ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 199

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
26 ta' Lulju 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1262 tal-25 ta' Lulju 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1141 li jaġġorna l-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1263 tat-18 ta' Lulju 2019 dwar il-ħruġ ta' munita kommemorattiva b'disinn komuni biex tfakkar il-35 anniversarju tal-programm Erasmus

5

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2019/1264 tat-23 ta' Lulju 2019 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) (EUTM Somalia/1/2019)

6

 

 

LINJI GWIDA

 

*

Linja Gwida (UE) 2019/1265 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Lulju 2019 dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2019/19)

8

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

26.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1262

tal-25 ta' Lulju 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1141 li jaġġorna l-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) u (2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1141 (2) jistabbilixxi lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni (“lista tal-Unjoni”), li għandha tiġi aġġornata kif xieraq, f'konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014.

(2)

Il-Kummissjoni kkonkludiet, fuq il-bażi tal-evidenza disponibbli u l-valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa f'konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, li l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 4(3) ta' dak ir-Regolament ġew sodisfatti għall-ispeċijiet aljeni invażivi li ġejjin: Acacia saligna (Labill.) H.L.Wendl. (Acacia cyanophylla Lindl.), Acridotheres tristis Linnaeus, 1766, Ailanthus altissima (Mill.) Swingle, Andropogon virginicus L., Arthurdendyus triangulatus (Dendy, 1894) Jones & Gerard (1999), Cardiospermum grandiflorum Sw., Cortaderia jubata (Lemoine ex Carrière) Stapf, Ehrharta calycina Sm., Gymnocoronis spilanthoides (D.Don ex Hook. & Arn.) DC., Humulus scandens (Lour.) Merr., Lepomis gibbosus Linnaeus, 1758, Lespedeza cuneata (Dum.Cours.) G.Don (Lespedeza juncea var. sericea (Thunb.) Lace & Hauech), Lygodium japonicum (Thunb.) Sw., Plotosus lineatus (Thunberg, 1787), Prosopis juliflora (Sw.) DC., Salvinia molesta D.S. Mitch. (Salvinia adnata Desv.), Triadica sebifera (L.) Small (Sapium sebiferum (L.) Roxb.).

(3)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li għal dawk l-ispeċijiet invażivi kollha, tqiesu b'mod xieraq l-elementi kollha stabbiliti fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014.

(4)

Mill-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1141, l-ismijiet xjentifiċi ta' wħud mill-ispeċijiet fuq il-lista tal-Unjoni ġew riveduti. Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1141 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Mill-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1141, il-kodiċijiet tan-NM stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (3) ġew aġġornati. Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1141 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness ta' Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1141 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1141 tat-13 ta' Lulju 2016 li jadotta lista ta' speċijiet aljeni invażivi ta' tħassib għall-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (ĠU L 189, 14.7.2016, p. 4).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1141 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-tabella tal-lista ta' speċijiet aljeni invażivi ta' tħassib għall-Unjoni, jiddaħħlu l-ispeċijiet li ġejjin f'ordni alfabetiku:

Speċijiet

(i)

Kodiċijiet NM għall-eżemplari ħajjin

(ii)

Kodiċijiet NM għall-partijiet li jistgħu jirriproduċu

(iii)

Kategoriji ta' oġġetti assoċjati

(iv)

Acacia saligna (Labill.) H.L.Wendl. (Acacia cyanophylla Lindl.)

ex 0602 90 47

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

 

Acridotheres tristis Linnaeus, 1766

ex 0106 39 80

ex 0407 19 90 (bajd fertilizzat għall-inkubazzjoni)

 

Ailanthus altissima (Mill.) Swingle

ex 0602 90 48

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

 

Andropogon virginicus L.

ex 0602 90 50

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

(13)

Arthurdendyus triangulatus (Dendy, 1894) Jones & Gerard (1999)

ex 0106 90 00

(5)

Cardiospermum grandiflorum Sw.

ex 0602 90 50

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

 

Cortaderia jubata (Lemoine ex Carrière) Stapf

ex 0602 90 50

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

 

Ehrharta calycina Sm.

ex 0602 90 50

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

(13)

Gymnocoronis spilanthoides (D.Don ex Hook. & Arn.) DC.

ex 0602 90 50

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

 

Humulus scandens (Lour.) Merr.

ex 0602 90 50

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

 

Lepomis gibbosus Linnaeus, 1758

ex 0301 99 17

ex 0511 91 90 (bajd fertili tal-ħut għat-tifqis)

(1), (2), (3), (4)

Lespedeza cuneata (Dum.Cours.) G.Don (Lespedeza juncea var. sericea (Thunb.) Lace & Hauech)

ex 0602 90 50

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

(13)

Lygodium japonicum (Thunb.) Sw.

ex 0602 90 50

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

(5)

Plotosus lineatus (Thunberg, 1787)

ex 0301 19 00 ; ex 0301 99 85

ex 0511 91 90 (bajd fertili tal-ħut għat-tifqis)

 

Prosopis juliflora (Sw.) DC.

ex 0602 90 47

ex 1209 99 99 (żrieragħ)

 

Salvinia molesta D.S. Mitch. (Salvinia adnata Desv.)

ex 0602 90 50

 

Triadica sebifera (L.) Small (Sapium sebiferum (L.) Roxb.)

ex 0602 90 48

ex 1209 99 99 (żrieragħ)”

 

(2)

Fit-tabella tal-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma ta' tħassib għall-Unjoni, “Orconectes limosus Rafinesque, 1817” hija sostitwita bi “Orconectes limosus Rafinesque, 1817 (Faxonius limosus Rafinesque, 1817)”.

(3)

Fit-tabella tal-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma ta' tħassib għall-Unjoni, “Orconectes virilis Hagen, 1870” hija sostitwita bi “Orconectes virilis Hagen, 1870 (Faxonius virilis Hagen, 1870)”.

(4)

Fit-tabella tal-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma ta' tħassib għall-Unjoni, “Procambarus fallax (Hagen, 1870) f. virginalis” hija sostitwita bi “Procambarus fallax (Hagen, 1870) f. virginalis (Procambarus virginalis Lyko, 2017)”.

(5)

Fit-tabella tal-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma ta' tħassib għall-Unjoni, il-kodiċi tan-NM għall-partijiet li jistgħu jirriproduċu tal-Eichhornia crassipes (Martius) Solms “ex 1209 30 00” huwa sostitwit bil-kodiċi “ex 1209 99 99”.

(6)

Fin-noti tat-tabella għall-kolonna (iv), punt (2) “0301 93 00: Carp (Cyprinus carpio, Carassius carassius, Ctenopharyngodon idellus, Hypophthalmichthys spp., Cirrhinus spp., Mylopharyngodon piceus)” hija sostitwita bi “0301 93 00: Carp (Cyprinus spp., Carassius spp., Ctenopharyngodon idellus, Hypophthalmichthys spp., Cirrhinus spp., Mylopharyngodon piceus, Catla catla, Labeo spp., Osteochilus hasselti, Leptobarbus hoeveni, Megalobrama spp.)”.

(7)

Fin-noti tat-tabella għall-kolonna (iv), punt (6) “1211 90 86: Pjanti oħra u partijiet tagħhom (inklużi żerriegħa u frott), tat-tip li jintużaw l-aktar fil-fwejjaħ, fil-farmaċija jew għal għanijiet ta' insettiċidi, fungiċidi jew simili, friski jew imnixxfa, kemm jekk maqtugħin jew le, misħuqin jew f'forma ta' trab” hija sostitwita bi “ex 1211 90 86: żrieragħ friski, mhux maqtugħin, misħuqin jew f'forma ta' trab”.

(8)

Fin-noti tat-tabella għall-kolonna (iv), jiżdied il-punt li ġej:

“(13)

ex 1213: Hay”.

DEĊIŻJONIJIET

26.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/5


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1263

tat-18 ta' Lulju 2019

dwar il-ħruġ ta' munita kommemorattiva b'disinn komuni biex tfakkar il-35 anniversarju tal-programm Erasmus

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 651/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 729/2014 (2), il-muniti kommemorattivi maħruġa kollettivament mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkommemoraw biss suġġetti ta' rilevanza Ewropea ewlenija, u d-disinn tagħhom għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti kostituzzjonali possibbli ta' dawk l-Istati Membri.

(2)

Fit-2 ta' Lulju 2019, abbażi ta' proposta mis-Sottokumitat għall-Munita tal-Euro, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju approva l-prinċipju ta' ħruġ kommemorattiv komuni għall-2022 biex ifakkar il-35 anniversarju tal-programm Erasmus.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 651/2012, id-deċiżjoni jekk jinħarġux muniti kommemorattivi b'disinn komuni maħruġa kollettivament mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro għandha tittieħed mill-Kunsill,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ħruġ kollettiv fl-2022 ta' munita kommemorattiva b'disinn komuni, mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro, biex tfakkar il-35 anniversarju tal-programm Erasmus huwa b'dan approvat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 135.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 729/2014 tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 194, 2.7.2014, p. 1).


26.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/6


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2019/1264

tat-23 ta' Lulju 2019

dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) (EUTM Somalia/1/2019)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta' Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Billi:

(1)

Bis-saħħa tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2010/96/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS), f'konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia), inkluż id-deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandanti tal-Missjoni tal-UE sussegwenti.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/971 (2) emendat il-katina ta' kmand tal-EUTM Somalia.

(3)

Fil-11 ta' Lulju 2018, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/992 (3) li taħtar il-Kurunell Matteo Giacomo SPREAFICO bħala l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-EUTM Somalia.

(4)

Fit-23 ta' Mejju 2019, l-Italja pproponiet il-ħatra tal-Brigadier Ġeneral Antonello DE SIO biex jieħu post il-Brigadier Ġeneral Matteo Giacomo SPREAFICO bħala l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-EUTM Somalia mid-9 ta' Awwissu 2019.

(5)

Fl-4 ta' Ġunju 2019, il-Kumitat Militari tal-UE qabel li jirrakkomanda li l-KPS japprova din il-proposta.

(6)

Jenħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-ħatra tal-Brigadier Ġeneral Antonello DE SIO. Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/992 jenħtieġ għaldaqstant li titħassar.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u la hija marbuta biha u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Brigadier Ġeneral Antonello DE SIO huwa b'dan maħtur bħala l-Kmandant tal-Forza tal- EUTM Somalia mid-9 ta' Awwissu 2019.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/992 hija b'dan imħassra b'effett mid-9 ta' Awwissu 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2019.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

S. FROM-EMMESBERGER


(1)  ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/971 tat- 8 ta' Ġunju 2017 li tiddetermina l-arranġamenti għall-ippjanar u t-tmexxija tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi tal-UE fil-qafas tal-PSDK u li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja, 2013/34/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) u (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta' taħriġ militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 133).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2018/992 tal-11 ta' Lulju 2018 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) (EUTM Somalia/1/2018) (ĠU L 177, 13.7.2018, p. 12).


LINJI GWIDA

26.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/8


LINJA GWIDA (UE) 2019/1265 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta' Lulju 2019

dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) (BĊE/2019/19)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 127(2) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 tiegħu,

Billi:

(1)

Parametri referenzjali tar-rati tal-imgħax huma importanti għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji u t-trażmissjoni tal-politika monetarja. L-ewwel nett, is-swieq finanzjarji jiddependu ħafna fuq dawn il-parametri referenzjali bħala referenza f'kuntratti finanzjarji, pereżempju ipoteki, kuntratti tas-suq monetarju, titoli ta' rata varjabbli u strumenti derivattivi. It-tieni nett, dawn il-parametri referenzjali huma l-bażi għall-valutazzjoni ta' kuljum ta' għadd ta' strumenti finanzjarji. It-tielet nett, it-trażmissjoni tal-politika monetarja tibda b'tibdiliet fil-parametri referenzjali fis-swieq monetarji bħala rispons għal tibdiliet fir-rati tal-imgħax tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). In-nuqqas ta' parametri referenzjali robusti u kredibbli jista' għalhekk jagħti lok għal tħarbit fis-suq finanzjarju b'possibbiltà ta' impatt negattiv sinifikanti fuq it-trażmissjoni tad-deċiżjonijiet tal-BĊE dwar il-politika monetarja u l-abbiltà tal-Eurosistema li tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tal-politika segwita mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kompiti li ngħataw lill-Eurosistema skont l-Artikolu 127(2) u (5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-medja tal-indiċi ta' matul il-lejl tal-euro (EONIA), waħda mill-parametri referenzjali ta' matul il-lejl użata ħafna fl-Unjoni, tista' ma tkunx rikonoxxuta bħala konformi mar-rekwiżiti introdotti mir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Konsegwentement, hemm riskju li l-użu ta' dan il-parametru referenzjali fi strumenti finanzjarji jew kuntratti ġodda ma jkunx permess fil-futur. Sabiex l-Eurosistema twettaq dawn il-kompiti, huwa importanti li l-Eurosistema tipprovdi rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) għaż-żona tal-euro, li tista' tikkumplimenta parametri referenzjali eżistenti u sservi ta' rata ta' referenza bħala lqugħ fil-każ li ma titkompliex l-EONIA.

(2)

Sabiex twettaq il-kompiti tagħha, l-Eurosistema tuża informazzjoni statistika granulari tas-suq monetarju miġbura taħt ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/48) (2). Dan ir-Regolament jirrikjedi li aġenti li jirrapportaw jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti ta' rapportar statistiku u jimponi obbligi fuq il-BĊNi dwar il-ġbir ta' informazzjoni statistika u assigurazzjoni tal-kwalità. Barra minn hekk, aġenti li jirrapportaw huma soġġetti għall-qafas tan-nonkonformità statistika tal-Eurosistema. L-informazzjoni statistika hija rrappurtata fil-jum ta' negozju li jmiss tat-TARGET2 wara d-data tan-negozju minn ġabra ta' istituzzjonijiet ta' kreditu ddefiniti mill-Kunsill Governattiv skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48).

(3)

Il-BĊE u l-BĊNi huma responsabbli għall-ġbir u l-proċessar tal-kwalità tal-informazzjoni statistika meħtieġa għad-determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. Il-BĊE bħala amministratur tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-BĊNi li għandhom responsabbiltajiet u kompiti fir-rigward tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir jiddependu fuq aġenti li jirrapportaw biex jissodisfaw l-istandards minimi sabiex jilħqu r-rekwiżiti ta' rappurtar statistiku tal-BĊE fir-rigward ta' informazzjoni statistika miġbura skont ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48) u identifikat għal użu fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

(4)

Fir-rigward tal-ġbir ta' informazzjoni statistika taħt ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48), l-Artikolu 3(3) ta' dak ir-Regolament jippermetti l-BĊNi jiddeċiedu li jitrasferixxu r-responsabbiltajiet tagħhom lill-BĊE. Għal dik ir-raġuni, il-BĊNi li jieħdu tali deċiżjoni mhumiex se joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali taħt din il-Linja Gwida. B'mod partikolari, tali deċiżjoni meħuda minn BĊN m'għandhiex teħles lil dak il-BĊN mir-responsabbiltà għall-affidabbiltà u l-integrità tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal li tiġi sottomessa kif ipprovdut f'din il-Linja Gwida, peress li l-aġent jew aġenti li jirrapportaw xorta jkunu residenti fl-Istat Membru tiegħu. Għaldaqstant ir-regoli sostantivi u proċedurali li jirregolaw il-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għandhom jiġu adottati fil-livell tal-Eurosistema.

(5)

Linja Gwida hija neċessarja biex tirregola r-rata tal-euro fuq terminu qasir u biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-BĊE għall-amministrazzjoni tagħha u s-sorveljanza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. Il-Linja Gwida għandha ukoll tistabbilixxi d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-BĊNi fir-rigward tal-kontribut tagħhom għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u proċeduri ta' negozju oħra.

(6)

Qafas legali ċar, sod u komprensiv dwar id-determinazzjoni, l-amministrazzjoni u s-sorveljanza tar-rata tal-euro fuq terminu qasir itejjeb iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika miġbura mill-aġenti li jirrapportaw.

(7)

Huwa rikonoxxut li l-banek ċentrali diġà jissodisfaw il-prinċipji, l-istandards u l-proċeduri li jiżguraw li huma jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom b'integrità u b'mod indipendenti. Madankollu, huwa xieraq li, fejn possibbli, dan il-qafas legali jkun konformi mal-aħjar prattika internazzjonali għall-provvista ta' standards minimi finanzjarji u trasparenza, b'mod partikolari l-prinċipji IOSCO għal parametri referenzjali finanzjarji (3) (iktar 'il quddiem il-“Prinċipji IOSCO”). Ghalhekk, għalkemm la l-prinċipji IOSCO u lanqas ir-Regolament (UE) 2016/1011 ma japplikaw għal banek ċentrali, fid-determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir skont din il-Linja Gwida, il-BĊE bħala amministratur tar-rata tal-euro fuq terminu qasir ser jagħmel ħiltu biex jittrasponi l-intenzjoni tal-Principji IOSCO, fejn rilevanti u xieraq. Il-miżuri li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu proporzjonati għar-riskji maħluqa għar-rata tal-euro fuq terminu qasir u għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

(8)

Il-BĊE għandu jiżgura li qafas ta' kontroll xieraq u trasparenti b'mod konformi mal-aħjar prattika internazzjonali, huwa fis-seħħ sabiex tiġi protetta l-integrità u l-indipendenza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u sabiex jiġi indirizzat kull kunflitt ta' interess, eżistenti jew potenzjali, identifikat. Il-qafas ta' kontroll jinkludi aderenza mal-Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/11) (4) li tistabbilixxi l-prinċipji etiċi li għandhom jiġu osservati fit-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema. Il-qafas ta' kontroll jista' jiddependi wkoll fuq politiki u proċeduri eżistenti tal-BĊE u tal-BĊNi sabiex jiġi żgurat li l-membri tal-persunal bil-livelli rilevanti ta' għarfien ikunu involuti fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u li jingħataw taħriġ xieraq u l-kompetenza tagħhom tiġi riveduta.

(9)

Minħabba l-kritikalità għolja ħafna tas-servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) meħtieġa għas-sostenn tal-provvista tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE u l-BĊNi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali għandhom jipprovdu dawn is-servizzi skont rekwiżiti ta' disponibbiltà għolja u livell tas-servizz tal-IT li għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma mill-BĊE.

ADOTTA DIN IL-LINJA TA' GWIDA:

Artikolu 1

Suġġett

Din il-Linja Gwida tirregola r-rata tal-euro fuq terminu qasir u tistabbilixxi r-responsabbilitajiet tal-BĊE għall-amministrazzjoni tagħha u s-sorveljanza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. Il-Linja Gwida tistabbilixxi wkoll il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-BĊNi fir-rigward tal-kontribut tagħhom ghall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u proċeduri ta' negozju oħrajn.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“BĊN” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(2)

“rata tal-euro fuq terminu qasir” tfisser ir-rata tal-imgħax li tirrappreżenta l-ispejjeż ta' self ta' matul il-lejl bl-ingrossa f'euro mhux iggarantiti ta' banek li jinsabu fiż-żona tal-euro.

(3)

“sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir” tfisser is-sistema żviluppata u proprjetà tal-BĊE għar-riċeviment ta' informazzjoni statistika li tiddaħħal, it-twettiq ta' validazzjonijiet tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal, ir-rapportar dwar il-kwalità tagħha u l-kalkolu tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(4)

“pjattaforma ta' ġbir lokali” tfisser sistema ta' BĊN b'aġent jew aġenti li jirrapportaw residenti fl-Istat Membru tiegħu li ma jkunx iddeċieda li jittrasferixxi r-responsabbiltajiet tiegħu lill-BĊE taħt ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48), jew tal-BĊE, użata għall-ġbir ta' informazzjoni statistika li tiddaħħal, għat-twettiq ta' validazzjonijiet tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal, għar-rapportar dwar il-kwalità tagħha u għas-sottomissjoni ta' informazzjoni statistika li tiddaħħal fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(5)

“informazzjoni statistika li tiddaħħal” tfisser l-informazzjoni statistika tas-segment tas-suq mhux iggarantita li hija rrappurtata minn aġenti li jirrapportaw lill-BĊNi jew lill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48);

(6)

“proċessar tal-kwalità” tfisser l-eżekuzzjoni ta' firxa ta' spezzjonijiet tal-kwalità u analiżijiet tal- informazzjoni statistika li tiddaħħal, li huma meħtieġa għad-determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, u għandhom l-għan li jiġu żgurati l-kompletezza, il-validità, il-preċiżjoni, il-konsistenza, id-disponibbiltà u t-tempesitività tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal sottomessa lil u riċevuta fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(7)

“tranżazzjoni eligibbli” tifsser tranżazzjoni li tilqa' l-kriterji tal-eliġibbiltà ddefiniti bħala parti mill-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u li tintgħażel biex tintuża fil-kalkolu tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(8)

“tranżazzjoni” tfisser tranżazzjoni li tifforma parti mill-informazzjoni statistika li tiddaħħal;

(9)

“jum tan-negozju tat-TARGET2” tfisser jum ta' negozju tat-TARGET2 kif iddefinit fl-Artikolu 1 tal-Anness I għad-Deċiżjoni BĊE/2007/7 (5);

(10)

“proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir” tfisser il-proċess b'liema r-rata tal-euro fuq terminu qasir hija determinata u tinkludi l-azzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1);

(11)

“metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir” tfisser il-metodoloġija sabiex tiġi ddeterminata r-rata tal-euro fuq terminu qasir definita mill-BĊE bħala amministratur tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(12)

“ħtiġijiet tal-utent” tfisser dawk il-kapaċitajiet, restrizzjonijiet u karatteristiċi ta' negozju, tekniċi, operattivi u tranżitorji li għandhom jiġu pprovduti mis-sistemi tal-IT tal-BĊNi rispettivi jew tal-BĊE u li jistgħu jinġabru taħt żewġ kategoriji ewlenin, jiġifieri rekwiżiti funzjonali (utent, legali u regolatorji) u rekwiżiti mhux funzjonali (arkitettura, sigurtà, operattivi u tekniċi);

(13)

“arkitettura tas-sistema” tfisser deskrizzjoni tal-arkitettura tas-sistema ġenerali għar-rata tal-euro fuq terminu qasir f'termini ta' komponenti ta' ħardwer u softwer, ir-relazzjonijiet tagħhom kif ukoll l-interfaċċi ma' sistemi oħrajn;

(14)

“aġent li jirrapporta” tfisser aġent li jirrapporta li huwa identifikat bħali tali mill-Kunsill Governattiv u li jifforma parti mill-popolazzjoni attwali li tirrapporta skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014) (BĊE/2014/48);

(15)

“partijiet interessati” tfisser aġenti li jirrapportaw u utenti tar-rata tal-euro fuq żmien qasir;

(16)

“b'mod distakkat” tfisser tranżazzjoni bejn żewġ partijiet li mhijiex tranżazzjoni intragrupp u li tiġi konkluża fuq termini li mhumiex influwenzati minn kunflitt ta' interess ta' xi waħda mill-partijiet (eż. kunflitti ta' interess li jinħolqu minn relazzjoni bħal pereżempju tranżazzjoni bejn affiljati);

(17)

“Qafas tal-Etika tal-Eurosistema” tfisser il-prinċipji stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11);

(18)

“kunflitt ta' interess” tfisser sitwazzjoni fejn membru ta' korp jew tal-persunal tal-BĊE jew ta' BĊN ikollu interess personali li jista' jinfluwenza jew jidher li jinfluwenza t-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiethom;

(19)

“proċedura ta' kontinġenza” tfisser il-proċedura li għandha tiġi implimentata biex jiġi żgurat li r-rata tal-euro fuq terminu qasir tista' tiġi ppubblikata f'każ ta' informazzjoni statistika li tiddaħħal insuffiċjenti, li tista' tkun ikkawżata minn fatturi li jinkludu stress tas-suq jew tħarbit, nuqqas ta' infrastruttura kritika jew fatturi rilevanti oħra;

(20)

“membru tal-persunal” tfisser persuna li għandha relazzjoni ta' impjieg mal-BĊE jew ma BĊN tal-Eurosistema, bl-eċċezzjoni ta' dawk li huma fdati biss b'kompiti li mhumiex relatati mat-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema;

(21)

“membri ta' korpi” tfisser il-membri ta' korpi li jieħdu deċiżjonijiet u korpi oħrajn interni tal-BĊE jew BĊN minbarra membri tal-persunal;

(22)

“Maħżen tad-Dejta Statistika tal-BĊE” tfisser is-servizz tal-BĊE ta' twassil ta' dejta online għall-istatistika;

(23)

“Pjattaforma ta' Tixrid ta' Informazzjoni tas-Suq” tfisser sistema mfassla biex tkun miftuħa u li tintuża mill-BĊE sabiex jippubblika informazzjoni u dejta li jkunu strutturati u adatti għall-ipproċessar awtomatiku;

(24)

“bidla materjali” tfisser bidla fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir jew fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir li jista' jkollha impatt fuq l-interessi tal-partijiet ikkonċernati;

(25)

il-“qafas tan-nonkonformità statistika” tfisser il-qafas tan-nonkonformità statistika tal-Eurosistema li jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (6), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 (7), ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4) (8) u d-Deċiżjoni BĊE/2010/10 (9);

(26)

“ESA 2010” tfisser is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(27)

“proċeduri ta' wara l-produzzjoni” tfisser l-azzjonijiet meħuda wara l-pubblikazzjoni u/jew il-pubblikazzjoni mill-ġdid tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għall-fini ta' monitoraġġ tal-eżattezza u tal-kompletezza tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal u ta' tħejjija għall-azzjonijiet li jkunu jridu jittieħdu fil-jum tan-negozju tat-TARGET2 sussegwenti. Tali azzjonijiet u proċeduri ma jinkludux l-azzjonijiet inklużi fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

Artikolu 3

Interess sottostanti rrappreżentat mir-rata tal-euro fuq terminu qasir

Ir-rata tal-euro fuq terminu qasir għandha tirrifletti l-ispejjeż ta' self ta' matul il-lejl bl-ingrossa f'euro mhux garantiti ta' banek li jinsabu fiż-żona euro. Ir-rata tal-euro fuq terminu qasir għandha tkun ippubblikata għal kull jum ta' negozju TARGET2 u bbażata fuq tranżazzjonijiet li twettqu u ġew saldati fil-jum ta' negozju TARGET2 preċedenti (data ta' rapportar “T”) b'data ta' maturità ta' T+1 u li huma meqjusa li twettqu b'mod distakkat u b'hekk jirriflettu r-rati tas-suq b'mod imparzjali.

Artikolu 4

Kompiti u responsabbilitajiet tal-BĊE bħala amministratur tar-rata tal-euro fuq terminu qasir

1.   Il-BĊE għandu jkun responsabbli għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, li għandu jinkludi l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment u ż-żamma ta' arranġamenti għas-sottomissjoni u għar-riċezzjoni ta' informazzjoni statistika li tiddaħħal fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(b)

proċessar tal-kwalità, inkluż l-iffiltrar tad-dejta, l-arrikkiment tad-dejta u l-għażla ta' tranżazzjonijiet eliġibbli;

(c)

il-kalkolu tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

2.   Bħala amministratur tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE għandu jkollu l-kompiti u r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

id-definizzjoni tal-interess sottostanti rrappreżentat mir-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(b)

l-implimentazzjoni tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, inkluż l-iżgurar ta' dan li ġej:

(i)

il-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir jiffunzjona b'mod effiċjenti u affidabbli;

(ii)

kwalunkwe kwistjoni fil-kontroll tal-BĊE li taffettwa ħażin jew tista' taffettwa ħażin il-proċess ta' determinazzjoni tal-euro fuq terminu qasir u l-funzjonament xieraq tiegħu tiġi solvuta minnufih;

(iii)

il-pubblikazzjoni tal-kwistjonijiet, tal-politiki u l-proċeduri li jirrigwardaw ir-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir fejn meħtieġ skont din il-Linja Gwida;

(iv)

is-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, ir-rekwiżiti tal-utent, l-ipproċessar tal-kwalità u l-arkitettura tas-sistema huma xierqa, adatti għall-iskop tagħhom u miżmuma kif dovut u kif xieraq;

(v)

m'hemm l-ebda eżerċizzju ta' ġudizzju espert mill-BĊE jew mill-BĊNi fir-rigward tal-użu tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal sabiex tiġi ddeterminata r-rata tal-euro fuq terminu qasir, ħlief skont linji gwida ċari stabbiliti fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u proċeduri ta' negozju.

(c)

il-governanza tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, inkluż tal-qafas ta' kontroll u tal-funzjoni ta' sorveljanza interna stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9, kif ukoll tal-ilmenti u tal-proċeduri tal-awditjar stabbiliti fl-Artikoli 11 u 12;

(d)

il-pubblikazzjoni u, jekk ikun meħtieġ skont il-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, ir-reviżjoni u l-pubblikazzjoni mill-ġdid tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

Minkejja dak li ntqal, il-BĊE u, safejn jikkontribwixxu għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊNi m'għandhomx ikunu responsabbli għall-użu tar-rata tal-euro fuq terminu qasir jew għad-dipendenza fuqha minn parti kkonċernata jew parti terza oħra fi kwalunkwe strument finanzjarju, kuntratt, negozju jew kwalunkwe attività kummerċjali oħra jew deċiżjoni ta' investiment.

3.   Il-BĊE għandu jippubblika r-rata tal-euro fuq terminu qasir sa tliet punti deċimali fis-sit web tiegħu sa mhux aktar tard mid-9.00 Ħin tal-Ewropa Ċentrali (CET) (11) f'kull jum ta' negozju TARGET2, mit-2 ta' Ottubru 2019. Jekk jinstab xi żball jew żbalji wara l-pubblikazzjoni li jaffettwaw ir-rata tal-euro fuq terminu qasir ippubblikata b'aktar minn ċertu livell limitu ta' punti bażi stabbilit fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE għandu jirrevedi r-rata tal-euro fuq terminu qasir u jippubblikaha mill-ġdid fl-istess jum sal-11.00 CET. M'għandu jsir ebda tibdil fir-rata tal-euro fuq terminu qasir wara dak il-ħin. Ir-rata tal-euro fuq terminu qasir għandha tiġi ppubblikata flimkien mal-informazzjoni relatata kif speċifikat fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

4.   Il-BĊE għandu jippubblika ċaħda ta' responsabbiltà fuq is-sit web tiegħu fir-rigward tal-użu tar-rata tal-euro fuq terminu qasir jew tad-dipendenza minnha minn parti kkonċernata jew parti terza oħra fi kwalunkwe strument finanzjarju, kuntratt, negozju jew kwalunkwe attività kummerċjali oħra jew deċiżjoni ta' investiment. Iċ-ċaħda tar-responsabbiltà għandha tkopri lill-BĊE u lill-BĊNi safejn dawn jikkontribwixxu għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

5.   Ir-rata tal-euro fuq terminu qasir għandha tkun magħmula disponibbli wkoll permezz tal-pjattaforma ta' Tixrid tal-Informazzjoni tas-Suq u tal-Maħżen tad-Dejta Statistika tal-BĊE.

6.   Minkejja l-ewwel paragrafu, ir-responsabbiltà għall-kwalità u għall-integrità tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal u t-trażmissjoni f'waqtha tagħha għandha tkun kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48) u l-qafas tan-nonkonformità statistika.

Artikolu 5

Il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-BĊE, tal-BĊNi li joperaw il-pjattaforma ta' ġbir lokali, u l-BĊNi b'aġent jew b'diversi aġenti li jirrapportaw residenti fl-Istat Membru rispettiv tagħhom

1.   Il-BĊE u l-BĊNi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali għandu jkollhom il-kompiti u r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

li jiżguraw li l-informazzjoni statistika li tiddaħħal tiġi sottomessa fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir sas-7.00 CET ta' kull jum ta' negozju TARGET2;

(b)

li jkollhom membri tal-persunal disponibbli għal perjodu li jibda mhux aktar tard mis-6.30 CET sal-11.00 CET sabiex jindirizzaw kwistjonijiet potenzjali li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tal-proċess tal-ġbir u s-sottomissjoni tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u jwettqu proċessar tal-kwalità.

2.   Il-BĊE, il-BNĊi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali u l-BĊNi li għandhom aġent li jirrapporta wieħed jew aktar residenti fl-Istat Membru rispettiv tagħhom għandhom iwettqu l-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-proċeduri ta' wara l-produzzjoni skont il-proċeduri tan-negozju msemmija fl-Artikolu 6(3). Għal dan il-għan, huma għandu jkollhom membri tal-persunal disponibbli kuljum għal perjodu li jibda mhux aktar tard mis-7.00 CET sal-11.00 CET sabiex jinteraġixxu mal-aġenti li jirrapportaw u jwettqu proċessar tal-kwalità.

3.   Il-BĊE u l-BĊNi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali għandhom jikkonformaw ukoll ma' ċerti rekwiżiti ta' disponibbiltà għolja u ta' livell ta' servizz tal-IT fir-rigward tal-pjattaformi ta' ġbir lokali. Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu stabbiliti u miżmuma mill-BĊE.

Artikolu 6

Il-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir

1.   Il-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għandha tinkludi r-raġunament għall-adozzjoni tagħha, id-definizzjoni tal-interess sottostanti rrappreżentat mir-rata tal-euro fuq terminu qasir, is-sorsi tal-informazzjoni statistika li tiddaħħal, il-metodu ta' kalkolu, l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u l-pubblikazzjoni mill-ġdid tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, politika ta' trasparenza li tirrigwarda l-pubblikazzjoni perjodika tal-iżbalji, il-kundizzjonijiet għall-iskattar tal-proċedura ta' kontinġenza u l-kalkolu tar-rata ta' kontinġenza.

2.   Il-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u kwalunkwe tibdil magħmul fiha għandu jkun ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE.

3.   Minbarra l-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE għandu jistabbilixxi u jżomm ċerti proċeduri ta' negozju li jiddeskrivu l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-BĊE u minn BĊNi biex iwettqu l-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-pubblikazzjoni u l-pubblikazzjoni mill-ġdid tar-rata tal-euro fuq terminu qasir kif ukoll il-proċeduri ta' wara l-produzzjoni.

Artikolu 7

L-esternalizzazzjoni tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet

1.   Il-kompiti u r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 m'għandhomx ikunu esternalizzati lil xi parti terza.

2.   Il-BĊE u l-BĊNi jistgħu jesternalizzaw lil fornitur ta' servizz terz iż-żamma u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-IT jew servizzi oħrajn li huma anċillari jew preparatorji għat-twettiq tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jiġi stabbilit qafas ta' sorveljanza permanenti u effettiv fuq tali parti terza;

(b)

il-bank ċentrali li jesternalizza jżomm ir-responsabbiltà legali u l-kontroll fuq l-attivitajiet rilevanti skont il-ftehim ta' esternalizzazzjoni;

(c)

ir-regoli dwar il-protezzjoni u l-użu ta' informazzjoni kunfidenzjali statistika stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jiġu osservati;

(d)

il-Kunsill Governattiv japprova l-arranġamenti kuntrattwali bil-miktub għall-esternalizzazzjoni ta' tali kompiti.

3.   Il-BĊE u kull BĊN għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità mill-kuntratturi tagħhom mal-ftehimiet ta' esternalizzazzjoni u għandhom jiżguraw li l-BĊE u l-BĊNi jinżammu mgħarrfa kif dovut dwar dan.

Artikolu 8

Qafas ta' kontroll

1.   Il-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għandu jkun soġġett għal qafas ta' kontroll.

2.   Minbarra l-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri ta' livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (12), il-qafas ta' kontroll għandu jinkludi:

(a)

proċeduri ta' negozju, kif imsemmija fl-Artikolu 6(3), biex tiġi żgurata l-integrità u l-kwalità tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(b)

arranġamenti biex jiġi żgurat li l-ilmenti u l-proċeduri tal-awditjar stabbiliti fl-Artikoli 11 u 12 huma effettivi għall-ġestjoni tar-riskji għar-rata tal-euro fuq terminu qasir u għall-proċess tad-determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

3.   Rigward il-kunflitti ta' interess li jistgħu jinħolqu fir-rigward tal-involviment ta' membru ta' korp jew ta' membru tal-persunal fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE u l-BĊNi għandhom jirrispettaw il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema jew, fejn rilevanti, il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri ta' livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew.

4.   Rigward l-integrità u l-kwalità tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, il-BĊE għandu jiżgura li l-proċeduri ta' negozju msemmija fl-Artikolu 6(3) jinkludu l-passi għall-ipproċessar tal-kwalità kif deskritti fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir sabiex jiddetermina liema tranżazzjonijiet huma tranżazzjonijiet eliġibbli. L-ipproċessar tal-kwalità fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għandu jinkludi l-kontrolli tal-kwalità fuq livelli multipli fuq l-informazzjoni statistika li tiddaħħal:

(a)

it-twettiq ta' kontrolli ta' validazzjoni li jiżguraw li l-fajls sottomessi fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir ikunu konformi mal-istandards tekniċi meħtieġa sabiex jiġu identifikati tranżazzjonijiet b'informazzjoni statistika nieqsa u/jew possibbilment żbaljata;

(b)

it-twettiq ta' kontrolli tal-kwalità mmirati tal-informazzjoni statistika skont algoritmi definiti minn qabel sabiex jinstabu tranżazzjonijiet periferiċi jew mhux tas-soltu;

(c)

it-talba għall-konferma tal-eżattezza tat-tranżazzjonijiet mill-aġenti li jirrapportaw sabiex jiġi ddeterminat liema tranżazzjonijiet huma tranżazzjonijiet eliġibbli.

5.   L-informazzjoni statistika li tiddaħħal għandha tkun arrikkita mill-BĊE fis-sistema tar-rata tal-euro fuq terminu qasir permezz ta' dejta ta' referenza li tiddeskrivi entità individwali u l-klassifikazzjoni tas-settur istituzzjonali tagħha tal-ESA 2010.

Artikolu 9

Sorveljanza interna

1.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi Kumitat ta' Sorveljanza intern sabiex jirrevedi, jikkontesta u jirrapporta dwar l-aspetti kollha tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, inklużi r-rekwiżiti ta' disponibbiltà għolja u tal-livell ta' servizz tal-IT u l-proċeduri ta' negozju msemmija fl-Artikoli 5(3) u 6(3). Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jaġixxi bħala korp konsultattiv għall-Bord Eżekuttiv u għall-Kunsill Governattiv.

2.   Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jinkludi ħames membri, li minnhom (a) tliet membri, inkluż il-President, għandhom jinħatru fuq bażi ta' nomina mill-BĊE u (b) żewġ membri għandhom jinħatru fuq bażi ta' nomina mill-BĊNi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali, f'kull każ fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv approvata b'deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv. Fir-rigward tal-membri msemmija fil-punt (b) hawn fuq, għandu jkun hemm rotazzjoni kull sentejn fost il-BĊNi li joperaw pjattaforma ta' ġbir lokali. Il-President għandu jkun membru tal-Bord Eżekuttiv. Il-membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jkollhom taħlita xierqa ta' ħiliet tekniċi, għarfien u esperjenza professjonali kemm fil-produzzjoni ta' punti ta' riferiment ta' rati tal-imgħax u fis-suq finanzjarju inġenerali sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw bis-sħiħ ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-membri tal-persunal involuti fil-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir m'għandhomx ikunu membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza; madankollu, jistgħu jappoġġaw il-ħidma tal-Kumitat ta' Sorveljanza u jattendu l-laqgħat tal-Kumitat ta' Sorveljanza bħala osservaturi.

3.   Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jiltaqa' skont u meta l-President iqis li huwa meħtieġ jew xieraq, iżda tal-anqas darba kull erba' xhur. Qabel il-laqgħa inawgurali tal-Kumitat ta' Sorveljanza, il-Kunsill Governattiv għandu japprova l-lista tal-membri u l-kriterji għall-għażla u s-sostituzzjoni futuri tal-membri. Il-membri għandhom ikunu meħtieġa jissottomettu dikjarazzjonijiet ta' kwalunkwe kunflitt ta' interessi kemm mal-ħatra tagħhom kif ukoll fi kwalunkwe avveniment li fil-fehma tagħhom jista' joħloq kunflitt ta' interessi. Dawn id-dokumenti, kif ukoll sommarju ta' kull laqgħa tal-Kumitat ta' Sorveljanza, għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE.

4.   Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jkun stabbilit fi żmien xahar mid-data li fiha tidħol fis-seħħ din il-Linja Gwida.

5.   Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jkollu dawn ir-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

jirrevedi minn żmien għal żmien id-definizzjoni tal-interess sottostanti rrappreżentat mir-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(b)

iżomm lilu nnifsu informat kif xieraq dwar kwalunkwe riskju għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, permezz ta' attivitajiet bħall-ikkummissjonar ta' rieżamijiet esterni;

(c)

jissorvelja kwalunkwe bidla materjali fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, inkluż billi jevalwa jekk jibqax ikejjel kif xieraq l-interess sottostanti kif iddikjarat fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir;

(d)

jirrevedi bidliet materjali proposti u implimentati u politiki u proċeduri proposti dwar il-waqfien possibbli tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, u jitlob lill-BĊE sabiex jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati qabel ma jimplimenta tali bidliet materjali jew jadotta tali politiki jew proċeduri skont l-Artikolu 14;

(e)

jevalwa l-ħtieġa għal salvagwardji addizzjonali fir-rigward ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess lil hinn mis-salvagwardji meħtieġa taħt l-Artikolu 8(3);

(f)

jekk ikun meħtieġ, jinvestiga lmenti magħmula skont l-Artikolu 11;

(g)

jipproponi emendi għall-qafas ta' kontroll lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kunsill Governattiv;

(h)

jissorvelja l-integrità tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u l-qafas ta' kontroll permezz ta' attivitajiet bħas-sorveljanza tal-amministrazzjoni u t-tħaddim tar-rata tal-euro fuq terminu qasir; l-ikkunsidrar tar-riżultati ta' awditi interni u esterni; is-segwitu tal-implimentazzjoni ta' azzjonijiet korrettivi enfasizzati mill-awditi mwettqa skont l-Artikolu 12; u l-iżgurar li l-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir ġiet segwita;

(i)

jinvestiga u jirrapporta ksur allegat ta' obbligi taħt ir-rekwiżiti ta' disponibbiltà għolja u ta' livell ta' servizz tal-IT u l-proċeduri ta' negozju msemmija fl-Artikoli 5(3) u 6(3) lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kunsill Governattiv;

(j)

jipproponi kwalunkwe miżura, meta jqis meħtieġ, sabiex jipproteġi l-integrità, ir-robustezza u l-eżattezza tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

6.   Il-membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandhom ikunu soġġetti għall-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u għar-regoli interni stabbiliti mill-BĊNi rispettivi tagħhom fl-implimentazzjoni ta' dak il-qafas.

7.   Il-kworum għandu jkun tliet membri, preżenti jew bil-vidjo/telekonferenza, inkluż tal-anqas membru wieħed ta' BĊN.

8.   Il-membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandhom jieħdu deċiżjonijiet permezz ta' kunsens. Il-minuti għandhom jinkludu kwalunkwe rakkomandazzjoni lill-Bord Eżekuttiv u lill-Kunsill Governattiv li tirriżulta mit-twettiq mill-Kumitat tar-responsabbiltajiet tiegħu taħt il-paragrafu (5). Meta ma jkunx jista' jintlaħaq kunsens, il-minuti għandhom jinkludu l-opinjonijiet differenti tal-membri.

Artikolu 10

Il-waqfien tar-rata tal-euro fuq terminu qasir

Il-BĊE għandu jadotta politiki u proċeduri ċari bil-miktub dwar il-possibbiltà li r-rata tal-euro fuq terminu qasir titwaqqaf minħabba xi sitwazzjoni, jew kundizzjoni oħra, li twaqqaf lir-rata tal-euro fuq terminu qasir milli tibqa' rappreżentattiva tal-interess sottostanti. Il-politiki u l-proċeduri għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE.

Artikolu 11

Proċeduri dwar ilmenti

1.   Kwalunkwe persuna tista' tressaq ilment bil-miktub lill-BĊE dwar kwalunkwe aspett tal-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir li hija raġonevolment tqis li affettwa l-interessi tagħha b'mod sinifikanti. L-ilment jista' jintbagħat bil-posta lil Bank Ċentrali Ewropew, 60640 Frankfurt am Main, il-Ġermanja.

2.   Il-BĊE huwa impenjat li jwieġeb b'mod ġust, konsistenti u f'waqtu għall-ilmenti raġonevoli kollha mressqa skont l-ewwel paragrafu. Meta jiddeċiedi jekk jinvestigax ilment, il-BĊE għandu jqis is-serjetà u s-sinifikat tiegħu skont l-informazzjoni pprovduta fl-ilment bil-miktub, inkluż kull informazzjoni addizjonali li l-BĊE jista' jsaqsi lill-ilmentatur biex jipprovdi. Jekk il-BĊE iqis li huwa meħtieġ, il-BĊE jista' jitlob lill-Kumitat ta' Sorveljanza sabiex jinvestiga l-ilment. Il-valutazzjoni inizjali u l-investigazzjoni tal-ilment għandha ssir b'mod indipendenti mill-membri tal-persunal involuti fis-suġġett tal-ilment. Deċiżjoni li jiġi investigat ilment jew l-eżitu ta' tali investigazzjoni bl-ebda mod ma jimplika xi assigurazzjoni mill-BĊE dwar l-eżattezza tar-rata ppubblikata.

3.   Jekk l-ilment ikun jirrigwarda l-kompiti u r-responsabbiltajiet ta' BĊN fir-rigward tal-kontribut tiegħu għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir skont din il-Linja Gwida, il-BĊE għandu jikkollabora mal-BĊN sabiex isolvi l-kwistjonijiet li jinqalgħu waqt l-investigazzjoni tal-ilment. Għal dan il-għan, il-BĊE għandu jinforma lill-BĊN dwar l-ilment fi żmien xieraq u jitlob lill-BĊN jipprovdi l-informazzjoni li l-BĊE jqis neċessarja għall-investigazzjoni tal-ilment.

4.   Jekk BĊN isir jaf li sar ilment orali jew bil-miktub, dan għandu jitlob lill-persuna li għamlet l-ilment biex tgħaddih bil-miktub u mingħajr dewmien lill-BĊE. BĊN għandu jikkoopera mal-investigazzjoni tal-ilment billi jiżgura li l-membri tal-persunal li m'għandhomx x'jaqsmu ma' dawk involuti fil-kwistjoni tal-ilment jipprovdu tweġibiet f'waqthom u ġusti għat-talbiet ta' informazzjoni tal-BĊE.

5.   Il-BĊE għandu jirreġistra u jirrikonoxxi li rċieva l-ilmenti kollha u għandu jinforma lill-ilmentatur jekk l-ilment huwiex ser jiġi investigat. Il-BĊE għandu jżomm ir-rekords dwar ilment, inklużi dawk ippreżentati mill-ilmentatur u r-rekords tal-BĊE stess, għal minimu ta' ħames snin mid-data ta' meta jkun wasal l-ilment. Il-BĊE għandu jinforma bil-miktub lill-ilmentatur u lil kwalunkwe parti direttament ikkonċernata bl-ilment, dwar l-eżitu tal-investigazzjoni tiegħu.

6.   Il-paragrafi 1 sa 4 huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe liġi jew regolament nazzjonali li jistgħu japplikaw għal ilment u għal komunikazzjonijiet dwar ilment.

Artikolu 12

Awditi u rendikont tal-awditjar

1.   Il-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir għandu jkun awditjat skont il-karta rilevanti tal-awditjar, jiġifieri l-Karta tal-Verifika tal-BĊE jew il-Karta tal-Verifika għall-Eurosistema/għas-SEBĊ u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.

2.   Il-BĊE għandu jaħtar awditur estern sabiex jevalwa b'mod indipendenti l-qafas użat mill-BĊE biex jamministra r-rata tal-euro fuq terminu qasir f'konformità mal-Prinċipji IOSCO. Ir-rapport tal-awditur estern għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-BĊE.

3.   Il-BĊE u l-BĊNi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni, informazzjoni statistika, rapporti, informazzjoni oħra (inkluża informazzjoni rigward kwalunkwe esklużjoni ta' tranżazzjonijiet), analiżijiet u lmenti rilevanti għall-proċess ta' determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, kif ukoll l-identitajiet tal-aġenti li jirrapportaw, għal mill-anqas ħames snin.

Artikolu 13

Dikjarazzjoni ta' konformità

1.   Il-BĊE għandu jippubblika dikjarazzjoni li tevalwa l-konformità tal-qafas użat mill-BĊE biex jamministra r-rata tal-euro fuq terminu qasir mal-Prinċipji IOSCO (minn hawn 'il quddiem id-“dikjarazzjoni ta' konformità”) fi żmien tnax-il xahar mill-ewwel data ta' pubblikazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

2.   Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tiġi riveduta minn żmien għal żmien mill-BĊE u minn awditur estern maħtur skont l-Artikolu 12(2).

Artikolu 14

Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

1.   Qabel l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe bidla materjali, jew l-adozzjoni ta' politiki jew proċeduri dwar il-possibbiltà tal-waqfien tar-rata tal-euro fuq terminu qasir skont l-Artikolu 10, u wara rieżami tagħhom mill-Kumitat ta' Sorveljanza skont l-Artikolu 9(5)(d), il-BĊE għandu jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati safejn ikun possibbli u prattiku.

2.   Il-BĊE għandu jippubblika t-tnedija ta' proċedura ta' konsultazzjoni u jagħmilha raġonevolment qabel l-implimentazzjoni tal-bidla materjali, jew l-adozzjoni ta' tali politiki jew proċeduri.

Artikolu 15

Rapportar u rieżami perjodiċi

1.   Il-BĊNi li għandhom aġent li jirrapporta wieħed jew aktar residenti fl-Istat Membru rispettiv tagħhom għandhom jirrapportaw lill-BĊE dwar il-prestazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom skont din il-Linja Gwida tnax-il xahar wara li l-Linja Gwida tidħol fis-seħħ u kull sena wara dan.

2.   Il-BĊE għandu jeżamina mill-ġdid, tal-anqas darba fis-sena, jekk bidliet fis-suq sottostanti għar-rata tal-euro fuq terminu qasir jeħtiġux bidliet fir-rata tal-euro fuq terminu qasir u fil-metodoloġija tar-rata tal-euro fuq terminu qasir.

Artikolu 16

Effettività u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lill-BĊNi.

2.   Il-BĊNi għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2019.

Artikolu 17

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta' Lulju 2019.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).

(2)  Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Novembru 2014 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji (BĊE/2014/48) (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 97).

(3)  OICV-IOSCO Principles for Financial Benchmarks, Final Report (Rapport Finali, Prinċipji għal Parametri Referenzjali Finanzjarji), Lulju 2013.

(4)  Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riżervi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 23).

(5)  Deċiżjoni BĊE/2007/7 tal-24 ta' Lulju 2007 dwar il-kundizzjonijiet tat-TARGET2-BĊE (ĠU L 237, 8.9.2007, p. 71).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p. 23).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998, dwar il-poter tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p. 19-22).

(8)  Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 tat-23 ta' Settembru 1999 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21).

(9)  Deċiżjoni BĊE/2010/10 tad-19 ta' Awwissu 2010 dwar nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti għar-rapportar tal-istatistika (ĠU L 226, 28.8.2010, p. 48).

(10)  Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

(11)  Is-CET jieħu inkunsiderazzjoni l-bidla għas-Central European Summer Time.

(12)  Kodiċi ta' Kondotta għall-membri ta' livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 89, 8.3.2019, p. 2).