ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 101

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
11 ta' April 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta' April 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

11.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW (UE) 2019/584

meħuda bi qbil mar-Renju Unit

tal-11 ta' April 2019

li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Euratom”) f'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li japplika għall-Euratom bis-saħħa tal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 50 TUE, l-Unjoni Ewropea nnegozjat mar-Renju Unit ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, li jieħu kont tal-qafas għar-relazzjoni futura tiegħu mal-Unjoni.

(3)

Fil-25 ta' Novembru 2018, il-Kunsill Ewropew approva l-abbozz ta' Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Ftehim dwar il-Ħruġ”) u approva d-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq. Fil-11 ta' Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 (1) dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (2).

(4)

Skont l-Artikolu 50(3) TUE, it-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat li ħiereġ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, ma jiddeċidix unanimament li jestendi dan il-perijodu.

(5)

Permezz tal-ittra tal-20 ta' Marzu 2019, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni tal-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE sat-30 ta' Ġunju 2019, bil-ħsieb li jiffinalizza r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(6)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/476 (3), il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, iddeċieda li jestendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE sat-22 ta' Mejju 2019 fil-każ li l-House of Commons ikun approva l-Ftehim dwar il-Ħruġ sad-29 ta' Marzu 2019. Jekk dan ma jseħħx, il-Kunsill Ewropew qabel li jagħti estensjoni sat-12 ta' April 2019 u speċifika li jistenna li r-Renju Unit jindika t-triq 'il quddiem qabel it-12 ta' April 2019, għall-kunsiderazzjoni tiegħu.

(7)

Il-House of Commons ma approvax il-Ftehim dwar il-Ħruġ sad-29 ta' Marzu 2019.

(8)

Permezz tal-ittra tal-5 ta' April 2019, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni ulterjuri tal-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE, kif estiż mill-Kunsill Ewropew, sat-30 ta' Ġunju 2019, bil-ħsieb li jiffinalizza r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(9)

Fl-10 ta' April 2019, il-Kunsill Ewropew qabel li jagħti estensjoni ulterjuri biex tkun possibbli r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ miż-żewġ Partijiet. Tali estensjoni jenħtieġ li ddum sakemm ikun meħtieġ u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2019. Il-Kunsill Ewropew fakkar ukoll li, skont l-Artikolu 50(3) TUE, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jista' jidħol fis-seħħ f'data aktar kmieni, jekk il-Partijiet jikkompletaw il-proċeduri ta' ratifika rispettivi tagħhom qabel il-31 ta' Ottubru 2019. Konsegwentement, il-ħruġ jenħtieġ li jseħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-ikkompletar tal-proċeduri ta' ratifika jew fl-1 ta' Novembru 2019, skont liema jiġi l-ewwel.

(10)

Din l-estensjoni ulterjuri ma tistax titħalla ddgħajjef l-funzjonament regolari tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, ser ikollha l-konsegwenza li r-Renju Unit ser jibqa' Stat Membru sad-data l-ġdid tal-ħruġ, bi drittijiet u obbligi sħaħ f'konformità mal-Artikolu 50 TUE, u li r-Renju Unit ikollu dritt li jirrevoka n-notifika tiegħu fi kwalunkwe ħin. Jekk ir-Renju Unit ikun għadu Stat Membru fit-23-26 ta' Mejju 2019 u jekk ma jkunx irratifika l-Ftehim dwar il-Ħruġ sat-22 ta' Mejju 2019, ser ikun taħt l-obbligu li jorganizza l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Fil-każ li dawk l-elezzjonijiet ma jsirux fir-Renju Unit, jenħtieġ li l-estensjoni tieqaf fil-31 ta' Mejju 2019. Il-Kunsill Ewropew jieħu nota tal-impenn mir-Renju Unit li jaġixxi b'mod kostruttiv u responsabbli tul il-perijodu tal-estensjoni kollu f'konformità mad-dmir ta' kooperazzjoni leali, u jistenna li r-Renju Unit jissodisfa dan l-impenn u l-obbligu tat-Trattat b'mod li jirrifletti s-sitwazzjoni tiegħu bħala Stat Membru li ħiereġ. Għal dan il-għan, ir-Renju Unit għandu jiffaċilita l-ksib tal-kompiti tal-Unjoni u joqgħod lura milli jwettaq kwalunkwe miżura li tista' tipperikola l-ksib tal-objettivi tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jipparteċipa fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni.

(11)

Il-mandati li għaddejjin tal-membri ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni nominati, maħtura jew eletti b'rabta mas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni ser jispiċċaw hekk kif it-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit, jiġifieri fid-data tal-ħruġ.

(12)

Din l-estensjoni teskludi kwalunkwe ftuħ mill-ġdid tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Kwalunkwe impenn, dikjarazzjoni jew att ieħor unilaterali mir-Renju Unit jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-kelma u l-ispirtu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u jeħtieġ li ma jfixkilx l-implimentazzjoni tiegħu. Tali estensjoni ma tistax tintuża biex jinbdew in-negozjati dwar ir-relazzjoni futura.

(13)

Il-Kunsill Ewropew ser jirrieżamina l-progress fil-laqgħa tiegħu f'Ġunju 2019.

(14)

Kif previst fl-Artikolu 50(4) TUE, ir-Renju Unit ma ħax sehem fid-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew li jikkonċernaw din id-Deċiżjoni u lanqas fl-adozzjoni tagħha. Madankollu, kif jidher fl-ittra mir-Rappreżentant Permanenti tar-Renju Unit għall-Unjoni Ewropea, is-Sur Tim Barrow tal-11 ta' April 2019, huwa qabel, f'konformità mal-Artikolu 50(3) TUE, mal-estensjoni tal-perijodu msemmi f'dak l-Artikolu u ma' din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE, kif estiż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476, huwa b'dan estiż ulterjorment sal-31 ta' Ottubru 2019.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tieqaf milli tapplika fil-31 ta' Mejju 2019 fil-każ li r-Renju Unit ma jkunx organizza elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f'konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli u ma jkunx irratifika l-Ftehim dwar il-Ħruġ sat-22 ta' Mejju 2019.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2019.

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

D. TUSK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 tal-11 ta' Jannar 2019 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 47 I, 19.2.2019, p. 1).

(2)  It-test tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mehmuż mad-Deċiżjoni (UE) 2019/274 ġie ppubblikat fil-ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 1

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tat-22 ta' Marzu 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).