ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 160

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
25 ta' Mejju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/684 tat-18 ta’ Mejju 2020 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imdaħħal fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (Kaki Ribera del Xúquer (DOP))

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/685 tal-20 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-perklorat f’ċerti oġġetti tal-ikel ( 1 )

3

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

25.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/684

tat-18 ta’ Mejju 2020

li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imdaħħal fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (“Kaki Ribera del Xúquer” (DOP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru°1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu.

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Spanja għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tad-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta “Kaki Ribera del Xúquer” , irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 245/2002 (2), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1133/2013 (3).

(2)

Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba għal emenda, skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament imsemmi, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

(3)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna l-isem “Kaki Ribera del Xúquer” (DOP), hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

f’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 245/2002 tat-8 ta’ Frar 2002 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2400/96 dwar id-dħul ta’ ċerti ismijiet fir-Reġistru tad-Denominazzjonijiet Protetti ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti pprovdut bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u d-Denominazzjonijiet tal-Oriġini għall-prodotti u l-oġġetti tal-ikel agrikoli (ĠU L 39, 9.2.2002, p. 12).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1133/2013 tas-7 ta’ Novembru 2013 li japprova emenda minuri fl-Ispeċifikazzjoni ta’ Denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti [Kaki Ribera del Xúquer (DPO)] (ĠU L 302, 13.11.2013, p. 22).

(4)  ĠU C 431, 23.12.2019, p. 41.


25.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/685

tal-20 ta’ Mejju 2020

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-perklorat f’ċerti oġġetti tal-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel.

(2)

Fit-30 ta’ Settembru 2014, il-Bord Xjentifiku dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (“il-Bord CONTAM”) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adotta opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika relatati mal-preżenza tal-perklorat fl-ikel (3). Il-Bord CONTAM stabbilixxa doża tollerabbli ta’ kuljum ta’ 0,3 mikrogrammi għal kull kilogramma tal-piż kuljum, abbażi tal-inibizzjoni tal-użu tal-jodju mit-tirojde fl-adulti b’saħħithom. Il-Bord CONTAM ikkonkluda li l-istima attwali għall-esponiment kroniku għall-perklorat fid-dieta hija ta’ tħassib potenzjali, b’mod partikolari għal dawk li jikkunsmaw livelli għolja fil-gruppi tal-età iżgħar tal-popolazzjoni b’nuqqas ħafif sa moderat tal-jodju. Barra minn hekk, huwa possibbli li l-istima attwali għall-esponiment għall-perklorat fuq medda qasira ta’ żmien hija ta’ tħassib għat-trabi mredda’ u t-tfal żgħar b’konsum baxx ta’ jodju.

(3)

Il-Bord CONTAM irrakkomanda li l-Istati Membri jiġbru data addizzjonali dwar l-okkorrenza tal-perklorat fl-ikel fl-Ewropa, speċjalment fir-rigward tal-ħxejjex, tal-formula tat-trabi, tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, sabiex tkompli titnaqqas l-inċertezza fil-valutazzjoni tar-riskju.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/682 (4) ġiet adottata abbażi tar-rapport xjentifiku bl-objettiv li tiġi mmonitorjata l-preżenza tal-perklorat fl-ikel, b’mod partikolari fil-kampjuni tal-ikel meħuda wara l-1 ta’ Settembru 2013, meta ġew implimentati l-miżuri ta’ mitigazzjoni.

(5)

L-Awtorità wettqet valutazzjoni tal-esponiment tal-bnedmin għall-perklorat filwaqt li qieset id-data dwar l-okkorrenza disponibbli fil-bażi tad-data tagħha minn kampjuni meħuda wara l-1 ta’ Settembru 2013 u ppubblikat ir-rapport xjentifiku “Dietary exposure assessment to perchlorate in the European population” (Valutazzjoni tal-esponiment djetetiku għall-perklorat fil-popolazzjoni Ewropea) (5) fl-2017.

(6)

Il-Bord CONTAM ikkunsidra l-eżitu tar-rapport dwar il-perklorat fl-ikel fis-87 laqgħa plenarja tiegħu f’Novembru 2017 (6) u nnota allinjament sostanzjali tal-livelli tal-esponiment stmati f’dan ir-rapport ma’ dawk stmati fl-opinjoni tal-Bord CONTAM fl-2014. Fid-dawl tad-doża tollerabbli ta’ kuljum stabbilita preċedentement ta’ 0,3 μg/kg tal-piż kuljum, il-Bord CONTAM ikkonferma l-konklużjoni li l-esponiment attwali kroniku u fuq medda qasira ta’ żmien għall-perklorat jista’ joħloq tħassib possibbli għas-saħħa tal-bniedem.

(7)

Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti livelli massimi ta’ perklorat kemm fil-prodotti tal-ikel li fihom livelli sinifikanti ta’ perklorat u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-esponiment tal-bniedem kif ukoll fl-oġġetti tal-ikel li huma ta’ rilevanza fir-rigward tal-esponiment possibbli tal-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni bħat-trabi u t-tfal żgħar.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan.

(9)

Jenħtieġ li l-operaturi tan-negozji tal-ikel jingħataw iż-żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda stipulati f’dan ir-Regolament. Għaldaqstant, id-data tal-applikazzjoni tal-livelli massimi tal-perklorat għal dawk l-oġġetti tal-ikel jenħtieġ li tiġi differita.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament li tqiegħdu fis-suq legalment qabel l-1 ta’ Lulju 2020 jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sad-data tad-durabbiltà minima tagħhom jew sad-data tal-iskadenza tagħhom.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  EFSA CONTAM Panel (EFSA Panel on Contaminants in the Food Chain), 2014. Scientific Opinion on the risks to public health related to the presence of perchlorate in food, in particular fruits and vegetables. EFSA Journal 2014;12(10):3869, 106 pp. doi:10.2903/j.efsa.2014.3869 http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/3869

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/682 tad-29 ta’ April 2015 dwar is-sorveljanza tal-preżenza tal-perklorat fl-ikel (ĠU L 111, 30.4.2015, p. 32)

(5)  EFSA (European Food Safety Authority), Arcella D, Binaglia M and Vernazza F, 2017. Scientific Report on the Dietary exposure assessment to perchlorate in the European population. EFSA Journal 2017;15(10):5043, 24 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.5043

(6)  http://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/event/171121-m.pdf


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, tiżdied it-“Taqsima 9 Perklorat” li ġejja:

“Taqsima 9: Perklorat

Oġġetti tal-Ikel (1)

Livelli massimi

(mg/kg)

9.

Perklorat

 

9.1.

Frott u ħxejjex

ħlief:

0,05

 

Cucurbitaceae u kale

0,10

 

ħxejjex tal-weraq u ħxejjex aromatiċi

0,50

9,2

Tè (Camellia sinensis), imnixxef

Infużjonijiet tal-ħxejjex aromatiċi u tal-frott, imnixxfa

0,75

9,3

Formula tat-trabi, formula ta’ prosegwiment, ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar u formula tat-tfal żgħar(3) (4)  (*1)

0,01

 

Ikel tat-trabi (3) (4)

0,02

 

Ikel abbażi taċ-ċereali, ipproċessat (3) (29)

0,01


(*1)  il-formula tat-tfal żgħar huma xarbiet abbażi tal-ħalib u prodotti simili abbażi tal-proteini maħsuba għat-tfal żgħar. Dawn il-prodotti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 (ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-formuli tat-tfal żgħar (COM/2016/0169 finali) (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016DC0169&qid=1559628885154&from=MT).”