ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 156

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
19 ta' Mejju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/665 tat-13 ta’ Mejju 2020 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti Aceite de Jaén (IĠP)

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/666 tat-18 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013 fir-rigward tat-tiġdid tal-ħatriet u s-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-korpi nnotifikati ( 1 )

2

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/667 tas-6 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2012/688/UE fir-rigward ta’ aġġornament tal-kundizzjonijiet tekniċi rilevanti applikabbli għall-meded ta’ frekwenzi 1 920-1 980 MHz u 2 110-2 170 MHz (notifikata bid-dokument C(2020) 2816)  ( 1 )

6

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/668 tat-18 ta’ Mejju 2020 dwar l-istandards armonizzati għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

13

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/669 tat-18 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/801/UE fir-rigward tal-inkarigar tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks bl-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni

20

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2020 tal-Kumitat tal-FSE stabbilita mill-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, tat-28 ta’ April 2020 li tadotta r-regoli ta’ proċedura dwar il-medjazzjoni, ir-regoli ta’ proċedura dwar l-arbitraġġ u l-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri [2020/670]

22

 

*

Deċiżjoni Nru 2/2020 tal-Kumitat tal-FSE stabbilita mill-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, tat-28 ta’ April 2020 dwar l-adozzjoni tal-lista ta’ arbitri [2020/671]

35

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

19.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/665

tat-13 ta’ Mejju 2020

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti “Aceite de Jaén (IĠP)”

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-punt a) tal-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni ta’ Spanja biex id-denominazzjoni “Aceite de Jaén” tiddaħħal fir-reġistru, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li l-isem “Aceite de Jaén” jiġi rreġistrat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Aceite de Jaén” (IĠP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

f’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 30, 29.1.2020, p. 9.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


19.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/666

tat-18 ta’ Mejju 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013 fir-rigward tat-tiġdid tal-ħatriet u s-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-korpi nnotifikati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE tal-20 ta’ Ġunju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2013 (3) jistabbilixxi interpretazzjoni komuni tal-elementi ewlenin tal-kriterji għall-ħatra tal-korpi nnotifikati stipulati fid-Direttivi 90/385/KEE u 93/42/KEE.

(2)

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata jippreżentaw sfida bla preċedent għall-Istati Membri u għal atturi oħra attivi fil-qasam tal-mezzi mediċi. Il-kriżi tas-saħħa pubblika ħolqot ċirkostanzi straordinarji li għandhom impatt sinifikanti fuq diversi oqsma koperti mill-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-mezzi mediċi, bħal pereżempju l-ħatra u x-xogħol tal-korpi nnotifikati, kif ukoll id-disponibbiltà ta’ mezzi mediċi ta’ importanza vitali fl-Unjoni.

(3)

Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, ir-Regolament (UE) 2020/561 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġie adottat biex jiddiferixxi b’sena l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li kieku kienu jibdew japplikaw mis-26 ta’ Mejju 2020, inkluża d-dispożizzjoni li tħassar id-Direttivi 90/385/KEE u 93/42/KEE.

(4)

Bħala riżultat, il-korpi nnotifikati maħtura skont dawk id-Direttivi jistgħu jiċċertifikaw il-mezzi mediċi għal sena addizzjonali, sal-25 ta’ Mejju 2021. Madankollu, għal għadd sinifikanti ta’ dawk il-korpi nnotifikati, il-ħatriet se jiskadu bejn is-26 ta’ Mejju 2020 u l-25 ta’ Mejju 2021. Mingħajr ħatra valida, dawk il-korpi nnotifikati ma jkunux jistgħu joħorġu aktar ċertifikati, u jiżguraw il-validità kontinwa tagħhom, li huwa rekwiżit meħtieġ għat-tqegħid fis-suq jew għat-tqegħid fis-servizz tal-mezzi mediċi b’mod legali.

(5)

Għalhekk, biex tiġi evitata l-iskarsezza ta’ mezzi mediċi ta’ importanza vitali, huwa essenzjali li l-korpi nnotifikati li bħalissa huma maħtura skont id-Direttivi 90/385/KEE u 93/42/KEE jkunu jistgħu jkomplu joperaw sa meta jibda japplika l-qafas regolatorju ġdid għall-mezzi mediċi skont ir-Regolament (UE) 2017/745.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013 jistabbilixxi regoli u obbligi proċedurali għat-tiġdid tal-ħatra bħala korp innotifikat li jridu jissodisfaw l-awtoritajiet li jaħtru tal-Istati Membri skont id-Direttivi 90/385/KEE u 93/42/KEE.

(7)

Iċ-ċirkostanzi straordinarji maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19 għandhom impatt sinifikanti fuq ix-xogħol tal-korpi nnotifikati, tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, fir-rigward tat-tiġdid tal-proċess tal-ħatra. B’mod partikolari, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri tas-saħħa pubblika, bħal pereżempju r-rekwiżiti ta’ tbegħid soċjali imposti mill-Istati Membri, kif ukoll iż-żieda fid-domanda għal riżorsi biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata, jimpedixxu lill-atturi rilevanti milli jwettqu l-proċess tal-ħatra f’konformità mar-regoli u mal-obbligi proċedurali stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013. Id-differiment tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/745 u d-differiment tat-tħassir tad-Direttivi 90/385/KEE u 93/42/KEE jagħmluha neċessarja li jiġġeddu l-ħatriet tal-korpi nnotifikati li kieku kienu jiskadu qabel ma jibda japplika l-qafas regolatorju ġdid għall-mezzi mediċi skont ir-Regolament (UE) 2017/745. L-adozzjoni ta’ dak it-tiġdid tal-ħatriet trid issir f’limiti ta’ żmien konsiderevolment qosra. Dawk il-limiti ma setgħu bl-ebda mod jiġu antiċipati fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013.

(8)

Filwaqt li jitqiesu l-isfidi mingħajr preċedent ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, il-komplessità tal-kompiti rigward it-tiġdid tal-ħatra tal-korpi nnotifikati, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu evitati skarsezzi potenzjali ta’ mezzi mediċi ta’ importanza vitali fl-Unjoni, huwa xieraq li jiġi emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013 fir-rigward tat-tiġdid tal-ħatriet bħala korpi nnotifikati. Dan għandu jippermetti lill-awtoritajiet li jaħtru, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata, jidderogaw mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament sabiex jiggarantixxu t-tiġdid bla xkiel u f’waqtu ta’ ħatra qabel ma tiskadi.

(9)

Sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u s-saħħa tal-pazjenti, dawk il-miżuri ta’ deroga jenħtieġ li jiġu limitati għat-tiġdid tal-ħatriet li diġà jkunu ngħataw bħala korpi nnotifikati li għalihom il-proċess tal-ħatra jkun diġà twettaq qabel, inkluża valutazzjoni kompluta tal-korp innotifikat u l-attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ assoċjati. Dak it-tiġdid tal-ħatriet jenħtieġ li jkun temporanju u jenħtieġ li jiġi adottat qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ validità tal-ħatra preċedenti rispettiva. Jenħtieġ li dawn isiru nulli awtomatikament l-aktar tard fid-data tat-tħassir tad-Direttivi 90/385/KEE u 93/42/KEE. Meta tiddeċiedi dwar it-tiġdid ta’ ħatra, l-awtorità tal-ħatra jenħtieġ li twettaq valutazzjoni tal-korp innotifikat sabiex tivverifika l-kompetenza kontinwa tagħha u l-kapaċità li twettaq il-kompiti li għalihom tkun inħatret. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tinkludi reviżjoni tad-dokumenti u tal-attivitajiet relatati mal-korp innotifikat, li jippermettu lill-awtorità tal-ħatra tivverifika l-kriterji għall-ħatra kif stabbilit fid-Direttivi 90/385/KEE u 93/42/KEE u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013.

(10)

Iċ-ċirkostanzi straordinarji maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19 għandhom ukoll impatt fuq l-attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ relatati mal-korpi nnotifikati. B’mod partikolari, dawk iċ-ċirkostanzi jistgħu, għal ċertu perjodu ta’ żmien, jipprevjenu lill-awtorità tal-ħatra ta’ Stat Membru milli twettaq valutazzjonijiet tas-sorveljanza fuq il-post jew eżerċizzji tal-awditjar osservati. Sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ tal-korpi nnotifikati, matul dak il-perjodu ta’ żmien, l-awtoritajiet li jaħtru xorta jenħtieġ li jwettqu kwalunkwe miżura sabiex jiżguraw livell adegwat ta’ sorveljanza li tibqa’ possibbli f’dawk iċ-ċirkostanzi flimkien mal-valutazzjoni ta’ għadd adegwat ta’ reviżjonijiet tal-korp innotifikat tal-evalwazzjonijiet kliniċi tal-manifattur u għadd adegwat ta’ analiżijiet tal-fajls. L-awtoritajiet li jaħtru jenħtieġ li jeżaminaw il-bidliet fir-rekwiżiti organizzattivi u ġenerali stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013 li jkunu seħħew mill-aħħar valutazzjoni fuq il-post u l-attivitajiet li wettaq il-korp innotifikat warajha fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħatra tiegħu.

(11)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u tiżdied il-fiduċja reċiproka, jenħtieġ ukoll li l-awtoritajiet li jaħtru jkunu meħtieġa li jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lil xulxin, permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Innotifikati u Maħtura permezz tal-Approċċ il-Ġdid (New Approach Notified and Designated Organisations Information System, NANDO), bi kwalunkwe deċiżjoni dwar it-tiġdid ta’ ħatra bħala korp innotifikat li ttieħdet mingħajr l-użu tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013. Dawk in-notifiki jenħtieġ li jinkludu r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet dwar it-tiġdid li jkunu ttieħdu mill-awtorità li taħtar. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob lil awtorità li taħtar biex tipprovdilha r-riżultati tal-valutazzjoni li tappoġġa d-deċiżjoni li tiġġedded il-ħatra ta’ korp innotifikat, kif ukoll l-eżitu tal-attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ, inklużi dawk imsemmijin fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Meta jkun hemm xi dubju dwar il-kompetenza tal-korp innotifikat, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li tinvestiga l-każ individwali.

(12)

F’konformità mad-Direttivi 90/385/KEE u 93/42/KEE, l-Istati Membri huma responsabbli għal deċiżjoni dwar il-ħatra bħala korp innotifikat. Ir-responsabbiltà testendi wkoll għal deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-ħatra, inkluż tiġdid li Stati Membru jista’ jwettaq f’konformità ma’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni li jemenda.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013 jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Mezzi Mediċi stabbilit fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 90/385/KEE.

(15)

Fid-dawl tal-ħtieġa prevalenti li tiġi indirizzata minnufih il-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata mal-pandemija tal-COVID-19, dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

“6.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, matul il-perjodu mid-19 ta’ Mejju 2020 sal-25 ta’ Mejju 2021, l-awtorità li taħtar ta’ Stat Membru, f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u minħabba l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/561 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil (*1) li jiddiferixxi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), tista’ tiddeċiedi li ġġedded ħatra bħala korp innotifikat mingħajr ma tirrikorri għall-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 3.

Sabiex tiddeċiedi dwar it-tiġdid ta’ ħatra bħala korp innotifikat f’konformità mal-ewwel subparagrafu, l-awtorità li taħtar għandha twettaq valutazzjoni sabiex tivverifika l-kompetenza kontinwa tal-korp innotifikat u l-kapaċità tiegħu li jwettaq il-kompiti li għalihom ikun inħatar.

Id-deċiżjoni dwar it-tiġdid ta’ ħatra bħala korp innotifikat f’konformità ma’ dan il-paragrafu għandha tiġi adottata qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ validità tal-ħatra preċedenti u għandha awtomatikament issir nulla l-aktar tard mis-26 ta’ Mejju 2021.

L-awtorità li taħtar għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha dwar it-tiġdid ta’ ħatra bħala korp innotifikat u tagħti raġunijiet sostantivi għaliha, f’konformità ma’ dan il-paragrafu permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Innotifikati u Maħtura permezz tal-Approċċ il-Ġdid (New Approach Notified and Designated Organisations Information System).

Il-Kummissjoni tista’ titlob lil awtorità li taħtar biex tipprovdilha r-riżultati tal-valutazzjoni li tappoġġa d-deċiżjoni dwar it-tiġdid ta’ ħatra bħala korp innotifikat f’konformità ma’ dan il-paragrafu, kif ukoll l-eżitu tal-attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ relatati, inklużi dawk imsemmijin fl-Artikolu 5.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2020/561 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/745 dwar l-apparati mediċi, rigward id-dati tal-applikazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 18)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 5(1) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Permezz ta’ deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi, f’ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mal-pandemija tal-COVID-19 li temporanjament jimpedixxu lill-awtorità li taħtar li tkun ġiet fdata mill-Istat Membru milli twettaq valutazzjonijiet tas-sorveljanza fuq il-post jew eżerċizzji tal-awditjar osservati, għandha timplimenta kwalunkwe miżura biex tiżgura livell adegwat ta’ sorveljanza li tkun possibbli f’dawk iċ-ċirkostanzi flimkien mal-valutazzjoni ta’ għadd adegwat ta’ reviżjonijiet tal-korp innotifikat tad-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur, inkluż l-evalwazzjonijiet kliniċi. Dik l-awtorità li taħtar għandha teżamina l-bidliet fir-rekwiżiti organizzattivi u ġenerali stabbiliti fl-Anness II li jkunu seħħew mill-aħħar valutazzjoni fuq il-post u l-attivitajiet li wettaq il-korp innotifikat warajha.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 189, 20.7.1990, p. 17.

(2)  ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2013 tal-24 ta’ Settembru 2013 dwar il-ħatra u s-superviżjoni tal-korpi nnotifikati skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE dwar il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem u d-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE dwar mezzi mediċi (ĠU L 253, 25.9.2013, p. 8).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/561 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/745 dwar l-apparati mediċi, rigward id-dati tal-applikazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 18).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).


DEĊIŻJONIJIET

19.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/6


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/667

tas-6 ta’ Mejju 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2012/688/UE fir-rigward ta’ aġġornament tal-kundizzjonijiet tekniċi rilevanti applikabbli għall-meded ta’ frekwenzi 1 920-1 980 MHz u 2 110-2 170 MHz

(notifikata bid-dokument C(2020) 2816)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/688/UE (2) armonizzat il-kundizzjonijiet tekniċi għall-użu tal-meded ta’ frekwenzi 1 920-1 980 MHz u 2 110-2 170 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika (ECSs) fl-Unjoni, u hija mmirata primarjament lejn is-servizzi tal-broadband mingħajr fili għall-utenti aħħarija.

(2)

L-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jirrikjedi li l-Istati Membri jgħinu lill-fornituri tal-ECSs biex jaġġornaw regolarment in-netwerks tagħhom għat-teknoloġija l-iktar reċenti u l-iktar effiċjenti, bl-għan li joħolqu d-dividendi tal-ispettru tagħhom stess f’konformità mal-prinċipji tan-newtralità tas-servizz u tat-teknoloġija.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabit s” (4), tistabbilixxi objettivi ġodda tal-konnettività għall-Unjoni li jridu jinkisbu permezz tat-tqegħid u tal-adozzjoni mifruxa ta’ netwerks b’kapaċità għolja ħafna. Għal dak l-għan, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjon i” (5) tidentifika l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE, inkluż l-identifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-ispettru għall-5G abbażi tal-opinjoni tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG), sabiex tiġi żgurata l-kopertura tal-5G mingħajr interruzzjoni fiż-żoni urbani kollha u fir-rotot ewlenin kollha tat-trasport terrestri sal-2025.

(4)

Fiż-żewġ opinjonijiet tiegħu dwar “il-pjan direzzjonali strateġiku lejn il-5G għall-Ewropa” (tas-16 ta’ Novembru 2016 (6) u tat-30 ta’ Jannar 2019 (7)), l-RSPG identifika l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tekniċi u regolatorji għall-meded kollha li diġà ġew armonizzati għan-netwerks mobbli jkunu tajbin għall-użu tal-5G. Il-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz hija medda waħda minn dawk il-meded.

(5)

Fit-12 ta’ Lulju 2018, skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, il-Kummissjoni tat mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) biex tirrieżamina l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għal ċerti meded ta’ frekwenzi armonizzati tal-UE, inkluż il-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz, u biex tiżviluppa l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati l-inqas restrittivi li jkunu adattati għas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G).

(6)

Fil-5 ta’ Lulju 2019, is-CEPT ħareġ rapport (ir-rapport 72 tas-CEPT). Fih ippropona kundizzjonijiet tekniċi armonizzati tal-UE għall-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz f’termini ta’ arranġament ta’ frekwenzi u Block Edge Mask, li jkunu adattati għall-użu tal-medda għas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G). Ir-rapport 72 tas-CEPT jikkonkludi li l-medda ta’ protezzjoni ta’ 300 kHz fil-konfini ta’ frekwenzi inferjuri u superjuri tal-arranġament ta’ frekwenza tista’ titneħħa.

(7)

Ta’ min jinnota li d-dominju fittizju għall-istazzjonijiet bażi fil-medda ta’ frekwenzi 2 110-2 170 MHz jibda 10 MHz mit-tarf tal-medda.

(8)

Ir-rapport 72 tas-CEPT ikopri kemm is-sistemi ta’ antenni attivi kif ukoll is-sistemi ta’ antenni mhux attivi, li jintużaw f’sistemi li huma kapaċi jipprovdu Servizzi ta’ Komunikazzjoni Elettronika tal-Broadband Mingħajr Fili (WBB ECS). Jindirizza l-koeżistenza ta’ dawn is-sistemi fil-medda u ma’ servizzi f’meded biswit xulxin (bħas-servizzi tal-Ispazju taħt l-2 110 MHz u ogħla minn 2 200 MHz). Jenħtieġ li kwalunkwe użu ġdid tal-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz ikompli jipproteġi s-servizzi eżistenti fil-meded ta’ frekwenzi biswit xulxin.

(9)

Jenħtieġ li l-konklużjonijiet tar-rapport 72 tas-CEPT jiġu applikati fl-Unjoni kollha u jiġu implimentati mill-Istati Membri mingħajr dewmien. Dan jenħtieġ li jrawwem id-disponibbiltà u l-użu tal-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz għas-sistemi 5G filwaqt li jissalvagwardja l-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz.

(10)

Il-kunċett tal-“deżinjazzjoni u d-disponibbiltà tal-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz” fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni jirreferi għall-passi li ġejjin: (i) l-adattament tal-qafas legali nazzjonali dwar l-allokazzjoni tal-frekwenzi biex jinkludi l-użu maħsub ta’ din il-medda skont il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, (ii) l-inizjazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi żgurata koeżistenza mal-użu eżistenti f’din il-medda, sa fejn ikun meħtieġ, (iii) l-inizjazzjoni tal-miżuri xierqa, appoġġata mill-varar ta’ proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, fejn ikun xieraq, sabiex ikun permess l-użu ta’ din il-medda f’konformità mal-qafas legali applikabbli fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati ta’ din id-Deċiżjoni.

(11)

Jenħtieġ li fejn ikun ġustifikat, l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-liċenzji eżistenti għall-Parametri Ġenerali tal-kundizzjonijiet tekniċi l-ġodda.

(12)

Jaf ikunu meħtieġa ftehimiet transfruntiera bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw il-parametri stabbiliti b’din id-Deċiżjoni b’mod li tkun evitata interferenza perikoluża, tittejjeb l-effiċjenza tal-ispettru u tiġi evitata l-frammentazzjoni fl-użu tal-ispettru.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/688/UE tiġi emendata skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/688/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli, fuq bażi mhux esklużiva, il-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika f’konformità mal-parametri stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Sal-1 ta’ Jannar 2026, l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-Parametri Ġenerali stabbiliti fit-taqsima B tal-Anness b’rabta mad-drittijiet għall-użu ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika terrestri ta’ spettru fil-medda ta’ frekwenzi terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz eżistenti fid-data meta din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ, sakemm l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet ma jipprevjenix l-użu ta’ dik il-medda skont l-Anness, soġġett għad-domanda tas-suq.”

(2)

Fl-Artikolu 3 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sat-30 ta’ April 2021.”

(3)

L-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/688/UE tal-5 ta’ Novembru 2012 dwar l-armonizzazzjoni tal-meded tal-frekwenzi 1 920-1 980 MHz u 2 110-2 170 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni (ĠU L 307, 7.11.2012, p. 84).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits”, COM(2016) 587 final.

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni”, COM(2016) 588 final.

(6)  Id-Dokument RSPG16-032 final tad-9 ta’ Novembru 2016, “Strategic roadmap towards 5G for Europe: Opinion on spectrum related aspects for next-generation wireless systems (5G) (l-ewwel opinjoni tal-RSPG dwar il-5G)”.

(7)  Id-dokument RSPG19-007 final tat-30 ta’ Jannar 2019, “Strategic Spectrum Roadmap Towards 5G for Europe: Opinion on 5G implementation challenges (it-tielet opinjoni tal-RSPG dwar il-5G)”.


ANNESS

“ANNESS

IL-PARAMETRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1)

A.   DEFINIZZJONIJIET

Sistemi ta’ antenni attivi (AAS attivi) tfisser stazzjon bażi u sistema tal-antenna fejn l-amplitudni u/jew il-fażi bejn l-elementi tal-antenna jiġu aġġustati kontinwament biex iwasslu għal mudell tal-antenna li jvarja skont il-bidliet fi żmien qasir fl-ambjent tar-radju. Dan jeskludi t-tiswir ta’ raġġi fit-tul bħall-inklinazzjoni elettrika fissa dixxendenti. Fl-istazzjonijiet bażi ta’ AAS attivi, is-sistema tal-antenna tiġi integrata bħala parti mis-sistema jew mill-prodott tal-istazzjon bażi.

Sistemi ta’ antenni mhux attivi (AAS mhux attivi) tfisser stazzjon bażi u sistema tal-antenna li jipprovdu konnettur wieħed tal-antenna jew iktar, li jkunu konnessi ma’ element passiv tal-antenna wieħed jew iktar iddisinjat(i) b’mod separat biex il-mewġ tar-radju jiġi rradjat. L-amplitudni u l-fażi tas-sinjali lill-elementi tal-antenna ma jiġux aġġustati kontinwament skont il-bidliet fi żmien qasir fl-ambjent tar-radju.

Il-potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (EIRP) hija l-prodott tal-potenza fornuta lill-antenna u l-gwadann tal-antenna f’direzzjoni partikolari relattiva għal antenna iżotropika (gwadann assolut jew iżotropiku).

Il-potenza rradjata totali (TRP) hija unità ta’ kejl tal-ammont ta’ potenza rradjata minn antenna kompożita. Din hija daqs l-input tal-potenza kondotta totali fis-sistema tal-array tal-antenna wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe telf fis-sistema tal-array tal-antenna. TRP tfisser il-parti integrali tal-potenza trażmessa f’direzzjonijiet differenti tul l-isfera sħiħa tar-radjazzjoni kif muri fil-formula:

Image 1

fejn P(θ,φ) hija l-potenza rradjata minn sistema tal-array tal-antenna fid-direzzjoni (θ,φ) mogħtija bil-formula:

P(θ, φ) = PTxg(θ, φ)

fejn PTx tirrappreżenta l-input tal-potenza kondotta (imkejla f’Watts) fis-sistema tal-array, u g(θ,φ) tirrappreżenta l-gwadann direzzjonali tas-sistema tal-array tul id-direzzjoni (θ, φ).

B.   PARAMETRI ĠENERALI

Fil-medda terrestri akkoppjata ta’ 2 GHz, l-arranġament tal-frekwenzi għandu jkun kif ġej:

(1)

Il-modalità dupleks tal-operat għandha tkun Dupleks tad-Diviżjoni tal-Frekwenzi (FDD). L-ispazjar tad-dupleks għandu jkun 190 MHz bit-trażmissjoni tal-istazzjon terminali (l-uplink tal-FDD) li tkun tinsab fin-naħa ta’ isfel tal-medda li tibda b’1 920 MHz u li tispiċċa b’1 980 MHz (“il-medda ta’ isfel) u bit-trażmissjoni tal-istazzjon bażi (id-downlink tal-FDD) tkun tinsab fin-naħa ta’ fuq tal-medda li tibda b’2 110 MHz u li tispiċċa fuq 2 170 MHz (“il-medda ta’ fuq”).

(2)

Id-daqs tal-blokka assenjata għandu jkun f’multipli ta’ 5 MHz (1). Il-limitu tal-frekwenzi ta’ isfel ta’ blokka assenjata fil-medda ta’ isfel ta’ 1 920-1 980 MHz għandu jiġi allinjat jew spazjat f’multipli ta’ 5 MHz mit-tarf ta’ isfel ta’ 1 920 MHz. Il-limitu tal-frekwenzi ta’ isfel ta’ blokka assenjata fil-medda ta’ fuq ta’ 2 110-2 170 MHz għandu jiġi allinjat jew spazjat f’multipli ta’ 5 MHz mit-tarf ta’ isfel ta’ 2 110 MHz. Blokka assenjata jista’ wkoll ikollha daqs fil-medda ta’ 4,8-5 MHz sakemm iżżomm mal-konfini ta’ blokka ta’ 5 MHz kif definit hawn fuq.

(3)

Il-medda ta’ isfel ta’ 1 920-1 980 MHz jew porzjonijiet minnha, jistgħu jintużaw biss għal operazzjoni tal-uplink biss (2), mingħajr l-użu ta’ spettru akkoppjat fil-medda ta’ fuq ta’ 2 110-2 170 MHz.

(4)

Il-medda ta’ fuq ta’ 2 110-2 170 MHz jew porzjonijiet minnha, jistgħu jintużaw għal operazzjoni tad-downlink biss (3) mingħajr l-użu ta’ spettru akkoppjat fil-medda ta’ isfel ta’ 1 920-1 980 MHz.

(5)

It-trażmissjoni mill-istazzjonijiet bażi u mill-istazzjonijiet terminali għandha tkun konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi speċifikati fil-Parti Ċ u fil-Parti D, rispettivament.

C.   KUNDIZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-ISTAZZJONIJIET BAŻI – BLOCK EDGE MASK

Il-parametri tekniċi li ġejjin għall-istazzjonijiet bażi msejħa Block Edge Mask (BEM) huma komponent essenzjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi żgurata l-koeżistenza bejn netwerks biswit xulxin, fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-operaturi ta’ tali netwerks biswit xulxin. Jistgħu jintużaw ukoll parametri tekniċi inqas strinġenti, jekk ikun hemm qbil fost l-operaturi affettwati kollha ta’ tali netwerks, diment li dawn l-operaturi jkomplu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-protezzjoni ta’ servizzi, ta’ applikazzjonijiet jew ta’ netwerks oħra u mal-obbligi li jirriżultaw mill-koordinazzjoni transfruntiera.

Il-BEM tikkonsisti minn diversi elementi mogħtija fit-Tabella 1. Il-limitu tal-potenza ġewwa l-blokka jiġi applikat fir-rigward ta’ blokka assenjata lil operatur. Il-limitu tal-potenza tal-linja bażi, maħsub biex jipproteġi l-ispettru ta’ operaturi oħra, u l-limitu tal-potenza tar-reġjun tranżizzjonali, li jippermetti li jsir roll-off tal-filtru mil-limitu tal-potenza ġewwa l-blokka għal dak tal-linja bażi, jirrappreżentaw elementi ’l barra mill-blokka.

Il-limiti tal-potenza huma pprovduti b’mod separat għall-AAS mhux attivi u għall-AAS attivi. Għall-AAS mhux attivi, il-limiti tal-potenza japplikaw għall-EIRP medja. Għall-AAS attivi, il-limiti tal-potenza japplikaw għat-TRP medja (4). L-EIRP medja jew it-TRP medja jiġu mkejla skont il-medja f’intervall ta’ ħin u fil-wisa’ tal-medda tal-kejl. Fid-dominju tal-ħin, l-EIRP medja jew it-TRP medja jiġu mkejla skont il-medja tal-porzjonijiet attivi tal-emissjonijiet tas-sinjal u jikkorrispondu għal funzjonalità unika tal-kontroll tal-potenza. Fid-dominju tal-frekwenzi, l-EIRP medja jew it-TRP medja jiġu ddeterminati skont il-wisa’ tal-medda tal-kejl kif muri fit-Tabelli 2, 3 u 4 ta’ hawn taħt (5). B’mod ġenerali, u sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, il-livelli tal-potenza tal-BEM jikkorrispondu għall-potenza aggregata rradjata mill-apparat rilevanti, inkluż l-antenni tat-trażmissjoni kollha, għajr fil-każ ta’ rekwiżiti tal-linja bażi u ta’ tranżizzjoni għall-istazzjonijiet bażi b’AAS mhux attivi, li jkunu speċifikati għal kull antenna.

Block Edge Mask (BEM)

Image 2

Tabella 1

Definizzjoni tal-elementi BEM

Element BEM

Definizzjoni

Ġewwa l-blokka

Tirreferi għal blokka li minnha tiġi dderivata l-BEM.

Linja bażi

Spettru fil-medda ta’ frekwenzi tad-downlink tal-FDD li tintuża għall-WBB ECS, bl-eċċezzjoni tal-blokka assenjata lill-operatur u r-reġjuni tranżizzjonali korrispondenti.

Reġjun tranżizzjonali

Spettru fil-medda tad-downlink tal-FDD ta’ 0 sa 10 MHz ’l isfel u ta’ 0 sa 10 MHz ’il fuq mill-blokka assenjata lill-operatur. Ir-reġjuni tranżizzjonali ma japplikawx taħt l-2 110 MHz jew ’il fuq minn 2 170 MHz.


Tabella 2

Il-limiti tal-potenza ġewwa l-blokka għall-istazzjonijiet bażi b’AAS mhux attivi u b’AAS attivi

Element BEM

Medda ta’ frekwenzi

Limitu tal-EIRP għall-AAS mhux attivi

Limitu tat-TRP għall-AAS attivi

Ġewwa l-blokka

Blokka assenjata lill-operatur

Mhux obbligatorju.

F’każ li jiġi stabbilit limitu superjuri minn Stat Membru, jista’ jiġi applikat valur ta’ 65 dBm/(5 MHz) għal kull antenna.

Mhux obbligatorju.

F’każ li jiġi stabbilit limitu superjuri minn Stat Membru, jista’ jiġi applikat valur ta’ 57 dBm/(5 MHz) għal kull ċellola (6).

Nota ta’ spjegazzjoni għat-Tabella 2:

Il-limitu korrispondenti tat-TRP ġewwa l-blokka huwa ddeterminat skont il-linji gwida mogħtija f’ETSI TS 138 104 (V15.6.0), l-Anness F, it-taqsimiet F.2 u F.3, abbażi ta’ gwadann tal-antenna ta’ 17 dBi u total ta’ tmien elementi tal-antenna li jiffurmaw raġġ (fattur ta’ skalar ta’ 9 dB):

65 dBm/(5 MHz) - 17 dBi + 9 dB = 57 dBm/(5 MHz).

Tabella 3

Il-limiti tal-potenza tal-linja bażi ’l barra mill-blokka għall-istazzjonijiet bażi b’AAS mhux attivi u b’AAS attivi

Element BEM

Medda ta’ frekwenzi fid-downlink tal-FDD

Limitu tal-EIRP medja għall-AAS mhux attivi għal kull antenna (7)

Limitu tat-TRP medja għall-AAS attivi għal kull ċellola (8)

Wisa’ tal-banda tal-kejl

Linja bażi

Frekwenzi spazjati iktar minn 10 MHz mit-tarf ta’ isfel jew ta’ fuq tal-blokka

9 dBm

1 dBm

5 MHz


Tabella 4

Il-limiti tal-potenza ’l barra mill-blokka tar-reġjun tranżizzjonali għall-istazzjonijiet bażi b’AAS mhux attivi u b’AAS attivi

Element BEM

Medda ta’ frekwenzi fid-downlink tal-FDD

Limitu tal-EIRP medja għall-AAS mhux attivi għal kull antenna (9)

Limitu tat-TRP medja għall-AAS attivi għal kull ċellola (10)

Wisa’ tal-banda tal-kejl

Reġjun tranżizzjonali

-10 sa -5 MHz mit-tarf ta’ isfel tal-blokka

11 dBm

3 dBm

5 MHz

-5 sa 0 MHz mit-tarf ta’ isfel tal-blokka

16,3 dBm

8 dBm

5 MHz

0 sa +5 MHz mit-tarf ta’ fuq tal-blokka

16,3 dBm

8 dBm

5 MHz

+ 5 sa +10 MHz mit-tarf ta’ fuq tal-blokka

11 dBm

3 dBm

5 MHz

Nota ta’ spjegazzjoni għat-Tabelli 3 u 4:

B’allinjament mal-istandardizzazzjoni tal-potenza kondotta b’emissjonijiet mhux mixtieqa (TRP) għall-istazzjonijiet bażi b’AAS attivi f’ETSI TS 138 104 (V15.6.0), l-Anness F, it-taqsimiet F.2 u F.3, il-limiti tat-TRP ’il barra mill-blokka jiġu stabbiliti għal valur li jikkorrispondi għat-total ta’ tmien elementi tal-antenna li jiffurmaw raġġ, u dan iwassal għal differenza ta’ 8 dB bejn l-AAS attivi u l-AAS mhux attivi bħal fil-każ ġewwa l-blokka.

D.   KUNDIZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-ISTAZZJONIJIET TERMINALI

Tabella 5

Il-limitu tal-potenza ġewwa l-blokka tal-BEM tal-istazzjonijiet terminali

Potenza massima medja ġewwa l-blokka (11)

24 dBm

Nota ta’ spjegazzjoni għat-Tabella 5:

L-Istati Membri jistgħu jillaxkaw dan il-limitu għal tqegħid speċifiku, eż. stazzjonijiet terminali fissi f’żoni rurali, diment li ma tiġix kompromessa l-protezzjoni ta’ servizzi, ta’ netwerks u ta’ applikazzjonijiet oħra u diment li l-obbligi transfruntiera jiġu ssodisfati.


(1)  Peress li l-ispazjar tal-kanali UMTS huwa ta’ 200 kHz, il-frekwenza ċentrali ta’ blokka allokata li tintuża għall-UMTS tista’ tiġi kkumpensata b’100 kHz miċ-ċentru tal-blokka fl-arranġament tal-frekwenzi.

(2)  Pereżempju UpLink Supplimentari (SUL)

(3)  Pereżempju DownLink Supplimentari (SDL)

(4)  TRP hija unità ta’ kejl tal-potenza reali rradjata mill-antenna. EIRP u TRP huma ekwivalenti għall-antenni iżotropiċi.

(5)  Il-wisa’ tal-banda tal-kejl reali tat-tagħmir tal-kejl li jintuża għall-finijiet ta’ ttestjar tal-konformità tista’ tkun iżgħar mill-wisa’ tal-banda tal-kejl ipprovduta f’dawk it-tabelli.

(6)  Fi stazzjon bażi multisettorjali, il-limitu tal-potenza rradjata għall-AAS attivi japplika għal kull wieħed mis-setturi individwali.

(7)  Il-livell tal-BEM għall-AAS mhux attivi huwa definit għal kull antenna u huwa applikabbli għal konfigurazzjoni tal-istazzjon bażi b’massimu ta’ erba’ antenni għal kull settur.

(8)  Fi stazzjon bażi multisettorjali, il-limitu tal-potenza rradjata għall-AAS attivi japplika għal kull wieħed mis-setturi individwali.

(9)  Il-livell tal-BEM għall-AAS mhux attivi huwa definit għal kull antenna u huwa applikabbli għal konfigurazzjoni tal-istazzjon bażi b’massimu ta’ erba’ antenni għal kull settur.

(10)  Fi stazzjon bażi multisettorjali, il-limitu tal-potenza rradjata għall-AAS attivi japplika għal kull wieħed mis-setturi individwali.

(11)  Dan il-limitu tal-potenza huwa speċifikat bħala l-EIRP għall-istazzjonijiet terminali ddisinjati biex ikunu fissi jew installati, u bħala t-TRP għall-istazzjonijiet terminali ddisinjati biex ikunu mobbli jew nomadiċi. EIRP u TRP huma ekwivalenti għall-antenni iżotropiċi. Huwa rikonoxxut li dan il-valur jista’ jkun soġġett għal tolleranza definita fl-istandards armonizzati biex jitqiesu l-operat f’kundizzjonijiet ambjentali estremi u l-firxa tal-produzzjoni.


19.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/13


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/668

tat-18 ta’ Mejju 2020

dwar l-istandards armonizzati għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir ta’ protezzjoni personali li jkun konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, irid ikun preżunt konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom.

(2)

Permezz tal-ittra M/031, bit-titolu “STANDARDISATION MANDATE TO CEN/CENELEC CONCERNING STANDARDS FOR PERSONAL PROTECTIVE EQUIPMENT” (MANDAT TA’ STANDARDIZZAZZJONI INDIRIZZAT LIS-CEN/CENELEC LI JIKKONĊERNA STANDARDS GĦAL TAGĦMIR TA’ PROTEZZJONI PERSONALI), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) biex jiġu żviluppati u mfassla standards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (3).

(3)

Id-Direttiva 89/686/KEE ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/425 mill-21 ta’ April 2018, li wassal biss għadd limitat ta’ bidliet fir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE. L-istandards armonizzati abbozzati abbażi tat-talba M/031 ġew abbozzati esklussivament b’appoġġ għar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza, li baqgħu sostanzjalment l-istess wara s-sostituzzjoni tad-Direttiva 89/686/KEE bir-Regolament (UE) 2016/425.

(4)

Fuq il-bażi tat-talba M/031, is-CEN u s-CENELEC abbozzaw l-istandards armonizzati li ġejjin: EN 893:2019 dwar it-tagħmir tal-alpiniżmu, EN 943-2:2019 dwar l-ilbies protettiv kontra sustanzi kimiċi solidi, likwidi u gassużi perikolużi, EN 1073-1:2016+A1:2018 dwar l-ilbies protettiv kontra partiċelli solidi fl-arja, inkluża l-kontaminazzjoni radjuattiva u EN 14458:2018 dwar it-tagħmir personali tal-għajnejn, b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425.

(5)

Abbażi tat-talba M/031, is-CEN u s-CENELEC wettqu reviżjoni tal-istandards armonizzati EN 343:2003+A1:2007/AC:2009, EN 358:1999, EN 381-5:1995, EN 381-7:1999, EN 381-9:1997, EN 381-11:2002, EN 13832-2:2006, EN 13832-3:2006, EN 14594:2005, EN 388:2016, EN 943-1:2015 u EN 12277:2015, li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4). Dan wassal għall-adozzjoni, rispettivament, tal-istandards armonizzati EN 343:2019 dwar l-ilbies protettiv kontra x-xita, EN 358:2018 dwar iċ-ċinturini u l-lanjardi għal pożizzjonament jew trażżin waqt ix-xogħol, EN ISO 11393-2:2019, EN ISO 11393-4:2019, EN ISO 11393-5:2019 u EN ISO 11393-6:2019 dwar ilbies protettiv għall-utenti ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws), EN 13832-2:2018 u EN 13832-3:2018 dwar xedd is-saqajn protettiv kontra sustanzi kimiċi, EN 14594:2018 dwar tagħmir protettiv respiratorju, EN 388:2016+A1:2018 dwar ingwanti protettivi kontra riskji mekkaniċi, EN 943-1:2015+A1:2019 dwar ilbies protettiv kontra sustanzi kimiċi solidi, likwidi u gassużi perikolużi, inklużi aerosols likwidi u solidi u EN 12277:2015+A1:2018 dwar it-tagħmir tal-alpiniżmu.

(6)

Abbażi tat-talba M/031, is-CEN u s-CENELEC emendaw l-istandard armonizzat EN ISO 10819:2013, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5). Dan wassal biex tiġi adottata emenda għal dak l-istandard armonizzat, EN ISO 10819:2013/A1:2019.

(7)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN u s-CENELEC, ivvalutat jekk dawk l-istandards jikkonformawx mat-talba M/031.

(8)

L-istandards armonizzati EN 893:2019, EN 943-2:2019, EN 1073-1:2016+A1:2018, EN 14458:2018, EN 343:2019, EN 358:2018, EN ISO 11393-2:2019, EN ISO 11393-4:2019, EN ISO 11393-5:2019, EN ISO 11393-6:2019, EN 13832-2:2018, EN 13832-3:2018, EN 14594:2018, EN 388:2016+A1:2018, EN 943-1:2015+A1:2019, EN ISO 10819:2013 kif emendat bi EN ISO 10819:2013/A1:2019, u EN 12277:2015+A1:2018 jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/425. Għalhekk huwa xieraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Is-CEN u s-CENELEC abbozzaw ukoll ir-rettifika għal EN 50321-1:2018/AC: 2018-08 li tikkoreġi l-istandard armonizzat EN 50321-1:2018, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6). Peress li din ir-rettifika tintroduċi korrezzjonijiet tekniċi u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u konsistenti tal-istandard armonizzat EN 50321-1:2018, li r-referenza tiegħu ġiet ippubblikata qabel, huwa xieraq li r-referenza ta’ dan l-istandard armonizzat u r-referenza tar-rettifika jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Għalhekk huwa xieraq li r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 343:2003+A1:2007/AC:2009, EN 358:1999, EN 381-5:1995, EN 381-7:1999, EN 381-9:1997, EN 381-11:2002, EN 13832-2:2006, EN 13832-3:2006, EN 14594:2005, EN 388:2016, EN 943-1:2015, EN ISO 10819:2013, EN 12277:2015 u EN 50321-1:2018, jiġu rtirati mis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi dawk l-istandards ġew riveduti, emendati jew ikkoreġuti. Sabiex il-manifatturi jingħataw aktar żmien biex jippreparaw għall-applikazzjoni tal-istandards armonizzati EN 343:2019 EN 358:2018, EN ISO 11393-2:2019, EN ISO 11393-4:2019, EN ISO 11393-5:2019, EN ISO 11393-6:2019, EN 13832-2:2018, EN 13832-3:2018, EN 14594:2018, EN 388:2016+A1:2018, EN 943-1:2015+A1:2019, EN ISO 10819:2013 kif emendat bi EN ISO 10819:2013/A1:2019, EN 50321-1:2018 kif ikkoreġut bi EN 50321-1:2018/AC: 2018-08, u EN 12277:2015+A1:2018, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenzi tal-istandards armonizzati EN 343:2003+A1:2007/AC:2009, EN 358:1999, EN 381-5:1995, EN 381-7:1999, EN 381-9:1997, EN 381-11:2002, EN 13832-2:2006, EN 13832-3:2006, EN 14594:2005, EN 388:2016, EN 943-1:2015, EN ISO 10819:2013, EN 12277:2015 u EN 50321-1:2018 jiġi differit.

(11)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ dan l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 elenkati fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan irtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mid-dati stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18).

(4)  ĠU C 113, 27.3.2018, p. 41.

(5)  ĠU C 113, 27.3.2018, p. 41.

(6)  ĠU C 113, 27.3.2018, p. 41.


ANNESS I

Nru

Referenza tal-istandard

1.

EN 343:2019

Ilbies protettiv - Protezzjoni kontra x-xita

2.

EN 358:2018

Tagħmir ta’ protezzjoni personali għal pożizzjonament waqt ix-xogħol u għall-prevenzjoni ta’ waqgħat mill-għoli - Ċinturini u lanjardi għal pożizzjonament jew trażżin waqt ix-xogħol

3.

EN 388:2016+A1:2018

Ingwanti protettivi kontra riskji mekkaniċi

4.

EN 510:2019

Speċifikazzjoni għal ilbies protettiv għal użu fejn hemm riskju ta’ tħabbil ma’ partijiet li jiċċaqilqu

5.

EN 893:2019

Tagħmir tal-alpiniżmu - Takki bil-ponta - Rekwiżiti tas-sikurezza u metodi ta’ ttestjar

6.

EN 943-1:2015+A1:2019

Ilbies protettiv kontra sustanzi kimiċi solidi, likwidi u gassużi perikolużi, inklużi aerosols likwidi u solidi - Parti 1: Rekwiżiti ta’ prestazzjoni għal ilbies protettiv tat-Tip 1 kontra s-sustanzi kimiċi (issiġillat b’mod li ma jgħaddix gass)

7.

EN 943-2:2019

Ilbies protettiv kontra sustanzi kimiċi solidi, likwidi u gassużi perikolużi, inklużi aerosols likwidi u solidi - Parti 2: Rekwiżiti ta’ prestazzjoni għal ilbies protettiv tat-Tip 1 kontra s-sustanzi kimiċi (issiġillat b’mod li ma jgħaddix gass) għat-timijiet ta’ emerġenza (ET)

8.

EN 1073-1:2016+A1:2018

Ilbies protettiv kontra partiċelli solidi fl-arja, inkluża l-kontaminazzjoni radjuattiva - Parti 1: Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar għal ilbies protettiv ventilat b’pajp tal-arja kkumpressata, għall-protezzjoni tal-ġisem u tas-sistema respiratorja

9.

EN ISO 10819:2013

Vibrazzjonijiet u skossi mekkaniċi - Vibrazzjonijiet mill-id għad-dirgħa - Kejl u evalwazzjoni tat-trażmissibbiltà tal-vibrazzjonijiet tal-ingwanti fil-pala tal-id (ISO 10819:2013)

EN ISO 10819:2013/A1:2019

10.

EN ISO 11393-2:2019

Ilbies protettiv għall-utenti ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws) - Parti 2: Rekwiżiti ta’ prestazzjoni u metodi ta’ ttestjar għal protetturi tar-riġlejn (ISO 11393-2:2018)

11.

EN ISO 11393-4:2019

Ilbies protettiv għall-utenti ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws) - Parti 4: Rekwiżiti ta’ prestazzjoni u metodi ta’ ttestjar għal ingwanti protettivi (ISO 11393-4:2018)

12.

EN ISO 11393-5:2019

Ilbies protettiv għall-utenti ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws) - Parti 5: Rekwiżiti ta’ prestazzjoni u metodi ta’ ttestjar għal getti ta’ protezzjoni (ISO 11393-5:2018)

13.

EN ISO 11393-6:2019

Ilbies protettiv għall-utenti ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws) - Parti 6: Rekwiżiti ta’ prestazzjoni u metodi ta’ ttestjar għal protetturi tal-parti ta’ fuq tal-ġisem (ISO 11393-6:2018)

14.

EN 12277:2015+A1:2018

Tagħmir tal-alpiniżmu - Irbit tas-sikurezza - Rekwiżiti tas-sikurezza u metodi ta’ ttestjar

15.

EN 13832-2:2018

Xedd is-saqajn protettiv kontra sustanzi kimiċi - Parti 2: Rekwiżiti għal kuntatt limitat ma’ sustanzi kimiċi

16.

EN 13832-3:2018

Xedd is-saqajn protettiv kontra sustanzi kimiċi - Parti 3: Rekwiżiti għal kuntatt fit-tul ma’ sustanzi kimiċi

17.

EN 14458:2018

Tagħmir personali tal-għajnejn - Viżuri ta’ prestazzjoni għolja maħsuba biex jintużaw biss flimkien ma’ elmi protettivi

18.

EN 14594:2018

Tagħmir protettiv respiratorju - Tagħmir tan-nifs b’pajp tal-arja kkumpressata bi fluss kontinwu - Rekwiżiti, ittestjar u mmarkar

19.

EN 50321-1:2018

Xogħol fuq l-elettriku live - Xedd is-saqajn għall-protezzjoni mill-elettriku - Xedd is-saqajn u overboots iżolanti

EN 50321-1:2018/AC:2018-08


ANNESS II

Nru

Referenza tal-istandard

Data tal-irtirar

1.

EN ISO 10819:2013

Vibrazzjonijiet u skossi mekkaniċi - Vibrazzjonijiet mill-id għad-dirgħa - Kejl u evalwazzjoni tat-trażmissibbiltà tal-vibrazzjonijiet tal-ingwanti fil-pala tal-id (ISO 10819:2013)

Id-19 ta’ Novembru 2021

2.

EN 343:2003+A1:2007

Ilbies protettiv - Protezzjoni kontra x-xita

EN 343:2003+A1:2007/AC:2009

Id-19 ta’ Novembru 2021

3.

EN 358:1999

Tagħmir ta’ protezzjoni personali għal pożizzjonament waqt ix-xogħol u għall-prevenzjoni ta’ waqgħat mill-għoli - Ċinturini għal pożizzjonament u trażżin waqt ix-xogħol u lanjardi għal pożizzjonament waqt ix-xogħol

Id-19 ta’ Novembru 2021

4.

EN 381-5:1995

Ilbies protettiv għall-utenti ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws) - Parti 5: Rekwiżiti għal protetturi tar-riġlejn

Id-19 ta’ Novembru 2021

5.

EN 381-7:1999

Ilbies protettiv għall-utenti ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws) - Parti 7: Rekwiżiti għal ingwanti għal waqt l-użu ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws)

Id-19 ta’ Novembru 2021

6.

EN 381-9:1997

Ilbies protettiv għall-utenti ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws) — Parti 9: Rekwiżiti għal getti ta’ protezzjoni għal waqt l-użu ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws)

Id-19 ta’ Novembru 2021

7.

EN 381-11:2002

Ilbies protettiv għall-utenti ta’ lupi li jinżammu fl-idejn (chainsaws) - Parti 11: Rekwiżiti għal protetturi tal-parti ta’ fuq tal-ġisem

Id-19 ta’ Novembru 2021

8.

EN 388:2016

Ingwanti protettivi kontra riskji mekkaniċi

Id-19 ta’ Novembru 2021

9.

EN 943-1:2015

Ilbies protettiv kontra sustanzi kimiċi solidi, likwidi u gassużi perikolużi, inklużi aerosols likwidi u solidi - Parti 1: Rekwiżiti ta’ prestazzjoni għal ilbies protettiv tat-Tip 1 kontra s-sustanzi kimiċi (issiġillat b’mod li ma jgħaddix gass)

Id-19 ta’ Novembru 2021

10.

EN 12277:2015

Tagħmir tal-alpiniżmu — Irbit tas-sikurezza — Rekwiżiti tas-sikurezza u metodi ta’ ttestjar

Id-19 ta’ Novembru 2021

11.

EN 13832-2:2006

Xedd is-saqajn protettiv kontra sustanzi kimiċi - Parti 2: Rekwiżiti għal xedd is-saqajn reżistenti għas-sustanzi kimiċi taħt kundizzjonijiet tal-laboratorju

Id-19 ta’ Novembru 2021

12.

EN 13832-3:2006

Xedd is-saqajn protettiv kontra sustanzi kimiċi - Parti 3: Rekwiżiti għal xedd is-saqajn reżistenti ħafna għas-sustanzi kimiċi taħt kundizzjonijiet tal-laboratorju

Id-19 ta’ Novembru 2021

13.

EN 14594:2005

Tagħmir protettiv respiratorju - Apparat tan-nifs b’pajp tal-arja kkumpressata bi fluss kontinwu - Rekwiżiti, ittestjar, immarkar

EN 14594:2005/AC:2005

Id-19 ta’ Novembru 2021

14.

EN 50321-1:2018

Xogħol fuq l-elettriku live - Xedd is-saqajn għall-protezzjoni mill-elettriku - Xedd is-saqajn u overboots iżolanti

Id-19 ta’ Novembru 2020


19.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/20


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/669

tat-18 ta’ Mejju 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/801/UE fir-rigward tal-inkarigar tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks bl-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi l-Fond għall-Innovazzjoni biex jappoġġa l-innovazzjoni fit-teknoloġiji u l-proċessi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u biex jistimula l-kostruzzjoni/ħolqien u t-tħaddim ta’ proġetti li għandhom bħala għan il-ġbir u l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2, b’mod ambjentalment sikur, kif ukoll it-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli u tal-ħżin tal-enerġija.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 16(1) tal-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 (3), il-Fond għall-Innovazzjoni jrid jiġi implimentat b’ġestjoni diretta jew b’ġestjoni indiretta. L-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament jiddikjara li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li taħtar korp ta’ implimentazzjoni biex iwettaq ċerti kompiti ta’ implimentazzjoni, u fil-każ ta’ ġestjoni diretta, dawk il-kompiti jridu jiġu delegati lil aġenzija eżekuttiva.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/801/UE (4) stabbiliet l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (“l-Aġenzija”) u fdatha bil-ġestjoni ta’ ċerti partijiet tal-programmi tal-Unjoni, li jinkludu l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-programm Orizzont 2020 fil-qasam tal-enerġija.

(4)

L-analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji mwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 wriet li d-delegar tal-ġestjoni ta’ partijiet mill-Fond għall-Innovazzjoni lill-Aġenzija jikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi tal-Fond għall-Innovazzjoni b’mod aktar effiċjenti. L-inkarigar tal-Aġenzija bl-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-Fond għall-Innovazzjoni jirriżulta f’iffrankar tal-kostijiet ta’ madwar EUR 30,5 miljun matul il-perjodu 2020-2030 meta mqabbel mal-kost tal-ġestjoni interna, iżid l-effiċjenza u l-flessibbiltà fil-ġestjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni, jipprovdi sinerġiji sinifikanti bejn il-Fond għall-Innovazzjoni u programmi oħra tal-Unjoni ġestiti mill-Aġenzija u jżid il-prossimità għall-benefiċjarji kif ukoll il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni.

(5)

Huwa xieraq għalhekk li l-Aġenzija tiġi fdata bil-ġestjoni u bl-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-Fond ta’ Innovazzjoni.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/801/UE tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti b’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/801/UE

L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/801/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’dan, l-Aġenzija qed tiġi inkarigata l-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-programmi tal-Unjoni li ġejjin:

(a)

il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

(b)

il-Parti III Sfidi Soċjetali tal-Programm Speċifiku Orizzont 2020;

(c)

il-Fond għall-Innovazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 tas-26 ta’ Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-Fond għall-Innovazzjoni (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 6).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/801/UE tat-23 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/60/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/593/KE (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 65).


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

19.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/22


DEĊIŻJONI Nru 1/2020 TAL-KUMITAT TAL-FSE STABBILITA MILL-FTEHIM PRELIMINARI LEJN FTEHIM TA’ SĦUBIJA EKONOMIKA BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MINN NAĦA, U L-PARTI AFRIKA ĊENTRALI, MIN-NAĦA L-OĦRA,

tat-28 ta’ April 2020

li tadotta r-regoli ta’ proċedura dwar il-medjazzjoni, ir-regoli ta’ proċedura dwar l-arbitraġġ u l-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri [2020/670]

IL-KUMITAT TAL-FSE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), iffirmat fi Brussell fit-22 ta’ Jannar 2009 u applikat fuq bażi proviżorja mill-4 ta’ Awwissu 2014, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(1) u l-Artikolu 88 tiegħu,

Billi:

(1)

Taħt it-termini tal-Ftehim u ta’ din id-Deċiżjoni, il-Parti tal-Afrika Ċentrali hija komposta mir-Repubblika tal-Kamerun.

(2)

L-Artikolu 80(1) tal-Ftehim jipprevedi li l-proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim previsti fil-Kapitolu 3 (Proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim) tat-Titolu VI (Il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim) tal-Ftehim jkunu regolati mir-regoli ta’ proċedura u l-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri li jiġu adottati mill-Kumitat tal-EPA.

(3)

L-Artikolu 88 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat tal-EPA jista’ jiddeċiedi li jemenda t-Titolu VI (Il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim) tal-Ftehim u l-Annessi tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Ir-regoli ta’ proċedura dwar il-medjazzjoni, hekk kif jidhru fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, huma stabbiliti bħala l-Anness IV tal-Ftehim.

2.   Ir-regoli ta’ proċedura dwar l-arbitraġġ, hekk kif jidhru fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni, huma stabbiliti bħala l-Anness V tal-Ftehim.

3.   Il-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri, hekk kif jidher fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni, huwa stabbilit bħala l-Anness VI tal-Ftehim.

4.   Ir-regoli ta’ proċedura u l-kodiċi ta’ kondotta msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu huma stabbiliti mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola speċifika stabbilita fil-Ftehim jew li tista’ tiġi adottata mill-Kumitat tal-EPA.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tiġi ffirmata.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2020.

Għar-Repubblika tal-Kamerun

Alamine OUSMANE MEY

Ministeru tal-Ekonomija u l-Pjanifikazzjoni u tal-Ġestjoni tat-Territorju

Għall-Unjoni Ewropea

Phil HOGAN

Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ


ANNESS I

REGOLI TA’ PROĊEDURA DWAR IL-MEDJAZZJONI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura jikkomplementaw u jispeċifikaw il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), b’mod partikolari l-Artikolu 69 tiegħu (Medjazzjoni).

2.   Dawn r-regoli ta’ proċedura huma maħsuba biex jippermettu lill-Partijiet isolvu tilwim li jista’ jinqala’ bejniethom permezz ta’ soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti permezz ta’ proċedura komprensiva u rapida ta’ medjazzjoni.

3.   Fil-qafas ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, il-medjazzjoni hija mifhuma li tfisser kwalunkwe proċediment, irrispettivament mill-isem li jista’ jkollu, li fih il-Partijiet jitolbu medjatur biex jgħinhom isibu soluzzjoni amikevoli għat-tilwim tagħhom.

Artikolu 2

Il-bidu tal-proċedura

1.   Parti tista’, fi kwalunkwe ħin, titlob bil-miktub biex il-Partijiet jidħlu fi proċedura ta’ medjazzjoni. It-talba trid tkun dettaljata biżżejjed biex tippreżenta b’mod ċar l-ilment tal-Parti li tressaq l-ilment. Hija għandha wkoll:

(a)

tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni;

(b)

tipprovdi dikjarazzjoni tal-effetti negattivi allegati li l-miżura għandha, jew se jkollha, skont il-Parti li tressaq l-ilment, fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet;

(c)

tispjega għaliex il-Parti li tressaq ilment tikkunsidra li l-miżura tikkawża l-effetti msemmija.

2.   Il-proċedimenti ta’ medjazzjoni jistgħu jinbdew biss b’kunsens reċiproku tal-Partijiet. Meta Parti titlob medjazzjoni skont il-paragrafu 1, il-Parti l-oħra għandha teżamina t-talba u twieġeb għaliha bil-miktub fi żmien ħamest ijiem minn meta tirċievi t-talba. Inkella, l-applikazzjoni għandha titqies li tkun ġiet irrifjutata.

Artikolu 3

Għażla tal-Medjatur

1.   Il-Partijiet għandhom jagħżlu l-medjatur permezz ta’ ftehim reċiproku mill-bidu tal-proċedimenti ta’ medjazzjoni, mhux aktar tard minn ħmistax-il jum wara li tasal it-tweġiba għat-talba ta’ medjazzjoni.

2.   Il-medjatur ma għandux ikun ċittadin ta’ xi waħda mill-Partijiet, sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor.

3.   Il-medjatur għandu jikkonferma f’dikjarazzjoni bil-miktub l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu kif ukoll id-disponibbiltà tiegħu biex jiżgura l-proċedura ta’ medjazzjoni.

4.   Il-medjatur għandu jkun konformi mal-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri, bl-adattamenti meħtieġa.

Artikolu 4

Twettiq tal-proċedura ta’ medjazzjoni

1.   Il-medjatur għandu jassisti, b’mod imparzjali u trasparenti, lill-Partijiet biex jiċċaraw il-miżura inkwistjoni u l-effetti possibbli tagħha fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet u biex jilħqu soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti.

2.   Il-medjatur jista’ jiddeċiedi dwar l-approċċ l-aktar xieraq biex jiċċara l-miżura kkonċernata u l-effetti possibbli tagħha fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet. B’mod partikolari, huwa jista’ jorganizza laqgħat bejn il-Partijiet, jikkonsultahom flimkien jew individwalment, ifittex l-għajnuna ta’ esperti kompetenti u partijiet interessati jew jikkonsultahom, u jipprovdi kwalunkwe għajnuna addizzjonali mitluba mill-Partijiet. Madankollu, qabel ifittex l-għajnuna ta’ esperti kompetenti u partijiet interessati, il-medjatur għandu jikkonsulta mal-Partijiet. Meta l-medjatur ikun jixtieq jiltaqa’ ma’, jew jintervista lil, xi waħda mill-Partijiet u/jew il-konsulent tagħha separatament, huwa għandu jinforma lill-Parti l-oħra bil-quddiem jew malajr kemm jista’ jkun wara l-laqgħa tiegħu jew wara l-komunikazzjoni unilaterali tiegħu mal-ewwel Parti.

3.   Il-medjatur jista’ joffri pariri u jipproponi soluzzjoni li jippreżenta għall-kunsiderazzjoni tal-Partijiet, li jistgħu jaċċettaw jew jirrifjutaw jew jistgħu wkoll jaqblu fuq soluzzjoni differenti. Madankollu, il-medjatur ma jistax jagħti pariri jew jikkummenta fuq il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni ma’ dan il-Ftehim.

4.   Il-proċedimenti għandhom isiru fit-territorju tal-Parti li lilha tkun ġiet indirizzata t-talba, jew b’kunsens reċiproku tal-Partijiet, f’kwalunkwe post ieħor jew permezz ta’ mezzi oħrajn.

5.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti fi żmien sittin jum mill-ħatra tal-medjatur. Sa meta jintlaħaq ftehim definittiv, il-Partijiet jistgħu jikkunsidraw soluzzjonijiet interim possibbli, speċjalment jekk il-miżura jkollha x’taqsam ma’ oġġetti li jitħassru.

6.   Is-soluzzjoni tista’ tkun adottata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE. Is-soluzzjonijiet reċiprokament sodisfaċenti għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor. Madankollu, il-verżjoni kkomunikata lill-pubbliku ma jistax ikun fiha informazzjoni kkunsidrata bħala kunfidenzjali minn xi waħda mill-Partijiet.

7.   Fuq talba tal-Partijiet, il-medjatur għandu jipprovdihom, bil-miktub, b’abbozz ta’ rapport fattwali, li jipprovdi sommarju tal-miżura inkwistjoni fil-qafas tal-proċedimenti segwiti u kwalunkwe soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti li tikkostitwixxi l-eżitu finali tal-proċedimenti, inklużi soluzzjonijiet interim possibbli. Il-medjatur għandu jagħti lill-Partijiet ħmistax-il jum biex jikkummentaw fuq l-abbozz tar-rapport. Wara li jikkunsidra l-kummenti tal-Partijiet imressqa f’dan il-perjodu, il-medjatur għandu jippreżenta r-rapport fattwali finali bil-miktub lill-Partijiet fi żmien ħmistax-il jum. Ir-rapport fattwali m’għandu jkun fih l-ebda interpretazzjoni tal-Ftehim.

Artikolu 5

Tmiem tal-Proċedura ta’ Medjazzjoni

Il-proċedimenti għandhom jintemmu:

(a)

fid-data tal-adozzjoni ta’ soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti milħuqa mill-Partijiet;

(b)

fid-data tad-dikjarazzjoni bil-miktub tal-medjatur, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, li sforzi ulterjuri ta’ medjazzjoni ma jwasslu mkien;

(c)

fid-data tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ xi Parti, wara studju ta’ soluzzjonijiet reċiprokament sodisfaċenti fi ħdan il-qafas tal-proċedimenti ta’ medjazzjoni u wara l-eżami ta’ kwalunkwe parir u kwalunkwe soluzzjoni proposta mill-medjatur. Tali dikjarazzjoni ma tistax titressaq qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 4(5) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura; jew

(d)

fid-data ta’ ftehim milħuq bejn il-Partijiet fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti.

Artikolu 6

Implimentazzjoni ta’ soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti

1.   Meta l-Partijiet ikunu qablu dwar soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti, kull Parti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex timplimentaha fil-perjodu stipulat.

2.   Parti li timplimenta s-soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għandha tinforma lill-Parti l-oħra bil-miktub bi kwalunkwe pass jew miżura li tieħu biex timplimentaha, u dan fil-perjodu stipulat.

Artikolu 7

Kunfidenzjalità u relazzjoni mas-soluzzjoni ta’ tilwim

1.   L-informazzjoni kollha relatata mal-proċedimenti ta’ medjazzjoni għandha tibqa’ kunfidenzjali, sakemm l-iżvelar tagħha ma jkunx meħtieġ mil-liġi jew meħtieġ għall-implimentazzjoni jew l-infurzar tal-ftehim bejn il-Partijiet stabbilit bħala riżultat tal-medjazzjoni.

2.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(6) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, l-istadji kollha tal-proċedimenti, inklużi kwalunkwe parir jew kwalunkwe soluzzjoni proposta, għandhom ikunu kunfidenzjali. Madankollu, kwalunkwe Parti tista’ tiżvela lill-pubbliku li qed issir medjazzjoni. L-obbligu tal-kunfidenzjalità ma jestendix għal informazzjoni fattwali li tkun diġà teżisti fid-dominju pubbliku.

3.   Il-proċedimenti ta’ medjazzjoni huma bla preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim jew kwalunkwe ftehim pertinenti ieħor.

4.   Il-Partijiet mhumiex obbligati jkollhom konsultazzjonijiet qabel ma jibdew il-proċedimenti ta’ medjazzjoni. Madankollu, bħala prinċipju, Parti għandha tapplika d-dispożizzjonijiet pertinenti l-oħra tal-Ftehim dwar kooperazzjoni jew konsultazzjoni qabel ma tibda l-proċedimenti ta’ medjazzjoni.

5.   Parti ma għandhiex tibbaża ruħha fuq l-elementi li ġejjin, u lanqas ma għandha tippreżentahom bħala evidenza fil-qafas ta’ proċedimenti oħra ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim previsti mill-Ftehim jew kwalunkwe ftehim pertinenti ieħor, u l-elementi li ġejjin ma għandhomx jiġu kkunsidrati minn grupp speċjali ta’ arbitraġġ:

(a)

il-pożizzjonijiet adottati mill-Parti l-oħra matul il-proċedimenti ta’ medjazzjoni jew l-informazzjoni miksuba taħt l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura;

(b)

il-fatt li l-Parti l-oħra indikat ir-rieda tagħha li taċċetta soluzzjoni fir-rigward tal-miżura suġġetta għall-medjazzjoni;

(c)

pariri mogħtija jew proposti magħmula mill-medjatur.

6.   Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, medjatur ma jistax ikun membru ta’ grupp speċjali ta’ arbitraġġ fil-qafas ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim li jsiru taħt il-Ftehim jew il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organisation) u li jikkonċernaw l-istess kwistjoni li għaliha jkun qed jaġixxi bħala medjatur.

Artikolu 8

Applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura għall-arbitraġġ

L-Artikolu 3 (Notifiki) - mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, l-Artikolu 15 (Spejjeż), l-Artikolu 16 (Il-lingwa ta’ ħidma għall-proċedimenti, traduzzjoni u interpretazzjoni) u l-Artikolu 17 (Kalkolu tal-limiti ta’ żmien) tar-regoli ta’ proċedura għall-arbitraġġ għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 9

Reviżjoni

Ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-ħtieġa eventwali li jimmodifikaw il-mekkaniżmu ta’ medjazzjoni fid-dawl tal-esperjenza miksuba u tal-iżvilupp ta’ kwalunkwe mekkaniżmu korrispondenti fid-WTO.


ANNESS II

REGOLI TA’ PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

“konsulent”: persuna fiżika mqabbda minn parti biex tagħti pariri jew tassisti lil dik il-Parti b’konnessjoni ma’ proċedura ta’ arbitraġġ;

“il-bord tal-arbitraġġ”: bord indipendenti stabbilit skont l-Artikolu 71 tal-Ftehim;

“arbitru” tfisser: membru ta’ bord indipendenti ta’ arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 71 tal-Ftehim;

“assistent” tfisser: persuna fiżika li, skont it-termini tal-ħatra ta’ arbitru, twettaq riċerka jew tipprovdi assistenza lill-arbitru fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu;

“jum”: jum kalendarju sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor;

“rappreżentant ta’ Parti”: impjegat jew kwalunkwe persuna fiżika maħtura minn dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta’ parti li tirrappreżenta l-parti involuta fit-tilwima relatata ma’ dan il-ftehim;

“il-parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment” il-parti li kontra tagħha hu allegat li qed tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 67 tal-Ftehim;

“Lmentatur”: il-parti li titlob it-twaqqif ta’ bord indipendenti ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 70 tal-Ftehim.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dawn ir-regoli ta’ proċedura jikkomplementaw u jispeċifikaw il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), b’mod partikolari l-Artikoli 70 et sequitur dwar l-arbitraġġ.

2.   Dawn ir-regoli ta’ proċedura huma maħsuba biex jippermettu lill-partijiet isolvu tilwim li jista’ jinqala’ bejniethom permezz ta’ soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti permezz tal-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ.

Artikolu 3

Notifiki

1.   Għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, “notifika” tfisser kwalunkwe talba, avviż, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor marbut mal-proċedimenti ta’ arbitraġġ, dment li:

(a)

kwalunkwe notifika mill-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandha tintbagħat liż-żewġ Partijiet fl-istess ħin;

(b)

kwalunkwe notifika minn parti u indirizzata lill-bord indipendenti ta’ arbitraġġ tintbagħat lill-parti l-oħra fl-istess ħin; u

(c)

kwalunkwe notifika minn parti u li tkun indirizzata lill-parti l-oħra tintbagħat, meta jkun il-każ, lill-bord indipendenti ta’ arbitraġġ fl-istess ħin.

2.   Kull notifika għandha ssir permezz tal-posta elettronika jew, meta jkun il-każ, b’kull mezz ieħor ta’ telekomunikazzjoni li jipprovdi rekord li d-dokument ikun intbagħat. Sakemm ma jkunx ippruvat mod ieħor, in-notifika għandha titqies li tkun waslet fl-istess jum li tkun intbagħtet.

3.   In-notifiki kollha għandhom jiġu indirizzati, rispettivament, lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea tal-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru tal-Kamerun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

4.   Żbalji żgħar ta’ natura klerikali li jsiru fin-notifiki jistgħu jitranġaw permezz tal-kunsinna ta’ notifika ġdida li tindika b’mod ċar il-modifiki li jkunu sarulha.

5.   Jekk l-aħħar jum għall-kunsinna ta’ dokument jaħbat jum mhux ta’ xogħol fil-Parti Afrika Ċentrali jew fl-Unjoni Ewropea, in-notifika tista’ titwassal fil-jum ta’ xogħol li jkun imiss. L-ebda notifika, tkun xi tkun in-natura tagħha, m’għandha titqies bħala riċevuta f’jum mhux tax-xogħol.

6.   Skont in-natura tal-kwistjonijiet ikkontestati, għandhom jintbagħtu kopji tan-notifiki kollha indirizzati lill-Kumitat tal-EPA skont dawn ir-regoli ta’ proċedura wkoll lill-korpi istituzzjonali l-oħra kkonċernati.

Artikolu 4

Ħatra ta’ arbitri

1.   Jekk, skont l-Artikolu 71 tal-Ftehim, arbitru jiġi magħżul bil-polza, il-president tal-Kumitat tal-EPA għandu minnufih jinforma lill-Partijiet dwar id-data, il-ħin u l-post tal-polza.

2.   Il-Partijiet għandhom ikunu preżenti waqt l-għażla bil-polza.

3.   Il-president tal-Kumitat tal-EPA jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jinforma bil-miktub lil kull persuna magħżula dwar il-ħatra tiegħu bħala arbitru. Kull individwu għandu jikkonferma d-disponibbiltà tiegħu liż-żewġ Partijiet matul il-ħamest ijiem mid-data li fiha jkun ġie infurmat bil-ħatra tiegħu.

4.   Jekk il-lista ta’ arbitri msemmija fl-Artikolu 85 tal-Ftehim ma tkunx ġiet stabbilita jew ma jkunx fiha ismijiet biżżejjed fiż-żmien meta ssir applikazzjoni taħt l-Artikolu 71(2) tal-Ftehim, l-arbitri għandhom jittellgħu bix-xorti mill-president tal-Kumitat tal-EPA minn fost il-persuni uffiċjalment proposti minn xi waħda mill-Partijiet jew mit-tnejn li huma, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet definiti fl-Artikolu 85(2) tal-Ftehim.

Artikolu 5

Kollaborazzjoni bejn il-partijiet u l-bord indipendenti ta’ arbitraġġ

1.   Sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor, huma għandhom jiltaqgħu mal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ fi żmien sebat ijiem mit-twaqqif tiegħu biex jistabbilixxu l-kwistjonijiet li l-partijiet jew il-bord indipendenti ta’ arbitraġġ iqisu xierqa, inklużi:

(a)

ir-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri, li għandhom ikunu skont l-istandards tad-WTO;

(b)

ir-rimunerazzjoni tal-assistent ta’ kull arbitru, li l-ammont totali tiegħu ma għandux jaqbeż il-50 fil-mija tar-remunerazzjoni totali ta’ dak l-arbitru;

(c)

is-skeda ta’ żmien tal-proċedimenti.

L-arbitri u r-rappreżentanti tal-partijiet jistgħu jieħdu sehem f’din il-laqgħa permezz tat-telefon jew ta’ konferenza awdjoviżiva.

2.   Sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mid-data tat-twaqqif tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ, it-termini ta’ referenza tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ għandhom ikunu:

Li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim, tal-kwistjoni msemmija fit-talba għat-twaqqif tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ, sabiex jiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-Artikolu 67 tal-Ftehim u sabiex jieħu deċiżjoni skont l-Artikoli 73, 83 u 84 tal-Ftehi m”.

3.   Il-partijiet għandhom jinnotifikaw it-termini ta’ referenza miftiehma lill-bord indipendenti ta’ arbitraġġ fi żmien tliet ijiem tax-xogħol mill-ftehim tagħhom dwar it-termini ta’ referenza.

Artikolu 6

Sottomissjonijiet bil-miktub

L-ilmentatur għandu jippreżenta s-sottomissjoni inizjali tiegħu bil-miktub mhux aktar tard minn għoxrin jum mid-data tat-twaqqif tal-Grupp speċjali ta’ arbitraġġ. Il-Parti konvenuta għandha tagħti l-kontrosottomissjoni tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn għoxrin jum wara d-data tat-twassil tas-sottomissjoni bil-miktub inizjali.

Artikolu 7

Il-ħidma tal-bordijiet tal-arbitraġġ

1.   Il-president tal-Bord ta’ Arbitraġġ għandu jippresjedi fil-laqgħat kollha. Bord ta’ arbitraġġ jista’ jiddelega lill-president is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali fil-qasam ikkonċernat.

2.   F’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, l-arbitri u l-persuni msejħa għandhom jidhru personalment għas-seduti ta’ smigħ. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Ftehim jew f’dawn ir-regoli ta’ proċedura, il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ jista’ jeżerċita l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inkluż bit-telefon, faks jew kompjuter.

3.   L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ, iżda l-grupp speċjali ta’ arbitraġġ jista’ jippermetti lill-assistenti tiegħu jkunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

4.   L-abbozzar ta’ kwalunkwe deċiżjoni għandu jkun ir-responsabilità esklużiva tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ u ma jistax ikun iddelegat.

5.   Meta tinqala’ kwistjoni proċedurali li ma tkunx koperta mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI (Il-Prevenzjoni u r-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim) tal-Ftehim, il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, jista’ jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u li tiżgura trattament ugwali bejn il-Partijiet.

6.   Jekk il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ iqis li jkun meħtieġ li jimmodifika xi wieħed mil-limiti ta’ żmien proċedurali għajr il-limiti ta’ żmien stabbiliti fit-Titolu VI (Il-Prevenzjoni u r-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim) tal-Ftehim, jew li jagħmel kwalunkwe aġġustament proċedurali jew amministrattiv ieħor, huwa għandu jinforma bil-miktub lill-Partijiet bir-raġunijiet għall-bidla jew l-aġġustament u l-limitu ta’ żmien jew l-aġġustament meħtieġ. Il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ jista’ jadotta tali modifika jew aġġustament wara li jkun ikkonsulta mal-Partijiet.

7.   Fuq talba ta’ Parti, il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ jista’ jemenda l-limiti ta’ żmien applikabbli fil-proċedimenti, filwaqt li jiżgura li l-Partijiet jiġu ttrattati b’mod ugwali.

8.   Fuq it-talba konġunta tal-Partijiet, il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandu jissospendi l-proċedimenti f’kull ħin għal perjodu miftiehem mill-Partijiet li ma jaqbiżx tnax-il xahar konsekuttivi. Il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandu jerġa’ jibda l-proċedimenti fi kwalunkwe ħin fuq talba konġunta bil-miktub mill-Partijiet, jew fi tmiem il-perjodu miftiehem ta’ sospensjoni fuq talba bil-miktub ta’ waħda mill-Partijiet. It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-president tal-bord indipendenti u lill-parti l-oħra, jekk ikun il-każ. Jekk il-proċedimenti tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ ikunu ġew sospiżi għal aktar minn tnax-il xahar konsekuttivi, is-setgħa mogħtija għat-twaqqif tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandha tiskadi u l-proċedimenti tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandhom jintemmu. Il-Partijiet jistgħu jiftiehmu fi kwalunkwe ħin li jtemmu l-proċedimenti quddiem il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw dan il-ftehim b’mod konġunt lill-president tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ. F’każ ta’ sospensjoni tal-proċedimenti, il-limiti ta’ żmien rilevanti għandhom jiġu estiżi biż-żmien li jikkorrispondi għall-perjodu li fih il-proċedimenti tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ ikunu ġew sospiżi.

9.   It-terminazzjoni tal-proċedimenti tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Partijiet fi proċediment ieħor dwar l-istess kwistjoni skont it-Titolu VI (Il-Prevenzjoni u r-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim) tal-Ftehim.

Artikolu 8

Sostituzzjoni

1.   Jekk arbitru ma jkunx jista’ jipparteċipa fil-proċedimenti, jirtira ruħu jew ikollu jiġi sostitwit, għandu jintgħażel sostitut b’konformità mal-Artikolu 71 tal-Ftehim.

2.   Meta Parti tqis li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-kodiċi ta’ kondotta tal-arbitri u li għalhekk għandu jiġi sostitwit, dik il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien ħmistax-il jum mid-data meta saret taf biċ-ċirkostanzi sottostanti għall-allegat nuqqas ta’ konformità min-naħa tal-arbitru mal-imsemmi kodiċi ta’ kondotta.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi żmien ħmistax-il jum wara d-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lill-arbitru bl-allegat nuqqas ta’ konformità tiegħu u jistgħu jitolbuh jieħu l-passi meħtieġa biex jirrimedjah. Huma jistgħu wkoll, jekk jaqblu fuq hekk, ineħħu lill-arbitru u jagħżlu arbitru ġdid skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 71(2) tal-Ftehim.

4.   Jekk il-partijiet ma jirnexxilhomx jaqblu dwar il-bżonn li jinbidel arbitru, minbarra l-President, kwalunkwe Parti tista’ titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu tkun waħda finali.

Jekk, kif mitlub, il-president jikkonkludi li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-kodiċi ta’ kondotta tal-arbitri, għandu jintgħażel arbitru ġdid f’konformità mal-Artikolu 71(3) tal-Ftehim.

5.   Jekk il-Partijiet ma jirnexxilhomx jaqblu dwar il-ħtieġa li jibdlu l-president, kull Parti tista’ titlob li din il-kwistjoni tingħadda lil xi wieħed mill-membri li jkun fadal fil-lista ta’ individwi magħżula biex jaġixxu bħala president tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ stabbilita taħt l-Artikolu 85 tal-Ftehim. Ismu/isimha għandu jittella’ bix-xorti mill-president tal-Kumitat tal-FSE. Il-persuna magħżula b’dan il-mod għandha tiddeċiedi jekk il-president jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Arbitri. Id-deċiżjoni tiegħu għandha tkun waħda finali.

Jekk jiġi deċiż li l-President ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-kodiċi ta’ kondotta tal-arbitri, il-President il-ġdid għandu jintgħażel skont l-Artikolu 71(3) tal-Ftehim.

Artikolu 9

Seduti

1.   Skont l-iskeda determinata taħt l-Artikolu 5(1), u wara li jikkonsulta mal-Partijiet u l-arbitri l-oħra, il-president tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar id-data, il-ħin u l-post tas-seduta ta’ smigħ. Il-parti inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, suġġett għall-Artikolu 11.

2.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta ta’ smigħ għandha ssir fi Brussell jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun l-Afrika Ċentrali, u f’Yaoundé jekk il-Parti li tressaq ilment tkun l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jsejjaħ seduti addizzjonali jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

4.   L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti matul is-seduta ta’ smigħ kollha.

5.   Il-persuni li ġejjin jistgħu jkunu preżenti għas-seduta, irrispettivament dwar jekk il-proċedimenti jkunux miftuħin għall-pubbliku jew le:

(a)

ir-rappreżentanti tal-partijiet;

(b)

il-konsulenti tal-partijiet;

(c)

persunal amministrattiv, interpreti, tradutturi u korrispondenti tal-qrati; u

(d)

assistenti tal-arbitri;

(e)

esperti magħżula mill-grupp speċjali ta’ arbitraġġ f’konformità mal-Artikolu 81 tal-Ftehim.

6.   Mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-data ta’ seduta ta’ smigħ, kwalunkwe parti għandha tagħti lill-bord indipendenti ta’ arbitraġġ u lill-parti l-oħra lista bl-ismijiet ta’ dawk il-persuni fiżiċi li se jagħmlu argumenti jew preżentazzjonijiet orali matul is-smigħ ta’ seduta f’isem dik il-parti, kif ukoll ta’ rappreżentanti u konsulenti oħra li se jattendu s-seduta ta’ smigħ.

7.   Il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandu jiżgura li l-Parti li tressaq l-ilment u l-Parti konvenuta jingħataw ħin ugwali għad-diskorsi. Għandu jmexxi s-seduta ta’ smigħ kif ġej:

 

Talba

(a)

l-argument tal-ilmentatur;

(b)

l-argument tal-parti konvenuta;

 

Il-kontroargumenti

(a)

ir-replika tal-ilmentatur;

(b)

il-kontrorisposta tal-parti konvenuta.

8.   Il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ jista’ jindirizza mistoqsijiet lil kwalunkwe miż-żewġ Partijiet fi kwalunkwe ħin matul is-seduta.

9.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel arranġamenti għal traskrizzjoni ta’ seduta biex tiġi ppreparata u tingħata lill-Partijiet f’perijodu ta’ żmien raġonevoli wara s-seduta. Il-Partijiet jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet dwar il-procès-verbal, li tagħhom jista’ jieħu kont il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ.

10.   Kull parti tista’ tibgħat lill-arbitri u lill-parti l-oħra sottomissjoni supplimentari bil-miktub li tikkonċerna kwalunkwe kwistjoni li qamet matul is-seduta ta’ smigħ fi żmien għaxart ijiem mid-data tas-seduta ta’ smigħ.

Artikolu 10

Mistoqsijiet bil-miktub

1.   Il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ jista’, f’kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti, jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Kull waħda mill-partijiet għandha tirċievi kopja ta’ kwalunkwe mistoqsija magħmula mill-bord indipendenti ta’ arbitraġġ.

2.   Kull parti għandha wkoll tipprovdi lill-parti l-oħra kopja tat-tweġiba tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ. Kull Parti għandha tingħata l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar it-tweġiba mogħtija mill-Parti l-oħra sa ħamest ijiem tax-xogħol mir-riċezzjoni tal-imsemmija tweġiba.

Artikolu 11

Trasparenza u kunfidenzjalità

1.   Kull Parti u l-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandhom jiżguraw li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe informazzjoni ppreżentata mill-Parti l-oħra lill-grupp speċjali ta’ arbitraġġ u li dik il-Parti tkun indikat bħala kunfidenzjali. Il-parti li tippreżenta lill-bord indipendenti ta’ arbitraġġ sottomissjoni li tkun tinkludi informazzjoni kunfidenzjali għandha tipprovdi wkoll, fi żmien ħmistax-il jum mill-preżentazzjoni ta’ din is-sottomissjoni, verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni li tista’ tiġi żvelata lill-pubbliku.

2.   Xejn f’dawn ir-regoli ta’ proċedura ma jipprekludi parti milli tikkomunika l-pożizzjonijiet tagħha lill-pubbliku safejn, meta hija tirreferi għal informazzjoni mressqa mill-parti l-oħra, ma tikxifx informazzjoni kwalifikata mill-parti l-oħra bħala kunfidenzjali.

3.   Il-bord indipendenti ta’ arbitraġġ għandu jiltaqa’ in camera meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta’ parti jkun fihom informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Il-partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduti ta’ smigħ tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ meta dawn jinżammu in camera.

Artikolu 12

Kuntatti ex parte

1.   Il-bord indipendenti ta’ arbitraġġ ma għandux jikkuntattja jew jiltaqa’ ma’ parti fl-assenza tal-parti l-oħra.

2.   L-ebda arbitru ma għandu jiddiskuti ebda aspett tal-kontenut tal-proċedimenti ma’ parti jew mal-partijiet fin-nuqqas tal-arbitri l-oħra.

Artikolu 13

Sottomissjonijiet amicus curiae

1.   Il-persuni mhux governattivi stabbiliti fit-territorju ta’ parti jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet amicus curiae lill-bord indipendenti ta’ arbitraġġ skont il-paragrafi 2 sa 5.

2.   Ħlief jekk il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor sa ħamest ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ, dan tal-aħħar jista’ jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub mhux mitluba, sakemm dawn isiru fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ, ikunu direttament rilevanti għall-kwistjoni eżaminata mill-bord indipendenti ta’ arbitraġġ u li f’ebda każ dawn is-sottomissjonijiet, inklużi l-annessi tagħhom, ma jkunu itwal minn ħmistax-il faċċata ttajpjata.

3.   Kwalunkwe sottomissjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, sew fiżika u sew ġuridika, u tinkludi n-natura tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna u s-sors tal-finanzjament ta’ dik il-persuna, u tispeċifika n-natura tal-interess li dik l-istess persuna għandha fil-proċedimenti tal-arbitraġġ. Is-sottomissjoni għandha tinkiteb bil-lingwi magħżula mill-Partijiet, f’konformità mal-Artikoli 16(1) u (2) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura.

4.   Kull sottomissjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet involuti fit-tilwima għall-kummenti tagħhom. Il-Partijiet jistgħu jibagħtu l-kummenti tagħhom, fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-trażmissjoni tas-sottomissjoni, lill-bord indipendenti ta’ arbitraġġ.

5.   Fid-deċiżjoni tiegħu, il-bord indipendenti ta’ arbitraġġ għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva u li jkunu konformi ma’ dawn ir-regoli ta’ proċedura. Il-Bord ta’ Arbitraġġ ma għandux ikun obbligat jindirizza, fid-deċiżjoni tiegħu, l-argumenti li saru f’dawn is-sottomissjonijiet. Il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandu jippreżenta lill-Partijiet, għall-kummenti tagħhom, kull sottomissjoni li huwa jirċievi.

Artikolu 14

Każijiet urġenti

Fil-każijiet ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 73(2) tal-Ftehim, il-bord indipendenti ta’ arbitraġġ, wara li jkun ikkonsulta mal-partijiet, għandu jaġġusta t-termini previsti f’dawn ir-regoli ta’ proċedura skont kif jidhirlu xieraq u għandu jinnotifika lill-partijiet dwar dawn l-aġġustamenti.

Artikolu 15

Spejjeż

1.   Kull parti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha ta’ parteċipazzjoni fil-proċedimenti ta’ arbitraġġ.

2.   Il-Parti konvenuta għandha tkun inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedura ta’ arbitraġġ, b’mod partikolari l-organizzazzjoni ta’ seduti ta’ smigħ, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, u għandha tħallas l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-amministrazzjoni loġistika tas-seduta ta’ smigħ. Madankollu, il-Partijiet għandhom b’mod konġunt u b’mod ugwali jħallsu l-ispejjeż amministrattivi l-oħra tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ kif ukoll ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż tal-arbitri u l-assistenti tagħhom.

Artikolu 16

Il-lingwa ta’ ħidma għall-proċediment, it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni

1.   Matul il-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 71(2) tal-Ftehim, u mhux aktar tard mil-laqgħa prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, il-Partijiet għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex jilħqu qbil fuq lingwa ta’ ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-grupp speċjali ta’ arbitraġġ.

2.   Jekk il-Partijiet ma jirnexxilhomx jaqblu dwar lingwa ta’ ħidma komuni, kull Parti għandha għandha tipprovdi t-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fil-lingwa magħżula mill-Parti l-oħra, ħlief fil-każ ta’ sottomissjonijiet bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali komuni għall-Partijiet għall-Ftehim. Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ sottomissjonijiet orali fil-lingwi magħżula mill-Partijiet, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Parti konvenuta, sakemm il-Partijiet ikunu għażlu waħda mil-lingwi uffiċjali li jkunu komuni għalihom. Jekk l-għażla ta’ waħda mill-Partijiet tkun ta’ lingwa distinta mil-lingwi uffiċjali komuni, l-interpretazzjoni tas-sottomissjonijiet orali għandha tkun ipprovduta kollha kemm hi minn dik il-Parti.

3.   Ir-rapporti u d-deċiżjonijiet tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandhom jitfasslu bil-lingwi magħżula mill-Partijiet. Jekk il-Partijiet ma jkunux qablu dwar lingwa ta’ ħidma komuni, ir-rapport interim, ir-rapport finali u d-deċiżjonijiet tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ għandhom jiġu ppreżentati f’waħda mil-lingwi uffiċjali komuni għall-Partijiet għall-Ftehim.

4.   L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mit-traduzzjoni ta’ deċiżjoni tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ fil-lingwi magħżula mill-Partijiet għandhom jinqasmu b’mod ugwali bejn il-Partijiet.

5.   Parti tista’ tipprovdi kummenti dwar l-akkuratezza ta’ kwalunkwe verżjoni tradotta ta’ dokument imfassal f’konformità ma’ dawn ir-regoli ta’ proċedura.

6.   Kull parti għandha tħallas l-ispejjeż tat-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet miktuba tagħha.

Artikolu 17

Kalkolu tal-limiti ta’ żmien

It-termini kollha stabbiliti fit-Titolu VI (Prevenzjoni u riżoluzzjoni ta’ Tilwim) tal-Ftehim u f’dawn ir-regoli ta’ proċedura, inklużi t-termini imposti fuq il-bordijiet indipendenti ta’ arbitraġġ għan-notifika tad-deċiżjonijiet tagħhom, jistgħu jiġu emendati b’kunsens reċiproku tal-partijiet, u għandhom jingħaddu f’jiem kalendarji mill-jum li jsegwi l-att jew il-fatt li għalih jirreferu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Artikolu 18

Proċeduri oħra

It-termini stabbiliti f’dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiġu aġġustati skont it-termini speċjali previsti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-bord indipendenti ta’ arbitraġġ fil-proċedimenti skont l-Artikoli 74 sa 78 tal-Ftehim.


ANNESS III

KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-ARBITRI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta:

“arbitru” tfisser: membru ta’ bord indipendenti ta’ arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 71 tal-Ftehim;

“assistent” tfisser: persuna fiżika li, skont it-termini tal-ħatra ta’ arbitru, twettaq riċerka jew tipprovdi assistenza lill-arbitru fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu;

“kandidat” tfisser: individwu li ismu jkun fuq il-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 85 tal-Ftehim u li jkun ikkunsidrat għall-għażla bħala arbitru skont l-Artikolu 71 tal-Ftehim;

“medjatur” tfisser: persuna fiżika li tmexxi medjazzjoni f’konformità mal-Artikolu 69 tal-Ftehim;

“persunal” tinkludi: fir-rigward ta’ arbitru, il-persuni fiżiċi taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-arbitru, minbarra l-assistenti.

Artikolu 2

Prinċipji bażiċi

1.   Sabiex jiġu ppreservati l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, kull kandidat għandu jiġi infurmat b’dan il-Kodiċi ta’ Kondotta. Huwa għandu:

(a)

ikun indipendenti u imparzjali;

(b)

jevita kwalunkwe kunflitt ta’ interess dirett jew indirett;

(c)

jevita kondotta li tonqos mill-etika u kull azzjoni li tagħti l-impressjoni ta’ kondotta li tonqos mill-etika jew mill-obbligu tal-imparzjalità;

(d)

josserva standards għolja ta’ kondotta;

(e)

ma jkunx influwenzat mill-interess personali, pressjoni esterna, kunsiderazzjonijiet politiċi, għagħa pubblika, lealtà lejn xi Parti jew ikollu biża’ mill-kritika.

2.   Arbitru ma għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal obbligi jew jaċċetta kwalunkwe benefiċċju li jista’ bi kwalunkwe mod ifixkel, jew jidher li jfixkel, it-twettiq xieraq ta’ dmirijietu.

3.   Arbitru ma jużax il-pożizzjoni tiegħu/tagħha fuq il-bord tal-arbitraġġ biex imexxi ’l quddiem interessi personali jew privati. Arbitru għandu jevita kull azzjoni li tista’ tagħti l-impressjoni li xi persuni oħrajn ikunu f’pożizzjoni li jinfluwenzawh.

4.   Arbitru ma għandux iħalli relazzjonijiet jew responsabbiltajiet finanzjarji, tan-negozju, professjonali, personali jew soċjali, passati jew preżenti, jinfluwenzaw il-kondotta jew ġudizzju tiegħu.

5.   Arbitru għandu jevita li jidħol fi kwalunkwe relazzjoni jew li jakkwista kwalunkwe interess finanzjarju li x’aktarx jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew li jista’ raġonevolment jagħti l-impressjoni ta’ kondotta li tonqos mill-etika jew mill-obbligu tal-imparzjalità.

Artikolu 3

Obbligi ta’ divulgazzjoni

1.   Qabel ma tkun ikkonfermata l-għażla ta’ kandidat bħala arbitru skont l-Artikolu 71 tal-Ftehim, huwa għandu jiddikjara kull interess, relazzjoni jew kwistjoni li jistgħu jinċidu fuq l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu, jew li jistgħu raġonevolment jagħtu l-impressjoni ta’ kondotta li tonqos mill-etika jew mill-obbligu tal-imparzjalità fil-kors tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, kandidat għandu jagħmel l-isforzi kollha possibbli biex isir konxju ta’ tali interessi, relazzjonijiet u kwistjonijiet, inklużi dawk ta’ natura finanzjarja, professjonali, jew dawk marbuta max-xogħol jew mal-familja tiegħu.

2.   L-obbligu ta’ divulgazzjoni previst fil-paragrafu 1 huwa dmir kontinwu, u jirrikjedi li kull arbitru jiddivulga kwalunkwe tali interess, relazzjoni u kwistjoni li jistgħu jitfaċċaw matul kull stadju tal-proċedimenti.

3.   Kandidat jew arbitru għandhom jikkomunikaw lill-Kumitat tal-EPA, għall-kunsiderazzjoni mill-Partijiet, kull kwistjoni li tikkonċerna ksur reali jew potenzjali ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta fl-iqsar żmien possibbli wara li huwa jsir konxju minnhom.

Artikolu 4

Dmirijiet tal-arbitri

1.   Wara li jkun aċċetta l-ħatra tiegħu, arbitru għandu jkun disponibbli sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu jew tagħha b’mod sħiħ u bla dewmien matul il-kors tal-proċedimenti, u b’mod ġust u diliġenti.

2.   Arbitru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet li jkunu tqajmu waqt il-proċedimenti u li jitqiesu bħala meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni u ma għandux jiddelega dan id-dmir lil ebda persuna oħra.

3.   Arbitru għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiżgura li l-assistent u l-persunal tiegħu jafu bl-Artikoli 2, 3, u 6 ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta u li jkunu konformi miegħu.

Artikolu 5

Obbligi ta’ eks arbitri

L-arbitri preċedenti kollha jridu jevitaw azzjonijiet li jistgħu jagħtu impressjoni li kienu ppreġudikati fit-twettiq ta’ dmirijiethom jew li bbenefikaw mid-deċiżjonijiet tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

1.   L-arbitri jew eks arbitri fl-ebda mument ma għandhom jiżvelaw jew jużaw xi informazzjoni mhux pubblika li tikkonċerna proċedimenti jew li tkun miksuba waqt proċedimenti, ħlief għall-finijiet ta’ dawk il-proċedimenti, u fl-ebda każ ma għandhom jiżvelaw jew jużaw dan it-tip ta’ informazzjoni biex jiksbu vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn jew biex jippreġudikaw l-interessi ta’ oħrajn.

2.   Arbitru ma għandux jiżvela deċiżjoni tal-grupp speċjali ta’ arbitraġġ, kollha jew partijiet minnha, qabel ma tiġi ppubblikata b’konformità mal-Artikolu 84(2) tal-Ftehim.

3.   L-arbitru jew l-eks arbitru ma għandu fl-ebda mument jiżvela d-deliberazzjonijiet tal-Bord ta’ Arbitraġġ, jew il-fehma ta’ xi membru.

Artikolu 7

Spejjeż

Kull arbitru għandu jżomm rekord tal-ħin iddedikat għall-proċedimenti u l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll iż-żmien użat u l-ispejjeż magħmula mill-assistent tiegħu, u jagħti rendikont finali lill-partijiet.

Artikolu 8

Medjaturi

Dan il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu japplika għall-medjaturi, mutatis mutandis.


19.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/35


DEĊIŻJONI Nru 2/2020 TAL-KUMITAT TAL-FSE STABBILITA MILL-FTEHIM PRELIMINARI LEJN FTEHIM TA’ SĦUBIJA EKONOMIKA BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MINN NAĦA, U L-PARTI AFRIKA ĊENTRALI, MIN-NAĦA L-OĦRA,

tat-28 ta’ April 2020

dwar l-adozzjoni tal-lista ta’ arbitri [2020/671]

IL-KUMITAT TAL-FSE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), iffirmat fi Brussell fit-22 ta’ Jannar 2009, u applikat fuq bażi proviżorja mill-4 ta’ Awwissu 2014, u b’mod partikolari l-Artikolu 85(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Taħt it-termini tal-Ftehim u ta’ din id-Deċiżjoni, il-Parti tal-Afrika Ċentrali hija komposta mir-Repubblika tal-Kamerun.

(2)

Il-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat tal-EPA għandu jistabbilixxi lista ta’ ħmistax-il individwu li huma lesti u kapaċi li jservu bħala arbitri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim li jista’ jinqala’ bejn il-Partijiet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-lista ta’ ħmistax-il individwu li huma lesti u kapaċi li jservu bħala arbitri hija b’dan stabbilita f’konformità mal-Artikolu 85(1) tal-Ftehim u tinstab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-lista ta’ arbitri msemmija fil-paragrafu 1 hija stabbilita mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola speċifika stabbilita fil-Ftehim jew li tista’ tiġi adottata mill-Kumitat tal-FSE.

Artikolu 2

Il-lista ta’ arbitri msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi emendata b’deċiżjoni mill-Kumitat tal-EPA f’konformità mal-Artikolu 92(4) tal-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tiġi ffirmata.

Brussell, l-It-Tlieta, it-28 ta’ April 2020.

Għar-Repubblika tal-Kamerun

Alamine OUSMANE MEY

Ministeru tal-Ekonomija u l-Pjanifikazzjoni u tal-Ġestjoni tat-Territorju

Għall-Unjoni Ewropea

Phil HOGAN

Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ


ANNESS

LISTA TA’ ARBITRI (ARTIKOLU 85(1) TAL-FTEHIM)

Arbitri magħżula mill-Parti Afrika Ċentrali (il-Kamerun):

 

Is-Sinjura Mildred Alugu BEJUKA — Il-Kamerun

 

Is-Sur Jean Michel MBOCK BIUMLA — Il-Kamerun

 

Is-Sur Henri-Désiré MODI KOKO BEBEY — Il-Kamerun

 

Is-Sur David NYAMSI — Il-Kamerun

 

Is-Sur OUSMANOU — Il-Kamerun

Arbitri magħżula min-naħa tal-Unjoni Ewropea:

 

Is-Sur Jacques BOURGEOIS — il-Belġju

 

Is-Sur Claus — Dieter EHLERMANN — il-Ġermanja

 

Is-Sur Pieter Jan KUIJPER — in-Netherlands

 

Is-Sur Giorgio SACERDOTI — l-Italja

 

Is-Sur Ramon TORRENT — Spanja

Arbitri magħżula b’mod konġunt miż-żewġ naħat:

 

Is-Sur Thomas COTTIER — l-Iżvizzera

 

Is-Sur Fabien GÉLINAS — il-Kanada

 

Is-Sinjura Merit E. JANOW — l-Istati Uniti

 

Is-Sinjura Anna KOUYATE — Mali

 

Is-Sur Helge SELAND — in-Norveġja