ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 89

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
24 ta' Marzu 2020


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/434 tat-23 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali)

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/435 tat-23 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2011/173/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina

4

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/213 tas-17 ta’ Frar 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 314/2004 dwar ċertu miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe ( ĠU L 045, 18.2.2020 )

5

 

*

Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/215 tas-17 ta’ Frar 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe ( ĠU L 045, 18.2.2020 )

6

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/434

tat-23 ta’ Marzu 2020

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/34/PESK (1) dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali).

(2)

Fl-14 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/716 (2) li permezz tagħha adatta u estenda l-mandat tal-EUTM Mali u li stabbilixxa ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perijodu mid-19 ta’ Mejju sat-18 ta’ Mejju 2020.

(3)

Fir-Riżoluzzjonijiet tiegħu 2391 (2017) u 2480 (2019), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU afferma l-impenn qawwi tiegħu lejn is-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi tal-Grupp tal-Ħames Pajjiżi tas-Saħel (G5 tas-Saħel), jiġifieri l-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mauritania u n-Niġer, faħħar il-kontribut tas-sħab bilaterali u multilaterali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, partikolarment ir-rwol tal-missjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTM Mali, EUCAP Sahel Mali u EUCAP Sahel Niger) fl-għoti ta’ taħriġ u parir strateġiku lill-forzi nazzjonali tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, laqa’ l-isforzi tal-forzi Franċiżi biex jappoġġaw l-operazzjonijiet tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel, u appella għal koordinazzjoni adegwata, skambju ta’ informazzjoni u, fejn applikabbli, appoġġ bejn il-MINUSMA, il-Forzi Armati tal-Mali, il-forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel, il-Forzi Franċiżi u l-missjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Mali.

(4)

Wara r-Rieżami Strateġiku tal-Missjoni, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà rrakkomanda li l-mandat ta’ EUTM Mali jiġi emendat u estiż sat-18 ta’ Mejju 2024 u li jitwettaq Rieżami Strateġiku Interim sa mhux aktar tard minn sentejn wara.

(5)

Hu neċessarju wkoll li jiġi stabbilit l-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata ma’ EUTM Mali għall-perijodu mid-19 ta’ Mejju 2020 sat-18 ta’ Mejju 2024.

(6)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/34/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni għandha twettaq missjoni ta’ taħriġ militari fil-Mali (EUTM Mali) sabiex tassisti lill-Forzi Armati tal-Mali (FAM) biex jirrestawraw il-kapaċità militari tagħhom bil-ħsieb li jkunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet militari li jkollhom l-għan li jirrestawraw l-integrità territorjali tal-Mali u jnaqqsu t-theddida ta’ gruppi terroristiċi, u li jipprovdu assistenza militari lill-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel kif ukoll lill-forzi armati nazzjonali fil-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel. L-EUTM Mali ma għandhiex tkun involuta f’operazzjonijiet ta’ ġlied.

2.   L-objettivi strateġiċi ta’ EUTM Mali għandhom ikunu li:

(a)

tikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċità operazzjonali tal-FAM taħt il-kontroll tal-awtoritajiet ċivili leġittimi tal-Mali;

(b)

tappoġġa lill-G5 tas-Saħel permezz tal-operazzjonalizzazzjoni tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel u tal-forzi armati nazzjonali fil-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel.

3.   Għall-fini tal-objettiv imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2, EUTM Mali għandha tipprovdi lill-FAM b’pariri militari, taħriġ, inkluż taħriġ qabel l-istazzjonar, edukazzjoni u mentoraġġ, permezz ta’ akkumpanjament mhux eżekuttiv sal-livell tattiku, sabiex EUTM Mali tkun tista’ ssegwi l-attivitajiet tal-FAM u tissorvelja l-prestazzjoni u l-imġiba tagħhom, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.

4.   Għall-finijiet tal-objettiv imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2, EUTM Mali għandha tipprovdi lill-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel u lill-forzi armati nazzjonali b’pariri militari, taħriġ u mentoraġġ, permezz ta’ akkumpanjament mhux eżekuttiv sal-livell tattiku.

5.   EUTM Mali għandha ssegwi approċċ gradwali u modulari għall-attivitajiet barra mill-Mali b’appoġġ għall-G5 tas-Saħel.

6.   L-attivitajiet ta’ EUTM Mali għandhom jitwettqu b’koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, f’konformità mal-Approċċ Integrat tal-UE, u ma’ atturi oħra involuti fl-appoġġ lill-FAM, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-operazzjoni Barkhane u l-Komunità Ekonomika tal-Istati Afrikani tal-Punent (ECOWAS) biex tissaħħaħ il-koerenza tal-azzjonijiet, jiġi żgurat il-koordinament u r-riżorsi jiġu ottimizzati kif xieraq biex jinkiseb l-aħjar effett, b’rispett dovut għall-qafas istituzzjonali tal-Unjoni. Dawk l-attivitajiet għandhom jiġu appoġġati miċ-Ċellula ta’ Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali (RACC) f’EUCAP Sahel Mali.”.

(2)

fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni ta’ EUTM Mali għall-perijodu mid-19 ta’ Mejju 2020 sat-18 ta’ Mejju 2024 għandu jkun ta’ EUR 133 711 059. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta’ 15 % għall-impenji u 0 % għall-pagamenti.”.

(3)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

2.   Il-mandat ta’ EUTM Mali għandu jasal fi tmiemu fit-18 ta’ Mejju 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK tas-17 ta’ Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta’ Mali (EUTM Mali) (ĠU L 14, 18.1.2013, p. 19).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/716 tal-14 ta’ Mejju 2018 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) (ĠU L 120, 16.5.2018, p. 8).


24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/435

tat-23 ta’ Marzu 2020

li temenda d-Deċiżjoni 2011/173/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/173/PESK (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina.

(2)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2011/173/PESK, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jiġġeddu sal-31 ta’ Marzu 2021.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/173/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2011/173/PESK huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Marzu 2021.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/173/PESK tal-21 ta’ Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 76, 22.3.2011, p. 68).


Rettifika

24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/5


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/213 tas-17 ta’ Frar 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 314/2004 dwar ċertu miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 45 tal-18 ta’ Frar 2020 )

Fil-paġna 1, fl-Artikolu 1 punt 1,

minflok:

“(1)

It-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe’.”,

aqra:

“(1)

It-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe’.”.


24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/6


Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/215 tas-17 ta’ Frar 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 45 tat-18 ta’ Frar 2020 )

Fil-paġna 4, l-Artikolu 1, il-punt 1,

minflok:

“(1)

It-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe’;”,

aqra:

“(1)

It-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK tal-15 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe’;”.