ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 126

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
15 ta' Mejju 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/764 tal-14 ta' Mejju 2019 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-Lactobacillus hilgardii CNCM I-4785 u tal-Lactobacillus buchneri CNCM I-4323/NCIMB 40788 bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali ( 1 )

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/765 tal-14 ta' Mejju 2019 li jirrevoka d-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u li jtemm il-proċedimenti fir-rigward ta' tali importazzjonijiet, wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

4

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/766 tal-14 ta' Mejju 2019 li jidderoga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fir-rigward tad-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku għas-sena 2019

18

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/767 tal-31 ta' Lulju 2018 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.36511 2014/C (ex 2013/NN) implimentata minn Franza permezz tal-limitu massimu tas-CSPE (notifikata bid-dokument C(2018) 4975)  ( 1 )

20

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/768 tat-8 ta' Mejju 2019 li temenda l-Artikolu 3 tal-Istatuti tal-Konsorzju għall-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka dwar il-Bijoloġija Strutturali Integrata (Instruct-ERIC), minħabba t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni (notifikata bid-dokument C(2019) 3354)  ( 1 )

67

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/769 tal-14 ta' Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/715/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi b'qafas regolatorju applikabbli għas-sustanzi attivi għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-attivitajiet rispettivi ta' kontroll u infurzar li jiżguraw livell ta' protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik fl-Unjoni ( 1 )

70

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

15.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 126/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/764

tal-14 ta' Mejju 2019

li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-Lactobacillus hilgardii CNCM I-4785 u tal-Lactobacillus buchneri CNCM I-4323/NCIMB 40788 bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' 22 ta' Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' tali awtorizzazzjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-Lactobacillus hilgardii CNCM I-4785 u tal-Lactobacillus buchneri CNCM I-4323/NCIMB 40788. Mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjonijiet jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tal-Lactobacillus hilgardii CNCM I-4785 u tal-preparazzjoni tal-Lactobacillus buchneri CNCM I-4323/NCIMB 40788 bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċi tal-annimali kollha, li għandhom jiġu klassifikati fil-kategorija tal-addittivi “addittivi teknoloġiċi”.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tat-2 ta' Ottubru 2018 (2), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet proposti tal-użu, il-preparazzjonijiet ikkonċernati, tal-Lactobacillus hilgardii CNCM I-4785 u tal-Lactobacillus buchneri CNCM I-4323/NCIMB 40788 ma għandhomx effett negattiv fuq saħħet l-annimali, fuq saħħet il-bniedem jew fuq l-ambjent. Huwa kkonkluda wkoll li l-addittiv huwa meqjus bħala sensitizzatur respiratorju potenzjali u li ma setgħet issir l-ebda konklużjoni dwar is-sensitizzazzjoni jew l-irritazzjoni tal-ġilda jew tal-għajnejn mill-addittiv. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li għandhom jittieħdu l-miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-utenti tal-addittiv. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-preparazzjoni kkonċernata għandha l-potenzjal li ttejjeb il-produzzjoni ta' għalf insilat magħmul minn materjal li jista' jiġi pproċessat f'materjal għall-ħżin f'silos minn b'mod faċli sa b'mod moderatament diffiċli. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għas-sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-preparazzjonijiet tal-Lactobacillus hilgardii CNCM I-4785 u tal-Lactobacillus buchneri CNCM I-4323/NCIMB 40788 turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant jenħtieġ li l-użu ta' din il-preparazzjoni jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta' addittivi “addittivi teknoloġiċi” u mill-grupp funzjonali “addittivi tal-għalf insilat”, hija awtorizzata bħala addittiv fl-għalf tal-annimali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  EFSA Journal 2018; 16(10): 5455.


ANNESS

Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimali

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

CFU tal-addittiv/kg ta' materjal frisk

Addittivi teknoloġiċi: addittivi tal-għalf insilat

1k20757

Lactobacillus hilgardii CNCM I-4785 u Lactobacillus buchneri CNCM I-4323/NCIMB 40788

Kompożizzjoni kimika:

Preparazzjoni tal-Lactobacillus hilgardii CNCM I-4785 u tal-Lactobacillus buchneri CNCM I-4323/NCIMB 40788 li jikkontjeni minimu ta' 1,5 × 1011 CFU/g additiv (proporzjon ta' 1:1).

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

Ċelloli vijabbli tal- Lactobacillus hilgardii CNCM I-4785 u tal-Lactobacillus buchneri CNCM I-4323/NCIMB 40788.

Metodu analitiku  (1)

L-enumerazzjoni fl-addittiv tal-għalf u fit-taħlitiet lesti minn qabel: metodu tat-tifrix fuq MSR agar: EN 15787

L-identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf: Elettroforeżi bil-Ġell f'Kamp Pulsat (PFGE).

L-ispeċijiet kollha tal-annimali

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin.

2.

Il-kontenut minimu tal-addittiv meta jintuża mingħajr ma jitħallat ma' mikroorganiżmi oħra bħala addittivi insilat: 3 × 108 CFU/kg (L. hilgardii CNCM I-4785 u L. buchneri CNCM I-4323/NCIMB 40788 fi proporzjon ta' 1:1) ta' materjal li jista' jiġi pproċessat f'materjal għall-ħżin f'silos minn b'mod faċli sa b'mod moderatament diffiċli (2).

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operattivi u l-miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tiegħu. Fejn dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati jew jitnaqqsu kemm jista' jkun b'tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir protettiv personali, li jinkludi protezzjoni għan-nifs.

L-4 ta' Ġunju 2029


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports

(2)  Foraġġ faċli biex jinħażen f'silos: >3 % karboidrati li jinħallu fil-materjal frisk. Foraġġ moderatament diffiċli biex jinħażen f'silos: 1,5-3,0 % karboidrati li jinħallu fil-materjal frisk. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 429/2008 tal-25 ta' April 2008 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet u l-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' addittivi fl-għalf (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 1).


15.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 126/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/765

tal-14 ta' Mejju 2019

li jirrevoka d-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u li jtemm il-proċedimenti fir-rigward ta' tali importazzjonijiet, wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni anti-dumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 157/2013 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta' EUR 62,3 għal kull tunnellata metrika (“tunnellata”) fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti” jew “il-pajjiż ikkonċernat”). Minn hawn 'il quddiem, dawn il-miżuri jissejħu “il-miżuri fis-seħħ”.

1.2.   Talba għal rieżami ta' skadenza

(2)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż dwar l-iskadenza imminenti (3) tal-miżuri fis-seħħ, fis-7 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

(3)

It-talba tressqet minn ePure (“l-applikant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-bijoetanol.

(4)

It-talba kienet imsejsa fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx twassal għall-kontinwazzjoni u għar-rikorrenza ta' dumping u għall-kontinwazzjoni u għar-rikorrenza ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Bidu ta' rieżami ta' skadenza

(5)

Wara li stabbilixxiet li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza, fl-20 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) (“in-Notifika tal-Bidu”), il-bidu ta' rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

1.4.   Il-partijiet interessati

(6)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jagħmlu kuntatt magħha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarrfet b'mod speċifiku lill-produtturi magħrufin l-oħra tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufin, lill-operaturi tas-suq/lill-blenders u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, lill-importaturi, il-fornituri u l-utenti, kif ukoll lin-negozjanti magħrufin dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni u stednithom jieħdu sehem.

(7)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.5.   Kampjunar

(8)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li jaf tieħu kampjun tal-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.5.1.   Il-kampjunar tal-produtturi esportaturi u tal-operaturi tas-suq/tal-blenders fl-Istati Uniti

(9)

Sabiex tiddeċiedi jekk kienx meħtieġ kampjunar u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha u lill-operaturi tas-suq/lill-blenders fl-Istati Uniti jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw produtturi esportaturi u operaturi tas-suq/blenders oħra, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati jieħdu sehem fl-investigazzjoni.

(10)

Tmien produtturi tal-bijofjuwils ippreżentaw ruħhom. Madankollu, l-ebda wieħed minnhom ma pproduċa l-prodott taħt rieżami.

(11)

Barra minn dan, tliet assoċjazzjonijiet tal-bijofjuwils tal-Istati Uniti ppreżentaw ruħhom u kienu rreġistrati bħala partijiet interessati.

1.5.2.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(12)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni stqarret li kienet għażlet b'mod provviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-kampjun kien ibbażat primarjament fuq il-volum tal-produzzjoni, iżda nkisbet ukoll firxa ġeografika tajba kif ukoll rappreżentazzjoni tal-gruppi differenti. Il-kampjun propost kien jikkonsisti minn erba' produtturi tal-Unjoni u l-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw fuq il-kampjun provviżorju.

(13)

Wara l-kummenti li waslu, produttur wieħed mill-kampjun preliminari ġie sostitwit minħabba r-relazzjoni tiegħu ma' produttur ieħor mill-kampjun preliminari. L-erba' produtturi fil-kampjun ammontaw għal 25 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-bijoetanol matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

1.5.3.   Il-kampjunar tal-importaturi

(14)

Biex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(15)

Tliet importaturi mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ.

1.6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

(16)

Peress li l-ebda wieħed mill-produtturi tal-Istati Uniti li ppreżentaw ruħhom matul l-eżerċizzju tal-kampjunar ma pproduċa l-prodott taħt rieżami fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, il-Kummissjoni kellha tapplika l-fatti disponibbli fir-rigward tal-produtturi esportaturi, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(17)

Il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku u tathom l-opportunità li jikkummentaw. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment.

(18)

Minkejja li ma kkoopera l-ebda produttur esportatur, it-tliet assoċjazzjonijiet tal-bijofjuwil tal-Istati Uniti li ppreżentaw ruħhom għamlu sottomissjonijiet matul l-investigazzjoni. Dawk is-sottomissjonijiet ġew ikkunsidrati.

1.7.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju

(19)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-erba' produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lit-tliet importaturi mhux relatati li ppreżentaw ruħhom.

(20)

Ġew riċevuti tweġibiet għall-kwestjonarji mill-erba' produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u mit-tliet importaturi mhux relatati. Tnejn mit-tliet importaturi mhux relatati fil-fatt ma importawx il-prodott taħt rieżami mill-pajjiż li ġie kkunsidrat fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami u għalhekk ma ġewx ikkunsidrati aktar. It-tweġiba għall-kwestjonarju mill-importatur mhux relatat li jifdal tqieset kif xieraq.

1.8.   Iż-żjarat ta' verifika

(21)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet neċessarja għal determinazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping, il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dannu u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku twettqu fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

Produtturi tal-Unjoni

Pannonia Ethanol Zrt., Dunaföldvar, l-Ungerija

CropEnergies Bioethanol GmbH, Mannheim, il-Ġermanja

Cristanol, Bazancourt, Franza

Alco Bio Fuel N.V., Ghent, il-Belġju

Importaturi

Shell Trading Rotterdam B.V., Rotterdam, in-Netherlands

1.9.   Proċedura ulterjuri

(22)

Minkejja n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi, kif spjegat fil-premessi (10) u (16) sa (18), it-tliet assoċjazzjonijiet tal-bijofjuwil tal-Istati Uniti u l-ilmentatur issottomettew diversi settijiet ta' kummenti fir-rigward tal-bidu. Fid-dawl tal-konklużjonijiet taħt il-kapitolu 3 hawn taħt, dawn il-kummenti ma jiġux indirizzati aktar f'dan id-dokument.

(23)

Fl-1 ta' Marzu 2019, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi revokat id-dazju anti-dumping fis-seħħ (“id-divulgazzjoni”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.

(24)

Fit-12 ta' Marzu 2019, l-applikant għamel sottomissjoni bil-miktub li fiha jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar is-sejbiet tal-Kummissjoni. Fil-qosor, l-applikant ikkontesta l-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni li d-dumping ma kienx probabbli li jirrikorri li kieku l-miżuri jitħallew jiskadu.

(25)

Fid-dawl ta' dawn il-kummenti, it-tliet assoċjazzjonijiet tal-bijofjuwil tal-Istati Uniti talbu seduta mas-servizzi tal-Kummissjoni li saret fid-19 ta' Marzu 2019. Sussegwentement għal din is-seduta, dawn l-assoċjazzjonijiet bagħtu dokumenti addizzjonali lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw ċerti dikjarazzjonijiet. Fl-20 ta' Marzu 2019, l-applikant spjega l-opinjonijiet tiegħu f'seduta.

(26)

Fejn xieraq, il-kummenti li ġew sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u ġew meqjusa.

1.10.   Il-perjodu ta' investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

(27)

L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2017 (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sat-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott taħt rieżami

(28)

Il-prodott taħt rieżami huwa l-bijoetanol, li xi drabi jissejjaħ il-“karburant etanol”, jiġifieri l-alkoħol etiliku prodott minn prodotti agrikoli (kif elenkat fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), denaturat jew le, esklużi prodotti b'kontenut ta' ilma ta' aktar minn 0,3 % (m/m) imkejjel skont l-istandard EN 15376, iżda inkluż l-alkoħol etiliku prodott minn prodotti agrikoli (kif elenkat fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) li jinsab f'taħlit ma' gażolina b'kontenut ta' alkoħol etiliku ta' aktar minn 10 % (v/v) li huwa maħsub għal użi ta' karburant li joriġina mill-Istati Uniti, li attwalment jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 2207 10 00, ex 2207 20 00, ex 2208 90 99, ex 2710 12 21, ex 2710 12 25, ex 2710 12 31, ex 2710 12 41, ex 2710 12 45, ex 2710 12 49, ex 2710 12 50, ex 2710 12 70, ex 2710 12 90, ex 3814 00 10, ex 3814 00 90, ex 3820 00 00 u ex 3824 99 92 (il-kodiċijiet TARIC 2207100012, 2207200012, 2208909912, 2710122111, 2710122592, 2710123111, 2710124111, 2710124511, 2710124911, 2710125011, 2710127011, 2710129011, 3814001011, 3814009071, 3820000011 u 3824999266). Il-bijoetanol jista' jiġi prodott minn diversi feedstock agrikolu, bħall-kannamiela, il-pitrava ħelwa, il-patata, il-manjoka u l-qamħirrum. Jista' jkun hemm differenzi minuri fil-proċess tal-produzzjoni bejn il-produtturi.

(29)

It-tipi kollha tal-bijoetanol u l-bijoetanol f'taħlitiet koperti minn dan ir-rieżami ta' skadenza, minkejja differenzi possibbli f'termini tal-feedstock użat għall-produzzjoni, jew varjazzjonijiet fil-proċess tal-produzzjoni, għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi, jew karatteristiċi simili ħafna, u jintużaw għall-istess skopijiet. Il-varjazzjonijiet minuri possibbli fil-prodott taħt rieżami ma jbiddlux id-definizzjoni bażika tiegħu jew il-karatteristiċi tiegħu.

(30)

Il-bijoetanol destinat għal applikazzjonijiet oħra apparti l-użu bħala fjuwil ma ġiex kopert mill-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali u għalhekk lanqas mhuwa kopert minn dan ir-rieżami ta' skadenza.

2.2.   Il-prodott simili

(31)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni stabbiliet li l-bijoetanol li jiġi manifatturat mill-industrija tal-Unjoni u li jinbiegħ fis-suq tal-Unjoni għandu karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi simili meta mqabbel mal-bijoetanol li jiġi esportat lejn l-Unjoni mill-Istati Uniti. Minkejja l-użu ta' firxa ta' feedstock agrikolu differenti bħala materja prima, il-bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti huwa interkambjabbli mal-bijoetanol li jiġi prodott fl-Unjoni.

(32)

Id-differenza ewlenija bejn il-biċċa l-kbira tal-bijoetanol li jinbiegħ fis-suq tal-Istati Uniti u l-bijoetanol li jinbiegħ fis-suq tal-Unjoni tirrigwarda l-istandards differenti għall-kontenut ta' ndewwa. Il-produtturi tal-Istati Uniti tipikament jipproduċu l-bijoetanol b'kontenut tal-ilma ta' 0,5 % jew aktar filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet għas-suq tal-Unjoni jirrikjedu kontenut tal-ilma aktar baxx ta' massimu ta' 0,3 % li jitkejjel skont l-istandard EN 15376, li jirrikjedi rfinament addizzjonali mill-produtturi tal-pajjiżi terzi sabiex jiġu ssodisfati l-ispeċifikazzjonijiet għas-suq tal-Unjoni.

(33)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar il-prodott simili mill-partijiet interessati li ressqu kummenti f'dan ir-rieżami ta' skadenza. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li dawk il-prodotti huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   IL-PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA' DUMPING

3.1.   Kummenti preliminari

(34)

L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti jew mill-operaturi tas-suq/mill-blenders tal-prodott taħt rieżami ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, biex tistabbilixxi l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat id-data statistika (jiġifieri l-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6), id-data tal-“Agricultural Marketing Resource Center” (iċ-Ċentru għar-Riżorsi ta' Kummerċjalizzazzjoni Agrikola) (“AGMRC”), l-istatistika tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti (“US ITC”), u l-istatistika tal-Amministrazzjoni tal-Informazzjoni dwar l-Enerġija tal-Istati Uniti (“US EIA”)), kif ukoll l-informazzjoni li tingħata mill-applikant fit-talba għal rieżami.

(35)

Il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku u tathom l-opportunità li jikkummentaw. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment.

3.2.   Il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping fl-Unjoni f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu

(36)

F'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk id-dumping kienx qed isseħħ attwalment u jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping.

(37)

Matul il-perjodu kkunsidrat, inkluż il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, l-esportazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni kienu negliġibbli. Skont il-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6), l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat ammontaw għal 4 213,5-il tunnellata biss matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, li jirrappreżentaw sehem mis-suq ta' 0,1 %. Il-biċċa l-kbira ta' dan il-volum (jiġifieri, 99 %) ġie importat fi Stat Membru wieħed matul xahar wieħed f'dik li tidher li hija konsenja waħda.

(38)

Abbażi ta' dak l-isfond fattwali, il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni preliminari li m'għandhiex biżżejjed data biex tikkonkludi li ammont rappreżentattiv tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami wera l-kontinwazzjoni ta' dumping fl-Unjoni.

(39)

Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping mill-Istati Uniti abbażi tal-fatti disponibbli, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

3.3.   Il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu

(40)

Il-Kummissjoni analizzat jekk kienx hemm probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping f'każ li l-miżuri jiskadu. Waqt dan, saret analiżi tal-elementi li ġejjin: il-prezzijiet domestiċi tal-Istati Uniti, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti lejn pajjiżi terzi, il-kapaċità tal-produzzjoni, il-kapaċità ta' riżerva, il-konsum u l-istokkijiet tal-bijoetanol tal-produtturi kollha fl-Istati Uniti, irrispettivament jekk jikkonformawx jew le mal-kontenut ta' ndewwa tas-suq tal-Unjoni, u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

Il-valur normali

(41)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-bijoetanol tal-Istati Uniti, il-valur normali kien ibbażat fuq id-data li ngħatat mill-applikant fit-talba għal rieżami, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(42)

It-talba għal rieżami kienet ibbażata fuq id-data tal-AGMRC (5) disponibbli għall-pubbliku. It-talba għal rieżami użat il-prezz tal-bijoetanol f'wieħed mill-akbar stati tal-Istati Uniti li jipproduċu l-bijoetanol, Illinois, biex tistabbilixxi l-valur normali.

(43)

Għall-finijiet ta' kompletezza, fil-kalkolu tagħha tal-valur normali, il-Kummissjoni inkludiet il-kwotazzjoni tal-prezz medju annwali tal-prezz tal-bejgħ domestiku fi ħdan erba' mill-akbar stati li jipproduċu l-bijoetanol fl-Istati Uniti li għalihom l-AGMRC ta data sħiħa għall-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, jiġifieri Iowa, Illinois, Nebraska u South Dakota.

(44)

Barra minn dan, il-Kummissjoni vvalutat il-prezzijiet tas-suq tal-bijoetanol, kif ikkwotat fuq iċ-“Chicago Board of Trade” (il-Bord tal-Kummerċ ta' Chicago) (“CBOT”). Il-prezz medju tas-CBOT kien daqsxejn ogħla mill-prezz medju tal-bejgħ domestiku li ġie rrapportat mill-AGMRC fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(45)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, il-Kummissjoni sabet li l-istandards għall-bijoetanol applikabbli fl-Istati Uniti jvarjaw mill-istandards applikabbli fi swieq oħra, inklużi t-tliet swieq tal-esportazzjoni prinċipali tal-Istati Uniti, jiġifieri l-Brażil, il-Kanada u l-Perù, f'termini tar-rekwiżiti tal-kontenut tal-ilma. L-istandards tal-Istati Uniti kienu jippermettu l-ogħla kontenut tal-ilma meta mqabbel mas-swieq fil-Brażil, fil-Kanada u fil-Perù.

(46)

Fit-talba għal rieżami, l-applikant talab li meta l-Kummissjoni tkun qed teżamina l-esportazzjonijiet potenzjali tal-bijoetanol tal-Istati Uniti lejn l-Unjoni, din għandha tqis l-ispejjeż addizzjonali tal-produzzjoni marbutin mat-tnaqqis tal-kontenut tal-ilma tal-bijoetanol (“il-primjum tal-konverżjoni tal-Unjoni”). Peress li din il-metodoloġija ntużat fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni aċċettat din l-affermazzjoni.

(47)

Sabiex ikun jista' jsir paragun ġust f'konformità mal-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni aġġustat il-prezz tal-bejgħ domestiku tal-Istati Uniti abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-AGMRC u mis-CBOT għall-ispejjeż addizzjonali tal-konverżjoni marbutin mat-tnaqqis tal-kontenut tal-ilma tal-bijoetanol għall-esportazzjonijiet. Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni ddependiet fuq id-data li ngħatat mill-applikant, li stmat li l-primjum tal-konverżjoni tal-Unjoni huwa ta' EUR 12,30 għal kull tunnellata. Sabiex jittieħed approċċ konservattiv, il-Kummissjoni applikat dan il-primjum għall-valur normali. Dan il-valur normali ntuża fil-kalkoli kollha tad-dumping, anki dawk li jużaw l-esportazzjonijiet lejn swieq fejn l-istandards għall-bijoetanol jippermettu kontenut ogħla tal-ilma meta mqabbel mal-istandard tal-Unjoni.

Il-prezz tal-esportazzjoni

(48)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami ġew stabbiliti abbażi tad-data disponibbli għall-pubbliku, jiġifieri l-istatistika tal-US ITC. Fit-talba għal rieżami, l-applikant identifika l-Brażil, il-Kanada u l-Perù bħala t-tliet swieq tal-esportazzjoni prinċipali tal-Istati Uniti u ssuġġerixxa li l-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping jenħtieġ li tiġi eżaminata abbażi tal-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn dawn il-pajjiżi. L-applikant ipprovda wkoll stimi għall-merkanzija internazzjonali u domestika, u għall-primjum tal-konverżjoni tal-Unjoni kif spjegat f'aktar dettall fil-premessa (47). Il-Kummissjoni aċċettat dan l-approċċ li ġie ssuġġerit mill-applikant u vvalutat il-prezzijiet tal-bejgħ tal-bijoetanol tal-Istati Uniti fuq it-tliet swieq tal-esportazzjoni prinċipali tal-Istati Uniti matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(49)

Barra minn hekk, għall-finijiet ta' kompletezza, il-Kummissjoni analizzat il-prezz medju tal-esportazzjoni tal-bejgħ totali tal-bijoetanol tal-Istati Uniti lejn is-swieq terzi, bl-esklużjoni tal-Unjoni.

(50)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni disponibbli fil-bażi tad-data statistika tal-US ITC ġew irrapportati fil-livell frank sottobord (“FAS”). Il-Kummissjoni kkoreġiet din id-data għal-livell mill-fabbrika billi naqqset l-ispejjeż tat-trasport domestiku fl-Istati Uniti. Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni ddependiet fuq l-informazzjoni dwar l-ispejjeż tat-trasport domestiku tal-Istati Uniti li ngħatat mill-applikant.

(51)

Fin-nuqqas ta' evidenza li tissuġġerixxi mod ieħor, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti lejn is-swieq tal-esportazzjoni individwali diġà inkludew l-ispejjeż tal-konverżjonjiet marbutin mat-tnaqqis tal-kontenut tal-ilma fil-bijoetanol. Għalhekk, il-Kummissjoni ma applikat l-ebda aġġustament għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba mill-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti.

Il-paragun

(52)

Il-valur normali medju ġie mqabbel mal-prezz medju tal-esportazzjoni ponderat mill-Istati Uniti lejn it-tliet swieq tal-esportazzjonijiet prinċipali tal-Istati Uniti, kif stabbilit hawn fuq, f'konformità mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, it-tnejn li huma fil-livell mill-fabbrika. Sar paragun ieħor bejn il-valur normali medju u l-prezz medju tal-esportazzjoni ponderat mill-Istati Uniti għas-swieq terzi kollha, bl-esklużjoni tal-Unjoni.

(53)

Sabiex tagħmel valutazzjoni konservattiva, il-Kummissjoni użat valur normali biż-żieda tal-primjum tal-konverżjoni tal-Unjoni kif spjegat fil-premessa (47) u prezz tal-esportazzjoni li għalih il-Kummissjoni assumiet li kwalunkwe spiża tal-konverżjoni diġà kienet inkluża u għalhekk, ma kienx neċessarju li l-prezz tal-esportazzjoni jiġi aġġustat għall-ispejjeż tal-konverżjoni.

Il-marġni tad-dumping li juża l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

(54)

Biex tistabbilixxi l-marġni tad-dumping fuq l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali abbażi tad-data kemm mill-AGMRC kif ukoll mis-CBOT mal-prezz tal-esportazzjoni lejn it-tliet swieq tal-esportazzjoni ewlenin tal-Istati Uniti u lejn is-swieq terzi kollha, bl-esklużjoni tal-Unjoni, aġġustat kif xieraq għal-livell mill-fabbrika.

(55)

Il-Kummissjoni ddeterminat li ma nstab l-ebda dumping fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami għall-esportazzjonijiet lejn it-tliet swieq tal-esportazzjoni ewlenin tal-Istati Uniti li ġew eżaminati b'mod individwali u lejn is-swieq terzi kollha, bl-esklużjoni tal-Unjoni, b'kollox, la meta kienet qed tqis id-data tal-AGMRC u lanqas meta kienet qed tqis il-prezz tas-CBOT għall-kalkolu tal-valur normali.

(56)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant sostna li l-Kummissjoni kkonkludiet b'mod żbaljat li ma nstab l-ebda dumping fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni, l-applikant identifika dumping fuq żewġ swieq tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti (l-Indja u l-Emirati Għarab Magħquda) kif ukoll fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn żewġ Stati Membri (Spanja u r-Renju Unit).

(57)

Fir-rigward tal-affermazzjonijiet tal-applikant dwar l-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn iż-żewġ Stati Membri, għandu jiġi nnotat li l-analiżi tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-importazzjonijiet irreġistrati fil-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6), li titqies li hija aktar affidabbli mill-istatistika dwar l-esportazzjoni tal-Istati Uniti biex jiġu ddeterminati l-volumi tal-importazzjoni mill-Istati Membri lejn l-Unjoni. Eżaminazzjoni ta' dawk l-importazzjonijiet lejn l-Istati Membri individwali ma kinitx rilevanti għall-investigazzjoni peress li l-Unjoni hija ttrattata bħala suq uniku wieħed, u ma kien hemm l-ebda allegazzjoni jew evidenza ta' dumping immirat fuq il-fajl (l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni msemmija fil-premessa (37) ma żvelawx li jikkostitwixxu mudell ta' prezzijiet tal-esportazzjonijiet li jvarja b'mod sinifikanti bejn ir-reġjuni jew il-perjodi taż-żmien, u għalhekk ma ssodisfawx ir-rekwiżiti għal analiżi tad-dumping immirat, peress li, b'mod partikolari, aktar minn 99 % ta' dawk l-importazzjonijiet saru lejn Stat Membru wieħed).

(58)

Fi kwalunkwe każ, l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni tqiesu li kienu negliġibbli u mhux rappreżentattivi fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami kif stabbilit fil-premessi (37) u (38).

(59)

Il-Kummissjoni kkontrollat il-kalkolu li sar mill-applikant fis-sottomissjoni tagħha wara d-divulgazzjoni u, għall-kuntrarju tal-applikant, ma sabitx dumping ogħla mil-livell de minimis għall-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn l-Indja iżda sabet biss dumping limitat ogħla mil-livell de minimis ta' 3,1 % fuq l-esportazzjoni lejn l-Emirati Għarab Magħquda. Madankollu, l-esportazzjonijiet lejn l-Emirati Għarab Magħquda rrappreżentaw biss 3 % tal-esportazzjonijiet totali tal-bijoetanol tal-Istati Uniti u għalhekk waħedhom ma jistgħux jitqiesu bħala rappreżentattivi. Il-Kummissjoni sabet li d-differenza fir-riżultati ta' dawn iż-żewġ kalkoli hija kkawżata mill-fatt li l-applikant uża biss id-data minn Illinois biex jikkalkula l-valur normali minkejja li kienet disponibbli data sħiħa għal erba' stati tal-Istati Uniti u mir-rata tal-kambju li ntużat. Filwaqt li l-applikant uża rata tal-kambju medja annwali waħda biex jikkonverti l-valuri tal-esportazzjoni minn USD għal EUR, il-Kummissjoni kkonvertiet il-valuri tal-esportazzjoni f'xhur individwali tal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami bir-rata tal-kambju medja rispettiva ta' kull xahar. Fl-istess waqt, l-applikant uża benefiċċju għall-merkanzija domestika tal-Istati Uniti f'EUR f'livell kif propost fit-talba. Peress li l-applikant għamel stima tal-benefiċċji fit-talba f'USD, il-Kummissjoni kkonvertiet il-valur stmat f'USD għal EUR f'xhur individwali tal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami skont ir-rata tal-kambju medja rispettiva ta' kull xahar.

(60)

Abbażi tas-sejba stabbilita fil-premessa (59), il-Kummissjoni qieset li s-sejbiet ta' dumping limitat fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn l-Emirati Għarab Magħquda ma kinux ta' tali natura li jreġġgħu lura s-sejbiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar l-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi u/jew l-esportaturi tal-Istati Uniti fuq is-swieq terzi. Għaldaqstant, l-affermazzjoni kif stabbilita fil-premessa (56) trid tiġi rrifjutata.

(61)

Barra minn hekk, irid jiġi nnotat li, kif spjegat fl-affermazzjoni (48), il-Kummissjoni eżaminat l-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn tliet swieq tal-esportazzjoni prinċipali tal-Istati Uniti għall-bijoetanol skont l-applikant. Permezz ta' dan, il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti, segwiet l-approċċ li ġie ssuġġerit mill-applikant fit-talba tiegħu. F'dan ir-rigward, l-applikant ma pprovda l-ebda ġustifikazzjoni għaliex it-tliet swieq tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti li ġew indikati fit-talba tiegħu, u li ġew eżaminati mill-Kummissjoni, m'għadhomx jikkostitwixxu bażi xierqa għall-analiżi ta' prattiki potenzjali ta' dumping tal-produtturi u/jew l-esportaturi tal-Istati Uniti fuq is-swieq terzi. Bl-istess mod, l-applikant ma indikax għaliex l-erba' pajjiżi inklużi fil-kummenti dwar id-divulgazzjoni jkunu aktar rappreżentattivi, lanqas għaliex dawn ikunu aktar rappreżentattivi mill-prezzijiet medji tal-esportazzjoni tal-esportazzjonijiet kollha tal-Istati Uniti lejn pajjiżi terzi, bl-esklużjoni tal-Unjoni.

(62)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant sostna wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-analiżi ta' kull xahar li ngħatat mill-applikant, li tiżvela marġnijiet ta' dumping sinifikanti għall-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn swieq barranin.

(63)

Il-Kummissjoni ħadet nota tas-sottomissjonijiet preċedenti tal-applikant dwar l-analiżi ta' kull xahar. Hija fakkret li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, bl-għan li tinkiseb sejba rappreżentattiva, perjodu ta' investigazzjoni li jintgħażel fil-każ ta' dumping normalment m'għandux ikopri perjodu ta' inqas minn sitt xhur. F'dan il-każ, il-Kummissjoni kienet issuġġeriet perjodu ta' investigazzjoni ta' tnax-il xahar, flimkien mal-prattika tas-soltu tagħha għad-determinazzjonijiet tad-dumping u tad-dannu. Abbażi tal-perjodu ta' investigazzjoni kif propost mill-Kummissjoni, ġie kkalkulat marġni medju tad-dumping għall-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. L-analiżi tal-Kummissjoni wriet li fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami kollu kemm hu, ma kien hemm l-ebda dumping fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn it-tliet swieq li ntgħażlu mill-applikant u lejn is-swieq terzi kollha, bl-esklużjoni tal-Unjoni, b'kollox. Dawn is-sejbiet ma indikawx il-probabbiltà ta' dumping dannuż ulterjuri, kif meħtieġ mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, anzi minflok indikaw l-oppost. Il-fatt li d-dumping seta' jiġi osservat f'xi xhur konkreti ma kienx determinattiv ta' konklużjoni differenti f'dan ir-rigward. B'mod partikolari, il-perjodu ta' investigazzjoni kollu kemm hu jservi bħala indikatur għad-dumping. Peress li l-applikant ma oġġezzjonax għall-użu ta' tnax-il xahar għall-perjodu ta' investigazzjoni fl-istadju tan-Notifika ta' Bidu (lanqas fi stadju aktar tard), il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda raġuni biex tbiddel il-valutazzjoni tagħha tad-dumping għal perjodu iqsar. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni nnotat li perjodu ta' inqas minn sitt xhur għandu jintgħażel biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Mill-Applikant ma ġietx issuġġerita l-preżenza ta' dawk iċ-ċirkostanzi, u lanqas il-Kummissjoni ma qieset li tali ċirkostanzi kienu preżenti. Bl-istess mod, il-fatt li eżista dumping għal xi destinazzjonijiet tal-esportazzjoni biss la jista' jitqies bħala determinattiv ta' prattiki ta' dumping tal-produtturi u/jew l-esportaturi tal-Istati Uniti fuq is-swieq terzi, u lanqas ma jista' jintuża biex jiġi dedott li d-dumping fil-konfront tal-Unjoni jerġa' jseħħ. Konsegwentement, din l-affermazzjoni trid tiġi rrifjutata.

3.3.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni, il-kapaċità ta' riżerva, il-konsum u l-istokkijiet

(64)

L-istatistika tal-US EIA (6) wriet kapaċità tal-produzzjoni tal-bijoetanol fl-Istati Uniti ta' 46,4 miljun tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Dan huwa aktar minn għaxar darbiet id-daqs tas-suq tal-Unjoni, fejn il-konsum ammonta għal 4,3 miljun tunnellata matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(65)

Madankollu, l-investigazzjoni ma sabet l-ebda kapaċità ta' riżerva fl-Istati Uniti. L-istatistika tal-US EIA wriet li l-produzzjoni tal-industrija tal-Istati Uniti kienet f'aktar minn 100 % (47,6 miljun tunnellata) tal-kapaċità nominali tal-produzzjoni tagħha matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(66)

Fit-talba tiegħu għal rieżami ta' skadenza, l-applikant ipprovda evidenza dwar il-provvista żejda fuq is-suq tal-Istati Uniti minħabba l-potenzjal tat-tkabbir limitat tal-konsum domestiku. Fis-sottomissjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2018, l-applikant tenna din l-affermazzjoni.

(67)

Il-Kummissjoni eżaminat il-konsum u l-esportazzjonijiet domestiċi abbażi tal-istatistika tal-US EIA u tal-US ITC u ddeterminat li l-produtturi tal-Istati Uniti esportaw biss 8 % tal-volumi tal-produzzjoni tagħhom fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Għalhekk, il-maġġoranza kbira tal-produzzjoni tal-bijoetanol tal-Istati Unit ġiet ikkonsmata domestikament. Il-konsum tal-Istati Uniti ammonta għal 43,3 miljun tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami; għaldaqstant, dan irrappreżenta 91 % tal-produzzjoni tal-Istati Uniti u 93 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-Istati Uniti.

(68)

L-istokkijiet tal-bijoetanol ammontaw għal 2,9 miljun tunnellata, li jirrappreżentaw 6 % biss tal-produzzjoni totali tal-bijoetanol fl-Istati Uniti fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Minkejja li dan il-volum ta' stokkijiet jammonta għal 68 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-volum jirrappreżenta livell normali neċessarju sabiex tiġi evitata kwalunkwe interruzzjoni fil-provvista. Il-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni fuq l-istatistika disponibbli għall-pubbliku mill-US EIA. Id-data storika wriet li l-istokkijiet tal-għeluq irrappreżentaw 9 % sa 12 % tal-produzzjoni totali tal-Istati Uniti mill-1992 sal-2003 u 5 % sa 7 % mill-2004 sal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(69)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant sostna li l-fatt li 8 % tal-produzzjoni tal-Istati Uniti tal-bijoetanol ġiet esportata fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami kkostitwixxa evidenza ta' provvista żejda li għandha tiġi kkunsidrata f'perspettiva mad-daqs tas-suq tal-Unjoni, peress li tali volum tal-esportazzjoni rrappreżenta 98 % tal-konsum tal-Unjoni. Fl-istess waqt, l-applikant sostna li s-sitwazzjoni tal-provvista żejda tmur għall-agħar minħabba l-potenzjal tat-tkabbir limitat tal-konsum domestiku kif appoġġjat mix-xejra ta' volumi dejjem akbar li jiġu esportati mill-Istati Uniti.

(70)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li s-suq tal-Istati Uniti huwa ferm akbar mis-suq tal-Unjoni f'termini tal-produzzjoni, il-konsum u l-bejgħ tal-esportazzjoni. Madankollu, l-applikant ma pprovda l-ebda evidenza għaliex id-daqs tal-industrija tal-Istati Uniti għandu jindika probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping. L-applikant lanqas ma pprovda evidenza li turi li ż-żieda kontinwa ta' esportazzjonijiet kienet xprunata minn potenzjal tat-tkabbir limitat tal-konsum domestiku tal-Istati Uniti u mhux minn fatturi oħra, b'mod partikolari minn domanda li qed tiżdied għal-bijoetanol fis-swieq tal-pajjiżi terzi. Fil-fatt, l-investigazzjoni wriet li l-konsum tal-karburant etanol fit-tliet swieq tal-esportazzjoni prinċipali tal-Istati Uniti żdied b'1,3 miljun tunnellata, filwaqt li l-produzzjoni f'dawk il-pajjiżi żdiedet biss b'200 elf tunnellata. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li mhux il-produzzjoni u l-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti biss kienu qed jiżdiedu, iżda anki l-konsum domestiku. Fil-perjodu kkunsidrat, il-produzzjoni tal-Istati Uniti żdiedet b'4,8 miljun tunnellata, l-esportazzjonijiet żdiedu b'1,5 miljun tunnellata, u l-konsum domestiku żdied bi 3,1 miljun tunnellata. Għalhekk, din l-affermazzjoni trid tiġi rrifjutata.

(71)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant sostna wkoll li l-Kummissjoni kellha teżamina l-kapaċità massima tal-produzzjoni sostenibbli mogħtija mill-US EIA, li hija 4,5 % ogħla mill-kapaċità nominali u ogħla wkoll mill-produzzjoni tal-Istati Uniti fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. L-applikant issuġġerixxa li bil-kunsiderazzjoni tal-kapaċità massima tal-produzzjoni sostenibbli bħala l-kapaċità tal-produzzjoni attwali tal-industrija tal-Istati Uniti, kien hemm kapaċità ta' riżerva ta' 0,8 miljun tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(72)

Barra minn hekk, l-applikant ipprovda artikli tal-aħbarijiet li jmorru lura għal Settembru 2018 sa Jannar 2019 dwar l-għeluq tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-etanol ippjanat minn diversi produtturi tal-Istati Uniti biex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu tal-kapaċità ta' riżerva fl-Istati Uniti.

(73)

F'dan ir-rigward, skont l-applikant, il-Kummissjoni mxiet mill-prattika tal-passat tagħha, li skontha meta l-kapaċità supplimentari [h]ija ta' kwantità sinifikanti meta mqabbla mal-konsum tal-Unjoni matul il-PIR (…) Jekk din il-kapaċità ntużat bħala esportazzjoni lejn l-Unjoni u biex tikkompeti bil-prezz mal-produtturi tal-Unjoni jew mal-importazzjonijiet ewlenin minn pajjiżi terzi, hemm probabbiltà qawwija li tali esportazzjonijiet isiru bi prezzijiet oġġett ta' dumping (7).

(74)

Fir-rigward tal-affermazzjonijiet imsemmija fil-premessa (71), irid jiġi nnotat li l-US EIA rrapportat dwar il-kapaċità nominali u l-kapaċità massima tal-produzzjoni sostenibbli fis-snin 2011 u 2012 biss (8). Fis-snin ta' wara, ir-rapportar kien limitat għal data dwar il-kapaċità nominali. L-ebda data dwar il-kapaċità massima tal-produzzjoni sostenibbli ma kienet disponibbli għall-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami jew għall-perjodu kkunsidrat. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kapaċità nominali mhijiex neċessarjament limitu fiżiku għall-produzzjoni għal ħafna impjanti tal-etanol. Bl-applikazzjoni ta' tekniki operattivi aktar effiċjenti, diversi impjanti tal-etanol jistgħu joperaw f'livelli li jaqbżu l-kapaċità tal-produzzjoni nominali tagħhom. Madankollu, dan il-livell ta' operazzjoni, li jissejjaħ il-kapaċità massima sostenibbli, huwa soġġettiv b'mod inerenti (9) u, fost oħrajn, jiddependi fuq il-kontenut tal-ilma li l-produttur għandu l-ħsieb li jilħaq (10). Dan jirriżulta mill-evidenza fil-fajl li sabiex jintlaħaq kontenut baxx tal-ilma, kif meħtieġ għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, il-kapaċità massima tal-produzzjoni sostenibbli hija ferm aktar baxxa minn dik għall-kontenut ogħla tal-ilma. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li d-data storika għall-kapaċità massima tal-produzzjoni sostenibbli għall-2011 u għall-2012, li ma ġietx aġġornata, ma tikkostitwixxix indikazzjoni affidabbli tal-kapaċità tal-industrija tal-Istati Uniti li tipproduċi aktar mil-livell li ntlaħaq diġà matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, li kif irrikonoxxiet diġà l-Kummissjoni kien ogħla mill-kapaċità tal-produzzjoni nominali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejba oriġinali tagħha li l-evidenza fil-fajl, meta titqies kollha kemm hi, ma tindikax kapaċità ta' riżerva sinifikanti fl-Istati Uniti.

(75)

Fir-rigward tal-għeluq potenzjali tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-Istati Uniti, l-informazzjoni ma kinitx tikkonċerna l-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami jew il-perjodu kkunsidrat. Għalkemm ir-rieżami ta' skadenza huwa eżerċizzju li jħares 'il quddiem, l-investigazzjoni teżamina b'mod strett dak li x'aktarx jiġri taħt il-kundizzjonijiet prevalenti matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(76)

Il-Kummissjoni qieset li l-affermazzjonijiet tal-applikant dwar il-kapaċità tal-produzzjoni kif deskritti fil-premessi (71) sa (73) ma kinux sostanzjati u għaldaqstant iridu jiġu rrifjutati.

(77)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant sostna li l-livelli tal-istokk li jammontaw għal 6 % tal-produzzjoni ma setgħux jitqiesu bħala l-livell normali sabiex tiġi evitata interruzzjoni fil-provvista peress li l-istokkijiet tal-produtturi tal-Unjoni varjaw biss minn 1,5 % sa 4 %. L-applikant issottolinja wkoll li l-livelli attwali tal-istokkijiet huma 'l bogħod wisq mil-livelli normali, kif intwera minn artiklu tal-aħbarijiet li jmur lura għal Frar 2016 (11).

(78)

Fir-rigward tal-livelli tal-istokk, l-applikant sostna wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza tħassib prinċipali tal-industrija tal-Unjoni, li qies li, peress li l-industrija tal-Istati Uniti setgħet tesporta bi prezzijiet oġġett ta' dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali (l-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011), ma kien hemm l-ebda raġuni biex tqis li din ma tkunx f'pożizzjoni li tagħmel dan bi stokkijiet saħansitra ogħla.

(79)

Fir-rigward tal-affermazzjoni deskritta fil-premessa (77), l-applikant ma pprovda l-ebda evidenza li tagħmilha possibbli biex il-Kummissjoni tikkonkludi jekk il-livelli tal-istokk fl-Istati Uniti humiex għoljin b'mod mhux normali u għalhekk jirrappreżentaw theddida. L-artiklu kkwotat mill-applikant li jmur lura għal Frar 2016 iddeskriva sitwazzjoni ta' eċċezzjoni. Fil-fatt, abbażi tad-data rrapportata mill-US EIA, l-istokkijiet tal-għeluq f'Jannar u fi Frar 2016 kienu l-ogħla matul il-perjodu kkunsidrat meta esprimew perċentwal tal-produzzjoni matul it-12-il xahar preċedenti li jispiċċaw fix-xahar li għalih ġew irrapportati l-istokkijiet.

(80)

Fir-rigward tal-affermazzjoni deskritta fil-premessa (78), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-istokkijiet żdiedu meta mqabbel mal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali f'valuri assoluti. Madankollu, iż-żieda li ġiet espressa bħala sehem tal-produzzjoni ma kinitx sinifikanti (minn 5,6 % fil-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali għal 6 % fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami). Barra minn dan, l-istokkijiet fl-Istati Uniti kienu stabbli matul l-aħħar 14-il sena, fejn ammontaw għal 5 sa 7 % tal-produzzjoni, kif spjegat fil-premessa (68). Peress li l-applikant ma pprovda l-ebda evidenza għall-affermazzjoni tiegħu li l-livell tal-istokkijiet fl-Unjoni jista' jitqies aktar normali mil-livell fl-Istati Uniti, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda raġuni biex tqis il-livelli tal-istokk tal-Istati Uniti bħala għoljin b'mod mhux normali.

(81)

Għalhekk, l-affermazzjonijiet dwar l-istokkijiet kif deskritt fil-premessi (77) u (78) iridu jiġu rrifjutati.

3.3.2.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(82)

Sabiex tiddetermina jekk is-suq tal-Unjoni jkunx attraenti għall-produtturi tal-Istati Uniti f'każ li l-miżuri jiskadu, il-Kummissjoni eżaminat id-daqs tas-suq tal-Unjoni u l-prezz tas-suq tal-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl ta' devjazzjoni potenzjali tat-traffiku kummerċjali.

(83)

Kif spjegat fil-premessa (64), is-suq tal-Unjoni huwa suq relattivament żgħir, speċjalment meta mqabbel mal-produzzjoni tal-Istati Uniti.

(84)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni kienu limitati; matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, l-industrija tal-Unjoni kellha sehem mis-suq ta' 96 %.

(85)

Sabiex tivvaluta l-attraenza tas-suq tal-Unjoni f'termini tal-prezz, il-Kummissjoni qabblet il-prezz tas-suq tal-Unjoni mal-prezz tal-importazzjoni ta' wara l-konsenja tal-Unjoni abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami fuq it-tliet swieq tal-esportazzjonijiet prinċipali tal-Istati Uniti u fuq is-swieq terzi kollha tal-esportazzjoni, bl-esklużjoni tal-Unjoni (abbażi tal-istatistika dwar l-esportazzjoni tal-US ITC fil-livell tal-FAS).

(86)

Minħabba li l-ispeċifikazzjonijiet tal-indewwa fis-suq tal-Unjoni huma differenti mis-suq domestiku tal-Istati Uniti u mill-biċċa l-kbira tas-swieq l-oħra tal-esportazzjoni, f'każ li l-produtturi tal-Istati Uniti jiddeċiedu li jkomplu l-esportazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni, dawn iġarrbu spejjeż addizzjonali ta' produzzjoni marbutin mat-tnaqqis tal-kontenut tal-ilma tal-bijoetanol, kif spjegat fil-premessi (45) sa (47). Għalhekk, il-Kummissjoni aġġustat kif xieraq il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti għall-primjum tal-konverżjoni tal-Unjoni.

(87)

Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li f'Mejju 2012, il-Kummissjoni ppubblikat Regolament biex tiddetermina l-klassifikazzjoni tariffarja t-tajba ta' ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda (12). Minn dakinhar, xi importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li fil-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali setgħu ġew ikklassifikati taħt kodiċijiet doganali oħrajn, għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM 2207 20 00, li jġorr dazju tal-importazzjoni li jiskoraġġixxi lill-esportaturi. Matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, id-dazju tal-importazzjoni konvenzjonali applikabbli għall-prodott taħt rieżami kien ta' EUR 129 għal kull tunnellata jew ta' EUR 243 għal kull tunnellata, skont il-kodiċi doganali li taħtu jkun ġie kklassifikat il-prodott taħt rieżami. Fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, tali dazji tal-importazzjoni konvenzjonali rrappreżentaw 18 % sa 34 % tal-prezz tal-importazzjoni ta' wara l-konsenja tal-Unjoni, kif stabbilit fil-premessa (88), jew 18 % sa 36 % tal-prezz tal-importazzjoni ta' wara l-konsenja tal-Unjoni, kif stabbilit fil-premessa (89).

(88)

Fil-każ tal-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti tal-prodott taħt rieżami lejn it-tliet swieq tal-esportazzjoni prinċipali tal-Istati Uniti u lejn is-swieq terzi kollha tal-esportazzjoni bl-esklużjoni tal-Unjoni, il-prezz ta' wara l-konsenja stabbilit tal-Unjoni li jqis l-ispejjeż tat-trasport internazzjonali, il-primjum tal-konverżjoni tal-Unjoni, u d-dazju tal-importazzjoni konvenzjonali varjaw minn EUR 694 għal kull tunnellata għal EUR 719 għal kull tunnellata. Għalhekk, anki l-prezz ta' wara l-konsenja aktar baxx tal-Unjoni kien ogħla mill-prezz tas-suq tal-Unjoni, li ġie ddeterminat fil-livell ta' EUR 655 għal kull tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Dan ifisser li l-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti ma jkunux jistgħu jbigħu fis-suq tal-Unjoni bil-prezzijiet li normalment ikunu kisbu fi swieq terzi fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(89)

Għall-finijiet ta' kompletezza u sabiex jittieħed approċċ konservattiv, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll prezz ta' wara l-konsenja tal-Unjoni li jinjora l-primjum tal-konverżjoni tal-Unjoni peress li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Unjoni normalment għandhom diġà jinkludu xi spejjeż ta' konverżjoni, kif spjegat fil-premessi (45) sa (47). Skont dan l-approċċ, il-prezz ta' wara l-konsenja tal-Unjoni, kif imsemmi fil-premessa preċedenti, jonqos għal livell li jvarja minn EUR 682 għal kull tunnellata għal EUR 707 għal kull tunnellata. Għaldaqstant, anki mingħajr il-primjum tal-konverżjoni tal-Unjoni, il-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti fis-suq tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jiksbu prezzijiet li għalihom biegħu l-prodott taħt rieżami lil swieq terzi fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(90)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti ma jkunux immotivati mill-prezz biex jidderieġu mill-ġdid l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni, f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(91)

It-talba għal rieżami għamlet referenza għall-miżuri anti-dumping eżistenti kontra l-bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti fiċ-Ċina, fil-Perù u fil-Brażil, u r-riskju possibbli korrispondenti ta' devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali lejn l-Unjoni bħala sors ieħor ta' rikorrenza possibbli ta' dumping.

(92)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-effetti potenzjali ta' diverżjoni tal-esportazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti li jirriżultaw mill-eżistenza ta' dawn il-miżuri. Minkejja dan, kif stabbilit hawn taħt, hija kkunsidrat li r-riskju ta' devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali jkun limitat f'valutazzjoni ġenerali dwar ir-rikorrenza ta' dumping.

(93)

L-ewwel nett, il-miżuri anti-dumping u kumpensatorji fiċ-Ċina kienu imposti fuq il-ħbub imnixxfa tad-distillerija, mhux fuq il-bijoetanol, u dawn il-miżuri ġew imposti ferm qabel il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Konsegwentement, dawn jikkonċernaw prodott differenti, li minnu ma jistax jiġi konkluż faċilment li tista' sseħħ rabta diretta ma' żieda fl-importazzjonijiet tal-bijoetanol fl-Unjoni.

(94)

Barra minn hekk, fis-sottomissjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018, l-applikant sostna li l-awtoritajiet Ċiniżi żiedu d-dazju tal-importazzjoni applikabbli għall-bijoetanol tal-Istati Uniti minn 5 % fl-2016 għal 30 % fl-2017, b'żidiet ulterjuri għal 45 % u 70 % fl-2018. Madankollu, skont il-bażi tad-data tad-WTO tal-MFN u t-tariffi preferenzjali (13), id-dazju tal-importazzjoni fiċ-Ċina fuq is-subintestatura 2207 10 tas-SA kien ta' 5 % fl-2009, tela' għal 40 % wara u reġa' naqas għal 8 % fl-2017. Id-dazju tal-importazzjoni applikabbli fis-subintestatura 2207 20 tas-SA taċ-Ċina kien ta' 80 % mill-2006 'il quddiem, naqas għal 30 % fl-2016 u baqa' f'dan il-livell fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma d-dikjarazzjoni tal-applikant.

(95)

F'dan ir-rigward, l-istatistika tal-US ITC uriet li l-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-Istati Uniti lejn iċ-Ċina, fi kwalunkwe każ, diġà ġew assorbiti minn żieda fl-esportazzjonijiet f'pajjiżi terzi oħra matul l-aħħar snin. Għalhekk, ir-riskju potenzjali li dawn l-esportazzjonijiet jiġu diretti mill-ġdid lejn l-Unjoni, f'każ li l-miżura titħalla tiskadi, huwa limitat. Anki jekk l-esportazzjonijiet kollha tal-bijoetanol mill-Istati Uniti lejn iċ-Ċina li saru fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, li ammontaw għal 140 elf tunnellata bi prezz medju ta' EUR 442/tunnellata fil-livell tal-FAS, kellhom jiġu diretti mill-ġdid lejn l-Unjoni wara ż-żieda fid-dazji tal-importazzjoni, dawn kienu kieku jammontaw biss għal 3 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(96)

It-tieni nett, fir-rigward tal-Brażil, it-talba għal rieżami għamlet referenza għal kwota tariffarja li daħlet fis-seħħ f'Awwissu 2017, li stabbiliet tariffa ta' 20 % għall-importazzjonijiet tal-bijoetanol li jaqbżu l-kwota ta' 600 miljun litru (14) (473 elf tunnellata). Madankollu, anki b'din it-tariffa fis-seħħ, l-esportazzjonijiet tal-bijoetanol mill-Istati Uniti lejn il-Brażil ammontaw għal 318-il miljun litru (251 elf tunnellata) matul l-aħħar kwart tal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, li jirrifletti aktar mid-doppju tal-kwota għal dan il-kwart. Il-prodott taħt rieżami kien esportat mill-Istati Uniti lejn il-Brażil bi prezz medju ta' EUR 522/tunnellata. Dan jindika li minkejja l-eżistenza ta' tariffa ta' 20 %, il-Brażil baqa' attraenti għall-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tqisx li hemm probabbiltà kbira li dawn l-esportazzjonijiet jiġu diretti mill-ġdid lejn l-Unjoni.

(97)

It-tielet nett, fir-rigward tal-miżuri fis-seħħ mill-Perù, jekk wieħed jassumi li l-miżuri kumpensatorji fil-livell ta' kważi USD 48 għal kull tunnellata li ġew imposti mill-Perù f'Novembru 2018 (15) ikollhom effett totalment projbittiv fuq l-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti tal-bijoetanol lejn il-Perù (li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni ma setgħetx tiġbor evidenza), ridirezzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet, li ammontaw għal 127 elf tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, lejn l-Unjoni kienet tammonta biss għal 3 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Għaldaqstant, anki l-agħar xenarju possibbli għal devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali li tirriżulta mill-miżuri Peruvjani jista' ma jwassalx għal sejba konklużiva dwar ir-rikorrenza ta' dumping tal-bijoetanol tal-Istati Uniti.

(98)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant sostna li għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-attraenza, il-produtturi tal-bijoetanol tal-Istati Uniti kkunsidraw is-suq tal-Unjoni bħala attraenti ħafna. L-applikant ibbaża din id-dikjarazzjoni fuq il-fatt li l-industrija tal-Istati Uniti bdiet iġġedded iċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà li hija neċessarja biex tbigħ il-bijoetanol fis-suq tal-Unjoni wara d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (“RED”) (16). Skont l-applikant, l-unika raġuni għaliex il-produtturi u l-operaturi tas-suq tal-pajjiżi terzi jinvestu fiċ-ċertifikazzjoni tar-RED hija biex jippermettu esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. L-applikant ipprovda lista ta' seba' produtturi tal-Istati Uniti (Marquis Energy, Archer Daniels Midland, Green Plains, Cargill, Conestoga Energy Partners – żewġ ċertifikati, Plymouth Energy) li allegatament ġeddu ċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-Unjoni tagħhom.

(99)

Biex isostni l-allegazzjonijiet li ġew deskritti fil-premessa (98), l-applikant ikkwota artiklu tal-aħbarijiet li jmur lura għal Awwissu 2017 dwar il-pjanijiet tal-produttur u operatur tal-Istati Uniti Archer Daniels Midland (“ADM”) biex jikkonfigura [mill-ġdid] il-mitħna tat-tħin tal-etanol tiegħu f'Peoria, Illinois, biex tipproduċi fjuwil u alkoħol industrijali u tax-xorb ta' marġni ogħla għas-suq tal-esportazzjoni (17).

(100)

Għalkemm l-applikant ma pprovda l-ebda evidenza fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tar-RED tal-Unjoni tal-produtturi u tal-operaturi tas-suq tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni eżaminat din l-affermazzjoni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li ċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tar-RED tal-Unjoni hija de iure volontarja, jiġifieri l-importazzjonijiet fl-Unjoni jistgħu jsiru wkoll mingħajrha. Madankollu, kwalunkwe użu tal-bijofjuwils li ma jkunx ċertifikat ma kienx jitqies meta tkun qed titkejjel il-konformità ta' Stat Membru mar-rekwiżiti ta' dik id-Direttiva dwar il-miri nazzjonali għas-sehem ġenerali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport u meta tkun qed titkejjel il-konformità tagħha mal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli (18). Peress li l-bijoetanol huwa aktar għali mill-fjuwil ordinarju, m'hemm għalhekk l-ebda raġuni ekonomika, abbażi tal-evidenza fil-fajl, biex jiġi importat bijoetanol li ma jkunx ċertifikat bħala sostenibbli għar-RED tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm inċentiv ċar biex fis-suq tal-Unjoni jinbiegħ etanol ċertifikat għar-RED, li jagħmel iċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà de facto neċessarja għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni sabet li erba' kumpaniji tal-Istati Uniti biss (Marquis Energy, Green Plains, kumpanija ta' Conestoga Energy Partners, Plymouth Energy) mis-seba' kumpaniji tal-Istati Uniti li ssemmew mill-applikant fil-fatt kellhom ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà valida għall-Unjoni (ċertifikazzjoni tal-EU-ISCC (19)). It-tliet kumpaniji l-oħra (Archer Daniels Midland, Cargill, kumpanija ta' Conestoga Energy Partners) ġeddu ċ-ċertifikazzjoni tal-ISCC-PLUS (20) tagħhom li hija applikabbli għal konsenji barra mill-Unjoni, b'mod partikolari lejn il-Ġappun. Barra minn dan, il-produtturi u l-operaturi tas-suq kollha tal-Istati Uniti ċertifikati għall-Unjoni kienu ilhom ċertifikati b'mod kontinwu mill-2011 (21). Dawk il-kumpaniji komplew iġeddu ċ-ċertifikazzjoni tagħhom anki matul il-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping, minkejja l-fatt li ma kinux ibigħu lejn l-Unjoni. Għaldaqstant, l-evidenza fil-fajl tindika l-fatt li ċ-ċertifikazzjoni tar-RED tal-Unjoni hija wkoll ekonomikament importanti għall-bejgħ lejn swieq oħra, bħala sinjal globali tal-kwalità. Għalhekk, abbażi tad-data disponibbli, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tiġdid taċ-ċertifikazzjoni ma jistax jinftiehem biss bħala indikazzjoni tal-intenzjonijiet tal-produtturi tal-Istati Uniti li jissoktaw l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, iżda b'mod aktar mifrux bħala prova li dawn huma sostenibbli, li huwa rilevanti wkoll għall-esportazzjonijiet lejn swieq oħra. Barra minn hekk, l-obbligu taċ-ċertifikazzjoni huwa fattur addizzjonali, flimkien mar-rekwiżit tal-kontenut tal-ilma u d-dazji tal-importazzjoni eżistenti, li jillimita l-aċċess tal-produtturi u/jew tal-esportaturi tal-Istati Uniti lejn is-suq tal-Unjoni u għaldaqstant inaqqsu l-attraenza tiegħu.

(101)

Fir-rigward tal-pjanijiet ta' ADM, minkejja li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li ADM kellha l-għan li tiffoka aktar fuq esportazzjonijiet li jikkonċernaw il-karburant etanol li jiġi prodott fl-impjant tagħha ta' Peoria, m'hemm l-ebda evidenza li l-kumpanija kellha l-għan li timmira lejn is-suq tal-Unjoni, b'mod partikolari peress li ADM ma kinitx ċertifikata skont ir-RED. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi nnotat li r-rikonfigurazzjoni tal-impjant kellu jmexxi l-produzzjoni lil hinn mill-karburant etanol u lejn l-etanol tax-xorb u industrijali. Din il-bidla fil-fatt tnaqqas il-kapaċità tal-produzzjoni ta' dak l-impjant b'100 miljun gallun (madwar 300 elf tunnellata), kif ġie spjegat f'artiklu ieħor tal-aħbarijiet (22).

(102)

Sussegwentement, iż-żewġ affermazzjonijiet li jikkonċernaw l-intenzjonijiet tal-produtturi u tal-operaturi tas-suq tal-Istati Uniti biex jidderieġu mil-ġdid il-bejgħ tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni deskritti fil-premessi (98) u (99) iridu jiġu rrifjutati.

(103)

L-applikant issottometta wkoll studju minn tim estern ta' ekonomisti biex isostni li l-kalkoli tal-Kummissjoni fir-rigward tal-attraenza tas-suq tal-Unjoni f'termini tal-prezzijiet ma kinux korretti, u li, għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, is-suq tal-Unjoni huwa attraenti għall-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti.

(104)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li meta mqabbel ma' xi wħud mis-swieq tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti, is-suq tal-Unjoni jista' jkun suq attraenti f'termini tal-prezz. Madankollu, fil-qafas ta' valutazzjoni dwar jekk kienx hemm probabbiltà ta' dumping dannuż ulterjuri, kif meħtieġ mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, u kif spjegat fil-premessi (48) u (59), il-Kummissjoni wettqet l-analiżi tagħha tal-attraenza tas-suq tal-Unjoni f'termini tal-prezzijiet abbażi tat-tliet swieq tal-esportazzjoni individwali ssuġġeriti mill-applikant. Għall-finijiet ta' kompletezza, hija għamlet dan ukoll fir-rigward tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet kollha tal-Istati Uniti lejn il-pajjiżi terzi, bl-esklużjoni ta' dawk lejn l-Unjoni, b'kollox. Il-Kummissjoni mhijiex legalment meħtieġa teżamina kull suq tal-esportazzjoni b'mod individwali. F'dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat l-akbar żewġ swieq tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti u suq terz li ntgħażel mill-applikant. Ikun sproporzjonat li jiġu eżaminati b'mod individwali s-36 suq tal-esportazzjoni kollha (bl-esklużjoni tal-Unjoni) tal-produtturi u/jew tal-esportaturi tal-Istati Uniti tal-prodott ikkonċernat meta analiżi tal-akbar swieq tal-esportazzjoni ma tiżvelax biżżejjed evidenza tal-attraenza fil-prezz. Barra minn hekk, kif ġie konkluż diġà fil-premessa (59), l-applikant ma pprovda l-ebda ġustifikazzjoni dwar ir-raġuni għaliex it-tliet swieq tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti li fil-bidu ġew proposti minnu u li ġew eżaminati mill-Kummissjoni ma baqgħux jikkostitwixxu aktar bażi xierqa għall-analiżi tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-Brażil, il-Kanada u l-Perù, it-tliet swieq li ġew issuġġeriti mill-applikant, l-istudju jagħmel l-istess sejbiet bħall-Kummissjoni fir-rigward tal-attraenza tas-suq tal-Unjoni f'termini tal-prezz. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istudju sottomess ma pprovda l-ebda evidenza ta' żball fil-kalkolu tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju ta' dan, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istudju li ġie sottomess mill-applikant appoġġja s-sejbiet inizjali tiegħu.

(105)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant issottometta evidenza dwar il-livell ta' dazji tal-importazzjoni fiċ-Ċina. Fir-rigward taċ-Ċina, l-applikant sostna wkoll li l-fatt li l-esportazzjonijiet lejn iċ-Ċina kienu diġà ġew assorbiti minn pajjiżi terzi oħra kellu jinftiehem bħala rikonoxximent ċar li diġà kienet qed isseħħ devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali.

(106)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-applikant issottometta biżżejjed evidenza dwar il-livell ta' dazji tal-importazzjoni fiċ-Ċina fuq l-etanol li joriġina mill-Istati Uniti. Il-Kummissjoni ma ċaħditx il-fatt li l-esportaturi tal-Istati Uniti fittxew swieq ġodda wara li żdiedu d-dazji tal-importazzjoni fiċ-Ċina. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-livelli tal-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn iċ-Ċina matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami huma l-aktar rilevanti biex tiġi analizzata t-theddida ta' possibbiltà ta' devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali lejn is-suq tal-Unjoni. Il-volumi li diġà kienu sabu swieq ġodda ma jitqisux bħala rilevanti.

(107)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant sostna li s-suq Brażiljan mhuwiex attraenti għall-produtturi u/jew għall-esportaturi tal-Istati Uniti fid-dawl tat-tariffa tal-importazzjoni ta' 20 % li ġiet imposta fuq l-importazzjonijiet li jaqbżu kwota tal-importazzjoni, kif spjegat fil-premessa (96). Biex isostni din l-affermazzjoni, l-applikant għamel referenza għal artiklu tal-aħbarijiet li jmur lura għal Ottubru 2018 li jiddikjara li [l]-esportazzjonijiet tal-etanol ibbażat fuq il-qamħirrum tal-Istati Uniti lejn il-Brażil naqsu għall-aktar livelli baxxi fi kważi tliet snin f'Awwissu (23). L-applikant sostna wkoll li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-fatt li l-Brażil għandu domanda domestika qawwija, iżda s-sitwazzjoni tal-provvista tiegħu, u għalhekk il-ħtiġijiet tal-importazzjoni tiegħu, ivarjaw. Skont l-applikant, il-biċċa l-kbira tar-raffineriji taz-zokkor u tal-bijoetanol Brażiljani huma “unitajiet imħallta” li jistgħu jeqilbu bejn il-produzzjoni taz-zokkor u tal-bijoetanol abbażi tal-prezzijiet u tal-profittabbiltà ta' dawn iż-żewġ prodotti.

(108)

Fir-rigward tal-effett tal-kwota tariffarja, għandu jiġi nnotat li l-artiklu tal-aħbarijiet ikkwotat iddikjara biss li l-volumi tal-esportazzjoni ta' kull xahar f'Awwissu 2018 laħqu livell li kien l-aktar livell baxx minn Ottubru 2015. Fil-fatt, l-istatistika dwar l-esportazzjoni tal-US ITC uriet volumi tal-esportazzjoni żero f'Awwissu 2018 – sitwazzjoni li ġrat l-aħħar f'Ottubru 2015. Madankollu, l-artiklu tal-aħbarijiet ma jipprovdi l-ebda informazzjoni dwar ix-xejriet tal-esportazzjoni ħlief għal dan il-paragun bejn Awwissu 2018 u Ottubru 2015. Fil-fatt, l-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn il-Brażil komplew f'Settembru 2018 u b'kollox żdiedu fl-2018 meta mqabbla mas-sena preċedenti.

(109)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-applikant ma pprovdiex biżżejjed evidenza dwar l-istruttura u l-funzjonament tal-industrija Brażiljana tal-bijoetanol, u l-Kummissjoni lanqas ma setgħet tikseb tali evidenza. Għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tal-applikant, l-istatistika dwar l-esportazzjoni mill-US ITC uriet li l-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti tal-karburant etanol lejn il-Brażil kienu qed jiżdiedu b'mod kontinwu fil-perjodu kkunsidrat u żdiedu wkoll fl-2018. Għalhekk, l-affermazzjonijiet tal-applikant fir-rigward tal-attraenza tas-suq Brażiljan għall-produtturi u/jew għall-esportaturi tal-Istati Uniti jridu jiġu rrifjutati.

(110)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant sostna li l-Kummissjoni naqqset b'mod artifiċjali l-impatt probabbli fuq is-suq tal-Unjoni tal-miżuri Peruvjani billi kkunsidrat id-devjazzjoni potenzjali tat-traffiku kummerċjali miċ-Ċina u mill-Perù b'mod separat.

(111)

Filwaqt li qieset l-ispeċifiċitajiet tas-suq tal-Unjoni, jiġifieri l-kontenut tal-ilma massimu permess tal-prodott taħt rieżami u ċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tar-RED li hija de facto neċessarja biex ikun jista' jsir bejgħ fis-suq tal-Unjoni kif spjegat fil-premessa (100), il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx probabbli li l-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn il-Perù u ċ-Ċina jiġu diretti għalkollox mill-ġdid lejn is-suq tal-Unjoni. Barra minn dan, l-applikant ma pprovda l-ebda evidenza li ssostni d-dikjarazzjoni tiegħu. Għalhekk, din l-affermazzjoni trid tiġi rrifjutata.

3.3.3.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà tar-rikorrenza ta' dumping

(112)

Fid-dawl tal-valutazzjoni t'hawn fuq dwar il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx probabbli li l-produtturi tal-bijoetanol tal-Istati Uniti jesportaw kwantitajiet sinifikanti tal-bijoetanol lejn l-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta' dumping, f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(113)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant sostna li l-Kummissjoni kellha ssegwi l-prattika tal-passat tagħha biex tikkonkludi li n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-produtturi tal-Istati Uniti jikkostitwixxi evidenza addizzjonali – u importanti – li “[il]-produtturi esportaturi ma ridux jew ma setgħux juru li l-ebda dumping ma kien se jseħħ kieku l-miżuri jitħallew jiskadu” (24).

(114)

Bħala tweġiba, l-ewwel nett, il-Kummissjoni fakkret li l-prattika deċiżjonali tagħha – li titwettaq fuq valutazzjoni ta' każ b'każ – ma tistax torbot lill-investigazzjonijiet futuri u, sussegwentement, mhijiex indikatur ta' kif għandhom isiru ċerti sejbiet mill-Kummissjoni. It-tieni nett, id-determinazzjoni fl-investigazzjoni kkwotata tqieset bħala fattur addizzjonali, fost ħafna fatturi, li wasslet lill-Kummissjoni għall-konklużjoni tagħha f'dak il-każ partikolari. It-tielet nett, bħala fattur addizzjonali u supplimentari, in-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti jista' jitqies bħala li jxekkel il-ġbir ta' informazzjoni dettaljata fir-rigward tal-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni u rikorrenza ta' dumping, li neċessarjament iwassal għad-dipendenza fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li n-nuqqas ta' kooperazzjoni ma jistax ikun ir-raġuni għall-estensjoni tal-miżuri. F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni fil-fatt qieset in-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tal-Istati Uniti bħala element li jxekkel valutazzjoni sħiħa u bir-reqqa tal-fatturi kollha u għalhekk applikat il-fatti disponibbli. Wara li kkunsidrat l-evidenza kollha disponibbli li ġiet ippreżentata quddiema, u skont l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kkonkludiet li m'hemm l-ebda probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni wkoll trid tiġi rrifjutata.

3.4.   Konklużjoni

(115)

Konsegwentement, fid-dawl tan-nuqqas ta' probabbiltà ta' rikorrenza ta' esportazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat, m'hemm l-ebda ħtieġa li tiġi analizzata l-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dannu u l-interess tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika jiġu revokati u l-proċediment jintemm.

4.   KONKLUŻJONI

(116)

Mill-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq jirriżulta li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti, imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 157/2013, jenħtieġ li jiġu revokati.

(117)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma pprovdiex opinjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol, li xi drabi jissejjaħ il-“karburant etanol”, jiġifieri l-alkoħol etiliku prodott minn prodotti agrikoli (kif elenkat fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), denaturat jew le, esklużi prodotti b'kontenut ta' ilma ta' aktar minn 0,3 % (m/m) imkejjel skont l-istandard EN 15376, iżda inkluż l-alkoħol etiliku prodott minn prodotti agrikoli (kif elenkat fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) li jinsab f'taħlit ma' gażolina b'kontenut ta' alkoħol etiliku ta' aktar minn 10 % (v/v) li huwa maħsub għal użi ta' karburant li attwalment jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 2207 10 00, ex 2207 20 00, ex 2208 90 99, ex 2710 12 21, ex 2710 12 25, ex 2710 12 31, ex 2710 12 41, ex 2710 12 45, ex 2710 12 49, ex 2710 12 50, ex 2710 12 70, ex 2710 12 90, ex 3814 00 10, ex 3814 00 90, ex 3820 00 00 u ex 3824 99 92 (il-kodiċijiet TARIC 2207100012, 2207200012, 2208909912, 2710122111, 2710122592, 2710123111, 2710124111, 2710124511, 2710124911, 2710125011, 2710127011, 2710129011, 3814001011, 3814009071, 3820000011 u 3824999266) u li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika b'dan huwa revokat u jintemm il-proċediment li jikkonċerna dawn l-importazzjonijiet.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 157/2013 tat-18 ta' Frar 2013 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 49, 22.2.2013, p. 10).

(3)  Notifika ta' skadenza imminenti ta' ċerti miżuri ta' anti-dumping (ĠU C 180, 8.6.2017, p. 37).

(4)  Notifika ta' bidu ta' rieżami ta' skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka, ĠU C 64, 20.2.2018, p. 7.

(5)  Disponibbli fuq: https://www.agmrc.org/renewable-energy/ethanol/midwest-ethanol-cash-prices-basis-data-and-charts-for-selected-states (ikkonsultat l-aħħar fit-12 ta' Frar 2019).

(6)  Disponibbli fuq: https://www.eia.gov/totalenergy/data/monthly/index.php#renewable (aċċessat l-aħħar fit-12 ta' Frar 2019).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 191/2014 tal-24 ta' Frar 2014 li jimponi dazju ta' antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti dijossidi tal-manganiż li joriġinaw mir-Repubblika tal-Afrika t'Isfel wara rieżami minħabba skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 59, 28.2.2014, p. 7).

(8)  Disponibbli fuq https://www.eia.gov/petroleum/ethanolcapacity/index.php (ikkonsultata l-aħħar fl-14 ta' Marzu 2019).

(9)  Disponibbli fuq https://www.eia.gov/todayinenergy/detail.php?id=31832 (ikkonsultata l-aħħar fit-28 ta' Marzu 2019).

(10)  Ara l-Anness II tas-sottomissjoni ta' wara s-seduta tal-assoċjazzjonijiet tal-Istati Uniti tal-20 ta' Marzu, kif disponibbli fil-fajl miftuħ.

(11)  Disponibbli fuq https://www.reuters.com/article/us-usa-biofuels-idUSKCN0VQ2QW (ikkonsultata l-aħħar fit-18 ta' Marzu 2019).

(12)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2012 tat-12 ta' Marzu 2012 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 73, 13.3.2012, p. 1).

(13)  Disponibbli fuq: https://www.wto.org/english/tratop_e/tariffs_e/tariff_data_e.htm (aċċessata l-aħħar fit-13 ta' Frar 2019).

(14)  Ir-Riżoluzzjoni Nru 72 tal-31 ta' Awwissu 2017 u l-Ordni Ministerjali Nru 32 tal-4 ta' Settembru 2017.

(15)  Ir-Riżoluzzjoni Nru 152 tas-6 ta' Novembru 2018.

(16)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(17)  Disponibbli fuq https://www.reuters.com/article/us-adm-results/adm-says-profit-tumbles-and-issues-gloomy-view-shares-drop-idUSKBN1D01EV (ikkonsultata l-aħħar fil-15 ta' Marzu 2019).

(18)  L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(19)  Disponibbli fuq https://www.iscc-system.org/process/audit-and-certification-process/iscc-system-documents/ (ikkonsultata l-aħħar fid-19 ta' Marzu 2019).

(20)  Disponibbli fuq https://www.iscc-system.org/process/audit-and-certification-process/iscc-system-documents/ (ikkonsultata l-aħħar fid-19 ta' Marzu 2019).

(21)  Disponibbli fuq https://www.iscc-system.org/certificates/all-certificates/ (ikkonsultata l-aħħar fil-15 ta' Marzu 2019).

(22)  Disponibbli fuq http://ethanolproducer.com/articles/14531/adm-announces-plans-to-reconfigure-ethanol-complex-in-illinois (ikkonsultata l-aħħar fil-15 ta' Marzu 2019).

(23)  Disponibbli fuq https://www.reuters.com/article/us-usa-ethanol-brazil/u-s-ethanol-exports-to-brazil-drop-to-nearly-three-year-low-idUSKCN1MF2FI (ikkonsultata l-aħħar fil-15 ta' Marzu 2019).

(24)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1001/2008 tat-13 ta' Ottubru 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti aċċessorji ta' tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malasja wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (ĠU L 275, 16.10.2008, p. 18).


15.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 126/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/766

tal-14 ta' Mejju 2019

li jidderoga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fir-rigward tad-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku għas-sena 2019

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (2) jipprevedi d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u għad-data finali għat-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku.

(2)

L-Istati Membri qed jimplimentaw bidliet fis-sistema amministrattiva tagħhom għall-pagamenti bbażati fuq l-erja li jirriżultaw mill-obbligi l-ġodda li jinħolqu fil-kuntest tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (3), li fost l-oħrajn jinvolvu riorganizzazzjoni tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika, il-bidliet fil-proċeduri u l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni lejn benefiċjarji biex jiġu infurmati dwar ir-rekwiżiti legali l-ġodda. B'riżultat ta' dan, kien hemm diffikultajiet amministrattivi eċċezzjonali fl-Istati Membri.

(3)

Dik is-sitwazzjoni affettwat il-possibbiltà li l-benefiċjarji jressqu l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku fil-limiti taż-żmien stipulati fl-Artikoli 13(1) u 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

(4)

Minħabba dik is-sitwazzjoni, jixraq li tiġi stipulata deroga mill-Artikoli 13(1) u 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 sabiex għall-2019, l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffissaw data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas u data finali għat-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku, u dawn id-dati jkunu aktar tard minn dawk stipulati f'dawk l-Artikoli. Peress li d-dati u l-perjodi msemmija fl-Artikoli 11(4), 15(2) u (2a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 huma marbuta mad-data finali stipulata fl-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi stipulata deroga simili għan-notifika tar-riżultati tal-verifiki preliminari u tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas.

(5)

Billi dawn id-derogi jenħtieġ li jkopru l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas, l-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti għas-sena 2019, jixraq li dan ir-Regolament ikun japplika għall-applikazzjonijiet u għat-talbiet għall-ħlas li għandhom x'jaqsmu mas-sena 2019.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għas-sena 2019, id-dati finali li jridu jiffissaw l-Istati Membri għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas ma għandhomx ikunu aktar tard mill-15 ta' Ġunju.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għas-sena 2019, fl-Istati Membri li jużaw id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, l-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti sal-15 ta' Ġunju.

Artikolu 3

Id-derogi stipulati fl-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll fl-Istati Membri kkonċernati biex jiġu kkalkulati l-perjodi ta' 26 jum, 35 jum u 10 ijiem kalendarji, rispettivament, wara d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas u d-data finali għan-notifika tal-emendi kif imsemmija fl-Artikoli 11(4) u 15(2a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

Artikolu 4

B'deroga mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għas-sena 2019, id-data li jridu jiffissaw l-Istati Membri għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagamenti permezz tal-iskema ta' pagament bażiku, ma għandhiex tkun aktar tard mill-15 ta' Ġunju.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika għall-applikazzjonijiet u għat-talbiet għall-ħlas li għandhom x'jaqsmu mas-sena 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


DEĊIŻJONIJIET

15.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 126/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/767

tal-31 ta' Lulju 2018

dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.36511 2014/C (ex 2013/NN) implimentata minn Franza permezz tal-limitu massimu tas-CSPE

(notifikata bid-dokument C(2018) 4975)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn l-Artikoli (1) u wara li ġew ikkunsidrati dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Wara kuntatti preliminari fl-2013 bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u Franza, fil-11 ta' Ottubru 2013 din innotifikat l-iskema tagħha ta' appoġġ għall-elettriku eoliku fuq l-art li f'dik id-data kien iffinanzjat minn taxxa fuq l-elettriku msejħa “kontribuzzjoni għas-servizz pubbliku tal-elettriku” jew “CSPE”.

(2)

Peress li l-iskema kienet diġà fis-seħħ meta saret in-notifika, il-fajl ġie ttrasferit fir-Reġistru tal-għajnuna mhux innotifikata fid-29 ta' Novembru 2013.

(3)

Permezz tal-ittra tas-27 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni informat lil Franza li hija ma kellha l-ebda oġġezzjoni kontra l-għajnuna għall-elettriku eoliku fuq l-art iżda kellha dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tat-tnaqqis fis-CSPE mogħti lil dawk li jipproduċu l-elettriku għall-konsum personali (awtokonsumaturi), lill-konsumaturi l-kbar tal-elettriku u lill-konsumaturi li jużaw l-elettriku b'mod intensiv. Għalhekk, hija informat lil Franza dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward tat-tnaqqis fis-CSPE.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura (id-“Deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni u dwar l-applikazzjoni possibbli tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (2) (“il-Linji Gwida tal-2014”) għat-tnaqqis tas-CSPE inkwistjoni.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand ħames partijiet interessati: (i) Air Liquide, permezz ta' ittra tat-3 ta' Novembru 2014; (ii) EDF, permezz ta' ittra tas-17 ta' Novembru 2014; (ii) RATP, permezz ta' ittra tat-2 ta' Diċembru 2014; (iv) SNCF, permezz ta' ittra tat-3 ta' Diċembru 2014 u (v) l-Unjoni tal-Industriji li Jużaw l-Enerġija (Union des Industries Utilisatrices d'Energie — UNIDEN), permezz ta' ittra tat-3 ta' Novembru 2014. Dawn il-kummenti kienu jirrigwardaw l-ewwel nett l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, kif ukoll il-konformità tal-miżuri mat-TFUE minn naħa u mal-Linji Gwida tal-2014 min-naħa l-oħra.

(6)

Franza bagħtet il-kummenti tagħha f'nota tal-5 ta' Mejju 2014, issupplimentata b'ittra datata t-22 ta' Ottubru 2015. F'din l-ittra, wara li fakkret it-tnaqqis differenti ta' CSPE, Franza argumentat li t-tnaqqis mis-CSPE mogħti lil dawk li jiġġeneraw l-elettriku għall-konsum personali ma kienx jikkostitwixxi għajnuna. Imbagħad ikkunsidrat li l-limitu tas-CSPE għal kull sit u l-limitu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud kienu kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(7)

Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għamlet seba' talbiet għal informazzjoni bejn il-21 ta' Awwissu 2014 u s-27 ta' Ottubru 2017. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu ħdax-il nota u dokumenti ta' informazzjoni bejn is-7 ta' Mejju 2014 u t-12 ta' Diċembru 2017. Dawn l-iskambji ta' informazzjoni kienu jirrigwardaw (i) il-kjarifika tal-ammonti ta' CSPE imħallsa u t-tnaqqis mogħti lil ċerti tipi ta' benefiċjarji, (ii), il-kwalifika tal-miżuri bħala għajnuna mill-Istat u l-analiżi ġuridika tal-konformità tagħhom mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u (iii) il-preżentazzjoni ta' pjan ta' aġġustament, bl-għan li t-tnaqqis ta' CSPE mogħti jinġieb f'livelli kompatibbli mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. L-ewwel proposta ta' pjan ta' aġġustament ġiet ippreżentata fin-nota tal-4 ta' Novembru 2014 u ffinalizzata permezz tan-nota tat-23 ta' Novembru 2017.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

(8)

Din it-Taqsima tinkludi suċċessivament preżentazzjoni tas-CSPE u tat-tnaqqis ta' din il-kontribuzzjoni mogħti għall-perjodu 2003-2015, li huwa s-suġġett ta' din id-deċiżjoni.

2.1.   Preżentazzjoni tas-CSPE

(9)

Is-CSPE ġiet stabilita permezz tal-Liġi Nru 2003-8 tat-3 ta' Jannar 2003 dwar is-swieq tal-gass u tal-elettriku u dwar is-servizz pubbliku tal-enerġija (“il-Liġi Nru 2003-8”). L-iskema deskritta f'din id-deċiżjoni hija dik ta' qabel ir-riforma tas-CSPE tal-2016, introdotta bil-Liġi Finanzjarja ta' rettifika għall-2015 Nru 2015-1786 tad-29 ta' Diċembru 2015 (LFR 2015).

(10)

Is-CSPE hija ntiża biex tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali relatati mal-ħlasijiet tas-servizz pubbliku tal-elettriku, imġarrba mill-fornituri stabbiliti tal-elettriku (EDF u l-impriżi lokali ta' distribuzzjoni). Dawn l-ispejjeż addizzjonali jirriżultaw prinċipalment mill-iffinanzjar ta' erba' tipi ta' politiki:

(a)

dawn jirriżultaw primarjament mill-obbligu li għandha EDF jew l-impriżi ta' distribuzzjoni lokali (ELD) li jixtru l-elettriku mingħand ċerti tipi ta' impjanti li jipproduċu elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli (eolika, fotovoltajka, eċċ.). Dan il-komponent jirrappreżenta 39 fil-mija tas-CSPE miġbura fuq il-perjodu kollu kopert mill-miżuri, jiġifieri l-2003 sal-2015;

(b)

dawn jikkorrispondu għall-finanzjament tal-koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja, u jammontaw għal 25 % tas-CSPE miġbura fuq il-perjodu tal-2003 sal-2015. Fin-nota tagħha tal-20 ta' Diċembru 2016, Franza spjegat li s-CSPE kienet maħsuba biss biex tiffinanzja l-koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja. F'din in-nota, Franza ddikjarat li dan l-appoġġ kien disponibbli minn naħa f'arranġament ta' kuntratt ta' xiri stabbilit bejn l-1997 u l-2001 li jħallas lill-impjanti ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza enerġetika ta' aktar minn 65 fil-mija u min-naħa l-oħra bl-appoġġ mill-2013 lill-impjanti ta' koġenerazzjoni bil-gass naturali ta' effiċjenza għolja ta' aktar minn 12-il MW;

(c)

huma l-konsegwenza tal-kumpens għall-ġeneraturi tal-elettriku fiż-żoni mhux interkonnessi (Korsika jew id-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej), sabiex ma jġarrbux spejjeż ta' ġenerazzjoni ogħla, meta mqabbla mal-ispejjeż ta' produzzjoni mġarrba fi Franza u riflessi fil-prezz tal-elettriku mħallas mill-konsumatur aħħari, li huma orħos peress li jibbenefikaw mill-kost tal-enerġija nukleari. Dan il-komponent jirrappreżenta 31 fil-mija tat-total ta' CSPE miġbura fuq il-perjodu kollu ta' rapportar, jiġifieri l-2003 sal-2015; Din is-sistema ta' żamma tat-tariffi tal-elettriku f'Korsika u fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej ekwivalenti għat-tariffi applikati fi Franza kontinentali hija magħrufa wkoll bħala l-“Ugwalizzazzjoni tar-rati”;

(d)

tlieta fil-mija (3 %) minnhom huma ġġenerati mill-implimentazzjoni tat-tariffa soċjali msejħa “prodott essenzjali”, kif ukoll parti mill-ispejjeż imġarrba mill-fornituri tal-elettriku minħabba l-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fl-iskema stabbilita għall-persuni f'sitwazzjoni prekarja.

(11)

Il-Kummissjoni tinnota li, minbarra dawn il-politiki ffinanzjati mis-CSPE, hemm politiki oħrajn iffinanzjati mis-CSPE, iżda f'ammonti iżgħar. Dawn il-miżuri jirrappreżentaw inqas minn 2 fil-mija tas-CSPE miġbura. Dawn jikkorrispondu prinċipalment:

(1)

għall-appoġġ mogħti bejn l-2003 u l-2015 lill-impjanti ta' produzzjoni tal-elettriku mill-inċinerazzjoni tal-iskart domestiku. EDF u l-intrapriżi lokali ta' distribuzzjoni dak iż-żmien kienu obbligati jixtru elettriku prodott minn dawn l-impjanti b'rata stabbilita b'digriet ministerjali. L-ispejjeż addizzjonali mġarrba minn dawn l-operaturi kienu kkumpensati mis-CSPE. Franza qieset li s-sehem ta' enerġija rinnovabbli prodott minn dawn l-impjanti huwa ta' 50 fil-mija, skont ir-regoli dwar l-istatistika tal-enerġija tal-AIE u tal-Eurostat.

(2)

għall-appoġġ lill-impjanti li jintużaw fis-sigħat intensivi u li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Dawn l-impjanti jaħdmu prinċipalment bid-diżil u nbnew fid-disgħinijiet (1990s). Dawn jintużaw għal ftit sigħat skont il-ħtiġijiet tas-sistema elettrika.

(3)

għall-appoġġ għal diversi miżuri (EUR 221 miljun matul il-perjodu tal-2003 u l-2015), jiġifieri l-ewwel nett il-finanzjament tal-hekk imsejħa kuntratti tal-enerġija garantita ntiżi biex jinkoraġġixxu l-produzzjoni indipendenti (impjanti ta' produzzjoni tal-elettriku b'qawwa ta' inqas minn 8 000 kVA, impjanti maħluqa biex jużaw il-valur kalorifiku tal-iskart solidu), ippreżentati minn Franza bħala “ta' użu sekondarju” għas-servizz pubbliku tal-elettriku. It-tieni, il-finanzjament tal-kuntratti ma' diversi produtturi tal-kuntratti tax-xiri tal-produzzjoni tagħhom.

(12)

L-Artikolu L121-7 tal-Kodiċi tal-Enerġija Franċiż jistipula li l-kumpens tal-ispejjeż attribwiti għall-missjonijiet ta' servizz pubbliku tal-elettriku huwa mħallas minn kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumaturi finali tal-elettriku li jinsabu fit-territorju nazzjonali. Dawn il-komponenti, kollha f'daqqa, jirrappreżentaw spiża addizzjonali waħda għall-konsumaturi Franċiżi. Il-kontribuzzjoni titħallas mill-konsumaturi finali kollha tal-elettriku bi prorata tal-kWh (kilo watt fis-siegħa) ikkunsmati, inkluż minn dawk li jipproduċu l-elettriku għall-użu personali. Bejn l-2003 u l-2015, is-CSPE inbidlet b'dan il-mod:

Varjazzjonijiet fl-ammont ta' CSPE meħud - 2003/2015

(F'EUR/MWh)

 

2003

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

2014

2015

CSPE

3,0

3,3

4,5

4,5

4,5

4,5

4,5

4,5

9,0

10,5

13,5

16,5

19,5

Sors: Rapport tal-Qorti tal-Awdituri 2017

(13)

Il-kontribuzzjonijiet tal-konsumaturi finali eliġibbli, li eżerċitaw id-drittijiet mogħtija fl-Artikolu 22(III) tal-Liġi Nru 2000 - 108 tal-10 ta' Frar 2000 dwar l-immodernizzar u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tal-elettriku (iktar 'il quddiem il-“Liġi Nru 2000-108”), fornuti permezz tan-netwerk tat-trasport pubbliku jew min-netwerk ta' distribuzzjoni pubbliku, huma rkuprati mill-operatur inkarigat mill-immaniġġjar tan-netwerk li miegħu huma konnessi dawk il-konsumaturi, fil-forma ta' imposta addizzjonali fuq it-tariffi tal-użu tan-netwerk.

(14)

Il-kontribuzzjonijiet rkuprati minn dan l-operatur jitħallsu lill-operaturi li jbatu l-ispejjeż ta' servizz pubbliku permezz tal-Caisse des Dépôts et Consignations (“CDC”). Is-CDC tħallas din il-kontribuzzjoni erba' darbiet fis-sena lill-operaturi li jbatu l-ispejjeż koperti mis-somom miġbura. Fl-1 ta' Jannar ta' kull sena, hija tħallas lill-Ombudsman nazzjonali tal-enerġija somma ugwali għall-ammont tal-baġit tiegħu.

(15)

Is-CDC iżżomm kont ta' dawn it-tranżazzjonijiet differenti f'kont speċifiku. L-ispejjeż tal-ġestjoni sostnuti mill-Caisse huma deċiżi kull sena mill-Ministri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija. Meta l-ammont tal-kontribuzzjonijiet miġbura ma jaqbilx mal-ammont ikkonstatat tal-ispejjeż tas-sena, l-aġġustament isir fis-sena ta' wara bl-ispejjeż dovuti għal din is-sena. Jekk is-somom dovuti ma jiġux irkuprati matul is-sena, huma jiżdiedu mal-ammont tal-ispejjeż tas-sena segwenti (3).

(16)

Kull sena, il-Kummissjoni li tirregola l-enerġija (“CRE”) tevalwa l-operat tal-iskema dwar l-ispejjeż tas-servizz tal-pubbliku tal-elettriku koperti fir-rapport annwali tagħha. Id-Digriet Nru 2004-90 emendat (id-Digriet Nru 2004-90 tat-28 ta' Jannar 2004 dwar il-kumpens tal-ispejjeż ta' servizz pubbliku tal-elettriku) jorganizza l-operat tal-kumpens: kull sena, qabel il-15 ta' Ottubru, is-CRE tipproponi lill-Ministru responsabbli mill-enerġija l-ispejjeż provviżorji tas-sena segwenti kif ukoll il-kontribuzzjoni ta' unità għal kull kWh ikkunsmat fi Franza li permezz tagħha jiġu ffinanzjati l-ispejjeż. Il-proposta tas-CRE hija bbażata fuq id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż irreġistrati għas-sena preċedenti (N-1) u fuq id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż proġettati għas-sena ta' wara (N+1). Id-dikjarazzjonijiet isiru mill-operaturi li jġorru l-ispejjeż. Kif spjegat fil-premessi 14 u 15, il-mekkaniżmu tal-irkupru huwa ċċentralizzat fil-livell tas-CDC.

(17)

Is-CRE tivverifika l-ammont tal-ispejjeż irreġistrati. Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-appoġġ lill-enerġiji rinnovabbli, dawn jikkorrispondu għad-differenza bejn l-ammont ta' appoġġ u l-prezz tas-suq miksub għall-bejgħ ta' din l-enerġija mill-operaturi obbligati. B'hekk, ir-referenza għall-prezz tas-suq isservi biex jiġi stabbilit l-ammont ta' kumpens. Is-CRE speċifikat il-metodu ta' determinazzjoni ta' dan il-prezz tas-suq. Dan ma jikkorrispondix għall-valur reali tas-suq li jkun kiseb l-operatur obbligat, iżda għal valur referenzjarju, stabbilit skont diversi parametri (prezz tas-suq terminali u prezz spot b'ponderazzjonijiet differenti skont is-setturi, prezz tas-suq matul il-ġimgħa, il-prezz tasl-saldu tad-differenzi), li jirriflettu kemm jista' jkun l-imġiba ta' attur tas-suq b'saħħtu sabiex l-operatur obbligat jingħata inċentiv għall-prestazzjoni.

(18)

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti mil-liġi, fil-każ ta' nuqqas jew ta' insuffiċjenza ta' ħlas tal-kontribuzzjoni fi żmien xahrejn mid-data li din tkun dovuta, is-CRE tibgħat ittra ta' tfakkira akkumpanjata minn penalità għad-dewmien li r-rata tagħha hija stabbilita għal 10 fil-mija tal-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta. Fl-aħħar nett, f'każ li l-kontribwent jonqos milli jħallas il-kontribuzzjonijiet stmati, il-Ministru responsabbli mill-enerġija joħroġ penali amministrativa skont il-kundizzjonijiet previsti f'dan l-Artikolu 41.

(19)

Bejn l-2003 u l-2015, l-ammont ta' CSPE miġbura mill-operatur responsabbli għan-netwerk kien ta' EUR 36,9 biljun. Dan kien maqsum kif ġej:

Ammonti rkuprati mill-EDF taħt is-CSPE

(EUR miljuni)

 

ENR

Koġenerazzjoni

Ugwalizzazzjoni tar-rati

Tariffi soċjali

Oħrajn

Total

2003

129

689

332

0

69

1 219

2004

261

835

470

0

89

1 655

2005

186

810

501

98

99

1 694

2006

72

944

540

49

66

1 671

2007

(5)

560

921

(12)

2

1 466

2008

121

488

995

49

41

1 694

2009

293

499

780

42

42

1 656

2010

411

769

678

57

21

1 936

2011

1 231

784

767

32

68

2 882

2012

1 724

741

1 063

70

29

3 627

2013

2 667

823

1 462

134

60

5 146

2014

3 286

545

1 495

251

46

5 623

2015

4 057

626

1 618

304

58

6 663

 

14 433

9 113

11 622

1 074

690

36 932

Sors: Nota mill-awtoritajiet Franċiżi lis-servizzi tal-Kummissjoni - 20 ta' Diċembru 2016

(20)

Bejn l-2003 u l-2015, il-kompożizzjoni tas-CSPE inbidlet b'dan il-mod:

Image 1

Varjazzjoni tas-CSPE -2003-2015

f'EUR biljun

Oħrajn

Tariffi soċjali

Ugwalizzazzjoni tar-rati

Koġenerazzjoni

ENR

2015

2014

2013

2012

2011

2010

2009

2008

2007

2006

2005

2004

2003

Sors: Franza – nota tal-20 ta' Diċembru 2016

2.2.   It-tnaqqis tas-CSPE

(21)

Il-liġi tipprovdi għal tliet kategoriji ta' tnaqqis tas-CSPE għal ċerti konsumaturi. Dan it-tnaqqis huma kumulattiv u huwa ppreżentat hawn taħt:

(a)

Għall-klijenti industrijali li jikkunsmaw aktar minn 7 GWh, l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni huwa ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud (VM) tal-impriża (Artikolu L. 121-21 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija);

(b)

l-Artikolu L.121-12 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija mbagħad jillimita l-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta għal kull sit ta' konsum għal EUR 627 783 (4) għall-konsumaturi finali. Dan il-limitu massimu kien jiġi aġġornat kull sena skont l-inflazzjoni sal-2013. Fl-2014 u fl-2015, il-limitu massimu żdied bl-istess rata tal-kontribuzzjoni unitarja, sa 5 fil-mija fis-sena;

(c)

dawk li jipproduċu l-elettriku għall-użu individwali sa 240 GWh fis-sena u għal kull sit ta' produzzjoni jistgħu wkoll jibbenefikaw minn tnaqqis tas-CSPE (l-Artikolu L.121-11 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija).

(22)

Bejn l-2003 u l-2015, dan it-tnaqqis differenti tas-CSPE, ħlief għall-impriżi tat-trasport, kien jammonta għal EUR 6,8 biljun u kien imqassam kif ġej:

Image 2

Valur miżjud

Tqassim tat-tnaqqis mis-CSPE mogħti skont il-kategorija - 2003-2015 (EUR 6,8 biljun)

Valur miżjud

Sit

Sit

Awtokonsum

Awtokonsum

Sors: Franza – 15.11.2017

(23)

Spjegazzjoni fid-dettall ta' dawn il-limiti massimi hija ppreżentata hawnhekk.

2.2.1.   Limitu massimu tal-kontribuzzjoni ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud (Artikolu L.121-21 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija introdott mill-Artikolu 67 tal-Liġi Nru 2005-781 tat-13 ta' Lulju 2005 tal-programm li jistabbilixxi l-linji gwida tal-politika dwar l-enerġija)

(24)

Il-limitu massimu ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud li japplika għall-klijenti industrijali li jikkunsmaw aktar minn 7 Gwh fis-sena, ġie stabbilit fl-2005 skont it-termini tal-Liġi Nru 2005-781 tat-13 ta' Lulju 2005 dwar il-programm li jistabbilixxi l-linji gwida tal-politika dwar l-enerġija u li effettivament ġie implimentat fl-2006.

(25)

Franza indikat li l-għan ta' dan il-limitu massimu kien li tinżamm il-kompetittività tal-impriżi li jużaw l-elettriku b'mod intensiv, li huma attivi prinċipalment fis-settur tal-metallurġija, tal-karta, tal-industrija kimika, eċċ., jiġifieri setturi esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali, speċjalment ta' dawk li l-konsum tagħhom jaqbeż is-7 GWh fis-sena, filwaqt li jiġi limitat, l-impatt tiegħu fuq il-kategoriji l-oħrajn ta' konsumaturi permezz tal-limitu ta' 7 GWh.

(26)

Dan il-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud tas-CSPE jiġi ddikjarat lis-CRE li, wara li tivverifikah, tiddeċiedi li tirrimborża l-ammonti lura. Dawn l-ammonti jiġu rrimborżati biss ladarba l-valur miżjud tal-impriża jkun magħruf (jiġifieri l-aktar kmieni matul is-sena N+1, għal ammonti miġbuda fis-sena N).

(27)

Franza indikat li, minn total ta' EUR 6,8 biljun fi tnaqqis mogħti bejn l-2003 u l-2015, il-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud kien jikkostitwixxi 69 fil-mija (EUR 4,7 biljun) tal-eżenzjonijiet totali. Skont l-informazzjoni mogħtija minn Franza, dan il-limitu massimu kien jirrigwarda total ta' 1 636 impriża matul il-perjodu 2003-2015.

2.2.2.   Il-limitu massimu tal-kontribuzzjoni għal kull sit (l-Artikolu L.121-12 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija u l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108)

(28)

Dan il-limitu massimu ġie introdott meta nħolqot is-CSPE, permezz tal-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003-8 tat-3 ta' Jannar 2003 kkwotata preċedentement (li emenda l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108). Huwa daħal fis-seħħ fl-2003. Il-limitu massimu tas-CSPE għal kull sit inizjalment kien stabbilit għal EUR 500 000. Dan il-limitu massimu mbagħad ittella' għal EUR 550 000 skont l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2010-1657 tad-29 ta' Diċembru 2010 dwar il-finanzi għall-2011. Dan l-Artikolu kien jipprovdi l-aġġornament ta' dan il-limitu massimu fi proporzjon ugwali għar-rata provviżorja tat-tkabbir tal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur minbarra t-tabakk, assoċjat mal-abbozz tal-liġi dwar il-finanzi tas-sena. Fl-2013, il-Parlament iffissa dan il-limitu massimu għal EUR 569 418 u adotta regola ġdida ta' aġġornament ta' dan il-limitu massimu, skont l-Artikolu 59 tal-Liġi Finanzjarja ta' rettifika għall-2013: imbagħad ġie aġġornat kull sena fi proporzjon ugwali għall-bidla fl-ammont tal-kontribuzzjoni tal-unità tas-CSPE, sa żieda ta' 5 fil-mija fis-sena. Fl-1 ta' Jannar 2015, kien jammonta għal EUR 627 783.

(29)

Il-limitu massimu tas-CSPE għal kull sit huwa, skont Franza, il-varjazzjoni tal-limitu massimu ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud iżda fil-livell ta' sit ta' konsum aktar milli fil-livell tal-kumpanija. Franza ċċarat ukoll li dan il-limitu massimu fil-livell ta' sit jippermetti li jiġu inklużi kumpaniji li jikkunsmaw ħafna elettriku fuq il-livell ta' sit, iżda madankollu ma jagħmlux użu intensiv mill-elettriku.

(30)

Franza indikat li, minn total ta' EUR 6,8 biljun fi tnaqqis mogħti bejn l-2003 u l-2015, l-iffissar tal-limitu massimu tas-CSPE għal kull sit ammonta għal 29 fil-mija (EUR 2,0 biljun) ta' dan l-ammont. Skont Franza, 522 kumpanija bbenefikaw minn dan il-limitu massimu.

2.2.3.   Il-limitu ta' eżenzjoni għal 240 GWh (l-Artikolu L.121-11 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija u l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108)

(31)

L-eżenzjoni għall-elettriku awtoġenerat tintiret mill-Fond tas-Servizz Pubbliku għall-Produzzjoni tal-Elettriku (FSPPE, skema ta' qabel is-CSPE). Dan il-Fond inħoloq permezz tal-Artikolu 5 tal-Liġi tal-10 ta' Frar 2000 dwar l-immodernizzar u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tal-elettriku. Kien iffinanzjat mill-produtturi, mill-fornituri tal-elettriku u mill-importaturi tal-elettriku u mill-produtturi tal-elettriku li jipproduċu l-elettriku għall-użu personali, lil hinn minn kwantità ta' elettriku prodotta fis-sena u stabbilita b'digriet. Fid-Digriet Nru 2001-1157 tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar il-Fond tas-Servizz Pubbliku għall-Produzzjoni tal-Elettriku, meħud għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108, din il-kwantità kienet iffissata għal 240 GWh.

(32)

Produttur tal-elettriku jista' għalhekk jibbenefika minn eżenzjoni mill-kontribuzzjoni skont l-ammont ta' kWh prodotti u kkunsmati minnu stess, sa massimu ta' 240 GWh għal kull sit ta' produzzjoni. Ma' dan l-istess produttur jista' jibbenefika minn din l-eżenzjoni konsumatur wieħed tal-istess sit, diment li n-numru ta' kWh eżentati minħabba konsum proprju u mibjugħa lil dan il-konsumatur ma jaqbiżx il-limitu tal-240 GWh għal kull sit ta' produzzjoni.

(33)

Franza indikat li l-għan tal-eżenzjoni mogħtija għall-elettriku prodott għall-użu personali huwa li titbaxxa t-tassazzjoni tal-awtokonsumaturi li, meta jiffinanzjaw l-impjanti tagħhom stess, ikunu għażlu li ma jikkontribwixxux għall-politika nazzjonali dwar l-enerġija iżda lanqas li jibbenefikaw minnha.

(34)

Din l-eżenzjoni daħlet fis-seħħ fl-2002. Hija nżammet meta nħolqot is-CSPE (minflok il-FSPPE) fl-2003, permezz tal-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003-8: “L-elettriku prodott minn produttur għall-użu personali tiegħu jew mixtri għall-użu personali tiegħu minn konsumatur finali mingħand terz li jopera impjant ta' produzzjoni fuq is-sit ta' konsum jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni biss minn 240 miljun kilowatt fis-siegħa fis-sena u għal kull sit ta' produzzjoni.”

(35)

Franza ċċarat li fil-prattika din l-eżenzjoni kienet tirrigwarda essenzjalment siti industrijali li l-maġġoranza tagħhom għandhom impjanti ta' koġenerazzjoni (minbarra l-produzzjoni tal-elettriku), u li, barra minn hekk, l-individwi ma bbenefikawx minn din l-eżenzjoni.

(36)

Fl-2011, 88 sit kienu bbenefikaw minn din l-eżenzjoni għall-konsum personali, għal volum eżentat ta' 11-il TWh. Barra minn hekk, fl-2012, fl-2013 u fl-2014 ġew eżentati rispettivament 94,8 TWh, 84,6 TWh u 87,4 TWh (5).

(37)

Skont Franza, 88 sit ibbenefikaw minn din l-eżenzjoni fil-perjodu ta' bejn l-2003 u l-2015. Din kienet tirrappreżenta madwar 2 fil-mija tat-tnaqqis totali mogħti, minn total ta' EUR 6,8 biljun.

2.3.   L-ammont ta' tnaqqis tas-CSPE mogħti

(38)

Matul il-perjodu kollu eżaminat, jiġifieri l-2003 sal-2015, it-tnaqqis tas-CSPE tela' għal EUR 6,8 biljun. It-tqassim ta' dan it-tnaqqis skont it-tip ġie ppreżentat fit-Taqsimiet 2.2.1 sa 2.2.3.

2.4.   Il-benefiċjarji tal-miżuri

(39)

Il-kumpaniji li jibbenefikaw mit-tnaqqis tas-CSPE huma konsumaturi kbar tal-elettriku, li jaqgħu taħt madwar 227 settur, skont il-klassifikazzjoni NACE. L-oqsma ewlenin ta' attività li joperaw fihom huma l-metallurġija, l-industrija kimika u petrokimika, kumpaniji tal-gass, fabbriki tal-karti, l-industrija nukleari, l-ajrunawtika, il-produzzjoni elettronika, il-manifattura tal-karozzi, l-agroindustrija u t-trasport. Kumpanija tista' tibbenefika fl-istess ħin minn diversi kriterji ta' eżenzjoni.

(40)

Dawn il-benefiċjarji tal-miżuri huma eliġibbli għall-applikazzjoni ta' wieħed jew aktar mil-limiti massimi tas-CSPE. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Franza, fil-perjodu kollu kkonċernat, l-2003 sal-2015, 1 664 kumpanija bbenefikaw mit-tnaqqis tas-CSPE mifruxa kif ġej: 1 636 taħt il-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud tas-CSPE, 552 eliġibbli għal-limiti massimi tas-CSPE skont is-sit, 88 (6) taħt l-eżenzjoni għall-konsum personali. Ċerti kumpaniji setgħu jakkumulaw diversi tipi ta' tnaqqis.

2.5.   It-tul ta' żmien tal-miżuri u r-riforma tal-2016

(41)

Is-CSPE ġiet introdotta fl-2003 L-ammont u t-tqassim tagħha ġew ippreżentati fit-Taqsimiet 2.2.1 sa 2.2.3.

(42)

Fl-2015, hija ġiet sostitwita minn skema ġdida. Il-Liġi Finanzjarja ta' rettifika għall-2015 Nru 2015-1786 tad-29 ta' Diċembru 2015 (LFR 2015) introduċiet riforma fit-tassazzjoni fuq l-enerġija, li tirrigwarda b'mod partikolari l-finanzjament tal-ispejjeż ta' servizz pubbliku tal-elettriku u tal-gass. Għalhekk is-CSPE tneħħiet għall-konsum ta' wara l-31 ta' Diċembru 2015.

(43)

Mill-1 ta' Jannar 2016, il-finanzjament tal-politiki, li qabel kien isir permezz tas-CSPE, qed isir mill-baġit tal-Istat.

2.6.   L-esklużjoni tat-tnaqqis tas-CSPE mogħti lill-kumpaniji tat-trasport mill-kamp ta' applikazzjoni tad-deċiżjoni

(44)

Minħabba l-qafas regolatorju speċifiku applikabbli għall-kumpaniji tat-trasport ferrovjarju (7), it-tnaqqis tas-CSPE mogħti lill-kumpaniji tat-trasport ferrovjarju huwa eskluż minn din il-proċedura u se jkun is-suġġett ta' deċiżjoni speċifika tal-Kummissjoni. Għaldaqstant huwa eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni.

(45)

Għaldaqstant, l-ammont ta' tnaqqis tas-CSPE, indikat fit-Taqsima 2.2, ma jinkludix it-tnaqqis mogħti lill-kumpaniji tat-trasport ferrovjarju.

2.7.   Deskrizzjoni tar-raġunijiet li għalihom ngħata bidu għall-proċedura

(46)

Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha (8), il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ma ntwerietx biżżejjed.

2.7.1.   L-eżistenza ta' għajnuna

(47)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tnaqqis tas-CSPE mogħti kien għajnuna mill-Istat.

(48)

Inizjalment hija stmat li t-tnaqqis differenti tas-CSPE ipprovdut mil-liġi kien jikkostitwixxi vantaġġ selettiv għall-impriżi li jikkunsmaw l-enerġija tagħhom stess, għall-konsumaturi l-kbar tal-elettriku u għal dawk li jużaw l-elettriku b'mod intensiv: L-ewwel nett, l-eżenzjoni tas-CSPE mogħtija lill-impriżi li jipproduċu l-elettriku li jużaw huma stess, kif spjegat fil-premessa 144 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ hija għajnuna selettiva. It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-benefiċjarji ta' limitu tas-CSPE għal kull sit ingħataw vantaġġ, li fil-fatt ingħata biss lil ċerti setturi ekonomiċi. Fl-aħħar nett, il-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud tas-CSPE jirrigwarda biss lill-kumpaniji industrijali li jaqbżu ċertu limitu ta' konsum, u jagħti għalhekk vantaġġ lil dawn il-kumpaniji wkoll.

(49)

Imbagħad il-Kummissjoni osservat li l-vantaġġi li jirriżultaw mit-tnaqqis tas-CSPE kienu ffinanzjati minn riżorsi tal-Istat u kienu attribwibbli lill-Istat, bħas-CSPE. Peress li s-CSPE hija riżorsa tal-Istat, it-tnaqqis tas-CSPE huwa a fortiori rinunzja ta' riżorsi tal-Istat.

(50)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset ukoll li t-tnaqqis differenti tas-CSPE seta' jkollu impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni minħabba d-differenza fit-trattament bejn il-benefiċjarji tal-miżuri u l-kompetituri tagħhom, imċaħħda mill-possibbiltà li jibbenefikaw minnha.

2.7.2.   Kompatibbiltà tal-għajnuna

(51)

F'dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern, il-Kummissjoni nnotat li fid-data tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, is-CSPE la kienet taxxa ambjentali armonizzata skont il-punt 153 tal-LGPA, u lanqas (9) taxxa ambjentali mhux armonizzata skont il-punt 151, moqri flimkien mal-punt 70(14) ta' dawn il-Linji Gwida tal-2008.

(52)

F'dan ir-rigward, hija nnotat li l-bażi taxxabbli speċifika mhux bilfors kellha effett negattiv fuq l-ambjent, ladarba s-CSPE hija parzjalment dovuta fuq l-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Għal din ir-raġuni din lanqas ma tista' titqies li għandha l-għan li tinkludi l-ispejjeż ambjentali fl-ammont tas-CSPE. Barra minn hekk, mhijiex maħsuba biex tiggwida lill-manifatturi jew lill-konsumaturi finali lejn attivitajiet li jirrispettaw aktar l-ambjent. Għall-kuntrarju, tnaqqis tal-konsum iwassal għall-ħtieġa li tiżdied is-CSPE dovuta biex tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli. Għalhekk il-Kapitolu 4 (10) tal-Linji Gwida tal-2008 ma japplikax.

(53)

Madankollu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri għat-tnaqqis tas-CSPE setgħu jkunu analizzati fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, waqt li stiednet lill-Franza tispeċifika d-dettalji tagħhom.

(54)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li kien għaddej il-proċess ta' reviżjoni tal-Linji Gwida tal-2008 u li l-abbozz tal-Linji Gwida tal-2014 kienu jinkludu l-punti li ġejjin:

“(180)

Il-finanzjament ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli għalkemm imposti mhux immirat lejn esternalità negattiva u għalhekk ma għandu l-ebda effett ambjentali dirett. Madankollu, dan jista' jirriżulta fi prezzijiet ogħla tal-elettriku. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku tista' tkun espliċita permezz ta' tariffa speċifika li hija imposta fuq il-konsumaturi tal-elettriku b'żiedamal-prezz tal-elettriku jew indiretta permezz ta' kostijiet addizzjonali li jiffaċċjaw fornituri tal-elettriku minħabba l-obbligi biex jixtru enerġija rinnovabbli li huma sussegwentement jgħaddu lill-konsumaturi tagħhom, il-konsumaturi tal-elettriku. Eżempju tipiku hu x-xiri obbligatorju minn fornituri tal-elettriku ta' ċertu persentaġġ ta' enerġija rinnovabbli permezz ta' ċertifikati ħodor li għalihom il-fornitur mhuwiex ikkumpensat.

(181)

Fil-prinċipju, il-konsumaturi kollha tal-enerġija għandhom iġorru l-kostijiet tal-finanzjament għall-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli. Madankollu, ċertu tnaqqis jista' jkun meħtieġ biex tiġi żgurata bażi suffiċjenti ta' finanzjament għall-appoġġ tal-enerġija rinnovabbli(84). Sabiex jiġi evitat li l-impriżi affettwati b'mod partikolari mill-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli jitpoġġew f'sitwazzjoni kompetittiva diffiċli, l-Istati Membri jista' jkollhom ix-xewqa li jagħtu kumpens parzjali għal kostijiet addizzjonali sabiex jiffaċilitaw il-finanzjament ġenerali ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli u jiġi evitat rilaxx tal-karbonju. Mingħajr ebda kumpens lill-impriżi partikolarment affettwati, l-aċċettazzjoni pubblika għat-twaqqif ta' mizuri ta' appoġġ ambizzjużi għall-enerġija rinnovabbli se tkun limitata. Min-naħa l-oħra, jekk tali kumpens ikun għoli wisq jew mogħti lil ħafna konsumaturi tal-elettriku, l-aċċettazzjoni pubblika għal appoġġ għall-enerġija rinnovabbli tista' tkun ugwalment imxekkla.”

(55)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li l-abbozz tal-Linji Gwida tal-2014 (il-punt 229) kien jipprovdi li l-għajnuna mogħtija fil-forma ta' tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli kienet se tiġi vvalutata skont il-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna ambjentali u tal-enerġija, ladarba dawn jiġu adottati (anki jekk l-għajnuna tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida tal-2014).

(56)

Peress li Franza pprovdiet ftit li xejn informazzjoni dwar l-għan tat-tnaqqis u l-ġustifikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern. Għaldaqstant hija stiednet lil Franza tispjega: (i) l-għan ta' interess komuni li għandha l-miżura, (ii) l-adegwatezza tagħha, (iii) l-effett ta' inċentiv tagħha, (iv) il-prevenzjoni suffiċjenti tal-effetti negattivi u mhux mixtieqa tagħha fuq il-kummerċ.

(57)

Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha l-Kummissjoni kkunsidrat għalhekk li Franza ma kinitx iġġustifikat biżżejjed il-kompatibbiltà tal-miżuri ta' tnaqqis tas-CSPE għal ċerti benefiċjarji mas-suq intern.

2.8.   L-adozzjoni tal-Linji Gwida tal-2014

(58)

Il-Linji Gwida tal-2014 daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2014. Huma jinkludu Taqsima 3.7.2 ġdida dwar l-“Għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fil-finanzjament ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli”.

(59)

Din it-taqsima tirrikonoxxi, l-ewwel nett, li l-ħlasijiet miġbura għall-finanzjament tal-politiki dwar l-enerġija m'għandhomx effett ambjentali dirett u m'humiex taxxi ambjentali fis-sens strett tal-kelma, li għandhom l-għan li jżidu l-kostijiet ta' mġiba li tagħmel ħsara lill-ambjent. Madankollu jistgħu jikkontribwixxu b'mod indirett għall-protezzjoni tal-ambjent billi jippermettu l-finanzjament tal-iskemi ta' appoġġ għall-protezzjoni tal-ambjent.

(60)

It-tieni nett, dawn il-Linji Gwida jinnotaw li, f'ċerti każijiet, is-sistema ta' finanzjament ta' dawn il-miżuri ta' appoġġ permezz ta' taxxa fuq l-elettriku hija konċepibbli biss jekk il-kumpaniji kkonċernati b'mod partikolari mill-ispejjeż relatati mal-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis.

(61)

It-tielet, dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu l-livelli ta' tnaqqis meqjusa aċċettabbli biex il-miżuri ta' appoġġ jibqgħu finanzjarjament aċċettabbli u jevitaw riport ta' piż sinifikanti wisq fuq il-konsumaturi l-oħrajn.

(62)

Fl-aħħar nett, it-Taqsima 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014 tipprovdi l-possibbiltà li jiġi adottat pjan ta' aġġustament biex il-livelli ta' tnaqqis previsti minn miżura nazzjonali jikkonverġu gradwalment lejn livelli ta' tnaqqis kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida u proporzjonati għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

3.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(63)

Apparti l-kumpaniji tat-trasport, li ġew indirizzati b'mod separat, id-Deċiżjoni tal-ftuħ irċeviet il-kummenti li ġejjin.

3.1.   EDF

(64)

EDF bagħtet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2014. Skont dan il-Grupp, l-eżenzjonijiet li rċieva kienu jirrigwardaw kważi […] fil-mija tal-konsum tal-elettriku kkunsmat minnu stess bl-għan li jipproduċi elettriku injettat fin-netwerk pubbliku. Skont EDF, dan il-konsum proprju jirrigwarda, minn naħa, l-elettriku kkunsmat mit-tagħmir awżiljarju tal-impjanti, u min-naħa l-oħra dak tal-istazzjonijiet ta' trasferiment ta' enerġija permezz tal-pompi fl-impjanti idroelettriċi, fornit f'dan il-każ miċ-ċentrali nukleari.

(65)

Il-Grupp iqis li dan il-konsum proprju għandu jibbenefika minn eżenzjoni totali tas-CSPE, minn naħa, skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (11), imsemmija fil-paragrafu 51, li l-Artikolu 14(1)(a) tagħha jipprovdi li l-Istati Membri jeżentaw mit-taxxa tas-sisa l-prodotti tal-enerġija kif ukoll l-elettriku użat għall-produzzjoni tal-elettriku jew biex tinżamm il-kapaċità ta' produzzjoni tal-elettriku, u min-naħa l-oħra, skont id-deċiżjoni li tivvalida, taħt l-għajnuna mill-Istat, l-iskema Ġermaniża ta' “ħlas addizzjonali tal-EEG” stabbilita fil-Liġi “EEG 2014” (12).

(66)

Barra minn hekk, EDF tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn is-sistemi ta' eżenzjoni mill-ispejjeż relatati mal-enerġija, bejn id-diversi Stati Membri, u li jiffavorixxu b'mod partikolari lill-industriji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv. Differenza fit-trattament ta' dawn l-eżenzjonijiet bejn l-Istati Membri tista' għalhekk iżżid id-diskrepanzi fil-kompetittività attwalment osservata fid-diversi swieq.

3.2.   ALFI

(67)

ALFI (Air Liquide France Industrie) bagħtet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni fit-3 ta' Novembru 2014. Il-Grupp jenfasizza l-ewwel nett li l-ispejjeż imġarrba mill-Grupp għall-enerġija jirrappreżentaw […] sa […] fil-mija tal-ispejjeż ta' produzzjoni. It-tieni, ALFI issostni li żieda kbira ħafna fl-ispiża tal-elettriku tinkoraġġixxi l-internalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-gass industrijali, mid-diversi industriji li jużawh (kimika, azzar, petrokimiċi, ħġieġ), iżda fuq skala iżgħar, li twassal għal żieda globali tal-konsum tal-enerġija.

(68)

ALFI imbagħad targumenta li t-tnaqqis tas-CSPE iwassal għall-għoti ta' vantaġġ lill-benefiċjarji tiegħu. Skont dan il-Grupp, dan it-tnaqqis tas-CSPE sempliċiment jissodisfa “missjoni ta' servizz pubbliku” ta' provvista, u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna, mingħajr ma jispeċifika eżattament il-bażi legali.

(69)

Fl-aħħar nett, ALFI tqis li, mingħajr preġudizzju għan-nuqqas ta' għajnuna, kif spjegat fil-premessa preċedenti, dan it-tnaqqis ta' CSPE, f'każ li jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, ikun kompatibbli mat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 li tirrikonoxxi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kompatibbiltà ta' differenzjazzjoni u ta' tnaqqis immirat għall-benefiċċju tal-kumpaniji industrijali li jużaw l-elettriku b'mod intensiv. Għaldaqstant, xorta waħda jkun eskluż l-irkupru tal-għajnuna, jekk ikun ippruvat li teżisti.

3.3.   UNIDEN

(70)

UNIDEN, assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-industriji l-kbar li jikkunsmaw l-enerġija fi Franza, bagħtet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni fit-3 ta' Novembru 2014. Skont din l-assoċjazzjoni, it-tnaqqis tas-CSPE għandu diversi għanijiet ta' interess komuni, li jagħmlu l-miżuri kompatibbli skont l-Artikolu 107(3) TFUE u mal-Linji Gwida tal-2014.

(71)

L-ewwel nett, il-miżuri għandhom l-għan li jżommu l-kompetittività tas-setturi industrijali esposti għall-kompetizzjoni globali. It-tieni nett, il-miżuri għandhom għan soċjali. It-tielet, il-miżuri għandhom għan ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jikkonsisti b'mod partikolari fil-protezzjoni tal-konsumaturi l-aktar żvantaġġati. Fl-aħħar nett, il-miżuri għandhom għan ta' effiċjenza fl-enerġija, f'koerenza sħiħa mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

4.   IL-KUMMENTI TA' FRANZA

(72)

Franza bagħtet kummenti kemm dwar il-kwalifika tal-miżuri kif ukoll dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern.

4.1.   Il-limiti massimi tas-CSPE għal kull sit u ta' 0,5 % tal-valur miżjud mhumiex għajnuna mill-Istat

(73)

L-argumenti prinċipali ta' Franza biex tiġġustifika n-nuqqas ta' għajnuna jirrigwardaw kemm in-nuqqas ta' selettività kif ukoll in-nuqqas ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni.

4.1.1.   Ebda selettività

(74)

Skont Franza, il-miżuri mhumiex selettivi, għal tliet raġunijiet ewlenin:

(75)

L-ewwel nett, il-ġurisprudenza kkunsidrat li l-introduzzjoni mill-Istati Membri ta' tnaqqis ta' ħlasijiet żejda ma kinitx biżżejjed biex tistabbilixxi s-selettività, sa fejn, teoretikament, il-kumpaniji li jaqbżu l-limiti stabbiliti mhumiex fl-istess sitwazzjoni fattwali tal-kumpaniji l-oħrajn. Il-ġurisprudenza tal-Qorti kkunsidrat għalhekk li l-limitu massimu għal kull sit ma kienx biżżejjed biex jagħmluh miżura selettiva u li l-limiti massimi tat-taxxi setgħu fil-fatt ma jikkostitwixxux għajnuna selettiva (13). Rigward l-istabbiliment tal-limitu massimu tas-CSPE għal 0,5 % tal-valur miżjud, Franza tibbaża fuq il-ġurisprudenza tal-Kunsill Kostituzzjonali (14) biex tfakkar li meta wieħed iqis is-CSPE konformi mal-prinċipju tal-ugwaljanza tat-taxxa, l-imħallef kien irrikonoxxa li l-benefiċjarji ta' dan il-limitu massimu kienu f'sitwazzjoni differenti minn dik tal-kumpaniji l-oħrajn, u minn dan joħroġ in-nuqqas ta' għajnuna selettiva.

(76)

It-tieni nett, fir-rigward speċifikament tal-konsum proprju, Franza tqis li l-eżenzjoni tas-CSPE mogħtija lill-konsumaturi tal-enerġija personali tirrigwarda lill-benefiċjarji li huma f'sitwazzjoni fattwali differenti mill-kontributuri l-oħrajn għas-CSPE u għalhekk teskludi li l-għajnuna hija selettiva.

(77)

It-tielet, in-nuqqas ta' selettività huwa ġġustifikat min-natura tas-sistema fiskali Franċiża, li minnha jirriżultaw il-miżuri, u li ma għandha ebda karattru selettiv. Skont Franza, il-limiti massimi ta' CSPE jirriżultaw mill-istess natura tas-sistema fiskali li tipprovdi li l-piż tat-taxxa irid iqis il-kapaċitajiet ta' kontribuzzjoni ta' kull wieħed.

(78)

Fl-aħħar nett, fil-każ tal-konsumaturi li jipproduċu enerġija għall-użu personali minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli (“ENR”) jew ta' koġenerazzjoni, attivi prinċipalment fis-setturi tal-kimika, tal-azzar u tal-petrokimiċi, Franza tenfasizza li huwa loġiku li l-elettriku prodott u kkunsmat minnhom stess ikun eżentat mis-sehem tas-CSPE li tiffinanzja l-ENR jew l-appoġġ għall-koġenerazzjoni, peress li dan l-elettriku ma rċieva ebda appoġġ pubbliku ffinanzjat mis-CSPE, iżda jikkontribwixxi għall-għan ta' protezzjoni tal-ambjent tal-appoġġ għall-ENR u għall-koġenerazzjoni ffinanzjat bl-istess mod tal-elettriku injettat fin-netwerk (li jibbenefika mill-appoġġ iffinanzjat mis-CSPE). Franza tenfasizza li għal din ir-raġuni, l-eżenzjoni tal-awtokonsumaturi li jużaw ENR jew il-koġenerazzjoni ma tikkostitwixxix vantaġġ selettiv.

4.1.2.   Nuqqas ta' tgħawwiġ tal-kompetizzjoni

(79)

Franza targumenta li miżura simili kienet diġà teżisti qabel ma daħlet fis-seħħ is-CSPE fl-2003. Għaldaqstant, Franza tqis li l-għajnuna kellha biss ftit impatt fuq is-sitwazzjoni ekonomika u kompetittiva tal-kumpaniji fi Franza.

4.2.   F'każ li l-kwalifika ta' għajnuna tiġi kkonfermata, il-limiti massimi ta' CSPE għal kull sit u ta' 0,5 % tal-valur miżjud huma għajnuna kompatibbli

(80)

F'każ li l-kwalifika ta' għajnuna tiġi kkonfermata xorta waħda, Franza tipproponi analiżi tal-kompatibbiltà tas-CSPE fuq tliet assi differenti:

(81)

L-ewwel nett, il-miżuri huma kompatibbli minħabba l-fatt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ipprovduti mid-Direttiva 2003/96/KE (ara t-Taqsima 4.2.1).

(82)

It-tieni, peress li s-CSPE tista' titqies bħala taxxa ambjentali, it-tnaqqis tagħha huwa fil-fatt kompletament kompatibbli mal-qafas Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent (15) (minn hawn 'il quddiem “il-Linji Gwida tal-2001”), il-Linji Gwida tal-2008 u dawk tal-2014 (ara t-Taqsima 4.2.2).

(83)

It-tielet, jekk is-CSPE ma tkunx tista' titqies bħala taxxa ambjentali, allura l-limiti massimi tagħha jkunu kompatibbli mal-Linji Gwida tal-2014 għall-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli, u mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE għall-komponenti l-oħrajn tas-CSPE (ara t-Taqsima 4.2.3).

4.2.1.   Il-miżuri huma kompatibbli peress li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96/KE

(84)

Franza tenfasizza li d-Direttiva 2003/96/KE tippermetti ċerti eżenzjonijiet:

(85)

L-ewwel nett, fl-Artikolu 14(1)(a) tagħha, id-Direttiva tawtorizza l-eżenzjoni mit-taxxa għall-elettriku użat għall-produzzjoni tal-elettriku, jew għaż-żamma tal-kapaċità ta' produzzjoni. Din l-eżenzjoni tkopri fil-biċċa l-kbira l-eżenzjoni tal-konsum proprju previst taħt il-miżuri inkwistjoni.

(86)

It-tieni, fl-Artikolu 15(1)(e) tagħha, id-Direttiva tawtorizza l-eżenzjoni mit-taxxa għall-elettriku għall-konsum proprju u prodott mill-koġenerazzjoni.

(87)

Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 17(1)(a) tagħha, id-Direttiva tawtorizza eżenzjonijiet parzjali għall-kumpaniji “konċentrati fl-enerġija”, definiti bħala kumpaniji fejn jew ix-xiri ta' prodotti ta' enerġija u elettriku jammontaw għal tal-inqas 3 % tal-valur tal-produzzjoni jew it-taxxa nazzjonali pagabbli fuq l-enerġija tammonta għal tal-inqas 0,5 % tal-valur miżjud.

4.2.2.   F'każ li s-CSPE hija taxxa ambjentali, il-limiti massimi tas-CSPE huma kompatibbli mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat

(88)

Fil-korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni, Franza tqis li s-CSPE tista' titqies bħala taxxa ambjentali, kif definita mill-punt 70(14) tal-Linji Gwida tal-2008. Franza fil-fatt stmat li l-bażi taxxabbli kellha effetti negattivi fuq l-ambjent, għalkemm kellha l-għan li tiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli, u li għalhekk din l-iskema ta' għajnuna hija favorevoli għall-ambjent. Din il-kwalifika tirriżulta fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern fid-dawl ta' tliet bażijiet suċċessivi ta' kompatibbiltà.

(89)

L-ewwel nett, għall-perjodu ta' bejn l-2003 u l-2008, il-kompatibbiltà tat-tnaqqis tas-CSPE jenħtieġ li tkun evalwata fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2001. Skont Franza, din il-kompatibbiltà hija żgurata mill-fatt li l-benefiċjarji jħallsu sehem konsiderevoli mis-CSPE, jiġifieri tal-inqas 20 fil-mija, skont il-punti 51(1)(a) u 51(1)(b) tal-Linji Gwida tal-2001.

(90)

It-tieni, Franza tqis li l-miżuri huma konformi mal-Linji Gwida tal-2008, għall-perjodu ta' bejn l-2008 u l-2014. Minn naħa, Franza tqis is-CSPE bħala taxxa ambjentali. Min-naħa l-oħra, il-Linji Gwida tal-2008 jipprovdu fil-punt 4 tagħhom li t-taxxi ambjentali huma kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern hija b'hekk ippruvata biżżejjed.

(91)

Fl-aħħar nett, Franza tqis li ż-żewġ limiti tas-CSPE huma kompatibbli mal-Linji Gwida tal-2014, applikabbli bejn l-1 ta' Lulju u t-tmiem tal-miżuri fl-2015, u li b'mod partikolari jirrispettaw il-punt 170 ta' dawn il-Linji Gwida.

4.2.3.   Din il-kompatibbiltà hija ġġustifikata fid-dawl kemm tat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 kif ukoll tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE

(92)

Fin-notifika tagħha tat-22 ta' Ottubru 2015, Franza madankollu aċċettat li tikkunsidra l-possibbiltà li ma tqisx is-CSPE bħala taxxa ambjentali, u li minn dan tqis il-konsegwenzi tal-analiżi tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fid-dawl kemm tat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 kif ukoll tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

4.2.3.1.   Tnaqqis tas-CSPE sa fejn tippermetti l-finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli

(93)

Skont Franza, il-konformità tal-miżuri mal-Linji Gwida tal-2014 hija ppruvata. Franza tirreferi speċifikament għat-Taqsima 3.7.2 bħala bażi legali biex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni (16) mas-suq intern.

(94)

L-ewwel nett, Franza tinnota li l-għajnuna kollha mogħtija qabel l-1 ta' Jannar 2011, fil-forma ta' tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet li jiffinanzjaw l-appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, kif previst fil-punt 248 tal-Linji Gwida tal-2014.

(95)

It-tieni nett, għall-perjodu ta' wara l-2011, Franza tqis li l-għajnuna tista' tingħata diment li tkun soġġetta għal pjan ta' aġġustament li jiżgura, permezz ta' kriterji oġġettivi, il-konverġenza tal-livelli ta' tnaqqis mogħtija taħt il-miżuri inkwistjoni, mal-livelli permessi mit-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014.

(96)

Franza tisħaq li 50 fil-mija tal-appoġġ għall-inċinerazzjoni għandu jkun ikkwalifikat bħala appoġġ għall-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli minħabba li 50 fil-mija tal-iskart maħruq huwa skart bijodegradabbli, kif jirriżulta mill-istatistika tal-AIE u mill-Eurostat.

4.2.3.2.   Tnaqqis tas-CSPE sa fejn tippermetti l-finanzjament tal-koġenerazzjoni, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali

(97)

Għas-sehem tas-CSPE li ma jirrigwardax il-finanzjament tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli, Franza pprovdiet analiżi tal-kompatibbiltà dettaljata tal-miżuri li l-Kummissjoni qed tiddeskrivi hawn taħt.

4.2.4.   Għan ta' interess komuni tal-limiti massimi

(98)

Franza tqis li t-Trattat jipprovdi bażi legali sodisfaċenti sabiex jiġġustifika l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, għas-sehem tal-limiti massimi tas-CSPE li jirrigwarda l-“politiki l-oħrajn barra l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, peress li l-limiti massimi li jirrigwardaw is-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli huma (…) irregolati [] mil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014.”

(99)

Franza tinnota l-ewwel nett li l-leġiżlazzjoni Ewropea tippermetti li jitqies leġittimu li l-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv ma jġorrux piżijiet eċċessivi ta' provvista tal-elettriku, minħabba għanijiet ta' interess komuni li huma (i) il-koġenerazzjoni, (ii) l-għan ta' koeżjoni territorjali u ta' protezzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi, (iii) l-għan ta' koeżjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.

(1)

L-ewwel nett, l-appoġġ għall-koġenerazzjoni huwa ġġustifikat kemm mid-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) fuq il-promozzjoni ta' kogenerazzjoni, kif ukoll mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-għan ta' tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, li għalih il-koġenerazzjoni għandha rwol importanti x'taqdi. Franza tinnota li s-sehem tas-CSPE li jirrigwarda l-appoġġ għall-koġenerazzjoni jista' jinkludi l-appoġġ allokat għall-inċinerazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli, diment li dan jintuża għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja.

(2)

It-tieni, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi tikkontribwixxi għall-għan Komunitarju ta' koeżjoni territorjali, rikonoxxuta fl-Artikolu 3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE). Franza ssostni ukoll li l-għan ta' interess komuni ta' din il-politika huwa bbażat fuq l-Artikoli 174 TFUE, 349 TUE, kif ukoll 107(3)(a) TFUE.

(3)

It-tielet, it-tariffi soċjali għandhom l-għan ta' interess komuni appoġġjat mill-Artikoli 3 TUE u 174 TFUE skont Franza. Franza tfakkar li l-għan ta' din il-politika jista' wkoll ikun iġġustifikat mill-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali. Franza ssemmi mbagħad il-premessa 45 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) li tgħid “l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu klijenti vulnerabbli fil-kuntest tas-suq intern tal-elettriku”. Franza tindika li l-ipprezzar soċjali tal-elettriku, billi jiżgura l-aċċess għal oġġett fundamentali, jipparteċipa fil-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem.

(100)

Skont Franza, iż-żewġ limiti massimi tas-CSPE, għal kull sit u ta' 0,5 % tal-valur miżjud, għandhom, ukoll, l-għan li jippreservaw il-kompetittività tal-kumpaniji, appoġġat mill-Artikolu 173(1) TFUE. Franza tinnota wkoll li d-Direttiva 2003/96/KE tippermetti wkoll lill-Istati Membri japplikaw eżenzjonijiet favur il-kumpaniji konsumaturi kbar sabiex tinżamm il-kompetittività tagħhom, possibbiltà rikonoxxuta wkoll mil-Linji Gwida tal-2014 (Taqsima 3.7.2) għall-finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli. Għalkemm dan l-għan ta' preservazzjoni tal-kompetittività mhuwiex suffiċjenti biex jiġġustifika l-eżistenza ta' interess komuni, huwa jikkontribwixxi skont Franza biex jiġġustifika dan l-għan ta' interess komuni.

4.2.4.1.   In-neċessità

(101)

In-neċessità tal-miżuri hija, skont Franza, debitament iġġustifikata, peress li jikkontribwixxu biex isaħħu l-kompetittività tal-kumpaniji benefiċjarji u għalhekk biex jipprevjenu r-riskji ta' delokalizzazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-miżuri huma mmirati kif xieraq u l-limiti massimi kkalkulati kif suppost, mhumiex diskriminatorji. F'dan ir-rigward Franza tosserva l-konsistenza tal-limiti magħżula bejn iż-żewġ gruppi ta' eżenzjonijiet, għal kull sit u tal-valur miżjud, peress li l-limitu għal kull sit huwa biss varjazzjoni tal-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud. Fl-aħħar nett, il-benefiċjarji jintgħażlu skont kriterji trasparenti u oġġettivi, immirati lejn il-kumpaniji li huma l-aktar f'riskju li jitilfu l-kompetittività.

(102)

Franza tiġġustifika wkoll il-ħtieġa tal-miżuri minħabba li jekk jitqajjem dubju dwar dan it-tnaqqis dan ikun ifisser spejjeż addizzjonali ta' bejn madwar 12 u 24 fil-mija tal-valur miżjud. Franza targumenta wkoll li żieda ta' EUR 2/MWh fil-kont tal-enerġija tirrappreżenta żieda ta' 2 fil-mija tal-ispejjeż ta' produzzjoni, li hija aktar mill-“marġni pożittiv” ta' dawn il-kumpaniji. F'dan il-kuntest, sforz finanzjarju addizzjonali maħluq mit-tneħħija ta' dan it-tnaqqis tas-CSPE, kulma jagħmel iżid ir-riskju ta' delokalizzazzjoni tal-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv, u joħloq riskju fuq il-finanzjament tal-politiki mmirati billi jirriporta l-piż tiegħu fuq il-konsumaturi l-oħrajn.

4.2.4.2.   L-adegwatezza tal-għajnuna

(103)

Bl-istess mod, Franza tqis li l-adegwatezza tal-miżuri hija ġġustifikata mid-Direttiva 2003/96/KE, li tirrikonoxxi li l-kumpaniji li jħallsu ammont ta' taxxa fuq l-enerġija ugwali għal 0,5 fil-mija tal-valur miżjud tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjonijiet lil hinn minn dan il-limitu, kemm minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fiskali kif ukoll minħabba r-riskju ta' telf ta' kompetittività fuq livell internazzjonali.

(104)

Għaldaqstant, skont Franza, it-tnaqqis tas-CSPE huwa xieraq f'kuntest ta' nuqqas ta' armonizzazzjoni sħiħa tat-tassazzjoni u minħabba d-degradazzjoni sinifikanti tal-kompetittività Ewropea.

4.2.4.3.   Proporzjonalità

(105)

Franza tenfasizza mbagħad li t-tnaqqis tas-CSPE huwa proporzjonat. Huwa jikkorrispondi għal kontribuzzjoni medja ta' bejn 31 fil-mija u 34 fil-mija tal-kontribuzzjoni totali, jiġifieri bejn EUR 5,1 u 5,6/MWh (stima tal-2014), meta mqabbla ma' CSPE ta' EUR 16,5/MWh fl-istess data. Franza tindika li din ir-rata ta' 31 fil-mija sa 34 fil-mija hija ogħla mir-rata minima permessa mil-Linji Gwida tal-2008, iżda wkoll mit-Taqsima 3.7.1 u t-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 u li għalhekk hija proporzjonata.

(106)

Skont Franza, it-tnaqqis jista' għalhekk jitqies bħala proporzjonat safejn iħalli lill-benefiċjarji tiegħu sehem kbir biżżejjed tas-CSPE xi jħallsu.

(107)

Franza bagħtet l-ammonti tas-CSPE għal kull benefiċjarju għas-sena 2014. Il-Kummissjoni tinnota għalhekk li, fuq is-sena 2014 biss, tal-inqas 124 benefiċjarju ħallsu livell ta' CSPE taħt il-15 fil-mija previsti fil-punt 188 tal-Linji Gwida tal-2014.

4.2.4.4.   In-natura ta' inċentiv tal-miżuri

(108)

Franza tqis li din il-kundizzjoni mhijiex applikabbli f'dan il-każ. Hija tindika li l-miżuri mhumiex maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-benefiċjarji jibdlu l-imġiba tagħhom, iżda pjuttost ifittxu li jevitaw, bħala miżura preventiva, d-deterjorament tal-kompetittività tagħhom.

4.2.4.5.   Il-limitazzjoni tal-effetti ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni u l-bilanċ tal-ispiża tal-benefiċċju pożittiv

(109)

Franza ssostni f'dan ir-rigward li l-eżenzjonijiet stabbiliti tas-CSPE jippermettu li jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Fil-kummenti tagħha hija tinnota fil-fatt li minkejja dawn il-limiti massimi tas-CSPE, id-diskrepanzi fil-prezz bejn Franza u l-Amerka ta' Fuq baqgħu konsiderevoli, madwar EUR 10/MWh, għall-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv. Franza tikkwota wkoll studju tal-ICF sabiex tindika li Franza tagħti inqas eżenzjonijiet mill-Ġermanja, mill-Italja u mid-Danimarka (19).

4.2.4.6.   Il-kompatibbiltà tal-limiti massimi tas-CSPE meta din tiġi allokata għal għanijiet oħrajn minbarra l-finanzjament tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli, minbarra l-appoġġ għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali

(110)

Finalment, fir-rigward tal-komponenti l-oħra tas-CSPE, deskritti fil-premessa 11(1) sa 11(3), Franza pprovdiet it-tagħrif li ġej:

(1)

Fir-rigward tal-appoġġ għall-inċinerazzjoni tal-iskart bijodegradabbli, Franza tenfasizza l-ewwel nett l-eżistenza ta' interess komuni għall-porzjon tal-inċinerazzjoni li jkopri l-enerġiji rinnovabbli. Għall-inċinerazzjoni li tirrigwarda l-iskart mhux bijodegradabbli, Franza tenfasizza mbagħad li l-appoġġ għaliha għandu għan ta' titjib tal-effiċjenza fl-enerġija. Franza spjegat li l-miżuri kienu proporzjonati safejn it-tariffa tax-xiri tippermetti li tintlaħaq rata ta' redditu bejn is-6 u s-7 fil-mija. Fl-aħħar nett il-miżuri ma għandhomx effett ta' distorsjoni peress li l-impjanti kollha tal-inċinerazzjoni huma eliġibbli għall-iskema.

(2)

L-appoġġ għall-faċilitajiet li jintużaw fis-sigħat intensivi jservi l-għan ta' interess komuni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. L-appoġġ huwa meħtieġ għat-twettiq tal-investimenti. Fl-aħħar nett Franza qieset li l-qawwa limitata tal-impjanti kkonċernati (78MW fl-2014) tillimita l-effett ta' distorsjoni tagħhom.

(3)

Fl-aħħar nett, rigward il-finanzjament tal-kuntratti tal-enerġija garantita, Franza ma speċifikatx il-ħtieġa jew l-adegwatezza ta' dan l-appoġġ.

4.3.   L-eżenzjonijiet tas-CSPE mogħtija lill-awtokonsumaturi tal-elettriku mhumiex għajnuna mill-Istat

(111)

B'mod preliminari, Franza tirrimarka li din l-eżenzjoni, fil-każ tal-konsum personali għall-produzzjoni tal-elettriku, hija kompletament kompatibbli mad-Direttiva 2003/96/KE, li tipprovdi li l-produtturi ż-żgħar tal-elettriku jistgħu jkunu eżentati mit-taxxa fuq l-elettriku diment li l-prodotti użati għall-produzzjoni ta' dan l-elettriku jkunu ntaxxati mod ieħor.

(112)

Rigward l-eżistenza tal-għajnuna, Franza tispjega l-ewwel nett li dawn l-eżenzjonijiet tas-CSPE mhumiex għajnuna selettiva. Franza tirrimarka li din l-eżenzjoni hija indipendenti mit-tip ta' attività tal-benefiċjarji u li tapplika fil-prinċipju għall-kumpaniji kollha, b'kapaċità sa 240 GWh. Barra minn hekk dawn il-benefiċjarji ma joħolqu ebda piż żejjed fuq is-sistema elettrika għas-sehem ikkunsmat minnhom stess. Għaldaqstant huwa leġittimu li jkunu ttrattati b'mod differenti mill-konsumaturi li jixtru l-elettriku kollu tagħhom.

(113)

Franza mbagħad tqis li l-eżenzjoni tas-CSPE mogħtija lill-kumpaniji li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni, safejn bosta pajjiżi, b'mod partikolari fl-Unjoni Ewropea, japplikaw l-istess tip ta' eżenzjoni. Għaldaqstant, din l-eżenzjoni mhijiex għajnuna mill-Istat.

(114)

Rigward il-kompatibbiltà tal-eżenzjoni, Franza tqis li, fl-ipoteżi li l-awtokonsum jikkostitwixxi għajnuna, din għandha għan ta' interess komuni, peress li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija billi tnaqqas l-effetti tal-ħinijiet intensivi tal-konsum tal-elettriku.

4.4.   Il-pjan ta' aġġustament wara l-adozzjoni tal-Linji Gwida tal-2014

(115)

Wara li kkunsidrat l-ipoteżi ta' bażi ta' kompatibbiltà mas-suq intern ipprovduta b'mod konġunt mit-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 u l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, kif spjegat fit-Taqsima 4.2.3, Franza nisslet il-konsegwenzi ta' dan f'ittra tas-27 ta' Ottubru 2017 indirizzata lill-Kummissjoni. F'din il-korrispondenza, Franza bagħtet verżjoni ġdida tal-pjan ta' aġġustament, skont it-Taqsima 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014, bl-għan li tikkonverġi t-tnaqqis mogħti taħt il-miżuri, skont regoli oġġettivi, lejn il-livelli ta' eżenzjoni kompatibbli ma' dawn il-Linji Gwida, kif definiti fit-Taqsima 3.7.2 tagħhom.

(116)

Dan l-istadju ta' kalkolu tas-CSPE allokata lil diversi għanijiet tippermetti li jiġi kkalkolat l-ammont li jrid jitħallas mill-benefiċjarji tat-tnaqqis tas-CSPE taħt il-pjan ta' aġġustament. Dan l-ammont jinstab bejn l-ammont tas-CSPE diġà mħallas u l-ammont ikkalkolat skont il-Linji Gwida. L-ammont tas-CSPE li għandu jitħallas huwa kkalkolat b'mod differenti skont il-komponenti tas-CSPE ikkonċernati, u stabbilit kif indikat fit-Taqsima 4.4.1.

4.4.1.   Applikazzjoni diretta tat-Taqsima 3.7.3 għall-komponent “finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli” tas-CSPE

(117)

Għas-sehem tas-CSPE li jservi biex jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli, inkluża l-inċinerazzjoni tal-iskart bijodegradabbli, Franza qed tikkunsidra pjan ta' aġġustament li jwassal biex sad-data teoretika tal-1 ta' Jannar 2019, wara li s-CSPE tkun twaqqfet fl-1 ta' Jannar 2016, u b'mod progressiv, l-ammont ta' CSPE li jrid jitħallas fl-1 ta' Jannar 2019, ikun dak ikkalkolat skont il-Linji Gwida tal-2014:

(118)

Jekk il-kumpanija (i) tappartjeni għal settur ta' attività elenkat fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014 u għandha intensità elettrika ogħla minn 20 fil-mija jew (ii) għandha intensità elettrika ta' mill-inqas 20 fil-mija u espożizzjoni għall-kummerċ internazzjonali ogħla minn 4 fil-mija (jew li tidher fl-Anness 5 ta' dawn il-Linji Gwida), allura din ikollha tħallas l-inqas valur bejn 15 fil-mija tal-piż jew 0,5 fil-mija tal-valur miżjud tagħha.

(119)

Jekk il-kumpanija tappartjeni għal settur elenkat fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014 u tippreżenta intensità fl-użu tal-elettriku ta' inqas minn 20 fil-mija, allura din ikollha tħallas l-inqas valur bejn 15 fil-mija tat-taxxa jew 4 fil-mija tal-valur miżjud tagħha.

(120)

Fil-każijiet l-oħrajn, jekk il-kumpanija (i) tappartjeni għal settur ta' attività li mhuwiex elenkat fl-Annessi 3 tal-Linji Gwida, jew (ii) is-settur tagħha huwa elenkat fl-Anness 5 iżda tippreżenta intensità fl-użu tal-elettriku ta' inqas minn 20 fil-mija, u (iii) ibbenefikat minn għajnuna qabel l-1 ta' Lulju 2014, allura din trid tħallas tal-inqas 20 fil-mija tat-taxxa.

(121)

Fl-aħħar nett, fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-livell ta' CSPE li jrid jintlaħaq fl-1 ta' Jannar 2019, huwa ta' 100 fil-mija.

4.4.2.   Applikazzjoni tat-Taqsima 3.7.3 b'analoġija, għall-komponenti “koġenerazzjoni”, “ugwalizzazzjoni tat-tariffi” u “tariffi soċjali” tas-CSPE

(122)

Għall-koġenerazzjoni, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, il-pjan ta' aġġustament iwassal biex sa mhux aktar tard mill-2019, l-ammont tas-CSPE imħallas ikun ta':

15 fil-mija jekk il-kumpanija hija kumpanija li tuża l-elettriku b'mod intensiv skont il-punti 185 sa 186 tal-Linji Gwida tal-2014. Jekk il-kumpanija jkollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' aktar minn 20 fil-mija u jekk is-settur tagħha jappartjeni għas-setturi elenkati fl-Anness 3 jew fl-Anness 5 tal-imsemmija Linja Gwida, allura l-ammont tas-CSPE jista' jkun limitat għal 0,5 fil-mija tal-valur miżjud tal-kumpanija u għal 4 fil-mija jekk il-kumpanija ma jkollhiex intensità fl-użu tal-elettriku li taqbeż 20 fil-mija tal-intensità fl-użu tal-elettriku.

100 fil-mija għall-kumpaniji l-oħrajn.

(123)

Franza tqis li dan il-pjan ta' aġġustament huwa ġġustifikat għall-istess raġunijiet esposti fit-Taqsima 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014 dwar it-tnaqqis mit-taxxi ntiżi biex jiffinanzjaw l-enerġiji rinnovabbli. B'mod partikolari, il-pjan ta' aġġustament jippermetti li tiġi evitata żieda eċċessiva tat-taxxa li tirriżulta minn applikazzjoni immedjata tal-kriterji esposti fil-punti 185 sa 189 tal-Linji Gwida tal-2014. F'dan is-sens huwa jgħin is-sostenibbiltà finanzjarja tas-CSPE billi jiżgura l-aċċettabbiltà tal-appoġġ u tal-metodi tal-finanzjament tagħha.

4.4.3.   In-nuqqas ta' applikazzjoni tal-pjan ta' aġġustament għall-komponenti l-oħrajn tas-CSPE

(124)

Rigward madankollu t-tnaqqis tas-CSPE allokat għall-għanijiet deskritti fil-premessi 110(1) sa 110(2), Franza ma ppjanatx li tinkludih fil-pjan ta' aġġustament. Franza kkonfermat li s-CSPE allokata għal dawn l-għanijiet kellha titħallas kollha għall-perjodu kkonċernat tal-2003 sal-2015 (20), u t-tnaqqis tas-CSPE mogħti, għas-CSPE allokata għal dawn l-għanijiet, se jkun irkuprat kollu.

4.4.4.   Data tal-bidu tal-pjanijiet ta' aġġustament

(125)

Fl-2011 Franza tat bidu għall-pjan ta' aġġustament għall-komponenti ENR u koġenerazzjoni. F'dan ir-rigward, Franza tibbaża fuq il-punt 248 tal-Linji Gwida tal-2014 u fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2017 (SA.38635 (21)) u tal-21 ta' Settembru 2017 (SA.47887) (22).

(126)

Għall-komponenti l-oħrajn iffinanzjati mis-CSPE, wara d-dubji li esprimiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, Franza tat bidu għall-pjan ta' aġġustament fl-2004. Franza tqis li din id-data hija ġġustifikata minħabba l-preskrizzjoni ta' 10 snin applikabbli f'dan il-każ taħt il-preskrizzjoni ta' għaxar snin ipprovduta fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kumsill (UE) 2015/1589 (23).

4.4.5.   It-trattament tal-konsum proprju bħala parti mill-pjan ta' aġġustament

4.4.5.1.   Eżenzjoni tas-CSPE għall-konsum tal-elettriku użat għall-produzzjoni tal-elettriku.

(127)

Skont Franza, b'mod konformi mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/96/KE, li jipprovdi li l-konsum tal-elettriku użat għall-produzzjoni tal-elettriku, kif ukoll biex tinżamm il-kapaċità ta' produzzjoni tal-elettriku, għandu jkun eżentat kompletament mit-taxxa, il-benefiċjarji tal-eżenzjoni b'konsum personali li huma produtturi tal-elettriku (Kodiċi NACE 3511) jistgħu jkunu eżentati mis-CSPE fuq l-elettriku għall-konsum personali. Franza kkunsidrat li għalhekk m'hemmx bżonn li tinkludi lil dawn il-benefiċjarji fil-pjan ta' aġġustament.

4.4.5.2.   Elettriku prodott u kkunsmat personalment minn ENR

(128)

Fil-każ tal-benefiċjarji tal-eżenzjoni li jipproduċu l-elettriku minn ENR, l-elettriku prodott u kkunsmat personalment jista' jkun eżentat mis-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-ENR, peress li dan l-elettriku ma bbenefika minn ebda sostenn pubbliku filwaqt li s-CSPE kienet tiffinanzja parti mill-appoġġ għall-ENR.

(129)

Madankollu Franza inkludiet fil-pjan ta' aġġustament l-eżenzjoni għall-bqija tas-sehem tas-CSPE, sakemm il-vantaġġ korrispondenti ma jkunx inqas mil-limitu massimu tal-għajnuna de minimis.

4.4.5.3.   Elettriku prodott u kkunsmat personalment mill-koġenerazzjoni

(130)

Bl-istess mod, għall-benefiċjarji tal-eżenzjoni li jipproduċu l-elettriku mill-koġenerazzjoni, l-elettriku prodott u kkunsmat personalment jista' jiġi eżentat mis-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-koġenerazzjoni sakemm din ma tkunx ingħatat sostenn pubbliku.

(131)

Madankollu Franza inkludiet fil-pjan ta' aġġustament l-eżenzjoni għall-bqija tas-sehem tas-CSPE, sakemm il-vantaġġ korrispondenti ma jkunx inqas mil-limitu massimu tal-għajnuna de minimis.

4.4.6.   Metodoloġija tat-tqassim tas-CSPE teoretikament dovuta skont il-politika, minbarra l-eżenzjoni

(132)

Għas-CSPE li trid titħallas, minbarra l-eżenzjoni, Franza għamlet kalkolu għal kull kumpanija, ibbażat fuq rata annwali u l-konsum tal-kumpanija. Dan l-ammont teoretiku tas-CSPE huwa mqassam skont kull politika u t-tqassim mibgħut mis-CRE, li ġie mgħarraf lill-Kummissjoni fl-20 ta' Diċembru 2016:

 

ENR

(%)

Inċinerazzjoni

(%)

Koġenerazzjoni

(%)

Ugwalizzazzjoni tar-rati

(%)

Tariffi soċjali

(%)

Produzzjoni fil-ħinijiet intensivi

(%)

Oħrajn

(%)

2003

11

2

57

27

0

2

1

2004

16

3

50

28

0

2

1

2005

11

2

48

30

6

3

1

2006

4

1

57

32

3

2

1

2007

0

– 3

38

63

– 1

2

1

2008

7

– 1

29

59

3

3

1

2009

18

0

30

47

3

1

1

2010

21

– 1

40

35

3

1

1

2011

43

1

27

27

1

0

1

2012

48

0

20

29

2

0

0

2013

52

1

16

28

3

0

0

2014

58

1

10

27

4

0

0

2015

61

1

9

24

5

0

0

Total

41,9

0,6

23,0

30,5

2,9

0,7

0,5

Piż annwali ta' kull politika, nota tal-awtoritajiet Franċiżi tal-20 ta' Diċembru 2016

(133)

Franza tenfasizza li l-ENR, il-koġenerazzjoni, l-ugwalizzazzjoni u t-tariffi soċjali jirrappreżentaw 98,2 fil-mija tal-ammonti tas-CSPE appoġġjata sa mill-2003.

(134)

Rigward l-inċinerazzjoni, Franza tenfasizza li l-istatistika tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u tal-Eurostat tippermetti li wieħed jikkunsidra li nofs l-enerġija prodotta mis-settur tal-UIOM (Unité d'Incinération d'Ordures Ménagères — Taqsima tal-Inċinerazzjoni tal-Iskart Domestiku), irriċiklata fil-forma ta' sħana jew elettriku, tkun kontabilizzata bħala rinnovabbli. Għaldaqstant, 50 fil-mija tas-CSPE allokata għall-appoġġ tal-inċinerazzjoni hija inkluża fis-sehem tal-ENR. Barra minn hekk, l-appoġġ għall-inċinerazzjoni ta' skart mhux bijodegradabbli, użat għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, huwa allokat għall-komponent tal-koġenerazzjoni tas-CSPE. Din l-ipoteżi twassal biex Franza tagħżel it-tqassim li ġej:

 

ENR

(%)

Koġenerazzjoni

(%)

Ugwalizzazzjoni + Miżuri soċjali

(%)

Inċinerazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli

(%)

Oħrajn

(%)

2003

12

57

27

1

3

2004

17

50

28

2

2

2005

12

48

35

1

4

2006

5

57

35

1

3

2007

– 2

38

62

– 2

3

2008

6

29

62

– 1

4

2009

18

30

50

0

2

2010

21

40

38

– 1

2

2011

43

27

28

1

1

2012

48

20

31

0

1

2013

52

16

31

0

0

2014

59

10

31

0

0

2015

61

9

29

0

0

4.4.6.1.   L-applikazzjoni tal-limiti de minimis

(135)

Franza tispeċifika li għal kull tnaqqis tas-CSPE mogħti, ġie applikat il-limitu de minimis previst mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (24): għall kull benefiċjarju, l-ammont tal-għajnuna mogħtija għall-aħħar tliet snin kontinwi jitqabbel mal-ammont ta' EUR 200 000. F'każ li l-ammont tal-għajnuna mogħtija għall-aħħar tliet snin kontinwi jkun inqas minn EUR 200 000, allura l-ammont ta' rimborż ikun żero f'dawk it-tliet snin. Franza tiddikjara li se tqis ukoll id-Deċiżjoni N 7/2009 (25) tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi żieda tal-limitu de minimis għal EUR 500 000, għas-snin 2009 u 2010, minħabba l-kuntest tal-kriżi ekonomika ta' dak iż-żmien.

4.4.7.   Il-progress tal-pjan ta' aġġustament

(136)

Għall-benefiċjarji li ma jistgħux jitqiesu bħala kumpaniji b'użu intensiv tal-elettriku, fit-tifsira tal-punti 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014, jew li ma jikkonformawx għalkollox mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3.7.2 ta' dawn il-Linji Gwida, Franza ppreżentat pjan ta' aġġustament li jwassal għal żieda progressiva tal-kontribuzzjoni tagħhom (ara l-premessi 117 u 118).

(137)

Dan il-pjan ta' aġġustament japplika għall-komponenti kollha tas-CSPE. Huwa jikkoreġi l-limiti massimi u l-eżenzjonijiet kollha mogħtija taħt il-miżura. Ikopri wkoll il-politiki kollha ffinanzjati mis-CSPE.

(138)

Il-punt ta' tluq tal-pjan ta' aġġustament huwa s-CSPE effettivament imħallsa mill-benefiċjarji matul is-sena li fiha beda l-pjan (2004 jew 2011 skont il-każ).

(139)

Dan il-pjan ta' aġġustament għat-tipi differenti ta' tnaqqis mis-CSPE mogħti għandu jwassal sabiex sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019, l-ammonti mħallsa jilħqu l-livelli ta' kontribuzzjonijiet minimi konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Irid jintlaħaq l-ammont tas-CSPE meħtieġ skont ir-regoli deskritti fil-premessi 118 sa 122.

(140)

Din iż-żieda tinkiseb billi tiġi applikata r-regola ta' progressjoni li ġejja:

(141)

Ammont li għandu jitħallas għal kull sena għal kull politika ffinanzjata = ammont imħallas

(142)

+ (l-ammont li jrid jitħallas – l-ammont imħallas) × [(e^n)-1]/[(e^N)-1]

fejn n: numru tas-sena tal-pjan ta' aġġustament (eżempju: għal pjan li beda fl-2011 u b'applikazzjoni totali fl-2019, fl-2011 n = 0, fl-2012 n = 1, …, fl-2019 n = 8)

u N: numru ta' snin tal-pjan (eżempju: għall-istess eżempju ta' hawn fuq, N = 8)

(143)

Din ir-regola tagħmel mod li l-ammont ta' CSPE li jrid jitħallas maż-żmien joqrob lejn il-livell teoretiku ta' CSPE li trid titħallas sal-2019. Peress li s-CSPE tneħħiet fl-2016, il-pjan ta' aġġustament mhux se jiġi applikat wara l-2015.

(144)

Il-funzjoni użata biex wieħed imur minn dan il-punt ta' tluq sal-punt tal-wasla teoretika hija progressiva.

4.4.8.   Kalkolu tas-somom li jridu jiġu rkuprati

(145)

Il-pjan ta' aġġustament jipprovdi li l-ammonti ta' CSPE eżentati lil hinn mil-livelli awtorizzati mill-pjan ta' aġġustament, se jkunu rkuprati.

(146)

L-ammont li jrid jiġi rrimborżat, huwa d-differenza bejn (i) is-CSPE li trid titħallas deskritta fit-taqsimiet 4.4.1 sa 4.4.7 u (ii) is-CSPE effettivament imħallsa mill-benefiċjarji. Dan l-ammont huwa kkalkolat għal kull benefiċjarju u għal kull sena.

(147)

Fil-każ tal-benefiċjarji tal-eżenzjoni fuq il-konsum personali għall-produzzjoni tal-elettriku minn ENR jew mill-koġenerazzjoni, il-livell minimu ta' CSPE huwa żero għas-CSPE li tiffinanzja rispettivament l-ENR u l-koġenerazzjoni.

(148)

Fl-ipoteżi fejn, għal benefiċjarju f'sena partikolari, l-ammont imħallas għal politika partikolari jkun ogħla mill-ammont li jrid jitħallas fil-livell minimu ta' CSPE meħtieġ jew daqsu, allura l-ammont magħżul għall-pjan ta' aġġustament huwa l-livell minimu meħtieġ ta' CSPE li jrid jitħallas għal dik is-sena. F'dan il-każ l-eċċess imħallas ma jitnaqqasx mill-ammont tal-irkupru dovut minn dan il-benefiċjarju, li jirriżulta mill-kalkolu maħdum għas-snin l-oħra.

(149)

Fin-nota tagħha tal-11 ta' Ottubru, Franza bagħtet stima preliminari tas-somom li kellha tirkupra, li kienu jammontaw għal madwar EUR 31 miljun. Madwar 700 kumpanija huma affettwati mill-proċedura ta' rkupru. Madankollu Franza spjegat li l-evalwazzjoni ta' dan l-ammont għad trid tiġi finalizzata meta l-informazzjoni dwar it-tnaqqis għal kull benefiċjarju tkun inġabret kollha u għas-snin kollha.

5.   L-EVALWAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

5.1.   L-eżistenza tal-għajnuna

(150)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(151)

Il-Kummissjoni eżaminat il-kwalifika ta' għajnuna tat-tnaqqis differenti tas-CSPE, fid-dawl ta' dawn id-dispożizzjonijiet:

5.1.1.   Il-kwalifika ta' għajnuna mill-Istat għal-limiti massimi tas-CSPE għal kull sit u ta' 0,5 % tal-valur miżjud

5.1.1.1.   Għajnuna imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat

(152)

Fit-taqsima 3.1.1 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-2014, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-CSPE kienet tikkostitwixxi riżorsa tal-Istat.

(153)

Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li ebda parti kkonċernata ma tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa preċedenti.

(154)

Il-Kummissjoni tinnota li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz tar-riżorsi pubbliċi biss jistgħu jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

(155)

Is-sempliċi fatt li vantaġġ mhuwiex iffinanzjat direttament minn riżorsi tal-Istat mhuwiex biżżejjed biex jeskludi l-involviment ta' riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li mhux meħtieġ li jiġi stabbilit li sar trasferiment ta' fondi mill-baġit ġenerali tal-Istat jew minn entità pubblika, biex vantaġġ mogħti lil kumpanija waħda jew aktar jista' jitqies għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE (26).

(156)

Skont il-ġurisprudenza u prattika deċiżjonali kostanti tal-Kummissjoni, il-prodotti derivati minn imposti mill-Istat, ġestiti u allokati skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE kemm jekk ikunu ġestiti minn entità pubblika kemm jekk tkun privata (Essent (27), Vent de Colère (28)).

(157)

Madankollu, f'dak li jirrigwarda s-CSPE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonferma li kienet tikkostitwixxi riżorsa tal-Istat. Fil-fatt, fil-każ li ta lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2013, Vent de Colère (29), u li kien jirrigwarda l-obbligu tax-xiri tal-elettriku li ġej mir-riħ deskritt fil-premessa 10 a) aktar 'il fuq u ffinanzjat mis-CSPE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li s-CSPE kienet tikkostitwixxi riżorsa tal-Istat.

(158)

It-tielet, il-Kummissjoni tinnota li l-vantaġġ huwa imputabbli lill-Istat, peress li l-limiti massimi jirriżultaw mil-liġi u minn atti amministrattivi ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-iskema u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom.

(159)

In-natura statali tas-CSPE hija kkonfermata wkoll mis-sistema implimentata minn Franza biex tiġborha. Kif spjegat fil-premessi 14 u 15, il-ġbir tas-CSPE huwa ċentralizzat mill-Caisse des Dépôts et Consignations, entità pubblika, b'mod li l-ġestjoni finanzjarja tas-CSPE issir minn entità pubblika u kkontrollata mill-Gvern, li jsaħħaħ il-kwalifika ta' riżorsa tal-Istat.

(160)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet li kienet spjegat fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha. Is-CSPE, u a fortiori l-limiti tagħha, huma imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat.

5.1.1.2.   Vantaġġ ekonomiku u selettiv

(161)

Rigward il-valutazzjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ, il-Kummissjoni tinnota li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri li, f'forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż ta' kumpanija u li, għalkemm mhux strettament sussidji, huma simili għal għajnuna mill-Istat għalhekk huma meqjusa bħala għajnuna mill-Istat (30).

(162)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108 (kif emendat mill-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003-8) jistabbilixxi l-prinċipju li s-CSPE hija dovuta mill-konsumaturi finali tal-elettriku li jinsabu fit-territorju Franċiż, u li l-ammont tas-CSPE huwa kkalkolat prorata tal-kwantità tal-elettriku kkunsmat. Bl-eżenzjoni tal-elettriku kkunsmat mis-CSPE għal dak kollu li jaqbeż il-limitu għal kull sit jew għall-kumpaniji industrijali li jużaw l-elettriku b'mod intensiv ta' 0,5 % tal-valur miżjud tagħhom, l-Istat naqqas it-taxxi tas-CSPE li l-kumpaniji benefiċjarji kien ikollhom iħallsu kieku kien mod ieħor. Il-limiti massimi għal kull sit u skont il-valur miżjud huma għalhekk vantaġġ għall-kumpaniji benefiċjarji.

(163)

Fir-rigward tal-eżistenza ta' vantaġġ selettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Diċembru 2016, fil-kawżi Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group kif ukoll Il-Kummissjoni vs Banco Santander u Santusa (31), li biex tiġi stabbilita s-selettività ta' miżura fiskali jew ta' imposta, irid jiġi stabbilit jekk din toħloqx differenza mhux iġġustifikata min-natura u l-istruttura ta' din l-iskema bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali ġenerali kkonċernata, huma f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili.

(164)

Madankollu, il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat ma jirreferix għal miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi fir-rigward tat-taxxi meta din id-differenzjazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ta' tassazzjoni inkwistjoni. Huwa, f'dan il-kuntest, l-Istat Membru li jkun introduċa distinzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tal-ispejjeż meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura u mill-istruttura tal-iskema tal-ħlasijiet inkwistjoni (32).

Sistema ta' referenza

(165)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108 (kif emendat mill-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003-8) jistabbilixxi li s-CSPE hija dovuta mill-konsumaturi finali tal-elettriku li jinsabu fit-territorju Franċiż, u li l-ammont tas-CSPE huwa kkalkolat prorata tal-kwantità ta' elettriku kkunsmat. Is-CSPE isservi biex jiġu ffinanzjati l-miżuri li ġejjin:

(a)

L-obbligu li għandha EDF jew l-impriżi ta' distribuzzjoni lokali li jixtru l-elettriku mingħand ċerti tipi ta' impjanti li jipproduċu elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

(b)

Il-finanzjament tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(c)

Il-kumpens tal-ġeneraturi tal-elettriku fiż-żoni mhux interkonnessi (Korsika jew id-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej), sabiex ma jġarrbux spejjeż ta' ġenerazzjoni ogħla, meta mqabbla mal-ispejjeż ta' produzzjoni mġarrba fi Franza u riflessi fil-prezz tal-elettriku mħallas mill-konsumatur aħħari (“l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi”);

(d)

L-implimentazzjoni tat-tariffa soċjali msejħa “prodott essenzjali”, kif ukoll parti mill-ispejjeż imġarrba mill-fornituri tal-elettriku minħabba l-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fl-iskema stabbilita għall-persuni f'sitwazzjoni prekarja.

(e)

Għanijiet oħrajn, appoġġ għall-inċinerazzjoni, għall-produzzjoni prinċipalment fil-ħinijiet intensivi li jammontaw għal inqas minn tnejn fil-mija (2 %) tas-CSPE miġbura.

Distinzjoni bejn il-kumpaniji li jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili, fid-dawl tal-għan tal-miżuri inkwistjoni

(166)

Il-Kummissjoni tinnota li l-kumpaniji li jibbenefikaw mil-limiti massimi tas-CSPE b'0,5 % tal-valur miżjud u għal kull sit huma fl-istess sitwazzjoni fattwali tal-konsumaturi finali l-oħrajn fir-rigward tal-għanijiet tas-CSPE. Minn naħa, dawn huma konsumaturi tal-elettriku u m'hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li dawn il-konsumaturi li jibbenefikaw minn dawn il-limiti huma differenti mill-konsumaturi li ma jibbenefikawx minnhom fid-dawl tal-għanijiet ta' finanzjament ta' appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali. Għaldaqstant dawn il-benefiċjarji għandhom jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-servizz pubbliku tal-elettriku fl-istess proporzjon tal-konsumaturi finali l-oħrajn.

(167)

Barra minn hekk, il-kriterji ta' eliġibbiltà għal-limiti, għal 0,5 % tal-valur miżjud u għal kull sit, joħolqu diskriminazzjonijiet oħrajn fil-grupp ta' kumpaniji li jistgħu jkunu affettwati minn dawn il-limiti.

(168)

L-ewwel nett, il-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud, li suppost jirrigwarda lill-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv, fil-fatt huwa riżervat biss għall-kumpaniji l-kbar, minħabba l-limitu minimu ta' konsum eliġibbli ta' 7 GWh fis-sena. Għalhekk il-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv u li għalihom is-CSPE taqbeż 0,5 % tal-valur miżjud, iżda li għandhom konsum annwali aktar baxx, mhumiex eliġibbli għal-limitu massimu tal-valur miżjud anki jekk jużaw l-elettriku bl-istess intensità u huma attivi fl-istess settur. Barra minn hekk, il-limitu massimu tal-valur miżjud huwa riżervat għall-kumpaniji industrijali, esklużi l-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv attivi fis-settur tas-servizzi pereżempju. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li ebda waħda minn dawn id-distinzjonijiet ma tista' tiġi spjegata min-natura u l-għan tas-CSPE.

(169)

It-tieni, rigward il-limitu massimu għal kull sit, il-Liġi Nru 2000-108 (kif emendata mill-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003-8) jillimita s-CSPE għal € 500 000 — ammont inizjali — għal kull sit ta' konsum. Il-Kummissjoni tinnota li skont l-informazzjoni addizzjonali li għaddiet Franza, dan il-limitu, ibbażat fuq il-valur tal-limitu massimu u tas-CSPE tal-2013, jikkorrispondi għal konsum annwali ta' 42 GWh (Giga Watt fis-siegħa). Tali konsum jintlaħaq biss minn ċerti setturi ekonomiċi, kif tikkonferma Franza fl-informazzjoni li bagħtet dwar is-setturi kkonċernati. Dan il-limitu jagħti vantaġġ selettiv lil ċerti kumpaniji jew lil ċerti setturi, u ma jistax ikun spjegat mil-loġika tas-CSPE. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, għal dan it-tieni limitu, ebda waħda minn dawn id-distinzjonijiet stabbiliti mil-liġi ma tista' tiġi spjegata min-natura u l-għan tas-CSPE.

(170)

Rigward l-argument espost minn Franza fil-premessa 77, li l-limiti massimi tas-CSPE huma ġġustifikati mill-applikazzjoni tal-prinċipju li l-ħlasijiet jinġabru skont il-kapaċità kontributorja tal-kontribwent, il-Kummissjoni tinnota li Franza ma urietx li dan il-prinċipju huwa prinċipju sottostanti għas-CSPE. Franza lanqas ma uriet li l-kumpaniji li ma jibbenefikawx minn dan il-limitu massimu jistgħu jħallsuha, li huwa meħtieġ biex ikun iġġustifikat li dawn il-limiti massimi huma fil-loġika tas-sistema. Fl-aħħar nett, Franza ma urietx li l-kumpaniji li jibbenefikaw mil-limitu massimu kollha mhumiex kapaċi jħallsu ammmont ogħla ta' CSPE (33).

(171)

Barra minn hekk, il-limitu massimu għal kull sit huwa applikat mingħajr ebda rabta mal-kapaċità kontributorja tal-kontribwent. Fir-realtà, filwaqt li jista' jiġi aċċettat li hemm rabta bejn il-kapaċità kontributorja u l-fatturat jew il-valur miżjud ta' kumpanija, il-limitu massimu għal kull sit iwassal għall-eżenzjoni tas-CSPE lil hinn mil-limitu massimu, irrispettivament mit-tkabbir fil-fatturat jew mill-valur miżjud. Għaldaqstant l-argument ippreżentat minn Franza fil-premessa 77 mhuwiex ammissibbli.

(172)

Fl-aħħar nett, rigward il-limitu massimu għall-valur miżjud, il-Kummissjoni tinnota li effettivament jidher li hemm rabta mal-kapaċità kontributorja tal-kumpanija kkonċernata. Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li s-CSPE hija bbażata fuq il-prinċipju tal-kapaċità kontributorja, li Franza ma stabbilietx, il-limitu massimu tal-valur miżjud ma jkunx inqas selettiv peress li mhuwiex applikat b'mod nondiskriminatorju għall-kumpaniji kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u ġuridika. Fil-fatt, il-limitu massimu tal-valur miżjud huwa limitat għall-kumpaniji industrijali biss, esklużi l-kumpaniji mhux industrijali. Madankollu dawn jistgħu jkollhom konsum tal-elettriku b'tali mod li jkun iġġustifikat li jieħdu l-benefiċċju tal-limitu massimu ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud. Barra minn hekk, dan il-limitu massimu tal-valur miżjud huwa wkoll limitat għall-kumpaniji li huma kbar biżżejjed li jilħqu konsum annwali ta' 7 GWh, esklużi l-kumpaniji iżgħar li ma jilħqux dan il-limitu ta' konsum anki meta s-CSPE tilħaq 0,5 fil-mija tal-valur miżjud tagħhom.

(173)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-diversi limiti massimi previsti mil-liġi huma vantaġġ selettiv li jiffavorixxu ċerti kumpaniji jew setturi tal-ekonomija u għalhekk tikkonferma l-analiżi tagħha esposta fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tas-16 ta' Settembru 2014. Il-miżuri huma fil-fatt vantaġġ għall-benefiċjarji tagħhom, meta mqabbla mas-sistema ta' referenza li tipprovdi li l-konsumaturi finali kollha jridu jipparteċipaw fis-sistema sabiex jiffinanzjaw l-għanijiet tas-CSPE. F'dan is-sens il-Kummissjoni ma taqbilx mal-pożizzjoni ta' ALFI esposta fil-premessa 68, u lanqas ta' Franza esposta fil-premessi 74 sa 78.

(174)

Fl-aħħar nett, kif spjegat fil-premessa 164, Franza ma urietx li din id-differenza ta' trattament kienet tirriżulta mis-sistema ta' ħlas. L-oneru tal-prova f'dan il-każ jibqa' responsabbiltà tal-Istat Membru.

5.1.1.3.   L-impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(175)

Il-kumpaniji ffavoriti mil-limiti massimi tas-CSPE għal kull sit u tal-valur miżjud huma f'kompetizzjoni ma' kumpaniji minn Stati Membri oħrajn (metallurġija, industrija tal-karta, industrija agroalimentari, industrija kimika, eċċ.). Għaldaqstant il-limiti massimi għal kull sit u l-valur miżjud jistgħu jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(176)

Għaldaqstant il-Kummissjoni ma taqbilx mal-pożizzjoni ta' Franza, esposta fil-premessa 79.

5.1.1.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna

(177)

Għar-raġunijiet imfakkra fil-premessi 48 sa 50, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet magħmula fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha u tqis għalhekk li l-limiti massimi għal kull sit u tal-valur miżjud huma għajnuna mill-Istat.

5.1.2.   Eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija għall-konsum personali maħsub għall-produzzjoni tal-elettriku

5.1.2.1.   Għajnuna imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat

(178)

Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fit-taqsima 5.1.1.1, il-Kummissjoni tikkonferma li dawn l-eżenzjonijiet huma imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat.

5.1.2.2.   L-impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(179)

Il-kumpaniji li jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet tas-CSPE (b'mod partikolari produtturi tal-elettriku li jużaw ċentrali nukleari u ċentrali idroelettriċi li jużaw l-ippumpjar) jikkompetu ma' kumpaniji minn Stati Membri oħrajn. Għaldaqstant, dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(180)

Franza mbagħad tqis li l-eżenzjoni mis-CSPE mogħtija lill-kumpaniji li jużaw l-elettriku huma stess ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni, peress li ħafna pajjiżi fl-Unjoni Ewropea b'mod partikolari japplikaw l-istess tip ta' eżenzjoni, kif spjegat fil-premessa 79.

(181)

Skont ġurisprudenza kostanti, miżura implimentata minn Stat titqies li toħloq distorsjoni meta din ittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva ta' benefiċjarju, fir-rigward tal-kompetituri tiegħu (34). Dan huwa l-każ ta' miżura meta din tnaqqas l-ispejjeż li normalment iġġorr kumpanija. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri individwali li permezz tagħhom Stat Membru jallinja l-kundizzjonijiet kompetittivi ta' settur ma' dawk eżistenti fi Stati Membri oħrajn, ma jistgħux ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istati (35).

5.1.2.3.   Vantaġġ ekonomiku u selettività

(182)

Il-Kummissjoni tinnota li l-eżenzjoni tikkostitwixxi mal-ewwel daqqa t'għajn vantaġġ għal dawk li jikkunsmaw l-elettriku huma stess. Kif diġà msemmi fil-premessa 162, is-CSPE hija dovuta mill-konsumaturi finali tal-elettriku li jinstabu fit-territorju Franċiż u l-ammont tas-CSPE huwa kkalkolat prorata għall-kwantità ta' elettriku kkunsmat. Bl-eżenzjoni ta' parti mill-konsum personali mis-CSPE, l-Istat naqqas l-ispejjeż tas-CSPE li l-kumpaniji benefiċjarji kien ikollhom iħallsu kieku ma kienx hekk.

(183)

Imbagħad il-Kummissjoni eżaminat jekk dan il-vantaġġ kienx selettiv. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li s-sistema ta' referenza, is-CSPE, ġiet deskritta fil-premessa 165. Din tikkonsisti f'taxxa li trid titħallas mill-konsumaturi finali kollha tal-elettriku fuq il-konsum tal-elettriku tagħhom. It-taxxa tinġabar biex tiffinanzja miżuri ta' appoġġ b'għanijiet speċifiċi.

(184)

It-tieni, il-Kummissjoni trid tivverifika jekk il-benefiċjarji tal-eżenzjoni li jużaw l-elettriku personalment biex jipproduċu l-elettriku humiex parti mil-loġika ta' sistema ta' taxxa fuq l-elettriku. Il-konsum tal-elettriku għall-produzzjoni tal-elettriku huwa konsum (finali) tal-elettriku. Bħala tali, il-konsum tal-elettriku ta' produttur tal-elettriku mhuwiex differenti mill-konsum tal-elettriku ta' konsumatur ieħor fir-rigward tal-għanijiet tas-CSPE u l-eżenzjoni parzjali tal-konsum personali tal-elettriku għall-produzzjoni tal-elettriku tidher li toħloq differenza mhux iġġustifikata fir-rigward tal-għan tas-CSPE. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura tidher li hija prima facie selettiva peress li toħloq distinzjoni bejn kumpaniji li huma f'sitwazzjoni fattwali u legali simili fir-rigward tal-għan tas-CSPE.

(185)

Franza targumenta madankollu li l-eżenzjoni hija maħsuba biex tevita t-tassazzjoni doppja, li huwa prinċipju ġeneralment aċċettat fis-sistemi fiskali.

(186)

Fil-fatt, mingħajr eżenzjoni, l-elettriku kkunsmat mill-konsumatur finali jkollu d-doppju tas-CSPE: darba fuq l-elettriku A użat għall-produzzjoni tal-elettriku B u darba fuq l-elettriku B ġġenerat mill-elettriku A.

(187)

Il-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet li t-tħassib dwar il-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja huwa prinċipju li ġeneralment jinsab f'sistemi ta' imposti fuq il-konsum tal-elettriku (36), iżda wkoll f'sistemi oħrajn tat-taxxa (37). Dan huwa wkoll il-prinċipju li wassal għall-adozzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003. Għaldaqstant il-Kummissjoni tapprova l-argument espost minn Franza fil-premessa 111.

(188)

Il-Kummissjoni tikkunsidra għalhekk li l-eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpaniji li jikkunsmaw l-elettriku huma stess għall-produzzjoni tal-elettriku, huma ġġustifikati min-natura u l-istruttura tas-sistema ta' ħlasijiet tas-CSPE.

(189)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjonijiet għall-konsum personali tal-elettriku ntiż għall-konsum tal-elettriku mhumiex vantaġġ selettiv. Hija tikkonkludi li l-eżenzjonijiet tas-CSPE mogħtija lis-siti li jikkunsmaw l-elettriku huma stess u li jużaw l-elettriku biex jipproduċu l-elettriku, mhumiex għajnuna mill-Istat.

5.1.2.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna

(190)

Għar-raġunijiet imsemmija fil-premessi 178 sa 189, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija għall-konsum personali ntiż għall-produzzjoni tal-elettriku mhumiex għajnuna mill-Istat.

(191)

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet ta' Franza, esposti fil-premessa 127, li ebda pjan ta' aġġustament ma huwa meħtieġ għal dawn il-benefiċjarji.

5.1.3.   Eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija għall-konsum personali tal-elettriku awtoġenerat mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u minn enerġiji rinnovabbli għas-sehem tas-CSPE allokat għall-finanzjament ta' dawn l-għanijiet.

5.1.3.1.   Għajnuna imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat

(192)

Għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati fit-taqsima 5.1.2.1, il-Kummissjoni tikkonferma li dawn l-eżenzjonijiet huma imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat.

5.1.3.2.   Vantaġġ ekonomiku u selettività

(193)

Kif diġà ntqal fil-premessi 182 sa 189, il-Kummissjoni tqis prima facie li l-eżenzjoni parzjali mis-CSPE mogħtija lil dawk li jikkunsmaw l-elettriku personalment hija ta' vantaġġ għalihom.

(194)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk dan il-vantaġġ kienx selettiv għall-konsum personali tal-elettriku awtoġenerat mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u minn sorsi rinnovabbli.

(195)

L-ewwel nett, is-sistema ta' referenza ġiet deskritta fil-premessa 165. Is-sistema ta' referenza, is-CSPE, jiġifieri taxxa ffinanzjata mill-konsumaturi kollha tal-elettriku u li għandha għanijiet speċifiċi.

(196)

It-tieni, fir-rigward tal-eżenzjoni mis-CSPE, għall-konsum personali ta' elettriku prodott minn impjanti li jużaw enerġiji rinnovabbli jew il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għas-sehem tas-CSPE użat għall-finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli u tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċjarji ta' din l-eżenzjoni huma fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali tal-kontributuri l-oħrajn għas-CSPE fir-rigward tal-għan tagħha li jipprovdi li l-konsumaturi finali kollha tal-elettriku għandhom jipparteċipaw fis-sistema sabiex jiffinanzjaw l-għanijiet tas-CSPE.

(197)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoprodutturi li għażlu li jużaw enerġija rinnovabbli jew il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja għall-konsum personali tal-elettriku jikkontribwixxu direttament għall-għanijiet ta' żewġ miżuri li s-CSPE trid tiffinanzja, jiġifieri l-appoġġ għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja. Madankollu Franza kkonfermat li l-awtoprodutturi ma kinux jibbenefikaw minn miżuri ta' appoġġ għall-parti kkunsmata minnhom stess. L-elettriku injettat fin-netwerk biss jista' jikseb appoġġ iffinanzjat mis-CSPE. Peress li l-awtoproduzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tikkontribwixxi bl-istess mod bħall-elettriku injettat fin-netwerk għall-għanijiet ta' protezzjoni ambjentali u ta' effiċjenza fl-enerġija tal-miżuri ta' appoġġ iffinanzjati mis-CSPE, il-Kummissjoni tqis għalhekk li huwa fil-loġika u fin-natura tas-CSPE li l-awtoprodutturi li jużaw enerġiji rinnovabbli jew il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja għall-konsum tagħhom stess (u li ma jibbenefikaw minn ebda appoġġ iffinanzjat mis-CSPE għal dan l-elettriku) jiġu eżentati mis-sehem tas-CSPE intiża għall-finanzjament tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli u għall-koġenerazzjoni rispettivament (38). Għaldaqstant din l-eżenzjoni ma tikkostitwixxix vantaġġ selettiv.

(198)

Għalkemm huwa ġġustifikat li awtoproduttur li juża l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jiġi eżentat mill-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-appoġġ għall-koġenerazzjoni, dan ma japplikax għall-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli ħlief jekk l-impjant ta' koġenerazzjoni juża wkoll enerġiji rinnovabbli. Bl-istess mod, għalkemm huwa ġġustifikat li awtoproduttur li juża enerġiji rinnovabbli jiġi eżentat mill-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabli, dan ma japplikax għall-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-appoġġ għall-koġenerazzjoni, ħlief jekk l-impjant huwa nnifsu huwa impjant ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja.

(199)

Barra minn hekk, lanqas ma huwa ġġustifikat li awtoproduttur li juża l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jew enerġiji rinnovabbli jiġi eżentat mill-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-għanijiet l-oħrajn (jiġifieri t-tariffi soċjali u l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi). Fil-fatt, fir-rigward tal-finanzjament ta' dawn l-għanijiet l-oħrajn, l-awtoprodutturi li jużaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jew enerġiji rinnovabbli huma f'sitwazzjoni fattwali u legali simili għall-konsumaturi tal-elettriku l-oħrajn, minħabba li l-awtoproduzzjoni tagħhom ma tikkontribwixxix għal dawn l-għanijiet l-oħrajn.

(200)

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija lis-siti li jikkunsmaw l-elettriku huma stess ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn għan ta' interess komuni relatat mat-titjib tal-ġestjoni tad-domanda massima, kif allegat minn Franza, peress li dan l-għan ta' interess komuni mhuwiex għan tas-sistema ta' referenza tas-CSPE. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li s-CSPE hija bbażata fuq għan bħal dan, l-eżenzjoni tal-konsum proprju fiha nfisha mhijiex biżżejjed biex jiġu ġestiti l-ħinijiet tad-domanda massima. Fil-fatt, dawk li jikkunsmaw l-elettriku huma stess huma dejjem konnessi man-netwerk sabiex ikunu jistgħu kemm jinjettaw il-produzzjoni żejda kif ukoll jibbenefikaw mill-elettriku tan-netwerk f'każ ta' manutenzjoni jew ħsara fl-impjanti tagħhom jew sempliċiment biex jissupplimentaw l-impjant ta' konsum proprju. Madankollu l-eżenzjoni mhijiex soġġetta għall-kundizzjoni li ma jikkunsmawx elettriku min-netwerk f'każ ta' konsum massimu.

(201)

Franza sostniet ukoll li l-eżenzjoni parzjali tal-awtoproduzzjoni kienet iġġustifikata minħabba l-fatt li l-awtoprodutturi għażlu li ma jibbenefikawx mis-servizz pubbliku tal-elettriku. Il-Kummissjoni tinnota madankollu li Franza ma stabbilietx li s-CSPE kienet stabbilita skont il-grad ta' użu tas-servizz pubbliku tal-elettriku. B'hekk, Franza kkonfermat li l-awtoprodutturi kollha li jibbenefikaw mill-eżenzjoni parzjali tal-awtoproduzzjoni kienu konnessi man-netwerk pubbliku, b'mod li kollha għandhom il-possibbiltà li jużaw in-netwerk jekk ikun meħtieġ biex jinjettaw il-produzzjoni żejda tagħhom tal-elettriku jew biex jikkunsmaw l-elettriku tan-netwerk jekk l-impjant tagħhom ikollu xi ħsara jew bżonn ta' xi manutenzjoni. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li fir-rigward tas-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi mat-territorji extra-Ewropej, l-awtoprodutturi u l-konsumaturi finali fi Franza kontinentali huma fl-istess sitwazzjoni peress li ħadd minnhom ma jibbenefika minn dan is-servizz iżda jkollhom jiffinanzjawh bi spirtu ta' solidarjetà.

(202)

Fl-aħħar nett, Franza qieset li l-eżenzjoni (parzjali) kienet iġġustifikata minħabba d-Direttiva 2003/96/KE li tipprovdi li l-produtturi ż-żgħar tal-elettriku jistgħu jkunu eżentati mit-taxxa fuq l-elettriku diment li l-prodotti użati biex jiġi prodott dan l-elettriku jkunu ntaxxati minn band'oħra (ara l-premessi 76 u 111). Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tinnota li, bħalma Franza kienet qed tindika diġà fil-kitbiet tagħha qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, id-Direttiva 2003/96/KE mhijiex bħala tali applikabbli għas-CSPE. Barra minn hekk, li kieku kienet applikabbli għas-CSPE jew kien ikun xieraq li jiġu applikati l-prinċipji gwida tad-Direttiva 2003/96/KE b'analoġija, għandu jiġi konkluż li l-eżenzjoni mhijiex iġġustifikata. Peress li s-CSPE titħallas biss fuq l-elettriku, hija ma tapplikax fuq il-prodotti (minbarra l-elettriku) użati għall-produzzjoni ta' dan l-elettriku. B'hekk, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96/KE fir-realtà twassal għall-konferma li s-CSPE trid titħallas fuq l-elettriku.

5.1.3.3.   L-impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(203)

Il-kumpaniji li jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet mis-CSPE jikkompetu ma' kumpaniji minn Stati Membri oħrajn. Il-konsumaturi li jikkunsmaw l-elettriku tagħhom stess u ttrattati hawnhekk mhumiex produtturi tal-elettriku iżda industrijalisti, attivi fis-setturi li ġejjin: kimika, siderurġija, petrokimika prinċipalment, kif spjegat minn Franza u mfakkar fil-premessa 78. Għaldaqstant, dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.1.3.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna

(204)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija rispettivament għall-konsum proprju tal-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u ntiż għall-produzzjoni tal-elettriku mhumiex għajnuna mill-Istat, għas-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja rispettivament l-enerġija rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja. Iżda l-eżenzjoni mis-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-komponenti tas-CSPE għajr rispettivament l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u l-appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(205)

Il-Kummissjoni għalhekk tapprova l-konklużjonijiet magħmula minn Franza fil-premessi 128 sa 131.

5.1.4.   Eżenzjonijiet mogħtija għall-konsum proprju minn sorsi oħrajn minbarra l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u l-enerġiji rinnovabbli

5.1.4.1.   Għajnuna imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat

(206)

Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fit-taqsima 5.1.2.1, il-Kummissjoni tikkonferma li dawn l-eżenzjonijiet huma imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat.

5.1.4.2.   Vantaġġ ekonomiku u selettività

(207)

Kif diġà msemmi fil-premessa 193 il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni parzjali mis-CSPE mogħtija lill-konsumaturi proprji hija ta' vantaġġ għalihom.

(208)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-eżenzjonijiet mogħtija lill-konsumaturi proprji, meta l-konsum proprju ma jkunx maħsub biex (i) jipproduċi l-elettriku, jew meta l-elettriku prodott u kkunsmat mill-konsumaturi nfushom ma jkunx ġej (ii) minn enerġiji rinnovabbli jew mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, jagħtu vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħhom, meta mqabbla mal-kontributuri għas-CSPE li huma fl-istess sitwazzjoni fattwali tal-kompetituri tagħhom li jħallsu s-CSPE.

(209)

Is-sistema ta' referenza ġiet deskritta fil-premessa 165. Bħala tfakkira, is-CSPE hija taxxa li tapplika bi prinċipju għall-konsum kollu tal-elettriku fi Franza u li għandha l-għan li tiffinanzja l-miżuri li għandhom għanijiet speċifiċi.

(210)

Meta l-benefiċjarju tal-eżenzjoni jkun awtokonsumatur għall-produzzjoni tal-elettriku, jew meta l-elettriku prodott u kkunsmat mill-produttur stess ma jkunx ġej minn enerġiji rinnovabbli u lanqas mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, ikun f'sitwazzjoni fattwali u legali bħall-konsumaturi l-oħrajn fir-rigward tal-għan tas-CSPE. B'mod partikolari, huwa jikkonsma l-elettriku u l-awtoproduzzjoni tiegħu ma tikkontribwixxi għall-ebda għan tal-miżuri ffinanzjati mis-CSPE.

(211)

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija lis-siti li jikkunsmaw l-elettriku proprju ma jistgħux ikunu ġġustifikati mis-servizz ta' għan ta' interess komuni marbut mat-titjib tal-ġestjoni tad-domanda massima, kif allegat minn Franza, peress li dan l-għan ta' interess komuni mhuwiex għan relatat mas-sistema ta' referenza tas-CSPE. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li s-CSPE tibbaża fuq tali għan, l-eżenzjoni tal-konsum proprju fiha nfisha ma tgħinx biex tiġi ġestita d-domanda massima. Fil-fatt, dawk li jikkunsmaw l-elettriku huma stess huma dejjem konnessi man-netwerk sabiex ikunu jistgħu kemm jinjettaw il-produzzjoni żejda kif ukoll jibbenefikaw mill-elettriku tan-netwerk f'każ ta' manutenzjoni jew ħsara fl-impjanti tagħhom jew sempliċiment biex jissupplimentaw l-impjant ta' konsum proprju. Madankollu l-eżenzjoni mhijiex soġġetta għall-kundizzjoni li ma jikkunsmawx elettriku min-netwerk f'każ ta' konsum massimu.

(212)

Franza sostniet ukoll li l-eżenzjoni parzjali għall-awtoproduzzjoni kienet iġġustifikata minħabba l-fatt li l-awtoprodutturi għażlu li ma jibbenefikawx mis-servizz pubbliku tal-elettriku. Il-Kummissjoni tinnota madankollu li Franza ma stabbilietx li s-CSPE kienet stabbilita skont il-grad ta' użu tas-servizz pubbliku tal-elettriku. Barra minn hekk, Franza kkonfermat li l-awtoprodutturi kollha li jibbenefikaw mill-eżenzjoni parzjali għall-awtoproduzzjoni kienu konnessi man-netwerk pubbliku, b'mod li kollha għandhom il-possibbiltà li jużaw in-netwerk jekk ikun meħtieġ biex jinjettaw il-produzzjoni tal-elettriku żejda jew biex jikkunsmaw l-elettriku tan-netwerk jekk l-impjant tagħhom ikollu xi ħsara jew bżonn ta' xi manutenzjoni. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li s-CSPE hija maħsuba wkoll li tiffinanzja l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi mat-territorji extra-Ewropej. Madankollu, f'dak li jirrigwarda l-finanzjament tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffi, l-awtoprodutturi u l-konsumaturi finali fi Franza kontinentali huma fl-istess sitwazzjoni, peress li ħadd minnhom ma jibbenefika minn dan is-servizz iżda huma obbligati jiffinanzjawh, fi spirtu ta' solidarjetà. Barra minn hekk, l-awtokonsumaturi msemmija hawnhekk lanqas ma jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' żvilupp tal-enerġija rinnovabbli jew tal-koġenerazzjoni, peress li l-produzzjoni tagħhom, li b'definizzjoni hija ta' oriġini fossili u ma tużax il-koġenerazzjoni, tmur saħansitra kontra dawn l-għanijiet.

(213)

Franza sostniet ukoll li l-eżenzjoni parzjali tal-awtoġenerazzjoni sa 240 GWh, kienet tapplika b'mod ġenerali. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tinnota li Franza kkonfermat li l-eżenzjoni fil-fatt kienet tirrigwarda biss ċerti setturi tal-ekonomija (ara l-premessi 35 u 36). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Diċembru 2016 (Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group) (39), li miżura fiskali jew ħlas ikun selettiv jekk jiġi stabbilit li dan jintroduċi bejn operaturi li fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali ġenerali kkonċernata jkunu jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, distinzjoni mhux iġġustifikata min-natura u l-istruttura ta' din is-sistema u intwera, fil-premessi 161 u 162, li l-eżenzjoni tintroduċi bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali ġenerali kkonċernata jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, distinzjoni mhux iġġustifikata min-natura u l-istruttura ta' din is-sistema.

(214)

Għalhekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument ta' Franza mfakkar fil-premessi 111 u 112.

5.1.4.3.   L-impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(215)

Il-kumpaniji li jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet mis-CSPE jikkompetu ma' kumpaniji minn Stati Membri oħrajn. Il-konsumaturi proprji ttrattati hawnhekk mhumiex produtturi tal-elettriku iżda industrijalisti attivi fis-setturi li ġejjin: il-kimika, is-siderurġija, il-petrokimika prinċipalment, kif spjegat minn Franza u mfakkar fil-premessa 78 ta' din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant, dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.1.4.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna

(216)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija għall-konsum proprju tal-elettriku li mhuwiex maħsub għall-produzzjoni tal-elettriku u prodott minn sorsi oħrajn minbarra enerġiji rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, huma għajnuna mill-Istat.

5.1.5.   Konklużjoni ġenerali dwar l-eżistenza ta' għajnuna għad-diversi komponenti tas-CSPE u dwar l-ammont stmat tagħha

(217)

Il-limiti massimi tas-CSPE għal kull sit u ta' 0,5 % tal-valur miżjud huma għajnuna mill-Istat.

(218)

L-eżenzjonijiet mogħtija lis-siti li jikkunsmaw l-elettriku proprju huma għajnuna ħlief jekk l-elettriku kien ikkunsmat sabiex jiġi prodott l-elettriku u jekk l-eżenzjoni tirrigwarda l-elettriku proprju prodott minn enerġiji rinnovabbli jew mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għas-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja rispettivament.

5.2.   Illegalità tal-għajnuna

(219)

Minħabba li t-tnaqqis tas-CSPE ġie implimentat qabel ma ntbagħtet notifika lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi ma rrispettawx l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

(220)

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li l-limiti massimi tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud u għal kull sit, kif ukoll l-eżenzjonijiet mogħtija lill-konsumaturi proprji li huma għajnuna mill-Istat, huma għajnuna illegali.

5.3.   Analiżi tal-miżuri ta' għajnuna skont id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida applikabbli għat-tnaqqis tat-taxxa ambjentali.

(221)

Il-Kummissjoni l-ewwel ivverifikat jekk is-CSPE setgħetx titqies bħala taxxa ambjentali skont it-Taqsima 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014, il-punt 151 tal-Linji Gwida tal-2008 u l-punt 6 tal-Linji Gwida tal-2001.

5.3.1.   Is-CSPE mhijiex taxxa ambjentali skont it-Taqsima 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014, il-punt 151 tal-Linji Gwida tal-2008 u l-punt 6 tal-Linji Gwida tal-2001.

(222)

It-taxxi ambjentali skont il-Linji Gwida tal-2014 (punt 167) huma imposti sabiex iżidu l-kostijiet ta' mġiba li tagħmel ħsara lill-ambjent, u b'hekk jiskoraġġixxu mġiba bħal din u jżidu l-livell ta' ħarsien ambjentali. Il-kwalifika ta' taxxa ambjentali skont il-punt 167 moqri flimkien mal-punt 19(15) tal-Linji Gwida timplika għalhekk li l-miżuri jibdlu l-imġiba b'mod li jkun inqas ta' ħsara għall-ambjent u tinkludi l-ispejjeż ambjentali tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat. Definizzjoni simili tal-kunċett ta' taxxa ambjentali tinsab ukoll fil-Linji Gwida tal-2008 (ara l-punt 70(14) moqri flimkien mal-punt 151 tal-Linji Gwida) u fil-Linji Gwida tal-2001 (punt 6).

(223)

F'dan il-każ, l-ammont tas-CSPE mhuwiex iddeterminat minn effett ta' inċentiv maħsub biex inaqqas l-imġiba ta' tniġġis, u lanqas biex jinternalizza l-impatti ambjentali tal-elettriku kkunsmat. Il-bażi taxxabbli speċifika mhux bilfors għandha effett negattiv fuq l-ambjent ladarba s-CSPE trid titħallas ukoll fuq l-elettriku ġġenerat minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Fir-realtà, is-CSPE trid titħallas fuq il-konsum kollu tal-elettriku, irrispettivament mill-impatt tal-elettriku kkunsmat fuq l-ambjent. Barra minn hekk is-CSPE mhix maħsuba biex tiggwida lill-manifatturi jew lill-konsumaturi lejn attivitajiet li jirrispettaw aktar l-ambjent. Għall-kuntrarju, tnaqqis tal-konsum ikun jeħtieġ żieda fis-CSPE dovuta biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-enerġija rinnovabbli u tal-politiki l-oħrajn li jridu jiġu ffinanzjati.

(224)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-punt 181 tal-Linji Gwida tal-2014 jispeċifika b'mod espliċitu li “il-finanzjament ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli għalkemm imposti mhux immirat lejn esternalità negattiva u għalhekk ma għandu l-ebda effett ambjentali dirett”.

(225)

Għaldaqstant is-CSPE mhijiex taxxa ambjentali fis-sens tal-punti 167 u 181 tal-Linji Gwida tal-2014, u lanqas fis-sens tal-punti 70(14) u 151 tal-Linji Gwida tal-2008 u tat-Taqsima E.3.2. tal-Linji Gwida tal-2001 anki jekk is-CSPE tirriżulta f'żieda fil-prezzijiet tal-elettriku.

(226)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-evalwazzjoni ta' Franza dwar in-natura tas-CSPE, imfakkra fil-premessa 82.

5.3.2.   Franza ma urietx li s-CSPE kienet taxxa ambjentali armonizzata skont id-Direttiva 2003/96/KE

(227)

Il-Kummissjoni tenfasizza l-ewwel nett li Franza fl-ebda ħin ma ddikjarat jew uriet li s-CSPE kienet taxxa ambjentali armonizzata skont id-Direttiva 2003/96/KE. Għall-kuntrarju, Franza ssostni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96/KE japplikaw b'analoġija, u b'hekk tammetti, bħal qabel il-ftuħ tal-proċedura, li s-CSPE mhijiex taxxa armonizzata fuq l-enerġija skont id-Direttiva 2003/96/KE.

(228)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li s-CSPE ma tistax titqies bħala taxxa armonizzata skont id-Direttiva 2003/96/KE, peress li d-dħul miġbur mhuwiex allokat għall-baġit ġenerali.

(229)

B'hekk il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet li kienet għamlet fil-premessa 155 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkonfermax il-kummenti ta' Franza magħmula fil-premessi 81, u 84 sa 87.

5.3.3.   In-nuqqas ta' applikabbiltà tat-Taqsimiet 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014 u tal-Linji Gwida preċedenti bħala bażi għall-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern

5.3.3.1.   In-nuqqas ta' applikabbiltà tat-Taqsima 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014 u tal-Linji Gwida preċedenti bħala bażi tal-kompatibbiltà tal-miżura

(230)

Billi s-CSPE mhijiex taxxa ambjentali, it-Taqsima 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014, dwar it-tnaqqis tat-taxxi ambjentali, ma tapplikax.

(231)

Bl-istess mod, il-punt 151 tal-Linji Gwida tal-2008, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà tat-tnaqqis tat-taxxi ambjentali qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida tal-2014, ma japplikax.

(232)

Għalhekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-kummenti li għamlet Franza u li huma esposti fil-premessi 88 u 90.

5.3.3.2.   In-nuqqas ta' applikabbiltà, diretta jew b'analoġija, tal-punti 173 sa 175 tal-Linji Gwida tal-2014, tal-punti 152 sa 153 tal-Linji Gwida tal-2008 u tal-punt 49 tal-Linji Gwida tal-2001 bħala bażi ta' kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern

(233)

Peress li ma ntweriex li s-CSPE hija taxxa ambjentali armonizzata u lanqas taxxa ambjentali, kif spjegat fit-Taqsima 5.3.2, il-punti 173 sa 175 tal-Linji Gwida tal-2014, il-punti 152 sa 153 tal-Linji Gwida tal-2008 u l-punt 49 tal-Lini Gwida tal-2001 ma japplikawx għas-CSPE peress li dawn japplikaw biss għat-taxxi ambjentali armonizzati.

(234)

Anki kieku s-CSPE kellha tkun analizzata bħala taxxa ambjentali, hija tkun taxxa ambjentali mhux armonizzata li għaliha l-Linji Gwida tal-2014 jipprovdu kriterji ta' kompatibbiltà speċifiċi fil-punti 176 sa 178 tagħhom. Għaldaqstant, il-punti 173 sa (175) tal-Linji Gwida tal-2014 fl-ebda każ ma jistgħu jiġu applikati b'analoġija.

(235)

Għall-istess raġunijiet, il-punti 152 u 153 tal-Linji Gwida tal-2008, dwar it-tnaqqis ta' taxxi armonizzati u applikabbli qabel l-1 ta' Lulju 2014, ma jistgħux jipprovdu bażi ta' kompatibbiltà mas-suq intern valida għat-tnaqqis tas-CSPE, li mhuwiex taxxa ambjentali armonizzata. Il-Linji Gwida tal-2008 kienu jinkludu wkoll kriterji ta' kompatibbiltà għal taxxi ambjentali mhux armonizzati. Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li s-CSPE tista' titqies bħala taxxa ambjentali, peress li mhijiex armonizzata, trid tiġi analizzata mhux b'analoġija mal-punti 152 u 153 tal-Linji Gwida tal-2008, iżda fid-dawl tal-punti 154 sa 159 tal-Linji Gwida tal-2008.

5.3.4.   In-nuqqas ta' konformità tal-miżuri mal-punti 176 sa 178 tal-Linji Gwida tal-2014 u mal-Linji Gwida preċedenti fl-ipoteżi li s-CSPE titqies bħala taxxa ambjentali mhux armonizzata

(236)

Il-Kummissjoni tinnota li, kieku s-CSPE kellha tkun kwalifikata bħala taxxa ambjentali mhux armonizzata, li ma ntweriex minn Franza f'dan il-każ, it-tnaqqis tas-CSPE ma jistax jitqies kompatibbli.

5.3.4.1.   In-nuqqas ta' konformità mal-punti 176 sa 178 tal-Linji gwida tal-2014.

(237)

L-ewwel nett ma ntweriex, kif speċifikat fil-punt 177(a) tal-Linji Gwida tal-2014, li l-għajnuna tingħata bl-istess mod għall-kompetituri kollha fl-istess settur jekk ikunu jinsabu f'sitwazzjoni fattwali simili. B'mod partikolari, il-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud, applikabbli biss għall-klijenti industrijali li jikkunsmaw aktar minn 7 GWh, joħloq diskriminazzjoni bejn il-kompetituri attivi fl-istess settur tas-suq: għalkemm is-CSPE tirrappreżenta l-istess piż meta mqabbla mal-valur miżjur tagħhom, l-eżenzjoni tingħata biss meta l-konsum jilħaq ċertu limitu li de facto jeskludi lill-iżgħar kumpaniji ta' settur partikolari mill-benefiċċju tal-eżenzjoni.

(238)

It-tieni, kif speċifikat fil-punt 177(b) tal-Linji Gwida tal-2014, l-impatt tal-ħlas ambjentali żejjed mingħajr tnaqqis, fuq iż-żieda tal-kostijiet ta' produzzjoni, ikkalkulat bħala proporzjon tal-valur gross miżjud, għal kull benefiċjarju u għall-perjodu kollu ta' bejn l-2003 u l-2015, ma ġiex ikkwantifikat biżżejjed f'dan il-każ. B'mod ġenerali, kif speċifikat fil-punt 177(c) tal-Linji Gwida tal-2014, ma ntweriex li din iż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni ma setgħetx tgħaddi għand il-konsumaturi mingħajr ma tirriżulta fi tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ;

(239)

It-tielet, it-tnaqqis tas-CSPE ma jiżgurax il-ħlas minimu ta' 20 fil-mija meħtieġ fil-punt 178(a). Għall-kuntrarju jidher li f'numru kbir ta' każijiet, lanqas tħallas il-minimu ta' 20 fil-mija. Bħala eżempju, l-informazzjoni pprovduta minn Franza turi li fl-2014, 203 benefiċjarju ħallsu livell ta' CSPE inqas minn 20 fil-mija;

(240)

Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li s-CSPE tikkwalifika bħala taxxa mhux armonizzata fuq l-enerġija, ma ġietx stabbilita l-konformità tat-tnaqqis tas-CSPE mat-Taqsima 3.7.1-2 tal-Linji Gwida tal-2014.

5.3.4.2.   In-nuqqas ta' konformità mal-Linji Gwida tal-2008.

(241)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet magħmula fil-punt 155 ta' dawn il-Linji Gwida li skonthom Franza trid tipprovdi deskrizzjoni preċiża tal-lista tas-setturi għal kull benefiċjarju u tiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-benefiċjarji, ma ġewx issodisfati.

(242)

It-tieni nett, ma ntweriex, kif speċifikat mill-punt 158(a) tal-Linji Gwida tal-2008, li l-għajnuna mogħtija hija applikabbli bl-istess mod għall-kompetituri kollha tal-istess settur li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali. B'mod partikolari, il-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud, applikabbli biss għall-klijenti industrijali li jikkunsmaw aktar minn 7 GWh, joħloq diskriminazzjoni bejn kompetituri attivi fl-istess settur jew suq (ara wkoll il-premessa 237).

(243)

It-tielet, ma ntweriex, kif speċifikat mill-punt 158(b) tal-Linji Gwida tal-2008, li t-taxxa mingħajr tnaqqis toħloq żieda sostanzjali tal-kostijiet ta' produzzjoni, għal kull settur jew għal kull kategorija ta' benefiċjarji individwali li jibbenefikaw mil-limitu massimu għal kull sit.

(244)

Ir-raba', ma ntweriex, kif speċifikat fil-punt 158(c) tal-Linji Gwida tal-2008, li ż-żieda tal-kostijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-CSPE ma tistax tgħaddi għand il-konsumaturi mingħajr ma tirriżulta fi tnaqqis sostanzjali tal-bejgħ.

(245)

Il-ħames, ma ntweriex, kif speċifikat mill-punt 159(a) tal-Linji Gwida tal-2008, li l-ammont ta' CSPE imħallas mill-benefiċjarji tal-għajnuna huwa ekwivalenti għall-prestazzjoni ambjentali ta' kull benefiċjarju meta mqabbel mal-prestazzjoni relatata mat-teknika bl-aħjar prestazzjoni, u lanqas li kull benefiċjarju jħallas mill-inqas 20 % tas-CSPE. Għall-kuntrarju, huwa stabbilit li ċerti benefiċjarji ħallsu inqas minn 20 % tas-CSPE, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-punt 178(a). Pereżempju, l-informazzjoni li bagħtet Franza turi li, għal ċerti snin, numru konsiderevoli ta' benefiċjarji ħallsu inqas minn 20 % CSPE fl-2014.

(246)

Għalhekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-kummenti li għamlet Franza u esposti fil-premessa 90.

5.3.4.3.   Nuqqas ta' konformità mal-Linji Gwida tal-2001 (40)

(247)

L-ewwel nett, minħabba l-livelli xi drabi insinifikanti ħafna tas-CSPE imħallsa mill-benefiċjarji, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tas-CSPE ma jirrispettax id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 51(1)(b) ta' dawn il-Linji Gwida, li jispeċifika li “l-azjenda eliġibbli għat-tnaqqis tista', madankollu, tħallas proporzjon sinnifikanti mit-taxxa nazzjonali.” Bħala eżempju, għas-snin li għalihom Franza bagħtet informazzjoni dettaljata għal kull benefiċjarju, jidher li 202 benefiċjarji ħallsu inqas minn 20 % tas-CSPE.

(248)

It-tieni, it-taxxa inkwistjoni għandu jkollha effett pożittiv f'termini ta' protezzjoni tal-ambjent, kif ipprovdut fil-paragrafu 51(2)(b). Fil-fatt, is-CSPE, jew tal-inqas parti mit-taxxa li sservi għall-finanzjament tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffa u tat-tariffi soċjali, m'għandhiex l-għan esklussiv li jkollha effett pożittiv f'termini ta' protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, mhijiex it-taxxa bħala tali li għandha effett pożittiv fuq l-ambjent iżda biss il-miżuri parzjalment iffinanzjati mis-CSPE, b'mod li l-punti 51 u dawk sussegwenti tal-Linji Gwida tal-2001 ma japplikawx f'dan il-każ.

(249)

It-tielet, rigward il-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud, li ġie introdott wara l-introduzzjoni tas-CSPE, Franza ma urietx li l-eżenzjoni kienet deċiża waqt it-tfassil tas-CSPE u lanqas li hija ġġustifikata minn bidla kbira fil-kundizzjonijiet ekonomiċi illi jpoġġu lill-kumpaniji f'sitwazzjoni kompetittiva partikolarment diffiċli. L-ammont tat-tnaqqis tas-CSPE ma jaqbiżx iż-żieda fl-ispejjeż li tirriżulta mill-bidla fil-kundizzjonijiet ekonomiċi wara l-introduzzjoni tat-taxxa. Għaldaqstant ma ntweriex li t-tnaqqis tas-CSPE mogħti minn Franza fil-perjodu ta' bejn l-2003 u l-2011 jirrispetta l-paragrafu 51(2)(b) tal-Linji Gwida tal-2001. Barra minn hekk, il-limitu massimu għal kull sit tas-CSPE, ma kienx limitat għal għaxar snin kif ipprovdut mill-paragrafu 51(1) tal-Linji Gwida tal-2001.

(250)

Għalhekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-kummenti li għamlet Franza u esposti fil-premessa 89.

5.4.   Konformità tat-tnaqqis tas-CSPE mat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 u mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE

(251)

Il-Kummissjoni vvalutat il-konformità tat-tnaqqis sa fejn is-CSPE isservi biex tiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli fuq il-bażi tat-Taqsimiet 3.7.2 (“Għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fil-finanzjament ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli”) u 3.7.3 (“Regoli tranżitorji għal għajnuna mogħtija biex jitnaqqas il-piż relatat mal-appoġġ finanzjarju għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli”) tal-Linji Gwida tal-2014. Hija vvalutat ukoll il-konformità tat-tnaqqis sa fejn is-CSPE isservi biex tiffinanzja l-miżuri ta' appoġġ għajr l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3) TFUE.

5.4.1.   Konformità tat-tnaqqis tas-CSPE sa fejn is-CSPE tiffinanzja l-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli

(252)

It-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 tispjega kif il-Kummissjoni tanalizza l-kompatibbiltà ta' għajnuna fil-forma ta' tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet li jintużaw għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli mas-suq intern. Peress li parti mis-CSPE tiffinanzja l-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli, il-Kummissjoni analizzat il-kompatibbiltà tat-tnaqqis tas-CSPE allokata għall-finanzjament tal-ġenerazzjoni mill-enerġiji rinnovabbli fid-dawl tat-Taqsimiet 3.7.2 u 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014.

(253)

Il-punt 182 tal-Linji Gwida tal-2014 jispjega li sal-punt li l-kostijiet ta' finanzjament tal-appoġġ tal-enerġija rinnovabbli jiġu rkuprati minn konsumaturi tal-enerġija, huma għandhom jiġu rkuprati b'mod li ma jiddiskriminawx bejn il-konsumaturi tal-enerġija. Madankollu, jista' jkun meħtieġ xi tnaqqis immirat f'dawn il-kostijiet biex tiġi żgurata bażi ta' finanzjament suffiċjenti għal appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli u għalhekk jgħin biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija li tiġġedded stabbiliti fil-livell tal-UE. Fuq naħa, sabiex jiġi evitat li l-impriżi affettwati b'mod partikolari mill-kostijiet tal-finanzjament tal-appoġġ tal-enerġija rinnovabbli jitpoġġew fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti, l-Istati Membri jista' jkollhom ix-xewqa li jagħtu kumpens parzjali għal dawn l-kostijiet addizzjonali. Mingħajr tali kumpens il-finanzjament ta' appoġġ rinnovabbli jista' ma jkunx sostenibbli, u l-aċċettazzjoni pubblika għat-twaqqif ta' miżuri ambizzjużi ta' appoġġ dwar l-enerġija rinnovabbli tista' tkun limitata.

5.4.1.1.   Tnaqqis limitat għas-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli

(254)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li Franza ssostni li l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku mill-inċinerazzjoni tal-iskart għandu jkun ta' 50 % biex jitqies bħala appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Il-Kummissjoni taqbel ma' din l-analiżi, peress li Franza ġġustifikat dan il-perċentwal abbażi ta' statistika pubblika (l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u l-Eurostat), kif spjegat fil-premessa 134, li tindika li l-iskart maħruq jirrappreżenta 50 % tal-iskart bijodegradabbli u huwa għalhekk sors ta' enerġija rinnovabbli skont il-paragrafu 19(5) u 19(6) tal-Linji Gwida tal-2014.

(255)

Il-paragrafu 184 tal-Linji Gwida tal-2014 jipprovdi li sabiex ikun żgurat li l-għajnuna sservi biex tiffaċilita l-finanzjament ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-Istati Membri se jkollhom juru li l-kostijiet addizzjonali riflessi fi prezzijiet tal-elettriku ogħla li jiffaċċjaw il-benefiċjarji jirriżultaw biss mill-appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Il-kostijiet addizzjonali ġġenerati mill-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli ma jistgħux għalhekk jaqbżu l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li jiffinanzjaw l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli.

(256)

F'dan il-każ, is-CRE ivverifikat li l-kontribuzzjonijiet miġbura mingħand il-konsumaturi finali bħala appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli mhumiex ogħla mill-kost tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabli (u mill-politiki kollha l-oħrajn iffinanzjati mis-CSPE), kif spjegat fil-premessi 14 u 15. B'mod partikolari, is-CRE ivverifikat li l-ħlasijiet iddikjarati mix-xerrejja obbligati taħt il-finanzjament tal-appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli ma jaqbżux il-kostijiet tal-appoġġ, jiġifieri d-differenza bejn l-ammonti mħallsa mix-xerrejja obbligati lill-produtturi tal-enerġiji rinnovabbli u l-prezz tas-suq li x-xerrejja obbligati kisbu meta biegħu l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Is-CRE żviluppat ukoll metodu biex tiddetermina l-prezz tas-suq ta' referenza li jħeġġeġ lill-operaturi jbiegħu l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli bi prestazzjoni għolja. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 184 tal-Linji Gwida tal-2014 huma rrispettati.

5.4.1.2.   Għajnuna limitata għas-setturi u l-kumpaniji li jagħmlu użu intensiv mill-elettriku esposti għall-kummerċ internazzjonali

(257)

Il-punti 185 u 186 tal-Linji Gwida tal-2014 jispeċifikaw li l-għajnuna trid tkun limitata għal setturi li huma esposti għal riskju biex iżommu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq, minħabba l-kostijiet li jirriżultaw mill-iffinanzjar ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

(258)

Barra minn hekk, l-għajnuna tista' tingħata biss jekk l-impriża taqa' taħt is-setturi elenkati fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014, jew jekk l-impriża jkollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' mill-inqas 20 % u tkun tappartjeni għal settur b'intensità tal-kummerċ ta' mill-inqas 4 % fil-livell tal-Unjoni.

(259)

Lista tas-setturi tal-minjieri u tal-manifattura li mhumiex inklużi fil-lista tal-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014 li għandhom intensità kummerċjali internazzjonali ta' mill-anqas 4 % hija pprovduta fl-Anness 5 tal-Linji Gwida tal-2014.

(260)

Il-Kummissjoni tinnota li Franza rrikonoxxiet li xi kumpaniji bbenefikaw minn tnaqqis jew eżenzjonijiet tas-CSPE meta ma kinux eliġibbli skont il-kriterji stabbiliti mil-Linji Gwida tal-2014, jew għax ma kinux attivi f'xi wieħed mis-setturi elenkati fl-Annessi 3 u 5 tal-Linji Gwida tal-2014, jew għax kienu attivi f'settur tal-Anness 5 tal-Linji Gwida tal-2014 iżda ma kinux jilħqu intensità fl-użu tal-elettriku ta' mill-inqas 20 %.

5.4.1.3.   Proporzjonalità fir-rigward tat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida 2014.

(261)

Il-punt 188 tal-Linji Gwida 2014 jispeċifika li l-Kummissjoni tikkunsidra l-għajnuna bħala proporzjonali jekk il-benefiċjarji tal-għajnuna jħallsu mill-inqas 15 % tal-kostijiet addizzjonali mingħajr tnaqqis.

(262)

Il-punt 189 tal-Linji Gwida 2014 jirrikonoxxi wkoll li minħabba ż-żieda sinifikanti tal-ħlasijiet addizzjonali għar-rinnovabbli, kontribuzzjoni proprja ta' 15 % ta' soprataxxa rinnovabbli sħiħa tista' tmur lil hinn minn dak li jistgħu jifilħu l-impriżi affettwati b'mod partikolari mill-piż. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jillimitaw ulterjorment l-ammont tal-kostijiet għal 4 % tal-valur gross miżjud tal-impriża jekk din ikollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' inqas minn 20 %, u sa 0,5 % tal-valur gross miżjud tal-impriża kkonċernata jekk din ikollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' mill-anqas 20 %.

(263)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li, għas-sena 2014 biss, mill-inqas 124 benefiċjarju ħallsu CSPE (intiża għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli) ta' inqas minn 15 fil-mija u għalhekk ma jirrispettawx il-punt 188 tal-Linji Gwida tal-2014. Barra minn hekk, Franza tat tnaqqis ta' CSPE ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud skont kriterju ta' konsum, u mhux skont kriterju espliċitu ta' intensità fl-użu tal-elettriku. Bl-istess mod, il-kriterju tal-limitu minimu għal kull sit tas-CSPE ma jikkorrispondix għall-kriterju tal-intensità fl-użu tal-elettriku tal-Linji Gwida tal-2014. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza ma urietx li r-regoli ta' proporzjonalità stabbiliti mil-Linji Gwida tal-2014 kienu rrispettati għal kollox. Għalhekk il-Kummissjoni ma tapprovax il-kummenti magħmula minn Franza u miġbura fil-qosor fil-premessi 105 u 106.

5.4.1.4.   Pjan ta' aġġustament

(264)

Il-punti 193 u 194 tal-Linji Gwida tal-2014, jipprovdu li l-Istati Membri għandhom japplikaw kriterji ta' eliġibbiltà u proporzjonalità stabbiliti fit-Taqsima 3.7.2. tal-Linji Gwida tal-2014 sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019. Il-Kummissjoni tinnota li Franza ppreżentat pjan ta' aġġustament li jipprovdi għal żieda gradwali tal-kontribuzzjoni minima li trid titħallas, sabiex it-tnaqqis applikat għall-parti tas-CSPE intiża għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli jkun konformi mar-rekwiżiti tat-Taqsima 3.7.2. tal-Linji Gwida tal-2014 sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019. Barra minn hekk hija ddeċidiet li twaqqaf is-CSPE fl-2016.

(265)

Il-punt 195 tal-Linji Gwida tal-2014 jippermetti lill-pjan ta' aġġustament jilħaq b'mod progressiv il-livelli tal-għajnuna li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterji ta' eliġibbiltà u proporzjonalità stabbiliti fit-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014, sabiex tiġi evitata żieda f'daqqa fil-ħlas addizzjonali li jrid isir mill-kumpaniji individwali.

(266)

Barra minn hekk, il-punt 196 tal-Linji Gwidatal-2014 jispeċifika li, sal-punt li l-għajnuna ġiet mogħtija fir-rigward tal-perjodu qabel id-data tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014, il-pjan għandu wkoll jipprevedi l-applikazzjoni progressiva tal-kriterji ta' eliġibbiltà u ta' proporzjonalità għal dak il-perjodu.

(267)

Taħt il-punt 197 tal-Linji Gwida tal-2014, sal-punt li għajnuna fil-forma ta' tnaqqis jew eżenzjoni mill-piż relatat mal-appoġġ finanzjarju għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli ġiet mogħtija qabel id-data tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 għal impriżi li mhumiex eliġibbli taħt it-Taqsima 3.7.2. tal-Linji Gwida tal-2014, tali għajnuna tista' tiġi ddikjarata kompatibbli sakemm il-pjan ta' aġġustament jipprevedi minimu ta' kontribuzzjoni proprja ta' 20 % tal-kostijiet addizzjonali tas-soprataxxa mingħajr tnaqqis, li għandha tiġi stabbilita progressivament u mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019.

(268)

L-informazzjoni li bagħtet Franza, għal ċerti snin li għalihom biss għandha statistika, uriet li għal dawn is-snin, numru sinifikanti ta' benefiċjarji kisbu tnaqqis akbar mil-livelli ta' tnaqqis permessi mil-Linji Gwida tal-2014. Għalhekk, fl-2004, pereżempju, 124 benefiċjarju tal-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud ħallsu CSPE ta' inqas minn 15 fil-mija u 202 ħallsu CSPE ta' inqas minn 20 fil-mija tal-livell massimu tagħha. Barra minn hekk, 27 benefiċjarju tal-limitu massimu għal kull sit ħallsu inqas minn 15 fil-mija tas-CSPE, 39 oħra inqas minn 20 fil-mija tas-CSPE. Barra minn hekk il-Kummissjoni tinnota li d-934 benefiċjarju tal-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud jappartjenu għal 135 settur ta' attività differenti (131 kodiċi NACE), jiġifieri bażi usa' minn dik permessa mill-Annessi 3 (68 kodiċi NACE) tal-Linji Gwida tal-2014.

(269)

Għaldaqstant, Franza bagħtet pjan ta' aġġustament intiż biex iġib il-livelli ta' tnaqqis mogħti bħala parti mill-miżura inkwistjoni, f'livelli konformi mal-Linji Gwida tal-2014 u biex jistabbilixxi l-livelli ta' CSPE li għandhom jitħallsu. Id-dettalji u l-metodi ta' dan il-pjan ta' aġġustament ġew ippreżentati fit-Taqsima 4.4. Il-Kummissjoni tqis l-ewwel nett li dan il-pjan ta' aġġustament jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014. Franza għamlet ħilitha b'mod partikolari biex tivverifika li għall-benefiċjarji li jappartjenu f'wieħed mis-setturi elenkati fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014 u għall-benefiċjarji li għandhom intensità ta' użu tal-elettriku ta' mill-inqas 20 fil-mija u li fl-istess ħin jappartjenu għal wieħed mis-setturi elenkati fl-Anness 5 tal-Linji Gwida 2014, l-ammont imħallas ta' CSPE maħsub għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli jilħaq tal-inqas wieħed mill-valuri li ġejjin:

15 fil-mija tal-ammont tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli;

4 fil-mija tal-valur miżjud tagħha jekk il-kumpanija jkollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' inqas minn 20 fil-mija;

0,5 fil-mija tal-valur miżjud jekkil-kumpanija jkollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' 20 fil-mija jew aktar.

(270)

Jekk dan ma jkunx il-każ, hija ntrabtet li tivverifika li l-ammont imħallas ta' CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli jilħaq tal-inqas il-livell ta' kontribuzzjoni meħtieġ mill-pjan ta' aġġustament ibbażat fuq il-formula ta' progressjoni deskritta fil-premessa 140. Fl-aħħar nett, Franza spjegat li jekk il-kontribuzzjoni mħallsa minn benefiċjarju ma tikkorrispondix għall-ammont meħtieġ mill-pjan ta' aġġustament, id-differenza bejn il-kontribuzzjoni diġà mħallsa u l-kontribuzzjoni dovuta taħt il-pjan ta' aġġustament għandha tiġi rkuprata.

(271)

Skont il-paragrafu 197 tal-Linji Gwida tal-2014, Franza ntrabtet li tivverifika jekk il-benefiċjarji mhux eliġibbli skont it-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 iżda li peress li bbenefikaw mit-tnaqqis tas-CSPE qabel l-1 ta' Lulju 2014, iħallsux tal-inqas 20 fil-mija tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Meta dan ikun il-każ, ma jkun meħtieġ ebda aġġustament addizzjonali. Jekk dan ma jkunx il-każ, jiġi applikat pjan ta' aġġustament progressiv li jżid b'mod progressiv l-ammont annwali ta' CSPE li trid titħallas biex, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019, ikunu jistgħu jintlaħqu 20 fil-mija tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Jekk il-kontribuzzjoni mħallsa minn benefiċjarju ma tikkorrispondix għall-ammont meħtieġ mill-pjan ta' aġġustament, Franza tipprovdi li tirkupra d-differenza bejn il-kontribuzzjoni diġà mħallsa u l-kontribuzzjoni dovuta skont il-pjan ta' aġġustament. Peress li Franza ddeċidiet li twaqqaf is-CSPE fl-2016, il-pjan ta' aġġustament jista' jieqaf japplika fil-31 ta' Diċembru 2015.

(272)

Il-benefiċjarji mhux eliġibbli skont it-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 u li ma bbenefikawx mit-tnaqqis tas-CSPE qabel l-1 ta' Lulju 2014 se jkollhom iħallsu 100 fil-mija tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019.

(273)

Il-Kummissjoni tinnota li l-verżjoni tal-pjan ta' aġġustament proposta minn Franza fit-23 ta' Novembru 2017, u spjegata fit-Taqsima 4.4, hija bbażata fuq analiżi estensiva u dettaljata tas-sitwazzjoni ta' kull benefiċjarju fir-rigward tas-CSPE. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li Franza rrispettat il-paragrafi 198 sa 200 tal-Linji Gwida tal-2014.

(274)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-paragrafu 248 tal-Linji Gwida 2014 jawtorizza bidu tal-pjan ta' aġġustament fl-2011. Skont dan l-istess paragrafu, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis applikat fuq il-parti tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli qabel l-1 ta' Jannar 2011 jista' jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq intern.

5.4.1.5.   Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern

(275)

Abbażi tal-elementi ppreżentati fil-premessi 115 sa 148, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan ta' aġġustament ippreżentat minn Franza u deskritt fit-Taqsima 4.4 huwa kompatibbli mat-Taqsima 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014 sa fejn jikkonċerna l-parti tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Bl-istess mod, l-eżenzjonijiet mis-CSPE sa fejn is-CSPE tiffinanzja l-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli huma kompatibbli mat-Taqsima 3.7.3. tal-Linji Gwida tal-2014 u mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, diment li t-tnaqqis mogħti ma jaqbiżx it-tnaqqis permess fuq il-bażi tal-pjan ta' aġġustament u li l-ammont minimu tal-parti tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli kif deskritt fil-premessi 269 sa 272 ikun tħallas.

(276)

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkonkludi li kwalunkwe ammont ta' għajnuna ogħla mil-livelli permessi mill-pjan ta' aġġustament huwa meqjus inkompatibbli mas-suq intern u għandu jiġi rkuprat. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tivvalida l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' aġġustament, kif spjegati minn Franza, fit-Taqsima 4.4 ta' din id-Deċiżjoni.

5.4.2.   Il-kompatibbiltà mas-suq intern tat-tnaqqis tas-CSPE sa fejn tiffinanzja politiki oħrajn tal-enerġija minbarra l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli

(277)

Il-Kummissjoni tinnota, l-ewwel nett, li l-kompatibbiltà mas-suq intern tat-tnaqqis tas-CSPE sa fejn din tiffinanzja l-iskemi ta' appoġġ minbarra l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli, ma tistax tiġi evalwata la fid-dawl tat-Taqsima 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014, u lanqas fid-dawl tat-Taqsimiet 3.7.2 u 3.7.3 ta' dawn l-istess Linji Gwida:

(278)

Minn naħa, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tas-CSPE mogħti għall-iskemi ta' appoġġ għall-koġenerazzjoni, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali, ma jistax jitqies bħala “taxxa ambjentali” għar-raġunijiet diġà esposti fil-premessi 223 sa 225.

(279)

Min-naħa l-oħra, it-Taqsimiet 3.7.2 u 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014 japplikaw biss għat-tnaqqis tat-taxxi maħsuba biex jiffinanzjaw l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Għaldaqstant ma jkoprux it-tnaqqis tal-ħlasijiet żejda maħsuba għall-finanzjament tal-miżuri ta' appoġġ għall-koġenerazzjoni, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali.

(280)

Peress li ebda linja gwida oħra ma setgħet tiġi applikata għat-tnaqqis mogħti fuq dawn il-komponenti tas-CSPE, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà ta' dawn il-miżuri mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Il-Kummissjoni tista' tiddikjara miżura ta' għajnuna kompatibbli direttament skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jekk din tikkontribwixxi għal għan ta' interess komuni, hija adegwata u meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan u proporzjonata, u jekk l-effetti pożittivi tagħha jisbqu l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

(281)

Il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li eżenzjonijiet minn taxxi oħrajn għajr dawk maħsuba għall-finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli setgħu jitqiesu li jsegwu għan ta' interess komuni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni nnutat, fid-Deċiżjonijiet SA.38635 (41) u SA.42393 (42) tagħha li t-tnaqqis tat-taxxi fuq l-elettriku maħsuba biex jiffinanzjaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jista' jitqies bħala li jikkontribwixxi għall-għan ta' interess komuni, li huwa adegwat u meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan jekk huwa meħtieġ biex jinżammu l-ħlasijiet li jiżguraw il-finanzjament tal-appoġġ għal din il-politika li fiha nfisha hija politika ta' interess komuni.

(282)

Il-Kummissjoni vverifikat jekk is-CSPE li sservi biex tiffinanzja l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, isservix għan ta' interess komuni u jekk it-tnaqqis kienx meħtieġ għaż-żamma tal-istabilità tal-finanzjament ta' dawn il-politiki:

5.4.2.1.   Għan ta' interess komuni

Koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja

(283)

Il-premessa 38 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43) tiddefinixxi l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja bħala li tippermetti l-iffrankar tal-enerġija, ikkalkulat skont l-Anness II tad-Direttiva. Skont l-Anness II, din il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja trid tissodisfa żewġ kriterji. L-ewwel nett, il-produzzjoni ta' koġenerazzjoni minn unitajiet ta' koġenerazzjoni trid tipprovdi ffrankar tal-enerġija primarja ta' mill-inqas 10 % meta mqabbel mar-referenzi għall-produzzjoni separata tas-sħana u l-elettriku. It-tieni, il-produzzjoni minn unitajiet ta' skala żgħira u mikro koġenerazzjoni li jipprovdu ffrankar tal-enerġija primarja, tista' tikkwalifika bħala koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja.

(284)

F'dan il-każ, kif spjegat fil-premessa 10(b), Franza spjegat li l-impjanti ta' koġenerazzjoni ffinanzjati mis-CSPE kienu kemm l-impjanti ta' koġenerazzjoni li l-effiċjenza fl-enerġija tagħhom kienet ogħla minn 65 fil-mija kif ukoll l-impjanti ta' koġenerrazzjoni bil-gass naturali b'effiċjenza fl-enerġija għolja ta' aktar minn 12 MW. Franza kkonfermat li dawn l-impjanti kollha kienu jissodisfaw il-kriterji tal-impjanti b'effiċjenza fl-enerġija għolja kif definiti mid-Direttiva 2012/27/UE (44).

(285)

Il-Kummissjoni taqbel ukoll ma' Franza li l-appoġġ għall-inċinerazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli iżda bl-użu tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza fl-enerġija għolja jista' wkoll jitqies bħala appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza fl-enerġija għolja (ara wkoll il-premessa 134).

(286)

Il-Kummissjoni tinnota li l-promozzjoni tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja hija rikonoxxuta bħala għan ta' interess komuni minħabba li din tikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-produzzjoni tal-enerġija u tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju iżda li dawn l-esternalitajiet pożittivi mhumiex riflessi b'mod sħiħ fil-prezzijiet, b'mod li l-koġenerazzjoni b'effiċjenza fl-enerġija għolja ġeneralment ma tiżviluppax spontanjament mingħajr appoġġ addizzjonali (ara l-paragrafu 51 tal-Linji Gwida tal- 2008). Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tippermetti għajnuna operattiva għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza fl-enerġija għolja (ara l-punti 138, 139 u 151 tal-Linji Gwida tal-2014, it-Taqsima 3.1.7. tal-Linji Gwida tal-2008, it-Taqsima E.3.4. tal-Linji Gwida tal-2001) (45). Il-Kummissjoni taqbel għalhekk mal-kummenti li għamlet Franza fil-premessa 99(1).

Interess komuni ta' tnaqqis tas-CSPE maħsub għall-finanzjament tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffi

(287)

Il-Kummissjoni tosserva l-ewwel nett li l-finanzjament ta' miżuri li jillimitaw il-kosti tal-enerġija fir-reġjuni mbiegħda għandu tabilħaqq għan ta' interess komuni. Dan il-finanzjament huwa ġġustifikat l-ewwel nett mill-prijorità ta' koeżjoni reġjonali msemmija fl-Artikolu 3(3) TUE. Barra minn hekk, l-Artikolu 174 TFUE jiddikjara li l-Unjoni Ewropea “għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. B'mod partikolari, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti. Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi”. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 349 TFUE jinsisti fuq il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi.

(288)

F'dak li jirrigwarda r-reġjuni ultraperiferiċi, li jibbenefikaw b'mod sinifikanti mill-“ugwalizzazzjoni tat-tariffi”, il-Kummissjoni nfisha fil-Komunikazzjoni reċenti tagħha dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi (46), tinsisti fuq il-“bżonn ċar li jittejbu l-isforzi biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jiksbu l-benefiċċji kollha tas-sħubija fl-UE u jisfruttaw il-globalizzazzjoni.” F'dak li jirrigwarda s-settur tal-enerġija, il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi b'mod espliċitu l-problema relatata ma' konnessjoni insuffiċjenti ta' dawn it-territorji man-netwerks tal-elettriku tal-kontinent u għalhekk il-ħtieġa li jirċievu sussidji sabiex jiġu evitati prezzijiet għoljin tal-elettriku.

(289)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà approvat miżuri ffinanzjati mill-Istati Membri għat-territorji li mhumiex konnessi biżżejjed, immirati biex jillimitaw il-prezzijiet tal-elettriku, sabiex tiġi evitata differenza kbira wisq mill-prezzijiet tal-kontinent (47).

(290)

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm għan ta' interess komuni segwit mis-sehem tas-CSPE allokat għall-finanzjament tal-“ugwalizzazzjoni tat-tariffi”.

(291)

Il-Kummissjoni taqbel għalhekk mal-kummenti li għamlet Franza fil-premessa 99(2).

Interess komuni ta' tnaqqis tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tat-tariffi soċjali

(292)

Il-Kummissjoni tenfasizza l-ewwel nett li l-komponent tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja t-tariffi soċjali għandu għan ta' interess komuni. Dan huwa espress b'mod ċar mill-Artikoli 3 TUE u 174 TFUE, li jistabbilixxu b'mod espliċitu l-koeżjoni soċjali u ekonomika bħala għan tal-Unjoni Ewropea.

(293)

Dawn l-għanijiet huma wkoll ripetuti fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni Ewropea applikabbli fil-qasam tal-elettriku. B'mod partikolari, id-Direttiva 2009/72/KE (“id-Direttiva dwar l-Enerġija”) tistipula fil-premessa 45 li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li klijenti domestiċi u (…) impriżi żgħar, igawdu d-dritt li jkunu fornuti b'elettriku ta' kwalità speċifikata bi prezzijiet komparabbli b'mod ċar, trasparenti u raġonevoli..” Il-premessa 53 ta' din id-Direttiva tippromwovi l-adozzjoni ta' miżuri u l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva jobbliga b'mod espliċitu lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu lill-konsumaturi finali, u b'mod partikolari lill-klijenti vulnerabbli. Fl-aħħar nett il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Enerġija nadifa għall-Ewropej kollha tinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-klijenti vulnerabbli” (48), tinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-konsumaturi l-aktar vulnerabbli.

(294)

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm għan ta' interess komuni segwit mis-sehem tas-CSPE allokat għall-finanzjament tat-tariffi soċjali.

(295)

Il-Kummissjoni taqbel għalhekk mal-kummenti magħmula mill-assoċjazzjoni UNIDEN, esposti fil-premessi 71, u dawk magħmula minn Franza, esposti fil-premessi 99(3).

5.4.2.2.   Natura xierqa u neċessità

(296)

Il-Kummissjoni mbagħad ivverifikat jekk it-tnaqqis tas-CSPE jistax jitqies meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma tal-finanzjament tal-miżuri ta' appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali.

(297)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li tnaqqis tas-CSPE allokat għall-finanzjament tat-tariffi soċjali, mogħtija lill-kumpaniji b'intensità tal-elettriku għolja jista' jkun iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti tal-miżura, billi jiġi evitat li ammont għoli tas-CSPE jimponi piż kbir wisq għall-kumpaniji partikolarment sensittivi għas-soprataxxi tal-konsum tal-elettriku, jiġifieri l-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv esposti għall-kummerċ internazzjonali. Piż kbir wisq jista' jwassal għall-għeluq tal-kumpaniji u jipperikola s-sostenibbiltà tal-finanzjament tal-miżuri ta' appoġġ u fl-aħħar mill-aħħar l-għanijiet segwiti mill-miżuri ta' appoġġ.

(298)

Sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi tal-elettriku partikolarment affettwati mill-kostijiet ta' finanzjament tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, jiġifieri kemm kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv kif ukoll esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali, jistgħu jsibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' falliment jew ta' rilokazzjoni barra l-Unjoni Ewropea, jista' jkun meħtieġ tnaqqis fil-ħlasijiet imposti fuq il-konsum tal-elettriku. Fil-fatt, il-falliment jew ir-rilokazzjoni ta' numru kbir ta' kumpaniji jista' jherri l-bażi finanzjarja. Minflok ma jħallsu ammont inqas tas-CSPE, il-kumpaniji affettwati lanqas ikkontribwew għall-finanzjament tagħha, li jimplika finanzjament aktar sinifikanti mingħand il-konsumaturi sabiex jiġi ffinanzjat l-appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali, biex b'hekk tonqos l-aċċettabbiltà tal-miżuri għall-bqija tal-kontributuri.

(299)

Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, stabbiliet għan ta' 20 fil-mija ta' effiċjenza fl-enerġija u pprovdiet għanijiet nazzjonali, li l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tista' tgħin b'mod sinifikanti biex jintlaħqu. Fit-23 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa wkoll għan ta' 27 fil-mija titjib tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030.

(300)

Għaldaqstant, il-ħtiġijiet tal-finanzjament tal-appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jistgħu jkunu sinifikanti. Dan huwa l-każ fi Franza, peress li 25 fil-mija tas-CSPE hija allokata għall-finanzjament tal-koġenerazzjoni, jiġifieri EUR 1,7 biljun. Barra minn hekk, fi Franza il-ħlas addizzjonali maħsub biex jiffinanzja l-koġenerazzjoni jiżdied mal-komponenti l-oħrajn tas-CSPE, fosthom dak li jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli (EUR 2,7 biljun).

(301)

Dan il-ħlas jiżdied aktar bil-finanzjament tal-“ugwalizzazzjoni tat-tariffi” u tat-tariffi soċjali li jiżdiedu mal-komponenti l-oħrajn tas-CSPE. Dawn il-komponenti tal-“ugwalizzazzjoni tat-tariffi” u tat-tariffi soċjali tas-CSPE flimkien irrappreżentaw 34 fil-mija tas-CSPE fuq il-perjodu tal-2003 sal-2014 u EUR 12,7 biljun.

(302)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li minħabba l-kobor relattiv tas-CSPE (l-ammont tas-CSPE ta' EUR 19,5/MWh, meta mqabbel ma' prezz Day-ahead fuq Bażi ta' EUR 38,8/MWh għall-istess sena) u ż-żieda kbira tagħha matul il-perjodu tal-2003 u l-2015 (+ 550 fil-mija), Franza setgħet tqis neċessarju li tipprovdi tnaqqis tas-CSPE għall-kumpaniji l-aktar sensittivi għal din iż-żieda fil-ħlas.

(303)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-miżuri huma xierqa biex jintlaħaq l-għan ta' interess komuni mfittex. Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li l-miżuri kollha ta' appoġġ huma relatati mas-servizz pubbliku tal-elettriku fi Franza: il-promozzjoni tal-koġenerazzjoni sabiex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija tal-produzzjoni tal-elettriku Franċiża u l-impatt tagħha fuq l-ambjent, il-ġlieda kontra l-faqar fl-enerġija permezz tal-istabbiliment ta' tariffi soċjali tal-elettriku, il-garanzija ta' aċċess għal elettriku bi prezz ekwivalenti għat-Territorji extra-Ewropej inqas konnessi u li m'għandhomx park ta' produzzjoni ekwivalenti għall-park disponibbli fil-Metropoli. F'dan ir-rigward huwa konsistenti li Franza tkun trid tiżgura l-finanzjament tal-miżuri kkonċernati permezz ta' kontribuzzjoni obbligatorja fuq il-konsum tal-elettriku fi Franza.

Konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta' għanijiet ta' interess komuni u l-adegwatezza u l-ħtieġa tal-miżura

(304)

Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tnaqqis tas-CSPE maħsub għall-finanzjament tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali jista' jitqies bħala li jikkontribwixxi għall-għan ta' interess komuni peress li jista' jitqies bħala meħtieġ biex jinżammu l-komponenti tas-CSPE, u b'hekk jiżgura l-appoġġ għal dawn il-politiki.

(305)

Il-Kummissjoni taqbel għalhekk mal-kummenti li għamlet Franza, esposti fil-premessa 99(1) sa 99(3).

(306)

Madankollu għandu jiġi enfasizzat li għalkemm l-ilħuq tal-għanijiet ta' effiċjenza fl-enerġija, tal-ġlieda kontra l-faqar fl-enerġija u taż-żamma tal-koeżjoni territorjali permezz ta' tariffi tal-elettriku ta' livell ekwivalenti bejn Franza kontinentali u t-Territorji extra-Ewropej jistgħu jitqiesu bħala li għandhom għan ta' interess komuni, it-titjib jew iż-żamma tal-kompetittività ta' kumpanija fiha nfisha u b'mod ġenerali ma tistax titqies bħala li hija għan ta' interess komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

(307)

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-evalwazzjoni tal-għanijiet ta' interess komuni ma tistax tkun rikonoxximent ġenerali u sistematiku ta' kwalunkwe tnaqqis tat-taxxa jew tas-soprataxxa mħallsa mill-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv.

(308)

L-eżistenza ta' għan ta' interess komuni għal tnaqqis tas-CSPE ġiet rikonoxxuta biss sakemm dan it-tnaqqis jippermetti li tiġi żgurata l-istabilità tal-finanzjament ta' miżuri ta' appoġġ li għandhom għan ta' interess komuni ppruvat li jaqa' taħt il-politiki tal-Unjoni dwar l-enerġija.

(309)

F'dan is-sens, il-Kummissjoni titbiegħed mill-kummenti ta' ALFI, esposti fil-premessa 67, ta' UNIDEN, esposti fil-premessa 71, u ta' Franza, esposti fil-premessi 100 sa 102, li tikkunsidra l-prevenzjoni ta' riskju fuq il-kompetittività u r-rilokazzjoni bħala għan ta' interess komuni. Madankollu, it-titjib tal-kompetittività ta' ċerti kumpaniji għad-detriment tal-kompetituri tagħhom ma jistax fih innifsu jitqies bħala għan ta' interess komuni fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

5.4.2.3.   Effett ta' inċentiv, proporzjonalità u nuqqas ta' effett mhux iġġustifikat fuq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni

(310)

Il-Kummissjoni tosserva li għalkemm it-tnaqqis tal-ħlasijiet addizzjonali maħsuba biex jiffinanzjaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali huwa kbir wisq, jew ingħataw lil għadd kbir ta' setturi jew ta' benefiċjarji, il-piż globali maħsub biex jiffinanzja dawn il-miżuri jista' wkoll ikun mhedded u l-aċċettazzjoni tal-pubbliku għal dawn il-miżuri tista' tkun ipperikolata. B'mod parallel, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ, maħluqa minn dan it-tnaqqis jistgħu jkunu sinifikanti.

(311)

Sabiex tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq intern ta' dan it-tip ta' tnaqqis, il-Kummissjoni indikat fid-Deċiżjonijiet tagħha SA. 42393 u SA.38635 li d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014 huma bażi ta' analiżi rilevanti għall-identifikazzjoni tal-kumpaniji l-aktar sensittivi għall-introduzzjoni ta' taxxi għoljin fuq il-konsum tal-elettriku u sabiex jiġi stabbilit l-effett ta' inċentiv tal-għajnuna. Dan jidher partikolarment iġġustifikat minħabba li minn naħa l-appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali huwa kollu ffinanzjat mis-CSPE u għandhom għan ta' interess komuni marbut mas-settur tal-enerġija, bħall-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, u min-naħa l-oħra, is-CSPE allokata għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali tiżdied mal-komponenti tal-enerġija rinnovabbli tas-CSPE. Dawn il-komponenti kollha tas-CSPE huma strutturati u jinġabru b'mod identiku u indifferenzjat. Peress li s-CSPE tinġabar fi proporzjon tal-elettriku kkunsmat, din se taffettwa b'mod partikolari lill-kumpaniji li għalihom il-kost tal-enerġija jirrappreżenta parti sinifikanti tal-valur miżjud u li ma jistgħux jittrasferixxu faċilment dawn il-kostijiet fuq il-konsumaturi finali mingħajr ma jitilfu ishma mis-suq, minħabba li s-setturi li fihom joperaw huma esposti għall-kummerċ internazzjonali. Dawn huma kumpaniji li jistgħu jiġu identifikati permezz tal-kriterji speċifikati fil-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014.

(312)

Il-Kummissjoni indikat ukoll fid-Deċiżjonijiet tagħha SA.42393 u SA.38635 li tista' tuża l-paragrafi 188 u 189 tal-Linji Gwida tal-2014 bħala bażi biex tevalwa l-proporzjonalità tat-tnaqqis tal-ħlasijiet addizzjonali maħsuba biex jiffinanzjaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali. Dan jidher xieraq billi, minn naħa waħda l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali għandhom għanijiet ta' interess komuni fis-settur tal-enerġija, bħall-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, li wkoll huwa kopert mis-CSPE, u min-naħa l-oħra t-tnaqqis mogħti u mmirat biex jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzjament ta' dawn il-miżuri ta' appoġġ billi jnaqqas it-taxxa għall-kumpaniji partikolarment affettwati mill-ħlasijiet addizzjonali għall-enerġija, iżda xorta waħda jeżiġi mingħandhom kontribuzzjoni suffiċjenti. F'dan ir-rigward, il-kriterji stabbiliti fil-punti 188 u 189 tal-Linji Gwida tal-2014 iservu biex jiddefinixxu dan il-bilanċ.

(313)

Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li numru kbir ta' benefiċjarji eliġibbli huma kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv skont il-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014 u li ċertu numru ta' benefiċjarji jikkontribwixxu għall-minimu meħtieġ, jiġifieri 15 fil-mija tat-taxxa.

5.4.2.4.   Pjan ta' aġġustament

(314)

Għall-benefiċjarji li ma jikkwalifikawx bħala kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv skont il-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014, u għal dawk li, għalkemm jużaw l-elettriku b'mod intensiv skont dawn il-paragrafi, ma ħallsux tal-inqas 15 fil-mija tas-CSPE, jew 0,5 fil-mija tal-valur miżjud, skont il-każ, Franza ppreżentat pjan ta' aġġustament li jippermetti żieda gradwali tal-kontribuzzjoni tagħhom (ara t-Taqsima 4.4) sabiex jintlaħqu l-15 fil-mija (għall-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv skont il-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014) u 100 fil-mija (għall-kumpaniji li ma jużawx l-elettriku b'mod intensiv) sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019. Peress li s-CSPE tneħħiet fl-1 ta' Jannar 2016, il-pjan ta' aġġustament se jkun japplika sal-31 ta' Diċembru 2015.

(315)

Dan il-pjan ta' aġġustament huwa aġġustament kumulattiv li jirrigwarda t-tnaqqis kollu tas-CSPE, li tiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli, il-koġenerazzjoni, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali kollha flimkien, u li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern diġà ġiet evalwata mill-Kummissjoni fit-Taqsimiet 5.4.1 u 5.4.2.

(316)

Il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta' aġġustament huwa ġġustifikat għall-istess raġunijiet ta' dak implimentat għall-komponent tal-enerġija rinnovabbli tas-CSPE. B'mod partikolari, dan il-pjan ta' aġġustament jevita żieda kbira u f'daqqa tal-piż finanzjarju li l-konsumaturi jridu jġorru ladarba ma jibqgħux jibbenefikaw mit-tnaqqis tas-CSPE wara l-applikazzjoni tal-kriterji ta' proporzjonalità,stabbiliti fil-paragrafi 185 u 189 tal-Linji Gwida tal-2014 u f'dan is-sens jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali, filwaqt li jinżammu l-aċċettabbiltà tal-appoġġ u l-finanzjament assigurat u kontinwu tiegħu.

Data tal-bidu tal-pjanijiet ta' aġġustament

(317)

Il-Kummissjoni tapprova d-dati ta' bidu tal-pjanijiet ta' aġġustament:

(318)

Rigward il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, il-Kummissjoni tqis li l-punt tal-bidu tal-pjan ta' aġġustament, stabbilit għall-2011, għat-tnaqqis tas-CSPE immirata għall-finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli u l-koġenerazzjoni, huwa ġġustifikat. Fil-fatt, f'Ġunju 2010 il-Kunsill Ewropew aċċetta mira ta' 20 fil-mija ta' effiċjenza fl-enerġija li trid tintlaħaq sal-2020. Matul l-2010 u l-2011, l-Unjoni Ewropea adottat diversi Pjanijiet ta' Azzjoni u Komunikazzjonijiet (49) fejn insistiet fuq l-importanza tal-effiċjenza fl-enerġija u l-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi f'dan is-sens, anki ffinanzjati b'taxxi, f'dak li jirrigwarda l-ġenerazzjoni tal-elettriku biex tiżdied din l-effiċjenza fl-enerġija. Meqjus flimkien mad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-miżuri ta' appoġġ tagħhom, u jikkontribwixxu għaż-żieda fil-kostijiet ta' finanzjament ta' dawn l-ispejjeż, it-tnedija ta' dan il-pjan fl-2011 huwa ġġustifikat.

(319)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li, fid-dawl tal-progress limitat ta' dawn il-miżuri, qabel l-2011 (qabel l-implimentazzjoni tal-mira ta' 20 fil-mija), l-ammonti ta' tnaqqis mogħti qabel dawn is-snin ta' referenza jistgħu jitqiesu li ma jikkonformawx mal-kriterji tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li huma koperti mill-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (50) li kien applikabbli dak iż-żmien (għajnuna de minimis) jew li huma konformi mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE minħabba li dan it-tnaqqis mogħti bejn Diċembru 2008 u Diċembru 2010 kien jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Qafas Temporanju tal-UE għall-miżuri ta' Għajnuna mill-Istat intiżi biex jappoġġjaw l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi ekonomika u finanzjarja (b'mod partikolari t-Taqsima 4.2.2. tiegħu) (51) u kien kopert mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N7/2009 (52).

(320)

Rigward il-komponenti l-oħrajn iffinanzjati mis-CSPE, il-Kummissjoni tqis li l-punt ta' tluq tal-pjan ta' aġġustament, stabbilit fl-2004, għat-tnaqqis tas-CSPE intiża biex tiffinanzja l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, huwa wkoll iġġustifikat, din id-darba minħabba l-preskrizzjoni ta' għaxar snin applikabbli f'dan il-każ, ipprovduta fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(321)

Għall-benefiċjarji kkwalifikati bħala kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv skont il-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014, Franza uriet li ċerti benefiċjarji jħallsu mill-inqas 15 fil-mija tas-CSPE, 4 fil-mija jew 0,5 fil-mija tal-valur miżjud. Għall-benefiċjarji li jħallsu ammont inqas minn dawn il-limiti, Franza pproponiet l-implimentazzjoni ta' pjan ta' aġġustament li jadatta l-kontribuzzjoni tagħhom b'mod gradwali għall-minimu meħtieġ (ara t-Taqsima 4.4), b'mod li fid-data teoretika tal-1 ta' Jannar 2019, huma se jkollhom iħallsu mill-inqas 15 fil-mija tas-CSPE jew 0,5/4 fil-mija tal-valur miżjud skont il-każ.

(322)

Abbażi tal-elementi esposti, b'mod partikolari l-impenn li jiġi implimentat pjan ta' aġġustament, il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza uriet li t-tnaqqis tat-taxxi tas-CSPE intiżi għall-finanzjament tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, huwa meħtieġ, xieraq, għandu effett ta' inċentiv u ma joħloqx distorsjoni indebita fil-kompetizzjoni u li għaldaqstant huwa kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, sakemm ma jaqbżux it-tnaqqis previst fil-pjan ta' aġġustament.

(323)

Il-Kummissjoni żżid li fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-kumpanija trid tilħaq il-100 fil-mija tat-taxxa fl-1 ta' Jannar 2019. Għaldaqstant it-tnaqqis mis-CSPE mogħti f'dawn il-każijiet l-oħrajn irid jiġi rkuprat. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tapprova l-pożizzjoni proposta minn Franza, spjegata fil-premessi 122 u 124.

(324)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tapprova l-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-pjan ta' aġġustament kif ippreżentati fil-premessi 117 sa 124, kif ukoll fit-Taqsimiet 4.4.5. sa 4.4.8.

5.4.2.5.   Il-kompatibbiltà tat-tnaqqis mis-CSPE għas-sehem tas-CSPE allokat għall-għanijiet l-oħrajn minbarra l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u l-finanzjament tat-tariffi soċjali mas-suq intern

(325)

Il-Kummissjoni tqis li Franza ma urietx li l-komponenti l-oħrajn tas-CSPE jiffinanzjaw miżuri ta' appoġġ li jsegwu għan ta' interess komuni, u lanqas li t-tnaqqis tat-taxxa huwa meħtieġ għall-kisba ta' dawn l-għanijiet u li huwa proporzjonat għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex.

(326)

B'mod partikolari, f'dak li jirrigwarda l-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-appoġġ għall-produzzjoni tal-enerġija mill-inċinerazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli u mingħajr użu tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, il-Kummissjoni tinnota li hija ġeneralment tawtorizza biss appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku mill-inċinerazzjoni tal-iskart meta l-iskart ikun bijodegradabbli jew meta tintuża l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja. Fil-fatt, il-produzzjoni tal-elettriku mill-inċinerazzjoni ta' skart fossili ġeneralment ma teħtieġ ebda appoġġ biex tkun profittabbli u tista toħloq problemi f'dak li jirrigwarda l-ġerarkija tal-iskart. B'mod partikolari, l-inċentiv għall-produzzjoni tal-elettriku minn skart fossili joħloq is-CO2 u jista' jnaqqas l-inċentiv ta' riċiklar jew użu mill-ġdid tal-iskart ikkonċernat; barra minn hekk, jista' jnaqqas l-inċentiv għall-użu tas-sħana diretta minflok tiġi konvertita f'elettriku meta mill-aspett ambjentali l-użu tas-sħana huwa aktar rilevanti minħabba effiċjenza akbar fl-enerġija. Franza ma urietx li l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku mill-inċinerazzjoni tal-iskart fossili (u skart ieħor mhux bijodegradabbli) ma kien jinkludi ebda inċentiv biex tiġi evitata l-ġerarkija tal-iskart u b'mod partikolari li jiġi rriċiklat. Fi kwalunkwe każ ma urietx li kienu meħtieġa miżuri ta' appoġġ ffinanzjati mis-CSPE biex jinċentivaw lill-inċineraturi tal-iskart fossili jipproduċu elettriku fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq.

(327)

Hija rrikonoxxiet ukoll fin-nota tagħha tat-23 ta' Novembru 2017 li din il-parti tas-CSPE allokata għall-finanzjament tal-impjanti ta' inċinerazzjoni li jużaw riżorsi mhux bijodegradabbli ma setgħetx titnaqqas.

(328)

It-tieni, Franza ma urietx li l-appoġġ iffinanzjat mis-CSPE u ntiż għall-appoġġ tal-impjanti għall-użu fl-eqqel ħinijiet kien meħtieġ biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, fid-dawl tal-miżuri kollha diġà stabbiliti minn Franza sabiex tiżgura s-sigurtà tal-provvista u tal-kundizzjonijiet tas-suq bejn l-2003 u l-2015. Barra minn hekk, Franza ma urietx li l-impatt pożittiv ipotetiku tal-appoġġ għall-mezzi għall-użu fl-eqqel ħinijiet ikkonċernati kien jegħleb l-effett ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni mill-appoġġ lil dawn il-mezzi ta' produzzjoni (b'mod speċjali l-ġeneraturi li jaħdmu bid-diżil u mibnija fis-snin 90). Franza kkonkludiet ukoll li s-sehem tas-CSPE allokat għal dan l-għan kellu jitħallas kollu, u dan ġie kkonfermat mill-Kummissjoni.

(329)

Fl-aħħar nett, Franza ma urietx suffiċjentement li t-tnaqqis mill-parti tas-CSPE allokata għall-miżuri li jinkoraġġixxu l-produzzjoni indipendenti, ta' użu anċillari għas-servizz pubbliku tal-elettriku, ippreżentata fil-premessa 11(3), kellu għan ta' interess komuni. B'mod ġenerali, l-għan imfittex mhuwiex stabbilit b'mod ċar. Lanqas ma ġiet stabbilita l-ħtieġa ta' appoġġ u huwa saħansitra inqas stabbilit li l-effetti pożittivi ipotetiċi ta' dawn il-miżuri ta' appoġġ jgħelbu l-effetti negattivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, lanqas ma huma stabbiliti l-adegwatezza u l-ħtieġa tat-tnaqqis ta' din il-parti tas-CSPE. Franza kkonfermat fin-nota tagħha tat-23 ta' Novembru 2017 li s-CSPE allokata għal dan il-għan kellha titħallas kollha, u dan huwa kkonfermat mill-Kummissjoni.

(330)

Il-Kummissjoni tikkonferma b'hekk l-analiżi proposta minn Franza u ppreżentata fil-premessa 124.

5.4.2.6.   Trasparenza

(331)

Skont it-Taqsima 3.2.7. tal-Linji Gwida tal-2014, mill-1 ta' Lulju 2016, l-Istati Membri jridu jippubblikaw ċerta informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-għajnuna. Peress li l-miżuri ma baqgħux japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016, it-Taqsima 3.2.7. tal-Linji Gwida tal-2014 mhijiex applikabbli.

5.4.2.7.   Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern

(332)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sehem tas-CSPE intiż biex jiffinanzja diversi għanijiet, minbarra l-enerġiji rinnovabbli li jinkludu l-inċinerazzjoni ta' skart bijodegradabbli, il-koġenerazzjoni li tinkludi l-inċinerazzjoni ta' skart mhux bijodegradabbli użata fil-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, għandu jitħallas kollu u li dan ma jistax jitnaqqas. Jekk ikun il-każ, irid jiġi rkuprat.

(333)

It-tieni, fuq il-bażi tal-elementi ppreżentati fil-premessi 251 sa 274, dwar il-miżuri u l-pjan ta' aġġustament propost, il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza uriet biżżejjed li parti mit-tnaqqis tas-CSPE kienet meħtieġa, xierqa, kellha effett ta' inċentiv u ma tfixkilx il-kompetizzjoni u li hija wkoll kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

(334)

Iżda l-Kummissjoni tikkonkludi li kwalunkwe ammont ta' għajnuna ogħla mil-livelli awtorizzati mill-pjan ta' aġġustament huwa inkompatibbli u għandu jitħallas lura mill-benefiċjarji tal-miżura. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tivvalida l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' aġġustament, kif spjegati minn Franza, fit-Taqsima 4.4 ta' din id-Deċiżjoni.

5.4.3.   L-applikazzjoni tal-livelli de minimis

(335)

Il-Kummissjoni tinnota li Franza, kif spjegat fil-premessa (135), uriet l-intenzjoni tagħha li tapplika l-livelli de minimis ipprovduti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1046 (53), meta l-ammont tal-għajnuna jkun inqas minn EUR 200 000 fuq tliet snin kontinwi, għal kull tnaqqis.

(336)

Il-Kummissjoni tispeċifika li sabiex jitqiesu applikabbli, il-miżuri jridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1046.

5.4.4.   Konklużjoni ġenerali

(337)

Kif spjegat fit-Taqsimiet 5.4.1 u 5.4.2, fuq il-bażi tal-elementi ppreżentati fil-premessi 252 sa 334, rigward kemm il-miżuri kif ukoll il-pjan ta' aġġustament, il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza uriet biżżejjed li parti mit-tnaqqis tas-CSPE issegwi għan ta' interess komuni, hija meħtieġa, xierqa, proporzjonata, kellha effett ta' inċentiv u ma tfixkilx il-kompetizzjoni b'mod li jmur kontra l-interess komuni u li hija wkoll kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

(338)

Iżda Franza ma urietx li l-għajnuna li taqbeż l-ammonti ta' għajnuna permessi mill-pjan ta' aġġustament għandha għan ta' interess komuni, hija meħtieġa, xierqa proporzjonata, għandha effett ta' inċentiv u ma tfixkilx il-kompetizzjoni b'mod li jmur kontra l-interess komuni. Għaldaqstant din l-għajnuna hija inkompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. L-istess japplika għat-tnaqqis tas-CSPE mogħti għall-parti tas-CSPE allokata għall-miżuri ta' appoġġ, minbarra l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali.

(339)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tapprova l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' aġġustament, kif deskritti minn Franza fit-Taqsima 4.4 u spjegati fil-premessi 329 u 334.

6.   KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLI 30 U 110 TFUE

(340)

Skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-taxxi ma jaqgħux fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuniet mill-Istat sakemm dawn ma jkunux il-metodu ta' finanzjament ta' miżura ta' għajnuna, b'mod li jagħmlu parti integrali minn din il-miżura (54).

(341)

Barra minn hekk, il-paragrafu 29 tal-Linji Gwida tal-2014 jispeċifika li jekk għajnuna mill-Istat jew il-kundizzjonijiet marbutin magħha, inkluż il-metodu ta' finanzjament tagħha, jekk dan ikun parti integrali mill-miżura, toħloq b'mod indeferibbli ksur tad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, l-għajnuna ma tistax tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

(342)

Il-Kummissjoni vverifikat jekk is-CSPE kellhiex titqies bħala li tagħmel parti integrali mill-għajnuna, u jekk allura kellhiex teżamina l-konformità tas-CSPE mal-Artikoli 30 u 110 TFUE, pereżempju.

(343)

Il-ġurisprudenza tistipula li sabiex taxxa tista' tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta' għajnuna, għandu jkun hemm rabta ta' allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Id-dħul mit-taxxa għandu neċessarjament jintuża għall-finanzjament tal-għajnuna. Jekk rabta bħal din teżisti, id-dħul mit-taxxa jinfluwenza direttament l-ammont tal-għajnuna u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' din l-għajnuna mas-suq intern (55).

(344)

Il-Kummissjoni tqis li dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża għal żewġ raġunijiet:

(345)

Minn naħa, is-CSPE hija kontribuzzjoni obbligatorja biex jiġi ffinanzjat l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u għal politiki oħrajn. Ma ġietx stabbilita biex tiffinanzja l-eżenzjonijiet eżaminati f'din id-Deċiżjoni.

(346)

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kontribuzzjoni li sservi biex tiffinanzja miżura ta' appoġġ ma tagħmilx part integrali minnha jekk l-ammont ta' din il-miżura ma jiddependix fuq id-dħul mill-kontribuzzjoni obbligatorja. Għalhekk meta tintuża kontribuzzjoni mill-baġit, apparti l-kontribuzzjoni obbligatorja, biex iseħħ il-finanzjament ta' għajnuna, din il-kontribuzzjoni ma tiffurmax parti integrali mill-għajnuna (56).

(347)

Il-Kummissjoni tinnota li f'dan il-każ m'hemmx rabta ta' allokazzjoni vinkolanti bejn is-CSPE u l-iskema ta' appoġġ. Għalkemm is-CSPE hija fil-fatt allokata għall-finanzjament tal-iskema ta' appoġġ, il-Kummissjoni tqis iżda li ma hemmx korrelazzjoni vinkolanti bejn l-ammont tat-taxxa u l-ammont tal-għajnuna. Fil-fatt ma jistax jingħad li l-prodott tas-CSPE jaffettwa direttament il-kobor tal-iskema ta' għajnuna. Il-grafika li ġejja tispjega n-nuqqas ta' rabta ta' allokazzjoni vinkolanti u turi li mill-2007, il-kontribuzzjoni unitarja applikata ma tkoprix il-kost ta' finanzjament reali tal-miżuri appoġġjati:

Image 3

2014

€/MWh

Contribution unitaire appliqée

Contribution unitaire nécessaire pour les charges de service public

2015

2013

2012

S2

2012

S1

2011

S2

2011

S1

2010

2009

2008

2007

2006

2005

2004

2003

2002

Évolution de la contribution unitaire

Sors: Commission de régulation de l'énergie (Kummissjoni Regolatorja tal-Enerġija)

(348)

Id-differenza tħallset direttament minn EDF. Kull sena, is-CRE (il-Kummissjoni Regolatorja tal-Enerġija) iddeterminat l-ammont ta' kontribuzzjoni meħtieġa biex tkopri l-kost reali tal-politiki li jridu jiġu ffinanzjat minnha.

(349)

Barra minn hekk, minn perspettiva teknika, is-CSPE tinġabar minn EDF, li hija responsabbli għall-finanzjament tal-politiki li fit-teorija jridu jkunu koperti mis-CSPE. Id-differenza bejn is-CSPE miġbura u l-ammonti li ħallset EDF tammonta għal aktar minn EUR 5,3 biljun. Din id-differenza hija mqassma kif ġej (għal kull sena u għal kull politika):

Differenzi bejn is-CSPE miġbura mill-EDF u l-kost reali tal-politiki ffinanzjati

 

ENR

Inċinerazzjoni

Koġenerazzjoni

Ugwalizzazzjoni tar-rati

Tariffi soċjali

Produzzjoni fil-ħinijiet intensivi

Oħrajn

Total

2003

26

6

138

66

0

4

3

243

2004

5

1

17

10

0

1

0

34

2005

(22)

(4)

(98)

(60)

(12)

(5)

(3)

(204)

2006

(3)

(1)

(38)

(22)

(2)

(1)

(1)

(68)

2007

1

6

(70)

(115)

1

(4)

(1)

(182)

2008

(5)

1

(19)

(39)

(2)

(2)

(1)

(67)

2009

128

3

219

341

18

10

5

724

2010

119

(6)

223

197

17

7

5

562

2011

578

17

368

360

15

6

9

1 353

2012

514

2

221

317

21

3

3

1 081

2013

381

5

118

209

19

2

1

735

2014

708

7

117

322

54

2

1

1 211

2015

(19)

0

(3)

(8)

(1)

0

0

(31)

 

2 411

37

1 193

1 578

128

23

21

5 391

Sors: Nota tal-awtoritajiet Franċiżi lis-servizzi tal-Kummissjoni - 20 ta' Diċembru 2016

(350)

Id-defiċit ta' EDF imbagħad ġie rimborżat fuq il-bażi tal-baġit tal-Istat (ara l-Artikolu 5 tal-Liġi Finanzjarja ta' rettifika għall-2015 Nru 2015-1786 dwar il-kompożizzjoni tal-kont ta' approprjazzjoni speċjali).

(351)

Minħabba n-nuqqas ta' rabta ta' allokazzjoni bejn is-CSPE u l-miżuri appoġġati, il-konformità tas-CSPE mal-Artikoli 30 u 110 TFUE m'għandhiex tiġi vvalutata.

7.   RKUPRU TAL-GĦAJNUNA

(352)

Fuq il-bażi tat-TFUE u tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat għandux jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern (57). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu ta' Stat Membru li jabolixxi għajnuna kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala mhux kompatibbli mas-suq intern, huwa maħsub sabiex terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (58).

(353)

F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li dan l-għan jintlaħaq meta l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija taħt l-għajnuna inkompatibbli. B'din ir-rifużjoni, il-benefiċjarju jitilef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien hemm qabel il-ħlas tal-għajnuna (59).

(354)

F'konformità ma' dik il-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 jipprevedi li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (…)”.

(355)

Il-miżuri inkwistjoni huma għajnuna illegali peress li ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 108 TFUE. Barra minn hekk huma wkoll inkompatibbli u għalhekk għandhom jiġu rkuprati sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni tas-suq qabel ingħataw. L-irkupru għandu jkopri l-perjodu mill-mument li l-benefiċċju ngħata lill-benefiċjarju, jiġifieri mill-mument li fih l-għajnuna kienet disponibbli għall-benefiċjarju sal-irkupru effettiv tagħha, u l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jipproduċu interessi sal-mument tal-irkupru effettiv tagħhom.

(356)

Għaldaqstant, l-għajnuna mogħtija minn Franza trid tiġi rkuprata fil-proporzjon inkompatibbli mas-suq intern. L-irkupru għandu jirrigwarda biss it-tnaqqis tas-CSPE mogħti bejn l-2004 u l-2015, għat-tnaqqis tas-CSPE li tiffinanzja l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, u bejn l-2011 u l-2015 għat-tnaqqis tas-CSPE intiża għall-finanzjament tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli u permezz tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja.

(357)

L-ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jkun ikkalkulat għal kull sena u għal kull benefiċjarju. Għal kull sena kkonċernata, għandu jkun limitat għad-differenza bejn l-ammont kompatibbli għal kull sena u l-ammont tas-CSPE effettivament imħallas. L-ammont kompatibli ta' CSPE għandu jiġi stabbilit skont l-applikazzjoni tal-pjan ta' aġġustament, f'dak li jirrigwarda s-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali. F'dak li jirrigwarda s-sehem tas-CSPE li jiffinanzja għanijiet oħrajn għajr l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, l-ammont ta' CSPE kompatibbli li jrid jitħallas huwa t-total tas-CSPE għas-sehem tas-CSPE allokat għal dawn l-għanijiet l-oħrajn.

(358)

Għal kull benefiċjarju, għal kull sena u għal kull politika, għandhom jiġu kkalkolati żewġ ammonti: l-ammont ta' CSPE imħallas, kif ukoll l-ammont tal-livell minimu ta' CSPE li għandu jitħallas abbażi tal-pjan ta' aġġustament miżjud mat-total tas-CSPE li sservi biex tiffinanzja l-appoġġ għall-għanijiet għajr l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali.

7.1.   Kalkolu tal-ammonti ta' CSPE effettivament imħallsa

(359)

L-ammont tas-CSPE li effettivament tħallas mill-benefiċjarji fuq sena partikolari għandu jinkiseb mill-informazzjoni miġbura mis-servizzi tal-awtoritajiet Franċiżi. Dawn l-ammonti jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tipi differenti ta' tnaqqis tas-CSPE. Madankollu Franza spjegat li għad m'għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, u semmiet il-fatt li m'għandhiex data f'format elettroniku ta' bejn l-2003 u l-2010. Għaldaqstant jenħtieġ li jsir kalkolu preċiż tal-ammont li jrid jitħallas mill-karti arkivjati.

(360)

Rigward il-benefiċjarji tal-limitu massimu ta' CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud, is-CSPE effettivament imħallsa hija ugwali għall-minimu bejn CSPE teoretika ddeterminata mill-pjan ta' aġġustament u 0,5 fil-mija tal-valur miżjud. F'każ ta' valur miżjud negattiv, l-ammont ta' CSPE meqjus imħallas għandu jkun żero. Dan l-ammont imbagħad għandu jitqassam bejn il-politiki skont it-tabella ppreżentata fil-premessa 133.

(361)

Rigward il-benefiċjarji tal-limitu massimu għal kull sit, is-CSPE effettivament imħallsa hija ugwali għall-minimu bejn is-CSPE teoretika ddeterminata mill-pjan ta' aġġustament u l-ammont tal-limitu massimu għal kull sit tas-sena kkunsidrata. Dan l-ammont ukoll għandu jitqassam bejn kull politika skont it-tabella ppreżentata minn Franza u li tinsab fil-premessa 133.

(362)

Rigward il-benefiċjarji tal-eżenzjoni minħabba l-konsum proprju, is-CSPE effettivament imħallsa hija ugwali għad-differenza bejn il-konsum totali u l-konsum eżentat, immultiplikata bir-rata ta' unità annwali tas-CSPE ippreżentata fil-premessa 133.

(363)

Għal kull sit benefiċjarju tal-limitu massimu għal kull sit, din tiġi ddeterminata jekk is-sit jappartjeni għal kumpanija li tibbenefika wkoll mil-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud. Għal kull sit benefiċjarju tal-eżenzjoni minħabba l-awtokonsum, din tiġi ddeterminata jekk is-sit jappartjeni għal kumpanija benefiċjarja tal-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud u jekk jibbenefika wkoll mil-limitu massimu għal kull sit.

(364)

F'każ li sit, benefiċjarju tal-limitu massimu għal kull sit jew tal-eżenzjoni minħabba l-awtokonsum, jappartjeni għal kumpanija benefiċjarja tal-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud, allura għandu jiġi kkunsidrat il-limitu massimu tal-valur miżjud biex il-benefiċċju mogħti ma jiġix kontabilizzat darbtejn. Jekk fil-fatt il-kumpanija tibbenefika mil-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud, magħruf fis-sena ta' wara, ir-rimborż li jsir a posteriori għandu jikkonsisti fid-differenza bejn is-CSPE imħallsa u 0,5 fil-mija tal-valur miżjud tal-kumpanija.

(365)

F'każ li sit jibbenefika mil-limitu massimu għal kull sit u mill-eżenzjoni minħabba l-konsum proprju, iżda ma jappartjenix għal kumpanija benefiċjarja tal-limitu massimu tal-valur miżjud, allura għandu jiġi kkunsidrat il-limitu massimu għal kull sit.

7.2.   Il-kalkolu tal-ammonti ta' CSPE dovuti skont l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-applikazzjoni tal-pjanijiet ta' aġġustament

7.2.1.   Is-CSPE li għandha titħallas u mhux soġġetta għall-pjan ta' aġġustament

(366)

Il-Kummissjoni tqis l-ewwel nett li s-CSPE kollha dovuta mill-benefiċjarji u eskluża mill-pjan ta' aġġustament tirrigwarda s-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-inċinerazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli jew mhux allokat għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-appoġġ għall-impjanti li jintużaw fl-eqqel ħinijiet u l-appoġġ għal diversi miżuri bħall-finanzjament tal-kuntratti ta' enerġija garantita, u ppreżentati fil-premessi 11(1) sa 11(3) u 325 sa 330. Is-CSPE diġà mħallsa mill-benefiċjarji tista' tkun allokata bi prijorità għall-finanzjament ta' dawn il-politiki l-oħrajn għall-applikazzjoni tal-pjan ta' aġġustament u d-determinazzjoni tal-ammont ta' għajnuna li għandu jiġi rkuprat.

7.2.2.   Data tal-bidu tal-pjanijiet ta' aġġustament

(367)

Il-Kummissjoni tapprova d-data tal-bidu tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' aġġustament ippreżentata fil-premessi 275, 318 sa 321, għas-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja minn naħa, u għas-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali min-naħa l-oħra.

7.2.3.   Il-kalkolu tal-ammonti ta' CSPE li għandhom jitħallsu u l-progressività tagħhom

(368)

Il-Kummissjoni tapprova l-metodu ta' kalkolu tal-ammonti li jridu jitħallsu għad-diversi komponenti tas-CSPE soġġetti għal pjan ta' aġġustament u spjegat fil-premessi 265 sa 274, għas-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli u fil-premessi 316 sa 317 għas-sehem tas-CSPE allokat għall-finanzjament tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, tat-tariffi soċjali u tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffi.

(369)

Il-Kummissjoni tapprova l-prinċipju u l-metodu ta' kalkolu tal-progressività tal-ammonti tas-CSPE li għandhom jitħallsu, deskritt fil-premessa 140 u bbażat fuq liġi statistika.

(370)

Il-Kummissjoni tapprova l-metodu ta' kalkolu tas-CSPE li għandha titħallas, stabbilta għal kull benefiċjarju f'sena partikolari permezz tal-formola li ġejja: Ammont li għandu jitħallas għal kull sena għal kull politika ffinanzjata = ammont imħallas + (l-ammont li għandu jitħallas – l-ammont imħallas) × [(e^n)-1]/[(e^N)-1] b'n tkun in-numru tas-sena tal-pjan (eżempju: għal pjan li jibda fl-2011 u b'applikazzjoni sħiħa fl-2019, fl-2011 n = 0, fl-2012 n = 1, …, fl-2019 n = 8) u N tkun in-numru ta' snin tal-pjan (eżempju: għall-istess eżempju preċedenti, N = 8).

(371)

Il-Kummissjoni tapprova wkoll il-metodu tal-ikkunsidrar tal-livelli de minimis, kif spjegat fil-premessa 135.

7.3.   Il-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati

(372)

It-total tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, għal kull benefiċjarju, għandu jkun ugwali (i) għad-differenza bejn l-ammonti ta' CSPE dovuti skont l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u (ii) l-ammonti ta' CSPE effettivament imħallsa mill-benefiċjarji eliġibbli.

(373)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni tapprova l-metodu ta' kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati deskritt minn Franza u ppreżentat fil-premessi 145 sa 148.

8.   KONKLUŻJONIJIET

(374)

Il-Kummissjoni ssib li Franza, b'mod illegali, implimentat il-limiti massimi ta'CSPE bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri ta' eżenzjoni mis-CSPE implimentati minn Franza favur dawk li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8 tat-3 ta' Jannar 2003 dwar is-swieq tal-gass u tal-elettriku u s-servizz pubbliku tal-enerġija (“il-Liġi Nru 2003-8”), ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-elettriku eżentat mis-CSPE jiġi kkunsmat mill-produttur stess biex jipproduċi l-elettriku.

Artikolu 2

Il-miżuri ta' eżenzjoni mis-CSPE implimentati minn Franza favur dawk li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess minn enerġiji rinnovabbli, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għas-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli.

Artikolu 3

Il-miżuri ta' eżenzjoni mis-CSPE implimentati minn Franza favur dawk li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għas-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja.

Artikolu 4

Il-miżuri ta' eżenzjoni mis-CSPE implimentati minn Franza bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE favur dawk li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, fil-każijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 ta' din id-Deċiżjoni diment li dawn ġew allokati għall-finanzjament għall-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali u diment li ma qabżux l-ammonti ta' tnaqqis mis-CSPE permessi mill-pjan ta' aġġustament.

Artikolu 5

Il-miżuri implimentati minn Franza bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, fil-forma ta' limiti massimi ta' CSPE għal kull sit u tal-valur miżjud, favur konsumaturi tal-elettriku, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, diment li dawn ġew allokati għall-finanzjament għall-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali u diment li ma qabżux l-ammonti ta' tnaqqis mis-CSPE permessi mill-pjan ta' aġġustament.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni taċċetta l-pjanijiet ta' aġġustament notifikati minn Franza. Franza se jkollha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet skont il-modalitajiet spjegati fl-Artikoli 10 u 11 u fl-iskadenzi speċifikati fl-Artikolu 12.

Artikolu 7

Il-miżuri ta' eżenzjoni mis-CSPE implimentati minn Franza bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE favur dawk li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8 tat-3 ta' Jannar 2003 dwar is-swieq tal-gass u tal-elettriku u s-servizz pubbliku tal-enerġija (“il-Liġi Nru 2003-8”), u l-miżuri implimentati minn Franza bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, fil-forma ta' limiti massimi ta' CSPE għal kull sit u tal-valur miżjud li mhumiex koperti mill-Artikoli 1 sa 5 ta' din id-Deċiżjoni huma għajnuna inkompatibbli. Franza hija obbligata li tirkupra l-għajnuna illegali u inkompatibbli mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 8

Kull għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 7 ma tikkostitwix għajnuna jekk, fil-ħin li tingħata, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati mir-regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 li huwa applikabbli fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.

Artikolu 9

Kull għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 7 li, meta ngħatat, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati minn Regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 jew minn kwalunkwe skema ta' għajnuna approvata oħra hija kompatibbli mas-suq intern sal-intensitajiet massimi tal-għajnuna applikabbli għal dak it-tip ta' għajnuna.

Artikolu 10

1.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu magħhom l-imgħaxijiet mid-data meta tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru effettiv tagħhom.

2.   L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta' imgħax kompost skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (60).

3.   Franza għandha tħassar il-pagamenti pendenti kollha ta' għajnuna skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 7 b'effett mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Franza għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fl-erba' xhur li jsegwu d-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 12

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, Franza trid tippreżenta l-informazzjoni segwenti lill-Kummissjoni:

il-lista finali tal-benefiċjarji tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 7,

l-ammont totali tal-għajnuna riċevut taħt l-iskema msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 7,

l-ammont totali tal-għajnuna li kull wieħed minnhom jista' jieħu taħt il-pjan ta' aġġustament,

l-ammonti ta' CSPE li kull wieħed minnhom irċieva u li mhijiex għajnuna taħt l-Artikoli 1 sa 3.

l-ammont totali li għandu jiġi rkuprat mingħand kull wieħed minnhom taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 7

l-ammont ta' rkupru finali totali (kapital u imgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri ppjanati sabiex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Il-proċedura tal-irkupru għandha tkun ġiet implimentata fl-erba' xhur ta' wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni. F'dan il-perjodu, Franza għandha tibgħat lill-Kummissjoni d-dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna u li effettivament ħallsu lura l-għajnuna li kellha tiġi rkuprata.

3.   Franza għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 7 tkun irkuprata kollha. Hija għandha tippreżenta minnufih, sempliċement fuq talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u li kienu previsti biex tintlaħaq konformità ma' din id-Deċiżjoni. Għandha wkoll tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u mgħax diġà rkuprati mill-benefiċjarji.

Artikolu 13

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 348, 3.10.2014, p. 78.

(2)   ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.

(3)  ECLI:EU:C:2013:851.

(4)  Ammont stabbilit fl-1 ta' Jannar 2015. Dan l-ammont ġie rivedut gradwalment. Fl-2013 kien jammonta għal EUR 569 418.

(5)  It-tweġiba ta' Franza tal-5 ta' Mejju 2014

(6)  Nota tal-awtoritajiet Franċiżi tat-23 ta' Novembru 2017 u l-Anness għaliha.

(7)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji, ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13

(8)   ĠU C 348, 3.10.2014, p. 78.

(9)  Il-punti (154) u (155) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ.

(10)  Kapitolu 4: “Għajnuna f'forma ta' tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali”

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

(12)  SA.38632 – Riforma tal-Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli fil-Ġermanja.

(13)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Gvern ta' Ġibilterra u r-Renju Unit, C-106/09, ECLI:EU:C:2011:732.

(14)  Deċiżjoni Nru 2005-516 DC, tas-7 ta' Lulju 2005

(15)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwidi tal-Komunità dwar l-għajnuna tal-istat għall-ħarsien tal-ambjent, (ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3).

(16)  Nota tat-22 ta' Ottubru 2015

(17)  Id-Direttiva 2004/8/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta' koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50).

(18)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(19)  ICF International, “ An International comparison of energy and climate change policies impacting energy intensive industries in selected countries ”, Lulju 2012

(20)  Nota tal-awtoritajiet Franċiżi tat-23 ta' Novembru 2017

(21)   ĠU C 336, 6.10.2017, p. 2.

(22)   ĠU L 258, 6.10.2017, p. 127.

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(24)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(25)   ĠU C 91, 21.4.2009, p. 1.

(26)  Ara d-Deċiżjonijiet tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, paragrafu 36; tas-17 ta' Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, ECLI:EU:C:2008:413, paragrafu 70; tad-19 ta' Diċembru 2013, Vent De Colère et, C-262/12, ECLI:EU:C:2013:851, paragrafi 19 sa 21, u tat-13 ta' Settembru 2017, ENEA, C-329/15, ECLI:EU:C:2017:671, paragrafu 25. Ara wkoll Doux Elevage, ikkwotata hawn taħt fin-nota ta' qiegħ il-paġna 25, paragrafu 34; id-Deċiżjonijiet C-399/10 P u C-401/10 P Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et, paragrafu 100.

(27)  Deċiżjoni tas-17 ta' Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, ECLI:EU:C:2008:413.

(28)  Deċiżjoni tad-19 ta' Diċembru 2013, Vent De Colère et, C-262/12 ECLI:EU:C:2013:851, paragrafu 25.

(29)  Deċiżjoni tad-19 ta' Diċembru 2013, Vent De Colère et, C-262/12 ECLI:EU:C:2013:851.

(30)  Is-sentenzi C-387/92 Banco Exterior de España vs Ayuntamiento de Valencia [1994] ECR I-877, paragrafu 13, ECLI:EU:C:1994:100, u C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1999] ECR I-3671, paragrafu 23, ECLI:EU:C:1999:311.

(31)  Sentenza tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group; Kawżi Magħquda C-20/15 P u C-21/15 P, ECLI:EU:C:2016:981, paragrafu 60; is-sentenza tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (Lübeck Airport), C-524/14 P, ECLI:EU:C:2016:971, paragrafi 55 u 58.

(32)  Id-Deċiżjonijiet C-159/01 L-Olanda vs Il-Kummissjoni [2004] ECR I-4461, paragrafu 42, ECLI:EU:C:2004:246 u C -279/08 P, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, paragrafu 62, ECLI:EU:C:2011:551.

(33)  Sentenzi tal-Qorti Ġeneral li jikkonkludu li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżura hija selettiva: L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, (T-251/11, ECLI: EU: T: 2014: 1060), u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T-47/15, ECLI:EU:T:2016:281)

(34)  Ara d-Deċiżjoni tas-17 ta' Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, Kawża 730/79, ECLI:EU:C:1980:209, paragrafu 11

(35)  Deċiżjoni tat-3 ta' Marzu 2005, Heiser, C-172/03, ECLI:EU:C:2005:130.

(36)  SA.46526, paragrafu 94

(37)  Fil-kawżi magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos et [2011], il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-possibbiltà li tibbaża ruħha fuq in-natura jew fuq is-sistema fiskali nazzjonali sabiex jiġi ġusitifikat li soċjetajiet kooperattivi li jqassmu l-profitti kollha tagħhom lill-membri tagħhom ma jkunux intaxxati fil-livell tal-kooperattiva jekk it-taxxa tinġabar fil-livell tal-membri tagħhom (paragrafu 71). ECLI:EU:C:2011:550

(38)  Fl-istess sens, ara SA.38632, paragrafu 168 u SA.46526 (ĠU C 158, 4.5.2018).

(39)  Sentenza tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group; kawżi Magħquda C-20/15 P u C-21/15 P, ECLI:EU:C:2016:981, premessa 60. sentenza tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (Ajruport ta' Lübeck), C-524/14 P, ECLI:EU:C:2016:971, premessi 55 u 58.

(40)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna tal-Istat għall-ħarsien tal-ambjent, (ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3)

(41)   ĠU C 336, 6.10.2017.

(42)   ĠU L 258, 6.10.2017.

(43)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(44)  Nota tal-awtoritajiet Franċiżi tal-20 ta' Diċembru 2016, p. 16.

(45)  Permezz tad-Deċiżjoni tas-16 ta' Settembru 2016 il-Kummissjoni approvat l-iskema Franċiża ta' appoġġ għall-koġenerazzjoni SA.43719.

(46)  COM(2017) 623 final, 24.10.2017

(47)  SA.32060: “Alleged illegal State aid for discharging Public Service Obligations in the Non Interconnected Islands in Greece”.

(48)   “Providing a Fair Deal for Consumers”

(49)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010, li jikkonfermaw l-għan ta' effiċjenza fl-enerġija bħala waħda mill-miri ta' strateġija ġdida għall-impjieg u tkabbir inklużiv u sostenibbli.

(50)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(51)   ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1.

(52)   ĠU C 91, 21.4.2009, p. 1.

(53)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1046 tat-28 ta' Ġunju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 170, 29.6.2016, p. 19).

(54)  Is-sentenzi tat-13 ta' Jannar 2005, C 174/02, EU:C:2005:10, punt (25); tat-13 ta' Jannar 2005, Pape, C 175/02, ECLI:EU:C:2005:11, punt (14), u tas-27 ta' Ottubru 2005, Casino France et, C 266/04 sa C 270/04, C 276/04 u C 321/04 sa C 325/04, ECLI:EU:C:2005:657, punt (34)

(55)  Ara s-sentenzi Streetkgewest, punt (26), u tas-27 ta' Ottubru 2005, Casino France et, C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04, Ġabra P I-9481, punt (40), Air Liquide Industries Belgium (C-393/04), ECLI:EU:C:2005:657, u Province de Liège (C-41/05), ECLI:EU:C:2006:403

(56)  DTS C-449/14 P 68-72, ECLI:EU:C:2016:848.

(57)  Ara l-każ C-70/72, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja [1973] Ġabra 813, premessa 13, ECLI:EU:C:1973:87

(58)  Ara l-kawżi magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Spanja vs Il-Kummissjoni [1994] Ġabra I-4103, premessa 75, ECLI:EU:C:1994:325

(59)  Ara l-każ C-75/97, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-030671, premessi 64 u 65, ECLI:EU:C:1999:311

(60)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


15.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 126/67


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/768

tat-8 ta' Mejju 2019

li temenda l-Artikolu 3 tal-Istatuti tal-Konsorzju għall-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka dwar il-Bijoloġija Strutturali Integrata (Instruct-ERIC), minħabba t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni

(notifikata bid-dokument C(2019) 3354)

(It-testi biċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Portugiż, is-Slovakk u l-Ispanjol biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8,

Billi:

(1)

Il-Konsorzju għall-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka dwar il-Bijoloġija Strutturali Integrata (Instruct-ERIC) twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1213 (2). Skont l-Artikolu 3 tal-Istatuti tiegħu, għandu s-sede statutorja tiegħu fir-Renju Unit.

(2)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Fil-11 ta' April 2019, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jestendi l-perjodu previst fl-Artiklu 50(3) TFUE, li diġà kien estiż permezz tad-Deċiżjoni ta-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 (3), sal-31 ta' Ottubru 2019. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew għandha madankollu tieqaf milli tapplika fil-31 ta' Mejju 2019 fil-każ li r-Renju Unit ma jkunx organizza elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f'konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli u ma jkunx irratifika l-Ftehim dwar il-Ħruġ sat-22 ta' Mejju 2019. Jekk ir-Renju Unit jirratifika l-Ftehim dwar il-Ħruġ qabel l-31 ta' Ottubru 2019, l-irtirar se jseħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara t-tlestija tal-proċeduri ta' ratifika.

(3)

Wara d-data tal-ħruġ, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' ftehim ta' ħruġ, ir-Renju Unit jitqies bħala pajjiż terz fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(4)

L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 jistipula li s-sede statutorja ta' ERIC għandha tkun fit-territorju ta' membru li għandu jkun Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, il-proposta mill-Instruct-ERIC biex jiġi emendat l-Artikolu 3 tal-Istatuti, biex tindirizza l-każ fejn ir-Renju Unit isir pajjiż terz skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tal-Istatuti tal-Instruct-ERIC kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1213 huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, l-Istat ta' Iżrael, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika Slovakka, ir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1213 tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-istabbiliment tal-Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta' Riċerka — Bijoloġija Strutturali Integrata (Instruct-ERIC) (ĠU L 173, 6.7.2017, p. 47).

(3)  Id-Deċiżjoni ta-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tat-22 ta' Marzu 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80I, 22.3.2019, p. 1).


ANNESS

L-Artikolu 3 tal-Istatuti ta' Instruct-ERIC jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Instruct-ERIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu f'Oxford, fir-Renju Unit. Jekk ir-Renju Unit isir pajjiż terz skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, is-sede statutorja għandha tkun f'Firenze, l-Italja.”


15.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 126/70


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/769

tal-14 ta' Mejju 2019

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/715/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi b'qafas regolatorju applikabbli għas-sustanzi attivi għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-attivitajiet rispettivi ta' kontroll u infurzar li jiżguraw livell ta' protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik fl-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 111b(1) tagħha;

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 111b(1) tad-Direttiva 2001/83/KE, pajjiż terz jista' jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-qafas regolatorju tiegħu applikabbli għas-sustanzi attivi esportati lejn l-Unjoni u l-attivitajiet rispettivi ta' kontroll u infurzar jiżgurax livell ta' protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik tal-Unjoni sabiex ikun inkluż f'lista ta' pajjiżi terzi li jiżguraw livell ekwivalenti ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(2)

Ir-Repubblika tal-Korea talbet, permezz ta' ittra tat-22 ta' Jannar 2015, biex tkun inkluża fil-lista f'konformità mal-Artikolu 111b(1) tad-Direttiva 2001/83/KE. Abbażi ta' rieżami tad-dokumentazzjoni rilevanti u żewġ rieżamijiet fuq il-post, u filwaqt li jitqies kif dovut il-pjan ta' azzjoni propost mill-awtoritajiet kompetenti Koreani, il-Ministeru tal-Ikel u s-Sikurezza tal-Mediċini, fit-12 ta' Frar 2019, il-valutazzjoni tal-ekwivalenza mill-Kummissjoni kkonkludiet li r-rekwiżiti ta' dak l-Artikolu ġew issodisfati.

(3)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/715/UE (2) jenħtieġ li tiġi emendata kif jixraq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/715/UE jiġi sostiwit bit-test mogħti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/715/UE tat-22 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi b'qafas regolatorju applikabbli għas-sustanzi attivi għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-attivitajiet rispettivi ta' kontroll u infurzar li jiżguraw livell ta' protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik fl-Unjoni, skont id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 325, 23.11.2012, p. 15).


ANNESS

“ANNESS

Lista ta' pajjiżi terzi b'qafas regolatorju applikabbli għas-sustanzi attivi għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-attivitajiet rispettivi ta' kontroll u infurzar li jiżguraw livell ta' protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik fl-Unjoni

Pajjiż terz

Rimarki

L-Awstralja

 

Il-Brażil

 

Iżrael (1)

 

Il-Ġappun

 

Ir-Repubblika tal-Korea

 

L-Iżvizzera

 

L-Istati Uniti tal-Amerka

 


(1)  Minn hawn 'il quddiem mifhum bħala l-Istat ta' Iżrael, bl-esklużjoni tat-territorji li ilhom taħt l-amministrazzjoni ta' Iżrael minn Ġunju 1967, jiġifieri l-Għoljiet ta' Golan, l-Istrixxa ta' Gaża, Ġerusalemm tal-Lvant u l-bqija tax-Xatt tal-Punent.