ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 202

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
25 ta' Ġunju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/865 tas-26 ta’ Mejju 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja

1

 

*

Ftehim dwar l-istatus Bejn l-Unjoni ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja

3

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

25.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/865

tas-26 ta’ Mejju 2020

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 77(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 79(2) flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/400 (2), il-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fit-18 u d-19 ta’ Novembru 2019, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(2)

Skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), f’każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta f’pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom poteri eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi jeħtieġu dan, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Tali ftehim dwar l-istatus jenħtieġ li jkopri l-aspetti kollha li huma neċessarji għat-twettiq tal-azzjonijiet.

(3)

Bis-saħħa tal-Ftehim, it-timijiet tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta Ewropea jistgħu, f’konformità mal-pjan operazzjonali, jintbagħtu malajr fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja, jirreaġixxu għall-bidla attwali fil-flussi migratorji lejn ir-rotta kostali u jassistu fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ migranti.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(6)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja, huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 14(2) tal-Ftehim (5).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Approvazzjoni tat-13 ta’ Mejju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/400 tat-22 ta’ Jannar 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (ĠU L 72, 14.3.2019, p. 1).

(3)  Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


25.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/3


FTEHIM DWAR L-ISTATUS

Bejn l-Unjoni ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAS-SERBJA,

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa “il-Partijiet”,

BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tikkoordina kooperazzjoni operattiva bejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja, inkluż fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja,

BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għas-sitwazzjonijiet fejn il-membri tat-tim tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ikollhom setgħat eżekuttivi fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja,

BILLI l-Partijiet ser jikkunsidraw kif xieraq id-dikjarazzjonijiet annessi ma’ dan il-Ftehim,

B’KUNSIDERAZZJONI tal-fatt li l-azzjonijiet kollha tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali,

IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU DAN IL-FTEHIM:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Il-Ftehim għandu jkopri l-aspetti kollha tal-kooperazzjoni bejn ir-Repubblika tas-Serbja u l-Aġenzija fit-twettiq ta’ azzjonijiet mill-Aġenzija li jistgħu jsiru fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja fejn il-membri tat-tim tal-Aġenzija jista’ jkollhom setgħat eżekuttivi.

2.   Il-Ftehim ma jestendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (1) (“il-Ftehim dwar ir-Riammissjoni bejn il-KE u s-Serbja”). Fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 2, dan il-Ftehim jikkonċerna biss l-għoti ta’ sostenn operazzjonali għal operazzjonijiet ta’ ritorn li jitwettqu skont il-Ftehim dwar ir-Riammissjoni bejn il-KE u s-Serbja.

3.   Dan il-Ftehim għandu jkopri r-Repubblika tas-Serbja. Dan il-Ftehim ma għandux ikopri l-Kosovo (2).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“azzjoni” tfisser operazzjoni konġunta, intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn;

(b)

“operazzjoni konġunta” tfisser kwalunkwe azzjoni li għandha l-għan li tindirizza l-immigrazzjoni illegali jew kriminalità transfruntiera jew li għandha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni ta’ Stat Membru ġar tar-Repubblika tas-Serbja u mwettqa fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja;

(c)

“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni li għandha l-għan li tindirizza b’mod rapidu sitwazzjoni b’diffikultajiet speċifiċi u sproporzjonati fil-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja li jmissu Stat Membru u mwettqa fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja għal perjodu limitat ta’ żmien;

(d)

“operazzjoni ta’ ritorn” tfisser operazzjoni li tkun koordinata mill-Aġenzija u li tinvolvi rinforz tekniku u operazzjonali li jiġi pprovdut minn Stat Membru wieħed jew aktar fejn persuni rimpatrijati minn Stat Membru wieħed jew aktar fuq bażi furzata jew fuq bażi volontarja lejn ir-Repubblika tas-Serbja f’konformità mal-Ftehim dwar ir-Riammissjoni bejn il-KE u s-Serbja;

(e)

“kontroll tal-fruntieri” tfisser il-kontroll ta’ persuni, dokumenti tal-ivvjaġġar, mezzi tat-trasport u oġġetti li jinġarru meta tinqasam fruntiera ta’ stat, li jikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntieri fil-punti tal-qsim tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti tal-qsim tal-fruntieri;

(f)

“membru ta’ tim” tfisser membru tal-persunal tal-Aġenzija jew inkella membru ta’ tim ta’ gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor minn Stati Membri parteċipanti, inklużi gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor li jkunu ssekondati mill-Istati Membri mal-Aġenzija biex jiġu skjerati matul azzjoni;

(g)

“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(h)

“Stat Membru ta’ domiċilju” tfisser l-Istat Membru li tiegħu membru ta’ tim ikun gwardja tal-fruntiera jew membru rilevanti ieħor tal-persunal;

(i)

“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal xi identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, jiġifieri n-numru ta’ identifikazzjoni uniku ta’ ċittadini, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew karatteristika jew karatteristiċi speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

(j)

“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’azzjoni fir-Repubblika tas-Serbja billi jipprovdi tagħmir tekniku, gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor skjerat bħala parti mit-tim;

(k)

“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (3).

Artikolu 3

Bidu ta’ azzjoni

1.   L-inizjattiva biex tinbeda azzjoni tista’ tiġi proposta lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja mill-Aġenzija. L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja jistgħu jitolbu lill-Aġenzija biex tikkunsidra l-bidu ta’ azzjoni.

2.   It-twettiq ta’ azzjoni teħtieġ il-kunsens kemm tal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja kif ukoll tal-Aġenzija.

Artikolu 4

Pjan operazzjonali

1.   Għal kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera għandu jintlaħaq ftehim dwar pjan operazzjonali konġunt bejn l-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiġi rrispettat.

2.   Il-pjan operazzjonali konġunt għandu jistabbilixxi fid-dettall l-organizzazzjoni u l-aspetti proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inkluż deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, it-tip ta’ tagħmir tekniku li għandu jintuża, il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni Ewropea jew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali inkluż il-protezzjoni tad-data personali, l-istruttura ta’ koordinazzjoni, kmand, kontroll, komunikazzjoni u rapportar, l-arranġamenti organizzattivi u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera. L-evalwazzjoni tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera għandha titwettaq b’mod konġunt mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja u mill-Aġenzija.

Artikolu 5

Kompiti u setgħat tal-membri tat-tim

1.   Il-membri tat-tim għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn.

2.   Il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw il-leġislazzjoni nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja.

3.   Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja biss fuq struzzjonijiet mill-gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali oħra tal-pulizija tar-Repubblika tas-Serbja, u fil-preżenza tagħhom. L-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandha, fejn xieraq, tagħti struzzjonijiet lit-tim skont il-pjan operazzjonali. L-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja tista’ tawtorizza l-membri tat-tim biex jaġixxu f’isimha sakemm ir-responsabbiltà ġenerali u funzjonijiet ta’ kmand u ta’ kontroll jibqgħu f’idejn il-gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali tal-pulizija oħrajn tar-Repubblika tas-Serbja li jkunu preżenti f’kull ħin.

L-Aġenzija, permezz tal-uffiċjal tal-koordinazzjoni tagħha, tista’ tikkomunika l-opinjonijiet tagħha lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja dwar l-istruzzjonijiet mogħtija lit-tim. F’dak il-każ, l-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandha tikkunsidra dawn il-fehmiet u ssegwihom sa fejn ikun possibbli.

F’każijiet fejn l-istruzzjonijiet maħruġa lit-tim ma jkunux konformi mal-pjan operazzjonali, l-uffiċjal tal-koordinazzjoni għandu jirrapporta immedjatament għand id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija. Id-direttur eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, inkluża s-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta’ azzjoni.

4.   Il-membri tat-tim għandhom jilbsu l-uniformi tagħhom waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Huma għandhom tal-anqas jilbsu identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija b’mod viżibbli. Għall-finijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja, il-membri tat-timijiet għandhom iġorru magħhom id-dokument ta’ akkreditazzjoni msemmi fl-Artikolu 8 f’kull ħin.

5.   Waqt li jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ domiċilju. Qabel ma jseħħ l-iskjerament tal-membri tat-tim, ir-Repubblika tas-Serbja għandha tinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom. L-Aġenzija għandha tippreżenta minn qabel lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja l-lista ta’ armi tas-servizz tal-membri tat-tim, jiġifieri l-informazzjoni dwar it-tip u n-numru tas-serje tal-armi u t-tip u l-kwantità ta’ munizzjon.

6.   Waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-forza, inkluż l-armi, il-munizzjon u tagħmir tas-servizz, bil-kunsens tal-Istat Membru ta’ domiċilju u tar-Repubblika tas-Serbja, fil-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali oħra tal-pulizija tar-Repubblika tas-Serbja u f’konformità mal-liġi nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja. Ir-Repubblika tas-Serbja tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza mingħajr il-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali oħra tal-pulizija tar-Repubblika tas-Serbja. Il-membri tat-tim jistgħu jużaw l-armi biss meta jkun assolutament meħtieġ bħala awtodifiża biex jiddefendu rwieħhom minn attakki immedjati fuq ħajjithom jew fuq ħajjet persuna oħra, f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja.

7.   L-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja tista’, fuq talba, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti li tinsab fil-bażijiet tad-data tagħha lil membri tat-tim jekk dan ikun meħtieġ biex iwettqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-pjan operazzjonali u għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet. Il-membri tat-tim jistgħu jingħataw biss dik l-informazzjoni dwar fatti rilevanti li tkun meħtieġa biex iwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. L-Aġenzija tista’ tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja l-informazzjoni rilevanti li tkun meħtieġa fit-twettiq tal-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-pjan operazzjonali u għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet.

8.   Għall-finijiet li jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-pjan operazzjonali u tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet, l-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja u l-membri tat-tim jistgħu jiskambjaw informazzjoni u riżultati oħra.

9.   Il-membri tat-tim msemmija fil-paragrafi 1 u 3 sa 6 ma jinkludux il-persunal tal-Aġenzija.

Artikolu 6

Sospensjoni u terminazzjoni ta’ azzjoni

1.   Id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew jittermina azzjoni, wara li jkun informa lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja bil-miktub, jekk dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali ma jiġix rispettat kif xieraq mir-Repubblika tas-Serbja. Id-direttur eżekuttiv għandu jinnotifika lil-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja dwar ir-raġunijiet għal tali sospensjoni jew terminazzjoni.

2.   Ir-Repubblika tas-Serbja tista’ tissospendi jew tittermina l-azzjoni, wara li tinforma lill-Aġenzija bil-miktub, jekk dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali ma jiġix implimentat kif xieraq mill-Aġenzija jew minn kwalunkwe Stat Membru parteċipanti. L-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandha tinnotifika lill-Aġenzija dwar ir-raġunijiet għal tali sospensjoni jew terminazzjoni.

3.   B’mod partikolari, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jew ir-Repubblika tas-Serbja jistgħu jissospendu jew jitterminaw azzjoni f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, jew ta’ ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement jew tar-regoli tal-protezzjoni tad-data.

4.   It-terminazzjoni ta’ azzjoni ma għandha taffettwa l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew tal-pjan operazzjonali qabel tali terminazzjoni.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim

1.   Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma permessi bis-saħħa tal-paragrafu 6.

2.   Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tar-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa matul il-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali waqt l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali, u għall-finijiet ta’ tali qadi tal-funzjonijiet.

Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reat kriminali imwettaq minn membru tat-tim, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 13(1), għandha tinnotifika minnufih lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

Wara kunsiderazzjoni diliġenti ta’ kwalunkwe rappreżentanza tal-Istat Membru ta’ domiċilju u tar-Repubblika tas-Serbja, u abbażi ta’ informazzjoni mogħtija mill-Partijiet, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jiċċertifika jekk l-att inkwistjoni ikunux twettaq matul il-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tat-tim waqt l-azzjonijiet li jkunu saru f’konformità mal-pjan operazzjonali.

Fil-każ li d-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jiċċertifika li l-att ikun twettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru tat-tim waqt l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali, il-membru tat-tim għandu jgawdi minn immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tar-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-atti mwettqa matul u għall-finijiet tal-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali waqt l-azzjonijiet li jkunu saru f’konformità mal-pjan operazzjonali.

3.   Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-atti kollha mwettqa matul il-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali waqt l-azzjonijiet li jkunu saru f’konformità mal-pjan operazzjonali, u għall-finijiet tagħhom.

Jekk jinfetħu proċedimenti ċivili kontra membri tat-tim quddiem kwalunkwe qorti, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 13(1), għandha tavża minnufih lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

Wara kunsiderazzjoni diliġenti ta’ kwalunkwe rappreżentanza tal-Istat Membru ta’ domiċilju u tar-Repubblika tas-Serbja, u fuq il-bażi ta’ informazzjoni mogħtija miż-żewġ Partijiet, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jiċċertifika jekk l-att inkwistjoni ikunx twettaq matul il-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tat-tim waqt l-azzjonijiet li jkunu saru f’konformità mal-pjan operazzjonali.

Fil-każ li d-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jiċċertifika li l-att ikun twettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru tat-tim waqt l-azzjonijiet li jkunu saru f’konformità mal-pjan operazzjonali, il-membru tat-tim għandu jgawdi minn immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-atti mwettqa matul u għall-finijiet tal-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali waqt l-azzjonijiet li jkunu saru f’konformità mal-pjan operazzjonali.

4.   L-immunità tal-membri tat-timijiet mill-ġurisdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tas-Serbja f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru ta’ domiċilju skont il-każ. Tali rinunzja trid tkun dejjem rinunzja espressa.

5.   Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu obbligati jagħtu xhieda.

6.   Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn membru tat-tim fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali waqt l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali, ir-Repubblika tas-Serbja għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara.

Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim minn Stat Membru parteċipanti, ir-Repubblika tas-Serbja tista’ titlob, permezz tad-direttur eżekuttiv, li jitħallas kumpens mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.

Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li huwa membru tal-persunal tal-Aġenzija, ir-Repubblika tas-Serbja tista’ titlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

F’każ ta’ dannu kkawżat fir-Repubblika tas-Serbja, minħabba force majeure, la r-Repubblika tas-Serbja, la l-Istat Membru parteċipanti, u lanqas l-Aġenzija, ma għandu jkollhom responsabbiltà.

7.   L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jinbeda kontrihom proċediment kriminali jew ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. Il-proprjetà tal-membri tat-tim, li tkun ċertifikata mid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ restrizzjoni.

8.   L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tas-Serbja ma għandhiex teżentahom mill-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri ta’ domiċilju rispettivi tagħhom.

9.   B’rabta mas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija l-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fir-Repubblika tas-Serbja.

10.   Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe forma ta’ tassazzjoni, fir-Repubblika tas-Serbja, fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri ta’ domiċilju kif ukoll fuq kwalunkwe introjtu li jirċievu minn barra mir-Repubblika tas-Serbja.

11.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha, f’konformità ma’ dawk il-liġijiet u r-regolamenti li tista’ tadotta, tippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandha tagħti eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u imposti relatati oħra ħlief għall-ħlasijiet marbuta mal-ħżin, it-trasport u servizzi simili, fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti. Ir-Repubblika tas-Serbja għandha wkoll tippermetti l-esportazzjoni ta’ tali oġġetti.

12.   Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati biss f’każ ta’ bażi li jitqies li jkun fihom oġġetti li ma jkunux għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew soġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tar-Repubblika tas-Serbja. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha ssir biss fil-preżenza tal-membru jew membri tat-tim ikkonċernat jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

Artikolu 8

Dokument ta’ akkreditazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mar-Repubblika tas-Serbja, toħroġ dokument fil-lingwa/i uffiċjali tar-Repubblika tas-Serbja u f’lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 5 u fil-pjan operazzjonali. Id-dokument għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru: l-isem u n-nazzjonalità; il-grad jew it-titlu tal-impjieg; ritratt reċenti diġitalizzat u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament. Għandu jindika wkoll li d-detentur ta’ dan id-dokument għandu dritt li jirrisjedi fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja għad-durata ta’ azzjoni mingħajr proċeduri addizzjonali.

2.   Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għar-Repubblika tas-Serbja mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel.

3.   Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-azzjoni.

4.   L-Aġenzija għandha, qabel ma jibda japplika dan il-Ftehim u kull meta l-mudell tagħha jiġi modifikat, tipprovdi lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja kampjun tad-dokument tal-akkreditazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 9

Drittijiet Fundamentali

1.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għall-proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju tan-non-refoulement u l-projbizzjoni ta’ espulsjonijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom ma għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni fuq bażi ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età, orjentazzjoni sesswali. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

2.   Kull Parti għandha tuża mekkaniżmu eżistenti sabiex tittratta allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul azzjoni mwettqa skont dan il-Ftehim.

Artikolu 10

Ipproċessar ta’ data personali

1.   L-ipproċessar ta# data personali għandu jsir biss meta jkun meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mir-Repubblika tas-Serbja, mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri parteċipanti.

2.   L-ipproċessar ta’ data personali mil-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandu jkun soġġett għal liġijiet nazzjonali tagħha.

3.   L-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet amministrattivi mill-Aġenzija u mill-Istat Membru jew Stati Membri parteċipanti, inkluż f’każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn ir-Repubblika tas-Serbja, għandu jkun soġġett għar-Regolament(UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (5); għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (6); għad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (7); u għall-miżuri adottati mill-Aġenzija għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (8), kif imsemmi fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2016/1624.

4.   F’każ li l-ipproċessar ikun jinvolvi trasferiment ta’ data personali, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jindikaw, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali lil-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess tagħha jew l-użu tagħha, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż għat-trasferiment, it-tħassir jew il-qerda tagħha. Fejn il-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir ċara wara t-trasferiment tad-data personali, dawn għandhom jinformaw lil-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja dwar dan.

5.   Id-data personali miġbura u pproċessata ulterjorment għal għanijiet amministrattivi matul azzjoni tista’ tiġi pproċessata mill-Aġenzija, mill-Istati Membri parteċipanti u mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja f’konformità mal-leġislazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim l-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandha żżomm rekord tad-data personali miġbura u pproċessata ulterjorment skont dan l-Artikolu. Id-data koperta minn dan ir-rekord għandha tkun: l-isem u l-kunjom, id-data tat-twelid, il-post tat-twelid, il-pajjiżi tal-oriġini, in-numru u t-tip tal-persunal u dokumenti oħra, il-post u l-ħin tal-ipproċessar tad-data u r-raġuni għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data.

Id-data miżmuma f’dan ir-rekord għandha tinżamm għal tliet snin mid-data ta’ meta tinġabar.

6.   L-Aġenzija, l-Istati Membri parteċipanti u r-Repubblika tas-Serbja għandhom iħejju rapport komuni dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 fi tmiem kull azzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja, lill-uffiċjal tad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija u lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija. L-uffiċjal tad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija u l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija għandhom jirrapportaw għand id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija.

Artikolu 11

Tilwim u interpretazzjoni

1.   Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw f’konnessjoni mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja u mir-rappreżentanti tal-Aġenzija.

2.   Fin-nuqqas ta’ riżoluzzjoni minn qabel, it-tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt biss permezz ta’ negozjati bejn l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja u l-Kummissjoni Ewropea.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-Aġenzija u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jibqgħu f’kuntatt kostanti mal-Istat Membru jew Stati Membri bi fruntiera maż-żona operazzjonali.

Artikolu 12

Rabta ma’ obbligi internazzjonali oħra

Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jkunu daħlu għalihom ir-Repubblika tas-Serbja u l-Unjoni Ewropea abbażi ta’ trattati u ftehimiet internazzjonali f’konformità mal-prinċipji tal-liġi internazzjonali aċċettati b’mod ġenerali u għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom.

Artikolu 13

Awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim fir-Repubblika tas-Serbja għandha tkun il-Ministeru responsabbli mill-Affarijiet Interni.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkun l-Aġenzija.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ, durata, sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri legali interni tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom imsemmijin fil-paragrafu 1.

3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi sospiż jew itterminat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn xi waħda mill-Partijiet. F’dan l-aħħar każ, il-Parti li jkollha l-intenzjoni tissospendi jew tittermina dan il-Ftehim għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra b’dan b’mezzi diplomatiċi.

Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara li tiġi rċevuta n-notifika.

It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni x-xahar ta’ wara dak meta tingħata n-notifika.

4.   In-notifiki li jsiru skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ tar-Repubblika tas-Serbja, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tas-Serbja.

Artikolu 15

Lingwi

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’kopja ddupplikata bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż,, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bit-Taljan, bl-Ungeriż, bl-Iżvediż u bis-Serb, u kull test għandu l-istess awtentiċità.

Съставено в Белград на осемнадесети и в Скопие на деветнадесети ноември две хиляди и деветнадесета година.

Hecho en Belgrado, el dieciocho, y en Skopie, el diecinueve de noviembre de dos mil diecinueve.

V Bělehradě dne osmnáctého a ve Skopji dne devatenáctého listopadu dva tisíce devatenáct.

Udfærdiget i Beograd den attende og i Skopje den nittende november to tusind og nitten.

Geschehen zu Belgrad am achtzehnten November und zu Skopje am neunzehnten November zweitausendneunzehn.

Kahe tuhande üheksateistkümnenda aasta novembrikuu kaheksateistkümnendal päeval Belgradis ja üheksateistkümnendal päeval Skopjes.

Έγινε στο Βελιγράδι στις δεκαοκτώ και στα Σκόπια στις δεκαεννέα Νοεμβρίου δύο χιλιάδες δεκαεννέα.

Done at Belgrade on the eighteenth day and at Skopje on the nineteenth day of November in the year two thousand and nineteen.

Fait à Belgrade, le dix-huit novembre deux mille dix-neuf, et à Skopje, le dix-neuf novembre deux mille dix-neuf.

Sastavljeno u Beogradu osamnaestog studenoga i u Skopju devetnaestog studenoga godine dvije tisuće devetnaeste.

Fatto a Belgrado, addì diciotto e a Skopje, addì diciannove novembre duemiladiciannove.

Belgradā, divi tūkstoši deviņpadsmitā gada astoņpadsmitajā novembrī, un Skopjē, deviņpadsmitajā novembrī.

Priimta Belgrade du tūkstančiai devynioliktų metų lapkričio aštuonioliktą dieną ir Skopjėje du tūkstančiai devynioliktų metų lapkričio devynioliktą dieną.

Kelt Belgrádban, a kétezer-tizenkilencedik év november havának tizennyolcadik napján és Szkopjében, a kétezer-tizenkilencedik év november havának tizenkilencedik napján.

Magħmul f'Belgrad fit-tmintax-il jum u fi Skopje fid-dsatax-il jum ta’ Novembru fis-sena elfejn u dsatax.

Gedaan te Belgrado op achttien november en te Skopje op negentien november tweeduizend negentien.

Sporządzono w Belgradzie dnia osiemnastego listopada i w Skopje dnia dziewiętnastego listopada roku dwa tysiące dziewiętnastego.

Feito em Belgrado, em dezoito, e em Skopje, em dezanove de novembro de dois mil e dezanove.

Întocmit la Belgrad la optsprezece și la Skopje la nouăsprezece noiembrie două mii nouăsprezece.

V Belehrade osemnásteho a v Skopje devätnásteho novembra dvetisícdevätnásť.

V Beogradu, dne osemnajstega novembra, in v Skopju, dne devetnajstega novembra leta dva tisoč devetnajst.

Tehty Belgradissa kahdeksantenatoista päivänä ja Skopjessa yhdeksäntenätoista päivänä marraskuuta vuonna kaksituhattayhdeksäntoista.

Som skedde i Belgrad den artonde november och i Skopje den nittonde november år tjugohundranitton.

Потписано у Београду осамнаестог новембра и у Скопљу деветнаестог новембра две хиљаде деветнаесте године.

Image 1


(1)  ĠU L 334, 19.12.2007, p. 46.

(2)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1624 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1).

(4)  Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(5)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(6)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(7)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 026 p. 102).


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIRRIGWARDA L-ARTIKOLU 2(b)

Il-Partijiet jieħdu nota li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ser tappoġġa lir-Repubblika tas-Serbja biex tikkontrolla b’mod effiċjenti l-fruntiera tagħha ma’ kwalunkwe pajjiż li mhuwiex membru tal-Unjoni Ewropea b’mezzi li ma jinkludux l-iskjerament ta’ timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ISTATUS U D-DELIMITAZZJONI TAT-TERRITORJI

L-istatus u d-delimitazzjoni skont il-liġi internazzjonali fit-territorju tas-Serbja u l-Istati Membri ma huma affettwati bl-ebda mod la minn dan il-Ftehim u lanqas minn xi att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-Partijiet jew f’isimhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjanijiet operazzjonali jew il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntiera.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

F’tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja b’termini simili għal dawk ta’ dan il-Ftehim.