ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 127

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
22 ta' April 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/550 tat-12 ta’ Frar 2020 li jemenda l-Annessi II u IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-irtirar temporanju tal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mir-Renju tal-Kambodja

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/551 tal-21 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 3 ( 1 )

13

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/552 tal-20 ta’ April 2020 li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE fir-rigward tal-istatus tal-Valle d’Aosta fl-Italja u tar-Reġjun Awtonomu tal-Azores fil-Portugall bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi, u fir-rigward tal-istatus ta’ bosta reġjuni tal-Portugall bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi (notifikata bid-dokument C(2020) 2260)  ( 1 )

19

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/553 tal-21 ta’ April 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/167 fir-rigward ta’ standards armonizzati għal ċertu tagħmir tan-netwerks ċellulari tat-telekomunikazzjoni mobbli internazzjonali

22

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli tat-12 ta’ Ġunju 2018 dwar l-emendar tal-Appendiċi 6 tal-Anness 11 għall-Ftehim [2020/554]

26

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

22.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/550

tat-12 ta’ Frar 2020

li jemenda l-Annessi II u IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-irtirar temporanju tal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mir-Renju tal-Kambodja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(10) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Ir-Renju tal-Kambodja (“il-Kambodja”) jibbenefika minn preferenzi tariffarji pprovduti taħt l-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati — Kollox ħlief Armi (“EBA”) — imsemmi fl-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 (ir-“Regolament SĠP”). Huwa wkoll elenkat bħala pajjiż benefiċjarju tal-arranġament ġenerali skont l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament SĠP. Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament SĠP, l-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati jikkonsisti fis-sospensjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq il-prodotti kollha elenkati fil-Kapitoli 1 sa 97 tan-Nomenklatura Magħquda u li joriġinaw mill-Kambodja, ħlief dawk elenkati fil-Kapitolu 93, jiġifieri armi u munizzjon.

(2)

Skont l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP, l-arranġamenti preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament SĠP jistgħu jiġu rtirati temporanjament fir-rigward tal-prodotti kollha jew ta’ ċerti prodotti li joriġinaw f’pajjiż benefiċjarju, għal raġunijiet ta’ ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness VIII tar-Regolament SĠP (il-“konvenzjonijiet fundamentali tan-NU/ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol”).

(3)

Fil-11 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni li tinkludi Anness (in-“Notifika ta’ Bidu”) (2) li tibda, f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament SĠP, il-proċedura għall-irtirar temporanju ta’ preferenzi tariffarji mill-Kambodja (il-“proċedura ta’ rtirar temporanju”). Fl-istess jum, il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(4)

L-elementi disponibbli għall-Kummissjoni f’dak iż-żmien indikaw l-eżistenza ta’ raġunijiet suffiċjenti li jiġġustifikaw il-bidu tal-proċedura ta’ rtirar temporanju. B’mod partikolari, il-premessa (3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni u l-punt (5) tan-Notifika ta’ Bidu jirreferu għal elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ ksur serju u sistematiku mill-Kambodja tal-prinċipji stabbiliti fl-erba’ konvenzjonijiet ewlenin tan-NU/ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol li ġejjin:

il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966) (“ICCPR”);

il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, Nru 87 (1948) (“il-Konvenzjoni 87 tal-ILO”);

il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, Nru 98 (1949) (“il-Konvenzjoni 98 tal-ILO”); kif ukoll

il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1966) (“ICESCR”).

(5)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-Kambodja u lill-partijiet terzi biex jesprimu l-fehmiet tagħhom lill-Kummissjoni. Tlettax-il parti terza rreġistraw fil-limitu ta’ żmien stabbilit fin-Notifika ta’ Bidu u ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni.

(6)

Wara l-bidu tal-proċedura ta’ rtirar temporanju, il-Kummissjoni mmonitorjat u evalwat l-implimentazzjoni mill-Kambodja tal-erba’ konvenzjonijiet elenkati fin-Notifika ta’ Bidu. F’konformità mal-Artikolu 19(4)(b) tar-Regolament SĠP, il-perjodu ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni ntemm fit-12 ta’ Awwissu 2019.

(7)

Il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 19(6) tar-Regolament SĠP, inklużi l-valutazzjonijiet disponibbli tal-korpi ta’ monitoraġġ rilevanti u l-fehmiet tal-Kambodja. Il-Kummissjoni wettqet missjoni ta’ monitoraġġ fil-Kambodja f’Ġunju 2019.

(8)

Matul il-perjodu ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Kambodja b’kull opportunità biex tikkoopera, u tippreżenta l-fehmiet u l-kummenti, u tinstema’. Pereżempju, fl-24 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni stiednet lill-Kambodja biex tippreżenta bil-miktub il-pożizzjoni tagħha dwar is-sejbiet li wasslu għat-tnedija tal-proċedura ta’ rtirar temporanju. Il-Kambodja wieġbet lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Awwissu 2019, u kkontestat ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ rtirar temporanju. Fit-tweġiba tagħha, il-Kambodja enfasizzat ukoll għadd ta’ azzjonijiet ta’ rimedju ppjanati jew imwettqa, l-aktar qabel il-bidu tal-proċedura ta’ rtirar temporanju.

(9)

Fit-12 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kambodja, skont l-Artikolu 19(7) tar-Regolament SĠP, rapport dwar is-sejbiet u l-konklużjonijiet tiegħu (ir-“Rapport”). Ir-rapport kien ibbażat fuq il-ġabra ta’ evidenza li saret mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2019 dwar ir-rispett tal-prinċipji stabbiliti fl-erba’ konvenzjonijiet ewlenin tan-NU/ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, inkluża l-evidenza u l-informazzjoni mressqa mill-Kambodja u minn partijiet terzi għall-proċedura.

(10)

Il-Kambodja ressqet l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-Rapport fit-12 ta’ Diċembru 2019.

(11)

Dan ir-Regolament Delegat huwa bbażat fuq is-sejbiet li jinsabu fir-Rapport u l-evidenza sottostanti u l-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet sussegwenti tiegħu fid-dawl tar-Rispons tal-Kambodja u l-fatti u l-iżviluppi li seħħew wara t-12 ta’ Diċembru 2019.

2.   KSUR SERJU U SISTEMATIKU TAL-PRINĊIPJI STABBILITI FL-ICCPR

2.1.    Id-dritt għall-Parteċipazzjoni Politika (l-Artikolu 25 tal-ICCPR)

(12)

L-Artikolu 25 tal-ICCPR jipprevedi li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt u l-opportunità, mingħajr l-ebda distinzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tal-ICCPR u mingħajr restrizzjonijiet mhux raġonevoli, li:

(a)

jieħu sehem fit-tmexxija ta’ affarijiet pubbliċi, direttament jew permezz ta’ rappreżentanti magħżula liberament;

(b)

jivvota u jiġi elett f’elezzjonijiet perjodiċi ġenwini li għandhom ikunu b’vot universali u ugwali u għandhom isiru b’vot sigriet, li jiggarantixxu l-espressjoni libera tar-rieda tal-eletturi;

(c)

jkollu aċċess, fuq termini ġenerali ta’ ugwaljanza, għal servizz pubbliku f’pajjiżu.

2.1.1.    Sejbiet

(13)

Il-Kambodja ħadet serje ta’ azzjonijiet repressivi kontra l-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, il-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (“CNRP”), li naqqas il-parteċipazzjoni politika u d-drittijiet elettorali fil-pajjiż. Dawn l-azzjonijiet inkludew b’mod partikolari emendi għal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi (“LPP”), l-arrest tal-president tas-CNRP Kem Sokha u x-xoljiment ordnat mill-qorti tas-CNRP.

(14)

F’Marzu u f’Lulju 2017, l-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja għamlet diversi emendi lil-LPP li għamluha illegali għal kwalunkwe persuna b’kundanna kriminali li tmexxi partit politiku. Il-LPP emendata tagħti wkoll lill-Ministeru tal-Intern diskrezzjoni wiesgħa biex jissospendi attivitajiet ta’ partiti politiċi u jippreżenta mozzjonijiet ta’ xoljiment ta’ partit, għal deċiżjoni mill-Qorti Suprema. F’Ottubru 2017, l-Assemblea Nazzjonali għaddiet emendi addizzjonali għal firxa ta’ liġijiet elettorali li jistabbilixxu l-proċess għar-riallokazzjoni tas-sede mirbuħa minn parti xolta.

(15)

Fit-3 ta’ Settembru 2017, il-kap tas-CNRP Kem Sokha ġie arrestat fuq akkużi ta’ tradiment u konfoffa li pprova jwaqqa’ l-gvern tal-Kambodja bl-għajnuna ta’ setgħa barranija (3).

(16)

Wara aktar minn sena f’detenzjoni ta’ qabel il-proċess, Kem Sokha ġie rilaxxat fuq pleġġ ristrett fl-10 ta’ Settembru 2018 u tpoġġa taħt superviżjoni ġudizzjarja. Fl-10 ta’ Novembru 2019, Kem Sokha nħeles mis-superviżjoni ġudizzjarja. Madankollu, huwa baqa’ pprojbit milli jinvolvi ruħu f’attivitajiet politiċi qabel ir-riżultat tal-proċess tiegħu (4).

(17)

Fis-16 ta’ Novembru 2017, il-Qorti Suprema tal-Kambodja ordnat ix-xoljiment tas-CNRP u pprojbixxiet 118-il uffiċjal għoli tagħha mill-attività politika għal ħames snin. Id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema kienet ibbażata b’mod partikolari fuq id-dispożizzjonijiet emendati tal-Artikolu 44 tal-LPP, li tippermetti lill-Qorti Suprema tissospendi għal ħames snin, jew ixxolji, partit politiku jekk jikser l-Artikoli 6(2) u 7 tal-LPP. Ix-xoljiment tas-CNRP mill-Qorti Suprema kien ibbażat parzjalment fuq l-istess allegazzjonijiet bħal dawk użati mill-imħallef li investiga fir-rigward tal-każ pendenti kontra Kem Sokha (5).

(18)

Ix-xoljiment tas-CNRP wassal ukoll biex jitneħħew mill-pożizzjonijiet tagħhom 5 007 kunsillier lokali/tal-komun tas-CNRP eletti f’Ġunju 2017. Il-membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali ġew sostitwiti minn individwi mhux eletti. Fl-elezzjonijiet indiretti sussegwenti tas-Senat fil-25 ta’ Frar 2018, il-partit fil-gvern, il-Partit Popolari tal-Kambodja (“CPP”), rebaħ is-siġġijiet ikkontestati kollha (6). Ix-xoljiment tas-CNRP ħalla lill-pajjiż mingħajr ebda oppożizzjoni kredibbli qabel l-elezzjonijiet nazzjonali tad-29 ta’ Lulju 2018 li fihom is-CPP rebaħ il-125 siġġu kollha fl-Assemblea Nazzjonali, u b’hekk inħoloq de facto Stat b’partit wieħed mingħajr oppożizzjoni parlamentari.

2.1.2.    Il-pożizzjoni tal-Kambodja

(19)

Il-Kambodja targumenta li l-LPP emendata tapplika b’mod indiskriminat għal kull partit politiku, terfa’ r-rekwiżiti bażiċi kollha li kwalunkwe pajjiż demokratiku għandu jaderixxi magħhom, u għandha l-għan li tipprevjeni abbużi li ma jkunux konformi mal-prinċipji demokratiċi fundamentali.

(20)

Il-Kambodja tiġġustifika l-arrest ta’ Kem Sokha skont l-Artikolu 443 tal-Kodiċi Kriminali, li jikkundanna d-delitti ta’ konfoffa ma’ setgħa barranija, u li jiddependi fuq l-allegata prova ta’ konfoffa tas-Sur Kem Sokha biex iwaqqa’ l-gvern (7). Huwa jargumenta li, bħala President tas-CNRP, l-att ta’ tradiment tas-Sur Sokha implika lill-partit tiegħu, li wassal għax-xoljiment furzat.

(21)

Barra minn hekk, il-Kambodja targumenta li d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tas-16 ta’ Novembru 2017 li tordna x-xoljiment tas-CNRP kienet id-deċiżjoni ta’ Stat sovran, u li l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji domestiċi hija kwistjoni interna ta’ stat sovran li jirrispetta l-istat tad-dritt.

(22)

Fir-rigward tal-elezzjonijiet tad-29 ta’ Lulju 2018, il-Kambodja tenfasizza li r-reġistrazzjoni ta’ 20 partit politiku u l-parteċipazzjoni ta’ 6 956 900 votant huma evidenza ċara li l-emendi għal-LPP u r-ridistribuzzjoni konsegwenti tas-siġġijiet ma ċaħdux lill-Kambodjani mid-dritt tagħhom li jieħdu sehem fit-tmexxija tal-affarijiet politiċi. Għalhekk, il-kunċett ta’ ksur tal-Artikolu 25 tal-ICCPR mhuwiex ġustifikat.

2.1.3.    Valutazzjoni

Emendi għal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi (LPP)

(23)

L-emendi tal-2017 għal-LPP jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tax-xoljiment tal-partiti politiċi u l-projbizzjoni tal-mexxejja tal-partiti minn attivitajiet politiċi b’mod indefinit mingħajr proċess dovut (8).

(24)

Skont l-Artikolu 38 tal-LPP, il-Ministeru tal-Intern għandu setgħat deċiżjonali estensivi fuq il-partiti politiċi u jaġixxi de facto bħala l-amministratur tagħhom. Pereżempju, jista’ jiddeċiedi li jissospendi l-attivitajiet tal-partiti politiċi u jista’ jippreżenta mozzjonijiet għax-xoljiment tagħhom quddiem il-Qorti Suprema. Peress li l-Artikolu 38 tal-LPP ma jipprovdix kriterji ċari u trasparenti għal mozzjonijiet bħal dawn, il-Ministeru tal-Intern għandu diskrezzjoni wiesgħa biex jipproponi x-xoljiment ta’ partit.

(25)

Skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (“OHCHR”) fil-Kambodja, il-ħatra tal-Ministeru tal-Intern bħala l-amministratur tal-partiti politiċi hija “kuntrarja għall-istandards internazzjonali li jeħtieġu korpi regolatorji li huma indipendenti mill-fergħa eżekuttiva biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi ta’ politika” (9). Barra minn hekk, kif innotat mir-Rapporteur Speċjali tan-NU, l-emendi tal-LPP u r-ridistribuzzjoni konsegwenti tas-siġġijiet ċaħdu lil “miljuni ta’ Kambodjani mid-dritt tagħhom għall-parteċipazzjoni politika. Għal dawk li vvutaw għas-CNRP f’kostitwenzi li ntrebħu mis-CNRP, il-kandidati li vvutaw għalihom fl-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali tal-2013 u l-elezzjonijiet tal-komun tal-2017 ġew sostitwiti minn persuni differenti li jirrappreżentaw partiti politiċi differenti, li mbagħad kellu effett fuq l-elezzjoni tas-senaturi. Dan jikkostitwixxi ksur ċar tad-dritt tal-Kambodjani li jieħdu sehem fit-twettiq ta’ affarijiet politiċi, li jipprevedi d-dritt li wieħed ikun rappreżentat permezz ta’ rappreżentanti magħżula” (10).

(26)

F’Jannar 2019 il-Kambodja emendat l-Artikolu 45 tal-LPP billi introduċiet il-possibbiltà għall-individwi pprojbiti mill-attivitajiet politiċi li jfittxu r-restawr tad-drittijiet politiċi tagħhom mir-Re, fuq talba tal-Prim Ministru. Madankollu, din l-emenda ma tippermettix ir-ristabbiliment sħiħ tad-drittijiet politiċi tal-individwi pprojbiti, peress li dawn ma jistgħux ikomplu b’mod effettiv l-attivitajiet politiċi tagħhom sakemm is-CNRP kollu kemm hu jibqa’ xolt. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li jiġu restawrati d-drittijiet politiċi tagħhom hija f’idejn l-avversarji politiċi tagħhom minflok korp indipendenti. Fl-aħħar nett, l-emenda tal-Artikolu 45 tal-LPP ma tipprovdi l-ebda soluzzjoni għat-tneħħija ta’ 5 007 kunsillier tal-komun elett tas-CNRP (11).

(27)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-LPP, kif emendata fl-2017, fiha dispożizzjonijiet li jammontaw għal ksur tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 25 tal-ICCPR.

Ix-xoljiment tas-CNRP u l-arrest ta’ Kem Sokha

(28)

Il-Kambodja targumenta li r-raġuni għalfejn is-CNRP ġie xolt kienet li l-mexxej tiegħu, Kem Sokha, wettaq reat ta’ konfoffa ma’ setgħa barranija. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li s-CNRP ġie xolt qabel ma beda l-proċess ta’ Kem Sokha. Hija nnotat li r-Rapporteur Speċjali tan-NU qajjem tħassib serju dwar il-bażi evidenzjarja għad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li xxolji s-CNRP (12) u s-severità tal-akkuża abbażi ta’ tali evidenza (13).

(29)

Skont il-Grupp ta’ Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Detenzjoni Arbitrarja (“UNWGAD”), iċ-ċaħda tal-libertà ta’ Kem Sokha kienet politikament motivata (14) u rriżultat mill-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu għal-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni, kif ukoll id-dritt li jieħu sehem fil-gvern ta’ pajjiżu u t-tmexxija tal-affarijiet pubbliċi. Għaldaqstant, kienet tmur kontra, fost oħrajn, l-Artikoli 19 u 25 tal-ICCPR (15). Bl-istess mod, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU esprima t-tħassib li l-arrest ta’ Kem Sokha kien politikament motivat qabel l-elezzjoni ġenerali skedata għall-2018 (16).

(30)

Ix-xoljiment tas-CNRP kellu l-effett li jirrestrinġi d-dritt li wieħed jieħu sehem fit-tmexxija tal-affarijiet pubbliċi ta’ 118 mill-membri tiegħu, 55 membru tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali u ta’ 5 007 kunsillier elett lokali u tal-komun li tneħħew mill-kariga. Kif innotat mir-Rapporteur Speċjali tan-NU, ix-xoljiment tas-CNPR u l-projbizzjoni minn attivitajiet politiċi tal-membri tiegħu jqajmu dubji dwar il-ġenwinità tal-elezzjoni ġenerali tad-29 ta’ Lulju 2018 (17).

(31)

Il-korpi ta’ monitoraġġ tan-NU esprimew b’mod unanimu tħassib dwar din is-sitwazzjoni, filwaqt li nnotaw li r-ridistribuzzjoni tas-siġġijiet tas-CNRP lil partijiet oħra, b’mod partikolari, fil-livell komunali, iċċaħħad lill-Kambodjani mid-drittijiet tagħhom ta’ parteċipazzjoni politika (18). Ir-rapport tal-2018 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU jikkonkludi wkoll li r-rigressjoni tad-drittijiet politiċi fil-Kambodja, inklużi l-emendi li saru lill-Kostituzzjoni biex tiġi introdotta liġi lèse-majesté, tikkostitwixxi żviluppi serji, li għandhom l-għan li jrażżnu l-vuċijiet li ma jaqblux u li jnaqqsu l-libertajiet fundamentali (19).

(32)

Mit-tnedija tal-proċedura ta’ rtirar temporanju fi Frar 2019, ftit li xejn sar progress dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet politiċi fil-Kambodja. Ix-xena politika tal-Kambodja għadha dominata mir-repressjoni tad-drittijiet politiċi. Is-CNRP jibqa’ pprojbit, id-drittijiet politiċi tal-partitarji u l-membri tas-CNRP jibqgħu jiġu miċħuda u s-CPP saħħaħ il-pożizzjoni dominanti kbira tiegħu fuq l-istituzzjonijiet tal-Istat (20). Il-pożizzjonijiet tal-kapijiet tal-komun u l-kunsilliera tal-komun tas-CNRP ġew trasferiti kważi kollha għall-membri mhux eletti tas-CPP (21). Minkejja li l-mexxej tal-oppożizzjoni Kem Sokha nħareġ mis-superviżjoni ġudizzjarja fl-10 ta’ Novembru 2019, il-każ tiegħu ma ġiex magħluq u għadu qed jiffaċċja akkużi kriminali. Barra minn hekk, huwa pprojbit milli jinvolvi ruħu f’attivitajiet politiċi.

2.1.4.    Konklużjonijiet dwar l-Artikolu 25 tal-ICCPR

(33)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-azzjonijiet meħuda mill-Kambodja sa mill-2017, b’mod partikolari l-emendi tal-LPP, ix-xoljiment tas-CNRP u r-ridistribuzzjoni sussegwenti tas-siġġijiet tas-CNRP fl-Assemblea Nazzjonali u fil-kunsilli lokali, għandhom impatt negattiv qawwi fuq id-demokrazija, il-parteċipazzjoni politika u l-pluraliżmu fil-Kambodja. Dawn l-azzjonijiet jippuntaw lejn skema politikament motivata li tikkonsisti f’azzjonijiet leġiżlattivi, ġudizzjarji u amministrattivi mfassla biex irażżnu l-parteċipazzjoni politika u d-drittijiet elettorali, b’mod partikolari qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Lulju 2018. Dawn l-azzjonijiet fixklu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet politiċi mill-Kambodjani, inkluż id-dritt li wieħed jieħu sehem fit-tmexxija tal-affarijiet pubbliċi, li jivvota u li jiġi elett f’elezzjonijiet perjodiċi ġenwini u li jkollu aċċess, fuq termini ġenerali ta’ ugwaljanza, għas-servizz pubbliku f’pajjiżu, kif previst fl-Artikolu 25 tal-ICCPR.

(34)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li n-natura tad-drittijiet miksura, it-tul taż-żmien, l-iskala u l-impatt tal-ksur ikkonstatat jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur serju u sistematiku, min-naħa tal-Kambodja, tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 25 tal-ICCPR, fis-sens tal-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP.

2.2.    Id-dritt għal-Libertà ta’ Espressjoni (l-Artikolu 19 tal-ICCPR)

(35)

L-Artikolu 19 tal-ICCPR jipprevedi li:

“1.

Kull persuna għandu jkollha d-dritt li jkollha opinjonijiet mingħajr indħil.

2.

Kulħadd għandu jkollu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni; dan id-dritt għandu jinkludi l-libertà li wieħed ifittex, jirċievi u jaqsam informazzjoni u ideat ta’ kull tip, indipendentement mill-fruntieri, b’mod orali, bil-miktub jew inkella b’mod stampat, fil-forma ta’ arti, jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor li jagħżel.

3.

L-eżerċizzju tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jġorr miegħu obbligi u responsabbiltajiet speċjali. Għalhekk jista’ jkun soġġett għal ċerti restrizzjonijiet, iżda dawn għandhom ikunu biss previsti mil-liġi u meħtieġa:

(a)

għar-rispett tad-drittijiet jew ir-reputazzjonijiet ta’ oħrajn,

(b)

għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku (ordre public), jew għas-saħħa pubblika jew morali.”

(36)

Fil-kumment ġenerali tiegħu Nru 34 għall-ICCPR, il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) qies li l-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni huma drittijiet relatati mill-qrib, huma essenzjali għal kwalunkwe soċjetà u jikkostitwixxu l-pedamenti ta’ soċjetà demokratika u ħielsa (22). Dawn jimplikaw ukoll l-eżistenza tal-istampa ħielsa u li mezzi oħra tal-midja jistgħu jikkummentaw dwar kwistjonijiet pubbliċi mingħajr ċensura jew trażżin, u biex jinfurmaw l-opinjoni pubblika.

2.2.1.    Sejbiet

(37)

Il-liġijiet tal-Kambodja fihom għadd ta’ dispożizzjonijiet li jiksru l-obbligi tal-Kambodja skont l-Artikolu 19 tal-ICCPR, b’mod partikolari permezz ta’ dispożizzjonijiet miktuba b’mod ġenerali u vag li jippermettu lill-awtoritajiet Kambodjani jeżerċitaw marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-liġijiet u r-regolamenti u li jressqu akkużi għal reati relatati mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni. Dawn il-liġijiet jinkludu: l-emendi tal-2018 għall-Kostituzzjoni Kambodjana, il-klawżola lèse-majesté fil-Kodiċi Kriminali, il-Liġi dwar l-Istampa, il-Liġi Elettorali, il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet, il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (LANGO), il-Liġi dwar il-Partiti Politiċi, il-Liġi dwar it-Trade Unions u Prakas Nru 170 dwar il-Kontrolli tal-Pubblikazzjoni tal-Ipproċessar tas-Siti Web u tal-Midja Soċjali permezz tal-Internet fir-Renju tal-Kambodja.

(38)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota s-sitwazzjoni ta’ ġurnalisti li qed jiffaċċjaw arresti, detenzjoni, akkużi u kundanni, l-għeluq tal-gazzetta Cambodia Daily wara awditu tat-taxxa, l-għeluq tal-operazzjonijiet lokali ta’ Radio Free Asia u Voice of America, kif ukoll l-għeluq ta’ frekwenzi tar-radju oħra. Il-ġurnalisti ġew akkużati jew detenuti għall-ebda raġuni apparenti oħra għajr li kienu allegatament tkellmu kontra l-gvern tal-Kambodja jew kienu involuti f’attivitajiet ta’ promozzjoni.

(39)

Din is-sitwazzjoni ġiet innutata wkoll bi tħassib minn diversi korpi ta’ monitoraġġ internazzjonali. Ir-Rapporteur Speċjali tan-NU fid-Dikjarazzjoni ta’ Tmiem tal-Missjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, appella lill-Kambodja “biex jiżdied l-ispazju għal stampa libera, inkluż spazju għal ġurnalisti indipendenti biex jopera w”. Ir-rapport tal-2019 tal-Grupp ta’ Ħidma tan-NU dwar l-Eżami Perjodiku Universali (EPU) ħeġġeġ lill-Kambodja biex: teħles minnufih mill-kustodja kull individwu miżmum għall-eżerċizzju paċifiku tal-espressjoni u tal-assemblea; tipproteġi lill-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-membri tal-oppożizzjoni politika, u l-membri tat-trade unions minn fastidju, arrest arbitrarju u attakki fiżiċi; tagħti garanzija ta’ spazju ċiviku liberu, kemm online kif ukoll offline, għal espressjoni libera mingħajr biża’ mill-prosekuzzjoni skont il-Kodiċi Kriminali u l-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet (23). Fit-18 ta’ April 2019, il-Kambodja aċċettat il-biċċa l-kbira minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

(40)

Iż-żieda qawwija tal-2019 f’azzjonijiet legali kontra dawk li kienu membri tas-CNRP turi l-użu u l-użu ħażin serju u sistematiku ta’ liġijiet biex jimmiraw, jintimidaw u jagħtu fastidju lill-individwi talli jeżerċitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt li jkollhom opinjonijiet mingħajr indħil u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Iċ-ċittadini tal-Kambodja li jressqu opinjonijiet li ma jaqblux qed jiġu msikkta u mċaħħda mid-dritt tagħhom għal espressjoni ħielsa, dejjem aktar fuq il-midja soċjali u l-pjattaformi online. Jiġu mhedda, intimidati jew jiffaċċjaw akkużi kriminali għal kwalunkwe dissens espress, inkluż permezz tal-użu tad-dispożizzjoni lèse-majesté tal-Kodiċi Kriminali li ġiet introdotta aktar minn sena ilu (24).

2.2.2.    Il-pożizzjoni tal-Kambodja

(41)

Il-Kambodja hija tal-fehma li l-azzjonijiet deskritti hawn fuq kontra l-ġurnalisti u l-midja huma ġġustifikati bl-applikazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti domestiċi tagħha dwar it-tassazzjoni u l-liċenzji tax-xandir. Hija tenfasizza l-għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet tal-midja li bħalissa huma rreġistrati u qed joperaw fil-Kambodja. Tinnota wkoll li awtorizzat diversi stazzjonijiet tar-radju biex jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet u tat permessi lix-xandara tar-radju biex jipprovdu ħin għax-xandir.

(42)

Barra minn hekk, il-Kambodja tirreferi għall-iżviluppi leġiżlattivi reċenti, inkluż l-istabbiliment ta’ kummissjoni li tivvaluta emendi possibbli għal-Liġi dwar l-Istampa u l-ħidma li għaddejja fil-livell interministerjali dwar abbozz ta’ Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni.

2.2.3.    Valutazzjoni

(43)

L-użu ta’ liġijiet biex jiġi ristrett id-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa kwistjoni ta’ tħassib serju. Fid-19 ta’ Ġunju 2019, l-esperti tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u espressjoni, qajmu tħassib dwar l-użu tal-liġi kriminali biex jimmiraw lejn id-diskors liberu, kemm offline kif ukoll online, u fakkru lill-Kambodja li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa wieħed mill-pedamenti essenzjali għal soċjetà demokratika u ġusta u li r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ espressjoni jridu jkunu limitati u ddefiniti b’mod strett. Barra minn hekk, azzjonijiet legali mill-awtoritajiet Kambodjani kontra individwi talli sempliċiment ħarġu dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal mexxejja politiċi mhumiex permessi taħt l-Artikolu 19(3) tal-ICCPR u għalhekk jikkostitwixxu restrizzjonijiet mhux ġustifikati. Il-pożizzjoni tal-Kambodja, b’mod partikolari d-deskrizzjoni tagħha tax-xenarju tal-midja fil-pajjiż, hija f’kuntrast qawwi mal-klassifikazzjoni tagħha fil-pożizzjoni 143 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa. Fit-8 ta’ Novembru 2019, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja fakkar lill-Kambodja li l-arresti bbażati fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ opinjoni u espressjoni permezz ta’ diskors politiku u kummenti dwar l-affarijiet pubbliċi, mhumiex permessi.

(44)

B’mod konsistenti ma’ għadd kbir ta’ rapporti disponibbli tas-soċjetà ċivili u tal-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kummissjoni ssib ukoll li l-Kambodja llimitat id-dritt għal-libertà tal-espressjoni permezz tal-użu ta’ liġijiet u azzjonijiet ġudizzjarji u amministrattivi, b’mod partikolari azzjonijiet kontra ġurnalisti, l-istampa u midja oħra, NGOs u individwi inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. L-azzjonijiet tal-Kambodja biex jirrimedjaw dawn in-nuqqasijiet ma mmaterjalizzawx, u lanqas il-Kambodja ma ħadet passi biex timplimenta effettivament ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU — minkejja li aċċettathom — dwar l-indipendenza tal-midja u l-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti (25).

(45)

Il-fatt li l-Kambodja impenjat ruħha li tirrevedi u/jew temenda għadd ta’ liġijiet tagħha, inkluż fl-okkażjoni tal-EPU tal-2019, u ħadet għadd ta’ passi amministrattivi lejn tali rieżami u/jew emendi sa mill-bidu tal-proċedura ta’ rtirar temporanju, s’issa għadu ma wassalx għal progress tanġibbli biex il-liġijiet tal-Kambodja jinġiebu f’konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Artikolu 19 tal-ICCPR.

(46)

Il-Kummissjoni tfakkar li, filwaqt li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni jista’ jkun soġġett għal ċerti restrizzjonijiet, tali restrizzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tal-ICCPR, inkluża l-kundizzjoni li kwalunkwe restrizzjoni tkun meħtieġa f’soċjetà demokratika u proporzjonata. Madankollu, il-Kummissjoni ssib li l-Kambodja ma wrietx b’mod suffiċjenti li r-restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-libertà tal-espressjoni stabbiliti fil-qafas legali tagħha u l-implimentazzjoni tiegħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-ICCPR.

2.2.4.    Konklużjonijiet dwar l-Artikolu 19 tal-ICCPR

(47)

Wara li kkunsidrat in-natura tad-drittijiet miksura, it-tul taż-żmien, l-iskala u l-impatt tal-ksur, il-Kummissjoni ssib li l-użu tal-liġi tal-Kambodja u l-azzjonijiet ġudizzjarji u amministrattivi tagħha biex tirrestrinġi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u n-nuqqas tagħha li tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura spazju ċiviku ħieles, jammontaw għal ksur serju u sistemiku tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-ICCPR, fis-sens tal-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP.

2.3.    Id-dritt għal-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Assemblea Paċifika (l-Artikoli 21 u 22 tal-ICCPR)

(48)

L-Artikolu 21 tal-ICCPR jipprovdi li d-dritt ta’ assemblea paċifika għandu jiġi rikonoxxut. L-ebda restrizzjoni ma tista’ titpoġġa fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għajr dawk imposti f’konformità mal-liġi u li huma meħtieġa f’soċjetà demokratika fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew is-sigurtà pubblika, l-ordni pubbliku (ordre public), il-ħarsien tas-saħħa pubblika jew il-morali pubbliċi jew il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

(49)

L-Artikolu 22 tal-ICCPR jipprevedi li:

“1.

Kull persuna għandu jkollha d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni ma’ oħrajn, inkluż id-dritt li tifforma u tissieħeb ma’ trade unions għall-protezzjoni tal-interessi tagħha.

2.

Ma għandu jkun hemm ebda restrizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ħlief dawk li jkunu preskritti bil-liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, l-ordni pubblika (ordre public), il-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali pubbliċi jew il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet legali fuq il-membri tal-forzi armati u tal-pulizija fl-eżerċizzju tagħhom ta’ dan id-dritt.

3.

Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jawtorizza lill-Istati Firmatarji għall-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-1948 dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-protezzjoni tad-dritt ta’ organizzazzjoni, biex jieħdu miżuri leġiżlattivi li jippreġudikaw, jew japplikaw il-liġi b’tali mod li tippreġudika, il-garanziji previsti f’dik il-Konvenzjoni.”

2.3.1.    Sejbiet

(50)

Il-Kambodja għandha fis-seħħ Liġi dwar l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (il-“LANGO”), li timponi numru ta’ restrizzjonijiet fuq ir-reġistrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet u fuq l-attivitajiet tagħhom, kif ukoll fuq obbligi estensivi ta’ rappurtar. B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 8 tal-LANGO jinkludi raġunijiet wiesgħa għar-restrizzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (“OSĊ”). L-Artikolu 9 tal-LANGO jobbligahom jirreġistraw sabiex jitħallew iwettqu kull attività. L-Artikolu 25 tal-LANGO, flimkien mal-Artikolu 30 tiegħu, jimponi rekwiżiti ta’ rapportar, li xi wħud minnhom mhumiex ċari, li jpoġġu fuq l-OSĊ restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dawk permissibbli skont l-Artikolu 22(2) tal-ICCPR. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ newtralità (26) tal-Artikolu 24 tal-LANGO mhuwiex iddefinit u l-applikazzjoni tiegħu mhijiex ċara. Fl-aħħar nett, il-LANGO jippermetti s-sospensjoni jew it-tneħħija mil-lista ta’ OSĊ minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istatut tagħha stess anke meta dan in-nuqqas ma jikkostitwix reat taħt il-liġi tal-Kambodja.

(51)

Minbarra l-qafas legali tagħha vag u nieqes miċ-ċarezza skont il-LANGO, il-Kambodja qed tieħu għadd ta’ azzjonijiet biex trażżan l-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni. B’mod partikolari, l-arresti u d-detenzjoni ta’ attivisti ewlenin tas-soċjetà ċivili, tad-dritt ta’ art u ambjentali, minkejja sentenzi sospiżi jew maħfra rjali, irriżultaw fi tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili (27). Minkejja l-fatt li l-avviż minn qabel ta’ tlett ijiem għal avvenimenti tas-soċjetà ċivili ġie mħassar f’Novembru 2018, il-Kummissjoni rċeviet stejjer minn OSĊ, inkluż waqt missjoni ta’ Ġunju 2019 fil-Kambodja, li huma qed ikomplu jesperjenzaw monitoraġġ intrużiv u fastidju mill-pulizija lokali, mill-militar u mill-ġudikatura. Ċerti OSĊ irrappurtaw monitoraġġ mill-gvern tal-membri tal-familja tagħhom.

(52)

Din is-sitwazzjoni hija kkonfermata mill-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ Lulju 2019 dwar ir-rwol u l-kisba tal-OHCHR fil-Kambodja (28), fejn l-OHCHR jikkonferma rapporti ta’ monitoraġġ mill-qrib tal-attivitajiet tal-OSĊ mill-pulizija u jappella lill-Kambodja biex twessa’ l-ispazju għall-OSĊ. It-tħassib huwa rifless ukoll fir-rapport tal-Eżami Perjodiku Universali (“EPU”) tal-2019. Il-Kambodja aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU li jħeġġu lill-pajjiż iwaqqaf kull tip ta’ fastidju, intimidazzjoni, użu ta’ forza u interferenza arbitrarja mad-drittijiet għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ assemblea paċifika (29).

2.3.2.    Il-pożizzjoni tal-Kambodja

(53)

Il-Kambodja tiġġustifika l-azzjonijiet tagħha fuq il-bażi li l-awtoritajiet lokali jeħtieġ li jiżguraw is-sigurtà u l-ordni pubbliku, u li l-OSĊ inkwistjoni kienu qegħdin iwettqu attivitajiet ultra vires jew iwasslu messaġġi li jiksru l-liġi.

(54)

Il-Kambodja tikkonferma l-impenn tagħha li tirrevedi l-LANGO u tiddikjara li għaddejjin konsultazzjonijiet mal-OSĊ u li fi kwalunkwe pajjiż demokratiku dan il-proċess jeħtieġ iż-żmien.

(55)

Il-Kambodja żżid li l-ħidma preparatorja dwar abbozz ta’ Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni qed isseħħ f’kooperazzjoni sħiħa ma’ organizzazzjonijiet tan-NU bħall-OHCHR u l-uffiċċju tal-Unesco f’Phnom Penh. Il-Kambodja, barra minn hekk, estendiet l-iskadenzi għall-obbligi tat-taxxa u tar-reġistrazzjoni tat-taxxa għall-OSĊ.

2.3.3.    Valutazzjoni

(56)

It-tħassib dwar il-LANGO u l-implikazzjonijiet tagħha fuq il-kapaċità tal-OSĊ u l-individwi li jaġixxu għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u għall-promozzjoni tat-trasparenza u r-responsabbiltà ġew espressi mill-OHCHR diġà fl-2015, u mill-kelliem tal-OHCHR f’Awwissu 2017. In-nuqqasijiet tal-LANGO tqajmu mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), inkluż matul il-missjoni ta’ monitoraġġ tal-2018, u mill-komunità internazzjonali, eż. fl-EPU tal-2019 u mir-Rapporteur Speċjali u s-Segretarju Ġenerali tan-NU.

(57)

Minkejja l-fatt li l-Kambodja ħadet ċerti passi pożittivi, bħat-tnedija ta’ proċess ta’ rieżami tal-LANGO, id-djalogi mal-OSĊ, u t-tħassir tar-rekwiżit ta’ avviż minn qabel ta’ tlett ijiem għall-avvenimenti tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni tqis, abbażi tas-sejbiet tagħha, li dawk il-passi mhumiex biżżejjed biex jingħelbu n-nuqqasijiet eżistenti. B’mod partikolari, il-qafas legali tal-Kambodja jibqa’ mhux mibdul u ma hemm l-ebda implimentazzjoni konkreta ta’ politiki u dikjarazzjonijiet rigward il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-ispazju tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, ikomplu r-rapporti dwar il-monitoraġġ, is-sorveljanza, il-fastidju, l-arresti u d-detenzjoni ta’ rappreżentanti u attivisti tas-soċjetà ċivili (30).

(58)

Fit-3 ta’ Diċembru 2018, il-Kambodja ħarġet dikjarazzjoni li fiha impenjat ruħha li tippromwovi sħubija ġenwina mal-OSĊ. Madankollu, f’Lulju 2019, is-Segretarju Ġenerali tan-NU kompla jħeġġeġ lill-Kambodja biex issaħħaħ il-garanziji fir-rigward tal-ħidma bla xkiel tal-OSĊ ċivili u billi tikkonsolida u twessa’ l-ispazju biex dawn l-organizzazzjonijiet joperaw. Is-Segretarju Ġenerali tan-NU enfasizza wkoll l-importanza tar-rieżami tal-LANGO f’dan ir-rigward (31).

(59)

Abbażi tal-ġurisprudenza internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġurisprudenza tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC), il-Kummissjoni ssib li l-Artikoli 8 u l-Artikolu 25 flimkien mal-Artikolu 30 tal-LANGO jiksru l-Artikolu 22(2) tal-ICCPR. L-Artikoli 9, 20 u 24 tal-LANGO jiksru wkoll l-Artikolu 22(2) tal-ICCPR minħabba tħassib serju rigward l-applikazzjoni tagħhom (32).

(60)

B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni ssib li r-raġunijiet għar-restrizzjoni tar-reġistrazzjoni tal-assoċjazzjonijiet skont l-Artikolu 8 tal-LANGO jmorru lil hinn minn dak li huwa permess mill-Artikolu 22(2) tal-ICCPR. Il-Kummissjoni ssib ukoll li l-Artikolu 25 tal-LANGO flimkien mal-Artikolu 30 tagħha, jimponi rekwiżiti ta’ rappurtar dwar OSĊ li jmorru lil hinn minn dawk permissibbli skont l-Artikolu 22(2) tal-ICCPR. Barra minn hekk, il-formulazzjoni vaga u l-applikazzjoni mhux ċara tar-rekwiżit ta’ newtralità stabbilit fl-Artikolu 24 tal-LANGO ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 22(2) tal-ICCPR.

2.3.4.    Konklużjonijiet dwar l-Artikoli 21 u 22 tal-ICCPR

(61)

Fid-dawl tan-natura tad-drittijiet miksura, tat-tul, tal-iskala u tal-impatt tal-ksur, il-Kummissjoni ssib li l-użu mill-Kambodja tal-liġijiet tagħha u l-azzjonijiet ġudizzjarji u amministrattivi tagħha biex tillimita d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ assemblea paċifika u n-nuqqas tagħha li tieħu passi effettivi biex tiżgura spazju ċiviku liberu, jikkostitwixxu ksur serju u sistemiku tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 21 u 22 tal-ICCPR, fis-sens tal-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP.

(62)

Il-Kummissjoni tfakkar li filwaqt li d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ assemblea paċifika jista’ jkun soġġett għal ċerti restrizzjonijiet, tali restrizzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(2) tal-ICCPR, inkluża l-kundizzjoni li kwalunkwe restrizzjoni tkun meħtieġa f’soċjetà demokratika u proporzjonata. Madankollu, il-Kummissjoni ssib li l-Kambodja ma wrietx b’mod suffiċjenti li r-restrizzjonijiet fuq id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u għal assemblea paċifika pprovduti taħt il-liġijiet tagħha jew imposti jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 tal-ICCPR (33).

3.   KWISTJONIJIET PENDENTI SKONT IL-KONVENZJONIJIET 87 U 98 TAL-ILO KIF UKOLL TAL-ICESCR

3.1.    Drittijiet tax-xogħol — libertà ta’ assoċjazzjoni, dritt ta’ organizzazzjoni u negozjar kollettiv (l-Artikoli 2, 3, 4 u 7 tal-Konvenzjoni 87 tal-ILO; l-Artikoli 1 u 3 tal-Konvenzjoni 98 tal-ILO; l-Artikoli 19, 21 u 22 tal-ICCPR; l-Artikoli 7 u 8 tal-ICESCR)

(63)

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-informazzjoni u l-aġġornament ipprovduti mill-Kambodja rigward il-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tax-xogħol stipulati fin-Notifika ta’ Bidu.

(64)

Il-Kummissjoni tinnota li l-azzjonijiet tal-Kambodja sa mit-tnedija tal-proċedura ta’ rtirar temporanju fi Frar 2019 juru li sar xi titjib fuq kwistjonijiet dwar id-drittijiet tax-xogħol. Madankollu, għad hemm nuqqasijiet u ksur serji dwar żewġ kwistjonijiet, jiġifieri l-konklużjoni tal-kawżi ċivili u kriminali kontra l-mexxejja tat-trade unions u l-investigazzjonijiet tal-qtil ta’ mexxejja tat-trade unions, kif irrakkomandat mill-ILO.

(65)

Il-Kummissjoni ssib li irrispettivament minn progress konsiderevoli fir-riżoluzzjoni ta’ bosta kawżi kriminali, ċivili u mhux riżolti tax-xogħol li jikkonċernaw mexxejja tat-trade unions, attivisti u ħaddiema, il-każijiet miftuħa kollha li fadal għandhom jiġu solvuti mingħajr dewmien. Is-soluzzjoni ta’ ħafna każijiet, filwaqt li ta’ min ifaħħarha, ma tinnegax l-okkorrenza preċedenti ta’ arresti arbitrarji, anki jekk it-tul ta’ żmien tagħhom kien qasir.

(66)

Il-Kummissjoni tinnota n-nuqqas ta’ riżultati konkreti fl-investigazzjonijiet tal-qtil ta’ mexxejja ta’ trade unions fl-2004 u fl-2007. Barra minn hekk, minkejja l-impenn tal-Kambodja li tressaq lill-awturi quddiem il-ġustizzja malajr kemm jista’ jkun, u l-organizzazzjoni tal-laqgħa tripartitika ad hoc imsejħa mill-Kummissjoni Nazzjonali dwar ir-Rieżami tal-Applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet Internazzjonali tax-Xogħol Ratifikati mill-Kambodja f’Jannar 2019 u l-laqgħa interministerjali ta’ Frar 2019, dawk l-investigazzjonijiet għadhom miftuħa.

(67)

Il-Kummissjoni ssib li l-kawżi ċivili u kriminali mhux solvuti kontra l-mexxejja tat-trade unions, u n-nuqqas li jiġu konklużi l-investigazzjonijiet indipendenti tal-qtil ta’ mexxejja tat-trade unions, huma ksur serju tal-prinċipji tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbiliti fil-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO 87 u 98, kif ukoll tal-Artikoli 19, 21 u 22 tal-ICCPR.

(68)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li jenħtieġ li jitnieda ċiklu ġdid ta’ negozjati mas-sħab soċjali biex titkompla r-reviżjoni tal-Liġi dwar it-Trade Unions (LTU) mingħajr dewmien. Ir-reviżjoni għandha tagħti prijorità lill-ftuħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-LTU għall-ħaddiema u għall-impjegati taċ-ċivil kollha, id-dispożizzjonijiet addizzjonali biex tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni ta’ trade unions u assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, u l-protezzjoni kontra l-atti kollha ta’ diskriminazzjoni kontra t-trade unions bl-objettiv li tiġi żgurata konformità sħiħa tal-LTU mal-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO.

3.2.    Drittijiet tan-nondiskriminazzjoni, tal-art u tad-djar (l-Artikoli 2(2) u 11(1) tal-ICESCR)

(69)

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-informazzjoni u l-aġġornament ipprovduti mill-Kambodja rigward it-titoli tal-art, inkluż ir-rikonoxximent tas-sitwazzjoni tal-popli indiġeni fil-pajjiż. Il-Kummissjoni tinnota li sar progress tanġibbli fil-Kambodja fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar l-art li jikkonċerna konċessjonijiet ekonomiċi tal-art fis-settur taz-zokkor minn mindu tnediet il-proċedura ta’ rtirar temporanju. Madankollu, għad hemm nuqqasijiet fl-oqsma tar-reġistrazzjoni tal-art, tal-għoti ta’ titoli u n-nuqqas ta’ rieżami xieraq u imparzjali kif ukoll l-indirizzar ta’ kwistjonijiet rigward id-drittijiet tal-komunitajiet indiġeni. Huma meħtieġa aktar sforzi sabiex jiġi stabbilit qafas legali adatt biex jiġu żgurati mekkaniżmi trasparenti u inklużivi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar l-art.

4.   KONKLUŻJONIJIET

(70)

Skont l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP, il-preferenzi tariffarji skont l-arranġamenti preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jiġu rtirati temporanjament għal raġunijiet ta’ ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet NU/ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol.

(71)

Minħabba l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet deskritti fit-taqsimiet 2.1, 2.2 u 2.3, in-natura tad-drittijiet miksura, u t-tul ta’ żmien, l-iskala u l-impatt tal-azzjonijiet u l-omissjonijiet tal-Kambodja, il-Kummissjoni ssib ksur serju u sistematiku mill-Kambodja tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 19, 21, 22 u 25 tal-ICCPR.

(72)

Konsegwentement, u wara li qieset il-kummenti u l-fehmiet tal-Kambodja, il-Kummissjoni tqis li l-arranġament preferenzjali mogħti lill-Kambodja jenħtieġ li jiġi rtirat temporanjament sakemm jiġi deċiż li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-irtirar ma għadhomx japplikaw.

(73)

Fil-valutazzjoni ta’ liema prodotti għandhom jiġu affettwati, il-Kummissjoni tqis il-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku tal-Kambodja u l-objettivi tar-Regolament SĠP, inkluża l-ħtieġa li l-Kambodja tiddiversifika l-bażi tal-esportazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis l-impatt soċjoekonomiku tal-irtirar, inkluż l-impatt fuq il-ħaddiema u l-industriji.

(74)

Il-Kummissjoni tqis ukoll il-progress li sar mill-Kambodja sa mill-bidu tal-proċedura ta’ rtirar temporanju. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota l-kooperazzjoni pożittiva mal-Kambodja matul il-proċess kollu.

(75)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-preferenzi tariffarji skont ir-Regolament SĠP jenħtieġ li jiġu rtirati fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Kambodja. Dawn il-prodotti jaqgħu taħt il-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata li ġejjin (“HS”): 1212 93, 4201 00, 4202, 4203, 4205 00, 4206 00, 6103 41, 6103 43, 6103 49, 6105, 6107, 6109, 6115 10, 6115 21, 6115 22, 6115 29, 6115 95, 6115 96, 6115 99, 6203 41, 6203 43, 6203 49, 6205, 6207, 6211 32, 6211 33, 6211 39, 6211 42, 6211 43, 6211 49, 6212, 6403 19, 6403 20, 6403 40, 6403 51, 6403 59, 6403 91, 6403 99, 6405 u 6406.

(76)

Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni fil-Kambodja, inkluż dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet ċivili u politiċi, id-drittijiet tax-xogħol, u d-drittijiet tal-art u tad-djar. Il-Kummissjoni tista’ temenda l-irtirar tal-preferenzi tariffarji. Jekk il-Kambodja tindirizza bis-sħiħ il-kwistjonijiet li tqajmu f’dan ir-Regolament Delegat, il-Kummissjoni tista’ ddaħħal mill-ġdid il-preferenzi tariffarji skont l-Artikolu 20 tar-Regolament SĠP,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Anness II, taħt l-intestatura “Pajjiżi benefiċjarji tal-arranġament ġenerali msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) li ġew irtirati temporanjament minn dan l-arranġament, fir-rigward tal-prodotti kollha jew ta’ ċerti prodotti li joriġinaw f’dawn il-pajjiżi”, it-test u t-tabella huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Kolonna A: kodiċi alfabetiku, skont in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika tal-kummerċ estern tal-Unjoni

Kolonna B: isem

Kolonna C: Kodiċijiet SA tal-prodotti li għalihom il-preferenzi tariffarji msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) ġew irtirati temporanjament

A

B

C

KH

Il-Kambodja

4201 00 , 4202, 4203, 4205 00 , 4206 00 , 6103 41 , 6103 43 , 6103 49 , 6105, 6107, 6109, 6115 10 , 6115 21 , 6115 22 , 6115 29 , 6115 95 , 6115 96 , 6115 99 , 6203 41 , 6203 43 , 6203 49 , 6205, 6207, 6211 32 , 6211 33 , 6211 39 , 6211 42 , 6211 43 , 6211 49 , 6212, 6403 19 , 6403 20 , 6403 40 , 6403 51 , 6403 59 , 6403 91 , 6403 99 , 6405, 6406”

(2)

Fl-Anness IV, wara l-ewwel tabella taħt l-intestatura “Pajjiżi benefiċjarji tal-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2)”, it-test u t-tabella huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Pajjiżi benefiċjarji tal-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) li ġew irtirati temporanjament minn dak l-arranġament, fir-rigward tal-prodotti kollha jew ta’ ċerti prodotti li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi

Kolonna A: kodiċi alfabetiku, skont in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika tal-kummerċ estern tal-Unjoni

Kolonna B: isem

Kolonna C: Kodiċijiet SA tal-prodotti li għalihom il-preferenzi tariffarji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) ġew irtirati temporanjament:

A

B

C

KH

Il-Kambodja

1212 93 , 4201 00 , 4202, 4203, 4205 00 , 4206 00 , 6103 41 , 6103 43 , 6103 49 , 6105, 6107, 6109, 6115 10 , 6115 21 , 6115 22 , 6115 29 , 6115 95 , 6115 96 , 6115 99 , 6203 41 , 6203 43 , 6203 49 , 6205, 6207, 6211 32 , 6211 33 , 6211 39 , 6211 42 , 6211 43 , 6211 49 , 6212, 6403 19 , 6403 20 , 6403 40 , 6403 51 , 6403 59 , 6403 91 , 6403 99 , 6405, 6406”

Artikolu 2

L-irtirar temporanju msemmi fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 1 ma japplikax fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li diġà jinsabu fit-triq lejn l-Unjoni fit-12 ta’ Awwissu 2020, dment li d-destinazzjoni ta’ tali prodotti ma tkunx tista’ tinbidel. F’dan il-każ, ikun meħtieġ dokument ta’ sostenn validu fil-forma ta’ polza ta’ kargu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-12 ta’ Awwissu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 55, 12.2.2019, p. 11.

(3)  Dawn l-akkużi kienu bbażati fuq reġistrazzjoni bil-vidjo tal-2013 fejn Kem Sokha ddiskuta strateġija biex jirbaħ voti bl-għajnuna ta’ esperti barranin. Ara UA KHM 5/2017, it-8 ta’ Settembru 2017. Ara wkoll A/HRC/39/73/Add.1, is-7 ta’ Settembru 2018.

(4)  Fid-9 ta’ Diċembru 2019, qorti tal-Kambodja ħabbret il-bidu tal-proċess ta’ Kem Sokha fil-15 ta’ Jannar 2020.

(5)  A/HRC/39/73/Add.1, para. 20.

(6)  58 minn 62 siġġu tas-Senat huma eletti indirettament minn membri tal-Kunsilli tal-Komun. Erba’ siġġijiet tas-Senat addizzjonali huma soġġetti għan-nomina mir-Re u l-Assemblea Nazzjonali.

(7)  Il-Kambodja targumenta li l-atti ta’ Kem Sokha ntwerew f’vidjo li fih huwa allegatament ammetta li kien qiegħed jaġixxi skont l-ordni ta’ poter barrani u li huwa kellu l-għan aħħari li jbiddel il-kap tal-Gvern fl-ogħla livell.

(8)  Ara r-Rapport Konġunt tal-UNCT dwar il-Kambodja fil-kuntest tat-tielet ċiklu tal-EPU tal-Kambodja, para. 11.

(9)  OHCHR, Analiżi tad-drittijiet tal-bniedem tal-liġi emendata dwar il-partiti politiċi, it-28 ta’ Marzu 2017.

(10)  Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, A/HRC/39/73, para.76 (2018).

(11)  A/HRC/42/60, para. 7.

(12)  A/HRC/39/73/Add.1, para. 20.

(13)  UA KHM 5/2017, it-8 ta’ Settembru 2017.

(14)  Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Opinjonijiet adottati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja fil-wieħed u tmenin sessjoni tiegħu, is-17-26 ta’ April 2018, A/HRC/WGAD/2018/9, il-punt 57.

(15)  A/HRC/WGAD/2018/9, il-punti 47 u 61.

(16)  UA KHM 5/2017, it-8 ta’ Settembru 2018.

(17)  A/HRC/39/73/Add.1, il-15 ta’ Awwissu 2018, para. 87.

(18)  Id., para. 23 u para. 87.

(19)  A/HRC/39/73, para. 89.

(20)  Ara wkoll A/HRC/42/60, is-27 ta’ Awwissu 2019, para. 71.

(21)  Id., para. 5.

(22)  Il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (HRC), Kumment Ġenerali Nru 34, l-Artikolu 19, Libertajiet ta’ opinjoni u espressjoni, CCPR/C/GC/34, 11 (it-12 ta’ Settembru 2011).

(23)  Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Eżami Perjodiku Universali: Il-Kambodja, A/HRC/41/17, p. 11 et seq. inter alia r-rakkomandazzjonijiet 110.12, 110.27, 110.29, 110.81, 110.83, 110.85, 110.87, 110.91, 110.93, 110.94, 110.96, 110.98 u 110.99 (il-5 ta’ April 2019).

(24)  F’dan ir-rigward ara d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tat-8 ta’ Novembru 2019.

(25)  A/HRC/41/17/Add. 1.

(26)  L-Artikolu 24 tal-LANGO jipprevedi li l-OSĊ għandhom iżommu n-newtralità tagħhom lejn il-partiti politiċi fir-Renju tal-Kambodja.

(27)  A/HRC/39/73/Add.1, paġna 9.

(28)  OHCHR (il-31 ta’ Lulju 2019) — Ir-rapport annwali tal-OHCHR dwar il-ħidma tiegħu fil-Kambodja.

(29)  Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Eżami Perjodiku Universali: Il-Kambodja, A/HRC/41/17, l-akronimi miżjuda. B’mod partikolari l-EPU jirrakkomanda li: tiġi emendata l-LANGO sabiex tiġi konformi mal-obbligi tal-Istati skont l-ICCPR u jiġi stabbilit ambjent sigur u abilitanti għas-soċjetà ċivili u t-trade unions. (inter alia: ir-rakkomandazzjonijiet 110.12, 110.25 u 110.102); jiġu protetti l-NGOs u jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-LANGO ma jintużawx biex jagħlqu, jissospendu jew b’xi mod ieħor jaffettwaw b’mod negattiv lill-NGOs (rakkomandazzjoni 110.28); jittieħdu l-miżuri kollha biex jiġu protetti u appoġġati l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħaddiema tat-trade unions, l-attivisti ambjentali u tal-art u ħaddiema oħra tas-soċjetà ċivili (rakkomandazzjoni 110.85); u jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li d-dritt għal-libertà ta’ assemblea u ta’ assoċjazzjoni ma jkunx imfixkel minn restrizzjonijiet arbitrarji u/jew użu eċċessiv tal-forza (rakkomandazzjoni 110.107).

(30)  Ara f’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tat-8 ta’ Novembru 2019 li titlob lill-gvern jirrispetta d-drittijiet għal-libertà ta’ opinjoni, ta’ espressjoni u ta’ assemblea. Ara wkoll l-ittra konġunta tas-soċjetà ċivili lill-Prim Ministru tal-Kambodja tat-8 ta’ Diċembru 2019 li tesprimi allarm għar-repressjoni li minħabba fiha jiġu msikkta opinjonijiet indipendenti u kritiċi u għall-ambjent attwali għad-difensuri tad-drittijiet tax-xogħol, mexxejja tat-trade unions u attivisti tas-soċjetà ċivili.

(31)  A/HRC/42/31 tal-31 ta’ Lulju 2019.

(32)  Analiżi tal-LANGO fir-rigward tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem ilha disponibbli fuq il-Websajt tal-Uffiċċju tal-Kambodja tal-OHCHR mill-2015. Ara pereżempju l-konklużjonijiet tal-OHCHR fil-paġni 17 u 18 li l-Artikolu 24 jikser il-libertà ta’ espressjoni u drittijiet oħra tal-bniedem u li l-Artikolu 25, flimkien mal-Artikolu 30, ipoġġu limitazzjonijiet fuq id-dritt tal-libertà ta’ assoċjazzjoni lil hinn minn dak li huwa permissibbli skont l-Artikolu 22(2) tal-ICCPR.

(33)  Id.


22.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/551

tal-21 ta’ April 2020

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 3

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fit-22 ta’ Ottubru 2018, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika Definizzjoni ta’ Negozju (Emendi għall-IFRS 3) biex jindirizza t-tħassib enfasizzat mir-reviżjoni ta’ wara l-implimentazzjoni tal-IFRS 3 Kombinazzjoni Kummerċjali dwar l-isfidi li tiġi applikata d-definizzjoni fil-prattika. L-objettiv tal-emendi huwa li tiġi ċċarata d-definizzjoni ta’ negozju bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni prattika tagħha.

(3)

Wara l-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonferma li l-emendi għall-Istandard Internazzjonali għar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 3 Kombinazzjoni Kummerċjali jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 3, Kombinazzjoni Kummerċjali, huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 sa mhux aktar tard mid-data li fiha tibda l-ewwel sena finanzjarja tagħha, fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Definizzjoni ta’ Negozju

Emendi għall-IFRS 3

Emendi għall-IFRS 3 Kombinamenti ta’ Negozji

Il-paragrafu 3, id-definizzjoni tat-terminu “negozju” fl-Appendiċi A u l-paragrafi B7–B9, B11 u B12 huma emendati. Il-paragrafi 64P, B7 A–B7C, B8 A u B12 A-B12D, u l-intestaturi fuq il-paragrafi B7 A, B8 u B12, huma miżjuda. Il-paragrafu B10 jitħassar.

IDENTIFIKAZZJONI TA’ KOMBINAMENT TA’ NEGOZJI

3.

Entità għandha tiddetermina jekk tranżazzjoni jew avveniment ieħor huwiex kombinament ta’ negozji billi tapplika d-definizzjoni f’dan l-IFRS, li teħtieġ li l-assi akkwistati u l-obbligazzjonijiet merfugħa jikkostitwixxu negozju. Jekk l-assi akkwistati mhumiex negozju, l-entità li tirrapporta għandha tieħu kont tat-tranżazzjoni jew avveniment ieħor bħala akkwiżizzjoni ta’ assi. Il-paragrafi B5–B12D jipprovdu gwida dwar l-identifikazzjoni ta’ kombinament ta’ negozji u d-definizzjoni ta’ negozju.

DATA U TRANŻIZZJONI EFFETTIVI

Data effettiva

 

...

64P

Id-Definizzjoni ta’ Negozju, maħruġa f’Ottubru 2018, żiedet il-paragrafi B7 A–B7C, D8 A u B12 A–B12D, emendat id-definizzjoni tat-terminu “negozju” fl-Appendiċi A, emendat il-paragrafi 3, B7–B9, B11 u B12 u ħassret il-paragrafu B10. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għal kombinamenti ta’ negozji li d-data tal-akkwiżizzjoni tagħhom tkun fil-bidu jew wara l-bidu tal-ewwel perjodu ta’ rappurtaġġ annwali li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara u li l-akkwisti tal-assi li jseħħu fil-bidu jew wara l-bidu tal-perjodu ta’ dak il-perjodu. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija ta’ dawn l-emendi. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu preċedenti, din tiddivulga dan il-fatt.


Appendiċi A

Termini definiti

...

 

negozju

Sett integrat ta’ attivitajiet u assi li jkun jista’ jitmexxa u ġestit bl-iskop li jipprovdi oġġetti jew servizzi lil klijenti, jiġġenera introjtu minn investiment (bħal dividendi jew imgħax) jew li jiġġenera dħul ieħor minn attivitajiet ordinarji oħra.

DEFINIZZJONI TA’ NEGOZJU (APPLIKAZZJONI TAL-PARAGRAFU 3)

B7

Negozju jikkonsisti f’inputs u proċessi applikati lil dawk l-inputs li jkollhom il-kapaċità li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ outputs. It-tliet elementi ta’ negozju huma ddefiniti kif ġej (ara l-paragrafi B8–B12D għal gwida dwar l-elementi ta’ negozju):

(a)

Dħul: Kwalunkwe riżorsa ekonomika li toħloq outputs, jew li jkollha l-kapaċità li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ outputs, meta proċess wieħed jew aktar jiġu applikati għaliha. Eżempji jinkludu assi mhux kurrenti (inklużi assi intanġibbli jew drittijiet biex jintużaw assi mhux kurrenti), proprjetà intellettwali, il-kapaċità li jinkiseb aċċess għal materjali neċessarji jew drittijiet u għal impjegati.

(b)

Proċess: Kwalunkwe sistema, standard, protokoll, konvenzjoni jew regola li meta tiġi applikata għal input jew inputs, toħloq output jew ikollha l-kapaċità li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ outputs. Eżempji jinkludu proċessi ta’ ġestjoni strateġika, proċessi operattivi u proċessi ta’ ġestjoni tar-riżorsi. Dawn il-proċessi tipikament ikunu dokumentati, iżda l-kapaċità intellettwali ta’ korp ta’ ħaddiema organizzat li jkollu l-kapaċitajiet u l-esperjenza meħtieġa skont regoli u konvenzjonijiet tista’ tipprovdi l-proċessi meħtieġa, li jistgħu jiġu applikati fuq l-inputs biex jinħolqu outputs. (Il-kontabbiltà, il-fatturazzjoni, il-ħdim tal-pagi u sistemi amministrattivi oħrajn tipikament mhumiex proċessi użati biex jinħolqu outputs.)

(c)

Output: Ir-riżultat ta’ inputs u proċessi applikati għal dawk l-inputs li jipprovdu oġġetti jew servizzi lil klijenti, jiġġeneraw introjtu minn investiment (bħal dividendi jew imgħax) jew jiġġeneraw introjtu ieħor minn attivitajiet ordinarji.

Test mhux obbligatorju biex tiġi identifikata konċentrazzjoni ta’ valur ġust

B7 A

Il-paragrafu B7B jistipula test mhux obbligatorju (it-test ta’ konċentrazzjoni) li jippermetti valutazzjoni simplifikata ta’ jekk sett akkwistat ta’ attivitajiet u assi huwiex negozju. Entità tista’ tagħżel li tapplika, jew ma tapplikax, it-test. Entità tista’ tagħmel din l-għażla separatament għal kull tranżazzjoni jew avveniment ieħor. It-test ta’ konċentrazzjoni għandha l-konsegwenzi li ġejjin:

(a)

jekk it-test ta’ konċentrazzjoni jkun issodisfatt, is-sett ta’ attivitajiet u assi jitqies li mhuwiex negozju u ma tkun meħtieġa ebda valutazzjoni oħra.

(b)

jekk it-test ta’ konċentrazzjoni ma jkunx issodisfatt, jew jekk l-entità tagħżel li ma tapplikax it-test, l-entità għandha imbagħad twettaq il-valutazzjoni stipulata fil-paragrafi B8–B12D.


B7B

It-test ta’ konċentrazzjoni jkun issodisfatt jekk sostanzjalment il-valur ġust kollu tal-assi gross akkwistati huwa kkonċentrat f’assi identifikabbli wieħed jew grupp ta’ assi identifikabbli. Għat-test ta’ konċentrazzjoni:

(a)

assi grossi akkwistati għandhom jeskludu l-flus kontanti u l-ekwivalenti, assi ta’ taxxa differita, u avvjament li jirriżultaw mill-effetti ta’ obbligazzjonijiet ta’ taxxa differita.

(b)

il-valur ġust tal-assi gross akkwistati għandu jinkludi kull korrispettiv trasferit (flimkien mal-valur ġust ta’ kull interess nonkontrollanti u l-valur ġust ta’ kull interess miżmum preċedentement) f’eċċess tal-valur ġust tal-assi netti identifikabbli akkwistati. Il-valur ġust tal-assi gross akkwistati jista’ normalment jiġi determinat bħala t-total akkwistat billi jiżdied il-valur ġust tal-korrispettiv trasferit (flimkien mal-valur ġust ta’ kwalunkwe interess nonkontrollanti u l-valur ġust ta’ kull interess miżmum preċedentement) għall-valur ġust tal-obbligazzjonijiet merfugħa (minbarra obbligazzjonijiet tat-taxxa differiti), u mbagħad jeskludu l-oġġetti identifikati fis-subparagrafu (a). Madankollu, jekk il-valur ġust tal-assi akkwistati gross huwa aktar minn dak it-total, kalkolu iktar preċiż jista’ jkun meħtieġ.

(c)

assi identifikabbli uniku għandu jinkludi kull assi jew grupp ta’ assi li jkunu rikonoxxuti u mkejla bħala assi identifikabbli uniku f’kombinament ta’ negozji.

(d)

jekk assi tanġibbli jkun marbut ma’ assi tanġibbli ieħor (jew ma’ assi sottostanti soġġett għal lokazzjoni, kif definit fl-IFRS 16 Lokazzjonijiet) u ma jkunx jista’ jitneħħa u jintuża apparti minnu, mingħajr ma jġarrab kost sinifikanti, jew tnaqqis sinifikanti fl-utilità jew valur ġust ta’ wieħed mill-assi (pereżempju, art u bini), dawk l-assi għandhom jitqiesu bħala assi identifikabbli uniku.

(e)

meta jiġi vvalutat jekk l-assi jkunux simili, entità għandha tikkunsidra n-natura ta’ kull assi identifikabbli uniku u r-riskji assoċjati mal-ġestjoni u l-ħolqien ta’ outputs mill-assi (jiġifieri, il-karatteristiki tar-riskju).

(f)

dawn li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala assi likwidi:

(i)

assi tanġibbli u assi intanġibbli;

(ii)

assi tanġibbli fi klassijiet differenti (pereżempju, inventarju, tagħmir tal-manifattura u karozzi) sakemm ma jitqisux bħala assi identifikabbli uniku skont il-kriterju fis-subparagrafu (d);

(iii)

assi intanġibbli identifikabbli fi klassijiet differenti (pereżempju, ismijiet ta’ ditti, liċenzji u assi intanġibbli li qed jiġu żviluppati);

(iv)

assi finanzjarju u assi mhux finanzjarju;

(v)

assi finanzjarji fi klassijiet differenti (pereżempju, kontijiet riċevibbli u investimenti fi strumenti azzjonarji); kif ukoll

(vi)

assi identifikabbli li huma fl-istess klassi ta’ assi iżda għandhom karatteristiċi tar-riskju differenti b’mod sinifikanti.


B7C

Ir-rekwiżiti fil-paragrafu B7B ma jimmodifikawx il-gwida dwar assi simili fl-IAS 38 Assi Intanġibbli; anqas ma jimmodifikaw it-tifsira tat-terminu “klassi” fl-IAS 16 Proprjetà, Impjanti u Tagħmir, IAS 38 u IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar.

Elementi ta’ negozju

B8

Minkejja li n-negozji normalment ikollhom outputs, outputs mhumiex meħtieġa biex sett integrat ta’ attivitajiet u assi jikkwalifikaw bħala negozju. Biex ikun jista’ jitmexxa u ġestit għall-iskopijiet identifikati fid-definizzjoni ta’ negozju, sett integrat ta’ attivitajiet u assi jeħtieġ żewġ elementi essenzjali—inputs u proċessi applikati għal dawk l-inputs. Negozju mhux bilfors jinkludi l-inputs jew il-proċessi kollha li l-bejjiegħ uża għall-operat ta’ dak in-negozju. Madankollu, sabiex jitqies bħala negozju, sett integrat ta’ attivitajiet u assi għandu jinkludi, bħala minimu, input u proċess sostantiv li flimkien jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-kapaċità li jinħoloq output. Il-paragrafi B12–B12D jispeċifikaw kif wieħed jevalwa jekk proċess huwiex sostantiv.

B8 A

Jekk sett akkwistat ta’ attivitajiet u ta’ assi jkollu l-outputs, il-kontinwazzjoni ta’ dħul waħdu ma jindikax li kemm input kif ukoll proċess sostantiv ġew akkwistati.

B9

In-natura tal-elementi ta’ negozju tvarja skont l-industrija u l-istruttura tal-operazzjonijiet (attivitajiet) ta’ entità, inkluż l-istadju ta’ żvilupp tal-entità. Negozji stabbiliti spiss ikollhom bosta tipi differenti ta’ inputs, proċessi u outputs, filwaqt li negozji ġodda spiss ikollhom ftit inputs u proċessi u xi kultant output (prodott) wieħed biss. Kważi n-negozji kollha jkollhom ukoll obbligazzjonijiet, iżda negozju mhux bilfors ikollu obbligazzjonijiet. Barra minn hekk, sett akkwistat ta’ attivitajiet u assi li ma jkunx negozju jista’ jkollu obbligazzjonijiet.

B10

[Imħassar]

B11

Id-determinazzjoni dwar jekk sett parteċipant ta’ attivitajiet u ta’ assi huwiex negozju għandha tkun ibbażata fuq jekk is-sett integrat huwiex kapaċi li jitmexxa u jiġi ġestit bħala negozju minn parteċipant fis-suq. B’hekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk sett partikolari huwiex negozju, mhuwiex rilevanti jekk bejjiegħ ħaddimx is-sett bħala negozju jew jekk l-akkwirent għandux il-ħsieb li jħaddem is-sett bħala negozju

.

Valutazzjoni jekk il-proċess akkwistat huwiex sostantiv

B12

Il-paragrafi B12 A–B12D jispjegaw kif għandu jiġi vvalutat jekk il-proċess akkwistat huwiex sostantiv jekk is-sett akkwistat ta’ attivitajiet u assi ma jkollux outputs (il-paragrafu B12B) u jekk ikollu outputs (paragrafi B12C).

B12 A

Eżempju ta’ sett akkwistat ta’ attivitajiet u assi li ma jkollux outputs fid-data tal-akkwiżizzjoni huwa entità fi stadju bikri li ma tkunx bdiet tiġġenera dħul. Barra minn hekk, jekk sett akkwistat ta’ attivitajiet u assi kien qiegħed jiġġenera dħul fid-data tal-akkwiżizzjoni, ikun ikkunsidrat bħala li għandu outputs f’dik id-data, anki jekk sussegwentement ma jibqax jiġġenera dħul minn klijenti esterni, pereżempju peress li se jiġu integrati mill-akkwirent.

B12B

Jekk sett ta’ attivitajiet u assi ma jkollux outputs fid-data tal-akkwiżizzjoni, proċess akkwistat (jew grupp ta’ proċessi) għandu jkun ikkunsidrat sostantiv biss jekk:

(a)

ikun importanti għall-abbiltà li jiġu żviluppati jew konvertiti input jew inputs akkwistati f’outputs; kif ukoll

(b)

l-inputs akkwistati jinkludu kemm korp organizzat ta’ ħaddiema li għandhom il-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza biex iwettqu dak il-proċess (jew grupp ta’ proċessi) u inputs oħrajn li l-korp ta’ ħaddiema jkunu jistgħu jiżviluppaw jew jikkonvertu f’outputs. Dawk l-inputs oħrajn jistgħu jinkludu:

(i)

proprjetà intellettwali li jistgħu jintużaw biex jiġi żviluppat prodott jew servizz;

(ii)

riżorsi ekonomiċi oħra li jistgħu jiġu żviluppati biex jinħolqu outputs; jew

(iii)

drittijiet li jinkiseb aċċess għal materjali neċessarji jew drittijiet li jippermettu l-ħolqien ta’ outputs futuri.

Eżempji tal-inputs imsemmija f’subparagrafi (b)(i)–(iii) jinkludu t-teknoloġija, r-riċerka u l-proġetti ta’ żvilupp li għaddejjin, il-proprjetà immobbli u l-interessi minerali.


B12C

Jekk sett ta’ attivitajiet u assi jkollu outputs fid-data tal-akkwiżizzjoni, proċess akkwistat (jew grupp ta’ proċessi) għandu jkun ikkunsidrat sostantiv biss jekk, meta applikat għal input jew inputs akkwistati, ikun:

(a)

importanti għall-abbiltà li jkomplu jipproduċu outputs, u l-inputs akkwistati jinkludu korp organizzat ta’ ħaddiema bil-ħiliet, l-għarfien, jew l-esperjenza meħtieġ biex iwettqu dak il-proċess (jew il-grupp ta’ proċessi); jew

(b)

jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-abbiltà li jkomplu jiġu prodotti outputs u:

(i)

ikkunsidrat uniku jew skars; jew

(ii)

ma jkunx jista’ jiġi sostitwit mingħajr kost, sforz, jew dewmien sinifikanti fl-abbiltà li jkomplu jiġu prodotti outputs.


B12D

Id-diskussjoni addizzjonali li ġejja tappoġġa kemm il-paragrafu B12B kif ukoll il-paragrafu B12C:

(a)

kuntratt akkwistat huwa input u mhux proċess sostantiv. Madankollu, kuntratt akkwistat, pereżempju, kuntratt għall-ġestjoni tal-proprjetà esternalizzata jew għall-ġestjoni tal-assi esternalizzat, jista’ jagħti aċċess għal korp organizzat ta’ ħaddiema. Entità għandha tivvaluta jekk korp organizzat ta’ ħaddiema aċċessat permezz ta’ kuntratt bħal dan iwettaqx proċess sostantiv li l-entità tikkontrolla, u b’hekk tkun akkwistat. Fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati f’din l-evalwazzjoni jinkludu t-tul ta’ żmien tal-kuntratt u t-termini ta’ tiġdid tiegħu.

(b)

diffikultajiet fis-sostituzzjoni ta’ korp organizzat ta’ ħaddiema jistgħu jindikaw li l-korp organizzat ta’ ħaddiema akkwistat iwettaq proċess li huwa importanti għall-abbiltà li jinħolqu l-outputs.

(c)

proċess (jew grupp ta’ proċessi) mhux importanti jekk, pereżempju, huwa anċillari jew minuri fil-kuntest tal-proċessi kollha meħtieġa biex jinħolqu outputs.


DEĊIŻJONIJIET

22.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/552

tal-20 ta’ April 2020

li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE fir-rigward tal-istatus tal-Valle d’Aosta fl-Italja u tar-Reġjun Awtonomu tal-Azores fil-Portugall bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi, u fir-rigward tal-istatus ta’ bosta reġjuni tal-Portugall bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi

(notifikata bid-dokument C(2020) 2260)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-paragrafu 4 tal-Anness A.I u l-paragrafu 7 tal-Anness A.II tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 64/432/KEE tapplika għall-kummerċ ta’ annimali bovini fl-Unjoni. Din tistipula l-kundizzjonijiet li skonthom Stat Membru jew reġjun tiegħu jista’ jiġi ddikjarat uffiċjalment ħieles mit-tuberkulożi jew uffiċjalment ħieles mill-bruċellożi fir-rigward tal-merħliet ta’ annimali bovini.

(2)

L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/467/KE (2) jipprevedi li r-reġjuni tal-Istati Membri mniżżla fil-Kapitolu 2 tal-Anness I tagħha jiġu ddikjarati uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi fir-rigward tal-merħliet ta’ annimali bovini.

(3)

L-Italja ppreżentat lill-Kummissjoni dokumentazzjoni li turi li r-reġjun tal-Valle d’Aosta jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 64/432/KEE biex ikun rikonoxxut bħala reġjun uffiċjalment ħieles mit-tuberkulożi fir-rigward tal-merħliet bovini.

(4)

Il-Portugall ippreżenta lill-Kummissjoni dokumentazzjoni li turi li r-Reġjun Awtonomu tal-Azores minbarra l-gżira ta’ São Miguel jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 64/432/KEE biex ikun rikonoxxut bħala reġjun uffiċjalment ħieles mit-tuberkulożi fir-rigward tal-merħliet ta' annimali bovini.

(5)

Wara li saret evalwazzjoni ta’ dik id-dokumentazzjoni ta’ sostenn, jenħtieġ li r-reġjun tal-Valle d’Aosta fl-Italja u r-Reġjun Awtonomu tal-Azores fil-Portugall, minbarra l-gżira ta’ São Miguel, jiġu rrikonoxxuti bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolożi fir-rigward tal-merħliet bovini.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/467/KE jiġi emendat skont dan.

(7)

L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2003/467/KE jipprevedi li r-reġjuni tal-Istati Membri mniżżla fil-Kapitolu 2 tal-Anness II tagħha jiġu ddikjarati uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi fir-rigward tal-merħliet ta' annimali bovini.

(8)

Il-Portugall ippreżenta lill-Kummissjoni dokumentazzjoni li turi li r-reġjuni amministrattivi (distritos) ta’ Aveiro, Viseu, Guarda, Coimbra, Leiria u Castelo Branco fir-reġjun amministrattiv superjuri (região) ta’ Centro jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 64/432/KEE biex ikunu rikonoxxuti bħala reġjuni uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi fir-rigward tal-merħliet ta’ annimali bovini.

(9)

Wara li saret evalwazzjoni ta’ dik id-dokumentazzjoni ta’ sostenn, jenħtieġ li r-reġjuni amministrattivi (distritos) ta’ Aveiro, Viseu, Guarda, Coimbra, Leiria u Castelo Branco fil-Portugall jiġu rikonoxxuti bħala uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi fir-rigward tal-merħliet bovini.

(10)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/467/KE tat-23 ta’ Ġunju 2003 li tistabbilixxi l-istatus ta’ xi Stati Membri u reġjuni fl-Istati Membri bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkolosi, bruċellosi u lewkosi bovina enżootika fir-rigward tal-merħliet ta’ annimali bovini (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 74).


ANNESS

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE huma emendati kif ġej:

(1)

fil-Kapitolu 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/467/KE, l-entrati għall-Italja u l-Portugall huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

“Fl-Italja:

Ir-Reġjun tal-Abruzzo: Il-Provinċja ta’ Pescara,

Il-Provinċja ta’ Bolzano,

Ir-Reġjun tal-Emilia-Romagna,

Ir-Reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia,

Ir-Reġjun tal-Lazio: Il-Provinċji ta’ Frosinone, Rieti, Viterbo,

Ir-Reġjun tal-Liguria,

Ir-Reġjun tal-Lombardia,

Ir-Reġjun tal-Marche: Il-Provinċji ta’ Ancona, Ascoli Piceno, Fermo, Pesaro-Urbino,

Ir-Reġjun tal-Piemonte,

Ir-Reġjun ta’ Sardenja: Il-Provinċji ta’ Cagliari, Medio-Campidano, Ogliastra, Olbia- Tempio, Oristano,

Ir-Reġjun tat-Toskana,

Il-Provinċja ta’ Trento,

Ir-Reġjun tal-Umbria,

Ir-Reġjun tal-Valle d’Aosta,

Ir-Reġjun tal-Veneto.

 

Fil-Portugall:

Ir-Região Algarve: id-distritos kollha,

Ir-Região Autónoma dos Açores, minbarra l-Ilha de São Miguel.”

(2)

fil-Kapitolu 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE, l-entrata għall-Portugall hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“Fil-Portugall:

Ir-Região Algarve: id-distritos kollha,

Ir-Região Autónoma dos Açores: Ilhas de Corvo, Faial, Flores, Graciosa, Pico, Santa Maria,

Ir-Região Centro: distritos Aveiro, Viseu, Guarda, Coimbra, Leiria, Castelo Branco.”


22.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/22


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/553

tal-21 ta’ April 2020

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/167 fir-rigward ta’ standards armonizzati għal ċertu tagħmir tan-netwerks ċellulari tat-telekomunikazzjoni mobbli internazzjonali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir tar-radju li jkun konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, irid ikun preżunt konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva, koperti minn dawk l-istandards armonizzati jew minn partijiet minnhom.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5376 (3), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) għall-abbozzar u r-reviżjoni tal-istandards armonizzati għat-tagħmir tar-radju b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE.

(3)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 5376, l-istandards armonizzati tal-ETSI EN 301 908-1 V11.1.1, EN 301 908-3 V11.1.3, EN 301 908-14 V11.1.2 u EN 301 908-18 V11.1.2. Dan wassal għall-adozzjoni, rispettivament, tal-istandards armonizzati EN 301 908-1 V13.1.1, EN 301 908-3 V13.1.1, EN 301 908-14 V13.1.1 u EN 301 908-18 V13.1.1, dwar l-aċċess għall-ispettru tar-radju għal tagħmir tan-netwerks ċellulari tat-Telekomunikazzjoni Mobbli Internazzjonali (IMT).

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mal-ETSI, ivvalutat jekk dawk l-istandards armonizzati jikkonformawx mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 5376.

(5)

L-istandards armonizzati EN 301 908-1 V13.1.1, EN 301 908-3 V13.1.1, EN 301 908-14 V13.1.1 u EN 301 908-18 V13.1.1 jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali li għandhom l-għan ikopru u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2014/53/UE. Għalhekk jixraq li r-referenzi għal dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Ir-referenzi għall-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE huma ppubblikati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/167 (4). Biex ikun żgurat li r-referenzi għall-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE jkunu elenkati f’att wieħed, jenħtieġ li r-referenzi għall-istandards EN 301 908-1 V13.1.1, EN 301 908-3 V13.1.1, EN 301 908-14 V13.1.1 u EN 301 908-18 V13.1.1 ikunu inklużi f’dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(7)

L-istandards armonizzati EN 301 908-1 V13.1.1, EN 301 908-3 V13.1.1, EN 301 908-14 V13.1.1 u EN 301 908-18 V13.1.1 jissostitwixxu rispettivament l-istandards armonizzati EN 301 908-1 V11.1.1, EN 301 908-3 V11.1.3, EN 301 908-14 V11.1.2 u EN 301 908-18 V11.1.2, li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5).

(8)

Għalhekk jenħtieġ jiġu rtirati r-referenzi għall-istandards armonizzati EN 301 908-1 V11.1.1, EN 301 908-3 V11.1.3, EN 301 908-14 V11.1.2 u EN 301 908-18 V11.1.2, mis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Anness III tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/167 jelenka r-referenzi għall-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE rtirati mis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jixraq li dawk is-sustanzi jiddaħħlu f’dak l-Anness. Biex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex jippreparaw għall-applikazzjoni tal-istandards armonizzati EN 301 908-1 V13.1.1, EN 301 908-3 V13.1.1, EN 301 908-14 V13.1.1 u EN 301 908-18 V13.1.1, jenħtieġ jiġi differit l-irtirar tar-referenzi għall-istandards armonizzati EN 301 908-1 V11.1.1, EN 301 908-3 V11.1.3, EN 301 908-14 V11.1.2 u EN 301 908-18 V11.1.2.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/167 tiġi emendata skont dan.

(10)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza għal dan l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/167 hu emendat skont l-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Anness III tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/167 hu emendat skont l-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5376 final tal-4 ta’ Awwissu 2015 dwar talba għal standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni rigward it-tagħmir tar-radju biex tappoġġja d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/167 tal-5 ta’ Frar 2020 dwar l-istandards armonizzati għat-tagħmir tar-radju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 34, 6.2.2020, p. 46).

(5)  ĠU C 326, 14.9.2018, p. 114.


ANNESS I

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/167, jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

Nru

Referenza għall-istandard

“4.

EN 301 908-1 V13.1.1

Netwerks ċellulari IMT; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju; Parti 1: Introduzzjoni u rekwiżiti komuni

5.

EN 301 908-3 V13.1.1

Netwerks ċellulari IMT; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju; Parti 3: Stazzjonijiet Bażi (BS) (UTRA FDD) b’Firxa Diretta CDMA

6.

EN 301 908-14 V13.1.1

Netwerks ċellulari IMT; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju; Parti 14: Stazzjonijiet Bażi (BS) ta’ Aċċess bir-Radju Terrestri Universali Evolut (E-STRA)

7.

EN 301 908-18 V13.1.1

Netwerks ċellulari IMT; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju; Parti 18: Stazzjon Bażi (BS) tar-Radju Multi Standard (MSR) E-UTRA, UTRA u GSM/EDGE”


ANNESS II

Fl-Anness III tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/167, jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

Nru

Referenza għall-istandard

Data tal-irtirar

“8.

EN 301 908-1 V11.1.1

Netwerks ċellulari IMT; Standard armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva 2014/53/UE; Parti 1: Introduzzjoni u rekwiżiti komuni

It-22 ta’ Ottubru 2021

9.

EN 301 908-3 V11.1.3

Netwerks ċellulari IMT; Standard Armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva 2014/53/UE; Parti 3: Stazzjonijiet Bażi (BS) (UTRA FDD) b’Firxa Diretta CDMA

It-22 ta’ Ottubru 2021

10.

EN 301 908-14 V11.1.2

Netwerks ċellulari IMT; Standard Armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva 2014/53/UE; Parti 14: Stazzjonijiet Bażi (BS) ta’ Aċċess bir-Radju Terrestri Universali Evolut (E-STRA)

It-22 ta’ Ottubru 2021

11.

EN 301 908-18 V11.1.2

Netwerks ċellulari IMT; Standard Armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva 2014/53/UE; Parti 18: Stazzjon Bażi (BS) tar-Radju Multi Standard (MSR) E-UTRA, UTRA u GSM/EDGE

It-22 ta’ Ottubru 2021”


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

22.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/26


DEĊIŻJONI Nru 1/2018 TAL-KUMITAT VETERINARJU KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA DWAR KUMMERĊ FI PRODOTTI AGRIKOLI

tat-12 ta’ Ġunju 2018

dwar l-emendar tal-Appendiċi 6 tal-Anness 11 għall-Ftehim [2020/554]

IL-KUMITAT VETERINARJU KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) tal-Anness 11 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (“il-Ftehim Agrikolu”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2)

Skont l-Artikolu 19(1) tal-Anness 11 għall-Ftehim Agrikolu, il-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bil-Ftehim Agrikolu (“il-Kumitat Veterinarju Konġunt”) huwa inkarigat jeżamina l-kwistjonijiet kollha marbutin ma’ dak l-Anness u mal-implimentazzjoni tiegħu, u jwettaq il-kompiti stipulati fih. L-Artikolu 19(3) tal-Anness 11 jawtorizza lill-Kumitat Veterinarju Konġunt jemenda l-Appendiċijiet għal dak l-Anness, b’mod partikolari sabiex jadattahom u jaġġornahom.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 2/2003 tal-Kumitat Veterinarju Konġunt (2) emendat l-Appendiċijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6 u 11 tal-Anness 11 għall-Ftehim Agrikolu għall-ewwel darba.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kumitat Veterinarju Konġunt (3) emendat l-aħħar l-Appendiċijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 10 u 11 tal-Anness 11 għall-Ftehim Agrikolu.

(5)

L-Iżvizzera bbenefikat minn bosta perjodi suċċessivi li matulhom setgħet tidderoga mill-eżami għall-preżenza tat-Trichinella fil-karkassi u fil-laħam tal-ħnieżer domestiċi maħsubin għat-tismin u għall-qatla fl-istabbilimenti tal-qatla b’kapaċità baxxa. F’aktar minn 50 sena ma ġie identifikat l-ebda każ ta’ Trichinella fl-Iżvizzera. Barra minn hekk, l-Iżvizzera għandha programm ta’ detezzjoni effiċjenti u impenjat ruħha biex il-laħam tal-ħnieżer domestiċi li jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni Ewropea dejjem jiġi ttestjat għat-Trinchinella fil-karkassi u fil-laħam. Għalhekk huwa possibbli li d-deroga ssir waħda permanenti.

(6)

Sabiex jiġi evitat il-waqfien ta’ prattiki eżistenti u li qed jiffunzjonaw sew u biex tiġi żgurata l-kontinwità legali li ma tikkawżax konsegwenzi negattivi prevedibbli, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tiġi applikata retroattivattivament b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017.

(7)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Appendiċi 6 tal-Anness 11 għall-Ftehim Agrikolu jiġi emendat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Appendiċi 6 tal-Anness 11 tal-Ftehim Agrikolu huwa b’dan emendati kif ġej:

1.

Il-punti (4) sa (6) tal-kapitolu “Kundizzjonijiet Speċjali” jinbidlu b’dawn li ġejjin:

“(4)

L-awtoritajiet tal-Iżvizzera jimpenjaw ruħhom biex il-karkassi u l-laħam tal-ħnieżer domestiċi li jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni Ewropea jiġu dejjem sottoposti għall-analiżi tat-Trinchinella.

(5)

Il-metodi ta’ detezzjoni deskritti fil-Kapitoli I u II tal-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 (*1) jintużaw fl-Iżvizzera għat-testijiet tat-Trichinella.

(6)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 (il-paragrafi 1, ittra a, u 3) tal-Ordinanza tat-23 ta’ Novembru 2005 tad-Dipartiment Federali tal-Intern dwar l-iġjene waqt il-qtil tal-annimali (OHyAB; RS 817.190.1) u l-Artikolu 10 (il-paragrafu 8) tal-Ordinanza tas-16 ta’ Diċembru 2016 tad-Dipartiment Federali tal-Intern dwar l-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (RS 817.022.108), il-karkassi u l-laħam tal-ħnieżer domestiċi maħsubin għat-tismin u għall-qatla, kif ukoll il-preparazzjonijiet tal-laħam, il-prodotti tal-laħam u l-prodotti pproċessati derivati tagħhom li mhumiex maħsuba għas-suq tal-Unjoni Eworpea għandhom ikunu mmarkati b’marka speċjali tas-saħħa skont il-mudell speċifikat fl-aħħar subparagrafu tal-Anness 9 tal-Ordinanza tat-23 ta’ Novembru 2005 tad-Dipartiment Federali tal-Intern dwar l-iġjene waqt il-qtil tal-annimali.

Dawn il-prodotti ma jistax isir kummerċ bihom mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-Ordinanza tad-Dipartiment Federali tal-Interntas-16 ta’ Diċembru 2016.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1375 tal-10 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 212, 11.8.2015, p. 7).”."

2.

Il-punt 7 jitħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni, magħmula f’żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata mill-kopresidenti jew minn persuni oħrajn mogħtija s-setgħa biex jaġixxu f’isem il-Partijiet għall-Ftehim Agrikolu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għadha tapplika retrospettivament mill-1 ta’ Jannar 2017.

Magħmul f’Bern, it-12 ta’ Ġunju 2018.

Għall-Unjoni Ewropea

Il-Kap tad-Delegazzjoni

Koen VAN DYCK

Għall-Konfederazzjoni Żvizzera

Il-Kap tad-Delegazzjoni

Hans WYSS


(1)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 2/2003 tal-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli tal-25 ta’ Novembru 2003 li temenda l-Appendiċijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6 u 11 tal-Anness 11 tal-Ftehim [traduzzjoni mhix uffiċjali] (ĠU L 23, 28.1.2004, p. 27).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kumitat Veterinarju Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar l-emendar tal-Appendiċijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 10 u 11 tal-Anness 11 tal-Ftehim (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 128).