ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 172

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
26 ta' Ġunju 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014

1

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) ( 1 )

18

 

*

Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

56

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

26.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/1


REGOLAMENT (UE) 2019/1022 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, li tagħha l-Unjoni hija parti kontraenti, tipprevedi obbligi ta' konservazzjoni, inkluż iż-żamma jew l-irkupru tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda f'livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY).

(2)

Fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fi New York fl-2015, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ntrabtu li, sal-2020, jirregolaw b'mod effettiv il-qbid, li jtemmu s-sajd eċċessiv, illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u l-prattiki tas-sajd qerrieda u li jimplimentaw pjanijiet ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza, sabiex l-istokkijiet tal-ħut jiġu ripristinati fl-inqas żmien fattibbli, u jinġiebu tal-inqas f'livelli li jkunu jistgħu jipproduċu l-MSY, kif stabbilit mill-karatteristiċi bijoloġiċi tagħhom.

(3)

Id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Malta MedFish4Ever tat-30 ta' Marzu 2017 (3) tistabbilixxi qafas ġdid għall-governanza tas-sajd fil-baħar Mediterran u tipprovdi programm ta' ħidma li jinkludi ħames azzjonijiet konkreti għall-10 snin li ġejjin. Wieħed mill-impenji li saru f'din id-Dikjarazzjoni huwa li jiġu stabbiliti pjanijiet pluriennali.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi r-regoli tal-politika komuni tas-sajd (PKS) f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Il-PKS trid tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent marin, għall-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet kollha sfruttati b'mod kummerċjali u, b'mod partikolari, għall-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020.

(5)

L-għanijiet tal-PKS huma, fost l-oħrajn, li jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu sostenibbli fit-tul mil-lat ambjentali, soċjali u ekonomiku, li jiġi applikat l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd u li jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd. Il-PKS tikkontribwixxi wkoll għal standard ta' għajxien ġust għas-settur tas-sajd, inkluż is-settur tas-sajd artiġjanali fuq skala żgħira jew dak kostali. Il-kisba ta' dawk l-objettivi tikkontribwixxi wkoll għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel u tipprovdi benefiċċji tal-impjieg.

(6)

Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS, jenħtieġ li jiġu adottati għadd ta' miżuri ta' konservazzjoni bħalma huma pjanijiet pluriennali, miżuri tekniċi, u l-iffissar tal-isforz massimu permissibbli tas-sajd u l-allokazzjoni tiegħu.

(7)

Skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjanijiet pluriennali jridu jissejsu fuq pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi. F'konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet, jenħtieġ li l-pjan pluriennali stabbilit b'dan ir-Regolament ('il-pjan') ikun fih għanijiet, miri kwantifikabbli bi skedi taż-żmien ċari, punti ta' referenza dwar il-konservazzjoni, salvagwardji u miżuri tekniċi maħsuba biex jiġu evitati u mnaqqsa l-qabdiet inċidentali.

(8)

“L-aqwa parir xjentifiku disponibbli” jenħtieġ li jinftiehem li jirreferi għal parir xjentifiku disponibbli għall-pubbliku li għandu l-appoġġ tal-iktar data u tal-iktar metodi xjentifiċi aġġornati u li jew ikun inħareġ minn korp xjentifiku indipendenti rrikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell internazzjonali jew li ġie rrivedut minnu.

(9)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikseb l-aqwa parir xjentifiku disponibbli għall-istokkijiet li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-pjan. Sabiex tagħmel dan, jenħtieġ li hija tikkonsulta, b'mod partikolari, lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”). B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikseb pariri xjentifiċi disponibbli għall-pubbliku, inkluż pariri dwar is-sajd, li jqisu l-pjan u li jindikaw il-meded tal-FMSY u l-punti ta' referenza dwar il-konservazzjoni (il-BPA u l-BLIM).

(10)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (5) jistabbilixxi qafas ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-baħar Mediterran u jeżiġi li jiġu adottati pjanijiet ta' ġestjoni għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, bit-tartaruni, bit-tartaruni tal-kosta, bix-xbieki tat-tidwir u bil-gangmi fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri.

(11)

Franza, l-Italja u Spanja adottaw pjanijiet ta' ġestjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006. Madankollu, dawk il-pjanijiet mhumiex konsistenti ma' xulxin u ma jqisux l-irkaptu kollu li jintuża għas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ u l-firxa transżonali ta' ċerti stokkijiet u ta' ċerti flotot tas-sajd. Barra minn hekk, dawk il-pjanijiet urew li ma kinux effettivi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati esprimew appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjan pluriennali fil-livell tal-Unjoni għall-istokkijiet ikkonċernati.

(12)

STECF wera li l-isfruttament ta' ħafna mill-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran jaqbeż bil-kbir il-livelli meħtieġa biex jinkiseb l-MSY.

(13)

Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit pjan pluriennali għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran.

(14)

Jenħtieġ li l-pjan iqis in-natura mħallta tas-sajd u d-dinamika bejn l-istokkijiet mistada waqt dan it-tip ta' sajd, jiġifieri l-merluzz (Merluccius merluccius), it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus), il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), l-iskampu (Nephrops norvegicus), il-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) u l-gamblu aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea). Jenħtieġ li jqis ukoll l-ispeċijiet tal-qabdiet aċċessorji maqbuda f'sajd għall-ħut tal-qiegħ u l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ li dwarhom ma hemmx biżżejjed data disponibbli. Jenħtieġ li dan japplika għas-sajd għall-ħut tal-qiegħ (b'mod partikolari dak bix-xbieki tat-tkarkir, bix-xbieki tal-qiegħ, bin-nases u bil-konzijiet), li jsir fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni 'l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni f'dik iż-żona tal-Punent tal-Baħar Mediterran.

(15)

Fejn il-mortalità kkawżata minn sajd rikreattiv ikollu impatt sinifikanti fuq l-istokkijiet ikkonċernati, jenħtieġ li l-Kunsill ikun jista' jistabbilixxi limiti nondiskriminatorji għas-sajjieda rikreattivi. Jenħtieġ li l-Kunsill jirreferi għal kriterji trasparenti u oġġettivi meta jistabbilixxi tali limiti. Fejn xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri neċessarji u proporzjonati għall-monitoraġġ u l-ġbir ta' data għall-istima affidabbli tal-livelli proprji tal-qabdiet rikreattivi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu adottati miżuri tekniċi ta' konservazzjoni fir-rigward tas-sajd rikreattiv.

(16)

Jenħtieġ li l-ambitu ġeografiku tal-pjan jissejjes fuq il-firxa ġeografika tal-istokkijiet indikata fl-aqwa parir xjentifiku disponibbli. Jista' jkun li, fil-ġejjieni, ikun hemm bżonn tinbidel il-firxa ġeografika tal-istokkijiet stabbilita fil-pjan minħabba titjib fl-informazzjoni xjentifika. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li jaġġustaw il-firxa ġeografika tal-istokkijiet stabbilita fil-pjan jekk il-parir xjentifiku juri li kien hemm bidla fil-firxa ġeografika tal-istokkijiet rilevanti.

(17)

Jenħtieġ li l-pjan ikollu l-għan li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-PKS u, b'mod partikolari, li jintlaħaq u jinżamm l-MSY għall-istokkijiet fil-mira, li jiġi implimentat l-obbligu tal-ħatt l-art għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ u qabdiet aċċessorji pelaġiċi maqbuda f'sajd għall-ħut tal-qiegħ li huma suġġetti għal daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, u li jiġi promoss livell ġust ta' għajxien għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqiesu s-sajd ta' mal-kosta u l-aspetti soċjoekonomiċi. Jenħtieġ li l-pjan jimplimenta wkoll l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Jenħtieġ li l-pjan ikun koerenti mal-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u, b'mod partikolari, mal-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb sal-2020, skont id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u mal-għanijiet tad-Direttiva 2009/147/KE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (8).

(18)

Jixraq li l-mortalità mis-sajd fil-mira (F) li tikkorrispondi mal-għan li jintlaħaq u jinżamm l-MSY tiġi stabbilita bħala meded ta' valuri li huma konsistenti mal-kisba tal-MSY (FMSY). Dawk il-meded, ibbażati fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, huma meħtieġa sabiex ikun hemm il-flessibbiltà biex jitqiesu l-iżviluppi fil-pariri xjentifiċi, sabiex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art u sabiex jitqies is-sajd imħallat. Abbażi tal-pjan, dawk il-meded huma mfasslin biex jagħtu tnaqqis ta' mhux aktar minn 5 % fir-rendiment fit-tul mqabbel mal-MSY. Barra minn hekk, il-limitu massimu tal-medda tal-FMSY huwa limitat, biex il-probabbiltà li l-istokk jaqa' taħt il-punt ta' referenza ta' limitu tal-bijomassa (BLIM) ma tkunx ta' iktar minn 5 %.

(19)

Għall-fini tal-iffissar tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli, jenħtieġ li jkun hemm meded tal-FMSY għall-“użu normali” u, f'każ li l-istokkijiet ikkonċernati jkunu fi stat tajjeb, il-possibbiltà li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli ikun jista' jiġi stabbilit 'l fuq minn dawk il-meded tal- FMSY għall-aktar stokkijiet vulnerabbli jekk, abbażi ta' parir xjentifiku, dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament b'rabta mas-sajd imħallat, biex jiġi evitat id-dannu lil xi stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokk tal-ispeċi jew mid-dinamika ta' bejn l-istokkijiet ta' speċijiet differenti, jew sabiex jiġu limitati l-varjazzjonijiet fl-isforz tas-sajd massimu permissibbli minn sena għall-oħra. Mortalità mis-sajd fil-mira skont dawk il-meded tal- FMSY jenħtieġ li tintlaħaq fuq bażi progressiva u inkrementali sal-2020 fejn possibbli, u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2025.

(20)

Għall-istokkijiet li għalihom ikunu disponibbli l-miri marbutin mal-MSY, u għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' salvagwardji, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti punti ta' referenza dwar il-konservazzjoni mogħtija bħala punti ta' referenza ta' prekawzjoni (BPA) u punti ta' referenza ta' limitu (BLIM).

(21)

Jenħtieġ li l-miżuri ta' rimedju jinkludu miżuri ta' emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli u miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni oħrajn.

(22)

Sabiex ikun żgurat aċċess trasparenti għas-sajd u l-kisba tal-mortalitajiet mis-sajd fil-mira, jenħtieġ li jiġi adottat reġim tal-isforz tas-sajd fil-livell tal-Unjoni għax-xbieki tat-tkarkir, li huma l-irkaptu ewlieni li jintuża għas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran. Għal dak il-għan, jixraq li jiġu stabbiliti l-gruppi tal-isforz tas-sajd sabiex, ta' kull sena, il-Kunsill ikun jista' jistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, mogħti bħala għadd ta' jiem tas-sajd. Jenħtieġ li r-reġim tal-isforz tas-sajd ikun jinkludi wkoll irkaptu ieħor tas-sajd jekk dan ikun meħtieġ.

(23)

Minħabba s-sitwazzjoni ta' tħassib ta' ħafna stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran, u sabiex jitnaqqsu l-livelli attwali għoljin ta' mortalità mis-sajd, jenħtieġ li r-reġim tal-isforz tas-sajd ikun jinvolvi tnaqqis sinifikanti fl-isforz tas-sajd fl-ewwel ħames snin ta' implimentazzjoni tal-pjan.

(24)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi sabiex jiżguraw li r-reġim tal-isforz tas-sajd ikun effettiv u jkun jista' jaħdem, billi jinkludu metodu biex jiġu allokati l-kwoti tal-isforz tas-sajd skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, billi joħolqu lista tal-bastimenti, billi joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd u billi jirreġistraw id-data rilevanti dwar l-isforz tas-sajd u jibagħtuha.

(25)

Sabiex jikkontribwixxu għall-kisba effettiva tal-għanijiet tal-pjan, u f'konformità mal-prinċipji ta' governanza tajba stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jippromwovu sistemi ta' ġestjoni parteċipattiva fil-livell lokali.

(26)

Sabiex jitħarsu ż-żoni ta' tkabbir tal-ħut u l-ħabitats sensittivi, u sabiex jiġi ssalvagwardjat is-sajd fuq skala żgħira, jenħtieġ li ż-żona ta' mal-kosta tkun irriżervata b'mod regolari għas-sajd iktar selettiv. Għalhekk, jenħtieġ li l-pjan jistabbilixxi għeluq għax-xbieki tat-tkarkir li joperaw fi ħdan sitt mili nawtiċi mill-kosta ħlief f'żoni aktar fondi minn 100 m isobath waqt tliet xhur kull sena. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu stabbiliti żoni magħluqin oħrajn, fejn dan jista' jiżgura minn tal-anqas tnaqqis ta' 20 % tal-qabdiet ta' merluzz li għadu qed jikber.

(27)

Jenħtieġ li jittieħdu iktar miżuri ta' konservazzjoni b'rabta mal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ. B'mod partikolari, abbażi ta' parir xjentifiku, jixraq li jkun stabbilit għeluq addizzjonali f'żoni bi ġlejjeb kbar ta' ħut riproduttiva, sabiex jitħares il-merluzz adult li diġà sarlu dannu kbir.

(28)

Jenħtieġ li l-approċċ ta' prekawzjoni japplika għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji u għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ li dwarhom ma hemmx biżżejjed data disponibbli. Jenħtieġ li jiġu adottati miżuri ta' konservazzjoni speċifiċi skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 meta l-parir xjentifiku juri li hemm bżonn ta' miżuri ta' rimedju.

(29)

Jenħtieġ li l-pjan jipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri tekniċi addizzjonali ta' konservazzjoni permezz ta' atti delegati. Dak huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ u mat-titjib tas-selettività.

(30)

Biex jikkonforma mal-obbligu tal-ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-pjan jipprevedi miżuri ta' ġestjoni addizzjonali li għandhom jiġu speċifikati aktar f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(31)

Sabiex il-pjan jiġi adattat f'waqtu għall-progress tekniku u xjentifiku, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti, skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta lil dan ir-Regolament b'miżuri ta' rimedju u b'miżuri tekniċi ta' konservazzjoni, sabiex timplimenta l-obbligu tal-ħatt l-art u sabiex temenda ċerti elementi tal-pjan. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ndaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b'mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(32)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-iskadenza għat-tressiq ta' rakkomandazzjonijiet konġunti min-naħa tal-Istati Membri li jkollhom interess dirett ta' ġestjoni, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(33)

Sabiex jiġi evalwat il-progress li jkun qed isir fil-kisba tal-MSY, jenħtieġ li l-pjan jippermetti l-monitoraġġ xjentifiku regolari tal-istokkijiet ikkonċernati u, meta jkun possibbli, tal-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji.

(34)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta b'mod perjodiku l-adegwatezza u l-effettività ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni ssegwi u tissejjes fuq il-evalwazzjoni perjodika tal-pjan, li ssir mill-STECF abbażi tal-parir xjentifiku sas-17 ta' Lulju 2024 u kull tliet snin wara dak iż-żmien. Dak il-perijodu jippermetti li jiġi implimentat bis-sħiħ l-obbligu tal-ħatt l-art u li jiġu adottati u implimentati miżuri reġjonalizzati u li dawn jibda jkollhom impatt fuq l-istokkijiet u fuq is-sajd.

(35)

Sabiex tingħata ċertezza legali, jixraq li jiġi ċċarat li l-miżuri ta' waqfien temporanju li ġew adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan jistgħu jitqiesu bħala miżuri li huma eliġibbli għall-appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(36)

Sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotta u l-isforz tas-sajd massimu permissibbli disponibbli, jenħtieġ li jkun disponibbli appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għall-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd fit-taqsimiet tal-flotta żbilanċjati koperti minn dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat skont dan.

(37)

Qabel ma ġie abbozzat il-pjan, ġie vvalutat kif xieraq l-impatt ekonomiku u soċjali probabbli tiegħu, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(38)

B'kont meħud li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli huwa stabbilit għal kull sena kalendarja, id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġim tal-isforz tas-sajd jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta' Jannar 2020. B'kont meħud tas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika, id-dispożizzjonijiet dwar il-meded tal-FMSY u dwar is-salvagwardji għall-istokkijiet taħt il-BPA jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta' Jannar 2025,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran.

2.   Dan ir-Regolament japplika għall-istokkijiet li ġejjin:

(a)

il-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) fis-subżoni 1, 5, 6 u 7 tal-GFCM;

(b)

il-gamblu warda tal-ilma fond (Parapenaeus longirostris) fis-subżoni 1, 5, 6 u 9-10-11 tal-GFCM;

(c)

il-gamblu aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea) fis-subżoni 9-10-11 tal-GFCM;

(d)

il-merluzz (Merluccius merluccius) fis-subżoni 1-5-6-7 u 9-10-11 tal-GFCM;

(e)

l-iskampu (Nephrops norvegicus) fis-subżoni 5, 6, 9 u 11 tal-GFCM;

(f)

it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fis-subżoni 1, 5, 6, 7, 9, 10 u 11 tal-GFCM;

3.   Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji li jinqabdu fil-Punent tal-Baħar Mediterran waqt is-sajd għall-istokkijiet elenkati fil-paragrafu 2. Huwa japplika wkoll għal kwalunkwe stokk tal-ħut tal-qiegħ ieħor li jinqabad fil-Punent tal-Baħar Mediterran u li dwaru ma hemmx biżżejjed data disponibbli.

4.   Dan ir-Regolament japplika għas-sajd kummerċjali li jaqbad l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ imsemmijin fil-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3, meta dan isir fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni 'l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni tal-Punent tal-Baħar Mediterran.

5.   Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll id-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Punent tal-Baħar Mediterran għall-istokkijiet ta' dawk l-ispeċijiet li japplika għalihom l-obbligu ta' ħatt l-art skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jinqabdu fis-sajd għall-ħut tal-qiegħ.

6.   Dan ir-Regolament jipprevedi miżuri tekniċi, kif stipulat fl-Artikolu 14, applikabbli fil-Punent tal-Baħar Mediterran għal kwalunkwe stokk.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (11) u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006:

(1)

“il-Punent tal-Baħar Mediterran” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi (GSAs) tal-GFCM 1 (it-Tramuntana tal-Baħar Alboran), 2 (il-Gżira Alboran), 5 (il-Gżejjer Baleariċi), 6 (it-Tramuntana ta' Spanja), 7 (il-Golf tal-Iljuni), 8 (il-Gżira ta' Korsika), 9 (il-Baħar Ligurjan u t-Tramuntana tal-Baħar Tirrenu), 10 (in-Nofsinhar tal-Baħar Tirrenu) u 11 (il-Gżira ta' Sardenja), kif iddefiniti fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(2)

“l-istokkijiet ikkonċernati” tfisser l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(2);

(3)

“l-istokk l-aktar vulnerabbli” tfisser l-istokk li għalih, meta ġie stabbilit l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, il-mortalità mis-sajd tas-sena preċedenti tkun l-aktar 'il bogħod mill-valur tal-FMSY determinat skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

(4)

“medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri mogħtija skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill- “STECF”, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali, fejn il-livelli kollha ta' mortalità mis-sajd f'dik il-medda jwasslu għal rendiment massimu sostenibbli (MSY) fit-tul b'mudell determinat ta' sajd u skont il-kundizzjonijiet ambjentali medji attwali mingħajr ma jaffettwaw b'mod sinifikanti l-proċess ta' riproduzzjoni tal-istokkijiet inkwistjoni. Din hija mfassla biex tagħti tnaqqis ta' mhux aktar minn 5 % fir-rendiment fit-tul meta mqabbel mal-MSY. Hija limitata sabiex il-probabbiltà li l-istokk jaqa' taħt il-punt ta' referenza ta' limitu (il-BLIM) ma tkunx ta' iktar minn 5 %;

(5)

“valur tal-FMSY” tfisser il-valur tal-mortalità mis-sajd stmata li, b'mudell determinat ta' sajd u bil-kundizzjonijiet ambjentali attwali, iwassal għar-rendiment massimu fit-tul;

(6)

“MSY FLOWER” tfisser l-iktar valur baxx fil-medda tal-FMSY;

(7)

“MSY FUPPER” tfisser l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY;

(8)

“il-medda l-baxxa tal-FMSY” tfisser medda li jkun fiha l-valuri mill-MSY FLOWER sal-valur tal-FMSY;

(9)

“il-medda l-għolja tal-FMSY” tfisser medda li jkun fiha l-valuri mill-valur tal-FMSY sal-MSY FUPPER;

(10)

“BLIM” tfisser il-punt ta' referenza ta' limitu, espress bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv u mogħti skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill-STECF, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali, li taħtu l-kapaċità riproduttiva tista' tonqos;

(11)

“BPA” tfisser il-punt ta' referenza ta' prekawzjoni, espress bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv u mogħti skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari mill-STECF, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali, li jiżgura li l-probabbiltà li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv taqa' taħt il-BLIM tkun ta' inqas minn 5 %;

(12)

“grupp ta' sforz tas-sajd” tfisser unità ta' ġestjoni tal-flotta ta' Stat Membru li għaliha jiġi ffissat sforz tas-sajd massimu permissibbli;

(13)

“grupp ta' stokk” tfisser grupp ta' stokkijiet maqbuda flimkien kif stabbilit fl-Anness I;

(14)

“jum ta' sajd” tfisser kwalunkwe perijodu kontinwu ta' 24 siegħa, jew parti minnu li waqtu bastiment ikun preżenti fil-Punent tal-Baħar Mediterran u nieqes mill-port.

Artikolu 3

Għanijiet

1.   Il-pjan għandu jkun ibbażat fuq reġim tal-isforz tas-sajd u għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-PKS kif imniżżlin fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari billi japplika l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, kif ukoll li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jerġa' jżid il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom f'livelli 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY.

2.   Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-qbid skartat billi jevita l-qabdiet inċidentali u jnaqqashom kemm jista' jkun u għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni u li għalihom japplika dan ir-Regolament.

3.   Il-pjan għandu jimplimenta l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiżgura li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Dan għandu jkun koerenti mal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb sal-2020 kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.

4.   B'mod partikolari, il-pjan għandu jimmira li:

(a)

jiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 stabbilit fl-Anness I għad-Direttiva 2008/56/KE;

(b)

jikkontribwixxi sabiex jiġu ssodisfati d-deskritturi rilevanti l-oħrajn mogħtija fl-Anness I għad-Direttiva 2008/56/KE b'mod proporzjonat mar-rwol li s-sajd għandu fl-issodisfar tagħhom; u

(c)

jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2009/147/KE u l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 92/43/KEE, b'mod partikolari biex jiġi mminimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq ħabitats vulnerabbli u speċijiet protetti.

5.   Il-miżuri li jittieħdu fil-kuntest tal-pjan għandhom jittieħdu abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

KAPITOLU II

MIRI, PUNTI TA' REFERENZA DWAR IL-KONSERVAZZJONI U SALVAGWARDJI

Artikolu 4

Miri

1.   Il-mortalità mis-sajd fil-mira skont il-meded tal-FMSY iddefiniti fl-Artikolu 2 għandha tintlaħaq fuq bażi progressiva u inkrementali sal-2020 fejn possibbli, u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2025, għall-istokkijiet ikkonċernati, u wara dak iż-żmien, għandha tinżamm fil-meded tal-FMSY.

2.   Il-meded ta' FMSY abbażi ta' dan il-pjan, għandhom jintalbu, b'mod partikolari mill-STECF, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali.

3.   F'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kunsill jistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, huwa għandu jistabbilixxi dak l-isforz tas-sajd għal kull grupp ta' sforz tas-sajd, fil-medda tal-FMSY li tkun disponibbli dak iż-żmien għall-iktar stokk vulnerabbli.

4.   Minkejja l-paragrafi 1 u 3, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jista' jiġi stabbilit f'livelli li jkunu aktar baxxi mill-meded ta' FMSY.

5.   Minkejja l-paragrafi 1 u 3, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jista' jiġi stabbilit f'livelli li huma ogħla mill-medda tal-FMSY li tkun disponibbli dak iż-żmien għall-iktar stokk vulnerabbli, dment li l-livell tal-istokkijiet kollha kkonċernati jkun ogħla mill-BPA:

(a)

jekk, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika disponibbli, dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ tas-sajd imħallat;

(b)

jekk, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika disponibbli, dan ikun meħtieġ biex jiġi evitat dannu serju lil xi stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokk tal-ispeċi jew mid-dinamika ta' bejn l-istokkijiet ta' speċijiet differenti; jew

(c)

sabiex il-varjazzjonijiet fl-isforz tas-sajd massimu permissibbli bejn snin konsekuttivi jiġu limitati għal mhux aktar minn 20 %.

6.   Fejn ma jistgħux jiġu determinati l-meded ta' FMSY għal stokk elenkat fl-Artikolu 1(2) minħabba nuqqas ta' informazzjoni xjentifika adegwata, dak l-istokk għandu jiġi ġestit f'konformità mal-Artikolu 12 sa meta jkunu disponibbli meded ta' FMSY skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Punti ta' referenza dwar il-konservazzjoni

Għall-finijiet tal-Artikolu 6, għandhom jintalbu l-punti ta' referenza dwar il-konservazzjoni li ġejjin, b'mod partikolari mill-STECF, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali, abbażi tal-pjan:

(a)

il-punti ta' referenza ta' prekawzjoni, espressi bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv (BPA); u

(b)

il-punti ta' referenza ta' limitu, espressi bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv (BLIM).

Artikolu 6

Salvagwardji

1.   Meta parir xjentifiku juri li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati tkun taħt il-BPA, għandhom jiġu adottati miżuri ta' rimedju kollha xierqa biex ikun żgurat li l-istokk ikkonċernat jerġa' jitla' malajr għal livelli li jkunu 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, minkejja l-Artikolu 4(3), l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jiġi stabbilit f'livelli li jkunu konsistenti ma' mortalità mis-sajd li tkun tnaqqset u tkun inġiebet fil-medda tal-FMSY għall-istokk l-iktar vulnerabbli, filwaqt li jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.

2.   Meta l-parir xjentifiku juri li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati tkun taħt il-BLIM, għandhom jittieħdu iktar miżuri ta' rimedju biex ikun żgurat li l-istokk ikkonċernat jerġa' jitla' malajr għal livelli li jkunu 'l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, minkejja l-Artikolu 4(3), tali miżuri ta' rimedju jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd li jkollu fil-mira l-istokk ikkonċernat u t-tnaqqis ix-xieraq tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli.

3.   Il-miżuri ta' rimedju msemmijin f'dan l-Artikolu jistgħu jinkludu:

(a)

miżuri skont l-Artikoli 7, 8 u 11 sa 14 ta' dan ir-Regolament; u

(b)

miżuri ta' emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

4.   L-għażla tal-miżuri msemmijin f'dan l-Artikolu għandha ssir skont in-natura, is-serjetà, it-tul ta' żmien u r-repetizzjoni tas-sitwazzjoni fejn il-bijomassa tal-istokk riproduttiv tkun taħt il-livelli msemmijin fl-Artikolu 5.

KAPITOLU III

SFORZ TAS-SAJD

Artikolu 7

Reġim tal-isforz tas-sajd

1.   Għandu japplika reġim tal-isforz tas-sajd għall-bastimenti kollha li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir fiż-żoni, il-gruppi ta' stokkijiet u l-kategoriji tat-tul iddefiniti fl-Anness I.

2.   Kull sena, abbażi taq' parir xjentifiku, u f'konformità mal-Artikolu 4, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal kull grupp ta' sforz tas-sajd għal kull Stat Membru.

3.   B'deroga mill-Artikolu 3(1) u minkejja l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, waqt l-ewwel ħames snin ta' implimentazzjoni tal-pjan:

(a)

għall-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-pjan, ħlief għal GSAs fejn l-isforz tas-sajd diġà tnaqqas b'aktar minn 20 % waqt il-perijodu tal-valur ta' referenza, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jitnaqqas b'10 % meta mqabbel mal-valur ta' referenza;

(b)

għat-tieni sal-ħames sena tal-implimentazzjoni tal-pjan, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jitnaqqas b'massimu ta' 30 % waqtwaqt dak il-perijodu. It-tnaqqis fl-isforz tas-sajd jista' jiġi ssupplimentat bi kwalunkwe miżura teknika jew miżura oħra ta' konservazzjoni adottata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, sabiex jinkiseb il-FMSY sal-1 ta' Jannar 2025.

4.   Il-valur ta' referenza msemmi fil-paragrafu 3 għandu jiġi kkalkulat minn kull Stat Membru għal kull grupp ta' sforz tas-sajd jew subżona ġeografika bħala l-isforz tas-sajd medju, espress bħala l-għadd ta' jiem tas-sajd bejn l-1 ta' Jannar 2015 u l-31 ta' Diċembru 2017, u għandu jqis biss il-bastimenti li kienu qed jistadu b'mod attiv waqt dak il-perijodu.

5.   Meta l-aqwa parir xjentifiku disponibbli juri li qed isiru qabdiet sinifikanti ta' stokk partikolari bl-użu ta' rkaptu ieħor minbarra x-xbieki tat-tkarkir, jista' jiġi stabbilit sforz tas-sajd massimu permissibbli għat-tali rkaptu speċifiku abbażi ta' dak il-parir xjentifiku.

Artikolu 8

Sajd rikreattiv

1.   Fejn il-parir xjentifiku jindika li s-sajd rikreattiv qed ikollu impatt sinifikanti fuq il-mortalità tas-sajd ta' stokk elenkat fl-Artikolu 1(2), il-Kunsill jista' jistabbilixxi limiti nondiskriminatorji għas-sajjieda rikreattivi.

2.   Meta jistabbilixxi l-limiti msemmija fil-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jirreferi għal kriterji trasparenti u oġġettivi, inkluż dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika. Il-kriterji użati jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, l-impatt tas-sajd rikreattiv fuq l-ambjent, l-importanza soċjetali ta' dik l-attività u l-kontribut ta' dik l-attività u l-kontribut tagħha għall-ekonomija fiż-żoni kostali.

3.   Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji u proporzjonati għall-monitoraġġ u l-ġbir ta' data għal stima affidabbli tal-livelli proprji tal-qabdiet rikreattivi.

Artikolu 9

Obbligi tal-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw l-isforz tas-sajd massimu permissibbli skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 26 sa 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

2.   Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar metodu biex l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jiġi allokat lil bastimenti individwali jew lil gruppi ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

3.   Stat Membru jista' jemenda l-allokazzjonijiet tal-isforz tas-sajd tiegħu billi jittrasferixxi l-jiem tas-sajd minn grupp ta' sforz tas-sajd għal ieħor fl-istess żona ġeografika, dment li japplika fattur ta' konverżjoni li jkun appoġġat mill-aqwa parir xjentifiku disponibbli. Il-jiem tas-sajd skambjati u l-fattur ta' konverżjoni għandhom jitqiegħdu immedjatament, u mhux aktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u ta' Stati Membri.

4.   Meta Stat Membru jippermetti lil bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu jistad bix-xbieki tat-tkarkir, huwa għandu jiżgura li t-tali sajd ikun limitat għal mhux aktar minn 15-il siegħa għal kull jum tas-sajd, għal ħamest ijiem tas-sajd fil-ġimgħa jew għall-ekwivalenti ta' dan.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga sa 18-il siegħa għal kull jum ta' sajd biex jitqies il-ħin ta' transitu bejn il-port u l-post tas-sajd. Tali derogi għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra mingħajr dewmien.

5.   Minkejja l-paragrafu 3, meta bastiment jistad għal żewġ gruppi ta' stokkijiet differenti waqt jum tas-sajd wieħed, għandu jitnaqqas nofs jum tas-sajd mill-isforz tas-sajd massimu permisibbli allokat lil dak il-bastiment għal kull grupp ta' stokk.

6.   Għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u għas-sajd għall-istokkijiet ikkonċernati, kull Stat Membru għandu joħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għaż-żoni msemmijin fl-Anness I u skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità totali, espressa f'GT u kW,li tikkorrispondi għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġin skont il-paragrafu 6, ma tiżdiedx waqt il-perijodu ta' applikazzjoni tal-pjan.

8.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi lista tal-bastimenti b'awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa f'konformità mal-paragrafu 4 u jżommha aġġornata, u għandu jqegħidha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri l-oħrajn. L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-listi tagħhom għall-ewwel darba fi żmien tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament u sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru ta' kull sena wara dik id-data.

9.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw ir-reġim tal-isforz tas-sajd tagħhom u jiżguraw li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli msemmi fl-Artikolu 7 ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti.

10.   F'konformità mal-prinċipji ta' governanza tajba stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri jistgħu jippromwovu sistemi ta' ġestjoni parteċipattiva fil-livell lokali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan.

Artikolu 10

Komunikazzjoni tad-data rilevanti

1.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-data dwar l-isforz tas-sajd u jibagħtuha lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u skont l-Artikoli 146c, 146d u 146e tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (13).

2.   Id-data dwar l-isforz tas-sajd għandha tiġi aggregata għal kull xahar u jkun fiha l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II. Id-data aggregata għandha tkun fil-format tad-Definizzjoni tal-Iskema XML abbażi tal-istandard P1000-12 tas-CEFACT tan-NU.

3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-data dwar l-isforz tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni qabel il-15-il jum ta' kull xahar.

KAPITOLU IV

MIŻURI TEKNIĊI TA' KONSERVAZZJONI

Artikolu 11

Żoni magħluqin għas-sajd

1.   Minbarra dak li hu previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, għandu jkun ipprojbit l-użu tax-xbieki tat-tkarkir fil-Punent tal-Baħar Mediterran sitt mili nawtiċi mill-kosta ħlief f'żoni aktar fondi minn 100 m isobath waqt tliet xhur kull sena u fejn xieraq konsekuttivament, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli. Dawk it-tliet xhur ta' għeluq annwali għandhom jiġu determinati minn kull Stat Membru u għandhom japplikaw waqt l-aktar perijodu rilevanti determinat abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli. Dak il-perijodu għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra mingħajr dewmien.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1 u dment li jkun ġustifikat minn restrizzjonijiet ġeografiċi partikolari, bħad-daqs limitat tal-blata kontinentali jew id-distanzi t-twal għal postijiet tas-sajd, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, żoni oħra magħluqin għas-sajd, dment li jinkiseb tnaqqis ta' mill-inqas 20 % ta' merluzz li għadu qed jikber f'kull subżona ġeografika. Tali deroga għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra mingħajr dewmien.

3.   Sas-17 ta' Lulju 2021 u abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu żoni magħluqin għas-sajd oħrajn meta jkun hemm evidenza li fihom hemm konċentrazzjoni għolja ta' ħut li għadu qed jikber, taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, u ta' żoni ta' riproduzzjoni għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ, b'mod partikolari għall-istokkijiet ikkonċernati.

4.   Iż-żoni magħluqin għas-sajd l-oħra stabbiliti skont il-paragrafu 3 għandhom jiġu vvalutata, b'mod partikolari, minn STECF, jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew dak internazzjonali. Jekk dik il-valutazzjoni tindika li dawk iż-żoni magħluqin għas-sajd mhumiex konformi mal-għanijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżaminaw dawk iż-żoni magħluqin għas-sajd fid-dawl ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

5.   Meta l-bastimenti ta' diversi Stati Membri jkunu ser jintlaqtu miż-żoni magħluqin għas-sajd imsemmijin fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, u abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, li jistabbilixxu ż-żoni magħluqin għas-sajd ikkonċernati.

Artikolu 12

Ġestjoni tal-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji u tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ li dwarhom ma hemmx biżżejjed data disponibbli

1.   Il-ġestjoni tal-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament għandha ssir abbażi tal-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd kif iddefinit fil-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.   Għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta' ġestjoni għall-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(3), u b'mod partikolari miżuri tekniċi ta' konservazzjoni bħal dawk imniżżlin fl-Artikolu 13, billi jitqies l-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

Artikolu 13

Miżuri ta' konservazzjoni speċifiċi

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-miżuri tekniċi ta' konservazzjoni li ġejjin:

(a)

speċifikazzjonijiet tal-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd u r-regoli li jirregolaw l-użu ta' dan l-irkaptu, biex tkun żgurata jew imtejba s-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali jew jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(b)

speċifikazzjonijiet tal-modifiki għall-irkaptu tas-sajd jew tagħmir addizzjonali għall-irkaptu, biex tkun żgurata jew imtejba s-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali jew jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(c)

limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċertu rkaptu tas-sajd u fuq attivitajiet tas-sajd, f'ċerti żoni jew perijodi biex ikun protett ħut f'fażi riproduttiva, ħut li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew ħut ta' speċijiet li ma jkunux fil-mira, jew biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(d)

l-istabbiliment ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-organiżmi tal-baħar li għadhom qed jikbru; u

(e)

miżuri dwar is-sajd rikreattiv.

2.   Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

KAPITOLU V

OBBLIGU TA' ĦATT L-ART

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta' ħatt l-art

Għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet tal-Punent tal-Baħar Mediterran li għalihom japplika l-obbligu tal-ħatt l-art skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u għall-qabdiet inċidentali ta' speċijiet pelaġiċi fis-sajd li jisfrutta l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta lil dan ir-Regolament billi tadotta miżuri ddettaljati dwar dak l-obbligu kif previst fil punti (a) sa (e) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

KAPITOLU VI

REĠJONALIZZAZZJONI

Artikolu 15

Kooperazzjoni reġjonali

1.   L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għall-miżuri msemmijin fl-Artikoli 11 sa 14 ta' dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni dirett jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013:

(a)

għall-ewwel darba mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara s-16 ta' Lulju 2019 u, imbagħad, mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont l-Artikolu 17(2) ta' dan ir-Regolament;

(b)

sal-1 ta' Lulju tas-sena ta' qabel dik li waqtha jibdew japplikaw il-miżuri; u/jew

(c)

kull meta jqisu li jkun hemm bżonnhom, b'mod partikolari f'każ li jkun hemm tibdil f'daqqa tas-sitwazzjoni ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament.

3.   Is-setgħat mogħtija skont l-Artikoli 11 sa 14 ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni, inkluż skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

KAPITOLU VII

EMENDI U SEGWITU

Artikolu 16

Emendi tal-pjan

1.   Meta parir xjentifiku juri li kien hemm bidla fil-firxa ġeografika tal-istokkijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 biex temenda dan ir-Regolament billi taġġusta ż-żoni speċifikati fl-Artikolu 1(2) u fl-Anness I sabiex titqies dik il-bidla.

2.   Meta, abbażi ta' parir xjentifiku l-Kummissjoni tqis li hemm bżonn tiġi emendata l-lista tal-istokkijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista' tressaq proposta biex tiġi emendata dik il-lista.

Artikolu 17

Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-pjan

1.   Għall-finijiet tar-rapport annwali previst fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-indikaturi kwantifikabbli għandhom jinkludu l-istimi annwali tal-mortalità attwali mis-sajd kontra l-FMSY (F/FMSY), tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv (SSB) u indikaturi soċjoekonomiċi għall-istokkijiet ikkonċernati u, meta jkun possibbli, għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji. Ma' dawn jistgħu jiżdiedu indikaturi oħrajn abbażi tal-parir xjentifiku.

2.   Sas-17 ta' Lulju 2024 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-pjan u l-impatt tiegħu fuq l-istokkijiet ikkonċernati u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 11 sa 14 u 16 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mis-16 ta' Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 11 sa 14 u 16 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 11 sa 14 u 16 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU IX

FOND EWROPEW GĦALL-AFFARIJIET MARITTIMI U S-SAJD

Artikolu 19

Appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Il-miżuri ta' waqfien temporanju adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan għandhom jitqiesu bħala waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

Artikolu 20

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014 dwar ċerti regoli relatati mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

L-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata sal-31 ta' Diċembru 2017, ħlief jekk il-miżuri ta' waqfien permanenti jiġu adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan pluriennali għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran, stabbiliti bir-Regolament (UE) 2019/1022. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1)

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1).”;"

(2)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-infiq relatat mal-miżuri ta' waqfien permanenti adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament (UE) 2019/1022 għandu jkun eliġibbli għall-appoġġ mill-FEMS hekk kif jidħol fis-seħħ dak ir-Regolament.”.

KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

B'kont meħud tas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 6(1) għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2025.

L-Artikolu 7 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 103.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

(3)  Id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Malta MedFish4Ever. Konferenza Ministerjali dwar is-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran (Malta, it-30 ta' Marzu 2017).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(6)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(7)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).

(13)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).


ANNESS I

Reġim tal-isforz tas-sajd

(kif imsemmi għall-Artikolu 7)

Il-gruppi tal-isforz tas-sajd huma ddefiniti kif ġej:

A)

Il-bastimenti tat-tkarkir li jistadu għat-trilja tal-ħama, għall-merluzz, għall-gamblu abjad u għall-iskampu fil-blata kontinentali u fix-xaqliba ta' fuq

Tip ta' rkaptu

Żona ġeografika

Gruppi ta' stokkijiet

Tul sħiħ tal-bastimenti

Kodiċi tal-grupp tal-isforz

Xbieki tat-tkarkir

(TBB, OTB, PTB, TBN, TBS, TB, OTM, PTM, TMS, TM, OTT, OT, PT, TX, OTP, TSP)

Is-subżoni 1-2-5-6-7 tal-GFCM

It-trilja tal-ħama fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7; il-merluzz fis-subżoni ġeografiċi 1-5-6-7; il-gamblu abjad fis-subżoni ġeografiċi 1, 5 u 6; u l-iskampu fis-subżoni ġeografiċi 5 u 6.

< 12 m

EFF1/MED1_TR1

≥ 12 m u < 18 m

EFF1/MED1_TR2

≥ 18 m u < 24 m

EFF1/MED1_TR3

≥ 24 m

EFF1/MED1_TR4

Is-subżoni 8-9-10-11 tal-GFCM

It-trilja tal-ħama fis-subżoni ġeografiċi 9 10 u 11; il-merluzz fis-subżoni ġeografiċi 9-10-11; il-gamblu abjad fis-subżoni ġeografiċi 9-10-11; u l-iskampu fis-subżoni ġeografiċi 9 u 10.

< 12 m

EFF1/MED2_TR1

≥ 12 m u < 18 m

EFF1/MED2_TR2

≥ 18 m u < 24 m

EFF1/MED2_TR3

≥ 24 m

EFF1/MED1_TR4

B)

Il-bastimenti tat-tkarkir li jistadu għall-gamblu blu u aħmar fl-ilma fond.

Tip ta' rkaptu

Żona ġeografika

Gruppi ta' stokkijiet

Tul sħiħ tal-bastimenti

Kodiċi tal-grupp tal-isforz tas-sajd

Xbieki tat-tkarkir

(TBB, OTB, PTB, TBN, TBS, TB, OTM, PTM, TMS, TM, OTT, OT, PT, TX, OTP, TSP)

Is-subżoni 1-2-5-6-7 tal-GFCM

Il-gamblu blu u aħmar fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7.

< 12 m

EFF2/MED1_TR1

≥ 12 m u < 18 m

EFF2/MED1_TR2

≥ 18 m u < 24 m

EFF2/MED1_TR3

≥ 24 m

EFF2/MED1_TR4

Is-subżoni 8-9-10-11 tal-GFCM

Il-gamblu aħmar il-kbir fis-subżoni ġeografiċi 9, 10 u 11

< 12 m

EFF2/MED2_TR1

≥ 12 m u < 18 m

EFF2/MED2_TR2

≥ 18 m u < 24 m

EFF2/MED2_TR3

≥ 24 m

EFF2/MED1_TR4


ANNESS II

Lista ta' informazzjoni għad-data dwar l-isforz tas-sajd

(kif imsemmi fl-Artikolu 10)

Informazzjoni

Definizzjoni u kummenti

(1)

Stat Membru

Il-kodiċi alfa-3 tal-ISO tal-Istat Membru tal-bandiera li jirrapporta

(2)

Grupp tal-isforz tas-sajd

Il-kodiċi tal-grupp tal-isforz tas-sajd kif stabbilit fl-Anness I

(3)

Perjodu tal-isforz tas-sajd

Id-data tal-ftuħ u d-data tal-għeluq tax-xahar irrappurtat

(4)

Dikjarazzjoni tal-isforz tas-sajd

L-għadd totali ta' jiem tas-sajd


Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom l-intenzjoni li jirrevokaw l-għoti tas-setgħat għall-adozzjoni ta' miżuri tekniċi permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament meta jadottaw regolament ġdid dwar miżuri tekniċi li jinkludi għoti ta' setgħa li jkopri l-istess miżuri.


DIRETTIVI

26.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/18


DIRETTIVA (UE) 2019/1023 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-objettiv ta' din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u t-tneħħija tal-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta' stabbiliment, li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali li jikkonċernaw ir-ristrutturar preventiv, l-insolvenza, il-ħelsien mid-dejn, u l-iskwalifiki. Mingħajr ma taffettwa d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-ħaddiema, din id-Direttiva timmira li tneħħi dawn l-ostakli billi tiżgura li: l-intrapriżi u l-imprendituri vijabbli li jkunu f'diffikultajiet finanzjarji jkollhom aċċess għal oqfsa nazzjonali ta' ristrutturar preventiv effettivi li jippermettulhom jibqgħu joperaw; l-imprendituri onesti li jkunu insolventi jew li jkollhom dejn eċċessiv ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ħelsien sħiħ mid-dejn wara li jkun għadda perjodu ta' żmien raġonevoli, biex b'hekk jingħataw it-tieni opportunità; u li l-effettività tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn tiġi mtejba, b'mod partikolari bil-għan li titnaqqas id-durata tagħhom.

(2)

Jenħtieġ li r-ristrutturar jippermetti lid-debituri f'diffikultajiet finanzjarji jkomplu n-negozju tagħhom, kompletament jew parzjalment, billi jbiddlu l-kompożizzjoni, il-kondizzjonijiet jew l-istruttura tal-assi tagħhom u tal-obbligazzjonijiet tagħhom jew kwalunkwe parti tal-istruttura tal-kapital tagħhom - inkluż permezz tal-bejgħ tal-assi jew ta' partijiet tan-negozju jew, fejn ikun hekk previst skont il-liġi nazzjonali, in-negozju kollu kemm hu, kif ukoll billi jwettqu bidliet operazzjonali. Dment li ma jkunx speċifikament previst mod ieħor mil-liġi nazzjonali, jenħtieġ li l-bidliet operazzjonali, bħat-terminazzjoni jew l-emendar ta' kuntratti jew il-bejgħ jew disponiment ieħor tal-assi, ikunu konformi mar-rekwiżiti ġenerali li huma previsti mil-liġi nazzjonali għal tali miżuri, b'mod partikolari r-regoli tal-liġi ċivili u dawk tal-liġi tax-xogħol. Jenħtieġ li kwalunkwe konverżjoni ta' dejn f'ekwità jkun konformi wkoll mas-salvagwardji previsti fil-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-oqfsa ta' ristrutturar preventiv, fuq kollox, jippermettu lid-debituri jirristrutturaw b'mod effettiv fi stadju bikri u jevitaw l-insolvenza, biex b'dan il-mod tiġi limitata l-likwidazzjoni mhux neċessarja ta' intrapriżi vijabbli. Jenħtieġ li dawk l-oqfsa jgħinu biex jimpedixxu t-telf ta' impjiegi u t-telf ta' għarfien espert u ħiliet, u jimmassimizzaw il-valur totali għall-kredituri - meta mqabbel ma' dak li jirċievu fl-eventwalità tal-likwidazzjoni tal-assi tal-intrapriża jew fl-eventwalità tal-aħjar xenarju alternattiv fin-nuqqas ta' pjan kif ukoll għas-sidien u għall-ekonomija b'mod ġenerali.

(3)

Jenħtieġ li l-oqfsa ta' ristrutturar preventiv jevitaw ukoll l-akkumulazzjoni ta' self improduttiv. Id-disponibbiltà ta' oqfsa ta' ristrutturar preventiv effettivi tiżgura li tittieħed azzjoni qabel ma l-intrapriżi jsiru inadempjenti fir-rigward tas-self tagħhom, u b'hekk tgħin biex jitnaqqas ir-riskju li s-self isir improduttiv f'reċessjonijiet ċikliċi u timmitiga l-impatt negattiv fuq is-settur finanzjarju. Perċentwali sinifikanti ta' negozji u impjiegi jistgħu jiġu salvati li kieku jkun hemm oqfsa preventivi fl-Istati Membri kollha fejn jinsabu l-istabbilimenti, l-assi jew il-kredituri tan-negozji. Fl-oqfsa tar-ristrutturar jenħtieġ li jiġu protetti b'mod ibbilanċjat id-drittijiet tal-partijiet kollha involuti, inkluż il-ħaddiema. Fl-istess ħin, in-negozji mhux vijabbli bl-ebda prospett ta' sopravivenza jenħtieġ li jiġu llikwidati malajr kemm jista' jkun. Meta debitur f'diffikultajiet finanzjarji ma jkunx ekonomikament vijabbli jew ma jistax faċilment jerġa' jsir ekonomikament vijabbli, l-isforzi tar-ristrutturar jistgħu jirriżultaw fl-aċċelerazzjoni u l-akkumulazzjoni ta' telf għad-detriment tal-kredituri, il-ħaddiema u partijiet ikkonċernati oħra kif ukoll tal-ekonomija inġenerali.

(4)

Hemm differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-firxa tal-proċeduri disponibbli għad-debituri li jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji sabiex jirristrutturaw in-negozju tagħhom. Xi Stati Membri għandhom firxa limitata ta' proċeduri li jippermettu ir-ristrutturar tan-negozji biss fi stadju relattivament avvanzat, fil-kuntest ta' proċeduri ta' insolvenza. Fi Stati Membri oħra, ir-ristrutturar huwa possibbli fi stadju iktar bikri iżda l-proċeduri disponibbli mhumiex effettivi daqs kemm jistgħu jkunu jew huma formali ħafna, u b'mod partikolari għar-raġuni li jillimitaw l-użu ta' arranġamenti extraġudizzjarji. Is-soluzzjonijiet preventivi huma xejra dejjem tikber tad-dritt tal-insolvenza. Ix-xejra tiffavorixxi approċċi li, b'differenza mill-approċċ tradizzjonali għal-likwidazzjoni ta' negozju f'diffikultajiet finanzjarji, għandhom l-għan li jġibuh lura għal stat finanzjarju tajjeb jew, tal-inqas, isalvaw l-unitajiet tiegħu li jkunu għadhom ekonomikament vijabbli. Dak l-approċċ, minbarra li joffri benefiċċji oħra għall-ekonomija, ħafna drabi jgħin biex jinżammu l-impjiegi jew jitnaqqas it-telf ta' impjiegi. Barra minn hekk, il-grad ta' involviment tal-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jew il-persuni maħtura tagħhom ivarja minn l-ebda involviment jew involviment minimu f'xi Stati Membri għal involviment sħiħ f'oħrajn. Bl-istess mod, ir-regoli nazzjonali li jagħtu t-tieni opportunità lill-imprendituri, b'mod partikolari billi dawn jingħataw ħelsien mid-djun li jkunu ġarrbu fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tan-negozju tagħhom, ivarjaw bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-tul tal-perjodu tal-ħelsien mid-dejn u l-kondizzjonijiet li taħthom jista' jingħata dan il-ħelsien.

(5)

F'ħafna Stati Membri, imprendituri li jkunu insolventi, għalkemm onesti, idumu iktar minn tliet snin biex jinħelsu mid-djun tagħhom u jagħmlu bidu ġdid. Oqfsa ineffiċjenti ta' ħelsien mid-dejn u skwalifika jwasslu biex l-imprendituri jkollhom jirrilokaw f'ġurisdizzjonijiet oħra sabiex jibbenefikaw minn bidu ġdid f'perjodu ta' żmien raġonevoli, bi spiża addizzjonali konsiderevoli kemm għall-kredituri tagħhom kif ukoll għall-imprendituri nfushom. Ordnijiet ta' skwalifika fit-tul li spiss jakkumpanjaw proċedura li twassal għall-ħelsien mid-dejn joħolqu ostakli għal-libertà li tibda u teżerċita attività imprenditorjali indipendenti.

(6)

It-tul ta' żmien eċċessiv tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn f'diversi Stati Membri huwa fattur importanti li jikkawża rati baxxi ta' rkupru u jiskoraġġixxi lill-investituri milli joperaw negozju fil-ġurisdizzjonijiet fejn il-proċedimenti jirriskjaw li jdumu ħafna u jkunu għaljin iżżejjed.

(7)

Id-differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn iwasslu għal spejjeż addizzjonali għall-investituri fl-evalwazzjoni tar-riskju ta' debituri li jsibu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji fi Stat Membru wieħed jew aktar jew tal-investiment f'negozji vijabbli f'diffikultajiet finanzjarji, kif ukoll tal-ispejjeż addizzjonali tar-ristrutturar ta' intrapriżi li għandhom stabbilimenti, kredituri jew assi fi Stati Membri oħra. Dan huwa partikularment il-każ fir-ristrutturar ta' gruppi internazzjonali ta' kumpanniji. Investituri jsemmu l-inċertezza dwar regoli ta' insolvenza jew ir-riskju ta' proċeduri twal jew kumplessi ta' insolvenza fi Stat Membru ieħor bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex ma jinvestux jew ma jibdewx relazzjoni kummerċjali ma' kontroparti barra mill-Istat Membru fejn ikunu bbażati. Dik l-inċertezza għandha effett dissważiv li jostakola l-libertà tal-istabbiliment tal-intrapriżi u l-promozzjoni tal-intraprenditorija u timmina l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. L-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (“SMEs”) b'mod partikolari ma għandhomx, fil-biċċa l-kbira, ir-riżorsi meħtieġa biex jivvalutaw ir-riskji relatati mal-attivitajiet transfruntiera.

(8)

Id-differenzi fost l-Istati Membri fil-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn iwasslu għal kondizzjonijiet mhux ugwali għall-aċċess għall-kreditu u għal rati ta' rkupru mhux ugwali fl-Istati Membri. Għalhekk, livell ogħla ta' armonizzazzjoni fil-qasam tar-ristrutturar, l-insolvenza, il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki huwa indispensabbli għal suq intern li jaħdem tajjeb, b'mod ġenerali, u għal Unjoni tas-Swieq Kapitali li taħdem, b'mod partikolari, kif ukoll għar-reżiljenza tal-ekonomiji Ewropej, inkluż għall-preservazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.

(9)

L-ispejjeż addizzjonali tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-infurzar transfruntier ta' pretensjonijiet għall-kredituri ta' imprendituri b'dejn eċċessiv li jirrilokaw lejn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu l-ħelsien mid-dejn f'perjodu ta' żmien ħafna iqsar jenħtieġ ukoll li jitnaqqsu. L-ispejjeż addizzjonali għall-imprendituri li ġejjin mill-ħtieġa li jirrilokaw fi Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw mill-ħelsien mid-dejn ser ikollhom jitnaqqsu wkoll. Barra minn hekk, l-ostakli li jirriżultaw minn ordnijiet ta' skwalifika fit-tul marbuta mal-insolvenza jew id-dejn eċċessiv ta' imprenditur jrażżnu l-imprenditorija.

(10)

Kwalunkwe operazzjoni ta' ristrutturar, b'mod partikolari jekk tkun waħda ta' daqs kbir li tiġġenera impatt sinifikanti, jenħtieġ li tkun ibbażata fuq djalogu mal-partijiet ikkonċernati. Jenħtieġ li dak id-djalogu jkopri l-għażla tal-miżuri meqjusa b'rabta mal-objettivi tal-operazzjoni ta' ristrutturar, kif ukoll għażliet alternattivi, u jenħtieġ li jkun hemm involviment xieraq tar-rappreżentanti tal-impjegati kif previst fil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

(11)

L-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali mhumiex limitati biss għal sitwazzjonijiet transfruntieri. suq intern dejjem iktar interkonness, fejn il-prodotti, is-servizzi, il-kapital u l-ħaddiema jiċċirkolaw b'mod ħieles, u li għandu dimensjoni diġitali dejjem iktar b'saħħitha ifisser li ftit intrapriżi huma purament nazzjonali jekk l-elementi rilevanti kollha huma kkunsidrati, bħall-klijentela, l-ambitu tal-attivitajiet, il-bażi tal-investituri u kapitali tagħhom. Anki insolvenzi purament nazzjonali jista' jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern permezz ta' dak imsejjaħ effett domino tal-insolvenzi, fejn insolvenza ta' debitur tista' tikkawża iktar insolvenzi fil-katina tal-provvista.

(12)

Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jittratta kwistjonijiet ta' ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar, il-liġi applikabbli u l-kooperazzjoni fi proċedimenti transfruntiera tal-insolvenza kif ukoll l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza. L-ambitu tagħha jkopri l-proċeduri preventivi li jippromwovu s-salvataġġ ta' debituri li jkunu ekonomikament vijabbli kif ukoll il-proċeduri ta' ħelsien mid-dejn għall-imprendituri u persuni fiżiċi oħra. Madankollu, dak ir-Regolament ma jindirizzax id-disparitajiet bejn il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw dawk il-proċeduri. Barra minn hekk, strument limitat biss għal insolvenzi transfruntiera ma jsolvix l-ostakli kollha għall-moviment liberu, u lanqas ma jkun fattibbli għall-investituri jiddeterminaw minn qabel in-natura transfruntiera jew domestika tad-diffikultajiet finanzjarji potenzjali tad-debitur fil-futur. Għalhekk jenħtieġ li wieħed imur lil hinn minn kwistjonijiet ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u li jiġu stabbiliti standards minimi sostantivi għal proċeduri ta' ristrutturar preventiv, kif ukoll għal proċeduri li jwasslu għal ħelsien mid-dejn għall-imprendituri.

(13)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/848 iżda jkollha l-għan li tkun kompletament kompatibbli ma' dak ir-Regolament u li tikkomplementah, billi tirrikjedi lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri ta' ristrutturar preventiv li jkunu konformi ma' ċerti prinċipji minimi ta' effettività. Ma tibdilx l-approċċ meħud f'dak ir-Regolament li jippermetti lill-Istati Membri jżommu jew jintroduċu proċeduri li ma jissodisfawx il-kondizzjoni ta' pubbliċità għan-notifika skont l-Anness A għal dak ir-Regolament. Għalkemm din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-proċeduri fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha għal notifika skont dak l-Anness, hija għandha l-għan li tiffaċilita r-rikonoxximent transfruntier ta' dawk il-proċeduri u r-rikonoxximent u l-eżegwibbiltà ta' sentenzi.

(14)

Il-vantaġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/848 huwa li jipprevedi salvagwardji kontra r-rikollokament abbużiv taċ-ċentru tal-interessi ewlenin tad-debitur matul il-proċedimenti ta' insolvenza transfruntiera. Jenħtieġ li ċerti restrizzjonijiet japplikaw ukoll għal proċeduri mhux koperti minn dak ir-Regolament.

(15)

Huwa meħtieġ li jitbaxxew l-ispejjeż tar-ristrutturar kemm għad-debituri kif ukoll għall-kredituri. Għalhekk, id-differenzi bejn l-Istati Membri li jfixklu r-ristrutturar bikri tad-debituri vijabbli f'diffikultajiet finanzjarji u l-possibbiltà ta' ħelsien mid-dejn għal imprendituri onesti jenħtieġ li jitnaqqsu. It-tnaqqis ta' tali differenzi jġib iktar trasparenza, ċertezza legali u prevedibbiltà fl-Unjoni kollha. Jenħtieġ li jimmassimizza l-benefiċċji għat-tipi kollha tal-kredituri u l-investituri u jħeġġeġ l-investiment transfruntier. Jenħtieġ ukoll li koerenza ikbar ta' proċeduri ta' ristrutturar u ta' insolvenza tiffaċilita r-ristrutturar ta' gruppi ta' kumpanniji irrispettivament minn fejn il-membri tal-grupp jinsabu fl-Unjoni.

(16)

It-tneħħija tal-ostakli għal ristrutturar preventiv effettiv ta' debituri vijabbli f'diffikultajiet finanzjarji tikkontribwixxi biex tnaqqas it-telf ta' impjiegi u t-telf ta' valur għall-kredituri fil-katina tal-provvista, iżżomm l-għarfien espert u l-ħiliet u għalhekk tkun ta' benefiċċju għall-ekonomija inġenerali. L-iffaċilitar ta' ħelsien mid-dejn għall-imprendituri jgħin biex tiġi evitata l-esklużjoni tagħhom mis-suq tax-xogħol u jippermettilhom jibdew mill-ġdid l-attivitajiet imprenditorjali, b'tagħlimiet meħuda mill-esperjenza tal-passat. Barra minn hekk, it-tnaqqis fit-tul tal-proċeduri ta' ristrutturar jirriżulta f'rati ogħla ta' rkupru għall-kredituri minħabba li ż-żmien normalment jirriżulta biss f'aktar telf ta' valur tad-debitur jew in-negozju tad-debitur. Finalment, proċeduri effiċjenti ta' ristrutturar preventiv, insolvenza u ħelsien mid-dejn jippermettu valutazzjoni aħjar tar-riskji involuti f'deċiżjonijiet ta' għoti u teħid b'self u jiffaċilitaw l-aġġustament għal debituri insolventi jew fi stat ta' dejn eċċessiv, b'minimizzazzjoni tal-ispejjeż ekonomiċi u soċjali involuti fil-proċess tat-tnaqqis tad-dejn tagħhom. Jenħtieġ li din id-Direttiva tippermetti flessibbiltà tal-Istati Membri biex jkunu jistgħu japplikaw prinċipji komuni filwaqt li jirrispettaw is-sistemi legali nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu oqfsa ta' ristrutturar preventiv fis-sistemi legali tagħhom li ma jkunux dawk previsti f'din id-Direttiva.

(17)

L-intrapriżi, u b'mod partikolari l-SMEs, li jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha tal-Unjoni, jenħtieġ li jibbenefikaw minn approċċ aktar koerenti fil-livell tal-Unjoni. Huwa aktar probabbli l-SMEs jiġu llikwidati milli jiġu ristrutturati, peress li jkollhom iġarrbu spejjeż li huma akbar b'mod sproporzjonat minn dawk li jiffaċċjaw intrapriżi akbar. L-SMEs, b'mod partikolari meta jkunu jinsabu f'diffikultà finanzjarja, spiss ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex ilaħħqu ma' spejjeż għoljin tar-ristrutturar u biex japprofittaw minn proċeduri ta' ristrutturar aktar effiċjenti li huma disponibbli biss f'xi Stati Membri. Sabiex tali debituri jiġu megħjuna jirristrutturaw bi spejjeż baxxi, jenħtieġ li jiġu żviluppati fuq livell nazzjonali listi ta' kontroll komprensivi għall-pjanijiet ta' ristrutturar, adattati għall-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tal-SMEs, u li dawn il-listi jkunu disponibbli online. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ għodod ta' twissija bikrija sabiex jingħata avviż lid-debituri dwar l-urġenza li tittieħed azzjoni, b'kont meħud tar-riżorsi limitati tal-SMEs biex jikkuntrattaw esperti.

(18)

Meta jiddefinixxu l-SMEs, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu kif dovut id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 rigward id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (6).

(19)

Huwa xieraq li d-debituri li huma impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kif definit fil-punti (1) u (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-istituzzjonijiet ta' kreditu kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), ditti tal-investiment u intrapriżi tal-investiment kollettivi kif definiti fil-punti (2) u (7) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kontropartijiet ċentrali kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, depożitorji ċentrali tat-titoli kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u istituzzjonijiet u entitajiet finanzjarji oħra elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Tali debituri huma soġġetti għal arranġamenti speċjali u l-awtoritajiet superviżorji u ta' riżoluzzjoni nazzjonali għandhom setgħat sostanzjali ta' intervent fil-konfront tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu entitajiet finanzjarji oħra li jipprovdu servizzi finanzjarji li huma soġġetti għal arranġamenti u setgħat ta' intervent komparabbli.

(20)

Għal konsiderazzjonijiet simili, huwa wkoll xieraq li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva il-korpi pubbliċi skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw l-aċċess għal oqfsa ta' ristrutturar preventiv għal persuni ġuridiċi, peress li d-diffikultajiet finanzjarji ta' imprendituri jistgħu jiġu indirizzati b'mod effiċjenti mhux biss permezz ta' proċeduri ta' ristrutturar preventiv iżda wkoll permezz ta' proċeduri li jwasslu għal ħelsien mid-dejn jew permezz ta' ristrutturar informali abbażi ta' ftehimiet kuntrattwali. Stati Membri b'sistemi legali differenti, fejn l-istess tip ta' entità għandha status legali differenti f'dawk is-sistemi legali, jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw sistema uniformi waħda għal tali entitajiet. Qafas ta' ristrutturar preventiv stabbilit bis-saħħa ta' din id-Direttiva jenħtieġ li ma jaffettwax pretensjonijiet u intitolamenti kontra debitur li jirriżultaw minn sistemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali jekk dawk il-pretensjonijiet u l-intitolamenti akkumulaw matul perjodu qabel ir-ristrutturar.

(21)

Id-dejn eċċessiv tal-konsumaturi huwa kwistjoni ta' tħassib ekonomiku u soċjali kbira u huwa relatat mill-qrib mat-tnaqqis tad-dejn eċċessiv. Barra minn hekk, spiss ma jkunx possibbli li ssir distinzjoni ċara bejn id-djun imġarrba minn imprendituri fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tan-negozju, tas-sengħa jew tal-professjoni tagħhom u dawk imġarrba barra dawk l-attivitajiet. L-imprendituri ma jibbenefikawx b'mod effettiv mit-tieni opportunità jekk huma kellhom jgħaddu minn proċeduri separati, b'kondizzjonijiet ta' aċċess u perjodi ta' ħelsien mid-dejn differenti, sabiex jeħilsu mid-djun tan-negozju tagħhom u djun oħra mġarrba barra mill-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Għal dawk ir-raġunijiet, għalkemm din id-Direttiva ma tinkludix regoli vinkolanti dwar id-dejn eċċessiv tal-konsumatur, ikun kunsiljabbli li l-Istati Membri japplikaw ukoll lill-konsumaturi, mal-ewwel opportunità, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jikkonċernaw il-ħelsien mid-dejn.

(22)

Iktar ma debitur ikun jista' jindividwa kmieni d-diffikultajiet finanzjarji tiegħu u jkun jista' jieħu azzjoni xierqa, iktar tkun għolja l-probabbiltà li tiġi evitata insolvenza imminenti jew, fil-każ ta' negozju li l-vijabbiltà tiegħu tkun kompromessa b'mod permanenti, iktar ikun ordnat u effiċjenti l-proċess tal-likwidazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li jkun hemm informazzjoni ċara, aġġornata, konċiża u faċli għall-utent dwar il-proċeduri ta' ristrutturar preventiv disponibbli kif ukoll jitqiegħed fis-seħħ mekkaniżmu ta' twissija bikrija wieħed jew aktar sabiex id-debituri li jibdew jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji jiġu inċentivati jieħdu azzjoni bikrija. Għodod ta' twissija bikrija li jieħdu l-forma ta' mekkaniżmi ta' twissija li jindikaw meta d-debitur ma jkunx għamel ċerti tipi ta' ħlasijiet jistgħu jiġu attivati minn, pereżempju, in-nuqqas ta' ħlas ta' taxxi jew ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Tali għodod jistgħu jiġu żviluppati mill-Istati Membri jew inkella mis-settur privat, dment li l-objettiv jintlaħaq. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-informazzjoni dwar l-għodod ta' twissija bikrija disponibbli online, pereżempju fuq sit web apposta jew paġna web. Jenħtieġ li l -Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw l-għodod ta' twissija bikrija skont id-daqs tal-intrapriża u li jkunu jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għodod ta' twissija bikrija għal intrapriżi u gruppi ta' daqs kbir li jieħdu kont tal-karatteristiċi partikolari tagħhom. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma żżommx l-Istati Membri responsabbli għal danni potenzjali mġarrba minħabba l-applikazzjoni ta' proċeduri ta' ristrutturar li jiġu attivati b'tali għodod ta' twissija bikrija.

(23)

Fi sforz biex jiżdied l-appoġġ tal-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-rappreżentanti tal-impjegati jingħataw aċċess għal informazzjoni rilevanti u aġġornata dwar id-disponibbiltà ta' għodod ta' twissija bikrija u jenħtieġ ukoll li jkun possibbli għalihom li jipprovdu appoġġ għal rappreżentanti tal-impjegati meta jivvalutaw is-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur.

(24)

Jenħtieġ li jkun disponibbli qafas ta' ristrutturar għad-debituri, inkluż entitajiet ġuridiċi u, fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali, persuni fiżiċi u gruppi ta' kumpanniji, sabiex jippermettilhom jindirizzaw id-diffikultajiet finanzjarji tagħhom fi stadju bikri, jekk ikun jidher probabbli li l-insolvenza tagħhom tista' tiġi evitata u l-vijabbiltà tan-negozju tagħhom tista' tiġi assigurata. Jenħtieġ li qafas ta' ristrutturar ikun disponibbli qabel ma debitur isir insolventi skont il-liġi nazzjonali, jiġifieri qabel ma d-debitur jissodisfa l-kondizzjonijiet skont il-liġi nazzjonali biex jidħol fi proċedimenti ta' insolvenza kollettiva li normalment tinvolvi ċessjoni totali tad-debitur kif ukoll il-ħatra ta' likwidatur. Sabiex jiġi evitat li l-oqfsa tar-ristrutturar jintużaw ħażin, jenħtieġ li d-diffikultajiet finanzjarji tad-debitur jindikaw probabbiltà ta' insolvenza u l-pjan ta' ristrutturar jenħtieġ li jkun kapaċi li jipprevjeni l-insolvenza tad-debitur u li jiżgura l-vijabbiltà tan-negozju.

(25)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw jekk il-pretensjonijiet li jkunu dovuti jew li jinħolqu wara l-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-ftuħ ta' proċedura ta' ristrutturar preventiv jew wara li l-proċedura tkun infetħet humiex inklużi fil-miżuri ta' ristrutturar preventiv jew fis-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali. Jenħtieġ li l -Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk is-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali għandhiex effett fuq l-interess dovut fuq il-pretensjonijiet.

(26)

Jenħtieġ li l -Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu test ta' vijabbiltà bħala kondizzjoni ta' aċċess għall-proċedura ta' ristrutturar preventiv prevista f'din id-Direttiva. Jenħtieġ li tali test jitwettaq mingħajr detriment għall-assi tad-debitur, li jista' jieħu l-forma, fost affarijiet oħrajn, tal-għoti ta' sospensjoni interim jew tat-twettiq mingħajr dewmien żejjed tat-test. Madankollu, in-nuqqas ta' detriment jenħtieġ li ma jeskludix lill-Istati Membri milli jeħtieġu lid-debituri jagħtu prova tal-vijabbiltà tagħhom bi spejjeż għalihom.

(27)

Il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-aċċess għal qafas ta' ristrutturar fir-rigward ta' debituri li jkunu ġew ikkundannati għal ksur serju ta' obbligi ta' kontabbiltà jew ta' żamma ta' kotba jenħtieġ li ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli wkoll jillimitaw l-aċċess tad-debituri għall-oqfsa ta' ristrutturar preventiv meta l-kotba u r-reġistri tagħhom ma jkunux kompluti jew ikunu defiċjenti sal-punt li jagħmilha impossibbli li tiġi aċċertata l-qagħda tan-negozju u dik finanzjarja tad-debitur.

(28)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jestendu l-kamp ta' applikazzjoni ta' oqfsa ta' ristrutturar preventiv previsti minn din id-Direttiva għal sitwazzjonijiet li fihom id-debituri jiffaċċaw diffikultajiet mhux finanzjarji, dment li dawn id-diffikultajiet joħolqu theddid reali u serju għall-kapaċità attwali jew futura ta' debitur li jħallas id-dejn tiegħu meta jkun dovut. Il-perjodu ta' żmien rilevanti għad-determinazzjoni ta' tali theddida tista' tkun estiża għal perjodu ta' diversi xhur, u anki iktar, sabiex jittieħed kont ta' każijiet fejn id-debitur jiffaċċa diffikultajiet mhux finanzjarji li jheddu l-istat tan-negozju tiegħu bħala negozju avvjat u, fil-perjodu medju, il-likwidità tiegħu. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, meta d-debitur ikun tilef kuntratt li huwa ferm importanti għalih.

(29)

Sabiex jippromwovu l-effiċjenza u jnaqqsu d-dewmien u l-ispejjeż, jenħtieġ li l-oqfsa nazzjonali ta' ristrutturar preventiv jinkludu proċeduri flessibbli. Fejn din id-Direttiva tiġi implimentata permezz ta' aktar minn proċedura waħda f' qafas ta' ristrutturar, jenħtieġ li d-debitur ikollu aċċess għad-drittijiet u s-salvagwardji kollha previsti minn din id-Direttiva bil-għan li jikseb ristrutturar effettiv. Ħlief fl-eventwalità ta' involviment obbligatorju ta' awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi kif previst skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw l-involviment ta' tali awtoritajiet għal sitwazzjonijiet fejn ikun meħtieġ u proporzjonat, filwaqt li jqisu, fost affarijiet oħrajn, l-għan li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-interessi tad-debituri u ta' partijiet affettwati, kif ukoll l-għan li jitnaqqas id-dewmien kif ukoll l-ispejjeż tal-proċeduri. Fejn il-kredituri jew ir-rappreżentanti tal-impjegati jkunu jistgħu jibdew proċedura ta' ristrutturar skont il-liġi nazzjonali u fejn id-debitur ikun SME, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu l-qbil tad-debitur, bħala prekondizzjoni għall-bidu tal-proċedura, u jenħtieġ ukoll li jkunu jistgħu jestendu dak ir-rekwiżit għad-debituri li jkunu intrapriżi kbar.

(30)

Sabiex jiġu evitati spejjeż żejda, biex tiġi riflessa n-natura bikrija tar-ristrutturar preventiv u biex d-debituri jiġu inkuraġġiti biex japplikaw għar-ristrutturar preventiv fi stadju bikri tad-diffikultajiet finanzjarji tagħhom, jenħtieġ li, fil-prinċipju, huma jitħallew jikkontrollaw l-assi tagħhom u l-operazzjoni ta' kuljum tan-negozju tagħhom. Il-ħatra ta' prattikant fil-qasam tar-ristrutturar, biex jissorvelja l-attività ta' debitur jew biex jassumi kontroll b'mod parzjali tal-operazzjonijiet ta' kuljum ta' debitur, jenħtieġ li ma tkunx obbligatorja f'kull każ, iżda ssir fuq il-bażi ta' każ b'każ skont iċ-ċirkostanzi tal-każ jew skont il-bżonnijiet speċifiċi tad-debitur. Madankollu, jenħtieġ li l l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw li l-ħatra ta' prattikant fil-qasam tar-ristrutturar dejjem hija meħtieġa f'ċerti ċirkostanzi, bħal fejn: id-debitur jibbenefika minn sospensjoni ġenerali ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali; ikun meħtieġ li l-pjan ta' ristrutturar ikun ikkonfermat permezz ta' applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti; il-pjan ta' ristrutturar jinkludi miżuri li jaffettwaw id-drittijiet tal-ħaddiema; jew id-debitur jew il-maniġment tiegħu jkunu aġixxew b'mod kriminali, frodulenti, jew detrimentali fir-relazzjonijiet tan-negozju.

(31)

Sabiex il-partijiet jiġu assistiti fin-negozjar u l-abbozzar ta' pjan ta' ristrutturar, l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-ħatra obbligatorja ta' prattikant fil-qasam tar- ristrutturar fejn: awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tagħti lid-debitur sospensjoni ġenerali ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali, dment li f'tali każ ikun meħtieġ prattikant biex jissalvagwardja l-interessi tal-partijiet; ikun meħtieġ li l-pjan ta' ristrutturar jiġi kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva permezz ta' applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti; din kienet mitluba mid-debitur; jew din tkun mitluba minn maġġoranza tal-kredituri, dment li l-kredituri jkopru l-ispejjeż u t-tariffi tal-prattikant.

(32)

Jenħtieġ li debitur ikun jista' jibbenefika minn sospensjoni temporanja ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali, kemm jekk tkun mogħtija minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jew bl-applikazzjoni tal-liġi, sabiex ikun jista' jkompli jopera jew mill-inqas jippreserva l-valur tal-patrimonju tiegħu matul in-negozjati. Fejn ikun hekk previst mil-liġi nazzjonali, jenħtieġ li jkun ukoll possibbli li s-sospensjoni tapplika għall-benefiċċju tal-fornituri ta' garanzija terzi, inkluż garanti u fornituri ta' kollateral. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jkunu jistgħu jirrifjutaw li jagħtu sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali fejn tali sospensjoni ma tkunx neċessarja jew fejn ma tkunx tissodisfa l-objettiv li tappoġġa n-negozjati. Raġunijiet għal rifjut jistgħu jinkludu nuqqas ta' appoġġ mill-maġġoranzi meħtieġa ta' kredituri jew, fejn ikun previst mil-liġi nazzjonali, l-inkapaċità attwali tad-debitur li jħallas id-dejn meta jkun dovut.

(33)

Sabiex jiġu ffaċilitati u aċċellerati l-proċedimenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu, fuq bażi konfutabbli, preżunzjonijiet dwar l-eżistenza ta' raġunijiet għal rifjut tas-sospensjoni, fejn, pereżempju, id-debitur juri imġiba li tkun tipika ta' debitur li mhux kapaċi jħallas id-dejn hekk kif ikun dovut - bħal inadempjenza sostanzjali vis-à-vis l-ħaddiema jew l-aġenziji tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali - jew fejn ikun twettaq reat finanzjarju mid-debitur jew mill-maniġment attwali ta' intrapriża, li jagħti x'jifhem li l-maġġoranza tal-kredituri ma jappoġġawx il-bidu tan-negozjati.

(34)

Sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali tista' tkun ġenerali, fis-sens li taffettwa l-kredituri kollha, jew inkella tista' tapplika biss għal xi kredituri individwali jew kategoriji ta' kredituri. Jenħtieġ li l -Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu ċerti pretensjonijiet jew kategoriji ta' pretensjonijiet mill-kamp ta' applikazzjoni tas-sospensjoni, f'ċirkostanzi definiti sew, bħal pretensjonijiet li jkunu garantiti b'assi u li t-tneħħija tagħhom ma tkunx tikkomprometti r-ristrutturar tan-negozju jew pretensjonijiet ta' kredituri li fir-rigward tagħhom is-sospensjoni tkun tikkawża preġudizzju inġust, bħal permezz ta' telf mhux ikkumpensat jew deprezzament ta' kollateral.

(35)

Sabiex tipprovdi għal bilanċ ġust bejn id-drittijiet tad-debitur u ta' dawk il-kredituri, jenħtieġ li sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali tkun tapplika għal perjodu massimu ta' mhux iktar minn erba' xhur. Ir-ristrutturar kumpless, madanakollu, jista' jeħtieġ iktar żmien. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li, f'dawn il-każijiet, ikunu jistgħu jingħataw estensjonijiet tal-perjodu inizjali tas-sospensjoni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva. Jekk awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ma tiħux deċiżjoni dwar l-estensjoni tas-sospensjoni qabel ma tiskadi, jenħtieġ li s-sospensjoni tieqaf milli jkollha effett fuq l-iskadenza tal-perjodu tas-sospensjoni. Fl-interess taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li l-perjodu totali tal-waqfa xorta jkun limitat għal 12-il xahar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu sospensjoni indefinita fejn id-debitur isir insolventi skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk sospensjoni interim qasira li tkun pendenti sakemm tittieħed deċiżjoni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva dwar l-aċċess għall-qafas ta' ristrutturar preventiv tkunx soġġetta għal-limiti ta' żmien skont din id-Direttiva.

(36)

Sabiex jiġi żgurat li kredituri ma jsofrux dannu bla bżonn, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jkunu jistgħu jneħħu s-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali jekk din ma tibqax tissodisfa l-objettiv li tappoġġa n-negozjati, pereżempju jekk isir evidenti li l-maġġoranza ta' kredituri meħtieġa ma tappoġġax il-kontinwazzjoni tan-negozjati. Jenħtieġ li s-sospensjoni titneħħa wkoll jekk din tkun tippreġudika inġustament lill-kredituri meta l-Istati Membri jipprevedu tali possibbiltà,. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw il-possibbiltà li jneħħu s-sospensjoni għal sitwazzjonijiet fejn il-kredituri ma kellhomx l-opportunità li jinstemgħu qabel ma tkun ġiet fis-seħħ jew qabel ma tkun ġiet estiża. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu wkoll perjodu minimu li matulu s-sospensjoni ma tistax titneħħa. Meta jistabbilixxu jekk hemmx preġudizzju inġust lill-kredituri, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkunsidraw jekk is-sospensjoni tippreservax il-valur totali tal-patrimonju, u jekk id-debitur jaġixxix in mala fede jew bl-intenzjoni li jikkawża preġudizzju jew jekk b'mod ġenerali jaġixxix kontra l-aspettattivi ġenerali tal-korp ġenerali tal-kredituri.

(37)

Din id-Direttiva ma tkoprix dispożizzjonijiet dwar il-kumpens jew garanziji għal kredituri li l-valur tal-kollateral tagħhom x'aktarx jonqos matul is-sospensjoni. Kreditur wieħed jew klassi ta' kredituri jkunu preġudikati inġustament mis-sospensjoni jekk, pereżempju, l-pretensjonijiet tagħhom isiru agħar sostanzjalment b'riżultat tas-sospensjoni milli kieku l-waqfa ma kinitx tapplika, jew jekk il-kreditur ikun tqiegħed fi żvantaġġ iktar minn kredituri oħra f'pożizzjoni simili. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li, kull fejn jiġi stabbilit preġudizzju inġust fir-rigward ta' kreditur wieħed jew iktar jew klassi waħda jew iktar ta' kredituri, is-sospensjoni tista' titneħħa fir-rigward ta' dawk il-kredituri jew klassijiet ta' kredituri jew fir-rigward tal-kredituri kollha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu min huwa intitolat jitlob li s-sospensjoni titneħħa.

(38)

Jenħtieġ li sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali tirriżulta wkoll fis-sospensjoni tal-obbligu ta' debitur li japplika għall-ftuħ ta' proċedura ta' insolvenza li tista' tirriżulta fil-likwidazzjoni tad-debitur, jew għall-ftuħ ta' dik proċedura fuq it-talba tal-kreditur. Tali proċeduri ta' insolvenza jenħtieġ li, minbarra dawk limitati bil-liġi li jkollhom bħala l-uniku eżitu possibbli l-likwidazzjoni tad-debitur, ikunu jinkludu wkoll proċeduri li jistgħu jwasslu għal ristrutturar tad-debitur. Is-sospensjoni tal-ftuħ ta' proċedura ta' insolvenza fuq it-talba ta' kredituri jenħtieġ li tapplika mhux biss fejn l-Istati Membri jipprevedu sospensjoni ġenerali ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali li tkopri lill-kredituri kollha, iżda wkoll fejn l-Istati Membri jipprevedu l-għażla ta' sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali li tkopri għadd limitat ta' kredituri biss. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li l-proċedimenti ta' insolvenza jistgħu jinfetħu fuq it-talba ta' awtoritajiet pubbliċi li mhumiex jaġixxu fil-kapaċità ta' kreditur, imma fl-interess ġenerali, bħal pereżempju prosekutur pubbliku.

(39)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma timpedixxix lid-debituri milli jħallsu, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet normali tan-negozju, pretensjonijiet ta' kredituri mhux affettwati, u pretensjonijiet tal-kredituri affettwati li jinqalgħu matul il-perjodu tas-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali. Biex jiġi żgurat li l-kredituri bi pretensjonijiet li kienu jeżistu qabel il-ftuħ ta' proċedura ta' ristrutturar jew sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali ma jagħmlux pressjoni fuq id-debitur biex iħallas dawk il-pretensjonijiet li altrimenti jiġu ridotti permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu s-sospensjoni tal-obbligu tad-debitur fir-rigward tal-ħlas ta' dawk il-pretensjonijiet.

(40)

Jekk debitur jidħol fi proċedura ta' insolvenza, xi fornituri jista' jkollhom drittijiet kuntrattwali, previsti fi klawżoli hekk imsejħa ipso facto, li jintitolawhom itemmu l-kuntratt ta' provvista unikament minħabba l-insolvenza, anke jekk id-debitur ikun debitament issodisfa l-obbligi tagħhom. Il-klawżoli ipso facto jistgħu wkoll jiġu attivati meta debitur japplika għal miżuri ta' ristrutturar preventiv. Jekk tali klawżoli jkunu invokati jekk id-debitur ikun sempliċement qed jinnegozja pjan ta' ristrutturar jew jitlob sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali jew jkunu invokati b'konnessjoni ma' kwalunkwe avveniment relatat mas-sospensjoni, it-terminazzjoni bikrija jista' jkollha impatt negattiv fuq in-negozju tad-debitur u s-suċċess tas-salvataġġ tan-negozju. Għalhekk, f'tali każijiet, ikun neċessarju li jiġi previst li l-kredituri ma jitħallewx jinvokaw klawżoli ipso facto li jagħmlu referenza għal negozjati dwar pjan ta' ristrutturar jew s-sospensjoni jew kwalunkwe avveniment simili marbut mas-sospensjoni.

(41)

It-terminazzjoni bikrija tista' tipperikola il-kapaċità ta' negozju li ikompli jopera matul in-negozjati ta' ristrutturar, speċjalment fejn jidħlu kuntratti għal provvisti essenzjali bħal gass, elettriku, ilma, telekomunikazzjoni u servizzi ta' ħlas bil-kard. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu li l-kredituri li għalihom tapplika s-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali, u li l-pretensjonijiet tagħhom inħolqu qabel il-waqfa u ma tħallsux minn debitur, ma jitħallewx iżommu l-prestazzjoni ta' kuntratti eżekutorji essenzjali, jitterminawhom, jaċċellerawhom jew, b'xi mod ieħor, jimmodifikawhom matul il-perjodu tas-sospensjoni, dment li d-debitur ikompli jirrispetta l-obbligi tiegħu skont dawn il-kuntratti li jsiru dovuti matul is-sospensjoni. Il-kuntratti eżekutorji huma, pereżempju, ftehimiet ta' kiri u liċenzji, kuntratti ta' provvista fit-tul u ftehimiet ta' franchising.

(42)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi dwar il-kontenut ta' pjan ta' ristrutturar. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu spjegazzjonijiet addizzjonali fil-pjan ta' ristrutturar, li jikkonċernaw pereżempju l-kriterji li ntużaw għar-raggruppament tal-kredituri, li jistgħu jkunu rilevanti f'każijiet fejn id-dejn ikun garantit biss parzjalment. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jitolbu opinjoni esperta dwar il-valur tal-assi li jeħtieġ jiġi indikat fil-pjan.

(43)

Jenħtieġ li l-kredituri li jkunu affettwati minn pjan ta' ristrutturar, inkluż il-ħaddiema, u fejn permess skont il-liġi nazzjonali it-titolari tal-ekwità, jkollhom dritt li jivvotaw dwar l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet limitati għal din ir-regola. Il-partijiet mhux affettwati mill-pjan ta' ristrutturar jenħtieġ li ma jkollhom ebda dritt għal vot fir-rigward tal-pjan, u lanqas jenħtieġ li l-appoġġ tagħhom ma jkunx meħtieġ għall-approvazzjoni ta' kwalunkwe pjan. Jenħtieġ li l-kunċett ta' “partijiet affettwati” jinkludi biss ħaddiema fil-kapaċità tagħhom bħala kredituri. Għalhekk, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jeżentaw il-pretensjonijiet tal-ħaddiema mill-qafas tar-ristrutturar preventiv, jenħtieġ li l-ħaddiema ma jiġux ikkunsidrati bħala partijiet affettwati. Il-vot dwar l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar jista' jieħu l-forma ta' proċess ta' votazzjoni formali jew ta' konsultazzjoni u ftehim mal-maġġoranza meħtieġa tal-partijiet affettwati. Madankollu, jekk il-vot jieħu l-forma ta' ftehim bil-maġġoranza meħtieġa, il-partijiet affettwati li ma kinux involuti fil-ftehim xorta jistgħu jiġu offruti l-opportunità li jissieħbu fil-pjan ta' ristrutturar.

(44)

Biex ikun żgurat li d-drittijiet li huma sostanzjalment simili jiġu ttrattati b'mod ekwu u li l-pjanijiet ta' ristrutturar ikunu jistgħu jiġu adottati mingħajr ma jippreġudikaw inġustament id-drittijiet tal-partijiet affettwati, jenħtieġ li l-partijiet affettwati jiġu ttrattati fi klassijiet separati li jikkorrispondu mal-kriterji ta' formazzjoni tal-klassijiet skont il-liġi nazzjonali. Il-formazzjoni ta' klassijiet tfisser ir-raggruppament tal-partijiet affettwati għall-iskopijiet tal-adozzjoni ta' pjan b'tali mod li jiġu riflessi d-drittijiet tagħhom u s-senjorità tal-pretensjonijiet u l-interessi tagħhom. Bħala minimu, jenħtieġ li l-kredituri garantiti u dawk mhux garantiti dejjem jiġu ttrattati fi klassijiet separati. Jenħtieġ, madankollu, li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu li jiġu ffurmati iktar minn żewġ klassijiet ta' kredituri, inkluż klassijiet differenti għal kredituri garantiti u dawk mhux garantiti u klassijiet ta' kredituri bi pretensjonijiet subordinati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jittrattaw tipi ta' kredituri li ma jkollhomx biżżejjed komunalità ta' interessi, bħall-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali fi klassijiet separati. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jipprevedu li l-pretensjonijiet garantiti jistgħu jinqasmu f'partijiet garantiti u mhux garantiti fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-kollateral. Jenħtieġ ukoll li jkun possibbli li l-Istati Membri jistipulaw regoli speċifiċi li jappoġġjaw il-formazzjoni tal-klassijiet jekk kredituri mhux diversifikati jew inkella speċjalment vulnerabbli, bħalma huma impjegati jew fornituri żgħar, jistgħu jibbenefikaw minn din il-formazzjoni tal-klassijiet.

(45)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li d-debituri li huma SMEs jistgħu, minħabba l-istruttura relattivament sempliċi tal-kapital tagħhom, jiġu eżentati mill-obbligu li l-partijiet affettwati jiġu ttrattati fi klassijiet separati. F'każijiet fejn l-SMEs ikunu għażlu li joħolqu klassi ta' vot waħda biss u dik il-klassi tivvota kontra l-pjan, jenħtieġ li jkun possibbli li d-debituri jippreżentaw pjan ieħor, b'mod allinjat mal-prinċipji ġenerali ta' din id-Direttiva,.

(46)

Jenħtieġ li l-l-Istati Membri, f'kull każ, jiżguraw li jingħata t-trattament xieraq fil-liġi nazzjonali tagħhom lil kwistjonijiet ta' importanza partikolari għal skopijiet ta' formazzjoni tal-klassijiet, bħal pretensjonijiet minn partijiet konnessi, u li l-liġi nazzjonali tagħhom tinkludi regoli li jittrattaw pretensjonijiet kontinġenti u pretensjonijiet ikkontestati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirregolaw kif il-pretensjonijiet ikkontestati għandhom jiġu ttrattati għall-iskopijiet tal-allokazzjoni tad-drittijiet tal-vot. Jenħtieġ li l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva teżamina l-formazzjoni tal-klassijiet, inkluż l-għażla ta' kredituri affettwati mill-pjan, meta pjan ta' ristrutturar jintbagħat għal konferma. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistipulaw li tali awtorità tista' teżamina wkoll il-formazzjoni tal-klassijiet fi stadju iktar bikri jekk il-proponent tal-pjan ikollu jfittex validazzjoni jew gwida minn qabel.

(47)

Jenħtieġ li l-maġġoranzi neċessarji jiġu stabbiliti bil-liġi nazzjonali sabiex jiġi żgurat li minoranza ta' partijiet affettwati f'kull klassi ma tkunx tista' tostakola l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar li ma jippreġudikax inġustament id-drittijiet u l-interessi tagħhom. Mingħajr regola ta' maġġoranza li torbot lill-kredituri garantiti li ma jaqblux, ir-ristrutturar bikri ma jkunx possibbli f'ħafna każijiet, pereżempju fejn ikun hemm bżonn ta' ristrutturar finanzjarju iżda n-negozju jkun vijabbli altrimenti. Sabiex jiġi żgurat li l-partijiet ikollhom vuċi fl-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ristrutturar proporzjonali mal-ishma li jkollhom fin-negozju, jenħtieġ li l-maġġoranza meħtieġa tkun ibbażata fuq l-ammont tat-pretensjonijiet tal-kredituri jew l-interessi tat-titolari tal-ekwità f'xi klassi partikolari. Jenħtieġ li, barra minn dan, l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu maġġoranza fl-għadd ta' partijiet affettwati f'kull klassi. Jenħtieġ li, l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu regoli rigward il-partijiet affettwati bid-dritt tal-vot li ma jeżerċitawx dak id-dritt tagħhom b'mod korrett jew li ma jkunux irrappreżentati, bħal regoli li jippermettu li jittieħed kont ta' dawk il-partijiet affettwati tagħhom meta jiġi stabbilit il-limitu ta' parteċipazzjoni jew tiġi kkalkulata maġġoranza. Jenħtieġ ukoll li, l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu limitu ta' parteċipazzjoni għall-vot.

(48)

Il-konferma ta' pjan ta' ristrutturar minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva hija meħtieġa biex tiżgura li t-tnaqqis tad-drittijiet tal-kredituri jew l-interessi tat-titolari tal-ekwità hija proporzjonali mal-benefiċċji ta' ristrutturar u li l-kredituri jkollhom aċċess għal rimedju effettiv. Il-konferma hija partikolarment neċessarja fejn: ikun hemm partijiet affettwati li ma jaqblux; il-pjan ta' ristrutturar ikun fih dispożizzjonijiet dwar finanzjament ġdid; jew il-pjan jinvolvi telf ta' aktar minn 25 % tal-forza tax-xogħol. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li konferma minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun meħtieġa wkoll f'każijiet oħra. Jenħtieġ li konferma ta' pjan li jinvolvi t-telf ta' iktar minn 25 % tal-forza tax-xogħol tkun neċessarja biss fejn il-liġi nazzjonali tippermetti oqfsa ta' ristrutturar preventiv li jipprevedu miżuri li jkollhom effett dirett fuq kuntratti ta' impjieg.

(49)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun tista' tirrifjuta pjan meta jkun ġie stabbilit li dan inaqqas id-drittijiet tal-kredituri li ma jaqblux jew tat-titolari tal-ekwità jew għal livell li jkun anqas minn dak li jistennew li jirċievu b'mod raġonevoli fil-każ li ssir likwidazzjoni tan-negozju tad-debitur, sewwa jekk likwidazzjoni tal-partijiet separati tan-negozju jew inkella bejgħ bħala negozju avvjat, skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta' kull debitur, jew għal livell anqas minn dak li jistgħu jistennew b'mod raġonevoli fil-każ tal-aħjar xenarju alternattiv ejn il-pjan ta' ristrutturar ma jkunx ikkonfermat. Madankollu, meta l-pjan ikun ikkonfermat permezz ta' applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti, jenħtieġ li ssir referenza għall-mekkaniżmu ta' protezzjoni użat f'xenarju bħal dan. Meta l-Istati Membri jagħżlu li jwettqu valutazzjoni tad-debitur bħala negozju avvjat, jenħtieġ li l-valur bħala negozju avvjat jieħu kont tan-negozju tad-debitur fuq perjodu itwal, u mhux il-valur tal-likwidazzjoni. Il-valur ta' negozju avvjat, bħala regola, huwa ogħla mill-valur ta' likwidazzjoni għaliex hu bbażat fuq il-preżunzjoni li n-negozju jkompli bl-attività tiegħu b'minimu ta' tfixkil, għandu l-fiduċja tal-kredituri finanzjarji, l-azzjonisti u l-klijenti, ikompli jiġġenera dħul u jillimita l-impatt fuq il-ħaddiema.

(50)

Filwaqt li l-konformità mat-test tal-aħjar interess tal-kredituri jenħtieġ li tiġi eżaminata minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva biss jekk il-pjan ta' ristrutturar kkontestata għal dik ir-raġuni, sabiex jiġi evitat li ssir valutazzjoni għal kull każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li kondizzjonijiet oħra għall-konferma jistgħu jiġu eżaminati ex officio. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżidu kondizzjonijiet oħra li jeħtieġ li jiġu rrispettati sabiex jiġi kkonfermat pjan ta' ristrutturar, bħal jekk it-titolari tal-ekwità humiex protetti b'mod adegwat. L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrifjutaw li jikkonfermaw pjanijiet ta' ristrutturar li ma għandhom l-ebda prospettiva raġonevoli li jipprevjenu l-insolvenza tad-debitur jew li jiżguraw il-vijabbiltà tan-negozju. Madankollu, jenħtieġ li ll-Istati Membri ma jkunux obbligati jiżguraw li valutazzjoni bħal din issir ex officio.

(51)

Jenħtieġ li n-notifika lill-partijiet affettwati kollha tkun waħda mill-kondizzjonijiet għall-konferma ta' pjan ta' ristrutturar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddefinixxu l-forma tan-notifika, jidentifikaw il-ħin meta din għandha ssir, kif ukoll jistabbilixxu dispożizzjonijiet għat-trattament ta' pretensjonijiet mhux magħrufa fir-rigward tan-notifika. Jenħtieġ ukoll li jkunu jistgħu jipprevedu li l-partijiet mhux affettwati jiġu infurmati dwar il-pjan ta' ristrutturar.

(52)

L-issodisfar tat-test tal-aħjar interess tal-kredituri jenħtieġ li jiġi kkunsidrat li jfisser li l-ebda kreditur li ma jaqbilx ma jkun f'sitwazzjoni agħar taħt il-pjan ta' ristrutturar milli kif ikun jew fil-każ ta' likwidazzjoni, sewwa jekk likwidazzjoni tal-partijiet separati tan-negozju jew inkella bejgħ tan-negozju bħala negozju avvjat, jew fil-każ tal-aħjar xenarju alternattiv jekk il-pjan ta' ristrutturar ma jiġix ikkonfermat. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu waħda minn dawk iż-żewġ limiti meta jimplimentaw it-test tal-aħjar interess tal-kredituri fil-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li dan it-test jiġi applikat f'kull każ jekk pjan ikollu jiġi kkonfermat sabiex ikun vinkolanti għall-kredituri li ma jaqblux jew, skont kif ikun il-każ, klassijiet ta' kredituri li ma jaqblux. Bħala konsegwenza tat-test tal-aħjar interess tal-kredituri, fejn il-kredituri istituzzjonali pubbliċi jkollhom status privileġġat taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-pjan ma jistax jimponi kanċellazzjoni totali jew parzjali tal-pretensjonijiet ta' dawk il-kredituri.

(53)

Għalkemm jenħtieġ li pjan ta' ristrutturar dejjem jiġi adottat jekk il-maġġoranza meħtieġa f'kull klassi affettwata tappoġġa l-pjan, jenħtieġ li xorta jkun possibbli li pjan ta' ristrutturar li mhuwiex appoġġat mill-maġġoranza meħtieġa f'kull klassi affettwata jiġi kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, fuq il-proposta ta' debitur jew bil-qbil tad-debitur. Fil-każ ta' persuna ġuridika, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk, għall-fini tal-adozzjoni jew konferma ta' pjan ta' ristrutturar, id-debitur għandux jitqies bħala l-bord ta' ġestjoni tal-persuna ġuridika, jew inkella ċerta maġġoranza ta' azzjonisti jew titolari tal-ekwità. Sabiex il-pjan jiġi kkonfermat fil-każ ta' applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti, jenħtieġ li dan jkun appoġġat minn maġġoranza ta' klassijiet ta' vot tal-partijiet affettwat. Jenħtieġ li tal-anqas waħda minn dawk il-klassijiet tkun klassi ta' kredituri garantiti jew tkun superjuri għall-klassi ta' kredituri ordinarji mhux garantiti.

(54)

Jenħtieġ li jkun possibbli li, fejn maġġoranza ta' klassijiet ta' vot ma tappoġġax il-pjan ta' ristrutturar, il-pjan jista' xorta waħda jiġi kkonfermat jekk ikun appoġġat minn tal-inqas klassi waħda ta' kredituri affettwati jew indeboliti li, fuq valutazzjoni tad-debitur bħala negozju avvjat, tirċievi ħlas jew iżżomm xi interessi, jew, fejn ikun hekk previst skont il-liġi nazzjonali, jista' raġonevolment jiġi preżunt li tirċievi ħlas jew iżżomm xi interessi, jekk il-gradazzjoni normali tal-prijoritajiet ta' likwidazzjoni tiġi applikata skont il-liġi nazzjonali. F'tali każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżidu l-għadd ta' klassijiet meħtieġa għall-approvazzjoni tal-pjan, mingħajr ma neċessarjament jirrikjedu li dawk il-klassijiet kollha jkollhom, fuq valutazzjoni tad-debitur bħala negozju avvjat, jirċievu ħlas jew iżommu xi interessi skont il-liġi nazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrikjedux il-kunsens tal-klassijiet kollha. Għaldaqstant, fejn ikun hemm biss żewġ klassijiet ta' kredituri, il-kunsens ta' tal-inqas klassi waħda huwa meqjus li huwa biżżejjed, jekk il-kondizzjonijiet l-oħra għal applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti jkunu sodisfatti. L-indeboliment ta' kredituri għandu jinftiehem li jfisser li jkun hemm tnaqqis fil-valur tal-pretensjonijiet tagħhom.

(55)

Fil-każ ta' applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-klassijiet ta' kredituri affettwati li ma jaqblux ma jkunux ippreġudikati inġustament taħt il-pjan propost u jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu biżżejjed protezzjoni għal dawn il-klassijiet li ma jaqblux. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipproteġu klassi ta' kredituri affettwati li ma jaqblux billi jiżguraw li dawn ikunu trattati tal-inqas b'mod mhux inqas favorevoli minn kwalunkwe klassi oħra tal-istess grad u b'mod iktar favorevoli minn kwalunkwe klassi li jkollha grad inferjuri. Alternattivament, l-Istati Membri jistgħu jipproteġu klassi ta' kredituri affettwati li ma jaqblux billi jiżguraw li tali klassi titħallas totalment jekk klassi ta' grad inferjuri tirċievi xi distribuzzjoni jew iżżomm xi interess taħt il-pjan ta' ristrutturar (ir-“regola ta' prijorità assoluta”). Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom diskrezzjoni meta jimplimentaw il-kunċett ta' “ħlas totali”, inkluż fir-rigward taż-żmien għall-ħlas, dment li l-pretensjoni prinċipali u, fil-każ ta' kredituri garantiti, il-valur tal-kollateral ikunu protetti. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-għażla tal-mezzi ekwivalenti li bihom il-pretensjoni oriġinali tista' tiġi sodisfatta totalment.

(56)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jidderogaw mir-regoli ta' prijorità assoluta, pereżempju fejn ikun ikkunsidrat ġust li t-titolari tal-ekwità jżommu ċerti interessi skont il-pjan minkejja l-fatt li klassi superjuri tkun obbligata taċċetta tnaqqis fil-pretensjonijiet tagħha, jew li fornituri ewlenin koperti mid-dispożizzjoni dwar is-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali jitħallsu qabel klassijiet superjuri ta' kredituri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu liema mill-mekkaniżmi ta' protezzjoni msemmija hawn fuq iridu jistabbilixxu.

(57)

Filwaqt li jenħtieġ li l-interessi leġittimi tal-azzjonisti jew tat-titolari tal-ekwità oħrajn ikunu protetti, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawn ma jistgħux jipprevjenu b'mod mhux raġonevoli l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ristrutturar li jġibu lid-debitur lura għall-vijabbiltà. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw mezzi differenti biex jilħqu dak l-għan, pereżempju billi ma jagħtux lit-titolari tal-ekwità d-dritt tal-vot fuq pjan ta' ristrutturar u billi ma jippermettux li l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar tkun tiddependi mill-qbil tat-titolari tal-ekwità li, abbażi ta' valutazzjoni tal-intrapriża, ma jirċievu l-ebda ħlas jew kumpens ieħor jekk tkun ġiet applikata l-gradazzjoni normali tal-prijoritajiet ta' likwidazzjoni. Madankollu, jekk it-titolari tal-ekwità jkollhom id-dritt li jivvotaw fuq pjan ta' ristrutturar, jenħtieġ li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun tista' tikkonferma l-pjan billi tapplika r-regoli dwar l-applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti minkejja n-nuqqas ta' qbil ta' klassi waħda jew iktar ta' titolari tal-ekwità. Jenħtieġ li l-Istati Membri li jeskludu t-titolari tal-ekwità mill-votazzjoni ma jkunux rikjesti li japplikaw ir-regola ta' prijorità assoluta fir-relazzjoni bejn il-kredituri u t-titolari tal-ekwità. Mod possibbli ieħor biex jiġi żgurat li t-titolari tal-ekwità ma jimpedixxux b'mod mhux raġonevoli l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ristrutturar jista' jkun billi jiġi żgurat li l-miżuri ta' ristrutturar li jaffettwaw direttament id-drittijiet tat-titolari tal-ekwità u li jeħtieġu l-approvazzjoni minn laqgħa ġenerali tal-azzjonisti taħt il-liġi tal-kumpanniji, ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti ta' maġġoranza għolja b'mod mhux raġonevoli u li t-titolari tal-ekwità ma jkollhom l-ebda kompetenza fir-rigward tal-miżuri ta' ristrutturar li ma jaffettwawx id-drittijiet tagħhom direttament.

(58)

Jistgħu jkunu meħtieġa diversi klassijiet ta' titolari tal-ekwità jekk ikunu jeżistu klassijiet differenti ta' ishma bi drittijiet differenti. It-titolari tal-ekwità ta' SMEs li mhumiex sempliċi investituri, iżda li huma s-sidien tal-intrapriża u jikkontribwixxu għall-intrapriża b'modi oħra, bħall-għarfien espert maniġerjali, jista' ma jkollhomx inċentiv biex jirristrutturaw taħt kondizzjonijiet bħal dawn. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti tibqa' fakultattiva għad-debituri li huma SMEs.

(59)

Jenħtieġ li l-pjan ta' ristrutturar, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tiegħu, jippermetti li t-titolari tal-ekwità tal-SMEs jipprovdu assistenza mhux monetarja għar-ristrutturar billi jużaw, pereżempju, l-esperjenza, ir-reputazzjoni jew il-kuntatti kummerċjali tagħhom.

(60)

Matul il-proċeduri ta' ristrutturar preventiv, jenħtieġ li l-ħaddiema jgawdu protezzjoni sħiħa tal-liġi tax-xogħol. B'mod partikolari, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-ħaddiema garantiti mid-Direttivi tal-Kunsill 98/59/KE (12) u 2001/23/KE (13), u d-Direttivi 2002/14/KE (14) 2008/94/KE (15) u 2009/38/KE (16) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-obbligi rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi jibqgħu kompletament intatti. Dan jinkludi obbligi li jiġu informati u kkonsultati r-rappreżentanti tal-impjegati rigward id-deċiżjoni li jkun hemm azzjoni għal qafas ta' ristrutturar preventiv skont id-Direttiva 2002/14/KE.

(61)

Jenħtieġ li l-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom jingħataw informazzjoni rigward il-pjan ta' ristrutturar propost sa fejn previst fil-liġi tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jwettqu valutazzjoni bir-reqqa tad-diversi xenarji. Barra minn hekk, l-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom jenħtieġ li jkunu involuti sa fejn ikun meħtieġ biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' konsultazzjoni stipulati fil-liġi tal-Unjoni. Minħabba l-ħtieġa li jkun żgurat livell xieraq ta' protezzjoni tal-ħaddiema, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu obbligati jeżentaw il-pretensjonijiet pendenti tal-ħaddiema minn kull sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawk il-pretensjonijiet jitfaċċawx qabel jew wara li tkun ingħatat is-sospensjoni. Jenħtieġ li sospensjoni tal-infurzar ta' pretensjonijiet pendenti tkun tista' ssir biss għall-ammonti u għall-perjodu li għalih il-ħlas ta' tali pretensjonijiet huwa garantit b'mod effettiv f'livell simili b'mezzi oħra skont il-liġi nazzjonali. Fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi limitazzjonijiet fuq ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta' garanzija, kemm fir-rigward tat-tul tal-garanzija jew l-ammont imħallas lill-ħaddiema, jenħtieġ li l-ħaddiema jkunu jistgħu jinfurzaw kwalunkwe nuqqas fil-pretensjonijiet tagħhom fil-konfront ta' min iħaddem anki matul il-perjodu tas-sospensjoni. Alternattivament, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu pretensjonijiet tal-ħaddiema mill-kamp ta' applikazzjoni tal-oqfsa ta' ristrutturar preventiv u jipprevedu l-protezzjoni tagħhom skont il-liġi nazzjonali.

(62)

Jekk pjan ta' ristrutturar jinvolvi t-trasferiment ta' parti minn intrapriża jew negozju, id-drittijiet tal-ħaddiema li jirriżultaw minn kuntratt ta' impjieg jew minn relazzjoni tax-xogħol, b'mod partikolari d-dritt għall-paga, jenħtieġ li jiġu salvagwardjati b'mod konformi mal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23/KE, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi li japplikaw f'każ ta' proċeduri ta' insolvenza skont l-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari l-possibilitajiet previsti fl-Artikolu 5(2) ta' dik id-Direttiva. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni, li huma garantiti mid-Direttiva 2002/14/KE, inkluż dwar deċiżjonijiet li x'aktarx iwasslu għal tibdil sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kuntrattwali bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar deċiżjonijiet bħal dawn. Barra minn hekk, taħt din id-Direttiva, il-ħaddiema li jkollhom il-pretensjonijiet tagħhom affettwati minn pjan ta' ristrutturar jenħtieġ li għandu jkollhom id-dritt li jivvutaw fuq il-pjan. Għall-finijiet tal-vot dwar il-pjan ta' ristrutturar, jenħtieġ li l-Istat Membru jkunu jistgħu jiddeċiedu li jqiegħdu l-ħaddiema fi klassi differenti minn kategoriji oħra ta' kredituri.

(63)

L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jenħtieġ li jiddeċiedu biss dwar il-valutazzjoni ta' negozju - f'każ ta' likwidazzjoni jew inkella fil-każ tal-aħjar xenarju alternattiv jekk il-pjan ta' ristrutturar ma jkunx ġie kkonfermat - jekk parti affettwata li ma taqbilx tikkontesta l-pjan ta' ristrutturar. Jenħtieġ li dan ma jimpedixxix lill-Istati Membri milli jwettqu valutazzjonijiet f'kuntest ieħor skont il-liġi nazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li tali deċiżjoni tikkonsisti wkoll f'approvazzjoni ta' valutazzjoni minn espert jew ta' valutazzjoni ippreżentata mid-debitur jew parti oħra fi stadju aktar bikri tal-proċess. Meta tittieħed deċiżjoni li ssir valutazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu regoli speċjali, separati mid-dritt proċedurali ċivili ġenerali, għal valutazzjoni f'każijiet ta' ristrutturar, bil-għan li jiġi żgurat li titwettaq b'mod effiċjenti. Jenħtieġ li f'din id-Direttiva ma jkun hemm xejn li jaffettwa r-regoli dwar l-oneru tal-provi skont il-liġi nazzjonali fil-każ ta' valutazzjoni.

(64)

Jenħtieġ li l-effetti vinkolanti ta' pjan ta' ristrutturar jkunu limitati għall-partijiet affettwati li kienu involuti fl-adozzjoni tal-pjan. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw xi jfisser li kreditur ikun involut, inkluż fil-każ ta' kredituri mhux magħrufa jew kredituri ta' pretensjonijiet futuri. Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu kif jittrattaw il-kredituri li jkunu ġew innotifikati b'mod korrett iżda li ma jkunux ipparteċipaw fil-proċeduri.

(65)

Jenħtieġ li l-partijiet affettwati interessati jkunu jistgħu jappellaw deċiżjoni dwar il-konferma ta' pjan ta' ristrutturar maħruġ minn awtorità amministrattiva. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu l-opzjoni li jsir appell fir-rigward ta' deċiżjoni dwar il-konferma ta' pjan ta' ristrutturar maħruġ minn awtorità ġudizzjarja. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-pjan, sabiex titnaqqas l-inċertezza u jiġi evitat dewmien mhux ġustifikabbli, jenħtieġ li l-appelli, bħala regola, ma jkollhomx effetti sospensivi u għaldaqstant ma jipprekludux l-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw u jillimitaw ir-raġunijiet għal appell. Meta d-deċiżjoni dwar il-konferma tal-pjan tiġi appellata, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja toħroġ deċiżjoni preliminarja jew sommarja li tipproteġi l-eżekuzzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan kontra l-konsegwenzi ta' konferma ta' appell pendenti. Meta jintlaqa' appell, jenħtieġ li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jkunu jistgħu jikkunsidraw, bħala alternattiva għall-annullament tal-pjan, emenda tal-pjan, fejn l-Istati Membri jipprevedu din il-possibbiltà, kif ukoll konferma tal-pjan mingħajr emendi. Jenħtieġ li jkun possibbli li -emendi għall-pjan jiġu proposti jew jiġu votati mill-partijiet, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja. L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu kumpens għal telf monetarju għall-parti li jkun intlaqa' l-appell tagħha. Jenħtieġ li l-liġi nazzjonali tkun tista' tittratta sospensjoni potenzjali ġdida jew estensjoni tas-sospensjoni fil-każ li l-awtorità ġudizzjarja tiddeċiedi li l-appell għandu effett sospensiv.

(66)

Is-suċċess ta' pjan ta' ristrutturar spiss jiddependi fuq jekk l-assistenza finanzjarja tiġix estiża lid-debitur sabiex tappoġġa, l-ewwelnett, l-operat tan-negozju waqt in-negozjati ta' ristrutturar u, t-tieni, l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar wara l-konferma tiegħu. Jenħtieġ li assistenza finanzjarja tinftiehem f'sens wiesa', inkluż l-għoti ta' flus jew garanziji ta' partijiet terzi u l-provvista ta' stokk, inventarju, materja prima u utilitajiet, pereżempju permezz tal-għoti ta' perjodu ta' ħlas lura itwal lid-debitur. jenħtieġ għalhekk li finanzjament interim u ġdid ikunu eżenti minn azzjonijiet revokatorji li jfittxu li jiddikjaraw finanzjament bħal dan null, annullabbli jew ineżegwibbli bħala att ta' detriment għall-korp ġenerali ta' kredituri fil-kuntest ta' proċeduri ta' insolvenza sussegwenti.

(67)

Il-liġijiet nazzjonali ta' insolvenza li jipprevedu azzjonijiet revokatorji ta' finanzjament interim u ġdid jew li jipprevedu li s-selliefa ġodda jistgħu jeħlu sanzjonijiet ċivili, amministrattivi jew kriminali talli jestendu kreditu lil debituri f'diffikultajiet finanzjarji jistgħu jipperikolaw id-disponibbiltà tal-finanzjament meħtieġ għan-negozjar u l-implimentazzjoni ta' suċċess ta' pjan ta' ristrutturar. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għal raġunijiet oħra biex finanzjament ġdid jew interim jiġi ddikjarat bħala null, annullabbli jew ineżegwibbli, jew biex tiġi attivata responsabbiltà ċivili, kriminali jew amministrattiva għall-fornituri ta' finanzjament bħal dan, kif stipulat fil-liġi nazzjonali. Raġunijiet oħra bħal dawn jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħrajn, frodi, mala fede, ċertu tip ta' relazzjoni bejn il-partijiet li tista' tkun assoċjata ma' kunflitt ta' interess, kif inhuwa l-każ għal tranżazzjonijiet bejn partijiet relatati jew bejn azzjonisti u l-kumpannija, u tranżazzjonijiet fejn parti tkun irċeviet valur jew kollateral mingħajr ma tkun intitolata għalih fil-mument tat-tranżazzjoni jew bil-mod kif twettqet.

(68)

Meta finanzjament interim ikun estiż, il-partijiet ma jkunux jafu jekk il-pjan ta' ristrutturar ikunx eventwalment ikkonfermat jew le. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux rikjesti jillimitaw il-protezzjoni ta' finanzjament interim għal każijiet meta l-pjan ikun adottat mill-kredituri jew ikkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva. Biex jiġu evitati abbużi potenzjali, jenħtieġ li jiġi protett biss dak il-finanzjament li huwa raġonevolment u immedjatament neċessarju għall-operazzjoni kontinwa jew is-sopravivenza tan-negozju tad-debitur jew il-preservazzjoni jew it-titjib ta' dak il-valur ta' dak in-negozju sakemm jiġi kkonfermat dak il-pjan. Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jintroduċu mekkaniżmu ta' kontroll ex ante għall-finanzjament interim. Jenħtieġ li -Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw il-protezzjoni għal finanzjament ġdid għal każijiet fejn il-pjan ikun ikkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva u l-protezzjoni għal finanzjament interim għal każijiet fejn ikun soġġett għal kontroll ex ante. Mekkaniżmu ta' kontroll ex ante għal finanzjament interim jew tranżazzjonijiet oħra jista' jitwettaq minn prattikant fil-qasam tar-ristrutturar minn kumitat tal-kreditur jew minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva. Il-protezzjoni minn azzjonijiet revokatorji u l-protezzjoni minn responsabbiltà personali huma garanziji minimi li jenħtieġ li jingħataw lill-finanzjament interim u finanzjament ġdid. Madankollu, it-tħeġġiġ ta' selliefa ġodda biex jieħdu r-riskju mtejjeb ta' investiment f'debitur vijabbli jistgħu jkunu meħtieġa inċentivi addizzjonali bħal, pereżempju, li dan il-finanzjament jingħata prijorità mill-inqas fuq pretensjonijiet mhux garantiti fi proċeduri sussegwenti ta' insolvenza.

(69)

Sabiex tiġi promossa kultura li tinkoraġġixxi ristrutturar preventiv kmieni, ikun tajjeb li t-tranżazzjonijiet li huma raġonevoli u meħtieġa immedjatament għan-negozjar jew l-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar jingħataw ukoll protezzjoni mill-azzjonijiet revokatorji fi proċeduri sussegwenti ta' insolvenza. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jkunu jistgħu, meta jiddeterminaw kemm huma raġonevoli u n-neċessità immedjata tal-ispejjeż u t-tariffi, pereżempju, li jikkunsidraw projezzjonijiet u stimi ppreżentati lill-partijiet affettwati, kumitat tal-kreditur, prattikant fil-qasam tar-ristrutturar jew l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva nnifisha. Għal dan il-għan, Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jitolbu lid-debituri biex jipprevedu u jaġġornaw l-istimi rilevanti. Jenħtieġ li protezzjoni bħal din issaħħaħ iċ-ċertezza fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ma' negozji li huma magħrufin li huma f'diffikultajiet finanzjarji u tneħħi l-biża' tal-kredituri u l-investituri li t-tranżazzjonijiet kollha bħal dawn jistgħu jkunu ddikjarati nulli f'każ li r-ristrutturar ma jirnexxix. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu mument qabel il-ftuħ ta' proċedura ta' ristrutturar preventiva u qabel l-għoti ta' sospensjoni tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali, li minnu t-tariffi u l-spejjeż tan-negozjar, l-adozzjoni, il-konferma jew it-tfittxija ta' parir professjonali għall-pjan ta' ristrutturar jibdew jibbenefikaw mill-protezzjoni kontra l-azzjonijiet revokatorji. Fil-każ ta' ħlasijiet u żborżi oħra u l-protezzjoni tal-ħlas tal-pagi tal-ħaddiema, punt tat-tluq bħal dan jista' jkun ukoll l-għoti ta' sospensjoni jew il-ftuħ ta' proċedura ta' ristrutturar preventiv.

(70)

Sabiex ikompli jiġi promoss ir-ristrutturar preventiv, huwa importanti li jiġi żgurat li d-diretturi ma jiġux dissważi milli jeżerċitaw ġudizzju tan-negozju raġonevoli jew jieħdu riskji kummerċjali raġonevoli, partikolarment meta dan itejjeb il-probabbiltà tar-ristrutturar ta' intrapriżi potenzjalment vijabbli. Fejn il-kumpannija tesperjenza diffikultajiet finanzjarji, jenħtieġ li d-diretturi jieħdu passi biex jimminimizzaw it-telf u biex jevitaw l-insolvenza, bħal: ifittxu parir professjonali, inkluż dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza, pereżempju billi jagħmlu użu minn għodod ta' twissija bikrija fejn applikabbli; jipproteġu l-assi tal-kumpannija sabiex jiġi mmassimizzat il-valur u jiġi evitat it-telf ta' assi ewlenin; jikkunsidraw l-istruttura u l-funzjonijiet tan-negozju sabiex tiġi eżaminata l-vijabbiltà u jitnaqqas l-infiq; joqgħod lura milli jimpenjaw il-kumpannija f'tipi ta' tranżazzjonijiet li jistgħu jkunu soġġetti għal azzjoni revokatorja sakemm ma jkunx hemm ġustifikazzjoni xierqa tan-negozju; it-tkomplija tal-kummerċ f'ċirkostanzi jekk ikun xieraq li jsir hekk sabiex jiġi mmassimizzat il-valur bħala negozju avvjat; it-twettiq ta' negozjati ma' kredituri u d-dħul fi proċeduri ta' ristrutturar preventiv.

(71)

Jekk id-debitur ikun viċin l-insolvenza, huwa importanti wkoll li jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-kredituri minn deċiżjonijiet ta' ġestjoni li jista' jkollhom impatt fuq il-kostituzzjoni tal-patrimonju tad-debitur, b'mod partikolari jekk dawn id-deċiżjonijiet jista' jkollhom l-effett li jkomplu jnaqqsu l-valur tal-patrimonju disponibbli għal sforzi ta' ristrutturar jew għal distribuzzjoni lill-kredituri. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, id-diretturi jevitaw kwalunkwe azzjonijiet intenzjonati jew negliġenti ħafna li jirriżultaw fi gwadann personali għad-detriment tal-partijiet interessati, u jevitaw li jaċċettaw tranżazzjonijiet li jkunu inferjuri mill-valur tas-suq, jew jieħdu azzjonijiet li jwasslu għal preferenza inġusta mogħtija lil parti interessata jew aktar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw din id-dispożizzjonijiet rispettivi ta' din id-Direttiva billi jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi, meta jivvalutaw jekk direttur għandux jinżamm responsabbli għal ksur ta' dmir ta' diliġenza, jieħdu inkonsiderazzjoni r-regoli dwar id-dmirijiet tad-diretturi stipulati f'din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma għandhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi xi ġerarkija bejn id-diversi partijiet li l-interessi tagħhom jenħtieġ li jingħataw kunsiderazzjoni debita. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-istabbiliment ta' tali ġerarkija. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali tal-Istati Membri dwar proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'kumpannija.

(72)

Imprendituri li jeżerċitaw kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni indipendenti, għal rashom jistgħu jiffaċċaw ir-riskju li jsiru insolventi. Id-differenzi bejn l-Istati Membri f'termini ta' opportunitajiet għal bidu ġdid jistgħu jinċentivaw imprendituri b'dejn eċċessiv jew insolventi biex jirrilokaw lejn Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti sabiex jibbenefikaw minn perjodi iqsar tal-ħelsien mid-dejn jew kondizzjonijiet iktar attraenti għall-ħelsien mid-dejn, li jwasslu għal inċertezza legali addizzjonali u spejjeż għall-kredituri meta jirkupraw il-pretensjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-effetti tal-insolvenza, b'mod partikolari l-istigma soċjali, il-konsegwenzi legali, bħall-iskwalifika tal-imprendituri milli jibdew u jwettqu attività imprenditorjali u l-inkapaċità kontinwata li jħallsu lura d-djun jikkostitwixxu diżinċentivi importanti għall-imprendituri li jixtiequ jibdew negozju jew jingħataw it-tieni opportunità, anki jekk l-evidenza turi li l-imprendituri li saru insolventi għandhom aktar ċans li jirnexxu d-darba li jmiss.

(73)

Jenħtieġ għalhekk li jittieħdu passi biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tad-djun eċċessivi jew l-insolvenza fuq l-imprendituri, b'mod partikolari billi jiġi permess ħelsien sħiħ mid-dejn wara ċertu perjodu ta' żmien u billi jiġi limitat it-tul tal-ordnijiet ta' skwalifika maħruġa b'konnessjoni mad-djun eċċessivi jew l-insolvenza ta'debitur. Jenħtieġ li l-kunċett ta' “insolvenza” jiġi ddefinit permezz tal-liġi nazzjonali u jista' jieħu l-forma ta' dejn eċċessiv. Il-kunċett ta' “imprenditur” fis-sens ta' din id-Direttiva jenħtieġ li ma jkollu ebda effett fuq il-pożizzjoni tal-maniġers jew diretturi ta' kumpannija, li jenħtieġ li tiġi ttrattata f'konformità mal-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu kif jiksbu aċċess għall-ħelsien mid-dejn, inkluż il-possibbiltà ta' rekwiżit li d-debitur jitlob ħelsien mid-dejn.

(74)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu l-possibbiltà li jaġġustaw l-obbligi tal-ħlas lura ta' imprendituri insolventi meta jkun hemm bidla sinifikanti fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, minkejja jekk dan ikun fis-sens ta' titjib jew ta' deterjorazzjoni. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tirrikjedix li pjan ta' ħlas lura jiġi appoġġat minn maġġoranza ta' kredituri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li m'hemm xejn li jwaqqaf lill-imprendituri milli jibdew attività ġdida fl-istess qasam jew f'qasam differenti matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħlas lura.

(75)

Jenħtieġ li l-ħelsien mid-dejn ikun disponibbli fil-proċeduri li jinkludu pjan ta' ħlas lura, realizzazzjoni tal-assi, jew taħlita tat-tnejn. Fl-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu liberament bejn dawk l-alternattivi. Jekk tkun disponibbli aktar minn proċedura waħda li twassal għall-ħelsien mid-dejn skont il-liġi nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li tal-anqas waħda minn dawk il-proċeduri tagħti lil imprendituri insolventi l-opportunità li jkollhom ħelsien sħiħ mid-dejn fi ħdan perjodu ta' ma jkunx aktar minn tliet snin. Fil-każ ta' proċeduri li jikkombinaw realizzazzjoni tal-assi u pjan ta' ħlas lura, il-perjodu tal-ħelsien mid-dejn għandu jibda mhux aktar tard mid-data li l-pjan ta' ħlas lura huwa kkonfermat minn qorti jew jibda jiġi implimentat, pereżempju mill-ewwel ħlas skont il-pjan, iżda jista' jibda wkoll aktar kmieni, bħal meta tittieħed deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura.

(76)

Fi proċeduri li ma jinkludux pjan ta' ħlas lura, jenħtieġ li l-perjodu tal-ħelsien mid-dejn jibda mhux aktar tard mid-data meta deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura tittieħed minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, jew id-data tal-istabbiliment tal-patrimonju tal-insolvenza. Għall-finijiet tal-kalkolu tad-durata tal-perjodu tal-ħelsien mid-dejn skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li l-kunċett ta' 'ftuħ tal-proċedura' ma jinkludix miżuri preliminari, bħal miżuri ta' preservazzjoni jew il-ħatra ta' prattikant preliminari fl-insolvenza, sakemm dawn il-miżuri ma jippermettux li jiġu realizzati l-assi, inkluż it-tneħħija u d-distribuzzjoni ta' assi lill-kredituri. L-istabbiliment tal-patrimonju tal-insolvenza ma għandux jinvolvi neċessarjament deċiżjoni jew konferma formali minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, meta tali deċiżjoni ma tkunx meħtieġa skont il-liġi nazzjonali, u jista' jikkonsisti mill-preżentazzjoni tal-inventarju ta' assi u obbligazzjonijiet.

(77)

Meta l-perkors proċedurali li jwassal għal ħelsien mid-dejn jinvolvi r-realizzazzjoni tal-assi ta' imprenditur, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jiġux preklużi milli jipprevedu li t-talba għall-ħelsien mid-dejn tiġi ttrattata separatament mir-realizzazzjoni tal-assi, dment li tali talba tikkostitwixxi parti integrali tal-perkors proċedurali li jwassal għall-ħelsien mid-dejn skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar ir-regoli rigward l-oneru tal-provi sabiex jopera l-ħelsien mid-dejn, li jfisser li jenħtieġ li jkun possibbli li l-imprendituri jintalbu bil-liġi li jagħti prova li qed jirrispettaw l-obbligi tagħhom.

(78)

Il-ħelsien sħiħ mid-dejn jew it-tmiem tal-iskwalifiki wara perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin mhuwiex xieraq fiċ-ċirkostanzi kollha, u għalhekk jista' jkun hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti derogi minn din ir-regola, li huma debitament ġustifikati minħabba raġunijiet stipulati fil-liġi nazzjonali. Pereżempju, jenħtieġ li tali derogi jiġu introdotti f'każijiet fejn id-debitur ikun diżonest jew ikun aġixxa in mala fede. Fejn l-imprendituri ma jibbenefikawx minn preżunzjoni ta' onestà u bona fide skont il-liġi nazzjonali, l-oneru ta' prova rigward l-onestà u l-bona fide tagħhom ma għandux jagħmilha wisq diffiċli jew oneruż għalihom biex jidħlu fil-proċedura.

(79)

Biex jiġi stabbilit jekk imprenditur kienx diżonest, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jistgħu jqisu ċirkostanzi bħal: in-natura u l-firxa tad-dejn; iż-żmien meta d-dejn iġġarrab; l-isforzi tal-imprenditur biex iħallas id-djun u jikkonforma mal-obbligi legali, inklużi r-rekwiżiti tal-liċenzjar pubbliku u l-ħtieġa ta' kontabbiltà korretta; azzjonijiet min-naħa tal-imprenditur biex jiffrustra r-rikors mill-kredituri; it-twettiq tad-dmirijiet fil-probabbiltà ta' insolvenza, li jaqgħu fuq l-imprendituri li huma diretturi ta' kumpannija; u l-konformità mal-liġijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali li jirrigwardaw il-kompetizzjoni u x-xogħol. Jenħtieġ ukoll li jkun possibbli li jiġu introdotti derogi fejn l-imprenditur ma jkunx ikkonforma ma' ċerti obbligi legali, inkluż obbligi biex jiġu mmassimizzati r-redditi lill-kredituri li jistgħu jieħdu l-għamla ta' obbligu ġenerali biex jiġi ġġenerat dħul jew assi. Barra dan, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu introdotti derogi speċifiċi meta jkun meħtieġ li jiġi ggarantit il-bilanċ bejn id-drittijiet tad-debitur u d-drittijiet ta' kreditur wieħed jew aktar, bħal meta l-kreditur ikun persuna fiżika li teħtieġ iktar protezzjoni mid-debitur.

(80)

Deroga tista' wkoll tkun iġġustifikata fejn l-ispejjeż tal-proċedura li twassal għall-ħelsien mid-dejn, inkluż it-tariffi tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi u l-prattikanti, ma jkunux koperti. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprevedu li l-benefiċċji ta' dak il-ħelsien mid-dejn jistgħu jiġu revokati fejn, pereżempju, is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur titjieb b'mod sinifikanti minħabba ċirkostanzi mhux mistennija, bħar-rebħ ta' lotterija, jew billi jiġi fil-pussess ta' wirt jew donazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux preklużi milli jipprevedu derogi addizzjonali f'ċirkostanzi definiti tajjeb u meta jkunu debitament ġustifikati.

(81)

Fejn hemm raġuni debitament ġustifikata skont il-liġi nazzjonali, jista' jkun xieraq li tiġi limitata l-possibbiltà ta' ħelsien mid-dejn għal ċerti kategoriji ta' dejn. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jeskludu djun garantiti milli jkunu eliġibbli għall-ħelsien mid-dejn biss sal-valur tal-kollateral kif determinat mil-liġi nazzjonali, filwaqt li l-bqija tad-dejn jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala dejn mhux garantit. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi oħra ta' dejn meta jkun debitament ġustifikat.

(82)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji jkunu jistgħu jivverifikaw, ex officio jew fuq talba ta' persuna b'interess leġittimu, jekk l-imprendituri jkunux issodisfaw il-kondizzjonijiet għall-kisba ta' ħelsien sħiħ mid-dejn.

(83)

Jekk permess jew liċenzja ta' imprenditur biex jeżerċita ċerta sengħa, negozju, kummerċ jew professjoni tkun ġiet irrifjutata jew revokata bħala riżultat ta' ordni ta' skwalifika, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jitolbu lill-imprenditur biex jippreżenta applikazzjoni biex jikseb permess jew liċenzja ġdida wara li tkun skadiet l-iskwalifika. Meta awtorità ta' Stat Membru tadotta deċiżjoni li tikkonċerna attività speċifikament issorveljata, jenħtieġ li jkun possibbli li hija tista' tqis ukoll, anke wara l-iskadenza tal-perjodu tal-iskwalifika, il-fatt li l-imprenditur insolventi ikun kiseb ħelsien mid-dejn f'konformità ma' din id-Direttiva.

(84)

Djun personali u professjonali li ma jistgħux jiġu sseparati b'mod raġonevoli, pereżempju meta assi jintuża fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tal-imprenditur kif ukoll barra dik l-attività, għandhom jiġu ttrattati fi proċedura unika. Fejn l-Istati Membri jipprevedu li dawn id-djun huma soġġetti għal proċeduri ta' insolvenza differenti, tkun meħtieġa koordinazzjoni ta' dawk il-proċeduri. Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li jittrattaw id-djun kollha ta' imprenditur fi proċedura unika. L-Istati Membri li fihom l-imprendituri jistgħu jkomplu n-negozju tagħhom fuq responsabbiltà tagħhom stess waqt proċedimenti ta' insolvenza jenħtieġ li ma jkunux preklużi milli jipprevedu li imprendituri bħal dawn jistgħu jsiru soġġetti għal proċedimenti ta' insolvenza ġodda, fejn negozju bħal dan li jkompli għaddej isir insolventi.

(85)

Huwa meħtieġ li tinżamm u tittejjeb it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-proċeduri fl-għoti ta' eżiti li huma favorevoli għall-preservazzjoni ta' negozji u biex l-imprendituri jkun jista' jkollhom it-tieni opportunità jew li jippermettu l-likwidazzjoni effiċjenti ta' intrapriżi mhux vijabbli. Huwa meħtieġ ukoll li jitnaqqas it-tul eċċessiv tal-proċeduri ta' insolvenza f'ħafna Stati Membri, li jirriżulta f'inċertezza legali għall-kredituri u l-investituri u rati ta' rkupru baxxi. Fl-aħħar nett, minħabba l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni msaħħa bejn il-qrati u l-prattikanti f'każijiet transfruntieri, stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2015/848, il-professjonaliżmu tal-atturi involuti kollha għandu jittella' f'livelli għoljin b'mod komparabbli fl-Unjoni kollha. Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-membri tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi li jittrattaw proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar preventiv, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn jiġu mħarrġa b'mod adatt u jkollhom l-għarfien espert neċessarju għar-responsabbiltajiet tagħhom. Tali -taħriġ u għarfien espert jista' jinkiseb ukoll waqt l-eżerċizzju tad-dmirijiet bħala membru ta' awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jew, qabel il-ħatra għal tali dmirijiet, waqt l-eżerċizzju ta' dmirijiet rilevanti oħra.

(86)

Jenħtieġ li t-tali taħriġ u għarfien espert jagħmel possibbli li jittieħdu deċiżjonijiet b'impatt ekonomiku u soċjali potenzjalment sinifikanti b'mod effiċjenti, u jenħtieġ li dan ma jiġix interpretat fis-sens li membri ta' awtorità ġudizzjarja ikollhom jittrattaw esklużivament il-kwistjonijiet ta' ristrutturar, insolvenza u ħelsien mid-dejn. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn ikunu jistgħu jiġu mwettqa b'mod effiċjenti u mgħaġġel. Il-ħolqien ta' qrati jew awli speċjalizzati jew il-ħatra ta' mħallfin speċjalizzati f'konformità mal-liġi nazzjonali, kif ukoll il-konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni f'għadd limitat ta' awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jistgħu jkunu modi effiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi taċ-ċertezza legali u tal-effettività tal-proċeduri. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati li jesiġu li proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn jingħataw prijorità fuq proċeduri oħra.

(87)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar, tal-insolvenza, u tal-ħelsien mid-dejn li jinħatru minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi (“prattikanti”) ikunu: mħarrġin kif xieraq; maħtura b'mod trasparenti b'konsiderazzjoni dovuta għall-ħtieġa li jiġu żgurati proċeduri effiċjenti; ssorveljati meta jwettqu l-kompiti tagħhom; u jwettqu l-kompiti tagħhom b'integrità. Huwa importanti li l-prattikanti jaderixxu mal-istandards għal tali kompiti, bħall-kopertura minn assigurazzjoni għar-responsabbiltà professjonali. Taħriġ adatt, kwalifiki u għarfien espert għall-prattikanti jistgħu jinkisbu wkoll matul il-prattika tal-professjoni tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jipprovdu t-taħriġ meħtieġ huma stess, iżda dan jista' jiġi pprovdut, pereżempju, minn assoċjazzjonijiet professjonali jew korpi oħra. Jenħtieġ li l-prattikanti tal-insolvenza kif definiti fir-Regolament (UE) 2015/848 jiġu inklużi fl-ambitu ta' din id-Direttiva.

(88)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprevjenix l-Istati Membri milli jipprevedu li l-prattikanti jintgħażlu minn debitur, mill-kredituri jew minn kumitat tal-kredituri minn lista jew grupp li huwa approvat minn qabel minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva. Fl-għażla ta' prattikant, id-debitur, il-kredituri jew il-kumitat tal-kredituri jenħtieġ li jingħataw marġni ta' apprezzament fir-rigward tal-għarfien espert jew esperjenza tal-prattikant in ġenerali u x'jitlob il-każ partikolari. Debituri li huma persuni fiżiċi jenħtieġ li jiġu eżentati minn dan id-dmir għalkollox. F'każijiet b'elementi transfruntieri, jenħtieġ li l-ħatra tal-prattikant tqis, fost affarijiet oħrajn, il-kapaċità tal-prattikant li jikkonforma mal-obbligu, skont ir-Regolament (UE) 2015/848, li jikkomunika u jikkoopera ma' prattikanti barranin fl-insolvenza u awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi minn Stati Membri oħra, kif ukoll ir-riżorsi umani u amministrattivi tagħhom, biex jittrattaw każijiet potenzjalment kumplessi. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jiġux preklużi milli jipprevedu li prattikant jintgħażel b'metodi oħra, bħal għażla aleatorja bi programm ta' software, dment li jiġi żgurat, fl-użu ta' dawk il-metodi, li tingħata konsiderazzjoni dovuta lill-esperjenza u l-għarfien espert tal-prattikant. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-mezzi ta' oġġezzjoni għall-għażla jew il-ħatra ta' prattikant jew għat-talba tas-sostituzzjoni tal-prattikant, pereżempju permezz ta' kumitat tal-kredituri.

(89)

Jenħtieġ li l-prattikanti jkunu soġġetti għal mekkaniżmi ta' sorveljanza u regolatorji li għandhom jinkludu miżuri effettivi rigward ir-responsabbiltà tal-prattikanti li naqsu mid-dmirijiet tagħhom, bħal: tnaqqis tat-tariffa tal-prattikant; l-esklużjoni mil-lista jew grupp ta' prattikanti li jistgħu jinħatru f'każijiet ta' insolvenza,; u, fejn xieraq, sanzjonijiet dixxiplinari, amministrattivi jew kriminali. Jenħtieġ li tali mekkaniżmi ta' sorveljanza u regolatorji jkunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet skont il-liġi nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili għad-danni għal ksur ta' obbligi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet jew il-korpi li jeżerċitaw sorveljanza fuq prattikanti tkun disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jistabbilixxu awtoritajiet jew korpi speċifiċi. Pereżempju, sempliċi referenza għall-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jenħtieġ li tkun biżżejjed bħala informazzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli, fil-prinċipju, li jintlaħqu tali standards mingħajr il-ħtieġa li jinħolqu professjonijiet jew kwalifiki ġodda skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jestendu dawn id-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ u s-superviżjoni tal-prattikanti għal prattikanti oħra li mhumiex koperti b'din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jipprevedu li tilwim dwar ir-remunerazzjoni tal-prattikanti jingħata prijorità fuq proċeduri oħra.

(90)

Sabiex ikomplu jnaqqsu t-tul tal-proċeduri, tiġi ffaċilitata parteċipazzjoni aħjar tal-kredituri fi proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn u biex jiżguraw kondizzjonijiet simili fost il-kredituri irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jippermettu lil debituri, kredituri, prattikanti u awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi jużaw mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li l-passi proċedurali bħall-preżentazzjoni ta' pretensjonijiet mill-kredituri, in-notifika tal-kredituri jew il-preżentazzjoni ta' kontestazzjonijiet u appelli jistgħu jitwettqu b'mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi. Jenħtieġ li l -Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li notifiki ta' kreditur jistgħu biss jitwettqu elettronikament jekk il-kreditur ikkonċernat ikun ta l-kunsens qabel għall-komunikazzjoni elettronika.

(91)

Jenħtieġ li l-partijiet tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn ma jkunux obbligati li jużaw mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi jekk tali użu ma jkunx obbligatorju skont il-liġi nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu sistema elettronika obbligatorja ta' ffajljar u notifika ta' dokumenti fi proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu l-mezzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi Eżempji ta' tali mezzi jistgħu jinkludu sistema mibnija apposta għat-trasmissjoni elettronika ta' tali dokumenti jew l-użu tal-posta elettronika, mingħajr ma l-Istati Membri jiġu preklużi milli jkunu jistgħu jistabbilixxu elementi li jiżguraw is-sigurtà tat-trasmissjonijiet elettroniċi, bħall-firma elettronika, jew servizzi ta' fiduċja, bħal servizzi elettroniċi ta' konsenja reġistrati, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(92)

Huwa importanti li tinġabar data affidabbli u komparabbli dwar il-prestazzjoni ta' proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn sabiex jiġu sorveljati l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġbru u jaggregaw id-data li tkun granulari biżżejjed biex tkun tista' ssir valutazzjoni preċiża ta' kif id-Direttiva tiffunzjona fil-prattika u jenħtieġ li jikkomunikaw dik id-data lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-formola ta' komunikazzjoni għat-trasmissjoni ta' tali data lill-Kummissjoni li jenħtieġ li tiġi stabbilita mill-Kummissjoni kif ikkwotata minn Kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). Jenħtieġ li l-formola tipprovdi lista qasira tal-eżiti ewlenin tal-proċeduri li huma komuni għall-Istati Membri kollha. Pereżempju, fil-każ ta' proċedura ta' ristrutturar, dawk l-eżiti ewlenin jistgħu jkunu dan li ġej: il-pjan jiġi kkonfermat minn qorti; il-pjanijiet ma jiġux ikkonfermati minn qorti; il-proċeduri ta' ristrutturar li jiġu kkonvertiti fi proċeduri ta' likwidazzjoni jew jingħalqu minħabba l-ftuħ ta' proċeduri ta' likwidazzjoni qabel il-pjan ma ġie kkonfermat minn qorti. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux rikjesti jipprovdu tqassim skont it-tip tal-eżiti fir-rigward tal-proċeduri li jintemmu qabel ma tkun ittieħdet kwalunkwe miżura rilevanti, iżda minflok jistgħu jipprovdu numru komuni għall-proċeduri kollha li huma ddikjarati inammissibbli, rifjutati jew irtirati qabel jinfetħu.

(93)

Jenħtieġ li l-formola ta' komunikazzjoni tipprovdi lista ta' għażliet li jista' jittieħed kont tagħhom mill-Istati Membri fid-determinazzjoni tad-daqs ta' debitur, b'referenza għal element wieħed jew aktar tad-definizzjoni SMEs u intrapriżi kbar komuni għall-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li l-lista tinkludi l-opzjoni li jiġi determinat id-daqs ta' debitur abbażi tal-għadd ta' ħaddiema biss. Jenħtieġ li l-formola: tiddefinixxi l-elementi tal-ispiża medja u r-rati ta' rkupru medji li għalihom l-Istati Membri jistgħu jiġbru d-data volontarjament; tipprovdi gwida dwar l-elementi li jistgħu jittieħdu inkonsiderazzjoni meta l-Istati Membri jagħmlu użu ta' teknika tat-teħid tal-kampjuni, pereżempju dwar id-daqsijiet tal-kampjuni sabiex tiġi żgurata r-rappreżentattività f'termini ta' distribuzzjoni ġeografika, id-daqs tad-debituri u l-industrija; u tinkludi opportunità għall-Istati Membri biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni addizzjonali disponibbli, pereżempju fuq l-ammont totali tal-assi u l-obbligazzjonijiet tad-debituri.

(94)

L-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tiddependi ħafna fuq arranġamenti ta' kollateral finanzjarju, b'mod partikolari, meta tiġi pprovduta garanzija kollaterali b'konnessjoni mal-parteċipazzjoni f'sistemi deżinjati jew f'operazzjonijiet tal-bank ċentrali u jekk il-marġnijiet jiġu pprovduti lil kontropartijiet ċentrali. Billi l-valur tal-istrumenti finanzjarji mogħtija bħala garanzija kollaterali jista' jkun volatili ħafna, huwa kruċjali li jinkiseb il-valur tagħhom malajr qabel jonqos. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 98/26/KE (19), u 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jenħtieġ li japplikaw minkejja d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw arranġamenti ta' netting, inkluż dawk ta' saldu abbażi tal-valur nett, mill-effetti tas-sospensjoni tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali anke f'ċirkostanzi fejn ma jkunux koperti bid-Direttivi 98/26/KE, 2002/47/KE u r-Regolament (UE) Nru 648/2012, jekk arranġamenti bħal dawn ikunu infurzabbli skont il-liġijiet tal-Istat Membru rilevanti anke jekk jinfetħu proċedimenti tal-insolvenza.

Dan jista' jkun il-każ għal għadd sinifikanti ta' ftehimiet prinċipali użati b'mod wiesa' fis-swieq finanzjarji, tal-enerġija u tal-prodotti bażiċi kemm minn kontropartijiet mhux finanzjarji kif ukoll dawk finanzjarji. Tali arranġamenti jnaqqsu r-riskji sistemiċi speċjalment fi swieq derivattivi. Għaldaqstant, tali arranġamenti jistgħu jkunu eżentati mir-restrizzjonijiet li l-liġijiet tal-insolvenza jimponu fuq kuntratti eżekutorji. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jeżentaw mill-effetti tas-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali arranġamenti statutorji ta' saldu, inkluż arranġamenti ta' saldu abbażi tal-valur nett, li joperaw meta jinfetħu proċedimenti tal-insolvenza. Madankollu, jenħtieġ li l-ammont li jirriżulta mill-operazzjoni ta' arranġamenti ta' saldu, inkluż arranġamenti ta' saldu abbażi tal-valur nett ikun soġġett għas-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali.

(95)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li huma partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli, iffirmat f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001, u l-Protokoll tagħha, jkunu jistgħu jibqgħu jissodisfaw l-obbligi internazzjonali eżistenti tagħhom. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva rigward l-oqfsa ta' ristrutturar preventiv jenħtieġ li japplikaw mad-derogi neċessarji biex tiġi żgurata applikazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dik l-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u l-Protokolli tagħha.

(96)

Jenħtieġ li l-effettività tal-proċess tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar ma jiġux pperikolati mil-liġi tal-kumpaniji. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jidderogaw mir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) li jikkonċernaw l-obbligi biex tissejjaħ laqgħa ġenerali u biex jiġu offruti fuq bażi ta' prelazzjoni l-ishma lill-azzjonisti eżistenti, sal-limitu u għall-perjodu neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-azzjonisti ma jfixklux l-isforzi ta' ristrutturar billi jabbużaw id-drittijiet tagħhom skont dik id-Direttiva. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu jidderogaw mill-obbligu li tissejjaħ laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew mill-perjodi ta# żmien normali, għal każijiet fejn għandha tittieħed azzjoni urġenti mill-maniġment biex jiġu salvagwardjati l-assi tal-kumpannija, pereżempju billi tintalab sospensjoni mill-azzjonijiet tal-infurzar individwali, u meta jkun hemm telf serju u f'daqqa tal-kapital sottoskritt u probabbiltà ta' insolvenza. Derogi mil-liġi tal-kumpaniji tista' wkoll tkun meħtieġa meta l-pjan ta' ristrutturar jipprevedi l-ħruġ ta' ishma ġodda li jistgħu jiġu offruti bi prijorità lill-kredituri bħala konverżjoni ta' dejn f'ekwità, jew għat-tnaqqis tal-ammont ta' kapital sottoskritt fil-każ li jsir trasferiment ta' partijiet tal-intrapriża. Jenħtieġ li tali derogi jkunu limitati fiż-żmien sal-miżura li l-Istati Membri jqisu tali derogi neċessarji għat-twaqqif ta' qafas ta' ristrutturar preventiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati li jidderogaw mil-liġi tal-kumpaniji, totalment jew parzjalment, jew għal perjodu ta' żmien indefinit jew limitat, jekk jiżguraw li r-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kumpaniji ma jipperikolawx l-effettività tal-proċess ta' ristrutturar jew jekk l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ strumenti oħra daqstant ieħor effettivi li jiżguraw li l-azzjonisti ma jipprevjenux b'mod mhux raġonevoli l-adozzjoni jew l-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar li jerġa' jikseb il-vijabbiltà tan-negozju. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu importanza partikolari lill-effettività tad-dispożizzjonijiet relatati ma' sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali u l-konferma tal-pjan ta' ristrutturar li jenħtieġ li ma jiġux kompromessi bla bżonn minn sejħiet għal laqgħat ġenerali tal-azzjonisti jew ir-riżultati tagħhom. Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2017/1132 tiġi emendata skont dan. Jenħtieġ li l-Istati Membri jgawdu minn marġini ta' apprezzament fil-valutazzjoni ta' liema derogi huma meħtieġa fil-kuntest tal-liġi nazzjonali dwar il-kumpaniji sabiex din id-Direttiva tkun implimentata b'mod effettiv, u jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprevedu wkoll eżenzjonijiet simili mid-Direttiva (UE) 2017/1132 fil-każ ta' proċedimenti ta' insolvenza mhux koperti minn din id-Direttiva iżda li jippermettu t-teħid ta' miżuri ta' ristrutturar.

(97)

Fir-rigward tal-istabbiliment u ta' bidliet sussegwenti fil-forma ta' komunikazzjoni tad-data, jenħtieġ li s-setgħat ta' implimentazzjoni jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li teżerċita dawn is-setgħat b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(98)

Jenħtieġ li jsir studju mill-Kummissjoni sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa li jitressqu proposti leġislattivi biex tiġi indirizzata l-insolvenza ta' persuni li ma jeżerċitawx attività kummerċjali, negozju, sengħa jew professjoni, li, bħala konsumaturi, ma jkunux jistgħu, in bona fide, temporanjament jew b'mod permanenti, iħallsu d-djun meta jkunu dovuti. Jenħtieġ li tali studju jinvestiga jekk l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi bażiċi ikollux jiġi salvagwardat għal dawk il-persuni, sabiex jiġi żgurat li jgawdu minn kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti.

(99)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (22), l-Istati Membri impenjaw irwieħhom li jehmżu, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom ma' dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Rigward din id-Direttiva, il-leġislatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata.

(100)

Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li d-differenzi bejn l-oqfsa ta' ristrutturar u ta' insolvenza nazzjonali jkomplu joħolqu ostakli għall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta' stabbiliment, iżda jistgħu pjuttost jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(101)

Fis-7 ta' Ġunju 2017, il-Bank Ċentrali Ewropew ta opinjoni (23),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

(a)

oqfsa ta' ristrutturar preventiv disponibbli għad-debituri f'diffikultajiet finanzjara meta jkun hemm il-probabbiltà ta' insolvenza, bil-ħsieb li tiġi evitata l-insolvenza u tiġi żgurata l-vijabbiltà tad-debitur;

(b)

proċeduri li jwasslu għall-ħelsien mid-dejn imġarrab imprendituri insolventi; u

(c)

miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li jikkonċernaw debituri li huma:

(a)

impriżi tal-assigurazzjoni jew impriżi tar-riassigurazzjoni kif definiti fil-punti (1) u (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(b)

istituzzjonijiet ta' kreditu kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

impriżi ta' investiment jew impriżi ta' investiment kollettiv kif definiti fil-punti (2) u (7) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

partijiet kontroparti ċentrali kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(e)

depożitorji ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(f)

istituzzjonijiet finanzjarji u entitajiet oħra elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(g)

korpi pubbliċi skont il-liġi nazzjonali; u

(h)

persuni fiżiċi li mhumiex imprendituri.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-ambitu ta' din id-Direttiva l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 li jikkonċernaw debituri li huma entitajiet finanzjarji, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jipprovdu servizzi finanzjarji li huma soġġetti għal arranġamenti speċjali li skonthom l-awtoritajiet superviżorji u ta' riżoluzzjoni nazzjonali għandhom setgħat sostanzjali ta' intervent komparabbli ma' dawk stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali fir-rigward tal-entitajiet finanzjarji msemmija fil-paragrafu 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawk l-arranġamenti speċjali lill-Kummissjoni.

4.   L-Istati Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni tal-proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 lil persuni fiżiċi insolventi li mhumiex imprendituri.

L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-applikazzjoni tal-punt (a) tal-paragrafu 1 għall-persuni ġuridiċi.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-pretensjonijiet li ġejjin ikunu esklużi mill-oqfsa ta' ristrutturar preventiv imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jew ma jkunux affettwati minnhom:

(a)

pretensjonijiet eżistenti u futuri ta' ħaddiema eżistenti jew preċedenti;

(b)

pretensjonijiet ta' manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta' filjazzjoni, ta' żwieġ jew ta' affinità; jew

(c)

pretensjonijiet li jirriżultaw minn responsabbiltà għad-danni tad-debitur.

6.   L-istati Membri għandhom jiżguraw li oqfsa ta' ristrutturar preventiv ma jkollhomx impatti fuq intitolamenti dovuti tal-pensjoni okkupazzjonali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ristrutturar” tfisser miżuri li għandhom l-għan li jirristrutturaw in-negozju tad-debitur li jinkludu tibdil tal-kompożizzjoni, il-kondizzjonijiet jew l-istruttura ta' assi u obbligazzjonijiet tad-debitur jew kwalunkwe parti oħra tal-istruttura tal-kapital tad-debitur, bħall-bejgħ ta' assi jew partijiet tan-negozju u, fejn previst skont il-liġi nazzjonali, il-bejgħ tan-negozju bħala negozju avvjat, kif ukoll kwalunkwe bidla operazzjonali neċessarja, jew taħlita ta' dawk l-elementi;

(2)

“partijiet affettwati” tfisser kredituri, inkluż, fejn applikabbli skont il-liġi nazzjonali, ħaddiema, jew klassijiet ta' kredituri u, fejn applikabbli skont il-liġi nazzjonali, it-titolari tal-ekwità, li l-pretensjonijiet jew l-interessi tagħhom rispettivament huma affettwati direttament minn pjan ta' ristrutturar;

(3)

“titolari ta” ekwità' tfisser persuna li għandha interess proprjetarju f'debitur jew in-negozju ta' debitur, inkluż azzjonista sal-miżura li dik il-persuna mhijiex kreditur;

(4)

“sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali” tfisser sospensjoni temporanja, mogħtija minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jew applikata permezz tal-operazjoni tal-liġi, tad-dritt ta' kreditur li jinforza pretensjoni kontra debitur u, meta hekk previst mil-liġi nazzjonali, kontra fornitur ta' garanzija ta' parti terza, fil-kuntest ta' proċedura ġudizzjarja, amministrattiva jew proċedura oħra, jew id-dritt li l-assi jew in-negozju tad-debitur jiġu sekwestrati jew realizzati mill-qorti;

(5)

“kuntratt eżekutorju” tfisser kuntratt bejn debitur u kreditur wieħed jew iktar li taħtu l-partijiet għad għandhom obbligi ta' prestazzjoni fil-ħin li tingħata jew tiġi applikata s-sospensjoni tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali;

(6)

“test tal-aħjar interess tal-kredituri” tfisser test li jiġi ssodisfat jekk l-ebda kreditur li ma jaqbilx ma jkun f'sitwazzjoni agħar taħt pjan ta' ristrutturar milli tali kreditur kien ikun kieku kellha tkun applikata l-gradazzjoni normali tal-prijoritajiet ta' likwidazzjoni skont il-liġi nazzjonali, kemm fil-każ ta' likwidazzjoni, li tista' tkun likwidazzjoni ta' setturi tan-negozju jew bejgħ bħala negozju avvjat; jew inkella fil-każ tal-aħjar tax-xenarju alternattiv fin-nuqqas tal-konferma tal-pjan ta' ristrutturar;

(7)

“finanzjament ġdid” tfisser kwalunkwe assistenza finanzjarja ġdida ipprovduta minn kreditur eżistenti jew ġdid sabiex jiġi implimentat il-pjan ta' ristrutturar u li jkun inkluż f'dak il-pjan ta' ristrutturar;

(8)

“finanzjament interim” tfisser kwalunkwe assistenza finanzjarja ġdida, pprovduta minn kreditur eżistenti jew ġdid, li tinkludi, bħala minimu, assistenza finanzjarja waqt is-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali, u li hija raġonevoli u meħtieġa immedjatament għan-negozju tad-debitur biex ikompli jopera, jew sabiex jippreserva jew itejjeb il-valur ta' dak in-negozju;

(9)

“imprenditur” tfisser persuna fiżika li teżerċita kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni;

(10)

“ħelsien sħiħ mid-dejn” tfisser li jkun prekluż l-infurzar kontra imprendituri tad-djun pendenti li jistgħu jinħelsu minnhom, jew li jiġu kanċellati d-djun pendenti li jistgħu jinħelsu minnhom bħala tali, bħala parti minn proċedura li tista' tinkludi realizzazzjoni tal-assi jew pjan ta' ħlas lura, jew it-tnejn;

(11)

“pjan ta' ħlas lura” tfisser programm ta' ħlasijiet ta' ammonti speċifikati f'dati speċifikati minn imprenditur insolventi lill-kredituri, jew trasferiment perjodiku lill-kredituri ta' ċerta parti tal-introjtu disponibbli tal-imprenditur waqt il-perjodu tal-ħelsien mid-dejn;

(12)

“prattikant fil-qasam tar-ristrutturar” tfisser kull persuna jew korp maħtura minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva li twettaq, b'mod partikolari, wieħed jew iktar mill-kompiti li ġejjin:

(a)

assistenza lid-debitur jew lill-kredituri fl-abbozzar jew fin-negozjar ta' pjan ta' ristrutturar;

(b)

sorveljanza tal-attività tad-debitur waqt in-negozjati fuq pjan ta' ristrutturar u jirrapportaw lil awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva;

(c)

kontroll parzjali fuq l-assi jew l-affarijiet tad-debitur matul in-negozjati.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-kunċetti li ġejjin għandhom jinftiehmu kif definiti fil-liġi nazzjonali:

(a)

insolvenza;

(b)

probabbiltà ta' insolvenza;

(c)

intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (“SMEs”).

Artikolu 3

Twissija bikrija u aċċess għall-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri għandhom aċċess għal għodda ċara u trasparenti waħda jew aktar tat-twissija bikrija li tista' ssib ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal probabbiltà ta' insolvenza u li tista' tindika lilhom il-ħtieġa li jaġixxu mingħajr dewmien.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jużaw teknoloġiji tal-IT aġġornati għan-notifiki u għall-komunikazzjoni.

2.   Għodod ta' twissija bikrija jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

mekkaniżmi ta' allert meta d-debitur ma jkunx għamel ċerti tipi ta' ħlasijiet;

(b)

servizzi ta' konsulenza pprovduti minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati.

(c)

inċentivi skont il-liġi nazzjonali għal partijiet terzi b'informazzjoni rilevanti dwar id-debitur, bħal kontabilisti, awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali biex jindikaw żvilupp negattiv lid-debitur.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri u r-rappreżentanti tal-impjegati jkollhom aċċess għal informazzjoni rilevanti u aġġornata dwar id-disponibbiltà tal-għodod ta' twissija bikrija kif ukoll tal-proċeduri u l-miżuri li jikkonċernaw ir-ristrutturar u l-ħelsien mid-dejn.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-aċċess għal għodod ta' twissija bikrija tkun pubblikament disponibbli online u li dik l-informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli u ppreżentata b'mod faċli għall-utenti.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ lil rappreżentanti tal-impjegati għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur.

TITOLU II

OQFSA TA' RISTRUTTURAR PREVENTIV

KAPITOLU 1

Disponibbiltà tal-oqfsa ta' ristrutturar preventiv

Artikolu 4

Disponibbiltà tal-oqfsa ta' ristrutturar preventiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn hemm probabbiltà ta' insolvenza, id-debituri jkollhom aċċess għal qafas ta' ristrutturar preventiv li jippermettilhom jirristrutturaw, bil-ħsieb li tiġi evitata l-insolvenza u li tiġi żgurata il-vijabbiltà tagħhom mingħajr preġudizzju għal soluzzjonijiet oħra biex tiġi evitata l-insolvenza, u b'hekk jiġu protetti l-impjiegi u tinżamm l-attività ta' negozju.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-debituri li ġew ikkundannati għal ksur serju ta' obbligi ta' kontabbiltà jew żamma tal-kotba skont il-liġi nazzjonali jkunu jistgħu jaċċessaw qafas ta' ristrutturar preventiv biss wara li dawk id-debituri jkunu ħadu miżuri adegwati biex jirrimedjaw il-kwistjonijiet li wasslu għas-sentenza, bil-ħsieb li l-kredituri jingħataw l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni matul in-negozjati ta' ristrutturar.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu test ta' vijabbiltà skont il-liġi nazzjonali, dment li tali test ikollu l-għan li jeskludi d-debituri li ma jkollhomx prospett ta' vijabbiltà u li dan jista' jitwettaq mingħajr ma jkun ta' detriment għall-assi tad-debituri.

4.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għadd ta' drabi f'ċertu perjodu li debitur jista' jaċċedi qafas ta' ristrutturar preventiv kif previst skont din id-Direttiva.

5.   Il-qafas ta' ristrutturar preventiv previst skont din id-Direttiva jista' jikkonsisti minn proċedura, miżura jew dispożizzjoni waħda jew aktar, li wħud minnhom jistgħu jsiru barra l-qorti, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe oqfsa ta' ristrutturar oħra skont il-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali qafas ta' ristrutturar jagħti lid-debituri u l-partijiet affettwati d-drittijiet u s-salvagwardji previsti f'dan it-Titolu b'mod koerenti.

6.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jillimitaw l-involviment ta' awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva f'qafsa ta' ristrutturar preventiv għal fejn ikun meħtieġ u proporzjonat filwaqt li jiġi żgurat li d-drittijiet ta' kwalunkwe parti affettwata u kwalunkwe parti kkonċernata rilevanti jkunu mħarsa.

7.   Oqfsa ta' ristrutturar preventiv previsti skont din id-Direttiva għandhom ikunu disponibbli fuq applikazzjoni mid-debituri.

8.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li oqfsa ta' ristrutturar preventiv previsti skont din id-Direttiva jkunu disponibbli fuq talba tal-kredituri u r-rappreżentanti tal-impjegati, soġġett għall-qbil tad-debitur. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw dak ir-rekwiżit biex jinkiseb il-qbil tad-debitur għall-każijiet fejn id-debituri huma SMEs.

KAPITOLU 2

Faċilitazzjoni tan-negozjati dwar pjanijiet ta' ristrutturar preventiv

Artikolu 5

Debitur fil-pussess

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri li jaċċessaw proċeduri ta' ristrutturar preventiv jibqgħu totalment, jew mill-inqas parzjalment, fil-kontroll tal-assi u l-operat ta' kuljum tan-negozju tagħhom.

2.   Fejn neċessarju, il-ħatra minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta' prattikant fil-qasam tar-ristrutturar għandha tkun deċiża fuq bażi ta' każ b'każ, ħlief f'ċerti ċirkostanzi fejn l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu l-ħatra mandatorja ta' tali prattikant f'kull każ.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevdu l-ħatra ta' prattikant fil-qasam tar-ristrutturar, biex jassisti lid-debitur u l-kredituri jinnegozjaw u jabbozzaw il-pjan, tal-inqas fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta sospensjoni ġenerali ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali, skont l-Artikolu 6(3), tingħata minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, u l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tiddeċiedi li tali prattikant huwa meħtieġ biex iħares l-interess tal-partijiet;

(b)

meta jkun meħtieġ li l-pjan ta' ristrutturar jiġi kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva permezz ta' applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti, skont l-Artikolu 11; jew

(c)

fejn tkun mitluba mid-debitur jew minn maġġoranza tal-kredituri, dment li, fil-każ ta' dawn tal-aħħar, l-ispiża tal-prattikant tiġġarrab mill-kredituri.

Artikolu 6

Sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali biex jappoġġaw in-negozjati ta' pjan ta' ristrutturar f'qafas ta' ristrutturar preventiv.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jkunu jistgħu jirrifjutaw li jagħtu sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali fejn tali sospensjoni ma tkunx neċessarja jew fejn ma tkunx tilħaq l-objettiv stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali tkun tista' tkopri kull tip ta' pretensjoni, inkluż pretensjonijiet iggarantiti u pretensjonijiet preferenzjali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali tista' tkun ġenerali, fis-sens li tkopri l-kredituri kollha, jew tista' tkun limitata, fis-sens li tkopri kreditur jew kategorija ta' kredituri individwali waħda jew iktar.

Fejn sospensjoni tkun limitata, is-sospensjoni għandha tapplika biss għall-kredituri li jkunu ġew infurmati, f'konformità mal-liġi nazzjonali, dwar in-negozjati kif imsemmija fil-paragrafu 1 dwar il-pjan ta' ristrutturar jew dwar is-sospensjoni,.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċerti pretensjonijiet jew kategoriji ta' pretensjonijiet mill-ambitu tas-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali, f'ċirkostanzi definiti sew, fejn tali esklużjoni tkun ġustifikata kif xieraq u fejn:

(a)

mhuwiex probabbli li l-infurzar jipperikola r-ristrutturar tan-negozju; jew

(b)

is-sospensjoni tippreġudika inġustament lill-kredituri ta' dawk il-pretensjonijiet.

5.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għall-pretensjonijiet tal-ħaddiema.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-paragrafu 2 għal pretensjonijiet tal-ħaddiema jekk, u sal-punt li, l-Istati Membri jiżguraw li l-ħlas ta' tali pretensjonijiet jiġi ggarantit f'oqfsa ta' ristrutturar preventiv f'livell simili ta' protezzjoni.

6.   Id-durata inizjali ta'sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali għandha tkun limitata għal perjodu massimu ta' mhux iktar minn erba' xhur.

7.   Minkejja l-paragrafu 6, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jestendu d-durata ta' sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali jew jagħtu sospensjoni ġdida ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali, fuq it-talba tad-debitur jew ta' kreditur jew, fejn applikabbli, prattikant fil-qasam tar-ristrutturar. Tali estensjoni jew perjodu ġdid ta' sospensjoni tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali għandu jingħata biss jekk ċirkostanzi definiti sew juru li tali estensjoni jew sospensjoni ġdida tkun debitament ġustifikata, bħal meta:

(a)

ikun sar progress rilevanti fin-negozjati dwar il-pjan ta' ristrutturar;

(b)

il-kontinwazzjoni tas-sospensjoni tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali ma tippreġudikax b'mod inġust id-drittijiet jew l-interessi ta' kwalunkwe parti affettwata; jew

(c)

il-proċedimenti ta' insolvenza li jistgħu jirriżultaw fil-likwidazzjoni tad-debitur skont il-liġi nazzjonali ma jkunux għadhom infetħu fir-rigward tad-debitur.

8.   Id-durata totali tas-sospensjoni tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali, inkluż l-estensjonijiet u t-tiġdid, ma għandhiex tkun ta' aktar minn 12-il xahar.

Fejn l-Istati Membri jkunu għażlu li jimplimentaw din id-Direttiva permezz ta' proċedura jew miżura waħda jew aktar li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet għal notifika skont l-Anness A għar-Regolament (UE) 2015/848, id-durata totali tas-sospensjoni skont tali proċeduri għandha tkun limitata għal mhux aktar minn erba' xhur jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur ikun ġie ttrasferit minn Stat Membru ieħor fi żmien tliet xhur qabel ma ssir talba għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' ristrutturar preventiv.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jkunu jistgħu jneħħu sospensjoni tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali fil-każijiet li ġejjin:

(a)

is-sospensjoni ma tibqax tissodisfa l-għan li tappoġġa n-negozjati dwar il-pjan ta' ristrutturar, pereżempju jekk isir ċar li proporzjon ta' kredituri li skont il-liġi nazzjonali jistgħu jipprevjenu l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar ma jappoġġax il-kontinwazzjoni tan-negozjati;

(b)

fuq talba tad-debitur jew il-prattikant fil-qasam tar-ristrutturar;

(c)

fejn ikun previst fil-liġi nazzjonali, kreditur wieħed jew aktar jew klassi ta' kredituri waħda jew aktar huma, jew ikunu, inġustament ippreġudikati minn sospensjoni tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali; jew

(d)

fejn ikun previst fil-liġi nazzjonali, jekk is-sospensjoni twassal għall-insolvenza ta' kreditur.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw is-setgħa, skont l-ewwel subparagrafu, li titneħħa s-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali għal sitwazzjonijiet fejn il-kredituri ma kinux kellhom l-opportunità li jinstemgħu qabel ma tkun ġiet fis-seħħ is-sospensjoni jew qabel ma tkun ingħatat estensjoni tal-perjodu minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodu minimu, li ma jeċċedix il-perijodu msemmi fil-paragrafu 6, li matulu sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali ma tistax titneħħa.

Artikolu 7

Konsegwenzi tas-sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali

1.   Fejn obbligu fuq debitur, previst skont il-liġi nazzjonali, li jitlob il-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza li jistgħu jirriżultaw fil-likwidazzjoni tad-debitur, jidher matul sospensjoni tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali, dak l-obbligu għandu jiġi sospiż għad-durata ta' dik is-sospensjoni.

2.   Sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali f'konformità mal-Artikolu 6 għandha tissospendi, għad-durata tas-sospensjoni, il-ftuħ, fuq it-talba ta' kreditur wieħed jew aktar, ta' proċedimenti ta' insolvenza li jistgħu jirriżultaw fil-likwidazzjoni tad-debitur.

3.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafi 1 u 2 f'sitwazzjonijiet fejn debitur ma jkunx jista' jħallas id-djun tiegħu meta jkunu dovuti. F'tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista' tiddeċiedi li iżżomm il-benefiċċju tas-sospensjoni tal-azzjonijiet ta' infurzar individwali, jekk, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ, il-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza li jistgħu jirriżultaw fil-likwidazzjoni tad-debitur ma tkunx fl-interess ġenerali tal-kredituri.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu regoli li jipprevjenu lill-kredituri, li għalihom tapplika s-sospensjoni, milli jissospendu l-eżekuzzjoni jew itemmu, jaċċelleraw jew jimmodifikaw, b'xi mod ieħor, kuntratti eżekutorji essenzjali għad-detriment tad-debitur, għal djun li kienu jeżistu qabel is-sospensjoni, unikament minħabba l-fatt li dawn ma kinux tħallsu mid-debitur. Kuntratti eżekutorji essenzjali għandhom jiġu interpretati fis-sens ta' kuntratti eżekutorji li huma neċessarji għall-kontinwazzjoni tal-operati ta' kuljum tan-negozju, inkluż kuntratti li jikkonċernaw provvisti, li s-sospensjoni tagħhom twassal għall-waqfien tal-attivitajiet tad-debitur,

L-ewwel subparagrafu ma għandux jipprekludi lill-Istati Membri milli jikkonferixxu lil dawn il-kredituri salvagwardji xierqa bil-ħsieb li jiġi evitat li jkun ikkawżat preġudizzju inġust lil tali kredituri bħala riżultat ta' dak is-subparagrafu.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dan il-paragrafu japplika wkoll għal kuntratti eżekutorji nonessenzjali.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri ma jitħallewx jissospendu l-prestazzjoni jew itemmu, jaċċelleraw jew, b'xi mod ieħor, jimmodifikaw kuntratti eżekutorji għad-detriment tad-debitur permezz ta' klawżola kuntrattwali li tistipula miżuri bħal dawn, unikament minħabba:

(a)

talba għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' ristrutturar preventiv;

(b)

talba għal sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali;

(c)

il-ftuħ ta' proċedimenti ta' ristrutturar preventiv; jew

(d)

l-għoti ta' sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali bħala tali.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali ma tapplikax għal arranġamenti ta' saldu abbażi tal-valur nett, inkluż arranġamenti ta' saldu abbażi tal-valur net, tas-swieq finanzjarji, is-swieq tal-enerġija u s-swieq tal-prodotti bażiċi, lanqas f'ċirkostanzi fejn ma japplikax l-Artikolu 31(1), jekk arranġamenti bħal dawn ikunu infurzabbli skont il-liġi nazzjonali tal-insolvenza. Is-sospensjoni għandha, madankollu, tapplika għall-infurzar minn kreditur ta' pretensjoni kontra debitur li tirriżulta mill-operat ta' arranġament ta' netting.

l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal kuntratti għall-provvista ta' prodotti, servizzi jew enerġija neċessarji għall-operat tan-negozju tad-debitur, għajr jekk tali kuntratti jkunu fl-għamla ta' pożizzjoni nnegozjata f'xi borża jew suq ieħor, b'tali mod li tkun tista' tiġi sostitwita fi kwalunkwe ħin bil-valur attwali tas-suq.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskadenza ta' sospensjoni ta' azzjonijiet ta' infurzar individwali mingħajr l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar ma twassalx, fiha nnifisha, għall-ftuħ ta' proċedura ta' insolvenza li tista' tirriżulta fil-likwidazzjoni tad-debitur, sakemm ma jiġux sodisfatti l-kondizzjonijiet l-oħra għal ftuħ bħal dan stabbiliti bil-liġi nazzjonali.

KAPITOLU 3

Pjanijiet ta' ristrutturar

Artikolu 8

Il-kontenut tal-pjanijiet ta' ristrutturar

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li pjanijiet ta' ristrutturar sottomessi għall-adozzjoni f'konformità mal-Artikolu 9, jew għall-konferma minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva f'konformità mal-Artikolu 10, ikun fihom mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tad-debitur;

(b)

l-assi u l-obbligazzjonijiet tad-debitur fil-mument tas-sottomissjoni tal-pjan ta' ristrutturar, inkluż valur għall-assi, deskrizzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur u l-pożizzjoni tal-ħaddiema, u deskrizzjoni tal-kawżi u d-daqs tad-diffikultajiet tad-debitur;

(c)

il-partijiet affettwati, kemm jekk imsemmija b'mod individwali jew jekk deskritti b'kategoriji ta' dejn f'konformità mal-liġi nazzjonali, kif ukoll il-pretensjonijiet jew l-interessi tagħhom koperti mill-pjan ta' ristrutturar;

(d)

fejn applikabbli, il-klassijiet li fihom ikunu ġew raggruppati l-partijiet affettwati għall-finijiet tal-adozzjoni tal-pjan ta' ristrutturar, u l-valuri rispettivi tal-pretensjonijiet u l-interessi f'kull klassi;

(e)

fejn applikabbli, il-partijiet, kemm jekk imsemmija b'mod individwali jew jekk deskritti b'kategoriji ta' dejn f'konformità mal-liġi nazzjonali, li ma jkunux affettwati mill-pjan ta' ristrutturar, flimkien ma' deskrizzjoni tar-raġunijiet għaliex huwa propost li ma jaffettwawhomx;

(f)

fejn applikabbli, l-identità tal-prattikant fil-qasam tar-ristrutturar;

(g)

it-termini tal-pjan ta' ristrutturar, inkluż, b'mod partikolari:

(i)

kwalunkwe miżura ta' ristrutturar proposta kif imsemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1);

(ii)

fejn applikabbli, id-durata proposta ta' kwalunkwe miżura ta' ristrutturar proposta;

(iii)

l-arranġamenti fir-rigward tal-informazzjoni u konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali;

(iv)

fejn applikabbli, il-konsegwenzi ġenerali fir-rigward tal-impjiegi bħal sensji, arranġamenti ta' xogħol b'ħinijiet iqsar jew simili;

(v)

il-flussi finanzjarji stmati tad-debitur, jekk previst mil-liġi nazzjonali; u

(vi)

kull finanzjament ġdid antiċipat bħala parti mill-pjan ta' ristrutturar u r-raġunijiet għalfejn il-finanzjament ġdid huwa neċessarju biex dak il-pjan jiġi implimentat;

(h)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega għaliex il-pjan ta' ristrutturar għandu prospett raġonevoli li jimpedixxi l-insolvenza tad-debitur u li jiżgura l-vijabbiltà tan-negozju, inkluż il-prekondizzjonijiet neċessarji għas-suċċess tal-pjan. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li dik id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet issir jew tiġi vvalidata minn espert estern jew inkella mill-prattikant fil-qasam tar-ristrutturar jekk ikun inħatar tali prattikant.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli online lista ta' kontroll komprensiva għall-pjanijiet ta' ristrutturar, adattata għall-ħtiġijiet tal-SMEs. Il-lista ta' kontroll għandha tinkludi linji gwida prattiċi dwar kif il-pjan ta' ristrutturar għandu jkun abbozzat skont il-liġi nazzjonali.

Il-lista ta' kontroll għandha tkun disponibbli fil-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jagħmlu disponibbli l-lista ta' kontroll f'mill-inqas lingwa waħda oħra, b'mod partikolari lingwa użata fil-kummerċ internazzjonali.

Artikolu 9

Adozzjoni tal-pjanijiet ta' ristrutturar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, irrispettivament minn min japplika għal proċedura ta' ristrutturar preventiv f'konformità mal-Artikolu 4, id-debituri jkollhom id-dritt li jissottomettu pjanijiet ta' ristrutturar għall-adozzjoni mill-partijiet affettwati.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li l-kredituri u l-prattikanti fil-qasam tar-ristrutturar ikollhom id-dritt li jissottomettu pjanijiet ta' ristrutturar, u jipprevedu taħt liema l-kondizzjonijiet jistgħu jagħmlu dan.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li il-partijiet affettwati jkollhom dritt li jivvotaw fuq l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar.

Il-partijiet li mhumiex affettwati mill-pjan ta' ristrutturar ma għandux ikollhom drittijiet tal-vot fl-adozzjoni ta' dak il-pjan.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mid-dritt tal-vot dawn li ġejjin:

(a)

titolari tal-ekwità;

(b)

kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom jaqgħu f'gradazzjoni aktar baxxa mill-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji mhux garantiti fil-gradazzjoni normali tal-prijoritajiet ta' likwidazzjoni; jew

(c)

kwalunkwe parti relatata tad-debitur jew tan-negozju tad-debitur, b'kunflitt ta' interess skont il-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet affettwati jiġu ttrattati f'klassijiet separati, li jirriflettu komunalità ta' interessi suffiċjenti abbażi ta' kriterji verifikabbli, f'konformità mal-liġi nazzjonali. Bħala minimu, il-kredituri ta' pretensjonijiet garantiti u dawk mhux garantiti għandhom jiġu ttrattati f'klassijiet separati għall-finijiet tal-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li l-pretensjonijiet tal-ħaddiema jiġu ttrattati fi klassi separata għalihom.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-debituri li jkunu SMEs jistgħu jagħżlu li ma jittrattawx il-partijiet affettwati fi klassijiet separati.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-formazzjoni tal-klassi bil-ħsieb partikolari tal-protezzjoni ta' kredituri vulnerabbli bħalma huma l-fornituri żgħar.

5.   Id-drittijiet tal-vot u l-formazzjoni tal-klassijiet għandhom jiġu eżaminati minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva meta tiġi sottomessa talba għall-konferma tal-pjan ta' ristrutturar.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva biex id-drittijiet tal-vot u l-formazzjoni tal-klassijiet ikunu eżaminati u kkonfermati fi stadju aktar bikri minn dak imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

6.   Pjan ta' ristrutturar għandu jiġi adottat minn partijiet affettwati, dment li tinkiseb maġġoranza fl-ammont ta' pretensjonijiet jew interessi tagħhom f'kull klassi. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li tinkiseb maġġoranza fl-għadd ta' partijiet affettwati f'kull klassi.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-maġġoranzi meħtieġa għall-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar. Dawk il-maġġoranzi ma għandhomx ikunu aktar minn 75 % tal-ammont ta' pretensjonijiet u interessi f'kull klassi jew, fejn applikabbli, tal-għadd ta' partijiet affettwati f'kull klassi.

7.   Minkejja l-paragrafi 2 sa 6, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li vot formali dwar l-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar jista' jiġi sostitwit bi qbil mal-maġġoranza meħtieġa.

Artikolu 10

Konferma tal-pjanijiet ta' ristrutturar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-anqas il-pjanijiet ta' ristrutturar li ġejjin ikunu vinkolanti fuq il-partijiet biss jekk jiġu kkonfermati minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva:

(a)

pjanijiet ta' ristrutturar li jaffettwaw il-pretensjonijiet jew l-interessi tal-partijiet affettwati li ma jaqblux;

(b)

pjanijiet ta' ristrutturar li jipprevedu finanzjament ġdid;

(c)

pjanijiet ta' ristrutturar li jinvolvu t-telf ta' aktar minn 25 % tal-forza tax-xogħol, jekk tali telf ikun permess taħt il-liġi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet li taħthom pjan ta' ristrutturar jista' jiġi kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jiġu speċifikati b'mod ċar fil-liġijiet tal-Istati Membri u jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

il-pjan ta' ristrutturar ikun ġie adottat skont l-Artikolu 9;

(b)

kredituri b'biżżejjed komunalità ta' interessi fl-istess klassi jiġu trattati b'mod ugwali, u, b'mod li jkun proporzjonat mal-pretensjoni tagħhom;

(c)

in-notifika tal-pjan ta' ristrutturar mogħtija f'konformità mal-liġi nazzjonali lill-partijiet affettwati kollha;

(d)

fejn ikun hemm kredituri li ma jaqblux, il-pjan ta' ristrutturar jissodisfa t-test tal-aħjar interess tal-kredituri;

(e)

fejn applikabbli, kwalunkwe finanzjament ġdid ikun neċessarju biex jiġi implimentat il-pjan ta' ristrutturar u ma jippreġudikax b'mod inġust l-interessi tal-kredituri.

Il-konformità mal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi eżaminata minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva biss jekk il-pjan ta' ristrutturar ikun ikkontestat għal dik ir-raġuni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi jkunu jistgħu jirrifjutaw li jikkonfermaw pjan ta' ristrutturar meta dak il-pjan ma jkollux prospettiva raġonevoli li jipprevjeni l-insolvenza tad-debitur jew li jiżgura l-vijabbiltà tan-negozju.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun meħtieġa tikkonferma pjan ta' ristrutturar sabiex isir vinkolanti, tittieħed id-deċiżjoni b'mod effiċjenti bil-ħsieb ta' trattament rapidu tal-kwistjoni.

Artikolu 11

Applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li pjan ta' ristrutturar li ma jkunx approvat mill-partijiet affettwati, kif previst fl-Artikolu 9(6), f'kull klassi ta' vot, ikun jista' jiġi kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva fuq il-proposta ta' debitur jew bi qbil mad-debitur, u jsir vinkolanti fuq il-klassijiet ta' vot li ma jaqblux, fejn il-pjan ta' ristrutturar jissodisfa mill-anqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun konformi mal Artikolu 10(2) u (3);

(b)

ikun ġie approvat minn:

(i)

maġġoranza tal-klassijiet ta' vot tal-partijiet affettwati, dment li mill-anqas waħda minn dawk il-klassijiet tkun klassi ta' kredituri garantiti jew tkun superjuri għall-klassi ta' kredituri ordinarji mhux garantiti; jew, fin-nuqqas ta' dan,

(ii)

tal-inqas waħda mill-klassijiet ta' vot tal-partijiet affettwati jew, fejn ikun hekk previst skont il-liġi nazzjonali, tal-partijiet kompromessi, li ma tkunx klassi ta' titolari tal-ekwità jew kwalunkwe klassi oħra li, fuq valutazzjoni tad-debitur bħala negozju avvjat, ma tirċievi l-ebda ħlas jew ma żżomm l-ebda interess, jew, fejn ikun hekk previst skont il-liġi nazzjonali, tista' tkun raġonevolment preżunta li ma tirċievi l-ebda ħlas jew li ma żżomm l-ebda interess, jekk il-gradazzjoni normali tal-prijoritajiet tal-likwidazzjoni kellha tiġi applikata skont il-liġi nazzjonali;

(c)

jiżgura li klassijiet ta' vot li ma jaqblux ta' kredituri affettwati jiġu ttrattati mill-anqas b'mod li mhux inqas favorevoli minn kwalunkwe klassi oħra tal-istess grad u b'mod iktar favorevoli minn kwalunkwe klassi ta' grad inferjuri; u

(d)

l-ebda klassi ta' partijiet affettwati ma tista', skont il-pjan ta' ristrutturar, tirċievi jew iżżomm aktar mill-ammont sħiħ tal-pretensjonijiet jew interessi tagħha.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw ir-rekwiżit li jinkiseb il-qbil tad-debitur għal każijiet fejn id-debituri jkunu SMEs.

L-Istati Membri jistgħu jżidu l-għadd minimu tal-klassijiet ta' partijiet affettwati jew, fejn ikun hekk previst skont il-liġi nazzjonali, partijiet kompromessi meħtieġa li japprovaw il-pjan kif stabbilit fil-punt (b)(ii) tal-ewwel subparagrafu.

2.   B'deroga mill-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-pretensjonijiet ta' kredituri affettwati fi klassi ta' vot li ma taqbilx jiġu ssodisfati totalment bl-istess mezzi jew b'mezzi ekwivalenti fejn klassi ta' grad inferjuri tirċievi kwalunkwe ħlas jew iżżomm kwalunkwe interess skont il-pjan ta' ristrutturar.

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-ewwel subparagrafu fejn ikunu neċessarji biex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan ta' ristrutturar u fejn il-pjan ta' ristrutturar ma jippreġudikax b'mod inġust id-drittijiet jew l-interessi ta' kwalunkwe parti affettwata.

Artikolu 12

Titolari tal-ekwità

1.   Fejn l-Istati Membri jeskludu t-titolari tal-ekwità mill-applikazzjoni tal-Artikoli 9 sa 11, huma għandhom jiżguraw b'mezzi oħra li dawk it-titolari tal-ekwità ma jkunux jistgħu, b'mod mhux raġonevoli, jipprevjenu jew joħolqu ostakli għall-adozzjoni u l-konferma ta' pjan ta' ristrutturar.

2.   L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li t-titolari tal-ekwità ma jkunux jistgħu li b'mod mhux raġonevoli jipprevjenu jew joħolqu ostakli għall-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar.

3.   L-Istati Membri jistgħu jadattaw xi jfisser it-terminu “b'mod mhux raġonevoli jipprevjenu jew joħolqu ostakli” f'dan l-Artikolu biex jieħdu kont, fost l-oħrajn: jekk id-debitur huwiex SME jew intrapriża kbira; il-miżuri ta' ristrutturar proposti li jaffettwaw id-drittijiet tat-titolari tal-ekwità; it-tip ta' titolari tal-ekwità; jekk id-debitur huwiex persuna ġuridika jew fiżika; jew jekk is-sħab f'kumpannija jkollhomx responsabbiltà limitata jew mhux limitata.

Artikolu 13

Ħaddiema

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet kollettivi u individwali tal-ħaddiema, skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar ix-xogħol” bħal dawn li ġejjin, mhumiex affettwati mill-qafas ta' ristrutturar preventiv, bħal:

(a)

id-dritt għal negozjar kollettiv u għal azzjoni industrijali; u

(b)

id-dritt għal informazzjoni u konsultazzjoni f'konformità mad-Direttiva 2002/14/KE u d-Direttiva 2009/38/KE, b'mod partikolari:

(i)

informazzjoni lir-rappreżentanti tal-impjegati dwar l-iżvilupp reċenti u probabbli tal-attivitajiet u s-sitwazzjoni ekonomika tal-intrapriża jew tal-istabbiliment, li tippermettilhom jikkomunikaw lid-debitur it-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni tan-negozju u fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu kkunsidrati mekkaniżmi ta' ristrutturar;

(ii)

informazzjoni lir-rappreżentanti tal-impjegati dwar kwalunkwe proċedura ta' ristrutturar preventiv li jista' jkollha impatt fuq l-impjiegi, bħall-kapaċità tal-ħaddiema li jirkupraw il-pagi tagħhom u kwalunkwe ħlas futur, inkluż pensjonijiet okkupazzjonali;

(iii)

informazzjoni lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u konsultazzjoni magħhom dwar pjanijiet ta' ristrutturar qabel ma jkunu sottomessi għall-adozzjoni f'konformità mal-Artikolu 9, jew għall-konferma minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva f'konformità mal-Artikolu 10;

(c)

id-drittijiet iggarantiti mid-Direttivi 98/59/KE, 2001/23/KE u 2008/94/KE.

2.   Fejn il-pjan ta' ristrutturar jinkludi miżuri li jwasslu għal bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kuntrattwali mal-ħaddiema, dawk il-miżuri għandhom jiġu approvati minn dawk il-ħaddiema jekk il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi jipprevedu tali approvazzjoni f'tali każijiet.

Artikolu 14

Valutazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva

1.   L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva għandha tieħu deċiżjoni dwar il-valutazzjoni tan-negozju tad-debitur biss fejn pjan ta' ristrutturar ikun ikkontestat minn parti affettwata li ma taqbilx abbażi ta' waħda mir-raġunijiet li ġejjiin:

(a)

nuqqas allegat li jkun issodisfat it-test tal-aħjar interess tal-kredituri skont il-punt (6) tal-Artikolu 2(1); jew

(b)

ksur allegat tal-kondizzjonijiet għal applikazzjoni furzata fuq klassijiet differenti skont il-punt (ii) tal-Artikolu 11(1)(b).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet, għall-fini tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar valutazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1, ġudizzjarji jew amministrattivi jistgħu jaħtru jew jisimgħu esperti adegwatament kwalifikati.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li parti affettwata li ma taqbilx tkun tista' tressaq kontestazzjoni quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva mitluba li tikkonferma l-pjan ta' ristrutturar.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li tali kontestazzjoni tkun tista' titressaq fil-kuntest ta' appell kontra deċiżjoni dwar il-konferma ta' pjan ta' ristrutturar.

Artikolu 15

Effetti tal-pjanijiet ta' ristrutturar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet ta' ristrutturar li huma kkonfermati minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jkunu vinkolanti fuq il-partijiet affettwati kollha msemmija jew deskritti f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 8(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kredituri li mhumiex involuti fl-adozzjoni ta' pjan ta' ristrutturar skont il-liġi nazzjonali ma jkunux affettwati mill-pjan.

Artikolu 16

Appelli

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe appell previst skont il-liġi nazzjonali kontra deċiżjoni li tikkonferma jew li tirrifjuta pjan ta' ristrutturar meħuda minn awtorità ġudizzjarja jinġieb quddiem awtorità ġudizzjarja ogħla.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li appell kontra deċiżjoni li tikkonferma jew li tirrifjuta pjan ta' ristrutturar meħuda minn awtorità amministrattiva jitressaq quddiem awtorità ġudizzjarja.

2.   L-appelli għandhom jiġu riżoluti b'mod effiċjenti bil-ħsieb ta' trattament rapidu.

3.   Appell kontra deċiżjoni li tikkonferma pjan ta' ristrutturar ma għandu jkollu l-ebda effett sospensiv fuq l-eżekuzzjoni ta' dak il-pjan.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jissospendu l-eżekuzzjoni tal-pjan ta' ristrutturar jew partijiet minnu fejn neċessarju u xieraq biex ikunu ssalvagwardjati l-interessi ta' parti.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta appell skont il-paragrafu 3 jiġi kkonfermat, l-awtorità ġudizzjarja tista' jew:

(a)

tannulla l-pjan ta' ristrutturar; jew inkella

(b)

tikkonferma l-pjan ta' ristrutturar, b'emendi, fejn dan ikun previst skont il-liġi nazzjonali, jew inkella mingħajr emendi.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, fejn pjan ikun ikkonfermat skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, jingħata kumpens lil kwalunkwe parti li tkun ġarrbet telf monetarju u li l-appell tagħha jintlaqa'.

KAPITOLU 4

Protezzjoni għal finanzjament ġdid, finanzjament interim u tranżazzjonijiet oħra relatati mar-ristrutturar

Artikolu 17

Protezzjoni għal finanzjament ġdid u finanzjament interim

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li finanzjament ġdid u finanzjament interim jiġu protetti kif xieraq. Bħala minimu, fil-każ ta' kwalunkwe insolvenza sussegwenti tad-debitur;

(a)

finanzjament ġdid u interim ma għandux jiġi ddikjarat null u bla effett, annullabbli jew ineżegwibbli, u

(b)

il-konċedenti ta' tali finanzjament ma għandhomx iġarrbu responsabbiltà ċivili, amministrattiva jew kriminali, għar-raġuni li tali finanzjament huwa ta' detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet addizzjonali oħra stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-paragrafu 1 għandu japplika biss għal finanzjament ġdid jekk il-pjanta' ristrutturar ikun ġie kkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva u għal finanzjament interim li kien soġġett għal kontroll ex ante.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 finanzjament interim li jingħata wara li d-debitur ikun sar inkapaċi li jħallas id-djun tiegħu meta jkunu dovuti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-konċedenti ta' finanzjament ġdid jew interim ikunu intitolati għad-dritt li jirċievu ħlas bi prijorità fil-kuntest ta' proċeduri ta' insolvenza sussegwenti b'rabta ma' kredituri oħrajn li kien ikollhom, mod ieħor, pretensjonijiet superjuri jew ugwali.

Artikolu 18

Protezzjoni għal tranżazzjonijiet oħra relatati mar-ristrutturar

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta' kwalunkwe insolvenza sussegwenti ta' debitur, tranżazzjonijiet li huma raġonevoli u immedjatament neċessarji għan-negozjar ta' pjan ta' ristrutturar ma jiġux iddikjarati nulli, annullabbli jew ineżegwibbli għar-raġuni li tali tranżazzjonijiet huma ta' detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri sakemm ma jkunux hemm raġunijiet addizzjonali oħra stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-paragrafu 1 japplika biss fejn il-pjan ikun ikkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jew fejn tali tranżazzjonijiet ikunu soġġetti għal kontroll ex ante.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tranżazzjonijiet li jitwettqu wara li d-debitur ikun sar inkapaċi li jħallas id-djun tiegħu meta jkunu dovuti.

4.   It-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, bħala minimu:

(a)

il-ħlas ta' tariffi u spejjeż tan-negozjar, l-adozzjoni jew il-konferma ta' pjan ta' ristrutturar;

(b)

il-ħlas ta' tariffi u spejjeż sabiex jintalab parir professjonali b'rabta mill-qrib mar-ristrutturar;

(c)

il-ħlas tal-pagi tal-ħaddiema għal xogħol li diġà sar mingħajr preġudizzju għal protezzjoni oħra prevista fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali;

(d)

kwalunkwe ħlas u żborż magħmul fl-eżerċizzju tal-attivitajiet normali tan-negozju ħlief dawk imsemmija fil-punti (a) sa (c).

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta' kwalunkwe insolvenza sussegwenti tad-debitur, tranżazzjonijiet li huma raġonevoli u immedjatament neċessarja għall-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar, u li jitwettqu f'konformità mal-pjan ta' ristrutturar ikkonfermat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ma jiġux iddikjarati nulli, annullabbli jew ineżegwibbli għar-raġuni li tali tranżazzjonijiet huma ta' detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri sakemm ma jkunux hemm raġunijiet addizzjonali oħra stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

KAPITOLU 5

Dmirijiet tad-diretturi

Artikolu 19

Dmirijiet tad-diretturi fejn ikun hemm probabbiltà ta' insolvenza

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun hemm probabbiltà ta' insolvenza, id-diretturi jieħdu kont debitu, bħala minimu, ta' dan li ġej:

(a)

l-interessi tal-kredituri, titolari ta' ekwità u partijiet kkonċernati oħra;

(b)

il-ħtieġa li jittieħdu passi biex tiġi evitata l-insolvenza; u

(c)

il-ħtieġa li jiġi evitat għemil deliberat jew gravament negliġenti li jhedded il-vijabbiltà tan-negozju.

TITOLU III

ĦELSIEN MID-DEJN U SKWALIFIKI

Artikolu 20

Aċċess għall-ħelsien mid-dejn

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li imprendituri insolventi jkollhom aċċess għal mill-inqas proċedura waħda li tista' twassal għal ħelsien sħiħ mid-dejn f'konformità ma' din id-Direttiva.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li jkun twaqqaf il-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni li magħha jkunu relatati d-djun ta' imprenditur insolventi.

2.   L-Istati Membri li fihom il-ħelsien sħiħ mid-dejn ikun soġġett għall-kondizzjoni li d-dejn jitħallas parzjalment mill-imprenditur għandhom jiżguraw li l-obbligu ta' ħlas lura relatat ikun ibbażat fuq is-sitwazzjoni individwali tal-imprenditur u, b'mod partikolari, huwa proporzjonat għad-dħul u l-assi li jistgħu jiġu sekwestrati jew dawk disponibbli tal-imprenditur waqt il-perjodu tal-ħelsien mid-dejn, u jqis l-interess ekwitabbli tal-kredituri.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imprendituri li nħelsu mid-djun tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn oqfsa nazzjonali eżistenti li jipprevedu appoġġ intraprenditorjali għall-imprendituri, inkluż l-aċċess għal informazzjoni rilevanti u aġġornata dwar tali oqfsa.

Artikolu 21

Perjodu tal-ħelsien mid-dejn

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu li ladarba jgħaddi, l-imprendituri insolventi jistgħu jinħelsu b'mod sħiħ mid-dejn tagħhom ma jkunx aktar minn tliet snin mid-data ta':

(a)

f'każ ta' proċedura li tinkludi pjan ta' ħlas lura, id-deċiżjoni minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva li tikkonferma l-pjan jew il-bidu tal-implimentazzjoni tal-pjan; jew

(b)

fil-każ ta' kwalunkwe proċedura oħra, id-deċiżjoni mill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva biex tinfetaħ il-proċedura, jew l-istabbiliment tal-patrimonju tal-insolvenza tal-imprenditur.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li imprendituri insolventi li kkonformaw mal-obbligi tagħhom, meta tali obbligi jeżistu skont il-liġi nazzjonali, jinħelsu mid-dejn tagħhom malli jiskadi l-perjodu tal-ħelsien mid-dejn mingħajr il-ħtieġa li japplikaw għand awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva biex tiftaħ proċedura addizzjonali għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tivverifika jekk l-imprendituri jkunux issodisfaw l-obbligi biex jiksbu l-ħelsien mid-dejn.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li ħelsien sħiħ mid-dejn ma jimpedixxix il-kontinwazzjoni ta' proċedura ta' insolvenza li tinvolvi r-realizzazzjoni u t-tqassim tal-assi ta' imprenditur li ffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza ta' dak l-imprenditur fid-data tal-iskadenza tal-perjodu tal-ħelsien mid-dejn.

Artikolu 22

Perjodu tal-iskwalifika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta imprenditur insolventi jinħeles mid-djun f'konformità ma' din id-Direttiva, kull skwalifika milli jibda jew iwettaq kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni għall-unika raġuni li l-imprenditur huwa insolventi, ma għandhiex tibqa' fis-seħħ, u dan mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu tal-ħelsien mid-dejn.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, malli jiskadi l-perjodu tal-ħelsien mid-dejn, l-iskwalifiki msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma jibqgħux effettivi mingħajr il-ħtieġa ta' applikazzjoni għand awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva biex tiftaħ proċedura addizzjonali għal dawk imsemmija fl-Artikolu 21(1).

Artikolu 23

Derogi

1.   B'deroga mill-Artikoli 20 sa 22, l-Istati Membri għandhom iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju ta' tali ħelsien mid-dejn jew li jipprevedu perjodi itwal għall-ksib ta' ħelsien sħiħ mid-dejn jew perjodi tal-iskwalifika itwal fejn l-imprenditur insolventi ikun aġixxa b'mod diżonest jew in mala fede, skont il-liġi nazzjonali, fil-konfront tal-kredituri jew ta' partijiet ikkonċernati oħra meta ddejjen, matul il-proċedura ta' insolvenza jew waqt il-ħlas tad-dejn, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar l-oneru tal-prova.

2.   B'deroga mill-Artikoli 20 sa 22, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien mid-dejn jew li jipprevedu perjodi itwal għall-kisba ta' ħelsien sħiħ mid-dejn jew perjodi tal-iskwalifika itwal f'ċerti ċirkostanzi definiti sew u fejn tali derogi huma debitament iġġustifikati, bħal fejn:

(a)

l-imprenditur insolventi ikun kiser b'mod sostanzjali obbligi skont pjan ta' ħlas lura jew xi obbligu legali ieħor li għandu l-għan li jissalvagwardja l-interessi tal-kredituri, inkluż l-obbligu biex jiġu mmassimizzati r-redditi lill-kredituri;

(b)

l-imprenditur insolventi jkun naqas milli jikkonforma mal-obbligi ta' informazzjoni jew kooperazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali;

(c)

ikun hemm applikazzjonijiet abbużivi għal ħelsien mid-dejn;

(d)

ikun hemm applikazzjoni oħra għal ħelsien mid-dejn fi ħdan ċertu perjodu ta' żmien wara li l-imprenditur insolventi ġie mogħti ħelsien sħiħ mid-dejn jew ġie rifjutat ħelsien sħiħ mid-dejn minħabba ksur serju tal-obbligi ta' informazzjoni jew kooperazzjoni;

(e)

l-ispiża tal-proċedura li twassal għall-ħelsien mid-dejn ma tkunx koperta; jew

(f)

deroga tkun neċessarja biex tiggarantixxi l-bilanċ bejn id-drittijiet tad-debitur u d-drittijiet ta' kreditur wieħed jew aktar.

3.   B'deroga mill-Artikolu 21, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodi itwal tal-ħelsien mid-dejn f'każijiet fejn:

(a)

il-miżuri protettivi jiġu approvati jew ordnati minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva sabiex tiġi ssalvagwardjata r-residenza ewlenija tal-imprenditur insolventi u, fejn applikabbli, tal-familja tal-imprenditur, jew l-assi essenzjali għall-kontinwazzjoni tal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tal-imprenditur; jew

(b)

ir-residenza ewlenija tal-imprenditur insolventi u, fejn applikabbli, tal-familja tal-imprenditur, mhijiex irrealizzata.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta' dejn, mill-ħelsien mid-dejn, jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn jew jistabbilixxu perjodu itwal tal-ħelsien mid-dejn jekk tali esklużjonijiet, restrizzjonijiet jew perjodi itwal huma debitament iġġustifikati, bħal fil-każ ta':

(a)

dejn garantit;

(b)

dejn li jirriżulta minn jew b'rabta ma' pieni kriminali;

(c)

dejn li jirriżulta minn responsabbiltà għad-danni;

(d)

dejn rigward obbligi ta' manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta' filjazzjoni, ta' żwieġ jew ta' affinità;

(e)

dejn imġarrab mill-applikazzjoni għal jew il-ftuħ ta' proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn; u

(f)

dejn li jirriżulta mill-obbligu li titħallas l-ispiża tal-proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn.

5.   B'deroga mill-Artikolu 22, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodi tal-iskwalifika itwal jew indefiniti meta l-imprenditur insolventi jkun membru ta' professjoni:

(a)

li għalija japplikaw regoli etiċi speċifiċi; jew regoli speċifiċi dwar ir-reputazzjoni jew l-għarfien espert, u l-imprenditur ikun kiser dawk ir-regoli; jew

(b)

fil-qasam tal-ġestjoni tal-proprjetà ta' persuni oħrajn.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll fejn imprenditur insolventi jitlob aċċess għal professjoni kif imsemmi fil-punt (a) jew (b) ta' dak is-subparagrafu.

6.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar skwalifiki ordnati minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 22.

Artikolu 24

Konsolidazzjoni tal-proċedimenti rigward djun professjonali u personali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta imprendituri insolventi jkollhom djun professjonali li jkunu ġarrbu fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-kummerċ, tan-negozju, tas-sengħa jew tal-professjoni tagħhom, kif ukoll djun personali mġarrbin barra dawk l-attivitajiet, li ma jistgħux jiġu raġonevolment isseparati, tali djun, jekk jistgħu jinħelsu, għandhom jiġu ttrattati fi proċedura unika bil-fini li jinkiseb ħelsien sħiħ mid-dejn.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, fejn id-djun professjonali u d-djun personali jistgħu jiġu sseparati, dawk id-djun għandhom jiġu ttrattati, għall-fini li jinkiseb ħelsien sħiħ mid-dejn, jew fi proċeduri separati iżda kkoordinati inkella fl-istess proċedura.

TITOLU IV

MIŻURI BIEX TIŻDIED L-EFFIĊJENZA TAL-PROĊEDURI LI JIKKONĊERNAW IR-RISTRUTTURAR, L-INSOLVENZA U L-ĦELSIEN MID-DEJN

Artikolu 25

Awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi

Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u għal kwalunkwe differenza fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-membri tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi li jittrattaw proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn jirċievu taħriġ adatt u jkollhom l-għarfien espert neċessarju għar-responsabbiltajiet tagħhom; u

(b)

proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn jiġu ttrattati b'mod effiċjenti, bil-ħsieb ta' trattament rapidu tal-proċeduri.

Artikolu 26

Prattikanti fi proċeduri li jikkonċernaw ir-ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

prattikanti maħtura minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva fi proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn (“il-prattikanti”) jirċievu taħriġ adatt u jkollhom l-għarfien espert neċessarju għar-responsabbiltajiet tagħhom;

(b)

il-kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà, kif ukoll il-proċess għall-ħatra, it-tneħħija u r-riżenja tal-prattikanti jkunu ċari, trasparenti u ġusti;

(c)

fil-ħatra ta' prattikant għal każ partikolari, inkluż każijiet b'elementi transfruntieri, tingħata l-konsiderazzjoni dovuta għall-esperjenza u l-għarfien espert tal-prattikant, u għall-karatteristiċi speċifiċi tal-każ; u

(d)

sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' interess, id-debituri u l-kredituri għandhom l-opportunità li joġġezzjonaw għall-għażla jew il-ħatra ta' prattikant jew inkella li jitolbu s-sostituzzjoni tal-prattikant.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li tittejjeb il-kwalità tat-taħriġ fl-Unjoni kollha, inkluż permezz tal-iskambju tal-esperjenzi u għodod ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet.

Artikolu 27

Superviżjoni u remunerazzjoni ta' prattikanti

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' sorveljanza u regolatorji xierqa sabiex jiżguraw li x-xogħol tal-prattikanti jiġi ssorveljat b'mod effettiv, bil-ħsieb li jiġi żgurat li s-servizzi tagħhom jingħataw b'mod effettiv u kompetenti, u, fir-rigward tal-partijiet involuti, huma pprovduti b'mod imparzjali u indipendenti. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jinkludu wkoll miżuri effettivi għar-responsabbiltà ta' prattikanti li jkunu naqsu milli jaqdu dmirijiethom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet jew il-korpi li jeżerċitaw sorveljanza fuq il-prattikanti, tkun disponibbli għall-pubbliku.

3.   L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta mill-prattikanti u l-adeżjoni magħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-remunerazzjoni ta' prattikanti hija rregolata minn regoli li huma konsistenti mal-objettiv ta' riżoluzzjoni effiċjenti tal-proċeduri.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri adegwati huma stabbiliti biex jirriżolvu kull tilwima dwar ir-remunerazzjoni.

Artikolu 28

Użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, il-partijiet għall-proċedura, il-prattikant u l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun tista' twettaq b'mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi, inkluż f'sitwazzjonijiet transfruntieri, tal-anqas l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-preżentazzjoni ta' pretensjonijiet;

(b)

is-sottomissjoni ta' pjanijiet ta' ristrutturar jew ta' ħlas lura;

(c)

in-notifiki lill-kredituri;

(d)

il-preżentazzjoni ta' kontestazzjonijiet u appelli.

TITOLU V

MONITORAĠĠ TA' PROĊEDURI LI JIKKONĊERNAW IR-RISTRUTTURAR, L-INSOLVENZA U L-ĦELSIEN MID-DEJN

Artikolu 29

Ġbir tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jiġbru u jaggregaw, fuq bażi annwali, fil-livell nazzjonali, data dwar proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, maqsuma skont kull tip ta' proċedura, u li jkopru mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

l-għadd ta' proċeduri li saret applikazzjoni għalihom jew infetħu, meta tali ftuħ ikun previst fil-liġi nazzjonali, u tal-proċeduri li huma pendenti jew li ngħalqu;

(b)

it-tul ta' żmien medju ta' proċeduri mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni, jew mill-ftuħ tagħhom, meta tali ftuħ huwa previst fil-liġi nazzjonali, sal-għeluq tagħhom;

(c)

l-għadd ta' proċeduri barra dawk meħtieġa skont il-punt (d), maqsuma skont it-tipi ta' eżitu;

(d)

l-għadd ta' applikazzjonijiet għal proċeduri ta' ristrutturar li ġew iddikjarati bħala mhux ammissibbli, ġew miċħuda jew ġew irtirati qabel ma nfetħu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiġbru u jaggregaw, fuq bażi annwali, fil-livell nazzjonali, id-data dwar l-għadd ta' debituri li kienu soġġetti għal proċeduri ta' ristrutturar jew proċeduri ta' insolvenza u li, fi ħdan it-tliet snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni jew il-ftuħ ta' tali proċeduri, fejn tali ftuħ huwa previst fil-liġi nazzjonali, kellhom pjan ta' ristrutturar ikkonfermat skont proċedura preċedenti ta' ristrutturar li timplimenta t-Titolu II.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiġbru u jaggregaw, fuq bażi annwali, fil-livell nazzjonali, data dwar:

(a)

l-ispiża medja ta' kull tip ta' proċedura;

(b)

ir-rati ta' rkupru medji għal kredituri garantiti u mhux iggarantiti u, fejn applikabbli, tipi oħra ta' kredituri separatament;

(c)

l-għadd ta' imprendituri li, wara li jkunu għaddew minn proċedura skont il-punt (b) tal-Artikolu 1(1), jiftħu negozju ġdid;

(d)

l-għadd ta' telf ta' impjiegi marbuta mal-proċeduri ta' ristrutturar u ta' insolvenza.

4.   L-Istati Membri għandhom jaqsmu d-data msemmija fil punti (a) sa (c) tal- paragrafu 1 u fejn applikabbli u disponibbli, id-data msemmija fil-paragrafu 3 skont:

(a)

id-daqs tad-debituri li mhumiex persuni fiżiċi;

(b)

jekk id-debituri soġġetti għal proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar jew l-insolvenza humiex persuni fiżiċi jew ġuridiċi; u

(c)

jekk il-proċeduri li jwasslu għal ħelsien mid-dejn jikkonċernawx biss l-imprendituri jew il-persuni fiżiċi kollha.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiġbru u jaggregaw id-data msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 permezz ta' teknika ta' kampjun li tiżgura li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi f'termini ta' daqs u diversità.

6.   L-Istati Membri għandhom jiġbru u jaggregaw id-data msemmija fil-paragrafi 1, 2, 4 u, fejn applikabbli, il-paragrafu 3, għal snin kalendarji sħaħ li jispiċċaw fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena, li jibdew bl-ewwel sena kalendarja wara d-data tal-applikazzjoni ta' atti tal-implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 7. Dik id-data għandha tiġi kkomunikata annwalment lill-Kummissjoni, abbażi ta' formola ta' komunikazzjoni tad-data standard, sal-31 ta' Diċembru tas-sena kalendarja wara s-sena li tkun inġabret id-data għaliha.

7.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-formola ta' komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

8.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha d-data kkomunikata f'konformità mal-paragrafu 6 b'mod aċċessibbli u faċli għall-utent.

Artikolu 30

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31

Relazzjoni ma' atti u strumenti internazzjonali oħrajn

1.   L-atti li ġejjin għandhom japplikaw minkejja din id-Direttiva:

(a)

Id-Direttiva 98/26/KE;

(b)

Id-Direttiva 2002/47/KE; u

(c)

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' salvagwardja ta' fondi għall-istituzzjonijiet ta' ħlas stipulati skont id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) u dawk għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi stipulati skont id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

3.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u l-Protokoll tagħha dwar kwistjonijiet speċifiċi għal tagħmir tal-inġenji tal-ajru, iffirmati f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001, li għalihom xi Stati Membri huma parti fid-data tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 32

Emenda tad-Direttiva (UE) 2017/1132

Fl-Artikolu 84 tad-Direttiva (UE) 2017/1132, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jidderogaw mill-Artikolu 58(1), l-Artikolu 68, l-Artikoli 72, 73, u 74, il-punt (b) tal-Artikolu 79(1), l-Artikolu 80(1) u l-Artikolu 81 sal-punt li, u għaż-żmien li, tali derogi jkunu meħtieġa għall-istabbiliment tal-oqfsa ta' ristrutturar preventiv previst fid-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-ugwaljanza tat-trattament tal-azzjonisti.

Artikolu 33

Klawżola ta' rieżami

Mhux iktar tard mis-17 ta' Lulju 2026 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni u l-impatt ta' din id-Direttiva, inkluż dwar l-applikazzjoni tal-formazzjoni tal-klassijiet u r-regoli ta' votazzjoni fir-rigward ta' kredituri vulnerabbli, bħall-ħaddiema. Abbażi ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti, jekk ikun xieraq, proposta leġislattiva, filwaqt li tqis miżuri addizzjonali biex jiġi kkonsolidat u armonizzat il-qafas legali dwar ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn.

Artikolu 34

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-17 ta' Lulju 2021 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f'konformità ma' din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 28, li għandhom jiġu adottati u ppubblikati sas-17 ta' Lulju 2024 u d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 28, li għandhom jiġu adottati u ppubblikati sas-17 ta' Lulju 2026. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f'konformità ma' din id-Direttiva mis-17 ta' Lulju 2021, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 28, li għandhom japplikaw mis-17 ta' Lulju 2024 u tad-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 28, li għandhom japplikaw mis-17 ta' Lulju 2026.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri li jiltaqgħu ma' diffikultajiet partikolari fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn estensjoni ta' massimu ta' sena tal-perjodu ta' implimentazzjoni previst fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jużaw din il-opzjoni li jestendu l-perjodu ta' implimentazzjoni sas-17 ta' Jannar 2021.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 209, 30.6.2017, p. 21.

(2)  ĠU C 342, 12.10.2017, p. 43.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19).

(5)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 rigward id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(7)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(11)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).

(13)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).

(14)  Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).

(15)  Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta' min iħaddimhom) ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36).

(16)  Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-intrapriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-intrapriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).

(17)  Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE, ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(18)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(19)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(20)  Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).

(21)  Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji. (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(22)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(23)  ĠU C 236, 21.7.2017, p. 2.

(24)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(25)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).


26.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/56


DIRETTIVA (UE) 2019/1024 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

(riformulazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġiet emendata b'mod sostanzjali. Peress li jridu jsiru aktar emendi, minħabba ċ-ċarezza jenħtieġ li ssir riformulazzjoni ta' dik id-Direttiva.

(2)

B'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/98/KE u ħames snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li emendat id-Direttiva 2003/98/KE, wara li kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-Kummissjoni evalwat u rieżamat il-funzjonament tad-Direttiva 2003/98/KE fil-qafas ta' programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni.

(3)

Wara l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u fid-dawl tar-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni qieset li kienet meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-ostakli emerġenti u li kien għad fadal b'rabta mal-użu wiesa' tal-informazzjoni tas-settur pubbliku u l-informazzjoni ffinanzjata mill-pubbliku fl-Unjoni kollha, sabiex il-qafas leġislattiv taġġornah mal-avvanzi fit-teknoloġiji diġitali, u sabiex tkompli tistimula l-innovazzjoni diġitali, speċjalment fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali.

(4)

Il-bidliet sostantivi li ddaħħlu fit-test ġuridiku biex jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropej, jenħtieġ li jiffokaw fuq dawn l-oqsma li ġejjin: l-għoti ta' aċċess f'ħin reali għal data dinamika b'mezzi tekniċi xierqa, iż-żieda fil-forniment ta' data pubblika ta' valur għall-użu mill-ġdid, inkluż mill-impriżi pubbliċi, l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka, l-indirizzar ta' kull bidu ta' forma ġdida ta' arranġamenti esklussivi, l-użu tal-eżenzjonijiet għall-prinċipju tat-tariffar tal-ispiża marġinali u r-relazzjoni bejn din id-Direttiva u ċerti strumenti legali relatati, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttivi 96/9/KE (6), 2003/4/KE (7) u 2007/2/KE (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5)

L-aċċess għall-informazzjoni huwa dritt fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Karta) tipprovdi li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż il-libertà li wieħed ikollu opinjoni u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil minn awtorità pubblika irrispettivament mill-fruntieri.

(6)

L-Artikolu 8 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt tal-protezzjoni ta' data personali u jipprovdi li din id-data għandha tiġi trattata b'mod ġust għal finijiet speċifikati, abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq xi bażi leġittima oħra stabbilita mil-liġi, u soġġett għall-kontroll ta' awtorità indipendenti.

(7)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-istabbiliment ta' suq intern u ta' sistema li tassigura li ma jkunx hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern. L-armonizzazzjoni tar-regoli u l-prattiki fl-Istati Membri b'rabta mal-isfruttar tal-informazzjoni tas-settur pubbliku tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(8)

Is-settur pubbliku fl-Istati Membri jiġbor, jiġġenera, jirriġenera u jxerred firxa wiesgħa ta' informazzjoni f'diversi oqsma ta' attività, fosthom oqsma soċjali, politiċi, ekonomiċi, legali, ġeografiċi, ambjentali, meteoroloġiċi, ta' sismiċità, turistiċi, kummerċjali, dwar il-privattivi u edukattivi. Id-dokumenti ġġenerati mill-korpi tas-settur pubbliku tal-eżekuttiv, tal-leġislattiv jew tal-ġudikatura jikkostitwixxu ġabra vasta, diversa u prezzjuża ta' riżorsi li minnhom tista' tibbenefika s-soċjetà. L-għoti ta' dik l-informazzjoni, li tinkludi data dinamika, f'format elettroniku użat b'mod komuni jippermetti liċ-ċittadini u l-entitajiet ġuridiċi jsibu modi ġodda kif jużawha u joħolqu prodotti u servizzi ġodda u innovattivi. L-Istati Membri u l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jibbenefikaw minn u jirċievu appoġġ finanzjarju adegwat minn fondi u programmi rilevanti tal-Unjoni, u b'hekk jiżguraw użu wiesa' ta' teknoloġiji diġitali jew it-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi pubbliċi, fl-isforzi tagħhom biex jagħmlu d-data disponibbli faċilment għall-użu mill-ġdid.

(9)

L-informazzjoni tas-settur pubbliku tirrappreżenta sors straordinarja ta' data li tista' tikkontribwixxi għat-titjib tas-suq intern u għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ġodda għall-konsumaturi u l-entitajiet ġuridiċi. L-użu tad-data intelliġenti, inkluż l-ipproċessar tagħha permezz ta' applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali, jista' jkollu effett trasformattiv fuq is-setturi kollha tal-ekonomija.

(10)

Id-Direttiva 2003/98/KE stabbiliet sett ta' regoli minimi li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-arranġamenti prattiċi biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid ta' dokumenti eżistenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri, inkluż il-korpi eżekuttivi, leġislattivi jew ġudizzjarji. Minn mindu ġie adottat l-ewwel sett ta' regoli dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, l-ammont ta' data fid-dinja, inkluż id-data pubblika, żdied b'mod esponenzjali u qed jiġu ġġenerati u jinġabru tipi ġodda ta' data. B'mod parallel, hemm evoluzzjoni kontinwa fit-teknoloġiji għall-analiżi, l-isfruttar u l-ipproċessar tad-data, bħat-tagħlim awtomatiku, l-intelliġenza artifiċjali, u l-Internet tal-oġġetti. Dik l-evoluzzjoni teknoloġika mgħaġġla tippermetti l-ħolqien ta' servizzi u applikazzjonijiet ġodda, mibnija fuq l-użu, l-aggregazzjoni u l-kombinazzjoni tad-data. Ir-regoli li oriġinarjament ġew adottati fl-2003, u emendati fl-2013, ma għadhomx jimxu paripassu ma' dawk il-bidliet mgħaġġla, u minħabba f'hekk, jeżisti r-riskju li jintilfu l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali li joffri l-użu mill-ġdid tad-data pubblika.

(11)

L-evoluzzjoni lejn soċjetà bbażata fuq id-data, fejn tintuża data minn sferi u attivitajiet differenti, tinfluwenza l-ħajja ta' kull ċittadin fl-Unjoni, inter alia għax tippermettilhom jiksbu mezzi ġodda għall-aċċess u l-kisba tal-għarfien.

(12)

Il-kontenut diġitali għandu rwol importanti f'dik l-evoluzzjoni. Il-produzzjoni tal-kontenut tat lok għall-ħolqien mgħaġġel ta' impjiegi fis-snin reċenti u tkompli tagħmel dan. Il-parti l-kbira ta' dawk l-impjiegi jinħolqu minn negozji ġodda innovattivi u intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

(13)

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istabbiliment ta' suq intern hu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta' servizzi u prodotti fl-Unjoni kollha u fl-Istati Membri. L-informazzjoni tas-settur pubbliku jew informazzjoni miġbura, ġġenerata, riġenerata, u mxerda fi ħdan l-eżerċizzju ta' kompitu pubbliku jew servizz ta' interess ġenerali, hi materjal primarju importanti għall-prodotti u s-servizzi b'kontenut diġitali u ser issir riżors ta' kontenut ferm aktar importanti bl-iżvilupp ta' teknoloġiji diġitali avvanzati, bħall-intelliġenza artifiċjali, teknoloġiji tar-reġistru distribwit u l-Internet tal-oġġetti. Anki l-kopertura ġeografika transfruntiera wiesgħa ser tkun essenzjali f'dak il-kuntest. Possibbiltajiet miżjuda għall-użu mill-ġdid ta' informazzjoni bħal din, huma mistennija li, inter alia, jippermettu lin-negozji tal-Unjoni kollha, inklużi l-mikrointrapriżi u l-SMEs, kif ukoll is-soċjetà ċivili, li jisfruttaw il-potenzjal tagħha u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien u l-protezzjoni ta' impjiegi ta' kwalità għolja, speċjalment għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali, u għal għanijiet soċjetali importanti bħalma huma r-responsabbiltà u t-trasparenza.

(14)

L-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma minn korp tas-settur pubbliku żżid il-valur għall-benefiċċju tal-utenti li jużaw mill-ġdid l-informazzjoni, għall-utenti aħħarija u għas-soċjetà b'mod ġenerali, u ħafna drabi, għall-benefiċċju tal-korp tas-settur pubbliku nnifsu, billi tippromwovi t-trasparenza u l-kontabbiltà, u billi tipprovdi r-rispons tal-utenti li jużaw mill-ġdid u tal-utenti aħħarija, li jippermetti lill-korp tas-settur pubbliku kkonċernat li jtejjeb il-kwalità tal-informazzjoni miġbura u l-prestazzjoni tal-kompiti tagħha.

(15)

Hemm differenzi konsiderevoli fir-regoli u l-prattiki tal-Istati Membri b'rabta mal-isfruttar tar-riżorsi tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, li joħolqu ostakli għal kisba sħiħa tal-potenzjal ekonomiku ta' dak ir-riżors ta' dokument ewlieni. Il-fatt li l-prattika tal-korpi tas-settur pubbliku fl-isfruttar tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għadha tvarja fost l-Istati Membri jenħtieġ li jiġi kkunsidrat. L-armonizzazzjoni minima tar-regoli u l-prattiki nazzjonali dwar l-użu mill-ġdid ta' dokumenti tas-settur pubbliku għalhekk jenħtieġ li titwettaq, fil-każijiet meta d-differenzi fir-regolamenti u l-prattiki nazzjonali jew in-nuqqas ta' ċarezza jxekklu l-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern u l-iżvilupp xieraq tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Unjoni.

(16)

Id-data miftuħa bħala kunċett hija ġeneralment mifhuma li tfisser data f'format miftuħ li tista' tintuża, terġa' tintuża, u tiġi kondiviża b'mod liberu minn kulħadd għal kwalunkwe għan. Il-politiki tad-data miftuħa li jinkoraġġixxu d-disponibbiltà wiesgħa u l-użu mill-ġdid mifrux tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għal finijiet privati jew kummerċjali, bl-ebda restrizzjoni legali, teknika jew finanzjarja, u li jippromwovu ċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni mhux biss għall-operaturi ekonomiċi iżda primarjament għall-pubbliku, jistgħu jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tal-involviment soċjali, u l-għoti ta' bidu u l-promozzjoni tal-iżvilupp ta' servizzi ġodda msejsa fuq mezzi ġodda biex tiġi kkombinata u użata l-informazzjoni msemmija. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu l-ħolqien ta' data bbażata fuq il-prinċipju ta' “ftuħ sa mill-fażi tad-disinn u b'mod awtomatiku”, fir-rigward tad-dokumenti kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. B'hekk jiżguraw livell konsistenti ta' protezzjoni tal-objettivi tal-interess pubbliku, bħas-sigurtà pubblika, inkluż fejn hija kkonċernata informazzjoni sensittiva relatata mal-ħarsien tal-infrastruttura kritika. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll il-protezzjoni tad-data personali, inkluż fejn l-informazzjoni f'sett ta' data individwali ma tippreżentax riskju ta' identifikazzjoni jew singolarizzazzjoni ta' persuna fiżika, imma meta dik l-informazzjoni tiġi kkombinata ma' informazzjoni disponibbli oħra, tista' tinvolvi dan ir-riskju.

(17)

Barra minn hekk, mingħajr l-armonizzazzjoni minima fil-livell tal-Unjoni, l-attività leġislattiva fil-livell nazzjonali, li diġà nbdiet f'għadd ta' Stati Membri biex twieġeb għall-isfidi teknoloġiċi, tista' twassal għal aktar diverġenzi sinifikattivi. L-impatt ta' dik id-diverġenza leġislattiva u l-inċertezzi ser isiru aktar sinifikanti b'aktar żvilupp fis-soċjetà tal-informazzjoni, li diġà żiedet ħafna l-isfruttar transfruntier tal-informazzjoni.

(18)

L-Istati Membri stabbilew politiki dwar l-użu mill-ġdid skont id-Direttiva 2003/98/KE, u wħud minnhom ilhom jadottaw approċċi ambizzjużi tad-data miftuħa, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid tad-data pubblika aċċessibbli għaċ-ċittadini u għall-entitajiet ġuridiċi, lil hinn mil-livell minimu stabbilit f'dik id-Direttiva. Hemm riskju li regoli diverġenti fl-Istati Membri jaġixxu bħala ostaklu għall-offerta transfruntiera ta' prodotti u servizzi u jipprevjenu settijiet tad-data pubblika komparabbli milli jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal applikazzjonijiet pan-Unjoni imsejsa fuqhom. Għalhekk, hija meħtieġa armonizzazzjoni minima biex jiġi determinat x'data pubblika tkun disponibbli għall-użu mill-ġdid fis-suq intern tal-informazzjoni, li tkun konsistenti ma' u li ma taffettwax ir-reġimi rilevanti ta' aċċess, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, bħal dak definit fid-Direttiva 2003/4/KE. Id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali li jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti minimi, b'mod partikolari fil-każijiet tal-liġi settorjali, jenħtieġ li jibqgħu japplikaw. L-eżempji ta' dispożizzjonijiet li jaqbżu l-livell minimu ta' armonizzazzjoni ta' din id-Direttiva jinkludu limiti tat-tariffi permissibbli tal-użu mill-ġdid li jkunu inqas mil-limiti previsti f'din id-Direttiva jew termini tal-liċenzjar inqas restrittivi minn dawk imsemmija f'din id-Direttiva. B'mod partikolari, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jaqbżu l-livell minimu ta' armonizzazzjoni ta' din id-Direttiva kif stabbilit f'Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni adottati skont id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(19)

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti f'din id-Direttiva billi japplikaw ir-rekwiżiti tagħha għal dokumenti miżmuma minn impriżi pubbliċi, li huma relatati ma' attivitajiet li jkunu nstabu, skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), li huma direttament esposti għall-kompetizzjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li japplikaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva għal impriżi privati, b'mod partikolari dawk li jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali.

(20)

Qafas ġenerali għall-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu mill-ġdid ta' dokumenti tas-settur pubbliku hu meħtieġ biex jiżgura kundizzjonijiet ġusti, proporzjonati u mhux diskriminatorji għall-użu mill-ġdid ta' dik l-informazzjoni. Il-korpi tas-settur pubbliku jiġbru, jiġġeneraw, jirriġeneraw u jxerrdu dokumenti biex iwettqu l-kompiti pubbliċi tagħhom. L-impriżi pubbliċi jiġbru, jiġġeneraw, jirriġeneraw u jxerrdu dokumenti biex jipprovdu servizzi fl-interess ġenerali. L-użu ta' dawk id-dokumenti għal raġunijiet oħra jikkostitwixxi użu mill-ġdid. Il-politika tal-Istati Membri tista' tmur lil hinn mill-istandards minimi stabbiliti b'din id-Direttiva, u b'hekk tippermetti użu mill-ġdid aktar estensiv. Meta jittrasponu din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jużaw termini oħra li mhumiex 'dokument', sakemm iżommu l-ambitu sħiħ tad-definizzjoni ta' “dokument” stabbilit f'din id-Direttiva.

(21)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għad-dokumenti li l-forniment tagħhom hu parti mill-kompiti pubbliċi tal-korpi tas-settur pubbliku kkonċernati, kif definit mil-liġi jew minn regoli vinkolanti oħra tal-Istati Membri. Fin-nuqqas ta' dawn ir-regoli, il-kompiti pubbliċi jenħtieġ jiġu ddefiniti skont il-prattika amministrattiva komuni tal-Istat Membru, sakemm l-ambitu tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u soġġett għal rieżami. Il-kompiti pubbliċi jistgħu jiġu ddefiniti b'mod ġenerali jew abbażi ta' każ b'każ lil korpi individwali tas-settur pubbliku.

(22)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għad-dokumenti li jsiru aċċessibbli għall-użu mill-ġdid meta l-korpi tas-settur pubbliku jilliċenzjaw, ibiegħu, ixerrdu, jiskambjaw jew jipprovdu l-informazzjoni. Biex ikunu evitati sussidji inkroċjati, l-użu mill-ġdid jenħtieġ jinkludi aktar użu ta' dokumenti fi ħdan l-organizzazzjoni nnifisha għall-attivitajiet li mhumiex fl-ambitu tal-kompiti pubbliċi tagħha. L-attivitajiet li mhumiex fl-ambitu tal-kompitu pubbliku tipikament jinkludu l-forniment ta' dokumenti li jiġu ġġenerati u tariffati esklużivament fuq bażi kummerċjali u f'kompetizzjoni ma' oħrajn fis-suq.

(23)

Din id-Direttiva ma tirrestrinġix jew ma tfixkilx il-prestazzjoni tal-kompiti statutorji tal-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi tas-settur pubbliku oħra. Din id-Direttiva tistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri biex joffru d-dokumenti eżistenti kollha għall-użu mill-ġdid, sakemm l-aċċess ma jkunx ristrett jew eskluż skont ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti jew soġġett għall-eċċezzjonijiet l-oħra stipulati f'din id-Direttiva. Din id-Direttiva tibni fuq ir-reġimi eżistenti tal-aċċess fl-Istati Membri u ma tibdilx ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess għal dokumenti. Din ma tapplikax għal każijiet meta ċ-ċittadini jew l-entitajiet ġuridiċi, bir-reġim rilevanti tal-aċċess, ikunu jistgħu jiksbu dokumenti biss diment li jagħtu prova ta' interess partikolari. Fil-livell tal-Unjoni, l-Artikolu 41 dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 42 dwar id-dritt ta' aċċess għal dokumenti fil-Karta jirrikonoxxu d-dritt ta' kull ċittadin tal-Unjoni u ta' kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru li jkollha aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jitħeġġu jagħmlu disponibbli kull dokument miżmum minnhom għall-użu mill-ġdid. Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jippromwovu u jħeġġu l-użu mill-ġdid ta' dokumenti, inkluż testi uffiċjali ta' natura leġislattiva u amministrattiva li l-korp tas-settur pubbliku jkollu dritt jawtorizza l-użu mill-ġdid tagħhom.

(24)

Ħafna drabi l-Istati Membri jafdaw il-forniment tas-servizzi ta' interess ġenerali f'idejn entitajiet barra mis-settur pubbliku, filwaqt li jżommu livell għoli ta' kontroll fuq dawn l-entitajiet. Fl-istess ħin, id-Direttiva 2003/98/KE tapplika biss għad-dokumenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku, u jeskludu lill-impriżi pubbliċi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Dan iwassal għal disponibbiltà fqira għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti ġġenerati waqt it-twettiq tas-servizzi ta' interess ġenerali f'għadd ta' oqsma, b'mod partikolari s-setturi tal-utilità. Minbarra dan, jonqos bil-kbir il-potenzjal għall-ħolqien ta' servizzi transfruntieri bbażati fuq id-dokumenti miżmuma mill-impriżi pubbliċi li jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali.

(25)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/98/KE jenħtieġ li tiġi emendata biex ikun żgurat li tkun tista' tiġi applikata għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti eżistenti ġġenerati waqt it-twettiq ta' servizzi ta' interess ġenerali mill-impriżi pubbliċi li jagħmlu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14 tad-Direttiva 2014/25/UE, kif ukoll mill-impriżi pubbliċi li jaġixxu bħala operaturi tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-impriżi pubbliċi li jaġixxu bħala trasportaturi bl-ajru li jissodisfaw l-obbligi tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u l-impriżi pubbliċi li jaġixxu bħala sidien tal-bastimenti tal-Unjoni li jissodisfaw l-obbligi tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 (13).

(26)

Din id-Direttiva ma fihiex obbligu ġenerali li jippermetti l-użu mill-ġdid tad-dokumenti ġġenerati mill-impriżi pubbliċi. Id-deċiżjoni dwar jekk jiġix awtorizzat l-użu mill-ġdid jenħtieġ li tibqa' f'idejn l-impriża pubblika kkonċernata, ħlief fejn meħtieġ mod ieħor minn din id-Direttiva jew mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Huwa biss wara li l-impriża pubblika tkun għamlet dokument disponibbli għall-użu mill-ġdid li din għandha tosserva l-obbligi rilevanti stabbiliti fil-Kapitoli III u IV ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fejn jidħlu l-formati, it-tariffar, it-trasparenza, il-liċenzji, in-nondiskriminazzjoni u l-projbizzjoni ta' arranġamenti esklussivi. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-impriżi pubbliċi ma jkunux meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu II, bħalma huma r-regoli applikabbli għall-ipproċessar tat-talbiet. Meta l-użu mill-ġdid ta' dokumenti huwa permess, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-informazzjoni sensittiva relatata mal-ħarsien tal-infrastruttura kritika kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (14) u għas-servizzi essenzjali skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(27)

Il-volum tad-data tar-riċerka ġġenerat qed jikber b'mod esponenzjali u għandu l-potenzjal għal użu mill-ġdid barra mill-komunità xjentifika. Biex l-isfidi dejjem akbar tas-soċjetà jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod effiċjenti u b'mod olistiku, sar kruċjali u urġenti li d-data minn sorsi differenti, kif ukoll minn fost setturi u dixxiplini differenti, tkun tista' tiġi aċċessata, mħallta u użata mill-ġdid. Id-data tar-riċerka tinkludi l-istatistika, ir-riżultati tal-esperimenti, il-kejl, l-osservazzjonijiet ta' riċerki fuq il-post, ir-riżultati ta' stħarriġiet, irrekordjar ta' intervisti u stampi. Tinkludi wkoll metadata, speċifikazzjonijiet u oġġetti diġitali oħra. Id-data tar-riċerka hi differenti mir-rappurtar ta' artikli u minn kummenti dwar is-sejbiet tar-riċerka xjentifika tagħhom. Għal bosta snin, id-disponibbiltà miftuħa u l-użu mill-ġdid tad-data tar-riċerka xjentifika li toħroġ minn finanzjament pubbliku kienet soġġetta għal inizjattivi speċifiċi ta' politika. L-aċċess miftuħ jinftiehem bħala l-prassi li jingħata aċċess online għal riżultati ta' riċerki mingħajr ħlas għall-utent aħħari u mingħajr restrizzjonijiet fuq l-użu u l-użu mill-ġdid lil hinn mill-possibbiltà li jiġi rikjest li jiġi rikonoxxut l-awtur. Il-politiki tal-aċċess miftuħ għandhom l-għan b'mod partikolari li jipprovdu lir-riċerkaturi u lill-pubbliku ġenerali b'aċċess għad-data tar-riċerka minn kmieni kemm jista' jkun fil-proċess tad-disseminazzjoni u li jiffaċilitaw l-użu u l-użu mill-ġdid tagħha. L-aċċess miftuħ jgħin biex titjieb il-kwalità, jonqos il-bżonn ta' xogħol doppju tar-riċerka, iħaffef il-progress xjentifiku, jitħabat kontra l-frodi xjentifika, u jista' b'mod ġenerali jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni. Minbarra l-aċċess miftuħ, qed isiru sforzi notevoli biex jiġi żgurat li l-ippjanar tal-ġestjoni tad-data ssir prassi xjentifika standard u biex tiġi appoġġata d-disseminazzjoni ta' data tar-riċerka li tkun traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u li tkun tista' tintuża mill-ġdid (il-prinċipju FAIR).

(28)

Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, jixraq li jiġi stabbilit obbligu għall-Istati Membri biex jadottaw politiki tal-aċċess miftuħ b'rabta ma' data tar-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku u biex jiżguraw li tali politiki jiġu implimentati minn kull organizzazzjoni li twettaq ir-riċerka u minn kull organizzazzjoni li tiffinanzja r-riċerka. Organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka jistgħu jiġu organizzati wkoll bħala korpi tas-settur pubbliku jew impriżi pubbliċi. Din id-Direttiva tapplika għal tali organizzazzjonijiet ibridi fil-kapaċità tagħhom biss bħala organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u għad-data tar-riċerka tagħhom. Tipikament il-politiki tal-aċċess miftuħ ikunu jippermettu firxa ta' eċċezzjonijiet biex ir-riżultati tar-riċerka xjentifika ma tkunx disponibbli b'mod miftuħ. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2018 dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha li tiddeskrivi, fost oħrajn, elementi rilevanti tal-politiki tal-aċċess miftuħ. Barra minn hekk, jenħtieġ jitjiebu l-kundizzjonijiet li skonthom ċerti data tar-riċerka tkun tista' terġa' tintuża. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li ċerti obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva jiġu estiżi għad-data tar-riċerka li tirriżulta minn attivitajiet tar-riċerka xjentifika ssussidjati minn finanzjament pubbliku jew kofinanzjati minn entitajiet tas-settur pubbliku u privat. Skont il-politiki tal-aċċess miftuħ nazzjonali, data tar-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku jenħtieġ li ssir miftuħa bħala l-għażla prestabbilita. Iżda f'dan il-kuntest, jenħtieġ li jitqies kif xieraq it-tħassib b'rabta mal-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali, il-kunfidenzjalità, is-sigurtà nazzjonali, l-interessi kummerċjali leġittimi, bħas-sigrieti kummerċjali, u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi, skont il-prinċipju “miftuħ kemm jista' jkun, magħluq kif meħtieġ”. Barra minn hekk, id-data tar-riċerka li tiġi eskluża mill-aċċess għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali, difiża jew sigurtà pubblika ma għandhiex tkun koperta minn din id-Direttiva. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv, jenħtieġ li l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva japplikaw biss għal tali data tar-riċerka li diġà tkun saret disponibbli pubblikament minn riċerkaturi, organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka jew organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka permezz ta' repożitorju istituzzjonali jew ibbażat fuq is-suġġetti u ma għandhomx jimponu kostijiet żejda għall-irkupru tas-settijiet tad-data jew jeħtieġu konservazzjoni addizzjonali tad-data. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal data ta' riċerka li tkun saret pubblikament disponibbli permezz ta' infrastrutturi tad-data oħra għajr repożitorji, permezz ta'pubblikazzjonijiet ta' aċċess miftuħ, bħala fajl mehmuż ma' artiklu, dokument ta' data jew dokument ippubblikat f'ġurnal ta' data. Id-dokumenti għajr data ta' riċerka jenħtieġ li jibqgħu jiġu eżentati mill-ambitu ta' din id-Direttiva.

(29)

Id-definizzjoni ta' “korp tas-settur pubbliku” hija bbażata fuq id-definizzjoni tal-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Id-definizzjoni ta' “korp irregolat mil-liġi pubblika” stabbilit f'dik id-Direttiva u d-definizzjoni ta' “impriża pubblika” stabbilita fid-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li japplikaw għal din id-Direttiva.

(30)

Din id-Direttiva tistabbilixxi d-definizzjoni tat-terminu “dokument” u jenħtieġ li dik id-definizzjoni tinkludi kwalunkwe parti minn dokument. Jenħtieġ li t-terminu “dokument” ikopri kull rappreżentazzjoni ta' atti, fatti jew informazzjoni – u kull kumpilazzjoni ta' tali atti, fatti jew informazzjoni – bi kwalunkwe mezz (karta, format elettroniku jew irrekordjat b'mod awdjo, viżiv jew awdjoviżiv). Id-definizzjoni ta' “dokument” mhix maħsuba li tkopri l-programmi tal-kompjuter. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal programmi tal-kompjuter.

(31)

Il-korpi tas-settur pubbliku qed kulma jmur jagħmlu d-dokumenti tagħhom disponibbli għall-użu mill-ġdid b'mod proattiv, billi jiżguraw skopribbiltà online u disponibbiltà effettiva tad-dokumenti u l-metadata assoċjata f'format miftuħ li jistgħu jinqraw mill-magni u li jiżguraw l-interoperabbiltà, l-użu mill-ġdid u l-aċċessibbiltà. Jenħtieġ li d-dokumenti jkunu disponibbli għall-użu mill-ġdid meta dan jintalab minn utent li juża mill-ġdid. F'dawk il-każijiet, il-limitu taż-żmien biex tingħata tweġiba għat-talbiet għall-użu mill-ġdid jenħtieġ li jkun raġonevoli u skont iż-żmien ekwivalenti għat-talbiet biex jiġi aċċessat id-dokument skont ir-reġimi rilevanti tal-aċċess. Iżda jenħtieġ li l-impriżi pubbliċi, l-istituti edukattivi, l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka jkunu eżentati minn dak ir-rekwiżit. B'limiti taż-żmien raġonevoli mal-Unjoni kollha jiġi stimulat il-ħolqien ta' prodotti u servizzi aggregati ġodda tal-informazzjoni fil-livell pan-Unjoni. Dan hu partikolarment importanti għad-data dinamika (inkluż id-data ambjentali, dwar it-traffiku, tas-satellita, meteoroloġika u d-data ġġenerata minn sensuri), li l-valur ekonomiku tagħha jiddependi mid-disponibbiltà immedjata tal-informazzjoni u minn aġġornamenti regolari. Għalhekk, id-data dinamika jenħtieġ li ssir disponibbli minnufih wara l-ġbir, jew fil-każ ta' aġġornament manwali, immedjatament wara l-modifika tas-sett tad-data, permezz ta' interfaċċa ta' programmazzjoni tal-applikazzjonijiet (API - application programming interface) sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet tal-Internet, mobbli u tal-cloud ibbażati fuq tali data. Fejn dan ma jkunx possibbli minħabba restrizzjonijiet tekniċi jew finanzjarji, jenħtieġ li l-korpi tas-settur pubbliku jagħmlu d-dokumenti disponibbli fil-limitu taż-żmien li jippermetti l-isfruttar tal-potenzjal ekonomiku kollu tagħhom. Jenħtieġ li jittieħdu miżuri speċifiċi sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet tekniċi u finanzjarji rilevanti. Jekk ikun hemm bżonn liċenzja, id-disponibbiltà fil-ħin tad-dokumenti tista' tkun parti mit-termini tal-liċenzja. Fejn il-verifika tad-data hija essenzjali fid-dawl ta' raġunijiet ta' interess pubbliku ġġustifikati, b'mod partikolari għas-saħħa u s-sikurezza pubblika, jenħtieġ li d-data dinamika ssir disponibbli immedjatament wara l-verifika. Tali verifika essenzjali ma għandhiex taffettwa l-frekwenza tal-aġġornamenti.

(32)

Sabiex jinkiseb aċċess għad-data miftuħa għall-użu mill-ġdid permezz ta' din id-Direttiva, ikun utli li jiġi żgurat aċċess għal data dinamika permezz ta' APIs imfassla sew. API hija sett ta' funzjonijiet, proċeduri, definizzjonijiet u protokolli għall-komunikazzjoni bejn magna u oħra u l-iskambju bla xkiel ta' data. Jenħtieġ li l-APIs jiġu appoġġati minn dokumentazzjoni teknika ċara li tkun kompluta u disponibbli online. Fejn possibbli, jenħtieġ li jintużaw API's miftuħa. Jenħtieġ li jiġu applikati protokolli standard rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni jew internazzjonalment u jenħtieġ li fejn applikabbli, jintużaw standards internazzjonali għas-settijiet tad-data. API's jista' jkollhom livelli differenti ta' kumplessità u jistgħu jfissru sempliċi link għal bażi ta' data biex jinġabru settijiet speċifiċi tad-data, interfaċċa tal-web, jew strutturi aktar kumplessi. Hemm valur ġenerali fl-użu mill-ġdid u fil-kondiviżjoni tad-data permezz ta' użu xieraq tal-APIs għax dan ser jgħin lill-iżviluppaturi u lin-negozji ġodda joħolqu servizzi u prodotti ġodda. Dan hu ingredjent importanti biex jinħolqu ekosistemi ta' valur madwar assi tad-data li ħafna drabi ftit li xejn jintużaw. It-twaqqif u l-użu tal-API jeħtieġ jissejsu fuq diversi prinċipji: id-disponibbiltà, l-istabbiltà, il-manutenzjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja, l-uniformità tal-użu u istandards, il-faċilità tal-użu, kif ukoll is-sigurtà. Għad-data dinamika, jiġifieri d-data aġġornata b'mod frekwenti, ħafna drabi f'ħin reali, il-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi jenħtieġ li jagħmlu dan disponibbli għall-użu mill-ġdid minnufih wara l-ġbir permezz ta' APIs xierqa u, fejn rilevanti, bħala dawnlowd massiv, ħlief għal każijiet fejn dan jimponi sforz sproporzjonat. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-isforz tqis id-daqs u l-baġit operattiv tal-korp tas-settur pubbliku jew tal-impriża pubblika inkwistjoni.

(33)

Il-possibbiltajiet għall-użu mill-ġdid jistgħu jitjiebu billi tiġi limitata l-ħtieġa ta' diġitalizzazzjoni tad-dokumenti stampati jew ta' pproċessar tal-fajls diġitali biex isiru reċiprokament kompatibbli. Għalhekk, il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jagħmlu d-dokumenti disponibbli b'xi format jew lingwa eżistenti qabel, permezz ta' mezzi elettroniċi meta possibbli u xieraq. Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ iqisu b'mod favorevoli t-talbiet għal estratti minn dokumenti eżistenti meta l-issodisfar ta' tali talba jkun jinvolvi biss operazzjoni sempliċi. Iżda jenħtieġ li l-korpi tas-settur pubbliku ma jkunux obbligati li jipprovdu estratt minn dokument jew li jimmodifikaw il-format tal-informazzjoni mitluba meta dan ikun jinvolvi sforz sproporzjonat. Biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid, il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jagħmlu d-dokumenti tagħhom disponibbli b'format li, sa fejn ikun possibbli u xieraq, ma jkunx jiddependi mill-użu ta' xi software speċifiku. Meta possibbli u xieraq, il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ iqisu l-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti minn persuni b'diżabbiltà u għalihom billi jipprovdu l-informazzjoni b'format aċċessibbli f'konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(34)

Meta possibbli u xieraq, biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid, il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jagħmlu d-dokumenti, inkluż dawk ippubblikati fuq is-siti web, disponibbli b'format miftuħ u li jinqraw mill-magni, flimkien mal-metadata tagħhom, bl-aqwa livell ta' preċiżjoni u granularità, b'format li jiżgura l-interoperabbiltà, pereżempju billi jipproċessawhom b'mod konsistenti mal-prinċipji li jirregolaw ir-rekwiżiti tal-kompatibbiltà u l-utilizzabbiltà tal-informazzjoni ġeografika skont id-Direttiva 2007/2/KE.

(35)

Jenħtieġ li dokument jitqies li għandu format li jinqara mill-magni jekk ikollu format ta' fajl strutturat b'tali mod li l-applikazzjonijiet ta' software jistgħu faċilment jidentifikaw, jirrikonoxxu u jieħdu data speċifika minnu. Id-data kkodifikata f'fajls strutturati b'format li jinqara mill-magni jenħtieġ li titqies bħala data li tista' tinqara mill-magni. Il-format li jinqara mill-magni jista' jkun miftuħ jew proprjetarju. Jistgħu jkunu standard formali jew le. Jenħtieġ li d-dokumenti kkodifikati b'format ta' fajl li jillimita l-ipproċessar awtomatiku, għax id-data ma tkunx tista' tittieħed jew ma tkunx tista' tittieħed faċilment minn dawn id-dokumenti, ma jitqisux li għandhom format li jinqara mill-magni. L-Istati Membri, fejn xieraq, jenħtieġ li jħeġġu l-użu ta' format miftuħ li jinqara mill-magni rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni jew internazzjonalment. Jenħtieġ li l-Qafas Ewropew ta' Interoperabbiltà jiġi kkunsidrat, fejn japplika, meta jitfasslu soluzzjonijiet tekniċi għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti.

(36)

It-tariffi għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti jikkostitwixxu ostaklu għan-negozji ġodda u għall-SME biex jidħlu fi swieq importanti. Għalhekk jenħtieġ li d-dokumenti jkunu disponibbli għall-użu mill-ġdid mingħajr tariffi u, meta t-tariffi huma meħtieġa, dawn jenħtieġ jiġu limitati, fil-prinċipju, għall-ispejjeż marġinali. Meta l-korpi tas-settur pubbliku jwettqu tiftix partikolarment estensiv għall-informazzjoni mitluba jew modifiki estremament għalja tal-format tal-informazzjoni mitluba, volontarjament jew kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali, l-ispejjeż marġinali jistgħu jkopru l-ispejjeż assoċjati ma' tali attivitajiet. F'każijiet eċċezzjonali, jenħtieġ li titqies il-ħtieġa li ma jixxekkilx il-funzjonament normali tal-korpi tas-settur pubbliku li huma meħtieġa jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali tal-ispejjeż tagħhom relatati mal-qadi tal-kompiti pubbliċi tagħhom. Dan japplika wkoll fejn korp tas-settur pubbliku jkun għamel id-data disponibbli bħala data miftuħa iżda jkun obbligat li jiġġenera dħul biex ikopri parti sostanzjali mill-ispejjeż tiegħu marbuta mal-prestazzjoni ta' kompiti pubbliċi oħrajn. Anki r-rwol tal-impriżi pubbliċi f'ambjent ekonomiku kompetittiv jenħtieġ li jiġi rikonoxxut. F'tali każijiet, il-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi għalhekk jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu tariffi għall-ispejjeż marġinali msemmija hawn fuq. Dawk it-tariffi jenħtieġ li jkunu stabbiliti skont kriterji oġġettivi, trasparenti u verifikabbli, u d-dħul kollu mill-forniment u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti jenħtieġ li ma jaqbiżx l-ispiża tal-ġbir u l-ġenerazzjoni, inkluż ix-xiri minn partijiet terzi, ir-riġenerazzjoni, il-manutenzjoni, il-ħżin u d-disseminazzjoni, flimkien ma' redditu raġonevoli fuq l-investiment. Meta applikabbli, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu inklużi fl-ispiża eliġibbli, l-ispejjeż tal-anonimizzazzjoni tad-data personali u l-ispejjeż tal-miżuri meħuda biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li korpi tas-settur pubbliku u impriżi pubbliċi jiżvelaw dawk l-ispejjeż. Ir-rekwiżit li jiġi ġġenerat dħul li jkopri parti sostanzjali mill-ispejjeż tal-korpi tas-settur pubbliku marbuta mal-qadi tal-kompiti pubbliċi tagħhom jew l-ambitu tas-servizzi ta' interess ġenerali fdati f'idejn l-impriżi pubbliċi jenħtieġ li ma jkunx rekwiżit legali u jista' joħroġ, pereżempju, minn prattiki amministrattivi fl-Istati Membri. Tali rekwiżit jenħtieġ jiġi rieżaminat regolarment mill-Istati Membri.

(37)

Dan r-redditu fuq l-investiment jista' jinftiehem bħala perċentwal, flimkien mal-ispejjeż marġinali, li jippermetti l-irkupru tal-ispiża tal-kapital u l-inklużjoni ta' rata reali ta' redditu. Billi l-ispiża tal-kapital hija konnessa mill-qrib mar-rati tal-imgħax tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, li huma stess huma bbażati fuq ir-rata fissa tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament, jenħtieġ li r-redditu raġonevoli fuq l-investiment ma jkunx aktar minn 5 % 'il fuq mir-rata tal-imgħax fissa tal-BĊE.

(38)

Il-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji jenħtieġ li jkunu jistgħu jimponu tariffi ogħla mill-ispejjeż marġinali biex ma jixxekkilx il-funzjonament normali tagħhom. Fil-każ ta' tali korpi tas-settur pubbliku, id-dħul kollu mill-forniment u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tul il-perijodu tal-kontabbiltà xieraq jenħtieġ li ma jaqbiżx l-ispiża tal-ġbir, il-ġenerazzjoni, ir-riġenerazzjoni, id-disseminazzjoni, il-preservazzjoni u l-ikklerjar tad-drittijiet, flimkien ma' redditu raġonevoli fuq l-investiment. Meta applikabbli, l-ispejjeż tal-anonimizzazzjoni tad-data personali jew tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva jenħtieġ li jiżdiedu wkoll mal-ispejjeż eliġibbli. Għall-fini tal-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, tal-mużewijiet u tal-arkivji, u filwaqt li jitqiesu l-partikolaritajiet tagħhom, il-prezzijiet mitluba mis-settur privat għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti identiċi jew simili jistgħu jitqiesu meta jkun qed jiġi kkalkulat redditu raġonevoli fuq l-investiment.

(39)

Il-limiti ta' fuq tat-tariffi stabbiliti f'din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li japplikaw tariffi aktar baxxi jew li ma japplikaw l-ebda tariffa.

(40)

L-Istati Membri jenħtieġ jistabbilixxu l-kriterji tat-tariffar ogħla mill-ispejjeż marġinali. Pereżempju, jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu tali kriterji fir-regoli nazzjonali jew jaħtru l-korp xieraq jew korpi xierqa, għajr il-korp tas-settur pubbliku nnifsu, li jkunu kompetenti biex jistabbilixxu tali kriterji. Dak il-korp jenħtieġ ikun organizzat skont is-sistemi kostituzzjonali u ġuridiċi tal-Istati Membri. Dan jista' jkun korp eżistenti b'setgħat eżekuttivi baġitarji u taħt responsabbiltà politika.

(41)

Li jkun żgurat li l-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti tas-settur pubbliku jkunu ċari u disponibbli għall-pubbliku hi kundizzjoni minn qabel għall-iżvilupp ta' suq tal-informazzjoni mal-Unjoni kollha. Għalhekk il-kundizzjonijiet applikabbli kollha għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti jenħtieġ ikunu ċari għall-utenti li jużaw mill-ġdid. L-Istati Membri jenħtieġ iħeġġu l-ħolqien ta' indiċijiet aċċessibbli online, meta xieraq, tad-dokumenti disponibbli biex jippromwovu u jiffaċilitaw it-talbiet għall-użu mill-ġdid. L-applikanti għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma minn entitajiet li mhumiex impriżi pubbliċi, istituti edukattivi, organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka jenħtieġ jiġu infurmati bil-mezzi disponibbli ta' rimedju rigward id-deċiżjonijiet jew il-prattiki li jaffettwawhom. Dan hu importanti b'mod partikolari għan-negozji ġodda u l-SMEs, li jaf ma jkunux midħla tal-interazzjonijiet mal-korpi tas-settur pubbliku minn Stati Membri oħra u l-mezzi korrispondenti ta' rimedju.

(42)

Il-mezzi ta' rimedju jenħtieġ jinkludu l-possibbiltà ta' rieżami minn korp imparzjali tar-rieżami. Dak il-korp jista' jkun awtorità nazzjonali diġà eżistenti, bħall-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtorità superviżorja stabbilita f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità nazzjonali tal-aċċess għad-dokumenti jew awtorità ġudizzjarja nazzjonali. Dak il-korp jenħtieġ ikun organizzat skont is-sistemi kostituzzjonali u ġuridiċi tal-Istati Membri. Rikors għal dak il-korp jenħtieġ li ma jkunx jipprevjeni xi mezz ta' rimedju li jkun disponibbli mod ieħor għall-applikanti għall-użu mill-ġdid. Iżda jenħtieġ li dan ikun indipendenti mill-mekkaniżmu tal-Istat Membru li jistabbilixxi l-kriterji tat-tariffar ogħla mill-ispejjeż marġinali. Il-mezzi ta' rimedju jenħtieġ jinkludu l-possibbiltà ta' rieżami tad-deċiżjonijiet negattivi u tad-deċiżjonijiet li, għalkemm jippermettu l-użu mill-ġdid, xorta jistgħu jaffettwaw lill-applikanti minħabba raġunijiet oħra, b'mod partikolari bir-regoli tat-tariffar applikati. Il-proċess tar-rieżami jenħtieġ isir malajr, skont il-ħtiġijiet ta' suq li qed jinbidel malajr.

(43)

Id-disponibbiltà pubblika ta' kull dokument ġeneralment disponibbli miżmum mis-settur pubbliku – li ma jikkonċernax biss il-proċess politiku iżda anki l-proċess ġuridiku u amministrattiv – hi strument fundamentali biex jiġi estiż id-dritt tal-għarfien, li hu prinċipju bażiku tad-demokrazija. Dak l-objettiv huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet f'kull livell, sew lokali, nazzjonali jew internazzjonali.

(44)

L-użu mill-ġdid tad-dokumenti jenħtieġ li ma jkunx soġġett għal kondizzjonijiet. Madankollu, f'ċerti każijiet ġustifikati mill-objettiv tal-interess pubbliku, tista' tinħareġ liċenzja li timponi kundizzjonijiet fuq l-użu mill-ġdid mill-persuna liċenzjata li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet bħar-responsabbiltà, il-protezzjoni tad-data personali, l-użu xieraq tad-dokumenti, il-garanzija li ma jsirux alterazzjonijiet u r-rikonoxximent tas-sors. Jekk il-korpi tas-settur pubbliku jilliċenzjaw dokumenti għall-użu mill-ġdid, il-kundizzjonijiet tal-liċenzja jenħtieġ ikunu oġġettivi, proporzjonati u nondiskriminatorji. Il-liċenzji standard disponibbli online jistgħu jaqdu wkoll rwol importanti f'dan ir-rigward. Għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ jipprovdu għad-disponibbiltà ta' liċenzji standard. Fi kwalunkwe każ, il-liċenzji għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku jenħtieġ jagħmlu l-inqas restrizzjonijiet possibbli fuq l-użu mill-ġdid, pereżempju jillimitaw ir-restrizzjonijiet għal indikazzjoni tas-sors. Il-liċenzji miftuħin fil-forma ta' liċenzji pubbliċi standardizzati disponibbli online, li jippermettu li d-data u l-kontenut jiġu aċċessati, użati, modifikati u kondiviżi b'mod liberu minn kulħadd u għal kwalunkwe fini, u li jistrieħu fuq formati tad-data miftuħa, jenħtieġ li jaqdu rwol importanti f'dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-Istati Membri jenħtieġ iħeġġu l-użu tal-liċenzji miftuħa li eventwalment jenħtieġ isir prattika komuni mal-Unjoni kollha. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' responsabbiltà, stabbilit fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, fejn korp tas-settur pubbliku jew impriża pubblika jagħmlu d-dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid mingħajr ebda kondizzjoni jew restrizzjoni oħra, dak il-korp tas-settur pubbliku jew impriża pubblika jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrinunzjaw għar-responsabbiltà kollha fir-rigward tad-dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid.

(45)

Jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma tagħmilx ċerti dokumenti disponibbli aktar għall-użu mill-ġdid, jew tieqaf taġġorna dawk id-dokumenti, din jenħtieġ tagħmel dawk id-deċiżjonijiet magħrufa pubblikament fl-ewwel opportunità, permezz ta' mezzi elettroniċi fejn possibbli.

(46)

Il-kundizzjonijiet tal-użu mill-ġdid jenħtieġ ikunu nondiskriminatorji għal kategoriji paragunabbli tal-użu mill-ġdid. F'dak ir-rigward, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni, jenħtieġ li, pereżempju, ma twaqqafx il-qsim tal-informazzjoni bejn il-korpi tas-settur pubbliku mingħajr ħlas waqt it-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom, meta partijiet oħra jkunu qed jintalbu ħlas għall-użu mill-ġdid tal-istess dokumenti. Jenħtieġ li dan lanqas ma jwaqqaf l-adozzjoni ta' politika ta' tariffar differenzjat għall-użu mill-ġdid kummerċjali u mhux kummerċjali.

(47)

B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-użu mill-ġdid ta' dokumenti ta' impriżi pubbliċi ma jwassalx għal distorsjoni fis-suq u li kompetizzjoni ġusta ma tiddgħajjifx.

(48)

Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u nazzjonali meta jistabbilixxu l-prinċipji għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti filwaqt li jevitaw kemm jista' jkun ftehimiet esklussivi bejniethom u s-sħab privati. Iżda, biex jipprovdu servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, xi drabi jaf ikun hemm bżonn jingħata dritt esklussiv għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti speċifiċi tas-settur pubbliku. Dan jista' jkun il-każ jekk l-ebda pubblikatur kummerċjali ma jippubblika l-informazzjoni mingħajr tali dritt esklussiv. F'dan ir-rigward, huwa opportun li jittieħed kont ta' kuntratti tas-servizz pubbliku li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE skont l-Artikolu 11 ta' dik id-Direttiva u s-sħubijiet għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/24/UE.

(49)

Hemm għadd ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn il-libreriji, inkluż il-libreriji universitarji, il-mużewijiet, l-arkivji u s-sħab privati, li jinvolvu d-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali li jagħtu drittijiet esklussivi lil sħab privati. L-esperjenza turi li tali sħubijiet pubbliċi privati jistgħu jiffaċilitaw l-użu sinifikanti tal-kollezzjonijiet kulturali u fl-istess waqt iżidu l-aċċess tal-pubbliku għall-wirt kulturali. Għaldaqstant, jixraq jitqiesu d-diverġenzi attwali bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali b'sett ta' regoli speċifiċi dwar arranġamenti esklussivi għad-diġitalizzazzjoni ta' tali riżorsi. Meta dritt esklussiv ikun jirrigwarda d-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali, jaf ikun hemm bżonn ċertu perijodu ta' esklussività biex is-sieħeb privat ikun jista' jirkupra l-investiment tiegħu. Iżda dak il-perijodu jenħtieġ ikun limitat għal żmien qasir kemm jista' jkun biex ikun hemm konformità mal-prinċipju li l-materjal tad-dominju pubbliku jenħtieġ jibqa' fid-dominju pubbliku ladarba jkun ġie diġitalizzat. B'mod ġenerali, il-perijodu ta' dritt esklussiv għad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali jenħtieġ ma jkunx jaqbeż l-10 snin. Perijodu ta' esklussività itwal minn 10 snin jenħtieġ ikun soġġett għal rieżami, filwaqt li jitqiesu l-bidliet teknoloġiċi, finanzjarji u amministrattivi fl-ambjent minn mindu jkun sar l-arranġament. Barra minn hekk, kull sħubija pubblika privata għad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali jenħtieġ tagħti drittijiet sħaħ lill-istituzzjoni kulturali sieħba fir-rigward tal-użu wara t-terminazzjoni tar-riżorsi kulturali diġitalizzati.

(50)

L-arranġamenti bejn id-detenturi tad-data u l-utenti li jużaw id-data mill-ġdid, li ma jkunux espressament jagħtu drittijiet esklussivi, iżda li jista' jkun raġonevolment mistenni li jirrestrinġu d-disponibbiltà tad-dokumenti għall-użu mill-ġdid, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal skrutinju pubbliku addizzjonali. Għalhekk, l-aspetti essenzjali ta' tali arranġamenti jenħtieġ li jiġu ppubblikati online mill-inqas xahrejn qabel ma jidħlu fis-seħħ, jiġifieri xahrejn qabel id-data miftiehma li fiha huwa stabbilit li jibda t-twettiq tal-obbligi tal-partijiet. Il-pubblikazzjoni jenħtieġ li tagħti lill-partijiet interessati l-opportunità li jitolbu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti koperti minn dawk l-arranġamenti u li jiġi evitat ir-riskju li tiġi ristretta l-firxa tal-utenti potenzjali li jużawhom mill-ġdid. Fi kwalunkwe każ, l-aspetti essenzjali ta' tali arranġamenti fil-forma finali tagħhom miftiehma mill-partijiet jenħtieġ li jsiru wkoll disponibbli għall-pubbliku online mingħajr dewmien żejjed wara l-konklużjoni tagħhom.

(51)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' vantaġġi eċċessivi tal-innovatur li jistgħu jillimitaw l-għadd ta' utenti potenzjali li jużaw id-data mill-ġdid. Meta l-arranġamenti kuntrattwali x'aktarx, apparti l-obbligi ta' Stat Membru skont din id-Direttiva biex jagħti d-dokumenti, jeżiġu trasferiment ta' riżorsi ta' dak l-Istat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat stabbiliti fl-Artikolu 101 sa 109 tat-TFUE. Mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti fl-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE jirriżulta li Stat Membru jrid jivverifika ex ante jekk tistax tkun involuta għajnuna mill-Istat fl-arranġament kuntrattwali rilevanti u jiżgura li dan ikunu konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(52)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, b'mod partikolari skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u inkluż kwalunkwe dispożizzjoni supplimentari tal-liġi nazzjonali. Dan ifisser, inter alia, li l-użu mill-ġdid ta' data personali huwa permissibbli biss jekk il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop kif stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 jiġi ssodisfat. L-informazzjoni anonima hija informazzjoni li mhijiex marbuta ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli jew ma' data personali li ssir anonima b'tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx jew ma jibqax identifikabbli. L-anonimizzazzjoni tal-informazzjoni huwa mezz li jirrikonċilja l-interessi li l-informazzjoni tas-settur pubbliku ssir kemm jista' jkun riutilizzabbli mal-obbligi skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, iżda dan għandu prezz. Jixraq li dik l-ispiża titqies fost l-ispejjeż li jridu jiġu kkunsidrati bħala parti mill-ispejjeż marġinali tad-disseminazzjoni kif imsemmi f'din id-Direttiva.

(53)

Meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-ambitu u l-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti tas-settur pubbliku li jkun fihom data personali, pereżempju fis-settur tas-saħħa, il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-protezzjoni tad-data jaf li jkunu jridu jitwettqu skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(54)

Din id-Direttiva ma taffettwax id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi. Biex ikun evitat kull dubju, l-espressjoni “drittijiet tal-proprjetà intellettwali” tirreferi għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati biss, inkluż forom sui generis ta' protezzjoni. Din id-Direttiva ma tapplikax għad-dokumenti koperti bi drittijiet tal-proprjetà industrijali, bħall-privattivi u d-disinji rreġistrati u l-marki kummerċjali. Din id-Direttiva la taffettwa l-eżistenza jew il-proprjetà ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-korpi tas-settur pubbliku, u lanqas ma tillimita l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet b'xi mod lil hinn mil-limiti stabbiliti f'din id-Direttiva. L-obbligi imposti f'konformità ma' din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw biss sal-limitu li jkunu kompatibbli mal-ftehimiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Berna għall-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Konvenzjoni ta' Berna), u l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (Ftehim TRIPS) u t-Trattat tad-WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur (WCT). Iżda l-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-awtur b'mod li jiffaċilita l-użu mill-ġdid.

(55)

Fid-dawl tal-liġi tal-Unjoni u tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri u tal-Unjoni, b'mod partikolari skont il-Konvenzjoni ta' Berna u l-Ftehim TRIPS, id-dokumenti li partijiet terzi għandhom id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom jenħtieġ ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Jekk parti terza tkun il-propjetarju inizjali tad-dritt tal-proprjetà intellettwali għal dokument miżmum minn libreriji, inkluż il-libreriji universitarji, mużewijiet u arkivji u t-terminu tal-protezzjoni ta' dawk id-drittijiet ma jkunx skada, jenħtieġ li dak id-dokument, għall-fini ta' din id-Direttiva, jitqies bħala dokument li partijiet terzi għandhom id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu.

(56)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, inkluż id-drittijiet ekonomiċi u morali, li jista' jkollhom l-impjegati tal-korpi tas-settur pubbliku skont il-liġi nazzjonali.

(57)

Barra minn hekk, meta dokument isir disponibbli għall-użu mill-ġdid, il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat jenħtieġ iżomm id-dritt li tisfrutta dak id-dokument.

(58)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2014/24/UE.

(59)

L-għodda li tgħin lil utenti potenzjali li jużaw mill-ġdid biex isibu dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid u l-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid jistgħu jiffaċilitaw ferm l-użu transfruntier tad-dokumenti tas-settur pubbliku. Għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ jiżguraw li jkunu jeżistu arranġamenti prattiċi biex jgħinu lill-utenti li jużaw mill-ġdid biex ifittxu dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid. Eżempji ta' tali arranġamenti prattiċi huma listi tal-assi, li preferibbilment ikunu aċċessibbli online, ta' dokumenti ewlenin (dokumenti li ntużaw estensivament mill-ġdid jew bil-potenzjal li jintużaw estensivament mill-ġdid), u l-portali kkollegati ma' listi tal-assi deċentralizzati. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiffaċilitaw id-disponibbiltà fit-tul għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, f'konformità mal-politiki ta' preservazzjoni applikabbli.

(60)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u tappoġġa t-tfassil, l-ittestjar, l-implimentazzjoni u l-użu ta' interfaċċi elettroniċi interoperabbli li ser jippermettu servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u sikuri.

(61)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). Din tipprovdi l-kundizzjonijiet li skonthom il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern tal-informazzjoni meta jkun permess l-użu mill-ġdid tad-dokumenti. Meta l-korpi tas-settur pubbliku jkunu detenturi tad-dritt previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, dawn jenħtieġ li ma jeżerċitawx dak id-dritt sabiex jevitaw l-użu mill-ġdid jew biex jirrestrinġu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti eżistenti lil hinn mil-limiti previsti f'din id-Direttiva.

(62)

Il-Kummissjoni appoġġat l-iżvilupp ta' rapport online dwar il-maturità tad-data miftuħa b'indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-Istati Membri kollha. Aġġornament regolari ta' dak ir-rapport jikkontribwixxi għall-qsim tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u għad-disponibbiltà ta' informazzjoni dwar politiki u prattiki fl-Unjoni kollha.

(63)

Hemm bżonn ikun żgurat li l-Istati Membri jimmonitorjaw l-ammont ta' użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, il-kundizzjonijiet li skonthom issir disponibbli, u l-prattiki ta' rimedju.

(64)

Il-Kummissjoni tista' tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw din id-Direttiva b'mod konsistenti billi toħroġ linji gwida u taġġorna dawk eżistenti, b'mod partikolari dwar il-liċenzji standard rakkomandati, is-settijiet tad-data u t-tariffar għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

(65)

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istabbiliment tas-suq intern hu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta' servizzi fl-Unjoni kollha. Il-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji għandhom ammont sinifikanti ta' riżorsi siewja tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, b'mod partikolari mindu l-proġetti tad-diġitalizzazzjoni mmultiplikaw l-ammont ta' materjal diġitali tas-settur pubbliku. Dawk il-kollezzjonijiet ta' wirt kulturali u l-metadata relatata huma bażi potenzjali għal prodotti u servizzi b'kontenut diġitali u għandhom potenzjal enormi għal użu mill-ġdid innovattiv f'setturi bħat-tagħlim u t-turiżmu. Tipi oħra ta' stabbilimenti kulturali, bħall-orkestri, l-opri, il-ballijiet u t-teatri, inkluż l-arkivji li huma parti minn dawk l-istabbilimenti, jenħtieġ li jibqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva minħabba l-ispeċifiċità tagħhom bħala arti tal-ispettaklu u minħabba l-fatt li kważi l-materjal kollu tagħhom hu soġġett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi.

(66)

Sabiex jiġu previsti l-kundizzjonijiet li jappoġġaw l-użu mill-ġdid ta' dokumenti li hu assoċjat ma' benefiċċji soċjoekonomiċi importanti b'valur partikolarment għoli għas-soċjetà u l-ekonomija, jenħtieġ li tiġi stabbilita f'Anness lista ta' kategoriji tematiċi ta' settijiet tad-data ta' valur għoli. Bħala eżempju, u mingħajr preġudizzju għall-atti ta' implimentazzjoni li jidentifikaw is-settijiet tad-data ta' valur għoli li għalihom jenħtieġ li japplikaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f'din id-Direttiva, b'kont meħud tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar liċenzji standard rakkomandati, settijiet tad-data u tariffi għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti, il-kategoriji tematiċi jistgħu, fost l-oħrajn, ikopru kodiċijiet postali, mapep nazzjonali u lokali (ġeospazju), il-konsum tal-enerġija u immaġni bis-satellita (osservazzjoni tad-dinja u l-ambjent), data in situ minn strumenti u tbassir tat-temp (meteoroloġija), indikaturi demografiċi u ekonomiċi (statistika), reġistri kummerċjali u identifikaturi tar-reġistrazzjoni (kumpanniji u sjieda ta' kumpanniji), sinjali tat-toroq u passaġġi tal-ilma interni (mobilità).

(67)

Sabiex tiġi emendata l-lista ta' kategoriji tematiċi ta' settijiet tad-data ta' valur għoli billi jiġu miżjuda kategoriji tematiċi addizzjonali, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (20). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(68)

Lista mill-Unjoni kollha ta' settijiet tad-data b'potenzjal partikolari li jiġġeneraw benefiċċji soċjoekonomiċi flimkien ma' kondizzjonijiet armonizzati għall-użu mill-ġdid tikkostitwixxi possibbiltà importanti għal applikazzjonijiet u servizzi ta' data transkonfinali. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tappoġġa l-użu mill-ġdid ta' dokumenti assoċjati mal-benefiċċji soċjoekonomiċi importanti, billi tadotta lista ta' settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli li għalihom japplikaw rekwiżiti speċifiċi ta' din id-Direttiva, flimkien mal-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u l-użu mill-ġdid tagħhom. Konsegwentement, dawk ir-rekwiżiti speċifiċi mhumiex ser japplikaw qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' atti ta' implimentazzjoni. Il-lista jenħtieġ li tieħu kont tal-atti legali settorjali tal-Unjoni li jirregolaw il-pubblikazzjoni tas-settijiet tad-data, bħad-Direttiva 2007/2/KE u d-Direttiva 2010/40/UE, biex ikun żgurat li s-settijiet tad-data jsiru disponibbli skont l-istandards korrispondenti u settijiet tal-metadata. Jenħtieġ li l-lista tkun ibbażata fuq il-kategoriji tematiċi stabbiliti f'din id-Direttiva. Fit-tħejjija tal-lista, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti, inkluż fil-livell tal-esperti. Barra minn hekk, meta tiddeċiedi dwar l-inklużjoni fil-lista tad-data miżmuma mill-intrapriżi pubbliċi jew dwar id-disponibbiltà libera tagħhom, jenħtieġ li jittieħed kont tal-effetti fuq il-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(69)

Bil-għan li jiġi żgurat l-impatt massimu tagħhom u biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid, jenħtieġ li s-settijiet tad-data ta' valur għoli jsiru disponibbli għall-użu mill-ġdid b'restrizzjonijiet legali minimi u mingħajr spejjeż. Huma għandhom jiġu ppubblikati permezz tal-APIs. Madankollu, dan ma jipprekludix lill-korpi tas-settur pubbliku milli jitolbu ħlas għas-servizzi li jipprovdu b'rabta mas-settijiet tad-data b'valur għoli fl-eżerċizzju tagħhom ta' awtorità pubblika, b'mod partikolari li jiċċertifikaw l-awtentiċità jew il-veraċità tad-dokumenti.

(70)

Billi l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' prodotti u servizzi tal-informazzjoni fl-Unjoni kollha bbażati fuq dokumenti tas-settur pubbliku, li jkun żgurat l-użu transkonfini effiċjenti tad-dokumenti tas-settur pubbliku min-naħa tan-negozji privati, partikolarment mill-SMEs, għal prodotti u servizzi tal-informazzjoni b'valur miżjud, u min-naħa taċ-ċittadini biex teħfief iċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ma jistgħux jintlaħqu kif adatt mill-Istati Membri iżda minħabba l-ambitu pan-Unjoni tal-azzjoni proposta, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(71)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, inkluż id-dritt tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-proprjetà u l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà. Jenħtieġ li xejn f'din id-Direttiva ma jiġi interpretat jew implimentat b'mod inkonsistenti mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

(72)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) u ta opinjoni fl-10 ta' Lulju 2018 (23).

(73)

Il-Kummissjoni jenħtieġ twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva. Skont il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, dik l-evalwazzjoni jenħtieġ tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud u jenħtieġ tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt ta' opzjonijiet għal azzjoni ulterjuri.

(74)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi indikati fl-Anness II, il-Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Sabiex jiġi promoss l-użu ta' data miftuħa u tiġi stimulata l-innovazzjoni fil-prodotti u s-servizzi, din id-Direttiva tistabbilixxi sett ta' regoli minimi li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid ta':

(a)

id-dokumenti eżistenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri;

(b)

id-dokumenti eżistenti miżmuma mill-impriżi pubbliċi li:

(i)

huma attivi fl-oqsma definiti fid-Direttiva 2014/25/UE;

(ii)

qed jaġixxu bħala operaturi ta' servizzi pubbliċi skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007;

(iii)

qed jaġixxu bħala trasportaturi bl-ajru li jissodisfaw l-obbligi tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008; jew

(iv)

qed jaġixxu bħala sidien ta' bastimenti tal-Komunità li jissodisfaw l-obbligi tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92;

(c)

id-data tar-riċerka, skont il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 10.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

(a)

dokumenti li l-forniment tagħhom hu attività li mhix fl-ambitu tal-kompitu pubbliku tal-korpi tas-settur pubbliku kkonċernati, kif definit bil-liġi jew b'regoli vinkolanti oħra tal-Istat Membru, jew fin-nuqqas ta' dawn ir-regoli, kif definit f'konformità mal-prattika amministrattiva komuni tal-Istat Membru inkwistjoni, diment li l-ambitu tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u soġġett għal rieżami;

(b)

dokumenti miżmuma mill-impriżi pubbliċi:

(i)

maħluqa barra mill-ambitu tal-forniment tas-servizzi ta' interess ġenerali kif definit bil-liġi jew b'xi regoli vinkolanti oħra tal-Istati Membri;

(ii)

relatati ma' attivitajiet direttament esposti għall-kompetizzjoni u għalhekk, skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, mhux soġġetti għar-regoli tal-akkwist;

(c)

dokumenti li partijiet terzi għandhom id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom;

(d)

dokumenti, bħal data sensittiva, li huma esklużi mill-aċċess minħabba r-reġimi tal-aċċess tal-Istat Membru, fosthom minħabba:

(i)

il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (jiġifieri s-sigurtà tal-Istat), id-difiża jew is-sigurtà pubblika;

(ii)

il-kunfidenzjalità tal-istatistika;

(iii)

il-kunfidenzjalità kummerċjali (inkluż is-sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpanniji);

(e)

dokumenti li l-aċċess għalihom huwa eskluż jew ristrett għal raġunijiet ta' informazzjoni sensittiva relatata mal-ħarsien tal-infrastruttura kritika kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/114/KE;

(f)

dokumenti li l-aċċess għalihom hu ristrett minħabba r-reġimi tal-aċċess tal-Istati Membri, inkluż meta ċ-ċittadini jew l-entitajiet ġuridiċi jridu jippruvaw interess partikolari biex jiksbu aċċess għad-dokumenti;

(g)

logi, emblemi u insinji;

(h)

dokumenti, li l-aċċess għalihom hu eskluż jew ristrett minħabba r-reġimi tal-aċċess għal raġunijiet ta' protezzjoni tad-data personali, u partijiet ta' dokumenti aċċessibbli minħabba dawk ir-reġimi li fihom data personali li l-użu mill-ġdid tagħha ġie definit bil-liġi bħala inkompatibbli mal-liġi fejn tidħol il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali jew li jdgħajfu l-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tal-individwu, b'mod partikolari f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali fir-rigward tal-protezzjoni ta' data personali;

(i)

dokumenti miżmuma minn xandara tas-servizz pubbliku u s-sussidjarji tagħhom, jew minn korpi oħra jew is-sussidjarji tagħhom għat-twettiq tal-mandat tax-xandir tas-servizz pubbliku;

(j)

dokumenti miżmuma minn stabbiliment kulturali, għajr il-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, il-mużewijiet jew l-arkivji;

(k)

dokumenti miżmuma minn stabbilimenti edukattivi tas-sekondarja u tal-livelli aktar baxxi, u, fil-każ tal-istabbilimenti edukattivi l-oħra kollha, dokumenti għajr dawk imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1;

(l)

dokumenti għajr dawk imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 miżmuma mill-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u mill-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka, inkluż l-organizzazzjonijiet stabbiliti għat-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka.

3.   Din id-Direttiva tibni fuq, u hija mingħajr preġudizzju għal, reġimi ta' aċċess tal-Unjoni u dik nazzjonali.

4.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari għar-Regolament (UE) 2016/679 u għad-Direttiva 2002/58/KE u għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali.

5.   L-obbligi imposti f'konformità ma' din id-Direttiva għandhom japplikaw biss sakemm ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Berna, il-Ftehim TRIPS u d-WCT.

6.   Id-dritt għall-awtur ta' bażi tad-data previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE jenħtieġ li ma jiġix eżerċitat mill-korpi tas-settur pubbliku sabiex jiġi evitat l-użu mill-ġdid tad-dokumenti jew jiġi ristrett l-użu mill-ġdid lil hinn mil-limiti stabbiliti minn din id-Direttiva.

7.   Din id-Direttiva tirregola l-użu mill-ġdid tad-dokumenti eżistenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi tal-Istati Membri, inkluż id-dokumenti li għalihom tapplika d-Direttiva 2007/2/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“korp tas-settur pubbliku” tfisser l-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi rregolati mil-liġi pubblika jew l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn awtorità waħda jew aktar awtoritajiet bħal dawn jew minn korp jew aktar korpi bħal dawn irregolati mil-liġi pubblika;

(2)

“korpi rregolati mil-liġi pubblika” tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

huma stabbiliti għall-fini speċifiku biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, li ma għandhomx natura industrijali jew kummerċjali;

(b)

għandhom personalità ġuridika; u

(c)

huma ffinanzjat, fil-parti l-kbira tiegħu mill-Istat, minn awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika; jew huma soġġetti għas-superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew tas-sorveljanza, li aktar minn nofs il-membri tiegħu maħtura mill-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali jew korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika;

(3)

“impriża pubblika” tfisser kwalunkwe impriża attiva fl-oqsma stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) li fuqha l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti minħabba s-sjieda li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha. Għandha tkun preżunta influwenza dominanti fuq il-parti tal-korpi tas-settur pubbliku fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin li fihom dawk il-korpi, direttament jew indirettament:

(a)

għandhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża;

(b)

jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma' ishma maħruġa mill-impriża;

(c)

jistgħu jaħtru aktar min-nofs il-korp amministrattiv, maniġerjali, superviżorju tal-impriża;

(4)

“università” tfisser kwalunkwe korp tas-settur pubbliku li jipprovdi edukazzjoni ogħla tal-postsekondarja li twassal għal lawrji akkademiċi;

(5)

“liċenzja standard” tfisser sett ta' kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid definiti minn qabel f'format diġitali, preferibbilment kompatibbli ma' liċenzji pubbliċi standardizzati disponibbli online;

(6)

“dokument” tfisser:

(a)

kwalunkwe kontenut bi kwalunkwe mezz (karta jew format elettroniku jew irrekordjat b'mod awdjo, viżiv jew awdjoviżiv); jew

(b)

kwalunkwe parti ta' tali kontenut;

(7)

“anonimizzazzjoni” tfisser il-proċess ta' tibdil ta' dokumenti f'dokumenti anonimi li mhumiex marbuta ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, jew il-proċess li d-data personali ssir anonima b'tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx jew ma jibqax identifikabbli;

(8)

data dinamika” tfisser dokumenti f'forma diġitali, soġġetti għal aġġornamenti frekwenti jew ħin reali, b'mod partikolari minħabba l-volatilità jew il-ħruġ rapidu mill-użu tagħhom; data ġenerata minn sensuri li huma tipikament ikkunsidrati bħala data dinamika;

(9)

data tar-riċerka” tfisser dokument b'format diġitali, għajr il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, miġbura jew magħmula matul attivitajiet tar-riċerka xjentifika u użati bħala evidenza fil-proċess tar-riċerka, jew huma komunement aċċettati fil-komunità tar-riċerka kif meħtieġ biex jiġu vvalidati s-sejbiet u r-riżultati tar-riċerka;

(10)

“settijiet tad-data ta' valur għoli” tfisser dokumenti li l-użu mill-ġdid tagħhom li hu assoċjat ma' benefiċċji importanti għas-soċjetà, l-ambjent u l-ekonomija, b'mod partikolari minħabba l-adegwatezza tagħhom biex jinħolqu servizzi u applikazzjonijiet b'valur miżjud, u impjiegi ġodda, ta' kwalità għolja u diċenti, u tal-għadd ta' benefiċjarji potenzjali tas-servizzi u l-applikazzjonijiet b'valur miżjud abbażi ta' dawk is-settijiet tad-data;

(11)

“użu mill-ġdid” tfisser l-użu minn persuni jew entitajiet ġuridiċi ta' dokumenti miżmuma:

(a)

mill-korpi tas-settur pubbliku, għall-finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-fini inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih id-dokumenti kienu prodotti, ħlief għall-iskambju ta' dokumenti bejn il-korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom; jew

(b)

mill-impriżi pubbliċi, għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, ħlief il-fini inizjali li jipprovdu servizzi fl-interess ġenerali li għalih id-dokumenti kienu prodotti, ħlief għall-iskambju ta' dokumenti bejn l-impriżi pubbliċi u l-korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tal-korpi tas-settur pubbliku;

(12)

data personali” tfisser data personali kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(13)

“format li jinqara mill-magni” tfisser format ta' fajl strutturat b'mod li l-applikazzjonijiet tas-software jkunu jistgħu jidentifikaw, jagħrfu u jieħdu data speċifika b'mod faċli, inkluż dikjarazzjonijiet individwali tal-fatti, u l-istruttura interna tagħhom;

(14)

“format miftuħ” tfisser format ta' fajl li hu indipendenti mill-pjattaforma u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr restrizzjonijiet li jxekklu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti;

(15)

“standard miftuħ formali” tfisser standard li ġie stabbilit bil-miktub u b'deskrizzjoni fid-dettall tal-ispeċifikazzjonijiet għar-rekwiżiti dwar kif tkun żgurata l-interoperabbiltà tas-software;

(16)

“redditu raġonevoli fuq l-investiment” tfisser perċentwal tat-tariffa ġenerali, flimkien ma' dik meħtieġa biex jiġi rkuprati l-ispejjeż eliġibbli, sa 5 punti perċentwali aktar mir-rata fissa tal-imgħax tal-BĊE;

(17)

“parti terza” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li mhix korp tas-settur pubbliku jew impriża pubblika li jżommu d-data.

Artikolu 3

Prinċipju ġenerali

1.   Soġġetti għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti, li din id-Direttiva tapplika għalihom skont l-Artikolu 1, ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali skont il-Kapitoli III u IV.

2.   Għal dokumenti f'liema libreriji, inkluż il-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji għandhom drittjiet tal-proprjetà intellettwali u għal dokumenti miżmuma mill-impriżi pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun permess l-użu mill-ġdid ta' dawn id-dokumenti, dawk id-dokumenti għandhom ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali skont il-Kapitoli III u IV.

KAPITOLU II

TALBIET GĦALL-UŻU MILL-ĠDID

Artikolu 4

Ipproċessar ta' talbiet għall-użu mill-ġdid

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jipproċessaw, b'mezzi elettroniċi meta possibbli u xieraq, talbiet għall-użu mill-ġdid u għandhom jagħmlu d-dokument disponibbli għall-użu mill-ġdid mill-applikant jew, jekk tkun meħtieġa liċenzja, jiffinalizzaw l-offerta tal-liċenzja lill-applikant fi żmien raġonevoli li jkun konsistenti mal-limiti taż-żmien stabbiliti għall-ipproċessar tat-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti.

2.   Meta ma jkun ġie stabbilit l-ebda limitu taż-żmien jew l-ebda regola oħra li tirregola l-forniment fil-ħin tad-dokumenti, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jipproċessaw it-talba u għandhom iwasslu d-dokumenti għall-użu mill-ġdid lill-applikant jew, jekk tkun meħtieġa liċenzja, jiffinalizzaw l-offerta tal-liċenzja lill-applikant mill-iktar fis possibbli, u fi kwalunkwe każ fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta tkun waslet it-talba. Dak il-limitu taż-żmien jista' jittawwal b'20 jum tax-xogħol ieħor għal talbiet estensivi jew komplessi. F'dawk il-każijiet, l-applikant għandu jiġi notifikat mill-iktar fis possibbli, u fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet ġimgħat wara t-talba inizjali, li jkun hemm bżonn aktar żmien biex tiġi pproċessata t-talba u bir-raġunijiet għal dan.

3.   Fil-każ ta' deċiżjoni negattiva, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet għar-rifjut lill-applikant skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-reġim tal-aċċess f'dak l-Istat Membru jew skont id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva, b'mod partikulari l-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 1(2) jew l-Artikolu 3. Meta deċiżjoni negattiva tkun ibbażata fuq il-punt (c) tal-Artikolu 1(2), il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel referenza għall-persuna fiżika jew ġuridika li tkun id-detentur tad-drittijiet, meta magħrufa, jew inkella għal-liċenzjatur li mingħandu l-korp tas-settur pubbliku jkun kiseb il-materjal rilevanti. Il-libreriji, inkluż il-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji ma għandhomx ikunu meħtieġa jinkludu din ir-referenza.

4.   Kull deċiżjoni dwar l-użu mill-ġdid għandha tagħmel referenza għall-mezz ta' rimedju fejn l-applikant ikun jixtieq jikkontesta d-deċiżjoni. Il-miżuri ta' rimedju għandhom jinkludu l-possibbiltà ta' rieżami minn korp imparzjali tar-rieżami bil-kompetenzi xierqa, bħall-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, l-awtorità rilevanti għall-aċċess tad-dokumenti, l-awtorità superviżorja stabbilita f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, jew awtorità ġudizzjarja nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu vinkolanti għall-korp tas-settur pubbliku kkonċernat.

5.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid effettiv ta' dokumenti. Dawk l-arranġamenti jistgħu b'mod partikolari jinkludu l-mezzi għall-forniment ta' informazzjoni adegwata dwar id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva u għall-għoti tal-assistenza u l-gwida rilevanti.

6.   L-entitajiet li ġejjin ma għandhomx ikunu meħtieġa jikkonformaw ma' dan l-Artikolu:

(a)

impriżi pubbliċi;

(b)

stabbilimenti edukattivi, organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka.

KAPITOLU III

KONDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU MILL-ĠDID

Artikolu 5

Formati disponibbli

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu V, il-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi għandhom jagħmlu d-dokumenti tagħhom disponibbli b'kwalunkwe format jew lingwa eżistenti qabel, u fejn possibbli u xieraq, b'mezzi elettroniċi, f'formati li jkunu miftuħin, aċċessibbli u li jinqraw mill-magni, u li jistgħu jinstabu u jerġgħu jintużaw, flimkien mal-metadata tagħhom. Kemm il-format kif ukoll il-metadata għandhom, fejn possibbli, jikkonformaw mal-istandards miftuħa formali.

2.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-korpi tas-settur pubbliku u lill-impriżi pubbliċi biex jipproduċu u jagħmlu disponibbli dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva skont il-prinċipju ta' “ftuħ sa mill-fażi tad-disinn u b'mod awtomatiku”.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux jimplika obbligu għall-korpi tas-settur pubbliku li joħolqu jew jadattaw dokumenti jew jipprovdu siltiet sabiex jikkonformaw ma' dak il-paragrafu meta dan ikun jinvolvi sforz sproporzjonat, li jmur lil hinn minn sempliċi operazzjoni.

4.   Il-korpi tas-settur pubbliku ma għandhomx jintalbu jibqgħu jiġġeneraw u jaħżnu ċertu tip ta' dokumenti bil-ħsieb tal-użu mill-ġdid ta' dawn id-dokumenti minn organizzazzjoni tas-settur privat jew tas-settur pubbliku.

5.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jagħmlu d-data dinamika disponibbli għall-użu mill-ġdid immedjat wara l-ġbir, permezz ta' APIs xierqa u, fejn rilevanti, bħala tniżżil massiv.

6.   Fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' data dinamika għall-użu mill-ġdid immedjatament wara l-ġbir, kif imsemmi fil-paragrafu 5 jaqbeż il-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi tal-korp tas-settur pubbliku, u b'hekk jimponi sforz sproporzjonat, dik id-data dinamika għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni għall-użu mill-ġdid f'perijodu ta' żmien jew b'restrizzjonijiet tekniċi temporanji li ma jxekklux indebitament l-isfruttament tal-potenzjal ekonomiku u soċjali tagħhom.

7.   Il-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw għal dokumenti eżistenti miżmuma minn impriżi pubbliċi li huma disponibbli għall-użu mill-ġdid.

8.   Is-settijiet tad-data ta' valur għoli, kif elenkat f'konformità mal-Artikolu 14(1), għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-użu mill-ġdid f'formati li jinqraw bil-magni, permezz ta' APIs u, fejn rilevanti, bħala tniżżil massiv.

Artikolu 6

Prinċipji li jirregolaw it-tariffar

1.   L-użu mill-ġdid tad-dokumenti għandu jkun mingħajr ħlas.

Madankollu, l-irkupru tal-ispejjeż marġinali mġarrba għar-riġenerazzjoni, il-forniment, u d-disseminazzjoni ta' dokumenti, kif ukoll għall-anonimizzazzjoni tad-data personali u l-miżuri meħuda biex titħares l-informazzjoni kunfidenzjali kummerċjalment, jista' jiġi awtorizzat.

2.   Bħala eċċezzjoni, il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal dan li ġej:

(a)

korpi tas-settur pubbliku li huma mitluba jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali mill-ispejjeż tagħhom marbutin mal-prestazzjoni tal-kompiti pubbliċi tagħhom;

(b)

libreriji, inkluż libreriji universitarji, mużewijiet u arkivji;

(c)

impriżi pubbliċi.

3.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw online lista ta' korpi tas-settur pubbliku msemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 2.

4.   Fil-każijiet imsemmijin fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 2, it-tariffi totali għandhom jiġu kkalkulati skont kriterji oġġettivi, trasparenti u verifikabbli. Tali kriterji għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Id-dħul totali mill-forniment u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid ta' dokumenti matul il-perijodu xieraq tal-kontabbiltà ma għandux jaqbeż l-ispiża tal-ġbir, il-ġenerazzjoni, ir-riġenerazzjoni, id-disseminazzjoni tagħhom kif ukoll tal-ħżin tad-data, flimkien ma' redditu raġonevoli fuq l-investiment, u – meta applikabbli – l-anonimizzazzjoni tad-data personali u l-miżuri meħuda biex titħares l-informazzjoni kunfidenzjali kummerċjalment.

It-tariffi għandhom jiġu kkalkulati f'konformità mal-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli.

5.   Meta jintalbu tariffi mill-korpi tas-settur pubbliku msemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 2, id-dħul totali mill-forniment u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid ta' dokumenti matul il-perijodu xieraq tal-kontabbiltà ma għandux jaqbeż l-ispiża tal-ġbir, il-ġenerazzjoni, ir-riġenerazzjoni, id-disseminazzjoni, il-ħżin tad-data, il-preservazzjoni u l-ikklerjar tad-drittijiet u, meta applikabbli, l-anonimizzazzjoni tad-data personali u l-miżuri meħuda biex titħares l-informazzjoni kunfidenzjali kummerċjalment, flimkien ma' redditu raġonevoli fuq l-investiment.

It-tariffi għandhom jiġu kkalkulati f'konformità mal-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli għall-korpi tas-settur pubbliku involuti.

6.   L-utent ma għandux jintalab iħallas biex juża mill-ġdid:

(a)

soġġett għall-Artikolu 14(3), (4) u (5), is-settijiet tad-data ta' valur għoli kif elenkat f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu;

(b)

data ta' riċerka msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1).

Artikolu 7

Trasparenza

1.   Fil-każ tat-tariffi standard għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti, kwalunkwe kondizzjoni applikabbli u l-ammont proprja ta' dawk it-tariffi, inkluż il-bażi tal-kalkolu għal dawk it-tariffi, għandhom jiġu stabbiliti minn qabel u ppubblikati, b'mezzi elettroniċi fejn possibbli u xieraq.

2.   Fil-każ tat-tariffi għall-użu mill-ġdid għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-fatturi li jittieħed kont tagħhom għall-kalkolu ta' dawk it-tariffi għandhom jiġu indikati mill-bidu. Meta jintalab, id-detentur tad-dokumenti inkwistjoni għandu jindika wkoll il-mod kif ġew ikkalkulati dawn it-tariffi fir-rigward ta' talba speċifika għall-użu mill-ġdid.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li applikanti għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti jkunu infurmati bil-mezzi disponibbli għar-rimedju b'rabta mad-deċiżjonijiet jew il-prattiki li jaffettwawhom.

Artikolu 8

Liċenzji standard

1.   L-użu mill-ġdid ta' dokumenti ma għandux ikun soġġett għal kondizzjonijiet, sakemm dawn ma jkunux kondizzjonijiet oġġettivi, proporzjonati, mhux diskriminatorji u ġustifikati għal raġunijiet ta' għan ta' interess pubbliku.

Meta l-użu mill-ġdid ikun soġġett għal kondizzjonijiet, dawk il-kondizzjonijiet ma għandhomx jillimitaw bla bżonn possibbiltajiet għall-użu mill-ġdid u ma għandhomx jintużaw biex jillimitaw l-kompetizzjoni.

2.   Fi Stati Membri fejn jintużaw il-liċenzji, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li liċenzji standard għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti tas-settur pubbliku, li jkunu jistgħu jiġu adattati biex jissodisfaw applikazzjonijiet partikolari tal-liċenzji, ikunu disponibbli f'format diġitali u jkunu jistgħu jiġu pproċessati b'mod elettroniku. L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu ta' dawn il-liċenzji standard.

Artikolu 9

Arranġamenti prattiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw it-tiftix tad-dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid, bħal listi tal-assi tad-dokumenti ewlenin bil-metadata rilevanti, li jkunu aċċessibbli online fejn possibbli u xieraq, u f'format li jinqara mill-magni, u portali kkollegati mal-listi tal-assi. Meta possibbli, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-tiftix interlingwistiku għad-dokumenti, b'mod partikolari billi jippermettu l-aggregazzjoni tal-metadata fil-livell tal-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom ukoll iħeġġu lill-korpi tas-settur pubbliku biex jagħmlu arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw il-preservazzjoni tad-dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid.

2.   L-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, ikomplu bl-isforzi biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għas-settijiet tad-data, b'mod partikolari billi jipprovdu punt ta' aċċess uniku u billi progressivament iqiegħdu għad-dispożizzjoni settijiet tad-data adatti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku rigward id-dokumenti li għalihom tapplika din id-Direttiva, kif ukoll rigward data miżmuma minn istituzzjonijiet tal-Unjoni, f'formati li jkunu aċċessibbli, faċli biex jinstabu u li jistgħu jintużaw mill-ġdid b'mezzi elettroniċi.

Artikolu 10

Data tar-riċerka

1.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw id-disponibbiltà tad-data tar-riċerka billi jadottaw politiki nazzjonali u azzjonijiet rilevanti bil-għan li jagħmlu d-data tar-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku disponibbli b'mod miftuħ (“politiki tal-aċċess miftuħ”) skont il-prinċipju tal-ftuħ b'mod awtomatiku u b'mod kompatibbli mal-prinċipji FAIR. F'dak il-kuntest, għandu jitqies it-tħassib marbut mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni tad-data personali u l-kunfidenzjalità, is-sigurtà u l-interessi kummerċjali leġittimi, skont il-prinċipju ta' “ftuħ kemm jista' jkun, għeluq skont kemm meħtieġ”. Dawk il-politiki tal-aċċess miftuħ għandhom jiġu indirizzati lill-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u lill-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-Artikolu 1(2), id-data tar-riċerka għandha tkun tista' tintuża mill-ġdid għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali f'konformità mal-Kapitoli III u IV, sakemm din tkun iffinanzjata mill-pubbliku u r-riċerkaturi, l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka jew l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka jkunu diġà qiegħduha disponibbli għall-pubbliku permezz ta' repożitorju istituzzjonali jew ibbażat fuq is-suġġett. F'dak il-kuntest għandhom jitqiesu l-interessi kummerċjali leġittimi, l-attivitajiet għat-trasferiment tal-għarfien u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali eżistenti minn qabel.

KAPITOLU IV

NUQQAS TA' DISKRIMINAZZJONI U KUMMERĊ ĠUST

Artikolu 11

Nondiskriminazzjoni

1.   Kull kondizzjoni applikabbli għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti għandha tkun nondiskriminatorja għall-kategoriji paragunabbli tal-użu mill-ġdid, inkluż l-użu mill-ġdid transfruntier.

2.   Jekk id-dokumenti jintużaw mill-ġdid minn korp tas-settur pubbliku bħala kontribut għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu li mhumiex fil-ambitu tal-kompiti pubbliċi tiegħu, għandhom jiġu applikati l-istess tariffi u kondizzjonijiet oħra għall-forniment tad-dokumenti għal dawk l-attivitajiet li japplikaw għall-utenti l-oħra.

Artikolu 12

Arranġamenti esklussivi

1.   L-użu mill-ġdid tad-dokumenti għandu jkun miftuħ għall-utenti potenzjali kollha fis-suq, anki jekk attur wieħed jew aktar tas-suq ikunu diġà sfruttaw prodotti b'valur miżjud ibbażati fuq dawk id-dokumenti. Kuntratti jew arranġamenti oħra bejn il-korpi tas-settur pubbliku jew impriżi pubbliċi li jżommu d-dokumenti u partijiet terzi ma għandhomx jagħtu drittijiet esklussivi.

2.   Iżda, meta jkun hemm bżonn dritt esklussiv għall-forniment ta' servizz ta' interess pubbliku, il-validità tar-raġuni biex jingħata dak id-dritt esklussiv għandha tkun suġġetta għal rieżami regolari, u f'kull każ għandha tiġi rieżaminata kull tliet snin. L-arranġamenti esklussivi stabbiliti fi jew wara s-16 ta' Lulju 2019 għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku online mill-inqas xahrejn qabel ma jidħlu fis-seħħ. It-termini finali ta' dawn l-arranġamenti għandhom ikunu trasparenti u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku online.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, meta dritt esklussiv jirrigwarda d-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali, b'mod ġenerali l-perijodu ta' esklussività ma għandux jaqbeż l-għaxar snin. Fejn dak il-perijodu jaqbeż l-għaxar snin, id-durata tiegħu għandha tkun suġġetta għal rieżami matul il-11-il sena u, jekk applikabbli, kull seba' snin wara dan.

L-arranġamenti li jagħtu drittijiet esklussivi msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu trasparenti u disponibbli għall-pubbliku.

Fil-każ ta' dritt esklussiv imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat għandu jingħata kopja mingħajr ħlas tar-riżorsi kulturali diġitalizzati bħala parti minn dawk l-arranġamenti. Dik il-kopja għandha tkun disponibbli għall-użu mill-ġdid fi tmiem il-perijodu ta' esklussività.

4.   L-arranġamenti prattiċi jew legali li, mingħajr ma jagħtu espressament dritt esklussiv, ikollhom l-għan jew jistgħu raġonevolment ikunu mistennija li jwasslu għal disponibbiltà ristretta tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti minn entitajiet oħra li mhumiex il-partijiet terzi li qed jieħdu sehem fl-arranġament, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku online mill-inqas xahrejn qabel ma jidħlu fis-seħħ. L-effett ta' tali arranġamenti prattiċi jew legali fuq id-disponibbiltà ta' data għall-użu mill-ġdid għandu jkun soġġett għal rieżami regolari u għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi rieżaminat kull tliet snin. It-termini finali ta' dawn l-arranġamenti għandhom ikunu trasparenti u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku online.

5.   Arranġamenti esklussivi li ilhom jeżistu mis-17 ta' Lulju 2013 li ma jikkwalifikawx għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, u li jkunu daħlu għalihom il-korpi tas-settur pubbliku, għandhom jintemmu fi tmiem il-kuntratt u, fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mit-18 ta' Lulju 2043.

Arranġamenti esklussivi diġà eżistenti fis-16 ta' Lulju 2019 li ma jikkwalifikawx għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, u li kienu daħlu għalihom il-korpi tas-settur pubbliku, għandhom jintemmu fi tmiem il-kuntratt u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mis-17 ta' Lulju 2049.

KAPITOLU V

SETTIJIET TAD-DATA TA' VALUR GĦOLI

Artikolu 13

Kategoriji tematiċi ta' settijiet tad-data ta' valur għoli

1.   Sabiex jiġu previsti kondizzjonijiet li jappoġġaw l-użu mill-ġdid ta' settijiet tad-data ta' valur għoli, ġiet stabbilita fl-Anness I lista ta' kategoriji tematiċi ta' tali settijiet tad-data.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 15 sabiex jiġi emendat l-Anness I billi jiżdiedu kategoriji tematiċi ġodda ta' settijiet tad-data ta' valur għoli sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi teknoloġiċi u dawk fis-suq.

Artikolu 14

Settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli u arranġamenti għall-pubblikazzjoni u l-użu mill-ġdid

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu lista ta' settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli li jagħmlu parti mill-kategoriji stabbiliti fl-Anness I u miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku u impriżi pubbliċi fost id-dokumenti li għalihom tapplika din id-Direttiva.

Tali settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli għandhom ikunu:

(a)

disponibbli mingħajr ħlas soġġetti għall-paragrafi 3, 4 u 5;

(b)

f'format li jinqara mill-magni;

(c)

ipprovduti permezz ta' APIs; u

(d)

ipprovduti bħala tniżżil massiv, fejn rilevanti.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jistgħu jispeċifikaw l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' settijiet tad-data ta' valur għoli. Tali arranġamenti għandhom ikunu kompatibbli ma' liċenzji standard miftuħa.

L-arranġamenti jistgħu jinkludu termini applikabbli għall-użu mill-ġdid, formati ta' data u metadata u arranġamenti tekniċi tad-disseminazzjoni. Investimenti magħmula mill-Istati Membri f'approċċi tad-data miftuħa, bħal investimenti fl-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' ċerti standards, għandhom jiġu kkunsidrati u bbilanċati mal-benefiċċji potenzjali minn inklużjoni fil-lista.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

2.   L-identifikazzjoni ta' settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli skont il-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-potenzjal tagħhom li:

(a)

jiġġeneraw benefiċċji soċjoekonomiċi jew ambjentali importanti, u servizzi innovattivi,

(b)

jibbenefikaw lil għadd kbir ta' utenti, b'mod partikolari SMEs;

(c)

jgħinu biex jiġi ġġenerat id-dħul; u

(d)

jiġu kkombinati ma' settijiet oħra tad-data.

Għall-fini tal-identifikazzjoni ta' tali settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli, il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta' esperti, twettaq valutazzjoni tal-impatt u tiżgura komplementarjetà mal-atti legali eżistenti, bħad-Direttiva 2010/40/UE, fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta' dokumenti. Dik il-valutazzjoni tal-impatt għandha tinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u analiżi ta' jekk il-provvista ta' settijiet tad-data ta' valur għoli mingħajr ħlas minn korpi tas-settur pubbliku, li huma meħtieġa jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali mill-ispejjeż tagħhom marbutin mal-prestazzjoni tal-kompiti pubbliċi tagħhom, hux ser twassal għal impatt sostanzjali fuq il-baġit ta' tali korpi. Fir-rigward ta' settijiet tad-data ta' valur għoli miżmuma mill-impriżi pubbliċi, il-valutazzjoni tal-impatt għandha tagħti attenzjoni speċjali lir-rwol tal-impriżi pubbliċi f'ambjent ekonomiku kompetittiv.

3.   Permezz ta' derogazzjoni mill-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-atti ta' implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jipprevedu li d-disponibbiltà ta' settijiet tad-data ta' valur għoli mingħajr ħlas m'għandhiex tapplika għal settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli miżmuma minn impriżi pubbliċi fejn dan iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti.

4.   Ir-rekwiżit li s-settijiet tad-data ta' valur għoli jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 m'għandhiex tapplika għal libreriji, inkluż libreriji universitarji, mużewijiet u arkivji.

5.   Fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' settijiet tad-data ta' valur għoli mingħajr ħlas minn korpi tas-settur pubbliku li huma meħtieġa jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali mill-ispejjeż tagħhom marbutin mal-prestazzjoni tal-kompiti pubbliċi tagħhom iwassal għal impatt sostanzjali fuq il-baġit tal-korpi involuti, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw dawk il-korpi mir-rekwiżit li jagħmlu dawk is-settijiet tad-data ta' valur għoli disponibbli bla ħlas għal perijodu ta' mhux aktar minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta' implimentazzjoni rilevanti adottat f'konformità mal-paragrafu 1.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 13(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mis-16 ta' Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lil esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   L-att delegat adottat skont l-Artikolu 13(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jagħlaq dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 16

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat dwar data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-17 ta' Lulju 2021. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Huma għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva mħassra b'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza u kif għandha tiġi fformulata dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 18

Evalwazzjoni tal-Kummissjoni

1.   Mhux aktar kmieni mis-17 ta' Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva, u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin ta' dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

L-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta' dak ir-rapport.

2.   L-evalwazzjoni għandha tindirizza b'mod partikolari l-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt soċjali u ekonomiku ta' din id-Direttiva, inkluż:

(a)

id-daqs taż-żieda fl-użu mill-ġdid tad-dokumenti tas-settur pubbliku, li tapplika għalihom din id-Direttiva, speċjalment mill-SMEs;

(b)

l-impatt tas-settijiet tad-data ta' valur għoli;

(c)

l-effetti tal-prinċipji applikati għat-tariffar u l-użu mill-ġdid ta' testi uffiċjali ta' natura leġislattiva u amministrattiva;

(d)

l-użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma minn entitajiet oħra li mhumiex korpi tas-settur pubbliku;

(e)

id-disponibbiltà u l-użu ta' APIs;

(f)

l-interazzjoni bejn ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid;

(g)

possibbiltajiet oħra biex jitjieb il-funzjonament xieraq tas-suq intern, jiġi appoġġat l-iżvilupp ekonomiku u dak tas-suq tax-xogħol.

Artikolu 19

Tħassir

Fid-Direttiva 2003/98/KE, kif emendata mid-Direttiva elenkata fl-Anness II, il-Parti A, titħassar b'effett mis-17 ta' Lulju 2021, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati ta' applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, il-Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 238.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

(3)  Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).

(4)  Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1).

(5)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(7)  Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(8)  Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(9)  Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).

(10)  Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(11)  Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).

(12)  Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

(13)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta' Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7).

(14)  Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

(15)  Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

(16)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(17)  Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(18)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(19)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(20)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(21)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(22)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(23)  ĠU C 305, 30.8.2018. p. 7.


ANNESS I

Lista ta' kategoriji tematiċi ta' settijiet tad-data ta' valur għoli, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)

1.

Data ġeospazjali

2.

Data dwar l-osservazzjoni tad-dinja u l-ambjent

3.

Data meteoroloġika

4.

Data statistika

5.

Data dwar il-kumpanniji u l-proprjetà tal-kumpanniji

6.

Data dwar il-mobbiltà


ANNESS II

Parti A

Direttiva mħassra flimkien mal-emenda tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 19)

Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90)

 

Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1)

 

Parti B

Skadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u dati ta' applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 19)

Direttiva

Skadenza għat-traspożizzjoni

Data ta' applikazzjoni

2003/98/KE

fl-1 ta' Lulju 2005.

fl-1 ta' Lulju 2005.

2013/37/UE

fit-18 ta' Lulju 2015.

fit-18 ta' Lulju 2015.


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 2003/98/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1), test introduttiv

 

Artikolu 1(1)(a), (b) u (c)

Artikolu 1(2), test introduttiv

Artikolu 1(2), test introduttiv

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 1(2)(b)

Artikolu 1(2)(b)

Artikolu 1(2)(c)

Artikolu 1(2)(c)

Artikolu 1(2)(d)

Artikolu 1(2)(e)

Artikolu 1(2)(ca)

Artikolu 1(2)(f)

Artikolu 1(2)(cb)

Artikolu 1(2)(g)

Artikolu 1(2)(cc)

Artikolu 1(2)(h)

Artikolu 1(2)(d)

Artikolu 1(2)(i)

Artikolu 1(2)(e)

Artikolu 1(2)(l)

Artikolu 1(2)(f)

Artikolu 1(2)(j)

Artikolu 1(2)(k)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(5)

Artikolu 1(5)

Artikolu 1(6) u (7)

Artikolu 2, test introduttiv

Artikolu 2, test introduttiv

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3) u (5)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(6)

Artikolu 2(7) sa (10)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(11)

Artikolu 2(5)

Artikolu 2(12)

Artikolu 2(6)

Artikolu 2(13)

Artikolu 2(7)

Artikolu 2(14)

Artikolu 2(8)

Artikolu 2(15)

Artikolu 2(9)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(16) u (17)

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(5)

Artikolu 4(5)

Artikolu 4(6), test introduttiv

 

Artikolu 4(6)(a) u (b)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(4)

Artikolu 5(5) sa (8)

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(2), test introduttiv

Artikolu 6(2), test introduttiv

Artikolu 6(2)(a)

Artikolu 6(2)(a)

Artikolu 6(2)(b)

Artikolu 6(2)(c)

Artikolu 6(2)(b)

Artikolu 6(2)(c)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(4)

Artikolu 6(4)

Artikolu 6(5)

Artikolu 6(6)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(4)

Artikolu 7(3)

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(2)

Artikolu 10(1) u (2)

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11(1)

Artikolu 12(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 12(2)

Artikolu 11(2a)

Artikolu 12(3)

Artikolu 12(4)

Artikolu 11(3)

Artikolu 11(4)

Artikolu 12(5)

Artikoli 13 sa 16

Artikolu 12

Artikolu 17(1)

Artikolu 17(2)

Artikolu 13(1)

Artikolu 18(1)

Artikolu 13(2)

Artikolu 13(3)

Artikolu 18(2), test introduttiv

Artikolu 18(2)(a) sa (g)

Artikolu 19

Artikolu 14

Artikolu 20

Artikolu 15

Artikolu 21

Annessi I, II u III