jista’ jkun fihom informazzjoni oħra wkoll jekk dan ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti, u dejjem jekk il-mezz ta’ identifikazzjoni jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punt 2.

IL-PARTI 2

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma

1.

L-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għandhom juru l-ewwel element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali, din tkun it-tliet ċifri tal-kodiċi tal-pajjiż u t-tieni element fil-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali f’konformità mal-Artikolu 12.

2.

L-identifikaturi elettroniċi msemmijin fil-punt 1 għandhom ikunu:

(a)

transponders passivi li jinqraw biss, li jużaw it-teknoloġija HDX jew FDX-B, u li jikkonformaw mal-istandards tal-ISO 11784 u 11785; u

(b)

li jinqraw permezz ta’ apparati li jikkonformaw mal-istandard tal-ISO 11785 u li huma kapaċi jaqraw it-transponders HDX u FDX-B.

3.

L-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punt 1 għandhom ikunu jistgħu jinqraw mid-distanzi minimi li jidhru hawn taħt:

(a)

għall-annimali bovini miżmuma:

(i)

12-il ċentimetru għaċ-ċombi tal-widnejn meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

(ii)

15-il ċentimetru għat-transponders injettabbli; meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

(iii)

25 ċentimetru għall-boluses ruminali meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

(iv)

80 ċentimetru għall-identifikaturi elettroniċi kollha meta jinqraw b’apparat tal-qari stazzjonarju;

(b)

għall-annimali ovini u kaprini miżmuma:

(i)

12-il ċentimetru għaċ-ċombi tal-widnejn u għall-faxex tal-pastur meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

(ii)

20 ċentimetru għall-boluses ruminali u għat-trasponders injettabbli meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

(iii)

50 ċentimetru għall-identifikaturi elettroniċi kollha meta jinqraw b’apparat tal-qari stazzjonarju.

4.

L-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punt 1 għandhom ikunu ġew ittestjati u taw riżultat tajjeb rigward:

(a)

il-konformità mal-istandards tal-ISO 11784 u 11785 f’konformità mal-metodu msemmi fil-punt 7 tal-istandard tal-ISO 24631-1; u

(b)

il-prestazzjoni minima għad-distanzi tal-qari msemmija fil-punt 3 ta’ din il-Parti, f’konformità mal-metodu msemmi fil-punt 7 tal-istandard tal-ISO 24631-3.


25.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/52


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/521

tal-24 ta’ Marzu 2021

li jagħmel arranġamenti speċifiċi għall-mekkaniżmu li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-esportazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/111 (2) li jagħmel l-esportazzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 kif ukoll tas-sustanzi attivi, inklużi banek ta’ ċelloli prinċipali u ċelloli operatorji, użati għall-manifattura ta’ dawn il-vaċċini, soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/479. Fi tmiem il-perjodu ta’ sitt ġimgħat wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 (3) li jagħmel l-esportazzjoni tal-istess prodotti soġġetta għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/479.

(2)

In-nuqqas globali ta’ provvista tat-tilqim kontra l-COVID-19 għadu jippersisti u saħansitra qed jiżdied fid-dawl tad-dewmien fil-produzzjoni.

(3)

Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442, l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni għandhom jiġu rrifjutati mill-Istati Membri meta l-esportazzjonijiet ikkonċernati jkunu ta’ theddida għall-eżekuzzjoni tal-Ftehimiet ta’ Xiri Avvanzat (Advanced Purchase Agreements, APAs) bejn l-Unjoni u l-manifatturi tat-tilqim fid-dawl tal-volum tagħhom jew ta’ ċirkostanzi rilevanti oħra, bħall-volum ta’ vaċċini kkonsenjati lill-Unjoni fiż-żmien tat-talba.

(4)

Għad hemm nuqqas ta’ trasparenza kif ukoll restrizzjonijiet persistenti fuq il-produzzjoni tal-vaċċini COVID 19 u dewmien fit-twassil tagħhom fl-Unjoni, li jistgħu jkunu ta’ theddida għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni tal-merkanzija koperta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442. Għalhekk, fid-deċiżjoni li tingħata jew tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandhom jitqiesu wkoll elementi addizzjonali.

(5)

L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni permezz tal-mekkaniżmu tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/111 u li tkompla bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 u permezz tad-data doganali wriet li l-esportazzjonijiet li huma soġġetti għall-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni jistgħu jgħaddu minn pajjiżi li sa issa huma eżentati mir-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, u b’hekk ma jippermettux il-livell meħtieġ ta’ trasparenza. Jenħtieġ għalhekk li dawn l-eżenzjonijiet jiġu sospiżi temporanjament.

(6)

Jenħtieġ li l-eżenzjoni tinżamm għal xi wħud mill-pajjiżi u t-territorji msemmija fl-Artikolu 1(9)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442, jiġifieri dawk li għandhom dipendenza partikolari fuq il-ktajjen tal-provvista metropolitani tal-Istati Membri li magħhom huma marbuta jew fuq il-ktajjen tal-provvista tal-Istati Membri ġirien, rispettivament.

(7)

L-informazzjoni msemmija fil-premessa (5) uriet ukoll li l-manifatturi tal-Unjoni esportaw kwantitajiet kbar ta’ oġġetti koperti mill-mekkaniżmu tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni lejn pajjiżi li għandhom kapaċità ta’ produzzjoni kbira tagħhom stess, filwaqt li dawn il-pajjiżi jirrestrinġu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni, jew bil-liġi jew permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali jew arranġamenti oħra konklużi mal-manifatturi tat-tilqim stabbiliti fit-territorju tagħhom. Dan l-iżbilanċ iwassal għal nuqqas ta’ provvista fl-Unjoni.

(8)

Barra minn hekk, l-istess informazzjoni wriet li l-manifatturi tal-Unjoni esportaw kwantitajiet kbar ta’ oġġetti koperti mill-mekkaniżmu tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni lejn ċerti pajjiżi mingħajr kapaċità ta’ produzzjoni, iżda li għandhom rata ta’ tilqim ogħla mill-Unjoni jew fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali hija inqas serja milli fl-Unjoni. L-esportazzjonijiet lejn dawn il-pajjiżi jistgħu għalhekk jheddu s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni.

(9)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrifjutaw l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni skont dan.

(10)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-istess elementi addizzjonali meta twettaq il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz ta’ deċiżjoni nnotifikat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442.

(11)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jittieħdu skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/479.

(12)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih. Wara li kkunsidrat l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/479, il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw għal sitt ġimgħat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tal-punt (a) tal-Artikolu 1(9) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 hija sospiża.

Madankollu, is-sospensjoni ma għandhiex tapplika għall-pajjiżi u t-territorji li ġejjin:

Andorra,

il-Gżejjer Faroe,

San Marino,

il-Belt tal-Vatikan,

il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej elenkati fl-Anness II għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Büsingen,

Helgoland,

Livigno,

Ceuta u Melilla.

Artikolu 2

1.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tagħti awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni mitluba skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 sakemm:

(a)

l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni tissodisfa l-kundizzjoni tal-Artikolu 1(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442;

(b)

b’mod ieħor, l-awtorizzazzjoni ma tkunx ta’ theddida għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni tal-merkanzija koperta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442.

2.   Biex tiddetermina jekk il-kundizzjoni fil-punt (b) tal-paragrafu 1 hijiex issodisfata, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tivvaluta l-fatturi li ġejjin:

(a)

jekk il-pajjiż tad-destinazzjoni tal-esportazzjoni jirrestrinġix l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-Unjoni ta’ oġġetti koperti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442, jew tal-materja prima li minnha jsiru, jew bil-liġi jew b’kull mezz ieħor, inkluż permezz tal-konklużjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali mal-manifatturi ta’ dawn l-oġġetti;

(b)

il-kundizzjonijiet rilevanti prevalenti fil-pajjiż tad-destinazzjoni tal-esportazzjoni, inkluża s-sitwazzjoni epidemjoloġika, ir-rata tat-tilqim u d-disponibbiltà eżistenti tal-oġġetti koperti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442.

3.   Meta l-Kummissjoni tivvaluta l-abbozz ta’ deċiżjoni nnotifikat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442, hija għandha tevalwa wkoll jekk il-kundizzjoni fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu hijiex issodisfata, filwaqt li tqis il-fatturi elenkati fil-paragrafu 2 tiegħu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sa sitt ġimgħat mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/111 tad-29 ta’ Jannar 2021. li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 31 I, 30.1.2021, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/442 tal-11 ta’ Marzu 2021 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 85, 12.3.2021, p. 190).


Rettifika

25.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/55


Rettifika għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1470 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija u dwar it-tqassim ġeografiku għal statistika oħra tan-negozju

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 334 tat-13 ta' Ottubru 2020 )

F’paġna 11, fl-Anness I, fit-tabella “Mixxellanji”, fl-ewwel kolonna “Kodiċi”, fl-ewwel ringiela:

minflok:

“UE”,

aqra:

“EU”.