ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 410I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
7 ta' Diċembru 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

13

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

7.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 410/1


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/1998

tas-7 ta’ Diċembru 2020

dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999, li tistabbilixxi qafas għal miżuri restrittivi biex jiġu indirizzati ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja. Dik id-Deċiżjoni tipprevedi l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi, u l-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, jipprovdu appoġġ għalihom jew huma involuti b’xi mod fihom, u tal-persuni assoċjati mal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi inkwistjoni. Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999. Dik id-Deċiżjoni tenfasizza l-importanza tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-interazzjoni bejn id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali meta tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi mmirati.

(2)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv, id-dritt għad-difiża, u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi applikat skont dawn id-drittijiet.

(3)

Is-setgħa li tiġi stabbilita u emendata l-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi eżerċitata mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-istabbiliment, l-emendar u r-rieżami tal-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

(4)

Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tiġi żgurata ċertezza massima tad-dritt fl-Unjoni, jenħtieġ li l-ismijiet u data rilevanti oħra rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom ikunu ffriżati skont dan ir-Regolament isiru pubbliċi. Jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali jikkonforma mar-Regolamenti (UE) 2016/679 (2) u (UE) 2018/1725 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u dwar informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament.

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom, u b’mod partikolari:

(i)

pretensjoni għall-adempiment ta’ kwalunkwe obbligu li jirriżulta taħt kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom;

(ii)

pretensjoni għall-estensjoni jew pagament ta’ bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta’ kwalunkwe forma;

(iii)

pretensjoni għall-kumpens fir-rigward ta’ kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontropretensjoni;

(v)

pretensjoni għar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni, inkluż permezz tal-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, ta’ deċiżjoni arbitrali jew ta’ deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tkun saret jew ingħatat;

(b)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta’ kwalunkwe forma u irrispettivament minn xi tkun il-liġi applikabbli, kemm jekk tikkonsisti f’kuntratt wieħed jew aktar kif ukoll jekk tikkonsisti f’obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew partijiet differenti; għal dak l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennità, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennità finanzjarja, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kull dispożizzjoni relatata li ssir taħt it-tranżazzjoni jew b’konnessjoni magħha;

(c)

“awtoritajiet kompetenti” tirreferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II;

(d)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e)

“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi b’kull mod, inklużi, iżda mhux limitat għal, il-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

(f)

“iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew trattar ta’ fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew fi bdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż ġestjoni ta’ portafolli;

(g)

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull tip, inklużi, iżda mhux limitati għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta’ pagament;

(ii)

depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta’ dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti ta’ derivattivi;

(iv)

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji ta’ adempiment jew impenji finanzjarji oħrajn;

(vi)

ittri ta’ kreditu, poloz tat-tagħbija, poloz ta’ bejgħ;

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta’ xi interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

(h)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-TUE, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament japplika għal::

(a)

ġenoċidju;

(b)

delitti kontra l-umanità;

(c)

ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem li ġejjin:

(i)

tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra,

(ii)

skjavitù,

(iii)

eżekuzzjonijiet extralegali, arbitrarji u sommarji u qtil,

(iv)

għajbien sfurzat ta’ persuni,

(v)

arresti jew detenzjonijiet arbitrarji;

(d)

ksur jew abbuż ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż iżda mhux limitat għal dawn li ġejjin, sa fejn dawk il-ksur jew l-abbuż ikunu mifruxa, sistematiċi jew inkella jkunu ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE:

(i)

traffikar tal-bnedmin, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti kif imsemmi f’dan l-Artikolu,

(ii)

vjolenza sesswali u sessista,

(iii)

ksur jew abbużi tal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni paċifika,

(iv)

ksur jew abbużi tal-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni,

(v)

ksur jew abbużi tal-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin,

2.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, għandhom jiġu kkunsidrati d-dritt internazzjonali konswetudinarju u strumenti ġeneralment aċċettati tad-dritt internazzjonali, bħal:

(a)

il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

(b)

il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

(c)

il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig għad-Delitt ta’ Ġenoċidju;

(d)

il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattatment jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra;

(e)

il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali;

(f)

il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

(g)

il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

(h)

il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha minn Għajbien Sfurzat;

(i)

il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà;

(j)

il-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali;

(k)

l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

(l)

il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

3.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi jistgħu jinkludu:

(a)

atturi statali;

(b)

atturi oħra li jeżerċitaw kontroll jew awtorità effettiva fuq territorju;

(c)

atturi oħra mhux Statali, soġġetti għall-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

Artikolu 3

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma l-proprjetà, jew fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   L-Anness I għandu jinkludi, kif identifikat mill-Kunsill skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, li huma responsabbli għall-atti mniżżlin fl-Artikolu 2(1);

(b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għall-atti mniżżlin fl-Artikolu 2(1) jew li huma involuti f’dawk l-atti, inkluż bl-ippjanar, id-direzzjoni, l-ordni, l-assistenza, it-tħejjija, l-iffaċilitar, jew l-inkoraġġiment ta’ tali atti;

(c)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi entitajiet, li huma assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi koperti mill-punti (a) u (b);

Artikolu 4

1.   B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b’dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għall-ikel, għall-kera jew għall-ipotekar, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

se jitħallsu f’kont, jew jinħarġu minn kont, ta’ missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsubin biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari, jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 5

1.   B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li tingħata disponibbiltà għal ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-provvista ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi hija neċessarja għal skopijiet umanitarji, bħall-għoti jew il-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ assistenza, inklużi provvisti mediċinali, oġġetti tal-ikel jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet min-Nikaragwa.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien erba’ ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 6

1.   B’deroga mill-Artikolu 3(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 3 ġie elenkat fl-Anness I, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu se jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 7

1.   B’deroga mill-Artikolu 3(1) u dment li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut skont kuntratt jew ftehim konkluż, jew obbligu li rriżulta, għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati, qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adatti, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(b)

il-pagament ma jiksirx l-Artikolu 3(2).

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 8

1.   L-Artikolu 3(2) ma għandux iwaqqaf l-ikkreditar ta’ kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, dejjem jekk kull żieda f’dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti bi kwalunkwe tranżazzjoni ta’ dan it-tip, mingħajr dewmien.

2.   L-Artikolu 3(2) ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 3 jkunu ġew inklużi fl-Anness I; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

dment li kwalunkwe tali imgħax, dħul u pagament ieħor jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 9

1.   Bla preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 3(1) lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f’kull verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

Artikolu 10

Il-parteċipazzjoni b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 hija pprojbita.

Artikolu 11

1.   L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tingħata disponibbiltà għal fondi jew riżorsi ekonomiċi, imwettqa bona fide fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawhom, jew ta’ diretturi jew impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b’riżultat ta’ negliġenza.

2.   L-azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fuqhom jekk ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.   Ma għandha tiġi sodisfatta ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond jew ta’ garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kull forma, jekk din il-pretensjoni ssir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a).

2.   Fi kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhuwiex ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed jitolbu l-eżekuzzjoni ta’ dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nonadempiment ta’ obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari informazzjoni dwar:

(a)

il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 3 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 4, 5, 6 u 7;

(b)

problemi ta’ ksur u eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

1.   Meta l-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, għandu jemenda l-Anness I kif xieraq.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b’opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati skont il-każ.

4.   Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

5.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri.

Artikolu 15

1.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-korpi kkonċernati.

2.   L-Anness I għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet u l-psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karti ta’ identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet; il-post u d-data tar-reġistrazzjoni; in-numru tar-reġistrazzjoni; u l-post tan-negozju.

Artikolu 16

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha li jkunu meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dawn ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 17

1.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandhom jipproċessaw id-data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u l-emendar tal-Anness I;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Anness I;

(c)

fir-rigward tal-Kummissjoni:

(i)

l-inklużjoni tal-kontenut tal-Anness I fil-lista kkonsolidata, elettronika, tal-persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li jkunu t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

(ii)

l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament, bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ kundanni kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness I.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, is-servizz tal-Kummissjoni elenkat fl-Anness II għal dan ir-regolament u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrolluri” skont it-tifsira tal-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 18

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fis-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti.

3.   Jekk dan ir-Regolament jistipula rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata, jew li b’xi mod ieħor issir komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jridu jintużaw għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ xi Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kull kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, fl-Unjoni.

Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Ara paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS I

Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 3

A.

Persuni fiżiċi

B.

Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi


ANNESS II

Siti web b’informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/nl/Beleid/beleidsthemas/vrede_en_veiligheid/sancties

https://diplomatie.belgium.be/fr/politique/themes_politiques/paix_et_securite/sanctions

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

https://www.mfa.bg/en/101

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/en/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcijez

L-ITALJA

https://www.esteri.it/mae/it/politica_estera/politica_europea/misure_deroghe

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/mfa/mfa2016.nsf/mfa35_en/mfa35_en?OpenDocument

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato

MALTA

https://foreignandeu.gov.mt/en/Government/SMB/Pages/SMB-Home.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

https://www.gov.pl/web/dyplomacja

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/ministerios/mne/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-IŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (DĠ FISMA)

Rue de Spa 2

B-1049 Brussels, Belgium

Email: relex-sanctions@ec.europa.eu


DEĊIŻJONIJIET

7.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 410/13


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1999

tas-7 ta’ Diċembru 2020

li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u hija impenjata li tipproteġi dawk il-valuri, li jaqdu rwol kruċjali fl-iżgurar tal-paċi u s-sigurtà sostenibbli, bħala pedamenti tal-azzjoni esterna tagħha.

(2)

Id-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati. L-Istati għandhom ir-responsabbiltà primarja li jirrispettaw, jipproteġu u jsostnu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-iżgurar tal-konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja għadhom ta’ tħassib kbir, inkluż l-involviment sinifikanti ta’ atturi mhux Statali f’abbużi tad-drittijiet tal-bniedem globalment kif ukoll is-severità ta’ ħafna minn dawn l-atti. Tali atti jiksru l-prinċipji u jheddu l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(3)

Fid-9 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill laqa’ t-tnedija mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) tal-ħidma preparatorja biex jiġi stabbilit reġim tal-Unjoni ta’ portata ġenerali għal miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem.

(4)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas għal miżuri restrittivi mmirati biex jiġu indirizzati ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja. F’dak ir-rigward, il-Kunsill jenfasizza l-importanza tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-interazzjoni bejn id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali meta tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi mmirati fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni. Din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet oħra eżistenti jew futuri tal-Kunsill taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni li jistabbilixxu miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni f’ċerti pajjiżi terzi, u li jindirizzaw il-ksur jew l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.

(5)

Tali miżuri restrittivi mmirati ser jindirizzaw objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, u ser jikkontribwixxu għall-azzjoni tal-Unjoni biex tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 21(2) TUE. L-applikazzjoni ta’ tali miżuri restrittivi mmirati ser ikunu konsistenti mal-istrateġija ġenerali tal-Unjoni f’dan il-qasam u jsaħħu l-kapaċità tal-Unjoni li tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

(6)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas għal miżuri restrittivi mmirati biex jiġu indirizzati ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja. Din tapplika għal dan li ġej:

(a)

ġenoċidju;

(b)

delitti kontra l-umanità;

(c)

ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem li ġejjin:

(i)

tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra,

(ii)

skjavitù,

(iii)

eżekuzzjonijiet extralegali, sommarji jew arbitrarji u qtil,

(iv)

għajbien sfurzat ta’ persuni,

(v)

arresti jew detenzjonijiet arbitrarji;

(d)

ksur jew abbuż ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż iżda mhux limitat għal dawn li ġejjin, sa fejn dawk il-ksur jew l-abbuż ikunu mifruxa, sistematiċi jew inkella jkunu ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE:

(i)

traffikar tal-bnedmin, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti kif imsemmi f’dan l-Artikolu,

(ii)

vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru,

(iii)

ksur jew abbużi tal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni paċifika,

(iv)

ksur jew abbużi tal-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni,

(v)

ksur jew abbużi tal-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin.

2.   Għall-fini tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, għandhom jiġu kkunsidrati d-dritt internazzjonali konswetudinarju u strumenti ġeneralment aċċettati tad-dritt internazzjonali, bħal:

(a)

il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

(b)

il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

(c)

il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju;

(d)

il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra;

(e)

il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali;

(f)

il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

(g)

il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

(h)

il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat;

(i)

il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà;

(j)

il-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni; speċjalment ta’ Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali;

(k)

l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

(l)

il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi jistgħu jinkludu:

(a)

atturi Statali;

(b)

atturi oħra li jeżerċitaw kontroll jew awtorità effettiva fuq territorju;

(c)

atturi oħra mhux Statali.

4.   Meta jistabbilixxi jew jemenda l-lista li tinsab fl-Anness fir-rigward ta’ atturi mhux Statali oħrajn skont il-punt (c) tal-paragrafu 3, il-Kunsill għandu jqis b’mod partikolari l-elementi speċifiċi li ġejjin:

(a)

l-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE; u

(b)

il-gravità u/jew l-impatt tal-abbużi.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’:

(a)

persuni fiżiċi li huma responsabbli għall-atti mniżżlin fl-Artikolu 1(1);

(b)

persuni fiżiċi li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għall-atti mniżżlin fl-Artikolu 1(1) jew li huma involuti f’dawk l-atti, inkluż bl-ippjanar, id-direzzjoni, l-ordni, l-assistenza, it-tħejjija, l-iffaċilitar, jew l-inkoraġġiment ta’ tali atti;

(c)

persuni fiżiċi li huma assoċjati mal-persuni koperti mill-punti (a) u (b);

kif elenkati fl-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b’obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż ospitanti ta’ konferenza internazzjonali mlaqqa’ min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt il-patroċinju tagħhom;

(c)

taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni (il-Patt tal-Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu jitqies li japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.   Il-Kunsill għandu jiġi debitament infurmat fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta’ bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta’ attendenza ta’ laqgħat intergovernattivi jew laqgħat promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta’ politika ta’ miżuri restrittivi, inkluż it-tmiem ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

7.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-tranżitu jkun neċessarju għall-fini ta’ proċess ġudizzjarju.

8.   Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 jew 7 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm ma joġġezzjonax membru wieħed jew aktar tal-Kunsill bil-miktub fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Jekk membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

9.   Fejn, skont il-paragrafu 3, 4, 6, 7 jew 8, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni direttament ikkonċernati minnha.

Artikolu 3

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà ta’, jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, li huma responsabbli għall-atti mniżżlin fl-Artikolu 1(1);

(b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għall-atti mniżżlin fl-Artikolu 1(1) jew li huma involuti f’dawk l-atti, inkluż bl-ippjanar, id-direzzjoni, l-ordni, l-assistenza, it-tħejjija, l-iffaċilitar, jew l-inkoraġġiment ta’ tali atti;

(c)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi entitajiet, li huma assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi koperti mill-punti (a) u (b);

kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b’dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew r-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inkluż ħlasijiet għall-ikel, għall-kera jew għall-ipotekar, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, minn tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

ser jitħallsu f’kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, jew jinħarġu minn tali kont, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari, jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fil-paragrafu 1 ikun ġie elenkat fl-Anness, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness milli jagħmel ħlas dovut skont kuntratt jew ftehim konkluż, jew obbligu li rriżulta, qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikun ġie elenkat fih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 1.

6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm kwalunkwe tali mgħax, dħul ieħor u pagamenti jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

1.   B’deroga mill-Artikolu 3(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-provvista ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi hija neċessarja għal skopijiet umanitarji, bħall-għoti jew il-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ assistenza, inkluż provvisti mediċinali, ikel jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet.

2.   l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li tingħata skont dan l-Artikolu fi żmien erba’ ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 5

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista stabbilita fl-Anness.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b’opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat skont il-każ.

Artikolu 6

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

2.   L-Anness għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: ismijiet u psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karti ta’ identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni; in-numru tar-reġistrazzjoni; u l-post tan-negozju.

Artikolu 7

1.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u l-emendar tal-Anness;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Anness.

2.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti b’rabta ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, u ma’ kundanni penali jew miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali proċessar ikun meħtieġ għall-preparazzjoni tal-Anness.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma nominati bħala “kontrollur” fis-sens tal-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 8

Ma għandha tiġi sodisfatta ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond jew ta’ garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kull forma, jekk din il-pretensjoni ssir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi deżinjati elenkati fl-Anness;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a).

Artikolu 9

Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-8 ta’ Diċembru 2023 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti.. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 għandhom japplikaw fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, u korpi elenkati fl-Anness sat-8 ta’ Diċembru 2021.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikoli 2 u 3

A.

Persuni fiżiċi

B.

Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi.