ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 201

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
30 ta' Lulju 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1271 tal-25 ta' Lulju 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1848 rigward l-ammont disponibbli għar-Rumanija għar-rimborż, f'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2018

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1272 tad-29 ta' Lulju 2019 li jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2078 li tawtorizza estensjoni tal-użu tal-betaglukani tal-ħmira bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1273 tas-26 ta' Lulju 2019 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi interim marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fis-Slovakkja (notifikata bid-dokument C(2019) 5777)  ( 1 )

6

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1274 tad-29 ta' Lulju 2019 dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-parametri referenzjarji fl-Awstralja f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

9

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1275 tad-29 ta' Lulju 2019 dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-parametri referenzjarji f'Singapore f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

13

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1276 tad-29 ta' Lulju 2019 li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/627/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu ( 1 )

17

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1277 tad-29 ta' Lulju 2019 li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/630/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Kanada bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu ( 1 )

20

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1278 tad-29 ta' Lulju 2019 li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/248/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu ( 1 )

23

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1279 tad-29 ta' Lulju 2019 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti tal-Amerika bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu ( 1 )

26

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1280 tad-29 ta' Lulju 2019 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu ( 1 )

30

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1281 tad-29 ta' Lulju 2019 li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/245/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Brażil bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu ( 1 )

34

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1282 tad-29 ta' Lulju 2019 li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/246/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu ( 1 )

37

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1283 tad-29 ta' Lulju 2019 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu ( 1 )

40

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1284 tad-29 ta' Lulju 2019 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu ( 1 )

43

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1271

tal-25 ta' Lulju 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1848 rigward l-ammont disponibbli għar-Rumanija għar-rimborż, f'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2018

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(6) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1848 (2) jistabbilixxi l-ammonti li jsiru disponibbli għall-Istati Membri għar-rimborż lill-benefiċjarji finali fis-sena finanzjarja tal-2019. Dawk l-ammonti jikkorrispondu għat-tnaqqis tad-dixxiplina finanzjarja li ġie applikat effettivament mill-Istati Membri fis-sena finanzjarja tal-2018 abbażi tad-dikjarazzjonijiet tan-nefqa tal-Istati Membri għall-perjodu mis-16 ta' Ottubru 2017 sal-15 ta' Ottubru 2018.

(2)

Fir-rigward tar-Rumanija, id-dikjarazzjoni dettaljata tan-nefqa ma qisitx bis-sħiħ il-limitu ta' EUR 2 000 li japplika għad-dixxiplina finanzjarja skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għalhekk, bil-ħsieb li jkun hemm ġestjoni finanzjarja tajba, fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1848 l-ebda ammont ma sar disponibbli għar-rimborż għar-Rumanija.

(3)

Sussegwentement ir-Rumanija informat lill-Kummissjoni dwar l-ammont korrett ta' dixxiplina finanzjarja li kellu jiġi applikat fir-Rumanija fis-sena finanzjarja tal-2018 meta jitqies b'mod sħiħ il-limitu ta' EUR 2 000. Sabiex ikun żgurat li r-rimborż tal-ammonti rilevanti lill-bdiewa Rumeni jkun jista' jsir, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina l-ammont korrispondenti li jsir disponibbli għar-Rumanija.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1848 jiġi emendat skont dan.

(5)

Billi l-emenda prevista f'dan ir-Regolament taffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1848, li japplika mill-1 ta' Diċembru 2018, jenħtieġ li dan ir-Regolament ukoll japplika minn dik id-data; għalhekk jenħtieġ li r-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fit-Tabella stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1848, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara r-ringiela li tikkonċerna l-Portugall:

“Ir-Rumanija

16 669 111 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Diċembru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1848 tas-26 ta' Novembru 2018 dwar ir-rimborż, f'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2018 (ĠU L 300, 27.11.2018, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1272

tad-29 ta' Lulju 2019

li jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2078 li tawtorizza estensjoni tal-użu tal-betaglukani tal-ħmira bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, sal-1 ta' Jannar 2018 il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat jew notifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Il-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid awtorizzat jew notifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 ġiet stabbilita bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (3).

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1023 (4) ikkoreġa r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid sabiex jinkludi għadd ta' ikel ġdid awtorizzat jew notifikat mhux inkluż fil-lista tal-Unjoni inizjali.

(4)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1023, il-Kummissjoni identifikat żbalji addizzjonali fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

(5)

Il-korrezzjonijiet huma meħtieġa sabiex tiġi pprovduta ċarezza u ċertezza tad-dritt għall-operaturi tan-negozju tal-ikel u għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u b'hekk ikun hemm lok għall-implimentazzjoni u għall-użu kif suppost tal-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

(6)

Fit-22 ta' Novembru 2018, l-awtorità kompetenti tal-Italja talbet lill-Kummissjoni tagħmel korrezzjoni fil-lista tal-Unjoni, b'rabta mad-deżinjazzjoni u r-rekwiżit tat-tikkettar speċifiku tal-ikel ġdid Echinacea purpurea estratt mill-kolturi taċ-ċelloli. Dan l-ikel ġdid ġie awtorizzat permezz ta' proċedura ta' notifika skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 258/97. L-awtorità kompetenti tal-Italja ħadet żball u nnotifikat l-isem żbaljat għall-kolturi taċ-ċelloli; b'hekk it-talba titlob is-sostituzzjoni tal-isem tal-kolturi taċ-ċelloli HTN®Vb bl-isem EchiPure-PC™ fid-deżinjazzjoni tal-ikel ġdid kif elenkat fil-lista tal-Unjoni u fir-rekwiżit tat-tikkettar speċifiku tal-ikel li fih dawn il-kolturi, kif ukoll fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid.

(7)

Għalhekk, jeħtieġ li ssir korrezzjoni tad-deżinjazzjoni u tar-rekwiżit tat-tikkettar speċifiku fit-Tabella 1 u korrezzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 tal-ikel ġdid Echinacea purpurea estratt mill-kolturi taċ-ċelloli.

(8)

Il-betaglukani tal-ħmira ġew awtorizzati bħala ikel ġdid b'ċerti kundizzjonijiet tal-użu bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/762/UE (5). L-użu tal-betaglukani tal-ħmira f'kategoriji addizzjonali tal-ikel ġie awtorizzat iktar 'il quddiem bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2078 (6). Fl-ispeċifikazzjonijiet tal-betaglukani tal-ħmira fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2078, bi żball l-unitajiet tal-kejl għall-metalli tqal ġew espressi f'mg/g minflok f'mg/kg. Dan l-iżball ġie ttrasferit fil-lista tal-Unjoni stabbilita bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għalhekk, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tal-betaglukani tal-ħmira b'rabta mal-metalli tqal fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2078 u fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġu kkoreġuti skont dan.

(9)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2078 jenħtieġ li jiġu kkoreġuti skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa kkoreġut f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2078 huwa kkoreġut f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1023 tat-23 ta' Lulju 2018 li jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid (ĠU l 187, 24.7.2018, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/762/UE tal-24 ta' Novembru 2011 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-betaglukani tal-ħmira bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 313, 26.11.2011, p. 41).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2078 tal-10 ta' Novembru 2017 li tawtorizza estensjoni tal-użu tal-betaglukani tal-ħmira bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 77).


ANNESS

(1)   

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa kkoreġut kif ġej:

(a)

L-entrata għall-estratt tal-Echinacea purpurea mill-kolturi taċ-ċelloli fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat) hija sostitwita b'dan li ġej:

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet fejn jista' jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti addizzjonali tat-tikkettar speċifiku

Rekwiżiti oħra

Estratt tal- Echinacea purpurea mill-kolturi taċ-ċelloli

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-deżinjazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun ‘Estratt imnixxef tal-Echinacea purpurea mill-kolturi taċ-ċelloli EchiPure-PC™’”

 

Supplimenti tal-Ikel kif definiti fid-Direttiva 2002/46/KE

Skont l-użu normali fis-supplimenti tal-ikel ta' estratt simili mill-fjuretti fil-fjuri tal-Echinacea purpurea

(b)

L-entrata għall-estratt tal-Echinacea purpurea mill-kolturi taċ-ċelloli fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) hija sostitwita b'dan li ġej:

Ikel ġdid awtorizzat

Speċifikazzjoni

Estratt tal- Echinacea purpurea mill-kolturi taċ-ċelloli

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

Estratt imnixxef tal-Echinacea purpurea mill-kolturi taċ-ċelloli EchiPure-PC™”

(c)

L-entrati għall-betaglukani tal-ħmira fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) taħt l-intestatura Metalli tqal insolubbli fl-ilma, iżda dispersibbli f'ħafna matriċi likwidi huma sostitwiti b'dan li ġej:

 

“Ċomb: < 0,2 mg/kg

Arseniku: < 0,2 mg/kg

Merkurju: < 0,1 mg/kg

Kadmju: < 0,1 mg/kg”

(2)   

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2078 huwa kkoreġut kif ġej:

L-entrati għaċ-Ċomb, għall-Arseniku, għall-Merkurju u għall-Kadmju fit-tabella Speċifikazzjonijiet tal-Betaglukani tal-ħmira (Saccharomyces cerevisiae) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Ċomb

< 0,2 mg/kg

Arseniku

< 0,2 mg/kg

Merkurju

< 0,1 mg/kg

Kadmju

< 0,1 mg/kg”


DEĊIŻJONIJIET

30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/6


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1273

tas-26 ta' Lulju 2019

li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi interim marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fis-Slovakkja

(notifikata bid-dokument C(2019) 5777)

(It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u selvaġġi u jista' jkollu impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F'każ ta' tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista' jinxtered ma' rziezet oħra tal-ħnieżer u mal-ħnieżer selvaġġi. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għall-pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri minimi li jeħtieġ jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprevedi l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-każ ta' tifqigħat ta' dik il-marda, fejn iridu japplikaw il-miżuri stipulati fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(4)

Is-Slovakkja informat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni preżenti fit-territorju tagħha fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u, b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbiliet żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, hemm bżonn li jiġu deskritti fil-livell tal-Unjoni ż-żoni stabbiliti bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fis-Slovakkja, b'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru.

(6)

Għaldaqstant, sakemm issir il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, iż-żoni identifikati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fis-Slovakkja jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u li jiġi stabbilit it-tul ta' żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(7)

Din id-Deċiżjoni jeħtieġ tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Slovakkja għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Ottubru 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika tas-Slovakkja.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Lulju 2019

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).


ANNESS

Is-Slovakkja

Żoni kif imsemmija fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Żona ta' protezzjoni

Il-Muniċipalità ta' Strážne

It-30 ta' Ottubru 2019

Żona ta' sorveljanza

Il-Muniċipalitajiet ta' Viničky, Ladmovce, Zemplín, Streda n./B., Svätá Mária, Svinice, Rad časť Hrušov, Svätuše, Somotor, M. Kamenec, V. Kamenec, V. Horeš, M. Horeš, Pribeník

It-30 ta' Ottubru 2019


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/9


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1274

tad-29 ta' Lulju 2019

dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-parametri referenzjarji fl-Awstralja f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jintroduċi qafas komuni biex tiġi żgurata l-preċiżjoni u l-integrità tal-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji, jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment fl-Unjoni.

(2)

Dak ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2018 u l-amministraturi mhux tal-Unjoni jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju li jippermetti l-użu ta' parametri referenzjarji ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni. Wara li jiskadi l-perjodu tranżitorju, parametru referenzjarju jew xi kombinazzjoni ta' parametri referenzjarji pprovduti minn xi amministratur li jkun ibbażat f'pajjiż terz jistgħu jintużaw fl-Unjoni biss meta l-parametru referenzjarju u l-amministratur jkunu inklużi fir-reġistru miżmum mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ekwivalenza mill-Kummissjoni, jew wara rikonoxximent jew approvazzjoni minn awtoritajiet kompetenti.

(3)

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu li l-qafas legali u superviżorju ta' xi pajjiż terz għar-rigward ta' amministraturi speċifiċi jew ta' parametri referenzjarji jew familji ta' parametri referenzjarji speċifiċi jkunu ekwivalenti għar-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011. Meta tkun qiegħda tevalwa tali ekwivalenza, il-Kummissjoni tqis jekk il-qafas legali u l-prassi superviżorja ta' xi pajjiż terz jkunux jiżguraw il-konformità mal-prinċipji IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew, fejn ikun applikabbli, mal-prinċipji IOSCO għall-Aġenziji ta' Rappurtar tal-Prezz taż-Żejt (“PRAs”), u li tali amministraturi speċifiċi, jew parametri referenzjarji jew familji ta' parametri referenzjarji speċifiċi jkunu suġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa f'dak il-pajjiż terz.

(4)

Parametri referenzjarji bħal ma huma l-Australian Bank Bill Swap Rate u l-S&P/ASX 200 Index jiġu amministrati fl-Awstralja u jintużaw fl-Unjoni minn għadd ta' entitajiet ta' superviżjoni. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tas-sistema regolatorja fl-Awstralja fejn jidħlu l-parametri referenzjarji.

(5)

Il-qafas leġiżlattiv għall-istabbiliment, is-superviżjoni u l-amministrazzjoni tal-parametri referenzjarji fl-Awstralja jinkludi skema ta' liċenzjar u jagħti poteri lill-Kummissjoni Awstraljana dwar it-Titoli u l-Investimenti (Australian Securities and Investments Commission - “ASIC”). Huwa jobbliga wkoll lill-amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti li jiksbu liċenzja ta' amministratur ta' parametri referenzjarji mill-ASIC. Fil-każ ta' parametri referenzjarji li ma jiġux dikjarati bħala sinifikanti mill-ASIC, il-qafas leġiżlattiv fl-Awstralja jippermetti li l-amministraturi volontarjament ipoġġu lilhom infushom taħt il-qafas regolatorju nazzjonali billi japplikaw għal liċenzja mill-ASIC skont is-sezzjoni 908BD tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet u, b'riżultat ta' dan, isiru suġġetti għar-regoli tal-ASIC għall-amministraturi u l-kontributuri.

(6)

Il-Liċenzji tal-ASIC huma suġġetti għall-kundizzjonijiet tal-liċenzja kif ukoll għal firxa ta' rekwiżiti leġiżlattivi. Rekwiżiti legalment vinkolanti għall-amministraturi huma stabbiliti fl-Att dwar il-Korporazzjonijiet tal-2001 (“l-Att dwar il-Korporazzjonijiet”), ir-Regoli tal-2018 dwar il-Parametru Referenzjarju tal-ASIC (Amministrazzjoni) u r-Regoli tal-2018 dwar il-Parametru Referenzjarju Finanzjarju tal-ASIC (Obbligu). Il-Gwida Regolatorja 268 tal-ASIC bit-titlu Licensing regime for financial benchmark administrators (“RG 268”) — tipprovdi gwida ulterjuri għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji. Il-Parti 7.5B tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet (kif emendat mill-Att ta' Emenda tal-2018 tal-Liiġijiet tat-Teżor (Miżuri 2017 Nru 5)) timplimenta l-qafas leġiżlattiv għar-regolamentazzjoni tal-parametri referenzjarji finanzjarji.

(7)

Skont it-taqsima 908AC tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, l-ASIC tista', bis-saħħa ta' strument leġiżlattiv, tiddikjara li parametru referenzjarju finanzarju jkun parametru referenzjarju sinifikanti. Ikunu biss dawk il-parametri referenzjarji li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Att li jkunu jistgħu jiġu deżinjati bħala parametri referenzjarji sinifikanti. L-ASIC trid tkun sodisfatta li: (i) il-parametru referenzjarju jkun sistematikament importanti għas-sistema finanzjarja Awstraljana; jew jekk (ii) ikun hemm riskju materjali ta' effett finanzjarju jew ta' instabbiltà sistemika fl-Awstralja jekk id-disponibbiltà jew l-integrità tal-parametru referenzjarju titħarbat; jew jekk (ii) ikun hemm xi impatt materjali fuq l-investituri bl-imnut jew bl-ingrossa fl-Awstralja jekk id-disponibbiltà jew l-integrità tal-parametru referenzjarju titħarbat.

(8)

L-ASIC iddikjarat għadd ta' parametri referenzjarji finanzjarji bħala parametri referenzjarji sinifikanti permezz tal-Istrument tal-ASIC dwar il-Korporazzjonijiet (Parametri referenzjarji sinifikanti) 2018/420. Din id-deċiżjoni hija limitata għall-amministraturi ta' dawk il-parametri referenzjarji elenkati fl-aħħar verżjoni applikabbli tal-Istrument tal-ASIC għall-Korporazzjonijiet (Parametri Referenzjarji Sinifikanti) 2018/420. Din id-deċiżjoni ma tkoprix amministraturi ta' parametri referenzjarji finanzjarji li jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/1011 skont l-Artikolu 2(2) ta' dak ir-regolament.

(9)

L-ASIC tista' tikkonċedi liċenzja lil xi amministratur ta' parametri referezjarji fir-rigward ta' xi parametru referenzjarju wieħed, jew ta' diversi. L-ASIC trid tqis il-fatturi stabbiliti fit-taqsima 908BO(2) tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet meta tkun sejra tiddeċiedi dwar jekk tikkonċedix liċenzja, timponi, tvarja jew tirrevoka kundizzjonijiet ta' liċenzja, tvarja liċenzja, jew tissospendi jew tikkanċella liċenzja. Persuna titqies bħala li tkun ikkommettiet offiża jekk hija tamministra (jew issostni li tamministra) xi parametru referenzjarju sinifikanti iżda ma jkollhiex liċenzja ta' amministratur ta' parametru referenzjarju li tispeċifika l-parametru referenzjarju.

(10)

L-ASIC adottat ir-Regoli tal-ASIC tal-2018 dwar il-Parametri Referenzjarji (Amministrazzjoni) (“ir-Regoli ta' Amministrazzjoni”) taħt it-taqsima 908CA tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet u r-Regoli tal-2018 tal-ASIC dwar il-Parametri Referenzjarji Finanzjarji (Obbligu) (ir-Regoli ta' Obbligu) skont it-taqsima 908CD tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet. Ir-Regoli ta' Amministrazzjoni jistabbilixxu rekwiżiti għal dawk li għandhom liċenzja ta' amminstratur tal-parametri referenzjarji u għal dawk li huma kontributuri, li jinkludu rekwiżiti fejn jidħlu governanza u sorveljanza, rekwiżiti dwar esternalizzazzjoni, rekwiżiti li jħarsu kontra l-kunflitti ta' interess, it-tfassil tal-parametri referenzjarji u rekwiżiti ta' metodu u rekwiżiti dwar l-input ta' data. Ir-Regoli ta' Obbligu jirregolaw il-ġenerazzjoni jew l-amministrazzjoni mandatorja ta' xi parametru referenzjarju sinifikanti jew is-sottomissjonijiet mandatorji lejn parametru referenzjarju sinifikanti.

(11)

Fit-tfassil tar-Regoli ta' Amministrazzjoni, l-ASIC qieset il-“Prinċipji għall-Parametri Finanzjarji” tal-IOSCO skont kif mitlub mit-taqsima 908CK tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet. Barra minn dan, l-ASIC qieset il-qafas legali u dak superviżorju fir-rigward ta' parametri referenzjarji f'pajjiżi terzi inkluż ir-Regolament (UE) 2016/1011, kif ukoll sistemi regolatorji oħrajn Awstraljani ta' liċenzjar finanzjarju.

(12)

Id-dikjarazzjoni ta' spjegazzjoni għar-Regoli Amministrattivi tfisser kif ir-Regoli Amministrattivi u r-Regoli ta' Obbligu tal-ASIC jirriflettu l-Prinċipji IOSCO. B'mod aktar speċifiku, ir-Regoli Amministrattivi jiddikjaraw li r-Regola 2.1.2 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar l-arranġamenti ta' governanza għall-parametri referenzjarji finanzjarji. Ir-Regola 2.1.3 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar is-sorveljanza ta' partijiet terzi li jkunu involuti fil-ġenerazzjoni jew l-amministrazzjoni ta' kull parametru referenzjarju finanzjarju speċifikat fil-liċenzja ta' amministratur ta' parametri referenzjarji finanzjarji maħruġa lil min hu liċenzjat. Ir-Regola 2.1.4 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar kunflitti ta' interess għall-amministraturi ta' parametri referenzjarji finanzarji. Ir-Regola 2.2.1 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar it-tfasil tal-parametri referenzjarji. Ir-Regola 2.2.2 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar is-suffiċjenza tad-data u s-sorveljanza interna fuq il-ġbir tad-data. Ir-Regola 2.2.3 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar il-kontenut tal-metodoloġija użata biex isiru determinazzjonijiet dwar parametri referenzjarji finanzarji. Is-Subregola 2.2.4(1) tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar bidliet għall-metodoloġija użata biex isiru determinazzjonijiet dwar parametri referenzjarji finanzarji. Ir-Regola 2.3.1 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar il-qafas ta' sorveljanza għall-amministraturi peress li tirrelata mal-ġestjoni tar-riskju, kif ukoll ma' rekwiżiti fil-qalba ta' sistemi ta' regolamentazzjoni oħra Awstraljani. Ir-Regola 2.4.1 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar l-ippjanar għat-tranżizzjoni jew it-tmiem ta' xi parametru referenzjarju liċenzjat. Ir-Regola 2.5.1 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar “Kodiċi ta' Kondotta għal min jippreżenta”. Ir-Regola 2.6.1 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar it-trasparenza ta' determinazzjonijiet ta' parametri referenzjarji.

(13)

Barra minn hekk, l-ASIC tipprovdi gwida regolatorja (RG 268) għal entitajiet soġġetti għar-Regoli Amministrattivi u r-Regoli ta' Obbligu. Hija tifisser l-interpretazzjoni tal-ASIC tal-liġi u tagħti gwida prattika dwar kif l-entitajiet jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-liġi.

(14)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li r-rekwiżiti vinkolanti għar-rigward tal-amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti kif deżinjati fl-Istrument tal-ASIC tal-Korporazzjonijiet (Parametri referenzjarji sinifikanti) 2018/420 huma ekwivalenti għall-obbligi korrispondenti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011.

(15)

L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrekjedi wkoll li r-rekwiżiti jkunu suġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa fil-pajjiż terz.

(16)

L-amministraturi tal-parametri referenzjarji li għandhom liċenzja fl-Awstralja huma suġġetti għal superviżjoni u sorveljanza kontinwi mill-ASIC. It-Taqsima 908AF tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet jipprovdi li l-ASIC tkun responsabbli mis-superviżjoni tal-parametri referenzjarji li jkollhom liċenzja. L-ASIC hija wkoll responsabbli għat-tisħiħ tal-konformità tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji mal-obbligi tagħhom skont l-Att dwar il-Korporazzjonijiet, u, f'dan ir-rigward, tagħmel evalwazzjonijiet minn żmien għal żmien tal-konformita mill-amministraturi tal-parametri referenzjarji mal-obbligi tagħhom skont il-liċenzja.

(17)

It-Taqsima 908BQ tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet u r-regola 2.8.1 tar-Regoli Amministrattivi jobbligaw lill-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jinnotifikaw lill-ASIC b'ċerti kwistjonijiet, inkluż meta d-detentur tal-liċenzja ma jkunx ikkonforma ruħu ma' xi wieħed mill-obbligi regolatorji tagħha, jew ma jkunx jista' jibqa' konformi magħhom. L-ASIC tista' tevalwa l-konformità tad-detenturi tal-liċenzja mal-Att dwar il-Korporazzjonijiet u mar-Regoli ta' Amministrazzjoni, skont it-taqsimiet 908BR u 908BS tal-Att dwar il-Korporazjonijiet u r-regoli 2.8.2 u 2.8.3 tar-Regoli Amministrattivi. L-ASIC tista' wkoll titlob rapport dwar kull materja skont it-Taqsima 908BV tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, u titlob li jsir awditu dwar ir-rapport tad-detentur tal-liċenzja dwar dawn il-kwistjonijiet. It-Taqsima 908BW tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet tagħti s-setgħa lill-ASIC li tipproduċi rapporti ta' evalwazzjoni, li tikkondividi dawk ir-rapporti ma' ċerti aġenziji tal-Gvern Awstraljan meta jkun hemm bżonn, u li tippubblika tali rapporti.

(18)

F'każ li xi amministratur tal-parametri referenzjarji ma jikkonformax ruħu mal-obbligi regolatorji tagħhom, skont it-taqsima 908BT tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, l-ASIC tista' tippreżenta direzzjoni bil-miktub lid-detentur tal-liċenzja biex jieħu azzjonijiet speċifiċi li l-ASIC tkun temmen li jiżguraw il-konformità ma' dawk l-obbligi tad-detentur tal-liċenzja Jekk id-detentur tal-liċenzja ma jikkonformax ruħu ma' dik id-direzzjoni bil-miktub, l-ASIC tista' ttella' l-każ quddiem il-qorti, li tista' mbagħad tordna li d-detentur tal-liċenzja jikkonforma ruħu mal-gwida tal-ASIC. Skont it-taqsimiet 908CH u 908CI tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, l-ASIC tista' toħroġ avviżi ta' infurzar jew taċċetta impenji minn amministraturi li jkunu naqsu milli jikkonformaw ruħhom mal-obbligi regolatorji tagħhom. It-Taqsima 908CG tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet tipprovdi qafas li bih amministratur li jkun allegatament ma kkonformax ruħu mar-Regoli Amministrattivi jista', bħala alternattiva għall-proċedimenti ċivili, iħallas multa, jagħmel jew jibda miżuri ta' rimedju (inkluż programmi edukattivi), jew jaċċetta sanzjonijiet li ma jkunux il-ħlas ta' penali. L-ASIC tista' wkoll tissospendi jew tħassar liċenzja f'ċerti ċirkostanzi skont it-taqsimiet 908BI u 908BJ tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet.

(19)

Ir-Regoli ta' Obbligu jippermettu lill-ASIC, jekk hija tqis li dan ikun fl-interess pubbliku, li tobbliga lid-detentur ta' liċenzja li jkompli jiġġenera jew jamministra xi parametru referenzjarju sinifikanti, jew li jiġġenera jew jamministra parametru referenzjarju b'ċerta manjiera, inkluż billi jbiddel il-mod użat għall-ġenerazzjoni jew l-amministrazzoni ta' xi parametru referenzjarju sinifikanti. Ir-Regoli ta' Obbligu jippermettu wkoll lill-ASIC li tobbliga lil xi kontributur biex jikkontribwixxu data jew informazzjoni lil xi detentur tal-liċenzja għall-ġenerazzjoni jew l-amministrazzjoni ta' xi parametru referenzjarju, jew lill-ASIC għal skopijiet marbuta mal-ġenerazzjoni jew l-amministrazzjoni ta' xi parametru referenzjarju sinifikanti.

(20)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li r-rekwiżiti vinkolanti għar-rigward tal-amministraturi ta' kwalunkwe parametru referenzjarji li jiġi ddikjarat bħala parametru referenzjarju sinifikanti bl-Istrument tal-ASIC għall-Korporazzjonijiet (Parametri Referenzjarji Sinifikanti) 2018/420 huma suġġetti għal superviżjoni u infurżar effettivi fuq bażi kontinwa.

(21)

L-amministraturi tal-UE tal-parametri referenzjarji ma għandhomx bżonn jiksbu liċenzja għall-parametri referenzjarji tagħhom għall-użu fl-Awstralja, sakemm xi parametru referenzjarju ma jkollux id-deżinjazzjoni ta' parametru referenzjarju sinifikanti mill-ASIC, jew metaxi amministratur ta' parametru referenzjarju b'mod voluntarju jitlob li jingħata liċenzja fl-Awstralja. L-ASIC infurmat lill-Kummissjoni li hija ma għandha l-ebda intenzjoni li tagħti deżinjazzjoni bħala “sinifikanti” lil xi parametri referenzjari tal-UE.

(22)

Din id-Deċiżjoni se tiġi kkumplimentata minn arranġamenti ta' kooperazzjoni sabiex jiġi żgurat l-iskambju effettiv tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet ta' superviżjoni bejn l-ESMA u l-ASIC.

(23)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-valutazzjoni tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli marbuta mal-parametri referenzjarji fl-Awstrajla fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja, fuq bażi regolari, l-iżviluppi tas-suq, l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju tal-parametri referenzjarji u l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja f'rabta mal-monitoraġġ u l-infurzar ta' dawk ir-rekwiżiti sabiex jiġi żgurat it-twettiq kontinwu tar-rekwiżiti li fuq il-bażi tagħhom ġiet adottata din id-Deċiżjoni.

(24)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għas-setgħa tal-Kummissjoni li tagħmel evalwazzjoni speċifika f'kull żmien li jidhrilha, meta minħabba xi żviluppi relevanti jkun neċessarju li l-Kummissjoni tagħmel rieżami ta' din id-Deċiżjoni.

(25)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja li japplika għall-amministraturi ta' parametri referenzjarji finanzjarji li jiġu ddikjarati parametri referenzjarji sinifikanti permezz tal-Istrument tal-ASIC għall-Korporazzjonijiet (Parametri Referenzjarji Sinifikanti) 2018/420, kif determinat fl-aktar verżjoni reċenti applikabbli tiegħu, għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/1011 u li huma suġġetti għal supervizjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/13


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1275

tad-29 ta' Lulju 2019

dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-parametri referenzjarji f'Singapore f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jintroduċi qafas komuni biex tiġi żgurata l-preċiżjoni u l-integrità tal-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji, jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment fl-Unjoni.

(2)

Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2018 u l-amministraturi mhux tal-Unjoni jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju li jippermetti l-użu ta' parametri referenzjarji ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni. Wara l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju, parametru referenzjarju jew taħlita ta' parametri referenzjarji pprovduti minn amministratur li jinsab f'pajjiż terz jistgħu jintużaw fl-Unjoni biss jekk il-parametru referenzjarju u l-amministratur ikunu inklużi fir-reġistru miżmum mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA” - European Securities and Markets Authority) wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni dwar l-ekwivalenza mill-Kummissjoni, jew rikonoxximent jew approvazzjoni minn awtoritajiet kompetenti.

(3)

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li jiddikjaraw li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz fir-rigward ta' amministraturi speċifiċi jew parametri referenzjarji speċifiċi jew familji ta' parametri referenzjarji huma ekwivalenti għar-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011. Meta tiġi vvalutata ekwivalenza bħal din, il-Kummissjoni tikkunsidra jekk il-qafas legali u l-prattika superviżorja ta' pajjiż terz jiżgurawx il-konformità mal-Prinċipji IOSCO għall-Parametri Referenzjarji Finanzjarji jew, fejn applikabbli, mal-Prinċipji IOSCO għal Aġenziji tar-Rappurtar tal-Prezzijiet taż-Żejt (“PRAs” - Price Reporting Agencies), u li tali amministraturi speċifiċi jew parametri referenzjarji speċifiċi jew familji ta' parametri referenzjarji jkunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa f'dak il-pajjiż terz.

(4)

Il-parametri referenzjarji bħas-Singapore Interbank Offered Rates (SIBOR) u s-Singapore Dollar Swap Offer Rate (SOR) huma amministrati f'Singapore u użati fl-Unjoni minn għadd ta' entitajiet sorveljati. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tar-reġim tal-parametru referenzjarju f'Singapore.

(5)

L-Att dwar it-Titoli u l-Futuri (“SFA” - Securities and Futures Act) u r-Regolamenti dwar it-Titoli u l-Futuri (Parametri Referenzjarji Finanzjarji) tal-2018 (ir-“Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji”) jistabbilixxu l-qafas legali u superviżorju f'Singapore għal amministraturi ta' parametri referenzjarji deżinjati u għal kontributuri ta' dawk il-parametri referenzjarji. Meta kienet qed tiżviluppa r-rekwiżiti skont l-SFA u r-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji, l-Awtorità Monetarja ta' Singapore (“MAS” - Monetary Authority of Singapore) ikkunsidrat ir-reġimi ta' parametri referenzjarji f'reġimi barranin, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/1011.

(6)

Il-Parti VIAA tal-SFA tintroduċi reġim regolatorju fejn l-amministraturi tal-parametri referenzjarji kollha u l-kontributuri fir-rigward ta' parametru referenzjarju deżinjat iridu jiksbu awtorizzazzjoni mill-MAS bħala Amministratur ta' Parametru Referenzjarju Awtorizzat (“ABA” - Authorised Benchmark Administrator) jew Sottomittent ta' Parametru Referenzjarju Awtorizzat (“ABS” - Authorised Benchmark Submitter). Hemm obbligi speċifiċi għall-ABA u l-ABS, u għar-rekwiżiti applikabbli għall-amministrazzjoni u għas-sottomissjoni obbligatorji ta' parametru referenzjarju deżinjat. Barra minn hekk, l-SFA jikkonferixxi setgħat ta' regolamentazzjoni lill-MAS. Ir-regoli kif implimentati mill-MAS huma legalment vinkolanti.

(7)

It-taqsima 2 tal-SFA tiddefinixxi parametru referenzjarju finanzjarju bħala kwalunkwe prezz, rata, indiċi jew valur li huwa (i) iddeterminat perjodikament bl-applikazzjoni (kemm jekk diretta jew indiretta) ta' formula jew kwalunkwe metodu ieħor ta' kalkolu għal informazzjoni jew espressjonijiet ta' opinjoni li jikkonċernaw tranżazzjonijiet fis-suq jew l-istat tas-suq, fir-rigward ta' element sottostanti wieħed jew aktar; (ii) magħmul disponibbli lill-pubbliku (kemm jekk mingħajr ħlas kif ukoll jekk bi ħlas); u (iii) użat għal referenza biex jiġi ddeterminat l-imgħax pagabbli jew somom oħra dovuti fuq depożiti jew faċilitajiet ta' kreditu; biex jiġi ddeterminat il-prezz jew il-valur ta' kwalunkwe prodott ta' investiment; jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta' kwalunkwe prodott offrut minn persuna preskritta mir-regolamenti.

(8)

Skont it-taqsima 123B tal-SFA, l-MAS tista' tagħżel, b'Ordni fil-Gazzetta tal-Gvern, parametru referenzjarju finanzjarju bħala parametru deżinjat. L-MAS tista' tagħmel dan jekk tkun sodisfatta li (i) il-parametru referenzjarju finanzjarju għandu importanza sistemika fis-sistema finanzjarja ta' Singapore, (ii) tħarbit fid-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju finanzjarju jista' jaffettwa l-fiduċja tal-pubbliku fil-parametru referenzjarju jew fis-sistema finanzjarja ta' Singapore, (iii) id-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju finanzjarju tista' tkun suxxettibbli għal manipulazzjoni jew (iv) ikun fl-interessi tal-pubbliku li dan isir.

(9)

L-MAS fasslet parametri referenzjarji finanzjarji permezz ta' Digriet tal-2018 dwar it-Titoli u l-Futuri (Securities and Futures Order) (Parametri Finanzjarji Deżinjati) maħruġ skont it-taqsima 123B tal-SFA. Din id-deċiżjoni hija limitata għall-amministraturi ta' dawk il-parametri referenzjarji elenkati fl-aħħar verżjoni applikabbli tad-Digriet dwar it-Titoli u l-Futuri (Parametri Referenzjarji Deżinjati). Din id-deċiżjoni ma tkoprix amministraturi ta' parametri referenzjarji finanzjarji li jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011 skont l-Artikolu 2(2) ta' dan ir-regolament.

(10)

Skont l-SFA (b'mod partikolari t-taqsimiet 123D u 123ZC), kemm l-amministraturi kif ukoll is-sottomittenti ta' parametri referenzjarji maħtura jeħtieġ li jiġu awtorizzati, sakemm mhux eżentati mod ieħor. L-MAS tista' tikkunsidra l-fatturi stabbiliti fit-taqsimiet 123F(5), 123F(6), 123F(8), 123J(1), 123J(6) tal-SFA, u r-regolament 4(1) tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji meta tiddeċiedi jekk tagħtix awtorizzazzjoni jew tissospendix jew tirrevokax awtorizzazzjoni fir-rigward ta' ABA. L-MAS tista' timponi wkoll, tvarja jew tirrevoka kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq ABA taħt it-taqsimiet 123F(2) u 123F(3) tal-SFA. Persuna twettaq reat jekk din tamministra jew tippreżenta lilha nnifisha bħala amministratur ta' parametru referenzjarju deżinjat mingħajr ma tikseb awtorizzazzjoni, sakemm ma tkunx eżentata minn tali rekwiżit.

(11)

Skont it-taqsima 123O tal-SFA, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jridu joħorġu kodiċi fir-rigward ta' kull parametru referenzjarju deżinjat, li jistabbilixxi l-istandards li għandhom jinżammu minn kull sottomittent tal-parametru referenzjarju deżinjat. Dan jesiġi wkoll it-twaqqif ta' kumitat ta' sorveljanza skont ir-regolament 8 tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji, li għandu jwettaq rieżamijiet perjodiċi fuq il-kamp ta' applikazzjoni, id-disinn u l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju deżinjat u l-arranġamenti biex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni ta' parametru referenzjarju deżinjat.

(12)

It-taqsimiet 123J(4) u 123ZZB tal-SFA jippermettu lill-MAS iġġiegħel lil ABA jkompli jamministra parametru referenzjarju deżinjat. It-taqsimiet 123F(2) u 123F(3) tal-SFA jippermettu lill-MAS timponi kundizzjonijiet fuq l-ABA rigward il-proċess tad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju maħtur. It-taqsimiet 123ZI(1) u 123ZJ(1) tal-SFA jippermettu lill-MAS tobbliga lil kwalunkwe persuna tkun sottomittent ta' parametru referenzjarju deżinjat billi tiddeżinja lill-persuna bħala sottomittent ta' parametru referenzjarju deżinjat (“DBS” - designated benchmark submitter). L-MAS trid tikkunsidra l-fatturi stabbiliti fit-taqsimiet 123ZI(2) u 123ZI(3) tal-SFA meta tiddeċiedi jekk tiddeżinjax persuna bħala DBS jew tirtirax tali deżinjazzjoni. DBS hija soġġetta għall-istess obbligi kontinwi bħal ABS.

(13)

Il-Parti VIAA tal-SFA u r-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji ġeneralment jirriflettu l-Prinċipji tal-IOSCO għal Parametri Referenzjarji Finanzjarji. Amministratur huwa primarjament responsabbli mill-aspetti kollha tal-amministrazzjoni ta' parametru referenzjarju deżinjat, u soġġett għal rekwiżiti regolatorji skont l-SFA u r-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji. Meta amministratur jesternalizza kwalunkwe funzjoni lil pajjiż terz, huwa meħtieġ ikun konformi mal-Linji Gwida dwar l-Esternalizzazzjoni maħruġa mill-MAS. Dan kollu jirrifletti l-Prinċipji tal-IOSCO dwar ir-Responsabbiltà Ġenerali tal-Amministratur u Sorveljanza tal-Partijiet Terzi.

(14)

It-taqsima 123 A tal-SFA tiddikjara li l-objettivi tar-reġim regolatorju huma li tiġi promossa determinazzjoni ġusta u trasparenti ta' parametri referenzjarji finanzjarji u li jitnaqqsu r-riskji sistemiċi. Skont dan, it-taqsima 123P tal-SFA tesiġi l-manteniment tal-arranġamenti ta' governanza li huma xierqa sabiex il-parametru referenzjarju deżinjat jiġi ddeterminat b'mod ġust u effiċjenti li jirrifletti l-Prinċipju ġenerali dwar l-evitar ta' Kunflitti ta' Interess għall-Amministraturi. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi żgurat li s-sistemi u l-kontrolli li jikkonċernaw it-twettiq tal-attività ta' amministrazzjoni ta' parametru referenzjarju deżinjat ikunu adegwati u xierqa għall-iskala u n-natura tal-operazzjonijiet tiegħu, u jirriflettu l-Prinċipju tal-IOSCO dwar il-Qafas ta' Kontroll għall-Amministraturi.

(15)

Peress li l-SFA jesiġi wkoll kodiċi fir-rigward ta' kull parametru referenzjarju deżinjat, li għalih l-amministratur irid jikseb l-approvazzjoni bil-miktub tal-MAS, u t-twaqqif ta' kumitat ta' sorveljanza li jrid iwettaq rieżamijiet perjodiċi tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-adegwatezza tad-definizzjonijiet, tad-disinn u tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju deżinjat, huma riflessi wkoll il-Prinċipji dwar it-Trasparenza, il-Metodoloġija, dwar is-Sorveljanza Interna u dwar ir-Rieżami Perjodiku u dwar il-Kodiċi ta' Kondotta għas-Sottomittenti.

(16)

Meta jitqies il-Prinċipju tal-IOSCO dwar it-Tranżizzjoni, it-taqsima 123J tippermetti lill-MAS tirrifjuta li tirtira l-awtorizzazzjoni ta' ABA jekk dan ma jkunx fl-interess pubbliku. It-taqsima 123S tal-SFA, flimkien mar-regolament 13 tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji u l-Avviż dwar is-Sottomissjoni tar-Rapporti Perjodiċi għall-Amministraturi ta' Parametri Referenzjarji, jikkorrispondu mal-Prinċipju IOSCO dwar il-Verifiki. It-taqsima 123R tal-SFA u r-regolament 12 tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji fir-rigward tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji u t-taqsima 123ZN(1) tal-SFA u r-regolament 20 tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji fir-rigward ta' sottomittenti ta' parametri referenzjarji jikkorrispondu mal-Prinċipju IOSCO dwar ir-Rendikont tal-Entrati. It-taqsimiet 123 V u 123ZR tal-SFA jikkorrispondu mal-Prinċipju tal-IOSCO dwar il-Kooperazzjoni mal-Awtoritajiet Regolatorji.

(17)

Jista' jiġi konkluż, għalhekk, li r-rekwiżiti vinkolanti fir-rigward tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji finanzjarji deżinjati bħala “parametri finanzjarji deżinjati” taħt id-Digriet dwar it-Titoli u l-Futuri (Parametri Referenzjarji Deżinjati) huma ekwivalenti għar-rekwiżiti korrispondenti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011.

(18)

L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011 jesiġi wkoll li r-rekwiżiti vinkolanti għandhom jiġu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa fil-pajjiż terz.

(19)

L-amministraturi u s-sottomittenti regolati huma soġġetti għal superviżjoni u sorveljanza kontinwa mill-MAS f'Singapore. L-MAS hija responsabbli għall-infurzar tal-konformità tal-amministraturi u tas-sottomittenti regolati mal-obbligi tagħhom skont l-SFA u r-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji, u f'dan ir-rigward, hija twettaq valutazzjonijiet perjodiċi tal-konformità mill-amministraturi u mis-sottomittenti regolati. Fil-valutazzjoni tagħha, l-MAS tista' tikkunsidra u tirrapporta kwalunkwe informazzjoni li hija tqis xierqa. It-taqsimiet 123O sa 123 V tal-SFA jiddeskrivu l-obbligi ġenerali u t-taqsimiet 123F(4) u 123K(6) tal-SFA jipprovdu li l-amministraturi jridu jikkonformaw ma' kwalunkwe kundizzjoni marbuta mal-awtorizzazzjoni jew l-eżenzjoni tagħhom. It-taqsimiet 123ZZA u 123ZZB tal-SFA jippermettu lil MAS tagħmel regolamenti u direzzjonijiet ulterjuri li l-amministraturi huma meħtieġa jikkonformaw magħhom.

(20)

It-taqsimiet 123Q(1) u 123S tal-SFA u r-regolamenti 11, 13(1) u 13(2) tar-Regolamenti SFA dwar il-Parametri Referenzjarji jeħtieġu li l-amministraturi jinnotifikaw lill-MAS dwar ċerti kwistjonijiet, inkluż fejn l-amministratur ikun naqas milli jikkonforma ma' xi wieħed mill-obbligi regolatorji tagħha. L-MAS għandha s-setgħat ta' ġbir ta' informazzjoni biex tippermettilha tivvaluta l-konformità tal-liċenzjati mal-SFA.

(21)

It-taqsima 123ZZB tal-SFA tagħti s-setgħa lill-MAS tagħti struzzjonijiet lill-amministraturi, pereżempju li l-amministratur jiġi istruwit jagħti rapport lill-MAS dwar kwalunkwe kwistjoni speċifika, inkluża dikjarazzjoni tal-awditjar dwar ir-rapport ta' dawk il-kwistjonijiet. It-taqsimiet 150 u 150 A tal-SFA jagħtu s-setgħa lill-MAS tispezzjona amministratur u tikkondividi r-rapport ma' regolaturi barranin, fejn xieraq.

(22)

Jekk amministratur tal-parametri referenzjarji jonqos milli jikkonforma mal-obbligi regolatorji tiegħu, l-MAS tista' toħroġ direzzjonijiet taħt it-taqsima 123ZZB tal-SFA sabiex twettaq miżuri speċifiċi biex tirrettifika l-kwistjoni. L-MAS tista' tammonixxi amministratur skont it-taqsima 334 tal-SFA u/jew timponi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq in-negozju jew l-attività tal-amministratur tal-parametru referenzjarju skont it-taqsimiet 123F(3) u 123K(4) tal-SFA. L-MAS tista' wkoll tissospendi jew tirrevoka awtorizzazzjoni jew eżenzjoni f'ċerti ċirkostanzi [ara t-taqsimiet 123J(1), 123J(2), 123J(6), 123N(1) u 123N(3)]. Barra minn hekk, l-MAS tista' toħroġ projbizzjoni kontra amministratur skont it-taqsima 123ZZC(1) tal-SFA. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti skont l-SFA huwa reat. L-SFA jipprevedi penali għal kontravenzjonijiet tar-rekwiżiti.

(23)

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4(n) tal-Formola 7 maħruġa taħt it-taqsima 123E(2) tal-SFA “Applikazzjoni għal Awtorizzazzjoni bħala Amministratur Awtorizzat tal-Parametri Referenzjarji” tesiġi konformità mal-Prinċipji tal-IOSCO bħala wieħed mill-kriterji biex wieħed ikun Amministratur Awtorizzat tal-Parametri Referenzjarji. L-MAS tagħmel rieżami tal-politiki u tal-proċeduri, kif ukoll tal-qafas u tal-kontroll ta' amministratur tal-parametru referenzjarju bħala parti mill-proċess ta' rieżami ta' talba ta' awtorizzazzjoni jew eżenzjoni minn amministratur ta' parametru referenzjarju. It-taqsima 123P(1)(a) tal-SFA tesiġi wkoll li amministratur ta' parametru referenzjarju deżinjat jiġġestixxi kwalunkwe riskju assoċjat man-negozju u mal-operazzjonijiet tiegħu b'mod prudenti.

(24)

Il-Kummissjoni, għalhekk, tikkonkludi, li r-rekwiżiti vinkolanti fir-rigward tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji finanzjarji deżinjati bħala “parametri referenzjarji deżinjati” taħt id-Digriet dwar it-Titoli u l-Futuri (Parametri Referenzjarji Deżinjati) huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar fuq bażi kontinwa.

(25)

L-amministraturi tal-parametri referenzjarji tal-UE ma hemmx bżonn li jiksbu liċenzja għall-parametri referenzjarji tagħhom li se jintużaw f'Singapore, sakemm parametru referenzjarju ma jkunx deżinjat bħala parametru referenzjarju deżinjat mill-MAS. L-MAS informat lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tagħha li l-ebda wieħed mill-parametri referenzjarji tal-UE ma jissodisfa l-kriterji biex ikun parametru referenzjarju deżinjat f'Singapore.

(26)

Din id-Deċiżjoni se tkun ikkomplementata minn arranġamenti ta' kooperazzjoni biex jiġu żgurati l-iskambju effettiv ta' informazzjoni u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet superviżorji bejn l-ESMA u l-MAS.

(27)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-valutazzjoni tar-rekwiżiti legalment vinkolanti relatati mal-parametri referenzjarji f'Singapore fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja, fuq bażi regolari, l-iżviluppi tas-suq, l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju għall-parametri referenzjarji u l-effikaċja tal-kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-monitoraġġ u l-infurzar ta' dawk ir-rekwiżiti biex tiżgura s-sodisfazzjon kontinwu tar-rekwiżiti li abbażi tagħhom ġiet adottata din id-Deċiżjoni.

(28)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn żviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid din id-Deċiżjoni.

(29)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-qafas legali u superviżorju ta' Singapore li japplika għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji finanzjarji deżinjati bħala parametri referenzjarji deżinjati permezz tad-Digriet tal-2018 dwar it-Titoli u l-Futuri (Parametri Referenzjarji Deżinjati), kif iddeterminat fl-aħħar verżjoni applikabbli tiegħu, għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/1011 u għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1276

tad-29 ta' Lulju 2019

li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/627/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, fejn tiddikjara li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz. Biex jitqies ekwivalenti l-qafas superviżorju u legali għandu jissodisfa mill-inqas l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(2)

Fil-5 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/627/UE (2), filwaqt li tosserva dawn it-tliet kundizzjonijiet u tqis il-qafas superviżorju legali Awstraljan għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(3)

Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja xorta waħda jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju aktar strett għal dawk is-CRAs. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli dwar il-prospetti ta' gradazzjoni, il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, ir-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, il-kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet ta' kreditu.

(4)

Skont il-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(5)

Fid-dawl ta' dan, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja, fost oħrajn, b'dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(6)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fit-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA kkonkludiet li l-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja ma jinkludix dispożizzjonijiet suffiċjenti, li jistgħu jilħqu l-għanijiet tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(7)

L-Artikolu 3(1)w jintroduċi definizzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 issa jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għall-prospettivi tal-gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja ma jirrikonoxxix b'mod espliċitu l-prospetti ta' gradazzjoni, iżda l-Kummissjoni Awstraljana tat-Titoli u l-Investiment tqis li l-prospetti ta' gradazzjoni jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' “konsulenza dwar prodotti finanzjarji” u għalhekk soġġetti għall-istess rekwiżiti bħall-gradazzjonijiet tal-kreditu.

(8)

Bil-ħsieb li jsaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet ggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fi ħdan is-CRA. Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jeħtieġ li CRA jkollha fis-seħħ arranġamenti adegwati għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess li jinqalgħu matul in-negozju tagħhom. Madankollu, ma jindirizzax espliċitament il-kunflitti ta' interess li relatati mal-azzjonisti. Konsegwentement, ma hemm l-ebda rekwiżit simili li jipprojbixxi CRA milli toħroġ gradazzjoni tal-kreditu fuq entità, li jkollha aktar minn 10 % tal-ishma tagħha jew milli tipprovdi servizzi ta' konsulenza lil entità, li jkollha aktar minn 5 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10 (2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatata magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar il-passi li s-CRAs għandhom jieħdu biex jipproteġu informazzjoni kunfidenzjali fil-pussess tagħhom li għandha x'taqsam mal-emittenti. Għaldaqstant hemm qafas kredibbli fis-seħħ li jipproteġi kontra l-użu ħażin ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, Taqsima D, Sottotaqsima I paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jintroduċi obbligu biex is-CRAs jipprovdu lill-entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja ma għandux rekwiżit espliċitu għal CRA biex tinforma entità gradata dwar gradazzjoni tal-kreditu qabel il-pubblikazzjoni tagħha. Minflok, skont il-qafas legali u superviżorju Awstraljan, CRA għandha tinnotifika entità gradata biss meta jkun “fattibbli u xieraq” mingħajr ma tippreskrivi ħin minimu biex twieġeb.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8 (5a), (6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jirrikjedi li jiġu infurmati l-entitajiet iggradati affettwati minn kwalunkwe bidla fil-metodoloġija. Madankollu, ma hemm l-ebda rekwiżit li s-CRAs jikkonsultaw mal-parteċipanti fis-suq qabel ma jagħmlu bidla materjali f'metodoloġija, li jinnotifikaw lis-superviżur, jew li jiddivulgaw fuq is-sit web tas-CRA dwar kwalunkwe żball identifikat f'metodoloġija tal-gradazzjoni.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I il-paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja d-divulgazzjoni ta' metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem faċilment, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezza dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Skont il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja, għalkemm is-CRAs huma meħtieġa jiddivulgaw jekk gradazzjoni ta' kreditu kinitx mitluba u jekk l-entità gradata pparteċipatx u biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar kwalunkwe limitazzjonijiet, ma hemm l-ebda rekwiżit li tiġi pprovduta tali gwida lill-pubbliku dwar il-metodoloġija wara gradazzjoni tal-kreditu.

(13)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat l-ambitu għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi lis-CRAs jiddivulgaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jeħtieġ li s-CRAs jiddivulgaw informazzjoni dwar il-flussi tad-dħul lill-pubbliku u ċerta informazzjoni lis-superviżur permezz ta' rapport annwali, bl-eċċezzjoni ta' CRAs żgħar. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda rekwiżit biex is-CRAs jiddivulgaw il-gradazzjonijiet preliminari pubbliċi u biex jirrappurtaw lis-superviżur l-iskedi tagħhom tat-tariffi jew it-tariffi imposti fuq il-klijenti. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda rekwiżit li t-tariffi imposti fuq il-klijenti għandhom ikunu bbażati fuq il-kostijiet u nondiskriminatorji.

(14)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja għas-CRAs ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għall-ekwivalenza stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Għaldaqstant, ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/627/UE titħassar.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/627/UE titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/627/UE tal-5 ta' Ottubru 2012 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 274, 9.10.2012, p. 30).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/20


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1277

tad-29 ta' Lulju 2019

li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/630/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Kanada bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, u jiddikjara li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz. Sabiex il-qafas superviżorju u legali jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(2)

Fil-5 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/630/UE (2), filwaqt li osservat dawn it-tliet kundizzjonijiet u tqis il-qafas superviżorju legali Kanadiż għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(3)

Il-qafas legali u superviżorju Kanadiż għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għas-CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(4)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(5)

Fis-6 ta' Lulju 2017, l-Awtorità Superviżorja Kanadiża ppubblikat “Avviż b'emendi proposti għall-Istrument Nazzjonali 25-101 dwar l-Organizzazzjonijiet ta' Klassifikazzjoni Deżinjati”, li fih iddikjarat li dawk l-emendi kienu meħtieġa sabiex jirriflettu rekwiżiti ġodda għas-CRAs fl-UE sabiex l-Unjoni tkun tista' tkompli tirrikonoxxi r-reġim regolatorju Kanadiż bħala ekwivalenti għal skopijiet regolatorji fl-Unjoni.

(6)

Fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Kanada, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(7)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fit-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA indikat li l-qafas legali u superviżorju tal-Kanada fir-rigward tas-CRAs ikun jinkludi dispożizzjonijiet suffiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 f'każ li l-bidla fir-regoli proposta tidħol fil-liġi qabel l-1 ta' Ġunju 2018.

(8)

Fid-29 ta' Marzu 2018, l-Awtorità Kanadiża ta' Sorveljanza ppubblikat fuq is-sit web tagħha li għadha qed tikkunsidra l-kummenti li rċeviet matul il-perjodu għall-kummenti u qed tippjana li tittardja l-emendi għal NI 25-101 sa data aktar tard fl-2018. Madankollu, l-Awtorità Superviżorja Kanadiża infurmat lis-servizzi tal-Kummissjoni li l-pjanijiet biex jiġi emendat l-Istrument Nazzjonali 25-101 dwar l-Organizzazzjonijiet tal-Klassifikazzjoni Deżinjati huma attwalment sospiżi. Konsegwentement, il-valutazzjoni li fuqha hija bbażata din id-deċiżjoni ma tikkunsidra ebda emenda antiċipata.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni fl-Artikolu 3(1)w u issa r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għall-prospetti tal-gradazzjoni. Il-qafas Kanadiż ma jirrikonoxxix prospetti ta' gradazzjoni bħala oġġett separat u distint minn gradazzjoni ta' kreditu, għalkemm hemm ċerti referenzi għal azzjonijiet, opinjonijiet u rapporti li huma wiesgħa biżżejjed biex jinkludu prospetti ta' gradazzjonijiet fuq bażi impliċita.

(10)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet ggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Il-qafas Kanadiż mhuwiex iddettaljat jew preskritti daqs ir-reġim tal-Unjoni. Minkejja li hemm rekwiżit ġeneriku biex jitfasslu mekkaniżmi interni raġonevoli li l-adegwatezza u l-effikaċja tagħhom ikunu mmonitorjati u evalwati biex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas, ma hemmx rekwiżit dettaljat u espliċitu biex jiġu indirizzati l-kunflitti ta' interess relatati ma' azzjonisti sinifikanti. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda projbizzjoni milli toħroġ gradazzjoni tal-kreditu fuq entità jekk membru tal-bord tas-CRA jew azzjonist li jkollu aktar minn 10 % tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot tas-CRA jkollu aktar minn 10 % tal-ishma fl-entità gradata. Ma hemm anqas l-ebda projbizzjoni fuq individwu jew entità li jkollha aktar minn 5 % tal-ishma jew id-drittijiet tal-vot ta' CRA milli tipprovdi servizzi ta' konsulenza jew ta' konsulenza lil entità gradata ta' dik is-CRA.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10 (2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatata magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Kanada fih definizzjoni ta' informazzjoni privileġġata, iżda l-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-informazzjoni marbuta magħhom mhumiex awtomatikament rikonoxxuti bħala tali.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, Taqsima D, Sottotaqsima I paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jintroduċi obbligu biex is-CRAs jipprovdu lill-entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Kanada fih rekwiżit għal CRA biex tinforma entità gradata, mingħajr ma tispeċifika jekk hux matul is-sigħat ta' negozju tagħha, fir-rigward tal-informazzjoni kritika u l-kunsiderazzjonijiet prinċipali li fuqhom se tkun ibbażata l-gradazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tagħha għalkemm ma ġie stabbilit l-ebda qafas ta' żmien li fih l-entità gradata tkun tista' tirreaġixxi.

(13)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8 (5a), (6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Minkejja li l-qafas legali u superviżorju tal-Kanada jirrikjedi li l-gradazzjonijiet tal-kreditu jinħarġu skont metodoloġiji li huma rigorużi, sistematiċi, kontinwi u soġġetti għall-validazzjoni, ma hemm l-ebda rekwiżit espliċitu li l-bidliet fil-gradazzjoni tal-kreditu jinħarġu skont il-metodoloġiji ppubblikati. Ma hemm l-ebda obbligu għas-CRAs biex jikkonsultaw lill-parteċipanti tas-suq dwar bidliet fil-metodoloġiji tagħhom jew biex jikkoreġu żbalji fihom. Anqas ma hemm rekwiżit espliċitu biex is-superviżur, awtoritajiet oħra jew entitajiet affettwati jiġu nnotifikati bi kwalunkwe żball għal metodoloġija li jista' jkollha impatt fuq il-gradazzjonijiet tagħha.

(14)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I il-paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja d-divulgazzjoni ta' metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem faċilment, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezza dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Skont il-qafas legali u superviżorju tal-Kanada, ma hemm l-ebda rekwiżit strett biex tiġi żgurata gwida adegwata li takkumpanja azzjoni u metodoloġija tal-gradazzjoni tal-kreditu. Anqas ma hemm rekwiżit espliċitu biex CRA tenfasizza fil-gradazzjoni tal-kreditu li l-gradazzjoni hija l-opinjoni tal-aġenzija u wieħed għandu jiddependi fuqha sa ċertu punt biss.

(15)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat l-ambitu għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi lis-CRAs jiddivulgaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Il-qafas legali u superviżorju tal-Kanada ma fih l-ebda rekwiżiti sistematiċi għas-CRAs biex jipprovdu politiki ta' pprezzar jew lis-superviżur jew lill-entitajiet iggradati, minkejja li s-superviżur jista' jitlob din l-informazzjoni f'każ ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda rekwiżit li t-tariffi imposti fuq il-klijenti għandhom ikunu bbażati fuq il-kostijiet u nondiskriminatorji.

(16)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju tal-Kanada għas-CRAs ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għall-ekwivalenza stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Għaldaqstant, ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(17)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/630/UE titħassar.

(18)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/630/UE titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/630/UE tal-5 ta' Ottubru 2012 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Kanada bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 278, 12.10.2012, p. 17).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/23


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1278

tad-29 ta' Lulju 2019

li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/248/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, u jiddikjara li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz. Sabiex il-qafas superviżorju u legali jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(2)

Fit-28 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/248/UE (2), filwaqt li osservat dawn it-tliet kundizzjonijiet u tqis il-qafas superviżorju legali ta' Singapor għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(3)

Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għal CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(4)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(5)

F'dan id-dawl, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(6)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fis-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA indikat li l-qafas legali u superviżorju ta' Singapor ma jinkludix dispożizzjonijiet suffiċjenti, li jistgħu jilħqu l-għanijiet tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(7)

Fl-Artikolu 3(1)w tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni u jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu lill-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor ma jirrikonoxxix il-prospetti ta' gradazzjoni.

(8)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor mhuwiex iddettaljat jew preskrittiv daqs ir-reġim tal-Unjoni. Hemm rekwiżit li jiġu stabbiliti funzjoni ta' kontroll intern u proċeduri interni għall-identifikazzjoni, il-mitigazzjoni u l-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess. Madankollu, ma hemm l-ebda rekwiżit espliċitu biex jiġu indirizzati l-kunflitti ta' interess li għandhom x'jaqsmu mal-azzjonisti. Konsegwentement, ma hemm l-ebda projbizzjoni milli toħroġ gradazzjoni tal-kreditu fuq entità jekk membru tal-bord tas-CRA, jew azzjonist li jkollu aktar minn 10 % tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot tas-CRA, ikollu aktar minn 10 % tal-ishma fl-entità gradata. Ma hemm anqas l-ebda projbizzjoni fuq individwu jew entità li jkollha aktar minn 5 % tal-ishma jew id-drittijiet tal-vot ta' CRA milli tipprovdi servizzi ta' konsulenza jew ta' konsulenza lil entità gradata ta' dik is-CRA.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10 (2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatata magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor fih definizzjoni ta' informazzjoni privileġġata, iżda l-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-informazzjoni marbuta magħhom mhumiex awtomatikament rikonoxxuti bħala tali.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, Taqsima D, Sottotaqsima I paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jintroduċi obbligu biex is-CRAs jipprovdu lill-entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor ma fih l-ebda rekwiżit espliċitu għal CRA biex tinforma entità gradata dwar gradazzjoni tal-kreditu qabel il-pubblikazzjoni tagħha. CRA għandha tinnotifika entità gradata biss meta jkun fattibbli u xieraq.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8 (5a), (6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor jitlob li CRA tistabbilixxi u timplimenta funzjoni rigoruża u formali ta' reviżjoni biex tirrevedi perjodikament il-metodoloġiji tal-gradazzjoni. Madankollu, ma fihiex rekwiżit espliċitu għal CRA biex tikkoreġi l-iżbalji u biex twettaq konsultazzjoni dwar kwalunkwe bidla fil-metodoloġiji. Filwaqt li s-CRAs iridu jiddivulgaw pubblikament kwalunkwe bidla materjali tal-metodoloġiji tagħha, ma hemm l-ebda rekwiżit li jkun notifikat jew is-superviżur jew l-entitajiet affettwati kollha f'każ bħal dan.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I il-paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja d-divulgazzjoni ta' metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem faċilment, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezza dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Skont ir-reġim legali u superviżorju ta' Singapor, hemm rekwiżit li tiġi żgurata gwida adegwata li takkumpanja azzjoni u metodoloġija tal-gradazzjoni tal-kreditu.

(13)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat l-ambitu għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi li s-CRAs jiddivulgaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Ir-reġim legali u superviżorju ta' Singapor ma fih l-ebda rekwiżiti sistematiċi għas-CRAs biex jipprovdu politiki ta' pprezzar jew lis-superviżur jew lill-entitajiet iggradati, għalkemm is-superviżur jista' jitlob din l-informazzjoni bħala parti mill-attivitajiet superviżorji tiegħu. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda rekwiżit li t-tariffi imposti fuq il-klijenti għandhom ikunu bbażati fuq il-kostijiet u nondiskriminatorji.

(14)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għal ekwivalenza stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Għaldaqstant, ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/248/UE titħassar.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/248/UE titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/248/UE tat-28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 73).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/26


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1279

tad-29 ta' Lulju 2019

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti tal-Amerika bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza fejn il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz.

(2)

L-għan ta' din id-deċiżjoni ta' ekwivalenza huwa li tippermetti lis-CRAs mill-Istati Uniti, sakemm ma jkunux sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja jew l-integrità tas-swieq finanzjarji ta' Stat Membru wieħed jew aktar, li japplikaw għal ċertifikazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”). Din id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza toffri l-possibbiltà għall-ESMA li tevalwa dawk is-CRAs każ każ u li tagħti eżenzjoni minn xi wħud mir-rekwiżiti organizzazzjonali għas-CRAs attivi fl-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rekwiżit ta' preżenza fiżika fl-Unjoni Ewropea.

(3)

Sabiex il-qafas superviżorju u legali ta' pajjiż terz jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(4)

Fil-5 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/628/UE (2), filwaqt li osservat dawn it-tliet kundizzjonijiet u tqis il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni u jridu jkunu soġġetti wkoll għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jirrikjedi lis-CRAs li jirreġistraw bħala Organizzazzjonijiet ta' Klassifikazzjonijiet Statistiċi Rikonoxxuti Nazzjonalment (Nationally Recognized Statistical Ratings Organizations, NRSRO) mal-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju (Securities and Exchange Commission, SEC) biex tippermetti l-użu tal-gradazzjonijiet tagħhom għal skopijiet regolatorji. Sussegwentement jiġu ssorveljati mill-SEC fuq bażi kontinwa. L-SEC għandha firxa komprensiva ta' setgħat superviżorji li jippermettulha tinvestiga jekk l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu jikkonformawx mal-obbligi legali tagħhom. Dawk is-setgħat jinkludu s-setgħa li taċċessa dokumenti, li twettaq investigazzjonijiet u li twettaq spezzjonijiet fuq il-post, kif ukoll is-setgħa li tesiġi aċċess għar-rekords ta' reġistrazzjonijiet telefoniċi u ta' komunikazzjoni elettronika. L-SEC tista' teżerċita dawn is-setgħat mhux biss fir-rigward tal-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu, iżda wkoll fir-rigward ta' persuni oħra involuti f'attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jesiġi li l-SEC twettaq eżami ta' kull NRSRO mill-inqas kull sena u li tirrapporta dwar is-sejbiet ta' dawn l-eżamijiet. Fejn l-SEC diġà stabbiliet li NRSRO kisret xi obbligu li jirriżulta mir-regoli rilevanti, hija tista' tadotta firxa wiesgħa ta' miżuri superviżorji sabiex twaqqaf il-ksur. Dawk il-miżuri jinkludu s-setgħa li tirtira r-reġistrazzjoni, tissospendi l-użu ta' gradazzjonijiet għall-finijiet regolatorji u li tordna lill-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu biex iwaqqfu l-ksur. L-SEC tista' wkoll timponi penali severi fuq aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu għall-ksur tar-rekwiżiti rilevanti. Għalhekk, l-NRSROs huma soġġetti għas-superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Fil-ftehim ta' kooperazzjoni konkluż bejn l-ESMA u l-SEC huwa previst skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' miżuri ta' infurzar u dawk superviżorji meħuda fil-konfront ta' CRAs transfruntieri.

(6)

Skont it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-Anness I ta' dak ir-Regolament. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti hija meqjusa ekwivalenti għar-Regolament dwar is-CRAs fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, il-proċessi organizzazzjonali u l-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu, il-kwalità tal-gradazzjonijiet u l-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jipprovdi protezzjoni ekwivalenti f'termini ta' integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu u affidabbiltà tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu.

(7)

Skont it-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, ir-reġim regolatorju f'pajjiż terz irid jipprevjeni l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta' dak il-pajjiż terz fil-kontenut u fil-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'dan ir-rigward, l-SEC u kwalunkwe awtorità pubblika oħra fl-Istati Uniti huma pprojbiti bil-liġi milli jindaħlu fis-sustanza tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni tal-kreditu.

(8)

Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għal CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, bidliet fil-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(9)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(10)

F'dan id-dawl, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(11)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fit-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA indikat li l-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti fir-rigward tas-CRAs jinkludi dispożizzjonijiet suffiċjenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni fl-Artikolu 3(1)w u issa r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għall-prospetti tal-gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jirrikonoxxi osservazzjonijiet ta' gradazzjoni, li huma tip ta' prospetti ta' gradazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, bħala inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

(13)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Bl-istess mod, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jinkludi dispożizzjonijiet biex jipprovdu protezzjoni f'sitwazzjoni fejn l-azzjonisti ta' NRSRO jistgħu joħolqu kunflitti ta' interess għas-CRAs.

(14)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10(2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatata magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jirrikonoxxi li azzjoni ta' gradazzjoni mhux ippubblikata tista' tikkostitwixxi informazzjoni privileġġjata. NRSRO irid ikollha politiki u proċeduri biex tevita divulgazzjoni selettiva u mhux xierqa ta' informazzjoni materjali mhux pubblika miksuba b'rabta mal-prestazzjoni ta' servizzi ta' gradazzjoni ta' kreditu. Għaldaqstant hemm qafas kredibbli fis-seħħ li jipproteġi kontra l-użu ħażin ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(15)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, Taqsima D, Sottotaqsima I paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jintroduċi obbligu biex is-CRAs jipprovdu lill-entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti ma għandux l-istess rekwiżit, iżda NRSRO għandu jkollha proċeduri biex tinforma lil obbliganti ggradati u lil emittenti ta' titoli ggradati jew strumenti tas-suq monetarju dwar deċiżjonijiet ta' gradazzjoni tal-kreditu u għal appelli għal deċiżjonijiet tal-gradazzjoni tal-kreditu finali u pendenti.

(16)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8 (5a), (6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jirrikjedi li kull NRSRO tistabbilixxi, tmantni, tinforza, u tiddokumenta politiki mfassla b'mod raġonevoli biex jiżguraw li l-bidliet materjali fil-proċeduri u l-metodoloġiji jiġu ppubblikati fil-pront fuq parti faċilment aċċessibbli tas-sit web tal-NRSRO. M'hemm l-ebda obbligu speċifiku biex żball identifikat f'metodoloġija jiġi kkoreġut, iżda huwa implikat minn dispożizzjonijiet aktar ġenerali dwar il-kwalità tal-metodoloġiji.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I il-paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja d-divulgazzjoni ta' metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem faċilment, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezza dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jinkludi rekwiżiti biex tiġi żgurata li gwida adegwata li takkumpanja azzjoni u metodoloġija tal-gradazzjoni tal-kreditu. Hemm ukoll rekwiżiti li jiżguraw gradazzjoni tal-kreditu li tirrifletti l-informazzjoni kollha maħsuba li tkun rilevanti.

(18)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat l-ambitu għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi li s-CRAs jiddivulgaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti fih obbligi ġenerali biex tiġi rreġistrata u maħżuna informazzjoni dwar it-tariffi u l-komunikazzjoni tal-klijent li jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv ta' trasparenza, kompetizzjoni u mitigazzjoni tal-kunflitti ta' interess u jirrikjedi li l-NRSROs jippreżentaw għadd ta' rapporti finanzjarji mas-SEC kull sena.

(19)

Il-prinċipju ta' proporzjonalità u approċċ ibbażat fuq ir-riskju jiggwidaw lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta' reġim regolatorju ta' pajjiż terz. Fid-dawl tal-fatturi eżaminati flimkien u l-parir tekniku pprovdut mill-ESMA, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għas-CRAs jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u jenħtieġ li jibqa' jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(20)

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ġdida u li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/628/UE għalhekk titħassar.

(21)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, assistita mill-ESMA, tkompli timmonitorja fuq bażi regolari, l-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CRAs, l-iżviluppi tas-suq u l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-monitoraġġ u l-infurzar fl-Istati Uniti tal-Amerika biex tiġi żgurata l-konformità kontinwa.

(22)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għall-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu, għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/628/UE titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/628/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti tal-Amerika bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 274, 9.10.2012, p. 32)

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/30


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1280

tad-29 ta' Lulju 2019

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, fejn il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz.

(2)

L-għan ta' din id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza huwa li jippermetti CRAs mill-Messiku, sakemm mhumiex sistematikament importanti għall-istabbiltà jew l-integrità finanzjarja tas-swieq finanzjarji ta' Stat Membru jew ieħor, li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”). Din id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza toffri l-possibbiltà għall-ESMA li tevalwa dawk is-CRAs każ każ u li tagħti eżenzjoni minn xi wħud mir-rekwiżiti organizzazzjonali għas-CRAs attivi fl-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rekwiżit ta' preżenza fiżika fl-Unjoni Ewropea.

(3)

Sabiex il-qafas superviżorju u legali ta' pajjiż terz jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(4)

Fit-28 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/247/UE (2), filwaqt li osservat dawn it-tliet kundizzjonijiet u tqis il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni u soġġetti wkoll għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas Messikan jirrikjedi li CRA tiġi awtorizzata u sorveljata mill-Kummissjoni Messikana Bankarja u tat-Titoli (Comisión Nacional Bancaria y de Valores, CNBV) biex topera u tipprovdi servizzi ta' gradazzjoni tal-kreditu. Is-CNBV għandha s-setgħa li tinvestiga kwalunkwe azzjoni jew kwistjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-liġi. Is-CNBV għandha s-setgħa li titlob kull tip ta' informazzjoni u dokumenti, twettaq spezzjonijiet fuq il-post u ssejjaħ quddiemha kull persuna li tista' tikkontribwixxi għall-investigazzjoni. Is-CRAs jistgħu jiġu esklużi b'mod permanenti jew temporanju, sospiżi jew tiġi rtirata l-liċenzja tagħhom. Is-CNBV għandha wkoll is-setgħa li timponi multi amministrattivi. Is-CNBV implimentat reviżjonijiet annwali ta' konformità tas-CRAs irreġistrati, u fejn meħtieġ, imponiet sanzjonijiet. Il-ftehim ta' kooperazzjoni konkluż bejn l-ESMA u s-CNBV jipprovdi għal skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' miżuri ta' infurzar u superviżorji meħuda fil-konfront ta' CRAs transfruntieri.

(6)

Skont it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-Anness I ta' dak ir-Regolament. Il-qafas legali u superviżorju Messikan fir-rigward tal-governanza korporattiva jitlob li s-CRAs ikollhom bord ta' diretturi, li jikkonsisti f'massimu ta' 21 direttur u li minnhom mill-inqas 25 % għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' indipendenza. Id-diretturi indipendenti fost oħrajn għandhom ikunu kompetenti għall-iżvilupp tal-politika ta' gradazzjoni tal-kreditu u tal-metodoloġiji, l-effettività tas-sistema ta' kontroll intern u l-monitoraġġ tal-konformità u ta' proċessi ta' governanza. Il-kunflitti ta' interess għandhom jiġu identifikati u eliminati u, jekk applikabbli, l-uffiċjal għall-konformità għandu jiġi infurmat dwar kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali li jista' jinfluwenza l-gradazzjonijiet. Meta CRA tidentifika kunflitt ta' interess li jista' jinfluwenza l-gradazzjonijiet tagħha, għandha tastjeni milli tipprovdi s-servizzi tagħha. Il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku jinkludi ħtiġijiet organizzattivi estensivi li jikkonċernaw iż-żamma ta' reġistri u l-kunfidenzjalità, u jipprovdi li s-CRAs jibqgħu kompletament responsabbli għal kull attività esternalizzata. Entitajiet li jipprovdu servizzi esternalizzati lis-CRAs huma wkoll soġġetti għal superviżjoni mis-CNBV. Is-CRAs huma meħtieġa jistabbilixxu funzjoni ta' rieżami formali għar-rieżami ta' metodoloġiji u mudelli ta' gradazzjoni u l-qafas Messikan jinkludi firxa wiesgħa ta' ħtiġijiet ta' divulgazzjoni fir-rigward tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-attivitajiet ta' gradazzjoni. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku huwa meqjus bħala ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, ir-rekwiżiti organizzazzjonali, il-kwalità tal-gradazzjonijiet u tal-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu. Għalhekk dan jipprovdi protezzjoni ekwivalenti f'termini ta' integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu u affidabbiltà tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu.

(7)

Skont it-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, ir-reġim regolatorju f'pajjiż terz irid jipprevjeni l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta' dak il-pajjiż terz fil-kontenut u fil-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-Kostituzzjoni Messikana tistabbilixxi li awtoritajiet amministrattivi jistgħu jaġixxu biss meta jkollhom awtorità espliċita jew setgħa stabbilita skont il-liġi applikabbli. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tagħti s-setgħa lis-CNBV jew lil kwalunkwe awtorità pubblika oħra biex tinfluwenza l-kontenut tal-gradazzjoni jew tal-metodoloġiji tal-kreditu.

(8)

Il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għas-CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(9)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(10)

F'dan l-isfond, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-ESMA dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(11)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fit-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA indikat li l-qafas legali u superviżorju tal-Messiku fir-rigward tas-CRAs jinkludi dispożizzjonijiet suffiċjenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni fl-Artikolu 3(1)w u issa r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għall-prospetti tal-gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Messikan ma jirrikonoxxix b'mod espliċitu l-prospetti ta' gradazzjoni bħala entrata separata u distinta minn gradazzjoni ta' kreditu, iżda jekk CRA tipproduċi prospetti ta' gradazzjoni, is-CNBV tistenna li din tikkonforma mal-istess rekwiżiti ta' trasparenza, indipendenza u divulgazzjoni bħal dawk għall-gradazzjonijiet tal-kreditu. Barra minn hekk, is-CNBV tinkludi fil-monitoraġġ superviżorju tagħhom l-adegwatezza tal-prospetti tal-gradazzjoni flimkien mal-gradazzjonijiet tal-kreditu assoċjati tagħhom.

(13)

Bil-ħsieb li jsaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fi ħdan is-CRA. Il-qafas legali u superviżorju Messikan jinkludi projbizzjoni ġenerali għall-azzjonisti u l-membri tal-bord li jkollhom, direttament jew indirettament, kwalunkwe sehem mill-entità gradata. Barra minn hekk, is-CRAs ma jistgħu jipprovdu l-ebda servizz lill-klijenti b'aktar minn 5 % tal-kapital tagħhom.

(14)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li l-informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10(2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jirrikjedi li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatati magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar il-passi li s-CRAs għandhom jieħdu biex jipproteġu l-informazzjoni kunfidenzjali li għandha x'taqsam mal-emittenti. Għaldaqstant hemm qafas kredibbli fis-seħħ li jipproteġi kontra l-użu ħażin ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(15)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I, il-paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, huwa introdott obbligu biex is-CRAs jipprovdu lil entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku jirrikjedi li CRA tinforma entità gradata dwar gradazzjoni tal-kreditu qabel il-pubblikazzjoni tagħha. Jippermetti lis-CRA u lill-entità gradata biex jaqblu għal rashom dwar jekk is-CRA għandhiex tipprovdi avviż minn qabel lill-klijent u, jekk iva, iż-żmien biex jiġu pprovduti kummenti qabel il-pubblikazzjoni.

(16)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8(5a)(6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Il-qafas legali u superviżorju Messikan jeħtieġ li s-CRAs jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom il-metodoloġiji u l-proċeduri użati għar-riċerka, l-analiżi, l-opinjoni, l-evalwazzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-kwalità tal-kreditu, qabel ma jintużaw, u għandhom jiddivulgaw kull bidla materjali fil-metodoloġiji tagħhom, biex ikunu jistgħu jiġu kkonsultati mill-pubbliku li qed jinvesti. Bl-istess mod, is-CRAs huma meħtieġa jirrevedu l-metodoloġiji u l-mudelli tagħhom, għalkemm ma hemm l-ebda rekwiżit espliċitu biex iwettqu konsultazzjoni mal-parteċipanti fis-suq qabel bidla fil-metodoloġija tagħhom u biex jiġu indirizzati l-iżbalji identifikati fil-metodoloġiji tagħhom. Madankollu, f'każ li s-CRA tintroduċi bidliet sinifikanti fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni, is-CRA għandha tinnotifika lis-CNBV dwar l-emendi introdotti fil-metodoloġija tal-gradazzjoni u tiddivulgahom lill-pubbliku mingħajr ma tikxef ir-raġuni għala. F'każ li jkun hemm emenda għall-mudelli u għall-metodoloġiji tal-gradazzjoni tas-CRAs, is-CRA trid tirrevedi l-gradazzjonijiet kollha maħruġa qabel.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Skont l-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja l-iżvelar ta' metodoloġiji ta' gradazzjoni, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezzi dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju Messikan jirrikjedi li CRA tenfasizza fi gradazzjoni ta' kreditu l-opinjoni tal-aġenzija u tinkludi salvagwardji biex tiżgura li l-informazzjoni rilevanti għall-gradazzjoni ta' kreditu biss tiġi ppreżentata fil-gradazzjonijiet tal-kreditu. Hemm ukoll rekwiżiti li jiżguraw li s-CRAs jipprovdu gwida suffiċjenti biex l-utenti tal-gradazzjonijiet tal-kreditu jkunu jistgħu jifhmuhom.

(18)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal-gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi li s-CRAs jiżvelaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Il-qafas legali u superviżorju Messikan jirrikjedi li CRA tipprovdi data lis-CNBV dwar it-tariffi imposti fuq klijenti individwali filwaqt li tindika d-dħul minn kull wieħed minnhom u tagħti dettalji dwar is-servizzi pprovduti lil kull wieħed matul is-sena immedjatament preċedenti. Is-CRAs għandhom jiddivulgaw pubblikament jekk ikunux irċevew mill-istess entità gradata tariffi relatati ma' servizzi differenti minn servizzi ta' gradazzjoni u l-perċentwal b'rabta mat-tariffi tas-servizzi ta' gradazzjoni. Barra minn hekk, hemm rekwiżit ġenerali għas-CNBV biex jiġi garantit trattament ġust tal-klijenti kollha tas-CRAs.

(19)

Il-prinċipju ta' proporzjonalità u approċċ ibbażat fuq ir-riskju jiggwidaw lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta' reġim regolatorju ta' pajjiż terz. Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku għas-CRAs jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u jenħtieġ li jibqa' jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(20)

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ġdida u li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/247/UE għalhekk titħassar.

(21)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, assistita mill-ESMA, tkompli timmonitorja fuq bażi regolari, l-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CRAs, l-iżviluppi tas-suq u l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-monitoraġġ u l-infurzar fil-Messiku biex tiġi żgurata l-konformità kontinwa.

(22)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-fini tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku għall-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/247/UE titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/247/UE tat-28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 71).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/34


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1281

tad-29 ta' Lulju 2019

li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/245/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Brażil bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, u jiddikjara li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz. Sabiex il-qafas superviżorju u legali jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(2)

Fit-28 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/245/UE (2), filwaqt li osservat dawn it-tliet kundizzjonijiet u tqis il-qafas superviżorju legali Brażiljan għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(3)

Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għas-CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(4)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(5)

F'dan id-dawl, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Brażil, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(6)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fis-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA kkonkludiet li l-qafas legali u superviżorju Brażiljan ma jinkludix dispożizzjonijiet suffiċjenti, li jistgħu jilħqu l-għanijiet tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospett ta' gradazzjoni fl-Artikolu 3(1)w u issa r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għall-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas Brażiljan ma jirrikonoxxix b'mod espliċitu l-prospetti ta' gradazzjoni bħala oġġett separat u distint minn gradazzjoni ta' kreditu, iżda l-Kummissjoni dwar is-Sigurtajiet u l-Kambju tal-Brażil (“Comissão de Valores Mobiliários”) tistenna li l-produzzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni taderixxi mal-istess rekwiżiti kollha għall-gradazzjonijiet tal-kreditu korrispondenti.

(8)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet ggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan jirrikjedi li CRA tistabbilixxi proċeduri organizzattivi u amministrattivi adegwati u effettivi biex tipprevjeni, tidentifika, telimina, tikkoreġi u tiżvela kull kunflitt ta' interess. Madankollu, il-qafas legali u superviżorju Brażiljan ma jirrikjedix espliċitament li s-CRAs jkun risponsabbli għal kunflitti ta' interess relatati mal-azzjonisti. Konsegwentement, ma hemm l-ebda projbizzjoni milli toħroġ gradazzjoni tal-kreditu fuq entità jekk membru tal-bord tas-CRA, jew azzjonist li jkollu aktar minn 10 % tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot tas-CRA, ikollu aktar minn 10 % tal-ishma fl-entità gradata. Ma hemm anqas l-ebda projbizzjoni fuq individwu jew entità li jkollha aktar minn 5 % tal-ishma jew id-drittijiet tal-vot ta' CRA milli tipprovdi servizzi ta' konsulenza jew ta' konsulenza lil entità gradata ta' dik is-CRA.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li l-informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10(2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jirrikjedi li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatati magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan għalhekk jipprovdi protezzjoni kontra l-użu ħażin ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I, il-paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, huwa introdott obbligu biex is-CRAs jipprovdu lil entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospett ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan ma jirrikjedix lis-CRAs jinfurmaw lill-entità gradata qabel il-pubblikazzjoni ta' gradazzjoni tal-kreditu.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8(5a)(6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Minkejja li l-qafas legali u superviżorju Brażiljan jiddikjara li CRA għandha tiżvela lir-regolatur u lis-suq kwalunkwe bidla materjali fil-metodoloġiji tagħha, hija ma għandhiex rekwiżiti għas-CRAs biex jikkonsultaw dwar bidliet fil-metodoloġiji jew biex jikkoreġu kwalunkwe żball fil-metodoloġiji tagħhom. Filwaqt li hemm rekwiżit li jiġi kkomunikat il-kamp ta' applikazzjoni tal-entitajiet ggradati affettwati minn bidla fil-metodoloġija, ma hemm l-ebda rekwiżit li tiġi spjegata r-raġuni għal dan jew li s-superviżur jiġi nnotifikat.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Skont l-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja l-iżvelar ta' metodoloġiji ta' gradazzjoni, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezzi dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan jirrikjedi li r-rapporti ta' gradazzjoni tal-kreditu jinkludu metodoloġiji użati biex tiġi ddeterminata l-gradazzjoni tal-kreditu biex jiġi żgurat li l-partijiet esterni jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għall-gradazzjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda rekwiżit biex jiġi indikat li gradazzjoni tal-kreditu hija l-opinjoni tal-aġenzija u li wieħed għandu jiddependi fuqha biss sa ċertu punt.

(13)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal-gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi li s-CRAs jiżvelaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Minkejja li l-Comissão de Valores Mobiliários tista' titlob informazzjoni bħala parti mill-attivitajiet superviżorji tagħha, il-qafas legali u superviżorju Brażiljan ma jirrikjedix b'mod sistematiku li s-CRAs jipprovdu politiki ta' pprezzar lis-superviżuri jew lill-pubbliku. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda rekwiżit li t-tariffi imposti fuq il-klijenti għandhom ikunu bbażati fuq il-kostijiet u nondiskriminatorji.

(14)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju Brażiljan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għal ekwivalenza stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Għaldaqstant, ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/245/UE titħassar.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/245/UE titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/245/UE tat-28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Brażil bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 65).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/37


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1282

tad-29 ta' Lulju 2019

li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/246/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, u jiddikjara li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz. Sabiex il-qafas superviżorju u legali ta' pajjiż terz jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(2)

Fit-28 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/246/UE (2), filwaqt li tosserva dawn it-tliet kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati u tqis il-qafas superviżorju legali Arġentin għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(3)

Il-qafas legali u superviżorju Arġentin għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għas-CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(4)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(5)

F'dan l-isfond, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(6)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fit-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA kkonkludiet li l-qafas legali u superviżorju Arġentin ma jinkludix dispożizzjonijiet suffiċjenti, li jistgħu jilħqu l-objettivi tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni fl-Artikolu 3(1)w u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għall-prospetti tal-gradazzjoni. Minkejja li l-prospetti tal-gradazzjoni huma karatteristika tas-suq għall-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-qafas legali u superviżorju Arġentin ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni bħal din. Peress li l-prospetti ta' gradazzjoni mhumiex inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tas-superviżjoni mill-“Commission Nacional de Valores” (CNV) tas-CRAs, is-CNV ma tistax titlob kwalunkwe informazzjoni relatata mal-prospetti tal-gradazzjoni.

(8)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Il-qafas legali u superviżorju Arġentin jeħtieġ li CRA tistabbilixxi proċeduri organizzattivi u amministrattivi adegwati u effettivi biex tipprevjeni, tidentifika, telimina, tikkoreġi u tiddivulga kull kunflitt ta' interess. Madankollu, il-qafas legali u superviżorju Arġentin ma jesiġix b'mod espliċitu li s-CRAs jagħtu rendikont tal-kunflitti ta' interess relatati mal-azzjonisti. Konsegwentement, ma hemm l-ebda rekwiżit li CRA tiġi pprojbita milli toħroġ gradazzjoni tal-kreditu fuq entità li jkollha aktar minn 10 % tal-ishma tagħha jew milli tipprovdi servizzi ta' konsulenza lil entità, li jkollha aktar minn 5 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10 (2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatata magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Arġentin jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar il-passi li s-CRAs għandhom jieħdu biex jipproteġu informazzjoni kunfidenzjali fil-pussess tagħhom li għandha x'taqsam mal-emittenti. Għaldaqstant hemm qafas kredibbli fis-seħħ li jipproteġi kontra l-użu ħażin ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, Taqsima D, Sottotaqsima I paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jintroduċi obbligu biex is-CRAs jipprovdu lill-entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Arġentin ma jobbligax lil CRAs biex jagħtu lill-entità gradata opportunità li tipprovdi għal kontroll fattwali ta' gradazzjoni ta' kreditu qabel il-pubblikazzjoni tagħha. Klassifikazzjoni għandha tiġi ppubblikata hekk kif tiġi approvata mill-kumitat tal-gradazzjoni fid-dawl tal-protezzjoni tal-investitur u biex jiġi żgurat li s-suq jiġi infurmat mingħajr dewmien fir-rigward ta' kwalunkwe bidla fil-gradazzjoni tal-kreditu.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8 (5a), (6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Hemm xi differenzi notevoli bejn il-qafas legali u superviżorju Arġentin u l-qafas tal-Unjoni. Minkejja li l-qafas legali u superviżorju Arġentin fih ir-rekwiżiti li l-gradazzjonijiet tal-kreditu jinħarġu biss skont il-metodoloġiji ppubblikati u li l-metodoloġiji huma riveduti fuq bażi perjodika, ma hemm l-ebda rekwiżit espliċitu għas-CRAs biex jikkonsultaw dwar bidliet fil-metodoloġiji tagħhom jew biex jikkoreġu l-iżbalji fihom. Anqas ma hemm rekwiżit biex jiġu infurmati l-entitajiet iggradati kollha ta' żbalji fil-metodoloġija ta' gradazzjoni.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I il-paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja d-divulgazzjoni ta' metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem faċilment, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezza dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju Arġentin fih dispożizzjonijiet li jiżguraw li s-CRAs jipprovdu gwida suffiċjenti biex l-utenti tal-gradazzjonijiet tal-kreditu jkunu jistgħu jifhmuhom. Madankollu, ma hemm l-ebda rekwiżit espliċitu għas-CRAs li jinkludu biss informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tal-kreditu tal-entità fi gradazzjoni tal-kreditu. Anqas ma hemm rekwiżit biex is-CRA tenfasizza fil-gradazzjoni tal-kreditu li l-gradazzjoni hija l-opinjoni tal-aġenzija u wieħed għandu jiddependi fuqha sa ċertu punt biss.

(13)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat l-ambitu għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi lis-CRAs jiddivulgaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Ir-reġim legali u superviżorju Arġentin jeħtieġ biss li s-CRAs jipprovdu informazzjoni lir-regolatur dwar it-tariffi imposti għas-servizzi ta' gradazzjoni tagħhom għal kull klijent, li jiddistingwi l-entità u/jew l-istrument u s-sigurtà. Is-CRAs għandhom jiddivulgaw fuq is-siti web tagħhom it-tariffi minimi u massimi għas-servizzi ta' gradazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li l-klijenti jiġu ttrattati b'mod ġust, iżda ma hemm l-ebda rekwiżit li t-tariffi imposti fuq il-klijenti għandhom ikunu bbażati fuq il-kost u nondiskriminatorji.

(14)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina għas-CRAs ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għall-ekwivalenza stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Għaldaqstant, ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/246/UE titħassar.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/246/UE titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/246/UE tat-28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 68).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/40


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1283

tad-29 ta' Lulju 2019

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, fejn il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz.

(2)

L-għan ta' din id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza huwa li jippermetti CRAs mill-Ġappun, sakemm mhumiex sistematikament importanti għall-istabbiltà jew l-integrità finanzjarja tas-swieq finanzjarji ta' Stat Membru jew ieħor, li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”). Din id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza toffri l-possibbiltà għall-ESMA li tevalwa dawk is-CRAs każ każ u li tagħti eżenzjoni minn xi wħud mir-rekwiżiti organizzazzjonali għas-CRAs attivi fl-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rekwiżit ta' preżenza fiżika fl-Unjoni Ewropea.

(3)

Sabiex il-qafas superviżorju u legali ta' pajjiż terz jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(4)

Fit-28 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/578/UE (2), filwaqt li tosserva dawn it-tliet kundizzjonijiet huma ssodisfati u tqis il-qafas superviżorju legali Ġappuniż għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni u jridu jkunu soġġetti wkoll għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun jirrikjedi li CRA tiġi rreġistrata mal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji tal-Ġappun (“JFSA”) biex il-gradazzjonijiet tal-kreditu tagħha jintużaw għal skopijiet regolatorji fil-Ġappun. Il-JFSA timponi obbligi legalment vinkolanti fuq is-CRAs u tissorvelja s-CRAs fuq bażi kontinwa. Il-JFSA għandha firxa wiesgħa u komprensiva ta' setgħat u tista' tieħu għadd ta' miżuri, inklużi sanzjonijiet, kontra CRAs għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Istrumenti Finanzjarji u l-Kambju relatati mar-Regolament tal-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu.

(6)

Skont it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-Anness I ta' dak ir-Regolament. Il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun huwa bbażat fuq id-dmir ta' bona fede. CRA għandha tistabbilixxi sistemi ta' kontroll operazzjonali għall-prestazzjoni ġusta u xierqa tan-negozju tal-gradazzjoni tal-kreditu permezz ta' għadd kbir ta' rekwiżiti dettaljati u preskrittivi, dispożizzjonijiet estensivi fir-rigward tal-evitar, il-ġestjoni u d-divulgazzjoni ta' kunflitti ta' interess, u d-dmir li tiġi rreġistrata u divulgata informazzjoni kemm lill-JFSA kif ukoll lill-pubbliku. Il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun huwa kkunsidrat bħala ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, ir-rekwiżiti organizzazzjonali, is-salvagwardji biex tiġi żgurata l-kwalità tal-gradazzjonijiet u tal-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet, l-obbligu li jiġu divulgati l-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-obbligu għad-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun jipprevedi protezzjoni ekwivalenti f'termini ta' integrità, trasparenza, governanza tajba tas-CRAs u affidabbiltà tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu.

(7)

Skont it-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, ir-reġim regolatorju f'pajjiż terz irid jipprevjeni l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta' dak il-pajjiż terz fil-kontenut u fil-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'dan ir-rigward, il-JFSA hija projbita bil-liġi milli tindaħal fis-sustanza tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni tal-kreditu.

(8)

Il-qafas legali u superviżorju Ġappuniż għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(9)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(10)

F'dan l-isfond, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-ESMA dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(11)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fit-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA indikat li l-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun fir-rigward tas-CRAs jinkludi dispożizzjonijiet suffiċjenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(12)

Fl-Artikolu 3(1)w ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospettiva ta' gradazzjoni u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 issa jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu lill-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun jirrikonoxxi sostantivament l-prospettivi ta' gradazzjoni. Iqis li prospettiva ta' gradazzjoni hija parti mill-gradazzjoni ta' kreditu u tagħti s-setgħa lill-JFSA biex timmonitorja l-adegwatezza tal-prospetti ta' gradazzjoni flimkien mal-gradazzjonijiet tal-kreditu assoċjati magħhom.

(13)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Il-qafas legali u superviżorju Ġappuniż jesiġi li s-CRAs jistabbilixxu miżuri biex jiżguraw li s-CRA ma tagħmilx ħsara lill-interessi tal-investituri fil-proċess ta' determinazzjoni ta' gradazzjoni tal-kreditu, b'mod partikolari meta entità gradata jkollha 5 % jew aktar tal-ishma fil-CRA. Barra minn hekk, CRA hija pprojbita milli twettaq gradazzjoni għalkollox jekk is-CRA għandha interess fl-entità gradata.

(14)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10 (2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatata magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Ġappuniż jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar il-passi li s-CRAs għandhom jieħdu biex jipproteġu l-informazzjoni kunfidenzjali li għandha x'taqsam mal-emittenti. Għaldaqstant hemm qafas kredibbli fis-seħħ li jipproteġi kontra l-użu ħażin ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(15)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, Taqsima D, Sottotaqsima I paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jintroduċi obbligu biex is-CRAs jipprovdu lill-entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun jirrikjedi li s-CRAs jistabbilixxu politika ta' gradazzjoni li tistabbilixxi l-metodoloġija għad-determinazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu tagħha. Jenħtieġ li l-politika ta' gradazzjoni tipprovdi linji gwida u metodi biex entità gradata tkun tista' tivverifika jekk hemmx rappreżentazzjoni żbaljata fattwali fil-gradazzjoni ta' kreditu qabel il-pubblikazzjoni tagħha u biex tesprimi l-opinjonijiet tagħha dwar il-gradazzjoni ta' kreditu f'ammont ta' żmien raġonevoli.

(16)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8 (5a), (6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. B'mod simili, il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun jirrikjedi li s-CRA jkollha miżuri biex tiżgura li l-informazzjoni użata fid-determinazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu tkun ta' kwalità suffiċjenti u li l-metodoloġiji tal-gradazzjoni jkunu rigorużi u sistematiċi.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I il-paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja d-divulgazzjoni ta' metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem faċilment, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezza dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju Ġappuniż jinkludi rekwiżiti li jiżguraw li s-CRAs jipprovdu gwida suffiċjenti biex l-utenti tal-gradazzjonijiet tal-kreditu jkunu jistgħu jifhmuhom. Barra minn hekk, hemm rekwiżiti li jiżguraw li s-CRAs iżommu l-preċiżjoni tad-divulgazzjonijiet tagħhom lill-partijiet interessati.

(18)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat l-ambitu għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi lis-CRAs jiddivulgaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-klijenti tas-CRAs u r-rekwiżit li t-tariffi jkunu bbażati fuq il-kost u nondiskriminatorji, il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun fih rekwiżiti simili biex jiġi żgurat li s-CRAs iwettqu n-negozju tagħhom b'mod ġust u preċiż. Jirrikjedi li, f'kull sena ta' negozju, is-CRAs jippreparaw rapport tan-negozju għas-superviżur li jkun fih l-ismijiet tal-ewwel għoxrin klijent u t-tariffi mħallsa minn kull wieħed minnhom matul is-sena fiskali u jagħti s-setgħa lis-superviżur li jitlob informazzjoni rilevanti dwar il-politiki tal-ipprezzar tagħhom u tariffi speċifiċi għall-ħlas.

(19)

Il-prinċipju ta' proporzjonalità u approċċ ibbażat fuq ir-riskju jiggwidaw lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta' reġim regolatorju ta' pajjiż terz. Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun għas-CRAs jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u jenħtieġ li jibqa' jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(20)

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ġdida u li d-Deċiżjoni 2010/578/UE għalhekk titħassar.

(21)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, assistita mill-ESMA, tkompli timmonitorja fuq bażi regolari, l-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CRAs, l-iżviluppi tas-suq u l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-monitoraġġ u l-infurzar fil-Ġappun biex tiġi żgurata l-konformità kontinwa.

(22)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-fini tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun għall-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2010/578/UE titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/578/UE tat-28 ta' Settembru 2010 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Ġappun bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 254, 29.9.2010, p. 46).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/43


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1284

tad-29 ta' Lulju 2019

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, fejn il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz.

(2)

L-għan ta' din id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza huwa li jippermetti CRAs minn Hong Kong, sakemm mhumiex sistematikament importanti għall-istabbiltà jew l-integrità finanzjarja tas-swieq finanzjarji ta' Stat Membru jew ieħor, li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”). Din id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza toffri l-possibbiltà għall-ESMA li tevalwa dawk is-CRAs każ każ u li tagħti eżenzjoni minn xi wħud mir-rekwiżiti organizzazzjonali għas-CRAs attivi fl-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rekwiżit ta' preżenza fiżika fl-Unjoni Ewropea.

(3)

Sabiex il-qafas superviżorju u legali ta' pajjiż terz jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(4)

Fit-28 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/249/UE (2), filwaqt li tosserva li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma ssodisfati u tqis il-qafas superviżorju legali ta' Hong Kong għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni u jridu jkunu soġġetti wkoll għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong jeħtieġ li s-CRAs u l-analisti ta' gradazzjoni tagħhom li jipprovdu servizzi ta' gradazzjoni tal-kreditu f'Hong Kong ikunu liċenzjati biex jipprovdu servizzi ta' gradazzjoni tal-kreditu u huma soġġetti għal superviżjoni mill-Kummissjoni tat-Titoli u l-Futuri (Securities and Futures Commission, SFC) ta' Hong Kong. Il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong jipprovdi lill-SFC b'varjetà komprensiva ta' setgħat li jippermettulha tinvestiga jekk is-CRAs humiex konformi mal-obbligi legali tagħhom. L-SFC tista' ġġiegħel kemm persuni mhux regolati u kemm dawk regolati biex jipproduċu informazzjoni u dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni, inklużi reġistri tal-kummerċ, reġistri tal-bank, reġistri tat-telefown, reġistri tal-Internet u informazzjoni tas-sjieda benefiċjarja. Din is-setgħa tapplika għaż-żewġ persuni taħt investigazzjoni jew għal min l-SFC għandha kawża raġonevoli biex temmen li huma fil-pussess ta' informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni. Barra minn hekk, fejn hemm biża' ta' tħassir jew tneħħija ta' evidenza, ħarba tal-persuna fil-mira jew tħassib ieħor, l-SFC għandha s-setgħa li taċċessa proprjetà privata ta' persuni kemm mhux regolati u kemm dawk regolati fuq il-ħruġ ta' mandat ta' perkwiżizzjoni minn awtorità ġudizzjarja. Barra minn hekk, l-SFC għandha varjetà sħiħa ta' setgħat biex tieħu azzjonijiet kriminali, ċivili, amministrattivi u azzjonijiet oħrajn. Dawn jinkludu s-setgħa amministrattiva li timponi sanzjonijiet dixxiplinarji kontra persuni liċenzjati jew reġistrati mal-SFC, li timponi restrizzjonijiet fuq persuni liċenzjati jew reġistrati rigward l-attivitajiet tan-negozju tagħhom, li tirtira jew tissospendi liċenzji jew reġistrazzjoni ta' persuna liċenzjata jew reġistrata u li twissi, timponi obbligi jew timmulta persuni liċenzjati jew reġistrati. L-SFC għandha s-setgħa li tirrikorri għand il-qorti rilevanti għal ordnijiet inġuntivi jew rimedjali. L-SFC tmexxi, barra minn spezzjonijiet fuq il-post, superviżjoni barra mis-sit permezz ta' interazzjonijiet ma' CRAs liċenzjati biex tifhem il-mudelli u l-pjanijiet tan-negozju tagħhom u r-riskji inerenti f'tali attivitajiet, bil-ħsieb li tidentifika u tivvaluta r-riskji li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom. Informazzjoni dwar CRAs liċenzjati hija miġbura permezz ta' reġistri mal-SFC, inklużi iżda mhux limitata għal kontijiet annwali verifikati u rapporti ta' analiżi tal-kontroll annwali. L-SFC issegwi ilmenti u ksur irrappurtat mill-persuna stess. Il-ftehim ta' kooperazzjoni konkluż bejn l-ESMA u l-SFC jipprovdi għal skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' miżuri ta' infurzar u superviżorji meħuda fil-konfront ta' CRAs transfruntieri.

(6)

Skont it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f'pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-Anness I ta' dak ir-Regolament. Il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong jistipula l-ħtiġijiet ta' governanza korporattiva dettaljati. Il-bord tad-diretturi u uffiċjali responsabbli għall-attivitajiet regolati jġorr responsabbiltà primarja biex jiżgura ż-żamma ta' standards ta' kondotta xierqa u aderenza mal-proċeduri xierqa mis-CRA. Is-CRAs għandu jkollhom żewġ uffiċjali responsabbli, it-tnejn li huma għandhom ikunu approvati mill-SFC, u tal-inqas wieħed minnhom għandu jkun direttur eżekuttiv taħt l-SFO. Dispożizzjonijiet estensivi huma fis-seħħ rigward kunflitti ta' interess, li jeħtieġu li s-CRAs jidentifikaw u jeliminaw jew jimmaniġġjaw kunflitti ta' interess u li jkunu organizzati f'manjiera li tiżgura li l-interess tan-negozju tagħhom ma jxekkilx l-indipendenza u l-preċiżjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu kif ukoll ħtiġijiet organizzattivi, inklużi l-esternalizzazzjoni, iż-żamma tar-reġistri u l-kunfidenzjalità. F'termini ta' rekwiżiti organizzazzjonali li s-CRAs għandhom jilħqu bħalma huma dawk rigward politiki u proċeduri sabiex tiġi żgurata konformità mal-obbligazzjonijiet legali u funzjoni ta' konformità permanenti u effettiva. Is-CRAs huma meħtieġa wkoll jistabbilixxu funzjoni ta' rieżami responsabbli sabiex tirrieżamina perjodikament il-metodoloġiji u l-mudelli ta' gradazzjoni u kambjamenti sinifikanti relatati magħhom. Il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong jinkludi varjetà wiesgħa ta' ħtiġijiet ta' divulgazzjoni, bħal divulgazzjoni pubblika tal-gradazzjonijiet u divulgazzjoni pubblika annwali dwar il-gradazzjoni u attivitajiet anċillari. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong huwa meqjus bħala ekwivalenti għar-Regolament dwar is-CRAs fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, ir-rekwiżiti organizzazzjonali, il-kwalità tal-gradazzjonijiet u tal-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu. Għalhekk jenħtieġ li jipprovdi għal protezzjoni ekwivalenti f'termini ta' integrità, trasparenza, governanza tajba tas-CRAs u affidabbiltà tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu.

(7)

Skont it-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, ir-reġim regolatorju f'pajjiż terz irid jipprevjeni l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta' dak il-pajjiż terz fil-kontenut u fil-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tagħti s-setgħa lill-SFC jew kull awtorità pubblika oħra biex tinfluwenza l-kontenut tal-gradazzjoni jew tal-metodoloġiji tal-kreditu.

(8)

Il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għal CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(9)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(10)

F'dan l-isfond, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-ESMA dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(11)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fit-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA indikat li l-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong fir-rigward tas-CRAs jinkludi dispożizzjonijiet suffiċjenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(12)

Fl-Artikolu 3(1)w ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 issa jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu lill-prospettivi ta' gradazzjoni. Minkejja li l-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong ma jirrikonoxxix b'mod espliċitu l-prospetti ta' gradazzjoni bħala entrata separata u distinta minn gradazzjoni ta' kreditu, l-SFC tistenna, meta titqies in-natura wiesgħa tat-terminu “gradazzjoni tal-kreditu” taħt il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong, il-produzzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni biex jaderixxu mal-istess rekwiżiti kollha għall-gradazzjonijiet tal-kreditu.

(13)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong jesiġi li s-CRAs jistabbilixxu arranġamenti xierqa u effettivi li jipprevjenu, jidentifikaw u jeliminaw jew jimmaniġġjaw u jiddivulgaw kunflitti ta' interess u jiżguraw li ma jkunux affettwati minn relazzjonijiet ta' negozju. Għalkemm ma hemm l-ebda referenza espliċita għall-azzjonisti fil-leġiżlazzjoni ta' Hong Kong, jekk ikun hemm potenzjalment kunflitt ta' interess is-CRA tkun ipprojbita milli twettaq dak in-negozju.

(14)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10 (2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatata magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Bl-istabbiliment ta' rekwiżiti dettaljati, il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong jirrikjedi li s-CRAs jadottaw proċeduri u mekkaniżmi biex jipproteġu l-informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-emittenti. Għaldaqstant hemm qafas kredibbli fis-seħħ li jipproteġi kontra l-użu ħażin ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(15)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, Taqsima D, Sottotaqsima I paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jintroduċi obbligu biex is-CRAs jipprovdu lill-entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Billi jagħti prijorità ogħla lill-gradazzjoni li tiġi kkomunikata lis-suq mingħajr dewmien, il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong ma fih l-ebda rekwiżit strett għas-CRAs biex jinfurmaw entità gradata dwar gradazzjoni tal-kreditu qabel il-pubblikazzjoni. Minflok, is-CRAs huma meħtieġa jinfurmaw biss lill-entità gradata bit-tagħrif kritiku u l-kunsiderazzjonijiet prinċipali li fuqhom se tiġi bbażata gradazzjoni meta dan ikun fattibbli u xieraq.

(16)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8 (5a), (6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong jirrikjedi li s-CRAs jiddivulgaw kompletament u pubblikament kwalunkwe modifika materjali tal-metodoloġiji tiegħu. Barra minn hekk, jirrikjedi li fejn ikun fattibbli u xieraq is-CRA għandha tiddivulga dawn il-modifiki materjali qabel ma jidħlu fis-seħħ. Jekk ikun hemm xi bidla fil-metodoloġiji, fil-mudelli jew fis-suppożizzjonijiet ewlenin tal-gradazzjoni użati fit-tħejjija ta' xi wieħed mill-gradazzjonijiet tal-kreditu tagħha, is-CRA hija meħtieġa li tiddivulga immedjatament il-kamp ta' applikazzjoni probabbli tal-gradazzjonijiet tal-kreditu li se jiġu affettwati bl-użu tal-istess mezzi ta' komunikazzjoni li ntużat għad-distribuzzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu affettwati.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I il-paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja d-divulgazzjoni ta' metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem faċilment, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezza dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Ir-reġim legali u superviżorju ta' Hong Kong fih rekwiżiti li jiżguraw li s-CRAs jipprovdu gwida suffiċjenti biex l-utenti tal-gradazzjonijiet tal-kreditu jkunu jistgħu jifhmuhom. Hemm ukoll rekwiżit li s-superviżur jiġi pprovdut b'informazzjoni dwar l-attivitajiet kummerċjali tagħha kull sitt xhur.

(18)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat l-ambitu għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi lis-CRAs jiddivulgaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong jirrikjedi li s-CRAs iżommu r-reġistri tan-negozju f'konformità mar-rekwiżiti statutorji kollha għal perjodu determinat, biex jiddivulgaw pubblikament in-natura ġenerali tal-arranġamenti ta' kumpens tagħha mal-entitajiet iggradati u li jirrapportaw l-introjtu aggregat li jirriżulta mill-għoti ta' servizzi ta' gradazzjoni tal-kreditu li jagħtu s-setgħa lis-superviżur li jitlob din l-informazzjoni. Fir-rigward tal-miżuri għall-protezzjoni tal-klijenti u l-iżgurar li jiġu ttrattati b'mod ġust, hemm rekwiżit ġenerali li l-klijenti jiġu ttrattati b'mod ġust.

(19)

Il-prinċipju ta' proporzjonalità u approċċ ibbażat fuq ir-riskju jiggwidaw lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta' reġim regolatorju ta' pajjiż terz. Fid-dawl tal-fatturi eżaminati flimkien u l-parir tekniku pprovdut mill-ESMA, il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong għas-CRAs jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u jenħtieġ li jibqa' jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(20)

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ġdida u li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/249/UE għalhekk titħassar.

(21)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, assistita mill-ESMA, tkompli timmonitorja fuq bażi regolari, l-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CRAs, l-iżviluppi tas-suq u l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-monitoraġġ u l-infurzar f'Hong Kong biex tiġi żgurata l-konformità kontinwa.

(22)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-fini tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong għall-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/249/UE titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/249/UE tat-28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Hong Kong bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 76).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).