ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 5

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
8ta' Jannar 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/11 tas-7 ta’ Jannar 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/12 tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tad-determinazzjoni tal-merkanzija mhux f’riskju

5

 

*

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/13 tal-4 ta’ Jannar 2021 li taħtar membru wieħed u żewġ membri supplenti, proposti mill-Irlanda, fil-Kumitat tar-Reġjuni

14

 

*

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/14 tas-7 ta’ Jannar 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea f’Mali (EUCAP Sahel Mali)

16

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

8.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/1


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/11

tas-7 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (2012/105/UE) tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont dak il-Ftehim (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Awwissu 2012, il-Federazzjoni Russa ssieħbet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-impenji tal-Federazzjoni Russa jinkludu l-kwoti tar-rati tariffarji għall-esportazzjoni ta’ tipi speċifikati ta’ injam koniferuż, li sehem minnu kien allokat għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Il-modalitajiet għall-amministrazzjoni ta’ dawk il-kwoti b’rati tariffarji huma stabbiliti fil-Ftehim f’għamla ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa b’rabta mal-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (2) (“il-Ftehim”) u fil-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-modalitajiet tekniċi skont il-Ftehim (3) (“il-Protokoll”). Il-Ftehim u l-Protokoll ġew iffirmati fis-16 ta’ Diċembru 2011. Dawn ġew applikati provviżorjament mid-data tal-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(2)

Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2012/105/UE, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 (4) stabbilixxa r-regoli dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea. Dak ir-Regolament ma jibqax japplika fid-data li fiha titlesta l-proċedura għall-konklużjoni tal-Protokoll.

(3)

Filwaqt li l-Ftehim u l-Protokoll ikomplu jiġu applikati b’mod provviżorju, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tagħhom, l-esperjenza miksuba permezz tal-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 żvelat il-ħtieġa li jiġu emendati xi dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

(4)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 għandu jiġi emendat sabiex ikun żgurat li fl-ewwel parti ta’ kull perjodu tal-kwota, id-drittijiet massimi ta’ importazzjoni ta’ importaturi tradizzjonali, għal kwalunkwe grupp ta’ prodotti, ma jkunux inqas minn dawk mogħtija lill-importaturi ġodda.

(5)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll, il-klassifikazzjoni tal-prodotti koperti hija bbażata fuq in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika applikata fir-Russja. L-Annessi I u III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 jirreferu għall-kodiċijiet tariffarji rilevanti tal-prodotti koperti. Meta wieħed iqis li n-nomenklatura ġiet modifikata peress li l-Protokoll applika provviżorjament, hemm il-ħtieġa li dawn il-modifiki jiġu riflessi fl-Annessi biex jirriflettu n-nomenklatura tariffarja u statistika attwalment applikata fil-Federazzjoni Russa. L-Annessi I u II għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Injam stabbilit mid-Deċiżjoni 2012/105/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Barra minn hekk, għandha tapplika d-definizzjoni li ġejja: “grupp ta’ prodotti” tfisser kull waħda miż-żewġ kategoriji ta’ prodotti koperti skont il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti taħt in-nomenklatura tariffarja u statistika applikata fil-Federazzjoni Russa, jiġifieri l-prinjol u l-arżnu. Il-kodiċijiet tariffarji rilevanti applikati fil-Federazzjoni Russa u n-Nomenklatura Magħquda (*1) (“NM”) u l-kodiċijiet TARIC korrispondenti huma mehmuża bħala l-Anness I.

(*1)  Li attwalment jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1776 (ĠU L 280, 31.10.2019, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Kull sena, il-Kummissjoni għandha tikkalkola l-limiti massimi applikabbli għal kull importatur tradizzjonali għall-perjodu tal-kwota suċċessiv f’konformità mal-metodu stabbilit fl-Artikolu 6(2). Jekk il-limitu massimu kkalkolat ta’ importatur tradizzjonali għal grupp ta’ prodotti partikolari jkun inqas mil-limitu massimu ta’ 1,5 % tal-kwota tariffarja mogħtija lill-importaturi ġodda skont l-Artikolu 4(3), il-limitu massimu għall-importatur tradizzjonali kkonċernat jiġi stabbilit fil-livell ta’ 1,5 % tal-kwota tariffarja għal grupp ta’ prodotti rispettiv.”;

(3)

L-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(4)

l-Anness III huwa sostitwit bit-test fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 57, 29.2.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 57, 29.2.2012, p. 3.

(3)  ĠU L 57, 29.2.2012, p. 5.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 tat-12 ta’ Ġunju 2012 dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 152, 13.6.2012, p. 28).


ANNESS I

“ANNESS I

Kodiċijiet tariffarji rilevanti applikati fil-Federazzjoni Russa u kodiċijiet NM u TARIC kif imsemmija fl-Artikolu 2

 

Kodiċi NM

Kodiċi TARIC

Kodiċi tariffarju Russu

Deskrizzjoni sħiha

1.

ex 4403 23 10

10

4403 23 110 0

Injam tal-prinjol tat-tip Picea abies Karst. jew żnuber ajbad (Abies alba Mill.), ta’ dijametru ta’ mhux inqas minn 15-il ċm iżda mhux aktar minn 24 ċm, ta’ tul ta’ mhux inqas minn 1,0 m

ex 4403 23 90

10

4403 23 190 0

2.

ex 4403 23 10

10

4403 23 110 0

Injam tal-prinjol tat-tip Picea abies Karst. jew żuber ajbad (Abies alba Mill.), ta’ dijametru ta’ aktar minn 24 ċm, ta’ tul ta’ mhux inqas minn 1,0 m

ex 4403 23 90

10

4403 23 190 0

3.

ex 4403 24 00

10

4403 24 100 0

Injam tal-prinjol tat-tip Picea abies Karst. jew żnuber ajbad (Abies alba Mill.), mhux maħdum, kemm bil-qoxra jew bil-lbieba mneħħija jew le, jew maqtugħ kwadru fuq fuq, ta’ dijametru ta’ inqas minn 15-il ċm

4.

ex 4403 24 00

10

4403 24 100 0

Injam ieħor tal-prinjol tat-tip Picea abies Karst. jew żnuber abjad (Abies alba Mill.)

5.

ex 4403 21 10

10

4403 21 110 0

Injam tal-arżnu tat-tip Pinus sylvestris L., ta’ dijametru ta’ mhux inqas minn 15-il ċm iżda mhux aktar minn 24 ċm, ta’ tul ta’ mhux inqas minn 1,0 m

ex 4403 21 90

10

4403 21 190 0

6.

ex 4403 21 10

10

4403 21 110 0

Injam tal-arżnu tat-tip Pinus sylvestris L., ta’ dijametru ta’ aktar minn 24 ċm, ta’ tul ta’ mhux inqas minn 1,0 m

ex 4403 21 90

10

4403 21 190 0

7.

ex 4403 22 00

10

4403 22 100 0

Injam tal-arżnu tat-tip Pinus sylvestris L. (mhux maħdum, kemm bil-qoxra jew bil-lbieba mneħħija jew le, jew maqtugħ kwadru fuq fuq,) ta’ dijametru ta’ inqas minn 15-il ċm

8.

ex 4403 22 00

10

4403 22 100 0

Injam ieħor tal-arżnu tat-tip Pinus sylvestris L.


ANNESS II

“ANNESS III

Il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni msemmija fl-Artikolu 11(2)

Kodiċi Tariffarju Russu

Koeffiċjent ta’ korrezzjoni

4403231100

4403231900

4403241000

0,88

4403211100

4403211900

4403221000

0,87


DEĊIŻJONIJIET

8.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/5


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/12

tas-17 ta’ Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tad-determinazzjoni tal-merkanzija mhux f’riskju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (1) fit-30 ta’ Jannar 2020 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

L-Artikolu 166 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Konġunt”) biex jadotta deċiżjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li jipprevedi l-Ftehim dwar il-Ħruġ. Il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”) jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(3)

L-Artikolu 5(1) tal-Protokoll jipprevedi l-applikazzjoni tad-dazji doganali applikabbli fil-liġi tal-Unjoni għal merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq li titqies f’riskju li sussegwentement tiddaħħal fl-Unjoni. Il-merkanzija li ma tkunx f’riskju jew ma tkunx soġġetta għad-dazji doganali jew inkella tkun soġġetta għad-dazji doganali applikabbli fir-Renju Unit.

(4)

Skont l-Artikolu 5(2) tal-Protokoll, il-merkanzija kollha li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq titqies li tkun f’riskju li sussegwentement tiġi trasferita fl-Unjoni. Sabiex il-merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq titqies “mhux f’riskju” f’dan is-sens, jeħtieġ li jiġi stabbilit li dik il-merkanzija mhux ser tkun soġġetta għall-ipproċessar kummerċjali hemmhekk u li tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Kumitat Konġunt.

(5)

Jenħtieġ li l-kriterji biex il-merkanzija ma tkunx soġġetta għall-ipproċessar kummerċjali jirrispettaw il-fatt li, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll, l-Irlanda ta’ Fuq hija parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit. Għandhom jirriflettu wkoll l-impenn tal-Partijiet għall-Protokoll li l-implimentazzjoni tal-Protokoll jenħtieġ li jkollha l-inqas impatt possibbli fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet kemm fl-Irlanda kif ukoll fl-Irlanda ta’ Fuq.

(6)

Il-merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq tista’ titqies li mhijiex f’riskju li sussegwentement tiġi trasferita lejn l-Unjoni fejn id-differenza fit-tariffi tkun żero, jew fejn ikun żgurat mod ieħor li ma hemm l-ebda inċentiv għall-operaturi ekonomiċi biex jittrasportaw merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biss minħabba fit-tariffa doganali applikabbli.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-merakanzija mhux f’riskju għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

S. SCHULZE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU …/2020 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ ...

dwar id-determinazzjoni tal-merkanzija mhux f’riskju

IL-KUMITAT KONĠUNT

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”) dwar:

(a)

il-kundizzjonijiet biex jitqies li merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq minn barra l-Unjoni ma tkunx soġġetta għall-ipproċessar kummerċjali fl-Irlanda ta’ Fuq;

(b)

il-kriterji biex jitqies li merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq minn barra l-Unjoni ma tkunx f’riskju li sussegwentement tiġi trasferita fl-Unjoni.

Artikolu 2

Ipproċessar mhux kummerċjali

Merkanzija ma għandhiex titqies li hija soġġetta għall-ipproċessar kummerċjali meta:

(a)

il-persuna li tippreżenta dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera dwar dik il-merkanzija jew li tali dikjarazzjoni ssir f’isimha (“l-importatur”) kellha fatturat annwali totali ta’ anqas minn GBP 500 000 fl-aħħar sena finanzjarja kompluta tagħha; jew

(b)

l-ipproċessar isir fl-Irlanda ta’ Fuq u huwa għall-iskop uniku ta’:

(i)

il-bejgħ ta’ ikel lil konsumatur aħħari fir-Renju Unit;

(ii)

kostruzzjoni, fejn il-merkanzija pproċessata tifforma parti permanenti minn struttura mibnija u li tkun tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq mill-importatur;

(iii)

għoti dirett lir-riċevitur ta’ servizzi tas-saħħa jew tal-kura mill-importatur fl-Irlanda ta’ Fuq;

(iv)

attivitajiet mingħajr skop ta’ qligħ fl-Irlanda ta’ Fuq, meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ sussegwenti tal-merkanzija pproċessata mill-importatur; jew

(v)

l-użu finali tal-għalf tal-annimali f’post fl-Irlanda ta’ Fuq mill-importatur.

Artikolu 3

Kriterji biex jitqies li l-merkanzija ma tkunx f’riskju li sussegwentement tiġi trasferita fl-Unjoni

1.   Għandu jitqies li merkanzija ma tkunx f’riskju li sussegwentement tiġi trasferita fl-Unjoni meta din ma tkunx ikkunsidrata li tkun soġġetta għall-ipproċessar kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 2, u meta:

(a)

fil-każ ta’ merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq minn parti oħra tar-Renju Unit permezz ta’ trasport dirett,

(i)

id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni jkun żero, jew

(ii)

l-importatur ikun ġie awtorizzat f’konformità mal-Artikoli 5 sa 7 ta’ din id-Deċiżjoni biex idaħħal dik il-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biex tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin fir-Renju Unit jew għall-użu finali minnhom, inkluż meta dik il-merkanzijakienet soġġetta għal proċessar mhux kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 2 qabel tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin jew għall-użu finali minnhom;

(b)

fil-każ ta’ merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ trasport dirett għajr mill-Unjoni jew minn parti oħra tar-Renju Unit,

(i)

id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni jkun daqs jew inqas mid-dazju pagabbli skont it-tariffa doganali tar-Renju Unit, jew

(ii)

l-importatur ikun ġie awtorizzat f’konformità mal-Artikoli 5 sa 7 ta’ din id-Deċiżjoni biex idaħħal dik il-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biex tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin fl-Irlanda ta’ Fuq jew għall-użu finali tagħhom (inkluż meta dik il-merkanzija kienet soġġetta għal proċessar mhux kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 2 qabel tinbiegħ lill-konsumturi aħħarin jew għall-użu finali tagħhom), u d-differenza bejn id-dazju pagabbli skont it-tariffa doganali tar-Renju Unit ikun inqas minn 3 % tal-valur doganali tal-merkanzija.

2.   Il-paragrafi 1(a)(ii) u 1(b)(ii) ma għandhomx japplikaw għall-merkanzija soġġetta għal miżuri ta’ difiża tal-kummerċ adottati mill-Unjoni.

Artikolu 4

Kalkolu tad-dazji applikabbli

Għall-finijiet tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u 3(1)(b), għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

id-dazju pagabbli skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni fuq merkanzija għandu jiġi kkalkulat skont ir-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni;

(b)

id-dazju pagabbli skont it-tariffa doganali tar-Renju Unit fuq merkanzija għandu jiġi kkalkulat skont ir-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali tar-Renju Unit.

Artikolu 5

Awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 3

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u 3(1)(b)(ii), applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tiddaħħal merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ trasport dirett għall-bejgħ lill-konsumaturi aħħarin jew għall-użu finali minnhom għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit.

2.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-attivitajiet kummerċjali tal-applikant, dwar il-merkanzija li tipikament tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll deskrizzjoni tat-tip ta’ rekords, sistemi u kontrolli stabbiliti mill-applikant biex jiġi żgurat li l-merkanzija koperta mill-awtorizzazzjoni tiġi ddikjarata kif suppost għal finijiet doganali u tista’ tiġi pprovduta evidenza bħala appoġġ għall-impenn fl-Artikolu 6(b). Il-kummerċjant għandu jżomm l-evidenza, eż. fatturi, għall-aħħar ħames snin u għandu jipprovdiha lill-awtoritajiet kompetenti jekk jitolbuh jagħmel dan. Ir-rekwiżiti tad-data tal-applikazzjoni huma stipulati fid-dettall fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

3.   L-awtorizzazzjoni għandha tindika mill-inqas dan li ġej:

(a)

isem il-persuna li ngħatatilha l-awtorizzazzjoni (“id-detentur tal-awtorizzazzjoni”);

(b)

numru ta’ referenza uniku attribwit mill-awtorità doganali kompetenti għad-deċiżjoni (“numru ta’ referenza tal-awtorizzazzjoni”);

(c)

l-awtorità li tat l-awtorizzazzjoni;

(d)

id-data tad-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni dwar deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali għandhom japplikaw għall-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ.

5.   F’każijiet fejn l-awtorità doganali kompetenti tar-Renju Unit tosserva użu ħażin intenzjonat ta’ awtorizzazzjoni jew ksur tal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, l-awtorità għandha tissospendi jew tirrevoka l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet ġenerali għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni

Għall-finijiet tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u 3(1)(b)(ii), tista’ tingħata awtorizzazzjoni lill-applikanti li:

(a)

jissodisfaw il-kriterji ta’ stabbiliment li ġejjin:

(i)

ikunu stabbiliti fl-Irlanda ta’ Fuq jew ikollhom post fiss ta’ negozju fl-Irlanda ta’ Fuq

fejn ikun hemm preżenza permanenti ta’ riżorsi umani u tekniċi; u

li minnu l-merkanzija tinbiegħ lill-konsumaturi aħħarin jew tiġi pprovduta għall-użu finali minnhom; u

fejn informazzjoni u rekords doganali, kummerċjali u dwar it-trasport ikunu disponibbli jew aċċessibbli fl-Irlanda ta’ Fuq, u

(ii)

fil-każ li ma jkunux stabbiliti fl-Irlanda ta’ Fuq, l-operazzjonijiet tagħhom relatati mad-dwana jitwettqu fir-Renju Unit u jkollhom rappreżentant doganali indirett fl-Irlanda ta’ Fuq;

(b)

jimpenjaw ruħhom li jdaħħlu merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biss għall-bejgħ lill-konsumaturi aħħarin jew għall-użu aħħari minnhom, inkluż fejn dik il-merkanzija kienet soġġetta għal ipproċessar mhux kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 2 qabel il-bejgħ lill-konsumaturi aħħarin jew l-użu finali minnhom; u, fil-każ ta’ bejgħ lill-konsumaturi aħħarin fl-Irlanda ta’ Fuq, jimpenjaw ruħhom li l-bejgħ ser isir minn ħanut fiżiku jew aktar fl-Irlanda ta’ Fuq li minnu jsir il-bejgħ dirett fiżiku lill-konsumaturi aħħarin.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u 3(1)(b)(ii), tingħata awtorizzazzjoni biex tiddaħħal merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq biss lill-applikanti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 kif ukoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-applikant jiddikjara li ser jiddikjara għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera merkanzija mdaħħla fl-Irlanda ta’ Fuq skont l-Artikolu 3(1)(a)(ii) jew 3(1)(b)(ii);

(b)

l-applikant ma jista’ jkun wettaq l-ebda ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u r-regoli fiskali, u ma jista’ jkollu l-ebda rekord ta’ reati kriminali serji relatati mal-attività ekonomika tiegħu;

(c)

fir-rigward ta’ merkanzija li trid tiġi ddikjarata bħala mhux f’riskju, l-applikant għandu juri li għandu livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu u tal-fluss tal-merkanzija, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni ta’ rekords kummerċjali u, fejn xieraq, rekords tat-trasport, li jippermettu kontrolli xierqa u l-għoti ta’ evidenza bħala sostenn għall-impenn fl-Artikolu 6(b).

2.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw biss jekk l-awtorità doganali tqis li ser tkun tista’ twettaq kontrolli mingħajr sforz amministrattiv sproporzjonat, inkluż il-kontroll ta’ kwalunkwe evidenza li l-merkanzija nbiegħet lil konsumaturi aħħarin jew kienet soġġetta għall-użu finali minnhom.

3.   Matul il-perjodu li jintemm xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, tista’ tingħata awtorizzazzjoni fuq bażi proviżorja jekk l-applikant ikun ippreżenta applikazzjoni kompluta, ikun konformi mal-paragrafu 1(b), u jiddikjara li jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra għall-awtorizzazzjoni. It-tul tal-awtorizzazzjoni proviżorja għandu jkun limitat għal erba’ xhur, wara liema perjodu trid tkun ngħatat awtorizzazzjoni permanenti biex il-kummerċjant jibqa’ awtorizzat.

Artikolu 8

Skambju ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll

1.   Mingħajr preġudizzji għall-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll, moqri flimkien mar-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ta’ kull xahar, ir-Renju Unit għandu jipprovdi informazzjoni lill-Unjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll kif ukoll ta’ din id-Deċiżjoni. Din l-informazzjoni għandha tinkludi volumi u valuri, f’forma aggregata u għal kull kunsinna, kif ukoll mezzi ta’ trasport, relatati ma’:

(a)

merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq li b’rabta magħha ma kien hemm l-ebda ħlas ta’ dazji doganali f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll;

(b)

merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq li fir-rigward tagħha d-dazji doganali pagabbli kienu dawk applikabbli fir-Renju Unit f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll; u

(c)

merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta’ Fuq li fir-rigward tagħha d-dazji doganali pagabbli kienu f’konformità mat-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni.

2.   Ir-Renju Unit għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-15-il jum tax-xogħol tax-xahar wara dak li għalih tkun qed tiġi pprovduta l-informazzjoni.

3.   L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bl-użu ta’ tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data.

4.   Fuq talba tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fi {daħħal referenza għad-deċiżjoni tal-KK dwar il-preżenza tal-Unjoni} u mill-inqas darbtejn fis-sena, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit għandhom jipprovdu informazzjoni f’forma aggregata u għal kull awtorizzazzjoni lil dawn ir-rappreżentanti dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 5 sa 7, inkluż l-għadd tal-awtorizzazzjonijiet aċċettati, miċħuda u revokati.

5.   It-trasferiment regolari tal-informazzjoni msemmi hawn fuq għandu jibda mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-15 ta’ April 2021. L-ewwel trasferiment ta’ informazzjoni għandu jkopri l-informazzjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sa tmiem ix-xahar qabel it-trasferiment.

Artikolu 9

Rieżami u terminazzjoni

Jekk waħda mill-Partijiet tqis li jkun hemm devjazzjoni sinifikanti tat-traffiku kummerċjali, jew frodi jew attivitajiet illegali oħra, dik il-Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra fil-Kumitat Konġunt sal-1 ta’ Awwissu 2023, u l-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isibu soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għall-kwistjoni. Jekk il-Partijiet ma jsibux deċiżjoni reċiprokament sodisfaċenti, l-Artikoli 3(1)(a)(ii), 3(1)(b)(ii) u 5 sa 8 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jieqfu japplikaw mill-1 ta’ Awwissu 2024, sakemm il-Kumitat Konġunt ma jiddeċidix qabel l-1 ta’ April 2024 li jkompli l-applikazzjoni tagħhom.

Fil-każ li l-Artikoli 3(1)(a)(ii), 3(1)(b)(ii) u 5 sa 8 ta’ din id-Deċiżjoni jieqfu japplikaw f’konformità mal-ewwel subparagrafu, il-Kumitat Konġunt għandu jemenda din id-Deċiżjoni sal-1 ta’ Awwissu 2024 biex jagħmel dispożizzjonijiet alternattivi xierqa applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2024, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-Irlanda ta’ Fuq u b’rispett sħiħ tal-post tal-Irlanda ta’ Fuq fit-territorju doganali tar-Renju Unit.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (ĠU L102, 7.4.2004, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23).


ANNESS

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tiddaħħal merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq għall-konsumaturi aħħarin (imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni)

Informazzjoni tal-applikazzjoni

1.

Dokumenti ta’ prova

Dokumenti ta’ prova u informazzjoni mandatorji li għandhom jiġu pprovduti mill-applikanti kollha:

Dokument ta’ stabbiliment/prova ta’ stabbiliment permanenti tan-negozju

2.

Dokumenti ta’ prova u informazzjoni oħrajn li għandhom jiġu pprovduti mill-applikanti:

Kwalunkwe dokument ieħor ta’ sostenn jew informazzjoni li titqies rilevanti għall-verifika tal-konformità tal-applikant mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni.

Agħti informazzjoni dwar it-tip u, jekk applikabbli, in-numru ta’ identifikazzjoni u/jew id-data tal-ħruġ tad-dokument(i) ta’ prova mehmuż(a) mal-applikazzjoni. Indika wkoll l-għadd totali ta’ dokumenti mehmuża.

3.

Data u firma tal-applikant

L-applikazzjonijiet li jsiru bl-użu ta’ tekniċi elettroniċi tal-ipproċessar tad-data għandhom jiġu awtentikati mill-persuna li tippreżenta l-applikazzjoni.

Data li fiha l-applikant ikun iffirma jew awtentika b’mod ieħor l-applikazzjoni.

Dettalji tal-applikant

4.

Applikant

L-applikant huwa l-persuna li tapplika għand l-awtoritajiet doganali għal deċiżjoni.

Daħħal l-isem u l-indirizz tal-persuna kkonċernata.

5.

Numru tal-identifikazzjoni tal-applikant

L-applikant huwa l-persuna li tapplika għand l-awtoritajiet doganali għal deċiżjoni.

Daħħal in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (in-numru EORI) tal-persuna kkonċernata, kif previst fl-Artikolu 1(18) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (1).

6.

L-istatus legali tal-applikant

L-istatus legali kif imsemmi fid-dokument ta’ stabbiliment.

7.

Numru/i ta’ identifikazzjoni tal-VAT

Meta jkun assenjat, daħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.

8.

Attivitajiet kummerċjali

Daħħal informazzjoni dwar l-attività kummerċjali tal-applikant. Iddeskrivi fil-qosor l-attività kummerċjali tiegħek u għid x’inhu r-rwol tiegħek fil-katina ta’ provvista (eż. manifattur tal-prodotti, importatur, bejjiegħ bl-imnut, eċċ.) Iddeskrivi:

l-użu maħsub tal-merkanzija importata, inkluża deskrizzjoni tat-tip ta’ merkanzija u jekk jgħaddux minn xi tip ta’ proċessar.

stima tal-għadd ta’ dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera għall-merkanzija kkonċernata li għandha ssir kull sena.

it-tip ta’ rekords, sistemi u kontrolli stabbiliti biex jappoġġjaw l-impenn fl-Artikolu 6(b).

9.

Fatturat Annwali

Għall-finijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, daħħal il-fatturat annwali għas-sena finanzjarja sħiħa l-aktar reċenti. Jekk negozju stabbilit ġdid jipprovdi tali rekords u informazzjoni kif rilevanti biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-fatturat antiċipat eż. l-aħħar previżjonijiet tal-fluss tal-flus, tal-karta tal-bilanċ u tal-profitt u t-telf, approvat mid-diretturi/sħab/proprjetarju uniku.

10.

Il-persuna ta’ kuntatt responsabbli għall-applikazzjoni

Il-persuna ta’ kuntatt għandha tkun responsabbli biex iżżomm kuntatt mad-dwana rigward l-applikazzjoni.

Daħħal l-isem tal-persuna ta’ kuntatt u kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: numru tat-telefon, indirizz tal-posta elettronika (preferibbilment ta’ indirizz funzjonali)

11.

Persuna responsabbli għall-kumpanija applikanti jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tagħha

Għall-finijiet tal-Artikolu 7(b) tad-Deċiżjoni, daħħal l-isem/ismijiet u d-dettalji sħaħ tal-persuna/i kkonċernata/i skont l-istabbiliment/forma legali tal-kumpanija applikanti, b’mod partikolari: id-direttur/maniġer tal-kumpanija u d-diretturi tal-bord jekk ikun hemm. Id-dettalji jenħtieġ li jinkludu: l-isem u l-indirizz sħaħ, id-data tat-twelid u n-Numru ta’ Identifikazzjoni Nazzjonali.

Dati, żminijiet, perjodi u postijiet

12.

Data tal-istabbiliment

B’numri – il-jum, ix-xahar u s-sena ta’ stabbiliment.

13.

Indirizz tal-istabbiliment/indirizz tar-residenza

Indirizz sħiħ tal-post fejn il-persuna hija stabbilita/tirrisjedi, inkluż l-identifikatur tal-pajjiż jew territorju.

14.

Post fejn jinżammu r-rekords

Daħħal l-indirizz sħiħ tal-post(ijiet) fejn jinżammu jew fejn ikun maħsub li jinżammu r-rekords tal-applikant. Il-UN/LOCODE jista’ jissostitwixxi l-indirizz, jekk jagħti identifikazzjoni ċara tal-post ikkonċernat.

15.

Post(ijiet) ta’ ipproċessar jew ta’ użu

Indika l-indirizz tal-post(ijiet) fejn ser tiġi pproċessata l-merkanzija, fejn applikabbli, u mibjugħa lill-konsumaturi aħħarin.


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplementa r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).


8.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/14


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/13

tal-4 ta’ Jannar 2021

li taħtar membru wieħed u żewġ membri supplenti, proposti mill-Irlanda, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Irlandiż,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Diċembru 2019, fl-20 ta’ Jannar 2020, fit-3 ta’ Frar 2020 u fis-26 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2019/2157 (1), (UE) 2020/102 (2), (UE) 2020/144 (3) u (UE) 2020/511 (4) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025. Fit-8 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/766 li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025. (5) Fit-30 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta wkoll id-Deċiżjoni (UE) 2020/1153 li taħtar membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni (6).

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sur Malcolm NOONAN, sar vakanti s-siġġu ta’ membru fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(3)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sa Erin MCGREEHAN, sar vakanti s-siġġu ta’ membru supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(4)

Konsegwentement għall-ħatra tas-Sa Una POWER bħala membru tal-Kumitat tar-Reġjuni, sar vakanti s-siġġu ta’ membru supplenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma b’dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-25 ta’ Jannar 2025:

(a)

bħala membru:

is-Sa Una POWER, Member of a Local Executive: Dún Laoghaire Rathdown County Council,

u

(b)

bħala membri supplenti:

is-Sur Dan BOYLE, Member of a Local Executive: Cork City Council,

is-Sur Michael CROWE, Member of a Local Executive: Galway City Council.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2157 tal-10 ta’ Diċembru 2019 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 327, 17.12.2019, p. 78).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/102 tal-20 ta’ Jannar 2020 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 20, 24.1.2020, p. 2).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/144 tat-3 ta’ Frar 2020 li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 32, 4.2.2020, p. 16).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/511 tas-26 ta’ Marzu 2020 li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta’ Jannar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 113, 8.4.2020, p. 18).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/766 tat-8 ta’ Ġunju 2020 li taħtar il-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2020 sal-25 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 187, 12.6.2020, p. 3).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1153 tat-30 ta’ Lulju 2020 li taħtar membri u membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 256, 5.8.2020, p. 12).


8.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/16


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/14

tas-7 ta’ Jannar 2021

li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea f’Mali (EUCAP Sahel Mali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ April 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea f’Mali (EUCAP Sahel Mali) (1).

(2)

Fil-21 ta’ Frar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/312 (2) li estendiet EUCAP Sahel Mali sal-14 ta’ Jannar 2021.

(3)

Fit-13 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/762 (3), li aġġustat il-mandat ta’ EUCAP Sahel Mali sabiex tikkontribwixxi għar-reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel u stabbillixxiet Ċellula ta’ Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali (RACC).

(4)

Fl-14 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/652 (4), li żiedet l-ammont ta’ referenza finanzjarja għal EUCAP Sahel Mali għall-perijodu sal-14 ta’ Jannar 2021.

(5)

Fit-13 ta’ Ottubru u fil 5 ta’ Novembru 2020 rispettivament, fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku ta’ EUCAP Sahel Mali, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà rrakkomanda li EUCAP Sahel Mali tiġi estiża sal-31 ta’ Jannar 2023 u li l-mandat tagħha jiġi aġġustat.

(6)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/219/PESK tiġi emendata skont dan.

(7)

EUCAP Sahel Mali ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/219/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Bl-appoġġ tad-dinamika ta’ Mali biex tinżamm l-awtorità tal-Istat, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Patt għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali ffirmat fil-15 ta’ Mejju u fl-20 ta’ Ġunju 2015 u f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ atturi internazzjonali oħrajn, b’mod partikolari il-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni f’Mali (MINUSMA), EUCAP Sahel Mali għandha tassisti u tagħti parir lill-forzi tas-sigurtà interni (ISF) fl-implimentazzjoni tar-riforma tas-settur tas-sigurtà mmexxija mill-Gvern tal’ Mali, bl-għan li:

(a)

titjieb l-effikaċja operazzjonali tal-ISF;

(b)

jiġu stabbiliti mill-ġdid il-katini tal-ġerarkija rispettivi tal-ISF permezz ta’ ġestjoni aktar koerenti tar-riżorsi;

(c)

jiġi infurzat mill-ġdid ir-rwol tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi fir-rigward tal-ġestjoni u s-superviżjoni tal-missjonijiet tagħhom, li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-impunità;

(d)

jiġi ffaċilitat l-istazzjonament mill-ġdid tal-ISF lejn iċ-ċentru ta’ Mali; u

(e)

jiġi appoġġat b’mod gradwali u modulari l-istazzjonament mill-ġdid tal-awtoritajiet amministrattivi ċivili tal-Mali lejn iċ-ċentru tal-Mali, abbażi tal-prinċipji ta’ governanza tajba.”

(2)

fl-Artikolu 14(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata ma’ EUCAP Sahel Mali bejn il-15 ta’ Jannar 2021 u l-31 ta’ Jannar 2023 għandu jkun ta’ EUR 89 100 000.”;

(3)

fl-Artikolu 14a, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-objettivi tal-RACC, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Missjonijiet eżistenti tal-PSDK fis-Saħel, għandhom ikunu li:

(a)

ittejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-istrutturi tal-G5 tas-Saħel u l-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel sabiex jissaħħu l-kooperazzjoni reġjonali u l-kapaċitajiet operazzjonali fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, f’konformità mad-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà kif stabbilit mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu fl-10 ta’ Diċembru 2018;

(b)

bil-ħsieb li jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, tħejji u tappoġġa r-reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK;

(c)

b’appoġġ għad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel u għas-segretarjat tas-Sħubija għas-Sigurtà u l-Istabbiltà fis-Saħel (P3S), tiffaċilita u tappoġġa l-organizzazzjoni tal-ġbir u l-qsim ta’ informazzjoni mas-sħab kollha tal-G5 tas-Saħel.”;

4.

fl-Artikolu 18, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għandha tapplika sal-31 ta’ Jannar 2023.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-15 ta’ Jannar 2021.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/312 tal-21 ta’ Frar 2019 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 51, 22.2.2019, p. 29).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/762 tat-13 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 125, 14.5.2019, p. 18).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/652 tal-14 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 153, 15.5.2020, p. 5).