ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 042I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 63
14 ta' Frar 2020


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

ATTI LEĠIŻLATTIVI

 

*

Istruzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet, dwar il-Kawżi Mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

ATTI LEĠIŻLATTIVI

14.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 42/1


ISTRUZJONIJIET PRATTIĊI LILL-PARTIJIET, DWAR IL-KAWŻI MRESSQA QUDDIEM IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

WERREJ

(In-numri jirreferu għall-paragrafi rilevanti)

I.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI 1–9
L-istadji tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom 1
Ir-rappreżentanza tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja 2–3
L-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-għajnuna legali 4–6
Il-protezzjoni tad-data personali 7–9

II.

IL-FAŻI BIL-MIKTUB TAL-PROĊEDURA 10–50
L-għan tal-fażi bil-miktub tal-proċedura 10
Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari 11–12
Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fir-rikorsi diretti 13–19
Ir-rikors 13–14
Ir-risposta 15–16
Ir-replika u l-kontroreplika 17
Talba għal proċedura mħaffa 18
Talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji (Proċedura għal miżuri provviżorji) 19
Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fl-appelli 20–32
Ir-rikors tal-appell 21–25
Ir-risposta għall-appell 26
L-appell inċidentali 27
Ir-risposta għall-appell inċidentali 28
Ir-replika u l-kontroreplika 29–30
L-appelli ppreżentati taħt l-Artikolu 57 tal-Istatut 31
Il-kunfidenzjalità fl-appelli..... 32
L-intervent fir-rikorsi diretti u fl-appelli 33–38
It-talba għal intervent 33
In-nota ta’ intervent 34
L-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent 35
It-talbiet għal intervent tardivi 36
L-intervent fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji jew ta’ proċedura mħaffa 37
L-esklużjoni tal-intervent fil-każ ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari 38
Il-forma u l-istruttura tal-atti proċedurali 39–45
Il-preżentata u t-trażmissjoni tal-atti proċedurali 46–50

III.

IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA 51–69
L-għan tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali 52
It-talba għal seduta 53
Il-konvokazzjoni għas-seduta u n-neċessità ta’ tweġiba rapida għal din il-konvokazzjoni 54
Il-preparamenti li għandhom isiru qabel is-seduta 55–57
L-iżvolġiment normali ta’ seduta għas-sottomossjonijiet orali 58
L-ewwel fażi tas-seduta: it-trattazzjonijiet 59–64
L-għan tat-trattazzjonijiet 59
Ħin għat-trattazzjoni allokat u eventwali estensjoni tiegħu 60
In-numru ta’ persuni li jagħmlu t-trattazzjoni 61
Il-lingwa li fiha jsiru t-trattazzjonijiet...................... 62–64
It-tieni fażi tas-seduta: il-mistoqsijiet tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja 65
It-tielet fażi tas-seduta: ir-repliki 66
L-implikazzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-interpretazzjoni simultanja 67–68
Wara s-seduta għas-sottomossjonijiet orali 69

IV.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI 70–71

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Wara li rat ir-Regoli tal-Proċedura u, b’mod partikolari, l-Artikolu 208 tagħhom,

Filwaqt li tikkunsidra li:

(1)

Fil-25 ta’ Novembru 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 208 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, Istruzzjonijiet prattiċi ġodda lill-partijiet, dwar il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (1). Dawn l-Istruzzjonijiet kienu intiżi li jagħtu lill-partijiet u lir-rappreżentanti tagħhom istruzzjonijiet konkreti, ibbażati fuq ir-Regoli tal-Proċedura l-ġodda adottati fil-25 ta’ Settembru 2012 (2), filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-esperjenza miksuba matul l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni ta’ dawn ir-Regoli.

(2)

Madankollu, mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-Istruzzjonijiet, fl-1 ta’ Frar 2014, kien hemm diversi żviluppi importanti, kemm fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell regolamentari.

(3)

Minn naħa, fil-fatt, il-partijiet qegħdin jużaw dejjem iżjed il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi għat-trażmissjoni tal-atti proċedurali tagħhom, sitwazzjoni li twassal għal iktar ħeffa fit-trattament tal-kawżi iżda li teħtieġ, fl-istess ħin, li jiġu speċifikati iktar kemm il-modalitajiet ta’ tali trażmissjoni kif ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġu ffaċilitati t-trattament u t-traduzzjoni tal-att ippreżentat u, jekk ikun il-każ, sabiex titħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tkun tinsab fih.

(4)

Min-naħa l-oħra, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew emendati diversi drabi mill-2012 lil hawn, kemm sabiex jiġu ċċarati jew speċifikati l-modalitajiet ta’ intervent tal-partijiet quddiem il-qorti, kif ukoll sabiex jiġu riflessi l-bidliet introdotti mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma bħalma huma dawk tal-protezzjoni tad-data personali jew tat-trattament tal-appelli msemmija fl-Artikolu 58a tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u bl-intenzjoni li t-test ikun iktar komprensibbli, hemm għalhekk lok li jiġu adottati Istruzzjonijiet prattiċi ġodda li jieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi msemmija iktar ’il fuq.

(6)

Dawn l-Istruzzjonijiet il-ġodda, li japplikaw għall-kategoriji kollha ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma humiex maħsuba sabiex jieħdu post id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istatut u tar-Regoli tal-Proċedura. L-għan tagħhom huwa li jippermettu lill-partijiet u lir-rappreżentanti tagħhom jifhmu aħjar il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li jispjegaw b’iktar preċiżjoni l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, il-limitazzjonijiet li hija marbuta bihom il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari dawk marbuta mat-trattament u mat-traduzzjoni tal-atti proċedurali jew mal-interpretazzjoni simultanja tal-osservazzjonijiet ippreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. L-osservanza u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-Istruzzjonijiet jikkostitwixxu, kemm għall-partijiet u kemm għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-aqwa garanzija għall-aħjar trattament possibbli tal-kawżi mill-qorti.

TADOTTA DAWN L-ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI:

I.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-istadji tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom

1.

Bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari previsti fil-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) jew fir-Regoli tal-Proċedura, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi, bħala regola ġenerali, fażi bil-miktub u fażi orali. L-għan tal-fażi bil-miktub tal-proċedura huwa li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-ilmenti, il-motivi jew l-argumenti tal-partijiet fil-proċedura jew, fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-osservazzjonijiet li l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut ikunu jixtiequ jressqu fir-rigward tad-domandi magħmula mill-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni. Il-fażi orali, li tkun sussegwenti għall-fażi bil-miktub, għandha l-għan, min-naħa tagħha, li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkompleta u tipperfezjona l-għarfien tagħha tal-kawża permezz tas-smigħ eventwali ta’ dawn il-partijiet jew ta’ dawn il-partijiet interessati matul seduta għas-sottomissjonijiet orali u, jekk ikun il-każ, permezz tal-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

Ir-rappreżentanza tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

2.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Istatut, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom obbligatorjament ikunu rrappreżentati minn persuna debitament awtorizzata għal dan il-għan. Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri, tal-Istati l-oħra li huma parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (iktar ’il quddiem l-“EFTA”) kif ukoll tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, li ġeneralment jiġu rrappreżentati minn aġent maħtur għal kull kawża, il-partijiet l-oħra fil-proċedura għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat li jkun awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim ŻEE. Il-prova ta’ din il-kwalità għandha tkun tista’ tiġi prodotta, fuq sempliċi talba, f’kull stadju tal-proċedura. Skont is-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, l-għalliema tal-università ċittadini ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tirrikonoxxilhom id-dritt li jidhru quddiem qorti għandhom l-istess status bħall-avukati.

3.

Madankollu, fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, fir-rigward tar-rappreżentanza tal-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-regoli proċedurali applikabbli quddiem il-qorti li tkun għamlitilha r-rinviju għal deċiżjoni preliminari. B’hekk, kull persuna li hija awtorizzata tirrappreżenta parti quddiem dik il-qorti tista’ tirrappreżentaha wkoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali jippermettu dan, il-partijiet fil-kawża prinċipali jistgħu jippreżentaw huma stess l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħhom. Fil-każ li jkollha dubji f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, tiġbor l-informazzjoni rilevanti mingħand dawn il-partijiet, mingħand ir-rappreżentanti tagħhom jew mingħand il-qorti li tkun għamlitilha r-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

L-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-għajnuna legali

4.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija bla ħlas u ebda dritt jew taxxa ma huma dovuti lil din tal-aħħar minħabba l-preżentata ta’ rikors jew ta’ att proċedurali. L-ispejjeż imsemmija fl-Artikoli 137 et seq. tar-Regoli tal-Proċedurali jikkonċernaw esklużivament l-ispejjeż imsejħa “li jistgħu jinġabru”, jiġifieri l-ammonti li jistgħu jkunu dovuti lix-xhieda u lill-periti u l-ispejjeż indispensabbli li jkunu saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, marbuta mar-remunerazzjoni tar-rappreżentant tagħhom u, fil-każ li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tiegħu fil-Lussemburgu. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-oneru u l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza, filwaqt li, fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż tal-proċedura.

5.

Jekk parti jew, fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, parti fil-kawża prinċipali, issib li ma huwiex possibbli għaliha li tħallas, kompletament jew parzjalment, l-ispejjeż marbuta mal-istanza, hija tista’, f’kull ħin, titlob il-benefiċċju tal-għajnuna legali taħt il-kundizzjonijiet previsti, rispettivament, fl-Artikoli 115 sa 118 u 185 sa 189 tar-Regoli tal-Proċedura. Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, tali talbiet għandhom madankollu jitressqu flimkien mal-informazzjoni u mad-dokumenti ta’ sostenn kollha li jkunu meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tevalwa s-sitwazzjoni ekonomika reali tal-persuna li tressaq it-talba. Peress li fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar talba ta’ qorti ta’ Stat Membru, il-partijiet fil-kawża prinċipali għandhom jitolbu l-ewwel il-benefiċċju ta’ għajnuna legali li jista’ jkun disponibbli minn dik il-qorti jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, u dan sa fejn l-għajnuna mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biss natura sussidjarja fil-konfront tal-għajnuna mogħtija fuq livell nazzjonali.

6.

Tajjeb jitfakkar li, meta tilqa’ t-talba għal għajnuna legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tħallas, jekk ikun il-każ sal-limiti ffissati mill-kulleġġ ġudikanti, dawk l-ispejjeż biss li jkunu marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza tal-persuna li tkun ressqet it-talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ir-regoli stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu sussegwentement irkuprati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza u li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż, u l-kulleġġ ġudikanti li jkun iddeċieda dwar it-talba għall-għajnuna legali jista’ barra minn hekk jirtira f’kull ħin il-benefiċċju ta’ din l-għajnuna jekk il-kundizzjonijiet li jkunu wassluh sabiex jagħti dan il-benefiċċju jinbidlu fil-mori tal-kawża.

Il-protezzjoni tad-data personali

7.

Bil-ħsieb li tiżgura l-aħjar protezzjoni possibbli tad-data personali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pubblikazzjonijiet li hija twettaq dwar il-kawżi mressqa quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola ġenerali, tittratta l-kawżi għal deċiżjoni preliminari b’forma anonimizzata. Fil-prattika, dan l-approċċ jimplika li, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja taħbi l-kunjom u l-isem tal-persuni fiżiċi msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari u, jekk ikun il-każ, elementi oħra li jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni mill-ġdid tagħhom meta dan ma jkunx diġà sar mill-qorti tar-rinviju qabel ma tkun tressqet it-talba tagħha. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, bil-miktub jew orali, il-partijiet interessati kollha msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut huma mistiedna josservaw l-anonimat mogħti b’dan il-mod.

8.

Dan jgħodd ukoll fil-każ tal-appelli. Ħlief f’ċirkustanzi partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt tosserva l-anonimat mogħti mill-Qorti Ġenerali u l-partijiet fil-proċedura huma mistiedna josservaw ukoll dan l-anonimat fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

9.

Fi kwalunkwe każ, meta parti fi proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq li l-identità tagħha jew ċerta data oħra li tikkonċernaha ma jiġux żvelati fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — jew, għall-kuntrarju, meta din il-parti tkun tixtieq li l-identità tagħha u l-imsemmija data jiġu żvelati fil-kuntest ta’ din il-kawża — hija tista’ tindirizza ruħha lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok jew le li ssir anonimizzazzjoni, totali jew parzjali, tal-kawża inkwistjoni jew li jinżamm l-anonimat li jkun diġà ngħata. Madankollu, sabiex tiġi żgurata n-natura effikaċi tal-anominat, tali rikors għandu jiġi ppreżentat kemm jista’ jkun malajr. Fil-fatt, minħabba l-użu dejjem jikber ta’ teknoloġiji ġodda tal-informatika u tal-komunikazzjoni, ikun ħafna iktar diffiċli li jiġi implimentat l-anominat ladarba l-avviż dwar il-kawża kkonċernata jkun diġà ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew, fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ladarba t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun diġà ġiet innotifikata lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, fi żmien ta’ bejn wieħed u ieħor xahar mit-tressiq tat-talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

II.   IL-FAŻI BIL-MIKTUB TAL-PROĊEDURA

L-għan tal-fażi bil-miktub tal-proċedura

10.

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura għandha rwol essenzjali fil-proċess li jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu konoxxenza sħiħa tal-kawża. Permezz ta’ din il-fażi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ tikseb, minn qari tan-noti jew tal-osservazzjonijiet ippreżentati, idea preċiża tas-suġġett tal-kawża mressqa quddiemha u tal-kwistjonijiet imqajma minnha. Issa, għalkemm dan l-għan huwa komuni għat-trattament tal-kawżi kollha mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iżvolġiment u l-qafas tal-fażi bil-miktub tal-proċedura jvarjaw skont in-natura tar-rikors. Filwaqt li fil-każ tar-rikorsi diretti jew tal-appelli, il-partijiet huma mistiedna jieħdu pożizzjoni dwar in-noti ppreżentati mill-partijiet l-oħra fil-proċedura, il-fażi bil-miktub tal-proċedura fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari hija kkaratterizzata mill-assenza tal-kontradittorju, sa fejn il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut huma sempliċement mistiedna jesprimu l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom dwar id-domandi magħmula minn qorti nazzjonali mingħajr ma jkollhom, bħala prinċipju, konoxxenza tal-pożizzjoni tal-partijiet interessati l-oħra fir-rigward ta’ dawn l-istess domandi. Dan iwassal għal rekwiżiti differenti kemm fir-rigward tal-forma u tal-kontenut tal-imsemmija osservazzjonijiet u kemm fir-rigward tal-iżvolġiment ulterjuri tal-proċedura, u dan filwaqt li jiġi speċifikat, madankollu, li l-parti l-kbira tan-noti jew tal-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura jkollhom jiġu tradotti. Għaldaqstant, għandha dejjem tingħata prijorità lill-użu ta’ sentenzi qosra u sempliċi u l-argumenti tal-partijiet għandhom ikunu jinsabu fin-nota jew fl-osservazzjonijiet tagħhom, u mhux fl-eventwali annessi tagħhom, li ġeneralment ma jiġux tradotti.

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari

11.

Minħabba n-natura mhux kontradittorja tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut ma hija suġġetta għal ebda regoli formali partikolari. B’hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tinnotifikalhom talba għal deċiżjoni preliminari, l-imsemmija partijiet interessati jistgħu jippreżentaw, jekk ikunu jixtiequ, nota li fiha jesponu l-pożizzjoni tagħhom dwar it-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju. L-għan ta’ din in-nota — li għandha tiġi ppreżentata f’terminu, li ma jistax jiġi pprorogat, ta’ xahrejn (miżjud b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza) min-notifika tat-talba għal deċiżjoni preliminari — huwa li tiġi ċċarata lill-Qorti tal-Ġustizzja l-portata ta’ din it-talba u fuq kollox li jiġu proposti r-risposti li skont dawn il-partijiet għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

12.

Għalkemm din l-espożizzjoni għandha tkun kompleta u għandha tinkludi, b’mod partikolari, l-argumenti li jistgħu jservu ta’ bażi għar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula, ma huwiex neċessarju, għall-kuntrarju, li din l-espożizzjoni tindirizza l-kuntest legali jew fattwali tat-tilwima kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju, sakemm dan ma jkunx jeħtieġ osservazzjonijiet addizzjonali. Sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari u bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regoli tal-Proċedura li jipprevedu restrizzjoni tat-tul tal-atti minħabba n-natura urġenti tal-kawża, l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati f’kawża għal deċiżjoni preliminari idealment ma jkunux ta’ iktar minn 20 paġna.

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fir-rikorsi diretti

Ir-rikors

13.

Minħabba n-natura kontradittorja tagħha, il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-każ tar-rikorsi diretti hija suġġetta għal regoli iktar stretti. Dawn huma stabbiliti fl-Artikoli 119 et seq. (Titolu IV) tar-Regoli tal-Proċedura u jikkonċernaw kemm l-obbligu ta’ rappreżentanza tal-partijiet minn aġent jew minn avukat u kemm ir-rekwiżiti formali marbuta mal-kontenut u mal-preżentata tan-noti. B’mod partikolari, mill-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi, minbarra l-ismijiet u l-indirizz tar-rikorrent u d-dettalji tal-parti li kontriha jkun ġie ppreżentat ir-rikors, indikazzjoni preċiża tas-suġġett tal-kawża, tal-motivi u tal-argumenti invokati ssostanzjati, jekk ikun il-każ, permezz ta’ provi jew ta’ proposti ta’ provi, kif ukoll it-talbiet tar-rikorrent. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti jimplika l-inammissibbiltà tar-rikors li, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, idealment ma jkunx ta’ iktar minn 30 paġna.

14.

Kif jirriżulta mill-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura, mar-rikors għandha tiġi inkluża obbligatorjament espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-espożizzjoni — li ma tistax tkun ta’ iktar minn żewġ paġni — hija maħsuba sabiex tiffaċilita r-redazzjoni tal-avviż, dwar kull kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 21(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Ir-risposta

15.

Ir-risposta, imsemmija fl-Artikolu 124 tar-Regoli tal-Proċedura, hija essenzjalment suġġetta għall-istess rekwiżiti formali bħar-rikors u għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tar-rikors. Dan it-terminu — li miegħu għandu jiżdied it-terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza — jista’ jiġi pprorogat biss għal raġunijiet eċċezzjonali u permezz ta’ talba debitament motivata, imressqa qabel ma jiskadi dan it-terminu, li tindika ċ-ċirkustanzi ta’ natura li jiġġustifikaw tali proroga.

16.

Peress li l-kuntest ġuridiku tal-istanza jiġi ffissat mir-rikors, l-argumenti żviluppati fir-risposta għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu strutturati fuq il-bażi tal-motivi jew tal-ilmenti mressqa fir-rikors. Huwa pprojbit li jiġu ppreżentati motivi ġodda fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Barra minn hekk, il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża għandu jiġi espost fir-risposta biss jekk il-preżentazzjoni tiegħu fir-rikors tkun qiegħda tiġi kkontestata jew jekk tkun teħtieġ preċiżazzjonijiet addizzjonali. Bħal fil-każ tar-rikors u sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, ir-risposta idealment ma tkunx ta’ iktar minn 30 paġna.

Ir-replika u l-kontroreplika

17.

Jekk iqisu li jkun neċessarju, ir-rikorrent u l-konvenut jistgħu jikkompletaw l-argumenti tagħhom permezz ta’ replika, fil-każ tar-rikorrent, jew permezz ta’ kontroreplika, fil-każ tal-konvenut. Dawn in-noti huma suġġetti għall-istess regoli formali bħalma huma r-rikors u r-risposta iżda, fid-dawl tan-natura fakultattiva u komplementari tagħhom, huma għandhom ikunu neċessarjament iqsar minn dawn tal-aħħar. Peress li l-kuntest u l-motivi jew l-ilmenti li jkunu fil-qofol tat-tilwima jkunu ġew esposti (jew ikkontestati) b’mod iddettaljat fir-rikors u fir-risposta, l-uniku għan tar-replika u tal-kontroreplika huwa li jippermettu lir-rikorrent u lill-konvenut jippreċiżaw il-pożizzjoni tagħhom jew jirfinaw l-argumenti tagħhom fuq kwistjoni importanti. Barra minn hekk, il-President jista’ anki, skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, jispeċifika huwa stess il-punti li għandhom idealment jiġu indirizzati minn dawn l-atti. Għaldaqstant, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, ir-replika u l-kontroreplika idealment ma jkunux ta’ iktar minn tnax-il paġna. Dawn l-atti għandhom jiġu ppreżentati fir-Reġistru fit-termini mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, termini li jistgħu jiġu pprorogati mill-President biss għal raġunijiet eċċezzjonali u fuq talba debitament motivata.

Talba għal proċedura mħaffa

18.

Meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, ir-rikorrent jew il-konvenut jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawża għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura. Din il-possibbiltà, li hija prevista fl-Artikolu 133 tal-imsemmija Regoli, hija madankollu suġġetta għat-tressiq, permezz ta’ att separat, ta’ talba espliċita f’dan is-sens li tesponi b’mod iddettaljat iċ-ċirkustanzi ta’ natura li jiġġustifikaw l-implimentazzjoni ta’ tali proċedura u timplika, meta tintlaqa’ tali talba, aġġustament tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. It-termini ordinarji għall-preżentazzjoni tan-noti jiġu fil-fatt imqassra, bħalma jitqassar ukoll it-tul tagħhom, u, skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura, replika, kontroreplika jew nota ta’ intervent jistgħu jiġu ppreżentati biss jekk il-President iqis li dan ikun neċessarju.

Talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji (Proċedura għal miżuri provviżorji)

19.

Mar-rikors dirett tista’ titressaq ukoll talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat jew talba għal miżuri provviżorji, talbiet imsemmija, rispettivament, fl-Artikoli 278 u 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “TFUE”). Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura, tali talba madankollu tkun ammissibbli biss jekk min jagħmilha jkun ikkontesta l-att inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew jekk titressaq minn parti fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u għandha titressaq permezz ta’ att separat li jispeċifika kemm is-suġġett tal-kawża u ċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza li tingħata deċiżjoni u kemm il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura mitluba. Bħala regola ġenerali, it-talba mbagħad tiġi nnotifikata lill-parti l-oħra fil-proċedura, liema parti tingħata terminu qasir mill-President sabiex tippreżenta osservazzjoniet bil-miktub jew orali. Fil-każ ta’ urġenza estrema, il-President jista’, b’mod provviżorju, jilqa’ t-talba saħansitra qabel ma jkunu ġew ippreżentati tali osservazzjonijiet. Fit-tali każ, iżda, id-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura għal miżuri provviżorji ma tistax tiġi adottata qabel ma’ tinstema’ din il-parti l-oħra.

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fl-appelli

20.

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-każ ta’ appell tixbah taħt diversi aspetti l-iżvolġiment ta’ din il-fażi fil-kuntest tar-rikorsi diretti. Ir-regoli rilevanti jinsabu fl-Artikoli 167 et seq. (Titolu V) tar-Regoli tal-Proċedura, li jispeċifikaw kemm il-kontenut neċessarju tar-rikors tal-appell u tar-risposta għall-appell u kemm il-portata tat-talbiet tagħhom.

Ir-rikors tal-appell

21.

Kif jirriżulta mill-Artikoli 168 u 169 tar-Regoli tal-Proċedura — li jikkompletaw, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 56 sa 58 tal-Istatut — appell ma jistax jiġi ppreżentat kontra att ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, iżda għandu jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat kontra tali att. Minn din il-preċiżazzjoni jirriżulta li t-talbiet tal-appell għandhom neċessarjament ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tinsab fid-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni, u mhux għall-annullament tal-att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, l-aggravji u l-argumenti legali invokati fl-appell — li, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, idealment ma jkunx ta’ iktar minn 25 paġna — għandhom, taħt piena ta’ inammissibbiltà, jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tal-motivi kkontestati tal-imsemmija deċiżjoni u għandhom jesponu b’mod iddettaljat ir-raġunijiet għaliex din tal-aħħar tkun ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

22.

Barra minn hekk, bil-għan li jiġi ffaċilitat it-tfassil tal-avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 21(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appellant għandu jinkludi, mar-rikors tal-appell tiegħu, espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn l-aggravji, li ma tistax tkun ta’ iktar minn żewġ paġni, u għandu jippreżenta fir-Reġistru l-annessi u d-dokumenti neċessarji li jattestaw l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-Istatut u rriprodotti fl-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura.

23.

Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 58a tal-Istatut, l-appellant għandu barra minn hekk jannetti, mar-rikors tal-appell tiegħu, talba għall-ammissjoni tal-appell, li ma għandhiex tkun ta’ iktar minn seba’ paġni u li għandha tinkludi l-elementi neċessarji kollha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-appell u tkun tista’ tiddetermina, fil-każ ta’ ammissjoni parzjali ta’ dan tal-aħħar, l-aggravji li jkollhom jiġu indirizzati mir-risposta għall-appell.

24.

Fi kwalunkwe każ, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tindika b’mod ċar u preċiż l-aggravji li fuqhom ikun ibbażat l-appell, għandha tidentifika bl-istess ċarezza u preċiżjoni l-punt ta’ liġi mqajjem minn kull aggravju u għandha tesponi, b’mod speċifiku, b’liema mod din il-kwistjoni tkun sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

25.

Konformement mal-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-assenza ta’ tali talba timplika l-inammissibbiltà tal-appell fl-intier tiegħu.

Ir-risposta għall-appell

26.

F’terminu, li ma jistax jiġi pprorogat, ta’ xahrejn minn meta ssirilha n-notifika tal-appell — terminu li miegħu jiżdied it-terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza — kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tista’ tippreżenta risposta għall-appell. Il-kontenut ta’ din in-nota huwa suġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 173 tar-Regoli tal-Proċedura u, skont l-Artikolu 174 tagħhom, it-talbiet tagħha għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqa’ jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment, l-appell. L-argumenti legali żviluppati fir-risposta għall-appell għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu strutturati fuq il-bażi tal-aggravji invokati mill-appellant, iżda ma huwiex meħtieġ li, f’din in-nota, jitfakkar il-kuntest legali u fattwali tat-tilwima, sakemm il-preżentazzjoni tiegħu fir-rikors tal-appell ma tkunx qed tiġi kkontestata jew tkun teħtieġ preċiżazzjonijiet addizzjonali. Min-naħa l-oħra, kontestazzjoni dwar l-ammissibbiltà, totali jew parzjali, ta’ dan l-appell għandha tiġi inkluża fit-test stess tar-risposta għall-appell peress li l-possibbiltà — prevista fl-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura — li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors titqajjem permezz ta’ att separat ma tapplikax għall-appelli. Bħal fil-każ tar-rikors tal-appell, u sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, ir-risposta għall-appell idealment ma tkunx ta’ iktar minn 25 paġna.

L-appell inċidentali

27.

Jekk, meta ssirilha n-notifika tal-appell, parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jkollha l-intenzjoni tikkontesta d-deċiżjoni ta’ dik il-qorti fir-rigward ta’ aspett li ma jkunx tqajjem fir-rikors tal-appell, din il-parti għandha tippreżenta appell inċidentali kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Dan l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ att separat, fl-istess terminu, li ma jistax jiġi pprorogat, bħat-terminu għall-preżentata tar-risposta għall-appell u għandu jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 177 u 178 tar-Regoli tal-Proċedura. L-aggravji u l-argumenti legali inklużi fl-appell inċidentali għandhom neċessarjament ikunu distinti minn dawk invokati fir-risposta għall-appell.

Ir-risposta għall-appell inċidentali

28.

Meta jiġi ppreżentat tali appell inċidentali, l-appellant prinċipali, l-istess bħal kull parti oħra fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li dan l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud, tista’ tippreżenta risposta għall-appell inċidentali, li s-suġġett tagħha għandu jkun limitat għall-aggravji invokati fl-appell inċidentali. Skont l-Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura, din ir-risposta għandha tiġi ppreżentata f’terminu li ma jistax jiġi pprorogat ta’ xahrejn min-notifika tal-appell inċidentali (miżjud b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza).

Ir-replika u l-kontroreplika

29.

Kemm fir-rigward tal-appell prinċipali u kemm fir-rigward tal-appell inċidentali, ir-rikors tal-appell u r-risposta għall-appell jistgħu jiġu kkompletati permezz ta’ replika u kontroreplika, b’mod partikolari sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jieħdu pożizzjoni dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew dwar punti ġodda invokati fir-risposta għall-appell. Madankollu, b’differenza mir-regoli applikabbli għar-rikorsi diretti, din il-possibbiltà hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni espliċita tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan il-għan, l-appellant (jew il-parti li tkun ippreżentat l-appell inċidentali) huwa mistieden iressaq, f’terminu ta’ sebat ijiem min-notifika tar-risposta għall-appell (jew tar-risposta għall-appell inċidentali) — terminu miżjud b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza –, talba debitament motivata li tesponi r-raġunijiet għaliex, fil-fehma tal-appellant, hija meħtieġa replika. Din it-talba — li idealment ma tkunx ta’ iktar minn tliet paġni — għandha tkun tista’ tinftiehem fiha nfisha, mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir riferiment għar-rikors tal-appell jew għar-risposta għall-appell.

30.

Barra minn hekk, minħabba n-natura partikolari tal-appelli, li huma limitati għall-eżami ta’ punti ta’ liġi, il-President jista’, jekk jilqa’ t-talba għall-preżentata ta’ replika, jillimita s-suġġett u n-numru ta’ paġni ta’ tali nota kif ukoll tal-kontroreplika sussegwenti. L-osservanza ta’ dawn l-indikazzjonijiet hija kundizzjoni essenzjali għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura u, jekk jinqabeż in-numru awtorizzat ta’ paġni jew jekk jitqajmu punti oħra fir-replika jew fil-kontroreplika, in-nota inkwistjoni tintbagħat lura lill-awtur tagħha.

L-appelli ppreżentati taħt l-Artikolu 57 tal-Istatut

31.

Madankollu, ir-regoli stabbiliti fil-punti 20 sa 30 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet ma japplikawx fl-intier tagħhom għall-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jiċħdu talba għal intervent jew li jkunu adottati fir-rigward ta’ talba għal miżuri provviżorji mressqa skont l-Artikoli 278 TFUE jew 279 TFUE. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut, tali appelli għandhom fil-fatt ikunu suġġetti għall-istess proċedura bħal talba għal miżuri provviżorji mressqa direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-partijiet jingħataw terminu qasir sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom dwar l-appell u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar dan l-appell mingħajr fażi bil-miktub addizzjonali, u mingħajr fażi orali.

Il-kunfidenzjalità fl-appelli

32.

Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet preċedenti, ir-rikors tal-appell u n-noti ppreżentati sussegwentement għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet kollha fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, irrispettivament mill-kwalità proċedurali li kellhom quddiem din il-qorti (parti prinċipali jew intervenjent). Peress li, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut, l-appelli huma limitati għall-punti ta’ liġi, il-partijiet għandhom bħala prinċipju jastjenu milli jsemmu, fin-noti tagħhom, elementi sigrieti jew kunfidenzjali. Jekk, b’mod eċċezzjonali, dan ikun xorta waħda l-każ, il-parti li tinvoka l-kunfidenzjalità ta’ ċerti elementi tan-nota tagħha hija mistiedna tressaq, permezz ta’ att separat, talba debitament motivata għal trattament kunfidenzjali (fejn tispeċifika kemm il-portata tal-kunfidenzjalità mitluba kif ukoll il-partijiet fil-proċedura kkonċernati minn din it-talba), kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota tagħha, li tkun tista’ tiġi nnotifikata lil dawn il-partijiet l-oħra. Fil-każ li din it-talba għal kunfidenzjalità — li l-portata tagħha fi kwalunkwe każ ma tistax tmur lil hinn mit-trattament kunfidenzjali diġà mogħti mill-Qorti Ġenerali fil-konfront ta’ intervenjent — tiġi aċċettata parzjalment, il-parti li tibbenefika minn din il-kunfidenzjalità għandha tiġi mistiedna tipproduċi immedjatament verżjoni mhux kunfidenzjali ġdida tan-nota tagħha, li tkun tista’ tiġi nnotifikata lill-partijiet l-oħra fil-proċedura.

L-intervent fir-rikorsi diretti u fl-appelli

It-talba għal intervent

33.

Skont l-Artikolu 40 tal-Istatut, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn naħa, u, fil-kundizzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet paragrafi ta’ dan l-artikolu, l-Istati terzi li huma parti fil-Ftehim ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-organi u l-korpi tal-Unjoni kif ukoll kull persuna fiżika jew ġuridika, min-naħa l-oħra, jistgħu jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex isostnu, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, it-talba għal intervent għandha titressaq fit-terminu msemmi fl-Artikolu 130(1) (rikorsi diretti), jew fl-Artikolu 190(2) (appelli) tar-Regoli tal-Proċedura u għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 130(2) sa (4) tal-istess Regoli.

In-nota ta’ intervent

34.

Meta t-talba għal intervent tintlaqa’, l-atti proċedurali kollha nnotifikati lill-partijiet jiġu kkomunikati lill-intervenjent, ħlief, jekk ikun il-każ, għall-annessi jew id-dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali, u l-intervenjent ikollu terminu ta’ xahar minn meta jirċievi dawn l-atti sabiex jippreżenta nota ta’ intervent. Filwaqt li din in-nota għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 132(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kontenut tagħha għandu madankollu jkun neċessarjament iktar konċiż min-nota tal-parti sostnuta u t-tul tagħha idealment ma jkunx ta’ iktar minn 10 paġni. Fil-fatt, peress li l-intervent huwa ta’ natura aċċessorja fil-konfront tat-tilwima prinċipali, fin-nota tiegħu l-intervenjent għandu jastjeni milli jtenni l-motivi jew l-argumenti li jinsabu fl-atti tal-parti li jkun qiegħed isostni u għandu jesponi biss motivi jew argumenti addizzjonali li jsostnu l-pożizzjoni ta’ din il-parti. Ir-riproduzzjoni tal-kuntest legali u fattwali tat-tilwima hija superfluwa, sakemm il-preżentazzjoni tiegħu fin-noti tal-partijiet prinċipali ma tkunx qed tiġi kkontestata jew tkun teħtieġ preċiżazzjonijiet addizzjonali.

L-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent

35.

Wara l-preżentata tan-nota ta’ intervent, il-President jista’, jekk iqis li jkun neċessarju, jiffissa terminu għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet qosra dwar din in-nota. Madankollu, il-preżentata ta’ tali osservazzjonijiet, li t-tul tagħhom idealment ma jkunx ta’ iktar minn ħames paġni, hija ta’ natura fakultattiva. L-għan ta’ tali osservazzjonijiet huwa biss li jippermetti lill-partijiet prinċipali jirreaġixxu għal ċerti allegazzjonijiet tal-intervenjent jew sabiex jieħdu pożizzjoni dwar motivi jew argumenti ġodda mqajma minn dan tal-aħħar. Fl-assenza ta’ tali elementi, huwa rrakkomandat li ma jiġux ippreżentati tali osservazzjonijiet sabiex it-tul tal-fażi bil-miktub tal-proċedura ma jiġix imtawwal inutilment.

It-talbiet għal intervent tardivi

36.

Sakemm tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 130(2) sa (4) tar-Regoli tal-Proċedura, talba għal intervent imressqa wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 130(1) jew fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura tista’ xorta waħda tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kundizzjoni iżda li taslilha qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura prevista fl-Artikolu 60(4) tal-imsemmija Regoli. F’dan il-każ, l-intervenjent ikun jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, jekk din tinżamm.

L-intervent fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji jew ta’ proċedura mħaffa

37.

Bħala prinċipju, l-istess japplika fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji jew fil-każ li tiġi applikata proċedura mħaffa. Sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw il-preżentata ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, il-persuna jew l-entità awtorizzata sabiex tintervjeni fil-kuntest ta’ tali proċedura tista’ tressaq l-osservazzjonijiet tagħha b’mod orali biss, jekk tinżamm seduta.

L-esklużjoni tal-intervent fil-każ ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari

38.

Għall-kuntrarju, ir-regoli preċedenti dwar l-intervent ma japplikawx għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari. Minħabba n-natura mhux kontradittorja ta’ din il-kategorija ta’ kawżi u minħabba l-funzjoni partikolari li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja meta tintalab tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, huma biss il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut — u, jekk ikun il-każ, l-istituzzjonijiet, l-organi u l-korpi tal-Unjoni li tkun saritilhom talba taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut — li jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet, bil-miktub jew orali, dwar id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qrati tal-Istati Membri.

Il-forma u l-istruttura tal-atti proċedurali

39.

Irrispettivament mill-punti preċedenti u mir-rekwiżiti, dwar il-kontenut tal-atti proċedurali, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Istatut u tar-Regoli tal-Proċedura, in-noti u l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti addizzjonali maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-qari u l-ipproċessar ta’ dawn l-atti mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari b’mod elettroniku. Dawn ir-rekwiżiti jikkonċernaw kemm il-forma u l-preżentazzjoni tal-atti proċedurali u kemm l-istruttura jew it-tul tagħhom.

40.

Mill-aspett formali, l-ewwel nett, huwa imperattiv li n-noti jew l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet jiġu ppreżentati b’mod li jippermetti l-ġestjoni elettronika ta’ dawn l-atti mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan id-dawl, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-rekwiżiti:

in-nota jew l-osservazzjonijiet għandhom jiġu redatti fuq karta bajda, mingħajr linji, ta’ daqs A4, u għandhom ikopru biss faċċata waħda (recto) tal-paġna u mhux iż-żewġ faċċati (recto-verso);

l-ittri użati għat-test għandhom ikunu ta’ tipa komuni (bħal Times New Roman, Courrier jew Arial) u għandhom ikunu b’daqs ta’ minn tal-inqas 12-il punt fit-test u ta’ 10 punti fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, bi spazju ta’ 1,5 bejn il-linji u b’marġnijiet, orizzontali u vertikali, ta’ minn tal-inqas 2,5 cm (fil-parti ta’ fuq, ta’ isfel, tax-xellug u tal-lemin tal-paġna);

il-paragrafi kollha tan-nota jew tal-osservazzjonijiet għandhom ikunu nnumerati, b’mod kontinwu u b’numri konsekuttivi;

dan jgħodd ukoll għall-paġni tan-nota jew tal-osservazzjonijiet, inklużi l-eventwali annessi tagħhom u l-iskeda tagħhom, li għandhom jiġu nnumerati b’mod kontinwu u b’numri konsekuttivi, fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-paġna;

kull paġna tan-nota jew tal-osservazzjonijiet ma għandhiex taqbeż l-1 500 karattru, mhux inklużi l-ispazji;

fl-aħħar nett, meta ma jintbagħtux lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mezz elettroniku, il-paġni tan-nota jew tal-osservazzjonijiet għandhom ikunu miġbura flimkien b’mod li jkun jista’ faċilment jitneħħa u mhux permezz ta’ mezzi fissi bħalma huma l-kolla jew l-istaples.

41.

Minbarra dawn ir-rekwiżiti formali, l-atti proċedurali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu redatti b’tali mod li l-istruttura u l-portata tagħhom ikunu jistgħu jinftiehmu sa mill-ewwel paġni. Minbarra l-indikazzjoni, fuq l-ewwel paġna tan-nota jew tal-osservazzjonijiet ikkonċernati, tat-titolu ta’ dan l-att, tan-numru tal-kawża (meta dan ikun diġà ġie kkomunikat mir-Reġistru) u tal-partijiet ikkonċernati minn din il-kawża jew tal-inizjali tagħhom (meta l-kawża tkun anonimizzata), in-nota jew l-osservazzjonijiet bil-miktub għandhom jibdew b’espożizzjoni fil-qosor tal-pjan adottat mill-awtur tagħhom jew b’werrej. Din in-nota jew dawn l-osservazzjonijiet għandhom neċessarjament jispiċċaw bit-talbiet tal-awtur tagħhom jew, fil-każ tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari, bir-risposti li l-awtur jipproponi li jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

42.

Għalkemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom l-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma huma suġġetti għal ebda rekwiżit ieħor għajr dawk li jirriżultaw mill-Istatut u mir-Regoli tal-Proċedura, wieħed għandu madankollu jikkunsidra li tali atti jikkostitwixxu l-bażi tal-istudju tal-proċess mill-Qorti tal-Ġustizzja u li, bħala regola ġenerali, dawn l-atti għandhom jiġu tradotti mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-istituzzjoni li tkun l-awtur tagħhom. Fl-interess ta’ żvolġiment tajjeb tal-proċedura u fl-interess tal-partijiet stess, in-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub għandhom għalhekk ikunu redatti f’lingwaġġ sempliċi u preċiż mingħajr ma jintużaw termini tekniċi li jkunu partikolari għal sistema legali nazzjonali. Għandhom jiġu evitati repetizzjonijiet u, sa fejn ikun possibbli, għandhom jintużaw sentenzi qosra minflok sentenzi twal u kumplessi mibnija minn diversi frażijiet relattivi u subordinati.

43.

Meta, fin-nota jew fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-partijiet jinvokaw test jew leġiżlazzjoni partikolari, tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, ir-referenzi ta’ dan it-test jew ta’ din il-leġiżlazzjoni għandhom jingħataw bi preċiżjoni, kemm fir-rigward tad-data tal-adozzjoni u, jekk ikun possibbli, tad-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument u kemm fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tiegħu. Bl-istess mod, meta jiċċitaw estratt jew silta minn deċiżjoni ġudizzjarja jew minn konklużjonijiet ta’ Avukat Ġenerali, il-partijiet huma mitluba jippreċiżaw kemm l-isem u n-numru tal-kawża kkonċernata u kemm in-numru ECLI (“European Case Law Identifier”) tad-deċiżjoni jew tal-konklużjonijiet u r-referenzi preċiżi tal-estratt jew tas-silta inkwistjoni.

44.

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-argumenti legali tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandhom ikunu inklużi fin-noti jew fl-osservazzjonijiet bil-miktub, u mhux fl-annessi li jistgħu jkunu mehmuża magħhom u li ġeneralment ma jiġux tradotti. Man-nota jew mal-osservazzjonijiet għandhom jiġu annessi biss id-dokumenti li jissemmew fit-test stess ta’ din in-nota jew ta’ dawn l-osservazzjonijiet u li jkunu neċessarji sabiex jiġi elaborat jew sabiex jiġi ssostanzjat il-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 57(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni tal-annessi tiġi aċċettata biss jekk tiġi prodotta skeda li telenka dawn l-annessi. Din l-iskeda għandha tinkludi, għal kull dokument anness, in-numru tal-anness, indikazzjoni fil-qosor tan-natura tiegħu kif ukoll indikazzjoni tal-paġna jew tal-paragrafu tan-nota jew tal-osservazzjonijiet fejn huwa ċċitat id-dokument u li jiġġustifikaw il-produzzjoni tiegħu.

45.

Fil-każ li att proċedurali manifestament ma josservax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti preċedenti u, b’mod partikolari, l-indikazzjonijiet dwar it-tul ta’ dan l-att, ir-Reġistru jista’ jistieden lill-awtur tiegħu jirregolarizza f’terminu qasir l-att ippreżentat.

Il-preżentata u t-trażmissjoni tal-atti proċedurali

46.

Huma biss l-atti espliċitament previsti fir-regoli proċedurali li jistgħu jiġu ppreżentati fir-Reġistru. Dawn l-atti għandhom jiġu ppreżentati, fit-termini previsti, b’osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regoli tal-Proċedura.

47.

Il-mod ta’ preżentata rrakkomandat mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-preżentata mwettqa permezz tal-applikazzjoni e-Curia. Permezz ta’ din l-applikazzjoni, il-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali jistgħu jsiru b’mod esklużivament elettroniku, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu prodotti kopji awtentikati tal-att trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja jew li din it-trażmissjoni terġa’ ssir permezz tal-posta. Il-modalitajiet dwar l-aċċess għall-applikazzjoni e-Curia u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħha huma deskritti, bi preċiżjoni, fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ottubru 2018, dwar il-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia, kif ukoll fil-Kundizzjonijiet ta’ użu li għalihom tirreferi din id-deċiżjoni. Dawn id-dokumenti huma disponibbli fis-sit Internet tal-istituzzjoni (https://curia.europa.eu/jcms/jcms/P_78957/mt).

48.

Fil-każ li ma jiġix trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-applikazzjoni msemmija iktar ’il fuq, att proċedurali jista’ jintbagħat ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-posta. L-envelop li fih ikun jinsab dan l-att għandu jiġi indirizzat lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-indirizz: Rue du Fort Niedergrünewald, L-2925, Il-Lussemburgu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 57(7) tar-Regoli tal-Proċedura, huma biss id-data u l-ħin tal-preżentata tal-oriġinal fir-Reġistru li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-termini proċedurali. Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata d-dekadenza, huwa rrakkomandat li l-att inkwistjoni jintbagħat numru ta’ ġranet qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentata tal-att, permezz ta’ ittra rreġistrata jew permezz ta’ servizz ta’ courier espress, jew alternattivament li jiġi ppreżentat fiżikament fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew, barra mill-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru, fl-uffiċċju fl-entrata tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn l-uffiċjal responsabbli jiddikjara r-riċezzjoni ta’ dan l-att billi jindika fuqu d-data u l-ħin tal-preżentata.

49.

Fl-aħħar nett, attwalment, huwa wkoll possibbli li l-kopja tal-oriġinal iffirmat ta’ att proċedurali jiġi trażmess lir-Reġistru bħala anness ma’ ittra elettronika (ecj.registry@curia.europa.eu) jew permezz ta’ faks ((+ 352) 43 37 66). Minbarra l-limitazzjonijiet tekniċi inerenti għal dawn iż-żewġ modi ta’ trażmissjoni, huwa mfakkar li, għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali, il-preżentata ta’ att proċedurali permezz ta’ ittra elettronika jew ta’ faks tgħodd biss jekk l-oriġinal iffirmat tal-att, flimkien mal-annessi u mal-kopji msemmija fl-Artikolu 57(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jasal fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara li tintbagħat il-kopja ta’ dan l-oriġinal iffirmat permezz ta’ ittra elettronika jew ta’ faks. Għaldaqstant, dan l-oriġinal għandu jintbagħat jew jiġi ppreżentat mingħajr dewmien, immedjatament wara li tintbagħat il-kopja u mingħajr ma jsirulu korrezzjonijiet jew emendi, lanqas dawk minuri. Fil-każ ta’ differenzi bejn l-oriġinal iffirmat u l-kopja trażmessa preċedentement, tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data tal-preżentata tal-oriġinal iffirmat.

50.

Sabiex jiġu ffaċilitati t-trattament mill-Qorti tal-Ġustizzja tan-noti jew tal-osservazzjonijiet ippreżentati u, b’mod partikolari, it-traduzzjoni tagħhom f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-Unjoni, il-partijiet huma mistiedna — minbarra t-trażmissjoni, fit-termini previsti, tal-verżjoni oriġinali tan-nota jew tal-osservazzjonijiet tagħhom li hija l-unika verżjoni awtentika — jibagħtu verżjoni ta’ din in-nota jew ta’ dawn l-osservazzjonijiet f’format li jippermetti l-editjar tagħhom (b’softwer għall-ipproċessar ta’ test bħalma huwa “Word”, “Open Office” jew “LibreOffice”) fl-indirizz segwenti: editable-versions@curia.europa.eu.

III.   IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA

51.

Kif jirriżulta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut, il-fażi orali tal-proċedura tinkludi, essenzjalment, żewġ stadji distinti: is-smigħ tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut u l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Madankollu, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tqis li l-kawża ma tqajjem ebda punt ta’ liġi ġdid, tista’ tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Fir-rigward tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, din ma tinżammx b’mod sistematiku.

L-għan tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali

52.

Fid-dawl tal-importanza li għandha l-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kuntest tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 76(3) tar-Regoli tal-Proċedura, dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, il-kriterju determinanti fir-rigward taż-żamma ta’ seduta ma huwiex daqstant il-formulazzjoni ta’ talba espressa f’dan is-sens iżda huwa pjuttost l-evalwazzjoni li tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja stess fir-rigward tal-valur miżjud ta’ din is-seduta u tal-kontribuzzjoni potenzjali li din is-seduta tista’ tipprovdi għas-soluzzjoni tat-tilwima jew għad-determinazzjoni tar-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lid-domandi magħmula minn qorti ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm seduta meta din tkun tista’ tikkontribwixxi għal komprensjoni aħjar tal-kawża u tal-kwistjonijiet imqajma minnha, kemm jekk tkun tressqet talba f’dan is-sens mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut u kemm jekk le.

It-talba għal seduta

53.

Jekk dawn il-partijiet jew dawn il-partijiet interessati jqisu li għandha tinżamm seduta fir-rigward ta’ kawża, huma għandhom, fi kwalunkwe każ, malli jiġu nnotifikati bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, jindikaw lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ ittra, ir-raġunijiet preċiżi għaliex ikunu jixtiequ li jinstemgħu minnha. Din il-motivazzjoni — li ma għandhiex titqies li hija nota jew osservazzjonijiet bil-miktub u li ma għandhiex tkun ta’ iktar minn tliet paġni — għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta tal-utilità ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali għall-parti inkwistjoni u għandha tindika l-elementi tal-proċess jew tal-argumenti li din il-parti tqis neċessarju li tiżviluppa jew li tirribatti b’mod iktar iddettaljat matul din is-seduta. Motivazzjoni ta’ natura ġenerali li tirreferi, pereżempju, għall-importanza tal-kawża jew tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex suffiċjenti.

Il-konvokazzjoni għas-seduta u n-neċessità ta’ tweġiba rapida għal din il-konvokazzjoni

54.

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali f’kawża partikolari, hija tiffissa d-data u l-ħin preċiżi tagħha u l-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jiġu kkonvokati immedjatament mir-Reġistru, li jinformahom ukoll dwar il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li lilu tkun ġiet assenjata l-kawża, il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja u, jekk ikun il-każ, dwar l-assenza ta’ konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ torganizza din is-seduta fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut huma mistiedna jwieġbu, f’qasir żmien, għall-ittra tar-Reġistru filwaqt li jindikaw, b’mod partikolari, jekk ikollhomx il-ħsieb li effettivament jipparteċipaw għas-seduta kif ukoll l-isem tal-avukat jew tal-aġent li ser jirrappreżentahom matul din is-seduta. Tweġiba tardiva għall-ittri ta’ konvokazzjoni tar-Reġistru tikkomprometti l-organizzazzjoni tajba tas-seduta, kemm fir-rigward tal-ħin għat-trattazzjoni allokat mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-parti inkwistjoni u kemm fir-rigward tar-rekwiżiti amministrattivi tad-dipartiment ta’ interpretazzjoni.

Il-preparamenti li għandhom isiru qabel is-seduta

55.

Irrispettivament mit-titolu u mill-kwalità tagħhom, il-persuni msejħa sabiex jittrattaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma obbligati jilbsu t-toga. Għalhekk, l-aġenti u l-avukati li jipparteċipaw f’seduta għas-sottomissjonijiet orali huma mistiedna jġibu magħhom it-toga tagħhom stess. Fil-każ li l-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom ma jkollhomx toga, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha numru ta’ togi li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom iżda, minħabba li n-numru u l-qisien disponibbli ta’ dawn it-togi huma limitati, il-partijiet u r-rappreżentanti kkonċernati huma mistiedna jinformaw b’dan lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qabel, fil-kuntest tat-tweġiba tagħhom għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta.

56.

Fil-kuntest ta’ din l-istess tweġiba, u sabiex tiġi ggarantita l-aħjar organizzazzjoni possibbli tas-seduta, il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom huma mistiedna wkoll jinformaw lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kull miżura partikolari ta’ natura li tiffaċilita l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fis-seduta, b’mod partikolari fil-każ ta’ diżabbiltà jew ta’ mobbiltà limitata.

57.

Kemm minħabba l-kundizzjonijiet tat-traffiku fil-Lussemburgu u kemm minħabba l-miżuri ta’ sigurtà applikabbli fir-rigward tal-aċċess għall-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa rrakkomandat li, dakinhar tas-seduta, wieħed jagħmel il-preparamenti neċessarji sabiex ikun preżenti fis-sala fejn ikunu ser isiru t-trattazzjonijiet qabel il-ħin iffissat għall-ftuħ tagħha. Fil-fatt, teżisti l-użanza li, qabel il-bidu tas-seduta, il-membri tal-kulleġġ ġudikanti jiltaqgħu għal ftit ħin mar-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut sabiex jiddiskutu l-organizzazzjoni tas-seduta. F’din l-okkażjoni l-Imħallef Relatur jew l-Avukat Ġenerali jistgħu jistiednu lir-rappreżentanti msemmija sabiex jagħmlu, matul is-seduta, preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar ċerti kwistjonijiet jew sabiex jidħlu f’iktar dettall fir-rigward ta’ xi aspett partikolari tal-kawża ineżami.

L-iżvolġiment normali ta’ seduta għas-sottomossjonijiet orali

58.

Għalkemm l-iżvolġiment tagħha jista’ jvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi, bħala regola ġenerali, tliet partijiet distinti: it-trattazzjonijiet fil-veru sens tal-kelma, il-mistoqsijiet tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-repliki.

L-ewwel fażi tas-seduta: it-trattazzjonijiet

L-għan tat-trattazzjonijiet

59.

Sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, is-seduta normalment tibda bit-trattazzjonijiet tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut. Fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà jkollha konoxxenza tal-kawża fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura, l-għan ta’ dawn it-trattazzjonijiet ma huwiex li jitfakkar il-kontenut tan-noti jew tal-osservazzjonijiet bil-miktub. L-għan tat-trattazzjonijiet huwa li jippermettu lill-partijiet jew lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut iwieġbu għal eventwali talbiet sabiex jikkonċentraw it-trattazzjonijiet tagħhom jew li jwieġbu għall-mistoqsijiet li tkun għamlitilhom il-Qorti tal-Ġustizzja qabel is-seduta. Sa fejn ikun possibbli, il-parteċipanti fis-seduta li jkunu qegħdin jiddefendu l-istess linja ta’ argumenti jew li jkollhom l-istess pożizzjoni huma barra minn hekk mistiedna jikkonsultaw lil xulxin qabel is-seduta sabiex jiġu evitati repetizzjonijiet inutli.

Ħin għat-trattazzjoni allokat u eventwali estensjoni tiegħu

60.

Il-ħin għat-trattazzjoni allokat jiġi ffissat mill-President tal-kulleġġ ġudikanti, wara li jikkonsulta lill-Imħallef Relatur u, jekk ikun il-każ, lill-Avukat Ġenerali inkarigat mill-kawża. Bħala regola ġenerali, il-ħin għat-trattazzjoni allokat jiġi ffissat għal ħmistax-il minuta, irrispettivament mill-kulleġġ ġudikanti li lilu tkun ġiet assenjata l-kawża, għalkemm dan il-ħin jista’ jkun itwal jew inqas, skont in-natura jew il-kumplessità partikolari tal-kawża, in-numru u l-istatus proċedurali tal-parteċipanti fis-seduta kif ukoll l-eventwali miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Eċċezzjonalment, il-ħin għat-trattazzjoni allokat jista’ jiġi estiż mill-President tal-kulleġġ ġudikanti fuq talba debitament motivata minn parti jew minn parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut. Sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, tali talba għandha madankollu titressaq mill-parti jew mill-parti interessata kkonċernata fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta.

In-numru ta’ persuni li jagħmlu t-trattazzjoni

61.

Għal raġunijiet marbuta mal-iżvolġiment tajjeb tas-seduta, it-trattazzjonijiet tal-partijiet jew tal-partijiet interessati li jkunu preżenti għas-seduta għandhom, għal kull waħda minn dawn il-partijiet, isiru minn persuna waħda biss. Madankollu, għal raġunijiet eċċezzjonali, persuna oħra tista’ tiġi awtorizzata tagħmel it-trattazzjoni meta n-natura jew il-kumplessità partikolari tal-kawża jiġġustifikaw dan u bil-kundizzjoni li talba debitament motivata f’dan is-sens tkun tressqet fit-tweġiba tal-parti jew tal-parti interessata kkonċernata għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta. Madankollu, jekk tingħata, din l-awtorizzazzjoni ma timplika ebda estensjoni tal-ħin għat-trattazzjoni allokat u ż-żewġ persuni li jittrattaw għandhom jaqsmu l-ħin għat-trattazzjoni allokat lill-parti inkwistjoni.

Il-lingwa li fiha jsiru t-trattazzjonijiet

62.

Bla ħsara għall-possibbiltà tal-Istati Membri li jużaw il-lingwa uffiċjali tagħhom meta jipparteċipaw f’seduta għas-sottomissjonijiet orali kif ukoll bla ħsara għall-possibbiltà tal-Istati terzi li jużaw waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura meta jipparteċipaw fi proċedura għal deċiżjoni preliminari jew meta jintervjenu f’tilwima pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma marbuta jagħmlu t-trattazzjonijiet tagħhom fil-lingwa tal-kawża, iddeterminata konformement mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 37 tal-imsemmija Regoli.

63.

Fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali jistgħu, b’mod eċċezzjonali, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizza l-użu ta’ lingwa differenti minn dik tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-fażi orali tal-proċedura. Din it-talba — li għandha titressaq fit-tweġiba tal-parti kkonċernata għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta –, għandha tkun debitament iġġustifikata u għandha tispeċifika r-raġunijiet għaliex ikun qiegħed jintalab l-użu ta’ lingwa oħra kif ukoll ir-raġunijiet li jimmilitaw favur din il-lingwa l-oħra minn fost dawk imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura. Skont l-Artikolu 37(4) tal-imsemmija Regoli, id-deċiżjoni dwar din it-talba għandha tittieħed, skont il-każ, mill-President tal-kulleġġ ġudikanti li lilu tkun ġiet assenjata l-kawża jew mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara li jinstemgħu minn qabel, dwar din it-talba, il-parti jew il-partijiet l-oħra fit-tilwima fil-kawża prinċipali u l-Avukat Ġenerali. Jekk din it-talba tintlaqa’, il-lingwa mitluba tkun tista’ tintuża mill-partijiet interessati kollha msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut.

64.

Madankollu, l-eċċezzjoni msemmija fil-punt preċedenti tapplika biss għall-proċeduri għal deċiżjoni preliminari. Ħlief għall-każijiet imsemmija fil-punt 62 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet, il-partijiet fil-proċedura fil-każ ta’ rikors dirett jew fil-każ ta’ appell huma marbuta jagħmlu t-trattazzjonijiet tagħhom, li jirreplikaw u li jwieġbu għall-mistoqsijiet eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-lingwa tal-kawża (3).

It-tieni fażi tas-seduta: il-mistoqsijiet tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja

65.

Minbarra l-mistoqsijiet li jistgħu jsiru mill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel jew matul it-trattazzjonijiet, il-persuni li jagħmlu t-trattazzjoni jistgħu jiġu mistiedna, fi tmiem dawn it-trattazzjonijiet, sabiex iwieġbu għal mistoqsijiet addizzjonali mill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-mistoqsijiet ikunu maħsuba sabiex jikkompletaw il-konoxxenza li dawn tal-aħħar ikollhom tal-proċess u sabiex jippermettu lill-persuni li jagħmlu t-trattazzjoni jikkjarifikaw jew jiżviluppaw f’iktar dettall ċerti punti li, jekk ikun il-każ, ikun għadhom jeħtieġu preċiżazzjonijiet addizzjonali.

It-tielet fażi tas-seduta: ir-repliki

66.

Wara li jsir dan l-iskambju, ir-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut ikollhom fl-aħħar nett il-possibbiltà, jekk iqisu li dan ikun neċessarju, jagħmlu repliki fil-qosor. Dawn ir-repliki, li kull waħda ma tistax tkun ta’ iktar minn ħames minuti, ma jikkostitwixxux it-tieni preżentazzjoni ta’ trattazzjonijiet. L-uniku għan tagħhom huwa li jippermettu lill-persuni li jagħmlu t-trattazzjonijiet jirreaġixxu fil-qosor għall-osservazzjonijiet jew għall-mistoqsijiet magħmula, matul is-seduta, mill-parteċipanti l-oħra f’din is-seduta jew mill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-każ li żewġ persuni jkunu ġew awtorizzati jagħmlu t-trattazzjoni f’isem parti, waħda minnhom biss hija awtorizzata tagħmel ir-replika.

L-implikazzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-interpretazzjoni simultanja

67.

Kemm fir-rigward tat-trattazzjonijiet, kemm fir-rigward tar-repliki u kemm fir-rigward tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuni li jkunu qegħdin jagħmlu t-trattazzjonijiet għandhom iżommu f’moħħhom li l-interventi tagħhom ikunu ħafna drabi qegħdin jiġu segwiti mill-Membri tal-kulleġġ ġudikanti, mill-Avukat Ġenerali u mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut permezz tal-interpretazzjoni simultanja. Fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tas-seduta u sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tal-interpretazzjoni pprovduta, ir-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut huma għaldaqstant mistiedna, sa fejn ikollhom test, anki jekk konċiż, tan-noti preparatorji għat-trattazzjonijiet jew xi tip ta’ formulazzjoni tal-intervent tagħhom, sabiex jgħadduh jew jgħadduhom, hekk kif ikun possibbli qabel is-seduta, lid-Direttorat tal-Interpretazzjoni, jew permezz ta’ ittra elettronika (Interpretation@curia.europa.eu), jew permezz ta’ faks ((+ 352) 43 03 36 97). Dan it-test jew dawn in-noti tat-trattazzjonijiet jingħataw biss lill-interpreti u jinqerdu wara s-seduta. Huma la jiġu trażmessi lill-Membri tal-kulleġġ ġudikanti jew lill-Avukat Ġenerali inkarigat mill-kawża u lanqas ma jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża.

68.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni u, għaldaqstant, il-komprensjoni tat-trattazzjonijiet kemm mill-membri tal-kulleġġ ġudikanti u mill-Avukat Ġenerali inkarigat mill-kawża kif ukoll mill-partijiet l-oħra preżenti għas-seduta, huwa indispensabbli li, matul is-seduta, dak li jkun jitkellem b’mod kalm fil-mikrofonu, b’ritmu naturali u mhux forzat. L-interpretazzjoni tiġi ffaċilitata jekk il-persuna li tkun qiegħda tagħmel it-trattazzjonijiet tindika minn qabel il-pjan tal-intervent tagħha u tagħżel sistematikament sentenzi qosra u sempliċi. Barra minn hekk, meta tirreferi, fit-trattazzjonijiet tagħha, għal deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, il-persuna li tkun qiegħda tagħmel it-trattazzjonijiet hija barra minn hekk mistiedna tispeċifika d-data ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll in-numru u l-isem tal-kawża kkonċernata.

Wara s-seduta għas-sottomossjonijiet orali

69.

Il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artkolu 23 tal-Istatut tintemm meta tintemm is-seduta. Bla ħsara għall-każ eċċezzjonali li tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura previst fl-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, ladarba l-President tal-kulleġġ ġudikanti jiddikjara magħluqa s-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-imsemmija partijiet jew partijiet interessati ma jistgħux jagħmlu iktar osservazzjonijiet bil-miktub jew orali, b’mod partikolari bħala reazzjoni għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

IV.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

70.

Dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi jħassru u jissostitwixxu l-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, dwar il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Novembru 2013.

71.

Dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom.

Adottat fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Diċembru 2019.


(1)  ĠU L 31, 31.1.2014, p. 1.

(2)  ĠU L 265, 29.9.2012, p. 1, kif emendati, fl-aħħar lok, fis-26 ta’ Novembru 2019 (ĠU L 316, 6.12.2019, p. 103).

(3)  Fir-rigward tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Istat Membru konvenut għandu d-dritt juża, matul il-fażi orali tal-proċedura, lingwa differenti minn dik użata matul il-fażi bil-miktub, bil-kundizzjoni iżda li din il-lingwa differenti tkun waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat u bil-kundizzjoni li talba f’dan is-sens tkun tressqet f’ħin utli, jekk ikun possibbli fit-tweġiba għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta. Fil-każ li din it-talba tintlaqa’, il-lingwa mitluba tkun tista’ tintuża mill-partijiet kollha fil-proċedura.