ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 281

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
31 ta' Ottubru 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1838 tad-30 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi għall-2020 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/124 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet ta’ sajd f’ilmijiet oħra

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

31.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 281/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/1838

tad-30 ta’ Ottubru 2019

li jistabbilixxi għall-2020 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/124 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet ta’ sajd f’ilmijiet oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jeżiġi li jiġu adottati miżuri ta’ konservazzjoni li jqisu l-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli, inkluż, meta rilevanti, ir-rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u minn korpi konsultattivi oħra, kif ukoll pariri mogħtija minn Kunsilli Konsultattivi stabbiliti għaż-żoni ġeografiċi jew l-oqsma ta’ kompetenza u rakkomandazzjonijiet konġunti li jsiru mill-Istati Membri.

(2)

Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta miżuri dwar l-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, fosthom ċerti kundizzjonijiet li huma marbutin magħhom b’mod funzjonali, kif xieraq. L-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu allokati lill-Istati Membri b’tali mod li tkun żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk jew attività tas-sajd filwaqt li jitqiesu kif inhu xieraq l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-objettiv tal-PKS huwa li sal-2015 tinkiseb ir-rata ta’ sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) fejn ikun possibbli u, b’mod progressiv u inkrementali, sa mhux aktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha.

(4)

Għalhekk, il-qabdiet totali permissibbli (TACs) jenħtieġ li jiġu stabbiliti, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli, filwaqt li jitqiesu aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi u filwaqt li jkun żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll wara li jitqiesu l-opinjonijiet espressi waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet (“il-pjan”). Il-pjan għandu l-għan li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar ireġġa’ lura u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda f’livelli ’l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu MSY. Għal dak il-għan, il-mortalità mis-sajd fil-mira għall-istokkijiet ikkonċernati, espressa fil-meded, għandha tintlaħaq kemm jista’ jkun malajr u, b’mod progressiv u inkrementali sal-2020. Jixraq li l-limiti tal-qbid applikabbli fl-2020 għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, tal-aringi u tal-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku jiġu stabbiliti f’konformità mal-objettivi tal-pjan.

(6)

Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (l-ICES) indika li l-bijomassa tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent fis-sub-diviżjoni tal-ICES 2024 kompliet tkun inqas mil-limitu tal-punt ta’ referenza tal-bijomassa riproduttiva li taħtu jista’ jkun hemm tnaqqis fil-kapaċità riproduttiva (Blim). Għalhekk, fil-parir annwali tiegħu dwar l-istokkijiet tad-29 ta’ Mejju 2019, l-ICES ħareġ parir xjentifiku biex ma jsirux qabdiet. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2016/1139, jenħtieġ li jiġu adottati l-miżuri ta’ rimedju xierqa kollha biex jiżguraw li l-istokk ikkonċernat jitreġġa’ lura malajr għal livelli ogħla minn dak li kapaċi jipproduċi l-MSY. Barra minn hekk, dik id-dispożizzjoni teħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ rimedju ulterjuri. Għal dak il-għan, hemm bżonn titqies l-iskeda taż-żmien għall-kisba tal-objettivi tal-PKS b’mod ġenerali, u dik tal-pjan b’mod partikolari, minħabba l-effett mistenni tal-miżuri ta’ rimedju adottata, filwaqt li fl-istess ħin jiġu rrispettati l-objettivi għall-kisba tal-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi kif stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għaldaqstant, u f’konformità mal-Artikolu 4(4) u 5(2) tar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li l-opportunitajiet tas-sajd għall-aringi tal-Baltiku tal-punent jiġu stabbiliti taħt il-meded tal-mortalità mis-sajd, biex jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.

(7)

Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant, l-ICES kien kapaċi jipprovdi valutazzjoni analitika għall-ewwel darba f’diversi snin. Skont stima tal-ICES, il-bijomassa kienet inqas mill-Blim u kienet ser tibqa’ inqas mill-Blim fiż-żmien medju anke jekk ma jsir l-ebda sajd. Għalhekk l-ICES ħareġ parir xjentifiku li jirrakkomanda li fl-2020 ma jkun hemm l-ebda qabda. Madankollu, l-ICES ma kienx f’pożizzjoni li jiddetermina l-valuri tal-meded tal-mortalità mis-sajd. Abbażi tal-valutazzjoni tal-istokk u biex tirreaġixxi malajr kemm jista’ jkun, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1248 (3) li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza biex tittaffa theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant (Gadus morhua). Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2016/1139, l-opportunitajiet tas-sajd għall-2020 jeħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod li jiżgura li l-istokk jitreġġa’ lura malajr għal livell ogħla mil-livell li kapaċi jipproduċi l-MSY.

(8)

Jekk l-opportunitajiet tas-sajd għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant kellhom ikunu stabbiliti fil-livell indikat fil-parir xjentifiku, l-obbligu ta’ ħatt l-art tal-qabdiet kollha f’sajd imħallat b’qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant iwassal għall-fenomenu ta’ “speċijiet bi kwota limitanti”. Sabiex jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-kontinwazzjoni tas-sajd fid-dawl tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment severi, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jinkiseb status bijoloġiku tajjeb għall-istokk, filwaqt li titqies id-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha f’sajd imħallat b’MSY fl-istess ħin, jixraq jiġi stabbilit TAC speċifiku għall-qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant. Madankollu, l-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklussiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi u f’konformità sħiħa mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jenħtieġ li jitħallew jistadu għall-bakkaljaw. Jenħtieġ li l-livell tat-TAC ikun tali li l-mortalità ma tiżdiedx u li dan jipprovdi inċentivi għal titjib fis-selettività u fl-evitar.

(9)

F’Novembru 2019, l-ICES mistenni joħroġ parir dwar il-livell ta’ qabdiet aċċessorji inevitabbli tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant fis-sajd li mhux għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant. Jekk skont il-parir tal-ICES il-livell ikun differenti mil-livell stabbilit f’dan ir-Regolament, it-TAC għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġi żgurat li jiġi stabbilit f’konformità mal-parir tal-ICES u jkopri biss qabdiet aċċessorji inevitabbli minn dak l-istokk f’sajd ieħor.

(10)

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2016/1139 jiddikjara li għandhom jittieħdu miżuri ta’ rimedju ulterjuri biex ikun żgurat li l-istokk jitreġġa’ lura malajr għal livelli ogħla minn dak li hu kapaċi jipproduċi l-MSY. Il-parir xjentifiku jindika li l-għeluq fiż-żmien riproduttiv, b’mod partikolari, jista’ jkollu benefiċċji addizzjonali għall-istokk li ma jistax jinkiseb bit-TAC waħdu, per eżempju żieda fir-reklutaġġ permezz ta’ riproduzzjoni bla xkiel. Minħabba l-istatus tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant, jixraq li jiġu estiżi l-ambitu u l-iskeda taż-żmien tal-għeluq fiż-żmien riproduttiv tas-sajf eżistenti għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant. Barra minn hekk, pariri xjentifiċi jindikaw li l-importanza relattiva tas-sajd rikreattiv tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant tiddependi fuq il-livell tat-TAC. Minħabba t-tnaqqis verament sostanzjali tat-TAC, il-kwantitajiet li jinqabdu fis-sajd rikreattiv jitqiesu bħala sostanzjali. Għalhekk jixraq li jiġi pprojbit is-sajd rikreattiv tal-bakkaljaw fis-sub-diviżjonijiet 25 u 26 tal-ICES fejn il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant hu l-aktar abbundanti.

(11)

Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-punent, pariri xjentifiċi jindikaw li l-kontribut tas-sajd rikreattiv huwa sinifikanti għall-mortalità mis-sajd ġenerali ta’ dak l-istokk. Filwaqt li jitqies l-istatus attwali ta’ dak l-istokk u t-tnaqqis tat-TAC, jixraq li jitnaqqas il-limitu tal-qabda ta’ kuljum għal kull sajjied. Dan hu mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-istabbiltà relattiva applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd kummerċjali. Barra minn hekk, il-parir xjentifiku jindika li l-istokkijiet tal-bakkaljaw tal-punent u tal-lvant jitħalltu fis-sub-diviżjoni 24 tal-ICES. Sabiex jiġi protett l-istokk tal-bakkaljaw tal-lvant u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni maż-żona ta’ ġestjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant, huwa xieraq li l-użu tat-TAC fis-sub-diviżjoni 24 tal-ICES jiġi limitat għal qabdiet aċċessorji tal-bakkaljaw ħlief għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklussiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi u b’konformità sħiħa mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm eżenzjoni għas-sajjieda kostali fuq skala żgħira li jistadu b’irkaptu passiv f’żoni sa sitt mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fejn il-fond tal-ilma huwa inqas minn 20 metru billi l-bakkaljaw tal-punent huwa predominanti f’dawk iż-żoni kostali baxxi. Għaldaqstant, u biex ikunu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni mas-sub-diviżjonijiet 25 u 26 tal-ICES, jenħtieġ li s-sajd rikreattiv tal-bakkaljaw fis-sub-diviżjoni 24 tal-ICES jiġi pprojbit lil hinn minn sitt mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi. Fl-aħħar nett, minħabba l-istatus fraġli tal-istokk u l-fatt li l-parir xjentifiku jindika li l-għeluq fiż-żmien riproduttiv, b’mod partikolari, jista’ jkollu benefiċċji addizzjonali għal stokk li ma jistax jinkiseb bit-TAC waħdu, per eżempju żieda fir-reklutaġġ permezz ta’ riproduzzjoni bla xkiel, jixraq li jerġa’ jiddaħħal għeluq riproduttiv tax-xitwa għal attivitajiet tas-sajd kummerċjali.

(12)

Biex ikun żgurat l-użu sħiħ tal-opportunitajiet tas-sajd kostali, jixraq li tiġi introdotta flessibbiltà limitata bejn iż-żoni għas-salamun mis-sub-diviżjonijiet 22-31 tal-ICES sas-sub-diviżjoni 32 tal-ICES għall-Istat Membru li talab dik il-flessibbiltà.

(13)

Skont parir tal-ICES, 32 % tal-qabdiet fejn jidħol is-sajd tas-salamun huma rrapportati ħażin, b’mod partikolari bħala qabdiet tat-trota tal-baħar. Il-biċċa l-kbira tat-trota tal-baħar fil-Baħar Baltiku hija sfruttata fiż-żoni kostali, u għalhekk jixraq li jiġi pprojbit is-sajd għat-trota tal-baħar lil hinn minn erba’ mili nawtiċi u li jiġu limitati l-qabdiet aċċessorji tat-trota tal-baħar għal 3 % tal-qabdiet ikkombinati tat-trota tal-baħar u tas-salamun, biex dan jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tar-rappurtar ħażin tal-qabdiet tas-salamun bħala qabdiet tat-trota tal-baħar.

(14)

Minħabba li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv tal-laċċa kaħla hija ogħla mil-livell tal-MSY Btrigger (bijomassa ta’ stokk riproduttiva), huwa xieraq li t-TAC tiġi ffissata skont il-medda l-għolja tal-Fmsy sabiex jiġu limitati l-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd bejn is-snin konsekuttivi skont il-punt (c) tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE) 2016/1139.

(15)

L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stipulat f’dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (5), u b’mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 tiegħu li jikkonċernaw id-dokumentazzjoni tal-qabdiet u l-isforz tas-sajd, u soġġett ukoll għat-trażmissjoni tad-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd lill-Kummissjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika l-kodiċijiet marbuta ma’ ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament li jridu jużaw l-Istati Membri meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni.

(16)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 (6) introduċa kondizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs, fosthom, skont l-Artikoli 3 u 4, dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà għat-TACs prekawzjonarji u analitiċi. Skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, meta jiġi biex jiffissa t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 3 jew 4, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Aktar reċentement, l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 daħħal il-mekkaniżmu tal-flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha li huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Għalhekk, sabiex tkun evitata l-flessibbiltà eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju tal-isfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar, tfixkel il-kisba tal-objettivi tal-PKS u tikkawża d-deterjorament fl-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet, jenħtieġ li jiġi stabbilit li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ikunu japplikaw biss għat-TACs analitiċi meta ma tintużax il-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(17)

Barra minn hekk peress li l-bijomassa tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-lvant tinsab taħt il-Blim u peress li s-sajd aċċessorju u xjentifiku biss huwa permess fl-2020, l-Istati Membri ntrabtu li ma japplikawx l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għal dan l-istokk fl-2020 sabiex il-qabdiet fl-2020 ma jaqbżux it-TAC stabbilita.

(18)

Skont parir xjentifiku ġdid, jenħtieġ li tiġi stabbilita TAC preliminari għall-merluzz tan-Norveġja fid-diviżjoni 3a tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni fid-diviżjoni 2a tal-ICES u s-subżona 4 tal-ICES għall-perijodu mill-1 ta’ Novembru 2019 sal-31 ta’ Ottubru 2020.

(19)

Fl-1 ta’ Ottubru 2019, l-ICES ħareġ parir rivedut għal-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsimiet 7f u 7 g tal-ICES (il-Kanal ta’ Bristol, il-Baħar Ċeltiku). Abbażi ta’ dak il-parir, it-TAC għal dak l-istokk tista’ tiżdied. Jenħtieġ li ż-żieda tkun limitata għal 20 %, sabiex titqies il-kapaċità tas-sajd għal dak l-istokk sa tmiem l-2019.

(20)

Fit-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għall-pixxisinna fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-SPRFMO skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/124 (7), jenħtieġ li l-kodiċi tar-rapportar jiġi kkoreġut.

(21)

Biex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u biex ikun żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun japplika mill-1 ta’ Jannar 2020. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-merluzz tan-Norveġja fid-diviżjoni 3a tal-ICES u l-ilmijiet tal-Unjoni fid-diviżjoni 2a tal-ICES u s-subżona 4 tal-ICES mill-1 ta’ Novembru 2019 sal-31 ta’ Ottubru 2020. It-TAC għal-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7f u 7 g tal-ICES u t-TAC għall-pixxisinna fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-SPRFMO skont ir-Regolament (UE) 2019/124 japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2019. Għalhekk, jenħtieġ li ż-żieda fit-TAC għal-lingwata komuni u l-bidla fil-kodiċi tar-rapportar għall-pixxisinna japplikaw b’effett minn dik id-data. Tali applikazzjoni retroattiva hija mingħajr preġudizzju għall-prinċipji taċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li l-opportunitajiet tas-sajd jeċċedu lil dawk stabbiliti inizjalment skont ir-Regolament (UE) 2019/124. Minħabba l-urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar Baltiku għall-2020 u jemenda ċerti opportunitajiet ta’ sajd f’ilmijiet oħra stabbiliti bir-Regolament (UE) 2019/124.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar Baltiku.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għas-sajd rikreattiv fejn jiġi msemmi b’mod ċar fid-dispożizzjonijiet rilevanti.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1380/2013.

Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sub-diviżjoni” tfisser sub-diviżjoni tal-ICES tal-Baħar Baltiku kif definit fl-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 218/2009 (8);

(2)

“qabda permissibbli totali” (TAC) tfisser il-kwantità ta’ kull stokk li tista’ tinqabad fuq perijodu ta’ sena;

(3)

“kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokata lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;

(4)

“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għal rikreazzjoni, turiżmu jew sport.

KAPITOLU II

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 4

TACs u allokazzjonijiet

It-TACs, il-kwoti u l-kondizzjonijiet marbutin b’mod funzjonali magħhom, fejn xieraq, huma stipulati fl-Anness.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd

L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri, kif stipulat f’dan ir-Regolament, għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

(a)

skambji li jsiru skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c)

ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(d)

kwantitajiet miżmuma f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew trasferiti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(e)

tnaqqis li jsir skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art ta’ qabdiet u ta’ qabdiet aċċessorji

L-istokkijiet ta’ speċijiet mhux fil-mira fil-limiti bijoloġiċi sikuri msemmija fl-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u li jikkwalifikaw għad-deroga mill-obbligu li l-qabdiet jingħaddu skont il-kwoti rilevanti, huma identifikati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Miżuri dwar is-sajd rikreattiv għall-bakkaljaw fis-sub-diviżjonijiet 22-26 tal-ICES

1.   Fis-sajd rikreattiv, jistgħu jinżammu mhux aktar minn […] ħames kampjuni ta’ bakkaljaw għal kull sajjied kuljum fis-sub-diviżjonijiet 22 u 23 u fis-sub-diviżjoni 24 stal-ICES a sitt mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, mhux aktar minn żewġ kampjuni ta’ bakkaljaw jistgħu jinżammu għal kull sajjied kuljum fis-sub-diviżjonijiet 22 u 23 tal-ICES u fis-sub-diviżjoni 24 tal-ICES sa sitt mili nawtiċi mkejla mil-linji ta’ bażi fil-perijodu mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Marzu 2020.

3.   Is-sajd rikreattiv għall-bakkaljaw għandu jkun ipprojbit fis-sub-diviżjoni 24 tal-ICES lil hinn minn sitt mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi, u fis-sub-diviżjonijiet 25 u 26 tal-ICES.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti.

Artikolu 8

Miżuri dwar is-sajd għat-trota tal-baħar u s-salamun fis-sub-diviżjonijiet 22-32 tal-ICES

1.   Is-sajd għat-trota tal-baħar lil hinn minn erba’ mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fis-sub-diviżjonijiet 22-32 tal-ICES huwa pprojbit għall-bastimenti tas-sajd mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2020. Meta jsir is-sajd għas-salamun f’dawk l-ilmijiet, il-qabdiet aċċessorji tat-trota tal-baħar ma jistgħux jaqbżu t-3 % tal-qabda totali tas-salamun u tat-trota tal-baħar fi kwalunkwe mument abbord jew meta jinħattu l-art wara kull vjaġġ tas-sajd.

2.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti.

Artikolu 9

Flessibbiltà

1.   Ħlief meta jkun speċifikat mod ieħor fl-Anness għal dan ir-Regolament, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għandu japplika għall-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji u l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-istokkijiet soġġetti għal TAC analitika.

2.   L-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà ta’ sena b’sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 10

Trażmissjoni tad- data

Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni d-data dwar il-kwantitajiet tal-istokkijiet maqbuda jew li nħattu l-art, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Emend i għar-Regolament (UE) 2019/124

1.   l-Anness IA għar-Regolament (UE) 2019/124 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għal-lingwata komuni fid-diviżjonijiet 7f u 7 g tal-ICES hija sostitwita b’dan li ġej:

“Speċi:

lingwata komuni

Solea solea

Żona:

7f u 7 g

(SOL/7FG.)

Belġju

630

TAC analitika”

Franza

63

Irlanda

32

Renju Unit

284

Unjoni

1 009

 

 

TAC

1 009

(2)

l-opportunitajiet tas-sajd għall-merluzz tan-Norveġja u l-qabdiet aċċessorji assoċjati fid-diviżjoni 3a tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 2a tal-ICES u s-subżona 4 tal-ICES huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Speċi:

merluzz tan-Norveġja u qabdiet aċċessorji assoċjati

Trisopterus esmarkii

Żona:

3a; ilmijiet tal-Unjoni ta’ 2a u 4

(NOP/2A3A4.)

Sena

2019

 

2020

 

TAC analitika

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

Danimarka

54 949

 (9)  (11)

64 940

 (9)  (14)

Ġermanja

11

 (9)  (10)  (11)

12

 (9)  (10)  (14)

Netherlands

40

 (9)  (10)  (11)

48

 (9)  (10)  (14)

Unjoni

55 000

 (9)  (11)

65 000

 (9)  (14)

Norveġja

14 500

 (12)

0

 (12)

Gżejjer Faeroe

5 000

 (13)

0

 (13)

TAC

Mhux rilevanti

 

Mhux rilevanti

 

2.   Fl-Anness IJ, fit-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għall-pixxisinna fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-SPRFMO, il-kodiċi tar-rapportar “TOP/SPRFMO” huwa sostitwit b’”TOT/SPR-AE”.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020, bl-eċċezzjoni tal-punt (2) tal-Artikolu 11(1), li għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2019 sal-31 ta’ Ottubru 2020, u tal-punt (1) tal-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 11(2), li għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-30 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1248 tat-22 ta’ Lulju 2019 li jistabbilixxi l-miżuri li jnaqqsu t-theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokk tal-Bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku (Gadus morhua) (ĠU L 195, 23.7.2019, p. 2).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/124 tat-30 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 29, 31.1.2019, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

(9)  Sa 5 % tal-kwota jistgħu jkunu qabdiet aċċessorji tal-merluzz tal-linja sewda u tal-merlangu (OT2/*2A3A4). Magħduda flimkien, il-qabdiet aċċessorji tal-merluzz tal-linja sewda u tal-merlangu li jinqatgħu mill-kwota skont din id-dispożizzjoni u l-qabdiet aċċessorji ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqatgħu mill-kwota skont l-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandhomx jaqbżu d-9 % tal-kwota.

(10)  Il-kwota tista’ tinqabad biss fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żoni 2a, 3a u 4 tal-ICES.

(11)  Il-kwota tal-Unjoni tista’ tinqabad biss mill-1 ta’ Novembru 2018 sal-31 ta’ Ottubru 2019.

(12)  Għandu jintuża għarbiel.

(13)  Għandu jintuża għarbiel. Din il-kwota tinkludi ammont massimu ta’ 15 % ta’ qabdiet aċċessorji li ma jistgħux jiġu evitati (NOP/*2A3A4), u li jridu jinqatgħu minn din il-kwota.

(14)  Il-kwota tal-Unjoni tista’ tiġi mistada mill-1 ta’ Novembru 2019 sal-31 ta’ Ottubru 2020.”


ANNESS

TACs APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIŻ-ŻONI LI GĦALIHOM JEŻISTU T-TACs SKONT L-ISPEĊI U SKONT IŻ-ŻONA

It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn ikun speċifikat mod ieħor) skont l-istokk u l-kondizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom.

Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għaż-żoni tal-ICES, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-istokkijiet tal-ħut huma msemmija skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet bil-Latin tal-ispeċijiet.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, qed tingħata t-tabella komparattiva li ġejja bl-ismijiet bil-Latin u bl-ismijiet komuni:

Isem xjentifiku

Kodiċi Alfa-3

Isem komuni

Clupea harengus

HER

Aringa

Gadus morhua

COD

Bakkaljaw

Pleuronectes platessa

PLE

Barbun tat-tbajja’

Salmo salar

SAL

Salamun tal-Atlantiku

Sprattus sprattus

SPR

Laċċa kaħla


Speċi:

Aringa

Clupea harengus

Żona:

Sub-diviżjonijiet 30-31

(HER/30/31.)

Finlandja

53 306

 

Żvezja

11 712

 

 

 

 

Unjoni

65 018

 

 

 

 

TAC

65 018

TAC prekawzjonarja


Speċi:

Aringa

Clupea harengus

Żona:

Sub-diviżjonijiet 22-24

(HER/3BC+24)

Danimarka

442

 

Ġermanja

1 738

 

Finlandja

0

 

Polonja

410

 

Żvezja

560

 

 

 

 

Unjoni

3 150

 

 

 

 

TAC

3 150

TAC analitika

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.


Speċi:

Aringa

Clupea harengus

Żona:

Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sub-diviżjonijiet 25-27, 28.2, 29 u 32

(HER/3D-R30)

Danimarka

3 374

 

Ġermanja

895

 

Estonja

17 232

 

Finlandja

33 637

 

Latvja

4 253

 

Litwanja

4 478

 

Polonja

38 215

 

Żvezja

51 300

 

 

 

 

Unjoni

153 384

 

 

 

 

TAC

Mhux rilevanti

TAC analitika

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika.


Speċi:

Aringa

Clupea harengus

Żona:

Sub-diviżjoni 28.1

(HER/03D.RG)

Estonja

15 906

 

Latvja

18 539

 

 

 

 

Unjoni

34 445

 

 

 

 

TAC

34 445

TAC analitika

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika.


Speċi:

Bakkaljaw

Gadus morhua

Żona:

Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sub-diviżjonijiet 25-32

(COD/3DX32.)

Danimarka

459

 (1)  (2)

 

Ġermanja

183

 (1)  (2)

 

Estonja

45

 (1)  (2)

 

Finlandja

35

 (1)  (2)

 

Latvja

171

 (1)  (2)

 

Litwanja

113

 (1)  (2)

 

Polonja

529

 (1)  (2)

 

Żvezja

465

 (1)  (2)

 

 

 

 

 

Unjoni

2 000

 (1)  (2)

 

 

 

 

 

TAC

Mhux rilevanti

TAC analitika

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.


Speċi:

Bakkaljaw

Gadus morhua

Żona:

Sub-diviżjonijiet 22-24

(COD/3BC+24)

Danimarka

1 662

 (3)  (4)

 

Ġermanja

812

 (3)  (4)

 

Estonja

37

 (3)  (4)

 

Finlandja

33

 (3)  (4)

 

Latvja

137

 (3)  (4)

 

Litwanja

89

 (3)  (4)

 

Polonja

444

 (3)  (4)

 

Żvezja

592

 (3)  (4)

 

 

 

 

 

Unjoni

3 806

 (3)  (4)

 

 

 

 

 

TAC

3 806

 (3)  (4)

TAC analitika

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.


Speċi:

Barbun tat-tbajja’

Pleuronectes platessa

Żona:

Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sub-diviżjonijiet 22-32

(PLE/3BCD-C)

Danimarka

4 939

 

Ġermanja

549

 

Polonja

1 034

 

Żvezja

372

 

 

 

 

Unjoni

6 894

 

 

 

 

TAC

6 894

TAC analitika

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika.


Speċi:

Salamun tal-Atlantiku

Salmo salar

Żona:

Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sub-diviżjonijiet 22-31

(SAL/3BCD-F)

Danimarka

17 940

 (5)

 

Ġermanja

1 996

 (5)

 

Estonja

1 823

 (5)  (6)

 

Finlandja

22 370

 (5)

 

Latvja

11 411

 (5)

 

Litwanja

1 341

 (5)

 

Polonja

5 442

 (5)

 

Żvezja

24 252

 (5)

 

 

 

 

 

Unjoni

86 575

 (5)

 

 

 

 

 

TAC

Mhux rilevanti

TAC analitika

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.


Speċi:

Salamun tal-Atlantiku

Salmo salar

Żona:

Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sub-diviżjoni 32

(SAL/3D32.)

Estonja

995

 (7)

 

Finlandja

8 708

 (7)

 

 

 

 

 

Unjoni

9 703

 (7)

 

 

 

 

 

TAC

Mhux rilevanti

TAC prekawzjonarja


Speċi:

Laċċa kaħla

Sprattus sprattus

Żona:

Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sub-diviżjonijiet 22-32

(SPR/3BCD-C)

Danimarka

20 730

 

Ġermanja

13 133

 

Estonja

24 072

 

Finlandja

10 851

 

Latvja

29 073

 

Litwanja

10 517

 

Polonja

61 697

 

Żvezja

40 074

 

 

 

 

Unjoni

40 074

 

 

 

 

TAC

Mhux rilevanti

TAC analitika

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika.


(1)  Għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett fil-kuntest ta’ din il-kwota.

B’deroga mill-ewwel paragrafu, l-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għall-bakkaljaw sakemm dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità sħiħa mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(2)  Fis-sub-diviżjonijiet 25 u 26, għandu jiġi pprojbit is-sajd ta’ din il-kwota mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu.

B’deroga mill-ewwel paragrafu, dak il-perijodu tal-għeluq ma għandux japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ anqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bl-għeżula tat-tħabbil tal-qiegħ jew bil-pariti, inkella bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet (għajr il-konzijiet tal-wiċċ), bix-xlief u bl-irkaptu tat-trejjix jew bi rkaptu passiv […] ieħor f’żoni fejn il-fond tal-baħar ikun inqas minn 20 metru skont il-koordinati fil-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-kaptani ta’ dawk il-bastimenti tas-sajd għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tkun tista’ tiġi mmonitorjata f’kull ħin mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat Membru.

(3)  Fis-sub-diviżjoni 24 għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett fil-kuntest ta’ din il-kwota fis-sub-diviżjoni 24.

B’deroga mill-ewwel paragrafu, l-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għall-bakkaljaw sakemm dawn l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità sħiħa mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

B’deroga mill-ewwel paragrafu, is-sajd ta’ din il-kwota fis-sub-diviżjoni 24 għandu jkun permess għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ anqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bl-għeżula tat-tħabbil tal-qiegħ jew bil-pariti, inkella bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet (għajr il-konzijiet tal-wiċċ), bix-xlief u bl-irkaptu tat-trejjix jew bi rkaptu passiv ieħor f’żoni sa sitt mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fejn il-fond tal-baħar ikun inqas minn 20 metru skont il-koordinati fil-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-kaptani ta’ dawk il-bastimenti tas-sajd għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tkun tista’ tiġi mmonitorjata f’kull ħin mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat Membru.

(4)  Għandu jkun ipprojbit sajd għal din il-kwota fis-sub-diviżjonijiet 22 u 23 mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Marzu u fis-sub-diviżjoni 24 mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Lulju.

B’deroga mill-ewwel paragrafu, dak il-perijodu tal-għeluq ma għandux japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ anqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bl-għeżula tat-tħabbil tal-qiegħ jew bil-pariti, inkella bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet (għajr il-konzijiet tal-wiċċ), bix-xlief u bl-irkaptu tat-trejjix jew bi rkaptu passiv ieħor f’żoni fejn il-fond tal-baħar ikun inqas minn 20 metru skont il-koordinati fil-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-kaptani ta’ dawk il-bastimenti tas-sajd għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tkun tista’ tiġi mmonitorjata f’kull ħin mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat Membru.

(5)  Espress f’għadd ta’ ħut individwali.

(6)  Kondizzjoni speċjali: sa 20 % u mhux aktar minn 400 kampjun ta’ din il-kwota jistgħu jiġu mistada fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-sub-diviżjoni 32 (SAL/*3D32).

(7)  Espress f’għadd ta’ ħut individwali.