ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 139

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
27 ta' Mejju 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/849 tal-24 ta' Mejju 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1492 fir-rigward tal-kontenut massimu ta' kolekalċiferol (vitamina D3) fl-għalf għas-salmonidi ( 1 )

4

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/850 tal-24 ta' Mejju 2019 li jemenda għat-303 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida

8

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/851 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali waqt l-74 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-101 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tal-2011 dwar il-Programm Imtejjeb ta' Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta' Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ, emendi għall-Formoli C, E u P tal-appendiċi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, u emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx

10

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/852 tal-21 ta' Mejju 2019 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni

13

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/853 tal-21 ta' Mejju 2019 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

15

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/848

tas-17 ta' Mejju 2019

dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' Novembru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f'isem l-Unjoni għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali ġdid dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda.

(2)

It-test tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żejt tal-Mejda, 2015 (il-“Ftehim”) ġie adottat fid-9 ta' Ottubru 2015 mir-rappreżentanti ta' 24 Stat Membru tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u ta' żewġ organizzazzjonijiet intergovernattivi waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozjar ta' Ftehim Suċċessur tal-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda.

(3)

B'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1), il-Ftehim ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fit-28 ta' Novembru 2016 fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(4)

Il-Ftehim daħal fis-seħħ b'mod proviżorju fl-1 ta' Jannar 2017, skont l-Artikolu 31(2) tiegħu.

(5)

Il-Kunsill tal-Membri huwa l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ u jeżerċita s-setgħat kollha u jwettaq il-funzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata biex tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri.

(6)

Skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri jista' jemenda d-denominazzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u taż-żebbuġ tal-mejda mogħtija fl-Annessi B u C għall-Ftehim, u b'hekk jemenda l-Ftehim.

(7)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' tali emendi għall-Ftehim mill-Kunsill tal-Membri u biex jiġi evitat ir-riskju li l-Unjoni ma jkollhiex pożizzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata biex tapprova tali emendi proposti f'isem l-Unjoni, taħt kondizzjonijiet proċedurali u sostantivi speċifiċi.

(8)

Sabiex tiżgura li l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-emendi proposti għall-Annessi B u C għall-Ftehim tkun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tissottometti dawk l-emendi proposti biżżejjed minn qabel lill-Kunsill.

(9)

Il-konformità tal-emendi proposti ppreżentati mill-Kummissjoni lill-Kunsill għandha tiġi evalwata mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-gvernijiet tal-Istati Membri (“Coreper”). Il-Kummissjoni jenħtieġ li tapprova dawk l-emendi proposti dment li għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw minoranza li timblokka tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) ma joġġezzjonawx għalihom fil-Coreper.

(10)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew persuni awtorizzati li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument tal-approvazzjoni previst fl-Artikolu 28(4) tal-Ftehim (3).

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri.

Artikolu 4

Jekk il-Kunsill tal-Membri jiġi interpellat jadotta emendi għad-denominazzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u taż-żebbuġ tal-mejda mogħtija fl-Annessi B u C għall-Ftehim, skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tapprova l-emendi proposti f'isem l-Unjoni, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f'isem l-Unjoni:

tkun fl-interessi tal-Unjoni,

taqdi l-għanijiet li l-Unjoni ssegwi fi ħdan il-qafas tal-politika kummerċjali tagħha,

tqis l-interessi tal-produtturi, il-kummerċjanti u l-konsumaturi tal-Unjoni,

ma tiksirx il-liġijiet tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali, u b'mod partikolari ma tiksirx ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jemendaw ir-regoli tal-Unjoni f'konformità mal-emendi li jkunu saru fil-Ftehim u adottati mill-Kunsill tal-Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, kif imsemmi fl-Artikolu 75 ta' dak ir-Regolament,

fejn applikabbli, tappoġġa t-titjib tal-kwalità tal-prodotti taż-żebbuġ, billi tagħmilha aktar faċli li jinqabdu prattiki frodulenti u qarrieqa u adulterazzjoni,

fejn applikabbli, tqis aħjar id-diversità tal-prodotti awtentiċi taż-żebbuġ,

fejn applikabbli, timmira lejn l-approssimazzjoni tal-istandards internazzjonali relatati mal-karatteristiċi fiżiko-kimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa, żjut mir-residwi taż-żebbuġ u żebbuġ tal-mejda,

fejn applikabbli, tevita li jinħolqu ostakli għall-innovazzjoni, u

fejn applikabbli tiffaċilita l-kummerċ tal-prodotti taż-żebbuġ.

(2)

Qabel ma l-Kummissjoni tapprova tali emendi proposti f'isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissottomettihom lill-Kunsill biżżejjed minn qabel u mill-inqas 15-il ġurnata tax-xogħol qabel is-sessjoni fejn il-Kunsill tal-Membri jiġi interpellat biex jadotta dawk l-emendi proposti.

Il-konformità tal-emendi proposti mal-kriterji stipulati fil-paragrafu (1) ta' dan l-Artikolu għandha tiġi evalwata mill-Coreper.

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi proposti f'isem l-Unjoni dment li għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw minoranza li timblokka tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 16(4) tat-TUE ma joġġezzjonawx għalihom. Jekk ikun hemm tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f'isem l-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-seba' jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

E.O. TEODOROVICI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta' Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).

(2)  It-test tal-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 293, 28.10.2016, p. 4, flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

(4)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).


REGOLAMENTI

27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/849

tal-24 ta' Mejju 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1492 fir-rigward tal-kontenut massimu ta' kolekalċiferol (vitamina D3) fl-għalf għas-salmonidi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1492 (2) jawtorizza l-kolekalċiferol (vitamina D3) bħala addittiv nutrittiv għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. F'dak ir-Regolament, il-kontenut massimu awtorizzat ta' vitamina D3 għall-ħut huwa ta' 3 000 IU/kg ta' għalf komplet.

(2)

L-Awtorità Norveġiża għas-Sikurezza tal-Ikel (NFSA) ippreżentat studji dwar is-sikurezza tal-vitamina D3 għall-ħut u għall-konsumaturi f'livelli sostanzjalment ogħla (60 000 IU/kg ta' għalf komplet) mill-kontenut massimu awtorizzat.

(3)

Għall-finijiet ta' kontroll, ir-riżultati għall-kalkolu tal-livelli ta' tolleranza jistgħu jwasslu għal diskrepanza fil-valuri bejn iż-żewġ unitajiet (mg jew IU). Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-livelli fl-awtorizzazzjoni jiġu stabbiliti biss f'Unitajiet Internazzjonali.

(4)

Abbażi tad-data ppreżentata mill-NFSA, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ikkonkludiet fl-opinjonijiet tagħha tal-25 ta' Jannar 2017 (3) u tad-29 ta' Novembru 2018 (4) li livell totali ta' 60 000 IU ta' vitamina D3 għal kull kg ta' għalf komplet huwa sikur għall-konsumaturi u għall-ambjent. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ikkonkludiet ukoll li l-livelli proposti kienu sikuri għas-salmonidi. Għal ħut ieħor, ma kienx hemm data suffiċjenti disponibbli biex tintlaħaq konklużjoni dwar is-sikurezza għal livell totali ta' 60 000 IU ta' vitamina D3/kg ta' għalf komplet. Konsegwentement, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tkun ristretta għas-salmonidi. Fl-opinjoni tat-13 ta' Novembru 2012 (5) ikkonkludiet ukoll li l-vitamina D3 mhijiex irritanti għall-ġilda u għall-għajnejn u li mhijiex sensitizzatur tal-ġilda. Għal xi formulazzjonijiet ta' vitamina D3 hemm il-potenzjal li l-ħaddiema jkunu esposti għal livelli għoljin ta' vitamina D3 mill-inalazzjoni. Il-vitamina D3 inalata hija tossika ħafna. L-esponiment għat-trab jagħmel ħsara lill-persuni li jimmaniġġaw l-addittiv. Peress li l-livelli ta' vitamina D3 żdiedu, dan jista' jkollu implikazzjonijiet għas-sikurezza tal-utenti, u għalhekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa għall-prevenzjoni ta' effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-utenti tal-addittiv.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1492 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1492 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1492 tal-21 ta' Awwissu 2017 dwar l-awtorizzazzjoni tal-kolekalċiferol bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali (ĠU L 216, 22.8.2017, p. 19).

(3)  EFSA Journal 2017;15(3):4713.

(4)  EFSA Journal 2019;17(1):5540.

(5)  EFSA Journal 2012;10(12):2968.


ANNESS

Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimali

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta' awtorizzazzjoni

IU ta' kolekalċiferol (1)/kg ta' għalf komplet b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %.

Kategorija ta' addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: Vitamini, provitamini u sustanzi definiti sew kimikament li jkollhom effett simili.

3a671

“Kolekalċiferol” jew “Vitamina D3

Kompożizzjoni tal-addittiv

Kolekalċiferol.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Kolekalċiferol

C27H44O

Numru CAS: 67-97-0

Kolekalċiferol fil-forma solida u ta' reżina, prodott b'sinteżi kimika.

Kriterji ta' purità:

Minimu ta' 80 % (kolekalċiferol u prekolekalċiferol) u massimu ta' 7 % takisterol.

Metodu ta' analiżi  (2)

Għad-determinazzjoni tal-Vitamina D3 fl-addittiv tal-għalf: Kromatografija Likwida ta' Rendiment Għoli b'detezzjoni tal-UV (HPLC-UV, 254 nm) - Metodu tal-Farmakopea Ewropea 01/2008:0574,0575,0598.

Għad-determinazzjoni tal-Vitamina D3 fit-taħlitiet lesti minn qabel: Kromatografija Likwida ta' Rendiment Għoli b'detezzjoni tal-UV ta' 265 nm (HPLC-UV) - VDLUFA 1997, Methodenbuch, Metodu 13.8.1.

Għad-determinazzjoni tal-Vitamina D3 fl-għalf:

Kromatografija Likwida ta' Rendiment Għoli b'detezzjoni tal-UV ta' 265 nm (HPLC-UV) - VDLUFA 1997, Methodenbuch, Metodu 13.8.1; jew

Kromatografija Likwida ta' Rendiment Għoli f'Fażi Inversa b'detezzjoni tal-UV ta' 265 nm (RP-HPLC-UV), EN 12821.

Għad-determinazzjoni tal-Vitamina D3 fl-ilma: Kromatografija Likwida ta' Rendiment Għoli f'Fażi Inversa b'detezzjoni tal-UV ta' 265 nm (RP-HPLC-UV), EN 12821.

Ħnieżer

2 000 IU

1.

Il-Vitamina D3 tista' titqiegħed fis-suq u tintuża bħala addittiv f'għamla ta' preparazzjoni.

2.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta' taħlita lesta minn qabel.

3.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, il-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà għandhom jiġu indikati.

4.

Kontenut massimu tal-kombinazzjoni ta' 25-idrossikolekalċiferol mal-kolekalċiferol għal kull kg ta' għalf komplet:

≤ 5 000 IU ta' vitamina D3 għat-tiġieġ tas-simna u għad-dundjani tas-simna,

≤ 3 200 IU għal pollam ieħor,

≤ 2 000 IU għall-ħnieżer.

5.

L-użu simultanju mal-Vitamina D2 mhux permess.

6.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw l-effetti perikolużi ħafna tal-vitamina D3 mill-inalazzjoni. Meta ir-riskji assoċjati ma' dawk l-effetti perikolużi ħafna ma jistgħux jiġu eliminati jew jitnaqqsu għal livell minimu permezz ta' tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir personali protettiv, inkluż b'protezzjoni għan-nifs.

Il-11 ta' Settembru 2027

Sostituti tal-ħalib għall-qżieqeż

10 000 IU

Bovini

4 000 IU

Sostituti tal-ħalib għall-għoġġiela

10 000 IU

Ovini

4 000 IU

Tiġieġ tas-simna

5 000 IU

Dundjani

5 000 IU

Pollam ieħor

3 200 IU

Ekwini

4 000 IU

Salmonidi

60 000 IU

Speċijiet oħra ta' ħut

3 000 IU

Speċijiet oħra ta' annimali

2 000 IU


(1)  40 IU ta' kolekalċiferol = 0,001 mg ta' kolekalċiferol

(2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/850

tal-24 ta' Mejju 2019

li jemenda għat-303 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 7a(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mill-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament.

(2)

Fil-21 ta' Mejju 2019, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jneħħi entrata waħda mil-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet li għalihom jenħtieġ li japplika l-iffriżar tal-assi u tar-riżorsi ekonomiċi. Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

F'isem il-President

Il-Kap tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat kif ġej:

L-annotazzjoni li ġejja taħt l-intestatura “Persuni fiżiċi” hija mħassra: “Mazen Salah Mohammed (alias (a) Mazen Ali Hussein, (b) Issa Salah Muhamad). Data tat-twelid: (a) 1.1.1982, (b) 1.1.1980. Post tat-twelid: Bagdad, l-Iraq. Nazzjonalità: Iraqina. Nru tal-passaport: Dokument tal-ivvjaġġar Ġermaniż (‘Reiseausweis’) A 0144378 (irrevokat f'Settembru 2012). Indirizz: 94051 Hauzenberg, il-Ġermanja. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 6.12.2005.”


DEĊIŻJONIJIET

27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/851

tal-14 ta' Mejju 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali waqt l-74 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-101 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tal-2011 dwar il-Programm Imtejjeb ta' Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta' Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ, emendi għall-Formoli C, E u P tal-appendiċi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, u emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu timmira li tipproteġi l-ambjent tal-baħar u li ttejjeb is-sikurezza marittima.

(2)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (“MEPC”) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”), waqt l-74 sessjoni tiegħu mit-13 sas-17 ta' Mejju 2019 (“MEPC 74”), huwa mistenni jadotta emendi għall-Anness II għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (“l-Anness II tal-MARPOL”).

(3)

Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (“MSC”) tal-OMI, waqt il-101 sessjoni tiegħu mill-5 sal-14 ta' Ġunju 2019 (“MSC 101”), huwa mistenni jadotta emendi għall-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta' Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta' Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt (“il-Kodiċi ESP tal-2011”), emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ (“il-Kodiċi LSA”), emendi għar-Reġistri tat-Tagħmir (tal-Formoli C, E u P tal-appendiċi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (“SOLAS”) u emendi għall-Partijiet A u A-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx (“il-Kodiċi IGF”).

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni waqt l-MEPC 74, peress li l-emendi għall-Anness II tal-MARPOL ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u d-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni waqt l-MSC 101 peress li: l-emendi għall-Kodiċi ESP tal-2011 ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); l-emendi għall-Kodiċi LSA ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/773 (4) u d-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); l-emendi għall-Konvenzjoni SOLAS ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6); u l-emendi għall-Kodiċi IGF ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE.

(6)

Jenħtieġ li l-emendi tal-Anness II tal-MARPOL jiżguraw li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent relatat ma' fdalijiet ta' merkanzija u ma' likwidi tal-ħasil ta' tankijiet magħmulin minn prodotti persistenti li jżommu f'wiċċ l-ilma li jkollhom viskożità għolja u/jew punt għoli tat-tidwib.

(7)

L-emendi għall-Kodiċi ESP tal-2011 jenħtieġ li jkunu jinkludu bidliet editorjali fil-Kodiċi, li jidentifikaw ir-rekwiżiti obbligatorji kollha u li jtejbu t-tabelli u l-formoli, kif ukoll li jgħaqqdu dawk il-bidliet editorjali ma' test li jirrigwarda rekwiżiti sostanzjali ġodda sabiex jiġu riflessi aġġornamenti reċenti fis-serje Z10 tar-Rekwiżiti Unifikati tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta' Klassifikazzjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-emendi għall-paragrafu 6.1.1.3 tal-Kodiċi LSA jiżguraw l-implimentazzjoni uniformi fir-rigward tal-varar manwali ta' dgħajjes żgħar tas-salvataġġ li ma jkunux waħda minn fost l-opri tal-baħar tas-sopravvivenza ta' bastiment.

(9)

Jenħtieġ li l-emendi għall-paragrafu 4.4.8.1 tal-Kodiċi LSA jiżguraw li d-dgħajjes tas-salvataġġ li jkollhom żewġ sistemi ta' propulsjoni indipendenti jiġu eżentati mill-obbligu li jkunu mgħammra b'biżżejjed imqadef li jżommu f'wiċċ l-ilma u oġġetti relatati biex dawn jivvjaġġaw f'ibħra kalmi.

(10)

Jenħtieġ li l-emendi għall-punt 8.1 tal-Formoli C, E u P tar-Reġistri tat-Tagħmir tal-appendiċi tal-Konvenzjoni SOLAS jiżguraw li jkun ċar li mhux l-indikaturi elenkati kollha japplikaw għall-bastimenti kollha u li l-indikaturi jistgħu, għalhekk, jitħassru skont il-bżonn.

(11)

Jenħtieġ li l-emendi għall-Partijiet A u A-1 tal-Kodiċi IGF jiżguraw il-konsistenza fir-rigward tar-rekwiżiti eżistenti għall-bastimenti li jużaw il-gass naturali bħala fjuwil billi jintroduċu emendi meħtieġa abbażi tal-esperjenza miksuba fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kodiċi.

(12)

L-Unjoni mhijiex Membru tal-OMI, u lanqas ma hija Parti Kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet rilevanti. Għalhekk jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dawk l-emendi, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-74 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun waħda ta' qbil mal-adozzjoni tal-emendi għall-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, relattivament għar-rekwiżiti tar-rimi għal-likwidi tal-ħasil ta' tankijiet magħmulin minn prodotti persistenti li jżommu f'wiċċ l-ilma li jkollhom viskożità għolja u/jew punt għoli tat-tidwib, kif stabbiliti fl-Anness tad-dokument MEPC 74/3/1 tal-OMI.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-101 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun waħda ta' qbil ma' dan li ġej:

(a)

l-adozzjoni tal-emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tal-2011 dwar il-Programm Imtejjeb ta' Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta' Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, kif stabbiliti fid-dokument SDC 6/13/Add.1 tal-OMI;

(b)

l-adozzjoni tal-emendi għall-paragrafu 6.1.1.3 tal-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ, kif stabbiliti fl-Anness 4 tad-dokument MSC 101/3 tal-OMI;

(c)

l-adozzjoni tal-emendi għall-paragrafu 4.4.8.1 tal-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ, kif stabbiliti fl-Anness 4 tad-dokument MSC 101/3 tal-OMI;

(d)

l-adozzjoni tal-emendi għall-punt 8.1 tal-Formoli C, E u P tar-Reġistri tat-Tagħmir fl-appendiċi tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, kif stabbiliti fl-Anness 1 tad-dokument MSC 101/3 tal-OMI;

(e)

l-adozzjoni tal-emendi għall-Partijiet A u A-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw il-Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx, kif stabbiliti fl-Anness 3 tad-dokument MSC 101/3 tal-OMI.

Artikolu 3

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni kif mogħtija fl-Artikolu 1 għandhom jesprimuha l-Istati Membri, li huma kollha membri tal-OMI, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni kif mogħtija fl-Artikolu 2 għandhom jesprimuha l-Istati Membri, li huma kollha membri tal-OMI, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

3.   Jista' jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni oħra min-naħa tal-Kunsill.

Artikolu 4

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interessi tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta' penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta' tniġġis (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11).

(2)  Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).

(3)  Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta' rekwiżiti ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3).

(4)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/773 tal-15 ta' Mejju 2018 dwar id-disinn, il-kostruzzjoni u l-prestazzjoni u l-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/306 (ĠU L 133, 30.5.2018, p. 1).

(5)  Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).

(6)  Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).


27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/852

tal-21 ta' Mejju 2019

li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 300 tat-Trattat jistabbilixxi r-regoli għall-kompożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/930/UE (1) adattat il-kompożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni wara l-adeżjoni tal-Kroazja. L-għadd tal-membri għall-Estonja, għal Ċipru u għal-Lussemburgu tnaqqas b'wieħed sabiex tiġi indirizzata d-diskrepanza bejn l-għadd massimu ta' membri tal-Kumitat tar-Reġjuni stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 305 tat-Trattat u l-għadd tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni wara l-adeżjoni tal-Kroazja.

(3)

Skont l-preambolu għad-Deċiżjoni 2014/930/UE, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fi żmien adegwat għall-mandat tal-Kumitat tar-Reġjuni li jibda fl-2020.

(4)

Fit-3 ta' Lulju 2018 il-Kumitat tar-Reġjuni adotta rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-kompożizzjoni futura tiegħu.

(5)

Jenħtieġ li l-bilanċ attwali fil-kompożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, sa fejn hu possibbli, jinżamm peress li huwa r-riżultat ta' Konferenzi Intergovernattivi suċċessivi.

(6)

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jwassal għal 24 siġġu battal fil-Kumitat tar-Reġjuni. Għalhekk, jenħtieġ li jerġa' jinħoloq il-bilanċ fl-allokazzjoni tas-siġġijiet li kien jeżisti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/930/UE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għadd tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun kif ġej:

Belġju

12

Bulgarija

12

Ċekja

12

Danimarka

9

Ġermanja

24

Estonja

7

Irlanda

9

Greċja

12

Spanja

21

Franza

24

Kroazja

9

Italja

24

Ċipru

6

Latvja

7

Litwanja

9

Lussemburgu

6

Ungerija

12

Malta

5

Netherlands

12

Awstrija

12

Polonja

21

Portugall

12

Rumanija

15

Slovenja

7

Slovakkja

9

Finlandja

9

Żvezja

12.

2.   Fl-eventwalità li r-Renju Unit ikun għadu Stat Membru tal-Unjoni fid-data tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, l-għadd tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni għandha tkun dik prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/930/UE sa meta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir legalment effettiv. Mid-data meta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir legalment effettiv, l-għadd tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni għandha tkun dik prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mis-26 ta' Jannar 2020.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/930/UE tas-16 ta' Diċembru 2014 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 143).


27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/853

tal-21 ta' Mejju 2019

li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 301 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 300 tat-Trattat jistabbilixxi r-regoli għall-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1157 (1) adattat il-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wara l-adeżjoni tal-Kroazja. L-għadd tal-membri għall-Estonja, għal Ċipru u għal-Lussemburgu tnaqqas b'wieħed sabiex tiġi indirizzata d-diskrepanza bejn l-għadd massimu ta' membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 301 tat-Trattat u l-għadd tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wara l-adeżjoni tal-Kroazja.

(3)

Skont il-preambolu għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1157, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fi żmien adegwat għall-mandat tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jibda fl-2020.

(4)

Fit-18 ta' Settembru 2018, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-kompożizzjoni futura tiegħu.

(5)

Jenħtieġ li l-bilanċ attwali fil-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, sa fejn hu possibbli, jinżamm peress li huwa r-riżultat ta' Konferenzi Intergovernattivi suċċessivi.

(6)

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jwassal għal 24 siġġu vakanti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Għaldaqstant, jenħtieġ li jerġa' jintlaħaq il-bilanċ fl-allokazzjoni tas-siġġijiet li kien jeżisti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1157,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għadd tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jkun kif ġej:

Belġju

12

Bulgarija

12

Ċekja

12

Danimarka

9

Ġermanja

24

Estonja

7

Irlanda

9

Greċja

12

Spanja

21

Franza

24

Kroazja

9

Italja

24

Ċipru

6

Latvja

7

Litwanja

9

Lussemburgu

6

Ungerija

12

Malta

5

Netherlands

12

Awstrija

12

Polonja

21

Portugall

12

Rumanija

15

Slovenja

7

Slovakkja

9

Finlandja

9

Żvezja

12.

2.   Fl-eventwalità li r-Renju Unit ikun għadu Stat Membru tal-Unjoni fid-data tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, l-għadd tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jkun dak previst fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1157 sa meta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir legalment effettiv. Mid-data li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir legalment effettiv, l-għadd tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jkun dak previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-21 ta' Settembru 2020.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1157 tal-14 ta' Lulju 2015 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU L 187, 15.7.2015, p. 28).