ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 140

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
4 ta' Mejju 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/591 tat-30 ta’ April 2020 li jiftaħ skema temporanja eċċezzjonali ta’ għajnuna għall-ħżin privat ta’ ċerti tipi ta’ ġobon u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

1

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 tat-30 ta’ April 2020 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha

6

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/593 tat-30 ta’ April 2020 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tal-patata

13

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/594 tat-30 ta’ April 2020 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tas-siġar ħajjin u tal-florikultura, tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tal-faxxina ornamentali

17

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/595 tat-30 ta’ April 2020 li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

21

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/596 tat-30 ta’ April 2020 li jagħti għajnuna għall-ħażna privata ta’ laħam frisk u mkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar u li jiffissa l-ammont tal-għajnuna bil-quddiem

26

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/597 tat-30 ta’ April 2020 li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tal-butir u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

31

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/598 tat-30 ta’ April 2020 li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

34

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/599 tat-30 ta’ April 2020 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

37

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/600 tat-30 ta’ April 2020 li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward ta’ ċerti miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19

40

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/601 tat-30 ta’ April 2020 dwar miżuri ta’ emerġenza li jidderogaw mill-Artikoli 62 u 66 tar-Regolament (UE) Nru 1038/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli u l-qlugħ tad-dwieli fil-każ ta’ tħawwil mill-ġdid antiċipat

46

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/591

tat-30 ta’ April 2020

li jiftaħ skema temporanja eċċezzjonali ta’ għajnuna għall-ħżin privat ta’ ċerti tipi ta’ ġobon u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment li daħħlu l-Istati Membri, kien hemm tnaqqis fid-domanda għal ċerti prodotti tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, b’mod partikulari għall-ġobon. It-tixrid tal-marda u l-miżuri li huma fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-ħaddiema, u b’hekk ixekklu l-iktar l-istadji tal-produzzjoni, tal-ġbir u tal-ipproċessar tal-ħalib. Barra minn hekk, l-għeluq obbligatorju tal-ħwienet, tas-swieq fil-beraħ, tar-ristoranti u ta’ stabbilimenti oħrajn tal-ospitalità waqqaf l-attivitajiet tal-industrija tal-ospitalità u tal-catering, u wassal għal tibdil sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib. Madwar 15 % mid-domanda domestika tal-Unjoni għall-ġobon ġejja mill-industrija tal-ospitalità u tal-catering. Barra minn hekk, ix-xerrejja fl-Unjoni u fis-suq dinji qed iħassru l-kuntratti, u qed idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew iktar tnaqqis fil-prezzijiet. L-esportazzjonijiet tal-ġobon lejn pajjiżi terzi jirrappreżentaw 8 % mill-ġobon kollu prodott fl-Unjoni

(2)

Minħabba f’hekk l-ipproċessar tal-ħalib mhux ipproċessat qed jinbidel parzjalment biex minnu jsiru prodotti bl-ingrossa li jinħażnu faċilment u li għandhom ħajja twila fuq l-ixkaffa u li jeħtieġu inqas ħaddiema biex jiġu mmanifatturati, bħat-trab tal-ħalib xkumat u l-butir. Madankollu, bosta siti tal-manifattura tal-ġobon fl-Unjoni ma għandhomx il-kapaċità jipproċessaw il-ħalib fi prodotti differenti, u qed ikollhom ikomplu jipproduċu l-ġobon li d-domanda għalih naqset b’mod eċċezzjonali.

(3)

Għalhekk is-settur tal-ġobon qed jiffaċċja sitwazzjoni ta’ tfixkil fis-suq minħabba żbilanċ qawwi bejn il-provvista u d-domanda. Minħabba f’hekk, jekk ma jittiħdux miżuri kontra dan it-tfixkil fis-suq, il-prezzijiet tal-ġobon fl-Unjoni mistennija jonqsu u x’aktarx ikomplu jonqsu.

(4)

Jidher li l-miżuri ta’ intervent fis-suq disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw it-tfixkil fis-suq, minħabba li huma maħsubin għal prodotti oħrajn bħall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat, jew huma limitati għall-ġobon li għandu denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta.

(5)

Il-ħżin jista’ jindirizza t-tfixkil fis-suq tal-ġobon. Għalhekk huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tal-ġobon.

(6)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi l-għoti tal-għajnuna għall-ħżin privat tal-ġobon li jibbenefika minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) biss. Madankollu, il-ġobon li għandu denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta jirrappreżenta ftit biss mill-ġobon kollu prodott fl-Unjoni. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza operazzjonali u amministrattiva, huwa xieraq li tiġi stabbilita skema unika ta’ għajnuna għall-ħżin privat li tkun tkopri kull tip ta’ ġobon.

(7)

Huwa xieraq li l-ġobon li mhuwiex adattat għall-ħżin jiġi eskluż minnha.

(8)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu għall-volum massimu li trid tkopri l-iskema, kif ukoll kif il-volum kollu se jitqassam fost l-Istati Membri abbażi tal-produzzjoni tal-ġobon tagħhom.

(9)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (5) jistabbilixxu r-regoli għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 li japplikaw għall-ħżin privat tal-ġobon li għandu denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta jkunu japplikaw mutatis mutandis għall-iskema unika ta’ għajnuna għall-ħżin privat stabbilita f’dan ir-Regolament, ħlief fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

(10)

Jenħtieġ li l-ammont tal-għajnuna jiġi ffissat bil-quddiem sabiex ikun hemm sistema operazzjonali rapida u flessibbli. Jenħtieġ li l-ammont tal-għajnuna jiġi ffissat abbażi tal-ispejjeż tal-ħżin u ta’ elementi rilevanti oħrajn tas-suq. Huwa xieraq li tiġi stabbilita għajnuna għall-ispejjeż fissi tal-ħżin għad-dħul u għall-ħruġ tal-prodotti kkonċernati u għajnuna għal kull jum tal-ħżin għall-ispejjeż għall-ħżin u għall-finanzjament.

(11)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ simplifikazzjoni amministrattivi, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet jintbagħtu biss għall-ġobon li jkun diġà nħażen u li ma tkunx meħtieġa garanzija.

(12)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ simplifikazzjoni amministrattivi, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-kwantità minima ta’ prodotti li kull applikazzjoni trid tkopri.

(13)

Il-miżuri li ddaħħlu biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-kontrolli fuq il-post marbutin mal-għajnuna għall-ħżin privat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240. Huwa xieraq li l-Istati Membri li jintlaqtu minn dawk il-miżuri jingħataw il-flessibbiltà billi jitħallew iwettqu l-kontrolli fiżiċi fuq kampjun statistiku rappreżentattiv biss, billi jittawlilhom il-perjodu biex jagħmlu l-kontrolli tad-dħul fil-post tal-ħżin jew billi jitħallew jissostitwixxu dawn il-kontrolli bl-użu ta’ provi rilevanti oħrajn, u billi ma jkunux obbligati jwettqu l-kontrolli għall-għarrieda. Għalhekk huwa xieraq li tiddaħħal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Sabiex il-miżura temporanja prevista f’dan ir-Regolament ikollha impatt immedjat fuq is-suq u tikkontribwixxi biex il-prezzijiet jistabbilizzaw ruħhom, jenħtieġ li din tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jipprevedi skema temporanja eċċezzjonali ta’ għajnuna għall-ħżin privat tal-ġobon li jidħol fil-kodiċi tan-NM 0406, ħlief għall-ġobon li mhuwiex adattat għal aktar ħżin wara l-perjodu ta’ maturazzjoni msemmi fl-Artikolu 2.

2.   Il-volum massimu tal-prodott għal kull Stat Membru li għalih tapplika l-iskema tal-għajnuna għall-ħżin privat imsemmija fil-paragrafu 1 huwa stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ sistema bbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji sabiex ma jinqabżux il-kwantitajiet massimi li jkunu ġew allokati lilhom.

3.   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 li japplikaw għall-ħżin privat tal-ġobon li għandu denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-iskema ta’ għajnuna għall-ħżin privat imsemmija fil-paragrafu 1, ħlief fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Prodotti eliġibbli

Sabiex il-ġobon jikkwalifika għall-għajnuna skont l-iskema tal-għajnuna għall-ħżin privat imsemmija fl-Artikolu 1(1), minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-għajnuna”, dan għandu jkun ta’ kwalità kummerċjabbli tajba u ġusta u għandu joriġina mill-Unjoni. Dakinhar li jibda l-kuntratt tal-ħżin, il-ġobon għandu jkollu età minima li tkun tikkorrispondi għall-perjodu ta’ maturazzjoni stabbilit fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott fil-każ tal-ġobon li jibbenefika minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għall-perjodu normali ta’ maturazzjoni stabbilit mill-Istati Membri fil-każ tal-ġobon l-ieħor.

Artikolu 3

Tressiq tal-applikazzjonijiet u ammissibbiltà tagħhom

1.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu mis-7 ta’ Mejju 2020 ’il quddiem. L-aħħar data għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għandha tkun it-30 ta’ Ġunju 2020.

2.   L-applikazzjonijiet għandhom isiru għal prodotti li jkunu diġà nħażnu.

3.   Il-kwantità minima għal kull applikazzjoni hija ta’ 0,5 tunnellati.

Artikolu 4

Ammont tal-għajnuna u perjodu tal-ħżin

1.   L-ammont tal-għajnuna għandu jkun kif ġej:

EUR 15,57 għal kull tunnellata ta’ ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin;

EUR 0,40 għal kull tunnellata għal kull jum ta’ ħżin kuntrattwali.

2.   Il-ħżin kuntrattwali għandu jintemm fil-jum ta’ qabel dak tat-tneħħija mill-ħżin.

3.   L-għajnuna tista’ tingħata biss meta l-perjodu tal-ħżin kuntrattwali jkun ta’ bejn 60 u 180 jum.

Artikolu 5

Kontrolli

1.   B’deroga mill-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-miżuri”, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ twettaq il-kontrolli msemmijin fl-Artikolu 60(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament fil-ħin dovut, l-Istat Membru kkonċernat jista’:

(a)

jestendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(1) għat-twettiq ta’ dawk il-kontrolli b’perjodu massimu ta’ 30 jum wara li jintemmu l-miżuri; jew

(b)

jissostitwixxi dawk il-kontrolli fil-perjodu li matulu jkunu japplikaw il-miżuri bl-użu ta’ provi rilevanti, fosthom ta’ ritratti mmarkati bil-post ġeografiku u ta’ provi oħrajn f’format elettroniku.

2.   B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, il-kontrolli fiżiċi sabiex tiġi vverifikata l-kwantità kuntrattwali għandhom isiru fuq kampjun statistiku rappreżentattiv ta’ mill-inqas 5 % mil-lottijiet li jkunu jkopru tal-inqas 5 % mill-kwantitajiet kollha li jkunu nħażnu.

3.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ twettaq il-kontrolli fuq il-post għall-għarrieda, hija ma għandhiex tkun obbligata twettaq il-kontrolli għall-għarrieda fil-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ il-miżuri.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).


ANNESS

Stat Membru

Kwantitajiet massimi (f’tunnellati)

Il-Belġju

1 130

Il-Bulgarija

889

Iċ-Ċekja

1 265

Id-Danimarka

4 373

Il-Ġermanja

21 726

L-Estonja

434

L-Irlanda

2 180

Il-Greċja

2 121

Spanja

4 592

Franza

18 394

Il-Kroazja

300

L-Italja

12 654

Ċipru

270

Il-Latvja

459

Il-Litwanja

978

Il-Lussemburgu

27

L-Ungerija

809

Malta

28

In-Netherlands

8 726

L-Awstrija

1 959

Il-Polonja

8 277

Il-Portugall

775

Ir-Rumanija

931

Is-Slovenja

157

Is-Slovakkja

413

Il-Finlandja

843

L-Iżvezja

792

Ir-Renju Unit

4 499


4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/592

tat-30 ta’ April 2020

dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 qed tikkawża tfixkil sinifikanti fis-swieq tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid madwar l-Unjoni. Il-miżuri li ħadu l-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet estensivi tal-moviment u l-miżuri ta’ tbegħid soċjali, ikkawżaw tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, għeluq temporanju ta’ stabbilimenti importanti ta’ prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u tas-settur tal-inbid, rispettivament, fil-livell bl-ingrossa u bl-imnut u fis-settur tal-catering, bħall-għeluq ta’ ristoranti, kafetteriji, bars u lukandi. Il-miżuri relatati mal-COVID-19 qed joħolqu wkoll diffikultajiet loġistiċi li qed jaffettwaw b’mod partikolari l-prodotti tal-frott u l-ħxejjex li jitħassru malajr u lis-settur tal-inbid Il-miżuri relatati mal-COVID-19 joħolqu wkoll diffikultajiet fil-ħsad tal-frott u l-ħxejjex u f’kull ħidma relatata mal-produzzjoni tal-inbid minħabba nuqqas ta’ ħaddiema u biex dawn il-prodotti jaslu għand il-konsumaturi, minħabba tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, diffikultajiet loġistiċi u l-għeluq temporanju ta’ stabbilimenti importanti. Dawn iċ-ċirkostanzi jfixklu b’mod sinifikanti lis-settur tal-frott u l-ħxejjex u lis-settur tal-inbid fl-Unjoni. Il-bdiewa f’dawn is-setturi jġarrbu diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità.

(2)

Minħabba t-tul taż-żmien tar-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u l-probabbiltà li dawn jkomplu fit-tul, it-tfixkil fit-tul fil-loġistika u fil-ktajjen tal-provvista, u l-impatt ekonomiku qawwi fuq l-istabbilimenti ewlenin ta’ prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u tas-settur tal-inbid, rispettivament fil-livell bl-ingrossa u bl-imnut, u fis-settur tal-catering, it-tfixkil serju fiż-żewġ swieq u l-effetti tiegħu aktarx li se jissoktaw u forsi jmorru għall-agħar ukoll.

(3)

Minħabba dan it-tfixkil fis-suq u l-kombinament ta’ ċirkostanzi bla preċedent, il-bdiewa fl-Istati Membri kollha ġarrbu diffikultajiet eċċezzjonali fl-ippjanar, fl-implimentazzjoni u fit-twettiq tal-iskemi tal-għajnuna stabbiliti fl-Artikoli 32 sa 38 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għas-settur tal-frott u l-ħxejjex u fl-Artikoli 39 sa 54 ta’ dak ir-Regolament għas-settur tal-inbid. Għaldaqstant dawn id-diffikultajiet jenħtieġ jittaffew b’deroga minn uħud minn dawk id-dispożizzjonijiet.

(4)

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jistgħu jimplimentaw miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet, bħala parti mill-programmi operazzjonali approvati tagħhom, fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid, bil-ħsieb li jżidu r-reżiljenza tagħhom għat-tfixkil fis-suq. Madankollu, f’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet ma għandhomx jammontaw għal iżjed minn terz tan-nefqa permezz tal-programm operazzjonali. Biex tingħata aktar flessibbiltà lil dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u jkunu jistgħu jiffukaw ir-riżorsi permezz tal-programmi operazzjonali biex jindirizzaw it-tfixkil fis-suq li joħolqu l-miżuri relatati mal-pandemija tal-COVID-19, dik ir-regola jenħtieġ ma tkunx tapplika fl-2020.

(5)

Hu stmat li l-għeluq tal-lukandi, tal-bars u tar-ristoranti jaffettwa direttament lil 30 % tal-volumi tal-inbid ikkunsmat fl-Unjoni, li jikkorrispondu għal 50 % tal-valur tagħhom. Hu osservat ukoll li l-konsum tal-inbid fid-djar mhux qed jikkumpensa għat-tnaqqis fil-konsum barra mid-djar. Minbarra dan, twaqqfu għalkollox ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet u l-attivitajiet tas-soltu li jinvolvu l-konsum tal-inbid, fosthom il-festini li jsiru meta wieħed jagħlaq sninu u l-btajjel nazzjonali. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li din is-sena jinqabżu l-attivitajiet tat-turiżmu staġunali tas-sajf u tal-enoturiżmu. Għalhekk fis-suq kulma jmur qed jiżdiedu l-eċċessi tal-inbid. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ħaddiema, anki minħabba l-pandemija, u d-diffikultajiet loġistiċi kkawżati mill-pandemija qed jixħtu pressjoni fuq il-produtturi tal-inbid u fuq is-settur tal-inbid kollu. Il-produtturi tal-inbid qed iġarrbu aktar problemi għall-ħsad li jmiss: prezzijiet baxxi, tnaqqis fil-konsum, u diffikultajiet fit-trasport u fil-bejgħ.

(6)

Fl-istess waqt, is-suq tal-inbid tal-Unjoni diġà ġarrab kundizzjonijiet aggravanti tul l-2019 u l-ħażniet tal-inbid jinsabu fl-ogħla livell tagħhom mill-2009 ’l hawn. Dan l-iżvilupp hu dovut qabelxejn għal kombinament ta’ ħsad rekord fl-2018 u tnaqqis ġenerali fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-Istati Uniti tal-Amerka — is-suq ewlieni tal-esportazzjoni tal-inbid tal-Unjoni — imponew tariffi addizzjonali fuq l-importazzjoni tal-inbejjed mill-Unjoni ħalla impatt fuq l-esportazzjonijiet. Il-pandemija tal-COVID-19 tat daqqa ta’ ħarta oħra lil dan is-settur fraġli, tant li ma setax jibqa’ jikkummerċjalizza jew iqassam il-prodotti tiegħu b’mod effettiv, l-aktar minħabba l-għeluq tas-swieq maġġuri tal-esportazzjoni u l-miżuri li ttieħdu biex ikunu żgurati konfinament u lockdown xierqa, b’mod partikolari l-interruzzjoni tal-attivitajiet kollha tal-catering u l-waqfien tal-forniment lill-klijenti tas-soltu. Barra minn hekk, id-diffikultà fil-provvista ta’ elementi ewlenin bħall-fliexken u t-tappijiet tas-sufra meħtieġa għall-produzzjoni tal-inbid qed iżidu l-pressjoni fuq l-attivitajiet tal-operaturi fis-settur tal-inbid għax qed ixekkluhom milli jqiegħdu nbid lest għall-bejgħ fis-suq.

(7)

Jenħtieġ li t-tneħħija mis-suq tal-Unjoni ta’ wħud mill-kwantitajiet tal-inbid li mhux qed jiġu kkummerċjalizzati u li ma jistgħux jinħażnu, tgħin biex jiġi indirizzat it-tfixkil serju fis-suq għas-settur tal-inbid. Għalhekk, jenħtieġ tiddaħħal temporanjament id-distillazzjoni tal-inbid għal raġunijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19, bħala miżura eliġibbli għal appoġġ permezz tal-programmi ta’ appoġġ lis-settur tal-inbid ħalli tgħin biex titjieb il-prestazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-inbid. Biex tkun evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-użu tal-alkoħol miksub ikun eskluż għall-industrija tal-ikel u x-xorb, u jkun limitat għal skopijiet industrijali, fosthom skopijiet ta’ diżinfezzjoni u farmaċewtiċi, u għal skopijiet ta’ enerġija.

(8)

L-għajnuna għall-ħżin fi kriżi hi miżura oħra li temporanjament jenħtieġ tneħħi ċerti kwantitajiet tal-inbid mis-suq u tgħin biex progressivament nersqu lejn sitwazzjoni tas-suq li tkun aktar vijabbli ekonomikament. Għalhekk, l-għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi jenħtieġ tkun eliġibbli temporanjament għal appoġġ permezz tal-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid. Biex ikun evitat li jingħata appoġġ darbtejn għall-istess kwantità ta’ nbid irtirat mis-suq, jenħtieġ li l-benefiċjarji tal-għajnuna għall-ħżin fi kriżi la jkunu jistgħu jirċievu għajnuna għad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi permezz tal-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid u lanqas pagamenti nazzjonali għad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi.

(9)

Biex l-operaturi jiġu megħjuna jirrispondu għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali u jindirizzaw din is-sitwazzjoni imprevedibbli u prekarja, jixraq li tkun permessa flessibbiltà addizzjonali fl-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(10)

B’mod partikolari biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwieżnu lill-produtturi milquta serjament mill-kriżi, jeħtieġ tingħata deroga mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-miżura ta’ fondi mutwi kif imsemmi fl-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament li tippermetti li n-nefqa mġarrba b’operazzjonijiet implimentati fir-raba’ sena tagħhom fl-2020 tkun eliġibbli anke jekk tkun saret qabel is-sottomissjoni tal-abbozz tal-programm ta’ appoġġ rilevanti mill-Istat Membru. B’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu għajnuna addizzjonali għall-ispejjeż amministrattivi ta’ fondi mutwi diġà stabbiliti għal 12-il xahar ieħor tul is-sena finanzjarja 2020. Biex tipprovdi appoġġ adegwat ekonomikament u b’deroga mill-Artikolu 48(2), jenħtieġ li l-għajnuna mogħtija tkun nondigressiva u tammonta għall-finanzjament mogħti fit-tielet sena ta’ implimentazzjoni.

(11)

Hu meħtieġ ukoll li, bħala miżura eċċezzjonali, tiġi prevista deroga mill-Artikoli 46(6), 47(1) u (3), 49(2) u 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u li tiżdied temporanjament il-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-miżuri ta’ “ristrutturar u konverżjoni tal-vinji”, “ħsad bikri”, “assigurazzjoni tal-ħsad” u “investimenti”. Dawn il-miżuri temporanji huma meħtieġa għax, minħabba raġunijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19, l-operaturi qed iġarrbu u se jibqgħu jġarrbu telf sinifikanti fl-introjtu u spejjeż addizzjonali kkawżati mit-tfixkil fis-suq u fil-produzzjoni tagħhom. Iż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-miżuri inkwistjoni u konsegwentement it-tnaqqis fil-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju se tkun qed twieżen finanzjarjament lill-benefiċjarji.

(12)

Il-flessibbiltà introdotta biż-żieda fil-kontribuzzjoni tal-Unjoni tirrappreżenta forma ta’ appoġġ finanzjarju li, madankollu, ma jeħtieġx finanzjament addizzjonali min-naħa tal-Unjoni għax jibqgħu japplikaw il-limiti baġitarji għall-programmi nazzjonali ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid stabbiliti fl-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għalhekk l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jallokaw ammonti akbar għall-miżuri inkwistjoni biss fil-baġit annwali previst f’dak l-Anness. Għaldaqstant, il-miżura hi mmirata biex tipprovdi appoġġ lis-settur f’din is-sitwazzjoni instabbli tas-suq mingħajr ma jkun hemm bżonn jiġu mobilizzati iżjed fondi.

(13)

L-istrument preventiv tal-assigurazzjoni tal-ħsad hu eliġibbli għal appoġġ permezz tal-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid biex jitħeġġeġ approċċ responsabbli għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi. L-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-appoġġ għall-assigurazzjoni tal-ħsad irid jikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-introjti tal-produtturi meta jkun hemm telf minħabba diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi, mard jew infestazzjonijiet ta’ pesti. Fid-dawl tal-konsegwenzi drammatiċi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-introjti tal-produtturi tal-inbid, minħabba diffikultajiet fl-istadji kollha tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid li xi minn daqqiet ma jkunux jistgħu jingħelbu, jixraq li l-appoġġ tal-Unjoni jiġi estiż għall-assigurazzjoni tal-ħsad meta jkun hemm telf minħabba pandemija tal-bniedem. Jixraq li temporanjament tiżdied ukoll ir-rata ta’ appoġġ tal-Unjoni sa 60 % f’dawn il-każijiet biex twieżen finanzjarjament lill-produtturi tal-inbid.

(14)

Il-ħsad bikri kif previst fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jintuża bħala miżura ta’ mmaniġġjar tas-suq meta tkun mistennija produzzjoni eċċessiva tal-għeneb. Dak l-Artikolu jeżiġi li jinqerdu jew jitneħħew għalkollox l-għenieqed tal-għeneb f’azjenda biex din tibbenefika mill-appoġġ tal-Unjoni. Fiċ-ċirkostanzi attwali, il-produtturi tal-inbid qed ikollhom diffikultajiet bla preċedent biex jimmobilizzaw il-forza tax-xogħol meħtieġa ħalli titwettaq din l-operazzjoni sħiħa. Għaldaqstant jixraq li tingħata deroga minn dan l-obbligu u titħalla l-qerda jew it-tneħħija tal-għenieqed tal-għeneb immaturi f’parti minn azjenda, diment li dan isir fi rqajja’ sħaħ tal-art.

(15)

Minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, b’mod partikolari meta wieħed iqis it-tfixkil kontinwu fis-suq, l-effetti tiegħu fuq is-settur tal-frott u l-ħxejjex u fuq is-settur tal-inbid, u l-fatt li dan se jissokta u forsi jmur għall-agħar, hemm bżonn tittieħed azzjoni immedjata u jiġu adottati miżuri urġenti li jtaffu l-effetti negattivi tiegħu. Il-posponiment ta’ azzjoni immedjata li tindirizza dan it-tfixkil fis-suq jhedded li jkompli jaggrava t-tfixkil fis-suq fiż-żewġ setturi u jkun ta’ detriment għall-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u tas-suq fiż-żewġ setturi. Fid-dawl ta’ dan, dan ir-Regolament jenħtieġ jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza stabbilita fl-Artikolu 228 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(16)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

IL-FROTT U L-ĦXEJJEX

Artikolu 1

Deroga temporanja mill-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

B’deroga mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-limitu ta’ terz tan-nefqa għall-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet permezz tal-programm operazzjonali msemmi f’dik id-dispożizzjoni ma għandux japplika fis-sena 2020.

KAPITOLU II

L-INBID

TAQSIMA 1

Miżuri ta’ appoġġ għall-kriżi

Artikolu 2

Deroga mill-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

B’deroga mill-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid tul is-sena finanzjarja 2020.

Artikolu 3

Distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi

1.   Jista’ jingħata appoġġ għad-distillazzjoni tal-inbid skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Dan l-appoġġ għandu jkun proporzjonat.

2.   L-alkoħol li jirriżulta mid-distillazzjoni appoġġata msemmija fil-paragrafu 1 għandu jintuża esklussivament għal skopijiet industrijali, inkluż skopijiet ta’ diżinfezzjoni jew farmaċewtiċi, jew għal skopijiet ta’ enerġija biex tkun evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

3.   Il-benefiċjarji tal-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu intrapriżi tal-inbid li jipproduċu jew li jikkummerċjalizzaw il-prodotti msemmija fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-inbid, assoċjazzjonijiet ta’ żewġ produtturi jew iżjed, organizzazzjonijiet interprofessjonali jew distillaturi tal-prodotti tad-dwieli.

4.   L-ispejjeż tal-provvista tal-inbid lid-distillaturi u tad-distillazzjoni ta’ dan l-inbid biss għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ.

5.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji ta’ prijorità billi jindikawhom fil-programm ta’ appoġġ. Dawn il-kriterji ta’ prijorità għandhom ikunu bbażati fuq l-istrateġija u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-programm ta’ appoġġ u għandhom ikunu oġġettivi u nondiskriminatorji.

6.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1, li għandhom jinkludu regoli dwar:

(a)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet;

(b)

is-sottomissjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet, li għandhom jinkludu mill-inqas l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, għall-eżaminazzjoni tal-adegwatezza ta’ kull azzjoni proposta u għan-notifika tar-riżultati tal-proċedura tal-għażla għall-operaturi;

(c)

il-verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-azzjonijiet eliġibbli u l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 4 u l-kriterji ta’ prijorità, meta dawn jiġu applikati;

(d)

l-għażla tal-applikazzjonijiet, li tal-inqas għandha tinkludi l-ponderazzjoni attribwita għal kull kriterju ta’ prijorità, meta dawn jiġu applikati;

(e)

arranġamenti għall-pagamenti bil-quddiem u għall-provvista ta’ titoli ta’ sigurtà.

7.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammont ta’ appoġġ lill-benefiċjarji abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

8.   B’deroga mill-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħtu pagamenti nazzjonali f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu.

9.   L-Artikoli 1 u 2, l-Artikolu 43, l-Artikoli 48 sa 54 u l-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (2) u l-Artikoli 1, 2 u 3, l-Artikoli 19 sa 23, l-Artikoli 25 sa 31, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) u l-Artikoli 33 sa 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (3) jenħtieġ japplikaw mutatis mutandis għall-appoġġ għad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi.

Artikolu 4

Għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi

1.   L-għajnuna għall-ħżin fi kriżi tista’ tingħata għall-inbid skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Biex ikun evitat li jingħata appoġġ darbtejn għall-istess kwantità ta’ nbid irtirat mis-suq, il-benefiċjarji li jirċievu l-għajnuna għall-ħżin fi kriżi għal kwantità ta’ nbid, la għandhom ikunu jistgħu jirċievu għajnuna għal din l-istess kwantità ta’ nbid għad-distillazzjoni f’każ ta’ kriżi skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u lanqas pagamenti nazzjonali għad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi skont l-Artikolu 216 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

3.   Il-benefiċjarji tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu intrapriżi tal-inbid li jipproduċu jew li jikkummerċjalizzaw il-prodotti msemmija fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-inbid, assoċjazzjonijiet ta’ żewġ produtturi jew iżjed jew organizzazzjonijiet interprofessjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, li għandhom jinkludu regoli dwar:

(a)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet;

(b)

is-sottomissjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet, li għandhom jinkludu mill-inqas l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, għall-eżaminazzjoni tal-adegwatezza ta’ kull azzjoni proposta u għan-notifika tar-riżultati tal-proċedura tal-għażla għall-operaturi;

(c)

il-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet għall-appoġġ stabbiliti f’dan l-Artikolu u d-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji ta’ prijorità, meta dawn jiġu applikati;

(d)

l-għażla tal-applikazzjonijiet, li tal-inqas għandha tinkludi l-ponderazzjoni attribwita għal kull kriterju ta’ prijorità, meta dawn jiġu applikati;

(e)

arranġamenti għall-pagamenti bil-quddiem u għall-provvista ta’ titoli ta’ sigurtà.

5.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji ta’ prijorità biex tingħata preferenza lil ċerti benefiċjarji billi jindikawhom fil-programm ta’ appoġġ. Dawn il-kriterji ta’ prijorità għandhom ikunu bbażati fuq l-istrateġija u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-programm ta’ appoġġ u għandhom ikunu oġġettivi u nondiskriminatorji.

6.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet mad-deskrizzjoni dettaljata tal-azzjonijiet proposti mill-applikant u l-iskadenzi proposti għall-implimentazzjoni tagħhom.

7.   B’deroga mill-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħtu pagamenti nazzjonali f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu.

8.   L-Artikoli 1 u 2, l-Artikolu 43, l-Artikoli 48 sa 54 u l-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 u l-Artikoli 1, 2 u 3, l-Artikoli 19 sa 23, l-Artikoli 25 sa 31, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) u l-Artikoli 33 sa 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi.

TAQSIMA 2

Derogi minn miżuri ta’ appoġġ speċifiċi

Artikolu 5

Derogi mill-Artikoli 44(2) u 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

1.   B’deroga mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fis-sena finanzjarja 2020, l-appoġġ għall-istabbiliment ta’ fondi mutwi kif imsemmi fl-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament jista’ jingħata għan-nefqa mġarrba qabel is-sottomissjoni tal-abbozz tal-programmi ta’ appoġġ rilevanti b’rabta mal-operazzjonijiet li fl-2019 temmew it-tielet sena ta’ implimentazzjoni tagħhom.

2.   B’deroga mill-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-appoġġ għall-istabbiliment ta’ fondi mutwi b’rabta mal-operazzjonijiet li fl-2019 temmew it-tielet sena ta’ implimentazzjoni tagħhom, jista’ jingħata fil-forma ta’ għajnuna nondigressiva biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi tal-fondi u għandhom ikunu daqs il-finanzjament mogħti fit-tielet sena ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 6

Deroga mill-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

B’deroga mill-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż reali ta’ ristrutturar u konverżjoni tal-vinji ma għandhiex tkun aktar minn 60 %. Fir-reġjuni inqas żviluppati, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż ta’ ristrutturar u konverżjoni ma għandhiex tkun aktar minn 80 %.

Artikolu 7

Derogi mill-Artikolu 47(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

1.   B’deroga mill-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, tul is-sena finanzjarja 2020, “ħsad bikri” tfisser il-qerda jew it-tneħħija totali tal-għenieqed tal-għeneb meta jkun għadhom fl-istadju immatur tagħhom, fl-azjenda kollha jew f’parti mill-azjenda, diment li l-ħsad bikri jsir fi rqajja’ sħaħ tal-art.

2.   B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-appoġġ mogħti għall-ħsad bikri ma għandux ikun aktar minn 60 % tas-somma tal-ispejjeż diretti tal-qerda jew it-tneħħija tal-għenieqed tal-għeneb u t-telf tal-introjtu relatat ma’ qerda jew tneħħija bħal dawk.

Artikolu 8

Deroga mill-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

B’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-appoġġ għall-assigurazzjoni tal-ħsad ma għandhiex tkun aktar minn 60 % tal-ispiża tal-primjums tal-assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi għall-assigurazzjoni:

(a)

fir-rigward tat-telf imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fir-rigward ta’ telf ieħor ikkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi;

(b)

fir-rigward ta’ telf ikkawżat minn annimali, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet ta’ pesti;

(c)

fir-rigward ta’ telf ikkawżat minn pandemiji tal-bniedem.

Artikolu 9

Deroga mill-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

B’deroga mill-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-rati massimi ta’ għajnuna li ġejjin rigward l-ispejjeż eliġibbli ta’ investiment għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni:

(a)

60 % fir-reġjuni inqas żviluppati;

(b)

50 % fir-reġjuni li mhumiex reġjuni inqas żviluppati;

(c)

80 % fir-reġjuni periferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE;

(d)

75 % fil-gżejjer minuri tal-Eġew kif definit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

Artikolu 10

Applikazzjoni taż-żieda temporanja fil-kontribuzzjoni tal-Unjoni

L-Artikoli 6, 7(2), 8 u 9 għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet magħżula mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 tal-15 ta’ April 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190 15.7.2016, p. 23).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).


4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/593

tat-30 ta’ April 2020

li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tal-patata

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-settur tal-patata jista’ jinqasam f’żewġ tipi: patata friska, li hija prinċipalment mixtrija għall-konsum domestiku, u patata għall-ipproċessar, li tintuża fl-għalf tal-annimali u f’prodotti tal-ikel ipproċessati, bħall-patata ffriżata (inklużi chips iffriżati), patata mnixxfa, patata ppreparata jew ippreservata.

(2)

Il-produzzjoni tal-patata fl-Unjoni tammonta għal madwar 52 miljun tunnellata, li minnhom 19,5 miljun tunnellata jikkorrispondu għall-patata għall-ipproċessar. L-akbar produtturi tal-Unjoni tal-patata għall-ipproċessar huma l-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u n-Netherlands. Il-produzzjoni ta’ chips iffriżati hija stmata li tkopri madwar 41 % tal-produzzjoni tal-patata għall-ipproċessar.

(3)

L-Unjoni hija esportatur nett tal-patata pproċessata. Bħala medja, matul l-aħħar 5 snin, huwa stmat li l-ekwivalenti ta’ mill-inqas 4 miljun tunnellata ta’ patata għall-ipproċessar jiġi esportat mill-Belġju, mill-Ġermanja, minn Franza, mill-Italja u min-Netherlands lejn pajjiżi terzi fil-forma ta’ prodotti tal-patata pproċessata. L-esportazzjonijiet ta’ patata ffriżata u, b’mod partikolari, iċ-chips iffriżati, huma partikolarment sinifikanti f’kundizzjonijiet normali tas-suq: 64 % tal-patata ffriżata ġejja mill-Unjoni u l-valur tal-esportazzjonijiet ta’ chips iffriżati mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi ġie stmat għal EUR 1,85 biljun fl-2019.

(4)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u minħabba r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment ta’ persuni li ddaħħlu fl-Istati Membri, il-produtturi tal-patata għall-ipproċessar qed jesperjenzaw tfixkil ekonomiku li qed iwassal għal diffikultajiet finanzjarji u għal problemi ta’ fluss ta’ flus.

(5)

It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-ħaddiema, u b’hekk ixekklu speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, l-ipproċessar u t-trasport tal-patata għall-ipproċessar.

(6)

L-għeluq obbligatorju ta’ ristoranti u ta’ stabbilimenti oħra ta’ ospitalità bħall-iskola u l-canteens tax-xogħol, kif ukoll il-kanċellazzjoni ta’ avvenimenti sportivi u ta’ divertiment, bħal festivals kulturali u festivals fil-miftuħ, turnej sportivi, fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi, ukoll waqqfu l-operat tal-ospitalità u l-catering, u dan wassal għal bidliet sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-prodotti tal-patata. Peress li l-konsumaturi m’għadhomx jieklu jew jixtru fast food b’mod sinifikanti, id-domanda tal-konsumaturi ttrasferiet għall-patata friska għat-tisjir fid-dar. Barra minn hekk, filwaqt li l-konsumaturi żiedu l-konsum tagħhom ta’ ċerti prodotti tal-patata pproċessata bħal crisps u purè imnixxef, dan ma jistax jikkumpensa għat-tnaqqis fid-domanda fl-industrija tal-ospitalità u l-catering.

(7)

Barra minn hekk, ix-xerrejja fl-Unjoni u fis-suq dinji qegħdin iħassru kuntratti, u qed idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew aktar tnaqqis fil-prezzijiet. L-esportazzjonijiet ukoll huma milqutin minn sfidi ta’ loġistika, billi l-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fiċ-Ċina wassal għal konġestjoni sinifikanti fil-portijiet hemmhekk u f’postijiet oħra. Il-perjodu ta’ żieda f’blank sailings (kanċellazzjonjiet totali jew parzjali ta’ tbaħħir) mistenni jissokta tal-inqas sa Ġunju 2020, u dan se jwassal għall-iskarsezza tal-kontejners, b’mod partikolari għal dawk ta’ oġġetti friski u ffriżati, għal żieda sinifikanti fit-tariffi, kif ukoll għal posponimenti tal-konsenji tal-esportaturi. Mir-raba’ ġimgħa ta’ Marzu 2020, il-produtturi tal-Unjoni tal-patata għall-ipproċessar irrapportaw tnaqqis fl-għadd ta’ tranżazzjonijiet bejn l-Istati Membri fil-firxa ta’ bejn 25 sa 47 % u għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi fil-firxa ta’ bejn 30 sa 65 %.

(8)

B’riżultat ta’ dan, filwaqt li d-domanda għall-patata friska f’dan l-istadju żdiedet, kien hemm tnaqqis qawwi fid-domanda għall-patata għall-ipproċessar b’impatt immedjat u serju fuq is-suq. It-tnaqqis qawwi fid-domanda jikkonċerna b’mod partikolari, iżda mhux biss, il-patata għall-ipproċessar li tintuża f’chips iffriżati, il-patata maqtugħa oħra u prodotti imballati bil-vakwu, li normalment jiġu kkunsmati fi ħwienet fast food u f’ristoranti. Minħabba l-karatteristiċi differenti tal-patata friska u tal-patata għall-ipproċessar, il-patata għat-trasformazzjoni ma tistax tinbiegħ fis-suq tal-patata friska. B’riżultat ta’ dan, billi ma hemm l-ebda kummerċ, il-prezzijiet fis-swieq għall-futures naqsu b’mod sinifikanti u ġew irrapportati li huma 90 % inqas f’April 2020 meta mqabbla mal-kwotazzjonijiet f’Jannar 2020. Bħala konsegwenza tal-waqfien tal-kummerċ, f’xi Stati Membri produtturi bħall-Belġju u Franza, ma għadx hemm kwotazzjonijiet tal-prezzijiet għal ċerta patata għall-ipproċessar, li huwa sinjal ta’ tnaqqis sostanzjali fil-volum u fil-valur tat-transazzjonijiet. Fi Stati Membri oħra, bħall-Ġermanja u n-Netherlands, ġie rrapportat tnaqqis fil-prezz ta’ 90 % għall-patata għall-ipproċessar.

(9)

Barra minn hekk, bħalissa hemm maħżuna volumi kbar ta’ patata għall-ipproċessar. Huwa stmat li mill-inqas 2 650 000 tunnellata ta’ patata għall-ipproċessar (valur ta’ EUR 400 miljun) mill-kampanja tal-2019 se tibqa’ maħżuna sa tmiem il-kampanja tal-2020 f’Lulju 2020. Il-patata għall-ipproċessar li nħasdet f’Ottubru/Novembru 2019 u li għadha maħżuna, dalwaqt ma tkunx tajba għal kwalunkwe użu minħabba d-deterjorament fil-kwalità tagħha. Sabiex ikun hemm spazju għall-patata għall-ipproċessar mill-kampanja tal-2020, jeħtieġ li l-produtturi jeqirdu l-parti tal-istokkijiet li jifdal li ma jistgħux jiġu pproċessati fil-ħin. Peress li l-produtturi se jkollhom iħallsu l-ispejjeż tat-trasport u tal-qerda biex jeqirdu l-produzzjoni, hemm ir-riskju li l-patata għall-ipproċessar minflok se tinxtered fl-għelieqi, bħala l-aħħar soluzzjoni. It-tixrid tal-patata għall-ipproċessar fl-għelieqi se joħloq riskju ta’ konsegwenzi ambjentali u fitosanitarji li jdumu ħafna, għaliex dik il-patata se tiġġermina fuq l-uċuħ tar-raba’ sussegwenti u dan jista’ jiżviluppa mard li jikkawża kontaminazzjoni tal-ħamrija li ddum fit-tul u jfixkel fit-tul il-pjantaġġuni ġodda.

(10)

Iċ-ċirkostanzi ta’ hawn fuq iwasslu għal kwalifika ta’ dawn l-avvenimenti bħala perjodu ta’ żbilanċ qawwi fis-suq.

(11)

Sabiex il-produtturi tal-patata jiġu megħjuna jsibu bilanċ f’dan il-perjodu ta’ żbilanċ qawwi tas-suq, jixraq li jkunu permessi ftehimiet u deċiżjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa jew l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti li jikkonċernaw il-patata għall-ipproċessar fuq bażi temporanja għal perjodu ta’ sitt xhur. Dawk il-miżuri jinkludu: (i) l-irtirar mis-suq u d-distribuzzjoni b’xejn; (ii) it-trasformazzjoni u l-ipproċessar; (iii) il-ħażna; (iv) il-promozzjoni konġunta; u (v) l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni.

(12)

Tali ftehimiet u deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-patata għall-ipproċessar jistgħu jinkludu: (i) l-irtirar tal-patata mis-suq għall-qerda ta’ prodotti b’mod ordnat jew għad-distribuzzjoni b’xejn lil banek tal-ikel jew lil istituzzjonijiet pubbliċi; (ii) l-ipproċessar ta’ patata għal għanijiet oħra bħal għalf tal-annimali, produzzjoni għall-metanizzazzjoni; (iii) il-ħolqien u s-sejba ta’ kapaċitajiet ta’ ħażna u t-tħejjija ta’ patata għal perjodi ta’ ħażna itwal; (iv) il-promozzjoni tal-konsum ta’ prodotti tal-patata pproċessata; u (v) miżuri ta’ ppjanar biex jitnaqqsu l-volumi għal pjantaġġuni futuri u l-aġġustament ta’ kuntratti eżistenti għall-patata mill-kampanja tal-2020.

(13)

Jenħtieġ li kwalunkwe ftehim jew deċiżjoni li tikkonċerna l-patata għall-ipproċessar tiġi temporanjament awtorizzata għal perjodu ta’ sitt xhur. Billi dan huwa l-perjodu li matulu l-istokkijiet eżistenti tal-patata mill-kampanja tal-2019 għandhom jiġu ġestiti u l-patata mill-kampanja tal-2020 se tinħasad minn dan is-sajf, dan huwa l-perjodu li fih il-miżuri huma mistennija li jkollhom l-aktar impatt sinifikanti.

(14)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, awtorizzazzjoni għandha tingħata bil-kundizzjoni li din ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern, u li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikunu strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur. Dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi jeskludu ftehimiet u deċiżjonijiet li b’mod dirett jew indirett iwasslu għal tqassim tas-swieq, għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew għal iffissar tal-prezzijiet. Jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, jew ma jibqgħux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għal dawn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet.

(15)

Jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni prevista f’dan ir-Regolament tkopri t-territorju tal-Unjoni peress li l-iżbilanċ serju fis-suq huwa komuni għall-Unjoni kollha.

(16)

Sabiex l-Istati Membri jkunu f’qagħda li jivvalutaw jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-patata għall-ipproċessar ifixklux jew le l-funzjonament tas-suq intern, u jekk humiex strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur tal-patata, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, inkluż l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dak l-istat, li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-patata koperta minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet dwar il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħuda, u dwar il-volum ta’ produzzjoni u l-perjodu taż-żmien li jkopru.

(17)

Minħabba l-iżbilanċ serju tas-suq, il-ħtieġa li jiġi ttrattat b’mod urġenti l-istokk tal-patata li jifdal u t-tħejjija għall-mument meta l-patata normalment tiġi maħsuda, maħżuna jew trasformata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 152(1a), 209(1) u 210(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti huma b’dan awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet li jikkonċernaw il-patata għall-ipproċessar u jieħdu deċiżjonijiet komuni li jikkonċernaw il-patata għall-ipproċessar dwar l-irtirar mis-suq u d-distribuzzjoni b’xejn, it-trasformazzjoni u l-ipproċessar, il-ħażna, il-promozzjoni konġunta u l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni matul perjodu ta’ sitt xhur li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jkunu strettament immirati lejn l-istabbilizzazzjoni tas-settur tal-patata.

Artikolu 3

L-ambitu ġeografiku ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 4

1.   Malli jiġu konklużi l-ftehimiet jew jittieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati, għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-patata kopert minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet, billi jindikaw dawn li ġejjin:

(a)

il-volum tal-produzzjoni stmat kopert;

(b)

il-perjodu ta’ żmien mistenni għall-implimentazzjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni tabilħaqq kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1185 (2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara tmiem kull xahar, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikkomunikati lilhom f’konformità mal-paragrafu 1 matul dak il-perjodu;

(b)

sa mhux aktar tard minn 30 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt (6) xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/594

tat-30 ta’ April 2020

li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq fis-settur tas-siġar ħajjin u tal-florikultura, tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tal-faxxina ornamentali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija produttur ewlieni tas-siġar ħajjin u tal-florikultura; tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tal-faxxina ornamentali (minn hawn ’il quddiem “pjanti u fjuri ħajjin”). Il-valur tal-produzzjoni totali tal-Unjoni fl-2019 ammonta għal EUR 20 biljun.

(2)

Madwar 85 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ pjanti u fjuri ħajjin hija destinata għas-suq intern, filwaqt li l-15 % li jifdal tiġi esportata lejn pajjiżi terzi.

(3)

Il-katina ta’ provvista fis-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin hija interkonnessa ħafna u tiddependi fuq loġistika organizzata bla xkiel u effiċjenti sabiex tiġi żgurata sistema tas-suq li tiffunzjona għall-prodotti li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma tat-tip li jitħassar malajr.

(4)

Barra minn hekk, il-produzzjoni u l-bejgħ tal-pjanti u l-fjuri ħajjin huma kkaratterizzati mill-istaġjonalità tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-pjanti u l-fjuri ħajjin huma prodotti fir-rebbiegħa għal okkażjonijiet speċifiċi, bħal Jum l-Omm jew l-Għid, u l-pjanti ta’ ġewwa huma prodotti speċifikament fi qsari ta’ daqs iżgħar biex jadattaw għad-domanda staġjonali. Normalment il-bejgħ jilħaq il-quċċata tiegħu fir-rebbiegħa. Għal xi wħud mis-subsetturi, bħal dak tal-pjanti annwali tal-imxietel tal-fjuri u tal-fjuri maqtugħin, 40 % sa 80 % tal-bejgħ iseħħ minn Marzu sa Ġunju.

(5)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi, stabbiliti fl-Istati Membri, fuq il-moviment tal-persuni, is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin għaddej minn tfixkil ekonomiku li qed iwassal għal diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ fluss tal-flus għall-produtturi.

(6)

It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-manodopera, b’mod partikolari għat-trasport, li jxekklu speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, tal-ġbir, tal-irkantar u tal-bejgħ tal-pjanti u l-fjuri ħajjin.

(7)

L-għeluq obbligatorju tas-swieq ta’ barra, taċ-ċentri ta’ ġardinaġġ u tal-ħwienet speċjalizzati ta’ bejgħ bl-imnut, kif ukoll l-għeluq tal-istabbilimenti tal-ospitalità u l-kanċellazzjoni ta’ avvenimenti u festi, waqqaf ukoll l-operat tas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin. Il-ftuħ parzjali mill-ġdid taċ-ċentri ta’ ġardinaġġ u tal-ħwienet speċjalizzati ta’ bejgħ bl-imnut f’xi Stati Membri mhuwiex mistenni li jbiddel b’mod materjali din il-qagħda, peress li l-katina ta’ provvista hija interkonnessa ħafna u tiddependi minn loġistika li tiffunzjona u minn faċilitajiet ta’ ħażna limitati. Il-miżuri ta’ tbegħid soċjali huma mistennija li jibqgħu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin u se jkomplu jaffettwaw kemm il-loġistika tat-trasport kif ukoll il-bejgħ peress li numru inqas ta’ konsumaturi jkunu jistgħu jidħlu fil-ħwienet. Barra minn hekk, avvenimenti kbar, bħall-fieri annwali tal-ġonna li jsiru fix-xhur li ġejjin, diġà ġew ikkanċellati, u avvenimenti soċjali oħra li normalment jitolbu tiżjin ta’ fjuri, bħal tiġijiet, qed jiġu kkanċellati wkoll.

(8)

Barra minn hekk, ix-xerrejja fl-Unjoni u fis-suq dinji qegħdin iħassru l-kuntratti, u qegħdin idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew tnaqqis akbar fil-prezzijiet. L-esportazzjonijiet ukoll huma milqutin minn sfidi ta’ loġistika, billi l-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fiċ-Ċina wassal għal konġestjoni sinifikanti fil-portijiet, fiċ-Ċina u lil hinn. Il-perjodu ta’ żieda fit-tħassir totali jew parzjali tat-tbaħħir mistenni jissokta tal-inqas sa Ġunju 2020, u dan se jwassal għall-iskarsezza tal-kontejners, għal żieda sinifikanti fit-tariffi, u għall-posponiment tal-konsenji tal-esportaturi.

(9)

Dan l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda qiegħed iqajjem tfixkil ekonomiku għas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin. B’riżultat ta’ dak l-iżbilanċ, kien hemm tnaqqis qawwi fid-domanda għall-pjanti u l-fjuri ħajjin b’impatt immedjat u serju fuq is-suq. Id-domanda globali għall-prodotti tal-pjanti u l-fjuri ħajjin fis-suq tal-Unjoni naqset b’80 %. Il-kummerċ fl-irkanti ġie affettwat b’mod sinifikanti. L-irkant bi prezz uniformi, li jittratta 35 % tal-bejgħ kollu tal-Unjoni, irrapporta tnaqqis fid-dħul ta’ 85 % f’nofs Marzu 2020. Filwaqt li kien hemm xi rkupru fl-irkant bi prezz uniformi, id-dħul għadu 30 % inqas milli f’nofs April 2019. Fi Stati Membri oħra, bħall-Belġju u Franza, l-irkant u s-swieq bl-ingrossa għalqu. Barra minn hekk, f’ċerti Stati Membri, bħalma huma n-Netherlands, ġiet irrappurtata l-qerda fuq skala kbira ta’ pjanti tal-imxietel tal-fjuri, li ma jistgħux jinħażnu, u ta’ fjuri maqtugħin, li jitħassru u li huma staġjonali. Dan wassal għal tnaqqis qawwi fil-prezzijiet fuq l-irkant bi prezz uniformi. Matul il-ġimgħa bejn is-16 u t-22 ta’ Marzu 2020, meta kkollassa s-suq, il-prezzijiet kienu kważi 60 % inqas minn dak tal-istess ġimgħa fl-2019. Barra minn hekk, matul il-ġimgħat tat-23 sad-29 ta’ Marzu, tat-30 ta’ Marzu sal-5 ta’ April, u tas-6 sat-12 ta’ April 2020, il-prezzijiet kienu għadhom 36 % sa 23 % inqas meta mqabbla mal-istess ġimgħat fl-2019.

(10)

Minħabba ċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq, dawn l-avvenimenti jiġu kkwalifikati bħala perjodu ta’ żbilanċ serju fis-suq.

(11)

Biex is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin jiġi megħjun isib bilanċ f’dan il-perjodu ta’ żbilanċ serju fis-suq, jixraq li tiġi awtorizzata l-adozzjoni ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet tal-bdiewa, tal-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, tal-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fis-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin għal perjodu ta’ sitt xhur. Dawk il-miżuri jinkludu: (i) l-irtirar mis-suq jew id-distribuzzjoni b’xejn; (ii) il-promozzjoni konġunta; u (iii) l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni.

(12)

Tali ftehimiet u deċiżjonijiet jistgħu jinkludu: (i) l-irtirar kollettiv mis-suq għal qerda ordnata ta’ pjanti u fjuri ħajjin; (ii) il-miżuri ta’ promozzjoni li jistiednu lill-konsumaturi biex jixtru pjanti u fjuri ħajjin; u (iii) l-ippjanar kollettiv tal-produzzjoni biex jiġi kkoordinat it-tħawwil ta’ pjanti u fjuri ħajjin fid-dawl tat-tneħħija fil-ġejjieni tar-restrizzjonijiet.

(13)

Jenħtieġ li kwalunkwe ftehim jew deċiżjoni tiġi temporanjament awtorizzata għal perjodu ta’ sitt xhur. Peress li dan huwa l-perjodu meta l-biċċa l-kbira tal-pjanti u l-fjuri ħajjin se jinġabru u jitqiegħdu fis-suq, dan huwa l-perjodu li fih il-miżuri huma mistennija li jkollhom l-aktar impatt sinifikanti.

(14)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandha tingħata awtorizzazzjoni jekk din ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern, u jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikunu strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur. Dawn il-kundizzjoni speċifiċi jeskludu ftehimiet u deċiżjonijiet li direttament jew indirettament iwasslu għat-tqassim tas-swieq, għad-diskriminazzjoni msejsa fuq in-nazzjonalità jew għall-iffissar tal-prezzijiet. Jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, jew ma jibqgħux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għal dawn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet.

(15)

Jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni prevista f’dan ir-Regolament tkopri t-territorju tal-Unjoni, peress li l-iżbilanċ serju fis-suq huwa komuni għall-Unjoni kollha.

(16)

Sabiex l-Istati Membri jkunu f’qagħda li jivvalutaw jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ifixklux jew le l-funzjonament tas-suq intern, u jekk humiex strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, inkluż lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dak l-istat, li għandhom l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-pjanti u l-fjuri ħajjin kopert minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet, dwar il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħudin, u dwar il-volum ta’ produzzjoni u l-perjodu taż-żmien li jkopru.

(17)

Minħabba li l-iżbilanċ serju tas-suq qed iseħħ matul il-perjodu meta jsir il-maġġoranza tal-bejgħ tas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 152(1a), 209(1) u 210(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fis-settur tas-siġar ħajjin u tal-florikultura; tal-basal, tal-għeruq u simili, tal-fjuri maqtugħin u tas-settur tal-faxxina ornamentali, minn hawn ’il quddiem “is-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin”, b’dan huma awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet volontarji, u jieħdu deċiżjonijiet komuni dwar l-irtirar mis-suq u d-distribuzzjoni bla ħlas, il-promozzjoni konġunta u l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni tul perjodu ta’ sitt xhur, li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u jkunu strettament immirati lejn l-istabbilizzazzjoni tas-settur tal-pjanti u l-fjuri ħajjin.

Artikolu 3

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 4

1.   Mal-adozzjoni tal-ftehimiet jew tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 , il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati, għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni ta’ pjanti u ffjuri ħajjin kopert minn dawk il-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet, billi jindikaw dawn li ġejjin:

(a)

il-volum tal-produzzjoni stmat kopert;

(b)

il-perjodu ta’ żmien mistenni għall-implimentazzjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni ta’ pjanti u fjuri ħajjin tabilħaqq kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1185 (2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara tmiem kull xahar, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikkomunikati lilhom f’konformità mal-paragrafu 1 matul dak il-perjodu;

(b)

sa mhux aktar tard minn 30 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/21


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/595

tat-30 ta’ April 2020

li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment introdotti fl-Istati Membri biex tiġi indirizzata l-pandemija attwali tal-COVID-19, il-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż, bħall-karkassi tal-ħrief u tal-mogħoż li jkollhom inqas minn tnax-il xahar, lill-industrija tal-ospitalità u tal-catering, ġie affettwat ħafna.

(2)

B’riżultat ta’ dan, kien hemm tnaqqis qawwi fid-domanda għal ċerti prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Għaldaqstant, is-settur tan-nagħaġ u tal-mogħoż qed iħabbat wiċċu ma’ disturb fis-suq minħabba l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda. Dan għandu impatt negattiv sinifikanti fuq il-marġni fis-settur u jhedded il-vijabbiltà finanzjarja tal-bdiewa tal-Unjoni. Jekk ma jittiħdux miżuri kontra dan id-disturb fis-suq, il-prezzijiet tal-prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-Unjoni mistennija jonqsu u x’aktarx ikomplu jonqsu.

(3)

L-iżbilanċ attwali bejn il-provvista u d-domanda fis-swieq tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż jista’ jittaffa billi jinħażnu l-karkassi tal-annimali ovini u kaprini li jkollhom inqas minn tnax-il xahar li kienu jkunu maħsubin fil-biċċa l-kbira tagħhom għall-industrija tal-ospitalità u tal-catering.

(4)

Ir-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment introdotti fl-Istati Membri biex tiġi indirizzata l-pandemija attwali tal-COVID-19 affettwaw ukoll id-disponibbiltà tal-ħaddiema fil-biċċeriji u fl-impjanti tal-ipproċessar tal-ikel u naqqsu l-kapaċitajiet tat-trasport u tal-loġistika.

(5)

Sabiex jittaffew id-diffikultajiet attwali u b’mod partikolari biex jitnaqqas l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda, li min-naħa tiegħu jwassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti kollha tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż, u sabiex jittaffew dawk il-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq, huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam frisk jew imkessaħ tal-annimali ovini u kaprini li jkollhom inqas minn tnax-il xahar.

(6)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (5) jistabbilixxu r-regoli għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat. Ħlief fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 jenħtieġ li japplikaw għall-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam frisk u mkessaħ tal-annimali ovini u kaprini li jkollhom inqas minn tnax-il xahar.

(7)

L-ammont tal-għajnuna jenħtieġ li jiġi ffissat bil-quddiem sabiex ikun hemm sistema operazzjonali rapida u flessibbli. F’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, l-għajnuna għall-ħżin privat iffissata bil-quddiem jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħżin u elementi rilevanti oħra tas-suq. Huwa xieraq li tiġi ffissata għajnuna għall-perjodu kollu tal-ħżin ibbażata fuq l-ispejjeż għat-tqegħid fil-post tal-ħżin u għat-tneħħija minnu, fuq l-ispejjeż tal-ħżin fil-kesħa għal kull jum u fuq il-kumpens parzjali għat-telf ta’ valur fil-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż minn dak frisk jew imkessaħ għal dak iffriżat.

(8)

Sabiex l-għajnuna għall-ħżin privat tkun effettiva u jkollha impatt reali fuq is-suq, l-għajnuna jenħtieġ li tingħata biss għall-prodotti li jkun għadhom ma nħażnux. F’dak il-kuntest, huwa xieraq li jiġi ffissat il-perjodu tal-ħżin.

(9)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ simplifikazzjoni amministrattivi, jenħtieġ li tiġi ffissata l-kwantità minima ta’ prodotti li kull applikazzjoni trid tkopri.

(10)

Sabiex tiġi ggarantita s-serjetà tal-applikazzjoni u sabiex jiġi żgurat li l-miżura jkollha l-effett mixtieq fuq is-suq, jenħtieġ li tiġi ffissata garanzija.

(11)

Il-miżuri introdotti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-kontrolli fuq il-post marbutin mal-għajnuna għall-ħżin privat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240. Huwa xieraq li l-Istati Membri li jintlaqtu minn dawk il-miżuri jingħataw il-flessibbiltà billi jittawlilhom il-perjodu biex jagħmlu l-kontrolli tad-dħul fil-post tal-ħżin jew billi jitħallew jissostitwixxu dawn il-kontrolli bl-użu ta’ provi rilevanti oħrajn, u billi ma jkunux obbligati jwettqu l-kontrolli għall-għarrieda. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiddaħħal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(12)

L-Artikolu 42(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 jipprevedi li l-Istati Membri jenħtieġ li darba fil-ġimgħa jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet ammissibbli. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, il-monitoraġġ u l-amministrazzjoni x-xierqa tal-ammonti disponibbli għall-għajnuna, huma meħtieġa notifiki aktar frekwenti għall-ġestjoni effettiva tal-iskema.

(13)

Sabiex dan ir-Regolament ikollu impatt immedjat fuq is-suq u jikkontribwixxi biex il-prezzijiet jistabbilizzaw ruħhom, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jipprevedi l-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam frisk jew imkessaħ tal-annimali ovini u kaprini li jkollhom inqas minn tnax-il xahar kif imsemmi fil-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-għajnuna”.

2.   Għandhom japplikaw ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, ħlief fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Prodotti eliġibbli

1.   Il-lista tal-prodotti li huma eliġibbli għall-għajnuna hija stabbilita fl-Anness.

2.   Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna, il-laħam għandu jkun ta’ kwalità kummerċjabbli ġusta u tajba u għandu joriġina mill-Unjoni. Il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima III tal-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238.

3.   L-għajnuna għandha tingħata biss għall-kwantitajiet tal-laħam frisk jew imkessaħ li jkun għadhom ma nħażnux.

Artikolu 3

Tressiq tal-applikazzjonijiet u ammissibbiltà tagħhom

1.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu mis-7 ta’ Mejju 2020 ’il quddiem.

2.   Kull applikazzjoni għandha tirreferi għall-prodotti elenkati fl-Anness, filwaqt li tindika l-kodiċi NM rilevanti.

3.   Il-kwantità eliġibbli minima għal kull applikazzjoni għandha tkun ta’ ħames tunnellati.

Artikolu 4

Ammont tal-għajnuna u perjodu tal-ħżin

1.   L-ammonti rilevanti tal-għajnuna għal kull perjodu tal-ħżin huma stabbiliti fl-Anness.

2.   Il-ħżin kuntrattwali għandu jintemm fil-jum ta’ qabel dak tat-tneħħija mill-post tal-ħżin.

3.   L-għajnuna tista’ tingħata biss għal perjodu tal-ħżin ta’ 90, 120 jew 150 jum.

Artikolu 5

Garanzija

Meta titressaq applikazzjoni għall-għajnuna għall-prodotti eliġibbli għall-għajnuna, l-ammont tal-garanzija meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 4(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull tunnellata.

Artikolu 6

Kontrolli

1.   B’deroga mill-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri introdotti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-miżuri”, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ twettaq il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 60(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament fiż-żmien dovut, l-Istat Membru kkonċernat jista’:

(a)

jestendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(1) biex iwettaq dawk il-kontrolli b’perjodu massimu ta’ 30 jum wara li jintemmu l-miżuri; jew

(b)

jissostitwixxi dawk il-kontrolli fil-perjodu li matulu jkunu japplikaw il-miżuri bl-użu ta’ evidenza rilevanti, inklużi ritratti mmarkati bil-post ġeografiku jew evidenza oħra f’format elettroniku.

2.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ twettaq il-kontrolli fuq il-post għall-għarrieda, hija ma għandhiex tkun obbligata twettaq il-kontrolli għall-għarrieda fil-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ il-miżuri.

Artikolu 7

Notifiki tal-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom

B’deroga mill-Artikolu 42(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom tkun saret applikazzjoni ammissibbli u bl-informazzjoni relatata magħhom, kif ġej:

(a)

kull nhar ta’ Tnejn sa mhux aktar tard minn 12.00 (ħin ta’ Brussell), il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet ammissibbli nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ġimgħa tal-ġimgħa preċedenti;

(b)

kull nhar ta’ Ħamis sa mhux aktar tard minn 12.00 (ħin ta’ Brussell), il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet ammissibbli nhar ta’ Tnejn, nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Erbgħa tal-istess ġimgħa.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).


ANNESS

Lista ta’ prodotti eliġibbli għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u l-ammonti rilevanti tal-għajnuna għal kull perjodu tal-ħżin kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)

Kodiċi tan-nomenklatura doganali (kodiċi NM) tal-prodotti

Deskrizzjoni

Ammont tal-għajnuna għal kull perjodu tal-ħżin

(f’EUR/għal kull tunnellata)

90 jum

120 jum

150 jum

1

2

3

4

5

ex 0204 10 00

Karkassi u nofs karkassi tal-ħaruf, friski jew imkessħin, li jkollhom inqas minn tnax-il xahar

866

890

915

ex 0204 50 11

Karkassi u nofs karkassi tal-mogħoż, friski jew imkessħin, li jkollhom inqas minn tnax-il xahar


4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/26


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/596

tat-30 ta’ April 2020

li jagħti għajnuna għall-ħażna privata ta’ laħam frisk u mkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar u li jiffissa l-ammont tal-għajnuna bil-quddiem

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba r-restrizzjonijiet estensivi tal-moviment mdaħħla fis-seħħ mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija attwali tal-COVID-19, il-bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti taċ-ċanga, bħall-irbiebi ta’ wara intiżi għall-produzzjoni ta’ qatgħat ta’ stejks differenti għall-industrija tal-ospitalità u l-catering, intlaqat ħażin ħafna. L-industrija tal-ospitalità u l-catering hija responsabbli għal madwar 70% tad-domanda domestika tal-Unjoni ta’ qatgħat ta’ stejks differenti prodotti mill-irbiebi ta’ wara. Għaldaqstant, dawk l-irbiebi ta’ wara issa ġew destinati għall-produzzjoni ta’ prodotti oħrajn ta’ laħam bovin u għalhekk il-prezzijiet diġà waqgħu.

(2)

Minħabba l-bidla fix-xejra tal-konsum taċ-ċanga, kien hemm waqgħa qawwija fid-domanda għal ċerti prodotti taċ-ċanga. Għaldaqstant, is-settur taċ-ċanga qed iħabbat wiċċu ma’ disturb tas-suq minħabba żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda. Dan għandu impatt negattiv sinifikanti fuq il-marġni fis-settur u jhedded il-vijabbiltà finanzjarja tal-bdiewa tal-Unjoni. Jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri kontra dan id-disturb fis-suq, il-prezzijiet tal-prodotti taċ-ċanga fl-Unjoni mistennija jitgħawru u d-daqqa ’l isfel mistennija tkompli.

(3)

Ir-ristrezzjonijiet estensivi tal-moviment laqtu wkoll id-disponibbiltà tal-forza tax-xogħol fil-biċċeriji u l-ipproċessar tal-ikel u naqqsu l-kapaċitajiet fit-trasport u l-loġistika.

(4)

Id-diffikultajiet ta’ bħalissa u b’mod partikolari l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-laħam bovin jistgħu jittaffew billi jinħażnu l-irbiebi ta’ wara intiżi għall-produzzjoni ta’ prodotti li kienu jkunu ddestinati fil-maġġorparti tagħhom lejn l-industrija tal-ospitalità u l-catering.

(5)

Biex jitnaqqas l-iżbilanċ attwali bejn il-provvista u d-domanda, li min-naħa tiegħu jimbotta ’l isfel il-prezzijiet tal-prodotti tal-laħam bovin kollha, u sabiex jittaffew dawk il-kundizzjonijiet tas-suq diffiċli, jixraq li tingħata għajnuna għall-ħażna privata ta’ laħam frisk u mkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar.

(6)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (5) jistabbilixxu r-regoli għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat. Ħlief fejn ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 jeħtieġ li japplikaw għall-għajnuna għall-ħażna privata ta’ laħam frisk u mkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar.

(7)

Jenħtieġ li l-ammont tal-għajnuna jiġi ffissat bil-quddiem sabiex ikun hemm sistema operazzjonali rapida u flessibbli. F’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, l-għajnuna għall-ħżin privat iffissata bil-quddiem jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħżin u elementi rilevanti oħra tas-suq. Jixraq li l-għajnuna tiġi ffissata għall-perjodu ta’ ħażna totali abbażi tal-kostijiet għat-trasferiment u l-irkupru mill-ħażna, il-kostijiet ta’ kuljum tal-faċilitajiet tal-ħażna mkessħa u l-kumpens parzjali għat-telf fil-valur ta’ ċanga friska jew imkessħa li tiġi ffriżata.

(8)

Sabiex l-għajnuna għall-ħżin privat tkun effettiva u jkollha impatt reali fuq is-suq, l-għajnuna jenħtieġ li tingħata biss għall-prodotti li jkun għadhom ma nħażnux. F’dak il-kuntest, huwa xieraq li jiġi ffissat il-perjodu tal-ħżin.

(9)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ simplifikazzjoni amministrattivi, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-kwantità minima ta’ prodotti li kull applikazzjoni trid tkopri.

(10)

Sabiex tiġi ggarantita s-serjetà tal-applikazzjoni u sabiex jiġi żgurat li l-miżura jkollha l-effett mixtieq fuq is-suq, jenħtieġ li tiġi ffissata garanzija.

(11)

Il-miżuri introdotti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-kontrolli fuq il-post marbutin mal-għajnuna għall-ħżin privat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240. Huwa xieraq li l-Istati Membri li jintlaqtu minn dawk il-miżuri jingħataw il-flessibbiltà billi jittawlilhom il-perjodu biex jagħmlu l-kontrolli tad-dħul fil-post tal-ħżin jew billi jitħallew jissostitwixxu dawn il-kontrolli bl-użu ta’ provi rilevanti oħrajn, u billi ma jkunux obbligati jwettqu l-kontrolli għall-għarrieda. Għalhekk huwa xieraq li tiddaħħal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(12)

L-Artikolu 42(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 jipprevedi li l-Istati Membri jenħtieġ li darba fil-ġimgħa jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet ammissibbli. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, il-monitoraġġ u l-amministrazzjoni x-xierqa tal-ammonti disponibbli għall-għajnuna, huma meħtieġa notifiki aktar frekwenti għall-ġestjoni effettiva tal-iskema.

(13)

Sabiex dan ir-Regolament ikollu impatt immedjat fuq is-suq u jikkontribwixxi biex il-prezzijiet jistabbilizzaw ruħhom, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jipprevedi għajnuna għall-ħażna privata ta’ laħam frisk u mkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar, kif imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1308/2013, li minn hawn ’il quddiem tissejjaħ l-“għajnuna”.

2.   Għandhom japplikaw ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, ħlief fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Prodotti eliġibbli

1.   Il-lista tal-prodotti li huma eliġibbli għall-għajnuna hija stabbilita fl-Anness.

2.   Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna, il-laħam għandu jkun ta’ kwalità kummerċjabbli ġusta u tajba u għandu joriġina mill-Unjoni. Il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima III tal-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238.

3.   L-għajnuna għandha tingħata biss għall-kwantitajiet ta’ laħam frisk jew imkessaħ minn annimali bovini ta’ tmien xhur jew aktar li għadhom ma nħażnux.

Artikolu 3

Tressiq tal-applikazzjonijiet u ammissibbiltà tagħhom

1.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jiġu rreġistrati mis-7 ta’ Mejju 2020.

2.   Kull applikazzjoni għandha tirreferi għall-prodotti elenkati fl-Anness, b’indikazzjoni għall-klassi ta’ konformità rilevanti.

3.   Il-kwantità minima eliġibbli għal kull applikazzjoni għandha tkun ta’ 10 tunnellati.

Artikolu 4

Ammont tal-għajnuna u perjodu tal-ħżin

1.   L-ammonti rilevanti tal-għajnuna għal kull perjodu tal-ħżin huma stabbiliti fl-Anness.

2.   Il-ħżin kuntrattwali għandu jintemm fil-jum ta’ qabel dak tat-tneħħija mill-ħżin.

3.   L-għajnuna tista’ tingħata biss għal perjodu tal-ħżin ta’ 90, 120 jew 150 jum.

Artikolu 5

Garanzija

Meta titressaq applikazzjoni għall-għajnuna għall-prodotti eliġibbli għall-għajnuna, l-ammont tal-garanzija meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 4(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull tunnellata.

Artikolu 6

Kontrolli

1.   Bħala deroga mill-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri mdaħħla fis-seħħ biex tiġi indirizzata l-pandemija COVID-19, li minn hawn ’il qudddiem jissejħu “il-miżuri”, l-aġenzija tal-ħlas ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq fiż-żmien dovut l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 60(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membru kkonċernat jista’:

(a)

jestendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(1) għat-twettiq ta’ dawk il-kontrolli b’perjodu massimu ta’ 30 jum wara li jintemmu l-miżuri; jew

(b)

jissostitwixxi dawk il-kontrolli fil-perjodu li matulu jkunu japplikaw il-miżuri bl-użu ta’ provi rilevanti, fosthom ta’ ritratti mmarkati bil-post ġeografiku u ta’ provi oħrajn f’format elettroniku.

2.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ twettaq il-kontrolli fuq il-post għall-għarrieda, hija ma għandhiex tkun obbligata twettaq il-kontrolli għall-għarrieda fil-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ il-miżuri.

Artikolu 7

Notifiki tal-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom

B’deroga mill-Artikolu 42(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom tkun saret applikazzjoni ammissibbli u bl-informazzjoni relatata magħhom, kif ġej:

(a)

kull nhar ta’ Tnejn sa mhux aktar tard minn 12.00 (ħin ta’ Brussell), il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet ammissibbli nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ġimgħa tal-ġimgħa preċedenti;

(b)

kull nhar ta’ Ħamis sa mhux aktar tard minn 12.00 (ħin ta’ Brussell), il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet ammissibbli nhar ta’ Tnejn, nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Erbgħa tal-istess ġimgħa.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).


ANNESS

Lista ta’ prodotti eliġibbli għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u l-ammonti rilevanti ta’ għajnuna għal kull perjodu ta’ ħażna kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)

Kodiċi tan-nomenklatura doganali (kodiċi NM) tal-prodotti

Deskrizzjoni

Prodotti ta’ klassi ta’ konformità kif tistipula t-Taqsima III tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

Ammont ta’ għajnuna għal kull perjodu ta’ ħażna

(EUR/tunnellata)

90 jum

120 jum

150 jum

1

2

3

4

5

6

ex 0201 20 50

Irbiebi ta’ wara separati: Il-parti ta’ wara ta’ nofs karkassa, li tikkonsisti fl-għadam kollu u l-koxxa u l-lombata, inkluż il-flett, b’minimu ta’ tliet kustilji sħaħ jew imqatta’, bil jew bla qasba tas-sieq u bil jew bla l-ġemb l-irqiq.

S: Superjuri

E: Eċċellenti

U: Tajjeb ħafna

R: Tajjeb

O: Medju

1 008

1 033

1 058


4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/31


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/597

tat-30 ta’ April 2020

li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tal-butir u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment implimentati fl-Istati Membri kien hemm tnaqqis fid-domanda għal ċerti prodotti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-ħaddiema, u b’hekk ixekklu speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, tal-ġbir u tal-ipproċessar tal-ħalib. Barra minn hekk, l-għeluq obbligatorju tal-ħwienet, tas-swieq fil-miftuħ, tar-ristoranti u ta’ stabbilimenti oħra tal-ospitalità waqqaf l-operat tal-industrija tal-ospitalità u tal-catering, u ġab miegħu tibdil sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. L-industrija tal-ospitalità u tal-catering hija tradizzjonalment responsabbli għall-konsum ta’ bejn wieħed u ieħor 10 % u 20 % tal-produzzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni, skont il-prodott. Barra minn hekk, ix-xerrejja fl-Unjoni u fis-suq dinji qegħdin iħassru kuntratti, u qed idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew aktar tnaqqis fil-prezzijiet.

(2)

Minħabba f’hekk, l-ipproċessar tal-ħalib mhux ipproċessat qed jinbidel, parzjalment, fi prodotti bl-ingrossa, li jinħażnu faċilment u b’ħajja twila fuq l-ixkaffa, u li jirrikjedu ħidma inqas intensiva, fosthom it-trab tal-ħalib xkumat u l-butir, lil hinn mid-domanda regolari tas-suq.

(3)

Sabiex jitnaqqas l-iżbilanċ li jirriżulta bejn id-domanda u l-provvista, huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tal-butir.

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (5) jistabbilixxu r-regoli għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat. Minbarra kif previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-għajnuna għall-ħżin privat tal-butir.

(5)

L-ammont tal-għajnuna jenħtieġ li jiġi ffissat minn qabel sabiex jippermetti sistema operazzjonali rapida u flessibbli. F’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, l-għajnuna għall-ħżin privat iffissata bil-quddiem jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħżin u elementi oħra rilevanti tas-suq. Huwa xieraq li tiġi ffissata għajnuna għall-ispejjeż fissi tal-ħżin għad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti inkwistjoni u għajnuna għal kull jum tal-ħżin għall-ispejjeż tal-ħżin u tal-finanzjament.

(6)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva u simplifikazzjoni, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet jirreferu biss għall-butir li diġà jkun maħżun u ma tkunx meħtieġa garanzija. F’dak il-kuntest, ikun xieraq li jiġi ffissat il-perjodu tal-ħżin.

(7)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva u simplifikazzjoni, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-kwantità minima ta’ prodotti li jridu jkunu koperti minn kull applikazzjoni.

(8)

Il-miżuri implimentati biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-kontrolli fuq il-post fir-rigward tal-għajnuna għall-ħżin privat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240. Huwa xieraq li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri kkonċernati minn dawk il-miżuri, billi jiġi estiż il-perjodu għat-twettiq tal-kontrolli fuq id-dħul fil-post tal-ħżin jew billi dawn jiġu sostitwiti bl-użu ta’ evidenza rilevanti oħra, u billi ma jkunx hemm il-ħtieġa ta’ kontrolli għall-għarrieda. Huwa xieraq għalhekk li ssir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(9)

Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u biex jingħata kontribut għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jipprevedi għajnuna għall-ħżin privat tal-butir, kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, minn hawn ’il quddiem l-“għajnuna”.

2.   Għandhom japplikaw ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Prodotti eliġibbli

Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna, il-butir għandu jkun ta’ kwalità kummerċjabbli tajba u ġusta u għandu joriġina mill-Unjoni. Il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima IV tal-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238.

Artikolu 3

Sottomissjoni u ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet

1.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu mis-7 ta’ Mejju 2020. L-aħħar data għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għandha tkun it-30 ta’ Ġunju 2020.

2.   L-applikazzjonijiet għandhom jkunu jirrigwardaw prodotti li jkunu diġà nħażnu.

3.   Il-kwantità minima għal kull applikazzjoni hija ta’ 10 tunnellati.

Artikolu 4

Ammont tal-għajnuna u perjodu tal-ħżin

1.   L-ammont tal-għajnuna għandu jiġi stabbilit kif ġej:

(a)

EUR 9,83 għal kull tunnellata ta’ ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin;

(b)

EUR 0,43 għal kull tunnellata għal kull ġurnata ta’ ħżin kuntrattwali.

2.   Il-ħżin kuntrattwali għandu jispiċċa fil-jum ta’ qabel dak tat-tneħħija mill-ħżin.

3.   L-għajnuna tista’ tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin ikun bejn 90 u 180 jum.

Artikolu 5

Kontrolli

1.   B’deroga mill-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, fejn minħabba l-miżuri fis-seħħ biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, minn hawn ’il quddiem “il-miżuri”, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq, fi żmien debitu, il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 60(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat jista’:

(a)

jestendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(1) biex iwettaq dawk il-kontrolli sa 30 jum wara t-tmiem tal-miżuri; jew

(b)

jissostitwixxi dawk il-kontrolli matul il-perjodu meta l-miżuri jkunu applikabbli billi juża l-evidenza rilevanti, inkluż ritratti mmarkati bil-post ġeografiku jew evidenza oħra f’format elettroniku.

2.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, fejn minħabba l-miżuri, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq il-kontrolli fuq il-post għall-għarrieda, l-aġenzija tal-pagamenti ma għandhiex tkun meħtieġa twettaq kontrolli għall-għarrieda matul il-perjodu meta jkunu fis-seħħ il-miżuri.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).


4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/34


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/598

tat-30 ta’ April 2020

li jagħti għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment implimentati fl-Istati Membri kien hemm tnaqqis fid-domanda għal ċerti prodotti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-ħaddiema, u b’hekk ixekklu speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, tal-ġbir u tal-ipproċessar tal-ħalib. Barra minn hekk, l-għeluq obbligatorju tal-ħwienet, tas-swieq fil-miftuħ, tar-ristoranti u ta’ stabbilimenti oħra tal-ospitalità waqqaf l-operat tal-industrija tal-ospitalità u tal-catering, u ġab miegħu tibdil sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. L-industrija tal-ospitalità u tal-catering hija tradizzjonalment responsabbli għall-konsum ta’ bejn wieħed u ieħor 10 % u 20 % tal-produzzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni, skont il-prodott. Barra minn hekk, ix-xerrejja fl-Unjoni u fis-suq dinji qegħdin iħassru kuntratti, u qed idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew aktar tnaqqis fil-prezzijiet.

(2)

Minħabba f’hekk, l-ipproċessar tal-ħalib mhux ipproċessat qed jinbidel, parzjalment, fi prodotti bl-ingrossa, li jinħażnu faċilment u b’ħajja twila fuq l-ixkaffa, u li jirrikjedu ħidma inqas intensiva, fosthom it-trab tal-ħalib xkumat u l-butir, lil hinn mid-domanda regolari tas-suq.

(3)

Sabiex jitnaqqas l-iżbilanċ li jirriżulta bejn id-domanda u l-provvista, huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat.

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (5) jistabbilixxu r-regoli għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat. Minbarra kif previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat.

(5)

L-ammont tal-għajnuna jenħtieġ li jiġi ffissat minn qabel sabiex jippermetti sistema operazzjonali rapida u flessibbli. F’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013, l-għajnuna għall-ħżin privat iffissata bil-quddiem jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-ħżin u elementi oħra rilevanti tas-suq. Huwa xieraq li tiġi ffissata għajnuna għall-ispejjeż fissi tal-ħżin għad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti inkwistjoni u għajnuna għal kull jum tal-ħżin għall-ispejjeż tal-ħżin u tal-finanzjament.

(6)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva u simplifikazzjoni, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet jirreferu biss għat-trab tal-ħalib xkumat li diġà jkun maħżun u ma tkunx meħtieġa garanzija. F’dak il-kuntest, ikun xieraq li jiġi ffissat il-perjodu tal-ħżin.

(7)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva u simplifikazzjoni, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-kwantità minima ta’ prodotti li jridu jkunu koperti minn kull applikazzjoni.

(8)

Il-miżuri implimentati biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-kontrolli fuq il-post fir-rigward tal-għajnuna għall-ħżin privat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240. Huwa xieraq li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri kkonċernati minn dawk il-miżuri, billi jiġi estiż il-perjodu għat-twettiq tal-kontrolli fuq id-dħul fil-post tal-ħżin jew billi dawn jiġu sostitwiti bl-użu ta’ evidenza rilevanti oħra, u billi ma jkunx hemm il-ħtieġa ta’ kontrolli għall-għarrieda. Huwa xieraq għalhekk li ssir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(9)

Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u biex jingħata kontribut għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jipprevedi għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat, kif imsemmi fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, minn hawn ’il quddiem l-“għajnuna”.

2.   Għandhom japplikaw ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Prodotti eliġibbli

Sabiex jikkwalifika għall-għajnuna, it-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun ta’ kwalità kummerċjabbli tajba u ġusta u għandu joriġina mill-Unjoni. Il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima VI tal-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238.

Artikolu 3

Sottomissjoni u ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet

1.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu mis-7 ta’ Mejju 2020. L-aħħar data għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għandha tkun it-30 ta’ Ġunju 2020.

2.   L-applikazzjonijiet għandhom ikunu jirrigwardaw prodotti li jkunu diġà nħażnu.

3.   Il-kwantità minima għal kull applikazzjoni hija ta’ 10 tunnellati.

Artikolu 4

Ammont tal-għajnuna u perjodu tal-ħżin

1.   L-ammont tal-għajnuna għandu jiġi stabbilit kif ġej:

(a)

EUR 5,11 għal kull tunnellata ta’ ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin;

(b)

EUR 0,13 għal kull tunnellata għal kull ġurnata ta’ ħżin kuntrattwali.

2.   Il-ħżin kuntrattwali għandu jispiċċa fil-jum ta’ qabel dak tat-tneħħija mill-ħżin.

3.   L-għajnuna tista’ tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin ikun bejn 90 u 180 jum.

Artikolu 5

Kontrolli

1.   B’deroga mill-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, fejn minħabba l-miżuri fis-seħħ biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, minn hawn ’il quddiem “il-miżuri”, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq, fi żmien debitu, il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 60(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat jista’:

(a)

jestendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(1) biex iwettaq dawk il-kontrolli sa 30 jum wara t-tmiem tal-miżuri; jew

(b)

jissostitwixxi dawk il-kontrolli matul il-perjodu meta l-miżuri jkunu applikabbli billi juża l-evidenza rilevanti, inkluż ritratti mmarkati bil-post ġeografiku jew evidenza oħra f’format elettroniku.

2.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, fejn minħabba l-miżuri, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq il-kontrolli fuq il-post għall-għarrieda, l-aġenzija tal-pagamenti ma għandhiex tkun meħtieġa twettaq kontrolli għall-għarrieda matul il-perjodu meta jkunu fis-seħħ il-miżuri.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).


4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/37


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/599

tat-30 ta’ April 2020

li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 222 tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi tal-moviment tal-persuni implimentati fl-Istati Membri, is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib għaddej minn tfixkil ekonomiku li qed iwassal għal diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ fluss ta’ flus għall-bdiewa.

(2)

It-tixrid tal-marda u l-miżuri fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-manodopera, u b’hekk ixekklu speċifikament l-istadji tal-produzzjoni, il-ġbir u l-ipproċessar tal-ħalib. Dan iżid mad-diffikultajiet tas-settur, billi l-industrija tal-ipproċessar jeħtieġ isib soluzzjonijiet alternattivi biex jiġbru l-ħalib nej li jkompli għaddej filwaqt li jaffaċċjaw diffikultajiet fil-fabbriki.

(3)

L-għeluq obbligatorju tal-ħwienet, tas-swieq fil-miftuħ, tar-restoranti u ta’ stabbilimenti oħra tal-ospitalità waqqaf l-operat tal-industrija tal-ospitalità u tal-catering, u ġab miegħu tibdil sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. Id-domanda tal-konsumaturi tmexxiet lejn oġġetti tal-ikel essenzjali, bi ħsara għall-prodotti tal-ħalib speċjalizzati. L-industrija tal-ospitalità u tal-catering hija tradizzjonalment responsabbli għall-konsum ta’ bejn xi 10 % u 20 % tal-produzzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni, skont il-prodott. B’riżultat ta’ dan, kien hemm tnaqqis fid-domanda għal ċerti prodotti fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib mibjugħa fl-industrija tal-ospitalità u tal-catering. Pereżempju, aktar minn nofs il-produzzjoni tal-ġobon mozzarella tal-Unjoni hija ddestinata għall-industrija tas-servizz tal-ikel. Iż-żieda fil-konsum ta’ ċerti prodotti tal-ħalib fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ma għamlitx tajjeb għat-tnaqqis fid-domanda fl-industrija tal-ospitalità u tal-catering.

(4)

Barra minn hekk, ix-xerrejja tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fl-Unjoni u fis-suq dinji qegħdin iħassru kuntratti, u qegħdin idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew aktar tnaqqis fil-prezzijiet. L-esportazzjonijiet tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ukoll huma milqutin minn sfidi ta’ loġistika, billi l-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fiċ-Ċina wassal għal konġestjoni sinifikanti fil-portijiet, fiċ-Ċina u lil hinn. Il-perjodu ta’ żieda fit-tħassir totali jew parzjali tat-tbaħħir mistenni jissokta tal-inqas sa Ġunju 2020, u dan se jwassal għall-iskarsezza tal-kontejners, għal żieda sinifikanti fit-tariffi, u għall-posponiment tal-konsenji tal-esportaturi. L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tirrappreżenta madwar 15 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni, fil-volum, tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.

(5)

Minħabba f’hekk, l-ipproċessar tal-ħalib nej qiegħed jiġi żvijat, parzjalment, fi prodotti bl-ingrossa, li jinħażnu faċilment u b’ħajja twila fuq l-ixkaffa, u li jirrikjedu manodopera inqas intensiva, fosthom it-trab tal-ħalib xkumat u l-butir, lil hinn mid-domanda regolari tas-suq. Madankollu, bosta siti tal-manifattura fl-Unjoni ma għandhomx il-kapaċità li jipproċessaw il-ħalib fi prodotti differenti, u qed ikollhom ikomplu jipproduċu prodotti tal-ħalib li għalihom kien hemm tnaqqis drastiku fid-domanda.

(6)

Dan l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda qiegħed iqajjem tfixkil ekonomiku għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. Minħabba dak l-iżbilanċ, il-prezzijiet bl-ingrossa għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ġarrbu tniżżil sinifikanti, speċifikament mill-bidu ta’ Marzu 2020 ’l hawn: 19 % għat-trab tal-ħalib xkumat, u 14 % għall-butir. Il-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat u tal-butir kienu l-ewwel li ġarrbu tnaqqis sinifikanti, billi huma l-prodotti li fihom jiġi pproċessat is-surplus tal-ħalib nej meta l-fluss tal-ħalib jaqbeż id-domanda. Abbażi tal-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat u tal-butir, huwa stmat li l-prezz bl-ingrossa ekwivalenti għall-ħalib nej niżel b’24 % bejn il-bidu ta’ Frar u l-ewwel ġimgħa ta’ April. It-tnaqqis fil-prezzijiet huwa eċċezzjonali din ir-rebbiegħa minħabba l-emerġenza parallela ta’ bidliet fid-domanda marbutin mal-miżuri ta’ restrizzjoni fil-moviment u l-quċċata staġonali fil-produzzjoni tal-ħalib. Il-prezzijiet tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib mistennija jkomplu jinżlu hekk kif il-volum tal-produzzjoni tal-ħalib mistenni jiżdied matul ir-rebbiegħa u s-sajf, li fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib huwa l-istaġun tal-akbar produzzjoni.

(7)

Iċ-ċirkustanzi ta’ hawn fuq iwasslu għall-kwalifika ta’ dawn il-ġrajjiet bħala perjodu ta’ żbilanċ sejru fis-suq.

(8)

Bħala għajnuna biex is-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib isib bilanċ f’dan il-perjodu ta’ żbilanċ serju fis-suq, jixraq li jingħata lok għal ftehimiet volontarji u deċiżjonijiet min-naħa tal-bdiewa, ta’ assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, ta’ assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, ta’ assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti. Tali ftehimiet u deċiżjonijiet volontarji jistgħu jinkludu sforz kollettiv tal-operaturi sabiex jippjanaw il-produzzjoni tal-ħalib nej skont il-bidliet fix-xejriet tad-domanda.

(9)

Kull ftehim volontarju jew deċiżjoni volontarja dwar l-ippjanar tal-produzzjoni jenħtieġ li jkun awtorizzat b’mod temporanju għal perjodu ta’ sitt xhur, fl-istess żmien tar-rebbiegħa u tas-sajf, meta l-istaġun tal-produzzjoni jkun fl-aqwa tiegħu fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, u għalhekk aktarx ikollhom l-akbar impatt.

(10)

Billi t-tfixkil serju fis-suq ilu jiġi osservat mill-bidu ta’ April 2020, il-perjodu ta’ 6 xhur jenħtieġ li jibda mill-1 ta’ April 2020.

(11)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, awtorizzazzjoni għandha tingħata bil-kundizzjoni li din ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq intern, u li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikunu strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur. Dik il-kundizzjoni speċifika teskludi ftehimiet u deċiżjonijiet li b’mod dirett jew indirett iwasslu għal tqassim tas-swieq, għal diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jew għal iffissar tal-prezzijiet. Jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ma jissodisfawx din il-kundizzjoni, jew ma jibqgħux jissodisfaw din il-kundizzjoni, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għalihom.

(12)

L-awtorizzazzjoni prevista f’dan ir-Regolament jenħtieġ li tkopri t-territorju tal-Unjoni, peress li l-iżbilanċ serju fis-suq huwa komuni għall-Unjoni kollha.

(13)

Sabiex l-Istati Membri jkunu f’qagħda li jivvalutaw jekk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ifixklux jew le l-funzjonament tas-suq intern, u jekk humiex strettament immirati biex jistabbilizzaw is-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, inklużi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat Membru, li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-ħalib kopert minn dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet dwar il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħudin, u dwar il-volum ta’ produzzjoni u l-perjodu taż-żmien koperti minnhom.

(14)

Fid-dawl tal-iżbilanċ serju fis-suq u bi tħejjija għall-eqqel tal-istaġun, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 152(1a), 209(1) u 210(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, b’dan huma awtorizzati li jikkonkludu ftehimiet u jieħdu deċiżjonijiet komuni dwar l-ippjanar tal-volum ta’ ħalib li jrid jiġi prodott matul perjodu ta’ 6 xhur, li jibda mill-1 ta’ April 2020.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u jkunu strettament immirati lejn l-istabbilizzazzjoni tas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.

Artikolu 3

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 4

1.   Malli l-ftehimiet jew id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 jiġu konklużi jew meħuda, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati, għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li għandu l-ogħla sehem tal-volum stmat tal-produzzjoni tal-ħalib kopert minn dawk il-ftehimiet jew deċiżjonijiet, billi jindikaw dawn li ġejjin:

(a)

il-volum tal-produzzjoni stmat kopert;

(b)

il-perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni mistenni.

2.   Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni tabilħaqq kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   F’konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1185 (2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara tmiem kull xahar, il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet ikkomunikati lilhom f’konformità mal-paragrafu 1 matul dak il-perjodu;

(b)

sa mhux aktar tard minn 30 jum wara tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/40


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/600

tat-30 ta’ April 2020

li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward ta’ ċerti miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25, l-Artikolu 31, l-Artikolu 38, l-Artikolu 54 u l-Artikolu 57 tagħhom,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment li rriżultaw minnha, il-bdiewa, il-produtturi tal-inbid, il-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa u dawk li jrabbu n-naħal fl-Istati Membri kollha ltaqgħu ma’ diffikultajiet eċċezzjonali. Il-problemi loġistiċi u n-nuqqas ta’ ħaddiema għamluhom vulnerabbli għat-tfixkil ekonomiku li kkawżat il-pandemija. B’mod partikolari, qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità. Fid-dawl tan-natura bla preċedent ta’ dawk iċ-ċirkostanzi kkombinati, jeħtieġ li jittaffew dawk id-diffikultajiet billi tingħata deroga minn ċertu dispożizzjonijiet ta’ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni differenti applikabbli fil-qasam tal-politika agrikola komuni.

(2)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 (2), l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jridu jressqu applikazzjoni għall-għajnuna, jew għall-bilanċ tagħha, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għal kull programm operattiv li għalih tintalab l-għajnuna sal-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara s-sena li għaliha tintalab l-għajnuna. Skont l-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jkopru n-nefqa pprogrammata iżda mhux imġarrba jekk ikun hemm provi rigward ċertu elementi. Dawk l-elementi jinkludu li l-operazzjonijiet ikkonċernati jaf ma jitwettqux sal-31 ta’ Diċembru tas-sena tal-implimentazzjoni tal-programm operattiv, minħabba raġunijiet li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata, u li dawk l-operazzjonijiet jistgħu jitwettqu sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara dik li għaliha tintalab l-għajnuna. Fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, jeħtieġ li tingħata deroga mill-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 u jiġi previst li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jridu jitressqu sal-15 ta’ Frar 2021 jistgħu jkopru n-nefqa għall-operazzjonijiet ipprogrammati għall-2020 iżda li ma jkunux twettqu sal-31 ta’ Diċembru 2020 jekk dawk l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu sal-15 ta’ Awwissu 2021. Għall-istess raġuni, jeħtieġ ukoll li tingħata deroga mill-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 u jiġi previst li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jitressqu sal-15 ta’ Frar 2020 jistgħu jkopru n-nefqa għall-operazzjonijiet ipprogrammati għall-2019 iżda li ma jkunux twettqu sal-31 ta’ Diċembru 2019, jekk dawk l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu sal-15 ta’ Awwissu 2020.

(3)

Il-miżuri meħuda mill-gvernijiet matul l-aħħar xhur biex jindirizzaw il-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19, speċjalment l-għeluq tal-lukandi, tal-bars u tar-ristoranti, il-limitazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-persuni u tal-oġġetti għal dak li huwa essenzjali, u l-għeluq ta’ ċertu fruntieri fl-Unjoni, qed ikollhom impatt negattiv fuq is-settur tal-inbid tal-Unjoni. Huwa stmat li l-għeluq tal-lukandi, tal-bars u tar-ristoranti jaffettwa direttament 30 % tal-volumi tal-inbid ikkunsmat fl-Unjoni, li jikkorrispondi għal 50 % tal-valur tal-inbid ikkunsmat fl-Unjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ħaddiema u d-diffikultajiet loġistiċi kkawżati mill-pandemija qed jagħmlu pressjoni fuq il-produtturi tal-inbid u s-settur tal-inbid kollu. Il-produtturi tal-inbid qed iħabbtu wiċċhom ma’ żieda ta’ problemi għall-ħsad li jmiss: prezzijiet baxxi, tnaqqis fil-konsum, u diffikultajiet ta’ trasport u ta’ bejgħ.

(4)

Barra minn hekk, is-suq tal-inbid tal-Unjoni diġà kien soġġett għal kundizzjonijiet aggravanti matul l-2019 u l-ħażniet tal-inbid jinsabu fl-ogħla livell tagħhom mill-2009 ’l hawn. Dan l-iżvilupp huwa primarjament dovut għal kombinament ta’ ħsad rekord fl-2018 u tnaqqis ġenerali fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-impożizzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerka, is-suq ewlieni tal-esportazzjoni tal-inbid tal-Unjoni, ta’ tariffi addizzjonali fuq l-importazzjoni fuq l-inbejjed tal-Unjoni kellha impatt fuq l-esportazzjonijiet. Il-pandemija tal-COVID-19 tat daqqa ta’ ħarta oħra lil settur fraġli li ma għadux jista’ jikkummerċjalizza jew jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu b’mod effettiv, l-iktar minħabba l-għeluq ta’ swieq maġġuri tal-esportazzjoni u l-miżuri meħuda biex jiġu żgurati konfinament u lockdown xierqa, b’mod partikolari l-interruzzjoni tal-attivitajiet kollha ta’ catering u l-impossibbiltà li jiġu fornuti l-klijenti tas-soltu. Dan kollu qed iwassal għal telf ta’ introjtu għall-atturi kollha tas-settur tal-inbid. L-inċertezza rigward kemm se jdumu japplikaw il-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-pandemija, u l-impatt tagħhom fuq il-prezzijiet, ix-xejriet tal-konsum u l-introjtu, qed ikomplu jgħakksu s-settur tal-inbid tal-Unjoni.

(5)

Għaldaqstant, f’dan l-isfond, jeħtieġ li jittieħdu miżuri urġenti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni billi tiġi permessa iktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ ċertu miżuri ta’ appoġġ skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 billi tingħata deroga minn diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (3).

(6)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 jipprevedi li bidliet fir-rigward tal-programmi ta’ appoġġ applikabbli, kif imsemmi fl-Artikolu 41(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ma għandhomx jitressqu iktar minn darbtejn kull sena finanzjarja. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw malajr il-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom għal raġunijiet relatati mal-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19, jixraq li jkun permess li tali bidliet ikunu jistgħu jitressqu iktar minn darbtejn kull sena finanzjarja diment li dawk il-bidliet jitressqu qabel il-15 ta’ Ottubru 2020. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kapaċi jirreaġixxu malajr għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mal-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u jressqu bidliet fil-programm tagħhom miż-żmien qabel u bil-frekwenza li jitqies li jkun hemm bżonn. Tali flessibbiltà tippermetti lill-Istati Membri jottimizzaw il-miżuri li diġà huma fis-seħħ, iżidu l-għadd ta’ interventi u jagħmlu aġġustamenti iktar sikwit filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni tas-suq. Barra minn hekk, tippermetti wkoll lill-Istati Membri li jixtiequ jinkludu miżuri ulterjuri fil-programm nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom, jagħmlu dan immedjatament malli jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, minflok ikollhom jistennew l-iskadenza li jmiss għall-emendi. B’din il-flessibbiltà mtejba, l-operaturi, inkluż l-operaturi l-ġodda, ikollhom iktar opportunitajiet biex iressqu applikazzjonijiet għall-appoġġ. B’hekk is-settur tal-inbid jingħata palata u tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa fid-dawl tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(7)

Għalhekk, jeħtieġ li tingħata deroga temporanja mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 biex jiġu permessi bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ kull meta jkun meħtieġ anke b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 45(1)(a) u fl-Artikoli 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fir-rigward tal-miżuri ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) 1308/2013, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/133 (4) jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom kull meta jkun meħtieġ.

(8)

Fid-dawl tal-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u n-nuqqas ta’ riżorsi umani li rriżulta minnha, huwa materjalment impossibbli li l-produtturi jwettqu l-operazzjonijiet ippjanati b’rabta mal-ħsad bikri. Għalhekk jixraq li jiġu posposti għall-2020 l-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ għall-ħsad bikri kif ukoll l-iskadenza għat-twettiq ta’ tali operazzjonijiet kif stabbilit rispettivament fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150. Dan għandu jipprovdi żmien addizzjonali għall-produtturi biex jippjanaw u jsibu l-ħaddiema meħtieġa biex iwettqu tali operazzjonijiet.

(9)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u s-surpluses tal-produzzjoni tal-inbid fuq is-suq li rriżultaw minnha, jidher li ma jagħmilx sens iktar li l-Istati Membri jintalbu jipprovdu ġustifikazzjoni speċifika għall-applikazzjoni tal-ħsad bikri. Għalhekk, jixraq li tingħata deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 u li jiġi sospiż temporanjament għall-2020 ir-rekwiżit li l-Istati Membri jistabbilixxu sitwazzjoni tas-suq mistennija li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-ħsad bikri għall-irpiljar tal-bilanċ tas-suq u għall-prevenzjoni tal-kriżi.

(10)

L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli dwar programmi ta’ ħidma ta’ tliet snin imfassla mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jappoġġaw is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda. Il-kriżi li għaddejja relatata mal-pandemija COVID-19 tirrappreżenta sfida eċċezzjonali u bla preċedent għall-kapaċità tal-benefiċjarji li jwettqu l-attivitajiet ippjanati matul it-tieni u t-tielet sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi ta’ tliet snin biex jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda. B’konsegwenza ta’ dan, b’mod eċċezzjonali qed tingħata flessibbiltà lill-benefiċjarji, billi b’ċerti kundizzjonijiet, jiġi permess l-emendar ta’ dawn l-attivitajiet. Għalhekk jeħtieġ li tingħata deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 (5) biex tiġi permessa din il-flessibbiltà, li madankollu ma għandu jkollha l-ebda impatt fuq l-iskadenza għall-ħlas tal-finanzjament mill-UE.

(11)

Ir-regoli dwar il-programmi tal-apikultura huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 (6) fir-rigward tal-għajnuna fis-settur. Skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, is-sena tal-apikultura hija l-perjodu ta’ 12-il xahar konsekuttivi mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju. Għaldaqstant, is-sena tal-apikultura 2020 hija l-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2019 sal-31 ta’ Lulju 2020. F’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, kull Stat Membru jrid jinnotifika l-proposta tiegħu għal programm tal-apikultura uniku għat-territorju kollu tiegħu. Skont l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jemendaw il-miżuri fil-programmi tal-apikultura tagħhom matul is-sena tal-apikultura. Madankollu, jenħtieġ li l-limitu massimu totali tan-nefqa annwali ppjanata ma jinqabiżx. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 jenħtieġ li jiġi emendat biex jippermetti lill-Istati Membri jwettqu miżuri ppjanati għas-sena tal-apikultura 2020, anki wara l-31 ta’ Lulju 2020. Din l-emenda jenħtieġ li ma jkollha l-ebda impatt fuq il-perjodu ta’ ħlas. F’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-programmi tal-apikultura jridu jiġu żviluppati b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-qasam tal-apikultura. Qabel ma tintalab xi emenda għall-programmi tal-apikultura, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati.

(12)

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/39 (7) jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ “sena skolastika” għall-finijiet tal-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“l-iskema tal-iskejjel”). Il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, li jinkludu l-għeluq temporanju tal-istabbilimenti edukattivi, fixklu l-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel fis-sena skolastika 2019/2020. Dawk il-miżuri pprevjenew b’mod temporanju d-distribuzzjoni tal-frott, tal-ħxejjex u tal-ħalib fl-istabbilimenti edukattivi u t-twettiq ta’ miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament kif ukoll attivitajiet ta’ pubbliċità, monitoraġġ u evalwazzjoni. Għalhekk jixraq li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 li testendi d-durata tas-sena skolastika 2019/2020, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jwettqu l-attivitajiet previsti għal dik is-sena skolastika sat-30 ta’ Settembru 2020.

(13)

L-Artikolu 4(3), (4) u (5) u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 jistabbilixxu l-perjodu li jistgħu jkopru l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-provvista u għad-distribuzzjoni tal-prodotti u għall-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament, u l-limitu ta’ żmien għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u għall-ħlas tal-għajnuna fi ħdan l-iskema tal-iskejjel. Fid-dawl tal-estensjoni tad-durata tas-sena skolastika 2019/2020, jenħtieġ li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 4(3), (4) u (5) u mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-attivitajiet tal-iskema tal-iskejjel li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2020, sabiex dawn ikunu jistgħu jkopru perjodi ta’ inqas minn ġimagħtejn u sabiex jiġu stabbiliti l-limiti ta’ żmien għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u għall-ħlas tal-għajnuna.

(14)

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 jistabbilixxi r-regoli għar-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni mhux mitluba fost l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema tal-iskejjel u li nnotifikaw ir-rieda tagħhom li jużaw iktar mill-allokazzjoni indikattiva tagħhom. L-ammont tal-allokazzjoni indikattiva li jista’ jiġi riallokat lil Stat Membru ieħor irid ikun ibbażat fuq il-livell ta’ użu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni fis-sena skolastika preċedenti minn dak l-Istat Membru. Ir-regoli dwar il-konfinament li ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, li jinkludu l-għeluq temporanju tal-istabbilimenti edukattivi, jistgħu jwasslu biex l-għajnuna tal-Unjoni tintuża inqas fis-sena skolastika 2019/2020. Għalhekk jixraq li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, sabiex ma jiġix ikkunsidrat il-livell ta’ użu tal-għajnuna tal-Unjoni fis-sena skolastika 2019/2020 għar-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni mhux mitluba fost l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema tal-iskejjel fis-sena skolastika 2021/2022.

(15)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

IL-FROTT U L-ĦXEJJEX

Artikolu 1

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892

1.   B’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 9(3), l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jitressqu sal-15 ta’ Frar 2020 jistgħu jkopru n-nefqa għall-operazzjonijiet ipprogrammati għall-2019 iżda li ma twettqux sal-31 ta’ Diċembru 2019 jekk dawk l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu sal-15 ta’Awwissu 2020.

2.   B’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 9(3), l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jridu jitressqu sal-15 ta’ Frar 2021 jistgħu jkopru n-nefqa għall-operazzjonijiet ipprogrammati għall-2020 iżda li ma jkunux twettqu sal-31 ta’ Diċembru 2020 jekk dawn l-operazzjonijiet ikunu jistgħu jitwettqu sal-15 ta’ Awwissu 2021.

TITOLU II

L-INBID

Artikolu 2

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150

1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu, b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 45(1)(a) u 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kull meta jkun meħtieġ matul is-sena finanzjarja 2020 iżda mhux iktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020, bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 41(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

2.   B’deroga mill-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-sena finanzjarja 2020, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

jistabbilixxu l-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ għall-ħsad bikri, kif imsemmi fil-punt (b) ta’ dak l-Artikolu, bejn l-15 ta’ April u t-30 ta’ Ġunju;

(b)

jagħżlu li ma jistabbilixxux sitwazzjoni tas-suq mistennija li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-ħsad bikri, kif imsemmi fil-punt (c) ta’ dak l-Artikolu;

(c)

jistabbilixxu, sat-30 ta’ Ġunju, skadenza f’data wara l-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ għall-ħsad bikri kif previst fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu għat-twettiq tal-operazzjonijiet tal-ħsad bikri f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Din l-iskadenza għandha tiġi stabbilita qabel iż-żmien normali tal-ħsad (l-istadju N Baggiolini, l-istadju 89 BBCH) fi kwalunkwe żona partikolari.

TITOLU III

IŻ-ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA U Ż-ŻEBBUĠ TAL-MEJDA

Artikolu 3

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014

1.   B’deroga mill-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, l-awtorità kompetenti tista’ taċċetta emendi għal programm ta’ ħidma diment li:

(a)

il-bidliet proposti jkollhom l-għan li jemendaw u li jiskedaw mill-ġdid wara l-31 ta’ Marzu 2020 l-attivitajiet tat-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma ta’ tliet snin li beda fl-1 ta’ April 2018;

(b)

l-attivitajiet ikkonċernati ma sarux fiż-żmien dovut minħabba l-ostakli li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19;

(c)

l-organizzazzjoni benefiċjarja tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2020 għall-ħlas parzjali, kif imsemmi fl-Artikolu 5a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, tal-għajnuna li tikkorrispondi għall-attivitajiet tat-tieni sena ta’ implimentazzjoni li saru qabel l-1 ta’ April 2020;

(d)

il-finanzjament mill-Unjoni tal-attivitajiet ikkonċernati jseħħ fil-qafas tat-tieni sena ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014.

Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014 ma għandux ikun applikabbli għall-programmi ta’ ħidma emendati skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu.

2.   B’deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, il-limitu ta’ żmien ta’ xahrejn ma għandux ikun applikabbli għan-notifika ta’ emendi għal programm ta’ ħidma diment li:

(a)

il-bidliet proposti jkunu relatati mal-attivitajiet tat-tielet sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma ta’ tliet snin li beda fl-1 ta’ April 2018;

(b)

l-attività ppjanata oriġinarjament ma saritx jew ma tistax issir għalkollox jew parzjalment minħabba l-ostakli li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19;

(c)

l-attività kif emendata għandha sseħħ wara l-aċċettazzjoni mill-awtorità kompetenti.

TITOLU IV

IL-PROGRAMMI NAZZJONALI TAL-APIKULTURA

Artikolu 4

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368

B’deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368, l-Istati Membri jistgħu jemendaw il-programmi tal-apikultura tagħhom sabiex il-miżuri ppjanati għas-sena tal-apikultura 2020 ikunu jistgħu jitwettqu wara l-31 ta’ Lulju 2020, iżda mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru 2020. Dawk il-miżuri għandhom jitqiesu li twettqu fir-rigward tas-sena tal-apikoltura 2020.

Tali emendi għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istat Membru u għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati. It-talbiet għal tali emendi u l-approvazzjoni tagħhom għandhom isiru f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament.

TITOLU V

L-ISKEMA TAL-ISKEJJEL

Artikolu 5

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39

1.   B’deroga mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, id-durata tas-sena skolastika 2019/2020 hija estiża sat-30 ta’ Settembru 2020.

2.   B’deroga mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-attivitajiet tas-sena skolastika 2019/2020 li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2020 jistgħu jkopru perjodi ta’ inqas minn ġimagħtejn.

3.   B’deroga mill-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-attivitajiet tas-sena skolastika 2019/2020 li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2020 għandhom jitressqu sat-30 ta’ Settembru 2020. Jekk dan il-limitu ta’ żmien jinqabeż, l-għajnuna ma għandhiex titħallas.

4.   B’deroga mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, l-għajnuna għall-attivitajiet tas-sena skolastika 2019/2020 li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2020 għandhom jitħallsu mill-awtoritajiet kompetenti sal-15 ta’ Ottubru 2020.

5.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, il-kalkolu deskritt f’dak is-subparagrafu ma għandux japplika għall-kalkolu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni għas-sena skolastika 2021/2022.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 57).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/133 tat-30 ta’ Jannar 2020 għal deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 27, 31.1.2020, p. 24).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 tas-6 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 95).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura (ĠU L 211, 8.8.2015, p. 9).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 1).


4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/46


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/601

tat-30 ta’ April 2020

dwar miżuri ta’ emerġenza li jidderogaw mill-Artikoli 62 u 66 tar-Regolament (UE) Nru 1038/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli u l-qlugħ tad-dwieli fil-każ ta’ tħawwil mill-ġdid antiċipat

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment implimentati mill-Istati Membri, il-produtturi tal-inbid fl-Istati Membri kollha ħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet eċċezzjonali. B’mod partikulari, il-produtturi tal-inbid qegħdin iġarrbu problemi loġistiċi u nuqqas ta’ ħaddiema, li jolqtu bil-qawwi l-kulturi li jeħtieġu ħidma intensiva, bħad-dwieli, fejn jeħtieġu bosta interventi bl-idejn matul l-istaġun kollu tat-tkabbir, speċjalment fir-rebbiegħa meta tipikament jitħawlu dwieli ġodda. Minħabba r-restrizzjonijiet attwali, il-produtturi tal-inbid qegħdin isibu diffikultajiet bla preċedent biex jimmobilizzaw il-ħaddiema meħtieġa biex iwettqu l-ħidma ta’ kuljum fil-vinji tagħhom, u s-sitwazzjoni hija saħansitra agħar fejn tidħol l-organizzazzjoni tal-ħaddiema addizzjonali meħtieġa għat-tħawwil ta’ vinji ġodda.

(2)

L-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli huma validi għal tliet snin mid-data li fihom ingħataw. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 (2), l-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil għandhom jingħataw lill-applikanti mistħoqqa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu. Dan jippermetti lill-produtturi tal-inbid iħejju l-ħamrija fil-ħarifa u jiksbu d-dwieli l-ġodda, li mbagħad tipikament jitħawlu fir-rebbiegħa. Ir-rebbiegħa hija l-iktar staġun favorevoli għat-tħawwil tad-dwieli, ladarba biż-żieda fit-temperaturi u bil-miġja tas-sajf, il-ħamrija tibda tinxef b’mod li l-pjanti mħawla f’dan iż-żmien ibatu u kapaċi ma jniżżlux l-għeruq.

(3)

Minħabba l-kriżi kkaġunata mill-pandemija tal-COVID-19, il-produtturi tal-inbid li jkollhom awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil li jiskadu sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu 2020 bħalissa ma jistgħux jinqdew b’dawk l-awtorizzazzjonijiet fl-aħħar sena tal-validità tagħhom kif ippjanat. Minħabba l-inċertezza fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-miżuri meħudin biex jindirizzaw il-pandemija, mhuwiex ċert jekk dawk il-produtturi tal-inbid hux se jkollhom il-possibbiltà li jużaw l-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tagħhom qabel l-1 ta’ Awwissu. Madankollu, anki fil-każ fejn il-pandemija tal-COVID-19 tieħu żvolta pożittiva u r-restrizzjonijiet jitneħħew qabel is-sajf, il-produtturi tal-inbid se jkollhom iħawlu d-dwieli matul l-istaġun ta’ sħana, u b’hekk f’mument inqas propizju taċ-ċiklu ta’ tkabbir, f’kundizzjonijiet diffiċli u b’kost addizzjonali, u dan kollu f’mument fejn is-settur tal-inbid diġà qiegħed ibati minn kundizzjonijiet tas-suq mhux favorevoli.

(4)

Għaldaqstant, u sabiex jiġu evitati t-telf tal-awtorizzazzjoni għat-tħawwil jew deterjorament rapidu tal-kundizzjonijiet li fihom ikollu jsir it-tħawwil, jeħtieġ li jingħata lok, mingħajr dewmien, għal estensjoni tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil li se jiskadu fis-sena 2020. Għaldaqstant, kull awtorizzazzjoni li tiskadi fl-2020 jenħtieġ li tiġi estiża bi 12-il xahar, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, sabiex il-produtturi tal-inbid ikunu jistgħu jħawlu d-dwieli f’kundizzjonijiet favorevoli fir-rebbiegħa tal-2021.

(5)

Fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi u ekonomiċi mhux mistennija li l-produtturi tal-inbid iħabbtu wiċċhom magħhom minħabba l-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li jitħallew jirrinunzjaw l-awtorizzazzjoni għat-tħawwil tagħhom li tiskadi fis-sena 2020 mingħajr ma jġarrbu l-penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 89(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jekk ma jkunux għadhom jixtiequ jespandu ż-żona tal-vinji tagħhom.

(6)

Fir-rigward tal-produtturi tal-inbid li jkollhom awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid mogħtija mill-Istati Membri peress li jkunu qalgħu żona korrispondenti ta’ dwieli f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-deroga mogħtija b’dan ir-Regolament jenħtieġ li tapplika b’mod simili bħalma tapplika għall-produtturi tal-inbid li jkunu ngħataw awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ġdid. Dan jiżgura li l-produtturi tal-inbid ma jkunux soġġetti għal tnaqqis taż-żona tal-vinji tagħhom peress li ma jkunux jistgħu jħawlu mill-ġdid f’żona li jkunu qalgħu minħabba ċirkustanzi mhux mistennija u nuqqas ta' ħaddiema, ikkaġunati minn restrizzjonijiet fuq il-moviment fil-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19.

(7)

Fejn l-Istati Membri jkunu taw awtorizzazzjoni għat-tħawwil mill-ġdid lill-produtturi tal-inbid li jkunu ntrabtu li jaqilgħu żona mħawla bid-dwieli sa mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ sena mid-data li fiha jkunu tħawlu dwieli ġodda, il-produtturi tal-inbid jistgħu jiffaċċaw problemi speċifiċi fl-2020 biex jagħmlu dan, minħabba restrizzjonijiet fuq il-moviment u nuqqas ta’ ħaddiema. Għaldaqstant, meta dawn il-produtturi jistgħu jiġġustifikaw li l-qlugħ kien impossibbli għalihom fis-sena 2020 minħabba raġunijiet marbutin mal-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jagħtuhom aktar żmien biex iwettqu l-qlugħ billi jestendu l-iskadenza b’sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeċiedu, fi żmien xahrejn wara t-tressiq ta’ applikazzjoni, jekk l-estensjoni tingħatax u għal kemm żmien, jew f’każ ta’ rifjut, jenħtieġ li jinformaw l-applikant bir-raġunijiet għalih. Jekk il-qlugħ ma jsirx sa tmiem l-estensjoni mogħtija, il-produttur tal-inbid jenħtieġ li jkun soġġett għall-penali rispettivi applikabbli skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 (4).

(8)

Fejn il-produtturi tal-inbid jitħallew idewmu l-qlugħ ta’ vinja li kienet soġġetta għal tħawwil mill-ġdid antiċipat mill-Istati Membri, kemm il-vinja l-antika li tkun se tinqala’ u kemm il-vinja mħawla mill-ġdid jenħtieġ li jkunu ineliġibbli għall-appoġġ għall-ħsad bikri, sabiex jiġi evitat il-finanzjament doppju.

(9)

Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment fis-seħħ, u minħabba fihom il-problemi loġistiċi u n-nuqqas ta’ forza tax-xogħol biex iwettqu l-ħidma bl-idejn fuq il-vinja, speċifikament it-tħawwil mill-ġdid tad-dwieli u l-qlugħ, jikkostitwixxu problema speċifika fit-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Din il-problema speċifika ma tistax tiġi indirizzata b’miżuri meħuda skont l-Artikolu 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Minn naħa, mhijiex marbuta ma’ tfixkil fis-suq diġà eżistenti, jew ma’ theddida sinifikanti biżżejjed ta’ tfixkil fis-suq. Min-naħa l-oħra, din il-problema speċifika lanqas mhi marbuta ma’ miżuri li jiġġieldu t-tixrid tal-mard tal-annimali jew telf ta’ fiduċja tal-konsumatur minħabba riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti, kif meħtieġ mill-Artikolu 220 ta’ dak ir-Regolament.

(10)

Jenħtieġ li l-miżura tkun strettament limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet attwali minħabba l-pandemija tal-COVID-19, kemm fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll tal-perjodu tal-applikazzjoni.

(11)

Jenħtieġ li l-miżuri jittieħdu b’mod urġenti sabiex jiġi evitat li l-produtturi tal-inbid jitilfu l-awtorizzazzjonijiet ta’ tħawwil tagħhom, jew ikunu penalizzati talli ma qdewx l-obbligu tagħhom li jaqilgħu ż-żona li wegħdu li jaqilgħu, minħabba l-problemi loġistiċi u n-nuqqas ta’ ħaddiema mhux mistennija.

(12)

Jenħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza previsti f’dan ir-Regolament ikunu limitati għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar, li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Dan il-perjodu huwa meħtieġ biex jagħti lill-produtturi tal-inbid żmien biżżejjed biex iħawlu d-dwieli ġodda matul l-istaġun xieraq, u biex jagħti lill-Istati Membri ċerta flessibbiltà f’każijiet fejn il-qlugħ tad-dwieli ma jkunx possibbli minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(13)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Estensjoni tal-validità ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil jew għat-tħawwil mill-ġdid li jiskadu fl-2020

1.   B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid mogħtija f’konformità mal-Artikoli 62 u 64 ta’ dak ir-Regolament li jkunu skadew jew li se jiskadu fis-sena 2020, għandhom jiskadu biss 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk il-produtturi tal-inbid li jkollhom awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil li jkunu skadew jew li se jiskadu fis-sena 2020, ma għandhomx ikunu soġġetti għall-penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 89(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, bil-kundizzjoni li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti sal-31 ta’ Diċembru 2020 li mhux beħsiebhom jużaw l-awtorizzazzjoni tagħhom u ma jixtiqux igawdu mill-estensjoni tal-validità tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid mogħtija f’konformità mal-Artikolu 62 u mal-Artikolu 66(1) ta’ dak ir-Regolament li jkunu skadew jew li se jiskadu fis-sena 2020, għandhom jiskadu biss 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

4.   B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk il-produtturi tal-inbid li jkollhom awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid li jkunu skadew jew li se jiskadu fis-sena 2020, ma għandhomx ikunu soġġetti għall-penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 89(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, bil-kundizzjoni li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti sal-31 ta’ Diċembru 2020 li mhux beħsiebhom jużaw l-awtorizzazzjoni tagħhom u ma jixtiqux igawdu mill-estensjoni tal-validità tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 2

Estensjoni tal-iskadenza għall-qlugħ f’każ ta’ tħawwil mill-ġdid antiċipat tal-vinji

1.   B’deroga mill-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fejn l-Istati Membri jkunu taw awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid antiċipat lill-produtturi tal-inbid, u l-qlugħ ikun se jsir mhux aktar tard mis-sena 2020, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-iskadenza għall-qlugħ b’sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, f’każijiet fejn, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-qlugħ tad-dwieli kien impossibbli, u fejn issir applikazzjoni ġustifikata kif suppost mingħand il-produttur tal-inbid.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-applikant fi żmien xahrejn mit-tressiq tal-applikazzjoni għall-estensjoni tal-iskadenza għall-qlugħ msemmija fil-paragrafu 1, u fejn applikazzjoni tkun ġiet rifjutata, l-applikanti għandhom ikunu infurmati bir-raġunijiet tar-rifjut.

3.   It-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/273 għandu japplika jekk il-qlugħ tad-dwieli ma jsirx mill-produttur tal-inbid sa tmiem l-estensjoni mogħtija skont il-paragrafi 1 u 2.

4.   Il-produtturi tal-inbid li jgawdu mill-estensjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ għall-ħsad bikri msemmi fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, la fuq iż-żona mħawla mill-ġdid u lanqas fuq iż-żona li tkun se tinqala’.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika matul perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, u d-dikjarazzjonijiet obbligatorji, u tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontrolli rilevanti, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/561 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 60).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta' akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 1).