ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 155

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
12 ta' Ġunju 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent ( 1 )

1

 


 

(1)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/1


DIRETTIVA (UE) 2019/904 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Ġunju 2019

dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-funzjonalità għolja u l-kost relattivament baxx tal-plastik ifisser li dan il-materjal jinstab mifrux dejjem aktar u kullimkien fil-ħajja ta’ kuljum. Filwaqt li l-plastik għandu rwol utli fl-ekonomija u jipprovdi applikazzjonijiet essenzjali f’bosta setturi, l-użu dejjem jikber tiegħu f’applikazzjonijiet b’ħajja qasira, li mhumiex maħsuba għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ kosteffettiv, ifisser li x-xejriet ta’ produzzjoni u konsum relatati saru dejjem aktar ineffiċjenti u lineari. Għalhekk, fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2015 intitolata “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari”, il-Kummissjoni kkonkludiet fl-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks stabbilita Komunikazzjoni tagħha tas-16 ta’ Jannar 2018 intitolata “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari” li ż-żieda kostanti fil-ġenerazzjoni tal-iskart tal-plastik u r-rilaxx tal-iskart tal-plastik fl-ambjent, b’mod partikolari fl-ambjent tal-baħar, iridu jiġu indirizzati sabiex jinkiseb ċiklu tal-ħajja ċirkolari għall-plastiks. L-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks hija pass ’il quddiem lejn l-istabbiliment ta’ ekonomija ċirkolari fejn id-disinn u l-produzzjoni ta’ plastiks u ta’ prodotti tal-plastik jirrispettaw bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-użu mill-ġdid, tat-tiswija u tar-riċiklaġġ, u fejn jiġu żviluppati u promossi materjali aktar sostenibbli. L-impatt negattiv sinifikanti ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, is-saħħa u l-ekonomija jappella għall-istabbiliment ta’ qafas legali speċifiku li jnaqqas b’mod effettiv dawk l-impatti negattivi.

(2)

Din id-Direttiva tippromwovi approċċi ċirkolari li jipprijoritizzaw prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw, li jkunu sostenibbli u ma jkunux tossiċi u sistemi tal-użu mill-ġdid pjuttost milli prodotti ta’ użu uniku, bil-għan li l-ewwel u qabel kollox inaqqsu l-ammont ta’ skart ġenerat. Tali prevenzjoni tal-iskart hija fil-quċċata tal-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Din id-Direttiva ser tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-Għan 12 ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) li jiżgura xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni, li huwa parti mill-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta’ Settembru 2015. Biż-żamma tal-valur tal-prodotti u l-materjali għall-itwal żmien possibbli u bil-ġenerazzjoni ta’ anqas skart, l-ekonomija tal-Unjoni tista’ ssir aktar kompetittiva u aktar reżiljenti, filwaqt li titnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi prezzjużi u fuq l-ambjent.

(3)

Ir-rimi bl-addoċċ fil-baħar huwa ta’ natura transkonfinali u huwa rikonoxxut bħala problema globali li qed tikber. It-tnaqqis tar-rimi bl-addoċċ fil-baħar huwa azzjoni ewlenija għall-kisba tal-Għan 14 ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU li jitlob konservazzjoni u użu sostenibbli tal-oċeani, tal-ibħra u tar-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli. Jenħtieġ ferm li l-Unjoni tagħti s-sehem tagħha għall-prevenzjoni u t-trattament tar-rimi bl-addoċċ fil-baħar u għandu jkollha l-għan li tkun mudell standard għad-dinja. F’dak il-kuntest, l-Unjoni qed taħdem ma’ msieħba f’bosta fora internazzjonali bħall-G20, il-G7 u n-NU biex tippromwovi l-azzjoni konġunta u din id-Direttiva tagħmel parti mill-isforzi tal-Unjoni f’dak ir-rigward. Sabiex dawk l-isforzi jkunu effettivi, huwa importanti wkoll li l-esportazzjoni ta’ skart tal-plastik mill-Unjoni ma jirriżultax f’żieda fir-rimi bl-addoċċ fil-baħar band’oħra.

(4)

Skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS) (5), il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar mir-Rimi ta’ Skart u Materja Oħra tad-29 ta’ Diċembru 1972 (‘Konvenzjoni ta’ Londra’) u l-Protokoll tagħha tal-1996 (‘Protokoll ta’ Londra’), l-Anness V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti tal-1973 (MARPOL), kif mofifikat mill-Protokoll tal-1978 relatat miegħu, u l-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-kontroll tal-movimenti li jaqsmu l-fruntieri tal-iskart ta’ riskju u d-disponiment minnhom tat-22 ta’ Marzu 1989 (6) u skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart, jiġifieri d-Direttiva 2008/98/KE u d-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw il-ġestjoni tajba tal-iskart sabiex jiġi evitat u jitnaqqas ir-rimi bl-addoċċ fil-baħar minn sorsi kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. F’konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-ilma, jiġifieri d-Direttivi 2000/60/KE (8) u 2008/56/KE (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Istati Membri huma meħtieġa wkoll li jindirizzaw ir-rimi bl-addoċċ fil-baħar fejn dan jimmina l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar tagħhom, inkluż bħala kontribuzzjoni għall-Għan 14 ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(5)

Fl-Unjoni, bejn 80 u 85 % tar-rimi bl-addoċċ fil-baħar, imkejjel bħala għadd ta’ rimi bl-addoċċ fuq ix-xtajtiet, huwa plastik, li mit-total 50 % huwa kkostitwit minn oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss filwaqt li oġġetti relatati mas-sajd jirrappreżentaw 27 %. Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss jinkludu firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-konsumatur użati komunement u li jimxu ħafna u li jintremew wara li jintużaw darba għall-fini li għalih ġew ipprovduti, rarament jiġu riċiklati, u huma suxxettibbli għar-rimi bl-addoċċ. Proporzjon sinifikanti tal-irkaptu tas-sajd li jitqiegħed fis-suq ma jinġabarx għat-trattament. Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik għalhekk jikkostitwixxu problema partikolarment serja fil-kuntest tar-rimi bl-addoċċ fil-baħar, joħolqu riskju serju għall-ekosistemi tal-baħar, għall-bijodiversità u għas-saħħa tal-bniedem u huma ta’ ħsara għall-attivitajiet bħat-turiżmu, is-sajd u t-tbaħħir.

(6)

Il-ġestjoni xierqa tal-iskart tibqa’ essenzjali għall-prevenzjoni tar-rimi bl-addoċċ kollu, inkluż ir-rimi bl-addoċċ fil-baħar. Il-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttivi 2008/98/KE, 2000/59/KE, 2000/60/KE, u 2008/56/KE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (10) u strumenti ta’ politika jipprovdu xi reazzjonijiet regolatorji li jindirizzaw ir-rimi bl-addoċċ fil-baħar. B’mod partikolari, l-iskart tal-plastik huwa soġġett għal miżuri u miri ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-iskart, bħall-mira tar-riċiklaġġ għall-iskart ta’ imballaġġ tal-plastik stabbilita fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE (11) u l-għan fl-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks biex jiġi żgurat li sal-2030 l-imballaġġ tal-plastik kollu li jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni jkun użabbli mill-ġdid jew faċilment riċiklat. Madankollu, l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq ir-rimi bl-addoċċ fil-baħar mhuwiex biżżejjed u hemm differenzi fl-ambitu u l-livell ta’ ambizzjoni fost miżuri nazzjonali għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tar-rimi bl-addoċċ fil-baħar. Barra minn hekk, uħud minn dawk il-miżuri, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni.

(7)

Sabiex l-isforzi jiġu ffukati fejn huma l-aktar meħtieġa, jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri biss dawk il-prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss li l-aktar jinstabu fuq ix-xtajtiet fl-Unjoni kif ukoll l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik u prodotti magħmula minn plastik ossodegradabbli. Il-prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss koperti b’miżuri taħt din id-Direttiva huma stmati li jirrappreżentaw madwar 86 % tal-plastiks ta’ użu darba biss misjuba, skont l-għadd, fuq ix-xtajtiet fl-Unjoni. Il-kontenituri tax-xorb magħmula mill-metall u l-ħġieġ jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Direttiva peress li mhumiex fost il-prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss li l-aktar jinsabu fuq ix-xtajtiet fl-Unjoni.

(8)

Il-mikroplastiks ma jaqgħux direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, madankollu dawn jikkontribwixxu għar-rimi bl-addoċċ fil-baħar u jenħtieġ għalhekk li l-Unjoni tadotta approċċ komprensiv għal dik il-problema. L-Unjoni għandha tħeġġeġ lill-produtturi kollha sabiex jillimitaw strettament il-mikroplastiks fil-formulazzjonijiet tagħhom.

(9)

It-tniġġis terrestri u l-kontaminazzjoni tal-ħamrija minn oġġetti akbar tal-plastik u frammenti jew mikroplastiks li jirriżultaw minnhom jistgħu jkunu sinifikanti u tali plastik jista’ jinfirex fl-ambjent tal-baħar.

(10)

Din id-Direttiva hija lex specialis relattivament għad-Direttivi 94/62/KE u 2008/98/KE. Jenħtieġ li f’każ ta’ konflitt bejn dawk id-Direttivi u din id-Direttiva, tkun din id-Direttiva li tipprevalixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Dak huwa l-każ għal restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq. B’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri għat-tnaqqis tal-konsum, ir-rekwiżiti tal-prodotti, ir-rekwiżiti tal-immarkar u r-responsabbiltà estiża tal-produttur, din id-Direttiva tissupplimenta d-Direttivi 94/62/KE u 2008/98/KE u d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(11)

Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss jistgħu jiġu mmanifatturati minn firxa wiesgħa ta’ plastiks. Il-plastiks huma normalment iddefiniti bħala materjali polimeriċi li magħhom setgħu ġew miżjuda l-additivi. Madankollu, dik id-definizzjoni tkopri ċerti polimeri naturali. Jenħtieġ li l-polimeri naturali mhux modifikati, fis-sens tad-definizzjoni ta’ ‘sustanzi mhux modifikati b’mod kimiku’ fil-punt 40 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), ma jkunux koperti minn din id-Direttiva għaliex jeżistu b’mod naturali fl-ambjent. Għalhekk, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ polimeru fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tiġi adattata u li tiġi introdotta definizzjoni separata. Il-plastiks manifatturati b’polimeri naturali modifikati, jew il-plastiks manifatturati minn sustanzi inizjali b’bażi bijoloġika, ta’ fossili jew sintetika mhumiex ta’ oriġini naturali u għalhekk jenħtieġ li jiġu indirizzati f’din id-Direttiva. Għalhekk jenħtieġ li d-definizzjoni adattata tal-plastiks tkopri l-oġġetti tal-lasktu b’bażi ta’ polimeri u l-plastiks b’bażi bijoloġika u bijodegradabbli irrispettivament minn jekk humiex derivati minn bijomassa jew humiex intenzjonati biex jiġu bijodegradati maż-żmien. Jenħtieġ li ż-żebgħa, il-linek u l-adeżivi ma jkunux indirizzati minn din id-Direttiva u jenħtieġ għalhekk li dawn il-materjali polimeriċi ma jkunux koperti mid-definizzjoni.

(12)

Sabiex jiġi definit b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi definit it-terminu ‘prodott tal-plastik li jintuża darba biss’. Jenħtieġ li d-definizzjoni teskludi prodotti tal-plastik li huma maħsuba, iddisinjati u mqegħdin fis-suq biex, matul il-ħajja tagħhom, jagħmlu vjaġġi jew rotazzjonijiet multipli billi jerġgħu jimtlew jew jintużaw mill-ġdid għall-istess skop li għalih huma maħsuba. Tipikament, il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss huma maħsuba biex jintużaw darba biss jew għal żmien qasir qabel ma jintremew. Jenħtieġ li l-‘wet wipes’ għall-kura personali u l-użu domestiku jkunu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, waqt li jenħtieġ li l-‘wet wipes’ industrijali jkunu esklużi. Biex jiġi ċċarat aktar jekk prodott għandux jiġi kkunsidrat bħala prodott tal-plastik li jintużaw darba biss għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Fid-dawl tal-kriterji stabbiliti f’din id-Direttiva, eżempji ta’ kontenituri tal-ikel li għandhom jiġu kkunsidrati, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, bħala prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss huma kontenituri ta’ ‘fast-food’ jew kaxex tal-ikel, tas-sandwiches, tar-‘wraps’ u tal-insalata b’ikel kiesaħ jew sħun, jew kontenituri tal-ikel frisk jew ipproċessat li ma jeħtieġx aktar tħejjija, bħal frott, ħxejjex jew deżerti. Eżempji ta’ kontenituri tal-ikel li m’għandhomx jiġu kkunsidrati, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, bħala prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss huma kontenituri tal-ikel b’ikel imnixxef jew ikel li jinbiegħ kiesaħ li jeħtieġ aktar tħejjija, kontenituri li fihom ikel f’aktar minn porzjon wieħed jew kontenituri tal-ikel b’porzjon wieħed mibjugħa f’aktar minn unità waħda.

Eżempji għal kontenituri tax-xorb li għandhom jitqiesu bħala prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss huma fliexken tax-xorb jew l-imballaġġ imħallat ta’ xorb użat għal birra, inbid, ilma, likwidu mhux alkoħoliku għax-xorb, meraq u nettari, xorb istantanju jew ħalib, iżda mhux tazez għax-xorb peress li dawn huma, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, kategorija separata ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Fir-rigward tal-kontenituri tax-xorb magħmula mill-ħġieġ u l-metall, billi m’humiex fost il-prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss li l-aktar jinstabu fuq ix-xtajtiet fl-Unjoni, jenħtieġ li dawn ma jkunux koperti minn din id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ reviżjoni ta’ din id-Direttiva, tivvaluta fost oħrajn it-tappijiet u l-għotjien tal-plastik użati għal kontenituri tax-xorb tal-ħġieġ u tal-metall.

(13)

Jenħtieġ li prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, li huma koperti minn din id-Direttiva, jiġu indirizzati minn miżura waħda jew minn bosta miżuri, u dan jiddependi minn diversi fatturi, pereżempju d-disponibbiltà ta’ alternattivi adatti u aktar sostenibbli, il-fattibbiltà ta’ tibdil fix-xejriet tal-konsum, u l-punt safejn ikunu diġà koperti mil-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni.

(14)

Għal ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, għad mhumiex faċilment disponibbli alternattivi adatti u aktar sostenibbli u l-konsum tal-biċċa l-kbira ta’ tali prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mistenni li jiżdied. Sabiex din ix-xejra titreġġa’ lura u sabiex jiġu promossi sforzi lejn soluzzjonijiet aktar sostenibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji, pereżempju billi jistabbilixxu miri ta’ tnaqqis fil-konsum nazzjonali, biex jinkiseb tnaqqis ambizzjuż u sostnut fil-konsum ta’ dawk il-prodotti, mingħajr ma jikkompromettu l-iġjene tal-ikel, is-sikurezza tal-ikel, prattiki tal-iġjene tajba, prattiki tajba ta’ manifattura, l-informazzjoni għall-konsumatur, jew ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002 (14), (KE) Nru 852/2004 (15) u (KE) Nru 1935/2004 (16) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u leġislazzjoni rilevanti oħra relatata mas-sikurezza, l-iġjene u t-tikkettar tal-ikel. L-Istati Membri jimmiraw lejn l-ogħla livell possibbli ta’ ambizzjoni għal dawk il-miżuri, li jenħtieġ li jwasslu għal treġġigħ lura sostanzjali ta’ tendenzi ta’ konsum li qed jiżdied u jwasslu għal tnaqqis kwantitattiv miżurabbli. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jqisu l-impatt tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inkluż meta jinstabu fl-ambjent tal-baħar, u jenħtieġ li jirrispettaw il-ġerarkija tal-iskart.

Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplimentaw dak l-obbligu permezz ta’ restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li huma jiżguraw li tali restrizzjonijiet ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji. Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu l-użu ta’ prodotti li jkunu adatti biex jintużaw aktar minn darba u li jkunu, wara li jsiru skart, adatti għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.

(15)

Għal tipi oħra ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, jinsabu disponibbli alternattivi adatti u aktar sostenibbli li huma wkoll affordabbli. Sabiex jiġi limitat l-impatt negattiv fuq l-ambjent ta’ tali prodotti li jintużaw darba biss, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jipprojbixxu t-tqegħid tagħhom fis-suq. B’hekk ikun qed jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ dawk l-alternattivi faċilment disponibbli u aktar sostenibbli kif ukoll ta’ soluzzjonijiet innovattivi favur mudelli tan-negozju aktar sostenibbli, favur alternattivi riutilizzabbli u s-sostituzzjoni ta’ materjali. Ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq introdotti f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkopru wkoll prodotti magħmulin minn plastik ossodegradabbli, peress li dak it-tip ta’ plastik mhuwiex bijodegradabbli sew u għalhekk jikkontribwixxi għat-tniġġis mill-mikroplastik fl-ambjent, mhuwiex kompostabbli, jaffettwa b’mod negattiv ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali u jonqos milli jagħti benefiċċju ambjentali ppruvat. Barra minn hekk, minħabba l-prevalenza għolja tar-rimi bl-addoċċ tal-polistiren espandut fl-ambjent tal-baħar u billi hemm alternattivi disponibbli, il-kontenituri tal-ikel u tax-xorb li jintużaw darba biss magħmula mill-polistiren espandut jenħtieġ li jiġu ristretti wkoll.

(16)

Il-filtri tal-prodotti tat-tabakk li fihom il-plastik huma t-tieni oġġetti tal-plastik ta’ użu darba biss li l-aktar jintremew bl-addoċċ fuq ix-xtajtiet tal-Unjoni. L-impatt ambjentali enormi kkawżat mill-iskart wara l-konsum ta’ prodotti tat-tabakk bil-filtri li fihom il-plastik, mormija direttament fl-ambjent jeħtieġ li jitnaqqas. L-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti huma mistennija jipprovdu alternattivi vijabbli għal filtri li fihom il-plastik u jeħtieġu li jiġu aċċellerati. Skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għal prodotti tat-tabakk b’filtri li fihom il-plastik ukoll għandhom iħeġġu l-innovazzjoni li twassal għall-iżvilupp ta’ alternattivi sostenibbli għal filtri tal-prodotti tat-tabakk li fihom il-plastik. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu firxa wiesgħa ta’ miżuri biex jitnaqqas ir-rimi bl-addoċċ wara l-konsum ta’ filtri ta’ prodotti tat-tabakk li fihom il-plastik.

(17)

It-tappijiet u l-għotjien magħmula mill-plastik li jintużaw għal kontenituri tax-xorb huma fost l-oġġetti tal-plastik ta’ użu darba biss li l-aktar jinstabu fuq ix-xtajtiet tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-kontenituri tax-xorb li huma prodotti li jintużaw darba biss jitħallew jitqiegħdu fis-suq biss jekk jissodisfaw rekwiżiti speċifiċi tad-disinn tal-prodott li b’mod sinifikanti jnaqqsu t-tifrix fl-ambjent ta’ tappijiet u għotjien ta’ kontenituri tax-xorb magħmula mill-plastik. Għall-kontenituri tax-xorb li jikkostitwixxu kemm prodotti kif ukoll imballaġġi tal-plastik li jintużaw darba biss, dak ir-rekwiżit huwa addizzjonali għar-rekwiżiti essenzjali dwar il-kompożizzjoni u n-natura tal-imballaġġi li jistgħu jintużaw mill-ġdid u jiġu rkuprati, inklużi r-riċiklabbli, msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 94/62/KE.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mar-rekwiżit tad-disinn tal-prodott u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern, jenħtieġ li jiġi żviluppat standard armonizzat adottat skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), u l-konformità ma’ dak l-istandard għandha toħloq preżunzjoni ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti. Għalhekk, l-iżvilupp f’waqtu ta’ standard armonizzat huwa tal-ogħla prijorità biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li jkun previst biżżejjed żmien għall-iżvilupp ta’ standard armonizzat u li l-produtturi jitħallew jadattaw il-ktajjen tal-produzzjoni tagħhom relattivament għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit tad-disinn tal-prodott. Sabiex jiġi żgurat l-użu ċirkolari tal-plastiks, jeħtieġ li jiġi promoss id-dħul fis-suq ta’ materjali riċiklati. Għalhekk huwa xieraq li jiġu introdotti rekwiżiti għal kontenut minimu obbligatorju ta’ plastik riċiklat fil-fliexken tax-xorb.

(18)

Jenħtieġ li jitqies it-tul kollu tal-ħajja tal-prodotti tal-plastik meta jiġu mmanifatturati. Id-disinn ta’ prodotti tal-plastik jenħtieġ li dejjem iqis il-produzzjoni u l-fażi tal-użu u l-kapaċità tal-użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ tal-prodott. Fil-kuntest tar-rieżami li għandu jsir skont l-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 94/62/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-proprjetajiet relattivi ta’ materjali differenti tal-imballaġġ, inklużi materjali mħallta, abbażi ta’ valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, li jindirizzaw b’mod partikolari l-prevenzjoni tal-iskart u d-disinn għaċ-ċirkolarità.

(19)

Il-preżenza ta’ sustanzi kimiċi perikolużi fl-assorbenti sanitarji, fit-tampuni u fl-applikaturi tat-tampuni jenħtieġ li tiġi evitata fl-interess tas-saħħa tan-nisa. Fil-kuntest tal-proċess ta’ restrizzjonijiet taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, huwa xieraq li l-Kummissjoni tivvaluta aktar restrizzjonijiet fuq tali sustanzi.

(20)

Ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss jispiċċaw fl-ambjent bħala riżultat ta’ rimi inadegwat fil-kanali tad-drenaġġ jew ta’ rilaxx ieħor mhux adegwat fl-ambjent. Ir-rimi fis-sistema tal-kanali tad-drenaġġ, barra minn hekk, jista’ jikkawża ħsara ekonomika sostanzjali lin-netwerks tad-drenaġġ billi jimblokka l-pompi u jsodd il-pajpijiet. Għal dawk il-prodotti, spiss ikun hemm nuqqas sinifikanti ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi materjali tal-prodott jew dwar il-mezz adatt għar-rimi tal-iskart. Għalhekk, jenħtieġ li l-prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss li spiss jintremew fis-sistema tad-drenaġġ jew li jintremew b’xi mod ieħor mhux adegwat jiġu soġġetti għal rekwiżiti tal-immarkar. Jenħtieġ li l-immarkar jinforma lill-konsumaturi dwar għażliet adatti ta’ ġestjoni tal-iskart għall-prodott jew liema mezzi ta’ rimi tal-iskart għandhom jiġu evitati għall-prodott skont il-ġerarkija tal-iskart, u dwar il-preżenza ta’ plastiks fil-prodott kif ukoll l-impatt ambjentali negattiv li jirriżulta mir-rimi bl-addoċċ jew minn mezzi inadegwati oħrajn ta’ rimital-prodott. Jenħtieġ li l-immarkar, kif xieraq, ikun jew fuq l-imballaġġ tal-prodott jew direttament fuq il-prodott innifsu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet armonizzati għall-immarkar u meta tagħmel dan jenħtieġ li, fejn ikun xieraq, tittestja l-perċezzjoni tal-immarkar propost ma’ gruppi rappreżentattivi ta’ konsumaturi sabiex tiżgura li dan ikun effettiv u faċilment jinftiehem. Diġà hemm, taħt ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, rekwiżiti tal-immarkar li huma meħtieġa għall-irkaptu tas-sajd.

(21)

Fir-rigward ta’ prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss li għalihom m’hemmx faċilment disponibbli alternattivi adatti u iktar sostenibbli, jenħtieġ lil-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, jintroduċu wkoll skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur biex ikopru l-ispejjeż meħtieġa tal-ġestjoni tal-iskart u tat-tindif tar-rimi bl-addoċċ kif ukoll l-ispejjeż tal-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni sabiex jiġi impedut u jitnaqqas tali rimi bl-addoċċ. Jenħtieġ li dawk l-ispejjeż ma jaqbżux l-ispejjeż li huma meħtieġa biex jiġu pprovduti dawk is-servizzi b’mod kosteffiċjenti u jenħtieġ li dawn jiġu stabbiliti b’mod trasparenti bejn l-atturi kkonċernati.

(22)

Id-Direttiva 2008/98/KE tistabbilixxi rekwiżiti minimi ġenerali għall-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti japplikaw għall-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti minn din id-Direttiva, irrispettivament minn jekk l-metodu tagħhom ta’ implimentazzjoni huwiex permezz ta’ att leġislattiv jew permezz ta’ ftehimiet taħt din id-Direttiva. Ir-rilevanza ta’ xi rekwiżiti tiddependi fuq il-karatteristiċi tal-prodott. Il-ġbir separat mhuwiex meħtieġ biex jiġi żgurat trattament adatt f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart għal prodotti tat-tabakk b’filtri li fihom il-plastik, ‘wet wipes’ u bżieżaq. Għalhekk jenħtieġ li ma jkunx obbligatorju l-istabbiliment tal-ġbir separat għal dawk il-prodotti. Jenħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur li jkunu addizzjonali għal dawk stabbiliti mid-Direttiva 2008/98/KE, pereżempju, ir-rekwiżit fuq il-produtturi ta’ ċerti prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss li jkopru l-ispejjeż tat-tindif tal-rimi bl-addoċċ. Jenħtieġ ukoll li jkun possibbli li jkunu koperti l-ispejjeż biex tiġi stabbilita l-infrastruttura speċifika għall-ġbir tal-iskart wara l-konsum ta’ prodotti tat-tabakk, bħal kontenituri adatti ta’ skart f’postijiet fejn l-aktar isir rimi komuni bl-addoċċ. Il-metodoloġija tal-kalkolu għall-ispejjeż biex jitnaddaf ir-rimi bl-addoċċ jenħtieġ li tieħu kont tal-konsiderazzjonijiet tal-proporzjonalità. Sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-ispejjeż amministrattivi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw kontribuzzjonijiet finanzjarji lejn it-tindif tar-rimi bl-addoċċ billi jistabbilixxu ammonti fissi multiannwali adatti.

(23)

Il-persentaġġ kbir tal-plastik li ġej minn irkaptu tas-sajd mormi, inkluż irkaptu tas-sajd abbandunat u mitluf, mormi bl-addoċċ fil-baħar jindika li r-rekwiżiti legali eżistenti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, id-Direttiva 2000/59/KE u d-Direttiva 2008/98/KE ma jipprovdux biżżejjed inċentivi għar-ritorn lejn ix-xatt tal-irkaptu tas-sajd għall-ġbir u t-trattament. Is-sistema tal-imposta indiretta stabbilita taħt id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) tipprevedi sistema biex jitneħħa l-inċentiv għall-bastimenti li jarmu l-iskart tagħhom fil-baħar, u tiggarantixxi dritt ta’ konsenja. Madankollu, jenħtieġ li dik is-sistema tiġi ssupplimentata minn inċentivi finanzjarji ulterjuri għas-sajjieda biex itellgħu l-art l-iskart tal-irkaptu tas-sajd tagħhom sabiex tkun evitata kwalunkwe żieda potenzjali fl-imposta indiretta tal-iskart li jkollha titħallas. Billi l-komponenti tal-plastik tal-irkaptu tas-sajd għandhom potenzjal għoli ta’ riċiklaġġ, jenħtieġ li l-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, jintroduċu responsabbiltà estiża tal-produttur għall-irkaptu tas-sajd u l-komponenti tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik biex jiżguraw il-ġbir separat tal-irkaptu tas-sajd skartat u biex jiffinanzjaw il-ġestjoni tajba, fir-rigward tal-ambjent, ta’ skart ta’ rkaptu tas-sajd, b’mod partikolari r-riċiklaġġ.

(24)

Fil-qafas ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għal irkaptu tas-sajd li fih il-plastik, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw u jivvalutaw, f’konformità mal-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti f’din id-Direttiva, l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik.

(25)

Filwaqt li r-rimi bl-addoċċ fil-baħar kollu li fih il-plastik joħloq riskju għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem u jenħtieġ li jiġi ttrattat, jenħtieġ li jitqiesu wkoll konsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità. Għalhekk, jenħtieġ li s-sajjieda nfushom u l-artiġjani li jagħmlu rkaptu tas-sajd li fih il-plastik ma jitqisux bħala produtturi u jenħtieġ li ma jinżammux responsabbli biex jissodisfaw l-obbligi tal-produttur relatati mar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

(26)

L-inċentivi ekonomiċi u inċentivi oħra b’appoġġ għall-għażliet sostenibbli mill-konsumatur u l-promozzjoni ta’ imġiba responsabbli tal-konsumatur jistgħu jkunu għodda effettiva biex jinkisbu l-objettivi ta’ din id-Direttiva.

(27)

Il-fliexken tax-xorb li huma prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss huma wieħed minn fost l-oġġetti mormija bl-addoċċ fil-baħar li jinstabu l-aktar fuq ix-xtajtiet fl-Unjoni. Dan huwa minħabba sistemi ineffettivi tal-ġbir separat u l-parteċipazzjoni baxxa mill-konsumaturi f’dawk is-sistemi. Jeħtieġ li jiġu promossi sistemi aktar effikaċi tal-ġbir separat. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita mira minima tal-ġbir separat għall-fliexken tax-xorb li huma prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss. Filwaqt li l-obbligu ta’ ġbir separat ta’ skart jirrikjedi li l-iskart jinżamm separat skont it-tip u l-karatteristika, jenħtieġ li jkun possibbli li jinġabru ċerti tipi ta’ skart flimkien sakemm dan ma jimpedixxix riċiklaġġ ta’ kwalità għolja f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart f’konformità mal-Artikolu 10(2) u mal-punt (a) tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2008/98/KE. Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-mira tal-ġbir separat ikun ibbażat fuq l-ammont ta’ fliexken tax-xorb tal-plastik ta’ użu darba biss imqiegħed fis-suq fi Stat Membru jew alternattivament fuq l-ammont ta’ skart ta’ fliexken tax-xorb tal-plastik ta’ użu darba biss iġġenerat fi Stat Membru. Il-kalkolu tal-ammont tal-iskart iġġenerat fi Stat Membru jenħtieġ li jieħu kont debitu tal-iskart kollu ġġenerat minn fliexken tax-xorb tal-plastik ta’ użu darba biss, inklużi dawk mormija bl-addoċċ flok intremew permezz tas-sistemi ta’ ġbir tal-iskart. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu kapaċi jilħqu dik il-mira minima billi jistabbilixxu miri tal-ġbir separat għall-fliexken tax-xorb li huma prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss fil-qafas ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, billi jistabbilixxu skemi tar-rimborż tad-depożitu jew kwalunkwe miżura oħra li huma jqisu adatta. Dak ikollu impatt dirett u pożittiv fuq ir-rata tal-ġbir, fuq il-kwalità tal-materjal miġbur u fuq il-kwalità tal-materjal riċiklat, li joffri opportunitajiet għan-negozju tar-riċiklaġġ u għas-suq tal-materjal riċiklat. Dan ser jappoġġa l-kisba tal-miri tar-riċiklaġġ għall-iskart mill-imballaġġ stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE.

(28)

Sabiex ikunu impeduti r-rimi bl-addoċċ u mezzi inadegwati oħrajn ta’ rimi ta’ skart li jirriżultaw f’rimi bl-addoċċ fil-baħar ta’ materjal li fih il-plastik, jenħtieġ li l-konsumaturi ta’ prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss u utenti ta’ rkaptu tas-sajd li fih il-plastik ikunu infurmati tajjeb dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi ta’ użu mill-ġdid u ta’ sistemi tal-użu mill-ġdid, dwar għażliet disponibbli l-aktar adatti ta’ ġestjoni tal-iskart u/jew dwar liema għażliet tar-rimi tal-iskart għandhom jiġu evitati, dwar l-aqwa prattiki fir-rigward tal-ġestjoni tajba tal-iskart u l-impatt ambjentali ta’ prattiki skorretti ta’ rimi, kif ukoll dwar il-kontenut tal-plastik f’ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u fl-irkaptu tas-sajd u l-impatt ta’ rimi skorrett ta’ skart fin-netwerk tad-drenaġġ. Jenħtieġ li l-Istati Membri għalhekk jkunu obbligati jieħdu miżuri ta’ sensibilizzazzjoni li jiżguraw li dawk il-konsumaturi u utenti jingħataw tali informazzjoni. Jenħtieġ li l-informazzjoni ma tinkludi l-ebda kontenut promozzjonali li jħeġġeġ l-użu ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu l-miżuri l-aktar adatti bbażati fuq in-natura tal-prodott jew l-użu tiegħu. Jenħtieġ li l-produtturi tal-prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss u tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik ikopru l-ispejjeż tal-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni bħala parti mill-obbligi tagħhom ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

(29)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, ikun inkompatibbli mal-effett vinkolanti li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti lil Direttiva, li tiġi eskluża, fil-prinċipju, il-possibbiltà ta’ obbligu impost minn Direttiva milli jiġi invokat mill-persuni kkonċernati. Dik il-konsiderazzjoni tapplika b’mod partikolari fir-rigward ta’ Direttiva li għandha bħala l-objettiv tagħha li tevita u tnaqqas l-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent akkwatiku.

(30)

Huwa importanti li jiġu mmonitorjati l-livelli tar-rimi bl-addoċċ fil-baħar fl-Unjoni biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Skont id-Direttiva 2008/56/KE, l-Istati Membri huma meħtieġa li jimmonitorjaw regolarment il-proprjetajiet u l-kwantitajiet tar-rimi bl-addoċċ fil-baħar, inkluż ir-rimi bl-addoċċ tal-plastik fil-baħar. Jenħtieġ li dik id-data ta’ monitoraġġ tkun ikkomunikata wkoll lill-Kummissjoni.

(31)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u li jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jenħtieġ li jkunu effettivi, proprozjonati u dissważivi.

(32)

Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (19), jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq l-esperjenza meħuda u fuq id-data miġbura matul l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u fuq id-data miġbura taħt id-Direttivi 2008/56/KE u 2008/98/KE. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tipprovdi l-bażi għal valutazzjoni ta’ miżuri ulterjuri possibbli, inkluż l-istabbiliment ta’ miri ta’ tnaqqis għall-Unjoni kollha għall-2030 u wara, u għal valutazzjoni dwar jekk, fid-dawl tal-monitoraġġ tar-rimi bl-addoċċ fil-baħar fl-Unjoni, jeħtieġx li jiġi rivedut l-Anness li jelenka l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u jekk għandux jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal prodotti oħra li jintużaw darba biss.

(33)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tal-konsum annwali ta’ prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss li għalihom ġew stabbiliti għanijiet ta’ tnaqqis fil-konsum, tal-ispeċifikazzjonijiet għat-twaħħil tal-marka fuq ċerti prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss, tal-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tal-miri ta’ ġbir ta’ prodotti tal-plastik ta’ użu darba biss li għalihom ġew stabbiliti miri tal-ġbir separat u tal-format għar-rappurtar ta’ data u ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

(34)

Huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jagħżlu li jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva permezz ta’ ftehimiet bejn l-awtoritajiet kompetenti u s-setturi ekonomiċi konċernati, sakemm ċerti rekwiżiti jkunu sodisfatti.

(35)

Il-ġlieda kontra r-rimi bl-addoċċ hija sforz kondiviż bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-produtturi u l-konsumaturi. L-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jenħtieġ li jmexxu bl-eżempju.

(36)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li timpedixxi u tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, ta’ prodotti magħmulin minn plastik ossodegradabbli u ta’ rkaptu tas-sajd li fih il-plastik, u li tippromwovi t-transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, inkluża l-promozzjoni ta’ mudelli tan-negozju, prodotti u materjali innovattivi, u b’hekk li tikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għanijiet

L-għanijiet ta’ din id-Direttiva huma li timpedixxi u tnaqqas l-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, b’mod partikolari l-ambjent akwatiku, u fuq is-saħħa tal-bniedem, kif ukoll li tippromwovi t-transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari b’mudelli tan-negozju, prodotti u materjali innovattivi u sostenibbli, u b’hekk tikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għall-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fl-Anness, għal prodotti magħmulin minn plastik ossodegradabbli u għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik.

2.   Fejn din id-Direttiva tmur kontra d-Direttiva 94/62/KE jew 2008/98/KE, din id-Direttiva għandha tipprevalixxi.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“plastik” tfisser materjal magħmul minn polimeru kif definit fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jaf ikollu addittivi jew sustanzi oħra miżjuda, u li jista’ jiffunzjona bħala komponent strutturali prinċipali tal-prodotti finali, bl-eċċezzjoni tal-polimeri naturali li ma ġewx modifikati kimikament;

(2)

“prodott tal-plastik li jintuża darba biss” tfisser prodott li huwa magħmul kompletament jew parzjalment mill-plastik u li mhuwiex maħsub, iddisinjat jew imqiegħed fis-suq biex iwettaq, għat-tul tal-ħajja tiegħu, vjaġġi jew rotazzjonijiet multipli billi jiġi rritornat għand produttur biex jerġa’ jimtela jew biex jerġa’ jintuża għall-istess skop li għalih kien maħsub;

(3)

“plastik ossodegradabbli” tfisser materjali tal-plastik li jinkludu addittivi li, permezz ta’ ossidazzjoni, iwasslu għall-frammentazzjoni tal-materjal tal-plastik f’mikroframmenti jew għal dekompożizzjoni kimika;

(4)

“irkaptu tas-sajd” tfisser kwalunkwe oġġett jew biċċa tagħmir li jintuża fis-sajd jew fl-akkwakultura biex jimmira lejn, jaqbad jew irabbi, riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew li jkun f’wiċċ il-baħar, u li jintuża bil-għan li jattira u jaqbad jew irabbi tali riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(5)

“irkaptu tas-sajd skartat” tfisser kwalunkwe rkaptu tas-sajd li huwa kopert mid-definizzjoni ta’ skart fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE, inklużi l-komponenti, sustanzi jew materjali separati kollha, li kienu parti minn, jew marbuta ma’, tali rkaptu tas-sajd meta ġie skartat, inkluż meta kien abbandunat jew mitluf;

(6)

“tqegħid fis-suq” tfisser meta prodott isir disponibbli għall-ewwel darba fis-suq ta’ Stat Membru;

(7)

“isir disponibbli fis-suq” tfisser kwalunkwe forniment ta’ prodott għal distribuzzjoni, konsum jew użu fis-suq ta’ Stat Membru tul attività kummerċjali, kemm jekk isir bi ħlas kif ukoll jekk ikun mingħajr ħlas;

(8)

“standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt (1)(c) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(9)

“skart” tfisser skart kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(10)

“skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur” tfisser skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur kif definita fil-punt 21 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(11)

“produttur” tfisser:

(a)

kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi Stat Membru li timmanifattura, timla, tbiegħ jew timporta professjonalment, irrispettivament mill-metodu ta’ bejgħ użat, inkluż permezz ta’ kuntratti mill-bogħod kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), u tqiegħed fis-suq ta’ dak l-Istat Membru prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mimlija jew irkaptu tas-sajd li fih il-plastik, minbarra persuni li jwettqu attivitajiet tas-sajd kif definiti fil-punt (28) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22); jew

(b)

kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi Stat Membru wieħed jew f’pajjiż terz li professjonalment tbiegħ fi Stat Membru ieħor direttament lid-djar privati, jew lil utenti oħra li mhumiex djar privati, permezz ta’ kuntratti mill-bogħod kif definiti fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE, prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mimlijin jew rkaptu tas-sajd li fih il-plastik, għajr persuni li jwettqu attivitajiet tas-sajd kif definiti fil-punt (28) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(12)

“ġbir” tfisser ġbir kif definit fil-punt 10 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(13)

“ġbir separat” tfisser ġbir separat kif definit fil-punt 11 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(14)

“trattament” tfisser trattament kif definit fil-punt 14 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(15)

“imballaġġ” tfisser imballaġġ kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62/KE;

(16)

“plastik bijodegradabbli” tfisser plastik li kapaċi jgħaddi minn dekompożizzjoni fiżika u bijoloġika, b’tali mod li fl-aħħar jiddekomponi f’diossidu tal-karbonju (CO2), bijomassa u ilma, u huwa, b’mod konformi mal-istandards Ewropej għall-imballaġġ, rekuperabbli permezz tal-ikkompostjar u d-diġestjoni anaerobika;

(17)

“faċilitajiet tal-akkoljenza tal-portijiet” tfisser faċilitajiet tal-akkoljenza tal-port kif definiti fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/59/KE;

(18)

“prodotti tat-tabakk” tfisser prodotti tat-tabakk kif definiti fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE.

Artikolu 4

Tnaqqis tal-konsum

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiksbu tnaqqis ambizzjuż u sostnut fil-konsum ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti A tal-Anness, f’konformità mal-għanijiet ġenerali tal-politika tal-Unjoni dwar l-iskart, b’mod partikolari l-prevenzjoni tal-iskart, li jwassal għal treġġigħ lura sostanzjali ta’ tendenzi ta’ konsum li qed jiżdied. Dawk il-miżuri għandhom jiksbu tnaqqis kwantitattiv miżurabbli fil-konsum tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti A tal-Anness fit-territorju tal-Istat Membru sal-2026 meta mqabbel mal-2022.

Sat-3 ta’ Lulju 2021, l-Istati Membri għandhom iħejju deskrizzjoni tal-miżuri li jkunu adottaw skont l-ewwel subparagrafu, jinnotifikaw id-deskrizzjoni lill-Kummissjoni u jagħmluha disponibbli għall-pubbliku. L-Istati Membri għandhom jintegraw il-miżuri stipulati fid-deskrizzjoni fil-pjanijiet jew programmi msemmija fl-Artikolu 11 mal-ewwel aġġornament sussegwenti ta’ dawk il-pjanijiet jew programmi skont l-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni li jirregolaw dawk il-pjanijiet jew programmi, jew fi kwalunkwe programm ieħor imfassal speċifikament għal dak l-iskop.

Il-miżuri jistgħu jinkludu miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-konsum, miżuri li jiżguraw li fil-punt tal-bejgħ lill-konsumatur finali jkunu disponibbli alternattivi riutilizzabbli għall-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti A tal-Anness, strumenti ekonomiċi bħal strumenti li jiżguraw li dawk il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss ma jingħatawx mingħajr ħlas fil-punt tal-bejgħ lill-konsumatur finali u l-ftehimiet kif imsemmi fl-Artikolu 17(3). L-Istati Membri jistgħu jimponu restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni b’deroga mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62/KE għall-finijiet tal-prevenzjoni tar-rimi bl-addoċċ ta’ tali prodotti sabiex jiżguraw li dawn jiġu sostitwiti b’alternattivi li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li ma fihomx plastik. Il-miżuri jistgħu jvarjaw skont l-impatt ambjentali ta’ dawk il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inkluż meta jiġu mormija bl-addoċċ.

Il-miżuri adottati skont dan il-paragrafu għandhom ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk il-miżuri skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) fejn dan ikun meħtieġ minn dik id-Direttiva.

Sabiex ikun konformi mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kull Stat Membru għandu jimmonitorja l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti A tal-Anness li jitqiegħdu fis-suq u l-miżuri ta’ tnaqqis meħuda u għandu jirrapporta dwar il-progress li jkun sar lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 13(1) bil-ħsieb li jiġu stabbiliti miri kwantitattivi vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-konsum.

2.   Sat-3 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tat-tnaqqis ambizzjuż u sostnut fil-konsum tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti A tal-Anness. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 5

Restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma elenkati fil-Parti B tal-Anness u ta’ prodotti magħmulin minn plastik ossodegradabbli.

Artikolu 6

Rekwiżiti tal-prodotti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti C tal-Anness li jkollhom tappijiet u għotjien magħmula mill-plastik jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk it-tappijiet u l-għotjien jibqgħu mwaħħla mal-kontenituri matul l-istadju tal-użu intenzjonat tal-prodotti.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu it-tappijiet jew l-għotjien tal-metall b’siġilli tal-plastik ma għandhomx jitqiesu li huma magħmula mill-plastik.

3.   Sat-3 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni għandha titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw standards armonizzati fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1. Dawk l-istandards għandhom jindirizzaw b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġu żgurati s-saħħa, l-affidabbiltà u s-sikurezza meħtieġa għall-għeluq tal-kontenituri tax-xorb, inklużi dawk għax-xorb bil-gass.

4.   Mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenzi għall-istandards armonizzati msemmijin fil-paragrafu 3 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt li l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss -imsemmija fil-paragrafu 1 li jikkonformaw ma’ dawk l-istandards jew ma’ partijiet minnhom huma konformi mar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1.

5.   Fir-rigward ta’ fliexken tax-xorb elenkati fil-Parti F tal-Anness, kull Stat Membru għandu jiżgura li:

(a)

mill-2025, il-fliexken tax-xorb elenkati fil-Parti F tal-Anness li huma manifatturati minn polietilentereftalat bħala l-komponent ewlieni (“fliexken tal-PET”) ikun fihom tal-inqas 25 % ta’ plastik riċiklat, ikkalkulat bħala medja għal fliexken tal-PET kollha mqiegħda fis-suq fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru; u

(b)

mill-2030, fliexken tax-xorb elenkati fil-Parti F tal-Anness ikun fihom tal-inqas 30 % ta’ plastik riċiklat, ikkalkulat bħala medja għal tali fliexken tax-xorb kollha mqiegħda fis-suq fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

Sal-1 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw ir-regoli għall-kalkolu u l-verifika tal-miri stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 7

Rekwiżiti tal-immarkar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull prodott tal-plastik li jintuża darba biss li huwa elenkat fil-Parti D tal-Anness li jitqiegħed fis-suq ikun immarkat b’mod li jidher, jinqara b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq l-imballaġġ tiegħu jew fuq il-prodott innifsu sabiex il-konsumaturi jkunu mgħarrfa b’ dawn li ġejjin:

(a)

l-għażliet adatti ta’ ġestjoni tal-iskart għall-prodott jew il-mezzi għar-rimi tal-iskart li għandhom jiġu evitati għal dak il-prodott, skont il-ġerarkija tal-iskart; u

(b)

il-preżenza ta’ plastiks fil-prodott u l-impatt negattiv fuq l-ambjent li jirriżulta mir-rimi bl-addoċċ jew minn mezz ieħor inadegwat ta’ rimi tal-iskart tal-prodott.

L-ispeċifikazzjonijiet armonizzati ta’ mmarkar għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2.

2.   Sat-3 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet armonizzati għall-immarkar imsemmi fil-paragrafu 1 li:

(a)

jipprevedi li l-immarkar ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-punti (1), (2) u (3) tal-Parti D tal-Anness għandu jitqiegħed fuq l-imballaġġ tal-bejgħ u ta’ gruppi ta’ dawk il-prodotti. Fejn diversi unitajiet tal-bejgħ ikunu raggruppati fil-punt tax-xiri, kull unità tal-bejgħ għandu jkollha marka fuq l-imballaġġ tagħha. L-immarkar m’għandux ikun meħtieġ għall-imballaġġ b’erja tas-superfiċe ta’ inqas minn 10 cm2;

(b)

jipprevedi li l-immarkar ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-punt (4) tal-Parti D tal-Anness għandu jitqiegħed fuq il-prodott innifsu; u

(c)

jikkunsidra approċċi volontarji settorjali eżistenti u jagħti attenzjoni partikolari lill-ħtieġa li tiġi evitata informazzjoni li tqarraq bil-konsumaturi.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu li jikkonċernaw il-prodotti tat-tabakk huma b’żieda ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva 2014/40/UE.

Artikolu 8

Responsabbiltà estiża tal-produttur

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur ikunu stabbiliti għall-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss kollha elenkati fil-Parti E tal-Anness li jitqiegħdu fis-suq tal-Istat Membru, skont l-Artikoli 8 u 8a tad-Direttiva 2008/98/KE.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima I tal-Parti E tal-Anness ta’ din id-Direttiva jkopru l-ispejjeż skont id-dispożizzjonijiet ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur fid-Direttivi 2008/98/KE u 94/62/KE u, sa fejn mhux diġà inklużi, ikopru l-ispejjeż li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż tal-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ dawk il-prodotti;

(b)

l-ispejjeż tal-ġbir ta’ skart għal dawk il-prodotti mormija f’sistemi ta’ ġbir pubbliċi, inklużi l-infrastruttura u l-operat tagħha, u t-trasport u t-trattament sussegwenti ta’ dak l-iskart; u

(c)

l-ispejjeż biex jitnaddaf ir-rimi bl-addoċċ li jiriżulta minn dawk il-prodotti u t-trasport u t-trattament sussegwenti ta’ dak ir-rimi bl-addoċċ.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsimiet II u III tal-Parti E tal-Anness ikopru mill-inqas l-ispejjeż li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż tal-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 fir-rigward ta’ dawk il-prodotti;

(b)

l-ispejjeż biex jitnaddaf ir-rimi bl-addoċċ li jirriżulta minn dawk il-prodotti u t-trasport u t-trattament sussegwenti ta’ dak ir-rimi bl-addoċċ; u

(c)

l-ispejjeż tal-ġbir u r-rappurtar ta’ data skont il-punt (c) tal-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 2008/98/KE.

Fir-rigward tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima III tal-Parti E tal-Anness ma’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi, barra minn hekk, ikopru l-ispejjeż tal-ġbir ta’ skart għal dawk il-prodotti li jintremew f’sistemi ta’ ġbir pubbliċi, inklużi l-infrastruttura u l-operat tagħha, u t-trasport u t-trattament sussegwenti ta’ dak l-iskart. L-ispejjeż jistgħu jinkludu t-twaqqif ta’ infrastruttura speċifika għall-ġbir ta’ skart għal dawk il-prodotti, bħal kontenituri ta’ skart adatti f’postijiet fejn l-aktar isir rimi bl-addoċċ.

4.   L-ispejjeż li għandhom jiġu koperti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 m’għandhomx jaqbżu l-ispejjeż li huma meħtieġa biex jiġu pprovduti s-servizzi msemmija fihom b’mod kosteffiċjenti u għandhom jiġu stabbiliti b’mod trasparenti bejn l-atturi kkonċernati. L-ispejjeż biex jitnaddaf ir-rimi bl-addoċċ għandhom ikunu limitati għal attivitajiet imwettqa minn awtoritajiet pubbliċi jew f’isimhom. Il-metodoloġija tal-kalkolu għandha tiġi żviluppata b’mod li tippermetti li l-ispejjeż biex jitnaddaf ir-rimi bl-addoċċ jiġu stabbiliti b’mod proporzjonat. Sabiex jitnaqqsu għall-minimu l-ispejjeż amministrattivi, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw kontribuzzjonijiet finanzjarji lejn l-ispejjeż tat-tindif tar-rimi bl-addoċċ billi jistabbilixxu ammonti fissi pluriennali.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida għall-kriterji, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, dwar l-ispejjeż biex jitnaddaf ir-rimi bl-addoċċ imsemmi fil-paragrafi 2 u 3.

5.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu b’mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi rilevanti involuti kollha.

Fir-rigward tal-imballaġġ, dawk ir-rwoli u r-responsabbiltajiet għandhom ikunu definiti skont id-Direttiva 94/62/KE.

6.   Kull Stat Membru għandu jippermetti lill-produtturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jqiegħdu prodotti fis-suq tiegħu biex jaħtru persuna ġuridika jew fiżika stabbilita fit-territorju tiegħu bħala rappreżentant awtorizzat sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ produttur relatati ma’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur fit-territorju tiegħu.

7.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li produttur stabbilit fit-territorju tiegħu, li jbiegħ il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti E tal-Anness u rkaptu tas-sajd li fih il-plastik fi Stat Membru ieħor li fih mhuwiex stabbilit, jaħtar rappreżentant awtorizzat f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Ir-rappreżentant awtorizzat għandu jkun il-persuna responsabbli biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ dak il-produttur, skont din id-Direttiva fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur ikunu stabbiliti għal irkaptu tas-sajd li fih il-plastik imqiegħed fis-suq tal-Istat Membru, skont l-Artikoli 8 u 8a tad-Direttiva 2008/98/KE.

L-Istati Membri, li għandhom ilmijiet marini kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/56/KE, għandhom jistabbilixxu rata nazzjonali minima annwali ta’ ġbir ta’ rkaptu tas-sajd skartat li fih il-plastik għar-riċiklaġġ.

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik imqiegħed fis-suq tal-Istat Membru kif ukoll l-iskart ta’ rkaptu tas-sajd li fih il-plastik li jinġabar u għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jiġu stabbiliti miri kwantitattivi vinkolanti tal-Unjoni għall-ġbir.

9.   Fir-rigward tal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti skont il-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi ta’ rkaptu tas-sajd li fih il-plastik ikopru l-ispejjeż tal-ġbir separat tal-iskart ta’ rkaptu tas-sajd li fih il-plastik li twassal fil-faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet skont id-Direttiva (UE) 2019/883 jew f’sistemi ta’ ġbir ekwivalenti oħrajn li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet u l-ispejjeż tat-trasport u t-trattament sussegwenti tiegħu. Il-produtturi għandhom ikopru wkoll l-ispejjeż tal-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 dwar l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik.

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu jissupplimentaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-iskart minn bastimenti tas-sajd fil-liġi tal-Unjoni dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet.

Mingħajr preġudizzju għall-miżuri tekniċi stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 (24), il-Kummissjoni għandha titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw standards armonizzati relatati mad-disinn ċirkolari ta’ rkaptu tas-sajd biex jinkoraġġixxu t-tħejjija għall-użu mill-ġdid u tiġi ffaċilitata r-riċiklabbiltà fi tmiem il-ħajja.

Artikolu 9

Ġbir separat

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw il-ġbir b’mod separat għar-riċiklaġġ:

(a)

sal-2025, ta’ ammont ta’ skart ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti F tal-Anness li jammonta għal 77 % ta’ tali prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, imqiegħda fis-suq f’sena partikolari skont il-piż;

(b)

sal-2029, ta’ ammont ta’ skart ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti F tal-Anness li jammonta għal 90 % ta’ tali prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, imqiegħda fis-suq f’sena partikolari skont il-piż.

Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti F tal-Anness imqiegħda fis-suq fi Stat Membru jistgħu jitqiesu li jkunu daqs l-ammont ta’ skart iġġenerat minn tali prodotti, inklużi dak li jkun rimi bl-addoċċ, fl-istess sena f’dak l-Istat Membru.

Sabiex jintlaħaq dak l-għan, l-Istati Membri jistgħu fost l-oħrajn:

(a)

jistabbilixxu skemi ta’ rimborż ta’ depożitu;

(b)

jistabbilixxu miri ta’ ġbir separat għal skemi rilevanti ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-punt (a) tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2008/98/KE.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar il-miżuri adatti biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-paragrafu 1, fost l-oħrajn dwar skemi ta’ rimborż ta’ depożitu. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati ta’ tali skambju ta’ informazzjoni u tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki disponibbli pubblikament.

3.   Sat-3 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tal-miri ta’ ġbir separat stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 10

Miżuri ta’ sensibilizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinfurmaw lill-konsumaturi u biex jinċentivaw mġiba responsabbli tal-konsumatur, sabiex jitnaqqas ir-rimi bl-addoċċ derivat minn prodotti koperti minn din id-Direttiva, u għandhom jieħdu miżuri sabiex jinfurmaw lill-konsumaturi tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti G tal-Anness u u lill-utenti tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik dwar dan li ġej:

(a)

id-disponibbilità ta’ alternattivi għall-użu mill-ġdid, sistemi ta’ użu mill-ġdid u l-għażliet ta’ ġestjoni tal-iskart għal dawk il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u għal irkaptu tas-sajd li fih il-plastik kif ukoll l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni tajba tal-iskart imwettqa skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(b)

l-impatt ta’ rimi bl-addoċċ u rimi inadegwat ieħor ta’ skart ta’ dawk il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u ta’ rkaptu tas-sajd li fih il-plastik fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq l-ambjent marin; u

(c)

l-impatt, fuq in-netwerk tad-drenaġġ, ta’ mezzi inadegwati ta’ rimi ta’ skart ta’ dawk il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.

Artikolu 11

Koordinazzjoni tal-miżuri

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-miżuri meħuda biex jittrasponu u jimplimentaw din id-Direttiva jiffurmaw parti integrali minn, u jkunu konsistenti ma’, il-programmi tagħha ta’ miżuri stabbiliti skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/56/KE għal dawk l-Istati Membri li għandhom ilmijiet marini, il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-iskart u l-programmi ta’ prevenzjoni tal-iskart stabbiliti skont l-Artikoli 28 u 29 tad-Direttiva 2008/98/KE u l-pjanijiet tal-akkoljenza u t-trattament tal-iskart stabbiliti taħt id-Direttiva (UE) 2019/883.

Il-miżuri li jieħdu l-Istati Membri biex jittrasponu u jimplimentaw l-Artikoli 4 sa 9 ta’ din id-Direttiva għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-ikel tal-Unjoni biex jiżguraw li l-iġjene tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel ma jiġux kompromessi. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta’ alternattivi sostenibbli għall-plastik li jintuża darba biss fejn possibbli għal materjali intenzjonati li jiġu f’kuntatt mal-ikel.

Artikolu 12

Speċifikazzjonijiet u linji gwida dwar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss

Sabiex jiġi stabbilit jekk kontenitur tal-ikel għandux jiġi kkunsidrat bħala prodott tal-plastik li jintuża darba biss għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, minbarra l-kriterji elenkati fl-Anness fir-rigward ta’ kontenituri tal-ikel, għandha jkollha rwol deċiżiv it-tendenza tiegħu li jintrema bl-addoċċ, minħabba l-volum jew qies tiegħu, b’mod partikolari dawk ta’ porzjon wieħed.

Sat-3 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni għandha tippubblika linji ta’ gwida, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, inklużi eżempji ta’ dak li għandu jiġi kkunsidrat bħala prodott tal-plastik li jintuża darba biss għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, kif adatt.

Artikolu 13

Sistemi ta’ infomazzjoni u rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom, għal kull sena kalendarja, jirrappurtaw lill-Kummissjoni dan li ġej:

(a)

id-data fuq prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti A tal-Anness li jkunu tqiegħdu fis-suq tal-Istat Membru kull sena, sabiex jintwera t-tnaqqis fil-konsum skont l-Artikolu 4(1);

(b)

l-informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-Istat Membru għall-finijiet tal-Artikolu 4(1);

(c)

id-data dwar il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti F tal-Anness li jkunu nġabru separatament fl-Istat Membru kull sena, sabiex jintwera li ntlaħqu l-miri tal-ġbir separat skont l-Artikolu 9(1);

(d)

data dwar irkaptu tas-sajd li fih il-plastik imqiegħed fis-suq u dwar irkaptu tas-sajd skartat miġbur fl-Istat Membru kull sena;

(e)

informazzjoni dwar kontenut riċiklat fi fliexken tax-xorb elenkati fil-Parti F tal-Anness biex tintwera l-kisba tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 6(5); u

(f)

data dwar l-iskart wara l-konsum ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima III tal-Parti E tal-Anness li jkun inġabar skont l-Artikolu 8(3).

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw id-data u l-informazzjoni b’mod elettroniku fi żmien 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rappurtar li għaliha jkunu nġabru. Id-data u l-informazzjoni għandhom jiġu rrappurtati fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

L-ewwel perijodu ta’ rappurtar għandu jkun is-sena kalendarja 2022, bl-eċċezzjoni tal-punti (e) u (f) tal-ewwel subparagrafu li għalih l-ewwel perijodu ta’ rappurtar għandu jkun l-2023.

2.   Id-data u l-informazzjoni rrappurtati mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandhom ikunu akkumpanjati b’rapport ta’ verifika tal-kwalità. Id-data u l-informazzjoni għandhom jiġu rrappurtati fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-data u l-informazzjoni rappurtati skont dan l-Artikolu u tippubblika rapport dwar ir-riżultati tar-rieżami tagħha. Ir-rapport għandu jivvaluta l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-data u l-informazzjoni, is-sorsi tad-data u l-informazzjoni u l-metodoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta’ dik id-data u dik l-informazzjoni. Il-valutazzjoni tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal wara l-ewwel rappurtar tad-data u l-informazzjoni mill-Istati Membri u sussegwentement f’intervalli previsti fl-Artikolu 12(3c) tad-Direttiva 94/62/KE.

4.   Sat-3 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-data u l-informazzjoni skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Sat-3 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-data skont il-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Sal-1 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-data u l-informazzjoni skont il-punti (e) u (f) tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2). Il-format żviluppat skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 94/62/KE għandu jiġi kkunsidrat.

Artikolu 14

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sat-3 ta’ Lulju 2021, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 15

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva sat-3 ta’ Lulju 2027. L-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli skont l-Artikolu 13. L-Istati Membri għandhom jipprovdu kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni u tat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar il-konklużjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni mwettqa skont il-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva, jekk xieraq. Dik il-proposta għandha, jekk ikun xieraq, tistabbilixxi miri kwantitattivi vinkolanti ta’ tnaqqis tal-konsum u tistabbilixxi r-rati ta’ ġbir vinkolanti għal skart ta’ rkaptu tas-sajd.

3.   Ir-rapport għandu jinkludi:

(a)

valutazzjoni tal-ħtieġa għal rieżami tal-Anness li jelenka prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, inkluż rigward tappijiet u għotjien magħmula mill-plastik li jkunu użati għal kontenituri tax-xorb tal-ħġieġ u tal-metall;

(b)

studju dwar il-fattibbiltà li jiġu stabbiliti rati ta’ ġbir vinkolanti għal skart ta’ rkaptu tas-sajd u u miri tal-Unjoni kwantitattivi vinkolanti għat-tnaqqis tal-konsum ta’, b’mod partikolari, prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti A tal-Anness, b’kont meħud tal-livelli ta’ konsum u ta’ tnaqqis diġà miksub fl-Istati Membri;

(c)

valutazzjoni tal-bidla fil-materjali użati fil-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss koperti minn din id-Direttiva kif ukoll ta’ xejriet ġodda ta’ konsum u mudelli tan-negozju bbażati fuq alternattivi riutilizzabbli; din għandha, kull fejn possibbli, tinkludi analiżi ġenerali taċ-ċiklu tal-ħajja sabiex tivvaluta l-impatt ambjentali ta’ tali prodotti u l-alternattivi tagħhom; u

(d)

valutazzjoni tal-progress xjentifiku u tekniku li jikkonċerna kriterji jew standard għall-bijodegradabbiltà fl-ambjent marin applikabbli għal prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u s-sostituti tagħhom li jintużaw darba biss li jiżguraw id-dekompożizzjoni sħiħa f’diossidu tal-karbonju (CO2), bijomassa u ilma f’perijodu ta’ żmien qasir biżżejjed biex il-plastiks ma jkunux ta’ ħsara għall-ħajja fil-baħar u ma jwasslux għall-akkumulazzjoni tal-plastiks fl-ambjent.

4.   Bħala parti mill-evalwazzjoni mwettqa skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-miżuri meħuda taħt din id-Direttiva fir-rigward ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima III tal-Parti E tal-Anness, u għandha tippreżenta rapport dwar il-konklużjonijiet ewlenin. Ir-rapport għandu jikkunsidra wkoll l-għażliet għal miżuri vinkolanti għat-tnaqqis tal-iskart wara l-konsum ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima III tal-Parti E tal-Anness, inkluża l-possibbiltà li jiġu stabbiliti rati vinkolanti ta’ ġbir għal dak l-iskart wara l-konsum. Ir-rapport għandu, jekk ikun adatt, ikun akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

Artikolu 16

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sat-3 ta’ Lulju 2021. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwarhom.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’

l-Artikolu 5 mit-3 ta’ Lulju 2021,

l-Artikolu 6(1) mit-3 ta’ Lulju 2024,

l-Artikolu 7(1) mit-3 ta’ Lulju 2021,

l-Artikolu 8 sal-31 ta’ Diċembru 2024 iżda, relattivament għall-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti qabel l-4 ta’ Lulju 2018 u relattivament għall-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima III tal-Parti E tal-Anness, sal-5 ta’ Jannar 2023.

Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   Dment li l-miri ta’ ġestjoni tal-iskart u l-objettivi stipulati fl-Artikoli 4 u 8 jintlaħqu, l-Istati Membri jistgħu jittrasponu d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4(1) u 8(1) u (8), ħlief fir-rigward ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima III tal-Parti E tal-Anness, permezz ta’ ftehimiet bejn l-awtoritajiet kompetenti u s-setturi ekonomiċi kkonċernati.

Tali ftehimiet għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-ftehimiet għandhom ikunu infurzabbli;

(b)

il-ftehimiet għandhom jispeċifikaw objettivi mad-dati ta’ skadenza korrispondenti;

(c)

il-ftehimiet għandhom jiġu ppubblikati fil-ġurnal uffiċjali nazzjonali jew f’dokument uffiċjali aċċessibbli għall-pubbliku bl-istess mod u trażmess lill-Kummissjoni;

(d)

ir-riżultati miksuba taħt ftehim għandhom ikunu mmonitorjati regolarment, irrappuratati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni u magħmula disponibbli għall-pubbliku taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim;

(e)

l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet biex jeżaminaw il-progress li jintlaħaq taħt ftehim; u

(f)

f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ ftehim, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva b’miżuri leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 207.

(2)  ĠU C 461, 21.12.2018, p. 210.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2019.

(4)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3)

(5)  ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3.

(6)  ĠU L 39, 16.2.1993, p. 3.

(7)  Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).

(8)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(9)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(10)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(11)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).

(12)  Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1).

(13)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(14)  Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(15)  Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(16)  Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4).

(17)  Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(18)  Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116).

(19)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(20)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(21)  Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(22)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(23)  Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(24)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).


ANNESS

PARTI A

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 4 dwar it-tnaqqis tal-konsum

(1)

Tazez għax-xorb, inklużi t-tappijiet u l-għotjien tagħhom

(2)

Kontenituri tal-ikel, jiġifieri reċipjenti bħal kaxex, b’għatu jew mingħajr, użati biex jitpoġġa l-ikel fihom li

(a)

jkun maħsub għal konsum immedjat, jew fuq il-post jew bħala ‘take-away’,

(b)

tipikament jiġi kkunsmat mill-kontenitur, u

(c)

jkun lest biex jiġi kkunsmat mingħajr l-ebda tħejjija oħra, bħal tisjir, togħlija jew tisħin,

inklużi kontenituri tal-ikel użati għal ikel ta’ malajr (fast food) jew ikliet oħra lesti għal konsum immedjat, minbarra kontenituri tax-xorb, platti, pakketti u tgeżwir li fihom l-ikel.

PARTI B

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 5 dwar restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq

(1)

Stikek tal-cotton buds, ħlief jekk dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE (1) jew id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE (2);

(2)

Pożati (frieket, skieken, imgħaref, chopsticks);

(3)

Platti;

(4)

Straws, ħlief jekk dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/385/KEE jew id-Direttiva 93/42/KEE;

(5)

Ħawwada tax-xorb;

(6)

Stikek li jitwaħħlu mal-bżieżaq u li jżommuhom, ħlief il-bżieżaq għall-użi u għall-applikazzjonijiet industrijali jew professjonali oħrajn li mhumiex distribwiti lill-konsumaturi, inklużi l-mekkaniżmi tat-tali stikek;

(7)

Kontenituri tal-ikel magħmula minn polistiren espandut, jiġifieri reċipjenti bħal kaxex, b’għatu jew mingħajr, użati biex ikollhom kontenut ta’ ikel fihom li:

(a)

jkun maħsub għal konsum immedjat jew fuq il-post jew bħala ‘take-away’,

(b)

tipikament jiġi kkunsmat mill-kontenitur, u

(c)

huwa lest biex jiġi kkunsmat mingħajr l-ebda tħejjija oħra, bħal tisjir, togħlija jew tisħin,

inklużi kontenituri tal-ikel użati għal ikel ta’ malajr (fast food) jew ikliet oħra lesti għal konsum immedjat, minbarra kontenituri tax-xorb, platti u pakketti u tgeżwir li fihom l-ikel;

(8)

Kontenituri tax-xorb magħmula minn polistiren espandut, inklużi t-tappijiet u l-għotjien tagħhom;

(9)

Tazez għax-xorb magħmula minn polistiren espandut, inklużi l-għotjien tagħhom.

PARTI C

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 6(1) sa (4) dwar rekwiżiti tal-prodotti

Kontenituri tax-xorb b’kapaċità sa tliet litri, jiġifieri ir-reċipjenti użati biex ikollhom kontenut ta’ likwidu fihom, bħal fliexken tax-xorb inklużi t-tappijiet u l-għotjien tagħhom u l-imballaġġ imħallat, inklużi t-tappijiet u l-għotjien tiegħu, ta’ xorb, iżda mhux:

(a)

kontenituri tax-xorb tal-ħġieġ jew tal-metall li jkollhom it-tappijiet u l-għotjien magħmula mill-plastik,

(b)

kontenituri tax-xorb maħsuba u użati għal ikel għal skopijiet mediċi speċjali kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jkun f’forma likwida.

PARTI D

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 7 dwar ir-rekwiżiti tal-immarkar

(1)

Assorbenti sanitarji (pads), tampuni u applikaturi tat-tampuni;

(2)

‘Wet wipes’, jiġifieri ‘wipes’ imxarrbin minn qabel tal-kura personali u għal użu domestiku;

(3)

Prodotti tat-tabakk bil-filtri u filtri mqiegħda fis-suq għal użu flimkien mal-prodotti tat-tabakk;

(4)

Tazez għax-xorb.

PARTI E

I.   Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 8(2) dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur

(1)

Kontenituri tal-ikel, jiġifieri reċipjenti bħal kaxex, b’għatu jew mingħajr, użati biex ikollhom kontenut ta’ ikel fihom li

(a)

jkun maħsub għal konsum immedjat jew fuq il-post jew bħala ‘take-away’,

(b)

tipikament jiġi kkunsmat mill-kontenitur, u

(c)

jkun lest biex jiġi kkunsmat mingħajr l-ebda tħejjija oħra, bħal tisjir, togħlija jew tisħin,

inklużi kontenituri tal-ikel użati għal fast food jew ikliet oħra lesti għal konsum immedjat, minbarra kontenituri tax-xorb, platti u pakketti u tgeżwir li fihom l-ikel;

(2)

Pakketti u tgeżwir magħmula minn materjal flessibbli li fihom jitqiegħed ikel li huwa maħsub għall-konsum immedjat mill-pakkett jew mit-tgeżwir individwali mingħajr l-ebda tħejjija oħra;

(3)

Kontenituri tax-xorb b’kapaċità sa tliet litri, jiġifieri r-reċipjenti użati biex ikun fihom likwidu bħal fliexken tax-xorb inklużi t-tappijiet u l-għotjien tagħhom u l-imballaġġ ta’ xorb imħallat inkluż it-tappijiet u l-għotjien tiegħu, iżda mhux kontenituri tax-xorb tal-ħġieġ jew tal-metall li jkollhom it-tappijiet u l-għotjien magħmula mill-plastik;

(4)

Tazez għax-xorb, inklużi t-tappijiet u l-għotjien tagħhom;

(5)

Basktijiet tal-plastik ħfief ħafna kif definiti fil-punt 1c tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62/KE.

II.   Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 8(3) dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur

(1)

‘Wet wipes’, jiġifieri ‘wipes’ imxarrbin minn qabel tal-kura personali u għal użu domestiku;

(2)

Bżieżaq, ħlief il-bżieżaq għall-użi u għall-applikazzjonijiet industrijali jew professjonali oħrajn, li mhumiex distribwiti lill-konsumaturi.

III.   Prodotti tal-plastik oħrajn li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 8(3) dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur

Prodotti tat-tabakk bil-filtri u filtri mqiegħda fis-suq għal użu flimkien mal-prodotti tat-tabakk

PARTI F

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 9 dwar il-ġbir separat u mill-Artikolu 6(5) dwar rekwiżiti tal-prodotti

Fliexken tax-xorb b’kapaċità sa tliet litri, inklużi t-tappijiet u l-għotjien tagħhom, iżda mhux:

(a)

fliexken tax-xorb tal-ħġieġ jew tal-metall li jkollhom it-tappijiet u l-għotjien magħmula mill-plastik;

(b)

fliexken tax-xorb maħsuba u użati għal ikel għal skopijiet mediċi speċjali kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 li jkun f’forma likwida.

PARTI G

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 10 dwar miżuri ta’ sensibilizzazzjoni

(1)

Kontenituri tal-ikel, jiġifieri reċipjenti bħal kaxex, b’għatu jew mingħajr, użati biex ikollhom kontenut ta’ ikel fihom li:

(a)

jkun maħsub għal konsum immedjat jew fuq il-post jew bħala ‘take-away’,

(b)

tipikament jiġi kkunsmat mill-kontenitur, u

(c)

jkun lest biex jiġi kkunsmat mingħajr l-ebda tħejjija oħra, bħal tisjir, togħlija jew tisħin,

inklużi kontenituri tal-ikel użati għal ikel ta’ malajr jew ikliet oħra lesti għal konsum immedjat, minbarra kontenituri tax-xorb, platti, pakketti u tgeżwir li fihom l-ikel;

(2)

Pakketti u tgeżwir magħmula minn materjal flessibbli li fihom jitqiegħed ikel li huwa maħsub għall-konsum immedjat mill-pakkett jew mit-tgeżwir individwali mingħajr l-ebda tħejjija oħra;

(3)

Kontenituri tax-xorb b’kapaċità sa tliet litri, jiġifieri r-reċipjenti użati biex ikun fihom likwidu bħal fliexken tax-xorb inklużi t-tappijiet u l-għotjien tagħhom u l-imballaġġ ta’ xorb imħallat inkluż it-tappijiet u l-għotjien tiegħu, iżda mhux kontenituri tax-xorb tal-ħġieġ jew tal-metall li jkollhom it-tappijiet u l-għotjien magħmula mill-plastik;

(4)

Tazez għax-xorb, inklużi l-għotjien tagħhom;

(5)

Prodotti tat-tabakk bil-filtri u filtri mqiegħda fis-suq għal użu flimkien mal-prodotti tat-tabakk;

(6)

‘Wet wipes’, jiġifieri ‘wipes’ imxarrbin minn qabel tal-kura personali u għal użu domestiku;

(7)

Bżieżaq, ħlief il-bżieżaq għall-użi u għall-applikazzjonijiet industrijali jew professjonali oħrajn, li mhumiex distribwiti lill-konsumaturi;

(8)

Basktijiet tal-plastik ħfief ħafna kif definiti fil-punt 1c tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62/KE;

(9)

Assorbenti sanitarji (pads), tampuni u applikaturi tat-tampuni.

(1)  Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE tal-20 ta’ Ġunju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem (ĠU L 189, 20.7.1990, p. 17).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).