ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 151

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
14 ta' Mejju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/645 tas-7 ta’ Mejju 2020 li japprova emendi mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Pataca de Galicia/Patata de Galicia (IĠP))

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/646 tat-13 ta’ Mejju 2020 li japprova s-sustanza attiva Lavandulyl senecioate, bħala sustanza b’risku baxx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 ( 1 )

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/647 tal-11 ta’ Mejju 2020 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

7

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/648 tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

10

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/645

tas-7 ta’ Mejju 2020

li japprova emendi mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Pataca de Galicia/Patata de Galicia” (IĠP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu.

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni minn Spanja għall-approvazzjoni ta’ emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Pataca de Galicia”/“Patata de Galicia”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 148/2007 (2), kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1366/2011 (3).

(2)

Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba għal emenda, skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament imsemmi, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

(3)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar l-isem “Pataca de Galicia”/“Patata de Galicia” (IĠP), hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

f’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 148/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jirreġistra ċerti ismijiet fir-Reġistru ta’ Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini u ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti [Geraardsbergse mattentaart (IĠP) — Pataca de Galicia jew Patata de Galicia (IĠP) — Poniente de Granada (DPO) — Gata-Hurdes (DPO) — Patatas de Prades jew Patates de Prades (IĠP) — Mantequilla de Soria (DPO) — Huile d’olive de Nîmes (DPO) — Huile d’olive de Corse jew Huile d’olive de Corse — Oliu di Corsica (DPO) — Clémentine de Corse (IĠP) — Agneau de Sisteron (IĠP) — Connemara Hill Lamb jew Uain Sléibhe Chonamara (IĠP) — Sardegna (DPO) — Carota dell’Altopiano del Fucino (IĠP) — Stelvio jew Stilfser (DPO) — Limone Femminello del Gargano (IĠP) — Azeitonas de Conserva de Elvas e Campo Maior (DPO) — Chouriça de Carne de Barroso — Montalegre (IĠP) — Chouriço de Abóbora de Barroso-Montalegre (IĠP) — Sangueira de Barroso-Montalegre (IĠP) — Batata de Trásos-Montes (IĠP) — Salpicão de Barroso-Montalegre (IĠP) — Alheira de Barroso-Montalegre (IĠP) — Cordeiro de Barroso, Anho de Barroso jew Cordeiro de leite de Barroso (IĠP) — Azeite do Alentejo Interior (DPO) — Paio de Beja (IĠP) — Linguíça do Baixo Alentejo jew Chouriço de carne do Baixo Alentejo (IĠP) — Ekstra deviško oljčno olje Slovenske Istre (DPO)] (ĠU L 46, 16.2.2007, p. 14).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1366/2011 tad- 19 ta’ Diċembru 2011 li japprova emendi mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Pataca de Galicia/Patata de Galicia (IĠP)) (ĠU L 341 tat-22.12.2011, p. 29).

(4)  ĠU C 434, 27.12.2019, p. 11.


14.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/646

tat-13 ta’ Mejju 2020

li japprova s-sustanza attiva Lavandulyl senecioate, bħala sustanza b’risku baxx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) flimkien mal-Artikolu 22(1) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fis-17 ta’ Lulju 2015, Suterra Europe Biocontrol ippreżentat lill-Italja applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva Lavandulyl senecioate.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Italja, bħala l-Istat Membru relatur, innotifikat lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni fid-29 ta’ Diċembru 2016.

(3)

Fit-22 ta’ Awwissu 2017, l-Istat Membru relatur ippreżenta abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni u bagħat kopja tiegħu lill-Awtorità, u fih ivvaluta jekk jistax jiġi mistenni li dik is-sustanza attiva tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(4)

L-Awtorità kkonformat mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. F’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, talbet li l-applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. Fid-9 ta’ Ottubru 2018 il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali ġiet ippreżentata mill-Istat Membru relatur lill-Awtorità fil-format ta’ abbozz aġġornat tar-rapport ta’ valutazzjoni.

(5)

Fl-4 ta’ Jannar 2019, l-Awtorità kkomunikat lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (2) dwar jekk is-sustanza attiva Lavandulyl senecioate jistax jiġi mistenni li tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità ppubblikat il-konklużjoni tagħha.

(6)

Fit-22 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ir-rapport ta’ reviżjoni għal-Lavandulyl senecioate u fit-23 ta’ Marzu 2020 abbozz ta’ Regolament li jipprevedi li l-Lavandulyl senecioate huwa approvat.

(7)

L-applikant ingħata l-opportunità li jressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta’ reviżjoni.

(8)

Ġie stabbilit li l-kriterji tal-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati fir-rigward ta’ użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta’ mill-inqas prodott għall-protezzjoni tal-pjanti wieħed li fih is-sustanza attiva, u b’mod partikolari l-użi li ġew eżaminati u spjegati fir-rapport ta’ reviżjoni.

(9)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Lavandulyl senecioate huwa sustanza attiva b’riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-Lavandulyl senecioate mhuwiex sustanza ta’ tħassib, u jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5.1.3 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(10)

Għalhekk huwa xieraq li l-Lavandulyl senecioate jiġi approvat bħala sustanza b’riskju baxx.

(11)

Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiddaħħlu ċerti kondizzjonijiet.

(12)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3) jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni tas-sustanza attiva

Is-sustanza attiva Lavandulyl senecioate, kif speċifikata fl-Anness I, hija approvata skont il-kondizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2020;18(3):5588.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità  (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Lavandulyl senecioate

Nru CAS: 23960-07-8

Nru CIPAC: mhux applikabbli

(RS)-5-metil-2-(prop-1-en-2-il)eż-4-en-1-yl 3-metilbut-2-enoat

≥ 894 g/kg

it-3 ta’ Ġunju 2020

it-3 ta’ Ġunju 2035

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-Lavandulyl senecioate, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

L-Istat Membru għandu jivvaluta kwalunkwe estensjoni tad-disinn tal-użu lil hinn mid-dispensers passivi, sabiex jiġi stabbilit jekk l-estensjonijiet proposti tal-użu jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tal-prinċipji uniformi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011  (2).


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta’ reviżjoni.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal-10 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 155, 11.6.2011, p. 127).


ANNESS II

Fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-annotazzjoni li ġejja:

“19

Lavandulyl senecioate

Nru CAS: 23960-07-8

Nru CIPAC: mhux applikabbli

(RS)-5-metil-2-(prop-1-en-2-il)eż-4-en-1-yl 3-metilbut-2-enoat

≥ 894 g/kg

it-3 ta’ Ġunju 2020

it-3 ta’ Ġunju 2035

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-Lavandulyl senecioate, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

L-Istat Membru għandu jivvaluta kwalunkwe estensjoni tad-disinn tal-użu lil hinn mid-dispensers passivi, sabiex jiġi stabbilit jekk l-estensjonijiet proposti tal-użu jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tal-prinċipji uniformi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 (*1).


(*1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal-10 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 155, 11.6.2011, p. 127).”


DEĊIŻJONIJIET

14.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/7


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/647

tal-11 ta’ Mejju 2020

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li ma użawx l-għażla skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE (2) jistgħu jeżentaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 5 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

(2)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE (3), l-Italja ġiet awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”), biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma qabiżx it-EUR 30 000. Il-miżura ta’ deroga ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2010.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/688/UE (4), l-Italja ġiet awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2013.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/678/UE (5), l-Italja ġiet awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2016. Il-limitu tal-fatturat annwali żdied għal EUR 65 000.

(5)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 (6), il-validità tal-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata miżura ta’ deroga ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2019, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, skont liema waħda kienet tiġi l-ewwel. Fit-18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Direttiva (UE) 2020/285 (7) li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar.

(6)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2019, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga wara l-31 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll biex iżżid il-limitu u twessa’ l-ambitu tal-eżenzjoni.

(7)

Permezz tal-ittra bid-data tal-20 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet l-Italja. Permezz ta’ ittra bid-data tat-23 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(8)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-5 ta’ Diċembru 2019, l-Italja rrevediet it-talba tagħha; fejn talbet biss l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(9)

Permezz tal-ittra bid-data tal-10 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba riveduta tal-Italja. Permezz ta’ ittra bid-data tal-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba riveduta.

(10)

Mill-informazzjoni pprovduta mill-Italja, jidher li r-raġunijiet għall-miżura ta’ deroga għadhom fil-biċċa l-kbira l-istess. Il-miżura ta’ deroga tnaqqas il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa u għalhekk tgħin biex tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT.

(11)

Il-miżura ta’ deroga hija u ser tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuna taxxabbli xorta ser ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(12)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, il-miżura ta’ deroga ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tal-Italja miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

(13)

Il-miżura ta’ deroga mhix ser taffettwa b'mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT minħabba li l-Italja ser twettaq kalkolu tal-kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (8).

(14)

Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv tal-miżura ta’ deroga bit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet tal-konformità għan-negozji żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u n-nuqqas ta’ xi impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li l-Italja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga għal perijodu ulterjuri.

(15)

Jenħtieġ li l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga, tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2020/285 tipprevedi li, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Italja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(16)

Sabiex jiġi żgurat li l-objettivi mixtieqa mill-miżura ta' deroga jinkisbu u li l-applikazzjoni tagħha ma toħloqx inċertezza legali fir-rigward tal-perijodu tat-taxxa attwali, huwa opportun li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2020,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 65 000.

L-Italja tista’ żżid dak il-limitu sabiex iżżomm il-valur tal-eżenzjoni f’termini reali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2020 sal-31 ta' Diċembru 2024.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat minn negozju – L-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303/67).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE tal-15 ta' Settembru 2008 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 249, 18.9.2008, p. 13).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/688/UE tal-15 ta’ Ottubru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 294, 12.11.2010, p. 12).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/678/UE tal-15 ta' Novembru 2013 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 35).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 tat-8 ta’ Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/678/UE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 306, 15.11.2016, p. 11).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


RAKKOMANDAZZJONIJIET

14.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/10


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/648

tat-13 ta’ Mejju 2020

dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Jannar 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala “emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ rilevanza internazzjonali” u, fil-11 ta’ Marzu 2020, ikklassifikata bħala pandemija (1). L-impatt serju konsegwenti fuq l-ivvjaġġar internazzjonali u domestiku, kemm għan-negozju kif ukoll għad-divertiment, ilu mifrux fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja sa mill-1 ta’ Marzu 2020.

(2)

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar nazzjonali kif ukoll għal twissijiet jew restrizzjonijiet fuq il-fruntieri. Dan wassal għal għadd kbir ta’ kanċellazzjonijiet u ħafna ċittadini ma setgħux jivvjaġġaw. Ir-restrizzjonijiet attwali u bla preċedent fuq l-ivvjaġġar mad-dinja kollha (2) kkawżaw kważi waqfien totali tal-ivvjaġġar fl-Ewropa u f’ħafna partijiet oħra tad-dinja. Dan qed ikollu impatt serju fuq it-trasportaturi, fuq l-organizzaturi ta’ tours b’kollox kompriż (“organizzaturi”), u fuq il-fornituri ta’ servizzi tat-turiżmu oħra bħala parti minn tours b’kollox kompriż.

(3)

Fl-istess ħin, ħafna passiġġieri u vjaġġaturi ġew affettwati mill-impatt ekonomiku tal-kriżi u raw l-introjtu tagħhom jonqos b’riżultat tat-tnaqqis fl-attivitajiet ekonomiċi li jħalli impatt fuq il-prospetti kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-impjegati (3).

(4)

Is-setturi tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu fl-Unjoni jirrappurtaw tnaqqis ta’ prenotazzjonijiet fil-medda ta’ 60 % sa 90 % meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. It-talbiet għal rifużjoni minn vjaġġaturi minħabba kanċellazzjonijiet josbqu sew il-livell ta’ prenotazzjonijiet ġodda. Skont l-istimi preliminari tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar u tal-Operaturi tat-Tours (ECTAA), il-pandemija tal-COVID-19 tista’ tikkawża telf ta’ EUR 30 biljun (telf ta’ 60 %) fl-ewwel kwart tal-2020 u ta’ EUR 46 biljun (telf ta’ 90 %) fit-tieni kwart, meta mqabbel mal-fatturat mistenni abbażi tas-snin preċedenti.

(5)

It-trasportaturi involuti fil-modalitajiet kollha tat-trasport qed iħabbtu wiċċhom ma’ tnaqqis qawwi fin-negozju tagħhom u ma’ kważi waqfien totali tal-operazzjonijiet tagħhom. Dan qed iwassal għal tnaqqis fil-likwidità tagħhom, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (4).

(6)

Il-kundizzjonijiet u l-kriterji li skonthom jistgħu jitneħħew il-miżuri ta’ konteniment jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq data li għadha qed tiżviluppa maż-żmien, fost affarijiet oħra, fuq data epidemjoloġika. Minn dan jirriżulta li għad ma hemmx skeda ta’ żmien ċara għal dekonfinament li jippermetti li t-turiżmu jirkupra u s-servizzi tat-trasport jerġgħu jibdew jiffunzjonaw (5).

(7)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 261/2004 (6), (KE) Nru 1371/2007 (7), (UE) Nru 1177/2010 (8) u (UE) Nru 181/2011 (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolamenti tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri”) jipprevedu d-drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjonijiet. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni min-naħa tat-trasportatur, il-passiġġieri għandhom l-għażla, li jrid joffrilhom it-trasportatur, bejn rimborż (rifużjoni) u rotta differenti (10). Peress li l-għażla ta’ rotta differenti ftit li xejn hija applikabbli fiċ-ċirkostanzi preżenti, l-għażla de facto hija prinċipalment bejn id-diversi possibbiltajiet ta’ rimborż.

(8)

Ir-rimborż tal-prezz sħiħ tal-biljett huwa dovut fi żmien sebat ijiem wara t-talba tal-passiġġier fil-każijiet tat-trasport bl-ajru, bil-baħar u fuq passaġġi tal-ilma interni, 14-il jum wara li tkun saret l-offerta jew tkun waslet it-talba fil-każ tat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u xahar wieħed wara t-talba fil-każ tat-trasport ferrovjarju. Skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ir-rimborż jista’ jsir fi flus jew fil-forma ta’ voucher. Madankollu, ir-rimborż permezz ta’ voucher ikun possibbli biss jekk il-passiġġier jaqbel (11).

(9)

Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) (“id-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar”) tipprevedi li, jekk vjaġġ b’kollox kompriż jiġi kkanċellat minħabba “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, il-vjaġġaturi għandhom id-dritt li jiksbu rifużjoni sħiħa ta’ kwalunkwe pagament li jkun sar għall-pakkett, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 14-il jum wara t-terminazzjoni tal-kuntratt. F’dan il-kuntest, l-organizzatur jista’ joffri rimborż lill-vjaġġaturi fil-forma ta’ voucher. Madankollu, din il-possibbiltà ma ċċaħħadx lill-vjaġġaturi mid-dritt tagħhom għal rimborż fi flus.

(10)

Bl-istess mod, meta jiġu proposti bidliet f’kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar (pereżempju, posponiment) jew pakkett sostitut (13), u meta dawk il-bidliet jew il-pakkett sostitut iwasslu biex il-vjaġġaturi jaċċettaw pakkett ta’ kwalità jew prezz aktar baxxi (14) jew biex jiġi tterminat il-kuntratt (15), jistgħu jiġu offruti wkoll voucher mill-organizzatur, diment li l-vjaġġaturi ma jiġux imċaħħda mid-dritt tagħhom għal rimborż fi flus.

(11)

Fit-18 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Linji Gwida Interpretattivi rigward ir-Regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa b’rabta mal-COVID-19 (16). Il-Kummissjoni fakkret li l-passiġġieri għandhom l-għażla bejn rimborż fi flus u rimborż fil-forma ta’ voucher.

(12)

Fid-19 ta’ Marzu 2020, il-gwida informali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar fir-rigward tal-COVID-19 ġiet ippubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni (17), u kkonfermat id-dritt tal-vjaġġaturi li jiksbu rifużjoni sħiħa, iżda ddikjarat ukoll li huwa possibbli li l-vjaġġaturi jaċċettaw voucher.

(13)

Il-kanċellazzjonijiet numerużi li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 wasslu għal sitwazzjoni mhux sostenibbli ta’ likwidità u ta’ dħul għas-setturi tat-trasport u tal-ivvjaġġar. Il-problemi ta’ likwidità tal-organizzaturi huma aggravati mill-fatt li jridu jirrimborżaw il-prezz sħiħ tal-pakkett lill-vjaġġaturi filwaqt li huma stess mhux dejjem jirċievu, fi żmien xieraq, ir-rimborż ta’ servizzi mħallsa minn qabel li jiffurmaw parti mill-pakkett. Dan jista’, de facto, jirriżulta f’kondiviżjoni inġusta tal-piż fost l-operaturi fl-ekosistema tal-ivvjaġġar.

(14)

Jekk l-organizzaturi jew it-trasportaturi jsiru insolventi, hemm riskju li ħafna mill-vjaġġaturi u mill-passiġġieri ma jirċievu l-ebda rifużjoni, peress li t-talbiet tagħhom kontra l-organizzaturi u t-trasportaturi ma jkunux protetti. L-istess problema tista’ tirriżulta f’kuntest minn negozju għal negozju, fejn l-organizzaturi jirċievu voucher bħala rimborż għal servizzi mħallsa minn qabel mingħand trasportaturi, li aktar tard isiru insolventi.

(15)

Jekk il-vouchers isiru aktar attraenti, bħala alternattiva għar-rimborż fi flus, dan għandu jżid l-aċċettazzjoni tagħhom mill-passiġġieri u mill-vjaġġaturi. Dan għandu jgħin biex jittaffew il-problemi ta’ likwidità tat-trasportaturi u tal-organizzaturi u fl-aħħar mill-aħħar jista’ jwassal għal protezzjoni aħjar tal-interessi tal-passiġġieri u tal-vjaġġaturi.

(16)

Għal dan il-għan, il-vouchers jenħtieġ li jkunu protetti mill-insolvenza tat-trasportatur jew tal-organizzatur. Tali protezzjoni tista’ tiġi stabbilita mis-settur privat jew pubbliku, u jenħtieġ li tkun effettiva u robusta biżżejjed. Jenħtieġ li tkopri tal-inqas dawk il-vouchers li jkollhom il-karatteristiċi deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni.

(17)

Dawk il-karatteristiċi jenħtieġ li jappartjenu b’mod partikolari għall-perjodu ta’ validità minimu, għall-perjodu ta’ żmien li warajh, fil-każ ta’ vouchers li jkollhom perjodu ta’ validità itwal minn dak minimu, il-vjaġġaturi jew il-passiġġieri jkunu intitolati għal rimborż jekk ikunu jixtiequ li jsir hekk, u għall-kundizzjonijiet ta’ rimborż ta’ vouchers li ma jkunux issarrfu. Jenħtieġ li jappartjenu wkoll għall-firxa tas-servizzi li għalihom jista’ jintuża l-voucher, għaż-żmien disponibbli għall-użu tal-voucher u għat-trasferibbiltà tiegħu. Jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll karatteristiċi addizzjonali li jagħmlu l-vouchers aktar attraenti.

(18)

Il-ħruġ ta’ voucher b’mod parallel ma’ skemi ta’ rimborż fuq il-karti tal-kreditu jista’ fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal forma ta’ rifużjoni doppja. Għalhekk, meta l-vjaġġaturi jew il-passiġġieri jagħżlu voucher, jenħtieġ li t-trasportatur jibgħat dik l-informazzjoni lill-organizzatur, lill-aġent tal-ivvjaġġar jew lil intermedjarju ieħor.

(19)

Bil-għan li l-vouchers isiru attraenti għall-passiġġieri jew għall-vjaġġaturi, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ skemi biex jingħata appoġġ lill-operaturi fis-setturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Pereżempju, jistgħu jistabbilixxu skemi ta’ garanzija speċifiċi għall-vouchers ibbażati direttament fuq l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw lill-operaturi fis-setturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport billi jagħtu għajnuna de minimis f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (18).

(20)

L-Istati Membri li jipprovdu appoġġ lill-operaturi fis-setturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport biex jiżguraw li jiġu ssodisfati t-talbiet għal rimborż li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li jiżguraw li tali skemi japplikaw għall-passiġġieri jew għall-vjaġġaturi kollha koperti bid-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar jew bir-Regolamenti tal-Unjoni rilevanti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, irrispettivament mill-fornitur tas-servizzi tagħhom.

(21)

Fir-rigward tal-bżonnijiet possibbli ta’ likwidità addizzjonali tal-operaturi fis-setturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport, fid-19 ta’ Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata appoġġ lill-ekonomija fil-kriżi tal-COVID-19 attwali (19) abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija tal-Istati Membri. Il-Qafas Temporanju ġie emendat biex ikopri miżuri ta’ għajnuna addizzjonali, kemm fit-3 ta’ April (20) kif ukoll fit-8 ta’ Mejju 2020 (21).

(22)

Il-Qafas Temporanju japplika, fil-prinċipju, għas-setturi u għall-impriżi kollha inklużi l-impriżi tat-trasport u tal-ivvjaġġar u jirrikonoxxi t-trasport u l-ivvjaġġar bħala tnejn mis-setturi l-aktar affettwati. Il-Qafas għandu l-għan li jirrimedja n-nuqqas ta’ likwidità li l-kumpaniji jħabbtu wiċċhom miegħu billi, pereżempju, jippermetti għotjiet diretti, benefiċċji fuq it-taxxa, garanziji mill-Istat għal self u self pubbliku sussidjat. Sabiex jindirizzaw b’mod rapidu l-bżonnijiet urġenti ta’ likwidità, b’mod partikolari tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-Istati Membri jistgħu jagħtu self b’imgħax żero, garanziji fuq self li jkopru 100 % tar-riskju jew jipprovdu ekwità, sal-valur nominali ta’ EUR 800 000 għal kull kumpanija. Barra minn hekk, il-Qafas Temporanju jipprevedi possibbiltajiet ta’ għajnuna li jkopru l-bżonnijiet ta’ likwidità lil hinn minn EUR 800 000 għal kull kumpanija, fil-forma ta’ garanziji u ta’ sussidji tar-rati tal-imgħax, soġġetti għal, inter alia, kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ prezzijiet minimi. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar l-appoġġ li jipprovdu lill-operaturi fis-setturi tat-trasport u tal-ivvjaġġar biex jiżguraw li jiġu ssodisfati t-talbiet għal rimborż ikkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19, bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri u tal-konsumaturi, kif ukoll it-trattament ugwali tal-passiġġieri u tal-vjaġġaturi.

(23)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tqis id-deċiżjonijiet li jagħtu għajnuna lis-settur tal-avjazzjoni li diġà ttieħdu mill-Istati Membri, biex tiżgura li l-għajnuna addizzjonali lill-istess benefiċjarji ma tirriżultax f’kumpens żejjed fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu protetti l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern.

(24)

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, wara l-falliment ta’ trasportatur jew ta’ organizzatur, li jkopru t-talbiet għal rimborż tal-passiġġieri jew tal-vjaġġaturi. Din il-kopertura ta’ talbiet għal rimborż tkun ta’ benefiċċju biss għall-passiġġieri jew għall-vjaġġaturi u mhux għall-impriżi. Għalhekk, ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat u għaldaqstant tista’ tiġi implimentata mill-Istati Membri mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

(25)

Il-Kummissjoni hija lesta li tagħti assistenza u pariri lill-Istati Membri fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ politika dwar l-għajnuna mill-Istat fit-tfassil ta’ tali miżuri.

(26)

L-Istati Membri u l-operaturi jenħtieġ li jiġu mħeġġa jikkunsidraw l-użu tal-iskemi tal-Unjoni disponibbli għall-appoġġ tal-attivitajiet tal-impriżi u tal-bżonnijiet ta’ likwidità tagħhom.

(27)

Sabiex jiġu massimizzati l-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-partijiet interessati kollha jenħtieġ li jiġu infurmati dwarha u mħeġġa jimplimentawha,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

SUĠĠETT

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna l-vouchers li t-trasportaturi jew l-organizzaturi jistgħu jipproponu lill-passiġġieri jew lill-vjaġġaturi, bħala alternattiva għar-rimborż fi flus, u li huma soġġetti għall-aċċettazzjoni volontarja tal-passiġġieri jew tal-vjaġġaturi, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ kanċellazzjoni mit-trasportatur jew mill-organizzatur li sseħħ mill-1 ta’ Marzu 2020 għal raġunijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19, fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet:

(1)

l-Artikolu 8(1)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004;

(2)

l-Artikolu 16(a) moqri flimkien mal-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007;

(3)

l-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010;

(4)

l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 181/2011;

(5)

l-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2015/2302.

(b)

fil-każ ta’ bidliet fil-kuntratt jew ta’ terminazzjonijiet, li jseħħu mill-1 ta’ Marzu 2020 għal raġunijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19, fil-kuntest tal-Artikolu 11(4) u (5) tad-Direttiva (UE) 2015/2302.

PROTEZZJONI MILL-INSOLVENZA

2.

Sabiex il-vouchers isiru alternattiva attraenti u affidabbli għar-rimborż fi flus, tal-inqas il-vouchers li jkollhom il-karatteristiċi deskritti fil-punti 3 sa 12 jenħtieġ li jkunu koperti bi protezzjoni mill-insolvenza tat-trasportatur jew tal-organizzatur li tkun effettiva u robusta biżżejjed.

KARATTERISTIĊI RAKKOMANDATI TAL-VOUCHERS

3.

Il-vouchers jenħtieġ li jkollhom perjodu ta’ validità minimu ta’ 12-il xahar.

Soġġett għall-punt 5, it-trasportaturi u l-organizzaturi jenħtieġ li awtomatikament jirrimborżaw l-ammont tal-voucher ikkonċernat lill-passiġġieri jew lill-vjaġġaturi sa mhux aktar tard minn 14-il jum wara t-tmiem tal-perjodu ta’ validità tiegħu, jekk il-voucher ma jkunx issarraf. Dan japplika wkoll għar-rimborż tal-ammont li jifdal tal-voucher ikkonċernat fil-każ li preċedentement ikun issarraf parzjalment.

4.

Jekk il-vouchers ikollhom perjodu ta’ validità itwal minn 12-il xahar, il-passiġġieri u l-vjaġġaturi jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jitolbu rimborż fi flus sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-ħruġ tal-voucher ikkonċernat. Jenħtieġ li jkollhom l-istess dritt fi kwalunkwe mument wara dan, soġġett għad-dispożizzjonijiet legali applikabbli dwar il-limitu ta’ żmien.

It-trasportaturi u l-organizzaturi jistgħu jikkunsidraw li jagħmlu l-vouchers rimborżabbli f’mument aktar bikri minn 12-il xahar wara l-ħruġ tal-voucher ikkonċernat jekk il-passiġġieri jew vjaġġaturi jitolbu li jsir hekk.

5.

Il-passiġġieri u l-vjaġġaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw il-vouchers għall-pagamenti fir-rigward tal-prenotazzjonijiet ġodda kollha li jsiru qabel id-data ta’ skadenza tagħhom anki jekk il-pagament jew is-servizz iseħħ wara dik id-data.

6.

Il-passiġġieri u l-vjaġġaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw il-vouchers biex iħallsu għal kwalunkwe servizz tat-trasport jew pakkett tal-ivvjaġġar offruti mit-trasportatur jew mill-organizzatur (22).

7.

Soġġett għad-disponibbiltà u irrispettivament minn kwalunkwe differenza fin-noll jew fil-prezz,

it-trasportaturi jenħtieġ li jiżguraw li l-vouchers jippermettu lill-passiġġieri jivvjaġġaw fuq l-istess rotta skont l-istess kundizzjonijiet ta’ servizz kif spjegat fil-prenotazzjoni oriġinali;

l-organizzaturi jenħtieġ li jiżguraw li l-vouchers jippermettu lill-vjaġġaturi jipprenotaw kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar bl-istess tip ta’ servizzi jew ta’ kwalità ekwivalenti bħall-pakkett itterminat.

8.

It-trasportaturi u l-organizzaturi jenħtieġ li jikkunsidraw li joffru l-possibbiltà li l-vouchers jintużaw għal prenotazzjonijiet ma’ entitajiet oħra li jiffurmaw parti mill-istess grupp ta’ kumpaniji.

9.

Meta s-servizz tat-trasport jew il-pakkett tal-ivvjaġġar ikkanċellati jkunu ġew ipprenotati permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar jew intermedjarju ieħor, it-trasportaturi u l-organizzaturi jenħtieġ li jippermettu li l-vouchers jintużaw għal prenotazzjonijiet ġodda anke permezz tal-istess aġenzija tal-ivvjaġġar jew intermedjarju ieħor.

10.

Il-vouchers għas-servizzi tat-trasport jenħtieġ li jkunu trasferibbli għal passiġġier differenti mingħajr spejjeż addizzjonali. Il-vouchers għall-pakketti tal-ivvjaġġar jenħtieġ li jkunu trasferibbli wkoll għal vjaġġatur differenti mingħajr spejjeż addizzjonali, jekk il-fornituri tas-servizzi inklużi fil-pakkett jaqblu li t-trasferiment isir mingħajr spejjeż addizzjonali.

11.

Sabiex il-vouchers isiru aktar attraenti, l-organizzaturi u t-trasportaturi jistgħu jikkunsidraw li joħorġu vouchers b’valur ogħla mill-ammont ta’ kwalunkwe pagament li jkun sar għall-pakkett tal-ivvjaġġar jew għas-servizz tat-trasport oriġinarjament ipprenotati, pereżempju permezz ta’ somma f’daqqa addizzjonali jew elementi addizzjonali ta’ servizz.

12.

Il-vouchers jenħtieġ li jindikaw il-perjodu ta’ validità tagħhom u jispeċifikaw id-drittijiet kollha marbuta magħhom. Dawn jenħtieġ li jinħarġu fuq mezz li jservi għal żmien twil (23), bħal email jew fuq il-karta.

KOOPERAZZJONI BEJN IL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

13.

Jekk il-passiġġier ikun ipprenota s-servizz tat-trasport permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar jew intermedjarju ieħor, jew jekk is-servizz tat-trasport kien parti minn pakkett tal-ivvjaġġar, it-trasportatur jenħtieġ li jinforma lill-aġenzija tal-ivvjaġġar, lill-intermedjarju jew lill-organizzatur meta l-passiġġier jew il-vjaġġatur jagħżel li jaċċetta l-voucher.

14.

L-operaturi ekonomiċi differenti fil-katina tal-valur tas-setturi tat-trasport u tal-ivvjaġġar jenħtieġ li jikkooperaw bona fide u jaħdmu favur il-kondiviżjoni ġusta tal-piż ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19.

MIŻURI TA’ APPOĠĠ

Għajnuna mill-Istat

15.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk jintroduċux skemi speċifiċi biex jipprovdu appoġġ lill-operaturi fis-setturi tat-trasport u tal-ivvjaġġar biex jiżguraw li jiġu ssodisfati t-talbiet għal rimborż ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, u jistgħu jiddeċiedu dwar l-għażla taż-żmien u t-tip ta’ miżuri li jixtiequ jdaħħlu fis-seħħ. Meta jfasslu tali skemi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkunu ta’ benefiċċju għall-passiġġieri jew għall-vjaġġaturi kollha, irrispettivament mill-fornitur tas-servizzi tagħhom.

16.

Bil-għan li jiġu limitati l-impatti negattivi fuq il-passiġġieri jew il-vjaġġaturi waqt il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw b’mod attiv li jistabbilixxu skemi ta’ garanzija għall-vouchers biex jiżguraw li fil-każ ta’ insolvenza tal-emittent tal-voucher, il-passiġġieri jew vjaġġaturi jingħataw ir-rimborż.

Sal-punt li tali skemi ta’ garanzija jnaqqsu r-riskju finanzjarju għall-passiġġieri jew għall-vjaġġaturi meta dawn jaċċettaw il-vouchers u jżidu l-probabbiltà li dawn jagħżlu tali vouchers minflok rimborż fi flus, u b’hekk itejbu l-pożizzjoni ta’ likwidità tal-operaturi, il-miżuri jipprovdu benefiċċju lill-operaturi kkonċernati fil-forma ta’ tisħiħ tal-likwidità u jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

Tali miżuri ma jkunux koperti mill-ambitu tal-Qafas Temporanju, iżda jistgħu jiġu nnotifikati mill-Istati Membri direttament skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat u jiġu soġġetti għal valutazzjoni individwali. F’dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni taċċetta li l-garanzija tal-Istat tkopri 100 % tal-valur tal-vouchers biex tiġi żgurata l-protezzjoni sħiħa tal-passiġġieri u tal-vjaġġaturi kollha, filwaqt li jitqiesu dispożizzjonijiet rilevanti oħra tat-Taqsima 3.2 tal-Qafas Temporanju (24) biex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna.

17.

Meta l-operaturi fis-setturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport ikollhom il-bżonn ta’ appoġġ ġenerali ta’ likwidità, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jdaħħlu fis-seħħ skemi li jipprovdulhom appoġġ ta’ likwidità. Meta dan l-appoġġ ma jingħatax skont il-kundizzjonijiet tas-suq, jista’ jinvolvi għajnuna mill-Istat u jenħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

Il-Qafas Temporanju jipprovdi bażi għall-kompatibilità għal tali appoġġ ta’ likwidità, li tippermetti lill-operaturi fis-setturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport, inter alia, jirċievu tali appoġġ fil-forma ta’ garanziji pubbliċi jew self sussidjat biex jiġu koperti l-bżonnijiet reali ta’ likwidità tagħhom għal perjodi, soġġetti għal ġustifikazzjoni xierqa, ta’ 18-il xahar għall-SMEs u ta’ 12-il xahar għall-impriżi kbar (25).

18.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, wara l-falliment ta’ trasportatur jew ta’ organizzatur, li jkopru talbiet għal rimborż ta’ passiġġieri jew ta’ vjaġġaturi.

Sal-punt li r-rimborż iseħħ wara l-proċess ta’ likwidazzjoni u, għalhekk, ma jipprovdix tisħiħ tal-likwidità għall-operatur tal-ivvjaġġar jew tat-trasport – li ma jkunx għadu qed iwettaq attività ekonomika – iżda pjuttost ikun ta’ benefiċċju għall-passiġġieri jew għall-vjaġġaturi biss, tali rimborż ma jinvolvix għajnuna mill-Istat. B’hekk, skemi ta’ din in-natura jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

Appoġġ għall-SMEs fl-ambitu tal-Fond Ewropew tal-Investiment

19.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-intermedjarji finanzjarji biex jikkunsidraw l-użu tal-appoġġ offrut, minħabba l-COVID-19, mill-Faċilità ta’ Garanzija għal Self tal-programm COSME, imniedi mill-Fond Ewropew tal-Investiment u mill-Kummissjoni Ewropea, u minn skemi simili oħra mnedija mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Fl-ambitu ta’ dawk l-iskemi, jistgħu jintużaw linji ta’ likwidità u ta’ kapital operatorju speċifiċi għall-SMEs/kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ likwidità tal-kumpaniji minħabba l-pandemija tal-COVID-19, inkluż biex jiġu rimborżati l-biljetti kkanċellati.

L-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus

20.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw l-użu tal-appoġġ għall-kapital operatorju destinat għall-SMEs tas-setturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport fil-kuntest tal-flessibbiltà addizzjonali pprovduta fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus. F’dan il-kuntest, il-kapital operatorju destinat għall-SMEs jista’ jintuża biex jindirizza l-bżonnijiet ta’ likwidità tal-kumpaniji minħabba l-pandemija tal-COVID-19, inkluż l-ispejjeż relatati mal-kanċellazzjonijiet.

PROMOZZJONI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TA’ DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI

21.

L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-passiġġieri fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali jenħtieġ li jinkoraġġixxu lill-vjaġġaturi u lill-passiġġieri biex jaċċettaw, minflok rimborż fi flus, vouchers li jkollhom il-karatteristiċi, u li jibbenefikaw mill-protezzjoni mill-insolvenza, deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni.

22.

L-organizzazzjonijiet tan-negozju, tal-konsumaturi u tal-passiġġieri fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-korpi nazzjonali tal-infurzar tagħhom, jenħtieġ li jikkontribwixxu biex jinfurmaw lill-partijiet ikkonċernati kollha dwar din ir-Rakkomandazzjoni u jikkooperaw għall-implimentazzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-KummissjoniS


(1)  https://www.who.int/emergencies/diseases/novel-coronavirus-2019/events-as-they-happen

(2)  Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti (UNWTO), 96 % tad-destinazzjonijiet globali jimponu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar (ara UNWTO, COVID-19 related travel restrictions – a global review for tourism, l-ewwel rapport mis-16 ta’ April 2020).

(3)  F’April 2020, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku (ESI) irreġistra l-akbar tnaqqis f’xahar fl-ESI rreġistrat (mill-1985), u niżel għal 67,0 u 65,8 għaż-żona tal-euro u għall-Unjoni, rispettivament. F’April 2020, l-Indikatur tal-Aspettattivi tal-Impjieg (EEI) niżel għall-aktar livell baxx tiegħu rreġistrat (63,7 fiż-żona tal-euro u 63,3 fl-Unjoni). Ara https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/indicators-statistics/economic-databases/business-and-consumer-surveys/latest-business-and-consumer-surveys_mt

(4)  Pereżempju, madwar -90 % ta’ traffiku tal-ajru meta mqabbel ma’ sena ilu (Sors: Eurocontrol), -85 % ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanza twila, -80 % ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri reġjonali (inkluż suburbani), kważi waqfien totali ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri internazzjonali (Sors: CER); aktar minn -90 % ta’ vapuri tal-kruċieri u tal-passiġġieri f’nofs April meta mqabbel ma’ sena ilu (Sors: EMSA).

(5)  Ara l-Pjan Direzzjonali Konġunt Ewropew għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 tal-15 ta’ April 2020, https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/health/coronavirus-response/european-roadmap-lifting-coronavirus-containment-measures_mt

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

(10)  L-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004; l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007; l-Artikolu 18 (1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010; l-Artikolu 19 (1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 181/2011.

(11)  L-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004; l-Artikolu 16 (1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007; l-Artikolu 18 (1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1177/2010; l-Artikolu 19 (1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 181/2011.

(12)  Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1).

(13)  Ara l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar.

(14)  Ara l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar.

(15)  Ara l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar.

(16)  ĠU C 89I, 18.3.2020, p. 1.

(17)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/coronavirus_info_ptd_19.3.2020.pdf, ippubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni dwar ir-rispons għall-COVID-19 https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/health/coronavirus-response/travel-and-transportation_mt

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(19)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 (ĠU C 91I, 20.3.2020, p. 1).

(20)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Emenda għall-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 (ĠU C 112I, 4.4.2020, p. 1).

(21)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Emenda għall-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 (ĠU C 164, 13.5.2020, p. 3).

(22)  Tajjeb li jitfakkar li d-drittijiet li saru obbligatorji bl-Artikolu 16(a) flimkien mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 u bl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 huma applikabbli fi kwalunkwe każ.

(23)  “Mezz li jservi għal żmien twil” hija definita fl-Artikolu 3(11) tad-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar bħala “kwalunkwe strument li jippermetti lill-vjaġġatur jew lill-kummerċjant li jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lilu b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet ta’ informazzjoni u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna”.

(24)  It-Taqsima 3.2 tal-Qafas Temporanju tippermetti l-għoti ta’ garanziji pubbliċi fuq self għal perjodu limitat.

(25)  Il-punti 25.d u 27.d tal-Qafas Temporanju.