ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 321

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
12 ta' Diċembru 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta' konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali ( 1 )

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2122 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri, kontrolli speċifiċi fuq il-bagalji personali tal-passiġġieri u fuq kunsinni żgħar ta’ oġġetti mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 ( 2 )

45

 

*

Regolament Delegat Tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-każijiet meta l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi fuq ċerti oġġetti jistgħu jitwettqu f’punti ta’ kontroll u l-verifiki dokumentarji jistgħu jitwettqu ’l bogħod mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li bihom isiru dawn il-verifiki ( 2 )

64

 

*

Regolament Delegat Tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-Unjoni, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, (KE) Nru 1251/2008, (KE) Nru 119/2009, (UE) Nru 206/2010, (UE) Nru 605/2010, (UE) Nru 142/2011, (UE) Nru 28/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE ( 2 )

73

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2125 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam, in-notifika ta’ ċerti kunsinni u miżuri li jeħtieġ jittieħdu f’każijiet ta’ nonkonformità

99

 

*

Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2126 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli għal kontrolli uffiċjali speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, miżuri li għandhom jittieħdu wara t-twettiq ta’ tali kontrolli, u ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera ( 2 )

104

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2127 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE, 97/78/KE u 2000/29/KE ( 2 )

111

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2128 tat-12 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali u r-regoli għall-ħruġ ta’ ċertifikati uffiċjali għal oġġetti li jiġu kkonsenjati lill-bastimenti li jkunu se jitilqu mill-Unjoni u li huma maħsuba għall-provvista tal-vapuri jew għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri, jew għal bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti ( 2 )

114

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2019/2129 tal-25 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi ta’ rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq ċerti kunsinni ta’ annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni ( 2 )

122

 

*

Regolament Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) 2019/2130 tal-25 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar l-operazzjonijiet li jridu jitwettqu waqt il-verifiki tad-dokumenti, tal-identità, u fiżiċi, fuq l-annimali u l-oġġetti li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u wara li jkunu saru dawn il-verifiki ( 2 )

128

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

139

 

 

III   Atti oħrajn

 

 

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 256/2018 tal-5 ta’ Diċembru 2018 li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/2132]

168

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 79/2019 tad-29 ta’ Marzu 2019 li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/2133]

170

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 125/2019 tat-8 ta’ Mejju 2019 li temenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) u l-Anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim ŻEE [2019/2134]

176

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/1846 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann użat f’ċerti magni b’kombustjoni ( ĠU L 283, 5.11.2019 )

178

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

 

(2)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

12.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/1


DIRETTIVA (UE) 2019/2121 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta' Novembru 2019

li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta' konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 50(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tirregola l-mergers transkonfinali tal-kumpaniji b'responsabbiltà limitata. Ir-regoli dwar mergers transkonfinali jirrappreżentaw stadju importanti fit-titjib tal-funzjonament tas-suq intern għall-kumpaniji u għad-ditti u fl-eżerċizzju min-naħa tagħhom tal-libertà tal-istabbiliment. Madankollu, l-evalwazzjoni ta' dawk ir-regoli turi li hemm il-ħtieġa li jinbidlu. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu previsti regoli li jirregolaw il-konverżjonijiet u d-diviżjonijiet transkonfinali, peress li d-Direttiva (UE) 2017/1132 tipprovdi biss għal regoli dwar diviżjonijiet domestiċi ta' kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata.

(2)

Il-libertà tal-istabbiliment hija wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Unjoni. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("TFUE"), meta moqri flimkien mal-Artikolu 54 tat-TFUE, il-libertà tal-istabbiliment għall-kumpaniji jew għad-ditti tinkludi, fost l-oħrajn, id-dritt li jiffurmaw u jiġġestixxu tali kumpaniji jew ditti taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-istabbiliment. Dan ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jinkludi d-dritt ta' kumpanija jew ditta ffurmata f'konformità mal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tikkonverti lilha nfisha f'kumpanija jew ditta regolata bil-liġi ta' Stat Membru ieħor, dment li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat Membru l-ieħor u, b'mod partikolari, li jkun sodisfatt it-test adottat mill-Istat imsemmi l-aħħar għad-determinazzjoni tal-konnessjoni ta' kumpanija jew ditta mas-sistema ġuridika nazzjonali tiegħu.

(3)

Fl-assenza tal-armonizzazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, id-definizzjoni tal-fattur ta' konnessjoni li jiddetermina l-liġi nazzjonali applikabbli għal kumpanija jew ditta taqa', f'konformità mal-Artikolu 54 tat-TFUE, fil-kompetenza ta' kull Stat Membru. L-Artikolu 54 tat-TFUE jpoġġi l-fatturi ta' konnessjoni tal-uffiċċju ta' reġistrazzjoni, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju ta' kumpanija jew ditta fuq livell ugwali. Għaldaqstant, kif iċċarat fil-ġurisprudenza, il-fatt li l-uffiċċju rreġistrat biss, u mhux l-amministrazzjoni ċentrali jew is-sede prinċipali, huwa ttrasferit, ma jeskludix minnu nnifsu l-applikabbiltà tal-libertà tal-istabbiliment taħt l-Artikolu 49 tat-TFUE.

(4)

L-iżviluppi fil-ġurisprudenza fetħu opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji fis-suq intern bl-għan li jrawmu t-tkabbir ekonomiku, il-kompetizzjoni effettiva u l-produttività. Fl-istess ħin, l-objettiv ta' suq intern mingħajr fruntieri interni għall-kumpaniji jrid ukoll jiġi rrikonċiljat ma' objettivi oħra tal-integrazzjoni Ewropea, bħall-protezzjoni soċjali kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 9 tat-TFUE, kif ukoll il-promozzjoni tad-djalogu soċjali kif stabbilit fl-Artikoli 151 u 152 tat-TFUE. Id-drittijiet tal-kumpaniji li jagħmlu konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali jenħtieġ li jmorru id f'id, u li jkunu bbilanċjati b'mod xieraq, mal-protezzjoni tal-impjegati, tal-kredituri u tal-membri.

(5)

In-nuqqas ta' qafas ġuridiku għall-konverżjonijiet u d-diviżjonijiet transkonfinali jwassal għal frammentazzjoni legali u għal inċertezza legali u, b'hekk, għal xkiel għall-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment. Dan iwassal ukoll għal protezzjoni subottimali ta' impjegati, kredituri u membri ta' minoranzi fis-suq intern.

(6)

Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummisjoni biex tadotta regoli armonizzati dwar il-konverżjonijiet u d-diviżjonijiet transkonfinali. Qafas legali armonizzat ikompli jikkontribwixxi għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment u fl-istess ħin jipprovdi protezzjoni adegwata għall-partijiet ikkonċernati bħal impjegati, kredituri u membri.

(7)

Il-Kummissjoni ħabbret fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2015 intitolata "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" li kienet se tivvaluta l-ħtieġa li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti dwar mergers transkonfinali biex tagħmilha eħfef għall-SMEs biex jagħżlu l-istrateġiji kummerċjali preferuti tagħhom u jadattaw aħjar għat-tibdiliet fil-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr ma tiddgħajjef il-protezzjoni tal-impjiegi eżistenti. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2016 intitolata "Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017: It-twettiq bil-fatti ta' Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi", il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva biex tiffaċilita mergers transkonfinali.

(8)

Minbarra regoli l-ġodda dwar il-konverżjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar id-diviżjonijiet transkonfinali, kemm għad-diviżjonijiet parzjali kif ukoll għal dawk sħaħ, iżda dawk ir-regoli jirrelataw biss għad-diviżjonijiet transkonfinali li jinvolvu l-ħolqien ta' kumpaniji ġodda. Din id-Direttiva ma tipprevedix qafas armonizzat għad-diviżjonijiet transkonfinali li fihom kumpanija tittrasferixxi l-attiv u l-passiv lil kumpanija waħda jew aktar eżistenti, billi tali każijiet tqiesu bħala estremament kumplessi, li jeħtieġu l-involviment tal-awtoritajiet kompetenti minn diversi Stati Membri u li jinvolvu riskji addizzjonali f'termini ta' evitar ta' regoli tal-Unjoni u nazzjonali. Il-possibbiltà li kumpanija tiġi ffurmata permezz ta' diviżjoni permezz ta' separazzjoni kif previst f'din id-Direttiva toffri lill-kumpaniji proċedura armonizzata ġdida fis-suq intern. Madankollu, il-kumpaniji jenħtieġ li jkunu liberi li jistabbilixxu direttament sussidjarji fi Stati Membri oħra.

(9)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal kumpaniji f'likwidazzjoni fejn id-distribuzzjoni ta' assi tkun inbdiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li jeskludu kumpaniji soġġetti għal proċeduri oħra ta' likwidazzjoni mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu wkoll li ma japplikawx din id-Direttiva għal kumpaniji li jkunu soġġetti għal proċedimenti ta' insolvenza, kif definita mil-liġi nazzjonali, jew għal oqfsa ta' ristrutturar preventiv, kif definit mil-liġi nazzjonali, irrispettivament minn jekk tali proċedimenti jkunux parti minn qafas nazzjonali ta' insolvenza jew regolati barra minnu. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu li ma japplikawx din id-Direttiva għal kumpaniji soġġetti għal miżuri ta' prevenzjoni ta' kriżijiet kif definiti fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(10)

Fid-dawl tal-kumplessità ta' konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali (flimkien imsejħa “operazzjonijiet transkonfinali”) u l-multitudini tal-interessi kkonċernati, huwa xieraq li jiġi previst l-iskrutinju tal-legalità tal-operazzjonijiet transkonfinali qabel ma jidħlu fis-seħħ biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri involuti jiżguraw li deċiżjoni dwar l-approvazzjoni ta' operazzjoni transkonfinali tittieħed b'mod ġust, oġġettiv u nondiskriminatorju u fuq il-bażi tal-elementi rilevanti kollha meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni u nazzjonali.

(11)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri li jipprovdu protezzjoni msaħħa għall-impjegati f'konformità mal-acquis soċjali eżistenti.

(12)

Biex fil-proċedura li tirregola operazzjoni transkonfinali jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati l-interessi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati kollha, jenħtieġ li l-kumpanija tfassal u tiżvela l-abbozz tat-termini tal-operazzjoni proposta, li jkunu jinkludu l-aktar informazzjoni importanti dwarha. Jenħtieġ li l-organu amministrattiv jew maniġerjali, fejn previst fil-liġi nazzjonali jew f'konformità mal-prattika nazzjonali, jew it-tnejn li huma, jinkludi rappreżentanti tal-impjegati fil-livell tal-bord fid-deċiżjoni dwar l-abbozz tat-termini ta' operazzjoni transkonfinali. Tali informazzjoni jenħtieġ li tinkludi mill-anqas il-forma ġuridika prevista għall-kumpanija jew il-kumpaniji, l-istrument ta' kostituzzjoni fejn applikabbli, l-istatuti, l-iskeda ta' żmien indikattiva proposta għall-operazzjoni u d-dettalji ta' kwalunkwe salvagwardja offerta lill-membri u lill-kredituri. Jenħtieġ li jingħata avviż fir-reġistru li jinforma lill-membri, lill-kredituri u lir-rappreżentanti tal-impjegati, jew, fejn ma jkunx hemm tali rappreżentanti, lill-impjegati nfushom, li huma jkunu jistgħu jippreżentaw kummenti fir-rigward tal-operazzjoni proposta. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li għandu jiġi żvelat ir-rapport tal-espert indipendenti meħtieġ minn din id-Direttiva.

(13)

Biex tipprovdi informazzjoni lill-membri u lill-impjegati tagħha, il-kumpanija li twettaq l-operazzjoni transkonfinali jenħtieġ li tħejji rapport għalihom. Ir-rapport jenħtieġ li jispjega u jiġġustifika l-aspetti ġuridiċi u ekonomiċi tal-operazzjoni transkonfinali proposta u l-implikazzjonijiet tal-operazzjoni transkonfinali proposta għall-impjegati. B'mod partikolari, ir-rapport jenħtieġ li jispjega l-implikazzjonijiet tal-operazzjoni transkonfinali fir-rigward tan-negozju futur tal-kumpanija, inklużi s-sussidjarji tagħha. Sa fejn jirrigwarda lill-membri, jenħtieġ li r-rapport jinkludi rimedji disponibbli għalihom, speċjalment informazzjoni dwar id-dritt tagħhom li joħorġu mill-kumpannija. Għall-impjegati, jenħtieġ li r-rapport jispjega l-implikazzjonijiet tal-operazzjoni transkonfinali proposta għas-sitwazzjoni tal-impjiegi. B'mod partikolari, ir-rapport jenħtieġ li jispjega jekk ikunx hemm xi bidla materjali għall-kundizzjonijiet tal-impjieg stabbiliti mil-liġi, għal ftehimiet kollettivi jew għal ftehimiet ta' kumpaniji transnazzjonali, u fil-lokalitajiet fejn ikunu jinsabu l-postijiet tan-negozju tal-kumpanija, bħall-post tal-uffiċċju prinċipali. Barra minn hekk, ir-rapport jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar il-korp maniġerjali u, fejn applikabbli, dwar il-persunal, it-tagħmir, il-proprjetà u l-assi qabel u wara l-operazzjoni transkonfinali u l-bidliet probabbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol, fil-pagi u fis-salarji, fil-lokalitajiet ta' karigi tax-xogħol speċifiċi u fil-konsegwenzi mistennija għall-impjegati li jokkupaw dawk il-karigi, kif ukoll dwar id-djalogu soċjali fil-livell tal-kumpanija, inkluża, fejn applikabbli, ir-rappreżentanza tal-impjegati fil-livell tal-bord. Ir-rapport jenħtieġ ukoll li jispjega kif dawk il-bidliet jistgħu jaffettwaw kwalunkwe sussidjarja tal-kumpanija.

Jenħtieġ li ma tkun meħtieġa ebda taqsima għall-impjegati fejn l-uniċi impjegati tal-kumpanija jkunu biss fil-korp amministrattiv jew maniġerjali tagħha. Barra minn hekk, sabiex titjieb il-protezzjoni mogħtija lill-impjegati, jenħtieġ li l-impjegati infushom jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu jistgħu jipprovdu l-opinjoni tagħhom dwar it-taqsima tar-rapport li tiddikjara l-implikazzjonijiet tal-operazzjoni transkonfinali għalihom. L-għoti tar-rapport u ta’ kwalunkwe opinjoni jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti applikabbli ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni previsti fil-livell nazzjonali inklużi dawk sussegwenti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew tad-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Jenħtieġ li r-rapport jew, fejn ikunu mfassla separatament, ir-rapporti, ikunu disponibbli għall-membri u għar-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija li twettaq l-operazzjoni transkonfinali jew, fejn ma jkunx hemm tali rappreżentanti, l-impjegati nfushom.

(14)

L-abbozz ta' termini tal-operazzjoni transkonfinali, l-offerta ta' kumpens fi flus kontanti magħmula mill-kumpanija lil dawk il-membri li jixtiequ joħorġu mill-kumpanija u, fejn applikabbli, il-proporzjon ta' skambju tal-ishma, inkluż l-ammont ta' kwalunkwe pagament fi flus kontanti komplementari inkluż fl-abbozz tat-termini, jenħtieġ li jiġu eżaminati minn espert li jkun indipendenti mill-kumpanija. Fir-rigward tal-indipendenza tal-espert, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 22 u 22b tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(15)

L-informazzjoni żvelata mill-kumpanija jenħtieġ li tkun komprensiva u tagħmel possibbli għall-partijiet ikkonċernati li jivvalutaw l-implikazzjonijiet tal-operazzjoni transkonfinali maħsuba. Madankollu, il-kumpaniji jenħtieġ li ma jkunux obbligati jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali, liema żvelar ikun ta' preġudizzju għall-pożizzjoni tan-negozju tagħhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali. Tali nuqqas ta' żvelar jenħtieġ li ma jimminax ir-rekwiżiti l-oħra previsti f’din id-Direttiva.

(16)

Fuq il-bażi tal-abbozz tat-termini u tar-rapporti, fil-laqgħa ġenerali tal-membri tal-kumpanija jew kumpaniji jenħtieġ li jiġi deċiż jekk jiġix approvat dak l-abbozz tat-termini u l-emendi meħtieġa għall-istrumenti ta' kostituzzjoni, inklużi l-istatuti. Huwa importanti li l-maġġoranza meħtieġa għall-vot tkun kbira biżżejjed sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjoni tkun meħuda minn maġġoranza solida. Barra minn hekk, il-membri jenħtieġ li jkollhom ukoll id-dritt li jivvotaw fuq kwalunkwe arranġament li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-impjegati, jekk dawn ikunu rriżervaw dak id-dritt matul il-laqgħa ġenerali.

(17)

In-nuqqas ta' armonizzazzjoni tas-salvagwardji għall-membri ġie identifikat bħala ostaklu għall-operazzjonijiet transkonfinali. Il-kumpaniji u l-membri tagħhom jiffaċċjaw varjetà wiesgħa ta' forom differenti ta' protezzjoni li jwasslu għal kumplessità u inċertezza legali. Għalhekk, il-membri jenħtieġ li jiġu offruti l-istess livell minimu ta' protezzjoni, irrispettivament mill-Istat Membru li fih tinsab il-kumpanija. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu għalhekk iżommu jew jintroduċu regoli addizzjonali ta' protezzjoni għall-membri, dment li tali regoli ma jkunux f'kunflitt ma' dawk previsti taħt din id-Direttiva jew mal-libertà ta' stabbiliment. Id-drittijiet individwali tal-membri għall-informazzjoni jenħtieġ li ma jiġux affettwati.

(18)

Bħala konsegwenza ta' operazzjoni transkonfinali, il-membri spiss jiffaċċjaw sitwazzjoni li fiha l-liġi applikabbli għad-drittijiet tagħhom tinbidel minħabba li jsiru membri ta' kumpanija regolata mil-liġi ta' Stat Membru differenti mill-Istat Membru li l-liġi tiegħu kienet applikabbli għall-kumpanija qabel l-operazzjoni. Jenħtieġ, għalhekk li l-Istati Membri tal-anqas jipprovdu għall-membri li jkollhom ishma bi drittijiet tal-vot u li vvutaw kontra l-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini biex ikollhom id-dritt li joħorġu mill-kumpanija u li jirċievu kumpens fi flus kontanti għall-ishma tagħhom li jkun ekwivalenti għall-valur ta' dawk l-ishma. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeċiedu li jestendu dak id-dritt ukoll lil membri oħra, pereżempju lil membri li jkollhom ishma mingħajr drittijiet tal-vot jew membri li, bħala riżultat ta' diviżjoni transkonfinali, jakkwistaw ishma fil-kumpanija reċipjenti fi proporzjonijiet differenti minn dawk li kellhom qabel l-operazzjoni, jew lil membri li għalihom ma jkun hemm l-ebda bidla fil-liġi applikabbli iżda li għalihom ċerti drittijiet jinbidlu minħabba l-operazzjoni. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali dwar il-validità ta' kuntratti għall-bejgħ u t-trasferiment ta' ishma f'kumpaniji jew dwar rekwiżiti speċjali ta' forma ġuridika. Jenħtieġ li l-Istati Membri, pereżempju, jkunu jistgħu jirrikjedu att notarili jew konferma tal-firem.

(19)

Jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu jistgħu jistmaw, sa fejn ikun possibbli, l-ispejjeż relatati mal-operazzjoni transkonfinali. Jista' jkun li l-membri, għalhekk, ikunu rikjesti jiddikjaraw lill-kumpanija jekk iddeċidewx li jeżerċitaw id-dritt li jiddisponu mill-ishma tagħhom. Dak ir-rekwiżit jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit formali stabbilit mil-liġi nazzjonali. Il-membri jistgħu wkoll ikunu rikjesti jindikaw, flimkien ma' dik id-dikjarazzjoni jew f'limitu ta' żmien speċifiku, jekk għandhomx l-intenzjoni li jikkontestaw il-kumpens fi flus kontanti offrut u jitolbu kumpens addizzjonali fi flus kontanti.

(20)

Il-kalkolu tal-offerta ta' kumpens fi flus kontanti jenħtieġ li jkun ibbażat fuq metodi ta' valwazzjoni ġeneralment aċċettati. Il-membri jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jikkontestaw il-kalkolu u jikkontestaw l-adegwatezza tal-kumpens fi flus kontanti quddiem awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti jew korpi responsabbli taħt il-liġi nazzjonali, inklużi tribunali tal-arbitraġġ. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li l-membri li jkunu ddikjaraw id-deċiżjoni tagħhom li jeżerċitaw id-dritt li jiddisponu mill-ishma tagħhom ikunu intitolati jissieħbu f'tali proċedimenti. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jistabbilixxu limiti ta' żmien fil-liġi nazzjonali sabiex jissieħbu f’dawk il-proċedimenti.

(21)

Sa fejn huma kkonċernati l-mergers jew id-diviżjonijiet transkonfinali, il-membri li ma kellhomx jew li ma eżerċitawx id-dritt li joħorġu mill-kumpanija jenħtieġ li, madankollu, ikollhom dritt li jikkontestaw il-proporzjon tal-iskambju tal-ishma. Jenħtieġ li meta jkunu qed jivvalutaw l-adegwatezza tal-proporzjon tal-iskambju tal-ishma, l-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali jqisu wkoll l-ammont ta' kwalunkwe ħlas komplementari fi flus kontanti inkluż fl-abbozz tat-termini.

(22)

Wara operazzjoni transkonfinali, l-ex kredituri tal-kumpanija jew kumpaniji li jwettqu dik l-operazzjoni jistgħu jaraw il-pretensjonijiet tagħhom affettwati fejn il-kumpanija li tkun responsabbli għad-dejn tkun, wara dik l-operazzjoni, regolata mil-liġi ta' Stat Membru ieħor. Bħalissa, ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kredituri jvarjaw bejn l-Istati Membri, u dan iżid kumplessità sinifikanti fil-proċess tal-operazzjoni transkonfinali u jwassal għall-inċertezza kemm għall-kumpaniji involuti kif ukoll għall-kredituri tagħhom fir-rigward tal-irkupru jew l-adempiment tal-pretensjoni tagħhom.

(23)

Biex jiġi żgurat li l-kredituri jkollhom protezzjoni xierqa f'każijiet li fihom ma jkunux sodisfatti bil-protezzjoni offruta mill-kumpanija fl-abbozz tat-termini u li fihom ma jkunux sabu soluzzjoni sodisfaċenti mal-kumpanija, jenħtieġ li l-kredituri li jkunu nnotifikaw lill-kumpanija minn qabel ikunu jistgħu japplikaw għal salvagwardji mal-awtorità adatta. Jenħtieġ li meta jiġu valutati tali salvagwardji, l-awtorità adatta tqis jekk il-pretensjoni ta’ kreditur kontra l-kumpanija jew il-parti terza tkunx tal-anqas ta' valur ekwivalenti u ta' kwalità ta' kreditu proporzjonali għal kif kienet qabel l-operazzjoni transkonfinali u jekk il-pretensjoni tistax tiġi ppreżentata fl-istess ġuriżdizzjoni.

(24)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kredituri li jkunu daħlu f'relazzjoni mal-kumpanija qabel ma l-kumpanija tkun għamlet pubblika l-intenzjoni tagħha li twettaq operazzjoni transkonfinali jkollhom protezzjoni adegwata. Wara li jkun ġie żvelat l-abbozz tat-termini tal-operazzjoni transkonfinali, il-kredituri jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu l-impatt potenzjali tal-bidla tal-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli bħala riżultat tal-operazzjoni transkonfinali. Il-kredituri li jkunu jeħtieġu protezzjoni jistgħu jinkludu impjegati kurrenti u ex impjegati bi drittijiet vestiti ta' pensjoni okkupazzjonali u persuni li jirċievu benefiċċji ta' pensjoni okkupazzjonali. Minbarra r-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu li tali kredituri jkollhom id-dritt li jressqu pretensjoni fl-Istat Membru tat-tluq għal perjodu ta' sentejn wara li tkun saret effettiva l-konverżjoni transkonfinali. Jenħtieġ li l-perjodu ta' protezzjoni ta' sentejn previst f’din id-Direttiva fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni li fiha jistgħu japplikaw il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom joriġinaw qabel l-iżvelar tal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, ikun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tiddetermina l-perjodi tal-limitazzjonijiet għall-pretensjonijiet.

(25)

Barra minn hekk, biex jiġu protetti l-kredituri kontra r-riskju tal-insolvenza tal-kumpanija wara operazzjoni transkonfinali, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jesiġu li l-kumpanija jew il-kumpaniji jagħmlu dikjarazzjoni ta' solvenza li tistipula li huma ma jafu bl-ebda raġuni għaliex il-kumpanija jew il-kumpaniji li jirriżultaw mill-operazzjoni transkonfinali ma għandhomx jissodisfaw l-obbligazzjonijiet tagħhom. F'dawk iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu lill-membri tal-korp maniġerjali personalment responsabbli għall-akkuratezza tad-dikjarazzjoni. Billi t-tradizzjonijiet legali jvarjaw bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-użu tad-dikjarazzjonijiet ta' solvenza u tal-konsegwenzi possibbli tagħhom, jenħtieġ li jkun f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu l-konsegwenzi xierqa meta jingħataw dikjarazzjonijiet ineżatti jew qarrieqa, li jeħtieġu jinkludu penali u obbligazzjonijiet effettivi u proporzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(26)

Huwa importanti li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-impjegati li jkunu infurmati u kkonsultati fil-kuntest ta' operazzjonijiet transkonfinali jiġu rispettati bis-sħiħ. L-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-kuntest ta' operazzjonijiet transkonfinali jenħtieġ li jitwettqu f'konformità mal-qafas legali pprovdut fid-Direttiva 2002/14/KE u, fejn applikabbli għall-impriżi fuq skala Komunitarja jew għall-gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja, f'konformità mad-Direttiva 2009/38/KE, kif ukoll, fejn il-merger transkonfinali jew id-diviżjoni transkonfinali jitqiesu bħala trasferiment ta’ impriża fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE (10), f'konformità mad-Direttiva2001/23/KE. Din id-Direttiva ma taffettwax lid-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE (11), id-Direttiva 2001/23/KE, id-Direttiva 2002/14/KE jew id-Direttiva 2009/38/KE. Madankollu, peress li din id-Direttiva tistabbilixxi proċedura armonizzata għal operazzjonijiet transkonfinali, huwa xieraq li, b'mod partikolari, jiġi speċifikat il-qafas ta' żmien li fih jenħtieġ li jseħħu l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati relattivament għall-operazzjoni transkonfinali.

(27)

Jenħtieġ ukoll li r-rappreżentanti tal-impjegati previsti fil-liġi nazzjonali jew, fejn applikabbli, skont il-prattika nazzjonali jinkludu kwalunkwe korp rilevanti stabbilit skont il-liġi tal-Unjoni, bħall-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet stabbilit f'konformità mad-Direttiva 2009/38/KE u l-korp rappreżentattiv stabbilit skont id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE (12).

(28)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-rappreżentanti tal-impjegati, meta jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, igawdu protezzjoni u garanziji adegwati f'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14/KE biex ikunu jistgħu jwettqu sewwa d-doveri li jkunu ġew assenjati lilhom.

(29)

Sabiex issir analiżi tar-rapport għall-impjegati, jenħtieġ li kumpanija li twettaq operazzjoni transkonfinali tipprovdi lir-rappreżentanti tal-impjegati r-riżorsi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva b'mod adatt.

(30)

Biex jiġi żgurat li l-parteċipazzjoni tal-impjegati ma tiġix indebitament preġudikata bħala riżultat tal-operazzjoni transkonfinali, fejn il-kumpanija li twettaq l-operazzjoni transkonfinali tkun implimentat sistema ta' parteċipazzjoni tal-impjegati, il-kumpanija jew il-kumpaniji li jirriżultaw mill-operazzjoni transkonfinali jenħtieġ li jkunu obbligati jieħdu forma ġuridika li tippermetti l-eżerċizzju ta' tali drittijiet ta' parteċipazzjoni, inkluż permezz tal-preżenza ta' rappreżentanti tal-impjegati fil-korp maniġerjali jew superviżorju xieraq tal-kumpanija jew kumpaniji. Barra minn hekk, f'każ bħal dan, li fih isiru negozjati bona fide bejn il-kumpanija u l-impjegati tagħha, jenħtieġ li dawn isiru b'mod li jsegwu l-proċedura prevista fid-Direttiva 2001/86/KE, bl-għan li tinstab soluzzjoni amikevoli li tirrikonċilja l-liġi tal-kumpanija li twettaq operazzjoni transkonfinali mad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati. Bħala riżultat ta' dawk in-negozjati, jenħtieġ li tkun tapplika mutatis mutandis soluzzjoni mfassla apposta jew miftiehma jew, fin-nuqqas ta' qbil, ikunu japplikaw regoli standard kif stabbilit fl-Anness għad-Direttiva 2001/86/KE. Biex tiġi protetta s-soluzzjoni maqbula jew l-applikazzjoni ta' dawk ir-regoli standard, il-kumpanija jenħtieġ li ma tkunx tista' tneħħi d-drittijiet ta' parteċipazzjoni billi twettaq konverżjoni, merger jew diviżjoni sussegwenti, kemm jekk tkun transkonfinali kif ukoll jekk tkun domestika, fi żmien erba' snin.

(31)

Biex ikun ipprevenut l-evitar tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati permezz ta’ operazzjoni transkonfinali, jenħtieġ li l-kumpanija jew kumpaniji li jagħmlu l-operazzjoni transkonfinali u li huma rreġistrati fl-Istat Membru li jipprovdi għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati ma jkunux jistgħu jagħmlu operazzjoni transkonfinali mingħajr ma l-ewwel jidħlu f’negozjati mal-impjegati tagħhom jew ir-rappreżentatnti tagħhom meta l-għadd medju ta’ impjegati mħaddma minn dik il-kumpanija jkun ekwivalenti għal tmenin fil-mija tal-livell limitu nazzjonali biex tiġi attivata tali parteċipazzjoni.

(32)

L-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha fl-operazzjonijiet transkonfinali, b'mod partikolari l-involviment ta’ impjegati, jikkontribwixxi għal approċċ fit-tul u sostenibbli li jittieħed minn kumpaniji fis-suq intern kollu. F'dan ir-rigward, is-salvagwardja u l-promozzjoni tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati fil-bord ta' kumpanija għandhom rwol importanti, b'mod partikolari meta kumpanija tiċċaqlaq jew tirristruttura ruħha b'mod transkonfinali. Għalhekk, il-konklużjoni b'suċċess ta' negozjati dwar id-drittijiet ta' parteċipazzjoni fil-kuntest ta' operazzjonijiet transkonfinali hija essenzjali u jenħtieġ li tiġi mħeġġa.

(33)

Biex tiġi żgurata li jkun hemm allokazzjoni xierqa ta' kompiti fost l-Istati Membri u kontroll ex ante effiċjenti u effettiv tal-operazzjonijiet transkonfinali, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-kumpanija jew kumpaniji li jwettqu l-operazzjoni transkonfinali jkollhom is-setgħa li joħorġu ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni, merger jew diviżjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni"). Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-kumpanija jew kumpaniji li jirriżultaw mill-operazzjoni transkonfinali ma jkunux jistgħu japprovaw l-operazzjoni transkonfinali mingħajr tali ċertifikat.

(34)

Sabiex jinħareġ ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni, l-Istati Membri tal-kumpanija jew kumpaniji li jwettqu l-operazzjoni transkonfinali jenħtieġ li jaħtru, f'konformità mal-liġi nazzjonali, awtorità jew awtoritajiet kompetenti biex jiskrutinizzaw il-legalità tal-operazzjoni. L-awtorità kompetenti tista’ tinkludi l-qrati, nutara jew awtoritajiet oħra, awtorità tat-taxxa jew awtorità tas-servizzi finanzjarji. Fejn ikun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda, il-kumpanija jenħtieġ li tkun tista' tapplika għaċ-ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni lil awtorità kompetenti waħda, kif maħtura mill-Istati Membri, li jenħtieġ li tikkoordina mal-awtoritajiet kompetenti l-oħra. L-awtorità kompetenti jenħtieġ li tivvaluta l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u t-tlestija xierqa tal-proċeduri u l-formalitajiet kollha f'dak l-Istat Membru, u jenħtieġ li tiddeċiedi jekk toħroġx ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni fi żmien tliet xhur mill-applikazzjoni mill-kumpanija, dment li l-awtorità kompetenti ma jkollhiex dubji serji li jindikaw li l-operazzjoni transkonfinali tkun għal skopijiet abbużivi jew frodulenti li jwasslu jew huma maħsuba għall-evażjoni minn, jew għall-evitar ta', il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, jew għal skopijiet kriminali, u l-valutazzjoni tkun tirrikjedi li tiġi kkunsidrata informazzjoni addizzjonali jew li jitwettqu attivitajiet investigattivi addizzjonali.

(35)

F'ċerti ċirkostanzi, il-liġi tal-kumpaniji li jwettqu operazzjoni transkonfinali jista' jintuża għal skopijiet abbużivi jew frodulenti, bħal pereżempju għall-evitar tad-drittijiet tal-impjegati, il-pagamenti tas-sigurtà soċjali jew l-obbligi tat-taxxa, jew għal skopijiet kriminali. B'mod partikolari, huwa importanti li jiġu newtralizzati l-kumpaniji "fittizji" jew il-kumpaniji "faċċata" stabbiliti għall-finijiet ta' evażjoni, evitar jew ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali. Fejn, matul l-iskrutinju tal-legalità ta' operazzjoni transkonfinali, l-awtorità kompetenti issir taf, inkluż permezz ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti, li l-operazzjoni transkonfinali hija għal finijiet abbużivi jew frodulenti li twassal jew hija maħsuba għall-evażjoni minn, jew għall-evitar ta', il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, jew għal finijiet kriminali, jenħtieġ li din ma toħroġx ċ-ċertifikat ta’ qabel l-operazzjoni. Il-proċeduri rilevanti, inkluża kwalunkwe valutazzjoni, jenħtieġ li jitwettqu skont il-liġi nazzjonali. F'tali każijiet, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun tista' testendi l-perjodu ta' valutazzjoni b'massimu ta' tliet xhur.

(36)

Fejn l-awtorità kompetenti jkollha dubji serji li jindikaw li l-operazzjoni transkonfinali tkun għal finijiet abbużivi jew frodulenti, jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, u jenħtieġ li tqis, meta jkun rilevanti, bħala minimu, fatturi indikattivi relatati mal-karatteristiċi tal-istabbiliment fl-Istat Membru li fih il-kumpanija jew il-kumpaniji jridu jiġu rreġistrati wara l-operazzjoni transkonfinali, inkluża l-intenzjoni tal-operazzjoni, is-settur, l-investiment, il-fatturat nett u l-qligħ jew it-telf, in-numru ta' impjegati, il-kompożizzjoni tal-karta bilanċjali, ir-residenza tat-taxxa, l-assi u l-post fejn jinsabu, it-tagħmir, is-sidien benefiċjarji tal-kumpanija, il-postijiet tax-xogħol abitwali tal-impjegati u ta' gruppi speċifiċi ta' impjegati, il-post fejn ikunu dovuti l-kontribuzzjonijiet soċjali, l-għadd ta' impjegati stazzjonati fis-sena qabel l-operazzjoni transkonfinali fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), l-għadd ta' impjegati li jaħdmu fl-istess ħin f'aktar minn Stat Membru wieħed fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, u r-riskji kummerċjali assunti mill-kumpanija jew kumpaniji qabel u wara l-operazzjoni transkonfinali.

Il-valutazzjoni jenħtieġ li tqis ukoll il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti relatati mad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati, b'mod partikolari fir-rigward tan-negozjati dwar tali drittijiet fejn dawk in-negozjati ġew attivati għaliex intlaħqu t-80 % tal-livell limitu nazzjonali applikabbli. Dawk l-elementi kollha jistgħu jitqiesu biss bħala fatturi indikattivi fil-valutazzjoni ġenerali u għaldaqstant jenħtieġ li ma jiġux ikkunsidrati separatament. L-awtorità kompetenti tista' tikkunsidra li jekk l-operazzjoni transkonfinali tirriżulta li l-kumpanija jkollha l-post tal-ġestjoni effettiva tagħha jew il-post tal-attività ekonomika tagħha fl-Istat Membru fejn il-kumpanija jew il-kumpanniji jridu jiġu reġistrati wara l-operazzjoni transkonfinali, dak ikun indikazzjoni ta' nuqqas ta' ċirkostanzi li jwasslu għal abbuż jew frodi.

(37)

L-awtorità kompetenti jenħtieġ ukoll li tkun tista' tikseb mill-kumpanija li twettaq l-operazzjoni transkonfinali, jew minn awtoritajiet kompetenti oħra, inklużi dawk tal-Istat Membru ta' destinazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha bil-ħsieb li jsir l-iskrutinju tal-legalità tal-operazzjoni transkonfinali fil-qafas proċedurali stipulat fil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistipulaw il-konsegwenzi possibbli, għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ qabel l-operazzjoni, tal-proċeduri mibdija minn membri u kredituri f'konformità ma' din id-Direttiva.

(38)

Fil-valutazzjoni meħtieġa biex jinkiseb ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun tista' tirrikorri għal espert indipendenti. L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli li jiżguraw li l-espert, jew il-persuna ġuridika li għan-nom tagħha jkun qed jopera l-espert, ikunu indipendenti mill-kumpanija li tapplika għaċ-ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni. L-espert jenħtieġ li jinħatar mill-awtorità kompetenti u jenħtieġ li ma jkollu ebda rabta preċedenti jew attwali mal-kumpanija kkonċernata li tista' taffettwa l-indipendenza tal-espert.

(39)

Sabiex jiġi żgurat li l-kumpanija li twettaq l-operazzjoni transkonfinali ma tippreġudikax lill-kredituri tagħha, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun tista' tivverifika, b'mod partikolari, jekk il-kumpanija tkunx issodisfat l-obbligi tagħha lejn il-kredituri pubbliċi u jekk kwalunkwe obbligu miftuħ kienx suffiċjentement garantit. B'mod partikolari, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun tista' tivverifika jekk il-kumpanija tkunx is-suġġett ta' kwalunkwe proċediment kurrenti fil-qorti li jikkonċerna, pereżempju, ksur tal-liġi soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, li l-eżitu tiegħu jista' jwassal sabiex jiġu imposti aktar obbligi fuq il-kumpanija, inkluż lejn ċittadini u entitajiet privati.

(40)

L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu salvagwardji proċedurali f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-aċċess għall-ġustizzja, inklużi dispożizzjonijiet għall-possibbiltà li jiġu rieżaminati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fil-proċedimenti li jikkonċernaw operazzjonijiet transkonfinali, għall-possibbiltà li jiġi ttardjat il-ħin meta jsir effettiv iċ-ċertifikat ta’ qabel l-operazzjoni sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jressqu azzjoni quddiem il-qorti kompetenti u għall-possibbiltà li jiġu konċessi, fejn xieraq, miżuri interim.

(41)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li t-tlestija ta' ċerti stadji proċedurali, jiġifieri, l-iżvelar tal-abbozz tat-termini, l-applikazzjoni għal ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni kif ukoll is-sottomissjoni ta' kwalunkwe informazzjoni u dokumenti għall-iskrutinju tal-legalità tal-operazzjoni transkonfinali mill-Istat Membru ta' destinazzjoni, tkun tista' ssir kollha online, mingħajr il-ħtieġa li l-applikanti jidhru personalment quddiem awtorità kompetenti fl-Istati Membri. Ir-regoli dwar l-użu ta' għodod u proċessi diġitali fil-liġi tal-kumpaniji, inklużi s-salvagwardji rilevanti, jenħtieġ li japplikaw kif xieraq. L-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun tista' tirċievi online l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni, inkluża s-sottomissjoni ta' kwalunkwe informazzjoni u dokumenti, sakemm dan ma jkunx, eċċezzjonalment, teknikament impossibbli għall-awtorità kompetenti.

(42)

Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u jitnaqqsu t-tul tal-proċeduri u l-piż amministrattiv għall-kumpaniji, l-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw il-prinċipju ta' "darba biss" fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji, li jinvolvi li l-kumpaniji ma jkunux meħtieġa jissottomettu l-istess informazzjoni lil aktar minn awtorità pubblika waħda. Pereżempju, jenħtieġ li l-kumpaniji ma jkunux meħtieġa jissottomettu l-istess informazzjoni kemm lir-reġistru nazzjonali kif ukoll lill-gazzetta nazzjonali.

(43)

Biex jiġi previst livell xieraq ta' trasparenza u l-użu ta' għodod u ta' proċessi diġitali, iċ-ċertifikati ta' qabel l-operazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri differenti jenħtieġ li jiġu kondiviżi permezz tas-sistema ta' interkonnessjoni tar-reġistri u jenħtieġ li jsiru disponibbli għall-pubbliku. F'konformità mal-prinċipju ġenerali sottostanti għad-Direttiva (UE) 2017/1132, tali skambju ta' informazzjoni jenħtieġ li dejjem ikun mingħajr ħlas.

(44)

It-twettiq ta' konverżjoni transkonfinali jinvolvi tibdil fil-forma ġuridika ta’ kumpanija mingħajr ma dik il-kumpanija titilef il-personalità ġuridika tagħha. Madankollu, jenħtieġ li la konverżjoni transkonfinali u lanqas merger jew diviżjoni transkonfinali ma jwasslu għall-evitar tar-rekwiżiti ta' inkorporazzjoni fl-Istat Membru li fih il-kumpanija trid tiġi rreġistrata wara dik l-operazzjoni transkonfinali. Tali kundizzjonijiet, inklużi r-rekwiżiti li l-uffiċċju prinċipali jkun fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u rekwiżiti relatati mal-iskwalifiki ta' diretturi, jenħtieġ li jiġu rrispettati bis-sħiħ mill-kumpanija. Madankollu, fil-każ ta' konverżjonijiet transkonfinali, l-applikazzjoni ta’ tali kundizzjonijiet mill-Istat Membru tad-destinazzjoni jenħtieġ li ma taffettwax il-kontinwità tal-personalità ġuridika tal-kumpanija konvertita.

(45)

Ladarba jkunu rċevew ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni, u wara li jivverifikaw li r-rekwiżiti ġuridiċi tal-Istat Membru li fih il-kumpaniji trid tiġi reġistrata wara l-operazzjoni transkonfinali jkunu ntlaħqu, inkluż il-kontroll possibbli ta' jekk l-operazzjoni transkonfinali tikkostitwixxix evitar tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jirreġistraw il-kumpanija fir-reġistru ta' dak l-Istat Membru. Huwa biss wara din ir-reġistrazzjoni li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru preċedenti tal-kumpanija jew kumpaniji li jwettqu l-operazzjoni transkonfinali jenħtieġ li tneħħi lill-kumpanija mir-reġistru tagħha. Jenħtieġ li ma jkunx possibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih il-kumpanija trid tiġi reġistrata wara l-operazzjoni transkonfinali li jikkontestaw l- informazzjoni pprovduta miċ-ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni.

(46)

Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-operazzjonijiet transkonfinali, huwa importanti li r-reġistri tal-Istati Membri involuti jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa minn reġistri oħrajn dwar kumpaniji involuti f’dawk l-operazzjonijiet sabiex tkun tista' tiġi segwita l-istorja ta' dawk il-kumpaniji. B'mod partikolari, il-fajl fir-reġistru tal-kumpanija fejn kienet irreġistrata qabel l-operazzjoni transkonfinali jenħtieġ li jkun fih in-numru l-ġdid ta' reġistrazzjoni attribwit lil dik il-kumpanija wara l-operazzjoni transkonfinali. B'mod simili, il-fajl fir-reġistru li fih il-kumpanija tiġi rreġistrata wara l-operazzjoni transkonfinali jenħtieġ li jkun fih in-numru inizjali ta' reġistrazzjoni attribwit lill-kumpanija qabel l-operazzjoni transkonfinali.

(47)

Bħala konsegwenza tal-konverżjoni transkonfinali, il-kumpanija li tirriżulta mill-konverżjoni (il-“kumpanija konvertita”) jenħtieġ li żżomm il-personalità ġuridika, l-attiv u l-passiv tagħha, u d-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha, inklużi kwalunkwe dritt u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw minn kuntratti, atti jew ommissjonijiet. B'mod partikolari, il-kumpanija konvertita jenħtieġ li tirrispetta kwalunkwe dritt u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw mill-kuntratti ta' impjieg jew minn relazzjonijiet ta' impjieg, inkluż kwalunkwe ftehim kollettiv.

(48)

Bħala konsegwenza tal-merger transkonfinali, l-attiv u l-passiv u d-drittijiet u l-obbligi kollha, inklużi kwalunkwe dritt u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw minn kuntratti, atti jew ommissjonijiet, jenħtieġ li jiġu trasferiti lill-kumpanija akkwirenti jew lill-kumpanija l-ġdida, u l-membri tal-kumpaniji soġġetti għall-merger li ma jeżerċitawx id-dritt li joħorġu jenħtieġ li jsiru membri tal-kumpanija akkwirenti jew tal-kumpanija l-ġdida rispettivament. B'mod partikolari, il-kumpanija akkwirenti jew il-kumpanija l-ġdida jenħtieġ li tirrispetta kwalunkwe dritt u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw minn kuntratti ta' impjieg jew minn relazzjonijiet ta' impjieg, inkluż kwalunkwe ftehim kollettiv.

(49)

Bħala konsegwenza tad-diviżjoni transkonfinali, l-attiv u l-passiv u d-drittijiet u l-obbligi kollha, inklużi kwalunkwe dritt u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw minn kuntratti, atti jew ommissjonijiet, jenħtieġ li jiġu trasferiti lill-kumpaniji reċipjenti f'konformità mal-allokazzjoni speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni, u l-membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża li ma jeżerċitawx id-dritt li joħorġu jenħtieġ li jsiru membri tal-kumpaniji reċipjenti, jew li jibqgħu membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża jew li jsiru membri tat-tnejn. B'mod partikolari, il-kumpaniji reċipjenti jenħtieġ li jirrispettaw kwalunkwe dritt u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw minn kuntratti ta' impjieg jew minn relazzjonijiet ta' impjieg inkluż kwalunkwe ftehim kollettiv.

(50)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li ma jkunx possibbli li tiġi ddikjarata nulla u bla effett operazzjoni transkonfinali li tkun saret effettiva f'konformità mal-proċedura stabbilita f'din id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri, inter alia, fir-rigward tal-liġi kriminali, tal-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih, tal-liġi soċjali, tat-tassazzjoni u tal-infurzar tal-liġi taħt il-liġijiet nazzjonali, b'mod partikolari fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti jew awtoritajiet rilevanti oħra jistabbilixxu wara li li tkun saret effettiva l-operazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari permezz ta' informazzjoni sostantiva ġdida, li l-operazzjoni transkonfinali kienet għal skopijiet abbużivi jew frodulenti li jwasslu jew huma maħsuba għall-evażjoni minn, jew għall-evitar ta', il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jew għal finijiet kriminali. F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivvalutaw ukoll jekk il-livell limitu nazzjonali applikabbli tal-Istat Membru għall-parteċipazzjoni tal-impjegati tal-kumpanija li twettaq l-operazzjoni transkonfinali kienx sodisfatt jew kienx inqabeż fis-snin wara l-operazzjoni transkonfinali.

(51)

Kwalunkwe operazzjoni transkonfinali jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà għall-obbligi tat-taxxa relatati mal-attività ta’ kumpanija qabel dik l-operazzjoni.

(52)

Sabiex jiġu garantiti d-drittijiet tal-impjegati ħlief dawk tal-parteċipazzjoni, id-Direttivi 98/59/KE, 2001/23/KE, 2002/14/KE u 2009/38/KE ma humiex affettwati minn din id-Direttiva. Il-liġijiet nazzjonali jenħtieġ li japplikaw ukoll għal kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva bħat-taxxa jew is-sigurtà soċjali.

(53)

Din id-Direttiva ma taffettwawx id-dispożizzjonijiet legali jew amministrattivi tal-liġi nazzjonali relatati mat-taxxi tal-Istati Membri jew tas-sottodiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tagħhom, inkluż l-infurzar tar-regoli tat-taxxa f'konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali.

(54)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttivi tal-Kunsill 2009/133/KE (15), (UE) 2015/2376 (16), (UE) 2016/881 (17), (UE) 2016/1164 (18) u (UE) 2018/822 (19).

(55)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) li jindirizzaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, b'mod partikolari l-obbligi previsti fihom relatati mat-twettiq ta’ miżuri xierqa tad-diliġenza dovuta tal-klijent fuq bażi ta' sensittività għar-riskju, u dawk relatati mal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tas-sid benefiċjarju ta' kwalunkwe entità ġdida li tinħoloq fi Stat Membru fejn tiġi inkorporata.

(56)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi tal-Unjoni dwar it-trasparenza u d-drittijiet tal-azzjonisti ta' kumpaniji kkwotati, jew ir-regoli nazzjonali stabbiliti jew introdotti taħt tali liġi tal-Unjoni.

(57)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi tal-Unjoni li tirregola l-intermedjarji ta' kreditu u impriżi finanzjarji oħra, jew ir-regoli nazzjonali stabbiliti jew introdotti taħt tali liġi tal-Unjoni.

(58)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu ffaċilitati u regolati l-konverżjonijiet, il-mergers u d-diviżjonijiet transkonfinali, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(59)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(60)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (21), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tagħhom ta' traspożizzjoni b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hi ġustifikata.

(61)

Il-Kummissjoni jeħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluża evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kuntest ta’ operazzjonijiet transkonfinali. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-evalwazzjoni jkollha l-għan li tivvaluta l-operazzjonijiet transkonfinali fejn in-negozjati dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati jkunu ġew attivati meta ntlaħqu t-80 % tal-livell limitu applikabbli, u li tara jekk, wara l-operazzjoni transkonfinali, dawk il-kumpaniji jkunux issodisfaw jew ikunux qabżu l-livell limitu applikabbli tal-Istat Membru għall-parteċipazzjoni tal-impjegati tal-kumpanija li tkun wettqet l-operazzjoni transkonfinali. Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (22) (il-“Ftehim Interistituzzjonali”), dik l-evalwazzjoni jenħtieġ li tkun msejsa fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud, u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta' miżuri possibbli oħra.

(62)

Jenħtieġ li tinġabar informazzjoni sabiex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva vis-à-vis l-objettivi li trid tilħaq u sabiex tipprovdi l-bażi għal evalwazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1132 f'konformità mal-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

(63)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva (UE) 2017/1132 tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1132

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, is-sitt inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

"—

il-konverżjonijiet transkonfinali, il-mergers transkonfinali u d-diviżjonijiet transkonfinali ta' kumpaniji b'responsabbiltà limitata;";

(2)

fl-Artikolu 18(3), jiddaħħal il-punt li ġej:

"(aa)

id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 86g, 86n, 86p, 123, 127a, 130, 160g, 160n u 160p;";

(3)

l-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(e)

il-lista dettaljata ta’ data li għandha tiġi trażmessa għall-fini ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri, kif imsemmi fl-Artikoli 20, 28a, 28c, 30a u 34;";

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

"(ea)

il-lista dettaljata ta' data li għandha tiġi trażmessa għall-iskop ta' skambju ta' informazzjoni bejn ir-reġistri u għall-iskopijiet ta' żvelar, kif imsemmija fl-Artikoli 86g, 86n, 86p, 123, 127a, 130, 160g, 160n u 160p;";

(c)

fit-tielet paragrafu, tiżdied is-sentenza li ġejja:

"Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (ea) sat-2 ta’ Lulju 2020";

(4)

it-titolu tat-Titolu II huwa sostitwit b'dan li ġej:

"KONVERŻJONIJIET, MERGERS U DIVIŻJONIJIET TA' KUMPANIJI B'RESPONSABBILTÀ LIMITATA";

(5)

fit-Titolu II, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej qabel il-Kapitolu I:

"KAPITOLU -I

Konverżjonijiet transkonfinali

Artikolu 86a

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan il-Kapitolu japplika għal konverżjonijiet ta' kumpaniji b'responsabbiltà limitata ffurmati f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, jew l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew is-sede prinċipali tan-negozju tagħhom fl-Unjoni għal kumpaniji b'responsabbiltà limitata regolati bil-liġi ta' Stat Membru ieħor.

2.   Dan il-Kapitolu ma japplikax għall-konverżjonijiet transkonfinali li jinvolvu kumpanija li l-għan tagħha huwa l-investiment kollettiv ta' kapital ipprovdut mill-pubbliku, li topera bil-prinċipju ta' tifrix tar-riskju u li l-unitajiet tagħha jkunu, fuq it-talba tad-detenturi, riakkwistati jew mifdija, direttament jew indirettament, mill-assi ta' dik il-kumpanija. L-azzjoni meħuda minn tali kumpanija sabiex tiżgura li l-valur tal-unitajiet tagħha fuq il-borża ma jvarjax b'mod sinifikanti mill-valur nett tal-assi tagħha għandha titqies bħala ekwivalenti għal tali riakkwist jew fidì.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan il-Kapitolu ma japplikax għall-kumpaniji fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

il-kumpanija tkun fi stat ta' likwidazzjoni u tkun bdiet tiddistribwixxi assi lill-membri tagħha;

(b)

il-kumpanija tkun soġġetta għal għodod, setgħat u mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan il-Kapitolu għal kumpaniji li jkunu:

(a)

soġġetti għal proċedimenti ta' insolvenza jew soġġetti għal oqfsa ta' ristrutturar preventiv;

(b)

soġġetti għal proċedimenti ta' likwidazzjoni għajr dawk imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3; jew

(c)

soġġetti għal miżuri għall-prevenzjoni ta' kriżi kif definiti fil-punt (101) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 86b

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu:

(1)

"kumpanija" tfisser kumpanija b'responsabbiltà limitata ta' tip elenkat fl-Anness II u li twettaq konverżjoni transkonfinali;

(2)

"konverżjoni transkonfinali" tfisser operazzjoni li biha kumpanija, bla ma tiġi xolta, stralċata jew tidħol f'likwidazzjoni, tikkonverti l-forma ġuridika li taħtha hija tkun reġistrata fi Stat Membru tat-tluq f'forma ġuridika tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, kif elenkata fl-Anness II, u tittrasferixxi tal-anqas l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, filwaqt li żżomm il-personalità ġuridika tagħha;

(3)

"Stat Membru tat-tluq" tfisser Stat Membru li fih kumpanija tkun reġistrata qabel konverżjoni transkonfinali;

(4)

"Stat Membru tad-destinazzjoni" tfisser Stat Membru li fih kumpanija konvertita tiġi reġistrata bħala riżultat ta’ konverżjoni transkonfinali;

(5)

"kumpanija konvertita" tfisser kumpanija ffurmata fi Stat Membru tad-destinazzjoni bħala riżultat ta' konverżjoni transkonfinali.

Artikolu 86c

Proċeduri u formalitajiet

F’konformità mal-liġi tal-Unjoni, il-liġi tal-Istat Membru tat-tluq għandha tirregola dawk il-partijiet tal-proċeduri u l-formalitajiet li magħhom tkun tinħtieġ konformità b'rabta mal-konverżjoni transkonfinali biex jinkiseb iċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni, u l-liġi tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tirregola dawk il-partijiet tal-proċeduri u l-formalitajiet li magħhom tkun tinħtieġ konformità wara r-riċezzjoni taċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni.

Artikolu 86d

L-abbozzi tat-termini ta' konverżjonijiet transkonfinali

Il-korp amministrativ jew maniġerjali tal-kumpanija għandu jfassal l-abbozz tat-termini ta' konverżjoni transkonfinali. L-abbozz tat-termini ta' konverżjoni transkonfinali għandu jinkludi tal-anqas dawn id-dettalji li ġejjin:

(a)

il-forma ġuridika u l-isem tal-kumpanija fl-Istat Membru tat-tluq u l-post tal-uffiċċju reġistrat tagħha f’dak l-Istat Membru;

(b)

il-forma ġuridika u l-isem proposti għall-kumpanija konvertita fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u l-post propost tal-uffiċċju reġistrat tagħha f’dak l-Istat Membru;

(c)

l-istrument ta' kostituzzjoni tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, fejn applikabbli, u l-istatuti jekk dawn ikunu jinsabu fi strument separat;

(d)

l-iskeda ta' żmien indikattiva proposta għall-konverżjoni transkonfinali;

(e)

id-drittijiet mogħtija mill-kumpanija konvertita lill-membri li jgawdu drittijiet speċjali jew lid-detenturi ta' titoli għajr ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanija, jew il-miżuri proposti li jikkonċernawhom;

(f)

kwalunkwe salvagwardja offerta lill-kredituri, bħal garanzija jew rahan;

(g)

kwalunkwe vantaġġ speċjali mogħti lill-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali, superviżorji jew ta' kontroll tal-kumpanija;

(h)

jekk ġiex riċevut xi inċentiv jew sussidju mill-kumpanija fl-Istat Membru tat-tluq fil-ħames snin preċedenti;

(i)

dettalji tal-offerta ta' kumpens fi flus kontanti għall-membri f'konformità mal-Artikolu 86i;

(j)

ir-riperkussjonijiet probabbli tal-konverżjoni transkonfinali fuq l-impjiegi;

(k)

fejn xieraq, informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom jiġu determinati arranġamenti għall-involviment tal-impjegati fid-definizzjoni tad-drittijiet tagħhom li jipparteċipaw fil-kumpanija konvertita taħt l-Artikolu 86l.

Artikolu 86e

Rapport tal-korp amministrattiv jew maniġerjali għall-membri u għall-impjegati

1.   Il-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpanija għandu jfassal rapport għall-membri u għall-impjegati, li jispjega u jiġġustifika l-aspetti legali u ekonomiċi tal-konverżjoni transkonfinali, kif ukoll jispjega l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali għall-impjegati.

Huwa għandu, b'mod partikolari, jispjega l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali għan-negozju futur tal-kumpanija.

2.   Ir-rapport għandu jinkludi wkoll taqsima għall-membri u taqsima għall-impjegati.

Il-kumpanija tista' tiddeċiedi jekk tfassalx rapport wieħed li jkun fih dawk iż-żewġ taqsimiet jew tfassalx rapporti separati għall-membri u għall-impjegati, li rispettivament ikollhom it-taqsima rilevanti.

3.   It-taqsima tar-rapport għall-membri għandha, b'mod partikolari, tispjega dan li ġej:

(a)

il-kumpens fi flus kontanti u l-metodu li ntuża biex jiġi ddeterminat il-kumpens fi flus kontanti;

(b)

l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali għall-membri;

(c)

id-drittijiet u r-rimedji disponibbli għall-membri f'konformità mal-Artikolu 86i.

4.   It-taqsima tar-rapport għall-membri ma għandhiex tkun meħtieġa fejn il-membri kollha tal-kumpanija jkunu qablu li jirrinunzjaw dak ir-rekwiżit. L-Istati Membri jistgħu jeskludu kumpaniji b'membru wieħed mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

5.   It-taqsima tar-rapport għall-impjegati għandha, b'mod partikolari, tispjega dan li ġej:

(a)

l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali għar-relazzjonijiet tal-impjieg, kif ukoll, fejn applikabbli, kwalunkwe miżura maħsuba biex tissalvagwardja dawk ir-relazzjonijiet;

(b)

kwalunkwe tibdil materjali fil-kundizzjonijiet applikabbli tal-impjieg, jew fil-post tan-negozju tal-kumpanija;

(c)

b'liema mod il-fatturi stabbiliti fil-punti (a) u (b) jaffettwaw kwalunkwe sussidjarja tal-kumpanija.

6.   Ir-rapport jew rapporti għandhom jitqiegħdu, fi kwalunkwe każ, b'mod elettroniku, flimkien mal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, jekk ikun disponibbli, għad-dispożizzjoni tal-membri u tar-rappreżentanti tal-impjegati jew, fejn ma jkun hemm ebda tali rappreżentant, għad-dispożizzjoni tal-impjegati nfushom, mhux anqas minn sitt ġimgħat qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86h.

7.   Fejn il-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpanija jirċievi opinjoni dwar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 5, fil-ħin, mingħand ir-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija jew, fejn ma jkun hemm ebda tali rappreżentant, mingħand l-impjegati nfushom, kif previst taħt il-liġi nazzjonali, il-membri għandhom jiġu infurmati dwar dan u dik l-opinjoni għandha tiġi mehmuża mar-rapport.

8.   It-taqsima tar-rapport għall-impjegati ma għandhiex tkun meħtieġa fejn il-kumpanija u s-sussidjarji tagħha, jekk ikun hemm, ma jkollhomx impjegati għajr dawk li jiffurmaw parti mill-korp amministrattiv jew maniġerjali.

9.   Fejn it-taqsima tar-rapport għall-membri msemmija fil-paragrafu 3 tkun ġiet irrinunzjata f'konformità mal-paragrafu 4 u t-taqsima għall-impjegati msemmija fil-paragrafu 5 ma tkunx meħtieġa taħt il-paragrafu 8, ir-rapport ma għandux ikun rikjest

10.   Il-paragrafi 1 sa 9 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-proċeduri ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni applikabbli previsti fil-livell nazzjonali wara t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2002/14/KE u 2009/38/KE.

Artikolu 86f

Rapport minn espert indipendenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li espert indipendenti jeżamina l-abbozz tat-termini ta’ konverżjoni transkonfinali u jfassal rapport għall-membri. Dak ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-membri mhux anqas minn xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86h. Skont il-liġi tal-Istat Membru, l-espert jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu fi kwalunkwe każ jinkludi l-opinjoni tal-espert dwar jekk il-kumpens fi flus kontanti jkunx adegwat. Meta jivvvaluta l-kumpens fi flus kontanti, l-espert għandu jqis kwalunkwe prezz tas-suq tal-ishma fil-kumpanija qabel it-tħabbir tal-proposta ta' konverżjoni jew il-valur tal-kumpanija bl-esklużjoni tal-effett tal-konverżjoni proposta, kif determinat skont il-metodi ta' valwazzjoni ġeneralment aċċettati. Ir-rapport għandu tal-anqas:

(a)

jindika l-metodu jew metodi li ntuża għad-determinazzjoni tal-kumpens fi flus kontanti propost;

(b)

jiddikjara jekk il-metodu jew metodi użati humiex adegwati għall-valutazzjoni tal-kumpens fi flus kontanti, jindika l-valur li jkun ġie kkalkolat bl-użu ta' tali metodi u jagħti opinjoni dwar l-importanza relattiva attribwita lil dawk il-metodi għall-kalkolu tal-valur li jkun ġie deċiż; u

(c)

jiddeskrivi kwalunkwe diffikultà speċjali li tkun qamet fil-valwazzjoni.

L-espert għandu jkun intitolat jikseb mingħand il-kumpanija l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tal-espert.

3.   La eżami tal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali minn espert indipendenti u lanqas rapport minn espert indipendenti ma għandhom ikunu rikjesti jekk hekk ikunu qablu l-membri kollha tal-kumpanija.

L-Istati Membri jistgħu jeskludu kumpaniji b'membru wieħed mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 86g

Żvelar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti li ġejjin jiġu żvelati mill-kumpanija u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru tal-Istat Membru tat-tluq, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86h:

(a)

l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali; u

(b)

avviż li jinforma lill-membri, lill-kredituri u lir-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija, jew, fejn ma jkun hemm ebda tali rappreżentant, lill-impjegati nfushom, biex dawn ikunu jistgħu jissottomettu lill-kumpanija, tal-anqas ħames ġranet tax-xogħol qabel id-data tal-laqgħa ġenerali, kummenti dwar l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li r-rapport tal-espert indipendenti jiġi żvelat u jsir disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija tkun tista' teskludi informazzjoni kunfidenzjali mill-iżvelar tar-rapport tal-espert indipendenti.

Id-dokumenti żvelati f'konformità ma' dan il-paragrafu għandhom ikunu aċċessibbli wkoll permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw kumpanija mir-rekwiżit ta' żvelar imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fejn, għal perjodu kontinwu ta' żmien li jibda tal-anqas xahar qabel id-data stabbilita għal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86h u li jispiċċa mhux qabel il-konklużjoni ta' dik il-laqgħa, dik il-kumpanija tagħmel disponibbli għall-pubbliku d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fis-sit web tagħha mingħajr ħlas.

Madankollu, l-Istati Membri ma għandhom jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għal ebda rekwiżit jew restrizzjoni ħlief għal dawk li jkunu meħtieġa biex ikunu żgurati s-sigurtà tas-sit web u l-awtentiċità tad-dokumenti b'mod li jkunu proporzjonati sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

3.   Fejn kumpanija tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, din għandha tissottometti lir-reġistru tal-Istat Membru tat-tluq, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86h, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-forma ġuridika u l-isem tal-kumpanija u l-post tal-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru tat-tluq, u l-forma ġuridika u l-isem proposti għall-kumpanija konvertita fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u l-post propost tal-uffiċċju reġistrat tagħha f’dak l-Istat Membru;

(b)

ir-reġistru li fih ġew reġistrati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14 fir-rigward tal-kumpanija, u n-numru tar-reġistrazzjoni f'dak ir-reġistru;

(c)

indikazzjoni tal-arranġamenti li saru għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kredituri, tal-impjegati u tal-membri; u

(d)

id-dettalji tas-sit web minn fejn l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, l-avviż imsemmi fil-paragrafu 1, u r-rapport tal-espert indipendenti u l-informazzjoni kompluta dwar l-arranġamenti msemmija fil-punt (c) ta' dan il-paragrafu jistgħu jinkisbu online u mingħajr ħlas.

Ir-reġistru tal-Istat Membru tat-tluq għandu jagħmel disponibbli pubblikament l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 jistgħu jiġu sodisfatti kompletament online mingħajr il-ħtieġa li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem kwalunkwe awtorità kompetenti fl-Istat Membru tat-tluq, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu III tat-Titolu I.

5.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu, minbarra l-iżvelar imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, li l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jiġu ppubblikati fil-gazzetta nazzjonali tagħhom jew permezz ta' pjattaforma elettronika ċentrali f'konformità mal-Artikolu 16(3). F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru jibgħat l-informazzjoni rilevanti lill-gazzetta nazzjonali jew lil pjattaforma elettronika ċentrali.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tkun aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe tariffa imposta fuq il-kumpanija mir-reġistri għall-iżvelar imsemmi fil-paragrafi 1 u 3 u, fejn applikabbli, għall-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, ma taqbiżx l-irkupru tal-ispiża għall-forniment ta' tali servizzi.

Artikolu 86h

Approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali

1.   Wara li tittieħed nota tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 86e u 86f, fejn applikabbli, ta' opinjonijiet ta' impjegati mressqa f'konformità mal-Artikolu 86e u ta' kummenti mressqa f'konformità mal-Artikolu 86g, il-laqgħa ġenerali tal-kumpanija għandha tiddeċiedi, permezz ta' riżoluzzjoni, jekk tapprovax l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali u jekk tadattax l-istrument ta' kostituzzjoni, u l-istatuti jekk ikunu f'dokument separat.

2.   Il-laqgħa ġenerali tal-kumpanija tista' tirriżerva d-dritt li tagħmel l-implimentazzjoni tal-konverżjoni transkonfinali kondizzjonata mir-ratifika espressa minnha tal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 86l.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, u ta’ kwalunkwe emenda f’dak l-abbozz tat-termini, ikunu jirrikjedu maġġoranza ta' mhux anqas minn żewġ terzi iżda mhux aktar minn 90 % tal-voti marbuta jew mal-ishma jew mal-kapital sottoskritt rappreżentati fil-laqgħa ġenerali. Fi kwalunkwe każ, il-livell limitu tal-votazzjoni ma għandux ikun ogħla minn dak previst fil-liġi nazzjonali għall-approvazzjoni ta' mergers transkonfinali.

4.   Fejn xi klawsola fl-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali jew kwalunkwe emenda fl-istrument ta' kostituzzjoni tal-kumpanija li tkun qed tiġi konvertita twassal għal żieda fl-obbligi ekonomiċi ta' xi membru lejn il-kumpanija jew lejn partijiet terzi, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu, f'tali ċirkostanzi speċifiċi, li tali klawsola jew l-emenda fl-istrument ta' kostituzzjoni tiġi approvata mill-membru kkonċernat, dment li tali membru ma jkunx jista' jeżerċita d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 86i.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-approvazzjoni tal-konverżjoni transkonfinali mil-laqgħa ġenerali ma tkunx tista' tiġi kkontestata biss fuq il-motivazzjonijiet li ġejjin:

(a)

li l-kumpens fi flus kontanti msemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 86d ġie stabbilit f’ammont inadegwat; jew

(b)

li l-informazzjoni mogħtija fir-rigward tal-kumpens fi flus kontanti msemmi fil-punt (a) ma kinitx konformi mar-rekwiżiti legali.

Artikolu 86i

Protezzjoni tal-membri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas il-membri ta' kumpanija li jkunu vvutaw kontra l-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali jkollhom id-dritt li jċedu l-ishma tagħhom għal kumpens adegwat fi flus kontanti, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu li membri oħrajn tal-kumpanija jkollhom id-dritt imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li jiġu adegwatament dokumentati, sa mhux aktar tard mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86h, l-oppożizzjoni espressa għall-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, jew l-intenzjoni tal-membri li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jċedu l-ishma tagħhom, jew it-tnejn. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li r-reġistrazzjoni tal-oppożizzjoni għall-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali titqies bħala dokumentazzjoni adatta ta' vot negattiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-perjodu li matulu l-membri msemmija fil-paragrafu 1 ikollhom jiddikjaraw lill-kumpanija d-deċiżjoni tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jċedu l-ishma tagħhom. Dak il-perjodu ma għandux jeċċedi xahar wara l-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86h. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija tipprovdi indirizz elettroniku biex tirċievi dik id-dikjarazzjoni elettronikament.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll il-perjodu li matulu l-kumpens fi flus kontanti speċifikat fl-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali irid jitħallas. Dak il-perjodu ma għandux jiskadi aktar tard minn xahrejn wara li tkun saret effettiva l-konverżjoni transkonfinali skont l-Artikolu 86q.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe membru li jkun iddikjara d-deċiżjoni tiegħu li jeżerċita d-dritt li jċedi l-ishma, iżda li jqis li l-kumpens fi flus kontanti offrut mill-kumpanija ma ġiex adegwatament stabbilit, ikun intitolat li jitlob kumpens addizzjonali fi flus kontanti quddiem l-awtorità jew il-korp kompetenti responsabbli taħt il-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limitu ta' żmien għat-talba għal kumpens addizzjonali fi flus kontanti.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-deċiżjoni finali li tipprovdi kumpens addizzjonali fi flus kontanti tkun valida għall-membri kollha li jkunu ddikjaraw id-deċiżjoni tagħhom li jeżerċitaw id-dritt li jċedu l-ishma tagħhom skont il-paragrafu 2.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi tal-Istat Membru tat-tluq tirregola d-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 u li l-kompetenza esklużiva għar-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe tilwima relatata ma' dawk id-drittijiet tkun fil-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru tat-tluq.

Artikolu 86j

Protezzjoni tal-kredituri

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema adegwata ta' protezzjoni tal-interessi tal-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom oriġinaw qabel l-iżvelar tal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali u li ma jkunux saru esiġibbli fil-waqt ta' tali żvelar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri li ma jkunux sodisfatti bis-salvagwardji offruti fl-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, kif previst fil-punt (f) tal-Artikolu 86d, ikunu jistgħu japplikaw, fi żmien tliet xhur mill-iżvelar tal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali msemmi fl-Artikolu 86g, mal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja xierqa għal salvagwardji adegwati, dment li tali kredituri jkunu jistgħu juru b'mod kredibbli li, minħabba l-konverżjoni transkonfinali, il-pretensjonijiet tagħhom jistgħu ma jiġux sodisfatti u li l-ebda salvagwardja adegwata ma tkun inkisbet mill-kumpanija.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-salvagwardji jkunu kkondizzjonati milli l-konverżjoni transkonfinali ssir effettiva skont l-Artikolu 86q.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpanija jipprovdi dikjarazzjoni li tirrifletti b'mod preċiż l-istatus finanzjarju tagħha f'data li ma għandhiex tkun aktar kmieni minn xahar qabel l-iżvelar ta' dik id-dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni għandha tkun li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpanija fid-data ta' dik id-dikjarazzjoni, u wara li jkunu saru inkjesti raġonevoli, dak il-korp amministrattiv jew maniġerjali ma jkun jaf b'ebda raġuni għala l-kumpanija ma tkunx tista', wara li ssir effettiva l-konverżjoni, tissodisfa l-obbligazzjonijiet tagħha meta jsiru dovuti dawn l-obbligazzjonijiet. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi żvelata flimkien mal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali f'konformità mal-Artikolu 86g.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru tat-tluq rigward l-adempiment jew l-assigurar tal-obbligazzjonijiet ta’ flus jew mhux ta' flus dovuti lil korpi pubbliċi.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom joriġinaw qabel l-iżvelar tal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali jkunu jistgħu jistitwixxu proċedimenti kontra l-kumpanija ukoll fl-Istat Membru tat-tluq fi żmien sentejn mid-data li fiha l-konverżjoni tkun saret effettiva, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinsabu fil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jew fi ftehim kuntrattwali. L-għażla li persuna tistiwixxi tali proċedimenti għandha tkun b'żieda ma' regoli oħra dwar l-għażla ta' ġurisdizzjoni li jkunu applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 86k

Informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni jkunu rrispettati relattivament għall-konverżjoni transkonfinali u jiġu eżerċitati f'konformità mal-qafas legali previst fid-Direttiva 2002/14/KE u, fejn ikun applikabbli għal impriżi fuq skala Komunitarja jew għal gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja, f'konformità mad-Direttiva 2009/38/KE. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jkunu applikabbli drittijiet tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni fir-rigward ta' impjegati ta’ kumpaniji oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14/KE.

2.   Minkejja l-Artikolu 86e(7) u l-punt (b) tal-Artikolu 86g(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni jkunu rrispettati, tal-anqas qabel ma l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali jew ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 86e jkunu ġew deċiżi, skont liema jsir l-ewwel, b'tali mod li tingħata risposta motivata lill-impjegati kollha qabel il-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86h.

3.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni jew prattika fis-seħħ li jkunu aktar favorevoli għall-impjegati, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċizzju tad-dritt għal informazzjoni u konsultazzjoni f'konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14/KE.

Artikolu 86l

Parteċipazzjoni tal-impjegati

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-kumpanija konvertita għandha tkun soġġetta għar-regoli fis-seħħ li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

2.   Madankollu, ir-regoli fis-seħħ li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, ma għandhomx japplikaw fejn il-kumpanija jkollha, fis-sitt xhur qabel l-iżvelar tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, għadd medju ta' impjegati ekwivalenti għal tmenin fil-mija tal-livell limitu applikabbli, kif stabbilit fil-liġi tal-Istat Membru tat-tluq, biex tiġi attivata l-parteċipazzjoni tal-impjegati fis-sens tal-punt (k) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/86/KE, jew fejn il-liġi tal-Istat Membru tad-destinazzjoni:

(a)

ma tipprevedix tal-anqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni tal-impjegati kif operata fil-kumpanija transkonfinali qabel il-konverżjoni transkonfinali, imkejla b'referenza għall-proporzjon ta' rappreżentanti tal-impjegati fost il-membri tal-korp amministrattiv jew superviżorju jew il-kumitati tagħhom jew tal-grupp maniġerjali li jkopri l-unitajiet tal-profitt tal-kumpanija, soġġetti għar-rappreżentazzjoni tal-impjegati; jew

(b)

ma tipprevedix li l-impjegati ta' stabbilimenti tal-kumpanija konvertita li jinsabu fi Stati Membri oħrajn ikunu wkoll jistgħu jeżerċitaw drittijiet ta' parteċipazzjoni kif igawdu dawk l-impjegati mħaddma fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kumpanija konvertita u l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta' tali drittijiet għandhom ikunu regolati mill-Istati Membri, mutatis mutandis u soġġett għall-paragrafi 4 sa 7 ta' dan l-Artikolu, f'konformità mal-prinċipji u mal-proċeduri stipulati fl-Artikolu 12(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u fid-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva 2001/86/KE:

(a)

l-Artikolu 3(1), il-punti (a)(i) u (b) tal-Artikolu 3(2), l-Artikolu 3(3), l-ewwel żewġ sentenzi tal-Artikolu 3(4), u l-Artikolu 3(5) u (7);

(b)

l-Artikolu 4(1), il-punti (a), (g) u (h) tal-Artikolu 4(2), u l-Artikolu 4(3) u (4);

(c)

l-Artikolu 5;

(d)

l-Artikolu 6

(e)

l-Artikolu 7 (1), bl-eċċezzjoni tat-tieni inċiż tal-punt (b);

(f)

l-Artikoli 8, 10, 11 u 12; u

(g)

il-punt (a) tal-Parti 3 tal-Anness.

4.   Meta jkunu qed jirregolaw il-prinċipji u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri:

(a)

għandhom jagħtu lill-korp speċjali tan-negozjar id-dritt li jiddeċiedi, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw tal-anqas żewġ terzi mill-impjegati, li ma jiftaħx negozjati jew li jtemm in-negozjati diġà miftuħa u li jibbaża fuq ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(b)

jistgħu, fil-każ fejn, wara negozjati preċedenti, ikunu applikabbli regoli standard għall-parteċipazzjoni u minkejja tali regoli, jiddeċiedu li jillimitaw il-proporzjon ta' rappreżentanti tal-impjegati fil-korp amministrattiv tal-kumpanija konvertita. Madankollu, jekk, fil-kumpanija, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jikkostitwixxu tal-anqas terz mill-korp amministrattiv jew superviżorju, il-limitazzjoni qatt ma tista' tirriżulta fi proporzjon ta' rappreżentanti tal-impjegati fil-korp amministrattiv iżgħar minn terz;

(c)

għandhom jiżguraw li r-regoli tal-parteċipazzjoni tal-impjegati li kienu japplikaw qabel il-konverżjoni transkonfinali jibqgħu japplikaw sad-data tal-applikazzjoni ta' kwalunkwe regola sussegwentement miftiehma jew, fin-nuqqas ta' regoli miftiehma, sal-mument tal-applikazzjoni ta' regoli standard f'konformità mal-punt (a) tal-Parti 3 tal-Anness tad-Direttiva 2001/86/KE.

5.   L-estensjoni tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni għall-impjegati tal-kumpanija konvertita li jkunu impjegati fi Stati Membri oħra, kif imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2, ma għandhiex twassal għal xi obbligu għall-Istati Membri li jagħmlu dik l-għażla biex jikkunsidraw lil dawk l-impjegati meta jikkalkolaw id-daqs tal-livelli minimi tal-forza tax-xogħol li jwasslu għal drittijiet ta' parteċipazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.

6.   Fejn il-kumpanija konvertita għandha tkun iggvernata b'sistema ta' parteċipazzjoni tal-impjegati, f'konformità mar-regoli msemmija fil-paragrafu 2, din għandha tkun obbligata tieħu forma ġuridika li tippermetti l-eżerċizzju ta' drittijiet ta' parteċipazzjoni.

7.   Fejn il-kumpanija konvertita tkun qed topera taħt sistema ta' parteċipazzjoni tal-impjegati, hija għandha tkun obbligata tieħu miżuri biex tiżgura li d-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati jkunu protetti fil-każ ta' kwalunkwe konverżjoni, merger jew diviżjoni sussegwenti, kemm jekk transkonfinali kif ukoll jekk domestika, għal perjodu ta' erba' snin wara li ssir effettiva l-konverżjoni transkonfinali, billi tapplika mutatis mutandis ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6.

8.   Kumpanija għandha tikkomunika lill-impjegati tagħha jew lir-rappreżentanti tagħhom l-eżitu tan-negozjati li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 86m

Ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-qorti, nutar jew awtorità jew awtoritajiet oħra kompetenti biex jiskrutinizzaw il-legalità ta' konverżjonijiet transkonfinali fir-rigward ta' dawk il-partijiet tal-proċedura li jkunu regolati mil-liġi tal-Istat Membru tat-tluq u joħorġu ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni li jattesta l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u t-tlestija għalkollox tal-proċeduri u l-formalitajiet kollha fl-Istat Membru tat-tluq ("l-awtorità kompetenti").

Tali tlestija ta' proċeduri u formalitajiet tista' tikkonsisti fl-adempiment jew l-assigurar tal-obbligazzjonijiet ta’ flus jew mhux ta' flus dovuti lil korpi pubbliċi jew il-konformità ma' rekwiżiti settorjali speċifiċi, inkluż l-assigurar ta' obbligazzjonijiet derivati minn proċedimenti kurrenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni mill-kumpanija biex tikseb ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni tkun akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a)

l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali;

(b)

ir-rapport u l-opinjoni mehmuża, jekk ikun hemm, imsemmija fl-Artikolu 86e, kif ukoll ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 86f, fejn dawk ir-rapporti jkunu disponibbli;

(c)

kwalunkwe kumment li jkun tressaq skont l-Artikolu 86g(1); u

(d)

l-informazzjoni dwar l-approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86h.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjoni għall-ksib ta' ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni mill-kumpanija tkun akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali, bħal, b'mod partikolari:

(a)

l-għadd ta' impjegati fil-waqt tat-tfassil tal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali;

(b)

l-eżistenza ta’ sussidjarji u l-post ġeografiku rispettiv tagħhom;

(c)

informazzjoni dwar l-adempiment tal-obbligazzjonijiet dovuti mill-kumpanija lil korpi pubbliċi.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu tali informazzjoni, jekk ma tkunx ġiet ipprovduta mill-kumpanija, minn awtoritajiet rilevanti oħra.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, inkluża l-preżentazzjoni ta' xi informazzjoni u dokumenti, tista' timtela kompletament online mingħajr il-ħtieġa li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem l-awtorità kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu III tat-Titolu I.

5.   Fir-rigward tal-konformità mar-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati kif stabbiliti fl-Artikolu 86l, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tat-tluq għandha tivverifika li l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali jinkludi informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom l-arranġamenti rilevanti jiġu determinati u dwar l-għażliet possibbli għal tali arranġamenti.

6.   Bħala parti mill-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha teżamina li ġej:

(a)

id-dokumenti u l-informazzjoni kollha mressqa lill-awtorità kompetenti skont il-paragrafi 2 u 3;

(b)

indikazzjoni mill-kumpanija li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 86l(3) u (4) bdiet, fejn rilevanti.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1 jsir fi żmien tliet xhur mid-data tar-riċezzjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-konverżjoni transkonfinali mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija. L-iskrutinju għandu jkollu wieħed mill-eżiti li ġejjin:

(a)

fejn jiġi ddeterminat li l-konverżjoni transkonfinali tikkonforma mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u li tlestew il-proċeduri u l-formalitajiet neċessarji kollha, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ iċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni;

(b)

fejn jiġi ddeterminat li l-konverżjoni transkonfinali ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha jew li ma tlestewx il-proċeduri u l-formalitajiet neċessarji kollha, l-awtorità kompetenti ma għandhiex toħroġ iċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni u għandha tinforma lill-kumpanija bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha; f'dak il-każ, l-awtorità kompetenti tista' tagħti lill-kumpanija l-opportunità li tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti jew li tlesti l-proċeduri u l-formalitajiet f'perjodu ta' żmien adatt.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti ma toħroġx iċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni fejn jiġi ddeterminat, f'konformità mal-liġi nazzjonali, li konverżjoni transkonfinali tkun għal finijiet abbużivi jew frodulenti li jwasslu jew huma maħsuba għall-evażjoni minn, jew għall-evitar ta', il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, jew għal finijiet kriminali.

9.   Fejn l-awtorità kompetenti, waqt l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1, ikollha dubji serji li jindikaw li l-konverżjoni transkonfinali tkun għal finijiet abbużivi jew frodulenti li jwasslu jew huma maħsuba għall-evażjoni minn, jew għall-evitar ta', il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, jew għal finijiet kriminali, hija għandha tqis il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti, bħal, fejn ikunu rilevanti u ma jitqisux b'mod iżolat, fatturi indikattivi li minnhom l-awtorità kompetenti tkun saret konxja, matul l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1, inkluż permezz ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti. Il-valutazzjoni għall-finijiet ta' dan il-paragrafu għandha ssir fuq il-bażi ta' każ b'każ, permezz ta' proċedura regolata mil-liġi nazzjonali.

10.   Fejn ikun jenħtieġ, għall-finijiet tal-valutazzjoni taħt il-paragrafi 8 u 9, li jittieħed kont ta' informazzjoni addizzjonali jew li jitwettqu attivitajiet addizzjonali ta' investigazzjoni, il-perjodu ta' tliet xhur previst fil-paragrafu 7 jista' jiġi estiż b'massimu ta' tliet xhur.

11.   Fejn, minħabba l-kumplessità tal-proċedura transkonfinali, il-valutazzjoni ma tkunx tista' ssir fi ħdan l-iskadenzi previsti fil-paragrafi 7 u 10, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant jiġi notifikat bir-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien qabel ma jagħlqu dawk l-iskadenzii.

12.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tkun tista' tikkonsulta awtoritajiet rilevanti oħra b'kompetenzi fl-oqsma differenti kkonċernati mill-konverżjoni transkonfinali, inklużi dawk mill-Istat Membru tad-destinazzjoni, u tkun tista' tikseb minn dawk l-awtoritajiet, u mill-kumpanija l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa biex tiskrutinizza l-legalità tal-konverżjoni transkonfinali, fi ħdan il-qafas proċedurali stabbilit fil-liġi nazzjonali. Għall-finijiet tal-valutazzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tirrikorri għal espert indipendenti.

Artikolu 86n

Trażmissjoni taċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni jiġi kondiviż mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 86o(1) permezz tas-sistema ta' interkonnessjoni ta' reġistri.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li ċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni jkun disponibbli permezz tas-sistema ta' interkonnessjoni ta' reġistri.

2.   L-aċċess għaċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni għandu jkun bla ħlas għall-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 86o(1) u għar-reġistri.

Artikolu 86o

Skrutinju tal-legalità tal-konverżjoni transkonfinali mill-Istat Membru tad-destinazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-qorti, nutar jew awtorità oħra kompetenti biex jiskrutinizzaw il-legalità tal-konverżjoni transkonfinali fir-rigward ta' dik il-parti tal-proċedura li tkun regolata mil-liġi tal-Istat Membru tad-destinazzjoni. Dik l-awtorità għandha tkun kompetenti biex tapprova l-konverżjoni transkonfinali

Dik l-awtorità għandha, b'mod partikolari, tiżgura li l-kumpanija konvertita tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar l-inkorporazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' kumpaniji u, fejn xieraq, li l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ġew determinati f'konformità mal-Artikolu 86l.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kumpanija għandha tippreżenta lill-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali approvat mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86h.

3.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe applikazzjoni għall-finijiet tal-paragrafu 1 mill-kumpanija, inkluża l-preżentazzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni u dokument, tista' timtela kompletament online mingħajr il-ħtieġa li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem l-awtorità msemmija fil-paragrafu 1, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu III tat-Titolu I.

4.   L-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapprova l-konverżjoni transkonfinali malli tiddetermina li l-kundizzjonijiet rilevanti kollha ġew sodisfatti kif dovut u l-formalitajiet tlestew kif dovut fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

5.   Iċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni għandu jiġi aċċettat mill-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bħala attestazzjoni konklużiva tat-tlestija korretta tal-proċeduri u l-formalitajiet ta' qabel il-konverżjoni fl-Istat Membru tat-tluq, li mingħajrhom il-konverżjoni transkonfinali ma tkunx tista' tiġi approvata.

Artikolu 86p

Reġistrazzjoni

1.   Il-liġijiet tal-Istat Membru tat-tluq u tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandhom jiddeterminaw, fir-rigward tat-territorji rispettivi tagħhom, l-arranġamenti, f'konformità mal-Artikolu 16, għall-iżvelar tat-tlestija tal-konverżjoni transkonfinali fir-reġistri tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas l-informazzjoni li ġejja tiddaħħal fir-reġistri tagħhom:

(a)

fir-reġistru tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, li r-reġistrazzjoni tal-kumpanija konvertita tkun ir-riżultat ta' konverżjoni transkonfinali;

(b)

fir-reġistru tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, id-data tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija konvertita;

(c)

fir-reġistru tal-Istat Membru tat-tluq, li t-tħassir jew it-tneħħija tal-kumpanija mir-reġistru jkunu r-riżultat ta' konverżjoni transkonfinali;

(d)

fir-reġistru tal-Istat Membru tat-tluq, id-data tat-tħassir jew tat-tneħħija tal-kumpanija mir-reġistru;

(e)

fir-reġistri tal-Istat Membru tat-tluq u tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, rispettivament, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-isem u l-forma legali tal-kumpanija u n-numru tar-reġistrazzjoni, l-isem u l-forma legali tal-kumpanija konvertita.

Ir-reġistri għandhom jagħmlu l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu disponibbli pubblikament u aċċessibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jinnotifika lir-reġistru fl-Istat Membru tat-tluq permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri li l-konverżjoni transkonfinali tkun saret effettiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li r-reġistrazzjoni tal-kumpanija titħassar jew titneħħa mir-reġistru minnufih mar-riċezzjoni ta' dik in-notifika.

Artikolu 86q

Id-data li fiha ssir effettiva l-konverżjoni transkonfinali

Il-liġi tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tiddetermina d-data li fiha ssir effettiva l-konverżjoni transkonfinali. Dik id-data għandha tkun wara li jkun sar l-iskrutinju msemmi fl-Artikoli 86m u 86o.

Artikolu 86r

Konsegwenzi ta’ konverżjoni transkonfinali

Konverżjoni transkonfinali mwettqa għandu jkollha, mid-data msemmija fl-Artikolu 86q, il-konsegwenzi li ġejjin:

(a)

l-attiv u l-passiv kollha tal-kumpanija, inklużi l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet kollha, isiru tal-kumpanija konvertita;

(b)

il-membri tal-kumpanija għandhom jibqgħu membri tal-kumpanija konvertita, dment li ma jkunux ċedew l-ishma tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 86i(1);

(c)

id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-kumpanija li jirriżultaw minn kuntratti ta' impjieg jew minn relazzjonijiet ta' impjieg u dawk eżistenti fid-data li fiha ssir effettiva l-konverżjoni transkonfinali għandhom ikunu dawk tal-kumpanija konvertita.

Artikolu 86s

Esperti indipendenti

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jirregolaw tal-anqas ir-responsabbiltà ċivili tal-espert indipendenti responsabbli għat-tfassil tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 86f.

2.   L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ regoli li jiżguraw li:

(a)

l-espert, jew il-persuna ġuridika li f'isimha l-espert ikun qed jopera, ikunu indipendenti minn, u ma jkollhom l-ebda kunflitt ta' interessi ma', il-kumpanija li tapplika għaċ-ċertifikat ta' qabel il-konverżjoni; u

(b)

l-opinjoni tal-espert tkun imparzjali u oġġettiva, u tingħata bil-għan li tipprovdi assistenza lill-awtorità kompetenti skont ir-rekwiżiti ta' indipendenza u imparzjalità taħt il-liġi u l-istandards professjonali li għalihom l-espert ikun soġġett.

Artikolu 86t

Validità

Konverżjoni transkonfinali li tkun saret effettiva f'konformità mal-proċeduri li jittrasponu din id-Direttiva ma tistax tiġi ddikjarata nulla u bla effett.

L-ewwel paragrafu ma jaffettwax is-setgħat tal-Istati Membri, inter alia, fir-rigward tal-liġi kriminali, tal-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih, tal-liġi soċjali, tat-tassazzjoni u tal-infurzar tal-liġi, li jimponu miżuri u penali, taħt il-liġi nazzjonali, wara d-data li fiha tkun saret effettiva l-konverżjoni transkonfinali.";

(6)

fl-Artikolu 119, il-punt (2) huwa emendat kif ġej:

(a)

fi tmiem il-punt (c) jiżdied "; jew";

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

"(d)

kumpanija waħda jew aktar, meta jiġu xolti mingħajr likwidazzjoni, jittrasferixxu l-attiv u l-passiv kollha tagħhom lil kumpanija eżistenti oħra, il-kumpanija akkwirenti, mingħajr il-ħruġ ta' kwalunkwe sehem ġdid mill-kumpanija akkwirenti, dment li persuna waħda tkun id-detentur dirett jew indirett tal-ishma kollha fil-kumpaniji li huma l-oġġett ta' merger jew li l-membri tal-kumpaniji li huma l-oġġett ta' merger jkunu d-detenturi tal-ishma tagħhom bl-istess proporzjon fil-kumpaniji kollha li huma l-oġġett ta' merger.";

(7)

l-Artikolu 120 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan il-Kapitolu ma japplikax għall-kumpaniji li jkunu jinsabu fi kwalunkwe miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

il-kumpanija tkun f'likwidazzjoni u bdiet tqassam l-assi lill-membri tagħha;

(b)

il-kumpanija tkun soġġetta għal għodod, setgħat u mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE.";

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan il-Kapitolu għal kumpaniji li jkunu:

(a)

soġġetti għal proċeduri ta' insolvenza jew soġġetti għal oqfsa ta' ristrutturar preventiv;

(b)

soġġetti għal proċedimenti ta' likwidazzjoni għajr dawk imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4, jew

(c)

soġġetti għal miżuri għall-prevenzjoni ta' kriżi kif definiti fil-punt (101) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.";

(8)

l-Artikolu 121 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jitħassar il-punt (a);

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   Id-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom, b'mod partikolari, jinkludu dawk li jikkonċernaw il-proċess deċiżjonali relatat mal-merger u mal-protezzjoni tal-impjegati fir-rigward ta' drittijiet li mhumiex dawk regolati mill-Artikolu 133.";

(9)

l-Artikolu 122 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b'dan li ġej:

"(a)

għal kull waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger, il-forma ġuridika tagħha u l-isem, u l-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħha, u l-forma ġuridika u l-isem proposti għall-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali u l-post propost tal-uffiċċju rreġistrat tagħha;

(b)

il-proporzjon applikabbli għall-iskambju ta' titoli jew ta' ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanija u l-ammont ta' kwalunkwe pagament fi flus kontanti, fejn xieraq;";

(b)

il-punti (h) u (i) huma sostitwiti b'dan li ġej:

"(h)

kwalunkwe vantaġġ speċjali mogħti lill-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali, superviżorji jew ta' kontroll tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger;

(i)

l-istrument tal-kostituzzjoni tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali, fejn applikabbli, u l-istatuti jekk dawn ikunu jinsabu fi strument separat;";

(c)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(m)

id-dettalji tal-offerta ta' kumpens fi flus kontanti għall-membri f'konformità mal-Artikolu 126a;

(n)

kwalunkwe salvagwardja offerta lill-kredituri, bħal garanzija jew rahan.";

(10)

l-Artikoli 123 u 124 huma sostitwiti b'dan li ġej:

"Artikolu 123

Żvelar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti li ġejjin jiġu żvelati mill-kumpanija u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru tal-Istat Membru ta' kull kumpanija li tkun oġġett tal-merger, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126:

(a)

l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali; u

(b)

avviż li jinforma lill-membri, lill-kredituri u lir-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija li tkun oġġett tal-merger, jew, fejn ma jkun hemm ebda tali rappreżentant, lill-impjegati nfushom, li jistgħu jissottomettu lill-kumpanija rispettiva tagħhom, tal-anqas ħames ġranet tax-xogħol qabel id-data tal-laqgħa ġenerali, kummenti dwar l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li r-rapport tal-espert indipendenti jiġi żvelat u jsir disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija tkun tista' teskludi informazzjoni kunfidenzjali mill-iżvelar tar-rapport tal-espert indipendenti.

Id-dokumenti żvelati f'konformità ma' dan il-paragrafu għandhom ikunu aċċessibbli wkoll permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw kumpaniji li jkunu l-oġġett ta' merger mir-rekwiżit ta' żvelar imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fejn, għal perjodu kontinwu ta' żmien li jibda tal-anqas xahar qabel id-data stabbilita għal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126 u li jintemm mhux qabel il-konklużjoni ta' dik il-laqgħa, dawk il-kumpaniji jagħmlu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku fis-siti web tagħhom mingħajr ħlas.

Madankollu, l-Istati Membri ma għandhom jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għal ebda rekwiżit jew restrizzjoni ħlief għal dawk li jkunu meħtieġa biex ikunu żgurati s-sigurtà tas-sit web u l-awtentiċità tad-dokumenti, u li jkunu proporzjonati biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

3.   Fejn il-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta' merger jagħmlu disponibbli l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, għandhom jissottomettu lir-reġistru rispettiv tagħhom, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali ġenerali msemmija fl-Artikolu 126, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

għal kull waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger, il-forma ġuridika tagħha u l-isem, u l-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħha, u l-forma ġuridika u l-isem proposti għal kwalunkwe kumpanija maħluqa ġdida u l-post propost tal-uffiċċju rreġistrat tagħha;

(b)

ir-reġistru li fih ġew ippreżentati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14 fir-rigward ta' kull waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger, u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija rispettiva f'dak ir-reġistru;

(c)

indikazzjoni, għal kull waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger, tal-arranġamenti li saru għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kredituri, tal-impjegati u tal-membri; u

(d)

id-dettalji tas-sit web minn fejn l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali, l-avviż imsemmi fil-paragrafu 1, ir-rapport tal-espert indipendenti u informazzjoni kompluta dwar l-arranġamenti msemmija fil-punt (c) ta' dan il-paragrafu tkun tista' tinkiseb online u mingħajr ħlas.

Ir-reġistru tal-Istat Membru ta’ kull waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger għandu jagħmel pubblikament disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 jistgħu jiġu sodisfatti kompletament online mingħajr il-ħtieġa li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem xi awtorità kompetenti fl-Istati Membri tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta' merger, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu III tat-Titolu I.

5.   Fejn l-approvazzjoni tal-merger ma tkunx meħtieġa mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija akkwirenti f'konformità mal-Artikolu 126(3), l-iżvelar imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandu jsir tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija l-oħra jew tal-kumpaniji l-oħrajn li jkunu l-oġġett tal-merger.

6.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu, minbarra l-iżvelar imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, li l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali, jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jiġu ppubblikati fil-gazzetta nazzjonali tagħhom jew permezz ta' pjattaforma elettronika ċentrali f'konformità mal-Artikolu 16(3). F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru jibgħat l-informazzjoni rilevanti lill-gazzetta nazzjonali jew lil pjattaforma elettronika ċentrali.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tkun aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe tariffa imposta mir-reġistri lill-kumpanija għall-iżvelar imsemmi fil-paragrafi 1 u 3 u, fejn applikabbli, għall-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 ma taqbiżx l-irkupru tal-ispiża għall-forniment ta' tali servizzi.

Artikolu 124

Rapport tal-korp amministrattiv jew maniġerjali għall-membri u għall-impjegati

1.   Il-korp amministrattiv jew maniġerjali ta' kull waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger għandu jfassal rapport għall-membri u għall-impjegati li jispjega u jiġġustifika l-aspetti legali u ekonomiċi tal-merger transkonfinali, kif ukoll jispjega l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għall-impjegati.

Huwa għandu, b'mod partikolari, jispjega l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għan-negozju futur tal-kumpanija

2.   Ir-rapport għandu jinkludi wkoll taqsima għall-membri u taqsima għall-impjegati.

Il-kumpanija tista' tiddeċiedi jew li tfassal rapport wieħed li jkun fih dawk iż-żewġ taqsimiet jew tfassal rapporti separati għall-membri u għall-impjegati, li rispettivament ikollhom it-taqsima rilevanti.

3.   It-taqsima tar-rapport għall-membri għandha, b'mod partikolari, tispjega dan li ġej:

(a)

il-kumpens fi flus kontanti u l-metodu li ntuża biex jiġi ddeterminat il-kumpens fi flus kontanti;

(b)

il-proporzjon ta' skambju tal-ishma u l-metodu jew il-metodi li ntużaw biex jiġi kkalkolat il-proporzjon ta' skambju tal-ishma, fejn applikabbli;

(c)

l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għall-membri;

(d)

id-drittijiet u r-rimedji disponibbli għall-membri f'konformità mal-Artikolu 126a.

4.   It-taqsima tar-rapport għall-membri ma għandhiex tkun meħtieġa fejn il-membri kollha tal-kumpanija jkunu qablu li jirrinunzjaw dak ir-rekwiżit. L-Istati Membri jistgħu jeskludu kumpaniji b'membru wieħed mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

5.   It-taqsima tar-rapport għall-impjegati għandha, b'mod partikolari, tispjega dan li ġej:

(a)

l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għar-relazzjonijiet tal-impjieg, kif ukoll, fejn applikabbli, kwalunkwe miżura biex tissalvagwardja dawk ir-relazzjonijiet;

(b)

kwalunkwe tibdil materjali fil-kundizzjonijiet applikabbli tal-impjieg jew fir-rigward tal-postijiet tan-negozju tal-kumpanija;

(c)

b'liema mod il-fatturi stabbiliti fil-punti (a) u (b) jaffettwaw kwalunkwe sussidjarja tal-kumpanija.

6.   Ir-rapport jew rapporti għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fi kwalunkwe każ, b'mod elettroniku, flimkien mal-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali, jekk disponibbli, tal-membri u tar-rappreżentanti tal-impjegati ta' kull waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger jew, fejn ma jkun hemm l-ebda tali rappreżentant, tal-impjegati nfushom, mhux anqas minn sitt ġimgħat qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126.

Madankollu, fejn l-approvazzjoni tal-merger ma tkunx meħtieġa mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija akkwirenti f'konformità mal-Artikolu 126(3), ir-rapport għandu jsir disponibbli tal-anqas sitt ġimgħat qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija jew tal-kumpaniji l-oħra li jkunu l-oġġett tal-merger.

7.   Fejn il-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger jirċievi opinjoni dwar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 5, fil-ħin, mingħand ir-rappreżentanti tal-impjegati jew, fejn ma jkun hemm ebda tali rappreżentant, mingħand l-impjegati nfushom, kif previst taħt il-liġi nazzjonali, il-membri għandhom jiġu infurmati dwar dan u dik l-opinjoni għandha tiġi mehmuża mar-rapport.

8.   It-taqsima tar-rapport għall-impjegati ma għandhiex tkun meħtieġa fejn kumpanija li tkun oġġett ta' merger u s-sussidjarji tagħha, jekk ikollha, ma jkollhomx impjegati għajr dawk li jiffurmaw parti mill-korp amministrattiv jew maniġerjali.

9.   Fejn it-taqsima tar-rapport għall-membri msemmija fil-paragrafu 3 tkun ġiet irrinunzjata f'konformità mal-paragrafu 4 u t-taqsima għall-impjegati msemmija fil-paragrafu 5 ma tkunx meħtieġa taħt il-paragrafu 8, ir-rapport ma għandux ikun rikjest.

10.   Il-paragrafi 1 sa 9 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet applikabbli ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni u għall-proċeduri previsti fil-livell nazzjonali wara t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2002/14/KE u 2009/38/KE.";

(11)

l-Artikolu 125 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Madankollu, fejn l-approvazzjoni tal-merger ma tkunx meħtieġa mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija akkwirenti f'konformità mal-Artikolu 126(3), ir-rapport għandu jsir disponibbli tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija jew tal-kumpaniji l-oħra li jkunu l-oġġett tal-merger.";

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu fi kwalunkwe każ jinkludi l-opinjoni tal-esperti dwar jekk il-kumpens fi flus kontanti u l-proporzjon ta' skambju tal-ishma jkunux adegwati. Meta jivvalutaw il-kumpens fi flus kontanti, l-espert għandu jqis kwalunkwe prezz tas-suq tal-ishma fil-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger qabel it-tħabbir tal-proposta ta' merger jew il-valur tal-kumpaniji bl-esklużjoni tal-effett tal-merger propost kif determinat skont metodi ta' valwazzjoni ġeneralment aċċettati. Ir-rapport għandu tal-anqas:

(a)

jindika l-metodu jew metodi li jkunu ntużaw għad-determinazzjoni tal-ammont propost ta’ kumpens fi flus kontanti;

(b)

jindika l-metodu jew metodi li jkunu ntużaw għall-kalkolu tal-proporzjon propost ta' skambju tal-ishma;

(c)

jiddikjara jekk il-metodu jew metodi li jkunu ntużaw ikunux adegwati għall-valutazzjoni tal-kumpens fi flus kontanti u tal-proporzjon ta' skambju tal-ishma, jindika l-valur stabbilit bl-użu ta' tali metodi u jagħti opinjoni dwar l-importanza relattiva attribwita lil dawk il-metodi għall-kalkolu tal-valur li jkun ġie deċiż; u, fil-każ li jkunu ntużaw metodi differenti fil-kumpaniji li jkunu oġġett tal-merger, jiddikjara wkoll jekk l-użu ta' metodi differenti kienx ġustifikat; u

(d)

jiddeskrivi kwalunkwe diffikultà speċjali li tkun irriżultat fil-valwazzjoni.

L-espert għandu jkun intitolat jikseb mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tal-espert.";

(c)

fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"L-Istati Membri jistgħu jeskludu kumpaniji b'membru wieħed mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.";

(12)

l-Artikolu 126 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   Wara li tieħu nota tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 124 u 125, fejn applikabbli, l-opinjonijiet tal-impjegati mressqa f'konformità mal-Artikolu 124 u l-kummenti mressqa f'konformità mal-Artikolu 123, il-laqgħa ġenerali ta' kull waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger għandha tiddeċiedi, permezz ta' riżoluzzjoni, jekk tapprovax l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali u jekk tadattax l-istrument ta' kostituzzjoni, u l-istatuti jekk ikunu jinsabu fi strument separat.";

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-approvazzjoni tal-merger transkonfinali mil-laqgħa ġenerali ma tkunx tista' tiġi kkontestata unikament fuq il-bażi ta' xi waħda jew aktar mill-motivazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proporzjon ta' skambju tal-ishma msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 122 ikun ġie stabbilit b'mod inadegwat;

(b)

il-kumpens fi flus kontanti msemmi fil-punt (m) tal-Artikolu 122 ikun ġie stabbilit b'mod inadegwat; jew

(c)

l-informazzjoni mogħtija fir-rigward tal-proporzjon ta’ skambju tal-ishma msemmi fil-punt (a) jew tal-kumpens fi flus kontanti imsemmi fil-punti (b) ma kenitx konformi mar-rekwiżiti legali.";

(13)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

"Artikolu 126a

Protezzjoni tal-membri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas il-membri tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta' merger li vvotaw kontra l-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali jkollhom id-dritt li jċedu l-ishma tagħhom għal kumpens fi flus kontanti adegwat, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6, dment li bħala riżultat tal-merger jakkwistaw ishma fil-kumpanija li tirriżulta mill-merger li tkun regolata mil-liġi ta' Stat Membru differenti mill-Istat Membru tal-kumpanija rispettiva tagħhom li tkun l-oġġett tal-merger.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu li membri oħrajn tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger jkollhom id-dritt imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-oppożizzjoni espressa għall-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali, jew l-intenzjoni tal-membri li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jċedu l-ishma tagħhom, jew it-tnejn, ikunu dokumentati b'mod adatt, sa mhux aktar tard mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li r-reġistrazzjoni tal-oppożizzjoni għall-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali titqies bħala dokumentazzjoni adatta ta' vot negattiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-perjodu li fih il-membri msemmija fil-paragrafu 1 ikollhom jiddikjaraw lill-kumpanija kkonċernata li tkun l-oġġett tal-merger id-deċiżjoni tagħhom li jeżerċitaw id-dritt li jċedu l-ishma tagħhom. Dak il-perjodu ma għandux ikun itwal minn xahar wara l-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta' merger jipprovdu indirizz elettroniku biex jirċievu dik id-dikjarazzjoni elettronikament.

3.   L-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu l-perjodu li fih ikun irid jitħallas il-kumpens fi flus kontanti speċifikat fl-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali. Dak il-perjodu ma għandux jintemm aktar tard minn xahrejn wara li l-merger transkonfinali tkun saret effettiva skont l-Artikolu 129.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe membru li jkun iddikjara d-deċiżjoni tiegħu li jeżerċita d-dritt li jċedi l-ishma tiegħu, iżda li jqis li l-kumpens fi flus kontanti offrut mill-kumpanija kkonċernata li tkun l-oġġett ta' merger ma ġiex adegwatament stabbilit, ikun intitolat jitlob kumpens addizzjonali fi flus kontanti quddiem l-awtorità jew il-korp kompetenti responsabbli taħt il-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limitu ta' żmien għat-talba għal kumpens addizzjonali fi flus kontanti.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-deċiżjoni finali li tipprovdi kumpens addizzjonali fi flus kontanti tkun valida għall-membri kollha tal-kumpanija kkonċernata li tkun l-oġġett ta' merger li jkunu ddikjaraw id-deċiżjoni tagħhom li jeżerċitaw id-dritt li jċedu l-ishma tagħhom skont il-paragrafu 2.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi tal-Istat Membru li għaliha hi soġġetta kumpanija li tkun l-oġġett ta' merger tirregola d-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 u li l-kompetenza esklużiva għar-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe tilwima relatata ma' dawk id-drittijiet tkun fil-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta' merger li ma kellhomx jew ma eżerċitawx id-dritt li jċedu l-ishma tagħhom, iżda li jqisu li l-proporzjon ta' skambju tal-ishma stabbilit fl-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali huwa inadegwat, ikunu jistgħu jikkontestaw dak il-proporzjon u jitolbu ħlas fi flus kontanti. Il-proċedimenti f’dak ir-rigward għandhom jinbdew quddiem l-awtorità jew il-korp kompetenti responsabbli taħt il-liġi tal-Istat Membru li għaliha tkun soġġetta l-kumpanija relevanti li tkun l-oġġett ta' merger, fil-limitu ta' żmien stabbilit f'dik il-liġi nazzjonali, u tali proċedimenti ma għandhomx jipprevjenu r-reġistrazzjoni tal-merger transkonfinali. Id-deċiżjoni għandha torbot lill-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu li l-proporzjon tal-iskambju tal-ishma kif stabbilit f'dik id-deċiżjoni jkun validu għal kwalunkwe membru tal-kumpanija kkonċernata li tkun l-oġġett ta' merger li ma kellux jew ma eżerċitax id-dritt tiegħu li jċedi l-ishma tiegħu.

7.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu li l-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali tkun tista' tipprovdi ishma jew kumpens ieħor minflok ħlas fi flus kontanti.

Artikolu 126b

Protezzjoni tal-kredituri

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema adegwata ta' protezzjoni tal-interessi tal-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom oriġinaw qabel l-iżvelar tal-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali u li ma jkunux saru esiġibbli fil-waqt ta' tali żvelar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kredituri li ma jkunux sodisfatti bis-salvagwardji offruti fl-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali, kif previst fil-punt (n) tal-Artikolu 122, ikunu jistgħu japplikaw, fi żmien tliet xhur mill-iżvelar tal-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali msemmi fl-Artikolu 123, mal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja xierqa għal salvagwardji adegwati, dment li tali kredituri jkunu jistgħu juru b'mod kredibbli li, minħabba l-merger transkonfinali, l-adempiment tal-pretensjonijiet tagħhom huwa inċert u li l-ebda salvagwardja adegwata ma nkisbet mill-kumpaniji li jkunu l-oġġetti tal-merger.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-salvagwardji jkunu kkondizzjonati milli l-merger transkonfinali ssir effettiva skont l-Artikolu 129.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-korp amministrattiv jew maniġerjali ta' kull waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta' merger jipprovdi dikjarazzjoni li tirrifletti b'mod preċiż l-istatus finanzjarju kurrenti tagħha f'data li ma għandhiex tkun aktar kmieni minn xahar qabel l-iżvelar ta' dik id-dikjarazzjoni,. Id-dikjarazzjoni għandha tkun li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger fid-data ta' dik id-dikjarazzjoni, u wara li jkunu saru inkjesti raġonevoli, dak il-korp amministrattiv jew maniġerjali ma jkun jaf b'ebda raġuni għala l-kumpanija li tirriżulta mill-merger ma tkunx tista' tissodisfa l-obbligazzjonijiet tagħha meta dawk l-obbligazzjonijiet isiru esiġibbli. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi żvelata flimkien mal-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali f'konformità mal-Artikolu 123.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta' merger fir-rigward tal-adempiment jew l-assigurar ta' obbligazzjonijiet ta’ flus u mhux ta’ flus dovuti lil korpi pubbliċi.

Artikolu 126c

Informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni jiġu rrispettati relattivament għall-merger transkonfinali u jiġu eżerċitati skont il-qafas legali previst mid-Direttiva 2002/14/KE u mid-Direttiva 2001/23/KE, fejn il-merger transkonfinali hija kkunsidrata bħala trasferiment ta' impriża fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE, u, fejn applikabbli għal impriżi fuq skala Komunitarja jew għal gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja, skont id-Direttiva 2009/38/KE. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jkunu applikabbli drittijiet tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni fir-rigward ta' impjegati ta’ kumpaniji oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14/KE.

2.   Minkejja l-punt (b) tal-Artikolu 123(1) u l-Artikolu 124(7), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni jiġu rrispettati, tal-anqas qabel id-deċiżjoni dwar l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali jew ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 124, skont liema jkun l-ewwel, b'tali mod li tingħata risposta motivata lill-impjegati qabel il-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126.

3.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni jew prattika fis-seħħ li jkunu aktar favorevoli għall-impjegati, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċizzju tad-drittijiet għal informazzjoni u konsultazzjoni f'konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14/KE.";

(14)

l-Artikolu 127 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 127

Ċertifikat ta' qabel il-merger

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-qorti, nutar jew awtorità jew awtoritajiet oħra kompetenti biex jiskrutinizzaw il-legalità ta' mergers transkonfinali fir-rigward ta' dawk il-partijiet tal-proċedura li jkunu regolati mil-liġi tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun l-oġġett ta' merger u biex joħorġu ċertifikat ta' qabel il-merger li jattesta l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u t-tlestija korretta tal-proċeduri u tal-formalitajiet kollha fl-Istat Membru tal-kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger ("l-awtorità kompetenti").

Tali tlestija ta' proċeduri u formalitajiet tista' tinkludi l-adempiment jew l-assigurar ta' obbligazzjonijiet ta’ flus jew mhux ta’ flus dovuti lil korpi pubbliċi jew il-konformità ma' rekwiżiti settorjali speċifiċi, inklużi obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn proċedimenti kurrenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni mill-kumpanija li tkun l-oġġett ta' merger biex tikseb ċertifikat ta' qabel il-merger tkun akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a)

l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali;

(b)

ir-rapport u l-opinjoni mehmuża, jekk ikun hemm, imsemmija fl-Artikolu 124, kif ukoll ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 125, fejn ikunu disponibbli;

(c)

kwalunkwe kumment li jkun tressaq skont l-Artikolu 123(1); u

(d)

l-informazzjoni dwar l-approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjoni għall-ksib ta' ċertifikat ta' qabel il-merger mill-kumpanija li tkun l-oġġett ta' merger tkun akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali, bħal, b'mod partikolari:

(a)

l-għadd ta' impjegati fil-waqt tat-tfassil tal-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali;

(b)

l-eżistenza ta’ sussidjarji u l-allokazzjoni ġeografika rispettiva tagħhom;

(c)

informazzjoni dwar l-adempiment tal-obbligazzjonijiet dovuti mill-kumpanija li tkun l-oġġett ta' merger lil korpi pubbliċi.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu tali informazzjoni, jekk ma tkunx ġiet ipprovduta mill-kumpanija li tkun l-oġġett ta' merger, minn awtoritajiet rilevanti oħra.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, inkluża l-preżentazzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni u dokumenti, tista' timtela kompletament online mingħajr il-ħtieġa li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem l-awtorità kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu III tat-Titolu I.

5.   Fir-rigward tal-konformità mar-regoli li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati kif stabbiliti fl-Artikolu 133, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-kumpanija li tkun l-oġġett ta' merger għandha tivverifika li l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali jinkludi informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom jiġu determinati l-arranġamenti rilevanti u dwar l-għażliet possibbli għal tali arranġamenti.

6.   Bħala parti mill-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha teżamina li ġej:

(a)

id-dokumenti u l-informazzjoni kollha mressqa lill-awtorità kompetenti skont il-paragrafi 2 u 3;

(b)

indikazzjoni mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(3) u (4) bdiet, fejn rilevanti.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1 jsir fi żmien tliet xhur mid-data tar-riċezzjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-merger transkonfinali mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija li tkun l-oġġett ta' merger. Dak l-iskrutinju għandu jkollu wieħed mill-eżiti li ġejjin:

(a)

fejn jiġi ddeterminat li l-merger transkonfinali tikkonforma mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u li tlestew l-proċeduri u l-formalitajiet neċessarji kollha, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ iċ-ċertifikat ta' qabel il-merger;

(b)

fejn jiġi ddeterminat li l-merger transkonfinali ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha jew li ma tlestewx il-proċeduri u l-formalitajiet neċessarji kollha, l-awtorità kompetenti ma għandhiex toħroġ iċ-ċertifikat ta' qabel il-merger u għandha tinforma lill-kumpanija bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha; f'dak il-każ, l-awtorità kompetenti tista' tagħti lill-kumpanija l-opportunità li tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti jew li tlesti l-proċeduri u l-formalitajiet f'perjodu ta' żmien adatt.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti ma toħroġx iċ-ċertifikat ta' qabel il-merger fejn jiġi ddeterminat, f'konformità mal-liġi nazzjonali, li merger transkonfinali tkun għal finijiet abbużivi jew frodulenti li jwasslu jew huma maħsuba għall-evażjoni minn, jew għall-evitar ta', il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, jew għal finijiet kriminali.

9.   Fejn l-awtorità kompetenti, waqt l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1, ikollha dubji serji li jindikaw li l-merger transkonfinali tkun għal finijiet abbużivi jew frodulenti li jwasslu jew huma maħsuba għall-evażjoni minn, jew għall-evitar ta', il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, jew għal finijiet kriminali, hija għandha tqis il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti, bħal, fejn ikunu rilevanti u ma jitqisux b'mod iżolat, fatturi indikattivi li minnhom l-awtorità kompetenti tkun saret konxja, matul l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1, inkluż permezz ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti. Il-valutazzjoni għall-finijiet ta' dan il-paragrafu għandha ssir fuq il-bażi ta' każ b'każ, permezz ta' proċedura regolata mil-liġi nazzjonali.

10.   Fejn ikun jenħtieġ, għall-finijiet tal-valutazzjoni taħt il-paragrafi 8 u 9, li jittieħed kont ta' informazzjoni addizzjonali jew li jitwettqu attivitajiet addizzjonali ta' investigazzjoni, il-perjodu ta' tliet xhur previst fil-paragrafu 7 jista' jiġi estiż b'massimu ta' tliet xhur.

11.   Fejn, minħabba l-kumplessità tal-proċedura transkonfinali, il-valutazzjoni ma tkunx tista' ssir fi ħdan l-iskadenzi previsti fil-paragrafi 7 u 10, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant jiġi notifikat bir-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien qabel ma jagħlqu dawk l-iskadenzi.

12.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tkun tista' tikkonsulta awtoritajiet rilevanti oħra b'kompetenzi fl-oqsma differenti kkonċernati mill-merger transkonfinali, inklużi dawk mill-Istat Membru tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger, u tkun tista' tikseb minn dawk l-awtoritajiet u mill-kumpanija li tkun l-oġġett ta' merger, l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa biex tiskrutinizza l-legalità tal-merger transkonfinali, fi ħdan il-qafas proċedurali stabbilit fil-liġi nazzjonali. Għall-finijiet tal-valutazzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tirrikorri għal espert indipendenti.";

(15)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 127a

Trażmissjoni taċ-ċertifikat ta' qabel il-merger

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikat ta' qabel il-merger jiġi kondiviż mal-awtoritajiet msemmija fl-Artikolu 128(1) permezz tas-sistema ta' interkonnessjoni ta' reġistri.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li ċ-ċertifikat ta' qabel il-merger ikun disponibbli permezz tas-sistema ta' interkonnessjoni ta' reġistri.

2.   L-aċċess għaċ-ċertifikat ta' qabel il-merger għandu jkun bla ħlas għall-awtoritajiet msemmija fl-Artikolu 128(1) u għar-reġistri.";

(16)

l-Artikolu 128 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kull kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger għandha tippreżenta lill-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali, approvat mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126 jew, fil-każ li l-approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali ma tkunx meħtieġa skont l-Artikolu 132(3), l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali approvat minn kull kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger skont il-liġi nazzjonali.";

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"3.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe applikazzjoni għall-finijiet tal-paragrafu 1, minn kwalunkwe waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger, inkluża l-preżentazzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni u dokument, tkun tista' timtela kompletament online mingħajr il-ħtieġa li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem l-awtorità msemmija fil-paragrafu 1, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu III tat-Titolu I.

4.   L-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapprova l-merger transkonfinali malli tiddetermina li l-kundizzjonijiet rilevanti kollha ġew sodisfatti.

5.   Iċ-ċertifikat ta' qabel il-merger għandu jiġi aċċettat mill-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 bħala attestazzjoni konklużiva tat-tlestija korretta tal-proċeduri u l-formalitajiet applikabbli ta' qabel il-merger fl-Istat Membru rispettiv tagħha, li mingħajrhom il-merger transkonfinali ma tkunx tista' tiġi approvata.";

(17)

l-Artikolu 130 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 130

Reġistrazzjoni

1.   Il-liġijiet tal-Istati Membri tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta' merger u tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger għandhom jiddeterminaw, fir-rigward tat-territorji rispettivi tagħhom, l-arranġamenti, f'konformità mal-Artikolu 16, għall-iżvelar tat-tlestija tal-merger transkonfinali fir-reġistri pubbliċi tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas l-informazzjoni li ġejja tiddaħħal fir-reġistri tagħhom:

(a)

fir-reġistru tal-Istat Membru tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger, li r-reġistrazzjoni tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger hija r-riżultat ta' merger transkonfinali;

(b)

fir-reġistru tal-Istat Membru tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger, id-data tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger;

(c)

fir-reġistru tal-Istat Membru ta' kull kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger, li t-tħassir jew it-tneħħija mir-reġistru tal-kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger jkunu r-riżultat ta' merger transkonfinali;

(d)

fir-reġistru tal-Istat Membru ta' kull kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger, id-data tat-tħassir jew tat-tneħħija mir-reġistru tal-kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger;

(e)

fir-reġistri tal-Istati Membri ta' kull kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger u tal-Istat Membru tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger, rispettivament, in-numri ta' reġistrazzjoni, l-isem u l-forma legali ta' kull kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger u tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger.

Ir-reġistri għandhom jagħmlu l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu disponibbli pubblikament u aċċessibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru fl-Istat Membru tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali jinnotifika lir-reġistru fl-Istat Membru ta' kull waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri u mingħajr dewmien, li l-merger transkonfinali sar effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll it-tħassir jew it-tneħħija mir-reġistru immedjatament mar-riċezzjoni ta' dik in-notifika.”;

(18)

l-Artikolu 131 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   Merger transkonfinali li tkun saret kif stipulat fis-sottopunti (a), (c) u (d) tal-punt (2) tal-Artikolu 119 għandu jkollha, mid-data msemmija fl-Artikolu 129, il-konsegwenzi li ġejjin:

(a)

l-attiv u l-passiv kollha tal-kumpanija li tkun qed tiġi akkwistata, inklużi l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligi kollha, għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpanija akkwirenti;

(b)

il-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi akkwistata għandhom isiru membri tal-kumpanija akkwirenti, dment li ma jkunux ċedew l-ishma tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 126a(1);

(c)

il-kumpanija li tkun qed tiġi akkwistata ma għandhiex tibqa teżisti.";

(b)

fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b'dan li ġej:

"(a)

l-attiv u l-passiv kollha tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger, inklużi l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligi kollha, għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpanija ġdida;

(b)

il-membri tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger għandhom isiru membri tal-kumpanija l-ġdida, dment li ma jkunux ċedew l-ishma tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 126a(1);";

(19)

l-Artikolu 132 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   Fejn merger transkonfinali permezz ta' akkwiżizzjoni ssir minn kumpanija li tkun id-detentur tal-ishma kollha u ta' titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot fil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija jew kumpaniji li jkunu qed jiġu akkwistati jew minn persuna li tkun id-detentur dirett jew indirett tal-ishma kollha fil-kumpanija akkwirenti u fil-kumpanija jew kumpaniji li jkunu qed jiġu akkwistati, u l-kumpanija akkwirenti ma talloka ebda sehem taħt il-merger:

il-punti (b), (c), (e) u (m) tal-Artikol 122, l-Artikolu 125, u l-punt (b) tal-Artikolu 131(1) ma għandhomx japplikaw;

l-Artikolu 124 u l-Artikolu 126(1) ma għandhomx japplikaw għall-kumpanija jew kumpaniji li jkunu qed jiġu akkwistati.";

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3.   Fejn il-liġijiet tal-Istati Membri tal-kumpaniji kollha li jkunu l-oġġett tal-merger jipprovdu għall-eżenzjoni mill-approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali f'konformità mal-Artikolu 126(3) u mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 123(1) sa (3) rispettivament u r-rapporti msemmija fl-Artikoli 124 u 125 għandhom isiru disponibbli tal-anqas xahar qabel ma l-kumpanija tieħu d-deċiżjoni dwar il-merger f'konformità mal-liġi nazzjonali.";

(20)

l-Artikolu 133 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

“2.   Madankollu, ir-regoli fis-seħħ dwar il-parteċipazzjoni mill-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru fejn il-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali jkollha l-uffiċju reġistrat tagħha, ma għandhomx japplikaw fejn tal-anqas waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger ikollha, fis-sitt xhur qabel l-iżvelar tal-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali, għadd medju ta' impjegati ekwivalenti għal tmenin fil-mija tal-livell limitu applikabbli, kif stabbilit fil-liġi tal-Istat Membru li għall-ġurisdizzjoni tiegħu tkun soġġetta l-kumpanija li tkun l-oġġett tal-merger, li jattiva l-parteċipazzjoni tal-impjegati fis-sens tal-punt (k) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/86/KE, jew fejn il-liġi nazzjonali applikabbli għall-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali:”;

(b)

fil-paragrafu 4, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

għandhom jagħtu lill-korpi rilevanti tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta' merger, fil-każ li tal-anqas waħda mill-kumpaniji li jkunu l-oġġett tal-merger tkun qed topera b'sistema ta' parteċipazzjoni tal-impjegati fis-sens tal-punt (k) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/86/KE, id-dritt li jagħżlu mingħajr negozjar bil-quddiem li jkunu soġġetti direttament għar-regoli standard dwar il-parteċipazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Parti 3 tal-Anness ta' dik id-Direttiva, kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali se jkollha l-uffiċċju reġistrat, u li jaderixxu ma' dawk ir-regoli mid-data ta' reġistrazzjoni;”;

(c)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"7.   Fejn il-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali tkun qed topera b'sistema ta' parteċipazzjoni tal-impjegati, dik il-kumpanija għandha tkun obbligata tieħu miżuri biex tiżgura li d-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati jkunu protetti f'każ ta' kwalunkwe konverżjoni, merger jew diviżjoni sussegwenti, kemm jekk transkonfinali kif ukoll jekk domestika għal perjodu minimu ta' erba' snin wara li l-merger transkonfinali ssir effettiva, billi tapplika mutatis mutandis ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6.";

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"8.   Kumpanija għandha tikkomunika lill-impjegati tagħha jew lir-rappreżentanti tagħhom jekk tagħżilx li tapplika regoli standard għall-parteċipazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 3 jew jekk tidħolx f'negozjati fil-korp speċjali ta' negozjar. F'dan l-aħħar każ, il-kumpanija għandha tikkomunika lill-impjegati tagħha jew lir-rappreżentanti tagħhom l-eżitu tan-negozjati mingħajr dewmien żejjed.";

(21)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 133a

Esperti indipendenti

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jirregolaw tal-anqas ir-responsabbiltà ċivili tal-esperti indipendenti responsabbli għat-tfassil tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 125.

2.   L-Istati Membri għandu jkollhom stabbiliti regoli li jiżguraw li:

(a)

l-espert, jew il-persuna ġuridika li f'isimha l-espert ikun qed jopera, ikunu indipendenti minn, u ma jkollhom l-ebda kunflitt ta' interess ma', il-kumpanija li tapplika għaċ-ċertifikat ta' qabel il-merger; u

(b)

l-opinjoni tal-espert tkun imparzjali u oġġettiva, u mogħtija bil-għan li tipprovdi assistenza lill-awtorità kompetenti skont ir-rekwiżiti ta' indipendenza u imparzjalità taħt il-liġi u l-istandards professjonali li għalihom l-espert ikun soġġett.";

(22)

fl-Artikolu 134, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"L-ewwel paragrafu ma jaffettwax is-setgħat tal-Istati Membri, inter alia, fir-rigward tal-liġi kriminali, tal-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih, tal-liġi soċjali, tat-tassazzjoni u tal-infurzar tal-liġi, li jimponu miżuri u penali, taħt il-liġi nazzjonali, wara d-data li fiha tkun saret effettiva l-merger transkonfinali.";

(23)

fit-Titolu II, jiżdied il-Kapitolu li ġej:

"KAPITOLU IV

Diviżjonijiet transkonfinali ta' kumpaniji b'responsabbiltà limitata

Artikolu 160a

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan il-Kapitolu japplika għad-diviżjonijiet transkonfinali ta' kumpaniji b'responsabbiltà limitata, iffurmati f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom fl-Unjoni, dment li tal-anqas tnejn mill-kumpaniji b'responsabbiltà limitata involuti fid-diviżjoni jkunu regolati mil-liġijiet ta' Stati Membri differenti (minn hawn 'il quddiem "diviżjoni transkonfinali").

2.   Minkejja l-punt 4 tal-Artikolu 160b, dan il-Kapitolu għandu japplika wkoll għal diviżjonijiet transkonfinali fejn il-liġi ta’ mill-inqas wieħed mill-Istati Membri kkonċernati tippermetti li l-pagament fi flus kontanti msemmi fil-punti (a) u (b) tal-punt 4 tal-Artikolu 160b ikun iktar minn 10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, 10 % tal-parità kontabbli tat-titoli jew tal-ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpaniji reċipjenti.

3.   Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għal diviżjonijiet transkonfinali li jinvolvu kumpanija li l-għan tagħha jkun l-investiment kollettiv ta' kapital ipprovdut mill-pubbliku, li topera fuq il-prinċipju ta' tifrix tar-riskju u li l-unitajiet tagħha jkunu, fuq it-talba tad-detenturi, mixtrija mill-ġdid jew mifdija, direttament jew indirettament, mill-assi ta' dik il-kumpanija. Azzjoni meħuda minn kumpanija bħal din, sabiex tiżgura li l-valur tal-unitajiet tagħha fuq il-borża ma jvarjax b'mod sinifikanti mill-valur nett tal-assi tagħha għandha titqies bħala ekwivalenti għal tali riakkwist jew fidì.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan il-Kapitolu ma japplikax għall-kumpaniji fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

il-kumpanija tkun f'likwidazzjoni u tkun bdiet tiddistribwixxi assi lill-membri tagħha;

(b)

il-kumpanija tkun soġġetta għal għodod, setgħat u mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan il-Kapitolu għal kumpaniji li jkunu:

(a)

soġġetti għal proċedimenti ta' insolvenza jew oqfsa ta' ristrutturar preventiv;

(b)

soġġetti għal proċedimenti ta' likwidazzjoni għajr dawk imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4; jew

(c)

soġġetti għal miżuri għall-prevenzjoni ta' kriżi kif definiti fil-punt (101) Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 160b

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu:

(1)

"kumpanija" tfisser kumpanija b'responsabbiltà limitata ta' tip elenkat fl-Anness II;

(2)

"kumpanija li qed tiġi diviża” tfisser kumpanija li, fil-proċess ta' diviżjoni transkonfinali, tittrasferixxi l-attiv u l-passiv kollu tagħha lil żewġ kumpaniji jew aktar fil-każ ta' diviżjoni sħiħa, jew tittrasferixxi parti mill-attiv u mill-passiv tagħha lil kumpanija waħda jew aktar fil-każ ta' diviżjoni parzjali jew diviżjoni b'separazzjoni;

(3)

"kumpanija reċipjenti" tfisser kumpanija ffurmata ġdida fil-kors ta' diviżjoni transkonfinali;

(4)

"diviżjonii" tfisser operazzjoni li biha:

(a)

kumpanija li qed tiġi diviża, meta tiġi xolta mingħajr ma tidħol f'likwidazzjoni, tittrasferixxi l-attiv u l-passiv kollu tagħha lil żewġ kumpaniji reċipjenti, billi jinħarġu lill-membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża titoli jew ishma fil-kumpaniji reċipjenti u, jekk applikabbli, pagament fi flus kontanti li ma jkunx aktar minn 10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, pagament fi flus kontanti li ma jkunx aktar minn 10 % tal-parità kontabbli ta' dawk it-titoli jew ishma ("diviżjoni sħiħa");

(b)

kumpanija li qed tiġi diviża tittrasferixxi parti mill-attiv u mill-passiv tagħha lil kumpanija reċipjenti waħda jew aktar, billi jinħarġu lill-membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża titoli jew ishma fil-kumpaniji reċipjenti, jew fil-kumpanija li qed tiġi diviża jew fiż-żewġ kumpaniji reċipjenti u fil-kumpanija li qed tiġi diviża u, jekk applikabbli, pagament fi flus kontanti li ma jkunx aktar minn 10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, pagament fi flus kontanti li ma jkunx aktar minn 10 % tal-parità kontabbli ta' dawk it-titoli jew ishma ("diviżjoni parzjali"); jew

(c)

kumpanija li qed tiġi diviża tittrasferixxi parti mill-attiv u mill-passiv tagħha lil waħda jew aktar kumpaniji reċipjenti, billi jinħarġu titoli jew ishma fil-kumpaniji reċipjenti lill-kumpanija li qed tiġi diviża ("diviżjoni b'separazzjoni").

Artikolu 160c

Proċeduri u formalitajiet

F’konformità tmal-liġi tal-Unjoni, il-liġi tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża għandha tirregola dawk il-partijiet tal-proċeduri u l-formalitajiet li magħhom għandu jkun hemm konformità b'rabta mad-diviżjoni transkonfinali biex jinkiseb iċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni, u l-liġijiet tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti għandhom jirregolaw dawk il-partijiet tal-proċeduri u l-formalitajiet li magħhom għandu jkun hemm konformità wara r-riċezzjoni taċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni.

Artikolu 160d

Abbozz tat-termini ta' diviżjonijiet transkonfinali

Il-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpanija li qed tiġi diviża għandu jfassal l-abbozz tat-termini ta' diviżjoni transkonfinali. L-abbozz tat-termini ta' diviżjoni transkonfinali għandu jinkludi tal-anqas il-partikolaritajiet li ġejjin:

(a)

il-forma ġuridika u l-isem tal-kumpanija li qed tiġi diviża u l-post tal-uffiċċju reġistrat tagħha, u l-forma ġuridika u l-isem proposti għall-kumpanija jew kumpaniji ġodda li jirriżultaw mid-diviżjoni transkonfinali u l-post propost tal-uffiċċji reġistrati tagħhom;

(b)

il-proporzjon applikabbli għall-iskambju ta' titoli jew ta' ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpaniji u l-ammont ta' kwalunkwe pagament fi flus kontanti, fejn xieraq;

(c)

it-termini għall-allokazzjoni tat-titoli jew tal-ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpaniji reċipjenti jew tal-kumpanija li qed tiġi diviża;

(d)

l-iskeda ta' żmien indikattiva proposta għad-diviżjoni transkonfinali;

(e)

ir-riperkussjonijiet potenzjali tad-diviżjoni transkonfinali fuq l-impjiegi;

(f)

id-data li minnha ż-żamma tat-titoli jew tal-ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpaniji se tintitola lid-detenturi għal parti mill-profitti, u għal kwalunkwe kundizzjoni speċjali li taffettwa dak l-intitolament;

(g)

id-data jew dati li minnhom it-tranżazzjonijiet tal-kumpanija li qed tiġi diviża jiġu ttrattati għall-finijiet kontabilistiċi bħala dawk tal-kumpaniji reċipjenti;

(h)

kwalunkwe vantaġġ speċjali mogħti lill-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali, superviżorji jew ta' kontroll tal-kumpanija li qed tiġi diviża;

(i)

id-drittijiet mogħtija mill-kumpaniji reċipjenti lill-membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża li jgawdu drittijiet speċjali jew lid-detenturi ta' titoli li mhumiex ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanija diviża, jew il-miżuri proposti li jikkonċernawhom;

(j)

l-istrumenti tal-kostituzzjoni tal-kumpaniji reċipjenti, fejn rilevanti, u l-istatuti jekk dawn jinsabu fi strument separat, u kwalunkwe tibdil fl-istrument tal-kostituzzjoni tal-kumpanija li qed tiġi diviża fil-każ ta' diviżjoni parzjali jew diviżjoni b'separazzjoni;

(k)

fejn xieraq, informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom jiġu ddeterminati l-arranġamenti għall-involviment tal-impjegati fid-definizzjoni tad-drittijiet tagħhom ta' parteċipazzjoni fil-kumpaniji reċipjenti skont l-Artikolu 160l;

(l)

deskrizzjoni preċiża tal-attiv u tal-passiv tal-kumpanija li qed tiġi diviża u dikjarazzjoni dwar kif dawk l-attiv u passiv għandhom jiġu allokati bejn il-kumpaniji reċipjenti, jew għandhom jinżammu mill-kumpanija li qed tiġi diviża fil-każ ta' diviżjoni parzjali jew diviżjoni b'separazzjoni, li tinkludi d-dispożizzjonijiet dwar it-trattament tal-attiv jew tal-passiv mhux allokati b'mod espliċitu fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, bħall-attiv jew il-passiv li ma jkunux magħrufa fid-data li fiha jitfassal l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(m)

informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-attiv u tal-passiv li għandhom jiġu allokati lil kull kumpanija involuta fid-diviżjoni transkonfinali;

(n)

id-data tal-kontijiet tal-kumpanija li qed tiġi diviża li tintuża biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali;

(o)

fejn xieraq, l-allokazzjoni lill-membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża tal-ishma u tat-titoli fil-kumpaniji reċipjenti, jew fil-kumpanija li qed tiġi diviża jew fit-tnejn li huma, u l-kriterji li fuqhom hi bbażata tali allokazzjoni;

(p)

id-dettalji tal-offerta ta' kumpens fi flus kontanti għal membri f'konformità mal-Artikolu 160i;

(q)

kwalunkwe salvagwardja offerta lill-kredituri, bħal garanzija jew rahan.

Artikolu 160e

Rapport tal-korp amministrattiv jew maniġerjali għal membri u impjegati

1.   Il-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpanija li qed tiġi diviża għandu jfassal rapport għall-membri u l-impjegati, li jispjega u jiġġustifika l-aspetti legali u ekonomiċi tad-diviżjoni transkonfinali, u jispjega wkoll l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali għall-impjegati.

Huwa għandu jispjega, b'mod partikolari, l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali għan-negozju futur tal-kumpaniji.

2.   Ir-rapport għandu jinkludi wkoll taqsima għall-membri u taqsima għall-impjegati.

Il-kumpanija tista' tiddeċiedi jew li tfassal rapport wieħed li jkun fih dawk iż-żewġ taqsimiet jew tfassal rapporti separati għall-membri u għall-impjegati, li rispettivament ikollhom it-taqsima rilevanti.

3.   It-taqsima tar-rapport għall-membri għandha, b'mod partikolari, tispjega dan li ġej:

(a)

il-kumpens fi flus kontanti u l-metodu li ntuża biex jiġi ddeterminat il-kumpens fi flus kontanti;

(b)

il-proporzjon ta' skambju tal-ishma u l-metodu jew metodi li ntużaw biex jiġi kkalkolat il-proporzjon ta' skambju tal-ishma, fejn applikabbli;

(c)

l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali għall-membri;

(d)

id-drittijiet u r-rimedji disponibbli għall-membri f'konformità mal-Artikolu 160i.

4.   It-taqsima tar-rapport għall-membri ma għandhiex tkun meħtieġa fejn il-membri kollha tal-kumpanija jkunu qablu li jirrinunzjaw dak ir-rekwiżit. L-Istati Membri jistgħu jeskludu kumpaniji b'membru wieħed mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

5.   It-taqsima tar-rapport għall-impjegati għandha, b'mod partikolari, tispjega dan li ġej:

(a)

l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali għar-relazzjonijiet tal-impjieg, kif ukoll, fejn applikabbli, kwalunkwe miżura maħsuba biex tissalvagwardja dawk ir-relazzjonijiet;

(b)

kwalunkwe tibdil materjali fil-kundizzjonijiet applikabbli tal-impjieg jew fir-rigward tal-postijiet tan-negozju tal-kumpanija;

(c)

b'liema mod il-fatturi stabbiliti fil-punti (a) u (b) jaffettwaw kwalunkwe sussidjarja tal-kumpanija.

6.   Ir-rapport jew rapporti għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fi kwalunkwe każ b'mod elettroniku, flimkien mal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, jekk disponibbli, tal-membri u tar-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija li qed tiġi diviża jew, fejn ma jkun hemm l-ebda tali rappreżentant, tal-impjegati nfushom, mhux anqas minn sitt ġimgħat qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160h.

7.   Fejn il-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpanija li qed tiġi diviża jirċievi opinjoni dwar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 5, fil-ħin, mir-rappreżentanti tal-impjegati jew, fejn ma jkun hemm ebda tali rappreżentant, mingħand l-impjegati nfushom, kif previst fil-liġi nazzjonali, il-membri għandhom jiġu infurmati dwar dan, u dik l-opinjoni għandha tiġi mehmuża mar-rapport.

8.   It-taqsima tar-rapport għall-impjegati ma għandhiex tkun meħtieġa fejn kumpanija li qed tiġi diviża u s-sussidjarji tagħha, jekk ikun hemm, ma jkollhomx impjegati għajr dawk li jiffurmaw parti mill-korp amministrattiv jew maniġerjali.

9.   Fejn it-taqsima tar-rapport għall-membri msemmija fil-paragrafu 3 tkun ġiet irrinunzjata f'konformità mal-paragrafu 4 u t-taqsima għall-impjegati msemmija fil-paragrafu 5 ma tkunx meħtieġa taħt il-paragrafu 8, ir-rapport ma għandux ikun rikjest.

10.   Il-paragrafi 1 sa 9 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet applikabbli ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni u għall-proċeduri previsti fil-livell nazzjonali wara t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2002/14/KE u 2009/38/KE.

Artikolu 160f

Rapport tal-espert indipendenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li espert indipendenti jeżamina l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali u jfassal rapport għall-membri. Dak ir-rapport għandu jsir disponibbli għall-membri mhux inqas minn xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160h. Skont il-liġi tal-Istat Membru, l-espert jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu fi kwalunkwe każ jinkludi l-opinjoni tal-espert dwar jekk il-kumpens fi flus kontanti u l-proporzjon ta' skambju tal-ishma jkunux adegwati. Meta jiġi vvalutat il-kumpens fi flus kontanti, l-espert għandu jqis kwalunkwe prezz tas-suq tal-ishma fil-kumpanija li qed tiġi diviża qabel it-tħabbir tal-proposta ta' diviżjoni jew il-valur tal-kumpanija bl-esklużjoni tal-effett tad-diviżjoni proposta, kif determinat skont il-metodi ta' valutazzjoni ġeneralment aċċettati. Ir-rapport għandu tal-anqas:

(a)

jindika l-metodu jew metodi li ntużaw għad-determinazzjoni tal-kumpens fi flus kontanti propost;

(b)

jindika l-metodu jew metodi li ntużaw għall-kalkolu tal-proporzjon ta' skambju tal-ishma propost;

(c)

jiddikjara jekk il-metodu jew metodi humiex adegwati għall-valutazzjoni tal-kumpens fi flus kontanti u tal-proporzjon ta' skambju tal-ishma, jindika l-valur li jkun ġie kkalkolat bl-użu ta' tali metodi u jagħti opinjoni dwar l-importanza relattiva attribwita lil dawk il-metodi għall-kalkolu tal-valur li jkun ġie deċiż; u

(d)

jiddeskrivi kwalunkwe diffikultà speċifika li tkun qamet fil-valutazzjoni.

L-espert għandu jkun intitolat jikseb mill-kumpanija li qed tiġi diviża l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tal-espert.

3.   La eżami tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali minn espert indipendenti u lanqas rapport tal-espert indipendenti m'għandhom ikunu rikjesti jekk hekk ikunu qablu l-membri kollha tal-kumpanija li qed tiġi diviża.

L-Istati Membri jistgħu jeskludu kumpaniji b'membru wieħed mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 160g

Żvelar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti li ġejjin jiġu żvelati mill-kumpanija u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistri tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160h:

(a)

l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali; u

(b)

avviż li jinforma lill-membri, lill-kredituri u lir-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija li qed tiġi diviża, jew, fejn ma jkun hemm ebda tali rappreżentant, lill-impjegati nfushom, li jistgħu jippreżentaw lill-kumpanija, tal-anqas ħames ġranet tax-xogħol qabel id-data tal-laqgħa ġenerali, kummenti dwar l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li r-rapport tal-espert indipendenti jiġi żvelat u magħmul disponibbli pubblikament fir-reġistru.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija tkun tista' teskludi informazzjoni kunfidenzjali mill-iżvelar tar-rapport tal-espert indipendenti.

Id-dokumenti żvelati f'konformità ma' dan il-paragrafu għandhom ikunu aċċessibbli wkoll permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw kumpanija li qed tiġi diviża mir-rekwiżit ta' żvelar imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fejn, għal perjodu kontinwu ta' żmien li jibda tal-anqas xahar qabel id-data stabbilita għal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160h u li jintemm mhux qabel il-konklużjoni ta' dik il-laqgħa, dik il-kumpanija tagħmel id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku fis-sit web tagħha mingħajr ħlas.

Madankollu, l-Istati Membri ma għandhom jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għal ebda rekwiżit jew restrizzjoni ħlief għal dawk li jkunu meħtieġa biex ikunu żgurati s-sigurtà tas-sit web u l-awtentiċità ta' dawk id-dokumenti u li jkunu proporzjonati biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

3.   Fejn il-kumpanija li qed tiġi diviża tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, din għandha tippreżenta lir-reġistru, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160h, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-forma ġuridika u l-isem tal-kumpanija li qed tiġi diviża u l-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħha u l-forma ġuridika u l-isem proposti għall-kumpanija jew kumpaniji ġodda li jirriżultaw mid-diviżjoni transkonfinali u l-post propost tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom;

(b)

ir-reġistru li fih ġew reġistrati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14 fir-rigward tal-kumpanija li qed tiġi diviża, u n-numru tar-reġistrazzjoni tagħha f'dak ir-reġistru;

(c)

indikazzjoni tal-arranġamenti li saru għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kredituri, tal-impjegati u tal-membri; u

(d)

id-dettalji tas-sit web minn fejn l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, l-avviż imsemmi fil-paragrafu 1, ir-rapport tal-espert indipendenti u informazzjoni kompluta dwar l-arranġamenti msemmija fil-punt (c) ta' dan il-paragrafu jistgħu jinkisbu online u mingħajr ħlas.

Ir-reġistru għandu jagħmel disponibbli pubblikament l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 jistgħu jiġu sodisfatti kompletament online mingħajr il-ħtieġa li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem xi awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu III tat-Titolu I.

5.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu, minbarra l-iżvelar msemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, li l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jiġu ppubblikati fil-gazzetta nazzjonali tagħhom jew permezz ta' pjattaforma elettronika ċentrali f'konformità mal-Artikolu 16(3). F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru jibgħat l-informazzjoni rilevanti lill-gazzetta nazzjonali jew lil pjattaforma elettronika ċentrali.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tkun aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe tariffa imposta mir-reġistri lill-kumpanija għall-iżvelar imsemmi fil-paragrafi 1 u 3 u, fejn applikabbli, għall-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, ma taqbiżx l-irkupru tal-ispejjeż għall-forniment ta' tali servizzi.

Artikolu 160h

Approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali

1.   Wara li tieħu nota tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 160e u 160f, fejn applikabbli, l-opinjonijiet tal-impjegati mressqa f'konformità mal-Artikolu 160e u l-kummenti mressqa f'konformità mal-Artikolu 160g, il-laqgħa ġenerali tal-kumpanija li qed tiġi diviża għandha tiddeċiedi, permezz ta' riżoluzzjoni, jekk tapprovax l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali u jekk tadattax l-istrument ta' kostituzzjoni, u l-istatuti jekk ikunu jinsabu f'dokument separat.

2.   Il-laqgħa ġenerali tal-kumpanija li qed tiġi diviża tista' tirriżerva d-dritt li tagħmel l-implimentazzjoni tad-diviżjoni transkonfinali kondizzjonata mir-ratifika espressa minnha tal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 160l.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, u ta’ kwalunkwe emenda f’dak l-abbozz tat-termini, ikunu jirrikjedu maġġoranza ta' mhux anqas minn żewġ terzi iżda mhux aktar minn 90 % tal-voti marbuta mal-ishma jew mal-kapital sottoskritt rappreżentat fil-laqgħa ġenerali. Fi kwalunkwe każ, il-livell limitu tal-votazzjoni ma għandux ikun ogħla minn dak previst fil-liġi nazzjonali għall-approvazzjoni ta' mergers transkonfinali.

4.   Fejn xi klawżola fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali jew kwalunkwe emenda fl-istrument ta' kostituzzjoni tal-kumpanija li qed tiġi diviża twassal għal żieda fl-obbligazzjonijiet ekonomiċi ta' xi membru lejn il-kumpanija jew partijiet terzi, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu, f'tali ċirkostanzi speċifiċi, li tali klawżola jew emenda fl-istrument ta' kostituzzjoni tal-kumpanija li qed tiġi diviża tiġi approvata mill-membru kkonċernat, dment li tali membru ma jkunx jista' jeżerċita d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 160i.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-approvazzjoni tad-diviżjoni transkonfinali mil-laqgħa ġenerali ma tkunx tista' tiġi kkontestata unikament fuq il-motivazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proporzjon ta' skambju tal-ishma msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 160d ġie stabbilit b'mod inadegwat;

(b)

il-kumpens fi flus kontanti msemmi fil-punt (p) tal-Artikolu 160d jkun ġie stabbilit b'mod inadegwat; jew

(c)

l-informazzjoni mogħtija fir-rigward tal-proporzjon ta’ skambju tal-ishma msemmi fil-punt (a) jew tal-kumpens fi flus kontanti msemmijin fil-punt (b) ma kinitx konformi mar-rekwiżiti legali.

Artikolu 160i

Protezzjoni tal-membri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-inqas il-membri ta' kumpanija li qed tiġi diviża li vvutaw kontra l-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali jkollhom id-dritt li jċedu l-ishma tagħhom għal kumpens adegwat fi flus kontanti, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6, dment li, bħala riżultat tad-diviżjoni transkonfinali, jakkwistaw ishma fil-kumpaniji reċipjenti li jkunu regolati mil-liġi ta' Stat Membru differenti mill-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu li membri oħrajn tal-kumpanija li qed tiġi diviża jkollhom id-dritt imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-oppożizzjoni espressa għall-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, jew l-intenzjoni tal-membri li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jċedu l-ishma tagħhom, jew it-tnejn li huma, ikunu dokumentati b'mod adatt mhux aktar tard mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160h. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li r-reġistrazzjoni tal-oppożizzjoni għall-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali titqies bħala dokumentazzjoni adatta ta' vot negattiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-perjodu li fih il-membri msemmija fil-paragrafu 1 ikollhom jiddikjaraw lill-kumpanija li qed tiġi diviża d-deċiżjoni tagħhom li jeżerċitaw id-dritt li jċedu l-ishma tagħhom. Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż xahar wara l-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160h. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija li qed tiġi diviża tipprovdi indirizz elettroniku biex tirċievi dik id-dikjarazzjoni elettronikament.

3.   L-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu l-perjodu li fih ikun irid jitħallas il-kumpens fi flus kontanti speċifikat fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali. Dak il-perjodu ma għandux jintemm aktar minn xahrejn wara li d-diviżjoni transkonfinali tkun saret effettiva skont l-Artikolu 160q.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe membru li jkun iddikjara d-deċiżjoni tiegħu li jeżerċita d-dritt li jċedi l-ishma tiegħu, iżda li jqis li l-kumpens fi flus kontanti offrut mill-kumpanija li qed tiġi diviża ma ġiex adegwatament stabbilit, ikun intitolat jitlob kumpens addizzjonali fi flus kontanti quddiem awtoritajiet jew korpi kompetenti responsabbli taħt il-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limitu ta' żmien għat-talba għal kumpens addizzjonali fi flus kontanti.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-deċiżjoni finali li tipprovdi kumpens addizzjonali fi flus kontanti tkun valida għall-membri kollha tal-kumpanija li qed tiġi diviża li jkunu ddikjaraw id-deċiżjoni tagħhom li jeżerċitaw id-dritt li jċedu l-ishma tagħhom skont il-paragrafu 2.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi tal-Istat Membru ta' kumpanija li qed tiġi diviża tirregola d-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 u li l-kompetenza esklużiva għar-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe tilwima relatata ma' dawk id-drittijiet tkun fil-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża li ma kellhomx jew ma eżerċitawx id-dritt li jċedu l-ishma tagħhom, iżda li jqisu li l-proporzjon ta' skambju tal-ishma stabbilit fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali huwa inadegwat, ikunu jistgħu jikkontestaw dak il-proporzjon u jitolbu ħlas fi flus kontanti. Il-proċedimenti f’dak ir-rigward għandhom jinbdew quddiem l-awtorità jew il-korp kompetenti responsabbli taħt il-liġi tal-Istat Membru li għaliha tkun soġġetta l-kumpanija li qed tiġi diviża, fil-limitu ta' żmien stabbilit f’dik il-liġi nazzjonali, u tali proċedimenti ma għandhomx jipprevjenu r-reġistrazzjoni tad-diviżjoni transkonfinali. Id-deċiżjoni għandha torbot lill-kumpaniji reċipjenti u, fil-każ ta' diviżjoni parzjali, anke lill-kumpanija li qed tiġi diviża.

7.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu li l-kumpanija reċipjenti kkonċernata u, fil-każ ta' diviżjoni parzjali, anke l-kumpanija li qed tiġi diviża, ikunu jistgħu jipprovdu ishma jew kumpens ieħor minflok ħlas fi flus kontanti.

Artikolu 160j

Protezzjoni tal-kredituri

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema adegwata ta' protezzjoni tal-interessi tal-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom oriġinaw qabel l-iżvelar tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali u li ma jkunux saru esiġibbli fil-mument tal-iżvelar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri li ma jkunux sodisfatti bis-salvagwardji offruti fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, kif previst fil-punt (q) tal-Artikolu 160d, ikunu jistgħu japplikaw, fi żmien tliet xhur mill-iżvelar tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali msemmi fl-Artikolu 160g, mal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja xierqa għal salvagwardji adegwati, dment li tali kredituri jkunu jistgħu juru b'mod kredibbli li, minħabba d-diviżjoni transkonfinali, il-pretensjonijiet tagħhom jistgħu ma jiġux sodisfatti u li l-ebda salvagwardja adegwata ma tkun inkisbet mill-kumpanija.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-salvagwardji jkunu kkondizzjonati milli d-diviżjoni transkonfinali ssir effettiva skont l-Artikolu 160q.

2.   Fejn kreditur tal-kumpanija li qed tiġi diviża ma jingħatax sodisfazzjon mill-kumpanija li lilha tkun ġiet allokata r-responsabbiltà, il-kumpaniji reċipjenti l-oħra, u fil-każ ta' diviżjoni parzjali jew diviżjoni b'separazzjoni, il-kumpanija li qed tiġi diviża, għandhom ikunu responsabbli in solidum mal-kumpanija li lilha tkun ġiet allokata r-responsabbiltà għal dak l-obbligu. Madankollu, l-ammont massimu ta' responsabbiltà in solidum ta' kwalunkwe kumpanija involuta fid-diviżjoni għandu jkun limitat għall-valur, fid-data li fiha ssir effettiva d-diviżjoni, tal-assi netti allokati lil dik il-kumpanija.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpanija li qed tiġi diviża jipprovdi dikjarazzjoni li tirrifletti b'mod preċiż l-istatus finanzjarju tagħha f'data li ma għandhiex tkun aktar kmieni minn xahar qabel l-iżvelar ta' dik id-dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni għandha tkun li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-korp amministrattiv jew maniġerjali tal-kumpanija li qed tiġi diviża fid-data ta' dik id-dikjarazzjoni, u wara li jkun sar l-istħarriġ raġonevoli, dak il-korp amministrattiv jew maniġerjali ma jkun jaf b'ebda raġuni għala kwalunkwe kumpanija reċipjenti u, fil-każ ta' diviżjoni parzjali, il-kumpanija li qed tiġi diviża, ma jkunux jistghu, wara li ssir effettiva d-diviżjoni, jissodisfaw ir-responsabbiltajiet allokati lilhom taħt l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, meta jsiru esiġibbli dawk ir-responsabbiltajiet. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi żvelata flimkien mal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali f'konformità mal-Artikolu 160g.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża fir-rigward tal-adempiment jew l-assigurar tal-obbligazzjonijiet ta’ flus jew mhux ta’ flus dovuti lil korpi pubbliċi.

Artikolu 160k

Informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni jkunu rrispettati relattivament għad-diviżjoni transkonfinali u jiġu eżerċitati f'konformità mal-qafas legali previst mid-Direttiva 2002/14/KE, u mid-Direttiva 2001/23/KE fejn id-diviżjoni transkonfinali titqies bħala trasferiment ta' impriża fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE, u, fejn applikabbli għall-impriżi fuq skala Komunitarja jew għal gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja, f'konformità mad-Direttiva 2009/38/KE. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jkunu applikabbli drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati fir-rigward ta' impjegati ta’ kumpaniji oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14/KE.

2.   Minkejja l-Artikolu 160e(7) u l-punt (b) tal-Artikolu 160g(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni jiġu rrispettati, tal-anqas qabel ma l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali jew ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 160e jkunu ġew deċiżi, skont liema jsir l-ewwel, b'tali mod li tingħata risposta motivata lill-impjegati kollha qabel il-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160h.

3.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni jew prattika fis-seħħ li jkunu aktar favorevoli għall-impjegati, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċizzju tad-dritt għal informazzjoni u konsultazzjoni f'konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14/KE.

Artikolu 160l

Parteċipazzjoni tal-impjegati

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, kull kumpanija reċipjenti għandha tkun soġġetta għar-regoli fis-seħħ li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru fejn ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

2.   Madankollu, ir-regoli fis-seħħ li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru fejn il-kumpanija li tirriżulta mid-diviżjoni transkonfinali jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha ma għandhomx japplikaw fejn il-kumpanija li qed tiġi diviża jkollha, fis-sitt xhur qabel l-iżvelar tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, għadd medju ta' impjegati ekwivalenti għal tmenin fil-mija tal-livell minimu applikabbli, kif stabbilit fil-liġi tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża, biex tiġi attivata l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fis-sens tal-punt (k) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/86/KE, jew fejn il-liġi nazzjonali applikabbli għal kull waħda mill-kumpaniji reċipjenti:

(a)

ma tipprevedix tal-anqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni tal-impjegati kif operata fil-kumpanija li qed tiġi diviża qabel id-diviżjoni transkonfinali tagħha, ikkalkolata b'referenza għall-proporzjon ta' rappreżentanti tal-impjegati fost il-membri tal-korp amministrattiv jew superviżorju jew il-kumitati tagħhom jew tal-grupp maniġerjali li jkopri l-unitajiet tal-profitt tal-kumpanija, soġġetti għar-rappreżentanza tal-impjegati; jew

(b)

ma tipprovdix li l-impjegati tal-istabbilimenti tal-kumpaniji reċipjenti li jinsabu fi Stati Membri oħrajn ikunu wkoll jistgħu jeżerċitaw drittijiet ta' parteċipazzjoni kif igawdu dawk l-impjegati mħaddma fl-Istat Membru fejn il-kumpanija reċipjenti jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kumpaniji li jirriżultaw mid-diviżjoni transkonfinali u l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta' tali drittijiet għandhom ikunu regolati mill-Istati Membri, mutatis mutandis u soġġett għall-paragrafi 4 sa 7 ta' dan l-Artikolu, f'konformità mal-prinċipji u mal-proċeduri stipulati fl-Artikolu 12(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u fid-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva 2001/86/KE:

(a)

l-Artikolu 3(1), il-punti (a)(i) u (b) tal-Artikolu 3(2), l-Artikolu 3(3), l-ewwel żewġ sentenzi tal-Artikolu 3(4), u l-Artikolu 3(5) u (7);

(b)

l-Artikolu 4(1), il-punti (a), (g) u (h) tal-Artikolu 4(2), u l-Artikolu 4(3) u (4);

(c)

l-Artikolu 5;

(d)

l-Artikolu 6;

(e)

l-Artikolu 7(1), bl-eċċezzjoni tat-tieni inċiż tal-punt (b);

(f)

l-Artikoli 8,, 10, 11 u 12; u

(g)

il-punt (a) tal-Parti 3 tal-Anness.

4.   Meta jkunu qed jirregolaw il-prinċipji u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri:

(a)

għandhom jagħtu lill-korp speċjali tan-negozjar id-dritt li jiddeċiedi, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw tal-anqas żewġ terzi mill-impjegati, li ma jiftaħx negozjati jew li jtemm in-negozjati diġà miftuħa u li jibbaża fuq ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri ta' kull waħda mill-kumpaniji reċipjenti;

(b)

jistgħu, fil-każ fejn, wara negozjati preċedenti, ikunu applikabbli regoli standard għall-parteċipazzjoni u minkejja tali regoli, jiddeċiedu li jillimitaw il-proporzjon ta' rappreżentanti tal-impjegati fil-korp amministrattiv tal-kumpaniji reċipjenti. Madankollu, jekk, fil-kumpanija li qed tiġi diviża, ir-rappreżentanti tal-impjegati jikkostitwixxu tal-anqas terz mill-korp amministrattiv jew superviżorju, il-limitazzjoni qatt ma tista' tirriżulta fi proporzjon ta' rappreżentanti tal-impjegati fil-korp amministrattiv iżgħar minn terz;

(c)

għandhom jiżguraw li r-regoli tal-parteċipazzjoni tal-impjegati li kienu japplikaw qabel id-diviżjoni transkonfinali jibqgħu japplikaw sad-data ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe regola sussegwentement miftiehma jew, fin-nuqqas ta' regoli miftiehma, sal-mument tal-applikazzjoni ta' regoli standard f'konformità mal-punt (a) tal-Parti 3 tal-Anness tad-Direttiva 2001/86/KE.

5.   L-estensjoni tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni għall-impjegati tal-kumpaniji reċipjenti li jkunu impjegati fi Stati Membri oħra, kif imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2, ma għandhiex twassal għal xi obbligu għall-Istati Membri li jagħmlu dik l-għażla biex jikkunsidraw lil dawk l-impjegati meta jikkalkolaw id-daqs tal-livelli minimi tal-forza tax-xogħol li jwasslu għal drittijiet ta' parteċipazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.

6.   Fejn kwalunkwe waħda mill-kumpaniji reċipjenti għandha tkun iggvernata b'sistema ta' parteċipazzjoni tal-impjegati f'konformità mar-regoli msemmija fil-paragrafu 2, dik il-kumpanija għandha tkun obbligata tieħu forma ġuridika li tippermetti l-eżerċizzju ta' drittijiet ta' parteċipazzjoni,

7.   Fejn il-kumpanija reċipjenti tkun qed topera taħt sistema ta' parteċipazzjoni tal-impjegati, dik il-kumpanija għandha tkun obbligata tieħu miżuri biex tiżgura li d-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati jkunu protetti fil-każ ta' kwalunkwe konverżjoni, jew merger jew diviżjoni sussegwenti, kemm jekk transkonfinali kif ukoll jekk domestika, għal perjodu ta' erba' snin wara li tidħol fis-seħħ id-diviżjoni transkonfinali, billi tapplika, mutatis mutandis, ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6.

8.   Kumpanija għandha tikkomunika lill-impjegati tagħha jew lir-rappreżentanti tagħhom l-eżitu tan-negozjati li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 160m

Ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-qorti, nutar jew awtorità jew awtoritajiet oħra kompetenti biex jiskrutinizzaw il-legalità tad-diviżjonijiet transkonfinali fir-rigward tal-partijiet tal-proċedura li huma regolati mil-liġi tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża, u biex joħorġu ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni li jattesta l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u t-tlestija kif dovut tal-proċeduri u l-formalitajiet kollha f'dak l-Istat Membru (l-"awtorità kompetenti").

Tali tlestija ta' proċeduri u formalitajiet tista' tinkludi l-adempiment jew l-assigurar ta' obbligazzjonijiet ta’ flus jew mhux ta’ flus dovuti lil korpi pubbliċi jew il-konformità ma' rekwiżiti settorjali speċifiċi, inkluż l-assigurar ta' obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn proċedimenti kurrenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni biex jinkiseb ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni mill-kumpanija li qed tiġi diviża tkun akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a)

l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(b)

ir-rapport u l-opinjoni mehmuża, jekk ikun hemm, imsemmija fl-Artikolu 160e, kif ukoll ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 160f, fejn ikunu disponibbli;

(c)

kwalunkwe kumment li jkun tressaq f'konformità mal-Artikolu 160g(1); u

(d)

informazzjoni dwar l-approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160h.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjoni, mill-kumpanija li qed tiġi diviża, għall-ksib ta' ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni tkun akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali, bħal, b'mod partikolari:

(a)

l-għadd ta' impjegati fil-waqt tat-tfassil tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(b)

l-eżistenza ta’ sussidjarji u l-allokazzjoni ġeografika rispettiva tagħhom;

(c)

informazzjoni dwar l-adempiment tal-obbligazzjonijiet dovuti lil korpi pubbliċi mill-kumpanija li qed tiġi diviża;

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu tali informazzjoni, jekk ma tkunx ġiet ipprovduta mill-kumpanija li qed tiġi diviża, minn awtoritajiet rilevanti oħra.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, inkluża l-preżentazzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni jew dokument, tista' timtela kompletament online mingħajr il-ħtieġa li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem l-awtorità kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu III tat-Titolu I.

5.   Fir-rigward tal-konformità mar-regoli li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati kif stabbiliti fl-Artikolu 160l, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża għandha tivverifika li l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali jinkludi informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom jiġu ddeterminati l-arranġamenti rilevanti u dwar l-għażliet possibbli għal tali arranġamenti.

6.   Bħala parti mill-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha teżamina dan li ġej:

(a)

id-dokumenti u l-informazzjoni kollha mressqa lill-awtorità kompetenti f'konformità mal-paragrafi 2 u 3;

(b)

indikazzjoni mill-kumpanija li qed tiġi diviża li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 160l(3) u (4) bdiet, fejn rilevanti.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1 isir fi żmien tliet xhur mid-data tar-riċevuta tad-dokumenti u tal-informazzjoni li tikkonċerna l-approvazzjoni tad-diviżjoni transkonfinali mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija li qed tiġi diviża. Dak l-iskrutinju għandu jkollu wieħed mir-riżultati li ġejjin:

(a)

fejn jiġi ddeterminat li d-diviżjoni transkonfinali tikkonforma mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u li l-proċeduri u l-formalitajiet neċessarji kollha tlestew, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ iċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni;

(b)

fejn jiġi ddeterminat li d-diviżjoni transkonfinali ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha jew li mhux il-proċeduri u l-formalitajiet neċessarji kollha tlestew, l-awtorità kompetenti ma għandhiex toħroġ iċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni u għandha tinforma lill-kumpanija bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha; f'dak il-każ, l-awtorità kompetenti tista' tagħti lill-kumpanija l-opportunità li tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti jew li tlesti l-proċeduri u l-formalitajiet f'perjodu ta' żmien xieraq.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti ma toħroġx iċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni fejn jiġi ddeterminat, f'konformità mal-liġijiet nazzjonali, li diviżjoni transkonfinali tkun għal finijiet abbużivi jew frawdolenti li jwasslu jew huma maħsuba għall-evażjoni minn, jew għall-evitar ta', il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, jew għal finijiet kriminali.

9.   Fejn l-awtorità kompetenti, waqt l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1, ikollha dubji serji li jindikaw li d-diviżjoni transkonfinali tkun għal finijiet abbużivi jew frawdolenti li jwasslu jew huma maħsuba għall-evażjoni minn, jew għall-evitar ta', il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, jew għal finijiet kriminali, għandha tqis il-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti, bħal, fejn ikunu rilevanti u ma jitqisux b'mod iżolat, fatturi indikattivi li minnhom l-awtorità kompetenti tkun saret konxja, matul l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1, inkluż permezz ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti. Il-valutazzjoni għall-finijiet ta' dan il-paragrafu għandha ssir fuq bażi ta' każ b'każ, permezz ta' proċedura regolata mil-liġi nazzjonali.

10.   Fejn ikun jenħtieġ, għall-finijiet tal-valutazzjoni taħt il-paragrafi 8 u 9, li jittieħed kont ta' informazzjoni addizzjonali jew li jitwettqu attivitajiet addizzjonali ta' investigazzjoni, il-perjodu ta' tliet xhur previst fil-paragrafu 7 jista' jiġi estiż b'massimu ta' tliet xhur

11.   Fejn, minħabba l-kumplessità tal-proċedura transkonfinali, il-valutazzjoni ma tkunx tista' ssir fi ħdan l-iskadenzi previsti fil-paragrafi 7 u 10, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant jiġi notifikat bir-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien qabel ma jagħlqu dawk l-iskadenzi

12.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti maħtura tkun tista' tikkonsulta awtoritajiet rilevanti oħra b'kompetenzi fl-oqsma differenti kkonċernati mid-diviżjoni transkonfinali, inklużi dawk tal-Istat Membru tal-kumpaniji reċipjenti, u tikseb minn dawk l-awtoritajiet u mill-kumpanija li qed tiġi diviża, l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa biex tiskrutinizza l-legalità tad-diviżjoni transkonfinali, fi ħdan il-qafas proċedurali stabbilit fil-liġi nazzjonali. Għall-finijiet tal-valutazzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tirrikorri għal espert indipendenti.

Artikolu 160n

Trażmissjoni taċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni jiġi kondiviż mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 160o(1) permezz tas-sistema ta' interkonnessjoni ta' reġistri.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li ċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni jkun disponibbli permezz tas-sistema ta' interkonnessjoni tar-reġistri.

2.   L-aċċess għaċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni għandu jkun bla ħlas għall-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 160o(1) u għar-reġistri.

Artikolu 160o

Skrutinju tal-legalità ta’ diviżjoni transkonfinali

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-qorti, nutar jew awtorità oħra kompetenti biex jiskrutinizzaw il-legalità tad-diviżjoni transkonfinali fir-rigward ta' dik il-parti tal-proċedura li tikkonċerna t-tlestija tad-diviżjoni transkonfinali regolata mil-liġi tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti u biex japprovaw id-diviżjoni transkonfinali.

Dik l-awtorità għandha, b'mod partikolari, tiżgura li l-kumpaniji reċipjenti jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar l-inkorporazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' kumpaniji u, fejn xieraq, li l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-impjegati jkunu ġew determinati f'konformità mal-Artikolu 160l.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kumpanija li qed tiġi diviża għandha tippreżenta lil kull awtorità msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali approvat mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160h.

3.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe applikazzjoni għall-finijiet tal-paragrafu 1, mill-kumpanija li qed tiġi diviża, inkluża l-preżentazzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni u dokument, tista' timtela kompletament online mingħajr il-ħtieġa li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem l-awtorità msemmija fil-paragrafu 1, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu III tat-Titolu I.

4.   L-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapprova d-diviżjoni transkonfinali malli tiddetermina li l-kundizzjonijiet rilevanti kollha ġew sodisfatti kif dovut u l-formalitajiet tlestew kif dovut fl-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti.

5.   Iċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni għandu jiġi aċċettat mill-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 bħala attestazzjoni konklużiva tat-tlestija korretta tal-proċeduri u l-formalitajiet applikabbli ta' qabel id-diviżjoni fl-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża li mingħajrhom id-diviżjoni transkonfinali ma tkunx tista' tiġi approvata.

Artikolu 160p

Reġistrazzjoni

1.   Il-liġijiet tal-Istati Membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża u tal-kumpaniji reċipjenti għandhom jiddeterminaw, fir-rigward tat-territorji rispettivi tagħhom, l-arranġamenti, f'konformità mal-Artikolu 16, għall-iżvelar tat-tlestija tad-diviżjoni transkonfinali fir-reġistri tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas l-informazzjoni li ġejja tiddaħħal fir-reġistri tagħhom:

(a)

fir-reġistru tal-Istat Membri tal-kumpaniji reċipjenti, li r-reġistrazzjoni tal-kumpanija reċipjenti tkun ir-riżultat ta' diviżjoni transkonfinali;

(b)

fir-reġistru tal-Istat Membri tal-kumpaniji reċipjenti, id-dati tar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji reċipjenti;

(c)

fir-reġistru tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża, il-fatt li t-tħassir jew it-tneħħija, mir-reġistru, tal-kumpanija li qed tiġi diviża jkunu r-riżultat ta' diviżjoni transkonfinali

(d)

fir-reġistru tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża, fil-każ ta' diviżjoni sħiħa, id-data tat-tħassir jew tat-tneħħija tal-kumpanija li qed tiġi diviża mir-reġistru;

(e)

fir-reġistri tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża u tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti, rispettivament, in-numru ta' reġistrazzjoni, l-isem u l-forma ġuridika tal-kumpanija li qed tiġi diviża u tal-kumpaniji reċipjenti.

Ir-reġistri għandhom jagħmlu l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu disponibbli pubblikament u aċċessibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri fl-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti jinnotifikaw lir-reġistru fl-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri, li l-kumpaniji reċipjenti ġew reġistrati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta' diviżjoni sħiħa, it-tħassir jew it-tneħħija tal-kumpanija li qed tiġi diviża mir-reġistru isiru minnufih mar-riċezzjoni ta' dawk in-notifiki.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru fl-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża jinnotifika lir-reġistri fl-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri, li d-diviżjoni transkonfinali tkun saret effettiva.

Artikolu 160q

Id-data li fiha ssir effettiva d-diviżjoni transkonfinali

Il-liġi tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża għandha tiddetermina d-data li fiha ssir effettiva d-diviżjoni transkonfinali. Dik id-data għandha tkun wara li jkun sar l-iskrutinju msemmi fl-Artikoli 160m u160o u wara li jiġu riċevuti mir-reġistri n-notifiki kollha msemmija fl-Artikolu 160p(3).

Artikolu 160r

Konsegwenzi ta’ diviżjoni transkonfinali

1.   Diviżjoni transkonfinali sħiħa għandu jkollha, mid-data msemmija fl-Artikolu 160q, il-konsegwenzi li ġejjin:

(a)

l-attiv u l-passiv kollha tal-kumpanija li qed tiġi diviża, li jinkludu l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet kollha, għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpaniji reċipjenti f'konformità mal-allokazzjoni speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(b)

il-membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża għandhom isiru membri tal-kumpaniji reċipjenti f'konformità mal-allokazzjoni tal-ishma speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, dment li ma jkunux ċedew l-ishma tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 160i(1);

(c)

id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-kumpanija li qed tiġi diviża li jirriżultaw minn kuntratti ta' impjieg jew minn relazzjonijiet ta' impjieg u li jkunu jeżistu fid-data li fiha d-diviżjoni transkonfinali ssir effettiva għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpaniji reċipjenti;

(d)

il-kumpanija li qed tiġi diviża ma tibqax teżisti.

2.   Diviżjoni transkonfinali parzjali għandu jkollha, mid-data msemmija fl-Artikolu 160q, il-konsegwenzi li ġejjin:

(a)

parti mill-attiv u l-passiv tal-kumpanija li qed tiġi diviża, inklużi l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet, għandha tiġi ttrasferita lill-kumpanija jew kumpaniji reċipjenti, filwaqt li l-bqija għandha tkompli tappartjeni lill-kumpanija li qed tiġi diviża f'konformità mal-allokazzjoni speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(b)

tal-anqas uħud mill-membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża għandhom isiru membri tal-kumpanija jew kumpaniji reċipjenti u tal-anqas uħud mill-membri għandhom jibqgħu fil-kumpanija li qed tiġi diviża jew għandhom isiru membri tat-tnejn f'konformità mal-allokazzjoni tal-ishma speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, dment li dawk il-membri ma jkunux ċedew l-ishma tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 160 i(1);

(c)

id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-kumpanija li qed tiġi diviża li jirriżultaw mill-kuntratti ta' impjieg jew minn relazzjonijiet ta' impjieg u li jeżistu fid-data li fiha d-diviżjoni transkonfinali ssir effettiva, allokati lill-kumpanija jew kumpaniji reċipjenti taħt l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpanija jew kumpaniji reċipjenti rispettivi.

3.   Diviżjoni transkonfinali b'separazzjoni għandu jkollha, mid-data msemmija fl-Artikolu 160q, il-konsegwenzi li ġejjin:

(a)

parti mill-attiv u l-passiv tal-kumpanija li qed tiġi diviża, inklużi l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet, għandha tiġi ttrasferita lill-kumpanija jew kumpaniji reċipjenti, filwaqt li l-bqija għandha tkompli tappartjeni lill-kumpanija li qed tiġi diviża f'konformità mal-allokazzjoni speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(b)

l-ishma tal-kumpanija jew kumpaniji reċipjenti għandhom jiġu allokati lill-kumpanija li qed tiġi diviża;

(c)

id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-kumpanija li qed tiġi diviża li jirriżultaw mill-kuntratti ta' impjieg jew minn relazzjonijiet ta' impjieg u li jeżistu fid-data li fiha d-diviżjoni transkonfinali ssir effettiva, allokati lill-kumpanija jew kumpaniji reċipjenti taħt l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpanija jew kumpaniji reċipjenti rispettivi.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 160j(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn attiv jew passiv tal-kumpanija li qed tiġi diviża ma jiġix allokat b'mod espliċitu taħt l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, kif imsemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 160d, u fejn l-interpretazzjoni ta' dawk it-termini ma tagħmilx deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tiegħu possibbli, l-attiv jew il-korrispettiv għalih jew il-passiv jiġi allokat lill-kumpaniji reċipjenti kollha jew, fil-każ ta' diviżjoni parzjali jew diviżjoni b'separazzjoni, lill-kumpaniji reċipjenti kollha u lill-kumpanija li qed tiġi diviża b'mod proporzjonat għas-sehem tal-assi netti allokati lil kull waħda minn dawk il-kumpaniji taħt l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali.

5.   Fejn, fil-każ ta' diviżjoni transkonfinali, il-liġijiet tal-Istati Membri jirrikjedu t-tlestija ta' formalitajiet speċjali qabel ma t-trasferiment ta' ċerti assi, drittijiet u obbligazzjonijiet mill-kumpanija li qed tiġi diviża jsir effettiv fil-konfront ta' partijiet terzi, dawk il-formalitajiet għandhom jitwettqu mill-kumpanija li qed tiġi diviża jew mill-kumpaniji reċipjenti, kif xieraq.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ishma f'kumpanija reċipjenti ma jkunux jistgħu jiġu skambjati ma' ishma fil-kumpanija li qed tiġi diviża li jkunu miżmuma jew mill-kumpanija nfisha jew permezz ta' persuna li taġixxi f'isimha stess iżda għan-nom tal-kumpanija.

Artikolu 160s

Formalitajiet simplifikati

Fejn diviżjoni transkonfinali ssir bħala diviżjoni b'separazzjoni kif imsemmi fil-punt (c) tal-punt (3) tal-Artikolu 160b, il-punti (b), (c), (f), (i), (o) u (p) tal-Artikolu 160d u l-Artikoli 160e, 160f u 160i ma għandhomx japplikaw.

Artikolu 160t

Esperti indipendenti

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jirregolaw tal-anqas ir-responsabbiltà ċivili tal-espert indipendenti responsabbli għat-tfassil tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 160f.

2.   L-Istati Membri għandu jkollhom stabbiliti regoli li jiżguraw li:

(a)

l-espert, jew il-persuna ġuridika li f'isimha l-espert ikun qed jopera, jkunu indipendenti minn, u ma jkollhom l-ebda kunflitt ta' interessi ma', il-kumpanija li tapplika għaċ-ċertifikat ta' qabel id-diviżjoni; u

(b)

l-opinjoni tal-espert tkun imparzjali u oġġettiva, u tingħata bil-għan li tipprovdi assistenza lill-awtorità kompetenti skont ir-rekwiżiti ta' indipendenza u imparzjalità taħt il-liġi applikabbli u l-istandards professjonali li għalihom l-espert ikun soġġett.

Artikolu 160u

Validità

Diviżjoni transkonfinali li tkun saret effettiva f'konformità mal-proċeduri li jittrasponu din id-Direttiva ma tistax tiġi ddikjarata nulla u bla effett.

L-ewwel paragrafu ma jaffettwax is-setgħat tal-Istati Membri, inter alia, fir-rigward tal-liġi kriminali, tal-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih, tal-liġi soċjali, tat-tassazzjoni u tal-infurzar tal-liġi, li jimponu miżuri u penali, f'konformità mal-liġijiet nazzjonali, wara d-data li fiha tkun saret effettiva d-diviżjoni transkonfinali.";

(24)

it-titolu tal-Anness II huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Tipi ta' kumpaniji msemmija fl-Artikoli 7(1), 13, 29(1), 36(1), 67(1), il-punti (1) u (2) tal-Artikolu 86b, il-punt (a) tal-Artikolu 119(1), u l-punt (1) tal-Artikolu 160b".

Artikolu 2

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-miżuri u l-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu pieni kriminali għal ksur serju.

Il-miżuri u l-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta’ Jannar 2023. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Article 4

Rapportar u rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-1 ta’ Frar 2027, twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluża evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjoniet dwar l-informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kuntest ta' operazzjonijiet transkonfinali, inkluża valutazzjoni tar-regoli dwar il-proporzjon ta' rappreżentanti tal-impjegati fil-korp amministrattiv tal-kumpanija li jirriżulta mill-operazzjoni transkonfinali, u tal-effikaċja tas-salvagwardji fir-rigward tan-negozjati tad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati, filwaqt li tqis in-natura dinamika tal-kumpaniji li qed jikbru b'mod transkonfinali, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-konklużjonijiet ta' dik l-evalwazzjoni, b'mod partikolari filwaqt li tqis il-ħtieġa possibbli tal-introduzzjoni ta' qafas armonizzat fil-liġi tal-Unjoni dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati fil-livell tal-bordijiet, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-preparazzjoni ta' dak ir-rapport, b'mod partikolari billi jipprovdu data dwar in-numru ta' konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali, id-durata u l-ispejjeż relatati tagħhom, data dwar il-każijiet li fihom ġie rifjutat ċertifikat ta' qabel l-operazzjoni, kif ukoll data statistika aggregata dwar in-numru ta' negozjati dwar drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati f'operazzjonijiet transkonfinali. L-Istati Membri għandhom ukoll jipprovdu lill-Kummissjoni b’data dwar il-funzjonament u l-effetti tar-regoli ta' ġurisdizzjoni applikabbli f'operazzjonijiet transkonfinali.

2.   Ir-rapport b'mod partikolari għandu jevalwa l-proċeduri msemmija fil-Kapitoli -I u IV tat-Titolu II tad-Direttiva (UE) 2017/1132, speċjalment f'termini ta' durata u spejjeż tagħhom.

3.   Ir-rapport għandu jinkludi fih valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-provvediment ta' regoli għal tipi ta' diviżjonijiet transkonfinali li mhumiex koperti minn din id-Direttiva, inklużi, b'mod partikolari, id-diviżjonijiet transkonfinali b'akkwiżizzjoni.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D.M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 24.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2019.

(3)  Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(4)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(5)  Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza) (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).

(6)  Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).

(7)  Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).

(8)  Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

(9)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(10)  Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).

(11)  Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).

(12)  Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22).

(13)  Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(14)  Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(15)  Direttiva tal-Kunsill 2009/133/KE tad-19 ta' Ottubru 2009 dwar is-sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta' assi u skambji ta' ishma li jikkonċernaw kumpaniji ta' Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta' SE jew SCE bejn Stati Membri (ĠU L 310, 25.11.2009, p. 34).

(16)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 tat-8 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 1).

(17)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 tal-25 ta' Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 146, 3.6.2016, p. 8).

(18)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1).

(19)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta' arranġamenti transkonfinali rapportabbli (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 1).

(20)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(21)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(22)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

12.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/45


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2122

tal-10 ta’ Ottubru 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri, kontrolli speċifiċi fuq il-bagalji personali tal-passiġġieri u fuq kunsinni żgħar ta’ oġġetti mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(b), (c), (d), (e) u (f), il-punt (d)(ii) tal-Artikolu 53(1) u l-punt (k) tal-Artikolu 77(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikoli 48 tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli li jeżentaw ċerti kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri meta din l-eżenzjoni tkun ġustifikata. Il-punt (d)(ii) tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli dwar il-kompiti speċifiċi ta’ kontroll uffiċjali li jwettqu l-awtoritajiet doganali jew awtoritajiet pubbliċi oħrajn fuq bagalji personali tal-passiġġieri, fejn dawk il-kompiti ma jkunux diġà fir-responsabbiltà ta’ dawk l-awtoritajiet.

(2)

Dawn ir-regoli huma sostanzjalment interkonnessi u ħafna minnhom huma maħsuba biex jiġu applikati flimkien. Fl-interess tas-sempliċità u tat-trasparenza, kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom u tiġi evitata multiplikazzjoni tar-regoli, dawn għandhom jiġu stabbiliti f’att waħdieni u mhux f’atti differenti b’ħafna kontroreferenzi bir-riskju ta’ duplikazzjoni. Dawn ir-regoli spiss iservu finijiet komuni u jirreferu għal attivitajiet komplimentari ta’ operaturi u awtorità kompetenti. Għalhekk, huwa xieraq li dawn ir-regoli jiġu ggruppjati f’Regolament Delegat waħdieni.

(3)

Meta jiġu adottati r-regoli li jistabbilixxu l-eżenzjonijiet mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet, bħalma huma l-arranġamenti xierqa għall-kontrolli, biex ikun żgurat li ma jiġġarbux riskji inaċċettabbli għas-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti meta dawn l-annimali u l-oġġetti jidħlu fl-Unjoni.

(4)

Fid-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (2) diġà kien hemm l-eżenzjonijiet mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri għall-prodotti li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri, għall-prodotti għall-konsum tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri abbord mezz ta’ trasport li jopera internazzjonalment, u għall-prodotti mibgħuta f’kunsinni żgħar lil persuni privati. F’ġieħ iċ-ċarezza legali, u sabiex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dawk l-eżenzjonijiet, billi d-Direttiva 97/78/KE titħassar b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019, jixraq li f’dan ir-Regolament jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar dawk l-eżenzjonijiet. Dawk l-eżenzjonijiet jikkonċernaw ċerti kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti li minkejja li jidħlu fl-Unjoni, ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq.

(5)

Sabiex tkun żgurata l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu jwettqu l-kontrolli xierqa bbażati fuq ir-riskju biex tiġi pprevenuta l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti speċijiet aljeni invażivi, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Biex tkun iffaċilitata l-promozzjoni tal-attivitajiet xjentifiċi, huwa ġġustifikat li ċerti kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti li jkunu maħsubin għal skopijiet xjentifiċi jiġu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri.

(7)

Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625 maħsubin għal skopijiet xjentifiċi jenħtieġ jiġu eżentati mill-verifiki identitarji u fiżiċi fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri, taħt ċertu kundizzjonijiet, billi miżuri ta’ protezzjoni adegwati jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(8)

Skont l-Artikolu 48(d) u (e) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-prodotti li jiffurmaw parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u li huma maħsuba għall-konsum personali jew l-użu personali tagħhom u konsenji żgħar ta’ oġġetti mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq jenħtieġ jiġu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri. Fir-rigward ta’ kunsinni żgħar ta’ oġġetti li jintbagħtu lil persuni fiżiċi li ma jkunux maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq, l-Istati Membri jenħtieġu jwettqu kontrolli abbażi tar-riskju. Ir-riskju possibbli tal-introduzzjoni ta’ aġenti jew mardiet patoġeniċi fl-Unjoni tramite l-introduzzjoni ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali jenħtieġ jiġu kkunsidrati fil-miżuri li jirregolaw l-introduzzjoni ta’ tali kunsinni jew prodotti.

(9)

Biex jiġi żgurat li r-riskji għas-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti jiġu minimizzati, l-Istati Membri jenħtieġu jirrieżaminaw mill-inqas darba fis-sena l-mekkaniżmi ta’ kontroll speċifiċi tagħhom u l-azzjonijiet għal oġġetti li jiffurmaw parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u jaġġornaw dawn il-mekkaniżmi u l-azzjonijiet kull sena wara l-istaġun ewlieni tal-ivvjaġġar.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 (6) jipprevedu r-regoli dwar ċerti speċijiet ta’ annimali domestiċi li jakkumpanjaw lil sidhom jew lil persuna awtorizzata waqt movimenti nonkummerċjali għal ġol-Unjoni minn pajjiżi terzi. Jenħtieġ li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv b’rabta ma’ dawn il-movimenti, filwaqt li jkun żgurat livell ta’ sikurezza suffiċjenti rigward ir-riskji għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali li hemm involuti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jawtorizzaw il-moviment għal ġol-Unjoni ta’ għasafar domestiċi biss skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE (7).

(11)

L-Artikolu 48(f) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli li jeżentaw lill-annimali domestiċi li jinżammu għal skopijiet privati nonkummerċjali mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri. Jenħtieġ li r-regoli dwar l-eżenzjoni f’dan ir-Regolament ma taffettwax l-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu l-kontrolli uffiċjali li jiżguraw il-konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 u mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 (8).

(12)

Bl-għan li ċ-ċittadini jiġu pprovduti informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar ir-regoli li japplikaw għall-moviment nonkummerċjali għal ġol-Unjoni ta’ ċerti annimali domestiċi, l-Istati Membri jenħtieġu li jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(13)

Il-livell tar-riskju għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali li jirriżulta mill-introduzzjoni ta’ mardiet tal-annimali u ta’ aġenti patoġeniċi jvarja skont fatturi diversi, bħalma hu t-tip tal-prodott, l-ispeċi ta’ annimal li minnha nkisbu l-prodotti, u l-probabbiltà li jkun hemm preżenti aġenti patoġeniċi. Biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 (9) fih regoli komprensivi tal-Unjoni għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni ta’ mard tal-annimali u ta’ aġenti patoġeniċi. Minħabba li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli koperti mir-Regolament (KE) Nru 206/2009, dak ir-Regolament jenħtieġ jitħassar mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (10) jenħtieġ jiġi emendat fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti kampjuni ta’ riċerka u dijanjostiċi minn verifiki veterinarji fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera peress li s-suġġett huwa kopert minn dan ir-Regolament.

(15)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw ukoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-każijiet fejn ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti jkunu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jsir dan, u l-każijiet fejn ċerti kompiti speċifiċi tal-kontroll ikunu jistgħu jitwettqu fuq il-bagalji personali tal-passiġġieri mill-awtoritajiet doganali jew minn awtoritajiet pubbliċi oħra, u l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jagħmlu dan, sakemm dawk il-kompiti ma jaqgħux diġà fir-responsibbilità ta’ dawk l-awtoritajiet.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kampjuni ta’ riċerka u dijanjostiċi” tfisser kampjuni ta’ riċerka u ta’ dijanjożi kif definit fil-punt 38 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(2)

“IMSOC” tfisser is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625;

(3)

“prodotti tas-sajd friski” tfisser prodotti tas-sajd friski kif definit fil-punt 3.5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(4)

“prodotti tas-sajd preparati” tfisser prodotti tas-sajd preparati kif definit fil-punt 3.6 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(5)

“prodotti tas-sajd proċessati” tfisser prodotti tas-sajd proċessati kif definit fil-punt 7.4 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(6)

“annimal domestiku” tfisser annimal domestiku kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(7)

“moviment nonkummerċjali” tfisser il-moviment mhux kummerċjali kif definit fil-punt (14) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/429;

(8)

“ikel għall-annimali domestiċi” tfisser l-ikel għall-annimali domestiċi kif definit fil-punt (19) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011.

Artikolu 3

Annimali maħsubin għal skopijiet xjentifiċi

1.   L-invertebrati maħsuba għal skopijiet xjentifiċi bħar-riċerka, attivitajiet edukattivi jew riċerka b’rabta mal-iżvilupp ta’ prodotti għandhom ikunu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri minbarra l-kontrolli li jitwettqu skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, dment li:

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ saħħa tal-annimali stabbiliti fir-regoli msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

id-dħul tagħhom fl-Unjoni jkun awtorizzat minn qabel għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni;

(c)

meta jkunu twettqu l-attivitajiet b’rabta mal-iskopijiet xjentifiċi, l-annimali u l-prodotti dderivati minnhom, minbarra l-kwantitajiet li jkunu ntużaw għall-iskopijiet xjentifiċi, għandhom jintremew jew jiġu ridispaċċjati lejn il-pajjiż terz minn fejn oriġinaw.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għan-naħal tal-għasel (Apis mellifera), għan-naħal bagħli (Bombus spp), għall-molluski tal-filu Mollusca u l-krustaċji tas-sottofilu Crustacea.

Artikolu 4

Kampjuni ta’ riċerka u dijanjostiċi

1.   L-awtorità kompetenti tista’ teżenta kampjuni ta’ riċerka u dijanjostiċi minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tkun ħarġet lill-utent tal-kampjuni awtorizzazzjoni minn qabel għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 u din l-awtorizzazzjoni tkun irreġistrata f’dokument uffiċjali mogħti minn dik l-awtorità;

(b)

dawn ikunu akkumpanjati mid-dokument uffiċjali msemmi fil-punt (a) jew minn kopja tiegħu sakemm dawn jaslu għand l-utent imsemmi fil-punt (a) jew, fil-każ imsemmi fil-punt (c), il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul;

(c)

fil-każ li jidħlu fl-Unjoni minn Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, l-operatur jippreżenta l-kampjuni f’post tal-kontroll fuq il-fruntiera.

2.   Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1(c), l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandha tinforma permezz tal-IMSOC lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-kampjuni.

Artikolu 5

Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn maħsubin għal skopijiet xjentifiċi

1.   Il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn huma eżentati mill-verifiki identitarji u fiżiċi fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri għajr il-kontrolli li jitwettqu skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, dment li jkunu maħsubin għal skopijiet xjentifiċi skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

2.   L-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla tal-kunsinna għandha twettaq il-verifiki dokumentarji fuq l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. F’każ ta’ nonkonformità identifikata jew suspettata, l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tista’ twettaq il-verifiki identitarji u fiżiċi fuq il-kunsinna jew titlob li dawn il-verifiki jitwettqu mill-persuna responsabbli mill-istazzjon tal-kwarantina jew mill-faċilità ta’ konfinament li tkun ġiet deżinjata mill-awtorità kompetenti.

3.   Jekk l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla tal-kunsinna titlob verifiki identitarji u fiżiċi li jridu jitwettqu mill-persuna responsabbli mill-istazzjon ta’ kwarantina jew mill-faċilità ta’ konfinament li tkun ġiet deżinjata mill-awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla tal-kunsinna għandha tinforma, permezz tal-IMSOC, lill-awtorità kompetenti tal-istazzjon ta’ kwarantina jew tal-faċilità ta’ konfinament, bir-riżultati tal-verifiki dokumentarji u bit-tluq sussegwenti tal-kunsinna lejn l-istazzjon ta’ kwarantina jew il-faċilità ta’ konfinament. L-awtorità kompetenti tal-istazzjoni ta’ kwarantina jew tal-faċilità ta’ konfinament għandha tinforma permezz tal-IMSOC lill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla tal-kunsinna bil-wasla tal-kunsinna fl-istazzjon ta’ kwarantina jew fil-faċilità ta’ konfinament. L-awtorità kompetenti tal-istazzjon ta’ kwarantina jew tal-faċilità ta’ konfinament għandha twettaq verifiki identitarji u fiżiċi.

Artikolu 6

Prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti komposti abbord mezzi tat-trasport li joperaw internazzjonalment li ma jitħattewx u li jkunu maħsubin għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri

1.   Il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li:

(a)

ikunu maħsubin għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri abbord mezzi tat-trasport li joperaw internazzjonalment; u

(b)

ma jitħattux fit-territorju tal-Unjoni.

2.   It-trasferiment dirett tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 li jitħattu f’port minn mezz tat-trasport li jopera internazzjonalment għal fuq mezz ieħor tat-trasport li jopera internazzjonalment fl-istess port huwa eżentat mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li:

(a)

isir b’konformità mal-qbil tal-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera; u

(b)

isir taħt superviżjoni doganali.

3.   L-operatur responsabbli mill-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistaqsu għall-qbil imsemmi fil-paragrafu 2(a) qabel it-trasferiment ta’ dawn l-oġġetti minn mezz wieħed tat-trasport li jopera internazzjonalment għal mezz ieħor ta’ trasport li jopera internazzjonalment.

Artikolu 7

Oġġetti li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u jkunu maħsubin għall-konsum jew l-użu personali

Il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali, prodotti komposti, prodotti dderivati mill-prodotti sekondarji tal-annimali, pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u li jkunu maħsubin għall-konsum jew l-użu personali huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li jkunu f’mill-inqas waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

l-oġġetti elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I, dment li l-kwantità totali tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta’ 2 kg;

(b)

prodotti tas-sajd evixxerati friski jew prodotti tas-sajd preparati, jew prodotti tas-sajd proċessati, dment li l-kwantità totali tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta’ 20 kg jew il-piż ta’ ħuta waħda, skont liema jkun l-itqal piż;

(c)

oġġetti oħrajn li mhumiex imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu u għajr dawk imsemmija fil-Parti 2 tal-Anness I, dment li l-kwantità totali tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta’ 2 kg;

(d)

pjanti, għajr dawk għat-tħawwil, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn;

(e)

oġġetti, għajr il-pjanti għat-tħawwil, li jkunu ġejjin minn Andorra, mill-Iżlanda, min-Norveġja, minn San Marino jew mill-Iżvizzera;

(f)

prodotti tas-sajd ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland;

(g)

oġġetti, għajr il-pjanti għat-tħawwil u l-prodotti tas-sajd, ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, dment li l-kwantità totali tagħhom ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta’ 10 kg.

Artikolu 8

Informazzjoni dwar l-oġġetti li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u jkunu intiżi għall-konsum jew l-użu personali

1.   Fil-punti tad-dħul fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet kompetenti għandhom juru l-informazzjoni fuq wieħed mill-posters msemmija fl-Anness II, għallinqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru bl-introduzzjoni fl-Unjoni, li jitqiegħdu f’postijiet faċilment viżibbli għall-passiġġieri ġejjin minn pajjiżi terzi.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ żżid mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 informazzjoni oħra, inkluż:

(a)

l-informazzjoni msemmija fl-Anness III;

(b)

informazzjoni addatta għall-kundizzjonijiet lokali.

3.   L-operaturi tat-trasport internazzjonali għall-passiġġieri, fosthom l-operaturi tal-ajruporti, tal-portijiet u ferrovjarji u l-aġenziji tal-ivvjaġġar għandhom:

(a)

jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti tagħhom lejn ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7 u f’dan l-Artikolu, b’mod partikolari billi jipprovdulhom l-informazzjoni stipulata fl-Annessi II u III;

(b)

jaċċettaw li l-awtorità kompetenti turi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fil-binjiet tagħhom f’postijiet prominenti fejn jidhru faċilment għall-passiġġieri ġejjin minn pajjiżi terzi.

Artikolu 9

Kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq oġġetti li jifformaw parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri

1.   Għall-oġġetti li jifformaw parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri, l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali, jew awtoritajiet pubbliċi responsabbli oħrajn, b’kooperazzjoni mal-operaturi tal-portijiet, tal-ajruporti u ferrovjarji responsabbli minn punti ta’ dħul oħrajn, għandhom jorganizzaw kontrolli uffiċjali speċifiċi fil-punti tad-dħul fl-Unjoni. Dawn il-kontrolli uffiċjali speċifiċi għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskji u effettivi.

2.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom:

(a)

b’mod partikolari jimmiraw li jiddetettaw il-preżenza ta’ oġġetti msemmijin fl-Artikolu 7;

(b)

jimmiraw li jivverifikaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 ikunu ssodisfati; u

(c)

li jitwettqu bil-mezzi adatti, li jistgħu jinkludu tagħmir tal-iskannjar jew klieb ta’ detezzjoni imħarrġin apposta, biex jiġu eżaminati volumi kbar ta’ oġġetti.

3.   L-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali, jew awtoritajiet pubbliċi responsabbli oħrajn, li jwettqu kontrolli uffiċjali speċifiċi għandhom:

(a)

jimmiraw li jidentifikaw l-oġġetti li ma jikkonformawx mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7;

(b)

jiżguraw li l-oġġetti nonkonformi jiġu kkonfiskati u jinqerdu f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u, fejn applikabbli, f’konformità mal-Artikoli 197 sa 199 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(c)

jirrieżaminaw, mill-inqas darba fis-sena u qabel l-1 ta’ Ottubru, il-mekkaniżmi u l-azzjonijiet tagħhom applikati, jistabbilixxu l-livell ta’ konformità milħuq, u, fuq bażi tar-riskji, jadattaw dawk il-mekkaniżmi u azzjonijiet fejn neċessarju, biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

4.   Ir-rieżami msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3 għandu jiżgura li r-riskji għas-saħħa pubblika, għas-saħħa tal-annimali u għas-saħħa tal-pjanti jiġu minimizzati.

Ir-rieżami għandu jqis:

(a)

id-data miġbura dwar l-għadd approssimattiv tal-kunsinni li jkunu jiksru r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7;

(b)

l-għadd ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi li jkunu twettqu;

(c)

l-għadd totali kkwantifikat tal-kunsinni konfiskati u meqruda li jkunu nstabu fil-bagalji personali tal-passiġġieri u li ma kinux konformi mal-Artikolu 7; u

(d)

kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra.

Artikolu 10

Kunsinni żgħar ta’ oġġetti mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsubin biex jitqiegħdu fis-suq

1.   Kunsinni żgħar ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali, prodotti komposti, prodotti dderivati mill-prodotti sekondarji tal-annimali, pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn mibgħuta lil persuni fiżiċi, li ma jkunux maħsubin għat-tqegħid fis-suq, huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li jaqgħu tal-inqas f’waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 7.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu l-kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq dawk l-oġġetti f’konformità mal-Artikolu 9.

3.   Is-servizzi postali għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti tagħhom lejn ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1, b’mod partikolari billi jipprovdulhom l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III.

Artikolu 11

Annimali domestiċi

L-annimali domestiċi li jidħlu fl-Unjoni f’moviment nonkummerċjali huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri għajr il-kontrolli uffiċjali li jitwettqu skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, u għajr il-kontrolli uffiċjali li jitwettqu biex tiġi vverifikata l-konformità mal-Artikolu 57(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006, kif ġej:

(a)

l-annimali tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 li:

(i)

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) jew fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, u li jkunu qed jinġarru minn territorju jew pajjiż terz elenkat fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013, dment li jsirulhom il-verifiki dokumentarji u identitarji skont l-Artikolu 33, u, fejn applikabbli, isirulhom il-verifiki standard għal għarrieda skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013; jew

(ii)

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) jew fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 u li jkunu qed jinġarru minn territorju jew pajjiż terz elenkat fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013, dment li jsirulhom il-verifiki dokumentarji u identitarji skont l-Artikolu 34, u, fejn applikabbli, isirulhom il-verifiki standard għal għarrieda skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013; jew

(iii)

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, dment li jsirulhom il-verifiki skont il-permess imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 10(3) ta’ dak ir-Regolament u skont ir-rekwiżiti tal-punt (b) tal-Artikolu 10(3) ta’ dak ir-Regolament; jew

(iv)

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, dment li jsirulhom il-verifiki skont il-permess imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 32(1) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

l-għasafar elenkati fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 dment li:

(i)

il-moviment tagħhom ikun ġie awtorizzat mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2007/25/KE; u

(ii)

isirulhom il-verifiki veterinarji f’konformità mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2007/25/KE;

(c)

l-għasafar elenkati fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 li jiddaħħlu fl-Unjoni minn Andorra, mill-Gżejjer Faeroe, minn Greenland, mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, minn Monaco, min-Norveġja, mill-Iżvizzera u mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan;

(d)

l-annimali tal-ispeċijiet għajr l-għasafar, elenkati fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013.

Artikolu 12

Informazzjoni dwar l-annimali domestiċi

1.   Fil-punti tad-dħul fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet kompetenti għandhom juru l-informazzjoni fil-posters imsemmija fl-Anness IV, tal-anqas f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tal-introduzzjoni fl-Unjoni, b’avviżi prominenti li jitqiegħdu f’postijiet faċilment viżibbli għall-passiġġieri ġejjin minn pajjiżi terzi.

2.   L-operaturi tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, inkluż operaturi tal-ajruporti, tal-portijiet u operaturi ferrovjarji għandhom jaċċettaw li l-awtorità kompetenti turi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-binjiet tagħhom f’postijiet faċilment viżibbli għall-passiġġieri ġejjin minn pajjiżi terzi.

Artikolu 13

Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 206/2009

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 206/2009 qed jitħassar b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.

2.   Ir-referenzi għall-att imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni mogħtija fl-Anness V.

Artikolu 14

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 142/2011

L-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 142/2011, il-paragrafu 2 jitħassar.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tal-mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta’ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 fir-rigward ta’ ċerti miżuri ta’ ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta’ għasafar domestiċi li huma akkumpanjati mis-sid tagħhom fil-Komunità, ĠU L 8, 13.1.2007, p. 29.

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 tal-4 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 166, 19.6.2006, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 tal-5 ta’ Marzu 2009 dwar l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ kunsinni personali ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 136/2004 (ĠU L 77, 24.3.2009, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


ANNESS I

PARTI 1

Lista ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 7(a)

1.

Ħalib tat-trab għat-trabi, ikel għat-trabi u ikel speċjali meħtieġ għal raġunijiet mediċi, bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti:

(i)

ma jkollhomx bżonn refriġerazzjoni qabel ma jinfetħu;

(ii)

ikunu prodotti ta’ marka proprjetarja ppakkjati għall-bejgħ dirett lill-konsumatur aħħari; u

(iii)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża.

2.

Ikel għall-annimali domestiċi meħtieġ għal raġunijiet relatati mas-saħħa bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti:

(i)

ikunu intenzjonati għall-annimal domestiku li qed jakkumpanja l-passiġġier;

(ii)

tajbin biex jinħażnu;

(iii)

ikunu prodotti ta’ marka proprjetarja ppakkjati għall-bejgħ dirett lill-konsumatur aħħari; u

(iv)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża.

PARTI 2

Lista ta’ oġġetti li mhumiex eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri kif previst fl-Artikolu 7(c)

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (1)

Deskrizzjoni

Kwalifikazzjoni u spjegazzjoni

ex Kapitolu 2

(0201-0210)

Laħam u ġewwieni li jittiekel

Kollu ħlief is-saqajn taż-żrinġijiet (Kodiċi NM 0208 90 70 )

0401-0406

Prodotti tal-ħalib

Kollha

ex 0504 00 00

Imsaren, bżieżaq u stonkijiet tal-annimali (għajr tal-ħut), sħaħ jew bċejjeċ minnhom, friski, imkessħin, friżati, immelħin, fis-salmura, imnixxfin jew affumikati

Kollha, ħlief il-kontenituri

0511

Prodotti tal-annimali mhux speċifikati jew inklużi banda oħra; annimali mejta tal-Kapitoli 1 jew 3 tat-Taqsima 1 tal-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem

Ikel għall-annimali domestiċi biss

1501 00

Grass tal-majjal (inkluż ix-xaħam) u grass tat-tjur, ħlief dak tal-intestatura 0209 jew 1503

Kollha

1502 00

Grass ta’ annimali tal-ifrat, nagħaġ u mogħoż, ħlief dawk tal-intestatura 1503

Kollha

1503 00

Stearina tax-xaħam, żejt tax-xaħam, oleostearina u żejt tax-xaħam tad-dam, mhux emulsifikati jew imħalltin jew preparati b’xi mod ieħor

Kollha

1506 00 00

Xaħam u żjut oħrajn tal-annimali u l-frazzjonijiet tagħhom, raffinati jew le, iżda mhux modifikati kimikament

Kollha

1601 00

Zalzett u prodotti simili, ta’ laħam, fdal tal-laħam jew demm; preparazzjonijiet tal-ikel ibbażati fuq dawn il-prodotti

Kollha

1602

Laħam ippreparat jew ippriżervat, fdal tal-laħam jew demm ieħor

Kollha

1702 11 00

1702 19 00

Laktows u ġulepp tal-laktows

Kollha

ex1901

Estratt tax-xgħir; preparazzjonijiet tal-ikel tad-dqiq, groats (xgħir u barli mitħun oħxon), pasta, lamtu jew estratt tax-xgħir, ma fihomx kawkaw jew fihom inqas minn 40 % skont il-piż kawkaw ikkalkulat fuq bażi totalment mingħajr xaħam, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra; preparazzjonijiet tal-ikel ta’ prodotti tal-intestaturi 0401 sa 0404,li ma jkunx fihom kawkaw jew ikun fihom inqas minn 5 % tal-piż tagħhom magħmul mill-kawkaw, ikkalkulat fuq bażi totalment mingħajr xaħam, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 1902

Għaġin, imsajjar jew le jew mimli (bil-laħam jew sustanzi oħrajn) jew ippreparat mod ieħor, bħal spagetti, imqarrun, taljarini (noodles), lasanji, injokki, ravjul, kannelloni; kuskus, ippreparat jew le

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 1905

Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u oġġetti oħrajn tal-furnara, kemm jekk fihom il-kawkaw kif ukoll jekk le; ostji tat-tqarbin, cachets vojta ta’ kwalità li huma tajbin għall-użu farmaċewtiku, karti tas-siġill (sealing wafers), karta tar-ross u prodotti simili

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2004

Ħxejjex oħrajn, ippreparati jew ippreservati mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku, iffriżati, ħlief il-prodotti tal-intestatura 2006 (2)

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2005

Ħxejjex oħrajn, ippreparati jew ippreservati mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku, mhux iffriżati, ħlief il-prodotti tal-intestatura 2006

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2103

Zlazi u preparazzjonijiet tagħhom; kondimenti mħalltin u ħwawar imħalltin; dqiq u pasta tal-mustarda u mustarda ppreparata

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2104

Sopop u brodi u preparazzjonijiet tagħhom; preparazzjonijiet tal-ikel komposti omoġenizzati

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2105 00

Ġelati u silġ ieħor tajjeb għall-ikel, kemm jekk fihom il-kawkaw kif ukoll jekk le

Preparazzjonijiet li fihom il-ħalib, biss

ex 2106

Preparazzjonijiet tal-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra

Preparazzjonijiet biss li fihom laħam u/jew ħalib

ex 2309

Preparazzjonijiet ta’ kwalità użata għall-għalf tal-annimali

Ikel għall-annimali domestiċi, il-magħda tal-klieb u taħlitiet ta’ ikel li fihom il-laħam u/jew il-ħalib

Noti:

1.

Il-kolonna 1: Meta ċerti prodotti biss li jidħlu taħt xi kodiċi jkollhom bżonn jiġu eżaminati, u ma tkunx teżisti subdiviżjoni speċifika taħt dan il-kodiċi fin-nomenklatura tal-oġġetti, il-kodiċi huwa mmarkata b’“ex” (eż. ex 19 01: iridu jkunu inklużi biss il-preparazzjonijiet li fihom il-laħam u/jew il-ħalib).

2.

Il-kolonna 2: Id-deskrizzjoni tal-prodotti hija kif stabbilita fil-kolonna tad-deskrizzjonijiet tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

3.

Il-kolonna 3: Din il-kolonna tagħti d-dettalji dwar il-prodotti koperti.


(1)  L-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1)

(2)  Intestatura 2006 tgħid hekk: “Ħxejjex, frott, ġewż, qoxra tal-frott u partijiet oħrajn ta’ pjanti, ippreservati biz-zokkor (ixxuttati, glasè jew mgħasslin)”.


ANNESS II

Posters msemmija fl-Artikolu 8(1)

Il-posters jinsabu hawn:

https://ec.europa.eu/food/animals/animalproducts/personal_imports_en

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4


ANNESS III

Informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 8(2)

Image 5

Tħallix il-mard infettiv jidħol fl-UE!

Il-prodotti tal-annimali jistgħu jkunu qed iġorru l-patoġeni li jikkawżaw mard infettiv

Minħabba r-riskju li jiddaħħal il-mard fl-Unjoni Ewropea (UE), jeżistu proċeduri stretti dwar l-introduzzjoni ta’ ċerti prodotti tal-annimali fl-UE. Dawn il-proċeduri ma japplikawx għall-movimenti tal-prodotti tal-annimali bejn l-Istati Membri tal-UE, jew għall-prodotti tal-annimali li jiġu fi kwantitajiet żgħar għal konsum personali minn Andorra, mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, min-Norveġja, minn San Marino u mill-Iżvizzera.

Il-prodotti tal-annimali kollha li ma jikkonformawx ma’ dawn ir-regoli għandhom jiċċedew mal-wasla fl-UE, biex jintremew b’mod uffiċjali. Jekk ma tiddikjarax l-oġġetti li jkollok ta’ dan it-tip, tista’ ġġarrab multa jew prosekuzzjoni kriminali.

L-oġġetti li ġejjin ma għandhomx jiddaħħlu fl-UE, sakemm il-kwantità totali tal-oġġetti elenkati fil-punti 2, 3 u 5 ma taqbiżx il-limitu fil-piż ta’ 2 kg kull persuna.

Fil-każ ta’ oġġetti li jiġu mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, il-kwantità totali tal-oġġetti elenkati fil-punti 1, 2, 3 u 5 ma għandhiex taqbeż il-limitu fil-piż ta’ 10 kg kull persuna.

1. Kwantitajiet żgħar ta’ laħam u ħalib u l-prodotti tagħhom (għajr il-ħalib tat-trab għat-trabi, l-ikel għat-trabi, u ikel speċjali meħtieġ għal raġunijiet mediċi jew ikel għall-annimali domestiċi meħtieġa għal raġunijiet mediċi)

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kunsinni ta’ laħam u ta’ ħalib u l-prodotti minnhom (għajr il-ħalib tat-trab għat-trabi, l-ikel għat-trabi, u ikel speċjali meħtieġ għal raġunijiet mediċi jew ikel għall-annimali domestiċi meħtieġ għal raġunijiet mediċi) dment li jkunu ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, u li l-piż tagħhom ma jkunx aktar minn 10 kg kull persuna.

2. Ħalib tat-trab għat-trabi, ikel għat-trabi u ikel speċjali li jkun meħtieġ għal raġunijiet mediċi

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kunsinni personali ta’ ħalib tat-trab għat-trabi, ta’ ikel għat-trabi, u ta’ ikel speċjali li jkun meħtieġ għal raġunijiet mediċi dment li:

ikunu ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, u li l-kwantità totali tagħhom ma tkunx itqal mil-limitu ta’ 10 kg kull persuna, u li:

(a)

il-prodott ma jkollux bżonn jiġi refriġerat qabel ma jiġi kkunsmat,

(b)

ikun prodott ippakkjat ta’ marka proprjetarja, u

(c)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża

ikunu ġejjin minn pajjiżi oħrajn (għajr il-Gżejjer Faeroe jew Greenland), u li l-kwantità totali tagħhom ma tkunx itqal mil-limitu ta’ 2 kg kull persuna, u li:

(a)

il-prodott ma jkollux bżonn jiġi refriġerat qabel ma jiġi kkunsmat,

(b)

ikun prodott ippakkjat ta’ marka proprjetarja, u

(c)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża.

3. Ikel għall-annimali domestiċi meħtieġ għal raġunijiet ta’ saħħa

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kunsinni personali ta’ ikel għall-annimali domestiċi li jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ saħħa dment li:

ikunu ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, u li l-kwantità totali tagħhom ma tkunx itqal mil-limitu ta’ 10 kg kull persuna, u li:

(a)

il-prodott ma jkollux bżonn jiġi refriġerat qabel ma jiġi kkunsmat,

(b)

ikun prodott ippakkjat ta’ marka proprjetarja, u

(c)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża

ikunu ġejjin minn pajjiżi oħrajn (għajr il-Gżejjer Faeroe jew Greenland), u li l-kwantità totali tagħhom ma tkunx itqal mil-limitu ta’ 2 kg kull persuna, u li:

(a)

il-prodott ma jkollux bżonn jiġi refriġerat qabel ma jiġi kkunsmat,

(b)

ikun prodott ippakkjat ta’ marka proprjetarja, u

(c)

l-imballaġġ ikun għadu ssiġillat sakemm ma jkunx qed jintuża.

4. Kwantitajiet żgħar ta’ prodotti tas-sajd għall-konsum personali mill-bniedem

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kunsinni personali ta’ prodotti tas-sajd (fosthom ħut frisk, imnixxef, imsajjar, ippriżervat jew affumikat, u ċertu frott tal-baħar bħalma huma l-gambli, l-awwisti, il-maskli mejta u l-gajdri mejta) dment li:

il-ħut frisk ikun evixxerat,

il-piż tal-prodotti tas-sajd ma jkunx itqal minn 20 kg għal kull persuna, jew il-piż ta’ ħuta waħda, liema minn dawn tkun l-itqal.

Dawn ir-restrizzjonijiet ma japplikawx għall-prodotti tas-sajd mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland.

5. Kwantitajiet żgħar ta’ prodotti tal-annimali oħrajn għall-konsum personali mill-bniedem

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss prodotti tal-annimali oħrajn, bħal, pereżempju, l-għasel, il-gajdri ħajjin, il-maskli ħajjin u l-bebbux, dment li:

ikunu ġejjin mill-Gżejjer Faeroe jew minn Greenland, u l-piż totali tagħhom ma jkunx itqal minn 10 kg kull persuna,

ikunu ġejjin minn pajjiżi oħrajn (għajr il-Gżejjer Faeroe jew Greenland), u li l-piż totali tagħhom ma jkunx itqal minn 2 kg kull persuna.

Ta’ min wieħed jinnota li fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat kwantitajiet żgħar ta’ prodotti tal-annimali minn diversi mill-ħames kategoriji li ssemmew hawn fuq (fil-paragrafi 1 sa 5) dment li jikkonformaw mar-regoli spjegati f’kull wieħed mill-paragrafi rilevanti.

6. Kwantitajiet kbar ta’ prodotti tal-annimali

Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kwantitajiet kbar ta’ prodotti tal-annimali jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-kunsinni kummerċjali, li jinkludu:

ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni, kif stipulat fiċ-ċertifikat uffiċjali tal-KE proprju,

il-preżentazzjoni tal-oġġetti, flimkien mad-dokumentazzjoni korretta, f’post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-UE, mal-wasla fl-UE.

7. Il-prodotti eżentati

Il-prodotti li ġejjin huma eżenti mir-regoli stipulati fil-punti 1 sa 6:

il-ħobż, il-kejkijiet, il-gallettini, il-waffles u l-wejfers, il-biskuttelli, il-ħobż mixwi u prodotti simili mixwijin li jkun fihom inqas minn 20 % ta’ prodotti pproċessati tal-ħalib u tal-bajd u jkunu ttrattati kif previst fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (1);

ċikkulati u dolċerija (li jinkludi l-ħelu) li jkun fihom inqas minn 50 % ta’ prodotti pproċessati tal-ħalib u tal-bajd u jkunu ttrattati kif previst fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2007/275/KE;

supplimenti tal-ikel, għajr il-prodotti tal-laħam, ippakkjati għall-konsumatur aħħari li jkun fihom ammonti żgħar (total ta’ inqas minn 20 %) ta’ prodotti tal-annimali pproċessati (fosthom il-glukożammina, il-kondrojtina jew il-kitosan, jew il-kondrojtina u l-kitosan);

iż-żebbuġ mimli bil-ħut;

għaġin u taljarini li ma jkunux imħalltin ma’ prodotti tal-laħam jew mimlijin bil-prodotti tal-laħam, li jkun fihom inqas minn 50 % ta’ prodotti pproċessati tal-ħalib u tal-bajd u jkunu ttrattati kif previst fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE;

stokkijiet tas-sopop u taħwir ippakkjati għall-konsumatur aħħari, li jkun fihom inqas minn 50 % żjut tal-ħut, dqiq tal-ħut jew estratti tal-ħut, u li jkunu ttrattati kif stipulat fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 dwar il-listi ta’ annimali u prodotti li huma soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri skont id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9).


ANNESS IV

Poster msemmi fl-Artikolu 12

Il-poster jinsab hawn:

https://ec.europa.eu/food/animals/pet-movement/poster-diseases-dont-respect-borders_en

Image 6


ANNESS V

Tabella ta’ korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 206/2009

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1(1)

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 1(3)

L-Artikolu 1(4)

L-Artikolu 2(1)(a)

L-Artikolu 2(1)(b)

L-Artikolu 2(1)(c)

L-Artikolu 2(1)(d)

L-Artikolu 2(2)(a)

L-Artikolu 2(2)(b)

L-Artikolu 2(3)

L-Artikolu 3(1)

L-Artikolu 3(2)

L-Artikolu 3(3)

L-Artikolu 3(4)(a)

L-Artikolu 3(4)(b)

L-Artikolu 4

L-Artikolu 5(1)

L-Artikolu 5(2)

L-Artikolu 5(3)

L-Artikolu 6(1)(a)

L-Artikolu 6(1)(b)

L-Artikolu 6(2)

L-Artikolu 6(3)

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8

L-Artikolu 9

L-Artikolu 10

L-Artikolu 11

Il-Parti 1 tal-Anness I

Il-Parti 2 tal-Anness I

Il-Parti 1 tal-Anness II

Il-Parti 2 tal-Anness II

L-Anness III

L-Anness IV

L-Anness V

L-Anness VI

L-Anness VII

__

L-Artikolu 7(e) u (f) u l-Artikolu 10(1)

__

__

__

L-Artikolu 7(a) u l-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 7(b) u l-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 7(c) u l-Artikolu 10(1)

__

L-Artikolu 7(a) u l-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 7(g) u l-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 8(1)

L-Artikolu 8(1)

L-Artikolu 8(2)

L-Artikolu 8(1)

__

L-Artikolu 8(3)(a) u l-Artikolu 10(3)

L-Artikoli 9(1) u 10(2)

L-Artikolu 9(2)(a) u (b) u l-Artikolu 10(2)

L-Artikolu 9(2)(c) u l-Artikolu 10(2)

L-Artikolu 9(3)(a) u l-Artikolu 10(2)

L-Artikolu 9(3)(b) u l-Artikolu 10(2)

__

__

__

__

__

__

__

Il-Parti 2 tal-Anness I

Il-Parti 2 tal-Anness I

Il-punt (1) tal-Parti 1 tal-Anness I

Il-punt (2) tal-Parti 1 tal-Anness I

L-Anness II

L-Anness III

__

__

__


12.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/64


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2123

tal-10 ta’ Ottubru 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-każijiet meta l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi fuq ċerti oġġetti jistgħu jitwettqu f’punti ta’ kontroll u l-verifiki dokumentarji jistgħu jitwettqu ’l bogħod mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li bihom isiru dawn il-verifiki

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(a) u (e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-qafas għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra biex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari. Dak il-qafas jinkludi l-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

(2)

F’dan ir-rigward, bl-għan li jiġi żgurat twettiq effiċjenti tal-kontrolli uffiċjali u kontroll xieraq tar-riskji, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri jkunu jistgħu jippermettu t-twettiq tal-verifiki identitarji u fiżiċi fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti, u oġġetti oħra msemmija fil-punti (c) u (e) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 f’punt ta’ kontroll li ma jkunux il-post tal-kontroll fuq il-fruntiera, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(3)

Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li dan ikun il-każ ukoll għall-kunsinni ta’ ikel u għalf li ma joriġinawx mill-annimali soġġetti għall-miżuri previsti mill-atti msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 (2) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 884/2014 (3) jistabbilixxu, fost l-oħrajn, ir-regoli dwar it-twettiq tal-verifiki identitarji u fiżiċi fuq il-kunsinni ta’ ikel u għalf li ma joriġinawx mill-annimali koperti minnhom, f’punt ta’ kontroll li ma jkunux il-punt tad-dħul deżinjat. B’mod partikolari, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 884/2014 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tat-trasferiment tal-kunsinna lejn punt ta’ importazzjoni deżinjat għat-twettiq tal-verifiki identitarji u fiżiċi, ir-regoli dwar id-dokumenti meħtieġa biex jakkumpanjaw il-kunsinna sal-punt ta’ importazzjoni deżinjat, l-obbligi ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fil-punti tad-dħul deżinjati u tal-operaturi responsabbli mill-kunsinna, u r-regoli applikabbli fil-każ li l-operatur jiddeċiedi li jibdel il-post ta’ importazzjoni deżinjat wara li l-kunsinna tkun telqet mill-punt tad-dħul deżinjat. Dawk ir-Regolamenti huma mħassra b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019 u d-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq jenħtieġ li jiġu sostitwiti b’dan ir-Regolament. Sabiex jiġu żgurati twettiq effettiv tal-kontrolli uffiċjali u traċċabbiltà adegwata tal-kunsinni, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jagħmlu użu sħiħ ukoll mill-possibbiltajiet ta’ skambju tal-informazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali u t-traċċabbiltà tal-kunsinni offruti mis-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (“IMSOC”) jew mis-sistemi nazzjonali eżistenti.

(5)

L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jenħtieġ li jawtorizzaw b’ċertu kundizzjonijiet it-trasferiment ta’ kunsinna ta’ oġġetti lejn punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera deżinjat għal dik il-kategorija ta’ oġġetti fuq talba tal-operatur. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-operatur jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti l-isem u l-kodiċi tas-Sistema Esperta u tal-Kontroll tal-Kummerċ (Traces) tal-punt ta’ kontroll fejn il-kunsinna jenħtieġ li tiġi trasferita.

(6)

Sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-verifiki identitarji u fiżiċi effettivi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera ikunu jistgħu jitolbu lill-operatur jittrasferixxi l-oġġetti f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jiksbu l-qbil tal-operatur qabel ma jawtorizzaw it-trasferiment lejn il-punt ta’ kontroll. Jenħtieġ li l-qbil tal-operatur ikun neċessarju fid-dawl tal-kostijiet ta’ trasport imġarrba mill-operatur sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-kunsinni li jkun fihom oġġetti li jitħassru jiġu trasferiti fil-punt ta’ kontroll li ma jkunx jinsab f’distanza xierqa mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

(7)

Sabiex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-pjanti jew għas-saħħa pubblika, jenħtieġ li t-trasferiment tal-kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra u ta’ ikel u għalf li ma joriġinawx mill-annimali għall-punt ta’ kontroll jiġi awtorizzat abbażi tal-eżitu sodisfaċenti tal-verifiki dokumentarji fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

(8)

Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-kunsinni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-punt ta’ kontroll jonformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera bil-wasla tal-kunsinna. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jivverifikaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-punt ta’ kontroll jekk il-kunsinna tkunx waslet fil-punt ta’ kontroll u meta dik il-verifika turi li l-kunsinna ma tkunx waslet, jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet doganali u lill-awtoritajiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 u jwettqu investigazzjoni ulterjuri biex jiddeterminaw fejn tinsab eżattament il-kunsinna.

(9)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu verifiki identitarji u fiżiċi effiċjenti fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn, jenħtieġ li dawn jiġu trasferiti mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għall-punt ta’ kontroll. Jenħtieġ li t-trasferiment isir b’tali mod li ma jikkawżax infestazzjoni jew infezzjoni lil pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-operaturi jiżguraw li l-imballaġġ jew il-mezzi tat-trasport ikunu magħluqa jew issiġillati waqt it-trasferiment għall-punt ta’ kontroll. F’każijiet speċifiċi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jippermettu li l-imballaġġ jew il-mezz tat-trasport tal-kunsinni tal-injam tal-koniferi ma jkunux magħluqin jew issiġillati matul it-trasport tagħhom mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera sal-punt tal-kontroll jekk jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-injam tal-koniferi f’dawn il-kunsinni jkun tkabbar jew prodott f’żona ġeografika ta’ pajjiż terz li jaqsam fruntiera tal-art mal-Istat Membru li għalih hija responsabbli l-awtorità kompetenti u fejn ikun hemm informazzjoni li l-injam ikollu l-istess status fitosanitarju f’dak il-pajjiż terz u f’dak l-Istat Membru.

(10)

Sabiex jiġu organizzati kontrolli uffiċjali effiċjenti, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet doganali li lilhom l-Istat Membru jkun ikkonferixxa r-responsabbiltà biex iwettqu l-kontrolli uffiċjali, jew l-awtoritajiet kompetenti f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, ikunu jistgħu jwettqu l-verifiki dokumentarji ’l bogħod mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

(11)

Bl-għan li jiġi żgurat twettiq effiċjenti tal-kontrolli uffiċjali fil-punti tad-dħul fl-Unjoni li ma jkunux il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet doganali li lilhom l-Istat Membru jkun ikkonferixxa r-responsabbiltà biex iwettqu l-kontrolli uffiċjali, ikunu jistgħu jwettqu verifiki dokumentarji fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra li huma soġġetti għal kontroll b’inqas frekwenza kif stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1756/2004 (4).

(12)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/313/UE (5) tawtorizza verifiki fiżiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 li jridu jitwettqu fi stabbilimenti approvati tal-operaturi tan-negozju tal-ikel u tal-għalf f’Ċipru. Bl-istess mod, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/458/UE (6) tawtorizza verifiki fiżiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 li jridu jitwettqu fi stabbilimenti approvati tal-operaturi tan-negozju tal-ikel u tal-għalf f’Malta. Billi dan ir-Regolament japplika għall-oqsma koperti minn dawk id-Deċiżjonijiet, huwa xieraq li d-Deċiżjonijiet 2010/313/UE u 2010/458/UE jitħassru b’effett mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(13)

Billi r-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll minn dik id-data għal raġunijiet ta’ konsistenza u ċertezza tad-dritt. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 165(4) tar-Regolament (UE) 2017/625, ir-regoli stabbiliti fil-punt (e) tal-Artikolu 53(1) jistgħu jsiru applikabbli biss mill-inqas 12-il xahar wara l-adozzjoni tagħhom fir-rigward tal-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra msemmijin fil-punt (c) tal-Artikolu 47(1) tal-istess Regolament. Għal din ir-raġuni, il-miżuri tranżitorji rigward id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2000/29/KE (7) se jkunu meħtieġa sat-13 ta’ Diċembru 2020. Dan il-perjodu ta’ sena huwa meħtieġ sabiex l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aktar żmien biex jimplimentaw ir-rekwiżiti speċifiċi.

(14)

Billi dan ir-Regolament japplika għall-oqsma koperti mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (8) fir-rigward tal-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u l-oġġetti l-oħra msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, huwa xieraq li dik id-Direttiva titħassar mill-14 ta’ Diċembru 2020,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-każijiet u l-kundizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jwettqu:

(a)

verifiki identitarji u verifiki fiżiċi f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fuq:

(i)

il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti, u oġġetti oħra msemmija fl-Artikoli 72(1) u 74(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u l-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti, u oġġetti oħra soġġetti għal miżura ta’ emerġenza prevista fl-atti adottati f’konformità mal-Artikoli 28(1), 30(1), 40(3), 41(3), 49(1), 53(3) u 54(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(ii)

il-kunsinni ta’ ikel u għalf li ma joriġinawx mill-annimali soġġetti għall-miżuri previsti mill-atti msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

verifiki dokumentarji ’l bogħod minn post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti, u oġġetti oħra msemmija fl-Artikoli 72(1) u 74(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

2.   L-awtoritajiet kompetenti li jinsabu ’l bogħod mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, inkluż f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera u f’punt tad-dħul fl-Unjoni, għandhom iwettqu l-operazzjonijiet matul u wara l-verifiki dokumentarji, identitarji u fiżiċi f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2019/2130 (10).

Kapitolu I

Verifiki identitarji u verifiki fiżiċi mwettqa f’punti ta’ kontroll li ma jkunux il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għat-twettiq tal-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera

1.   Il-verifiki identitarji u fiżiċi jistgħu jitwettqu f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera meta japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-operatur, meta jagħti n-notifika minn qabel f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 56(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, jew l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fid-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (“CHED”) ikunu indikaw il-punt ta’ kontroll fejn iridu jitwettqu l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi;

(b)

l-eżitu tal-verifiki dokumentarji mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkun sodisfaċenti;

(c)

l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu rreġistraw fis-CHED l-awtorizzazzjoni tagħhom għat-trasferiment tal-kunsinna lejn il-punt ta’ kontroll;

(d)

qabel ma l-kunsinna titlaq mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, l-operatur ikun innotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-punt ta’ kontroll fejn ikunu jridu jsiru l-verifiki identitarji u fiżiċi, il-ħin mistenni tal-wasla tal-kunsinna u l-mezz tat-trasport billi jimla u jissottometti CHED separat fis-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (“IMSOC”);

(e)

l-operatur ikun ittrasporta l-kunsinna mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera sal-punt ta’ kontroll taħt superviżjoni doganali mingħajr ma l-oġġetti jinħattu matul it-trasport;

(f)

l-operatur ikun żgura li l-kunsinna tkun akkumpanjata sal-punt ta’ kontroll b’kopja tas-CHED imsemmi fil-punt (c), f’format fuq karta jew f’format elettroniku;

(g)

l-operatur ikun żgura li:

(i)

il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti, u oġġetti oħra msemmija fl-Artikoli 72(1) u 74(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 u l-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti, u oġġetti oħra soġġetti għal miżura ta’ emerġenza prevista fl-atti adottati f’konformità mal-Artikoli 28(1), 30(1), 40(3), 41(3), 49(1), 53(3) u 54(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031 u l-kunsinni ta’ ikel u għalf li ma joriġinawx mill-annimali msemmija fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, ikunu akkumpanjati sal-punt ta’ kontroll minn kopja awtentikata taċ-ċertifikati uffiċjali msemmija fl-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, maħruġa f’konformità mal-Artikolu 50(2) ta’ dak ir-Regolament;

(ii)

il-kunsinni ta’ ikel u għalf li ma joriġinawx mill-annimali soġġetti għall-miżuri previsti mill-atti msemmija fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 ikunu akkumpanjati sal-punt ta’ kontroll b’kopja awtentikata tar-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz, maħruġa f’konformità mal-Artikolu 50(2) ta’ dak ir-Regolament.

(h)

l-operatur ikun indika n-numru ta’ referenza tas-CHED imsemmi fil-punt (c) fid-dikjarazzjoni doganali mressqa lill-awtoritajiet doganali għall-finijiet tat-trasferiment tal-kunsinna fil-punt ta’ kontroll u jkun żamm kopja ta’ dak is-CHED għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali kif imsemmi fl-Artikolu 163 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

2.   Ir-rekwiżit għall-kopja awtentikata msemmija fil-punti (i) u (ii) tal-paragrafu 1(g) li takkumpanja l-kunsinna ma għandux japplika meta ċ-ċertifikati uffiċjali rispettivi jew ir-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju jkunu ġew sottomessi fl-IMSOC mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz jew ikunu ttellgħu fl-IMSOC mill-operatur u l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu vverifikaw li jikkorrispondu għaċ-ċertifikati oriġinali jew għar-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.

3.   Meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tiġġestixxi sistema nazzjonali eżistenti li tirreġistra r-riżultati tal-verifiki dokumentarji, identitarji u dawk fiżiċi, il-punti (d) u (h) tal-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għall-kunsinni li jitilqu mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera lejn punt ta’ kontroll fi ħdan l-istess Stat Membru, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni dwar il-ħin mistenni tal-wasla tal-kunsinna fil-punt ta’ kontroll u dwar it-tip ta’ mezz tat-trasport tkun disponibbli fis-sistema nazzjonali eżistenti;

(b)

is-sistema nazzjonali eżistenti tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

tiżgura l-informazzjoni f’waqtha tal-awtoritajiet doganali u tal-operatur dwar l-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 u tal-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera dwar il-wasla tal-kunsinna fil-punt ta’ kontroll,

(ii)

tiskambja data elettronika mal-IMSOC, inkluż informazzjoni dwar ir-rifjuti tal-kunsinni u informazzjoni li tippermetti identifikazzjoni ċara ta’ kull kunsinna, bħal pereżempju permezz ta’ numru ta’ referenza uniku,

(iii)

tiżgura li l-finalizzazzjoni tas-CHED imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 tista’ sseħħ biss wara l-iskambju tad-data elettronika u l-konferma mill-IMSOC.

Artikolu 3

Verifiki identitarji u fiżiċi fuq il-kunsinni ta’ ikel u għalf li ma joriġinawx mill-annimali mwettqa f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera

1.   Il-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni ta’ ikel u għalf li ma joriġinawx mill-annimali li jkunu soġġetti għall-miżuri previsti mill-atti msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti f’punt ta’ kontroll li ma jkunux post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, meta tkun tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jkun talab lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera biex il-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi jitwettqu fil-punt ta’ kontroll, li jkun ġie deżinjat għall-kategorija ta’ oġġetti ta’ dik il-kunsinna, u l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jawtorizzaw it-trasferiment tal-kunsinna lejn dak il-punt ta’ kontroll;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu ddeċidew li l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi jitwettqu fil-punt ta’ kontroll, li jkun ġie deżinjat għall-kategorija ta’ oġġetti ta’ dik il-kunsinna u l-operatur ma joġġezzjonax għal din id-deċiżjoni.

2.   Il-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jekk tkun tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

ma jkun hemm l-ebda awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera kif imsemmi fil-paragrafu 1(a),

(b)

l-operatur joġġezzjona għad-deċiżjoni li l-kunsinna tiġi trasferita lejn il-punt ta’ kontroll kif imsemmi fil-paragrafu 1(b).

Artikolu 4

Verifiki identitarji u fiżiċi fuq pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra mwettqa f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera

1.   Il-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fuq il-kunsinni ta’:

(a)

pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra msemmija fl-Artikoli 72(1) u 74(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031,

(b)

pjanti, prodotti tal-pjanti, u oġġetti oħra soġġetti għal miżura ta’ emerġenza prevista fl-atti adottati skont l-Artikoli 28(1), 30(1), 40(3), 41(3), 49(1), 53(3) u 54(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

2.   Il-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera meta tkun tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jkun talab lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera biex il-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi jitwettqu f’punt ta’ kontroll, li jkun ġie deżinjat għall-kategorija ta’ oġġetti ta’ dik il-kunsinna, u l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jawtorizzaw it-trasferiment tal-kunsinna lejn dak il-punt ta’ kontroll;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu ddeċidew li l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi jitwettqu f’punt ta’ kontroll, li jkun ġie deżinjat għall-kategorija ta’ oġġetti ta’ dik il-kunsinna u l-operatur ma joġġezzjonax għal din id-deċiżjoni.

3.   Il-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jekk tkun tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

ma jkun hemm l-ebda awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera kif imsemmi fil-paragrafu 2(a),

(b)

l-operatur joġġezzjona għad-deċiżjoni li l-kunsinna tiġi trasferita fil-punt ta’ kontroll kif imsemmi fil-paragrafu 2(b).

Artikolu 5

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi tal-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera

1.   Il-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi jistgħu jitwettqu f’punt ta’ kontroll għall-kunsinni msemmija fl-Artikolu 4(1) bil-kundizzjoni li l-operatur ikun żgura li l-imballaġġ jew il-mezz tat-trasport tal-kunsinni jkunu magħluqa jew issiġillati b’mod li, matul it-trasferiment tagħhom lejn il-punt ta’ kontroll ma jkunux jistgħu jikkawżaw l-infestazzjoni jew l-insfezzjoni ta’ pjanti, ta’ prodotti tal-pjanti jew ta’ oġġetti oħra bil-pesti elenkati bħala pesti tal-kwarantina fl-Unjoni jew bħala pesti regolati li mhumiex ta’ kwarantina fl-Unjoni kif imsemmi fl-Artikoli 5(2) u 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 u, fil-każ taż-żoni protetti, bil-pesti rispettivi inklużi fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 32(3) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul jistgħu jippermettu li l-imballaġġi jew il-mezzi tat-trasport tal-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra ma jingħalqux jew ma jiġux ssiġillati, meta japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kunsinna tkun tikkonsisti minn injam tal-koniferi mkabbar jew prodott f’żona ġeografika ta’ pajjiż terz fejn dak il-pajjiż terz jaqsam fruntiera tal-art mal-Istat Membru li tkun responsabbli minnu l-awtorità kompetenti u fejn ikun hemm informazzjoni li l-injam ikollu l-istess status fitosanitarju f’dak il-pajjiż terz u f’dak l-Istat Membru,

(b)

il-kunsinni tal-injam tal-koniferi jiġu trasportati f’punt ta’ kontroll li jkun jinsab fl-istess Stat Membru bħall-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul,

(c)

il-kunsinni tal-injam tal-koniferi ma jippreżentawx riskju speċifiku ta’ tixrid ta’ pesti tal-kwarantina fl-Unjoni, jew ta’ pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, waqt it-trasport lejn il-punt ta’ kontroll,

(d)

qabel ma jħalli t-territorju ta’ dak l-Istat Membru, l-awtorità kompetenti tiżgura li dak l-injam jiġi pproċessat b’mod li l-injam ma jirrappreżentax riskju fitosanitarju.

3.   L-Istati Membri li jsegwu d-dispożizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 għandhom:

(a)

jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar iż-żona kkonċernata tal-pajjiż terz u dwar l-istatus fitosanitarju ta’ din iż-żona;

(b)

kull sena jissottomettu rapport bil-volum u r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-injam tal-koniferi kkonċernat.

Artikolu 6

Operazzjonijiet matul u wara l-verifiki identitarji u fiżiċi f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera

1.   Wara li l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu awtorizzaw jew iddeċidew dwar it-trasferiment tal-kunsinna fil-punt ta’ kontroll indikat fis-CHED, l-operatur responsabbli mill-kunsinna ma għandux jippreżenta l-kunsinna għall-verifiki identitarji u fiżiċi f’punt ta’ kontroll differenti minn dak indikat fis-CHED, sakemm l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera ma jawtorizzawx it-trasferiment tal-kunsinna għal punt ta’ kontroll ieħor, f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 3(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 4(2).

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-punt ta’ kontroll għandhom jikkonfermaw il-wasla tal-kunsinna lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera billi jimlew is-CHED imsemmi fl-Artikolu 2(1)(a) fl-IMSOC.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-punt ta’ kontroll għandhom jiffinalizzaw is-CHED separat imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1) jew meta japplika l-Artikolu 2(3), is-CHED imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1), billi jirreġistraw fih l-eżitu tal-verifiki identitarji u tal-verifiki fiżiċi u kwalunkwe deċiżjoni dwar il-kunsinna meħuda skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2017/625.

4.   L-operatur għandu jipprovdi n-numru ta’ referenza tas-CHED iffinalizzat imsemmi fil-paragrafu 3 fid-dikjarazzjoni doganali li titressaq lill-awtoritajiet doganali għall-kunsinna u għandu jżomm kopja ta’ dak is-CHED għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali bħala dokument ta’ sostenn kif imsemmi fl-Artikolu 163 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

5.   Meta, fi żmien 15-il jum minn dak li fih ġie awtorizzat it-trasferiment ta’ kunsinna lejn il-punt ta’ kontroll, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera ma jkunux għadhom irċevew il-konferma tal-wasla tal-kunsinna mill-awtoritajiet kompetenti tal-punt ta’ kontroll, dawn għandhom:

(a)

jivverifikaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-punt ta’ kontroll jekk il-kunsinna tkunx waslet fil-punt ta’ kontroll;

(b)

meta l-verifika prevista fil-punt (a) turi li l-kunsinna ma tkunx waslet fil-punt ta’ kontroll, jinfurmaw lill-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħra msemmija fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 bil-fatt li ma jkunux irċevew il-konferma tal-wasla tal-kunsinna fid-destinazzjoni;

(c)

iwettqu investigazzjoni ulterjuri biex jiddeterminaw fejn jinsabu eżatt l-oġġetti b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħra kif imsemmi fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Kapitolu II

Verifiki tad-dokumenti mwettqa ’l bogħod minn post ta’ kontroll fuq il-fruntiera

Artikolu 7

Verifiki tad-dokumenti fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra mwettqa ’l bogħod minn post ta’ kontroll fuq il-fruntiera

Il-verifiki dokumentarji fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra kif imsemmi fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625, li jidħlu fl-Unjoni, jistgħu jitwettqu minn waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

meta il-kunsinni jaslu f’post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, l-awtoritajiet kompetenti li jkunu jinsabu ’l bogħod mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew f’punt ta’ kontroll li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, bil-kundizzjoni li jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru bħall-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla tal-kunsinna;

(b)

meta l-kunsinni jkunu soġġetti għal kontroll b’inqas frekwenza kif stabbilit fir-regoli msemmijin fil-punt (g) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 u jaslu f’punt tad-dħul li ma jkunx il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, l-awtoritajiet kompetenti fil-punt tad-dħul fl-Unjoni.

Artikolu 8

Kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ verifiki dokumentarji fuq il-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra mwettqa ’l bogħod minn post ta’ kontroll fuq il-fruntiera

1.   It-twettiq tal-verifiki dokumentarji msemmija fl-Artikolu 7 għandu jkun soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 għandhom iwettqu verifiki dokumentarji fuq:

(i)

iċ-ċertifikati uffiċjali u r-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju mtellgħa fl-IMSOC mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla tal-kunsinna,

(ii)

iċ-ċertifikati uffiċjali u r-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju mtellgħa fl-IMSOC mill-operatur meta l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jkunu ċċekkjaw li dawn jikkorrispondu maċ-ċertifikati oriġinali jew mar-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju,

(iii)

iċ-ċertifikati uffiċjali u r-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju sottomessi fl-IMSOC mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi, jew

(iv)

iċ-ċertifikati uffiċjali oriġinali, meta l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 jkunu parti mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera deżinjat kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1012 (12);

(b)

il-kunsinna ma għandhiex tiġi trasportata lejn il-punt ta’ kontroll għall-verifiki identitarji u fiżiċi mill-operatur mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera sakemm l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 ma jkunux infurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera bir-riżultati sodisfaċenti tal-verifiki dokumentarji.

2.   Meta l-kunsinna ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra tkun trid tiġi trasportata mill-operatur għal punt ta’ kontroll biex jitwettqu l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi, għandhom japplikaw l-Artikoli 2, 4 u 5.

3.   Kunsinna ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra tista’ tiġi ttrasportata mill-operatur mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera sal-punt ta’ kontroll biex jitwettqu l-verifiki dokumentarji, bil-kundizzjoni li l-punt ta’ kontroll ikun taħt is-superviżjoni tal-istess awtorità kompetenti bħall-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

Kapitolu III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 9

Tħassir

1.   Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE hija mħassra b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2020.

2.   Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2010/313/UE u 2010/458/UE huma mħassra b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

L-Artikoli 4(1)(a), 7 u 8 għandhom japplikaw mill-14 ta’ Diċembru 2020.

L-Artikolu 2(3) għandu japplika sat-13 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal-24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 884/2014 tat-13 ta’ Awwissu 2014 li jimponi kundizzjonijiet speċjali għar-regolamentazzjoni tal-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel minn ċertu pajjiżi terzi minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni bl-aflatossini u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1152/2009 (ĠU L 242, 14.8.2014, p. 4).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1756/2004 tal-11 ta’ Ottubru 2004 li jispeċifika l-kondizzjonijiet dettaljati għall-evidenza meħtieġa u l-kriterji għat-tip u l-livell ta’ riduzzjoni tal-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti ta’ ċertu pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra elenkati fil-Parti B tal-Anness V għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 6).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/313/UE tas-7 ta’ Ġunju 2010 li tawtorizza kontrolli fiżiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 li għandhom jitwettqu fi stabbilimenti approvati tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel f’Ċipru (ĠU L 140, 8.6.2010, p. 28).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/458/UE tat-18 ta’ Awwissu 2010 li tawtorizza l-kontrolli fiżiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 li għandhom jitwettqu fi stabbilimenti approvati tal-operaturi tan-negozju tal-għalf u tal-ikel f’Malta (ĠU L 218, 19.8.2010, p. 26).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(8)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas-7 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kontrolli tal-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati f’ Parti B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f’post ieħor li mhuwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f’post ieħor fil-qrib u tispeċifika il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2019/2130 tal-25 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-operazzjonijiet li jridu jitwettqu matul u wara l-verifiki dokumentarji, il-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi, fuq l-annimali u l-oġġetti soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri (Ara paġna 128 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(12)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1012 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidderoga mir-regoli dwar il-ħatra ta’ punti ta’ kontroll u mir-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri (ĠU L 165, 21.6.2019, p. 4).


12.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/73


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2124

tal-10 ta’ Ottubru 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-Unjoni, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, (KE) Nru 1251/2008, (KE) Nru 119/2009, (UE) Nru 206/2010, (UE) Nru 605/2010, (UE) Nru 142/2011, (UE) Nru 28/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(4), il-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 51(1), il-punti (c) u (j) tal-Artikolu 77(1) u l-Artikolu 77(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-qafas għall-kontrolli uffiċjali u għal attivitajiet uffiċjali oħrajn biex jivverifika l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari. Dak il-qafas jinkludi l-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera magħżula.

(2)

L-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli li jistabbilixxu l-każijiet meta, u l-kundizzjonijiet li fihom, ikun meħtieġ li fit-tranżitu fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ annimali, ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti dderivati, ta’ ħuxlief u tiben u prodotti komposti, ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED) jakkumpanja l-kunsinni sal-post tad-destinazzjoni.

(3)

Il-punt (a) tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li l-Kummissjoni trid tistabbilixxi l-każijiet meta, u l-kundizzjonijiet li fihom, l-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet tal-kontroll fuq il-fruntiera jenħtieġ li jkunu jistgħu jawtorizzaw it-tkomplija tat-trasport ta’ kunsinni ta’ ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali, ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti, u ta’ oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1) ta’ dak ir-Regolament lejn il-post tad-destinazzjoni finali tagħhom, sa meta jsiru disponibbli r-riżultati tal-verifiki fiżiċi.

(4)

Il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-każijiet meta, u l-kundizzjonijiet li fihom, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi tal-kunsinni ttrasbordati u tal-annimali li jaslu bl-ajru jew bil-baħar u li jibqgħu fl-istess mezz ta’ trasport biex jitkompla l-vjaġġ, jistgħu jitwettqu f’post ta’ kontroll fuq il-fruntiera differenti minn dak tal-ewwel wasla fl-Unjoni. Għall-fini li l-kontrolli tal-kunsinni ttrasbordati jkunu effikaċi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-perjodi tal-ħin u l-arranġamenti li skonthom l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jridu jwettqu l-verifiki tad-dokumenti, tal-identità u fiżiċi.

(5)

Il-punt (d) tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li l-Kummissjoni trid tistabbilixxi l-każijiet meta, u l-kundizzjonijiet li fihom, jenħtieġ li jiġi awtorizzat it-tranżitu fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ annimali, ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti dderivati, ta’ ħuxlief u tiben u prodotti komposti, ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625. Jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli dwar ċerti kontrolli uffiċjali li jridu jsiru fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fuq dawn il-kunsinni, fosthom il-każijiet u l-kundizzjonijiet għall-ħżin temporanju tal-oġġetti fl-imħażen doganali, f’imħażen fiż-żoni ħielsa, f’faċilitajiet ta’ ħżin temporanju u f’imħażen li huma speċjalizzati biex ifornu l-bażijiet militari tan-NATO u tal-Istati Uniti tal-Amerka.

(6)

L-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jenħtieġ li jkunu jistgħu jawtorizzaw it-tkomplija tat-trasport lejn il-post tad-destinazzjoni finali, sa meta jsiru disponibbli r-riżultati tal-analiżijiet u tat-testijiet tal-laboratorju tal-kunsinni ta’ għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali soġġett għall-miżuri msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 u ta’ kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fil-punti (c) u (e) tal-Artikolu 47(1) ta’ dak ir-Regolament. L-ikel u l-għalf li jkunu magħmulin minnhom il-kunsinni jistgħu jidhru fil-lista tal-oġġetti li huma soġġetti għal żieda temporanja tal-kontrolli uffiċjali fil-punt tad-dħul fl-Unjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 jew jistgħu jkunu soġġetti għal miżura ta’ emerġenza prevista fl-atti adottati skont l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet addizzjonali għad-dħul fl-Unjoni previsti fl-atti adottati skont l-Artikolu 126 tar-Regolament (UE) 2017/625, jew għal miżuri speċjali dwar id-dħul tagħhom fl-Unjoni previsti fl-atti adottati skont l-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2017/625.

(7)

L-awtorizzazzjoni għat-tkomplija tat-trasport jenħtieġ li tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet sabiex jiġi żgurat kontroll xieraq tar-riskji. B’mod partikolari, biex jiġu ristretti r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u tal-pjanti, il-kunsinni ta’ ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali li huma soġġetti għall-miżuri msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 u l-kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fil-punti (c) u (e) tal-Artikolu 47(1) jenħtieġ li jiġu ttrasportati lejn faċilitajiet għat-tkomplija tat-trasport fil-post tad-destinazzjoni finali magħżula mill-Istat Membru u jinħażnu hemm sakemm joħorġu r-riżultati tal-analiżijiet u tat-testijiet tal-laboratorju.

(8)

Il-faċilitajiet għat-tkomplija tat-trasport jenħtieġ li jkunu mħażen doganali jew faċilitajiet tal-ħżin temporanju awtorizzati, magħżulin jew approvati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u sabiex tiġi żgurata l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel u tal-għalf, jenħtieġ li dawn ikunu rreġistrati mal-awtoritajiet kompetenti kif previst fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), rispettivament.

(9)

Ir-riskji għas-saħħa tal-annimali assoċjati ma’ kunsinni ta’ annimali minn pajjiżi terzi li jaslu bl-ajru jew bil-baħar u li jibqgħu fl-istess mezz ta’ trasport biex jitkompla l-vjaġġ lejn il-pajjiż terz jew lejn Stat Membru ieħor, li huma maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni jew maħsuba għat-tranżitu mill-Unjoni, huma aktar baxxi minn dawk assoċjati ma’ kunsinni oħrajn ta’ annimali, inklużi l-kunsinni ttrasbordati fil-portijiet marittimi jew fl-ajruporti. Għalhekk, sakemm ma jkunx hemm suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, jenħtieġ li jsiru l-verifiki fiżiċi u tal-identità ta’ dawn l-annimali fil-post tal-kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-verifiki tad-dokumenti jenħtieġ li jitwettqu fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni fejn l-annimali jiġu ppreżentati għall-kontrolli uffiċjali u li minnu jidħlu fl-Unjoni biex sussegwentement jitqiegħdu fis-suq, jew biex jgħaddu bi tranżitu mit-territorju tal-Unjoni.

(10)

Il-vjaġġi t-twal fl-istess mezz tat-trasport jista’ jkun ta’ detriment għall-benessri tal-annimali. Sabiex jiġu rispettati r-rekwiżiti dwar it-trattament xieraq tal-annimali fit-trasport, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (6) sakemm il-kunsinna ta’ annimali tasal fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni.

(11)

Sabiex tkun evitata l-introduzzjoni ta’ mard tal-annimali fl-Unjoni, jeħtieġ li jitwettqu l-verifiki tad-dokumenti, tal-identità u fiżiċi fuq kunsinni ta’ annimali ttrasbordati f’portijiet marittimi jew f’ajruporti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fejn iseħħ l-ewwel trasbord.

(12)

Filwaqt li jitqiesu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali assoċjati mal-kunsinni ttrasbordati ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom, u l-ħtieġa li jiġi żgurat it-tħaddim effiċjenti tal-kontrolli uffiċjali fuq tali kunsinni, jixraq li jiġi stabbilit il-perjodu ta’ ħin li fih jenħtieġ li jitwettqu l-verifiki tad-dokumenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord. Il-kalkolu tal-ħin tal-perjodu tat-trasbord irid jibda malli l-kunsinna tasal fil-port jew fl-ajruport tal-Istat Membru. Meta jkun hemm suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord iwettqu l-verifiki tad-dokumenti, tal-identità u fiżiċi.

(13)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat it-tħaddim effiċjenti tal-kontrolli uffiċjali u filwaqt li jitqiesu r-riskji għas-saħħa tal-pjanti assoċjati mal-kunsinni ttrasbordati ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħrajn imsemmija fil-punti (c) u (e) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, jixraq li jiġu stabbiliti l-limiti tal-ħin li warajh ikunu jistgħu jitwettqu l-verifiki tad-dokumenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord. Il-kalkolu tal-ħin tal-perjodu tat-trasbord irid jibda malli l-kunsinna tasal fil-port jew fl-ajruport tal-Istat Membru. Meta jkun hemm suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord iwettqu l-verifiki tad-dokumenti, tal-identità u fiżiċi.

(14)

Jixraq li jiġi previst li jekk minħabba suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, ma jsirux il-verifiki kollha fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord fuq il-kunsinni ttrasbordati ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti, u ta’ oġġetti oħra msemmija fil-punti (c) u (e) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 li jkunu maħsubin biex jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jwettqu l-verifiki tad-dokumenti, tal-identità u fiżiċi.

(15)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li l-operaturi responsabbli mill-kunsinni ttrasbordati jkunu jistgħu jittrażmettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni u fejn jinsabu l-oġġetti fil-port jew fl-ajruport, il-ħin stmat tal-wasla, il-ħin stmat tat-tluq u d-destinazzjoni tal-kunsinna tagħhom. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom ikunu mgħammra b’sistema ta’ informazzjoni biex ikunu jistgħu jikkonsultaw l-informazzjoni pprovduta mill-operaturi u jivverifikaw li l-limitu tal-ħin biex jitwettqu l-verifiki tad-dokumenti ma jkunx inqabeż.

(16)

Ir-riskji għas-saħħa tal-annimali u għas-saħħa pubblika huma aktar baxxi fil-każ tal-għalf u l-ikel li mhumiex ta’ oriġini mill-annimali li huma soġġetti għall-miżuri jew għall-atti msemmija fil-punti (d)(e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, li jiġu ttrasbordati minn bastiment jew minn inġenju tal-ajru taħt superviżjoni doganali għal bastiment jew inġenju tal-ajru ieħor fl-istess port jew ajruport. Għaldaqstant jixraq li jiġi previst li f’dan il-każ jenħtieġ li l-verifiki tad-dokumenti, tal-identità u fiżiċi ma jitwettqux fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord, iżda jsiru aktar tard fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jagħti notifika minn qabel tal-wasla tal-kunsinna billi jimla u jissottometti l-parti rilevanti taċ-CHED fis-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) għat-trażmissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni.

(17)

Sabiex jiġu protetti s-saħħa u l-benessri tal-annimali, il-kunsinni tal-annimali fi tranżitu minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor li jgħaddu taħt superviżjoni doganali mit-territorju tal-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għal verifiki tad-dokumenti, tal-identità, u fiżiċi fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni, u jenħtieġ li dan it-tranżitu jkun awtorizzat biss soġġett għall-eżitu favorevoli ta’ dawk il-verifiki.

(18)

Bil-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, il-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom fi tranżitu minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor li jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għall-verifiki tad-dokumenti u tal-identità fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Tali tranżitu għandu jkun awtorizzat soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, inkluż l-eżitu favorevoli tal-verifiki fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, bil-ħsieb li jiġi żgurat il-kontroll xieraq tar-riskji fil-fruntiera u waqt it-tranżitu u, fl-aħħar mill-aħħar, jiġi żgurat li dawn l-oġġetti jitilqu mit-territorju tal-Unjoni.

(19)

Sabiex tkun protetta s-saħħa tal-pjanti, jenħtieġ li l-kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fil-punti (c) u (e) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 fi tranżitu minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor li jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni jkunu soġġetti għall-verifiki tad-dokumenti u fiżiċi bbażati fuq ir-riskju fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Jenħtieġ li dan it-tranżitu jkun awtorizzat soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, fosthom l-eżitu favorevoli tal-verifiki fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

(20)

F’ċerti każijiet, il-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom li jkunu fi tranżitu minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor li jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni jistgħu jinħażnu temporanjament f’imħażen. Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà ta’ kunsinni bħal dawn, tali ħażna temporanja għandha ssir biss f’imħażen approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u li għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-iġjene stipulati fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (7).

(21)

Fl-interess tat-trasparenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu u jaġġornaw fl-IMSOC lista tal-imħażen approvati kollha, billi jindikaw l-isem u l-indirizz tagħhom, il-kategorija tal-oġġetti li għalihom huma approvati u n-numru tal-approvazzjoni. Jenħtieġ li l-imħażen approvati jkunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali regolari mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti bil-ħsieb li jkun żgurat li jinżammu l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tagħhom.

(22)

Sabiex jiġi żgurat li l-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom jittellgħu abbord il-bastimenti realment, fost dawn, fuq il-bastimenti militari, li joħorġu mill-Unjoni, jenħtieġ li malli titwassal abbord il-kunsinna, l-awtorità kompetenti tal-port tad-destinazzjoni jew ir-rappreżentant tal-kaptan tal-bastiment jikkonfermaw li twasslet il-kunsinna lill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jew tal-maħżen fejn inħażnu temporanjament tali oġġetti. Din il-konferma għandha ssir permezz billi jiġi kontroffirmat iċ-ċertifikat uffiċjali jew permezz ta’ mezzi elettroniċi. Meta l-kunsinni ma jitwasslux lill-bastiment, minħabba li ma jkunux laħqu l-bastiment fil-port jew minħabba problemi loġistiċi, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-maħżen jew tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni tingħata l-permess li tawtorizza r-ritorn tal-kunsinna lejn il-post tad-dispaċċ.

(23)

F’xi Stati Membri, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika, it-tranżitu tal-annimali u l-oġġetti jsir skont kundizzjonijiet speċifiċi stipulati fir-regoli dwar id-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali, u prodotti li joriġinaw mill-annimali. Il-proċeduri u l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kontroll għalhekk huma meħtieġa sabiex jappoġġjaw l-infurzar ta’ dawk ir-rekwiżiti.

(24)

Jeħtieġ li jiġu stipulati l-kundizzjonijiet skont liema l-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom li tkun ingħatatilhom l-awtorizzazzjoni għat-tranżitu mit-territorju tal-Unjoni, iżda li jiġu rrifjutati mill-pajjiż terz tad-destinazzjoni jridu jitħallew jirritornaw direttament lejn il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera li awtorizza t-tranżitu tagħhom fl-Unjoni, jew lejn l-imħażen fejn dawn l-oġġetti nħażnu fit-territorju tal-Unjoni qabel ma ġew irrifjutati mill-pajjiż terz.

(25)

Minħabba r-riskji għas-saħħa u għall-benesseri tal-bnedmin u tal-annimali, il-kunsinni tal-annimali, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji tal-annimali, il-ħuxlief u t-tiben u l-prodotti komposti li jinġarru mit-territorju tal-Unjoni għal parti oħra tat-territorju tal-Unjoni u li jgħaddu mit-territorju ta’ pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għall-verifiki tad-dokumenti u tal-identità mill-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera qabel ma jerġgħu jiddaħħlu fl-Unjoni. Il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, li jkunu ġew ippakkjati u ttrasportati b’mod xieraq kif imsemmi fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) ma għandhomx ikunu soġġetti għall-verifiki fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul mill-ġdid, billi r-riskju li jiġu introdotti organiżmi ta’ ħsara huwa baxx.

(26)

Bil-għan li jiġu żgurati komunikazzjoni xierqa u t-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn awtoritajiet u operaturi differenti, għandha titlesta l-parti rilevanti taċ-CHED. Jenħtieġ li l-Parti I timtela mill-persuna responsabbli mill-kunsinna u tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera qabel il-wasla tal-kunsinna. Jenħtieġ li l-Parti II timtela mill-awtoritajiet kompetenti malli jitwettqu l-verifiki msemmija f’dan ir-Regolament u tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-kunsinna li tiġi rreġistrata hemmhekk. Jenħtieġ li l-Parti III timtela mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ħruġ jew tad-destinazzjoni finali, jew awtorità kompetenti lokali malli jkunu twettqu l-verifiki msemmija f’dan ir-Regolament.

(27)

Sabiex jiġi żgurat li l-kunsinni tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom li jkunu ġejjin mit-territorju tal-Kroazja u li jgħaddu mit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina f’Neum (“il-kuritur ta’ Neum”) ikunu intatti qabel ma jidħlu fit-territorju tal-Kroazja mill-punti tad-dħul fi Klek jew f’Zaton Doli, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti twettaq il-verifiki fuq is-siġilli tal-vetturi jew tal-kontejners tat-trasport u tirreġistra d-data u l-ħin tat-tluq u tal-wasla tal-vetturi li jittrasportaw l-oġġetti.

(28)

Meta l-kunsinni ta’ ċerti oġġetti msemmija fil-punti (b), (c), (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jkunu maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni jew biex jgħaddu mill-Unjoni, f’ċerti każijiet, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tistipula li t-trasport tagħhom mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla lejn l-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni jew lejn il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ħruġ, u l-wasla tagħhom fil-post tad-destinazzjoni għandu jiġi ssorveljat. Sabiex jiġi evitat kull riskju għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jissorveljaw li l-kunsinni jaslu fid-destinazzjoni fi żmien 15-il jum.

(29)

Wieħed mill-iskopijiet tar-Regolament (UE) 2017/625 huwa li r-regoli jkunu stabbiliti f’att wieħed minflok ma jkunu mxerrda f’diversi atti, dan jagħmilha aktar faċli biex dawk ir-regoli jinftiehmu u jiġu applikati. Dan ir-Regolament isegwi l-istess sistema u jevita l-ħtieġa li jsiru għadd ta’ kontroreferenzi bejn l-atti diversi, u b’hekk tiżdied it-trasparenza. Diversi regoli supplimentari stipulati f’dan l-abbozz tal-att huma marbutin ma’ xulxin u jridu jiġu applikati flimkien. Dan huwa l-każ b’mod speċjali għar-regoli dwar it-tranżitu, u dawn ir-regoli jibdew japplikaw fl-istess data. Billi dawn ir-regoli supplimentari se jkunu stabbiliti f’att wieħed, dan jevita r-riskju ta’ rduppjar tar-regoli.

(30)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/208/KE (9), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/571/KE (10) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/215/UE (11) jistipulaw regoli dwar oqsma li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, biex ma jsirx irduppjar tar-regoli, jenħtieġ li dawk l-atti jitħassru.

(31)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (12), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (13), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 (14), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 (15), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (16), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (17), ir-Regolament (UE) Nru 142/2011, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 (18) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 (19) jenħtieġ li jiġu emendati biex ikun żgurat li r-regoli stipulati f’dawk l-atti jkunu konsistenti mar-regoli stipulati f’dan ir-Regolament.

(32)

Billi r-Regolament (UE) 2017/625 jibda japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika wkoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistipula:

(a)

ir-regoli li jistabbilixxu l-każijiet meta u l-kundizzjonijiet li fihom, l-awtoritajiet kompetenti ta’ post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jistgħu jawtorizzaw it-tkomplija tat-trasport ta’ kunsinni tal-kategoriji ta’ oġġetti li ġejjin lejn il-post tad-destinazzjoni finali fl-Unjoni, sakemm isiru disponibbli r-riżultati tal-analiżijiet u tat-testijiet tal-laboratorju mwettqa bħala parti mill-verifiki fiżiċi msemmija fl-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) 2017/625:

(i)

il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra msemmija fil-listi stabbiliti skont l-Artikoli 72(1) u 74(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(ii)

il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra soġġetti għall-miżura ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 47(1)(e) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(iii)

l-għalf u l-ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali soġġetti għall-miżuri previsti mill-atti msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

ir-regoli li jistabbilixxu l-każijiet meta, u l-kundizzjonijiet li fihom, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi tal-annimali li jaslu bl-ajru jew bil-baħar u li jibqgħu fl-istess mezz ta’ trasport biex jitkompla l-vjaġġ jistgħu jitwettqu f’post ta’ kontroll fuq il-fruntiera differenti minn dak tal-ewwel wasla fl-Unjoni;

(c)

ir-regoli speċifiċi għall-kontrolli uffiċjali f’postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera ta’ kunsinni ttrasbordati tal-annimali u tal-kategoriji ta’ oġġetti li ġejjin:

(i)

il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji tal-annimali, il-prodotti dderivati, il-ħuxlief u t-tiben u l-prodotti komposti;

(ii)

il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti, u l-oġġetti l-oħra msemmija fil-listi stabbiliti skont l-Artikoli 72(1) u 74(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(iii)

il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra soġġetti għall-miżura ta’ emerġenza prevista mill-Artikoli tar-Regolament (UE) 2016/2031, imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(iv)

l-għalf u l-ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali soġġetti għall-miżuri jew għall-atti msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(d)

regoli speċifiċi għall-kontrolli ta’ kunsinni tal-annimali u tal-kategoriji ta’ oġġetti fi tranżitu li ġejjin:

(i)

il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji tal-annimali, il-prodotti dderivati, il-ħuxlief u t-tiben u l-prodotti komposti;

(ii)

il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra msemmija fil-listi stabbiliti skont l-Artikoli 72(1) u 74(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(iii)

il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra soġġetti għall-miżura ta’ emerġenza prevista fil-punt (e) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-annimali vertebrati u invertebrati minbarra:

(a)

l-annimali domestiċi kif inhuma ddefiniti fl-Artikolu 4(11) tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20); u

(b)

l-annimali invertebrati maħsubin għal skopijiet xjentifiċi kif imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2122 (21).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“dokument sanitarju komuni tad-dħul” jew “CHED” tfisser id-dokument sanitarju komuni tad-dħul, li jintuża għan-notifika minn qabel tal-wasla ta’ kunsinni fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, u li jintuża biex jirreġistra l-eżitu tal-kontrolli uffiċjali li twettqu u tad-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kunsinna li jkun qed jakkompanja;

(2)

“kunsinni ttrasbordati” tfisser kunsinni ta’ annimali jew ta’ oġġetti li jidħlu fl-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru minn pajjiż terz, meta dawk l-annimali jew l-oġġetti jinħattu minn bastiment jew minn inġenju tal-ajru u jiġu ttrasportati taħt superviżjoni doganali għal fuq bastiment jew inġenju tal-ajru ieħor fl-istess port jew ajruport bi tħejjija għat-tkomplija tal-vjaġġ;

(3)

“maħżen” tfisser:

(a)

maħżen doganali, maħżen f’żona ħielsa, faċilità ta’ ħżin temporanju approvati, awtorizzati jew magħżulin f’konformità mal-Artikoli 147(1), 240(1), 243(1), rispettivament, tar-Regolament (UE) Nru 952/2013; jew

(b)

maħżen speċjalizzat għall-forniment ta’ oġġetti għall-bażijiet militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti tal-Amerka;

(4)

“it-tkomplija tat-trasport” tfisser il-ġarr ta’ kunsinni ta’ oġġetti minn post ta’ kontroll fuq il-fruntiera lejn il-post tad-destinazzjoni finali fl-Unjoni, sakemm isiru disponibbli r-riżultati tal-analiżijiet u tat-testijiet tal-laboratorju;

(5)

“faċilità ta’ tkomplija tat-trasport” tfisser il-faċilità fil-post tad-destinazzjoni finali fl-Unjoni jew f’post li jinsab taħt il-mandat tal-istess awtorità kompetenti bħall-post tad-destinazzjoni finali, magħżula mill-Istat Membru tad-destinazzjoni għall-ħżin ta’ kunsinni ta’ oġġetti li jkunu soġġetti għat-tkomplija tat-trasport qabel ma jiġu rilaxxati l-kunsinni għaċ-ċirkolazzjoni libera;

(6)

“sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali” jew “IMSOC” tfisser is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625;

(7)

“post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni” tfisser il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fejn l-annimali u l-oġġetti jiġu ppreżentati għall-kontrolli uffiċjali u li minnu jidħlu fl-Unjoni għat-tqegħid sussegwenti fis-suq jew għat-tranżitu mit-territorju tal-Unjoni u li jista’ jkun post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni;

(8)

“pest irregolat mill-Unjoni li mhuwiex ta’ kwarantina” tfisser pest li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(9)

“maħżen approvat” tfisser maħżen approvat mill-awtoritajiet kompetenti kif previst fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament;

(10)

“bajd speċifikat bħala ħieles mill-patoġeni” tfisser bajd għat-tifqis li jkun ittieħed minn qatgħat ta’ tiġieġ li jkunu ħielsa minn patoġeni speċifikati, kif hemm deskritt fil-Farmakopea Ewropea (22), u li jkun maħsub biss għall-użu fid-dijannostikar, fir-riċerka jew għall-użu farmaċewtiku.

Kapitolu II

It-tkomplija tat-trasport ta’ kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra, u ta’ għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali, kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1)

Taqsima 1

Il-kundizzjonijiet għat-tkomplija tat-trasport

Artikolu 3

L-obbligi tal-operaturi qabel l-awtorizzazzjoni tat-tkomplija tat-trasport

1.   It-talbiet għall-awtorizzazzjoni li jitkompla t-trasport għandhom isiru mill-operaturi responsabbli mill-kunsinni tal-oġġetti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni qabel il-wasla tal-kunsinni fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Dawn it-talbiet għandhom isiru permezz ta’ notifika kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 56(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 billi timtela l-Parti I taċ-CHED.

2.   Għall-kunsinni tal-oġġetti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) li jintgħażlu għall-kampjunar u għall-analiżijiet fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, l-operatur responsabbli mill-kunsinni jista’ jitlob l-awtorizzazzjoni għat-tkomplija tat-trasport mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni billi jimla l-Parti I taċ-CHED.

Artikolu 4

L-awtorizzazzjoni tat-tkomplija tat-trasport

L-awtoritajiet kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jistgħu jawtorizzaw it-tkomplija tat-trasport tal-kunsinna tal-oġġetti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-eżitu tal-verifiki tad-dokumenti, tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi, għajr dak tal-analiżijiet u t-testijiet fil-laboratorju li jitwettqu bħala parti minn dawk il-verifiki fiżiċi, imwettqa fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, ikun sodisfaċenti;

(b)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jkun talab it-tkomplija tat-trasport kif previst fl-Artikolu 3.

Artikolu 5

L-obbligi tal-operaturi wara li tinkiseb l-awtorizzazzjoni għat-tkomplija tat-trasport

Meta l-awtoritajiet kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jawtorizzaw it-tkomplija tat-trasport tal-kunsinna tal-oġġetti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1), l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu:

(a)

jimla l-Parti I ta’ CHED separat għall-istess kunsinna, marbuta fl-IMSOC maċ-CHED imsemmi fl-Artikolu 3, billi hemm jiddikjara l-mezz tat-trasport u d-data tal-wasla tal-kunsinna fil-faċilità magħżula għat-tkomplija tat-trasport;

(b)

jissottometti ċ-CHED imsemmi fil-punt (a) fl-IMSOC għat-trażmissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera li jkunu awtorizzaw it-tkomplija tat-trasport.

Artikolu 6

Il-kundizzjonijiet għat-trasportazzjoni u l-ħżin ta’ kunsinni soġġetti għat-tkomplija tat-trasport

1.   L-operatur responsabbli mill-kunsinni li jkunu awtorizzati għat-tkomplija tat-trasport skont l-Artikolu 4 għandhom jiżguraw li:

(a)

il-kunsinna ma tiġi mbagħbsa bl-ebda mod, kemm waqt it-trasport lejn il-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport, kif ukoll waqt li tkun maħżuna fiha;

(b)

il-kunsinna ma tkun soġġetta għal ebda alterazzjoni, ipproċessar, sostituzzjoni jew tibdil fl-imballaġġ;

(c)

il-kunsinna ma toħroġx mill-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar il-kunsinna mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera b’konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2017/625.

2.   L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jittrasportaha taħt is-superviżjoni doganali direttament mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni lejn il-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport, mingħajr ma jinħattu l-oġġetti waqt it-trasport, u għandu jaħżinha fil-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport.

3.   L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jiżgura li l-imballaġġ jew il-mezz tat-trasport tal-kunsinna tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fil-punti (a)(i) u (ii) tal-Artikolu 1(1) ikun magħluq jew issiġillat b’tali mod li, waqt it-trasport tagħha lejn il-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport u waqt il-ħżin hemmhekk:

(a)

ma jikkawżawx infestazzjoni f’pjanti, f’prodotti mill-pjanti jew f’oġġetti oħra, ta’ pesti elenkati bħala pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni jew bħala pesti rregolati mill-Unjoni li mhumiex ta’ kwarantina;

(b)

ma jiġux infestati jew infettati huma b’pesti li mhumiex ta’ kwarantina.

4.   L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jiżgura li jkun hemm kopja stampata jew kopja elettronika, taċ-CHED imsemmi fl-Artikolu 3 mal-kunsinna mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni sal-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport.

5.   L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti fil-post tad-destinazzjoni finali bil-wasla tal-kunsinna fil-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport.

6.   Wara li l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jkunu awtorizzaw it-tkomplija tat-trasport tal-kunsinna lejn il-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport, l-operatur responsabbli mill-kunsinna ma għandux jittrasporta l-kunsinna lejn faċilità ta’ tkomplija tat-trasport differenti minn dik indikata fiċ-CHED, dment li l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni ma jawtorizzawx il-bidla f’konformità mal-Artikolu 4, u dment li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Il-kompiti li jridu jwettqu l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera wara li jkunu awtorizzaw it-tkomplija tat-trasport

1.   Meta jawtorizzaw it-tkomplija tat-trasport f’konformità mal-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-post tad-destinazzjoni finali li l-kunsinna qed tiġi ttrasportata billi jissottomettu ċ-CHED imsemmi fl-Artikolu 3 fl-IMSOC.

2.   Mal-finalizzazzjoni taċ-CHED imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni għandhom jinnotifikaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti fil-post tad-destinazzjoni finali permezz tal-IMSOC.

3.   Meta l-kunsinna ma tikkonformax mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni għandhom tieħu l-miżuri skont l-Artikolu 66(3) sa (6) ta’ dak ir-Regolament.

4.   Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni ma jirċevux konferma tal-wasla ta’ kunsinna mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-post tad-destinazzjoni f’perjodu ta’ 15-il jum mid-data ta’ meta ġiet awtorizzata l-kunsinna għat-tkomplija tat-trasport lejn il-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport, huma għandhom:

(a)

jivverifikaw mal-awtoritajiet kompetenti fil-post tad-destinazzjoni, il-kunsinna waslitx jew le fil-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport;

(b)

jinfurmaw lill-awtoritajiet doganali jekk il-kunsinna ma tkunx waslet;

(c)

iwettqu aktar investigazzjonijiet biex jiddeterminaw fejn realment tinsab il-kunsinna b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali u ma’ awtoritajiet oħrajn f’konformità mal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 8

Il-kompiti li jridu jwettqu l-awtoritajiet kompetenti fil-post tad-destinazzjoni finali

1.   L-awtoritajiet kompetenti fil-post tad-destinazzjoni finali għandhom jikkonfermaw il-wasla tal-kunsinna fil-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport billi jimlew fl-IMSOC il-Parti III taċ-CHED imsemmi fl-Artikolu 3.

2.   L-awtorità kompetenti fil-post tad-destinazzjoni finali għandha tqiegħed il-kunsinni li ma jikkonformawx mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 taħt detenzjoni uffiċjali f’konformità mal-Artikolu 66(1) ta’ dak ir-Regolament, u għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex timplimenta l-miżuri ordnati mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’konformità mal-Artikolu 66(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament.

Taqsima 2

Faċilitajiet ta’ tkomplija tat-trasport

Article 9

Kundizzjonijiet għall-għażla ta’ faċilitajiet ta’ tkomplija tat-trasport

1.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu faċilità ta’ tkomplija tat-trasport għall-kunsinni ta’ kategorija waħda jew ta’ diversi kategoriji ta’ oġġetti kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1), dment li dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu mħażen doganali jew faċilitajiet ta’ ħżin temporanju kif imsemmija fl-Artikoli 240(1) u 147(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, rispettivament;

(b)

meta l-għażla tikkonċerna:

(i)

l-ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali, imsemmi fil-punt (a)(iii) tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, il-faċilitajiet ta’ tkomplija tat-trasport jiġu rreġistrati mal-awtorità kompetenti kif previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(ii)

l-għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali, imsemmi fil-punt (a)(iii) tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, il-faċilitajiet ta’ tkomplija tat-trasport jiġu rreġistrati mal-awtorità kompetenti kif previst fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 183/2005.

(c)

ikollhom it-teknoloġija u t-tagħmir meħtieġa għat-tħaddim effikaċi tal-IMSOC.

2.   Meta l-faċilitajiet ta’ tkomplija tat-trasport ma jibqgħux jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jissospendu temporanjament il-ħatra, sakemm jiġu implimentati l-azzjonijiet korrettivi, jew inkella jirtiraw il-ħatra b’mod permanenti għal ċerti kategoriji ta’ oġġetti, jew għall-kategoriji kollha, li għalihom tkun saret il-ħatra;

(b)

jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta’ tkomplija tat-trasport imsemmija fl-Artikolu 10 tiġi aġġornata kif xieraq.

Artikolu 10

Ir-reġistrazzjoni tal-faċilitajiet ta’ tkomplija tat-trasport magħżulin fl-IMSOC

L-Istati Membri għandhom iżommu aġġornata fl-IMSOC il-lista ta’ faċilitajiet ta’ tkomplija tat-trasport magħżulin f’konformità mal-Artikolu 9(1), filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-faċilità ta’ tkomplija tat-trasport;

(b)

il-kategorija tal-oġġetti li għaliha tkun intgħażlet.

Kapitolu III

It-tkomplija tal-vjaġġ tal-annimali li jibqgħu fl-istess mezz ta’ trasport u tal-kunsinni trasbordati ta’ annimali u oġġetti

Artikolu 11

Verifiki tad-dokumenti, verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi ta’ kunsinni ta’ annimali li jibqgħu fl-istess mezz ta’ trasport

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandhom iwettqu l-verifiki tad-dokumenti fuq iċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali oriġinali jew fuq kopji tagħhom li huma meħtieġa li jakkumpanjaw il-kunsinni tal-annimali li jaslu bl-ajru jew bil-baħar u li jibqgħu fl-istess mezz ta’ trasport biex ikomplu jivvjaġġaw, meta dawn l-annimali jkunu maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni jew biex jgħaddu mill-Unjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jagħtu lura ċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali li fuqhom ikunu wettqu l-verifiki lill-operatur responsabbli mill-kunsinna biex dawn iċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali jkunu jistgħu jibqgħu mal-kunsinni għat-tkomplija tal-vjaġġ.

3.   Meta jkun hemm suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandhom iwettqu l-verifiki tad-dokumenti, tal-identità u fiżiċi fuq il-kunsinni.

Għandhom isiru l-verifiki tad-dokumenti fuq iċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali oriġinali li huma meħtieġa li jakkumpanjaw il-kunsinna tal-annimali kif previst mir-regoli msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni għandhom iwettqu l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi, ħlief meta dawn il-verifiki jkunu twettqu f’post ieħor ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’konformità mal-paragrafu 3.

Artikolu 12

Il-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi ta’ kunsinni ta’ annimali ttrasbordati

L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord għandhom iwettqu l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi ta’ kunsinni ta’ annimali ttrasbordati.

Artikolu 13

Verifiki tad-dokumenti, verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi ta’ kunsinni ttrasbordati ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord għandhom iwettqu tad-dokumenti fuq iċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali oriġinali jew fuq kopji tagħhom, li huma meħtieġa jakkumpanjaw il-kunsinni ttrasbordati ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għall-oġġetti li huma soġġetti għar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u għar-regoli għall-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali li jirriżultaw minn prodotti sekondarji tal-annimali u minn prodotti dderivati msemmija fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, meta l-perjodu tat-trasbord:

(i)

fl-ajruport jaqbeż it-tlett ijiem;

(ii)

fil-port jaqbeż it-30 jum;

(b)

għal oġġetti oħra għajr dawk imsemmijin fil-punt (a), meta l-perjodu tat-trasbord jaqbeż id-90 jum.

2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jagħtu lura ċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali li fuqhom ikunu wettqu l-verifiki lill-operatur responsabbli mill-kunsinna biex dawn iċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali jkunu jistgħu jibqgħu mal-kunsinni għat-tkomplija tal-vjaġġ.

3.   Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord jissuspettaw li hemm nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, għandhom iwettqu l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinna.

Dawk il-verifiki tad-dokumenti għandhom jitwettqu fuq iċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali oriġinali meta dawn iċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali huma meħtieġa li jakkumpanjaw il-kunsinna, kif previst mir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.

4.   Meta kunsinna li tkun maħsuba biex tintbagħat lejn pajjiż terz taqbeż il-perjodu tal-ħin imsemmi fil-paragrafu 1, u meta din il-kunsinna ma tikkonformax mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandhom jordnaw li l-operatur jeqred il-kunsinna jew jiżgura li titlaq mill-Unjoni mingħajr dewmien.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni għandhom iwettqu l-verifiki tad-dokumenti, tal-identità u fiżiċi previsti fl-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 fuq l-oġġetti li jkunu maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, ħlief meta l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità, u l-verifiki fiżiċi jkunu twettqu f’post ieħor ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’konformità mal-paragrafu 3.

6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni għandhom iwettqu l-verifiki msemmija fl-Artikolu 19 fuq l-oġġetti maħsuba għat-tranżitu mit-territorju tal-Unjoni, ħlief meta dawn il-verifiki kollha jkunu twettqu f’post ta’ kontroll fuq il-fruntiera ieħor f’konformità mal-paragrafu 3.

Artikolu 14

Il-ħżin ta’ kunsinni ttrasbordati ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom

L-operaturi għandhom jiżguraw li l-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom, matul il-perjodu tat-trasbord jinħażnu biss:

(i)

fiż-żona doganali jew fiż-żona ħielsa tal-istess port jew ajruport f’kontejners issiġillati; jew

(ii)

f’faċilitajiet tal-ħżin kummerċjali taħt il-kontroll tal-istess post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(11) u (12) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1014 (23).

Artikolu 15

Verifiki tad-dokumenti, verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi ta’ kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra ttrasbordati

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord għandha twettaq il-verifiki tad-dokumenti fuq bażi ta’ riskju tal-kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra ttrasbordati msemmija fil-punt (c)(ii) u (iii) tal-Artikolu 1(1) meta l-perjodu tat-trasbord ikun ta’ aktar minn tlett ijiem fl-ajruport jew 30 jum fil-port.

2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jagħtu lura ċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali li jkunu vverifikaw lill-operatur responsabbli mill-kunsinna biex dawn iċ-ċertifikati jew id-dokumenti uffiċjali jkunu jistgħu jibqgħu mal-kunsinni għat-tkomplija tal-vjaġġ.

3.   Meta jkun hemm suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord għandha twettaq il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinna.

4.   Il-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi għandhom jitwettqu fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni, ħlief meta dawn il-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi jkunu twettqu f’post ieħor ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’konformità mal-paragrafu 3.

Artikolu 16

In-notifika tal-informazzjoni qabel jiskadi l-perjodu tat-trasbord

1.   Għall-kunsinni li jkunu maħsuba għat-trasbord fil-perjodi tat-trasbord imsemmija fl-Artikoli 13(1) u 15(1), l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jibgħat notifika qabel il-wasla tal-kunsinna lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord permezz tal-IMSOC jew permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni oħra magħżula mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-għan, filwaqt li jindika dawn li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni meħtieġa biex il-kunsinna tiġi identifikata, u fejn tkun tinsab fl-ajruport jew fil-port;

(b)

l-identifikazzjoni tal-mezzi tat-trasport;

(c)

il-ħin stmat tal-wasla u tat-tluq tal-kunsinna;

(d)

id-destinazzjoni tal-kunsinna.

2.   Għall-finijiet tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu sistema ta’ informazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord:

(a)

jikkonsultaw l-informazzjoni pprovduta mill-operaturi;

(b)

għal kull kunsinna jivverifikaw li l-perjodi tat-trasbord stipulati fl-Artikoli 13(1) u 15(1) ma jinqabżux.

3.   Minbarra n-notifika minn qabel prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fil-każijiet li jidhru hawn taħt, l-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jinnotifika wkoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord billi jimla u jissottometti l-parti rilevanti taċ-CHED fl-IMSOC, kif previst fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2017/625:

(a)

meta jkun skada l-perjodu tat-trasbord imsemmi fl-Artikoli 13(1) u 15(1); jew

(b)

meta l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-trasbord jinfurmaw lill-operatur responsabbli mill-kunsinna bid-deċiżjoni li jkunu ħadu li jwettqu l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi minħabba li jkollhom suspett li ma hemmx konformità mal-perjodu tat-trasbord stipulat fl-Artikolu 13(3) jew fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 17

Verifiki tad-dokumenti, verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi ta’ kunsinni ta’ ikel u għalf li mhux ta’ oriġini mill-annimali ttrasbordati

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni għandhom iwettqu l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni ttrasbordati ta’ għalf u ikel mhux ta’ oriġini mill-annimali li jkunu soġġetti għall-miżuri previsti mill-atti msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

2.   L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jagħti notifika minn qabel tal-wasla tal-kunsinna tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu kif previst fl-Artikolu 56(4) tar-Regolament 2017/625, lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni.

Kapitolu IV

It-tranżitu ta’ annimali u ta’ oġġetti minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor, li jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni

Taqsima 1

Kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni

Artikolu 18

Verifiki tad-dokumenti, verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi ta’ kunsinni ta’ annimali ttrasbordati

L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni għandhom jawtorizzaw biss it-tranżitu ta’ kunsinni ta’ annimali minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor, li jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni meta l-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi jkunu favorevoli.

Artikolu 19

Kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tat-tranżitu ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom

L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom, biss jekk dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li l-oġġetti jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli stipulati fir-regoli msemmija fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

li lill-kunsinna jkunu sarulha l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera b’riżultati tajbin;

(c)

li l-kunsinna jkunu sarulha l-verifiki fiżiċi fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fejn kien issuspettat li ma kinitx tikkonforma mar-regoli msemmijin fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(d)

li l-kunsinna jkollha magħha ċ-CHED u titlaq mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’vetturi jew f’kontejners tat-trasport issiġillati mill-awtorità fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera;

(e)

il-kunsinna trid tiġi ttrasportata direttament taħt is-superviżjoni doganali, mingħajr ma jinħattu jew jinfirdu l-oġġetti, f’perjodu massimu ta’ 15-il jum mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera lejn waħda mid-destinazzjonijiet li ġejjin:

(i)

lejn post ta’ kontroll fuq il-fruntiera sabiex titlaq mit-territorju tal-Unjoni;

(ii)

lejn maħżen approvat;

(iii)

lejn bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti li tinsab fit-territorju tal-Unjoni;

(iv)

lejn bastiment li jkun se jitlaq mill-Unjoni, meta l-kunsinna tkun maħsuba biex tforni l-bastiment.

Artikolu 20

Miżuri ta’ segwitu mill-awtoritajiet kompetenti

L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni li f’perjodu ta’ 15-il jum mid-data ta’ meta ġie awtorizzat it-tranżitu fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, ma jkunux irċevew konferma tal-wasla ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom f’waħda mid-destinazzjonijiet imsemmijin fil-punti (e)(i) sa (iv) tal-Artikolu 19, għandhom:

(a)

jivverifikaw mal-awtoritajiet kompetenti fil-post tad-destinazzjoni, il-kunsinna waslitx jew le fil-post tad-destinazzjoni;

(b)

jinfurmaw lill-awtoritajiet doganali jekk il-kunsinna ma tkunx waslet;

(c)

iwettqu aktar investigazzjonijiet biex jiddeterminaw fejn realment tinsab il-kunsinna b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali u ma’ awtoritajiet oħrajn f’konformità mal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 21

It-trasport tal-kunsinni lejn bastiment li jkun se jitlaq mit-territorju tal-Unjoni

1.   Meta kunsinna ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 19 tkun iddestinata għal bastiment li jkun se jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni, minbarra ċ-CHED għandhom joħorġu ċertifikat uffiċjali li jaqbel mal-mudell stipulat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2128 (24), li għandu jakkumpanja l-kunsinna għal fuq il-bastiment.

2.   Fil-każ meta jkun hemm diversi kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom jintbagħtu flimkien għal fuq l-istess bastiment, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jistgħu joħorġu ċertifikat uffiċjali wieħed kif imsemmi fil-paragrafu 1 li għandu jakkumpanja tali kunsinni għal fuq il-bastiment, dment li jkunu indikaw ir-referenza taċ-CHED għal kull kunsinna.

Artikolu 22

Verifiki tad-dokumenti u verifiki fiżiċi ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħrajn fi tranżitu

1.   Meta jiġu ppreżentati għat-tranżitu kunsinni f’post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħrajn imsemmija fil-punt (d)(ii) u (iii) tal-Artikolu 1(1), l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu ta’ tali pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn, dment li l-kunsinni jiġu ttrasportati taħt is-superviżjoni doganali.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iwettqu l-verifiki li ġejjin fuq bażi tar-riskju:

(a)

verifiki tad-dokumenti tad-dikjarazzjoni ffirmata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(b)

verifiki fiżiċi tal-kunsinna biex jiżguraw li din tkun ippakkjata u ttrasportata b’mod xieraq skont kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 47(1)tar-Regolament (UE) 2016/2031.

3.   Meta jitwettqu l-kontrolli uffiċjali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw it-tranżitu tal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1, dment li l-kunsinni:

(a)

jikkonformaw mal-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(b)

jinġarru lejn il-punt tal-ħruġ mill-Unjoni taħt is-superviżjoni doganali.

4.   L-operatur responsabbli minn kunsinni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiżgura li l-imballaġġ jew il-mezz tat-trasport tal-kunsilli jkunu magħluqin jew issiġillati b’mod li waqt it-trasport lejn l-imħażen u l-ħżin fihom:

(a)

il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra ma jikkawżawx infestazzjoni jew infezzjoni f’pjanti oħrajn, f’prodotti mill-pjanti oħrajn jew f’oġġetti oħra, ta’ pesti elenkati bħala pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni jew bħala pesti rregolati mill-Unjoni li mhumiex ta’ kwarantina msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 rispettivament u, fil-każ taż-żoni protetti, bil-pesti rispettivi mniżżlin fil-listi stabbiliti skont l-Artikolu 32(3) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ma jistgħux jiġu infestati jew infettati bil-pesti msemmijin fil-punt (a).

Taqsima 2

Il-kundizzjonijiet għall-ħżin ta’ kunsinni fi tranżitu f’imħażen approvati

Artikolu 23

Il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-imħażen

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom japprovaw l-imħażen għall-ħżin ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u ta’ prodotti komposti tagħhom li għalihom ġie awtorizzat it-tranżitu f’konformità mal-Artikolu 19.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom japprovaw biss l-imħażen imsemmija fil-paragrafu 1 li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-imħażen li jaħżnu prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti komposti, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati minnhom iridu jkunu konformi ma’:

(i)

ir-rekwiżiti tal-iġjene stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004; jew

(ii)

ir-rekwiżiti stipulati fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(b)

jeħtieġ li jkunu ġew awtorizzati, approvati jew magħżulin mill-awtoritajiet doganali f’konformità mal-Artikoli 147(1), 240(1) u 243(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(c)

l-imħażen iridu jikkonsistu minn spazju magħluq li l-bibien tad-dħul u tal-ħruġ tiegħu jkunu soġġetti għall-kontroll permanenti mill-operaturi;

(d)

l-imħażen irid ikollhom kmamar għall-ħżin jew għar-refriġerazzjoni li jippermettu ħżin separat tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1;

(e)

l-imħażen irid ikollhom arranġamenti għar-reġistrazzjoni ta’ kuljum tal-kunsinni kollha li jidħlu fil-faċilitajiet jew li jitilqu minnhom, bid-dettalji tan-natura u tal-kwantità tal-oġġetti, l-isem u l-indirizz tad-destinatarji u kopji taċ-CHED u taċ-ċertifikati li jakkumpanjaw il-kunsinni; l-imħażen iridu jżommu dawk ir-rekords għal mill-inqas tliet snin;

(f)

l-oġġetti kollha msemmija fil-paragrafu 1 jeħtieġ li jkunu identifikati permezz ta’ tikkettar jew b’mezzi elettroniċi bin-numru ta’ referenza taċ-CHED li jakkumpanja l-kunsinna; dawk l-oġġetti jeħtieġ li ma jkunux soġġetti għall xi alterazzjoni, ipproċessar, sostituzzjoni jew tibdil fl-imballaġġ;

(g)

l-imħażen irid ikollhom it-teknoloġija u t-tagħmir meħtieġa għat-tħaddim effiċjenti tal-IMSOC;

(h)

l-operaturi tal-imħażen għandhom jipprovdu l-postijiet u l-mezzi ta’ komunikazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħrajn b’mod effikaċi, jekk jintalbu jagħmlu hekk mill-awtorità kompetenti.

3.   Meta l-imħażen ma jibqgħux jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandha tirtira jew tissospendi temporanjament l-approvazzjoni tal-maħżen.

Artikolu 24

It-trasport tal-oġġetti mill-imħażen

L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jittrasporta l-kunsinna tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 23(1) mill-maħżen approvat lejn waħda mid-destinazzjonijiet li ġejjin:

(a)

post ta’ kontroll fuq il-fruntiera sabiex titlaq mit-territorju tal-Unjoni biex tmur:

(i)

lejn bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti; jew

(ii)

lejn kwalunkwe destinazzjoni oħra;

(b)

lejn maħżen approvat ieħor;

(c)

lejn bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti li tinsab fit-territorju tal-Unjoni;

(d)

lejn bastiment li jkun se jitlaq mill-Unjoni, meta l-kunsinna tkun maħsuba biex tforni l-bastiment;

(e)

post fejn jintremew il-kunsinni f’konformità mal-Kapitolu II tat-Titolu I tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

Artikolu 25

Iż-żamma u l-aġġornar tal-lista tal-imħażen approvati

L-Istati Membri għandhom iżommu u jaġġornaw fl-IMSOC il-lista ta’ mħażen approvati, filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz ta’ kull maħżen;

(b)

il-kategoriji tal-oġġetti li għalihom ikun ġie approvat.

Artikolu 26

Kontrolli uffiċjali fl-imħażen

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kontrolli uffiċjali regolari fl-imħażen biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 23.

2.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-kontrolli uffiċjali fl-imħażen approvati għandhom jivverifikaw l-effikaċja tas-sistemi li jkunu qed jitħaddmu biex jiżguraw it-traċċabbiltà tal-kunsinni, fost l-oħrajn billi jqabblu l-kwantitajiet tal-oġġetti li jidħlu fl-imħażen mal-kwantitajiet li joħorġu.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw li l-kunsinni ttrasportati lejn l-imħażen, jew maħżuna fihom ikollhom magħhom iċ-CHED rilevanti u kopja stampata jew elettronika awtentikata taċ-ċertifikat uffiċjali kif imsemmi fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.

4.   Meta l-kunsinni jaslu fl-imħażen approvati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

iwettqu verifika tal-identità biex jikkonfermaw li l-kunsinna tikkorrispondi mal-informazzjoni rilevanti fiċ-CHED li jkun magħha;

(b)

jivverifikaw li s-siġilli mwaħħla fuq il-vetturi jew fuq il-kontejners tat-trasport għadhom intatti f’konformità ma’ mal-punt (d) tal-Artikolu 19 jew mal-punt (d) tal-Artikolu 28;

(c)

jirreġistraw l-eżitu tal-verifiki tal-identità fil-parti III taċ-CHED u jikkomunikaw dik l-informazzjoni permezz tal-IMSOC.

Artikolu 27

L-obbligi tal-operaturi fl-imħażen

1.   L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti bil-wasla fil-maħżen approvat tal-kunsinna.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta lill-operatur responsabbli mill-maħżen approvat mill-obbligu li jinforma lill-awtoritajiet kompetenti bil-wasla tal-kunsinna fil-maħżen, dment li l-operatur ikun approvat mill-awtoritajiet doganali bħala operatur ekonomiku awtorizzat imsemmi fl-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta l-kunsinni mill-verifiki tal-identità dment li l-operatur responsabbli mill-kunsinna jkun approvat mill-awtoritajiet doganali bħala operatur ekonomiku awtorizzat imsemmi fl-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

4.   L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jiżgura li l-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 li nġarru lejn, jew inħażnu fl-imħażen ikollhom magħhom iċ-CHED rilevanti u kopja stampata jew elettronika awtentikata taċ-ċertifikat uffiċjali kif imsemmi fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 28

Il-kundizzjonijiet għat-trasport tal-oġġetti mill-imħażen lejn pajjiżi terzi, lejn imħażen oħrajn u lejn postijiet fejn jintremew

L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jittrasporta l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 23(1) mill-maħżen approvat lejn waħda mid-destinazzjonijiet imsemmija fil-punti (a)(ii), (b) u (e) tal-Artikolu 24, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jissottometti ċ-CHED permezz tal-IMSOC għall-kunsinna kollha u jiddikjara fih il-mezz tat-trasport u l-post tad-destinazzjoni; meta l-kunsinna oriġinali tinfired fil-maħżen, l-operatur responsabbli mill-kunsinna jrid jissottometti ċ-CHED permezz tal-IMSOC għal kull parti tal-kunsinna mifruda u jiddikjara fih il-kwantità, il-mezz tat-trasport u l-post tad-destinazzjoni għall-parti rilevanti tal-kunsinna mifruda;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti jridu jawtorizzaw il-moviment u jiffinalizzaw iċ-CHED għal:

(i)

il-kunsinna kollha, jew

(ii)

il-partijiet individwali tal-kunsinna mifruda, dment li t-total tal-kwantitajiet iddikjarati f’dawk iċ-CHEDs ma jaqbiżx il-kwantità totali stabbilita fiċ-CHED tal-kunsinna sħiħa.

(c)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jrid jiżgura li, barra miċ-CHED li jkun mal-kunsinna, ikun hemm kopja awtentikata taċ-ċertifikat uffiċjali li jkun akkumpanja l-kunsinna lejn il-maħżen, kif imsemmi fl-Artikolu 27(4), li tkompli l-vjaġġ mal-kunsinna, dment li ma tkunx ittellgħet kopja elettronika taċ-ċertifikat uffiċjali fl-IMSOC li ġiet ivverifikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni; meta l-kunsinna oriġinali tinfired u l-kopja taċ-ċertifikat uffiċjali ma tkunx ittellgħet fl-IMSOC mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti jagħtu lill-operatur responsabbli mill-kunsinna kopji awtentikati taċ-ċertifikat uffiċjali sabiex dawn jakkumpanjaw il-partijiet tal-kunsinna mifruda lejn id-destinazzjonijiet tagħhom;

(d)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jittrasporta l-oġġetti taħt is-superviżjoni doganali mill-imħażen f’vetturi jew f’kontejners tat-trasport issiġillati mill-awtoritajiet kompetenti;

(e)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jittrasporta l-oġġetti direttament mill-maħżen lejn il-post tad-destinazzjoni mingħajr ma jinħattu jew jinfirdu, f’perjodu massimu ta’ 15-il jum mid-data tal-awtorizzazzjoni għat-trasport.

Artikolu 29

Il-kundizzjonijiet għat-trasportazzjoni tal-oġġetti mill-imħażen lejn bażijiet militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti u lejn bastimenti li jkunu se jitilqu mill-Unjoni

L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jittrasporta l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 23(1) mill-imħażen approvati lejn waħda mid-destinazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a)(i),(c) u (d) tal-Artikolu 24, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-operatur responsabbli mill-maħżen jiddikjara l-moviment tal-oġġetti lill-awtoritajiet kompetenti billi jimla l-Parti I taċ-ċertifikat uffiċjali msemmi fil-punt (c);

(b)

l-awtorità kompetenti tawtorizza l-moviment tal-oġġetti u lill-operatur responsabbli mill-kunsinna tagħtih iċ-ċertifikat uffiċjali ffinalizzat imsemmi fil-punt (c), li jista’ jintuża għat-twassil tal-kunsinna li jkun fiha oġġetti dderivati minn iktar minn kunsinna waħda tal-oriġini jew iktar minn kategorija waħda ta’ prodotti;

(c)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jiżgura li ċertifikat uffiċjali f’konformità mal-mudell stipulat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2128 [adottat abbażi tal-Artikolu 77(3)(a) u tal-Artikolu 90(a) tar-Regolament (UE) 2019/20191105-002] jakkumpanja l-kunsinna sad-destinazzjoni tagħha;

(d)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jittrasporta l-oġġetti taħt is-superviżjoni doganali;

(e)

l-operatur responsabbli mill-kunisinna jittrasporta l-oġġetti mill-imħażen f’vetturi jew f’kontejners tat-trasport li kienu ssiġillati taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 30

Miżuri ta’ segwitu mill-awtoritajiet kompetenti

L-awtoritajiet kompetenti ta’ maħżen li f’perjodu ta’ 15-il jum mid-data ta’ meta ġie awtorizzat it-tranżitu mill-maħżen, ma jkunux irċevew konferma tal-wasla ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u tal-prodotti komposti tagħhom f’waħda mid-destinazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 24, għandhom:

(a)

jivverifikaw mal-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet tad-destinazzjoni, il-kunsinna waslitx jew le;

(b)

jinfurmaw lill-awtoritajiet doganali jekk il-kunsinna ma tkunx waslet;

(c)

iwettqu aktar investigazzjonijiet biex jiddeterminaw fejn realment jinsabu l-oġġetti b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali u ma’ awtoritajiet oħrajn f’konformità mal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 31

Il-monitoraġġ tat-twassil tal-oġġetti lil bastiment li jkun se jitlaq mit-territorju tal-Unjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jew tal-maħżen għandha tinnotifika li l-kunsinni tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 19 u fl-Artikolu 23(1) ikunu ntbagħtu u tinnotifika l-post tad-destinazzjoni tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-port tad-destinazzjoni, permezz tal-IMSOC.

2.   L-operatur jista’ jħott il-kunsinni ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 19 u fl-Artikolu 23(1) fil-port tad-destinazzjoni qabel ma jitwasslu fil-bastiment li jkun se jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, dment li l-operazzjoni tkun awtorizzata u ssorveljata mill-awtorità doganali, u li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tat-twassil indikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Malli l-kunsinna tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 titwassal abbord il-bastiment, l-awtorità kompetenti tal-port tad-destinazzjoni jew ir-rappreżentant tal-kaptan tal-bastiment għandhom jikkonfermaw il-wasla tal-kunsinna lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jew tal-maħżen, permezz ta’:

(a)

il-kontroffirmar taċ-ċertifikat uffiċjali msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 29, jew

(b)

l-użu ta’ mezz elettroniku, fost l-oħrajn l-IMSOC jew sistemi nazzjonali eżistenti.

4.   Ir-rappreżentant imsemmi fil-paragrafu 3 jew l-operatur responsabbli biex iwassal il-kunsinna lill-bastiment li jkun se jitlaq mit-territorju tal-Unjoni għandu jirritorna, fi żmien 15-il jum, iċ-ċertifikat uffiċjali kontroffirmat imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 3, lill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jew tal-maħżen.

5.   L-awtorità kompetenti tal-port tad-destinazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jew l-awtorità kompetenti tal-maħżen għandha tivverifika li l-konferma tal-kunsinna msemmija fil-paragrafu 3 hija rreġistrata fl-IMSOC jew li d-dokumenti kontroffirmati msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 jintbagħtu lura lill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew lill-awtorità kompetenti tal-maħżen.

Taqsima 3

Kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn jitilqu l-oġġetti mit-territorju tal-Unjoni

Artikolu 32

L-obbligi tal-operatur li jippreżenta l-oġġetti li jkunu se joħorġu mit-territorju tal-Unjoni għall-kontrolli uffiċjali

1.   L-operaturi għandhom jippreżentaw il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji tal-annimali, il-prodotti dderivati minnhom, il-ħuxlief u t-tiben u l-prodotti komposti tagħhom li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni biex jiġu ttrasportati lejn pajjiż terz għall-kontrolli uffiċjali lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera indikat fiċ-CHED, f’post indikat minn dawk l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

2.   L-operaturi għandhom jippreżentaw l-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu se joħorġu mit-territorju tal-Unjoni biex jintbagħtu lejn bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti li tinsab f’pajjiż terz, għall-kontrolli uffiċjali lill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera indikat fiċ-ċertifikat uffiċjali f’konformità mal-mudell stipulat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/XXX [adottat abbażi tal-Artikolu 77(3)(a) u tal-Artikolu 90(a) tar-Regolament (UE) 2019/2128.

Artikolu 33

Kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn jitilqu l-oġġetti mit-territorju tal-Unjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fejn il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji tal-annimali, il-prodotti dderivati minnhom, il-ħuxlief u t-tiben u l-prodotti komposti tagħhom jitilqu mit-territorju tal-Unjoni, għandhom jagħmlu verifika tal-identità biex jiżguraw li l-kunsinna ppreżentata tikkorrispondi mal-kunsinna msemmija fiċ-CHED jew fiċ-ċertifikat uffiċjali msemmi fl-Artikolu 29(c) li jkun mal-kunsinna. B’mod partikolari, għandhom jivverifikaw li s-siġilli mwaħħla fuq il-vetturi jew fuq il-kontejners tat-trasport, f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 19, mal-punt (d) tal-Artikolu 28, jew mal-punt (e) tal-Artikolu 29, għadhom intatti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 joħorġu mit-territorju tal-Unjoni għandhom jirreġistraw l-eżitu tal-kontrolli uffiċjali fil-parti III taċ-CHED jew fil-parti III taċ-ċertifikat uffiċjali f’konformità mal-mudell stipulat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2128. L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera responsabbli mill-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirreġistraw l-eżitu ta’ dawn il-kontrolli fl-IMSOC.

Taqsima 4

Derogi għall-kunsinni fi tranżitu

Artikolu 34

It-tranżitu ta’ ċerti annimali u ta’ ċerti oġġetti

1.   B’deroga mill-Artikoli 18 u 19, l-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu mit-territorju tal-Unjoni tal-kunsinni li ġejjin, soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2:

(a)

It-tranżitu bit-triq mil-Litwanja ta’ kunsinni ta’ annimali bovini għat-tnissil u l-produzzjoni, li jkunu ġejjin mir-reġjun Russu ta’ Kaliningrad u li jintbagħtu lejn destinazzjoni barra mill-Unjoni, li jidħlu u joħorġu mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera magħżula tal-Litwanja.

(b)

It-tranżitu bit-triq jew bil-ferrovija mill-Unjoni ta’ kunsinni ta’ annimali tal-akkwakultura, bejn postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Polonja, li jkunu ġejjin mir-Russja u li jkunu ddestinati għar-Russja, direttament jew minn pajjiż terz ieħor.

(c)

It-tranżitu bit-triq jew bil-ferrovija mill-Unjoni ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti komposti, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti ġerminali ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini, ekwini, bajd speċifikat bħala ħieles mill-patoġeni, bejn postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Polonja, li jkunu ġejjin mir-Russja u li jkunu destinati għar-Russja, direttament jew minn pajjiż terz ieħor.

(d)

It-tranżitu bit-triq jew bil-ferrovija ta’ kunsinni ta’ bajd, ta’ prodotti tal-bajd u ta’ laħam tat-tjur, bejn il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fil-Litwanja, li jkunu ġejjin mill-Belarus u li jkunu ddestinati għar-reġjun Russu ta’ Kaliningrad.

(e)

It-tranżitu bit-triq mill-Kroazja ta’ kunsinni ta’ annimali tal-akkwakultura, prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti komposti, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti ġerminali ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini, ekwini, bajd speċifikat bħala ħieles mill-patoġeni li jkunu ġejjin mill-Bożnija-Ħerzegovina, li jidħlu fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-triq ta’ Nova Sela u li joħorġu mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-port ta’ Ploče.

2.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni għandha:

(i)

twettaq il-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni tal-annimali kif stipulat fl-Artikolu 18;

(ii)

iwettqu l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u ta’prodotti komposti tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 19;

(iii)

tittimbra ċ-ċertifikati uffiċjali li jkunu mal-kunsinni maħsuba għall-pajjiż terz tad-destinazzjoni “GĦAT-TRANŻITU BISS, MILL-UE”;

(iv)

iżżomm kopji jew ekwivalenti elettroniċi taċ-ċertifikati msemmijin fil-punt (iii) fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni;

(v)

tissiġilla l-vetturi jew il-kontejners tat-trasport li jkunu qed jittraspurtaw il-kunsinni.

(b)

L-operatur responsabbli mill-kunsinna għandu jiżgura li l-kunsinni jiġu ttrasportati direttament taħt is-superviżjoni doganali, mingħajr ma jinħattu, lejn il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fejn il-kunsinni jkunu se jitilqu mit-territorju tal-Unjoni.

(c)

L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fejn l-oġġetti joħorġu mit-territorju tal-Unjoni għandhom:

(i)

iwettqu verifika tal-identità biex jikkonfermaw li l-kunsinna koperta miċ-CHED li jkun magħha toħroġ realment mit-territorju tal-Unjoni. B’mod partikolari, għandhom jivverifikaw li s-siġilli mwaħħla fuq il-vetturi jew fuq il-kontejners tat-trasport għadhom intatti;

(ii)

jirreġistraw l-eżitu tal-kontrolli uffiċjali msemmijin fil-punt (i) fl-IMSOC.

(d)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli bbażati fuq ir-riskju biex jiżguraw li l-għadd ta’ kunsinni u l-kwantitajiet ta’ annimali u oġġetti li jkunu ħerġin mit-territorju tal-Unjoni jkunu jaqblu mal-għadd u mal-kwantitajiet li jkunu deħlin fit-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 35

It-tranżitu tal-oġġetti lejn bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti li tinsab fit-territorju tal-Unjoni

1.   Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji tal-annimali, il-prodotti dderivati minnhom, il-ħuxlief u t-tiben u l-prodotti komposti tagħhom iddestinati għal bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti li tinsab fit-territorju tal-Unjoni għandhom jiġu ppreżentati mill-operatur responsabbli mill-kunsinna, għall-kontrolli uffiċjali fil-bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti indikata fiċ-ċertifikat uffiċjali ta’ akkumpanjament f’konformità mal-mudell stipulat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2128.

2.   L-awtorità kompetenti responsabbli mill-kontrolli fil-bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti fid-destinazzjoni għandha tagħmel verifika tal-identità biex tikkonferma li l-kunsinna tikkorrispondi ma’ dik koperta miċ-CHED jew miċ-ċertifikat uffiċjali ta’ akkumpanjament f’konformità mal-mudell stipulat fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2128. B’mod partikolari, hija għandha tivverifika li s-siġilli mwaħħla fuq il-vetturi jew il-kontenituri tat-trasport, f’konformità mal-Artikoli 19(d) u 29(e), għadhom intatti. L-awtorità kompetenti responsabbli mill-kontrolli fil-bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti għandha tirreġistra l-eżitu ta’ dawn il-kontrolli fl-IMSOC.

Artikolu 36

It-tranżitu tal-oġġetti rrifjutati minn pajjiż terz wara t-tranżitu tagħhom mill-Unjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tat-triq jew tal-ferrovija tal-introduzzjoni fl-Unjoni tista’ tawtorizza t-tranżitu suċċessiv mill-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u ta’ prodotti komposti minnhom, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kunsinna tal-oġġetti tkun ġiet irrifjutata minn pajjiż terz minnufih wara t-tranżitu tagħha mill-Unjoni jew is-siġilli mqiegħda mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 19, fil-punt (d) tal-Artikolu 28 jew fil-punt (e) tal-Artikolu 29, fil-vettura jew fil-kontejner tat-trasport għadhom intatti;

(b)

il-kunsinna tikkonforma mar-regoli stipulati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 19.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tat-triq jew tal-ferrovija tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni għandhom jerġgħu jissiġillaw il-kunsinna wara l-verifiki msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 19.

3.   L-operaturi għandhom jittrasportaw il-kunsinna direttament lejn waħda mid-destinazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera li awtorizza t-tranżitu mill-Unjoni; jew

(b)

il-maħżen fejn inħażnet qabel ir-rifjut minn pajjiż terz.

Kapitolu V

It-tranżitu ta’ annimali u oġġetti mit-territorju tal-Unjoni lejn parti oħra tat-territorju tal-Unjoni, li jgħaddu mit-territorju ta’ pajjiż terz

Artikolu 37

It-tranżitu ta’ annimali, ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u ta’ prodotti komposti tagħhom

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kunsinni ta’ annimali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u ta’ prodotti komposti tagħhom, li jiġu ttrasportati minn parti mit-territorju tal-Unjoni lejn parti oħra tat-territorju tal-Unjoni, li jgħaddu mit-territorju ta’ pajjiż terz, jiġu ttrasportati taħt is-superviżjoni doganali.

2.   L-operaturi responsabbli mill-kunsinni msemmijin fil-paragrafu 1 li jkunu għaddew mit-territorju ta’ pajjiż terz, meta dawn il-kunsinni jerġgħu jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni għandhom jippreżentawhom:

(a)

lill-awtoritajiet kompetenti ta’ post ta’ kontroll fuq il-fruntiera magħżul għal kwalunkwe kategorija tal-annimali u l-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1; jew

(b)

f’post indikat mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (a), li jkun qrib il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni mill-ġdid fl-Unjoni għandhom:

(a)

iwettqu l-verifiki tad-dokumenti biex jivverifikaw l-oriġini tal-annimali u tal-oġġetti li hemm fil-kunsinna;

(b)

fejn ikun meħtieġ mir-regoli msemmija fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, jivverifikaw l-istat tas-saħħa tal-annimali tal-pajjiżi terzi li minnhom ikunu għaddew il-kunsinni u ċ-ċertifikati u d-dokumenti uffiċjali ta’ akkumpanjament rilevanti;

(c)

fejn ikun meħtieġ mir-regoli msemmija fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, iwettqu verifika tal-identità biex jivverifikaw li s-siġilli mqiegħda fuq il-vetturi jew il-kontejners tat-trasport għadhom intatti.

4.   Meta jkun hemm suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni mill-ġdid fl-Unjoni għandhom iwettqu wkoll il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi minbarra dawk stipulati fil-paragrafu 3.

5.   L-operaturi għandhom jippreżentaw il-kunsinni ta’ annimali li jiġu ttrasportati minn parti mit-territorju tal-Unjoni lejn parti oħra tat-territorju tal-Unjoni u li jgħaddu mit-territorju ta’ pajjiż terz, għall-verifiki uffiċjali fil-punt tal-ħruġ mit-territorju tal-Unjoni.

6.   L-awtorità kompetenti fil-punt tal-ħruġ mill-Unjoni għandha:

(a)

meta jkun meħtieġ twettaq il-verifiki stipulati fir-regoli msemmija fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

tittimbra ċ-ċertifikat uffiċjali li jkun mal-kunsinna bil-kliem li ġej “GĦAT-TRANŻITU BISS BEJN PARTIJIET DIFFERENTI TAL-UNJONI EWROPEA LI JGĦADDI MINN [l-isem tal-pajjiż terz]”.

Artikolu 38

Il-Kuritur ta’ Neum

1.   Meta jkun hemm kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’prodotti sekondarji tal-annimali, ta’ prodotti dderivati minnhom, ta’ ħuxlief u tiben u ta’ prodotti komposti tagħhom li jkunu ġejjin mit-territorju tal-Kroazja għat-tranżitu mit-territorju tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-kuritur ta’ Neum u qabel ma dawn joħorġu mit-territorju tal-Kroazja mill-punti tad-dħul ta’ Klek jew Zaton Doli, l-awtoritajiet kompetenti tal-Kroazja għandhom:

(a)

jissiġillaw il-vetturi jew il-kontejners tat-trasport qabel ma jgħaddu mill-kuritur ta’ Neum;

(b)

jirreġistraw id-data u l-ħin tat-tluq tal-vetturi li jittrasportaw il-kunsinni.

2.   Meta l-kunsinni msemmija fil-paragrafu 1 jerġgħu jidħlu fit-territorju tal-Kroazja fil-punti tad-dħul ta’ Klek jew Zaton Doli, l-awtoritajiet kompetenti tal-Kroazja għandhom:

(a)

jivverifikaw li s-siġilli fuq il-vetturi jew il-kontejners tat-trasport għadhom intatti,

(b)

jirreġistraw id-data u l-ħin tal-wasla tal-vetturi li jittrasportaw il-kunsinni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Kroazja għandhom jieħdu l-miżuri x-xierqa skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2017/625 jekk:

(a)

is-siġill imsemmi fil-paragrafu 1 ikun inqasam waqt it-tranżitu mill-kuritur ta’ Neum; jew

(b)

il-ħin tat-tranżitu jaqbeż il-ħin meħtieġ għall-ivvjaġġar bejn il-punti tad-dħul ta’ Klek u Zaton Doli.

Kapitolu VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 39

Tħassir

Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2000/208/KE u 2000/571/KE u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/215/UE jitħassru b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Artikolu 40

Emendi għad-Deċiżjoni 2007/777/KE

Id-Deċiżjoni 2007/777/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(b)

tħassru l-paragrafi 2 u 3;

(2)

L-Artikolu 6a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(b)

tħassru l-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 41

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 798/2008

L-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(2)

fil-paragrafu 2, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(3)

tħassru l-paragrafi 3 u 4.

Artikolu 42

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1251/2008

L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(2)

tħassru l-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 43

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 119/2009

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 119/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(2)

tħassru l-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 44

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 206/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 12 a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (d) u (e);

(b)

tħassar il-paragrafu 2;

(c)

tħassar il-paragrafu 4;

(2)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(b)

tħassru l-paragrafi 2 u 3;

(3)

L-Artikolu 17 a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(b)

tħassru l-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 45

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 605/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 605/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(b)

tħassru l-paragrafi 2 u 3

(2)

fl-Artikolu 7a, tħassru l-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 46

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 142/2011

Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(b)

tħassru l-paragrafi 2 u 3;

(2)

L-Artikolu 29 a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(b)

tħassru l-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 47

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 28/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 28/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(b)

tħassru l-paragrafi 2 u 3;

(2)

L-Artikolu 5 a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(b)

tħassru l-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 48

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/759

L-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/759 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 1, tħassru l-punti (b), (c) u (d);

(2)

tħassru l-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 49

Id-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/208/KE tal-24 ta’ Frar 2000 li tistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex tiġi applikata d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tirrigwarda t-transitu tal-prodotti ta’ origini mill-annimali minn pajjiż terz għall-ieħor bit-triq biss fil-Komunità Ewropea (ĠU L 64, 11.3.2000, p. 20).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/571/KE tat-8 ta’ Settembru 2000 li tistabbilixxi l-metodi ta’ ċċekkjar veterinarju għal prodotti minn pajjiżi barra l-Komunità destinati għall-introduzzjoni fiż-żoni ħielsa, fi mħażen ħielsa, fi mħażen doganali jew operaturi li jissuplixxu mezzi mal-fruntieri ta’ trasport bil-baħar (ĠU L 240, 23.9.2000, p. 14).

(11)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/215/UE tal-4 ta’ April 2011 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE dwar it-trasbord fil-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni tal-kunsinni ta’ prodotti maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni jew għal pajjiżi terzi (ĠU L 90, 6.4.2011, p. 50).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta’ Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika, kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u ta’ stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49).

(13)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom u li jistabbilixxi lista ta’ speċi li jgħaddu l-mard (ĠU L 337, 16.12.2008, p. 41).

(15)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 tad-9 ta’ Frar 2009 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi jew ta’ partijiet minnhom, għall-importazzjoni fil-Komunità, jew għat-tranżitu minnha, ta’ laħam ta’ leporidae selvaġġi, ta’ ċerti mammali tal-art selvaġġi u ta’ fniek imrobbija fl-irziezet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 39, 10.2.2009, p. 12).

(16)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikolari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta’ Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika, kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1).

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 tal-11 ta’ Jannar 2012, li jistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tal-importazzjoni għall-Unjoni u tat-tranżitu minn ġol-Unjoni ta’ ċerti prodotti komposti u li jemenda d-Deċiżjoni 2007/275/KE u r-Regolament (KE) Nru 1162/2009 (ĠU L 12, 14.1.2012, p. 1).

(19)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 tat-28 ta’ April 2016 li jfassal listi tal-pajjiżi terzi, il-partijiet ta’ pajjiżi terzi u t-territorji li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, li jistabbilixxi ċertifikati, rekwiżiti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 u li jħassar id-Deċiżjoni 2003/812/KE (ĠU L 126, 14.5.2016, p. 13).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

(21)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2122 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri, kontrolli speċifiċi fuq il-bagalji personali tal-passiġġieri u fuq kunsinni żgħar ta’ oġġetti mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 (Ara paġna 45 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(22)  http://www.edqm.eu (l-aħħar edizzjoni).

(23)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1014 tat-12 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, inklużi ċ-ċentri ta’ spezzjoni, u għall-format, il-kategoriji u l-abbrevjazzjonijiet li għandhom jintużaw għall-elenkar ta’ postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u ta’ punti ta’ kontroll (ĠU L 165, 21.6.2019, p. 10).

(24)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2128 li jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali u r-regoli għall-ħruġ ta’ ċertifikati uffiċjali għall-oġġetti li jintbagħtu lejn bastimenti li jkunu se jitilqu mill-Unjoni, u li jkunu maħsubin biex ifornu l-bastiment jew maħsubin għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri, jew ikunu qed jintbagħtu lejn bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti tal-Amerka (Ara paġna 114 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(25)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).


12.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/99


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2125

tal-10 ta’ Ottubru 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam, in-notifika ta’ ċerti kunsinni u miżuri li jeħtieġ jittieħdu f’każijiet ta’ nonkonformità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 45(4) u 77(1)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi, fost l-oħrajn il-qafas għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u fuq l-oġġetti li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni minn pajjiżi terzi, biex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-għan li tiġi protetta saħħet il-bniedem, l-annimali u l-pjanti, il-benesseri tal-annimali, kif ukoll l-ambjent fil-kuntest tal-OĠM u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

(2)

Il-materjal għall-ippakkjar mill-injam, li jista’ jakkumpanja kull tip ta’ oġġetti, huwa magħruf li huwa sors ta’ introduzzjoni u tixrid ta’ pesti tal-pjanti. Forom ta’ materjal għall-ippakkjar mill-injam li jistgħu jservu bħala vija għall-pesti li joħolqu riskju ta’ tixrid ta’ pesti tal-pjanti fl-Unjoni jinkludu fost l-oħrajn kaxxetti tal-ippakkjar, kaxex, ċestuni, tnabar u rkiekel tal-kejbils, palits, kaxxi palits u twavel tat-tagħbija oħrajn, kullari tal-palits u bċejjeċ tal-injam, kemm jekk jintużaw fattwalment fit-trasport ta’ oġġetti ta’ kull tip kif ukoll jekk le. Il-volumi tal-materjal għall-ippakkjar mill-injam li jidħol fit-territorju tal-Unjoni permezz tat-trasport huma sostanzjali.

(3)

L-Artikoli 43 u 96 tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxu kundizzjonijiet speċifiċi ta’ importazzjoni għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ materjal għall-ippakkjar mill-injam. L-Artikolu 77(1)(d) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi biex tivverifika l-konformità tal-materjal għall-ippakkjar mill-injam ma’ dawn ir-rekwiżiti, fil-postijiet imsemmija fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, u dwar miżuri f’każijiet ta’ nonkonformità.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam li jidħol fit-territorju tal-Unjoni u sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ introduzzjoni jew tixrid ta’ pesti tal-pjanti, jenħtieġ jiġu adottati regoli li jissupplimentaw dawk fir-Regolament (UE) 2017/625 dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam u miżuri li għandhom jittieħdu f’każijiet ta’nonkonformità.

(5)

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-importazzjoni ta’ materjal għall-ippakkjar mill-injam stabbiliti fl-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 ma japplikawx għal materjal li huwa soġġett għall-eżenzjonijiet stipulati fl-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 - ir-Regolamentazzjoni tal-Materjal għall-Ippakkjar mill-Injam fil-Kummerċ Internazzjonali (ISPM15). Għalhekk, tali materjal jenħtieġ ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Bil-ħsieb li jiġu identifikati kunsinni fejn ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam, li jista’ jippreżenta l-ogħla riskju fitosanitarju għat-territorju tal-Unjoni u li għaldaqstant jenħtieġ ikun soġġett għal kontrolli uffiċjali speċifiċi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġu jistabbilixxu pjan ta’ monitoraġġ ibbażat fuq approċċ tar-riskju.

(7)

Abbażi ta’ dak il-pjan ta’ monitoraġġ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu kunsinni ta’ materjal għall-ippakkjar mill-injam għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġu jkollhom il-possibbiltà li jirrikjedu lill-awtoritajiet doganali, fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi mill-awtoritajiet kompetenti, li jżommu kunsinni magħżula li fihom ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam sakemm jitlestew il-kontrolli uffiċjali speċifiċi.

(8)

Il-materjal għall-ippakkjar mill-injam mhuwiex inkluż fil-listi tal-oġġetti soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(9)

L-Artikolu 45(4) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tispeċifika l-każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operaturi biex jinnotifikaw il-wasla ta’ ċerti oġġetti li mhumiex soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u taħt liema kundizzjonijiet jagħmlu dan.

(10)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jippjanaw u jwettqu kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam b’mod effettiv, jenħtieġ ikunu jistgħu jitolbu lill-operaturi biex jinformawhom bil-wasla ta’ kunsinni fejn ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam fi żmien raġonevoli minn qabel.

(11)

Għalhekk, il-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti li jitolbu lill-operaturi biex jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jaslu tali kunsinni jenħtieġ tiġi prevista flimkien mar-regoli dwar kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam stabbiliti f’dan ir-Regolament. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) stabbilita u ġestita mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 131(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 tista’ tintuża għal tali notifiki. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operaturi responsabbli mill-kunsinna biex jinnotifikaw il-wasla, permezz tal-IMSOC, permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali eżistenti jew b’mod ieħor approvat mill-awtorità kompetenti, fi żmien raġonevoli minn qabel speċifikat mill-awtoritajiet kompetenti.

(12)

Id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED) imsemmi fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2017/625 għandu jintuża biex jiġu rreġistrati r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi fl-IMSOC. Ir-riżultati rreġistrati tal-kontrolli uffiċjali se jipprovdu ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni rigward il-kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq materjal għall-ippakkjar mill-injam li jsiru fl-Istati Membri, bħala bażi għal aktar azzjonijiet biex it-territorju tal-Unjoni jiġi protett mit-tixrid ta’ pesti tal-pjanti.

(13)

Jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(14)

Fejn l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tirridispaċċja materjal għall-ippakkjar mill-injam mhux konformi lejn destinazzjoni barra mill-Unjoni skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-materjal għall-ippakkjar mill-injam mhux konformi jenħtieġ jibqa’ taħt superviżjoni doganali uffiċjali, sakemm jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ introduzzjoni ta’ pesti fl-Unjoni jew it-tixrid ta’ pesti.

(15)

Fejn jinstab materjal għall-ippakkjar mill-injam mhux konformi waqt il-verifiki fiżiċi fil-punt tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni jew fil-lokal tad-destinazzjoni, tali materjal jenħtieġ jinqered minnufih, minħabba riskju ogħla għat-tixrid ta’ pesti ta’ kwarantina tal-Unjoni, li ma jistax jiġi evitat b’mezzi inqas effettivi.

(16)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ japplikaw ukoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq materjal għall-ippakkjar mill-injam jew prodotti tal-injam (eskluż prodotti tal-karta) maħsuba biex jirfdu, jipproteġu jew iġorru komodità li tidħol fit-territorju tal-Unjoni, kemm jekk jintuża fattwalment fit-trasport ta’ oġġetti ta’ kull tip (“materjal għall-ippakkjar mill-injam”) kif ukoll jekk le, u miżuri f’każ ta’ nonkonformità.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operaturi biex jinnotifikaw il-wasla ta’ ċerti kunsinni li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni fejn ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam u taħt liema kundizzjonijiet għandhom jagħmlu dan.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-materjal għall-ippakkjar mill-injam imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 li jikkonċerna l-eżenzjonijiet ipprovduti skont l-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 - ir-Regolamentazzjoni tal-Materjal għall-Ippakkjar mill-Injam fil-Kummerċ Internazzjonali (ISPM15).

Artikolu 2

Pjan ta’ monitoraġġ

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżviluppaw pjan ta’ monitoraġġ għall-materjal għall-ippakkjar mill-injam abbażi ta’ analiżi tar-riskju li tqis tal-anqas dan li ġej:

(a)

l-għadd u r-riżultati ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi li saru fis-snin ta’ qabel fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam li twettqu mill-awtoritajiet kompetenti, abbażi ta’ informazzjoni mis-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC);

(b)

l-istorja tal-konformità mill-pajjiż terz, mill-esportatur jew mill-operatur responsabbli għall-kunsinni, mar-Regolament (UE) 2016/2031, b’mod partikolari l-Artikolu 43(1) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

fejn disponibbli, informazzjoni mill-awtoritajiet doganali u minn sorsi oħra rigward l-għadd ta’ kunsinni li jidħlu fl-Unjoni li fihom ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam u l-pajjiż tal-oriġini tal-kunsinna.

Artikolu 3

Notifika tal-kunsinni

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-operaturi responsabbli għall-kunsinna biex, permezz tal-IMSOC, permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali eżistenti jew b’mod ieħor approvat mill-awtorità kompetenti, fi żmien raġonevoli minn qabel speċifikat mill-awtoritajiet kompetenti, jinnotifikaw il-wasla ta’ kunsinni li jkunu se jidħlu fit-territorju tal-Unjoni li fihom ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam.

Artikolu 4

Kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-materjal għall-ippakkjar mill-injam

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu kunsinni li fihom ikun hemm il-materjal għall-ippakkjar mill-injam għall-kontrolli fiżiċi, abbażi ta’:

(a)

il-pjan ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 2;

(b)

fejn applikabbli, l-informazzjoni pprovduta fin-notifiki msemmija fl-Artikolu 3; u

(c)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fiżiċi tal-kunsinni li jkunu ntgħażlu skont il-paragrafu 1, biex jivverifikaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-importazzjoni stipulati fl-Artikolu 43(1) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżiġu li l-awtoritajiet doganali, jekk jitqies meħtieġ għall-fini ta’ verifiki fiżiċi skont il-paragrafu 2 u sakemm idumu dawk il-verifiki, iżommu kunsinni magħżula li fihom ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam.

4.   Waqt it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom aċċess għall-kunsinna sħiħa, b’mod li l-verifiki fiżiċi msemmija fil-paragrafu 2 ikunu jistgħu jitwettqu fuq il-materjal kollu għall-ippakkjar mill-injam li jkun hemm fil-kunsinna.

5.   Fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol mill-bidu taż-żamma tal-kunsinna li fiha jkun hemm il-materjal għall-ippakkjar mill-injam, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat lill-awtoritajiet doganali r-riżultati tal-kontrolli tal-kunsinna miżmuma.

6.   Fejn il-kontrolli fiżiċi ma jkunux jistgħu jitlestew fi żmien tlett ijiem lavorattivi mill-bidu taż-żamma tal-kunsinna li fiha jkun hemm il-materjal għall-ippakkjar mill-injam, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet doganali biex ikomplu jżommu l-kunsinna għal tlett ijiem lavorattivi ulterjuri sabiex ilestu l-kontrolli.

F’dan il-każ, jekk ikun teknikament possibbli, l-awtorità doganali tista’ tirrilaxxa l-kunsinna jekk l-operatur responsabbli għall-kunsinna jifred il-materjal għall-ippakkjar mill-injam mill-kunsinna.

7.   Kunsinna li tkun ġiet miżmuma mill-awtoritajiet doganali skont il-paragrafu 3 għandha tiġi rilaxxata jekk, fi żmien tlett ijiem lavorattivi mill-bidu taż-żamma, l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux ippreżentaw ir-riżultati tal-verifiki skont il-paragrafu 5 jew ma jkunux talbu lill-awtoritajiet doganali biex ikomplu jżommu l-kunsinna għal tlett ijiem lavorattivi ulterjuri skont il-paragrafu 6.

Artikolu 5

Rapportar tar-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi

1.   Wara li jitlestew il-kontrolli uffiċjali speċifiċi skont l-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jimlew id-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED) bir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi kif imsemmi fl-Artikolu 56(3)(b)(i) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

jissottomettu r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi tal-materjal għall-ippakkjar mill-injam lill-IMSOC direttament jew permezz ta’ sistemi nazzjonali eżistenti; u

(c)

jinnotifikaw lill-operatur responsabbli għall-kunsinni li fihom ikun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam u lill-awtoritajiet doganali bir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi.

2.   Meta l-operatur responsabbli għall-kunsinna li fiha jkun hemm materjal għall-ippakkjar mill-injam ikun ġie nnotifikat mill-awtoritajiet kompetenti bir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali speċifiċi permezz ta’ CHED, l-operatur għandu jipprovdi n-numru ta’ referenza tal-CHED bħala dokument ta’ sostenn kif imsemmi fl-Artikolu 163 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 ma’ kull dikjarazzjoni doganali li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali għal dik il-kunsinna.

Artikolu 6

Miżuri f’każ ta’ nonkonformità

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jordnaw, skont l-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2017/625, il-qerda, ir-ridispaċċ jew it-trattament speċjali tal-materjal għall-ippakkjar mill-injam li ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 43(1) u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Madankollu, meta tali materjal għall-ippakkjar mill-injam mhux konformi jinstab waqt verifiki fiżiċi skont l-Artikolu 4 fil-punt tar-rilaxx tal-kunsinna għaċ-ċirk