ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 224

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
28 ta' Awwissu 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Lulju 2019 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/23)

1

 

*

Deċiżjoni (UE) 2019/1377 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-31 ta' Lulju 2019 li tinnomina kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/26)

6

 

*

Deċiżjoni (UE) 2019/1378 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Awwissu 2019 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/16 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (BĊE/2019/27)

9

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Marzu 2019 ( ĠU L 110, 25.4.2019 )

12

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

28.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/1


DEĊIŻJONI (UE) 2019/1376 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta' Lulju 2019

dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/23)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1)(a), (b), (c) u (d) u l-Artikoli 4(3), 6(4), 14(3), 14(5), 15(3), u 17(1) tiegħu,

Wara li ra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Fil-qafas tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iwettaq il-kompitu esklussiv ta' superviżjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu bil-għan li jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-istandards superviżorji, li jrawwem stabbiltà finanzjarja u li jiżgura kundizzjonijiet ugwali.

(2)

Skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu kompetenza esklużiva biex jirtira l-liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti.

(3)

Skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu kompetenza esklużiva biex jivvaluta notifiki ta' akkwiżizzjoni u ċessjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f'istituzzjoni ta' kreditu, ħlief fil-każ ta' riżoluzzjoni bankarja.

(4)

Skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu kompetenza esklużiva biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li għandha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju taħt il-liġi tal-Unjoni rilevanti għal istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti, li jixtiequ jistabbilixxu fergħa jew jipprovdu servizzi transkonfinali fi Stat Membru mhux parteċipanti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3), kwalunkwe entità sinifikanti taħt superviżjoni li tixtieq tistabbilixxi fergħa fit-territorju ta' Stat Membru parteċipanti ieħor għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti fejn l-entità sinifikanti taħt superviżjoni għandha l-uffiċċju prinċipali, bl-intenzjoni tagħha. Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), meta ma tittieħed ebda deċiżjoni kuntrarja mill-BĊE fi żmien xahrejn minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, il-fergħa tista' tiġi stabbilita u tibda l-attivitajiet tagħha.

(5)

Skont l-Artikolu 4(1)(b) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 flimkien mal-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-BĊE għandu l-kompetenza esklużiva li jwettaq il-kompitu, li għandha l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tad-domiċilju taħt il-liġi tal-Unjoni rilevanti, li jagħti l-kunsens lil istituzzjoni ta' kreditu (sinifikanti) li ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tiggarantixxi in solidum u individwalment l-impenji li tkun tat istituzzjoni finanzjarja sussidjarja, li għandha l-intenzjoni li twettaq dawk l-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE fi Stat Membru parteċipanti jew fi Stat Membru ieħor, billi jew tistabbilixxi fergħa jew tipprovdi servizzi.

(6)

Il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti, huwa meħtieġ li kull sena jadotta numru sostanzjali ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet ta' istituzzjonijiet ta' kreditu. Biex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, hija meħtieġa deċiżjoni ta' delega fir-rigward tal-adozzjoni ta' tali deċiżjonijiet li l-BĊE għandu jieħu regolarment u li jinkludu biss diskrezzjoni limitata. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet d-delega tal-awtorità bħala meħtieġa biex tippermetti lil istituzzjoni li hija meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet biex twettaq id-doveri tagħha. Bl-istess mod, hija rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiżgura li l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jaħdmu bħala prinċipju inerenti għas-sistemi istituzzjonali kollha (5).

(7)

Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun limitata u proporzjonata, u l-ambitu tad-delegazzjoni għandu jkun definit b'mod ċar.

(8)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40) tispeċifika l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' delega dwar is-superviżjoni u l-persuni li jistgħu jiġu ddelegati setgħat deċiżjonali. Dik id-Deċiżjoni ma taffettwax l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord ta' Sorveljanza li jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet kompleti lill-Kunsill Governattiv.

(9)

Meta l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ddelegata, kif stabbilit f'din id-Deċiżjoni, ma jintlaħqux, id-deċiżjonijiet għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni stabbilita fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif huwa speċifikat iktar fl-Artikolu 13 g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (6). Barra minn hekk, il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni għandha tintuża wkoll jekk il-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol ikollhom tħassib rigward it-twettiq tal-kriterji ta' valutazzjoni minħabba l-kumplessità tal-valutazzjoni.

(10)

Id-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jistgħu jkunu suġġetti għal rieżami amministrattiv skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif speċifikat aktar fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 (7). Fil-każ ta' tali reviżjoni amministrattiva, il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta' Rieżami u jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdida lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“deċiżjoni ta' passaportar” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar l-istabbiliment ta' fergħa minn entità sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru parteċipanti jew fi Stat Membru ieħor ibbażata fuq liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 35(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, flimkien mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikoli 11 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, deċiżjoni ta' passaportar tinkludi ukoll deċiżjoni tal-BĊE, skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE, li tagħti l-kunsens għad-dikjarazzjoni ta' intrapriża jew intrapriżi prinċipali li tiggarantixxi in solidum u individwalment l-impenji li tkun ħadet l-istituzzjoni finanzjarja sussidjarja tagħhom li għandha l-intenzjoni li twettaq dawk l-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE fi Stat Membru parteċipanti jew fi Stat Membru ieħor, billi jew tistabbilixxi fergħa jew tipprovdi servizzi;

(2)

“fergħa” tfisser fergħa kif iddefinita fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(3)

“parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f'entità taħt superviżjoni (l-entità fil-mira) skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36/UE flimkien mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(4)

“istituzzjoni ta' kreditu” tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(5)

“deċiżjoni ta' rtirar” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta' kreditu bbażata fuq liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE flimkien mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(6)

“deċiżjoni ta' delega” u “deċiżjoni ddelegata” għandhom l-istess tifsira bħal fil-punt (2) u l-punt (4) tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), rispettivament;

(7)

“kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol” tfisser il-kapijiet ta' unitajiet tax-xogħol tal-BĊE li lilhom tiġi ddelegata s-setgħa biex jadottaw deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar;

(8)

“proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u speċifikata aktar fl-Artikolu 13 g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2;

(9)

“deċiżjoni negattiva” tfisser deċiżjoni li ma tingħatax jew ma tingħatax kompletament l-awtorizzazzjoni kif mitlub mill-applikant, inklużi deċiżjonijiet negattivi skont l-Artikolu 34(1)(d) u l-Artikolu 35(3) tad-Direttiva 2013/36/UE. Deċiżjoni b'dispożizzjonijiet anċillari bħal kundizzjonijiet jew obbligi għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva sakemm tali dispożizzjonijiet anċillari: (a) jiżguraw li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi rilevanti msemmija fl-Artikoli 4(2) u 5(2) u l-Artikolu 6(3) u (4) u li ġew miftiehma bil-miktub; jew (b) sempliċiment tiddikjara mill-ġdid waħda jew aktar mir-rekwiżiti eżistenti li l-applikant irid jikkonforma magħhom bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4(2) u 5(2) u l-Artikolu 6(3) u (4) jew jeħtieġu informazzjoni dwar it-twettiq ta' wieħed jew aktar minn dawk ir-rekwiżiti.

(10)

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(11)

“entità taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(12)

“grupp” tfisser grupp ta' impriżi li jikkonsisti f'impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha, jew impriżi marbuta ma' xulxin b'relazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), inkluż kull subgrupp tagħha;

(13)

“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali kompetenti kif iddefinita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(14)

“gwida tal-BĊE” tfisser dokument, adottat mill-Kunsill Governattiv fuq proposta mill-Bord Superviżorju, li tkun ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE u li tagħti gwida dwar il-mod kif il-BĊE jifhem ir-rekwiżiti legali.

Artikolu 2

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċizjoni tispeċifika l-kriterji għad-delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet lill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar.

2.   Id-delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni superviżorja li għandha titwettaq għall-finijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar.

Artikolu 3

Delegazzjoni ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar

1.   Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv b'dan jiddelega lill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol tal-BĊE, nominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni, il-poter li jadottaw deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar.

2.   Id-deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji rilevanti għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati, kif stabbilit fl-Artikoli 4, 5 u 6.

3.   Id-deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kumplessità tal-valutazzjoni teħtieġ li jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

4.   Kull delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tapplika kemm għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviżorji kif ukoll għall-approvazzjoni ta' valutazzjonijiet pożittivi mill-BĊE fejn deċiżjoni superviżorja mhijiex meħtieġa.

5.   Id-deċiżjonijiet negattivi ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata.

6.   Fejn id-deċiżjoni ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew irtirar ma jistgħux jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata, għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

Artikolu 4

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti

1.   Deċiżjonijiet ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti għandhom jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta xi wieħed mill-kriterji li ġejjin jiġi sodisfatt:

(a)

l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti hija riżultat taż-żjieda jew tneħħija ta' livell intermedjarju fl-istruttura tal-grupp tal-akkwirent;

(b)

l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti hija riżultat ta' bidla fis-sjieda tal- entità fil-mira minn entità azzjonarja waħda għal entità azzjonarja oħra fl-istess grupp;

(c)

l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti hija r-riżultat ta' żjieda f'parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti eżistenti, sakemm ma jkunx hemm bidliet materjali mill-aħħar valutazzjoni li jaffettwaw mill-inqas wieħed mill-kriterji ta' valutazzjoni jew l-akkwirent jakkwista kontroll tal-entità fil-mira.

2.   Il-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti għandha ssir skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36/UE kif traspost fil-liġi nazzjonali, waqt li jitqiesu wkoll gwidi applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE, kif ukoll Linji Gwida tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (10).

Artikolu 5

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati ta' rtirar

1.   Deċiżjonijiet ta' rtirar jistgħu jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kriterji kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)

id-deċiżjoni tittieħed fuq talba ta' entità taħt superviżjoni jew minħabba fużjoni, bir-riżultat li l-entità taħt superviżjoni ma tibqax teżisti;

(b)

ma jibqgħux depożiti mill-pubbliku mal-entità taħt superviżjoni wara li l-irtirar ikun sar effettiv;

(c)

l-irtirar ikun marbut ma' riorganizzazzjoni fi ħdan grupp.

2.   Il-valutazzjoni tal-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għandha ssir skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE kif traspost fil-liġi nazzjonali, waqt li jitqiesu wkoll gwidi applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE.

Artikolu 6

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati ta' passaportar

1.   Deċiżjonijiet ta' passaportar skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) dwar l-istabbiliment ta' fergħa minn entità taħt superviżjoni sinifikanti tista' tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk l-assi totali tal-fergħa kif stmati fil-programm tal-operat ma jkunux jaqbżu l-10 % tal-assi totali tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni.

2.   Deċiżjonijiet ta' passaportar skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE li jagħtu kunsens għad-dikjarazzjoni ta' intrapriża jew intrapriżi prinċipali biex jiġu ggarantiti in solidum l-impenji li tkun tat l-istituzzjoni finanzjarja sussidjarja tagħhom jistgħu jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-passiv ipprojjettat tal-intrapriża prinċipali taħt il-garanzija, skont il-pjan tan-negozju għall-attivitajiet imwettqa taħt id-deċiżjoni ta' passaportar, ma jkunx jaqbeż l-10 % tal-assi totali tal-intrapriża prinċipali fuq livell individwali.

3.   Il-valutazzjoni tat-talbiet għal deċiżjonijiet ta' passaportar skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 35(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwida applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE.

4.   Il-valutazzjoni ta' talbiet għal deċiżjonijiet ta' passaportar skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 34, 35 u 39 tad-Direttiva 2013/36/UE, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwida applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE.

Artikolu 7

Dispożizzjoni tranżitorja

Din id-Deċizjoni m'għandhiex tapplika f'każijiet fejn abbozz ta' proposta għal parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew deċiżjoni ta' rtirar ikun ġie sottomess mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-BĊE, jew meta n-notifika dwar l-intenzjoni tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni li tistabbilixxi fergħa jew li tiggarantixxi l-impenji mogħtija mill-istituzzjoni finanzjarja sussidjarja tagħhom tkun ġiet sottomessa mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċizjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta' Lulju 2019.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(3)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(4)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Europea tat-23 ta' Settembru 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 5/85, ECLI:EU:C:1986:328, punt 37; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Mejju 2005, Carmine Salvatore Tralli vs BĊE, C-301/02 P, ECLI:EU:C:2005:306, punt 59.

(6)  Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(7)  Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).

(8)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(9)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(10)  Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea dwar l-Assigurazzjoni u Pensjonijiet tax-Xogħol, u Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq, Joint Guidelines on the prudential assessment of acquisitions and increases of qualifying holdings in the financial sector, (Linji Gwida konġunti dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta' akkwiżizzjonijiet u żidiet f'parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti fis-settur finanzjarju, JC/GL/2016/01.


28.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/6


DEĊIŻJONI (UE) 2019/1377 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-31 ta' Lulju 2019

li tinnomina kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/26)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 11.6 tiegħu,

Wara li ra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Lulju 2019 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/23) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Billi:

(1)

Ġiet stabbilita proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati speċifiċi biex tindirizza n-numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet illi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irid jadotta għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu.

(2)

Deċiżjoni ta' delega hija effettiva mal-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Bord Eżekuttiv li tinnomina kap ta' unità tax-xogħol jew aktar biex jieħu deċiżjonijiet abbażi ta' deċiżjoni ta' delega.

(3)

L-importanza tad-deċiżjoni ta' delega u n-numru ta' destinatarji li lilhom iridu jintbagħtu d-deċiżjonijiet iddelegati għandhom jiġu kkunsidrati mill-Bord Eżekuttiv fin-nomina ta' kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol.

(4)

Il-President tal-Bord Superviżorju ġie kkonsultat dwar il-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li lilhom għandha tiġi ddelegata s-setgħa biex jadottaw deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23).

Artikolu 2

Deċiżjonijiet iddelegati dwar parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti

1.   Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) li jinvolvu entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (4) għandhom jiġu adottati mid-Direttur Ġenerali jew mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Segretarjat tal-Bord Superviżorju, jew f'każ li ma jkunux disponibbli mill-Kap tad-Diviżjoni għall-Awtorizzazzjoni, u minn wieħed mill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li ġejjin:

(a)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I;

(b)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II.

Jekk deċiżjoni ddelegata skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) tinvolvi iktar minn entità sinifikanti taħt superviżjoni waħda, l-entità taħt superviżjoni relevanti għandha tkun l-entità jew grupp taħt superviżjoni li fiha tiġi akkwistata l-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti.

2.   Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) li ma jinvolvux entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni għandhom jkunu adottati mid-Direttur Ġenerali jew mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali III.

Artikolu 3

Deċiżjonijiet iddelegati dwar irtirar

1.   Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoli 3 u 5 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) fir-rigward ta' entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) għandhom jiġu adottati mid-Direttur Ġenerali jew mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Segretarjat tal-Bord Superviżorju, jew f'każ li ma jkunux disponibbli mill-Kap tad-Diviżjoni għall-Awtorizzazzjoni, u minn wieħed mill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li ġejjin:

(a)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I;

(b)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II.

2.   Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoli 3 u 5 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) fir-rigward ta' entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) għandhom ikunu adottati mid-Direttur Ġenerali jew mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali III.

Artikolu 4

Deċiżjonijiet iddelegati dwar l-ippassaportar

Deċiżjonijiet iddelegati skont l-Artikoli 3 u 6 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 (BĊE/2019/23) għandhom jiġu adottati minn wieħed mill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol li ġejjin:

(a)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali I;

(b)

id-Direttur Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II, jekk is-superviżjoni tal-entità jew grupp taħt superviżjoni relevanti titwettaq mid-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali II.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta' Lulju 2019.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 141, 1.6.2017, p. 14.

(2)  Ara p. 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(4)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


28.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/9


DEĊIŻJONI (UE) 2019/1378 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-9 ta' Awwissu 2019

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/16 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (BĊE/2019/27)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa minn meta ġie stabbilit il-Bord Amministrattiv ta' Rieżami, jeħtieġ li jiġu ċċarati ċerti aspetti tar-Regoli Operattivi tiegħu, li huma stipulati fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 (2), u fejn xieraq li jiġu adattati, b'mod partikolari fir-rigward tal-irwol tas-supplenti.

(2)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żviluppa metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż imġarrba mill-applikanti u mill-BĊE fil-kuntest tar-rieżami amministrattiv intern ta' deċiżjonijiet tal-BĊE taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 mill-Bord Amministrattiv ta' Rieżami. Din il-metodoloġija għandha tiġi inkluża fir-Regoli Operattivi.

(3)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun magħmul minn ħames membri li għandhom jiġu ssostitwiti minn żewġ supplenti taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 3 u 4.”

(b)

il-paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

“3.   Supplent għandu jissostitwixxi temporanjament lil membru tal-Bord Amministrattiv f'każ ta' inkapaċità temporanja. Fil-kuntest ta' talba partikolari għal rieżami, supplent għandu jissostitwixxi temporanjament lil membru tal-Bord Amministrattiv fil-każijiet li ġejjin:

(a)

f'kull sitwazzjoni li tista' tqajjem tħassib dwar kunflitt ta' interess, kif iddefinit fl-Artikolu 11.1 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri ta' livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (*1);

(b)

il-membru ma jkunx disponibbli għal raġunijiet iġġustifikati.

(*1)  ĠU C 89, 8.3.2019, p. 2”;"

(c)

il-paragrafi 4 u 5 li ġejjin huma miżjuda:

“4.   Supplent għandu jissostitwixxi b'mod permanenti lil membru tal-Bord Amministrattiv f'każ ta' inkapaċità permanenti, mewt, riżenja jew tneħħija mill-kariga. F'dan il-każ, għandu jieqaf ikun supplent u għandu jiġi nnominat bħala membru tal-Bord Amministrattiv mill-Kunsill Governattiv. Supplent għandu jinħatar minfloku, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.

5.   Is-supplenti għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċeduri ta' rieżami, jew billi jissostitwixxu temporanjament lill-membri tal-Bord Amministrattivi jew bħala osservaturi.”;

2.

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

“3.   It-terminu tal-kariga tal-membri tal-Bord Amministrattiv u taż-żewġ supplenti għandu jkun ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darba. F'każ li supplent jissostitwixxi b'mod permanenti lil membru tal-Bord Amministrattiv taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(4), dik is-sostituzzjoni m'għandhiex titqies bħala ħatra ġdida jew tiġdid, u l-mandat tiegħu għandu jitqies li jkun beda fid-data tal-ħatra tiegħu bħala supplent.”;

3.

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-avviż ta' rieżami għandu jindika b'mod ċar id-dettalji ta' kuntatt sħaħ tal-applikant sabiex is-Segretarju jkun jista' jibgħat komunikazzjonijiet lill-applikant jew lir-rappreżentant tiegħu skont il-każ. Is-Segretarju għandu jibgħat fil-pront konferma tal-irċevuta lill-applikant li tiddikjara jekk l-avviż ta' rieżami huwiex komplut.”;

4.

fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta opinjoni dwar ir-reviżjoni f'perijodu ta' żmien xieraq għall-urġenza tal-kwistjoni u mhux iktar tard minn xahrejn mid-data meta jiġi rċevut l-avviż sħiħ tar-rieżami, li jkun fih id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 7(4), li tiegħu għandha tingħata konferma tal-irċevuta skont l-Artikolu 7(5).”;

5.

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 2 huwa mibdul b'dan li ġej:

“2.   L-abbozz ta' deċiżjoni ġdida tal-Bord Superviżorju li tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali b'deċiżjoni ta' kontenut identiku jew li tirrevoka jew temenda d-deċiżjoni inizjali għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill Governattiv fi żmien 30 jum wara li tiġi rċevuta l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv.”;

6.

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafi 3 u 4 huma mħassra.

(b)

il-paragrafu 5 huwa mibdul b'dan li ġej:

“5.   Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi dwar it-tqassim tal-ispejjeż skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 13 g.2 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, fuq il-bażi tal-metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.”

7.

It-test li jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala Anness għad-Deċiżjoni BĊE/2014/16.

Artikolu 2

Dispożizzjoni finali

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-9 ta' Awwissu 2019.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).


ANNESS

“ANNESS

Metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż tar-rieżami mġarrba mill-applikant u mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest ta' rieżami mill-Bord Amministrattiv

F'każijiet fejn il-Kunsill Governattiv jirrevoka d-deċiżjoni inizjali jew jemenda l-parti operattiva tagħha bħala konsegwenza tal-avviż ta' rieżami, il-BĊE għandu jirrimborsa l-ispejjeż imġarrba mill-applikant fil-kuntest tar-rieżami, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe spejjeż sproporzjonati mġarrba mill-applikant meta jippreżenta evidenza bil-miktub jew orali u fir-rigward ta' rappreżentanza legali, li għandhom jitħallsu mill-applikant. Fi kwalunkwe każ, ir-rimbors mill-BĊE ta' spejjeż imġarrba mill-applikant m'għandux jaqbeż EUR 50 000 għal kull rieżami individwali mill-Bord Amministrattiv.

F'każijiet fejn il-Kunsill Governattiv jissotitwixxi d-deċiżjoni inizjali b'deċiżjoni ta' kontenut identiku jew jemenda biss il-parti mhux operattiva (*1) tad-deċiżjoni inizjali bħala konsegwenza tal-avviż ta' rieżami, l-applikant għandu jikkontribwixxi għall-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fil-kuntest tar-rieżami. Il-persuni fiżiċi għandhom iħallsu somma f'daqqa ta' EUR 500. Il-persuni ġuridiċi għandhom iħallsu somma f'daqqa ta' EUR 5 000. Il-ħlas ta' din is-somma f'daqqa jibqa' mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ta' din id-Deċiżjoni.

F'każijiet fejn l-applikant jirtira avviż ta' rieżami skont l-Artikolu 7(6) ta' din id-Deċiżjoni, l-applikant u l-BĊE għandhom jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tagħhom stess, jekk ikun hemm.


(*1)  Parti mhux operattiva tirreferi għal kwalunkwe parti tad-deċiżjoni li tagħti l-bażi u r-raġunament għad-deċiżjoni tal-BĊE, irrispettivament mill-kliem li jintuża fid-deċiżjoni nfisha biex jindika dik il-parti.”


Rettifika

28.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/12


Rettifika tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Marzu 2019

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 110 tal-25 ta' April 2019 )

F'paġna 43, il-pubblikazzjoni tar-“Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Marzu 2019” għandha titqies bħala nulla u bla effett.