ISSN 1977-074X |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 197 |
|
![]() |
||
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 63 |
Werrej |
|
II Atti mhux leġiżlattivi |
Paġna |
|
|
REGOLAMENTI |
|
|
* |
||
|
* |
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
22.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 197/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/861
tas-16 ta’ Ġunju 2020
li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imdaħħal fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Cantal”/“fourme de Cantal”/“cantalet” (DOP)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Franza għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Cantal”/“fourme de Cantal”/“cantalet”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2). Din l-emenda tinkludi modifika tal-isem “Cantal”/“fourme de Cantal”/“cantalet” għal “Cantal”/“Fourme de Cantal”. |
(2) |
Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba għal emenda, skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament imsemmi, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). |
(3) |
Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna l-isem “Cantal”/“fourme de Cantal”/“cantalet” (DOP) hija approvata.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Janusz WOJCIECHOWSKI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1).
22.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 197/3 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/862
tad-19 ta’ Ġunju 2020
li jiffissa r-rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2020
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,
Billi:
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 trid tiġi stabbilita riżerva maħsuba biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lis-settur agrikolu fil-każ ta’ kriżijiet kbar li jolqtu lill-produzzjoni jew lid-distribuzzjoni agrikola billi, fil-bidu ta’ kull sena, jiġi applikat tnaqqis fil-pagamenti diretti permezz tal-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja msemmi fl-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament. |
(2) |
L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistipula li, biex ikun żgurat li jiġu rispettati l-limiti massimi annwali imsemmija fl-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament għall-finanzjament tan-nefqa relatata mas-suq u tal-pagamenti diretti, trid tiġi ddeterminata rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti meta l-previżjonijiet għall-finanzjament tal-miżuri ffinanzjati skont dak is-sublimitu massimu għal sena finanzjarja partikolari jindikaw li jkunu se jinqabżu l-limiti massimi annwali applikabbli. |
(3) |
Il-previżjonijiet preliminari għall-pagamenti diretti u n-nefqa relatata mas-suq għas-sena finanzjarja 2021 juru l-ħtieġa għal dixxiplina finanzjarja għal ammont ta’ EUR 647,2 miljun, inkluż ammont għar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu ta’ EUR 487,6 miljun bi prezzijiet attwali. |
(4) |
Biex ikun kopert dak l-ammont, il-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja jrid japplika għall-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta’ appoġġ imniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2020. |
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jenħtieġ li r-rata ta’ aġġustament tiġi ffissata sat-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja li għaliha tapplika r-rata ta’ aġġustament. |
(6) |
Il-proposta emendata tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (3) għadha ma ġietx adottata. Għalhekk, bħala miżura ta’ prekawzjoni, il-bilanċ nett disponibbli għan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija għas-sena finanzjarja 2021 li jammonta għal EUR 40 179,1 miljun (sublimitu kif stabbilit f’dik il-proposta emendata, aġġustat għat-trasferimenti notifikati mill-Istati Membri f’allokazzjonijiet bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-pagamenti diretti), jenħtieġ jintuża għall-kalkolu tar-rata ta’ aġġustament. |
(7) |
Bħala regola ġenerali, il-bdiewa li jippreżentaw applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu fi żmien perjodu fiss tal-pagamenti tul is-sena finanzjarja (N+1). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, sa ċerti limiti, iħallsu l-pagamenti lill-bdiewa wara dak il-perjodu tal-pagamenti. Dawn il-pagamenti tard jistgħu jsiru f’sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal sena kalendarja partikolari, jenħtieġ li r-rata ta’ aġġustament ma tiġix applikata għall-pagamenti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna fi snin kalendarji li ma jkunux is-sena kalendarja li tapplika għaliha d-dixxiplina finanzjarja. Għalhekk, biex ikun żgurat trattament ugwali fost il-bdiewa, jixraq jiġi stipulat li r-rata ta’ aġġustament tiġi applikata biss għall-pagamenti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna fis-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja, irrispettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa. |
(8) |
L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula li r-rata ta’ aġġustament applikata għall-pagamenti diretti ddeterminata skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 trid tapplika biss għall-pagamenti diretti li jkunu ta’ iktar minn EUR 2 000 u li jridu jingħataw lill-bdiewa għas-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi li, minħabba l-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti, ir-rata ta' aġġustament trid tibda tapplika għall-Kroazja mill-1 ta' Jannar 2022 biss. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-rata ta’ aġġustament li trid tiġi ddeterminata minn dan ir-Regolament ma tkunx tapplika għall-pagamenti lill-bdiewa f’dak l-Istat Membru, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Biex tiġi ffissata r-rata ta’ aġġustament f’konformità mal-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti tal-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta’ appoġġ imniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li huma aktar minn EUR 2 000 u li jridu jingħataw lill-bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna mressqa fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2020 għandhom jitnaqqsu b’rata ta’ aġġustament ta’ 2,140411 %.
2. It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-Kroazja.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).
(3) COM(2020) 443 final.