ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 431

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
21 ta' Diċembru 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2153 tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 fir-rigward tal-kategoriji ta’ data personali operazzjonali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi tal-fajls tal-każijiet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

1

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2154 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni u ta’ notifika dwar is-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri ( 1 )

5

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2155 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni Ewropea għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini ( 1 )

9

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2156 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jispjega fid-dettall il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini ( 1 )

25

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2157 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li japprova emendi tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta (Montello - Colli Asolani (DOP))

30

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2158 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti Chabichou du Poitou (DOP)

32

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2159 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana

34

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/2160 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-grupp ta’ sustanzi 4-(1,1,3,3-Tetrametilbutil)fenol, etossilati (li jkopru sustanzi definiti sew u sustanzi ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta’ reazzjoni jew materjali bijoloġiċi, polimeri u omologi) ( 1 )

38

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2161 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jniedi investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/915 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

42

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2162 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jniedi investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 fuq importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju kkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

48

 

*

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2163 tat-18 ta’ Diċembru 2020 dwar l-implimentazzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq tar-regoli tal-oriġini li ġew stabbiliti fl-arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni

55

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2020/2164 tal-15 ta’ Diċembru 2020 li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (EUCAP Somalia/1/2020)

59

 

*

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2165 tad-9 ta’ Diċembru 2020 dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex jiddaħħlu ritratti u data dattiloskopika fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fil-fruntieri u tar-ritorn (notifikata bid-dokument C(2020) 8599)

61

 

*

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2166 tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar id-determinazzjoni tal-ishma tal-irkant tal-Istati Membri matul il-perjodu 2021–2030 tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (notifikata bid-dokument C(2020) 8945)  ( 1 )

66

 

*

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2167 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918 rigward ċerti miżuri ta’ salvagwardja b’konnessjoni mal-marda tat-tnewwin kroniku billi jiġi estiż il-perjodu tal-applikazzjoni tagħha (notifikata bid-dokument C(2020) 8802)  ( 1 )

70

 

*

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2168 tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (notifikata bid-dokument C(2020) 8919)

72

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2169 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

75

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2153

tas-7 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 fir-rigward tal-kategoriji ta’ data personali operazzjonali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi tal-fajls tal-każijiet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 49(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) ġie stabbilit biex jinvestiga, jagħmel prosekuzzjoni u jressaq quddiem il-ġustizzja l-awturi u l-kompliċi ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(2)

Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tinkludi indiċi tal-fajls tal-każijiet kollha. Id-data personali operazzjonali fl-indiċi hija limitata għad-data meħtieġa biex jiġu identifikati każijiet jew biex jiġu stabbiliti rabtiet bejn il-fajls tal-każijiet differenti.

(3)

Jenħtieġ li jiġu identifikati l-kategoriji ta’ data personali operazzjonali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi.

(4)

Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/1939 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939 ġie kkonsultat fit-8 ta’ Mejju 2020.

(6)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fil-31 ta’ Lulju 2020,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (UE) 2017/1939, it-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.


ANNESS

“ANNESS

Kategoriji ta’ suġġetti tad-data u kategoriji ta’ data personali operazzjonali msemmija fl-Artikolu 49(3)

A.   Kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi:

(a)

persuni suspettati jew akkużati fil-proċedimenti kriminali tal-UPPE;

(b)

persuni kkundannati wara l-proċedimenti kriminali tal-UPPE;

(c)

persuni fiżiċi li rrappurtaw jew li huma vittmi ta’ reati li jaqgħu fil-kompetenza tal-UPPE;

(d)

kuntatti jew assoċjati ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) jew (b).

B.   Kategoriji ta’ data personali operazzjonali tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data msemmija fil-punti (a) u (b) tat-taqsima A li tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi:

(a)

il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;

(b)

id-data u l-post tat-twelid;

(c)

in-nazzjonalità;

(d)

is-sess;

(e)

il-post ta’ residenza, il-professjoni u l-post fejn tinsab il-persuna konċernata;

(f)

in-numri tas-sigurtà soċjali, il-kodiċijiet tal-ID, il-liċenzji tas-sewqan, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni, id-data tal-passaport, in-numru tad-dwana u ta’ identifikazzjoni tat-taxxa;

(g)

id-deskrizzjoni u n-natura tar-reati allegati, id-data meta twettqu u l-kategorija kriminali tar-reati;

(h)

informazzjoni dwar persuni ġuridiċi relatati ma’ individwi identifikati jew identifikabbli li huma suġġetti għal investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

(i)

is-sħubija suspettata f’organizzazzjoni kriminali;

(j)

id-dettalji ta’ kontijiet miżmuma ma’ banek u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra;

(k)

in-numri tat-telefon, in-numri tas-SIM card, l-indirizzi tal-email, l-indirizzi tal-IP u l-kont u l-ismijiet tal-utenti użati fuq pjattaformi online;

(l)

id-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi;

(m)

l-assi identifikabbli li huma proprjetà tal-persuna jew li huma użati mill-persuna, bħall-kriptoassi u l-proprjetà immobbli.

C.   Kategoriji ta’ data personali operazzjonali tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data msemmija fil-punt (c) tat-taqsima A li tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi, limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat sabiex l-UPPE jwettaq il-kompiti tiegħu ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni:

(a)

il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;

(b)

id-data u l-post tat-twelid;

(c)

in-nazzjonalità;

(d)

is-sess;

(e)

il-post ta’ residenza, il-professjoni u l-post fejn tinsab il-persuna konċernata;

(f)

il-kodiċijiet tal-ID, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni u d-data tal-passaport;

(g)

id-deskrizzjoni u n-natura tar-reati li jinvolvu lill-persuna kkonċernata jew li ġew irrappurtati minnha, id-data meta twettqu u l-kategorija kriminali tar-reati.

D.   Kategoriji ta’ data personali operazzjonali tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data msemmija fil-punt (d) tat-taqsima A li tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi, limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat sabiex l-UPPE jwettaq il-kompiti tiegħu ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni:

(a)

il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;

(b)

id-data u l-post tat-twelid;

(c)

in-nazzjonalità;

(d)

is-sess;

(e)

il-post ta’ residenza, il-professjoni u l-post fejn tinsab il-persuna konċernata;

(f)

il-kodiċijiet tal-ID, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni u d-data tal-passaport.”


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2154

tal-14 ta’ Ottubru 2020

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni u ta’ notifika dwar is-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir- Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 166(3), 168(3) u 169(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw, inter alia, il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri. Jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tadotta atti delegati dwar rekwiżiti dettaljati li jissupplimentaw ir-regoli diġà stabbiliti f’dak ir-Regolament u, b’mod partikolari, dwar miżuri preventivi, inkluż miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju, u restrizzjonijiet fuq movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri, kif ukoll notifika antiċipata dwar tali movimenti, sabiex jiġi żgurat li tali prodotti ma jikkawżawx it-tixrid tal-mard elenkat jew ta’ mard emerġenti fl-Unjoni.

(2)

Barra minn hekk, ir-regoli stabbiliti f’dan l-att jenħtieġ li jqisu r-regoli tal-Unjoni dwar il-movimenti tal-konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri fl-Unjoni stabbiliti f’atti tal-Unjoni adottati qabel ir-Regolament (UE) 2016/429, u b’mod partikolari fid-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE (2), peress li dawn urew li huma effettivi fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ mard tal-annimali. Ir-regoli stabbiliti f’dan l-att jenħtieġ ukoll li jqisu l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’dawk l-atti preċedenti, u jenħtieġ li r-regoli jiġu adattati għall-qafas leġiżlattiv il-ġdid għas-saħħa tal-annimali stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/429.

(3)

L-Artikolu 166 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi l-obbligi ġenerali relatati mas-saħħa tal-annimali imposti fuq l-operaturi fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri, inkluż il-movimenti tal-konsenji ta’ dawk il-prodotti fl-Unjoni. B’mod partikolari, jistabbilixxi r-responsabbiltajiet tal-operaturi fir-rigward tat-tixrid tal-mard elenkat u ta’ mard emerġenti, u b’mod aktar partikolari meta l-awtorità kompetenti tkun qiegħdet fis-seħħ miżuri ta’ emerġenza jew restrizzjonijiet tal-moviment fil-post tal-produzzjoni jew tal-ipproċessar ta’ dawk il-prodotti. Għalhekk, il-kontroll tat-tixrid tal-mard elenkat u ta’ mard emerġenti mhuwiex biss ir-responsabbiltà tal-operaturi, iżda wkoll ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligu ċar fuq l-operaturi biex iċaqilqu konsenji ta’ tali prodotti, prodotti jew ipproċessati f’postijiet soġġetti għal miżuri ta’ emerġenza jew restrizzjonijiet tal-moviment, wara li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti u soġġetti għal kwalunkwe kundizzjoni imposta għal dik l-awtorizzazzjoni.

(4)

L-Artikolu 168 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jrid jakkumpanja l-movimenti tal-konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri, u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jissupplimentaw dik l-informazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jrid jakkumpanja l-konsenji ta’ tali prodotti, prodotti u pproċessati f’postijiet soġġetti għal miżuri ta’ emerġenza jew restrizzjonijiet tal-moviment kif imsemmi fl-Artikolu 166(2) tar-Regolament (UE) 2016/429. Jenħtieġ li dan jinkludi informazzjoni dwar il-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni stabbilita mill-awtorità kompetenti fir-rigward tal-movimenti ta’ dawk il-konsenji. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jridu jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament iridu jitqiesu fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-prodotti ġejjin mill-annimali stabbilit f’att ta’ implimentazzjoni separat li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tar-Regolament dwar il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali (UE) 2016/429 dwar il-mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali, l-attestazzjonijiet uffiċjali u l-mudelli tad-dikjarazzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ annimali terrestri u prodotti ġerminali ġejjin minnhom.

(5)

L-Artikolu 169 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli għan-notifikat antiċipata tal-movimenti tal prodotti ġejjin mill-annimali terrestri lejn Stati Membri oħrajn u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati dwar ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal tali notifika antiċipata u għal proċeduri ta’ emerġenza għan-notifika antiċipata fil-każ ta’ qtugħ tal-elettriku u tfixkil ieħor fis-sistema “TRACES”. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi ta’ informazzjoni imposti fuq l-operaturi għan-notifika antiċipata. Sabiex tiġi armonizzata l-informazzjoni pprovduta fin-notifika antiċipata biex jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti fid-destinazzjoni tirċievi d-dettalji kollha meħtieġa dwar il-konsenja, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tan-notifika antiċipata abbażi tas-sitwazzjonijiet fejn dan ikun meħtieġ f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429, u l-kundizzjonijiet li jenħtieġ li jikkonformaw magħhom il-prodotti ġejjin mill-annimali biex jitħallew jiċċaqilqu lejn Stati Membri oħrajn u d-dettalji dwar il-proċeduri ta’ emerġenza għal tali notifiki.

(6)

Peress li s-sistema “TRACES” hija komponent integrat tas-sistema kompjuterizzata bl-isem Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC) kif imsemmi fl-Artikoli 131 sa 136 tar-Regolament (UE) 2017/625, jenħtieġ li japplikaw l-arranġamenti ta’ kontinġenza stabbiliti għall-IMSOC skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (4).

(7)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sett komplut ta’ regoli li jirregolaw l-aspetti tas-saħħa tal-annimali tal-movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri fl-Unjoni, il-kontenut taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jrid jakkumpanja tali konsenji u l-obbligi ta’ notifika antiċipata. Peress li dawn ir-regoli jridu jiġu applikati flimkien u huma interkonnessi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’att uniku aktar milli f’atti separati b’bosta kontroreferenzi, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom, fl-interess tat-trasparenza, u biex tiġi evitata duplikazzjoni tar-regoli. Dan huwa wkoll konformi mal-approċċ adottat mir-Regolament (UE) 2016/429.

(8)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-21 ta’ April 2021 f’konformità mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jissupplimenta r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward tal-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri b’rabta ma’:

(a)

l-obbligi imposti fuq l-operaturi għall-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri prodotti u pproċessati fi stabbilimenti, negozji tal-ikel jew żoni soġġetti għal miżuri ta’ emerġenza jew restrizzjonijiet tal-movimenti kif imsemmi fl-Artikolu 166(2) tar-Regolament (UE) 2016/429;

(b)

ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għaċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali previsti fl-Artikolu 167(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 (ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali);

(c)

ir-rekwiżit ta’ informazzjoni għan-notifika antiċipata tal-movimenti ta’ dawn il-konsenji lejn Stati Membri oħrajn, previsti fl-Artikolu 169(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 (notifika antiċipata);

(d)

il-proċeduri ta’ emerġenza għan-notifika antiċipata tal-movimenti ta’ dawk il-konsenji, previsti fl-Artikolu 169(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, fil-każ ta’ qtugħ tal-elettriku u tfixkil ieħor fis-sistema TRACES.

Artikolu 2

Obbligi imposti fuq l-operaturi li jċaqilqu konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali

L-operaturi għandhom iċaqilqu l-konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri soġġetti għall-miżuri ta’ emerġenza jew għar-restrizzjonijiet tal-moviment imsemmijin fl-Artikolu 166(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 fl-Unjoni biss jekk:

(a)

tali movimenti huma awtorizzati mill-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini; u

(b)

il-konsenji jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni meħtieġa f’konformità mal-punt (a).

Artikolu 3

Ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali

Minbarra l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 168(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għandu jkun fih l-informazzjoni stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Obbligu ta’ informazzjoni impost fuq l-operaturi għan-notifika antiċipata tal-movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali bejn l-Istati Membri

Fin-notifika antiċipata, l-operaturi għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini l-informazzjoni stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament minbarra l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 168(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, u għandhom jagħmlu dan għal kull konsenja ta’ prodotti ġejjin mill-annimali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Proċeduri ta’ emerġenza

Fil-każ ta’ qtugħ tal-elettriku jew tfixkil ieħor fis-sistema TRACES, l-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini tal-konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament li jridu jiġu mċaqilqa lejn Stat Membru ieħor, għandha tikkonforma mal-arranġamenti ta’ kontinġenza għas-sistema TRACES u għas-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri fil-każ ta’ indisponibbiltà mhux ippjanata jew ippjanata, stabbiliti għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC) fl-Artikolu 46 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta’ April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas- 16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (ir-Regolament IMSOC) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).


ANNESS

Informazzjoni li trid tiġi inkluża fiċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jakkumpanjaw il-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti ġejjin mill-annimali terrestri

(a)

l-isem u l-indirizz tal-konsenjatur u tal-konsenjatarju;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment jew il-post tad-dispaċċ;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment jew il-post tad-destinazzjoni;

(d)

deskrizzjoni tal-prodott li ġej mill-annimali, inkluż:

(i)

il-kategorija tal-prodott, kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687:

laħam frisk (bl-ispeċifikazzjoni tal-kategorija, jekk ikun hemm bżonn);

prodotti tal-laħam;

budellati;

ħalib nej, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru;

prodotti tal-ħalib;

bajd;

prodotti tal-bajd;

prodotti komposti (bl-indikazzjoni tal-ingredjenti li ġejjin mill-annimali)

(ii)

l-ispeċi tal-annimali li minnu nkiseb il-prodott li ġej mill-annimali;

(iii)

l-Istat Membru jew ir-reġjun tal-oriġini tal-materja prima;

(iv)

it-trattament(i) li jkun għadda minnu/minnhom il-prodott li ġej mill-annimali;

(v)

l-immarkar applikat fuq il-prodott li ġej mill-annimali, fejn meħtieġ;

(vi)

il-post u d-data tal-produzzjoni jew tal-ipproċessar tagħhom;

(e)

il-kwantità tal-prodotti li ġejjin mill-annimali;

(f)

id-data u l-post tal-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali; l-isem, il-kapaċità u l-firma tal-veterinarju uffiċjali; u t-timbru tal-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini tal-konsenja;

(g)

l-isem tal-marda elenkata jew tal-marda emerġenti li qed tikkawża r-restrizzjonijiet tal-moviment fi [stabbiliment, negozju tal-ikel jew żona fil-post tad-dispaċċ];

(h)

id-dettalji dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, u jew:

(i)

it-titolu u d-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-att legali rilevanti adottat mill-Kummissjoni li jipprevedi dawk il-kundizzjonijiet; jew

(ii)

ir-referenza għall-att legali jew għall-istruzzjoni approvati u ppubblikati mill-awtorità kompetenti li tipprevedi dawk il-kundizzjonijiet.


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/9


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2155

tal-14 ta’ Ottubru 2020

li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni Ewropea għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(10) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2010/31/UE hi l-leġiżlazzjoni ewlenija, flimkien mad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u mar-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jindirizza l-effiċjenza enerġetika fil-bini fil-kuntest tal-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-2030. Id-Direttiva 2010/31/UE għandha żewġ objettivi kumplimentari, jiġifieri li tħaffef ir-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti sal-2050 u li tappoġġa l-modernizzazzjoni tal-bini kollu b’teknoloġiji intelliġenti, bħal dawk li jużaw l-intelliġenza artifiċjali u servizzi bbażati fuq il-cloud, u b’rabta aktar ċara mal-mobbiltà nadifa.

(2)

Biex tiġi appoġġata klassifikazzjoni konsistenti u trasparenti tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini fl-Unjoni, jenħtieġ tiġi stabbilita definizzjoni komuni tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u metodoloġija komuni għall-kalkolu tiegħu.

(3)

Biex ikunu żgurati l-aċċettabbiltà, l-użabbiltà u l-konsistenza tal-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija, b’kollaborazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati u id f’id mal-Istati Membri, għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini skont l-Artikolu 8(10) tad-Direttiva 2010/31/UE u l-Anness IA tagħha.

(4)

Dik il-metodoloġija għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini tiżgura grad ta’ konsistenza u komparabbiltà fil-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini madwar l-UE, filwaqt li tħalli biżżejjed flessibbiltà biex il-kalkolu jkun adattat għal kundizzjonijiet speċifiċi.

(5)

Jenħtieġ jiġu stabbiliti mekkaniżmi adegwati tal-kontroll b’rabta mal-implimentazzjoni tal-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

(6)

Meta rilevanti, jenħtieġ tkun possibbli awtovalutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza mis-sid, mill-maniġer tal-faċilità jew minn xi parti kkonċernata oħra marbuta mal-bini, appoġġata bi gwida u għodod miftuħa.

(7)

Biex tkun evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u tal-ispejjeż bejn l-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza u l-iskemi obbligatorji eżistenti, il-metodoloġija għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jenħtieġ tippermetti lill-Istati Membri, jekk ikunu jixtiequ, li jorbtu jew jintegraw l-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza ma’ skemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u ma’ skemi oħra stabbiliti skont id-Direttiva 2010/31/UE.

(8)

L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ ikun imfassal b’mod li jirrifletti l-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini u s-sistemi tagħhom u jenħtieġ jintuża biex jikkumplimenta – u mhux biex jieħu post – l-għodod li jivvalutaw aspetti oħra tal-bini, bħal pereżempju r-rendiment fl-użu tal-enerġija jew is-sostenibbiltà.

(9)

Jenħtieġ li l-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza ma jkunx indikatur għar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini. Is-sidien tal-bini jenħtieġ ikunu infurmati li l-potenzjal ta’ intelliġenza kif rifless fl-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza, u r-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini kif espress fiċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija huma kwistjonijiet differenti, li għalhekk iridu jiġu indirizzati minn tipi differenti ta’ miżuri; iżda l-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ jgħin biex jitjieb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija.

(10)

Il-benefiċċji għall-konsumaturi, għall-utenti tal-bini u għas-sidien se jiġu massimizzati meta l-istrumenti disponibbli għall-klassifikazzjoni tal-bini jintużaw flimkien, filwaqt li jiġi żgurat li l-konsumaturi, l-utenti tal-bini u s-sidien ikunu jistgħu jiksbu fehim komprensiv tal-bini tagħhom u dwar kif jistgħu jtejbu r-rendiment ġenerali.

(11)

L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ ikun disponibbli kemm għall-bini eżistenti kif anki għall-proġetti ġodda tal-bini. Il-mudelli diġitali tal-bini, inkluż il-mudelli ta’ informazzjoni dwar il-bini jew it-tewmin diġitali, jenħtieġ jitħallew jintużaw biex jeħfief il-kalkolu tal-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza.

(12)

Jenħtieġ li l-qafas għall-kalkolu tal-potenzjal ta’ intelliġenza jitħalla jintuża għat-tipi kollha ta’ bini u ta’ unitajiet tal-bini koperti bid-Direttiva 2010/31/UE.

(13)

L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ jippermetti l-enfasi tal-benefiċċji addizzjonali minn teknoloġiji intelliġenti avvanzati għas-sidien u l-utenti tal-bini, pereżempju mil-lat ta’ ffrankar fl-enerġija u tħejjija għat-tibdil fil-klima, jew mil-lat ta’ aktar inklużività u aċċessibbiltà, kumdità u benesseri.

(14)

Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini u tal-unitajiet tal-bini bħala parti mill-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza għall-fini ta’ ħruġ ta’ ċertifikat tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza, issir minn esperti kwalifikati jew akkreditati.

(15)

Meta l-Istati Membri jidhrilhom li hu xieraq, jenħtieġ li l-esperti akkreditati għaċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-bini, jew għall-ispezzjoni tat-tisħin, tal-arja kkundizzjonata u tas-sistemi kkombinati tat-tisħin jew tal-arja kkondizzjonata u tal-ventilazzjoni skont id-Direttiva 2010/31/UE, jew għat-twettiq tal-awditi tal-enerġija skont id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jitħallew jitqiesu kompetenti wkoll biex jivvalutaw il-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini.

(16)

B’aktar diġitizzazzjoni u konnettività fil-bini jiżdiedu r-riskji taċ-ċibersigurtà u tal-protezzjoni tad-data, filwaqt li l-bini u s-sistemi tagħhom isiru aktar vulnerabbli għat-theddid ċibernetiku u l-użu ħażin tad-data personali. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725. L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ jgħin biex is-sidien u l-utenti tal-bini jiġu infurmati dwar dawk ir-riskji.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini, jiġifieri d-definizzjoni tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u metodoloġija komuni għall-kalkolu tiegħu. Il-metodoloġija tikkonsisti fil-kalkolu ta’ punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini u li tidderivi klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza” tfisser indikatur li jinforma dwar il-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ binja jew ta’ unità tal-bini f’konformità mal-Artikolu 8(10) tad-Direttiva 2010/31/UE;

(2)

“skema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza” tfisser sistema taċ-ċertifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini;

(3)

“operatur ekonomiku” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-sid ta’ binja li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, jew persuna fiżika jew ġuridika li tippossjedi jew tokkupa unità tal-bini li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, u li titlob ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ dak il-bini jew dik l-unità tal-bini;

(4)

“klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza” tfisser il-klassifikazzjoni tal-bini jew tal-unità tal-bini skont il-metodoloġija stabbilita f’dan ir-Regolament;

(5)

“punteġġ għall-potenzjal ta’ intelliġenza” tfisser il-punteġġ miksub minn binja jew minn unità tal-bini bħala parti mill-proċess għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza;

(6)

“sistema” tfisser sistema li tista’ tinstab f’binja u li hi rilevanti għall-ambitu tal-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza kif stabbilit fid-Direttiva 2010/31/UE, inkluż iżda mhux limitat għas-sistemi tekniċi tal-bini kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/31/UE;

(7)

“funzjonalità ewlenija tal-potenzjal ta’ intelliġenza” tfisser waħda mit-tliet funzjonalitajiet imsemmija fil-punt 2 tal-Anness IA tad-Direttiva 2010/31/UE;

(8)

“kriterju tal-impatt” tfisser impatt ewlieni li s-servizzi intelliġenti lesti huma mfassla biex jiksbu, kif stabbilit f’dan ir-Regolament;

(9)

“dominju tekniku” tfisser ġabra ta’ servizzi intelliġenti lesti li, flimkien, iwettqu parti integrata u konsistenti tas-servizzi mistennija mill-binja jew mill-unità tal-bini, bħal pereżempju t-tisħin;

(10)

“konnettività” tfisser l-abbiltà tas-sistemi li jiskambjaw data bejniethom u l-abbiltà tal-binja jew tal-unità tal-bini li tiskambja d-data, mal-grilja u ma’ entitajiet relatati, bħal aggregatur, jew ma’ binjiet oħrajn;

(11)

“interoperabbiltà” tfisser l-abbiltà li sistema tinteraġixxi għal fini komuni, abbażi ta’ standards maqbula b’mod komuni, permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u data;

(12)

“ċibersigurtà” tfisser l-attivitajiet meħtieġa għall-protezzjoni tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, l-utenti ta’ dawn is-sistemi, u individwi oħra milquta minn theddid ċibernetiku;

(13)

“teknoloġija intelliġenti lesta” tfisser faċilitatur teknoloġiku, bħal awtomatizzazzjoni tal-bini, għal servizz intelliġenti lest wieħed jew aktar;

(14)

“servizz intelliġenti lest” tfisser funzjoni jew aggregazzjoni ta’ funzjonijiet provduti minn komponent jew sistema teknika waħda jew aktar. Servizz intelliġenti lest juża teknoloġiji intelliġenti lesti u jorbothom f’funzjonijiet ta’ livell ogħla;

(15)

“ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza” tfisser ċertifikat rikonoxxut minn Stat Membru jew minn persuna ġuridika maħtura minn Stat Membru, li jindika l-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ binja jew ta’ unità tal-bini, ikkalkulat bil-metodoloġija stabbilita f’dan ir-Regolament;

(16)

“livell tal-funzjonalità” tfisser il-livell ta’ potenzjal ta’ intelliġenza ta’ servizz intelliġenti lest;

(17)

“fattur ta’ ponderazzjoni” tfisser parametru li jintuża fil-kalkolu tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza biex jesprimi l-importanza ta’ dominju tekniku jew kriterju ta’ impatt speċifiku f’dak il-kalkolu;

(18)

“ventilazzjoni” tfisser proċess li jimmaniġġja r-rati tal-fluss tal-arja friska biex tinżamm u titjieb il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa skont ir-rekwiżiti applikabbli;

(19)

“bilanċ tal-enerġija” tfisser approċċ li bih ċerti fatturi ta’ ponderazzjoni jistgħu jiġu adattati abbażi taż-żona klimatika tal-bini.

Artikolu 3

Indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandu jippermetti klassifikazzjoni u komunikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini u tal-unitajiet tal-bini lill-operaturi ekonomiċi u lil partijiet ikkonċernati oħra, b’mod partikolari dawk li jippjanaw u l-operaturi tal-bini.

2.   Jenħtieġ li l-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jkun jippermetti l-valutazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ binja jew ta’ unità tal-bini li tadatta l-operat tagħha għall-ħtiġijiet tal-okkupant u tal-grilja, u li ttejjeb l-effiċjenza enerġetika tagħha u r-rendiment ġenerali tagħha waqt l-użu. L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandu jkopri karatteristiċi għal titjib fl-iffrankar tal-enerġija, fil-parametraġġ referenzjarju u fil-flessibbiltà, u tisħiħ tal-funzjonalitajiet u tal-kapaċitajiet bis-saħħa ta’ apparati aktar interkonnessi u intelliġenti.

3.   L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandu jinkludi l-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ binja jew ta’ unità tal-bini, u sett ta’ punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza li jirriflettu l-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini, tal-unitajiet tal-bini u tas-sistemi skont funzjonalitajiet ewlenin predefiniti, kriterji tal-impatt u dominji tekniċi.

4.   L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandu jinkludi, meta possibbli, informazzjoni addizzjonali dwar l-inklużività u l-konnettività tal-bini, dwar l-interoperabbiltà u ċ-ċibersigurtà tas-sistemi, u dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 4

Metodoloġija għall-kalkolu tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandha tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tas-servizzi intelliġenti lesti li huma preżenti jew ippjanati fl-istadju tad-disinn f’binja jew f’unità tal-bini, u tas-servizzi intelliġenti lesti li jitqiesu rilevanti għal dik il-binja jew l-unità tal-bini.

2.   Il-kalkolu tal-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza għandu jkun ibbażat fuq qafas metodoloġiku komuni tal-Unjoni stabbilit fl-Annessi I sa VI.

3.   Il-metodoloġija standard għall-kalkolu stabbilita fl-Annessi I sa VI tista’ tiġi adattata skont l-Anness VII, b’mod partikolari billi ssir rabta mal-kalkoli tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fl-ambitu taċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

4.   Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandha tintuża skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalifika tal-esperti.

Artikolu 5

Klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza

Il-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ binja jew ta’ unità tal-bini għandha tkun ibbażata fuq il-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza kkalkulati għall-binja jew għall-unità tal-bini skont l-Anness VIII.

Artikolu 6

L-għażla fakultattiva tal-iskema

1.   L-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandha tkun skema komuni fakultattiva tal-Unjoni.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimplimentaw l-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza fit-territorju nazzjonali tagħhom, jew f’partijiet minnu. Jistgħu jagħżlu wkoll li jimplimentaw l-iskema għal ċerti kategoriji ta’ bini biss.

3.   L-Istati Membri li jimplimentaw l-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza jistgħu jagħżlu li japplikawha fuq bażi volontarja jew obbligatorja għall-bini jew għall-unitajiet tal-bini li jinsabu fit-territorju tagħhom.

4.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza fit-territorju nazzjonali tagħhom, jew f’partijiet minnu, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni qabel ma jimplimentaw l-iskema.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimmodifikaw, jadattaw, jew itemmu l-implimentazzjoni tal-iskema fi kwalunkwe ħin mingħajr il-bżonn ta’ ġustifikazzjoni għal dan. Dawn għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni bħal din.

Artikolu 7

Ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   L-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ binja jew ta’ unità tal-bini għandu jiġi kkomunikat lill-operaturi ekonomiċi u lil partijiet ikkonċernati oħra b’ċertifikat.

2.   Iċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandu jinkludi l-informazzjoni speċifikata fl-Anness IX.

Artikolu 8

Esperti tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini bil-ħsieb li jinħareġ ċertifikat tal-potenzjal ta’ intelliġenza ssir minn esperti kwalifikati jew akkreditati. L-esperti jistgħu joperaw għal rashom jew ikunu impjegati ta’ korpi pubbliċi jew intrapriżi privati.

2.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandhom jistabbilixxu rekwiżiti dwar il-kwalifika jew l-akkreditazzjoni tal-esperti tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza u jiżguraw li dawk ir-rekwiżiti jinkludu kriterji ta’ kompetenza, inkluż fil-qasam tal-ICT.

Artikolu 9

Sistema tal-kontroll tal-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandhom jistabbilixxu sistema tal-kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza. Meta rilevanti, dawk l-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq sistemi tal-kontroll indipendenti li huma diġà fis-seħħ, bħal dawk għall-iskemi taċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

2.   Is-sistema tal-kontroll indipendenti għandha tiżgura l-validità taċ-ċertifikati tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza maħruġa fit-territorju tal-Istat Membru.

Artikolu 10

Rieżami

Wara konsultazzjoni mal-esperti msemmija fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/31/UE, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi dan ir-Regolament kif xieraq sal-1 ta’ Jannar 2026 u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel proposti.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

(2)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).


ANNESS I

Il-kalkolu tal-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   

Il-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ binja jew unità tal-bini jirrifletti l-kapaċitajiet tal-binja jew tal-unità tal-bini li tadatta l-operat tagħha għall-ħtiġijiet tal-okkupanti u tal-grilja, u li ttejjeb l-effiċjenza enerġetika tagħha u r-rendiment ġenerali tagħha waqt l-użu.

2.   

Il-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ binja jew unità tal-bini hu ddeterminat abbażi tal-valutazzjoni tas-servizzi intelliġenti lesti li huma preżenti jew ippjanati fil-binja jew fl-unità tal-bini jew tal-bini, jew li huma rilevanti għaliha, u l-livell tal-funzjonalità tagħhom.

3.   

Il-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ binja jew unità tal-bini hu espress bi klassifikazzjoni dderivata minn punteġġ totali għall-potenzjal ta’ intelliġenza espress bħala persentaġġ u li jirrappreżenta l-proporzjon tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unità tal-bini f’paragun mal-potenzjal massimu ta’ intelliġenza li jista’ jintlaħaq.

4.   

Il-kalkolu tal-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza hu bbażat fuq fatturi predefiniti ta’ ponderazzjoni f’konformità mal-Annessi III, V u VII, li l-valur tagħhom jista’ jiddependi fuq kundizzjonijiet klimatiċi u aspetti rilevanti oħra, bħat-tip ta’ bini.

5.   

Biex jiġi espress il-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ binja jew ta’ unità tal-bini, il-metodoloġija tippermetti wkoll l-użu ta’ punteġġi diżaggregati tal-potenzjal ta’ intelliġenza espressi bħala persentaġġ. Il-punteġġi diżaggregati jistgħu jesprimu l-potenzjal ta’ intelliġenza għal wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

tliet funzjonalitajiet ewlenin tal-potenzjal ta’ intelliġenza kif enfasizzat fil-punt 2 tal-Anness Ia tad-Direttiva 2010/31/UE:

(1)

ir-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-operat;

(2)

ir-rispons għall-ħtiġijiet tal-okkupanti; kif ukoll

(3)

il-flessibbiltà tal-enerġija, inkluż l-abbiltà li l-binja jew l-unità tal-bini tkun tippermetti parteċipazzjoni bħala rispons għad-domanda.

(b)

il-kriterji ta’ impatt tal-potenzjal ta’ intelliġenza kif definiti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(c)

id-dominji tekniċi tal-potenzjal ta’ intelliġenza kif definiti fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

6.   

Il-kalkolu tal-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ binja jew ta’ unità tal-bini jiddependi fuq il-valutazzjoni tas-servizzi intelliġenti lesti li huma preżenti jew ippjanati fl-istadju tad-disinn, u fuq il-livell tal-funzjonalità tagħhom. Il-valutazzjoni għandha l-għan li tiddetermina b’affidabbiltà biżżejjed liema servizzi huma preżenti jew ippjanati, u jekk iva, il-livell tal-funzjonalità għal kull wieħed minn dawk is-servizzi. Għal dan il-għan, meta jkunu disponibbli, jistgħu jintużaw mudelli diġitali tal-bini, inkluż mudelli ta’ informazzjoni dwar il-bini jew tewmin diġitali. Is-servizzi intelliġenti lesti li jistgħu jkunu preżenti f’binja huma elenkati f’katalgu predefinit ta’ servizzi intelliġenti lesti kif stabbilit fl-Anness VI u huma organizzati f’dominji tekniċi predefiniti kif stabbilit fl-Anness IV.

7.   

Il-kalkolu tal-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza jsir skont il-protokoll li ġej:

(a)

f’konformità mal-katalgu tas-servizzi intelliġenti lesti kif stabbilit fl-Anness VI ta’ dan ir-Regolament, għal kull dominju tekniku kif stabbilit fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament, jiġu vvalutati s-servizzi intelliġenti lesti li huma preżenti u, għal kull wieħed minnhom, il-livell tal-funzjonalità jiġi ddeterminat skont il-katalgu tas-servizzi intelliġenti lesti.

(b)

f’konformità mal-katalgu tas-servizzi intelliġenti lesti, u għal kull kriterju ta’ impatt tal-potenzjal ta’ intelliġenza kif stabbilit fl-Anness II, il-punteġġ I(d,ic) ta’ kull dominju tekniku hu ddeterminat kif ġej:

Image 1

fejn:

(1)

d hu n-numru tad-dominju tekniku inkwistjoni,

(2)

ic hu n-numru tal-kriterju ta’ impatt inkwistjoni,

(3)

Nd hu n-numru totali ta’ servizzi fid-dominju tekniku d,

(4)

Si,d hu s-servizz i tad-dominju tekniku d,

(5)

FL(Si,d) hu l-livell tal-funzjonalità tas-servizz Si,d kif disponibbli fil-binja jew fl-unità tal-bini,

(6)

Iic(FL(Si,d)) hu l-punteġġ tas-servizz Si,d għan-numru tal-kriterju ta’ impatt ic, skont il-livell tal-funzjonalità tas-servizz,

(c)

f’konformità mal-katalgu tas-servizzi intelliġenti lesti, il-punteġġ massimu ta’ kull dominju tekniku għal kull kriterju ta’ impatt Imax(d,ic) jiġi ddeterminat kif ġej:

Image 2

fejn:

(1)

FLmax(Si,d) hu l-ogħla livell tal-funzjonalità li s-servizz Si,d jista’ jkollu skont il-katalgu tas-servizzi intelliġenti lesti,

(2)

Iic(FLmax(Si,d)) hu l-punteġġ tas-servizz Si,d għall-ogħla livell tal-funzjonalità tiegħu, jiġifieri l-punteġġ massimu tas-servizz Si,d għan-numru tal-kriterju ta’ impatt ic,

(d)

Il-punteġġ għall-potenzjal ta’ intelliġenza espress bħala persentaġġ għal kull wieħed mill-kriterju ta’ impatt SRic jiġi ddeterminat bil-ponderazzjoni speċifikata fl-Anness V, kif ġej:

Image 3

fejn:

(1)

d hu n-numru tad-dominju tekniku inkwistjoni,

(2)

N hu n-numru totali tad-dominji tekniċi (skont l-Anness IV),

(3)

Wd,ic hu l-fattur ta’ ponderazzjoni espress bħala persentaġġ tan-numru tad-dominju tekniku d għan-numru tal-kriterju ta’ impatt ic,

(e)

il-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza tul it-tliet funzjonalitajiet ewlenin enfasizzati fl-Anness Ia, il-punt 2 tad-Direttiva 2010/31/UE, SRf , huma ddeterminati bil-fatturi ta’ ponderazzjoni speċifikati skont l-Anness III, kif ġej:

Image 4

fejn:

(1)

M hu n-numru totali tal-kriterji ta’ impatt skont l-Anness II,

(2)

Wf(ic) hu l-fattur ta’ ponderazzjoni espress bħala persentaġġ tan-numru tal-kriterju ta’ impatt ic għall-funzjonalità ewlenija f skont l-Anness III,

(3)

SRic hu l-punteġġ għall-potenzjal ta’ intelliġenza għan-numru tal-kriterju ta’ impatt ic.

(f)

il-punteġġ totali għall-potenzjal ta’ intelliġenza SR jista’ jiġi kkalkulat bħala s-somma ponderata tal-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza tal-funzjonalitajiet ewlenin, kif ġej:

Image 5

fejn:

(1)

SRf hu l-punteġġ għall-potenzjal ta’ intelliġenza għall-funzjonalità ewlenija f,

(2)

Wf hu l-ponderazzjoni tal-funzjonalità ewlenija f fil-kalkolu tal-punteġġi totali għall-potenzjal ta’ intelliġenza, b’ΣWf = 1.

(g)

il-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza tad-dominji tekniċi għal kull kriterju ta’ impatt SRd,ic jistgħu jiġu kkalkulati, kif ġej:

Image 6

fejn:

(1)

I(d,ic) hu l-punteġġ tan-numru tad-dominju d għall-kriterju ta’ impatt ic,

(2)

Imax(d,ic) hu l-punteġġ massimu tan-numru tad-dominju d għan-numru tal-kriterju ta’ impatt ic.


ANNESS II

Kriterji ta’ impatt tal-potenzjal ta’ intelliġenza

Il-kriterji ta’ impatt tal-potenzjal ta’ intelliġenza kkunsidrati fil-protokoll tal-kalkolu stabbilit fl-Anness I huma dawn li ġejjin:

(a)

l-effiċjenza enerġetika,

(b)

il-manutenzjoni u t-tbassir tal-ħsarat,

(c)

il-kumdità,

(d)

il-konvenjenza,

(e)

is-saħħa, il-benesseri u l-aċċessibbiltà,

(f)

l-informazzjoni lill-okkupanti,

(g)

il-flessibbiltà u l-ħżin tal-enerġija


ANNESS III

Ponderazzjoni tal-kriterji ta’ impatt fil-funzjonijiet ewlenin

1.   

Kull kriterju ta’ impatt stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament hu kkunsidrat għal waħda biss mit-tliet funzjonalitajiet ewlenin, kif stabbilit fil-punti 2 sa 4. Għal kull funzjonalità ewlenija, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-fatturi rispettivi ta’ ponderazzjoni tal-kriterji rilevanti ta’ impatt.

2.   

Għall-funzjonalità ewlenija “rendiment fl-użu tal-enerġija u operat”, il-kriterji rilevanti ta’ impatt huma “l-effiċjenza enerġetika” u “il-manutenzjoni u t-tbassir tal-ħsarat”.

3.   

Għall-funzjonalità ewlenija “rispons għall-ħtiġijiet tal-utenti”, il-kriterji rilevanti ta’ impatt huma “il-kumdità”, “il-konvenjenza”, “l-informazzjoni għall-okkupanti” u “is-saħħa, il-benesseri u l-aċċessibbiltà”.

4.   

Għall-funzjonalità ewlenija “flessibbiltà tal-enerġija”, il-kriterju rilevanti ta’ impatt hu “il-flessibbiltà u l-ħżin tal-enerġija”.


ANNESS IV

Dominji tekniċi

Id-dominji tekniċi tal-potenzjal ta’ intelliġenza kkunsidrati fil-protokoll tal-kalkolu stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament huma dawn li ġejjin:

(a)

it-tisħin,

(b)

it-tkessiħ,

(c)

l-ilma sħun domestiku;

(d)

il-ventilazzjoni,

(e)

it-tidwil,

(f)

l-involukru dinamiku tal-bini,

(g)

l-elettriku,

(h)

l-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi,

(i)

il-monitoraġġ u l-kontroll.


ANNESS V

Ponderazzjoni tad-dominji tekniċi

1.   

Kull dominju tekniku hu ponderat għal kull wieħed mill-kriterji ta’ impatt, u l-fatturi ta’ ponderazzjoni jikkaratterizzaw l-influwenza tad-dominju tekniku fuq il-kriterju ta’ impatt.

2.   

Il-fatturi ta’ ponderazzjoni tad-dominji tekniċi huma espressi bħala persentaġġ, u għal kull kriterju ta’ impatt, is-somma tal-fatturi ta’ ponderazzjoni tad-dominji tekniċi hi 100 %.

3.   

L-approċċ standard għall-allokazzjoni tal-fatturi ta’ ponderazzjoni għad-dominji tekniċi hu bbażat fuq:

(a)

Il-bilanċ tal-enerġija taż-żona klimatika għall-fatturi ta’ ponderazzjoni tad-dominji tekniċi ta’ “it-tisħin”, “it-tkessiħ”, “l-ilma sħun domestiku”, “il-ventilazzjoni”, “it-tidwil” u “l-elettriku” tul il-kriterji ta’ impatt ta’ “l-effiċjenza enerġetika”, “il-manutenzjoni u t-tbassir tal-ħsarat” u “il-flessibbiltà u l-ħżin tal-enerġija”;

(b)

għall-każijiet l-oħra kollha: il-fatturi ta’ ponderazzjoni huma fissi jew distribwiti ugwalment.

4.   

L-Istati Membri jiddefinixxu ż-żoni klimatiċi li jintużaw, meta rilevanti, fid-determinazzjoni tal-fatturi ta’ ponderazzjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jużaw, meta disponibbli, gwida rilevanti tal-Unjoni.

5.   

Il-fatturi ta’ ponderazzjoni tad-dominji tekniċi jistgħu jvarjaw bejn il-binjiet residenzjali u l-binjiet mhux residenzjali għal uħud mill-kriterji ta’ impatt.

6.   

L-Istati Membri jiddefinixxu l-fatturi ta’ ponderazzjoni u, għal dan il-għan, huma mħeġġa jużaw, meta disponibbli, gwida rilevanti tal-Unjoni. Jistgħu wkoll iqisu l-impatti possibbli mit-tibdil fil-klima.


ANNESS VI

Katalgu tas-servizzi intelliġenti lesti

1.   

Għall-fini tal-kalkolu tal-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza skont il-metodoloġija stabbilita fl-Anness I, l-Istati Membri jagħmlu disponibbli mill-inqas katalogu wieħed tas-servizzi intelliġenti lesti li jrid jintuża mill-esperti bħala l-bażi għall-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tas-servizzi intelliġenti lesti.

2.   

Katalgu tas-servizzi intelliġenti lesti jinkludi l-lista tas-servizzi intelliġenti lesti li jridu jitqiesu għall-kalkolu tal-punteġġ għall-potenzjal ta’ intelliġenza, il-livelli tal-funzjonalità relatati, u l-punteġġi individwali korrispondenti għall-kriterji ta’ impatt.

3.   

Id-definizzjoni u kull aġġornament sussegwenti tal-katalgi tas-servizzi intelliġenti lesti jirriflettu l-aktar teknoloġiji intelliġenti lesti avvanzati bħalissa.

4.   

L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu linji gwida lill-esperti dwar l-aktar mod effettiv biex jiġu identifikati u vvalutati s-servizzi intelliġenti lesti, permezz ta’ gwida rilevanti tal-Unjoni, meta disponibbli.

5.   

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli diversi katalgi tas-servizzi intelliġenti lesti, pereżempju għal tipi differenti ta’ bini.


ANNESS VII

Adattament possibbli tal-proċess tal-kalkolu standard

1.   

Biex ikun evitat penalizzar inġust ta’ binja jew ta’ unità tal-bini, xi servizzi intelliġenti lesti jistgħu jitħallew barra mill-kalkolu tal-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza, f’każ li dawk is-servizzi ma jkunux rilevanti għal dik il-binja jew l-unità tal-bini.

2.   

L-Istati Membri jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li skonthom dawn l-adattamenti huma rilevanti u permessi.

3.   

Il-fatturi ta’ ponderazzjoni ta’ dawk id-dominji tekniċi li għalihom se jintuża l-approċċ (klimatiku) tal-bilanċ tal-enerġija skont il-kalkolu standard jistgħu jiġu kkalkulati abbażi tal-konsumi kif evalwati fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-binja jew tal-unità tal-bini inkwistjoni.


ANNESS VIII

Klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   

Il-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza hi espressa abbażi ta’ seba’ klassijiet tal-potenzjal ta’ intelliġenza, mill-akbar potenzjal ta’ intelliġenza sal-inqas potenzjal ta’ intelliġenza.

2.   

Kull klassi tal-potenzjal ta’ intelliġenza tikkorrispondi għal firxa ta’ punteġġi totali għall-potenzjal ta’ intelliġenza, kif ġej: 90-100 %; 80-90 %; 65-80 %; 50-65 %; 35-50 %; 20-35 %; < 20 %.


ANNESS IX

Kontenut taċ-ċertifikat tal-indikaturi tal-potenzjal ta’ intelliġenza

L-informazzjoni li tinsab fl-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u mibgħuta lill-utent finali tinkludi dan li ġej:

(a)

l-ID uniku taċ-ċertifikat,

(b)

id-data tal-ħruġ u d-data tal-iskadenza taċ-ċertifikat,

(c)

test ta’ informazzjoni li jiċċara l-ambitu tal-indikatur tal-istat ta’ tħejjija intelliġenti, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija,

(d)

informazzjoni ġenerali dwar il-binja jew l-unità tal-bini (it-tip ta’ binja jew ta’ unità tal-bini, l-erja tas-superfiċje, is-sena tal-kostruzzjoni u, meta rilevanti, tar-rinnovazzjoni, il-lokazzjoni),

(e)

meta tkun disponibbli, il-klassi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-binja jew tal-unità tal-bini kif speċifikat f’ċertifikat validu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija,

(f)

il-klassi tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-binja jew tal-unità tal-binja,

(g)

b’mod fakultattiv, il-punteġġ totali għall-potenzjal ta’ intelliġenza tal-binja jew tal-unità tal-bini,

(h)

il-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza tul it-tliet funzjonalitajiet ewlenin enfasizzati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament,

(i)

il-punteġġ għall-potenzjal ta’ intelliġenza għal kull kriterju ta’ impatt,

(j)

b’mod fakultattiv, il-punteġġi ta’ kull dominju tekniku għal kull kriterju ta’ impatt,

(k)

meta possibbli, l-informazzjoni disponibbli dwar il-konnettività, b’mod partikolari dwar l-eżistenza ta’ infrastruttura fiżika diġà installata fil-binja għal broadband b’veloċità għolja, bħat-tikketta volontarja “broadband ready”,

(l)

meta possibbli, l-informazzjoni disponibbli dwar l-interoperabbiltà, iċ-ċibersigurtà tas-sistemi u l-protezzjoni tad-data, inkluż meta rilevanti dwar il-konformità mal-istandards maqbula b’mod komuni, u l-informazzjoni dwar ir-riskji relatati,

(m)

test ta’ informazzjoni li jiċċara li ċ-ċertifikat jirrifletti l-potenzjal ta’ intelliġenza fid-data tal-ħruġ u li kwalunkwe modifika sinifikanti fil-bini u fis-sistemi tiegħu taffettwa l-potenzjal ta’ intelliġenza u għalhekk ikun hemm bżonn aġġornament tal-informazzjoni mogħtija fuq iċ-ċertifikat,

(n)

b’mod fakultattiv, rakkomandazzjonijiet dwar kif jista’ jitjieb il-potenzjal ta’ intelliġenza tal-binja jew tal-unità tal-bini li jqisu, meta rilevanti, il-valur patrimonjali,

(o)

b’mod fakultattiv, informazzjoni addizzjonali dwar is-suppożizzjonijiet li jsiru fil-kalkolu tal-punteġġi, bħall-fatturi ta’ ponderazzjoni tal-kriterji ta’ impatt użati għall-kalkolu tal-punteġġi għall-potenzjal ta’ intelliġenza għall-funzjonalitajiet ewlenin.


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/25


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2156

tal-14 ta’ Ottubru 2020

li jispjega fid-dettall il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(11) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2155 (2) jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini, jiġifieri d-definizzjoni tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u ta’ metodoloġija komuni li permezz tagħha tali indikatur irid jiġi kkalkulat.

(2)

Dik l-iskema hija fakultattiva għall-Istati Membri. Dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jissieħbu fl-iskema komuni jenħtieġ li jimplimentawha f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament Delegat 2020/2155.

(3)

Il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dik l-iskema komuni fakultattiva tal-Unjoni jridu jiġu spjegati fid-dettall f’att ta’ implimentazzjoni.

(4)

Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini u tal-unitajiet tal-bini bħala parti mill-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għall-fini li jinħareġ ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza ssir minn esperti li jkunu kkwalifikati jew akkreditati, li joperaw għal rashom jew li jkunu impjegati minn korpi pubbliċi jew minn impriżi privati.

(5)

Meta l-Istati Membri jqisu li jkun xieraq, l-esperti akkreditati għaċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, għall-ispezzjoni tas-sistema tat-tisħin, tas-sistema tal-arja kkundizzjonata u tas-sistemi kkombinati tat-tisħin jew tal-arja kkundizzjonata u tal-ventilazzjoni skont id-Direttiva 2010/31/UE, u għat-twettiq ta’ verifiki tal-enerġija skont id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jenħtieġ li jitħallew jiġu kkunsidrati bħala kompetenti biex jivvalutaw ukoll il-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini.

(6)

L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ li jitħallew jimplimentaw fażi tal-ittestjar f’konformità mad-dettalji pprovduti f’dan ir-Regolament. L-ebda leġiżlazzjoni mhi kkunsidrata bħala neċessarja għal tali fażi tal-ittestjar, sakemm Stat Membru ma jqisx li l-kuntest nazzjonali tiegħu jirrikjedi leġiżlazzjoni bħal din. Matul din il-fażi tal-ittestjar jenħtieġ li jkun jista’ jinġabar il-feedback sabiex jiġu aġġustati l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-iskema u jitħejja r-rieżami ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

(7)

L-implimentazzjoni tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jenħtieġ li tagħmilha possibbli għas-sidien tal-bini jew tal-unitajiet tal-bini, jew għal partijiet ikkonċernati oħra marbuta mal-bini jew mal-unità tal-bini, pereżempju l-maniġers tal-faċilitajiet, biex jevalwaw il-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini tagħhom jew tal-unitajiet tal-bini tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jinħareġ biss abbażi ta’ tali valutazzjoni meta titwettaq minn espert kwalifikat jew akkreditat.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2010/31/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jispjega fid-dettall il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini stabbilit fir-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

Id-definizzjoni li ġejja għandha tapplika wkoll:

“modalitajiet tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza” tfisser il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva tal-iskema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini stabbilit bir-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

Artikolu 3

Akkreditazzjoni u kwalifiki tal-esperti tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza, huma jistgħu jiddeċiedu li l-esperti akkreditati jew ikkwalifikati għall-ħruġ ta’ ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew għat-twettiq tal-ispezzjoni tas-sistema tat-tisħin, tas-sistema tal-arja kkundizzjonata, tas-sistemi kkombinati tat-tisħin jew tal-arja kkundizzjonata u tal-ventilazzjoni skont id-Direttiva 2010/31/UE, jew għat-twettiq ta’ verifiki tal-enerġija skont id-Direttiva 2012/27/UE, ikunu kompetenti wkoll għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza. F’dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali għal dawk l-esperti sabiex jikkwalifikaw għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza, b’mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-informazzjoni dwar il-kwalifiki ta’ esperti responsabbli għall-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

3.   Meta jkun rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku listi aġġornati regolarment ta’ esperti kkwalifikati jew akkreditati jew listi aġġornati regolarment ta’ kumpaniji akkreditati li joffru s-servizzi ta’ tali esperti. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-istess mezzi li japplikaw għall-esperti għaċ-ċertifikazzjoni u għall-ispezzjonijiet tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2010/31/UE.

Artikolu 4

Ħruġ taċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u termini u kundizzjonijiet tal-użu tiegħu

1.   Kwalunkwe operatur ekonomiku jista’ jitlob valutazzjoni tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u ċertifikat għall-bini jew għall-unità tal-bini inkwistjoni lill-esperti msemmija fl-Artikolu 3.

2.   L-espert għandu jivverifika l-affidabbiltà tal-informazzjoni miġbura għall-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unità tal-bini u għall-ħruġ taċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

3.   Meta jkun rilevanti, filwaqt li jivvaluta l-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ bini jew ta’ unità tal-bini, l-espert jista’ jqis indikaturi reġjonali jew nazzjonali oħra, u metodi ta’ valutazzjoni relatati.

4.   Ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandu jinħareġ biss abbażi ta’ valutazzjoni li titwettaq minn espert kwalifikat jew akkreditat

5.   Iċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandu jinkludi l-elementi elenkati fl-Anness IX tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

6.   Il-validità taċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza ma għandhiex taqbeż l-għaxar snin. Madankollu, meta jkun hemm bidla sinifikanti f’bini jew f’unità tal-bini li jkollha impatt fuq il-valutazzjoni inizjali tal-potenzjal ta’ intelliġenza, għandu jiġi rrakkomandat ċertifikat ġdid.

Artikolu 5

Akkoppjament ma’ skemi taċ-ċertifikazzjoni u tal-ispezzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

1.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jistgħu jakkoppjaw il-ħruġ taċ-ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza mal-iskema tagħhom għaċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew mal-iskema tagħhom għall-ispezzjoni tas-sistema tat-tisħin, tas-sistema tal-arja kkundizzjonata u tas-sistemi kkombinati tat-tisħin jew tal-arja kkundizzjonata u tal-ventilazzjoni skont id-Direttiva 2010/31/UE, jew mal-iskema tagħhom għall-verifiki tal-enerġija skont id-Direttiva 2012/27/UE.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-akkoppjament ma’ dawk l-iskemi għandu jkun obbligatorju, u f’dak il-każ għandu jinħareġ ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza kull meta jkollu jinħareġ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew kull meta jkollha titwettaq spezzjoni jew verifika, jew li għandu jkun volontarju, u f’dak il-każ għandu jinħareġ ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza fuq talba tal-operatur ekonomiku biss.

3.   Meta l-Istati Membri jagħżlu li jakkoppjaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza mal-iskema tagħhom għaċ-ċertifikazzjoni jew għall-ispezzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew għall-verifika tal-enerġija, huma jistgħu jiddependu fuq is-sistema ta’ kontroll indipendenti li diġà tkun fis-seħħ għal dik l-iskema.

Artikolu 6

Awtovalutazzjoni

1.   Sal-1 ta’ April 2021, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni fuq is-sit web tagħha, qafas li jippermetti lis-sidien, lill-utenti u lil partijiet ikkonċernati oħra tal-bini jevalwaw il-potenzjal ta’ intelliġenza ta’ bini jew ta’ unità tal-bini. L-Istati Membri jistgħu jadattaw jew jissupplimentaw dan il-qafas għall-użu fil-kuntest nazzjonali tagħhom.

2.   Meta l-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini jew tal-unità tal-bini jiġi evalwat mis-sidien, mill-utenti jew minn partijiet ikkonċernati oħra tal-bini mingħajr l-intervent ta’ espert, dan jaf ma jwassalx għall-ħruġ ta’ ċertifikat tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

Artikolu 7

Monitoraġġ u promozzjoni tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza, l-esperti li joperaw fit-territorju tal-Istat Membru rispettiv jew tal-Istati Membri rispettivi għandhom jirrappurtaw id-data fuq iċ-ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza li joħorġu lill-awtoritajiet nazzjonali, jew fejn ikun applikabbli lill-awtoritajiet reġjonali, tal-Istati Membri rispettivi, f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza għandhom jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni l-għadd ta’ ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza li jinħarġu fit-territorju tagħhom u l-istatistika relatata, kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni, abbażi ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri, mal-esperti u mal-partijiet ikkonċernati, u abbażi tad-data pprovduta mill-esperti, għandha timmonitorja l-adozzjoni mis-suq tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

4.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza jistgħu jistabbilixxu miżuri addizzjonali biex jappoġġaw l-adozzjoni tal-iskema. Tali miżuri jistgħu jiġu stabbiliti u rrappurtati fil-kuntest tal-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul meħtieġa skont l-Artikolu 2a tad-Direttiva 2010/31/UE.

Artikolu 8

Ittestjar tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   L-Istati Membri jistgħu jwettqu fażi tal-ittestjar mhux vinkolanti tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza fil-livell nazzjonali.

2.   Il-fażijiet tal-ittestjar nazzjonali jistgħu jibdew mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri li jwettqu fażi tal-ittestjar nazzjonali għandhom jippreżentaw rapport dwar il-feedback relatat lill-Kummissjoni sa sitt xhur wara l-konklużjoni tal-fażi tal-ittestjar.

4.   L-arranġamenti kollha tal-fażijiet tal-ittestjar nazzjonali għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri. Dawn jinkludu d-durata, l-introduzzjoni gradwali, it-tipi ta’ bini u ż-żoni ġeografiċi mmirati, l-aspetti tal-qafas tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza li jiġu ttestjati, l-arranġamenti għall-ġbir tal-feedback, il-kriterji għall-għażla tal-esperti li jwettqu l-valutazzjonijiet tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza, id-deċiżjoni dwar jekk sistema ta’ kontroll indipendenti tiġix stabbilita bħala parti mill-fażi tal-ittestjar, id-deċiżjoni dwar jekk iċ-ċertifikati jinħarġux u jitqegħdux għad-dispożizzjoni tal-operaturi ekonomiċi matul il-fażi tal-ittestjar, u d-deżinjazzjoni ta’ parti terza għall-immaniġġjar tal-fażi tal-ittestjar, meta jkun rilevanti, iżda mhumiex limitati għalihom.

5.   Fl-aħħar tal-fażijiet tal-ittestjar nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-eżiti u jiddeċiedu jekk humiex se jimplimentaw l-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

6.   L-Istati Membri li jippjanaw li jwettqu fażi tal-ittestjar nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni qabel it-tnedija tal-fażi tal-ittestjar, filwaqt li jindikaw ukoll l-arranġamenti applikabbli.

7.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri li jwettqu fażi tal-ittestjar tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza fil-livell nazzjonali billi tipprovdi l-qafas imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament u billi tappoġġa l-iskambji ta’ informazzjoni u l-prattiki tajbin.

8.   Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, għandha timmonitorja l-fażijiet tal-ittestjar tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza.

9.   L-Istati Membri li jagħżlu li jwettqu l-fażi tal-ittestjar jistgħu jinkludu fir-rapport tagħhom lill-Kummissjoni analiżi jew evalwazzjoni tad-data miġbura mill-esperti nazzjonali tagħhom. Tali analiżijiet jew evalwazzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-iżvilupp ulterjuri tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza u tal-metodoloġija relatata.

Artikolu 9

Rieżami

Sal-1 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina dan ir-Regolament, kif ikun xieraq, fid-dawl tal-esperjenza li tkun inkisbet u l-progress li jkun sar matul l-applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2155 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni Ewropea għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-bini (Ara l-paġna 9 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).


ANNESS

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza

1.   

Għal kull ċertifikat li jinħareġ, l-esperti jirrappurtaw id-data dwar il-kategoriji li ġejjin, fejn tkun disponibbli, lill-awtoritajiet nazzjonali, jew meta jkun rilevanti, lill-awtoritajiet reġjonali:

(a)

it-tip ta’ bini jew ta’ unità tal-bini;

(b)

l-erja totali ta’ art utilizzabbli tal-bini jew tal-unità tal-bini;

(c)

il-klassi tal-potenzjal ta’ intelliġenza;

(d)

il-punteġġ kumplessiv tal-potenzjal ta’ intelliġenza;

(e)

il-punteġġi tal-potenzjal ta’ intelliġenza fir-rigward tat-tliet funzjonalitajiet ewlenin tal-potenzjal ta’ intelliġenza enfasizzati fl-Anness IA tad-Direttiva 2010/31/UE u fir-Regolament Delegat (UE) 2020/2155;

(f)

il-punteġġi tal-potenzjal ta’ intelliġenza fir-rigward tal-kriterji tal-impatt tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2155.

2.   

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-iktar approċċ effettiv biex tkun tista’ tinġabar dik id-data. Meta tkun disponibbli jistgħu jiddependu fuq il-bażi tad-data tagħhom taċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

3.   

L-Istati Membri jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni dwar id-data miġbura f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1. Ir-rapport annwali lill-Kummissjoni jinkludi, meta jkunu disponibbli, minn tal-inqas dan li ġej:

(a)

l-għadd totali ta’ ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza li jkunu nħarġu, id-distribuzzjoni kumplessiva tal-klassijiet tal-potenzjal ta’ intelliġenza, f’konformità mal-Anness VIII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2155, u l-istatistika dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini u tal-unitajiet tal-bini li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza;

(b)

l-istatistika dwar il-bini li għalih ikunu nħarġu ċertifikati tal-indikatur tal-potenzjal ta’ intelliġenza fis-sena tar-rappurtar, inkluż is-sehem ta’ ċertifikati:

(1)

għall-bini residenzjali u mhux residenzjali;

(2)

għall-abitazzjonijiet b’familja waħda;

(3)

għall-bini b’iktar minn familja waħda;

(4)

għall-bini mhux residenzjali b’erja totali ta’ art utilizzabbli daqs jew inqas minn 1 000 m2;

(5)

għall-bini mhux residenzjali b’erja totali ta’ art utilizzabbli ta’ iktar minn 1 000 m2.

(c)

Id-distribuzzjoni tal-klassijiet tal-potenzjal ta’ intelliġenza, skont l-Anness VIII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2155 għal kull waħda mill-kategoriji ta’ bini li ġejjin:

(1)

l-abitazzjonijiet b’familja waħda;

(2)

il-bini b’iktar minn familja waħda;

(3)

il-bini mhux residenzjali b’erja totali ta’ art utilizzabbli daqs jew inqas minn 1 000 m2;

(4)

il-bini mhux residenzjali b’erja totali ta’ art utilizzabbli ta’ iktar minn 1 000 m2.

4.   

Meta id-data disponibbli tkun tippermetti, l-Istati Membri jistgħu jagħtu statistika iktar dettaljata, u jagħmlu distinzjoni bejn it-tipi ta’ bini, bħall-bini edukattiv, il-bini tal-kura tas-saħħa, jew il-bini ta’ wirt storiku.


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/30


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2157

tal-14 ta’ Diċembru 2020

li japprova emendi tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta (“Montello - Colli Asolani” (DOP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emendi tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Montello - Colli Asolani”, imressqa mill-Italja f’konformità mal-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) flimkien mal-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33. L-emendi jipprevedu bidla fl-isem minn “Montello - Colli Asolani” għal “Asolo Montello”/“Montello Asolo”.

(2)

Il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3), kif meħtieġ mill-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(3)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-emendi tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jiġu approvati f’konformità mal-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 flimkien mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-isem “Montello - Colli Asolani” (DOP) hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(3)  ĠU C 325, 2.10.2020, p. 28.


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/32


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2158

tal-14 ta’ Diċembru 2020

li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Chabichou du Poitou” (DOP)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Franza għall-approvazzjoni ta’ modifika fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Chabichou du Poitou”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2), hekk kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 159/2009 (3).

(2)

Permezz tal-ittra tal-4 ta’ Diċembru 2018, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li kienu ingħataw perjodi tranżitorji skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ta’ tul ta’ żmien limitat ta’ bejn sentejn u ħames snin, lil operaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu msemmi f’konformità mad-Digriet tas-7 ta’ Novembru 2018 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Chabichou du Poitou” ippubblikat fl-14 ta’ Novembru 2018 fil-Journal Officiel de la République française (4). Permezz tal-ittra tat-28 ta’ Jannar 2020, l-istess awtoritajiet ikkomunikaw it-test ta’ Digriet ġdid tal-24 ta’ Diċembru 2019 ippubblikat fl-10 ta’ Jannar 2020 fil-Journal Officiel de la République française (5) li jemenda d-Digriet tas-7 ta’ Novembru 2018 u l-ismijiet tal-operaturi li jibbenefikaw minn dan il-perijodu tranżitorju. Il-lista tal-operaturi hija annessa mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Matul il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni, dawn l-operaturi li kienu kkummerċjalizzaw legalment il-“Chabichou du Poitou” b’mod kontinwu għal mill-inqas ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, kienu ressqu oppożizzjonijiet. Żewġ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: Intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”: “It-taqtir minn qabel tal-baqta huwa pprojbit.”. Żewġ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: L-intestatura “Deskrizzjoni tal-prodott”: “Il- “Chabichou du Poitou” huwa magħmul esklussivament mill-ħalib [tal-mogħoż] mhux ipproċessat [u sħiħ]” u l-intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”: “Il-ħalib użat huwa ħalib tal-mogħoż mhux ipproċessat. ”. Mitt operatur ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: Intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”: “Tal-anqas 75 % tar-razzjon annwali tal-mogħoż għandu jiġi miż-żona ġeografika, jiġifieri 825 kg ta’ materja niexfa għal kull mogħża fis-sena.”. Tmintax il-operatur ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: Intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”: “Ir-razzjon huwa magħmul minn tal-anqas 55 % foraġġ jiġifieri 605 kilogramma ta’ materja niexfa għal kull mogħża fis-sena”. Sitta u tmenin operatur ressqu oġġezzjoni dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”: “Ir-razzjon supplimentari għandu jkun fih mill-inqas 150 kilogramma jew 30 % ta’ ċereali u/jew żrieragħ żejtnin u/jew għelejjel li fihom il-proteini miż-żona ġeografika.”, u “Ir-razzjon għal kull mogħża fis-sena għandu jkun fih tal-anqas 200 kilogramma ta’ materja niexfa f’forma ta’ nifel jew għelejjel tal-legumi, li jkunu ġejjin miż-żona ġeografika.” u “Il-foraġġi jiġu prodotti kollha fiż-żona ġeografika.”.

(3)

Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għal emenda, kif meħtieġ skont l-Artikolu 50(2)(a) tal-istess Regolament, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6).

(4)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna d-denominazzjoni “Chabichou du Poitou” (DOP), hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Il-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 hija soġġetta għall-perjodu tranżitorju mogħti minn Franza skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 lill-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu, wara d-Digrieti tas-7 ta’ Novembru 2018 u tal-24 ta’ Diċembru 2019 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Chabichou du Poitou” ippubblikati rispettivament fl-14 ta’ Novembru 2018 u fl-10 ta’ Jannar 2020 fil-Journal Officiel de la République française.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 159/2009 tal-25 ta’ Frar 2009 li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Chabichou du Poitou (DPO)) (ĠU L 53, 26.2.2009, p. 8).

(4)  Journal Officiel de la République française, Nru 0263 tal-14 ta’ Novembru 2018, test Nru 36.

(5)  Journal Officiel de la République française, Nru 0008 tal-10 ta’ Jannar 2020, test Nru 35.

(6)  ĠU C 251, 31.7.2020, p. 22.


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/34


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2159

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) u (b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jistabbilixxi nomenklatura għall-merkanzija (“Nomenklatura Magħquda” jew “NM”), biex fl-istess waqt jissodisfa r-rekwiżiti tat-Tariffa Doganali Komuni, tal-istatistika tal-kummerċ estern tal-Unjoni, u tal-politiki oħrajn tal-Unjoni li jikkonċernaw l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-merkanzija.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jistabbilixxi wkoll Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (“TARIC”), li tissodisfa r-rekwiżiti tat-Tariffa Doganali Komuni, l-istatistika tal-kummerċ estern, il-politika kummerċjali, il-politika agrikola u politiki oħrajn tal-Unjoni li jikkonċernaw l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-oġġetti.

(3)

Sabiex l-Unjoni timmonitorja l-istatistika relatata biss mal-importazzjoni ta’ oġġetti speċifiċi, il-ħolqien ta’ subintestaturi statistiċi fit-TARIC huwa l-aktar għodda xierqa; tali kodiċijiet statistiċi TARIC huma stabbiliti fl-Anness 10 “Kodiċijiet Statistiċi TARIC” tat-Tielet Parti “Annessi għat-Tariffa” tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1369 (2) introduċa subintestaturi TARIC ġodda għall-maskri protettivi tal-wiċċ fl-Anness 10 tal-Parti Tlieta tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87. Sabiex jiġi żgurat li dawk il-kodiċijiet il-ġodda jiġu introdotti mill-ġdid fin-Nomenklatura Magħquda applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021, jeħtieġ li jiġi emendat l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, billi dan irid jiġi emendat, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1577 (3).

(5)

Is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 għadha għaddejja fl-Unjoni u l-Istati Membri qed ibatu biex iwaqqfu t-tixrid tal-COVID-19. Għalhekk, id-domanda għal ċerti oġġetti mediċi u l-użu tagħhom fl-Istati Membri, b’mod partikolari l-maskri protettivi tal-wiċċ, ir-reaġenti dijanjostiċi u l-kits dijanjostiċi, huma għoljin u qed jiżdiedu u x’aktarx jibqgħu għoljin fil-futur. L-importazzjonijiet ta’ tali oġġetti jġibu magħhom sfidi addizzjonali għall-awtoritajiet doganali.

(6)

Sabiex jiġu ffaċilitati u armonizzati l-kontrolli doganali fl-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni, huwa xieraq li jinħolqu subintestaturi TARIC addizzjonali, li jippermettu li l-prodotti kkonċernati jiġu distinti aktar malajr minn oħrajn taħt l-istess subintestatura, u b’hekk jittaffa l-impatt ta’ dewmien possibbli fil-katina tal-provvista matul il-pandemija tal-COVID-19.

(7)

Meta titqies l-importanza tal-vaċċini tas-SARS-CoV-2, il-ħolqien ta’ kodiċi NM ikun xieraq, sabiex tiġi mmonitorjata wkoll l-esportazzjoni tagħhom.

(8)

Jenħtieġ li jinħolqu subintestaturi TARIC addizzjonali sabiex jiġi żgurat monitoraġġ aħjar tal-flussi kummerċjali ta’ maskri protettivi tal-wiċċ, ir-reaġenti dijanjostiċi u l-kits dijanjostiċi.

(9)

Tali subintestaturi addizzjonali tat-TARIC jiffaċilitaw ukoll l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 (4). Peress li l-maskri protettivi tal-wiċċ huma fost il-prodotti l-aktar importati, l-identifikazzjoni speċifika tagħhom fit-TARIC tippermetti proċess ta’ dikjarazzjoni aktar mgħaġġel billi ssir distinzjoni bejn dawn il-prodotti u prodotti oħrajn li bħalissa huma kklassifikati taħt l-istess subintestatura.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jiġi emendat skont dan.

(11)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu japplikaw l-emendi għan-Nomenklatura Magħquda stabbiliti f’dan ir-Regolament mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1577, sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-ġbir tad-data statistika għall-oġġetti rilevanti. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1369 tad-29 ta’ Settembru 2020 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 319, 2.10.2020, p. 2).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1577 tal-21 ta’ Settembru 2020 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 361, 30.10.2020, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (ĠU L 103I, 3.4.2020, p. 1.)


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-Tieni Parti, it-Taqsima VI, il-Kapitolu 30, ir-ringieli tal-kodiċi NM 3002 13 00, 3002 14 00 u 3002 15 00 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3002 13 00

- - Prodotti immunoloġiċi, mhux imħallta, mhux ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut (*1)

Bla ħlas

-

3002 14 00

- - Prodotti immunoloġiċi, imħallta, mhux ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut (*1)

Bla ħlas

-

3002 15 00

- - Prodotti immunoloġiċi, ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut (*1)

Bla ħlas

-

(2)

Fit-Tieni Parti, it-Taqsima VI, il-Kapitolu 30, ir-ringiela tal-kodiċi NM 3002 20 00 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“3002 20

- Vaċċini għal mediċina umana:

 

 

3002 20 10

- - Vaċċini kontra l-coronaviruses relatati mas-SARS (speċijiet tas-SARS-CoV)

Bla ħlas

p/st (*2)

3002 20 90

- - Oħrajn

Bla ħlas

-

(3)

Fit-Tieni Parti, it-Taqsima VI, il-Kapitolu 38, ir-ringiela tal-kodiċi NM 3822 00 00 hija sostitwita b’dan li ġej:

“3822 00 00

Reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju fuq rifda, reaġenti ppreparati dijanjostiċi jew ta’ laboratorju fuq rifda jew le, għajr dawk tal-intestatura 3002 jew 3006; materjali ta’ referenza ċertifikati (*3)

Bla ħlas

-

(4)

Fit-Tieni Parti, it-Taqsima XI, il-Kapitolu 63, ir-ringieli tal-kodiċi NM 6307 90 93 u 6307 90 95 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“6307 90 93

- - - - - Partijiet ta’ mal-wiċċ filtranti (FFP) skont EN149; maskri oħrajn li jikkonformaw ma’ standard simili għall-maskri bħala apparat respiratorju protettiv li jipproteġi mill-partiċelli (*4)

6,3

p/st

6307 90 95

- - - - - Oħrajn  (*4)

6,3

p/st

(5)

Fit-Tielet Parti, fl-Anness 10, jiddaħħlu r-ringieli li ġejjin:

“3002 13 00

- - Prodotti immunoloġiċi, mhux imħallta, mhux ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut:

 

3002130010

- - - Reaġenti dijanjostiċi tat-tip użat fid-dijanjożi ta’ infezzjonijiet tal-ispeċijiet tal-virus SARS-CoV

-

3002130090

- - - Oħrajn

-

3002 14 00

- - Prodotti immunoloġiċi, imħallta, mhux ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut:

 

3002140010

- - - Reaġenti dijanjostiċi tat-tip użat fid-dijanjożi ta’ infezzjonijiet tal-ispeċijiet tal-virus SARS-CoV

-

3002140090

- - - Oħrajn

-

3002 15 00

- - Prodotti immunoloġiċi, ippreżentati f’dożi mkejla jew f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut:

 

3002150010

- - - Reaġenti dijanjostiċi tal-ispeċijiet tal-virus SARS-CoV, kemm jekk fil-forma ta’ kits u kemm jekk le

-

3002150090

- - - Oħrajn

-”

“3822 00 00

Reaġenti dijanjostiċi jew ta’ laboratorju fuq rifda, reaġenti ppreparati dijanjostiċi jew ta’ laboratorju fuq rifda jew le, għajr dawk tal-intestatura 3002 jew 3006 ; materjali ta’ referenza ċertifikati:

 

3822000010

- Reaġenti dijanjostiċi tal-ispeċijiet tal-virus SARS-CoV, kemm jekk fil-forma ta’ kits u kemm jekk le

-

3822000090

- Oħrajn

-”

 

“- - - - Maskri protettivi tal-wiċċ:

 

6307 90 93

- - - - - Partijiet ta’ mal-wiċċ filtranti (FFP) skont EN149; maskri oħrajn li jikkonformaw ma’ standard simili għall-maskri bħala apparat respiratorju protettiv li jipproteġi mill-partiċelli:

 

 

- - - - - - Drappijiet mhux minsuġin:

 

 

- - - - - - - Partijiet ta’ mal-wiċċ filtranti FFP2 u FFP3 skont EN149 u maskri simili:

 

6307909311

- - - - - - - - Partijiet ta’ mal-wiċċ filtranti FFP2 u FFP3 skont EN149

p/st

6307909319

- - - - - - - - Oħrajn

p/st

6307909320

- - - - - - - Oħrajn

p/st

6307909390

- - - - - - Oħrajn

p/st

6307 90 95

- - - - - Oħrajn:

 

 

- - - - - - Drappijiet mhux minsuġin:

 

 

- - - - - - - Maskri mediċi tal-wiċċ skont EN14683; maskri oħrajn li jikkonformaw ma’ standard simili għall-maskri mediċi tal-wiċċ:

 

6307909511

- - - - - - - - Maskri mediċi tal-wiċċ skont EN14683

p/st

6307909519

- - - - - - - - Oħrajn

p/st

6307909520

- - - - - - - Oħrajn

p/st

 

- - - - - - Oħrajn:

 

6307909591

- - - - - - - Magħmula bl-idejn

p/st

6307909595

- - - - - - - Oħrajn

p/st”


(*1)  Il-kodiċijiet statistiċi TARIC: Ara l-Anness 10.”.

(*2)  Doża (fil-każ ta’ kontenituri b’ħafna dożi, doża għall-adulti)”

(*3)  Il-kodiċijiet statistiċi TARIC: Ara l-Anness 10.”.

(*4)  Il-kodiċijiet statistiċi TARIC: Ara l-Anness 10.”.


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/38


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2160

tat-18 ta’ Diċembru 2020

li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-grupp ta’ sustanzi 4-(1,1,3,3-Tetrametilbutil)fenol, etossilati (li jkopru sustanzi definiti sew u sustanzi ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta’ reazzjoni jew materjali bijoloġiċi, polimeri u omologi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 58 u 131 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-marda tal-coronavirus (COVID-19) hija marda li tittieħed, ikkaġunata minn coronavirus li għadu kemm ġie skopert. Fit-30 ta’ Jannar 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ rilevanza internazzjonali u, fil-11 ta’ Marzu 2020, ikklassifikat il-COVID-19 bħala pandemija.

(2)

Il-grupp ta’ sustanzi 4-(1,1,3,3-Tetrametilbutil)fenol, etossilati (li jkopru sustanzi definiti sew u sustanzi ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta’ reazzjoni jew materjali bijoloġiċi, polimeri u omologi) (“il-grupp ta’ sustanzi”) jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u huwa elenkat fl-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament.

(3)

L-aħħar data tal-applikazzjoni għall-grupp ta’ sustanzi kienet l-4 ta’ Lulju 2019 u d-data tat-terminazzjoni hija stabbilita għall-4 ta’ Jannar 2021. F’konformità mal-Artikolu 56(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-użi tal-grupp ta’ sustanzi mhumiex permessi wara d-data tat-terminazzjoni sakemm ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni għal użu partikolari, ma tkunx ġiet sottomessa applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għal użu partikolari qabel l-aħħar data tal-applikazzjoni iżda ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni jew sakemm l-użu ma jkunx kopert minn eżenzjoni f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

(4)

Il-pandemija tal-COVID-19 ħolqot emerġenza tas-saħħa pubblika bla preċedent. Barra minn hekk, il-miżuri li l-Istati Membri kellhom jadottaw biex irażżnu l-firxa tal-COVID-19 ħolqu tfixkil maġġuri għall-ekonomiji nazzjonali u għall-Unjoni kollha.

(5)

Qed jiġu żviluppati trattamenti u vaċċini potenzjali biex jiġġieldu kontra l-COVID-19. Il-grupp ta’ sustanzi jintuża fid-dijanjożi tal-COVID-19 u fil-produzzjoni ta’ għodod għal dak l-iskop. Bħalissa qed jintuża għall-produzzjoni ta’ kits dijanjostiċi in vitro. Il-grupp ta’ sustanzi jintuża wkoll fl-iżvilupp ta’ vaċċini għall-ġlieda kontra l-COVID-19 u mistenni li jintuża fil-produzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-grupp ta’ sustanzi jintuża għall-iżvilupp u għall-produzzjoni ta’ ingredjenti farmaċewtiċi attivi u ta’ forom ta’ dożaġġ lesti għall-ġlieda kontra l-COVID-19.

(6)

F’din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika, huwa ta’ interess kbir għall-Unjoni li jkunu jistgħu jiġu żviluppati, jiġu prodotti, magħmula disponibbli u użati fl-Unjoni malajr kemm jista’ jkun prodotti mediċinali sikuri u effikaċi, apparat mediku sikur kif ukoll aċċessorji tal-apparat mediku sikuri, adatti għad-dijanjożi, għat-trattament jew għall-prevenzjoni tal-COVID-19.

(7)

Madankollu, peress li l-aħħar data tal-applikazzjoni tal-4 ta’ Lulju 2019 għaddiet qabel bdiet tal-pandemija tal-COVID-19, l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-użu tal-grupp ta’ sustanzi għad-dijanjożi, għat-trattament jew għall-prevenzjoni tal-COVID-19 ma setgħux jiġu sottomessi qabel dik id-data u għalhekk dawn l-użi ma jistgħux ikomplu legalment wara d-data tat-terminazzjoni.

(8)

Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li jiġi żgurat li l-użu tal-grupp ta’ sustanzi ma jiġix ostakolat għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali, apparat mediku jew aċċessorji tal-apparat mediku, inkluż apparat mediku dijanjostiku in vitro, u għall-użu fit-tali apparat mediku jew aċċessorji fid-dawl tal-użu tagħhom għad-dijanjożi, għat-trattament jew għall-prevenzjoni tal-COVID-19 wara d-data tat-terminazzjoni kif stabbilita bħalissa fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, bħala miżura eċċezzjonali għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(9)

Barra minn hekk, jekk ikun permess li jitkompla l-użu tal-grupp ta’ sustanzi għal dawk il-finijiet speċifiċi wara l-4 ta’ Jannar 2021, dan jista’ jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-“Istrateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19” (2).

(10)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi posposta l-aħħar data tal-applikazzjoni u d-data tat-terminazzjoni stabbiliti għall-grupp ta’ sustanzi fir-rigward tal-użi għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali, apparat mediku jew aċċessorji tal-apparat mediku, inkluż apparat mediku dijanjostiku in vitro għad-dijanjożi, għat-trattament jew għall-prevenzjoni tal-COVID-19 u l-użu fit-tali apparat mediku jew aċċessorji. Huwa meħtieġ posponiment tal-aħħar data tal-applikazzjoni sa 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sabiex ikunu jistgħu jitħejjew l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ dawk l-użi u għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi posposta d-data tat-terminazzjoni sa 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat skont dan.

(12)

Peress li l-aħħar data tal-applikazzjoni għall-grupp ta’ sustanzi diġà għaddiet qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-perjodu li matulu l-applikazzjonijiet għall-użi għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali, apparat mediku jew aċċessorji tal-apparat mediku, inkluż apparat mediku dijanjostiku in vitro, fid-dawl tal-użu tagħhom għad-dijanjożi, għat-trattament jew għall-prevenzjoni ta’ dik il-marda u l-użu fit-tali apparat mediku jew aċċessorji jkunu jistgħu jiġu sottomessi b’mod validu sabiex l-użu tagħhom ikun kopert mill-punt (d) tal-Artikolu 56(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, huwa meħtieġ li jiġi previst dħul fis-seħħ urġenti ta’ dan ir-Regolament u applikazzjoni retroattiva tiegħu mill-4 ta’ Lulju 2019. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika b’mod retroattiv sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-użu tal-grupp ta’ sustanzi wara l-4 ta’ Jannar 2021 għall-istess użi.

(13)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-4 ta’ Lulju 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ewropew tal-Investiment tas-17 ta’ Ġunju 2020 Strateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19, COM (2020) 245 final.


ANNESS

Fit-tabella fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-entrata 42 dwar l-4-(1,1,3,3-Tetrametilbutil)fenol, etossilati (li jkopru sustanzi definiti sew u sustanzi ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, prodotti kumplessi ta’ reazzjoni jew materjali bijoloġiċi, polimeri u omologi) hija emendata kif ġej:

(1)

it-test tal-kolonna 4 “L-aħħar data tal-applikazzjoni” huwa sostitwit bit-test li ġej:

“(a)

l-4 ta’ Lulju 2019 (*);

(b)

permezz ta’ deroga mill-punt (a), it-22 ta’ Ġunju 2022 għall-użi kif ġej:

għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/83/KE jew apparat mediku jew aċċessorji tal-apparat mediku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/42/KEE, tar-Regolament (UE) 2017/745, tad-Direttiva 98/79/KE jew tar-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ((**)), fid-dawl tal-użu tagħhom għad-dijanjożi, għat-trattament jew għall-prevenzjoni tal-marda tal-coronavirus (COVID-19);

fl-apparat mediku jew fl-aċċessorji tal-apparat mediku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/42/KEE, tar-Regolament (UE) 2017/745, tad-Direttiva 98/79/KE jew tar-Regolament (UE) 2017/746, għad-dijanjożi, għat-trattament jew għall-prevenzjoni tal-COVID-19.

((**))  Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176).”;"

(2)

it-test tal-kolonna 5 “Data tat-terminazzjoni” huwa sostitwit bit-test li ġej:

“(a)

l-4 ta’ Jannar 2021 (**);

(b)

permezz ta’ deroga mill-punt (a), it-22 ta’ Diċembru 2023 għall-użi kif ġej:

għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/83/KE jew apparat mediku jew aċċessorji tal-apparat mediku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/42/KEE, tar-Regolament (UE) 2017/745, tad-Direttiva 98/79/KE jew tar-Regolament (UE) 2017/746, fid-dawl tal-użu tagħhom għad-dijanjożi, għat-trattament jew għall-prevenzjoni tal-COVID-19;

fl-apparat mediku jew fl-aċċessorji tal-apparat mediku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/42/KEE, tar-Regolament (UE) 2017/745, tad-Direttiva 98/79/KE jew tar-Regolament (UE) 2017/746, għad-dijanjożi, għat-trattament jew għall-prevenzjoni tal-COVID-19.”


((**))  Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176).”;”


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/42


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2161

tat-18 ta’ Diċembru 2020

li jniedi investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/915 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tat-8 ta’ Ġunju 2016 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

A.   TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) ir-Regolament bażiku, biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u biex tissoġġetta għar-reġistrazzjoni l-importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli ikkonsenjat mit-Tajlandja, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le.

(2)

It-talba ġiet ippreżentata fid-9 ta’ Novembru 2020. L-applikant talab l-anonimità u ssostanzjaha kif xieraq fit-talba. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm raġunijiet suffiċjenti biex tingħata l-kunfidenzjalità tal-identità tal-applikant.

B.   PRODOTT

(3)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ 0,007 mm jew aktar iżda inqas minn 0,021 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar ħlief irrumblat, sew jekk ibbuzzat kif ukoll jekk le, f’rombli ta’ piż baxx ta’ mhux aktar minn 10 kg, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915 (2) taħt il-kodiċijiet NM ex 7607 11 11 u ex 7607 19 10 (il-kodiċijiet TARIC 7607111110 u 7607191010) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri fis-seħħ bħalissa.

(4)

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 7607 11 11 u ex 7607 19 10, iżda li huwa kkonsenjat mit-Tajlanda, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Tajlandja kif ukoll jekk le (il-kodiċijiet TARIC 7607111111 u 7607191011 (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

C.   MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ u li possibbilment qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tagħhom huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/915 (“il-miżuri eżistenti”).

D.   RAĠUNIJIET

(6)

It-talba fiha biżżejjed evidenza li l-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qegħdin qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tagħhom permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat.

(7)

L-evidenza fit-talba turi dan li ġej.

(8)

Kien hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott kkonċernat.

(9)

Jidher li din il-bidla ġejja mill-kunsinna tal-prodott ikkonċernat permezz tat-Tajlandja lejn l-Unjoni wara operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fit-Tajlandja. L-evidenza turi li dawn l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni billi l-operazzjonijiet bdew jew żdiedu sostanzjalment minn meta bdiet, jew eżatt qabel, l-investigazzjoni anti-dumping. Barra minn hekk, il-partijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina użati f’dawn l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jikkostitwixxu aktar minn 60 % tal-valur totali tal-prodott assemblat filwaqt li l-valur miżjud matul l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ huwa inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

(10)

Barra minn hekk, l-evidenza turi li, minħabba l-prattiki deskritti hawn fuq, l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qed jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezz. Jidher li daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qed isiru bi prezzijiet dannużi.

(11)

Fl-aħħar nett, l-evidenza turi li l-prezzijiet tal-prodott li qed jiġi investigat huma oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit preċedentment għall-prodott ikkonċernat.

(12)

Jekk il-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li huma koperti bl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr dawk imsemmija hawn fuq, jiġu identifikati fl-andament tal-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn il-prattiki.

E.   PROĊEDURA

(13)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat soġġetti għal reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(14)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għal din l-investigazzjoni, jenħtieġ li l-partijiet kollha interessati jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha. Jekk ikun meħtieġ, tista’ wkoll tintalab informazzjoni mingħand l-industrija tal-Unjoni.

(15)

L-awtoritajiet tat-Tajlandja u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina se jiġu nnotifikati bil-bidu tal-investigazzjoni.

(a)   Ġbir ta’ informazzjoni u seduti ta’ smigħ

(16)

Il-partijiet interessati kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kwalunkwe assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dment li dawn is-sottomissjonijiet isiru fi żmien l-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu.

(b)   Talbiet għal eżenzjonijiet

(17)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni.

(18)

Billi ċ-ċirkomvenzjoni possibbli sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat fit-Tajlandja li jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Jekk ikun hemm produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni, jenħtieġ li dawn jippreżentaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Kopji tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-formola tat-talba għall-eżenzjoni għall-produtturi esportaturi fit-Tajlandja u l-kwestjonarji għall-importaturi fl-UE jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2503. Il-kwestjonarji jridu jiġu ppreżentati fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

F.   REĠISTRAZZJONI

(19)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta li jkun hemm ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq ta’ dazji anti-dumping, li ma jaqbiżx id-dazju residwu impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915, mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet.

G.   LIMITI TA’ ŻMIEN

(20)

Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti ta’ żmien li fihom:

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa lill-Kummissjoni, jippreżentaw kwestjonarji, jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub jew kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha tiġi kkunsidrata matul l-investigazzjoni,

il-produtturi fit-Tajlandja jistgħu jitolbu għal eżenzjonijiet mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(21)

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw lilhom infushom fil-limiti ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

H.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(22)

Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(23)

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni ma għandhiex titqies u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(24)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u, għaldaqstant, is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

I.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(25)

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

J.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(26)

Ta’ min jinnota li kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(27)

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/.

K.   UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(28)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża ta’ partijiet interessati u partijiet terzi kif dawn jinqalgħu dwar il-proċediment.

(29)

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti interessata/partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

(30)

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika dan l-intervent. Fil-prinċipju, l-oqfsa ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

(31)

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ KUMMERĊ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Inbdiet investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sabiex jiġi determinat jekk hux qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/915 mill-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju f’rombli ta’ ħxuna ta’ 0,007 mm jew aktar iżda inqas minn 0,021 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar ħlief irrumblat, sew jekk ibbuzzat kif ukoll jekk le, f’rombli ta’ piż baxx ta’ mhux aktar minn 10 kg, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 7607 11 11 u ex 7607 19 10, ikkonsenjat mit-Tajlandja, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le (il-kodiċijiet TARIC 7607111111 u 7607191011).

Artikolu 2

1.   Skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tordna lill-awtoritajiet doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti magħmula minn esportaturi/produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkun instab li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata eżenzjoni.

Artikolu 3

1.   Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju, f’każ li tintalab eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri, jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

3.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għas-seduti ta’ smigħ dwar l-istadju tal-bidu tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Sabiex tinstema’, kwalunkwe talba trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.

4.   L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ għandhom ikunu ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għal drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, il-partijiet interessati jridu jitolbu għal permess speċifiku mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti speċifikament a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) li tingħata l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’forma li tippermetti li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom.

5.   Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, kwestjonarji mimlija u korrispondenza pprovduta minn partijiet interessati li jintalab trattament kunfidenzjali għaliha, għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive (4)”. Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jirraġunaw it-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

6.   Il-partijiet li jagħtu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 li jiġu mmarkati “For inspection by limited parties”. Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

7.   Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni tajba għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora din l-informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

8.   Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni.

Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġu kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed jirreġistra u juża TRON.tdi jinsabu hawn: https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf.

Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf.

Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz elettroniku validu u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Brussels

BELGIUM

TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

Indirizz Elettroniku: TRADE-AC-ALUFOIL@ec.europa.eu

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915 tal-4 ta’ Ġunju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 146, 5.6.2019, p. 63).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(4)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/48


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2162

tat-18 ta’ Diċembru 2020

li jniedi investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 fuq importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju kkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

A.   TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri tal-anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju mibgħuta mit-Tajlandja soġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u kemm jekk le.

(2)

It-talba ġiet ippreżentata fid-9 ta’ Novembru 2020. L-applikant talab l-anonimità u ssostanzjaha kif xieraq fit-talba. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm raġunijiet suffiċjenti biex tingħata l-kunfidenzjalità tal-identità tal-applikant.

B.   PRODOTT

(3)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar milli rrumblat, f’rombli ta’ wisa’ li ma taqbiżx 650 mm u ta’ piż li jaqbeż l-10 kg, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 (2) taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111910), foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,007 mm u inqas minn 0,008 mm, irrispettivament mill-wisgħa tar-rombli, sew jekk ittemprat u sew jekk le, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 (3) taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111930), foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm u f’rombli ta’ wisa’ li taqbeż is-650 mm, kemm jekk ittemprat u kemm jekk le, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2017/271 taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111940), foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ aktar minn 0,018 mm u inqas minn 0,021 mm, irrispettivament mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk le, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 taħt kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111950), u/jew foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,021 mm u mhux aktar minn 0,045 mm, meta ppreżentat b’mill-inqas żewġ saffi, irrispettivament mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk le, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 taħt kodiċi NM ex 7607 11 90 (kodiċijiet TARIC 7607119045 u 7607119080) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”) Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri fis-seħħ bħalissa.

(4)

Il-prodott taħt investigazzjoni huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111910, 7607111930, 7607111940, 7607111950) u ex 7607 11 90 (kodiċi TARIC 7607119044, 7607119046, 7607119071, 7607119072), iżda kkunsinnat mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Tajlandja kif ukoll jekk le (kodiċi addizzjonali TARIC C601), (“il-prodott taħt investigazzjoni”).

C.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment qed jiġu evitati huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u estiżi bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2213 (“il-miżuri eżistenti”).

D.   BAŻI

(6)

It-talba fiha biżżejjed evidenza li l-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qegħdin jiġu evitati bl-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat.

(7)

L-evidenza fit-talba turi dan li ġej.

(8)

Sar kambjament fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajlandja lejn l-Unjoni wara l-imposizzjoni tal-miżuri fuq il-prodotti kkonċernati.

(9)

Jidher li din il-bidla ġejja mill-kunsinna tal-prodott ikkonċernat mit-Tajlandja lejn l-Unjoni wara l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fit-Tajlandja. L-evidenza turi li tali operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni peress li l-operazzjonijiet bdew jew żdiedu sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping. Barra minn hekk, il-partijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina użati waqt dawn l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jikkostitwixxu aktar minn 60 % tal-valur totali tal-prodott assemblat u l-valur miżjud matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ huwa inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

(10)

Barra minn hekk, l-evidenza turi li minħabba dawn il-prattiki deskritti hawn fuq l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet. L-importazzjonijiet ta’ volumi sinifikanti tal-prodott investigat jidher li daħlu fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat qed isiru bi prezzijiet dannużi.

(11)

Fl-aħħar nett, l-evidenza turi li l-prezzijiet tal-prodott taħt investigazzjoni huma oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

(12)

Jekk il-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li huma koperti bl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr dawk imsemmija hawn fuq, jiġu identifikati fl-andament tal-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn il-prattiki.

E.   PROĊEDURA

(13)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat soġġetti għal reġistrazzjoni, b’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(14)

Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-partijiet kollha interessati jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha. Jekk ikun meħtieġ, jista’ wkoll jintalab tagħrif mingħand l-industrija tal-Unjoni.

(15)

L-awtoritajiet tat-Tajlandja u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina se jiġu nnotifikati bil-bidu tal-investigazzjoni.

(a)   Ġbir ta’ tagħrif u seduti ta’ smigħ

(16)

Il-partijiet interessati kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kwalunkwe assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dment li dawn is-sottomissjonijiet isiru fi żmien l-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu.

(b)   Talba għal eżenzjonijiet

(17)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni.

(18)

Peress li ċ-ċirkomvenzjoni possibbli sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodott investigat fit-Tajlandja li jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Jekk ikun hemm produtturi jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom jippreżentaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Kopji tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-kwestjonarju tal-formola tat-talba għall-eżenzjoni għall-produtturi esportaturi fit-Tajlandja u l-kwestjonarji għall-importaturi fl-UE huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2502. Il-kwestjonarji għandhom jiġu ppreżentati fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

F.   REĠISTRAZZJONI

(19)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tikkonkludi li jkun hemm ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq, li ma jaqbiżx id-dazju residwu impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u estiż bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2213 ta’ dazji anti-dumping mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet bħal dawn.

G.   LIMITI TA’ ŻMIEN

(20)

Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti ta’ żmien li fihom:

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa lill-Kummissjoni, jissottomettu l-kwestjonarji, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw kwalunkwe tagħrif li għandu jiġi kkunsidrat matul l-investigazzjoni,

il-produtturi fit-Tajlandja jistgħu jitolbu eżenzjonijiet mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet jew miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(21)

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw lilhom infushom fil-limiti ta’ żmien indikati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

H.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(22)

Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta’ skadenza stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(23)

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieq, it-tagħrif ma għandux jitqies u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli b’mod konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(24)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

I.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(25)

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

J.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(26)

Ta’ min jinnota li kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(27)

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/.

K.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(28)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża ta’ partijiet interessati u partijiet terzi kif dawn jinqalgħu dwar il-proċediment.

(29)

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta jenħtieġ li ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

(30)

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jenħtieġ li jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-oqfsa ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

(31)

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-website tad-DĠ KUMMERĊ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar milli rrumblat, f’rombli ta’ wisa’ li ma taqbiżx 650 mm u ta’ piż li jaqbeż l-10 kg, foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,007 mm u inqas minn 0,008 mm, irrispettivament mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat jew le, foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm u f’rombli ta’ wisa’ li jaqbeż is-650 mm, kemm jekk ittemprat u kemm jekk le, foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ aktar minn 0,018 mm u inqas minn 0,021 mm, irrispettivament mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk le, attwalment ikklassifikati taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111910, 7607111930, 7607111940, 7607111950), u/jew foil tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,021 mm u mhux aktar minn 0,045 mm, meta ppreżentati b’mill-inqas żewġ saffi, irrispettivament mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk le, bħalissa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 90, (kodiċi TARIC 7607119044, 7607119046, 7607119071, 7607119072), ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fit-Tajlandja kif ukoll jekk le (kodiċi TARIC addizzjonali C601), humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u estiż bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2213.

Artikolu 2

1.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tordna lill-awtoritajiet doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti magħmula minn esportaturi/produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata eżenzjoni.

Artikolu 3

1.   Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew xi tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data meta ġie ppubblikat dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

3.   Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għal seduti ta’ smigħ li jikkonċernaw il-fażi tal-bidu tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.

4.   L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni tagħrif u/jew data soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża t-tagħrif u d-data għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) li jipprovdi t-tagħrif u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom.

5.   Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom għandhom jiġu mmarkati ‘Sensitive (5) (Sensittivi). Il-partijiet li jippreżentaw tagħrif matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

6.   Il-partijiet li jagħtu informazzjoni “Sensittiva” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 li jiġu mmarkati “For inspection by limited parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

7.   Jekk parti li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba għal trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali tagħrif sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li t-tagħrif huwa korrett.

8.   Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni.

Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġu kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed għandu jirreġistra u juża TRON.tdi huma disponibbli fuq https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf.

Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf.

Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u jridu jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Brussels

BELGIUM

TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

Indirizz Elettroniku: TRADE-AC-ALUFOIL@ec.europa.eu

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw fil-Brażil wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 63).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 tas-16 ta’ Frar 2017 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata (ĠU L 40, 17.2.2017, p. 51) u emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2213 tat-30 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata (ĠU L 316, 1.12.2017, p. 17).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(5)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/55


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2163

tat-18 ta’ Diċembru 2020

dwar l-implimentazzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq tar-regoli tal-oriġini li ġew stabbiliti fl-arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq anness mal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Protokoll”) itenni li l-Irlanda ta’ Fuq hija parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit, u li xejn fil-Protokoll ma jipprevjeni lir-Renju Unit milli jinkludi l-Irlanda ta’ Fuq fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Iskedi ta’ Konċessjonijiet tagħha annessi mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (“GATT 1994”). Għalhekk għall-fini tal-applikazzjoni tal-arranġamenti kummerċjali preferenzjali, il-pajjiżi terzi jew gruppi ta’ pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha arranġamenti kummerċjali preferenzjali ma jistgħux iqisu lill-Irlanda ta’ Fuq bħala parti mill-Unjoni. B’mod partikolari, għall-fini tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kumulazzjoni, il-merkanzija li toriġina jew li tiġu proċessata fl-Irlanda ta’ Fuq m’għandhiex titqies bħala merkanzija li toriġina jew li tiġi proċessata fl-Unjoni.

(3)

Madankollu, l-Artikolu 13(1) tal-Protokoll jipprevedi li kwalunkwe referenza għat-territorju doganali tal-Unjoni fil-Protokoll, kif ukoll fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni magħmula applikabbli għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq permezz tal-Protokoll, tapplika għat-territorju tal-art tal-Irlanda ta’ Fuq. F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll, ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 u obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, jew mill-Istati Membri tagħha b’ħidma konġunta, sakemm dawn ikollhom x’jaqsmu ma’ kummerċ f’merkanzija bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, japplikaw għar-Renju Unit u fih, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(4)

L-arranġamenti bilaterali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit taħt il-Protokoll ma jagħtux lok għal drittijiet u obbligi għal pajjiżi terzi oħra.

(5)

Skont l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 56(2)(d) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, il-liġi doganali tal-Unjoni tinkludi miżuri ta’ tariffi preferenzjali skont l-arranġamenti li l-Unjoni kkonkludiet ma’ jew adottat b’mod unilaterali mir-rigward ta’ ċerti pajjiżi jew territorji barra t-territorju doganali tagħha jew gruppi ta’ pajjiżi jew territorji bħal dawn.

(6)

Skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, sabiex jibbenefikaw min miżuri ta’ tariffi preferenzjali fl-Artikolu 56(2)(d) u (e) ta’ dak ir-Regolament, l-merkanzija jridu jikkonformaw mar-regoli dwar l-oriġini preferenzjali msemmija fl-Artikolu tiegħu 64(2) sa (5). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3) jistabbilixxi regoli proċedurali, imsemmija fl-Artikolu 64(1) li jiffaċilitaw it-twaqqif tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija fl-Unjoni.

(7)

Meta titqies is-sitwazzjoni speċjali relatata mad-dwana tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, u biex japplikaw il-miżuri ta’ tariffi preferenzjali u biex tiġi żgurata konformità mar-regoli rilevanti ta’ oriġini wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, jeħtieġ li jiġu adottati regoli proċedurali speċifiċi biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment fl-Irlanda ta’ Fuq tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija.

(8)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament jirrigwardaw il-provi preferenzjali tal-oriġini li għandhom jintużaw għall-merkanzija importata fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, il-verifika tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija u l-kundizzjonijiet għall-għoti u s-sospensjoni tal-miżuri tariffarji preferenzjali.

(9)

Hekk kif il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b’urġenza u japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal merkanzija importata fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fl-applikazzjoni tal-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 56(2)(d) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 2

Applikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini preferenzjali fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq

1.   Għall-fini tal-applikazzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq tal-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

2.   Referenzi magħmula lill-Unjoni jew lill-Istati Membri fir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jittieħdu li jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Madankollu, it-territorju tal-Irlanda ta’ Fuq m’għandux jitqies bħala parti mill-Unjoni fil-pajjiżi terzi jew gruppi ta’ pajjiżi terzi li l-Unjoni għandha ftehimiet kummerċjali preferenzjali għall-iskop tal-applikazzjoni, fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta Fuq, id-dispożizzjonijiet dwar kumulazzjoni f’dawk ir-regoli b’merkanzija li toriġina jew l-ipproċessar tagħha jsir fl-Unjoni.

Artikolu 3

Obbligi relatati ma’ provi ta’ oriġini skont l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali adottati b’mod unilaterali mill-Unjoni

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, il-provi tal-oriġini għall-prodotti li għandhom jiġu importati fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq għandhom jinħarġu jew jitfasslu fil-pajjiżi terzi jew il-gruppi ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 56(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, taħt l-istess kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-oriġini stabbiliti għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri għall-importazzjoni ta’ tali prodotti fl-Unjoni.

Artikolu 4

Provi tal-oriġini

Il-provi tal-oriġini maħruġa jew magħmula f’pajjiżi terzi jew gruppi ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1, għandhom jindikaw “ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq” għall-prodotti li għandhom jiġu importati fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, skont l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali li fihom dawk il-miżuri.

Artikolu 5

Verifika skont l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali adottati unilateralment mill-Unjoni

L-oriġini tal-prodotti importati fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq u li jibbenefikaw hemm mill-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 56(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, għandha titwettaq fil-pajjiżi terzi jew gruppi ta’ pajjiżi terzi, fuq talba tal-awtoritajiet doganali kompetenti tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, taħt l-istess kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-oriġini stabbiliti għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri għall-importazzjoni ta’ tali prodotti fl-Unjoni.

Artikolu 6

Għoti ta’ preferenzi skont l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali

1.   Miżuri tariffarji preferenzjali kif imsemmija fl-Artikolu 1 m’għandhomx jingħataw fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq sakemm il-pajjiżi terzi jew il-gruppi ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-miżuri tariffarju preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1 ikunu ħadu l-miżuri biex jiżguraw il-konformità, u jinfurmaw lill-Kummissjoni kif xieraq, meta jesportaw fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, b’;

(a)

ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali tal-prodotti;

(b)

ir-regoli għall-ħruġ jew it-tfassil tal-provi tal-oriġini;

(c)

ir-regoli dwar il-verifika tal-oriġini preferenzjali tal-prodotti;

(d)

il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-arranġamenti kummerċjali preferenzjali rilevanti.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni se tippubblika, fuq is-sit web tagħha, id-data li fiha l-pajjiżi terzi jew il-grupp ta’ pajjiżi terzi huma mifhuma li ħadu miżuri biex jiżguraw il-konformità.

Artikolu 7

Sospensjoni tal-preferenzi skont l-arranġamenti kummerċjali preferenzjali

1.   Il-miżuri tariffarji preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhomx jingħataw fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fejn każijiet ta’ frodi, irregolaritajiet jew falliment sistematiku għal konformità ma’ jew biex tiġi żgurata konformità mar-regoli dwar l-oriġini preferenzjali tal-prodotti u bil-proċeduri relatati ġew stabbiliti f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

2.   Fejn hemm dubji raġjonevoli dwar l-eżistenza ta’ frodi, irregolaritajiet jew falliment sistematiku fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropew li jiddikjara l-bażi li wasslet għal dawn id-dubji.

3.   Jekk il-frodi, l-irregolaritajiet jew il-falliment sistematiku identifikati ma jiġux indirizzati fi żmien 6-il xahar mill-pubblikazzjoni tal-avviż, il-miżuri tariffarji preferenzjali ma jistgħux jiġu applikati fl-Irlanda ta’ Fuq. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, fuq is-sit web tagħha, id-data li fiha l-miżuri tariffarji preferenzjali ma japplikawx fl-Irlanda ta’ Fuq.

4.   Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

5.   Il-miżuri tariffarji preferenzjali jistgħu jerġgħu japplikaw jekk, skont l-Artikolu 6, il-pajjiż terz jew grupp ta’ pajjiżi terzi involut ikun ħa miżuri biex jiżgura l-konformità.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


DEĊIŻJONIJIET

21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/59


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2020/2164

tal-15 ta’ Diċembru 2020

li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (EUCAP Somalia/1/2020)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 2012/389/PESK, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) huwa awtorizzat, f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat, jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-fini tal-eżerċizzju tal-kontroll politiku u tad-direzzjoni strateġika tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia), inkluż id-deċiżjoni li jinħatar Kap tal-Missjoni.

(2)

Fid-19 ta' Settembru 2019, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1591 (2), li taħtar lis-Sur Christopher REYNOLDS bħala Kap tal-Missjoni ta' EUCAP Somalia mill-10 ta' Settembru 2019 sal-31 ta' Diċembru 2020.

(3)

Fl-10 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/2031 (3) , li testendi l-mandat ta' EUCAP Somalia sal-31 ta' Diċembru 2022,

(4)

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppropona li l-mandat tas-Sur Christopher REYNOLDS bħala Kap tal-Missjoni EUCAP Somalia jiġi estiż mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-mandat tas-Sur Christopher REYNOLDS bħala Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) huwa b'dan estiż għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

S. FROM-EMMESBERGER


(1)  ĠU L187, 17.7.2012, p. 40.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2019/1591 tad-19 ta' Settembru 2019 dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (EUCAP Somalia/1/2019) (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 65).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/2031 tal-10 ta' Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (ĠU L 419, 11.12.2020, p. 26).


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/61


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2165

tad-9 ta’ Diċembru 2020

dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex jiddaħħlu ritratti u data dattiloskopika fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fil-fruntieri u tar-ritorn

(notifikata bid-dokument C(2020) 8599)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (“SIS”) fil-qasam tal-verifiki fil-fruntieri u tar-ritorn fiha allerti dwar persuni għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul u soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri jew ta’ verifika tal-konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn, u b’hekk issaħħaħ il-politika tal-migrazzjoni tal-Unjoni u tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(2)

Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-kategoriji ta’ data li jistgħu jiddaħħlu fi twissija fis-SIS jinkludu ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ u data dattiloskopika (din tal-aħħar tinkludi l-marki tas-swaba’ kif ukoll il-marki tal-pala tal-id). Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/1860, tali data jenħtieġ li tiddaħħal fis-SIS, jekk tkun disponibbli.

(3)

L-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861, li japplika wkoll għat-tħaddim tas-SIS fil-qasam tar-ritorn skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2018/1860, jistipula li ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ u data dattiloskopika mdaħħla f’allert fis-SIS huma soġġetti għal verifika tal-kwalità sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-dħul u l-ħżin ta’ tali data fis-SIS.

(5)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet jistabbilixxu biss il-livell tal-kwalità meħtieġ għad-dħul u l-ħżin tar-ritratti fis-SIS li għandhom jintużaw biex tiġi kkonfermata l-identità ta’ persuna f’konformità mal-Artikolu 33(1) ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-livell tal-kwalità meħtieġ biex jiddaħħlu u jinħażnu ritratti u immaġnijiet tal-wiċċ fis-SIS biex jintużaw għall-identifikazzjoni ta’ persuna skont l-Artikolu 33(4) jiġi stabbilit fi stadju aktar tard, meta l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu jkunu ġew issodisfati.

(6)

Jenħtieġ li l-eu-LISA, f’konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv tas-SIS II, tiżviluppa u tiddokumenta d-dettalji tekniċi tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati. Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jiżviluppaw is-sistemi tagħhom f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dokumenti.

(7)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, minħabba li r-Regolament (UE) 2018/1861 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, fis-26 ta’ April 2019 innotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2018/1861 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għaldaqstant, id-Danimarka hija marbuta bid-dritt internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni.

(8)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (4); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(11)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(13)

Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/365/UE (11) u (UE) 2018/934 (12).

(14)

Fir-rigward tal-Kroazja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011 u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 (13).

(15)

Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003.

(16)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u ta l-opinjoni tiegħu fis-26 ta’ Awwissu 2020.

(17)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fruntieri SIS-SIRENE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-dħul u l-ħżin ta’ ritratti u data dattiloskopika fis-SIS kif imsemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2018/1861, għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata:

(1)

lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

(2)

lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

YlvaJOHANSSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE tad-29 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 17).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 tal-25 ta’ April 2017 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 108, 26.4.2017, p. 31).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

STANDARDS MINIMI TAL-KWALITÀ TAD-DATA U SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-UŻU TA’ RITRATTI U DATA DATTILOSKOPIKA FIS-SIS

1.   Data dattiloskopika

1.1.   Kategoriji ta’ data dattiloskopika użati fis-SIS

Il-kategoriji li ġejjin ta’ data dattiloskopika jistgħu jintużaw fis-SIS:

(a)

marki tas-swaba’ ċatti, inklużi slaps tal-ibhma ċatti u slaps ta’ erbat iswaba’ ċatti;

(b)

marka tas-swaba’ rrolljati;

(c)

marki tal-pala tal-id.

1.2.   Formati ta’ data dattiloskopika permessi

L-Istati Membri jistgħu jittrażmettu lis-SIS Ċentrali:

(a)

data miġbura bl-użu ta’ apparati live-scan fil-livell nazzjonali li huma kapaċi jaqbdu u jissegmentaw sa għaxar marki tas-swaba’ individwali; irrolljati, ċatti, jew it-tnejn li huma;

(b)

marki tas-swaba’ u marki tal-pala tal-id “bil-linka”; irrolljati, ċatti jew it-tnejn li huma, li mbagħad jiġu skennjati diġitalment bil-kwalità u r-riżoluzzjoni rilevanti.

Is-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ tas-SIS Ċentrali (CS-SIS AFIS), kif definita fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861, trid tkun kompatibbli u interoperabbli mal-formati tad-data dattiloskopika msemmija fil-punti (a) u (b).

1.3.   Standards minimi tal-kwalità tad-data u speċifikazzjonijiet tekniċi

1.3.1.   Format tal-fajl u tal-kompressjoni (“kontenitur dattiloskopiku”)

Il-format tal-input għat-trażmissjoni ta’ data dattiloskopika (“kontenitur dattiloskopiku”) lis-SIS irid ikun konformi mal-istandard SIS NIST ibbażat fuq il-format binarju ANSI/NIST (1).

Se jiġi stabbilit “ċekkjatur tas-SIS NIST” fil-livell tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS Ċentrali (CS-SIS) biex jivverifika l-konformità tal-kontenitur dattiloskopiku trażmess mal-istandard definit tas-SIS NIST.

Il-kontenituri dattiloskopiċi li ma jikkonformawx mal-istandard definit tas-SIS NIST jiġu rrifjutati mis-CS-SIS AFIS u ma jinħażnux fis-SIS Ċentrali. Jekk fajl mhux konformi jiġi rifjutat mis-CS-SIS AFIS, is-CS-SIS se tibgħat messaġġ ta’ errur lill-Istat Membru li jkun ittrażmetta d-data.

1.3.2.   Il-format u r-riżoluzzjoni tal-immaġni

L-immaġnijiet tal-marki tas-swaba’ u tal-marki tal-pala tal-id imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tat-Taqsima 1.1, iridu jkunu ta’ riżoluzzjoni nominali ta’ 1 000 ppi jew ta’ 500 ppi b’256 livell ta’ griż sabiex jiġu pproċessati mis-CS-SIS. L-immaġnijiet b’500 ppi jridu jiddaħħlu billi jintuża l-format WSQ filwaqt li l-immaġnijiet b’1 000 ppi jridu jkunu fil-format JPEG2000 (JP2).

1.3.3.   Limiti minimi tal-kwalità għall-ħżin u l-użu ta’ immaġnijiet tal-marki tas-swaba’ u tal-marki tal-pala tal-id fis-CS-SIS AFIS.

L-immaġnijiet dattiloskopiċi jridu jikkonformaw mal-limiti minimi tal-kwalità stabbiliti fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati sabiex jinħażnu u jintużaw fis-CS-SIS AFIS.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jivverifikaw il-konformità mal-limiti minimi tal-kwalità tal-immaġnijiet dattiloskopiċi qabel ma jittrażmettuhom lis-CS-SIS.

Il-kontenituri dattiloskopiċi konformi li jkun fihom immaġnijiet dattiloskopiċi tal-marki tas-swaba’ jew il-marki tal-pala tal-id taħt il-limiti minimi tal-kwalità mhux se jinħażnu fis-CS-SIS AFIS u mhux se jintużaw għal tfittxijiet bijometriċi. Il-kontenituri dattiloskopiċi li fihom immaġnijiet dattiloskopiċi rrifjutati mis-CS-SIS AFIS jistgħu jintużaw biss biex jikkonfermaw l-identità ta’ persuna f’konformità mal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861. Is-CS-SIS tibgħat messaġġ ta' errur lill-Istat Membru li jkun ittrażmetta d-data meta fajl ikun ġie rrifjutat mis-CS-SIS AFIS minħabba l-kwalità baxxa tal-immaġnijiet.

1.4.   Tfittxijiet bijometriċi

Is-CS-SIS AFIS tipprovdi funzjonalità ta’ tiftix bijometriku għat-tipi kollha ta’ immaġnijiet dattiloskopiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fit-Taqsima 1.3.3.

Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni u l-preċiżjoni bijometrika għall-kategoriji differenti ta’ tfittxijiet bijometriċi fis-CS-SIS AFIS huma stabbiliti fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati.

2.   Ritratti

Trid tintuża riżoluzzjoni minima ta’ 480 × 600 pixels b’colour depth ta’ 24 bits meta jiddaħħlu r-ritratti fis-SIS.


(1)  American National Standard for Information Systems/National Institute of Standards and Technology.


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/66


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2166

tas-17 ta’ Diċembru 2020

dwar id-determinazzjoni tal-ishma tal-irkant tal-Istati Membri matul il-perjodu 2021–2030 tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet

(notifikata bid-dokument C(2020) 8945)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3d(3) u l-Artikolu 10(2) tagħha,

Billi:

(1)

Fir-rigward tal-irkantar tal-kwoti, id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emendat l-Artikolu 10(2) u l-Anness IIa tad-Direttiva 2003/87/KE, għall-perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2021. F’konformità mal-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 2003/87/KE, 90 % tal-kwantità totali ta’ kwoti maħruġa skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE (“kwoti ġenerali”) li għandhom jiġu rkantati jitqassmu fost l-Istati Membri f’ishma li huma identiċi għas-sehem tal-emissjonijiet ivverifikati skont l-EU ETS għall-2005 jew għall-medja tal-perjodu mill-2005 sal-2007, skont liema waħda tkun l-ogħla. Skont l-Artikolu 10(2)(b) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-10 % li jifdal tal-kwantità totali tal-kwoti ġenerali li jridu jiġu rkantati huma distribwiti fost ċerti Stati Membri għall-finijiet tas-solidarjetà, tat-tkabbir u tal-interkonnessjonijiet fl-Unjoni, u b’hekk jiżdied l-ammont ta’ kwoti li dawk l-Istati Membri jirkantaw bil-perċentwali speċifikati fl-Anness IIa tad-Direttiva 2003/87/KE.

(2)

Fl-1 ta’ Frar 2020, daħal fi-seħħ il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3). Barra minn hekk, minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fl-Artikolu 126 ta’ dak il-Ftehim, japplika l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għal dak il-Ftehim. Jenħtieġ li l-ishma tal-irkant tal-Istati Membri jiġu stabbiliti sabiex jitqiesu l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq.

(3)

L-ishma tal-kwoti ġenerali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 2003/87/KE matul il-perjodu 2021–2030 huma ddeterminati abbażi tal-istess data użata għall-perjodu 2013–2020, bl-eċċezzjoni tal-korrezzjonijiet li saru għall-emissjonijiet ivverifikati tal-Istati Membri għall-2005 jew għall-medja tal-perjodu mill-2005 sal-2007, irreġistrati fir-Reġistru tal-Unjoni u disponibbli fir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTL) mit-30 ta’ Ġunju 2020 (4). F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/2066 (5), il-monitoraġġ u r-rapportar kompluti, konsistenti, trasparenti u preċiżi tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra huma fundamentali għall-funzjonament tal-EU ETS. Għalhekk, jixraq li tintuża l-aktar data riċenti rreġistrata fir-Reġistru tal-Unjoni u disponibbli fl-EUTL għad-determinazzjoni tal-ishma tal-irkant tal-Istati Membri tal-kwoti ġenerali. Skont l-Artikolu 35(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 (6), l-emissjonijiet annwali vverifikati għal installazzjoni jew għal operatur tal-inġenji tal-ajru fir-Reġistru tal-Unjoni jistgħu jiġu kkoreġuti retroattivament sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2003/87/KE. Mill-2012, billi ġiet irreġistrata data aktar preċiża mill-operaturi tal-EU ETS fir-Reġistru tal-Unjoni u din issa hija disponibbli fl-EUTL, tali korrezzjonijiet saru għall-emissjonijiet ivverifikati fil-perjodu mill-2005 sal-2007.

(4)

Skont l-Artikolu 3d(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-għadd ta’ kwoti maħruġa skont il-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE (“kwoti tal-avjazzjoni”) li jridu jiġu rkantati minn kull Stat Membru jenħtieġ li jkun proporzjonat mas-sehem tiegħu tal-emissjonijiet totali attribwiti għall-avjazzjoni għall-Istati Membri kollha għas-sena ta’ referenza rilevanti. Għall-perjodu mill-2021 sal-2030, is-sena ta’ referenza rilevanti hija l-2018 u l-kamp ta’ applikazzjoni rilevanti huwa dak stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Il-Kummissjoni ġabret id-data dwar l-emissjonijiet tal-avjazzjoni fl-2018 mill-Eurocontrol sabiex tistabbilixxi l-ishma tal-irkant tal-Istati Membri tal-kwoti tal-avjazzjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-perjodu mill-2021 sal-2030, l-ishma tal-irkant tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 3d(3) u l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE huma stabbiliti fl-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni kif ġej:

(a)

Anness I: L-ishma tal-irkant tal-Istati Membri tal-kwoti maħruġa skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE;

(b)

Anness II: L-ishma tal-irkant tal-Istati Membri tal-kwoti maħruġa skont il-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

Viċi President Eżekuttiv


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).

(3)  Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).

(4)  Ares(2020)4979599.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 (ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta’ applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021 (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 7).


ANNESS I

Ishma tal-irkant tal-kwoti maħruġa skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE

Stat

Sehem tal-irkant

L-Awstrija

1,549511512 %

Il-Belġju

2,570508102 %

Il-Bulgarija

2,683627316 %

Il-Kroazja

0,519852619 %

Ċipru

0,287177271 %

Ir-Repubblika Ċeka

5,021898139 %

Id-Danimarka

1,394176362 %

L-Estonja

0,853364580 %

Il-Finlandja

1,861257204 %

Franza

6,094561928 %

Il-Ġermanja

22,290594909 %

Il-Greċja

3,815882431 %

L-Ungerija

1,526557204 %

L-Iżlanda

0,043450983 %

L-Irlanda

1,041937115 %

L-Italja

10,521550682 %

Il-Latvja

0,200953534 %

Il-Liechtenstein

0,000972381 %

Il-Litwanja

0,433065735 %

Il-Lussemburgu

0,122010786 %

Malta

0,111715994 %

In-Netherlands

3,730700676 %

In-Norveġja

0,865251836 %

Il-Polonja

13,000319671 %

Il-Portugall

1,933850872 %

Ir-Rumanija

4,767806687 %

Is-Slovakkja

1,602124134 %

Is-Slovenja

0,485701471 %

Spanja

9,519452381 %

L-Iżvezja

0,904220479 %

Ir-Renju Unit – l-Irlanda ta’ Fuq

0,245945006 %


ANNESS II

Ishma tal-irkant tal-kwoti maħruġa skont il-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE

Stat

Sehem tal-irkant

L-Awstrija

2,124352274 %

Il-Belġju

2,884043556 %

Il-Bulgarija

0,962095516 %

Il-Kroazja

0,770787777 %

Ċipru

0,698769072 %

Ir-Repubblika Ċeka

1,021630732 %

Id-Danimarka

2,589242238 %

L-Estonja

0,269340406 %

Il-Finlandja

2,141104211 %

Franza

11,28357633 %

Il-Ġermanja

15,85911782 %

Il-Greċja

5,222468391 %

L-Ungerija

0,97207424 %

L-Iżlanda

0,912691877 %

L-Irlanda

1,928162337 %

L-Italja

12,29799421 %

Il-Latvja

0,542686113 %

Il-Litwanja

0,441761613 %

Il-Lussemburgu

0,354887922 %

Malta

0,599063928 %

In-Netherlands

4,288464549 %

In-Norveġja

4,219779278 %

Il-Polonja

2,95885866 %

Il-Portugall

3,885085782 %

Ir-Rumanija

1,861835804 %

Is-Slovakkja

0,15910511 %

Is-Slovenja

0,128561379 %

Spanja

14,8981547 %

L-Iżvezja

3,724304171 %


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/70


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2167

tas-17 ta’ Diċembru 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918 rigward ċerti miżuri ta’ salvagwardja b’konnessjoni mal-marda tat-tnewwin kroniku billi jiġi estiż il-perjodu tal-applikazzjoni tagħha

(notifikata bid-dokument C(2020) 8802)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għall-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (transmissible spongiform encephalopathies, TSEs) fl-Unjoni. Dan japplika għall-produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-annimali ħajjin u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali u, f’ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom. Jipprovdi wkoll, inter alia, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja fil-każ ta’ tifqigħat ta’ TSEs.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1918 (2) tistabbilixxi miżuri ta’ salvagwardja temporanji b’konnessjoni mal-marda tat-tnewwin kroniku (chronic wasting disease, CWD). Din ġiet adottata wara d-detezzjoni fl-2016 ta’ ħames każijiet tas-CWD fiċ-ċervidi fin-Norveġja: erbgħa fir-renni u tnejn fil-moose. Dik kienet l-ewwel detezzjoni tas-CWD fl-Ewropa u l-ewwel każijiet naturali fir-renna fid-dinja.

(3)

Bejn Jannar 2017 u Settembru 2020, in-Norveġja infurmat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar sittax-il każ addizzjonali tas-CWD fir-renni selvaġġi, ħames każijiet addizzjonali tas-CWD fil-moose selvaġġ, u każ wieħed tas-CWD f’ċerv aħmar. Fl-2018, il-Finlandja kellha d-detezzjoni tal-ewwel każ tas-CWD fl-Unjoni u każ ieħor f’Novembru 2020. L-Iżvezja sabet tliet każijiet fl-2019 u każ ieħor f’Settembru 2020. Il-każijiet kollha tas-CWD identifikati fil-Finlandja u fl-Iżvezja nstabu f’moose salvaġġ.

(4)

Il-punt A tal-Parti III tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi programm ta’ monitoraġġ ta’ tliet snin għas-CWD, li jkopri perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Madankollu, il-ġbir tad-data se jkompli parzjalment matul l-2021 f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-programm ta’ monitoraġġ, bil-ħsieb li, eventwalment, jinġabar dataset akbar. B’riżultat ta’ dan, il-valutazzjoni xjentifika tar-riżultati tal-programm ta’ monitoraġġ, li se tkun meħtieġa biex jiġu żviluppati għażliet ta’ politika futuri dwar is-CWD, mhijiex mistennija li tkun disponibbli sal-2022.

(5)

Fil-11 ta’ Novembru 2019, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ippubblikat Opinjoni Xjentifika dwar l-Aġġornament tal-Mard Kroniku tal-Iskart (CWD) III (3) (Opinjoni tal-EFSA). Madankollu, jeħtieġ aktar żmien biex wieħed iqis kif il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Opinjoni tal-EFSA għandhom jiġu riflessi fir-regoli tal-Unjoni.

(6)

Meta jitqies li d-detezzjoni ta’ każijiet ġodda tas-CWD fin-Norveġja, fil-Finlandja u fl-Iżvezja, u sakemm joħroġ ir-riżultat tal-programm ta’ monitoraġġ ta’ tliet snin għas-CWD, u sakemm issir il-valutazzjoni xjentifika tar-riżultati tal-programm ta’ monitoraġġ li hija mistennija fl-2022, u meta jitqies li hemm bżonn ta’ żmien addizzjonali għar-riflessjoni dwar l-opinjoni tal-EFSA, jenħtieġ li l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918 jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918 tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1918, id-data tal-“31 ta’ Diċembru 2020” hija sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2022”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1918 tat-28 ta’ Ottubru 2016 rigward ċerti miżuri ta’ salvagwardja b’konnessjoni mal-marda tat-tnewwin kroniku (ĠU L 296, 1.11.2016, p. 21).

(3)  https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5863


21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/72


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2168

tas-17 ta’ Diċembru 2020

dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv

(notifikata bid-dokument C(2020) 8919)

(It-testi biċ-Ċek, bl-Estonjan, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bin-Netherlandiż u bil-Pollakk biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, il-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Belġju, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fin-Netherlands u fil-Polonja bagħtu żewġ ittri ta’ intenzjoni lill-Kummissjoni bid-data tas-6 ta’ Diċembru 2019. Dawn kienu jinkludu proposti dwar l-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku għall-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukraina f’Medyka minn naħa, u għall-portijiet ta’ Zeebrugge u Ghent/Terneuzen min-naħa l-oħra.

(2)

L-Istati Membri msemmija hawn fuq kienu diġà pproponew lill-Kummissjoni biex testendi l-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku għall-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukraina f’Medyka. Il-Kummissjoni kkonfermat il-konformità tal-proposta mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 u adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1111 (2). Madankollu, dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/178 (3), li neħħiet ir-referenza għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku għal Medyka. L-emenda rriflettiet il-fatt li l-infrastruttura ferrovjarja bejn Katowice u Medyka ma kinitx se tkun operattiva qabel l-2020. Peress li l-infrastruttura issa hija operattiva, huwa xieraq li terġa’ titqies l-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku għal Medyka.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat il-proposti biex testendi l-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku għal Medyka u għall-portijiet ta’ Ghent/Terneuzen u Zeebrugge skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, u tqishom konformi mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Fir-rigward tal-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija għal Medyka, il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1111 jibqgħu validi.

(5)

Fir-rigward tal-estensjoni għall-portijiet ta’ Zeebrugge u Ghent/Terneuzen, il-linji proposti għall-estensjoni diġà huma parti mill-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran. Jiffurmaw parti min-network ewlieni tan-network tat-trasport trans-Ewropew (Antwerp-Ghent-Zeebrugge) u min-network komprensiv (Ghent-Terneuzen), bir-rekwiżiti infrastrutturali ewlenin bħall-elettrifikazzjoni, tagħbija fuq il-fus ta’ 22,5 t, veloċità ta’ 100 km/h u tul tal-ferrovija ta’ 740 m diġà ssodisfati parzjalment jew kompletament mill-infrastruttura eżistenti.

(6)

Il-portijiet ta’ Zeebrugge, Ghent u Terneuzen huma l-oriġini jew id-destinazzjoni ta’ għadd ta’ servizzi regolari eżistenti ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija tul ir-rotta tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku b’oriġini jew destinazzjoni fil-Ġermanja, fiċ-Ċekja u fl-Iskandinavja (inkluż permezz tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn l-Iskandinavja u l-Mediterran). Il-port ta’ Zeebrugge irrapporta traffiku tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija lejn bosta destinazzjonijiet fl-Unjoni, li huwa sostnut mill-fatt li waħda mill-komoditajiet ewlenin tal-port hija vetturi ġodda. L-awtoritajiet tal-port ta’ Ghent u Terneuzen identifikaw ukoll il-potenzjal għal traffiku ġdid ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija lejn Schkopau (il-Ġermanja) u Outokumpu (il-Finlandja), kif ukoll lejn pajjiżi terzi, b’mod partikolari ċ-Ċina, li jgħaddu minn Šeštokai, il-Litwanja.

(7)

Barra minn hekk, l-estensjoni proposta toffri l-vantaġġ li s-servizzi pprovduti mill-punt uniku ta’ servizz eżistenti tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku kif imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, inkluż mogħdijiet ferrovjarji stabbiliti minn qabel, isiru disponibbli għall-operaturi tal-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija li jaqdu l-portijiet ta’ Zeebrugge u Ghent/Terneuzen. Dan se jipprovdi aktar trasparenza lill-applikanti u jista’ jissimplifika l-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità billi jneħħi l-ħtieġa li xi mogħdijiet ferrovjarji jiġu kkoordinati ma’ punti uniċi ta’ servizz ta’ kurituri oħra tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. L-estensjoni għal Zeebrugge se tipprovdi aċċess dirett għall-port, li huwa punt importanti ta’ trasbord għall-industrija tal-karozzi tal-Istati Membri kollha tul il-kuritur, b’mod partikolari ċ-Ċekja, il-Ġermanja u l-Polonja.

(8)

L-estensjoni se tikkontribwixxi għat-titjib tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fuq il-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku b’interkonnessjonijiet mat-trasport marittimu.

(9)

F’konformità mal-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni qieset il-kriterji rilevanti għall-estensjonijiet tal-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikolu 4 tiegħu.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 62 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ittri ta’ intenzjoni tat-6 ta’ Diċembru 2019 dwar l-estensjonijiet tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku minn Antwerp għall-portijiet ta’ Zeebrugge u Ghent/Terneuzen u minn Katowice għall-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukraina f’Medyka, li l-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Belġju, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fin-Netherlands u fil-Polonja bagħtu lill-Kummissjoni, u li flimkien jipproponu r-rotta

Wilhelmshaven/Bremerhaven/Hamburg/Amsterdam/Rotterdam/Zeebrugge – Ghent (Terneuzen) – Antwerp – Aachen – Hannover/Berlin – Varsavja– Terespol (il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarussja)/Kaunas – Riga – Tallinn/Falkenberg – Praga/Wroclaw – Katowice – Medyka (il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukrajna)

bħala r-rotta prinċipali għall-tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku jikkonformaw mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Renju tan-Netherlands u lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1111 tas-7 ta’ Lulju 2015 dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU L 181, 9.7.2015, p. 82).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/178 tal-31 ta’ Jannar 2017 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1111 dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU L 28, 2.2.2017, p. 71).

(4)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).


RAKKOMANDAZZJONIJIET

21.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/75


IR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2169

tas-17 ta’ Diċembru 2020

li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77 (2) (b) u (e) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (1) (“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill”). Fis-16 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1052 tas-16 ta’ Lulju 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (2). Fit-30 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1144 tat-30 ta’ Lulju 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (3). Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1186 tas-7 ta’ Awwissu 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (4) Fit-22 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1551 tat-22 ta’ Ottubru 2020 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (5).

(2)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tipprevedi li jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE mill-1 ta’ Lulju 2020 b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I tkun riveduta kull ġimagħtejn u, jekk meħtieġ, aġġornata mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE wara valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(3)

Minn dak iż-żmien ’l hawn saru diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE, dwar ir-rieżami tal-lista ta’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u fl-applikazzjoni tal-kriterji u l-metodoloġija stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Bħala riżultat ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-lista ta’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I jenħtieġ li tiġi emendata. B’mod partikolari, l-Urugwaj jenħtieġ li jitneħħa mil-lista.

(4)

Il-kontrolli fuq il-fruntieri mhumiex biss fl-interess tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fil-fruntieri interni. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri meħuda fil-fruntieri esterni jkunu kkoordinati sabiex jiżguraw żona Schengen li tiffunzjona tajjeb. Għal dak il-għan, mis-16 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jneħħu r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill kif emendat b’din ir-Rakkomandazzjoni.

(5)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din ir-Rakkomandazzjoni jekk hijiex ser timplimentaha.

(6)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (6); Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7).

(8)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (8) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

(9)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (10), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (11).

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912, kif emendata bir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1052, bir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1144 u bir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1186, dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni hija emendata kif ġej:

(1)

L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Mis-16 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri jenħtieġ li jneħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I.”

(2)

L-Anness I għar-Rakkomandazzjoni huwa sostitwit b’dan li ġej:

Anness I

Pajjiżi terzi u Reġjuni Amministrattivi Speċjali, li r-residenti tagħhom jenħtieġ li ma jiġux affettwati minn restrizzjoni temporanja fil-fruntieri esterni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE:

I.   STATI

1.

AWSTRALJA

2.

ĠAPPUN

3.

NEW ZEALAND

4.

RWANDA

5.

SINGAPORE

6.

KOREA T’ISFEL

7.

TAJLANDJA

8.

ĊINA (*1)

II.   REĠJUNI AMMINISTRATTIVI SPEĊJALI TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

Hong Kong SAR (*1)

Macao SAR (*1)

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 208I, 1.7.2020, p. 1.

(2)  ĠU L 230, 17.7.2020, p. 26.

(3)  ĠU L 248, 31.7.2020, p. 26.

(4)  ĠU L 261, 11.8.2020, p. 83.

(5)  ĠU L 354, 26.10.2020, p. 19.

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(7)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(10)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(*1)  soġġett għall-konferma tar-reċiproċità